Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62006CJ0244

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (it-Tielet Awla) ta' l-14 ta' Frar 2008.
Dynamic Medien Vertriebs GmbH vs Avides Media AG.
Talba għal deċiżjoni preliminari: Landgericht Koblenz - il-Ġermanja.
Moviment liberu tal-merkanzija - Artikolu 28 KE- Miżuri li għandhom effett ekwivalenti - Direttiva 2000/31/KE - Leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprojbixxi l-bejgħ b’korrispondenza ta’ vidjogrammi li ma ġewx suġġetti, mill-awtorità kompetenti, għall-kontroll u għall-klassifikazzjoni għall-finijiet tal-protezzjoni tal-minuri min-naħa ta’ awtorità kompetenti nazzjonali u li ma jinkludux indikazzjoni, li toriġina minn din l-awtorità, ta’ l-età minn meta wieħed jista’ jara dawn il-vidjogrammi - Vidjogrammi importati minn Stat Membru ieħor, li ġew suġġetti għall-kontroll u għall-klassifikazzjoni min-naħa ta’ l-awtorità kompetenti ta’ dan l-Istat u li għandhom fuqhom indikazzjoni dwar limitu ta’ età" - Ġustifikazzjoni - Protezzjoni tat-tfal - Prinċipju ta’ proporzjonalità.
Kawża C-244/06.

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2008:85

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla)

14 ta’ Frar 2008 ( *1 )

“Moviment liberu tal-merkanzija — Artikolu 28 KE — Miżuri li għandhom effett ekwivalenti — Direttiva 2000/31/KE — Leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprojbixxi l-bejgħ b’korrispondenza ta’ vidjogrammi li ma ġewx suġġetti, mill-awtorità kompetenti, għall-kontroll u għall-klassifikazzjoni għall-finijiet tal-protezzjoni tal-minuri u li ma jinkludux indikazzjoni, li toriġina minn din l-awtorità, ta’ l-età minn meta wieħed jista’ jara dawn il-vidjogrammi — Vidjogrammi importati minn Stat Membru ieħor, li ġew suġġetti għall-kontroll u għall-klassifikazzjoni min-naħa ta’ l-awtorità kompetenti ta’ dan l-Istat u li fuqhom għandhom indikazzjoni dwar limitu ta’ età — Ġustifikazzjoni — Protezzjoni tat-tfal — Prinċipju ta’ proporzjonalità”

Fil-Kawża C-244/06,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skond l-Artikolu 234 KE, imressqa mil-Landgericht Koblenz (Il-Ġermanja), permezz ta’ deċiżjoni tal-25 ta’ April 2006, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fil-31 ta’ Mejju 2006, fil-proċedura

Dynamic Medien Vertriebs GmbH

vs

Avides Media AG,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla),

komposta minn A. Rosas (Relatur), President ta’ l-Awla, U. Lõhmus, J. Klučka, A. Ó Caoimh u P. Lindh, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: P. Mengozzi,

Reġistratur: J. Swedenborg, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat-2 ta’ Mejju 2007,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għal Dynamic Medien Vertriebs GmbH, minn W. Konrad u F. Weber, Rechtsanwälte,

għal Avides Media AG, minn C. Grau, Rechtsanwalt,

għall-Gvern Ġermaniż, minn M. Lumma u C. Blaschke kif ukoll minn C. Schulze-Bahr, bħala aġenti,

għall-Irlanda, minn D. O’Hagan, bħala aġent, assistit minn P. McGarry, BL,

għall-Gvern tar-Renju Unit, minn V. Jackson, bħala aġent, assistita minn M. Hoskins, barrister,

għall-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, minn B. Schima, bħala aġent,

wara li semgħet il-konklużjonijiet ta’ l-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta ta’ 13 ta’ Settembru 2007,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni ta’ l-Artikoli 28 KE u 30 KE kif ukoll tad-Direttiva 2000/31/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-8 ta’ Ġunju 2000, dwar ċerti aspetti legali tas-servizzi minn soċjetà ta’ l-informazzjoni, partikolarment il-kummerċ elettroniku, fis-Suq Intern (“Direttiva dwar il-kummerċ elettroniku”) (ĠU L 178, p. 1).

2

Din it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest ta’ kawża bejn Dynamic Medien Vertriebs GmbH (iktar ’il quddiem “Dynamic Medien”) u Avides Media AG (iktar ’il quddiem “Avides Media”), żewġ kumpanniji taħt id-dritt Ġermaniż, rigward il-bejgħ minn din ta’ l-aħħar, fil-Ġermanja u b’korrispondenza permezz ta’ l-Internet, ta’ vidjogrammi li joriġinaw mir-Renju Unit, li ma ġewx suġġetti, minn awtorità reġjonali superjuri jew minn organizzazzjoni nazzjonali ta’ awtoregolamentazzjoni volontarja (iktar ’il quddiem “awtorità nazzjonali kompetenti”), għal kontroll u klassifikazzjoni għall-finijiet tal-protezzjoni tal-minuri u li ma jinkludux indikazzjoni, li toriġina minn din l-awtorità jew minn din l- organizzazzjoni, ta’ l-età minn meta wieħed jista’ jara dawn il-vidjogrammi.

Il-kuntest ġuridiku

Il-leġiżlazzjoni Komunitarja

3

Skond l-Artikolu 1(1) tagħha, id-Direttiva 2000/31 tfittex li tikkontribwixxi għal funzjonament sewwa tas-suq intern billi tassigura l-moviment liberu bejn l-Istati Membri ta’ servizz minn soċjetà ta’ l-informazzjoni.

4

L-Artikolu 2, inċiż (h) ta’ din id-Direttiva jiddefinixxi l-kunċett ta’ “qasam ikkordinat” bħala “ħtiġijiet stipulati fis-sistemi legali ta’ Stati Membri applikabbli għal min jipprovdi servizz minn soċjetà ta’ l-informazzjoni jew għas-servizzi minn soċjetà ta’ l-informazzjoni, independentement minn jekk dawn ikunux ta’ natura ġenerali jew iddisinjati speċifikament għalihom”.

5

Hu ppreċiżat fl-imsemmi Artikolu 2, inċiż (h), (ii), li l-qasam ikkordinat ma jkoprix ħtiġijiet bħal ma huma dawk applikabbli għal merkanzija bħala tali u lanqas dawk applikabbli għal kunsinna ta’ merkanzija. Fir-rigward tal-ħtiġijiet li jirrigwardaw merkanzija, il-wieħed u għoxrin premessa tad-Direttiva 2000/31 issemmi n-normi ta’ sigurtà, l-obbligi ta’ tikkettjar u r-responsabbilità għal merkanzija.

6

L-Artikolu 3(2) ta’ l-istess Direttiva jistipula li l-Istati Membri ma jistgħux, għal raġunijiet li jidħlu fil-qasam ikkordinat, jillimitaw il-libertà li jiġu pprovduti servizzi minn soċjetà ta’ l-informazzjoni minn Stat Membru ieħor. Il-paragrafu 4 ta’ dan l-istess Artikolu 3 jipprovdi madankollu li, taħt ċerti kundizzjonijiet, l-Istati Membri jistgħu jieħdu, fir-rigward ta’ servizz partikolari mis-soċjetà ta’ l-informazzjoni, miżuri meħtieġa għal raġunijiet bħall-ordni pubbliku, b’mod partikolari l-protezzjoni ta’ minuri, kif ukoll il-protezzjoni tas-saħħa pubblika u tal-konsumaturi.

7

Id-Direttiva 97/7/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, ta’ l-20 ta’ Mejju 1997, dwar il-protezzjoni tal-konsumaturi in rigward ta’ kuntratti li jsiru mill-bogħod (ĠU L 144, p. 19) għandha bħala għan, skond l-Artikolu 1 tagħha, l-armonizzazzjoni tad-dispożizzjonijiet applikabbli fl-Istati Membri għal kuntratti tali, konklużi bejn konsumaturi u fornituri.

Il-leġiżlazzjoni nazzjonali

8

L-Artikolu 1(4) tal-liġi dwar il-protezzjoni tal-minuri (Jugendschutzgesetz), tat-23 ta’ Lulju 2002 (BGBI. 2002 I, p. 2730), jiddefinixxi l-bejgħ b’korrispondenza bħala “kull operazzjoni bi ħlas li saret billi ġiet ordnata u mibgħuta merkanzija bil-posta jew elettronikament mingħajr kuntatt personali bejn min jagħmel il-konsenja u min jagħmel l-akkwist jew mingħajr ma jkun iggarantit, permezz ta’ miżuri tekniċi jew ta’ xort’oħra, li dak li ntbagħat mhux se jingħata lil tfal jew lil adolexxenti”.

9

L-Artikolu 12(1) tal-liġi dwar il-protezzjoni tal-minuri jistabbilixxi li l-kassetti tal-vidjos pre-rekordjati u apparat ieħor li jissejvja d-data trasmissibbli li huwa pprogrammat sabiex jiġu kkopjati jew jintwerew fuq l-iskrin filmijiet jew logħob (vidjogrammi) jistgħu jkunu aċċessibbli pubblikament għal tfal jew għal adolexxenti biss jekk il-programmi ġew awtorizzati għall-etajiet tagħhom u ġew tikkettjati mill-awtorità suprema tal-Land jew minn organizzazzjoni ta’ awto-regolamentazzjoni volontarja fl-ambitu tal-proċedura skond l-Artikolu 14(6) ta’ din l-istess liġi, jew jekk huma programmi ta’ informazzjoni, edukattivi jew ta’ tagħlim li ġew indikati mill-fornitur bħala “programm ta’ informazzjoni” jew bħala “programm edukattiv”.

10

L-Artikolu 12(3) jipprovdi li “il-vidjogrammi mhux ittikketjati jew ittikketjati bħala ‛ipprojbit għall-minuri’ skond l-Artikolu 14(2) mill-awtorità suprema tal-Land jew minn organizzazzjoni ta’ awto-regolamentazzjoni volontarja fl-ambitu tal-proċedura skond l-Artikolu 14(6), jew li ma ġewx ittikketjati mill-fornitur skond l-Artikolu 14(7) ma jistgħux

1.

jiġu offruti, fornuti jew ikunu aċċessibbli b’xi mod ieħor lil tfal jew lil adolexxenti,

2.

jiġu offruti jew fornuti fil-kummerċ bl-imnut barra minn ħwienet, kjoski jew punti ta’ bejgħ oħra fejn il-klijenti ma jidħlux abitwalment, jew b’korrispondenza.”

Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

11

Avides Media tbigħ vidjogrammi u awdjogrammi b’korrispondenza permezz tas-sit fuq l-Internet tagħha u permezz ta’ pjattaforma ta’ kummerċ elettroniku.

12

Il-kawża prinċipali tirrigwarda l-importazzjoni minn din il-kumpannija, mir-Renju Unit lejn il-Ġermanja, ta’ vidjogrammi li jinkludu cartoons animati Ġappuniżi magħrufa bħala “Anime”, fil-verżjoni tagħhom fuq DVD jew kassetti tal-vidjo. Dawn ta’ l-aħħar, qabel ma ġew importati, ġew ikkontrollati mill-British Board of Film Classification (il-Kummissjoni Brittannika li tikklassifika l-films, iktar ’il quddiem il-“BBFC”). Din ta’ l-aħħar ivverifikat, billi applikat dispożizzjonijiet dwar il-protezzjoni tal-minuri fis-seħħ fir-Renju Unit, għal liema pubbliku kienu indirizzati dawn il-vidjogrammi u kklassifikat dawn ta’ l-aħħar fil-kategorija “ipprojbiti għal minuri ta’ inqas minn 15-il sena”. Dawn il-vidjogrammi jinkludu sticker tal-BBFC li tindika li jistgħu jarawhom adoloxxenti ta’ 15-il sena jew aktar.

13

Dynamic Medien, li hi kompetitriċi ta’ Avides Media, bdiet proċedura sommarja quddiem il-Landgericht Koblenz, intiża sabiex tipprojbixxi lil din l-aħħar kumpannija milli tbigħ vidjogrammi tali b’korrispondenza. Skondha, il-liġi dwar il-protezzjoni tal-minuri tipprojbixxi l-bejgħ b’korrispondenza ta’ vidjogrammi li ma kinux suġġetti, fil-Ġermanja, għal kontroll b’applikazzjoni ta’ din il-liġi u li ma jinkludux indikazzjoni rigward l-età minn meta wieħed jista’ jarahom li tirriżulta minn deċiżjoni ta’ klassifikazzjoni li toriġina minn awtorità reġjonali għolja jew minn organizzazzjoni nazzjonali ta’ awto-regolamentazzjoni (iktar ’il quddiem l-“awtorità kompetenti”).

14

B’deċiżjoni tat-8 ta’ Ġunju 2004, din il-qorti qieset li l-bejgħ b’korrispondenza ta’ vidjogrammi mogħnija biss b’indikazzjoni ta’ età minima li toriġina mill-BBFC hu kuntrarju għad-dispożizzjonijiet tal-liġi dwar il-protezzjoni tal-minuri u jikkostitwixxi mġiba anti-kompetittiva. Fil-21 ta’ Diċembru 2004, l-Oberlandesgericht Koblenz, fid-deċiżjoni fuq il-proċedura sommarja, ikkonfermat din id-deċiżjoni.

15

Peress li tressqet il-kawża fuq il-merti quddiemha u peress li hija inċerta fuq il-konformità tal-projbizzjoni prevista mil-liġi dwar il-protezzjoni tal-minuri mad-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikolu 28 KE kif ukoll tad-Direttiva 2000/31, il-Landgericht Koblenz iddeċidiet li tissospendi l-proċedura u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“[1)]   Il-prinċipju tal-moviment liberu tal-merkanzija, skond l-Artikolu 28 KE, jipprekludi leġiżlazzjoni Ġermaniża li tipprojbixxi l-bejgħ b’korrispondenza ta’ vidjogrammi (DVD, kassetti tal-vidjo) li m’għandhomx fuqhom indikazzjoni li dawn ġew suġġetti fil-Ġermanja għal verifika ta’ kemm huma adattati għall-minuri?

[2)]   B’mod partikolari: [jekk] il-projbizzjoni ta’ kummerċjalizzazzjoni b’korrispondenza ta’ dawn il-vidjogrammi tikkostitwixxix miżura li għandha effett ekwivalenti, skond l-Artikolu 28 KE?

[3)]   Fil-każ ta’ risposta pożittiva: [jekk] projbizzjoni simili tkunx iġġustifikata, skond l-Artikolu 30 KE u d-Direttiva [2000/31/KE], anki jekk il-vidjogramm diġà jkun ġie suġġett għal verifika ta’ kemm huwa adattat għal minuri fi Stat Membru ieħor […], u dan ikun indikat fuq il-vidjogramm stess; jew jekk kontroll simili min-naħa ta’ Stat Membru ieħor […] jikkostitwixxix mezz inqas restrittiv skond l-imsemmija dispożizzjoni?”

Fuq id-domandi preliminari

Osservazzjonijiet preliminari

16

Permezz tad-domandi tagħha, li jeħtieġ li jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk il-prinċipju tal-moviment liberu tal-merkanzija skond l-Artikoli 28 KE sa 30 KE, meta dan ta’ l-aħħar ikun moqri, jekk ikun il-każ, flimkien mad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2000/31, jipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik in kwistjoni fil-kawża prinċipali, li tipprojbixxi l-bejgħ u t-trasferiment b’korrispondenza ta’ vidjogrammi li ma ġewx suġġetti, minn awtorità nazzjonali kompetenti, għal kontroll kif ukoll għal klassifikazzjoni għall-finijiet tal-protezzjoni tal-minuri u li ma jinkludux indikazzjoni, li toriġina minn din l-awtorità, ta’ l-età minn meta wieħed jista’ jarahom.

17

Fir-rigward tal-kuntest legali nazzjonali li taħtu taqa’ id-domanda għal deċiżjoni preliminari, il-Gvern Ġermaniż isostni li l-projbizzjoni ta’ bejgħ b’korrispondenza ta’ vidjogrammi mhux ikkontrollati mhix assoluta. Fir-realtà, dan it-tip ta’ bejgħ hu konformi mad-dritt nazzjonali meta hu żgurat li l-ordni saret minn adult u li l-kunsinna tal-prodott ikkonċernat lil tfal jew adoloxxenti hu prekluż b’mod effikaċji.

18

F’dan il-kuntest, tqum il-kwistjoni tad-definizzjoni, fis-sistema legali nazzjonali, tal-kunċett ta’ bejgħ b’korrispondenza. Fil-fatt, jirriżulta mill-proċess li dan il-kunċett hu ddefinit, fl-Artikolu 1(4) tal-liġi dwar il-protezzjoni tal-minuri, bħala “kull operazzjoni bi ħlas li saret billi ġiet ordnata u mibgħuta merkanzija bil-posta jew elettronikament mingħajr kuntatt personali bejn min jagħmel il-konsenja u min jagħmel l-akkwist jew mingħajr ma jkun iggarantit, permezz ta’ miżuri tekniċi jew ta’ xort’oħra, li dak li ntbagħat mhux se jingħata lil tfal jew lil adolexxenti”.

19

Madankollu, m’għandhiex tkun il-Qorti tal-Ġustizzja li tiddeċiedi, fil-kuntest ta’ rinviju preliminari, dwar l-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet nazzjonali u lanqas li tiddeċiedi jekk l-interpretazzjoni li tagħti l-qorti tar-rinviju ta’ dawn ta’ l-aħħar hix korretta (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-3 ta’ Ottubru 2000, Corsten, C-58/95, Ġabra p. I-7919, punt 24). Fil-fatt, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tieħu in kunsiderazzjoni, fil-kuntest tat-tqassim tal-kompetenzi bejn il-qrati Komunitarji u nazzjonali, il-kuntest fattwali u legiżlattiv, kif iddefinit permezz tad-deċiżjoni tar-rinviju, li taħtu jaqgħu d-domandi preliminari (ara sentenzi tal-25 ta’ Ottubru 2001, Ambulanz Glöckner, C-475/99, Ġabra p. I-8089, punt 10; tat-2 ta’ Ġunju 2005, Dörr u Ünal, C-136/03, Ġabra p. I-4759, punt 46, u tat-22 ta’ Ġunju 2006, Conseil général de la Vienne, C-419/04, Ġabra p. I-5645, punt 24).

20

F’ċirkustanzi tali, hemm lok li r-risposta għat-talba għal deċiżjoni preliminari tkun ibbażata fuq il-premessa, li fuqha tibbaża ruħha l-qorti tar-rinviju, li l-leġiżlazzjoni in kwistjoni fil-kawża prinċipali tipprojbixxi kull bejgħ b’korrispondenza ta’ vidjogrammi li ma ġewx suġġetti, minn awtorità nazzjonali kompetenti, għal kontroll kif ukoll għal klassifikazzjoni għall-finijiet tal-protezzjoni tal-minuri u li ma jinkludux indikazzjoni, li ġejja minn din ta’ l-aħħar, rigward l-età minn meta wieħed jista’ jarahom.

21

Barra minn dan, għandu jiġi osservat li jidher, fir-rigward ta’ l-elementi li jirriżultaw mill-proċess, li l-leġiżlazzjoni in kwistjoni fil-kawża prinċipali ma tapplikax biss għall-fornituri stabbiliti fuq it-territorju tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja, iżda wkoll għal dawk li għandhom l-uffiċċju rreġistrat tagħhom fi Stati Membri oħra.

22

Rigward id-dispożizzjonijiet tad-dritt Komunitarju applikabbli f’ċirkustanzi bħal dawk fil-kawża prinċipali, għandu jiġi kkonstatat li ċerti aspetti li jirrigwardaw il-bejgħ ta’ vidjogrammi b’korrispondenza jistgħu jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2000/31. Madankollu, kif jirriżulta mill-inċiż (h), (ii) ta’ l-Artikolu 2 ta’ din id-Direttiva, din ta’ l-aħħar ma tirregolax il-kundizzjonijiet applikabbli għall-oġġetti bħala tali. L-istess jgħodd fir-rigward tad-Direttiva 97/7.

23

Billi r-regoli nazzjonali dwar il-protezzjoni tal-minuri fil-bejgħ ta’ oġġetti b’korrispondenza ma kinux is-suġġett ta’ armonizzazzjoni fuq il-livell Komunitarju, il-leġiżlazzjoni in kwistjoni fil-kawża prinċipali għandha tiġi evalwata fir-rigward ta’ l-Artikoli 28 KE u 30 KE.

Fuq l-eżistenza ta’ restrizzjoni għall-moviment liberu tal-merkanzija

24

Avides Media, il-Gvern tar-Renju Unit u l-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej jikkunsidraw li l-leġiżlazzjoni in kwistjoni fil-kawża prinċipali tikkostitwixxi miżura li għandha effett ekwivalenti għal restrizzjonijiet kwantitattivi pprojbita, prinċipalment, mill-Artikolu 28 KE. Skond dawn l-aħħar tnejn, din is-sistema hi madankollu ġġustifikata għal raġunijiet li jirrigwardaw il-protezzjoni tal-minuri.

25

Dynamic Medien, il-Gvern Ġermaniż u l-Irlanda jsostnu li l-leġiżlazzjoni in kwistjoni fil-kawża prinċipali tirrigwarda modalità ta’ bejgħ fis-sens tas-sentenza ta’ l-24 ta’ Novembru 1993, Keck u Mithouard (C-267/91 u C-268/91, Ġabra p. I-6097). Billi hi indistintament applikabbli għall-prodotti nazzjonali kif ukoll għall-prodotti importati u billi taffettwa bl-istess mod, fid-dritt u fil-fatt, il-kummerċjalizzazzjoni ta’ dawn iż-żewġ tipi ta’ prodotti, din ma taqax taħt il-projbizzjoni prevista fl-Artikolu 28 KE.

26

Skond ġurisprudenza stabbilita, kull leġiżlazzjoni kummerċjali ta’ l-Istati Membri li tista’ tostakola direttament jew indirettament, attwalment jew potenzjalment, il-kummerċ intrakomunitarju għandha titqies bħala miżura li għandha effett ekwivalenti għal restrizzjonijiet kwantitattivi u, għal dan il-għan, din hi pprojbita permezz ta’ l-Artikolu 28 KE (ara, b’mod partikolari, sentenzi tal-11 ta’ Lulju 1974, Dassonville, 8/74, Ġabra p. 837, punt 5; tad-19 ta’ Ġunju 2003, Il-Kummissjoni vs L-Italja, C-420/01, Ġabra p. I-6445, punt 25, u tat-8 ta’ Novembru 2007, Ludwigs-Apotheke, C-143/06, Ġabra p. I-9623, punt 25).

27

Għalkemm miżura ma jkollhiex l-għan li tirregola l-iskambji tal-merkanzija bejn l-Istati Membri, dak li huwa importanti huwa l-effett li jkollha, attwali jew potenzjali, fuq il-kummerċ intra-Komunitarju. B’applikazzjoni ta’ dan il-kriterju, jikkostitwixxu miżuri li għandhom effett ekwivalenti, l-ostakoli għall-moviment liberu tal-merkanzija li jirriżultaw, fin-nuqqas ta’ armonizzazzjoni tal-leġiżlazzjonijiet nazzjonali, mill-applikazzjoni għal merkanzija li toriġina minn Stati Membri oħra, fejn hija legalment immanifatturata u kkummerċjalizzata, ta’ regoli dwar il-kundizzjonijiet li din il-merkanzija trid tissodisfa (bħal dawk li jikkonċernaw l-isem, il-forma, id-dimensjonijiet, il-piż, il-kompożizzjoni, il-preżentazzjoni, t-tikkettjar, jew l-ippakkjar), anki jekk dawn ir-regoli huma applikati indistintament għall-prodotti kollha, in kwantu din l-applikazzjoni ma tistax tkun iġġustifikat minn għan ta’ interess ġenerali tali li jipprevali fuq ir-rekwiżiti tal-moviment liberu tal-merkanzija (ara, f’dan is-sens, is-sentenza ta’ l-20 ta’ Frar 1979, ReweZentral, magħrufa bħala “Cassis de Dijon”, 120/78, Ġabra p. 649, punti 6, 14 u 15; tas-26 ta’ Ġunju 1997, Familiapress, C-368/95, Ġabra p. I-3689, punt 8, u tal-11 ta’ Diċembru 2003, Deutscher Apothekerverband, C-322/01, Ġabra p. I-14887, punt 67).

28

Fil-ġurisprudenza tagħha, il-Qorti tal-Ġustizzja kkwalifikat ukoll bħala miżuri li għandhom effett ekwivalenti, ipprojbiti mill-Artikolu 28 KE, id-dispożizzjonijiet nazzjonali li jissuġġettaw prodott, legalment immanifatturat u kkummerċjalizzat fi Stat Membru ieħor, għal kontrolli addizzjonali, bla ħsara għall-eċċezzjonijiet previsti jew ammessi mid-dritt Komunitarju (ara, b’mod partikolari, sentenzi tat-22 ta’ Jannar 2002, Canal Satélite Digital, C-390/99, Ġabra p. I-607, punti 36 u 37, kif ukoll tat-8 ta’ Mejju 2003, ATRAL, C-14/02, Ġabra p. I-4431, punt 65).

29

Min-naħa l-oħra, l-issuġġettar ta’ prodotti provenjenti minn Stati Membri oħra għal dispożizzjonijiet nazzjonali li jillimitaw jew jipprojbixxu ċerti modalitajiet ta’ bejgħ, ma jistax jikkostitwixxi ostaklu dirett jew indirett, fil-fatt jew potenzjalment, għall-kummerċ bejn l-Istati Membri, fis-sens tal-ġurisprudenza Dassonville iċċitata iktar ’il fuq, sakemm dawn id-dispożizzjonijiet japplikaw għall-operaturi kkonċernati kollha li jeżerċitaw l-attività tagħhom fit-territorju nazzjonali u jeffettwaw bl-istess mod, fid-dritt kif ukoll fil-fatt, il-kummerċjalizzazzjoni ta’ prodotti nazzjonali u ta’ prodotti li joriġinaw minn Stati Membri oħra (ara, b’mod partikolari, sentenzi Keck u Mithouard, iċċitata iktar ’il fuq, punt 16; tal-15 ta’ Diċembru 1993, Hünermund et, C-292/92, Ġabra p. I-6787, punt 21, u tat-28 ta’ Settembru 2006, Ahokainen u Leppik, C-434/04, Ġabra p. I-9171, punt 19). Fil-fatt, sakemm jiġu ssodisfati dawn il-kundizzjonijiet, l-issuġġettar ta’ leġiżlazzjonijiet ta’ dan it-tip għal bejgħ ta’ prodotti provenjenti minn Stat Membru ieħor u li huma konformi mar-regoli stabbiliti minn dan l-Istat mhuwiex ta’ natura li jimpedixxi l-aċċess tagħhom għas-suq jew li jostakola l-aċċess aktar milli jostakola dak tal-prodotti nazzjonali (ara sentenza Keck u Mithouard, iċċitata iktar ’il fuq, punt 17).

30

Sussegwentement, il-Qorti tal-Ġustizzja kkwalifikat bħala dispożizzjonijiet li jirregolaw il-modalitajiet ta’ bejgħ fis-sens tas-sentenza Keck u Mithouard, iċċitata iktar ’il fuq, dispożizzjonijiet li jikkonċernaw, b’mod partikolari, ċerti metodi ta’ kummerċjalizzazzjoni (ara, b’mod partikolari, sentenzi Hünermund et, iċċitata iktar ’il fuq, punti 21 u 22; tat-13 ta’ Jannar 2000, TK-Heimdienst, C-254/98, Ġabra p. I-151, punt 24, u tat-23 ta’ Frar 2006, A-Punkt Schmuckhandel, C-441/04, Ġabra p. I-2093, punt 16).

31

Jirriżulta mill-punt 15 tas-sentenza tad-29 ta’ Ġunju 1995, Il-Kummissjoni vs Il-Greċja (C-391/92, Ġabra p. I-1621), li tikkostitwixxi modalità ta’ bejgħ, fis-sens tal-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 31 ta’ din is-sentenza, leġiżlazzjoni li tirrestrinġi l-kummerċjalizzazzjoni ta’ prodotti għal ċerti punti ta’ bejgħ u li għandha bħala effett li tillimita l-libertà kummerċjali ta’ l-operaturi ekonomiċi mingħajr ma tirrigwarda l-karatteristiċi tal-prodotti kkonċernati stess. B’hekk, il-ħtieġa li l-prodotti in kwistjoni jiġu adattati għar-regoli fis-seħħ fl-Istat Membru ta’ kummerċjalizzazzjoni teskludi li hija kkonċernata tali modalità (ara sentenza Canal Satélite Digital, iċċitata iktar ’il fuq, punt 30). Dan jgħodd ukoll b’mod partikolari fir-rigward tal-ħtieġa li tinbidel it-tikketta tal-prodotti importati (ara, b’mod partikolari, sentenzi tat-3 ta’ Ġunju 1999, Colim, C-33/97, Ġabra p. I-3175, punt 37, u tat-18 ta’ Settembru 2003, Morellato, C-416/00, Ġabra p. I-9343, punti 29 u 30).

32

F’dan il-każ, għandu jiġi kkonstatat li l-leġiżlazzjoni nazzjonali in kwistjoni fil-kawża prinċipali ma tikkostitwixxix modalità ta’ bejgħ fis-sens tal-ġurisprudenza mnedija mis-sentenza Keck u Mithouard, iċċitata iktar ’il fuq.

33

Fil-fatt, l-imsemmija leġiżlazzjoni ma tipprojbixxix il-bejgħ b’korrispondenza ta’ vidjogrammi. Hija tipprevedi li, sabiex ikunu jistgħu jkunu kkummerċjalizzati permezz ta’ dan il-mezz, dawn għandhom ikunu suġġetti għal proċedura nazzjonali ta’ kontroll u ta’ klassifikazzjoni għall-finijiet tal-protezzjoni tal-minuri, u dan indipendentement mill-kwistjoni dwar jekk proċedura analoga diġà twettqet fl-Istat Membru ta’ esportazzjoni ta’ l-imsemmija vidjogrammi. Barra minn dan, din il-leġiżlazzjoni tiffissa kundizzjoni li dawn ta’ l-aħħar għandhom jissodisfaw, jiġifieri dik relattiva għat-tikkettjar tagħhom.

34

Għandu jiġi kkonstatat li din il-leġiżlazzjoni hi ta’ natura li tirrendi l-importazzjoni ta’ vidjogrammi provenjenti minn Stati Membri barra mir-Repubblika Federali tal-Ġermanja aktar diffiċli u aktar għolja, b’mod li din tista’ tiddiswadi ċerti persuni interessati milli jikkummerċjalizzaw vidjogrammi tali f’dan l-aħħar Stat Membru.

35

Jirriżulta minn dak li jippreċedi li l-leġiżlazzjoni in kwistjoni fil-kawża prinċipali tikkostitwixxi miżura li għandha effett ekwivalenti għal restrizzjonijiet kwantitattivi skond l-Artikolu 28 KE, fil-prinċipju inkompatibbli ma’ l-obbligi li jirriżultaw minn dan ta’ l-aħħar, sakemm din ma tistax tkun oġġettivament iġġustifikata.

Fuq il-ġustifikazzjoni eventwali tal-leġiżlazzjoni

36

Il-Gvern tar-Renju Unit u l-Kummissjoni jikkunsidraw li l-leġiżlazzjoni in kwistjoni fil-kawża prinċipali hi ġġustifikata safejn din għandha l-għan li tipproteġi l-minuri. Dan l-objettiv hu relatat b’mod partikolari mal-moralità pubblika u ma’ l-ordni pubbliku, ġustifikazzjonijiet rikonoxxuti fl-Artikolu 30 KE. Barra minn dan, id-Direttivi 97/7 u 2000/31 jawtorizzaw espressament l-impożizzjoni ta’ restrizzjonijiet f’isem l-interess ġenerali.

37

Dynamic Medien, il-Gvern Ġermaniż u l-Irlanda jieħdu din il-pożizzjoni fis-sitwazzjoni fejn hu stabbilit li l-imsemmija leġiżlazzjoni ma tevitax il-projbizzjoni prevista fl-Artikolu 28 KE. Il-Gvern Ġermaniż isostni li din għandha finijiet ta’ ordni pubbliku u tippermetti li jiġi żgurat li ż-żgħażagħ ikunu jistgħu jiżviluppaw is-sens ta’ responsabbiltà personali tagħhom u s-soċjevolezza tagħhom. Barra minn dan, il-protezzjoni tal-minuri hi objettiv f’relazzjoni mill-qrib mal-garanzija tar-rispett tad-dinjità tal-bniedem. L-Irlanda tinvoka wkoll il-ħtieġa imperattiva ta’ protezzjoni tal-konsumaturi rikonoxxuta mis-sentenza Cassis de Dijon, iċċitata iktar ’il fuq.

38

Avides Media tikkunsidra li l-leġiżlazzjoni in kwistjoni fil-kawża prinċipali hi sproporzjonata safejn din għandha bħala effett li tipprojbixxi sistematikament il-bejgħ b’korrispondenza ta’ vidjogrammi li ma jinkludux it-tikkettar previst minnha, u dan indipendentement mill-kwistjoni dwar jekk il-vidjogrammi kkonċernati kienu jew ma kinux ġew suġġetti, fi Stat Membru ieħor, għal kontroll għall-finijiet tal-protezzjoni tal-minuri. Id-dritt Ġermaniż lanqas ma jipprevedi proċedura simplifikata f’każ fejn kontroll effettivament seħħ.

39

F’dan ir-rigward, għandu jiġi mfakkar li l-protezzjoni tad-drittijiet tat-tfal hi rikonoxxuta minn diversi strumenti internazzjonali li l-Istati Membri kkoperaw jew aderew għalihom, bħall-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi, li ġie adottat mill-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti fid-19 ta’ Diċembru 1966 u li daħal fis-seħħ fit-23 ta’ Marzu 1976, u l-Konvenzjoni dwar id-Drittijiet tat-Tfal, li ġiet adottata mill-imsemmija Assemblea fl-20 ta’ Novembru 1989 u li daħlet fis-seħħ fit-2 ta’ Settembru 1990. Il-Qorti tal-Ġustizzja diġà kellha l-okkażjoni li tfakkar li dawn l-istrumenti internazzjonali huma fost dawk li jikkonċernaw il-protezzjoni tad-drittijiet tal-bniedem li hija tqis għall-applikazzjoni tal-prinċipji ġenerali tad-dritt Komunitarju (ara, b’mod partikolari, sentenza tas-27 ta’ Ġunju 2006, Il-Parlament vs Il-Kunsill, C-540/03, Ġabra p. I-5769, punt 37).

40

F’dan il-kuntest, għandu jiġi osservat li, skond l-Artikolu 17 tal-Konvenzjoni dwar id-Drittijiet tat-Tfal, il-partijiet jirrikonoxxu l-importanza tal-funzjoni li għandhom il-medja u jiżguraw li t-tfal ikollhom aċċess għal informazzjoni u għal materjali provenjenti minn diversi sorsi nazzjonali u internazzjonali, b’mod partikolari dawk intiżi sabiex jippromwovu l-benesseru soċjali, spiritwali u morali tagħhom kif ukoll is-saħħa fiżika u mentali tagħhom. L-inċiż (e) ta’ l-istess Artikolu jippreċiża li l-imsemmija Stati jiffavorixxu l-elaborazzjoni tal-prinċipji direttivi xierqa li għandhom l-għan li jipproteġu lit-tfal minn informazzjoni u minn materjali li jagħmlulhom ħsara.

41

Il-protezzjoni tat-tfal hi wkoll stabbilita fl-istrumenti elaborati fil-kuntest ta’ l-Unjoni Ewropea, bħal Karta tad-Drittijiet Fundamentali ta’ l-Unjoni Ewropea, ipproklamata fis-7 ta’ Diċembru 2000 f’Nizza (ĠU C 364, p. 1), li l-Artikolu 24(1) tagħha jipprovdi li t-tfal għandhom dritt għall-protezzjoni u għall-kura neċessarja għall-benesseru tagħhom (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Il-Parlament vs Il-Kunsill, iċċitata iktar ’il fuq, punt 58). Barra minn dan, id-dritt ta’ l-Istati Membri li jieħdu l-miżuri neċessarji għal raġunijiet li jirrigwardaw il-protezzjoni tal-minuri hu rrikonoxxut minn ċerti strumenti tad-dritt Komunitarju, bħad-Direttiva 2000/31.

42

Għalkemm il-protezzjoni tat-tfal tikkostitwixxi interess leġittimu ta’ natura li jiġġustifika, prinċipalment, restrizzjoni għal libertà fundamentali garantita mit-Trattat KE, bħall-moviment liberu tal-merkanzija (ara, b’analoġija, sentenza tat-12 ta’ Ġunju 2003, Schmidberger, C-112/00, Ġabra p. I-5659, punt 74), jibqa’ l-fatt li restrizzjonijiet tali jistgħu jiġu ġġustifikati biss jekk huma adegwati sabiex jiżguraw it-twettiq ta’ l-objettiv segwit u ma jmorrux lil hinn minn dak li hu neċessarju sabiex dan jintlaħaq (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi ta’ l-14 ta’ Ottubru 2004, Omega, C-36/02, Ġabra p. I-9609, punt 36, u tal-11 ta’ Diċembru 2007, International Transport Workers’ Federation u Finnish Seamen’s Union, C-438/05, Ġabra p. I-10779, punt 75).

43

Jirriżulta mid-deċiżjoni tar-rinviju li l-leġiżlazzjoni nazzjonali in kwistjoni fil-kawża prinċipali hija intiża sabiex tipproteġi t-tfal mill-informazzjoni u mill-materjali li jagħmlulhom ħsara.

44

F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li mhux indispensabbli li l-miżuri restrittivi stabbiliti mill-awtoritajiet ta’ Stat Membru sabiex jipproteġu d-drittijiet tat-tfal, imsemmija fil-punti 39 sa 42 ta’ din is-sentenza, jikkorrispondu għal konċezzjoni li jaqblu magħha l-Istati Membri kollha fir-rigward tal-livell u tal-modalitajiet ta’ din il-protezzjoni (ara, b’analoġija, sentenza Omega, iċċitata iktar ’il fuq, punt 37). Billi din il-konċezzjoni tista’ tvarja minn Stat Membru għall-ieħor skond kunsiderazzjonijiet b’mod partikolari ta’ ordni morali jew kulturali, għandha tiġi rikonoxxuta lill-Istati Membri marġni ta’ evalwazzjoni ċerta.

45

Għalkemm hu veru li huma dawn ta’ l-aħħar, fin-nuqqas ta’ armonizzazzjoni Komunitarja, li jevalwaw il-livell li fuqu jridu jiżguraw il-protezzjoni ta’ l-interess in kwistjoni, jibqa’ l-fatt li dan il-poter ta’ evalwazzjoni għandu jiġi eżerċitat fir-rispett ta’ l-obbligi li jirriżultaw mid-dritt Komunitarju.

46

Jekk il-leġiżlazzjoni in kwistjoni fil-kawża prinċipali tikkorrispondi għal-livell ta’ protezzjoni tat-tfal li l-leġiżlatur Ġermaniż ried jiżgura fit-territorju tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja, jeħtieġ ukoll li l-mezzi li hija timplementa jkunu adegwati sabiex jiggarantixxu t-twettiq ta’ dan l-objettiv u li ma jmorrux oltrè dak li hu neċessarju sabiex jintlaħaq dan ta’ l-aħħar.

47

Mhemmx dubju li l-projbizzjoni tal-bejgħ u tat-trasferiment b’korrispondenza ta’ vidjogrammi li ma ġewx suġġetta, mill-awtorità nazzjonali kompetenti, għal kontroll kif ukoll għal klassifikazzjoni għall-finijiet tal-protezzjoni tal-minuri u li ma jinkludux indikazzjoni, li toriġina minn din l-awtorità, ta’ l-età minn meta wieħed jista’ jarahom, tikkostitwixxi miżura ta’ natura li tipproteġi lit-tfal minn informazzjoni u materjali li jagħmluhom ħsara.

48

Fir-rigward tal-portata materjali tal-projbizzjoni in kwistjoni, għandu jiġi osservat li l-liġi dwar il-protezzjoni tal-minuri ma tipprekludix kull forma ta’ kummerċjalizzazzjoni ta’ vidjogrammi mhux ikkontrollati. Fil-fatt, jirriżulta mid-deċiżjoni tar-rinviju li hu leċitu li jiġu importati u mibjugħa lill-adulti vidjogrammi tali permezz ta’ kanali ta’ distribuzzjoni li jimplikaw kuntatt personali bejn min jagħmel il-konsenja u min jagħmel l-akkwist u li jippermettu b’hekk li jiġi żgurat li t-tfal ma jkollhomx aċċess għall-vidjogrammi in kwistjoni. Fid-dawl ta’ dawn l-elementi, jidher li l-leġiżlazzjoni in kwistjoni fil-kawża prinċipali ma tmurx oltrè dak li hu neċessarju sabiex jintlaħaq l-objettiv segwit mill-Istat Membru kkonċernat.

49

Fir-rigward tal-proċedura ta’ kontroll stabbilita mil-leġiżlatur nazzjonali sabiex jipproteġi t-tfal minn informazzjoni u materjali li jagħmlulhom ħsara, il-fatt biss li Stat Membru għażel modalitajiet ta’ protezzjoni differenti minn dawk adottati minn Stat Membru ieħor ma jistax ikollu impatt fuq l-evalwazzjoni tal-proporzjonalità tad-dispożizzjonijiet nazzjonali adottati f’dan ir-rigward. Dawn għandhom jiġu evalwati biss fir-rigward ta’ l-objettiv in kwistjoni u tal-livell ta’ protezzjoni li l-Istat Membru kkonċernat irid jiżgura (ara, b’analoġija, sentenzi tal-21 ta’ Settembru 1999, Läärä et, C-124/97, Ġabra p. I-6067, punt 36, u Omega, iċċitata iktar ’il fuq, punt 38).

50

Madankollu, proċedura tali ta’ kontroll għandha tkun faċilment aċċessibli, għandha tkun tista’ tiġi kompluta fi żmien raġonevoli u, jekk din tikkonstata rifjut, id-deċiżjoni tar-rifjut għandha tkun tista’ tkun is-suġġett ta’ rikors ġudizzjarju (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas-16 ta’ Lulju 1992, Il-Kummissjoni vs Franza, C-344/90, Ġabra p. I-4719, punt 9, u tal-5 ta’ Frar 2004, Greenham u Abel, C-95/01, Ġabra p. I-1333, punt 35).

51

F’dan il-każ, jidher li jirriżulta mill-osservazzjonijiet ippreżentati mill-Gvern Ġermaniż quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja li l-proċedura ta’ kontroll, ta’ klassifikazzjoni u ta’ tikkettar ta’ vidjogrammi stabbilita mil-leġiżlazzjoni in kwistjoni fil-kawża prinċipali tissodisfa l-kundizzjonijiet iċċitati fil-punt preċedenti. Madankollu, hija l-qorti tar-rinviju, li quddiemha tressqet il-kawża prinċipali u li għandha tassumi r-responsabbiltà tad-deċiżjoni ġudizzjarja li għandha tingħata, li għandha tivverifika jekk tali hu l-każ.

52

Fir-rigward tal-kunsiderazzjonijiet kollha li jippreċedu, ir-risposta li għandha tingħata għad-domandi magħmula għandha tkun li l-Artikolu 28 KE ma jipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik in kwistjoni fil-kawża prinċipali, li tipprojbixxi l-bejgħ u t-trasferiment b’korrispondenza ta’ vidjogrammi li ma ġewx suġġetti, mill-awtorità nazzjonali kompetenti, għal kontroll kif ukoll għal klassifikazzjoni għall-finijiet tal-protezzjoni tal-minuri u li ma jinkludux indikazzjoni, li toriġina minn din l-awtorità, ta’ l-età minn meta wieħed jista’ jarahom, ħlief jekk jirriżulta li l-proċedura ta’ kontroll, ta’ klassifikazzjoni u ta’ tikkettar ta’ vidjogrammi stabbilita minn din il-leġiżlazzjoni mhix faċilment aċċessibbli jew ma tistax tiġi kompluta fi żmien raġonevoli jew inkella li d-deċiżjoni tar-rifjut ma tistax tkun is-suġġett ta’ rikors ġudizzjarju.

Fuq l-ispejjeż

53

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni ta’ l-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk ta’ l-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

L-Artikolu 28 KE ma jipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik in kwistjoni fil-kawża prinċipali, li tipprojbixxi l-bejgħ u t-trasferiment b’korrispondenza ta’ vidjogrammi li ma ġewx suġġetti, minn awtorità reġjonali għolja jew organizzazzjoni nazzjonali ta' awto-regolamentazzjoni volontarja, għal kontroll kif ukoll għal klassifikazzjoni għall-finijiet tal-protezzjoni tal-minuri u li ma jinkludux indikazzjoni, li toriġina minn din l-awtorità, ta’ l-età minn meta wieħed jista’ jarahom, ħlief jekk jirriżulta li l-proċedura ta’ kontroll, ta’ klassifikazzjoni u ta’ tikkettar ta’ vidjogrammi stabbilita minn din il-leġiżlazzjoni mhix faċilment aċċessibbli jew ma tistax tiġi kompluta fi żmien raġonevoli jew inkella li d-deċiżjoni tar-rifjut ma tistax tkun is-suġġett ta’ rikors ġudizzjarju.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.

Top