EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62006CJ0202

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (l-Ewwel Awla) tat-18 ta' Diċembru 2007.
Cementbouw Handel & Industrie BV vs il-Kummisjoni tal-Komunitajiet Ewropej.
Appell - Kompetizzjoni - Regolament (KEE) Nru 4064/89 - Kompetenza tal-Kummissjoni - Notifika ta’ konċentrazzjoni b’dimensjoni Komunitarja - Impenji proposti mill-partijiet - Effett fuq il-kompetenza tal-Kummissjoni - Awtorizzazzjoni suġġetta għar-rispett ta’ ċerti impenji - Prinċipju ta’ proporzjonalità.
Kawża C-202/06 P.

Ġabra tal-Ġurisprudenza 2007 I-12129

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2007:814

Kawża C-202/06 P

Cementbouw Handel & Industrie BV

vs

Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej

“Appell — Kompetizzjoni — Regolament (KEE) Nru 4064/89 — Kompetenza tal-Kummissjoni — Notifika ta’ konċentrazzjoni b’dimensjoni Komunitarja — Impenji proposti mill-partijiet — Effett fuq il-kompetenza tal-Kummissjoni — Awtorizzazzjoni suġġetta għall-osservanza ta’ ċerti impenji — Prinċipju ta’ proporzjonalità”

Konklużjonijiet ta’ l-Avukat Ġenerali J. Kokott, ippreżentati fis-26 ta’ April 2007 

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) tat-18 ta’ Diċembru 2007 

Sommarju tas-sentenza

1.     Kompetizzjoni — Konċentrazzjonijiet — Kompetenza tal-Kummissjoni — Determinazzjoni, għat-tul kollu tal-proċedura, f’data marbuta strettament man-notifika

(Regolament tal-Kunsill Nru 4064/89, Artikoli 1(2) u (3), 5 u t-tieni subparagrafu ta’ l-Artikolu 8(2))

2.     Kompetizzjoni — Konċentrazzjonijiet — Eżami mill-Kummissjoni — Natura proporzjonali tal-kundizzjonijiet u l-impenji imposti fuq l-impriżi sabiex il-konċentrazzjoni nnotifikata ssir kompatibbli mas-suq komuni

(Regolament tal-Kunsill Nru 4064/89, Artikoli. 2 u 8(2))

3.     Kompetizzjoni — Konċentrazzjonijiet — Eżami mill-Kummissjoni — Obbligu li jittieħdu in kunsiderazzjoni d-deċiżjonijiet ta’ l-awtoritajiet nazzjonali — Nuqqas

(Regolament tal-Kunsill Nru 4064/89)

1.     Il-kompetenza tal-Kummissjoni li tirrikonoxxi konċentrazzjoni fil-kuntest tar-Regolament Nru 4064/89, dwar il-kontroll ta’ konċentrazzjonijiet bejn impriżi, għandha tiġi stabbilita, għat-tul kollu tal-proċedura, f’data determinata. Fid-dawl ta’ l-importanza li jġorr l-obbligu tan-notifika fis-sistema ta’ kontroll stabbilita mil-leġiżlatur Komunitarju, din id-data għandha neċessarjament ikollha rabta stretta man-notifika. Fil-fatt, kemm ix-xewqa ta’ ċertezza legali, li timplika li l-awtorità kompetenti biex tevalwa konċentrazzjoni tkun tista’ tiġi identifikata b’mod prevedibbli kif ukoll il-ħtieġa tal-ħeffa li tikkaratterizza l-ekonomija ġenerali tar-Regolament Nru 4064/89 u li timponi fuq il-Kummissjoni r-rispett tat-termini ta’ żmien stretti għall-adozzjoni tad-deċiżjoni finali, li fin-nuqqas tagħhom l-operazzjoni titqies li hija kompatibbli mas-suq komuni, jimplikaw li, meta l-Kummissjoni tkun stabbilixxiet, fir-rigward ta’ konċentrazzjoni partikolari, il-kompetenza tagħha skond il-kriterji stabbiliti fl-Artikoli 1(2) u (3) u 5 tar-Regolament Nru 4064/89, din il-kompetenza ma tista’ titqiegħed f’diskussjoni fl-ebda ħin jew tiġi suġġetta għal tibdiliet permanenti.

B’hekk, għalkemm huwa inevitabbli li l-Kummissjoni titlef il-kompetenza tagħha li teżamina konċentrazzjoni meta l-impriżi kkonċernati jabbandunaw kompletament il-proġett, madankollu, is-sitwazzjoni tkun differenti meta l-partijiet sempliċement jagħmlu emendi parzjali fil-proġett. Tali proposti ma jistgħux ikollhom l-effett li jġiegħlu lill-Kummissjoni terġa’ tevalwa l-kompetenza tagħha, mingħajr ma l-impriżi in kwistjoni jfixklu b’mod sinjifikattiv il-proċedura u l-effikaċja tal-kontroll mixtieq mil-leġiżlatur billi obbliga lill-Kummissjoni tivverifika l-kompetenza tagħha b’mod kostanti bi ħsara għall-evalwazzjoni fuq il-mertu tal-kwistjoni. Din l-interpretazzjoni hija kkonfermata mill-kliem tat-tieni subparagarafu ta’ l-Artikolu 8(2) tar-Regolament Nru 4064/89, li juri b’mod ċar li l-impenji proposti jew meħuda mill-impriżi huma kollha elementi li l-Kummissjoni għandha tieħu in kunsiderazzjoni fil-kuntest ta’ l-evalwazzjoni tal-mertu, jiġifieri l-kompatibbiltà jew l-inkompatibbiltà tal-konċentrazzjoni mas-suq komuni, iżda li, bil-kontra, dawn l-impenji ma jċaħdux lill-Kummissjoni mill-kompetenza tagħha, meta din tkun ġiet ivverifikata fl-ewwel fażi tal-proċedura.

(ara l-punti 38-43)

2.     Ir-regoli sostantivi tar-Regolament Nru 4064/89, dwar il-kontroll ta’ konċentrazzjonijiet bejn impriżi, u b’mod partikolari l-Artikolu 2 tiegħu, jagħtu lill-Kummissjoni ċerta diskrezzjoni, b’mod partikolari f’dak li jirrigwarda evalwazzjonijiet ta’ natura ekonomika. Konsegwentement, l-istħarriġ tal-mod kif tiġi eżerċitata din id-diskrezzjoni mill-qorti Komunitarja, li huwa essenzjali sabiex jiġu ddefiniti r-regoli dwar il-konċentrazzjonijiet, għandu jikkunsidra l-marġni ta’ diskrezzjoni impliċita fid-dispożizzjonijiet ta’ natura ekonomika li jifformaw parti mir-regoli dwar il-konċentrazzjonijiet.

B’mod partikolari, il-kontroll tan-natura proporzjonali tal-kundizzjonijiet u l-impenji li l-Kummissjoni tista’, skond l-Artikolu 8(2) tar-Regolament Nru 4064/89, timponi fuq il-partijiet f’konċentrazzjoni, tikkonsisti mhux fil-verifika jekk, ladarba dawn jitwettqu, il-konċentrazzjoni jibqax ikollha dimensjoni Komunitarja, iżda li tassigura li l-imsemmija kundizzjonijiet u l-imsemmija impenji jkunu proporzjonali mal-problema ta’ kompetizzjoni identifikata u jekk jippermettux li tiġi rregolata kompletament.

(ara l-punti 53-54)

3.     Fir-rigward tat-tqassim preċiż tal-kompetenzi li fuqu huwa bbażat ir-Regolament Nru 4064/89, dwar il-kontroll ta’ konċentrazzjonijiet bejn impriżi, id-deċiżjonijiet ta’ l-awtoritajiet nazzjonali ma jistgħux jorbtu lill-Kummissjoni fil-kuntest tal-proċeduri ta’ kontroll tal-konċentrazzjonijet.

(ara l-punt 56)







SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla)

18 ta’ Diċembru 2007 (*)

“Appell – Kompetizzjoni – Regolament (KEE) Nru 4064/89 – Kompetenza tal-Kummissjoni – Notifika ta’ konċentrazzjoni b’dimensjoni Komunitarja – Impenji proposti mill-partijiet – Effett fuq il-kompetenza tal-Kummissjoni – Awtorizzazzjoni suġġetta għall-osservanza ta’ ċerti impenji – Prinċipju ta’ proporzjonalità”

Fil-kawża C‑202/06 P,

li għandha bħala suġġett appell taħt l-Artikolu 56 ta’ l-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja, imressaq fit-3 ta’ Mejju 2006,

Cementbouw Handel & Industrie BV, irrappreżentata minn W. Knibbeler, O. Brouwer u P. Kreijger, advocaten,

rikorrenti

il-parti l-oħra fil-kawża li hija :

Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, irrappreżentata minn E. Gippini Fournier, A. Nijenhuis u A. Whelan, bħala aġenti, b’indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,

konvenuta

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla),

komposta minn P. Jann (Relatur), President ta’ l-Awla, A. Tizzano, A. Borg Barthet, M. Ilešič u E. Levits, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: J. Kokott,

Reġistratur: M. Ferreira, Amministratur Prinċipali,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat-22 ta’ Marzu 2007,

wara li semgħet il-konklużjonijiet ta’ l-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tas-26 ta’ April 2007,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1       Permezz ta’ l-appell tagħha, Cementbouw Handel & Industrie BV titlob l-annullament tas-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-Komunitajiet Ewropej tat-23 ta’ Frar 2006, Cementbouw Handel & Industrie vs Il-Kummissjoni (T‑282/02, Ġabra p. II‑319, iktar ’il quddiem is-“sentenza appellata”), li biha il-Qorti ċaħdet ir-rikors tar-rikorrenti intiż għall-annullament tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni 2003/756/KE, tas-26 ta’ Ġunju 2002, li tiddikjara li konċentrazzjoni hija kompatibbli mas-suq komuni u l-Ftehim ŻEE (Każ COMP/M.2650 – Haniel/Cementbouw/JV [CVK]) (ĠU L 285, 2003, p. 52, iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”).

 Il-kuntest ġuridiku

2       L-Artikolu 1(1) tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 4064/89, tal-21 ta’ Diċembru 1989, dwar il-kontroll ta’ konċentrazzjonijiet bejn impriżi (ĠU L 395, p. 1, u r-rettifika ĠU L 257, 1990, p. 13), kif emendat mir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1310/97, tat-30 ta’ Ġunju 1997 (ĠU L 180, p. 1, iktar ’il quddiem ir-“Regolament Nru 4064/89”), jagħti s-segwenti definizzjoni tal-kamp ta’ applikazzjoni materjali ta’ dan ir-Regolament:

“[…] dan ir-Regolament għandu japplika għall-konċentrazzjonijiet kollha b’dimensjoni ta’ Komunità kif definit f’paragrafi 2 u 3.”

3       L-Artikolu 3(1)(b) tar-Regolament Nru 4064/89 jiddefinixxi l-kunċett ta’ konċentrazzjoni bħala li jirreferi, fost oħrajn, għall-każ meta impriża jew impriżi jiksbu, kemm jekk b’xiri ta’ titoli jew assi, b’kuntratt jew b’xi mezz ieħor, kontroll dirett jew indirett ta’ impriża waħda jew aktar jew xi partijiet minn dawn l-impriżi.

4       Sabiex konċentrazzjoni tkun ta’ dimensjoni Komunitarja, hemm bżonn li d-dħul mill-bejgħ globali ta’ l-impriżi in kwistjoni fuq livell dinji kif ukoll fil-Komunità Ewropea jmur lil hinn minn ċerti livelli, espressi fi dħul mill-bejgħ, stabbiliti fl-Artikolu 1(2) u (3) tar-Regolament Nru 4064/89. L-Artikolu 5 ta’ dan ir-regolament jistabbilixxi l-metodu kif jiġu kkalkolati dawn il-livelli.

5       Il-konċentrazzjonijiet b’dimensjoni Komunitarja għandhom jiġu nnotifikati lill-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej. F’dan ir-rigward, l-Artikolu 4(1) tar-Regolament Nru 4064/89 jistabbilixxi li din in-notifika għandha ssir “mhux aktar tard minn ġimgħa wara l-konklużjoni tal-ftehim, jew wara l-avviż ta’ offerta pubblika, jew l-akkwist ta’ interess ta’ kontroll.”

6       L-Artikolu 7 ta’ dan ir-Regolament jistabbilixxi li tali konċentrazzjonijiet ma jistgħu jseħħu la qabel ma jkunu ġew innotifikati u lanqas qabel ma jkun ġew iddikjarati bħala kompatibbli mas-suq komuni permezz ta’ deċiżjoni.

7       Skond l-ewwel frażi ta’ l-Artikolu 6(1) tar-Regolament Nru 4064/89, “[i]l-Kummissjoni għandha teżamina n-notifikazzjoni malli tirċeviha”. Skond l-imsemmi Artikolu 6(1)(ċ), jekk il-Kummissjoni ssib li l-konċentrazzjoni notifikata hija ta’ dimensjoni Komunitarja u tqajjem dubji serji dwar il-kompatibbiltà tagħha mas-suq komuni, din għandha tiddeċiedi li tibda proċedimenti formali ta’ kontroll.

8       F’dan ir-rigward, l-Artikolu 8(1) sa (4) tar-Regolament Nru 4064/89 jagħti s-segwenti setgħat ta’ deċiżjoni lill-Kummissjoni:

“1.      […]

2.      Fejn il-Kummissjoni ssib li, wara modifika mill-impriżi kkonċernati jekk neċessarju, konċentrazzjoni notifikata tissodisfa l-kriterju impost bl-Artikolu 2(2) […], hija għandha toħroġ deċiżjoni fejn tiddikjara l-konċentrazzjoni kompatibbli mas-suq komuni.

Hija tista żżid mad-deċiżjoni kondizzjonijiet u obbligazzjonijiet maħsuba sabiex jassiguraw li l-impriżi kkonċernati josservaw l-wegħdiet li huma għamlu vis-à-vis l-Kummissjoni b’għan li jagħmlu l-konċentrazzjoni kompatibbli mas-suq komuni. […]

3.      […]

4.      Meta konċentrazzjoni tkun diġà implementata, il-Kummissjoni tista’ […] teħtieġ li l-impriżi jew assi miġjuba flimkien jiġu separati jew li jintemm il-kontroll konġunt jew kull azzjoni oħra li tista’ tkun xierqa biex jerġa’ jkun hemm kondizzjonijiet ta’ kompetizzjoni effettiva.”

9       Skond l-Artikolu 10(1) tar-Regolament Nru 4064/89, id-deċiżjoni li ssir proċedura formali ta’ kontroll għandha tittieħed, ħlief f’eċċezzjonijiet li ma japplikawx f’dan il-każ, l-iktar tard fi żmien xahar li jibda fil-jum wara li tkun waslet in-notifikazzjoni. Skond l-Artikolu 10(2) u (3) ta’ dan ir-Regolament, id-deċiżjonijiet li jiddikjaraw il-kompatibbiltà jew l-inkompatibbiltà ta’ konċentrazzjoni mas-suq komuni għandha tittieħed, ħlief f’każijiet eċċezzjonali, mhux aktar tard minn erba’ xhur mid-data li jkunu nbdew il-proċedimenti. Skond il-paragrafu 6 ta’ l-istess Artikolu, jekk il-Kummissjoni ma tkunx ħadet deċiżjoni f’dan it-terminu ta’ żmien, il-konċentrazzjoni għandha titqies li hija kompatibbli mas-suq komuni

10     Id-delimitazzjoni tal-kompetenzi fil-qasam tal-kontroll tal-konċentrazzjonijiet hija stabbilita fl-Artikolu 21(1) u (2) tar-Regolament Nru 4064/89 b’dan il-mod:

“1.      Bla ħsara għal reviżjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-Kummissjoni għandu jkollha l-kompetenza esklużiva li tieħu [d-]deċiżjonijiet previsti f’dan ir-Regolament.

2.      L-ebda Stat Membru m’għandu japplika l-liġi nazzjonali tiegħu dwar il-kompetizzjoni għal kull konċentrazzjoni li għandha dimensjoni Komunitarja”.

11     Id-disa’ u għoxrin premessa tar-Regolament Nru 4064/89 tippreċiża li l-“konċentrazzjonijiet mhux koperti b’dan ir-Regolament jaqgħu, fil-prinċipju, fil-ġurisdizzjoni ta’ l-Istati Membri”.

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

12     Il-konstatazzjonijiet magħmula mill-Qorti tal-Prim’Istanza fil-punti 1 sa 15 kif ukoll 295 sa 298 tas-sentenza appellata jippermettu li jinġabru l-fatti li wasslu għall-kawża kif ġej.

13     Qabel ma saret il-konċentrazzjoni li tat lok għall-kwistjoni, il-Coöperatieve Verkoop- en Produktievereniging van Kalkzandsteenproducenten (iktar ’il quddiem “CVK”), kooperattiva tad-dritt Olandiż, kienet tiġbor fiha ħdax-il produttur Olandiż ta’ briks tar-ramel u ġir. Minn dawn il-ħdax-il membru, ħamsa minnhom kienu sussidjarji ta’ l-impriża Ġermaniża Franz Haniel & Cie GmbH (iktar ’il quddiem “Haniel”), tlieta kienu sussidjarji tar-rikorrenti u tnejn kienu sussidjarji ta’ l-impriża Ġermaniża RAG AG (iktar ’il quddiem “RAG”). Il-ħdax-il impriża kienet sussidjarja ta’ Haniel, tar-rikorrenti u ta’ RAG (punt 5 tas-sentenza appellata).

14     Matul l-1998, in-Nederlandse Mededingingsautoriteit (l-awtorità Olandiża kompetenti għall-kompetizzjoni, iktar ’il quddiem l-“NMa”) irċeviet notifika ta’ proġett ta’ konċentrazzjoni li bih CVK kienet bi ħsiebha tikseb il-kontroll ta’ l-impriżi tagħha. Il-kontroll kellu jiġi ttrasferit fil-kuntest tal-konklużjoni ta’ kuntratt ta’ pooling kif ukoll permezz ta’ emenda ta’ l-artikoli ta’ assoċjazzjoni ta’ CVK. B’deċiżjoni ta’ l-20 ta’ Ottubru 1998, NMa awtorizzat il-proġett in kwistjoni (punt 6 tas-sentenza appellata).

15     Qabel ma seħħet din l-operazzjoni, RAG iddeċidiet li tbigħ lil Haniel u lir-rikorrenti l-ishma tagħha li hija kellha fl-impriżi membri ta’ CVK. Matul ix-xahar ta’ Marzu 1999 il-partijiet ikkomunikaw l-intenzjonijiet tagħhom lil NMa. Din ta’ l-aħħar, b’ittra tas-26 ta’ Marzu 1999, informat lil dawn bil-fatt li l-bejgħ previst ma kienx jikkostitwixxi operazzjoni ta’ konċentrazzjoni fis-sens tal-liġi Olandiża sakemm l-operazzjoni awtorizzata bid-deċiżjoni ta’ l-20 ta’ Ottubru 1998 tkun ġiet implementata mhux iktar tard mill-mument ta’ l-imsemmi bejgħ (punt 7 tas-sentenza appellata).

16     Fid-9 ta’ Awwissu 1999, CVK u l-impriżi membri tagħha kkonkludew diversi tranżazzjonijiet. Min-naħa waħda, dawn ikkonkludew il-kuntratt ta’ pooling imsemmi fil-punt 14 ta’ din is-sentenza u l-artikoli ta’ assoċjazzjoni ta’ CVK ġew emendati sabiex jieħdu in kunsiderazzjoni d-dispożizzjonijiet ta’ l-imsemmi kuntratt (iktar ’il quddiem l-“ewwel grupp ta’ tranżazzjonijiet”). Min-naħa l-oħra, RAG biegħet l-ishma li hija kellha fi tliet impriżi membri ta’ CVK lil Haniel u lir-rikorrenti, filwaqt li dawn ikkonkludew kuntratt ta’ kooperazzjoni li jirregola l-kollaborazzjoni tagħhom fi ħdan CVK (iktar ’il quddiem it-“tieni grupp ta’ tranżazzjonijiet”) (punt 8 tas-sentenza appellata).

17     Wara li saret taf bl-operazzjoni tad-9 ta’ Awwissu 1999 waqt l-eżami ta’ żewġ operazzjonijiet oħra ta’ konċentrazzjoni nnotifikati minn Haniel, il-Kummissjoni, b’ittra tat-22 ta’ Ottubru 2001, indikat lir-rikorrenti u lill-impriżi l-oħra parteċipanti li l-operazzjoni kellha tiġi nnotifikata lilha. Fl-24 ta’ Jannar 2002, Haniel u r-rikorrenti nnotifikaw l-operazzjoni skond l-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 4064/89 (punti 9 u 10 tas-sentenza appellata).

18     Fil-25 ta’ Frar 2002, il-Kummissjoni bdiet proċedimenti formali ta’ kontroll skond l-Artikolu 6(1)(ċ) tar-Regolament Nru 4064/89 (punt 11 tas-sentenza appellata).

19     Fit-28 ta’ Mejju 2002, wara li ntbagħtet in-notifika ta’ l-ilmenti u wara li l-partijiet involuti nstemgħu mill-Kummissjoni, Haniel u r-rikorrenti ppreżentaw proġett inizjali ta’ impenji. Dan kien jistabbilixxi li Haniel u r-rikorrenti kellhom itemmu l-kuntratt ta’ kooperazzjoni tagħhom u jbigħu l-ishma li kienu xtraw matul l-1999 mingħand RAG lil terza persuna indipendenti. Il-Kummissjoni qieset li dan il-proġett ma kienx biżżejjed sabiex jintemmu d-dubji fir-rigward tal-kompetizzjoni fis-suq in kwistjoni (punti 12, 14 u 295 tas-sentenza appellata).

20     Għalhekk, fil-5 ta’ Ġunju 2002, Haniel u r-rikorrenti ssottomettew impenji finali, li fihom huma aċċettaw ukoll li jirrevokaw il-kuntratt ta’ pooling, li jneħħu l-emenda ta’ l-artikoli ta’ assoċjazzjoni ta’ CVK u li jxolju lil CVK (punti 14, 15 u 298 tas-sentenza appellata).

21     Fis-26 ta’ Ġunju 2002, il-Kummissjoni adottat id-deċiżjoni kkontestata li fiha hija kkunsidrat li l-konċentrazzjoni fformata mill-ewwel u t-tieni gruppi ta’ tranżazzjonijiet kienet kompatibbli mas-suq komuni, kemm il-darba Haniel u r-rikorrenti josservaw l-impenji indikati fl-imsemmija deċiżjoni. B’mod partikolari, dawn kienu jinkludu x-xoljiment ta’ CVK (punt 15 tas-sentenza appellata).

 Il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza u s-sentenza appellata

22     B’att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti tal-Prim’Istanza fil-11 ta’ Settembru 2002 u rreġistrat bin-numru T-282/02, ir-rikorrenti ppreżentat rikors intiż għall-annullament tad-deċiżjoni kkontestata.

23     In sostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti invokat tliet motivi.

24     L-ewwel motiv kien jirrigwarda n-nuqqas ta’ kompetenza tal-Kummissjoni li tevalwa t-tranżazzjonijiet in kwistjoni skond l-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 4064/89. Il-Qorti tal-Prim’Istanza ċaħdet dan il-motiv billi qalet, fil-punt 109 tas-sentenza appellata, li “operazzjoni ta’ konċentrazzjoni, fis-sens ta’ l-Artikolu 3(1) tar-Regolament Nru 4064/89, tista’ titwettaq ukoll fil-preżenza ta’ pluralità ta’ tranżazzjonijiet ġuridiċi formalment distinti meta dawk it-tranżazzjonijiet ikunu interdipendenti b’tali mod li ma jitwettqux mingħajr l-oħrajn u li r-riżultat tagħhom jikkonsisti fl-għoti lil impriża waħda jew iżjed tal-kontroll ekonomiku, dirett jew indirett, fuq l-attività ta’ impriża waħda jew iżjed differenti”.

25     It-tieni motiv jirrigwarda żbalji ta’ evalwazzjoni tal-Kummissjoni fir-rigward tal-ħolqien ta’ pożizzjoni dominanti permezz ta’ l-operazzjoni ta’ konċentrazzjoni, bi ksur ta’ l-Artikolu 2 tar-Regolament Nru 4064/89. Il-Qorti tal-Prim’Istanza ċaħdet dan il-motiv bħala infondat.

26     It-tielet motiv kien jirrigwarda l-ksur ta’ l-Artikoli 3 u 8(2) ta’ l-istess Regolament kif ukoll tal-prinċipju ta’ proporzjonalità. F’dak li jirrigwarda dan il-motiv, il-Qorti tal-Prim’Istanza qalet:

“301      […] għandu jiġi kkonstatat li l-allegazzjonijiet tar-rikorrenti huma bbażati għal darba oħra fuq premessa żbaljata, miċħuda mill-Qorti tal-Prim’Istanza […]. Fil-fatt, teżisti operazzjoni waħda ta’ konċentrazzjoni, konkluża fid-9 ta’ Awwissu 1999, ikkostitwita mill-ewwel u mit-tieni grupp ta’ tranżazzjonijiet, li taqa’ taħt il-kompetenza tal-Kummissjoni skond ir-Regolament Nru 4064/89. Għaldaqstant, kuntrarjament għal dak li ssostni r-rikorrenti, l-ewwel abbozz ta’ impenji ma jibdilx l-operazzjoni ta’ konċentrazzjoni b’tali mod li ma tibqax teżisti.

[...]

304      […] għandu jiġi osservat li r-rikorrenti ma spjegatx b’liema mod l-ewwel abbozz ta’ impenji […] kien ippermetta lill-Kummissjoni li tiddikjara l-kompatibbiltà ta’ l-operazzjoni ta’ konċentrazzjoni, filwaqt li huwa stabbilit li, fil-kuntest ta’ dan l-abbozz ta’ impenji, il-pożizzjoni dominanti ta’ CVK, kif tirriżulta mill-operazzjoni ta’ konċentrazzjoni tad-9 ta’ Awwissu 1999, baqgħet l-istess. B’mod partikolari, fil-fatt, minkejja l-abbandun tal-kontroll konġunt ta’ CVK, l-impriża kompliet, skond id-definizzjoni tas-suq, iżżomm almenu [bejn 50 u 60] % tas-suq in kwistjoni, mingħajr, madankollu, ma żdiedu l-ishma fis-suq tal-kompetituri ewlenin tagħha.

305      Għaldaqstant, bil-kontra ta’ dak li ssostni r-rikorrenti, il-Kummissjoni ma kinitx marbuta li taċċetta l-ewwel abbozz ta’ impenji, skond l-Artikolu 8(2) tar-Regolament Nru 4064/89, għaliex dan l-abbozz ma kienx jippermettilha tikkonkludi li l-operazzjoni ta’ konċentrazzjoni tad-9 ta’ Awwissu 1999 ma kinitx toħloq pożizzjoni dominanti, skond l-Artikolu 2(2) ta’ dan ir-regolament.

[...]

307      […] biex ikunu jistgħu jiġu aċċettati mill-Kummissjoni bl-iskop ta’ l-adozzjoni ta’ deċiżjoni skond l-Artikolu 8(2) tar-Regolament Nru 4064/89, l-impenji tal-partijiet mhux biss għandhom ikunu proporzjonati mal-problema ta’ kompetizzjoni identifikata mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni tagħha, iżda għandhom isolvuha għal kollox, skop li manifestament ma ntlaħaqx, f’dan il-każ, mill-ewwel abbozz ta’ impenji propost mill-partijiet li wettqu notifika.”

27     Il-Qorti tal-Prim’Istanza ċaħdet it-tielet motiv u, għalhekk, ċaħdet ir-rikors kollu.

 Fuq l-appell

28     Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja tannulla s-sentenza appellata u, jekk ikun il-każ, li tibgħat lura l-kawża quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza u tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

29     Il-Kummissjoni titlob li l-appell jiġi miċħud u li r-rikorrenti tiġi kkundannata għall-ispejjeż.

30     In sostenn tat-talbiet tagħha, ir-rikorrenti tinvoka żewġ aggravji.

 Fuq l-ewwel aggravju, li jirrigwarda interpretazzjoni u applikazzjoni żbaljata ta’ l-Artikoli 1, 2 u 3(1) tar-Regolament Nru 4064/89

 L-argumenti tal-partijiet

31     Ir-rikorrenti ssostni li l-kompetenza tal-Kummissjoni skond ir-Regolament Nru 4064/89 mhijiex iddeterminata b’mod esklużiv mill-konċentrazzjoni kif innotifikata, iżda minn kif realment saret l-operazzjoni. Din l-operazzjoni tapplika meta l-operazzjoni tkun suġġetta għal tibdiliet min-naħa tal-partijiet wara n-notifikazzjoni, liema tibdiliet jistgħu jirriżultaw minn proposta ta’ impenji. Il-fatt li l-operazzjoni ġiet implementata qabel in-notifikazzjoni, taħt il-forma li fiha ġiet innotifikata, mhuwiex rilevanti.

32     Skond ir-rikorrenti, l-operazzjoni in kwistjoni f’din il-kawża kisbet dimensjoni Komunitarja biss wara l-konklużjoni tat-tieni grupp ta’ tranżazzjonijiet, li biha hija ħadet il-kontroll ta’ CVK flimkien ma’ Haniel. Skond il-qari tagħha tas-sentenza appellata, il-Qorti tal-Prim’Istanza rrikonoxxiet, fil-punt 304 tas-sentenza msemmija, li l-ewwel proġett ta’ impenji wassal għall-abbandun tal-kontroll b’mod komuni ta’ CVK mill-partijiet li taw in-notifika. Min-naħa l-oħra, din ma ħaditx in kunsiderazzjoni l-fatt li dan il-proġett kellu wkoll l-effett li jxejjen il-konċentrazzjoni nnotifikata, u ħalla biss tranżazzjoni mingħajr dimensjoni Komunitarja.

33     B’risposta għal din, il-Kummissjoni tgħid li, skond ir-Regolament Nru 4064/89, il-kompetenza tagħha fir-rigward ta’ konċentrazzjoni kellha tiġi ddeterminata fil-mument meta din l-operazzjoni kellha tiġi nnotifikata lilha. B’enfasi li hija kellha taċċetta jew tiċħad il-kompetenza tagħha l-iktar tard sa meta ntemmet l-ewwel evalwazzjoni tan-notifika, hija tkompli tgħid li, fl-interess ta’ amministrazzjoni tajba, id-dimensjoni Komunitarja ta’ konċentrazzjoni ma tistax tiġi rievalwata b’mod kostanti matul il-perijodu kollu tal-proċedura li ssegwi.

34     Skond il-Kummissjoni, ir-rikorrenti injorat il-funzjoni u n-natura ta’ l-impenji li jistgħu jidħlu għalihom il-partijiet. Dawn l-impenji jistgħu jċaħħdu lill-Kummissjoni mill-kompetenza mogħtija lilha mir-Regolament Nru 4064/89, iżda huma intiżi li jippermettulha teżerċita s-setgħa tagħha li tawtorizza, taħt ċertu kundizzjonijiet, il-konċentrazzjoni nnotifikata.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

35     Hekk kif jirriżulta mid-disa’ u għoxrin premessa u mill-Artikolu 21(1) tiegħu, ir-Regolament Nru 4064/89 huwa bbażat fuq il-prinċipju ta’ tqassim preċiż tal-kompetenzi bejn l-awtoritajiet nazzjonali u Komunitarji dwar il-kontroll tal-konċentrazzjonijiet (sentenzi tal-25 ta’ Settembru 2003, Schlüsselverlag J. S. Moser et vs Il-Kummissjoni, C‑170/02 P, Ġabra p. I-9889, punt 32, u tat-22 ta’ Ġunju 2004, Il-Portugall vs Il-Kummissjoni, C‑42/01, Ġabra p. I-6079, punt 50).

36     L-imsemmi regolament dwar il-konċentrazzjonijiet jinkludi wkoll dispożizzjonijiet, fosthom, b’mod partikolari, l-Artikolu 10(1) u (2) li għandhom l-għan li jillimitaw, għal raġunijiet ta’ ċertezza legali u fl-interess ta’ l-impriżi kkonċernati, id-dewmien tal-proċeduri ta’ verifika ta’ konċentrazzjonijiet li huma r-responsabbiltà tal-Kummissjoni (sentenzi ċċitati iktar ’il fuq, Schlüsselverlag J. S. Moser et vs Il-Kummissjoni, punt 33, u Il-Portugall vs Il-Kummissjoni, punt 51).

37     Għandu jiġi osservat li l-leġiżlatur Komunitarju kellu l-intenzjoni jiddefinixxi separazzjoni ċara bejn l-interventi ta’ l-awtoritajiet nazzjonali u dawk ta’ l-awtoritajiet Komunitarji u xtaq jassigura kontroll tal-konċentrazzjonijiet f’termini ta’ żmien kompatibbli kemm mal-ħtiġijiet ta’ amministrazzjoni tajba kif ukoll mal-ħtiġijiet tal-kummerċ (sentenzi ċċitati iktar ’il fuq, Schlüsselverlag J. S. Moser et vs Il-Kummissjoni, punt 34, u Il-Portugall vs Il-Kummissjoni, punt 53).

38     Din ix-xewqa ta’ ċertezza legali timplika li l-awtorità kompetenti biex tevalwa konċentrazzjoni partikolari tkun tista’ tiġi identifikata b’mod prevedibbli. Din hija r-raġuni għalfejn il-leġiżlatur Komunitarju stabbilixxa, fl-Artikoli 1(2) u (3) u 5 tar-Regolament Nru 4064/89, kriterji fl-istess ħin preċiżi u oġġettivi li jippermettu li jiġi ddeterminat jekk ikunx intlaħaq id-daqs ekonomiku meħtieġ sabiex operazzjoni tkun ta’ “dimensjoni Komunitarja”, u b’hekk taħt il-kompetenza esklużiva tal-Kummissjoni.

39     Il-ħtieġa tal-ħeffa li tikkaratterizza l-ekonomija ġenerali tar-Regolament Nru 4064/89 u li timponi fuq il-Kummissjoni l-osservanza tat-termini ta’ żmien stretti għall-adozzjoni tad-deċiżjoni finali, li fin-nuqqas tagħhom l-operazzjoni titqies li hija kompatibbli mas-suq komuni, timplika wkoll li, meta l-Kummissjoni tkun stabbilixxiet, fir-rigward ta’ operazzjoni partikolari, il-kompetenza tagħha skond il-kriterji stabbiliti fl-Artikoli 1(2) u (3) u 5 tar-regolament imsemmi, din il-kompetenza ma tista’ titqiegħed f’diskussjoni fl-ebda ħin jew tiġi suġġetta għal tibdiliet permanenti.

40     Kif qalet l-Avukat Ġenerali fil-punt 48 tal-konklużjonijiet tagħha, huwa inevitabbli li l-Kummissjoni titlef il-kompetenza tagħha li teżamina konċentrazzjoni meta l-impriżi kkonċernati jabbandunaw kompletament il-konċentrazzjoni.

41     Madankollu, is-sitwazzjoni tkun differenti meta l-partijiet sempliċement jagħmlu emendi parzjali fil-proġett. Tali proposti ma jistgħux ikollhom l-effett li jġiegħlu lill-Kummissjoni terġa’ tevalwa l-kompetenza tagħha, mingħajr ma l-impriżi in kwistjoni jfixklu b’mod sinjifikattiv il-proċedura u l-effikaċja tal-kontroll mixtieq mil-leġiżlatur billi obbliga lill-Kummissjoni tivverifika l-kompetenza tagħha b’mod kostanti bi ħsara għall-evalwazzjoni fuq il-mertu tal-kwistjoni.

42     Din l-interpretazzjoni hija kkonfermata mill-kliem tat-tieni subparagarafu ta’ l-Artikolu 8(2) tar-Regolament Nru 4064/89, li jiddisponi li “[h]ija tista żżid mad-deċiżjoni kondizzjonijiet u obbligazzjonijiet maħsuba sabiex jassiguraw li l-impriżi kkonċernati josservaw il-wegħdiet li huma għamlu vis-à-vis l-Kummissjoni b’għan li jagħmlu l-konċentrazzjoni kompatibbli mas-suq komuni”. Kif qalet l-Avukat Ġenerali fil-punt 52 tal-konklużjonijiet tagħha, dan il-kliem juri b’mod ċar li l-impenji proposti jew meħuda mill-impriżi huma kollha elementi li l-Kummissjoni għandha tieħu in kunsiderazzjoni fil-kuntest ta’ l-evalwazzjoni tal-mertu, jiġifieri l-kompatibbiltà jew l-inkompatibbiltà tal-konċentrazzjoni mas-suq komuni, iżda li, bil-kontra, dawn l-impenji ma jċaħdux lill-Kummissjoni mill-kompetenza tagħha, meta din tkun ġiet ivverifikata fl-ewwel fażi tal-proċedura.

43     Isegwi li l-kompetenza tal-Kummissjoni li tirrikonoxxi konċentrazzjoni għandha tiġi stabbilita, għat-tul kollu tal-proċedura, f’data determinata. Fid-dawl ta’ l-importanza li jġorr l-obbligu tan-notifika fis-sistema ta’ kontroll stabbilita mil-leġiżlatur Komunitarju, din id-data għandha neċessarjament ikollha rabta stretta man-notifika.

44     Fil-kuntest ta’ dan l-appell, ir-rikorrenti ma tikkontestax l-evalwazzjoni tal-Kummissjoni, ikkonfermata mis-sentenza appellata, li biha nstab li kienet teżisti operazzjoni waħda ta’ konċentrazzjoni, li kienet tikkonsisti fl-ewwel u t-tieni grupp ta’ tranżazzjonijiet. Hija lanqas ma tikkontesta li, kemm fid-data tal-konklużjoni ta’ dawn iż-żewġ gruppi ta’ tranżazzjonijiet kif ukoll fid-data tan-notifika magħmula fuq talba tal-Kummissjoni, din il-konċentrazzjoni kellha dimensjoni Komunitarja. Konsegwentement, mingħajr ma hemm bżonn li tingħata deċiżjoni dwar il-kwistjoni jekk id-data li għandha tittieħed in kunsiderazzjoni sabiex tiġi stabbilita l-kompetenza tal-Kummissjoni hijiex id-data li fiha beda l-obbligu tan-notifika jew dik li fiha n-notifika kellha ssir jew inkella dik li fiha effettivament saret in-notifika, mhuwiex ikkontestat li, f’dan il-każ, il-Kummissjoni kienet kisbet il-kompetenza li tiddeċiedi dwar il-konċentrazzjoni in kwistjoni.

45     Fir-rigward tal-kwistjoni jekk, kif issostni r-rikorrenti, l-ewwel proġett ta’ impenji li ppreżentat ma’ Haniel setax ikollu impatt fuq il-kompetenza hekk miksuba, qabel kollox għandu jiġi mfakkar li f’dan il-każ, il-konċentrazzjoni kienet diġà seħħet. Sussegwentement, għandu jingħad li, kif jirriżulta mill-konstatazzjonijiet magħmula mill-Qorti tal-Prim’Istanza fil-punt 295 tas-sentenza appellata, u li mhumiex ikkontestati mir-rikorrenti, dan il-proġett kien jirrigwarda t-tħassir tal-kuntratt ta’ kooperazzjoni konkluż bejn ir-rikorrenti u Haniel, it-trasferiment lil terza persuna indipendenti ta’ l-ishma li kienu akkwistaw fi tlieta mill-impriżi membri ta’ CVK, jiġifieri l-abbandun tat-tieni grupp ta’ tranżazzjonijiet. Madankollu, il-proġett imsemmi jipprevedi li l-kuntratt ta’ pooling u l-emendi ta’ l-artikoli ta’ assoċjazzjoni ta’ CVK, li jirrigwardaw l-ewwel grupp ta’ tranżazzjonijiet, inżammu. Isegwi li fir-rigward tal-konċentrazzjoni milquta mill-proċedura ta’ kontroll mibdija mill-Kummissjoni, il-proġett in kwistjoni kien jikkonsisti f’miżuri parzjali.

46     Għaldaqstant, il-Qorti tal-Prim’Istanza ma wettqet l-ebda żball ta’ liġi meta fil-punt 301 tas-sentenza appellata qalet li l-ewwel proġett ta’ impenji propost mir-rikorrenti u minn Haniel ma kienx jibdel il-konċentrazzjoni b’tali mod li ma kinitx teżisti iktar.

47     Il-Qorti tal-Prim’Istanza lanqas ma wettqet żball ta’ liġi meta fil-punti 305 u 306 ta’ l-istess sentenza ddeċidiet li fl-eżerċizzju tal-kompetenza li kienet kisbet, il-Kummissjoni setgħet tqis li dan l-ewwel proġett ta’ impenji ma kienx biżżejjed sabiex jiġu solvuti l-problemi li kienet ikkonstatat fir-rigward tal-kompetizzjoni.

48     Għaldaqstant, l-ewwel aggravju ta’ l-appell għandu jiġi miċħud bħala inammissibbli.

 Fuq it-tieni aggravju, li jirrigwarda interpretazzjoni u applikazzjoni żbaljata ta’ l-Artikolu 8(2) tar-Regolament Nru 4064/89 kif ukoll tal-prinċipju ta’ proporzjonalità

 L-argumenti tal-partijiet

49     Ir-rikorrenti tgħid li, meta qieset li l-ewwel proġett ta’ impenji ma kienx biżżejjed, il-Kummissjoni injorat il-fatt li dawn l-impenji kienu wasslu t-tranżazzjoni għal konċentrazzjoni mingħajr dimensjoni Komunitarja li ma kinitx taqa’ taħt il-kompetenza tagħha. Hija żżid li, meta ddeċidiet li l-Kummissjoni ma kinitx marbuta li taċċetta l-ewwel proġett ta’impenji, il-Qorti tal-Prim’Istanza kisret il-prinċipju ta’ proporzjonalità. Barra minn hekk, hija tikkritika lill-Qorti tal-Prim’Istanza talli ma spjegatx kif il-Kummissjoni setgħet tasal għal konklużjoni diametrikament opposta għal dik ta’ l-awtorità nazzjonali Olandiża għall-kompetizzjoni, l-NMa, f’dak li jirrigwarda l-effetti antikompetittivi ta’ l-ewwel grupp ta’ tranżazzjonijiet.

50     Skond il-Kummissjoni, il-kontenut ta’ dawn l-argumenti huwa essenzjalment ripetizzjoni ta’ dawk imressqa in sostenn ta’ l-ewwel aggravju. Din l-istituzzjoni tikkontesta l-allegazzjoni li aġixxiet b’mod mhux proporzjonat billi ssostni li, fin-nuqqas ta’ preċiżjoni, l-argument relattiv għad-differenzi bejn l-evalwazzjonijiet tagħha u dawk ta’ l-NMa hija inammissibbli.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

51     Fl-ewwel lok, f’dak li jirrigwarda l-argument dwar nuqqas ta’ kompetenza tal-Kummissjoni, għandu jingħad li din hija ripetizzjoni ta’ l-argumentazzjoni żviluppata fil-kuntest ta’ l-ewwel motiv. B’hekk, bħal dak l-aggravju, dan għandu jiġi miċħud bħala infondat.

52     Fit-tieni lok, f’dak li jirrigwarda l-allegat ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità, għandu jiġi rrikonoxxut li d-deċiżjonijiet meħuda mill-Kummissjoni fil-proċeduri ta’ kontroll tal-konċentrazzjonijiet għandhom jirrispettaw il-ħtiġijiet tal-prinċipju ta’ proporzjonalità, li huwa prinċipju ġenerali tad-dritt Komunitarju (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tat-12 ta’ Diċembru 2006, Il-Ġermanja vs Il-Parlament u Il-Kunsill, C‑380/03, Ġabra p. I‑11573, punt 144).

53     Madankollu, għandu jiġi mfakkar li r-regoli sostantivi tar-Regolament Nru 4064/89 u b’mod partikolari l-Artikolu 2 tiegħu, jagħtu lill-Kummissjoni ċerta diskrezzjoni, b’mod partikolari f’dak li jirrigwarda evalwazzjonijiet ta’ natura ekonomika, u li, bħala konsegwenza, l-istħarriġ tal-mod kif tiġi eżerċitata din id-diskrezzjoni mill-qorti Komunitarja, li huwa essenzjali sabiex jiġu ddefiniti r-regoli dwar il-konċentrazzjonijiet, għandu jikkunsidra l-marġni ta’ diskrezzjoni impliċita fid-dispożizzjonijiet ta’ natura ekonomika li jifformaw parti mir-regoli dwar il-konċentrazzjonijiet (sentenzi tal-31 ta’ Marzu 1998, Franza et vs Il-Kummissjoni, C‑68/94 u C‑30/95, Ġabra p. I-1375, punti 223 u 224, kif ukoll tal-15 ta’ Frar 2005, Il-Kummissjoni vs Tetra Laval, C‑12/03 P, Ġabra p. I-987, punt 38).

54     B’mod partikolari, kif qalet l-Avukat Ġenerali fil-punt 73 tal-konklużjonijiet tagħha u differentement minn dak li ssostni r-rikorrenti, il-kontroll tan-natura proporzjonali tal-kundizzjonijiet u l-impenji li l-Kummissjoni tista’, skond l-Artikolu 8(2) tar-Regolament Nru 4064/89, timponi fuq il-partijiet f’konċentrazzjoni, tikkonsisti mhux fil-verifika jekk, ladarba dawn jitwettqu, il-konċentrazzjoni jibqax ikollha dimensjoni Komunitarja, iżda li tassigura li l-imsemmija kundizzjonijiet u l-imsemmija impenji jkunu proporzjonali mal-problema ta’ kompetizzjoni identifikata u jekk jippermettux li tiġi rregolata kompletament.

55     Għaldaqstant, il-Qorti tal-Prim’Istanza ma wettqet l-ebda żball ta’ liġi meta fil-punti 304 u 305 tas-sentenza appellata ddeċidiet li l-Kummissjoni ma kinitx marbuta li taċċetta l-ewwel proġett ta’ impenji peress li din qieset li dawn ma kienux biżżejjed biex isolvu l-problema tal-kompetizzjoni li hija kienet identifikat.

56     Fit-tielet lok, fir-rigward tan-nuqqas ta’ qbil bejn l-evalwazzjoni ta’ l-NMa, min-naħa waħda, u tal-Kummissjoni, min-naħa l-oħra, fuq sitwazzjoni allegatament identika, qabel kollox għandu jingħad li fir-rigward tat-tqassim preċiż tal-kompetenzi li fuqu huwa bbażat r-Regolament Nru 4064/89, id-deċiżjonijiet ta’ l-awtoritajiet nazzjonali ma jistgħux jorbtu lill-Kummissjoni fil-kuntest tal-proċeduri ta’ kontroll tal-konċentrazzjonijet.

57     Barra minn hekk, għandu jiġi mfakkar li fl-oqsma ta’ kompetenza rispettivi tagħhom, l-NMa u l-Kummissjoni ddeċidew fid-dawl ta’ kriterji differenti. Filwaqt li l-NMa evalwat l-ewwel grupp ta’ tranżazzjonijiet billi ħadet in kunsiderazzjoni s-sitwazzjoni fis-suq nazzjonali, il-Kummissjoni evalwat il-kompatibbiltà ta’ dan il-grupp mas-suq komuni. B’hekk, għalkemm fil-limiti msemmija fil-punt 53 ta’ din is-sentenza, il-Qorti tal-Prim’Istanza kienet kompetenti li tikkontrolla l-evalwazzjoni magħmula mill-Kummissjoni, din ma kellhiex tispjega kif il-Kummissjoni kienet waslet għal riżultat differenti minn dak ta’ l-NMa.

58     Mill-kunsiderazzjonijiet li jippreċedu jirriżulta li anki t-tieni aggravju għandu jiġi miċħud bħala infondat.

59     Għaldaqstant, l-appell għandu jiġi miċħud kollu kemm hu.

 Fuq l-ispejjeż

60     Skond l-Artikolu 69(2) tar-Regoli tal-Proċedura, applikabbli għall-proċedura ta’ l-appell skond l-Artikolu 118 ta’ dawn l-istess Regoli, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba. Peress li r-rikorrenti tilfet, hemm lok li tiġi ordnata tbati l-ispejjeż, kif mitlub mill-Kummissjoni.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) taqta’ u tiddeċiedi

1)      L-appell huwa miċħud.

2)      Cementbouw Handel & Industrie BV hija kkundannata għall-ispejjeż.

Firem


* Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.

Top