Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62006CJ0194

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) tal-20 ta' Mejju 2008.
Staatssecretaris van Financiën vs Orange European Smallcap Fund NV.
Talba għal deċiżjoni preliminari: Hoge Raad der Nederlanden - l-Olanda.
Artikoli 56 KE sa 58 KE - Moviment liberu tal-kapital - Tassazzjoni ta’ dividendi - Dritt ta’ tpaċija konċess lil impriża ta’ investiment kollettiv ta’ natura fiskali minħabba taxxa mnaqqsa f’ras il-għajn minn Stat ieħor fuq id-dividendi riċevuti minn din l-impriża - Limitazzjoni ta’ din it-tpaċija sa l-ammont li azzjonist residenti fl-Istat Membru fejn hija stabbilita din l-impriża li jkun għamel investiment mingħajr l-intervent ta’ tali impriża jista’ jimputa lit-taxxa fuq id-dħul skond ftehim kontra t-tassazzjoni doppja - Limitazzjoni ta’ din it-tpaċija skond is-sehem ta’ azzjonisti li mhumiex residenti fil-kapital ta’ din l-impriża.
Kawża C-194/06.

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2008:289

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja)

20 ta’ Mejju 2008 ( *1 )

“Artikoli 56 KE sa 58 KE — Moviment liberu tal-kapital — Tassazzjoni ta’ dividendi — Dritt ta’ tpaċija konċess lil impriża ta’ investiment kollettiv ta’ natura fiskali minħabba taxxa mnaqqsa f’ras il-għajn minn Stat ieħor fuq id-dividendi riċevuti minn din l-impriża — Limitazzjoni ta’ din it-tpaċija sal-ammont li azzjonist residenti fl-Istat Membru fejn hija stabbilita din l-impriża li jkun għamel investiment mingħajr ma ta’ tali impriża tkun aġixxiet ta’ intermedjarju jista’ jimputa lit-taxxa fuq id-dħul skont ftehim dwar il-ħelsien minn taxxa doppja — Limitazzjoni ta’ din it-tpaċija skont is-sehem ta’ azzjonisti mhux residenti fil-kapital ta’ din l-impriża”

Fil-Kawża C-194/06,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 234 KE, imressqa mill-Hoge Raad der Nederlanden (l-Olanda), permezz ta’ deċiżjoni tal-14 ta’ April 2006, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fis-26 ta’ April 2006, fil-proċedura

Staatssecretaris van Financiën

vs

Orange European Smallcap Fund NV,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja),

komposta minn V. Skouris, President, C. W. A. Timmermans, A. Rosas, K. Lenaerts, L. Bay Larsen, Presidenti tal- Awla, R. Silva de Lapuerta, K. Schiemann, p. Kūris, E. Juhász, E. Levits (Relatur), A. Ó Caoimh, P. Lindh u J.-C. Bonichot, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: Y. Bot,

Reġistratur: J. Swedenborg, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-24 ta’ April 2007,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għal Orange European Smallcap Fund NV, minn B. J. KieKEbeld, J. van Eijsden u D. Smit, belastingadviseurs,

għall-Gvern Olandiż, minn H. G. Sevenster u M. de Grave, bħala aġenti,

għall-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, minn R. Lyal u A. Weimar, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat-3 ta’ Lulju 2007,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikoli 56 KE sa 58 KE.

2

Din it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest ta’ kawża bejn is-Staatssecretaris van Financiën (segretarju tal-Istat għall-Finanzi) u Orange European Smallcap Fund NV (iktar ’il quddiem “OESF”), li tirrigwarda l-ammont tat-tpaċija li għandu jingħata skont is-sistema fiskali partikolari stabbilita mil-leġiżlazzjoni Olandiża favur impriżi ta’ investiment kollettiv ta’ natura fiskali għat-taxxi miġbura f’pajjiż ieħor fuq id-dividendi riċevuti minn OESF matul il-perijodu bażi tal-kontijiet 1997/1998.

Il-kuntest ġuridiku

3

Skont l-Artikoli 28 tal-liġi tal-1969 dwar it-taxxa fuq il-kumpanniji (Wet op de vennootschapsbelasting 1969, Stb. 1969, Nru 469, iktar ’il quddiem il-“liġi dwar it-taxxa fuq il-kumpanniji”), impriża ta’ investiment kollettiv ta’ natura fiskali hija ddefinita bħala kull impriża li għandha l-forma ta’ kumpannija b’responsabbiltà limitata (“naamloze vennootschap”), ta’ kumpannija privata b’responsabbiltà limitata (“besloten vennootschap”) jew ta’ fond komuni ta’ investiment (“fonds voor gemene rekening”), stabbilita fl-Olanda, li għandha bħala skop u attività effettiva l-investiment, u li tissodisfa xi kundizzjonijiet oħra.

4

Tali impriża hija suġġetta għat-taxxa fuq il-kumpanniji, iżda l-qligħ tagħha huwa ntaxxat b’rata ta’ żero. Taħt piena li titlef l-istatus li minnu hija tibbenefika, din l-impriża hija marbuta li f’terminu partikolari, tpoġġi għad-dispożizzjoni tal-azzjonisti tagħha l-qligħ distribwibbli kollu, wara t-tnaqqis ta’ xi riżervi ammessi mil-liġi.

5

Meta tali impriża tirċievi dividendi mqassma minn kumpannija stabbilita fl-Olanda, isir tnaqqis f’ras il-għajn fuq dawn id-dividendi skont l-Artikolu 1(1) tal-liġi tal-1965 dwar it-taxxa fuq id-dividendi (Wet op de dividendbelasting 1965, Stb. 1965, Nru 621, iktar ’il quddiem il-“liġi dwar it-taxxa fuq id-dividendi”).

6

Madankollu, skont l-Artikoli 10(2) ta’ din il-liġi, din l-impriża ta’ investiment kollettiv ta’ natura fiskali tista’, fuq talba mressqa f’terminu ta’ sitt xhur minn tmiem il-perijodu bażi tal-kontijiet, tingħata l-ħlas lura tat-taxxa miġbura fuq dawn id-dividendi.

7

Kif tindika l-qorti tar-rinviju, fir-rigward tad-dividendi riċevuti fi Stati oħra li fuqhom inżammet it-taxxa, il-leġiżlazzjoni Olandiża tillimita l-imputazzjoni ta’ din it-taxxa barranija lit-taxxa fuq il-kumpanniji Olandiżi għall-ammont li jikkorrispondi mal-parti ta’ din it-taxxa proporzjonalment attribwibbli għad-dividendi inkwistjoni. Skont il-qorti msemmija, safejn impriża ta’ investiment kollettiv ta’ natura fiskali tiġi ntaxxata b’rata ta’ żero, l-ebda taxxa fuq il-kumpanniji mhija attribwita għad-dividendi provenjenti minn pajjiż ieħor, b’tali mod li l-imputazzjoni tat-taxxa barranija li laqtet lil dawn id-dividendi hija impossibbli.

8

L-Artikolu 28 tal-liġi dwar it-taxxa fuq il-kumpanniji kif ukoll l-Artikolu 6 tad-Digriet Irjali dwar l-impriżi ta’ investiment kollettiv (Besluit beleggingsinstellingen), tad-29 ta’ April 1970 (Stb. 1970, Nru 190), kif kienu japplikaw fiż-żmien meta seħħew il-fatti fil-kawża prinċipali (iktar ’il quddiem id-“Digriet Irjali”) jistabbilixxu sistema partikolari favur l-impriżi ta’ investiment kollettiv ta’ natura fiskali. Din is-sistema hija intiża sabiex issir approssimazzjoni tal-piż fiskali fuq il-qligħ mill-investimenti magħmula minn dawn l-impriżi ta’ investiment kollettiv ta’ natura fiskali ma’ dak li huwa impost fuq l-investimenti diretti tal-individwi, billi jistabbilixxu mekkaniżmu ta’ tpaċija sabiex tittieħed inkunsiderazzjoni t-taxxa barranija miġbura fuq id-dividendi mqassma lill-impriżi msemmija.

9

B’hekk, l-Artikolu 28(1)(b) tal-liġi dwar it-taxxa fuq il-kumpanniji, fil-verżjoni tagħha applikabbli fiż-żmien meta seħħew il-fatti fil-kawża prinċipali, kien jawtorizza lill-poter eżekuttiv sabiex jiddetermina, permezz ta’ miżura ta’ amministrazzjoni ġenerali, “ir-regoli li bihom l-impriżi ta’ investiment kollettiv jingħataw dritt ta’ tpaċija minħabba l-impożizzjoni barra l-Olanda ta’ taxxa fuq il-prodott ta’ valuri mobbli u ta’ krediti li jirċievu l-imsemmija impriżi, li ma tistax taqbeż l-ammont tat-taxxa li, fil-każ ta’ investiment dirett, jkun imputabbli lit-taxxa fuq il-qligħ, skont il-liġi li tistabbilixxi l-qafas fiskali tar-Renju [Belastingregeling voor het Koninkrijk] jew ta’ ftehim dwar il-ħelsien minn taxxa doppja, minn persuni li għandhom ishma jew holdings li jirrisjedu jew huma stabbiliti fl-Olanda”.

10

L-Artikolu 6 tad-Digriet Irjali jgħid li ġej:

“1.   Meta, fil-mument fejn issir distribuzzjoni li tirrigwarda s-sena preċedenti għal dik li għaliha tirreferi t-tpaċija [imsemmija fl-Artikolu 28(1)(b) tal-liġi dwar it-taxxa fuq il-kumpanniji], l-investituri li għandhom ishma fil-kapital ta’ impriża ta’ investiment kollettiv huma esklużivament persuni fiżiċi residenti fl-Olanda jew persuni suġġetti għat-taxxa fuq il-kumpanniji stabbiliti fl-Olanda, [din] it-tpaċija […] għandha tkun ugwali għat-taxxa msemmija [fl-Artikolu 28(1)(b) tal-liġi dwar it-taxxa fuq il-kumpanniji] li hija imputabbli lit-taxxa fuq il-qligħ jekk il-prodott tal-valuri mobbli u ta’ krediti riċevuti mill-impriża ta’ investiment kollettiv matul is-sena li għaliha tirreferi t-tpaċija ġie riċevut esklużivament minn persuni fiżiċi residenti fl-Olanda. […]

2.   Meta l-investituri li għandhom ishma fil-kapital ta’ impriża ta’ investiment kollettiv ma jinkludux esklużivament, fil-mument imsemmi fil-paragrafu 1, persuni jew suġġetti msemmija fl-imsemmi paragrafu, it-tpaċija tiġi kkalkulata bl-użu tal-formula

Formula

fejn

T tirrappreżenta t-tpaċija;

B tirrappreżenta l-ammont tat-taxxa msemmi fil-paragrafu 1;

Sr tirrappreżenta l-ammont meħlus, fil-mument imsemmi fil-paragrafu 1, tal-ishma jew il-holdings fil-kapital tal-impriża ta’ investiment kollettiv miżmuma, direttament jew permezz ta’ impriżi ta’ investiment kollettiv oħra, minn persuni fiżiċi li jirrisjedu fl-Olanda jew minn persuni li huma suġġetti għat-taxxa fuq il-kumpanniji, minbarra impriżi ta’ investiment kollettiv, stabbiliti fl-Olanda, u

S tirrappreżenta l-ammont meħlus, fil-mument imsemmi fil-paragrafu 1, tal-ishma jew il-holdings kollha fil-kapital tal-impriża ta’ investiment kollettiv.

[…]”

11

Skont l-ispjegazzjonijiet tal-qorti tar-rinviju, meta impriża ta’ investiment kollettiv ta’ natura fiskali tqassam lill-azzjonisti tagħha, bħala profitt, id-dividendi riċevuti fl-Olanda jew f’pajjiż ieħor, dawn l-azzjonisti huma suġġetti għal taxxa Olandiża fuq id-dividendi li għandha tiġi miġbura minn din l-impriża. F’dak li jirrigwarda l-imsemmija azzjonisti residenti jew stabbiliti fl-Olanda, din it-taxxa tikkostitwixxi ħlas bil-quddiem. It-taxxa fuq id-dividendi hija fil-fatt imputabbli lit-taxxa fuq il-qligħ jew fuq it-taxxa fuq il-kumpanniji li huma suġġetti għalihom dawn l-azzjonisti u hija mħallsa lura safejn din taqbeż l-ammont tat-taxxa inkwistjoni. Fir-rigward tal-azzjonisti l-oħra, it-taxxa miġbura fuq id-dividendi ma tistax titħallas lura ħlief jekk dan huwa stabbilit minn ftehim dwar il-ħelsien minn taxxa doppja jew mil-liġi li tistabbilixxi s-sistema fiskali.

12

Il-ftehim fil-qasam fiskali konkluż fis-16 ta’ Ġunju 1959 bejn ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja u r-Renju tal-Olanda, kif emendat bil-protokolli tat-13 ta’ Marzu 1980 u l-21 ta’ Mejju 1991, ma kienx jistabbilixxi, għall-perijodu bażi tal-kontijiet 1997/1998, dritt ta’ imputazzjoni tat-taxxa Ġermaniża miġbura fuq id-dividendi mħallsa fil-Ġermanja lil resident Olandiż. L-ebda ftehim dwar ħelsien minn taxxa doppja ma kien fis-seħħ matul is-sena fiskali 1997/1998 bejn ir-Renju tal-Olanda u r-Repubblika Portugiża.

Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

13

OESF hija kumpannija b’kapital varjabbli stabbilita f’Amsterdam (l-Olanda) u li għandha bħala għan l-investiment ta’ fondi f’titoli trasferibbli u assi oħra skont il-prinċipju ta’ tqassim tar-riskji, sabiex tagħmel qligħ għall-azzjonisti tagħha mid-dħul tal-investimenti tagħha. Din il-kumpannija tmexxi b’mod attiv portafoll ta’ titoli maħruġa minn impriżi Ewropej ikkwotati fil-Borża. Skont il-qorti tar-rinviju, waqt il-perijodu bażi tal-kontijiet 1997/1998, l-ishma miżmuma minn OESF f’kumpanniji stabbiliti barra l-Olanda ma kinux jippermettulha li tieħu deċiżjoni dwar l-attivitajiet tal-kumpanniji msemmija.

14

L-azzjonisti ta’ OESF huma persuni fiżiċi u ġuridiċi. Matul il-perijodu bażi tal-kontijiet 1997/1998, il-maġġoranza ta’ dawn l-azzjonisti kienu individwi li jirrisjedu fl-Olanda kif ukoll impriżi stabbiliti fl-Olanda u, jew suġġetti għat-taxxa Olandiża fuq il-kumpanniji, jew mhux suġġetti għal din it-taxxa. Il-bqija tal-kapital kien essenzjalment miżmum minn individwi residenti fl-Antilli Olandiżi u fi Stati Membri oħra (jiġifieri r-Renju tal-Belġju, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, ir-Repubblika Franċiża, il-Gran Dukat tal-Lussemburgu kif ukoll ir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u tal-Irlanda ta’ Fuq) kif ukoll minn impriżi stabbiliti fil-Belġju. Fl-aħħar, OESF kellha fost l-azzjonisti tagħha impriżi u individwi residenti fl-Iżvizzera kif ukoll individwi residenti fl-Istati Uniti.

15

F’dak li jirrigwarda l-perijodu bażi tal-kontijiet 1997/1998, OESF irċeviet dividendi relatati ma’ ishma f’kumpanniji barranin f’ammont li jikkorrispondi għal NLG 5257519.15. Din ġiet intaxxata fuq dawn id-dividendi f’pajjiżi barranin, permezz ta’ tnaqqis f’ras il-għajn, sa ammont li jikkorrispondi għal NLG 735320, li minnu NLG 132339 kienu taxxa Ġermaniża u NLG 9905 taxxa Portugiża.

16

Minħabba l-ħlas ta’ dawn it-taxxi barranin, OESF talbet sabiex tkun tista’ tibbenifika mit-tpaċija msemmija fl-Artikolu 28(1)(b) tal-liġi dwar it-taxxa fuq il-kumpanniji, ikkunsidrata flimkien mal-Artikolu 6 tad-Digriet Irjali. Din it-tpaċija kif ikkalkulata minn OESF kienet tammonta għal NLG 518270, billi ħadet bħala bażi ta’ kalkolu l-ammont kollu msemmi iktar ’il fuq ta’ NLG 735320 li jikkorrispondi għat-total tat-taxxi barranin.

17

L-awtorità fiskali kompetenti laqgħet biss parzjalment din it-talba, billi qieset bħala bażi ta’ kalkolu ammont ta’ NLG 593076, jiġifieri l-ammont imsemmi ta’ NLG 735320 imnaqqas bit-taxxi Ġermaniżi (NLG 132339) u Portugiżi (NLG 9905), u stabbilixxiet l-ammont tat-tpaċija għal NLG 418013. Wara lment, din id-deċiżjoni ġiet ikkonfermata.

18

Il-Gerechtshof te Amsterdam (Qorti tal-Appell ta’ Amsterdam), wara li tressaq quddiemha appell ta’ OESF, annullat id-deċiżjoni msemmija u bidlet l-ammont ikkontestat tat-tpaċija għal NLG 622006. Din il-qorti qieset li kemm l-esklużjoni tat-taxxi imposti fil-Ġermanja u fil-Portugall mill-bażi ta’ kalkolu tat-tpaċija, kif ukoll it-tnaqqis ta’ din bi proporzjon tas-sehem fil-kapital ta’ OESF ta’ azzjonisti residenti jew stabbiliti barra l-Olanda kienu jikkostitwixxu ostaklu mhux iġġustifikat għall-moviment liberu tal-kapital.

19

Is-Staatssecretaris van Financiën ippreżenta appell quddiem il-qorti tar-rinviju mid-deċiżjoni tal-Gerechtshof te Amsterdam, li fih ikkontesta din id-deċiżjoni f’dak li jirrigwarda, minn naħa, it-teħid inkunsiderazzjoni tat-taxxi miġbura fil-Ġermanja u fil-Portugall għall-kalkolu tat-tpaċija u, min-naħa l-oħra, in-nuqqas li t-tpaċija titnaqqas skont ishma miżmuma fil-kapital ta’ OESF minn azzjonisti mhux residenti jew mhux stabbiliti fl-Olanda.

20

Peress li qieset li s-soluzzjoni għall-kawża prinċipali teħtieġ interpretazzjoni tad-dritt Komunitarju, il-Hoge Raad der Nederlanden ddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)

L-Artikolu 56 KE, flimkien mal-Artikolu 58(1) KE għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprojbixxi kull leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li, waqt li tipprevedi favur impriżi ta’ investiment kollettiv ta’ natura fiskali tpaċija intiża biex tieħu inkunsiderazzjoni taxxa mħallsa f’ras il-għajn fl-Istat Membru fuq id-dividendi mħallsa lill-impriżi msemmija, tirrestrinġi — għar-raġunijiet deskritti fil-punt 5.2.1 fl-aħħar ta’ din is-sentenza — l-imsemmija tpaċija:

a)

għall-ammont li persuna naturali li tirrisjedi fl-Olanda setgħet tpaċi bis-saħħa ta’ ftehim konkluż fil-materja ta’ tassazzjoni ma’ Stat Membru ieħor;

b)

jekk u safejn ix-shareholding tal-impriżi ta’ investiment kollettiv ta’ natura fiskali huwa kkostitwit minn persuni naturali mhux residenti fl-Olanda jew impriżi li mhux suġġetti għat-taxxa Olandiża fuq il-kumpanniji?

2)

Jekk ir-risposta għall-ewwel domanda tkun kompletament jew parzjalment fl-affermattiv:

a)

Il-kunċett ta’ “investiment dirett” fl-Artikolu 57(1) KE jinkludi wkoll il-pussess ta’ pakkett ta’ azzjonijiet f’kumpannija jekk id-detentur tal-azzjonijiet iżommhom biss bħala investiment u d-daqs ta’ dan il-pakkett ma jpoġġiehx f’pożizzjoni li jkun jista’ jeżerċita influwenza deċiżiva fuq l-amministrazzjoni jew il-kontroll ta’ din il-kumpannija?

b)

Restrizzjoni fuq il-moviment tal-kapital marbuta mal-ħlas ta’ taxxa li kienet tkun illegali li kieku kienet taffettwa l-moviment transnazzjonali fi ħdan il-Kommunità, hija wkoll illegali, bis-saħħa tal-Artikolu 56 KE jekk l-istess moviment isir — f’ċirkustanzi li kieku jkunu l-istess — minn u lejn pajjiżi terzi?

ċ)

Jekk ir-risposta għad-domanda 2(b) hija fin-negattiv, l-Artikolu 56 KE għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprojbixxi limitazzjoni imposta minn Stat Membru ta’ konċessjoni ta’ tpaċija fiskali mogħtija lill-impriża ta’ investiment kollettiv ta’ natura fiskali li hija intiża li tieħu inkunsiderazzjoni t-taxxa mħallsa f’ras il-għajn fi Stat terz fuq id-dividendi mħallsa lill-imsemmija impriża, fejn l-imsemmija restrizzjoni hija motivata mill-fatt li l-azzjonisti tal-impriża mhumiex esklużivament magħmula minn persuni residenti fl-Istat Membru inkwistjoni?

3)

Sabiex tingħata risposta għad-domandi preċedenti, huwa importanti li jittieħdu inkunsiderazzjoni:

a)

il-fatt li t-taxxa dedotta f’pajjiż ieħor fuq dividendi derivanti minn dak il-pajjiż hija għola mit-taxxa fuq il-ħruġ ta’ dawk id-dividendi lill-azzjonisti barranin fl-Istat Membru fejn l-impriża ta’ investiment kollettiv ta’ natura fiskali hija stabbilita;

b)

il-fatt li l-azzjonisti barranin tal-impriża ta’ investiment kollettiv ta’ natura fiskali jirrisjedu jew huma stabbiliti f’pajjiz li miegħu l-Istat Membru fejn l-impriża hija stabbilita kkonkluda trattat li jipprevedi, abbażi ta’ obligazzjonijiet reċiproċi, it-tpaċija tat-taxxa mħallsa f’ras il-għajn fuq id-dividendi;

ċ)

il-fatt li l-azzjonisti barranin tal-impriża ta’ investiment kollettiv ta’ natura fiskali jirrisjedu jew huma stabbiliti fi Stat Membru ieħor tal-Kommunità?”

Fuq id-domandi preliminari

Fuq l-ewwel domanda, paragrafu a)

21

Permezz tal-ewwel domanda tagħha, paragrafu a), il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk l-Artikoli 56 KE u 58 KE għandhomx jiġu interpretati fis-sens li jipprojbixxu leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali li, meta tistabbilixxi, favur impriżi ta’ investiment kollettiv ta’ natura fiskali stabbiliti fit-territorju ta’ dan l-Istat Membru, tpaċija intiża sabiex tieħu inkunsiderazzjoni taxxa mħallsa f’ras il-għajn fi Stat Membru ieħor fuq id-dividendi mħallsa lil dawn l-impriżi, tkun qed tillimita din it-tpaċija għall-ammont li persuna fiżika residenti fit-territorju msemmi setgħet timputa skont ftehim dwar il-ħelsien minn taxxa doppja konkluż ma’ dan l-Istat Membru l-ieħor.

22

Fir-rigward tal-kawża prinċipali, tali leġiżlazzjoni għandha l-effett li t-taxxi fuq id-dividendi mħallsa f’ras il-għajn fil-Ġermanja u fil-Portugall ma jittieħdux inkunsiderazzjoni fil-kalkolu tat-tpaċija msemmija, peress li, fiż-żmien meta seħħew il-fatti fil-kawża prinċipali, il-ftehim konkluż bejn ir-Renju tal-Olanda u r-Repubblika Federali tal-Ġermanja ma kienx jistabbilixxi dritt għall-imputazzjoni tat-taxxa mħallsa fil-Ġermanja lit-taxxa Olandiża fuq il-qligħ, filwaqt li l-ebda ftehim ma kien ġie konkluż bejn ir-Renju tal-Olanda u r-Repubblika Portugiża.

23

Mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li l-qorti tar-rinviju tistaqsi dwar il-kompatibbilità ta’ tali leġiżlazzjoni mad-dispożizzjonijiet tat-Trattat KE fuq il-moviment liberu tal-kapital, fir-rigward tal-fatt li, skont il-liġi Olandiża, impriża ta’ investiment kollettiv ta’ natura fiskali stabbilita fl-Olanda li tirċievi dividendi ta’ kumpanniji stabbiliti f’dan l-istess Stat Membru jibbenifikaw mill-ħlas lura tat-taxxa Olandiża fuq id-dividendi kollha mħallsa f’ras il-għajn minn dawn il-kumpanniji.

24

F’dan ir-rigward, OESF u l-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej josservaw li, safejn ir-Renju tal-Olanda jħallas lura b’mod totali t-taxxa mħallsa fuq id-dividendi mqassma mill-kumpanniji Olandiżi, huwa għandu joffri wkoll tpaċija tat-taxxa mħallsa fuq id-dividendi fil-Ġermanja u fil-Portugall.

25

Fin-nuqqas, ir-Renju tal-Olanda jissuġġetta lil dawn id-dividendi għal trattament sfavorevoli meta mqabbel ma dak mogħti lid-dividendi mħallsa minn kumpanniji Olandiżi.

26

Dan it-trattament sfavorevoli għandu l-effett, minn naħa, li jiddiswadi lil OESF milli tinvesti fil-Ġermanja u fil-Portugall, u, min-naħa l-oħra, li jagħmel iktar diffiċli għall-impriżi stabbiliti f’dawn l-Istati Membri l-ġbir tal-kapital fl-Olanda, b’tali mod li jkun jikkostitwixxi restrizzjoni fuq il-moviment liberu tal-kapital, ipprojbita bħala prinċipju mit-Trattat.

27

Min-naħa l-oħra, il-Gvern Olandiż josserva li ma jistax jiġi lmentat li r-Renju tal-Olanda rriżerva trattament differenti lid-dividendi provenjenti minn kumpanniji Ġermaniżi jew Portugiżi meta mqabbla ma dawk provenjenti minn kumpanniji Olandiżi, safejn, billi ma imponiex taxxi fuq id-dividendi riċevuti minn OESF, hi liema hi l-provenjenza tagħhom, il-liġi fiskali Olandiża tipproċedi għal trattament identiku ta’ dawn id-dividendi.

28

Barra minn hekk, is-sistema ta’ ħlas lura inkwistjoni fil-kawża prinċipali mhijiex intiża sabiex teħles b’mod ġenerali lil impriża ta’ investiment kollettiv ta’ natura fiskali minn tnaqqis fuq id-dividendi li jiġu mħallsa lilha. Fil-fatt, fis-sitwazzjonijiet interni, it-taxxa fuq id-dividendi kienet topera bħala ħlas bil-quddiem għall-finijiet tat-taxxa fuq il-kumpanniji. Peress li l-impriżi ta’ investiment kollettiv ta’ natura fiskali stabbiliti fl-Olanda huma suġġetti għat-taxxa fuq il-kumpanniji b’rata ta’ żero u li, konsegwentement, it-taxxa Olandiża fuq id-dividendi mhijiex dovuta fuq id-dividendi riċevuti minn dawn l-impriżi, it-taxxa mnaqqsa f’ras il-għajn fuq id-dividendi mħallsa lill-impriżi msemmija tiġi mħallsa lura lilhom.

29

Għaldaqstant, għandu jiġi vverifikat jekk, fir-rigward tal-fatt li impriża ta’ investiment kollettiv ta’ natura fiskali stabbilita fl-Olanda li tirċievi dividendi ta’ kumpanniji stabbiliti f’dan l-istess Stat Membru tibbenifika minn ħlas lura sħiħ tat-taxxa Olandiża fuq id-dividendi mnaqqsa f’ras il-għajn minn dawn il-kumpanniji, leġiżlazzjoni nazzjonali bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali tikkostitwixxix restrizzjoni fuq il-moviment liberu tal-kapital ipprojbita mill-Artikoli 56 KE u 58 KE.

30

Preliminarjament, għandu jiġi mfakkar li huwa kull Stat Membru li għandu jorganizza, filwaqt li jirrispetta d-dritt Komunitarju, is-sistema tiegħu tat-tassazzjoni tal-profitti mqassma u li jiddefinixxi, f’dan il-kuntest, il-bażi taxxabbli kif ukoll ir-rata tat-taxxa li għandhom japplikaw għall-azzjonist benefiċjarju (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-12 ta’ Diċembru 2006, Test Claimants in Class IV of the ACT Group Litigation, C-374/04, Ġabra p. I-11673, punt 50, u Test Claimants in the FII Group Litigation, C-446/04, Ġabra p. I-11753, punt 47).

31

Għaldaqstant, id-dividendi mqassma minn kumpannija stabbilita fi Stat Membru lil kumpannija stabbilita fi Stat Membru ieħor jistgħu jkunu ntaxxati fuq diversi livelli. Fl-ewwel lok, dawn id-dividendi jistgħu jkunu suġġetti għal sensiela ta’ taxxi fl-Istat Membru fejn hija stabbilita l-kumpannija li tqassamhom, li teżisti meta l-profitti mqassma jiġu ntaxxati, inizjalment, taħt it-taxxa fuq il-kumpanniji u wara, taħt it-taxxa imposta fuq id-dividendi mħallsa lill-kumpannija benefiċjarja. Fit-tieni lok, dawn id-dividendi jistgħu jkunu suġġetti għal tassazzjoni doppja legali, li teżisti meta jerġgħu jiġu ntaxxati fil-kumpannija benefiċjarja fl-Istat Membru fejn din hija stabbilita. Fit-tielet lok, it-tassazzjoni, fl-Istat fejn hija stabbilita l-kumpannija benefiċjarja, tad-dividendi riċevuti minnha, filwaqt li l-kumpannija li tqassam dawn id-dividendi kienet ġiet intaxxata fuq il-profitti mqassma, tista’ wkoll tagħti lok għal sensiela ta’ taxxi f’dan l-Istat Membru.

32

Barra minn hekk, fin-nuqqas ta’ miżuri ta’ unifikazzjoni jew ta’ armonizzazzjoni Komunitarja, l-Istati Membri jibqgħu kompetenti sabiex jiddefinixxu, permezz ta’ ftehim jew unilateralment, il-kriterji ta’ kif titqassam is-setgħa tagħhom ta’ tassazzjoni, b’mod partikolari, sabiex tiġi eliminata t-tassazzjoni doppja (sentenzi tat-12 ta’ Mejju 1998, Gilly, C-336/96, Ġabra p. I-2793, punti 24 u 30; tal-21 ta’ Settembru 1999, Saint-Gobain ZN, C-307/97, Ġabra p. I-6161, punt 57, kif ukoll tat-8 ta’ Novembru 2007, Amurta, C-379/05, Ġabra p. I-9569, punt 17). Issa, apparti d-Direttiva tal-Kunsill 90/435/KEE, tat-23 ta’ Lulju 1990, dwar is-sistema komuni tat-tassazzjoni li tapplika fil-każ tal-kumpanniji prinċipali u sussidjarji ta’ Stati Membri differenti (ĠU L 225, p. 6), il-Ftehim tat-23 ta’ Lulju 1990 dwar l-eliminazzjoni tat-tassazzjoni doppja f’każ ta’ korrezzjoni tal-profitti ta’ impriżi relatati (ĠU L 225, p. 10), u tad-Direttiva tal-Kunsill 2003/48/KE, tat-3 ta’ Ġunju 2003, dwar tassazzjoni ta’ riżervi fuq id-dħul fil-forma ta’ pagamenti ta’ imgħaxx (ĠU L 157, p. 38), li l-applikazzjoni tagħhom fil-kawża prinċipali ma ġietx invokata, l-ebda miżura ta’ unifikazzjoni jew ta’ armonizzazzjoni intiża sabiex telimina s-sitwazzjonijiet ta’ tassazzjoni doppja ma ġiet adottata, sa llum, fil-kwadru tal-liġi Komunitarja.

33

F’dak li jirrigwarda l-leġiżlazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali, ir-Renju tal-Olanda ddeċieda li jissuġġetta lill-impriżi ta’ investiment kollettiv ta’ natura fiskali għat-taxxa fuq il-kumpanniji, iżda b’rata ta’ żero, bil-kundizzjoni li l-profitti kollha ta’ dawn l-impriżi, bit-tnaqqis ta’ ċerti riżervi ammessi mil-liġi, jiġu mqassma lill-azzjonisti tagħhom.

34

Hekk kif osserva l-Avukat Ġenerali fil-punti 85 sa 87 tal-konklużjonijiet tiegħu, isegwi li, tkun liema tkun l-oriġini tad-dividendi, il-liġi Olandiża ma tissuġġettahomx għat-taxxa fuq l-impriżi bħal OESF. Fil-fatt, fir-rigward, min-naħa waħda, tad-dividendi provenjenti minn kumpannija stabbilita fl-Olanda, it-taxxa inizjalment miġbura fuq dawn id-dividendi, li tikkostitwixxi, skont l-ispjegazzjonijiet ipprovduti mill-Gvern Olandiż, ħlas bil-quddiem fuq it-taxxa fuq il-kumpanniji, hija mħallsa lura, peress li l-ebda ammont ma huwa dovut abbażi ta’ din l-aħħar taxxa minn impriża ta’ investiment kollettiv ta’ natura fiskali. Min-naħa l-oħra, f’dak li jirrigwarda d-dividendi provenjenti minn kumpanniji stabbiliti fil-Ġermanja u fil-Portugall, l-ebda taxxa ma titnaqqas fl-Olanda fil-konfront ta’ tali impriżi.

35

Konsegwentement, billi ma jintaxxax, fuq l-impriżi ta’ investiment kollettiv ta’ natura fiskali, id-dividendi provenjenti mill-Ġermanja u mill-Portugall, ir-Renju tal-Olanda japplika għal dawn id-dividendi trattament ekwivalenti għal dak applikat għad-dividendi provenjenti minn kumpanniji Olandiżi, liema dividendi ma kinux iktar intaxxati f’dawn l-impriżi. Barra minn hekk, billi ma jintaxxax id-dividendi provenjenti mill-Istati Membri l-oħra, ir-Renju tal-Olanda jipprevjeni, bħal ma jsir għad-dividendi mħallsa mill-kumpanniji Olandiżi, sensiela ta’ taxxi li jirriżultaw mill-eżerċizzju tal-kompetenza fiskali tiegħu.

36

Għaldaqstant, kuntrarjament għal dak li jsostnu OESF u l-Kummissjoni, il-leġiżlazzjoni Olandiża bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma tirriżervax trattament differenzjat għad-dividendi provenjenti mill-Ġermanja u mill-Portugall meta mqabbla ma dawk imqassma minn kumpanniji Olandiżi.

37

Għalkemm, f’dawn iċ-ċirkustanzi, id-dividendi provenjenti mill-Ġermanja u mill-Portugall huma suġġetti għal piż fiskali itqal minn dak tad-dividendi mqassma minn kumpanniji Olandiżi, dan l-iżvantaġġ mhuwiex dovut għal-leġiżlazzjoni Olandiża inkwistjoni fil-kawża prinċipali, iżda jirriżulta mill-eżerċizju parallel, min-naħa tal-Istati Membri fejn huma stabbiliti l-kumpanniji li jqassmu u l-Istat Membru fejn hija stabbilita l-kumpannija benefiċjarja, tal-kompetenza fiskali tagħhom, ikkaratterizzata mill-għażla tal-ewwel Stati li jissuġġettaw id-dividendi mqassma għal sensiela ta’ taxxi u mill-għażla tal-aħħar Stat li jastjeni minn kull tassazzjoni ta’ dividendi fuq l-impriżi ta’ investiment kollettiv ta’ natura fiskali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-14 ta’ Novembru 2006, Kerckhaert u Morres, C-513/04, Ġabra p. I-10967, punt 20).

38

Madankollu, il-Kummissjoni tosserva li, fil-kwalità tiegħu bħala l-Istat Membru ta’ residenza tal-kumpannija benefiċjarja tad-dividendi, huwa r-Renju tal-Olanda li għandu jagħti dritt ta’ tpaċija għall-pressjoni fiskali barranija eżerċitata fuq dawn id-dividendi bl-istess mod kif joffri tpaċija għall-pressjoni fiskali interna li huma suġġetti għaliha d-dividendi msemmija.

39

Dan l-argument ma jistax jiġi aċċettat. Mill-ġurisprudenza jirriżulta b’mod ċar li, meta Stat Membru jkollu sistema sabiex jipprevjeni jew inaqqas l-impożizzjoni ta’ sensiela ta’ taxxi jew it-tassazzjoni doppja ekonomika fir-rigward ta’ dividendi mħallsa lil residenti minn kumpanniji residenti, għandu jingħata l-istess trattament lid-dividendi mħallsa lil residenti minn kumpanniji mhux residenti (sentenza Test Claimants in Class IV of the ACT Group Litigation, iċċitata iktar ’il fuq, punt 55 u l-ġurisprudenza ċċitata).

40

Fil-kuntest ta’ tali sistemi, is-sitwazzjoni ta’ azzjonisti li jirrisjedu fi Stat Membru li jirċievu dividendi minn kumpannija stabbilita f’dan l-istess Stat Membru hija simili għal dik ta’ azzjonisti li jirrisjedu fl-imsemmi Stat Membru li jirċievu dividendi minn kumpannija stabbilita fi Stat Membru ieħor, f’dak illi kemm id-dividendi li għandhom oriġini nazzjonali u kemm dawk li joriġinaw minn Stat Membru ieħor jistgħu jiġu suġġetti għal sensiela ta’ taxxi (ara s-sentenza Test Claimants in Class IV of the ACT Group Litigation, iċċitata iktar ’il fuq, punt 56).

41

Madankollu, il-kwalità ta’ Stat Membru bħala residenza tal-kumpannija benefiċjarja tad-dividendi ma tistax tinvolvi l-obbligu, fuq dan l-Istat Membru, li joffri tpaċija għal żvantaġġ fiskali li jirriżulta minn sensiela ta’ taxxi li jkunu kollha imposti mill-Istat Membru li fit-territorju tiegħu hija stabbilita l-kumpannija li tqassam dawn id-dividendi, safejn l-ewwel Stat Membru ma jimponi u lanqas ma jieħu inkunsiderazzjoni b’mod differenti, fil-konfront tal-impriżi ta’ investiment kollettiv stabbiliti fit-territorju tiegħu, id-dividendi riċevuti.

42

Minn dan jirriżulta li, f’sitwazzjoni fejn l-itqal piż fiskali impost fuq id-dividendi mqassma minn kumpanniji stabbiliti fil-Ġermanja u fil-Portugall lil impriża ta’ investiment kollettiv ta’ natura fiskali stabbilita fl-Olanda meta mqabbel ma’ dak impost fuq id-dividendi mqassma lil din l-istess impriża minn kumpanniji ugwalment stabbiliti fl-Olanda ma jirriżultax minn differenza fit-trattament dovuta għas-sistema fiskali tal-Olanda, iżda jirriżulta, minn naħa, mill-għażla tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja u tar-Repubblika Portugiża li japplikaw tnaqqis f’ras il-għajn fuq id-dividendi u, min-naħa l-oħra, mill-għażla tar-Renju tal-Olanda li ma tintaxxax id-dividendi msemmija, il-fatt li l-Olanda ma tagħtix dritt ta’ tpaċija għat-tnaqqis f’ras il-għajn deċiża mill-ewwel żewġ Stati ma jikkostitwixxix restrizzjoni fuq il-moviment liberu tal-kapital.

43

Madankollu, OESF tenfasizza wkoll li l-investimenti tagħha fil-Ġermanja u fil-Portugall jirċievu trattament differenti minn dawk li jsiru fi Stati Membri oħra li għalihom huwa possibbli li jittieħed il-benefiċċju tat-tpaċija stabbilit fl-Artikolu 28(1)(b) tal-liġi dwar it-taxxa fuq il-kumpanniji, ikkunsidrata flimkien mal-Artikolu 6 tad-Digriet Irjali, sabiex tiġi evitata s-sensiela ta’ taxxi imposti f’dawn l-Istati Membri. Skont OESF, l-Artikoli 56 KE u 58 KE jipprojbixxu tali differenza fit-trattament skont il-post fejn il-kumpannija li tqassam id-dividendi għandha l-uffiċċju rreġistrat tagħha.

44

Il-Gvern Olandiż ifakkar li, safejn impriża ta’ investiment kollettiv ta’ natura fiskali hija ntaxxata b’rata ta’ żero, l-ebda taxxa fuq il-kumpanniji ma tista’ tiġi attribwita lid-dividendi provenjenti minn Stat Membru ieħor, liema ħaġa tagħmel impossibbli, għal din l-impriża, l-imputazzjoni tat-tnaqqis f’ras il-għajn li jkun laqat lil dawn id-dividendi. Sabiex jiġi evitat li investiment f’pajjiż barrani, magħmul permezz ta’ tali impriża jiġi meqjus bħala inqas attraenti minn investiment dirett, l-għan tat-tpaċija msemmija huwa li ssir approssimazzjoni tal-piż fiskali li jolqot il-qligħ mill-investiment magħmul mill-impriżi ta’ investiment kollettiv ta’ natura fiskali ma dak li jolqot l-investimenti diretti magħmula minn individwi.

45

Konsegwentement, il-leġiżlatur adotta bħala riferiment, għall-kalkolu tal-ammont tal-imsemmi tpaċija, is-sitwazzjoni fejn l-investimenti jsiru mingħajr tali impriża. Għal din ir-raġuni, fil-każ ta’ dividendi riċevuti f’pajjiż barrani, din it-tpaċija hija limitata għall-każ fejn jeżisti, bis-saħħa ta’ ftehim fil-qasam fiskali, dritt li ssir imputazzjoni tat-taxxa barranija lit-taxxa Olandiża.

46

Barra minn hekk, mis-sentenza tal-5 ta’ Lulju 2005, D. (C-376/03, Ġabra p. I-5821), jirriżulta li s-sitwazzjoni fejn investitur jirċievi dividend li joriġina mill-Ġermanja jew mill-Portugall hija differenti minn dak fejn id-dividend joriġina minn Stat Membru li miegħu r-Renju tal-Olanda kkonkluda tali ftehim, bħar-Repubblika Taljana. Peress li t-tpaċija li għandha tiġi konċessa hija assolutament marbuta mad-dritt tal-azzjonist li għandu sehem fil-kapital ta’ impriża ta’ investiment kollettiv ta’ natura fiskali li jimputa, bis-saħħa ta’ tali ftehim, it-taxxa barranija mnaqqsa f’ras il-għajn, din it-tpaċija għandha, bħad-dritt ta’ tnaqqis, titqies bħala li tifforma parti sħiħa minn dan il-ftehim, u mhux bħala vantaġġ li jista’ jitnaqqas minnu.

47

Hekk kif jirriżulta mill-punt 42 ta’ din is-sentenza, il-liġi Komunitarja ma timponix fuq Stat Membru li tagħti dritt ta’ tpaċija għall-iżvantaġġ li jirriżulta minn sensiela ta’ taxxi provenjenti b’mod esklużiv mill-eżerċizzju parallel tal-kompetenzi fiskali li jiddisponu minnhom id-diversi Stati Membri. Madankollu, peress li dan l-Istat Membri ddeċieda li jikkonċedi tali tpaċija, din il-possibbiltà għandha tiġi eżerċitata b’mod konformi mal-liġi Komunitarja.

48

F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li, kif ġie mfakkar fil-punti 30 u 32 ta’ din is-sentenza, huwa kull Stat Membru li jorganizza s-sistema tiegħu tat-tassazzjoni tal-profitti mqassma u li jiddefinixxi, f’dan il-kuntest, il-bażi taxxabbli kif ukoll ir-rata tat-taxxa li għandhom japplikaw, għall-azzjonist benefiċjarju, u li, fin-nuqqas ta’ miżuri ta’ unifikazzjoni jew ta’ armonizzazzjoni Komunitarja, l-Istati Membri jibqgħu kompetenti sabiex jiddefinixxu, permezz ta’ ftehim jew unilateralment, il-kriterji ta’ kif titqassam is-setgħa tagħhom ta’ tassazzjoni.

49

Konsegwentement, fil-preżenza ta’ differenzi bejn il-leġiżlazzjonijiet fiskali tad-diversi Stati Membri li jirriżultaw minn din is-sitwazzjoni, Stat Membru jista’ jiġi kostrett, permezz ta’ ftehim jew unilateralment, japplika trattament iddifferenzjat lid-dividendi provenjenti mid-diversi Stati Membri li jieħu inkunsiderazzjoni dawn id-differenzi.

50

Fir-rigward tal-ftehim fiskali bilaterali konklużi bejn l-Istati Membri, il-Qorti tal-Ġustizzja fakkret li l-kamp ta’ applikazzjoni ta’ tali ftehim huwa limitat għall-persuni fiżiċi jew ġuridiċi msemmija fih (ara s-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq D., punt 54, u Test Claimants in Class IV of the ACT Group Litigation, punt 84).

51

F’dawn is-sentenzi, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li, meta vantaġġ stabbilit minn ftehim fiskali bilaterali ma jistax jiġi evalwat bħala vantaġġ li jista’ jiġi diviż minn dan il-ftehim, iżda jikkontribwixxi għall-bilanċ ġenerali tiegħu, il-fatt li d-drittijiet u l-obbligi reċiproċi li jirriżultaw mill-imsemmi ftehim japplikaw biss għall-persuni residenti ta’ wieħed mill-Istati Membri kontraenti, liema fatt jikkostitwixxi konsegwenza intrinsika għall-ftehim bilaterali, il-liġi Komunitarja ma tipprojbixxix li l-vantaġġ inkwistjoni ma jiġix ikkonferit lil resident ta’ Stat Membru terz, safejn dan ma jkunx jinsab f’sitwazzjoni paragunabbli għal dik tar-residenti koperti mill-ftehim imsemmi (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq D., punti 59 sa 63, u Test Claimants in Class IV of the ACT Group Litigation, punti 88 sa 93).

52

F’dan il-każ, f’dak li jirrigwarda l-konċessjoni ta’ tpaċija fir-rigward ta’ tnaqqis f’ras il-għajn li sar minn Stat Membru ieħor fuq id-dividendi riċevuti minn impriża ta’ investiment kollettiv ta’ natura fiskali, stabbilita fl-Olanda, l-applikazzjoni tal-Artikolu 28(1)(b) tal-liġi dwar it-taxxa fuq il-kumpanniji twassal għal trattament iddifferenzjat tad-dividendi provenjenti mid-diversi Stati Membri.

53

Fil-kuntest ġuridiku li jikkaratterizza l-kawża prinċipali, huwa paċifiku li s-sitwazzjonijiet li fihom tiġi konċessa tpaċija huma dawk fejn ir-Renju tal-Olanda impenja ruħu fil-kwadru ta’ ftehim fiskali konkluż ma l-Istat Membru li wettaq it-tnaqqis f’ras il-għajn, li jippermetti lill-persuni fiżiċi li jimputaw it-tnaqqis imsemmi lit-taxxa Olandiża fuq il-qligħ li huma suġġetti għaliha.

54

Madankollu, hekk kif osserva l-Avukat Ġenerali fil-punt 107 tal-konklużjonijiet tiegħu, il-konċessjoni tat-tpaċija stabbilita fl-Artikolu 28(1)(b) tal-liġi dwar it-taxxa fuq il-kumpanniji, ikkunsidrat flimkien mal-Artikolu 6 tad-Digriet Irjali, tirriżulta mhux mill-applikazzjoni awtomatika ta’ tali ftehim fiskali bilaterali, iżda mid-deċiżjoni unilaterali tar-Renju tal-Olanda li jestendi l-benefiċċju ta’ tali ftehim lill-impriżi ta’ investiment kollettiv ta’ natura fiskali.

55

Għalkemm, għar-raġunijiet imsemmija fil-punti 48 u 49 ta’ din is-sentenza, tali deċiżjoni unilaterali ma tistax, minnha nnifisha, titqies bħala kuntrarja għal-liġi Komunitarja, għandu jiġi vverifikat jekk it-trattament iddifferenzjat li jirriżulta minnha jwassalx għal restrizzjoni fuq il-moviment liberu tal-kapital.

56

F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li, bl-esklużjoni tat-tpaċija fir-rigward tat-taxxa f’ras il-għajn ta’ dividendi riċevuti f’pajjiż barrani li ġejjin minn ċerti Stati Membri, leġiżlazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali tirrendi l-investiment f’dawn l-Istati Membri inqas attraenti mill-investiment fl-Istati Membri li fihom it-tnaqqis ta’ taxxa fuq id-dividendi jagħti lok għal din it-tpaċija. Tali leġiżlazzjoni hija b’hekk kapaċi li tiddiswadi lil impriża ta’ investiment kollettiv milli tinvesti fl-Istati Membri li fihom it-tnaqqis fuq id-dividendi ma jagħtux lok għat-tpaċija, b’tali mod li tikkostitwixxi restrizzjoni fuq il-moviment liberu tal-kapital ipprojbita, bħala prinċipju, mill-Artikolu 56 KE.

57

Madankollu, skont l-Artikolu 58(1)(a) KE, “[i]d-disposizzjonijiet tal-Artikolu 56 KE m’għandhomx jippreġudikaw id-dritt tal-Istati Membri […] li japplikaw id-disposizzjonijiet relevanti tal-liġi fiskali tagħhom li jagħmlu distinzjoni bejn persuni li jħallsu t-taxxa mhux fl-istess sitwazzjoni rigward […] il-post fejn il-kapital tagħhom ikun investit”.

58

Għandu jiġi osservat ukoll li d-deroga prevista fl-Artikolu 58(1)(a) KE hija minnha nfisha limitata mill-Artikolu 58(3) KE li jipprovdi li d-dispożizzjonijiet nazzjonali msemmija fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu “m’għandhomx jikkostitwixxu mezz ta’ diskriminazzjoni arbitrarja jew restrizzjoni moħbija fuq il-moviment liberu ta’ kapital u ħlasijiet kif definit fl-Artikolu 56 [KE]” (ara s-sentenza tas-7 ta’ Settembru 2004, Manninen, C-319/02, Ġabra p. I-7477, punt 28).

59

Għaldaqstant, għandha ssir distinzjoni bejn it-trattament mhux ugwali permess skont l-Artikolu 58(1)(a) KE u d-diskriminazzjonijiet ipprojbiti mis-subartikolu (3) tal-istess artikolu. Madankollu, mill-ġurisprudenza jirriżulta li, sabiex leġiżlazzjoni fiskali nazzjonali li tagħmel distinzjoni bejn il-kontribwenti skont il-post fejn jinsab investit l-kapital tagħhom tkun tista’ tiġi kkunsidrata bħala kompatibbli mad-dispożizzjonijiet tat-Trattat dwar il-moviment liberu tal-kapital, jeħtieġ li d-differenza fit-trattament tikkonċerna sitwazzjonijiet li mhumiex oġġettivament paragunabbli jew li d-differenza tkun iġġustifikata minn raġuni imperattiva ta’ interess ġenerali (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas-6 ta’ Ġunju 2000, Verkooijen, C-35/98, Ġabra p. I-4071, punt 43, Manninen, iċċitata iktar ’il fuq, punt 29, u tat-8 ta’ Settembru 2005, Blanckaert, C-512/03, Ġabra p. I-7685, punt 42).

60

Hekk kif jispjega l-Gvern Olandiż, permezz tat-tpaċija li tipprevedi, i l-leġiżlazzjoni Olandiża inkwistjoni fil-kawża prinċipali għandha l-għan li tqis bħala simili, kemm jista’ jkun, it-trattament fiskali tad-dividendi li jirċievi azzjonist li għamel investiment dirett u dak ta’ dividendi riċevuti minn azzjonist li investa permezz ta’ impriża ta’ investiment kollettiv ta’ natura fiskali, sabiex jipprevjeni l-fatt li l-investiment f’pajjiż barrani magħmul minn tali impriża jitqies bħala inqas attraenti minn investiment dirett.

61

Issa, fir-rigward ta’ tali leġiżlazzjoni, is-sitwazzjoni ta’ impriża ta’ investiment kollettiv ta’ natura fiskali, meta tirċievi dividendi li ġejjin minn Stati Membri li magħhom ir-Renju tal-Olanda kkonkluda ftehim li jipprovdi d-dritt, għall-azzjonisti li huma persuni fiżiċi, li jimputaw t-taxxa fuq id-dividendi miġbura minn dawn l-Istati Membri lit-taxxa fuq il-qligħ li huma suġġetti għaliha fl-Olanda, hija differenti minn dik li tinsab fiha din l-impriża meta tirċievi dividendi li ġejjin minn Stati Membri li magħhom ir-Renju tal-Olanda ma kkonkludiex tali ftehim, li għal dawn id-dividendi b’hekk dan id-dritt mhuwiex previst.

62

Fil-fatt, huwa biss fir-rigward ta’ investimenti fl-Istati Membri li miegħu r-Renju tal-Olanda kkonkluda tali ftehim fiskali bilaterali li, fin-nuqqas tat-tpaċija prevista mid-dispożizzjonijiet inkwistjoni fil-kawża prinċipali, l-għażla li jsir investiment permezz ta’ impriża ta’ investiment kollettiv ta’ natura fiskali għandha r-riskju li tkun inqas vantaġġuża għall-azzjonist li huwa persuna fiżika milli investimenti dirett.

63

Min-naħa l-oħra, f’dak li jirrigwarda l-Istati Membri li magħhom ir-Renju tal-Olanda ma kkonkludiex tali ftehim, l-għażla, għal persuna fiżika, li tagħmel investiment permezz ta’ tali impriża ma tinvolvi l-ebda riskju li jintilef vantaġġ li kienet tibbenifika minnhu li kieku għażlet li tagħmel investiment dirett fl-Istati Membri msemmija. Konsegwentement, din is-sitwazzjoni mhijiex oġġettivament paragunabbli ma’ dik fejn ir-Renju tal-Olanda kkonkluda tali ftehim fiskali.

64

Minn dan jirriżulta li, fil-każ ta’ leġiżlazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li permezz tagħha, sabiex jitqarreb kemm jista’ jkun it-trattament fiskali tal-investimenti diretti u dawk magħmula permezz ta’ impriżi ta’ investiment kollettiv, Stat Membru ddeċieda li jagħtihom dritt ta’ tpaċija tat-taxxa mnaqqsa f’ras il-għajn fuq id-dividendi provenjenti mill-Istati Membri li fir-rigward tagħhom impenja ruħu, fil-kuntest ta’ ftehim bilaterali, li jippermetti lill-persuni fiżiċi jimputaw it-tnaqqis imsemmi lit-taxxa fuq il-qligħ li huma suġġetti għaliha b’applikazzjoni tal-liġi nazzjonali tiegħu, l-Artikoli 56 KE u 58 KE ma jipprojbixxux li Stat Membru jeskludi din it-tpaċija f’dak li jirrigwarda d-dividendi provenjenti minn Stati Membri oħra, li magħhom ma kkonkludiex ftehim bilaterali li jinkludu tali dispożizzjonijiet, safejn ma jkunux sitwazzjonijiet oġġettivament paragunabbli.

65

Fid-dawl ta’ dak li ntqal iktar ’il fuq, ir-risposta għall-ewwel domanda, paragrafu a), għandha tkun li l-Artikoli 56 KE u 58 KE ma jipprojbixxux leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali li, filwaqt li tipprovdi, favur impriżi ta’ investiment kollettiv ta’ natura fiskali stabbiliti fit-territorju ta’ dan l-Istat Membru, għal tpaċija intiża sabiex tittieħed inkunsiderazzjoni t-taxxa mnaqqsa f’ras il-għajn minn Stat Membru ieħor fuq id-dividendi mħallsa lil dawn l-impriżi, tirrestrinġi din it-tpaċija għall-ammont li persuna fiżika residenti fit-territorju ta’ dan l-ewwel Stat Membru setgħet timputa, minħabba tnaqqis simili, permezz ta’ ftehim dwar il-ħelsien minn taxxa doppja konkluż ma dan l-Istat Membru l-ieħor.

Fuq l-ewwel domanda, paragrafu b)

66

Permezz tal-ewwel domanda tagħha, paragrafu b), il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk l-Artikoli 56 KE u 58 KE għandhomx jiġu interpretati fis-sens li jipprojbixxu leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li, bħal-leġiżlazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali, minħabba li tipprevedi, favur impriżi ta’ investiment kollettiv, tpaċija intiża sabiex tittieħed inkunsiderazzjoni t-taxxa mnaqqsa f’ras il-għajn minn Stat Membru ieħor fuq id-dividendi mħallsa lil dawn l-impriżi, tnaqqas dan l-ammont tat-tpaċija jekk u safejn ix-shareholding tal-impriżi msemmija huwa kkostitwit minn persuni fiżiċi mhux residenti fl-ewwel Stat Membru jew minn impriżi li mhumiex suġġetti, f’dan l-Istat, għat-taxxa fuq il-kumpanniji.

67

Għalkemm mir-risposta għall-ewwel domanda, paragrafu a), jirriżulta li, f’ċirkustanzi bħal dawk fil-kawża prinċipali, il-liġi Komunitarja ma timponix l-obbligu fuq Stat Membru li jipprovdi għal tpaċija favur impriża ta’ investiment kollettiv ta’ natura fiskali, intiża sabiex tittieħed inkunsiderazzjoni t-taxxa mnaqqsa f’ras il-għajn minn Stat Membru ieħor fuq id-dividendi mħallsa lil din l-impriża, jekk l-ewwel Stat Membru jkun xorta ddeċieda li jipprovdi għal tali tpaċija, din il-possibbiltà għandha tiġi eżerċitata b’mod konformi mal-liġi Komunitarja.

68

Hekk kif jirriżulta mid-deċiżjoni tar-rinviju, OESF għandha fost l-azzjonisti tagħha persuni fiżiċi u ġuridiċi li huma residenti jew stabbiliti fi Stati Membri oħra kif ukoll f’pajjiżi terzi.

69

Għaldaqstant, fl-ewwel lok, għandu jiġi evalwat jekk il-fatt li l-ammont tat-tpaċija jitnaqqas pro rata mill-parti tal-kapital tal-impriża ta’ investiment kollettiv ta’ natura fiskali miżmuma minn azzjonisti residenti jew stabbiliti fi Stati Membri oħra jikkostitwixxix restrizzjoni fuq il-moviment liberu tal-kapital, u fl-affermattiv, jekk din ir-restrizzjoni tistax tkun iġġustifikata. Fit-tieni lok, għandu jiġi vverifikat jekk ir-risposta mogħtija fir-rigward tas-sitwazzjonijiet jew l-azzjonisti ta’ tali impriża ta’ investiment kollettiv ta’ natura fiskali li huma residenti jew stabbiliti fi Stati Membri oħra tapplikax ukoll għas-sitwazzjonijiet fejn l-azzjonisti msemmija jirrisjedu jew huma stabbiliti f’pajjiżi terzi.

70

Għandu jiġi osservat li, f’dak li jirrigwarda l-kalkolu tal-ammont tat-tpaċija mogħtija b’mod konformi mad-dispożizzjonijiet inkwistjoni fil-kawża prinċipali sabiex tittieħed inkunsiderazzjoni t-taxxa mnaqqsa f’ras il-għajn fuq id-dividendi li joriġinaw minn Stati Membri oħra, il-leġiżlazzjoni Olandiża tistabbilixxi differenza ta’ trattament bejn l-impriżi ta’ investiment kollettiv ta’ natura fiskali li l-azzjonisti tagħhom kollha huma residenti jew stabbiliti fl-Olanda u l-impriżi, bħal OESF, li parti mill-azzjonisti tagħhom huma residenti jew stabbiliti fi Stat Membru ieħor. Fl-ewwel każ, it-tpaċija msemmija tikkorrispondi, skont l-Artikolu 6(1) tad-Digriet Irjali, għall-ammont li persuna fiżika residenti fl-Olanda setgħet timputa, minħabba t-tnaqqis imsemmi, lit-taxxa fuq il-qligħ li hija suġġetta għaliha f’dan l-Istat Membru. Fit-tieni każ, skont l-Artikolu 6(2) tad-Digriet Irjali, dan l-ammont huwa mnaqqas pro rata skont is-sehem tal-azzjonisti tal-Istati Membri l-oħra fil-kapital tal-impriżi kkonċernati.

71

It-tpaċija hekk konċessa minħabba tnaqqis f’ras il-għajn fuq id-dividendi provenjenti minn Stati Membri oħra tifforma parti mill-ammont tal-benefiċċju li għandu jitqassam lill-azzjonisti tal-impriża ta’ investiment kollettiv ta’ natura fiskali kkonċernata, u li jitqassam bejniethom skont is-sehem rispettiv tagħhom fil-kapital ta’ din l-impriża.

72

Hekk kif enfasizza l-Avukat Ġenerali fil-punt 118 tal-konklużjonijiet tiegħu, minn dan jirriżulta li t-tnaqqis tat-tpaċija relattiva għat-taxxa barranija pro rata skont is-sehem fil-kapital ta’ tali impriża ta’ azzjonisti li huma residenti jew stabbiliti fi Stat Membru ieħor joħloq żvantaġġ mingħajr distinzjoni lill-azzjonisti kollha tagħha, peress li dan ikollu l-effett li jnaqqas l-ammont totali tal-benefiċċju li għandu jitqassam.

73

Għaldaqstant, f’kuntest leġiżlattiv bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali, huwa iktar ta’ vantaġġ għal impriża ta’ investiment kollettiv ta’ natura fiskali li tiġbed lejha l-azzjonisti li huma residenti jew stabbiliti fl-Istat Membru fejn hija stabbilita hija stess, peress li inqas ma jkun is-sehem fil-kapital tagħha tal-azzjonisti li huma residenti jew stabbiliti fi Stati Membri oħrajn, ikbar ikun il-benefiċċju li jitqassam bejn l-azzjonisti.

74

Għaldaqstant, tali tnaqqis joħloq restrizzjoni fuq il-moviment liberu tal-kapital pprojbita, bħala prinċipju, mill-Artikolu 56 KE, peress li dan jista’ jostakola, min-naħa ta’ impriża ta’ investiment kollettiv ta’ natura fiskali, il-ġbir ta’ kapital fi Stati Membri differenti minn dak fejn hija stabbilita u anki jiddisswadi lill-investituri ta’ dawn l-Istati Membri l-oħra milli jakkwistaw ishma fil-kapital tagħha.

75

Madankollu, il-Gvern Olandiż ifakkar li, f’dak li jirrigwarda l-kalkolu tal-ammont tat-tpaċija li impriża ta’ investiment kollettiv ta’ natura fiskali għandha tingħata, l-Artikolu 28(1)(b) tal-liġi dwar it-taxxa fuq il-kumpanniji tagħmel riferiment għas-sitwazzjoni li fiha azzjonist jagħmel investiment dirett f’pajjiż barrani.

76

Skont dan il-Gvern, fir-rigward tal-possibbiltà li jiġu imputati t-taxxi mnaqqsa f’ras il-għajn fuq dividendi riċevuti f’pajjiż barrani, is-sitwazzjoni ta’ resident Olandiż, suġġett għat-taxxa Olandiża fuq il-qligħ jew għat-taxxa Olandiża fuq il-kumpanniji, hija differenti minn dik ta’ persuna mhux residenti, mhux suġġetta għal dawn it-taxxi, peress li huma biss l-azzjonisti suġġetti għat-taxxa fuq il-qligħ jew għat-taxxa fuq il-kumpanniji fl-Olanda li jistgħu jipproċedu għall-imputazzjoni tat-taxxi msemmija.

77

Għaldaqstant, huwa kompatibbli mal-Artikolu 56 KE, ikkunsidrat flimkien mal-Artikolu 58(1)(a) KE, safejn din l-aħħar dispożizzjoni tawtorizza lill-Istati Membri jistabbilixxu distinzjoni bejn il-kontribwenti li ma jinsabux fl-istess sitwazzjoni f’dak li jirrigwarda r-residenza tagħhom, li ssir distinzjoni, f’dak li jirrigwarda l-imsemmi ammont tat-tpaċija mogħti lil impriża ta’ investiment kollettiv ta’ natura fiskali, skont jekk l-azzjonisti ta’ din humiex, f’dak li jirrigwarda d-dividendi riċevuti, suġġetti għat-taxxa fuq il-qligħ jew għat-taxxa fuq il-kumpanniji fl-Olanda, jew le.

78

F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li, hekk kif jindika l-Gvern Olandiż stess, ir-Renju tal-Olanda jintaxxa d-dividendi mqassma minn impriża ta’ investiment kollettiv ta’ natura fiskali kemm mingħand l-azzjonisti tagħha li huma residenti jew stabbiliti fl-Olanda kif ukoll mingħand dawk li huma residenti jew stabbiliti fi Stat Membru ieħor. Għaldaqstant, ma jistax jitqies li tali impriża li għandha l-kapital tagħha parzjalment miżmum minn azzjonisti li huma residenti jew stabbiliti fi Stati Membri oħra tinsab f’sitwazzjoni differenti minn dik l-impriża li l-azzjonisti kollha tagħha huma residenti jew stabbiliti fl-Olanda.

79

Konsegwentement, hekk kif osserva l-Avukat Ġenerali fil-punt 121 tal-konklużjonijiet tiegħu, mill-mument meta r-Renju tal-Olanda ddeċieda li jagħti lill-impriżi ta’ investiment kollettiv ta’ natura fiskali stabbiliti fit-territorju tiegħu dritt ta’ tpaċija minħabba t-tnaqqis fiskali f’pajjiż barrani u li jeżerċita l-kompetenza fiskali tiegħu fuq id-dividendi mqassma minn dawn l-impriżi lill-azzjonisti tagħhom, kemm jekk dawn ikunu residenti jew stabbiliti f’dan l-Istat Membru jew fi Stati Membri oħra, huwa għandu jestendi l-benefiċċju ta’ din it-tpaċija lill-impriżi ta’ investiment kollettiv ta’ natura fiskali li jinkludu fihom azzjonisti mhux residenti jew mhux stabbiliti fl-imsemmi Stat Membru (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-14 ta’ Diċembru 2006, Denkavit Internationaal u Denkavit France, C-170/05, Ġabra p. I-11949, punt 37 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

80

Barra minn hekk, il-Gvern Olandiż josserva li, safejn l-ammont tat-tpaċija konċessa lill-impriżi msemmija tiġi mqassma lill-azzjonisti tagħhom u tiġi inkluża fil-qligħ tagħhom għall-finijiet tal-ġbir tat-taxxa, il-fatturi li jintervjenu fil-formula ta’ kalkolu ta’ din it-tpaċija jkunu relatati mar-rati tat-taxxa miġbura fl-Olanda fuq id-dividendi mqassma minn tali impriża lill-azzjonisti tagħha.

81

Skont dan il-Gvern, ir-rati li bihom ir-Renju tal-Olanda jintaxxa t-tqassim tal-profitti tal-kumpanniji fil-konfront tal-azzjonisti tagħhom li huma residenti jew stabbiliti f’dan l-Istat Membru u li huma suġġetti hemmhekk, rispettivament, għat-taxxa fuq il-qligħ jew għat-taxxa fuq il-kumpanniji huma għola mir-rati stabbiliti f’dak li jirrigwarda l-intaxxar tal-azzjonisti li huma residenti jew stabbiliti f’pajjiż barrani. Fil-fatt, l-azzjonisti barranin iħallsu biss fl-Olanda t-taxxa fuq id-dividendi b’rata mnaqqsa, li ġeneralment tikkorrispondi, skont il-ftehim fil-qasam fiskali, għal 15 %. Dan il-fatt jispjega t-tnaqqis pro rata fl-ammont tat-tpaċija li jingħata lil impriża ta’ investiment kollettiv ta’ natura fiskali skont il-kapital tagħha miżmum minn azzjonisti li huma residenti jew stabbiliti fi Stati Membri oħra.

82

F’dan ir-rigward, għalkemm il-leġiżlazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali għandha l-għan li tiddistingwi bejn l-azzjonisti tal-impriżi ta’ investiment kollettiv skont jekk humiex residenti jew le, bl-iskop li t-tpaċija li jgawdu minnha dawn l-azzjonisti minħabba t-tqassim tal-profitti minn dawn l-impriżi tkun relatata mar-rati tat-taxxa li l-azzjonisti msemmija jkunu suġġetti għaliha fl-Olanda, għandu jiġi osservat li tnaqqis ta’ din it-tpaċija pro rata skont is-sehem fil-kapital tal-impriża msemmija miżmum minn azzjonisti li huma residenti jew stabbiliti fi Stati Membri oħra, ma jippermettix li jintlaħaq dan il-għan. Fil-fatt, hekk kif ġie osservat fil-punt 72 ta’ din is-sentenza, tali tnaqqis joħloq żvantaġġ mingħajr distinzjoni lill-azzjonisti kollha tal-impriżi ta’ investiment kollettiv ta’ natura fiskali, peress li dan ikollu l-effet li jnaqqas l-ammont totali tal-profitt li għandu jitqassam.

83

Min-naħa l-oħra, it-tnaqqis pro rata tal-ammont tat-tpaċija skont is-sehem fil-kapital ta’ impriża ta’ investiment kollettiv ta’ natura fiskali miżmum minn azzjonisti li huma residenti jew stabbiliti fi Stati Membri oħra jippermetti li jiġi evitat tnaqqis fid-dħul fiskali fir-rigward tad-dividendi mħallsa mill-impriżi ta’ investiment kollettiv ta’ natura fiskali, li għar-Renju tal-Olanda jkun jimplika l-fatt li jagħti d-dritt ta’ tpaċija msemmi, mingħajr ma jieħu inkunsiderazzjoni l-preżenza, fix-shareholding ta’ dawn l-impriżi, ta’ azzjonisti mhux residenti, suġġetti, f’dak li jirrigwarda d-dividendi mqassma mill-impriżi msemmija, għat-taxxa b’rata inferjuri għal dik li huma suġġetti għaliha l-azzjonisti residenti.

84

Madankollu, minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li t-tnaqqis fid-dħul fiskali m’għandux jitqies li huwa raġuni imperattiva ta’ interess ġenerali li tista’ tiġi invokata sabiex tiġġustifika miżura li, bħala prinċipju, tmur kontra libertà fundamentali (ara, b’mod partikolari, is-sentenza Manninen, iċċitata iktar ’il fuq, punt 49 u l-ġurisprudenza ċċitata).

85

Minn dan jirriżulta li l-Artikoli 56 KE u 58 KE jipprojbixxu leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali li, filwaqt li tipprovdi, favur l-impriżi ta’ investiment kollettiv ta’ natura fiskali stabbiliti fit-territorju ta’ dan l-Istat Membru, għal tpaċija intiża sabiex tittieħed inkunsiderazzjoni t-taxxa mnaqqsa f’ras il-għajn minn Stat Membru ieħor fuq id-dividendi mħallsa lil dawn l-impriżi, tnaqqas l-ammont tat-tpaċija jekk u safejn ix-shareholding tagħha jikkonsisti f’persuni fiżiċi jew ġuridiċi li huma residenti jew stabbiliti fi Stati Membri oħra, peress li tali tnaqqis joħloq żvantaġġ mingħajr distinzjoni lill-azzjonisti kollha tal-impriżi msemmija.

86

Fir-rigward tal-kwistjoni jekk ir-risposta mogħtija fil-punt preċedenti tistax tiġi estiża għas-sitwazzjonijiet fejn l-azzjonisti barranin ta’ impriża ta’ investiment kollettiv huma residenti jew stabbiliti f’pajjiż terz, il-Gvern Olandiż iqis li Stat Membru jista’ jagħmel distinzjoni bejn tali sitwazzjoni u dik fejn l-azzjonisti huma residenti jew stabbiliti fi Stat Membru ieħor.

87

F’dan ir-rigward, hekk kif osservat il-Qorti tal-Ġustizzja fil-punt 31 tas-sentenza tat-18 ta’ Diċembru 2007, A (C-101/05, Ġabra p. I-11531), anki jekk il-liberalizzazzjoni tal-moviment tal-kapital mal-pajjiżi terzi jista’, ċertament, ikollha għanijiet oħra apparti li jiġi stabbilit is-suq intern, bħal, b’mod partikolari, li tiġi assigurata l-kredibbiltà tal-munita unika Komunitarja fuq is-swieq finanzjarji dinjija, u li fl-Istati Membri jinżammu ċentri finanzjarji ta’ dimensjoni dinjija, jeħtieġ li jiġi osservat li, peress li l-prinċipju tal-moviment liberu tal-kapital ġie estiż permezz tal-Artikolu 56(1) KE għall-moviment ta’ kapital bejn il-pajjiżi terzi u l-Istati Membri, dawn tal-aħħar għażlu li jistabbilixxu dan il-prinċipju fl-istess artikolu u fl-istess termini għall-movimenti ta’ kapital li jseħħu ġewwa l-Komunità u dawk li jikkonċernaw ir-relazzjonijiet ma’ pajjiżi terzi.

88

Il-Qorti tal-Ġustizzja stabbilixxiet ukoll li ma jistax jitqies bħala determinanti l-argument li jgħid li, għalkemm il-kunċett ta’ restrizzjonijiet fuq il-moviment tal-kapital huwa interpretat bl-istess mod fir-relazzjonijiet bejn l-Istati Membri u l-pajjiżi terzi bħal f’dawk bejn l-Istati Membri, il-Komunità tkun qed tiftaħ unilateralment is-suq Komunitarju għall-pajjiżi terzi mingħajr ma żżomm il-mezzi ta’ negozjar meħtieġa sabiex tinkiseb tali liberalizzazzjoni min-naħa ta’ dawn tal-aħħar (ara s-sentenza A, iċċitata iktar ’il fuq, punt 38).

89

Madankollu, l-Qorti tal-Ġustizzja osservat li l-moviment tal-kapital lejn jew minn pajjiż terz iseħħ f’kuntest legali differenti minn dak li jseħħ fi ħdan il-Komunità (ara s-sentenza A, iċċitata iktar ’il fuq, punt 36). Fil-fatt, minħabba l-livell ta’ integrazzjoni legali eżistenti bejn l-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari, l-eżistenza ta’ miżuri leġiżlattivi Komunitarji intiżi għall-kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet tat-taxxa nazzjonali, bħad-Direttiva tal-Kunsill 77/799/KEE, tad-19 ta’ Diċembru 1977 dwar għajnuna reċiproka mill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri fil-qasam tat-taxxi diretti (ĠU L 336, p. 15), l-impożizzjoni ta’ taxxa minn Stat Membru fuq attivitajiet ekonomiċi li għandhom aspetti transkonfinali u li jitwettqu ġewwa l-Komunità mhux dejjem hija paragunabbli ma’ dik imposta fuq attivitajiet ekonomiċi li jirrigwardaw relazzjonijiet bejn l-Istati Membri u l-pajjiżi terzi (ara s-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq Test Claimants in the FII Group Litigation, punt 170, u A, punt 37).

90

Lanqas ma jista’ jiġi eskluż li Stat Membru jista’ juri li restrizzjoni fuq il-moviment ta’ kapital lejn jew minn pajjiż terz hija ġġustifikata minħabba raġuni mogħtija f’ċirkustanzi fejn din ir-raġuni ma tkunx ta’ natura li tikkostitwixxi ġustifikazzjoni valida għal restrizzjoni fuq il-moviment ta’ kapital bejn l-Istati Membri (sentenzi ċċitati iktar ’il fuq Test Claimants in the FII Group Litigation, punt 171, u A, punt 37).

91

F’dan il-każ, il-Gvern Olandiż kif ukoll il-Kummissjoni sostnew b’mod partikolari li l-Istati Membri għandhom ikunu jistgħu jinvokaw il-ħtieġa li jiggarantixxu l-effettività tal-kontrolli fiskali bħala raġuni imperattiva ta’ interess ġenerali, li tiġġustifika restrizzjoni fuq il-movimenti ta’ kapital lejn jew minn pajjiżi terzi.

92

F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat, minn naħa, li r-Renju tal-Olanda jissuġġetta għat-taxxa fuq id-dividendi dawk id-dividendi mqassma minn impriża ta’ investiment kollettiv ta’ natura fiskali stabbilita fit-territorju tagħha lill-azzjonisti li huma residenti jew stabbiliti f’pajjiżi terzi. Min-naħa l-oħra, għandu jiġi kkonstatat li l-ammont tat-tpaċija konċessa lil tali impriża jitnaqqas pro rata skont is-sehem mill-kapital tagħha miżmum minn tali azzjonisti, mingħajr ma t-trattament fiskali ta’ dawn l-azzjonisti fil-pajjiżi terzi huwa rilevanti f’dan ir-rigward. B’hekk, in-neċessità li tiġi ggarantita l-effikaċja tal-kontrolli fiskali ma tistax tiġi invokata f’dan il-każ.

93

Il-Gvern Olandiż iqis ukoll li l-ħtieġa li jiġi evitat it-tnaqqis ta’ dan id-dħul fiskali għandha tkun tista’ tiġi invokata sabiex tiġi ġġustifikata restrizzjoni fuq il-movimenti ta’ kapital lejn jew minn pajjiżi terzi. Fil-fatt, għalkemm il-problemi marbuta b’mod partikolari mat-tnaqqis tal-bażi ta’ taxxa jistgħu jiġu solvuti, permezz ta’ armonizzazzjoni msaħħa fuq livell Komunitarju tal-leġiżlazzjoni fiskali tal-Istati Membri fuq livell Komunitarju, ma teżistix il-possibbiltà paragunabbli li jiġu armonizzati l-leġiżlazzjonijiet fiskali fir-relazzjonijiet mal-pajjiżi terzi.

94

Madankollu, għandu jiġi mfakkar li t-tnaqqis pro rata tal-ammont tat-tpaċija għas-sehem tal-kapital ta’ impriża ta’ investiment kollettiv ta’ natura fiskali miżmum minn azzjonisti li huma residenti jew stabbiliti f’pajjiżi terzi għandu l-effett li jnaqqas l-ammont totali tal-profitt li jitqassam lill-azzjonisti ta’ din l-impriża.

95

Konsegwentemet, anki jekk jitqies li tali motiv jista’ jiġi invokat sabiex tiġi ġġustifikata restrizzjoni fuq il-movimenti tal-kapital lejn jew minn pajjiż terz, tali ġustifikazzjoni ma tistax tittieħed inkunsiderazzjoni f’dan il-każ, peress li t-tnaqqis imsemmi joħloq effetti b’mod indistint fir-rigward tal-azzjonisti kollha tal-impriża ta’ investiment kollettiv ikkonċernata, kemm jekk ikunu residenti jew stabbiliti fl-Istati Membri jew jekk ikunu residenti jew stabbiliti f’pajjiżi terzi.

96

Minn dan jirriżulta li, fil-kuntest legali bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali, ir-risposta mogħtija fir-rigward tas-sitwazzjonijiet fejn azzjonisti ta’ impriża ta’ investiment kollettiv ta’ natura fiskali li jkunu residenti jew stabbiliti fi Stat Membru ieħor tista’ tapplika wkoll għas-sitwazzjonijiet fejn azzjonisti ta’ impriża ta’ investiment kollettiv jkunu residenti jew stabbiliti f’pajjiżi terzi.

97

Fid-dawl ta’ dak li ntqal iktar ’il fuq, ir-risposta għall-ewwel domanda, paragrafu b), għandha tkun li l-Artikoli 56 KE u 58 KE jipprojbixxu leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali li, filwaqt li tipprovdi, favur impriżi ta’ investiment kollettiv ta’ natura fiskali stabbiliti fit-territorju ta’ dan l-Istat Membru, għal tpaċija intiża sabiex tittieħed inkunsiderazzjoni t-taxxa mnaqqsa f’ras il-għajn minn Stat Membru ieħor fuq id-dividendi mħallsa lil din l-impriża, tnaqqas dan l-ammont tat-tpaċija jekk u safejn ix-shareholding tagħha huwa kkostitwit minn persuni fiżiċi jew ġuridiċi li huma residenti jew stabbiliti fi Stati Membri oħra jew f’pajjiżi terzi, peress li tali tnaqqis joħloq żvantaġġ mingħajr distinzjoni lill-azzjonisti kollha tal-impriżi msemmija.

Fuq it-tieni domanda, paragrafu a)

98

Permezz tat-tieni domanda tagħha, paragrafu a), il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk il-kunċett ta’ “investimenti diretti” skont l-Artikolu 57(1) KE jinkludix iż-żamma ta’ pakkett ta’ ishma f’kumpannija li ma tippermettix l-eżerċizzju ta’ influwenza determinanti fit-tmexxija jew fil-kontroll tagħha.

99

Skont l-Artikolu 57(1) KE, l-Artikolu 56 KE ma jaffettwax l-applikazzjoni, fir-rigward ta’ pajjiżi terzi, tar-restrizzjonijiet li kienu jeżistu fil-31 ta’ Diċembru 1993 abbażi tad-dritt nazzjonali jew tad-dritt Komunitarju għal dak li jikkonċerna l-movimenti tal-kapital lejn jew minn pajjiżi terzi meta dawn jinvolvu investimenti diretti, inklużi investimenti f’beni immobbli, l-istabbiliment, il-provvista ta’ servizzi finanzjarji jew id-dħul ta’ titoli fis-swieq ta’ kapital.

100

Fin-nuqqas ta’ definizzjoni, fit-Trattat, tal-kunċett ta’ “movimenti tal-kapital” skont l-Artikolu 56(1) KE, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà rrikonoxxiet valur indikattiv għan-nomenklatura annessa mad-Direttiva tal-Kunsill 88/361/KEE, tal-24 ta’ Ġunju 1988, għall-implementazzjoni tal-Artikolu 67 tat-Trattat [Artikolu mħassar bit-Trattat ta’ Amsterdam] (ĠU L 178, p. 5). Għalhekk, huma, b’mod partikolari, l-investimenti diretti, jiġifieri, kif jirriżulta minn din in-nomenklatura u min-noti ta’ spjegazzjoni relatati magħha, l-investimenti ta’ kull tip li jsiru mill-persuni fiżiċi jew ġuridiċi u li jservu sabiex jinħolqu jew jinżammu relazzjonijiet fit-tul u diretti bejn min qed jiffinanzja u l-impriża li għaliha huma ddestinati dawn il-flus sabiex tiġi eżerċitata attività ekonomika, li jikkostitwixxu movimenti tal-kapital skont l-Artikolu 56(1) KE (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi Test Claimants in the FII Group Litigation, iċċitata iktar ’il fuq, punti 179 sa 181; tat-23 ta’ Ottubru 2007, Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja, C-112/05, Ġabra p. I-8995, punt 18, u A, iċċitata iktar ’il fuq, punt 46).

101

Għal dak li jirrigwarda l-ishma f’impriżi ġodda jew eżistenti, kif jikkonfermaw dawn in-noti ta’ spjegazzjoni, l-għan li jinħolqu jew li jinżammu rabtiet ekonomiċi fit-tul jippreżupponi li l-ishma li għandu l-azzjonist jagħtuh, permezz tad-dispożizzjonijiet tal-leġiżlazzjoni nazzjonali fuq il-kumpanniji b’responsabbiltà limitata jew b’mod ieħor, il-possibbiltà li jipparteċipa effettivament fit-tmexxija ta’ din il-kumpannija jew fil-kontroll tagħha (sentenza Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja, iċċitata iktar ’il fuq, punt 18, u l-ġurisprudenza ċċitata).

102

Għaldaqstant, ir-risposta għat-tieni domanda, paragrafu a), għandha tkun li restrizzjoni taqa’ taħt l-Artikolu 57(1) KE bħala restrizzjoni fuq il-moviment tal-kapital li tolqot investimenti diretti meta hija tkun tirrigwarda l-investimenti ta’ kull tip li jsiru mill-persuni fiżiċi jew ġuridiċi u li jservu sabiex jinħolqu jew jinżammu relazzjonijiet fit-tul u diretti bejn min qed jiffinanzja u l-impriża li għaliha huma ddestinati dawn il-fondi sabiex tiġi eżerċitata attività ekonomika.

Fuq it-tieni domanda, paragrafi b) u c)

103

Il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi, permezz tat-tieni domanda tagħha, paragrafu b), jekk l-Artikolu 56 KE għandux l-istess portata għal dak li jirrigwarda l-movimenti ta’ kapital lejn jew minn pajjiżi terzi u dawk li jsiru fil-kuntest Komunitarju, u permezz tat-tieni domanda tagħha, paragrafu c), jekk il-fatt, għal Stat Membru, li jnaqqas l-ammont tat-tpaċija prevista favur impriżi ta’ investiment kollettiv ta’ natura fiskali stabbiliti fit-territorju tiegħu hija intiża sabiex jittieħed inkunsiderazzjoni t-tnaqqis f’ras il-għajn fuq id-dividendi provenjenti minn pajjiż terz minħabba s-sehem fil-kapital ta’ dawn l-impriżi ta’ azzjonisti li la huma residenti u lanqas stabbiliti fl-Istat Membru kkonċernat, jikkostitwixxix restrizzjoni fuq il-moviment liberu tal-kapital.

104

Dawn id-domandi, li għandhom jiġu ttrattati flimkien, huma intiżi sabiex isir magħruf jekk ir-risposta mogħtija għall-ewwel domanda, paragrafu b), tvarjax meta jittieħed inkunsiderazzjoni l-fatt li d-dividendi ma joriġinawx minn Stat Membru ieħor iżda minn pajjiż terz.

105

F’dan ir-rigward, mill-punti 79 u 96 ta’ din is-sentenza jirriżulta li, mill-mument meta r-Renju tal-Olanda ddeċieda li jagħti dritt ta’ tpaċija lill-impriżi ta’ investiment kollettiv ta’ natura fiskali stabbilita fit-territorju tiegħu minħabba t-tnaqqis fiskali f’pajjiż barrani u li jeżerċita l-kompetenza fiskali tiegħu fuq id-dividendi kollha mqassma minn dawn l-impriżi lill-azzjonisti tagħhom, kemm jekk dawn huma residenti jew stabbiliti f’dan l-Istat Membru jew fi Stati Membri oħra, jew f’pajjiżi terzi, huwa għandu jestendi l-benefiċċju ta’ din it-tpaċija lill impriżi ta’ investiment kollettiv ta’ natura fiskali li jinkludu azzjonisti mhux residenti jew stabbiliti fl-Olanda.

106

Fil-fatt, hekk kif ġie osservat fil-punti 70 sa 96 ta’ din is-sentenza, regola li tgħid li tali tpaċija titnaqqas pro rata skont is-sehem tal-kapital tal-impriża ta’ investiment kollettiv miżmum minn azzjonisti residenti jew stabbiliti fi Stat Membru ieħor jew f’pajjiż terz toħloq differenza fit-trattament bejn tali impriżi li fihom l-azzjonisti kollha huma residenti jew stabbiliti fl-Olanda u l-impriżi li fihom parti mill-azzjonisti huma residenti jew stabbiliti fi Stat Membru ieħor jew f’pajjiż terz, li ma tistax tiġi ġġustifikata la mill-fatt li dawn l-impriżi jinsabu f’sitwazzjoni differenti, u lanqas mill-għanijiet ta’ politika fiskali bħal dawk imsemmija mill-Gvern Olandiż.

107

Għandu jiġi osservat li tali regola tmur kontra l-Artikoli 56 KE u 58 KE indipendentement mill-kwistjoni jekk it-tnaqqis fiskali li jagħti lok għat-tpaċija seħħx fi Stat Membru ieħor jew f’pajjiż terz, safejn, fiż-żewġ każijiet, teżisti differenza ta’ trattament bejn l-impriżi li fihom l-azzjonisti kollha huma residenti jew stabbiliti fl-Olanda u l-impriżi li fihom parti mill-azzjonisti huma residenti jew stabbiliti fi Stat Membru ieħor jew f’pajjiż terz u li l-ġustifikazzjonijiet imressqa mhumiex rilevanti għall-Istat minn fejn joriġinaw id-dividendi riċevuti mill-impriżi msemmija.

108

Għaldaqstant, ir-risposta għat-tieni domanda, paragrafi b) u c), għandha tkun li l-Artikoli 56 KE u 58 KE jipprojbixxu leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali li, filwaqt li tipprovdi, favur impriżi ta’ investiment kollettiv stabbiliti fit-territorju ta’ dan l-Istat Membru, għal tpaċija intiża sabiex tittieħed inkunsiderazzjoni t-taxxa mnaqqsa f’ras il-għajn f’pajjiż terz fuq id-dividendi mħallsa lil dawn l-impriżi, tnaqqas dan l-ammont tat-tpaċija jekk u safejn ix-shareholding tagħhom huwa kkostitwit minn persuni fiżiċi jew ġuridiċi li huma residenti jew stabbiliti fi Stati Membri oħra jew f’pajjiżi terzi, peress li tali tnaqqis joħloq żvantaġġ mingħajr distinzjoni lill-azzjonisti kollha tal-impriżi msemmija.

Fuq it-tielet domanda, paragrafu a)

109

Permezz tat-tielet domanda, paragrafu a), il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk il-fatt li t-taxxa imposta fi Stat Membru fuq dividendi riċevuti f’dan il-pajjiż minn impriża ta’ investiment kollettiv stabbilita fi Stat Membru ieħor hija iktar għolja mit-tnaqqis fiskali li jolqot, f’dan l-Istat Membru, lid-dividendi mqassma lill-azzjonisti barranin, għandux effett fuq ir-risposti mogħtija liż-żewġ domandi preċedenti.

110

Hekk kif jirriżulta mid-deċiżjoni tar-rinviju, din id-domanda hija mmotivata mill-fatt li matul il-perijodu bażi tal-kontijiet kkonċernat, ir-rata tat-tnaqqis f’ras il-għajn imwettaq fil-Portugall fuq id-dividendi mħallsa lil OESF f’dan l-Istat Membru kienet ta’ 17,5 %, filwaqt li dik tat-tnaqqis f’ras il-għajn imwettaq fl-Olanda fuq id-dividendi mqassma lill-azzjonisti ta’ OESF telgħet għal 15 %.

111

Madankollu, peress li d-dividendi provenjenti mill-Portugall ma ttieħdux inkunsiderazzjoni għall-kalkolu tat-tpaċija konċessa lill-impriża ta’ investiment kollettiv ta’ natura fiskali inkwistjoni fil-kawża prinċipali u b’kunsiderazzjoni tar-risposta mogħtija għall-ewwel domanda, paragrafu a), m’hemmx lok għalfejn tingħata risposta għat-tielet domanda, paragrafu a).

Fuq it-tielet domanda, paragrafu b)

112

Permezz tat-tielet domanda tagħha, paragrafu b), il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk għar-risposta għall-ewwel żewġ domandi għandux jittieħed inkunsiderazzjoni l-fatt jekk l-azzjonisti barranin ta’ impriża ta’ investiment kollettiv humiex residenti jew stabbiliti fi Stat Membru ma’ liema l-Istat Membru fejn hija stabbilita kkonkluda ftehim li jipprovdi, fuq bażi ta’ reċiproċità, għall-imputazzjoni tat-taxxa mnaqqsa f’ras il-għajn fuq id-dividendi. Madankollu, peress li l-post ta’ residenza jew ta’ stabbiliment tal-azzjonisti ta’ din l-impriża jittieħed inkunsiderazzjoni biss għat-tnaqqis pro rata tal-ammont tat-tpaċija skont is-sehem fil-kapital tal-impriża msemmija ta’ azzjonisti mhux residenti jew stabbiliti fl-imsemmi Stat Membru fejn din hija stabbilita, din id-domanda għandha tiġi kkunsidrata bħala li tirreferi unikament għall-ewwel domanda, paragrafu b).

113

F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li l-fatt li l-Istat ta’ residenza jew ta’ stabbiliment tal-azzjonisti tal-impriża ta’ investiment kollettiv ta’ natura fiskali u r-Renju tal-Olanda ftehmu dwar il-possibbiltà li titnaqqas it-taxxa li r-Renju tal-Olanda ġabar fuq id-dividendi mqassma mill-impriża msemmija lill-azzjonisti, bl-ebda mod ma jibdel il-fatt li r-Renju tal-Olanda jeżerċita l-kompetenza fiskali tiegħu billi jintaxxa dawn id-dividendi. Hekk kif jirriżulta mill-punti 79 u 96 ta’ din is-sentenza, huwa l-eżerċizzju, minn Stat Membru, tal-kompetenza fiskali tiegħu fuq id-dividendi mħallsa mill-impriżi ta’ investiment kollettiv ta’ natura fiskali stabbiliti fit-territorju ta’ dan l-Istat Membru kemm lill-azzjonisti li huma residenti jew stabbiliti fl-Istat Membru msemmi kif ukoll lill-azzjonisti li huma residenti jew stabbiliti fi Stati Membri oħra jew f’pajjiżi terzi, li jiġġustifika, fil-każ fejn hija prevista tpaċija bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, il-ħtieġa li din it-tpaċija tiġi estiża lill-impriżi ta’ investiment kollettiv ta’ natura fiskali li jinkludu fihom azzjonisti mhux residenti jew stabbiliti f’dan l-Istat Membru.

114

Għaldaqstant, ir-risposta għat-tielet domanda, paragrafu b), għandha tkun li l-fatt li l-azzjonisti barranin ta’ impriża ta’ investiment kollettiv ta’ natura fiskali huma residenti jew stabbiliti fi Stat li miegħu l-Istat Membru fejn hija stabbilita din l-impriża kkonkluda ftehim li jipprovdi, fuq bażi ta’ reċiproċità, għall-imputazzjoni tat-taxxa mnaqqsa f’ras il-għajn fuq id-dividendi, mhuwiex rilevanti għar-risposta mogħtija għall-ewwel domanda, paragrafu (b).

Fuq it-tielet domanda, paragrafu c)

115

Permezz tat-tielet domanda tagħha, paragrafu c), il-qorti tar-rinviju tixtieq tkun taf jekk għar-risposta għall-ewwel żewġ domandi għandux jittieħed inkunsiderazzjoni l-fatt li l-azzjonisti barranin tal-impriża ta’ investiment kollettiv ta’ natura fiskali huma residenti jew stabbiliti Stat Membru ieħor tal-Komunità.

116

B’kunsiderazzjoni tar-risposta mogħtija għall-ewwel domanda, paragrafu b), m’hemmx lok għalfejn tingħata risposta għal din id-domanda.

Fuq l-ispejjeż

117

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, minbarra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

L-Artikoli 56 KE u 58 KE ma jipprojbixxux leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali li, filwaqt li tipprovdi, favur impriżi ta’ investiment kollettiv ta’ natura fiskali stabbiliti fit-territorju ta’ dan l-Istat Membru, għal tpaċija intiża sabiex tittieħed inkunsiderazzjoni t-taxxa mnaqqsa f’ras il-għajn minn Stat Membru ieħor fuq id-dividendi mħallsa lil dawn l-impriżi, tirrestrinġi din it-tpaċija għall-ammont li persuna fiżika residenti fit-territorju ta’ dan l-ewwel Stat Membru setgħet timputa, minħabba tnaqqis simili, permezz ta’ ftehim dwar il-ħelsien minn taxxa doppja konkluż ma dan l-Istat Membru l-ieħor.

 

2)

L-Artikoli 56 KE u 58 KE jipprojbixxu leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali li, filwaqt li tipprovdi, favur impriżi ta’ investiment kollettiv ta’ natura fiskali stabbiliti fit-territorju ta’ dan l-Istat Membru, għal tpaċija intiża sabiex tittieħed inkunsiderazzjoni t-taxxa mnaqqsa f’ras il-għajn minn Stat Membru ieħor jew minn pajjiż terz fuq id-dividendi mħallsa lil din l-impriża, tnaqqas dan l-ammont tat-tpaċija jekk u safejn ix-shareholding tagħha huwa kkostitwit minn persuni fiżiċi jew ġuridiċi li huma residenti jew stabbiliti fi Stati Membri oħra jew f’pajjiżi terzi, peress li tali tnaqqis joħloq żvantaġġ mingħajr distinzjoni lill-azzjonisti kollha tal-impriżi msemmija.

F’dan ir-rigward, mhuwiex rilevanti l-fatt li l-azzjonisti barranin ta’ impriża ta’ investiment kollettiv ta’ natura fiskali huma residenti jew stabbiliti fi Stat li miegħu l-Istat Membru fejn hija stabbilita din l-impriża kkonkluda ftehim li jipprovdi, fuq bażi ta’ reċiproċità, għall-imputazzjoni tat-taxxa mnaqqsa f’ras il-għajn fuq id-dividendi.

 

3)

Restrizzjoni taqa’ taħt l-Artikolu 57(1) KE bħala restrizzjoni fuq il-moviment tal-kapital li tolqot investimenti diretti meta hija tkun tirrigwarda l-investimenti ta’ kull tip li jsiru mill-persuni fiżiċi jew ġuridiċi u li jservu sabiex jinħolqu jew jinżammu relazzjonijiet fit-tul u diretti bejn min qed jiffinanzja u l-impriża li għaliha huma ddestinati dawn il-fondi sabiex tiġi eżerċitata attività ekonomika.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Olandiż.

Top