Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62006CJ0180

    Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (l-Ewwel Awla) tal-14 ta' Mejju 2009.
    Renate Ilsinger vs Martin Dreschers.
    Talba għal deċiżjoni preliminari: Oberlandesgericht Wien - l-Awstrija.
    Ġurisdizzjoni f’materji ċivili - Regolament (KE) Nru 44/2001 - Ġurisdizzjoni fil-qasam ta’ kuntratti konklużi mill-konsumatur - Dritt tal-konsumatur destinatarju ta’ reklamar qarrieqi li jinvoka fil-qorti premju fid-deher mirbuħ - Kwalifika - Azzjoni ta’ natura kuntrattwali msemmija fl-Artikolu 15(1)(ċ) tal-imsemmi regolament - Kundizzjonijiet.
    Kawża C-180/06.

    ECLI identifier: ECLI:EU:C:2009:303

    SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla)

    14 ta’ Mejju 2009 ( *1 )

    “Ġurisdizzjoni f’materji ċivili — Regolament (KE) Nru 44/2001 — Ġurisdizzjoni fil-qasam ta’ kuntratti konklużi mill-konsumatur — Dritt tal-konsumatur destinatarju ta’ reklamar qarrieqi li jinvoka fil-qorti premju apparentement mirbuħ — Kwalifika — Azzjoni ta’ natura kuntrattwali msemmija fl-Artikolu 15(1)(ċ) tal-imsemmi regolament — Kundizzjonijiet”

    Fil-Kawża C-180/06,

    li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikoli 68 KE u 234 KE, imressqa mill-Oberlandesgericht Wien (l-Awstrija), permezz ta’ deċiżjoni tad-29 ta’ Marzu 2006, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fis-, fil-proċedura

    Renate Ilsinger

    vs

    Martin Dreschers, bħala amministratur ġudizzjarju ta’ Schlank & Schick GmbH,

    IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla),

    komposta minn P. Jann, President tal-Awla, M. Ilešič, A. Tizzano, E. Levits u J.-J. Kasel (Relatur), Imħallfin,

    Avukat Ġenerali: V. Trstenjak,

    Reġistratur: B. Fülöp, Amministratur,

    wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat-3 ta’ Lulju 2008,

    wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

    għal M. Dreschers, bħala amministratur ġudizzjarju ta’ Schlank & Schick GmbH, minn A. Matt, avukat,

    għall-Gvern Awstrijak, minn E. Riedl kif ukoll minn S. Zeichen u M. Rüffenstein, bħala aġenti,

    għall-Gvern Ċek, minn T. Boček u M. Smolek, bħala aġenti,

    għall-Gvern Spanjol, minn M. Sampol Pucurull u B. Plaza Cruz, bħala aġenti,

    għall-Gvern Taljan, minn I. M. Braguglia, bħala aġent, assistit minn W. Ferrante, avvocato dello Stato,

    għall-gvern Sloven, minn T. Mihelič, bħala aġent,

    għall-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, minn A.-M. Rouchaud-Joët u S. Grünheid kif ukoll minn W. Bogensberger, bħala aġenti,

    wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tal-11 ta’ Settembru 2008,

    tagħti l-preżenti

    Sentenza

    1

    It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-intepretazzjoni tal-Artikolu 15(1)(ċ) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 44/2001, tat-22 ta’ Diċembru 2000, dwar ġurisdizzjoni u rikonoxximent u eżekuzzjoni ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 4 p. 42).

    2

    Din it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest ta’ kawża bejn R. Ilsinger, ċittadina Awstrijaka domiċiljata f’St. Pölten (l-Awstrija) u M. Dreschers, bħala amministratur ġudizzjarju ta’ Schlank & Schick GmbH (iktar ’il quddiem “Schlank & Schick”), kumpannija ta’ bejgħ b’korrispondenza rreġistrata fil-Ġermanja u stabbilita f’Aachen (il-Ġermanja), li ġiet iddikjarata falluta, dwar kawża intiża għall-kundanna tal-imsemmija kumpannija għall-ħlas ta’ premju lil R. Ilsinger.

    Il-kuntest ġuridiku

    Ir-Regolament Nru 44/2001

    3

    Ir-regoli tal-ġurisdizzjoni stabbiliti mir-Regolament Nru 44/2001 jidhru fil-Kapitolu II tiegħu, kompost mill-Artikoli 2 sa 31.

    4

    L-Artikolu 2(1) tar-Regolament Nru 44/2001, li jagħmel parti mis-Sezzjoni 1, intitolata “Disposizzjonijiet ġenerali ” tal-imsemmi Kapitolu II, jipprovdi:

    “Bla preġudizzju għal dan ir-Regolament, persuni b’domiċilju fi Stat Membru għandhom, independentament min-nazzjonalità tagħhom, jiġu mfittxija fil-qrati ta’ dak l-Istat Membru.”

    5

    L-Artikolu 3(1) tal-imsemmi regolament, li jidher fl-istess Sezzjoni 1, jipprovdi:

    “Persuni domiċiljati fi Stat Membru jistgħu jiġi mfittxija fil-qrati ta’ Stat Membru ieħor biss bis-saħħa tar-regoli mniżżla f’Sezzjonijiet 2 sa 7 ta’ dan il-Kapitolu.”

    6

    Fl-Artikoli 5 sa 22 tar-Regolament Nru 44/2001, li jagħmlu s-Sezzjonijiet 2 sa 6 tal-Kapitolu II tiegħu, huma previsti regoli ta’ ġurisdizzjoni speċjali, obbligatorja jew esklużiva.

    7

    B’hekk, skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 5 tar-Regolament Nru 44/2001, li jidher fis-Sezzjoni 2, intitolata “Ġurisdizzjoni speċjali”, tal-Kapitolu II:

    “Persuna domiċiljata fi Stat Membru tista’, fi Stat Membru ieħor, tkun mfittxijja:

    1)

    (a)

    f’materji li għandhom x’jaqsmu ma’ xi kuntratt, fil-qrati tal-post tat-twettieq ta’ l-obbligi f’dak il-każ;

    (b)

    għall-iskopijiet ta’ din id-disposizzjoni u sa kemm ma jkunx miftiehem mod ieħor, il-post tat-twettieq ta’ l-obbligi f’dak il-każ għandu jkun:

    fil-każ ta’ bejgħ ta’ oġġetti, il-post fl-Istat Membru fejn, skond il-kuntratt, l-oġġetti ġew kunsinjati jew suppost li kienu kunsinjati,

    fil-każ ta’ provista ta servizzi, il-post fl-Istat Membru fejn, skond il-kuntratt, fejn ġew provduti jew suppost li kienu provduti servizzi,

    (ċ)

    jekk sub-paragrafu (b) ma japplikax, japplika s-sub-paragrafu (a);

    […]”

    8

    Il-premessa 13 tar-Regolament Nru 44/2001 tipprovdi:

    “B’relazzjoni ma […]kuntratti tal-konsumatur […], il-parti l-anqas b’saħħitha għandha tiġi mħarsa b’regoli ta’ ġurisdizzjoni l-aktar favorevoli għall-interessi tiegħu milli hemm provduti fir-regoli ġenerali.”

    9

    B’hekk, taħt l-istess Kapitolu II tar-Regolament Nru 44/2001, l-Artikoli 15 sa 17 tiegħu jifformaw is-Sezzjoni 4, intitolata “Ġurisdizzjoni fuq kuntratti tal-konsumatur”.

    10

    L-Artikolu 15(1) tal-imsemmi regolament huwa fformulat kif ġej:

    “F’materji li għandhom x’jaqsmu ma’ kuntratt konkluż minn xi persuna, il-konsumatur, għal skop li jista’ jkun meqjus ‘l hinn minn negozju jew professjoni tiegħu, il-ġurisdizzjoni għandha tiġi determinata b’din is-Sezzjoni, mingħajr preġudizju għall-Artikolu 5 u [għall-]punt 5 tal-Artikolu 5, jekk:

    a)

    ikun kuntratt ta’ bejgħ ta’ oġġetti bin-nifs b’termini ta’ kreditu; jew

    b)

    ikun kuntratt għal self li jitħallas bin-nifs, jew għal xi għamla oħra ta’ kreditu, magħmula sabiex tiffinanzja l-bejgħ ta’ oġġetti; jew

    ċ)

    fil-każijiet l-oħra kollha, il-kuntratt ikun ġie konkluż ma’ persuna li tinvolvi ruħha f’attivitajiet kummerċjali jew professjonali fl-Istat Membru tad-domiċilju tal-konsumatur jew, b’xi meżżi, imexxi tali attivitajiet għal dak l-Istat Membru jew għal diversi Stati inkluż dak l-Istat Membru, u li l-kuntratt jidħol fl-iskop ta’ attivitajiet bħal dawk.”

    11

    Skont l-Artikolu 15(3) “[d]in is-Sezzjoni m’għandiex tapplika għal kuntratt ta’ trasport apparti minn kuntratt li, għal prezz inklussiv, jipprovdi għal taħlita ta’ vjaġġar u akkomodazzjoni. ”

    12

    Skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 16(1) tar-Regolament Nru 44/2001, “[k]onsumatur jista’ jressaq proċedimenti kontra l-parti l-oħra ta’ kuntratt jew fil-qrati ta’ l-Istat Membru li fih jkun domiċiljat dak il-parti jew fil-qrati tal-post fejn ikun domiċiljat il-konsumatur. ”

    13

    Din ir-regola ta’ ġurisdizzjoni tista’ tiġi dderogata biss jekk ikun hemm l-osservanza tal-kundizzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 17 tal-imsemmi regolament.

    14

    Kif jirriżulta mill-premessi tiegħu r-Regolament Nru 44/2001 isegwi l-Konvenzjoni tas-27 ta’ Settembru 1968 dwar il-ġurisdizzjoni u l-eżekuzzjoni tas-sentenzi ta’ natura ċivili u kummerċjali (ĠU 1972, L 299 p. 32), kif emendata bil-Konvenzjoni tad- dwar l-adeżjoni tar-Renju tad-Danimarka, tal-Irlanda, u tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq (ĠU L 304, p. 1 u — test emendat — p. 77), bil-Konvenzjoni tal- dwar l-adeżjoni tar-Repubblika Ellenika (ĠU L 388, p. 1), bil-Konvenzjoni tas- dwar l-adeżjoni tar-Renju ta’ Spanja u tar-Repubblika Portugiża (ĠU L 285, p. 1) u bil-Konvenzjoni tad- dwar l-adeżjoni tar-Repubblika tal-Awstrija, tar-Repubblika tal-Finlandja u tar-Renju tal-Iżvezja (ĠU 1997, C 15, p. 1, iktar ’il quddiem il-“Konvenzjoni ta’ Brussell”). Mid-dħul fis-seħħ tiegħu, fl-, dan ir-regolament isostitwixxa l-Konvenzjoni ta’ Brussell fir-relazzjonijiet bejn l-Istati Membri bl-esklużjoni tar-Renju tad-Danimarka.

    15

    Fil-premessa 19 tar-Regolament Nru 44/2001, il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea enfasizza li għandha tiġi żgurata l-kontinwità bejn il-Konvenzjoni ta’ Brussel u dan ir-regolament, inkluża l-interpretazzjoni li l-Qorti tal-Ġustizzja diġà għamlet ta’ dispożizzjonijiet ekwivalenti ta’ din il-konvenzjoni.

    Il-Konvenzjoni ta’ Brussell

    16

    Ir-regoli dwar ġurisdizzjoni stabbiliti mill-Konvenzjoni ta’ Brussell huma stabbiliti fit-Titolu II tagħha, li huwa magħmul mill-Artikoli 2 sa 24.

    17

    L-ewwel paragrafu tal-Artikolu 2 tal-Konvenzjoni ta’ Brussell, li jagħmel parti mis-Sezzjoni 1, intitolata “Dispożizzjonijiet ġenerali”, tat-Titolu II tagħha, jistabbilixxi r-regola bażika li tipprovdi:

    “Bla ħsara għal dan ir-regolament, persuni b’domiċilju fi Stat Membru għandhom, independentement min-nazzjonalità tagħhom, jiġu mfittxija fil-qrati ta’ dak l-Istat Membru.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

    18

    L-ewwel paragrafu tal-Artikolu 3 tal-Konvenzjoni ta’ Brussell, li jidher fl-istess sezzjoni, jipprovdi:

    “Il-persuni domiċiljati fi Stat Membru jistgħu jiġu mfittxija fil-qrati ta’ Stat Membru ieħor biss bis-saħħa tar-regoli indikati fis-Sezzjonijiet 2 sa 6 ta’ dan il-Kapitolu.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

    19

    L-Artikoli 5 sa 18 tal-Konvenzjoni ta’ Brussell, li jifformaw is-Sezzjonijiet 2 sa 6 tat-Titolu II tagħha, jipprovdu regoli ta’ ġurisdizzjoni speċjali, obbligatorja jew esklużiva.

    20

    Skont l-Artikolu 5, li jidher fis-Sezzjoni 2, bit-titolu “Ġurisdizzjoni speċjali”, tal-Kapitolu II tal-Konvenzjoni ta’ Brussell:

    “Il-konvenut domiċiljat fi Stat Membru jista’, fi Stat Membru ieħor, jiġi mfittex:

    1)

    fir-rigward ta’ kuntratt, quddiem il-qorti tal-post fejn l-obbligu li huwa l-bażi tat-talba ġie jew għandu jiġi eżegwit; […]

    […]” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

    21

    Taħt l-istess Titolu II tal-Konvenzjoni ta’ Brussell, l-Artikoli 13 sa 15 tagħha jifformaw is-Sezzjoni 4 intitolata “Ġurisdizzjoni fil-qasam tal-kuntratti konklużi mill-konsumatur”.

    22

    L-ewwel paragrafu tal-Artikolu 13 tal-Konvenzjoni ta’ Brussell huwa fformulat kif ġej:

    “Fir-rigward ta’ kuntratt konkluż minn persuna għal raġuni li tista’ titqies bħala barra mill-attività professjonali tiegħu, iktar ’il quddiem imsejjaħ ‘il-konsumatur’; il-ġurisdizzjoni hija stabbilita minn din is-Sezzjoni, mingħajr preġudizzju għad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 4 u tal-Artikolu 5(5):

    1)

    ikun kuntratt ta’ bejgħ ta’ oġġetti bin-nifs b’termini ta’ kreditu; jew

    2)

    ikun kuntratt għal self li jitħallas bin-nifs, jew għal xi għamla oħra ta’ kreditu, magħmula sabiex tiffinanzja l-bejgħ ta’ oġġetti; jew

    3)

    għal kull kuntratt ieħor li għandu bħala għan il-provvista ta’ servizzi jew oġġetti jekk:

    a)

    il-konklużjoni ta’ kuntratt kienet ippreċeduta fl-Istat tad-domiċilju tal-konsumatur minn proposta speċifika jew minn reklamar

    u li

    b)

    l-konsumatur wettaq f’dan l-Istat l-atti neċessarji għall-konklużjoni ta’ dan il-kuntratt.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

    23

    It-tielet paragrafu tal-Artikolu 13 tal-Konvenzjoni ta’ Brussell jipprevedi li “din is-sezzjoni ma tapplikax għall-kuntratt ta’ trasport”.

    24

    Skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 14(1) tal-Konvenzjoni ta’ Brussell, “[i]l-kawża magħmula mill-konsumatur kontra l-parti l-oħra fil-kuntratt tista’ tinġieb kemm quddiem il-Qrati tal-Istat kontraenti li fit-territorju tiegħu din il-parti hija ddomiċiljata, u kif ukoll quddiem il-Qrati tal-Istat kontraenti li fit-territorju tiegħu l-konsumatur huwa ddomiċiljat.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

    25

    Din ir-regola ta’ ġurisdizzjoni tista’ tiġi dderogata biss jekk ikun hemm l-osservanza tal-kundizzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 15 tal-Konvenzjoni ta’ Brussell.

    Il-leġiżlazzjoni nazzjonali

    26

    L-Artikolu 5j tal-Liġi dwar il-protezzjoni tal-konsumatur (Konsumentenschutzgesetz), fil-verżjoni tagħha li tirriżulta mil-Liġi dwar il-kuntratti li jsiru mill-bogħod (Fernabsatz-Gesetz, BGBl. I, 185/1999, iktar ’il quddiem il-“KSchG”), intiża li tittrasponi fis-sistema legali Awstrijaka d-Direttiva 97/7/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-20 ta’ Mejju 1997, dwar il-protezzjoni tal-konsumaturi inrigward ta’ kuntratti li jsiru mill-bogħod (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 3, p. 319), u li daħlet fis-seħħ fl-, jiddisponi:

    “L-impriżi li jibagħtu lil konsumaturi partikolari wegħdiet ta’ premji jew komunikazzjonijiet simili oħrajn u li, minħabba l-mod li jkunu msawra dawn il-messaġġi, jagħtu l-impressjoni li l-konsumatur ikun rebaħ premju partikolari, iridu jagħtu dan il-premju lil dan il-konsumatur; dan ikun jista’ jintalab anki ġudizzjarjament.”

    27

    Mill-proċess mibgħut lill-Qorti tal-Ġustizzja mill-qorti tar-rinviju jirriżulta li l-għan segwit mill-imsemmi Artikolu 5j huwa li jagħti dritt li ssir kawża mill-konsumatur sabiex jingħata effett ġuridiku lill-eżekuzzjoni ta’ “għoti ta’ premju” meta dan tal-aħħar ikun tqarraq minn professjonista li jkun ikkuntattjah personalment u li jkun tah l-impressjoni li huwa rebaħ premju, filwaqt li l-għan reali tat-tranżazzjoni tkun li jħajru jagħmel ordni ta’ prodotti u servizzi offerti minn dan il-professjonista. Bil-ħsieb li jkun hemm protezzjoni effikaċi kontra din il-prattika, il-konsumatur jibbenefika b’hekk mid-dritt li jressaq proċeduri għall-eżekuzzjoni ta’ dan l-għoti skont il-liġi ċivili bħallikieku l-professjonista kien offrilu l-imsemmi premju b’mod legalment vinkolanti. Għal dan il-għan, jitqies li jkun hemm relazzjoni legali bejn l-imsemmi professjonista u l-konsumatur ikkonċernat.

    Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

    28

    Mill-proċess fil-kawża prinċipali jirriżulta li, fid-19 ta’ Awwissu 2002, R. Ilsinger irċeviet, fl-indirizz privat tagħha, u f’envelop magħluq, ittra personalizzata ġejja minngħand Schlank & Schick. L-envelop, li kellu miktub fuqu “Dokumenti importanti”, “Jekk jogħġbok iftaħ mill-ewwel” u “Personali”, b’mod partikolari kien fih messaġġ indirizzat bl-isem lil R. Ilsinger u li jista’ jinftihem li din tal-aħħar rebħet premju ta’ EUR 20000.

    29

    L-għada, sabiex tieħu l-ħlas tal-premju mwiegħed, R. Ilsinger qatgħat mill-envelopp mehmuż mal-ittra kupun li kellu numru ta’ identifikazzjoni, waħħlet dan il-kupun, kif kienet mistiedna tagħmel, fuq iċ-“ċertifikat ta’ talba għal premju” u bagħtet lura dan tal-aħħar lil Schlank & Schick.

    30

    R Ilsinger iddikjarat li hija fl-istess ħin bagħtet ordni bi prova. Din id-dikjarazzjoni ġiet ikkontestata minn Schlank & Schick, li sostniet għall-kuntrarju li ebda merkanzija ma ġiet ordnata mill-persuna kkonċernata. Min-naħa l-oħra huwa paċifiku li l-għoti tal-premju allegatament mirbuħ minn din tal-aħħar ma kienx jiddependi minn din l-ordni.

    31

    Fit-23 ta’ Diċembru 2002, peress li ma rnexxilhiex tikseb il-ħlas tal-premju mitlub, R. Ilsinger marret quddiem il-Landesgericht St. Pölten għal dan il-għan, peress li d-domiċilju tagħha kien fil-ġurisdizzjoni ta’ din il-qorti. Il-kawża tagħha mressqa kontra Schlank & Schick kienet ibbażata fuq l-Artikolu 5j tal-KSchG, flimkien mal-Artikolu 16(1) tar-Regolament Nru 44/2001.

    32

    Schlank & Schick għalhekk qajmet eċċezzjoni ta’ nuqqas ta’ ġurisdizzjoni tal-imsemmija qorti, li biha fis-sustanza sostniet li d-dispożizzjonijiet tal-Artikoli 15 u 16 tar-Regolament Nru 44/2001 mhumiex applikabbli għall-kawża li għandha quddiemha dik il-qorti, peress li dawn jassumu l-eżistenza ta’ kuntratt konkluż b’mod oneruż, li dan madankollu kien nieqes f’din il-kawża. Il-parteċipazzjoni għal logħob promozzjonali ma kienx suġġett għall-għoti ta’ ordni, lanqas bħala prova mingħajr rabta u bi dritt ta’ ritorn tal-merkanzija. Barra minn hekk, R. Ilsinger ma kinitx ordnat merkanzija u ma setgħatx għalhekk tibbenefika minn protezzjoni bħala konsumatrici. Schlank & Schick żiedet tgħid li, anki jekk wieħed jassumi li kien jeżisti dritt ta’ natura kuntrattwali skont l-Artikolu 5(1) tar-Regolament Nru 44/2001, il-qrati Awstrijaċi ma kellhomx ġurisdizzjoni, peress li l-post ta’ eżekuzzjoni tal-allegat dejn kien jinsab fil-Ġermanja.

    33

    Wara l-ftuħ tal-proċediment ta’ falliment tal-assi ta’ Schank & Schick, M. Dreschers, bħala amministratur ġudizzjarju ta’ din il-kumpannija, irrepeta dawn l-argumenti u talab li jitkomplew il-proċeduri.

    34

    Il-Landesgericht St. Pölten, b’digriet tal-15 ta’ Ġunju 2004, ċaħdet l-eċċezzjoni ta’ nuqqas ta’ ġurisdizzjoni mqajma minn Schlank & Schick, u, b’sentenza tal-istess ġurnata, ċaħdet fil-merti t-talba ta’ R. Ilsinger, peress li kkunsidrat li l-għoti tal-premju jew il-parteċipazzjoni fit-tqassim tal-premju mwiegħed minn Schlank & Schick ma kienx suġġett għal ordni li torbot ta’ merkanzija u li, għalhekk, il-punt dwar jekk il-persuna kkonċernata kinitx għamlet jew le ordni bi prova ma kellux rilevanza.

    35

    Iż-żewġ partijiet ppreżentaw appell minn dawn id-deċiżjonijiet quddiem il-qorti tar-rinviju.

    36

    Wara li ġie rilevat li, f’din il-kawża, il-kundizzjoni stabbilita fl-Artikolu 68(1) KE hija sodisfatta, l-Oberlandesgericht Wien tikkunsidra li hija meħtiġa li ssir interpretazzjoni tal-Artikolu 15(1)(ċ) tar-Regolament Nru 44/2001 sabiex tista’ tagħti d-deċiżjoni tagħha.

    37

    Fil-fatt, għandu jiġi determinat jekk kawża bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali hijiex tali li taqa’ taħt din l-aħħar dispożizzjoni, peress li l-wegħda qarrieqa ta’ premju hija intiża li tħeġġeġ li jiġi konkluż kuntratt ta’ bejgħ ta’ assi mobbli, u għalhekk li jiġi ppreparat kuntratt ta’ konsum, anki jekk ma hemm l-ebda kuntratt sinallagmatiku bejn il-partijiet.

    38

    Skont il-qorti tar-rinviju, l-Artikolu 15 tar-Regolament Nru 44/2001 ma jirreferix espressament għal kuntratt ta’ din in-natura, b’tali mod li jidher possibbli li jiġi aċċettat li hemm ġurisdizzjoni abbażi tal-kuntratt konkluż ma’ konsumatur skont l-imsemmi artikolu, u dan minkejja li dan il-konsumatur ma kienx ta ordni bi prova, mingħajr madankollu ma kien obbligat mill-professjonista, jew ma għamel ebda ordni, kif tallega Schlank & Schick.

    39

    Fid-dawl ta’ dawn iċ-ċirkustanzi, l-Oberlandesgericht Wien iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

    “1)

    Fir-rigward tar-Regolament […] Nru 44/2001 […], id-dritt ta’ azzjoni mogħti lill-konsumatur mill-Artikolu 5j […] tal-KSchG […], li jippermetti lill-konsumatur iressaq talba ġudizzjarja kontra impriżi, għal premju apparentement mirbuħ, jekk dawn tal-aħħar jibagħtu (ikunu bagħtu) wegħdiet ta’ premji jew komunikazzjonijiet simili oħrajn lil konsumaturi partikolari u, minħabba l-mod kif ikunu msawra l-messaġġi, jagħtu (ikunu taw) l-impressjoni li l-konsumatur ikun rebaħ premju partikolari, mingħajr ma l-ġbir tal-premju ma jkun jiddependi minn xi ordni ta’ prodotti jew anki minn sempliċi ordni bi prova u mingħajr ma jkunu ġew ordnati xi prodotti, imma minkejja dan id-destinatarju tal-komunikazzjoni jkun talab il-premju, jikkostitwixxi dritt ta’ natura kuntrattwali jew dritt simili skont l-Artikolu 15(1)(ċ) tar-Regolament […] Nru 44/2001?

    2)

    Fil-każ li tingħata risposta negattiva lill-ewwel domanda:

     

    Jeżisti dritt, skont l-Artikolu 15(1)(ċ) tar-Regolament […] Nru 44/2001, fil-każ fejn id-dritt għall-ħlas tal-premju ma kienx jiddependi mill-ordni ta’ xi prodotti, imma minkejja dan id-destinatarju tal-komunikazzjoni jkun ordna xi prodotti?”

    Fuq id-domandi preliminari

    40

    Permezz ta’ dawn iż-żewġ domandi, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju qiegħda essenzjalment tistaqsi jekk ir-regoli ta’ ġurisdizzjoni stabbiliti permezz tar-Regolament Nru 44/2001 għandhomx jiġu interpretati fis-sens li l-kawża li biha konsumatur għandu l-għan li jikseb il-kundanna tal-kumpannija ta’ bejgħ b’korrispondenza li tħallas premju allegatament mirbuħ minnu, mingħajr ma dan l-għoti tal-premju jkun jiddependi minn ordni ta’ prodotti offerti għall-bejgħ minn din il-kumpannija, hijiex ta’ natura kuntrattwali fis-sens tal-Artikolu 15(1)(ċ) tal-imsemmi regolament, jekk ikun il-każ bil-kundizzjoni li l-konsumatur ikun madankollu għamel tali ordni.

    41

    Sabiex jiġu deċiżi dawn id-domandi, għandu l-ewwel nett jiġi rrilevat li, sa fejn mid-dħul fis-seħħ tiegħu r-Regolament Nru 44/2001 issostitwixxa, fir-relazzjonijiet bejn l-Istati Membri bl-eċċezzjoni tar-Renju tad-Danimarka, il-Konvenzjoni ta’ Brussell, l-interpretazzjoni mogħtija mill-Qorti tal-Ġustizzja f’dak li jirrigwarda din il-konvenzjoni tgħodd ukoll għal dan l-imsemmi regolament, peress li d-dispożizzjonijiet tiegħu u dawk tal-Konvenzjoni ta’ Brussell jistgħu jiġu kkwalifikati bħala ekwivalenti. Għandu jintqal ukoll li, fis-sistema stabbilita mill-imsemmi regolament, l-Artikolu 15(1)(ċ) ta’ dan tal-aħħar għandu, kif ukoll jirriżulta mill-premessa 13 tiegħu, l-istess post u jissodisfa l-istess funzjoni ta’ protezzjoni tal-parti l-iktar dgħajfa bħall-punt 3 tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 13 tal-Konvenzjoni ta’ Brussell.

    42

    Fir-rigward ta’ din tal-aħħar, għandu jiġi mfakkar li l-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li l-imsemmi punt 3 tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 13 japplika għall-kawża li biha konsumatur, li jkun ġie kkuntattjat fid-domiċilju tiegħu permezz ta’ ittra ta’ bejjiegħ professjonali sabiex issir ordni ta’ merkanzija offerta b’kundizzjonijiet stabbiliti minnu u li effettivament ikun għamel din l-ordni fl-Istat kontraenti fejn huwa domiċiljat, jitlob fil-qorti kontra dan il-bejjiegħ l-għoti tal-premju apparentement mirbuħ (sentenza tal-11 ta’ Lulju 2002, Gabriel, C-96/00, Ġabra p. I-6367, punti 53, 55, 59 u 60).

    43

    Minn naħa, fil-punti 48 sa 52 tal-imsemmija sentenza Gabriel, il-Qorti tal-Ġustizzja fil-fatt ikkunsidrat li l-kundizzjoni ta’ applikazzjoni tal-punt 3 tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 13 tal-Konvenzjoni ta’ Brussell, dwar l-eżistenza ta’ “kuntratt konkluż minn” konsumatur ma’ bejjiegħ professjonali, fis-sens ta’ din l-istess dispożizzjoni, kienet f’dak il-każ sodisfatta peress li hija bbażata fuq iċ-ċirkustanza li l-qbil fir-rieda taż-żewġ partijiet, li jsir fil-konkret fl-offerta tal-merkanzija magħmula mill-impriża ta’ bejgħ b’korrispondenza u l-aċċettazzjoni ta’ din l-offerta mill-konsumatur waqt l-ordni konsekuttiva tiegħu ta’ dawn il-prodotti, kien ħoloq kuntratt konkluż bejn il-partijiet, ikkaratterizzat minn obbligi reċiproċi u interdipendenti bejn dawn tal-aħħar, u li kien jirrigwarda wieħed mill-oġġetti deskritti fl-imsemija dispożizzjoni, jiġifieri, f’din il-kawża, il-provvista ta’ oġġetti.

    44

    Min-naħa l-oħra, fil-punti 38 u 54 sa 58 tal-istess sentenza Gabriel, iċċitata iktar ’il fuq, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-wegħda ta’ premju kienet marbuta b’mod inseparabbli mal-ordni ta’ merkanzija u, għalhekk, mal-konklużjoni ta’ kuntratt b’mod oneruż, hekk li l-kawża li biha l-konsumatur irid jikseb il-kundanna tal-bejjiegħ professjonali għall-għoti ta’ premju apparentement mirbuħ għandha tkun tista’ ssir quddiem l-istess qorti bħal dik li għandha ġurisdizzjoni dwar il-kuntratt konkluż mill-imsemmi konsumatur sabiex ma jkunx hemm, sa fejn possibbli, diversi qrati li għandhom ġurisdizzjoni fuq l-istess kuntratt.

    45

    Għandu jiġi mfakkar ukoll li, fil-punti 37, 38 u 44 tas-sentenza tal-20 ta’ Jannar 2005, Engler (C-27/02, Ġabra p. I-481), il-Qorti tal-Ġustizzja, għall-kuntrarju, eskludiet l-applikazzjoni tal-istess punt 3 tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 13 tal-Konvenzjoni ta’ Brussell fil-każ fejn konsumatur kien talab il-ħlas tal-premju mwiegħed, minkejja li l-għoti tal-premju allegatament mirbuħ ma kienx suġġett għall-kundizzjoni li l-konsumatur jordna merkanzija lill-kumpannija ta’ bejgħ b’korrispondenza u minkejja li, fil-fatt, ebda ordni ma ngħatat min dan il-konsumatur.

    46

    Il-Qorti tal-Ġustizzja bbażat din is-soluzzjoni fuq iċ-ċirkustanza li, f’dan il-każ, l-ittra li tinkludi wegħda qarrieqa ta’ għoti ta’ premju ma ġietx segwita bil-konklużjoni ta’ kuntratt bejn il-konsumatur u l-kummpannija ta’ bejgħ b’korrispondenza, peress li ebda ordni ta’ prodotti offerti għall-bejgħ minnha ma saret, għalkemm, kif jirriżulta mill-formulazzjoni tiegħu stess, l-applikazzjoni tal-punt 3 tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 13 tal-Konvenzjoni ta’ Brussell hija suġġetta għal diversi kundizzjonijiet, fosthom dik dwar il-konklużjoni ta’ tali kuntratt mill-konsumatur (sentenza Engler, iċċitata iktar ’il fuq, punti 36 sa 38 u 40).

    47

    Skont il-Qorti tal-Ġustizzja, din is-soluzzjoni hija korroborata mill-post li dawn ir-regoli ta’ ġurisdizzjoni speċifiċi stabbiliti fl-Artikoli 13 sa 15 tal-Konvenzjoni ta’ Brussell fil-qasam tal-kuntratti konklużi mill-konsumatur jokkupaw fis-sistema prevista minn din tal-aħħar, regoli li għandhom jagħtu lok għal interpretazzjoni stretta li ma tistax tmur lil hinn mill-każijiet previsti mill-imsemmija konvenzjoni. B’hekk, l-għan li jikkostitwixxi l-bażi ta’ dawn id-dispożizzjonijiet, jiġifieri li tiġi żgurata protezzjoni adegwata lill-konsumatur bħala l-parti li huwa meqjus iktar dgħajjef, ma jippermettix li wieħed jasal għal xi riżultat differenti (sentenza Engler, iċċitata iktar ’il fuq, punti 39 u 41 sa 43).

    48

    Madankollu, għandu jiġi kkonstatat li l-formulazzjoni tal-Artikolu 15(1) tar-Regolament Nru 44/2001, li tiegħu l-qorti tar-rinviju titlob l-interpetazzjoni fil-kuntest ta’ din it-talba għal deċiżjoni preliminari, mhijiex identika għal kollox ma’ dik tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 13 tal-Konvenzjoni ta’ Brussell.

    49

    B’mod iktar partikolari, sa fejn l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 13 jillimita l-qasam ta’ applikazzjoni tal-punt 3 ta’ din id-dispożizzjoni għall-kuntratti “li [għandhom] bħala għan il-provvista ta’ servizzi jew oġġetti”, l-Artikolu 15(1)(ċ) tar-Regolament Nru 44/2001 huwa fformulat f’termini iktar ġenerali u iktar wiesgħa.

    50

    B’hekk, barra minn ċerti kuntratti ta’ trasport esklużi mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-imsemmija regoli ta’ ġurisdizzjoni dwar kuntratti ta’ konsum skont l-Artikolu 15(3) tal-imsemmi regolament, l-Artikolu 15(1) huwa intiż għall-kuntratti kollha, ikun xi jkun is-suġġett tagħhom, meta jkunu ġew konklużi minn konsumatur ma’ professjonista u meta dawn jaqgħu taħt il-kuntest ta’ attivitajiet kummerċjali jew professjonali ta’ dan tal-aħħar. Barra minn hekk, il-kundizzjonijiet ta’ applikazzjoni speċifiċi li l-imsemmija kuntratti għandhom jissodisfaw, li kienu stabbiliti b’mod dettaljat fil-punt 3(a) u (b) tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 13 tal-Konvenzjoni ta’ Brussell huma minn issa ’l quddiem ifformulati b’mod iktar ġenerali fl-Artikolu 15(1)(ċ) tar-Regolament Nru 44/2001, sabiex tiġi żgurata protezzjoni aħjar tal-konsumatur fid-dawl tal-mezzi ġodda ta’ komunikazzjoni u l-iżvilupp tal-kummerċ elettroniku.

    51

    Minn dan isegwi li, għalkemm il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-applikazzjoni tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 13 tal-Konvenzjoni ta’ Brussell hija limitata għall-kuntratti li jkunu ħolqu obbligi reċiproċi u interdipendenti bejn il-partijiet, billi bbażat ruħha espressament fuq il-formulazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni intiża għal “provvista ta’ servizzi jew oġġetti” (ara s-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq Gabriel, punti 48 sa 50, kif ukoll Engler, punti 34 u 36), il-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 15(1)(ċ) tar-Regolament Nru 44/2001 jidher għall-kuntrarju li minn issa ’l quddiem mhuwiex limitat biss għall-każ fejn il-partijiet ikunu kkuntrattaw impenji sinallagmatiċi.

    52

    Madankollu għandu jiġi kkonstatat li l-imsemmi Artikolu 15 japplika biss sakemm il-kawża inkwistjoni tkun konnessa ma’ kuntratt bejn konsumatur u professjonista.

    53

    Fil-fatt, skont il-formulazzjoni kemm tal-parti introduttiva tal-Artikolu 15(1) tar-Regolament Nru 44/2001 kif ukoll tal-Artikolu 15(1)(ċ), “kuntratt” għandu jiġi “konkluż” mill-konsumatur mal-persuna li teżerċita attivitajiet kummerċjali jew professjonali. Din il-konstatazzjoni hija barra minn hekk ikkorroborata mit-titolu tas-Sezzjoni 4 tal-Kapitolu II ta’ dan ir-regolament, li fih jinsab l-Artikolu 15, li tikkonċerna l-“[ġ]urisdizzjoni fuq kuntratti tal-konsumatur”. Għandu jiġi enfasizzat ukoll li, fir-rigward tal-kundizzjoni dwar il-konklużjoni ta’ kuntratt, l-imsemmi Artikolu 15 huwa fformulat f’termini fis-sustanza identiċi għal dawk tal-Artikolu 13 tal-Konvenzjoni ta’ Brussell.

    54

    Fir-rigward ta’ din il-kundizzjoni, huwa ċertament konċepibbli, fil-kuntest tal-Artikolu 15(1)(ċ) tar-Regolament Nru 44/2001, li waħda mill-partijiet tesprimi biss il-kunsens tagħha, mingħajr ma tassumi hija stess xi impenn legali fir-rigward tal-parti kontraenti l-oħra (ara l-punt 51 ta’ din is-sentenza). Madankollu huwa indispensabbli, għall-finijiet tal-eżistenza ta’ kuntratt fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, li din l-aħħar parti tidħol f’impenn ġuridiku, meta tissottometti offerta preċiża, suffiċjentement ċara u preċiża dwar is-suġġett u l-portata tagħha, sabiex toħloq rabta ta’ natura kuntrattwali kif intiża f’din id-dispożizzjoni.

    55

    Issa, dan ir-rekwiżit jista’ jiġi kkunsidrat bħala sodisfatt biss fil-każ li, fil-kuntest ta’ wegħda ta’ premju bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, jeżisti impenn ġuridiku kkuntrattat mill-kumpannija ta’ bejgħ b’korrispondenza. Fi kliem ieħor, din tal-aħħar trid b’mod ċar tkun esprimiet ir-rieda tagħha li tintrabat b’dan l-impenn, fil-każ li l-parti l-oħra taċċetta dan, meta tiddikjara li hija disposta, mingħajr ebda kundizzjoni, tħallas il-premju inkwistjoni lill-konsumatur li jagħmel it-talba. Hija l-qorti tar-rinviju li għandha tevalwa jekk dan ir-rekwiżit huwiex sodisfatt fil-kawża li għandha quddiemha.

    56

    Jekk dan mhux il-każ f’din il-kawża, prattika kummerċjali tat-tip li tat lok għall-imsemmija kawża ma tistax titqies li għandha fiha nnifisha natura kuntrattwali jew li hija konnessa ma’ kuntratt fis-sens tal-Artikolu 15 tar-Regolament Nru 44/2001, fil-formulazzjoni attwali tiegħu.

    57

    F’dan l-aħħar każ, din is-sitwazzjoni tista’ tiġi kkwalifikata l-iktar bħala prekuntrattwali jew kważi kuntrattwali u għalhekk tista’, jekk ikun il-każ, taqa’ biss taħt l-Artikolu 5(1) tal-imsemmi regolament, dispożizzjoni li għaliha għandu jiġi rrikonoxxut, kemm minħabba l-formulazzjoni tagħha kif ukoll il-pożizzjoni tagħha fis-sistema ta’ dan ir-regolament, kamp ta’ applikazzjoni usa’ minn dak tal-Artikolu 15 ta’ dan l-aħħar regolament (ara b’analoġija, f’dak li jirrigwarda l-Konvenzjoni ta’ Brussell, is-sentenza Engler, iċċitata iktar ’il fuq, punti 44 u 49).

    58

    Fid-dawl ta’ dawn l-elementi u fin-nuqqas ta’ differenza sostanzjali fil-formulazzjoni bejn l-Artikolu 15 tar-Regolament Nru 44/2001 u l-Artikolu 13 tal-Konvenzjoni ta’ Brussell f’dak li jirrigwarda r-rekwiżit tal-konklużjoni ta’ kuntratt bejn il-partijiet, għandu għalhekk jiġi konkluż li l-ġurisprudenza li tirriżulta mis-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq Gabriel u Engler, dwar it-tieni dispożizzjoni msemmija, għandha tiġi trasposta fil-kuntest tal-imsemmi Artikolu 15 għall-għanijiet tal-evalwazzjoni ta’ każ bħal fil-kawża prinċipali. Fil-fatt, fil-każ ta’ tali xebh ta’ formulazzjoni bejn dispożizzjoni tal-Konvenzjoni ta’ Brussell u dispożizzjoni tar-Regolament Nru 44/2001, għandha tiġi żgurata, skont il-premessa 19 ta’ dan tal-aħħar, il-kontinwità tal-interpretazzjoni ta’ dawn iż-żewġ atti leġiżlattivi, peress li din il-kontinwità hija wkoll il-mezz sabiex jiġi żgurat ir-rispett tal-prinċipju ta’ ċertezza legali li huwa wieħed mill-kunċetti fundamentali ta’ dawn l-atti.

    59

    Għalhekk għandu jiġi kkunsidrat li, fl-istat attwali tal-formulazzjoni tal-Artikolu 15 tar-Regolament Nru 44/2001, l-Artikolu 15(1)(ċ) tal-istess regolament ma jistax japplika għal kawża bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, meta professjonista ma jkunx marbut kuntrattwalment li jħallas il-premju mwiegħed lill-konsumatur li jitlob il-ħlas. F’dan il-każ, din l-istess dispożizzjoni hija applikabbli biss għal din il-kawża bil-kundizzjoni li l-wegħda qarrieqa ta’ premju tkun ġiet segwita mill-konklużjoni ta’ kuntratt mill-konsumatur mal-kumpannija ta’ bejgħ b’korrispondenza, li fil-konkret issir permezz ta’ ordni magħmula mingħand din tal-aħħar.

    60

    Għalhekk, ir-risposta li għandha tingħata għad-domandi magħmula hija li, f’sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, fejn konsumatur jitlob, skont il-leġiżlazzjoni tal-Istat Membru li fit-territorju tiegħu għandu d-domiċilju tiegħu u quddiem il-qorti tal-post fejn huwa jinsab, li kumpannija ta’ bejgħ b’korrispondenza, stabbilita fi Stat Membru ieħor, tiġi kkundannata għall-ħlas tal-premju apparentement mirbuħ minnu, u

    meta din il-kumpannija, bil-għan li tħeġġeġ lil dan il-konsumatur jikkonkludi kuntratt, tkun bgħatitlu, b’ismu, ittra tali li tagħtih l-impressjoni li jingħata premju meta jitlob il-ħlas billi jibgħat lura ċ-“ċertifikat ta’ talba għal premju” anness mal-isemmija ittra,

    iżda mingħajr ma l-għoti ta’ dan il-premju jkun jiddependi minn ordni ta’ prodotti offerti għall-bejgħ minn din il-kumpannija jew minn ordni bi prova,

    ir-regoli tal-ġurisdizzjoni stabbiliti mir-Regolament Nru 44/2001 għandhom jiġu interpretati bil-mod li ġej:

    tali kawża ppreżentata mill-konsumatur taqa’ taħt l-Artikolu 15(1)(ċ) tal-imsemmi regolament bil-kundizzjoni li l-bejjiegħ professjonali jkun legalment marbut li jħallas dan il-premju lill-konsumatur;

    meta din il-kundizzjoni ma tkunx sodisfatta, tali kawża taqa’ taħt l-istess dispożizzjoni tar-Regolament Nru 44/2001 biss fil-każ fejn il-konsumatur ikun għamel ordni mingħand dan il-bejjiegħ professjonali.

    Fuq l-ispejjeż

    61

    Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

     

    Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla), taqta’ u tiddeċiedi:

     

    F’sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, fejn konsumatur jitlob, skont il-leġiżlazzjoni tal-Istat Membru li fit-territorju tiegħu għandu d-domiċilju tiegħu u quddiem il-qorti tal-post fejn huwa jinsab, li kumpannija ta’ bejgħ b’korrispondenza, stabbilita fi Stat Membru ieħor, tiġi kkundannata għall-ħlas tal-premju apparentement mirbuħ minnu, u

     

    meta din il-kumpannija, bil-għan li tħeġġeġ lil dan il-konsumatur jikkonkludi kuntratt, tkun bagħtitlu, b’ismu, ittra tali li tagħtih l-impressjoni li jingħata premju meta jitlob il-ħlas billi jibgħat lura ċ-“ċertifikat ta’ talba għal premju” anness mal-imsemmija ittra,

     

    iżda mingħajr ma l-għoti ta’ dan il-premju jkun jiddependi minn ordni ta’ prodotti offerti għall-bejgħ minn din il-kumpannija jew minn ordni bi prova,

     

    ir-regoli tal-ġurisdizzjoni stabbiliti mir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 44/2001, tat-22 ta’ Diċembru 2000, dwar ġurisdizzjoni u rikonoxximent u eżekuzzjoni ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali, għandhom jiġu interpretati bil-mod li ġej:

     

    tali kawża ppreżentata mill-konsumatur taqa’ taħt l-Artikolu 15(1)(ċ) tal-imsemmi regolament bil-kundizzjoni li l-bejjiegħ professjonali jkun legalment marbut li jħallas dan il-premju lill-konsumatur;

     

    meta din il-kundizzjoni ma tkunx sodisfatta, tali kawża taqa’ taħt l-istess dispożizzjoni tar-Regolament Nru 44/2001 biss fil-każ fejn il-konsumatur jkun għamel ordni mingħand dan il-bejjiegħ professjonali.

     

    Firem


    ( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.

    Top