This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 62006CJ0144
Judgment of the Court (Eighth Chamber) of 4 October 2007. # Henkel KgaA v Office for Harmonisation in the Internal Market (Trade Marks and Designs) (OHIM). # Appeal - Community trade mark - Regulation (EC) No 40/94 - Article 7(1)(b) - Refusal to register - Figurative mark - Representation of a red and white rectangular tablet with an oval blue centre - Distinctive character. # Case C-144/06 P.
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tmien Awla) ta' l-4 ta' Ottubru 2007.
Henkel KgaA vs l-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (trademarks u disinni) (UASI).
Appell - Trade mark Komunitarja - Regolament (KE) Nru 40/94 - Artikolu 7(1)(b) - Rifjut ta' reġistrazzjoni - Trade mark figurattiva - Rappreżentazzjoni ta' pillola rettangolari ħamra u bajda, b'qalba ovali ta' lewn blu - Karattru distintiv.
Kawża C-144/06 P.
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tmien Awla) ta' l-4 ta' Ottubru 2007.
Henkel KgaA vs l-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (trademarks u disinni) (UASI).
Appell - Trade mark Komunitarja - Regolament (KE) Nru 40/94 - Artikolu 7(1)(b) - Rifjut ta' reġistrazzjoni - Trade mark figurattiva - Rappreżentazzjoni ta' pillola rettangolari ħamra u bajda, b'qalba ovali ta' lewn blu - Karattru distintiv.
Kawża C-144/06 P.
Ġabra tal-Ġurisprudenza 2007 I-08109
ECLI identifier: ECLI:EU:C:2007:577
Kawża C-144/06 P
Henkel KgaA
vs
L-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni) (UASI)
“Appell — Trade mark Komunitarja — Regolament (KE) Nru 40/94 — Artikolu 7(1)(b) — Rifjut ta’ reġistrazzjoni — Trade mark figurattiva — Rappreżentazzjoni ta’ pillola rettangolari ħamra u bajda, b’qalba ovali ta’ lewn blu — Karattru distintiv”
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tmien Awla) ta’ l-4 ta’ Ottubru 2007
Sommarju tas-Sentenza
1. Trade mark Komunitarja — Definizzjoni u akkwist ta’ trade mark Komunitarja — Raġunijiet assoluti għal rifjut — Trade marks li mhumiex ta’ karattru distintiv
(Regolament tal-Kunsill Nru 40/94, Artikolu 7(1)( b))
2. Trade mark Komunitarja — Definizzjoni u akkwist ta’ trade mark Komunitarja — Raġunijiet assoluti għal rifjut — Trade marks li mhumiex ta’ karattru distintiv
(Regolament tal-Kunsill Nru 40/94, Artikolu 7(1)(b))
3. Appell — Aggravji — Evalwazzjoni żbaljata tal-fatti — Inammissibbiltà — Stħarriġ mill-Qorti tal-Ġustizzja ta’ l-evalwazzjoni ta’ l-elementi ta’ prova — Esklużjoni ħlief fil-każ ta’ żnaturament
(Artikolu 225 KE; Statut tal-Qorti tal-Ġustizzja, Artikolu 51)
1. Il-kriterji ta’ evalwazzjoni tal-karattru distintiv, fis-sens ta’ l-Artikolu 7(1)(b) tar-Regolament nru 40/94 dwar it-trade mark Komunitarja, ta’ trade marks tridimensjonali komposti mid-dehra tal-prodott stess mhumiex differenti minn dawk applikabbli għall-kategoriji l-oħra ta’ trade marks.
Madankollu, fil-kuntest ta’ l-applikazzjoni ta’ dawn il-kriterji, il-perċezzjoni tal-konsumatur medju fil-każ ta’ trade mark tridimensjonali, komposta mid-dehra tal-prodott stess, mhijiex neċessarjament l-istess bħal ma hija fil-każ ta’ trade mark verbali jew figurattiva, li tikkonsisti f’sinjal indipendenti mid-dehra tal-prodotti li hija tirrappreżenta. Fil-fatt, il-konsumaturi medji, fin-nuqqas ta’ kull element grafiku jew ta’ kitba, m’għandhomx l-abitudni li jassumu l-oriġini tal-prodotti billi jibbażaw ruħhom fuq il-forma tagħhom jew fuq il-forma ta’ l-ippakkjar tagħhom, u għalhekk jista’ jkun iktar diffiċili li jiġi stabbilit il-karattru distintiv ta’ tali trade mark tridimensjonali milli dak ta’ trade mark verbali jew figurattiva.
F’dawn iċ-ċirkustanzi, hija biss trade mark li, b’mod sinjifikattiv, tmur lil hinn min-norma u mid-drawwiet tas-settur u, minħabba f’hekk, li tkun kapaċi tissodisfa l-funzjoni essenzjali tagħha ta’ oriġini, li ma tkunx nieqsa mill-karattru distintiv skond l-imsemmija dispożizzjoni.
Dawn il-prinċipji, żviluppati fir-rigward tat-trade marks tridimensjonali li jikkonsistu fid-dehra tal-prodott stess, huma validi wkoll meta t-trade mark li saret applikazzjoni għaliha tkun waħda figurattiva kkostitwita mir-rappreżentazzjoni bidimensjonali ta’ l-imsemmi prodott, peress li din it-trade mark ma tibqax tikkonsisti biss f’sinjal indipendenti mill-aspett tal-prodott li hija tirrappreżenta.
(ara l-punti 36-38)
2. Sabiex jiġi evalwat jekk trade mark Komunitarja hijiex nieqsa jew le minn karattru distintiv, fis-sens ta’ l-Artikolu 7(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94 dwar it-trade mark Komunitarja, jeħtieġ li tittieħed in kunsiderazzjoni l-impressjoni ġenerali li din tipproduċi. Madankollu, dan ma jistax jimplika li ma jkunx meħtieġ li inizjalment issir evalwazzjoni suċċessiva tad-diversi elementi ta’ preżentazzjoni użati għal din it-trade mark. Fil-fatt, matul l-evalwazzjoni ġenerali, jista’ jkun utli li jiġi evalwat kull wieħed mill-elementi li jikkostitwixxu t-trade mark ikkonċernata.
(ara l-punt 39)
3. Il-Qorti tal-Prim’Istanza biss hija kompetenti sabiex, minn naħa, tikkonstata l-fatti, ħlief f’każijiet fejn l-ineżattezza materjali tal-konstatazzjonijiet tagħha tirriżulta mill-atti tal-kawża li jkunu ġew ippreżentati lilha, u, min-naħa l-oħra, sabiex tevalwa dawn il-fatti. L-evalwazzjoni tal-fatti b’hekk ma tikkostitwixxix, ħlief f’każijiet ta’ żnaturament ta’ l-elementi ppreżentati lilha, kwistjoni ta’ dritt suġġetta, bħala tali, għall-istħarriġ tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-kuntest ta’ appell.
(ara l-punt 49)
SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tmien Awla)
4 ta’ Ottubru 2007 (*)
“Appell – Trade mark Komunitarja – Regolament (KE) Nru 40/94 – Artikolu 7(1)(b) – Rifjut ta’ reġistrazzjoni – Trade mark figurattiva – Rappreżentazzjoni ta’ pillola rettangolari ħamra u bajda, b’qalba ovali ta’ lewn blu – Karattru distintiv”
Fil-kawża C‑144/06 P,
li għandha bħala suġġett appell taħt l-Artikolu 56 ta’ l-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja, imressaq fis-17 ta’ Marzu 2006,
Henkel KgaA, stabbilita f’Düsseldorf (il-Ġermanja), irrappreżentata minn C. Osterrieth, Rechtsanwalt,
rikorrenti,
il-parti l-oħra fil-kawża hija:
L-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni) (UASI), irrappreżentat minn G. Schneider, bħala aġent,
konvenut fl-ewwel istanza,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tmien Awla),
komposta minn E. Juhász (Relatur), President ta’ l-Awla, J. Malenovský u T. von Danwitz, Imħallfin,
Avukat Ġenerali: D. Ruiz-Jarabo Colomer,
Reġistratur: B. Fülöp, Amministratur,
wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta ta’ l-24 ta’ Mejju 2007,
wara li rat id-deċiżjoni, wara li semgħet lill-Avukat Ġenerali, li tinqata’ l-kawża mingħajr konklużjonijiet,
tagħti l-preżenti
Sentenza
1 Permezz ta’ l-appell tagħha, Henkel KGaA (iktar ’il quddiem “Henkel”) titlob l-annullament tas-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-Komunitajiet Ewropej tas-17 ta’ Jannar 2007, Henkel vs L-UASI (T‑398/04, li ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, iktar ’il quddiem is-“sentenza appellata”), li permezz tagħha dik il-Qorti ċaħdet ir-rikors tagħha intiż għall-annullament tad-deċiżjoni tat-Tieni Bord ta’ l-Appell ta’ l-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni) (UASI), ta’ l-4 ta’ Awwissu 2004 (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”), li ċaħdet ir-reġistrazzjoni ta’ trade mark.
Il-kuntest ġuridiku
2 L-Artikolu 7(1)(b) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 40/94, ta’ l-20 ta’ Diċembru 1993, dwar it-trade mark Komunitarja (ĠU L 11, 1994, p. 1), jiddisponi:
“1. Dawn li ġejjin ma jistgħux jiġu rreġistrati:
[…]
(b) trade marks li mhumiex ta’ karattru distintiv”.
Il-fatti li wasslu għall-kawża
3 Fit-28 ta’ Settembru 1998, bis-saħħa tar-Regolament Nru 40/94, Henkel ippreżentat applikazzjoni għal trade mark Komunitarja quddiem l-UASI.
4 It-trade mark Komunitarja li saret applikazzjoni għaliha hija s-segwenti sinjal figurattiv (iktar ’il quddiem it-“trade mark li saret applikazzjoni għaliha”):
5 Il-prodotti li għalihom saret l-applikazzjoni għal reġistrazzjoni jaqgħu taħt il-klassijiet 1, 3 u 21 skond il-Ftehim ta’ Nizza dwar il-Klassifikazzjoni Internazzjonali ta’ Prodotti u Servizzi għall-Finijiet tar-Reġistrazzjoni ta’ Trade marks, tal-15 ta’ Ġunju 1957, kif rivedut u emendat, u jikkorrispondu, b’mod partikolari, f’dak li jirrigwarda l-prodotti tal-klassi 3, għad-deskrizzjoni segwenti: “Prodotti għall-ħasil tal-platti u tal-ħwejjeġ”.
6 Henkel invokat dritt ta’ prijorità abbażi ta’ l-applikazzjoni għal reġistrazzjoni ppreżentata fil-Ġermanja fit-18 ta’ Ġunju 1998, li kienet tirrigwarda trade mark identika għat-trade mark li saret applikazzjoni għaliha.
7 Wara d-deċiżjoni ta’ l-1 ta’ Ottubru 1999, li permezz tagħha l-eżaminatur ċaħad l-applikazzjoni għal reġistrazzjoni abbażi ta’ l-Artikolu 7(1)(b) u (d) tar-Regolament Nru 40/94, Henkel appellat minn din id-deċiżjoni quddiem l-UASI, fid-19 ta’ Novembru 1999, skond l-Artikoli 57 sa 59 tar-Regolament Nru 40/94.
8 Permezz tad-deċiżjoni kkontestata, it-Tieni Bord ta’ l-Appell ta’ l-UASI ċaħad dan l-appell. Essenzjalment, dan qies li t-trade mark li saret applikazzjoni għaliha ma kellhiex karattru distintiv, skond l-Artikolu 7(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94, fil-konfront tal-prodotti kollha koperti bl-applikazzjoni għal reġistrazzjoni.
Ir-rikors quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza u s-sentenza appellata
9 Fit-8 ta’ Ottubru 2004, Henkel ressqet rikors quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza intiż għall-annullament tad-deċiżjoni kkontestata. In sostenn tar-rikors tagħha, Henkel invokat żewġ motivi. Dawn il-motivi, u għaldaqstant ir-rikors, ġew miċħuda mill-Qorti tal-Prim’Istanza.
10 Skond l-ewwel motiv, ibbażat fuq il-ksur ta’ l-Artikolu 7(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94, l-UASI kien allegatament wettaq żbalji fl-applikazzjoni tal-kriterji ta’ evalwazzjoni tal-karattru distintiv.
11 Fl-ewwel lok, Henkel ilmentat li l-UASI naqas milli jeżamina l-eżistenza tal-karattru distintiv fid-data ta’ meta saret l-applikazzjoni għal reġistrazzjoni u ma stabbilixxiex liema kienet il-forma abitwali tal-prodotti kkummerċjalizzati fuq is-suq f’dik d-data. Sussegwentement, skond Henkel, l-UASI ma setax jgħid li l-kuluri differenti tas-sinjal kienu jikkorrispondu għal aġenti attivi differenti, għaliex l-għażla tal-kuluri u ta’ l-arranġament tagħhom kienet fid-diskrezzjoni tagħha.
12 Fit-tieni lok, Henkel qalet li d-digriet tal-Bundespatentgericht (Qorti federali tal-privattivi), li permezz tiegħu dik il-qorti ddeċidiet li s-sinjal li saret applikazzjoni għalih għand id-Deutsches Patent- und Markenamt (l-uffiċċju Ġermaniż tal-privattivi u tat-trade marks) ma kienx nieqes minn karattru distintiv meta mqabbel mal-prodotti għall-ħasil tal-ħwejjeġ u għall-ħasil tal-platti, ma kienx ittieħed in kunsiderazzjoni.
13 Fl-aħħar lok, Henkel fakkret li l-UASI kien aċċetta r-reġistrazzjoni ta’ diversi sinjali paragunabbli mat-trade mark li saret applikazzjoni għaliha.
14 Min-naħa l-oħra, quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza, l-UASI qies li l-konsumatur ma jipperċepixxix is-sinjal in kwistjoni bħala indikazzjoni ta’ l-oriġini kummerċjali tal-prodott, iżda biss bħala r-rappreżentazzjoni tal-prodott. F’dak li jirrigwarda d-deċiżjoni tal-Bundespatentgericht, din ittieħdet in kunsiderazzjoni b’mod xieraq, iżda din ma kinitx torbot lill-UASI. Fir-rigward tal-prassi deċiżjonali preċedenti, l-UASI fakkar li l-Qorti Komunitarja hija marbuta li tiddeċiedi b’mod indipendenti fuq it-talba mressqa quddiemha u, b’mod partikolari, bl-ebda mod mhija marbuta minn deċiżjonijiet illegali preċedenti. Barra minn hekk, il-każijiet imsemmija minn Henkel ma kinux paragunabbli ma’ dan il-każ.
15 Il-Qorti tal-Prim’Istanza kkonstatat li Henkel kienet limitat l-argument tagħha għall-“prodotti għall-ħasil tal-platti u tal-ħwejjeġ” u li dawn il-prodotti huma s-suġġett ta’ konsum regolari li fir-rigward tagħhom il-livell ta’ attenzjoni tal-konsumatur waqt ix-xiri jkun baxx. F’dak li jirrigwarda l-karattru distintiv tat-trade mark li saret applikazzjoni għaliha, dik il-Qorti osservat, wara li fakkret il-prinċipji legali stabbiliti mill-ġurisprudenza f’dan il-qasam, li l-evalwazzjoni ta’ tali karattru ma tistax twassal għal riżultat differenti fil-każ ta’ trade mark tridimensjonali komposta mill-preżentazzjoni tal-prodott stess u fil-każ ta’ trade mark figurattiva komposta mir-rappreżentazzjoni, li taqbel mar-realtà, ta’ l-istess prodott.
16 Wara li speċifikat li sabiex jiġi evalwat il-karattru distintiv tat-trade mark li saret applikazzjoni għaliha għandha tiġi evalwata l-impressjoni ġenerali maħluqa minn din ir-rappreżentazzjoni, liema ħaġa mhijiex inkompatibbli ma’ evalwazzjoni suċċessiva ta’ l-elementi differenti li jifformawha (sentenzi tal-11 ta’ Novembru 1997, SABEL, C‑251/95, Ġabra p. I‑6191, punt 23, u tas-16 ta’ Settembru 2004, SAT.1 vs L-UASI, C‑329/02 P, Ġabra p. I‑8317, punt 35), il-Qorti tal-Prim’Istanza għamlet evalwazzjoni ta’ l-elementi tat-trade mark, segwita b’evalwazzjoni ġenerali. Wara din l-evalwazzjoni, il-Qorti tal-Prim’Istanza ddeċidiet li t-trade mark li saret applikazzjoni għaliha ma tippermettix li l-prodott in kwistjoni jiġi distint minn dawk ta’ impriżi oħra.
17 Il-Qorti tal-Prim’Istanza qalet ukoll li din l-evalwazzjoni la tista’ tiġi kkontestata mill-fatt li fil-mument meta saret l-applikazzjoni għat-trade mark, Henkel biss kienet tikkummerċjalizza prodotti bil-forma li jirrappreżenta s-sinjal li saret applikazzjoni għalih, u lanqas mir-reġistrazzjonijiet preċedenti. F’dak li jirrigwarda r-reġistrazzjoni nazzjonali, il-Qorti tal-Prim’Istanza enfasizzat li din tista’ tittieħed in kunsiderazzjoni iżda ma torbotx lill-UASI, peress li s-sistema tat-trade marks Komunitarja hija sistema awtonoma, li hija komposta minn grupp ta’ regoli, li ssegwi għanijiet speċifiċi għaliha u li l-applikazzjoni tagħha hija indipendenti minn kull sistema nazzjonali u peress li l-karattru reġistrabbli ta’ sinjal bħala trade mark Komunitarja għandu jiġi evalwat biss abbażi tal-liġi Komunitarja rilevanti.
18 Fir-rigward tad-deċiżjonijiet ta’ reġistrazzjoni ta’ l-UASI, il-Qorti tal-Prim’Istanza fakkret li għalkemm xi motivi ta’ fatt jew ta’ dritt li jissemmew f’deċiżjoni preċedenti jistgħu jikkostitwixxu argumenti in sostenn ta’ motiv ibbażat fuq il-ksur ta’ dispożizzjoni tar-Regolament Nru 40/94, xorta jibqa' l-fatt li l-legalità tad-deċiżjonijiet tal-Bordijiet ta’ l-Appell għandha tiġi evalwata biss fuq il-bażi ta’ dan ir-Regolament, hekk kif interpretat mill-Qorti Komunitarja, u mhux fuq il-bażi ta’ prassi deċiżjonali preċedenti għalihom. Barra minn hekk, skond il-Qorti tal-Prim’Istanza, it-trade marks invokati minn Henkel ma kinux kompletament paragunabbli ma’ dik in kwistjoni, jew għaliex il-prodotti kkonċernati ma kinux l-istess jew għaliex is-sinjali kkonċernati kienu jinkludu fihom elementi differenti mill-forom ġeometriċi bażiċi.
19 It-tieni motiv kien jirrigwarda l-abbuż tal-poter diskrezzjonali u tal-prinċipju ta’ trattament ugwali. Fil-fatt, Henkel qieset li meta rrifjuta r-reġistrazzjoni tat-trade mark li saret applikazzjoni għaliha filwaqt li rreġistra t-trade marks paragunabbli, l-UASI kien abbuża mill-poter diskrezzjonali tiegħu u kiser il-prinċipju ta’ trattament ugwali. Barra minn hekk, Henkel osservat li, kieku kellha taċċetta tali sitwazzjoni mingħajr ma tingħata kumpens derivanti mir-reġistrazzjoni tat-trade mark tagħha stess, hija tkun suġġetta għal diskriminazzjoni li tikser il-prinċipju taċ-ċirkulazzjoni ħielsa tal-merkanzija stabbilit fl-Artikolu 28 KE. Henkel qalet ukoll li l-għan ta’ armonizzazzjoni tar-Regolament Nru 40/94, kif jirriżulta mill-ewwel u mit-tielet premessi tiegħu, ma jkunx jista’ jintlaħaq ħlief bil-kundizzjoni li d-dritt materjali unifikat ikun suġġett għal interpretazzjoni uniformi.
20 L-UASI sostna li, peress li d-deċiżjoni dwar ir-reġistrazzjoni taqa’ taħt il-kompetenza obbligatorja, il-legalità ta’ deċiżjoni ma tistax tiġi kkontestata permezz ta’ prassi preċedenti ta’ l-UASI, irrispettivament minn jekk tkunx legali jew le.
21 Il-Qorti tal-Prim’Istanza fakkret li d-deċiżjonijiet li l-Bordijiet ta’ l-Appell għandhom jadottaw, skond ir-Regolament Nru 40/94, fir-rigward tar-reġistrazzjoni ta’ sinjal bħala trade mark Komunitarja, jifformaw parti mill-eżerċizzju ta’ kompetenza obbligatorja u mhux ta’ poter diskrezzjonali (sentenza tal-15 ta’ Settembru 2005, BioID vs L-UASI, C‑37/03 P, Ġabra p. I‑7975, punt 47). Dik il-Qorti qieset li, fir-realtà, it-tieni motiv ta’ Henkel ma kienx jirrigwarda l-abbuż ta’ eventwali poter diskrezzjonali mogħti lill-UASI, iżda l-fatt li l-UASI kien aċċetta r-reġistrazzjoni bħala trade mark tas-sinjali paragunabbli, filwaqt li kien ċaħad l-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni tat-trade mark in kwistjoni. B’hekk, skond il-Qorti tal-Prim’Istanza, dan il-motiv jitħallat ma’ parti mill-argumenti li Henkel kienet invokat in sostenn ta’ l-ewwel motiv, u, għaldaqstant, kien invalidu.
It-talbiet tal-partijiet
22 Permezz ta’ l-appell tagħha, Henkel titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex:
– tannulla s-sentenza appellata;
– tannulla d-deċiżjoni kkontestata;
– tikkundanna lill-UASI għall-ispejjeż.
23 L-UASI jitlob lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex:
– tiċħad l-appell;
– tikkundanna lil Henkel għall-ispejjeż.
Fuq l-appell
L-argumenti tal-partijiet
24 In sostenn ta’ l-appell tagħha, Henkel tinvoka biss il-motiv ibbażat fuq il-ksur ta’ l-Artikolu 7(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94, li rriżulta minn evalwazzjoni ħażina fid-dritt u fil-fatt tal-ħtiġijiet relattivi għall-karattru distintiv tat-trade mark li saret applikazzjoni għaliha. Henkel tqis li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha tagħti evalwazzjoni legali korretta tal-kwistjonijiet ta’ dritt li jqajmu l-fatti ta’ din il-kawża, għaliex il-Qorti tal-Prim’Istanza ma applikatx b’mod eżatt il-kunċett legali ta’ “trade marks li mhumiex ta’ karattru distintiv”.
25 Skond Henkel, il-Qorti tal-Prim’Istanza żbaljat meta ddeċidiet li t-trade mark li saret applikazzjoni għaliha ma kellhiex karattru distinitiv suffiċjenti, skond l-Artikolu 7(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94. Issa, bis-saħħa ta’ din id-dispożizzjoni, huwa biss livell minimu ta’ karattru distintiv li jista’ jiġi meħtieġ (sentenza ta’ l-20 ta’ Settembru 2001, Procter & Gamble vs L-UASI, C‑383/99 P, Ġabra p. I‑6251, punt 40). Konsegwentement, għandu biss jiġi evalwat jekk it-trade mark li saret applikazzjoni għaliha hijiex kapaċi li tidentifika l-prodott li għalih saret l-applikazzjoni għal reġistrazzjoni bħala provenjenti minn impriża partikolari u, għaldaqstant, li tiddistingwi dan il-prodott minn dawk ta’ impriżi oħra (sentenza ta’ l-4 ta’ Mejju 1999, Windsurfing Chiemsee, C‑108/97 u C‑109/97, Ġabra p. I‑2779, punt 46).
26 Henkel issostni li, fis-suq in kwistjoni, kull produttur juża kuluri differenti sabiex jiddistingwi l-prodotti tiegħu minn dawk tal-kompetituri tiegħu. Għal din ir-raġuni, riproduzzjoni tal-prodott dejjem tkun tidher b’mod dominanti fuq il-parti ta’ quddiem ta’ l-imballaġġ u l-pubbliku jagħraf sewwa l-prodott, hekk kif ikun ippreżentat b’mod konkret, bħala indikazzjoni tal-manifattur tiegħu.
27 Henkel tqis bħala żbaljata l-premessa tal-Qorti tal-Prim’Istanza li l-livell ta’ attenzjoni tal-konsumatur medju fir-rigward tad-dehra tal-prodott ma jkunx għoli peress li dan il-prodott normalment jinbiegħ f’imballaġġ li fuqhu jidhru wkoll indikazzjonijiet verbali li jirrigwardaw il-kompożizzjoni u l-użu tal-prodott ikkonċernat. Huwa wkoll żbaljat li dawn huma prodotti bi prezz baxx li jintużaw ta’ kuljum u li l-konsumaturi jixtruwhom mingħajr livell għoli ta’ attenzjoni u mingħajr ma jagħmlu evalwazzjoni tal-prodott fil-fond. Skond Henkel, is-sinjal figurattiv in kwistjoni jagħti lill-pubbliku numru kbir ta’ elementi ta’ informazzjoni li jmorru ħafna oltre minn dak li normalment ikun biżżejjed sabiex tiġi ddeterminata l-oriġini tal-prodott.
28 Barra minn hekk, fir-replika tagħha, Henkel issostni li l-Qorti tal-Prim’Istanza żnaturat il-fatti meta qalet li l-kwistjoni kienet dwar varjanti tal-preżentazzjoni tal-prodott li kienet tiġi miftakra bl-aktar mod naturali. Fil-fatt, is-sinjal in kwistjoni m'għandux il-forma ta’ dik li tista’ titqies bħala “forma komuni”, peress li l-istrati mqiegħda fuq xulxin huma distinti b’mod ċar waħda mill-oħra minħabba l-kuluri tagħhom, li l-arranġament tagħhom ġie magħżul b’libertà sħiħa, kif ukoll minħabba l-preżenza ta’ kulur skur u ta’ forma ovali li mhumiex komuni għad-deterġenti.
29 L-UASI jqis l-appell bħala inammissibbli. Huwa jsostni li Henkel ma tiċċarax liema żball ta’ dritt wettqet il-Qorti tal-Prim’Istanza u li l-ilmenti jirrigwardaw ir-riżultat ta’ evalwazzjoni tal-perċezzjoni tal-konsumaturi. Skond l-UASI, dan il-proċess għandu jitqies bħala parti mill-eżerċizzju tal-konstatazzjoni tal-fatti u mhux bħala parti mill-kuntest tal-kwalifikazzjoni legali. Issa, l-evalwazzjoni tal-fatti u ta’ l-elementi ta’ prova ma tikkostitwixxix, ħlief fil-każ ta’ l-iżnaturament jew ta’ l-alterazzjoni tagħhom, kwistjoni ta’ dritt suġġetta bħala tali għall-kontroll tal-Qorti tal-Gustizzja fil-kuntest ta’ appell.
30 L-UASI jgħid li d-diversi problemi mqajma (b’mod partikolari l-kwistjonijiet dwar jekk saritx prassi komuni fis-suq li l-forma u l-kulur tal-pilloli jkollhom indikazzjoni ta’ l-oriġini, jekk il-pubbliku jirċevix informazzjoni dwar l-oriġini kummerċjali mir-rappreżentazzjoni diretta ta’ prodott, jew jekk huwiex possibbli li mill-esperjenza jiġi stabbilit li l-livell ta’ attenzjoni tal-konsumatur medju fir-rigward tad-dehra ta’ prodott ma jkunx għoli meta l-prodott ikkonċernat jinbiegħ f’imballaġġ li fuqu jidhru wkoll indikazzjonijiet verbali dwar il-kompożizzjoni u l-użu intenzjonat tal-prodott imsemmi) huma kwistjonijiet ta’ fatt. Barra minn hekk, l-UASI jqis li l-Qorti tal-Prim’Istanza la żnaturat il-fatti, u lanqas ħalliet barra karatteristiċi individwali tas-sinjal (b’mod partikolari t-tielet kulur tal-prodott).
31 Fl-aħħar, l-UASI jqis li xi wħud mill-ilmenti ta’ Henkel, invokati fir-replika tagħha, ma jistgħux ikunu suġġetti għal evalwazzjoni, b’mod konformi ma’ l-Artikolu 42 tar-Regoli tal-Proċedura, peress li dawn ma ġewx ippreżentati fil-ħin. F’kull każ, dawn l-ilmenti ma japplikawx fil-mertu.
Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja
32 Fl-ewwel lok, Henkel tilmenta li l-Qorti tal-Prim’Istanza wettqet żball ta’ liġi meta evalwat ħtiġijiet relattivi għall-karattru distintiv tat-trade mark li saret applikazzjoni għaliha.
33 Skond l-Artikolu 7(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94, trade marks li mhumiex ta’ karattru distintiv ma jistgħux jiġu rreġistrati.
34 Minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li l-karattru distintiv ta’ trade mark fis-sens ta’ dan l-artikolu jfisser li din it-trade mark tippermetti li l-prodott li għalih issir l-applikazzjoni għal reġistrazzjoni jiġi identifikat bħala li jkun provenjenti minn impriża partikolari u li b’hekk tagħmel distinzjoni bejn dan il-prodott u dawk ta’ impriżi oħra (sentenzi tad-29 ta’ April 2004, Procter & Gamble vs L-UASI, C-473/01 P u C‑474/01 P, Ġabra p. I‑5173, punt 32, u tal-21 ta’ Ottubru 2004, L-UASI vs Erpo Möbelwerk, C‑64/02 P, Ġabra p. I‑10031, punt 42).
35 Dan il-karattru distintiv għandu jiġi evalwat, minn naħa, fir-rigward tal-prodotti jew tas-servizzi li għalihom tkun saret l-applikazzjoni għal reġistrazzjoni u, minn naħa l-oħra, fir-rigward tal-perċezzjoni li l-pubbliku rilevanti għandu ta’ dan il-karattru distintiv (sentenzi tad-29 ta’ April 2004, Procter & Gamble vs L-UASI, iċċitata iktar ’il fuq, punt 33, u tat-22 ta’ Ġunju 2006, Storck vs L-UASI, C‑25/05 P, Ġabra p. I‑5719, punt 25).
36 Skond ġurisprudenza daqstant stabbilita, il-kriterji ta’ evalwazzjoni tal-karattru distintiv ta’ trade marks tridimensjonali komposti mid-dehra tal-prodott stess mhumiex differenti minn dawk applikabbli għall-kategoriji l-oħra ta’ trade marks. Madankollu, fil-kuntest ta’ l-applikazzjoni ta’ dawn il-kriterji, għandu jittieħed in kunsiderazzjoni l-fatt li l-perċezzjoni tal-konsumatur medju fil-każ ta’ trade mark tridimensjonali, komposta mid-dehra tal-prodott stess, mhijiex neċessarjament l-istess bħal ma hija fil-każ ta’ trade mark verbali jew figurattiva, li tikkonsisti f’sinjal indipendenti mid-dehra tal-prodotti li hija tirrappreżenta. Fil-fatt, il-konsumaturi medji, fin-nuqqas ta’ kull element grafiku jew ta’ kitba, m’għandhomx l-abitudni li jassumu l-oriġini tal-prodotti billi jibbażaw ruħhom fuq il-forma tagħhom jew fuq il-forma ta’ l-ippakkjar tagħhom, u għalhekk jista’ jkun iktar diffiċili li jiġi stabbilit il-karattru distintiv ta’ tali trade mark tridimensjonali milli dak ta’ trade mark verbali jew figurattiva (sentenzi tas-7 ta’ Ottubru 2004, Mag Instrument vs L-UASI, C‑136/02 P, Ġabra p. I‑9165, punt 30, kif ukoll Storck vs L-UASI, iċċitata iktar ’il fuq, punti 26 u 27).
37 F’dawn iċ-ċirkustanzi, hija biss trade mark li, b’mod sinjifikattiv, tmur lil hinn min-norma u mid-drawwiet tas-settur u, minħabba f’hekk, li tkun kapaċi tissodisfa l-funzjoni essenzjali tagħha ta’ oriġini, li ma tkunx nieqsa mill-karattru distintiv skond l-Artikolu 7(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94 (sentenzi tat-12 ta’ Jannar 2006, Deutsche SiSi-Werke vs L-UASI, C‑173/04 P, Ġabra p. I‑551, punt 31, u Storck vs L-UASI, iċċitata iktar ’il fuq, punt 28).
38 Din il-ġurisprudenza, żviluppata fir-rigward tat-trade marks tridimensjonali li jikkonsistu fid-dehra tal-prodott stess, hija valida wkoll meta, bħal f’dan il-każ, it-trade mark li saret applikazzjoni għaliha tkun waħda figurattiva kkostitwita mir-rappreżentazzjoni bidimensjonali ta’ l-imsemmi prodott. Fil-fatt, f’tali każ, it-trade mark ma tibqax tikkonsisti biss f’sinjal indipendenti mill-aspett tal-prodott li hija tirrappreżenta (sentenza Storck vs L-UASI, iċċitata iktar ’il fuq, punt 29).
39 Għandu jiġi mfakkar li, sabiex jiġi evalwat jekk trade mark hijiex nieqsa jew le minn karattru distintiv, jeħtieġ li tittieħed in kunsiderazzjoni l-impressjoni ġenerali li din tipproduċi. Madankollu, dan ma jistax jimplika li ma jkunx meħtieġ li inizjalment issir evalwazzjoni suċċessiva tad-diversi elementi ta’ preżentazzjoni użati għal din it-trade mark. Fil-fatt, matul l-evalwazzjoni ġenerali, jista’ jkun utli li jiġi evalwat kull wieħed mill-elementi li jikkostitwixxu t-trade mark ikkonċernata (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-30 ta’ Ġunju 2005, Eurocermex vs L-UASI, C-286/04 P, Ġabra p. I‑5797, punti 22 u 23, kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).
40 Mis-sentenza appellata jirriżulta li l-Qorti tal-Prim’Istanza, f’dan il-każ, identifikat u applikat b’mod korrett il-kriterji stabbiliti mill-ġurisprudenza.
41 Il-Qorti tal-Prim’Istanza ġustament evalwat, qabel kollox, id-diversi elementi li jikkomponu l-aspett irrappreżentat mit-trade mark li saret applikazzjoni għaliha, bħall-forma u l-kuluri tal-pillola, sabiex wara tanalizza l-impressjoni ġenerali tagħha, bil-għan li tevalwa jekk din it-trade mark tissodisfax jew le l-funzjoni ta’ l-oriġini.
42 B’hekk, wara li eżaminat suċċessivament, fil-punti 32 sa 35 tas-sentenza appellata, il-forma rettangolari li tikkomponi t-trade mark li saret applikazzjoni għaliha, iż-żewġ strati kkuluriti tagħha u l-qalba ovali tagħha ta’ lewn blu li tidher f’nofs il-wiċċ aħmar ta’ fuq tal-pillola, il-Qorti tal-Prim’Istanza qieset li dawn l-elementi ma kinux bizzejjed sabiex jagħtu karattru distintiv lil din it-trade mark.
43 F’dak li jirrigwarda l-evalwazzjoni ġenerali ta’ dawn l-elementi, il-Qorti tal-Prim’Istanza kkonkludiet, fil-punt 39 tas-sentenza appellata, li “l-impressjoni ġenerali maħluqa mis-sinjal in kwistjoni hija limitata għal dik ta’ rappreżentazzjoni ta’ prodott għal magna għall-ħasil tal-platti jew għal magna tal-ħasil tal-ħwejjeġ fil-forma ta’ pillola li fiha jinsabu diversi aġenti kimiċi attivi b’mod dekorattiv u attraenti f’żewġ strati kkuluriti, aħmar u abjad, fejn l-istrat l-aħmar jinkludi qalba ovali ta’ lewn blu. Peress li l-konsumatur mhuwiex imdorri li jagħraf indikazzjoni ta’ l-oriġini kummerċjali tal-prodott mill-forma u mill-kuluri tal-prodott […], peress li l-preżenza taż-żewġ strati kif ukoll iż-żieda ta’ qalba ovali b’lewn differenti jifformaw parti mis-soluzzjonijiet li wieħed jiġuh f’moħħu bl-iktar mod naturali fir-rigward tal-preżentazzjoni ta’ prodott għal magna għall-ħasil tal-platti jew għal magna tal-ħasil tal-ħwejjeġ fil-forma ta’ pillola […] u peress li, fir-rigward tal-kuluri bażiċi normalment użati fis-settur ikkonċernat, il-kuluri magħżula mhumiex ta’ natura li jiġbdu l-attenzjoni tal-konsumaturi […], l-impressjoni ġenerali prodotta mis-sinjal ma twassalx lill-pubbliku rilevanti sabiex jaħseb li l-preżentazzjoni konkreta tal-prodott turi l-oriġini kummerċjali tiegħu. Għaldaqstant, it-trade mark li saret applikazzjoni għaliha ma tippermettix lil konsumatur medju tal-prodotti msemmija, li jkun normalment informat u raġonevolment attent u prudenti, li jiddistingwi l-prodott ikkonċernat minn dawk ta’ impriżi oħra mingħajr ma jagħmel evalwazzjoni jew paragun u mingħajr ma juża attenzjoni partikolari […]”.
44 Għaldaqstant, jidher li, minn naħa, il-Qorti tal-Prim’Istanza bbażat l-evalwazzjoni tagħha tal-karattru distintiv tat-trade mark li saret applikazzjoni għaliha fuq l-impressjoni ġenerali li tirriżulta mill-forma u mill-arranġament tal-kuluri ta’ din it-trade mark u, min-naħa l-oħra, dik il-Qorti stabbilixxiet li din ma tippermettix li l-prodott jiġi distint minn dawk tal-kompetituri fis-settur in kwistjoni.
45 Għaldaqstant, meta ddeċidiet li t-trade mark li saret applikazzjoni għaliha kienet nieqsa minn karattru distintiv skond l-Artikolu 7(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94, il-Qorti tal-Prim’Istanza ma wettqet ebda żball ta’ liġi fir-rigward ta’ din id-dispożizzjoni u tal-ġurisprudenza rilevanti tal-Qorti tal-Ġustizzja.
46 Għaldaqstant, dan l-ilment għandu jiġi miċħud bħala infondat.
47 Fit-tieni lok, f’dak li jirrigwarda l-ilment relattiv għall-applikazzjoni konkreta min-naħa tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-kriterji li joħorġu mill-Artikolu 7(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94 u mill-ġurisprudenza ċċitata, għandu jingħad li dan jinvolvi evalwazzjonijiet ta’ natura fattwali.
48 B’mod partikolari, l-istabbiliment ta’ l-eżistenza jew tan-nuqqas ta’ differenza sinjifikattiva, skond il-punt 37 ta’ din is-sentenza, jammonta għal evalwazzjoni ta’ fatt.
49 Issa, il-Qorti tal-Prim’Istanza biss hija kompetenti sabiex, minn naħa, tikkonstata l-fatti, ħlief f’każijiet fejn l-ineżattezza materjali tal-konstatazzjonijiet tagħha tirriżulta mill-atti tal-kawża li jkunu ġew ippreżentati lilha, u, min-naħa l-oħra, sabiex tevalwa dawn il-fatti. L-evalwazzjoni tal-fatti b’hekk ma tikkostitwixxix, ħlief f’każijiet ta’ żnaturament ta’ l-elementi ppreżentati lilha, kwistjoni ta’ dritt suġġetta, bħala tali, għall-kontroll tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-kuntest ta’ appell (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tad-19 ta’ Settembru 2002, DKV vs L-UASI, C‑104/00 P, Ġabra p. I‑7561, punt 22, kif ukoll tad-29 ta’ April 2004, Henkel vs L-UASI, C‑456/01 P u C‑457/01 P, Ġabra p. I‑5089, punt 41).
50 F’dan ir-rigward, għandu jingħad li l-iżnaturament min-naħa tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-fatti jew ta’ l-elementi ta’ prova ġie allegat minn Henkel għall-ewwel darba fl-istadju tar-replika. Għaldaqstant, fid-dawl ta’ l-Artikolu 42(2) tar-Regoli tal-Proċedura, li japplika għall-proċedura ta’ l-appell bis-saħħa ta’ l-Artikolu 118 ta’ l-istess Regoli, l-iżnaturament tal-fatti ma jistax jikkostitwixxi motiv ammissibbli f’din il-kawża.
51 Għandu jingħad ukoll li l-konstatazzjonijiet dwar il-karatteristiċi tal-pubbliku rilevanti u l-attenzjoni, il-perċezzjoni jew l-attitudni tal-konsumaturi, fis-sentenza appellata, kollha jirriżultaw minn evalwazzjonijiet ta’ fatt.
52 F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-ilment li l-Qorti tal-Prim’Istanza għamlet evalwazzjoni fattwali żbaljata tal-ħtiġiet dwar il-karattru distintiv tat-trade mark li saret applikazzjoni għaliha għandu jitqies bħala inammissibbli.
53 Fl-aħħar, Henkel tilmenta li l-Qorti tal-Prim’Istanza ma ddeċidietx dwar il-kwistjoni jekk, sabiex jiġi evalwat il-karattru distintiv, hemmx lok li tiġi kkunsidrata d-data ta’ meta saret l-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni tat-trade mark jew dik tad-deċiżjoni ġudizzjarja. Henkel dejjem ġibdet l-attenzjoni fuq il-fatt li hija kienet l-ewwel waħda li ppreżentat u li kkummerċjalizzat pilloli ta’ prodott għall-ħasil fil-forma kkontestata. Fid-data ta’ l-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni, il-pubbliku ma kien ikollu l-ebda diffikultà li jorbot il-prodott konkret “pillola ta’ prodott tal-ħasil għall-platti u għall-ħwejjeġ” ma’ Henkel bħala produttriċi.
54 Għandu jingħad li l-Qorti tal-Prim’Istanza rrispondiet għal dan l-ilment fil-punti 41 u 42 tas-sentenza appellata billi qalet li l-insuffiċjenza tat-trade mark li saret applikazzjoni għaliha sabiex tindika, a priori u indipendentement mill-użu tagħha fis-sens ta’ l-Artikolu 7(3) tar-Regolament Nru 40/94, l-oriġini tal-prodott ma tistax tiġi kkontestata permezz tan-numru bejn wieħed u ieħor kbir ta’ pilloli simili diġà kkummerċjalizzati fis-suq u li, f’tali ċirkustanzi, ma kienx meħtieġ li tiddeċiedi dwar il-kwistjoni tal-mument rilevanti għall-evalwazzjoni tal-karattru distintiv tat-trade mark ikkonċernata.
55 Għandu jiġi kkonstatat li Henkel ma ssostni l-ilment tagħha bl-ebda argumentazzjoni sostnuta bi provi li turi li l-Qorti tal-Prim’Istanza ddeċidiet dwar din il-kwistjoni b’mod żbaljat. Għaldaqstant, dan l-ilment għandu jiġi miċħud.
56 Għaldaqstant, peress li l-motiv ta’ Henkel huwa parzjalment infondat, u parzjalment inammissibbli, l-appell għandu jiġi miċħud.
Fuq l-ispejjeż
57 Skond l-Artikolu 69(2) tar-Regoli tal-Proċedura, applikabbli għall-proċedura ta’ l-appell skond l-Artikolu 118 ta’ dawn l-istess Regoli, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba. Peress li Henkel tilfet, hemm lok li hija tiġi ordnata tbati l-ispejjeż, kif mitlub mill-UASI.
Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja, (It-Tmien Awla) taqta’ u tiddeċiedi
1) L-appell huwa miċħud.
2) Henkel KGaA hija kkundannata għall-ispejjeż.
Firem
* Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.