Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62006CJ0038

    Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (l-Ewwel Awla) tal-4 ta' Marzu 2010.
    Il-Kummissjoni Ewropea vs ir-Repubblika Portugiża.
    Nuqqas ta’ Stat li jwettaq obbligu - Importazzjoni b’eżenzjoni mid-dazju ta’ apparat għall-użu speċifikament militari.
    Kawża C-38/06.

    ECLI identifier: ECLI:EU:C:2010:108

    Kawża C-38/06

    Il-Kummissjoni Ewropea

    vs

    Ir-Repubblika Portugiża


    “Nuqqas ta’ Stat li jwettaq obbligu — Importazzjoni eżenti mid-dazju ta’ beni ta’ użu speċifikament militari”

    Sommarju tas-sentenza

    1.        Dritt Komunitarju — Kamp ta’ applikazzjoni — Ineżistenza ta’ riżerva ġenerali li teskludi l-miżuri meħuda għal raġunijiet ta’ sigurtà pubblika

    (Artikoli 30 KE, 39 KE, 46 KE, 58 KE, 64 KE, 296 KE u 297 KE)

    2.        Riżorsi proprji tal-Komunitajiet Ewropej — Konstatazzjoni u tqegħid għad‑dispożizzjoni mill-Istati Membri — Importazzjoni minn Stat Membru ta’ apparat militari eżenti mid-dazju

    (Regolamenti tal-Kunsill Nru 1552/89, kif emendat bir-Regolament Nru 1355/96, Artikoli 2 u 9 sa 11, u Nru 1150/2000, Artikoli 2 u 9 sa 11)

    1.        Għalkemm huma l-Istati Membri li għandhom jadottaw il-miżuri neċessarji sabiex iħarsu s‑sigurtà interna u esterna tagħhom, madankollu minn dan ma jirriżultax li miżuri bħal dawn jaqgħu kompletament barra mill-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni. It-Trattat jipprovdi derogi speċifiċi applikabbli fil-każ ta’ sitwazzjonijiet li jistgħu jipperikolaw is-sigurtà pubblika biss fl-Artikoli 30 KE, 39 KE, 46 KE, 58 KE, 64 KE, 296 KE u 297 KE, li jirrigwardaw sitwazzjonijiet eċċezzjonali definiti sew. Minn dan ma jistax jiġi dedott li teżisti riżerva ġenerali, inerenti fit-Trattat, li teskludi mill-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni kull miżura meħuda għal raġunijiet ta’ sigurtà pubblika. Ir-rikonoxximent tal-eżistenza ta’ riżerva bħal din, barra mill-kundizzjonijiet speċifiċi tad‑dispożizzjonijiet tat-Trattat, jista’ jippreġudika n-natura vinkolanti u l-applikazzjoni uniformi tad-dritt tal-Unjoni.

    Barra minn hekk, id-derogi previsti fl-Artikoli 296 KE u 297 KE għandhom, bħal fil-każ ta’ derogi mil-libertajiet fundamentali, jiġu interpretati b’mod strett. Għal dak li jirrigwarda, b’mod iktar partikolari, l‑Artikolu 296 KE, minkejja li dan l-artikolu jirreferi għall-miżuri li Stat Membru jista’ jqis neċessarji sabiex jipproteġi l-interessi essenzjali tas‑sigurtà tiegħu jew informazzjoni li huwa jqis li l-iżvelar tagħha jmur kontra dawn l-interessi, dan madankollu ma jistax jiġi interpretat li jikkonferixxi lill-Istati Membri s-setgħa li jidderogaw mid-dispożizzjonijiet tat-Trattat bis-sempliċi invokazzjoni ta’ dawn l-interessi. Konsegwentement, huwa l-Istat Membru li jinvoka l-benefiċċju tal-Artikolu 296 KE li għandu juri li hemm in-neċessità li jsir użu mid-deroga prevista f’dan l-artikolu bil-għan li jiġu protetti l-interessi essenzjali tas-sigurtà tiegħu.

    (ara l-punti 62-64, 66)

    2.        Stat Membru jonqos milli jwettaq l-obbligi tiegħu, rispettivament, taħt l‑Artikoli 2 u 9 sa 11 tar-Regolament Nru 1552/89, li jimplementa d‑Deċiżjoni 88/376 dwar is-sistema ta’ riżorsi tal-Komunitajiet innifishom, kif emendat bir-Regolament Nru 1355/96, fir-rigward tal-perijodu bejn l-1 ta’ Jannar 1998 u t-30 ta’ Mejju 2000 inklużivi, kif ukoll, fir-rigward tal-perijodu bejn il-31 ta’ Mejju 2000 u l-31 ta’ Diċembru 2002, taħt l-istess artikoli tar-Regolament Nru 1150/2000, li jimplementa d-Deċiżjoni 94/728 dwar is-sistema tar-riżorsi tagħhom tal-Komunitajiet, billi, minn naħa, jirrifjuta li jikkalkola u li jqiegħed għad-dispożizzjoni tal-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej ir-riżorsi proprji dovuti għall-perijodu bejn l-1 ta’ Jannar 1998 u l-31 ta’ Diċembru 2002 inklużivi, minħabba l-importazzjoni ta’ tagħmir u beni ta’ użu speċifikament militari, u min-naħa l-oħra, billi jirrifjuta li jħallas l-interessi moratorji korrispondenti.

    Fil-fatt, ma jistax jiġi ammess li Stat Membru jinvoka ż-żieda fil-prezz tal-materjal militari minħabba l-applikazzjoni tad-dazju doganali fuq l‑importazzjonijiet ta’ tali materjal provenjenti minn Stati terzi sabiex jipprova jevita, għad-dannu tal-Istati Membri l-oħra li, min-naħa tagħhom, jirkupraw u jħallsu d-dazju doganali relatat ma’ tali importazzjonijiet, l-obbligi li timponi fuqu s-solidarjetà finanzjarja fir-rigward tal-baġit tal-Unjoni.

    (ara l-punti 67, 74 u d-dispożittiv)







    SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla)

    4 ta’ Marzu 2010 (*)

    “Nuqqas ta’ Stat li jwettaq obbligu – Importazzjoni eżenti mid-dazju ta’ beni ta’ użu speċifikament militari”

    Fil-Kawża C-38/06,

    li għandha bħala suġġett rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu taħt l-Artikolu 226 KE, ippreżentat fl-24 ta’ Jannar 2006,

    Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn G. Wilms u M. Afonso, bħala aġenti, b’indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,

    rikorrenti,

    vs

    Ir-Repubblika Portugiża, irrappreżentata minn L. Inez Fernandes, Â. Seiça Neves u J. Gomes kif ukoll minn C. Guerra Santos, bħala aġenti,

    konvenuta,

    sostnuta minn:

    Ir-Renju tad-Danimarka, irrappreżentat minn Molde Jørgen, bħala aġent,

    Ir-Repubblika Ellenika, irrappreżentata minn E.-M. Mamouna u K. Boskovits, bħala aġenti, b’indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,

    Ir-Repubblika Taljana, irrappreżentata minn I. Bruni, bħala aġent, assistita minn G. De Bellis, avvocato dello Stato, b’indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,

    Ir-Repubblika tal-Finlandja, irrappreżentata minn A. Guimaraes-Purokoski, bħala aġent,

    intervenjenti,

    IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla),

    komposta minn A. Tizzano, President tal-Awla, E. Levits, A. Borg Barthet (Relatur), M. Ilešič u M. Safjan, Imħallfin,

    Avukat Ġenerali: J. Kokott,

    Reġistratur: M. Ferreira, Amministratur Prinċipali,

    wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat-13 ta’ Jannar 2010,

    wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstemgħet l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet,

    tagħti l-preżenti

    Sentenza

    1        Bir-rikors tagħha, il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tikkonstata li, billi rrifjutat li tikkalkola u tqiegħed, għad-dispożizzjoni tal-Kummissjoni, ir-riżorsi proprji dovuti għall-perijodu bejn l-1 ta’ Jannar 1998 u l-31 ta’ Diċembru 2002 inklużivi, minħabba l-importazzjoni ta’ tagħmir u beni għall-użu speċifikament militari, kif ukoll billi rrifjutat li tħallas l-interessi moratorji korrispondenti, ir‑Repubblika Portugiża naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt l‑Artikoli 2 u 9 sa 11 tar-Regolament tal-Kunsill (KEE, Euratom) Nru 1552/89, tad-29 ta’ Mejju 1989, li jimplementa d-Deċiżjoni 88/376/KEE Euratom, dwar is-sistema ta’ riżorsi tal-Komunitajiet innifishom (ĠU L 155, p. 1), kif emendat bir-Regolament tal-Kunsill (Euratom, KE) Nru 1355/96, tat-8 ta’ Lulju 1996 (ĠU L 175, p. 3, iktar ’il quddiem ir-“Regolament Nru 1552/89”), fir-rigward tal-perijodu ta’ bejn l-1 ta’ Jannar 1998 u t-30 ta’ Mejju 2000 inklużivi, kif ukoll, b’effett minn din id-data, taħt l-istess artikoli tar-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1150/2000, tat-22 ta’ Mejju 2000, li jimplementa d-Deċiżjoni 94/728/KE, Euratom dwar is-sistema tar-riżorsi tagħhom tal-Komunitajiet (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 1, Vol. 3, p. 169), b’effett mill-31 ta’ Mejju 2000.

     Il-kuntest ġuridiku

    2        L-Artikolu 2(1) tad-Deċiżjonijiet tal-Kunsill Nru 88/376/KEE, Euratom tal-24 ta’ Ġunju 1988, dwar is-sistema ta’ riżorsi tal-Komunitajiet innifishom (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 1, Vol. 1 p. 176), u 94/728/KE, Euratom, tal-31 ta’ Ottubru 1994, dwar is-sistema tar-riżorsi proprji tal-Komunitajiet Ewropej (ĠU L 293, p. 9), jipprovdi:

    “Dħul minn dawn li ġejjin għand[u]hom jikkonstitwixx[i]u riżorsi [proprji] tagħhom imdaħħla fil-bilanċ tal-Komunitajiet:

    […]

    b)      It-tariffa doganali komuni u dazji oħrajn imwaqqfa jew li għandhom jiġu mwaqqfa mill-istituzzjonijiet tal-Komunitajiet rigward il-kummerċ ma’ pajjiżi li mhumiex membri u dazji fuq prodotti li jaqgħu taħt it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea tal-Faħam u l-Azzar;

    […]”

    3        L-Artikolu 20 tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2913/92, tat-12 ta’ Ottubru 1992, li jwaqqaf il-Kodiċi Doganali tal-Komunità (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 2, Vol. 4 p. 307, iktar ’il quddiem il-“Kodiċi Doganali tal-Komunità”), jipprovdi:

    “1.      Dazji legalment dovuti meta jiġi inkors dejn doganali għandhom ikunu bbażati fuq it-Tariffa Doganali tal-Komunitajiet Ewropej.

    […]

    3.      It-Tariffa Doganali tal-Komunitajiet Ewropej għandha tikkomprendi:

    a)      in-nomenklatura magħquda tal-merkanzija;

    […]

    ċ)      ir-rati u kapi ta’ spejjeż oħra normalment applikabbli għal merkanzija koperta min-nomenklatura magħquda fir-rigward:

    –        dazji doganali

    […]

    d)      il-miżuri dwar tariffa preferenzjali li jinsabu f’patti ta’ ftehim li l-Komunità kkonkludiet ma’ ċerti pajjiżi jew gruppi ta’ pajjiżi u li jipprovdu għall-għoti ta’ trattament preferenzjali dwar it-tariffa;

    e)      miżuri preferenzjali dwar it-tariffa adottati unilateralment mill-Komunità fir-rigward ta’ ċerti pajjiżi, gruppi ta’ pajjiżi jew territorji;

    f)      miżuri awtonomi sospensivi li jipprovdu għal tnaqqis fi jew eżenzjoni mid-dazji fuq l-importazzjoni imponibbli fuq ċerta merkanzija;

    g)      miżuri oħra tat-tariffa li hemm provdut dwarhom f’leġislazzjoni oħra tal-Komunità.

    […]”

    4        L-Artikolu 217(1) tal-Kodiċi Doganali Komunitarju jipprovdi:

    “Kull ammont ta’ dazju fuq l-importazzjoni jew dazju fuq l esportazzjoni li jirriżulta minn dejn doganali, minn hawn ’l isfel imsejjaħ ‘ammont ta’ dazju’, għandu jiġi kalkolat mill-awtoritajiet doganali malli jkollhom id-dettalji neċessarji, u għandu jiddaħħal minn dawk l-awtoritajiet fil-kotba tal-kontijiet jew f’kull mezz ieħor ekwivalenti (dħul fil-kontijiet).

    […]”

    5        Fil-kuntest tat-tqegħid għad-dispożizzjoni tal-Kummissjoni tar-riżorsi proprji tal-Komunitajiet, il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea adotta r-Regolament Nru 1552/89, applikabbli għall-perijodu inkwistjoni fil-kawża preżenti sat-30 ta’ Mejju 2000. Dan ir-regolament ġie sostitwit, b’effett mill-31 ta’ Mejju 2000, bir-Regolament Nru 1150/2000 li jikkonsolida r-Regolament Nru 1552/89 mingħajr ma jbiddel il-kontenut tiegħu.

    6        L-Artikolu 2 tar-Regolament Nru 1552/89 jipprovdi:

    “1. Għall-finijiet tal-applikazzjoni ta’ dan ir-regolament, dritt tal-Komunità għar-riżorsi proprji msemmija fl-Artikolu 2 (1)(a) u (b) tad-Deċiżjoni 88/376/KEE, Euratom għandu jiġi kkonstatat malli jiġu sodisfatti l-kundizzjonijiet stipulati fir-regolamenti doganali fir-rigward tad-dħul tal-ammont tad-dazju fil-kontijiet u l-komunikazzjoni tiegħu lid-debitur.

    1a. Id-data tal-konstatazzjoni msemmija fil paragrafu 1 għandha tkun id-data tad-dħul fil-kontijiet prevista mir-regolamenti doganali.

    […][traduzzjoni mhux uffiċjali]”

    7        L-Artikolu 9(1) ta’ dan ir-regolament jipprovdi:

    “Skont il-proċedura preskritta fl-Artikolu 10, kull Stat Membru għandu jikkredita r-riżorsi proprji f’kont miftuħ f’isem il-Kummissjoni mat-Teżor tagħha jew mal-korp li jkun inħatar minnha.

    Dan il-kont għandu jinżamm mingħajr ħlas.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

    8        Skont l-Artikolu 10(1) ta’ dan ir-regolament:

    “Wara tnaqqis ta’ 10 % bħala spejjeż tal-ġbir skont l-Artikolu 2(3) tad Deċiżjoni 88/376/KEE, Euratom, id-dħul tar-riżorsi proprji msemmija fl-Artikolu 2(1)(a) u (b) ta’ din id-deċiżjoni għandu jseħħ mhux iktar tard mill-ewwel jum ta’ xogħol wara d-19-il jum tat-tieni xahar ta’ wara x-xahar li matulu l-intitolament kien ġie stabbilit skont l Artikolu 2.

    […]” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

    9        L-Artikolu 11 tar-Regolament Nru 1552/89 jipprovdi:

    “Kull dewmien biex isir id-dħul fil-kont imsemmi fl-Artikolu 9(1) għandu jagħti lok għall-ħlas ta’ interessi, mill-Istat Membru kkonċernat, bir-rata ta’ interessi applikabbli fid-data li fiha jsiru dovuti tali interessi fis-suq monetarju ta’ dak l-Istat għal self għal żmien qasir, miżjuda b’żewġ punti perċentwali. Din ir-rata għandha tiżdied b’0.25 punt perċentwali għal kull xahar ta’ dewmien. Ir-rata kif miżjuda għandha tapplika għall-perijodu kollu tad-dewmien.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

    10      Skont l-Artikolu 22 tar-Regolament Nru 1150/2000:

    “Ir-Regolament (KEE) Nru 1552/89 għandu jkun imħassar.

    Referenzi għall-imsemmi Regolament għandhom ikunu meqjusa bħala referenzi għal dan ir-Regolament u għandhom jinqraw bi qbil mat tabella ta’ korrelazzjoni [ipprovduta] esiġita f’Parti A ta’ dan l-Anness.”

    11      Għaldaqstant, minbarra ċ-ċirkustanza fejn ir-Regolament Nru 1552/89 u r-Regolament Nru 1150/2000 jinkludu riferiment, b’mod partikolari, għad-Deċiżjoni 88/376 u għad-Deċiżjoni 94/728 rispettivament, l-Artikoli 2 u 9 sa 11 ta’ dawn iż-żewġ regolamenti huma essenzjalment identiċi.

    12      Ir-rata ta’ 10 % prevista fl-Artikolu 10(1) tar-Regolament Nru 1150/2000 ġiet emendata għal 25 % permezz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2000/597/KE, Euratom, tad-29 ta’ Settembru 2000, dwar is-sistema tar-riżorsi tagħhom tal-Komunitajiet Ewropej (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 1, Vol. 3 p. 200).

    13      Il-premessa 1 tal-preambolu tal-imsemmija deċiżjoni jipprovdi:

    “Il-Kunsill Ewropew li ltaqa’ f’Berlin fl-24 u l-25 ta’ Marzu 1999 ikkonkluda, fost oħrajn, li s-sistema tar-riżorsi tagħhom tal-Komunità għand[a]hom [t]ikunu ekw[a]i, trasparenti, [ta’ nfiq effettiv] effettivi skond l-ispiża, sempliċi u bbażat[a]i fuq kriterji li jesprimu l-aħjar abbiltà ta’ kull Stat Membru biex jikkontribwixxi.”

    14      Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 150/2003, tal-21 ta’ Jannar 2003, li jissospendi d-dazji fuq l-importazzjoni fuq ċerti armamenti u apparat militari (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 2, Vol. 13, p. 15), adottat fuq il-bażi tal-Artikolu 26 KE, jipprovdi fil-premessa 5 tiegħu:

    “Sabiex tiġi protetta l-kunfidenzalità [militari] ta’ l-Istati Membri huwa neċessarju li jiġu stabbiliti proċeduri amministrattivi speċifiċi għall għoti tal-benefiċċju tas-sospensjoni tad-dazji. Dikjarazzjoni mill-awtorità kompetenti ta’ l-Istat Membru li [l-forzi armati tiegħu huma d-destinatarji tal-] għalih huma ddestinati l-armamenti u l-apparat militari, li tista’ wkoll tintuża bħala dikjarazzjoni tad-dwana kif mitlub mill-Kodiċi Doganali, tikkonstitwixxi garanzija xierqa li dawn il-kondizzjonijiet jiġu mħarsa. Id-dikjarazzjoni għandha tingħata f’forma ta’ ċertifikat. Huwa xieraq li tiġi speċifikata l-forma, li biha ser isiru dawn iċ-ċertifikati u li jkun permess l-użu ta’ mezzi u metodi ta’ data processing għad-dikjarazzjoni.”

    15      L-Artikolu 1 ta’ dan ir-regolament jipprovdi:

    “Dan ir-Regolament jistabbilixxi l-kondizzjonijiet għas-sospensjoni awtonoma tad-dazji ta’ l-importazzjoni fuq ċerti armamenti u apparat militari importat minn jew f’isem l-awtoritajiet inkarigati mid-difiza militari ta’ l-Istati Membri minn pajjiżi terzi.”

    16      L-Artikolu 3(2) ta’ dan ir-regolament jipprovdi:

    “Minkejja l-paragrafu 1, minħabba raġunijiet ta’ kunfidenz[j]aenzalità militari, iċ-ċertifikat u l-merkanzija impurtata jistgħu jinghataw lil awtoritajiet oħra nominati mill-Istat Membru għal dan il-għan. F’każijiet bhal dawn l-awtorità kompetenti lokali li toħrog iċ-ċertifikat għandha tibgħat rapport qasir fuq dawn l-importazzjonijiet lill-awtoritajiet tad-dwana ta’ l-Istat Membru qabel il-31 ta’ Jannar u l-31 ta’ Lulju ta’ kull sena. Ir-rapprt għandu jkopri perjodu ta’ 6 xhur li jippreċedu dak ix-xahar li fih ir-rapport irid jiġi sottomess. Għandu jkun fih in-numru u d-data tal-ħrug taċ-ċertifikati, id-data ta’ l-importazzjoni u l-valur totali u l-piż gross tal-prodotti mpurtati maċ-ċertifikati.”

    17      Skont l-Artikolu 8 tiegħu, ir-Regolament Nru 150/2003 huwa applikabbli b’effett mill-1 ta’ Jannar 2003.

     Il-proċedura prekontenzjuża

    18      Permezz ta’ ittra ta’ intimazzjoni tal-21 ta’ Diċembru 2001, mibgħuta fil-kuntest tal-proċedura ta’ nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu Nru 1990/2039, il-Kummissjoni nnotifikat lir-Repubblika Portugiża li kienet naqset milli twettaq l-obbligi tagħha, billi eżentat, abbażi tal-Artikolu 296 KE, l-importazzjonijiet ta’ beni ta’ użu speċifikament militari tagħha mid-dazju doganali previst mid-dritt tal-Unjoni.

    19      F’ittra oħra, tal-20 ta’ Diċembru 2001, il-Kummissjoni talbet lir-Repubblika Portugiża tikkalkola d-dazju dogali li hija tikkunsidra li huwa dovut minn dan l-Istat Membru fid-dawl tal-importazzjonijiet inkwistjoni u li tqiegħdu għad-dispożizzjoni tal-Kummissjoni qabel l-31 ta’ Marzu 2001, data minn meta jiddekorru l-interessi moratorji previsti fl-Artikolu 11 tar-Regolament Nru 1150/2000.

    20      Wara li kkunsidrat ir-risposta tar-Repubblika Portuġiża, tat-2 ta’ Lulju 2002, li tiddikjara li l-importazzjonijiet inkwistjoni huma eżenti mid-dazju doganali minħabba l-fatt li huma intiżi għall-użu speċifikament militari u li din l-eżenzjoni hija neċessarja għall-protezzjoni tal-interessi essenzjali tas-sigurtà ta’ dan l-Istat Membru skont l-Artikolu 296 KE, il-Kummissjoni talbet mill-ġdid lir-Repubblika Portugiża, b’ittra tal-24 ta’ Marzu 2003, li tqiegħed għad-dispożizzjoni tagħha l-ammont kollu tad-dazju doganali li hija tqis dovut minn dan l-Istat Membru fir-rigward ta’ importazzjonijiet ta’ materjal militari li saru bejn l-1998 u l-2002 kif ukoll id-data ta’ kontabbiltà neċessarja sabiex jiġu kkalkolati l-interessi moratorji.

    21      B’ittra ta’ intimazzjoni tas-17 ta’ Ottubru 2003, il-Kummissjoni talbet mill-ġdid lir-Repubblika Portugiża tikkalkola, mill-iktar fis possibbli, ir-riżorsi proprji li ma tħallsux, tqiegħed dawn ir-riżorsi proprji għad-dispożizzjoni tagħha u tħallas l-interessi moratorji skont l-Artikolu 11 tar-Regolament Nru 1150/2000.

    22      Peress li ma kinitx sodisfatta bl-argumenti ppreżentati mir-Repubblika Portugiża fir-risposta tagħha tad-9 ta’ Jannar 2004, il-Kummissjoni indirizzat opinjoni motivata lil dan l-Istat Membru, fit-18 ta’ Ottubru 2004, u talbitu jieħu l-miżuri nċessarji sabiex jikkonforma ruħu fi żmien xahrejn mid-data tan-notifika tal-imsemmija opinjoni motivata.

    23      Fis-6 ta’ Ottubru 2004, ir-Repubblika Portugiża indirizzat lill-Kummissjoni ittra addizzjonali bħala risposta għall-ittra ta’ intimazzjoni tas-17 ta’ Ottubru 2003.

    24      Peress li r-Repubblika Portugiża ma rrispondietx għall-imsemmija opinjoni motivata u lanqas ma ħallset ir-riżorsi proprji u l-interessi mitluba, il-Kummissjoni ppreżentat dan ir-rikors.

    25      Permezz ta’ digriet tal-24 ta’ Mejju 2006, il-President tal-Qorti tal-Ġustizzja laqa’ t-talbiet għall-intervent tar-Renju tad-Danimarka, tar-Repubblika Ellenika, tar-Repubblika Taljana u tar-Repubblika tal-Finlandja, insostenn tat-talbiet tar-Repubblika Portugiża.

     Fuq ir-rikors

     Fuq l-ammissibbiltà

     L-argumenti tal-partijiet

    26      Ir-Repubblika Portugiża tqis li r-rikors preżenti għandu jiġi ddikjarat inammissibbli. Fil-fatt, fil-fehma ta’ dan l-Istat Membru, mir-rikors jirriżulta b’mod ċar li l-Kummissjoni titlob li jitħallsu ammonti ta’ riżorsi proprji li hija taf li la tħallsu, la ttieħdu inkunsiderazzjoni, la ġew innotifikati u ovvjament, lanqas inġabru.

    27      Għaldaqstant, għalkemm il-Kummissjoni titlob li jiġi kkonstatat nuqqas ta’ twettiq tar-Repubblika Portugiża ta’ ċerti obbligi li hija għandha taħt id-dritt tal-Unjoni, din l-istituzzjoni fil-fatt titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tikkundanna l-imsemmi Stat Membru jikkumpensaha għad-dannu li allegatament subiet minħabba li r-Repubblika Portugiża naqset milli tirkupra d-dejn doganali msemmi fir-rikors.

    28      Skont ir-Repubblika Portugiża, din id-diverġenza bejn is-suġġett tal-kawża u r-rikors tmur kontra l-Artikolu 38(l) tar-Regoli tal-Proċedura li jippreżupponi li s-suġġett tal-kawża għandu jkun konformi mat-talbiet tar-rikors.

    29      Il-Kummissjoni tikkunsidra li l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà mqajma mir-Repubblika Portugiża hija kompletament infondata.

    30      Skont il-Kummissjoni, l-ewwel nett, l-ammonti li r-Repubblika Portugiża għandha tħallas lill-baġit tal-Unjoni huma dawk li dan l-Istat Membru kellu jiġbor u jħallas lill-Komunità bħala eżekuzzjoni tal-obbligi li huwa għandu taħt id-dritt tal-Unjoni. Il-kwistjoni dwar l-evalwazzjoni tan-nuqqas tal-obbligi msemmija hija kwistjoni ta’ interpretazzjoni u ta’ applikazzjoni tat-Trattat KE li taqa’ taħt il-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja skont l-Artikolu 220 KE, li fir-rigward tagħhom l-Artikolu 226 KE jipprovdi proċedura speċifika li għandha tinbeda mill-Kummissjoni. Għaldaqstant, skont il-Kummissjoni, il-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja hija inkontestabbli.

    31      It-tieni nett, il-Kummissjoni tippreċiża li ma teżisti ebda diverġenza bejn is-suġġett tal-kawża u t-talbiet. Ir-rikors ippreżentat mill-Kummissjoni huwa rregolat mill-Artikolu 226 KE u għandu bħala suġġett rikors kontra r-Repubblika Portugiża intiż li jikkonstata nuqqas ta’ twettiq ta’ din tal-aħħar tal-obbligi li hija għandha taħt id-dritt tal-Unjoni.

    32      It-tielet nett, il-Kummissjoni tqis li d-dikjarazzjoni tar-Repubblika Portugiża, li tgħid li r-rikors jista’ jitqies inammissibbli abbażi tal-fatt li teżisti impossibbiltà prattika li jiġu adottati miżuri ta’ eżekuzzjoni tas-sentenza li ser tingħata, għandha tiġi miċħuda. Fi kwalunkwe każ, huwa paċifiku li d-diffikultajiet materjali jew legali li tista’ tiltaqa’ magħhom ir-Repubblika Portugiża meta tadotta l-miżuri ta’ eżekuzzjoni ta’ din is-sentenza ma jistgħux jikkostitwixxi ostakolu għall-ammissibbiltà tar-rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu ppreżentat mill-Kummissjoni kontriha.

     Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

    33      Għandu jiġi rrilevat li, permezz tar-rikors preżenti, l-għan tal-Kummissjoni huwa li jiġi kkonstatat nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu taħt l-Artikoli 2 u 9 sa 11 tar-Regolament Nru 1552/89 u tar-Regolament Nru 1150/2000.

    34      Barra minn hekk, mill-kliem stess tar-rikors tal-Kummissjoni, jirriżulta li din tal-aħħar sempliċement ikkonstatat in-nuqqas allegat, mingħajr ma talbet lill-Qorti tal-Ġustizzja timponi miżuri partikolari fuq l-Istat Membru kkonċernat.

    35      Għaldaqstant, ma teżisti ebda diverġenza bejn is-suġġett tal-kawża u t-talbiet ippreżentati mill-Kummissjoni.

    36      Konsegwentement, ir-rikors tal-Kummissjoni għandu jiġi ddikjarat ammissibbli.

     Fuq il-mertu

     L-argumenti tal-partijiet

    37      Il-Kummissjoni ssostni li r-Repubblika Portugiża tiżbalja meta tibbaża ruħha fuq l-Artikolu 296 KE sabiex tiġġustifika l-fatt li ma tħallasx dazju doganali fuq l-importazzjonijiet ikkonċernati, peress li l-ġbir tiegħu ma jippreġudikax l-interessi essenzjali tas-siġurtà ta’ dan l-Istat Membru.

    38      Rigward l-interpretazzjoni tal-Artikolu 296 KE, il-Kummissjoni tqis li r-Repubblika Portugiża tista’ biss teżenta mid-dazju doganali l-importazzjonijiet ta’ beni ta’ użu speċifikament militari meta huma sodisfatti l-kundizzjonijiet ta’ applikazzjoni ta’ dan l-artikolu u fil-limitu tad-dispożizzjonijiet adottati mill-Kunsill dwar l-eżenzjoni ta’ tali drittijiet skont l-Artikolu 26 KE.

    39      Barra minn hekk, skont il-Kummissjoni, ir-Regolament Nru 150/2003 jsegwi loġika simili peress li l-merkanzija li fir-rigward tagħha dan ir-regolament jipprovdi eżenzjoni mid-dazju doganali hija biss eżenti meta jkunu sodisfatti ċerti kundizzjonijiet.

    40      Il-Kummissjoni tikkunsidra li s-sentenza tas-16 ta’ Settembru 1999, Il‑Kummissjoni vs Spanja (C-414/97, Ġabra p. I-5585), dwar eżenzjonijiet fil-qasam tat-taxxa fuq il-valur miżjud, tindika li d-derogi mit-Trattat, ipprovduti b’mod partikolari fl-Artikolu 296 KE, għandhom jiġu interpretati b’mod strett. Skont il-Kummissjoni, l-Istat Membru kkonċernat għandu jressaq prova li l-eżenzjoni, li huwa jallega li tapplika fir-rigward tiegħu, ma tmurx lil hinn mis-sitwazzjoni prevista f’dan l-artikolu u li jeżistu ċirkustanzi eċċezzjonali li jiġġustifikaw in-neċessità li ssir deroga mir-regoli tat-tariffa doganali komuni. Skont il-Kummissjoni, dawn il-kriterji, li ġew żviluppati mill-Qorti tal-Ġustizzja fil-qasam tat-taxxa fuq il-valur miżjud, huma applikabbli fil-qasam tar-riżorsi proprji.

    41      Barra minn hekk, il-Kummissjoni tiċħad l-argumenti tar-Repubblika Portugiża dwar iż-żieda fil-prezz tal-materjal importat jew l-aħjar użu tar-riżorsi finanzjarji ddedikati għall-manutenzjoni u għall-modernizzazzjoni tal-forzi armati tagħha. Skont il-Kummissjoni, dan l-Istat Membru ma ressaq ebda prova ta’ ċifri li tippermetti li jiġi kkonstatat periklu għall-kapaċitajiet ta’ difiża tiegħu.

    42      Il-Kummissjoni tqis li l-protezzjoni tal-kunfidenzjalità militari, invokata mir-Repubblika Portugiża sabiex tiġġustifika l-eżenzjoni mid-dazju doganali ta’ materjal militari importat minn pajjiż terz, tikkonċerna biss il-modalitajiet tal-ispezzjoni tal-merkanzija importata u ma tikkonfutax l-obbligu li jitħallas id-dazju doganali previst mid-dritt tal-Unjoni.

    43      Għaldaqstant, il-Kummissjoni tqis li r-Repubblika Portugiża tista’ tadotta miżuri għall-organizzazzjoni interna tal-amministrazzjoni tagħha li jiżguraw il-kunfidenzjalità li qiegħda tfittex. Barra minn hekk, dan l-approċċ huwa sostnut mir-Regolament Nru 150/2003, li jieħu inkunsiderazzjoni l-protezzjoni tal-kunfidenzjalità militari tal-Istati Membri.

    44      Fir-rigward tal-kunfidenzjalità militari invokata mir-Repubblika Portugiża, il-Kummissjoni għandha dubji dwar il-veridiċità tal-motiv invokat. Fil-fatt, kwantità kbira ta’ informazzjoni dwar l-importazzjonijiet ta’ beni ta’ użu speċifikament militari ta’ dan l-Istat Membru, li l-kontenut tagħha jmur ferm lil hinn mill-ammont ta’ dettall meħtieġ għall-finijiet tal-ħlas tad-dazju doganali dovut lill-Komunità, hija inkluża fir-Reġistru tal-Armi Konvenzjonali tan-Nazzjonijiet Uniti, li fir-rigward tagħha r-Repubblika Portugiża tipprovdi sunt annwali tal-importazzjonijiet prinċipali ta’ armi konvenzjonali li hija wettqet u li tissemma’ fir-rapporti dwar il-kummerċ tal-armi u tagħmir militari ieħor li huma ppubblikati mill-Istati esportaturi prinċipali. Il-pubbliku jista’ faċilment ikollu aċċess għal tali informazzjoni.

    45      Fir-rigward tal-koerenza tal-aġir tagħha fir-rigward tar-Regolament Nru 150/2003, il-Kummissjoni tiċħad l-akkużi tar-Repubblika Portugiża intiżi li jistabbilixxu li l-aġir tagħha ma kienx konsistenti mal-kontenut ta’ dan ir-regolament.

    46      Fil-fatt, il-Kummissjoni tfakkar li l-għan prinċipali tagħha, skont l-Artikolu 211 KE, huwa li tiżgura applikazzjoni tajba tad-dritt tal-Unjoni u l-fatt li hija tieħu inkunsiderazzjoni l-interessi tal-Istati Membri u tal-Komunità meta hija tuża d-dritt ta’ inizjattiva leġiżlattiva sabiex tadotta atti leġiżlattivi li huma adatti aħjar għal dawn l-interessi ma jistax jeżonera lill-Istati Membri mill-obbligi tagħhom taħt id-dritt tal-Unjoni li kienu fis-seħħ qabel l-adozzjoni tal-atti leġiżlattivi ġodda, bħal, fil-kawża inkwistjoni, ir-Regolament Nru 150/2003, u lanqas li teħles lill-Kummissjoni mir-responsabbiltajiet tagħha taħt l-Artikolu 211 KE.

    47      Rigward il-prinċipji tal-aspettattivi leġittimi u taċ-ċertezza legali, il-Kummissjoni tqis li hija diġà ħadet inkunsiderazzjoni dawn il-prinċipji meta talbet l-arretrati tad-dazju doganali biss għal perijodu ta’ bejn l-1 ta’ Jannar 1998 u l-31 ta’ Diċembru 2002, minkejja li fil-fatt il-ksur ikopri perijodu ferm itwal.

    48      Ir-Repubblika Portugiża tikkunsidra li l-Artikolu 296 KE jikkostitwixxi deroga ġenerali mid-dispożizzjonijiet l-oħra tat-Trattat li, skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 298 KE, hija limitata biss bil-lista ta’ armamenti elenkati fid-Deċiżjoni tal-Kunsill Nru 255/58, tal-15 ta’ April 1958, u bil-mekkaniżmu, stabbilit fit-tieni paragrafu tal-Artikolu 298 KE, li jippermetti lill-Kummissjoni jew lil kull Stat Membru li jressaq kawża quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja fil-każ ta’ allegat ksur abbużiv tad-deroga pprovduta fl-Artikolu 296 KE.

    49      Ir-Repubblika Portugiża tqis li, minbarra dawn il-kundizzjonijiet, l-Istati Membri għandhom setgħa diskrezzjonali sabiex jiddeterminaw il-miżuri li jippreġudikaw l-interessi essenzjali tas-sigurtà tagħhom. Din is-setgħa tal-Istati Membri li jadottaw unilateralment miżuri li jidderogaw mid-dispożizzjonijiet tat-Trattat hija ġġustifikata bil-kunsiderazzjonijiet marbuta mal-osservanza tas-sovranità, tal-integrità territorjali u tad-difiża tal-Istati Membri. Barra minn hekk, il-bilanċ istituzzjonali tal-Komunità jeżiġi li kull Stat Membru jkun responsabbli mid-definizzjoni ta’ miżuri li huwa jqis neċessarji għall-protezzjoni tal-interessi essenzjali tas-sigurtà tiegħu.

    50      Skont ir-Repubblika Portugiża, l-approċċ tal-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza Il‑Kummissjoni vs Spanja, iċċitata iktar ’il fuq, għandu jiġi kkunsidrat mill-perspettiva tal-applikabbiltà tar-regoli pprovduti fis-Sitt Direttiva tal-Kunsill 77/388/KEE, tas-17 ta’ Mejju 1977, fuq l-armonizzazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri dwar taxxi fuq id-dħul mill-bejgħ – Sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud: bażi uniformi ta’ stima (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti: Kapitolu 9, Vol. 1, p. 23), fid-dawl tal-Artikolu 296 KE.

    51      Ir-Repubblika Portugiża tibbaża l-argument tagħha rigward l-interpretazzjoni li għandha tingħata lill-Artikolu 296 KE fuq is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-30 ta’ Settembru 2003, Fiocchi munizioni vs Il‑Kummissjoni (T-26/01, Ġabra p. II‑3951) li tiddikjara fil-punt 58 tagħha li l-Artikolu 296 KE għandu, għall-attivitajiet li huwa jkopri u għall-kundizzjonijiet li huwa jistabbilixxi, portata ġenerali, li tista’ taffettwa d-dispożizzjonijiet komuni kollha tat-Trattat. Barra minn hekk, minn din is-sentenza jirriżulta li l-Artikolu 296(1)(b) KE jagħti lill-Istati Membri setgħa diskrezzjonali partikolarment wiesgħa fl-evalwazzjoni tal-bżonnijiet li jeħtieġu tali protezzjoni.

    52      Fir-rigward tal-koerenza tal-aġir tal-Kummissjoni, ir-Repubblika Portugiża tenniet li fl-1988, il-Kummissjoni ssottomettiet proposta leġiżlattiva li wasslet għall-adozzjoni tar-Regolament Nru 150/2003. Għaldaqstant, is-suġġett ta’ dan ir-rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu ma huwiex koerenti mar-rwol tal-Kummissjoni fl-adozzjoni ta’ dan ir-regolament li, barra minn hekk, jistabbilixxi lista ta’ materjal militari li huwa eżentat mid-dazju doganali itwal minn dik stabbilita mid-Deċiżjoni Nru 255/58.

    53      Ir-Repubblika Portugiża ssostni wkoll li matul diversi snin, il-Kummissjoni ma rreaġixxietx għall-prassi ta’ dan l-Istat Membru kif ikoll għal dik ta’ diversi Stati Membri oħra, liema prassi tikkonsisti fl-eżenzjoni mid-dazju doganali ta’ importazzjonijiet ta’ beni ta’ użu militari. Konsegwentement, kemm is-sottomissjoni fl-1988 mill-Kummissjoni ta’ proposta għal regolament tal-Kunsill dwar is-sospensjoni tad-dazju doganali fuq ċerti armamenti u tagħmir militari kif ukoll in-nuqqas kontinwu ta’ reazzjoni min-naħa tal-Kummissjoni matul erbatax-il sena bejn din il-proposta u l-adozzjoni tar-Regolament Nru 150/2003 taw lok għall-aspettativi leġittimi mill-Istati Membri li kienu jippermettulhom iqisu li l-Kummissjoni kient taċitament tawtorizza l-prassi tagħhom u li kienet tikkunsidraha konformi mad-dritt tal-Unjoni.

    54      Skont il-premessa 2 tar-Regolament Nru 150/2003, “[h]uwa fl-interess tal-Komunità sħiħa li l-Istati Membri jkunu kapaċi jipprovdu għall-forza militari tagħhom l-iktar teknoloġija avvanzata u armamenti u apparat militari addattat. Minħabba l-iżvilupp teknoloġiku qawwi dinji f’dan is-settur industrijali, hija proċedura normali li l-awtoritajiet ta’ l-Istati Membri inkarigati mid-difiża nazzjonali jipprovdu l-armamenti u apparat militari mill-fabbrikanti u aġenti oħra li jinsabu fil-pajjiżi terzi. Minħabba li l-interess tas-sigurtà ta’ l-Istati Membri huwa kompatibbli ma’ l-interess tal-Komunità li wħud minn dawn l-armamenti u apparat ikunu importati mingħajr dazju”. Ir-Repubblika Portugiża tikkunsidra li dan l-interess tal-Komunità ma tnissilx bil-pubblikazzjoni tar-Regolament Nru 150/2003, iżda kien diġà impliċitu mil-lista stabbilita bid-Deċiżjoni Nru 255/58 mill-imsemmija proposta li saret fl-1988.

    55      Fir-rigward tal-protezzjoni tal-kunfidenzjalità militari tal-Istati Membri, ir-Repubblika Portugiża tenfasizza n-neċessità li l-informazzjoni dwar it-tagħmir tal-forzi armati tkun riżervata biss għad-difiża nazzjonali, u li din tkun mhedda jekk id-dazju doganali jkun applikat għall-prodotti intiżi għall-użu militari, peress li l-applikazzjoni ta’ tali dazju jippreżupponi l-possibbiltà għall-awtoritajiet doganali li jwettqu spezzjoni fiżika tal-merkanzija. Kif tissuġġerixxi l-Kummissjoni, ma jkunx biżżejjed jekk l-ispezzjoni tal-materjal militari tkun limitata għal numru żgħir ta’ “uffiċjali tal-fiduċja”.

    56      Skont ir-Repubblika Portugiża, il-fatt li l-ispezzjonijiet doganali tal-materjal militari jistgħu jheddu l-protezzjoni tal-kunfidenzjalità militari ġie ammess mill-Kummissjoni qabel id-dħul fis-seħħ tar-Regolament Nru 150/2003, kif tixhed il-premessa 5, li tipprovdi li, “[s]abiex tiġi protetta l-kunfidenzalità ta’ l-Istati Membri huwa neċessarju li jiġu stabbiliti proċeduri amministrattivi speċifiċi għall-għoti tal-benefiċċju tas-sospensjoni tad-dazji”.

    57      Fir-rigward tal-argumenti tal-Kummissjoni dwar il-pubblikazzjonijiet ta’ informazzjoni diversa, li hija faċilment aċċessibbli mill-pubbliku, relatata ma’ importazzjonijiet ta’ materjal militari tar-Repubblika Portugiża, dan l-Istat Membru jiżgura li l-informazzjoni kklassifikata bħala “sigrieta” jew “kunfidenzjali” qatt ma hija żvelata u jipprovdi diversi dokumenti ta’ dan it-tip sabiex isostni dawn l-allegazzjonijiet.

     Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

    58      Qabelxejn għandu jiġi rrilevat li l-Qorti tal-Ġustizzja kellha l-opportunità li tiddeċiedi f’diversi sentenzi reċenti (ara s-sentenzi tal-15 ta’ Diċembru 2009, Il‑Kummissjoni vs Il‑Finlandja, C-284/05, Ġabra p. I‑11705; Il‑Kummissjoni vs L‑Isvezja, C‑294/05, Ġabra p. I‑11777; Il‑Kummissjoni vs L‑Italja, C‑387/05; Il‑Kummissjoni vs Il‑Greċja, C‑409/05; Il‑Kummissjoni vs Id‑Danimarka, C‑461/05, u Il‑Kummissjoni vs L‑Italja, C‑239/06, li għadhom ma ġewx ippubblikati fil-Ġabra) dwar kwistjonijiet identiċi għal dawk imqajma fil-kuntest tal-kawża preżenti. Għaldaqstant, hemm lok li jiġu applikati l-prinċipji żviluppati f’dawn is-sentenzi.

    59      Fid-dawl ta’ dan kollu, hemm lok li jitfakkar li l-Kodiċi Doganali tal-Komunità jipprovdi l-applikazzjoni tad-dazju doganali fuq l-importazzjoni ta’ beni ta’ użu militari, bħal dawk inkwistjoni, provenjenti minn pajjiżi terzi. L-ebda dispożizzjoni tad-dritt doganali tal-Unjoni ma tipprovdi, għall-perijodu tal‑importazzjonijiet ikkontestati, jiġifieri mill-1 ta’ Jannar 1998 sal-31 ta’ Diċembru 2002, għal eżenzjoni speċifika tad-dazju doganali fuq l-importazzjoni ta’ dawn it-tip ta’ beni. Konsegwentement, għal dan il-perijodu lanqas ma teżisti eżenzjoni speċifika mill-obbligu li jitħallas lill-awtoritajiet kompetenti d-dazju dovut, flimkien, f’ċerti każijiet, mal-interessi moratorji (ara s-sentenza Il‑Kummissjoni vs Il‑Greċja, iċċitata ’il fuq, punt 47).

    60      Barra minn hekk, jista’ jiġi dedott, mill-adozzjoni tar-Regolament Nru 150/2003 li jipprovdi għas-sospensjoni tad-dazju doganali fuq ċerti armamenti u tagħmir militari b’effett mill-1 ta’ Jannar 2003, li l‑leġiżlatur tal-Unjoni kellu bħala premessa l-obbligu li jitħallas tali dazju doganali li kien jeżisti qabel din id-data (ara s-sentenza Il‑Kummissjoni vs Il‑Greċja, iċċitata ’il fuq, punt 48).

    61      Ir-Repubblika Portugiża fl-ebda mument ma nnegat l-eżistenza tal‑importazzjonijiet ikkontestati fil-perijodu kkunsidrat. Hija sempliċement qed tikkontesta d-dritt tal-Unjoni fuq ir-riżorsi proprji inkwistjoni billi targumenta li, skont l-Artikolu 296 KE, l-obbligu tal-ħlas tad-dazju doganali fuq dan il-materjal ta’ armamenti importat minn Stati terżi jipperikola b’mod gravi l-interessi essenzjali tas-sigurtà tagħha.

    62      Skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, għalkemm huma l-Istati Membri li għandhom jadottaw il-miżuri neċessarji sabiex iħarsu s‑sigurtà interna u esterna tagħhom, madankollu minn dan ma jirriżultax li miżuri bħal dawn jevitaw kompletament l-applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni (ara s-sentenzi Il‑Kummissjoni vs Il‑Greċja, iċċitata iktar ’il fuq, punt 50 u l-ġurisprudenza ċċitata). Fil-fatt, kif diġà kkonstatat il-Qorti tal-Ġustizzja, it-Trattat jipprovdi derogi speċifiċi applikabbli fil-każ ta’ sitwazzjonijiet li jistgħu jipperikolaw is-sigurtà pubblika biss fl-Artikoli 30 KE, 39 KE, 46 KE, 58 KE, 64 KE, 296 KE u 297 KE, li jirrigwardaw sitwazzjonijiet eċċezzjonali definiti sew. Ma jistax jiġi dedott minn dan li teżisti riżerva ġenerali, inerenti fit-Trattat, li teskludi mill-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni kull miżura adottata għal raġunijiet ta’ sigurtà pubblika. Ir-rikonoxximent tal-eżistenza ta’ riżerva bħal din, barra mill-kundizzjonijiet speċifiċi tad‑dispożizzjonijiet tat-Trattat, jista’ jippreġudika n-natura vinkolanti u l-applikazzjoni uniformi tad-dritt tal-Unjoni (ara s-sentenza Il‑Kummissjoni vs Il‑Greċja, iċċitata ’il fuq, punt 50 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    63      Barra minn hekk, id-derogi previsti fl-Artikoli 296 KE u 297 KE, hekk kif jirriżulta minn ġurisprudenza stabbilita relatata ma’ derogi mil-libertajiet fundamentali, għandhom jiġu interpretati b’mod strett (sentenza Il‑Kummissjoni vs Il‑Greċja, iċċitata ’il fuq, punt 51 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    64      Għal dak li jirrigwarda, b’mod iktar partikolari, l-Artikolu 296 KE, għandu jiġi rrilevat li, għalkemm dan l-artikolu jirreferi għall-miżuri li Stat Membru jista’ jqis neċessarji sabiex jipproteġi l-interessi essenzjali tas‑sigurtà tiegħu jew informazzjoni li huwa jqis li l-iżvelar tagħha jmur kontra dawn l-interessi, dan madankollu ma jistax jiġi interpretat li jikkonferixxi lill-Istati Membri s-setgħa li jidderogaw mid-dispożizzjonijiet tat-Trattat bis-sempliċi invokazzjoni ta’ dawn l-interessi (ara s-sentenza Il‑Kummissjoni vs Il‑Greċja, iċċitata ’il fuq, punt 52).

    65      Barra minn hekk, fil-qasam tat-taxxa fuq il-valur miżjud, il-Qorti tal-Ġustizzja, fis-sentenza Il‑Kummissjoni vs Spanja, iċċitata iktar ’il fuq, ikkonstatat in-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu inkwistjoni peress li r-Renju ta’ Spanja ma kienx wera li l-eżenzjoni mill‑imsemmija taxxa fuq l-importazzjonijiet u x-xiri ta’ armamenti, ta’ munizzjoni u ta’ materjal għall-użu esklużivament militari, eżenzjoni prevista mil-liġi Spanjola, kienet iġġustifikata, taħt l-Artikolu 296(1)(b) KE, min-neċessità li jiġu protetti l-interessi essenzjali tas-sigurtà ta’ dan l-Istat Membru (sentenza Il‑Kummissjoni vs Il-Greċja, iċċitata ’il fuq, punt 53).

    66      Konsegwentement, huwa l-Istat Membru li jinvoka l-benefiċċju tal-Artikolu 296 KE li għandu juri li hemm in-neċessità li jsir użu mid-deroga prevista f’dan l-artikolu bil-għan li jiġu protetti l-interessi essenzjali tas-sigurtà tiegħu (sentenza Il‑Kummissjoni vs Il‑Greċja, iċċitata ’il fuq, punt 54).

    67      Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet, ma jistax jiġi ammess li Stat Membru jinvoka ż-żieda fil-prezz tal-materjal militari minħabba l-applikazzjoni tad-dazju doganali fuq l-importazzjonijiet ta’ tali materjal provenjenti minn Stati terzi sabiex jipprova jevita, għad‑dannu tal-Istati Membri l-oħra li, min-naħa tagħhom, jirkupraw u jħallsu d-dazju doganali relatat ma’ tali importazzjonijiet, l-obbligi li timponi fuqu s-solidarjetà finanzjarja fir-rigward tal-baġit tal-Unjoni (sentenza Il‑Kummissjoni vs Il‑Greċja, iċċitata ’il fuq, punt 55).

    68      Fir-rigward tal-argument li l-proċeduri doganali tal-Unjoni ma humiex ta’ natura li jiżguraw is-sigurtà tar-Repubblika Portugiża, fid-dawl tar-rekwiżiti tal-kunfidenzjalità inklużi fil-ftehim konklużi mal-Istati esportaturi, għandu jingħad, hekk kif osservat ġustament il-Kummissjoni, li l-applikazzjoni tas-sistema doganali tal-Unjoni timplika l-intervent ta’ aġenti, tal-Unjoni u nazzjonali, li huma marbuta, jekk ikun il-każ, bl-obbligu ta’ kunfidenzjalità, fil-każ ta’ trattament ta’ informazzjoni sensittiva, ta’ natura li tipproteġi l‑interessi essenzjali tas-sigurtà tal-Istati Membri (sentenza Il‑Kummissjoni vs Il‑Greċja, iċċitata ’il fuq, punt 56).

    69      Barra minn hekk, il-livell ta’ dettall fid-dikjarazzjonijiet li l-Istati Membri għandhom jikkompletaw u jibagħtu lill-Kummissjoni perjodikament, ma huwiex tali li jippreġudika l-interessi tal-imsemmija Stati kemm fil-qasam tas-sigurtà kif ukoll f’dak tal‑kunfidenzjalità.

    70      F’dawn iċ-ċirkustanzi, u b’mod konformi mal-Artikolu 10 KE dwar l‑obbligu tal-Istati Membri li jiffaċilitaw it-twettiq tal-għan tal-Kummissjoni li tiżgura l-osservanza tat-Trattat, dawn huma marbuta li jqiegħdu għad-dispożizzjoni ta’ din l-istituzzjoni d‑dokumenti neċessarji sabiex jiġi vverifikat li t-trasferiment tar‑riżorsi proprji tal-Komunità jsir b’mod korrett. Madankollu, obbligu bħal dan ma jfissirx li l-Istati Membri ma jistgħux, każ b’każ u eċċezzjonalment, fuq il-bażi tal‑Artikolu 296 KE, jillimitaw l-informazzjoni trażmessa għal ċerti partijiet ta’ dokument jew inkella ma jiżvelawhiex (sentenza Il‑Kummissjoni vs Il‑Greċja, iċċitata ’il fuq, punt 58).

    71      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-Repubblika Portugiża ma stabbilixxietx li l-kundizzjonijiet neċessarji għall-applikazzjoni tal-Artikolu 296 KE huma sodisfatti.

    72      Fl-aħħar nett, fir-rigward tal-argumenti tar-Repubblika Portugiża intiżi sabiex juru li, minħabba n-nuqqas fuq perijodu twil ta’ azzjoni tal-Kummissjoni kif ukoll tal-adozzjoni tar-Regolament Nru 150/2003, dan l-Istat Membru seta’ leġittimament jikkunsidra li l-Kummissjoni ma kinitx ser tippreżenta dan ir-rikors inkwantu din kienet aċċettat b’mod taċitu l-eżistenza ta’ deroga f’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l‑Kummissjoni fl-ebda fażi tal-proċedura ma abbandunat il-pożizzjoni ta’ prinċipju tagħha.

    73      Fil-fatt, fid-dikjarazzjoni li għamlet il-Kummissjoni waqt in-negozjati relatati mar‑Regolament Nru 150/2003, hija esprimiet ir-rieda soda tagħha li ma tirrinunzjax għall-ġbir tad-dazju doganali li kellu jitħallas fir-rigward ta’ perijodi qabel id-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-regolament u rriżervat id-dritt li tieħu l-azzjoni xierqa f’dan ir-rigward.

    74      Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li, billi rrifjutat li tikkalkola u li tqiegħed, għad-dispożizzjoni tal-Kummissjoni, ir-riżorsi proprji dovuti għall-perijodu ta’ bejn l-1 ta’ Jannar 1998 u l-31 ta’ Diċembru 2002 inklużivi, minħabba l-importazzjoni ta’ tagħmir u beni ta’ użu speċifikament militari, kif ukoll billi rrifjutat li tħallas l-interessi moratorji korrispondenti, ir-Repubblika Portugiża naqset milli twettaq l-obbligi tagħha, rispettivament, taħt l Artikoli 2 u 9 sa 11 tar-Regolament Nru 1552/89, fir-rigward tal-perijodu bejn l-1 ta’ Jannar 1998 u t-30 ta’ Mejju 2000 inklużivi, kif ukoll taħt l-istess artikoli tar-Regolament Nru 1150/2000, fir-rigward tal-perijodu ta’ bejn l-31 ta’ Mejju 2000 u l-31 ta’ Diċembru 2002.

     Fuq l-ispejjeż

    75      Skont l-Artikolu 69(2) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il‑kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba. Peress li r‑Repubblika Portugiża tilfet, hemm lok li tiġi ordnata tbati l-ispejjeż kif mitlub mill-Kummissjoni.

    76      Skont l-ewwel subparagrafu tal-paragrafu (4) tal-istess artikolu, ir‑Renju tad-Danimarka, ir-Repubblika Ellenika, ir-Repubblika Taljana u r-Repubblika tal‑Finlandja, li intervenew fil-kawża, għandhom ibatu l-ispejjeż tagħhom.

    Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

    1)      Billi rrifjutat li tikkalkola u li tqiegħed, għad-dispożizzjoni tal-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, ir-riżorsi proprji dovuti għall-perijodu ta’ bejn l-1 ta’ Jannar 1998 u l-31 ta’ Diċembru 2002 inklużivi, minħabba l-importazzjoni ta’ tagħmir u beni ta’ użu speċifikament militari, u billi rrifjutat li tħallas l-interessi moratorji korrispondenti, ir-Repubblika Portugiża naqset milli twettaq l-obbligi tagħha, rispettivament, taħt l-Artikoli 2 u 9 sa 11 tar-Regolament tal-Kunsill (KEE, Euratom) Nru 1552/89, tad-29 ta’ Mejju 1989, li jimplementa d-Deċiżjoni 88/376/KEE Euratom, dwar is-sistema ta’ riżorsi tal-Komunitajiet innifishom, kif emendat bir-Regolament tal-Kunsill (Euratom, KE) Nru 1355/96, tat-8 ta’ Lulju 1996, fir-rigward tal-perijodu ta’ bejn l-1 ta’ Jannar 1998 u t-30 ta’ Mejju 2000 inklużivi, kif ukoll, taħt l-istess artikoli tar-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1150/2000, tat-22 ta’ Mejju 2000, li jimplementa d-Deċiżjoni 94/728/KE, Euratom dwar is-sistema tar-riżorsi tagħhom tal-Komunitajiet, fir-rigward tal-perijodu ta’ bejn il-31 ta’ Mejju 2000 u l-31 ta’ Diċembru 2002.

    2)      Ir-Repubblika Portugiża hija kkundannata għall-ispejjeż.

    3)      Ir‑Renju tad-Danimarka, ir-Repubblika Ellenika, ir‑Repubblika Taljana u r-Repubblika tal-Finlandja għandhom ibatu l-ispejjeż tagħhom.

    Firem


    * Lingwa tal-kawża: il-Portugiż.

    Top