EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62006CJ0005

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (it-Tieni Awla) tat-8 ta' Mejju 2008.
Zuckerfabrik Jülich AG vs Hauptzollamt Aachen u Saint Louis Sucre SNC u. vs Directeur général des douanes et droits indirects u Receveur principal des douanes et droits indirects de Gennevilliers.
Talbiet għal deċiżjoni preliminari: Finanzgericht Düsseldorf (C-5/06) - il-Ġermanja u Tribunal de grande instance de Nanterre (C-23/06 sa C-36/06) - Franza.
Zokkor - Taxxi tal-produzzjoni - Regoli dettaljati għall-applikazzjoni tas-sistema ta’ kwoti- Determinazzjoni ta’ l-eċċess esportabbli - Determinazzjoni tat-telf medju.
Każijiet Magħquda C-5/06 u C-23/06 sa C-36/06.

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2008:260

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla)

8 ta’ Mejju 2008 ( *1 )

“Zokkor — Taxxi tal-produzzjoni — Regoli dettaljati għall-applikazzjoni tas-sistema ta’ kwoti — Determinazzjoni tal-eċċess esportabbli — Determinazzjoni tat-telf medju”

Fil-Kawżi magħquda C-5/06 u C-23/06 sa C-36/06,

li għandhom bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari taħt l-Artikolu 234 KE, imressqa mill-Finanzgericht Düsseldorf (il-Ġermanja) (C-5/06) u mit-tribunal de grande instance de Nanterre (Franza) (C-23/06 sa C-36/06), rispettivament permezz ta’ deċiżjonijiet tat-2 u tal-5 ta’ Jannar 2006, li waslu fil-Qorti tal-Ġustizzja fid-9 u fl-20 ta’ Jannar 2006, fil-proċeduri

Zuckerfabrik Jülich AG, qabel Jülich AG (C-5/06)

vs

Hauptzollamt Aachen,

u

Société Saint Louis Sucre SNC (C-23/06),

Société des Sucreries du Marquenterre SA (C-24/06),

SA des Sucreries de Fontaine Le Dun, Bolbec, Auffray (SAFBA) (C-25/06),

SA Lesaffre Frères (C-26/06),

Tereos, li daħlet minflok Sucreries, Distilleries des Hauts de France (C-27/06),

SA Sucreries & Distilleries de Souppes — Ouvré fils (C-28/06),

SA Sucrerie de Toury et Usines Annexes (C-29/06),

Tereos (C-30/06),

Tereos, li daħlet minflok SAS Sucrerie du Littoral Groupe SDHF (C-31/06),

Cristal Union (C-32/06),

Sucrerie Bourdon (C-33/06),

SA Sucrerie de Bourgogne (C-34/06),

SAS Vermendoise Industries (C-35/06),

SA Sucreries et Raffineries d’Erstein (C-36/06)

vs

Directeur général des douanes et droits indirects,

Receveur principal des douanes et droits indirects de Gennevilliers,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla),

komposta minn C. W. A. Timmermans, President tal-Awla, L. Bay Larsen (Relatur), K. Schiemann, J. Makarczyk u C. Toader, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: E. Sharpston,

Reġistratur: B. Fülöp, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-15 ta’ Marzu 2007,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għal Zuckerfabrik Jülich AG (qabel Jülich AG), minn H.-J. Prieß, Rechtsanwalt,

għal Saint Louis Sucre SNC, minn S. Le Roy, avukat,

għal Société des Sucreries du Marquenterre SA kif ukoll mill-kumpanniji SA des Sucreries de Fontaine Le Dun, Bolbec, Auffray (SAFBA), SA Lesaffre Frères, Tereos, li daħlet minflok Sucreries, Distilleries des Hauts de Franza, SA Sucreries & Distilleries de Souppes — Ouvré fils, SA Sucreries de Toury et Usines Annexes, Tereos, Tereos, li daħlet minflok SAS Sucrerie du Littoral Groupe SDHF, Cristal Union, Sucrerie Bourdon, SA Sucrerie de Bourgogne, SAS Vermendoise Industries u SA Sucreries et Raffineries d’Erstein, minn N. Coutrelis, avukat,

għall-Gvern Ġermaniż, minn M. Lumma u U. Forsthoff, bħala aġenti, assistiti minn L. Harings, Rechtsanwalt,

għall-Gvern Franċiż, minn G. de Bergues kif ukoll minn A. Colomb u A.-L. During, bħala aġenti,

għall-Gvern Elleniku, minn V. Kontolaimos kif ukoll minn E. Svolopoulou u S. Charitaki, bħala aġenti,

għall-Gvern Taljan, minn I. M. Braguglia, bħala aġent, assistit minn G. Aiello, avvocato dello Stato,

għall-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, minn M. Nolin u F. Erlbacher, kif ukoll minn C. Cattabriga, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tal-14 ta’ Ġunju 2007,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talbiet għal deċiżjoni preliminari jirrigwardaw l-interpretazzjoni tal-Artikolu 15 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1260/2001, tad-19 ta’ Ġunju 2001, dwar l-organizzazzjoni komuni tas-swieq fis-settur taz-zokkor (ĠU L 178, p. 1), il-validità tal-Artikolu 6(4) tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 314/2002, tal-20 ta’ Frar 2002, li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tas-sistema ta’ kwoti fis-settur taz-zokkor (ĠU L 50, p. 40), kif emendat bir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1140/2003, tas-27 ta’ Ġunju 2003 (ĠU L 160, p. 33), kif ukoll il-validità tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1837/2002, tal-15 ta’ Ottubru 2002, li jiffissa t-taxxi tal-produzzjoni [taxxa fuq il-produzzjoni] u l-koeffiċjent għat-taxxa addizzjonali fis-settur taz-zokkor għas-sena tas-suq 2001/2002 (ĠU L 278, p. 13), tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1762/2003, tas-7 ta’ Ottubru 2003, li jiffissa t-taxxi tal-produzzjoni fis-settur taz-zokkor għas-sena tas-suq 2002/2003 (ĠU L 254, p. 4), u tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1775/2004, tal-14 ta’ Ottubru 2004, li jiffissa t-taxxi tal-produzzjoni fis-settur taz-zokkor għas-sena tas-suq 2003/2004 (ĠU L 316, p. 64).

2

Dawn it-talbiet ġew ippreżentati, rispettivament, fil-kuntest ta’ kawża bejn l-impriża Zuckerfabrik Jülich AG (iktar’il quddiem “Jülich”), produttur taz-zokkor, u l-Hauptzollamt Aachen (il-Ġermanja) fir-rigward tal-ammont tat-taxxa fuq il-produzzjoni mitluba għas-sena tas-suq 2003/2004 fil-kuntest tal-finanzjament tal-organizzazzjoni komuni tas-suq fis-settur taz-zokkor, u fil-kuntest ta’ kawżi bejn Saint Louis Sucre SNC (iktar’il quddiem “Saint Louis Sucre”) kif ukoll produtturi oħra taz-zokkor, jiġifieri s-Société des Sucreries du Marquenterre SA u l-kumpanniji SA Sucreries de Fontaine Le Dun, Bolbec, Auffray (SAFBA), SA Lesaffre Frères, Tereos, li daħlet fid-drittijiet ta’ Sucreries, Distilleries des Hauts de France, SA Sucreries & Distilleries de Souppes — Ouvré fils, SA Sucreries de Toury et Usines Annexes, Tereos, Tereos, li daħlet fid-drittijiet ta’ SAS Sucrerie du Littoral Groupe SDHF, Cristal Union, Sucrerie Bourdon, SA Sucrerie de Bourgogne, SAS Vermendoise Industries u SA Sucreries et Raffineries d’Erstein (iktar’il quddiem, flimkien, “Sucreries du Marquenterre et”) u d-Directeur général des douanes et droits indirects u r-Receveur principal des douanes et droits indirects de Gennevilliers (Franza), fir-rigward tal-ammonti tat-taxxi mħallsa għas-snin tas-suq 2001/2002, 2002/2003 u 2003/2004 fil-kuntest tal-finanzjament tal-organizzazzjoni komuni tas-suq fis-settur taz-zokkor.

Il-kuntest ġuridiku

3

Skont il-premessa 9 tar-Regolament Nru 1260/2001:

“Ir-raġunijiet li qabel wasslu lill-Komunità biex tadotta sistema ta’ kwota fuq il-produzzjoni għaz-zokkor, isoglukożi u xiropp ta’ l-insulina bħalissa jibqgħu validi. B’danakollu, dik is-sistema nbidlet sabiex tieħu konsiderazzjoni ta’ l-iżviluppi riċenti fil-produzzjoni, sabiex tipprovdi lill-Komunità bl-istrumenti neċessarji sabiex tassigura, b’mod ġust iżda effiċjenti, li l-fabbrikanti [produtturi] nfushom jlaħħqu bis-sħiħ ma’ l-ispejjeż biex jeħilsu minn ħażniet żejda tal-produzzjoni tal-Komunità fuq il-konsum u biex ikunu konformi ma’ l-obbligazzjonijiet tal-Komunità permezz tal-Ftehim li jirriżulta mil-laqgħa ta’ l-Urugwaj tan-negozjati multi-laterali tal-kummerċ, minn issa l-quddiem imsemmija bħala “FĠTK — GATT” […]”

4

Il-premessi 11 sa 15 tar-Regolament Nru 1260/2001 huma fformulati kif ġej:

“(11)

L-organizzazzjoni komuni tas-swieq fis-settur taz-zokkor huma ibbażati, l-ewwel, fuq il-prinċipju li l-produtturi għandhom iġorru r-responsabbiltà kollha finanzjarja għat-telf magħmul f’kull sena tas-suq mir-rimi ta’ dik il-parti mill-produzzjoni tal-Komunità li hija taħt il-kwota li hija żejda għall-konsum intern tal-Komunità u, it-tieni nett, fuq differenzjal tal-garanziji tal-prezz għar-rimi li jirriflettu l-kwota tal-produzzjoni allokata għal kull azjenda. Kwota tal-produzzjoni taz-zokkor hija allokata għal kull azjenda fuq il-bażi tal-produzzjoni attwali tagħha matul perjodu partikolari ta’ riferenza.

(12)

Peress li r-rabtiet biex tkun imnaqqsa l-għajnuna għall-esportazzjoni ġew implimentati matul il-perjodu tranżitorju, il-kwantitajiet bażiċi taz-zokkor u isoglukożi u l-kwoti tax-xiropp ta’ l-insulina għandhom jinżammu fil-livell preżenti tagħhom, iżda jrid ikun possibbli li l-garanziji rilevanti jiġu mibdula kif ikun neċessarju biex iħallu lill-Komunità twettaq ir-rabtiet tagħha taħt il-Ftehim, filwaqt li jiġu kkunsidrati l-fatturi fundamentali li jaffettwaw is-sitwazzjoni fis-settur taz-zokkor. Is-sistema tas-settur tal-finanzjament tagħha nfisha permezz ta’ l-imposti ta’ taxxi tal-produzzjoni u għandu jinżamm ir-reġim tal-kwoti tal-produzzjoni.

(13)

Il-produtturi għandhom għalhekk ikomplu jassumu r-responsabbiltà finanzjarja billi jħallsu taxxa bażika tal-produzzjoni fuq il-produzzjoni kollha taz-zokkor A u B, li iżda hija llimitata għal 2 % tal-prezz ta’ l-intervent taz-zokkor abjad, u taxxa B imposta fuq il-produzzjoni taz-zokkor B sal-limitu ta’ 37,5 % ta’ dak il-prezz. F’ċerti ċirkostanzi, il-produtturi ta’ l-isoglukożju u x-xiropp ta’ l-insulina jħallsu wkoll proporzjon minn dawn il-kontribuzzjonijiet. Il-limitazzjoni tat-taxxi bil-mod deskritt hawn fuq ifisser li f’ċerti snin tas-suq il-produzzjoni taz-zokkor ma tkunx tiffinanzja lilha nfisha bis-sħiħ. Taxxa addizzjonali għandha tkun imposta f’dawk il-każi.

(14)

Fl-interessi tat-trattament egwali, it-taxxa addizzjonali għandha tkun ikkalkulata għal kull azjenda fuq il-bażi tal-parti tagħha fil-qligħ iġġenerat mit-taxxi tal-produzzjoni li tkun tħallset għas-sena tas-suq f’dak il-każ. Għandu jkun għalhekk iffissat koeffiċjenti għall-Komunità kollha bħala rappreżentant għal dik is-sena tas-suq bejn it-telf totali rreġistrat u l-qligħ totali ġġenerat mit-taxxi tal-produzzjoni kkonċernati. Huwa neċessarju li jiġu speċifikati l-kondizzjonijiet li permezz tagħhom il-bejjiegħa tal-pitravi u tal-kannamieli għandhom jikkontribwixxu biex jitneħħa t-telf li jkun fadal għas-sena tas-suq ikkonċernata.

(15)

F’kull sena tas-suq, il-livelli tal-konsum, tal-produzzjoni, ta’ l-importazzjoni, tal-ħażna u tal-kwantijiet meħudha minn sena lejn oħra, u t-telf ikkalkolat li huwa probabbli li jkun hemm permezz ta’ l-iskema tal-finanzjament tagħha nfisha, jistgħu jkunu tali li l-kwoti tal-produzzjoni allokati għal kull azjenda fis-settur taz-zokkor tirriżulta f’volum ta’ l-esportazzjoni li teċċedi dik iffissata fil-Ftehim. Il-garanziji marbuta mal-kwoti għandhom għalhekk jiġu mibdula kull sena tas-suq sabiex il-Komunità tkun tista’ żżomm ir-rabtiet tagħha.”

5

B’dan il-mod, l-Artikolu 11(1) tar-Regolament Nru 1260/2001 jipprovdi li l-Istati Membri għandhom jallokaw kwota A u kwota B għal kull impriża li tipproduċi zokkor, għal kull impriża li tipproduċi isoglukosju u għal kull impriża li tipproduċi xropp tal-inulina stabbilita fit-territorju tagħhom u pprovduta bi kwota A u bi kwota B matul is-sena tas-suq 2000/2001.

6

Skont l-Artikolu 11(2) ta’ dan ir-regolament, dawn il-kwoti huma allokati fid-dawl tal-kwantitajiet bażiċi A u B stabbiliti għal kull reġjun li jipproduċi z-zokkor.

7

Jirriżulta b’mod partikolari mill-Artikoli 7(1), 10(3) sa (5), 13(1) u 27(1) ta’ dan ir-regolament li l-kwoti ta’ zokkor A u B jikkostitwixxu kwantitajiet iggarantiti li jistgħu jew jintremew fis-suq tal-Komunità jew eventwalment jiġi kkunsinnati għall-intervent, jew jiġu esportati, fejn jibbenefikaw minn rifużjonijiet fuq l-esportazzjoni.

8

Jirriżulta mill-Artikolu 15(3) u (4) tar-Regolament Nru 1260/2001, moqri flimkien mal-premessi 11 u 13 ta’ dan tal-aħħar, li t-telf dovut għar-rimi tal-eċċess ta’ produzzjoni Komunitarja fil-kuntest tal-kwoti meta mqabbel mal-konsum intern jagħti lok għal taxxi ta’ produzzjoni li għandhom jiġu imposti, b’mod partikolari, fuq il-produtturi taz-zokkor.

9

F’dak li jirrigwarda l-kalkolu ta’ dawn it-taxxi, l-Artikolu 15 jiddisponi:

“1.   Qabel it-tmiem ta’ kull sena tas-suq, is-segwenti għandu jkun irreġistrat:

(a)

tbassir tal-produzzjoni taz-zokkor A u B u ta’ l-isoglukożi A u B u x-xiropp ta’ l-insulina A u B li tista’ tkun konnessa mas-sena tas-suq ikkonċernata;

(b)

tbassir tal-kwantitajiet taz-zokkor, ta’ l-isoglukosi u tax-xiropp ta’ l-insulina mwarrba għall-konsum fil-Komunità matul is-sena tas-suq li hemm referenza dwarha;

(ċ)

l-eċċess li jista’ jkun esportat bit-tnaqqis tal-kwantità li hemm referenza dwarha fil-(b) mill-kwantità li hemm referenza dwarha fl-(a);

(d)

l-estimi tat-telf medju jew tad-dħul medju (ta’ flus) għal kull tunnelata metrika sabiex jiġu mwettqa l-obbligi ta’ l-esportazzjoni matul is-sena tas-suq kurrenti.

Din il-medja ta’ telf [telf medju] jew ta’ introjtu [dħul] għandha tkunu egwali għad-differenza bejn l-ammont totali tar-rifużjoni u l-ammont totali tad-dħul mit-taxxi fuq it-tunnellaġġ metriku totali ta’ l-obbligi dwar l-esportazzjoni f’dak il-każ;

(e)

l-estimi tat-telf jew ta’ l-introjtu ġenerali [globali] miksuba bil-multiplikazzjoni ta’ l-eċċess riferit fiċ-(ċ) bil-medja tat-telf jew ta’ l-introjtu riferit fid-(d).

2.   Qabel it-tmiem tas-sena tas-suq 2005/2006 u mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 10(3), (4), (5) u (6), is-segwenti għandu jkun irreġistrat kumulattivament għas-snin tas-suq 2001/2002 sa l-2005/2006:

(a)

l-eċċess esportabbli stabbilit fuq il-bażi tal-produzzjoni definittiva taz-zokkor tat-tip A u tat-tip B u ta’ l-isoglukożi tat-tip A u tat-tip B u l-kwantità definittiva taz-zokkor u l-isoglukożi mwarrba għall-konsum ġewwa l-Komunità;

(b)

il-medja tat-telf jew ta’ l-introjti kull tunnellata li jirriżulta mill-obbligazzjonijiet totali ta’ l-esportazzjoni kkonċernati, ikkalkulati permezz tal-metodu deskritt fit-tieni subparagrafu tal-paragrafu 1 (d) t’hawn fuq;

(ċ)

it-telf jew l-introjtu ġenerali miksuba bil-multiplikazzjoni ta’ l-eċċess riferit fl-(a) bil-medja tat-telf jew ta’ l-introjtu riferit fil-(b);

(d)

is-somma totali tad-dħul mit-taxxi fuq il-produzzjoni bażika u t-taxxi B imponuti.

L-estimi tat-telf jew ta’ l-introjtu ġenerali li hemm referenza dwaru fil-paragrafu 1 (e) għandhom jiġu aġġustati fuq il-bażi tad-differenza bejn l-ammonti li hemm referenza dwarhom f’ (ċ) u f’ (d).

3.   Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 18(1), jekk il-figuri rreġistrati taħt il-paragrafu 1 u aġġustati taħt il-paragrafu 2 jirriżultaw f’telf ġenerali li jista’ jkun previst, it-telf għandu jiġu maqsum bil-produzzjoni taz-zokkor A u B, l-isoglukożju A u B u x-xiropp ta’ l-insulina A u B li għandhom konnessjoni mas-sena tas-suq kurrenti. L-ammont li jirriżulta għandu jinżamm lill-fabbrikanti bħala taxxa bażika tal-produzzjoni fuq il-produzzjoni tagħhom taz-zokkor A u B, l-isoglukożju A u B u x-xiropp ta’ l-insulina A u B.

[…]

4.   Jekk it-taxxa massima permissibbli fuq il-produzzjoni bażika ma tkoprix għal kollox it-telf ġenerali riferit fl-ewwel subparagrafu tal-paragrafu 3, il-bilanċ mhux kopert għandu jkun maqsum bejn il-produzzjoni kkalkolata taz-zokkor tat-tip B, l-isoglukożi tat-tip B u l-insulina tat-tip B attribwiti għas-sena tas-suq involuta. L-ammont li jirriżulta għandu jkun impost fuq il-fabbrikanti bħala taxxa B fuq il-produzzjoni tagħhom taz-zokkor B, l-isoglukożi B u x-xiropp ta’ l-insulina B.

[…]

6.   It-telf kollu li jirriżulta mill-għoti ta’ rifużjoni tal-produzzjoni skond l-Artikolu 7(3) għandu jkun kkunsidrat meta jkun ikkalkulat it-telf ġenerali li hemm referenza dwaru fil-paragrafu 1(e).

7.   It-taxxi li hemm referenza dwarhom f’dan l-Artikolu għandhom jinġabru mill-Istati Membri.

8.   Regoli dettaljati biex ikun applikat dan l-Artikolu għandhom jiġu adottati bi qbil mal-proċedura li hemm referenza dwarha fl-Artikolu 42, u għandhom ikopru partikolarment:

l-ammonti tat-taxxi li jridu jinġabru,

[…]”

10

L-Artikolu 16 tar-Regolament Nru 1260/2001 jipprovdi li:

“1.   Meta t-telf ġenerali rreġistrat għal sena tas-suq partikolari skond l-Artikolu 15(1) u (2) ma jkunx kopert fl-intier mill-qligħ mit-taxxi tal-produzzjoni għas-sena tas-suq wara l-applikazzjoni ta’ l-Artikolu 15(3), (4) u (5), taxxa addizzjonali għandha tinżamm minn fuq il-fabbrikanti mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 4, sabiex ikun kopert il-bilanċ pendenti mit-telf ġenerali.

2.   It-taxxa addizzjonali għandha tkun iddeterminata għal kull impriża li tipproduċi z-zokkor, għal kull impriża li tipproduċi isoglukożju u għal kull impriża li tipproduċi x-xiropp ta’ l-insulina billi tiġi mmultiplikata s-somma totali dovuta mill-impriża permezz ta’ taxxi fuq il-produzzjoni għas-sena tas-suq ikkonċernata b’ko-effiċjent li għad irid ikun iddeterminat. Dak il-ko-effiċjent għandu jkun ir-relattiv għall-Komunità kollha, imnaqqsa b’1, bejn it-telf ġenerali reġistrat taħt l-Artikolu 15(1) u (2) għas-sena tas-suq ikkonċernata u l-introjti mit-taxxi bażiċi tal-produzzjoni u t-taxxi B dovuti mill-fabbrikanti taz-zokkor, l-isoglukożju u l-ġulepp ta’ l-isulina, rispettivament, għal dik is-sena tas-suq.

[…]

5.   Regoli dettaljati għall-applikazzjoni ta’ dan l-Artikolu, partikolarment il-ko-effiċjent li hemm referenza dwaru fil-paragrafu 2, għandhom ikunu adottati fi qbil mal-proċedura li hemm referenza dwarha fl-Artikolu 42(2).”

11

Bis-saħħa, b’mod partikolari, tal-Artikoli 15(8) u 16(5) ta’ dan ir-regolament, il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej adottat ir-Regolament Nru 314/2002.

12

Fil-verżjoni inizjali tiegħu, l-Artikolu 6(4) ta’ dan ir-regolament kien jipprovdi li:

“Il-kwantità li għandha tkun determinata taħt l-Artikolu 15(1)(b) tar-Regolament […] Nru 1260/2001 għandha tkun stabbilita fuq il-bażi tas-somma tal-kwantitajiet li ġejjin:

(a)

il-kwantitajiet taz-zokkor, l-isoglukosju u ġulepp ta’ l-inulina disposti fil-Komunità għall-konsum dirett jew għall-konsum wara li jkunu pproċessati mill-industriji li jużawhom;

(b)

il-kwantitajiet taz-zokkor imħallat;

(ċ)

il-kwantitajiet taz-zokkor, l-isoglukosju u l-ġulepp ta’ l-inulina importati minn pajjiżi li m’humiex membri bħala prodotti pproċessati.

Għandha titnaqqas mis-somma msemmija fl-ewwel subparagrafu s-somma tal-kwantitajiet taz-zokkor, l-isoglukosju u l-ġulepp ta’ l-inulina esportati lejn pajjiżi li m’humiex membri bħala prodotti pproċessati u l-kwantitajiet ta’ prodotti bażiċi mfissra bħala zokkor abjad li għalihom ċertifikati ta’ rimbors għall-produzzjoni msemmija fl-Artikolu 7(3) tar-Regolament (KE) Nru 1260/2001 kienu nħarġu.”

13

Din id-dispożizzjoni ġiet emendata bir-Regolament Nru 1140/2003 hekk kif ġej:

“Il-kwantitajiet mqiegħda għall-konsum fil-Komunità li għandhom ikunu reġistrati skond l-Artikolu 15(1)(b) u (2)(a) tar-Regolament (KE) Nru 1260/2001 għandhom jiġu stabbiliti billi jingħad it-total tal-kwantitajiet, espressi bħala zokkor raffinat, taz-zokkor u xropp indikati fl-Artikolu 1(1)(a), (b), (c), u (d) u ta’ l-isoglukosju u x-xropp ta’ l-inulina:

(a)

maħżuna fil-bidu tas-sena ta’ marketing [tas-suq];

(b)

prodotti taħt il-kwoti A u B;

(ċ)

importati fl-istat naturali;

(d)

li jkunu jinsabu fi prodooti proċessati importati;

jitnaqqsu l-kwantitajiet msemmija fl-ewwel subparagrafu, espressi bħala zokkor raffinat, ta’ zokkor, isoglukosju u xropp ta’ l-inulina:

(a)

esportati fl-istat naturali;

(b)

li jkunu jinsabu fi prodo[t]ti proċessati esportati;

(ċ)

maħżuna fi tmiem is-sena ta’ marketing;

(d)

li għalihom ħarġu ċertifikati għar-rifużjonijiet għall-produzzjoni kif indikat fl-Artikolu 7(3) tar-Regolament […] Nru 1260/2001.

[…]”

14

L-Artikolu 6(5) tar-Regolament Nru 314/2002 jiddisponi li:

“Dawn li ġejjin kif miftehma fl-Artikolu 15(1)(d) tar-Regolament […] Nru 1260/2001 bħala obbligi ta’ esportazzjoni li għandhom jitwettqu matul is-sena kurrenti tal-bejgħ [tas-suq]:

(a)

il-kwantitajiet kollha taz-zokkor li għandu jiġi esportat fl-istat naturali b’rimbors għall-esportazzjoni jew imposti ffissati permezz ta’ offerti miftuħa dwar dik is-sena ta’ bejgħ;

(b)

il-kwantitajiet kollha taz-zokkor, l-isoglukosju, ġulepp ta’ l-inulina li għandhom ikunu esportati fl-istat naturali b’rimborsi għall-esportazzjoni jew imposti ffissati perjodikament fuq il-bażi ta’ liċenzji għall-esportazzjoni maħruġa waqt dik is-sena ta’ bejgħ;

(ċ)

l-esportazzjoni kollha mistennija taz-zokkor, l-isoglukosju u l-ġulepp ta’ l-inulina f’sura ta’ prodotti pproċessati b’rimbors għall-esportazzjoni jew imposti ffissati għal dak il-għan matul dik is-sena tal-bejgħ, tali kwantitajiet ikunu mifruxa ugwalment matul dik is-sena tal-bejgħ.

Biex tiġi kkalkulata l-medja tat-telf imbassar msemmi fl-Artikolu 15(1)(d) tar-Regolament […] Nru 1260/2001, rimborsi għall-produzzjoni għall-kwantitajiet ta’ prodotti basiċi mfissra bħala zokkor abjad li għalihom ċertifikati għar-rimborsi tal-produzzjoni msemmija fl-Artikolu 7(3) ta’ dak ir-Regolament inħarġu matul is-sena tal-bejgħ in kwestjoni għandhom ukoll jittieħdu in konsiderazzjoni.”

15

L-ammonti ta’ taxxa fuq il-produzzjoni ġew iffissati għas-sena tas-suq 2001/2002, 2002/2003 u 2003/2004, rispettivament, bir-Regolamenti Nri 1837/2002, 1762/2003 u 1775/2004, b’applikazzjoni tar-Regolamenti Nri 1260/2001 u 314/2002, dan ta’ l-aħħar, f’dan il-każ, hekk kif emendat bir-Regolament Nru 1140/2003.

Il-kawżi prinċipali u d-domandi preliminari

Il-kawża C-5/06

16

Permezz ta’ deċiżjoni tat-22 ta’ Ottubru 2004, il-Hauptzollamt Aachen iddetermina t-taxxa fuq il-produzzjoni ta’ Jülich billi applika, f’dan li jirrigwarda t-taxxa bażika tal-produzzjoni għaz-zokkor A u z-zokkor B, l-ammont għal kull tunnellata pprovdut fl-Artikolu 1(a) tar-Regolament Nru 1775/2004 u, fir-rigward tat-taxxa B dwar iz-zokkor B, l-ammont għal kull tunnellata msemmi fl-Artikolu 1(b) ta’ dan l-istess Regolament.

17

Billi l-ilment imressaq minn Jülich kontra din id-deċiżjoni ġie miċħud, din il-kumpannija ressqet rikors quddiem il-Finanzgericht Düsseldorf, fejn sostniet li r-Regolament Nru 1775/2004 kien invalidu, minħabba li l-Kummissjoni kienet wettqet żbalji fil-kalkolu tat-taxxa fuq il-produzzjoni. Minn naħa, hija b’mod żbaljat inkludiet, għall-kalkolu tal-eċċess esportabbli, il-kwantità ta’ 504205 tunnellata ta’ zokkor esportata mill-Komunità taħt forma ta’ prodotti pproċessati li għalihom ebda rifużjoni ma kienet tħallset, peress illi, barra minn hekk, din il-kwantità ma kkawżat ebda telf għall-baġit tal-Komunità. Min-naħa l-oħra, il-Kummissjoni ma ħaditx in kunsiderazzjoni, għall-kalkolu tat-telf medju, din l-istess kwantità. Ebda raġuni oġġettiva ma tiġġustifika t-teħid in kunsiderazzjoni ta’ żewġ kwantitajiet differenti sabiex jiġi stabbilit l-eċċess esportabbli u t-telf medju għal kull tunnellata ta’ zokkor.

18

Skont il-qorti tar-rinviju, jekk l-għan tal-impożizzjoni ta’ taxxi tal-produzzjoni huwa sempliċiment li l-produtturi jkunu mitluba jħallsu l-ispejjeż għar-rimi tal-produzzjoni tal-Komunità fl-eċċess, l-iffissar ta’ taxxi, mingħajr ma jkun ikkunsidrat il-fatt illi rifużjonijiet fuq l-esportazzjoni kienu mħallsa biss għal porzjon taz-zokkor esportat, ikun imur lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex jintlaħaq dan l-għan. Għalhekk il-Finanzgericht Düsseldorf iddeċiediet li tissospendi l-proċeduri u li tagħmel is-segwenti domandi preliminari lill-Qorti tal-Ġustizzja:

“1)

L-Artikolu 15 tar-Regolament [Nru 1260/2001] għandu jiġi interpretat li jfisser illi, fid-determinazzjoni tal-eċċess esportabbli, għandhom jiġu kkunsidrati biss dawk il-kwantitajiet esportati ta’ zokkor, isoglukosju u x-xropp tal-inulina li għallihom kienu fil-fatt tħallsu rifużjonijiet fuq l-esportazzjoni?

2)

Jekk ir-risposta għall-ewwel domanda tkun fl-affermattiv: l-Artikolu 6(4) tar-Regolament [Nru 314/2002] kif emendat bir-Regolament [Nru 1140/2003] huwa invalidu?

3)

Jekk ir-risposta għall-ewwel domanda tkun fin-negattiv: l-Artikolu 15 tar-regolament [Nru 1260/2001] għandu jiġi interpretat li jfisser illi, fid-determinazzjoni tal-eċċess esportabbli kif ukoll tat-telf medju għal kull tunnellata ta’ zokkor, l-esportazzjonijiet kollha għandhom jiġu kkunsidrati, anke meta ma kinux tħallsu rifużjonijiet fuq l-esportazzjoni għall-porzjon ta’ dawk l-esportazzjonijiet fis-sena tas-suq rilevanti?

4)

Jekk ir-risposti għall-ewwel, għat-tieni u għat-tielet domandi jkunu fl-affermattiv: ir-Regolament [Nru 1775/2004] huwa invalidu?”

Il-kawżi C-23/06 sa C-36/06

19

Saint Louis Sucre kif ukoll Sucreries du Marquenterre et huma suġġetti, bħala kumpanniji li jipproduċu z-zokkor, għall-ħlas ta’ taxxi tal-produzzjoni fuq iz-zokkor.

20

Billi qiesu li l-ammonti tat-taxxa li ħallsu għas-sena tas-suq 2001/2002, 2002/2003 u 2003/2004 kienu għolja wisq, huma talbu rimbors parzjali ta’ dawn it-taxxi mingħand ir-receveur principal des douanes et des droits indirects de Gennevilliers li kien inkarigat mill-irkupru ta’ dawn.

21

B’deċiżjonijiet tat-23 ta’ Frar 2005 tar-receveur principal, l-ilmenti ppreżentati fir-rigward ta’ dan ir-rimbors ġew miċħuda minħabba li r-rati tat-taxxi kkontestati jirriżultaw mill-applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni Komunitarja.

22

F’dawn iċ-ċirkustanzi, Saint Louis Sucre u Sucreries du Marquenterre et ressqu rikorsi quddiem it-tribunal de grande instance de Nanterre sabiex dawn id-deċiżjonijiet jiġu annullati u sabiex jiġi ordnat ir-rimbors parzjali tat-taxxi kkontestati, biż-żieda tal-imgħaxijiet ta’ dewmien.

23

Ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali sostnew li l-leġiżlazzjoni Komunitarja rilevanti tipprovdi kontabbiltà differenti għaz-zokkor esportat fil-forma ta’ prodotti pproċessati li ma jibbenefikawx minn rifużjonijiet, minn naħa, billi tinkludih fl-eċċess esportabbli li għandu jkun iffinanzjat u, min-naħa l-oħra, billi teskludih mill-kwantitajiet imsejħa “obbligi ta’ esportazzjoni in kwistjoni” li jippermettu l-kalkolu tat-“telf medju”, sabiex jiġi effettivament iffinanzjat ir-rimi ta’ dan l-eċċess. Għalhekk, il-Kummissjoni ssopravvalutat l-ammont tat-taxxa għas-snin tas-suq 2001/2002, 2002/2003 u 2003/2004, u ma osservatx l-għan ta’ awtofinanzjament stabbilit mill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea.

24

Konsegwentement, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali kkontestaw il-validità tal-Artikolu 6(4) tar-Regolament Nru 314/2002 li jagħti, fil-formulazzjoni li tirriżulta mir-Regolament Nru 1140/2003, definizzjoni wisq wiesa’ tal-eċċess esportabbli, kontra l-prinċipji ta’ proporzjonalità, ta’ ġerarkija tal-liġijiet u ta’ limitazzjoni tal-kompetenzi ta’ implementazzjoni tal-Kummissjoni. Sussidjarjament, għall-istess motivi, huma jikkontestaw il-validità tar-regolamenti li jiffissaw, b’applikazzjoni tar-Regolament Nru 314/2002, l-ammonti tat-taxxi tal-produzzjoni għas-snin tas-suq inkwistjoni fil-kawża prinċipali.

25

Sussidjarjament u fil-każ fejn definizzjoni wiesa’ tal-eċċess esportabbli tipprevali, Saint Louis Sucre kif ukoll Sucreries du Marquenterre et sostnew li l-għan ta’ awtofinanzjament strett stabbilit fir-Regolament Nru 1260/2001 xorta waħda ma ġiex irrispettat inkwantu l-Kummissjoni, li ħadet inkunsiderazzjoni fl-2002 il-prodotti esportati mingħajr rifużjoni fil-kalkoli annwali tagħha tat-telf medju, illum tinjora fil-kalkoli tagħha l-identiċità li għandha teżisti bejn l-elementi li jikkostitwixxu l-“eċċess esportabbli” u l-kalkolu tat-“telf medju”.

26

Huwa f’dan il-kuntest li t-Tribunal de grande instance de Nanterre iddeċieda li jissospendi l-proċeduri u li jagħmel is-segwenti domandi preliminari lill-Qorti tal-Ġustizzja:

“1)

L-Artikolu 6(4) tar-Regolament Nru 314/2002 […] u/jew ir-Regolamenti Nri 1837/2002, 1762/2003 u 1775/2004 adottati sabiex jimplementawh huma invalidi fid-dawl tal-Artikolu 15 tar-Regolament Nru 1260/2001 […] u fid-dawl tal-prinċipju ta’ proporzjonalità, safejn, fir-rigward tal-kalkolu tat-taxxa fuq il-produzzjoni, ma jipprovdix għall-esklużjoni mill-“eċċess esportabbli” taz-zokkor li jinsab fi prodotti pproċessati li huma esportati mingħajr rifużjonijiet fuq l-esportazzjoni?

Jekk ir-risposta għal din id-domanda tkun fin-negattiv:

2)

Ir-Regolamenti Nri 1837/2002, 1762/2003 u 1775/2004 huma invalidi fid-dawl tar-Regolament Nru 314/2002 […] u tal-Artikolu 15 tar-Regolament Nru 1260/2001 u tal-prinċipji ta’ ugwaljanza u proporzjonalità, safejn huma jistabbilixxu taxxa fuq il-produzzjoni għaz-zokkor li hija kkalkolata fuq il-bażi tal-“medja tat-telf” għal kull tunnellata esportata, li ma tikkunsidrax il-kwantitajiet esportati mingħajr rifużjoni, għalkemm dawn il-kwantitajiet huma inklużi fit-total użat sabiex ikun evalwat it-telf totali li għandu jkun iffinanzjat?”

Fuq l-għaqda tal-kawżi C-5/06 u C-23/06 sa C-36/06

27

Peress illi l-kawżi C-5/06 u C-23/06 sa C-36/06 huma konnessi, hemm lok, skont l-Artikolu 43 tar-Regoli tal-Proċedura, moqri flimkien mal-Artikolu 103 ta’ dawn l-istess regoli, li dawn jiġu magħquda għall-finijiet tas-sentenza.

Fuq id-domandi preliminari

28

Billi d-domandi preliminari magħmula miż-żewġ qrati tar-rinviju huma essenzjalment l-istess, dawn għandhom jiġu ttrattati b’riferiment għall-mod li bih huma fformulati fil-kawża C-5/06.

Fuq il-kwistjoni dwar jekk, skont l-Artikolu 15 tar-Regolament Nru 1260/2001, il-kwantitajiet kollha ta’ prodotti esportati li jaqgħu taħt din id-dispożizzjoni għandhomx, għall-finijiet tal-kalkolu tal-eċċess esportabbli, jitnaqqsu mill-konsum fi ħdan il-Komunità

29

Għandu jiġi mfakkar li l-ħdax-il premessa tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1785/81, tat-30 ta’ Ġunju 1981, dwar l-organizzazzjoni komuni tas-swieq fis-settur taz-zokkor (ĠU L 177, p. 4), tipprovdi, bħal ma tipprovdi l-premessa 9 tar-Regolament Nru 1260/2001, li għandhom isiru xi bidliet għas-sistema tal-kwoti tal-produzzjoni, b’mod partikolari, “sabiex tipprovdi lill-Komunità bl-istrumenti neċessarji sabiex tassigura b’mod ġust iżda effiċjenti, li l-fabbrikanti nfushom jlaħħqu bis-sħiħ ma’ l-ispejjeż biex jeħilsu minn ħażniet żejda tal-produzzjoni tal-Komunità fuq il-konsum […]”. [traduzzjoni mhux uffiċjali]

30

L-Artikolu 28 tar-Regolament Nru 1785/81, li jistabbilixxi l-kriterji għad- determinazzjoni tat-taxxi tal-produzzjoni fuq il-produzzjonijiet taz-zokkor A u B u ta’ isoglukożju A u B, jiddisponi fil-paragrafu 1 tiegħu:

“Qabel it-tmiem ta’ kull sena tas-suq 1981/1982 sa 1985/1986, huwa kkonstatat li:

a)

tbassir tal-produzzjoni taz-zokkor A u B u tal-isoglukożi A u B li tista’ tkun konnessa mas-sena tas-suq ikkonċernata;

b)

tbassir tal-kwantitajiet taz-zokkor u tal-isoglukosi mwarrba għall-konsum fil-Komunità matul is-sena tas-suq li hemm referenza dwarha;

ċ)

l-eċċess esportabbli bit-tnaqqis tal-kwantità li hemm referenza dwarha fil-(b) mill-kwantità li hemm referenza dwarha fl-(a);

d)

l-estimi tat-telf medju jew tad-dħul medju (ta’ flus) għal kull tunnellata metrika sabiex jiġu mwettqa l-obbligi ta’ l-esportazzjoni matul is-sena tas-suq kurrenti.

Dan it-telf medju jew dħul medju għandu jkun ugwali għad-differenza bejn l-ammont totali tar-rifużjoni u l-ammont totali tad-dħul mit-taxxi fuq it-tunnellaġġ metriku totali ta’ l-obbligi dwar l-esportazzjoni f’dak il-każ;

e)

l-estimi tat-telf jew tad-dħul globali miksuba bil-multiplikazzjoni ta’ l-eċċess riferit fiċ-(ċ) bit-telf medju jew bid-dħul medju riferit fid-(d).” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

31

Din id-dispożizzjoni, minkejja li ġiet sussegwentement issostitwita bl-Artikolu 33(1) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2038/1999, tat-13 ta’ Settembru 1999, dwar l-organizzazzjoni komuni tas-swieq fis-settur taz-zokkor (ĠU L 252, p. 1), u bl-Artikolu 15(1) tar-Regolament Nru 1260/2001, baqgħat essenzjalment l-istess.

32

L-Artikolu 5(5) tar-Regolament tal-Kummissjoni (KEE) Nru 1443/82, tat-8 ta’ Ġunju 1982, li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tas-sistema ta’ kwoti fis-settur taz-zokkor (ĠU L 158, p. 17), jipprovdi li l-kwantitajiet ta’ zokkor u ta’ isoglukożju esportati lejn pajjiżi terzi taħt il-forma ta’ prodotti pproċessati għandhom jitnaqqsu mill-kwantitajiet ta’ zokkor u ta’ isoglukożju kkonsmati fil-Komunità.

33

Jirriżulta, b’mod partikolari, mill-proċess dwar il-kawżi C-23/06 sa C-36/06 li, fir-rigward tal-eċċess esportabbli, il-Kummissjoni konsistentement ikkunsidrat li dan kien jikkorrispondi għall-produzzjoni mnaqqsa mir-rimi taz-zokkor, peress illi l-esportazzjonijiet ta’ zokkor taħt forma ta’ prodotti pproċessati, irrispettivament minn jekk dawn ibbenefikawx jew le minn rifużjoni, huma inklużi mhux fil-konsum fil-Komunità, iżda f’dan l-eċċess.

34

L-Artikolu 15 tar-Regolament Nru 1260/2001, li jistabbilixxi l-kriterji li jirregolaw id-determinazzjoni tat-taxxi tal-produzzjoni fuq il-produzzjonijiet taz-zokkor A u B, tal-isoglukożju A u B u tax-xropp tal-inulina A u B, jipprovdi fil-paragrafu 1(a) sa (ċ) tiegħu li, l-eċċess esportabbli huwa kkostitwit mid-differenza bejn, minn naħa, it-tbassir tal-produzzjoni taz-zokkor A u B, tal-isoglukożi A u B u tax-xropp tal-inulina A u B li tista’ tkun konnessa mas-sena tas-suq kurrenti u, min-naħa l-oħra, it-tbassir tal-kwantitajiet taz-zokkor u tal-isoglukosi mwarrba għall-konsum fil-Komunità matul is-sena tas-suq li għaliha hemm riferiment.

35

Skont l-Artikolu 15(1)(d) ta’ dan l-istess regolament, l-estimi tat-telf medju għandhom ikunu ugwali għad-differenza bejn l-ammont totali tar-rifużjoni u l-ammont totali tad-dħul mit-taxxi fuq it-tunnellaġġ metriku totali tal-obbligi dwar l-esportazzjoni f’dak il-każ.

36

L-estimi tat-telf globali, skont l-Artikolu 15(1)(e), tar-Regolament Nru 1260/2001, jinkisbu bil-moltiplikazzjoni tal-eċċess esportabbli mat-telf medju.

37

Peress illi l-eċċess esportabbli huwa kkostitwit mid-differenza bejn il-produzzjoni Komunitarja taħt il-kwoti A u B u l-konsum intern, dan tal-aħħar mhuwiex intiż li jinkludi l-kwantitajiet ta’ prodotti esportati, irrispettivament minn jekk dawn ibbenefikawx jew le minn rifużjonijiet fuq l-esportazzjoni.

38

Fil-fatt, ma jistgħux jitqiesu li twarrbu għall-konsum fil-Komunità, fis-sens tal-Artikolu 15(1)(b) tar-Regolament Nru 1260/2001, il-kwantitajiet ta’ prodotti esportati.

39

Fil-fatt, l-eċċess esportabbli jinkludi l-kwantitajiet ta’ prodotti li għar-rimi tagħhom huma previsti miżuri Komunitarji ta’ sostenn. Għalhekk, bħala eżempju, il-kwantitajiet ta’ prodotti eventwalment maħżuna fl-aħħar tas-sena tas-suq għandhom jiġu magħduda bħala kwantitajiet mhux ikkunsmati bil-għan li jiġi ddeterminat l-eċċess esportabbli anki jekk, bħala ipoteżi, f’dan l-istadju dawn ma bbenefikawx minn miżuri ta’ sostenn għar-rimi.

40

L-eċċess esportabbli m’għandhux jiġi mfixkel mal-kwantitajiet ta’ prodotti esportati. Dawn, minkejja li taw lok għal rifużjonijiet, ma jwasslux dejjem għal spejjeż finanzjarji għall-produtturi. B’mod partikolari, dan ikun hekk fil-każ fejn il-kwantità li tirriżulta, fuq ipoteżi, mid-differenza bejn, minn naħa, il-ħażniet inizjali u l-produzzjoni Komunitarja u, min-naħa l-oħra, il-ħażniet finali, hija ikbar mill-produzzjoni Komunitarja u meta l-kwantitajiet ta’ prodotti li taw dritt għal rifużjonijiet ma jeċċedux id-differenza bejn il-produzzjoni Komunitarja u din il-kwantità.

41

Hekk kif essenzjalment sostniet il-Kummissjoni, jekk l-għan tar-Regolament Nru 1260/2001 kien li jibbaża l-kalkolu tat-taxxi tal-produzzjoni fuq l-ispejjeż tal-baġit tar-rifużjonijiet, kien ikun biżżejjed li dawn it-taxxi jiġu ddeterminati minn telf globali bbażat fuq ir-rifużjonijiet kollha għall-esportazzjoni u għall-produzzjoni.

42

Għandu jiġi rrilevat li l-estimi tat-telf globali, hekk kif iddefiniti fl-Artkolu 15(1)(e) tar-Regolament Nru 1260/2001, ma jaqblux mal-ammont globali tar-rifużjonijiet għas-sena tas-suq kurrenti, iżda huma kkostitwiti mill-prodott tal-eċċess esportabbli u tal-estimi tat-telf medju għal kull tunnellata ta’ zokkor sabiex jitwettqu l-obbligi tal-esportazzjoni matul is-sena tas-suq kurrenti.

43

Jirriżulta minn dak li ntqal iktar’il fuq li l-metodu ta’ kalkolu tal-estimi tat-telf globali huwa intiż, f’kull każ, li jistabbilixxi b’mod iffukat u konvenzjonali t-telf dovut għar-rimi tal-eċċess tal-produzzjoni Komunitarja.

44

Issa, kieku l-kwantitajiet esportati mingħajr rifużjonijiet kienu inklużi bħala konsum intern, dan tal-aħħar ikun sopravvalutat. Konsegwentement, l-eċċess esportabbli ma jkunx stmat biżżejjed. Barra minn dan, hemm riskju li l-għan tas-sistema ta’ awtofinanzjament tal-ispejjeż tar-rimi tal-eċċess, li jikkonsisti, mill-introduzzjoni ta’ din is-sistema mir-Regolament Nru 1785/81, f’li jiġi żgurat b’mod ġust iżda effikaċji l-finanzjament sħiħ mill-istess produtturi ta’ dawn l-ispejjeż, u li l-applikazzjoni tiegħu mill-Kummissjoni dejjem straħet fuq il-kunċett ta’ eċċess esportabbli li jinkludi l-esportazzjonijiet taz-zokkor, irrispettivament minn jekk dawn ibbenefikawx jew le minn rifużjoni, ma jintlaħaqx. Għalhekk, iż-żamma ta’ din is-sistema tista’, kuntrarjament għal dak li tipprovdi t-tnax-il premessa tar-Regolament Nru 1260/2001, tkun mhedda.

45

Fid-dawl ta’ dak li ntqal iktar’il fuq, jeħtieġ li l-Artikolu 15(1)(ċ) tar-Regolament Nru 1260/2001 jiġi interpretat fis-sens li, għall-finijiet tal-kalkolu tal-eċċess esportabbli, il-kwantitajiet kollha tal-prodotti esportati li jaqgħu taħt dan l-Artikolu, irrispettivament minn jekk effettivament tħallsux jew le rifużjonijiet, għandhom jitnaqqsu mill-konsum għall-finijiet tal-kalkolu tal-eċċess esportabbli li jaqa’ taħt dan l-Artikolu,

Fuq il-kwistjoni dwar jekk, skont l-Artikolu 15 tar-Regolament Nru 1260/2001, il-kwantitajiet kollha ta’ prodotti esportati li jaqgħu taħt din id-dispożizzjoni għandhomx jittieħdu inkunsiderazzjoni għad-determinazzjoni tal-estimi tat-telf medju għal kull tunnellata ta’ zokkor

46

Skont l-Artikolu 15(1)(d) tar-Regolament Nru 1260/2001, it-telf medju għandu jkun ugwali għad-differenza bejn l-ammont totali tar-rifużjonijiet u l-ammont totali tad-dħul mit-taxxi fuq it-tunnellaġġ metriku totali tal-obbligi dwar l-esportazzjoni li għandhom jitwettq matul is-sena tas-suq kurrenti.

47

L-estimi tat-telf globali, skont l-Artikolu 15(1)(e) ta’ dan ir-regolament, jinkisbu bil-moltiplikazzjoni tal-eċċess esportabbli mat-telf medju.

48

Skont l-Artikolu 22(1) ta’ dan ir-regolament, kull esportazzjoni mill-Komunità ta’ zokkor, ta’ isoglukożju u ta’ xropp tal-inulina hija suġġetta għall-preżentazzjoni ta’ liċenzja tal-esportazzjoni, li l-ħruġ tagħha huwa suġġett għall-għoti ta’ garanzija li l-obbligu ta’ esportazzjoni matul il-perijodu tal-validità tal-liċenzja jitwettaq.

49

Fil-kuntest tal-esportazzjonijiet imsemmija fir-Regolament Nru 1260/2001, jeħtieġ, fin-nuqqas ta’ raġunijiet partikolari li jipprekludu dan, li l-kunċett ta’ “obbligi ta’ l-esportazzjoni matul is-sena tas-suq kurrenti”, li jinsab fl-Artikolu 15(1)(d) ta’ dan l-istess regolament, jiġi interpretat b’mod koerenti mal-Artikolu 22(1) ta’ dan l-istess regolament, li jagħmel referenza għall-obbligu ta’ esportazzjoni.

50

Għalhekk, f’dan il-kuntest, dan il-kunċett jinkludi kull kwantità ta’ prodotti li jaqgħu taħt l-Artikolu 15 ta’ dan ir-regolament intiża għall-esportazzjoni mill-Komunità.

51

F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li, kontra dak li sostnew numru ta’ partijiet ikkonċernati li ppreżentaw osservazzjonijiet fil-kuntest tal-proċeduri, il-kwistjoni dwar jekk il-kwantitajiet ta’ prodotti intiżi għall-esportazzjoni għandhomx jew le rifużjonijiet fuq l-esportazzjonijiet hija irrilevanti fir-rigward tal-kunċett ta’ “obbligi ta’ l-esportazzjoni matul is-sena tas-suq kurrenti”. Fil-fatt, dan il-kunċett jirreferi biss għall-kwantitajiet ta’ prodotti li għalihom ġew maħruġa ċertifikati ta’ esportazzjoni.

52

Tali interpretazzjoni tal-Artikolu 15(1)(d) tar-Regolament Nru 1260/2001, taqbel mal-kunċett ta’ “eċċess esportabbli” li jinsab fil-paragrafu (1)(ċ), kif stabbilit fil-punt 45 ta’ din is-sentenza u tippermetti, barra minn hekk, li jiġu kkalkolati b’mod koerenti l-estimi tat-telf globali kif definiti f’dan il-paragrafu 1(e).

53

Fil-fatt, hekk kif essenzjalment sostnew ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali bħall-Gvern Ġermaniż u Franċiż, l-estimi tat-telf globali, li jinkisbu bil-moltiplikazzjoni tal-eċċess esportabbli mat-telf medju, ikunu sopravvalutati jekk prodott seta’ jkun ikkunsidrat bħala esportat għall-finijiet tal-kalkolu tal-eċċess esportabbli u ma ttieħidx inkunsiderazzjoni b’mod korrispondenti għall-kalkolu tat-telf medju li d-denominatur huwa, hekk kif indikat fit-tieni inċiż tal-Artikolu 15(1)(d) tar-Regolament Nru 1260/2001, ikkostitwit mit-tunnellaġġ metriku totali tal-obbligi dwar l-esportazzjoni matul is-sena tas-suq kurrenti.

54

Jirriżulta mill-proċess, u b’mod iktar partikolari mid-dokument ta’ ħidma tad-dipartimenti tal-Kummissjoni D/32013/04, dwar il-metodu ta’ kalkolu tat-taxxi “tal-produzzjoni taz-zokkor” ippreżentat lill-Kumitat ta’ Ġestjoni tas-Settur taz-Zokkor fit-30 ta’ Settembru 2004, li ċerti Stati Membri esprimew ix-xewqa li z-zokkor esportat mingħajr rifużjonijiet ikun inkluż fil-kalkolu tat-telf medju. Skont dan id-dokument, it-telf globali hekk kif ikkalkolat mill-Kummissjoni, b’mod partikolari bl-applikazzjoni tal-Artikolu 6(5) tar-Regolament Nru 314/2002, jiġifieri, b’mod partikolari, billi jiġu esklużi mill-obbligi tal-esportazzjoni l-kwantitajiet esportati mingħajr rifużjonijiet, huwa ugwali jew għola mill-ispejjeż tar-rifużjonijiet għaz-zokkor.

55

Madankollu, il-Kummissjoni indikat li tali metodu ta’ kalkolu jippermetti li jiġi skoraġġut il-ħolqien ta’ eċċessi li jkunu ta’ piż fuq il-prezz tas-suq, jiddestabbilixxi l-organizzazzjoni komuni tas-swieq fis-settur taz-zokkor u jista’ jikkawża spejjeż, b’mod partikolari ta’ xiri ta’ intervent.

56

Dan l-argument ma jistax jiġi milqugħ.

57

Fil-fatt, jirriżulta mid-disa’, mill-ħdax u mit-tnax-il premessa tar-Regolament Nru 1260/2001 li s-sistema stabbilita minnu hija intiża li, b’mod ġust iżda effikaċi, il-produtturi nfushom isostnu kompletament l-ispejjeż għar-rimi tal-eċċess ta’ produzzjoni Komunitarja skont il-prinċipju tal-awtofinanzjament.

58

Hekk kif ikkonstatat il-Qorti tal-Ġustizzja, is-sistema ta’ finanzjament tal-ispejjeż tar-rimi hija maħsuba b’tali mod illi l-kwota A, li tirrapreżenta l-konsum intern, tagħti lok biss għal taxxa minima, filwaqt li l-kwota B, li hija ġeneralment għall-esportazzjoni, hija suġġetta għal taxxa ħafna iktar għolja, sabiex tiffinanzja r-rifużjonijiet neċessarji filwaqt illi tiskoraġġixxi l-produzzjoni (ara s-sentenza tat-22 ta’ Jannar 1986, Eridania et, 250/84, Ġabra p. 117, punt 19).

59

L-effett dissważiv li, skont il-konstatazzjoni magħmula mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza Eridania zuccherifici nazionali et, iċċitata iktar’il fuq, is-sistema ta’ finanzjament tal-ispejjeż tar-rimi, jista’ jkollha fuq il-produtturi tirriżulta, hekk kif indikat mill-Avukat Ġenerali fil-punt 60 tal-konklużjonijiet tagħha, mill-fatt stess li t-taxxa fuq il-produzzjoni timponi fuq il-produtturi l-obbligu li jiffinanzjaw l-ispejjeż għar-rimi tal-eċċess ta’ produzzjoni Komunitarja.

60

Issa, barra fl-ipoteżi teorika ħafna fejn l-esportazzjonijiet kollha bbenefikaw minn rifużjonijiet, is-sistema introdotta mill-Kummissjoni, inkwantu din wasslet fil- prattika sabiex tifissa a priori t-telf globali għal ammont għola minn dak tal-ispejjeż marbuta mar-rifużjonijiet, tmur lil hinn mill-għan tar-Regolament Nru 1260/2001, u b’mod partikolari ta’ finanzjament ġust tal-ispejjeż għar-rimi tal-eċċess tal-produzzjoni Komunitarja, imfakkar fil-punt 57 ta’ din is-sentenza.

61

Fid-dawl ta’ dak li ntqal iktar’il fuq, jeħtieġ li r-risposta tkun li l-Artikolu 15(1)(d) tar-Regolament Nru 1260/2001 għandu jiġi interpretat fis-sens li l-kwantitajiet kollha ta’ prodotti esportati li jaqgħu taħt dan l-Artikolu, irrispettivament minn jekk effettivament tħallsux jew le rifużjonijiet, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni għad-determinazzjoni tal-estimi tat-telf medju għal kull tunnellata ta’ prodott.

Fuq il-validità tar-Regolamenti Nri 1837/2002, 1762/2003 u 1775/2004

62

Ir-Regolamenti Nri 1837/2002, 1762/2003 u 1775/2004 iffissaw, għas-snin tas-suq 2001/2002, 2002/2003 u 2003/2004, l-ammonti ta’ taxxa fuq il-produzzjoni fis-settur taz-zokkor.

63

Huwa paċifiku li l-Kummissjoni, b’applikazzjoni tal-Artikolu 6(5) tar-Regolament Nru 314/2002, ħadet inkunsiderazzjoni, sabiex tikkalkola t-telf medju għal kull tunnellata ta’ zokkor, biss l-esportazzjonijiet li għandhom rifużjonijiet. Madankollu, jirriżulta mill-proċess li dan il-metodu ta’ kalkolu beda jkun applikat biss mill-2003. Għas-sena tas-suq 2001-2002, li għaliha jirreferi r-Regolament Nru 1837/2002, huwa paċifiku li, għall-iffissar tat-taxxi tal-produzzjoni, il-Kummissjoni kienet ikkalkolat it-telf medju billi bbażat ruħha fuq l-kwantitajiet kollha ta’ zokkor esportati taħt il-forma ta’ prodotti pproċessati, irrispettivament minn jekk dawn l-esportazzjonijiet ibbenefikawx jew le minn rifużjonijiet. Is-sena ta’ wara, il-Kummissjoni pproċediet għal korrezzjoni tal-kalkolu tat-telf medju billi ħadet inkunsiderazzjoni biss l-kwantitajiet ta’ prodotti esportati li effettivament taw lok għall-ħlas ta’ rifużjonijiet. Dan wassal għal żieda tal-imsemmi telf medju, li l-ammont tiegħu rrifletta fuq it-telf globali tas-sena tas-suq 2002/2003.

64

Jirriżulta mir-risposta mogħtija fil-punt 61 ta’ din is-senza li tali metodu ta’ kalkolu tat-telf medju mhuwiex konformi mal-Artikolu 15 tar-Regolament Nru 1260/2001.

65

Konsegwentement, ir-Regolamenti Nri 1762/2003 u 1775/2004, li japplikaw dan il-metodu huma invalidi.

66

Fir-rigward tar-Regolament Nru 1837/2002, fid-dawl ta’ dak li ntqal iktar’il fuq, eżami tiegħu ma rrilevax l-eżistenza ta’ elementi tali li jeffettwaw il-validità tiegħu.

67

Madankollu, mill-iżviluppi li jippreċedu jirriżulta li l-korrezzjoni tal-kalkolu tat-telf medju li jsir riferiment għalih fil-punt 63 ta’ din is-sentenza, inkwantu hija bbażata fuq il-metodu ta’ kalkolu mfakkar f’dan l-istess punt, mhijiex konformi mal-Artikolu 15 tar-Regolament Nru 1260/2001.

68

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, jeħtieġ li r-risposta għad-domandi magħmula tkun li:

skont l-Artikolu 15(1)(c) tar-Regolament Nru 1260/2001, għall-finijiet tal-kalkolu tal-eċċess esportabbli, il-kwantitajiet kollha tal-prodotti esportati, irrispettivament minn jekk effettivament tħallsux jew le rifużjonijiet, għandhom jitnaqqsu mill-konsum;

l-Artikolu 15(1)(d) ta’ dan ir-regolament għandu jiġi interpretat fis-sens li l-kwantitajiet kollha ta’ prodotti esportati li jaqgħu taħt dan l-artikolu, irrispettivament minn jekk effettivament tħallsux jew le rifużjonijiet, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni għad-determinazzjoni kemm tal-eċċess esportabbli kif ukoll tat-telf medju għal kull tunnellata ta’ prodott;

ir-Regolamenti Nri 1762/2003 u 1775/2004 huma invalidi, u

eżami tar-Regolament Nru 1837/2002 ma rrilevax l-eżistenza ta’ elementi tali li jeffettwaw il-validità tiegħu.

Fuq l-ispejjeż

69

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qrati tar-rinviju, huma dawn il-qrati li jiddeċiedu fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

Skont l-Artikolu 15(1)(ċ) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1260/2001, tad-19 ta’ Ġunju 2001, dwar l-organizzazzjoni komuni tas-swieq fis-settur taz-zokkor, għall-finijiet tal-kalkolu tal-eċċess esportabbli li jaqgħu taħt dan l-Artikolu, il-kwantitajiet kollha ta’ prodotti esportati, irrispettivament minn jekk effettivament tħallsux jew le rifużjonijiet, għandhom jitnaqqsu mill-konsum.

 

L-Artikolu 15(1)(d) ta’ dan ir-regolament għandu jiġi interpretat fis-sens li l-kwantitajiet kollha ta’ prodotti esportati li jaqgħu taħt dan l-Artikolu, irrispettivament minn jekk effettivament tħallsux jew le rifużjonijiet, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni għad-determinazzjoni kemm tal-eċċess esportabbli kif ukoll tat-telf medju għal kull tunnellata ta’ prodott.

 

Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1762/2003, tas-7 ta’ Ottubru 2003, li jiffissa t-taxxi tal-produzzjoni fis-settur taz-zokkor għas-sena tas-suq 2002/2003, u r-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1775/2004, tal-14 ta’ Ottubru 2004, li jiffissa t-taxxi tal-produzzjoni fis-settur taz-zokkor għas-sena tas-suq 2003/2004, huma invalidi.

 

Eżami tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1837/2002, tal-15 ta’ Ottubru 2002, li jiffissa t-taxxi tal-produzzjoni u l-koeffiċjent għat-taxxa addizzjonali fis-settur taz-zokkor għas-sena tas-suq 2001/2002, ma rrilevax l-eżistenza ta’ elementi tali li jeffettwaw il-validità tiegħu.

 

Firem


( *1 ) Lingwi tal-kawża: il-Ġermaniż u l-Franċiż.

Top