Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62006CJ0003

    Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (it-Tieni Awla) tat-8 ta' Frar 2007.
    Groupe Danone vs il-Kummisjoni tal-Komunitajiet Ewropej.
    Appell - Kompetizzjoni - Akkordju - Multi - Linji gwida għall-kalkolu tal-multi - Komunikazzjoni fuq il-kooperazzjoni.
    Kawża C-3/06 P.

    ECLI identifier: ECLI:EU:C:2007:88

    SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla)

    8 ta' Frar 2007 (*)

    “Appell – Kompetizzjoni – Akkordju – Multi – Linji gwida għall-kalkolu tal-multi – Komunikazzjoni fuq il-kooperazzjoni”

    Fil-kawża C-3/06 P

    li għandha bħala suġġett appell taħt l-Artikolu 56 ta' l-Istatut KE tal-Qorti tal-Ġustizzja, imressaq fit-3 ta' Jannar 2006,

    Groupe Danone, kumpannija ta' responsabbiltà limitata stabbilita f' Pariġi (Franza), irrappreżentata minn A. Winckler u S. Sorinas Jimeno, avocats,

    rikorrenti

    il-parti l-oħra fil-kawża li hija

    Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, irrappreżentata minn A. Bouquet u W. Wils, bħala aġenti, b'indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,

    konvenuta

    IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla),

    komposta minn C. W. A. Timmermans, President ta' l-Awla, J. Klučka, R. Silva de Lapuerta (Relatur), J. Makarczyk u L. Bay Larsen, Imħallfin,

    Avukat Ġenerali: M. Poiares Maduro,

    Reġistratur: K. Sztranc-Sławiczek, Amministratur,

    wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat-13 ta' Settembru 2006,

    wara li semgħet il-konklużjonijiet ta' l-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tas-16 ta' Novembru 2006,

    tagħti l-preżenti

    Sentenza

    1       bBBir-rikors tagħha, Groupe Danone titlob l-annullament tas-sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza tal-Komunitajiet Ewropej tal-25 ta' Ottubru 2005, Groupe Danone vs Il-Kummissjoni (T-38/02, Ġabra p. II-4407, iktar 'il quddiem is-"sentenza kkontestata"), safejn din id-Deċiżjoni ċaħdet parzjalment ir-rikors tagħha intiż għall-annullament tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2003/569/KE, tal-5 ta' Diċembru 2001, dwar proċedura ta' applikazzjoni ta' l-Artikolu 81 tat-Trattat KE (kawża IV/37.614/F3PO/Interbrew u Alken Maes) (ĠU L 200, 2003, p. 1, iktar 'il quddiem id-"deċiżjoni kkontestata") kif ukoll it-tnaqqis tal-multa imposta fuqha skond l-Artikolu 2 ta' din id-Deċiżjoni.

     Il-Kuntest Ġuridiku

    2       L-Artikolu 15 tar-Regolament tal-Kunsill Nru 17, tas-6 ta’ Frar 1962, l-ewwel Regolament li jimplementa l-Artikoli [81] u [82] tat-Trattat (ĠU 13, 1962, p. 204,), jipprevedi li:

    "1. Il-Kummissjoni tista’ perme[zz] ta’ deċiżjoni timponi fuq l-impriżi jew assoċjazzjonijiet ta’ impriżi multi minn 100 sa 5000 unit[à] ta’ rendikont fejn, intenzjonalment jew b’ negliġenza:

    […]

    b)      dawn ifornu informazzjoni skorretta fir-risposta għat-talba magħmula skond l-Artikolu 11(3) jew (5) […].

    2.      Il-Kummissjoni tista’ perme[zz] ta’ deċiżjoni timponi fuq l-impriżi jew assoċjazzjonijiet ta’ [i]mpriżi multi minn 1000 sa 1000000 unit[à] ta’ rendikont, jew somma li taqbeż dan iżda li ma taqbiżx 10 % ta[d-dħul mill-bejgħ] fis-sena ta’ negozju preċedenti ta’ kull impriża li tkun qed tipparteċipa fil-ksur fejn, jew intenzjonalment jew b’ negliġenza:

    a)       dawn jiksru l-Artikolu [81](1) jew l-Artikolu [82] tat-Trattat, […]

    […]

    Fl-iffissar ta’ l-ammont tal-multa, għandhom jiġu kkunsidrati kemm il-gravit[à] kif ukoll id-dewmien tal-ksur."

    3       L-Artikolu 17 tar-Regolament ikkontestat jipprovdi li:

    "Il-Qorti tal-Ġustizzja għandu jkollha ġurisdizzjoni illimitata fit-tifsira ta' l-Artikolu [229 KE] li tirrevedi deċiżjonijiet li bihom il-Kummissjoni tkun iffissat multa jew pagament ta' penalita perjodiku; din tista' tħassar, tnaqqas jew iżżid il-multa jew il-pagament ta' penalità perjodika imposta."

    4       Il-komunikazzjoni tal-Kummissjoni intitolata "Linji gwida dwar il-metodu tal-kalkolu tal-multi imposti skond l-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17 u l-Artikolu 65(5) tat-Trattat KEFA"(ĠU C 9, 1998,p. 3, iktar 'il quddiem il-"linji gwida") tgħid fil-preambolu tagħha:

    "Il-prinċipji indikati […] għandhom jiżguraw it-trasparenza u l-imparzjalità tad-deċiżjonijiet tal-Kummissjoni, f’għajnejn kemm ta’ l-impriżi kif ukoll tal-Qorti tal-Ġustizzja, waqt li tinżamm id-diskrezzjoni li hi mogħtija lill-Kummissjoni skond il-leġislazzjoni rilevanti biex tistabbilixxi multi fil-limitu ta’ 10 % ta[d-dħul mil]l-bejgħ totali. Din id-diskrezzjoni għandha, mandankollu, issegwi politika koerenti u mhux diskriminatorja li hi konsistenti ma’ l-għanijiet segwiti fil-penalizazzjoni tal-ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni.

    Il-metodu l-ġdid li jistabbilixxi l-ammont tal-multa se jkun ibbażat fuq ir-regoli li ġejjin, li jibdew minn ammont bażiku li jiżdied biex jittieħdu in kunsiderazzjoni ċ-ċirkustanzi aggravanti jew jitnaqqas biex jittieħdu in kunsiderazzjoni ċ-ċirkustanzi attenwanti."

    5       Skond il-punt 1 tal-linji gwida, "[dan] l-ammont bażiku tal-multa huwa ddeterminat skond il-gravità u d-dewmien tal-ksur, li huma l-uniċi kriterji msemmija fl-Artikolu 15(2), tar-Regolament Nru 17". Skond il-punt 2 tiegħu, l-ammont ta’ bażi jista’ jiżdied f'ċirkustanzi aggravanti, bħalma hija, per eżempju, r-reċidività ta' l-istess impriża jew ta' l-istess impriżi għal ksur ta' l-istess tip. Skond il-punt 3 tal-linji gwida, l-imsemmi ammont jista' jitnaqqas fil-każ ta' ċirkustanzi attenwanti speċifiċi.

    6       Il-komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar il-fatt li ma jiġux imposti multi jew tnaqqis ta' l-ammont tagħhom fil-kawżi li jirrigwardaw akkordji (ĠU C 207, 1996, p. 4, iktar 'il quddiem il-"komunikazzjoni fuq il-kooperazzjoni") tiddefinixxi l-kundizzjonijiet li fihom impriżi li jikkooperaw mal-Kummissjoni matul investigazzjoni tagħha fuq akkordju jistgħu jiġu eżentati mill-multa jew jibbenefikaw minn riduzzjoni tal-multa li kieku kien ikollhom iħallsu.

    7       Il-punt D tal-komunikazzjoni fuq il-kooperazzjoni jgħid hekk:

    "D. Riduzzjoni sinifikattiva ta' l-ammont tal-multa.

    1.      Meta impriża tikkopera mingħajr ma' l-kundizzjonijiet esposti fil-[punti] B u C jiġu kollha sodisfatti, hija tibbenefika minn riduzzjoni bejn 10 sa 50% ta' l-ammont li kien jiġi mpost fuqha fin-nuqqas ta' kooperazzjoni.

    2.      Dan jista', b'mod partikolari, ikun il-każ jekk:

    –       qabel ma tiġi mibgħuta komunikazzjoni ta' l-ilmenti, impriża tressaq lill-Kummissjoni l-informazzjoni, id-dokumenti jew provi oħra li jikkontribwixxu sabiex jikkonfermaw l-eżistenza tal-ksur kommess,

    –       wara li tkun rċeviet il-komunikazzjoni ta' l-ilmenti, l-impriża tinforma lill-Kummissjoni li hija ma tikkontestax il-mertu tal-fatti li fuqhom il-Kummissjoni tibbaża l-akkużi tagħha."

     Il-fatti li wasslu għall-kawża

    8       Fis-sentenza kkontestata, il-Qorti tal-Prim’Istanza għamlet sinteżi tal-fatti li wasslu għall-kawża mressqa quddiemha fit-termini li ġejjin:

    "[…]

    5      Meta seħħew il-fatti, Interbrew NV (iktar 'il quddiem "Interbrew") u Brouwerijen Alken-Maes NV (iktar 'il quddiem "Alken-Maes") kienu rispettivament l-ewwel u t-tieni l-ikbar produttori fis-suq Belġjan tal-birra. Alken-Maes kienet sussidjarja ta’ Groupe Danone SA (iktar 'il quddiem ir-"rikorrenti"), li kienet topera wkoll fis-suq Franċiż tal-birra permezz ta' sussidjarja oħra, Brasseries Kronenbourg SA (iktar 'il quddiem "Kronenbourg"). Fl-2000, ir-rikorrenti waqfet mill-attivitajiet tagħha fil-qasam tal-birra.

    6       Fl-1999, il-Kummissjoni bdiet, bil-proċediment numru IV/37.614/F3, investigazzjoni rigward ksur eventwali tar-regoli komunitarji tal-kompetizzjoni fis-settur tal-birra Belġjana.

    7      Fid-29 ta' Settembru 2000, fil-kuntest ta' l-imsemmija investigazzjoni, il-Kummissjoni fetħet proċediment u adottat komunikazzjoni ta' l-ilmenti kontra r-rikorrenti kif ukoll l-impriżi Interbrew, Alken-Maes, NV Brouwerij Haacht (iktar 'il quddiem "Haacht") u NV Brouwerij Martens (iktar 'il quddiem "Martens"). Il-każ miftuħ kontra r-rikorrenti u l-komunikazzjoni ta' l-ilmenti li ġiet innotifikata lilha kienet issemmi biss l-allegata parteċipazzjoni tagħha fl-akkordju msejjaħ "Interbrew/Alken-Maes" li jikkonċerna s-suq Belġjan tal-birra.

    8       Fil-5 ta' Diċembru 2001, il-Kummissjoni adottat [id-deċiżjoni kkontestata] li tikkonċerna [Groupe Danone] kif ukoll lill-impriżi Interbrew, Alken-Maes, Haacht u Martens […].

    9      Id-[deċiżjoni kkontestata] tikkonstata żewġt iksur distinti tar-regoli tal-kompetizzjoni, jiġifieri, minn parti waħda, grupp kumpless ta' akkordji u/jew prattiċi miftiehma fil-qasam tal-birra mibjugħa fil-Belġu (iktar 'il quddiem l-"akkordju Interbrew vs Alken-Maes") u, mill-parti l-oħra, ta' prattiċi miftiehma fil-qasam tal-birra mibjugħa taħt it-trade mark tad-distributur. Id-[deċiżjoni kkontestata] tikkonstata li r-rikorrenti, Interbrew u Alken-Maes, ipparteċipaw fl-ewwel ksur, filwaqt li Interbrew, Alken-Maes, Haacht u Martens ipparteċipaw fit-tieni.

    10       Minkejja li [Groupe Danone] kienet, fl-epoka tal-fatti, il-kumpannija prinċipali ta' Alken-Maes, id-[deċiżjoni kkontestata] ma tikkonstatax ħlief ksur fil-kap tagħha. Fil-fatt, fid-dawl tar-rwol attiv tagħha fl-akkordju Interbrew/Alken-Maes, [Groupe Danone] [inżammet] responsabbli kemm tal-parteċipazzjoni tagħha stess u kemm tal-parteċipazzjoni ta' Alken-Maes fl-imsemmi akkordju. Min-naħa l-oħra, il-Kummissjoni kkunsidrat li ma kienx hemm lok li tiġi attribwita lil[Groupe Danone] ir-responsabbiltà tal-parteċipazzjoni tas-sussidjarja tagħha fil-prattika miftiehma fil-qasam tal-birra mibjugħa taħt it-trade mark ta' distributur, sakemm [hija stess] ma kinitx ġiet implikata f'dan l-akkordju.

    11      L-allegat ksur [ta’ Groupe Danone] jikkonsisti fil-parteċipazzjoni tagħha, direttament kif ukoll bl-involviment tas-sussidjarja tagħha Alken-Maes, fi grupp kumpless ta' akkordji u/jew ta' prattiċi miftiehma li jirrigwardaw patt ġenerali ta' non-aggressjoni, il-prezzijiet u l-promozzjonijiet fil-kummerċ bl-imnut, il-qsim tal-klijentela fis-settur 'lukandi, ristoranti, kafeteriji' (iktar 'il quddiem l-'horeca'), inkluż il-klijenti msejħa 'nazzjonali', il-limitazzjoni ta' l-investimenti u tar-reklamar fuq is-suq tal-horeca, struttura ġdida ta' tariffi applikabbli fis-settur horeca, u fil-kummerċ bl-imnut u l-iskambju ta' informazzjoni fuq il-bejgħ fis-settur horeca u fil-kummerċ bl-imnut.

    12      [Id-deċiżjoni kkontestata] tikkonstata li l-ksur iċċitat iktar 'il fuq kien mifrux fuq perijodu li jibda mit-28 ta' Jannar 1993 sat-28 ta' Jannar 1998.

    13      Billi kkunsidrat li grupp ta' provi ppermettulha li tikkonkludi li l-ksur intemm, il-Kummissjoni ddeċidiet li ma kienx neċessarju li tobbliga l-impriżi kkonċernati jtemmu l-ksur skond l-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 17.

    14      Min-naħa l-oħra, il-Kummissjoni dehrilha li kellha tiġi imposta fuq Interbrew u [Groupe Danone], skond l-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17, multa għall-parteċipazzjoni tagħhom fl-akkordju Interbrew/Alken-Maes.

    15      F'dan ir-rigward, il-Kummissjoni sostniet, fid-[deċiżjoni kkontestata], li l-parteċipanti kollha fl-akkordju Interbrew/Alken-Maes kienu wettqu ksur b'mod deliberat.

    16      Għall-iskopijiet ta' l-ammont tal-multi li kellhom jiġu imposti, il-Kummissjoni segwiet, fid-[deċiżjoni kkontestata], il-metodoloġija stabbilità fil-linji gwida kif ukoll il-komunikazzjoni fuq il-kooperazzjoni.

    17      Id-dispożittiv tad-[deċiżjoni kkontestata] jipprovdi kif ġej:

    'Artikolu 1 

    [Interbrew], [Alken-Maes] u [Groupe Danone] kisru l-Artikolu 81(1), [KE], billi pparteċipaw fi grupp kumpless ta' akkordji u/jew prattiċi miftiehma, li jirrigwardaw patt ġenerali ta' non-aggressjoni, il-prezzijiet u l-promozzjonijiet fil-kummerċ bl-imnut, il-qsim tal-klijentela fis-settur horeca (inkluża l-horeca 'klassika' u l-klijenti nazzjonali), il-limitazzjoni ta' l-investimenti u tar-reklamar fuq is-suq tal-horeca, struttura ġdida ta' tariffi applikabbli fis-settur horeca, u fil-kummerċ bl-imnut u l-iskambju ta' informazzjoni fuq il-bejgħ fis-settur horeca u l-kummerċ bl-imnut, u dan matul il-perijodu mit-28 ta' Jannar 1993 sat-28 ta' Jannar 1998.

    Artikolu 2

    Il-multi segwenti huma imposti […] minħabba ksur ikkonstatat fl-ewwel Artikolu:

    […]

    b)      [għal Groupe Danone]: multa ta' EUR 44,043 miljuni.

    […]'"

     Il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Prim'Istanza u s-sentenza kkontestata

    9       B'att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti tal-Prim'Istanza fit-22 ta' Frar 2002, Groupe Danone ressqet rikors għall-annullament tad-Deċiżjoni kkontestata. Sussidjarjament, hija titlob lill-Qorti tal-Prim'Istanza tnaqqas il-multa imposta fuqha skond l-Artikolu 2 ta' l-imsemmija Deċiżjoni.

    10     B'permess tasBis-sentenza kkontestata, il-Qorti tal-Prim'Istanza ċaħdet il-motivi kollha mressqa minn Groupe Danone ħlief għall-ħames wieħed. Fil-kuntest ta' l-evalwazzjoni tagħha ta' l-imsemmi motiv, il-Qorti tal-Prim'Istanza qieset, fil-punti 284 sa 290 tas-sentenza kkontestata, li kienet saret theddida minn Groupe Danone, u, fil-punti 291 sa 294 ta' din is-sentenza, li l-kooperazzjoni kienet ġiet estiża, billi ppreċiżat fil-punti 295 sa 310 ta' l-imsemmija sentenza, li t-theddida in kwistjoni ma kinitx il-kawża determinanti ta' l-estensjoni ta' l-akkordju. Konsegwentement, il-Qorti tal-Prim'Istanza qieset, fil-punt 311 tas-sentenza kkontestata, li ċ-ċirkustanza aggravanti stabbilita f'dan ir-rigward fid-deċiżjoni kkontesta ma kellhiex tiġi kkunsidrata. Għalhekk, il-Qorti tal-Prim'Istanza, fil-punti 313 u 519 tas-sentenza kkontestata naqqset iż-żieda ta' l-ammont bażiku tal-multa applikata fid-dawl taċ-ċirkustanzi aggravanti minn 50 sa 40%.

    11     Fir-rigward tal-kalkolu ta' l-ammont finali tal-multa, il-Qorti tal-Prim'Istanza rrilevat, fil-punt 520 tas-sentenza kkontestata, li, meta pproċediet għall-kalkolu tal-multa imposta fuq ir-rikorrenti, il-Kummissjoni ma segwietx il-metodoloġija indikata fil-linji gwida. Għaldaqstant, il-Qorti tal-Prim'Istanza qieset li, f'dan il-każ, għandha tiġi applikata, bis-saħħa tas-setgħa ta' ġurisdizzjoni illimitata, iż-żieda ta' 40%, fid-dawl taċ-ċirkustanza aggravanti marbuta mar-reċidività, fuq l-ammont bażiku tal-multa imposta fuq ir-rikorrenti.

    12     Għaldaqstant il-Qorti tal-Prim'Istanza kkalkulat, fil-punt 525 tas-sentenza kkontestata, l-ammont tal-multa imposta fuq ir-rikorrenti kif ġej:

    "[F]uq l-ammont bażiku tal-multa (EUR 36,25 miljun) huma l-ewwel miżjuda 40% ta' dan l-ammont bażiku (EUR 14,5 miljun) u mnaqqas 10% ta' l-imsemmi ammont (EUR 3,625 miljun), li jwassal għal ammont ta' EUR 47,125 miljun. Konsegwentement, dan l-ammont jitnaqqas b'10% fid-dawl tal-kooperazzjoni, li jwassal għal ammont finali ta' multa ta' EUR 42,4125 miljun."

    13     Permezz tas-sentenza kkontestata, il-Qorti tal-Prim'Istanza qatgħet u ddeċidiet:

    1)       L-ammont tal-multa impost fuq [Groupe Danone] huwa ffissat għal EUR 42,4125 miljuni.

    2)      Ir-rikors huwa miċħud għall-bqija.

    3)      [Groupe Danone] għandha tbati l-ispejjeż tagħha u t-tliet kwarti ta' dawk tal-Kummissjoni. Il-Kummissjoni għandha tbati kwart ta' l-ispejjeż tagħha".

     It-talbiet ippreżentati mill-partijiet fil-kuntest ta' appell

    14     Groupe Danone titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja:

    –       tannulla parzjalment tanulla parzjalment is-sentenza kkontestata, safejn din tiċħad il-motiv ibbażat fuq il-kunsiderazzjoni mhux fondata taċ-ċirkustanza aggravanti marbuta mar-reċidività fir-rigward tagħha u safejn tbiddel il-metodu tal-kalkolu tal-multa użat mill-Kummissjoni;

    –       tilqa l-konklużjoni tilqa’ t-talbiet tagħha ppreżentati fl-ewwel istanza, in sostenn ta' dawk li jinvokaw il-motiv ibbażat fuq il-kunsiderazzjoni mhux fondata taċ-ċirkustanza aggravanti marbuta mar-reċidività, u tnaqqas bħala konsegwenza l-multa imposta mill-Kummissjoni;

    –       tnatnaqqas l-ammont tal-multa pro rata tal-limitazzjoni tat-tnaqqis minħabba ċirkustanza attenwanti deċiżi mill-Qorti tal-Prim'Istanza u,

    –       tordna lill-Kummissjoni tbati l-ispejjeż.

    15     Il- Groupe Danone titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi b'mod definittiv dwar il-kawża billi tagħmel użu mis-setgħa ta’ ġurisdizzjoni illimitata fir-rigward tal-multi, sabiex tnaqqas EUR 1,3025 miljun mill-ammont finali tal-multa stabbilit mill-Qorti tal-Prim'Istanza.

    16     Il-Kummissjoni titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja:

    –       tiċħad l-appell u,

    –       tordna lir-rikorrenti tbati l-ispejjeż.

     Fuq l-appell

    17     In sost Sabiex issostni t-talbiet tagħha intiżi għall-annullament parzjali tas-sentenza kkontestata, Groupe Danone prinċipalment tressaq erba' motivi, u sussidjarjament il-ħames motiv. Essenzjalment dawn il-motivi huma bbażati fuq l-interpretazzjoni, tal-Qorti tal-Prim'Istanza, tal-kunċett tar-reċidività u fuq l-applikazzjoni tagħha tal-metodu tal-kalkolu ta' l-ammont tal-multa.

     Fuq l-ewwel motiv, ibbażat fuq ksur tal-prinċipju ta’ legalità, li jirriżulta mill-fatt li r-reċidività intqieset li kienet ċirkustanza aggravanti ("nulla poena sine lege").

    L-argumenti tal-partijiet

    18     Il-Groupe Danone ssostni li sistema ta' reċidività, mingħajr bażi ġuridika, m’għandhiex tiġi applikata fis-sens ta' l-Artikoli 81 KE u 82 KE. Konsegwentement, l-evalwazzjoni mogħtija mill-Qorti tal-Prim'Istanza fuq il-legalità ta' l-applikazzjoni taċ-ċirkustanza aggravanti marbuta mar-reċidività tmur kontra l-prinċipji ta' legalità u non retroattività tal-liġijiet kriminali.

    19     Groupe Danone ssostni li l-possibbiltà tal-Kummissjoni li żżid l-ammont ta' multa fil-każ ta' reċidività mhijiex prevista b'mod espress mir-Regolament Nru 17 u ma tirriżultax ħlief mil-linji gwida. Issa dan it-test jikkonsisti biss f'metodoloġija indikattiva, bla valur legali suffiċjenti biex idaħħal tali kawża ta' aggravju.

    20     Il- Groupe Danone tirrileva li, anki jekk il-Qorti tal-Prim'Istanza għandha tikkunsidra li standard ta' valur legali ma kienx biżżejjed sabiex ir- reċidività tkun tista' tiġi kkunsidrata fid-dritt tal-kompetizzjoni, meta twettaq l-aħħar ksur, il-linji gwida kienu għadhom ma ġewx adottati, b'mod li ċ-ċirkustanza aggravanti marbuta mar-reċidività m'għandha l-ebda bażi fid-dritt Komunitarju.

    21     Il0Il-Kummissjoni tfakkar li l-Artikolu 15 tar-Regolament Nru 17 jipprevedi li l-multi jiġu stabbiliti skond il-gravità u d-dewmien tal-ksur, li jimplika li r-rwol u l-importanza ta' kull impriża kif ukoll id-diversi cirkustanzi aggravanti u attenwanti jistgħu jiġu kkunsidrati mingħajr ma tkun neċessarja bażi ġuridika speċifika relattiva għall-imsemmija ċirkustanzi.

    22     Il-Kummissjoni tenfasizza l-possibbiltà li tikkunsidra r-reċidività bħala ċirkustanza aggravanti stabbilita fis-setgħa diskrezzjonali tagħha dwar l-iffissar ta' l-ammont ta' multa.

    Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

    23     QabelQabel kollox, għandu jiġi mfakkar li, jekk huwa veru illi l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-linji gwida ma jikkostitwixxux il-bażi ġuridika tad-deċiżjonijiet meħuda mill-Kummissjoni fil-qasam ikkonċernat (ara s-sentenzi ċċitati iktar 'il fuq tat-28 ta' Ġunju 2005, Dansk Rørindustri et vs Il-Kummissjoni, C 189/02 P, C 202/02 P, C 205/02 P sa C 208/02 P u C 213/02 P, Ġabra p. I 5425, punt 209, u tal-21 ta' Settembru 2006, JBC Service vs Il-Kummissjoni, C 167/04 P, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punt 207), il-Qorti tal-Ġustizzja rrilevat ukoll li l-linji gwida jassiguraw iċ-ċertezza legali ta' l-impriżi minħabba l-fatt li dawn jiddeterminaw il-metodoloġija li l-Kummissjoni imponiet fuqha nfisha għall-iffissar ta’ l-ammont tal-multi (ara s-sentenzi ċċitati iktar 'il fuq, Dansk Rørindustri et vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar 'il fuq, punt 213, u JBC Service vs Il-Kummissjoni, punt 209).

    24     HuwHuwa fil-fatt l-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17 li jikkostitwixxi l-bażi ġuridika rilevanti li permezz tagħha l-Kummissjoni tista' timponi l-multi fuq l-impriżi u l-assoċazzjonijiet ta' impriżi għal ksur ta' l-Artikoli 81 KE u 82 KE. Fid-dawl ta' din id-dispożizzjoni, sabiex jiġi ddeterminat l-ammont tal-multa, id-dewmien u l-gravità tal-ksur in kwistjoni għandhom jiġu kkunsidrati.

    25     Fir-rigward ta' l-aħħar element elenkat hawn fuq, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li, filwaqt li l-ammont bażiku tal-multa huwa ffissat skond il-ksur, il-gravità tiegħu huwa ddeterminat b’riferiment għal numru ta’ fatturi oħra, li fir-rigward tagħhom il-Kummissjoni tiddisponi minn marġni wiesa' ta’ diskrezzjoni. Skond il-Qorti tal-Ġustizzja, il-kunsiderazzjoni taċ-ċirkustanzi aggravanti meta tiffissa l-multa huwa konformi mal-missjoni tal-Kummissjoni li tiżgura l-konformità mar-regoli tal-kompetizzjoni (ara s-sentenza tad-29 ta' Ġunju 2006, SGL Carbon vs Il-Kummissjoni, C 308/04 P, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punt 71).

    26     Għandu jiġi miżjud li, fis-sentenza tas-7 ta' Jannar 2004, Aalborg Portland et vs Il-Kummissjoni (C-204/00 P, C 205/00 P, C 211/00 P, C 213/00 P, C 217/00 P u C 219/00 P, Ġabra p. I-123, punt 91), il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat li reċidività eventwali tidher fost l-elementi li għandhom jiġu kkunsidrati waqt l-analiżi tal-gravità tal-ksur in kwistjoni.

    27     F'dawn iċ-ċirkustanzi, l-argumenti ta’ Groupe Danone li jgħidu li, qabel id-dħul fis-seħħ tal-linji gwida, il-prattika tal-Kummissjoni fil-qasam ikkonċernat kienet nieqsa minn ċarezza u minn prevedibbiltà jinterpreta ħażin ir-rapport ġuridiku li jeżisti bejn, minn naħa, l-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17, li jikkostitwixxi l-bażi legali tad-deċiżjoni kkontestata u, min-naħa l-oħra, il-linji gwida.

    28     Fil Fil-fatt, il-linji gwida ma jikkostitwixxux il-bażi ġuridika għall-iffissar ta' l-ammont tal-multa, iżda sempliċement jippreċiżaw l-applikazzjoni ta' l-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17 (ara wkoll is-sentenza Dansk Rørindustri et vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar 'il fuq, punti 211, 213 u 214). F'dawn iċ-ċirkustanzi, kif jirrileva wkoll l-Avukat Ġenerali fil-punt 24 tal-konklużjonijiet tiegħu, anki fin-nuqqas tal-linji gwida, ir-rikorrenti hija dejjem f'pożizzjoni li tipprevedi l-konsegwenzi legali ta' l-aġir tagħha.

    29     Għaldaqstant, il-Kummissjoni, fl-eżerċizzju tas-setgħa diskrezzjonali tagħha, ġustament tqis li l-element marbut mar-reċidività jirrigwarda l-gravità tal-ksur imwettaq minn Groupe Danone.

    30     Jirriżulta li, billi kkonfermat, fil-punt 351 tas-sentenza kkontestata, il-konstatazzjoni tal-Kummissjoni ta' l-eżistenza ta' reċidività ta’ Groupe Danone, u l-kwalifika ta' din ir-reċidività bħala ċirkustanza aggravanti, il-Qorti tal-Prim'Istanza ma kisritx il-prinċipju "nulla poena sine lege".

    31     Għaldaqstant, l-ewwel motiv imressaq mill Groupe Danone għandu jiġi mwarrab.

     Fuq it-tieni motiv, ibbażat fuq ksur tal-prinċipju taċ-ċertezza legali.

    L-argumenti tal-partijiet

    32     Il-GruGroupe Danone ssostni li, anki fin-nuqqas ta' dispożizzjonijiet speċifiċi li jipprevedu terminu ta' preskrizzjoni, iċ-ċirkustanza aggravanti marbuta mar-reċidività li tirriżulta minn żewġ każijiet ta' aġir preċedenti, tikser il-prinċipju taċ-ċertezza legali, minħabba l-fatt li d-deċiżjonijiet preċedenti tal-Kummissjoni kienu ġew ikkonstatati f'kuntesti differenti.

    33     Groupe Danone ssostni li t-theddida "perpetwa" li tinżamm ir-reċidività bħala ċirkustanza aggravanti tmur kontra l-prinċipji ġenerali komuni għad-drittijiet ta' l-Istati Membri.

    34     Il-Kummissjoni ssostni li dan il-motiv huwa parzjalment fondat fuq qari żbaljat tas-sentenza kkontestata, peress li l-Qorti tal-Prim'Istanza kkonkludiet li r-reċidività kienet ġiet stabbilita b'mod suffiċjenti fuq il-bażi ta' konstatazzjoni ta' fatti li joriġinaw mill-1994, jiġifieri inqas minn għaxar snin qabel il-bidu tal-ksur in kwistjoni, imwettaq fl-1993. Barra minn hekk, in-nuqqas ta' preskrizzjoni legali f'dak li jirrigwarda l-kunsiderazzjoni ta' sitwazzjoni ta' reċidività ma jimplikax li l-Kummissjoni ddeċidiet bla ebda limitu ċ-ċirkustanza aggravanti marbuta ma' tali sitwazzjoni.

    35     Hija żżid li, fil-kawża preżenti, saret applikazzjoni għal kollox moderata taċ-ċirkustanza marbuta mar-reċidività.

    Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

    36     Għandu jiġi osservat li l-Qorti tal-Prim'Istanza, fil-punt 353 tas-sentenza kkontestata, ċaħdet kull ksur tal-prinċipju ta’ ċertezza legali bbażat fuq il-fatt li la r-Regolament Nru 17 u lanqas il-linji gwida ma jipprevedu terminu massimu għall-konstatazzjoni ta' reċidività.

    37     Din l-evalwazzjoni tal-Qorti tal-Prim'Istanza hija konformi mad-dritt. Fil-fatt, skond ġurisprudenza kostanti, il-Kummissjoni tiddisponi minn setgħa diskrezzjonali f'dak li jirrigwarda l-għażla ta' elementi li għandhom jiġu kkunsidrati għall-finijiet tad-determinazzjoni ta' l-ammont tal-multi, bħalma huma, b'mod partikolari, iċ-ċirkustanzi speċifiċi tal-kawża, il-kuntest tagħha u l-għan dissważiv tal-multi, u dan mingħajr ma huwa neċessarju li hija tillimita ruħha għal lista vinkolanti u eżawrjenti ta' kriterji li jridu bil-fors jittieħdu in kunsiderazzjoni (ara, b'mod partikolari, id-digriet tal-25 ta' Marzu 1996, SPO et vs Il-Kummissjoni, C-137/95 P, Ġabra p. I-1611, punt 54, u s-sentenza tas-17 ta' Lulju 1997, Ferriere Nord vs Il-Kummissjoni, C-219/95 P, Ġabra p. I-4411, punt 33).

    38     Għandu jiġi enfasizzat li l-konstatazzjoni u l-evalwazzjoni tal-karatteristiċi speċifiċi ta' reċidività jagħmlu parti mill-imsemmija setgħa tal-Kummissjoni u li din ta' l-aħħar mhijiex marbuta minn terminu ta' preskrizzjoni eventwali għal tali konstatazzjoni.

    39     Fil-fatt, kif ukoll jirrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 30 tal-konklużjonijiet tiegħu, ir-reċidività tikkostitwixxi element importanti li l-Kummissjoni għandha tevalwa, minħabba l-fatt li t-teħid in kunsiderazzjoni tagħha hija intiża li tħeġġeġ l-impriżi li jkunu wrew it-tendenza li jevadu r-regoli tal-kompetizzjoni, sabiex ibiddlu l-aġir tagħhom. Għaldaqstant, il-Kummissjoni tista', f'kull każ, tikkunsidra l-indizji li jistgħu jwasslu għall-konferma ta' tali tendenza, inkluż, per eżempju, iż-żmien li jkun għadda bejn il-każijiet ta' ksur in kwistjoni.

    40     F'dan iF'dan ir-rigward, il-Qorti tal-Prim'Istanza stabbilixxiet, fil-punti 354 u 355 tas-sentenza kkontestata, sommarju kronoloġiku tal-ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni kkonstatati kontra Groupe Danone billi ppreċiżat li, f'kull repetizzjoni, perijodu ta' żmien relattivament qasir, jiġifieri inqas minn għaxar snin, kien issepara kull każ ta' ksur. F'dawn iċ-ċirkustanzi, il-Qorti tal-Prim'Istanza setgħat tikkonkludi ġustament li r-repetizzjoni, minn Groupe Danone, ta' aġir li jikkostitwixxi ksur huwa xhieda tat-tendenza ta' din ta' l-aħħar li ma tasalx għal konklużjonijiet xierqa ta' konstatazzjoni ta' ksur ta' dawn ir-regoli fil-konfonti tagħha.

    41     Barra minn hekk, fir-rigward tal-karatteristiċi ta' aġir preċedenti, il-Qorti tal-Prim'Istanza nnotat ġustament, fil-punt 363 tas-sentenza kkontestata, li l-kunċett ta' reċidività ma jimplikax neċessarjament il-konstatazzjoni preliminari ta' penali bi ħlas, iżda biss dak ta' ksur tad-dritt Komunitarju tal-kompetizzjoni.

    42     Għaldaqstant, it-tieni motiv imressaq minn Groupe Danone ma jistax jiġi milqugħ.

     Fuq it-tielet motiv, ibbażat fuq ksur ta’ l-obbligu tal-motivazzjoni

    L-argumenti tal-partijiet

    43     Groupe Danone ssostni li, sabiex tirrispondi għall-motiv tagħha bbażat fuq ksur tar-Regolament Nru 17, il-Qorti tal-Prim'Istanza rabtet il-kunċett ta' dissważjoni ma dak ta’ reċidività. Il-Qorti tal-Prim'Istanza ġġustifikat il-fondatezza ta’ l-użu tal-kunċett ta' reċidività bil-bżonn li tassigura effett dissważiv. Peress li skond il-Qorti tal-Prim'Istanza, sabiex tevalwa l-gravità tal-ksur, għandha ssir distinzjoni bejn il-kunċett tad-dissważjoni u dak ta’ reċidività, is-sentenza hija vvizzjata minn motivazzjoni kontradittorja.

    44     Il-Kummissjoni ssostni li, bil-motiv tagħha, Groupe Danone tħawwad l-istadji differenti ta' evalwazzjoni tal-gravità tal-ksur. Fil-fatt, kemm l-elementi applikabbli għal kull impriża li tipparteċipa f’akkordju kif ukoll l-elementi individwali ta' din l-evalwazzjoni jagħmlu parti minn din ta' l-aħħar. L-iffissar tal-multi fid-dawl tal-gravità ta' ksur imwettaq dejjem għandu bħala għan li jwassal għal dissważjoni effettiva.

    Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

    45     QabelQabel kollox, għandu jiġi mfakkar li l-kwistjoni li jsir magħruf jekk il-motivazzjoni tas-sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza hijiex kontradittorja jew insuffiċjenti tikkostitwixxi kwistjoni ta' dritt li tista', bħala tali, tiġi invokata fil-kuntest ta' appell (ara s-sentenzi tas-7 ta' Mejju 1998, Somaco vs Il-Kummissjoni, C-401/96 P, Ġabra p. I-2587, punt 53, u tat-13 ta' Diċembru 2001, Cubero Vermurie vs Il-Kummissjoni, C-446/00 P, Ġabra p. I-10315, punt 20).

    46     Fir-rigward ta' l-obbligu ta' motivazzjoni impost fuq il-Qorti tal-Prim'Istanza, jirriżulta minn ġurisprudenza stabbilita li dan ma jeħtieġx li din ta' l-aħħar twettaq preżentazzjoni li ssegwi b'mod eżawrjenti u wieħed wieħed ir-raġunamenti kollha esposti mill-partijiet fil-kawża. Il-motivazzjoni tista' għaldaqstant tkun impliċita bil-kundizzjoni li hija tippermetti lil dawk ikkonċernati li jkunu jafu r-raġunijiet li għalihom ittieħdu l-miżuri in kwistjoni u lill-qorti kompetenti li jkollha għad-dispożizzjoni tagħha elementi suffiċjenti sabiex teżerċita l-istħarriġ ġudizzjarju tagħha (ara, b'mod partikolari, is-sentenza tal-21 ta' Settembru 2006, Nederlandse Federatieve Vereniging voor de Groothandel op Electrotechnisch Gebied vs Il-Kummissjoni, C-105/04 P, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punt 72).

    47     Fir-rigward tal-kontenut tal-motivazzjoni tas-sentenza kkontestata f'dak li jirrigwarda l-evalwazzjoni taċ-ċirkustanzi aggravanti, il-Qorti tal-Prim'Istanza ġustament iddeċidiet, fil-punti 348 sa 350 ta' din is-sentenza, li, fil-kuntest tal-kunsiderazzjoni ta' l-imsemmija ċirkustanzi, ir-reċidività mhijiex biss element rilevanti, iżda wkoll element ta' importanza partikolari u indizzju sinjifikattiv ħafna tal-gravità tal-ksur fid-dawl ta' l-evalwazzjoni ta' l-ammont tal-multa, u fid-dawl ta' dissważjoni effettiva. Il-Qorti tal-Prim'Istanza enfasizzat f'dan ir-rigward li r-reċidività tikkostitwixxi l-prova li l-penali imposti qabel kontra r-rikorrenti ma kellhomx effett suffiċjentement dissważiv.

    48     Jirriżulta li s-sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza mhijiex ivvizzjata minn motivazzjoni kontradittorja.

    49     It-tielet motiv invokat minn Groupe Danone għandu, konsegwentement, jiġi skartat.

     Fuq ir-raba’ motiv, ibbażat fuq abbuż ta’ poter ġurisdizzjonali

    –       Fuq l-ewwel parti tal-motiv, ibbażata fuq l-inosservanza mill-Qorti tal-Prim'Istanza tal-limiti tal-kompetenza tagħha

    L-argumenti tal-partijiet

    50     Groupe Danone ssostni li, billi biddlet id-deċiżjoni kkontestata, il-Qorti tal-Prim'Istanza qabżet il-kompetenzi tagħha. Fil-fatt, billi waslet għal konklużjonijiet dwar l-illegalità ta’ l-imsemmija deċiżjoni, fil-każ tal-metodu tal-kalkolu tal-multa, bis-saħħa tal-kompetenza illimitata tagħha, il-Qorti tal-Prim'Istanza aġixxiet “ultra vires”.

    51     Groupe Danone ssostni li l-Qorti tal-Prim'Istanza, wara li kkonstatat li l-Kummissjoni ma segwietx il-linji gwida, iddeterminat l-ammont tal-multa billi ssostitwixxiet il-metodu tal-kalkolu tagħha ma' dak tal-Kummissjoni.

    52     Il-Kummissjoni tirrileva li Groupe Danone ma tikkontestax il-fondatezza tal-metodu tal-kalkolu użat mill-Qorti tal-Prim'Istanza, imma sempliċement tifformula lment ta’ natura proċedurali. Min-naħa l-oħra, l-appell tagħha huwa intiż sabiex il-Qorti tal-Ġustizzja tissostitwixxi l-evalwazzjoni u l-kalkolu tal-multa mwettqa mill-Qorti tal-Prim'Istanza b’dak tagħha.

    Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

    53     Hemm lok li jiġi osservat li, billi stabbilixxiet l-ammont il-ġdid tal-multa, il-Qorti tal-Prim’Istanza ma aġixxietx fil-kuntest ta’ l-Artikolu 230 KE, iżda fl-eżerċizzju tal-kompetenza illimitata tagħha bis-saħħa ta’ l-Artikolu 229 KE u l-Artikolu 17 tar-Regolament Nru 17.

    54     Konsegwentement, l-argument ta’ Groupe Danone, li jgħid li, billi biddlet il-metodu tal-kalkolu tal-multa, il-Qorti tal-Prim’Istanza ma osservatx il-limiti ta’ kompetenza li kellha taħt l-Artikolu 230 KE, mhuwiex rilevanti.

    55     Għalhekk, l-ewwel parti tar-raba’ motiv ma tistax tintlaqa'.

    –       Fuq it-tieni parti tal-motiv, ibbażata fuq modifika mill-Qorti tal-Prim’Istanza tal-metodi ta’ applikazzjoni tal-koeffiċjent minħabba ċirkustanzi attenwanti fin-nuqqas ta’ kull talba fuq dan is-suġġett

    L-argumenti tal-partijiet

    56     Groupe Danone tqis li l-Qorti tal-Prim’Istanza mhijiex awtorizzata li tiddeċiedi “ultra petita”, ikun xi jkun il-kontenzjuż li tiegħu tintalab tieħu konjizzjoni. Dan huwa prinċipju ġudizzjarju fundamentali li jassigura lill-partijiet il-konoxxenza tal-kwistjoni bejniethom. Dan ikun ukoll il-każ fil-kuntest ta’ l-eżerċizzju, mill-Qorti tal-Prim’Istanza, tal-kompetenza illimitata tagħha.

    57     Groupe Danone ssostni li l-legalità ta' l-applikazzjoni tal-koeffiċjent korrettur għall-ammont tal-multa jirriżulta fil-kunsiderazzjoni ta’ ċirkustanzi attenwanti li ma tqajmux fl-ewwel istanza. Billi mmodifikat il-modalitajiet ta’ din l-applikazzjoni u billi żiedet l-ammont tal-multa, sabiex tiġi kkalkulata fuq il-bażi tal-metodoloġija użata mill-Kummissjoni, il-Qorti tal-Prim’Istanza ħadet deċiżjoni “ultra petita”.

    58     Il-Kummissjoni ssostni li mhuwiex minħabba annullament parzjali tad-deċiżjoni kkontestata li l-Qorti tal-Prim’Istanza adottat il-metodu tal-kalkolu tagħha. B’mod kuntrarju, fil-kuntest tal-kompetenza illimitata tagħha, il-Qorti tal-Prim’Istanza kienet ġustament ibbażat l-evalwazzjoni taċ-ċirkustanzi attenwanti meqjusa fuq konstatazzjonijiet ta’ fatt.

    59     Il-Kummissjoni tfakkar li, fl-eżerċizzju ta’ l-imsemmija kompetenza, il-Qorti tal-Prim’Istanza tgawdi minn diskrezzjoni wiesgħa li tippermettilha tevalwa jekk il-multa hijiex xierqa, jiġifieri, anki fin-nuqqas ta’ l-annullament tad-deċiżjoni, li żżidha, li tnaqqasha, jew tikkonfermaha, eventwalment billi tieħu in kunsiderazzjoni elementi supplementari.

    Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

    60     Għandu jigi mfakkar li, skond l-Artikolu 229 KE, regolamenti adottati konġuntement mill-Parlament Ewropew u l-Kunsill ta’ l-Unjoni Ewropea, bis-saħħa tad-dispożizzjonijiet tat-Trattat jistgħu jattribwixxu lill-Qorti tal-Ġustizzja kompetenza illimitata ta’ ġurisdizzjoni, f’dak li jirrigwarda l-penali previsti fir-regolamenti tagħhom.

    61     Tali kompetenza ġiet mogħtija lill-imħallef Komunitarja mill-Artikolu 17 tar-Regolament Nru 17. L-imsemmi mħallef għandu għaldaqstant il-kapaċità, li tmur lil hinn minn stħarriġ semplici fuq il-legalità tal-penali, izda li jissostitwixxi l-evalwazzjoni tiegħu b‘dik tal-Kummissjoni u li, konsegwentement, jista’ jneħħi, jnaqqas jew iżid il-multa imposta (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-15 ta’ Ottubru 2002, Limburgse Vinyl Maatschappij et vs Il-Kummissjoni, C 238/99 P, C 244/99 P, C 245/99 P, C 247/99 P, C 250/99 P sa C 252/99 P u C 254/99 P, Ġabra p. I 8375, punt 692).

    62     Minn dan jirrizulta li l-imħallef Komunitarju għandu l-kapaċità li jeżerċita l-kompetenza illimitata tiegħu meta kwistjoni ta’ l-ammont tal-multa tiġi suġġetta għall-evalwazzjoni tiegħu, u li din il-kompetenza tista' tiġi eżerċitata kemm biex inaqqas il-multa u kemm biex iżidha.

    63     L-eżerċizzju ta’ l-imsemmija kompetenza mill-Qorti tal-Prim’Istanza fis-sentenza kkontestata kienet għaldaqstant konformi mad-dritt.

    64     Għaldaqstant, it-tieni parti tar-raba’ motiv mhijiex fondata.

     Fuq il-ħames motiv, ippreżentat sussidjarjament u bbażat fuq ksur tad-drittijiet tad-difiża kif ukoll fuq il-prinċipju ta' non retroattività tad-dispożizzjonijiet ta’ penali aktar stretti

    –       Fuq l-ewwel parti tal-motiv, ibbażata fuq il-ksur tad-drittijiet tad-difiża

    L-argumenti tal-partijiet

    65     Groupe Danone ssostni li, anki jekk il-Qorti tal-Prim’Istanza setgħat tbiddel il-metodu tal-kalkolu tal-multa u tnaqqas l-ammont tat-tnaqqis minħabba ċirkustanzi attenwanti, il-Qorti tal-Prim’Istanza kellha tissuġġetta għal diskussjoni kuntradittorja l-intenzjoni tagħha li tipproċedi għal tali aġġustament. Billi ċaħditha mill-possibbiltà li ssostni l-perspettiva tagħha fuq il-bidla prevista, il-Qorti tal-Prim’Istanza kisret id-drittijiet tad-difiża.

    66     Il-Kummissjoni tfakkar li l-Qorti tal-Prim’Istanza ma żiditx il-multa, iżda naqsitha, u li fl-evalwazzjoni tagħha tan-natura xierqa ta’ l-ammont tal-multa, il-Qorti tal-Prim’Istanza applikat il-metodu tal-kalkolu tagħha li jirrigwarda t-tnaqqis minħabba ċirkustanzi attenwanti.

    67     BBarra minn hekk, fl-opinjoni tal-Kummissjoni, billi ssuġġettat it-talba għal annullament jew tnaqqis għall-evalwazzjoni tal-Qorti tal-Prim'Istanza, Groupe Danone tat id-dritt lill-Qorti tal-Prim’Istanza mhux biss li teżamina l-legalità tad-deċiżjoni, iżda wkoll li tevalwa n-natura xierqa ta’ l-ammont tal-multa. Hija għaldaqstant kuxjentement ħadet ir-riskju li tara lill-Qorti tal-Prim’Istanza żżid l-ammont tal-multa imposta.

    Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

    68     Għandu jiġi mfakkar qabel kollox, li l-osservanza tad-drittijiet tad-difiża, fil-proċedimenti kollha li jistgħu jwasslu għal sanzjonijiet, b’mod partikolari għal multi jew għal pagamenti ta' pieni perijodiċi, tikkostitwixxi prinċipju fundamentali tad-dritt Komunitarju li ġie enfasizzat kemm-il darba mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tat-2 ta’ Ottubru 2003, Thyssen Stahl vs Il-Kummissjoni, C-194/99 P, Ġabra p. I-10821, punt 30).

    69     Fil-kuntest ta' l-appell, l-istħarriġ tal-Qorti tal-Ġustizzja għandu bħala għan, minn naħa, li jeżamina safejn il-Qorti tal-Prim'Istanza ħadet in kunsiderazzjoni, b'mod ġuridikament korrett, il-fatturi essenzjali kollha sabiex tevalwa l-gravità ta' aġir speċifiku fid-dawl ta' l-Artikoli 81 KE u 82 KE, u kif ukoll ta’ l-Artikolu 15 tar-Regolament Nru 17 u, min-naħa l-oħra, li jivverifika jekk il-Qorti tal-Prim'Istanza tatx risposta suffiċjenti skond il-liġi għall-argumenti kollha invokati mir-rikorrenti intiżi għat-tneħħija jew għat-tnaqqis tal-multa (ara, b'mod partikolari, is-sentenza Baustahlgewebe vs Il-Kummissjoni, C-185/95 P, Ġabra. p. I-8417, punt 128).

    70     Mingħajr ma jkun neċessarju li tippronunzja ruħha fuq il-kwistjoni li jsir magħruf jekk il-Qorti Komunitarja, qabel ma hija eżerċitat il-kompetenza ta’ ġurisdizzjoni illimitata tagħha, kinitx marbuta li tistieden lil Groupe Danone biex tippreżenta l-osservazzjonijiet tagħha fuq riforma eventwali tal-metodu tal-kalkolu, għandu jiġi kkonstatat li Groupe Danone setgħat issostni b’mod utli l-perspettiva tagħha f’dak li jirrigwarda l-iffissar ta’ l-ammont tal-multa.

    71     Dan jirrizulta, fl-ewwel lok mill-argumenti invokati minn Groupe Danone quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza, u fit-tieni lok, mill-iżvolġiment tad-diskussjonijiet quddiem din ta’ l-ahhar, u fit-tielet lok mit-talbiet li jidhru fis-sentenza kkontestata.

    72     Fl-ewwel lok, għandu jiġi kkonstatat li sitta mit-tmien motivi fformulati minn Groupe Danone quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza huma intiżi għat-tnaqqis ta' l-ammont tal-multa imposta. Kif ukoll jirriżulta mill-punt 25 tas-sentenza kkontestata, dawn il-motivi jirreferu, b'mod partikolari, għar-rispett tal-prinċipju ta' proporzjonalità kif ukoll għall-evalwazzjonijiet magħmula mill-Kummissjoni fuq iċ-ċirkustanzi aggravanti u attenwanti.

    73     Fil-kuntest ta' l-imsemmija motivi, ir-rikorrenti kienet b'mod partikolari ressqet quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza l-kwistjoni dwar jekk il-Kummissjoni kinitx għamlet applikazzjoni korretta tal-metodoloġija ppreċiżata fil-linji gwida (ara, b'mod partikolari, il-punti 46 sa 49 tas-sentenza kkontestata) u, konsegwentement, dik dwar in-natura xierqa ta' l-ammont tal-multa.

    74     Fit-tieni lok, għandu jiġi rrilevat li, kif ukoll jirriżulta mill-punt 74 tar-risposta tal-Kummissjoni, li ma ġietx ikkontradetta minn Groupe Danone, waqt is-seduta, il-Qorti tal-Prim’Istanza għamlet mistoqsija lill-Kummissjoni dwar it-teħid in kunsiderazzjoni, fil-metodu tal-kalkolu tal-multa, taċ-ċirkustanzi attenwanti.

    75     Bħala risposta għal din id-domanda, il-Kummissjoni ppreċiżat li l-metodu applikat fid-deċiżjoni kkontestata ma kienx konformi mal-linji gwida, iżda li din iċ-ċirkustanza kienet tat lok għal riżultat finanzjarju iktar vantaġġjuż għal Groupe Danone.

    76     F'dawk iċ-ċirkustanzi, kien possibbli għal din ta' l-aħħar li tieħu pożizzjoni fuq din il-kwistjoni sabiex tgħarraf l-opinjoni tagħha effettivament.

    77     Fit-tielet lok, u fid-dawl tat-totalità ta' l-argumenti skambjati quddiemha, il-Qorti tal-Prim’Istanza eżaminat, b'mod dettaljat, l-elementi rilevanti relattivi għall-iffissar tal-multa.

    78     Għalhekk, il-Qorti tal-Prim'Istanza affermat qabel kollox, fil-punt 521 ta' l-istess sentenza, li, skond it-termini tal-linji gwida, il-perċentwali li jikkorrispondu għall-żidiet jew għall-riduzzjonijiet, applikati fid-dawl taċ-ċirkustanzi aggravanti jew attenwanti, għandhom ikunu applikati fuq l-ammont bażiku tal-multa, stabbilit fid-dawl tal-gravità u tad-dewmien tal-ksur, u mhux fuq ir-riżultat ta' l-implementazzjoni ta' l-ewwel żieda jew tnaqqis fid-dawl ta' ċirkustanza aggravanti jew attenwanti.

    79     Il-Qorti tal-Prim’Istanza sussegwentement ikkonstatat li, fil-punt 522 tas-sentenza kkontestata, li, filwaqt li l-Kummissjoni kienet aġġustat l-ammont tal-multa fir-rigward, minn naħa, taż-żewġ ċirkustanzi aggravanti u, min-naħa l-oħra, għal ċirkustanza attenwanti, jirriżulta mill-ammont finali tal-multa imposta li l-Kummissjoni applikat wieħed minn dawn iż-żewġ aġġustamenti fl-ammont li rriżulta mill-implementazzjoni ta' l-ewwel żieda jew riduzzjoni. Għaldaqstant, il-Qorti tal-Prim’Istanza nnotat li dan il-metodu tal-kalkolu għandu bħala konsegwenza li jimmodifika l-ammont finali tal-multa b'paragun ma' dak li jirriżulta mill-applikazzjoni tal-metodu indikat fil-linji gwida.

    80     Il-Qorti tal-Prim’Istanza għaldaqstant ikkonkludiet, fil-punt 523 ta' din is-sentenza, li l-Kummissjoni, mingħajr ma pprovdiet ebda ġustifikazzjoni, ma segwietx il-linji gwida f'dak li jirrigwarda l-metodu tal-kalkolu ta' l-ammont finali tal-multa.

    81     Konsegwentement, u kif jirriżulta mill-punt 524 ta' l-imsemmija sentenza, il-Qorti tal-Prim'Istanza applikat, fid-dawl tal-kompetenza illimitata tagħha, żieda ta' 40%, ikkunsidrata fid-dawl taċ-ċirkustanza aggravanti marbuta mar-reċidività, fuq l-ammont bażiku tal-multa imposta fuq Groupe Danone.

    82     Għalhekk, fl-eżerċizzju tal-kompetenza illimitata tagħha, il-Qorti tal-Prim’Istanza bbażat ruħha b'mod esklużiv fuq id-dispożizzjonijiet tal- linji gwida mingħajr ma kkunsidrat elementi, ċirkustanzi jew kriterji oħra, li Groupe Danone ma setgħatx tipprevedi l-kunsiderazzjoni tagħhom.

    83     Jirriżulta li l-ilment ibbażat fuq ksur tad-drittijiet tad-difiża mill-Qorti tal-Prim’Istanza mhuwiex fondat.

    84     L-ewwel parti tal-ħames motiv ma tistax għaldaqstant tiġi milqugħa.

    Fuq it-tieni parti tal-motiv, ibbażat fuq il-ksur tal-prinċipju ta' non retroattività tad-dispożizzjonijiet ta’ penali aktar stretti

    L-argumenti tal-partijiet

    85     Groupe Danone ssostni li, billi bidlet il-metodu tal-kalkolu tal-multa imposta fuq ir-rikorrenti, il-Qorti tal-Prim’Istanza bbażat ir-raġunament tagħha fuq kjarifika tal-linji gwida li hija stess effettwat fis-sentenzi mogħtija sussegwentement għall-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata.

    86     Il-Kummissjoni tikkontesta l-fatt li Groupe Danone setgħat kellha xi dubji fuq il-modalitajiet ta' teħid in kunsiderazzjoni taċ-ċirkustanzi attenwanti li jistgħu jiġu applikati għall-kalkolu ta' l-ammont tal-multa. Fil-fatt, kif ukoll kienet iddeċidiet il-Qorti tal-Prim’Istanza, jirriżulta mil-linji gwida li t-tnaqqis għaċ-ċirkustanzi attenwanti huwa kkalkolat mill-ammont bażiku. Mingħajr ma kienet marbuta mil-linji gwida, il-Qorti tal-Prim’Istanza għażlet dan il-metodu, fl-evalwazzjoni tagħha tan-natura xierqa ta' l-ammont tal-multa.

     Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

    87     Qabel kollox, għandu jiġi mfakkar li l-prinċipju ta' non retroattività tad-dispożizzjonijiet kriminali huwa prinċipju komuni fis-sistemi legali kollha ta' l-Istati Membri, u jifforma parti integranti mill-prinċipji ġenerali tad-dritt li l-qorti Komunitarja tassigura l-osservanza tagħhom (ara s-sentenza ta' l-10 ta' Lulju 1984, Kirk, 63/83, Ġabra p. 2689, punt 22).

    88     B'mod partikolari, l-Artikolu 7(1), tal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali, iffirmata f'Ruma fl-4 ta' Novembru 1950, li tistabbilixxi b'mod partikolari l-prinċipju tal-legalità tar-reati u tal-penali (nullum crimen, nulla poena sine lege), jista' jipprekludi l-applikazzjoni retroattiva ta' intepretazzjoni ġdida ta' regola li tistabbilixxi ksur (ara, f'dan is-sens, is-sentenza Dansk Rørindustri et vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar 'il fuq, punt 217).

    89     Dan huwa partikolarment il-każ meta jirrigwarda l-interpretazzjoni ġurisprudenzjali fejn ir-riżultat mhuwiex raġonevolment prevedibbli fil-mument meta jitwettaq il-ksur, b'mod partikolari fid-dawl ta' l-interpretazzjoni mogħtija fiż-żmien meta seħħew il-fatti tal-kawża fil-ġurisprudenza relattiva għad-dispożizzjoni legali in kwistjoni (ara s-sentenza Dansk Rørindustri et vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar 'il fuq, punt 218).

    90     Madankollu, jirriżulta mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li l-fatt li l-Kummissjoni applikat, fil-passat, multi ta' ċertu livell għal tipi differenti ta' ksur ma jċaħħadhiex mill-possibbiltà li tgħolli dan il-livell sal-limiti indikati fir-Regolament Nru 17, jekk dan ikun neċessarju sabiex tassigura l-implementazzjoni tal-politika Komunitarja tal-kompetizzjoni, iżda li, b'mod kuntrarju, l-applikazzjoni effikaċji tar-regoli Komunitarji tal-kompetizzjoni jeħtieġu li l-Kummissjoni tkun tista' f'kull mument tadatta l-livell tal-multi għall-bżonnijiet ta' din il-politika (ara s-sentenza Dansk Rørindustri et vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar 'il fuq, punt 227).

    91     L-impriżi involuti fi proċedura amministrattiva li tista' tagħti lok għal multa ma jistgħux ikollhom aspettattivi leġittimi fil-metodu tal-kalkolu tal-multi (sentenza Dansk Rørindustri et vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar 'il fuq, punt 228).

    92     Isegwi Isegwi li l-metodu tal-kalkolu tal-mutli, bħal dak applikat mill-Qorti tal-Prim’Istanza fis-sentenza kkontestata, huwa raġonevolment prevedibbli minn impriża bħalma hija Groupe Danone fiż-żmien meta twettaq il-ksur in kwistjoni (ara, f'dan is-sens, is-sentenza Dansk Rørindustri et vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar 'il fuq, punt 231).

    93     Għaldaqstant, il-Qorti tal-Prim’Istanza ma kisritx il-prinċipju ta' non retroattività.

    94     It-tieni parti tal-ħames motiv hija għaldaqstant mhux fondata.

    95     Jirriżulta minn dawn il-kunsiderazzjonijiet li l-appell ta’ Groupe Danone għandu jiġi miċħud kollu kemm hu.

     Fuq l-ispejjeż

    96     Skond l-Artikolu 69(2) tar-Regoli tal-Proċedura, applikabbli għall-proċedura ta’ appell skond l-Artikolu 118 ta’ l-istess Regoli, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba. Peress li Groupe Danone tilfet, hemm lok li hija tiġi ordnata tbati l-ispejjeż, kif mitlub mill-Kummissjoni.

    Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja, (It-Tieni Awla) taqta' u tiddeċiedi

    1)      L-appell huwa miċħud.

    2)      Groupe Danone għandha tbati l-ispejjeż.

    Firem


    * Lingwa tal-kawża: il-Franċiż.

    Top