EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62006CC0531

Konklużjonijiet ta' l-Avukat Ġenerali - Bot - 16 ta' Diċembru 2008.
il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej vs ir-Repubblika Taljana.
Nuqqas ta’ Stat li jwettaq obbligu - Libertà ta’ stabbiliment - Moviment liberu tal-kapital - Artikoli 43 KE u 56 KE - Saħħa pubblika - Spiżeriji - Dispożizzjonijiet li jipprovdu li l-ispiżjara biss għandhom id-dritt li joperaw spiżerija - Ġustifikazzjoni - Provvista affidabbli u ta’ kwalità tal-prodotti mediċinali lill-pubbliku - Indipendenza professjonali tal-ispiżjara - Impriżi ta’ distribuzzjoni ta’ prodotti farmaċewtiċi - Spiżeriji muniċipali.
Kawża C-531/06.

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2008:725

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

BOT

ippreżentati fis-16 ta’ Diċembru 2008 ( 1 )

Kawża C-531/06

Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej

vs

Ir-Repubblika Taljana

“Nuqqas ta’ Stat li jwettaq obbligu — Libertà ta’ stabbiliment — Moviment liberu tal-kapital — Artikoli 43 KE u 56 KE — Saħħa pubblika — Spiżeriji — Dispożizzjonijiet li jipprovdu li l-ispiżjara biss għandhom id-dritt li joperaw spiżerija — Ġustifikazzjoni — Provvista affidabbli u ta’ kwalità tal-prodotti mediċinali lill-pubbliku — Indipendenza professjonali tal-ispiżjara — Impriżi ta’ distribuzzjoni ta’ prodotti farmaċewtiċi — Spiżeriji muniċipali”

1. 

B’dan ir-rikors, il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej qiegħda titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tikkonstata li bil-fatt li żammet fis-seħħ:

leġiżlazzjoni li tirriżerva d-dritt li wieħed jopera spiżerija privata lil dawk il-persuni biss li għandhom diploma ta’ spiżjar u lill-kumpanniji komposti esklużivament minn azzjonisti spiżjara, u

dispożizzjonijiet leġiżlattivi li joħolqu l-impossibbiltà li l-impriżi tad-distribuzzjoni tal-prodotti farmaċewtiċi jiksbu azzjonijiet fil-kumpanniji li joperaw spiżeriji muniċipali,

ir-Repubblika Taljana naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt l-Artikoli 43 KE u 56 KE.

2. 

L-ewwel nett jeħtieġ li jingħad li l-ewwel ilment imqajjem mill-Kummissjoni huwa marbut mill-qrib mal-ewwel domanda preliminari mressqa mill-Verwaltungsgericht des Saarlandes (il-Ġermanja) fil-kawżi magħquda Apothekerkammer des Saarlandes et (C-171/07) u Neumann-Seiwert (C-172/07), li huma pendenti quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja fejn kont jiena wkoll li ppreżentajt il-konklużjonijiet tiegħi. Dan l-ewwel ilment jirrigwarda, fis-sustanza, il-problema dwar jekk l-Artikolu 43 KE u/jew l-Artikolu 56 KE jipprekludux dispożizzjoni nazzjonali li tipprovdi li huma biss l-ispiżjara li jistgħu jkollhom u joperaw spiżerija.

3. 

Għall-istess raġunijiet bħal dawk esposti fil-kuntest tal-konklużjonijiet ippreżentati fil-kawżi ċċitati iktar ’il fuq Apothekerkammer des Saarlandes et u Neumann-Seiwert, jiena ser nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex issib li l-ewwel ilment tal-Kummissjoni huwa infondat. Fil-fatt, jiena nikkunsidra li l-Artikoli 43 KE u 48 KE ma jipprekludux leġiżlazzjoni nazzjonali li skontha huma biss l-ispiżjara li jistgħu jkollhom u joperaw spiżerija, inkwantu tali leġiżlazzjoni hija ġġustifikata mill-għan li jiżgura l-provvista xierqa ta’ prodotti mediċinali lill-pubbliku.

4. 

Jiena ser nissuġġerixxi wkoll lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tiddikjara t-tieni ilment bħala infondat.

I — Il-kuntest ġuridiku

A — Id-dritt Komunitarju

5.

L-ewwel paragrafu tal-Artikolu 43 KE jipprojbixxi r-restrizzjonijiet għal-libertà ta’ stabbiliment taċ-ċittadini ta’ Stat Membru fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor. Skont it-tieni paragrafu tal-Artikolu 43 KE, il-libertà ta’ stabbiliment tinkludi d-dritt li tibda u teżerċita attivitajiet bħala persuna li taħdem għal rasha, kif ukoll li tikkostitwixxi u tmexxi impriżi.

6.

Skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 48 KE, id-drittijiet introdotti bl-Artikolu 43 KE jibbenefikaw minnhom ukoll il-kumpanniji stabbiliti inkonformità mal-liġijiet ta’ Stat Membru u li għandhom l-uffiċċju reġistrat jew it-tmexxija ċentrali jew is-sede prinċipali ġewwa l-Komunità Ewropea.

7.

Skont l-Artikolu 46(1) KE, l-Artikolu 43 KE ma jipprekludix ir-restrizzjonijiet li huma ġġustifikati minħabba raġunijiet ta’ saħħa pubblika.

8.

Skont l-Artikolu 47(3) KE, fil-każ tal-professjonijiet mediċi, dawk relatati magħhom u dawk farmaċewtiċi, it-tneħħija progressiva tar-restrizzjonijiet għal-libertà ta’ stabbiliment għandha tkun tiddependi mill-koordinazzjoni tal-kundizzjonijiet għall-eżerċizzju tagħhom fid-diversi Stati Membri. Madankollu, il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u l-Kummissjoni ammettew li l-effett dirett tal-Artikoli 43 KE u 49 KE, li ġie rikonoxxut fis-sentenzi Reyners ( 2 ) u van Binsbergen ( 3 ) rispettivament b’effett mill-1 ta’ Jannar 1970, li hija d-data tat-tmiem il-perijodu tat-tranżizzjoni, kien japplika wkoll għall-professjonijiet li għandhom x’jaqsmu mas-saħħa ( 4 ).

9.

Barra minn hekk, l-attivitajiet mediċi, dawk relatati magħhom u dawk farmaċewtiċi diġà kienu s-suġġett ta’ direttivi ta’ koordinazzjoni. Fil-qasam tal-farmaċija, minn banda, hemm id-Direttiva tal-Kunsill 85/432/KEE, tas-16 ta’ Settembru 1985, li tikkonċerna l-koordinazzjoni ta’ dispożizzjonijiet stabbiliti bil-liġi, b’regolamenti jew b’azzjoni amministrattiva fir-rigward ta’ ċerti attivitajiet fil-qasam tal-farmaċija ( 5 ) u mill-banda l-oħra, id-Direttiva tal-Kunsill 85/433/KEE, tas-, dwar ir-rikonoxximent reċiproku ta’ diplomi, ċertifikati u provi oħrajn ta’ kwalifiki formali fil-farmaċija, inklużi miżuri sabiex jiffaċilitaw l-eżerċizzju effettiv tad-dritt ta’ stabbiliment fir-rigward ta’ ċerti attivitajiet fil-qasam tal-farmaċija ( 6 ).

10.

Dawn iż-żewġ direttivi ġew imħassra u ssostitwiti bid-Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2005/36/KE, tas-7 ta’ Settembru 2005, dwar ir-rikonoxximent ta’ kwalifiki professjonali ( 7 ). Skont il-premessa 26 tad-Direttiva 2005/36:

“Din id-Direttiva ma tikkordinax il-kondizzjonijiet kollha għall-aċċess għal attivitajiet fil-qasam tal-farmaċija u l-eżerċizzju ta’ dawn l-attivitajiet. B’mod partikolari, id-distribuzzjoni ġeografika ta’ l-ispiżjeriji u l-monopolju fl-għotja ta’ mediċini jibqgħu kwistjonijiet f’idejn l-Istati Membri. Din id-Direttiva ma tibdilx id-dispożizzjonijiet leġislattivi, regolatorji u amministrattivi ta’ l-Istati Membri li jżommu kumpanniji milli jeżerċitaw ċerti attivitajiet ta’ spiżjara jew li jissoġġettaw l-eżerċizzju ta’ dawn l-attivitajiet għal ċerti kondizzjonijiet.”

11.

Barra minn hekk, l-Artikolu 56(1) KE jipprovdi li, fil-kuntest tal-Kapitolu 4 tat-Trattat KE iddedikat għall-kapital u l-pagament, kull restrizzjoni fuq il-moviment tal-kapital bejn l-Istati Membri u bejn l-Istati Membri u pajjiżi terzi tkun projbita.

12.

Fl-aħħar nett, jeħtieġ li jiġi ċċitat l-Artikolu 152(5) KE li jipprovdi:

“L-Azzjoni Komunitarja fl-oqsma tas-saħħa pubblika għandha tirrispetta bi sħiħ ir-responsabbiltajiet ta' l-Istati Membri għall-organizzazzjoni u l-għoti ta’ servizzi tas-saħħa u l-kura medika […]”.

B — Id-dritt nazzjonali

13.

Fl-Italja, il-Liġi Nru 833 tat-23 ta’ Diċembru 1978 waqqfet is-Servizio Sanitario Nazionale (is-servizz nazzjonali tas-saħħa). L-Artikolu 25(1) ta’ dik il-liġi jipprovdi li l-provvista tal-kura tinkludi l-assistenza tat-tobba ġeneralisti, tat-tobba speċjalisti, tal-infermiera, tal-isptarijiet u tal-ispiżeriji.

14.

Fl-Italja jeżistu żewġ tipi ta’ spiżeriji, jiġifieri, minn banda, l-ispiżeriji privati, u mill-banda l-oħra, l-ispiżeriji muniċipali ( 8 ).

1. Is-sistema tal-ispiżeriji privati

15.

L-Artikolu 4 tal-Liġi Nru 362 tat-8 ta’ Novembru 1991, dwar ir-riorganizzazzjoni tas-settur farmaċewtiku (iktar ’il quddiem, il-“Liġi Nru 362/1991”) jipprovdi li biex wieħed ikollu spiżerija, hemm kompetizzjoni organizzata mir-reġjuni u mill-provinċji, u riżervata għaċ-ċittadini tal-Istati Membri fil-pussess tad-drittijiet ċivili u politiċi tagħhom u reġistrati mal-organizzazzjoni professjonali tal-ispiżjara.

16.

Skont l-Artikolu 7 tal-Liġi Nru 362/1991:

“1.   Il-ftuħ ta’ spiżerija privata huwa rriżervat għall-persuni fiżiċi, skont id-dispożizzjonijiet fis-seħħ, kif ukoll għas-soċjetajiet u kumpanniji kooperattivi b’responsabbiltà limitata.

2.   Is-soċjetajiet jew il-kumpanniji msemmija fil-paragrafu 1 għandhom ikollhom bħala għan esklużiv il-ġestjoni ta’ spiżerija. Is-soċji jew l-azzjonisti tagħhom għandhom ikunu spiżjara rreġistrati mal-ordni tal-ispiżjara u għandhom ikollhom il-kwalifiki previsti fl-Artikolu 12 tal-Liġi Nru 475, tat-2 ta’ April 1968, [dwar in-normi applikabbli għas-servizz farmaċewtiku (iktar ’il quddiem il-“Liġi Nru 475/1968”)], emendata sussegwentement.

3.   Il-ġestjoni tal-ispiżerija mħaddma mis-soċjetà jew mill-kumpannija għandha tkun fdata f’idejn wieħed mis-soċji jew mill-azzjonisti li huwa responsabbli għaliha.

[…]

5.   Kull soċjetà jew kumpannija msemmija fil-paragrafu 1 tista’ tiftaħ spiżerija waħda biss u tikseb il-permess relattiv inkwantu l-ispiżerija tkun tinstab fil-provinċja fejn is-soċjetà jew il-kumpannija jkollha s-sede legali tagħha.

6.   Kull spiżjar jista’ jkollu sehem f’soċjetà jew f’kumpannija waħda minn dawk imsemmijin fil-paragrafu 1.

7.   Il-ftuħ ta’ spiżeriji privati huwa rriżervat għall-ispiżjara rreġistrati mal-ordni [professjonali] tal-ispiżjara tal-provinċja fejn ikollha s-sede tagħha l-ispiżerija.”

17.

Skont l-Artikolu 8 tal-Liġi Nru 362/1991:

“1.   Is-sehem fil-kapital ta’ soċjetajiet jew kumpanniji msemmija fl-Artikolu 7 […] għandu jkun inkompatibbli:

a)

ma’ kull attività oħra li tiġi eżerċitata fis-settur tal-produzzjoni u d-distribuzzjoni tal-prodotti mediċinali kif ukoll it-tixrid ta’ informazzjoni xjentifika fuq il-prodotti mediċinali

[…]”.

2. Is-sistema tal-ispiżeriji muniċipali

18.

L-Artikolu 12 tal-Liġi Nru 498 tat-23 ta’ Diċembru 1992, kif sostitwit bl-Artikolu 116 tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 267 tat-18 ta’ Awissu 2000 jipprovdi l-possibbiltà li għall-ġestjoni tal-ispiżeriji muniċipali l-bliet jikkostitwixxu kumpanniji b’azzjonijiet li l-azzjonisti tagħhom mhux neċessarjament ikunu spiżjara. Għall-ispiżeriji muniċipali, il-qsim bejn il-pussess ta’ spiżerija, li tibqa’ f’idejn l-entità lokali, u l-ġestjoni, li tiġi fdata f’idejn kumpannija b’kapital azzjonarju fil-parti l-kbira tagħha privata li mhijiex komposta esklużivament minn spiżjara, huwa għalhekk awtorizzat.

19.

B’sentenza tal-24 ta’ Lulju 2003, il-Corte costituzionale (l-Italja) estendiet fuq il-kumpanniji li joperaw spiżeriji muniċipali l-projbizzjoni li jeżerċitaw konġuntament l-attività tad-distribuzzjoni, prevista fl-Artikolu 8(1)(a) tal-Liġi Nru 362/1991, li sa dakinhar kienet tapplika biss għall-kumpanniji li kellhom spiżeriji privati.

20.

L-eżerċizzju konġunt tal-attivitajiet tad-distribuzzjoni bl-ingrossa ta’ prodotti mediċinali u bejgħ lill-pubbliku tal-prodotti mediċinali fl-ispiżerija huwa pprojbit ukoll bl-Artikolu 100(2) tad-Digriet Nru 219 tal-24 ta’ April 2006.

21.

Barra minn hekk, kemm għall-ispiżeriji privati kif ukoll għal dawk pubbliċi, id-dritt Taljan jimponi li l-bejgħ ta’ prodotti mediċinali ma jingħatax ħlief lill-ispiżjara. L-Artikolu 122 tat-test uniku tal-liġijiet sanitarji jiddisponi għalhekk li:

“Il-bejgħ lill-pubbliku ta’ sustanzi mediċinali b’doża jew fil-forma ta’ mediċina ma jistax isir ħlief mill-ispiżjara u għandu jsir fl-ispiżerija taħt ir-responsabbiltà ta’ min joperaha”.

3. Id-Digriet Leġiżlattiv Nru 223, tal-4 ta’ Lulju 2006

22.

Il-leġiżlazzjoni Taljana kienet is-suġġett ta’ diversi emendi bid-Digriet Leġiżlattiv Nru 223, tal-4 ta’ Lulju 2006, li daħħal dispożizzjonijiet urġenti għall-irpiljar ekonomiku u soċjali, għall-kontroll u r-razzjonalizzazzjoni tal-ispejjeż pubbliċi u interventi fil-qasam tad-dħul fiskali u l-ġlieda kontra l-frodi fiskali (iktar ’il quddiem, id-“digriet Bersani”).

23.

B’mod partikolari, l-Artikolu 5 tad-digriet Bersani ħassar diversi mid-dispożizzjonijiet imsemmija iktar ’il fuq. Huwa ħassar l-Artikoli 7(5) sa (7) tal-Liġi Nru 362/1991 u 100(2) tad-Digriet Nru 219, tal-24 ta’ April 2006. Huwa emenda wkoll l-Artikolu 8(1) tal-Liġi Nru 362/1991 billi neħħa l-kelma “distribuzzjoni” minn din id-dispożizzjoni.

II — Il-proċedura prekontenzjuża

24.

Peress li l-Kummissjoni ssostni li l-liġi msemmija iktar ’il fuq ma kinitx kompatibbli mal-Artikoli 43 KE u 56 KE, hija bagħtet ittra ta’ intimazzjoni lir-Repubblika Taljana fil-21 ta’ Marzu 2005. Peress li ma kinitx konvinta mill-ispjegazzjonijiet ipprovduti minn dan l-Istat Membru, il-Kummissjoni, sussegwentement, bagħtet lill-imsemmi Stat opinjoni motivata fid-, li għaliha l-awtoritajiet Taljani rrispondew fis-. Fis-, dawn l-istess awtoritajiet bagħtu lill-Kummissjoni t-test tad-digriet Bersani, fejn enfasizzaw li ċerti dispożizzjonijiet minn dan id-digriet leġiżlattiv, b’mod partikolari l-Artikolu 5 tal-istess, kienu intiżi li jtemmu l-proċedura prekontenzjuża.

25.

Peress li l-Kummissjoni sostniet li l-emendi miġjuba permezz tad-digriet Bersani għal-liġi kkontestata ma kinux tali li jbiddlu l-pożizzjoni tagħha fir-rigward tan-nonkonformità tad-dritt Taljan mad-dritt Komunitarju, il-Kummissjoni ddeċidiet li tressaq ir-rikors preżenti quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja skont l-Artikolu 226 KE.

III — Ir-rikors

26.

Bir-rikors tagħha, il-Kummissjoni talbet li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

tikkonstata li, bil-fatt li żammet fis-seħħ:

leġiżlazzjoni li tirriżerva d-dritt li wieħed jopera spiżerija privata lil dawk il-persuni biss li għandhom diploma ta’ spiżjar u lill-kumpanniji komposti esklużivament minn azzjonisti spiżjara, u

dispożizzjonijiet leġiżlattivi li jistabbilixxu l-impossibbiltà, għall-impriżi tad-distribuzzjoni tal-prodotti farmaċewtiċi, li jiksbu ishma fil-kumpanniji li joperaw spiżeriji muniċipali,

ir-Repubblika Taljana naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt l-Artikoli 43 KE u 56 KE.

tikkundanna lir-Repubblika Taljana għall-ispejjeż.

27.

Ir-Repubblika Taljana titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja:

tiddikjara r-rikors inammissibbli;

sussidjarjament, li tiddikjarah infondat, flimkien mal-konsegwenzi li jirriżultaw minnu.

28.

Ir-Repubblika Ellenika, ir-Renju ta’ Spanja, ir-Repubblika Franċiża, ir-Repubblika tal-Litwanja u r-Repubblika tal-Awstrija intervjenew insostenn tar-Repubblika Taljana.

IV — L-argumenti tal-partijiet

A — Fuq l-ammissibbiltà tar-rikors

29.

Ir-Repubblika Taljana ssostni l-ewwel nett li r-rikors huwa inammissibbli. Fil-fehma tagħha, inkwantu huwa magħruf li r-riżerva taż-żamma ta’ spiżeriji minn spiżjara waħidhom jew minn kumpanniji kkontrollati minn spiżjara hija prevista fil-parti l-kbira tal-Istati Membri, jeħtieġ li l-pożizzjoni tal-Kummissjoni tiġi ddefinita b’mod ċar fir-rigward ta’ dawn il-leġiżlazzjonijiet, filwaqt li jiġi evitat li jsiru distinzjonijiet minn pajjiż għall-ieħor jew minn leġiżlazzjoni għall-oħra.

30.

Sussegwentement, ir-Repubblika Taljana tosserva li l-Kummissjoni tinvoka, prinċipalment, ksur tal-Artikoli 43 KE u 56 KE, iżda hija ma tiħux inkunsiderazzjoni d-direttivi li implementaw il-libertà ta’ stabbiliment. Dawn jikkontjenu dispożizzjonijiet espliċiti li jikkonfermaw li l-kundizzjonijiet ta’ aċċess għas-settur għadhom mhumiex armonizzati u juru li dan il-qasam jaqa’ taħt il-kompetenza tal-Istati Membri. F’dawn iċ-ċirkustanzi, huwa l-obbligu tal-Kummissjoni li tispeċifika b’mod iktar preċiż u konkret il-ksur preżunt, peress li, hija u tirregola r-rwol tal-ispiżjara, ir-Repubblika Taljana għamlet applikazzjoni korretta ta’ dawn id-direttivi u tar-riżerva ta’ kompetenza nazzjonali li dawn jikkontjenu.

31.

Fl-aħħar, ir-Repubblika Taljana tirrileva li, minkejja l-emenda introdotta bid-digriet Bersani li tneħħi l-projbizzjoni fuq l-impriżi tad-distribuzzjoni li jkollhom sehem fil-kumpanniji li joperaw l-ispiżeriji, il-Kummissjoni tkompli tikkunsidra li din il-projbizzjoni tista’ dejjem tiġi applikata mill-qrati Taljani. B’hekk, in-nuqqas li bih ġiet akkużata r-Repubblika Taljana mhuwiex konkret u attwali, iżda joħroġ mid-deċiżjonijiet futuri u ipotetiċi ta’ dawn il-qrati.

B — Fuq l-ewwel ilment

32.

Il-Kummissjoni ssostni li, bil-fatt li pprojbixxiet lil persuni li ma għandhomx diploma ta’ spiżjara kif ukoll lill-kumpanniji li mhumiex komposti esklużivament minn spiżjara milli joperaw spiżerija, ir-Repubblika Taljana kisret l-Artikoli 43 KE u 56 KE. Fil-fatt, tali projbizzjoni mhux biss tostakola, imma tirrendi totalment impossibbli għal dawn il-kategoriji ta’ persuni li jeżerċitaw iż-żewġ libertajiet fundamentali ggarantiti mit-Trattat li huma l-libertà ta’ stabbiliment u l-moviment liberu tal-kapital.

33.

L-għan tal-ħarsien tas-saħħa pubblika ċertament jikkostitwixxi, tabilħaqq, raġuni imperattiva ta’ interess ġenerali li jista’ jiġġustifika r-restrizzjonijiet għal-libertà ta’ stabbiliment u l-moviment liberu tal-kapital. Madankollu, id-dispożizzjonijiet tal-leġiżlazzjoni Taljana inkwistjoni f’din il-proċedura la huma xierqa biex jiggarantixxu tali għan u lanqas meħtieġa biex jintlaħaq dak l-għan.

34.

Fl-ewwel lok, il-projbizzjoni fuq il-persuni li mhumiex titulari ta’ diploma ta’ spiżjara kif ukoll fuq il-kumpanniji li mhumiex komposti esklużivament minn spiżjara milli joperaw spiżerija mhijiex xierqa biex tiggarantixxi l-għan tal-ħarsien tas-saħħa pubblika. F’dan ir-rigward, jeħtieġ li ssir distinzjoni bejn l-aspetti dwar l-użu, il-ġestjoni jew l-amministrazzjoni tal-ispiżeriji u dawk dwar ir-relazzjonijiet ma’ terzi. Il-ħtieġa li wieħed ikollu l-kwalifika professjonali ta’ spiżjar hija ġġustifikata mit-tieni aspetti, imma mhux mill-ewwel aspetti, peress li l-ħtieġa tal-ħarsien tas-saħħa pubblika ma tikkonċernax ħlief l-aspett tal-attività farmaċewtika dwar ir-relazzjonijiet ma’ terzi u, b’mod iktar preċiż, mal-fornituri u l-pazjenti. Barra dan, il-Kummissjoni tqis li s-separazzjoni tar-rwol purament intraprendenti tal-proprjetarju tal-ispiżerija u l-funzjoni ta’ professjonist tal-ispiżerija, iktar milli tagħmel ħsara lill-għan tal-ħarsien tas-saħħa pubblika, tista’ fil-fatt tikkontribwixxi għalih b’mod pożittiv, billi tippermetti lill-ispiżjar li jikkonċentra fuq il-funzjonijiet u l-attivitajiet marbutin iktar b’mod dirett mal-attività farmaċewtika għas-servizz dirett tal-utenti.

35.

Barra minn hekk, il-projbizzjoni prevista fil-leġiżlazzjoni Taljana hija bbażata fuq preżunzjoni mhux ipprovata, li skontha l-ispiżjar li jopera l-ispiżerija jeżerċita l-mestier tiegħu b’iktar kompetenza minn dik ta’ spiżjar impjegat u li jkun inqas imħajjar li jagħti privileġġ lill-interess personali tiegħu għall-ispejjeż tal-interess ġenerali. F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni tosserva li, peress li huwa ma għandux interessi personali ta’ natura ekonomika, imma jassumi responsabbiltajiet professjonali preċiżi, l-ispiżjar impjegat għandu jkun iktar inklinat mill-proprjetarju tal-ispiżerija (indipendentement mill-fatt jekk huwa għandu jew ma għandux il-kwalifika ta’ spiżjar) sabiex iwettaq il-funzjonijiet tiegħu filwaqt li jirrispetta l-liġi u r-regoli deontoloġiċi. Barra minn hekk, il-Kummissjoni ssostni li l-marġni ta’ diskrezzjoni li għandu l-ispiżjar fl-għoti tal-prodotti mediċinali lill-pazjent hija mnaqqsa estremament. B’mod partikolari huwa għandu l-obbligu li jipprovdi l-prodott mediċinali preskritt mingħajr possibbiltà ta’ sostituzzjoni, ħlief f’każijiet identifikati b’mod rigoruż fil-liġi.

36.

Fit-tieni lok, id-dispożizzjonijiet inkwistjoni tad-dritt Taljan imorru lil hinn minn dak li huwa meħtieġ biex jintlaħqu l-għanijiet tal-ħarsien tas-saħħa, peress li dan jista’ jiġi żgurat b’miżuri inqas restrittivi għal-libertà ta’ stabbiliment u għall-moviment liberu tal-kapital. B’mod partikolari, l-obbligu tal-preżenza ta’ spiżjar fi spiżerija huwa suffiċjenti biex jiżgura provvista ta’ servizz ikkwalifikat lill-klijent. Barra minn hekk, is-sistema ta’ kontrolli xierqa u sanzjonijiet effikaċi tista’ tiġi applikata fir-rigward ta’ dawk li joperaw l-ispiżeriji. Tali sistema tippermetti li jiġi vverifikat u żgurat il-funzjonament tajjeb ta’ dawk l-ispiżeriji bil-għan li tiġi mħarsa s-saħħa tal-pazjenti. Bl-istess mod, jistgħu jiġu inklużi klawżoli ta’ koresponsabbiltà fil-kuntratt ta’ impjieg li jorbot lit-titulari mal-ispiżjar responsabbli għall-ispiżerija. Tali responsabbiltà in solidum tiggarantixxi li t-tnejn li huma jiġu nkoraġġuti li jilħqu l-għanijiet u l-obbligi tas-servizz pubbliku marbut mal-fatt li joperaw spiżerija.

37.

Il-Kummissjoni tirrileva wkoll li l-possibbiltà mogħtija mid-dritt Taljan lill-kumpanniji b’kapital azzjonarju mingħajr holding maġġoritarju tal-pubbliku, li joperaw spiżeriji muniċipali tindika li l-leġiżlatur Taljan qies li ma kienx indispensabbli li l-operaturi tal-ispiżeriji jkunu spiżjara sabiex tiġi żgurata l-kwalità tas-servizz farmaċewtiku kif ukoll il-protezzjoni xierqa tas-saħħa pubblika, sakemm l-ispiżjar ikun preżenti fl-uffiċċju u jkun responsabbli għall-attivitajiet marbuta mal-prodotti mediċinali. L-istess kunsiderazzjonijiet japplikaw għad-dispożizzjonijiet li jipprovdu l-fakultà lill-werrieta ta’ spiżerija privata li joperaw l-istess għal ċertu żmien mingħajr ma jippossjedu l-kwalifiki meħtieġa.

38.

Barra minn hekk, il-Kummissjoni tosserva li l-ispiżjar għandu obbligi deontoloġiċi simili, kemm jekk huwa jissodisfa l-funzjonijiet tiegħu fil-kapaċità ta’ proprjetarju jew ta’ impjegat.

39.

Fl-aħħar, hija ssostni li r-raġunament tal-Qorti tal-Ġustizzja li użat fis-sentenza tagħha tal-21 ta’ April 2005, Il-Kummissjoni vs Il-Greċja ( 9 ), fir-rigward tal-ħwienet tal-oġġetti ottiċi, japplika għall-attività kummerċjali ta’ bejgħ bl-imnut ta’ prodotti mediċinali.

40.

Quddiem dawn l-argumenti, ir-Repubblika Taljana, sostnuta mir-Repubblika Ellenika, ir-Renju ta’ Spanja, ir-Repubblika Franċiża, ir-Repubblika tal-Litwanja u r-Repubblika tal-Awstrija, issostni li l-leġiżlazzjoni kkonċernata, inkwantu tirriżerva l-pussess u l-użu ta’ spiżerija privata għall-persuni fiżiċi biss li għandhom diploma ta’ spiżjara u għall-kumpanniji komposti esklużivament minn azzjonisti spiżjara, ma tiksirx l-Artikoli 43 KE u 56 KE. Fil-fatt, din il-leġiżlazzjoni tapplika mingħajr ebda diskriminazzjoni minħabba n-nazzjonalità u r-restrizzjonijiet li jirriżultaw jistgħu jkunu ġġustifikati mill-għan tal-ħarsien tas-saħħa pubblika, u dan dejjem jekk huma jkunu xierqa u proporzjonati biex jissalvagwardjaw tali għan.

41.

Ir-Repubblika Taljana tenfasizza li kemm id-dritt Komunitarju primarju kif ukoll id-dritt Komunitarju sussidjarju jsostnu l-kompetenza tal-Istati Membri biex jiddefinixxu s-sistema ta’ proprjetà ta’ spiżeriji inkwistjoni f’din il-proċedura. Fin-nuqqas ta’ armonizzazzjoni fuq livell Komunitarju, jispetta lilhom b’mod partikolari li jiddeċiedu fuq il-livell ta’ ħarsien tas-saħħa pubblika li għandu jiġi ssalvagwardjat waqt id-distribuzzjoni tal-prodotti mediċinali għall-ispiżeriji.

42.

Ir-Repubblika Taljana ssostni li l-korrelazzjoni bejn il-pussess/użu ta’ spiżeriji privati u r-reġistrazzjoni mal-organizzazzjoni professjonali tal-ispiżjara tal-pussessuri u operaturi hija element fundamentali tal-garanzija tal-kwalità tas-servizz farmaċewtiku fl-Italja.

43.

In-natura potenzjalment perikoluża tal-prodotti mediċinali titlob li l-użu tagħhom ikun ikkontrollat u razzjonalizzat. Fl-ispiżerija jeżisti konflitt oġġettiv bejn l-interess privat — li huwa li tiġi żgurata l-vijabbiltà ekonomika — u l-għan ta’ interess ġenerali. Biex tiġi garantita s-supremazija tal-provvista regolari u xierqa tal-popolazzjoni bil-prodott mediċinali fuq il-kunsiderazzjonijiet ekonomiċi, jeħtieġ li l-ispiżeriji jkunu verament proprjetà ta’ persuni li għandhom il-kapaċità professjonali u l-ispeċjalizzazzjoni meħtieġa. Huwa biss jekk il-pussessuri tal-ispiżeriji, li għandhom influwenza fuq il-ġestjoni tal-istess spiżeriji, ikollhom għarfien u esperjenza speċjalizzata sħiħa li l-ġestjoni tqabbeż sistematikament il-ħarsien tas-saħħa qabel l-għanijiet ekonomiċi. Jekk dawk li mhumiex spiżjara joperaw l-ispiżeriji, ikun hemm riskju li dawn jitħallew jiġu ggwidati minn kriterji irrilevanti mill-aspett farmaċewtiku.

44.

Barra minn hekk, il-fatt li l-ġestjoni tal-ispiżeriji tiġi rriżervata għall-ispiżjara biss jippermetti li l-produtturi jew il-bejjiegħa bl-ingrossa farmaċewtiċi ma jitħallewx jippossjedu spiżeriji. Dawn l-impriżi jistgħu jiġu nkoraġġuti li jbiegħu bi preferenza l-prodotti li huma jipproduċu jew jiddistribwixxu għad-detriment tal-bżonnijiet reali terapewtiċi u tal-għażla libera tal-pazjenti. Barra minn hekk, il-loġika kummerċjali fuq skala kbira għandha tendenza ta’ tnaqqis fl-ispejjeż tad-distribuzzjoni u tal-istokkjar u, għaldaqstant, konċentrazzjoni tal-postijiet tal-bejgħ fiz-zoni l-iktar densament popolati. Iktar minn hekk, il-ftuħ mhux irregolat ta’ spiżeriji ġodda jista’ jġib miegħu żieda fl-ispejjeż farmaċewtiċi.

45.

Dawn ir-riskji joħorġu mid-diversi studji relattivi għall-pajjiżi jew reġjuni li mxew għal-liberalizzazzjoni totali tal-aċċess għas-settur tal-ispiżerija — bħalma huma r-Repubblika tal-Estonja, ir-Repubblika tan-Norveġja u n-Navarra — li wrew rigressjonijiet gravi f’termini ta’ kwalità tal-prestazzjonijiet farmaċewtiċi.

46.

L-effikaċja tal-missjoni ta’ interess ġenerali tal-ispiżeriji ma tistax tiġi żgurata b’miżuri inqas restrittivi. Ċertament, Stat Membru huwa intitolat li jipprevedi li l-ispiżjara impjegati jiżguraw il-preparazzjoni u l-bejgħ tal-prodotti mediċinali. Madankollu, tali spiżjar impjegat ma jkunx f’pożizzjoni li jeżerċita l-professjoni tiegħu b’indipendenza sħiħa, peress li huwa jkun suġġett għall-ordnijiet ta’ min iħaddmu li mhuwiex spiżjar.

47.

Barra minn hekk, in-natura primarja tas-saħħa teskludi li l-kumpens ekwivalenti jippermetti riżarċiment li jikkumpensa d-dannu b’mod sħiħ. Għaldaqstant, il-garanziji tal-assigurazzjoni tar-responsabbiltà professjonali jew il-forom ta’ kumpens li joħorġu mir-responsabbiltà minħabba xi ħaġa li jkun għamel ħaddieħor ma jippermettux li jiġi garantit b’mod daqshekk effikaċi l-għan tal-ħarsien tas-saħħa pubblika. Iktar minn hekk, l-għażla li jiġu kkombinati l-pussess tal-ispiżerija u r-responsabbiltà mill-operazzjoni min-naħa ta’ imprenditur professjonali li huwa spiżjar tippermetti li mar-responsabbiltajiet kollha riżultanti mil-liġijiet ċivili u penali jiżdiedu dawk li joħorġu mill-kodiċi tad-deontoloġija u li huma suġġetti għall-kontroll tal-organizzazzjoni professjonali tal-ispiżjara.

48.

Fl-aħħar, fir-rigward tad-differenza fis-sistema bejn l-ispiżeriji privati u l-ispiżeriji muniċipali, ir-Repubblika Taljana tispjega li kien meħtieġ li għall-ispiżeriji privati jiddaħħal element addizzjonali ta’ garanzija sanitarja, li jagħmel distinzjoni bejn il-mudell ta’ ġestjoni tagħhom minn dak tal-ispiżeriji muniċipali, fejn l-istess spiżeriji muniċipali huma suġġetti għas-sorveljanza u għall-kontroll mill-awtoritajiet lokali. Ir-Repubblika Taljana tindika, f’dan ir-rigward, li fil-mudell tal-kumpannija mħallta li għandha bħala għan il-provvista ta’ servizzi pubbliċi lokali, anki jekk is-sehem privat huwa maġġoritarju, l-awtorità lokali żżomm setgħat ta’ gwida, kontroll u sorveljanza bħala koġestjonarja u assoċjata fil-kumpannija. Bl-istess mod, meta l-ġestjoni tiġi fdata f’idejn terzi, il-fatt li l-ispiżerija tinżamm proprjetà tal-awtorità lokali huwa tali li jiżgura l-interess pubbliku.

C — Fuq it-tienilment

49.

B’dan it-tieni ilment, il-Kummissjoni ssostni li, bil-fatt li żammet fis-seħħ dispożizzjonijiet leġiżlattivi li joħolqu l-impossibbiltà li l-impriżi tad-distribuzzjoni tal-prodotti farmaċewtiċi jiksbu azzjonijiet fil-kumpanniji li joperaw spiżeriji muniċipali, ir-Repubblika Taljana naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt l-Artikoli 43 KE u 56 KE.

50.

Fil-fehma tagħha, tali restrizzjoni għall-moviment liberu tal-kapital u għal-libertà ta’ stabbiliment mhijiex iġġustifikata mill-għan tal-ħarsien tas-saħħa pubblika. F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni tirrileva li s-sistema ta’ inkompatibbiltà ġenerali bejn l-attivitajiet tad-distribuzzjoni u tal-bejgħ lill-pubbliku tal-prodotti mediċinali hija inkoerenti peress li tippermetti li jkun hemm derogi sostanzjali.

51.

B’mod partikolari, persuna tista’ topera spiżerija u fl-istess ħin tkun azzjonista ta’ kumpannija tad-distribuzzjoni sakemm hija ma jkollhiex pożizzjoni li tieħu d-deċiżjonijiet u tikkontrolla l-istess kumpannija. Tali persuna jista’ jkollha interess li tipprivileġġja l-bejgħ fis-suq ta’ prodotti ddistribwiti mill-kumpannija li fiha hija għandha xi azzjonijiet. Barra minn hekk, jeżistu sitwazzjonijiet oħra li fihom l-ispiżjar li huwa azzjonist f’kumpannija tad-distribuzzjoni jkollu l-possibbiltà li jeżerċita kontroll effettiv, dirett jew indirett, fuqha. Għaldaqstant is-sistema ta’ inkuopatibbiltà hija flessibbli ħafna għall-persuni fiżiċi u l-kumpanniji li joperaw spiżeriji privati.

52.

Mill-banda l-oħra, din is-sistema hija restrittiva ħafna għall-kumpanniji multinazzjonali li jixtiequ jakkwistaw xi sehem fl-ispiżeriji muniċipali. Il-Kummissjoni ssostni li, f’dan il-każ, ir-riskju ta’ konflitt ta’ interess jista’ jkun iżgħar, jew jekk ikun il-każ, inqas gravi, peress li l-awtoritajiet pubbliċi jżommu l-proprjetà tal-ispiżerija muniċipali u, abbażi tal-kuntratt ta’ servizzi ffirmat mal-kumpannija tal-ġestjoni privata, jeżerċitaw kontroll dirett u speċifiku fuq dik l-ispiżerija.

53.

Skont ir-Repubblika Taljana, il-prinċipji żviluppati fil-kuntest tal-ewwel ilment huma validi wkoll għall-ispiżeriji muniċipali. Barra minn hekk, id-digriet Bersani elimina l-projbizzjoni li kien hemm fuq l-impriżi tad-distribuzzjoni ta’ prodotti farmaċewtiċi milli jakkwistaw ishma fl-ispiżeriji muniċipali.

V — Kunsiderazzjonijiet

A — Fuq l-ammissibbiltà tar-rikors

54.

Minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li, fil-kuntest ta’ rikors għan-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu li fih tkun qiegħda tiġi kkontestata l-kompatibbiltà ta’ liġi nazzjonali mad-dritt Komunitarju, l-emendi eventwali li jsiru lil dik il-liġi huma irrilevanti sabiex tingħata deċiżjoni fuq is-suġġett tar-rikors, u dan sakemm ma jkunux ġew implementati qabel l-iskadenza tat-terminu impost fl-opinjoni motivata ( 10 ).

55.

Għaldaqstant, huwa fid-dawl tal-leġiżlazzjoni li kienet fis-seħħ fid-19 ta’ Frar 2006, li hija d-data tal-iskadenza tat-terminu ta’ xahrejn impost fl-opinjoni motivata nnotifikata lir-Repubblika Taljana fid-, li jeħtieġ li tingħata deċiżjoni fuq l-eżistenza eventwali tal-allegat nuqqas. Jeħtieġ li jiġi rrilevat li, f’dik id-data, id-digriet Bersani kien għadu ma ġiex adottat.

56.

Minn dan isegwi li l-argumenti li l-Kummissjoni u r-Repubblika Taljana ddedikaw għall-impatt ta’ dan id-digriet fuq din il-proċedura ma jistgħux jittieħdu inkunsiderazzjoni. B’mod partikolari, fil-kuntest tal-eżami tat-tieni lment, mhuwiex meħtieġ li jiġi vverifikat jekk il-projbizzjoni fuq l-impriżi tad-distribuzzjoni ta’ prodotti farmaċewtiċi milli jakkwistaw sehem fil-kumpanniji ta’ ġestjoni ta’ spiżeriji muniċipali għadhiex fis-seħħ fis-sistema ġuridika Taljana minkejja l-intervent tad-digriet Bersani, kemm jekk minħabba s-sopravvivenza ta’ ċerti dispożizzjonijiet leġiżlattivi jew minħabba ġurisprudenza li ssostni tali projbizzjoni.

57.

B’hekk, ir-Repubblika Taljana mhijiex iġġustifikata ssostni li n-nuqqas li bih hija ġiet akkużata mhuwiex konkret u reali inkwantu jiddependi mid-deċiżjonijiet futuri u ipotetiċi tal-qrati nazzjonali.

58.

L-argumenti l-oħra mressqa minn dan l-Istat Membru insostenn tal-inammissibbiltà ta’ dan ir-rikors għandhom jiġu skartati wkoll. Fil-fatt, mill-aspett tal-ammissibbiltà ta’ rikors għan-nuqqas ta’ twettiq tal-obbligu, ma tagħmilx differenza li l-Kummissjoni tkun għażlet li tmexxi l-azzjoni tagħha kontra Stat Membru u mhux kontra dawk li għandhom leġiżlazzjoni simili. Barra minn hekk, il-Kummissjoni indikat b’mod preċiż id-dispożizzjonijiet Komunitarji li fir-rigward tagħhom hija qiegħda titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tikkonstata n-nuqqas tat-twettiq tal-obbligu tar-Repubblika Taljana, jiġifieri l-Artikoli 43 KE u 56 KE.

B — Fuq l-ewwel ilment

59.

B’dan l-ewwel ilment, il-Kummissjoni tqiegħed inkwistjoni, fid-dawl tal-Artikoli 43 KE u 56 KE, waħda mill-kundizzjonijiet meħtieġa sabiex wieħed jopera spiżerija privata fl-Italja, jiġifieri li huwa jkollu diploma ta’ spiżjar. Fil-fatt, hija tqis li r-rekwiżit tad-diploma ta’ spiżjar ma jistax jiġi impost ħlief fir-rigward tas-sistema ta’ proprjetà tal-ispiżerija. Mill-banda l-oħra, hija ssostni li din il-kundizzjoni hija meħtieġa u għandha tiġi ssodisfatta sabiex wieħed jeżerċita l-funzjoni ta’ direttur responsabbli mill-ispiżerija u, b’mod iktar ġenerali, sabiex wieħed iwettaq kwalunkwe xogħol dwar ir-rapporti mal-utenti tal-ispiżerija.

60.

Inkwantu l-Kummissjoni takkuża lir-Repubblika Taljana li naqset milli twettaq kemm l-obbligi tagħha li jirriżultaw mill-Artikolu 43 KE u kif ukoll dawk li joħorġu mill-Artikolu 56 KE, jeħtieġ qabel xejn li jiġi vverifikat jekk il-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni għandhiex tiġi interpretata fid-dawl tal-libertà ta’ stabbiliment u tal-moviment liberu tal-kapital, jew inkella fid-dawl ta’ wieħed biss minn dawn il-libertajiet tal-moviment.

61.

Minn dan il-lat, fil-fehma tal-Qorti tal-Ġustizzja, sabiex wieħed isir jaf jekk leġiżlazzjoni nazzjonali taqax taħt xi waħda mil-libertajiet ta’ moviment, jeħtieġ li jittieħed inkunsiderazzjoni s-suġġett tal-leġiżlazzjoni inkwistjoni ( 11 ).

62.

F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li s-suġġett prinċipali tad-dispożizzjonijiet tal-leġiżlazzjoni Taljana li huma inkwistjoni fil-kuntest tal-ewwel ilment huwa li tiġi imposta kundizzjoni fuq l-eżerċizzju ta’ attività professjonali indipendenti, li f’dan il-każ hija l-attività farmaċewtika bħala titulari ta’ spiżerija. B’hekk, dawn id-dispożizzjonijiet jirriżervaw id-dritt li jippossjedu u joperaw spiżerija privata lil dawk il-persuni fiżiċi li għandhom diploma ta’ spiżjara kif ukoll lill-kumpanniji ta’ persuni u kooperattivi b’responsabbiltà limitata komposti esklużivament minn spiżjara biss. Bil-fatt li rregolat b’dan il-mod il-ftuħ ta’ spiżeriji privati fl-Italja, u għaldaqstant il-kundizzjonijiet għall-istabbiliment tal-persuni fiżiċi u legali fis-settur tal-farmaċija, il-leġiżlazzjoni Taljana tidher li taffettwa b’mod sostanzjali l-liberta ta’ stabbiliment. Għaldaqstant, hija taqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tat-Trattat dwar din il-libertà.

63.

Għaldaqstant, jekk wieħed kellu jassumi li tali miżura nazzjonali jista’ jkollha effetti restrittivi fuq il-moviment liberu tal-kapital, tali effetti għandhom jiġu kkunsidrati bħala l-konsegwenza inevitabbli ta’ eventwali ostakolu għal-libertà ta’ stabbiliment u ma jiġġustifikawx eżami tal-imsemmija miżura fid-dawl tal-Artikolu 56 KE ( 12 ).

64.

Għaldaqstant, jiena ser neżamina l-ewwel ilment mill-aspett tal-libertà ta’ stabbiliment biss u b’mod iktar preċiż, fid-dawl tal-Artikoli 43 KE u 48 KE ( 13 ).

65.

Qabel ma jiġi eżaminat jekk ir-regola li minħabba fiha huma biss il-persuni li jistgħu jeżerċitaw ix-xogħol ta’ spiżjara li jistgħu jkollhom u joperaw spiżerija, hijiex konformi mal-Artikoli 43 KE u 48 KE, jiena ser nagħmel xi ftit osservazzjonijiet preliminari fuq in-natura tal-kompetenzi rispettivi tal-Istati Membri u tal-Komunità fil-qasam tas-saħħa pubblika.

1. Osservazzjonijiet preliminari fuq in-natura tal-kompetenzi rispettivi tal-Istati Membri u tal-Komunità fil-qasam tas-saħħa pubblika

66.

Bis-saħħa tal-Artikolu 152 KE, il-Komunità ma ngħatatx kompetenza kompleta u sħiħa fil-qasam tas-saħħa pubblika. Għaldaqstant, tali kompetenza tibqa’ maqsuma bejn il-Komunità u l-Istati Membri.

67.

Il-modalitajiet ta’ dan it-tqassim tal-kompetenzi, kif jirriżultaw mid-dicitura tal-Artikolu 152 KE, jirrivelaw l-eżistenza ta’ kompetenza konġunta b’enfażi fuq il-kompetenza tal-Istat Membru ( 14 ).

68.

Iż-żamma tal-kompetenza nazzjonali fil-qasam tas-saħħa pubblika tinsab espressament imsemmija fl-Artikolu 152(5) KE li jipprovdi li “[l]-Azzjoni Komunitarja fl-oqsma tas-saħħa pubblika għandha tirrispetta bi sħiħ ir-responsabbiltajiet ta’ l-Istati Membri għall-organizzazzjoni u l-għoti ta’ servizzi tas-saħħa u l-kura medika.”

69.

Il-konstatazzjoni li l-għoti tal-kompetenza sanitarja lill-Komunità ma tinvolvix it-tneħħija tal-kompetenza tal-Istati Membri toħroġ ukoll min-natura tal-kompetenzi nazzjonali u Komunitarji, kif jirriżulta mill-Artikolu 152 KE. Fil-fatt, dawn huma kemm kompetenzi addizzjonali, inkwantu l-azzjoni Komunitarja tikkompleta l-politika nazzjonali fil-qasam tas-saħħa pubblika, u ta’ kompetenzi kkoordinati, peress li l-azzjoni Komunitarja għandha tendenza li tikkoordina l-azzjoni nazzjonali f’dan il-qasam.

70.

Fil-qosor, id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 152 KE jikkontjenu l-bażi ta’ politika tas-saħħa pubblika ftit integrata u jpinġu, fl-istess ħin, sfera ta’ kompetenza nazzjonali protetta.

71.

Fil-fehma tiegħi, l-għażla hekk magħmula mill-abbozzaturi tat-Trattat għandha tittieħed inkunsiderazzjoni mill-Qorti tal-Ġustizzja fil-kejl xieraq tagħha. B’mod partikolari, peress li l-Qorti tal-Ġustizzja hija kkonfrontata b’miżura nazzjonali dwar l-organizzazzjoni u l-provvista ta’ servizzi tas-saħħa u ta’ kura medika, l-evalwazzjoni tagħha, fil-fehma tiegħi, għandha dejjem tieħu inkunsiderazzjoni dak li jista’ jixbah il-protezzjoni kostituzzjonali tal-kompetenza nazzjonali f’dan il-qasam ( 15 ).

72.

Ovvjament, dan ma jfissirx li, fl-eżerċizzju tal-kompetenza tagħhom, l-Istati Membri għandhom jitqiesu bħala li huma liberi mill-obbligi Komunitarji tagħhom. Fil-fatt, huwa magħruf li fl-eżerċizzju ta’ din il-kompetenza, l-Istati Membri għandhom jirrispettaw id-dritt Komunitarju, u b’mod partikolari id-dispożizzjonijiet tat-Trattat dwar il-libertajiet tal-moviment. Dawn id-dispożizzjonijiet jinvolvu l-projbizzjoni fuq l-Istati Membri milli jintroduċu jew iżommu fis-seħħ restrizzjonijiet inġustifikati għall-eżerċizzju ta’ dawn il-libertajiet fil-qasam tal-kura tas-saħħa ( 16 ).

73.

Barra minn hekk, jeħtieġ li jiġi ppreċiżat li, fl-istat preżenti tad-dritt Komunitarju, kif tixhed il-premessa 26 tad-Direttiva 2005/36, il-kundizzjonijiet għall-eżerċizzju tal-attivitajiet farmaċewtiċi ċertament ma kinux kollha kemm huma s-suġġett ta’ miżuri ta’ koordinazzjoni, u inqas u inqas ta’ miżuri ta’ armonizzazzjoni fuq livell Komunitarju. F’dan ir-rigward, jiena nfakkar li l-leġiżlatur Komunitarju hemmhekk indika bħala eżempju li d-distribuzzjoni ġeografika tal-ispiżeriji u l-monopolju ta’ għoti ta’ prodotti mediċinali għandhom jaqgħu taħt il-kompetenza tal-Istati Membri. Huwa ppreċiżat ukoll li din id-direttiva ma tibdilx id-dispożizzjonijiet leġiżlattivi, regolatorji u amministrattivi tal-Istati Membri li jipprojbixxu lill-kumpanniji milli jeżerċitaw ċerti attivitajiet ta’ spiżjara jew li jissuġġettaw dan l-eżerċizzju għal ċerti kundizzjonijiet. F’dawk l-oqsma li mhumiex armonizzati, id-determinazzjoni tar-regoli tibqa’ l-kompetenza tal-Istati Membri, bil-kundizzjoni li dawn jirrispettaw id-dispożizzjonijiet tat-Trattat, partikolarment dawk li jirrigwardaw il-libertà ta’ stabbiliment ( 17 ).

74.

Sabiex tinżamm, regola nazzjonali li tipprevedi li l-ispiżeriji ma jistgħux jinżammu u jiġu operati ħlief minn spiżjara, dik ir-regola trid tkun konformi mal-Artikolu 43 KE, anki jekk hija tkun tikkostitwixxi l-espressjoni tal-kompetenza tal-Istati Membri fil-qasam tas-saħħa pubblika u b’mod iktar partikolari fil-qasam tal-organizzazzjoni u tal-provvista tas-servizzi tas-saħħa u tal-kura medika.

75.

Madankollu, il-fatt li tali regola taqa’ f’qasam li huwa tal-kompetenza tal-Istati Membri li hija espressament protetta mill-Artikolu 152(5) KE mhuwiex irrilevanti. Fil-fatt, huwa fil-kuntest tal-evalwazzjoni tal-ġustifikazzjoni tar-regola msemmija fid-dawl tal-prinċipju ta’ interess ġenerali bħalma huwa l-ħarsien tas-saħħa pubblika li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha tieħu inkunsiderazzjoni din il-protezzjoni tal-kompetenza nazzjonali mniżżla fit-Trattat. Taħt dan l-aspett, hija tista’ tapplika l-ġurisprudenza tagħha li skontha, fl-evalwazzjoni tal-osservanza tal-prinċipju ta’ proporzjonalità fil-qasam tas-saħħa pubblika, għandu jittieħed kont tal-fatt li l-Istat Membru jista’ jiddeċiedi l-livell ta’ ħarsien li huwa jixtieq jagħti lis-saħħa pubblika u l-mod li bih dan il-livell għandu jintlaħaq ( 18 ).

76.

B’dawn il-preċiżjonijiet li saru, jeħtieġ l-ewwel nett li jiġi vverifikat jekk ir-regola Taljana intiża sabiex tipprojbixxi lil dawk li mhumiex spiżjara milli jżommu u joperaw spiżerija tikkostitwixxix restrizzjoni għal-libertà ta’ stabbiliment.

2. Fuq l-eżistenza ta’ restrizzjoni għal-libertà ta’ stabbiliment

77.

Il-libertà ta’ stabbiliment stabbilita permezz tal-Artikoli 43 KE u 48 KE tagħti lill-kumpanniji stabbiliti b’mod konformi mal-leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru d-dritt li jaċċedu għal attività għal rashom fi Stat Membru ieħor u li jeżerċitaw din l-attività hemmhekk b’mod permanenti taħt l-istess kundizzjonijiet bħall-kumpanniji li għandhom is-sede tagħhom f’dak l-Istat. Din il-libertà fundamentali tapplika wkoll għall-kostituzzjoni u għat-tmexxija ta’ impriżi kif ukoll għall-ħolqien ta’ aġenziji, fergħat u sussidjarji. L-Artikolu 43 KE jeżiġi li għandhom jiġu pprojbiti l-miżuri diskriminatorji.

78.

Minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta wkoll li l-miżuri li, anki applikabbli mingħajr distinzjoni, jipprojbixxu, jimpedixxu jew jagħmlu inqas attraenti l-eżerċizzju, miċ-ċittadini tal-Istati Membri, tal-libertà ta’ stabbiliment jikkostitwixxu restrizzjonijiet kuntrarji għat-Trattat ( 19 ).

79.

Skont il-leġiżlazzjoni Taljana, il-ftuħ ta’ spiżerija privata huwa rriżervat għall-persuni fiżiċi li għandhom diploma ta’ spiżjara, kif ukoll għall-kumpanniji ta’ persuni u kumpanniji kooperattivi b’responsabbiltà limitata li għandhom l-għan esklużiv li joperaw spiżerija u li l-azzjonisti tagħhom huma spiżjara reġistrati mal-organizzazzjoni professjonali tal-ispiżjara.

80.

Dawn il-kundizzjonijiet għandhom l-effett li jimpedixxu liċ-ċittadini tal-Istati Membri li mhumiex spiżjara milli jippossjedu u joperaw spiżerija privata fl-Italja. Dawn il-kundizzjonijiet jistgħu jkunu kklassifikati bħala restrizzjonijiet fuq il-libertà ta’ stabbiliment minħabba l-effetti tagħhom fuq l-aċċess għas-suq għall-persuni fiżiċi jew legali li jkunu jixtiequ jiftħu spiżerija privata fl-Italja. Fil-fatt, minħabba li jostakolaw l-aċċess tal-operaturi l-ġodda għas-suq inkwistjoni, huma jikkostitwixxu oġġettivament ostakoli għal-libertajiet tal-moviment li minnhom, fil-prinċipju, għandhom jibbenefikaw l-operaturi ekonomiċi.

81.

Issa li ġiet ikkonstatata l-eżistenza ta’ ostakolu għal-libertà ta’ stabbiliment, jeħtieġ li jiġi vverifikat jekk il-projbizzjoni li hemm fuq dawk li mhumiex spiżjara milli jkollhom u joperaw spiżerija tistax titqies bħala ġġustifikata fid-dawl tad-dritt Komunitarju.

3. Fuq il-ġustifikazzjoni tar-restrizzjoni għal-libertà ta’ stabbiliment ikkonstatata

82.

Restrizzjoni bħal dik prevista fil-leġiżlazzjoni Taljana tista’ titqies bħala li hija konformi mad-dritt Komunitarju jekk hija tissodisfa l-erba’ kundizzjonijiet segwenti. L-ewwel nett, hija għandha tiġi applikata b’mod mhux diskriminatorju. Imbagħad, hija għandha tkun iġġustifikata b’motiv leġittimu jew raġuni imperattiva ta’ interess ġenerali. Fl-aħħar nett, hija għandha tkun xierqa biex tiżgura t-twettiq tal-għan imfittex u ma teċċedix dak li hu meħtieġ biex tilħaq dak l-għan ( 20 ).

83.

Fl-ewwel lok, jiena ma nara ebda element diskriminatorju fil-leġiżlazzjoni inkwistjoni, inkwantu hija tapplika għall-entitajiet kollha li jixtiequ jiftħu u joperaw spiżerija fl-Italja, mingħajr ebda distinzjoni dwar l-Istat Membru tal-oriġni tagħhom.

84.

Fit-tieni lok, il-ħarsien tas-saħħa pubblika hija waħda mir-raġunijiet imperattivi ta’ interess ġenerali li, skont l-Artikolu 46(1) KE jistgħu jiġġustifikaw ir-restrizzjonijiet għal-libertà ta’ stabbiliment ( 21 ). Għaldaqstant il-leġiżlazzjoni Taljana għandha tiġi eżaminata fid-dawl ta’ dan l-għan, b’mod partikolari fl-iskop tagħha biex tiggarantixxi provvista adegwata tal-prodotti mediċinali lill-pubbliku.

85.

Fit-tielet lok, fir-rigward tas-suffiċjenza ta’ tali leġiżlazzjoni sabiex tiggarantixxi l-għan tal-ħarsien tas-saħħa pubblika, jeħtieġ li jiġi vverifikat jekk il-projbizzjoni fuq dawk li mhumiex spiżjara sabiex ma jkollhomx u ma joperawx spiżerija hijiex xierqa biex tirrispondi utilment għall-għan imsemmi iktar ’il fuq.

86.

Jiena nsostni li dan huwa l-każ. B’mod iktar preċiż, fil-fehma tiegħi, din ir-regola hija tali li tiżgura l-provvista tal-prodotti mediċinali lill-pubbliku liema provvista tippreżenta garanziji suffiċjenti mill-aspett ta’ kwalità u ta’ varjetà.

87.

F’dan ir-rigward, jien m’iniex konvint mill-argument tal-Kummissjoni li skontu jeħtieġ li ssir distinzjoni bejn l-aspetti interni (proprjetà, amministrazzjoni u ġestjoni tal-ispiżerija) u l-aspetti esterni (relazzjonijiet ma’ terzi) tal-attività farmaċewtika. Fil-fatt, fil-fehma tiegħi, persuna li hija kemm proprjetarja kif ukoll tħaddem in-nies, li għandha spiżerija, bilfors tinfluwenza fuq il-politika segwita fl-ispiżerija fil-qasam tas-somministrazzjoni tal-prodotti mediċinali. Għaldaqstant, l-għażla tal-leġiżlatur Taljan li jorbot il-kompetenza professjonali mal-proprjetà ekonomika tal-ispiżerija tidher li hija ġġustifikata fid-dawl tal-oġġettiv tal-ħarsien tas-saħħa pubblika.

88.

Wieħed ma jridx jinsa li x-xogħol tal-ispiżjar mhuwiex biss il-bejgħ ta’ prodotti mediċinali. L-att tal-għoti tal-prodotti mediċinali jeħtieġ ukoll, min-naħa tal-ispiżjar, servizzi oħra bħalma hija l-verifika tar-riċetti mediċi, il-preparazzjonijiet farmaċewtiċi, jew ukoll il-provvista ta’ informazzjoni u pariri li jiżguraw l-użu tajjeb tal-prodotti mediċinali ( 22 ). Jiena nsostni wkoll li d-dover tal-ispiżjar li jagħti parir għandu importanza kbira fil-każ ta’ prodotti mediċinali li ma jeħtiġux riċetta tat-tabib, prodotti mediċinali li n-numru tagħhom qiegħed dejjem jiżdied permezz tad-deċiżjonijiet meħuda mill-Istati bl-għan li jinżamm l-ekwilibru tal-kontijiet tal-kumpanniji. F’din is-sitwazzjoni, il-pazjent ma jistax jistrieħ ħlief fuq l-informazzjoni pprovduta mill-professjonist tas-saħħa li huwa l-ispiżjar.

89.

Peress li l-attività farmaċewtika, bħal diversi professjonijiet tas-saħħa, hija kkaratterizzata minn tqassim asimmetriku tal-informazzjoni, huwa meħtieġ li l-pazjent ikun jista’ jkollu fiduċja sħiħa fil-parir li jagħtih l-ispiżjar. Għaldaqstant jeħtieġ li tiġi ggarantita n-newtralità tal-parir farmaċewtiku, jiġifieri l-parir kompetenti u oġġettiv.

90.

Barra minn hekk, għar-raġunijiet preċedenti, l-ispiżjar isib ruħu assoċjat f’politika ġenerali ta’ saħħa pubblika, ħafna minnha inkumpatibbli mal-loġika purament kummerċjali tal-kumpanniji b’kapital azzjonarju, orjentata direttament lejn il-vijabbiltà u l-profitt. Għaldaqstant, in-natura speċifika tal-missjoni mogħtija lill-ispiżjar timponi li tiġi rrikonoxxuta u ggarantita lill-professjonist l-indipendenza meħtieġa għan-natura ta’ xogħolu.

91.

B’hekk, fil-fehma tiegħi, il-kwalità tal-att tas-somministrazzjoni ta’ prodotti mediċinali huma marbut mill-qrib mal-indipendenza li jrid juri l-ispiżjar fl-eżerċizzju ta’ xogħlu.

92.

Bil-fatt li ddeċieda li jirriżerva l-proprjetà u l-ġestjoni ta’ spiżeriji privati għall-ispiżjara biss, il-leġiżlatur Taljan ried preċiżament jiggarantixxi l-indipendenza tal-ispiżjara billi jrendi l-istruttura ekonomika tal-ispiżeriji impermeabbli għall-influwenzi esterni, li ġejjin pereżempju mill-produtturi ta’ prodotti mediċinali jew mill-bejjiegħa bl-ingrossa. B’mod partikolari, huwa ried jipprevjeni r-riskji ta’ konflitti ta’ interess li, skont l-analiżi tiegħu setgħu jirriżultaw mill-integrazzjoni vertikali tas-settur farmaċewtiku sabiex, b’mod partikolari, jiġi miġġieled il-fenomenu tal-eċċess ta’ konsum ta’ prodotti mediċinali u tiġi ggarantita l-preżenza ta’ varjetà suffiċjenti ta’ prodotti mediċinali fl-ispiżeriji. Barra minn hekk, il-leġiżlatur Taljan ħass li kien meħtieġ l-intervent ta’ professjonist li jaġixxi bħala għarbiel bejn il-produttur tal-prodotti mediċinali u l-pubbliku sabiex jikkontrolla, b’mod indipendenti, l-amministrazzjoni tajba tal-prodotti mediċinali.

93.

Spiżjar li huwa proprjetarju tal-ispiżerija tiegħu huwa finanzjarjament indipendenti, ħaġa li tiggarantixxi l-eżerċizzju liberu tal-professjoni tiegħu. Dak l-ispiżjar għandu l-kontroll sħiħ ta’ xogħolu u jeżerċita l-professjoni tiegħu bl-indipendenza li tikkaratterizza l-professjonijiet liberi. Huwa fl-istess waqt il-kap ta’ impriża li topera fir-realtajiet ekonomiċi, li huma marbutin mal-ġestjoni tal-ispiżerija tiegħu, u fl-istess waqt professjonist tas-saħħa li huwa kkonċernat biex jibbilanċja il-ħtiġijiet ekonomiċi tiegħu mal-kunsiderazzjonijiet tas-saħħa pubblika, ħaġa li tiddistingwih minn sempliċi investitur.

94.

Din hija r-raġuni għaliex jiena nsostni li l-pass preventiv li ħa l-leġiżlatur Taljan huwa adattat biex jiżgura l-ħarsien tas-saħħa pubblika.

95.

Fl-aħħar lok, jeħtieġ li jiġi vverifikat jekk ir-regola li biha spiżjar jista’ jkollu spiżerija hijiex meħtieġa biex jintlaħaq l-għan tal-ħarsien tas-saħħa pubblika u jekk dan jistax jintlaħaq bi projbizzjonijiet jew limitazzjonijiet iżgħar jew li jaffettwaw inqas il-libertà ta’ stabbiliment.

96.

Taħt dan l-aspett, jeħtieġ li jiġi mfakkar li skont il-Qorti tal-Ġustizzja, fl-evalwazzjoni tal-osservanza tal-prinċipju ta’ proporzjonalità fil-qasam tas-saħħa pubblika, għandu jittieħed kont tal-fatt li l-Istat Membru jista’ jiddeċiedi l-livell ta’ ħarsien li huwa jixtieq jagħti lis-saħħa pubblika u l-mod li bih dan il-livell għandu jintlaħaq. Peress li dan il-livell jista’ jvarja minn Stat Membru għall-ieħor, hemm lok li l-Istati Membri jingħatalhom marġni ta’ diskrezzjoni u, għaldaqstant, il-fatt li Stat Membru jimponi regoli inqas stretti minn dawk imposti minn Stat Membru ieħor ma jistax ifisser li dawn tal-aħħar huma sproporzjonati ( 23 ).

97.

Bil-ħolqien tar-regola li biha huwa biss spiżjar li jista’ jkollu u jopera spiżerija, il-leġiżlatur Taljan uża dan il-marġni ta’ diskrezzjoni billi għażel sistema li fil-fehma tiegħu tippermettilu li jiġi żgurat livell għoli ta’ ħarsien tas-saħħa pubblika u, b’mod partikolari, provvista xierqa ta’ prodotti mediċinali għall-popolazzjoni.

98.

L-istess bħal Stati Membri oħra, dan l-istess leġiżlatur seta’ jadotta wkoll mudell ieħor u jagħmel l-għażla li jipproteġi s-saħħa pubblika b’mezzi oħra, pereżempju billi jissuġġetta biss il-ftuħ ta’ spiżeriji ġodda għall-osservanza tal-kundizzjonijiet marbutin mad-distribuzzjoni ġeografika tagħhom, mal-eżistenza ta’ ċertu numru ta’ abitanti għal kull spiżerija, jew ukoll għal regoli dwar l-osservanza ta’ distanza minima bejn żewġ spiżeriji. Fost il-miżuri l-oħra intiżi sabiex jiggarantixxu li l-għan tal-ħarsien tas-saħħa pubblika jirbaħ fuq l-interessi ekonomiċi, Stat Membru jista’ jagħżel li jżomm il-monopolju tal-bejgħ tal-prodotti mediċinali mill-ispiżjara u/jew jiddeċiedi li jirregola l-prezzijiet tal-prodotti mediċinali.

99.

Fi ftit kliem, jeħtieġ li jittieħed kont tal-fatt li skont dak li jinsab previst fl-Artikolu 152(5) KE, u fin-nuqqas ta’ armonizzazzjoni tal-kundizzjonijiet kollha għall-eżerċizzju tal-attività farmaċewtika fi ħdan il-Komunità, l-Istati Membri għandhom jibbenefikaw minn marġni ta’ diskrezzjoni biex jistabbilixxu l-mudell li l-iktar jikkorrispondi għall-aspirazzjonijiet tagħhom f’termini ta’ ħarsien tas-saħħa pubblika.

100.

Hija u tivverifika jekk miżura nazzjonali, bħal dik inkwistjoni f’dan ir-rikors, tirrispettax il-prinċipju tal-proporzjonalità, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha, b’mod definittiv, tiżgura li l-Istati Membri ma jaqbżux il-limiti tal-marġni ta’ diskrezzjoni tagħhom. Hija għandha tivverifika wkoll jekk hemmx miżuri oħra li jikkontribwixxu, b’mod daqshekk effikaċi sabiex jiggarantixxu livell għoli ta’ ħarsien tas-saħħa pubblika.

101.

F’dan ir-rigward, jiena nsostni li bil-fatt li ddisponiet li huwa l-ispiżjar biss li jista’ jkollu u jopera spiżerija, ir-Repubblika Taljana ma qabżitx il-limiti tal-marġni ta’ diskrezzjoni tagħha fil-qasam tal-ħarsien tas-saħħa pubblika u li, konsegwentement, din ir-regola ma teċċedix dak li hu meħtieġ biex tiżgura livell għoli ta’ ħarsien tas-saħħa pubblika.

102.

B’hekk, jien m’iniex konvint li l-miżuri li ssemmew quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja u li, skont il-Kummissjoni, għandhom jiġu sostitwiti flok ir-regola Taljana, jistgħu jiggarantixxu livell daqshekk għoli ta’ ħarsien tas-saħħa pubblika.

103.

B’mod ġenerali, jeħtieġ l-ewwel nett li jiġi enfasizzat li r-regola intiża li tipprojbixxi lil dawk li mhumiex spiżjara milli jkollhom u joperaw spiżerija tikkostitwixxi miżura intiża sabiex tipprevjeni li jkun hemm l-eċċessi li jiena semmejt iktar ’il fuq, b’mod partikolari r-riskji ta’ konflitti ta’ interess li jistgħu jirriżultaw mill-integrazzjoni vertikali tas-settur farmaċewtiku u li jistgħu jkollhom influwenza negattiva fuq il-kwalità tal-att tas-somministrazzjoni ta’ prodotti mediċinali. Din id-dimensjoni preventiva għandha importanza partikolari meta r-raġuni imperattiva tal-ħarsien tas-saħħa pubblika tkun inkwistjoni. F’dan il-każ, it-twaqqif ta’ sistema ta’ responsabbiltà kemm għall-ġestitur li mhux spiżjar kif ukoll għall-ispiżjara impjegati u ta’ sistema ta’ sanzjonijiet kontrihom ma tidhirx li hija suffiċjenti biex tiggarantixxi livell daqshekk għoli ta’ ħarsien tas-saħħa pubblika, peress li din hija, prinċipalment, sistema ta’ miżuri intiżi li jikkoreġu a posteriori l-eċċessi meta dawn iseħħu effettivament ( 24 ).

104.

Barra minn hekk, jien ma naħsibx li s-sempliċi obbligu tal-preżenza ta’ spiżjar impjegat għax-xogħol li jimplika rapport ma’ terzi huwa tali li jiggarantixxi, bl-istess kwalità u newtralità tal-att tas-somministrazzjoni ta’ prodotti mediċinali, il-provvista xierqa ta’ prodotti mediċinali lill-pubbliku.

105.

Ċertament, huwa minnu li spiżjar impjegat huwa obbligat li jirrispetta r-regoli professjonali u deontoloġiċi li japplikaw għalih. Madankollu, inkwantu huwa m’għandux il-kontroll tal-politika kummerċjali tal-ispiżerija u peress li huwa obbligat li japplika l-istruzzjonijiet ta’ min iħaddmu, mhuwiex eskluż li spiżjar impjegat ta’ spiżerija operata minn persuna li mhijiex spiżjara jiġi mħajjar jitfa’ fuq quddiem l-interess ekonomiku tal-ispiżerija milli r-rekwiżiti marbutin mal-eżerċizzju ta’ attività farmaċewtika. B’hekk wieħed ma jistax jeskludi li persuna li topera spiżerija iżda li mhijiex spiżjara, li m’għandhiex il-kompetenza professjonali suffiċjenti biex tevalwa dak li huwa meħtieġ għall-att tas-somministrazzjoni tal-prodotti mediċinali, tkun imħajra tnaqqas l-attività li tinvolvi li hija tagħti pariri lill-pazjenti jew ukoll li telimina l-attivitajiet li ma tantx huma vijabbli, bħalma huma l-preparazzjonijiet farmaċewtiċi. B’dan titbaxxa l-kwalità tal-att tas-somministrazzjoni ta’ prodotti mediċinali li kontriha l-ispiżjar impjegat, li huwa obbligat li japplika l-ordnijiet li jtih min iħaddmu, diffiċilment jista’ jiġġieled.

106.

B’mod iktar fundamentali, jeħtieġ li jiġi mfakkar li, fil-fehma tiegħi, id-distinzjoni bejn l-aspetti interni u l-aspetti esterni tal-attività farmaċewtika hija artifiċjali u li jidhrilna li huwa inevitabbli li, inkwantu l-operatur jikkontrolla l-ispiżerija, huwa jistabbilixxi l-politika kummerċjali tagħha. B’hekk huwa diffiċli li jiġi żgurat li l-operatur li mhuwiex spiżjar ma jindaħalx fir-relazzjoni ta’ bejn l-ispiżjar mal-klijenti, u dan anki indirettament meta huwa jiġġestixxi l-istokk ta’ prodott mediċinali li jkunu preżenti fl-ispiżerija. B’hekk, il-ġestjoni ħażina ta’ dan l-istokk ikollha bilfors riperkussjonijiet fuq il-kwalità tal-att ta’ somministrazzjoni tal-prodotti mediċinali.

107.

Ir-regola Taljana tirriżulta għalhekk li hija meħtieġa, peress li hija timplika li l-ispiżjar proprjetarju ta’ spiżerija jkun personalment responsabbli għad-deċiżjonijiet tiegħu fir-rigward tal-kwalità tas-servizzi professjonali offruti fl-ispiżerija tiegħu, li huwa jkun personalment suġġett għad-dispożizzjonijiet kollha legali, regolamentari u deontoloġiċi li jirrigwardaw l-eżerċizzju tal-professjoni ta’ spiżjar u li huwa ma jkunx suġġett għall-ebda influwenza min-naħa ta’ terzi persuni li mhumiex spiżjara fir-rigward tal-ġestjoni tan-negozju tal-ispiżerija tiegħu.

108.

B’hekk, ir-rabta bejn il-kompetenza professjonali fil-qasam farmaċewtiku u l-fatt li wieħed ikun proprjetarju tal-ispiżerija tippermetti lil min jiġġestixxi l-imsemmija spiżerija li jevalwa korrettament il-konsegwenzi tad-deċiżjonijiet kummerċjali tiegħu fuq it-twettiq tal-missjoni ta’ interess pubbliku li huwa għandu, jiġifieri l-provvista adegwata ta’ prodotti mediċinali lill-pubbliku.

109.

Fl-aħħar, il-fatt li l-awtorizzazzjoni għall-ftuħ ta’ spiżerija tiġi marbuta mal-persuna tal-ispiżjar huwa mezz effikaċi biex tiġi żgurata l-provvista adegwata ta’ prodotti mediċinali lill-pubbliku, b’mod partikolari peress li l-ispiżjar li jkun qiegħed jiġġestixxiha, f’każ ta’ nuqqas professjonali, jesponi ruħu mhux biss għall-irtirar tal-liċenzja tiegħu, imma wkoll tal-awtorizzazzjoni għall-ftuħ tal-ispiżerija, ħaġa li ġġib magħha konsegwenzi ekonomiċi sostanzjali. Barra mill-konsegwenzi dixxiplinarji, in-nuqqasijiet professjonali tal-ispiżjar jaffettwaw l-eżistenza ekonomika tiegħu, ħaġa li tikkostitwixxi inċentiv addizzjonali sabiex huwa jiġġestixxi l-ispiżerija billi jpoġġi fuq quddiem is-saħħa pubblika bħala raġuni imperattiva. Ir-regola li timponi li għandhom jiġu kkombinati fl-istess persuna l-kompetenza u d-deontoloġija professjonali mar-responsabbiltà finanzjarja tal-ispiżerija, konsegwentement, hija meħtieġa biex tiggarantixxi l-prevalenza tal-interess ġenerali.

110.

Fid-dawl ta’ dawn l-elementi, jien insostni li r-regola Taljana li biha huwa biss l-ispiżjar li jista’ jkollu u jopera spiżerija ma teċċedix dak li huwa meħtieġ biex tiggarantixxi livell għoli ta’ ħarsien tas-saħħa pubblika u, b’mod partikolari, biex tiżgura l-provvista ta’ prodotti mediċinali lill-pubbliku li tkun varjata u ta’ kwalità. Il-fatt li dak li għandu l-kontroll finanzjarju tal-ispiżerija u li, bħala tali, jiddetermina l-politika kummerċjali tagħha, huwa meħtieġ li jkun spiżjar jidhirli, konsegwentement, li huwa konformi mal-Artikolu 43 KE.

111.

L-analiżi li jien għadni kif għamilt fir-rigward tan-natura adegwata u proporzjonali tar-regola li biha huwa biss l-ispiżjar li jista’ jkollu u jopera spiżerija ma tidhirx li tista’ tiġi kkontestata, bħalma ssostni l-Kummissjoni, minħabba l-fatt li f’ċerti ċirkustanzi, il-ġestjoni ta’ spiżerija minn persuna li mhux spiżjar hija permessa fid-dritt Taljan. Is-sitwazzjonijiet ikkontemplati huma s-segwenti.

112.

L-ewwel nett, il-werrieta tal-proprjetarju tal-ispiżerija privata huma permessi li joperaw l-istess spiżerija għal żmien massimu ta’ għaxar snin b’effett mill-mewt tal-ispiżjar, minkejja li ma jkollhomx il-kwalifika rikjesta. B’hekk il-leġiżlatur Taljan ipprova jikkonċilja r-regola li tipprojbixxi lil dawk li mhumiex spiżjara milli jkollhom u joperaw spiżerija mal-ħtieġa li jiġu protetti l-interessi tal-familja tal-ispiżjar. Din l-eċċezzjoni ma tidhirx li hija tali li taffettwa l-koerenza tal-leġiżlazzjoni Taljana inkwantu, minn banda, hija limitata fiż-żmien, u mill-banda l-oħra, ma tippreġudikax l-għan essenzjali ta’ din il-leġiżlazzjoni, jiġifieri li tipprekludi r-riskji ta’ konflitti ta’ interess li jistgħu jkunu marbutin mal-integrazzjoni vertikali tas-settur farmaċewtiku.

113.

Imbagħad hemm is-sitwazzjoni partikolari tal-ispiżeriji muniċipali. F’dan ir-rigward, jien infakkar li l-Artikolu 116 tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 267 tat-18 ta’ Awwissu 2000, jipprovdi l-possibbiltà li l-awtoritajiet muniċipali, għall-ġestjoni tal-ispiżeriji muniċipali, jiffurmaw kumpanniji b’responsabbiltà limitata li l-azzjonisti tagħhom ma jkunux bilfors spiżjara. Għal dan it-tip ta’ spiżeriji, il-qsim bejn il-pussess tal-ispiżerija, li jibqa’ taħt l-entità lokali, u l-ġestjoni, li tkun fdata lil kumpannija b’kapital azzjonarju fil-parti l-kbira privata li mhijiex komposta esklużivament minn spiżjara, huwa għalhekk permess.

114.

Din l-eċċezzjoni għall-prinċipju tal-indiviżibbiltà tal-proprjetà u tal-ġestjoni ta’ spiżerija, fil-fehma tiegħi, mhijiex tali li tippreġudika l-koerenza tal-leġiżlazzjoni Taljana. Fil-fatt, kif uriet ir-Repubblika Taljana, l-awtoritajiet lokali li jafdaw lill-kumpannija privata bil-ġestjoni ta’ spiżerija għandhom numru ta’ setgħat li jippermettulhom li jiggwidaw u jissorveljaw il-mod li bih l-ispiżerija tassumi l-provvista tal-prodotti mediċinali lill-pubbliku.

115.

Il-kontroll tal-awtoritajiet fuq il-ġestjoni tal-ispiżerija jiġi eżerċitat, l-ewwel nett, f’applikazzjoni tal-kundizzjonijiet li, skont il-każ, ikunu imniżżlin fis-sejħa għal offerti, fl-istatut tal-kumpannija li tipprovdi s-servizz, kif ukoll fil-kuntratt tas-servizzi. Dawn il-kundizzjonijiet jikkonċernaw il-modi konkreti tal-ġestjoni tal-ispiżerija u, b’mod partikolari, il-kwistjonijiet relattivi għall-protezzjoni mogħtija mill-awtoritajiet u għall-penali li jinkorri l-prestatarju f’każ ta’ ġestjoni mhux konformi mal-għan tal-ħarsien tas-saħħa pubblika. Barra minn hekk, barra l-fatt li l-awtoritajiet lokali jibqgħu titulari tal-ispiżerija u jistgħu jwaqqfu r-relazzjoni kuntrattwali li tgħaqqadhom mal-kumpannija inkarigata mis-servizz, jeħtieġ li jiġi indikat li dik l-awtorità għandha s-setgħa li tinnomina amministratur u awditur wieħed jew iktar.

116.

Dawn l-elementi kollha, fil-fehma tiegħi, jippermettu li jiġi ggarantit li l-ġestjoni ta’ spiżeriji muniċipali tiżgura b’mod konkret il-prevalenza tal-interess ġenerali u, b’mod iktar preċiż, il-provvista xierqa tal-popolazzjoni bil-prodotti mediċinali. Il-koerenza tal-leġiżlazzjoni Taljana ma tidhirx għalhekk li hija affettwata.

117.

Finalment, fil-fehma tiegħi jeħtieġ li jiġi miċħud l-argument fejn jingħad li r-raġunament li segwiet il-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tagħha Il-Kummissjoni vs Il-Greċja, iċċitata iktar ’il fuq, fir-rigward tal-ġestjoni tal-ħwienet tal-ottika, kellu jiġi applikat ukoll għall-ispiżeriji.

118.

Fir-rikors għan-nuqqas tat-twettiq tal-obbligi li hija ppreżentat kontra r-Repubblika Ellenika, il-Kummissjoni talbet lill-Qorti tal-Ġustizzja tikkonstata li dak l-Istat Membru kien naqas milli jwettaq l-obbligi tiegħu taħt l-Artikoli 43 KE u 48 KE. Fl-ewwel lok, hija akkużat lil dak l-Istat Membru li impedixxa speċjalist tal-għajnejn bħala persuna fiżika bid-diploma milli jibqa’ jopera f’ħanut tal-ottika. Fit-tieni lok, hija kkontestat il-leġiżlazzjoni nazzjonali li kienet tissuġġetta l-possibbiltà ta’ persuna ġuridika li tiftaħ ħanut tal-ottika għall-kundizzjonijiet segwenti:

li l-permess biex jiftaħ u jopera ħanut tal-ottika jingħata f’isem speċjalist tal-għajnejn bħala persuna fiżika reġistrata, li l-persuna li jkollha l-permess li topera ħanut jkollha tal-inqas 50% mill-kapital tal-kumpannija kif ukoll mill-profitti u mit-telf tagħha, li l-kumpannija jkollha l-forma ta’ kumpannija f’isem kollettiv jew kumpannija in akkomandita, u

li l-ispeċjalist tal-għajnejn inkwistjoni jkun jifforma parti minn massimu ta’ kumpannija oħra proprjetarja ta’ ħanut tal-ottika bil-kundizzjoni li l-permess għall-ftuħ u l-ġestjoni tal-ħanut jingħata f’isem speċjalist tal-għajnejn reġistrat ieħor.

119.

Wara li kkonstatat l-eżistenza ta’ restrizzjonijiet għal-libertà ta’ stabbiliment ( 25 ), il-Qorti tal-Ġustizzja eżaminat b’mod globali l-kwistjoni dwar jekk id-diversi aspetti kkontestati tal-leġiżlazzjoni Griega kinux iġġustifikati jew le mill-għan tal-ħarsien tas-saħħa pubblika. Hija sostniet li dan ma kienx il-każ inkwantu l-prinċipju tal-proporzjonalità ma kienx ġie rrispettat.

120.

B’hekk hija sostniet li “l-għan tal-ħarsien tas-saħħa pubblika invokat mir-Repubblika Ellenika jista’ jintlaħaq permezz ta' miżuri li jkunu anqas restrittivi tal-libertà ta’ stabbiliment kemm tal-persuni naturali, kif ukoll tal-persuni ġuridiċi, pereżempju, permezz tal-kundizzjoni tal-preżenza ta’ ottiċi kkwalifikati, li jirċievu salarju jew li jkunu Membri, f’kull ħanut ta’ l-ottika, ta’ regoli dwar ir-responsabbiltà ċivili għall-ħsara kkawżata minn terzi, kif ukoll ta’ regoli li jeżiġu assigurazzjoni ta’ indennizz professjonali”  ( 26 ).

121.

Fil-fehma tiegħi, il-Qorti tal-Ġustizzja kellha ssegwi linja differenti f’dak li jikkonċerna l-attività tas-somministrazzjoni ta’ prodotti mediċinali li minħabba l-impatt tagħha fuq is-saħħa pubblika, tiddistingwi ruħha mill-attività tal-bejgħ tal-prodotti tal-ottika.

122.

Ċertament, il-Qorti tal-Ġustizzja rrikonoxxiet li l-bejgħ ta’ prodotti tal-ottika bħalma huma l-lentijiet ta’ kuntatt ma jistax jitqies bħala attività kummerċjali bħall-oħrajn, peress li l-bejjiegħ għandu jkun f’pożizzjoni li jipprovdi lill-utenti bl-informazzjoni dwar l-użu u l-kura ta’ dawk il-prodotti ( 27 ). Din hija r-raġuni għaliex hija sostniet li l-leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprojbixxi l-bejgħ ta’ lentijiet ta’ kunttatt u ta’ prodotti relatati fl-istabbilimenti kummerċjali li mhumiex ġestiti minn persuni li jissodisfaw il-kundizzjonijiet meħtieġa għall-eżerċizzju tal-professjoni ta’ speċjalist tal-għajnejn u nuċċalijiet hija ġġustifikata minħabba raġunijiet li jirrigwardaw il-ħarsien tas-saħħa pubblika ( 28 ).

123.

Madankollu, inkwantu l-prodotti mediċinali huma prodotti li jistgħu jkollhom effett iktar serju fuq is-saħħa mill-prodotti tal-ottika, u li jistgħu wkoll, f’każ li jiġu użati ħażin, ikollhom konsegwenzi fatali għall-konsumaturi, jien insostni li s-somministrazzjoni tagħhom għandha tkun akkumpanjata b’garanziji partikolari. B’hekk, jidhirli li huwa leġittimu li Stat Membru jkun jixtieq jilħaq livell għoli ta’ ħarsien tas-saħħa pubblika billi jipprova jżomm il-kwalità u n-newtralità tal-att tas-somministrazzjoni tal-prodotti mediċinali.

124.

Peress li s-somministrazzjoni tal-prodotti mediċinali, mill-aspett tal-ħarsien tas-saħħa pubblika, ma tistax titpoġġa fuq l-istess livell bħall-bejgħ ta’ prodotti tal-ottika, jiena nsostni li Stat Membru jista’ jiddeċiedi, mingħajr ma jikser il-prinċipju tal-proporzjonalità u għar-raġunijiet li jiena esponejt diġà, li jirriżerva l-fatt tal-pussess u l-ġestjoni ta’ spiżeriji għall-ispiżjara biss.

125.

Għal dawn ir-raġunijiet kollha, jiena nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tiddikjara l-ewwel ilment imqajjem mill-Kummissjoni bħala infondat.

C — Fuq it-tienilment

126.

B’dan it-tieni ilment, il-Kummissjoni titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tikkonstata li, bil-fatt li żammet fis-seħħ dispożizzjonijiet leġiżlattivi li jistabbilixxu l-impossibbiltà li l-impriżi tad-distribuzzjoni tal-prodotti farmaċewtiċi jkollhom sehem fil-kumpanniji tal-ġestjoni tal-ispiżeriji muniċipali, ir-Repubblika Taljana naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt l-Artikoli 43 KE u 56 KE.

127.

L-ewwel nett, jiena nfakkar li, mal-iskadenza tat-terminu stabbilit fl-opinjoni motivata notifikata lil dan l-Istat Membru, id-digriet Bersani, li neħħa dik il-projbizzjoni, kien għadu ma ġiex adottat. Għaldaqstant dan ma jistax jittieħed inkunsiderazzjoni mill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tieħu deċiżjoni fuq l-eżistenza potenzjali tan-nuqqas allegat fil-kuntest ta’ dan l-ilment.

128.

Fir-rigward, imbagħad, tal-portata ta’ dan l-ilment, jeħtieġ li jiġi indikat li, b’kuntrast ma’ dak li tagħti x’jifhem il-Kummissjoni f’ċerti partijiet tal-atti tagħha ( 29 ), dan ma jistax jiġi mifrux għal fuq l-ispiżeriji privati, inkwantu l-preżentazzjoni tiegħu wara l-fażi prekontenzjuża hija intiża biss għall-każ tal-ispiżeriji muniċipali.

129.

Għaldaqstant, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tillimita l-evalwazzjoni tagħha għall-kwistjoni dwar jekk l-Artikoli 43 KE u 56 KE jipprekludux li l-parteċipazzjoni ta’ impriża tad-distribuzzjoni ta’ prodotti mediċinali fil-kapital ta’ kumpannija li tiġġestixxi l-ispiżerija muniċipali tkun ipprojbita.

130.

Bil-kontra ta’ dak li kien il-każ għall-ewwel ilment, hawnhekk mhijiex kwistjoni li tiġi evalwata l-konformità mad-dritt Komunitarju ta’ kundizzjoni għall-eżerċizzju tal-attività farmaċewtika bħala titulari ta’ spiżerija. Fil-fatt, jien infakkar li fis-sistema ta’ ġestjoni tal-ispiżeriji muniċipali, l-awtoritajiet lokali jibqgħu titulari tal-ispiżerija u li huma jikkonċedu biss il-ġestjoni lil kumpannija li l-kapital tagħha jista’ jkun, fil-parti l-kbira tiegħu, privat. Il-problema hawnhekk hija, għalhekk, li jiġi stabbilit jekk id-dritt Komunitarju jipprekludix li impriża tad-distribuzzjoni ta’ prodotti mediċinali tkunx ipprojbita milli tipparteċipa fil-ġestjoni ta’ spiżerija muniċipali minħabba li hija jkollha sehem fil-kapital tal-kumpannija privata li tkun qiegħda tiġġestixxi l-istess ispiżerija.

131.

Peress li din il-projbizzjoni mhijiex intiża li tapplika għas-sempliċi parteċipazzjoni f’kumpannija li tippermetti li tiġi eżerċitata ċerta influwenza fuq id-deċiżjonijiet tal-kumpannija li tiġġestixxi l-ispiżerija muniċipali u li tistabbilixxi l-attivitajiet tagħha, fil-fehma tiegħi, l-istess projbizzjoni tista’ taqa’ kemm taħt l-Artikolu 43 KE kif ukoll taħt l-Artikolu 56 KE ( 30 ).

1. Fuq l-eżistenza tar-restrizzjonijiet għal-libertajiet tal-moviment

132.

Skont il-Qorti tal-Ġustizzja, għandhom jiġu kkwalifikati bħala “restrizzjonijiet” fis-sens tal-Artikolu 56(1) KE dawk il-miżuri nazzjonali li jistgħu jimpedixxu jew jillimitaw l-akkwist ta’ azzjonijiet fil-kumpanniji kkonċernati jew li jistgħu jiskoraġġixxu l-investituri ta’ Stati Membri oħra milli jinvestu fil-kapital tal-istess kumpanniji ( 31 ).

133.

Sa fejn il-leġiżlazzjoni Taljana jista’ jkollha l-effett li tiskoraġġixxi lil persuni stabbiliti fi Stati Membri oħra u li huma attivi fis-settur tad-distribuzzjoni farmaċewtika milli jakkwistaw ishma f’kumpanniji li huma intiżi biex jiġġestixxu spiżerija muniċipali fl-Italja, l-istess leġiżlazzjoni tikkostitwixxi restrizzjoni fuq il-moviment liberu tal-kapital.

134.

Fir-rigward tal-libertà ta’ stabbiliment, minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li d-dispożizzjonijiet nazzjonali li japplikaw fir-rigward tal-pussess, min-naħa ta’ ċittadin tal-Istat Membru kkonċernat, ta’ sehem fil-kapital ta’ kumpannija stabbilita fi Stat Membru ieħor li jippermettilu li jeżerċita ċerta influwenza fuq id-deċiżjonijiet ta’ din il-kumpannija u li jiddetermina l-attivitajiet tagħha jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni ratione materiae tad-dispożizzjonijiet tat-Trattat relattivi għal-libertà ta’ stabbiliment ( 32 ).

135.

Peress li d-dispożizzjonijiet nazzjonali inkwistjoni f’dan il-każ, tal-inqas parti minnhom, għandhom l-effett li jimpedixxu lill-impriżi tad-distribuzzjoni farmaċewtika milli jakkwistaw sehem fil-kapital ta’ kumpanniji li jiġġestixxu l-ispiżeriji muniċipali li jippermettilhom li jeżerċitaw ċerta influwenza fuq id-deċiżjonijiet ta’ dawn il-kumpanniji u li jippermettilhom li jiddeterminaw l-attivitajiet tagħhom, jeħtieġ ukoll li jingħad li dawn jinvolvu restrizzjonijiet għal-libertà ta’ stabbiliment.

2. Fuq il-ġustifikazzjoni tar-restrizzjonijiet ikkonstatati

136.

Bħal-libertà ta’ stabbiliment, il-moviment liberu tal-kapital jista’ jkun limitat b’miżuri nazzjonali ġġustifikati mir-raġunijiet imsemmija fl-Artikolu 58 KE jew minn raġunijiet imperattivi ta’ interess ġenerali, inkwantu ma jeżistux miżuri ta’ armonizzazzjoni fuq livell Komunitarju li jipprovdu l-miżuri meħtieġa biex jiżguraw il-ħarsien ta’ dawn l-interessi ( 33 ).

137.

F’dan ir-rigward, jien insostni li l-impossibbiltà li l-impriżi tad-distribuzzjoni ta’ prodotti farmaċewtiċi jkollhom sehem f’kumpanniji li jiġġestixxu l-ispiżeriji muniċipali hija ġġustifikata fid-dawl tal-għan intiż li jiggarantixxi livell għoli ta’ ħarsien tas-saħħa pubblika.

138.

Jiena nfakkar li, skont il-leġiżlazzjoni Taljana, l-awtoritajiet lokali għandhom il-possibbiltà li jiffurmaw, għall-ġestjoni tal-ispiżeriji muniċipali, kumpanniji b’responsabbiltà limitata li l-azzjonisti tagħhom ma jkunux bilfors spiżjara.

139.

Jien spjegajt li din l-eċċezzjoni għall-prinċipju tal-indiviżibbiltà tal-proprjetà u tal-ġestjoni ta’ spiżerija, fil-fehma tiegħi, mhijiex tali li tippreġudika l-koerenza tal-leġiżlazzjoni Taljana u dan minħabba li hemm numru ta’ garanziji li jippermettu li l-ġestjoni tal-ispiżeriji muniċipali jiżguraw b’mod konkret il-prevalenza tal-interess ġenerali, u b’mod iktar preċiż, il-provvista adegwata tal-prodotti mediċinali lill-pubbliku. B’mod partikolari, is-setgħat ta’ gwida u ta’ sorveljanza li għandhom l-awtoritajiet lokali fir-rigward tal-kumpannija li tiġġestixxi l-ispiżerija muniċipali jikkontribwixxu sabiex jiġu evitati r-riskji ta’ konflitti ta’ interess marbutin mal-parteċipazzjoni ta’ persuni mhux spiżjara fil-ġestjoni ta’ dan it-tip ta’ spiżeriji.

140.

Fil-fehma tiegħi, l-impossibbiltà li l-impriżi tad-distribuzzjoni ta’ prodotti farmaċewtiċi jiksbu sehem fil-kumpanniji ta’ ġestjoni ta’ spiżeriji muniċipali toffri garanzija addizzjonali li tippermetti li jiġu evitati aħjar ir-riskji ta’ konflitti ta’ interess li jistgħu jinbtu mill-parteċipazzjoni ta’ din il-kategorija ta’ operaturi ekonomiċi fil-ġestjoni tal-ispiżeriji muniċipali.

141.

Għaldaqstant, jien insostni li r-Repubblika Taljana setgħet, mingħajr ma tikser il-prinċipju tal-proporzjonalità, iżżomm il-projbizzjoni fuq l-impriżi tad-distribuzzjoni ta’ prodotti farmaċewtiċi milli jakkwistaw sehem f’kumpanniji ta’ ġestjoni ta’ spiżeriji muniċipali.

142.

Konsegwentement, fil-fehma tiegħi, jeħtieġ li t-tieni ilment jiġi ddikjarat infondat.

VI — Konklużjoni

143.

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, jien nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex:

tiċħad dan ir-rikors għan-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu bħala infondat, u

tikkundanna lill-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej għall-ispejjeż, filwaqt li l-intervenjenti jbatu l-ispejjeż tagħhom.


( 1 ) Lingwa oriġinali: il-Franċiż.

( 2 ) Sentenza tal-21 ta’ Ġunju 1974 (2/74, Ġabra p. 631).

( 3 ) Sentenza tat-3 ta’ Diċembru 1974 (33/74, Ġabra p. 1299).

( 4 ) B’hekk, fl-ewwel premessa tad-Direttiva tal-Kunsill 75/362/KEE, tas-16 ta’ Ġunju 1975, dwar ir-rikonoxximent reċiproku ta’ diplomi, ċertifikati u provi oħrajn ta’ kwalifiki formali fil-mediċina, inklużi l-miżuri biex jiffaċilitaw l-eżerċizzju effettiv tad-dritt ta’ stabbiliment u l-libertà li jiġu pprovduti servizzi (ĠU L 167, p. 1), hemm indikat li, f’applikazzjoni tat-Trattat KEE, kull trattament diskriminatorju bbażat fuq in-nazzjonalità fil-qasam tal-istabbiliment u l-provvista tas-servizzi għandu jkun ipprojbit ma’ tmiem il-perijodu ta’ tranżizzjoni.

( 5 ) ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 6, Vol. 1, p. 129.

( 6 ) ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 6, Vol. 1, p. 132.

( 7 ) ĠU L 255, p. 22.

( 8 ) Skont ir-Repubblika Taljana, hemm madwar 1600 spiżerija muniċipali u 16000 spiżerija privata.

( 9 ) C-140/03, Ġabra p. I-3177.

( 10 ) B’mod partikolari, ara s-sentenzi tal-21 ta’ Settembru 1999, Il-Kummissjoni vs L-Irlanda (C-392/96, Ġabra p. I-5901, punt 86), tad-, Il-Kummissjoni vs Franza (C-177/03, Ġabra p. I-11671, punt 19), u tal-, Il-Kummissjoni vs L-Italja (C-412/04, Ġabra p. I-619, punt 42).

( 11 ) Sentenza tas-17 ta’ Lulju 2008, Il-Kummissjoni vs Spanja (C-207/07, punt 35).

( 12 ) B’mod partikolari, ara s-sentenza tal-25 ta’ Ottubru 2007, Geurts u Vogten (C-464/05, Ġabra p. I-9325, punt 16 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 13 ) Barra minn hekk jiena nirrileva li, fir-rikors għan-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu li wassal għas-sentenza Il-Kummissjoni vs Il-Greċja, il-Kummissjoni ttrattat l-istess tip ta’ problema, fir-rigward tal-ftuħ ta’ ħwienet tal-ottika, mill-aspett tal-libertà ta’ stabbiliment biss. Ma jidhirlix li huwa meħtieġ li din il-problematika tiġi estiża għall-moviment liberu tal-kapital.

( 14 ) Skont l-espressjoni użata minn V. Michel, “La compétence de la Communauté en matière de santé publique”, Revue des affaires européennes, 2003-2004/2, p. 157.

( 15 ) Ara V. Michel, op. cit., p. 177.

( 16 ) B’mod partikolari ara s-sentenza tal-11 ta’ Settembru 2008, Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja (C-141/07, Ġabra p. I-6935, punt 23 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 17 ) F’dan is-sens ara s-sentenza Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja, iċċitata iktar ’il fuq (punt 25 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 18 ) B’mod partikolari ara s-sentenza Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja, iċċitata iktar ’il fuq (punt 51).

( 19 ) Ara s-sentenzi tal-5 ta’ Ottubru 2004, CaixaBank France (C-442/02, Ġabra p. I-8961, punt 11 u l-ġurisprudenza ċċitata); tal-, Il-Kummissjoni vs L-Olanda (C-299/02, Ġabra p. I-9761, punt 15); Il-Kummissjoni vs Il-Greċja, iċċitata iktar ’il fuq (punt 27), kif ukoll tas-, Corporación Dermoestética (C-500/06, Ġabra p. I-5785, punt 32 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 20 ) Ara b’mod partikolari s-sentenzi tal-5 ta’ Ġunju 2007, Rosengren et (C-170/04, Ġabra p. I-4071, punt 43), kif ukoll Corporación Dermoestética, iċċitata iktar ’il fuq (punt 35 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 21 ) Sentenza Corporación Dermoestética, iċċitata iktar ’il fuq (punt 37).

( 22 ) Għal lista tad-diversi attivitajiet tal-ispiżjar, ara l-Artikolu 45(2) tad-Direttiva 2005/36.

( 23 ) Sentenza Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja, iċċitata iktar ’il fuq (punt 51 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 24 ) L-argumenti invokati f’dan ir-rigward mill-Kummissjoni insostenn tat-teżi tagħha jidhirli li huma pjuttost teoretiċi u mill-bqija miċħuda mir-realtà tal-kriżi finanzjarja kontemporanja. Fil-fatt, l-eżistenza fis-sistema bankarja ta’ awtoritajiet għall-kontroll u sistemi legali ta’ responsabbiltà ċivili, kummerċjali jew penali wriet traġikament il-limiti tagħha u l-inkapaċità tagħha biex tipprevjeni jew tikkontrolla l-eċċessi li joħorġu mil-loġika ta’ remunerazzjoni preferenzjali tal-kapital investit.

( 25 ) Sentenza Il-Kummissjoni vs Il-Greċja, iċċitata iktar ’il fuq (punti 27 sa 29).

( 26 ) Ibidem (punt 35).

( 27 ) F’dan is-sens, ara s-sentenza tal-25 ta’ Mejju 1993, LPO (C-271/92, Ġabra p. I-2899, punt 11).

( 28 ) Ibidem (punt 13).

( 29 ) B’mod partikolari, ara l-punt 5 tar-replika tal-Kummissjoni.

( 30 ) B’analoġija, ara s-sentenza Il-Kummissjoni vs Spanja, iċċitata iktar ’il fuq (punti 36 u 37).

( 31 ) Ibidem (punt 34 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 32 ) Ibidem (punt 60 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 33 ) Ibidem (punt 41).

Top