Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62006CC0510

    Konklużjonijiet ta' l-Avukat Ġenerali - Trstenjak - 15 ta' Mejju 2008.
    Archer Daniels Midland Co. vs il-Kummisjoni tal-Komunitajiet Ewropej.
    Appell - Kompetizzjoni - Akkordji - Suq tal-glukonat tas-sodju - Multi - Linji Gwida dwar il-metodi tal-kalkoli tal-multi - Politika Komunitarja tal-kompetizzjoni - Prinċipju ta’ trattament ugwali - Dħul mill-bejgħ li jista’ jittieħed inkunsiderazzjoni - Ċirkustanzi attenwanti.
    Kawża C-510/06 P.

    ECLI identifier: ECLI:EU:C:2008:280

    KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

    TRSTENJAK

    ippreżentati fil-15 ta’ Mejju 2008 ( 1 )

    Kawża C-510/06 P

    Archer Daniels Midland Co.

    vs

    Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej

    Werrej

     

    I — Introduzzjoni

     

    II — Il-kuntest ġuridiku

     

    A — Ir-Regolament Nru 17

     

    B — Il-Linji Gwida

     

    III — Il-fatti li wasslu għall-kawża

     

    IV — Il-proċeduri quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza u s-sentenza appellata

     

    V — Il-proċeduri quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

     

    VI — L-appell

     

    A — In-nuqqas ta’ kriterju allegatament mandatorju għall-kalkolu tal-multi, jiġifieri l-kriterju tal-“ħtieġa” meta jiġi mgħolli l-livell tal-multi, u u n-nuqqas ta’ motivazzjoni f’dan ir-rigward (l-ewwel u t-tieni aggravji tal-appell)

     

    1. Osservazzjonijiet preliminari

     

    2. Ir-rekwiżit li jkunu ddikjarati r-raġunijiet rigward il-ħtieġa li jiġi mgħolli l-livell tal-multi

     

    a) L-argumenti tal-partijiet

     

    b) L-evalwazzjoni ġuridika

     

    B — In-nuqqas ta’ kunsiderazzjoni tad-dħul mill-bejgħ tal-prodott fiż-ŻEE bħala element tal-kalkolu tal-multi (it-tielet aggravju tal-appell)

     

    1. Osservazzjonijiet preliminari

     

    2. L-argumenti tal-partijiet

     

    3. Is-sentenza appellata u l-evalwazzjoni ġuridika

     

    C — Ksur tal-prinċipju ta’ trattament ugwali fil-kalkolu tal-multa (ir-raba’ aggravju tal-appell)

     

    1. L-argumenti tal-partijiet

     

    2. L-evalwazzjoni ġuridika

     

    D — Żbalji ta’ liġi fid-determinazzjoni tal-impatt fuq is-suq tal-akkordju (il-ħames, is-sitt u s-seba’ aggravji)

     

    1. Osservazzjonijiet preliminari

     

    2. L-argumenti tal-partijiet

     

    3. Is-sentenza appellata

     

    4. L-evalwazzjoni ġuridika

     

    E — Żbalji ta’ liġi rigward id-data ta’ tmiem l-akkordju (it-tmien, id-disa’, l-għaxar u l-ħdax-il aggravju)

     

    1. Osservazzjonijiet preliminari

     

    2. Il-ksur tal-Artikolu 81 KE permezz ta’ applikazzjoni żbaljata tar-regoli dwar tmiem il-parteċipazzjoni f’akkordju

     

    a) L-argumenti tal-partijiet

     

    b) Is-sentenza appellata u l-evalwazzjoni legali

     

    3. Ksur tal-Artikolu 81 KE fir-rigward tal-laqgħa f’Anaheim

     

    a) L-argumenti tal-partijiet

     

    b) Is-sentenza appellata u l-evalwazzjoni legali

     

    4. Żnaturament ta’ provi fir-rigward tad-data ta’ tmiem l-akkordju jew id-data tal-irtirar ta’ ADM

     

    a) Evalwazzjoni ta’ dokumenti ta’ parteċipanti oħrajn fl-akkordju

     

    i) L-argumenti tal-partijiet

     

    ii) Is-sentenza appellata u l-evalwazzjoni ġuridika

     

    b) In-nota attribwita lil Roquette

     

    i) L-argumenti tal-partijiet

     

    ii) L-evalwazzjoni ġuridika

     

    F — Żbalji ta’ liġi fl-eżami taċ-ċirkustanza attenwanti ta’ tmiem il-ksur — nuqqas ta’ osservanza tal-prinċipju li r-regoli li istituzzjoni timponi fuqha nfisha għandhom jiġu segwiti (it-tnax-il aggravju, invokat sussidjarjament)

     

    1. L-argumenti tal-partijiet

     

    2. Is-sentenza appellata u l-evalwazzjoni ġuridika

     

    VII — L-ispejjeż

     

    VIII — Konklużjoni

    “Appell — Kompetizzjoni — Akkordji — Suq tal-glukonat tas-sodju — Multi — Linji Gwida dwar il-metodi tal-kalkoli tal-multi — Politika Komunitarja tal-kompetizzjoni — Trattament ugwali — Dħul mill-bejgħ li jista’ jittieħed inkunsiderazzjoni — Ċirkustanzi attenwanti”

    I — Introduzzjoni

    1.

    Din il-kawża tikkonċerna appell li tressaq minn Archer Daniels Midland Company (iktar ’il quddiem, “ADM” jew l-“appellanti”) mis-sentenza tal-Qorti tal-Prim Istanza tal-Komunitajiet Ewropej tas-27 ta’ Settembru 2006 fil-Kawża T-329/01, Archer Daniels Midland Co. vs Il-Kummissjoni (iktar ’il quddiem, is-“sentenza appellata”). Fis-sentenza appellata, il-Qorti tal-Prim’Istanza ċaħdet ir-rikors għal annullament ta’ ADM li, essenzjalment, kien dirett kontra żewġ artikoli tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2001) 2931 finali tat- relatata ma’ proċediment skont l-Artikolu 81 KE u l-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE (COMP/E-1/36.756 — Glukonat tas-Sodju; iktar ’il quddiem, id-“deċiżjoni inkwistjoni”).

    2.

    Hija tikkonċerna l-konsegwenzi tal-parteċipazzjoni ta’ ADM, li essenzjalment mhijiex ikkontestata, f’akkordju fl-ewwel nofs tas-snin 90 tas-seklu 20 rigward is-suq tal-glukonat tas-sodju, b’mod partikolari fil-forma ta’ akkordju fuq il-prezzijiet. Il-kawża turi ċerti fatturi paralleli mal-Kawża C-397/03 P Archer Daniels Midland et vs Il-Kummissjoni, li kienet tikkonċerna akkordju — anki dan fl-ewwel nofs tas-snin 90 tas-seklu 20 — rigward is-suq tal-aċidi amminiċi, b’mod partikolari l-lisina ( 2 ).

    3.

    Il-motivi invokati minn ADM quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza, li lkoll huma relatati mal-kalkolu tal-multa imposta fuqha, jikkonċernaw (i) jekk il-Linji Gwida rilevanti tal-Kummissjoni ( 3 ) dwar il-metodi tal-kalkoli tal-multi (iktar ’il quddiem, il-“Linji Gwida tal-1998”) japplikawx għal dan il-każ, (ii) il-gravità tal-ksur, (iii) id-dewmien tal-ksur, (iv) l-eżistenza ta’ ċirkustanzi attenwanti, (v) il-kooperazzjoni ta’ ADM matul il-proċedura amministrattiva, u (vi) l-osservanza tad-drittijiet tad-difiża.

    4.

    Bl-appell tagħha, ADM issostni li s-sentenza appellata għandha tiġi annullata parzjalment u li l-multa imposta bid-deċiżjoni inkwistjoni għandha tiġi annullata jew sostanzjalment imnaqqsa.

    5.

    Il-Linji Gwida tal-1998, anki jekk mhux direttament u formalment ikkontestati bħala tali, għal darb’oħra ( 4 ) huma tema kardinali tal-ilmenti ( 5 ).

    II — Il-kuntest ġuridiku

    6.

    L-Artikolu 81 KE jipprojbixxi “l-akkordji kollha bejn impriżi, id-deċiżjonijiet kollha ta’ assoċjazzjonijiet bejn impriżi u l-prattiċi kollha miftiehma li jistgħu jolqtu l-kummerċ bejn l-Istati Membri u li jkollhom bħala għan jew riżultat tagħhom il-prevenzjoni, ir-restrizzjoni jew id-distorsjoni tal-kompetizzjoni fi ħdan is-suq komuni”.

    A — Ir-Regolament Nru 17

    7.

    L-Artikolu 15(2) tar-Regolament tal-Kunsill Nru 17 tas-6 ta’ Frar 1962, l-ewwel Regolament li jimplimenta l-Artikoli [81] u [82] tat-Trattat (iktar ’il quddiem, ir-“Regolament Nru 17”) ( 6 ), intitolat “Multi”, jipprovdi:

    “Il-Kummissjoni tista’ perme[zz] ta’ deċiżjoni timponi fuq l-impriżi jew assoċjazzjonijiet ta’ [i]mpriżi multi minn 1000 sa 1000000 unità ta’ rendikont, jew somma li taqbeż dan iżda li ma taqbiżx 10% tat-turnover fis-sena ta’ negozju preċedenti ta’ kull impriża li tkun qed tipparteċipa fil-ksur fejn, jew intenzjonalment jew b’negliġenza:

    (a)

    dawn jiksru l-Artikolu [81](1) jew l-Artikolu [82] tat-Trattat […],

    […]

    Fl-iffissar ta’ l-ammont tal-multa, għandhom jiġu kk[u]nsidrati kemm il-gravit[à] kif ukoll id-dewmien tal-ksur.”

    8.

    Ir-Regolament Nru 17 issa ġie ssostitwit permezz tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2003, tas-16 Diċembru 2002, fuq l-implimentazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni mniżżlin fl-Artikoli 81 u 82 tat-Trattat ( 7 ), li skont l-Artikolu 45 tar-Regolament tal-aħħar, ilu japplika mill-.

    B — Il-Linji Gwida

    9.

    Bħala introduzzjoni, il-Linji Gwida tal-Kummissjoni tal-1998 ( 8 ) jiddikjaraw:

    “Il-prinċipji [i]ndikati hawnhekk għandhom jiżguraw it-trasparenza u l-imparzjalità tad-deċiżjonijiet tal-Kummissjoni, f’għajnejn kemm ta’ l-impriżi kif ukoll tal-Qorti tal-Ġustizzja, waqt li tinżamm id-diskrezzjoni li hi mogħtija lill-Kummissjoni skond il-leġiżlazzjoni rilevanti biex tistabbilixxi multi fil-limitu ta’ 10% tal-valur tal-bejgħ totali. Din id-diskrezzjoni għandha, mandankollu, issegwi politika koerenti u mhux diskriminatorja li hi konsistenti ma’ l-għanijiet segwiti fil-penalizazzjoni tal-ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni.”

    10.

    Imbagħad huma jispjegaw li l-metodu l-ġdid sabiex jiġi stabbilit l-ammont ta’ multa se jistrieħ fuq regoli li jibdew minn ammont bażi li jista’ jiġi miżjud sabiex jittieħdu inkunsiderazzjoni ċ-ċirkustanzi aggravanti jew jitnaqqas sabiex jittieħdu inkunsiderazzjoni ċ-ċirkustanzi attenwanti. Ir-regoli, li mbagħad isegwu, sabiex tiġi stabbilita l-multa jikkonsistu f’numru ta’ stadji.

    11.

    Skont il-punt 1 tal-Linji Gwida tal-1998, il-Kummissjoni l-ewwel tistabbilixxi l-ammont bażi tal-multa “skond il-gravità u t-tul tal-ksur”. Rigward l-aspett li semmejt l-ewwel, il-ksur jiġi klassifikat f’waħda minn tliet kategoriji: “ksur ftit serju”, “ksur serju” u “ksur serju ħafna”, skont in-natura tiegħu, l-impatt reali li jkollu fuq is-suq, fejn dan jista’ jitkejjel, u d-daqs tas-suq ġeografiku rilevanti (il-punt 1(A) tal-Linji Gwida tal-1998). Għal kull waħda minn dawn it-tliet kategoriji ġew stabbiliti l-kriterji għall-klassifikazzjoni tal-ksur. Fil-punt 1(B) ta’ dawk il-Linji Gwida, meta jiġi kkunsidrat id-dewmien tal-ksur, issir distinzjoni bejn il-ksur ta’ dewmien qasir (b’mod ġenerali, inqas minn sena), ksur ta’ dewmien medju (ġeneralment, minn sena sa ħames snin) u ksur ta’ dewmien twil (ġeneralment, aktar minn ħames snin).

    12.

    Wara li jkun ġie stabbilit l-ammont bażi, il-punti 2 u 3 tal-Linji Gwida tal-1998 jipprovdu li għandu jiġi eżaminat jekk l-ammont għandux jiġi miżjud minħabba ċirkustanzi aggravanti ( 9 ) jew imnaqqas minħabba ċirkustanzi attenwanti, inkluż “tmiem tal-ksur hekk kif tintervjeni l-Kummissjoni (b’mod partikolari meta jsiru l-kontrolli)” ( 10 ). L-istadju ta’ wara (il-punt 4 tal-Linji Gwida tal-1998) jipprovdi għall-applikazzjoni tan-Notifika tat-18 ta’ Lulju 1996 dwar in-nuqqas ta’ impożizzjoni jew tnaqqis ta’ multi ( 11 ).

    13.

    Fost l-oħrajn, il-punt 5(a) tal-Linji Gwida tal-1998, jipprovdi:

    “Hu ovvju li l-ammont aħħari kalkolat skond dan il-metodu (ammont bażiku miżjud jew imnaqqas fuq bażi perċentwali) m’għandux fi kwalunkwe każ jaqbeż 10% tal-profitt dinji ta’ l-impriżi, kif stabbilit fl-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru [1]7.”

    14.

    Fl-2006, il-Linji Gwida tal-1998 ġew issostitwiti b’verżjoni ġdida ( 12 ) (iktar ’il quddiem, il-“Linji Gwida tal-2006”). Dawn jiġu applikati f’każijiet fejn id-dikjarazzjoni ta’ oġġezzjonijiet tkun innotifikata wara d-data tal-pubblikazzjoni tal-Linji Gwida fil-Ġurnal Uffiċjali (l-1 ta’ Settembru 2006) ( 13 ).

    III — Il-fatti li wasslu għall-kawża

    15.

    Dawn huma l-fatti kif jidhru mis-sentenza appellata:

    16.

    ADM hija l-kumpannija parent ta’ grupp ta’ impriżi li joperaw fis-settur tal-ipproċessar ta’ ċereali u ta’ żerriegħa li minnha jingħasar iż-żejt. Hija stabbilixxiet ruħha fis-suq tal-glukonat tas-sodju fl-1990.

    17.

    Il-glukonat tas-sodju jagħmel parti mill-aġenti kelanti, li huma prodotti li jagħmlu inattivi l-jonijiet metalliċi fil-proċessi industrijali. Dawn il-proċessi jinkludu, b’mod partikolari, it-tindif industrijali (tindif ta’ fliexken u ta’ utensili), it-trattament tal-uċuħ (trattament kontra s-sadid, tneħħija ta’ xaħam, inċiżjoni tal-aluminju) u t-trattament tal-ilma. L-aġenti kelanti huma għaldaqstant użati fl-industrija tal-ikel, fl-industrija kożmetika, fl-industrija farmaċewtika, fl-industrija tal-karta, fl-industrija tal-konkrit u f’industriji oħra. Il-glukonat tas-sodju jinbiegħ fid-dinja kollha u impriżi kompetitriċi huma preżenti fis-swieq dinjija.

    18.

    Fl-1995, il-bejgħ totali ta’ glukonat tas-sodju fil-livell dinji kien ta’ madwar EUR 58.7 miljun, u dak fiż-Żona Ekonomika Ewropea (ŻEE) kien ta’ madwar EUR 19.6 miljun. Fiż-żmien meta seħħew il-fatti, il-kważi-totalità tal-produzzjoni dinjija ta’ glukonat tas-sodju kienet f’idejn ħames impriżi, jiġifieri, l-ewwel, Fujisawa Pharmaceutical Co. Ltd (iktar ’il quddiem, “Fujisawa”), it-tieni, Jungbunzlauer AG (iktar ’il quddiem, “Jungbunzlauer”), it-tielet, Roquette Frères SA (iktar ’il quddiem, “Roquette”), ir-raba’, Glucona vof (iktar ’il quddiem, “Glucona”), impriża kkontrollata b’mod konġunt, sa Diċembru 1995, minn Akzo Chemie BV, sussidjarja sa 100% ta’ Akzo Nobel NV (iktar ’il quddiem, “Akzo”), u ta’ Coöperatieve Verkoop- en Productiervereniging van Aardappelmeel en Derivaten Avebe BA (iktar ’il quddiem, “Avebe”), u, il-ħames, ADM.

    19.

    F’Marzu 1997, il-Ministeru tal-Ġustizzja Amerikan informa lill-Kummissjoni li, wara inkjesta li saret fuq is-swieq tal-lisina u tal-aċidu ċitriku, kienet infetħet inkjesta wkoll fuq is-suq tal-glukonat tas-sodju. F’Ottubru u Diċembru 1997 kif ukoll fi Frar 1998, il-Kummissjoni ġiet informata li Akzo, Avebe, Glucona, Roquette u Fujisawa kienu rrikonoxxew li kienu pparteċipaw f’akkordju li kien jikkonsisti fl-iffissar tal-prezzijiet tal-glukonat tas-sodju u fit-tqassim tal-volumi ta’ bejgħ ta’ dan il-prodott fl-Istati Uniti u f’pajjiżi oħra. Wara numru ta’ ftehim konklużi mal-Ministeru tal-Ġustizzja Amerikan, ġew imposti multi mill-awtoritajiet Amerikani fuq dawn l-impriżi u fuq ADM. Il-multa imposta fuq ADM għall-akkordju fuq is-suq tal-glukonat tas-sodju ġiet inkluża f’multa globali ta’ 100 miljun Dollaru Amerikan (USD), imħallsa fil-kuntest tal-kawżi tal-lisina u tal-aċidu ċitriku.

    20.

    Fi Frar 1998, il-Kummissjoni bagħtet talbiet għal informazzjoni lill-produtturi, lill-kummerċjanti u lill-klijenti prinċipali tal-glukonat tas-sodju fl-Ewropa. Dik it-talba ma ntbagħtitx lil ADM. Wara li Fujisawa rċeviet it-talba għal informazzjoni, hija avviċinat lill-Kummissjoni u offriet li tikkoopera, u, fit-12 ta’ Mejju 1998, Fujisawa pprovdiet dikjarazzjoni bil-miktub u fajl li jinkludi sommarju tal-istorja tal-akkordju u numru ta’ dokumenti. F’Settembru 1998, il-Kummissjoni wettqet ispezzjonijiet fl-uffiċċji ta’ Avebe, Glucona, Jungbunzlauer u Roquette.

    21.

    Fl-10 ta’ Novembru 1998, il-Kummissjoni bagħtet talba għal informazzjoni lil ADM. Fis-, ADM ħabbret l-intenzjoni tagħha li tikkoopera mal-Kummissjoni. Matul il-laqgħa li nżammet fil-, ADM bagħtet l-“ewwel parti tal-kooperazzjoni tagħha”. Iktar tard, fil-, din l-impriża bagħtet dikjarazzjoni u dokumenti relatati mal-każ lill-Kummissjoni.

    22.

    Fit-2 ta’ Marzu 1999, il-Kummissjoni bagħtet talbiet dettaljati għal informazzjoni lil Glucona, lil Roquette u lil Jungbunzlauer. Permezz ta’ ittri tal-, tad- u tal-, dawn l-impriżi wrew ix-xewqa tagħhom li jikkooperaw mal-Kummissjoni u pprovdewlha xi informazzjoni fuq l-akkordju. Fil-, il-Kummissjoni bagħtet talbiet addizzjonali għal informazzjoni lil ADM, lil Fujisawa, lil Glucona, lil Roquette u lil Jungbunzlauer.

    23.

    Fis-17 ta’ Mejju 2000, abbażi tal-informazzjoni li kienet ġiet ikkomunikata lilha, il-Kummissjoni bagħtet dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet lil ADM u lill-impriżi l-oħra kkonċernati għall-ksur tal-Artikolu 81(1) KE u tal-Artikolu 53(1) tal-Ftehim dwar iż-ŻEE (iktar ’il quddiem, il-“Ftehim ŻEE”). ADM u l-impriżi l-oħra kollha kkonċernati bagħtu nota ta’ osservazzjonijiet b’risposta għall-oġġezzjonijiet magħmula mill-Kummissjoni. L-ebda waħda minn dawn il-partijiet ma talbet smigħ jew ikkontestat fis-sustanza l-fatti esposti fid-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet.

    24.

    Fit-2 ta’ Ottubru 2001, wara li bagħtet talbiet addizzjonali għal informazzjoni lil ADM u lill-impriżi l-oħra kkonċernati, il-Kummissjoni adottat id-deċiżjoni inkwistjoni, li l-parti operattiva tagħha tinkludi d-dispożizzjonijiet li ġejjin:

    Artikolu 1

    [Akzo], [ADM], [Avebe], [Fujisawa], [Jungbunzlauer] u [Roquette] kisru l-Artikolu 81(1) KE u — mill-1 ta’ Jannar 1994 ‘il quddiem — l-Artikolu 53(1) tal-Ftehim ŻEE billi pparteċipaw fi ftehim u/jew prattika miftiehma kontinwa fis-settur tal-glukonat tas-sodju.

    Il-ksur dam għaddej:

    fil-każ ta’ [Akzo], ta’ [Avebe], ta’ [Fujisawa] u ta’ [Roquette], minn Frar 1987 sa Ġunju 1995;

    fil-każ ta’ [Jungbunzlauer], minn Mejju 1988 sa Ġunju 1995;

    fil-każ ta’ [ADM], minn Ġunju 1991 sa Ġunju 1995.

    […]

    Artikolu 3

    Qed jiġu imposti l-multi segwenti għall-ksur imsemmi fl-Artikolu 1:

    (a)

    [Akzo]

    EUR 9 miljun

    (b)

    [ADM]

    EUR 10,13 miljun

    (ċ)

    [Avebe]

    EUR 3,6 miljun

    (d)

    [Fujisawa]

    EUR 3,6 miljun

    (e)

    [Jungbunzlauer]

    EUR 20,4 miljun

    (f)

    [Roquette]

    EUR 10,8 miljun

    […]”

    25.

    Fid-Deċiżjoni, sabiex jiġi kkalkulat l-ammont tal-multi, il-Kummissjoni applikat kemm il-metodu stabbilit fil-Linji Gwida tal-1998 li semmejt iktar ‘il fuq kif ukoll il-Komunikazzjoni fuq il-kooperazzjoni.

    26.

    Fl-ewwel lok, il-Kummissjoni ddeterminat l-ammont bażi tal-multa skont il-gravità u d-dewmien tal-ksur.

    27.

    F’dan il-kuntest, għal dak li jikkonċerna l-gravità tal-ksur, il-Kummissjoni fl-ewwel lok ikkunsidrat li l-impriżi kkonċernati kienu wettqu ksur gravi ħafna, fid-dawl tan-natura tiegħu, tal-impatt konkret tiegħu fuq is-suq tal-glukonat tas-sodju fiż-ŻEE u tal-firxa tas-suq ġeografiku kkonċernat.

    28.

    Sussegwentement, il-Kummissjoni qieset li kellha tieħu inkunsiderazzjoni l-kapaċità ekonomika reali ta’ dawk li wettqu r-reat li jikkawżaw dannu sinjifikattiv għall-kompetizzjoni, u u li kellha tistabbilixxi l-multa f’livell li jiggarantixxi effett dissważiv suffiċjenti. Konsegwentement, filwaqt li bbażat ruħha fuq id-dħul mill-bejgħ dinji magħmul mill-impriżi kkonċernati mill-bejgħ tal-glukonat tas-sodju matul is-sena 1995, l-aħħar sena tal-perijodu tal-ksur, ikkomunikati mill-impriżi kkonċernati wara talbiet għal informazzjoni tal-Kummissjoni u li abbażi tagħhom il-Kummissjoni kkalkulat l-ishma fis-suq rispettivi ta’ dawn l-impriżi, il-Kummissjoni kklassifikat dawn l-impriżi f’żewġ kategoriji. Fl-ewwel kategorija, hija kklassifikat l-impriżi li, skont l-informazzjoni li kellha, kellhom ishma fis-suq dinji tal-glukonat tas-sodju ta’ iktar minn 20%, jiġifieri Fujisawa (35,54%), Jungbunzlauer (24,75%) u Roquette (20,95%). Għal dawn l-impriżi, il-Kummissjoni ffissat ammont inizjali ta’ EUR 10 miljun. Fit-tieni kategorija, hija kklassifikat l-impriżi li, skont l-informazzjoni li kellha, kellhom ishma fis-suq dinji tal-glukonat tas-sodju ta’ inqas minn 10%, jiġifieri Glucona (madwar 9,5%) u ADM (9,35%). Għal dawn l-impriżi, il-Kummissjoni ffissat ammont inizjali tal-multa ta’ EUR 5 miljun, jiġifieri għal Akzo u Avebe li flimkien kellhom il-proprjetà ta’ Glucona, kull waħda b’parti ta’ EUR 2,5 miljun.

    29.

    Minbarra dan, sabiex tassigura li l-multa jkollha effett suffiċjentement dissważiv, minn naħa, u sabiex tqis il-fatt li l-impriżi kbar għandhom għarfien u infrastrutturi ġuridiċi u ekonomiċi li jippermettulhom japprezzaw aħjar li l-imġiba tagħhom tikkostitwixxi ksur u li jkollhom għarfien tal-konsegwenzi li jirriżultaw mill-imġiba tagħhom taħt id-dritt tal-kompetizzjoni, min-naħa l-oħra, il-Kummissjoni aġġustat dan l-ammont inizjali. Konsegwentement, filwaqt li ħadet inkunsiderazzjoni d-daqs u r-riżorsi globali tal-impriżi kkonċernati, il-Kummissjoni applikat koeffiċjent multiplikatur ta’ 2,5 għall-ammonti ta’ tluq iddeterminati għal ADM u AKZO u għaldaqstant żiedet dan l-ammont inizjali b’tali mod li ġie ffissat għal EUR 12,5 miljun fil-każ ta’ ADM u għal EUR 6,25 miljun fil-każ ta’ Akzo.

    30.

    Għal dak li jikkonċerna d-dewmien tal-ksur imwettaq minn kull impriża, l-ammont inizjali ġie miżjud, minbarra dan, b’10% fis-sena, jiġifieri żieda ta’ 80% għal Fujisawa, għal Akzo, għal Avebe u għal Roquette, ta’ 70% għal Jungbunzlauer u ta’ 35% għal ADM.

    31.

    Kien għalhekk li l-Kummissjoni ffissat l-ammont bażi tal-multi għal EUR 16,88 miljun għal dak li jikkonċerna lil ADM. Fir-rigward ta’ Akzo, ta’ Avebe, ta’ Fujisawa, ta’ Jungbunzlauer u ta’ Roquette, l-ammont bażi ġie ffissat, rispettivament, għal EUR 11,25 miljun, għal EUR 4,5 miljun, għal EUR 18-il miljun, għal EUR 17-il miljun u għal EUR 18-il miljun.

    32.

    Fit-tieni lok, l-ammont bażi tal-multa imposta fuq Jungbunzlauer ġie miżjud b’50% minħabba ċirkustanzi aggravanti, għar-raġuni li din l-impriża kellha rwol ta’ mexxej fil-kuntest tal-akkordju.

    33.

    Fit-tielet lok, il-Kummissjoni eżaminat u ċaħdet l-argumenti ta’ xi impriżi, fosthom ADM, li skonthom dawn l-impriżi kellhom jibbenefikaw minn ċirkustanzi attenwanti.

    34.

    Fir-raba’ lok, skont it-Titolu B tal-Komunikazzjoni fuq il-kooperazzjoni, il-Kummissjoni kkonċediet lil Fujisawa “tnaqqis sinjifikattiv ħafna” (jiġifieri 80%) tal-ammont tal-multa li kienet tiġi imposta fuqha fin-nuqqas ta’ kooperazzjoni. Barra minn hekk, il-Kummissjoni kienet tal-fehma li ADM ma kinitx tissodisfa l-kundizzjonijiet stabbiliti fit-Titolu C tal-Komunikazzjoni fuq il-kooperazzjoni u ma kinitx tikkwalifika għal “tnaqqis sinjifikattiv” fl-ammont tal-multa tagħha. Fl-aħħar nett, skont it-Titolu D ta’ din il-Komunikazzjoni, il-Kummissjoni kkonċediet “tnaqqis sinjifikattiv” (ta’ 40% lil kull waħda) tal-ammont tal-multa lil ADM u lil Roquette u ta’ 20% lil Akzo, lil Avebe u lil Jungbunzlauer.

    IV — Il-proċeduri quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza u s-sentenza appellata

    35.

    Fl-2001, ħamsa mill-impriżi li ġew suġġetti għal multi, inkluża ADM, fetħu kawża kontra d-deċiżjoni inkwistjoni. Ir-rikors ta’ ADM ġie ppreżentat fir-Reġistru tal-Qorti tal-Prim’Istanza fil-21 ta’ Diċembru 2001.

    36.

    Fir-rikors tagħha, ADM sostniet li l-Qorti tal-Prim’Istanza għandha tannulla l-Artikolu 1 tad-deċiżjoni inkwistjoni safejn jirrigwardaha, jew, almenu, safejn tikkunsidra li hija pparteċipat fi ksur wara l-4 ta’ Ottubru 1994. Barra minn hekk, hija sostniet li l-Qorti tal-Prim’Istanza għandha tannulla l-Artikolu 3 tad-deċiżjoni inkwistjoni safejn jirrigwarda lil ADM; sussidjarjament, il-Qorti għandha tannulla jew tnaqqas sostanzjalment l-ammont tal-multa li ġiet imposta fuq ADM. Fl-aħħar nett, ADM sostniet li l-Qorti għandha tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

    37.

    Permezz tas-sentenza appellata, il-Qorti tal-Prim’Istanza ċaħdet ir-rikors u kkundannat lil ADM għall-ispejjeż. Skont il-konferma tal-irċevuta, is-sentenza ġiet innotifikata lil ADM fit-2 ta’ Ottubru 2006.

    V — Il-proċeduri quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

    38.

    Bl-appell li ppreżentat fir-Reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-11 ta’ Diċembru 2006 ( 14 ), ADM qed issostni li l-Qorti għandha:

    tannulla s-sentenza safejn din ċaħdet l-applikazzjoni mressqa minn ADM rigward id-deċiżjoni;

    tannulla l-Artikolu 3 tad-deċiżjoni safejn jirrigwarda lil ADM;

    sussidjarjament għal (ii), temenda l-Artikolu 3 tad-deċiżjoni sabiex titnaqqas ulterjorment jew tiġi annullata l-multa imposta fuq ADM;

    sussidjarjament għal (ii) u (iii), tirrinvija l-kawża quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza biex tingħata sentenza skont is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja fuq il-liġi;

    f’kull każ, tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż tagħha u għal dawk ta’ ADM li huma relatati mal-proċeduri quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza u l-Qorti tal-Ġustizzja.

    39.

    Il-Kummissjoni ssostni li l-appell għandu jiġi miċħud u li l-appellanti — ADM — għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż.

    VI — L-appell

    40.

    ADM tinvoka 12-il aggravju ta’ appell kontra s-sentenza appellata. Fl-appell, dawn l-ilmenti, li lkoll huma relatati mal-ammont tal-multa imposta, ġew ikklassifikati, skont il-kontenut tagħhom, f’erba’ kategoriji: ksur ta’ diversi prinċipji li jirregolaw il-kalkolu tal-multa, ksur b’konnessjoni mal-kriterju tal-impatt fuq is-suq tal-akkordju, ksur b’konnessjoni mal-kwistjoni ta’ tmiem l-akkordju, u fl-aħħar nett, sussidjarjament, ksur fil-kunsiderazzjoni ta’ ċirkustanza attenwanti.

    41.

    Għall-finijiet tal-eżami li se nagħmel, naħseb li huwa utli għal raġunijiet ta’ koerenza tematika (li se nispeċifika fil-qosor fil-punti rilevanti ta’ iktar ‘l isfel) li ngħaqqdu t-12-il aggravju ta’ appell imressqa mill-appellanti b’mod ħarira differenti minn kif hija ssuġġeriet, mingħajr ma essenzjalment inbiddlu s-sekwenza li hija għażlet għall-preżentazzjoni tagħhom fl-appell.

    42.

    Se niġbor fil-qosor u se neżamina l-aggravji tal-appell f’sitt taqsimiet ibbażati fuq is-suġġett:

    a)

    in-nuqqas ta’ kriterju allegatament mandatorju għall-kalkolu tal-multi, jiġifieri l-kriterju tal-“ħtieġa” meta jiġi mgħolli l-livell tal-multi, u n-nuqqas ta’ motivazzjoni f’dan ir-rigward (l-ewwel u t-tieni aggravju tal-appell);

    b)

    in-nuqqas ta’ kunsiderazzjoni tal-dħul mill-bejgħ tal-prodott fiż-ŻEE bħala l-punt inizjali għall-kalkolu tal-multi (it-tielet aggravju tal-appell);

    ċ)

    il-ksur tal-prinċipju ta’ trattament ugwali fil-kalkolu tal-multa (ir-raba’ aggravju tal-appell);

    d)

    żbalji ta’ liġi fid-determinazzjoni tal-impatt fuq is-suq tal-akkordju (il-ħames, is-sitt u s-seba’ aggravju tal-appell);

    e)

    żbalji ta’ liġi rigward id-data ta’ tmiem l-akkordju (it-tmien, id-disa’, l-għaxar u l-ħdax-il aggravju tal-appell);

    f)

    żbalji ta’ liġi fl-eżami taċ-ċirkustanza attenwanti ta’ tmiem il-ksur — nuqqas ta’ osservanza tal-prinċipju li r-regoli li istituzzjoni timponi fuqha nfisha għandhom jiġu segwiti (it-tnax-il aggravju tal-appell, ippreżentat sussidjarjament).

    43.

    Bħala introduzzjoni, nixtieq nagħmel xi osservazzjonijiet ġenerali dwar l-portata tal-istħarriġ fis-sede ta’ appell, b’mod partikolari minħabba l-fatt li l-motivi kollha tal-appell ippreżentati hawnhekk fl-aħħar mill-aħħar jikkonċernaw il-kalkolu tal-ammont tal-multa imposta fuq ADM.

    44.

    Fil-prinċipju, skont l-Artikolu 225(1) KE u skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 58 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja, appell quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja huwa limitat għall-punti ta’ liġi. Konsegwentement, fil-prinċipju, ma jista’ jkun hemm l-ebda eżami ġdid tal-fatti ( 15 ).

    45.

    Rigward il-multi imposti skont l-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17, għandu jiġi osservat li, skont l-Artikolu 229 KE, il-Qorti tal-Prim’Istanza għandha ġurisdizzjoni illimitata. Fil-proċeduri ta’ appell, il-Qorti tal-Ġustizzja, minħabba raġunijiet ta’ ekwità, ma għandhiex tissostitwixxi l-evalwazzjoni tagħha għal dik tal-Qorti tal-Prim’Istanza li teżerċita l-ġurisdizzjoni illimitata tagħha sabiex tagħti deċiżjoni dwar l-ammont tal-multi imposti fuq l-impriżi minħabba ksur tad-dritt Komunitarju ( 16 ). F’dan ir-rigward ukoll, l-istħarriġ jista’ jkopri biss punti tal-liġi.

    46.

    Fil-kuntest tal-appell, l-istħarriġ tal-Qorti tal-Ġustizzja għandu bħala għan, minn naħa, li jeżamina safejn il-Qorti tal-Prim’Istanza ħadet inkunsiderazzjoni, b’mod ġuridikament korrett, il-fatturi essenzjali kollha sabiex tevalwa l-gravità ta’ aġir speċifiku fid-dawl tal-Artikoli 81 KE u 82 KE, u kif ukoll tal-Artikolu 15 tar-Regolament Nru 17 u, min-naħa l-oħra, li jivverifika jekk il-Qorti tal-Prim’Istanza weġbitx suffiċjentement skont il-liġi għall-argumenti kollha invokati mill-appellant intiżi għat-tneħħija jew għat-tnaqqis tal-multa ( 17 ).

    A — In-nuqqas ta’ kriterju allegatament mandatorju għall-kalkolu tal-multi, jiġifieri l-kriterju tal-“ħtieġa” meta jiġi mgħolli l-livell tal-multi, u u n-nuqqas ta’ motivazzjoni f’dan ir-rigward (l-ewwel u t-tieni aggravji tal-appell)

    47.

    Hawnhekk se niġbor fil-qosor l-ewwel żewġ aggravji tal-appell: l-ilment ta’ nuqqas ta’ motivazzjoni rigward il-ħtieġa li jiġi mgħolli l-livell tal-multi meta mqabbel mal-prassi preċedenti u li ma ġewx osservati l-kriterji allegatament żviluppati mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza Musique diffusion française et vs Il-Kummissjoni ( 18 ) (li l-appellant irrefera għaliha bħala s-sentenza “Pioneer”).

    1. Osservazzjonijiet preliminari

    48.

    Rigward il-kalkolu tal-multi, l-ewwel nett għandna nżommu quddiem għajnejna li l-qafas għal dan — rigward iż-żmien materjali f’din il-kawża ( 19 ) - ġie essenzjalment stabbilit mill-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17. Skont din id-dispożizzjoni, il-Kummissjoni tista’ timponi multi fuq l-impriżi li jiksru intenzjonalment jew b’negliġenza l-Artikolu 81(1) KE. Barra minn hekk, jidher biċ-ċar minn din id-dispożizzjoni li, fil-kalkolu tal-ammont tal-multa, għandhom jiġu kkunsidrati kemm il-gravità kif ukoll it-tul ta’ żmien tal-ksur.

    49.

    Skont il-ġurisprudenza tal-Qorti, il-pieni pprovduti fl-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17 għandhom għan doppju li jikkonsisti, b’mod partikolari, fit-trażżin tal-attivitajiet illegali ( 20 ) u fil-prevenzjoni li jerġgħu jseħħu ( 21 ). Dan huwa minħabba li s-setgħa tal-Kummissjoni — fil-kuntest tar-rwol ta’ sorveljanza mogħti lilha skont l-Artikolu 81 KE — li timponi multi fuq impriżi li, intenzjonalment jew b’negliġenza kisru l-Artikolu 81(1) KE jew l-Artikolu 82 KE, ma tinkludix biss id-dmir li tinvestiga u tippenalizza każijiet ta’ ksur individwali, iżda wkoll id-dmir li ssegwi politika ġenerali biex tapplika, fir-rigward tal-kompetizzjoni, il-prinċipji stabbiliti fit-Trattat u li tiggwida l-aġir tal-impriżi f’din id-direzzjoni ( 22 ).

    50.

    L-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17 jinkludi biss ftit rekwiżiti konkreti; kif diġà semmejt, dawn huma essenzjalment il-kriterji tal-“gravità” u tad-“dewmien tal-ksur”. Barra minn hekk, hemm limitu massimu għall-multi ta’ 10% tad-dħul mill-bejgħ fis-sena tan-negozju preċedenti. F’każijiet individwali, il-kalkolu tal-ammont tal-multa huwa fid-diskrezzjoni tal-Kummissjoni; għal dan il-għan, il-Kummissjoni espliċitament tingħata “setgħa diskrezzjonali wiesgħa” jew “setgħa diskrezzjonali partikolarment wiesgħa” ( 23 ), li madankollu hija suġġetta għal ċerti regoli, li mhumiex stabbiliti biss mir-Regolament Nru 17, iżda jsegwu parzjalment mill-prinċipji ġenerali stabbliti fil-ġurisprudenza ( 24 ), li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha tiżgura li jiġu osservati.

    51.

    Skont ġurisprudenza kostanti, il-Kummissjoni għandha tali setgħa diskrezzjonali f’dak li jirrigwarda l-għażla ta’ elementi li għandhom jiġu kkunsidrati għall-finijiet tad-determinazzjoni tal-ammont tal-multi, bħalma huma, b’mod partikolari, iċ-ċirkustanzi speċifiċi tal-kawża, il-kuntest tagħha u l-effett dissważiv tal-multi, u dan mingħajr ma huwa neċessarju li hija tillimita ruħha għal lista vinkolanti jew eżawrjenti ta’ kriterji li għandhom bilfors jittieħdu inkunsiderazzjoni ( 25 ).

    52.

    Kif diġà ġie osservat, il-kalkolu tal-multi huwa suġġett għall-ġurisdizzjoni illimitata tal-Qorti tal-Prim’Istanza, u l-istħarriġ tal-Qorti tal-Ġustizzja huwa għaldaqstant limitat għall-kunsiderazzjoni tal-punti tal-liġi ( 26 ).

    53.

    Fi tmiem is-snin 70 tas-seklu 20, bid-deċiżjoni li fformat il-bażi tas-sentenza Musique diffusion française et vs Il-Kummissjoni ( 27 ), il-Kummissjoni introduċiet politika ta’ pieni finanzjarji għoljin għal ksur serju tar-regoli tal-kompetizzjoni ( 28 ). Fis-sentenza tagħha f’din il-kawża, il-Qorti tal-Ġustizzja sostniet dan li ġej fir-rigward tal-fatt li jiġi mgħolli l-livell tal-multa: “il-fatt li l-Kummissjoni fil-passat applikat multi ta’ ċertu livell għal ċerti tipi ta’ ksur ma jneħħix il-possibbiltà li hija tgħolli dan il-livell skont il-limiti indikati mir-Regolament Nru 17, jekk dan huwa neċessarju sabiex tiġi żgurata l-implementazzjoni tal-politika Komunitarja tal-kompetizzjoni. Bil-kontra, l-applikazzjoni effikaċi tar-regoli Komunitarji tal-kompetizzjoni teżiġi li l-Kummissjoni tkun tista’ f’kull ħin tadatta l-livell ta’ multi għall-bżonnijiet ta’ din il-politika” ( 29 ).

    54.

    Rigward il-kalkolu tal-ammont tal-multa, fl-1998, il-Kummissjoni adottat l-ewwel linji gwida tagħha — il-Linji Gwida tal-1998 — u sussegwentement il-Linji Gwida tal-2006. Wara l-adozzjoni tal-Linji Gwida tal-1998, l-ammont tal-multi imposti reġa’ ġie miżjud ( 30 ).

    55.

    Għalkemm il-ġurisprudenza ma tikkunsidrax tali linji gwida bħala regoli tad-dritt li l-amministrazzjoni hija dejjem vinkolata li tosserva, madankollu, huma kunsidrati bħala regoli ta’ mġiba, li jindikaw il-prattika amministrattiva li għandha tiġi segwita u li minnha l-amministrazzjoni ma tistax tiddevja f’każ individwali mingħajr ma tagħti raġunijiet li jkunu kompatibbli mal-prinċipju ta’ trattament ugwali. Il-Qorti tal-Ġustizzja osservat li, billi adottat tali regoli ta’ mġiba u billi ħabbret, bil-pubblikazzjoni tagħhom, li minn dak inhar il quddiem se japplikaw għall-każijiet li jkunu relatati magħhom, il-Kummissjoni imponiet limitu fuq l-eżerċizzju tad-diskrezzjoni tagħha. Hija ma tistax tiddevja mil-linji gwida għaliex, fejn ikun xieraq, hija tista’ titqies li qed tikser il-prinċipji ġenerali tal-liġi, bħat-trattament ugwali jew il-protezzjoni ta’ aspettattivi leġittimi. Għalhekk ma jistax jiġi prekluż li, f’ċerti kundizzjonijiet u skont l-kontenut tagħhom, tali regoli ta’ mġiba, li huma ta’ applikazzjoni ġenerali, jistgħu jipproduċu effetti ġuridiċi ( 31 ).

    56.

    Fil-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-Linji Gwida tal-1998 ġew meqjusa b’mod għal kollox favorevoli: il-fatt li l-Linji Gwida jistabbilixxu, b’mod ġenerali u astratt, il-metodu biex ikunu evalwati l-multi imposti skont l-Artikolu 15 tar-Regolament Nru 17 joħloq ċertezza legali għall-impriżi ( 32 ). Għalkemm il-Linji Gwida ma jikkostitwixxux il-bażi legali biex ikun ikkalkulat l-ammont tal-multa, madankollu jiċċaraw l-applikazzjoni tal-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17 ( 33 ). U huma kompatibbli mhux biss mal-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17, iżda wkoll mal-prinċipji ta’ non-retroattività, ta’ trattament ugwali u ta’ proporzjonalità ( 34 ).

    2. Ir-rekwiżit li jkunu ddikjarati r-raġunijiet rigward il-ħtieġa li jiġi mgħolli l-livell tal-multi

    a) L-argumenti tal-partijiet

    57.

    L-ewwel żewġ aggravji tal-appell għandhom partijiet kunsiderevoli inkomuni u għalhekk se neżaminahom flimkien.

    58.

    B’referenza għall-punti 38 sa 50 tas-sentenza appellata, l-appellanti ssostni li l-Qorti tal-Prim’Istanza għamlet żball ta’ liġi meta ċaħdet, mingħajr motivazzjoni, l-argument ta’ ADM li ż-żieda fil-multi li rriżultat mil-Linji Gwida ma kinitx meħtieġa sabiex tkun żgurata l-implementazzjoni tal-politika tal-kompetizzjoni tal-KE. Barra minn hekk, minħabba żieda serja u retroattiva bħal din, kif ġara f’dan il-każ, hija meħtieġa motivazzjoni partikolarment konvinċenti. Ma jkun hemm l-ebda ksur tal-prinċipju ta’ non-retroattività tal-liġijiet kriminali biss fil-każ li ż-żieda fil-livell tal-multi kienet prevedibbli. Bil-kontra, f’dan il-każ, il-Kummissjoni ma użatx il-kriterju tal-ħtieġa taż-żieda fil-multa bħala l-kriterju tagħha, iżda bbażat ruħha biss fuq l-Artikolu 15 tar-Regolament Nru 17. Barra minn hekk, il-Linji Gwida tal-1998 stess ma wżawx kriterju ta’ ħtieġa taż-żieda fil-multa sabiex tiġi implementata l-politika tal-kompetizzjoni tal-Komunità.

    59.

    Fit-tieni aggravju tal-appell tagħha, l-appellanti torbot dak l-argument ta’ nuqqas ta’ motivazzjoni mal-argument ulterjuri li wkoll jimplika li essenzjalment ma ġewx osservati l-kriterji żviluppati mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tagħha Musique diffusion française et vs Il-Kummissjoni ( 35 ). Il-Qorti tal-Prim’Istanza applikat dawn il-kriterji għal din il-kawża b’mod ivvizzjat mil-lat legali. Il-Kummissjoni ma invokatx rekwiżit tal-politika tal-kompetizzjoni tal-KE li kien jiġġustifika ż-żieda fil-multi b’mod ġenerali jew f’dan il-każ speċifiku, u l-Qorti tal-Prim’Istanza ma pprovatx tali rekwiżiti.

    60.

    Fl-aħħar nett, ma’ dawn iż-żewġ ilmenti li hija ressqet, l-appellanti tirreferi wkoll għal-Linji Gwida tal-2006, li huma r-riżultat tal-esperjenza tal-Kummissjoni bil-linji gwida f’din l-isfera ta’ attività u li, fl-aħħar mill-aħħar, skont il-Kummissjoni, huwa l-metodu l-iktar xieraq. Fil-fehma tal-appellanti, in-nuqqas ta’ ġustifikazzjoni għall-ammont tal-multi kkalkulat permezz tal-Linji Gwida tal-1998 joħroġ biċ-ċar, fost l-oħrajn, meta jiġu kkunsidrati l-Linji Gwida tal-2006 kurrenti. Hija ssostni li, f’każ bħal dan, skont dawn il-linji gwida, kien ikun ipprovdut biss 25% tal-ammont tal-multa imposta hawnhekk. Anki jekk il-Kummissjoni invokat rekwiżit tal-politika tal-kompetizzjoni tal-KE bħala l-bażi għaż-żieda fil-multi, din iż-żieda ma setgħetx tiġi kkunsidrata bħala ġġustifikata fid-dawl tal-Linji Gwida tal-2006 — u tal-multi iktar baxxi pprovduti fihom.

    61.

    F’kull każ, il-Kummissjoni hija tal-fehma li ż-żewġ aggravji tal-appell huma infondati. It-tieni aggravju tal-appell huwa inammissibbli sempliċement għaliex għandu diċitura wisq vaga u ġenerali; f’kull każ, l-argumenti huma essenzjalment l-istess bħal dawk tal-ewwel aggravju tal-appell. Fis-sentenza appellata, il-Qorti tal-Prim’Istanza rrispondiet għall-argumenti tal-appellanti rigward l-applikazzjoni għal dan il-każ tal-Linji Gwida tal-1998. Hija sostniet li dawn il-linji gwida, fil-prinċipju, kienu applikabbli f’dan il-każ u mbagħad eżaminat jekk kinux effettivament applikati b’mod ġuridikament korrett. Huwa illoġiku u bla ħtieġa li jiġi mitlub eżami ulterjuri u addizzjonali dwar jekk iż-żieda fl-ammont tal-multi li tirriżulta minn din l-applikazzjoni kinitx meħtieġa.

    b) L-evalwazzjoni ġuridika

    62.

    Jiena m’għandix l-istess dubji li wriet il-Kummissjoni rigward l-ammissibbiltà tat-tieni aggravju tal-appell. Jidher ċar li l-appellanti qed tallega li l-Qorti tal-Prim’Istanza naqset milli tapplika l-ġurisprudenza rilevanti, jiġifieri kriterju ta’ evalwazzjoni li jirriżulta mis-sentenza Musique diffusion française et vs Il-Kummissjoni ( 36 ), għal dan il-każ.

    63.

    Rigward l-aggravju tal-appell ibbażat fuq il-ksur tal-obbligu tal-motivazzjoni, wieħed għandu jżomm quddiem għajnejh li dan l-obbligu, li huwa kkodifikat fl-Artikolu 253 KE, għandu l-għan, min-naħa, li jippermetti li l-persuni kkonċernati jkunu jistgħu jaċċertaw irwieħhom, b’mod ċar u inekwivokabbli, mir-raġunijiet għall-miżura li ttieħdet sabiex jiddefendu d-drittijiet tagħhom, u min-naħa l-oħra, sabiex il-qorti Komunitarja tkun tista’ teżerċita s-setgħa ta’ stħarriġ tagħha fuq din il-bażi ( 37 ). Safejn japplika effettivament l-obbligu tal-motivazzjoni jiddependi fuq iċ-ċirkustanzi ta’ kull każ ( 38 ).

    64.

    Fl-aħħarnett, għandna nżommu quddiem għajnejna li l-portata tal-obbligu tal-motivazzjoni hija kwistjoni ġuridika li tista’ tiġi mistħarrġa mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sede ta’ appell, peress li l-istħarriġ tal-legalità ta’ deċiżjoni mwettaq f’dan il-kuntest għandu neċessarjament jieħu inkunsiderazzjoni l-fatti li fuqhom il-Qorti tal-Prim’Istanza bbażat il-konklużjoni tagħha li l-motivazzjoni hija suffiċjenti jew le ( 39 ).

    65.

    Huwa permezz ta’ dawn l-indikazzjonijiet li għandu jiġi eżaminat dak li għandna nifhmu f’dan il-kuntest b’motivazzjoni suffiċjentement ċara u inekwivokabbli, sabiex ikun jista’ jiġi stabbilit jekk is-sentenza appellata hijiex konformi ma’ dak li qed nifhmu.

    66.

    L-allegazzjoni ta’ ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni hawnhekk tirreferi għall-kriterju ta’ “ħtieġa” meta jiġi mgħolli l-livell tal-multi. L-appellanti hija tal-fehma li l-obbligu li tkun ipprovduta motivazzjoni f’dan ir-rigward tirriżulta msi-sentenza Musique diffusion française et vs Il-Kummissjoni ( 40 ), iċċitata minnha.

    67.

    Analiżi mill-qrib ta’ din is-sentenza turi li, f’dik l-okkażjoni, il-Kummissjoni kienet iddikjarat ir-raġunijiet għall-ħtieġa li jiġi mgħolli l-livell tal-multi: tali livell kien iġġustifikat min-natura tal-ksur. Livell ogħla ta’ multi kien partikolarment meħtieġ għall-ksur l-iktar serju meta, bħal f’dan il-każ, l-għan prinċipali tal-ksur kien li jinżamm livell ogħla ta’ prezzijiet għall-konsumaturi. Bosta impriżi kellhom imġiba li kienu jafu li kienet tikser id-dritt Komunitarju għaliex il-profitt li kienu qed jiksbu mill-imġiba illegali tagħhom kien jaqbeż l-ammont tal-multi li kienu imposti sa dak iż-żmien. Imġiba ta’ dik ix-xorta setgħet tkun dissważa biss minn multi li kienu ferm ogħla milli fl-imgħoddi.

    68.

    Fl-evalwazzjoni legali sussegwenti tagħha, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeduċiet mir-rwol ta’ superviżjoni tal-Kummissjoni ( 41 ) u anki, b’mod partikolari, mid-dmir konsegwenti tagħha li tiggwida l-imġiba tal-impriżi fid-dawl tar-regoli tad-dritt Komunitarju tal-kompetizzjoni ( 42 ), “li, sabiex tevalwa l-gravità ta’ ksur bl-iskop li tistabbilixxi l-ammont tal-multa, il-Kummissjoni għandha tieħu inkunsiderazzjoni mhux biss iċ-ċirkustanzi partikolari tal-każ, iżda wkoll il-kuntest li fih seħħ il-ksur u tiżgura n-natura dissważiva tal-azzjoni tagħha, speċjalment għat-tip ta’ ksur partikolarment dannuż għat-twettiq tal-għanijiet tal-Komunità” ( 43 ). Il-Kummissjoni kellha raġun li tikklassifika l-ksur ikkonċernat bħala ksur serju ħafna. Hija setgħet ukoll tikkunsidra l-fatt li prattiki ta’ din in-natura, għalkemm l-illegalità tagħhom ilha stabbilita, kienu għadhom relattivament frekwenti minħabba l-profitt li seta’ jinkiseb minnhom. Għaldaqstant, hija setgħet tiddeċiedi li kien hemm lok li tgħolli l-livell tal-multi sabiex issaħħaħ l-effett dissważiv tagħhom ( 44 ). Il-livell preċedenti tal-multi ma kienx vinkolanti għall-ġejjieni; bil-kontra, l-applikazzjoni xierqa tar-regoli Komunitarji tal-kompetizzjoni kienet teħtieġ li l-Kummissjoni fi kwalunkwe żmien tkun tista’ taġġusta dak il-livell, fil-limiti ffissati mir-Regolament Nru 17, skont il-ħtiġiet tal-politika Komunitarja tal-kompetizzjoni ( 45 ).

    69.

    Għaldaqstant, f’din is-sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat l-aspett tal-“ħtieġa li jiġi mgħolli l-livell tal-multi”, li se jiġi eżaminat hawnhekk, skont il-kriterju tal-“gravità tal-ksur” li jirriżulta mill-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17. Minbarra “iċ-ċirkustanzi partikolari tal-każ”, il-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat “il-kuntest li fih seħħ il-ksur” u l-ħtieġa li jiġi żgurat l-effett dissważiv tal-multi. Meta għamlet dan, hija aċċettat ir-raġunijiet ġenerali tal-politika tal-kompetizzjoni bħala spjegazzjoni għall-fatt li ġie mgħolli l-livell tal-multi u saħansitra kkunsidrat li l-possibbiltà li tgħolli l-livell kien neċessarju fl-interessi tal-effikaċja prattika tar-regoli tal-kompetizzjoni Komunitarji.

    70.

    Peress li, f’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja ma talbitx li l-Kummissjoni tippreżenta analiżi iktar dettaljata tal-ħtieġa jew li tippreżenta motivazzjoni li tirreferi għall-każ individwali, fil-prattika hija ħalliet il-kwistjoni tal-ħtieġa għad-diskrezzjoni tal-Kummissjoni ( 46 ) li għandha teżerċitaha fil-limiti tal-kriterju tal-“gravità tal-ksur” li jirriżulta mill-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17.

    71.

    Din il-ġurisprudenza, mogħtija fl-1983 fir-rigward ta’ deċiżjoni tal-Kummissjoni adottata qabel din id-data (jiġifieri, fi żmien fejn la kienu jeżistu l-Linji Gwida tal-1998 u lanqas xi ħaġa simili), kompliet tiġi segwita mill-Qorti tal-Ġustizzja wara li dawn il-linji gwida ġew implementati u ġiet adattata għas-sitwazzjoni ġdida li kienet tirriżulta mill-adozzjoni tagħhom.

    72.

    Fis-sentenza prinċipali dwar il-Linji Gwida tal-1998, Dansk Rørindustri et vs Il-Kummissjoni ( 47 ), il-Qorti tal-Ġustizzja rrepetiet il-ġurisprudenza tagħha li l-livell preċedenti tal-multi ma kienx vinkolanti għall-ġejjieni ( 48 ). L-impriżi la setgħu jiksbu aspettattiva leġittima fuq il-livell tal-multi preċedentement imposti u lanqas fuq il-metodu għall-kalkolu tal-multi ( 49 ).

    73.

    Il-Qorti tal-Ġustizzja enfasizzat dan l-aspett fil-punt 229 tas-sentenza: “Għaldaqstant, l-impriżi in kwistjoni għandhom jikkunsidraw il-possibbiltà li, fi kwalunkwe ħin, il-Kummissjoni tista’ tiddeċiedi li tgħolli l-livell tal-ammont tal-multi meta mqabbel ma’ dak applikat fil-passat”.

    74.

    Fil-punt 230 tal-istess sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja, b’mod inekwivokabbli, applikat il-ġurisprudenza ċċitata iktar il fuq għal sitwazzjonijiet fejn ġew applikati l-Linji Gwida tal-1998: “Dan japplika mhux biss meta l-Kummissjoni tgħolli l-livell tal-ammont tal-multi meta tiddeċiedi dwar multi f’każijiet individwali, iżda wkoll meta din iż-żieda ssir permezz tal-applikazzjoni, bħal fil-każ preżenti, ta’ regoli ta’ imġiba li huma ta’ portata ġenerali bħal-linji gwida ( 50 )”.

    75.

    Barra minn hekk, skont ġurisprudenza kostanti, meta jiġi evalwat il-kriterju tal-“gravità tal-ksur”, għandhom jiġu kkunsidrati għadd ta’ fatturi, li jinkludu wkoll l-“l-effett disważiv tal-multi” ( 51 ). Dan japplika kemm għall-impożizzjoni tal-multi f’deċiżjonijiet individwali kif ukoll għall-impożizzjoni tagħhom bl-applikazzjoni tar-regoli ta’ imġiba ta’ portata ġenerali, bħal-Linji Gwida tal-1998.

    76.

    Fid-dawl ta’ dak kollu li ntqal, bħala konklużjoni temporanja għall-eżami tal-ewwel żewġ aggravji tal-appell, jista’ jingħad li mis-sentenza Musique diffusion française et vs Il-Kummissjoni ( 52 ), iċċitata mill-appellanti, ma jirriżultax li l-Kummissjoni kienet meħtieġa tagħti motivazzjoni dettaljata, jew anki waħda relatata mal-każ speċifiku, rigward il-ħtieġa li jiġi mgħolli l-livell tal-multi, li l-Qorti tal-Prim’Istanza kienet tkun marbuta li tikkunsidra. Dan intwera wkoll mill-analiżi tal-ġurisprudenza sussegwenti, b’mod partikolari, tas-sentenza prinċipali li tikkonċerna l-Linji Gwida tal-1998, Dansk Rørindustri et vs Il-Kummissjoni ( 53 ).

    77.

    Fid-dawl ta’ dawn ir-rekwiżiti, is-sentenza appellata tal-Qorti tal-Prim’Istanza għandha issa tiġi eżaminata fir-rigward tal-allegazzjoni ta’ nuqqas ta’ motivazzjoni.

    78.

    Fil-proċeduri quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza — kif intwera mis-sentenza appellata ( 54 ) — il-kwistjonijiet marbuta mal-fatt li jiġi mgħolli l-livell tal-multi kienu inklużi fil-kwistjoni fundamentali dwar l-applikabbiltà tal-Linji Gwida, u b’mod speċifiku f’allegazzjonijiet ta’ ksur tal-prinċipji taċ-ċertezza legali u tan-non-retroattività tal-pieni.

    79.

    Fil-punti 38 sa 50 tas-sentenza appellata, li ġew iċċitati mill-applikanta, il-Qorti tal-Prim’Istanza ttrattat, fl-ewwel lok, il-prinċipju tan-non-retroattività, partikolarment rigward il-Linji Gwida tal-1998 bħala strument tal-politika tal-kompetizzjoni u l-effetti ġuridiċi tagħhom. Hija mbagħad osservat li l-innovazzjoni prinċipali li jipprevedu l-Linji Gwida tinsab fil-metodu kif jiġu kkalkulati l-multi fuq bażi tariffarja ( 55 ). Imbagħad, fil-punti 44 sa 46, hija rrepetiet il-ġurisprudenza esposta fid-dettall iktar il fuq ( 56 ), jiġifieri li l-fatt li l-Kummissjoni fil-passat applikat multi ta’ ċertu livell għal ċerti tipi ta’ ksur ma jċaħħadhiex mill-possibbiltà li tgħolli dan il-livell fil-limiti indikati mir-Regolament Nru 17, jekk dan ikun meħtieġ sabiex tiġi żgurata l-implementazzjoni tal-politika Komunitarja tal-kompetizzjoni, kemm fil-kuntest ta’ deċiżjonijiet individwali iżda wkoll jekk dik iż-żieda tiġi implementata bl-applikazzjoni, f’ċerti każijiet, tar-regoli ta’ imġiba ta’ portata ġenerali, bħal-Linji Gwida. Fl-aħħar nett, fil-punt 47 tas-sentenza appellata, il-Qorti tal-Prim’Istanza tiddikjara: “B’hekk, bla ħsara għall-iżviluppi li jidhru fil-punti 99 u s-segwenti punti iktar l isfel, huwa żbaljat li ADM essenzjalment issostni li ż-żieda tal-livell tal-multi mill-Kummissjoni, fil-kuntest tal-akkordju, hija manifestament sproporzjonata meta mqabbla mal-obbjettiv li jassigura l-implementazzjoni tal-politika ta’ kompetizzjoni.”

    80.

    Il-punti 99 et seq imsemmija iktar ‘il fuq jinkludu eżami tal-aggravju bbażat fuq ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità. L-osservazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza jikkonċernaw il-kalkolu tal-multa fuq il-bażi tal-gravità u tat-tul ta’ żmien tal-ksur, b’mod partikolari rigward l-importanza tal-fattur tas-suq. Huwa minnu li dawn il-punti ma jinkludu l-ebda osservazzjoni espliċita dwar il-ħtieġa li tiġi miżjuda l-multa. Madankollu, l-analiżi ta’ hawn fuq turi li, skont ir-rekwiżiti stabbiliti ( 57 ), il-Qorti tal-Prim’Istanza eżaminat il-kwistjoni li jiġi mgħolli l-livell tal-multi fil-kuntest tal-kriterju tal-“gravità tal-ksur”.

    81.

    Minn dak kollu li ntqal jirriżulta li, b’mod konformi mal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-Qorti tal-Prim’Istanza eżaminat korrettament il-kriterju tal-“ħtieġa” li jiġi mgħolli l-livell tal-multi, li jirriżulta mis-sentenza Musique diffusion française et vs Il-Kummissjoni ( 58 ), meta hija applikat il-kriterju tal-“gravità tal-ksur” u ma rabtitx il-kriterju tal-aħħar ma’ rekwiżit addizzjonali ta’ motivazzjoni li jmur lil hinn mil-Linji Gwida tal-1998. Is-sentenza Dansk Rørindustri et vs Il-Kummissjoni turi li dan lanqas ma kien prekluż mill-prinċipju ta’ non-retroattività tad-dispożizzjonijiet ta’ dritt kriminali.

    82.

    Barra minn hekk, għandu jiġi osservat li ż-żewġ aggravji tal-appell li qed jiġu eżaminati hawnhekk effettivament jikkostitwixxu, anki jekk l-appellanti ma tgħidx dan espliċitament, dubju dwar il-legalità tal-metodu li bih jiġi kkalkulat l-ammont tal-multi stabbilit fil-Linji Gwida tal-1998. Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja rrikkonoxxiet il-kompatibbiltà ta’ dawn il-linji gwida mal-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17, mal-prinċipju ta’ non-retroattività, mal-prinċipju ta’ trattament ugwali u mal-prinċipju ta’ proporzjonalità ( 59 ).

    83.

    Li l-Kummissjoni tiġi mitluba wkoll li, f’kull deċiżjoni individwali, il-politika ta’ evalwazzjoni ġenerali u astratta sottostanti l-Linji Gwida tiġi ġġustifikata mill-ġdid u b’referenza għall-każ partikolari, essenzjalment ifisser, li jkunu qed jiddgħajfu l-metodi ta’ kalkolu stabbiliti fil-Linji Gwida ( 60 ).

    84.

    Nixtieq madankollu, b’mod inċidentali, niġbed l-attenzjoni għall-fatt li, minkejja l-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, jiġifieri li l-metodu tal-kalkolu tal-multi stabbilit fil-Linji Gwida tal-1998 huwa kompatibbli mar-rekwiżiti tal-Artikolu 15 tar-Regolament Nru 17 ( 61 ), il-kritika ta’ dan il-metodu, partikolarment rigward in-nuqqas ta’ trasparenza tiegħu, ma ġietx imsikkta ( 62 ), anki jekk nosserva li kien hemm xi sistematizzazzjoni tal-prattika segwita fl-applikazzjoni tiegħu ( 63 ). Bid-dħul fis-seħħ tal-Linji Gwida tal-2006, bosta minn dawn il-punti ta’ kritika ġew solvuti, peress li l-metodu ta’ kalkolu tbiddel; dan japplika, fost l-oħrajn, għall-klassifikazzjoni tal-ksur fil-punt 1(A) tal-Linji ta’ Gwida tal-1998 bħala “ksur ftit serju”, “ksur serju” u “ksur serju ħafna”, l-hekk imsejħa “determinazzjoni fuq bażi tariffarja” ( 64 ). Madankollu, il-fatt li l-Kummissjoni għandha marġni wiesa’ ta’ diskrezzjoni biex tikkalkula l-multi baqa’ l-istess ( 65 ). Għalkemm, skont l-Artikolu 229 KE u skont l-Artikolu 15 tar-Regolament Nru 17, il-ġurisdizzjoni illimitata tal-Qorti tal-Ġustizzja biex tistħarreġ din id-diskrezzjoni hija stabbilita ( 66 ), huwa madankollu mixtieq, għall-finijiet taċ-ċertezza legali, li d-diskrezzjoni amministrattiva jkollha l-benefiċċju ta’ kriterji ċari għall-evalwazzjoni tal-multi ( 67 ).

    85.

    Rigward l-argument tal-appellanti li għandhom jiġu applikati l-Linji Gwida tal-2006, għandu jingħad ukoll li m’hemm l-ebda raġuni li għaliha, minbarra li jiġu applikati l-Linji Gwida tal-1998, għandhom jiġu applikati l-Linji Gwida tal-2006 li sussegwentement issostitwewhom, u li għaliha ż-żieda għandha titqies fid-dawl tal-Linji Gwida tal-2006 ( 68 ). Id-deċiżjoni tal-Kummissjoni inkwistjoni ġiet adottata fit-2 ta’ Ottubru 2001. F’dak iż-żmien kienu rilevanti l-Linji Gwida tal-1998. Il-Linji Gwida tal-2006 japplikaw għal każijiet ta’ akkordju biss mill- ‘il quddiem u għalhekk mhumiex rilevanti għal dan l-appell.

    86.

    Lanqas ma jistgħu, bħala antiċipazzjoni ta’ bidla sussegwenti fil-politika tal-Kummissjoni, jiċċaraw retroattivament id-diskrezzjoni ta’ din tal-aħħar.

    87.

    U fl-aħħar nett, jekk il-Qorti tal-Ġustizzja kellha teħodhom inkunsiderazzjoni, dan ma kien jammonta għal xejn aktar minn sostituzzjoni, minħabba raġunijiet ta’ ekwità, min-naħa tal-qorti tal-appell, tal-evalwazzjoni tal-Qorti tal-Prim’Istanza bl-evalwazzjoni tagħha ( 69 ).

    88.

    Il-Qorti tal-Prim’Istanza għalhekk ġustament iddeċidiet b’mod konformi mar-rekwiżiti tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, u tat motivazzjoni suffiċjentement ċara u mhux ambigwa għad-deċiżjoni tagħha. Għalhekk nipproponi li l-ewwel u t-tieni aggravji tal-appell għandhom jiġu miċħuda bħala infondati.

    B — In-nuqqas ta’ kunsiderazzjoni tad-dħul mill-bejgħ tal-prodott fiż-ŻEE bħala element tal-kalkolu tal-multi (it-tielet aggravju tal-appell)

    1. Osservazzjonijiet preliminari

    89.

    Skont ġurisprudenza kostanti, safejn bħala l-punt inizjali tiegħu jittieħdu ammonti bażi li ma jiġux ikkalkulati fuq il-bażi tad-dħul mill-bejgħ rilevanti, il-metodu ta’ kalkolu stabbilit fil-Linji Gwida ma jiksirx l-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17 ( 70 ).

    90.

    L-innovazzjoni prinċipali fil-Linji Gwida tal-1998 meta mqabbla mal-prassi preċedenti tikkonsisti fil-fatt li l-punt inizjali għall-kalkolu ta’ ammont bażi ddeterminat mil-iskali stabbiliti għal dan il-għan mil-Linji Gwida; dawn l-iskali jirriflettu d-diversi livelli ta’ gravità tal-ksur iżda, bħala tali, m’għandhomx x’jaqsmu mad-dħul mill-bejgħ rilevanti. B’dan il-mod, il-karatteristika essenzjali ta’ dan il-metodu hija li l-multi jiġu ddeterminati fuq bażi tariffarja, għalkemm waħda li hija relattiva u flessibbli ( 71 ).

    91.

    Minbarra l-fatt li, skont l-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17, jiġi kkunsidrat 10% tad-dħul mill-bejgħ (jew “bejgħ totali” kif jissejjaħ fil-Linji Gwida) tal-impriżi ( 72 ), it-terminu “bejgħ totali” ma jintużax b’mod espliċitu f’dawn il-linji gwida. Min-naħa l-oħra, hemm referenzi impliċiti li huma marbuta, fost l-oħrajn, mad-dħul mill-bejgħ tal-impriżi ( 73 ). B’hekk, il-Linji Gwida ma jipprekludux il-fatt li d-dħul mill-bejgħ jiġi kkunsidrat mhux biss bħala limitu massimu, iżda wkoll matul il-proċedura għall-kalkolu tal-multi. Dan huwa għaliex id-dħul mill-bejgħ huwa “indikazzjoni utli u importanti tas-saħħa ekonomika ta’ impriża (dħul mill-bejgħ totali) u tal-impatt fuq il-kompetizzjoni tal-imġiba tagħha (dħul mill-bejgħ fis-suq rilevanti) ( 74 ),”anki jekk jirrappreżenta biss wieħed mill-bosta kriterji ta’ evalwazzjoni li l-Kummissjoni tista’ tieħu inkunsiderazzjoni ( 75 ).

    2. L-argumenti tal-partijiet

    92.

    F’dan l-aggravju tal-appell, il-punt inkwistjoni għal ADM huwa d-dħul mill-bejgħ fis-suq rilevanti, li l-Kummissjoni, fid-deċiżjoni inkwistjoni, kkunsidrat bħala d-dħul mill-bejgħ tal-prodott “dinji”, filwaqt li l-appellanti hija tal-fehma li d-dħul mill-bejgħ rilevanti huwa d-dħul mill-bejgħ tal-prodott “fiż-ŻEE”.

    93.

    B’referenza, partikolarment, għall-punti 75 sa 81 tas-sentenza appellata, l-appellanti tilmenta li l-Qorti tal-Prim’Istanza kisret prinċipji legali applikabbli għall-kalkolu tal-multi billi tippermetti li l-Kummissjoni, fid-deċiżjoni inkwistjoni, tinjora kompletament id-dħul mill-bejgħ tal-prodott fiż-ŻEE bħala punt inizjali xieraq għall-kalkolu tal-multa. Fid-deċiżjoni tagħha, il-Kummissjoni wettqet żball ta’ liġi meta ma kkunsidratx id-dħul mill-bejgħ tal-prodott fiż-ŻEE la bħala punt inizjali għall-kalkolu u lanqas, fi kwalunkwe stadju sussegwenti, sabiex tkun ikkalkulata l-multa. Għaldaqstant, il-multa hija bosta drabi ogħla mid-dħul rilevanti miksub mill-bejgħ tal-prodott fiż-ŻEE ( 76 ).

    94.

    L-appellanti taċċetta li s-sentenza appellata korrettament tiġbor fil-qosor, fil-punt 78, il-prinċipji applikabbli għall-kalkolu tal-multi. Madankollu, hija ssostni li l-Qorti tal-Prim’Istanza wettqet żball ta’ liġi meta mbagħad naqset milli tapplika l-konklużjonijiet legali tagħha għall-kawża li kellha quddiemha.

    95.

    L-appellanti tiddikjara li l-Linji Gwida tal-2006 juru kif id-dħul miksub mill-bejgħ tal-prodott fiż-ŻEE għandu jintuża bħala punt inizjali xieraq sabiex jiġi evalwat id-dannu kkawżat lill-kompetizzjoni fis-suq rilevanti tal-prodott fil-Komunità u l-importanza relattiva tal-parteċipanti fl-akkordju fis-settur tal-prodotti kkonċernati. B’tali metodu ta’ kalkolu, frazzjoni biss tal-multa inkwistjoni kienet tiġi imposta fuq ADM.

    96.

    Il-Kummissjoni tosserva li l-Qorti tal-Prim’Istanza biss hija kompetenti li tistħarreġ il-mod kif hija evalwat il-gravità tal-imġiba illegali f’kull każ partikolari ( 77 ). Il-Qorti tal-Prim’Istanza ma wettqet l-ebda żball ta’ liġi u ħadet inkunsiderazzjoni l-fatturi rilevanti kollha u rrispondiet għall-argumenti ta’ ADM. Għaldaqstant l-aggravju għandu jiġi miċħud.

    3. Is-sentenza appellata u l-evalwazzjoni ġuridika

    97.

    Fil-punti 75 sa 81 tas-sentenza appellata, imsemmijin mill-appellanti, il-Qorti tal-Prim’Istanza teżamina l-motiv ibbażat fuq ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità, peress li l-ammont tal-multa imposta huwa ogħla mid-dħul ta’ ADM fil-bejgħ ta’ dak il-prodott fiż-ŻEE matul il-perijodu tal-akkordju, u tiċħdu. Fil-punti 76 u 77, il-Qorti tal-Prim’Istanza tirreferi għall-ġurisprudenza stabbilita dwar l-evalwazzjoni tal-gravità ta’ ksur u tosserva li huwa permissibbli, sabiex jiġi kkalkulat l-ammont ta’ multa, li jiġu kkunsidrati kemm id-dħul mill-bejgħ totali tal-impriża kif ukoll is-sehem mis-suq tal-impriżi kkonċernati fis-suq rilevanti, għalkemm huwa importanti li ma jiġix attribwit la lil waħda u lanqas lill-oħra minn dawn iċ-ċifri importanza sproporzjonata meta mqabblin ma’ elementi oħrajn ta’ evalwazzjoni, b’tali mod li l-iffissar ta’ ammont xieraq ta’ multa ma jistax ikun ir-riżultat ta’ sempliċi kalkolu abbażi tad-dħul mill-bejgħ globali.

    98.

    Fil-punti 78 u 79 tas-sentenza appellata, il-Qorti tal-Prim’Istanza tosserva li d-dħul mill-bejgħ fil-prodott rilevanti huwa biss wieħed fost numru ta’ kriterji li għandhom jiġu kkunsidrati. Bil-kontra dak li ssostni ADM, tkun qed tingħata importanza sproporzjonata lil dan l-element jekk l-evalwazzjoni tal-proporzjonalità tkun limitata għal eżami tar-relazzjoni bejn il-multa imposta u d-dħul mill-bejgħ tal-prodott inkwistjoni.

    99.

    Fil-punt 80, il-Qorti tal-Prim’Istanza tkompli tgħid: “F’kull każ, is-sempliċi fatt invokat minn ADM li l-multa imposta taqbeż l-ammont tad-dħul mill-bejgħ li hija għamlet fiż-ŻEE bil-bejgħ ta’ dan il-prodott matul il-perijodu kkonċernat bl-akkordju, jew saħansitra li taqbżu b’mod sinjifikattiv, mhuwiex biżżejjed sabiex juri n-natura sproporzjonata tal-multa. Fil-fatt, għandha tiġi evalwata n-natura proporzjonata ta’ dan il-livell ta’ multa b’paragun mal-elementi kollha li l-Kummissjoni għandha tieħu inkunsiderazzjoni fl-evalwazzjoni tal-gravità tal-ksur, jiġifieri, in-natura stess tal-ksur, l-impatt konkret tiegħu fuq is-suq ikkonċernat u l-firxa tas-suq ġeografiku. Il-mertu tad-deċiżjoni meta mqabbla ma’ xi wħud minn dawn il-kriterji huwa, billi jiġu segwiti l-argumenti ta’ ADM, eżaminat iktar ‘l isfel”.

    100.

    Għalhekk joħroġ biċ-ċar li mhuwiex biżżejjed, sabiex jiġu evalwati l-merti ta’ dan l-ilment magħmul mill-appellanti, li jiġu kkunsidrati biss il-punti 75 sa 81 tas-sentenza appellata li ġew ikkritikati.

    101.

    Biex nifhmu aħjar, jeħtieġ, minn naħa, li nirreferu għal dak li ddeduċiet il-Qorti tal-Prim’Istanza mid-deċiżjoni inkwistjoni rigward il-punt li qed niddiskutu hawnhekk. F’dan ir-rigward, il-punt 59 tas-sentenza appellata jipprovdi, fir-rigward tal-evalwazzjoni tal-Kummissjoni tal-gravità tal-ksur:

    “Għall-finijiet tal-evalwazzjoni ta’ dawn l-elementi, il-Kummissjoni għażlet li tibbaża ruħha fuq id-dħul mill-bejgħ miksub mill-impriżi kkonċernati mill-bejgħ tal-glukonat tas-sodju fuq livell dinji matul l-aħħar sena tal-perijodu ta’ ksur, jiġifieri s-sena 1995. Il-Kummissjoni, f’dan il-kuntest, ikkunsidrat li, ‘[billi] is-suq [tal-glukonat tas-sodju huwa] globali, dawn l-ammonti taw l-aħjar indikazzjoni possibbli tal-kapaċità tal-impriżi parteċipanti [li] jikkawżaw dannu sinjifikattiv lill-operaturi l-oħra fis-suq u/jew liż-ŻEE’ […] Il-Kummissjoni żżid li, skont hi, dan il-metodu kien ikkorroborat bil-fatt li kien akkordju mondjali, li l-għan tiegħu kien, b’mod partikolari, li jaqsam is-swieq fuq livell mondjali u, għaldaqstant, li jeħles ċerti żoni tas-suq taż-ŻEE mill-kompetizzjoni. Hija kkunsidrat, barra minn hekk, li d-dħul mill-bejgħ dinji ta’ parti waħda fl-akkordju ta wkoll idea tal-kontribuzzjoni tagħha fl-effiċjenza tal-akkordju fit-totalità tiegħu jew, għall-kuntrarju, tal-instabbiltà li kienet taffettwaha kieku l-imsemmija parti ma kinitx ipparteċipat fih […].”

    102.

    Fil-punti 82 sa 87 tas-sentenza appellata, il-Qorti tal-Prim’Istanza kkonkludiet li l-Linji Gwida ma jipprovdux li ċ-ċifri tad-dħul mill-bejgħ tal-impriżi kkonċernati — kemm jekk id-dħul mill-bejgħ globali jew id-dħul mill-bejgħ tal-prodott rilevanti — jikkostitwixxu l-punt inizjali biex jiġu kkalkulati l-multi u, inqas u inqas, li jikkostitwixxu l-uniku kriterju rilevanti sabiex tiġi evalwata l-gravità tal-ksur. Madankollu, il-Kummissjoni tista’ tikkunsidra d-dħul mill-bejgħ bħala wieħed fost għadd ta’ fatturi rilevanti, partikolarment fejn, skont it-tielet sas-sitt paragrafi tal-punt 1(A) tal-Linji Gwida tal-1998, il-Kummissjoni taġġusta l-ammont sabiex tkun żgura li l-multi jkollhom effett suffiċjentement dissważiv.

    103.

    Jidher ċar mill-premessi 378 sa 382 tad-Deċiżjoni, bil-kontra ta’ dak li ssostni ADM, li l-Kummissjoni tabilħaqq ikkunsidrat id-dħul mill-bejgħ tal-prodott rilevanti tal-partijiet ikkonċernati f’dan il-kuntest. Sabiex tapplika t-trattament differenti għall-impriżi kkonċernati, il-Kummissjoni invokat id-dħul dinji tagħhom mill-bejgħ tal-glukonat tas-sodju matul l-aħħar sena tal-ksur, jiġifieri l-1995.

    104.

    Il-punt 87 tas-sentenza appellata mbagħad jipprovdi: “Issa, f’dan il-każ, dan huwa akkordju li jgħaqqad l-impriżi li għandhom il-kważi totalità tal-ishma tas-suq tal-prodott rilevanti fuq livell dinji. Barra minn hekk, l-akkordju jirrigwarda l-iffissar tal-prezzijiet u t-taqsim tas-suq bl-attribuzzjoni ta’ kwoti ta’ bejgħ. F’każ bħal dan, fil-kuntest ta’ trattament differenti bejn l-impriżi kkonċernati, il-Kummissjoni tista’ validament tibbaża ruħha fuq id-dħul mill-bejgħ magħmula mill-membri ta’ dan l-akkordju bil-bejgħ tagħhom tal-glukonat tas-sodju fuq livell dinji. Fil-fatt, billi l-objettiv ta’ dan it-trattament differenti huwa li jevalwa l-kapaċità ekonomika effettiva ta’ min wettaq il-ksur li jikkawża dannu lill-kompetizzjoni bl-imġiba li tikkostitwixxi ksur u, għaldaqstant, li jieħu inkunsiderazzjoni l-piż speċifiku tiegħu fl-akkordju, il-Kummissjoni ma qabżitx il-marġni wiesa’ tagħha ta’ evalwazzjoni meta kkunsidrat li s-sehem tas-suq dinji tal-membri rispettivi tal-akkordju kien valur indikattiv approprjat”.

    105.

    Matul l-eżami ulterjuri li għamlet il-Qorti tal-Prim’Istanza, fil-punti 113 u 114, hija terġa’ lura għall-allegazzjoni li ma ġiex ikkunsidrat id-dħul miksub mill-bejgħ tal-prodott fiż-ŻEE. Fir-rigward tal-allegat ksur tal-prinċipju ta’ trattament ugwali meta mqabbel mad-deċiżjoni Zinc phosphate ( 78 ), li l-appellanti kienet iċċitat bħala paragun, il-Qorti tal-Prim’Istanza tispjega b’mod partikolari fil-punt 113 li “[i]ċ-ċirkustanzi tal-akkordju li jagħmlu s-suġġett tad-Deċiżjoni jiddivrenzjaw minn dawk li huma s-suġġett tad-deċiżjoni msejħa “Zinc phosphate”. Fil-fatt, l-akkordju fuq is-suq tal-fosfat taż-żingu applika biss fit-territorju taż-ŻEE, filwaqt li l-akkordju fuq il-glukonat tas-sodju kien dinji”. Fil-punt 114, il-Qorti tal-Prim’Istanza tkompli tgħid, fost l-oħrajn, li “l-ammont bażi ffissat mill-Kummissjoni għall-ksur magħmul minn ADM f’dan il-każ huwa approprjat fid-dawl tal-elementi kollha rrilevati mill-Kummissjoni fid-Deċiżjoni u tal-evalwazzjoni li saret ta’ xi wħud minn dawn l-elementi f’din is-sentenza”.

    106.

    Jirriżulta li, bil-kontra ta’ dak li tallega l-appellanti, il-Qorti tal-Prim’Istanza mhux biss ġabret fil-qosor il-prinċipji rilevanti, iżda wkoll applikat il-konklużjonijiet li rriżultaw għall-kawża inkwistjoni hawnhekk. F’din l-okkażjoni, hija ttrattat l-argument rigward it-teħid inkunsiderazzjoni tad-dħul miksub mill-bejgħ tal-prodott fiż-ŻEE ( 79 ), iżda hija madankollu kkunsidratu bħala kriterju wieħed fost oħrajn, mingħajr ma wettqet żball ta’ liġi. Hija mbagħad spjegat li (u għaliex) id-dħul tal-parteċipanti fl-akkordju mill-bejgħ dinji tal-glukonat tas-sodju tagħhom, fl-aħħar mill-aħħar, kienu l-punt inizjali xieraq sabiex tiġi kkalkulata l-multa, u fl-istess ħin u b’mod impliċitu spjegat għaliex ma ntużax id-dħul rilevanti miksub mill-bejgħ tal-prodott fiż-ŻEE. Għaldaqstant, il-Qorti tal-Prim’Istanza eżaminat dan l-argument tal-appellanti suffiċjentement skont il-liġi.

    107.

    Fl-aħħar nett, l-evalwazzjoni tal-Qorti tal-Prim’Istanza li “l-ammont bażi ffissat mill-Kummissjoni għall-ksur magħmul minn ADM f’dan il-każ huwa approprjat fid-dawl tal-elementi kollha rrilevati mill-Kummissjoni fid-Deċiżjoni u tal-evalwazzjoni li saret ta’ xi wħud minn dawn l-elementi f’din is-sentenza” ma jistax jiġi mistħarreġ fis-sede ta’ appell ( 80 ).

    108.

    B’risposta għal tentattiv ieħor ta’ ADM biex jiġu applikati l-Linji Gwida tal-2006 li kienu jikkoreġu l-Linji Gwida tal-1998, għal darb’oħra għandha tingħata r-risposta li l-Linji Gwida tal-2006 mhumiex rilevanti hawnhekk ( 81 ).

    109.

    Fid-dawl ta’ dak kollu li ntqal, dan l-aggravju, fil-fehma tiegħi, għandu jiġi ddikjarat bħala inammissibbli, safejn huwa intiż sabiex jikseb eżami ġenerali mill-ġdid tal-multa, u għall-bqija huwa infondat.

    C — Ksur tal-prinċipju ta’ trattament ugwali fil-kalkolu tal-multa (ir-raba’ aggravju tal-appell)

    1. L-argumenti tal-partijiet

    110.

    B’referenza għall-punti 107 sa 113 tas-sentenza appellata, l-appellanti tilmenta li l-Qorti tal-Prim’Istanza kisret il-prinċipju ta’ trattament ugwali meta kkonkludiet li differenzi oġġettivi jiġġustifikaw id-differenza fl-ammont tal-multi meta mqabblin mal-kawża direttament komparabbli Zinc phosphate ( 82 ).

    111.

    Minn naħa, hija ssostni li s-sentenzi ċċitati mill-Qorti tal-Prim’Istanza fil-punti 108 sa 110 tas-sentenza tagħha mhumiex rilevanti għaliex, skont ġurisprudenza stabbilita, u b’mod partikolari skont il-punt 209 tas-sentenza Dansk Rørindustri, minn meta hija adottat il-Linji Gwida, il-Kummissjoni tikser il-prinċipju ta’ trattament ugwali jekk tiddevja minnhom mingħajr ma tagħti raġunijiet għal dan.

    112.

    Min-naħa l-oħra, il-Qorti tal-Prim’Istanza ma identifikatx fattur rilevanti wieħed li effettivament jippermetti li ssir distinzjoni bejn il-kawża Sodium gluconate u dik Zinc phosphate fil-kuntest tal-kriterji li li l-Kummissjoni applikat fid-deċiżjoni li timponi l-multi tagħha. F’dawn iż-żewġ kawżi, biex jiġi kkalkulat l-ammont bażi tal-multa, il-Kummissjoni użat kriterji korrispondenti. Bil-kontra ta’ dak li sostniet il-Qorti tal-Prim’Istanza, id-dħul mill-bejgħ dinji ma jiġix ikkunsidrat meta jiġi kkalkulat dak l-ammont bażi. Fil-kawża Sodium gluconate, id-dħul mill-bejgħ dinji ġie kkunsidrat bħala kriterju għas-suddiviżjoni fi tliet gruppi sabiex ikun hemm effett dissważiv, biss fi stadju sussegwenti tal-kalkolu. Il-multa imposta fid-deċiżjoni inkwistjoni tiddiskrimina kontra ADM meta mqabbla mal-multa ffissata fil-kawża “Zinc phosphate”.

    113.

    Fl-aħħar nett, ADM tilmenta, li fl-eżerċizzju tal-ġurisdizzjoni illimitata tagħha, fil-punt 114 tas-sentenza appellata, il-Qorti tal-Prim’Istanza kkonkludiet, fuq il-bażi tal-kriterji applikati mill-Kummissjoni, li l-multa kienet xierqa ( 83 ). Hija tqis li, b’mod eċċezzjonali, dik il-konklużjoni tista’ tiġi mistħarrġa mill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tara jekk jeżistux żbalji ta’ liġi. Anki jekk, kif għamlet il-Qorti tal-Prim’Istanza, jiġu kkunsidrati biss il-kriterji li l-Kummissjoni applikat, jiġi konkluż li din il-kawża hija direttament komparabbli mal-kawża Zinc phosphate. Il-Qorti tal-Prim’Istanza ma identifikat l-ebda kriterju addizzjonali li seta’ jipproduċi riżultat differenti. ADM issostni wkoll li l-Qorti tal-Prim’Istanza, fl-eżerċizzju tal-ġurisdizzjoni illimitata tagħha, ma għandhiex tikser il-prinċipju ta’ trattament ugwali billi tħalli li l-Kummissjoni timponi piena diskriminatorja fuq ADM, filwaqt li impriżi oħrajn li huma involuti ma jiġux ittrattati b’dan il-mod. Fl-aħħar nett, jekk il-Qorti tal-Prim’Istanza sabet kriterju addizzjonali rilevanti li jiġġustifika multa ogħla f’dan il-każ, hija ma identifikatux bil-preċiżjoni meħtieġa. Skont ADM, f’dan ir-rigward, il-motivazzjoni hija insuffiċjenti inkwantu hija tirreferi għall-kriterji kollha kkunsidrati mill-Kummissjoni fid-Deċiżjoni.

    114.

    Il-Kummissjoni ssostni li l-Qorti tal-Prim’Istanza ma wettqet l-ebda żball ta’ liġi fid-deċiżjoni li ħadet. B’mod partikolari, fl-ewwel istanza, l-appellanti stess naqset li tippreżenta evidenza adegwata biex turi f’liema aspett speċifiku din il-kawża hija komparabbli mad-deċiżjoni Zinc phosphate u fiex effettivament jikkonsisti t-trattament mhux ugwali.

    2. L-evalwazzjoni ġuridika

    115.

    Il-prinċipju ta’ trattament ugwali huwa prinċipju ġenerali tad-dritt Komunitarju, li għalhekk għandu jiġi osservat ukoll fi proċedura skont l-Artikolu 81 KE.

    116.

    Skont ġurisprudenza kostanti, il-prinċipju ta’ trattament ugwali jew ta’ non-diskriminazzjoni jeżiġi li sitwazzjonijiet komparabbli ma jiġux ittrattati b’mod differenti u li sitwazzjonijiet differenti ma jiġux ittrattati bl-istess mod, sakemm tali trattament ma jkunx iġġustifikat oġġettivament ( 84 ).

    117.

    Safejn l-appellanti tirreferi, fir-rigward tal-ksur tal-prinċipju ta’ trattament ugwali, għas-sitwazzjoni ta’ akkordju ieħor u għad-deċiżjoni tal-Kummissjoni relatata ma’ dik is-sitwazzjoni, għandu jiġi osservat li, fuq kollox kif għamlet ukoll il-Qorti tal-Prim’Istanza fil-punti 108 sa 112 tas-sentenza appellata, li l-prassi deċiżjonali preċedenti tal-Kummissjoni ma tistax isservi bħala qafas ġuridiku għall-multi fil-qasam tal-kompetizzjoni u li d-deċiżjonijiet li jikkonċernaw il-kawżi l-oħra jagħtu biss indikazzjoni f’dak li jirrigwarda l-eżistenza possibbli ta’ diskriminazzjoni, peress li ma tantx huwa probabbli li ċ-ċirkustanzi speċifiċi ta’ dawn is-sitwazzjonijiet, bħas-swieq, il-prodotti, l-impriżi u l-perijodi kkonċernati jkunu identiċi ( 85 ).

    118.

    F’dawn iċ-ċirkustanzi, kellha tkun l-appellanti li turi quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza r-raġuni li għaliha s-sitwazzjoni li semmiet kienet fil-fatt sitwazzjoni komparabbli fis-sens tal-ġurisprudenza li ssemmiet iktar ‘il fuq.

    119.

    Il-Qorti tal-Prim’Istanza rriproduċiet, fis-sentenza appellata, is-sottomissjoni tal-appellanti li mhux ikkontestat mill-istess appellanti, b’dan il-mod: “[M]inkejja li dawn iż-żewġ kawżi huma in parti kontemporanji u komparabbli abbażi mhux biss tad-daqs tas-swieq ikkonċernati, iżda wkoll tal-gravità u tad-dewmien tal-ksur, il-Kummissjoni ħadet inkunsiderazzjoni d-daqs limitat tas-suq tal-fosfat taz-zingu fl-Ewropa u, f’din il-kawża l-oħra, iffissat il-multa globali għal EUR 11[,]95 miljun (jew 75% tal-ammont globali tal-bejgħ tal-prodott inkwistjoni) bil-kontra ta’ 40 miljun EUR ta’ multa globali fil-kawża tal-glukonat tas-sodju (li jirrappreżenta iktar minn 200% tal-bejgħ tal-prodott inkwistjoni fiż-ŻEE). Barra minn hekk, ADM tosserva li, fil-kawża “Zinc phosphate”, l-ammont bażi kien ġie ffissat għal 3 miljun EUR għall-impriżi li għandhom sehem fis-suq li jaqbeż 20% u għal 0,75 miljun EUR għall-impriża li ppreżentat sehem tas-suq nettament inferjuri. Issa, hija tfakkar li, fil-każ tal-glukonat tas-sodju, il-Kummissjoni ffissat l-ammont inizjali għall-kalkolu tal-multa għal 10 miljun EUR għall-impriżi li s-sehem tagħhom kien jaqbeż 20% u għal 5 miljun EUR għal dawk li għandhom sehem fis-suq nettament inferjuri”  ( 86 ).

    120.

    Il-Qorti rrispondiet għal din is-sottomissjoni fil-punti 113 u 114 tas-sentenza appellata:

    “113.

    Issa, f’dan il-każ, għandu jiġi kkonstatat, prima facie, li ċ-ċirkustanzi tal-akkordju li huma s-suġġett tad-Deċiżjoni jiddivrenzjaw minn dawk li huma s-suġġett tad-deċiżjoni msejħa “Zinc phosphate”. Fil-fatt, l-akkordju fuq is-suq tal-fosfati taż-żingu applika biss fit-territorju taż-ŻEE, filwaqt li l-akkordju fuq il-glukonat tas-sodju kien dinji. Barra minn hekk, kuntrarjament għal dan il-każ, l-akkordju fuq is-suq tal-fosfati taż-żingu għaqqad biss l-impriżi ta’ daqs relattivament limitat. B’hekk, id-dħul mill-bejgħ dinji tal-impriżi kkonċernati fid-Deċiżjoni msejħa “Zinc phosphate” huma, għas-sena 2000, bejn 7,09 miljun u 278,8 miljun EUR, filwaqt li f’din il-kawża d-dħul mill-bejgħ dinji tal-impriżi kkonċernati għas-sena 2000 huma bejn 314 miljun u 14,003 biljun EUR, fosthom 13,936 biljun EUR minnhom għal ADM.

    114.

    F’kull każ, anki li kieku ċ-ċirkustanzi rilevanti kollha għall-finijiet li jiġi ddeterminat l-ammont approprjat tal-multa tal-kawża li huma s-suġġett tad-deċiżjoni msejħa “Zinc phosphate” jistgħu jiġu kkunsidrati bħala komparabbli ma’ dawk ta’ dan il-każ, il-Qorti tal-Prim’Istanza tqis, skont is-setgħa tagħha ta’ ġurisdizzjoni assoluta, li l-ammont bażi ffissat mill-Kummissjoni għall-ksur imwettaq minn ADM f’dan il-każ huwa approprjat fid-dawl tal-elementi kollha osservati mill-Kummissjoni fid-Deċiżjoni u tal-evalwazzjoni li saret ta’ xi wħud minn dawn l-elementi f’din is-sentenza.”

    121.

    Fl-ewwel wieħed minn dawk iż-żewġ punti tas-sentenza, il-Qorti tal-Prim’Istanza rrispondiet suffiċjentement skont il-liġi għall-argumenti kollha mressqa minn ADM. Barra minn hekk, rigward dan il-każ, għandu jingħad li l-appellanti — kif intwera mis-sottomissjoni li hija għamlet fis-sentenza appellata — ma spjegatx b’iktar preċiżjoni f’liema aspetti speċifiċi ż-żewġ kawżi suppost huma komparabbli fir-rigward tad-daqs tas-swieq rilevanti u l-gravità u d-dewmien tal-ksur.

    122.

    Fl-aħħar nett, rigward l-evalwazzjoni li għamlet il-Qorti tal-Prim’Istanza fit-tieni punt tas-sentenza, imsemmi hawn fuq, għandu jiġi osservat li l-Qorti tal-Ġustizzja m’għandhiex il-kompetenza li tissostitwixxi, minħabba raġunijiet ta’ ekwità, l-evalwazzjoni tagħha għal dik tal-Qorti tal-Prim’Istanza li teżerċita l-ġurisdizzjoni illimitata tagħha fir-rigward tal-ammont tal-multi imposti ( 87 ).

    123.

    Fl-aħħar nett, għandu jiġi osservat li r-riferiment li l-appellanti għamlet għas-sentenza Dansk Rørindustri et vs Il-Kummissjoni ( 88 ) mhuwiex effettiv. F’dan l-argument, hija ssostni li l-Kummissjoni tikser il-Linji Gwida meta tiddevja minnhom mingħajr ma tagħti raġunijiet għal dan. L-appellanti ma turix kif dan għandu x’jaqsam dan mal-prinċipju ta’ trattament ugwali fir-rigward tal-kawża “Zinc phosphate”.

    124.

    Fid-dawl ta’ dak kollu li ntqal, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha tiċħad dan l-aggravju bħala infondat.

    D — Żbalji ta’ liġi fid-determinazzjoni tal-impatt fuq is-suq tal-akkordju (il-ħames, is-sitt u s-seba’ aggravji)

    1. Osservazzjonijiet preliminari

    125.

    Sabiex jiġi kkalkulat l-ammont bażi, il-punt 1(A) tal-Linji Gwida tal-1998 jagħmel distinzjoni bejn tliet kategoriji ta’ gravità tal-ksur; kull waħda tikkorrispondi għal ammonti bażi differenti, jiġifieri “ksur ftit serju”, “ksur serju” u “ksur serju ħafna”. L-ammont jiġi assenjat fuq il-bażi ta’ numru ta’ kriterji, fosthom “l-impatt reali […] fuq is-suq, fejn dan jista’ jkun ikkalkolat”.

    126.

    F’dan ir-rigward, l-appellanti ssostni li l-Qorti tal-Prim’Istanza wettqet żbalji ta’ liġi fid-determinazzjoni tal-impatt fuq is-suq tal-akkordju. Hija tallega ksur tal-prinċipju li r-regoli li istituzzjoni timponi fuqha nfisha għandhom jiġu segwiti, nuqqas min-naħa tal-Qorti tal-Prim’Istanza li tirrispondi rigward il-kwistjoni tal-impatt meta tinbidel id-definizzjoni tas-suq u li hija, b’mod illeċitu, qalbet l-oneru tal-prova.

    127.

    Ser neżamina dawn it-tliet aggravji flimkien peress li għandhom partijiet kunsiderevoli in komuni.

    128.

    Il-punt inizjali komuni ta’ dawn l-aggravji huwa l-fatt li ADM temmen li d-definizzjoni tal-Kummissjoni tas-suq rilevanti tal-prodott hija wisq restrittiva u li l-konklużjonijiet relatati rigward l-impatt reali fuq is-suq huma żbaljati. Il-Kummissjoni ddefiniet is-suq rilevanti tal-prodott bħala “ dak tal-glukonat tas-sodju fil-forom solidi u likwidi tiegħu u tal-prodott bażiku tiegħu, l-aċidu glukoniku” ( 89 ).

    129.

    B’risposta għall-argumenti li ADM ressqet matul il-proċedura amministrattiva, il-Kummissjoni ammettiet li kien jeżisti ċertu numru ta’ prodotti ta’ sostituzzjoni parzjali għall-glukonat tas-sodju, skont l-użu li jsir minnu, iżda hija qieset li xejn ma kien jipprova li dawn il-prodotti kienu jeżerċitaw pressjoni effettiva fuq il-prezzijiet ta’ dan tal-aħħar. Bil-kontra, hija qieset li diversi elementi kienu jikkontradixxu t-teżi sostnuta minn ADM. B’hekk, hija sostniet li ma kienx hemm prodotti ta’ sostituzzjoni sħiħa għall-glukonat tas-sodju u li, billi dan il-prodott kien iktar favur l-ambjent, ċerti utenti kienu jippreferuh minn prodotti ta’ sostituzzjoni potenzjali. Barra minn hekk, hija kkunsidrat li din il-perspettiva kienet ikkonfermata, minn naħa, permezz tar-risposti pprovduti mill-klijenti tal-membri tal-akkordju u, min-naħa l-oħra, bl-eżistenza nfisha tal-akkordju li kien limitat għall-glukonat tas-sodju u kien jikkostitwixxi b’dan il-mod, fl-opinjoni tagħha, indikazzjoni li l-membri nfushom kienu jqisu s-suq bħala wieħed limitat għall-glukonat tas-sodju ( 90 ).

    2. L-argumenti tal-partijiet

    130.

    Fil-punt 238 tas-sentenza appellata, l-appellanti ssostni li l-Qorti tal-Prim’Istanza wettqet żball meta ċaħdet l-ilment li s-suq rilevanti ngħata definizzjoni żbaljata.

    131.

    B’referenza għall-punti 226 sa 239 tas-sentenza appellata, hija tqis li l-Qorti tal-Prim’Istanza kisret il-prinċipju li l-Kummissjoni għandha tosserva r-regoli li hija imponiet fuqha nfisha, f’dan il-każ, il-Linji Gwida dwar il-kalkolu tal-multi. Meta jiġi eżaminat l-impatt ta’ akkordju fuq is-suq rilevanti, definizzjoni korretta tas-suq rilevanti tal-prodott hija punt inizjali indispensabbli għal dan l-eżami. Meta, bħal f’dan il-każ, is-suq rilevanti tal-prodott jiġi ddefinit b’mod wisq restrittiv, il-konklużjonijiet ibbażati fuq din id-definizzjoni rigward l-impatt tal-akkordju ma jistgħux ikunu korretti. Il-Kummissjoni ddefiniet is-suq rilevanti b’mod żbaljat, u dan wassal għal żball rigward l-impatt fuq is-suq. Peress li l-glukonat tas-sodju huwa biss wieħed mill-bosta aġenti kelanti u b’hekk huwa faċilment sostitwibbli, l-akkordju ma kellux l-impatt fuq is-suq li ġie allegat li kellu.

    132.

    L-appellanti ssostni li l-Qorti tal-Prim’Istanza wettqet żball ta’ liġi fir-risposta li tat lis-sottomissjoni korrispondenti ta’ ADM, meta ddikjarat li kellha tkun ADM li turi li s-suq rilevanti kellu jkun iddefinit b’mod differenti minn kif iddefinietu l-Kummissjoni. F’dan ir-rigward, ADM issostni li, bil-kontra, hija l-Kummissjoni li għandha turi l-impatt tal-akkordju fuq is-suq rilevanti, li, skont il-Linji Gwida, jinkludi wkoll id-definizzjoni tas-suq rilevanti tal-prodott. Fin-nuqqas ta’ din id-definizzjoni, l-oneru tal-prova ma jistax jiġi impost fuq il-parti opposta, jiġifieri fuq ADM.

    133.

    It-tieni nett, l-appellanti qed tilmenta, filwaqt li tirreferi għall-punti 234 u 236 tas-sentenza appellata, li l-Qorti tal-Prim’Istanza wettqet żball ta’ liġi meta naqset milli tirrispondi għall-argument ta’ ADM li, jekk id-definizzjoni tas-suq użata kienet tkun usa’, l-evidenza turi nuqqas ta’ impatt tal-akkordju fuq is-suq.

    134.

    Fl-applikazzjoni tagħha quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza, ADM sostniet li wriet, fost l-oħrajn, permezz ta’ tabelli, li l-glukonat tas-sodju jammonta għal 20% tal-aġenti kelanti rilevanti. Dan jikkostitwixxi, fil-fehma tagħha, argument b’saħħtu li jikkorrobora l-konklużjoni ta’ ADM li l-akkordju ma rnexxielux jikkontrolla l-prezzijiet. ADM uriet li l-iżviluppi fil-prezzijiet għas-sostituti kelanti qabel, matul u wara l-perijodu tal-akkordju wrew korrelazzjoni ferm mill-qrib fil-prezzijiet mal-glukonat tas-sodju. Skont ADM, tali evidenza turi mingħajr dubju li fatturi oħrajn għajr l-akkordju kienu responsabbli għall-iżviluppi fil-prezzijiet.

    135.

    It-tielet nett, l-appellanti qed tilmenta, filwaqt li tirreferi għall-punti 230, 234, 236 u 237 tas-sentenza appellata, li l-Qorti tal-Prim’Istanza qalbet l-oneru tal-prova meta eżiġiet li ADM turi li l-prezzijiet fin-nuqqas tal-akkordju kienu jkunu l-istess.

    136.

    Fil-punti 177 u 184 tas-sentenza appellata, b’risposta għall-argument ta’ ADM li l-Kummissjoni kellha turi kif il-prezzijiet kienu jiżviluppaw fin-nuqqas tal-akkordju, u speċifikatament li kienu jkunu ogħla bl-akkordju milli mingħajru, il-Qorti tal-Prim’Istanza ddikjarat li dan kien kompitu wisq diffiċli. Minkejja dan, fil-punt 237 tas-sentenza tagħha, il-Qorti tal-Prim’Istanza imponiet eżattament dak ir-rekwiżit fuq ADM, sabiex turi li l-akkordju ma kellu l-ebda impatt. ADM issostni li b’hekk il-Qorti tal-Prim’Istanza illegalment qalbet l-oneru tal-prova. Il-Linji Gwida jeżiġu li l-Kummissjoni turi l-impatt tal-akkordji. Madankollu, huma ma jipprovdux li ADM għandha turi n-nuqqas ta’ tali impatt.

    137.

    Il-Kummissjoni ssostni li din l-allegazzjoni ta’ ADM mhijiex fondata u hija attribwibbli għal qari żbaljat tas-sentenza appellata. Kif iċċarat il-Qorti tal-Prim’Istanza fil-punt 229 tas-sentenza kkontesta, il-kwistjoni tad-definizzjoni tas-suq f’dan il-każ tirriżulta mhux b’konnessjoni mal-konklużjoni tal-eżistenza ta’ ksur, iżda b’konnessjoni mal-evalwazzjoni tal-gravità tal-ksur. Il-Qorti tal-Prim’Istanza kkonkludiet li ADM kienet naqset, fl-ewwel istanza, li turi li l-impatt reali fuq is-suq rilevanti kien jiġi evalwat b’mod differenti, kieku ntużat definizzjoni differenti tas-suq. ADM issa qed titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja biex tikkunsidra appell fuq punt ta’ fatt li hija stess kienet injorat fl-ewwel istanza.

    3. Is-sentenza appellata

    138.

    Fil-punti 228 sa 237 tas-sentenza appellata, il-Qorti tal-Prim’Istanza tikkunsidra s-sustanza tal-ilment ta’ ADM li, bl-esklużjoni tas-sostituti għall-glukonat tas-sodju, il-Kummissjoni ddefiniet is-suq rilevanti tal-prodott b’mod wisq restrittiv u għalhekk b’mod mhux korrett.

    139.

    L-ewwel nett il-Qorti tal-Prim’Istanza tosserva li ADM ma tibbażax dan l-ilment fuq id-definizzjoni żbaljata tas-suq tal-prodotti kkonċernati sabiex turi li l-Kummissjoni kisret l-Artikolu 81(1) KE. Hija ma tikkontestax li kienet wettqet ksur ta’ din id-dispożizzjoni bil-parteċipazzjoni tagħha fl-akkordju fuq is-suq tal-glukonat tas-sodju ( 91 ).

    140.

    Il-Qorti tal-Prim’Istanza tiddikjara wkoll li dan il-każ, bil-kontra, jikkonċerna l-ilment li l-Kummissjoni imponiet fuq ADM multa għolja wisq, b’mod partikolari, minħabba li hija, skont ADM, waslet għall-konklużjoni tal-eżistenza ta’ impatt konkret ta’ dan l-akkordju fuq is-suq tal-prodott rilevanti u ħadet inkunsiderazzjoni dan l-element fl-iffissar tal-ammont tal-multa. Issa, dan l-argument jista’ jiġi aċċettat biss jekk ADM turi li, kieku l-Kummissjoni kienet iddefiniet b’mod differenti s-suq tal-prodotti kkonċernati, hija kien ikollha tikkonstata li l-ksur ma kellux impatt konkret fuq is-suq iddefinit bħala dak tal-glukonat tas-sodju u tas-sostituti tiegħu ( 92 ).

    141.

    F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Prim’Istanza tispjega li l-kunsiderazzjoni tal-impatt ta’ akkordju fuq is-suq rilevanti skont l-ewwel paragrafu tal-punt 1(A) tal-Linji Gwida tal-1998 neċessarjament jinvolvi l-użu ta’ ipoteżijiet, b’mod partikolari sabiex jiġi kkunsidrat x’kien ikun il-prezz tal-prodott inkwistjoni fin-nuqqas ta’ akkordju ( 93 ). F’dan il-kuntest, il-Kummissjoni — u bl-istess mod, il-parti l-oħra fil-każ ta’ kontestazzjoni ( 94 ) - għandha b’mod partikolari teżamina x’kien ikun il-prezz tal-prodott inkwistjoni fin-nuqqas tal-akkordju. Dan l-eżami jinvolvi diversi elementi imponderabbli li għandhom jiġu kkumpensati bi provi bbażati fuq probabbiltà raġonevoli u li ma jistgħux jiġu kkwantifikati bi preċiżjoni ( 95 ).

    142.

    Madankollu, ADM naqset milli ġġib prova kontra l-analiżi li l-Kummissjoni għamlet fid-Deċiżjoni fir-rigward tas-suq tal-glukonat tas-sodju, billi tipprovdi mill-inqas paragun bażiku bejn il-livell tal-prezzijiet li kienu ġew effettivament ipprattikati, waqt il-perijodu tal-akkordju, fuq is-suq iktar wiesa’ tal-aġenti ta’ kelatina ma’ dak li, wisq probabbli, kien jipprevali fuq dan l-istess suq iktar wiesa’ fin-nuqqas ta’ akkordju limitat fuq il-glukonat tas-sodju ( 96 ).

    4. L-evalwazzjoni ġuridika

    143.

    Mit-tliet aggravji mressqa hawnhekk, fl-ewwel lok se neżamina l-aħħar wieħed, peress li jiena tal-fehma li jekk niċċara l-kwistjoni li semmejt iktar ‘il fuq tal-“oneru tal-prova” se nkun qed nipprovdi parzjalment risposta għaż-żewġ aggravji l-oħra — il-ksur tal-prinċipju li r-regoli li istituzzjoni timponi fuqha nfisha għandhom jiġu segwiti u n-nuqqas ta’ risposta għall-kwistjoni tal-impatt tal-akkordju li kieku tinbidel id-definizzjoni tas-suq.

    144.

    Fil-fehma tiegħi, l-użu tat-terminu “oneru tal-prova” hawnhekk huwa insuffiċjenti u jqarraq, għaliex, qabel kollox, dawn huma rekwiżiti proċedurali li jitressqu motivi u li tinġieb prova għalihom, jiġifieri l-obbligu impost fuq il-partijiet rispettivi li jesponu, bil-provi li dan jeżiġi, il-fatti li jistgħu jsostnu l-fehma partikolari tagħhom tas-sitwazzjoni. Kull parti għandha qabel kollox issostni l-fatti favur tagħha u tagħti rendikont konvinċenti tagħhom, b’tali mod li r-rendikont tal-fatti ta’ parti jistabbilixxi l-istandard għar-replika tal-parti l-oħra.

    145.

    B’mod iktar preċiż, dan ifisser li sottomissjoni sostanzjata mill-Kummissjoni tista’ tiġi mdgħajfa biss b’sottomissjoni mill-inqas ugwalment sostanzjata mill-parti jew mill-partijiet l-oħra. Ir-regoli tal-oneru tal-prova huma applikabbli biss fejn iż-żewġ partijiet jipprovdu argumenti sodi u konklużivi u jaslu għal konklużjonijiet differenti ( 97 ).

    146.

    F’dan il-każ, il-Kummissjoni bbażat l-evalwazzjoni tagħha tal-gravità tal-ksur sabiex tikkalkula l-multa fuq definizzjoni tas-suq rilevanti tal-prodott.

    147.

    Skont il-prinċipji li semmejt iktar ‘il fuq li jirregolaw l-oneru li jiġu invokati l-fatti rilevanti, il-Qorti tal-Prim’Istanza qieset manifestament li din id-definizzjoni kienet konvinċenti, peress li hija adottat dan il-metodu bħala l-bażi għall-evalwazzjoni sussegwenti tagħha. Minn dan ma jirriżulta l-ebda żball ta’ liġi.

    148.

    Fl-ispjegazzjonijiet tagħha, il-Qorti tal-Prim’Istanza għamlitha ċara li mhux suffiċjenti li ADM sempliċement tafferma u, fejn ikun xieraq, turi li d-definizzjoni tas-suq oriġinali hija żbaljata; għandu jintwera wkoll safejn dan jirriżulta f’evalwazzjoni tal-gravità tal-ksur kunsiderevolment mibdula. Għaldaqstant, il-Qorti tal-Prim’Istanza impliċitament tassumi li — bil-kontra ta’ kif qed issostni ADM — definizzjoni mhux korretta tas-suq rilevanti f’każ bħal dan ma tirriżultax awtomatikament f’evalwazzjoni inkorretta tal-impatt tal-akkordju. Minn aspett metodoloġiku, il-Qorti tal-Prim’Istanza teżiġi li l-parti li tixtieq tikkontesta l-evalwazzjoni tal-Kummissjoni, f’dan il-każ ADM, twettaq u tippreżenta l-istess miżuri analitiċi bħalma l-Kummissjoni hija meħtieġa li tosserva fl-evalwazzjoni tagħha.

    149.

    B’hekk, il-Qorti tal-Prim’Istanza effettivament eżiġiet li l-appellanti tippreżenta l-fehma tagħha tas-sitwazzjoni permezz ta’ sottomissjonijiet li kienu mill-inqas ugwalment sostanzjati. Jekk ADM xtaqet tikkontesta b’suċċess is-sottomissjonijiet tal-Kummissjoni, li l-Qorti tal-Prim’Istanza kkonkludiet li kienu konvinċenti, inklużi l-konklużjonijiet fid-deċiżjoni inkwistjoni — li kienu manifestament ugwalment konvinċenti — dan kien ġustament possibbli biss fuq il-bażi ta’ sottomissjonijiet li kienu kemm konvinċenti kif ukoll ugwalment sostanzjati. Fiċ-ċirkustanzi partikolari ta’ dan il-każ, dan neċessarjament jinkludi mhux biss is-sottomissjonijiet rigward id-definizzjoni oriġinali tas-suq, iżda wkoll dawk rigward l-evalwazzjonijiet kollha l-oħra li wettqet il-Kummissjoni.

    150.

    Fil-punti 230 u 237 tas-sentenza appellata, il-Qorti tal-Prim’Istanza tiċċara l-punt, permezz tal-kliem “ma kellux impatt konkret fuq is-suq”, “ineżistenti” u “jew, almenu, żgħir”, li ADM ma wrietx suffiċjentement l-iżball tal-konklużjonijiet tal-Kummissjoni rigward l-impatt tal-akkordju fuq is-suq rilevanti biss jekk l-akkordju inkwistjoni ma kellux impatt fuq is-suq usa’ tal-aġenti kelanti li ADM allegat li jeżisti. Is-sottomissjoni li d-definizzjoni tas-suq inbidlet għalhekk għandha tkun akkumpanjata mis-sottomissjoni sostanzjata li l-akkordju ma kellu l-ebda impatt fuq is-suq rilevanti, jiġifieri, li fil-prattika ma rnexxiex, għaliex ma ħoloqx effetti.

    151.

    Il-Qorti tal-Prim’Istanza hija tal-fehma li kellha tkun ADM li “turi” dan jew tikkorrobora din il-fehma permezz ta’ “numru ta’ indizji koerenti li juru bi probabbiltà raġonevoli” ( 98 ) billi jitqabblu l-prezzijiet taħt l-akkordju mal-prezzijiet fin-nuqqas ta’ akkordju ( 99 ), għalkemm tal-aħħar, kif sostniet il-Qorti tal-Prim’Istanza fil-punti 175 sa 178 tas-sentenza appellata, jista’ jiġi pprovat biss permezz ta’ ipoteżi.

    152.

    B’din l-analiżi, il-Qorti tal-Prim’Istanza għalhekk ipprovat b’mod validu u mingħajr żball ta’ liġi, skont il-prinċipji ġenerali li jirregolaw l-oneru tal-prova, ir-raġunijiet li għalihom ADM ma rnexxielhiex tirribatti l-konklużjonijiet tal-Kummissjoni inkwistjoni.

    153.

    Madankollu, anki jekk il-Qorti tal-Ġustizzja, fis-sentenza tagħha, ma setgħetx taċċetta dawn l-argumenti tal-Qorti tal-Prim’Istanza, is-sentenza ta’ din tal-aħħar xorta ma għandhiex tiġi annullata, għaliex id-dispożittiv jidher fondat fuq bażijiet legali oħrajn, b’tali mod li l-appell għandu jiġi miċħud ( 100 ). Sussidjarjament, nixtieq niddeskrivi fil-qosor il-kunsiderazzjonijiet li fuqhom hija bbażata din il-konklużjoni:

    154.

    It-tliet aggravji li se neżamina hawnhekk jinkludu argument minnu nnifsu manifestament kontradittorju li ma jreġix meta eżaminat skont ir-regoli tal-loġika u tal-esperjenza u għalhekk mhuwiex tali li jirribatti l-konklużjonijiet tal-Kummissjoni inkwistjoni. B’mod aktar speċifiku: ADM tammetti li tul numru ta’ snin ntlaħqu ftehim ta’ akkordju, iżda ssostni li ma kinux effettivi peress li akkordju bħal dan ma setax ikollu impatt fuq is-“suq aktar wiesa’”. Ma teżisti lanqas l-iċken indikazzjoni li l-argument huwa korrett għaliex il-parteċipazzjoni fi prattiki u fi ftehim anti-kompetittivi ġeneralment għandha l-għan li tkabbar kemm jista’ jkun il-profitti ta’ impriża ( 101 ). Minkejja dan, f’dan il-każ ADM issostni li tul perijodu ta’ snin hija investiet żmien, enerġija u flus f’akkordju li ma kellu l-ebda impatt profittabbli. Dik l-affermazzjoni diġà mhijiex kredibbli fiha nfisha. Minħabba l-illegalità magħrufa tal-akkordji u r-riskju ta’ multi, jidher pjuttost paradossali li tali akkordju mhux profittabbli nżamm għal daqstant snin ( 102 ). Jekk, għalhekk, dan l-argument, inkluża d-definizzjoni tas-suq mressqa miegħu, huwa nieqes minn kwalunkwe loġika, huwa ma jistax jirribatti l-konklużjonijiet tal-Kummissjoni rigward l-impatt tal-akkordju fuq is-suq rilevanti, inkluża d-definizzjoni ta’ dak is-suq.

    155.

    Konsegwentement, l-aggravju bbażat fuq il-ksur tar-regoli dwar l-oneru tal-prova għandu, f’kull każ, jiġi miċħud.

    156.

    Minn dan irriżulta, fir-rigward tal-prinċipju li r-regoli li istituzzjoni timponi fuqha nfisha għandhom jiġu segwiti, li ADM qed tallega li ma ġiex osservat, li l-Qorti tal-Prim’Istanza ma wettqet l-ebda żball ta’ liġi. Fil-fatt, ma kellhiex tkun il-Kummissjoni li ġġib prova tal-impatt tal-akkordju fuq is-suq “iktar wiesa’” iddefinit minn ADM. Ma kien hemm l-ebda raġuni għal dan, peress li ADM diġà ma kienx irnexxielha tqajjem dubji dwar il-korrettezza tad-definizzjoni u tal-analiżi mressqin mill-Kummissjoni.

    157.

    L-aħħar aggravju mit-tlieta li huma eżaminati flimkien hawnhekk, jiġifieri li l-Qorti tal-Prim’Istanza naqset milli tirrispondi għall-argument ta’ ADM li l-provi miġbura juru li, jekk tiġi applikata d-definizzjoni l-iktar wiesgħa tas-suq li hija tissuġġerixxi, il-kartell ma jkollu l-ebda impatt fuq is-suq, lanqas ma huwa validu.

    158.

    Kif diġà spjegajt iktar ‘il fuq ( 103 ), skont ir-regoli ġenerali relatati mal-oneru tal-prova, huwa ovvju u għalhekk mhux legalment oġġezzjonabbli li l-Qorti tal-Prim’Istanza teżiġi li ADM, permezz ta’ sottomissjonijiet sostanzjati, titfa’ dubju fuq il-konklużjonijiet tal-Kummissjoni inkwistjoni, inkluża d-definizzjoni tas-suq tagħha, b’tali mod li tirribatti l-konklużjonijiet tal-Kummissjoni. F’dan ir-rigward, hija mbagħad il-Qorti tal-Prim’Istanza li għandha tevalwa l-valur li għandu jiġi attribwit lill-elementi ta’ prova ppreżentati quddiemha ( 104 ), li jfisser li, ħlief fil-każ ta’ żnaturament tal-provi ( 105 ), aggravju li ma ġiex invokat hawnhekk, dak li huwa importanti huwa li l-Qorti tal-Prim’Istanza tkun konvinta. Għalhekk ma tistax issir oġġezzjoni kontra l-fatt li l-Qorti tal-Prim’Istanza teżiġi li ADM tagħmel paragun tal-livelli tal-prezzijiet: paragun tal-iżvilupp tal-prezzijiet bl-akkordju u fin-nuqqas tiegħu ( 106 ), li huwa parti integrali mill-evalwazzjoni tal-impatt ta’ akkordju fuq is-suq rilevanti. Għal dan il-għan, jeħtieġ li jitwettqu u jiġu ppreżentati l-istess miżuri analitiċi li l-Kummissjoni hija meħtieġa li tosserva fl-evalwazzjoni tagħha.

    159.

    Eventwalment, l-appellanti ( 107 ) invokat wieħed minn dawk il-livelli tal-prezzijiet ( 108 ), iżda manifestament mhux it-tnejn. Xejn fl-argumenti tagħha ma jindika li hija ssostni li hija stabbiliet u invokat l-ipoteżijiet meħtieġa ( 109 ) li jistgħu juru l-livell tal-prezzijiet “li, wisq probabbli, kien jipprevali fuq dan l-istess suq iktar wiesa’ fin-nuqqas ta’ akkordju limitat fuq il-glukonat tas-sodju”.

    160.

    Fil-punti 234 u 236 tas-sentenza appellata, il-Qorti tal-Prim’Istanza mmotivat suffiċjentement din il-konklużjoni, u ma jidher l-ebda difett.

    161.

    Fid-dawl ta’ dak kollu li ntqal, l-aggravju eżaminat hawnhekk għandu jiġi miċħud fl-intier tiegħu.

    E — Żbalji ta’ liġi rigward id-data ta’ tmiem l-akkordju (it-tmien, id-disa’, l-għaxar u l-ħdax-il aggravju)

    1. Osservazzjonijiet preliminari

    162.

    Skont l-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17, it-tul ta’ żmien tal-ksur jaffettwa l-kalkolu tal-multa, fil-forma ta’ żieda skont il-punt 1(B) tal-Linji Gwida tal-1998 ( 110 ).

    163.

    Rigward l-erba’ aggravji li hija speċifikat rigward il-kwistjoni tad-data ta’ tmiem l-akkordju, l-appellanti tallega li l-Qorti tal-Prim’Istanza wettqet żball ta’ liġi meta kkonfermat il-konstatazzjoni tal-Kummissjoni li ADM ipparteċipat fl-akkordju għal tliet snin u 11-il xahar, jiġifieri minn Ġunju 1991 sa Ġunju 1995, li żied il-multa b’35% minħabba t-tul ta’ żmien tal-ksur. Fil-fatt, it-tul ta’ żmien korrett tal-involviment ta’ ADM huwa ta’ tliet snin u erba’ xhur, jiġifieri minn Ottubru/Novembru 1991 sal-4 ta’ Ottubru 1994 ( 111 ). Hija tqis li l-multa għandha titnaqqas konsegwentement.

    164.

    B’mod speċifiku, l-appellanti sostniet quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza li l-Kummissjoni wettqet żbalji ta’ evalwazzjoni billi kkunsidrat li l-ksur baqa’ sejjer sax-xahar ta’ Ġunju 1995. Hija ssostni, minn naħa, li hija temmet il-parteċipazzjoni tagħha fl-akkordju matul il-laqgħa tal-4 ta’ Ottubru 1994 f’Londra u, min-naħa l-oħra, li l-laqgħa li saret bejn it- u l- f’Anaheim (Kalifornja) ma għandhiex tiġi kkunsidrata bħala segwitu tal-ksur ( 112 ).

    165.

    L-appellanti ppreżentat erba’ aggravji kontra l-evalwazzjonijiet li saru f’dan ir-rigward mill-Qorti tal-Prim’Istanza: il-ksur tal-Artikolu 81 KE billi r-regoli dwar it-tmiem tal-involviment fl-akkordji ġew applikati b’mod żbaljat, żnaturament tal-provi fir-rigward tad-data tal-irtirar ta’ ADM, il-ksur tal-Artikolu 81 KE rigward il-laqgħa f’Anaheim u żnaturament tal-provi fir-rigward tan-nota attribwita lil Roquette.

    166.

    Qabel ma neżamina fid-dettall dawn l-aggravji, nixtieq, għal darb’oħra, nagħmel xi osservazzjonijiet dwar l-allokazzjoni proċedurali tal-oneru tal-prova, peress li l-kwistjoni li għandna quddiemna hawnhekk hija pjuttost differenti, parzjalment, minn dik ikkunsidrata iktar ‘il fuq ( 113 ).

    167.

    Huwa minnu li l-aggravji li għandhom jiġu eżaminati hawnhekk huma relatati wkoll, fl-aħħar mill-aħħar, mal-kalkolu tal-multa. Madankollu, din il-parti tal-kalkolu tal-multa ssir b’referenza għall-kriterju tad-dewmien tal-akkordju. Dak il-kriterju għall-kalkolu tal-multa huwa kkompletat permezz tal-konstatazzjonijiet tal-Kummissjoni rigward l-eżistenza ta’ ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni u l-konklużjonijiet tagħha f’dan ir-rigward.

    168.

    Safejn it-tul ta’ żmien tal-akkordju jew tal-involviment tal-parteċipanti individwali fl-akkordju huwa kkontestat, bħal f’dan il-każ, hija l-Kummissjoni li għandha ġġib prova tat-tul ta’ żmien li hija sostniet fid-deċiżjoni kkontestata ( 114 ). Dan għaliex, fil-każ ta’ kontestazzjoni tal-eżistenza ta’ ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni, hija l-Kummissjoni li għandha tipprova l-ksur li hija tikkonstata u li tressaq provi li jistgħu jistabbilixxu, suffiċjentement skont il-liġi, l-eżistenza tal-fatti li jikkostitwixxu ksur ( 115 ).

    169.

    F’dan il-kuntest, mhuwiex rari li l-eżistenza ta’ prattika anti-kompetittiva jew ta’ ftehim anti-kompetittiv tkun tista’ tiġi dedotta biss minn numru ta’ kumbinazzjonijiet u ta’ indizji li, meħuda flimkien, fin-nuqqas ta’ spjegazzjoni koerenti oħra, jistgħu jikkostitwixxu evidenza ta’ ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni ( 116 ).

    170.

    Ir-regola applikabbli fuq l-oneru tal-prova meta tiġi stabbilita l-parteċipazzjoni ta’ impriżi f’laqgħat li għandhom karattru manifestament anti-kompetittiv, li hija l-impriża kkonċernata li għandha tressaq provi ta’ natura li jistgħu jistabbilixxu li l-parteċipazzjoni tagħha fl-imsemmija laqgħat kienet nieqsa minn kull għan anti-kompetittiv, billi turi li hija kienet indikat lill-kompetituri tagħha li hija kienet qed tipparteċipa f’dawk il-laqgħat b’intenzjoni differenti minn tagħhom ( 117 ). Mhijiex difiża valida meta impriża tallega li hija rtirat minn akkordju, jiġifieri mingħajr ma tħabbar dan b’mod pubbliku ( 118 ).

    171.

    Madankollu, din il-kjarifika tal-oneru tal-prova għandha tkun konformi mal-aspett tal-oneru tal-prova li diġà ġie diskuss iktar ‘il fuq ( 119 ), għaliex, anki jekk l-oneru tal-prova tagħha rigward il-konklużjonijiet li għamlet fid-deċiżjoni inkwistjoni huwa impost fuq il-Kummissjoni, hija primarjament il-parti li tiftaħ il-kawża — f’dan il-każ, ADM — li għandha tinvoka ċirkustanzi u indizji li jistgħu joħolqu dubju dwar il-korrettezza tal-konklużjonijiet li fuqhom hija bbażata l-miżura appellata ( 120 ), li fir-rigward tagħhom il-koerenza tal-konklużjonijiet tal-Kummissjoni tistabbilixxi l-istandard għas-saħħa probatorja tas-sottomissjonijiet mressqa kontra tagħhom.

    172.

    L-evalwazzjoni tal-fatti u tal-provi, fil-prinċipju, għandha ssir mill-Qorti tal-Prim’Istanza ( 121 ), u din loġikament tinkludi l-evalwazzjoni tas-saħħa probatorja tas-sottomissjonijiet li saru. Fis-sede ta’ appell, min-naħa l-oħra, din l-evalwazzjoni tista’ tiġi kkontestata biss sa livell limitat ħafna, b’mod partikolari rigward l-iżnaturament tal-provi ( 122 ).

    2. Il-ksur tal-Artikolu 81 KE permezz ta’ applikazzjoni żbaljata tar-regoli dwar tmiem il-parteċipazzjoni f’akkordju

    a) L-argumenti tal-partijiet

    173.

    B’referenza għall-punti 247 sa 253 tas-sentenza appellata, l-appellanti tilmenta li l-Qorti tal-Prim’Istanza kisret l-Artikolu 81 KE billi applikat b’mod żbaljat ir-regoli dwar tmiem il-parteċipazzjoni f’akkordju. Minkejja li l-Qorti tal-Prim’Istanza ġustament applikat il-kriterju tad-“distakk pubbliku” li huwa rilevanti rigward tmiem il-parteċipazzjoni f’akkordju, hija kellha tikkonkludi mill-fatt li ADM telqet mil-laqgħa tal-akkordju, li seħħet f’Londra fl-4 ta’ Ottubru 1994, li ADM b’hekk kienet qed ittemm il-parteċipazzjoni tagħha fl-akkordju.

    174.

    Minflok, il-Qorti tal-Prim’Istanza ma ġibditx din il-konklużjoni mill-fatti — jiġifieri, li, waqt il-laqgħa, ADM fl-ewwel lok heddet li tirtira mill-akkordju jekk it-talbiet tagħha ma jiġux sodisfatti, li mbagħad hija ddikjarat ultimatum u li fl-aħħar nett telqet mil-laqgħa meta l-ultimatum tagħha ma ntlaqax. Il-Qorti tal-Prim’Istanza, b’mod żbaljat, inkludiet komponent suġġettiv fil-kriterju tad-distakk pubbliku billi evalwat il-motivi ta’ ADM. Hija kkunsidrat li t-tluq mil-laqgħa kienet strateġija ta’ negozjar u għaldaqstant ma kkunsidratx li l-4 ta’ Ottubru 1994 kienet id-data tat-tmiem tal-parteċipazzjoni ta’ ADM.

    175.

    Madankollu, il-kriterju tad-distakk pubbliku għandu jinftiehem biss bħala kriterju oġġettiv. Jidher biċ-ċar mill-ġurisprudenza li l-kunċett ta’ ftehim jew ta’ prattika miftiehma illegali huwa wieħed oġġettiv inkwantu huwa jinvolvi “kunsens ibbażat fuq għarfien” ( 123 ) u “manifestazzjoni ta’ volontà” ( 124 ) ( 125 ). Skont il-ġurisprudenza, irtirar sigriet minn akkordju lanqas ma hija difiża ( 126 ). L-appellanti tqis li anki intenzjoni moħbija li titkompla l-parteċipazzjoni f’akkordju, wara distakk pubbliku, ma tistax titqies bħala ċirkustanza aggravanti. Jekk kienet strateġija ta’ negozjar, kienet waħda li falliet. F’kull każ, l-Artikolu 81 KE jirreferi għall-atti espliċiti, u mhux għall-ħsibijiet li mhumiex xierqa.

    176.

    Barra minn hekk, wara li l-appellanti telqet mil-laqgħa u b’hekk rrinunzjat għall-ftehim, dan tal-aħħar effettivament intemm bħala konsegwenza ta’ kunflitti mhux solvuti. Wara ma kien hemm l-ebda azzjoni ulterjuri marbuta mal-ftehim, kif jindika l-fatt li ADM ma baqgħetx tikkomunika ċ-ċifri tal-bejgħ, li l-Qorti tal-Prim’Istanza nfisha rrikonoxxiet fil-punt 252 tas-sentenza appellata.

    177.

    Fl-aħħar nett, l-aggravji msemmija fil-punti 248 u 249 tas-sentenza appellata, l-ewwel nett, mhumiex korretti u, it-tieni nett, huma irrilevanti, peress li l-Kummissjoni la semmiet dawn il-punti fid-deċiżjoni tagħha u lanqas fir-risposta tagħha.

    178.

    Il-Kummissjoni titlob il-konferma tas-sentenza appellata.

    b) Is-sentenza appellata u l-evalwazzjoni legali

    179.

    Fil-punt 246 tas-sentenza appellata, il-Qorti tal-Prim’Istanza tirreferi għall-kriterju “tad-distakk pubbliku”. Nistgħu nikkonkludu li ADM temmet definittivament il-parteċipazzjoni tagħha fl-akkordju biss jekk “kienet iddistakkat ruħha pubblikament mill-kontenut tal-laqgħat”. Imbagħad, fil-punt 247 tas-sentenza appellata, il-Qorti tal-Prim’Istanza tikkunsidra l-fatt li ADM telqet mill-laqgħa li seħħet f’Londra fl-4 ta’ Ottubru 1994 mhux bħala tmiem definittiv tal-parteċipazzjoni tagħha fl-akkordju, għaliex ADM ma tbiegħditx bil-miftuħ mill-għanijiet tal-akkordju iżda, bil-kontra, ipprovat issolvi n-nuqqas ta’ qbil bejn il-membri tal-akkordju u ħadmet biex jintlaħaq kompromess, bħala xhieda tal-aċċettazzjoni tagħha tal-prinċipju li l-akkordju jkompli jiġi implementat. Konsegwentement, il-Qorti tal-Prim’Istanza taqbel mal-Kummissjoni li l-imġiba inkwistjoni setgħet tiġi kkunsidrata bħala strateġija ta’ negozjar iktar milli t-tmiem ta’ akkordju.

    180.

    Peress li l-Qorti tal-Ġustizzja, inkwantu qorti ta’ appell, ma tistax tagħmel evalwazzjoni ġdida tal-fatti ( 127 ), eżami ta’ dan l-aggravju għandu jkun limitat għall-kwistjoni dwar jekk, fl-evalwazzjoni tagħha tal-fatti, il-Qorti tal-Prim’Istanza setgħetx tieħu inkunsiderazzjoni l-motivi li ġiegħlu lil ADM titlaq mil-laqgħa li seħħet f’Londra fl-4 ta’ Ottubru 1994.

    181.

    L-appellanti ma tiċħadx li l-laqgħa li nżammet f’Londra fl-4 ta’ Ottubru 1994 kienet waħda mil-“laqgħat li għandhom karattru manifestament anti-kompetittiv” ( 128 ). F’dan il-każ, hija l-appellanti, kif diġà ntwera iktar ‘il fuq, li għandha tressaq indizji — u fejn ikun xieraq, tipprova — li l-parteċipazzjoni tagħha f’dawn il-laqgħat kienet mingħajr għan anti-kompetittiv billi turi li kienet indikat lill-kompetituri tagħha li kienet qed tipparteċipa fi spirtu li kien differenti minn tagħhom ( 129 ).

    182.

    Bil-kontra ta’ dak li hija tallega, l-“intenzjonijiet” jew il-“motivi” huma parti minn dawn l-indizji u għaldaqstant huma rilevanti. Il-perspettiva tad-destinatarju wkoll hija inkluża, peress li hija mezz ta’ indikazzjoni lill-kompetituri li l-parteċipazzjoni qed issir fi spirtu li huwa differenti minn tagħhom, jiġifieri spirtu li speċifikatament mhuwiex (jew m’għadux) anti-kompetittiv.

    183.

    Din il-fehma hija enfasizzata b’mod partikolarment qawwi fis-sentenza Aalborg Portland et vs Il-Kummissjoni:

    “84

    F’dan ir-rigward, l-approvazzjoni b’mod taċitu ta’ inizjattiva illeċita minn impriża, mingħajr ma titbiegħed pubblikament mill-kontenut tagħha jew mingħajr ma tiddenunzjaha lill-entitajiet amministrattivi, għandha l-effett li tinkoraġġixxi l-kontinwazzjoni tal-ksur u tikkomprometti l-iskoperta tagħha. Din il-kompliċità tikkostitwixxi mod passiv ta’ parteċipazzjoni għall-ksur li b’hekk huwa ta’ natura li tinvolvi responsabbiltà tal-impriża fil-kuntest ta’ ftehim wieħed.

    85

    Lanqas ma huwa l-fatt li impriża ma taġixxix fuq l-eżitu ta’ laqgħa li jkollha skop anti-kompetittiv tali li jeħlisha mir-responsabbiltà għall-fatt li pparteċipat f’akkordju, sakemm ma tkunx iddistakkat ruħha pubblikament minn dak li ġie miftiehem waqt il-laqgħa […]”.

    184.

    F’punt ieħor tal-istess sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja tipprovdi wkoll li hija kwistjoni li tintwera bil-miftuħ d-diżapprovazzjoni ta’ dawn il-prattiki illegali jew li l-parteċipanti l-oħra jiġu informati li l-impriża kien biħsiebha tieħu sehem fil-laqgħa b’għanijiet “differenti” — jiġifieri, li l-għan tagħha mhuwiex anti-kompetittiv ( 130 ).

    185.

    Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet, il-Qorti tal-Prim’Istanza ma wettqitx żball ta’ liġi rigward dan il-kriterju; hija għażlitu u applikatu b’mod korrett.

    186.

    Rigward il-punti tal-motivi msemmija fil-punti 248 u 249 tas-sentenza appellata, li l-appellanti tikkunsidra bħala mhux korretti u irrilevanti, għandu jiġi osservat li ma għadhomx importanti, peress li l-evalwazzjoni fil-punti 246 u 247 tas-sentenza kkontestata diġà tiġġustifika ċ-ċaħda tal-aggravju.

    187.

    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet li semmejt iktar ‘il fuq, nipproponi li dan l-aggravju ukoll għandu jiġi miċħud bħala infondat.

    3. Ksur tal-Artikolu 81 KE fir-rigward tal-laqgħa f’Anaheim

    188.

    F’ordni xi ftit mibdul, issa se ndur, fl-ewwel lok, għal-laqgħa ta’ Ġunju 1995 f’Anaheim, u mbagħad se nitratta ż-żewġ allegazzjonijiet ta’ żnaturament tal-provi flimkien.

    a) L-argumenti tal-partijiet

    189.

    L-appellanti tilmenta li l-Qorti tal-Prim’Istanza kisret l-Artikolu 81 KE billi kkonkludiet li l-imġiba fil-laqgħa ta’ Ġunju 1995 f’Anaheim kienet anti-kompetittiva. Hija tallega li l-laqgħa f’Anaheim ma kinitx anti-kompetittiva peress li kienet skambjata biss informazzjoni dwar is-swieq li ma kinitx speċifika għall-impriżi. Jekk nassumu li l-akkordju ntemm fil-laqgħa tal-4 ta’ Ottubru 1994, għandu jiġi pprovat li ngħata bidu għal akkordju ġdid f’Anaheim. It-tentattiv li jiġi stabbilit id-daqs totali tas-suq bi skambju ta’ informazzjoni anonima mhuwiex, minnu nnifsu, ipprojbit. Bil-kontra ta’ dik li ssostni l-Qorti tal-Prim’Istanza fil-punt 265 tas-sentenza appellata, il-Kummissjoni lanqas ma pprovat turi li tali skambju kellu l-effett li jillimita l-kompetizzjoni. B’hekk, il-Qorti tal-Prim’Istanza wettqet żball ta’ liġi meta kkonkludiet li l-laqgħa ta’ Ġunju 1995 kompliet l-akkordju.

    190.

    Il-Kummissjoni rrispondiet għal dan l-argument billi sostniet li parteċipazzjoni tal-appellanti fl-akkordju ma ntemmitx bil-laqgħa ta’ Ottubru 1994 u li l-laqgħa f’Anaheim kienet biss tkomplija tal-attivitajiet tal-akkordju. Hija tikkonkludi li l-Qorti tal-Prim’Istanza ma wettqet l-ebda żball ta’ liġi.

    b) Is-sentenza appellata u l-evalwazzjoni legali

    191.

    Fil-punti 258 sa 268 tas-sentenza kkontestata, il-Qorti tal-Prim’Istanza evalwat in-natura tal-laqgħa f’Anaheim li nżammet bejn it-3 u l-. Għal dan il-għan, hija evalwat il-fatti quddiemha f’ħames stadji. Fl-ewwel żewġ taqsimiet tal-evalwazzjoni, li huma s-suġġett ta’ dan l-aggravju, il-proċeduri tal-laqgħa ġew evalwati fil-punti 258 sa 262 tas-sentenza tagħha:

    “258.

    Fl-ewwel lok, hemm lok li jiġi osservat li ADM ma tikkontestax, hekk kif il-Kummissjoni rrimarkat fil-premessa 232 tad-Deċiżjoni, li, matul din il-laqgħa, li għaliha l-membri kollha tal-akkordju kienu preżenti, il-parteċipanti ddiskutew il-volumi ta’ bejgħ ta’ glukonat tas-sodju magħmula fl-1994. Il-Kummissjoni, b’mod partikolari, irrilevat, mingħajr ma ADM ikkuntestat dan l-element, li skont dak li qalet din tal-aħħar Jungbunzlauer kienet talbitha ‘li tikkomunika l-ammonti totali tal-bejgħ tal-glukonat tas-sodju magħmul minn ADM fl-1994’ […].

    259.

    Issa, għandu jiġi nnotat li dan il-mod kif wieħed jipproċedi kkoinċida, fil-parti l-kbira, mal-prattika kostanti fl-akkordju li mmirat sabiex tassigura r-rispett tal-kwoti ta’ bejgħ allokati u li, hekk kif joħroġ mill-premessi 92 u 93 tad-Deċiżjoni, ikkonsista filli, qabel kull laqgħa, il-membri tal-akkordju jikkomunikaw id-dħul mill-bejgħ tagħhom lil Jungbunzlauer, li ġabrithom u ddistribwiethom matul il-laqgħat.

    260.

    Fit-tieni lok, ADM tikkonferma d-deskrizzjoni tal-avvenimenti kkunsidrata mill-Kummissjoni fil-premessa 232 tad-Deċiżjoni li skontha, matul din il-laqgħa, ġiet proposta sistema ġdida ta’ skambju ta’ informazzjoni dwar il-volum ta’ bejgħ. Din is-sistema kellha tippermetti li jiġi ddeterminat, b’mod anonimu, jiġifieri b’mod li ebda wieħed mill-membri ma jkun jaf id-dħul mill-bejgħ tal-oħrajn, id-daqs totali tas-suq tal-glukonat tas-sodju bil-mod li ġej:

    ‘L-impriża A tikteb numru arbitrarju li jirrappreżenta parti mill-volum totali tagħha; l-impriża B turi sussegwentement lill-impriża Ċ is-somma tal-ammonti tal-impriża A u tal-impriża B; l-impriża C iżżid il-volum totali tagħha ma’ din is-somma; fl-aħħar l-impriża A żżid il-bqija tal-volum totali tagħha ma’ din is-somma u tikkomunika dan it-total lill-grupp.’ […].

    […]

    262.

    Fil-fatt, mingħajr ma huwa neċessarju li jiġi evalwat jekk, meħuda individwalment, din l-imġiba kinitx tikkostitwixxi ksur tar-regoli ta’ kompetizzjoni, għandu jiġi kkunsidrat li l-Kummissjoni setgħet ġustament tqis li hija kkostitwixxiet tentattiv ġdid tal-membri tal-akkordju li ‘jistabbilixxu mill-ġdid l-ordni fuq is-suq’ u li jkomplu bil-prattiki antikompetittivi tagħhom implementati matul is-snin preċedenti bil-għan li jassiguraw il-kontroll tas-suq permezz ta’ azzjoni konġunta, anki jekk, jekk ikun il-każ, taħt forom u metodi differenti. Iċ-ċirkustanza li l-membri tal-akkordju kienu pprovaw jimplementaw sistema ta’ skambju ‘anonimu’ ta’ informazzjoni, hekk kif deskritt fil-punt 260 iktar ‘il fuq, seta’ raġonevolment jiġi interpretat mill-Kummissjoni bħala konsegwenza naturali tal-imġiba tal-impriżi fl-akkordju li, hekk kif jirriżulta b’mod partikolari mill-premessa 93 tad-Deċiżjoni, kien ikkaratterizzat minn ‘klima ta’ suspett reċiproku li dejjem jikber’, iżda li madankollu kellu bħala objettiv li jaqsam is-suq. Minn din il-perspettiva, il-Kummissjoni setgħet validament tqis li, bl-implementazzjoni tas-sistema ġdida ta’ skambju ta’ informazzjoni, il-membri tal-akkordju jipprovaw li huma ‘kienu għadhom [bl-intenzjoni] li jsibu soluzzjoni li tippermettilhom li jkomplu l-prattiki tagħhom antikompetittivi’ […] u li ‘jżommu l-kontroll tagħhom tas-suq b’azzjoni konġunta’ […].”

    192.

    Il-pass li jmiss fl-evalwazzjoni (“fit-tielet lok”) jikkonċerna n-nota attribwita lil Roquette, kwistjoni li jeħtieġ li tiġi eżaminata iktar ’il quddiem. Ir-raba’ pass jikkonċerna d-dikjarazzjonijiet li għamlu l-membri tal-akkordju, li wkoll ser jiġu eżaminati iktar tard. Fit-taqsima li tibda “fil-ħames lok”, il-fatt li l-laqgħa nżammet fil-kuntest ta’ laqgħa industrijali ġenerali ġie deskritt bħala irrilevanti, għaliex ma jeskludix il-possibbiltà li l-impriżi kkonċernati kienu approfittaw minn din il-laqgħa ġenerali sabiex jiddiskutu l-akkordju.

    193.

    L-osservazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza fil-punti 258 sa 262, li se neżaminahom hawnhekk, jirrigwardaw essenzjalment evalwazzjoni tal-fatti, li, fil-prinċipju, ma jistgħux jiġu eżaminati mill-ġdid fil-kuntest ta’ appell ( 131 ). Il-Qorti tal-Prim’Istanza bdiet mill-premessa li l-laqgħa f’Anaheim ma tikkostitwixxix il-bidu ta’ akkordju ġdid, iżda tkomplija tal-qadim. Skont il-konklużjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza, is-sottomissjoni tal-appellanti li l-akkordju diġà kien intemm f’Londra bil-laqgħa tal-4 ta’ Ottubru 1994 mhijiex korretta. Dawn iż-żewġ konklużjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza huma r-riżultat ta’ evalwazzjoni tal-fatti u għaldaqstant huwa eskluż li l-Qorti tal-Ġustizzja tissostitwixxi l-evalwazzjoni tagħha għal dik tal-Qorti tal-Prim’Istanza f’dan ir-rigward.

    194.

    L-affermazzjoni tal-appellanti li ma kien hemm l-ebda skambju illegali ta’ informazzjoni fil-laqgħa ta’ Ġunju 1995, peress li t-tentattiv li sar hemmhekk għal skambju ta’ informazzjoni anonima sabiex jiġi stabbilit id-daqs totali tas-suq ma kellux bħala għan r-restrizzjoni tal-kompetizzjoni, huwa każ li jinsab fil-limitu ta’ demarkazzjoni bejn evalwazzjoni tal-fatti u punt tal-liġi.

    195.

    Meta tiġi eżaminata b’mod iżolat, il-kwistjoni dwar jekk tali skambju ta’ informazzjoni jikkostitwix imġiba anti-kompetittiva fil-prinċipju tista’ tiġi kkunsidrata bħala punt tal-liġi. F’kull każ dan huwa dak li jidher li assumiet l-appellanti għaliex hija tinvoka diversi sorsi sabiex tikkorrobora din l-affermazzjoni ( 132 ).

    196.

    Madankollu, f’dan lil-kuntest, il-Qorti tal-Prim’Istanza ma kinitx ifaċċjata bil-kwistjoni b’mod iżolat, iżda b’rabta mal-klassifikazzjoni u mal-evalwazzjoni ta’ waħda minn numru ta’ laqgħat — l-aħħar waħda, safejn nafu f’dan il-każ — bejn il-parteċipanti f’akkordju. Peress li l-kuntest jindika b’mod mhux kontestabbli li l-akkordju eżista għal diversi snin, għandu jiġi stabbilit u evalwat l-aġir tal-parteċipanti f’din il-laqgħa, li milli jidher kienet l-aħħar waħda.

    197.

    F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Prim’Istanza evalwat il-fatti li tressqu quddiemha u kkonkludiet li l-membri kollha tal-akkordju kienu rrappreżentati f’din il-laqgħa u li, l-istess bħal f’laqgħat oħrajn fl-imgħoddi, huma ddiskutew il-volumi tal-bejgħ tas-sena preċedenti. Fl-eżami tagħha, il-Qorti tal-Prim’Istanza ħadet perfettament inkunsiderazzjoni l-fatt li kienet proposta u tqiegħdet fil-prattika sistema ġdida għall-iskambju ta’ informazzjoni dwar il-volumi tal-bejgħ. Kif diġà ngħad iktar ‘il fuq, il-Qorti tal-Prim’Istanza osservat li din s-sistema suppost kellha tippermetti li jiġi stabbilit, b’mod anonimu, jiġifieri b’tali mod li l-ebda membru tal-akkordju ma seta’ jkun jaf iċ-ċifri ta’ membru ieħor, id-daqs totali tas-suq tal-glukonat tas-sodju. Madankollu, il-Qorti tal-Prim’Istanza ma analizzatx din is-sistema l-ġdida bħala tali, biex tara jekk kinitx anti-kompetittiva jew le — li kien ikun punt tal-liġi — iżda evalwat jekk il-Kummissjoni kinitx raġonevolment intitolata li tikkunsidra l-imġiba tal-parteċipanti fl-akkordju f’din il-laqgħa bħala tkomplija tal-imġiba preċedenti tagħhom f’forom u b’metodi ġodda. B’hekk hija wettqet evalwazzjoni ta’ fatt. Għalhekk, lanqas hawnhekk ma jista’ jkun hemm eżami ġdid min-naħa tal-Qorti tal-Ġustizzja.

    198.

    Dan l-aggravju lanqas ma huwa korroborat mill-oġġezzjoni ulterjuri tal-appellanti li l-Kummissjoni ma wrietx li l-iskambju tal-informazzjoni anonima, sabiex ikun stabbilit id-daqs totali tas-suq, kellu l-effett li jillimita l-kompetizzjoni.

    199.

    F’dan ir-rigward, fil-punt 265 tas-sentenza appellata, il-Qorti tal-Prim’Istanza ġustament osservat li, skont ġurisprudenza stabbilita, għall-finijiet tal-eżami tal-applikazzjoni tal-Artikolu 81(1) KE, il-kunsiderazzjoni tal-effetti konkreti ta’ ftehim hija superfluwa, meta jidher li dan tal-aħħar kellu bħala skop il-prevenzjoni, ir-restrizzjoni jew id-distorsjoni tal-kompetizzjoni ( 133 ). Kif nistgħu naraw mill-punt 262 tas-sentenza kkontestata ċċitat iktar ‘il fuq, skont l-evalwazzjoni tal-Qorti tal-Prim’Istanza, il-Kummissjoni setgħet ġustament tikkonkludi li t-twaqqif min-naħa tal-parteċipanti fl-akkordju ta’ sistema ġdida ta’ skambju ta’ informazzjoni kellu bħala l-iskop tiegħu t-tkomplija tal-miżuri anti-kompetittivi tagħhom għall-kontroll tas-suq.

    200.

    Konsegwentement, dan l-aggravju għandu wkoll jiġi miċħud.

    4. Żnaturament ta’ provi fir-rigward tad-data ta’ tmiem l-akkordju jew id-data tal-irtirar ta’ ADM

    201.

    Għad iridu jiġu eżaminati żewġ ilmenti oħra tal-appellanti rigward l-iżnaturament ta’ provi.

    202.

    Jeżisti żnaturament tal-provi meta, mingħajr ma jiġu invokati provi ġodda, l-evalwazzjoni tal-provi eżistenti tkun manifestament żbaljata ( 134 ); dan jista’ jkun il-każ, per eżempju, fejn l-evalwazzjoni tmur kontra r-regoli tal-loġika jew fejn is-sinjifikat tal-elementi ta’ prova ġie totalment żnaturat ( 135 ), jiġifieri l-kontenut ta’ ċerti provi ġie interpretat b’tali mod li huwa oġġettivament ineżatt ( 136 ).

    a) Evalwazzjoni ta’ dokumenti ta’ parteċipanti oħrajn fl-akkordju

    i) L-argumenti tal-partijiet

    203.

    B’riferiment għall-punti 248 sa 250 tas-sentenza appellata, l-appellanti tilmenta li l-Qorti tal-Prim’Istanza żnaturat l-elementi ta’ prova billi qieset li d-dokumenti ta’ parteċipanti oħrajn, jiġifieri Roquette u Jungbunzlauer, li jissemmew f’dawn il-punti, ma jikkonfermawx is-sottomissjoni ta’ ADM li hija rtirat mill-ftehim sa mill-4 ta’ Ottubru 1994. Bil-kontra tal-interpretazzjoni tal-Qorti tal-Prim’Istanza, l-indikazzjonijiet ipprovduti minn Roquette u Jungbunzlauer isostnu l-argument ta’ ADM li l-ftehim u, għaldaqstant, l-akkordju ġew mitmuma fl-. B’hekk Jungbunzlauer iddikjarat: “Meta, f’Londra fl-, Roquette ddikjarat li ma kienet ser tkompli tosserva l-ebda wieħed minn dawn il-ftehim, l-arranġamenti kollha ġew fi tmiemhom”. U Roquette iddikjarat: Roquette esprimiet ir-rifjut tagħha li tkompli u “dan ġab il-ftehim fi tmiemu”. Roquette u Jungbunzlauer b’hekk indikaw, bi qbil ma’ ADM, id-data meta ntemm l-arranġament. L-interpretazzjoni tal-Qorti tal-Prim’Istanza, bil-kontra ta’ dan, la hija sostnuta mid-deċiżjoni inkwistjoni u lanqas mir-risposta tal-Kummissjoni.

    204.

    Il-Kummissjoni tikkontesta dawn l-allegazzjonijiet. Il-mezzi ta’ prova inkwistjoni ma jurux li l-akkordju kollu ntemm fl-4 ta’ Ottubru 1994. Huma sempliċement juru li Roquette telqet mill-akkordju f’dik id-data, iżda mhux l-appellanti. Il-Qorti tal-Prim’Istanza qieset ġustament li ma kien hemm l-ebda indikazzjoni li l-appellanti temmet il-parteċipazzjoni tagħha fl-akkordju fl-.

    ii) Is-sentenza appellata u l-evalwazzjoni ġuridika

    205.

    Il-punti 248 sa 250, li ġew iċċitati mill-appellanti, flimkien mal-punt 251, jifformaw ir-raba’ stadju ( 137 ), mill-ħamsa, li semmejt iktar ‘il fuq tal-motivazzjoni tal-Qorti tal-Prim’Istanza fis-sentenza appellata. It-test sħiħ ta din is-silta mis-sentenza huwa dan li ġej:

    “248.

    Barra minn hekk ma jirriżulta, minn ebda dokument invokat minn ADM li l-membri l-oħra kienu fehmu l-imġiba tagħha matul din il-laqgħa bħala distakkar pubbliku mill-kontenut stess tal-akkordju.

    249.

    Fil-fatt, l-ewwel nett, l-ittra tal-21 ta’ Mejju 1999, indirizzata minn Jungbunzlauer lill-Kummissjoni, ma tinkludi ebda deskrizzjoni tal-imġiba ta’ ADM matul il-laqgħa tal- f’Londra. Huwa biss indikat fiha li, ‘[m]eta, fl- f’Londra, Roquette ddikjarat li hija mhijiex ser tkompli tosserva l-ebda wieħed mill-ftehim [tal-akkordju], dawn tal-aħħar ġew fit-tmiem tagħhom’.

    250.

    It-tieni nett, fl-ittra tat-12 ta’ Mejju 1998, indirizzata minn Fujisawa lill-Kummissjoni, din il-parti ma tat l-ebda deskrizzjoni ta’ din il-laqgħa li, barra minn hekk, hekk kif jirriżulta mill-premessa 224 tad-Deċiżjoni, hija ma ħaditx sehem fiha. Bil-kontra, f’din l-ittra Fujisawa indikat li l-akkordju ġie fit-tmiem tiegħu biss fl-1995.

    251.

    It-tielet nett, id-deskrizzjoni ta’ din il-laqgħa minn Jungbunzlauer fl-ittra tagħha tat-30 ta’ April 1999 indirizzata lill-Kummissjoni lanqas ma tinkludi indikazzjonijiet li, matul din il-laqgħa, ADM kienet iddikjarat li riedet tirtira mill-akkordju. Bil-kontra, Jungbunzlauer indikat, f’din l-ittra, li ADM kienet talbet strutturar mill-ġdid tal-kwantitajiet ta’ bejgħ, iżda din it-talba kienet ġiet injorata.”

    206.

    F’din is-silta mis-sentenza appellata, il-Qorti tal-Prim’Istanza għaldaqstant ibbażat ruħha fuq tliet ittri ta’ parteċipanti oħrajn fl-akkordju sabiex tikkonkludi li dan l-akkordju kompla matul il-perijodu bejn l-4 ta’ Ottubru 1994 u Ġunju 1995. Bil-kontra tas-sottomissjonijiet tal-appellanti, ma jidhirx li l-evalwazzjoni ta’ dawn il-mezzi ta’ prova hija manifestament inkorretta. Il-Qorti tal-Prim’Istanza ma attribwietx lil dawn il-mezzi ta’ prova kontenut li huwa manifestament mhux korrett.

    207.

    Bil-kontra, id-dikjarazzjoni inkluża fil-punt 250 (“Bil-kontra, f’din l-ittra Fujisawa indikat li l-akkordju ġie fit-tmiem tiegħu biss fl-1995.”) flimkien ma’ dik li ma kien hemm l-ebda indikazzjoni li ADM irtirat qabel din id-data, jindikaw b’mod ċar li l-evalwazzjoni tal-Qorti tal-Prim’Istanza hija korretta.

    208.

    F’dan il-kuntest, il-kunsiderazzjoni tax-xhieda ċċitati mill-appellanti, “[m]eta, f’Londra fl-4 ta’ Ottubru 1994, Roquette ddikjarat li hija mhijiex ser tkompli tosserva l-ebda wieħed mill-ftehim [tal-akkordju], dawn tal-aħħar ġew fi tmiemhom”, “Roquette esprimiet ir-rifjut tagħha li tkompli” u “dan ġab il-ftehim fi tmiemu”, sempliċement bħala l-irtirar ta’ Roquette u mhux bħala prova tat-tmiem tal-akkordju hija possibbiltà ta’ interpretazzjoni perfettament leġittima.

    209.

    Minn dan jirriżulta li l-Qorti tal-Ġustizzja ma għandhiex kompetenza sabiex teżamina dan l-aggravju, għaliex hija ma tistax tissostitwixxi, minħabba raġunijiet ta’ ekwità, l-evalwazzjoni tagħha tal-fatti minflok dik dik tal-Qorti tal-Prim’Istanza.

    210.

    Peress li l-argumenti ta’ ADM ma jinkludu l-ebda punt serju li jista’ juri li l-Qorti tal-Prim’Istanza żnaturat l-provi inkwistjoni, dan l-aggravju għandu wkoll jiġi miċħud ukoll bħala infondat.

    b) In-nota attribwita lil Roquette

    i) L-argumenti tal-partijiet

    211.

    L-appellanti tilmenta, b’referiment għall-punt 263 tas-sentenza appellata, li l-Qorti tal-Prim’Istanza żnaturat il-provi billi attribwiet in-nota li tissemma hemmhekk lil Roquette u mbagħad ikkunsidrat din in-nota bħala prova tan-natura tal-laqgħa ta’ Ġunju 1995. Din l-indikazzjoni (waħdanija) li waqt din il-laqgħa kienu ġew diskussi suġġetti bħal “kumpens”, “produzzjoni” jew “prezzijiet” fil-fatt tħejjiet, mhux minn Roquette, iżda mill-awtoritajiet ta’ prosekuzzjoni Amerikani, bħala l-bażi għal diskussjoni max-xhieda ta’ Roquette, mhux bħala nota dwar il-laqgħa. Is-sors tal-informazzjoni li hija tinkludi mhijiex magħrufa.

    212.

    Il-Kummissjoni tosserva li għalkemm Roquette mhijiex l-awtur tan-nota inkwistjoni, hija għaddietha lill-Kummissjoni, kif ukoll ġie ddikjarat ġustament fil-premessa 233 tad-deċiżjoni kkontestata. Eventwali żball li setgħet wettqet il-Qorti tal-Prim’Istanza rigward l-awtur ta’ din in-nota mhuwiex importanti. In-nota turi li l-laqgħa ta’ Ġunju 1995 f’Anaheim kienet ta’ natura anti-kompetittiva. Barra minn hekk, l-osservazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza fil-punt 263 tas-sentenza appellata huma biss ħolqa waħda f’katina. Il-partijiet l-oħra ta’ din il-katina juru b’mod ċar in-natura anti-kompetittiva tal-laqgħa f’Anaheim.

    ii) L-evalwazzjoni ġuridika

    213.

    Tabilħaqq, jidher biċ-ċar li ma teżisti l-ebda prova li Roquette kitbet in-nota msemmija fil-punt 263 tas-sentenza appellata. Jidher li Roquette sempliċement għaddietha lill-Kummissjoni. Dan joħroġ biċ-ċar ukoll mill-espożizzjoni tal-argumenti tal-appellanti fil-punt 255 tas-sentenza appellata ( 138 ).

    214.

    Fl-aħħar mill-aħħar, din in-nota u l-oriġni tagħha mhumiex determinanti. Ir-raba’ stadju ta’ din il-parti tal-espożizzjoni tal-motivi huwa biss wieħed minn sensiela. L-eżitu ma jiddependix fuq dan l-element.

    215.

    Kif joħroġ biċ-ċar mill-osservazzjonijiet li għamilt qabel, l-evalwazzjonijiet l-oħrajn tal-Qorti tal-Prim’Istanza rigward in-natura tal-laqgħa f’Anaheim huma suffiċjenti sabiex fis-sentenza appellata ġie sostnut li din kienet laqgħa “anti-kompetittiva”. B’dan il-mod, diġà hemm diversi indikazzjonijiet suffiċjenti għat-tul ta’ żmien tal-involviment ta’ ADM fl-akkordju kif allegat mill-Kummissjoni, li l-appellanti ma rnexxielhiex tqiegħed f’dubju, prinċipalment (i) l-evalwazzjoni tal-laqgħa f’Anaheim bħala tkomplija tal-imġiba preċedenti b’metodi differenti, u (ii) l-evalwazzjoni tad-dokumenti tal-parteċipanti l-oħrajn fl-akkordju. Fil-punt 263 tas-sentenza appellata, il-Qorti tal-Prim’Istanza nfisha ddeskriviet in-nota inkwistjoni sempliċement bħala waħda “li tikkonferma” l-argument tal-Kummissjoni u l-evalwazzjoni preċedenti tagħha tal-laqgħa ta’ Ġunju 1995 f’Anaheim.

    216.

    Konsegwentement, it-tmien, id-disa’, l-għaxar u l-ħdax-il aggravju għandhom jiġu miċħuda.

    F — Żbalji ta’ liġi fl-eżami taċ-ċirkustanza attenwanti ta’ tmiem il-ksur — nuqqas ta’ osservanza tal-prinċipju li r-regoli li istituzzjoni timponi fuqha nfisha għandhom jiġu segwiti (it-tnax-il aggravju, invokat sussidjarjament)

    217.

    B’mod preliminari, għandu jiġi mfakkar li l-punt 3 tal-Linji Gwida tal-1998 jipprovdi li jkun hemm tnaqqis fl-ammont bażi tal-multa fil-każ ta’ ċirkustanzi attenwanti, inkluż, skont it-tielet inċiż ta’ din id-dispożizzjoni, “tmiem tal-ksur hekk kif tintervjeni l-Kummissjoni (b’mod partikolari meta jsiru l-kontrolli )”.

    218.

    Rigward l-evalwazzjoni taċ-ċirkustanzi attenwanti, li l-lista tagħhom fil-Linji Gwida tal-1998 mhijiex waħda eżawrjenti ( 139 ), il-Kummissjoni għandha marġni wiesa’ ta’ diskrezzjoni ( 140 ).

    1. L-argumenti tal-partijiet

    219.

    Essenzjalment, l-appellanti ssostni li l-Qorti tal-Prim’Istanza wettqet żball ta’ liġi fil-punti 272 sa 287 tas-sentenza appellata billi ddikjarat li l-Kummissjoni setgħet ma tieħux inkunsiderazzjoni tmiem il-ksur bħala ċirkustanza attenwanti rilevanti. Dan jikser il-prinċipju li l-Kummissjoni għandha ssegwi r-regoli li hija imponiet fuqha nfisha. L-ammont tal-multa għandu jitnaqqas b’mod xieraq.

    220.

    Il-Kummissjoni titlob li s-silta kkonċernata tas-sentenza appellata tiġi kkonfermata.

    2. Is-sentenza appellata u l-evalwazzjoni ġuridika

    221.

    Qabel kollox għandu jiġi osservat li l-appellanti, fl-osservazzjonijiet tagħha dwar iċ-ċirkustanza attenwanti, kif se jidher biċ-ċar iktar ‘l isfel, tagħmel dikjarazzjonijiet kontradittorji meta mqabblin mad-dikjarazzjonijiet li hija kienet għamlet fir-rigward tad-data ta’ tmiem l-akkordju.

    222.

    Mill-punt 270 tas-sentenza appellata jidher li ADM issostni li, fit-tielet inċiż tal-punt 3 tal-Linji Gwida, jingħad li t-“tmiem tal-ksur hekk kif tintervjeni l-Kummissjoni (b’mod partikolari meta jsiru l-kontrolli)” hija rrikonoxxuta bħala ċirkustanza attenwanti u li hija “tqis li, f’dan il-każ, hija kellha tibbenefika minn din iċ-ċirkustanza attenwanti, billi hija temmet l-imġiba tagħha ta’ ksur wara l-ewwel intervent tal-awtoritajiet Amerikani tal-kompetizzjoni”.

    223.

    Dan ir-rendikont tal-argumenti tal-partijiet ma ġiex kontradett mill-appellanti fl-appell, anki jekk huma manifestament jikkontradixxu dak li hija tafferma f’parti oħra ta’ dan l-appell, jiġifieri li hija kienet temmet il-parteċipazzjoni tagħha fl-akkordju fl-4 ta’ Ottubru 1994 ( 141 ). Il-kontradizzjoni tinsab speċifikatament fil-fatt li t-tmiem mal-intervent min-naħa tal-awtoritajiet Amerikani kien iġib id-data, u dan ma ġiex ikkontestat, tas- ( 142 ), data li taqbel mal-konklużjoni tal-Kummissjoni — li hija kkontestata mill-appellanti — li d-data ta’ tmiem l-akkordju kienet f’“Ġunju 1995”.

    224.

    Indipendentement minn dawn id-dikjarazzjonijiet kontradittorji tal-fatti ppreżentati mill-appellanti, jiena tal-fehma li l-Qorti tal-Prim’Istanza ma wettqet l-ebda żball ta’ liġi meta ddikjarat ruħha rigward it-teħid inkunsiderazzjoni taċ-ċirkustanza attenwanti.

    225.

    Fil-punti 272 sa 287 tas-sentenza appellata, il-Qorti tal-Prim’Istanza osservat, u tat motivi in sostenn ta’ dan, li d-dispożizzjoni li tissemma hawnhekk, stabbilita fit-tielet inċiż tal-punt 3 tal-Linji Gwida tal-1998, għandha tiġi interpretata b’mod restrittiv sabiex ma tostakolax l-effikaċja tal-Artikolu 81(1) KE u li l-Kummissjoni, għalhekk, ma setgħetx tobbliga lilha nfisha li tikkunsidra s-sempliċi fatt li l-ksur intemm mal-ewwel interventi tagħha bħala ċirkustanza attenwanti ( 143 ).

    226.

    Skont is-sentenza appellata:

    “280.

    Għaldaqstant, hemm lok li din id-dispożizzjoni tiġi interpretata fis-sens li biss iċ-ċirkustanzi partikolari tal-każ ikkonċernat, li fihom l-ipoteżi tal-waqfien mill-ksur wara l-ewwel interventi tal-Kummissjoni tikkonkretizza ruħha, jistgħu jiġġustifikaw il-kunsiderazzjoni ta’ din l-aħħar ċirkustanza bħala ċirkustanza attenwanti […].

    281.

    F’dan il-każ, għandu jiġi mfakkar li l-ksur ikkonċernat huwa marbut ma’ akkordju sigriet li għandu bħala għan l-iffissar tal-prezzijiet u diviżjoni tas-swieq. Dan it-tip ta’ akkordju huwa espressament ipprojbit mill-Artikolu 81(1) (a) u (ċ) KE, u jikkostitwixxi ksur partikolarment gravi. Il-partijiet għandhom għalhekk ikollhom għarfien tan-natura illegali tal-imġiba tagħhom. In-natura sigrieta tal-akkordju tikkonferma l-fatt li l-partijiet kellhom għarfien tan-natura illegali tal-azzjoni tagħhom. Għaldaqstant, il-Qorti tal-Prim’Istanza tqis li m’hemmx dubju li dan il-ksur twettaq intenzjonalment mill-partijiet ikkonċernati.

    282.

    Issa, il-Qorti tal-Prim’Istanza diġà kkunsidrat espressament li l-waqfien minn ksur imwettaq intenzjonalment m’għandux jiġi meqjus bħala ċirkustanza attenwanti meta dan ikun ġie kkawżat mill-intervent tal-Kummissjoni […].

    283.

    Minn dak li ntqal, il-Qorti tal-Prim’Istanza tqis li, f’dan il-każ, il-fatt li ADM temmet il-ksur wara l-ewwel intervent minn awtorità tal-kompetizzjoni ma jikkostitwixxix ċirkustanza attenwanti.

    284.

    Din il-konklużjoni mhijiex effettwata mill-fatt li, f’dan il-każ, huwa wara l-intervent tal-awtoritajiet Amerikani u mhux tal-Kummissjoni li ADM temmet il-prattiki antikompetittivi kkonċernati […]. Fil-fatt, il-fatt li ADM temmet kull ksur wara l-ewwel interventi mill-awtoritajiet Amerikani tal-kompetizzjoni ma jirrendix dan il-waqfien iżjed intenzjonali milli kieku tali waqfien kellu jseħħ wara l-ewwel interventi mill-Kummissjoni.”

    227.

    Inqis li dan ir-raġunament huwa ħieles minn żbalji ta’ liġi u li l-kriterju li fuqu huwa bbażat huwa korrett.

    228.

    Fil-fatt, analiżi purament testwali tad-dispożizzjoni li tinsab fit-tielet inċiż tal-punt 3 tal-Linji Gwida tal-1998 tista’ tagħti l-impressjoni li, b’mod ġenerali u mingħajr riżerva, għal min iwettaq il-ksur, il-fatt biss li jwaqqaf kull ksur mal-ewwel interventi tal-Kummissjoni jikkostitwixxi ċirkustanza attenwanti ( 144 ).

    229.

    Tali interpretazzjoni purament letterali ta’ din id-dispożizzjoni tnaqqas l-effett utli tal-għanijiet tad-dritt Komunitarju dwar il-kompetizzjoni li b’mod partikolari jipproteġu l-kompetizzjoni fis-suq intern minn distorsjoni.

    230.

    Il-Qorti tal-Prim’Istanza ġustament ippreċiżat li, għall-finijiet tad-dritt Komunitarju tal-kompetizzjoni, ċirkustanza attenwanti għandha tinkludi “merti” jew “inizjattiva awtonoma ta’ min iwettaq il-ksur” ( 145 ). Dak huwa wkoll korrett, fil-fehma tiegħi, minħabba li t-tnaqqis fil-multa li jirriżulta fl-aħħar mill-aħħar huwa premju li ma jistax jingħata immedjatament meta tiġi mitmuma l-imġiba illegali f’għamla ta’ reazzjoni b’rifless għall-intervent tal-awtoritajiet tal-kompetizzjoni. Barra minn hekk, sabiex tkun żgurata r-reazzjoni mixtieqa ta’ tmiem l-imġiba illegali, il-Linji Gwida tal-1998 diġà jipprovdu għal inċentiv adegwat, jiġifieri l-klassifikazzjoni tat-tkomplija ta’ ksur wara li tintervjeni l-Kummissjoni bħala ċirkustanza aggravanti ( 146 ).

    231.

    Barra minn hekk, f’dan ir-rigward, huwa wkoll loġiku li, f’sentenza oħra, il-Qorti tal-Prim’Istanza tibda mill-prinċipju li, fil-każ ta’ akkordju sigriet, għal tmiem wara l-intervent tal-Kummissjoni ma huwa ġġustifikat l-ebda tnaqqis fl-ammont bażi, peress li fil-każ ta’ tali prattiki anti-kompetittivi, it-tmiem huwa riżultat inevitabbli tal-intervent tal-Kummissjoni ( 147 ).

    232.

    Għalhekk, ma jista’ jkun hemm l-ebda oġġezzjoni kontra l-fatt li l-Qorti tal-Prim’Istanza tassumi li, sabiex l-eżistenza ta’ ċirkustanza attenwanti tkun tista’ tiġi rikonoxxuta, l-impriża kkonċernata għandha tkun ħadet inizjattiva li tmur lil hinn mis-sempliċi tmiem tal-ksur wara l-intervent tal-Kummissjoni ( 148 ). Barra minn hekk, ma nara l-ebda raġuni ġuridika li tippermetti l-kontestazzjoni tal-evalwazzjoni li l-Qorti tal-Prim’Istanza għamlet fuq il-fatti inkwistjoni, jiġifieri li l-appellanti ma wriet l-ebda inizjattiva f’dan is-sens u għalhekk ma setgħetx tkun intitolata għall-benefiċċju taċ-ċirkustanza attenwanti li hija tinvoka.

    233.

    Fir-rigward tal-kontenut tiegħu, dan il-kunċett taċ-ċirkustanzi attenwanti, ibbażat fuq l-evalwazzjoni tal-imġiba, jaqbel mal-ġurisprudenza dwar iċ-ċirkustanzi attenwanti li, fir-rigward tas-sitwazzjonijiet qabel l-applikazzjoni tal-Linji Gwida tal-1998, kienet teżiġi kooperazzjoni waqt il-proċedura amministrattiva bħala kundizzjoni biex titnaqqas il-multa ( 149 ).

    234.

    Madankollu, għandu jiġi osservat li r-raġunament sostnut hawnhekk, li jipprova jistabbilixxi, fid-dawl tal-Artikolu 81(1) KE, l-obbligu li għandha l-Kummissjoni li tosserva r-regoli li hija imponiet fuqha nfisha permezz tal-Linji Gwida tal-1998, imur lil hinn mir-raġunament tal-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza Dalmine vs Il-Kummissjoni ( 150 ). F’dik is-sentenza — kif ukoll, pereżempju, fis-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza ( 151 ) f’din il-kawża — il-Qorti tal-Ġustizzja teżiġi biss l-eżistenza ta’ rabta kawżali mal-ewwel intervent tal-Kummissjoni.

    235.

    Għal finijiet ta’ kompletezza, għandu jiġi osservat li, f’dan il-każ, anki jekk sempliċement tintalab rabta kawżali mal-ewwel intervent tal-Kummissjoni, ma teżisti l-ebda ċirkustanza attenwanti favur l-appellanti għaliex jidher biċ-ċar mill-fatti stabbiliti mill-Qorti tal-Prim’Istanza li l-Kummissjoni bagħtet talbiet għal informazzjoni biss lill-produtturi, lill-kummerċjanti u lill-klijenti prinċipali tal-glukonat tas-sodju fl-Ewropa minn Frar 1998 ‘il quddiem ( 152 ), jiġifieri fi żmien meta ADM, skont id-dikjarazzjonijiet tagħha stess ( 153 ), diġà kienet temmet il-parteċipazzjoni tagħha fl-akkordju xi snin qabel.

    236.

    F’dawn iċ-ċirkustanzi, anki dan l-aggravju, li ġie invokat sussidjarjament, għandu jiġi miċħud bħala infondat.

    237.

    Peress li fil-fehma tiegħi, l-ebda wieħed mill-aggravji ma jista’ jintlaqa’, nipproponi li l-appell jiġi miċħud fl-intier tiegħu.

    VII — L-ispejjeż

    238.

    Skont l-Artikolu 69(2) tar-Regoli tal-Proċedura, applikabbli għall-proċedura tal-appell skont l-Artikolu 118, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba. Peress li l-appellanti tilfet il-kawża u l-Kummissjoni talbet l-ispejjeż, l-appellanti għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż.

    VIII — Konklużjoni

    239.

    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet li saru iktar ‘il fuq, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja:

    1.

    Tiċħad l-appell; u

    2.

    Tikkundanna lil Archer Daniels Midland Company għall-ispejjeż.


    ( 1 ) Lingwa oriġinali: il-Ġermaniż.

    ( 2 ) Sentenza tat-18 ta’ Mejju 2006 (C-397/03 P, Ġabra p. I-4429).

    ( 3 ) Linji Gwida dwar il-metodi tal-kalkoli tal-multi imposti skont l-artikolu 15 (2) tar-Regolament Nru 17 u l-Artikolu 65(5) tat-Trattat KEFA, ĠU 1998, C 9, p. 3.

    ( 4 ) Il-Linji Gwida tal-1998 u l-applikazzjoni tagħhom diġà kienu s-suġġett tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza u tal-Qorti tal-Ġustizzja f’diversi okkażjonijiet. Dubji rigward il-legalità ta’ dawn il-linji gwida u tal-applikazzjoni tagħhom f’sitwazzjonijiet fl-imgħoddi ġew miċħuda mill-Qorti tal-Ġustizzja f’numru ta’ sentenzi; ara, b’mod partikolari s-sentenzi tat-28 ta’ Ġunju 2005, Dansk Rørindustri et vs Il-Kummissjoni (C-189/02 P, C-202/02 P, C-205/02 P sa C-208/02 P u C-213/02 P) , Archer Daniels Midland et vs Il-Kummissjoni, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 2; u tat-8 ta’ Frar 2007, Groupe Danone vs Il-Kummissjoni (C-3/06 P, Ġabra 2007, p. I-1331).

    ( 5 ) Fl-appell, ADM stess iddeskriviet id-deċiżjoni in kwistjoni bħala l-“ogħla sinjal tal-eċċessi [traduzzjoni mhux uffiċjali]” meta rreferiet għall-kalkolu tal-multi skont il-Linji Gwida tal-1998).

    ( 6 ) ĠU 1962, Nru 13, p. 204, fil-verżjoni l-aħħar emendata bir-Regolament (KE) Nru 1216/1999 (ĠU L 148, p. 5).

    ( 7 ) ĠU 2003, L 1, p. 1.

    ( 8 ) Ara l-Introduzzjoni iktar ‘il fuq.

    ( 9 ) Il-punt 2 tal-Linji Gwida tal-1998 jipprovdi li l-ammont bażi jiġi miżjud fejn ikun hemm ċirkustanzi aggravanti. Tali ċirkustanzi jistgħu, per eżempju, jinkludu r-rwol ta’ mexxej jew ta’ provokatur tal-ksur.

    ( 10 ) Skont il-punt 3 tal-Linji Gwida tal-1998, ċirkustanzi attenwanti ulterjuri jinkludu, per eżempju, rwol esklużivament passiv jew emulattiv fil-ksur.

    ( 11 ) ĠU 1996, C 207, p. 4. Din tistabbilixxi l-kundizzjonijiet li fihom l-impriżi li jikkooperaw mal-Kummissjoni waqt l-investigazzjoni tagħha tal-akkordju jistgħu jiġu eżentati mill-multi, jew jistgħu jingħataw tnaqqis fil-multa li kieku kienet tkun imposta fuqhom (il-“komunikazzjoni fuq il-kooperazzjoni”). Hija ġiet issostitwita permezz tal-Avviż tal-Kummissjoni dwar l-immunità minn multi u tnaqqis ta’ multi f’każijiet ta’ kartell (ĠU 2002, C 45, p. 3.).

    ( 12 ) Linji Gwida dwar il-metodu għall-kalkolu tal-multi imposti skont l-Artikolu 23(2)(a) tar-Regolament (KE) Nru 1/2003 [Traduzzjoni mhux uffiċjali], ĠU 2006, C 210, p. 2.

    ( 13 ) Punt 38 tal-Linji Gwida tal-2006.

    ( 14 ) L-appell ġie ppreżentat fir-Reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja b’faks fil-11 ta’ Diċembru 2006 u bid-dokument oriġinali fil-. Peress li, skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 56 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja, appell jista’ jitressaq fi żmien xahrejn min-notifika tad-deċiżjoni appellata, li, f’dan il-każ, skont ir-rikonoxximent tal-irċevuta, saret fit-, id-data tal-preżentata tal-, jekk wieħed jagħti lok għall-estensjoni minħabba d-distanza b’perijodu wieħed ta’ 10 ijiem skont l-Artikolu 81(2) tar-Regoli ta’ Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, hija fil-limitu ta’ żmien.

    ( 15 ) Il-Qorti tal-Ġustizzja għandha biss ġurisdizzjoni limitata sabiex tikkunsidra kwistjonijiet ta’ fatt, b’mod partikolari rigward żnaturament tal-provi, kwistjoni li jeħtieġ li neżaminaw iktar ’il quddiem (ara iktar ’il quddiem, il-punt 202 ta’ dawn il-konklużjonijiet).

    ( 16 ) Għall-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, ara s-sentenzi tas-17 ta’ Lulju 1997, Ferriere Nord vs Il-Kummissjoni (C-219/95 P, Ġabra 1997, p. I-4411, punt 31); tas-, Baustahlgewebe vs Il-Kummissjoni (C-185/95 P, Ġabra p. I-8417, punti 128 u 129); Dansk Rørindustri et vs Il-Kummissjoni (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 4, punt 128) u tal-, SGL Carbon vs Il-Kummissjoni (C-328/05 P, Ġabra p. I-3921, punt 98).

    ( 17 ) Sentenza Groupe Danone vs Il-Kummissjoni (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 4, punt 69, kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata hemmhekk).

    ( 18 ) Sentenzi maqgħuda tas-7 ta’ Ġunju 1983, Musique diffusion française et vs Il-Kummissjoni (100/80 sa 103/80, Ġabra p. 1825).

    ( 19 ) Għad-deċiżjonijiet tal-Kummissjoni li ġew adottati mill-1 ta’ Mejju 2004 ‘il quddiem, il-leġiżlazzjoni rilevanti m’għadhiex ir-Regolament Nru 17 iżda r-Regolament Nru 1/2003; ara iktar ‘il fuq fit-taqsima “Il-kuntest ġuridiku”.

    ( 20 ) Meta “jitrażżnu” mingħajr ma jkun hemm “piena ”; ara, dwar din il-kwistjoni, il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Gand tal-10 ta’ Ġunju 1970, ACF Chemiefarma vs Il-Kummissjoni (41/69, Ġabra 1970, p. 661, 706, 726), rigward l-Artikolu 15(4) tar-Regolament Nru 17, li skont id-diċitura tiegħu, id-deċiżjonijiet li jimponu multi “m’għandhomx ikunu ta’ natura ta’ liġi kriminali”. Rigward il-klassifikazzjoni tad-deċiżjonijiet li jimponu multi bħala pieni amministrattivi li, minkejja dan, għandhom jissodisfaw il-prinċipji fundamentali tal-liġi kriminali u tal-liġi proċedurali kriminali, safejn, f’termini tal-għan u tal-effett tagħhom, ikunu ta’ natura simili għal-liġi kriminali, bħal multi imposti fuq l-akkordji, ara Schwarze, Rechtsstaatliche Grenzen der gesetzlichen u richterlichen Qualifikation von Verwaltungssanktionen im europäischen Gemeinschaftsrecht, EuZW 2003, p. 261 et seq Ara wkoll “qasam […] għall-inqas konness mad-dritt kriminali” fil-Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Kokott tat-, ETI et (C-280/06, sentenza tal-11 ta’ Diċembru 2007, Ġabra p. I-10893, punt 72).

    ( 21 ) Sentenzi tal-15 ta’ Lulju 1970, ACF Chemiefarma vs Il-Kummissjoni (41/69, Ġabra p. 661, punti 172/176 [173] u tas-, Britannia Alloys & Chemicals vs Il-Kummissjoni (C-76/06 P, Ġabra p. I-4405, punt 22).

    ( 22 ) Dwar dan il-punt, ara s-sentenzi Musique diffusion française et vs Il-Kummissjoni (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 18, punt 105, rigward l-Artikoli 85(1) u (86) tat-Trattat KE, kif kienu nnumerati dak iż-żmien), u Dansk Rørindustri et vs Il-Kummissjoni (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 4, punt 170).

    ( 23 ) Ara b’mod partikolari s-sentenzi tad-29 ta’ Ġunju 2006, Showa Denko vs Il-Kummissjoni (C-289/04 P, Ġabra p. I-5859, punt 36), u Dansk Rørindustri et vs Il-Kummissjoni (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 4, punt 172).

    ( 24 ) Ara fost l-oħrajn s-sentenza tas-16 ta’ Novembru 2000, Sarrió vs Il-Kummissjoni (C-291/98 P, Ġabra p. I-9991, punt 87), il-Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Mischo tat-, Mo och Domsjö vs Il-Kummissjoni (C-283/98 P, Ġabra 2000, p. I-9855, punt 59) u l-Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Bot tal-, Britannia Alloys & Chemicals vs Il-Kummissjoni (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 21, punt 127 et seq).

    ( 25 ) Fost l-oħrajn: Ferriere Nord vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ‘il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 16, punt 33, u Groupe Danone vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ‘il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 4, punt 37.

    ( 26 ) Ara iktar ‘il fuq, il-punti 44 sa 46 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

    ( 27 ) Iċċitata iktar ‘il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 18.

    ( 28 ) Dannecker/Biermann: Kommentierung Verordnung 1/2003, punt 93, Immenga/Mestmäcker, Wettbewerbsrecht, Vol. 1 EG Teil 2, ir-raba’ edizzjoni; f’dan ir-rigward, ara wkoll f’Musique diffusion française et vs Il-Kummissjoni, (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 18, is-sottomissjonijiet tar-rikorrenti u tal-Kummissjoni fil-punti 101 sa 103.

    ( 29 ) Sentenza Musique diffusion française et vs Il-Kummissjoni (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 18, punt 109).

    ( 30 ) Għal iktar dettalji, ara Schwarze (iċċitat fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 20, p. 263).

    ( 31 ) Ara — essenzjalment — s-sentenza Dansk Rørindustri et vs Il-Kummissjoni (iċċitata iktar ‘il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 4, paragrafu 209 et seq).

    ( 32 ) Is-sentenzi tal-21 ta’ Settembru 2006, JCB Service vs Il-Kummissjoni (C-167/04 P, Ġabra p. I-8935, punt 206) u Groupe Danone vs Il-Kummissjoni (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 4, punt 23).

    ( 33 ) Is-sentenzi Groupe Danone vs Il-Kummissjoni (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 4, punt 28) u Dansk Rørindustri et vs Il-Kummissjoni (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 4, punti 211, 213 u 214).

    ( 34 ) Sentenza Dansk Rørindustri et vs Il-Kummissjoni (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 4, punti 156 et seq u 234 et seq). F’dan ir-rigward, ara wkoll Debroux: L’“imprévisibilité transparente”: La politique de sanction de la Commission en matière de cartels, Concurrences 2006, p. 2 et seq, p. 5; Völcker: Developments in EC competition law in 2005 - an overview, f’CMLRev. 2006, p. 1409 et seq, p. 1416 et seq. Rigward il-kompatibbiltà, ara wkoll il-Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Tizzano tat-8 ta’ Lulju 2004, Dansk Rørindustri et vs Il-Kummissjoni (kawża iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 4, punt 66 et seq).

    ( 35 ) Musique diffusion française et vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ‘il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 18.

    ( 36 ) Iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 18.

    ( 37 ) Ara, fost il-ġurisprudenza stabbilita, is-sentenza tat-18 ta’ Settembru 2003, Volkswagen vs Il-Kummissjoni (C-338/00 P, Ġabra p. I-9189, punt 124, kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata hemmhekk).

    ( 38 ) Ara s-sentenza tas-6 ta’ Marzu 2003, Interporc vs Il-Kummissjoni (C-41/00 P, Ġabra p. I-2125, punt 55, kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata hemmhekk).

    ( 39 ) Ara s-sentenza Dansk Rørindustri et vs Il-Kummissjoni (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 4, punt 453, kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata hemmhekk).

    ( 40 ) Iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 18.

    ( 41 ) Ara iktar ‘il fuq, il-punt 49 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

    ( 42 ) Sentenza Musique diffusion française et vs Il-Kummissjoni (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 18, punt 105).

    ( 43 ) Sentenza Musique diffusion française et vs Il-Kummissjoni (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 18, punt 106).

    ( 44 ) Sentenza Musique diffusion française et vs Il-Kummissjoni (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 18, punti 107 u 108).

    ( 45 ) Sentenza Musique diffusion française et vs Il-Kummissjoni (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 18, punt 109); f’dan ir-rigward ara wkoll il-punt 53 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

    ( 46 ) Rigward is-setgħa diskrezzjonali wiesgħa tal-Kummissjoni, ara iktar ‘il fuq, il-punt 50’.

    ( 47 ) Fost l-oħrajn, ara Debroux (iċċitat fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 34, p. 4). Minkejja kritika mifruxa, il-Kummissjoni ddefendiet b’suċċess il-Linji Gwida tal-1998 u l-applikazzjoni tagħhom, kif intwera b’mod ċar, b’mod partikolari mis-sentenza Dansk Rørindustri et vs Il-Kummissjoni (iċċitata iktar ‘il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 4) (Völcker: “Rough justice? An analysis of the European Commission’s new fining guidelines”, CMLRev. 2007, p. 1285 et seq, p. 1285 u 1286).

    ( 48 ) Ara iktar il fuq, il-punti 53 u 68.

    ( 49 ) Sentenza Dansk Rørindustri et vs Il-Kummissjoni (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 4, punti 227 u 228). Ara wkoll is-sentenza Archer Daniels Midland et vs Il-Kummissjoni (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 2, punti 21 sa 23). F’dan ir-rigward, ara wkoll, l-analiżi dettaljata fil-Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Tizzano tat-8 ta’ Lulju 2004, Dansk Rørindustri et vs Il-Kummissjoni (kawża ċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 4, punti 159 sa 165) kif ukoll fis-sentenza tas-, Archer Daniels Midland et vs Il-Kummissjoni (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 2, punti 66, 71 u 72).

    ( 50 ) Ara wkoll s-sentenza Archer Daniels Midland et vs Il-Kummissjoni (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 2, punt 24).

    ( 51 ) “Il-gravità tal-ksur tiddependi minn għadd ta’ fatturi, bħaċ-ċirkustanzi partikolari tal-każ, il-kuntest tiegħu, u l-effetti dissważivi tal-multi, għalkemm għadha ma ġiet stabbilita l-ebda lista vinkolanti jew eżawrjenti tal-kriterji li għandhom jiġu applikati”. Ara, fost l-oħrajn, is-sentenzi tal-15 ta’ Ottubru 2002, Limburgse Vinyl Maatschappij et vs Il-Kummissjoni (C-238/99 P, C-244/99 P, C-245/99 P, C-247/99 P, C-250/99 P sa C-252/99 P u C-254/99 P, Ġabra p. I-8375, punt 465) u Dansk Rørindustri et vs Il-Kummissjoni (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 4, punt 241). Ara wkoll ir-riferimenti għall-ġurisprudenza fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 25 iktar il fuq.

    ( 52 ) Iċċitata iktar ‘il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 18.

    ( 53 ) Iċċitata iktar ‘il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 4, punti 227 u 228.

    ( 54 ) Punti 31 et seq.

    ( 55 ) Is-sentenza appellata, punt 43, b’referenza għas-sentenza Dansk Rørindustri et vs Il-Kummissjoni (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 4, punt 225): “[I]l-bidla prinċipali fil-linji gwida tikkonsisti prinċipalment fit-teħid bħala punt inizjali għall-kalkolu ammont bażiku, li jiġi ddeterminat fuq il-bażi ta’ kategoriji previsti f’dan ir-rigward mill-imsemmija linji gwida, dawn il-kategoriji jirriflettu d-diversi gradi ta’ gravità tal-ksur, iżda li, bħala tali, ma għandhom ebda relazzjoni mad-dħul mill-bejgħ rilevanti. Dan il-metodu huwa essenzjalment ibbażat fuq sistema ta’ tariffi għall-multi, li madankollu hija relattiva u flessibbli.”

    ( 56 ) Ara l-punti 68, 72 u 74 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

    ( 57 ) Ara l-punt 75 iktar ‘il fuq.

    ( 58 ) Iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 18.

    ( 59 ) Sentenza Dansk Rørindustri et vs Il-Kummissjoni (Iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 4, punti 156 et seq u 234 et seq). F’dan ir-rigward ara wkoll, il-punt 56 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

    ( 60 ) Din il-konklużjoni ġiet enfasizzata wkoll min-“naħa l-oħra tal-munita”, jiġifieri l-aspett spjegat iktar ‘il fuq li jikkonċerna l-impenn tal-Kummissjoni li tkun marbuta mil-Linji Gwida fis-seħħ f’dak iż-żmien partikolari (ara l-punt 55 iktar ’il fuq): rigward l-applikazzjoni tal-kriterji ta’ evalwazzjoni, m’għandhomx jingħataw raġunijiet addizzjonali fil-każ tad-deċiżjonijiet li ttieħdu skont il-Linji Gwida, iżda għandhom jingħataw fil-każ ta’ deċiżjonijiet li ttieħdu bħala deroga mil-Linji Gwida fis-seħħ fi żmien partikolari (dwar din il-kwistjoni, ara wkoll Demetriou vs Gray: Developments in EC competition law in 2006 - an overview, f’CMLRev. 2007, p. 1429 et seq, p. 1452).

    ( 61 ) Ara wkoll, il-punti 56 u 82 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

    ( 62 ) Ara, fost l-oħrajn, Dannecker vs Biermann, diġà ċċitati fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 28, punt 126, p. 1260. Völcker (“Rough justice”, diġà ċċitat fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 47, p. 1289) jemmen li hemm indikazzjonijiet li l-emendi li l-Kummissjoni għamlet fil-Linji Gwida tal-2006 meta mqabbla ma’ dawk tal-1998, u jkun xi jkun il-każ, l-abolizzjoni ta’ “determinazzjoni fuq bażi tariffarja”, huma wkoll attribwibbli għall-fatt li, minkejja l-ġurisprudenza konfermatorja tal-Qorti tal-Prim’Istanza u tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-kritika rigward in-nuqqas ta’ trasparenza u n-natura arbitrarja tal-Linji Gwida tal-1998 ma waqfitx. Soyez: Die Bußgeldleitlinien der Kommission — mehr Fragen als Antworten (il-linji gwida tal-Kummissjoni fuq il-kalkolu tal-multi — iktar domandi milli risposti), EuZW 2007, p. 596 sa 600, jiddeskrivi s-sitwazzjoni fi ftit kliem u jgħid li l-għan imħabbar tal-Linji Gwida tal-1998, li kien iż-żieda tat-trasparenza u l-imparzjalità tad-deċiżjonijiet tal-Kummissjoni, ma ntlaħaqx u li, retrospettivament, bosta rappreżentanti tal-awtoritajiet tal-kompetizzjoni Ewropej saħansitra kkunsidraw il-Linji Gwida tal-1998 bħala sempliċi “lotterija” (ibid, p. 596).

    ( 63 ) Dannecker vs Biermann (iċċitati fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 28, punt 126).

    ( 64 ) Għal iktar dettalji dwar din il-kwistjoni, ara l-punt 90 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

    ( 65 ) Ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna 50 ta’ dawn il-konklużjonijiet; ara wkoll punt 2 fl-introduzzjoni għal-Linji Gwida tal-2006.

    ( 66 ) Ara l-punt 45 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

    ( 67 ) Eżami tal-grad safejn il-Linji Gwida tal-2006 diġà jissodisfaw din ir-rakkomandazzjoni, magħmula minn Schwarze (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 20, partikolarment p. 269) fl-isfond tal-Linji Gwida tal-1998, hija barra mill-ambitu ta’ dawn il-konklużjonijiet.

    ( 68 ) L-appellanta ovvjament qed tressaq dan l-argument bit-tama li tirċievi multa iktar baxxa. Uħud mill-kitbiet akkademiċi, min-naħa l-oħra, jassumu li t-twissija tal-Kummissjoni li l-Linji Gwida tal-2006, f’uħud mill-każijiet, jinvolvu żieda fil-livell tal-multi hija korretta; ara Demetriou vs Gray (iċċitati iktar ‘il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 60, p. 1429); il-problemi ta’ liema fini, jekk teżisti waħda, qed tinqeda b’żieda ulterjuri qed ikunu spjegati, fost l-oħrajn, minn Völcker (“Rough justice”, diġà ċċitat fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 47, p. 1317).

    ( 69 ) Ara iktar ‘il fuq, il-punt 44 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

    ( 70 ) Is-sentenzi Dansk Rørindustri et vs Il-Kummissjoni (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 4, punti 243 sa 312); u Archer Daniels Midland et vs Il-Kummissjoni, (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 2, punt 34). L-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17 jinkludi l-kelma “turnover” mingħajr ma jispeċifikaha. Barra minn hekk, hemmhekk tissemma biss bħala kriterju biex tiġi kkalkulata l-multa massima, u m’hemm xejn fid-diċitura ta’ dik id-dispożizzjoni li jipprekludi mill-kunsiderazzjoni tad-dħul mill-bejgħ, mhux biss għall-kalkolu tal-ammont massimu, iżda wkoll b’mod ġenerali.

    ( 71 ) Sentenza Dansk Rørindustri et vs Il-Kummissjoni (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 4, punt 225). Ara wkoll M. Debroux, L’“imprévisibilité transparente (iċċitat fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 34, p. 7).

    ( 72 ) Fir-rigward ta’ ftehim li jkunu inkompatibbli mat-Trattat KEFA, ara l-punt 5(a) tal-Linji Gwida tal-1998.

    ( 73 ) Ara biss il-punt 1(A) tal-Linji Gwida tal-1998: “Se jkun wkoll neċessarju li tiġi kunsidrata f’liema miżura l-awturi tal-ksur għandhom il-kapaċità effettiva ekonomika biex joħolqu theddid sinifikanti għall-operaturi l-oħra, b’mod partikolari konsumaturi, u li tiġi stabbilita l-multa f’livell li jiggarantixxi effett suffiċjentament diswassiv”.

    ( 74 ) Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Tizzano ppreżentati fit-8 ta’ Lulju 2004 fis-sentenza Dansk Rørindustri et vs Il-Kummissjoni (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 4, punt 71).

    ( 75 ) Ibidem.

    ( 76 ) Barra minn hekk, l-appellanta preċedentement ressqet ilment simili fil-kawża Archer Daniels Midland et vs Il-Kummissjoni (sentenza ċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 2), iżda f’dik l-okkażjoni kien marbut mas-sottomissjoni li l-prinċipju ta’ proporzjonalità jinkiser jekk il-kriterju applikat ma jkunx id-dħul miksub mill-bejgħ fiż-ŻEE (ara l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Tizzano fil-kawża Archer Daniels Midland et vs Il-Kummissjoni, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 2, punti 128 et seq).

    ( 77 ) Sentenza tal-21 ta’ Settembru 2006, Technische Unie vs Il-Kummissjoni (C-113/04 P, Ġabra p. I-8831, punt 196).

    ( 78 ) Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2003/437/KE tal-11 ta’ Diċembru 2001 fuq proċedura skont l-Artikolu 81 tat-Trattat KE u u l-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE [traduzzjoni mhux uffiċjali] — Kawża COMP/E-1/37.027 — Fosfat taż-Żingu, ĠU 2003, L 153, p. 1. Din id-deċiżjoni hija s-suġġett tas-sentenza Britannia Alloys & Chemicals vs Il-Kummissjoni (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 21).

    ( 79 ) Għandu jiġi osservat li f’dan l-argument tal-appellanta jissemmew żewġ livelli ta’ nuqqas ta’ kunsiderazzjoni: Id-dħul miksub mill-bejgħ fiż-ŻEE ma ntuża “la bħala punt inizjali” għall-kalkolu u lanqas “fi kwalunkwe stadju” sussegwenti sabiex tiġi evalwata l-multa. Safejn qed jiġi lmentat li d-dħul mill-bejgħ in kwistjoni ma ntużax bħala l-punt inizjali għall-kalkolu, essenzjalment dan jimplika kritika tal-Linji Gwida tal-1998, fejn il-punt inizjali speċifikat għall-kalkolu jidher biċ-ċar li huwa differenti; ara l-punti 1 u 90 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

    ( 80 ) F’dan ir-rigward, ara l-punti 44 u 45 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

    ( 81 ) Ara l-punti 85 u 86 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

    ( 82 ) Ara n-nota ta’qiegħ il-paġna 78 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

    ( 83 ) Fil-punt 114 tal-verżjoni bl-Ingliż tas-sentenza appellata, li hija l-verżjoni awtorevoli, il-Qorti użat it-terminu “appropriate” (jiġifieri “xieraq” bil-Malti jew “angemessen” bil-Ġermaniż), għalkemm ADM tuża t-terminu “proportionate” fil-verżjoni oriġinali bl-Ingliż tal-appell li, minkejja tifsiriet oħrajn li hija għandha, tista’ tiġi tradotta wkoll bħala “xieraq” (“angemessen”).

    ( 84 ) Sentenza tal-10 ta’ Jannar 2006, International Air Transport Association et (C-344/04, Ġabra p. I-403, punt 95, kif ukoll is-sentenza ċċitata hemmhekk).

    ( 85 ) Sentenza Britannia Alloys & Chemicals vs Il-Kummissjoni (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 21, punt 60, kif ukoll ir-riferiment għall-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja).

    ( 86 ) Punt 95 tas-sentenza appellata.

    ( 87 ) Ara l-punt 45 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

    ( 88 ) Iċċitata iktar ‘il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 4.

    ( 89 ) Punt 226 tas-sentenza appellata.

    ( 90 ) Punt 226 tas-sentenza appellata.

    ( 91 ) B’hekk il-Qorti tal-Prim’Istanza osservat impliċitament li, f’sitwazzjoni bħal din (li mhuwiex il-każ hawnhekk), il-kwistjoni tal-oneru tal-prova tal-fatti kellha tiġi eżaminata b’mod differenti minn kif sar f’dan il-kuntest. Rigward l-oneru tal-prova rigward l-eżistenza jew in-non eżistenza ta’ ksur, ara l-punti 166 et seq ta’ dawn il-konklużjonijiet.

    ( 92 ) Punt 230 tas-sentenza appellata.

    ( 93 ) Ara l-punti 175 sa 178 tas-sentenza appellata kif ukoll ir-riferiment għalihom fil-punt 230 tal-istess sentenza.

    ( 94 ) Ara l-punti 232 u 233 tas-sentenza appellata.

    ( 95 ) Ara l-punt 176 tas-sentenza appellata u r-riferiment għall-punt 178 fil-punt 230 tal-istess sentenza.

    ( 96 ) Punt 236 tas-sentenza appellata.

    ( 97 ) Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Kokott tat-8 ta’ Diċembru 2005, Nederlandse Federatieve Vereniging voor de Groothandel op Elektrotechnisch Gebied vs Il-Kummissjoni (C-105/04 P, Ġabra 2006, p. I-8725, punt 73).

    ( 98 ) Punt 237 tas-sentenza appellata.

    ( 99 ) Punti 232 sa 236 tas-sentenza appellata, li jirreferu huma nfushom għall-punti 196 u 197 tal-istess sentenza.

    ( 100 ) Ara s-sentenza tad-9 ta’ Ġunju 1992, Lestelle vs Il-Kummissjoni (C-30/91 P, Ġabra p. I-3755, punt 28).

    ( 101 ) Ara s-sentenzi maqgħuda tas-7 ta’ Jannar 2004, Aalborg Portland et vs Il-Kummissjoni (C-204/00 P, C-205/00 P, C-211/00 P, C-213/00 P, C-217/00 P u C-219/00 P, Ġabra p. I-123, punt 53).

    ( 102 ) Għal raġunijiet ta’ kompletezza, għandu jiġi osservat li din l-evalwazzjoni tal-fatti tikkonċerna sitwazzjoni li hija differenti — f’termini tal-liġi tal-evidenza — minn dik evalwata fil-punt 159 tas-sentenza tad-9 ta’ Lulju 2003, Archer Daniels Midland u Archer Daniels Midland Ingredients vs Il-Kummissjoni (T-224/00, Ġabra p. II-2597). F’din il-kawża, il-Qorti tal-Prim’Istanza annullat deċiżjoni tal-Kummissjoni safejn din kienet affermat li: “[h]uwa inkonċepibbli li l-partijiet qablu ripetutament li jiltaqgħu f’postijiet madwar id-dinja biex jiffissaw il-prezzijiet […] tul perijodu daqstant twil mingħajr ma kien hemm impatt fuq is-suq tal-lisina” (punt 159 tas-sentenza). Il-Qorti tal-Prim’Istanza sostniet li l-affermazzjoni ma kellha l-ebda saħħa probatorja għaliex kienet ibbażata fuq sempliċi konġettura iktar milli fuq fatturi ekonomiċi oġġettivi (ara wkoll Debroux, diġà ċċitat fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 34, p. 8). Jiena tal-istess fehma tal-Qorti tal-Prim’Istanza, fir-rigward tas-sitwazzjoni fejn l-oneru tal-prova qiegħed fuq il-Kummissjoni. F’dan il-kuntest, madankollu, is-sitwazzjoni hija differenti. Wasalna f’punt fejn għandha tkun l-appellanta li tistabbilixxi dubji raġonevoli dwar il-korrettezza tal-konklużjonijiet tal-Kummissjoni rigward l-impatt tal-akkordju fuq is-suq rilevanti u d-definizzjoni ta’ dan is-suq. F’dan il-kuntest, hija l-appellanta li għandha tindika avveniment li jkun mill-inqas suffiċjentement koerenti biex iqajjem l-hekk imsejħa “dubji leġittimi”. Fil-fehma tiegħi, f’din il-kawża, hija lanqas biss bdiet biex tagħmel dan.

    ( 103 ) Ara l-punti 145 et seq ta’ dawn il-konklużjonijiet.

    ( 104 ) Għal ġurisprudenza stabbilita, ara, fost l-oħrajn, is-sentenzi tal-1 ta’ Ġunju 1994, Il-Kummissjoni vs Brazzelli Lualdi et (C-136/92 P, Ġabra p. I-1981, punt 66) u tal-, Dorsch Consult vs Il-Kunsill u l-Kummissjoni (C-237/98 P, Ġabra p. I-4549, punt 50).

    ( 105 ) Għal iktar dettalji rigward iż-żnaturament tal-provi, ara l-punt 202 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

    ( 106 ) Ara l-punt 236 tas-sentenza appellata: minn naħa, il-livell tal-prezzijiet ipprattikati waqt l-akkordju, fuq is-suq usa’ tal-aġenti kelanti; min-naħa l-oħra, il-livell tal-prezzijiet li, wisq probabbli, kienu jipprevalu f’dam is-suq usa’ li kieku ma kienx hemm akkordju limitat għall-glukonat tas-sodju.

    ( 107 ) Id-determinazzjoni ta’ jekk dan huwiex minnu taqa’ taħt l-evalwazzjoni fattwali u mhijiex fil-kompetenza tal-Qorti tal-Ġustizzja; ara l-punt 44 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

    ( 108 ) Preżumibbilment, il-fatti li jissemmew iktar ‘il fuq, fil-punt 134 ta’ dawn il-konklużjonijiet għandhom l-għan li jiddeskrivu l-livell tal-prezzijiet ipprattikati, waqt l-akkordju, fuq is-suq usa’ tal-aġenti kelanti.

    ( 109 ) Ara l-punt 141 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

    ( 110 ) Skont il-punt 1(B) tal-Linji Gwida tal-1998: ksur ta’ dewmien qasir (ġeneralment ta’ inqas minn sena): l-ebda żieda fl-ammont; ksur ta’ dewmien medju (ġeneralment, minn sena sa ħames snin): żieda sa 50% fl-ammont determinat għall-gravità; ksur ta’ dewmien twil (ġeneralment, iktar minn ħames snin): żieda sa 10% kull sena fl-ammont determinat għall-gravità.

    ( 111 ) Għalkemm l-informazzjoni li tat l-appellanta hawnhekk, mhux biss rigward id-data tat-tmiem, iżda anki rigward id-data tal-bidu, hija differenti mill-konklużjonijiet tal-Kummissjoni f’dan ir-rigward; is-sottomissjonijiet sostantivi tal-appellanta, kemm quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, u manifestament, quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza, minkejja kollox, huma limitati għad-data tat-tmiem tal-ksur.

    ( 112 ) Punt 240 tas-sentenza appellata.

    ( 113 ) Ara l-punti 144 et seq ta’ dawn il-konklużjonijiet.

    ( 114 ) Rigward l-oneru oġġettiv tal-prova (jiġifieri, meta fatt ma jkunx jista’ jiġi pprovat — non liquet), l-ewwel sentenza tal-Artikolu 2(1) tar-Regolament Nru 1/2003, li għal raġunijiet kronoloġiċi m’għandux jiġi applikat f’dan il-każ, tinkludi regola ekwivalenti; ara, f’dan ir-rigward, Säcker vs Jaeks, Kommentierung zu Art. 81 KE, punt 815, f’Hirsch/Montag/Säcker, Europäisches Wettbewerbsrecht, Münchener Kommentar zum Europäischen und Deutschen Wettbewerbsrecht (Kartellrecht), Volum 1.

    ( 115 ) Għal ġurisprudenza stabbilita, ara fost l-oħrajn, is-sentenza tas-17 ta’ Diċembru 1998, Baustahlgewebe vs Il-Kummissjoni (C-185/95 P, Ġabra p. I-8417, punt 58). Ara wkoll Hackspiel, § 24 Beweisrecht, punt 13, f’Rengeling/Middeke/Gellermann, Handbuch des Rechtsschutzes in der Europäischen Union: Fil-liġi tal-kompetizzjoni, fil-prinċipju, hija l-Kummissjoni li għandha tipprova l-eżistenza ta’ ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni, b’mod partikolari li impriża pparteċipat f’akkordju, u t-tul ta’ żmien tal-ksur.

    ( 116 ) Sentenza Aalborg Portland et vs Il-Kummissjoni (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 101, punt 57). F’dan ir-rigward, ara wkoll, il-punt 55: “Peress li l-projbizzjoni tal-parteċipazzjoni fi prattiki u akkordji anti-kompetittivi kif ukoll il-pieni li jista’ jinkorri min jikser din il-projbizzjoni huma magħrufa, huwa komuni li l-attivitajiet li jinvolvu dawn il-prattiki u dawn l-akkordji jseħħu b’mod klandestin, li l-laqgħat jinżammu b’mod sigriet, l-iktar spiss f’pajjiż li ma jkunx membru, u li d-dokumentazzjoni relattiva titnaqqas kemm jista’ jkun” u fil-punt 56: “Anki jekk il-Kummissjoni tiskopri xi evidenza li turi b’mod espliċitu li kien hemm kuntatt illegali bejn operaturi, bħall-minuti ta’ laqgħa, dawn is-soltu jkunu frammentarji u mifruxin, b’tali mod li spiss ikun meħtieġ li jiġu rikostitwiti ċerti dettalji permezz ta’ deduzzjonijiet”.

    ( 117 ) Sentenzi Aalborg Portland et vs Il-Kummissjoni (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 101, punt 81 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata hemmhekk) u tal-14 ta’ Lulju 2005, Acerinox vs Il-Kummissjoni (C-57/02 P, Ġabra 2005, p. I-6689, punt 46, kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata hemmhekk). Ara wkoll Hackspiel (iċċitat fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 115, punt 13).

    ( 118 ) Sentenza Aalborg Portland et vs Il-Kummissjoni (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 101, punti 84 u 85).

    ( 119 ) Ara l-punti 144 et seq ta’ dawn il-konklużjonijiet.

    ( 120 ) Hackspiel (iċċitat fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 115, punt 13).

    ( 121 ) Ara l-punt 44 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

    ( 122 ) Ara l-punt 202 ta’ dawn il-konklużjonijiet, għal iktar dettalji rigward l-iżnaturament tal-provi.

    ( 123 ) Id-diċitura tal-oriġinal bl-Ingliż: “knowing consensus”.

    ( 124 ) It-test oriġinali bl-Ingliż ma tantx huwa ċar dwar dan il-punt. Fl-oriġinal, l-appellanta fil-fatt tikteb “manifest concurrence of wills”, iżda fil-kwotazzjoni mis-sentenza ċċitata hija tenfasizza l-kliem “manifestation of the wish”.

    ( 125 ) L-appellanta tiċċita żewġ sentenzi sabiex issostni l-argument tagħha: sentenzi maqgħuda tas-6 ta’ Jannar 2004, BAI u Il-Kummissjoni vs Bayer (C-2/01 P u C-3/01 P, Ġabra p. I-23, punt 102 (“Biex ftehim fis-sens tal-Artikolu 85(1) tat-Trattat ikun jista’ jitqies bħala wieħed konkluż b’aċċettazzjoni taċita, jeħtieġ li l-manifestazzjoni tax-xewqa ta’ waħda mill-partijiet kontraenti b’għan anti-kompetittiv tikkostitwixxi stedina lill-parti l-oħra, kemm jekk espliċita jew taċita, biex jilħqu tali għan flimkien […] ”) u sentenza tal-, Imperial Chemical Industries vs Il-Kummissjoni (48/69, Ġabra 1972, p. 619, punti 64/67) (“koordinazzjoni bejn l-impriżi li […] xjentement tissostitwixxi l-kooperazzjoni prattika bejniethom għar-riskji tal-kompetizzjoni”) (enfażi tal-appellanta).

    ( 126 ) Sentenza Aalborg Portland et vs Il-Kummissjoni (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 101).

    ( 127 ) Ara l-punt 172 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

    ( 128 ) Ara iktar ‘il fuq, punt 170 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

    ( 129 ) Ara iktar ‘il fuq, punt 170 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

    ( 130 ) Sentenza Aalborg Portland et vs Il-Kummissjoni (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 101, punt 330).

    ( 131 ) Ara l-punti 44 u 172 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

    ( 132 ) F’dan ir-rigward, l-appellanta tirreferi, fost l-oħrajn, għall-punt 42 tal-Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Geelhoed ippreżentati fid-29 ta’ Ġunju 2006 fil-kawża ASNEF-EQUIFAX (C-238/05, Ġabra 2006, p. I-11125), b’mod partikolari fis-silta li ġejja: “Fil-prinċipju, informazzjoni, meħuda flimkien, dwar is-swieq hija legali sakemm hija ma tippermettix li wieħed jidentifika lil kompetitur individwali jew li wieħed isir jaf l-istrateġija kummerċjali tiegħu”. Madankollu, jekk tinqara fil-kuntest tagħha, din is-silta bl-ebda mod ma ssostni b’mod ċar l-interpretazzjoni invokata mill-appellanta. Fil-punti 41 u 42 ta’ dawn il-konklużjonijiet, l-Avukat Ġenerali Geelhoed josserva li d-distinzjoni bejn skambju legali u illegali ta’ informazzjoni tiddependi minn jekk ikunx possibbli, fid-dawl ta’ sinteżi (jew ta’ aggregazzjoni) involut, li wieħed ikollu għarfien tal-istrateġiji tal-kompetituri, li fl-aħħar mill-aħħar jiddependi min-numru ta’ dawn il-kompetituri. Barra minn hekk, l-istruttura tas-suq ikkonċernat (oligopolistiku jew atomizzat) u l-frekwenza li biha tiġi skambjata l-informazzjoni huma fatturi rilevanti. Għandu jiġi osservat ukoll li, għalkemm ifformulata f’termini ġenerali, dawn l-osservazzjonijiet tal-Avukat Ġenerali Geelhoed saru fil-kuntest ta’ sitwazzjoni għal kollox differenti. Din il-kawża kienet tikkonċerna sistema għall-iskambju ta’ informazzjoni dwar il-kreditu bejn istituzzjonijiet finanzjarji, jiġifieri reġistru ta’ informazzjoni dwar il-solvibbiltà tal-klijenti.

    ( 133 ) Ara s-sentenzi tat-13 ta’ Lulju 1966, Consten u Grundig vs Il-Kummissjoni (kawżi magħquda 56/64 u 58/64, Ġabra 1966, p. 299, 342) u Limburgse Vinyl Maatschappij et vs Il-Kummissjoni (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 51, punt 491).

    ( 134 ) Sentenza tat-18 ta’ Jannar 2007, PKK u KNK vs Il-Kunsill (C-229/05 P, Ġabra p. I-445, punt 37).

    ( 135 ) Hackspiel, § 28, Rechtsmittel u Rechtsbehelfe, punt 28, f’Rengeling/Middeke/Gellermann, Handbuch des Rechtsschutzes in der Europäischen Union.

    ( 136 ) Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Kokott tas-27 ta’ Settembru 2006, PKK u KNK vs Il-Kunsill (C-229/05 P, Ġabra 2007, p. I-445, punt 43).

    ( 137 ) Ara iktar ‘il fuq, il-punt 192 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

    ( 138 ) Fil-verżjoni bil-Franċiż — il-lingwa li biha tiddelibera l-Qorti tal-Prim’Istanza — is-silta tipprovdi: “[l]es indications contenues dans un document obtenu auprès de Roquett”; fil-verżjoni Ingliża, li fiha ġiet innotifikata,“[t]he evidence contained in a document obtained from Roquette”, u, fl-aħħar nett, il-verżjoni bil-Ġermaniż tipprovdi: “die Angaben eines von Roquette vorgelegten Dokuments”.

    ( 139 ) In-natura mhux eżawrjenti tal-lista tidher mit-test innifsu tal-Linji Gwida: “L-ammont bażiku se jitnaqqas meta jkun hemm ċirkustanzi li jiskużaw il-gravità bħal”. Ara wkoll Demetriou/Gray (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 60) p. 1453, fejn jingħad li l-Linji Gwida ma jinkludu l-ebda indikazzjoni vinkolanti fir-rigward taċ-ċirkustanzi attenwanti.

    ( 140 ) Ara fost l-oħrajn, Dannecker/Biermann (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 28, punt 164)

    ( 141 ) Safejn l-appellanta tafferma li hija temmet il-parteċipazzjoni tagħha fl-akkordju fil-laqgħa tal-4 ta’ Ottubru 1994 (ara l-punti 163 et seq ta’ dawn il-konklużjonijiet), hija ma tirreferi bl-ebda mod għall-intervent min-naħa tal-awtoritajiet Amerikani tal-kompetizzjoni, iżda minflok għan-nuqqas ta’ qbil bejn l-impriżi involuti fl-akkordju.

    ( 142 ) Ara l-punt 273 tas-sentenza appellata.

    ( 143 ) Ara, b’mod partikolari, il-punt 279 tas-sentenza appellata.

    ( 144 ) Punt 277 tas-sentenza appellata.

    ( 145 ) Punt 278 tas-sentenza appellata.

    ( 146 ) Ara wkoll punt 278 tas-sentenza appellata.

    ( 147 ) Ara wkoll Engelsing/Schneider, Kommentierung zu Art. 23 VO 1/2003, punt 144, f’Hirsch/Montag/Säcker, Europäisches Wettbewerbsrecht, Münchener Kommentar zum Europäischen und Deutschen Wettbewerbsrecht (Kartellrecht), Volum 1. Barra minn hekk, ara l-punt 29 tal-Linji Gwida tal-2006, rigward iċ-ċirkustanzi attenwanti, li issa jipprovdi li l-ammont bażi jista’ jitnaqqas fejn il-Kummissjoni ssib li jkun hemm ċirkustanzi attenwanti, bħal “fejn l-impriża kkonċernata tressaq provi li hija temmet il-ksur ma’ l-ewwel interventi tal-Kummissjoni. Dan mhux se japplika għal ftehim jew għal prattiki sigrieti (b’mod partikolari, l-akkordji) [traduzzjoni mhux uffiċjali]”.

    ( 148 ) Punt 285 tas-sentenza appellata.

    ( 149 ) Ara, per eżempju, is-sentenza tas-16 ta’ Novembru 2000, SCA Holding vs Il-Kummissjoni (C-297/98 P, Ġabra p. I-10101, punti 36 u 37). Rigward, il-prassi tal-Kummissjoni, ara wkoll is-sentenza tal-, Dalmine vs Il-Kummissjoni (C-407/04 P, Ġabra p. I-835, punt 154).

    ( 150 ) Sentenza Dalmine vs Il-Kummissjoni (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 48, punti 158 sa 160).

    ( 151 ) Sentenza tat-8 ta’ Lulju 2004, Dalmine vs Il-Kummissjoni (T-50/00, Ġabra p. II-2395, punti 328 sa 330).

    ( 152 ) Punt 5 tas-sentenza appellata.

    ( 153 ) Ara l-punt 164 ta’ dawn il-konklużjonijiet: l-appellanta ssostni li hija temmet l-parteċipazzjoni tagħha fl-akkordju fil-laqgħa li nżammet f’Londra fl-4 ta’ Ottubru 1994.

    Top