EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62006CC0488

Konklużjonijiet ta' l-Avukat Ġenerali - Sharpston - 13 ta' Marzu 2008.
L & D SA vs l-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (trademarks u disinni) (UASI).
Appell - Trade mark Komunitarja - Regolament (KE) Nru 40/94 - Artikoli 8(1)(b) u 73 - Trade mark figurattiva ‘Aire Limpio’ - Trade marks figurattivi Komunitarji, nazzjonali u internazzjonali li jirrappreżentaw siġra taż-żnuber b’ismijiet differenti - Oppożizzjoni mill-proprjetarju - Rifjut parzjali tar-reġistrazzjoni - Deduzzjoni tal-karattru distintiv partikolari tat-trade mark preċedenti minn elementi ta’ prova relatati ma’ trade mark oħra.
Kawża C-488/06 P.

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2008:168

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

SHARPSTON

ippreżentati fit-13 ta’ Marzu 2008 ( 1 )

Kawża C-488/06 P

L & D SA

vs

L-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni) (UASI)

“Appell — Trade mark Komunitarja — Regolament (KE) Nru 40/94 — Artikoli 8(1)(b) u 73 — Trade mark figurattiva ‘Aire Limpio’ — Trade marks figurattivi Komunitarji, nazzjonali u internazzjonali li jirrappreżentaw siġra taż-żnuber b’ismijiet differenti — Oppożizzjoni mill-proprjetarju — Rifjut parzjali tar-reġistrazzjoni — Deduzzjoni tal-karattru distintiv partikolari tat-trade mark preċedenti minn provi relatati ma’ trade mark oħra”

1. 

Il-proprjetarju ta’ trade mark preċedenti jista’ joġġezzjona għar-reġistrazzjoni ta’ trade mark Komunitarja, fejn minħabba li tkun tixbaħ it-trade mark preċedenti tiegħu u minħabba l-identiċità jew ix-xebh tal-prodotti jew tas-servizzi koperti minnhom, ikun hemm probabbiltà ta’ konfużjoni min-naħa tal-pubbliku, probabbiltà li tista’ tiżdied jekk it-trade mark preċedenti jkollha karattru partikolarment distintiv. Il-kwistjonijiet prinċipali f’dan l-appell għandhom x’jaqsmu mal-kwistjoni jekk, u fuq liema bażi, trade mark reċenti tista’ tiġi kkunsidrata li kisbet dan il-karattru permezz tal-użu tagħha bħala part minn trade mark eqdem.

Il-leġiżlazzjoni Komunitarja

2.

Ir-Regolament dwar it-trade mark Komunitarja ( 2 ) jistabbilixxi diversi raġunijiet li fuqhom għandha tiġi rrifjutata applikazzjoni għal reġistrazzjoni ta’ trade mark. Ir-raġunijiet “assoluti” għal rifjut huma elenkati fl-Artikolu 7, filwaqt li r-raġunijiet “relattivi” — jiġifieri, ir-raġunijiet li fuq il-bażi tagħhom parti terza tista’ toġġezzjona għal reġistrazzjoni — huma elenkati fl-Artikolu 8.

3.

L-Artikolu 7(1)(e)(ii) jipprekludi kwalunkwe reġistrazzjoni ta’ sinjali li tikkonsisti esklużivament minn “forma ta’ merkanzija li hija neċessarja sabiex jinkiseb riżultat tekniku”.

4.

L-Artikolu 7(2) jipprovdi: “Il-paragrafu 1 għandu japplika minkejja li r-raġunijiet li jwasslu biex trade mark ma tiġix reġistrata japplikaw biss f’parti tal-Komunità.”

5.

Safejn huwa rilevanti, l-Artikolu 8 tar-Regolament jipprovdi:

“1.   Jekk issir oppożizzjoni minn proprjetarju ta’ trade mark preċedenti, l-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni ta’ trade mark m’għandhiex tiġi milqugħa:

[…]

(b)

jekk minħabba identiċità jew xebh bejn iż-żewġ trade marks u l-identiċità jew xebh tal-prodotti jew servizzi koperti mit-trade marks teżisti probabbilta’ ta’ konfużjoni minn naħa tal-pubbliku fit-territorju fejn it-trade mark preċedenti hija protetta; il-probabbiltà ta’ konfużjoni tinkludi wkoll il-probabbiltà li ssir assoċjazzjoni mat-trade mark preċedenti.

2.   [G]ħall-iskopijiet tal-Paragrafu 1, “Trade marks preċedenti” tfisser:

(a)

trade marks tat-tip imsemmija hawn taħt b’informazzjoni ta’ applikazzjoni għar-reġistrazzjoni li tiġi qabel dik tal-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni tat-trade mark Komunitarja, […]:

(i)

trade marks Komunitarji;

(ii)

trade marks reġistrati fi Stat[…] Membru […];

(iii)

trade marks reġistrati taħt arranġamenti internazzjonali li għandhom effett fi Stat Membru;

[…]”

6.

L-Artikolu 8 ma jinkludi l-ebda dispożizzjoni espliċita, bħal dik fl-Artikolu 7(2), li tgħid li għandhom japplikaw ir-raġunijiet relattivi għal rifjut anki jekk dawn japplikaw biss f’parti mill-Komunità.

7.

Il-Qorti tal-Ġustizzja konsistentement sostniet li, fil-kuntest tal-Artikolu 8(1)(b), l-eżistenza ta’ probabbiltà ta’ konfużjoni min-naħa tal-pubbliku għandha tiġi evalwata b’mod ġenerali, billi jittieħdu inkunsiderazzjoni l-fatturi rilevanti kollha tal-każ partikolari. Din l-evalwazzjoni, b’relazzjoni għax-xebh viżiv, ta’ smigħ jew kunċettwali tat-trade marks inkwistjoni, għandha tkun ibbażata fuq l-impressjoni totali prodotta minnhom, fejn tingħata attenzjoni partikolari għall-elementi distintivi u dominanti tagħhom. Il-perċezzjoni tat-trade marks li l-konsumatur medju għandu tal-prodotti jew tas-servizzi inkwistjoni għandha rwol deċiżiv fl-evalwazzjoni totali ta’ din il-probabbiltà ta’ konfużjoni. Il-konsumatur medju normalment jipperċepixxi trade mark fit-totalità tagħha u ma joqgħodx jeżamina d-dettalji differenti tagħha ( 3 ). Barra minn hekk, probabbiltà ta’ konfużjoni tista’ tirriżulta minn xebh kunċettwali bejn it-trade marks u tista’ tiżdied jekk it-trade mark preċedenti jkollha karattru partikolarment distintiv, kemm per se jew minħabba r-reputazzjoni li jkollha mal-pubbliku ( 4 ).

8.

L-Artikolu 73 tar-Regolament jipprovdi li: “Id-deċiżjonijiet tal-Uffiċċju [ ( 5 )]għandhom jistqarru r-raġunijiet li fuqhom huma bbażati. Dawn għandhom ikunu bbażati biss fuq raġunijiet jew fuq xiehda fir-rigward ta’ liem[a] il-partijiet konċernati kellhom l-opportunità li jippreżentaw il-kummenti tagħhom.”

Il-proċedura

9.

Fit-30 ta’ April 1996, L & D SA (iktar ’il quddiem “L & D”) ippreżentat applikazzjoni quddiem l-UASI sabiex tirreġistra bħala trade mark Komunitarja il-marka figurattiva li ġejja, li kienet tinkludi l-element verbali ‘Aire Limpio’. Se nirreferi għaliha bħala “it-trade mark Aire Limpio”.

Image

10.

Ir-reġistrazzjoni intalbet, b’mod partikolari, għall-klassijiet 3 u 5 tal-Ftehim ta’ Nizza ( 6 ) li jkopru, rispettivament, fwejjaħ u żjut essenzjali u prodotti ta’ deodoranti għall-arja.

11.

Fid-29 ta’ Settembru 1998, Julius Sämann Ltd (“Sämann”) ippreżentat notifika ta’ oppożizzjoni għar-reġistrazzjoni mitluba, fuq il-bażi ta’ numru ta’ trade marks preċedenti.

12.

Dawk it-trade marks preċedenti kienu jinkludu t-trade mark figurattiva Komunitarja Nru 91 991, li kienet ippreżentata fl-1 ta’ April 1996 u li ġiet irreġistrata fl-1 ta’ Diċembru 1998 għal prodotti fil-klassi 5 tal-Ftehim ta’ Nizza, li qed tintwera iktar’l isfel. Ser nirreferi għaliha bħala t-“trade mark siluwett”.

Image

13.

Dawn kienu jinkludu wkoll sbatax-il trade mark figurattiva nazzjonali u internazzjonali oħra, kollha b’linja ta’ barra simili, għalkemm ilkoll għajr waħda ( 7 ) kienu differenti billi kellhom bażi bajda u/jew xi element verbali fuq il-siġra nnifisha. Ta’ rilevanza partikolari għal dan l-appell huma ż-żewġ trade marks internazzjonali ( 8 ), li qed jidhru hawn taħt, li kienu rreġistrati għal prodotti fil-klassijiet 3 u 5 b’effett, b’mod partikolari, fl-Italja. It-trade mark internazzjonali Nru 178 969 kienet irreġistrata fil-21 ta’ Awwissu 1954 u t-trade mark Nru 328 915 kienet irreġistrata fit-30 ta’ Novembru 1966. Dawn huma trade marks figurattivi li fihom elementi verbali, u ser nirreferi għalihom bħala t-“trade mark CAR FRESHNER” u t-“trade mark ARBRE MAGIQUE” rispettivament.

Image
Image

14.

Id-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni tal-UASI ċaħdet l-oppożizzjoni. Hija pparagunat it-trade mark Aire Limpio mat-trade mark siluwett. Id-Diviżjoni iddeċidiet li l-prodotti fil-klassijiet 3 u 5, li l-applikazzjoni saret fir-rigward tagħhom, kienu identiċi jew kienu ferm jixxiebħu ma’ dawk fil-klassi 5 li huma koperti mit-trade mark siluwett. Sussegwentement hija kkunsidrat jekk ix-xebh bejn it-trade marks kienx suffiċjenti biex jagħti lok għal probabbiltà ta’ konfużjoni. Essenzjalment, id-Diviżjoni kienet tal-fehma li l-forma ta’ siġra tal-arżnu jew taż-żnuber (jew kwalunkwe siġra, frotta jew fjura oħra) ma kinitx partikolarment distintiva rigward il-fwejjaħ jew id-deodoranti għall-ajra, iżda kienet saħansistra ġenerika jew deskrittiva, u b’hekk ma setgħetx tiġi immonopolizzata minn negozjant wieħed. Kien hemm differenzi grafiċi u verbali sinjifikattivi bejn iż-żewġ trade marks u d-differenzi ferm distintivi kienu jegħlbu x-xebh li ma tantx kien distintiv, biex inħolqot impressjoni ġenerali li kienet suffiċjentement differenti biex telimina kwalunkwe probabbiltà ta’ konfużjoni jew ta’ assoċjazzjoni. Meta waslet għal dik il-fehma, id-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni ma qisitx li kien meħtieġ li jiġu eżaminati fid-dettall kwalunkwe waħda mit-trade marks preċedenti invokati, li wrew saħansitra differenzi akbar fil-konfront tat-trade mark Aire Limpio milli wriet it-trade mark siluwett ( 9 ).

15.

Sämann ikkontestat din id-deċiżjoni quddiem it-Tieni Bord tal-Appell tal-UASI li kellu fehma differenti rigward il-probabbiltà ta’ konfużjoni ( 10 ).

16.

Filwaqt li aċċetta x-xebh mhux ikkontestat bejn il-prodotti kkonċernati, il-Bord tal-Appell iffoka l-evalwazzjoni tiegħu fuq il-probabbiltà ta’ konfużjoni fuq it-trade mark Aire Limpio u t-trade mark siluwett u “mhux fuq it-trade marks preċedenti kollha invokati [traduzzjoni mhux uffiċjali]” minn Sämann. Il-Bord għamel hekk “għall-istess raġunijiet ta’ ekonomija [traduzzjoni mhux uffiċjali]” bħal dawk li tat id-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni, peress li t-trade mark siluwett kienet “rappreżentattiva [traduzzjoni mhux uffiċjali]” tat-trade marks l-oħra u għaliex kienet it-trade mark eżaminata mid-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni ( 11 ).

17.

Il-Bord iddeċieda li ż-żewġ trade marks kienu magħmula minn siġra taż-żnuber bil-friegħi ifformati minn partijiet maħruġa ‘l barra u partijiet oħra mdaħħla’l ġewwa fuq il-ġnub u minn zokk qasir fuq bażi usa, iżda li t-trade mark siluwett kienet tassew siluwett filwaqt li t-trade mark Aire Limpio kienet magħmula minn linja ta’ barra li kien fiha elementi oħra. Għaldaqstant, il-kwistjoni kienet jekk id-differenzi kinux suffiċjenti sabiex tiġi eliminata probabbiltà ta’ konfużjoni, u r-risposta kienet tiddependi, b’mod deċiżiv, fuq il-karattru distintiv u r-reputazzjoni tat-trade mark preċedenti ( 12 ).

18.

Il-Bord fakkar li x-xebh kunċettwali jista’ jwassal għal probabbiltà ta’ konfużjoni, b’mod partikolari fejn it-trade mark preċedenti jkollha karattru partikolarment distintiv, jew minnha nfisha jew minħabba li tkun magħrufa sew mal-pubbliku. Sabiex jiġi ddeterminat jekk il-kundizzjoni tal-aħħar hijiex sodisfatta, il-fatti rilevanti kollha għandhom jiġu kkunsidrati, b’mod partikolari s-sehem tas-suq li għandha t-trade mark, l-intensità, il-firxa ġeografika, u kemm ilha tintuża, u d-daqs tal-investiment li sar mill-impriża li qed tippromwoviha ( 13 ).

19.

L-evidenza wriet li kull sena kienu jinbiegħu iktar minn 45 miljun ta’ deodoranti għall-arja tal-karrozzi ta’ Sämann, u li fl-Italja kellhom sehem mis-suq stmat ta’ iktar minn 50 %, fejn it-trade mark preċedenti kienet ġiet protetta, essenzjalment fil-forma essenzjalment identika tat-trade mark CAR-FRESHNER, mill-1954 u fejn, bejn l-1996 u l-1997, intefqu iktar minn 7 biljun Lira Taljana f’reklami. L-użu fit-tul u r-reputazzjoni fl-Italja tat-“trade mark preċedenti” taw lil din it-trade mark karattru partikolarment distintiv, għall-inqas fl-Italja, “anki jekk ma kellhiex dak il-karattru per se, kif instab fid-deċiżjoni kkontestata, konklużjoni li hija wkoll dubjuża, peress li l-forma tas-siġra b’mod ġenerali hija ħaġa waħda u l-forma ta’ siġra taż-żnuber hija ħaġa oħra ( 14 ) [traduzzjoni mhux uffiċjali]”.

20.

Il-Bord iddeduċa li x-xebh kunċettwali bejn it-trade marks — l-idea rrappreżentata mill-forma kondiviża ta’ siġra taż-żnuber — seta’, għallinqas fl-Italja, joħloq probabbiltà ta’ konfużjoni fejn għandu x’jaqsam il-pubbliku kkonċernat. Id-differenzi bejniethom, essenzjalment il-fatt li s-siġra taż-żnuber fit-trade mark Aire Limpio kien fiha karattru mpinġi b’mod komiku kif ukoll element verbali, ma kinux se jipprevjenu l-probabbiltà ta’ konfużjoni peress li l-pubbliku kkonċernat seta’ jipperċepiha bħala varjant divertenti u animat tat-trade mark preċedenti, partikolarment meta jitqies ix-xebh bejn il-prodotti koperti ( 15 ).

21.

Għaldaqstant, il-Bord tal-Appell annulla parzjalment id-deċiżjoni tad-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni, u rrifjuta r-reġistrazzjoni tat-trade mark Aire Limpio għal prodotti fil-klassijiet 3 u 5 ( 16 ).

22.

L & D ressqet rikors quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza għall-annullament tad-deċiżjoni tal-Bord tal-Appell. Hija allegat il-ksur tal-Artikoli 8(1)(b) u 73 tar-Regolament dwar it-trade marks. Madankollu, il-Qorti tal-Prim’Istanza ċaħdet ir-rikors ( 17 ).

Is-sentenza appellata

Il-ksur allegat tal-Artikolu 8(1)(b)

23.

Il-Qorti tal-Prim’Istanza ddeċidiet li r-regola fl-Artikolu 7(2) tar-Regolament, b’analoġija għandha tapplika għar-raġunijiet relattivi għal rifjut fl-Artikolu 8 ( 18 ). Sussegwentement, ikkunsidrat li l-konklużjoni tal-Bord tal-Appell, li t-trade marks inkwistjoni kienu kunċettwalment jixxiebħu u li kien hemm probabbiltà ta’ konfużjoni, kienet tirriżulta mill-konklużjoni tagħha li t-trade mark siluwett kellha karattru partikolarment distintiv fl-Italja. Min-naħa tagħha dik il-konklużjoni kienet ibbażata fuq l-aċċettazzjoni tal-użu fit-tul u tar-reputazzjoni mifruxa fl-Italja tat-trade mark ARBRE MAGIQUE li għandha l-istess forma ta’ siġra taż-żnuber u element verbali addizzjonali. Għalhekk kien meħtieġ li jiġi ddeterminat jekk il-konklużjoni tal-aħħar kinitx korretta, partikolarment jekk kienx possibbli li jkun sostnut li t-trade mark siluwett irnexxielha tikseb karattru partikolarment distintiv minħabba l-użu tat-trade mark ARBRE MAGIQUE ( 19 ).

24.

Il-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat li trade mark tista’ tikseb karattru distintiv minħabba li tintuża bħala parti minn trade mark irreġistrata oħra jekk, b’konsegwenza ta’ tali użu, il-klassi rilevanti ta’ persuni tipperċepixxi l-prodott jew is-servizz li jirreferu għalih it-trade marks bħala li joriġina minn impriża partikolari ( 20 ). Il-Bord tal-Appell ġustament kien tal-fehma li s-siluwett ta’ siġra taż-żnuber, li kellu rwol sinjifikattiv jew saħansitra preponderanti fit-trade mark ARBRE MAGIQUE, kien jikkorrispondi għat-trade mark siluwett. B’hekk, kien intitolat li jsostni li t-trade mark siluwett kienet tikkostitwixxi parti mit-trade mark ARBRE MAGIQUE. Peress li setgħet kisbet karattru distintiv minħabba l-użu bħala parti mit-trade mark ARBRE MAGIQUE, il-Bord tal-Appell kellu raġun jeżamina l-prova relatata mal-użu u mar-reputazzjoni tat-trade mark ARBRE MAGIQUE sabiex jistabbilixxi l-użu fit-tul, ir-reputazzjoni u l-karattru distintiv ta’ parti minnha, jiġifieri t-trade mark siluwett ( 21 ).

25.

Il-konklużjoni mill-evidenza tal-Bord tal-Appell — li, bħala parti mit-trade mark irreġistrata ARBRE MAGIQUE, it-trade mark siluwett kienet is-suġġett ta’ użu fit-tul fl-Italja, kienet magħrufa sew hemmhekk u għalhekk kellha karattru partikolarment distintiv — kienet ukoll korretta. Din kienet ibbażata fuq “il-fatt li l-bejgħ annwali tal-prodotti kkummerċjalizzati taħt dik it-trade mark kien jeċċedi l-45 miljun unità u l-bejgħ fl-Italja b’hekk kien jirrappreżenta sehem mis-suq li fl-1997 u l-1998 kien jaqbeż il-50 % [traduzzjoni mhux uffiċjali]”, u fuq nefqa għar-reklami fl-Italja, fl-1996 u fl-1997, ta’ iktar minn 7 biljun Lira Taljana. Il-fatt li ċ-ċifri kienu jkopru perijodi sussegwenti għal meta ġiet ippreżenta l-applikazzjoni għat-trade mark Aire Limpio ma kienx jinvalidahom. L-informazzjoni sussegwenti għall-preżentazzjoni ta’ applikazzjoni tista’ titqies fejn tista’ tintuża sabiex isiru konklużjonijiet dwar is-sitwazzjoni kif dik id-data ( 22 ). Sehem mis-suq ta’ 50 % fl-1997 u fl-1998 seta’ nkiseb biss progressivament. Il-Bord tal-Appell għalhekk ma żbaljax meta sostna li s-sitwazzjoni ma kinitx sostanzjalment differenti fl-1996 ( 23 ).

26.

Għalkemm ġie sostnut li karattru distintiv ma jistax jintwera li jeżisti biss b’referenza għal informazzjoni ġenerali u astratta, bħal perċentwali predeterminati ( 24 ), dik il-ġurisprudenza kienet tikkonċerna l-kwistjoni jekk trade mark li hija s-suġġett ta’ applikazzjoni għal reġistrazzjoni kisbitx karattru distintiv u mhux jekk trade mark irreġistrata li diġà kisbet karattru distintiv hijiex magħrufa sew. Fi kwalunkwe każ, il-Bord tal-Appell ħa inkunsiderazzjoni wkoll l-użu fit-tul mhux ikkontestat tat-trade mark ARBRE MAGIQUE ( 25 ).

27.

Il-Bord tal-Appell lanqas m’għamel ħażin li bbaża fuq il-fatt li t-trade mark preċedenti ilha tiġi protetta, f’forma essenzjalment identika, sa mill-1954, bħala t-trade mark CAR-FRESHNER, mingħajr ebda prova dwar l-użu tagħha minn meta ġiet irreġistrata. Huwa invoka l-użu stabbilit fl-Italja tat-trade mark ARBRE MAGIQUE, mhux tat-trade mark CAR-FRESHNER. Għalkemm id-deċiżjoni tiegħu tiddikjara li t-trade mark CAR-FRESHNER ilha rreġistrata sa mill-1954, rigward l-użu fit-tul, huwa jirreferi għat-trade mark ARBRE MAGIQUE. B’hekk il-Bord tal-Appell kien korrett meta sostna li l-użu fit-tul u r-reputazzjoni tat-trade mark ARBRE MAGIQUE, u konsegwentement tat-trade mark siluwett, fl-Italja, li kienu pperċepiti bħala li jindikaw l-oriġini tal-prodotti minn impriża speċifika, kienu suffiċjentement ġew ippruvati u meta ddeċieda li t-trade mark siluwett kellha karattru partikolarment distintiv fl-Italja ( 26 ).

28.

Wara li nnotat li ma kienx ikkontestat li l-prodotti inkwistjoni kienu jixxiebħu ( 27 ), il-Qorti tal-Prim’Istanza eżaminat ix-xebh fit-trade marks. Hija qieset li żewġ trade marks jixxiebħu meta, mill-perspettiva tal-pubbliku kkonċernat, teżisti bejniethom ugwaljanza almenu parzjali f’dak li jikkonċerna aspett, jew diversi aspetti, rilevanti ( 28 ).

29.

Fuq livell viżiv, fl-impressjoni totali l-element grafiku fit-trade mark Aire Limpio kien dominanti u kien jipprevali fuq l-element verbali li ma tantx kien distintiv, bil-karattri żgħar tiegħu imqiegħda fi ħdan is-siġra taż-żnuber. L-impressjoni totali ma kinitx ta’ karattru komiku iżda ta’ xbieha li tixbah siġra taż-żnuber. Il-wiċċ u l-idejn kienu integrati fil-parti ċentrali tas-siġra u ż-żewġt iżraben kienu jifformaw bażi. Id-dehra komika u animata tal-karattru tat impressjoni fantażjuża lil dik ir-rappreżentazzjoni, u t-trade mark setgħet titqies mill-pubbliku bħala varjant divertenti u animat tat-trade mark silwuett. Din kienet magħmula minn sinjal, li l-element preponderanti tagħha kien siluwett li jixbaħ siġra taż-żnuber, li kien is-sustanza tat-trade mark siluwett. Il-konsumatur prinċipalment jipperċepixxi dak l-element dominanti u dan jiddetermina l-għażla tiegħu, partikolarment għall-oġġetti ta’ kuljum mibjugħa fuq bażi self-service ( 29 ).

30.

Fuq livell kunċettwali, is-sinjali inkwistjoni kienu t-tnejn assoċjati mas-siluwett ta’ siġra taż-żnuber. Minħabba l-impressjoni mogħtija u minħabba l-fatt li l-espressjoni “aire limpio” ma kellha l-ebda tifsira partikolari għall-pubbliku Taljan, il-Bord tal-Appell kien intitolat li jsostni li kienu kunċettwalment jixxiebħu. Fuq livell fonetiku, kien hemm differenza peress li t-trade mark siluwett setgħet tiġi trażmessa oralment permezz ta’ deskrizzjoni, filwaqt li t-trade mark Aire Limpio setgħet tiġi espressa oralment billi jinqara l-element verbali tagħha ( 30 ).

31.

Rigward il-probabbiltà ta’ konfużjoni, il-Qorti tal-Prim’Istanza l-ewwel fakkret il-ġurisprudenza li tgħid li tali probabbiltà teżisti jekk il-pubbliku rilevanti jista’ jemmen li l-prodotti inkwistjoni ġejjin mill-istess impriża, jew minn impriżi ekonomikament konnessi. L-evalwazzjoni għandha tkun totali, fuq il-bażi tal-perċezzjoni tal-pubbliku kemm tas-sinjali kif ukoll tal-prodotti, fejn jitqiesu l-fatturi rilevanti kollha, inkluża l-interdipendenza bejn ix-xebh tas-sinjali u x-xebh tal-prodotti. Rigward ix-xebh bejn is-sinjali, dan għandu jkun ibbażat fuq l-impressjoni totali mogħtija, fejn wieħed iżomm quddiem għajnejh il-komponenti distintivi u dominanti tas-sinjali. Iktar ma tkun distintiva t-trade mark preċedenti, iktar tkun kbira l-probabbiltà ta’ konfużjoni. Ix-xebh kunċettwali li jirriżulta mill-użu ta’ xbiehat li jaqblu fil-kontenut semantiku tagħhom b’hekk jista’ joħloq probabbiltà ta’ konfużjoni f’każ fejn it-trade mark preċedenti għandha karattru distintiv partikolari, jew intrinsikament, jew inkella permezz tal-fama li hija għandha fost il-pubbliku ( 31 ).

32.

Meta jitqies li l-prodotti inkwistjoni kienu ta’ konsum ta’ kuljum, il-pubbliku rilevanti kien il-konsumatur medju, li kien mistenni li jkun normalment informat u raġonevolment attent u prudenti, huwa ma jagħtix attenzjoni partikolari waqt ix-xiri tagħhom. Normalment jagħżel huwa nnifsu l-prodotti inkwistjoni, u għandu tendenza jafda prinċipalment fix-xbieha tat-trade mark applikata lilhom, jiġifieri s-siluwett ta’ siġra taż-żnuber. B’konsegwenza, fid-dawl, minn naħa, tax-xebh tal-prodotti inkwistjoni u tax-xebh viżiv u kunċettwali tat-trade marks u, min-naħa l-oħra, tal-fatt li t-trade mark preċedenti kellha karattru distintiv partikolari fl-Italja, il-Bord tal-Appell ma kkommettiex żball meta wasal għall-konklużjoni tal-eżistenza ta’ probabbiltà ta’ konfużjoni ( 32 ).

33.

Il-Qorti tal-Prim’Istanza sussegwentement ċaħdet numru ta’ argumenti ta’ L & D.

34.

L-argument li t-trade mark siluwett kellha karattru distintiv dgħajjef minħabba li l-forma tagħha kienet deskrittiva tal-prodotti inkwistjoni kienet infondata. It-trade mark siluwett ma kinitx rappreżentazzjoni veraċi ta’ siġra taż-żnuber iżda mqiegħda fi stil, b’zokk ferm qasir fuq bażi rettangolari, u kienet kisbet karattru partikolarment distintiv. F’dak ir-rigward ir-referenza għal-linji ta’ gwida tal-Uffiċċju tal-Privattivi tar-Renju Unit ma kinitx rilevanti peress illi l-iskema tat-trade marks Komunitarji hija awtonoma u tapplika indipendentement minn kwalunkwe sistema nazzjonali. Barra minn hekk l-argument li t-trade mark siluwett ma kellhiex tiġi rreġistrata, għaliex essenzjalment kienet biss il-forma tal-prodott u peress li dik il-forma kienet meħtieġa sabiex jinkiseb ir-riżultat tekniku imfittex mill-prodotti ma setax, bħala raġuni assoluta għal rifjut li tipprekludi r-reġistrazzjoni valida ta’ sinjal, jiġi ssollevat fi proċeduri ta’ oppożizzjoni ( 33 ).

Il-ksur allegat tal-Artikolu 73

35.

L & D argumentat li r-raġunijiet tad-deċiżjoni tal-Bord tal-Appell kienu jikkonċernaw trade marks preċedenti li l-Bord kien huwa stess eskluda mill-analiżi komparattiva sabiex jiddetermina l-eżistenza ta’ probabbiltà ta’ konfużjoni.

36.

Il-Qorti tal-Prim’Istanza osservat li l-istqarrija tar-raġunijiet meħtieġa mill-Artikolu 73 għandha turi r-raġunament b’mod ċar u mhux ekwivoku, sabiex il-partijiet interessati jitħallew isiru jafu l-ġustifikazzjoni għad-deċiżjoni ħalli jipproteġu d-drittijiet tagħhom, kif ukoll sabiex il-qorti Komunitarja tkun tista’ tanalizza l-legalità tagħha ( 34 ). Barra minn hekk, id-deċiżjonijiet tal-UASI għandhom ikunu bbażati biss fuq raġunijiet fir-rigward ta’ liema l-partijiet ikkonċernati kellhom l-opportunità li jippreżentaw il-kummenti tagħhom. Dan jirrigwarda kemm ir-raġunijiet fattwali u ta’ dritt kif ukoll l-elementi ta’ prova. Madankollu, id-dritt ta’ smigħ japplika biss għall-elementi ta’ fatt jew ta’ dritt li jikkostitwixxu l-bażi tad-deċiżjoni, iżda mhux għall-pożizzjoni finali li l-amministrazzjoni jkun biħsiebha tadotta. F’dan il-każ, id-deċiżjoni tal-Bord tal-Appell wriet ir-raġunament tagħha b’mod ċar u mhux ekwivoku. L & D kellha opportunità li tippreżenta l-kummenti tagħha dwar il-fatturi kollha li fuqhom kienet ibbażata d-deċiżjoni u dwar l-użu min-naħa tal-Bord tal-Appell tal-prova relatata mal-użu tat-trade marks preċedenti ( 35 ).

37.

Għaldaqstant, il-Qorti tal-Prim’Istanza ċaħdet ir-rikors u ordnat li L & D tbati l-ispejjeż. L & D appellat minn din is-sentenza.

L-evalwazzjoni tal-appell

Introduzzjoni

38.

L & D qed titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex jogħġobha tannulla s-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza fl-intier tagħha, tannulla d-deċiżjoni tal-Bord tal-Appell safejn tannulla parzjalment id-deċiżjoni tad-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni, tirrifjuta r-reġistrazzjoni tat-trade mark Aire Limpio għall-prodotti fil-klassijiet 3 u 5 u tordna li l-partijiet ibatu l-ispejjeż tagħhom, u biex tordna lill-UASI tbati l-ispejjeż kollha. L-UASI u Sämann qed jitolbu lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex joġgħobha tiċħad l-appell u tordna li L & D tħallas l-ispejjeż.

39.

In sostenn tal-appell tagħha, L & D qed issostni li l-Qorti tal-Prim’Istanza kisret, l-ewwelnett, l-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament, meta kkonkludiet li (i) it-trade mark siluwett kienet kisbet karattru distintiv, (ii) it-trade marks inkwistjoni kienu jixxiebħu, u (iii) kien hemm probabbiltà ta’ konfużjoni, u, it-tieni nett, l-Artikolu 73, meta bbażat l-evalwazzjoni tagħha fuq prova relatata ma’ trade marks oħra li mhumiex it-trade mark siluwett.

40.

L-UASI u Sämann qed isostnu li l-appell huwa, minn naħa, inammissibbli fl-intier tiegħu, peress li qed ifittex analiżi min-naħa tal-Qorti tal-Ġustizzja ta’ evalwazzjonijiet fattwali magħmula mill-Qorti tal-Prim’Istanza, b’mod partikolari l-evalwazzjoni tal-probabbiltà ta’ konfużjoni u, min-naħa l-oħra, li huwa infondat f’kull waħda mis-sottomissjonijiet tiegħu.

41.

Naturalment huwa minnu li l-evalwazzjoni tal-probabbiltà ta’ konfużjoni jew ta’ assoċjazzjoni bejn żewġ trade marks hija kwistjoni fattwali, li għandha tkun ibbażata fuq dik li probabbilment se tkun l-impressjoni totali tal-konsumatur medju rilevanti. Din bilfors tinkludi element suġġettiv, u għalhekk dejjem se jkun hemm lok għal nuqqas ta’ qbil.

42.

F’appell, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tinjora kwalunkwe perċezzjoni li l-probabbiltà ta’ konfużjoni setgħet ġiet evalwata b’mod iktar preċiż fuq il-fatti mid-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni, mill-Bord tal-Appell jew mill-Qorti tal-Prim’Istanza, skont kif ikun il-każ. Hija trid tillimita l-analiżi tagħha għal punti ta’ dritt: inkompetenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza, il-ksur tal-proċedura quddiemha, jew, ferm iktar importanti minn hekk, il-ksur tad-dritt Komunitarju mill-Qorti tal-Prim’Istanza ( 36 ).

43.

Fil-prinċipju, l-eżami tal-Qorti tal-Ġustizzja hija wkoll limitata għal eżami tar-raġunijiet ta’ appell li għandha quddiemha — bl-istess mod kif ir-rwol tal-Qorti tal-Prim’Istanza, fil-prinċipju, huwa limitat għall-eżami tal-motivi tal-partijiet — sakemm ma jkunx hemm kwistjoni ta’ ordni pubbliku li għandha tqajjem ex officio.

44.

Iktar ’l isfel, ser neżamina l-argumenti ta’ L & D wieħed wara l-ieħor, skont dawn il-prinċipji. Madankollu, jista’ jkun utli li l-ewwel nett nenfasizza l-inċertezza (li ser immur lura għaliha f’iktar dettall meta neżamina l-motiv tal-appell relatat mal-ksur tal-obbligu li jiġu ddikjarati raġunijiet adegwati) rigward essenzjalment liema trade marks kienu ġew ikkunsidrati bħala li jifformaw il-bażi tal-paragun min-naħa tal-Bord tal-Appell u mill-Qorti tal-Prim’Istanza, rispettivament.

45.

Il-Bord tal-Appell iddikjara li kien ser jipparaguna t-trade mark Aire Limpio mat-trade mark siluwett bħala rappreżentattiva tal-oħrajn, imbagħad aċċetta prova rigward ir-reklami u l-bejgħ tad-deodoranti għall-arja tal-karrozzi ta’ Sämann, mingħajr referenza għat-trade mark li biha kienu rreklamati jew mibjugħa, u rrefera għall-fatt li t-trade mark CAR-FRESHNER ilha prottetta mill-1954. Madankollu, il-Qorti tal-Prim’Istanza ddikjarat li l-Bord tal-Appell kien ibbaża l-konklużjonijiet tiegħu fuq l-użu u r-reputazzjoni tat-trade mark ARBRE MAGIQUE u kien qies it-trade mark siluwett bħala parti minn dik it-trade mark. Jista’ jkun ta’ għajnuna jekk insegwu wħud mis-sottomissjonijiet fl-appell jekk inżommu f’moħħna dawn id-diskrepanzi possibbli.

L-ewwel aggravju għal appell — ksur tal-Artikolu 8(1)(b)

Żball meta ġie konkluż li t-trade mark siluwett kienet kisbet karattru partikolarment distintiv

— L-impressjoni totali

46.

L & D issostni li l-Qorti tal-Prim’Istanza naqset milli tieħu kunsiderazzjoni biżżejjed ta’ differenzi viżivi kbar (il-linja ta’ barra preċiża, il-panil li fih l-element verbali u l-kulur tal-bażi) bejn it-trade mark siluwett u t-trade mark ARBRE MAGIQUE. B’hekk naqset milli tkun konformi mal-ġurisprudenza fejn tgħid li l-evalwazzjoni globali għandha tkun ibbażata fuq l-impressjoni totali mogħtija mit-trade mark meta tiġi perċepita bħala ħaġa sħiħa ( 37 ).

47.

Jiena naqbel mal-UASI u ma’ Sämann li dan jammonta għal kritika tal-evalwazzjoni tal-kwistjonijiet fattwali li għamlet il-Qorti tal-Prim’Istanza, li ma tistax tiġi eżaminata fl-appell. Il-Qorti tal-Prim’Istanza pparagunat it-trade mark siluwett ma’ parti mit-trade mark ARBRE MAGIQUE, u l-argument ta’ L & D ma jinkludi xejn li jissuġġerixxi li dawk iż-żewġ elementi ma kinux ipparagunati fuq il-bażi tal-impressjoni totali mogħtija.

— Ir-rwol tal-parti figurattiva fit-trade mark ARBRE MAGIQUE

48.

L & D qed issostni li l-Qorti tal-Prim’Istanza naqset milli tiddetermina r-rwol preċiż li kellha l-parti figurattiva (is-siluwett ta’ siġra taż-żnuber) fit-trade mark ARBRE MAGIQUE. Jekk ir-rwol kien sempliċement sinjifikattiv u mhux predominanti, l-evidenza tal-użu u tar-reputazzjoni ta’ dik it-trade mark ma setgħetx twassal għal konklużjoni ta’ karattru distintiv għat-trade mark siluwett.

49.

Jiena naqbel mal-UASI li l-Qorti tal-Prim’Istanza ddeċidiet li l-parti figurattiva kellha rwol li ma kienx sempliċement sinjifikattiv iżda anki preponderanti fit-trade mark ARBRE MAGIQUE ( 38 ).

— Is-sentenza Nestlé

50.

L & D issostni wkoll li s-sentenza Nestlé ( 39 ). li l-Qorti tal-Prim’Istanza invokatha biex tistabbilixxi li t-trade mark siluwett kienet kisbet karattru distintiv bħala parti mit-trade mark ARBRE MAGIQUE, ma tindikax li l-użu bħala parti minn trade mark irreġistrata bilfors iwassal għall-kisba ta’ karattru distintiv, iżda biss li jista’ jagħmel dan. Minbarra dan, iċ-ċirkustanzi ta’ dak il-każ ma kinux tali li setgħu iwasslu għal konklużjonijiet għal dan il-każ: (i) is-sentenza Nestlé kienet tikkonċerna l-kisba ta’ karattru distintiv minn trade mark li kien hemm tentattivi biex tiġi rreġistrata, mhux trade mark invokata minn parti opposta; (ii) kienet tikkonċerna żewġ trade marks purament verbali, mhux trade mark figurattiva u trade mark imħallta b’elementi figurattivi u verbali; (iii) fis-sentenza Nestlé, it-trade mark mitluba kienet il-parti dominanti ta’ slogan li jiġbed l-attenzjoni, filwaqt li hawnhekk ir-rwol preponderanti tal-parti figurattiva tat-trade mark ARBRE MAGIQUE mhuwiex stabbilit; u, (iv) fis-sentenza Nestlé, it-trade mark mitluba u l-parti tat-trade mark preċedenti kienu identiċi, filwaqt li hawnhekk iż-żewġ siluwetti jixxiebħu biss.

51.

Jidhirli li huwa ċar li l-Qorti tal-Prim’Istanza setgħet, ġustament, tibbaża fuq is-sentenza Nestlé sabiex tasal għall-konklużjoni, li ma tistax tiġi kkontestata f’appell, li s-siluwett fil-fatt kien kiseb karattru distintiv bħala parti mit-trade mark ARBRE MAGIQUE. Rigward id-differenzi allegati bejn is-sentenza Nestlé u din il-kawża, (i) u (ii) ma jidhirx li jeħtieġu xi differenza fl-approċċ, ikkunsidrajt (iii) fil-kuntest tal-argument preċedenti, u (iv) tikkonċerna evalwazzjoni ta’ fatt.

— Ir-rwol preponderanti tal-elementi verbali

52.

L & D qed issostni wkoll li l-konklużjoni li l-linja ta’ barra ta’ siġra taż-żnuber kellha rwol sinjifikattiv fit-trade mark ARBRE MAGIQUE u b’hekk f’parti sinjifikattiva tat-trade mark siluwett ma segwietx il-ġurisprudenza ( 40 ) li tgħid li, fi trade marks li fihom kemm elementi grafiċi kif ukoll elementi verbali, tal-aħħar għandhom ir-rwol preponderanti fejn tal-ewwel ikollhom kontenut ftit immaġinattiv — kif inhu l-każ bil-linja ta’ barra ta’ siġra taż-żnuber.

53.

Fil-fatt, mhemm xejn fil-ġurisprudenza ċċitata minn L & D li jistabbilixxi tali regola inflessibbli. Dawk it-tliet sentenzi juru eżempji fejn l-element verbali nstab li kien predominanati, iżda ma jiġġustifikawx il-konklużjoni li għandu jkun dejjem hekk. F’dan il-każ, il-Qorti tal-Prim’Istanza ġibdet konklużjoni differenti fuq il-bażi tal-fatti, u dik il-konklużjoni ma tistax tiġi kkontestata fl-appell.

— Il-linji gwida tal-Uffiċċju tal-Privattivi tar-Renju Unit

54.

L & D qed issostni li l-Qorti tal-Prim’Istanza b’mod żbaljat ċaħdet bħala rrilevanti sottomissjonijiet ibbażati fuq il-linji gwida tal-Uffiċċju tal-Privattivi tar-Renju Unit rigward l-evalwazzjoni tal-karattru deskrittiv. Dawk il-linji gwida sempliċement ikkonfermaw li l-forma ta’ siġra taż-żnuber kienet deskrittiva għall-prodotti inkwistjoni, u setgħet tiġi kkunsidrata fil-kuntest tal-evalwazzjoni totali.

55.

Ma nistax naċċetta li l-Qorti tal-Prim’Istanza wettqet żball ta’ dritt meta ddikjarat li d-deċiżjoni tal-Bord tal-Appell setgħet tiġi evalwata biss fuq il-bażi tar-Regolament kif ġie interpretat mill-qrati Komunitarji. Hija wasslet għal konklużjoni ta’ fatt rigward il-karattru deskrittiv tal-forma għall-prodotti inkwistjoni, u lanqas il-linji gwida tal-UASI stess ma setgħu jinvalidaw dik il-konklużjoni jekk ma kinitx tmur kontra r-Regolament jew il-ġurisprudenza. Dan huwa saħanistra iktar minnu fejn ikunu kkonċernati linji gwida nazzjonali, u L & D ma identifikat l-ebda inkonsistenza mal-leġiżlazzjoni jew mal-ġurisprudenza. Lanqas ma kien hemm xi kuntradizzjoni (kif qed issostni wkoll L & D) meta t-trade mark siluwett ġiet deskritta kemm bħala li għandha l-forma ta’ siġra taż-żnuber kif ukoll bħala li mhix rappreżentazzjoni fidila ta’ siġra taż-żnuber.

— Il-forma ta’ prodott meħtieġa sabiex jinkiseb riżultat tekniku

56.

Fil-fehma ta’ L & D, il-Qorti tal-Prim’Istanza missha kkunsidrat, bħala kwistjoni ta’ dritt, li t-trade mark siluwett ma kinitx suffiċjentement distintiva għaliex sempliċement irriproduċiet parti mid-dehra tal-prodotti mibjugħa taħtha ( 41 ), jiġifieri l-forma tagħhom. Dik il-forma, barra minn hekk, kienet meħtieġa sabiex jinkiseb ir-riżultat tekniku meħtieġ minn deodorant għall-arja u ma setgħetx tiġi rreġistrata skont l-Artikolu 7(1)(e) tar-Regolament. Il-Qorti tal-Ġustizzja ma misshiex irrifjutat li tippermetti l-argument tal-aħħar għaliex dan kien jikkonċerna raġuni assoluta għal rifjut, filwaqt li l-azzjoni kienet tikkonċerna proċeduri ta’ oppożizzjoni — seta’ jitqies bħala parti mill-evalwazzjoni globali tal-karattru distintiv.

57.

Rigward l-ewwel aspett ta’ dik is-sottomissjoni, jidhirli li L & D ma tista’ tieħu ebda appoġġ mill-ġurisprudenza li hija tiċċita, li s-sustanza tagħha hija sempliċement li kulur applikat għal tagħmir tat-telekomunikazzjonijiet, jew mudell fis-superfiċje applikat fuq oġġett tal-ħġieġ, mhux bilfors jiġi pperċepit bħala li jidentifika l-oriġini kummerċjali tal-prodotti. Din il-ġursprudenza xorta teħtieġ evalwazzjoni fattwali sabiex jiġi ddeterminat jekk kulur, mudell, forma jew aspett ieħor fil-fatt x’aktarx jiġi pperċepit b’dan il-mod f’kull każ. Ikun xi jkun il-każ, ma jistax jiġi sostnut b’mod plawżibbli li trade mark li l-forma tagħha għandha karattru distintiv x’aktarx li awtomatikament titlef il-karattru distintiv tagħha meta prodotti jiġu ffabbrikati f’dik il-forma.

58.

Fir-rigward tat-tieni aspett, il-kwistjoni għal din il-Qorti tal-Ġustizzja mhix jekk il-forma ta’ siġra taż-żnuber fil-fatt hijiex meħtieġa biex jinkiseb ir-riżultat tekniku mixtieq ta’ rilaxx gradwali ta’ deodorant minn deodorant għall-arja iżda jekk il-Qorti tal-Prim’Istanza kinitx korretta li teskludi dak l-argument minn kunsiderazzjoni, bħala li huwa relatat ma’ raġuni assoluta għal rifjut u b’hekk estranju għas-suġġett tal-proċeduri ta’ oppożizzjoni.

59.

Il-Qorti tal-Prim’Istanza diġà kkunsidrat dik il-kwistjoni f’żewġ okkażjonijiet preċedenti. L-ewwel kawża fejn għamlet dan kienet is-sentenza Durferrit ( 42 ). Parti li opponiet ir-reġistrazzjoni ta’ trade mark kienet inkludiet, fost ir-raġunijiet biex tikkontesta d-deċiżjoni tal-Bord tal-Appell li ċaħad l-oppożizzjoni, allegazzjoni li t-trade mark kienet tmur kontra l-ordni pubbliku u kontra l-prinċipji aċċettati ta’ moralità skont l-Artikolu 7(1)(f) tar-Regolament. Il-Qorti tal-Prim’Istanza ċaħdet it-talba bħala immaterjali minħabba li l-Artikolu 7(1)(f) “mhuwiex wieħed mid-dispożizzjonijiet li fir-rigward tagħhom għandha tiġi evalwata l-legalità tad-deċiżjoni kkontestata [traduzzjoni mhux uffiċjali]”. Hija rraġunat b’dan il-mod.

60.

Il-mod li bih jiġi organizzat l-eżami tal-applikazzjonijiet skont l-Artikoli 36 sa 43 tar-Regolament, u b’mod partikolari l-ifformular u l-istruttura tal-Artikoli 42 u 43 li jirregolaw il-proċeduri ta’ oppożizzjoni, jagħmluha ċara li r-raġunijiet assoluti għal rifjut fl-Artikolu 7 m’għandhomx jiġu eżaminati bħala parti minn proċedura ta’ oppożizzjoni, li tista’ tkun ibbażata biss fuq ir-raġunijiet relattivi fl-Artikolu 8. Għalkemm, skont l-Artikolu 41(1), partijiet terzi jistgħu jressqu osservazzjonijiet quddiem l-UASI rigward raġunijiet assoluti, l-effett huwa sempliċement li l-UASI għandha tikkunsidra l-ftuħ mill-ġdid tal-proċedura ta’ eżami sabiex jikkontrolla jekk ir-reġistrazzjoni hijiex prekluża. B’hekk mhuwiex fil-kuntest tal-proċeduri ta’ oppożizzjoni li l-UASI għandha tqis tali osservazzjonijiet, anki jekk fil-fatt jitressqu matul tali proċeduri. Jekk ikun xieraq, il-UASI tista’ tissospendi l-proċedura ta’ oppożizzjoni ( 43 ).

61.

Minbarra dan, skont l-Artikolu 58 tar-Regolament, jista’ jsir appell quddiem il-Bord tal-Appell biss minn parti għal proċedura quddiem l-UASI u, skont l-Artikolu 63(4), rikors quddiem il-qrati Komunitarji huwa disponibbli biss għal partijiet għall-proċeduri quddiem il-Bord tal-Appell. Il-persuni li jressqu osservazzjonijiet fil-kuntest tal-Artikolu 41(1), kemm jekk ikunu ppreżentaw oppożizzjoni jew le, mhumiex partijiet fil-proċeduri; huma ma jistgħux jappellaw quddiem il-Bord tal-Appell jew, a fortiori, quddiem il-qrati Komunitarji kontra deċiżjoni tal-UASI fuq ir-raġuni assoluta għal rifjut invokata.

62.

Il-Qorti tal-Prim’Istanza, sussegwentement iċċitat is-sentenza Durferrit bħala preċedent fis-sentenza BMI Bertollo ( 44 ), fejn applikant sabiex jirreġistra trade mark Komunitarja oġġezzjona għall-fatt li parti li tkun qed topponi invokat trade mark preċedenti minħabba li t-trade mark preċedenti ma misshiex ġiet irreġistrata. Hija ma pprovdietx ġustifikazzjoni ddettaljata għat-traspożizzjoni tal-metodu fis-sentenza Durferrit għal dik is-sitwazzjoni pjuttost differenti, iżda ddikjarat sempliċement li jekk l-applikant kien tal-fehma li t-trade mark preċedenti kienet ġiet irreġistrata bi ksur tal-Artikolu 7, huwa kellu japplika biex tiġi kkanċellata skont l-Artikolu 51. Fuq punt xi ftit differenti, hija żiedet tgħid li l-validità ta’ trade mark nazzjonali ma tistax tiġi kkontestata fi proċeduri għar-reġistrazzjoni ta’ trade mark Komunitarja, iżda biss fi proċeduri għall-kanċellazzjoni mressqa fl-Istat Membru kkonċernat ( 45 ).

63.

F’dan il-każ, il-Qorti tal-Prim’Istanza ddikjarat, fil-paragrafu 105 tas-sentenza tagħha, fejn iċċitat is-sentenza BMI Bertollo bħala preċedent: “Fil-fatt, ir-rikorrenti ma tistax, f’kull każ, fil-kuntest ta’ proċedimenti [proċeduri] ta’ oppożizzjoni, tinvoka raġuni assoluta ta’ rifjut tar-reġistrazzjoni valida ta’ sinjal minn uffiċċju nazzjonali jew mill-UASI. Ir-raġunijiet assoluti ta’ rifjut msemmija fl-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 40/94 m’għandhomx jiġu eżaminati fil-kuntest ta’ proċedimenti ta’ oppożizzjoni u dan l-Artikolu ma jinsabx fost id-dispożizzjonijiet li fir-rigward tagħhom għandha tiġi evalwata l-legalità tad-deċiżjoni kkontestata”.

64.

Jista’ jkun ta’ għajnuna jekk f’dan il-punt nerġgħu insemmu d-dispożizzjonijiet rilevanti tar-Regolament.

65.

Filwaqt li l-Artikolu 7 jelenka raġunijiet assoluti għal rifjut ta’ reġistrazzjoni mingħajr referenza għal partijiet terzi, l-Artikolu 8 jikkonċerna l-oppożizzjoni mill-proprjetarji ta’ trade marks eżistenti, minħabba raġunijiet relatati ma’ kunflitt mad-drittijiet ta’ dawn il-proprjetarji. Il-proċedura ta’ reġistrazzjoni hija rregolata mit-Titolu IV (l-Artikoli 36 sa 45) u hija strutturata kif ġej: (i) l-eżami tal-kundizzjonijiet formali tal-preżentata; (ii) l-eżami tar-raġunijiet assoluti għal rifjut; (iii) it-tfittxija għal trade marks preċedenti li jistgħu jkunu kunfliġġenti; (iv) il-pubblikazzjoni tal-applikazzjoni; (v) l-osservazzjonijiet min-naħa ta’ partijiet terzi rigward raġunijiet assoluti għal rifjut fl-Artikolu 7; (vi) l-oppożizzjoni min-naħa tal-proprjetarji ta’ trade marks eżistenti minħabba raġunjiet relattivi fl-Artikolu 8; (vii) l-irtirar, ir-restrizzjoni, l-emenda jew id-diviżjoni possibbli tal-applikazzjoni; (viii) ir-reġistrazzjoni. Ladarba t-trade mark hija rreġistrata, l-Artikoli 51 u 52 jipprovdu rispettivament għar-raġunijiet assoluti u relattivi ta’ invalidità li għandhom jiġu ssollevati mal-applikazzjoni lill-UASI jew fuq il-bażi ta’ kontrotalba fi proċeduri ta’ ksur.

66.

Meta nħares lejn dawn id-dispożizzjonijiet, inqis li r-raġunament fis-sentenza Durferrit kien għal kollox konvinċenti f’sitwazzjoni fejn parti qed tfittex li topponi r-reġistrazzjoni ta’ trade mark minħabba raġuni relatata ma’ r-reġistrabbiltà essenzjali tat-trade mark. Minn naħa, dawn ir-raġunijiet mhumiex fost dawk li ġew stabbiliti b’mod eżawrjenti fid-dispożizzjonijiet li jirregolaw il-proċedura ta’ oppożizzjoni u, min-naħa l-oħra, huma disponibbli proċeduri oħra iktar adattati f’dispożizzjonijiet differenti, jew b’mod parallel mal-opportunità li jinfetħu proċeduri ta’ oppożizzjoni jew wara r-reġistrazzjoni.

67.

Madankollu, minix konvinta li tali raġunament japplika wkoll fejn parti li qed tipprova tirreġistra trade mark Komunitarja tixtieq, bħala difiża fi proċeduri ta’ oppożizzjoni, targumenta li t-trade mark li fuqha hija bbażata l-oppożizzjoni ma misshiex ġiet irreġistrata.

68.

L-ewwel nett, filwaqt li r-Regolament jispeċifika b’mod eżawrjenti r-raġunijiet li fuqhom tista’ tkun opposta reġistrazzjoni, ma jistabbilixxi l-ebda kundizzjoni espliċita rigward il-kontro-argumenti li jistgħu jintużaw b’difiża għall-oppożizzjoni. Peress li x-xebh u l-probabbiltà ta’ konfużjoni jistgħu jiġu evalwati biss meta jiġu pparagunati t-trade marks inkwistjoni, tali argumenti b’mod ċar jistgħu jikkonċernaw it-trade mark preċedenti kif ukoll it-trade mark li għaliha tkun qed issir applikazzjoni għal reġistrazzjoni.

69.

B’hekk, f’dan il-każ, l-argument iffoka prinċipalment fuq il-karattru distintiv tat-trade mark preċedenti. Dak l-argument, ġustament, ġie kkunsidrat mid-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni, mill-Bord tal-Appell u mill-Qorti tal-Prim’Istanza peress illi l-livell ta’ karattru distintiv tat-trade mark huwa aspett tal-evalwazzjoni tal-probabbiltà ta’ konfużjoni. Madankollu, in-nuqqas ta’ karattru distintiv huwa wkoll raġuni assoluta għal rifjut skont l-Artikolu 7(1)(a) u (b); madankollu il-Qorti tal-Prim’Istanza — għal darb’oħra ġustament fil-fehma tiegħi — ma ċaħditx l-argument bħala inammissibbli minħabba dik ir-raġuni.

70.

B’mod konsistenti ma’ dan il-metodu, fil-fehma tiegħi mhemm l-ebda raġuni għaliex għandi nirrifjuta li neżamina argument relatat mal-karattru distintiv tat-trade mark preċedenti — li huwa l-bażi li fuqu L & D ressqet l-argument tagħha dwar il-forma meħtieġa sabiex jinkiseb riżultat tekniku — sempliċement għaliex huwa relatat ukoll ma’ raġuni assoluta għal rifjut skont l-Artikolu 7. Jekk wieħed jista’ jargumenta li t-trade mark preċedenti kellha karattru distintiv limitat, argument li din m’għandhiex karattru distintiv sa tali punt li ma tistax tiġi rreġistrata m’għandux jiġi eskluż milli jiġi kkunsidrat. Fejn jiġi allegat li t-trade mark preċedenti tikkonsisti esklużivament minn forma meħtieġa sabiex jinkiseb riżultat tekniku, l-eżami ta’ dak l-argument jista’ jwassal għall-konklużjoni li dik it-trade mark ma tikkonsistix esklużivament minn tali forma, iżda minkejja dan, minħabba x-xebh tagħha ma’ tali forma, mhijiex suffiċjentement distintiva sabiex fiċ-ċirkustanzi tal-każ tkun stabbilita probabbiltà ta’ konfużjoni.

71.

It-tieni nett, jiena naqbel li fi proċeduri ta’ oppożizzjoni mhux possibbli li trade mark preċedenti tiġi ddikjarata invalida — li kienet il-bażi tad-deċiżjoni fis-sentenza Durferrit — u li, jekk parti għal tali proċeduri qed tfittex tali dikjarazzjoni, dak li għandha tagħmel dik il-parti huwa li tagħti bidu għal proċeduri ta’ invalidità filwaqt li d-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni (jew il-Bord tal-Appell, skont kif ikun il-każ) għandha tqis jekk ikunx xieraq li tissospendi l-proċedura ta’ oppożizzjoni. Madankollu, din is-sistema ta’ azzjoni tidher problematika u proċeduralment ineffiċjenti jekk mhix qed tiġi mfittxija tali dikjarazzjoni u jekk l-eżami tas-sottomissjoni jista’ jwassal għal konklużjoni bħal dik li ddeskrivejt fil-qosor fil-paragrafu preċedenti. Huwa partikolarment problematiku fejn jiġu invokati trade marks nazzjonali preċedenti u saħansitra iktar problematiku fejn, bħal f’dan il-każ, ikun hemm xi konfużjoni rigward l-identiċità tat-trade mark preċedenti li fuq il-karattru distintiv tagħha hija bbażata l-konklużjoni ta’ probabbiltà ta’ konfużjoni.

72.

It-tielet nett, il-kwistjoni ta’ liema argumenti jistgħu jiġu ssollevati sabiex tkun opposta oġġezzjoni għar-reġistrazzjoni hija relatata mad-dritt tad-difiża. Filwaqt li jista’ ma jkunx oġġezzjonabbli li parti li tat bidu għal proċeduri ta’ oppożizzjoni tiġi mġiegħla tuża’ proċeduri oħra li jkunu iktar adattati sabiex tissolleva raġunijiet assoluti għal rifjut, jidher inqas ekwu li l-parti li kontra tagħha diġà nbdew dawk il-proċeduri tkun meħtieġa ċċedi argument f’difiża u tibda proċeduri oħra sabiex issegwi dak l-argument.

73.

Għaldaqstant, jiena tal-fehma li l-Qorti tal-Prim’Istanza wettqet żball ta’ dritt fil-punt 105 tas-sentenza tagħha meta ċaħdet l-allegazzjoni ta’ L & D bħala inammissibbli mingħajr ma eżaminat is-sustanza tagħha.

— Il-prova li tikkonċerna l-użu tat-trade mark preċedenti

74.

Fl-aħħar nett, rigward il-konklużjoni ta’ karattru distintiv miksub, L & D targumenta li l-Qorti tal-Prim’Istanza ma applikatx sew il-ġurisprudenza li ċċitat ( 46 ) meta kkonkludiet li l-materjal li jġib data ta’ wara l-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni seta’ jiġi aċċettat bħala prova tas-sitwazzjoni pre-eżistenti u li l-kisba ta’ tali karattru tista’ tinstab fuq il-bażi ta’ indikazzjonijiet ġenerali li jikkonċernaw il-volum ta’ reklamar jew ta’ bejgħ. Barra minn hekk, qed issostni, li l-evidenza tal-volum ta’ bejgħ hija inqas sinjifikattiva għall-prodotti ta’ kuljum ta’ valur żgħir bħal dawk inkwistjoni. Il-Qorti tal-Prim’Istanza żbaljat meta ħadet id-data ta’ reġistrazzjoni tat-trade mark ARBRE MAGIQUE bħala l-bidu tal-użu mingħajr prova li l-użu kien fil-fatt beda minn dik id-data. Barra minn hekk, l-informazzjoni kollha dwar il-bejgħ u r-reklamar kienet tikkonċerna l-użu tad-denominazzjoni ‘Arbre Magique’, mhux tat-trade mark ARBRE MAGIQUE.

75.

Minn dawk l-argumenti, il-kwistjoni tas-sinjifikat li għandu jingħata lill-volum ta’ bejgħ tat-tip ta’ prodott ikkonċernat hija waħda mill-evalwazzjonijiet fattwali li, bħala tali, taqa’ barra mill-ambitu ta’ appell. L-argumenti li jikkonċernaw it-tul u l-firxa tal-użu speċifikatament tat-trade mark ARBRE MAGIQUE jissollevaw kwistjonijiet li nippreferi nittrattahom iktar’il quddiem fil-kuntest tal-istqarrija tar-raġunijiet. Hawnhekk, ser nillimita ruħi sabiex neżamina l-argumenti li jikkonċernaw id-data u n-natura tal-provi aċċettati.

76.

Rigward il-possibbiltà li tiġi aċċettata prova tal-użu tat-trade mark preċedenti wara li ġiet ippreżentata l-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni tat-trade mark Aire Limpio, ma nqisx li l-Qorti tal-Prim’Istanza wettqet xi żball ta’ dritt. Din il-Qorti ddikjarat fis-sentenza Alcon ( 47 ) li “mingħajr inkonsistenza fir-raġunament tagħha jew żball ta’ dritt, il-Qorti tal-Prim’Istanza setgħet tqis materjal li, għalkemm sussegwenti għad-data tal-preżentazzjoni tal-applikazzjoni, ta l-possibbiltà li jinġibdu konklużjonijiet dwar is-sitwazzjoni kif kienet f’dik id-data [traduzzjoni mhux uffiċjali]”. Jekk dak jikkostitwix regola ġenerali (kif qed tafferma L & D) jew le, ma jipprekludix lill-Bord tal-Appell u lill-Qorti tal-Prim’Istanza milli jaslu għall-konklużjonijiet tagħhom fuq il-bażi li sehem mis-suq kbir ma jinkisbx mil-lejl għan-nhar.

77.

Rigward il-possibbiltà li jiġu invokati indikazzjonijiet ġenerali rigward il-volum ta’ reklamar jew ta’ bejgħ, il-Qorti tal-Prim’Istanza, fil-paragrafu 85 tas-sentenza tagħha, ddikjarat li:

‘[…] ma jistax jintlaqa’ l-argument tar-rikorrenti, li jgħid li l-Bord tal-Appell inġustament iddeċieda li t-trade mark preċedenti kellha karattru partikolarment distintiv fl-Italja billi bbaża ruħu biss fuq indikazzjonijiet ġenerali dwar il-volum ta’ reklamar u l-fatturat. Huwa minnu li, skont il-ġurisprudenza invokata mir-rikorrenti, il-karattru distintiv ta’ trade mark ma jistax jiġi stabbilit biss fuq il-bażi ta’ informazzjoni ġenerali u astratta, bħal ma huma perċentwali speċifiċi (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-18 ta’ Ġunju 2002, Philips, C-299/99, Ġabra p. I-5475, punt 62). Madankollu, għandu jingħad, l-ewwel nett, li din il-ġurisprudenza tikkonċerna l-ksib tal-karattru distintiv ta’ trade mark li hija s-suġġett ta’ applikazzjoni għal reġistrazzjoni u mhux, bħal f’din il-kawża, l-evalwazzjoni jekk trade mark irreġistrata li diġà kisbet karattru distintiv hijiex magħrufa sew. It-tieni nett, sabiex tiġi stabbilita, f’din il-kawża, jekk it-trade mark hijiex magħrufa sew, il-Bord tal-Appell ma kkunsidrax biss indikazzjonijiet ġenerali, bħal perċentwali stabbiliti, iżda wkoll l-użu fit-tul tat-trade mark ARBRE MAGIQUE, fatt li, barra minn hekk, ir-rikorrenti ma kkontestatx.”

78.

L & D qed targumenta, l-ewwel nett, li mhemm l-ebda distinzjoni rilevanti xi ssir, rigward il-kisba ta’ karattru distintiv, bejn is-sitwazzjoni fis-sentenza Philips u dik f’dan il-każ u, it-tieni nett, li d-dikjarazzjoni rigward l-użu fit-tul hija minnha nfisha ta’ natura ġenerali u mhux ikkonfermata.

79.

Is-sentenza Philips kienet tikkonċerna applikazzjoni sabiex tiġi rreġistrata trade mark li kien allegat li kisbet karattru distintiv u għaldaqstant ma kellhiex tiġi eskluża mir-reġistrazzjoni għaliex ma kellhiex tali karattru ( 48 ). Min-naħa tagħha, is-silta li invokat il-Qorti tal-Prim’Istanza fis-sentenza kkontestata hija bbażata fuq is-sentenza Windsurfing Chiemsee ( 49 ).

80.

Fiż-żewġ sentenzi, il-Qorti tal-Ġustizzja ddikjarat li fl-evalwazzjoni tal-karattru distintiv ta’ trade mark f’tali ċirkustanzi, jistgħu jitqiesu s-sehem mis-suq tagħha, kemm kien intensiv, ġeografikament mifrux u kemm kien ilu għaddej l-użu tagħha, l-ammonti li ġew investiti biex tiġi promossa, il-proporzjon tal-klassi ta’ persuni rilevanti li, minħabba fiha, jidentifikaw il-prodotti bħala li joriġinaw minn impriża partikolari; u d-dikjarazzjonijiet tal-kmamar tal-kummerċ u tal-industrija, jew ta’ assoċjazzjonijiet kummerċjali u professjonali oħrajn. Jekk, fuq dik il-bażi, jinstab li mill-inqas proporzjon sinjifikattiv tal-klassi ta’ persuni rilevanti jidentifika l-prodotti bħala li joriġinaw minn impriża partikolari minħabba t-trade mark, b’hekk il-kriterju tal-kisba tal-karattru disintiv jiġi ssodisfatt. Madankollu, ma jistax jintwera li jkun ġie sodisfatt biss b’referenza għal informazzjoni ġenerali u astratta bħala perċentwali speċifiċi ( 50 ).

81.

Ma narax kif jista’ jkun aċċettabbli li tirreferi biss għal informazzjoni ġenerali u astratta sabiex tistabbilixxi, f’każ bħal dan inkwistjoni, li trade mark kisbet karattru partikolarment distintiv minħabba r-reputazzjoni li għandha mal-pubbliku iżda mhux, meta tfittex li tirreġistra trade mark, li saret distintiva bħala konsegwenza tal-użu li sar minnha. Fiż-żewġ każi, il-kriterju huwa l-istess. Trade mark tikseb karattru distintiv jekk, għalkemm mhux probabbli li b’mod inerenti tiġi pperċepita bħala li tiddistingwi l-prodotti ta’ impriża partikolari, minkejja dan tiġi pperċepita li qed tagħmel dan. Il-mod li bih tali perċezzjoni tista’ tiġi stabbilita ma jistax ivarja skont jekk hiex ser tintuża sabiex turi li trade mark tista’ tiġi rreġistrata jew sabiex tiġi evalwata l-probabbiltà ta’ konfużjoni ma’ trade mark li għaliha qed issir applikazzjoni għal reġistrazzjoni ( 51 ).

82.

Barra minn hekk, il-metodu tal-Qorti tal-Prim’Istanza jimplika li l-prinċipju fis-sentenza Philips ma jistax jiġi traspost għall-evalwazzjoni “tal-għarfien sew ta’ trade mark irreġistrata li diġà kisbet karattru distintiv”. Jekk dan mhuwiex sempliċement argument ċirkulari, jassumi li jrid jintwera livell akbar ta’ karattru distintiv minn dak li huwa meħtieġ sabiex tkun stabbilita probabbiltà ta’ konfużjoni biex trade mark tiġi rreġistrata. Jekk informazzjoni ġenerali u astratta ma tistax tkun suffiċjenti fl-aħħar każ, jidhirli li, a fortiori, ma tistax tkun suffiċjenti fl-ewwel każ.

83.

Għalhekk naqbel ma’ L & D li d-distinzjoni li saret mill-Qorti tal-Prim’Istanza hija inkorretta fid-dritt.

84.

Fadal xi nqisu jekk it-tul tal-użu tat-trade mark preċedenti, is-sehem mis-suq li kellha u l-ammonti investiti fir-reklami jikkostitwixxux “informazzjoni ġenerali u astratta”. Il-Qorti tal-Prim’Istanza jidher li aċċettat li l-aħħar żewġ kriterji jikkostitwixxu, “indikazzjonijiet ġenerali, bħal perċentwali stabbiliti” li jaqgħu taħt dak il-kunċett (u dan il-punt mhuwiex ikkontestat), li mhux il-każ tal-użu fit-tul tat-trade mark preċedenti.

85.

Għal darb’oħra, jidhirli li d-distinzjoni mhijiex valida. Fil-punt 30 tad-deċiżjoni tiegħu, il-Bord tal-Appell irrefera għal bejgħ annwali ta’ 45 miljun unità, għal sehem mis-suq ta’ iktar minn 50 % u għal nefqa għar-reklami ta’ iktar minn 7 biljun Lira Taljana. Fil-punt 31, irrefera għall-fatt li t-trade mark preċedenti ilha rreġistrata fl-Italja mill-1954. Jekk tal-ewwel hija informazzjoni ġenerali u astratta, jidhirli li tal-aħħar għandha tkun hekk ukoll.

86.

Jekk inħarsu lejn il-projbizzjoni ta’ invokazzjoni esklużiva ta’ informazzjoni ġenerali u astratta, bħal perċentwali stabbiliti, fid-dawl tal-lista ta’ fatturi indikati fis-sentenzi Philips u Windsurfing Chiemsee bħala li jistgħu jiġu kkunsidrati, jidhirli li t-tifsira tal-Qorti tal-Ġustizzja hija li, minbarra ċ-ċifri li l-interpretazzjoni tagħhom tista’ tiġi affetwata minn fatturi bħal-livell ta’ kompetizzjoni, ( 52 ) trid tiġi ppreżentata xi evidenza li t-trade mark inkwistjoni effettivament tiġi pperċepita bħala li tagħmel konnessjoni bejn il-prodotti li fuqhom tidher u impriża partikolari. Jekk tali evidenza ma tistax tiġi biss minn informazzjoni bħas-sehem tas-suq u l-investiment fir-reklami — u jiena naqbel li ma tistax — lanqas ma tista’ tiġi mis-sempliċi tul ta’ żmien kemm ilha tintuża jew kemm ilha rreġistrata.

87.

Għaldaqstant, dwar dan l-argument nikkonkludi li l-Qorti tal-Prim’Istanza wettqet żball ta’ dritt fil-paragrafu 85 tas-sentenza tagħha meta aċċettat li l-Bord tal-Appell kien intitolat li jikkonkludi li t-trade mark preċedenti kienet kisbet karattru partikolarment distintiv fuq il-bażi biss taċ-ċifra tal-bejgħ u tar-reklami u fuq id-data tal-ewwel reġistrazzjoni fl-Italja.

Żball fil-konklużjoni li t-trade marks kienu jixxiebħu

— L-element verbali fit-trade mark Aire Limpio

88.

L & D qed issostni li l-Qorti tal-Prim’Istanza kienet żbaljata meta ċaħdet l-element verbali fit-trade mark Aire Limpio bħala li mhux importanti għaliex ma kellu l-ebda tifsira partikolari għall-pubbliku Taljan. Għall-kuntrarju, in-nuqqas ta’ tifsira ta lit-trade mark karattru fantażjuż u b’hekk karattru distintiv, skont is-sentenza preċedenti Oriental Kitchen tal-Qorti tal-Prim’Istanza ( 53 ).

89.

Dak l-argument qed jipprova jikseb rikonoxximent li n-nuqqas ta’ tifsira tal-kelmiet ‘Aire Limpio’ għall-pubbliku Taljan jagħmel lit-trade mark Aire Limpio fantażjuż u distintiv fl-Italja. B’hekk jikkonċerna evalwazzjoni ta’ fatt li jaqa’ barra mill-ambitu ta’ appell. Il-fatt li l-Qorti tal-Prim’Istanza għamlet evalwazzjoni simili fiċ-ċirkustanza ta’ każ wieħed ma jistax jobbligaha tagħmel din l-evalwazzjoni f’kull każ. Kuntrarjament għall-argument ta’ L & D mhemm l-ebda regola ġenerali tad-dritt li kelma li m’għandiex tifsira hija invarjabbilment fantażjuża u distintiva.

— L-element grafiku fit-trade mark Aire Limpio

90.

L & D qed targumenta li l-Qorti tal-Prim’Istanza kienet żbaljata meta qieset li l-element grafiku tat-trade mark Aire Limpio kien biċ-ċar dominanti fl-impressjoni totali u viżibbilment ipprevala fuq l-element verbali.

91.

Dan l-argument huwa sempliċement ripetizzjoni tas-sottomissjoni li jiena kkunsidrat fil-punti 52 u 53 iktar’il fuq, u għandu jiġi miċħud għall-istess raġunijiet.

— Ix-xebh kunċettwali

92.

Fil-fehma ta’ L & D, peress li l-linja ta’ barra ta’ siġra taż-żnuber ma kinitx element rilevanti li kellu jiġi kkunsidrat meta jiġi evalwat ix-xebh, it-trade marks ma setgħux jitqiesu bħala kunċettwalment jixxiebħu.

93.

Dan l-argument, ibbażat kif inhu fuq is-sottomissjoni preċedenti, ma jistax jiġi aċċettat.

— Id-differenza bejn il-linji ta’ barra

94.

Fl-aħħar nett, rigward ix-xebh, L & D qed targumenta li, alternattivament, il-linji ta’ barra tat-trade mark Aire Limpio u tat-trade mark ARBRE MAGIQUE, ikun xi jkun il-każ, huma differenti.

95.

Dak huwa biċ-ċar argument li mil-lat fattwali huwa inammissibbli f’appell.

Żball fid-deċiżjoni ta’ probabbiltà ta’ konfużjoni

96.

L & D qed issostni li, fid-dawl tas-sottomissjonijiet li għamlet dwar il-karattru distintiv u x-xebh, il-Qorti tal-Prim’Istanza wettqet żball tad-dritt meta kkonkludiet li kien hemm tali riskju.

97.

Peress li jiena tal-fehma li s-sottomissjonijiet ta’ L & D dwar il-karattru distintiv u x-xebh mhumiex ammissibbli u/jew huma infondati, ma nsibx li hemm għalfejn neżamina dan l-argument.

It-tieni aggravju għal appell — il-ksur tal-Artikolu 73 u l-obbligu li jiġu ddikjarati raġunijiet adegwati

98.

Fit-tieni raġuni għal appell tagħha, L & D qed issostni li, peress li d-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni u l-Bord tal-Appell illimitaw l-evalwazzjoni tagħhom għal paragun tat-trade mark Aire Limpio mat-trade mark siluwett, il-Qorti tal-Prim’Istanza kisret l-Artikolu 73 tar-Regolament billi ħadet kunsiderazzjoni ta’ prova relatata ma’ trade marks oħra, b’mod partikolari t-trade mark ARBRE MAGIQUE. Għaldaqstant, L & D ma kinitx f’pożizzjoni li tippreżenta l-każ tagħha b’mod adegwat rigward l-allegazzjonijiet u l-provi relatati ma’ dawk it-trade marks l-oħra.

99.

L-UASI jqis li r-raġuni għall-appell hija inammissibbli, peress li tfittex analiżi ta’ konklużjonijiet ta’ fatt u li, ikun xi jkun il-każ, L & D ma setgħetx, iżda rnexxielha, tiddefendi fehmitha b’mod adegwat fir-rigward tal-użu u r-reputazzjoni tat-trade marks l-oħra. Barra minn hekk, il-fatt li t-trade mark ARBRE MAGIQUE ġiet eskluża mill-paragun għal raġunijiet ta’ ekonomija ma jfissirx li l-prova relatata mal-użu u mar-reputazzjoni tagħha kienet irrilevanti għall-impressjoni li l-pubbliku Taljan għandu tat-trade mark siluwett. Sämann iżżid tgħid li s-sentenza kkontestata hija ċara u inekwivokabbli fir-raġunament tagħha.

100.

L-argument dwar din ir-raġuni għal appell huwa qasir (għalkemm L & D ressqet argumenti oħra rigward l-aċċettazzjoni ta’ prova relatata mat-trade mark ARBRE MAGIQUE ( 54 )) u, minnu nnifsu, ma jidhirx li jiżvela l-ebda ksur ovvju tal-obbligu li ssir stqarrija tar-raġunijiet. Minn naħa, jidher biċ-ċar li l-Bord tal-Appell ma llimitax il-paragun tiegħu għat-trade mark siluwett iżda eżamina wkoll il-prova ppreżentata quddiemu relatata mal-użu tat-trade marks l-oħra ta’ Sämann fl-Italja. Min-naħa l-oħra, dik il-prova u l-argument li jikkonċernaha kienu ugwalment aċċessibbli b’mod ċar għal L & D matul il-proċeduri kemm quddiem il-Bord tal-Appell, kif ukoll quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza.

101.

Madankollu, il-kwistjoni tal-inadegwatezza tar-raġunijiet iddikjarati għal deċiżjoni tikkonċerna ksur ta’ rekwiżit proċedurali essenzjali u, billi tinvolvi kwistjoni ta’ ordni pubbliku, għandha tiġi ssollevata mill-qrati Komunitarji ex officio ( 55 ). Peress li għandi dubji iktar ġenerali rigward ir-raġunament tal-Bord tal-Appell u tal-Qorti tal-Prim’Istanza, għalhekk għandi l-ħsieb li neżamina l-kwistjoni fuq bażi iktar wiesgħa ( 56 ).

102.

Fil-paragrafi 113 u 114 tas-sentenza tagħha, il-Qorti tal-Prim’Istanza korrettament iddikjarat li l-ambitu tad-dmir li jiġu ddikjarati r-raġunijiet skont l-Artikolu 73 tar-Regolament huwa l-istess bħal dak stabbilit fl-Artikolu 253 KE: biex jintwera b’mod ċar u inekwivokabbli r-raġunament ta’ min ifformula d-deċiżjoni sabiex, minn naħa, il-partijiet interessati jitħallew ikunu jafu l-ġustifikazzjoni għaliha u b’hekk ikunu f’pożizzjoni li jipproteġu drittijiethom u, min-naħa l-oħra, sabiex il-qorti Komunitarja tkun tista’ teżerċita s-setgħat tagħhom sabiex teżamina l-legalità tad-deċiżjoni ( 57 ).

103.

Il-Bord tal-Appell ibbaża l-konklużjoni tiegħu tal-probabbiltà ta’ konfużjoni fuq il-karattru partikolarment distintiv li “it-trade mark preċedenti” kienet kisbet fl-Italja permezz ta’ użu fit-tul u ta’ reputazzjoni wiesgħa. Dik il-konklużjoni, għalhekk, irrikjediet sistema ta’ raġunament ċar u inekwivokabbli li tagħmel konnessjoni bejn it-trade mark preċedenti u l-prova tal-użu u tar-reputazzjoni. Madankollu, id-deċiżjoni ma ddefinitx b’mod inekwivokabbli xi tfisser b’“trade mark preċedenti”.

104.

L-ewwel nett, il-Bord tal-Appell iddikjara li kien ser jipparaguna t-trade mark Aire Limpio biss mat-trade mark siluwett, bħala “rappreżentattiva tal-oħrajn [traduzzjoni mhux uffiċjali]” ( 58 ). Madankollu, is-saħħa ta’ dan ġiet xi ftit jew wisq imdgħajfa mid-dikjarazzjoni l-oħra, fl-istess sentenza, li l-għażla kienet ibbażata fuq “l-istess raġunijiet ta’ ekonomija bħal dawk mogħtija fid-deċiżjoni kkontestata [traduzzjoni mhux uffiċjali]” — peress li d-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni kienet tat bħala r-raġuni tagħha li t-trade marks l-oħra kienu juru differenzi akbar, meta pparagunati mat-trade mark Aire Limpio, milli kienet tagħmel it-trade mark siluwett ( 59 ).

105.

Sussegwentement, il-Bord tal-Appell aċċetta, prova ta’ evidenza ta’ użu u ta’ reputazzjoni tat-trade mark preċedenti, informazzjoni li tikkonċerna r-reklami u l-bejgħ tad-deodoranti għall-arja tal-karozzi ta’ Sämann, bla ebda referenza għal kwalunkwe trade mark speċifika li kienu rreklamati jew mibjugħa biha ( 60 ).

106.

Fl-aħħar nett, il-fatt li t-trade mark CAR-FRESHNER ilha protetta fl-Italja mill-1954 kien iċċitat bħala prova ta’ użu fit-tul tat-trade mark f’forma essenzjalment identika, biex ikun spjegat is-sehem tas-suq u r-reputazzjoni tagħha mal-pubbliku ( 61 ).

107.

Jidher impliċitu f’dan ir-raġunament li t-trade mark siluwett u t-trade marks preċedenti l-oħra kollha ta’ Sämann li huma protetti fl-Italja kienu suffiċjentement jixxiebħu biex kull waħda tibbenefika mill-karattru distintiv miksub mill-oħrajn. Madankollu, minbarra illi ċċita d-data ta’ reġistrazzjoni tat-trade mark CAR-FRESHNER, il-Bord tal-Appell ma ta l-ebda dettalji minfejn evidenza speċifika tista’ tiġi konnessa ma’ trade mark jew ma’ trade marks speċifiċi. Minbarra dan, is-suppożizzjoni tiegħu ta’ tali xebh mill-qrib bejn id-diversi trade marks ta’ Sämann ma kienet appoġġjata mill-ebda ġustifikazzjoni speċifika tat-tip li tkun adattata fid-dawl tal-konklużjonijiet tad-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni li x-xebh bejn it-trade mark Aire Limpio u t-trade mark siluwett kien (biċ-ċar) akbar milli dak bejn it-trade mark Aire Limpio u t-trade marks l-oħra ta’ Sämann.

108.

B’kuntrast għal dak li fhimt mid-deċiżjoni tal-Bord tal-Appell, il-Qorti tal-Prim’Istanza ddikjarat li l-Bord kien ibbaża l-konklużjonijiet tiegħu fuq l-użu u r-reputazzjoni tat-trade mark ARBRE MAGIQUE u kien ikkunsidra lit-trade mark siluwett bħala parti minn dik it-trade mark.

109.

L-ebda waħda minn dawk id-dikjarazzjonijiet ma jidhirli li hija kkonfermata meta naqraw id-deċiżjoni tal-Bord tal-Appell. Huwa minnu li ġie verbalizzat li l-UASI ddikjara matul is-seduta li l-prova tal-użu stabbilit fl-Italja kienet tikkonċerna t-trade mark ARBRE MAGIQUE u mhux it-trade mark CAR-FRESHNER ( 62 ). Madankollu, ma nqisx li tali dikjarazzjoni tista’ leġittimatament tikkompleta, inqas u inqas tikkoreġi, ir-raġunament kif jidher minn sempliċi qari tad-deċiżjoni tal-Bord tal-Appell.

110.

Għalhekk jidhirli li l-Bord tal-Appell naqas milli jispjega b’mod sħiħ u ċar is-sekwenza preċiża ta’ raġunament li wasslitu sabiex jikkonkludi li t-trade mark siluwett kellha karattru partikolarment distintiv minħabba l-volum ta’ bejgħ, il-baġit għar-reklamar u t-tul ta’ reġistrazzjoni ta’ trade mark oħra jew ta’ trade marks oħrajn, u li l-Qorti tal-Prim’Istanza kkumpensat għal dak in-nuqqas billi għamlet ċerti suppożizzjonijiet dwar is-sekwenza ta’ raġunament minħabba raġunijiet li mhumiex ċari.

111.

Dan jidher partikolarment sfortunat peress li l-metodu li ntuża — essenzjalment, li l-karattru distintiv ta’ trade mark jiġi attribwit ukoll lil trade mark oħra — mhux tas-soltu u, mal-ewwel daqqa t’għajn, ma jidhirx li kien meħtieġ. Fuq is-suppożizzjoni li t-trade mark siluwett tabilħaqq tixbaħ suffiċjentement lit-trade mark jew lit-trade marks li l-karattru distintiv tagħha jew tagħhom kien stabbilit biex dak il-karattru jiġi attribwit lilha, din tal-aħħar setgħet ġiet ipparagunata direttament mat-trade mark Aire Limpio sabiex tkun stabbilita l-probabbiltà ta’ konfużjoni.

112.

F’dan id-dawl, ir-raġunament tal-Bord tal-Appell jista’ jitqies bħala inkonsistenti mal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja għaliex, filwaqt li r-raġunijiet li fuqhom hija bbażata deċiżjoni li ssegwi linja ta’ deċiżjonijiet stabbilita sew jistgħu jingħataw fil-qosor, pereżempju b’referenza għal dawk id-deċiżjonijiet, l-awtorità Komunitarja għandha tagħti rendikont espliċitu tar-raġunament tagħha jekk id-deċiżjoni biċ-ċar tmur lil hinn mid-deċiżjonijiet preċedenti ( 63 ).

113.

Filwaqt li qed nipprova nibni mill-ġdid sekwenza adegwata ta’ raġunament li tirrifletti dak li sostanzjalment jidher li kien deċiż, jiena wasalt għall-interpretazzjoni li ġejja.

114.

L-ewwel nett, il-Bord tal-Appell iddeċieda li t-trade marks ta’ Sämann li huma protetti fl-Italja, flimkien mat-trade mark siluwett, ilkoll kienu jixbħu lit-trade mark Aire Limpio bl-istess mod u sa l-istess livell tant li, sabiex tiġi evalwata l-probabbiltà ta’ konfużjoni, il-karattru distintiv miksub ( 64 ) ta’waħda (jew iktar) kien kondiviż minnhom ilkoll.

115.

It-tieni nett, l-evidenza tal-volum ta’ bejgħ u tan-nefqa għar-reklami fl-Italja rigward trade mark waħda jew iktar ta’ Sämann, flimkien mat-tul tal-protezzjoni rreġistrata tat-trade mark CAR-FRESHNER, kienu suffiċjenti sabiex jintwera li t-trade marks kollettivament, u b’hekk it-trade mark siluwett individwalment, kienu kisbu karattru partikolarment distintiv, minħabba r-reputazzjoni li kellhom mal-pubbliku rilevanti, u b’hekk, minħabba x-xebh bejn it-trade mark Aire Limpio u t-trade mark siluwett, kien hemm probabbiltà ta’ konfużjoni.

116.

Mingħajr ma nifforma fehma dwar l-evalwazzjoni fattwali, naħseb li tali raġunament jista’ jiġi difiż. Madankollu, fid-deċiżjoni tal-Bord tal-Appell, dan mhuwiex espliċitu fl-intier tiegħu. Jiena għaqqadtu minn biċċiet differenti tad-deċiżjoni, xi wħud espliċiti, oħrajn impliċiti. Barra minn hekk, hemm lakuni li ma jistgħux jimtlew mid-deċiżjoni nfisha: (i) fuq liema bażi ġie konkluż li t-trade marks kollha ta’ Sämann setgħu jiġu kkunsidati bħala li tant jixxiebħu ma’ xulxin li l-karattru distintiv li kisbet waħda kien kondiviż minnhom ilkoll?; (ii) ma’ liema trade mark jew trade marks kienet relatata l-informazzjoni dwar il-bejgħ u r-reklami?; (iii) fuq liema bażi kien iġġustifikat li l-Bord tal-Appell juża’ l-metodu li “jittrasferixxi [traduzzjoni mhux uffiċjali]” il-karattru distintiv miksub mit-trade marks li għandhom protezzjoni li ilha stabbilita fl-Italja lit-trade mark siluwett, li r-reġistrazzjoni tagħha bħala trade mark Komunitarja kienet għadha pendenti fiż-żmien materjali, iktar milli jipparaguna t-trade mark Aire Limpio direttament mat-trade marks preċedenti?

117.

Dawn il-fatturi jikkostitwixxu, fil-fehma tiegħi, nuqqasijiet serji fid-deċiżjoni tal-Bord tal-Appell. Rigward (i) u (ii), mhux possibbli li l-qorti Komunitarja tanalizza l-legalità tad-deċiżjoni mingħajr ma tkun tista’ tivverifika jekk il-Bord tal-Appell identifikax it-trade mark jew it-trade marks li magħha jew magħhom kienet relatata l-informazzjoni u jekk evalwax korrettament ix-xebh tagħha jew tagħhom mat-trade mark siluwett għall-fini li “jittrasferixxi [traduzzjoni mhux uffiċjali]” l-karattru distintiv miksub. Rigward (iii), mhuwiex possibbli li l-qorti Komunitarja tivverifika jekk il-Bord tal-Appell ma użax dak il-metodu peress illi kkunsidra li x-xebh bejn it-trade mark Aire Limpio u t-trade marks li għandhom protezzjoni li ilha stabbilita fl-Italja ma kienx suffiċjenti biex ikun hemm l-istess konklużjoni dwar paragun dirett.

118.

Għaldaqstant, jidhirli li d-deċiżjoni tal-Bord tal-Appell ma tinkludix stqarrija tar-raġunijiet suffiċjenti sabiex ikun sodisfatt l-istandard meħtieġ mill-Artikolu 73 tar-Regolament, jiġifieri li l-qorti Komunitarja titħalla teżerċita s-setgħa ta’ eżami tagħha.

119.

Fid-dawl ta’ dan, nikkonkludi li l-evalwazzjoni tal-Qorti tal-Prim’Istanza, fil-punt 117 tas-sentenza tagħha, li “id-deċiżjoni kkontestata turi b’mod ċar u mhux ekwivoku r-raġunament tal-Bord tal-Appell”, ma tistax tirriżulta b’mod leġittimu mid-deċiżjoni. Minbarra dan, fil-fehma tiegħi, il-Qorti tal-Prim’Istanza ma spjegatx suffiċjentement ir-raġunijiet tagħha sabiex issostni li l-prova li fuqha bbaża l-Bord tal-Appell kienet relatata biss mat-trade mark ARBRE MAGIQUE, jew li l-Bord ikkunsidra li t-trade mark siluwett kienet parti mit-trade mark ARBRE MAGIQUE — l-aħħar affermazzjoni tidher possibbilment bħala ġustifikazzjoni retrospettiva fid-dawl tas-sentenza Nestlé, li ngħatat wara li ingħatat id-deċiżjoni tal-Bord tal-Appell.

120.

B’hekk jiena tal-fehma li kemm il-Bord tal-Appell kif ukoll il-Qorti tal-Prim’Istanza naqsu milli jidikkjaraw raġunijiet adegwati għad-deċiżjonijiet tagħhom.

Konklużjonijiet

121.

Jiena tal-fehma li s-sentenza kkontestata hija ivvizzjata fid-dritt minn erba’ aspetti. L-ewwel nett, il-Qorti tal-Prim’Istanza żbaljat fil-punt 85 meta aċċettat li l-Bord tal-Appell kien intitolat li jikkonkludi li t-trade mark preċedenti kienet kisbet karattru partikolarment distintiv fuq l-unika bażi taċ-ċifri tal-bejgħ u tar-reklami u tad-data tal-ewwel reġistrazzjoni fl-Italja. It-tieni nett, żbaljat għal darb’oħra fil-punt 105 meta ċaħdet l-argument li l-forma tat-trade mark preċedenti kienet neċessarja sabiex jinkiseb riżultat tekniku, mingħajr ma eżaminat is-sustanza ta’ dak l-argument. It-tielet nett, fil-punt 117, żbaljat fl-evalwazzjoni tagħha tar-raġunament tal-Bord tal-Appell. Ir-raba’ punt, żbaljat, passim, meta assumiet li l-Bord tal-Appell kien ibbaża l-evalwazzjoni tiegħu fuq prova relatata mat-trade mark ARBRE MAGIQUE meta dan ma kienx indikat fid-deċiżjoni.

122.

Fid-dawl ta’ dan, u minħabba l-fatt li ma fadal l-ebda kwistjoni ta’ dritt pendenti li ġiet issollevata quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza, jidhirli li kemm is-sentenza appellata kif ukoll id-deċiżjoni tal-Bord tal-Appell għandhom jiġu annalluti u l-każ għandu jiġi rrinvijat quddiem l-UASI.

L-ispejjeż

123.

Skont l-Artikolu 69(2) tar-Regoli ta’ Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba. L & D talbet l-ispejjeż. Fil-fehma tiegħi l-appell tagħha għandu jiġi milqugħ. Għalhekk il-UASI għandha tbati l-ispejjeż.

Konklużjoni

124.

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet li semmejt iktar’il fuq, jiena tal-fehma li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha:

tannulla s-sentenza fil-Kawża T-168/04;

tannulla d-deċiżjoni tal-Bord tal-Appell fil-Kawża R 326/2003-2;

tirrinvija l-kawża quddiem l-UASI għal deċiżjoni dwar il-fatti, u

tikkundanna lill-UASI għall-ispejjeż tal-proċeduri tal-ewwel istanza u tal-appell.


( 1 ) Lingwa oriġinali: l-Ingliż.

( 2 ) Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 40/94, tal-20 ta’ Diċembru 1993, dwar it-trade mark Komunitarja (ĠU 1994, L 11, p. 1; iktar ’il quddiem ir-“Regolament”).

( 3 ) Ara, pereżempju, is-sentenza tat-12 ta’ Ġunju 2007, UASI vs Shaker, C-334/05 P, Ġabra p. I-4529, punti 34 u 35 u l-ġurisprudenza ċċitata fiha.

( 4 ) Ara b’mod partikolari, is-sentenzi tal-11 ta’ Novembru 1997, SABEL, C-251/95, Ġabra p. I-6191, punt 24; u tat-22 ta’ Ġunju 2000, Marca Mode, C-425/98, Ġabra p. I-4861, punt 38. Dawk il-kawżi kienu jikkonċernaw trade marks nazzjonali, u b’hekk ma kinux jaqgħu taħt ir-Regolament iżda taħt L-ewwel Direttiva tal-Kunsill 89/104/KEE tal-21 ta’ Diċembru 1988, biex jiġu approssimati l-liġijiet tal-Istati Membri dwar it-trade marks (ĠU 1989, L 40, p. 1). Madankollu, id-dispożizzjonijiet taż-żewġ miżuri li jikkonċernaw raġunijiet għal rifjut ta’ reġistrazzjoni huma essenzjalment identiċi, u ġew interpretati bħala tali mill-Qorti tal-Ġustizzja.

( 5 ) Jiġifieri, l-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni) (UASI).

( 6 ) Il-Ftehim ta’ Nizza dwar il-klassifikazzjoni internazzjonali tal-prodotti u servizzi għall-finijiet tar-reġistrazzjoni tat-trade marks, tal-15 ta’ Ġunju 1957, kif irrevedut u emendat.

( 7 ) It-trade mark internazzjonali Nru 612525, irreġistrata fid-9 ta’ Diċembru 1993, b’effett, fost l-oħrajn, fl-Italja għall-prodotti fil-klassi 5. Hija tidher identika għat-trade mark siluwett, iżda ma ssemmietx b’mod speċifiku fid-deċiżjonijiet inkwistjoni f’din il-kawża.

( 8 ) Jiġifieri, it-trade marks protetti f’diversi pajjiżi skont is-sistema ta’ Madrid għar-reġistrazzjoni internazzjonali tat-trade marks, amministrata mill-Organizzazzjoni Dinijia tal-Proprjetà Intelletwali.

( 9 ) Dan is-sommarju tal-analiżi tad-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni huwa bbażat fuq il-verżjoni rriprodotta fil-punt 6 tad-deċiżjoni tal-Bord tal-Appell.

( 10 ) Deċiżjoni tal-15 ta’ Marzu 2004, fil-Kawża R 326/2003-2 Julius Sämann vs L & D.

( 11 ) Punti 22 u 23 tad-deċiżjoni tal-Bord tal-Appell.

( 12 ) Punti 24 sa 26.

( 13 ) Punti 27 u 29, li jiċċitaw is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-14 ta’ Settembru, General Motors, C-375/97, Ġabra p. I-5421, punt 27.

( 14 ) Punti 30 sa 32.

( 15 ) Punt 33.

( 16 ) Aspetti oħra tad-deċiżjonijiet tad-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni u tal-Bord tal-Appell mhumiex involuti f’dan l-appell.

( 17 ) Sentenza tas-7 ta’ Settembru 2006, L & D vs UASI — Sämann (Aire Limpio), T-168/04, Ġabra p. II-2699.

( 18 ) Ara l-punti 4 u 6 iktar ’il fuq.

( 19 ) Punti 67 sa 71 tas-sentenza appellata.

( 20 ) Sentenza tas-7 ta’ Lulju 2005, Nestlé, C-353/03, Ġabra p. I-6135, punti 30 u 32.

( 21 ) Punti 72 sa 77.

( 22 ) Digrieti tal-5 ta’ Ottobru 2004, Alcon vs UASI, C-192/03 P, Ġabra p. I-8993, punt 41, u l-ġurisprudenza ċċitata; u tas-27 ta’ Jannar 2004, La Mer Technology, C-259/02, Ġabra p. I-1159, punt 31.

( 23 ) Punti 78 sa 84 tas-sentenza appellata.

( 24 ) Sentenza tat-18 ta’ Ġunju 2002, Philips, C-299/99, Ġabra p. I-5475, punt 62.

( 25 ) Punt 85 tas-sentenza appellata.

( 26 ) Punti 86 sa 88.

( 27 ) Punti 89 u 90.

( 28 ) Punt 91.

( 29 ) Punti 92 sa 94.

( 30 ) Punti 95 u 96.

( 31 ) Punti 97 sa 99 tas-sentenza appellata, fejn jiġu ċċitati s-sentenzi tal-Qorti tal-Prim’Istanza tad-9 ta’ Lulju 2003, Laboratorios RTB vs UASI — Giorgio Beverly Hills (GIORGIO BEVERLY HILLS), T-162/01, Ġabra p. II-2821, punti 30 sa 32; u tal-14 ta’ Ottubru 2003, Phillips-VanHeusen vs UASI — Pash Textilvertrieb und Eizelhandel (BASS), T-292/01, Ġabra p. II-4335, punt 47, kif ukoll is-sentenza SABEL, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 4 iktar ’il fuq, punt 24.

( 32 ) Punti 100 sa 102 tas-sentenza appellata.

( 33 ) Punti 103 sa 105.

( 34 ) Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-21 ta’ Ottubru 2004, KWS Saat vs UASI, C-447/02 P, Ġabra p. I-10107, punti 64 u 65.

( 35 ) Punti 113 sa 117 tas-sentenza appellata.

( 36 ) Statut tal-Qorti tal-Ġustizzja, Artikolu 58.

( 37 ) Ara l-punt 7 iktar ’il fuq.

( 38 ) Il-punt 76 tas-sentenza juża t-termini “sinjifikattiv jew ukoll predominanti” (“significatif voire prédominant” bil-Franċiż, “significativo y incluso predominante” bl-Ispanjol).

( 39 ) Iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 20 iktar ’il fuq.

( 40 ) Sentenza SABEL, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 4, punt 25; sentenzi tal-Qorti tal-Prim’Istanza tas-6 ta’ Lulju 2004, Grupo El Prado Cervera — vs UASI — Debuschewitz heirs (CHUFAFIT), T-117/02, Ġabra p. II-2073, punt 51; u tat-13 ta’ Lulju 2005, Murúa Entrena vs UASI — Bodegas Murúa (Julián Marúa Entrena), T-40/03, Ġabra p. II-2831, punti 55 u 56.

( 41 ) Sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-6 ta’ Mejju 2003, Libertel, C-104/01, Ġabra p. I-3793, punt 65; u tal-Qorti tal-Prim’Istanza tad-9 ta’ Ottubru 2002, Glaverbel vs UASI (wiċċ ta’ folja tal-ħġieġ), T-36/01, Ġabra p. II-3887, punt 23.

( 42 ) Sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tad-9 ta’ April 2003, Durferrit vs UASI — Kolene (NU-TRIDE), T-224/01, Ġabra p. II-1587, punti 72 sa 75.

( 43 ) Skont dik li issa hija r-Regola 20(7) tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 2868/95, tat-13 ta’ Diċembru 1995, li jimplimenta r-Regolament tal-Kunsill Nru 40/94 dwar it-trade mark tal-Komunità (ĠU L 303, p. 1), kif emendat.

( 44 ) Sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tat-30 ta’ Ġunju 2004, BMI Bertollo vs UASI — Diesel (DIESELIT), T-186/02, Ġabra p. II-1887, punt 71.

( 45 ) Sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tat-23 ta’ Ottubru 2002, Matratzen Concord vs UASI — Hukla Germany (MATRATZEN), T-6/01, Ġabra p. II-4335, punt 35. L-istess punt kien diskuss fl-appell quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, iżda ma kienx jifforma parti mir-raġunament tal-Qorti tal-Ġustizzja fid-digriet tagħha (Matratzen Concord vs UASI, C-3/03 P, Ġabra p. I-3657, punti 38 sa 42). Il-kawża kienet tikkonċerna applikazzjoni sabiex jiġi rreġistrat bħala trade mark Komunitarja sinjal li jinkludi element li kien deskrittiv bil-Ġermaniż u element distintiv; it-trade mark nazzjonali preċedenti, li kienet tikkonsisti biss mill-element deskrittiv bil-Ġermaniż, kienet irreġistrata fi Spanja, fejn ma kinitx deskrittiva.

( 46 ) Alcon, La Mer Technology u Philips, iċċitati iktar ’il fuq fin-noti ta’ qiegħ il-paġna 22 u 24.

( 47 ) Iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 22, punt 41.

( 48 ) L-applikazzjoni saret għar-reġistrazzjoni bħala trade mark nazzjonali, u b’hekk kienet taqa’ taħt id-dispożizzjonijiet essenzjalment identiċi tad-Direttiva 89/104/KEE (ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna 4 iktar ’il fuq). L-Artikolu 3(1) tad-Direttiva u l-Artikolu 7(1) tar-Regolament jipprekludu r-reġistrazzjoni ta’ trade marks li, fost l-oħrajn, (b) ma jkollhomx karattru distintiv, (c) jikkonsistu esklużivament f’indikazzjonijiet li fil-kummerċ jistgħu jservu sabiex jiddeskrivu karatteristiċi tal-prodotti kkonċernati (inkluża l-oriġini ġeografika tagħhom), jew (d) jikkonsistu esklużivament minn sinjali jew indikazzjonijiet, li saru abitwali fil-kummerċ; l-Artikolu 3(3) tad-Direttiva jipprovdi: “Trade mark ma għandhiex tkun rifjutata reġistrazzjoni jew tkun dikjarata invalida skont l-paragrafu 1 (b), (ċ) jew (d) jekk, qabel id-data tal-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni u wara l-użu magħmul minnha, hi akkwistat ħadet karattru distintiv […]” u l-Artikolu 7(3) tar-Regolament jipprovdi: “Il-paragrafu 1(b), (ċ) u (d) m’għandhomx japplikaw jekk it-trade mark tkun saret distintiva fir-rigward tal-prodotti jew is-servizzi li għalihom tkun qiegħda tintalab ir-reġistrazzjoni minħabba l-użu li jkun sar ta’ din it-trade mark.”

( 49 ) Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-4 ta’ Mejju 1999, kawżi maqgħuda C-108/98 u C-109/97, Ġabra p. I-2279. Din is-sentenza kienet tikkonċerna r-reġistrabbiltà fuq livell nazzjonali ta’ trade mark li tindika oriġini ġeografika imma li kienet allegata li kisbet karattru distintiv.

( 50 ) Windsurfing Chiemsee, punti 51 u 52; u Philips, punti 60 sa 62.

( 51 ) Ara wkoll, b’analoġija, il-konklużjonijiet ippreżentati fil-Kawża Björnekulla Fruktindustrier, C-371/02, Ġabra p. I-5791, għall-punti 71 et seq. (b’mod partikolari l-punti 73 u 75), fejn l-Avukat Ġenerali Léger iqis li għandhom jiġu applikati l-istess kriterji kemm meta jiġi ddeterminat jekk trade mark kisbitx karattru suffiċjentement distintiv għar-reġistrazzjoni kif ukoll meta jiġi ddeterminat jekk trade mark irreġistrata tilfitx dak il-karattru distintiv.

( 52 ) Pereżempju, sehem mis-suq ferm kbir jista’ jkun minħabba kompetizzjoni ferm limitata, f’liema każ it-trade mark tista’ tiġi pperċepita mill-pubbliku rilevanti bħala indikazzjoni ġenerika iktar milli tidentifika l-oriġini tal-prodotti.

( 53 ) Sentenza tal-25 ta’ Novembru 2003, T-286/02, Ġabra p. II-4953, punti 41 et seq.

( 54 ) Ara l-punti 74 u 75 iktar ’il fuq.

( 55 ) Sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-20 ta’ Frar 1997, Il-Kummissjoni vs Daffix, C-166/95 P, Ġabra p. I-983, punt 24; tat-2 ta’ April 1998, Il-Kummissjoni vs Sytraval, C-367/95 P, Ġabra p. I-1719, punt 67; u tat-30 ta’ Marzu 2000, VBA vs VGB, C-265/97 P, Ġabra p. I-2061, punt 114.

( 56 ) Jista’ jiġi nnotat li l-obbligu stess tal-Qorti tal-Prim’Istanza li tipprovdi raġunament adegwat fis-sentenza tagħha jirriżulta mhux mill-Artikolu 73 tar-Regolament iżda mill-Artikolu 36 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja.

( 57 ) Ara, pereżempju, KWS Saat vs UASI, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 34 iktar ’il fuq, punti 64 u 65.

( 58 ) Punt 23 tad-deċiżjoni tal-Bord tal-Appell.

( 59 ) Ara l-punt 6 tad-deċiżjoni tal-Bord tal-Appell.

( 60 ) Punt 30.

( 61 ) Punt 31. Jista’ jingħad ukoll li, b’kuntrast għaċ-cifri għas-sehem mis-suq u għar-reklami fl-Italja, ir-referenza oriġinali għall-bejgħ annwali ta’ 45 miljun unità ma kinitx tindika s-suq ġeografiku kkonċernat.

( 62 ) Ara l-punt 86 tas-sentenza appellata.

( 63 ) Ara, pereżempju, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-14 ta’ Frar 1990, Delacre vs Il-Kummissjoni, C-350/88, Ġabra p. I-395, punt 15.

( 64 ) Nosserva li, għalkemm wera dubji, il-Bord tal-Appell ma ċaħadx jew ma kkontestax il-konklużjoni tad-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni li t-trade mark siluwett ma kinitx intrinsikament disintiva.

Top