Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62006CC0458

Konklużjonijiet ta' l-Avukat Ġenerali - Bot - 3 ta' April 2008.
Skatteverket vs Gourmet Classic Ltd.
Talba għal deċiżjoni preliminari: Regeringsrätten - l-Iżvezja.
Ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja - Direttiva 92/83/KEE - Armonizzazzjoni ta’ l-istrutturi tat-taxxi tas-sisa fuq l-alkoħol u x-xorb alkoħoliku - L-ewwel inċiż ta’ l-Artikolu 20 - Alkoħol li jinsab fil-kompożizzjoni ta’ l-inbid tat-tisjir - Eżenzjoni mis-sisa armonizzata.
Kawża C-458/06.

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2008:191

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

BOT

ippreżentati fit-3 ta’ April 2008 ( 1 )

Kawża C-458/06

Skatteverket

vs

Gourmet Classic Ltd

“Ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja — Direttiva 92/83/KEE — Armonizzazzjoni tal-istrutturi tad-dazji tas-sisa fuq l-alkoħol u x-xorb alkoħoliku — L-ewwel inċiż tal-Artikolu 20 — Alkoħol li jinsab fil-kompożizzjoni tal-inbid tat-tisjir — Eżenzjoni mis-sisa armonizzata”

1. 

Permezz ta’ din it-talba għal deċiżjoni preliminari, ir-Regeringsrätten (l-Iżvezja) tixtieq tkun taf jekk l-alkoħol li jinsab fil-kompożizzjoni tal-inbid tat-tisjir għandux jitqies bħala alkoħol etiliku fis-sens tal-Artikolu 20 tad-Direttiva 92/83/KEE ( 2 ).

2. 

Il-partikolarità ta’ din il-kawża tinsab fil-fatt li, fil-proċedura fil-kawża prinċipali, il-partijiet kollha qablu dwar il-fatt li l-alkoħol li jinsab fl-inbid tat-tisjir għandu jitqies bħala alkoħol etiliku fis-sens ta’ dik id-dispożizzjoni.

3. 

L-imsemmija kawża għalhekk tqajjem il-kwistjoni dwar l-eżistenza ta’ kontroversja u, minħabba f’dan il-fatt, dwar il-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja biex tiddeċiedi dwar id-domanda preliminari.

4. 

F’dawn il-konklużjonijiet, ser nesponi r-raġunijiet għalfejn fil-fehma tiegħi l-Qorti tal-Ġustizzja m’għandhiex ġurisdizzjoni biex tiddeċiedi dwar din id-domanda preliminari.

I — Il-kuntest ġuridiku

A — Id-dritt Komunitarju

5.

Id-Direttiva 92/83 għandha l-għan li tarmonizza l-istrutturi tad-dazji tas-sisa fuq l-alkoħol u x-xorb alkoħoliku u, b’mod partikolari, li tistabbilixxi definizzjonijiet komuni għall-prodotti kollha inkwistjoni, fuq il-bażi ta’ dawk stipulati fin-nomenklatura magħquda fis-seħħ fid-data ta’ l-adozzjoni ta’ dik id-Direttiva ( 3 ).

6.

L-Artikolu 20 tad-Direttiva 92/83 jiddefinixxi l-alkoħol etiliku bħala:

“—

il-prodotti kollha b’qawwa alkoħolika attwali skond il-volum li teċċedi l- 1.2 % volum u li jaqgħu taħt il-[pożizzjonijiet] NM 2207 u 2208[ ( 4 )], anki fejn dawn il-prodotti jifformaw parti ta’ prodott li jaqa' taħt Kapitolu ieħor tan-NM,

prodotti [tal-pożizzjonijiet] NM 2204, 2205 u 2206 li għandhom qawwa alkoħolika attwali skond il-volum li teċċedi l-22 % vol. [ ( 5 )],

spirti li jinxtorbu li jkollhom prodotti, kemm jekk f’taħlita likwida jew le […].”

7.

Barra minn hekk, skont l-Artikolu 27(1)(f) tad-Direttiva 92/83, l-Istati Membri għandhom jeżentaw il-prodotti li jkun fihom l-alkoħol etiliku mis-sisa armonizzata, meta dawn il-prodotti jintużaw “direttament jew bħala kostitwent ta’ prodott ippreparat għall-aħħar stadju ta’ manifattura ta’ l-ikel, mimli jew le, iżda f’kull każ il-kontenut alkoħoliku ma jeċċedix it-8.5 litri ta’ alkoħol pur għal kull 100 kg tal-prodott għaċ-ċikkulata, u 5 litri ta’ alkoħol pur għal kull 100 kg tal-prodott għal prodotti oħra”.

B — Il-liġi nazzjonali

8.

Il-liġi Żvediża dwar id-dazji tas-sisa fuq l-alkoħol (lagen om alkoholskatt) ( 6 ), li tittrasponi fis-sistema legali interna d-Direttiva 92/83, tipprovdi fl-ewwel paragrafu tal-Artikolu 1 tagħha li d-dazji tas-sisa fuq l-alkoħol huma dovuti fuq birer, inbejjed u xorb ieħor iffermentat, prodotti intermedjarji kif ukoll fuq l-alkoħol etiliku.

9.

Skont l-Artikolu 3 tal-LAS, l-inbid li jaqa’ taħt il-pożizzjonijiet NM 2204 u NM 2205 huwa suġġett għad-dazji tas-sisa, kemm-il darba l-kontenut alkoħoliku tiegħu jkun jirriżulta esklużivament mill-fermentazzjoni waqt li l-qawwa alkoħolika għandha tkun superjuri għal ċerti gradi indikati f’din il-liġi.

10.

Fir-rigward tal-alkoħol etiliku, l-Artikolu 6 tal-LAS jipprovdi li d-dazji tas-sisa huma dovuti għall-prodotti li jaqgħu taħt il-pożizzjonijiet NM 2207 u NM 2208, li l-qawwa alkoħolika tagħhom tkun superjuri għal 1.2 % vol., anki meta dawn il-prodotti jkunu jagħmlu parti minn prodott li jaqa’ taħt kapitolu ieħor tan-nomenklatura magħquda.

11.

Madankollu, il-punt 5 tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 7 tal-LAS jipprovdi li ebda taxxa tas-sisa mhija dovuta għall-prodotti użati direttament fl-affarijiet tal-ikel jew bħala komponenti ta’ prodotti semi-ppreparat użati għall-produzzjoni ta’ affarijiet tal-ikel, mimlijin jew le, sakemm, f’kull każ, il-kontenut alkoħoliku ma jeċċedix it-8.5 l ta’ alkoħol pur għal kull 100 kg ta’ prodott użat għall-manifattura taaċ-ċikkulata, u 5 l ta’ alkoħol pur għal kull 100 kg ta’ prodott użat għall-manifattura ta’ prodotti oħra.

II — Il-fatti u l-proċedura fil-kawża prinċipali

12.

Gourmet Classic Ltd (iktar ’il quddiem “Gourmet Classic”) hija impriża Britannika li tixtieq tikkumerċjalizza nbid tat-tisjir fis-suq Żvediż.

13.

Qabel ma bdiet tikkomerċjalizza l-prodott tagħha, Gourmet Classic talbet opinjoni mingħand l-iSkatterättsnämnden (kummissjoni tal-liġi fiskali Żvediża) bil-għan li tikseb konferma minngħand din l-awtorità li l-inbid tat-tisjir tagħha ma kienx suġġett għad-dazji tas-sisa, inkwantu fil-fehma tagħha, dan kien kopert mill-eżenzjoni stabbilita fl-Artikolu 27(1)(f) tad-Direttiva 92/83.

14.

L-inbid tat-tisjir inkwistjoni huwa kkostitwit minn taħlita ta’ madwar 40 % ta’ nbid ordinarju, aħmar jew abjad, u madwar 60 % ta’ nbid mingħajr alkoħol, b’żjieda ta’ kwantità żgħira ta’ melħ. Il-qawwa alkoħolika ta’ dan l-inbid tat-tisjir hija ta’ 4.8 l ta’ alkoħol pur għal kull 100 kg ta’ prodott lest.

15.

L-HM Customs and Excise, Tariff and Statistical Office (awtorità fiskali Brittanika) indikat lil Gourmet Classic li l-inbid tat-tisjir tagħha kien jaqa’ taħt is-sotto-pożizzjoni NM 2103909089.

16.

Fil-kuntest tal-proċedura li żvolġiet quddiem l-iSkatterättsnämnden, l-iSkatteverket (amministrazzjoni fiskali Żvediża) ippreżentat l-osservazzjonijiet tagħha u sostniet li, skont l-Artikolu 6 tal-LAS, l-inbid tat-tisjir mibjugħ minn Gourmet Classic huwa suġġett għat-taxxa fuq l-alkoħol, iżda li dan l-istess prodott huwa kopert mill-eżenzjoni stabbilita fil-punt 5 tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 7 tal-LAS.

17.

Għaldaqstant, skont l-iSkatteverket, ebda dazju tas-sisa ma kellu jiġi impost fuq l-inbid tat-tisjir ikkumerċjalizzat minn Gourmet Classic.

18.

L-iSkatterättsnämnden tat l-opinjoni tagħha abbażi tar-rakkomandazzjoni tal-iSkatteverket.

19.

Din tal-aħħar appellat quddiem ir-Regeringsrätten sabiex din tikkonferma l-opinjoni mogħtija mill-iSkatterättsnämnden. Gourmet Classic issottomettiet li hija wkoll taqbel mal-opinjoni tal-iSkatterättsnämnden.

20.

Ir-Regeringsrätten kienet tal-fehma li, sabiex tkun tista’ tiddeċiedi, jeħtieġ li jinkisbu kjarifiki dwar il-fondatezza tal-konklużjoni li tgħid li l-inbid tat-tisjir huwa kkunsidrat bħala li fih alkoħol etiliku fis-sens tad-Direttiva 92/83.

III — Id-domanda preliminari

21.

Ir-Regeringsrätten iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari segwenti:

“L-alkoħol li jinsab fl-inbid tat-tisjir għandu jiġi kklassifikat fil-kategorija ta’ alkoħol etiliku msemmija fl-ewwel inċiż tal-Artikolu 20 tad-Direttiva [92/83]?”

IV — L-analiżi

22.

Fl-osservazzjonijiet li ssottomettiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej hija tal-fehma li l-Qorti tal-Ġustizzja m’għandhiex tiddeċiedi dwar id-domanda preliminari magħmula mir-Regeringsrätten.

23.

Fl-opinjoni tagħha, il-fatt li l-iSkatteverket ma talbitx lill-qorti tar-rinviju temenda l-opinjoni mogħtija mill-iSkatterättsnämnden iżda talbet il-konferma tagħha juri li ma teżisti l-ebda kontroversja bejn il-partijiet fil-kawża prinċipali. Il-Kummissjoni tosserva wkoll li l-partijiet kollha fil-kawża prinċipali jaqblu dwar il-fatt li l-inbid tat-tisjir huwa eżenti minn kull taxxa fuq l-alkoħol.

24.

Il-Kummissjoni tiċċita s-sentenza tas-16 ta’ Diċembru 1981, Foglia ( 7 ), fejn il-Qorti tal-Ġustizzja stabbilixxiet li l-Artikolu 234 KE ma jatihiex il-missjoni li tifformula opinjonijiet konsultattivi dwar kwistjonijiet ġenerali jew ipotetiċi, iżda li tikkontribwixxi għall-amministrazzjoni tal-ġustizzja fl-Istati Membri ( 8 ).

25.

Dejjem b’referenza għas-sentenza Foglia, iċċitata iktar ’il fuq, il-Kummissjoni qalet ukoll li l-Qorti tal-Ġustizzja m’għandhiex ġurisdizzjoni sabiex tirrispondi domanda ta’ interpretazzjoni bħal dik li saritilha fil-kawża prinċipali, peress li dan huwa sotterfuġju proċedurali organizzata mill-partijiet bil-għan li jwassluha tieħu pożizzjoni dwar ċerti problemi tad-dritt Komunitarju li ma jikkorispondux għal ħtieġa objettiva inerenti fis-soluzzjoni ta’ kontroversja.

26.

L-istess bħall-Kummissjoni, aħna tal-fehma li l-Qorti tal-Ġustizzja m’għandhiex ġurisdizzjoni biex tirrispondi għad-domanda magħmula mir-Regeringsrätten.

27.

Il-proċedura prevista fl-Artikolu 234 KE hija strument ta’ kooperazzjoni bejn il-Qorti tal-Ġustizzja u l-qrati nazzjonali ( 9 ). It-talba għal deċiżjoni preliminari tippermetti lil qorti nazzjonali, li jkollha dubji dwar l-interpretazzjoni ta’ leġiżlazzjoni Komunitarja, li titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tagħti deċiżjoni li tkun neċessarja għaliha sabiex tkun tista’ tiġi deċiża l-kawża.

28.

Għalkemm huwa minnu li, fil-kuntest tal-Artikolu 234 KE, hija l-qorti nazzjonali adita bil-kawża li għandha tevalwa n-neċessità ta’ domanda preliminari u r-relevanza ta’ dik id-domanda, madankollu xorta jibqa’ l-fatt li hija l-Qorti tal-Ġustizzja li għandha, jekk ikun il-każ, tivverifika jekk għandhiex ġurisdizzjoni u ċ-ċirkustanzi li fihom tressqet quddiemha l-kawża ( 10 ).

29.

Għalhekk, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tikkunsidra li hemm bżonn li tivverifika jekk id-domanda saritx minn qorti nazzjonali ta’ Stat Membru ( 11 ), li jkollha kawża quddiemha ( 12 ), u li tkun tal-fehma li deċiżjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja hija neċessarja sabiex tkun tista’ tagħti s-sentenza tagħha ( 13 ).

30.

Il-proċedura quddiem l-iSkatterättsnämnden hija proċedura partikolari. Din tal-aħħar għandha l-kompitu li tagħti opinjoni preliminari dwar kwistjonijiet li jirrigwardaw, b’mod partikolari, il-persuni taxxabbli fir-relazzjonijiet tagħhom mal-awtoritajiet pubbliċi fir-rigward tal-obbligi fiskali tagħhom ( 14 ). Meta persuna taxxabbli tagħmel talba quddiem l-iSkatterättsnämnden, l-iSkatteverket tista’ tippreżenta osservazzjonijiet fir-riġward tal-intaxxar tal-operazzjoni inkwistjoni.

31.

L-iSkatterättsnämnden sussegwentement tifformula opinjoni dwar il-mod ta’ kif il-kwistjoni li tkun ġiet sottomessa lilha għandha tiġi deċiża matul il-proċedura ta’ stima tat-taxxa ta’ dik l-operazzjoni. Din l-opinjoni tista’ tkun is-suġġett ta’ rikors imressaq quddiem ir-Regeringsrätten, fuq l-inizjattiva tar-rikorrent u/jew tal-iSkatteverket ( 15 ).

32.

Fis-sentenza Victoria Film, iċċitata iktar ’il fuq, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li hija ma kellhiex ġurisdizzjoni sabiex tiddeċiedi dwar id-domandi preliminari magħmula mill-iSkatterättsnämnden, minħabba li din tal-aħħar teżerċita essenzjalment funzjoni amministrattiva, u fakkret li l-qrati nazzjonali jistgħu jirrikorru għall-Qorti tal-Ġustizzja biss jekk kontroversja tkun pendenti quddiemhom u jekk huma jkunu mitluba jiddeċiedu fil-kuntest ta’ proċedura intiża li twassal għal deċiżjoni ta’ natura legali ( 16 ).

33.

Madankollu, fl-istess sentenza l-Qorti tal-Ġustizzja qalet ukoll li, fil-każ fejn il-persuna taxxabbli jew l-iSkatteverket jippreżentaw rikors kontra opinjoni preliminari, ir-Regeringsrätten, li quddiemha jkun tressaq tali rikors, tista’ titqies li qed teżerċita, fis-sens tal-Artikolu 234 KE, funzjoni ta’ natura ġudizzjarja li jkollha l-iskop li tistħarreġ il-legalità ta’ att li jirregola l-impożizjoni tat-taxxa fuq persuna taxxabbli ( 17 ).

34.

Għalhekk, mhemm ebda dubju li r-Regeringsrätten hija qorti nazzjonali, fis-sens tal-Artikolu 234 KE.

35.

Min-naħa l-oħra, fl-opinjoni tiegħi, fil-kawża prinċipali, il-kundizzjoni li teħtieġ l-eżistenza ta’ kontroversja pendenti quddiem qorti nazzjonali mhijiex sodisfatta.

36.

Għandu l-ewwel nett jiġi osservat li t-terminu “kontroversja” huwa ddefinit bħala kontestazzjoni li tkun is-suġġett ta’ proċess, waqt li kontestazzjoni għandha tinftiehem bħala tilwima ( 18 ).

37.

Barra minn hekk, dejjem fir-rigward tal-kundizzjoni tal-eżistenza ta’ kontroversja, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li m’għandhiex ġurisdizzjoni meta l-kontroversja tkun ġiet organizzata b’mod artifiċjali mill-partijiet sabiex iwassluha tagħti opinjoni konsultattiva dwar kwistjoni ġenerali jew ipotetika ( 19 ) jew inkella meta l-pretensjonijiet tar-rikorrent fil-kawża prinċipali jkunu ġew sodisfati wara li l-qorti nazzjonali tkun għamlet it-talba tagħha għal deċiżjoni preliminari lill-Qorti tal-Ġustizzja ( 20 ).

38.

F’każijie bħal dawn, il-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat li ma kienx hemm kontroversja ġenwina jew li dak il-kontroversja, li tkun tagħat lok għad-domanda preliminari, ma tkunx għadha teżisti peress li ma kienx hemm jew m’għadx hemm kontestazzjoni bejn il-partijiet.

39.

Għandu jiġi osservat li, fil-kawża prinċipali, mhuwiex ikkontestat li l-partijiet kollha, jiġifieri Gourmet Classic, l-iSkatterättsnämnden u l-iSkatteverket, jaqblu dwar is-soluzzjoni li għandha tiġi adottata.

40.

Effettivament, mid-deċiżjoni ta’ rinviju jirriżulta li Gourmet Classic talbet lill-iSkatterättsnämnden tikkonferma li l-inbid tat-tisjir mhuwiex suġġett għad-dazji tas-sisa fuq l-alkoħol, peress illi fil-fehma tagħha, jaqa’ taħt l-eċċezzjonijiet previsti fl-Artikolu 27(1)(f) tad- Direttiva 92/83, li huma riprodotti fil-punt 5 tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 7 tal-LAS ( 21 ).

41.

Fil-kuntest ta’ din il-kawża, l-iSkatteverket sostniet quddiem l-iSkatterättsnämnden li l-inbid tat-tisjir seta’ effettivament jibbenefika mill-eżenzjoni prevista f’din l-aħħar dispożizzjoni ( 22 ).

42.

Barra minn hekk, l-iSkatterättsnämnden adottat opinjoni li kienet konformi mal-osservazzjonijiet taż-żewġ partijiet ( 23 ).

43.

Ir-Regeringsrätten qalet ukoll, fil-punt 22 tad-deċiżjoni ta’ rinviju tagħha, li l-partijiet fil-kawża l-prinċipali kienu jaqblu dwar il-fatt li ebda dazju tas-sisa fuq l-alkoħol ma kellu jiġi impost.

44.

Minn dawn l-elementi jirriżulta b’mod ċar li ma teżisti ebda tilwima bejn il-partijiet u, għaldaqstant, ma teżistix kontroversja quddiem il-qorti nazzjonali.

45.

Din mhijiex l-ewwel darba li r-Regeringsrätten għamlet domandi lill-Qorti tal-Ġustizzja dwar kawża prinċipali li tirrigwarda opinjoni tal-iSkatterättsnämnden ( 24 ). F’dawn il-kawżi preċedenti, il-Qorti tal-Ġustizzja kienet ddikjarat li kellha ġurisdizzjoni biex tiddeċiedi dwar id-domandi preliminari li sarulha mir-Regeringsrätten, b’mod konformi mal-ġurisprudenza Victoria Film, iċċitata iktar ’il fuq.

46.

Effettivament, f’dawn il-kawżi, ir-Regeringsrätten kellha quddiemha rikors kontra opinjoni preliminari tal-iSkatterättsnämnden u għalhekk kienet imsejħa biex tiddeċiedi l-kontroversja sabiex tkun tista’ tagħti deċiżjoni ġudizzjarja ( 25 ).

47.

Bil-kontra ta’ din il-kawża, l-opinjoni tal-iSkatterättsnämden kienet ġiet ikkontestata, u għalhekk tat lok għal kontroversja.

48.

Għalkemm huwa minnu li fis-sentenza tad-9 ta’ Frar 1995, Leclerc-Siplec ( 26 ), il-Qorti tal-Ġustizzja ddikjarat li kellha ġurisdizzjoni minkejja li l-konvenuta fil-kawża prinċipali kienet sostniet argument identiku għal dak tar-rikorrent ( 27 ).

49.

Madankollu, għandu jiġi osservat li fis-sentenza Leclerc-Siplec, iċċitata iktar ’il fuq, fil-bidu tal-proċedura fil-kawża prinċipali kienet teżisti kontestazzjoni ġenwina bejn il-partijiet. Fil-fatt, il-kumpanniji TF1 Publicité u M6 Publicité kienu rrifjutaw li jxerrdu messaġġ pubbliċitarju dwar id-distribuzzjoni ta’ petrol fis-supermarkets Leclerc. Il-kumpannija importatriċi Édouard Leclerc-Siplec għalhekk ressqet lil dawk iż-żewġ kumpanniji quddiem it-tribunal de commerce ta’ Pariġi (Franza) ( 28 ).

50.

Fil-kawża preżenti, l-oriġini tal-proċedura mhijiex tilwima bejn il-partijiet, iżda talba għal konferma ta’ opinjoni li dwarha l-partijiet kollha kienu jaqblu. Il-proċedura fil-kawża prinċipali hija partikolari fis-sens li l-iSkatteverket tista’ tressaq appell quddiem ir-Regeringsrätten dwar opinjoni mogħtija mill-iSkatterättsnämnden, anke jekk l-għan ta’ dan l-appell ikun dak li jitlob il-konferma ta’ dik l-opinjoni.

51.

Għalhekk, fil-kawża preżenti mhijiex involuta kontroversja fittizja jew iffabbrikata, bħal ma kienu l-kontroversji fil-kawżi li taw lok għas-sentenzi Foglia, iċċitata iktar ’il fuq, jew tal-21 ta’ Jannar 2003 Bacardi-Martini u Cellier des Dauphins ( 29 ), iżda talba għal konferma ta’ opinjoni fin-nuqqas ta’ kwalsiasi kontroversja.

52.

Min-naħa l-oħra, fit-talba tagħha l-qorti tar-rinviju tispjega li l-kawża kienet tressqet quddiemha bil-għan li “tinħoloq ġurisprudenza” dwar il-kwistjoni tal-eżenzjoni tal-inbid tat-tisjir mid-dazji tas-sisa u sabiex tali eżenzjoni ssir applikabbli b’mod ġenerali.

53.

Fi kliem ieħor, fil-fehma tiegħi, dik il-qorti qed titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja biex tagħti opinjoni konsultattiva.

54.

Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat, fis-sentenza tas-16 ta’ Lulju 1992, Meilicke ( 30 ), li l-ispirtu ta’ kollaborazzjoni li għandu jipprevali fil-funzjonament tal-proċeduri ta’ talba għal deċiżjoni preliminari jimplika li, min-naħa tagħha, il-qorti nazzjonali għandha tirrispetta l-funzjoni fdata lill-Qorti tal-Ġustizzja ( 31 ). Din il-funzjoni ma tikkonsistix fl-għoti ta’ opinjonijiet konsultattivi, iżda li tirrispondi għal ħtieġa inerenti fis-soluzzjoni effettiva ta’ kawża ( 32 ).

55.

Fil-fehma tiegħi, il-fatt li jiġi ddikjarat li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha ġurisdizzjoni fil-kawża ppreżentata quddiemi jwassal għal distorsjoni tal-iskop tal-Artikolu 234 KE u li jiġu injorati l-kundizzjonijiet li jimponu li sabiex il-Qorti tal-Ġustizzja tkun tista’ tiġi adita fil-kuntest ta’ dak l-Artikolu għandu jkun hemm kontroversja u li għalhekk jimplikaw li d-domanda preliminari hija ġġustifikata min-neċessità li tinstab soluzzjoni għal kontroversja ġenwina.

56.

Għandu jingħad ukoll li, anki fl-ipoteżi li r-Regeringsrätten finalment tadotta pożizzjoni kuntrarja għal dik tal-iSkatterättsnämnden u għal dik tal-partijiet kollha fil-kawża prinċipali, Gourmet Classic tkun tista’, jekk ikun il-każ, tikkontesta quddiem il-qorti nazzjonali d-deċiżjoni li timponilha dazji tal-importazzjoni u dik il-qorti tkun tista’, fil-kuntest ta’ dik li tkun kawża ġenwina, tagħmel domandi lill-Qorti tal-Ġustizzja dwar il-portata tal-Artikolu 20 tad-Direttiva 92/83.

57.

Fid-dawl ta’ dawn l-elementi kollha, jiena tal-fehma li l-Qorti tal-Ġustizzja m’għandhiex ġurisdizzjoni biex tiddeċiedi dwar id-domanda magħmula mir-Regeringsrätten.

V — Konklużjoni

58.

Fid-dawl tal-konsiderazzjonijiet magħmulin aktar’il fuq, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tiddikjara li m’għandhiex ġurisdizzjoni biex tiddeċiedi dwar id-domanda preliminari magħmula mir-Regeringsrätten.


( 1 ) Lingwa oriġinali: il-Franċiż.

( 2 ) Direttiva tal-Kunsill tad-19 ta’ Ottubru 1992, dwar l-armonizzazzjoni tal-istrutturi tat-taxxi tas-sisa fuq l-alkoħol u x-xorb alkoħoliku (ĠU L 316, p. 21).

( 3 ) Ara t-tieni u t-tielet premessi tal-imsemmija direttiva.

( 4 ) Skont ir-Regolament tal-Kummissjoni (KEE) Nru 2587/91, tas-26 ta’ Lulju 1991, li jemenda l-Anness I tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2658/87 dwar in-nomenklatura tat-tariffa u l-istatistika u dwar it-Tariffa Doganali Komuni (ĠU L 259, p. 1), applikabbli fil-mument tad-dħul fis-seħħ tad-Direttiva 92/83 tal-31 ta’ Diċembru 1992, il-pożizzjoni tariffarja NM 2207 tikkorrispondi għal “[a]lkoħol etiliku mhux żnaturat b’qawwa alkoħolika skont il-volum ta’ 80 % vol. jew aktar; alkoħol etiliku u spirti mhux żnaturati ta’ kull qawwa”, Fir-rigward tal-pożizzjoni tariffarja NM 2208, din tikkorrispondi għal l-“alkoħol etiliku mhux żnaturat ta’ qawwa alkoħolika skont il-volum ta’ inqas minn 80 % vol; spirti, likuri u xorb ieħor alkoħoliku; preparazzjonijiet alkoħoliċi komposti mit-tipi użati għall-manifattura tax-xorb”. [traduzzjoni mhux uffiċjali]

( 5 ) Dawn il-pożizzjonijiet tariffarji jikkorrispondu rispettivament, skont ir-Regolament Nru 2587/91, għall-“inbejjed minn għeneb frisk, inklużi l-inbejjed miżjuda bl-alkoħol; meraq tal-għeneb, ħlief għal dawk tan-nru 2009”, għal “vermut u nbejjed oħra minn għeneb frisk ippreparati bl-għajnuna ta’ pjanti jew sustanzi aromatiċi”, u, finalment, għal “xorb ieħor iffermentat (sidru, perry, mead, per eżempju); taħlit ta’ xorb iffermentat u taħlit ta’ xorb iffermentat ma’ xorb mhux alkoħoliku, mhux ikklassifikat jew inkluż bnadi oħra”. [traduzzjoni mhux uffiċjali]

( 6 ) SFS 1994, Nru 1564, iktar ’il quddiem il-“LAS”.

( 7 ) 244/80, Ġabra p. 3045.

( 8 ) Punt 18.

( 9 ) Ara, b’mod partikolari, is-sentenza tal-20 ta’ Jannar 2005, García Blanco (C-225/02, Ġabra p. I-523, punt 26).

( 10 ) Ara, b’mod partikolari, is-sentenza tal-15 ta’ Ġunju 1995, Zabala Erasun et (C-422/93 sa C-424/93, Ġabra p. I-1567, punti 13 sa 17 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 11 ) Ara, b’mod partikolari, is-sentenza tal-31 ta’ Mejju 2005, Syfait et (C-53/03, Ġabra p. I-4609, punt 21).

( 12 ) Ara s-sentenza tal-21 ta’ April 1988, Pardini (338/85, Ġabra p. 2041, punti 10 u 11).

( 13 ) Ara s-sentenzi Zabala Erasun et, iċċitata iktar ’il fuq (punti 28 u 29 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata); García Blanco, iċċitata iktar ’il fuq (punti 27 u 28); tal-20 ta’ Jannar 2005, Salgado Alonso (C-306/03, Ġabra p. I-705, punti 41 u 42), kif ukoll tal-15 ta’ Ġunju 2006, Acereda Herrera (C-466/04, Ġabra p. I-5341, punt 49).

( 14 ) Ara l-punt 10 tal-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Fennelly fil-kawża li tat lok għas-sentenza tat-12 ta’ Novembru 1998, Victoria Film (C-134/97, Ġabra p. I-7023).

( 15 ) Idem.

( 16 ) Punti 14 u 15.

( 17 ) Punti 18 u 19. Ara wkoll is-sentenza tat-18 ta’ Novembru 1999, X u Y (C-200/98, Ġabra p. I-8261, punti 16 u 17).

( 18 ) Ara Le Petit Robert - Dictionnaire de la langue française, Dictionnaires Le Robert, Paris, 2004.

( 19 ) Ara s-sentenza Foglia, iċċitata iktar ’il fuq.

( 20 ) Ara s-sentenza García Blanco, iċċitata iktar ’il fuq (punti 29 sa 31).

( 21 ) Ara d-deċiżjoni tar-rinviju (punt 11).

( 22 ) Ibidem (punt 12).

( 23 ) Ibidem (punt 13).

( 24 ) Ara, b’mod partikolari, is-sentenza tad-29 ta’ Marzu 2007, Aktiebolaget NN (C-111/05, Ġabra p. I-2697), u d-Digriet tal-10 ta’ Mejju 2007, A u B (C-102/05, Ġabra p. I-3871).

( 25 ) Enfasi tiegħi.

( 26 ) C-412/93, Ġabra p. I-179.

( 27 ) Punti 3, 14 u 15.

( 28 ) Punti 2 u 3.

( 29 ) C-318/00, Ġabra p. I-905.

( 30 ) C-83/91, Ġabra p. I-4871.

( 31 ) Punt 25.

( 32 ) Sentenza Foglia, iċċitata iktar ’il fuq (punti 18 u 20).

Top