Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62006CC0353

Konklużjonijiet ta' l-Avukat Ġenerali - Sharpston - 24 ta' April 2008.
Stefan Grunkin u Dorothee Regina Paul.
Talba għal deċiżjoni preliminari: Amtsgericht Flensburg - il-Ġermanja.
Dritt ta’ ċittadin tal-Unjoni li jmur minn post għal ieħor u li joqgħod liberament fit-territorju tal-Istati Membri - Dritt internazzjonali privat fir-rigward tal-kunjomijiet - Rabta biss man-nazzjonalità għall-finijiet tad-determinazzjoni tal-liġi applikabbli - Wild minuri li twieled u li jirrisjedi fi Stat Membru u li għandu n-nazzjonalità ta’ Stat Membru ieħor - Nuqqas ta’ rikonoxximent fl-Istat Membru li hu ċittadin tiegħu tal-kunjom mogħti fl-Istat Membru fejn twieled u fejn jirrisjedi.
Kawża C-353/06.

Court reports – general

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2008:246

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

SHARPSTON

ippreżentati fl-24 ta’ April 2008 ( 1 )

Kawża C-353/06

Kawża mressqa minn

Stefan Grunkin u Dorothee Regina Paul

“Dritt ta’ ċittadin tal-Unjoni li jmur minn post għal ieħor u li joqgħod liberament fit-territorju tal-Istati Membri — Dritt internazzjonali privat fir-rigward tal-kunjomijiet — Rabta biss man-nazzjonalità għall-finijiet tad-determinazzjoni tal-liġi applikabbli — Wild minuri li twieled u li jirrisjedi fi Stat Membru u li għandu n-nazzjonalità ta’ Stat Membru ieħor — Nuqqas ta’ rikonoxximent fl-Istat Membru li huwa ċittadin tiegħu tal-kunjom mogħti fl-Istat Membru fejn twieled u fejn jirrisjedi”

1. 

Dan ir-rinviju għal deċiżjoni preliminari mill-Amtsgericht (Qorti Lokali) Flensburg, il-Ġermanja, iqajjem dubji dwar il-kompatibbiltà ta’ regola Ġermaniża dwar l-għażla tal-liġi mal-projbizzjoni ta’ diskriminazzjoni u d-drittijiet ta’ ċittadinanza inkorporati fit-Trattat KE. Skond din ir-regola, il-kunjom ta’ persuna li jkollha biss iċ-ċittadinanza Ġermaniża jiġi ddeterminat esklużivament mil-liġi Ġermaniża. Għalhekk, anki jekk persuna bħal din twieldet u tirrisjedi abitwalment fi Stat Membru ieħor (f’dan il-każ, id-Danimarka) li l-liġi tiegħu tapplika għal din il-persuna bis-saħħa tar-regoli tiegħu dwar l-għażla tal-liġi, il-kunjom ta’ din il-persuna, iffurmat u rreġistrat hemmhekk in konformità ma’ din il-liġi, ma jistax jiġi rreġistrat fil-Ġermanja sakemm ma jkunx konformi wkoll mal-liġi sostantiva Ġermaniża.

Il-kuntest ġuridiku

Dispożizzjonijiet tat-Trattat

2.

L-ewwel paragrafu ta’ l-Artikolu 12 KE jipprovdi kif ġej:

“Fil-kamp ta’ l-applikazzjoni ta’ dan it-Trattat, u bla ħsara għad-disposizzjonijiet speċjali inklużi hemm kull diskriminazzjoni minħabba ċittadinanza għandha tiġi projbita.”

3.

L-Artikolu 17 KE jipprovdi:

“1.   Qed tiġi stabbilita ċ-Ċittadinanza ta’ l-Unjoni. Kull persuna li għandha ċ-ċittadinanza ta’ Stat Membru għandha tkun ċittadin ta’ l-Unjoni. Iċ-Ċittadinanza ta’ l-Unjoni għandha tikkumplimenta u mhux tissostitwixxi iċ-ċittadinanza nazzjonali.

2.   Iċ-ċittadini ta’ l-Unjoni għandhom igawdu d-drittijiet mogħtija lilhom minn dan it-Trattat u jkunu marbutin bid-dmirijiet imposti minnu.”

4.

Skond l-Artikolu 18(1) KE:

“Kull ċittadin ta’ l-Unjoni għandu d-dritt li jmur minn post għal ieħor u li joqgħod liberament fit-territorju ta’ l-Istati Membri, salvi l-limitazzjonijiet u l-kondizzjonijiet stabbiliti f’dan it-Trattat u d-disposizzjonijiet meħuda biex dan jitwettaq.”

5.

Skond l-Artikolu 65 KE (moqri wkoll flimkien ma’ l-Artikoli 61(ċ) u 67 KE), il-leġiżlatur Komunitarju jista’ jadotta “miżuri fil-qasam ta’ kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji ċivili li jkollhom implikazzjonijiet trans-konfinali”, inklużi dawk li l-għan tagħhom ikun il-“(b) promozzjoni tal-kompatibbiltà tar-regoli applikabbli fl-Istati Membri li jikkonċernaw il-kunflitt bejn il-liġijiet u l-ġurisdizzjonijiet”. Sa issa, ebda miżuri bħal dawn għadhom ġew adottati fir-rigward tad-determinazzjoni tal-kunjomijiet ( 2 ).

Regoli sostantivi li jirregolaw id-determinazzjoni tal-kunjomijiet

6.

Fil-punti 5 sa 22 tal-konklużjonijiet tiegħu fil-kawża li wasslet għas-sentenza García Avello ( 3 ), l-Avukat Ġenerali Jacobs ta deskrizzjoni ġenerali tar-regoli li jirregolaw id-determinazzjoni tal-kunjomijiet fl-Istati Membri, kif kienu japplikaw f’dak iż-żmien (2003). Minn dak iż-żmien kien hemm xi żviluppi, u f’diversi Stati Membri r-regoli sostantivi issa jippermettu iktar għażla minn qabel. Madankollu, huwa biżżejjed li wieħed jinnota f’dan l-istadju li hemm varjetà konsiderevoli mhux biss fil-mod kif jiġu ddeterminati l-kunjomijiet, imma anki fil-grad ta’ għażla disponibbli min-naħa tal-liġi. B’mod partikolari, kunjomijiet komposti (li jgħaqqdu dawk taż-żewġ ġenituri) huma pprojbiti f’xi Stati Membri imma permessi fi Stati Membri oħrajn u saħansitra huma n-norma f’oħrajn.

Regoli dwar l-għażla tal-liġi rigward id-determinazzjoni tal-kunjomijiet

7.

Sabiex jiġi aċċertat liema liġi hija applikabbli għad-determinazzjoni tal-kunjom ta’ persuna fejn ikun hemm konnessjonijiet ma’ iktar minn sistema legali waħda, ċerti sistemi legali jagħmlu riferiment għal-liġi tar-residenza abitwali tal-persuna ( 4 ), għalkemm jidher li huwa iktar komuni li jsir riferiment għal-liġi taċ-ċittadinanza tagħha ( 5 ). Dan l-approwċ huwa inkorporat, għal xi Stati Membri, fi trattati internazzjonali fil-kuntest ta’ l-International Commission on Civil Status (Kummissjoni Internazzjonali dwar Status Ċivili, iktar ’il quddiem l-“ICCS”), organizzazzjoni intergovernamentali li l-membri tagħha jinkludu 13-il Stat Membru, bi tlieta oħra li għandhom l-istatus ta’ osservatur. Il-Ġermanja hija membru ta’ l-ICCS. Id-Danimarka la hija membru u lanqas osservatur.

8.

Hemm numru ta’ Konvenzjonijiet ta’ l-ICCS ( 6 ) li għandhom x’jaqsmu ma’ kunjomijiet u ismijiet, imma l-ebda waħda minnhom ma ġiet ratifikata minn iktar minn seba’ Stati Membri. Fil-qosor, dawn jipprovdu li, fil-prinċipju, l-ismijiet ta’ persuna għandhom jiġu ddeterminati mil-liġi ta’ l-Istat li tiegħu hija ċittadina, u li l-Istati Kontraenti m’għandhomx jawtorizzaw tibdil fil-kunjom fil-każ ta’ ċittadini ta’ Stat Kontraenti ieħor, sakemm ma jkunux ukoll ċittadini ta’ l-ewwel Stat, imma jistgħu joħorġu ċertifikati dwar kunjom differenti fejn ikun xieraq. Taħt konvenzjoni iktar reċenti ( 7 ), li għada m’hijiex fis-seħħ, meta wild ikun ċittadin ta’ iktar minn Stat Kontraenti wieħed, il-kunjom attribwit fl-Istat tat-twelid jiġi rikonoxxut fl-Istati Kontraenti l-oħra, kif għandu jiġi rikonoxxut ukoll kunjom attribwit fuq talba tal-ġenituri fi Stat Kontraenti ieħor li tiegħu l-wild huwa ċittadin.

Strumenti li jikkonċernaw id-drittijiet tat-tfal

9.

L-Artikolu 3 tal-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Drittijiet tat-Tfal ( 8 ) jipprovdi: “Fl-azzjonijiet kollha li jikkonċernaw it-tfal, kemm jekk jittieħdu minn istituzzjonijiet pubbliċi jew privati ta’ l-għajnuna soċjali, qrati tal-liġi, awtoritajiet amministrattivi jew korpi leġiżlattivi, il-kunsiderazzjoni primarja għandha tkun l-aħjar interess tat-tfal.” Wieħed isib essenzjalment l-istess dispożizzjoni fl-Artikolu 24(2) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali ta’ l-Unjoni Ewropea ( 9 ).

10.

L-Artikolu 7(1) tal-Konvenzjoni dwar id-Drittijiet tat-Tfal jipprovdi, inter alia, li wild għandu jiġi “rreġistrat immedjatament wara t-twelid u mit-twelid għandu jkollu d-dritt għal isem”. Essenzjalment l-istess dispożizzjoni tinsab fl-Artikolu 24(2) tal-Konvenzjoni Internazzjonali tad-Drittijiet Ċivili u Politiċi ( 10 ).

Liġi nazzjonali rilevanti għal din il-kawża

11.

Skond ir-regoli Daniżi tad-dritt internazzjonali privat, kwistjonijiet li għandhom x’jaqsmu mad-determinazzjoni tal-kunjom ta’ persuna huma rregolati mil-liġi tad-domiċilju ta’ dik il-persuna (jiġifieri, ir-residenza abitwali) kif definit fil-liġi Daniża. Għalhekk, meta jkun irid jiġi ddeterminat il-kunjom ta’ persuna abitwalment residenti fid-Danimarka, għandha tapplika l-liġi Daniża.

12.

Fiż-żmien tal-fatti fil-kawża preżenti, id-determinazzjoni tal-kunjomijiet fid-Danimarka kienet irregolata bl-Artikoli 1 sa 9 tal-Liġi Nru 193 tad-29 ta’ April 1981 (Lov om personnavne — Liġi dwar ismijiet personali) ( 11 ).

13.

Skond l-Artikolu 1 ta’ dik il-liġi, jekk il-ġenituri kienu jużaw kunjom wieħed, dan kien ikun il-kunjom assenjat lill-wild. Jekk ma kinux jużaw l-istess kunjom, seta’ jintgħażel il-kunjom ta’ wieħed mill-ġenituri. Madankollu, l-Artikolu 9 kien jippermetti wkoll bidla amministrattiva tal-kunjom għal wieħed kompost mill-kunjomijiet taż-żewġ ġenituri magħqud permezz ta’ sing.

14.

Alternattivament (u b’mod komuni), meta l-wild ikollu l-kunjom ta’ wieħed mill-ġenituri, il-kunjom tal-ġenitur l-ieħor jista’ jintuża bħala ‘l-kunjom tan-nofs’ (mellemnavn). B’hekk iż-żewġ kunjomijiet ikunu fil-fatt magħquda (mingħajr sing). Madankollu, skond il-liġi ta’ l-1981 huwa biss it-tieni element tal-kunjom magħqud li f’dak il-każ seta’ jiġi mgħoddi lill-ġenerazzjoni ta’ wara.

15.

Fil-Ġermanja, skond l-Artikolu 10(1) ta’ l-Einführungsgesetz zum Bürgerlichen Gesetzbuch (il-Liġi li introduċiet il-Kodiċi Ċivili, iktar ’il quddiem l-“EGBGB”), il-kunjom ta’ persuna għandu jiġi ddeterminat mil-liġi ta’ l-Istat taċ-ċittadinanza tagħha. Skond l-Artikolu 10(3), il-kunjom ta’ wild jista’ jiġi ddeterminat billi ssir referenza għal-liġi ta’ xi pajjiż ieħor f’każ biss fejn ġenitur (jew xi persuna oħra li tikkonferixxi l-kunjom) ikun ċittadin ta’ dak il-pajjiż. Madankollu, tista’ tiġi applikata l-liġi Ġermaniża fejn l-ebda wieħed mill-ġenituri m’għandu ċittadinanza Ġermaniża imma ta’ l-inqas wieħed minnhom ikun residenti fil-Ġermanja.

16.

Skond il-Paragrafu 1616 tal-Bürgerliches Gesetzbuch (Kodiċi Ċivili, iktar ’il quddiem il-“BGB”), jekk il-ġenituri jużaw kunjom wieħed ( 12 ), dan ikun il-kunjom assenjat lill-wild, bħal ma jiġri fid-Danimarka. Il-Paragrafu 1617 jipprovdi:

“(1)

Jekk il-ġenituri ma jkollhomx l-istess kunjom ta’ miżżewġin imma għandhom il-kustodja konġunta tal-wild, dawn għandhom, permezz ta’ dikjarazzjoni quddiem reġistratur, jagħżlu jew il-kunjom tal-missier jew ta’ l-omm fiż-żmien tad-dikjarazzjoni biex ikun il-kunjom mogħti lill-wild mat-twelid. […] L-għażla tal-ġenituri tapplika wkoll fir-rigward tat-tfal sussegwenti tagħhom.

(2)

Jekk il-ġenituri ma jagħmlux din id-dikjarazzjoni matul perijodu ta’ xahar wara t-twelid tal-wild, il-Familiengericht [ ( 13 )] għandha tittrasferixxi d-dritt tad-determinazzjoni tal-kunjom tal-wild lil wieħed mill-ġenituri. Is-subparagrafu 1 għandu japplika mutatis mutandis. Il-qorti tista’ tistabbilixxi terminu għall-eżerċizzju ta’ dan id-dritt. Jekk id-dritt ta’ l-għażla tal-kunjom tal-wild ma jkunx ġie eżerċitat qabel l-iskadenza ta’ dan it-terminu, il-wild jingħata l-kunjom tal-ġenitur li lilu kien ingħata d-dritt.

(3)

Meta wild jitwieled barra mit-territorju Ġermaniż, il-qorti m’għandhiex tittrasferixxi d-dritt ta’ l-għażla tal-kunjom tal-wild in konformità mas-subparagrafu 2 sakemm ma ssirx talba f’dan is-sens minn wieħed mill-ġenituri jew mill-wild jew sakemm ma jkunx meħtieġ li l-kunjom tal-wild jiġi rreġistrat fuq dokument Ġermaniż ta’ reġistrazzjoni jew ta’ identità.”

17.

Il-Paragrafu 1617(1) għalhekk jeskludi l-possibbiltà li jiġu magħquda l-kunjomijiet taż-żewġ ġenituri sabiex jiġi ffurmat kunjom kompost ġdid. Madankollu, dan ma jipprekludix il-perpetwazzjoni ta’ kunjom kompost eżistenti li jkollu diġà wieħed mill-ġenituri ( 14 ).

Il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja

18.

Fil-kuntest tad-dritt Komunitarju, m’huwiex ta’ spiss li jitqajmu kwistjonijiet li jikkonċernaw id-determinazzjoni tal-kunjomijiet. Madankollu kien hemm żewġ rinviji preċedenti lill-Qorti tal-Ġustizzja f’dan il-qasam — li wasslu għas-sentenzi Konstantinidis ( 15 ) u García Avello ( 16 ) — u rinviju preċedenti fil-kawża preżenti ( 17 ).

19.

F’Konstantinidis il-Qorti tal-Ġustizzja sabet li kien imur kontra l-projbizzjoni ta’ diskriminazzjoni bbażata fuq ċittadinanza li ċittadin Grieg jiġi obbligat juża, meta jkun qed jeżerċita l-impjieg tiegħu fi Stat Membru ieħor, traskrizzjoni ta’ kunjomu li bidlet il-pronunzja tiegħu jekk id-distorsjoni li rriżultat kienet tinvolvi r-riskju li klijenti potenzjali setgħu jitħawwduh ma’ persuni oħra.

20.

Fis-sentenza García Avello l-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat li l-Artikoli 12 u 17 KE kienu jipprekludu lill-awtoritajiet Belġjani milli jirrifjutaw li jilqgħu applikazzjoni, magħmula f’isem tfal minorenni residenti fil-Belġju imma li kellhom ċittadinanza doppja Belġjana u Spanjola, sabiex il-kunjom ta’ dawn it-tfal jinbidel għal dak li kienu intitolati għalih skond il-liġi Spanjola u t-tradizzjoni.

Il-fatti u l-proċeduri legali

21.

It-tifel Leonhard Matthias twieled fid-Danimarka fl-1998 lill-ġenituri Stefan Grunkin u Dorothee Paul. Hu u l-ġenituri tiegħu għandhom ċittadinanza Ġermaniża biss (is-sempliċi twelid fid-Danimarka ma jikkonferixxix awtomatikament iċ-ċittadinanza Daniża). Għall-parti l-kbira ta’ ħajtu, huwa għex prinċipalment fid-Danimarka, fejn għall-bidu l-ġenituri tiegħu kienu jgħixu flimkien. Għal xi xhur fl-2001-2002, huwa għex magħhom f’Niebüll, il-Ġermanja. Minn dak iż-żmien huwa għex prinċipalment m’ommu f’Tønder, id-Danimarka, imma joqgħod regolarment ma’ missieru f’Niebüll, xi 20 km ’il bogħod.

22.

It-twelid ta’ Leonhard Matthias kien ġie oriġinarjament irreġistrat fid-Danimarka bil-kunjom ‘Paul’, b’‘Grunkin’ bħala mellemnavn. Xi xhur wara, fuq talba tal-ġenituri tiegħu, il-kunjom ġie mibdul għal ‘Grunkin-Paul’ bis-saħħa ta’ ċertifikat amministrattiv (navnebevis), u nħareġ ċertifikat tat-twelid li kien jindika dan il-kunjom ( 18 ). Dan kien possibbli għaliex huwa kien iddomiċiljat fid-Danimarka għall-iskopijiet tad-dritt internazzjonali privat Daniż, b’tali mod li l-liġi sostantiva Daniża kienet tapplika għad-determinazzjoni tal-kunjom tiegħu.

23.

Il-ġenituri jixtiequ jirreġistrawh ma’ l-awtoritajiet Ġermaniżi f’Niebüll, taħt il-kunjom ‘Grunkin-Paul’ mogħti lilu fid-Danimarka. Skond il-leġislazzjoni Ġermaniża deskritta aktar ’il fuq ( 19 ), dawn l-awtoritajiet irrifjutaw li jirrikonoxxu dan l-isem, u insistew li l-kunjom magħżul kellu jkun jew ‘Grunkin’ jew ‘Paul’.

24.

Il-ġenituri kkontestaw dan ir-rifjut quddiem il-qrati Ġermaniżi, imma l-kontestazzjoni tagħhom ġiet miċħuda fl-aħħar istanza fl-2003.

25.

Sussegwentement, skond il-Paragrafu 1617(2) tal-BGB, l-iStandesamt kompetenti (l-Uffiċċju tar-Reġistratur) ressaq il-kwistjoni quddiem l-Amtsgericht Niebüll. Bħala Familiengericht, ir-rwol ta’ dik il-qorti kien li tindika l-ġenitur li għandu d-dritt li jagħżel il-kunjom tal-wild jew li kunjomu kellu jingħata lill-wild jekk ma ssirx din l-għażla.

26.

Madankollu, hija kellha dubji dwar jekk ir-regola dwar l-għażla tal-liġi li tinsab fl-Artikolu 10 ta’ l-EGBGB kinitx valida fid-dawl ta’ l-Artikoli 12 KE u 18 KE, safejn id-determinazzjoni tal-kunjomijiet kienet irregolata biss biċ-ċittadinanza. Din għalhekk talbet li tingħata deċiżjoni preliminari mill-Qorti tal-Ġustizzja dwar l-interpretazzjoni tat-Trattat KE fir-rigward tal-kompatibbiltà ta’ l-Artikolu 10 ta’ l-EGBGB mat-Trattat KE ( 20 ).

27.

Matul il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, tqajmu dubji dwar l-ammissibbiltà tar-rinviju għal deċiżjoni preliminari, peress li l-qorti tar-rinviju dehret li kienet qed taġixxi f’kapaċità amministrattiva pjuttost milli ġudizzjarja.

28.

Fil-konklużjonijiet tiegħu tat-30 ta’ Ġunju 2005, l-Avukat Ġenerali Jacobs irrikonoxxa dawn id-dubji, imma kkunsidra li l-Qorti tal-Ġustizzja kellha xorta waħda tirrispondi għad-domanda magħmula ( 21 ). Huwa ħa l-pożizzjoni li s-sitwazzjoni kienet taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt Komunitarju u li, għalkemm ma kien hemm ebda diskriminazzjoni bbażata fuq ċittadinanza, kien “għal kollox inkompatibbli ma’ l-istatus u d-drittijiet ta’ ċittadin ta’ l-Unjoni Ewropea […] li wieħed jiġi obbligat ikollu kunjomijiet differenti taħt il-liġijiet ta’ Stati Membri differenti ( 22 ).”

29.

B’sentenza tas-27 ta’ April 2006, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li ma kellhiex ġurisdizzjoni sabiex twieġeb id-domanda magħmula minħabba li l-qorti tar-rinviju ma setgħetx titqies bħala li kienet qed teżerċita funzjoni ġudizzjarja.

30.

Fit-30 ta’ April 2006 il-ġenituri applikaw mill-ġdid sabiex ikollhom lil binhom irreġistrat mill-iStandesamt bil-kunjom Grunkin-Paul, bħala l-kunjom li bih ġie rreġistrat fid-Danimarka. L-iStandesamt għal darb’oħra rrifjuta din ir-reġistrazzjoni għaliex ma kinitx possibbli skond il-liġi Ġermaniża.

31.

Bis-saħħa tar-regoli proċedurali Ġermaniżi, il-kawża li l-ġenituri ressqu kontra dan ir-rifjut ġdid instemgħet minn Amtsgericht differenti, ċioè l-Amtsgericht Flensburg. Dik il-qorti tinnota li hija prekluża mil-liġi Ġermaniża milli tordna lir-reġistratur jirreġistra kunjom kompost, imma għandha dubji simili għal dawk li kellha l-Amtsgericht Niebüll.

32.

Hija għalhekk qed titlob deċiżjoni preliminari dwar din id-domanda:

“Fid-dawl tal-projbizzjoni ta’ diskriminazzjoni stabbilita bl-Artikolu 12 tat-Trattat KE u fid-dawl tad-dritt għal moviment liberu ta’ kull ċittadin ta’ l-Unjoni stipulat fl-Artikolu 18 tat-Trattat KE, id-dispożizzjoni dwar il-kunflitt bejn liġijiet li tinsab fl-Artikolu 10 ta’ l-EGBGB hija valida safejn tipprovdi li l-liġi li tikkonċerna l-kunjomijiet hija rregolata miċ-ċittadinanza biss?”

33.

Ġew ippreżentati osservazzjonijiet bil-miktub minn Stefan Grunkin, mill-Gvernijiet tal-Belġju, ta’ Franza, tal-Ġermanja, tal-Ġreċja, tal-Litwanja, ta’ l-Olanda, tal-Polonja u ta’ Spanja u mill-Kummissjoni. Il-Gvernijiet tal-Ġermanja, tal-Ġreċja, tal-Litwanja u ta’ Spanja u l-Kummissjoni kienu preżenti għas-seduta.

Ammissibbiltà

34.

L-ammissibbiltà tar-rinviju preżenti m’hijiex ikkontestata b’mod formali, għalkemm il-Gvern Belġjan esprima dubju (a) dwar jekk il-qorti tar-rinviju hijiex kompetenti sabiex tordna r-reġistrazzjoni ta’ kunjom kompost, b’mod partikolari peress li sensiela ta’ proċeduri legali li saru iktar qabel kienu waslu għal konklużjoni definittiva, u (b) jekk il-proċeduri legali preżenti humiex ta’ natura ġenwina.

35.

Il-Gvern Ġermaniż, madankollu, m’għandux dawn id-dubji u jispjega f’ċertu dettall kif, skond il-liġi Ġermaniża, il-proċeduri fil-kawża prinċipali preżenti huma kemm ammissibbli u kif ukoll tabilħaqq kontenzjużi. Essenzjalment, il-ġenituri ta’ Leonhard Matthias ressqu proċeduri legali (li m’humiex preklużi mill-qtugħ finali tal-kawża preċedenti fl-2003) kontra r-reġistratur ċivili, fejn qed jitolbu li tingħata ordni li r-reġistratur jirreġistra l-kunjom tat-tifel bħala ‘Grunkin-Paul’. Sabiex tiddeċiedi jekk għandhiex toħroġ din l-ordni — f’liema kuntest ikun evidenti li qed taġixxi f’kapaċità ġudizzjarja — il-qorti tar-rinviju għandha bżonn deċiżjoni preliminari dwar l-interpretazzjoni tad-dritt Komunitarju.

36.

Fid-dawl ta’ dan, jidhirli li ma jkunx meħtieġ għall-Qorti tal-Ġustizzja li teżamina l-ammissibbiltà tar-rinviju preżenti iktar fil-fond.

Is-sustanza

Kunsiderazzjonijiet introduttorji

37.

Id-dritt internazzjonali privat, minkejja dak li jista’ jiġi ssuġġerit b’dan l-appellattiv, m’huwiex korp ta’ dritt internazzjonali. Id-dritt internazzjonali privat huwa fergħa tal-liġi domestika ta’ kull sistema legali. Din tipprovdi mekkaniżmu jew, iktar preċiż minn hekk, serje ta’ mekkaniżmi relatati ma’ xulxin sabiex jiġi ddeterminat, fejn sitwazzjonijiet jew relazzjonijiet legali jkollhom rabtiet ma’ iktar minn sistema legali waħda, liema qrati jew awtoritajiet oħra għandu jkollhom ġurisdizzjoni, liema liġi sostantiva għandha tapplika u liema effetti jew rikonoxximent għandhom jingħataw lil deċiżjonijiet meħudin, jew atti legali mwettqa, in konformità ma’ sistemi legali oħrajn.

38.

Peress li s-sitwazzjonijiet jew relazzjonijiet ikkonċernati huma, mit-tifsira tagħhom stess, inter-ġurisdizzjonali, il-mekkaniżmu ta’ kull sistema legali neċessarjament jinteraġixxi mal-mekkaniżmu ta’ sistemi oħrajn. Xi drabi dawn il-mekkaniżmi jaqblu, xi drabi jinqabdu f’kunflitt. Meta dawn jaqblu (kif inhu mixtieq), dan jista’ jkun minħabba li s-sistemi legali kkonċernati jkollhom regoli kompatibbli mill-bidu, jista’ jkun minħabba li jkunu ħadmu flimkien sabiex jiksbu kompatibbiltà fil-kuntest ta’ entità bħalma hija l-ICCS jew il-Konferenza ta’ l-Aja dwar id-Dritt Internazzjonali Privat ( 23 ), jew (fi ħdan l-Unjoni Ewropea) dan jista’ jkun minħabba li kellhom il-kompatibbiltà sfurzata fuqhom mil-leġislazzjoni Komunitarja. Jibqa’ però diversi oqsma fejn il-kompatibbiltà jew l-armonizzazzjoni m’hijiex kompluta.

39.

L-istampa ġenerali hija għalhekk ta’ arranġament kumpless ta’ mekkaniżmi kumplessi, li jinteraġixxu b’kumplessità imma mhux dejjem f’armonija. Kull aġġustament ta’ xi wieħed mill-mekkaniżmi jista’ jaffettwa medda wiesgħa ta’ interazzjonijiet. Bidla fir-regoli tad-dritt internazzjonali privat ta’ waħda mis-sistemi legali li jikkonċernaw id-determinazzjoni tal-kunjomijiet jista’ jkollha riperkussjonijiet mhux biss fuq il-mod li bih dawn ir-regoli jinteraġixxu mar-regoli ekwivalenti ta’ sistema oħra, imma anki fuq l-operazzjoni tar-regoli tagħha tad-dritt internazzjonali privat li jikkonċernaw oqsma relatati ta’ l-istatus personali jew tal-familja (b’tibdil konsegwenzjali fl-interazzjonijiet bejn dawn ir-regoli u dawk ta’ sistemi oħra) jew fuq ir-regoli rilevanti tal-liġi sostantiva tagħha.

40.

M’huwiex sorprendenti, għalhekk, li l-parti l-kbira ta’ l-Istati Membri li ppreżentaw osservazzjonijiet fil-kawża preżenti ħeġġew lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tevita li tbagħbas mar-regola Ġermaniża dwar l-għażla tal-liġi in kwistjoni. Barra minn dan, xi kummentaturi akkademiċi kkritikaw is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja f’García Avello, u l-konklużjonijiet ta’ l-Avukat Ġenerali Jacobs fil-kawża li wasslet għas-sentenza Standesamt Stadt Niebüll, minħabba allegat nuqqas ta’ evalwazzjoni tal-konsegwenzi ta’ l-approwċ meħud ( 24 ).

41.

Dan huwa evidentement qasam li jkun xieraq li l-Qorti tal-Ġustizzja teżamina b’delikatezza u b’attenzjoni. Madankollu, is-sempliċi fatt li għandha taġixxi b’delikatezza ma jfissirx li għandha tibża milli teżaminah kompletament.

42.

Kif ġie nnotat minn diversi Stati Membri, dan il-qasam huwa wieħed li l-Komunità għandha l-poter li tirregola — l-istess bħalma, abbażi ta’ l-Artikoli 61(ċ) u 67(1) KE, din diġà rregolat il-ġurisdizzjoni u r-rikonoxximent u l-infurzar ta’ sentenzi fi kwistjonijiet matrimonjali u fi kwistjonijiet dwar reponsabbiltà tal-ġenituri ( 25 ), u qed tikkontempla li tirregola l-liġi applikabbli f’affarijiet matrimonjali ( 26 ).

43.

Fid-dawl ta’ dan, iktar u iktar huwa minnu li, kif il-Qorti tal-Ġustizzja ddikjarat fis-sentenza García Avello ( 27 ), “[g]ħalkemm, kif inhi l-liġi Komunitarja fil-preżent, ir-regoli li jirregolaw il-kunjom ta’ persuna huma kwistjonijiet li jaqgħu fil-kompetenza ta’ l-Istati Membri, dawn ta’ l-aħħar għandhom, madankollu, meta jeżerċitaw din il-kompetenza, jikkonformaw mad-dritt Komunitarju […], b’mod partikolari mad-dispożizzjonijiet tat-Trattat dwar il-libertà ta’ kull ċittadin ta’ l-Unjoni li jmur minn post għal ieħor u li joqgħod fit-territorju ta’ l-Istati Membri”.

44.

Għalhekk, il-Qorti tal-Ġustizzja ma tistax taħrab mid-dmir tagħha li tinterpreta d-dritt Komunitarju b’tali mod li tassisti qrati nazzjonali, bħall-Amtsgericht Flensburg fil-kawża preżenti, li għandhom id-dmir jiddeċiedu jekk regoli nazzjonali speċifiċi tabilħaqq jikkonformawx mad-dritt Komunitarju.

45.

Huwa bla dubju veru li l-affarijiet kienu jkunu iktar sempliċi li kieku ġiet adottata leġislazzjoni Komunitarja sabiex tittratta s-sitwazzjoni (jew li kieku l-Istati Membri kollha kienu membri ta’ l-ICCS u kienu rratifikaw il-konvenzjonijiet kollha tagħha). Barra minn dan, soluzzjoni permezz ta’ leġislazzjoni jew ta’ konvenzjonijiet tkun xierqa f’qasam bħal dan. Id-diskussjonijiet li jippreċedu l-adozzjoni ta’ leġislazzjoni Komunitarja jew ta’ konvenzjonijiet multilaterali huma neċessarjament itwal, isiru b’iktar reqqa u jkunu iktar mifruxin minn dak li jista’ qatt jintlaħaq fil-kuntest ta’ proċedura għal deċiżjoni preliminari quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja. Barra minn hekk, fid-dawl tal-mobbiltà dejjem tikber taċ-ċittadini f’kull parti tat-territorju ta’ l-Unjoni Ewropea, li m’hijiex sempliċement suq wieħed imma żona waħda ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja, huwa ċar li kunflitti ta’ interess li jinvolvu d-determinazzjoni u l-użu ta’ ismijiet personali jistgħu (u probabbilment se) jqumu b’iktar frekwenza sakemm ma tinstabx xi soluzzjoni adegwata. Soluzzjoni bħal din għandha tkun maħsubha b’mod sħiħ u sistematiku, billi tingħata kunsiderazzjoni xierqa lill-implikazzjonijiet kollha tagħha għas-sistemi legali involuti.

46.

Madankollu, ebda soluzzjoni bħal din għadha ma ġiet implimentata. Kif jinsabu l-affarijiet, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tinterpreta d-dritt Komunitarju eżistenti dwar id-dritt ta’ ċittadin li jmur minn post għall-ieħor u li joqgħod liberament f’kull parti tat-territorju ta’ l-Istati Membri, mingħajr ma jkun suġġett għal diskriminazzjoni abbażi ta’ ċittadinanza. Il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tagħmel dan fir-rigward tas-sitwazzjoni speċifika li qamet fil-proċeduri fil-kawża prinċipali. Trid toqgħod attenta li ma tindaħalx fejn mhux meħtieġ fil-kompetenza ta’ l-Istati Membri fi kwistjonijiet ta’ dritt internazzjonali privat. Fl-istess ħin, il-Qorti tal-Ġustizzja m’għandhiex tnaqqas l-effett jew iddgħajjef il-kunċett ta’ ċittadinanza ta’ l-Unjoni — l-“istatus fundamentali ta’ ċittadini ta’ l-Istati Membri” ( 28 ) — u lanqas m’għandha ċċaħħad minn tifsira konkreta d-drittijiet li joħorġu minn dan l-istatus.

47.

Hawnhekk, jidhirli li l-kwistjoni li jeħtieġ li tiġi deċiża sabiex il-qorti nazzjonali tkun tista’ tasal għal deċiżjoni fil-kawża quddiemha hija iktar limitata minn kif tidher prima facie.

48.

L-ewwel nett, m’hemm ebda kwistjoni dwar ir-regola sostantiva tal-liġi Ġermaniża li tipprovdi li l-kunjom tal-wild għandu jkun dak ta’ wieħed mill-ġenituri, mingħajr il-possibbiltà li jiġu magħqudin il-kunjomijiet tat-tnejn. Ebda regoli sostantivi tad-dritt Komunitarju m’huma applikabbli f’dan il-qasam (u lanqas ma jidher li hemm xi bażi legali sabiex jiġu adottati regoli bħal dawn), u ebda regola nazzjonali li tippreskrivi jew li tipprojbixxi xi forma partikolari ta’ kunjom ma tidher li tista’, waħidha, tikser id-drittijiet taċ-ċittadini għal-libertà mid-diskriminazzjoni u l-libertà ta’ moviment u ta’ residenza. Il-kwistjoni tista’ tqum biss meta regola bħal din tkun tinsab f’kunflitt, fir-rigward tas-sitwazzjoni ta’ individwu partikolari, ma’ regola ta’ Stat Membru ieħor.

49.

It-tieni nett, għalkemm id-domanda tal-qorti nazzjonali hija fformulata f’termini tal-kompatibbiltà mad-dritt Komunitarju tar-regola dwar l-għażla tal-liġi inkorporata fl-Artikolu 10 ta’ l-EGBGB, fil-fehma tiegħi dik il-qorti m’għandhiex bżonn tikkunsidra l-validità ta’ din id-dispożizzjoni b’mod ġenerali imma biss il-validità ta’ l-effett tagħha, flimkien mal-Paragrafu 1617 tal-BGB, meta tipprekludi r-reġistrazzjoni ta’ kunjom legalment iffurmat u diġà rreġistrat fid-Danimarka.

50.

Għalhekk, is-sottomissjonijiet ta’ ċerti Stati Membri quddiem din il-Qorti, fejn sostnew b’ċerta qawwa s-superjorità taċ-ċittadinanza fuq ir-residenza abitwali bħala fattur li jorbot fi kwistjonijiet ta’ status personali (peress li hija kriterju iktar stabbli u aċċertabbli b’mod evidenti), m’humiex, fil-fehma tiegħi, direttament rilevanti, irrispettivament minn jekk humiex validi jew le. Il-Qorti tal-Ġustizzja m’għandhiex għalfejn u m’għandhiex tiġġudika bejn iż-żewġ kriterji — bl-istess mod kif, fis-sentenza García Avello, ma ġġudikatx bejn ir-regoli Belġjani u Spanjoli għad-determinazzjoni tal-kunjom attribwit lil wild ( 29 ). Ir-rwol speċifiku tagħha f’din il-kawża huwa pjuttost li tevalwa n-nuqqas ta’ rikonoxximent ta’ kunjom b’mod li jmur kontra l-istandards tad-dritt Komunitarju.

51.

Fl-aħħar nett, jidhirli li huwa sinjifikattiv li l-proċeduri fil-kawża prinċipali jikkonċernaw sitwazzjoni fejn il-kunjom ġie ddeterminat u rreġistrat mat-twelid b’mod konformi mal-liġi Daniża applikabbli, u mbagħad ġie mmodifikat u rreġistrat mill-ġdid ftit wara t-twelid in konformità ma’ l-istess liġi applikabbli, u dan qabel ma saret xi applikazzjoni biex jiġi rreġistrat ma’ l-awtoritajiet Ġermaniżi. Dan, għalhekk, m’huwiex każ ta’ tibdil, fl-Istat Membru tar-residenza abitwali, ta’ kunjom iddeterminat in konformità mal-liġi ta’ l-Istat Membru taċ-ċittadinanza. Il-fatt li l-kunjom oriġinarjament irreġistrat kien kompatibbli mar-regoli Ġermaniżi, u li l-kunjom kif irrivedut ma kienx, ma jfissirx li l-ewwel wieħed ġie ffurmat skond dawn ir-regoli. It-tnejn li huma ġew iffurmati skond ir-regoli Daniżi, u l-ġenituri ta’ Leonhard Matthias kienu intitolati jeżerċitaw kull għażla disponibbli taħt ir-regoli Daniżi filwaqt li kienu residenti abitwali fid-Danimarka. Li qed jitolbu issa m’hijiex ir-reġistrazzjoni ta’ wild li għadu ma ġie attribwit ebda kunjom imma t-traskrizzjoni fir-reġistri Ġermaniżi ta’ kunjom diġà mogħti lill-wild in konformità mal-liġi tal-post tat-twelid u tar-residenza stabbli tiegħu. Barra minn hekk, filwaqt li, in konformità ma’ l-Artikolu 7(1) tal-Konvenzjoni dwar id-Drittijiet tat-Tfal, kunjom Leonhard Matthias kellu jiġi rreġistrat immedjatament wara t-twelid fid-Danimarka, mill-formulazzjoni tal-Paragrafu 1617(3) tal-BGB jidher ċar li ma kien hemm ebda rekwiżit awtomatiku li kunjomu jiġi rreġistrat immedjatament fuq dokument ta’ reġistrazzjoni jew ta’ identità Ġermaniż.

52.

Jien għalhekk se nittratta l-każ fuq din il-bażi iktar ristretta, billi nikkunsidra, l-ewwel, jekk is-sitwazzjoni taqax fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt Komunitarju; it-tieni, jekk tinvolvix xi diskriminazzjoni abbażi ta’ ċittadinanza jew tfixkil tad-dritt għal-libertà ta’ moviment u ta’ residenza; u, it-tielet, jekk tali diskriminazzjoni jew tfixkil, jekk jeżistu, jistgħux jiġu ġġustifikati.

Applikabbiltà tad-dritt Komunitarju

53.

Fil-konklużjonijiet tiegħu fil-kawża li wasslet għas-sentenza Standesamt Stadt Niebüll ( 30 ), l-Avukat Ġenerali Jacobs innota l-konstatazzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza García Avello li kienet teżisti rabta mad-dritt Komunitarju fir-rigward tat-tfal in kwistjoni, “li huma ċittadini ta’ Stat Membru wieħed u residenti legalment fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor ( 31 )”, u kkunsidra li l-istess kellu japplika fil-każ ta’ Leonhard Matthias.

54.

Huwa għamel riferiment ukoll għad-dikjarazzjoni fis-sentenza Zhu u Chen ( 32 ) fis-sens li s-sitwazzjoni ta’ ċittadin ta’ Stat Membru li kien twieled fi Stat Membru ieħor imma li jkun għadu m’għamilx użu mid-dritt għal-libertà ta’ moviment ma tistax tiġi assimilata ma’ sitwazzjoni purament interna, b’tali mod li jiġi mċaħħad mill-benefiċċju tad-dispożizzjonijiet tad-dritt Komunitarju dwar il-libertà ta’ moviment u ta’ residenza. F’din is-sentenza ( 33 ), il-Qorti tal-Ġustizzja kompliet biex tispeċifika li wild jista’ jgawdi drittijiet taħt dawn id-dispożizzjonijiet qabel ma jilħaq l-età ta’ kapaċità legali biex jeżerċita dawn id-drittijiet personalment.

55.

Fil-fehma tiegħi, is-sitwazzjoni fil-kawża prinċipali taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt Komunitarju għal raġunijiet analogi imma iktar b’saħħithom.

56.

L-ewwel, Leonhard Matthias twieled, u joqgħod abitwalment, fi Stat Membru wieħed filwaqt li għandu (biss) iċ-ċittadinanza ta’ Stat Membru ieħor.

57.

It-tieni, bħala ċittadin ta’ l-Unjoni, Leonhard Matthias igawdi d-dritt għal-libertà ta’ moviment u ta’ residenza taħt id-dritt Komunitarju. Barra dan, mhux bħat-tfal fis-sentenzi García Avello jew Zhu u Chen, huwa eżerċita u għadu jeżerċita dan id-dritt billi jirrisjedi suċċessivament fiż-żewġ Stati Membri in kwistjoni u billi ripetutament imur minn post għall-ieħor — kif inhu kostrett li jagħmel minħabba sitwazzjoni familjari li m’għandu ebda kontroll fuqha.

58.

It-tielet, filwaqt li kien qed jagħmel dan, huwa ltaqa’ ma’ kunflitt bejn regola imposta fuqu bil-liġi ta’ wieħed mill-Istati Membri u għażla disponibbli għal, u legalment eżerċitata, mill-ġenituri tiegħu f’ismu skond il-liġi ta’ l-Istat Membru l-ieħor.

59.

Sitwazzjoni bħal din evidentement taqa’ — kemm ratione personae u kif ukoll ratione materiae — fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt Komunitarju, fil-forma tar-regoli li jirregolaw l-eżerċizzju tad-dritt ta’ ċittadin għal moviment liberu u tad-dritt li jkun ħieles minn diskriminazzjoni.

Hemm diskriminazzjoni?

60.

Fil-konklużjonijiet tiegħu fil-kawża li wasslet għas-sentenza Standesamt Stadt Niebüll ( 34 ), l-Avukat Ġenerali Jacobs innota li, taħt ir-regola kkontestata, dawk kollha li għandhom ċittadinanza Ġermaniża biss huma ttrattati bl-istess mod u dawk kollha li għandhom (jew li l-ġenituri tagħhom għandhom) iktar minn ċittadinanza waħda jiġu ttrattati b’mod differenti imma pjuttost mingħajr diskriminazzjoni fir-rigward taċ-ċittadinanza tagħhom.

61.

Ebda waħda mill-partijiet li ppreżentaw osservazzjonijiet fil-proċeduri preżenti ma indikat li ma taqbilx ma’ din l-evalwazzjoni. Jiena naqbel ukoll.

62.

Huwa veru li r-regola fil-Paragrafu 10 ta’ l-EGBGB tiddistingwi bejn individwi skond iċ-ċittadinanza tagħhom, imma distinzjonijiet bħal dawn huma inevitabbli fejn iċ-ċittadinanza sservi bħala rabta ma’ sistema legali partikolari. Għall-kuntrarju, din ma tiddiskriminax abbażi ta’ ċittadinanza. L-għan tal-projbizzjoni ta’ diskriminazzjoni bħal din m’huwiex li jiġu eliminati d-distinzjonijiet li neċessarjament joħorġu mill-pussess taċ-ċittadinanza ta’ xi Stat Membru minflok ta’ ieħor (distinzjonijiet li evidentement jinżammu bit-tieni sentenza ta’ l-Artikolu 17(1) KE) imma li jiġu pprojbiti differenzi fit-trattament addizzjonali li huma bbażati fuq iċ-ċittadinanza u li joperaw għad-detriment ta’ ċittadin ta’ l-Unjoni.

63.

Skond ir-regola Ġermaniża, kull ċittadin ta’ l-Unjoni li għandu ċittadinanza waħda jiġi ttrattat in konformità mal-liġi ta’ l-Istat Membru taċ-ċittadinanza tiegħu, filwaqt li dawk kollha li għandhom iktar minn ċittadinanza waħda (in konformità mas-sentenza García Avello ( 35 )) jiġu ttrattati b’mod differenti minn dawk li għandhom ċittadinanza waħda imma xorta waħda in konformità mal-liġijiet ta’ l-Istati Membri taċ-ċittadinanza tagħhom. Barra dan, il-liġi sostantiva Ġermaniża tista’ tiġi applikata għal kull persuna, ta’ kull ċittadinanza, li tkun abitwalment residenti fil-Ġermanja jekk din tkun tixtieq hekk, b’tali mod li ċ-ċittadini ta’ Stati Membri oħrajn li huma residenti bl-istess mod ma’ jiġux imċaħħdin minn xi benefiċċju disponibbli għal ċittadini Ġermaniżi.

64.

Madankollu, il-projbizzjoni ta’ diskriminazzjoni — il-prinċipju tat-trattament ugwali — fid-dritt Komunitarju m’hijiex ristretta għal kwistjonijiet dwar ċittadinanza. Din il-projbizzjoni hija regolarment espressa bħala kundizzjoni ġenerali li sitwazzjonijiet komparabbli m’għandhomx jiġu ttrattati b’mod differenti u li sitwazzjonijiet differenti m’għandhomx jiġu ttrattati bl-istess mod, għajr meta trattament bħal dan ikun oġġettivament ġustifikat ( 36 ).

65.

Għalkemm ir-regola kkontestata tittratta bl-istess mod is-sitwazzjonijiet kollha fejn il-fattur li jorbot individwu ma’ sitwazzjoni legali huwa ċ-ċittadinanza, din ir-regola ma testendix din l-ugwaljanza fit-trattament għal sitwazzjonijiet fejn il-fattur li jorbot huwa r-residenza abitwali. Sistemi legali fi ħdan il-Komunità jirreferu għal kriterju wieħed jew ieħor ( 37 ). Għalhekk wieħed jista’ jistaqsi jekk il-prinċipju tat-trattament ugwali jeħtieġx li jingħata l-istess piż bħall-kriterju tar-residenza abitwali applikat fil-liġi Daniża u bħall-kriterju taċ-ċittadinanza applikat fil-liġi Ġermaniża.

66.

Fil-fehma tiegħi, it-tweġiba għandha tkun li hekk għandu jkun. Jekk tingħata risposta differenti tkun qiegħda tittieħed pożizzjoni dwar liema kriterju huwa ‘l-aħjar’ u għandu jingħata l-iktar piż. Din hija biċċa xogħol li, jekk għandha ssir, għandha ssir mil-leġiżlatur Komunitarju, u mhux mill-Qorti tal-Ġustizzja. Sakemm ma jkunx hemm regola uniformi, huma l-Istati Membri li għandhom jiddeċiedu liema fattur li jorbot jużaw biex jiddeterminaw il-liġi applikabbli għall-kunjom ta’ persuna, bil-kundizzjoni li jikkonformaw mad-dritt Komunitarju meta jeżerċitaw din il-kompetenza.

67.

Filwaqt li s-sempliċi fatt li tintgħażel iċ-ċittadinanza pjuttost milli r-residenza abitwali (jew vice-versa) bħala fattur li jorbot ma jmurx, minnu nnifsu, kontra l-kundizzjoni ta’ trattament ugwali fid-dritt Komunitarju, rifjut li jiġu rikonoxxuti l-effetti ta’ miżuri li huma validi taħt sistema legali oħra li tuża fattur li jorbot ieħor jidher li jmur kontra din il-kundizzjoni.

68.

Eżempju ta’ dan jista’ jkun il-fatt li, li kieku ma twelidx fid-Danimarka imma fi Stat Membru li applika (forma qawwija) tal-jus soli ( 38 ), Leonhard Matthias seta’ jakkwista ċ-ċittadinanza ta’ dan l-Istat Membru u l-liġi Ġermaniża kienet tirrikonoxxi kunjom iddeterminat skond il-liġi ta’ dan l-Istat Membru. Ċittadini Ġermaniżi mweldin fi Stat Membru ieħor u rreġistrati b’kunjom iffurmat skond il-liġi ta’ dan l-Istat bħala l-Istat tar-residenza abitwali tagħhom huma għalhekk ittrattati b’mod differenti skond jekk l-Istat jippermettilhomx li jakkwistaw iċ-ċittadinanza tiegħu, kwistjoni li m’hijiex neċessarjament marbuta mal-kriterju li juża meta jiddetermina l-liġi applikabbli fir-rigward ta’ kunjomijiet.

69.

Għalhekk, jekk regola dwar l-għażla tal-liġi ta’ Stat Membru twassal sistematikament għal rifjut li jiġi rikonoxxut kunjom mogħti lil ċittadin ta’ dan l-Istat Membru in konformità mal-liġi ta’ l-Istat Membru tat-twelid u tar-residenza abitwali tiegħu li hija applikabbli bis-saħħa tar-regoli tiegħu dwar l-għażla tal-liġi, dan ir-rifjut ma jikkostitwixxix diskriminazzjoni bbażata fuq ċittadinanza pprojbita bl-Artikolu 12 KE. Fil-fehma tiegħi, madankollu, dan imur kontra l-prinċipju tat-trattament ugwali. Dan il-prinċipju jeħtieġ li, meta sitwazzjoni ma tkunx purament interna għal Stat Membru imma tinvolvi l-eżerċizzju ta’ dritt iggarantit mit-Trattat KE, rabta mal-liġi ta’ xi Stat Membru ieħor m’għandhiex tiġi ttrattata b’mod differenti skond jekk hijiex (skond il-liġi ta’ dan l-Istat Membru l-ieħor) ibbażata fuq iċ-ċittadinanza jew ir-residenza abitwali.

70.

Ksur ieħor tal-prinċipju ġenerali jista’ jirriżulta mill-fatt li r-regola Ġermaniża tittratta bl-istess mod is-sitwazzjonijiet differenti ta’, minn naħa, ċittadini Ġermaniżi li l-kunjom tagħhom ma jkunx ġie rreġistrat preċedentement fi Stat Membru ieħor u, min-naħa l-oħra, dawk li kunjomhom ikun ġie rreġistrat.

71.

Madankollu, bħal fil-każ tal-projbizzjoni ta’ diskriminazzjoni bbażata fuq iċ-ċittadinanza, il-prinċipju tat-trattament ugwali ma jipprekludix sempliċement id-distinzjonijiet kollha, ikunu xi jkunu iċ-ċirkustanzi. Għalhekk jidher li huwa meħtieġ li wieħed jistaqsi jekk id-drittijiet għal-liberta ta’ moviment jew ta’ residenza ta’ Leonhard Matthias ġewx imfixkla.

Hemm xi tfixkil tal-libertà ta’ moviment u/jew ta’ residenza?

72.

Fis-sentenza García Avello, il-Qorti tal-Ġustizzja nnotat li “diskrepanza fil-kunjomijiet x’aktarx tikkawża inkonvenjenza serja għal dawk ikkonċernati kemm fil-livell professjonali u kemm fil-livell privat li tirriżulta minn, inter alia, diffikultajiet meta dak li jkun jiġi biex jibbenefika, fi Stat Membru li tiegħu huwa ċittadin, mill-effetti legali ta’ diplomi jew dokumenti li jġibu l-kunjom rikonoxxut fi Stat Membr ieħor li tiegħu huma ċittadini wkoll” ( 39 ).

73.

Inkonvenjenza bħal din bl-ebda mod ma titnaqqas bil-fatt li persuna jkollha biss iċ-ċittadinanza ta’ wieħed mill-Istati Membri kkonċernati. F’termini prattiċi, din l-inkonvenjenza ma tirriżultax mill-pussess ta’ iktar minn ċittadinanza waħda imma mill-fatt li wieħed imur minn post għall-ieħor, bħala ċittadin ta’ l-Unjoni, fi Stati Membri differenti u li wieħed suċċessivament jgħix, jistudja, jaħdem, japplika għal benefiċċji, jissodisfa formalitajiet amministrattivi, jiftaħ kontijiet bankarji u jwettaq il-ħafna tranżazzjonijiet oħra ta’ kuljum f’kull wieħed minnhom.

74.

Dawn id-diffikultajiet prattiċi, fil-fehma ta’ l-Avukat Ġenerali Jacob fil-konklużjonijiet tiegħu fil-kawża li wasslet għas-sentenza Standesamt Stadt Niebüll, “jikkostitwixxu ostakolu ċar għad-dritt ta’ [Leonhard Matthias] bħala ċittadin li jmur minn post għall-ieħor u li joqgħod liberament fit-territorju ta’ l-Istati Membri” ( 40 ). Jiena naqbel ma’ dan.

75.

Diversi Stati Membri argumentaw madankollu li m’hemm xejn fir-regola dwar l-għażla tal-liġi in kwistjoni jew fl-applikazzjoni tagħha f’dan il-każ li b’mod inerenti jista’ jfixkel jew jagħmel inqas attraenti l-eżerċizzju tad-dritt għal-libertà jew ta’ residenza ( 41 ). Il-ġenituri ta’ Leonhard Matthias setgħu jagħżlu fid-Danimarka kunjom kompletament kompatibbli mal-liġi Ġermaniża, u dan il-kunjom kien tabilħaqq jingħata lit-tifel li kieku deliberatament m’għażlux mod ieħor. Ġenituri ma jistgħux jiġu skoraġġiti milli jmorru fi Stat Membru ieħor minħabba li jkunu jafu li se jiġu ttrattati bl-istess mod daqs li kieku ma jkunux eżerċitaw id-dritt li jagħmlu dan.

76.

Ma jistax jingħad li dan ir-raġunament, fih innifsu, huwa żbaljat — u probabbilment huwa veru li m’hemm ebda Stat Membru fejn il-kunjom ta’ Leonhard Matthias, li kieku twieled hemmhekk, kien ikollu jiġi rreġistrat f’forma li m’hijiex kompatibbli mar-regoli sostantivi Ġermaniżi.

77.

Fil-fehma tiegħi, madankollu, dan l-argument m’huwiex rilevanti. Il-kwistjoni m’hijiex jekk il-ġenituri jistgħux jiġu skoraġgiti milli jeżerċitaw id-drittijiet ta’ moviment u ta’ residenza tagħhom, jew jiġu mfixkla fl-eżerċizzju ta’ dawn id-drittijiet, b’regoli li jistgħu japplikaw fid-determinazzjoni tal-kunjom tat-tfal tagħhom, imwielda jew mhux imwielda. Il-kwistjoni hija jekk wild li t-twelid tiegħu jkun ġie rreġistrat legalment taħt kunjom partikolari skond il-liġi ta’ l-Istat Membru tal-pajjiż ta’ dan it-twelid — u li huwa nnifsu ma jkunx eżerċita xi għażla fir-rigward ta’ din ir-reġistrazzjoni — isofrix inkonvenjenza jew tbatija meta jeżerċita d-drittijiet tiegħu stess bħala ċittadin ta’ l-Unjoni ( 42 ) jekk l-Istat Membru taċ-ċittadinanza tiegħu jirrifjuta li jirrikonoxxi l-kunjom hekk irreġistrat.

78.

It-tweġiba għandha tkun li hekk jagħmel. Ta’ l-inqas, se jkun hemm diskrepanza bejn iċ-ċertifikat tat-twelid tiegħu u d-dokumenti ta’ l-ivjaġġar tiegħu. Għal xi ħadd li, bħal Leonhard Matthias, jibqa’ jgħix primarjament fl-Istat Membru tat-twelid tiegħu filwaqt li jżomm konnessjoni b’saħħitha ma’ l-Istat Membru taċ-ċittadinanza tiegħu, il-problemi neċessarjament se jiżdiedu. Hekk kif il-ħajja timxi ‘l quddiem, huwa se jakkwista diversi dokumenti bil-kunjom mogħti fiċ-ċertifikat tat-twelid tiegħu, imma huwa jista’ jakkwista wkoll dokumenti oħrajn bil-kunjom rikonoxxut mill-Istat Membru taċ-ċittadinanza tiegħu. Huwa jista’ jistudja u jakkwista kwalifiċi fiż-żewġ Stati. Huwa jista’ jirreġistra għall-iskopijiet tas-sigurtà soċjali fiż-żewġ Stati. Huwa jista’ anki jiċċaqlaq lejn Stat Membru terz u jiltaqa’ ma’ diffikultajiet amministrattivi għaliex ikollu kunjomijiet differenti f’dokumenti differenti. U l-fatt ma jistax jiġi injorat li kemm awtoritajiet pubbliċi u anki korpi privati f’dawn l-aħħar snin saru iktar u iktar suspettużi ta’ kull sitwazzjoni li tidher barra min-normal, ħafna drabi b’riżultati mill-iktar skomdi għal dawk li jaqgħu taħt is-suspett tagħhom.

79.

Fil-fehma tiegħi, huwa ċar għalhekk li, rifjut min-naħa ta’ l-Istat Membru taċ-ċittadinanza ta’ persuna li jirrikonoxxi kunjom mogħti lilha b’mod legali neċessarjament jagħmilha sostanzjalment iktar diffiċli għaliha li teżerċita d-drittijiet tagħha bħala ċittadin ta’ l-Unjoni li tmur minn post għall-ieħor u li toqgħod liberament f’kull parti tat-territorju ta’ l-Istati Membri. Il-fatt li, kif jindika l-Ġvern Franċiż fil-kawża preżenti, Leonhard Matthias għadu sa issa ma ġiex imwaqqaf jew skoraġġit milli jiċċaqlaq bejn id-Danimarka u l-Ġermanja ma jfissirx li d-dritt tiegħu li jagħmel hekk ma ġiex ristrett.

Jista’ jkun hemm ġustifikazzjoni?

80.

Jekk, fil-prinċipju, il-mod kif tiġi applikata l-liġi Ġermaniża f’każ bħal ta’ Leonhard Matthias — u jien nenfasizza għal darb’oħra li dak li huwa in kwistjoni huwa r-rifjut li jiġi rreġistrat il-kunjom mogħti lilu legalment fid-Danimarka — huwa kemm inkompatibbli mar-rekwiżit tat-trattament ugwali u kif ukoll ifixkel id-drittijiet tiegħu taħt it-Trattat bħala ċittadin ta’ l-Unjoni, jista’ jkun hemm xi ġustifikazzjoni għar-rifjut in kwistjoni?

81.

Ġustifikazzjonijiet possibbli jistgħu jinqasmu f’żewġ kategoriji, dawk ta’ natura sistematika, li jistgħu jiġġustifikaw rifjut ta’ rikonoxximent jew traskrizzjoni awtomatiċi kull meta jintlaħqu ċerti kriterji, u dawk li huma relatati iktar mill-qrib mas-sitwazzjoni individwali, li jistgħu jiġġustifikaw rifjut abbażi tal-każ partikolari in eżami.

82.

Fir-rigward ta’ l-ewwel kategorija, il-Ġermanja rrilevat il-benefiċċji li ma jiġux permessi kunjomijiet komposti li jgħaqqdu dawk taż-żewġ ġenituri (fis-sens li, jekk il-prattika kellha tiġi permessa, ġenerazzjonijiet futuri jistgħu jsibu lilhom infushom b’kunjomijiet ta’ tul esaġerat ( 43 ), iffurmati minn kunjomijiet diġà komposti) u li tiġi użata biss iċ-ċittadinanza bħala fattur li jorbot meta tiġi ddeterminata l-liġi applikabbli għal kunjom ta’ individwu (peress li hija iktar stabbli u kriterju iktar faċli li jiġi aċċertat mir-residenza abitwali).

83.

Kif diġà stqarrejt, jien ma nikkunsidrax li huwa meħtieġ jew xieraq li wieħed jieħu pożizzjoni dwar il-merti relattivi ta’ regoli sostantivi jew dwar l-għażla tal-liġi differenti f’dan il-qasam. Madankollu, fil-fehma tiegħi, il-Ġermanja ma tistax fi kwalunkwe każ tibbaża ruħha fuq argumenti bħal dawn, peress li l-liġi Ġermaniża ma teskludix għal kollox il-kunjomijiet komposti għaċ-ċittadini tagħha (jekk, per eżempju, skond l-Artikolu 10(3) ta’ l-EGBGB, il-kunjom jiġi ddeterminat skond il-liġi nazzjonali ta’ ġenitur li għandu ċittadinanza oħra) u l-użu tar-residenza abitwali bħala fattur li jorbot (għal darb’oħra skond l-Artikolu 10(3) ta’ l-EGBGB, anki fl-assenza ta’ ċittadinanza Ġermaniża tista’ tapplika l-liġi Ġermaniża jekk xi wieħed mill-ġenituri huwa residenti fil-Ġermanja ( 44 )). Ir-rikonoxximent tal-kunjom kompost ta’ Leonhard Matthias, mogħti lilu legalment fl-Istat Membru tat-twelid u tar-residenza abitwali, ma jidhirx li jmur kontra regola assoluta tal-liġi Ġermaniża ( 45 ).

84.

Dejjem fir-rigward tal-kategorija ta’ ġustifikazzjonijiet ta’ natura sistematika, il-Gvern tal-Litwanja (li f’aspetti oħra jikkunsidra li l-effett tar-regoli Ġermaniżi ma jmurx kontra d-dritt Komunitarju) jargumenta li ebda Stat Membru m’għandu jkun mġiegħel jirrikonoxxi kunjomijiet mogħtija liċ-ċittadini tiegħu in konformità ma’ liġi barranija jekk dawn il-kunjomijiet huma inkompatibbli ma’ l-istruttura ta’ l-ilsien nazzjonali tiegħu, parti fundamentali mill-wirt nazzjonali tiegħu. Il-kunjomijiet tal-Litwanja jieħdu forom differenti skond jekk ikunux ta’ raġel jew mara u, jekk ikunu ta’ mara, skond jekk tkunx miżżewġa jew xebba. Dawn id-differenzi huma inerenti fl-istruttura tal-lingwa u forom distorti m’humiex aċċettabbli bħala kwistjoni ta’ politika nazzjonali.

85.

Fil-fehma tiegħi m’huwiex meħtieġ li wieħed jiddeċiedi fuq dan l-argument fil-kuntest tal-kawża preżenti. Mhux qed jiġi ssuġġerit li kunjom kompost bħal ‘Grunkin-Paul’ joffendi valuri fundamentali tal-lingwa Ġermaniża. Ninnota, madankollu, li l-Qorti Ewropea tad-Drittijiet Fundamentali tal-Bniedem enfasizzat l-importanza ta’ kunsiderazzjonijiet dwar il-lingwa nazzjonali fil-qasam tal-kunjomijiet personali u aċċettat li l-impożizzjoni ta’ regoli lingwistiċi tista’ tkun ġustifikata ( 46 ).

86.

Fir-rigward ta’ ċirkustanzi li jistgħu jiġġustifikaw rifjut ta’ rikonoxximent jew traskrizzjoni f’każ partikolari, il-possibbiltajiet huma varji. Evidentement, jidher ġustifikabbli li tiġi rrifjutata r-reġistrazzjoni ta’ kunjom li b’xi mod ikun ridikolu jew offensiv. Jekk il-liġi nazzjonali teskludi għal kollox il-possibbiltà li aħwa jkollhom kunjomijiet differenti, jista’ jkun ġustifikabbli r-rifjut li jiġi reġistrat kunjom li jagħti lok għal sitwazzjoni bħal din. Jista’ jkun ukoll ġustifikabbli r-rifjut li jiġi rikonoxxut kunjom mogħti skond il-liġi ta’ xi Stat Membru ieħor li miegħu l-wild huwa konness bit-twelid imma mhux biċ-ċittadinanza jekk jiġi stabbilit li l-post tat-twelid ġie magħżul sempliċement biex jiġu evitati r-regoli ta’ l-Istat Membru taċ-ċittadinanza, mingħajr ma jkun hemm ebda konnessjoni reali oħra ma’ dak il-post ( 47 ).

87.

Madankollu, fil-kawża preżenti mhux qed jiġi ssuġġerit li għandha tapplika xi waħda minn dawn iċ-ċirkustanzi. B’mod partikolari, jidher li l-konnessjoni ta’ Leonhard Matthias mad-Danimarka, fejn għex għall-parti l-kbira ta’ ħajtu u fejn wieħed jistenna li għamel ħbieb u xettel l-għeruq tiegħu, hija ġenwina u stabbli. F’dan ir-rigward — u fir-rigward ta’ kwalunkwe rifjut f’ċirkustanzi komparabbli li jiġi rreġistrat isem abbażi ta’ fatturi speċifiċi għal każ individwali — jiena nfakkar li l-awtoritajiet u l-qrati Ġermaniżi, bħal dawk ta’ l-Istati Membri kollha, huma meħtieġa li jqisu l-aħjar interessi tal-wild bħala l-kunsiderazzjoni primarja ( 48 ). Ċertament jidhirli li x’aktarx ikun fl-interess ta’ Leonhard Matthias, hekk kif qed joqrob għeluq l-10 snin tiegħu, li l-kunjom li kellu għal kważi ħajtu kollha fl-Istat Membru tar-residenza abitwali u stabbli tiegħu jiġi rikonoxxut mill-awtoritajiet ta’ l-Istat Membru taċ-ċittadinanza tiegħu.

Rimarki ta’ l-aħħar

88.

Jien għalhekk wasalt għall-fehma li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha tinterpreta d-dritt Komunitarju, fir-rigward ta’ dritt ta’ ċittadin li jmur minn post għall-ieħor u li joqgħod liberament f’kull parti ta’ l-Unjoni Ewropea u li jiġi ttrattat mingħajr diskriminazzjoni huwa u jagħmel dan, b’tali mod li, fil-kawża prinċipali, il-kunjom ta’ Leonhard Matthias ta’ Grunkin-Paul, legalment irreġistrat fid-Danimarka iktar minn disgħa snin ilu, għandu jiġi rreġistrat fil-Ġermanja.

89.

Huwa tabilħaqq veru li, fi proċedura għal deċiżjoni preliminari, ir-rwol tal-Qorti tal-Ġustizzja huwa li tagħti interpretazzjoni tad-dritt Komunitarju, u mhux li tapplika dan id-dritt għas-sitwazzjoni fattwali li tkun is-suġġett tal-kawża prinċipali, u li l-iskop ta’ din il-proċedura huwa li tiġi żgurata interpretazzjoni u applikazzjoni uniformi tad-dritt Komunitarju f’kull parti ta’ l-Istati Membri. Fi kliem ieħor, din il-Qorti ma tistax tiddeċiedi hija stess il-kawża speċifika quddiem il-qorti tar-rinviju imma d-deċiżjoni tagħha se tiddetermina l-eżitu ta’ dik il-kawża u ta’ proċeduri legali komparabbli li jistgħu jitressqu quddiem qrati oħrajn.

90.

Huwa fir-rigward ta’ dan l-aħħar aspett li jien enfasizzajt fuq il-bżonn ta’ miżura ta’ kawtela fil-kawża preżenti. Filwaqt li naqbel għal kollox ma’ l-Avukat Ġenerali Jacobs li huwa “għal kollox inkompatibbli ma’ l-istatus u d-drittijiet ta’ ċittadin ta’ l-Unjoni Ewropea — li, fi kliem il-Qorti tal-Ġustizzja, huwa ‘destinat li jkun l-istatus fundamentali taċ-ċittadini ta’ l-Istati Membri’ — li jiġi mġiegħel ikollu kunjomijiet differenti skond il-liġijiet ta’ Stati Membri differenti ( 49 )”, jien nirrikonoxxi wkoll il-preokkupazzjoni espressa b’mod ġenerali li l-edifiċju delikat tar-regoli tad-dritt internazzjonali privat li jikkonċernaw l-istatus personali fi ħdan l-Unjoni Ewropea m’għandux jitqiegħed f’konfużjoni totali.

91.

Jien nenfasizza għalhekk li l-approwċ tiegħi ma jeħtieġ ebda bidla radikali fir-regoli sostantivi jew dwar l-għażla tal-liġi tal-Ġermanja fil-qasam tal-kunjomijiet, imma sempliċement jeħtieġ li jitħalla iktar skop għar-rikonoxximent ta’ għażla preċedenti tal-kunjom li tkun saret b’mod validu in konformità mal-liġijiet ta’ Stat Membru ieħor. Sa dan il-punt, dan l-approwċ ma jinvolvi xejn iktar minn applikazzjoni tal-prinċipju tar-rikonoxximent reċiproku li jirfed daqstant id-dritt Komunitarju, mhux biss fl-isfera ekonomika imma anki f’materji ċivili.

92.

Barra dan, jien nirrakkomanda deċiżjoni fil-każ preżenti li ma tkunx imfassla biss għat-tip ta’ sitwazzjoni speċifika li fiha jsib ruħu Leonhard Matthias imma li tħalli wkoll skop għal eċċezzjonijiet ġustifikabbli ta’ ordni pubbliku (anki jekk naħseb li ma tqajmet ebda eċċezzjoni valida fil-proċeduri legali preżenti fir-rigward tal-mod kif ir-regoli Ġermaniżi rilevanti qed jiġu applikati fil-preżent).

93.

Fl-aħħar nett, jiena nindika li, filwaqt li d-determinazzjoni tal-kunjom ta’ persuna taqa’ fi ħdan l-iskop ta’ liġijiet dwar status personali, din hija kwistjoni pjuttost speċifika f’dan il-qasam. Din tinvolvi l-identifikazzjoni, li hija kwistjoni separata mill-istatus jew kapaċità legali. Għal din ir-raġuni, jiena ma nikkunsidrax li għandu neċessarjament isegwi li deċiżjoni fir-rigward ta’ kunjomijiet għandha tiġi estrapolata għal kwistjonijiet oħrajn.

Konklużjoni

94.

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha, jiena tal-fehma li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha twieġeb id-domanda magħmula mill-Amtsgericht Flensburg kif ġej:

“Regola dwar l-għażla tal-liġi li tipprovdi li kunjom ta’ persuna għandu jiġi ddeterminat skond il-liġi taċ-ċittadinanza tiegħu m’hijiex minnha nnifisha inkompatibbli ma’ l-Artikoli 12, 17 u 18 KE.

Madankollu, regola bħal din għandha tiġi applikata b’tali mod li jkun irrispettat id-dritt ta’ kull ċittadin ta’ l-Unjoni li jmur minn post għall-ieħor u li joqgħod liberament fit-territorju ta’ l-Istati Membri.

Dan id-dritt ma jkunx irrispettat jekk ċittadin ikun ġie rreġistrat b’kunjom in konformità mal-liġi applikabbli tal-pajjiż tat-twelid tiegħu, qabel ma jkun meħtieġ li l-kunjom tiegħu jiġi rreġistrat x’imkien ieħor, u sussegwentement jiġi obbligat jirreġistra kunjom differenti fi Stat Membru ieħor.

Minħabba f’hekk, l-awtoritajiet ta’ Stat Membru ma jistgħux, meta jirreġistraw il-kunjom ta’ ċittadin ta’ l-Unjoni, jirrifjutaw awtomatikament li jirrikonoxxu kunjom li bih ikun diġà ġie rreġistrat b’mod legali in konformità mar-regoli ta’ xi Stat Membru ieħor, sakemm ir-rikonoxximent ma jkunx f’kunflitt ma’ raġunijiet imperattivi ta’ interess pubbliku li ma jippermettu ebda eċċezzjoni.”


( 1 ) Lingwa oriġinali: l-Ingliż.

( 2 ) Preżentement, miżuri taħt l-Artikolu 65 KE għandhom jiġu adottati “sa fejn ikun meħtieġ għall-funzjonament xieraq tas-suq intern”. Din il-limitazzjoni m’hijiex se tidher iktar fl-Artikolu 81 tat-Trattat dwar il-Funzjonament ta’ l-Unjoni Ewropea, li huwa maħsub sabiex jieħu post l-Artikolu 65 KE u li jagħmel provediment partikolari għal miżuri li jikkonċernaw il-liġi tal-familja b’implikazzjonijiet trans-konfinali.

( 3 ) Sentenza tat-2 ta’ Ottubru 2003 (C-148/02, Ġabra p. I-11613).

( 4 ) Fost l-Istati Membri, jidher li d-Danimarka, il-Finlandja u l-Litwanja jużaw il-kriterju tad-domiċilju (jiġifieri, ir-residenza abitwali, pjuttost milli l-kunċett tad-domiċilju kif mifhum fis-sistemi tal-liġi komuni (common-law)), filwaqt li l-liġi Griega tagħmel riferiment f’ċerti ċirkustanzi għal-liġi ta’ l-aħħar residenza konġunta tal-ġenituri.

( 5 ) Dan jidher li huwa l-każ għall-parti l-kbira ta’ l-Istati Membri l-oħra. L-Irlanda u r-Renju Unit, madankollu, m’għandhom ebda regola speċifika dwar l-għażla tal-liġi — fil-prattika, il-liġi domestika tagħhom hija flessibbli biżżejjed sabiex takkomoda kunjomijiet iffurmati skond kwalunkwe sistema legali.

( 6 ) Konvenzjonijiet ta’ l-ICCS Nru 4, dwar tibdil f’kunjomijiet u ismijiet, ta’ l-4 ta’ Settembru 1958; Nru 19, dwar il-liġi applikabbli għal kunjomijiet u ismijiet, tal-; u Nru 21, dwar il-ħruġ ta’ ċertifikat għal kunjomijiet differenti, tat-.

( 7 ) Konvenzjoni ta’ l-ICCS Nru 31, dwar ir-rikonoxximent ta’ kunjomijiet, tas-16 ta’ Settembru 2005.

( 8 ) Tal-20 ta’ Novembru 1989, irratifikata mill-Istati Membri kollha.

( 9 ) ĠU 2000, C 364, p. 1 (iktar reċenti, fil-ĠU 2007 C 303, p. 1).

( 10 ) Tas-16 ta’ Diċembru 1966, irratifikata wkoll mill-Istati Membri kollha.

( 11 ) Minn dak iż-żmien din il-liġi ġiet sostitwita, b’effett mill-1 ta’ April 2006, bil-Liġi Nru 524 ta’ l- (Navnelov — Liġi dwar l-ismijiet), li tippermetti medda iktar wiesgħa ta’ għażliet.

( 12 ) Skond il-Paragrafu 1355, dan jista’ jkun biss il-kunjom li kellu preċedentement wieħed mill-miżżewġin, u mhux kompożizzjoni tat-tnejn.

( 13 ) It-titolu ta’ l-Amtsgericht sedenti bħala qorti tal-familja.

( 14 ) Il-Bundesverfassungsgericht (Qorti Kostituzzjonali) iddeċidiet li l-Paragrafi 1616 u 1617 m’humiex antikostituzzjonali safejn jipprekludu wild milli jkollu kunjom kompost li jgħaqqad il-kunjomijiet taż-żewġ ġenituri (sentenza tat-30 ta’ Jannar 2002, 1 BvL 23/96, BVerfGE 104, p. 373).

( 15 ) Sentenza tat-30 ta’ Marzu 1993 (C-168/91, Ġabra p. I-1191).

( 16 ) Iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 3.

( 17 ) Sentenza tas-27 ta’ April 2006, Standesamt Stadt Niebüll, (C-96/04, Ġabra p. I-3561) (ara l-punti 21 sa 29 iktar ’il quddiem).

( 18 ) Skond Stefan Grunkin, il-ġenituri kienu oriġinarjament iddikjaraw il-kunjom ta’ Leonhard Matthias bħala ‘Grunkin-Paul’ u l-bidla saret sabiex iċ-ċertifikat tat-twelid ikun konformi ma’ din id-dikjarazzjoni. B’hekk, il-kunjomijiet taż-żewġ ġenituri jkunu jagħmlu parti mill-kunjom tat-tifel u ebda wieħed minnhom ma jkun sempliċi mellemnavn (ara l-punt 14 aktar ’il fuq). Indipendentement mill-pożizzjoni eżatta, madankollu, il-punt tat-tluq għandu jkun il-fatt li l-għażla ta’ ‘Grunkin-Paul’ kienet waħda minn dawk disponibbli għall-ġenituri taħt il-liġi Daniża.

( 19 ) Punti 15 u 16.

( 20 ) Kawża C-96/04, iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 9.

( 21 ) Punti 30 sa 44 tal-konklużjonijiet tiegħu.

( 22 ) Punti 45 sa 56.

( 23 ) Li tagħha l-Istati Membri kollha u l-Komunità Ewropea nnifisha (ara d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2006/719/KE, tal-5 ta’ Ottubru 2006, ĠU 2006, L 297, p. 1) huma membri.

( 24 ) Ara, per eżempju, il-kummentarji dwar is-sentenza García Avello minn Mathias Audit, f’Recueil Dalloz 2004, p. 1476, fil-punt 20, u minn Thomas Ackermann, f’Common Market Law Review 2007, p. 141, speċjalment fil-punt 153, u dwar il-konklużjonijiet f’Standesamt Stadt Niebüll minn Dieter Heinrich, in Praxis des internationalen Privat- und Verfahrensrechts 2005, p. 422.

( 25 ) Fil-preżent fir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2201/2003, tas-27 ta’ Novembru 2003, dwar il-ġurisdizzjoni u r-rikonoxximent u l-infurzar ta’ sentenzi fi kwistjonijiet matrimonjali u kwistjonijiet ta’ responsabbiltà tal-ġenituri, u li jirrevoka r-Regolament (KE) Nru 1347/2000 (ĠU L 338, p. 1).

( 26 ) Proposta tal-Kummissjoni (COM(2006) 399 finali, tas-17 ta’ Lulju 2006) għal Regolament tal-Kunsill li jemenda Regolament Nru 2201/2003 rigward ġurisdizzjoni u li jintroduċi regoli li jikkonċernaw il-liġi applikabbli fi kwistjonijiet matrimonjali. In-nota ta’ spjegazzjoni tiċċita l-“mobbiltà dejjem tikber ta’ ċittadini fl-Unjoni Ewropea [li twassal] għal numru li dejjem jiżdied ta’ koppji internazzjonali, jiġifieri persuni miżżewġin ta’ ċittadinanza differenti, miżżewġin li jgħixu fi Stati Membri differenti jew li jgħixu fi Stat Membru li tiegħu wieħed jew it-tnejn li huma m’humiex ċittadini” — il-kuntest propju li fih qamet il-kawża preżenti.

( 27 ) Fil-punt 25.

( 28 ) Sentenza ta’ l-20 ta’ Settembru 2001, Grzelczyk (C-184/99 Ġabra p. I-6193, punt 31). Din il-formulazzjoni ġiet użata ripetutament minn dakinhar, l-iktar reċenti fis-sentenza tal-, Eind (C-291/05, Ġabra p. I-10719, punt 32).

( 29 ) Wieħed irid jammetti li, fil-punt 42 tas-sentenza tagħha, il-Qorti tal-Ġustizzja kkummentat dwar ir-raison d’être taż-żewġ sistemi u l-modi kif kull waħda minnhom dehret li adattat għal dan ir-raison d’être, imma ma siltet ebda konklużjoni dwar il-merti relattivi tagħhom.

( 30 ) Fil-punti 48 u 49.

( 31 ) Punt 27 tas-sentenza.

( 32 ) Sentenza tad-19 ta’ Ottubru 2004 (C-200/02, Ġabra p. I-9925, punt 19).

( 33 ) Fil-punt 20.

( 34 ) Fil-punt 53.

( 35 ) Punti 32 sa 35.

( 36 ) Ara s-sentenza García Avello, punt 31, u l-ġurisprudenza li jsir riferiment għaliha hemmhekk. Il-Qorti tal-Ġustizzja ġiet ikkritikata (ara Ackermann, iċċitat fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 24 iktar ’il fuq, p. 149) għax għaqqdet flimkien fis-sentenza García Avello l-kunċett ġenerali, ‘Aristoteljan’, tat-trattament ugwali mal-projbizzjoni speċifika fl-Artikolu 12 KE tad-diskriminazzjoni fuq il-bażi taċ-ċittadinanza. Hi x’inhi l-ġustifikazzjoni ta’ dik il-kritika, jien hawnhekk nagħmel referenza għall-prinċipju ġenerali bħala kwistjoni separata.

( 37 ) Tabilħaqq, ir-Regolament Nru 2201/2003 (iċċitat iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 25, Artikolu 3) jippermetti għażla bejn iż-żewġ kriterji fid-determinazzjoni tal-ġurisdizzjoni fir-rigward tat-terminazzjoni ta’ żwieġ, u l-proposta tal-Kummissjoni għal emenda ta’ dan ir-regolament (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 26, Artikolu propost ġdid 20a) tippermetti għażla meta tiġi ddeterminata l-liġi applikabbli.

( 38 ) Per eżempju, l-Irlanda — ara s-sentenza Zhu u Chen, punt 9.

( 39 ) Punt 36 tas-sentenza.

( 40 ) Punt 54 tal-konklużjonijiet.

( 41 ) Ara, b’analoġija, pereżempju, is-sentenza tal-31 ta’ Marzu 1993, Kraus (C-19/92, Ġabra p. I-1663, punt 32), jew is-sentenza tad-, Burbaud (C-285/01, Ġabra p. I-8219, punt 95).

( 42 ) Ara s-sentenza García Avello u Zhu u Chen, fejn il-Qorti tal-Ġustizzja enfasizzat id-drittijiet tat-tfal.

( 43 ) Jidher li l-itwal kunjom kompost li qatt ġie rreġistrat fir-Renju Unit hu Temple-Nugent-Brydges-Chandos-Grenville, li kellhom id-Duki ta’ Buckingham u Chandos mill-1822 sa l-1889, meta t-titlu ġie estint — x’aktarx minħabba eċċess ta’ kunjomijiet. Ħafna familji, madankollu, jirnexxilhom jevitaw eċċessi bħal dawn.

( 44 ) Huwa interessanti li wieħed jinnota kawża li sar riferiment għaliha mis-Segretarju Ġenerali ta’ l-ICCS fl-Assemblea Ġenerali f’Edinburgh fil-15 ta’ Settembru 2004. Fis-, it-Tribunal Administratif (Qorti Amministrattiva) fil-Lussemburgu annullat deċiżjoni ta’ l-awtoritajiet tal-Lussemburgu li rrifjutaw li jippermettu li l-wild ta’ koppja Lussemburgiża residenti fil-Ġermanja jiġi rreġistrat fil-Lussemburgu bil-kunjom ta’ l-omm. Il-koppja kienu għażlu dan il-kunjom bħala l-kunjom uniku tagħhom (ara l-punt 16 u n-nota ta’ qiegħ il-paġna 12 iktar ’il fuq) u l-wild, imwieled il-Ġermanja, ġie rreġistrat hemmhekk b’dan il-kunjom, dejjem in konformità mal-liġi Ġermaniża, li setgħet tiġi applikata, skond ir-regoli dwar l-għażla tal-liġi tagħha, bħala l-liġi tal-pajjiż ta’ residenza. Il-qorti tal-Lussemburgu ddeċidiet li sitwazzjoni bħal din ma setgħetx tkun ikkunsidrata bħala li tmur kontra l-politika pubblika fil-Lussemburgu.

( 45 ) Qabbel mal-punt 44 tas-sentenza García Avello, fejn il-Qorti tal-Ġustizzja enfasizzat li r-rifjut sistematiku ta’ l-awtoritajiet Belġjani li jaċċettaw bidla fil-kunjom kienet evidentement sproporzjonata peress li kien hemm derogi disponibbli f’sitwazzjonijiet komparabbli.

( 46 ) Ara Bulgakov vs Ukraine (Nru 59894, 11 ta’ Settembru 2007, Nru 59894, punt 43, u l-ġurisprudenza hemmhekk iċċitata.

( 47 ) Li tiġi permessa ġustifikazzjoni bħal din, wieħed irid jammetti, jista’ jinvolvi xi kunflitt mas-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja f’Zhu u Chen, iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 32, fil-punti 34 et seq fejn ċaħdet l-argument li ma kienx possibbli li dak li jkun jibbaża ruħu fuq iċ-ċittadinanza ta’ Stat Membru akkwistata bis-saħħa tal-pajjiż tat-twelid li jkun ġie magħżul deliberatament għal dak l-iskop biss. Madankollu, ir-raġunament tal-Qorti tal-Ġustizzja hemmhekk kien ibbażat fuq id-dritt ta’ kull Stat Membru li jistipula l-kundizzjonijiet għall-ksib taċ-ċittadinanza, u ma kienx jikkonċerna l-użu taċ-ċittadinanza jew ta’ xi kriterju ieħor bħala fattur li jorbot għall-iskopijiet tad-dritt internazzjonali privat. Ara wkoll sentenza tas-7 ta’ Lulju 1992, Singh (C-370/90 Ġabra p. I-4265, punt 24, u l-ġurisprudenza hemmhekk iċċitata).

( 48 ) Ara l-punt 9 iktar ’il fuq.

( 49 ) Konklużjonijiet fil-kawża li wasslet għas-sentenza Standesamt Stadt Niebüll, punt 56, li jiċċita s-sentenza tal-15 ta’ Marzu 2005, Bidar (C-209/03 Ġabra p. I-2119, punt 31).

Top