Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62006CC0241

Konklużjonijiet ta' l-Avukat Ġenerali - Sharpston - 7 ta' Ġunju 2007.
Lämmerzahl GmbH vs Freie Hansestadt Bremen.
Talba għal deċiżjoni preliminari: Hanseatisches Oberlandesgericht in Bremen - il-Ġermanja.
Kuntratti pubbliċi - Direttiva 89/665/KEE - Proċeduri ta' reviżjoni fl-għoti ta' kuntratti pubbliċi -Terminu perentorju - Prinċipju ta’ effettività.
Kawża C-241/06.

Ġabra tal-Ġurisprudenza 2007 I-08415

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2007:329

KONKLUŻJONIJIET TA’ L-AVUKAT ĠENERALI

SHARPSTON

ippreżentati fis-7 ta’ Ġunju 2007 1(1)

Kawża C‑241/06

Lämmerzahl GmbH

vs

Freie Hansestadt Bremen


[Talba għal deċiżjoni preliminari magħmula mill-Hanseatisches

Oberlandesgericht (il-Ġermanja)]



“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Kuntratti pubbliċi – Livelli massimi tal-Komunità – Reviżjoni ta’ deċiżjonijiet fi proċeduri ta’ sejħa għal offerti – Prinċipju ta’ effettività – Termini – Għażla inkorretta tal-proċedura nazzjonali ta’ sejħa għal offerti – Esklużjoni ġenerali mill-proċeduri ta’ reviżjoni stabbiliti taħt id-dritt Komunitarju”





1.     Dan ir-rinviju magħmul mill-Hanseatisches Oberlandesgericht (Il-Qorti Reġjonali Superjuri Anseatika) fi Bremen, il-Ġermanja, essenzjalment tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja jekk id-dritt Komunitarju jipprekludix offerent milli jkun ġeneralment eskluż mid-dritt, taħt id-Direttiva 89/665(2), li japplika għal reviżjoni ta’ deċiżjonijiet dwar sejħiet għal offerti abbażi tal-fatt li, fit-terminu stabbilit mid-dritt nazzjonali, huwa ma jkunx ikkontesta deċiżjoni li tkun inkorrettament poġġiet il-proċedura ta’ sejħa għal offerti barra mill-iskop ta’ dik id-direttiva.

2.     Ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali kienet għamlet offerta, iżda mingħajr suċċess, għal kuntratt ta’ softwer li kien inħareġ b’sejħa għal offerti skond il-proċedura nazzjonali. Din imbagħad ilmentat, l-ewwel, li kellu jkun hemm proċedura ta’ sejħa għal offerti miftuħa għall-Komunità kollha għax il-limitu massimu tal-valur stabbilit kien ġie maqbuż u, it-tieni, li d-deċiżjoni ta’ l-għoti tal-kuntratt pubbliku kienet illegali. L-ilmenti ġew iddikjarati inammissibbli għar-raġuni li t-terminu sabiex tiġi kkontestata l-għażla tal-proċedura kien għalaq, u b’hekk il-proċedura ta’ reviżjoni ta’ kuntratti pubbliċi li jaqgħu barra mill-iskop tad-dritt Komunitarju ma kinitx disponibbli.

3.     Permezz tar-rinviju l-Qorti tal-Ġustizzja ġiet mitluba teżamina ulterjorment iċ-ċirkustanzi li fihom l-impożizzjoni ta’ termini ta’ żmien għall-kontestazzjoni ta’ proċeduri ta’ sejħiet għal offerti jistgħu jikkompromettu l-prinċipju ta’ effettività li hija bbażata fuqu d-Direttiva 89/665.

 Il-leġiżlazzjoni rilevanti

 Id-Direttiva 89/665

4.     L-għan tad-Direttiva 89/665 huwa li tiżgura li l-proċeduri għall-għoti ta’ kuntratti ta’ xogħlijiet pubbliċi, provvisti u servizzi stabbiliti fid-direttivi rilevanti tal-Komunità jiġu applikati b’mod effettiv. Dan tagħmlu billi tipprovdi għal sistema ta’ proċeduri ta’ reviżjoni u rimedji għall-ksur.

5.     Il-premessi li ġejjin li jinsabu fil-preambolu għad-Direttiva 89/665 huma rilevanti:

“[1] […] [I]d-Direttivi tal-Komunità dwar l-akkwist pubbliku [kuntratti pubbliċi], b’mod partikolari […] d-Direttiva tal-Kunsill 77/62/KEE tal-21 ta’ Diċembru 1976 li tikkoordina l-proċeduri għall-għoti ta’ kuntratti ta’ provvista pubblika, [(3)] […] ma fihomx dispożizzjonijiet speċifiċi li jiżguraw l-applikazzjoni effettiva tagħhom;

[2]   […] [L-]arranġamenti eżistenti f’livell kemm nazzjonali kemm tal-Komunità għall-assigurazzjoni ta’ l-applikazzjoni tagħhom mhumiex dejjem adegwati biex jiżguraw konformità mad-dispożizzjonijiet rilevanti Komunitarji partikolarment fl-istadju meta l-ksur jista’ jiġi korrett;

[3]   […] [I]l-ftuħ ta’ l-akkwist pubbliku għall-kompetizzjoni mill-Komunità jeħtieġ żieda sostanzjali fil-garanziji ta’ trasparenza u non-diskriminazzjoni; […] biex ikun hemm effetti tanġibbli, rimedji effettivi u rapidi għandhom ikunu disponibbli fil-każ ta’ ksur tal-liġi tal-Komunità fil-kamp ta’ l-akkwist pubbliku jew regoli nazzjonali li jimplimentaw dik il-liġi;

[4]   […]

[5]   […] [I]ż-żmien qasir tal-proċeduri jfisser li l-ksur imsemmi qabel għandu jiġi ttrattat b’mod urġenti;

[…]”

6.     L-Artikolu 1 tad-Direttiva 89/665 jipprovdi li:

“1.   L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri neċessarji biex jiżguraw li, fir-rigward ta’ proċeduri ta’ għoti ta’ kuntratti li jaqgħu fl-iskop tad-Direttivi […] 77/62/KEE, u 92/50/KEE, (4) id-deċiżjonijiet meħuda mill-awtoritajiet kontraenti jistgħu jiġu riveduti effettivament u, b’mod partikolari, malajr kemm jista’ jkun skond il-kondizzjonijiet stabbiliti fl-Artikoli li ġejjin, u, b’mod partikolari, l-Artikolu 2(7) fuq il-bażi li dawn id-deċiżjonijiet kisru l-liġi tal-Komunità fil-qasam ta’ l-akkwist pubbliku jew [ir]-regoli nazzjonali li jimplimentaw dik il-liġi.

2.     […]

3.     L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-proċeduri ta’ reviżjoni huma disponibbli, taħt regoli dettaljati li l-Istati Membri jistgħu jistabbilixxu, ta’ l-anqas għal kull persuna li jkollha jew kellha interess li takkwista kuntratt partikolari ta’ provvista pubblika […] li tkun sofriet ħsara jew qiegħdha f’riskju li ssofri ħsara minn ksur allegat. B’mod partiklari, l-Istati Membri jistgħu jeħtieġu li persuna li tfittex reviżjoni għandha tkun qabel innotifikat lill-awtorità kuntrattwali [kontraenti] bil-ksur allegat u bl-intenzjoni tagħha li tfittex reviżjoni.”

7.     L-Artikolu 2 tad-Direttiva 89/665 jirrigwarda r-rimedji li għandhom ikunu disponibbli fir-rigward tar-reviżjonijiet. L-Artikolu 2(7) jipprovdi li “[l-]Istati Membri għandhom jiżguraw li d-deċiżjonijiet meħuda mill-korpi responsabbli għall-proċeduri ta’ reviżjoni għandhom jiġu effettivament applikati.”

Id-Direttiva 93/36 (5)

8.     L-Artikolu 10 tad-Direttiva 93/36 jipprovdi, inter alia, għal terminu minimu fi proċedura miftuħa li fih jiġu rċevuti l-offerti li jkollhom valur ogħla mil-limitu massimu stabbilit għall-applikazzjoni tad-dritt Komunitarju. L-Artikolu 10(1) jipprovdi li tali proċeduri għandhom jibqgħu miftuħin għal ta’ l-inqas 52 ġurnata minn meta jkun intbagħat l-avviż tas-sejħa għal offerti. Dak il-perijodu jista’ jiġi mnaqqas, bħala regola ġenerali, għal minimu ta’ 36 ġurnata imma taħt l-ebda ċirkustanza ma jista’ jkun inqas minn 22 ġurnata, jekk ikun ġie ppubblikat avviż minn qabel skond il-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 10(1a).

 Il-Leġiżlazzjoni Ġermaniża (6)

9.     Ir-raba’ parti tal-Gesetz gegen Wettbewerbsbeschränkungen Ġermaniża (Il-Liġi li tipprojbixxi r-restrizzjonijiet fuq il-kompetizzjoni) (iktar ’il quddiem “GWB”) tkopri l-għoti ta’ kuntratti pubbliċi.(7) Il-paragrafu 100(1) jipprovdi li “[d]in il-parti tapplika biss għall-kuntratti li l-valur tagħhom jilħaq jew jaqbeż l-ammonti stabbiliti minn liġijiet imsemmija fl-Artikolu 127 (limiti massimi).”(8)

10.   Il-paragrafu 107 tal-GWB jirrigwarda l-applikazzjonijiet għal reviżjoni lill-Bord tal-Kuntratti Pubbliċi. Il-paragrafu 107(3) tal-GWB jistabbilixxi t-termini ta’ żmien li fih għandha ssir l-applikazzjoni quddiem il-Bord tal-Kuntratti Pubbliċi għal reviżjoni ta’ allegat ksur tar-regoli dwar il-kuntratti pubbliċi u jipprovdi li:

“L-applikazzjoni hija inammissibbli meta l-applikant diġà kien jaf, waqt il-proċedura għall-għoti ta’ kuntratt, bl-allegat ksur tar-regoli dwar l-għoti ta’ kuntratti pubbliċi u ma ppreżentax immedjatament ilment lill-awtorità kontraenti. L-applikazzjoni hija wkoll inammissibbli fejn ma jiġi mressaq l-ebda ilment dwar ksur tar-regoli dwar l-għoti ta’ kuntratti pubbliċi, li jkun identifikabbli (9) fuq il-bażi ta’ l-avviż tas-sejħa għal offerti, quddiem l-awtorità kontraenti l-aktar tard qabel l-iskadenza tat-terminu indikat fl-avviż tas-sejħa għal offerti sabiex issir applikazzjoni jew sabiex jiġu ppreżentati offerti.”

11.   Il-Vergabeverordnung (Regolament dwar l-Għoti ta’ Kuntratti Pubbliċi) (iktar ’il quddiem “VgV”) (10) fih, inter alia, il-limiti massimi li ssir referenza għalihom fil-paragrafu 127(1) tal-GWB. (11) Fiż-żmien rilevanti għal din il-kawża, il-paragrafu 2 tal-VgV kien jipprovdi li:

“Il-limitu massimu huwa:

[…]

3.     għall-kuntratti l-oħra kollha ta’ provvista jew servizzi: EUR 200,000.”

12.   Parti A tal-Verdingungsordnung für Leistungen (ir-Regoli dwar l-Għoti ta’ Kuntratti ta’ Provvista u Servizzi b’Sejħa għal Offerti) (iktar ’il quddiem “VOL/A”)(12) fihom regoli dettaljati dwar l-għoti ta’ kuntratti ta’ provvista jew servizzi b’sejħa għal offerti. Il-paragrafu 17 għandu jirrigwarda, inter alia, il-kontenut ta’ l-avviż tas-sejħa għal offerti. Il-paragrafu 17(1)(2) jipprovdi li:

“L-avviż tas-sejħa għal offerti għandu, ta’ l-inqas, ikun fih id-dettalji li ġejjin:

[…]

(c)   In-natura u l-iskop ta’ l-oġġetti u tas-servizzi li ser jiġu pprovduti […]” (13)

 Il-kawża priniċipali u r-rinviju għal deċiżjoni preliminari

13.   Fl-21 ta’ Marzu 2005 jew qabel, l-konvenut fil-kawża prinċipali, il-Belt Ħielsa Anseatika ta’ Bremen (iktar ’il quddiem "Bremen"), ħarġet "sejħa nazzjonali għal offerti skond il-VOL/A" għall-kuntratt ta’ softwer.(14) Id-data ta’ l-għeluq kienet it-12 ta’ April 2005. L-avviż tas-sejħa għal offerti ma kien fih ebda kwantifikazzjoni ta’ l-iskop jew il-valur tal-kuntratt. Taħt il-titolu ’Menge und Umfang’ (volum u skop) kien hemm stipulat:

“F’isem il-Ministru tax-Xogħol, Nisa, Saħħa u Affarijiet Soċjali ta’ Bremen, qed jiġi mfittex softwer standard għat-trattament informatiku tas-settur SGB XII (Assistenza soċjali għall-Adulti u Għajnuna Ekonomika) sabiex jintlaħqu ir-rekwiżiti stabbiliti fid-dokumenti tas-sejħa għal offerti. Id-dokumenti tas-sejħa għal offerti jistgħu jitniżżlu b’xejn minn mis-sit www.vergabe.bremen.de. [...]”

14.   Lämmerzahl GmbH (iktar ’il quddiem “Lämmerzahl”), ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali, hija kumpannija b’responsabbiltà limitata li tispeċjalizza f’softwer għal awtoritajiet pubbliċi. Din akkwistat id-dokumenti tas-sejħa għal offerti, li kienu jinkludu t-tliet dokumenti li ġejjin:

15.   L-ewwel, id-dokument intitolat “lista tal-prezzijiet/analiżi tal-prezzijiet 1” (iktar ’il quddiem “id-dokument tal-prezzijiet”) talab lill-offerenti biex jipprovdu, taħt it-taqsima intitolata “kuntratt ta’ liċenzja”, prezzijiet għal kull unità għal liċenzji kompluti skond diversi meded ta’ kwantitajiet li kellhom jiġu pprovduti (liċenzji 11-50, 51-100, 101-200, 201-500). Kien hemm talba alternattiva għal prezzijiet għal kull unità għal liċenzji read-only (liċenzji 1-5, 6-10, 11-50, 51-100). Bħala alternattiva ulterjuri, ġie mitlub prezz għal-“Landeslizenz” (liċenzja ta’ l-Istat).(15) It-taqsima intitolata ’kuntratt ta’ servizz’ talbet lill-offerenti biex jikkwotaw prezz għat-taħriġ ta’ bejn wieħed u ieħor 300 impjegat u 10 amministraturi. Ma kien hemm xejn fid-dokument li kien jindika n-numru ta’ liċenzji li fil-fatt kienu meħtieġa.

16.   It-tieni, id-dokument li kien jistabblixxi l-għan tas-sejħa għal offerti (iktar ’il quddiem “id-dokument dwar l-għan”) kien jgħid li madwar 200 impjegat fil-kamp ta’ l-għajnuna ekonomika, 45 fis-servizz soċjali u 65 fl-unitajiet ċentrali kellhom jaħdmu bis-sistema tas-softwer.

17.   It-tielet, it-“tabella ta’ prodotti u s-servizzi” kienet tindika “minimu jew stima tal-volum” ta’ kull unità. Għal darba oħra, din naqset milli tindika in-numru totali ta’ liċenzji meħtiega.

18.   Lämmerzahl qajmet erba’ domandi rigward id-dokumenti tas-sejħa għal offerti, li għalihom il-belt ta’ Bremen wieġbet b’ittra ta’ l-24 ta’ Marzu 2005. F’dak l-istadju, Lämmerzahl m’għamlet l-ebda domanda dwar in-numru ta’ liċenzji, jew il-volum jew il-valur tal-kuntratt.

19.   Lämmerzahl imbagħad batgħet ittra elettronika lill-Bremen fl-4 ta’ April 2004 fejn staqsiet għall-kjarifikazzjoni ulterjuri dwar id-dokument tas-sejħa għal offerti. Fl-ewwel domanda tagħha staqsiet jekk il-prezzijiet totali mitluba fid-dokument ta’ l-offerta u t-tabella ta’ prodotti u servizzi kellhomx x’jaqsmu ’mas-somma tal-prezzijiet fil-lista tal-prezzijiet għall-kuntratt ta’ liċenzja bbażat fuq 310 liċenzji (it-310 impjegati speċifikati fid-[dokument dwar l-għan]) jew jekk kellhomx jiġu inklużi prezzijiet oħrajn (eż., spejjeż ta’ manutenzjoni u servizz). Tlieta mid-domandi l-oħra fl-ittra elettronika ta’ Lämmerzahl kienu jirreferu għat-“310 liċenzji msemmija iktar ’il fuq”.

20.   Il-belt ta’ Bremen wieġbet permezz ta’ ittra fis-6 ta’ April 2005. Bi tweġiba għall-ewwel domanda hija qalet li l-prezz totali tas-sejħa għal offerti (il-prezz totali ta’ l-ispejjeż tal-liċenzja, spejjeż ta’ manutenzjoni u servizzi) kellhom jiġu mdaħħlin fid-dokument tas-sejħa għal offerti. L-ebda waħda mit-tweġibiet ta’ Bremen ma semmiet jew espressament ikkummentat dwar iċ-ċifra ta’ 310 liċenzji li Lämmerzahl kienet inkludiet fid-domandi tagħha.

21.   Lämmerzahl imbagħad ippreżentat sejħa għal offerti bbażata fuq 310 liċenzji, flimkien ma’ taħriġ u manutenzjoni għal EUR 603,500 netti. Din ġiet magħżula għall-istadju ta’ l-evalwazzjoni flimkien ma’ offerent ieħor PROSOZ Herten GmbH (iktar ’il quddiem “PROSOZ”).

22.   Fis-6 ta’ Lulju 2005 l-belt ta’ Bremen kitbet lil Lämmerzahl biex tinformaha li l-offerta tagħha ma kinitx intgħażlet għax ma kinitx l-iktar waħda vantaġġuża.

23.   Fl-14 ta’ Lulju 2005 Lämmerzahl bagħtet ilment bil-miktub lill-belt ta’ Bremen u fil-21 ta’ Lulju 2005 ippreżentat applikazzjoni għal revizjoni ta’ l-għoti tal-kuntratti pubbliċi. Hija sostniet li kienet saret taf għax fl-14 ta’ Lulju 2005 ingħatat parir legali li Bremen kien imissha ħarġet sejħa għal offerti fuq bażi Komunitarja, pjuttost milli fuq bażi nazzjonali, peress li l-valur tal-kuntratt kien jaqbeż il-limitu massimu ta’ EUR 200,000. Hija allegat ukoll li s-softwer tagħha ma ġiex evalwat kif xieraq.

24.   Fit-2 ta’ Awwissu 2005, it-Tielet Bord tal-Kuntratti Pubbliċi tal-Belt ta’ Bremen (iktar ’il quddiem il-“Bord”) ċaħad l-applikazzjoni. Dan iddikjara li, anki jekk il-limitu massimu kien inqabeż u għaldaqstant ġiet użata proċedura tas-sejħa għal offerti żbaljata, irregolarità bħal din kienet identifikabbli mis-sejħa għall-offerti. Konsegwentement, l-ilmenti ta’ Lämmerzahl kienu saru wara ż-żmien stabbilit fit-tieni sentenza tal-paragrafu 107(3) tal-GWB.

25.   Lämmerzahl ressqet appell quddiem il-qorti tar-rinviju. L-ewwel, din sostniet li l-irregolarità fl-għażla tal-proċedura ma kinitx identifikabbli mill-avviż tas-sejħa għal offerti. It-tieni, irrepetiet l-oġġezzjoni tagħha għall-proċedura ta’ l-evalwazzjoni u ta’ l-għażla, billi sostniet li l-applikazzjoni ta’ PROSOZ kienet manifestament inkompluta u kienet tinkludi kalkolu illegali ta’ l-ispejjeż li kellu jwassal sabiex din tiġi eskluża (iktar ’il quddiem l-“ilmenti sostantivi”).

26.   Permezz ta’ deċizjoni provviżorja, il-qorti tar-rinviju rrifjutat li testendi l-effett sospensiv ta’ l-appell għaliex ikkunsidrat li ma kellu l-ebda prospett ta’ suċċess. Hija qablet mal-Bord li fid-dawl tal-fatt li t-terminu stabbilit fit-tieni sentenza tal-paragrafu 107(3) tal-GWB kien għalaq, Lämmerzahl ma setgħetx tikkontesta l-għażla tal-proċedura nazzjonali u l-istima ta’ Bremen tal-valur tal-kuntratt. Konsegwentement, il-kumpannija ma setgħetx tirrikorri għall-proċedura ta’ reviżjoni, li kienet disponibbli biss għall-proċeduri ta’ sejħa għal offerti li l-valur tagħhom kien jeċċedi l-limitu massimu.

27.   Bremen imbagħad tat il-kuntratt lil PROSOZ.

28.   Fid-deċiżjoni tar-rinviju, il-qorti nazzjonali jidher li aċċettat li l-valur tal-kuntratt kien jeċċedi l-limitu massimu ta’ EUR 200,000.(16) Madankollu, din ikkunsidrat li Lämmerzahl ma tistax tirrikorri għall-proċedura ta’ reviżjoni tal-GWB minħabba li t-terminu taħt it-tieni sentenza tal-paragrafu 107(3) tal-GWB kien għalaq.

29.   Meta waslet għal dik il-konklużjoni, il-qorti nazzjonali ma ddeċidietx, b’mod definittiv, fuq il-kwistjoni dwar jekk skond il-liġi nazzjonali “identifikabbli fuq il-bażi ta’ l-avviż għas-sejħa għal offerti” ifissirx li irregolarità għandha tkun identifikabbli mill-avviż tas-sejħa għal offerti biss. Hija kkunsidrat li, jekk dik il-frażi tista’ tinkludi dokumenti oħrajn, mid-dettalji fid-dokumenti tas-sejħa għal offerti Lämmerzahl kellha tirrealizza li l-limitu massimu kien ser jinqabeż. Fi kwalunkwe każ hija kella tirrealizza dan mill-kalkoli tagħha stess. Jekk, min-naħa l-oħra, irregolarità għandha tkun identifikabbli mill-avviż tas-sejħa għal offerti biss, in-nuqqas stess ta’ xi indikazzjoni ta’ l-iskop tal-kuntratt kien minnu nnifsu jikkostitwixxi irregolarità identifikabbli, billi ommissjoni bħal din kienet tkun kontra l-paragrafu 17(1)(2)(c) tal-VOL/A.(17) Barra dan, din kienet iżżomm lil offerent milli jivverifika l-għażla tal-proċedura u jikkontestaha, jekk ikun meħtieġ.

30.   Madankollu l-qorti nazzjonali għandha riżervi dwar jekk id-deċiżjoni tagħha tas-7 ta’ Novembru 2005 tistax iċċaħħad lill-offerenti mid-dritt tagħhom għal reviżjoni effettiva ta’ l-allegat ksur tad-dritt Komunitarju, bi ksur ta’ l-Artikolu 1 tad-Direttiva 89/665. Hija tikkunsidra li l-limitu stabbilit fit-tieni sentenza tal-paragrafu 107(3) tal-GWB jikkonforma, bħala prinċipju, mad-direttiva fid-dawl tal-ġurisprudenza tal-Qorti.(18) Madankollu, fejn il-valur tal-kuntratt jiġi stmat li huwa taħt il-limitu massimu, il-fatt li ma jitressaqx ilment fiż-żmien stabbilit iċċaħħad lil offerent minn reviżjoni mhux biss ta’ dik l-irregolarità, imma wkoll ta’ l-ilmenti sostantivi tagħha. Jekk awtorità kontraenti tkun tista’ ċċaħħad offerent, li ma jkunx induna bl-irregolarità, minn protezzjoni sostantiva billi tikkommetti irregolarità identifikabbli, ikun hemm potenzjal għal abbuż.

31.   Il-qorti nazzjonali tistaqsi wkoll jekk il-konsegwenzi drastiċi tal-preskrizzjoni għandhomx jiskattaw biss jekk mill-avviż tas-sejħa għal offerti l-offerent ikun jista’ jaċċerta ruħu, b’mod inekwivoku, li l-awtorità kontraenti tkun qed tassumi li l-kuntratt ikun ser jaqa’ taħt il-limitu tal-valur massimu.

32.   Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet, il-qorti tar-rinviju ssospendiet il-proċeduri quddiemha u staqsiet lill-Qorti tal-Ġustizzja dawn iż-żewġ domandi:

“1.   Huwa kompatibbli mad-Direttiva 89/665/KEE, b’mod partikolari ma’ l-Artikolu 1(1) u (3), li offerent ma jitħalliex, b’mod ġenerali, jikseb aċċess għal reviżjoni ta’ deċiżjoni ta’ awtorità kontraenti li tagħti kuntratti pubbliċi, għaliex kien tort tiegħu li l-offerent ma qajjimx l-irregolarità fil-proċedura għall-għoti ta’ kuntratt fit-terminu stabbilit għal dan il-għan fil-liġi nazzjonali, meta l-irregolarità tkun tirrigwarda

(a)      l-forma tas-sejħa għal offerti magħżula

jew

(b)      il-korrettezza fid-determinazzjoni tal-prezz tal-kuntratt (stima manifestament żbaljata jew nuqqas ta’ trasparenza fil-kalkolu tal-prezz)

u fejn, fuq il-bażi tal-valur tal-kuntratt kif ġie korrettament determinat jew għandu jiġi determinat, ikun possibbli li jiġu riveduti irregolaritajiet oħrajn fil-proċedura għall-għoti ta’ kuntratt li, ikkunsidrati waħedhom, it-terminu tagħhom ma jkunx għadu għalaq?

2.     Id-dettalji fl-avviż tas-sejħa għal offerti rilevanti għad-determinazzjoni tal-prezz ta’ kuntratt għandhom ikunu suġġetti għal xi rekwiżiti speċjali sabiex, minn irregolaritajiet li jirrigwardaw l-istima tal-prezz tal-kuntratt, wieħed ikun jista’ jasal għall-konklużjoni li l-protezzjoni tal-liġi primarja hija ġeneralment eskluża anki jekk il-prezz tal-kuntratt stmat b’mod korrett jaqbeż l-ammont tal-limitu massimu rilevanti?”

33.   Osservazzjonijiet bil-miktub ġew ippreżentati mil-Lämmerzahl, Bremen, l-Awstrija, il-Litwanja u l-Kummissjoni. Lämmerzahl, Bremen u l-Kummissjoni għamlu wkoll osservazzjonijiet ulterjuri waqt is-seduta tat-28 ta’ Marzu 2007.

 Ammissibbiltà

34.   Bremen tissottometti li l-kundizzjonijiet ta’ rinviju għal deċiżjoni preliminari skond l-Artikolu 234 KE mhumiex issodisfati. Li hemm kontestazzjoni dwaru hjia l-applikazzjoni partikolari ta’ dispożizzjoni nazzjonali li m’hemmx dubju dwar il-konformità tagħha mad-dritt Komunitarju.

35.   Jiena ma naċċettax dak l-argument. Dak li l-qorti ta’ rinviju tixtieq tkun taf fir-rigward ta’ l-ewwel domanda huwa jekk l-Artikolu 1 tad-Direttiva 89/665 jipprekludix il-possibbiltà ta’ esklużjoni ġenerali mid-dritt ta’ reviżjoni f’ċirkustanzi bħal dawk fil-kawża prinċipali.

36.   Fir-rigward tat-tieni domanda tal-qorti tar-rinviju, huwa pjuttost veru li l-Qorti tal-Ġustizzja ma tistax tagħti lista preċiża ta’ x’għandu jidher fl-avviż ta’ sejħa għal offerti.(19) Madankollu, hija kompetenti li tinterpreta l-prinċipji u d-dispożizzjonijiet rilevanti tad-dritt Komunitarju sabiex tgħin lill-qorti nazzjonali tiddetermina jekk dawn ikunux ġew miksura f’xi każ partikolari.

37.   Għaldaqstant, ir-rinviju għal deċiżjoni preliminari huwa ammissibbli.

 Id-domandi

 Osservazzjonijiet preliminari

38.   Iż-żewġ domandi li tagħmel il-qorti tar-rinviju jistgħu jiġu fformulati mill-ġdid bil-mod kif ġej:

1.     Jekk fit-terminu stabbilit mil-liġi nazzjonali l-offerent ma jikkontestax deċiżjoni li, inkorrettament, tqiegħed sejħa għal offerti barra mill-iskop tal-protezzjoni tal-Komunità, id-Direttiva 89/665 tipprevjeni lill-offerent milli jiġi mċaħħad mid-dritt mogħti lilu minn din id-direttiva li jitlob ir-reviżjoni ta’ deċiżjonijiet ulterjuri fil-proċedura għall-għoti ta’ kuntratt?

2.     Liema dettalji għandhom jidhru fuq l-avviż tas-sejħa għal offerti sabiex wieħed ikun jista’ jasal għall-konklużjoni li l-valur tal-kuntratt kien ġie stmat b’mod żbaljat biex jaqa’ taħt il-limitu massimu għall-protezzjoni mogħtija mid-Direttiva 89/665?

39.   It-tieni domanda tal-qorti tar-rinviju tirrigwarda l-fatt jekk l-irregolarità in kwistjoni tkunx tista’ tiġi skoperta. Din id-domanda hija ċentrali sabiex jiġi stabbilit jekk terminu għall-kontestazzjoni ta’ dik l-irregolarità huwiex kompatibbli mad-dritt Komunitarju. Jien għalhekk ser neżamina ż-żewġ domandi flimkien. Il-parti l-kbira tal-partijiet li ssottomettew osservazzjonijiet ukoll adottaw dan l-approċċ.

 Osservazzjonijiet

40.   Lämmerzahl tissottometti li filwaqt li terminu bħal dak stabbilit fit-tieni sentenza tal-paragrafu 107(3) tal-GWB huwa, bħala prinċipju, kompatibbli mad-Direttiva 89/665, dan iservi bħala deroga mid-dritt ta’ reviżjoni. Għalhekk, il-frażi “identifikabbli fuq il-bażi ta’ l-avviż tas-sejħa għal offerti” għandha tiġi interpretata b’mod strett. Din ma tistax testendi għall-identifikazzjoni ta’ ommissjoni, li l-kontestazzjoni tagħha tista’ twassal sussegwentement għall-identifikazzjoni ta’ l-iżball ta’ Bremen fl-istima tal-valur tal-kuntratt. Dak l-iżball – u għalhekk l-għażla żbaljata tal-proċedura – ma setax jiġi identifikat mill-avviż tas-sejħa għal offerti. Kien għalhekk impossibbli u eċċessivament diffiċli li Lämmerzahl teżerċita d-drittijiet Komunitarji tagħha.

41.   Il-Litwanja tikkunsidra li meta terminu jibda jiddekorri mal-pubblikazzjoni ta’ l-avviż tas-sejħa għal offerti, id-drittijiet ta’ l-offerenti taħt id-dritt Komunitarju jiġu protetti effettivament fil-każ biss li jingħataw informazzjoni kompluta u oġġettiva dwar il-volum tas-sejħa għal offerti f’dak l-istadju. Jekk dan ma jsirx, it-terminu għandu jibda jiddekorri biss minn meta jsiru jafu bi, jew ikunu f’pożizzjoni li jaċċertaw l-iżball proċedurali in kwistjoni.

42.   Bremen tikkunsidra li t-tieni sentenza tal-paragrafu 107(3) tal-GWB hija kompatibbli mad-Direttiva 89/665. Il-kriterju ta’ l-identifikabbiltà jiżgura li l-eżerċizzju tad-drittijiet Komunitarji ta’ l-offerent ma jsirx impossibbli jew eċċessivament diffiċli. It-tqegħid ta’ l-istima tal-valur fuq l-avviż tas-sejħa għal offerti jista’ joħloq distorsjoni għall-kompetizzjoni. Huwa biżżejjed li l-parteċipant fis-suq b’esperjenza medja jkun jista’ jikkalkula l-valur tal-kuntratt mill-informazzjoni mogħtija. Waqt is-seduta, Bremen sostniet li anki mingħajr id-dritt ta’ reviżjoni skond id-Direttiva 89/665, il-liġi nazzjonali kienet tipprovdi rimedji ġenerali. Madankollu, hija ammettiet li dawn kienu inqas effettivi mill-proċedura taħt il-GWB.

43.   L-Awstrija tikkunsidra li esklużjoni ġenerali mill-proċedura ta’ reviżjoni tal-Komunità minħabba n-nuqqas li tiġi kkontestata l-irregolarità in kwistjoni fit-terminu stabbilit hija kompatibbli mad-Direttiva 89/665, sakemm l-applikazzjoni partikolari tat-terminu ma tiksirx il-prinċipju ta’ protezzjoni effettiva.

44.   Il-Kummissjoni tadotta pożizzjoni simili. Hija tinnota li l-piena ta’ dekadenza tiżgura li l-irregolaritajiet jiġu kkontestati kemm jista’ jkun malajr. Dan huwa mixtieq fid-dawl tal-konsegwenzi li jista’ jkun hemm minħabba li l-proċedura tas-sejħa għal offerti jkollha tinbeda mill-ġdid. Waqt is-seduta, il-Kummissjoni ddikjarat li n-nuqqas li tiġi kkontestata irregolarità fit-terminu stabbilit għandu jwassal għad-dekadenza fil-każ biss li l-offerent seta’ jidentifika l-irregolarità jew kellu jagħmel dan kieku aġixxa bl-attenzjoni mistennija minn kummerċjant diliġenti u ta’ esperjenza.

45.   Il-Kummissjoni kkunsidrat ukoll li l-prinċipji fundamentali tat-Trattat KE bħall-ugwaljanza u t-trasparenza huma applikabbli wkoll għal sejħiet għal offerti li jaqgħu taħt il-limitu massimu tal-Komunità.(20)

 Evalwazzjoni

46.   Il-prinċipju Komunitarju ta’ effettività jinsab fil-qofol tal-protezzjoni li tagħti d-Direttiva 89/665. Kif sostniet il-Qorti tal-Ġustizzja għal żmien twil, dan il-prinċipju jirrikjedi li l-eżerċizzju ta’ drittijiet mogħtija mid-dritt Komunitarju m’għandux isir prattikament impossibbli jew eċċessivament diffiċli.(21)

47.   L-ewwel tliet premessi tad-Direttiva 89/665 għalhekk jenfasizzaw li l-iskop tad-direttiva huwa li tiżgura l-applikazzjoni effettiva tad-direttivi Komunitarji li jarmonizzaw il-liġijiet dwar l-għoti ta’ kuntratti pubbliċi, billi tipprovdi sistema ta’ rimedji għal “ksur tal-liġi tal-Komunità fil-kamp ta’ l-għoti ta’ kuntratti pubbliċi jew regoli nazzjonali li jimplimentaw dik il-liġi”. L-Artikolu 1(1) jistabbilixxi r-rekwiżit ta’ reviżjoni effettiva ta’ deċiżjonijiet meħudin minn awtoritajiet kontraenti. L-Artikolu 2(7) jipprovdi li deċiżjonijiet li jittieħdu minn korpi ta’ reviżjoni kompetenti għandhom jiġu infurzati b’mod effettiv.

48.   It-tieni u l-ħames premessi jenfasizzaw, madankollu, li l-proċeduri li jirrigwardaw l-għoti ta’ kuntratti pubbliċi huma kkaratterizzati miż-żmien qasir tagħhom. Għalhekk jeħtieġ li kull ksur jiġi ttrattat b’urġenza fi stadju meta jista’ jiġi korrett. Ir-rapidità tar-reviżjoni hija għalhekk ikkunsidrata bħala aspett ta’ l-effettività u hija espressament identifikata fit-tielet premessa u fl-Artikolu 1(1).

49.   Id-Direttiva 89/665 għalhekk tipprovdi għall-possibbiltà ta’ reviżjoni ta’ deċiżjoni anki qabel ma tkun fil-fatt ikkawżat ħsara. Skond l-Artikolu 1(3) “kull persuna li jkollha jew kellha interess li takkwista kuntratt partikolari ta’ provvista pubblika [...] u li tkun sofriet ħsara jew qiegħda f’riskju li ssofri ħsara minn ksur allegat” (l-enfażi miżjuda) għandha locus standi. Fl-istess sens, l-Artikolu 1(3) jippermetti lill-Istati Membri li jirrikjedu lil persuna interessata tinnotifika minn qabel lill-awtorità kontraenti bl-intenzjoni tagħha li tressaq talba għal stħarriġ ġudizzjarju, u b’hekk tenfasizza l-bżonn li tinstab soluzzjoni, malajr kemm jista’ jkun, għall-kwistjonijiet li jkun hemm problemi dwarhom.

50.   Id-direttiva ma tawtorizzax espressament l-użu ta’ termini ta’ preskrizzjoni sabiex issir applikazzjoni għar-reviżjoni ta’ deċiżjonijiet ta’ awtoritajiet kontraenti. Madankollu, l-impożizzjoni ta’ termini ta’ żmien permezz tal-leġiżlazzjoni nazzjonali li timplimenta d-direttiva hija, bħala prinċipju, kompatibbli mar-rekwiżit ta’ reviżjoni rapida, għax malajr ma jibqax prattiku li jinbidlu tali deċiżjonijiet. Barra dan, il-Qorti tal-Ġustizzja ilha li rrikonoxxiet illi termini ta’ żmien raġonevoli jwasslu għall-applikazzjoni tal-prinċipju fundamentali ta’ ċertezza legali.(22)

51.   Fis-sentenza Universale-Bau (23) il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li d-Direttiva 89/665 ma tipprekludix il-leġiżlazzjoni nazzjonali milli tiffissa terminu raġonevoli sabiex issir applikazzjoni għar-reviżjoni ta’ deċiżjoni ta’ awtorità kontraenti. Terminu jkun raġonevoli jekk jissodisfa kemm il-prinċipju ta’ effettività, kif stabbilit fid-direttiva, u kif ukoll il-prinċipju ta’ ċertezza legali.(24)

52.   Il-bżonn li jkun hemm bilanċ bejn dawn iż-żewġ prinċipji jiddistingwi termini ta’ preskrizzjoni minn dispożizzjonijiet ta’ deroga, li Lämmerzahl tipprova tqabbilhom magħhom. Hemm diversi tipi ta’ derogi fid-dritt Komunitarju, u li huma ġġustifikati għal diversi raġunijiet. Ħafna drabi, tali derogi huma eċċezzjonijiet għad-drittijiet taħt it-Trattat KE jew prinċipji ġenerali oħrajn. Bħala regola, dawn id-derogi huma permessi fejn ikunu meħtieġa sabiex jipproteġu interessi speċifiċi. Sabiex jiġi garantit l-effett ta’ prinċipji superjuri, id-derogi huma ġeneralment interpretati b’mod restrittiv. Termini ta’ preskrizzjoni, min-naħa l-oħra, jilħqu bilanċ bejn id-drittijiet ta’ l-individwu u l-interess iktar wiesa’ tal-pubbliku. Madankollu, peress li dawn jillimitaw drittijiet, huma għandhom jiġu eżaminati b’attenzjoni sabiex jiġi ddeterminat jekk l-applikazzjoni tagħhom fil-fatt timminax il-prinċipju ta’ protezzjoni effettiva.

53.   Il-Qorti tal-Ġustizzja wettqet eżami bħal dan fis-sentenza Santex. (25) Hemmhekk, hija elaborat fuq is-sentenza Universale-Bau u applikat kriterji stabbiliti fil-ġurisprudenza preċedenti (26) għall-kwistjoni tar-raġonevolezza ta’ termini ta’ żmien fil-kuntest tad-Direttiva 89/665. Hija sostniet li dispożizzjoni dwar terminu ta’ preskrizzjoni għandha tiġi eżaminata “billi ssir referenza, b’mod partikolari, għar-rwol ta’ dik id-dispożizzjoni fil-proċedura, il-progress tagħha u l-fatturi speċjali, meta wieħed jarahom fit-totalità tagħhom”. Għalhekk, anki jekk terminu mhuwiex, fih innifsu, kontra l-prinċipju ta’ effettività, l-applikazzjoni tiegħu fiċ-ċirkustanzi ta’ każ partikolari tista’ tirrendih hekk.(27)

54.   Fis-sentenza Grossmann Air Service, il-Qorti tal-Ġustizzja indikat li l-għanijiet ta’ ħeffa u effettività fid-Direttiva 89/665 jirrikjedu li parti interessata li tkun taf b’irregolarità tikkontestaha (28) u ftit li xejn kellha simpatija għall-applikant, li kien stenna sa l-għoti tal-kuntratt qabel ma kkontesta l-allegata illegalità tas-sejħa għal offerti.(29)

55.   Il-kriterju li offerent ikun jaf jew ikun konxju ta’ irregolarità huwa inerenti mhux biss fis-sentenza Grossmann, imma anki f’kawżi oħrajn. Jekk terminu biex tikkontesta irregolarità jibda jiddekorri qabel ma l-offerent ikun jaf, jew jekk offerent jiġi altrimenti ppenalizzat għax ma jkunx qajjem kontestazzjoni f’sitwazzjoni fejn ma kienx jaf u ma setax ikun jaf b’xi irregolarità, il-prinċipju ta’ effettività jiġi imminat. Fis-sentenza Santex, l-offerent ma kienx konxju ta’ l-interpretazzjoni mill-awtorità kontraenti tal-klawżola kkontestata sakemm it-terminu rilevanti kien għalaq (30) u għalhekk ma setax jiġi eskluż bit-terminu milli jitlob reviżjoni. Fis-sentenza GAT, każ li ma kellux x’jaqsam ma’ terminu, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li r-rikorrenti ma setax jiġi mċaħħad mid-dritt li jagħmel talba għall-ħlas ta’ kumpens għal danni kkawżata minn deċiżjoni għaliex deċiżjoni preċedenti kienet illegali. Hemmhekk, id-deċiżjoni preċedenti ma kinitx ġiet ikkontestata u r-rikorrenti ma kinitx għalhekk neċessarjament konxja ta’ l-irregolarità tagħha. (31)

56.   Mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja msemmija iktar ’il fuq jirriżulta li l-iffissar ta’ terminu taħt il-liġi nazzjonali għall-eżerċizzju tad-dritt ta’ reviżjoni pprovdut fid-Direttiva 89/665 huwa kompatibbli mad-dritt Komunitarju sakemm dak it-terminu ma jirrendix l-eżerċizzju ta’ dak id-dritt prattikament impossibbli jew eċċessivament diffiċli. Fid-determinazzjoni ta’ jekk dan huwiex il-każ, mhux biss it-tul tat-terminu imma anki fatturi fil-proċedura ta’ reviżjoni fejn jopera t-terminu għandhom jiġu eżaminati. L-għarfien huwa fattur importanti. Filwaqt li l-għanijiet ta’ ħeffa u ta’ effettività fid-direttiva jirrikjedu li parti interessata li tkun konxja ta’ irregolarità tikkontestaha, tali parti ma tistax tiġi mċaħħda mid-dritt tagħha ta’ reviżjoni b’terminu li jiskatta permezz ta’ xi ħaġa li ma setgħetx raġonevolment tkun taf biha.

57.   Terminu xorta waħda jista’ jkun kompatibbli mad-dritt Komunitarju jekk in-nuqqas li tiġi kkontestata irregolarità fil-ħin iċaħħad offerent mill-possibbiltà li jikkontesta xi irregolaritajiet oħrajn wara l-proċedura tas-sejħa għal offerti? Din hija ċertament sanzjoni drastika. Iżda hija waħda permessibbli?

58.   Huwa paċifiku li l-konsegwenza li ma tkunx ġiet ikkontestata l-għażla tal-proċedura nazzjonali fit-terminu stabbilit hija li, bħala kwistjoni ta’ prinċipju legali ġenerali, dik il-proċedura tipprevali u minn hemm ’il quddiem il-proċedura tas-sejħa għal offerti taqa’ barra mill-iskop tad-direttiva. Dan għandu jiġi ddifferenzjat mis-sitwazzjoni fis-sentenza GAT, fejn il-Qorti tal-Ġustizzja sostniet li, peress li kull deċiżjoni meħuda minn awtorità kontraenti f’sejħa għal offerti tista’ tiġi riveduta skond id-Direttiva 89/665, offerent ma jistax jiġi mċaħħad mid-dritt li jitlob id-danni minħabba deċiżjoni ta’ għoti allegatament illegali abbażi tal-fatt li deċiżjoni preċedenti irrendiet il-proċedura diffettuża (madankollu, mingħajr ma tinħareġ barra mill-iskop tad-direttiva).(32)

59.   Waħda mill-possibbiltajiet tista’ tkun li tiġi maħluqa eċċezzjoni għar-regola fis-sentenza Universale-Bau fejn ġie ritenut li l-possibbiltà li tiġi kkontestata deċiżjoni li tidher li tqiegħed, b’mod żbaljat, il-proċedura partikolari tas-sejħa għal offerti barra mill-iskop tal-protezzjoni tal-Komunità, ma tistax tkun suġġetta għal terminu ta’ preskrizzjoni. Din għalija ma tidhirx li hija soluzzjoni għaqlija. L-ewwel nett, din tfixkel il-bilanċ bejn l-effettività u ċ-ċertezza legali li huma l-għanijiet li d-Direttiva 89/665 tipprova tilħaq. It-tieni nett, offerent jista’ jkollu t-tentazzjoni li ma jikkontestax il-proċedura (li wara kollox tista’ tidher li qed taħdem favur tiegħu billi tiġi limitata l-kompetizzjoni), għajr meta jew sakemm jiskopri, permezz tad-deċiżjoni ta’ għoti ta’ kuntratt, li d-dritt ta’ reviżjoni taħt id-Direttiva 89/665 fil-fatt ikun importanti għalih.

60.   Billi wieħed jissuġġerixxi li jiġi stabbilit terminu itwal meta l-konsegwenzi li ma jkunx hemm żmien biżżejjed huma drakonjani, fil-fehma tiegħi jkun qiegħed iqanqal daqstant domandi daqskemm ikun qed iwieġeb.

61.   Jiena għalhekk nikkonkludi li terminu għall-kontestazzjoni ta’ deċiżjonijiet fi proċedura ta’ sejħa għal offerti huwa xorta waħda kompatibbli mal-prinċipju ta’ effettività, flimkien mal-bżonn għall-ħeffa u ċ-ċertezza legali, anki meta l-konsegwenza tan-nuqqas ta’ kontestazzjoni ta’ irregolarità fit-terminu stabbilit hija li tneħħi lil offerent mill-protezzjoni tal-proċedura ta’ reviżjoni mogħtija bid-Direttiva 89/665.

62.   Issa ser inkompli sabiex neżamina t-terminu, inkluż il-karatteristiċi partikolari tiegħu, f’din il-kawża.

63.   It-terminu ta’ preskrizzjoni stabbilit fit-tieni sentenza tal-paragrafu 107(3) tal-GWB jiddekorri mill-pubblikazzjoni ta’ l-avviż tas-sejħa għal offerti sa l-aħħar data li fiha jistgħu jiġu ppreżentati l-offerti. F’dan il-każ, jidher li dak il-perijodu kien ta’ mill-inqas ta’ 23 ġurnata.(33) Minħabba l-fatt li l-leġiżlatur Komunitarju jikkunsidra li perijodu minimu ta’ 22 ġurnata għandu jkun biżżejjed għat-tħejjija u għall-preżentazzjoni ta’ offerta,(34) ikun diffiċli li wieħed jargumenta li 23 ġurnata ma kinux biżżejjed biex tiġi kkontestata l-allegata irregolarità. Tali terminu sabiex titressaq kontestazzjoni għalhekk, bħala prinċipju, ma jidhirx li tikser il-prinċipju ta’ effettività stabbilit fid-Direttiva 89/665, speċjalment fid-dawl tal-bżonn, enfasizzat f’din id-direttiva, ta’ proċedura ta’ reviżjoni rapida.(35)

64.   Madankollu, il-partikolarità tat-terminu speċifikat fit-tieni sentenza tal-paragrafu 107(3) tal-GWB huwa li dan jibda jiddekorri jekk l-allegata irregolarità in kwistjoni tkun identifikabbli abbażi ta’ l-avviż tas-sejħa għal offerti.

65.   Għalhekk, x’inhuwa l-grad jew in-natura ta’ għarfien ta’ l-irregolarità li jista’ jiġi attribwit lil offerent mingħajr ma jiġi miksur il-prinċipju ta’ effettività stabbilit fid-Direttiva 89/665?

66.   Fil-fehma tiegħi rekwiżit ta’ għarfien effettiv jew suġġettiv, min-naħa ta’ l-offerent, imur kontra ċ-ċertezza legali. Barra dan, f’ċirkustanzi bħal dawk ta’ din il-kawża jkun diffiċli li wieħed jipprova li offerent kellu għarfien effettiv ta’ xi irregolarità, u l-ħtieġa ta’ prova bħal din ma tkunx konsistenti mal-bżonn ta’ proċedura ta’ reviżjoni rapida.

67.   Għalhekk jidher li jkun aħjar li t-test jiġi fformulat f’termini ta’ standard ta’ għarfien preżunt jew oġġettiv. Il-Qorti tal-Ġustizzja diġà applikat standard oġġettiv fir-rigward tal-kapaċità ta’ l-offerenti li jinterpretaw il-kriterji ta’ l-għoti ta’ kuntratt fid-dawl tal-prinċipju ta’ trattament ugwali fl-għoti ta’ kuntratti pubbliċi, jiġifieri l-kapaċità ta’ “offerent raġonevolment informat u normalment diliġenti”. (36) L-istess formula tidher li hija xierqa sabiex jiġi ddeterminat liema għarfien ta’ irregolarità fil-kuntest ta’ proċedura ta’ sejħa għal offerti jista’ jiġi raġonevolment attribwit lil offerent.

68.   “Offerent raġonevolment informat u normalment diliġenti” jista’ jiġi meqjus li għandu esperjenza fil-preżentazzjoni ta’ offerti fil-qasam partikolari tiegħu. Jista’ jkun mistenni li jkollu għarfien ġenerali u li jkun jifhem ċerti kunsiderazzjonijiet legali ewlenin li jaffettwaw is-swieq li jopera fihom. Fil-kuntest ta’ din il-kawża, dan ikun jinvolvi għarfien ġenerali tal-proċeduri ta’ sejħa għal offerti fuq livell nazzjonali u fuq livell Komunitarju u tal-limiti massimi rilevanti, inklużi l-possibbiltajiet ta’ kontestazzjoni ta’ deċiżjonijiet taħt iż-żewġ proċeduri u t-termini sabiex jitressqu dawn il-kontestazzjonijiet.

69.   Liema informazzjoni għandha tkun disponibbli sabiex offerent bħal dan ikun jista’, f’ċirkustanzi bħal dawk ta’ din il-kawża, jaċċerta ruħu li saret għażla żbaljata tal-proċedura?

70.   Jiena ma naqbilx ma’ Bremen li l-pubblikazzjoni ta’ l-istima tal-valur tal-kuntratt tista’ toħloq distorsjoni tal-kompetizzjoni. Wara kollox, il-leġiżlazzjoni Komunitarja dwar il-kuntratti pubbliċi, li l-għan ewlieni tagħha huwa l-promozzjoni tal-kompetizzjoni, teħtieġ li f’ċerti każijiet jiġu ppubblikati l-istimi tal-valuri tal-kuntratti. (37)

71.   Peress li l-għażla tal-proċedura tiddependi mill-valur totali stmat tal-kuntratt, l-informazzjoni għandha tippermetti lill-offerent li jikkalkula dak il-valur. Dan għandu jinkludi mhux biss l-oġġetti li għandhom jiġu pprovduti, imma wkoll l-ispiża għal xi appoġġ, taħriġ jew manutenzjoni inklużi fil-kuntratt. Jiena naċċetta s-sottomissjoni tal-Litwanja dwar dan il-punt, jiġifieri li hija biss indikazzjoni ċara u sħiħa ta’ l-iskop jew il-volum tal-proġett li tista’ tippermetti lil offerent, fuq il-bażi ta’ l-esperjenza u l-għarfien tiegħu tar-rati tas-suq, jikkalkula l-valur totali stmat.

72.   L-eżistenza ta’ tali rekwiżit ta’ informazzjoni, flimkien ma’ l-applikazzjoni tal-kriterji ta’ l-għarfien u l-esperjenza attribwibbli lil offerent raġonevolment informat u normalment diliġenti, għandha ttaffi l-preokkupazzjonijiet tal-qorti tar-rinviju fir-rigward tal-possibbiltà ta’ abbuż fir-rigward tal-kapaċità ta’ l-awtorità kontraenti li tieħu vantaġġ minn offerent mhux attent.(38)

73.   Jiena ma naħsibx li din l-informazzjoni għandha neċessarjament tidher fl-avviż tas-sejħa għal offerti nnifsu. Offerent jista’ raġonevolment ikun mistenni li jaġixxi fuq ir-referenzi li jkun hemm fl-avviż għal dokumenti oħrajn, sakemm ikun indikat b’mod ċar minn fejn dawn jistgħu jinkisbu. F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li l-kriterji ta’ għoti ta’ kuntratt huma kompatibbli mal-prinċipju ta’ trattament ugwali jekk ikunu msemmija fid-dokumenti tal-kuntratt jew fl-avviż tal-kuntratt.(39) Jekk l-informazzjoni meħtieġa li tiddetermina l-iskop tal-kuntratt tkun tinsab fid-dokumenti, it-terminu sabiex tiġi kkontestata irregolarità jibda jiddekorri biss hekk kif l-offerent seta’ jikseb dawn id-dokumenti, jew kien ikun jista’ jiksibhom kieku aġixxa fil-pront.

74.   Madankollu, jiena ma naħsibx li s-sempliċi fatt li fl-avviż oriġinali tas-sejħa għal offerti ma ġiex indikat l-iskop jew il-volum stmat tal-kuntratt huwa biżżejjed sabiex offerent raġonevolment informat u normalment diliġenti jinduna li l-awtorità kontraenti kienet għamlet stima żbaljata tal-valur tas-sejħa għal offerti. Anki jekk dan in-nuqqas, minnu nnifisu, jikkostitwixxi irregolarità, li offerent ikun meħtieġ jikkontestaha sabiex jiskopri jekk kinitx qed taħbi xi irregolarità ulterjuri li tista’ taffettwa d-drittijiet ta’ l-offerent jidhirli li tirrendi l-eżerċizzju ta’ dawn id-drittijiet eċċessivament diffiċli, b’mod partikolari, tenut kont tat-terminu ta’ preskrizzjoni. A fortiori dan huwa l-każ jekk, ta’ l-inqas, hemm dubju dwar jekk l-istipulazzjoni taħt il-paragrafu 17(1)(2)(c) tal-VOL/A li jiġi ppubblikat l-iskop tal-kuntratt hijiex vinkolanti. (40)

75.   Fl-aħħar hija l-qorti nazzjonali, bħala l-uniku Mħallef li jista’ jiddeċiedi dwar il-fatti, li tiddeċiedi f’liema stadju (jekk ikun il-każ) offerent raġonevolment informat u normalment diliġenti kellu jiskopri li ġiet użata proċedura żbaljata. Madankollu l-osservazzjonijiet li ġejjin jistgħu jkunu ta’ għajnuna.

76.   F’din il-kawża, id-dokumenti tas-sejħa għal offerti setgħu faċilment jitniżżlu mill-websajt ta’ Bremen. Madankollu, milli jidher la l-avviż innifsu u lanqas id-dokumenti tas-sejħa għal offerti ma kienu jiddikjaraw l-iskop jew il-volum tal-proġett.

77.   Huwa veru li l-parti tal-“kuntratt ta’ servizz” tad-dokument tal-prezz kienet tispeċifika taħriġ għal madwar 300 impjegat u 10 amministraturi, u d-dokument li jirrigwarda l-għan kien jindika li madwar 310 impjegati kienu ser jaħdmu bis-sistema. Madankollu, it-talba biex jiġu indikati il-prezzijiet għal meded differenti ta’ numru ta’ liċenzji possibbli fil-parti tal-“kuntratt ta’ liċenzji” tad-dokument tal-prezz setgħet raġonevolment tiġi interpretata fis-sens li setgħu jittieħdu in kunsiderazzjoni numru iżgħar ta’ liċenzji jew li n-numru finali ta’ liċenzji kien għadu ma ġiex iddeterminat (aħseb u ara kemm liċenzji kellhom ikunu sħaħ kontra read-only).(41)

78.   Lämmerzahl ikkuntatjat lil Bremen ta’ l-inqas f’żewġ okkażjonijiet biex issir taf aktar dettalji dwar is-sejħa għal offerti. Fit-tieni sensiela ta’ domandi tagħha hija għamlitha ċara li kienet qed tassumi li 310 liċenzji kienu meħtieġa. Imma dan qatt ma ġie espressament ikkonfermat minn Bremen. L-aktar li jista’ jingħad huwa li Bremen, billi ma kkontradixxietx din iċ-ċifra fit-tweġiba tagħha tas-6 ta’ April taċitament approvat is-suppożizzjoni ta’ Lämmerzahl li madwar 310 licenzji kienu meħtieġa.

79.   Fil-qosor, jidher li la l-avviż tas-sejħa għal offerti u d-dokumenti u lanqas l-informazzjoni li Bremen sussegwentement ipprovdiet ma kienu espliċitament jindikaw kemm liċenzji kienu meħtieġa. Madankollu, huwa ċar li Lämmerzahl ippreżentat sejħa għal offerti li l-valur tagħha kien tliet darbiet aktar mil-limitu massimu għal sejħiet għal offerti fuq livell Komunitarju.

80.   Fid-dawl ta’ dan kollu, hija l-qorti nazzjonali li għandha tiddeċiedi jekk, fiċ-ċirkustanzi kollha, l-applikazzjoni tat-tieni sentenza tal-paragrafu 107(3) tal-GWB kinitx tagħti protezzjoni effettiva. Dan kien ikun il-każ kieku l-informazzjoni fuq l-avviż tas-sejħa għal offerti jew id-dokumenti għamlitha possibbli għal offerent raġonevolment informat u normalment diliġenti li jiskopri li ġiet użata l-proċedura żbaljata. Jekk mhuwiex possibbli li din id-dispożizzjoni tiġi interpretata b’mod li tkun kompatibbli ma’ l-Artikolu 1(1) tad-Direttiva 89/665, ta’ l-ewwel m’għandiex tiġi applikata(42) u għandha tiġi applikata ta’ l-aħħar, li għandha effett dirett (43).

 Konklużjoni

81.            Jiena għalhekk nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha tgħaqqad iż-żewġ domandi flimkien u tweġibhom bil-mod li ġej:

82.   “Jekk offerent ma jikkontestax, fit-terminu stabbilit mil-liġi nazzjonali, għażla ta’ proċedura li b’mod inkorrett tqiegħed avviż ta’ sejħa għal offerti barra mill-iskop tal-protezzjoni tal-Komunità, id-Direttiva tal-Kunsill 89/665/KEE, tal-21 ta’ Diċembru 1989, dwar il-koordinazzjoni tal-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi rigward l-applikazzjoni tal-proċeduri ta’ reviżjoni għall-għoti ta’ kuntratti ta’ provvista pubblika u xogħlijiet pubbliċi [kuntratti pubbliċi għal provvisti u xogħlijiet], ma tipprekludix li l-offerent jiġi eskluż mid-dritt mogħti lilu minn dik id-direttiva għar-reviżjoni ta’ deċiżjonijiet ulterjuri fil-proċedura tas-sejħa għal offerti, sakemm l-applikazzjoni tat-terminu stabbilit ma jrendix il-kontestazzjoni ta’ l-għażla tal-proċedura fiċ-ċirkustanzi partikolari prattikament impossibbli jew eċċessivament diffiċli. Dan ikun il-każ jekk l-informazzjoni disponibbli fuq l-avviż tas-sejħa għal offerti jew id-dokumenti tas-sejħa għal offerti ma jkunux biżżejjed sabiex offerent raġonevolment informat u normalment diliġenti jkun jista’ jiskopri li tkun ġiet użata l-proċedura żbaljata. Hija l-qorti nazzjonali li għandha tivverifika dan f’każ partikolari.”


1 – Lingwa oriġinali: l-Ingliż.


2 – Direttiva tal-Kunsill 89/665/KEE, tal-21 ta’ Diċembru 1989, dwar il-koordinazzjoni tal-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi rigward l-applikazzjoni tal-proċeduri ta’ reviżjoni għall-għoti ta’ kuntratti pubbliċi ta’ provvista pubblika u xogħlijiet pubbliċi [kuntratti pubbliċi għal provvisti u xogħlijiet] (ĠU 1989 L 395, p. 33), kif emendata bid-Direttiva tal-Kunsill 92/50/KEE, tat-18 ta’ Ġunju 1992, relatata mal-koordinazzjoni ta’ proċeduri għall-għoti ta’ kuntratti tas-servizz pubbliku [kuntratti pubbliċi għal servizzi] (ĠU 1992 L 209, p. 1).


3 – (ĠU 1977 L 13, p. 1) Din id-direttiva ġiet imħassra u mibdula bid-Direttiva tal-Kunsill 93/36/KEE, ta’ l-14 ta’ Ġunju 1993, li tikkoordina proċeduri għall-għoti ta’ kuntratti pubbliċi ta’ provvista (ĠU 1993 L 199, p. 1) kif emendata bid-Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 97/52/KE, tat-13 ta’ Ottubru 1997 (ĠU 1997 L 328, p. 1) u d-Direttiva tal-Kummissjoni 2001/78/KE, tat-13 Settembru 2001 (ĠU 2001 L 285, p. 1). Id-Direttiva 93/36 kienet imħassra u mibdula bid-Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2004/18/KE, tal-31 ta’ Marzu 2004 fuq koordinazzjoni ta’ proċeduri għall-għoti ta’ kuntratti għal xogħlijiet pubbliċi, kuntratti għal provvisti pubbliċi u kuntratti għal servizzi pubbliċi (ĠU 2004 L 134, p. 114).


4 – Ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna 2. Id-Direttiva 92/50 ġiet emendata bid-Direttivi 93/36, 97/52 u 2001/78 u mħassra, ħlief għall-Artikolu 41 (li ġie emendat bl-Artikolu 1(1) tad-Direttiva 89/665), bid-Direttiva 2004/18 (ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna 3 iktar ’il fuq). Skond l-Artikolu 2 tad-Direttiva 92/50 (u sussegwentement, il-paragrafu 2 ta’ l-Artikolu 1(2)(d) tad-Direttiva 2004/18), kuntratt li jinkludi kemm provvisti u servizzi huwa kkunsidrat bħala kuntratt ta’ servizz jekk il-valur tas-servizzi jaqbeż dak tal-prodotti pprovduti. Il-kuntratt in kwistjoni f’dan il-każ jinkludi kemm provvisti (liċenzji tas-softwer) u servizzi (taħriġ u manutenzjoni), li l-valuri relattivi tagħhom mhumiex ċari mid-dokumenti fil-proċess. Għalhekk mhuwiex ċert jekk jikkwalifikax bħala kuntratt ta’ provvista jew ta’ servizz. Madankollu, il-limitu massimu tal-valur li jġib kuntratt taħt l-iskop tad-Direttiva 89/665 huwa l-istess fiż-żewġ każijiet.


5 –      Ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna 3. Dispożizzjonijiet simili għall-Artikolu 10(1) u (1a) tad-Direttiva 93/36 jinstabu, għal kuntratti ta’ servizz pubbliku, fl-Artikolu 18(1) u (2) tad-Direttiva 92/50. Iż-żewġ settijiet ta’ dispożizzjonijiet ġew sussegwentement mibdula bl-Artikolu 38(2) u (4) tad-Direttiva 2004/18.


6 – It-traduzzjonijiet tat-titoli u d-dispożizzjonijiet tal-leġiżlazzjoni Ġermaniża ċċitati huma tiegħi stess.


7 – Gesetz gegen Wettbewerbsbeschränkungen tas-26 ta’ Awwissu 1998, BGBl I 1998, p. 2521. Ir-raba’ parti tinkludi l-paragrafi 97 sa 129. Hija mqassma fi tliet taqsimiet, it-tieni waħda minnhom (paragrafi 102 sa 124) tkopri l-proċeduri ta’ reviżjoni.


8 – Il-paragrafu 127(1) tal-GMB jagħti s-setgħa lill-Gvern Federali, bi qbil mal-Bundesrat (il-Kamra Għolja tal-Parlament Federali), li, permezz ta’ regolament, jittrasponi fil-liġi l-limiti tal-valuri f’direttivi Komunitarji dwar il-koordinazzjoni ta’ proċeduri għall-għoti ta’ kuntratti pubbliċi.


9 –      “[E]rkennbar” fl-oriġinal bil-Ġermaniż.


10 – Verordnung über die Vergabe öffentlicher Aufträge, 9 ta’ Jannar 2001, BGBl I 2001, p. 110.


11 – Ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna 8 iktar ’il fuq.


12 – Il-verżjoni ta’ l-2002 tas-17 ta’ Settembru 2002, Bundesanzeiger Nru 216a. It-Taqsimiet 1 u 2 ikopru, rispettivament, għotjiet li jkunu ogħla jew inqas mil-limitu massimu tal-Komunità. Il-paragrafi li jirrigwardaw kull taqsima għandhom l-istess numru. F’kull taqsima d-diċitura tal-paragrafu 17(1)(2)(c) hija l-istess.


13 – “Diese Bekanntmachung soll mindestens folgende Angaben enthalten: […] Art und Umfang der Leistung” fl-oriġinal bil-Ġermaniż.


14 – It-traduzzjonijiet ta’ partijiet mill-avviż tas-sejħa għal offerti u tad-dokumenti tas-sejħa għal offerti huma tiegħi stess.


15 – Fl-ittra tagħha tas-6 ta’ April 2005 (ara l-punt 20 iktar ’l isfel), Bremen qalet li l-liċenzja ta’ l-Istat kienet ser tkun għal numru illimitat ta’ liċenzji għal użu fi Bremen u f’Bremerhaven.


16 – Jidher li Bremen kienet użat il-proċedura nazzjonali tas-sejħa għal offerti bħala riżultat ta’ stima ta’ EUR 150 000 (li saret fl-2004) fuq il-bażi ta’ 150 minflok 310 liċenzji.


17 – Lämmerzahl tirreferi għal din id-dispożizzjoni fil-VOL/A bħala “mhux mandatorja”. Il-qorti tar-rinviju tiddikjara, madankollu, li l-kelma “soll” (“għandha”) ġeneralment tindika obbligu li wieħed jikkonforma, jekk ma jkunx hemm raġunijiet sodi li jipprovdu l-kuntrarju. Ara l-punt 12 iktar ’il fuq u n-nota relatata miegħu. Il-qorti tar-rinviju tislet l-interpretazzjoni tal-kelma “soll” mit-taqsima tal-“Kummenti Ġenerali” fl-aħħar tal-VOL/A.


18 – Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-fatt li jiġu stabbiliti perijodi raġonevoli ta’ żmien li fihom għandhom jinbdew proċeduri huwa kompatibbli ma’ l-Artikolu 1 tad-Direttiva 89/665: sentenza tat-12 ta’ Diċembru 2002, Universale-Bau et (C-470/99, Ġabra I-11617, punti 75 sa 79).


19 – Il-leġiżlatur Komunitarju impona ċerti rekwiżiti armonizzati fir-rigward ta’ kuntratti li l-valur tagħhom jeċċedi l-limitu massimu rilevanti: ara nota ta’ qiegħ il-paġna 3, iktar ’il fuq.


20 – Fil-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża C-195/04, Il-Kummissjoni vs Il-Finlandja, Ġabra I-0000, jiena ttrattajt dan l-argument fit-tul.


21 – Ara bħala eżempju s-sentenzi ta’ l-14 ta’ Diċembru 1995, Peterbroeck (C-312/93, Ġabra I-4599, punt 12 u l-ġurisprudenza ċċitata), u tat-13 ta’ Marzu 2007, Unibet (C-432/05, Ġabra I-0000, punt 43 u l-ġurisprudenza ċċitata).


22 – Ara s-sentenza tas-16 ta’ Mejju 2000, Preston et (C-78/98, Ġabra I-3201, punt 33 u l-ġurisprudenza iċċitata fiha).


23 – Iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 18.


24 – Sentenza Universale-Bau, punti 76 u 77.


25 – Sentenza tas-27 ta’ Frar 2003, Santex (C-327/00, Ġabra I-1877, punti 49 sa 66).


26 – Peterbroeck (iċċitata iktar ’il fuq, fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 21, punt 14).


27 – Idem, punti 56 u 57.


28 – Sentenza tat-12 ta’ Frar 2004, Grossmann Air Service (C-230/02, Ġabra I-1829, punt 37).


29 – F’dan il-każ ir-rikorrent kien jemmen li l-ispeċifikazzjonijiet tas-sejħa għall-offerti kienu jiddiskriminaw kontrih. Qabel id-deċiżjoni ta’ l-għoti huwa la kkontesta dawk l-ispeċifikazzjonijiet u lanqas ma kien għamel offerta. Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li rifjut li jiġi rikonoxxut l-interess ta’ rikorrenti li jikseb il-kuntratt partikolari fiċ-ċirkustanzi tal-każ ma fixkilx l-effettività tad-Direttiva 89/665.


30 – Sentenza Santex, punt 60.


31 – Sentenza tad-19 ta’ Ġunju 2003, GAT (C-315/01, Ġabra I-6351, punti 53 u 54), u ara wkoll il-punt 46 tal-konklużjonijiet ta’ l-Avukat Ġenerali Geelhoed.


32 – Sentenza GAT (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 31), punti 51 sa 54.


33 – Ara l-punt 13 iktar ’il fuq.


34 – Ara l-punt 8 iktar ’il fuq.


35 – Riċerka li saret mid-dipartimenti rilevanti tal-Qorti tal-Ġustizzja tindika li tali termini għall-kontestazzjoni ta’ sejħiet għal offerti jaqgħu taħt il-medda ta’ termini ta’ preskrizzjoni adottati minn Stati Membri oħrajn. It-termini li ġejjin japplikaw fil-pajjiżi fejn sar studju u li jikkunsidraw sejħa għal offerti bħala att li jista’ jkun suġġett għal stħarriġ ġudizzjarju u li jipprovdu għal reviżjoni ta’ tali sejħa jew espressament jew bħala parti minn sistema ġenerali ta’ reviżjoni: 7 jew 14-il ġurnata skond il-proċedura (l-Awstrija u l-Polonja), 14-il ġurnata (il-Finlandja), 15-il ġurnata (l-Ungerija), xahar (il-Portugall), l-aħħar data li fiha jistgħu jiġu ppreżentati offerti (is-Slovenja), xahrejn (il-Greċja u Spanja), tliet xhur (l-Irlanda u r-Renju Unit). L-ebda terminu mhuwa speċifikat fi Franza u fil-Lussemburgu. Fid-Danimarka, fl-Olanda u fl-Iżvezja, is-sejħa għal offerti tista’ tiġi kkontestata anki wara li l-kuntratt ikun ġie ffirmat.


36 – Sentenza tat-18 ta’ Ottubru 2001, SIAC (C-19/00, Ġabra I-7725, punt 42). Formulazzjoni oħra, mill-qasam tal-protezzjoni ta’ l-aspettattivi leġittimi, hija dik ta’ “operatur ekonomiku prudenti u attent”: ara, bħala eżempju, is-sentenza tat-22 ta’ Ġunju 2006, Il-Belgju u Forum 187 ASBL vs Il-Kummissjoni (kawżi magħquda C-182/03 u C-217/03, Ġabra I-5479). Bremen u l-Kummissjoni ssuġġerew iktar formulazzjonijiet possibbli (punti 42 u 44 iktar ’il fuq).


37 – Ara l-Anness VII A tad-Direttiva 2004/18 (nota ta’ qiegħ il-paġna 3 iktar ’il fuq), li daħal fis-seħħ wara l-fatti rilevanti għal din il-kawża. F’avviżi ta’ kuntratti, il-valur totali stmat ta’ xogħlijiet, provvisti jew servizzi fi ftehim qafas għandhom jiġu żvelati. F’avviżi ta’ informazzjoni preċedenti li jirrigwardaw kuntratti pubbliċi ta’ provvista, għandhom jingħataw il-kwantità jew il-valur tal-prodotti li għandhom jiġu fornuti.


38 – Ara l-punt 30 iktar ’il fuq.


39 – Sentenza SIAC (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 36), punti 40 u 42.


40 – Ara l-punt 29 iktar ’il fuq in fine.


41 – L-inkonsistenza bejn il-meded differenti ta’ numri ta’ liċenzji u ċ-ċifra ta’ 310 impjegati ma tistax tiġi spjegata b’mod sħiħ bil-permutazzjoni ta’ possibbiltajiet bejn liċenzji kompluti u read-only. In-numru massimu ta’ liċenzji read-only li għalihom kienu meħtieġa prezzijiet kien 100; u l-ewwel tliet meded li għalihom kienu mitluba prezzijiet jaqgħu taħt il-bilanċ (210) li jkun meħtieġ biex it-total jinġieb għal 310.


42 – Ara is-sentenza Santex (iċċitat iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 25), punti 63 sa 65 u l-ġurisprudenza ċċitata.


43 – Ara s-sentenza tat-2 ta’ Ġunju 2005, Koppensteiner (C-15/04, Ġabra I-4855, punt 38).

Top