EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62006CC0202

Konklużjonijiet ta' l-Avukat Ġenerali - Kokott - 26 ta' April 2007.
Cementbouw Handel & Industrie BV vs il-Kummisjoni tal-Komunitajiet Ewropej.
Appell - Kompetizzjoni - Regolament (KEE) Nru 4064/89 - Kompetenza tal-Kummissjoni - Notifika ta’ konċentrazzjoni b’dimensjoni Komunitarja - Impenji proposti mill-partijiet - Effett fuq il-kompetenza tal-Kummissjoni - Awtorizzazzjoni suġġetta għar-rispett ta’ ċerti impenji - Prinċipju ta’ proporzjonalità.
Kawża C-202/06 P.

Ġabra tal-Ġurisprudenza 2007 I-12129

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2007:255

KONKLUŻJONIJIET TA’ L-AVUKAT ĠENERALI

KOKOTT

ippreżentati fis-26 ta’ April 20071(1)

Kawża C‑202/06 P

Cementbouw Handel & Industrie BV

vs

Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej

“Appell – Kompetizzjoni – Kontroll ta’ operazzjonijiet ta’ konċentrazzjoni ta’ impriżi – Artikoli 1, 2, 3 u 8 tar-Regolament (KEE) Nru 4064/89 – Akkwist ta’ CVK u l-impriżi li huma membri tagħha minn Haniel u Cementbouw – Awtorizzazzjoni suġġetta għall-ħarsien ta’ ċerti impenji – Kompetenza esklużiva tal-Kummissjoni – Prinċipju ta’ proporzjonalità”





I –    Introduzzjoni

1.     Il-kawża preżenti jipprovdi opportunità sabiex tkun iċċarata d-delimitazzjoni tal-kompetenza bejn il-Komunità u l-Istati Membri f’kontroll ta’ konċentrazzjonijiet(2). Huwa neċessarju li jkun iċċarat iż-żmien rilevanti f’każ speċifiku ta’ konċentrazzjonijiet sabiex tkun iddeterminata l-awtorità kompetenti tal-kompetizzjoni. Għandu jkun eżaminat ukoll jekk dik l-awtorità tistax titlef il-kompetenza tagħha minħabba avvenimenti sussegwenti. Dawn id-domandi huma ta’ importanza prattika kbira kemm għall-partijiet ekonomiċi involuti u kif ukoll għall-awtoritajiet tal-kompetizzjoni fuq livell nazzjonali u Komunitarju li huma responsabbli għall-kontroll ta’ konċentrazzjonijiet.

2.     L-isfond ta’ din il-kawża huwa kontroll ta’ konċentrazzjonijiet rigward is-swieq għal materjal għall-bini ta’ ħitan, fosthom briks tar-ramel u ġir, fl-Olanda. Fl-1999 Cementbouw(3) u Haniel(4) akkwistaw kontroll komuni ta’ CVK(5) u l-impriżi membri tagħha. Għal din ir-raġuni żewġ gruppi ta’ tranżazzjonijiet kienu konklużi, li l-Kummissjoni kkunsidrat bħala konċentrazzjoni waħda bejn impriżi. Il-kompetenza tal-Kummissjoni sabiex teżamina l-kawża setgħet tkun aċċettata biss peress li dawn iż-żewġ gruppi ta’ tranżazzjonijiet kienu kkunsidrati bħala ħaġa waħda u meħuda flimkien marru lil hinn mil-limiti fuq id-dħul mill-bejgħ.

3.     Matul il-proċedimenti tal-kontroll ta’ konċentrazzjonijiet, il-Kummissjoni identifikat problemi ta’ kompetizzjoni. Madankollu, sabiex jirriżolvu dawn il-problemi, f’abbozz inizjali, Haniel u Cementbouw offrew biss impenji li jwasslu għal rinunzja tat-tieni grupp ta’ tranżazzjonijiet. Il-Kummissjoni ċaħdet dawk l-impenji peress li ma kinux se jirriżolvu l-problemi ta’ kompetizzjoni u awtorizzat il-konċentrazzjoni biss meta jkunu mogħtija impenji addizzjonali, li jinkludu rinunzja ta’ l-ewwel grupp ta’ tranżazzjonijiet.

4.     Quddiem il-qorti, Cementbouw issa ssostni illi l-Kummissjoni ma kinitx awtorizzata li tibbaża d-deċiżjoni tagħha fuq dawk l-impenji supplementari. Skond Cementbouw, ir-rinunzja tat-tieni grupp ta’ tranżazzjonijiet oriġinarjament offruti mill-impriżi kienet diġà tfisser li parti sostanzjali mill-konċentrazzjoni ma baqgħetx fis-seħħ u li fl-aħħar mill-aħħar il-Kummissjoni kienet se titlef il-kompetenza tagħha sabiex tiddeċiedi l-kawża għax il-limiti fuq id-dħul mill-bejgħ ma jkunux jistgħu jibqgħu jintlaħqu.

II – Il-kuntest ġuridiku

5.     Il-kuntest ġuridiku applikabbli f’dan il-każ huwa r-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 4064/89 tal-21 ta’ Diċembru 1989, dwar il-kontroll ta’ konċentrazzjonijiet bejn impriżi (iktar ’il quddiem ir-“Regolament dwar il-Konċentrazzjonijiet”)(6) kif emendat mir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1310/97(7).

6.     L-iskop materjali tar-Regolament dwar il-Konċentrazzjonijiet jinsab fl-Artikolu 1(1):

“[…] dan ir-Regolament għandu japplika għall-konċentrazzjonijiet kollha b’dimensjoni ta’ Komunità […]”

Kif ukoll, l-ewwel parti ta’ l-Artikolu 22(1) tar-Regolament dwar il-Konċentrazzjonijiet jipprovdi:

“Dan ir-Regolament waħdu għandu japplika għal konċentrazzjonijiet kif definiti fl-Artikolu 3 […]”

7.     L-Artikolu 3 tar-Regolament dwar il-Konċentrazzjonijiet jinkludi definizzjoni tat-terminu konċentrazzjoni, li tinkludi d-dispożizzjoni li ġejja:

“1.      Konċentrazzjoni għandha tiġi meqjusa li teżisti meta

a)      żewġ impriżi jew aktar li qabel kienu indipendenti jingħaqdu, jew

b)      –       persuna jew persuni li jkunu diġà qed jikkontrollaw mill-inqas impriża waħda, jew

         –       impriża jew impriżi

jiksbu, kemm jekk b’xiri ta’ titoli jew assi, b’kuntratt jew b’xi mezz ieħor, kontroll dirett jew indirett ta’ impriża waħda jew aktar jew xi partijiet minn dawn l-impriżi.

[…]”

8.     Konċentrazzjoni għandha dimensjoni Komunitarja jekk it-total madwar id-dinja u madwar il-Komunità tad-dħul fuq il-bejgħ jmur lil hinn minn ċerti limiti stabbiliti fl-Artikolu 1(2) u (3) tar-Regolament dwar il-Konċentrazzjonijiet. Artikolu 1(2) tar-Regolament dwar il-Konċentrazzjonijiet, li hu rilevanti għall-każ preżenti, jgħid dan li ġej:

“Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament, konċentrazzjoni jkollha dimensjoni Komunitarja meta:

(a)      il-valur totali tal-bejgħ globali ta’ l-impriżi kollha konċernati jkun aktar minn ECU 5000 miljuni, u

(b)      il-valur totali tal-bejgħ fil-Komunità kollha ta’ kull wieħed minn għall-inqas żewġ impriżi konċernati jkun aktar minn ECU 250 miljuni,

kemm-il darba kull waħda mill-impriżi konċernati tagħmel aktar minn żewġ terzi tal-bejgħ totali tagħha fil-Komunità fi Stat Membru wieħed.”

9.     Konċentrazzjonijiet b’dimensjoni Komunitarja huma suġġetti għal projbizzjoni fuq l-implementazzjoni u għandhom ikunu notifikati lill-Kummissjoni (Artikoli 4 u 7 tar-Regolament tal-Konċentrazzjonijiet). Huma eżaminati mill-Kummissjoni bl-iskop li tistabbilixxi jekk humiex kompatibbli mas-suq komuni (Artikolu 2(1) tar-Regolament dwar il-Konċentrazzjonijiet). Awtorizzazzjoni jew projbizzjoni ta’ konċentrazzjoni jiddependu fuq jekk joħolqux jew isaħħux pożizzjoni dominanti li minħabba fiha, kompetizzjoni effettiva tkun ostakolata b’mod sinjifikattiv fis-suq komuni jew f’parti sostanzjali tiegħu (Artikolu 2(2) u (3) tar-Regolament dwar il-Konċentrazzjonijiet).

10.   Projbizzjoni dejjem tirrikjedi proċedimenti formali dwar kontroll ta’ konċentrazzjonijiet (hija l-“Fażi II”; ara Artikolu 6(1)(ċ) u Artikolu 8(3) tar-Regolament dwar il-Konċentrazzjonijiet). Awtorizzazzjoni tista’ tkun ukoll ippreċeduta fil-bidu minn proċedimenti formali ta’ dan it-tip, kif ġara fil-każ preżenti(8). Sabiex ikunu eliminati problemi ta’ kompetizzjoni l-awtorizzazzjoni tista’ tkun magħmula suġġetta għal kundizzjonijiet u impenji. Għal dik ir-raġuni, l-Artikolu 8(2) tar-Regolament dwar il-Konċentrazzjonijiet tagħti dawn il-poteri ta’ teħid ta’ deċiżjonijiet lill-Kummissjoni:

“Fejn il-Kummissjoni ssib li, wara modifika mill-impriżi konċernati jekk neċessarju, konċentrazzjoni notifikata tissodisfa l-kriterju mpost bl-Artikolu 2(2) […] hija għandha toħroġ deċiżjoni fejn tiddikjara l-konċentrazzjoni kompatibbli mas-suq komuni.

Hija tista’ żżid mad-deċiżjoni kondizzjonijiet u obbligazzjonijiet maħsuba sabiex jassiguraw li l-impriżi kkonċernati josservaw l-wegħdiet li huma għamlu vis-à-vis l-Kummissjoni b’għan li jagħmlu l-konċentrazzjoni kompatibbli mas-suq komuni. […]”(9)

11.   Fl-Artikolu 21(1) u (2) tar-Regolament dwar il-Konċentrazzjonijiet, kompetenza għall-kontroll ta’ konċentrazzjonijiet bejn impriżi hija definita kif ġej:

“(1)      Bla ħsara għal reviżjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-Kummissjoni għandu jkollha l-kompetenza esklussiva li tieħu deċiżjonijiet previsti f’dan ir-Regolament.

(2)      L-ebda Stat Membru m’għandu japplika l-liġi nazzjonali tiegħu dwar il-kompetizzjoni għal kull konċentrazzjoni li għandha dimensjoni Komunitarja.

[…]”

12.   Barra minn hekk, id-29 premessa fil-preambolu tar-Regolament dwar il-Konċentrazzjonijiet tagħmilha ċara li:

“[…] konċentrazzjoniji mhux koperti b’dan ir-Regolament jaqgħu, fil-prinċipju, fil-ġurisdizzjoni ta’ l-Istati Membri. […]”

13.   Fl-2004 ir-Regolament dwar il-Konċentrazzjonijiet kien emendat b’mod sostanzjali. Madankollu, skond l-Artikolu 26(1) tar-Regolament KE dwar il-Konċentrazzjonijiet il-ġdid(10), dak ir-regolament huwa applikabbli biss mill-1 ta’ Mejju 2004 u għalhekk mhuwiex rilevanti għall-każ preżenti; skond l-Artikolu 26(2), is-sitwazzjoni legali ta’ qabel tkompli tapplika f’każijiet bħal ma hu dak preżenti.

III – Fatti u proċedura

A –    Fatti

14.   Skond il-bażi tar-riżultati tal-Qorti tal-Prim’Istanza(11), il-fatti tal-kawża fil-qosor huma kif ġej.

15.   CVK eżistiet mill-1947 u kienet inizjalment responsabbli sabiex tbigħ il-prodotti ta’ l-impriżi membri tagħha, l-produtturi ta’ l-Olanda ta’ briks tar-ramel u ġir. Fl-1989 kienet mibdula f’kooperattiva skond il-liġi Olandiża sabiex ittejjeb il-kooperazzjoni bejn il-membri tagħha.

16.   Qabel il-konċentrazzjoni li tifforma l-bażi tal-proċedimenti preżenti, ħamsa mill-ħdax-il impriża membri ta’ CVK kienu sussidjarji ta’ Haniel, tlieta kienu sussidjarji ta’ Cementbouw, tnejn kienu sussidjarji ta’ RAG(12) u impriża waħda kienet proprjetà komuni ta’ Haniel, Cementbouw u RAG.

17.   Fl-1998 l-awtorità Olandiża kompetenti għall-kompetizzjoni, l-“NMa”(13), kienet notifikata bi proposta li permezz tagħha CVK kellha takkwista l-kontroll ta’ l-impriżi membri tagħha. Il-kontroll kellu jkun trasferit fil-kuntest ta’ kuntratt ta’ pooling u permezz ta’ emenda ta’ l-artikoli ta’ assoċjazzjoni ta’ CVK. Skond deċiżjoni ta’ l-20 ta’ Ottubru 1998, l-NMa awtorizzat il-mekkaniżmu propost.

18.   Qabel ma kien implementat dan il-mekkaniżmu, RAG iddeċidiet tbigħ l-ishma tagħha fl-impriżi membri ta’ CVK lil Haniel u Cementbouw. F’Marzu 1999 il-partijiet informaw l-NMa bl-intenzjonijiet tagħhom. Permezz ta’ ittra tas-26 ta’ Marzu 1999, l-NMa informat il-partijiet li t-trasferiment propost ma kienx se jikkostitwixxi konċentrazzjoni fit-tifsira tar-regoli Olandiżi applikabbli(14). sakemm il-konċentrazzjoni awtorizzata mid-deċiżjoni ta’ l-20 ta’ Ottubru 1998 tkun kompluta mhux iktar tard miż-żmien tat-trasferiment li kien issa ppjanat.

19.   Fid-9 ta’ Awwissu 1999, numru ta’ tranżazzjonijiet differenti kienu magħmula bejn iż-żewġ partijiet, li jistgħu jkunu kklassifikati f’żewġ gruppi: minn naħa, CVK u l-impriżi membri tagħha kkonkludew li l-kuntratt ta’ pooling fuq imsemmi(15); l-artikoli ta’ assoċjazzjoni ta’ CVK kienu emendati fl-istess data sabiex jieħdu in kunsiderazzjoni d-dispożizzjonijiet tal-ftehim ta’ pooling (l-ewwel grupp ta’ tranżazzjonijiet). Għaldaqstant, fid-9 ta’ Awwissu 1999 ukoll, RAG ittrasferiet l-ishma tagħha fi tliet impriżi membri ta’ CVK lil Haniel u Cementbouw, u Haniel u Cementbouw ikkonkludew ftehim ta’ kooperazzjoni li jirregola l-kooperazzjoni tagħhom f’CVK (it-tieni grupp ta’ tranżazzjonijiet).

B –    Il-proċedura quddiem il-Kummissjoni, l-impenji u d-deċiżjoni kkontestata

20.   Il-Kummissjoni saret taf bit-tranżazzjonijiet tad-9 ta’ Awwissu 1999 meta eżaminat żewġ konċentrazzjonijiet oħra(16) notifikati permezz ta’ Haniel u, permezz ta’ ittra tat-22 ta’ Ottubru 2001, informat lil Cementbouw u l-impriżi l-oħra li ppparteċipaw li t-tranżazzjoni għandha tkun notifikata lilha. Haniel u Cementbouw imbagħad innotifikaw il-konċentrazzjoni skond l-Artikolu 4 tar-Regolament dwar il-Konċentrazzjonijiet fl-24 ta’ Jannar 2002.

21.   Fil-25 ta’ Frar 2002 il-Kummissjoni bdiet il-proċedura ta’ eżaminazzjoni formali skond l-Artikolu 6(1)(ċ) tar-Regolament dwar il-Konċentrazzjonijiet għax il-konċentrazzjoni notifikata ħolqot dubji serji rigward il-kompatibbiltà tagħha mas-suq komuni u mal-ftehim taż-ŻEE(17).

22.   Wara li l-Kummissjoni kienet ħarġet il-lista ta’ oġġezzjonijiet u semgħet il-partijiet konċernati, fit-28 ta’ Mejju 2002 Haniel u Cementbouw issottemettew impenji ta’ abbozz li jinkludu konċessjonijiet rigward it-tieni grupp ta’ tranżazzjonijiet. Dawk l-impenji essenzjalment kienu jipprovdu illi Haniel u Cementbouw iwaqqfu l-ftehim ta’ kooperazzjoni tagħhom u li l-ishma tagħhom f’impriżi membri ta’ CVK, akkwistati minn RAG fl-1999, ikunu mibjugħa lil terza persuna indipendenti. Min-naħa l-oħra, kemm il-kuntratt ta’ pooling kif ukoll il-bidla fl-artikoli ta’ assoċjazzjoni ta’ CVK (l-ewwel grupp ta’ tranżazzjonijiet) kellhom ikunu miżmuma(18). Fl-opinjoni tal-Kummissjoni, dawk l-impenji ta’ abbozz ma kinux biżżejjed sabiex jirrisolvu l-problemi ta’ kompetizzjoni li kienet identifikat, li kienu konnessi b’mod partikolari mal-kuntratt ta’ pooling, fi kliem ieħor, ma’ l-ewwel grupp ta’ tranżazzjonijiet.

23.   F’dawn iċ-ċirkustanzi, fil-5 ta’ Ġunju 2002 iż-żewġ impriżi ssottomettew impenji finali, li fihom huma ftehmu wkoll li jirrevokaw il-kuntratt ta’ pooling sa ċertu perijodu, u li jneħħu l-emenda ta’ l-artikoli ta’ assoċjazzjoni ta’ CVK u li jxolju CVK(19).

24.   Fis-26 ta’ Ġunju 2002 il-Kummissjoni adottat id-deċiżjoni kkontestata(20), ibbażata fuq l-Artikolu 8(2) tar-Regolament dwar il-Konċentrazzjonijiet, li fiha kkunsidrat li l-konċentrazzjoni notifikata kienet kompatibbli mas-suq komuni u l-Ftehim ŻEE, iżda għamlet dik l-awtorizzazzjoni suġġetta għall-ħarsien totali ta’ l-impenji finali mogħtija minn Haniel u Cementbouw. B’mod partikolari, l-awtorizzazzjoni tal-konċentrazzjoni kienet ukoll suġġetta għall-kundizzjoni li CVK tkun xolta sa ċertu żmien skond l-impenji finali mogħtija minn Haniel u Cementbouw.

C –    Il-proċedimenti quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza

25.   Fil-11 ta’ Settembru 2002 Cementbouw ippreżentat rikors kontra d-deċiżjoni kkontestata quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza, fejn talbietha tannulla dik id-deċiżjoni u tordna lill-Kummissjoni tbati l-ispejjeż. Il-Kummissjoni, min-naħa l-oħra, talbet lill-Qorti tal-Ġustizzja tiċħad l-applikazzjoni u tordna lil Cementbouw tbati l-ispejjeż.

26.   Skond is-sentenza tat-23 ta’ Frar 2006 (iktar ‘il quddiem is-“sentenza appellata”),(21) il-Qorti tal-Prim’Istanza ddefendiet id-deċiżjoni kkontestata fit-totalità tagħha. Hija ċaħdet l-azzjoni magħmula minn Cementbouw u ordnat lil din l-impriża sabiex tħallas l-ispejjeż.

27.   Permezz ta’ l-appell tagħha, iddepożitat fir-Reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja fl-4 ta’ Mejju 2006, Cementbouw issa titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

–       tannulla s-sentenza appellata;

–       jekk tikkunsidra li hu xieraq, tirreferi l-każ lura lill-Qorti tal-Prim’Istanza; u

–       tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

28.   Il-Kummissjoni titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

–       tiċħad l-appell; u

–       tikkundanna lil Cementbouw għall-ispejjeż.

29.   Quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, ġew ippreżentati l-ewwel is-sottomissjonijiet bil-miktub u mbagħad, fit-22 ta’ Marzu 2007, saret is-seduta.

IV – Evalwazzjoni

A –    Rimarki introduttivi

30.   Id-delimitazzjoni tal-kompetenza rispettiva tal-Komunità u ta’ l-Istati Membri hija ċertament mhux biss punt “kostituzzjonali”, kif inhu diskuss ripetutament fil-kuntest tal-liġi primarja, reċentament bħala eżempju b’konnessjoni mat-Trattat li jistabbilixxi l-Kostituzzjoni għall-Ewropa(22). Pjuttost, din il-problema teżisti wkoll fil-prattika ta’ kuljum ta’ l-awtoritajiet fuq livell Komunitarju u fuq livell nazzjonali. Il-kontroll ta’ konċentrazzjonijiet huwa eżempju partikolarment ċar ta’ dan.

31.   Bħala prinċipju, ir-Regolament dwar il-Konċentrazzjonijiet jagħti definizzjoni ċara ta’ kompetenza skond il-prinċipju ta’ esklużività doppja: konċentrazzjonijiet b’dimensjoni Komunitarja huma eżaminati biss mill-Kummissjoni, bħala l-awtorità inkarigata minn kwistjonijiet dwar kompetizzjoni fil-Komunità, u huma evalwati mill-Kummissjoni biss b’referenza għar-Regolament dwar il-Konċentrazzjonijiet (Artikolu 21(1) u (2) u l-ewwel parti ta’ l-Artikolu 22(1) tar-Regolament dwar il-Konċentrazzjonijiet).

32.   Madankollu, il-każ preżenti juri biċ-ċar illi f’każ speċifiku argument jista’ jinħoloq xorta rigward liema awtorità tal-kompetizzjoni fil-Komunità għandha kompetenza sabiex teżamina u tawtorizza konċentrazzjoni bejn impriżi.

33.   Il-Kummissjoni aċċettat kompetenza f’dan il-każ(23), għax ikkunsidrat iż-żewġ gruppi ta’ tranżazzjonijiet konklużi fid-9 ta’ Awwissu 1999(24) bħala partijiet minn operazzjoni waħda(25) li, meħuda fit-totalità tagħha, tinkludi l-kriterji għal konċentrazzjoni b’dimensjoni Komunitarja skond l-Artikolu 3(1) flimkien ma’ l-Artikolu 1(1) u (2) tar-Regolament dwar il-Konċentrazzjonijiet u, b’mod partikolari, marret lil hinn mil-limiti fuq id-dħul tal-bejgħ rilevanti. Il-Kummissjoni żammet il-kompetenza tagħha fl-istadji sussegwenti tal-proċedimenti, meta l-impriżi konċernati lilha ppreżentaw l-impenji ta’ abbozz tat-28 ta’ Mejju 2002 li fihom kienu ppreparati li jirrinunzjaw għall-parti tagħhom tal-konċentrazzjoni: it-tieni grupp ta’ tranżazzjonijiet.

34.   Cementbouw ikkontestat id-deċiżjoni kkontestata quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza fuq żewġ punti: l-impriża kkontestat kemm il-kompetenza inizjali tal-Kummissjoni kif ukoll il-kompetenza li tissokta fir-rigward ta’ l-approvazzjoni ta’ impenji li jmorru lil hinn minn dawk ta’ l-abbozz tat-28 ta’ Mejju 2002. Madankollu, il-Qorti tal-Prim’Istanza qablet mad-deċiżjoni kkontestata fuq iż-żewġ punti(26).

35.   L-appell ta’ Cementbouw ma jindirizzax iktar il-punti kollha li kienu s-suġġett tal-proċedimenti fl-ewwel istanza. Huwa jikkuntesta biss l-osservazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza dwar il-ġurisdizzjonii tal-Qorti li tissokta wara l-impenji ta’ abbozz tat-28 ta’ Mejju 2002. Min-naħa l-oħra, Cementbouw b’mod partikolari ma kkontestatx il-kompetenza inizjali tal-Kummissjoni, li kienet ibbażata fuq l-opinjoni li ż-żewġ gruppi ta’ tranżazzjonijiet tad-9 ta’ Awwissu 1999 flimkien kienu jikkostitwixxu operazzjoni waħda.

B –    Fuq l-ewwel aggravju ta’ l-appell

36.   Permezz ta’ l-ewwel aggravju ta’ l-appell, Cementbouw issostni li l-Qorti tal-Prim’Istanza żbaljat fil-liġi meta interpretat u applikat l-Artikoli 1, 2 u 3(1) tar-Regolament dwar il-Konċentrazzjonijiet(27). Hija kienet konformi mad-deċiżjoni kkontestata avolja l-konċessjonijiet offruti mill-impriżi kkonċernati fl-impenji ta’ abbozz kienu diġà jirriżultaw f’telfa tal-kompetenza tal-Kummissjoni, kieku dawn aċċettaw. Fuq bażi ta’ nuqqas ta’ kompetenza, il-Kummissjoni għalhekk ma setgħetx tibqa’ tibbaża l-awtorizzazzjoni tagħha tal-konċentrazzjoni fuq l-impenji finali ta’ importanza kbira mogħtija minn Haniel u Cementbouw.

37.   L-argument ta’ Cementbouw huwa bażikament dan li ġej: il-kompetenza tal-Kummissjoni rigward il-konċentrazzjoni notifikata lilha seħħet biss bħala riżultat tal-fatt li ż-żewġ gruppi ta’ tranżazzjonijiet kienu eżaminati flimkien. Huwa bissa jekk it-tnejn li huma jkunu eżaminati flimkien li l-limiti fuq id-dħul tal-bejgħ stabbiliti fl-Artikolu 1 tar-Regolament dwar il-Konċentrazzjonijiet ikunu maqbuża u l-konċentrazzjoni għalhek takkwista dimensjoni Komunitarja. Permezz ta’ l-impenji ta’ abbozz tagħhom, madankollu, Haniel u Cementbouw kienu offrew li jirrinunzjaw il-parti tagħhom tal-konċentrazzjoni li kienet ibbażata fuq it-tieni grupp ta’ tranżazzjonijiet. Kif organizzata għal darb’oħra b’dan il-mod, il-konċentrazzjoni kienet taqa’ taħt il-limiti fuq id-dħul tal-bejgħ stabbiliti fir-Regolament dwar il-Konċentrazzjonijiet. L-unika parti li jibqa’ kienet tkun il-parti rigward l-ewwel grupp ta’ tranżazzjonijiet, li ma kienx ikollha fiha nnifisha dimensjoni Komunitarja peress illi l-limiti fuq id-dħul tal-bejgħ ma kinux ikunu milħuqa. Il-kompetenza tal-Komunità hija bbażata mhux biss fuq il-konċentrazzjoni notifikata, iżda wkoll fuq il-konċentrazzjoni li teżisti attwalment.

38.   Sabiex tkun ivverifikata l-validità ta’ dawn l-argumenti, huwa l-ewwel nett neċessarju li wieħed jassigura, fir-rigward ta’ kontroll ta’ konċentrazzjonijiet, liema huwa ż-żmien rilevanti sabiex tkun determinata l-kompetenza tal-Kummissjoni (ara t-taqsima 1 iktar ‘l isfel); imbagħad għandu jkun ikkunsidrat jekk u sa liema punt avvenimenti sussegwenti għandu jkollhom influwenza fuq il-kompetenza li l-Kummissjoni tkun kisbet qabel (ara t-taqsima 2 iktar ‘l isfel).

1.      Iż-żmien rilevanti sabiex tkun determinata l-kompetenza tal-Kummissjoni

39.   Ir-Regolament dwar il-Konċentrazzjonijiet ma jiddefinixxix b’mod speċifiku ż-żmien rilevanti li fih tkun determinata l-kompetenza tal-Kummissjoni sabiex twettaq proċedimenti ta’ kontroll ta’ konċentrazzjoni. Ir-regolament sempliċement jiddikjara illi l-Kummissjoni għandha teżamina u wkoll tieħu deċiżjoni rigward il-kompetenza tagħha stess fil-fażi tal-bidu (ara l-Artikolu 4(3) u l-Artikolu 6(1) tar-Regolament dwar il-Konċentrazzjonijiet)(28). iżda mhux iż-żmien preċiż – u għalhekk liema bażi fattwali- għandha tkun użata għall-eżaminazzjoni tagħha. Dan iż-żmien rilevanti għandu għalhekk ikun aċċertat skond l-ispirtu u l-iskop tar-regoli rigward kompetenza u l-kuntest regolatorju tagħhom.

40.   Kif diġà msemmi,(29) ir-Regolament dwar il-Konċentrazzjonijiet huwa bbażat fuq il-prinċipju ta’ diviżjoni ta’ poteri bejn l-awtoritajiet ta’ sorveljanza ta’ l-Istati Membri u dawk tal-Komunità, u l-Kummissjoni għandha l-kompetenza assoluta sabiex tieħu d-deċiżjonijiet kollha rigward il-konċentrazzjonijiet b’dimensjoni Komunitarja.(30)

41.   Barra minn hekk, is-sistema maħluqa mir-Regolament ta’ Koncentrazzjoni hija kkaratterizzata minn bżonn ta’ għaġla, li sseħħ permezz ta’ sistema bbilanċjata u komparattivament stretta ta’ limiti taż-żmien u li tipprova tillimita t-tul tal-proċedimenti ta’ kontroll ta’ konċentrazzjonijiet(31).

42.   Kemm id-diviżjoni tal-poteri kif ukoll il-ħeffa fil-proċedimenti jservu sabiex jippromovu ċertezza legali u fl-aħħar mill-aħħar jirriflettu l-mira li r-rekwiżiti ta’ amministrazzjoni tajba jkunu kompatibbli ma’ dawk tal-ħajja kummerċjali(32). Il-kontroll ta’ konċentrazzjonijiet bejn impriżi mill-Kummissjoni, bħala l-awtorità tal-kompetizzjoni tal-Komunità, hija intenzjonata li tkun effiċjenti kemm jista’ jkun.

43.   Ċertezza legali u effiċjenza ta’ kontroll ta’ konċentrazzjonijiet skond il-liġi Komunitarja huma wkoll iktar b’saħħithom permezz tad-dmir ta’ notifikazzjoni u l-projbizzjoni ta’ implementazzjoni li huma suġġetti għalihom il-konċentrazzjonijiet b’dimensjoni Komunitarja (Artikoli 4 u 7 tar-Regolament dwar il-Konċentrazzjonijiet).

44.   Madankollu, sabiex tkun assigurata ċertezza legali massima kif ukoll attività amministrattiva tajba u effiċjenti f’perijodi qosra, l-awtorità tal-kompetizzjoni kompetenti sabiex teżamina każ partikolari għandu jkollha l-kapaċità li tkun identifikata fl-iktar mument kmieni possibbli.

45.   Id-data ta’ notifikazzjoni ta’ konċentrazzjoni lill-Kummissjoni tista’ tiġi kkunsidrata bħala d-data ta’ referenza sabiex tkun determinata l-kompetenza tal-Kummissjoni. Permezz ta’ eżaminazzjoni iktar dettaljata, madankollu, dik id-data ma tistax tkun deċiżiva, inkella l-impriżi konċernati jkunu jistgħu jinfluwenzaw b’mod arbitrarju d-diviżjoni ta’ poteri billi jinnotifikaw l-konċentrazzjoni f’data qabel jew wara(33). Barra minn hekk, skond l-opinjoni ta’ kummerċjanti diliġenti għandu jkun oġġettivament possibbli li jkun assigurat qabel ma attwalment iwettqu kwalunkwe dmir ta’ notifikazzjoni jekk il-konċentrazzjoni tagħhom taqax fl-iskop tar-Regolament dwar il-Konċentrazzjonijiet u għalhekk fil-kompetenza tal-Kummissjoni. Hekk biss jistgħu jaġixxu b’mod legali dawk il-kummerċjanti u jwettqu kif xieraq id-dmir tagħhom ta’ notifikazzjoni u l-projbizzjoni dwar implementazzjoni, u f’każ ta’ ksur għandhom iħallsu multi(34).

46.   Is-sitwazzjoni fattwali li teżisti biss fiż-żmien li fih kwalunkwe dmir ta’ notifikazzjoni jinħoloq huwa għalhekk deċiżiv. Fi kliem ieħor, il-kompetenza tal-Kummissjoni għandha tkun determinata permezz ta’ referenza għad-data minn liema konċentrazzjoni għandha tkun notifikata lilha jekk dan ikun neċessarju(35). Id-data rilevanti hija d-data li fiha l-impriżi kkonċernati jagħmlu ftehim kuntrattwali li jorbot(36) (ara l-Artikolu 4(1) tar-Regolament dwar il-Konċentrazzjonijiet)(37). Sa dak iż-żmien huwa oġġettivament possibbli li jkun assigurat jekk teżistix konċentrazzjoni b’dimensjoni Komunitarja jew le. Il-projbizzjoni dwar implementazzjoni stabbilita fir-Regolament dwar il-Konċentrazzjoni tibda wkoll f’dak iż-żmien għall-impriżi kkonċernati (ara l-Artikolu 7(1) tar-Regolament dwar il-Konċentrazzjonijiet).

2.      L-effetti ta’ avvenimenti sussegwenti fuq il-kompetenza tal-Kummissjoni

47.   Għadu jrid ikun eżaminat jekk u sa liema punt avveniment sussegwenti, b’mod partikolari dawk li jseħħu matul il-proċedimenti ta’ kontroll ta’ konċentrazzjoni, jistgħu jkollhom influwenza fuq il-kompetenza tal-Kummissjoni li akkwistat qabel.

48.   Huwa inevitabbli illi l-Kummissjoni titlef il-kompetenza tagħha sabiex teżamina konċentrazzjoni meta l-impriżi kkonċernati jabbandunaw kompletament il-konċentrazzjoni – li għadha mhix implementata – tagħhom(38). Il-proċedimenti ta’ kontroll ta’ konċentrazzjonijiet imbagħad ma jkollhomx skop(39).

49.   B’kuntrast ma’ dan, proċedimenti bħal dawn ċertament ma jitilfux l-iskop meta l-impriżi kkonċernati sempliċement jagħmlu ċertu modifikazzjonijiet lill-konċentrazzjoni tagħhom mingħajr ma jabbandunawha totalment. Anki jekk dawn il-modifikazzjonijiet huma estensivi ħafna u, skond l-impriżi kkonċernati, jaffettwaw l-essenza tal-konċentrazzjoni tagħhom(40), madankollu jħallu parti mill-konċentrazzjoni (fil-każ preżenti, l-ewwel grupp ta’ tranżazzjonijiet) li, skond l-intenzjoni tal-partijiet, jibqgħu jeżistu. Għall-kuntrarju ta’ l-opinjoni ta’ Cementbouw, dan jirrappreżenta differenza kwalitattiva fir-rigward ta’ l-abbandun totali tal-konċentrazzjoni.

50.   Il-proċedimenti ma jistgħux ikunu bla skop a fortiori meta, bħal f’dan il-każ, l-impriżi konċernati sempliċement iwegħdu lill-Kummissjoni li ser isiru ċerti modifikazzjonijiet mingħajr ma jpoġġuhom immedjatament fil-prattika. Għall-kuntrarju ta’ l-opinjoni ta’ Cementbouw, dawn l-impenji sempliċi ma jimmodifikawx direttament ir-realtà tal-konċentrazzjoni miftehma b’mod kuntrattwali mill-impriżi u l-effetti ekonomiċi tagħhom, speċjalment meta, kif fil-każ preżenti, il-konċentrazzjoni diġà kienet implementata.

51.   F’termini iktar ġenerali, is-sempliċi fatt li impriżi jagħmlu jew sempliċement jobbligaw ruħhom sabiex jagħmlu ċerti modifikazzjonijiet lill-konċentrazzjoni tagħhom matul il-proċedimenti ta’ kontroll ta’ konċentrazzjonijiet jista’ ma jinfluwenzax il-kompetenza li l-Kummissjoni akkwistat qabel. Jekk, kif fil-każ preżenti, għadha intenzjonata sabiex toħloq il-konċentrazzjoni jew iżżomm il-konċentrazzjoni diġà implementata, anki taċċetta t-tnaqqis sinjifikanti għall-forma oriġinali tagħhom, l-eżaminazzjoni tal-kompatibbiltà tagħhom mas-suq komuni jibqa’ ġustifikat.

52.   Dan hu implikat ukoll permezz tar-raġunijiet li minħabba fihom il-modifikazzjonijiet għal konċentrazzjoni huma magħmula jew imwettqa matul proċedimenti ta’ kontroll ta’ konċentrazzjonijiet. L-Artikolu 8(2) tar-Regolament dwar il-Konċentrazzjonijiet(41) jagħmilha ċara illi l-modifikazzjonijiet u l-konċessjonijiet magħmulha (u għalhekk l-“impenji”) jservu sabiex jikkonferixxu fuq il-konċentrazzjoni forma li hi kompatibbli mas-suq komuni. Permezz ta’ eżaminazzjoni iktar dettaljata huma għalhekk intenzjonati sempliċement sabiex jippermettu lill-Kummissjoni teżerċita l-poteri tagħha effettivament fi proċedimenti ta’ kontroll ta’ konċentrazzjonijiet, iżda mhux li titneħħa l-kompetenza tagħha f’każ partikolari.

53.   Is-sempliċi fatt li modifikazzjonijiet lil konċentrazzjoni huma magħmulha jew imwettqa, mingħajr ma dik il-konċentrazzjoni tkun kompletament abbandunata, ma tnaqqasx mill-mira fuq imsemmija li tkun assigurata ċertezza legali massima u attività amministrattiva tajba u effiċjenti fil-kontroll ta’ konċentrazzjonijiet ta’ l-importanza tagħha(42).

54.   Ma jkunx kompatibbli kemm mal-bżonn ta’ ċertezza legali kif ukoll mar-rekwiżiti ta’ attività amministrattiva tajba u effiċjenti f’perijodi qosra jekk il-kompetenza tal-Kummissjoni titqiegħed ripetutament f’dubju jew suġġetta għal bdil kostanti matul il-proċedimenti tal-kontroll ta’ konċentrazzjonijiet.

55.   Inkella, jista’ jkun hemm biża’ li każ jintbagħat ripetutament u mingħajr raġuni bejn il-Kummissjoni u wieħed jew iktar awtoritajiet ta’ kompetizzjoni nazzjonali, li tagħmel l-eżaminazzjoni għall-iskopijiet tal-liġi tal-kompetizzjoni iktar bil-mod u iktar onerużi u tintroduċi ħafna dubji, mhux biss għall-awtoritajiet konċernati iżda wkoll għall-impriżi involuti u għas-swieq. Barra minn hekk, ma jistax ma jkunx ikkunsidrat illi l-impriżi kkonċernati jistgħu deliberatement jagħmlu modifikazzjonijiet lill-konċentrazzjoni tagħhom matul il-proċedimenti ta’ kontroll ta’ konċentrazzjonijiet sabiex jeskluduha mill-kompetenza ta’ awtorità ta’ kompetizzjoni waħda u jġibuha fil-kompetenza ta’ awtorità oħra, ikkunsidrata bħala iktar konċiljanti: dan jista’ għalhekk jirriżulta f’forma ta’ “forum shopping”.

56.   Konsegwentement, ir-Regolament dwar il-Konċentrazzjonijiet ma jirrikjedix f’ebda punt li l-Kummissjoni twettaq eżaminazzjoni ġdida tal-kompetenza tagħha jekk l-impriżi kkonċernati jimmodifikaw il-konċentrazzjoni tagħhom jew anki sempliċement jobbligaw ruħhom li jagħmlu dan. Għall-kuntrarju, il-Kummissjoni għandha tistabbilixxi jekk il-limiti fuq id-dħul stabbiliti fl-Artikolu 1 tar-Regolament dwar il-Konċentrazzjonijiet kienu maqbuża anki qabel il-proċedimenti formali (“Fażi II”) huma mibdija, matul il-“fażi preliminarja ta’ eżaminazzjoni” (“Fażi I”). Skond l-Artikolu 6(1) tar-Regolament dwar il-Konċentrazzjonijiet, din l-eżaminazzjoni hija bbażata biss fuq il-konċentrazzjoni notifikata magħha. It-teħid in kunsiderazzjoni, stabbilit fl-Artikolu 8(2) tar-Regolament dwar il-Konċentrazzjonijiet, ta’ modifikazzjonijiet sussegwenti lill-konċentrazzjoni notifikata sempliċement isservi sabiex tistabbilixxi jekk il-konċentrazzjoni hijiex kompatibbli mas-suq komuni. Mhemmx dispożizzjoni speċifika fl-Artikolu 8(2) tar-Regolament dwar il-Konċentrazzjonijiet(43), mhux bħall-Artikolu 6(1) ta’ dak ir-regolament, sabiex il-Kummissjoni tieħu deċiżjoni ġdida fuq il-kompetenza tagħha(44).

3.      Konklużjoni temporanja

57.   Permezz ta’ konklużjoni temporanja, għandu jkun iddikjarat illi l-unika data rilevanti sabiex tkun determinata l-kompetenza tal-Kummissjoni sabiex twettaq proċedimenti ta’ kontroll ta’ konċentrazzjonijiet hija d-data minn meta konċentrazzjoni għandha tkun notifikata lill-Kummissjoni. Modifikazzjonijiet sussegwenti lill-konċentrazzjoni ma jinfluwenzawx il-kompetenza tal-Kummissjoni sakemm ma jirriżultawx immedjatament fl-abbandun totali tal-konċentrazzjoni.

58.   Is-sett ta’ impenji ta’ abbozz mogħtija minn Haniel u Cementbouw fit-28 ta’ Mejju 2002, anki jekk kienu pprattikati, kienu jirriżultaw biss f’rinunzja tat-tieni grupp ta’ tranżazzjonijiet, iżda ma kienu f’ebda każ se jaffettwaw l-ewwel grupp ta’ tranżazzjonijiet.

59.   F’dan il-kuntest, il-Qorti tal-Prim’Istanza kienet korretta meta kkonkludiet illi dawk l-impenji ta’ abbozz ma jistgħux jaffettwaw l-eżistenza tal-konċentrazzjoni(45), li l-Kummissjoni kienet għalhekk għadha kompetenti(46) u li kellha l-permess li tibbaża l-awtorizzazzjoni tal-konċentrazzjoni fuq l-impenji finali mogħtija minn Haniel u Cementbouw fil-5 ta’ Ġunju 2002.

60.   Għaldaqstant, l-ewwel aggravju ta’ l-appell mhuwiex fondat.

C –    It-tieni aggravju ta’ l-appell

61.   Permezz tat-tieni aggravju ta’ l-appell, Cementbouw issostni li l-Qorti tal-Prim’Istanza żbaljat fil-liġi meta interpretat u applikat l-Artikolu 8(2) tar-Regolament dwar il-Konċentrazzjonijiet u kisret il-prinċipju ta’ proporzjonalità.

62.   Cementbouw essenzjalment tagħmel l-istess argumenti hawn bħal dawk li semmiet fil-kuntest ta’ l-ewwel aggravju ta’ l-appell: il-Qorti tal-Prim’Istanza ma rrikonoxxietx li l-Kummissjoni kienet mitluba sabiex taċċetta s-sett ta’ impenji ta’ abbozz mogħtija minn Haniel u Cementbouw fit-28 ta’ Mejju 2002. Fl-opinjoni ta’ Cementbouw, l-implementazzjoni ta’ dik l-offerta ta’ impenji kienet tneħħi d-dimensjoni Komunitarja tal-konċentrazzjoni. L-ewwel grupp ta’ tranżazzjonijiet(47) biss kien jibqa’, u dawn ma setgħux fihom infushom jaqgħu taħt il-kompetenza tal-Kummissjoni.

63.   Kif diġà semmejt fil-konnessjoni ta’ l-ewwel aggravju ta’ l-appell(48), dawk l-argumenti mhumiex validi. Għalhekk, iktar ‘l isfel, se nillimita ruħi sabiex nikkunsidra żewġ argumenti addizzjonali magħmula minn Cementbouw, li l-impriża speċifikament ressqet in konnessjoni mat-tieni aggravju ta’ l-appell.

1.      L-allegat ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità

64.   L-ewwel nett, Cementbouw tallega li l-Qorti tal-Prim’Istanza kisret il-prinċipju ta’ proporzjonalità. Hija tiddikjara illi l-Qorti tal-Prim’Istanza telqet mill-premessa żbaljata li l-Kummissjoni ma kinitx mitluba sabiex taċċetta l-impenji ta’ abbozz tat-28 ta’ Mejju 2002, iżda biss l-impenji finali tal-5 ta’ Ġunju 2002.

65.   Il-prinċipju ta’ proporzjonalità huwa wieħed mill-prinċipji ġenerali tal-liġi Komunitarja(49). Skond ġurisprudenza konsistenti, dan il-prinċipju jitlob li miżuri adottati minn istituzzjonijiet tal-Komunità ma jissuperawx il-limiti ta’ dak li hu xieraq u neċessarju sabiex jinkisbu l-miri leġittimi mfittxija mil-leġiżlazzjoni in kwistjoni, billi, meta jkun hemm għażla bejn diversi miżuri approprjati, wiħed għandu jirrikorri lejn l-inqas waħda oneruża u li l-iżvantaġġi kkawżati ma’għandhomx ikunu sproporzjonati mal-miri intiżi(50).

66.   Deċiżjonijiet meħuda mill-Kummissjoni fi proċedimenti ta’ kontroll ta’ konċentrazzjonijiet għandhom jissodisfaw ukoll ir-rekwiżiti tal-proporzjonalità u huma suġġetti għal reviżjoni ġudizzjarja f’dak ir-rispett. Dan japplika mhux biss għal deċiżjonijiet ta’ projbizzjoni skond l-Artikolu 8(3) tar-Regolament dwar il-Konċentrazzjonijiet u deċiżjonijiet ta’ separazzjoni ta’ entitajiet skond l-Artikolu 8(4) tar-Regolament dwar il-Konċentrazzjonijiet, iżda wkoll għal deċiżjonijiet ta’ awtorizzazzjoni skond l-Artikolu 8(2) tar-Regolament dwar il-Konċentrazzjonijiet jekk huma suġġetti għal kundizzjonijiet u impenji. L-impriżi konċernati jista’ jkollhom interess ġenwin sabiex jiġu eżaminati mill-qorti dawk l-elementi ta’ deċiżjonijiet ta’ awtorizzazzjoni li huma detrimentali għalihom sabiex tkun miksuba awtorizzazzjoni ħielsa mill-kundizzjonijiet u impenji jew għall-inqas awtorizzazzjoni b’kundizzjonijiet u impenji ta’ inqas importanza(51).

67.   Madankollu, id-deċiżjoni dwar jekk konċentrazzjoni hijiex kompatibbli mas-suq komuni tirrikjedi li l-Kummissjoni tivvaluta sitwazzjonijiet ekonomiċi kumplessi li rigward tagħhom tgawdi marġni wiesa’ ta’ diskrezzjoni(52). Dan il-marġni ta’ diskrezzjoni għandu wkoll jestendi għad-domanda dwar jekk l-impenji proposti lill-Kummissjoni humiex kapaċi li jirrisolvu problema ta’ kompetizzjoni identifikata minnha.

68.   Il-qorti Komunitarja għandha tistabbilixxi jekk l-evidenza li qed jużaw hijiex fil-fatt preċiża, ta’ min jiddependi fuqha u konsistenti; għandha tivverifika wkoll jekk din l-evidenza tinkludix l-informazzjoni kollha li għandha tkun meħuda in kunsiderazzjoni sabiex tkun valutata sitwazzjoni kumplessa u jekk hijiex kapaċi li tissostanzja l-konklużjonijiet li jirriżultaw minnha(53). Madankollu, mhumiex kompetenti sabiex jissostitwixxu l-valutazzjoni tagħhom rigward il-karattru xieraq ta’ l-impenji mal-valutazzjoni tal-Kummissjoni.

69.   Matul ir-reviżjoni ġudizzjarja tal-proporzjonalità ta’ deċiżjoni ta’ awtorizzazzjoni li kundizzjonijiet u impenji huma parti minnha, għandu jkun ikkunsidrat ukoll illi l-kundizzjonijiet u impenji huma bbażati fuq impenji volontarji mogħtija mill-impriżi kkonċernati. Hemm għalhekk raġunijiet importanti sabiex wieħed jissupponi li l-impriżi nfushom jikkunsidraw li l-impenji tagħhom huma xierqa, neċessarji u raġonevoli sabiex tkun riżolta problema ta’ kompetizzjoni identifikata mill-Kummissjoni, speċjalment peress li fl-opinjoni ta’ l-impriżi kkonċernati awtorizzazzjoni kundizzjonali ġeneralment tirrappreżenta mezz inqas oneruż meta mqabbla mal-projbizzjoni tal-konċentrazzjoni tagħhom. Ċirkustanzi straordinarji għalhekk iridu jeżistu minn qabel ma jkun aċċettat li deċiżjoni tal-Kummissjoni bbażata fuq impenji volontarji mogħtija mill-impriżi kkonċernati mhijiex kompatibbli mal-prinċipju ta’ proporzjonalità.

70.   Fil-każ preżenti, Cementbouw tidher li hija ta’ l-opinjoni li l-Qorti tal-Prim’Istanza kellha taċċetta dawn iċ-ċirkustanzi straordinarji għax il-konċentrazzjoni diġà kienet implementata u għalhekk il-Kummissjoni talbet in-notifikazzjoni tagħha taħt “theddida ta’ multi”(54). B’mod partikolari, il-poter tal-Kummissjoni li tordna separazzjoni ta’ entitajiet, jekk neċessarju, skond l-Artikolu 8(4) tar-Regolament dwar il-Konċentrazzjonijiet tatha l-permess sabiex tassigura impenji mill-impriżi konċernati li kieku ma kinitx tikseb b’mod ieħor.

71.   Dawn l-argumenti ma jikkonvinċunix(55). Il-fatt li konċentrazzjoni hija implementata, mingħajr eżenzjoni approprjata mill-projbizzjoni dwar l-implementazzjoni, anki qabel ma tkun notifikata lill-Kummissjoni hija responsabbiltà biss ta’ l-impriżi kkonċernati u ċertament ma tistax tkun raġuni għal ċirkostanzi straordinarji. Barra minn dan, huwa r-Regolament dwar il-Konċentrazzjonijiet inniffsu li jippermetti lill-Kummissjoni timponi multi u jekk neċessarju tordna separazzjoni ta’ entitajiet jekk konċentrazzjoni tkun implementata b’mod illegali(56). Sakemm il-Kummissjoni ssemmi l-poteri tagħha f’dan ir-rigward vis-à-vis l-impriżi konċernati matul il-proċedimenti, hija sempliċement qed turi s-sitwazzjoni legali u ċertament mhix qed tieħu xi pass straordinarju. Lanqas ma tkun affettwata minħabba dan in-natura volontarja ta’ l-impenji magħmula mill-impriżi.

72.   Barra minn hekk, fl-appell tagħha Cementbouw tidher li tipprova timplika mill-prinċipju ta’ proporzjonalità li l-impenji mogħtija mill-impriżi konċernati huma f’kull każ biżżejjed u għandhom ikunu aċċettati mill-Kummissjoni jekk ineħħu minn konċentrazzjoni d-dimensjoni Komunitarja tagħha u għalhekk iwasslu sabiex din ma tmurx lil hinn mil-limiti fuq id-dħul tal-bejgħ stabbiliti fl-Artikolu 1 tar-Regolament dwar il-Konċentrazzjonijiet. Għaldaqstant, ir-rikorrenti tqis li l-Kummissjoni ma kinitx intitolata li tibbaża d-deċiżjoni tagħha fuq impenji ta’ importanza kbira.

73.   Lanqas dan l-argument, li, inċidentalment, Cementbouw ma komplietx issostni mingħajr riżervi fil-proċedura orali, mhuwa validu. Il-fattur rilevanti fl-eżaminazzjoni tal-proporzjonalità tal-kundizzjonijiet jew impenji mhuwiex jekk il-konċentrazzjoni għadx għandha dimensjoni Komunitarja wara li dawn kienu mwettqa, iżda jekk l-impenji magħmula mill-impriżi konċernati “[humiex] proporzjonali [mal-problema ta’ kompetizzjoni] u li jeliminaw[ha] kompletament”(57). Il-mira leġittima mixtieqa mill-kundizzjonijiet u impenji hija biss li jkun assigurat li l-kompetizzjoni fis-suq komuni mhijiex inġusta(58), għal liema raġuni konċentrazzjonijiet għandhom ikunu magħmulha kompatibbli mas-suq komuni. Huwa biss meta mqabbel ma’ dan il-mira li l-kundizzjonijiet u impenji imposti skond il-każ mill-Kummissjoni għandhom ikunu xierqa, neċessarji u raġonevoli.

74.   Huwa assurd li l-Kummissjoni kellha taċċetta impenji bħal dawk li nsibu fl-abbozz tat-28 ta’ Mejju 2002 għall-unika raġuni li dawn ineħħu d-dimensjoni Komunitarja mill-konċentrazzjoni, mingħajr ma jkun hemm ebda bżonn li jkun eżaminat jekk dawk l-impenji kellhomx il-kapaċità li jirriżolvu l-problema ta’ kompetizzjoni identifikata mill-Kummissjoni.

75.   Għaldqstant, il-Qorti tal-Prim’Istanza għalhekk ma żbaljatx fil-liġi meta stqarret li l-Kummissjoni ma kinitx kisret il-prinċipju ta’ proporzjonalità(59).

2.      L-importanza ta’ deċiżjonijiet ta’ awtoritajiet ta’ kompetizzjoni nazzjonali

76.   Cementbouw tikkritika wkoll il-fatt li l-Qorti tal-Prim’Istanza “ma tispjegax” għalfejn il-Kummissjoni tista’ tasal għal konklużjoni fid-deċiżjoni kkontestata li kienet l-oppost ta’ dik milħuqa mill-awtorità ta’ kompetizzjoni ta’ l-Olanda (NMa). F’dan ir-rigward, Cementbouw tirreferi għall-awtorizzazzjoni tal-ftehim ta’ pooling ta’ NMa(60). Skond hija, il-Qorti tal-Prim’Istanza żbaljat meta ppermettiet lill-Kummissjoni, mingħajr ġustifikazzjoni biżżejjed, tinjora l-eżaminazzjoni dettaljata tas-sitwazzjoni kompetittiva rilevanti għall-każ preżenti li kienet diġà magħmula minn awtorità ta’ kompetizzjoni nazzjonali.

77.   Madankollu, Cementbouw innifisha tirrikonoxxi li, deċiżjonijiet ta’ awtoritajiet ta’ kompetizzjoni nazzjonali fi proċedimenti ta’ kontroll ta’ konċentrazzjoni ma jorbtux fuq il-Kummissjoni. Jien inżid illi normalment dan l-effett li jorbot mhuwiex konċepibbli skond id-diviżjoni ċara ta’ kompetenza(61) fir-Regolamet dwar il-Konċentrazzjonijiet: kemm il-Kummissjoni kif ukoll l-awtoritajiet nazzjonali jieħdu deċiżjonijiet biss fl-isferi ta’ kompetenza tagħhom, li mhumiex imrikkbin(62).

78.   Madankollu, karatteristika partikolari tal-każ preżenti hija li l-ewwel grupp ta’ tranżazzjonijiet kellu rwol kemm fil-proċedimenti quddiem l-NMa u kif ukoll fi proċedimenti sussegwenti quddiem il-Kummissjoni. Minn aspett formali, iż-żewġ proċedimenti ma kellhomx l-istess mira, għax l-ewwel grupp ta’ tranżazzjonijiet kien eżaminat mill-NMa waħdu, filwaqt li kien eżaminat mill-Kummissjoni bħala parti minn proġett globali li kien jinvolvi kemm l-ewwel grupp ta’ tranżazzjonijiet kif ukoll it-tieni grupp. Barra minn hekk, huwa korrett li ż-żewġ awtoritajiet ivvalutaw l-ewwel grupp ta’ tranżazzjonijiet mill-aspett tal-liġi tal-kompetizzjoni fil-proċedimenti rispettivi tagħhom.

79.   Madankollu, ma jfissirx li l-Kummissjoni kienet marbuta b’mod sostanzjali mill-valutazzjoni tal-bidu ta’ l-NMa ta’ l-ewwel grupp ta’ tranżazzjonijiet. Barra minn hekk, għall-kuntrarju ta’ l-opinjoni ta’ Cementbouw fil-proċedura orali, is-sempliċi eżistenza tad-deċiżjoni tal-bidu ta’ l-NMa ma tillimitax il-marġni ta’ diskrezzjoni li tgawdi l-Kummissjoni.

80.   Fil-fatt, hija l-Kummissjoni li kisbet, minħabba li saru t-tieni grupp ta’ tranżazzjonijiet, kompetenza fuq il-valutazzjoni tal-proġett globali mill-aspett ta’ liġi tal-kompetizzjoni. Il-Kummissjoni hija sostanzjalment marbuta biss skond il-kriterji li l-Artikolu 2 tar-Regolament dwar il-Konċentrazzjonijiet jistabbilixxi għaliha għall-eżaminazzjoni tal-kompatibbiltà ta’ konċentrazzjoni mas-suq komuni. Fuq il-bażi ta’ dawn il-kriterji, il-Kummissjoni għandha teżamina kull każ fid-dettall u fejn ikun xieraq tikkunsidra l-istess fatti u problemi ta’ kompetizzjoni kif għamlet l-awtorità nazzjonali f’sitwazzjoni simili. Madankollu, ma jfissirx li skond l-Artikolu 2 tar-Regolament dwar il-Konċentrazzjonijiet huwa neċessarju li d-deċiżjoni tal-Kummissjoni tkun sostanzjalment bħal dik ta’ l-awtorità nazzjonali.

81.   F’dan il-kuntest, il-Qorti tal-Prim’Istanza ma kinitx mistennija mill-bidu “li tispjega” għaliex meta vvalutat l-ewwel grupp ta’ tranżazzjoni għar-raġunijiet ta’ liġi ta’ kompetizzjoni l-Kummissjoni setgħet waslet għal konklużjoni differenti minn dik ta’ l-NMa. Pjuttost, huwa fin-natura ta’ l-affarijiet u mhemm bżonn ta’ ebda spjegazzjoni oħra li awtoritajiet differenti jistgħu jirrisolvu problemi simili b’mod differenti fl-isferi rispettivi tagħhom ta’ kompetenza u skond il-limiti tal-marġni ta’ diskrezzjoni tagħhom(63).

82.   Puramanet għal raġuni ta’ kompletezza, għandu jkun imsemmi illi Cementbouw ma setgħetx legalment tiddependi fuq l-effetti kompetittivi ta’ l-ewwel grupp ta’ tranżazzjonijiet valutati fl-istess mod fuq il-livell Komunitarju kif kienu qabel mill-NMa. Kif il-Kummissjoni tiddikjara ġustament, Cementbouw qatt ma implementat l-ewwel grupp ta’ tranżazzjonijiet fil-forma awtorizzata mill-NMa, iżda kkontribwixxiet għal sitwazzjoni fejn kien konkluż u rrealizzat biss flimkien mat-tieni grupp ta’ tranżazzjonijiet, u fi kliem ieħor, bħala parti minn konċentrazzjoni ikbar.

83.   Minn dak kollu li ntqal jirriżulta li t-tieni aggravju għandu jiġi miċħud bħala mhux fondat fit-totalità tiegħu.

D –    Konklużjonijiet temporanji

84.   Peress illi ebda aggravju mressaq minn Cementbouw ma għandu l-possibbiltà li jirnexxi, inqis li l-appell għandu jiġi miċħud fit-totalità tiegħu.

V –    Fuq l-ispejjeż

85.   Skond l-Artikolu 69(2) flimkien ma l-Artikolu 118 u l-Artikolu 122(1) tar-Regoli tal-Proċedura, l-parti li titlef għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba. Peress li Cementbouw tilfet, hemm lok li hija tiġi ordnata tbati l-ispejjeż kif mitluba mill-Kummissjoni.

VI – Konklużjoni

86.   Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet fuq imsemmija, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha:

1)      tiċħad l-appell;

2)      tikkundanna lil Cementbouw Handel & Industrie BV għall-ispejjeż.


1 – Lingwa oriġinali: il-Ġermaniż.


2 – Kontroll ta’ konċentrazzjonijiet ġeneralment ifisser il-kontroll ta’ konċentrazzjonijiet bejn impriżi, kemm jekk konċentrazzjonijiet fis-sens strett tal-kelma jew forom oħra ta’ konċentrazzjonijiet bejn impriżi.


3 – Cementbouw Handel & Industrie BV (Cementbouw) hija attiva fl-Olanda fis-suq ta’ materjal għall-bini u, b’mod iktar ġenerali, fis-swieq tal-konstruzzjoni, loġistika u provvista ta’ materja prima.


4 – Il-kumpanija Ġermaniża Franz Haniel & Cie GmbH (Haniel) hija attiva fis-settur tal-materjal għall-bini.


5 – Coöperatieve Verkoop- en Produktievereniging van Kalkzandsteenproducenten.


6 – ĠUL 395, 1989, p. 1, Rettifika ppubblikata fil-ĠU L 257, 1990, p. 13.


7 – Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1310/97 tat-30 ta’ Ġunju 1997 li jemenda r-Regolament (KEE) Nru 4064/89 dwar il-kontroll ta’ konċentrazzjonijiet bejn l-impriżi (ĠU L 180, 1997, p. 1, kif korrett fil-ĠU L 3, 1998, p. 16, u ĠU L 40, 1998, p. 17).


8 – Meta ma jkunx hemm dubji serji dwar il-kompatibbiltà ta’ konċentrazzjoni mas-suq komuni, kif jiġri ħafna drabi fir-realtà, awtorizzazzjoni hija mogħtija mingħajr ma jkunu mibdija proċedimenti ta’ kontroll ta’ konċentrazzjonijiet formali, wara eżaminazzjoni sempliċi preliminarja (jiġifieri l-“Fażi I”). Skond l-Artikolu 6(1)(b) tar-Regolament dwar il-Konċentrazzjonijiet, f’dawn il-każijiet il-Kummissjoni għandha tiddeċiedi li ma topponihiex u għandha tiddikjara li l-konċentrazzjoni hija kompatibbli mas-suq komuni.


9 –      Deċiżjoni ta’ awtorizzazzjoni adottata fil-proċedura ta’ eżaminazzjoni preliminari tista’ wkoll tkun magħmula suġġetta għal kundizzjonijiet u obbligazzjonijiet sabiex telimina kwalunkwe problemi ta’ kompetizzjoni (Artikolu 6(2) tar-Regolament dwar il-Konċentrazzjonijiet, kif emendat mir-Regolament Nru 1310/97).


10 – Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 139/2004 ta’ l-20 ta’ Jannar 2004, dwar il-kontroll tal-konċentrazzjonijiet bejn impriżi (ir-“Regolament KE dwar il-Konċentrazzjonijiet”), ĠU L 24, 2004, p. 1 (iktar ’il quddiem ir-“Regolament Nru 139/2004”).


11 – Ara b’mod partikolari l-punti 4 sa 8 tas-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tat-23 ta’ Frar 2006, Cementbouw Handel & Industrie vs Il-Kummissjoni (T-282/02, Ġabra p. II-319).


12 – RAG AG, il-Ġermanja (li qabel kienet: Ruhrkohle AG).


13 – Nederlandse Mededingingssautoriteit.


14 – Artikolu 27 tal-Liġi tat-22 ta’ Mejju 1997, li jistabbilixxi regoli ġodda dwar kompetizzjoni ekonomika (Wet van 22 mei 1997 houdende nieuwe regels omtrent de economische mededinging – Mededingingswet –, Stb. 1997, Nru 242).


15 – Ara l-punt 17 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


16 – Kawżi COMP vs M.2495 – Haniel vs Fels u COMP vs M.2568 – Haniel vs Ytong.


17 – Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea (ĠU L 1, 1994, p. 3).


18 – Punt 295 tas-sentenza appellata u premessa 127 fil-preambolu tad-deċiżjoni kkontestata.


19 – Punt 298 tas-sentenza appellata u premessa 129 fil-preambolu tad-deċiżjoni kkontestata.


20 – Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2003/756/KE tas-26 ta’ Ġunju 2002, li tiddikjara li konċentrazzjoni hi kompatibbli mas-suq komuni u l-Ftehim ŻEE (kawża COMP vs M.2650 – Haniel vs Cementbouw vs JV (CVK)), notifikat skond id-dokument Nru C(2003) 2315 (ĠU L 282,  2003, p. 1, kif korrett fil-ĠU L 285,  2003, p. 52).


21 – Kawża T-282/02, sentenza ċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 11.


22 – Iffirmata f’Ruma fid-29 ta’ Ottubru 2004 (ĠU C 310, 2004, p. 1).


23 – Ara, b’mod partikolari, il-premessi 12 sa 32 tal-preambolu tad-deċiżjoni kkontestata.


24 – Ara l-punt 9 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


25 – Il-kumment li ġej kien magħmul fid-duttrina: “Cette affaire est-elle un exemple de l’échec d’un mécano juridique trop subtil sous-estimant le pouvoir des autorités de la concurrence de s’attacher à la réalité économique plus qu’à la forme juridique d’une opération ? Les montages les plus savants sont parfois fragiles […]” (Cot, Revue des droits de la concurrence 2006, p. 108 u 109).


26 – Punti 101 sa 149 u 293 sa 321 tas-sentenza appellata.


27 – Sakemm skond it-tieni motiv tagħha Cementbouw tallega wkoll ksur ta’ l-Artikolu 8(2) tar-Regolament dwar il-Konċentrazzjonijiet fuq bażi ta’ ġurisdizzjoni, l-argumenti li ġejjin se japplikaw mutatis mutandis.


28 – Fir-rigward tad-dmir tal-Kummissjoni sabiex tiddeċiedi dwar il-kompetenza tagħha, ara wkoll is-sentenza tal-25 ta’ Settembru 2003, Schlüsselverlag J. S. Moser et vs Il-Kummissjoni (C-170/02 P, Ġabra p. I‑9889, punt 28.


29 – Ara iktar ’il fuq, punt 31 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


30 – Sentenzi Schlüsselverlag J. S. Moser et vs Il-Kummissjoni (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 28, punti 32 u 34, u ta’ l-20 ta’ Ġunju 2004, Il-Portugall vs Il-Kummissjoni (C-42/01, Ġabra p. I-6079, punti 50 u 53).


31 – Sentenzi Schlüsselverlag J. S. Moser et vs Il-Kummissjoni (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 28, punt 33, u Il-Portugall vs Il-Kummissjoni (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 30, punt 51); ara wkoll is-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tas-27 ta’ Novembru 1997, Kaysersberg vs Il-Kummissjoni (T-290/94, Ġabra p. II-2137, punt 113).


32 – Sentenzi Schlüsselverlag J. S. Moser et vs Il-Kummissjoni (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 28, punti 33 u 34, u Il-Portugall vs Il-Kummissjoni (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 30, punti 51 u 53.


33 – Kif il-każ preżenti juri, huwa perfettament konċepibbli li minkejja l-limitu ta’ żmien ta’ ġimgħa li fiha d-dmir ta’ notifikazzjoni għandu jkun imwettaq (Artikolu 4(1) tar-Regolament dwar il-Konċentrazzjonijiet), in-notifikazzjoni attwali hija magħmulha biss ftit żmien wara l-konklużjoni tal-ftehim regolati mil-liġi ċivili. Sadanittant id-dħul tal-bejgħ rilevanti ta’ l-impriżi kkonċernati jista’ jinbidel, li jista’ jkollu effetti sinjifikanti fuq jekk il-limiti skond l-Artikolu 1 tar-Regolament dwar il-Konċentrazzjonijiet humiex maqbuża jew milħuqa. Dan jista’ jkun il-każ a fortiori fl-iskop tar-Regolament dwar il-Konċentrazzjonijiet il-ġdid (ir-Regolament Nru 139/2004), Artikolu 4(1) li ma jistabbilixxix iktar perijodu speċifiku li fih għandu jkun imwettaq id-dmir ta’ notifikazzjoni ta’ konċentrazzjoni.


34 – Artikolu 14(1)(a) u (2)(b) tar-Regolament dwar il-Konċentrazzjonijiet.


35 – Fil-każ preżenti mhemmx bżonn li jkun iċċarat jekk żmien qabel dan huwiex relevanti, per eżempju ż-żmien li fih id-deċiżjoni li jkun konkluż ftehim ta’ konċentrazzjonijiet huwiex ikkunsidrat (ara t-tieni paragrafu ta’ l-Artikolu 4(1) tar-Regolament Nru 139/2004). Il-possibbiltà li d-data ta’ notifikazzjoni tkun volontarjament meħudha ’il quddiem b’dan il-mod teżisti biss fil-kuntest tar-Regolament KE dwar il-Konċentrazzjonijiet il-ġdid u mhux stabbilit fir-Regolament Nru 4064/89, li għadu applikabbli fil-każ preżenti.


36 – Ara, għall-istess raġuni, is-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tat-28 ta’ Settembru 2004, MCI vs Il-Kummissjoni (T-310/00, Ġabra p. II-3253, punt 89): “Il-kompetenza tal-Kummissjoni […] tiddependi, kif huwa ppreċiżat fl-Artikolu 4 tar-Regolament, fuq ‘il-konklużjoni tal-ftehim’ ta’ konċentrazzjoni”. Il-Qorti tal-Prim’Istanza tkompli tgħid illi l-Kummissjoni mhijiex kompetenti sabiex “tadotta deċiżjoni taħt ir-Regolament Nru 4064/89 qabel il-konklużjoni ta’ tali ftehim” (enfasizzat minnha).


37 – Il-konklużjoni ta’ ftehim għandha l-ekwivalenti tagħha fid-dikjarazzjoni ta’ offerta pubblika jew l-akkwiżizzjoni ta’ interess ta’ kontroll (Artikolu 4(1) tar-Regolament dwar il-Konċentrazzjonijiet).


38 – Ara wkoll għal din ir-raġuni MCI vs Il-Kummissjoni (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 36, b’mod partikolari l-punti 96 u 107).


39 – Fir-Regolament KE dwar il-Konċentrazzjonijiet il-ġdid dan huwa espress fl-aħħar tal-frażi ta’ l-Artikolu 6(1)(ċ).


40 – Fil-każ preżenti, Cementbouw iddikjarat illi l-impenji ta’ abbozz tat-28 ta’ Mejju 2002 kienu jwasslu għall-fatt li l-“essenza” u l-“element kostituttiv” tal-konċentrazzjoni ma jibqgħux fis-seħħ (ara l-punti 11, 13 u 17 ta’ l-appell).


41 – L-istess japplika lill-awtorizzazzjonijiet fil-fażi ta’ eżaminazzjoni preliminarja (“Fażi I”) skond l-Artikolu 6(2) tar-Regolament dwar il-Konċentrazzjonijiet kif emendat mir-Regolament Nru 1310/97.


42 – Ara l-punti 40 sa 44 iċċitati iktar ’il fuq ta’ dawn il-konklużjonijiet.


43 – Dispożizzjoni ekwivalenti hija magħmula fir-rigward tal-fażi ta’ eżaminazzjoni preliminari fl-Artikolu 6(2) tar-Regolament dwar il-Konċentrazzjonijiet kif emendat mir-Regolament Nru 1310/97.


44 – Fl-appell tagħha, Cementbouw tibbaża ruħha, fost affarijiet oħra, fuq is-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza ta’ l-24 ta’ Marzu 1994 Air France vs Il-Kummissjoni, “Dan Air” (T-3/93, Ġabra II-121, punt 102). Madankollu, din is-sentenza tikkonċerna l-kompetenza tal-Kummissjoni fiż-żmien li fih għandu jkun imwettaq id-dmir ta’ notifikazzjoni. Din is-sentenza ma tirreferix għad-dmir li l-Kummissjoni jista’ jkollha sabiex terġa’ teżamina l-kompetenza tagħha bħala konsegwenza ta’ l-avvenimenti sussegwenti.


45 – L-aħħar frażi tal-punt 301 tas-sentenza appellata.


46 – Punt 302 tas-sentenza appellata.


47 – F’dan ir-rigward, Cementbouw b’mod partikolari tenfasizza dwar il-ftehim ta’ “pooling”.


48 – Ara b’mod partikolari l-punti 39 sa 60 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


49 – Ara, bħala eżempju, is-sentenza ta’ l-10 ta’ Jannar 2006 IATA u ELFAA (C-344/04, Ġabra p. I-403, punt 79.


50 – Ara s-sentenza tad-9 ta’ Marzu 2006, Zuid-Hollandse Milieufederatie u Natuur en Milieu (C-174/05, Ġabra p. I-2443, punt 28) li tirrigwarda deċiżjoni.


51 – Safejn – bħala regola ġenerali – il-kundizzjonijiet u l-obbligazzjonijiet huma konnessi b’mod inseparabbli ma’ l-awtorizzazzjoni attwali tal-konċentrazzjoni, mhuwiex possibli li jkunu kkontestati separatament (ara ġurisprudenza konsistenti, fost oħrajn, is-sentenza tas-27 ta’ Ġunju 2006, Il-Parlament vs Il-Kunsill (C-540/03, Ġabra p. I-5769, punti 27 u 28). Huwa għalhekk possibbli li tkun sfidata biss id-deċiżjoni ta’ awtorizzazzjoni li għandha totalment il-kundizzjonijiet u obbligazzjonijiet tagħha, bl-iskop li tkun akkwistata valutazzjoni kompletament ġdida tal-konċentrazzjoni mill-Kummissjoni, kif stabbilit fl-Artikolu 10(5) tar-Regolament dwar il-Konċentrazzjonijiet.


52 – Is-sentenzi tal-31 ta’ Marzu 1998, Franza et vs Il-Kummissjoni, Kawża “Kali & Salz” (C-68/94 u C-30/95, Ġabra p. I-1375, punti 223 u 224, u tal-15 ta’ Frar 2005, Il-Kummissjoni vs Tetra Laval (C-12/03P, Ġabra p. I-987, punti 38 u 40.


53 – Il-Kummissjoni vs Tetra Laval (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 52, punt 39.


54 – Fil-lingwa tal-kawża, “under threat of fines”.


55 – L-argumenti magħmulin minn Cementbouw dwar din il-problema huma ammissibbli għaliex ma jikkontestawx il-valutazzjoni tal-fatti u l-evidenza mill-Qorti tal-Prim’Istanza, iżda jiffokaw fuq il-karatterizzazzjoni legali taċ-ċirkostanzi tal-każ preżenti bħala straordinarji. Dan hu punt fil-liġi, li fuqu l-Qorti tal-Ġustizzja għandha ġurisdizzjoni fi proċedimenti ta’ appell. Ara bħala eżempju, is-sentenza tas-6 ta’ April 2006, General Motors vs Il-Kummissjoni (C-551/03 P, Ġabra p. I-3173, punt 51), kif ukoll is-sentenzi tal-21 ta’ Settembru 2006 Nederlandse Federatieve Vereniging voor de Groothandel op Elektrotechnisch Gebied vs Il-Kummissjoni (C-105/04 P, Ġabra p. I-18725, punt 69) u Technische Unie vs Il-Kummissjoni (C-113/04 P, Ġabra p. I-8831, punt 82).


56 – Fir-rigward ta’ multi ara l-Artikolu 14(2)(b) tar-Regolament dwar il-Konċentrazzjonijiet u fir-rigward ta’ separazzjoni ta’ entitajiet, ara l-Artikolu 8(4) tar-Regolament dwar il-Konċentrazzjonijiet.


57 – Ara, il-premessa 8 fil-preambolu tar-Regolament Nru 1310/97. Dan ukoll japplika fl-iskop tar-Regolament KE dwar il-Konċentrazzjonijiet il-ġdid (premessa 30 fil-preambolu tar-Regolament Nru 139/2004).


58 – Artikolu 3(1)(g) KE u l-ewwel premessa fil-preambolu tar-Regolament dwar il-Konċentrazzjonijiet (jew premessa 2 fil-preambolu tar-Regolament KE dwar il-Konċentrazzjonijiet il-ġdid).


59 – Paragrafu 303 et seq tas-sentenza appellata.


60 – Ara iktar ’il fuq il-punt 17 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


61 – Ara iktar ’il fuq il-punti 31 u 40 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


62 – L-awtoritajiet ta’ kompetizzjoni nazzjonali biss jistgħu jressqu l-pożizzjoni tagħhom quddiem il-Kummissjoni fil-proċedimenti fil-kuntest ta’ l-Artikolu 19 tar-Regolament dwar il-Konċentrazzjonijiet.


63 – Dan ċertament mhuwiex fenomenu ġdid f’ċirkustanzi trans-atlantiċi: bħala eżempju, fil-Kawża COMP vs M.2220 – General Electric vs Honeywell, il-Kummissjoni tasal għal konklużjoni differenti sew minn dik ta’ l-awtoritajiet ta’ l-Istati Uniti.

Top