EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62006CC0005

Konklużjonijiet ta' l-Avukat Ġenerali - Sharpston - 14 ta' Ġunju 2007.
Zuckerfabrik Jülich AG vs Hauptzollamt Aachen u Saint Louis Sucre SNC u. vs Directeur général des douanes et droits indirects u Receveur principal des douanes et droits indirects de Gennevilliers.
Talbiet għal deċiżjoni preliminari: Finanzgericht Düsseldorf (C-5/06) - il-Ġermanja u Tribunal de grande instance de Nanterre (C-23/06 sa C-36/06) - Franza.
Zokkor - Taxxi tal-produzzjoni - Regoli dettaljati għall-applikazzjoni tas-sistema ta’ kwoti- Determinazzjoni ta’ l-eċċess esportabbli - Determinazzjoni tat-telf medju.
Każijiet Magħquda C-5/06 u C-23/06 sa C-36/06.

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2007:346

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

SHARPSTON

ippreżentati fl-14 ta’ Ġunju 2007 ( 1 )

Kawżi magħquda C-5/06 u C-23/06 sa C-36/06

Zuckerfabrik Jülich AG, qabel Jülich AG

vs

Hauptzollamt Aachen u Saint Louis Sucre SNC et vs Directeur général des douanes et droits indirects u Receveur principal des douanes et droits indirects de Gennevilliers

“Zokkor — Taxxi tal-produzzjoni — Regoli dettaljati għall-applikazzjoni tas-sistema ta’ kwoti — Determinazzjoni tal-eċċess esportabbli — Determinazzjoni tat-telf medju”

1. 

Fil-kawżi preżenti l-Qorti tal-Ġustizzja hija mistoqsija jekk il-metodu ta’ kalkolu applikat mill-Kummissjoni biex tiffissa tal-ammont tat-taxxa fuq il-produzzjoni maħsuba sabiex jiffinanzjaw l-organizzazzjoni komuni tas-swieq fis-settur taz-zokkor huwiex validu. Taxxi fuq il-produzzjoni huma intiżi b’mod partikolari sabiex jirriflettu l-ispejjeż lill-Komunità tar-rifużjonijiet fuq l-esportazzjoni, jew pagamenti li jsiru f’ċerti ċirkustanzi sabiex jikkumpensaw lill-produtturi taz-zokkor għall-fatt illi l-prezzijiet dinjija huma, ġeneralment, inqas mill-prezzijiet tal-Komunità sostnuti. Numru ta’ produtturi taz-zokkor jikkontestaw il-legalità ta’ żewġ aspetti tal-kalkolu tat-taxxa fuq il-produzzjoni.

2. 

L-ewwel stadju ta’ dak il-kalkolu jirrikjedi li t-telf globali għal sena tas-suq partikolari jkun stmat qabel it-tmiem ta’ dik is-sena tas-suq permezz tal-multiplikazzjoni ta’ “l-eċċess li jista’ jkun esportat [eċċess esportabbli]” bil-“medja tat-telf [telf medju]” għal kull tunnellata.

3. 

L-“eċċess esportabbli” huwa definit, essenzjalment, bħala l-produzzjoni ta’ zokkor mingħajr kwantitajiet ta’ zokkor “mwarrba għall-konsum fil-Komunità”. Dan il-kunċett tal-aħħar huwa definit, essenzjalment, bħala t-total ta’ ħażniet ta’ zokkor, produzzjoni ta’ zokkor u importazzjonijiet ta’ zokkor tal-ftuħ, mingħajr it-total ta’ ħażniet ta’ zokkor u zokkor esportat tal-għeluq. Zokkor esportat jinkludi zokkor esportat fl-istat naturali u zokkor “li jinsab fi prodotti pproċessati esportati”. Il-produtturi taz-zokkor rikorrenti jissottomettu, l-ewwel, illi zokkor li jinsab fi prodotti pproċessati esportati u li fir-rigward tiegħu ma tħallsux rifużjonijiet fuq l-esportazzjoni m’għandux ikun ikkunsidrat bħala zokkor “li jinsab fi prodotti pproċessati esportati” għall-iskopijiet ta’ dan il-kalkolu.

4. 

Il-“medja tat-telf” għal kull tunnellata hija definita, essenzjalment, bħala l-ammont totali ta’ rifużjonijet diviż bit-tunnellaġġ totali ta’ “obbligi ta’ l-esportazzjoni [li għandhom jitwettqu]” matul is-sena tas-suq ikkonċernata. Alternattivament, il-produtturi taz-zokkor rikorrenti jissottomettu li jekk (għall-kuntrarju tas-sottomissjoni ewlenija tagħhom) zokkor “li jinsab fi prodotti pproċessati esportati” jinkludi z-zokkor kollu ta’ dan it-tip, irrilevanti jekk ir-rifużjonijiet fuq l-esportazzjoni kinux imħallsa jew le,“obbligi ta’ esportazzjoni [li għandhom jitwettqu]” għandhom b’mod simili jinkludu l-esportazzjonijiet kollha taz-zokkor, inklużi dawk illi fir-rigward tagħhom ma jkunux tħallsu rifużjonijiet fuq l-esportazzjoni.

5. 

Huwa kostanti li (għall-inqas) l-għan prinċipali tat-taxxa fuq il-produzzjoni huwa li jiġi żgurat li l-produtturi taz-zokkor jiffinanzjaw l-ispejjeż għar-rimi tal-eċċess ta’ produzzjoni tal-Komunità. Il-produtturi taz-zokkor jissottomettu li l-metodu tal-Kummissjoni sabiex tikkalkola t-taxxi jwassal sabiex huma jħallsu iktar minn dawk l-ispejjeż.

Il-leġiżlazzjoni Komunitarja

Ir-regolament bażiku

6.

L-organizzazzjoni komuni tas-swieq fis-settur taz-zokkor kienet fiż-żmien rilevanti rregolata mir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1260/2001 ( 2 ) (“ir-regolament bażiku”), li applika għas-snin tas-suq 2001/2002 sa 2005/2006 ( 3 ).

7.

Is-segwenti premessi ( 4 ) fil-preambolu għar-regolament bażiku huma rilevanti:

“(9)

Ir-raġunijiet li qabel wasslu lill-Komunità biex tadotta sistema ta’ kwota fuq il-produzzjoni għaz-zokkor, isoglukożi u xiropp ta’ l-insulina bħalissa jibqgħu validi. B'danakollu, dik is-sistema nbidlet sabiex tieħu konsiderazzjoni ta’ l-iżviluppi riċenti fil-produzzjoni, sabiex tipprovdi lill-Komunità bl-istrumenti neċessarji sabiex tassigura, b'mod ġust iżda effiċjenti, li l-fabbrikanti nfushom jlaħħqu bis-sħiħ ma’ l-ispejjeż biex jeħilsu minn ħażniet żejda tal-produzzjoni tal-Komunità fuq il-konsum u biex ikunu konformi ma’ l-obbligazzjonijiet tal-Komunità permezz tal-Ftehim li jirriżulta mil-laqgħa ta’ l-Urugwaj tan-negozjati multi-laterali tal-kummerċ […].

[…]

(11)

L-organizzazzjoni komuni tas-swieq fis-settur taz-zokkor huma bbażati, l-ewwel, fuq il-prinċipju li l-produtturi għandhom iġorru r-responsabbiltà kollha finanzjarja għat-telf magħmul f’kull sena tas-suq mir-rimi ta’ dik il-parti mill-produzzjoni tal-Komunità li hija taħt il-kwota li hija żejda għall-konsum intern tal-Komunità u, it-tieni nett, fuq differenzjal tal-garanziji tal-prezz għar-rimi li jirriflettu l-kwota tal-produzzjoni allokata għal kull azjenda. Kwota tal-produzzjoni taz-zokkor hija allokata għal kull azjenda fuq il-bażi tal-produzzjoni attwali tagħha matul perjodu partikolari ta’ riferenza.

(12)

Peress li r-rabtiet biex tkun imnaqqsa l-għajnuna għall-esportazzjoni ġew implimentati matul il-perjodu tranżitorju, il-kwantitajiet bażiċi taz-zokkor u isoglukożi u l-kwoti tax-xiropp ta’ l-insulina għandhom jinżammu fil-livell preżenti tagħhom, iżda jrid ikun possibbli li l-garanziji rilevanti jiġu mibdula kif ikun neċessarju biex iħallu lill-Komunità twettaq ir-rabtiet tagħha taħt il-Ftehim[ ( 5 )], filwaqt li jiġu kkunsidrati l-fatturi fundamentali li jaffettwaw is-sitwazzjoni fis-settur taz-zokkor. Is-sistema tas-settur tal-finanzjament tagħha nfisha permezz ta’ l-imposti ta’ taxxi tal-produzzjoni u għandu jinżamm ir-reġim tal-kwoti tal-produzzjoni.

(13)

Il-produtturi għandhom għalhekk ikomplu jassumu r-responsabbiltà finanzjarja billi jħallsu taxxa bażika tal-produzzjoni fuq il-produzzjoni kollha taz-zokkor A u B, li iżda hija llimitata għal 2 % tal-prezz ta’ l-intervent taz-zokkor abjad, u taxxa B imposta fuq il-produzzjoni taz-zokkor B sal-limitu ta’ 37.5 % ta’ dak il-prezz. F'ċerti ċirkustanzi, il-produtturi ta’ l-isoglukożju u x-xiropp ta’ l-insulina jħallsu wkoll proporzjon minn dawn il-kontribuzzjonijiet. Il-limitazzjoni tat-taxxi bil-mod deskritt hawn fuq ifisser li f'ċerti snin tas-suq il-produzzjoni taz-zokkor ma tkunx tiffinanzja lilha nfisha bis-sħiħ. Taxxa addizzjonali għandha tkun imposta f'dawk il-każi.

(14)

Fl-interessi tat-trattament egwali, it-taxxa addizzjonali għandha tkun ikkalkulata għal kull azjenda fuq il-bażi tal-parti tagħha fil-qligħ iġġenerat mit-taxxi tal-produzzjoni li tkun tħallset għas-sena tas-suq f'dak il-każ. Għandu jkun għalhekk iffissat koeffiċjenti għall-Komunità kollha bħala rappreżentant għal dik is-sena tas-suq bejn it-telf totali rreġistrat u l-qligħ totali ġġenerat mit-taxxi tal-produzzjoni kkonċernati. Huwa neċessarju li jiġu speċifikati l-kondizzjonijiet li permezz tagħhom il-bejjiegħa tal-pitravi u tal-kannamieli għandhom jikkontribwixxu biex jitneħħa t-telf li jkun fadal għas-sena tas-suq ikkonċernata.

(15)

F'kull sena tas-suq, il-livelli tal-konsum, tal-produzzjoni, ta’ l-importazzjoni, tal-ħażna u tal-kwantijiet meħudha minn sena lejn oħra, u t-telf ikkalkolat li huwa probabbli li jkun hemm permezz ta’ l-iskema tal-finanzjament tagħha nfisha, jistgħu jkunu tali li l-kwoti tal-produzzjoni allokati għal kull azjenda fis-settur taz-zokkor tirriżulta f'volum ta’ l-esportazzjoni li teċċedi dik iffissata fil-Ftehim. Il-garanziji marbuta mal-kwoti għandhom għalhekk jiġu mibdula kull sena tas-suq sabiex il-Komunità tkun tista’ żżomm ir-rabtiet tagħha.”

8.

Il-leġiżlazzjoni għalhekk tipprovdi sabiex il-produtturi jħallsu l-ispejjeż tal-Komunità ( 6 ) biex twarrab il-produzzjoni eċċessiva permezz ta’ taxxa fuq il-produzzjoni, li hi kkalkolata skont l-Artikolu 15 tar-regolament bażiku. L-Artikolu 15 ma jistax jiftiehem mingħajr l-informazzjoni segwenti.

9.

L-Artikolu 11(2) tar-regolament bażiku jistabbilixxi kwantità bażika A u kwantità bażika B għal kull reġjun li jipproduċi z-zokkor fil-Komunità ( 7 ). L-Artikolu 11(1) jirrikjedi illi l-Istati Membri jallokaw kwota A u B għal kull azjenda li tipproduċi zokkor, isoglukosju jew xropp tal-inulina ( 8 ) fit-territorju tagħhom matul is-sena tas-suq 2000/2001. Il-kwoti A u B huma suġġetti għal taxxa fuq il-produzzjoni b’rata differenti ( 9 ). Peress illi l-każijiet quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja jikkonċernaw iz-zokkor biss, minn issa ’l quddiem se nikkunsidra biss il-leġiżlazzjoni safejn tikkonċerna dak il-prodott.

10.

Zokkor prodott f’sena tas-suq f’eċċess tat-total tal-kwoti A u B tal-azjenda kkonċernata, jew minn azjenda li m’għandhiex kwota, huwa referit bħala “zokkor Ċ”. Bħala regola ġenerali ( 10 ), iz-zokkor Ċ ma jistax jintrema fil-Komunità u jrid jiġi esportat mingħajr ma jkun ipproċessat iktar u mingħajr għajnuna għall-esportazzjoni qabel l-1 ta’ Jannar wara t-tmiem tas-sena tas-suq ikkonċernata ( 11 ).

11.

Il-kawżi inkwistjoni jikkonċernaw iz-zokkor A u B li ma kienx imwarrab għall-konsum fil-Komunità u għalhekk itwarrab permezz tal-esportazzjoni.

12.

Ir-regolament bażiku jistabbilixxi prezz ta’ intervent ( 12 ) u essenzjalment jirrikjedi lill-aġenzija ta’ intervent innominata minn kull Stat Membru li jipproduċi z-zokkor sabiex tixtri, bil-prezz ta’ intervent, zokkor offrut lilha ffabrikat permezz tal-kwota minn pitravi u kannamieli tal-Komunità ( 13 ).

13.

Barra minn hekk, jingħataw rifużjonijiet fuq il-produzzjoni fuq zokkor li joriġina minn Stati Membri jew li ġej minn pajjiżi terzi u b’ċirkolazzjoni libera fl-Istati Membri li jkun użat għall-manifattura ta’ ċerti prodotti tal-industrija tal-kimika. L-ammont tar-rifużjoni għandu jkun iffissat “wara li jiġu kkunsidrati partikolarment l-ispejjeż li joriġinaw mill-użu taz-zokkor importat li l-industrija tal-kimika kien ikollha tiffaċċja fil-każ tal-provvista fuq is-suq dinji” ( 14 ).

14.

Ir-regolament bażiku jistabbilixxi wkoll illi, safejn huwa meħtieġ sabiex iz-zokkor ikun jista’ jiġi esportat jew mingħajr iktar ipproċessar jew fil-forma tal-prodotti pproċessati elenkati fl-Anness V fuq il-bażi tal-prezzijiet dinjija, id-differenza bejn dawn il-prezzijiet u l-prezzijiet ġewwa l-Komunità tista’ tkun koperta minn rifużjonijiet fuq l-esportazzjoni ( 15 ). Ir-rifużjonijiet fuq l-esportazzjoni mhumiex għalhekk la obbligatorji u lanqas awtomatiċi. Dawn jingħataw fuq l-applikazzjoni jew il-preżentazzjoni tal-liċenzja rilevanti tal-esportazzjoni ( 16 ).

15.

Fir-rigward tal-metodu ta’ kalkolu tat-taxxa fuq il-produzzjoni, kkontestat fil-kawżi preżenti, l-Artikolu 15 ( 17 ) essenzjalment jipprovdi dan li ġej:

L-ewwel nett, it-telf jew id-dħul globali għas-sena tas-suq ikkonċernata huwa stmat qabel it-tmiem ta’ dik is-sena tas-suq ikkonċernata permezz tal-multiplikazzjoni ta’ “l-eċċess li jista’ jkun esportat” (tbassir ta’ produzzjoni ta’ zokkor A u B bit-tnaqqis tat-tbassir tal-kwantitajiet ta’ zokkor imwarrba għall-konsum fil-Komunità) bil-“medja tat-telf jew introjtu [dħul]” stmata għal kull tunnellata (id-differenza bejn l-ammont totali ta’ rifużjonijiet u l-ammont totali ta’ taxxi) ( 18 ) diviżi bit-tunnellaġġ totali ta’ obbligi ta’ esportazzjoni li għandhom jitwettqu f’dik is-sena tas-suq) [l-Artikolu 15(1)] ( 19 ).

Dik l-istima ta’ telf globali hija mbagħad aġġustata qabel it-tmien tas-sena tas-suq 2005/2006 permezz tad-differenza bejn it-telf kumulattiv globali attwali (l-eċċess esportabbli kumulattiv attwali immultiplikat bit-telf medju, ikkalkolat bħal fl-inċiż preċedenti) għas-snin tas-suq 2001/2002 sa 2005/2006 u s-somma totali tat-taxxa fuq il-produzzjoni bażika u t-taxxa B imposta [l-Artikolu 15(2)].

Jekk il-kalkolu hawn fuq imsemmi jirriżulta f'telf globali li jista’ jiġi mbassar, dak it-telf ikun diviż bil-produzzjoni ta’ zokkor A u B stmata għas-sena tas-suq kurrenti u r-riżultat huwa impost lill-manifatturi bħala taxxa fuq il-produzzjoni bażika, limitata skont figura assigurata permezz ta’ referenza għall-prezz ta’ intervent għal zokkor abjad, fuq iz-zokkor A u B tagħhom [l-Artikolu 15(3)].

Jekk dik it-taxxa fuq il-produzzjoni bażika ma tkoprix it-telf globali li jista’ jiġi mbassar (bħala riżultat tal-limitu), il-bilanċ huwa diviż bil-produzzjoni ta’ zokkor B stmata għas-sena tas-suq inkwistjoni u l-ammont li jirriżulta huwa impost bħala taxxa B, għal darba oħra suġġett għal limitu, fuq produtturi ta’ zokkor B [l-Artikolu 15(4)].

Jekk l-effett taż-żewġ limiti huwa li t-telf globali li jista’ jiġi mbassar għas-sena tas-suq kurrenti jibqa’ mhux probabbli li jkun kopert mit-taxxi, imbagħad it-tieni limitu jiżdied [l-Artikolu 15(5)].

It-telf kollu li jirriżulta mill-għoti ta’ rifużjonijiet tal-produzzjoni skont l-Artikolu 7(3) ( 20 ) għandu jkun ikkunsidrat fil-kalkolu tat-telf globali msemmi fil-paragrafu 1 [l-Artikolu 15(6)].

16.

Ser jidher għalhekk illi, peress li (i) it-telf globali jiddetermina r-rata tat-taxxa fuq il-produzzjoni, (ii) t-telf globali huwa l-prodott tal-eċċess esportabbli u tat-telf medju, (iii) l-eċċess esportabbli huwa kkalkolat fuq il-bażi ta’, fost affarijiet oħra, kwantitajiet ta’ zokkor imwarrba għall-konsum fil-Komunità, u (iv) it-telf medju huwa affettwat mit-taxxi totali fuq l-obbligi ta’ esportazzjoni li għandhom jitwettqu, il-mod li bih kemm il-kwantitajiet ta’ zokkor imwarrba għall-konsum fil-Komunità u t-taxxi totali fuq obbligi ta’ esportazzjoni li għandhom jitwettqu huma kkalkolati għandu impatt dirett fuq l-ammont tat-taxxa.

17.

Iż-żewġ argumenti fil-każijiet inkwistjoni jikkonċernaw l-interpretazzjoni ta’ tnejn minn dawk il-kunċetti: l-ewwel, jekk il-kalkolu ta’ “l-eċċess esportabbli” għandux jinkludi zokkor esportat fil-forma ta’ prodotti pproċessati li fir-rigward tiegħu ma tħallsu ebda rifużjonjiet fuq l-esportazzjoni, u, it-tieni, jekk “l-obbligi ta’ esportazzjoni” għandhomx jinkludu l-esportazzjonijiet kollha, inklużi dawk li fir-rigward tagħhom ma tħallsux rifużjonijiet fuq l-esportazzjoni.

18.

Dawn iż-żewġ kunċetti huma kkunsidrati f’iktar dettall fir-regolament li jimplementa r-regolament bażiku, li ser niddiskuti issa.

Ir-regolament ta’ implementazzjoni

19.

L-Artikolu 15(8) tar-regolament bażiku stabbilixxa r-regoli dettaljati għall-applikazzjoni tal-Artikolu 15 sabiex ikun adottat mil-leġiżlazzjoni li timplementa, sabiex ikopri b’mod partikolari l-ammonti ta’ taxxi li għandhom ikunu miġbura. Fuq il-bażi ta’ (fost affarijiet oħra) dik id-dispożizzjoni, il-Kummissjoni adottat ir-Regolament (KE) Nru 314/2002 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tas-sistema ta’ kwoti fis-settur taz-zokkor ( 21 ) (“ir-regolament ta’ implementazzjoni”).

20.

Ir-regolament ta implementazzjoni jipprovdi (fost affarijiet oħra) għad-determinazzjoni tal-kwantitajiet taz-zokkor imbassra mwarrba għall-konsum fil-Komunità skont it-tifsira tal-Artikolu 15(1)(b) u (2)(a) tar-regolament bażiku u d-definizzjoni ta’ obbligi ta’ esportazzjoni li għandhom jitwettqu matul is-sena tas-suq kurrenti skont it-tifsira tal-Artikolu 15(1)(d) tar-regolament bażiku.

21.

L-Artikolu 6(4) tar-regolament ta’ implementazzjoni kif emendat jistabbilixxi li l-kwantitajiet mbassra mwarrba għall-konsum fil-Komunità huma (i) kwantitajiet totali ta’ zokkor maħżun fil-bidu tas-sena tas-suq, zokkor prodott taħt il-kwoti A u B, zokkor importat fl-istat naturali u zokkor li jinsab fi prodotti pproċessati importati, mingħajr (ii) kwantitajiet totali ta’ zokkor esportat fl-istat naturali, zokkor li jinsab fi prodotti pproċessati esportati, zokkor maħżun fit-tmiem tas-sena tas-suq u (essenzjalment) zokkor użat fl-industrija tal-kimika ( 22 ). Dak il-kliem jidher li jirrikjedi li l-kwantitajiet f’(ii) jinkludu kull zokkor li jinsab fi prodotti pproċessati esportati, kemm jekk ir-rifużjonijiet fuq l-esportazzjoni kienu imħallsa fuq iz-zokkor u kemm jekk ma kinux.

22.

L-Artikolu 6(5) tar-regolament ta’ implementazzjoni jiddefinixxi “obbligi ta’ esportazzjoni li għandhom jitwettqu matul is-sena kurrenti tal-bejgħ” bħala, essenzjalment, iz-zokkor kollu li għandu jkun esportat fl-istat naturali b’rifużjonijiet jew taxxi fuq l-esportazzjoni stabbiliti minn offerti miftuħa fir-rigward ta’ dik is-sena tas-suq jew fuq il-bażi tal-liċenzji ta’ esportazzjoni maħruġa matul dik is-sena tas-suq u l-esportazzjonijiet ta’ zokkor fil-forma ta’ prodotti pproċessati prevedibbli kollha ma’ rifużjonijiet jew taxxi fuq l-esportazzjoni stabbiliti għal dak il-għan matul dik is-sena tas-suq, b’dawn il-kwantitajiet mifruxa ugwalment matul dik is-sena tal-bejgħ ( 23 ). Jidher illi l-Kummissjoni, għall-inqas mill-2003, interpretat “obbligi ta’ esportazzjoni” skont it-tifsira tal-Artikolu 6(5) bħala li jinkludu zokkor li għandu jkun esportat b'-rifużjonijiet fuq l-esportazzjoni fissi u fil-fatt imħallsa, bl-esklużjoni ta’ zokkor li għandu jkun esportat b’rifużjonijiet fuq l-esportazzjoni fissi u mhux fil-fatt imħallsa.

23.

Ir-riżultat tal-inklużjoni taz-zokkor kollu inkluż f'prodotti pproċessati esportati għall-finijiet tat-tieni element tal-kalkolu preskritt mill-Artikolu 6(4) tar-regolament ta’ implementazzjoni huwa illi “l-kwantitajiet mbassra mwarrba għall-konsum fil-Komunità” huma inqas milli jkunu kieku z-zokkor kollu li għandu jkun esportat fi prodotti proċessati ma jkunx inkluż. Dan min-naħa l-oħra jżid “l-eċċess esportabbli” u, fl-aħħar mill-aħħar, l-ammont tat-taxxa fuq il-produzzjoni.

24.

Jidher illi l-effett ta’ dik iż-żieda huwa sinjifikanti. Huwa kostanti fil-kawżi inkwistjoni li f’ħafna okkażjonijiet ( 24 ) il-produtturi taz-zokkor ma jitolbux rifużjonijiet fuq l-esportazzjoni fir-rigward ta’ zokkor inkorporat fi prodotti pproċessati esportati. Dan iseħħ apparentament għal żewġ raġunijiet ewlenin. L-ewwel, il-kwantitajiet involuti f’okkażjoni partikolari ħafna drabi jfissru li l-produttur ma jkunx jaqbillu jimla u jissottometti l-formuli neċessarji. It-tieni, anke meta l-kwantitajiet jistgħu fil-prinċipju jwasslu għall-intitolament ta’ rifużjoni fuq l-esportazzjoni vantaġġjuża, il-produttur jista’ xorta waħda jsib illi huwa diffiċli, b’mod mhux proporzjonali, li jipprovdi l-provi tal-ammont preċiż ta’ zokkor użat fil-prodott, li fuqu jiddependi l-ammont ta’ rifużjoni fuq l-esportazzjoni.

25.

It-taxxi tal-produzzjoni għas-snin tas-suq 2001/2002, 2002/2003 u 2003/2004 kienet stabbilti permezz tar-Regolamenti Nru 1837/2002, 1762/2003 u 1775/2004 ( 25 ) rispettivament.

Il-fatti li wasslu għall-kawżi prinċipali

26.

Il-kawżi quddiem il-qrati tar-rinviju huma kontestazzjonijiet minn produtturi taz-zokkor rigward l-iffissar tat-taxxi tal-produzzjoni għal, skont il-każ, is-snin tas-suq 2001/2002, 2002/2003 u 2003/2004.

Kawża C-5/06 Jülich

27.

Fil-Kawża C-5/06 Jülich, il-produttur jilmenta essenzjalment illi l-Kummissjoni, fid-determinazzjoni tal-kwantitajiet ta’ zokkor imwarrab għall-konsum fil-Komunità użati fil-kalkolu tal-eċċess esportabbli, ma kellhiex tinkludi, zokkor esportat mill-Komunità fil-forma ta’ prodotti pproċessati li fir-rigward tiegħu ma kinux tħallsu rifużjonijiet fuq l-esportazzjoni, peress illi ma rriżulta ebda telf għall-baġit tal-Komunità minn dawk l-esportazzjonijiet. Alternattivament, fid-determinazzjoni tat-telf medju għal kull tunnellata ta’ zokkor, il-Kummissjoni jmissha inkludiet ukoll il-kwantità li fir-rigward tagħha ma tħallsux rifużjonijiet. Ma kienx hemm ġustifikazzjoni objettiva għall-kunsiderazzjoni ta’ kwantitajiet differenti fid-determinazzjoni tal-eċċess esportabbli u tat-telf medju għal kull tunnellata ta’ zokkor. L-effett kien dak illi t-taxxi kienu iktar mill-ispejjeż attwali li jkopru t-telf assoċjat mal-esportazzjonijiet.

28.

Fuq il-bażi tat-taxxi tal-produzzjoni kkalkolati b’dan il-mod, Jülich kellha tħallas EUR 7.3 miljun għas-sena tas-suq 2003/2004. Hija tikkunsidra li l-figura korretta hija ta’ EUR 3.7 miljun. Għaldaqstant hija kkuntestat l-evalwazzjoni quddiem il-Finanzgericht (Qorti tal-Finanzi), Düsseldorf.

29.

Dik il-qorti għandha dubji dwar jekk id-determinazzjoni magħmula mill-Kummissjoni rigward ir-rati ta’ taxxa stabbiliti skont ir-Regolament Nru 1775/2004 hijiex kumpatibbli mal-Artikolu 15 tar-regolament bażiku, safejn il-kwantitajiet ta’ zokkor li kienu esportati fil-forma ta’ prodotti pproċessati u li fir-rigward tagħhom ma kinux imħallsa rifużjonijiet fuq l-esportazzjoni kienu inklużi fil-kalkolu tal-eċċess esportabbli.

30.

Il-qorti tar-rinviju tosserva illi, kif inhu evidenti mill-preambolu għar-regolament bażiku, l-iskop li jkunu imposti taxxi tal-produzzjoni huwa li l-produtturi jkunu responsabbli għall-ispejjeż li jirriżultaw mir-rimi ta’ dik il-parti tal-produzzjoni tal-Komunità li hija żejda għall-konsum intern tal-Komunità. Dak il-prinċipju ta’ awtofinanzjament ta’ spejjeż għar-rimi kien ukoll rikonoxxut mill-Qorti tal-Ġustizzja fil-ġurisprudenza tagħha s’issa ( 26 ). Dak jista’ jkun argumentat favur l-interpretazzjoni ta’ “eċċess esportabbli” skont it-tifsira tal-Artikolu 15 tar-regolament bażiku li tirrikjedi l-inklużjoni fil-kwantitajiet esportati użati fid-determinazzjoni tal-“kwantitajiet imwarrba għall-konsum fil-Komunità” biss ta’ dawk il-kwantitajiet esportati li fir-rigward tagħhom rifużjonijiet fuq l-esportazzjoni kienu attwalment imħallsa fis-sena tas-suq rilevanti.

31.

Barra minn hekk, il-kalkolu tat-taxxi tal-produzzjoni li għandhom ikunu stabbilti, kif sar mill-Kummissjoni, jista’ jikser ukoll il-prinċipju ta’ proporzjonalità. Dak il-prinċipju jirrikjedi li l-miżuri implementati permezz ta’ dispożizzjonijiet Komunitarji jkunu adegwati sabiex jilħqu l-għan intiż u ma jmorrux lil hinn minn dak li huwa meħtieġ sabiex jilħquh. Jekk l-għan tal-imposti ta’ taxxi tal-produzzjonii huwa sempliċiment li l-produtturi jkunu rikjesti jħallsu l-ispejjeż għar-rimi tal-produzzjoni tal-Komunità fl-eċċess, allura l-iffissar ta’ taxxi mingħajr ma jkun ikkunsidrat il-fatt illi rifużjonijiet fuq l-esportazzjoni kienu mħallsa biss għal porzjon taz-zokkor esportat ikun imur lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex jintlaħaq dan l-għan.

32.

Jekk l-Artikolu 15 tar-regolament bażiku jirrikjedi li, fil-kalkolu tal-eċċess esportabbli, dawk il-kwantitajiet ta’ zokkor esportati biss li fir-rigward tagħhom kienu fil-fatt imħallsin rifużjonijiet fuq l-esportazzjoni għandhom ikunu kkunsidrati, l-Artikolu 6(4) tar-regolament ta’ implementazzjoni u r-Regolament Nru 1775/2004 ( 27 ) ikunu invalidi.

33.

Jekk, madankollu, l-Artikolu 15 tar-regolament bażiku jirrikjedi li, fil-kalkolu tal-eċċess esportabbli, il-kwantitajiet ta’ zokkor esportati kollha għandhom ikunu kkunsidrati — minkejja l-fatt illi ma kinux imħallsa rifużjonijiet fuq l-esportazzjoni fir-rigward ta’ porzjon ta’ dawk il-kwantitajiet — id-domanda tqum dwar jekk dak għandux ikun il-każ ukoll fil-kalkolu tat-telf medju għal kull tunnellata ta’ zokkor. Jekk il-Qorti tal-Ġustizzja kellha tkun tal-opinjoni illi l-kalkolu tal-Kummissjoni tat-telf medju għal kull tunnellata mhuwiex konsistenti mal-Artikolu 15 tar-regolament bażiku, ir-Regolament Nru 1775/2004 ( 28 ) ikun invalidu għal dik ir-raġuni.

34.

Il-Finanzgericht Düsseldorf għaldaqstant irrinvijat is-segwenti domandi preliminari:

“(1)

L-Artikolu 15 [tar-Regolament bażiku] għandu jiġi interpretat li jfisser illi, fid-determinazzjoni tal-eċċess esportabbli, għandhom jiġu kkunsidrati biss dawk il-kwantitajiet esportati ta’ zokkor, isoglukosju u x-xropp tal-inulina li għallihom kienu fil-fatt tħallsu rifużjonijiet fuq l-esportazzjoni?

(2)

Jekk ir-risposta għall-ewwel domanda tkun fl-affermattiv: l-Artikolu 6(4) [tar-regolament ta’ implementazzjoni kif emendat] huwa invalidu?

(3)

Jekk ir-risposta għall-ewwel domanda tkun fin-negattiv: l-Artikolu 15 [tar-regolament bażiku] għandu jiġi interpretat li jfisser illi, fid-determinazzjoni tal-eċċess esportabbli kif ukoll tat-telf medju għal kull tunnellata ta’ zokkor, l-esportazzjonijiet kollha għandhom jiġu kkunsidrati, anke meta ma kinux tħallsu rifużjonijiet fuq l-esportazzjoni għall-porzjon ta’ dawk l-esportazzjonijiet fis-sena tas-suq rilevanti?

(4)

Jekk ir-risposti għall-ewwel, għat-tieni u għat-tielet domandi tkun fl-affermattiv: ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1775/2004 tal-14 ta’ Ottubru 2004 li jistabbilixxi t-taxxi tal-produzzjoni fis-settur taz-zokkor għas-sena tas-suq huwa invalidu?”

Il-kawżi magħquda C-23/06 sa C-36/06 Saint-Louis Sucre et

35.

Fil-Kawżi Magħquda C-23/06 sa C-36/06 Saint-Louis Sucre et (“Saint-Louis Sucre”), il-produtturi kienu tal-opinjoni li huma ħallsu wisq taxxi tal- produzzjoni fir-rigward tas-snin tas-suq 2001/2002, 2002/2003 u 2003/2004. Huma għamlu talba għal rifużjoni parzjali fuq il-bażi li, mill-2002, it-taxxa ġġenerat iktar dħul milli huwa mistenni bl-applikazzjoni korretta tal-leġiżlazzjoni rilevanti, li tipprovdi għal sistema sempliċi ta’ awtofinanzjament mill-produtturi. Dak huwa prinċiplament għax parti miz-zokkor inkorporat fil-prodotti pproċessati esportati fil-prattika ma tagħtix lok għal rifużjonijiet fuq l-esportazzjoni u għalhekk ma tikkawżax spejjeż. Ir-regolament ta’ implementazzjoni madankollu jinkludi fil-kalkolu tal-eċċess esportabbli tranżazzjonijiet li ma jiġġenerawx rifużjonijiet, jew għalhekk infiq. Il-produtturi jikkunsidraw li billi pprovdiet b’mod differenti għal zokkor li jkun esportat fil-forma ta’ prodotti pproċessati li ma wassalx għal rifużjonijiet fuq l-esportazzjoni, billi integratu min-naħa waħda fl-eċċess esportabbli li għandu jkun iffinanzjat, iżda eskludietu min-naħa l-oħra mill-“obbligi ta’ esportazzjoni” inkwistjoni li jippermettu kalkolu tal-“medja tat-telf”, il-Kummissjoni ssopravvalutat l-ammont tat-taxxa għat-tliet snin tas-suq 2001/2002, 2002/2003 u 2003/2004, u ma kkunsidratx l-għan ta’ awtofinanzjament stabbilit mill-Kunsill.

36.

Fl-alternattiva, jekk il-Qorti tal-Ġustizzja tikkonferma l-interpretazzjoni tal-Kummissjoni tal-eċċess esportabbli, il-produtturi jissottomettu li l-għan ta’ awtofinanzjament jitlob li l-Kummissjoni tinkludi fl-’“obbligi ta’ esportazzjoni in kwistjoni” zokkor li jkun esportat fil-forma ta’ prodotti pproċessati li fuqhom rifużjonijiet fuq l-esportazzjoni ma jkunux tħallsu.

37.

It-Tribunal de Grande Instance de Nanterre (Qorti Reġjonali, Nanterre) tiddikjara li għandha tagħmel rinviju lill-Qorti tal-Ġustizzja għal deċiżjoni preliminarja peress illi l-validità tal-leġiżlazzjoni tal-Komunità hija kkontestata. Tosserva wkoll illi l-partijiet jaqblu fir-rigward tal-bżonn għal dak ir-rinviju peress illi d-domanda kkontestata kienet magħmula wkoll fi Stati Membri oħra li ħafna minnhom, inkluż Franza, għamluha ċara li ma jaqblux mal-metodu ta’ kalkolu użat mill-kumitat ta’ ġestjoni sabiex jevalwa t-telf totali li għandu jkun iffinanzjat mit-taxxa fuq il-produzzjoni.

38.

Għaldaqstant għamlet dawn il-mistoqsijiet:

“(1)

L-Artikolu 6(4) tar-regolament ta’ implementazzjoni u/jew ir-Regolamenti (KE) Nri 1837/2002, 1762/2003 u 1775/2004 adottati sabiex jimplementawh huma invalidi fid-dawl tal-Artikolu 15 [tar-regolament bażiku] u fid-dawl tal-prinċipju ta’ proporzjonalità, safejn, fir-rigward tal-kalkolu tat-taxxa fuq il-produzzjoni, ma jipprovdix għall-esklużjoni mill- ‘eċċess esportabbli’ taz-zokkor li jinsab fi prodotti pproċessati li huma esportati mingħajr rifużjonijiet fuq l-esportazzjoni?

Jekk ir-risposta għal din id-domanda tkun fin-negattiv:

(2)

Ir-Regolamenti (KE) Nri 1837/2002, 1762/2003 u 1775/2004 huma invalidi fid-dawl [tar-regolament ta’ implementazzjoni] u tal-Artikolu 15 [tar-regolament bażiku] u tal-prinċipji ta’ ugwaljanza u proporzjonalità, safejn huma jistabbilixxu taxxa fuq il-produzzjoni għaz-zokkor li hija kkalkolata fuq il-bażi tal-“medja tat-telf” għal kull tunnellata esportata, li ma tikkunsidrax il-kwantitajiet esportati mingħajr rifużjoni, għalkemm dawn il-kwantitajiet huma inklużi fit-total użat sabiex ikun evalwat it-telf totali li għandu jkun iffinanzjat?”

39.

Ir-rikorrenti, il-Gvern Franċiż, Ġermaniż u Grieg u l-Kummissjoni ppreżentaw osservazzjonijiet bil-miktub u orali kemm f’Jülich kif ukoll f'Saint Louis Sucre. Il-Gvern Taljan ippreżenta osservazzjonijiet bil-miktub f’Saint Louis Sucre.

Evalwazzjoni

Determinazzjoni tal-eċċess esportabbli

40.

L-ewwel domanda kemm f’Jülich kif ukoll f’Saint Louis Sucre issaqsi essenzjalment jekk l-Artikolu 15 tar-regolament bażiku jirrikjedix li jkunu kkunsidrati, fid-determinazzjoni tal-eċċess esportabbli, biss dawk il-kwantitajiet esportati li fir-rigward tagħhom kienu fil-fatt tħallsu rifużjonijiet fuq l-esportazzjoni.

41.

Jidher li huwa kostanti li l-effett ta’ risposta fl-affermattiv għal dik id-domanda ( 29 ) jkun illi l-Artikolu 6(4) tar-regolament ta’ implementazzjoni huwa invalidu, peress illi l-effett ta’ dik id-dispożizzjoni huwa li, fid-determinazzjoni tal-eċċess esportabbli, il-kwantitajiet esportati kollha jkunu kkunsidrati, irrispettivament minn jekk ir-rifużjonijiet fuq l-esportazzjoni kienux fil-fatt imħallsa. L-invalidità tal-Artikolu 6(4) hija mqajma bħala t-tieni domanda f’Jülich u bħala parti mill-ewwel domanda f’Saint Louis Sucre.

42.

B’mod simili, jekk l-ewwel domanda kemm f’Jülich kif ukoll f’Saint Louis Sucre (kif irriformulata iktar’il fuq) tkun risposta fl-affermattiv, l-effett ikun illi r-Regolamenti Nri 1837/2002, 1762/2003 u 1775/2004, li jistabbilixxu l-ammont tat-taxxa fuq il-produzzjoni kkalkolat skont, fost affarijiet oħra, l-Artikolu 6(4) tar-regolament ta’ implementazzjoni, huma sa fejn għandu x’jaqsam ma’ dan invalidi. L-invalidità tar-Regolamenti Nri 1837/2002, 1762/2003 u 1775/2004 hija mqajma (fir-rigward tar-Regolament Nru 1775/2004) bħala r-raba’ domanda f’Jülich u (fir-rigward tat-tliet regolamenti kollha) bħala parti mill-ewwel domanda f’Saint Louis Sucre.

43.

Wieħed jiftakar illi skont l-Artikolu 15 tar-regolament bażiku t-telf globali, li jiddetermina r-rata tat-taxxa fuq il-produzzjoni, huwa l-prodott tal-eċċess esportabbli u tat-telf medju. L-eċċess esportabbli huwa kkalkolat fuq il-bażi tal-kwantitajiet ta’ zokkor imwarrab għall-konsum fil-Komunità. L-Artikolu 6(4) tar-regolament ta’ implementazzjoni kif emendat jipprovdi li l-kwantitajiet mwarrba għall-konsum fil-Komunità huma (i) kwantitajiet totali ta’ zokkor maħżun fil-bidu tas-sena tas-suq, zokkor prodott taħt il-kwoti A u B, zokkor importat fl-istat naturali u zokkor li jinsab fi prodotti importati pproċessati, mingħajr (ii) zokkor esportat fl-istat naturali, zokkor li jinsab fi prodotti pproċessati esportati, zokkor maħżun fit-tmiem tas-sena tas-suq u (essenzjalment) zokkor użat fl-industrija tal-kimika.

44.

Huwa kostanti li l-kunċett ta’ zokkor “li jinsab fi prodotti pproċessati esportati” skont it-tifsira tal-Artikolu 6(4) kif emendat jinkludi z-zokkor kollu li jinsab fi prodotti pproċessati esportati, anke zokkor li fir-rigward tiegħu ma kienu mħallsa ebda rifużjonijiet fuq l-esportazzjoni. Id-domanda hija jekk dik l-interpretazzjoni hijiex konsistenti mal-Artikolu 15 tar-regolament bażiku.

45.

Ir-rikorrenti u l-Gvern Franċiż, Grieg u Taljan jissottomettu, essenzjalment, illi skont l-Artikolu 15 tar-regolament bażiku għandhom ikunu kkunsidrati, fid-determinazzjoni tal-eċċess esportabbli, dawk l-esportazzjonijiet taz-zokkor biss li fir-rigward tagħhom kienu fil-fatt tħallsu rifużjonijiet fuq l-esportazzjoni. Dawk il-partijiet ħafna drabi jinvokaw sabiex isostnu l-opinjoni tagħhom, l-ewwel, il-kliem, l-iskema, l-istorja, l-għan u l-interpretazzjoni mill-Qorti tal-Ġustizzja tar-regolament bażiku u, it-tieni, il-prinċipju ta’ proporzjonalità.

46.

Il-Gvern Ġermaniż u l-Kummissjoni huma tal-opinjoni opposta.

47.

Il-Gvern Ġermaniż jibbaża l-opinjoni tiegħu fuq il-kliem kemm tal-Artikolu 15 tar-regolament bażiku kif ukoll tal-Artikolu 6(4) tar-regolament ta’ implementazzjoni u fuq l-għanijiet tat-taxxa fuq il-produzzjoni, li jinkludu l-influwenza fuq il-produzzjoni taz-zokkor u l-istabbilizzazzjoni tas-suq ( 30 ).

48.

Il-Kummissjoni tissottometti li r-regolament bażiku ma jagħtihiex għażla ħlief li tikkunsidra fil-kalkolu tal-eċċess esportabbli l-esportazzjonijiet kollha, inklużi dawk illi ma bbenefikawx minn rifużjonijiet fuq l-esportazzjoni. Dak l-approċċ huwa loġiku peress illi l-eċċess esportabbli għandu jinkludi l-kwantitajiet kollha, irrilevanti jekk fil-fatt kienux esportati, li r-rimi tagħhom huwa stabbilit permezz tal-miżuri tal-Komunità. Barra minn hekk, il-konsum Komunitarju jkun sopravvalutat jekk ċertu kwantitajiet esportati ma jkunux ikkunsidrati.

49.

Jidhirli illi, essenzjalment, id-domanda hija bażikament jekk wieħed jieħux approċċ wiesa’, ibbażat fuq l-għan finali tal-kalkolu, jew approċċ dejjaq, ibbażat fuq il-komponenti individwali tal-kalkolu. Fl-ewwel każ, l-għan ta’ awtofinanzjament jidher li jsostni l-opinjoni li zokkor biss li jkun esportat fi prodotti pproċessati li fir-rigward tiegħu ikunu ġew mitluba u mħallsa rifużjonijiet fuq l-esportazzjoni għandu jkun kkunsidrat. Inkella l-effett indirett huwa illi t-“telf ġenerali [globali]” huwa artifiċjalment mgħolli u t-taxxi tal-produzzjoni huma għalhekk ogħla. Fit-tieni każ, il-kliem ċar tad-dispożizzjonijiet iwasslu għall-konklużjoni opposta: f’dan l-istadju tal-kalkolu, kull ma qed isir huwa determinazzjoni ta’ dak li kien esportat.

50.

Fl-opinjoni tiegħi jkun nuqqas ta’ sinċerità jekk tittieħed it-tieni opinjoni. Il-kalkolu mhuwiex inkluż fil-leġiżlazzjoni bħala eżerċizzju tal-lingwistika. Huwa hemmhekk bħala pass fid-determinazzjoni ta’ jekk hemmx telf globali. Kif tissottometti Jülich, it-terminu “telf ġenerali” fl-Artikolu 15(1)(e) huwa ġerarkikament superjuri għat-terminu subordinat “eċċess li jista’ jkun esportat” u “medja tat-telf” u għalhekk għandu jelabora l-interpretazzjoni tat-terminu msemmi l-aħħar. Jekk hemm telf globali, it-taxxa fuq il-produzzjoni hija kkalkolata permezz ta’ referenza diretta u immedjata għalih u hija imposta fuq produtturi taz-zokkor b’tali rata li huma jkollhom ir-responsabbiltà kollha għat-telf (suġġett għal limitu).

51.

Il-prinċipju tar-responsabbilità tal-produttur kien introdott permezz tar-Regolament Nru 1785/1981 ( 31 ). Il-Qorti tal-Ġustizzja spjegat f’Eridania ( 32 ) li qabel ma kien adottat dak ir-regolament kienet stabbilita dispożizzjoni għal sistema Komunitarja għall-finanzjament tal-ispejjeż għar-rimi ta’ eċċess. Skont dik is-sistema tal-bidu, dawn l-ispejjeż kienu mħallsa b’ċerti limiti mill-produtturi kollha permezz ta’ taxxa fuq il-produzzjoni filwaqt li dak li baqa’ kien imħallas mill-baġit tal-Komunità. Ir-Regolament Nru 1785/1981 introduċa s-sistema li fuqha huma bbażati l-arranġamenti inkwistjoni. Fil-fatt, it-test tal-11-il premessa fil-preambolu tar-Regolament Nru 1785/1981 huwa essenzjalment identiku għal dak tal-premessa 9 fil-preambolu tar-regolament bażiku.

52.

Dik il-premessa, flimkien mal-premessi l-oħra stabbiliti fil-punt 7 iktar’il fuq, tagħmilha ċara fl-opinjoni tiegħi li l-għan ewlieni tat-taxxa fuq il-produzzjoni skont is-sistema ta’ wara l-1981 huwa li jiġi żgurat li l-produtturi jħallsu l-ispejjeż tar-rimi ta’ produzzjoni eċċessiva.

53.

Il-premessa 11 fil-preambolu tar-regolament bażiku barra minn hekk tirreferi għall-prinċipju li l-produtturi għandhom ikollhom responsabbiltà finanzjarja totali għat-telf imġarrab kull sena tas-suq. Dan jenfasizza li qed nitkellmu fuq telf reali.

54.

F’Eridania et il-Qorti tal-Ġustizzja kienet mistoqsija jekk it-taxxa fuq il-produzzjoni kinitx tikser il-projbizzjoni ta’ diskriminazzjoni fuq il-bażi li t-total ta’ taxxi marbuta mal-finanzjament tas-sistema ta’ kwoti kien ikkalkolat fuq il-bażi tal-konsum fil-Komunità, filwaqt illi t-taxxi mħallsa mill-azjendi individwali kienu kkalkolati fuq il-bażi tal-produzzjoni reali tagħhom matul il-perijodu ta’ referenza.

55.

Il-Qorti tal-Ġustizzja ċaħdet dak l-argument. Fis-sentenza tagħha ddikjarat illi “is-sistema ta’ kwoti […] tipprovdi għal rimi bi prezzijiet garantiti permezz ta’ sistema għall-finanzjament tal-ispejjeż tar-rimi, li huma mħallsa konġuntament mill-produtturi kollha. Dik is-sistema ta’ finanzjament hija ddisinjata b’tali mod illi l-kwota A, li tirrapreżenta l-konsum intern, tagħti lok biss għal taxxa minima, filwaqt li l-kwota B, li hija ġeneralment għall-esportazzjoni, hija suġġetta għal taxxa ħafna iktar għolja sabiex tiffinanzja r-rifużjonijiet neċessarji filwaqt illi tiskoraġġixxi l-produzzjoni” ( 33 ).

56.

Dik id-dikjarazzjoni hija kkwotata mill-qorti tar-rinviju f’Jülich u mill-Gvern Ġermaniż fiż-żewġ kawżi sabiex isostnu l-opinjoni li l-għan tat-taxxa fuq il-produzzjoni mhuwiex sempliċiment li l-produtturi jħallsu l-ispejjeż tar-rimi iżda wkoll sabiex tiskoraġġixxu l-produzzjoni.

57.

Jidhirli, madankollu, illi l-formulazzjoni użata mill-Qorti tal-Ġustizzja hija konsistenti mal-opinjoni li l-għan prinċipali huwa l-awtofinanzjament mill-produtturi.

58.

Huwa wkoll evidenti mill-iskema tal-Artikolu 15 tar-regolament bażiku li l-għan prinċipali huwa l-awtofinanzjament. L-Artikolu 15(3) jipprovdi li t-taxxa fuq il-produzzjoni bażika għandha tkun determinata permezz tad-diviżjoni tat-telf globali li jista’ jiġi mbassar bil-produzzjoni stmata ta’ zokkor A u B li jista’ jkun attribwit għas-sena tas-suq kurrenti, suġġetta għal limitu ( 34 ). Jekk madankollu t-taxxa fuq il-produzzjoni kkalkolata b’dan il-mod “ma tkoprix għal kollox it-telf ġenerali”, l-Artikolu 15(4) jipprovdi għall-kalkolu ta’ taxxa fuq il-produzzjoni oħra fuq zokkor B, għal darba oħra suġgett għal limitu ( 35 ). Għal darba oħra, jekk ikun evidenti li t-telf globali prevedibbli “mhux probabbli li jkun kopert mid-dħul [introjtu] li mistenni jkun iġġenerat mit-taxxa” minħabba ż-żewġ limitazzjonijiet, l-Artikolu 15(5) jipprovdi għal aġġustament ieħor, suġġett għal limitu ieħor ( 36 ).

59.

Dik l-interpretazzjoni hija barra minn hekk ikkorraborata mit-trattament fir-regolament bażiku ta’ rifużjonijiet fuq il-produzzjoni taz-zokkor użat fl-industrija tal-kimika ( 37 ). L-Artikolu 15(6) jirrikjedi li t-telf kollu li jirriżulta mill-għoti ta’ dawn ir-rifużjonijiet fuq il-produzzjoni jkun ikkunsidrat fil-kalkolu tat-telf globali msemmi fil-paragrafu 1(e). Ir-rifużjonijiet tal-produzzjoni għalhekk jiġu kkunsidrati biss meta fil-fatt ikunu ngħataw.

60.

Barra minn hekk il-fatt innifsu li t-taxxa fuq il-produzzjoni timponi fuq il-produtturi l-obbligu li jiffinanzjaw l-ispiża tas-sussidju ta’ esportazzjonijiet ta’ produzzjoni eċċessiva jidhirli li jiskoraġixxi l-produzzjoni. Is-sempliċi fatt, jekk huwa hekk, illi t-taxxi tal-produzzjoni jiskoraġġixxu produzzjoni li teċċedi l-konsum tal-Komunità mhuwa b’ebda mod inkonsistenti mal-għan prinċipali ta’ dawn it-taxxi li huwa l-finanzjament ta’ rifużjonijiet fuq l-esportazzjoni, u għalhekk mal-propożizzjoni li dawn it-taxxi għandhom ikunu kkalkolati sabiex il-produtturi ma jħallsux iktar milli hu meħtieġ għal dak il-għan.

61.

Jidhirli li l-uniku argument konvinċenti kontra l-interpretazzjoni li qed nipproponi huwa li zokkor esportat fi prodotti proċessati li fir-rigward tiegħu ma tħallsu ebda rifużjonijiet fuq l-esportazzjoni jkun ikkunsidrat bħala zokkor “imwarrab għall-konsum fil-Komunità” skont it-tifsira tal-Artikolu 15(1)(b) tar-regolament bażiku. Dik hija b’mod evidenti mhux it-tifsira naturali tal-frażi.

62.

Madankollu, għandu jkun imfakkar illi l-kunċett ta’ “zokkor […] imwarr[ab] għall-konsum fil-Komunità” m’għandux sinjifikat indipendenti. Huwa sempliċiment tikketta mwaħħla ma’ pass intermedjarju fil-kalkolu ta’ “l-eċċess esportabbli”. It-tifsira li tista’ normalment tkun mogħtija lil dik it-tikketta f’kuntesti oħrajn hija għalhekk mhux partikolarment importanti.

63.

Kieku kien madankollu neċessarju naslu għal interpretazzjoni tal-espressjoni “zokkor […] imwarrab għall-konsum fil-Komunità” li hija rikonċiljabli mal-kuntest iktar wiesa’ tagħha, nikkunsidra li dak jista’ jsir. Is-soluzzjoni, fl-opinjoni tiegħi, hi li nikkunsidraw zokkor esportat mingħajr spejjeż għall-Komunità — inkluż zokkor esportat fi prodotti pproċessati li fir-rigward tiegħu ma tħallsux rifużjonijiet fuq l-esportazzjoni — bħala zokkor imwarrab għall-konsum fil-Komunità. Dik l-interpretazzjoni, filwaqt li hi xi ftit imġebbda, tidher fl-opinjoni tiegħi li hija meħtieġa sabiex iktar ġeneralment il-leġiżlazzjoni tkun interpretata b’tali mod li tirrifletti l-għanijiet tagħha ( 38 ).

64.

Il-Kummissjoni rriferiet f’Saint Louis Sucre għal ġurisprudenza li tiddikjara li l-leġiżlatura Komunitarja għandha setgħa diskrezzjonali wiesa’ f’materji li jikkonċernaw il-politika agrikola komuni, li jikkorrispondu għar-responsabiltajiet politiċi mogħtija lilha mill-Artikoli 34 KE sa 37 KE. Konsegwentement, stħarriġ ġudizzjarju għandu jkun limitat għall-verifika li l-miżura inkwistjoni mhijiex ivvizzjata minn żball manifest jew minn użu ħażin ta’ poteri u li l-awtorità kkonċernata ma eċċeditx manifestament il-limiti tal-poter ta’ evalwazzjoni tagħha ( 39 ).

65.

Il-Qorti tal-Ġustizzja fil-fatt iddeċidiet skont dan. Dan ma jagħtix madankollu poter assolut lill-Komunità fis-settur tal-biedja. Il-Qorti tal-Ġustizzja ma eskludietx stħarriġ ġudizzjarju tal-eżerċizzju tal-istituzzjonijiet tas-setgħat diskrezzjonali wiesa’ tagħhom. Jekk dan l-istħarriġ għandu jkun ta’ valur, għandu jkun possibbli li l-Qorti tal-Ġustizzja tintervjeni meta, bħal fil-kawżi inkwistjoni, il-metodu ta’ kalkolu ta’ taxxa fuq il-produzzjoni intiża sabiex permezz tagħha l-produtturi jħallsu l-ispejjeż għall-Komunità għar-rimi tal-produzzjoni eċċessiva manifestament iwassal għal taxxi żejda, u b'hekk ipoġġi piż sproporzjonat fuq il-produtturi.

66.

Jiena tal-opinjoni wkoll illi, fid-determinazzjoni tal-eċċess esportabbli, għandhom ikunu kkunsidrati biss dawk il-kwantitajiet esportati ta’ zokkor li fir-rigward tagħhom jkunu fil-fatt tħallsu rifużjonijiet fuq l-esportazzjoni.

67.

Huwa kostanti li l-Artikolu 6(4) tar-regolament ta’ implementazzjoni ma jirriflettix dik l-interpretazzjoni. Minn dan isegwi li dik id-dispożizzjoni, flimkien mar-Regolamenti Nri 1837/2002, 1762/2003 u 1775/2004, hija sa dak l-estent invalida.

Determinazzjoni tat-telf medju

68.

It-tielet domanda f’Jülich u t-tieni domanda f’Saint Louis Sucre issaqsi essenzjalment jekk l-Artikolu 15 tar-regolament bażiku jirrikjedix illi, fid-determinazzjoni tat-telf medju għal kull tunnellata ta’ zokkor, l-esportazzjonijiet kollha, inkluż dawk illi fir-rigward tagħhom ma tħallsux rifużjonijiet fuq l-esportazzjoni, għandhom ikunu kkunsidrati jew jekk għall-kuntrarju esportazzjonijiet li fir-rigward tagħhom ma tħallsu ebda rifużjonijiet fuq l-esportazzjoni m’għandhomx ikunu inklużi fil-kalkolu.

69.

Għandu jiġi mfakkar illi skont l-Artikolu 15 tar-regolament bażiku t-telf globali, li jiddetermina r-rata tat-taxxa fuq il-produzzjoni, huwa l-prodott tal-eċċess esportabbli u tat-telf medju għal kull tunnellata. It-telf medju għal kull tunnellata huwa d-differenza bejn l-ammont totali ta’ rifużjonijiet u l-ammont totali ta’ taxxi diviżi bit-tunnellaġġ totali ta’ obbligi ta’ esportazzjoni li għandhom jitwettqu f’dik is-sena tas-suq. L-Artikolu 6(5) tar-regolament ta’ implementazzjoni jiddefinixxi obbligi ta’ esportazzjonijiet li għandhom jitwettqu matul is-sena tas-suq kurrenti bħala, essenzjalment, iz-zokkor kollu li għandu jkun esportat fl-istat naturali b’rifużjonijiet fuq l-esportazzjoni ( 40 ) stabbiliti permezz ta’ offerti miftuħa fir-rigward ta’ dik is-sena tas-suq jew fuq il-bażi ta’ liċenzji ta’ esportazzjoni maħruġa matul dik is-sena tas-suq u l-esportazzjonijiet taz-zokkor prevedibbli kollha fil-forma ta’ prodotti pproċessati b’rifużjonijiet fuq l-esportazzjoni ( 41 )ffissati għal dak il-għan matul dik is-sena tas-suq, b'tali kwantitajiet mifruxa ugwalment matul dik is-sena tas-suq.

70.

Ir-rikorrenti u l-Gvern Franċiż jirrepetu illi, fil-kalkolu tat-telf globali, iz-zokkor li ma kkawżax telf għall-Komunità għandu jkun eskluż mill-eċċess esportabbli, wieħed mill-elementi fil-kalkolu. Jekk il-Kummissjoni ħadmet fuq dik il-bażi, ikun loġiku li teskludi dan iz-zokkor ukoll fil-kalkolu tat-telf medju, l-element l-ieħor. Il-Kummissjoni bħalissa qed tagħmel dan. Din id-domanda kienet mqajma alternattivament, fi kliem ieħor fil-każ illi l-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi li, fil-kalkolu tat-telf globali, iz-zokkor kollu esportat fi prodotti pproċessati għandhu jkun ikkunsidrat. F’dak il-każ, jekk il-Kummissjoni ma tikkunsidrax ukoll, fil-kalkolu tat-telf medju, iz-zokkor kollu esportat fi prodotti pproċessati, irrispettivament minn jekk rifużjonijiet fuq l-esportazzjoni kienu imħallsa jew le, il-kalkolu jkun żbaljat peress illi l-figura tal-esportazzjonijiet użata għall-kalkolu tal-eċċess esportabbli tkun iktar għolja minn dik użata sabiex ikun ikkalkolat it-telf medju. Dan imur kontra l-prinċipju ta’ proporzjonalità, peress illi t-telf medju, jkun artifiċjalment miżjud u għalhekk ma jirriflettix l-ispiża medja reali tal-esportazzjonijiet kollha ikkunsidrati fil-kalkolu tat-telf globali.

71.

Il-Gvern Grieg u dak Taljan ma jagħmlux sottomissjonijiet dwar l-interpretazzjoni ta’ telf medju.

72.

Il-Gvern Ġermaniż jissottometti illi, jekk l-eċċess esportabbli jkun iddeterminat fuq il-bażi tal-esportazzjonijiet kollha filwaqt illi t-telf medju jkun ikkalkolat biss fuq dawk l-esportazzjonijiet li fuqhom ikunu tħallsu rifużjonijiet fuq l-esportazzjoni, dan jista’ jirriżulta li t-taxxa fuq il-produzzjoni tkun ikbar mit-telf reali, ħaġa li tmur kontra l-prinċipju ta’ awtofinanzjament.

73.

Il-Kummissjoni tosserva li l-Kunsill espliċitament uża t-termini ‘obbligi ta’ esportazzjoni’ u mhux ‘kwantitajiet esportati’ fl-Artikolu 15(1)(d) tar-regolament bażiku. It-terminu ‘obbligi’ jassumi li esportazzjonijiet għandhom l-appoġġ ta’ miżuri Komunitarji, jiġifieri fil-każ preżenti rifużjonijiet fuq l-esportazzjoni. Barra minn hekk, peress li l-għan tal-kalkolu tat-telf medju huwa li tkun determinata l-ispiża għal kull unità ta’ zokkor eċċess disponibbli fis-suq, fid-determinazzjoni ta’ dik l-ispiża għandhom ikunu inklużi biss dawk il-kwanititajiet li fir-rigward tagħhom ġiet sostnuta spiża għar-rimi ġenwina.

74.

L-Artikolu 15(1)(d) jiddefinixxi t-telf jew id-dħul medju bħala d-differenza bejn l-ammont totali ta’ rifużjonijiet u l-ammont totali ta’ taxxi diviżi bit-tunnellaġġ totali ta’ obbligi ta’ esportazzjoni li għandhom jitwettqu matul is-sena tas-suq kurrenti. Fil-prattika dik id-differenza normalment twassal għal telf medju, peress illi prezzijiet dinjija huma normalment inqas mill-prezzijiet sostnuti tal-Komunità sostnuti. Dak it-telf medju huwa imbagħad multiplikat bl-eċċess esportabbli sabiex tinkiseb stima ta’ telf globali. Dak it-telf jiġi mbagħad diviż bil-produzzjoni taz-zokkor stmata u l-ammont li jirriżulta jiġi impost fuq il-produtturi bħala t-taxxa fuq il-produzzjoni bażika.

75.

Diġà spjegajt għaliex nikkunsidra li, fil-kalkolu tal-eċċess esportabbli, zokkor li jinsab fi prodotti pproċessati esportati għandu jkun kkunsidrat biss meta jkun ibbenefika minn rifużjonijiet fuq l-esportazzjoni. Huwa kostanti li l-loġika tgħid illi, jekk dan huwa l-każ, l-element l-ieħor fid-determinazzjoni tat-telf globali stmat, fi kliem ieħor it-telf medju, għandu b’mod simili jikkunsidra zokkor esportat fi prodotti pproċessati biss meta dan ibbenefika minn rifużjonijiet fuq l-esportazzjoni.

Konklużjoni

76.

Għar-raġunijiet imsemmija hawn fuq, jien tal-fehma li d-domandi rinvijati mill-Finanzgericht Düsseldorf fil-Kawża C-5/06 għandhom ikollhom ir-risposti li ġejjin:

“—

L-Artikolu 15 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1260/2001, tad-19 ta’ Ġunju 2001, dwar l-organizzazzjoni komuni tas-swieq fis-settur taz-zokkor jirrikjedi li, fid-determinazzjoni tal-eċċess esportabbli, għandhom ikunu kkunsidrati biss dawk il-kwantitajiet esportati ta’ zokkor, isoglukosju jew xropp tal-inulina li fir-rigward tagħhom fil-fatt tħallsu rifużjonijiet fuq l-esportazzjoni.

L-Artikolu 6(4) tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 314/2002, tal-20 ta’ Frar 2002, li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tas-sistema ta’ kwoti fis-settur taz-zokkor, kif emendat mir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1140/2003 tas-27 ta’ Ġunju 2003, huwa invalidu safejn ma jirriflettix dik l-interpretazzjoni tal-Artikolu 15 tar-Regolament Nru 1260/2001.

Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1775/2004, tal-14 ta’ Ottubru 2004, li jiffissa t-taxxi tal-produzzjoni fis-settur taz-zokkor għas-sena tas-suq 2003/04 huwa invalidu safejn dawk it-taxxi tal-produzzjoni huma ffissati fuq il-bażi ta’ interpretazzjoni inkorretta tal-Artikolu 15 tar-Regolament Nru 1260/2001.”

77.

Għall-istess raġunijiet, nikkunsidra li l-ewwel domanda magħmula mit-Tribunal de Grande Instance de Nanterre fil-Kawżi Magħquda C-23/06 sa 36/06 għandha jkollha r-risposta li ġejja:

“—

L-Artikolu 6(4) tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 314/2002, tal-20 ta’ Frar 2002, li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tas-sistema ta’ kwoti fis-settur taz-zokkor, kif emendat permezz tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1140/2003, tas-27 ta’ Ġunju 2003, flimkien mar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1837/2002, tal-15 ta’ Ottubru 2002, li jiffissa t-taxxi tal-produzzjoni u l-koeffiċjent għat-taxxa addizzjonali fis-settur taz-zokkor għas-sena tas-suq 2001/02, ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1762/2003, tas-7 ta’ Ottubru 2003, li jiffissa t-taxxi tal-produzzjoni fis-settur taz-zokkor għas-sena tas-suq 2002/03 u r-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1775/2004, tal-14 ta’ Ottubru 2004, li jiffissa t-taxxi tal-produzzjoni fis-settur taz-zokkor għas-sena tas-suq 2003/04 huma invalidi fid-dawl tal-Artikolu 15 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1260/2001, tad-19 ta’ Ġunju 2001, dwar l-organizzazzjoni komuni tas-swieq fis-settur taz-zokkor safejn, fir-rigward tal-kalkolu tat-taxxa fuq il-produzzjoni, ma jipprovdux għall-esklużjoni mill-“eċċess esportabbli” taz-zokkor li jinsab fi prodotti pproċessati li huma esportati mingħajr rifużjonijiet fuq l-esportazzjoni.”

ANNESS

Ir-Regolament 1260/2001 (ir-regolament bażiku)

L-Artikolu (KE) Nru 15 tar-regolament bażiku jistabbilixxi, sa fejn hu rilevanti:

“1.   Qabel it-tmiem ta’ kull sena tas-suq, is-segwenti għandu jkun irreġistrat:

(a)

tbassir tal-produzzjoni taz-zokkor A u B, isoglukożi A u B u x-xiropp ta’ l-inulina A u B li tista’ tkun konnessa mas-sena tas-suq ikkonċernata;

(b)

tbassir tal-kwantitajiet taz-zokkor, ta’ l-isoglukosi u tax-xiropp ta’ l-inulina mwarrba għall-konsum fil-Komunità matul is-sena tas-suq li hemm referenza dwarha;

(c)

l-eċċess li jista’ jkun esportat bit-tnaqqis tal-kwantità li hemm referenza dwarha fil-(b) mill-kwantità li hemm referenza dwarha fl-(a);

(d)

l-estimi tat-telf medju jew tad-dħul medju (ta’ flus) għal kull tunnelata metrika sabiex jiġu mwettqa l-obbligi ta’ l-esportazzjoni matul is-sena tas-suq kurrenti.

Din il-medja ta’ telf [telf medju] jew ta’ introjtu [dħul] għandha tkunu egwali għad-differenza bejn l-ammont totali tar-rifużjoni u l-ammont totali tad-dħul mit-taxxi fuq it-tunnellaġġ metriku totali ta’ l-obbligi dwar l-esportazzjoni f'dak il-każ;

(e)

l-estimi tat-telf jew ta’ l-introjtu ġenerali [globali] miksuba bil-multiplikazzjoni ta’ l-eċċess riferit fiċ-(ċ) bil-medja tat-telf jew ta’ l-introjtu riferit fid-(d).

2.   Qabel it-tmiem tas-sena tas-suq 2005/2006 u mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 10(3), (4), (5) u (6), is-segwenti għandu jkun irreġistrat kumulattivament għas-snin tas-suq 2001/2002 sa l-2005/2006:

(a)

l-eċċess esportabbli stabbilit fuq il-bażi tal-produzzjoni definittiva taz-zokkor tat-tip A u tat-tip B u ta’ l-isoglukożi tat-tip A u tat-tip B u l-kwantità definittiva taz-zokkor u l-isoglukożi mwarrba għall-konsum ġewwa l-Komunità.

(b)

il-medja tat-telf jew ta’ l-introjti kull tunnellata li jirriżulta mill-obbligazzjonijiet totali ta’ l-esportazzjoni kkonċernati, ikkalkulati permezz tal-metodu deskritt fit-tieni subparagrafu tal-paragrafu 1 (d) t'hawn fuq;

(ċ)

it-telf jew l-introjtu ġenerali miksuba bil-multiplikazzjoni ta’ l-eċċess riferit fl-(a) bil-medja tat-telf jew ta’ l-introjtu riferit fil-(b).

(d)

is-somma totali tad-dħul mit-taxxi fuq il-produzzjoni bażika u t-taxxi B imponuti;

L-estimi tat-telf jew ta’ l-introjtu ġenerali li hemm referenza dwaru fil-paragrafu 1 (e) għandhom jiġu aġġustati fuq il-bażi tad-differenza bejn l-ammonti li hemm referenza dwarhom f' (ċ) u f' (d).

3.   […] jekk il-figuri rreġistrati taħt il-paragrafu 1 u aġġustati taħt il-paragrafu 2 jirriżultaw f'telf ġenerali li jista’ jkun previst, it-telf għandu jiġu maqsum bil-produzzjoni taz-zokkor A u B, l-isoglukożju A u B u x-xiropp ta’ l-inulina A u B li għandhom konnessjoni mas-sena tas-suq kurrenti. L-ammont li jirriżulta għandu jinżamm lill-fabbrikanti bħala taxxa bażika tal-produzzjoni fuq il-produzzjoni tagħhom taz-zokkor A u B, l-isoglukożju A u B u x-xiropp ta’ l-inulina A u B.

Madankollu, din it-taxxa m’għandhiex teċċedi

għaz-zokkor, 2 % tal-prezz ta’ l-intervent għaz-zokkor abjad,

għax-xiropp ta’ l-inulina, espress bħala ekwivalent taz-zokkor/isoglukożi billi jkun applikat ko-effiċjent ta’ 1.9, l-ammont massimu li jista’ jitħallas fuq iz-zokkor abjad, u

għall-isoglukożi, is-sehem tat-taxxa tal-produzzjoni bażika merfuha mill-fabbrikanti taz-zokkor.

4.   Jekk it-taxxa massima permissibbli fuq il-produzzjoni bażika ma tkoprix għal kollox it-telf ġenerali riferit fl-ewwel subparagrafu tal-paragrafu 3, il-bilanċ mhux kopert għandu jkun maqsum bejn il-produzzjoni kkalkolata taz-zokkor tat-tip B, l-isoglukożi tat-tip B u l-inulina tat-tip B attribwiti għas-sena tas-suq involuta. L-ammont li jirriżulta għandu jkun impost fuq il-fabbrikanti bħala taxxa B fuq il-produzzjoni tagħhom taz-zokkor B, l-isoglukożi B u x-xiropp ta’ l-inulina B.

B'dankollu, bla ħsara għall-paragrafu 5, din it-taxxa ma għandhiex teċċedi:

għaz-zokkor B, 30 % tal-prezz ta’ l-intervent għaz-zokkor abjad,

għax-xiropp ta’ l-inulina B, espress bħala ekwivalent taz-zokkor/isoglukożi billi jkun applikat ko-effiċjent ta’ 1.9, l-ammont massimu li jista’ jitħallas fuq iz-zokkor abjad B,u

fuq l-isoglukożi B, is-sehem tat-taxxa tal-produzzjoni bażika merfuha mill-fabbrikanti taz-zokkor.

5.   Meta l-figuri rreġistrati taħt il-paragrafu 1 jissuġġerixxu li t-telf ġenerali li jista’ jkun previst għas-sena tas-suq kurrenti mhux probabbli li jkun kopert mid-dħul li mistenni jkun iġġenerat mit-taxxi minħabba l-limiti fuq it-taxxa bażika tal-produzzjoni u t-taxxa B ffissata fil-paragrafi 3 u 4, allura l-persentaġġ massimu imsemmi fl-ewwel inċiż tal-paragrafu 4 għandu jkun aġġustat sa fejn ikun neċessarju biex ikopri t-telf ġenerali, mingħajr ma jeċċedi s-37.5 %.

Il-persentaġġ massimu rivedut għat-taxxa B għandu jkun iffissat għas-sena tas-suq kurrenti qabel il-15 ta’ Settembru. Il-prezz minimu għall-pitravi B li hemm referenza dwaru fl-Artikolu 4(1)(b) għandu jkun aġġustat bl-istess mod..

6.   It-telf kollu li jirriżulta mill-għoti ta’ rifużjoni tal-produzzjoni skond l-Artikolu 7(3) għandu jkun kkunsidrat meta jkun ikkalkulat it-telf ġenerali li hemm referenza dwaru fil-paragrafu 1(e).

7.   It-taxxi li hemm referenza dwarhom f'dan l-Artikolu għandhom jinġabru mill-Istati Membri.

8.   Regoli dettaljati biex ikun applikat dan l-Artikolu għandhom jiġu adottati bi qbil mal-proċedura li hemm referenza dwarha fl-Artikolu 42, u għandhom ikopru partikolarment:

l-ammonti tat-taxxi li jridu jinġabru,

il-persentaġġ massimu rivedut għat-taxxa B,

il-prezz minimu aġġustat tal-pitravi B li jikkorrispondi mal-persentaġġ massimu rivedut għat-taxxa B.”

Ir-Regolament (KE) Nru 314/2002 (ir-regolament tal-implementazzjoni)

L-Artikolu 6(4) u (5) tar-regolament ta’ implementazzjoni kif emendat jistabbilixxi li:

“4.   Il-kwantitajiet mqiegħda għall-konsum fil-Komunità li għandhom ikunu reġistrati skond l-Artikolu 15(1)(b) u (2)(a) tar-Regolament (KE) Nru 1260/2001 għandhom jiġu stabbiliti billi jingħad it-total tal-kwantitajiet, espressi bħala zokkor raffinat, taz-zokkor u xropp indikati fl-Artikolu 1(1)(a), (b), (c), u (d) u ta’ l-isoglukosju u x-xropp ta’ l-inulina:

(a)

maħżuna fil-bidu tas-sena ta’ marketing[tas-suq];

(b)

prodotti taħt il-kwoti A u B;

(ċ)

importati fl-istat naturali;

(d)

li jkunu jinsabu fi prodo[t]ti proċessati importati;

jitnaqqsu [mil]l-kwantitajiet msemmija fl-ewwel subparagrafu, [il-kwantitajiet ( 42 )] espressi bħala zokkor raffinat, ta’ zokkor, isoglukosju u xropp ta’ l-inulina:

(a)

esportati fl-istat naturali;

(b)

li jkunu jinsabu fi prodo[t]ti proċessati esportati;

(ċ)

maħżuna fi tmiem is-sena ta’ marketing;

(d)

li għalihom ħarġu ċertifikati għar-rifużjonijiet għall-produzzjoni kif indikat fl-Artikolu 7(3) tar-Regolament (KE) Nru 1260/2001 ( 43 ).

Il-kwantitajiet kif indikati fil-punti (c) u (d) ta’ l-ewwel subparagrafu u fil-punti (a) u (b) tat-tieni subparagrafu għandhom ikunu akkwistati mill-bażi tad-data Eurostat u għandhom, jekk il-figuri għal sena ta’ markeing ma jkunux kompluti, ikopru it-12-il xahar l-iktar reċenti li huma disponibbli. Il-kwantitajiet prodotti taħt arranġamenti ta’ proċessar ta’ ġewwa m’għandhomx jingħaddu.

Il-kwantitajiet kif indikati fil-punt (c) ta’ l-ewwel subparagrafu u fil-punt (a) tat-tieni subparagrafu għandhom jinkludu dawk ikkunsinnati lill-Canary Islands, il-Madeira u l-Azores li jaqgħu taħt l-Artikolu 1(1a) tar-Regolament (KEE) Nru 2670/81.

Il-kwantitajiet ta’ zokkor, isoglukosju u xropp ta’ l-inulina fil-prodotti indikati fil-punt (d) ta’ l-ewwel subparagrafu u fil-punt (b) tat-tieni subparagrafu għandhom ikunu stabbiliti skond il-medja tal-kontenut ta’ zokkor stabbilita għall-prodotti konċernati u skond il-figuri tal-Eurostat.

Il-kwantitjiet kif indikati fil-punt (a) tat-tieni subparagrafu għandhom jeskludu z-zokkor C, l-isoglukosju C, ix-xropp ta’ l-inulina C u l-għajnuna ta’ l-ikel.

5.   Dawn li ġejjin kif miftehma fl-Artikolu 15(1)(d) tar-Regolament (KE) Nru 1260/2001 bħala obbligi ta’ esportazzjoni li għandhom jitwettqu matul is-sena kurrenti tal-bejgħ [tas-suq]:

(a)

il-kwantitajiet kollha taz-zokkor li għandu jiġi esportat fl-istat naturali b’rimbors għall-esportazzjoni jew imposti ffissati permezz ta’ offerti miftuħa dwar dik is-sena ta’ bejgħ;

(b)

il-kwantitajiet kollha taz-zokkor, l-isoglukosju, ġulepp ta’ l-inulina li għandhom ikunu esportati fl-istat naturali b’rimborsi għall-esportazzjoni jew imposti ffissati perjodikament fuq il-bażi ta’ liċenzji għall-esportazzjoni maħruġa waqt dik is-sena ta’ bejgħ;

(ċ)

l-esportazzjoni kollha mistennija taz-zokkor, l-isoglukosju u l-ġulepp ta’ l-inulina f’sura ta’ prodotti pproċessati b’rimbors għall-esportazzjoni jew imposti ffissati għal dak il-għan matul dik is-sena tal-bejgħ, tali kwantitajiet ikunu mifruxa ugwalment matul dik is-sena tal-bejgħ.

Biex tiġi kkalkulata l-medja tat-telf imbassar msemmi fl-Artikolu 15(1)(d) tar-Regolament (KE) Nru 1260/2001, rimborsi għall-produzzjoni għall-kwantitajiet ta’ prodotti basiċi mfissra bħala zokkor abjad li għalihom ċertifikati għar-rimborsi tal-produzzjoni msemmija fl-Artikolu 7(3) ta’ dak ir-Regolament inħarġu matul is-sena tal-bejgħ in kwestjoni għandhom ukoll jittieħdu in konsiderazzjoni”.


( 1 ) Lingwa oriġinali: l-Ingliż.

( 2 ) Regolament tad-19 ta’ Ġunju 2001, dwar l-organizzazzjoni komuni tas-swieq fis-settur taz-zokkor (ĠU L 178, p. 1).

( 3 ) Ara l-Artikoli 51. Is-sena tas-suq tibda mill-1 ta’ Lulju sat-30 ta’ Ġunju (l-Artikolu 1(2)(m)). Is-segwenti snin tas-suq huma rregolati mir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 318/2006 tal-20 ta’ Frar 2006 dwar l-organizzazzjoni komuni tas-swieq fis-settur taz-zokkor (ĠU L 58, p. 1), li jirrevoka u jieħu post ir-regolament bażiku.

( 4 ) Użajt il-korsiv għall-frażijiet fil-premessi li huma ta’ rilevanza partikolari.

( 5 ) Il-Ftehim dwar il-biedja li jirriżulta mil-laqgħa tal-Urugwaj tan-negozjati multilaterali tal-kummerċ.

( 6 ) It-“telf” ( u tassew “dħul”) imsemmi fil-premessi jirrigwardaw il-finanzjament Komunitarju tal-organizzazzjoni tas-suq, u mhux il-karta tal-bilanċ tal-produtturi, esportaturi eċċ.

( 7 ) Dawn mhux neċessarjament jikkorispondu mal-Istati Membri. Għalhekk, hemm kwoti separati għall-Franza metropolitana min-naħa waħda u d-dipartimenti Franċiżi barranin min-naħa l-oħra; b’mod simili għall-Portugall kontinentali u r-reġjun awotonomu tal-Azores. Il-Belġju u l-Lussemburgu jaqsmu kwoti (nominalment attribwiti lill-Unjoni Ekonomika Belġjana/Lussemburgiża).

( 8 ) Il-verżjoni oriġinali tar-regolament bażiku rreferiet inkorrettement għall-‘insulina’ u mhux għax-xropp tal-‘inulina’. Dan kien korrett permezz ta’ rettifika ppubblikata fil-ĠU 2001 L 233, p. 58. L-isoglukosju u x-xropp tal-inulina huma sostituti likwidi għaz-zokkor: ara l-premessa 1 fil-preambolu tar-regolament bażiku. Definizzjonijiet iktar dettaljati jistgħu jinstabu fl-Artikolu 1(2)(c) u (d) tar-regolament bażiku.

( 9 ) Il-kwoti A u B kienu oriġinarjament introdotti permezz tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1785/81 tat-30 ta’ Ġunju 1981 dwar l-organizzazzjoni komuni tas-swieq fis-settur taz-zokkor (ĠU L 177, p. 4). Il-kwota A tirrapreżenta l-konsum fil-Komunità fejn ir-rimi tiegħu hu garantit permezz ta’ prezz ta’ intervent (ara l-punt 12 iktar ’l isfel). Il-kwota B hija l-kwantità prodotta f’eċċess tal-kwota A mingħajr ma tinqabeż il-kwota massima (kwota A multiplikata b’ koeffiċjent); tista’ titpoġġa fis-suq tal-Komunità iżda mingħajr garanzija ta’ prezz ta’ intervent, jew esportat b’għajnuna ta’ esportazzjoni fil-forma ta’ rifużjonijiet fuq l-esportazzjoni.

( 10 ) Suġġetta għal eċċezzjonijiet stabbiliti fl-Artikoli 13(2) u 14(1), li mhumiex rilevanti fil-każ preżenti.

( 11 ) Artikolu 13(1).

( 12 ) Artikolu 2.

( 13 ) Artikolu 7(1).

( 14 ) Artikolu 7(3).

( 15 ) Artikolu 27(1). Bil-kontra, l-Artikolu 33(1) jistabbilixxi taxxa fuq l-esportazzjoni meta l-prezz dinji taz-zokkor ikun għola mill-prezz tal-intervent. Fil-prattika l-prezzijiet dinjija huma normalment inqas mill-prezzijiet sostnuti tal-Komunità.

( 16 ) Artikolu 27(7).

( 17 ) It-test tal-Artikolu 15 huwa, safejn rilevanti, stabbilit fl-anness għal dawn il-konklużjonijiet.

( 18 ) Ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna 15 iktar ’il fuq.

( 19 ) Il-leġiżlazzjoni tirreferi għat-“telf ġenerali jew dħul”. Peress li, madankollu, il-prezzijiet fis-suq dinji huma normalment inqas mill-prezz ta’ intervent tal-Komunità, din il-figura tkun normalment telf iktar milli dħul. Fuq dik il-bażi u sabiex tkun issimplifikata l-analiżi kemm jista’ jkun, se nirreferi biss għat-telf meta niddeskrivi l-kalkolu.

( 20 ) Zokkor użat fl-industrija tal-kimika: ara l-punt 13 iktar ’il fuq.

( 21 ) Regolament tal-Kummissjoni tal-20 ta’ Frar 2002 (ĠU L 50, p. 40), kif emendat bir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1140/2003 tas-27 ta’ Ġunju 2003 (ĠU L 160, p. 33).

( 22 ) Fir-rigward taz-zokkor użat fl-industrija tal-kimika, ara l-punt 13 hawn fuq. It-test komplut tal-Artikolu 6(4) kif emendat jinsab fl-Anness ta’ dawn il-Konklużjonijiet.

( 23 ) It-test komplut tal-Artikolu 6(5) jinsab fl-Anness ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 24 ) Ir-rikorrenti fil-Kawża C-5/06 tiddikjara, mingħajr ma hija kontradetta u fuq il-bażi ta’ figuri ppubblikati, illi l-proporzjon huwa ta’ madwar 60 %.

( 25 ) Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1837/2002 tal-15 ta’ Ottubru 2002 li jiffissa t-taxxi tal-produzzjoni u l-koeffiċjent għat-taxxa addizzjonali fis-settur taz-zokkor għas-sena tas-suq 2001/02 (ĠU 2002 L 278, p. 13); ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1762/2003 tas-7 ta’ Ottubru 2003 li jiffissa t-taxxi tal-produzzjoni fis-settur taz-zokkor għas-sena tas-suq 2002/03 (ĠU 2003 L 254, p. 4) u r-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1775/2004 tal-14 ta’ Ottubru 2004 li jiffissa t-taxxi tal-produzzjoni fis-settur taz-zokkor għas-sena tas-suq 2003/04 (ĠU 2004 L 316, p. 64).

( 26 ) Il-qorti tar-rinviju tikkwota s-sentenzi tat-22 ta’ Jannar 1986, Eridania et (250/84, Ġabra p. 117, punt 19), u tal-21 ta’ Frar 1991 Zuckerfabrik Süderdithmarschen u Zuckerfabrik Soest (C-143/88 u C-92/89, Ġabra p. I-415, punt 62).

( 27 ) Iċċitat fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 25 iktar ’il fuq.

( 28 ) Iċċitat fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 25 iktar ’il fuq.

( 29 ) It-termini tal-ewwel domanda f’Saint-Louis Sucre huma fil-fatt tali li riposta fin-negattiv ikollha l-istess effett bħal risposta fl-affermattiv għall-ewwel domanda f’Jülich. Peress illi jagħmel sens illi ż-żewġ domandi jkunu kkunsidrati flimkien, se nirriformulhom bħala domanda waħda.

( 30 ) Il-Gvern Ġermaniż jirreferi għas-sentenza Eridania et, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 26, punt 19.

( 31 ) Iċċitat iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 9.

( 32 ) Iċċitat iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 26.

( 33 ) Punt 19 (enfasi miżjuda).

( 34 ) Għal zokkor, 2 % tal-prezz tal-intervent għaz-zokkor abjad.

( 35 ) 30 % tal-prezz tal-intervent għaz-zokkor abjad.

( 36 ) 37.5 % tal-prezz tal-intervent għaz-zokkor abjad.

( 37 ) Skont l-Artikolu 7(3): ara l-punt 13 iktar ’il fuq.

( 38 ) Alternattiva tkun li l-ipproċessar oriġinali taz-zokkor fi prodotti pproċessati jkun ikkunsidrat bħal li jammonta għar-rimi ta’ dak iz-zokkor fil-Komunità iżda imbagħad li dik l-interpretazzjoni tkun ikkwalifikata sabiex meta tħallsu rifużjonijiet fuq l-esportazzjoni fuq zokkor użat fl-ipproċessar, dak l-ipproċessar ma kienx wara kollox rimi fil-Komunità. Dik l-interpretazzjoni tidher fl-opinjoni tiegħi li hi iktar artifiċjali, u għalhekk inqas attrajenti, mill-interpretazzjoni li nissuġerixxi.

( 39 ) Sentenza tat-12 ta’ Lulju 2001, Jippes et (C-189/01, Ġabra p. I-5689, punt 80).

( 40 ) Ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna 15 iktar ’il fuq.

( 41 ) Ibid.

( 42 ) Huwa ċar mill-verżjonijiet tal-lingwi l-oħra (u fil-fatt mis-sens komun) li t-test [Malti, bħal dak] Ingliż huwa żbaljat. Wieħed jista’ jasal għat-tifsira korretta permezz tal-inklużjoni tal-kliem fil-parenteżi kwadri.

( 43 ) L-Artikolu 7(3) jikkonċerna z-zokkor fl-industrija tal-kimika.

Top