EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62005TJ0456

Sentenza tal-Qorti Ġenerali (Il-Ħames Awla) tat-28 ta’ April 2010.
Gütermann AG u Zwicky & Co. AG vs Il-Kummissjoni Ewropea.
Kompetizzjoni – Akkordji – Suq Ewropew tal-ħajt industrijali – Deċiżjoni li tikkonstata ksur tal-Artikolu 81 KE u tal-Artikolu 53 tal Ftehim ŻEE – Multi – Gravità tal-ksur – Impatt konkret fuq is-suq – Tul tal-ksur – Ċirkustanzi attenwanti – Kooperazzjoni matul il‑proċedura amministrattiva – Proporzjonalità – Linji gwida dwar il‑metodi tal‑kalkolu tal-multi.
Kawżi magħquda T-456/05 u T-457/05.

Ġabra tal-Ġurisprudenza 2010 II-01443

ECLI identifier: ECLI:EU:T:2010:168

Kawżi magħquda T-456/05 u T-457/05

Gütermann AG et

Zwicky & Co. AG

vs

Il-Kummissjoni Ewropea

“Kompetizzjoni ─ Akkordji ─ Suq Ewropew tal-ħajt industrijali ─ Deċiżjoni li tikkonstata ksur tal-Artikolu 81 KE u tal-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE ─ Multi ─ Gravità tal-ksur ─ Impatt konkret fuq is-suq ─ Tul tal-ksur ─ Ċirkustanzi attenwanti ─ Kooperazzjoni matul il-proċedura amministrattiva ─ Proporzjonalità ─ Linji gwida dwar il-metodi tal-kalkolu tal-multi”

Sommarju tas-sentenza

1.      Dritt Komunitarju – Interpretazzjoni – Atti tal-istituzzjonijiet – Motivazzjoni

2.      Kompetizzjoni – Akkordji – Projbizzjoni – Ksur – Ftehim u prattiki miftehma li jistgħu jitqiesu li huma ksur uniku – Imputazzjoni ta’ responsabbiltà lil impriża minħabba l-parteċipazzjoni fil-ksur ikkunsidrat fil-globalità tiegħu – Ammissibbiltà

(Artikolu 81(1) KE)

3.      Kompetizzjoni – Akkordji – Imputazzjoni lil impriża – Responsabbiltà għal aġir imwettaq minn impriżi oħra fil-kuntest tal-istess ksur – Ammissibbiltà – Kriterji

(Artikolu 81(1) KE)

4.      Kompetizzjoni – Proċedura amministrattiva – Waqfien tal-ksur – Setgħa tal-Kummissjoni – Ordnijiet diretti lill-impriżi

(Regolament tal-Kunsill Nru 1/2003, Artikolu 7(1))

5.      Kompetizzjoni – Multi – Ammont – Determinazzjoni – Ammont massimu

(Regolamenti tal-Kunsill Nru 17, Artikolu 15(2), u Nru 1/2003, Artikolu 23(2))

6.      Kompetizzjoni – Multi – Ammont – Determinazzjoni – Kriterji – Gravità u tul tal-ksur – Possibbiltà li jogħla l-livell tal-multi sabiex jissaħħaħ l-effett dissważiv tagħhom

(Regolamenti tal-Kunsill Nru 17, Artikolu 15(2), u Nru 1/2003, Artikolu 23(2))

7.      Kompetizzjoni – Multi – Ammont – Natura adegwata – Stħarriġ ġudizzjarju

(Artikoli 229 KE u 253 KE; Regolamenti tal-Kunsill Nru 17, Artikolu 17, u Nru 1/2003, Artikolu 31)

8.      Rikors għal annullament – Stħarriġ ġudizzjarju – Limiti tar-rikors

(Artikolu 233 KE)

9.      Kompetizzjoni – Multi – Ammont – Determinazzjoni – Kriterji – Impatt konkret fuq is-suq – Kriterji ta’ evalwazzjoni

(Regolament tal-Kunsill Nru 17, Artikolu 15(2); Komunikazzjoni tal-Kummissjoni 98/C 9/03)

10.    Kompetizzjoni – Multi – Ammont – Determinazzjoni – Kriterji – Tul tal-ksur – Ksur ta’ tul twil

(Regolament tal-Kunsill Nru 17, Artikolu 15(2); l-ewwel paragrafu tal-punt 1B tal-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni 98/C 9/03)

11.    Kompetizzjoni – Multi – Ammont – Determinazzjoni – Kriterji – Gravità tal-ksur – Ċirkustanzi attenwanti – Nuqqas ta’ applikazzjoni effettiva ta’ ftehim – Evalwazzjoni fuq il-livell tal-aġir individwali ta’ kull impriża

(Regolament tal-Kunsill Nru 17, Artikolu 15(2); l-ewwel u t-tielet paragrafu tal-punt 1A tal-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni 98/C 9/03,)

12.    Kompetizzjoni – Multi – Ammont – Determinazzjoni – Kriterji – Gravità tal-ksur – Ċirkustanzi attenwanti – Rwol passiv jew emulattiv tal-impriża

(Artikolu 81 KE; Regolament tal-Kunsill Nru 17, Artikolu 15; Komunikazzjoni tal-Kummissjoni 98/C 9/03, punti 2 u 3)

13.    Proċedura – Preżentazzjoni ta’ motivi ġodda fil-kawża – Kundizzjonijiet – Motiv ġdid – Kunċett

(Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, Artikolu 48(2))

14.    Kompetizzjoni – Multi – Ammont – Determinazzjoni – Kriterji – Tnaqqis tal-ammont tal‑multa inkambju għal kooperazzjoni tal-impriża inkriminata – Kundizzjonijiet – Setgħa diskrezzjonali tal-Kummissjoni

(Regolament tal-Kunsill Nru 17; Komunikazzjoni tal-Kummissjoni 96/C 207/04, Titolu D, punt 2)

15.    Kompetizzjoni – Multi – Ammont – Determinazzjoni – Kriterji – Gravità tal-ksur – Iffissar tal-multa b’mod proporzjonali għall-elementi ta’ evalwazzjoni tal-gravità tal-ksur

(Regolament tal-Kunsill Nru 17, Artikolu 15(2))

1.      Id-dispożittiv ta’ att huwa inseparabbli mill-motivazzjoni tiegħu, b’tali mod li għandu jiġi interpretat, jekk hemm bżonn, billi jittieħdu inkunsiderazzjoni l-motivi li wasslu għall-adozzjoni tiegħu.

(ara l-punt 41)

2.      Ksur tal-Artikolu 81(1) KE jista’ jirriżulta mhux biss minn att iżolat, iżda wkoll minn serje ta’ atti jew saħansitra minn aġir kontinwat. Din l-interpretazzjoni ma tistax tiġi kkontestata minħabba li element wieħed jew iktar ta’ din is-serje ta’ atti jew ta’ dan l-aġir kontinwat jistgħu jikkostitwixxu wkoll, fihom infushom u meħuda waħedhom, ksur tal-imsemmija dispożizzjoni.

Il-ksur uniku u kontinwat spiss jiġbor flimkien serje ta’ atti li jsegwu lil xulxin kronoloġikament u li, fihom infushom, fil-mument li fih jitwettqu, jistgħu ukoll jikkostitwixxu ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni. Il-karatteristika partikolari ta’ dawn l-atti tikkonsisti fil-fatt li huma jkunu parti minn strateġija globali.

(ara l-punti 45, 46)

3.      Impriża li tkun ipparteċipat fi ksur uniku u kumpless tar-regoli tal-kompetizzjoni permezz ta’ aġir individwali, li jaqa’ taħt il-kunċetti ta’ ftehim jew prattika miftiehma li għandhom għan antikompetittiv skont l-Artikolu 81(1) KE u li huwa intiż biex jikkontribwixxu għal ksur globali, tista’ tinżamm responsabbli wkoll għall-aġir imwettaq minn impriżi oħra fil-kuntest tal-istess ksur, għall-perijodu kollu tal-parteċipazzjoni tagħha fl-imsemmi ksur, ladarba jiġi stabbilit li l-impriża inkwistjoni kienet taf bl-aġir li jikkostitwixxi ksur tal-parteċipanti l-oħra, jew li hija setgħet raġonevolment tipprevedih u li hija kienet lesta taċċetta r-riskju li jġib miegħu.

Impriża tista’ tikser il-projbizzjoni prevista fl-Artikolu 81(1) KE meta l-aġir tagħha, kif ikkoordinat ma’ dak ta’ impriżi oħra, ikollu bħala għan ir-restrizzjoni tal-kompetizzjoni f’suq rilevanti partikolari fi ħdan is-suq komuni, mingħajr ma’ dan jippreżupponi neċessarjament li hija stess tkun attiva fl-imsemmi suq rilevanti.

(ara l-punti 50, 53)

4.      Is-setgħa tal-Kummissjoni li toħroġ ordnijiet għandha tiġi applikata skont in‑natura tal-ksur ikkonstatat.

Sa fejn impriża ma teżerċitax iktar attivitajiet fis-settur inkwistjoni, hija ma tkunx ikkonċernata, fil-fatt, mill-ordni sabiex jintemm immedjatament il-ksur. Għaldaqstant ma jistax ikun hemm ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità.

L-applikazzjoni tal-Artikolu 7(1) tar-Regolament Nru 1/2003, fuq l‑implementazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni mniżżlin fl-Artikoli 81 u 82 tat‑Trattat, tista’ tinkludi l-projbizzjoni milli jitkomplew ċerti attivitajiet, prattiki jew sitwazzjonijiet li l-illegalità tagħhom tkun ġiet ikkonstatata, iżda wkoll projbizzjoni milli jiġi adottat, fil-futur, aġir simili jew li tittieħed kull miżura li jista’ jkollha għan jew effett ekwivalenti.

Meta l-impriża tkun intrabtet li ma tirrepetix l-aġir antikompetittiv tagħha, il‑Kummissjoni għandha d-dritt li tinkludi ordni li ma titwettaq l-ebda miżura li jista’ jkollha għan jew effett ekwivalenti, anki jekk din l-impriża ma tkunx teżerċita iktar attivitajiet f’dan is-settur ikkonċernat mill-akkordju.

Dawn l-obbligi ma għandhomx jaqbżu l-limiti ta’ dak li huwa adegwat u meħtieġ sabiex jintlaħaq l-għan imfittex.

(ara l-punti 61, 63, 65, 67)

5.      Sabiex jiġi ddeterminat il-kunċett ta’ “sena kummerċjali preċedenti”, il‑Kummissjoni għandha tevalwa, f’kull każ inkwistjoni u billi tieħu inkunsiderazzjoni kemm il-kuntest kif ukoll l-għanijiet tas-sistema ta’ sanzjonijiet stabbilita bir-Regolament Nru 17 u bir-Regolament Nru 1/2003, fuq l‑implementazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni mniżżlin fl-Artikoli 81 u 82 tat‑Trattat, l-impatt imfittex fuq l-impriża kkonċernata, b’mod partikolari billi tieħu inkunsiderazzjoni dħul mill-bejgħ li jirrifletti s-sitwazzjoni ekonomika reali tagħha matul il-perijodu li matulu twettaq il-ksur.

Madankollu, kemm mill-għanijiet tas-sistema li tagħha jifformaw parti l-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17, u t-tieni paragrafu tal-Artikolu 23(2) tar‑Regolament Nru 1/2003, kif ukoll mill-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 80 iktar ’il fuq, jirriżulta li l-applikazzjoni tal-limitu ta’ 10 % tad-dħul mill-bejgħ jippreżupponi, minn naħa, li l-Kummissjoni jkollha għad-dispożizzjoni tagħha d-dħul mill-bejgħ għall-aħħar sena kummerċjali preċedenti għad data tal-adozzjoni tad-deċiżjoni u, min-naħa l‑oħra, li din l-informazzjoni tirrappreżenta sena sħiħa ta’ attività ekonomika normali matul perijodu ta’ tnax-il xahar.

Għaldaqstant, jekk is-sena kummerċjali tkun intemmet qabel l-adozzjoni tad‑deċiżjoni, iżda l-kontijiet annwali tal-impriża inkwistjoni ma jkunux għadhom ġew stabbilti jew ma jkunux għadhom ġew ikkomunikati lill-Kummissjoni, din tal-aħħar għandha d-dritt, saħansitra l-obbligu, li tirreferi għad-dħul mill-bejgħ magħmul matul sena kummerċjali preċedenti sabiex tapplika l-Artikolu 15(2) tar‑Regolament Nru 17 u t-tieni paragrafu tal-Artikolu 23(2) tar-Regolament Nru 1/2003. Bl-istess mod, jekk, minħabba riorganizzazzjoni jew bidla fil-prassi tal‑kontijiet, impriża tippreżenta, għas-sena kummerċjali preċedenti, kontijiet li jikkonċernaw perijodu ta’ inqas minn tnax-il xahar, il-Kummissjoni għandha d‑dritt li tirreferi għad-dħul mill-bejgħ magħmul matul sena sħiħa preċedenti sabiex tapplika dawn id-dispożizzjonijiet. B’hekk dan jgħodd ukoll jekk impriża ma eżerċitatx attività ekonomika matul is-sena kummerċjali preċedenti u l‑Kummissjoni ma jkollhiex għalhekk dħul mill-bejgħ li jirrappreżenta attività ekonomika eżerċitata minnha matul l-istess sena. Fil-fatt, id-dħul mill-bejgħ għal dan il-perijodu ma jagħti ebda indikazzjoni tal-valur ta’ din l-impriża, kuntrarjament għal dak li teħtieġ il-ġurisprudenza, u, għaldaqstant, ma jistax iservi bħala bażi għad-determinazzjoni tal-limitu previst fl-Artikolu 15(2) tar‑Regolament Nru 17 u fl-Artikolu 23(2) tar-Regolament Nru 1/2003.

Anki matul sena ta’ attivitajiet ekonomiċi normali, id-dħul mill-bejgħ ta’ impriża jista’ jonqos b’mod sinjifikattiv, saħansitra sostanzjali, meta mqabbel mas-snin preċedenti, għal raġunijiet differenti bħal kuntest ekonomiku diffiċli, kriżi fis‑settur inkwistjoni, inċident jew strajk. Madankollu, sakemm impriża fil-fatt tkun għamlet dħul mill-bejgħ matul sena sħiħa li matulha jkunu ġew eżerċitati attivitajiet ekonomiċi, għalkemm imnaqqsa, il-Kummissjoni għandha tieħu inkunsiderazzjoni dan id-dħul mill-bejgħ sabiex tiddetermina l-limitu previst fl‑Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17 u fl-Artikolu 23(2) tar-Regolament Nru 1/2003. Għaldaqstant, għall-inqas fis-sitwazzjonijiet fejn ma jkun hemm ebda indikazzjoni li impriża waqqfet l-attivitajiet kummerċjali tagħha jew biddlet id‑dħul mill-bejgħ tagħha sabiex tevita l-impożizzjoni ta’ multa kbira, għandu jiġi kkunsidrat li l-Kummissjoni hija obbligata li tiffissa l-limitu massimu tal-multa b’riferiment għad-dħul mill-bejgħ l-iktar reċenti li jirrifletti sena sħiħa ta’ attività ekonomika.

(ara l-punti 89, 90, 94-97)

6.      Is-setgħa tal-Kummissjoni li timponi multi, bis-saħħa tal-Artikolu 15(2) tar‑Regolament Nru 17 u tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 23(2) tar-Regolament Nru 1/2003, fuq l-implementazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni mniżżlin fl‑Artikoli 81 u 82 tat-Trattat, tikkostitwixxi waħda mill-mezzi mogħtija lill‑Kummissjoni sabiex tkun tista’ taqdi l-funzjoni ta’ sorveljanza mogħtija lilha mid-dritt Komunitarju.

Din il-funzjoni tinkludi d-dmir li tinvestiga u twaqqaf ksur individwali, imma tinkludi wkoll id-dmir li ssegwi politika ġenerali sabiex fil-qasam tal‑kompetizzjoni jiġu applikati l-prinċipji stabbiliti mit-Trattat u sabiex torjenta f’dan is-sens l-aġir tal-impriżi. Hija wkoll tinkludi d-dmir li twaqqaf l-aġir li jikkostitwixxi ksur u li tiżgura li ma jerġax jiġri.

Minn dan isegwi li l-Kummissjoni għandha tiżgura li l-multi jkunu ta’ natura dissważiva.

(ara l-punti 79, 91)

7.      Fir-rigward tar-rikorsi kontra d-deċiżjonijiet tal-Kummissjoni li jimponu multi fuq impriżi għal ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni, il-qorti Komunitarja għandha kompetenza li tevalwa, fil-kuntest tal-ġurisdizzjoni sħiħa mogħtija lilha mill‑Artikolu 229 KE, mill-Artikolu 17 tar-Regolament Nru 17 u mill-Artikolu 31 tar-Regolament Nru 1/2003, fuq l-implementazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni mniżżlin fl-Artikoli 81 u 82 tat-Trattat, in-natura adegwata tal-ammont tal-multi. Din l-aħħar evalwazzjoni tista’ tiġġustifika l-produzzjoni u t-teħid inkunsiderazzjoni ta’ elementi addizzjonali ta’ informazzjoni li r-riferiment għalihom fid-deċiżjoni ma jkunx, fih innifsu, mitlub bis-saħħa tal-obbligu ta’ motivazzjoni previst fl-Artikolu 253 KE.

(ara l-punti 105, 106)

8.      Jekk id-destinatarju ta’ deċiżjoni jiddeċiedi li jippreżenta rikors għal annullament, il-qorti Komunitarja tintalab tieħu konjizzjoni biss tal-elementi li jikkonċernawh. Min-naħa l-oħra, dawk li jikkonċernaw destinatarji oħra, li ma jkunux is-suġġett ta’ rikors, ma jidħlux fis-suġġett tal-kwistjoni li l-qorti Komunitarja tintalab taqta’.

(ara l-punt 112)

9.      Sabiex jiġi evalwat l-impatt konkret ta’ ksur fuq is-suq, hija l-Kummissjoni li għandha tirreferi għall-kompetizzjoni li kieku kienet normalment teżisti fin-nuqqas ta’ ksur. Sabiex jiġi konkluż li kien hemm impatt fuq is-suq, huwa biżżejjed li l-prezzijiet miftiehma jkunu servew ta’ bażi għall-iffissar tal-prezzijiet ta’ tranżazzjonijiet individwali, u b’hekk ikunu llimitaw il-marġni ta’ negozjar tal‑klijenti.

Min-naħa l-oħra, ġaladarba l-implementazzjoni ta’ akkordju tkun ġiet stabbilita, il-Kummissjoni ma tistax tiġi obbligata turi sistematikament li l-ftehim effettivament ippermettew li l-impriżi kkonċernati jilħqu livell ta’ prezz ta’ tranżazzjoni ogħla minn dak li kien ikun fin-nuqqas ta’ akkordju. Ikun sproporzjonat li tintalab tali prova li titlob riżorsi kunsiderevoli minħabba li teħtieġ l-użu ta’ kalkoli ipotetiċi bbażati fuq mudelli ekonomiċi li l-eżattezza tagħhom tkun diffiċli li tiġi vverifikata mill-qorti u fejn ma jkun hemm l-ebda prova tan-natura infallibbli tagħhom. Fil-fatt, sabiex tiġi evalwata l-gravità tal‑ksur, huwa fundamentali li jiġi stabbilit li l-membri tal-akkordju kienu għamlu dak kollu li setgħu jagħmlu sabiex jagħtu effett reali lill-intenzjonijiet tagħhom. Dak li jkun seħħ sussegwentement, fuq il-livell tal-prezzijiet tas-suq effettivament miksuba, jista’ jkun ġie influwenzat minn fatturi oħra, barra mill-kontroll tal‑membri tal-akkordju. Il-membri tal-akkordju ma jistgħux jinvokaw fatturi esterni li pattew għall-isforzi tagħhom, u jsostnu li dawn huma elementi li jiġġustifikaw tnaqqis tal-multa.

L-aġir effettiv li impriża tallega li adottat ma huwiex rilevanti għall-finijiet tal‑evalwazzjoni tal-impatt ta’ akkordju fuq is-suq. Għandhom biss jittieħdu inkunsiderazzjoni l-effetti li jirriżultaw mill-ksur kollu kemm hu. B’dan il-mod it‑teħid inkunsiderazzjoni tal-aġir illegali ta’ impriża jseħħ sabiex tiġi evalwata s‑sitwazzjoni individwali tagħha, iżda dan it-teħid inkunsiderazzjoni ma jista’ jkollu ebda effett fuq il-klassifikazzjoni tal-ksur fil-kategorija tal-ksur “serju ħafna”.

Fir-rigward ta’ ksur ta’ tul twil, huwa ftit probabbli li l-impriżi kkonċernati jkunu jistgħu jitqiesu li l-prattiki kkontestati kienu kompletament mingħajr effikaċja u effettività.

In-natura tal-ksur għandha rwol ewlieni, b’mod partikolari, sabiex il-ksur jiġi kkwalifikat bħala “serju ħafna”. F’dan ir-rigward, mid-deskrizzjoni ta’ ksur serju ħafna fil-Linji ta’ gwida dwar il-metodi tal-kalkoli tal-multi mposti skont l-Artikolu 15 (2) tar-Regolament Nru. 17 u l-Artikolu 65(5) tat-Trattat KEFA, jirriżulta li l‑ftehim jew il-prattiki miftiehma li huma, bħal f’dan il-każ, b’mod partikolari, intiżi sabiex ikun hemm iffissar tal-prezzijiet jistgħu jiġu kkwalifikati, abbażi tan‑natura tagħhom stess, bħala “serju ħafna” mingħajr ma jkun neċessarju li tali aġir ikun ikkaratterizzat minn impatt jew firxa ġeografika partikolari. Id‑deskrizzjoni tal-ksur “gravi ħafna” ma ssemmi l-ebda rekwiżit, la ta’ impatt konkret fuq is-suq u lanqas tal-effetti fuq żona ġeografika partikolari.

(ara l-punti 126, 128-130, 133, 134, 136, 137)

10.    It-tul tal-ksur jikkostitwixxi wieħed mill-elementi li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni sabiex jiġi ddeterminat l-ammont tal-multa li għandha tiġi imposta fuq l-impriżi ħatja ta’ ksur tar-regoli ta’ kompetizzjoni. Fir-rigward tal‑ksur ta’ tul twil, il-Kummissjoni tista’ tapplika b’mod awtomatiku r-rata minima ta’ żieda fis-sena ta’ 10 % tal-ammont stabbilit għall-gravità tal-ksur. Fil-fatt, anki jekk it-tielet inċiż tal-ewwel paragrafu tal-punt 1B tal-Linji ta’ gwida dwar il-metodi tal-kalkoli tal-multi mposti skont l-Artikolu 15 (2) tar-Regolament Nru. 17 u l-Artikolu 65(5) tat-Trattat KEFA ma jipprovdi għal ebda żieda awtomatika, f’dan ir-rigward, huwa jagħti setgħa diskrezzjonali lill-Kummissjoni.

Ma hemm xejn fil-linji gwida li jipprekludi milli jittieħed inkunsiderazzjoni t-tul reali tal-ksur fil-kuntest tal-kalkolu tal-ammont tal-multa. Approċċ bħal dan huwa għal kollox loġiku u raġonevoli, u jifforma parti mis-setgħa diskrezzjonali tal‑Kummissjoni.

Ladarba jiġi stabbilit li l-impriża kienet taf bl-aġir li jikkostitwixxi ksur tal‑parteċipanti l-oħra, jew li hija setgħet raġonevolment tipprevedih u li hija kienet lesta li taċċetta r-riskju li jġib miegħu, hija wkoll titqies li hija responsabbli, għall-perijodu kollu tal-parteċipazzjoni tagħha fil-ksur imsemmi, tal-aġir implementat minn impriżi oħra fil-kuntest tal-istess ksur. Il-Kummissjoni tista’ ġustament tqis li t-tul tal-ksur ma għandux jinqasam skont l-intensità tal‑parteċipazzjoni fil-ksur tal-impriża rikorrenti fis-swieq ikkonċernati. Għalkemm ir-rwol tal-impriża inkwistjoni fl-akkordju jkun ittieħed inkunsiderazzjoni b’mod korrett fid-determinazzjoni tal-ammont bażiku tal-multa, il-fatt li l-impriża ma ħaditx sehem fl-elementi kollha kostituttivi tal-akkordju ma jistax jerġa jittieħed inkunsiderazzjoni fid-determinazzjoni tat-tul tal-ksur.

Żieda fl-ammont tal-multa skont it-tul tal-ksur issir bl-applikazzjoni ta’ ċerta perċentwali mal-ammont bażiku li tiġi ddeterminata skont il-gravità tal-ksur sħiħ, u b’hekk diġà tkun tirrifletti d-diversi intensitajiet tal-ksur. Għalhekk, ma jkunx loġiku li, għaż-żieda ta’ dan l-ammont minħabba t-tul tal-ksur, tittieħed inkunsiderazzjoni varjazzjoni fl-intensità tal-ksur matul il-perijodu kkonċernat. Għandha dejjem issir distinzjoni bejn it-tul tal-funzjonament effettiv tagħhom u l‑gravità tagħhom kif tirriżulta min-natura proprja tagħhom.

(ara l-punti 147, 148, 150, 152, 156, 157, 159, 160)

11.    Iċ-ċirkustanzi attenwanti previsti fil-punt 3 tal-Linji ta’ gwida dwar il-metodi tal-kalkoli tal-multi mposti skont l-Artikolu 15 (2) tar-Regolament Nru. 17 u l-Artikolu 65(5) tat-Trattat KEFA huma kollha bbażati fuq l-aġir individwali ta’ kull impriża. Għall-finijiet tal-evalwazzjoni tagħhom, ma għandhomx jittieħdu inkunsiderazzjoni l-effetti li jirriżultaw mill-globalità tal-ksur, li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni fl-evalwazzjoni tal-impatt konkret ta’ ksur fuq is-suq għall-finijiet tal-evalwazzjoni tal-gravità tiegħu, iżda l-aġir individwali ta’ kull impriża, għall-finijiet tal-eżami tal-gravità tal-parteċipazzjoni ta’ kull impriża fil‑ksur.

L-impriżi għandhom għaldaqstant iqajmu argumenti oħra li huma ta’ natura tali li jiġi stabbilit li, matul il-perijodu ta’ parteċipazzjoni tagħhom fil-ftehim li jikkostitwixxu ksur, huma jkunu effettivament astjenew ruħhom milli jimplementawhom billi adottaw aġir kompetittiv fis-suq jew, minn tal-anqas, li jkunu kisru b’mod ċar u kunsiderevoli l-obbligi intiżi għall-implementazzjoni ta’ dan l-akkordju b’tali mod li jkunu fixklu l-istess funzjonament tal-akkordju.

(ara l-punti 178, 180)

12.    Rwol passiv jimplika l-adozzjoni ta’ approċċ “profil baxx” mill-impriża kkonċernata, jiġifieri nuqqas ta’ parteċipazzjoni attiva fil-ħolqien ta’ xi ftehim antikompetittiv. Fost l-elementi li jistgħu juru r-rwol passiv ta’ impriża fi ħdan akkordju, tista’ tittieħed inkunsiderazzjoni n-natura ħafna iktar sporadika tal‑parteċipazzjoni tagħha fil-laqgħat meta mqabbla mal-membri normali tal‑akkordju, kif ukoll il-fatt li tkun daħlet tard fis-suq li kien is-suġġett tal-ksur, indipendentement mit-tul tal-parteċipazzjoni tagħha f’dan il-ksur, kif ukoll l‑eżistenza ta’ dikjarazzjonijiet espliċiti f’dan is-sens magħmula mir‑rappreżentanti ta’ impriżi terzi li kienu pparteċipaw fil-ksur.

Huwa biss f’xi ċirkustanzi partikolari li d-daqs żgħir ta’ impriża jikkostitwixxi element importanti li għandu jittieħed inkunsiderazzjoni. Meta l-amministraturi tagħha jieħdu r-rwol ta’ president għal diversi laqgħat u jorganizzawha, il‑Kummissjoni ġustament tikkunsidra li l-kariga ta’ president tindika n-nuqqas ta’ aġir passiv: huwa stabbilit li l-fatt li wieħed isejjaħ laqgħat, jipproponi aġenda, iqassam id-dokumenti preparatorji għal-laqgħat huwa inkompatibbli ma’ rwol passiv ta’ emulatur li jadotta profil baxx, peress li dawn l-inizjattivi juru attitudni favorevoli u attiva tar-rikorrenti f’dak li jikkonċerna l-elaborazzjoni, il‑kontinwazzjoni u l-kontroll tal-akkordju.

Il-Kummissjoni ma hijiex marbuta bi prassi deċiżjonali: il-fatt li setgħet ħadet inkunsiderazzjoni, fil-każijiet preċedenti, tal-qagħda ekonomika tas-settur bħala ċirkustanza attenwanti ma jfissrix li hija għandha neċessarjament tkompli tosserva din il-prassi. Il-Kummissjoni hija marbuta twettaq analiżi individwalizzata taċ‑ċirkustanzi ta’ kull każ, mingħajr ma tkun marbuta minn deċiżjonijiet preċedenti li jikkonċernaw operaturi ekonomiċi oħra, swieq oħra ta’ prodotti u servizzi jew swieq ġeografiċi oħra f’mumenti differenti.

(ara l-punti 184, 185, 189, 193-195)

13.    Mid-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 48(2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali jirriżulta li ebda motivi ġodda ma jistgħu jiġu ppreżentati matul l-istanza, sakemm dawn il-motivi ma jkunux ibbażati fuq punti ta’ fatt u ta’ liġi li joħorġu matul il-proċedura.

Madankollu, motiv li jikkostitwixxi amplifikazzjoni ta’ motiv imsemmi preċedentement, direttament jew impliċitament, fir-rikors promotur u li għandu rabta stretta miegħu għandu jiġi ddikjarat ammissibbli.

(ara l-punti 198, 199)

14.    Il-Kummissjoni tgawdi minn setgħa diskrezzjonali wiesgħa f’dak li jirrigwarda l‑metodu ta’ kalkolu tal-multi u tista’, f’dan ir-rigward, tieħu inkunsiderazzjoni diversi elementi, fosthom il-kooperazzjoni tal-impriżi kkonċernati matul l‑investigazzjoni mwettqa mid-dipartimenti ta’ din l-istituzzjoni. Il-kooperazzjoni ta’ impriża mal-Kummissjoni tista’ tiġġustifika tnaqqis tal-multa abbażi tal-Avviż dwar in-nuqqas ta’ impożizzjoni jew it-tnaqqis ta’ multi f’każijiet ta’ kartell biss jekk tiffaċilita xogħol il-Kummissjoni li tikkonstata l‑eżistenza ta’ ksur u li twaqqfu.

Il-Kummissjoni ma hijiex marbuta bi prassi deċiżjonali preċedenti meta hija tapplika ċerta rata ta’ tnaqqis għal aġir determinat; hija ma hijiex marbuta li tagħti l-istess tnaqqis proporzjonali fl-evalwazzjoni ta’ aġir simili fil-kuntest ta’ proċedura amministrattiva ulterjuri.

Il-Kummissjoni għandha setgħa diskrezzjonali wiesgħa fl-evalwazzjoni tal‑kwalità u tal-effettività tal-kooperazzjoni mogħtija minn impriża, b’mod partikolari meta mqabbla mal-kontribuzzjonijiet ta’ impriżi oħra. F’dan il-kuntest, il-Kummissjoni għandha twettaq evalwazzjonijiet fattwali kumplessi, bħal dawk li jirrigwardaw il-kooperazzjoni rispettiva ta’ dawn l-impriżi. Il-lista taċ-ċirkustanzi li jwasslu għal tnaqqis tal-multa, li tinsab fil-punt 2 tat-Titolu D tal‑komunikazzjoni fuq il-kooperazzjoni, hija biss indikattiva.

Il-Kummissjoni ma tistax tinjora l-effettività tal-informazzjoni pprovduta, li hija neċessarjament l-funzjoni tal-provi li hija diġà għandha. Meta impriża sempliċement tikkonferma, b’mod inqas preċiż u espliċitu, informazzjoni diġà pprovduta minn impriża oħra, hija ma tiffaċilitax ix-xogħol tal-Kummissjoni b’mod sinjifikattiv u dan jeskludi tnaqqis tal-ammont tal-multa abbażi tal‑kooperazzjoni.

Il-klemenza hija rikompensa mogħtija l-Kummissjoni talli jkun ġie ffaċilitat l‑istabbiliment tal-ksur, u dan indipendentement mill-istadju fejn ingħatat l‑għajnuna pprovduta mill-impriża, kemm jekk din l-għajnuna kienet tikkonsisti fl-għoti ta’ informazzjoni ġdida u provi ġodda, kif ukoll jekk fir-rikonoxximent ta’ elementi fattwali jew tal-klassifikazzjoni ġuridika ta’ dawn tal-aħħar.

It-tnaqqis tal-multa bis-saħħa tal-kooperazzjoni jiddependi prinċipalment mill‑kwalità u l-effettività tal-kooperazzjoni mogħtija, li l-Kummissjoni tevalwa fil-kuntest tas-setgħa diskrezzjonali wiesgħa tagħha, u li użu tiegħu manifestament eċċessiv biss jista’ jiġi kkontestat.

Fil-kuntest tal-evalwazzjoni tagħha tal-kooperazzjoni mogħtija mill-impriżi, il‑Kummissjoni ma tistax tinjora l-prinċipju ta’ trattament ugwali, li jinkiser meta sitwazzjonijiet paragunabbli jiġu trattati b’mod differenti jew meta sitwazzjonijiet differenti jiġu ttrattati bl-istess mod, sakemm tali trattament ma jkunx iġġustifikat oġġettivament.

L-evalwazzjoni tal-utilità tal-kooperazzjoni bl-ebda mod ma hija bbażata fuq formula aritmetika li awtomatikament timplika tnaqqis ta’ mhux inqas minn 20 % jekk iż-żewġ inċiżi tal-punt D tal-komunikazzjoni fuq il-kooperazzjoni jittieħdu inkunsiderazzjoni.

(ara l-punti 219-225, 238, 246, 248)

15.    Il-prinċipju ta’ proporzjonalità jeżiġi li l-atti tal-istituzzjonijiet Komunitarji ma jmorrux lil hinn mil-limiti ta’ dak li huwa xieraq u neċessarju sabiex jintlaħaq l‑għan imfittex.

Fil-kuntest tal-kalkolu tal-multi, il-gravità tal-ksur għandha tiġi stabbilita abbażi ta’ diversi elementi u l-ebda element ma għandu jingħata importanza sproporzjonata meta mqabbel mal-elementi l-oħra ta’ evalwazzjoni.

Il-prinċipju ta’ proporzjonalità, f’dan il-kuntest, jimplika li l-Kummissjoni għandha tiffissa l-multa proporzjonalment għall-elementi meħuda inkunsiderazzjoni sabiex tiġi evalwata l-gravità tal-ksur u għandha tapplika dawn l-elementi b’mod koerenti u oġġettivament ġustifikat.

B’dan il-mod, il-Kummissjoni ma hijiex marbuta, fid-determinazzjoni tal-ammont tal-multa, tikkunsidra s-sitwazzjoni finanzjarja ħażina ta’ impriża, peress li r-rikonoxximent ta’ tali obbligu jwassal sabiex jingħata vantaġġ kompetittiv inġustifikat lill-impriżi l-inqas adattati għall-kundizzjonijiet tas-suq. F’kull każ, anki jekk wieħed jissuponi li din tikkawża l-likwidazzjoni ġudizzjarja partikolari tal-impriża, miżura meħuda minn awtorità Komunitarja, għalkemm tista’ teffettwa ħażin l-interessi finanzjarji tal-proprjetarji, azzjonisti jew persuni li għandhom ishma, ma tfissirx li b’hekk l-elementi personali, tanġibbli u intanġibili rappreżentati mill-impriża jitilfu, huma wkoll, il-valur tagħhom.

B’hekk, la r-Regolament Nru 17, la r-Regolament Nru 1/2003, fuq l‑implementazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni mniżżlin fl-Artikoli 81 u 82 tat‑Trattat, u lanqas il-Linji ta’ gwida dwar il-metodi tal-kalkoli tal-multi mposti skont l-Artikolu 15 (2) tar-Regolament Nru. 17 u l-Artikolu 65(5) tat-Trattat KEFA ma jipprevedu li l-ammont tal-multi għandu jiġi stabbilit direttament skont id-daqs tas-suq affettwat, peress li dan il-fattur huwa biss element rilevanti fost elementi oħra.

Għalkemm il-linji gwida ma jipprevedux li l-ammont tal-multi jiġi kkalkolat skont id-dħul mill-bejgħ globali jew tad-dħul mill-bejgħ magħmul mill-impriżi fis-suq ikkonċernat, huma lanqas ma jipprekludu li dan id-dħul mill-bejgħ jittieħed inkunsiderazzjoni fl-iffissar tal-ammont tal-multa sabiex jiġu osservati l‑prinċipji ġenerali tad-dritt Komunitarju u meta ċ-ċirkustanzi jeżiġu dan. Id-dħul mill-bejgħ mill-prodotti li huma s-suġġett tal-ksur huwa tali li jagħti indikazzjoni tajba tal-portata tal-ksur fis-suq ikkonċernat. Huwa jikkostitwixxi element oġġettiv li jagħti indikazzjoni tajba tad-dannu li din il-prattika tikkawża fuq l‑andament normali tal-kompetizzjoni u jirrappreżenta għalhekk indikatur tajjeb tal-kapaċità ta’ kull impriża li tikkawża ħsara. Ma hemmx għaldaqstant prinċipju ta’ applikazzjoni ġenerali li jipprovdi li l-piena għandha tkun proporzjonata mad‑dħul mill-bejgħ magħmul mill-impriża permezz tal-bejgħ tal-prodott li huwa s-suġġett tal-ksur.

Il-Kummissjoni ma hijiex marbuta li tiżgura, meta jiġu imposti multi fuq diversi impriżi involuti fl-istess ksur, li l-ammonti finali tal-multi li għalihom iwassal il‑kalkolu tagħha għall-impriżi kkonċernati jirriflettu d-differenza kollha ta’ bejniethom fir-rigward tad-dħul mill-bejgħ globali tagħhom jew tad-dħul mill‑bejgħ fis-suq tal-prodott inkwistjoni. Il-Kummissjoni ma għandhiex tiddetermina l-ammont tal-multa billi tieħu inkunsiderazzjoni d-daqs tal-impriżi kkonċernati; ma hemm ebda raġuni sabiex wieħed jittratta l-impriżi ta’ daqs żgħir u medju b’mod differenti minn impriżi oħra, peress li dan ma jeżenthomx mid‑dmir tagħhom li josservaw ir-regoli tal-kompetizzjoni.

(ara l-punti 260, 261, 264, 266, 267, 275, 277-283)







SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (Il-Ħames Awla)

28 ta’ April 2010 (*)

“Kompetizzjoni – Akkordji – Suq Ewropew tal-ħajt industrijali – Deċiżjoni li tikkonstata ksur tal-Artikolu 81 KE u tal-Artikolu 53 tal Ftehim ŻEE – Multi – Gravità tal-ksur – Impatt konkret fuq is-suq – Tul tal-ksur – Ċirkustanzi attenwanti – Kooperazzjoni matul il‑proċedura amministrattiva – Proporzjonalità – Linji gwida dwar il‑metodi tal‑kalkolu tal-multi”

Fil-Kawżi magħquda T‑456/05 u T‑457/05,

Gütermann AG, stabbilita f’Gutach-Breisgau (il-Ġermanja), irrappreżentata minn J. Burrichter, B. Kasten u S. Orlikowski-Wolf, avukati,

rikorrenti fil-Kawża T‑456/05,

Zwicky & Co. AG, stabbilita f’Wallisellen (l-Isvizzera), irrappreżentata minn J. Burrichter, B. Kasten u S. Orlikowski-Wolf, avukati,

rikorrenti fil-Kawża T‑457/05,

vs

Il-Kummissjoni Ewropea, inizjalment irrappreżentata minn F. Castillo de la Torre, M. Schneider u K. Mojzesowicz, sussegwentement minn M. Castillo de la Torre u Mojzesowicz, bħala aġenti,

konvenuta,

li għandhom bħala suġġett talba għall-annullament tad-Deċiżjoni tal‑Kummissjoni C (2005) 3452 tal-14 ta’ Settembru 2005 dwar proċedura skont l-Artikolu 81 [KE] u l-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE (Każ COMP/38.337 PO/Ħajt), kif emendata bid-Deċiżjoni tal‑Kummissjoni C (2005) 3765 tat-13 ta’ Ottubru 2005, u, sussidjarjament, talba għat-tnaqqis tal-multa imposta fuq ir-rikorrenti mill‑imsemmija deċiżjoni,

IL-QORTI ĠENERALI (Il-Ħames Awla),

komposta minn M. Vilaras, President tal-Awla, M. Prek (Relatur) u V. M. Ciucǎ, Imħallfin,

Reġistratur: T. Weiler, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tas-17 ta’ Diċembru 2008,

tagħti l-preżenti

Sentenza

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

1.     Is-suġġett tal-kawża

1        Permezz tad-Deċiżjoni C (2005) 3452 tal-14 ta’ Settembru 2005 dwar proċedura skont l-Artikolu 81 [KE] u l-Artikolu 53 tal‑Ftehim ŻEE (Każ COMP/38.337 PO/Ħajt, iktar ’il quddiem id‑“deċiżjoni kkontestata”), kif emendata bid-Deċiżjoni tal‑Kummissjoni C (2005) 3765 tat-13 ta’ Ottubru 2005, u li sommarju tagħha huwa ppubblikat fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea tas-26 ta’ Jannar 2008 (ĠU C 21, p. 10), il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej kkonstatat li r‑rikorrenti, Gütermann AG (iktar ’il quddiem “Gütermann”) u Zwicky & Co. AG (iktar ’il quddiem “Zwicky”), kienu ħadu sehem f’numru ta’ akkordji u prattiki miftiehma fis-suq tal-ħajt intiż għall-industrija tal‑Benelux u tal-pajjiżi Nordiċi għall-perijodu ta’ bejn Jannar 1990 u Settembru 2001 f’dak li jikkonċerna Gütermann u għall-perijodu ta’ bejn Jannar 1990 u Novembru 2000 f’dak li jikkonċerna Zwicky.

2        Il-Kummissjoni imponiet multa fl-ammont ta’ EUR 4.021 miljun fuq Gütermann u multa fl-ammont ta’ EUR 0.174 miljun fuq Zwicky, għall-parteċipazzjoni tagħhom fil-kartell tal-ħajt industrijali fil-Benelux u fil‑pajjiżi Nordiċi.

2.     Il-proċedura amministrattiva

3        Fis-7 u t-8 ta’ Novembru 2001, il-Kummissjoni wettqet spezzjonijiet, skont l-Artikolu 14(3) tar-Regolament tal-Kunsill Nru 17 tas-6 ta’ Frar 1962, l-ewwel Regolament li jimplementa l-Artikoli [81 KE] u [82 KE] (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti Kapitolu 8, Vol. 1. p. 3), fil-bini ta’ diversi produtturi ta’ ħajt għall-ħjata. Dawn il-verifiki saru wara informazzjoni li ngħatat f’Awwissu 2000 minn The English Needle & Tackle Co. Ltd.

4        Fis-26 ta’ Novembru 2001, Coats Viyella plc (iktar ’il quddiem “Coats”) ippreżentat talba għal klemenza skont l-Avviż tal-Kummissjoni dwar in-nuqqas ta’ impożizzjoni jew it-tnaqqis ta’ multi f’każijiet ta’ kartell (96/C 207/04) (ĠU 1996, C 207, p. 4, iktar ’il quddiem il-“komunikazzjoni fuq il‑kooperazzjoni”), li magħha ġew ippreżentati dokmenti sabiex issir il‑prova tal-akkordji li ġejjin: l-ewwel nett, akkordju fis-suq tal-ħajt intiż għall-industrija tal-karozzi fiż-Żona Ekonomika Europea (ŻEE), it-tieni nett, akkordju fis-suq tal-ħajt intiż għall‑industrija fir-Renju Unit u, it‑tielet nett, akkordju fis-suq tal-ħajt intiż għall-industrija fil-pajjiżi tal‑Benelux kif ukoll fid-Danimarka, fil‑Finlandja, fin-Norveġja u fl-Isvezja (iktar ’il quddiem, meħuda flimkien, il-“pajjiżi Nordiċi”).

5        Abbażi tad-dokumenti li ttieħdu waqt l-ispezzjonijiet u dawk mibgħuta minn Coats, il-Kummissjoni indirizzat lill-impriżi kkonċernati talbiet għal informazzjoni f’Marzu u f’Awwissu 2003, skont l-Artikolu 11 tar‑Regolament Nru 17.

6        Fil-15 ta’ Marzu 2004, il-Kummissjoni adottat dikjarazzjoni tal‑oġġezzjonijiet u indirizzata lil diversi impriżi minħabba s-sehem tagħhom f’akkordju jew f’diversi akkordji msemmija fil-punt 4 iktar ’il fuq, fosthom dak fis-suq tal-ħajt intiż għall-industrija fil-Benelux u fil‑pajjiżi Nordiċi.

7        L-impriżi destinatarji kollha tad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet ippreżentaw osservazzjonijiet bil-miktub. Gütermann irrispondiet f’isimha u f’isem Zwicky.

8        Nżammet seduta fid-19 u fl-20 ta’ Lulju 2004.

9        Fl-24 ta’ Settembru 2004, il-partijiet ingħataw id-dritt għall-aċċess għall‑verżjoni mhux kunfidenzjali tar-risposti għad-dikjarazzjoni tal‑oġġezzjonijiet u għall-osservazzjonijiet tal-partijiet matul is-seduta, u rċevew terminu sabiex jippreżentaw osservazzjonijiet oħra.

10      Fl-14 ta’ Settembru 2005, il-Kummissjoni adottat id-deċiżjoni kkontestata.

3.     Id-deċiżjoni kkontestata

 Definizzjoni tas-swieq inkwistjoni

 Is-suq tal-prodotti

11      Fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni indikat li l-qasam tal-ħajt jista’ jinqasam f’żewġ taqsimiet, jiġifieri, minn naħa, dak tal-ħajt użat għall-industrija sabiex jiġu meħjuta jew irrakkmati diversi tipi ta’ ħwejjeġ u lbies jew oġġetti oħra, bħal oġġetti tal-ġilda, tapizzerija għall-karozzi u mtieraħ, u, min-naħa l-oħra, dak tal-ħajt domestiku użat mill-individwi għal xogħlijiet ta’ ħjata jew ta’ tiswija u għal attivitajiet ta’ pjaċir.

12      Rigward it-taqsima tal-ħajt industrijali, din tista’ tinqasam fi tliet kategoriji skont l-użu li jsir minnu: il-ħajt tal-ħjata, iddestinat sabiex isiru l-ħwejjeġ, li jintuża għal diversi tipi ta’ lbies, il-ħajt tar‑rakkmu, li jintuża fuq il-magni tar-rakkmu industrijali kompjuterizzati għat-tiżjin tal-ilbies, taż-żraben tal-isport u ta’ drappijiet għad-dar, u l-ħajt speċjali, li jintuża f’diversi oqsma bħal dawk taż-żraben, tal-oġġetti tal‑ġilda u tal-karozzi.

13      Skont il-Kummissjoni, il-ħajt industrijali jista’ jitqies, mill-perspettiva tal-offerta, bħala li jikkostitwixxi suq ta’ prodott uniku peress li ma hemm ebda korrispondenza stretta bejn l-użu finali u t-tip ta’ ħajt u/jew l-istruttura tal-ħajt.

14      Madankollu, il-Kummissjoni tagħmel distinzjoni bejn il-ħajt intiż għall-industrija tal-karozzi, minn naħa, u dak intiż għall-industrija bl-esklużjoni tal-qasam tal-karozzi, min-naħa l-oħra. Fil-fatt, hija tikkunsidra li, għalkemm il-proċessi ta’ produzzjoni ta’ dawn iż-żewġ tipi ta’ ħajt huma simili jew faċilment interkambjabbli, it-talba tal-industrija tal‑karozzi ġejja minn klijenti kbar li jimponu speċifikazzjonijiet ta’ livell għola għal ċerti prodotti li jużaw – pereżempju, il-ħajt użat għaċ‑ċinturini ta’ sigurtà – u li huma intiżi għall-uniformità tal-prodotti fil-pajjiżi differenti fejn għandhom bżonnhom għall-industrija tagħhom.

15      F’dawn il-kawżi, is-suq tal-prodotti li fir-rigward tiegħu huwa eżaminat il‑ksur allegat fil-konfront tar-rikorrenti huwa dak tal-ħajt industrijali bl-esklużjoni tal-qasam tal-karozzi (iktar ’il quddiem il-“ħajt industrijali”).

 Is-swieq ġeografiċi

16      Fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni tikkonstata li, skont l‑informazzjoni mogħtija mill-partijiet, is-suq ġeografiku inkwistjoni għall-ħajt industrijali huwa ta’ daqs reġjonali. Hija żżid li r-reġjun jista’ jkopri, skont il-każijiet, diversi pajjiżi taż-ŻEE, pereżempju l-pajjiżi tal‑Benelux jew il-pajjiżi Nordiċi, jew pajjiż wieħed, pereżempju r‑Renju Unit.

17      F’dan il-każ, is-suq ġeografiku kkonċernat mill-ksur allegat fil-konfront tar‑rikorrenti huwa dak tal-Benelux u tal-pajjiżi Nordiċi.

 Id-daqs u l-istruttura tas-swieq inkwistjoni

18      Mid-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li d-dħul mill-bejgħ tal-ħajt industrijali fil-Benelux u fil-pajjiżi Nordiċi kien ta’ madwar EUR 50 miljun fl-2000 u madwar EUR 40 mijun fl-2004.

19      Minn dan jirriżulta wkoll li, lejn l-aħħar tas-snin 90, il-kumpanniji prinċipali li kienu jfornu l-ħajt industrijali fil-Benelux u fil-pajjiżi Nordiċi kienu b’mod partikolari Gütermann, Zwicky, Amann und Söhne GmbH & Co. KG (iktar ’il quddiem “Amann”), Barbour Threads Ltd qabel ma nxtrat minn Coats, Belgian Sewing Thread NV (iktar ’il quddiem “BST”) u Coats.

 Id-deskrizzjoni tal-aġir li jikkostitwixxi ksur

20      Il-Kummissjoni tindika, fid-deċiżjoni kkontestata, li l-ġrajjiet relatati mal‑akkordju fis-suq tal-ħajt industrijali fil-Benelux u fil-pajjiżi Nordiċi seħħew bejn l-1990 u l-2001.

21      Skont il-Kummissjoni, l-impriżi kkonċernati ltaqgħu minn tal-inqas darba fis-sena u dawn il-laqgħat ġew organizzati f’żewġ sessjonijiet, waħda ddedikata għas-suq tal-pajjiżi tal-Benelux, l-oħra għal dak tal-pajjiżi Nordiċi u l-għan ewlieni tagħhom kien li l-prezzijiet jinżammu f’livell għoli f’kull wieħed minn dawn iż‑żewġt iswieq.

22      Il-parteċipanti skambjaw listi tal-prezzijiet u informazzjoni dwar l-iskontijiet, fuq l-applikazzjoni ta’ żidiet fil-listi tal-prezzijiet, fuq it‑tnaqqis ta’ skontijiet u ż-żieda ta’ prezzijiet speċjali applikabbli għal ċerti klijenti. Ikkonkludew ukoll ftehim dwar il-listi futuri tal-prezzijiet, fuq ir-rata massima ta’ skontijiet, fuq it-tnaqqis ta’ skontijiet u ż-żieda tal-prezzijiet speċjali applikabbli għal ċerti klijenti kif ukoll ftehim sabiex jiġi evitat li jikkompetu kontra xulxin fuq il-prezzijiet favur il-fornitur regolari u sabiex jqassmu bejniethom il-klijenti (deċiżjoni kkontestata, premessi 99 sa 125).

 Id-dispożittiv tad-deċiżjoni kkontestata

23      Fl-Artikolu 1(1) tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni kkonstatat li tmien impriżi, fosthom Gütermann u Zwicky, kienu kisru l-Artikolu 81 KE u l-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE meta ħadu sehem f’numru ta’ ftehim u prattiki miftehma fis-suq tal-ħajt industrijali fil-Benelux u fil‑pajjiżi Nordiċi, għall-perijodu ta’ bejn Jannar 1990 u Settembru 2001 f’dak li jikkonċerna Gütermann, u għall-perijodu ta’ bejn Jannar 1990 u Novembru 2000 f’dak li jikkonċerna Zwicky.

24      Skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 2 tad‑deċiżjoni kkontestata, għall-akkordju fis-suq tal-ħajt industrijali fil-Benelux u l-pajjiżi Nordiċi, ġew imposti l-multi segwenti fuq, b’mod partikolari, l-impriżi li ġejjin:

–        Coats: EUR 15.05 miljun;

–        Amann: EUR 13.09 miljun;

–        BST: EUR 0.979 miljun;

–        Gütermann: EUR 4.021 miljun;

–        Zwicky: EUR 0.174 miljun.

25      Fl-Artikolu 3 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni ordnat lill‑impriżi kkonċernati minn din id-deċiżjoni sabiex immedjatament itemmu l-ksur li hija kienet ikkonstatat, jekk ma kinux diġà għamlu dan. Hija ordnatilhom ukoll li ma jirrepetu l-ebda wieħed mill-atti msemmija fl‑Artikolu 1 tad-deċiżjoni kkontestata u l-ebda att jew prattika li għandha għan jew effett ekwivalenti.

 Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

26      Permezz ta’ atti ppreżentati fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit-30 ta’ Diċembru 2005, ir-rikorrenti ppreżentaw dawn ir-rikorsi.

27      Fil-kawża T‑456/05, Gütermann titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tannulla l-Artikolu 1 tad-deċiżjoni kkontestata sa fejn fih il‑Kummissjoni kkonstatat li hija wettqet ksur tal-Artikolu 81 KE u tal-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE fis-suq tal-Finlandja, tan‑Norveġja u tal-Isvezja għall-perijodu ta’ bejn Jannar 1990 u Settembru 2001 u, sussidjarjament, għall-perijodu ta’ bejn Jannar 1990 u Diċembru 1993 inkluż;

–        tannulla l-Artikolu 2 tad-deċiżjoni kkontestata sa fejn il‑Kummissjoni imponitilha multa fl-ammont ta’ EUR 4.021 miljun jew, sussidjarjament, tnaqqas kif ikun xieraq l-ammont ta’ din il‑multa;

–        tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

28      Il-Kummissjoni titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors;

–        tikkundanna lil Gütermann għall-ispejjeż.

29      Fil-Kawża T‑457/05, Zwicky titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tannulla l-Artikolu 1 tad-deċiżjoni kkontestata sa fejn fih il‑Kummissjoni kkonstatat li hija wettqet ksur tal‑Artikolu 81 KE u tal-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE fis-suq tal‑Finlandja, tan-Norveġja u tal-Isvezja għall-perijodu ta’ bejn Jannar 1990 u Novembru 2001 u, sussidjarjament, għall-perijodu ta’ bejn Jannar 1990 sa Diċembru 1993 inkluż;

–        tannulla l-Artikolu 2 tad-deċiżjoni kkontestata sa fejn il‑Kummissjoni imponitilha multa fl-ammont ta’ EUR 0.174 miljun jew, sussidjarjament, tnaqqas kif ikun xieraq l-ammont ta’ din il‑multa;

–        tannulla l-Artikolu 3 tad-deċiżjoni kkontestata sa fejn jikkonċernha;

–        tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

30      Il-Kummissjoni titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors;

–        tikkundanna lil Zwicky għall-ispejjeż.

31      B’digriet tad-9 ta’ Diċembru 2008, il-President tal-Ħames Awla tal‑Qorti Ġenerali ddeċieda, wara li nstemgħu l-partijiet, li jgħaqqad il-Kawżi T‑456/05 u T‑457/05 għall-finijiet tal-proċedura orali u tas-sentenza, skont l-Artikolu 50 tar-Regoli tal‑Proċedura tal-Qorti Ġenerali.

 Id-dritt

32      Fl-ewwel lok, ir-rikorrenti jinvokaw żewġ motivi dwar l-aġir li jikkostitwixxi ksur. Dawn jinvokaw, l-ewwel nett, motivi bbażat fuq il-ksur tal‑Artikolu 7(1) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2003, tas-16 Diċembru 2002, fuq l-implementazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni mniżżlin fl-Artikoli 81 [KE] u 82 [KE] (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti Kapitolu 8, Vol. 2, p. 205). Wara dan, Zwicky tinvoka motiv ibbażat fuq in-natura inġustifikata tal‑ordnijiet sabiex ittemm il-ksur u li tastjeni minn kwalunkwe repetizzjoni.

33      Fi-tieni lok, ir-rikorrenti jinvokaw numru ta’ motivi intiżi għat-tneħħija jew it-tnaqqis tal-multa. Minn naħa, Zwicky tikkritika lill-Kummissjoni talli imponitilha multa li l-ammont tagħha jaqbeż il-limitu ta’ 10 % tad-dħul mill-bejgħ tagħha. Min-naħa l-oħra, ir-rikorrenti jinvokaw ħames motivi bbażati, rispettivament, fuq evalwazzjoni żbaljata tal-gravità tal‑ksur fir-rigward tal-effetti tiegħu, fuq evalwazzjoni żbalajti tat-tul tal-ksur, fuq nuqqas ta’ teħid inkunsiderazzjoni ta’ ċerti ċirkustanzi attenwanti, fuq applikazzjoni żbaljata tal-komunikazzjoni fuq il‑kooperazzjoni u fuq in-natura sproporzjonata tal-multa.

1.     Fuq il-motivi li jikkontestaw il-konstatazzjoni tal-eżistenza ta’ aġir li jikkostitwixxi ksur u l‑ordnijiet sabiex dawn jintemmu u ma jiġux repetuti

 Fuq il-motiv, invokat minn Gütermann u Zwicky, ibbażat fuq ksur tal‑Artikolu 7(1) tar-Regolament Nru 1/2003

 L-argumenti tal-partijiet

34      Skont ir-rikorrenti, il-Kummissjoni kisret l-Artikolu 7(1) tar‑Regolament Nru 1/2003, li jiddisponi li, “ [f]ejn il-Kummissjoni, taggixxi fuq ilment jew fuq l-inizjattiva proprja tagħha, issib li hemm ksur ta’ l-Artikolu 81 [CE] jew ta’ l-Artikolu 82 [CE] tat-Trattat, tista’ b’deċiżjoni tirrikjedi l-impriża u l-assoċjazzjoni tal-impriża konċernata li temm dan il-ksur”. Fil-fatt, il-Kummissjoni, meta akkużathom li wettqu ksur tal-Artikolu 81 KE u tal-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE minħabba l-parteċipazzjoni tagħhom fi ftehim u fi prattiki miftiehma fis‑swieq tal-ħajt industrijali fil-Benelux u fil-pajjiżi Nordiċi, matul il-perijodu ta’ bejn Jannar 1990 u Settembru 2001 għal Gütermann, u ta’ bejn Jannar 1990 u Novembru 2000 għal Zwicky, naqset li tieħu inkunsiderazzjoni l-fatt li l-Ftehim ŻEE daħal fis-seħħ biss fl-1 ta’ Jannar 1994 u li, għalhekk, qabel din id-data, id-dispożizzjonijiet ta’ dan il-ftehim japplikaw biss għall-Finlandja, għan-Norveġja u għall-Isvezja. Bl-istess mod, peress li l-Finlandja u l-Isvezja aderew mal‑Komunità Ewropea biss fl-1 Jannar 1995, l-Artikolu 81 KE beda japplika direttament biss f’din id-data.

35      Barra minn hekk, ir-rikorrenti jikkunsidraw li l-Kummissjoni kienet korretta fejn ikkunsidrat li ksur fis-sens ġuridika tal-kelma, jiġifieri ksur tal-Artikolu 81 KE u tal-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE minħabba l-aġir tagħhom, seta’ jeżisti biss, sa fejn jikkonċerna l-Finlandja, in-Norveġja u l-Isvezja, mill-1 ta’ Jannar 1994. Għalhekk il-Kummissjoni wettqet żball meta telqet, minn perspettiva ġuridiku, mill-eżistenza ta’ ksur li dejjem żied fl-intensità. Il-Kummissjoni ma għamlitx distinzjoni bejn l‑evalwazzjoni materjali tal-aġir tar-rikorrenti bħala entità unika u kontinwa minn Jannar 1990 sa Settembru 2001, għal Gütermann, u minn Jannar 1990 sa Novembru 2000, għal Zwicky, u l-evalwazzjoni ġuridika ta’ dan l-aġir bħala ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni waqt dawn iż-żewġ perijodi.

36      Barra minn hekk, ir-rikorrenti jikkunsidraw li l-motiv tagħhom ibbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 7(1) tar-Regolament Nru 1/2003 huma ammissibbli. Fil-fatt il-Kummissjoni bbażat ruħha b’mod żbaljat fuq l‑inammissibbiltà ta’ dan il-motiv peress li huma ma sostnewx li hemm żball manifest ta’ evalwazzjoni fil-kwalifika tal-aġir tagħhom bħala akkordju uniku u kontinwat. Fl-opinjoni tagħhom, il-Kummissjoni kkwalifikat l-aġir tagħhom bħal akkordju uniku u kontinwat mill-perspettiva tal-fatti, u huma ma jikkontestawx dan fil-kuntest ta’ dan il-motiv. Għall-kuntrarju, l-Artikolu 1(1) tad-deċiżjoni kkontestata fih evalwazzjoni ġuridika żbaljata peress li, minn naħa, Zwicky ma kinitx preżenti fis-suq tal-ħajt industrijali fil-pajjiżi Nordiċi u, min-naħa l-oħra peress li, f’dak li jirrigwarda l-Finlandja, in-Norveġja u l-Isvezja, ma jistax ikun hemm ksur tar-regoli ta’ kompetizzjoni bejn Jannar 1990 u Diċembru 1993.

37      Il-Kummissjoni tibbaża ruħha, prinċipalment, fuq l-inammissibbiltà ta’ dan il-motiv invokat mir-rikorrenti u tikkontesta, sussidjarjament, il‑fondatezza tiegħu.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

38      Il-Qorti Ġenerali tqis li hemm lok li tevalwa l-fondatezza tal‑motiv ibbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 7(1) tar-Regolament Nru 1/2003 mingħajr mhuwa neċessarju li teżamina l-ammissibbiltà tiegħu.

39      L-ewwel nett għandu jiġi enfasizzat li, fl-Artikolu 1(1)(g) u (h) tad‑deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni tikkonstata l-eżistenza ta’ ksur, min-naħa tar-rikorrenti, tal-Artikolu 81 KE u tal-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE minħabba l-parteċipazzjoni tagħhom, minn Jannar 1990 sa Settembru 2001, għal Gütermann, u minn Jannar 1990 sa Novembru 2000 għal Zwicky, fil-prattiki miftiehma fis‑suq tal-ħajt industrijali fil-Benelux u fil-pajjiżi Nordiċi.

40      Għandu jiġi kkonstatat li, meħud waħdu, dan l-artikolu jista’ jinftiehem li l-Kummissjoni ddeċidiet l-eżistenza ta’ ksur imwettaq mir-rikorrenti minħabba l-parteċipazzjoni tagħhom fi prattiki miftiehma fis-suq tal‑ħajt industrijali fil-Finlandja, fin-Norveġja u fl-Isvezja, bejn Jannar 1990 u Diċembru 1993, jiġifieri qabel id-dħul fis-seħħ tal-Ftehim ŻEE. Issa, huwa paċifiku li, matul dan il-perijodu, ma kienet teżisti l-ebda bażi legali li tippermetti li l-Kummissjoni tikkonstata l-eżistenza ta’ tali ksur min‑naħa tar-rikorrenti.

41      Madankollu, mill-ġurisprudenza jirriżulta li d-dispożittiv ta’ att huwa inseparabbli mill-motivazzjoni tiegħu, b’tali mod li għandu jiġi interpretat, jekk hemm bżonn, billi jittieħdu inkunsiderazzjoni l-motivi li wassslu għall-adozzjoni tiegħu (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal‑15 ta’ Mejju 1997, TWD vs Il-Kummissjoni, C‑355/95 P, Ġabra p. I‑2549, punt 21; sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-13 ta’ Ġunju 2000, EPAC vs Il-Kummissjoni, T‑204/97 u T‑270/97, Ġabra p. II‑2267, punt 39).

42      F’dan ir-rigward, mill-premessi 246, 295 sa 298 u 331 tad-deċiżjoni kkontestata jirriżulta b’mod ċar li l-akkordju, sa fejn jirrigwarda l‑Finlandja, in-Norveġja u l-Isvezja, jikkostitwixxi ksur tar‑regoli Komunitarji tal-kompetizzjoni u tar-regoli taż-ŻEE dwar il‑kompetizzjoni biss mill-1 ta’ Jannar 1994, id-data tad-dħul fis-seħħ tal-Ftehim ŻEE. Għalhekk, l-Artikolu 1(1)(g) u (h) tad-deċiżjoni kkontestata għandu jinqara fid-dawl ta’ din il-motivazzjoni ċara u nieqsa min kull ambigwità. B’hekk, għandu jiġi kkunsidrat li d‑dispożittiv tad-deċiżjoni kkontestata għandu jinqara fis-sens li l‑elementi tal-ksur uniku u kontinwat, fir-rigward tal-Finlandja, in-Norveġja u l-Isvezja, bdew jeżistu biss mill-1 ta’ Jannar 1994.

43      It-tieni nett, huwa għalxejn li r-rikorrenti jinvokaw, fis-sustanza, distinzjoni li l-Kummissjoni allegatament għamlet, fid-deċiżjoni kkontestata, bejn , minn naħa, l-evalwazzjoni ġuridika ta’ ksur tal-Artikolu 81 KE u tal-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE u, min-naħa l-oħra, l-evalwazzjoni materjali, fil-premessi 264 sa 277 tad-deċiżjoni kkontestata, tal-aġir tagħhom bħala ksur uniku u kontinwat. Minn dan, huma żbaljatament jikkonkludu li, peress li sa fejn jikkonċerna l-Finlandja, in-Norveġja u l‑Isvezja seta’ jkun hemm ksur “fis‑sens ġuridiku tal-kelma” biss mill-1 ta’ Jannar 1994, il-Kummissjoni wettqet żball meta kkonstatat li hemm ksur li dejjem iżid fl-intensità.

44      Fl-ewwel lok għandu jiġi enfasizzat li r-rikorrenti bl-ebda mod ma kkontestaw in-natura waħdanija u kontinwata tal-ksur fis-suq tal-ħajt industrijali fil-Benelux u fil-pajjiżi Nordiċi.

45      Wara dan, għandu jitfakkar li ksur tal-Artikolu 81(1) KE jista’ jirriżulta mhux biss minn att iżolat, iżda wkoll minn serje ta’ atti jew saħansitra minn aġir kontinwat. Din l-interpretazzjoni ma tistax tiġi kkontestata minħabba li element wieħed jew iktar ta’ din is-serje ta’ atti jew ta’ dan l-aġir kontinwat jistgħu jikkostitwixxu wkoll, fihom infushom u meħuda waħedhom, ksur tal-imsemmija dispożizzjoni. (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-8 ta’ Lulju 1999, Il-Kummissjoni vs Anic Partecipazioni, C‑49/92 P, Ġabra p. I‑4125, punt 81; is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-5 ta’ April 2006, Degussa vs Il‑Kummissjoni, T‑279/02, Ġabra p. II‑897, punt 155).

46      B’hekk, il-ksur uniku u kontinwat spiss jiġbor flimkien serje ta’ atti li jsegwu lil xulxin kronoloġikament u li, fihom infushom, fil-mument ta’ meta jitwettqu, jistgħu ukoll jikkostitwixxu ksur tar-regoli tal‑kompetizzjoni. Il-karatteristika partikolari ta’ dawn l-atti tikkonsisti mill-fatt li huma parti minn strateġija globali. Dan huwa essenzjalment dak li l-Kummissjoni kkonstatat fil-premessi 264 sa 277 tad-deċiżjoni kkontestata dwar l-akkordju dwar is-suq tal-ħajt industrijali fil-Benelux u fil-pajjiżi Nordiċi.

47      Kuntrarjament għal dak li jsostnu r-rikorrenti, il-kunsiderazzjonijiet esposti fl-imsemmija premessi tad‑deċiżjoni kkontestata ma jikkonsistux biss f’sempliċi konstatazzjoni tal-elementi fattwali, iżda jistabbilixxu raġunijiet oġġettivi li jġiegħlu lill-Kummissjoni tikkonkludi li l-ksur fis-suq tal-ħajt industrijali fil-Pajjiżi Nordiċi kien jifforma, flimkien ma’ dak fis-suq tal-ħajt industrijali fil-Benelux, ksur uniku u kontinwat.

48      Il-fatt li l-bażi legali li fuqha bbażat ruħha l-Kummissjoni sabiex tikkonstata l-ksur fis-swieq tal-ħajt industrijali fil-Finlandja, fin-Norveġja u fl‑Isvezja bdiet teżisti biss wara li beda l-ksur huwa irrilevanti f’dan ir-rigward, peress li, kif jirriżulta mill-motivazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, l-aġir tar-rikorrenti f’dan is-suq ttieħed inkunsiderazzjoni biss mill-1 ta’ Jannar 1994.

49      Fit-tieni lok, l-ilment ta’ Zwicky ibbażat fuq il-fatt li hija ma kinitx preżenti fis-suq tal-pajjiżi Nordiċi għandu jiġi miċħud. Kif ġie mfakkar fil-punt 44 iktar ’il fuq, Zwicky ikkonfermat li ma tikkontestax il‑kwalifika ta’ ksur uniku u kontinwat tal-akkordju fis-suq tal-ħajt industrijali fil-Benelux u l-pajjiżi Nordiċi.

50      Issa, mill-ġurisprudenza jirriżulta li impriża li tkun ipparteċipat fi ksur uniku u kumpless permezz ta’ aġir individwali, li jaqa’ taħt il-kunċetti ta’ akkordju jew prattika miftiehma li għandhom għan antikompetittiv skont l-Artikolu 81(1) KE u li huwa intiż biex jikkontribwixxi sabiex jitwettaq il-ksur globali, tista’ tinżamm responsabbli wkoll għall‑aġir imwettaq minn impriżi oħra fil-kuntest tal-istess ksur, għall-perijodu kollu tal-parteċipazzjoni tagħha fl-imsemmi ksur, ladarba jiġi stabbilit li l-impriża inkwistjoni kienet taf bl-aġir li jikkostitwixxi ksur tal-parteċipanti l-oħra, jew li hija setgħet raġonevolment tipprevedih u li hija kienet lesta taċċetta r-riskju (sentenza tal-Kummissjoni vs Anic Partecipazioni, punt 45 iktar ’il fuq, punt 203; is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-20 ta’ Marzu 2002, Brugg Rohrsysteme vs Il-Kummissjoni, T‑15/99, Ġabra p. II‑1613, punt 73).

51      F’din il-kawża, Zwicky ma tikkontestax li pparteċipat b’mod regolari għall-laqgħat iddedikati għall-ħajt industrijali fis-suq tal-pajjiżi Nordiċi, bl‑ebda mod ma kkontestat id-dikjarazzjoni tal-Kummissjoni li hija kienet attiva f’dan is-suq tal-ħajt industrijali fil-pajjiżi Nordiċi qabel il-bidu tal-ksur uniku, ma ċaħditx li pparteċipat fl-elementi tal-ksur dwar is‑suq tal-ħajt industrijali tal-Benelux u barra minn hekk, lanqas ma kkontestat li l‑imsmemija elementi tal-ksur jifformaw parti minn strateġija globali u, għalhekk, kienu biss uħud mill-komponenti tal-ksur uniku u kontinwat fis-suq tal-ħajt industrijali fil-Benelux u l-pajjiżi Nordiċi.

52      Isegwi li l-fatt biss li Zwicky ma kinitx preżenti fis-suq tal-ħajt industrijali fil-pajjiżi Nordiċi waqt il-perijodu meta twettaq il‑ksur uniku u kontinwat ma jistax jeżentha mir-responsabbiltà tagħha għall‑aġir imwettaq, f’dan is-suq ġeografiku, mill-impriżi l-oħra fil‑kuntest tal-imsemmi ksur.

53      Barra minn hekk, sa fejn l-ilment ta’ Zwicky għandu jinftiehem bħala li jfisser li l-huma biss l-impriżi li huma attivi bħala kompetituri, offerenti jew dawk li jagħmlu d-domanda fis-suq ġeografiku tal-pajjiżi Nordiċi li jistgħu jikkoordinaw l-aġir tagħhom bħala impriżi (ko)awturi ta’ ksur, għandu jiġi enfasizzat li impriża tista’ tikser il‑projbizzjoni prevista fl‑Artikolu 81(1) KE meta l-aġir tagħha, kif ikkoordinat ma’ dak ta’ impriżi oħra, ikollu bħala għan ir-restrizzjoni tal-kompetizzjoni f’suq rilevanti partikolari fi ħdan is-suq komuni, mingħajr ma’ dan jippreżupponi neċessarjament li hija stess tkun attiva fl‑imsemmi suq rilevanti (ara, b’analoġija, is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-8 ta’ Lulju 2008, AC‑Treuhand vs Il-Kummissjoni, T‑99/04, Ġabra p. II-1501, punt 122).

54      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet li saru fil-punt 51 iktar ’il fuq, Zwicky ma tistax validament tikkontesta l-fatt li hija responsabbli wkoll, inkwantu koawtur, għat-twettieq ta’ ksur tar-regoli ta’ kompetizzjoni fir-rigward tal‑akkordju dwar il-ħajt industrijali fis-suq tal-pajjiżi Nordiċi.

55      Konsegwentement, il-motiv ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 7(1) tar‑Regolament Nru 1/2003 għandu jiġi miċħud.

 Fuq il-motiv, invokat minn Zwicky, ibbażat fuq in-natura inġustifikata tal-ordnijiet sabiex jintemm il-ksur u sabiex ma jkunx hemm repetizzjoni

 L-argumenti tal-partijiet

56      Zwicky tindika li, fl-Artikolu 3 tad-deċiżjoni kkontestata, il‑Kummissjoni ordnat lill-impriżi kkonċernati sabiex immedjatament itemmu l-ksur ikkonstatat, jekk ma kinux diġà għamlu dan, u sabiex, fil‑futur, jastjenu milli jwettq kull att li jaqa’ taħt il-ksur ikkonstatat jew kull aġir li għandu għan simili.

57      Issa, Zwicky issostni li, mhux biss hija ma hijiex iktar preżenti fis‑swieq ikkonċernati mid-deċiżjoni kkontestata sa minn Novembru 2000, iżda wkoll li hija rrinunzjat għall-attivitajiet kummerċjali kollha tagħha sabiex minn issa ’l quddiem tillimita ruħha għall-ġestjoni tal-proprjetà immobbli. Hija tikkunsidra li l-ordnijiet imsemmija iktar ’il fuq jiksru l‑prinċipju ta’ proporzjonalità u tikkunsidra li l-Artikolu 3 tad-deċiżjoni kkontestata huwa illegali. Fl-opinjoni tagħha, peress li l-Kummissjoni kellha l‑possibbiltà li tikkonstata, mingħajr ma tagħmel verifiki supplimentari, li hija kienet temmet il-ksur u li ma kien hemm ebda riskju ta’ repetizzjoni, din tal-aħħar ma kellha ebda interess leġittimu li toħroġ ordni. Zwicky tibbaża ruħha, f’dan ir-rigward, fuq sentenza tal‑Qorti tal-Ġustizzja tat-2 ta’ Marzu 1983, GVL vs Il-Kummissjoni (7/82, Ġabra p. 483, punti 24 et seq).

58      Il-Kummissjoni talbet li dan il-motiv jiġi miċħud.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

59      Għandu jiġi rrilevat li, permezz ta’ dan il-motiv, Zwicky titlob l‑annullament tal-Artikolu 3 tad-dispożittiv tad-deċiżjoni kkontestata sa fejn tikkonċernha.

60      Għandu jiġi kkonstatat li l-Artikolu 3 tad-dispożittiv tad-deċiżjoni kkontestata effettivament fih żewġ ordnijiet.

61      Fl-ewwel lok, din id-dispożizzjoni tirrikjedi li l-impriżi kkonċernati jtemmu immedjatament, jekk huma ma jkunux diġà għamlux dan, il-ksur imsemmi fl‑Artikolu 1 tad-dispożittiv tad-deċiżjoni kkontestata. Fuq dan il-punt, sa fejn Zwicky ma kinitx għadha topera fis-settur tal-ħajt industrijali meta ġiet adottata d-deċiżjoni kkontestata, l‑argument imressaq kontra din id-dispożizzjoni huwa manifestament infondat. Fil-fatt, għalkemm hija fost l-impriżi elenkati fl-Artikolu 1 tad-deċiżjoni kkontestata, Zwicky kienet diġà, minħabba l-imsemmi trasferiment ta’ attivitajiet, temmet il-ksur u għalhekk ma kinitx iktar ikkonċernata, fil-fatt, mill-ordni inkwistjoni (ara, f’dan is-sens, is‑sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-20 ta’ April 1999, Limburgse Vinyl Maatschappij et vs Il-Kummissjoni, T‑305/94 sa T‑307/94, T‑313/94 sa T‑316/94, T‑318/94, T‑325/94, T‑328/94, T‑329/94 u T‑335/94, Ġabra p. II‑931, punt 1247). Din iċ-ċirkustanza tagħmel ukoll ineffettiv l-argument ta’ Zwicky dwar il-ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità f’dan ir-rigward (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑Qorti Ġenerali tat-18 ta’ Ġunju 2008, Hoechst vs Il‑Kummissjoni, T‑410/03, Ġabra p. II-4451, punt 196).

62      Fit-tieni lok, l-Artikolu 3 tad-deċiżjoni kkontestata jirrikjedi li l-impriżi msemmija fl-Artikolu 1 minn issa ’l quddiem jastjenu milli jirrepetu kull att jew aġir deskritt fl-Artikolu 1 kif ukoll kull miżura li għandha għan jew effett ekwivalenti.

63      Għandu jitfakkar li l-applikazzjoni tal-Artikolu 7(1) tar-Regolament Nru 1/2003 tista’ tinkludi l-projbizzjoni milli jitkomplew ċerti attivitajiet, prattiki jew sitwazzjonijiet li l-illegalità tagħhom tkun ġiet ikkonstatata, iżda wkoll projbizzjoni milli jiġi adottat, fil-futur, aġir simili. Madankollu dawn l-obbligi li huma ta’ piż fuq l-impriżi ma għandhomx jeċċedu l-limiti ta’ dak li huwa adegwat u meħtieġ sabiex jintlaħaq l-għan imfittex (ara, b’anloġija, is-sentenza tal-Qorti Ġenerali, tal-15 ta’ Marzu 2000, Cimenteries CBR et vs Il-Kummissjoni, T‑25/95, T‑26/95, T‑30/95 sa T‑32/95, T‑34/95 sa T‑39/95, T‑42/95 sa T‑46/95, T‑48/95, T‑50/95 sa T 65/95, T‑68/95 sa T‑71/95, T‑87/95, T‑88/95, T‑103/95 u T‑104/95, Ġabra p. II-491, punti 4704 u 4705, u l‑ġurisprudenza ċċitata). Barra minn dan, is-setgħa tal-Kummissjoni li toħroġ ordnijiet għandha tiġi applikata skont in-natura tal-ksur ikkonstatat (sentenza tal-Qorti tal‑Ġustizzja tas-6 ta’ Marzu 1974, Istituto Chemioterapico Italiano u Commercial Solvents vs Il‑Kummissjoni, 6/73 u 7/73, Ġabra p. 223, punt 45; sentenzi tal-Qorti Ġenerali tas-7 ta’ Ottubru 1999, Irish Sugar vs Il-Kummissjoni, T‑228/97, Ġabra p. II‑2969, punt 298, u tat‑12 ta’ Diċembru 2000, Aéroports de Paris vs Il-Kummissjoni, T‑128/98, Ġabra p. II‑3929, punt 82).

64      F’din il-kawża fl-Artikolu 1 tad-deċiżjoni kkontestata l-Kummissjoni kkonstatat li Zwicky, flimkien ma impriżi oħra, kienet kisret l‑Artikolu 81 KE u l-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE, billi pparteċipat, barra minn hekk għal perijodu twil ħafna, fi ftehim u fi prattiki miftiehma fil-qasam tal-ħajt industrijali fil-Benelux u fil-pajjiżi Nordiċi, li fil-kuntest tagħhom hija u l-impriżi l-oħra kienu ftehmu li fil-futur jiffissaw il-listi tal-prezzijiet, fuq ir-rata massima ta’ skontijiet, fuq it‑tnaqqis tal-iskontijiet u fuq iż-żieda ta’ prezzijiet speċjali applikabbli għal ċerti klijenti kif ukoll li jevitaw li jikkompetu kontra xulxin fuq il-prezzijiet favur il-fornitur regolari u li jqassmu l-klijenti bejniethom. Zwicky ma tikkontestax il-kunsiderazzjonijiet stabbiliti fid-deċiżjoni kkontestata f’dan ir-rigward.

65      F’dawn iċ-ċirkustanzi, billi ordnat lill-impriżi kkonċernati sabiex fil-futur jastjenu ruħhom, fil-kuntest tas-suq tal-ħajt industrijali fil-Benelux u fil‑pajjiżi Nordiċi, minn kull miżura li jista’ jkollha għan jew effett ekwivalenti, il-Kummissjoni ma marritx lil hinn mis-setgħat mogħtija lilha mill-Artikolu 7(1) tar-Regolament Nru 1/2003 (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenza Hoechst vs Il‑Kummisjoni, punt 61 iktar ’il fuq, punt 199).

66      Il-fatt li Zwicky ma kinitx għadha topera fil‑qasam tal-ħajt industrijali meta ġiet adottata d-deċiżjoni kkontestata ma jikkonfutax din il-konklużjoni. Fil-fatt, ordni bħal dik f’din il-kawża hija, minnha nnifisha, preventiva u ma tiddependix fuq is‑sitwazzjoni tal‑impriżi kkonċernati meta ġiet adottata d-deċiżjoni kkontestata.

67      Il-Kummissjoni kellha barra minn hekk d-dritt li tinkludi din l-ordni fid-dispożittiv tad-deċiżjoni kkontestata iktar u iktar peress li Zwicky m’impenjatx ruħha li ma tirrepetix l-aġir antikompetittiv tagħha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-11 ta’ Marzu 1999, Thyssen Stahl vs Il-Kummissjoni, T‑141/94, Ġabra p. II‑347, punt 678).

68      Barra minn hekk, is-sentenza GVL vs Il-Kummissjoni, punt 57 iktar ’il fuq, invokata minn Zwicky ma hijiex rilevanti f’din il-kawża. Fil-fatt, barra l-fatt li ċ-ċirkustanzi ta’ dik il-kawża huma differenti minn dawk ta’ din il-kawża, intwera, fil-punti 60 sa 67 iktar ’il fuq, li Zwicky ma kinitx ikkonċernata mill-ordni sabiex jintemm immedjatament il-ksur imsemmi fl-Artikolu 1 tad-deċiżjoni kkontestata u, min-naħa l-oħra, li l‑Kummissjoni kellha interess perfettament leġittimu sabiex tordnalaha tastejni, fil-futur, minn kull att li jaqa’ taħt il-ksur ikkonstatat u jew minn kull aġir li għandu għan simili.

69      Għal dawn ir-raġunijiet kollha, dan il-motiv għandu jiġi miċħud.

2.     Fuq il-motivi intiżi li jikkontestaw il-multa u l-ammont tagħha

 Fuq il-motiv, invokat minn Zwicky, ibbażat fuq li nqabeż il-limitu ta’ 10 % tad-dħul mill-bejgħ

 L-argumenti tal-partijiet

70      Wara li indikat li kienet temmet l-attivitajiet kummerċjali tagħha fil-qasam tal-ħajt industrijali f’Novembru 2000, Zwicky l-ewwel nett tikkritika lill-Kummissjoni talli bbażat il-kalkolu tal-ammont massimu ta’ 10 % tad-dħul mill-bejgħ fuq dak magħmul minn Gütermann. Fil‑fatt, din l-aħħar impriża ħadet biss parti mill-attivitajiet tagħha u ma kinitx suġġetta għall-kontroll tagħha. Għalhekk id-dħul mill-bejgħ ta’ Zwicky biss huwa determinati. Peress li Zwicky ma għamlitx iktar dħul mill‑bejgħ wara l-2001, ebda multa ma tista’ tiġi imposta fuqha skont l‑Artikolu 23(2) tar-Regolament Nru 1/2003. Fil-fatt, ir-Regolament Nru 1/2003 jirrigwarda d-dħul mill-bejgħ kollu tal-aħħar sena kummercjali qabel l‑adozzjoni tad-deċiżjoni. Il-fatt li l-multa hija marbuta ma’ dan l‑aħħar dħul jippermetti li jittieħed inkunsiderazzjoni d-daqs u l‑influwenza tal‑impriża fis-suq. Għalhekk, hija s-sitwazzjoni attwali tal‑impriżi fis‑suq meta mqabbla mad-dħul mill-bejgħ tagħhom li hija determinanti. Impriża li ma għadiex tagħmel dħul mill-bejgħ ma jkollhiex influwenza fis‑suq u għalhekk ma tistax iktar tkun suġġetta għal multi.

71      Hija tirrileva, wara dan, li s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tad-29 ta’ Novembru 2005, Britannia Alloys & Chemicals vs Il-Kummissjoni (T‑33/02, Ġabra p. II‑4973), invokata mill-Kummissjoni, għandha tiġi interpretata fis-sens li t-teħid inkunsiderazzjoni ta’ dħul mill-bejgħ li mhux dak tas-sena kummerċjali kollha preċedenti għall-adozzjoni tad-deċiżjoni huwa possibbli meta l-impriża kkonċernata tkun waqqfet l-attivitajiet kummerċjali tagħha jew biddlet id-dħul mill-bejgħ tagħha sabiex tevita l‑impożizzjoni ta’ multa kbira. Dan mhux il-każ f’din il‑kawża. Zwicky ssostni, f’dan ir-rigward, li l-attivitajiet tagħha kienu nbigħu sena qabel il‑verifki tal-Kummissjoni, wara li s-sitwazzjoni kompetittitva tagħha marret għall-agħar.

72      Zwicky tenfasizza, barra minn hekk, li, f’din il-kawża, Gütermann akkwistat l‑attività kummerċjali tagħha fil-kuntest ta’ xiri ta’ assi (asset deal) u li, għalhekk, id-dħul marbut mal-attività ttrasferita kellu jgħaddi għand Gütermann u jżid id-dħul mill-bejgħ tagħha li għandu jittieħed inkunsiderazzjoni b’applikazzjoni tal-Artikolu 23(2) tar-Regolament Nru 1/2003. Barra minn hekk, hija ssostni li l‑bejgħ tal-attivitajiet tagħha lil Gütermann ma jikkostitwixxix sempliċi riorganizzazzjoni interna tal-impriża.

73      Fl-aħħar nett, il-fatt li r-rikorrenti kienu bagħtu dokument wieħed biss b’risposta għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet huwa spjegat biċ‑ċirkustanza li l-attivitajiet ta’ ħajt industrijali ttieħdu minn Gütermann u li l-President tal-Bord tad-Diretturi ta’ Zwicky inħatar membru tal-Bord tad-Diretturi ta’ Gütermann wara din it-tranżazzjoni. Madankollu, dan ma jbiddilx il-fatt li Zwicky hija indipendenti minn Gütermann u li din tal-aħħar ma saritx azzjonista ta’ din tal-ewwel.

74      Il-Kummissjoni tirrileva li dan il-motiv huwa irrilevanti inkwantu, anki li kieku l-argument ta’ Zwicky kien eżatt, xorta jibqa l-fatt li hija ddeterminat l‑limitu tal-multa billi ħadet inkunsiderazzjoni d-dħul mill-bejgħ tas‑sena kummerċjali preċedenti, ħaġa li dan diġà sar f’kawżi oħra. Issa, hija tikkonstata li d-dħul mill-bejgħ globali ta’ Zwicky għas-sena 1999 kien ta’ EUR 4.5 miljun u li l-multa għal ammont ta’ EUR 0.174 miljun bl‑ebda mod ma taqbeż il-limitu ta’ 10 % ta’ dan id-dħul mill-bejgħ.

75      Sussidjarjament, il-Kummissjoni l-ewwel nett issostni li, għalkemm Gütermann xtrat, f’Novembru 2000, l-attivitajiet ta’ Zwicky ikkonċernati mill-akkordju fis-suq tal-ħajt industrijali, hija ħadet inkunsiderazzjoni l-fatt li Zwicky kienet implikata fil-ksur issanzjonat għal għaxar snin u kkunsidrat li, wara l-bejgħ minn Zwicky tal‑attivitajiet kummerċjali tagħha, il-fatt li kompliet teżisti ġuridikament fil-froma ta’ “qoxra vojta” kien jikkostitwixxi manuvra implementata bl-għan speċifiku li tevita s-snazjonijiet imposti għall‑ksur tar-regoli ta’ kompetizzjoni. Barra minn hekk hija tirrileva li Zwicky ma kinitx ikkontestat il-ġurisprudenza li tgħid li, bħala prinċipju, hija l-persuna fiżika jew ġuridika li tmexxi l-impriża kkonċernata fil‑mument tal-ksur li għandha tirrispondi għall-ksur. Hija tgħid ukoll li, peress li l-President tal-Bord tad‑Diretturi ta’ Zwicky kien fost il-Bord tad‑Diretturi ta’ Gütermann u peress li għalhekk huwa kellu għarfien preċiż dwar il‑parteċipazzjoni taż‑żewġ impriżi fl-akkordju, ir-raġunijiet li kienu mmotivaw id‑deċiżjoni li Zwicky tibqa’ teżisti jistgħu jinftehmu faċilment.

76      Il-Kummissjoni tikkunsidra wara dan li l-interpretazzjoni li Zwicky tagħmel tat-tieni sentenza tal-Artikoli 23(2) tar-Regolament Nru 1/2003 ma hijiex kompatibbli mal-prinċipju tal-effett utli, peress li din tippermetti lill-impriżi li jevadu r-responsabbiltà tagħhom permezz ta’ riorganizzazzjonijiet purament interni. Dan kien il-metodu użat mill-Qorti Ġenerali fis-sentenza Britannia Alloys & Chemicals vs Il‑Kummissjoni, punt 71 iktar ’il fuq.

77      Il-Kummissjoni ssostni fl-aħħar nett, li r-rabtiet stretti bejn Zwicky u Gütermann jirriżultaw mit-tfassil ta’ risposta komuni għad‑dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet u l-preżenza tal-istess avukati sabiex jiddefenduhom quddiem il-Qorti Ġenerali.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

78      Skont id-dispoożizzjonijiet tal-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17 u tal-Artikolu 23(2) tar-Regolament Nru 1/2003, il-Kummissjoni tista’ timponi fuq l-impriżi multi li ma jaqbżux l-10 % tat-total tad-dħul mill-bejgħ magħmul fis-sena kummerċjali preċedenti għall-adozzjoni tad‑deċiżjoni. Dan il-limitu ta’ 10 % huwa intiż sabiex jiġi evitat li l‑multi jkunu sproporzjonati meta mqabbla mad-daqs tal-impriżi u, b’mod partikolari, li jiġi evitat li jiġu imposti multi li huwa prevedibbli li l-impriżi ma jistgħux iħallsu. Peress li huwa biss id-dħul mill-bejgħ globali li jista’ effettivament jagħti indikazzjoni approssimattiva f’dan ir-rigward, din il-perċentwali għandha tinftiehem bħala li tirreferi għad-dħul mill-bejgħ globali (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-7 ta’ Ġunju 1983, Musique diffusion française et vs Il-Kummissjoni, 100/80 sa 103/80, Ġabra p. 1825, punt 119).

79      Għandu wkoll jiġi enfasizzat li l-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17 u l-Artikolu 23(2) tar-Regolament Nru 1/2203 għandhom l-għan li jagħtu lill-Kummissjoni s-setgħa li timponi multi sabiex tkun tista’ taqdi l-funzjoni ta’ sorveljanza mogħtija lilha mid-dritt Komunitarju (sentenza Musique diffusion française et vs Il‑Kummissjoni, punt 78 iktar ’il fuq, punt 105, u s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tad-9 ta’ Lulju 2003, Archer Daniels Midland u Archer Daniels Midland Ingredients vs Il-Kummissjoni, T‑224/00, Ġabra p. II‑2597, punt 105). Din il-funzjoni tinkludi d-dmir li tinvestiga u twaqqaf ksur individwali kif ukoll id-dover li ssegwi politika ġenerali sabiex fil-qasam tal-kompetizzjoni jiġu applikati l-prinċipji stabbiliti mit-Trattat u sabiex torjenta f’dan is-sens l-aġir tal-impriżi. Minn dan isegwi li l‑Kummissjoni għandha tiżgura li l-multi jkunu ta’ natura dissważiva (sentenza Archer Daniels Midland u Archer Daniels Midland Ingredients vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punti 105 u 106).

80      Barra minn hekk għandu jiġi rrilevat li skont l-Artikolu 15(2) tar‑Regolament Nru 17 u t-tieni paragrafu tal-Artikolu 23(2) tar-Regolament Nru 1/2003 is-“sena kummerċjali preċedenti” tirreferi, bħala prinċipju, għall-aħħar sena kummerċjali sħiħa ta’ kull waħda mill-impriżi kkonċernati fid-data tal‑adozzjoni tad-deċiżjoni (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-7 ta’ Ġunju 2007, Britannia Alloys & Chemicals vs Il-Kummissjoni, C‑76/06 P, Ġabra p. I‑4405, punt 32).

81      F’din il-kawża, peress li d-deċiżjoni kkontestata ġiet adottata fl-14 ta’ Settembru 2005, is-sena kummerċjali preċedenti kienet dik mill-1 ta’ Lulju 2004 sat-30 ta’ Ġunju 2005. Issa, Zwicky ittrasferiet lil Gütermann l-attivitajiet tagħha fil-qasam tal-ħajt industrijali f’Novembru 2000. Għalhekk, il-Kummissjoni kkunsidrat li, meta ġiet adottata d-deċiżjoni kkontestata, hija ma kellhiex, għal dak li jirrigwarda Zwicky, dħul mill-bejgħ li jirrappreżenta attività ekonomika eżerċitata minn din tal-aħħar għas-sena kummerċjali preċedenti. Barra minn hekk billi bbażat ruħha, fil-premessa 383 tad-deċiżjoni kkontestata, fuq l‑allegata eżistenza ta’ rabta ta’ kumpannija parent ma’ kumpannija sussidjarja bejn Gütermann u Zwicky wara t-trasferiment tal-attivitajiet relatat mal-ħajt industrijali mit-tieni kumpannija lill-ewwel waħda, il-Kummissjoni kkunsidrat li tista’ tibbaża ruħha fuq id-dħul mill-bejgħ ta’ Gütermann għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-limitu ta’ 10 %.

82      Fir-rigward tal-ilmenti ta’ Zwicky, għandhom jiġu distinti żewġ aspetti: minn naħa, l-għażla tal-Kummissjoni li ħadet inkunsiderazzjoni d-dħul mill-bejgħ ta’ Gütermann u, min-naħa l-oħra, in-nuqqas ta’ teħid inkunsiderazzjoni tad-dħul mill-bejgħ tagħha għas‑sena kummerċjali li spiċċat fit-30 ta’ Ġunju 2005, għalkemm f’din is-sena ma sar l-ebda dħul.

83      Rigward l-ewwel aspett tal-ilmenti mressqa minn Zwicky, għandu jiġi rikonoxxut li l-Kummissjoni żbaljat meta rriferiet għad-dħul mill-bejgħ ta’ Gütermann sabiex tiddetermina l-limitu ta’ 10 % tad‑dħul mill-bejgħ li ma għandux jinqabeż fil-kalkolu tal-multa imposta fuq Zwicky.

84      Fil-fatt, Gütermann kull ma għamlet kien li ħadet, f’Novembru 2000, l-attivitajiet ta’ Zwicky fil-qasam tal-ħajt industrijali. Matul is-seduta, Zwicky spjegat li dan it-trasferiment ta’ attivitajiet sar b’żewġ modi, jiġifieri, minn naħa, permezz tal-konklużjoni, fl-Isvizzera, ta’ kuntratt ta’ trasferiment ta’ assi bħalma huma mħażen u makkinarju u, min-naħa l-oħra, permezz ta’ bejgħ ta’ ishma fil-Ġermanja.

85      Il-Kummissjoni madankollu aċċettat, matul is-seduta, li Gütermann bl-ebda mod ma kienet assorbiet Zwicky u li, għalhekk, l-ewwel kumpannija ma kinitx saret proprjetarja tat-tieni waħda. It-trasferiment tal-attivitjiet relatati mal-ħajt industrijali b’hekk ma kellu ebda effett fuq l-indipendenża ġuridika u ekonomika ta’ Zwicky.

86      L-argumenti li jgħidu li l-President tal-Bord tad-Diretturi ta’ Zwicky sar membru tal-Bord tad-Diretturi ta’ Gütermann, li dawn iż-żewġ impriżi kkonsultaw l-istess avukat u li ressqu risposta komuni għad‑dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet ma jistgħux, f’din il-kawża, jiġġustifikaw, waħedhom, il-pożizzjoni tal-Kummissjoni dwar l‑eżistenza ta’ rabta ta’ kumpannija parent ma kumpannija susisdjarja bejn iż-żewġ impriżi.

87      Barra minn hekk, il-Kummissjoni bl-ebda mod ma wriet kif l‑informazzjoni mogħtija minn Zwicky, għat-talba tagħha ta’ informazzjoni dwar it-trasferiment ta’ attivitajiet u r-rabtiet tagħha ma’ Gütermann, kienet wasslitha sabiex tiżbalja.

88      Minn dan isegwi li, billi rreferiet għad-dħul mill-bejgħ ta’ Gütermann, il-Kummissjoni wettqet żball ta’ evalwazzjoni li l-konsegwenzi tiegħu ser jiġu ttrattati fil-punti 104 et seq iktar ’il quddiem.

89      Dwar it-tieni aspett tal-ilmenti mressqa minn Zwicky, jiġifieri n‑nuqqas ta’ teħid inkunsiderazzjoni tal-fatt li hija ma kinitx għamlet dħul mill-bejgħ mill-allegata attività ekonomika tagħha matul is-sena preċedenti għall‑adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, dan jimplika li għandu jiġi eżaminat il-mod kif il-Kummissjoni għandha tiddefnixxi l-kunċett ta’ “sena kummerċjali preċedenti” f’każijiet fejn, bejn it-tmiem tal-perijodu li fih twettaq il-ksur u d-data tal-adozzjoni tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni li timponi multa, kien hemm tibdiliet sostanzjali fis-sitwazzjoni ekonomika tal-impriża kkonċernata.

90      Fir-rigward tal-imsemmi kunċett ta’ “sena kummerċjali preċedenti”, għandu jiġi rrilevat li minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li, għall‑interpretazzjoni ta’ dispożizzjoni ta’ dritt Komunitarju hemm lok li jiġu kkunsidrati mhux biss il-kliem tagħha iżda wkoll il-kuntest tagħha u l-għanijiet imfittxa mil-leġiżlazzjoni li minnha din id-dispożizzjoni tifforma parti (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-7 ta’ Ġunju 2005, VEMW et, C‑17/03, Ġabra p. I‑4983, punt 41; tal‑1 ta’ Marzu 2007, Jan De Nul, C‑391/05, Ġabra p. I‑1793, punt 20, u tas-7 ta’ Ġunju 2007, Britannia Alloys & Chemicals vs Il‑Kummissjoni, punt 80 iktar ’il fuq, punt 21).

91      F’dan ir-rigwartd, kif ġie mfakkar fil-punt 79 iktar ’il fuq, l-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17 u l-Artikolu 23(2) tar-Regolament Nru 1/2003 għandhom l-għan li jagħtu lill-Kummissjoni s-setgħa li timponi multi sabiex tkun tista’ taqdi l-funzjoni ta’ sorveljanza mogħtija lilha mid-dritt Komunitarju. Din il-funzjoni b’mod partikolari tinkludi d‑dmir li twaqqaf l‑aġir li jikkostitwixxi ksur u li tiżgura li ma jerġax jiġri (sentenza tal-Qorti tal‑Ġustizzja tal-15 ta’ Lulju 1970, ACF Chemiefarma vs Il‑Kummissjoni, 41/69, Ġabra p. 661, punt 173).

92      Għandu jingħad ukoll li, skont l-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17 u l-Artikolu 23(3) tar-Regolament Nru 1/2003, il-Kummissjoni hija mitluba tikkunsidra l-gravità u t-tul tal-ksur inkwistjoni.

93      Fid-dawl ta’ dawn l-elementi, il-limitu fir-rigward tad-dħul mill-bejgħ previst fl-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17 u t-tieni paragrafu tal-Artikolu 23(2) tar‑Regolament Nru 1/2003 huwa intiż li jevita li l‑multi imposti mill‑Kummissjoni jkunu sproporzjonati fid-dawl tad‑daqs tal‑impriża kkonċernata (sentenza Musique Diffusion française et vs Il‑Kummissjoni, punt 78 iċċitata iktar ’il fuq, punt 119).

94      Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li, sabiex jiġi ddeterminat il‑kunċett ta’ “sena kummerċjali preċedenti”, il-Kummissjoni għandha tevalwa, f’kull każ inkwistjoni u billi tieħu inkunsiderazzjoni kemm il-kuntest kif ukoll l-għanijiet imfittxa mis-sistema ta’ sanzjonijiet stabbilita mir-Regolament Nru 17 u mir-Regolament Nru 1/2003, l-impatt imfittex fuq l-impriża kkonċernata, b’mod partikolari billi tieħu inkunsiderazzjoni dħul mill-bejgħ li jirrifletti s‑sitwazzjoni ekonomika reali tagħha matul il-perijodu li matulu twettaq il-ksur (ara s-sentenza tas-7 ta’ Ġunju 2007, Britannia Alloys & Chemicals vs Il-Kummissjoni, punt 80 iktar ’il fuq, punt 25).

95      Madankollu, kemm mill-għanijiet tas-sistema li minnha jifformaw parti l‑Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17, u t-tieni paragrafu tal‑Artikolu 23(2) tar-Regolament Nru 1/2003 kif ukoll mill-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 80 iktar ’il fuq, jirriżulta li l-applikazzjoni tal‑limitu ta’ 10 % jippreżupponi, minn naħa, li l-Kummissjoni għandha d-dħul mill-bejgħ għall-aħħar sena kummerċjali preċedenti għad‑data tal-adozzjoni tad-deċiżjoni u, min-naħa l-oħra, li din l‑informazzjoni tirrappreżenta sena sħiħa ta’ attività ekonomika normali matul perijodu ta’ tnax-il xahar (ara s-sentenza tad-29 ta’ Novembru 2005, Britannia Alloys & Chemicals vs Il-Kummissjoni, punt 71 iktar ’il fuq, punt 38).

96      Għaldaqstant, jekk is-sena kummerċjali ntemmet qabel l‑adozzjoni tad‑deċiżjoni, iżda l-kontijiet annwali tal-impriża inkwistjoni ma jkunux għadhom ġew stabbilti jew ma jkunux għadhom ġew ikkomunikati lill‑Kummissjoni, din tal-aħħar għandha d-dritt, saħansitra l-obbligu, li tirreferi għad-dħul mill-bejgħ magħmul matul sena kummerċjali preċedenti sabiex tapplika l-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17 u t‑tieni paragrafu tal-Artikolu 23(2) tar-Regolament Nru 1/2003. Bl-istess mod, jekk, minħabba riorganizzazzjoni jew bidla fil-prattika tal-kontijiet, impriża tippreżenta, għas-sena kummerċjali preċedenti, kontijiet li jikkonċernaw perijodu ta’ inqas minn tnax-il xahar, il-Kummissjoni għandha d-dritt li tirreferi għad-dħul mill-bejgħ magħmul matul sena sħiħa preċedenti sabiex tapplika dawn id-dispożizzjonijiet (ara s-sentenza tad-29 ta’ Novembru 2005, Britannia Alloys & Chemicals vs Il‑Kummissjoni, punt 71 iktar ’il fuq, punt 39). B’hekk dan jgħodd ukoll jekk impriża ma eżerċitatx attività ekonomika matul is-sena kummerċjali preċedenti u l-Kummissjoni ma jkollhiex għalhekk dħul mill-bejgħ li jirrappreżenta attività ekonomika eżerċitata minnha matul l-istess sena. Fil-fatt, id-dħul mill-bejgħ għal dan il-perijodu ma jagħti ebda indikazzjoni tal-valur ta’ din l-impriża, kuntrarjament għal dak li teħtieġ il-ġurisprudenza, u, għaldaqstant, ma jistax iservi bħala bażi għad‑determinazzjoni tal-limitu previst fl-Artikolu 15(2) tar‑Regolament Nru 17 u fl-Artikolu 23(2) tar-Regolament Nru 1/2003 (ara s-sentenza tad-29 ta’ Novembru 2005, Britannia Alloys & Chemicals vs Il-Kummissjoni, punt 71 iktar ’il fuq, punt 42).

97      Għandu wkoll jitfakkar li mis-sentenza tad-29 ta’ Novembru 2005, Britannia Alloys & Chemicals vs Il-Kummissjoni, punt 71 iktar ’il fuq (punt 49), applikabbli b’analoġija għal din il-kawża, jirriżulta li, anki matul sena ta’ attivitajiet ekonomiċi normali, id-dħul mill-bejgħ ta’ impriża jista’ jonqos b’mod sinjifikattiv, saħansitra sostanzjali, meta mqabbel mas-snin preċedenti, għal raġunijiet differenti bħal kuntest ekonomiku diffiċli, kriżi fis-settur inkwistjoni, inċident jew strajk. Madankollu, sakemm impriża fil-fatt tkun għamlet dħul mill‑bejgħ matul sena sħiħa li matulha attivitajiet ekonomiċi, għalkemm imnaqqsa, ikunu ġew eżerċitati, il-Kummissjoni għandha tieħu inkunsiderazzjoni dan id-dħul mill-bejgħ biex tiddetermina l-limitu previst fl‑Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17 u fl-Artikolu 23(2) tar‑Regolament Nru 1/2003. Għaldaqstant, għall-inqas fis‑sitwazzjonijiet fejn ma jkun hemm ebda indikazzjoni li impriża waqqfet l-attivitajiet kummerċjali tagħha jew biddlet id-dħul mill-bejgħ tagħha sabiex tevita l-impożizzjoni ta’ multa kbira, għandu jiġi kkunsidrat li l-Kummissjoni hija obbligata li tiffissa l‑limitu massimu tal-multa b’referenza għad-dħul mill-bejgħ l-iktar reċenti li jirrifletti sena sħiħa ta’ attività ekonomika (sentenza tad‑29 ta’ Novembru 2005, Britannia Alloys & Chemicals vs Il‑Kummissjoni, punt 71 iktar ’il fuq, punt 49).

98      Skont Zwicky, il-Kummissjoni bl-ebda mod ma wriet li hija kienet biddlet id-dħul mill-bejgħ tagħha u b’hekk kienet applikat b’mod żbaljat l-eċċezzjoni għall-prinċipju tat-teħid inkunsiderazzjoni tad-dħul mill-bejgħ tal-aħħar sena kummerċjali. Madankollu, kif ippreċiżat matul is-seduta, il‑Kummissjoni bl-ebda mod ma kkritikat lil Zwicky li aġixxiet b’mod abużiv sabiex tevita l-impożizzjoni ta’ multa kbira, iżda llimitat ruħha li tikkonstata li, fil-fatt, hija waqqfet l-attività tagħha u b’hekk eżistiet bħala “qoxra vojta”.

99      Fl-osservazzjonijiet tagħha, Zwicky esponiet li mill-2001 hija llimitat ruħha li tiġġestixxi proprjetà immobbli u enfasizzat li ma reġgħetx għamlet dħul mill-bejgħ minn dak iż-żmien. Għalhekk, għandu jiġi kkonstatat li hija lanqas ma għamlet dħul mill‑bejgħ matul is-sena kummerċjali sħiħa preċedenti għad-deċiżjoni kkontestata, jiġifieri l-perijodu ta’ bejn l-1 ta’ Lulju 2004 u t-30 ta’ Ġunju 2005. Mistoqsija, matul is-seduta, fuq in-natura eżatta tal-attivitajiet tagħha, Zwicky rrepetiet id-dikjarazzjonijiet tagħha dwar l-eżerċizzju ta’ attività ta’ ġestjoni tal-proprjetà immobbli li hija baqgħet proprjetarja tagħha. Hija ppreċiżat li l-istokk tagħha ta’ proprjetà immobbli huwa magħmul minn proprjetà immobbli li qabel kienet tintuża mill-attività tagħha relatata mal-ħajt industrijali u llum ’il ġurnata vojta wara t-trasferiment tal-imsemmija attività lil Gütermann kif ukoll minn bini mikri lil ex-impjegati. Hija sostniet li dawn jistgħu jiġu wżati għal għanijiet ta’ kiri u ser isiru investimenti f’dan is-sens. Hija semmiet ukoll pjan ta’ żvilupp elaborat flimkien mal-awtoritajiet lokali. Fl‑aħħar nett, hija ammettiet li, wara t-trasferiment tal-attivitajiet tagħha fis-suq tal-ħajt industrijali, hija ma kellhiex iktar impjegati.

100    Għalkemm huwa paċifiku li Zwicky kompliet teżisti ġuridikament wara t-trasferiment tal-attivitajiet tagħha lil Gütermann, għandu jiġi kkonstatat li hemm indizji serji, bħalma huma nuqqas ta’ dħul mill-bejgħ għal diversi snin, nuqqas ta’ impjegati u saħansitra nuqqas ta’ provi konkreti ta’ użu għal profitt tal-proprjetà immobbli tagħha jew ta’ proġetti ta’ investimenti sabiex tuża bi profitt din tal-aħħar, jippermettu li jiġi preżunt li Zwicky ma komplietx teżerċita attività ekonomika normali fis-sens tal‑ġurisprudenza ċċitata iktar ’il fuq, b’mod partikolari bejn l‑1 ta’ Lulju 2004 u t-30 ta’ Ġunju 2005.

101    Ir-risposti mogħtija minn Zwicky fis-sottomissjonijiet bil-miktub tagħha u matul is-seduta baqgħu vagi u għalhekk il-Qorti Ġenerali ma setgħetx tikkonstata l-eżistenza ta’ “attività ekonomika normali”. Barra minn hekk, Zwicky ikkonfermat il-kontenut ta’ silta minn dokument li tirrappreżenta sinteżi ekonomika tas-sitwazzjoni tagħha, li nqara mill‑Kummissjoni fis-seduta, li minnha jirriżulta nuqqas ta’ dħul mill-bejgħ, nuqqas ta’ profitt u nuqqas ta’ impjegati, u ma tikkontestax li s-sitwazzjoni kienet hekk prattikament mill-perijodu ta’ wara t-trasferiment tal-attivitajiet tagħha relatati mal-ħajt industrijali lil Gütermann sat-30 ta’ Ġunju 2005.

102    F’dan ir-rigward, u kuntrarjament għad-dikjarazzjonijiet li Zwicky għamlet matul is-seduta, is-sempliċi fatt li Bord ta’ Diretturi u amministratur jagħmlu pjan ta’ żvilupp tal-kumpannija, li r-realtà tiegħu ma ġietx, barra minn dan, ipprovata, ma huwiex suffiċjenti sabiex jikkostitwixxi prova determinanti tal-eżistenza ta’ attività ekomonika normali tal-imsemmija kumpannija skont l-interpretazzjoni li tatiha l-Qorti Ġenerali fis-sentenza tagħha tad‑29 ta’ Novembru 2005, Britannia Alloys & Chemicals vs Il‑Kummissjoni, punt 71 iktar ’il fuq.

103    Minn dan isegwi li l-Kummissjoni kienet obbligata li tieħu inkunsiderazzjoni d-dħul mill-bejgħ globali li Zwicky għamlet qabel dak tas‑sena finanzjarja li għalqet fit-30 ta’ Ġunju 2005.

104    Rigward il-konsegwenzi tal-iżball ta’ evalwazzjoni, mwettaq mill‑Kummissjoni, li kien jikkonsistu f’li ssir referenza għad-dħul mill-bejgħ globali ta’ Gütermann, għandu jiġi determinat jekk dan l-iżball jiġġustifikax li l-qorti Komunitarja tnaqqas jew saħansitra tannulla, għall-benefiċċju ta’ Zwicky, l-ammont tal‑multa.

105    F’dan ir-rigward, għandu jiġi enfasizzat li, rigward rikorsi kontra d‑deċiżjonijiet tal-Kummissjoni li jimponu multi fuq impriżi għal ksur tar-regoli ta’ kompetizzjoni, il-Qorti Ġenerali hija kompetenti minn żewġ perspettivi. Minn naħa, hija għandha l-obbligu li tistħarreġ il‑legalità tagħhom, skont l-Artikolu 230 KE (sentenza tal-Qorti tal‑Ġustizzja tas-16 ta’ Novembru 2000, SCA Holding vs Il‑Kummissjoni, C‑297/98 P, Ġabra p. I‑10101, punti 53 u 54).

106    Min-naħa l-oħra, il-Qorti Ġenerali hija kompetenti sabiex tevalwa, fil-kuntest tal-ġurisdizzjoni sħiħa mogħtija lilha mill‑Artikolu 229 KE, mill-Artikolu 17 tar-Regolament Nru 17 u mill‑Artikolu 31 tar-Regolament Nru 1/2003, in-natura adegwata tal‑ammont tal-multi. Din l-aħħar evalwazzjoni tista’ tiġġustifika l-produzzjoni u t-teħid inkunsiderazzjoni ta’ elementi addizzjonali ta’ informazzjoni li r‑riferenza għalihom fid-deċiżjoni ma hijiex bħal dik rikjesta mill-obbligu ta’ motivazzjoni previst fl-Artikolu 253 KE (sentenza SCA Holding vs Il‑Kummisjoni, punt 105 iktar ’il fuq, punt 55).

107    F’din il-kawża, il-Qorti Ġenerali tikkunsidra, fl-eżerċizzju tal‑ġurisdizzjoni sħiħa tagħha, li hemm lok li tirreferi għad-dħul mill-bejgħ ta’ Zwicky u mhux għal dak ta’Gütermann.

108    Għar-raġunijiet spjegati iktar ’il fuq u fid-dawl tal-ġurisprudenza Britannia Alloys & Chemicals vs Il-Kummissjoni (punti 71 u 80 iktar ’il fuq), l-aħħar dħul mill-bejgħ ta’ Zwicky li jirriżulta mill-attivitajiet ekonomiċi reali tagħha li l-Kummissjoni kellha tirreferi għalih kien dak li jirriżulta mis-sena kummerċjali ta’ bejn l-1 ta’ Lulju 1999 u t-30 ta’ Ġunju 2000. Mill-premessa 76 tad-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li l-imsemmi dħul mill-bejgħ kien jammonta għal EUR 4.5 miljun. L-ammont tal-multa imposta mill-Kummissjoni fuq Zwicky jammonta għal EUR 205 000 u għalhekk bl-ebda mod ma jaqbeż l-10 % ta’ dan id-dħul mill-bejgħ.

109    Barra minn hekk, għandu jiġi rilevat li, matul is-seduta, Zwicky sostniet li s‑soluzzjoni alternattiva li tikkonsisti f’li ssir riferenza għad-dħul mill‑bejgħ magħmul minnha fis-sena kummerċjali li spiċċat fit-30 ta’ Ġunju 2000 hija inammissibbli peress li dan ikun ifisser li d-dħul mill-bejgħ tagħha jittieħed inkunsiderazzjoni darbtejn. Fil-fatt, peress li l-attivitajiet ta’ Zwicky relatati mal-ħajt industrijali ttieħdu minn Gütermann, id-dħul mill-bejgħ magħmul minn dawn l-attivitajiet kien diġà ttieħed inkunsiderazzjoni mill‑Kummmissjoni fid-dħul mill-bejgħ globali ta’ Gütermann. Il‑Kummissjoni sostniet li dan l-argument kien ġdid u għalhekk kellu jiġi miċħud.

110    Dan l-argument ta’ Zwicky għandu jiġi miċħud peress li huwa infondat.

111    Fil-fatt, permezz ta’ dan l-argument Zwicky ssostni li s-soluzzjoni alternattiva tkun tfisser li Zwicky tiġi imputata bid-dħul mill-bejgħ li diġà ġie imputat lil Gütermann. Issa, l-Qorti Ġenerali tikkunsidra li l-unika kwistjoni li tqum, f’din il-kawża, hija dik ta’ liema huwa d-dħul mill‑bejgħ rilevanti li għandu jintuża għall-kalkolu tal-limitu ta’ 10 % tal‑multa imposta fuq Zwicky. Kif intwera iktar ’il fuq, l-uniku dħul mill-bejgħ ammissibbli għal dan il-għan huwa dak ta’ EUR 4.5 miljun magħmul minn Zwicky fis-sena kummerċjali ta’ bejn l-1 ta’ Lulju 1999 u t-30 ta’ Ġunju 2000.

112    Anki li kieku jiġi ammess li din is-soluzzjoni tkun tfisser li d-dħul mill-bejgħ ta’ Zwicky jiġi imputat darbtejn f’dan l-istadju tal-kalkolu tal-multa ta’ Gütermann u ta’ Zwicky, għandu jiġi kkunsidrat li l‑illegalità ġiet immwetqa bi ħsara għal Gütermann. L-argument ta’ Zwicky b’hekk fil-verità jistiednu lill-Qorti Ġenerali tistħarreġ il-legalità tal-ammont tal-multa ffissat għal Gütermann. Issa, Zwicky ma tistax tinvoka dritt ġuridiku f’dan ir-rigward. Fil-fatt, jekk destinatarju ta’ deċiżjoni jiddeċiedi li jippreżenta rikors għal annullament, il-qorti Komunitarja hija kompetenti biss fuq l-elementi tad-deċiżjoni li jikkonċernaw dan id-destinatarju. Min-naħa l-oħra, dawk l-elementi li jikkonċernaw destinatarji oħra, li ma ġewx ikkontestati, ma jaqgħux taħt is-suġġett li għandu jiġi deċiż mill‑qorti Komunitarja (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-14 ta’ Settembru 1999, Il‑Kummissjoni vs AssiDomän Kraft Products et, C‑310/97 P, Ġabra p. I‑5363, punt 53).

113    Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet, il-motiv, invokat minn Zwicky, ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17, u tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 23(2) tar-Regolament Nru 1/2003, għandu jiġi miċħud.

 Fuq il-motiv, invokat minn Gütermann u minn Zwicky, ibbażat fuq evalwazzjoni żbaljata tal-gravità tal-ksur fir-rigward tal-effetti tiegħu

 L-argumenti tal-partijiet

114    L-ewwel nett, ir-rikorrenti jsostnu li, skont il-Linji ta’ gwida dwar il-metodi tal-kalkoli tal-multi mposti skont l-Artikolu 15 (2) tar-Regolament Nru. 17 u l-Artikolu 65(5) tat-Trattat KEFA (ĠU 1998, C 9, p. 3, iktar ’il quddiem il-“linji gwida”) u prassi deċiżjonali kostanti, l‑evalwazzjoni tal-gravità tal-ksur tiddependi espressament fuq l-impatt konkret tal-ksur fuq is-suq. Il-prinċipju ta’ proporzjonalità jobbliga lill‑Kummissjoni li tieħu inkunsiderazzjoni dan l-impatt fl-evalwazzjoni tal-gravità tal-ksur. Ir-rikorrenti jippreċiżaw li, permezz ta’ dan l-ilment, huma ma jippruvawx jikkontestaw il-ksur fih inniffsu, iżda jippruvaw jikkontestaw il-klassifikazzjoni tiegħu fil-kategorija tal‑ksur serju ħafna.

115    It-tieni nett, ir-rikorrenti jsemmu l-kwistjoni tal-impatt konkret tal-ksur fuq is-suq u jikkonkludu li ma hemmx dan l-impatt. Huma jikkunsidraw għalhekk li l-Kummissjoni ma setgħetx tibbaża ruħha fuq dan l-impatt sabiex tikkwalifika l‑ksur bħala serju ħafna. Għalkemm huma jaċċettaw li ż-żidiet fil‑prezzijiet li hemm fil-listi deċiżi matul il-laqgħat kienu, ħafna drabi, ġew implementati mid-diversi impriżi, huma madankollu jikkunsidraw li dawn iż-żidiet fil-prezz ma wasslux għal żieda fil‑prezzijiet netti reali. Il-kunsiderazzjonijiet stabbiliti mill‑Kummissjoni fil-punt 4.1.4 tad-deċiżjoni kkontestata ma jippermettux li jiġi konkluż li kien hemm dan l-impatt. Il-fatt li l-impriżi ltaqgħu għal ħdax-il sena ma huwiex biżżejjed, fih inniffsu, sabiex jiġi konkluż li ż-żidiet fil-prezzijiet kellhom influwenza fuq il-prezzijiet netti. Ir-rikorrenti jikkunsidraw fil-fatt li ressqu l-prova li l-laqgħat kellhom prinċipalment bħala għan l-iskambju legali ta’ informazzjoni. Il‑Kummissjoni stess irrikonoxxiet li ma għandhiex il-prova sabiex tistabbilixxi l-eżistenza ta’ impatt konkret.

116    Minħabba l-karatteristiċi partikolari tad-determinazzjoni tal-prezzijiet fil-qasam tal-ħajt industrijali – peress li l-klijenti kważi qatt ma kienu mitluba jħallsu l-prezzijiet li jidhru fuq il-listi –, ir-rikorrenti jikkunsidraw li l‑implementazzjoni tal-ftehim bl-ebda mod ma tippermetti, f’din il‑kawża, li jiġi konkluż li kien hemm impatt konkret fuq is-suq. Għall-kuntrarju, il-prezzijiet medji reali tas-suq ma evolvewx u kienu saħansitra tbaxxew.

117    It-tielet nett, ir-rikorrenti filwaqt li jibbażaw ruħhom fuq iċ-ċirkustanza li l‑ksur ma kellux impatt konkret fuq il-prezzijiet medji reali, isostnu li l-ksur, ikkunsidrat individwalment, ma kellux jiġi kkwalifikat bħal serju ħafna u b’hekk jirrilevaw li l-Kummissjoni kien imissha tagħthom il-benefiċċju ta’ din iċ‑ċirkustanza.

118    Fir-rigward tad-differenza kbira fid-daqs bejn l-impriżi kkonċernati u dħul mill-bejgħ dgħajjef li huma għamlu fis-suq ikkonċernat, ir-rikorrenti jsostnu li l-Kummissjoni kellha tieħu inkunsiderazzjoni, bħala ċirkustanza favur ir-rikorrenti skont il-punt 1A tal-linji gwida, il-fatt li l-ksur ma kellux impatt reali fuq il-prezzijiiet netti tagħhom.

119    Huwa jikkritikaw lill-Kummissjoni talli llimitat ruħha li tqabbel l‑importanza relattiva tal-impriżi fis-suq billi bbażat ruħha fuq id-dħul mill-bejgħ tagħhom, u b’hekk ikkunsidrat biss il-kapaċità ekonomika astratta tal-impriżi differenti li jinfluwenzaw il-kompetizzjoni u mhux l‑impatt konkret tal-aġir tal-imprizi differenti fuq il-prezzijiet netti.

120    Ir-raba’ nett, il-Kummissjoni żbaljat meta akkużat lil Zwicky li pparteċipat fil-ksur fis-suq tal-ħajt industrijali fil-pajjiżi Nordiċi, peress li din qatt ma eżerċitat attivitajiet fis-suq tal-ħajt industrijali f’dawn il-pajjiżi.

121    Il-Kummissjoni titlob li dan il-motiv jiġi miċħud.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

122    Preliminarjament, għandu jitfakkar li, rigward l-evalwazzjoni tal‑gravità tal-ksur fih inniffsu, il-linji gwida jindikaw, fl-ewwel u t‑tieni paragrafi tal-punt 1A, kif ġej:

“Biex tiġi valutata l-gravità tal-ksur, għandu jiġi kunsidrat in-natura tiegħu, l-impatt reali [konkret] tiegħu fuq is-suq, fejn dan jista’ jkun ikkalkolat, u d-daqs tas-suq ġeografiku rilevanti.

Il-ksur se jinqasam għalhekk fi tliet kategoriji: ksur ftit serju, ksur serju u ksur serju ħafna.”

123    Fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni rrilevat it-tliet elementi li ġejjin:

–        il-ksur inkwistjoni kien essenzjalment jikkonsisti fi skambju ta’ informazzjoni sensittiva fuq il-listi tal-prezzijiet u/jew il-prezzijiet għal kull klijent, fi ftehim fuq iż-żieda tal-prezzijiet u/jew il-prezzijiet target u f’li jevitaw li jikkompetu kontra xulxin fuq il-prezzijiet favur il-fornitur regolari, u dawn il‑prattiki jikkostitwixxu, minnhom infushom, it-tip ta’ ksur l-iktar gravi tad‑dispożizzjonijiet tal-Artikolu 81(1)KE u tal-Artikolu 53(1) tal‑Ftehim ŻEE (deċiżjoni kkontestata, premessa 345);

–        il-ftehim kollużivi ġew implementati u kellhom impatt fuq is-suq ŻEE għall-prodott ikkonċernat, iżda dan l-impatt ma jistax jitkejjel bi preċiżjoni (deċiżjoni kkontestata, premessa 351);

–        il-kartell kien ikopri diversi partijiet tal-Ftehim ŻEE, jiġifieri l-Benelux u l-pajjiżi Nordiċi (deċiżjoni kkontestata, premessa 352).

124    Il-konklużjoni tal-Kummissjoni tipprovdi kif ġej (deċiżjoni kkontestata, premessa 353):

“Fid-dawl ta’ dawn il-fatturi kollha, il-Kummissjoni tikkunsidra li l‑impriżi li għalihom tirreferi d-[deċiżjoni kkontestata] wettqu ksur serju ħafna tal-Artikolu 81 KE u tal-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE.”

125    Ir-rikorrenti jikkontestaw in-natura serja ħafna tal-ksur, minn naħa, billi jsostnu li l-Kummissjoni kkonkludiet li kien hemm impatt konkret fuq is-suq mingħajr madankollu ma setgħet tipprova dan u, min-naħa l-oħra, meta sostniet li ma kien ebda impatt fuq il-prezzijiet netti jew, għall-inqas, ebda impatt konkret fuq il-prezzijiet medji reali.

126    Għandu l-ewwel nett jitfakkar li sabiex jiġi evalwat l-impatt konkret ta’ ksur fuq is-suq, il-Kummissjoni għandha tirreferi għall‑kompetizzjoni li kieku kienet normalment teżisti fin-nuqqas ta’ ksur (sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-8 ta’ Ottubru 2008, Schunk u Schunk Kohlenstoff-Technik vs Il-Kummissjoni, T‑69/04, Ġabra p. II-2567, punt 166; ara f’dan is-sens, is-sentenzi tal-Qorti Ġenerali tal-14 ta’ Mejju 1998, Mayr-Melnhof vs Il‑Kummissjoni, T‑347/94, Ġabra p. II-1751, punt 235 u Thyssen Stahl vs Il-Kummissjoni, punt 67 iktar ’il fuq, punt 645).

127    F’din il-kawża, għandu jiġi rrilevat li l-implementazzjoni tal-akkordju bl-ebda mod ma ġiet ikkontestata mir-rikorrenti. Għall-kuntrarju, mill-punt 40 tar-rikors ta’ Gütermann u mill-punt 46 tar-rikors ta’ Zwicky jirriżulta li huma “espressament ammettew kemm fir-risposta għad‑dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet kif ukoll fil-kuntest tal‑preżentazzjoni tal-fatti esposta [fl-imsemmija rikorsi]” li “ż‑żidiet fil-prezz li hemm fil-listi deċiżi matul il-laqgħat ġew, ħafna drabi, implementati mid-diversi impriżi.”

128    Fir-rigward b’mod partikolari ta’ akkordju fuq il-prezzijiet, il‑Kummissjoni tista’ leġittimament tiddeduċi li l-ksur kellu effetti, u dan abbażi tal-fatt li l-membri tal-akkordju kienu ħadu miżuri sabiex japplikaw il-prezzijiet miftiehma, pereżempju, billi żiedu l-prezzijiet tal‑lista li jservu ta’ bażi sabiex jiġu kkalkolati l-prezzijiet reali, billi rrinunzjaw għall-iskontijiet, billi żiedu prezzijiet speċjali u għamlu pressjoni, permezz ta’ lmenti, fuq l-impriża li tikser il-ftehim li ma jikkompetux kontra xulxin fuq il-prezzijiet favur il-fornitur regolari. Fil-fatt, sabiex jiġi konkluż li kien hemm impatt fuq is‑suq, huwa biżżejjed li l-prezzijiet miftiehma jkunu servew ta’ bażi għall‑iffissar tal-prezzijiet ta’ tranżazzjonijiet individwali, u b’hekk illimitaw il-marġni ta’ negozjar tal-klijenti (sentenzi Schunk u Schunk Kohlenstoff-Technik vs Il-Kummissjoni, punt 126 iktar’il fuq, punt 166; ara, f’dan is-sens, is-sentenza Limburgse Vinyl Maatschappij et vs Il‑Kummissjoni, punt 61 iktar ’il fuq, punti 743 sa 745).

129    Min-naħa l-oħra, ġaladarba l-implementazzjoni ta’ akkordju tkun stabbilita, il-Kummissjoni ma tistax tiġi obbligata li sistematikament turi li l-ftehim effettivament ippermettew li l-impriżi kkonċernati jilħqu livell ta’ prezz ta’ tranżazzjoni ogħla minn dak li kien jipprevali fin-nuqqas ta’ akkordju (sentenza Hoechst vs Il-Kummissjoni, punt 61 iktar ’il fuq, punt 348; ara f’dan is-sens, is-sentenza Limburgse Vinyl Maatschappij et vs Il‑Kummissjoni, punt 61 iktar ’il fuq, punti 743 sa 745). Ikun sproporzjonat li tintalab tali prova li tassorbi riżorsi kunsiderevoli minħabba li tirrekjedi l-użu ta’ kalkoli ipotetiċi bbażati fuq mudelli ekonomiċi li l-eżattezza tagħhom tkun diffiċli li tiġi vverifikata mill-qorti u fejn ma hemm l-ebda prova tan-natura infallibbli tagħhom (sentenza Schunk u Schunk Kohlenstoff-Technik vs Il-Kummissjoni, punt 126 iktar ’il fuq, punt 167).

130    Fil-fatt, sabiex tiġi evalwata l-gravità tal-ksur, huwa deċiżiv li jiġi stabbilit li l-membri tal-akkordju kienu għamlu dak kollu li setgħu jagħmlu sabiex jagħtu effett reali lill-intenzjonijiet tagħhom. Dak li seħħ sussegwentement, fuq il-livell tal-prezzijiet tas-suq effettivament miksuba, seta’ ġie influwenzat minn fatturi oħra, barra mill-kontroll tal‑membri tal-akkordju. Għaldaqstant, il-membri tal-akkordju ma jistgħux jinvokaw favur tagħhom fatturi esterni li kkontrabattew l‑isforzi tagħhom, billi jsostnu li dawn huma elementi li jiġġustifikaw tnaqqis tal-multa (sentenza Schunk u Schunk Kohlenstoff‑Technik vs Il‑Kummissjoni, punt 126 iktar ’il fuq, punt 168).

131    Barra minn hekk, għandu jiġi kkonstatat li fil-punt 4.1.4 tad-deċiżjoni kkontestata l-Kummissjoni elenkat numru ta’ indizji konkreti u kredibbli intiżi li juri li l-akkordju kellu impatt konkret fuq is-suq. F’dan ir‑rigward, għandhom l-ewwel nett jiġu approvati l-kunsiderazzjonijiet tal-Kummissjoni, fil-punt 164 tad-deċiżjoni kkontestata, li jgħidu li ż‑żidiet fil-listi tal-prezzijiet, barra minn hekk ikkonfermati minn Gütermann stess, wasslu għal żidiet fil-prezzijiet netti għal ċerti klijenti żgħar, li s‑setgħa ta’ negozjar tagħhom hija ġeneralment iktar dgħajjfa. Wara dan, għandha tiġi approvata l-konstatazzjoni li l‑Kummissjoni għamlet fil-punt 165 tad-deċiżjoni kkontestata, li tgħid li ż-żidiet fil‑listi tal-prezzijiet setgħu influwenzaw ukoll il-livell tal-prezzijiet reali applikabbli għall-klijenti l-kbar inkwantu l-imsemmija lista tal-prezzijiet kienet serviet ta’ punt ta’ tluq għan-negozjati ma’ dawn il-klijenti. Fl‑aħħar nett, il‑kunsiderazzjonijiet tal-Kummissjoni dwar il-fatt li ċerti impriżi għamlu żieda effettiva fil-prezzijiet speċjali u rrinunzjaw għall-iskontijiet itendu li jikkonfermaw li l-ksur kellu impatt konkret fuq is-suq ikkonċernat.

132    Minn dawk il-kunsiderazzjonijiet u mill-konstatazzjoni li l-akkordju dam iktar minn tnax-il sena jirriżulta li l-Kummissjoni setgħet tikkonkludi leġittimament li kien hemm hemm impatt konkret fuq is-suq.

133    Rigward, it-tieni nett, l-argumenti bbażati, minn naħa, fuq in-nuqqas ta’ impatt konkret tal-akkordju fuq il-prezzijiet medji reali tar-rikorrenti, u, min-naħa l-oħra, fuq il-fatt li Zwicky qatt ma eżerċitat l-attivitajiet tagħha fis-suq tal-ħajt industrijali tal-pajjiżi Nordiċi, dawn jikkonċernaw l-aġir stess ta’ dawn iż-żewġ impriżi u ma jistgħux, għalhekk, jiġu aċċettati. Fil-fatt, l-aġir effettiv li impriża tallega li adottat ma huwiex rilevanti għall-finijiet tal-evalwazzjoni tal‑impatt ta’ akkordju fuq is-suq. Għandhom biss jittieħdu inkunsiderazzjoni l-effetti li jirriżultaw mill‑ksur kollu kemm hu (sentenza Il‑Kummissjoni vs Anic Partecipazioni, punt 45 iktar ’il fuq, punt 152, u s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tas-17 ta’ Diċembru 1991, Hercules Chemicals vs Il-Kummissjoni, T‑7/89, Ġabra p. II‑1711, punt 342).

134    Għalhekk, il-Kummissjoni għandha tieħu inkunsiderazzjoni l-effett li l-aġir li jikkostitwixxi ksur ta’ Gütermann u ta’ Zwicky kellu fuq il-kompetizzjoni sabiex tevalwa s-sitwazzjoni individwali ta’ dawn l-impriżi, iżda dan it-teħid inkunsiderazzjoni ma jista’ jkollha ebda effett fuq il-klassifikazzjoni tal-ksur fil-kategorija tal-ksur “serju ħafna”.

135    Barra minn hekk, il-fatt li Zwicky qatt ma eżerċitat attività fis-suq tal‑ħajt industrijali fil-pajjiżi Nordiċi ma huwiex rilevanti. Kif ġie mfakkar fil-punt 51 iktar ’il fuq, Zwicky bl-ebda mod ma kkontestat in‑natura waħdanija u kontinwata tal-ksur fis-suq tal-ħajt industrijali fil‑Benelux u fil-pajjiżi Nordiċi.

136    Dwar l-indizju tal-impatt tal-akkordju, imressaq mill-Kummissjoni fil-premessa 166 tad-deċiżjoni kkontestata, ibbażat fuq it-tul twil tal-ksur, għandu jiġi rrilevat li, peress li l-prattiki li fir-rigward tagħhom qed issir l-akkuża damu għaddejin għal minn tal-inqas ħdax-il sena, ma tantx huwa probabbli li l-produtturi kienu, f’dak iż-żmien, ikkunsidraw li dawn kienu totalment ineffettivi u inutli (ara, f’dan is-sens, is‑sentenzi tal‑Qorti Ġenerali Limburgse Vinyl Maatschappij et vs Il‑Kummissjoni, punt 61 iktar ’il fuq, punt 748, u tad-29 ta’ Novembru 2005, Heubach vs Il-Kummissjoni, T‑64/02, Ġabra p. II‑5137, punt 130).

137    Fl-aħħar nett, għandu jiġi rrilevat li t-tliet aspetti tal-evalwazzjoni tal‑gravità tal-ksur ma għandhomx l-istess piż fil-kuntest tal-eżami globali. In-natura tal-ksur għandha rwol ewlieni, b’mod partikolari, sabiex il-ksur jiġi kkwalifikat bħala “serju ħafna”. F’dan ir-rigward, mid-deskrizzjoni tal-ksur serju ħafna fil-linji gwida jirriżulta li ftehim jew prattiki miftiehma li, bħal f’dan il-każ, ikunu b’mod partikolari intiżi sabiex ikun hemm iffissar tal-prezzijiet jistgħu jiġu kkwalifikati, abbażi tan-natura tagħhom stess, bħala “serju ħafna” mingħajr ma jkun neċessarju li tali aġir ikun ikkaratterizzat minn impatt jew firxa ġeografika partikolari. Din il-konklużjoni hija kkorroborata mill-fatt li, filwaqt li d-deskrizzjoni tal-ksur gravi tirreferi espliċitament għall-impatt fuq is-suq u għall-effetti fuq żoni wiesgħa tas-suq komuni, dik ta’ ksur serju ħafna, min-naħa tagħha, ma ssemmi l-ebda rekwiżit, la ta’ impatt konkret fuq is-suq u lanqas tal‑effetti fuq żona ġeografika partikolari (sentenzi tal-Qorti Ġenerali tas‑27 ta’ Lulju 2005, Brasserie nationale vs Il‑Kummissjoni, T‑49/02 sa T‑51/02, Ġabra p. II‑3033, punt 178; tal-25 ta’ Ottubru 2005 Groupe Danone vs Il-Kummissjoni, T‑38/02, Ġabra p. II‑4407, punt 150; Hoechst vs Il-Kummissjoni, punt 61 iktar ’il fuq, punt 345, u Schunk u Schunk Kohlenstoff-Technik vs Il-Kummissjoni, punt 126 iktar ’il fuq, punt 171).

138    F’din il-kawża, mill-fatti deskritti fil-parti I tad-deċiżjoni kkontestata kif ukoll mill-premessi 345 u 346 ta’ din tal-aħħar jirriżulta li l-ksur kien jikkostitwixxi, mill-istess natura tiegħu, ksur serju ħafna. Minn dan isegwi li, abbażi biss tan-natura tal-ksur, il-kwalifika tiegħu bħala “serju ħafna” tibqa adegwata.

139    Mill-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti jirriżulta li l-motiv ibbażat fuq kwalifika żbaljata tal-ksur fir-rigward tal-effetti tiegħu għandu jiġi miċħud.

 Fuq il-motiv, invokat minn Gütermann u minn Zwicky, ibbażat fuq l‑evalwazzjoni żbaljata tat-tul tal-ksur.

 L-argumenti tal-partijiet

140    Diversi lmenti ġew invokati insostenn ta’ dan il-motiv.

141    L-ewwel nett, ir-rikorenti jikkritikaw lill-Kummissjoni talli applikat b’mod awtomatiku ż-żieda fl-ammont bażiku ta’ 10 % għal kull sena tal-ksur minkejja li din il-perċentwali tikkostitwixxi biss il-limitu massimu previst mil-linji gwida għall-ksur ta’ żmien twil u mhux ir-regola. Fil-fatt, il-linji gwida ma jipprovdux li l-Kummissjoni għandha awtomatikament iżżid l-ammont bażiku b’ammont addizzjonali li jikkorrispondi għal perċentwali determinata għal kull sena tal-ksur, iżda jagħtu lill-Kummissjoni setgħa diskrezzjonali. F’din il‑kawża, il‑Kummissjoni la użat din is-setgħa fir-rigward tal-prinċipju stess taż-żieda fl-ammont bażiku tal-multa skont it-tul u lanqas fir-rigward tad-daqs ta’ din iż-żieda.

142    It-tieni nett, iż-żieda ta’ 5 % applikata għall-multi imposti fuq ir-rikorrenti rispettivament għad-disa’ xhur ta’ ksur imwettaq minn Gütermann fis‑sena 2001 u għall-għaxar xhur ta’ ksur imwettaq minn Zwicky matul is-sena 2000 hija f’kontradizzjoni mat-test ċar tal-punt 1B tal-linji gwida, peress li dawn tal-aħħar jipprovdu biss żieda għas-snin sħaħ. Il‑fehma tal-Kummissjoni f’dan ir-rigward lanqas ma ġiet, barra minn hekk, ikkonfermata mill-ġurisprudenza.

143    It-tielet nett, iż-żidiet b’rata fissa ta’ 115 % għal Gütermann u ta’ 105 % għal Zwicky tal-ammonti bażiċi tal-multi imposti fuq dawn iż-żewġ impriżi huma illegali peress li ġew kalkolati b’mod uniformi għall-pajjiżi kollha kkonċernati mill-ksur u jinjoraw it-tul reali tal-ksur. Fil-fatt, għalkemm huwa ċertament minnu li l-Kummissjoni kkunsidrat li l-Benelux u l-pajjiżi Nordiċi, għalkemm jikkostitwixxu żewġ swieq distinti, għandhom jiġu kkunsidrati b’mod komuni, peress li huma kienu s-suġġett ta’ diskussjonijiet fl-istess ġranter u l-impriżi li pparteċipaw kienu l-istess. Madankollu Zwicky tosserva li hija qatt ma kienet preżenti fis-suq tal-ħajt industrijali fil-pajjiżi Nordiċi, u għahekk, ma pparteċipatx fil-ksur li jikkonċerna dawn il-pajjiżi. Bl-istess mod, ir-rikorrenti jfakkru li l-Ftehim ŻEE daħal fis-seħħ biss fl-1 ta’ Jannar 1994 u li, inkwantu l-ftehim jikkonċernaw ukoll il-Finlandja, in-Norveġja u l‑Isvezja, huma la jiksru l-Artikolu 81 KE u lanqas l-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE qabel din id-data. Huma jikkonkjudu li l-Kummissjoni kellha tieħu dan inkunsiderazzjoni fil-kuntest tal-evalwazzjoni tat-tul tal-ksur.

144    B’hekk ir-rikorrenti jsostnu li l-Kummissjoni naqset milli tiddistingwi l-fatt materjali kostituttiv tal-ksur tad-dritt tal-kompetizzjoni, rispettivament minn Jannar 1990 sa Settembru 2001 rigward Gütermann u minn Jannar 1990 sa Novembru 2000 rigward Zwicky, fis-sens ta’ att illegali uniku u kontinwat, minn naħa, u l-evalwazzjoni ġuridika ta’ dan il‑fatt bħal ksur tal-Artikolu 81 KE u tal-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE, min‑naħa l-oħra.

145    Skont Gütermann, il-Kummissjoni kellha, għalhekk, b’mod konkret, tagħmel kalkolu differenti tal-ammont bażiku billi tieħu inkunsiderazzjoni l-parti tad-dħul mill-bejgħ magħmul fis-suq tal-ħajt industrijali fil-Benelux u fid-Danimarka, minn naħa, u dak magħmul fis‑suq tal-ħajt industrijali fil-Finlandja, fin-Noveġja, u fl-Isvezja, min‑naħa l-oħra. Il-Kummissjoni b’dan il-mod kienet tikseb żewġ frazzjonijiet tal‑ammont bażiku li fir-rigward tagħhom kien ikun xieraq li wara tiġi applikata perċentwali differenti skont it-tul tal-ksur fuq wieħed jew iktar minn dawn il-grupp ta’ pajjiżi, jiġifieri 115 % fuq il-frazzjoni tal-ammont bażiku relatat mal‑parti tal‑ksur li jikkonċerna l-Benelux u d-Danimarka u 75 % fuq dak tal‑ammont bażiku relatat mal-parti tal-ksur li jikkonċerna l-Finlandja, in‑Norveġja u l-Isvezja.

146    Il-Kummissjoni tiċħad dawn l-argumenti.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

147    Skont l-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17 u l-Artikolu 23(3) tar‑Regolament Nru 1/2003, it-tul tal-ksur jikkostitwixxi wieħed mill‑elementi li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni sabiex jiġi ddeterminat l-ammont tal-multa li għandha tiġi imposta fuq l‑impriżi ħatja ta’ ksur tar-regoli ta’ kompetizzjoni.

148    Fir-rigward tal-fattur dwar it-tul tal-ksur, il-linji gwida jistabbilixxu distinzjoni bejn il-ksur ta’ tul qasir (ġeneralment ta’ inqas minn sena), li għalih l-ammont bażiku kkunsidrat skont il-gravità ma għandux jiżdied, il-ksur ta’ tul medju (ġeneralment minn sena sa ħames snin), li għalih dan l-ammont jista’ jiżdied b’50 % u l-ksur ta’ tul twil (ġeneralment ta’ iktar minn ħames snin), li għalih dan l-ammont jista’ jiżdied għal kull sena b’10 % (l-ewwel paragrafu tal-punt 1B).

149    Mill-premessi 359 u 360 tad-deċiżjoni kkontestata, li l‑kontenut tagħhom ma huwiex ikkontestat mir-rikorrenti, jirriżulta li dawn tal-aħħar ipparteċipaw fl-akkordju fis-suq tal-ħajt industrijali fil-Benelux u l‑pajjiżi Nordiċi, rispettivament minn Jannar 1990 sa Settembru 2001 għal dak li jikkonċerna Gütermann, jiġifieri perijodu ta’ ksur ta’ 11-il sena u 9 xhur, u minn Jannar 1990 sa Novembru 2000 għal dak li jirrigwarda Zwicky, jiġifieri perijodu ta’ ksur ta’ 10 snin u 10 xhur. Kemm l-ewwel kif ukoll it-tieni perijodu jikkorrispondu għal ksur ta’ tul twil. L‑ammont bażiku tal-multa tagħhom, għalhekk, ġie rispettivament miżjud b’115 % u b’105 % skont it-tul tal-ksur.

150    F’dak li jirrigwarda, l-ewwel nett, il-kontestazzjoni tar-rikorrenti li l‑Kummissjoni applikat b’mod awtomatiku r-rata minima ta’ 10 % fis‑sena, għandu jitfakkar li għalkemm it-tielet inċiż tal-ewwel paragrafu tal-punt 1B tal-linji gwida ma jipprovdi għal ebda żieda awtomatika ta’ 10 % fis-sena għall-ksur ta’ tul twil, madankollu, f’dan ir-rigward, huwa jħalli setgħa diskrezzjonali lill-Kummissjoni (sentenzi tal-Qorti Ġenerali Hoechst vs Il-Kummissjoni, punt 61 iktar ’il fuq, punt 396, u tat-8 ta’ Lulju 2008, BPB vs Il-Kummissjoni, T‑53/03, Ġabra p. II-1333, punt 362).

151    F’din il-kawża, mill-punt 149 iktar ’il fuq jirriżulta li l-Kummissjoni osservat ir-regoli li imponiet fuqha nnifisha fil-linji gwida meta żiedet l‑ammont tal-multi deċiż abbażi tal-gravità tal-ksur, skont it-tul tiegħu. Meta ħadet inkunsiderazzjoni l-elementi ta’ din il-kawża, il‑Kummissjoni ma wettqitx żball manifest ta’ evalwazzjoni meta żiedet il-multa b’10 % għal kull sena ta’ ksur.

152    It-tieni nett, l-ilment ibbażata fuq iż-żieda inġustifikata ta’ 5 % tal‑ammont bażiku tal-multa għal kull perijodu ta’ iktar minn sitt xhur għandu jiġi miċħud. Fil-linji gwida ma hemm xejn li jipprekludi, fil-fatt, it-teħid inkunsiderazzjoni tat-tul reali tal-ksur fil-kuntest tal-kalkolu tal‑ammont tal-multa. Tali approċċ huwa għal kollox loġiku u raġonevoli, u f’kull każ, jifforma parti mis-setgħa diskrezzjonali tal‑Kummissjoni (sentenza BPB vs Il-Kummissjoni, punt 151 iktar ’il fuq, punt 361).

153    It-tielet nett, ir-rikorrenti jsostnu, b’mod żbaljat, li l-kalkolu tat-tul tal‑ksur sar b’mod uniformi għall-pajjiżi kollha kkonċernati mill-ksur, filwaqt li ma ttiħditx inkunsiderazzjoni l-assenza ta’ Zwicky fis-suq tal‑ħajt industrijali fil-pajjiżi Nordiċi u billi ġie injorat it-tul reali tal‑ksur fis‑suq tal-Benelux u f’dak tal-pajjiżi Nordiċi.

154    Għandu jitfakkar, l-ewwel nett, li, skont il-Kummissjoni, ir‑rikorrenti ħadu sehem fi ksur kumpless uniku u kontinwat tal-Artikolu 81(1) KE u tal-Artikolu 53(1) tal-Ftehim ŻEE, u li dan il‑ksur kien ikopri diversi pajjiżi tat-territorju taż-ŻEE. Għandu wkoll jiġi enfasizzat li r-rikorrenti kkonfermaw, matul is-seduta, li huma, ma jikkontestawx l-eżistenza, f’din il-kawża, ta’ ksur uniku.

155    F’dak li jikkonċerna, fl-ewwel lok, l-argument ta’ Zwicky ibbażat fuq l‑assenza tagħha fis-suq tal-ħajt industrijali fil-pajjiżi Nordiċi, din l-impriża għadha ma wrietx kif din l-assenza kellha effett fuq il-kalkolu tat-tul tal‑ksur tali kif maħdum mill-Kummissjoni. Fil-fatt, il-kalkolu tal‑ammont addizzjonali tal-multa, li jikkorrispondi għat-tul tal-ksur, sar abbażi tal‑ammont bażiku tal-multa, li, min-naħa tiegħu, ġie ffissat skont id‑dħul mill-bejgħ ta’ Zwicky fis-suq ikkonċernat fl-1999. Issa, in‑nuqqas ta’ attività ta’ din l-impriża fis-suq tal-ħajt industrijali fil‑pajjiżi Nordiċi huwa diġà rifless permezz ta’ dan id-dħul mill-bejgħ inkwantu dan, per definizzjoni, ma jinkludi ebda dħul minn attività ineżistenti fis‑suq tal-pajjiżi Nordiċi.

156    Barra minn hekk, kif ġie mfakkar fil-punt 50 iktar ’il fuq, il-fatt li impriża ma ħaditx sehem fl-elementi kostituttivi kollha ta’ akkordju jew li kellha rwol minuri fl-aspetti li għalihom ipparteċipat ma huwiex rilevanti sabiex tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ ksur. Ladarba jiġi stabbilit li l‑impriża kienet taf bl-aġir li jikkostitwixxi ksur tal-parteċipanti l-oħra, jew li hija setgħet raġonevolment tipprevedih u li hija kienet lesta li taċċetta r-riskju, hija wkoll hija kkunsidrata responsabbli, għall-perijodu kollu tal-parteċipazzjoni tagħha fil-ksur imsemmi, tal‑aġir implementat minn impriżi oħra fil-kuntest tal-istess ksur (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-7 ta’ Jannar 2004, Aalborg Portland et vs Il-Kummissjoni, C‑204/00 P, C‑205/00 P, C‑211/00 P, C‑213/00 P, C‑217/00 P u C‑219/00 P, Ġabra p. I‑123, punt 328). F’din il-kawża, mhux talli ma injoratx l-aġir li jikkostitwixxi ksur tal-parteċipanti l-oħra fil-ksur fis‑suq tal-ħajt industrijali tal-pajjiżi Nordiċi, iżda talli Zwicky ħadet sehem b’mod effettiv fil‑laqgħat relatati ma’ dan is-suq. Għalhekk il-Kummissjoni ġustament attribwiet lil Zwicky il-ksur uniku u kontinwat, inkluż l-aġir li jikkostitwixxi ksur imwettaq fis-suq tal‑pajjiżi Nordiċi, u li hija impliċitament ikkunsidrat li t-tul tal-ksur ma kellux jinqasam skont l-intensità tal‑parteċipazzjoni tagħha fis-swieq ikkonċernati.

157    Fil-fatt, għalkemm ir-rwol tal-impriża inkwistjoni fl-akkordju ttieħed inkunsiderazzjoni b’mod korrett fl-iffissar tal-ammont bażiku tal-multa, il-fatt li l-impriża ma ħaditx sehem fl-elementi kollha kostituttivi tal-akkordju ma jistax jerġa jittieħed inkunsiderazzjoni fl-iffissar tat-tul tal-ksur (sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-8 ta’ Lulju 2008, Saint-Gobain Gyproc Belgium vs Il-Kummissjoni, T‑50/03, mhux ippubblikata fil-Ġabra, punt 108).

158    Fit-tieni lok, għandu jiġi miċħud l-argument tar-rikorrenti li l-kalkolu tat-tul tal-ksur kellu jsir billi jittieħdu inkunsiderazzjoni l‑varjazzjonijiet ta’ intensità tal-ksur u, għalhekk, issir differenza skont il-gruppi tal‑pajjiżi, dak tal-Benelux u tad-Danimarka, minn naħa, u dak tal‑Finlandja, tan-Norveġja u tal-Isvezja, min-naħa l-oħra.

159    Fil-fatt, mill-ġurisprudenza jirriżulta li ż-żieda ssir bl‑applikazzjoni ta’ ċerta perċentwali mal-ammont bażiku li tiġi ddeterminata skont il‑gravità tal-ksur sħiħ, u għalhekk diġà tirrifletti d‑diversi intensitajiet tal-ksur. Għalhekk, ma jkunx loġiku li għaż-żieda ta’ dan l-ammont minħabba t‑tul tal-ksur tittieħed inkunsiderazzjoni varjazzjoni fl-intensità tal-ksur matul il-perijodu kkonċernat (sentenza BP vs Il-Kummissjoni, punt 150 iktar ’il fuq, punt 364).

160    F’dan ir-rigward, anki jekk jiġi preżunt li ċerti tipi ta’ akkordji huma intrinsikament maħsuba sabiex idumu, għandha dejjem issir distinzjoni, skont l-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17 u t-Artikolu 23(3) tar-Regolament Nru 1/2003, bejn it-tul tal‑funzjonament effettiv tagħhom u l-gravità tagħhom kif tirriżulta min-natura proprja tagħhom (sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-15 ta’ Ġunju 2005, Tokai Carbon et vs Il-Kummissjoni, T‑71/03, T‑74/03, T‑87/03 u T‑91/03, ,mhux ippubblikata fil-Ġabra, punt 275). Għaldaqstant, iż-żieda għat‑tul tal-ksur ma terġax tieħu inkunsiderazzjoni għat-tieni darba l-gravità tal-ksur (sentenza Hoechst vs Il-Kummissjoni, punt 61 iktar ’il fuq, punt 397).

161    F’din il-kawża, il-ksur l-ewwel seħħ fis-suq tal-ħajt industrijali fid‑Danimarka u fil-Benelux. Sa minn meta daħal fis-seħħ il-Ftehim ŻEE, il-ksur żdied fl-intensità peress li nfirex għas-suq tal-ħajt industrijali fil-pajjiżi Nordiċi. Ladarba intwera li dawn il‑manifestazzjonijiet li jikkostitwixxu ksur f’dawn is-swieq ġeografiċi differenti jagħmlu parti minn ksur uniku u kontinwat, il-kalkolu tal-ammont tal multa għandu jieħu inkunsiderazzjoni t-tul ta’ dan il-ksur kollu kemm hu. Fil-fatt, l-ammont bażiku li ġie determinat skont il-gravità tal‑ksur kien diġà rrifletta l-intensitajiet differenti tal-ksur. Dan ir‑raġunament ma jistax jiġi kkontestat mill-fatt li ż-żieda fl-intensità tal-ksur toriġina miċ-ċirkustanza ġuridika li l‑leġiżlazzjoni inkriminanti ta’ prattiki antikompetititvi kienet saret tapplika fit-territorji li oriġinarjament li ma kinux effettwati mill‑imsemmija leġiżlazzjoni.

162    Minn dan isegwi li l-Kummmissjoni ma kinitx obbligata li tieħu inkunsiderazzjoni l-intensità differenti tal-ksur fiż-żieda tal-ammont bażiku tal-multa skont it-tul tal-imsemmi ksur.

163    F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi konkluż li l-argumenti tar-rikorrenti bbażati fuq l-evalwazzjoni żbaljata tat-tul tal-ksur għandhom jiġu miċħuda.

 Fuq il-motiv, invokat minn Gütermann u minn Zwicky, ibbażat fuq in‑nuqqas ta’ teħid inkunsiderazzjoni ta’ ċerti ċirkustanzi attenwanti

 L-argument tal-partijiet

164    Preliminarjament, ir-rikorrenti jfakkru li l-punt 3 tal-linji gwida jelenka numru ta’ ċirkustanzi attenwanti li jwasslu għal tnaqqis tal‑multa. B’hekk il-Kummissjoni irrestrinġiet is-setgħat diskrezzjonali tagħha fil-kuntest tal-iffissar tal-ammont tal‑multi.

165    Ir-rikorrenti jenfasizzaw ukoll li l-punt 3 tal-linji gwida jippermettu t-teħid inkunsiderazzjoni ta’ ċirkustanzi attenwanti oħra li ma humiex espliċitament imsemmija fl-elenku u li dawn iċ-ċirkustanzi l-oħra ġew allegatament stabbiliti mill-Kummissjoni fil-prassi deċiżjonali tagħha.

166    Insostenn ta’ dan il-motiv, ir-rikorrenti jinvokaw tliet ċirkustanzi attenwanti li l-Kummissjoni kellha tieħu inkunsiderazzjoni.

167    L-ewwel nett, ir-rikorrenti jiddikjaraw li l-Kummissjoni kellha tieħu inkunsiderazzjoni n-nuqqas ta’ impatt konkret tal-ksur fuq il-prezzijiet reali bħal li jiġġustifika tnaqqis tal-multa. Huma jirreferu f’dan ir-rigward għat-tieni inċiż tal-punt 3 tal-linji gwida, li jipprovdi li n-nuqqas ta’ implementazzjoni fil-prattika ta’ ftehim relatat mal-ksur għandu jwassal għal tnaqqis fl-ammont tal-multa.

168    It-tieni nett, huma jikkunsidraw li, skont l-ewwel inċiż tal-punt 3, tal‑linji gwida, kellu jittieħed inkunsidrazzjoni r-rwol esklużivament passiv jew emulattiv tagħhom fil-ksur.

169    Zwicky, fil-fatt, issostni li fil-fatt hija ma kinitx topera fis‑swieq tal-pajjiżi Nordiċi u għalhekk ma setetx tipparteċipa fil-ksur li jikkonċernaw dawn il-pajjiżi. Bl-istess mod, minħabba l-pożizzjoni insinjifikattiva tagħha fis-suq tal-ħajt industrijali fil-Benelux, hija la setgħat tinfluwenza d-diskussjonijiet dwar il-listi tal-prezzijiet li jikkonċernaw dawn it-tliet pajjiżi u lanqas ma setgħet tinfluwenza l-kuntatti bilaterali. Gütermann issostni, min-naħa tagħha, li hija wkoll ma kelliex rwol importanti fis-suq tal-ħajt industrijali fil‑Benelux u fil-pajjizi Nordiċi u li hija la setgħet tinfluwenza d-diskussjonijiet dwar il‑listi tal-prezzijiet u lanqas ma setgħet tinfluwenza l-kuntratti bilaterali, peress li din l‑influwenza kienet, barra minn hekk, qed tiġi eżerċitata prinċipalment minn Coats.

170    Rigward il-kuntratti bilaterali, ir-rikorrenti jsostnu li huma pparteċipaw fihom biss rarament, kuntrarjament għal Coats u Amann, li kellhom kuntatti bilaterali ħafna iktar frekwenti.

171    Sabiex juru n-natura insinjifikattiva tar-rwol tagħhom fl-akkordju inkriminat, ir-rikorrenti jenfasizzaw li l-ishma tas-suq tagħhom kienu żagħar. Zwicky ssostni li s-sehem tagħha tas-suq tal-ħajt industrijali fil-Benelux bejn l-1990 u l-2000 kien jammonta għal inqas minn 1 %. Gütermann, min-naħa tagħha, ssostni li s-sehem tas-suq tagħha fil-Benelux u l-pajjiżi Nordiċi kien ta’ madwar 5.6 %. Dawn l-ishma huma irriżorji meta mqabbla ma’ dawk ta’ Coats u ta’ Amann fis-suq tal-pajjiżi Nordiċi (rispettivament 44 % u 46 %), u ma dawk tal-istess impriżi fis-suq tal-Benelux (rispettivament 40 % u 27 %).

172    Skont ir-rikorrenti, in-natura passiva tal-aġir tagħhom ma tistax tiġi kkontestata mill-allegata kariga ta’ president tal-laqgħat li kienet okkupata minn exkollaboraturi tagħhom rispettivament, M. B. u M. F. Fil-fatt, il-presidenza kienet ġiet attribwita skont l-età u l-kollaboraturi kkonċernati ma kellhom ebda influwenza fuq l-iżvolġiment u l-kontenut tal‑laqgħat, peress li din l-influwenza kienet pjuttost eżerċitata, u dan ukoll f’dak li jikkonċerna l-livell organizzattiv, minn Coats. Hija tibbaża ruħha, f’dan ir-rigward, fuq ittra elettronika tar-rappreżentant ta’ Coats, M. L., tal-10 ta’ Novembru 2000, li minnha jirriżulta li din tal-aħħar kienet irriżervat sala f’lukanda viċin Frankurt am Main (il-Ġermanja) sabiex tiġi organizzata laqgħa, fis-16 ta’ Jannar 2001, li l‑aġenda tagħha ġiet stabbilita minn Coats.

173    It-tielet nett, il-Kummissjoni kellha tieħu inkunsiderazzjoni l-kriżi ekonomika li għal diversi snin kienet qed taffettwa l-qasam industrijali tal-ħajt fl-Ewropa. Ir-rikorrenti jibbażaw ruħhom, f’dan ir-rigward, fuq id-deċiżjoni tal-Kummissjoni “Tubi tal-azzar mingħajr saldatura” tat-8 ta’ Diċembru 1999 dwar proċedura skont l-Artikolu [81] KE (Każ IV/E-1/35.860-B – Tubi tal-azzat mingħajr saldatura, punt 168) u d‑deċiżjoni tal-Kummissjoni “Ħlas addizzjonali fuq il-liga” tal-21 ta’ Jannar 1998 dwar proċedura skont l-Artikolu 65 [KEFA] (Każ COMP/35.814 – Ħlas addizzjonali fuq il-liga, punt 83), fejn ittieħdet inkunsiderazzjoni l-kriżi ekonomika li kienet taffettwa dawn l-oqsma, kif ukoll id‑deċiżjoni tal-Kummissjoni “Laħam taċ-ċanga u tal-vitella Franċiż” tat-2 ta’ April 2003 dwar proċedura skont l-Artikolu [81] KE (Każ COMP/C.38.279/F3 – Laħam taċ-ċanga u tal-vitella Franċiż, punt 185), fejn ittieħed inkunsiderazzjoni l-kriżi tal-enċefalopatija sponġiformi bovina (ESB).

174    Sussidjarjament, huma jsostnu, billi jinvokaw il-ġurisprudenza, li l‑prinċipju tal-individwalità tal-pieni u tas-sanzjonijiet kellu jwassal lill‑Kummissjoni li tieħu inkunsiderazzjoni l-aġir individwali ta’ kull impriża sabiex teżamina l-gravità relatata mal-parteċipazzjoni tagħhom fil-ksur u, għalhekk, li jintaqqsu kunsiderevolment il-multi li ġew imposti fuqhom.

175    Il-Kummissjoni tikkontesta l-argumenti mressqa mir-rikorrenti.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

176    Il-linji gwida jipprevedu, fil-punt 3 tagħhom, it-tnaqqis tal-ammont bażiku tal-multa minħabba “ċirkustanzi li jiskużaw il-gravità [attenwanti partikolari]”, bħalma huma r-rwol esklużivament passiv jew emulattiv fit-twettieq tal-ksur, in-nuqqas ta’ implementazzjoni fil-prattika tal-ftehim kollużivi, it-tmiem tal-ksur hekk kif tintervejni l-Kummissjoni u ċirkustanzi oħra mhux imsemmija espliċitament.

177    L-ewwel nett, ir-rikorrenti jsostnu li l-Kummissjoni kellha tagħtihom il‑benefiċċju taċ-ċirkustanza attenwanti bbażata fuq in-nuqqas ta’ implementazzjoni fil-prattika tal-ftehim minħabba n-nuqqas ta’ impatt konkret tal-ksur fuq il-prezzijiet.

178    Għandu, madankollu, jitfakkar li ċ-ċirkustanzi attenwanti msemmija hawn fuq huma kollha bbażati fuq l-aġir individwali ta’ kull impriża. Minn dan jirriżulta li, għall-finijiet tal-evalwazzjoni taċ‑ċirkustanzi attenwanti, inkluż dik dwar in-nuqqas ta’ implementazzjoni tal‑ftehim, ma għandhomx jittieħdu inkunsiderazzjoni l-effetti li jirriżultaw mit-totalità tal-ksur, li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni fl-evalwazzjoni tal-impatt konkret ta’ ksur fuq is-suq għall-finijiet tal-evalwazzjoni tal-gravità tiegħu (l-ewwel paragrafu tal-punt 1A tal-linji gwida), iżda l‑aġir individwali ta’ kull impriża, għall-finijiet tal-eżami tal-gravità relattiva tal‑parteċipazzjoni ta’ kull impriża fil-ksur (sentenza Groupe Danone vs Il-Kummissjoni, punt 137 iktar ’il fuq, punt 384).

179    Minn dan isegwi li l-argument tar-rikorrenti bbażat fuq li l-ksur ma kellux impatt konkret fuq il-prezzijiet għandu jiġi miċħud.

180    Għalhekk għandu jiġi vverifikat jekk ir-rikorrenti jressqux argumenti oħra li huma ta’ natura tali li jistabbilixxu li, matul il-perijodu ta’ parteċipazzjoni tagħhom fil-ftehim li jikkostitwixxu ksur, huma effettivament astjenew ruħhom milli jimplementawhom billi adottaw aġir kompetittiva fis-suq jew, minn tal-anqas, li b’mod ċar u kunsiderevoli kisru l-obbligi intiżi għall-implementazzjoni ta’ dan l-akkordju b’tali mod li fixklu l-istess funzjonament tal-akkordju (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-15 ta’ Marzu 2006, Daiichi Pharmaceutical vs Il‑Kummissjoni, T‑26/02, Ġabra p. II‑713, punt 113).

181    Għandu jiġi kkonstatat li huma ma jressqu ebda element li jippermetti li jiġi konkluż f’dan is-sens. Huma jirrikonoxxu, għall-kuntrarju, li ż‑żidiet, fil-prezzijiet tal-listi, deċiżi matul il-laqgħat ġew, ħafna drabi, implementati mid-diversi impriżi kkonċernati u minnhom stess.

182    Għalhekk ir-rikorrenti ma jistgħux validament jinvokaw allegata nuqqas ta’ implementazzjoni fil-prattika tal-ftehim.

183    It-tieni nett, dwar l-argument ibbażat fuq l-allegat rwol esklużivament passiv jew emulattiv fit-twettiq tal-ksur, għandu jiġi kkunsidrat li dan huwa infondat.

184    Fil-fatt, rwol passiv jimplika l-adozzjoni ta’ approċċ “low-profile” mill-impriża kkonċernata, jiġifieri nuqqas ta’ parteċipazzjoni attiva fil‑ħolqien ta’ xi ftehim antikompetittiv (sentenzi tal-Qorti Ġenerali tad-9 ta’ Lulju 2003, Cheil Jedang vs Il-Kummissjoni, T‑220/00, Ġabra p. II‑2473, punt 167, u tat-8 ta’ Lulju 2008, Lafarge vs Il-Kummissjoni, T‑54/03, mhux ippubblikata fil-Ġabra, punt 765).

185    F’dan ir-rigward, mill-ġurisprudenza jirriżulta li, fost l-elementi li jistgħu juru r-rwol passiv ta’ impriża fi ħdan akkordju, tista’ tittieħed inkunsiderazzjoni n-natura ħafna iktar sporadika tal‑parteċipazzjoni tagħha fil-laqgħat meta mqabbla mal-membri normali tal-akkordju, kif ukoll il-fatt li daħlet tard fis-suq li kien is‑suġġett tal-ksur, indipendentement mit-tul tal‑parteċipazzjoni tagħha f’dan il-ksur, kif ukoll l-eżistenza ta’ dikjarazzjonijiet espliċiti f’dan is-sens magħmula mir-rappreżentanti ta’ impriżi terzi li kienu pparteċipaw fil-ksur (sentenzi tal-Qorti Ġenerali Cheil Jedang vs Il-Kummissjoni, punt 184 iktar ’il fuq, punt 168, tad-29 ta’ April 2004, Tokai Carbon et vs Il-Kummissjoni, T‑236/01, T‑239/01, T‑244/01 sa T‑246/01, T‑251/01 u T‑252/01, Ġabra P. II-1181, iktar ’il quddiem is‑“sentenza Tokai I”, punt 331, u tad- 29 ta’ Novembru 2005, Union Pigments vs Il-Kummissjoni, T‑62/02, Ġabra p. II‑5057, punt 126).

186    F’din il-kawża, għandu, l-ewwel nett jitfakkar li l-Kummissjoni stabbiliet, b’mod suffiċjenti fil-liġi, li r-rikorrenti kienu pparteċipaw fdiversi laqgħat tal-akkordju u f’laqgħat bilaterali, u ripetutament ipparteċipaw f’diversi prattiki kollużivi msemmija fid-deċiżjoni kkontestata. L‑allegazzjoni li tgħid li l-frekwenza tal-kuntatti bilerali miżmuma minn dawn l-impriżi ma’ parteċipanti oħra fl-akkordju kien inqas minn dak tal-kuntatti bilaterali ta’ Amann u ta’ Coats mal-kompetituri tagħhom huwa irrilevanti f’dan ir-rigward.

187    Insegwitu, la Gütermann u lanqas Zwicky la invokaw ċirkustanżi speċifiċi u lanqas ma ppoduċew provi, bħad-dikjarazzjonijiet ta’ membri oħra tal‑akkordju, li jistgħu juru li l-attitudini tagħhom waqt il-laqgħat inkwistjoni kienet differenti ħafna minn dik tal-parteċipanti l-oħra fl‑akkordju minħabba n-natura purament passiva jew emulattiva tagħha.

188    F’dan ir-rigward, is-sehem żgħir tas-suq tagħhaom, jew in-nuqqas ta’ tali sehem tas-suq, invokat mir-rikorrenti, ma jiżvelawx li kien hemm xi rwol passiv jew purament emulattiv. Fil-fatt, li kieku din iċ-ċirkustanza tiġi aċċettata bħala ċirkustanza attenwanti, dan ikun ifisser li tkun qed tintuża darbtejn flimkien mat‑teħid inkunsiderazzjoni tad-daqs ta’ Gütermann u ta’ Zwicky fit-trattament differenti ta’ impriżi skont il-kategoriji sabiex jiġu kalkolati l-multi, dan id-daqs skont id-dħul mill-bejgħ diġà jirrifletti d-daqs ta’ kull impriża minħabba t-tqassim tagħhom f’diversi kategoriji.

189    Għalkemm huwa ċertament minnu li l-Qorti Ġenerali aċċettat, fis-sentenza tagħha Cheil Jedang vs Il-Kummissjoni, punt 184 iktar ’il fuq (punt 180), li d-daqs żgħir ta’ impriża jikkostitwixxi element importanti li għandu jittieħed inkunsiderazzjoni sabiex jiġi evalwat l-impatt reali tad-dħul tardiv tagħha fis-suq ikkonċernat mill-ksur u l-aġur tagħha fir-rigward tal‑produtturi l-oħra. Madankollu, il-kuntest ta’ din il-kawża kien tabilħaqq speċifiku peress li l-impriża kkonċernata kienet manifestament “sfavorita” fil-kuntest tal-akkordju fiq il-kwoti ta’ bejgħ meta mqabbla mal‑produtturi l-oħra u dan seta’ jiġi interpretat bħala konsegwenza diretta tan-nautra iktar sporadika tal-parteċipazzjoni tagħha fil-laqgħat u tad-dħul tardiv tagħha fis-suq. Dawn iċ-ċirkustanzi partikolari ma humiex preżenti f’din il-kawża.

190    Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni ġustament tikkunsidra li l-kariga ta’ president, li għal diversi laqgħat kienet koperta mir-rappreżentanti rispettivi ta’ Gütermann u ta’ Zwicky, tikkonferma li ma kienx hemm aġir passiv minn dawn l-impriżi.

191    Fil-fatt, dawn tal-aħħar bl-ebda mod ma jikkontestaw li l-imsemmija rappreżentanti formalment koprew il-presidenza f’diversi laqgħat. Madankollu huma jippruvaw inaqqsu l-importanza ta’ din il-kariga billi jinvokaw il-fatt li, fir-realtà, din il-kariga kienet effettivament eżerċitat mir-rappreżentant ta’ Coats, M. L., u dan ukoll matul il-presidenza tar‑rappreżentant rispettiv tagħhom.

192    Madankollu, għalkemm huwa minnu li l-ittra elettronika tal-10 ta’ Novembru 2000 li fuqha huma jibbażaw ruħhom turi li r-rappreżentant ta’ Coats kellu rwol attiv fl-organizzazzjoni tal-laqgħa tas-16 ta’ Jannar 2001, xorta jibqa’ l-fatt li kien ir-rappreżentant ta’ Zwicky, M. F., li bagħat l‑istedina lill-parteċipanti l-oħra. Għandu jiġi spjegat li l-fatt li din l-ittra nbagħtet fit-2 ta’ Diċembru 2000, jiġifieri eżatt wara l-perijodu tal‑ksur deċiż kontra Zwicky, huwa irrilevanti f’dan ir-rigward. Din l-ittra tikkostitwixxi l-aħħar stadju ta’ xogħol preparatorju li beda wara l-wasla tal-ittra elettronika tal-10 ta’ Novembru 2000. Fi kwalunkwe każ, il-fatt biss li Zwicky kienet aċċettat li r‑rappreżentant tagħha jkopri l-kariga ta’ president jixhed attitudni li bl-ebda mod ma hija purament passiva jew emulattiva.

193    Dwar ir-rappreżentant ta’ Gütermann, M. B., mhux biss talli kopra l-kariga ta’ president tal-laqgħat tal-akkordju, iżda talli organizzhom, kif jirriżulta mid-dikjarazzjonijiet tal-imsemmi rappreżentant annessi mar‑risposta ta’ Gütermann għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet.

194    Issa, huwa paċifiku li l-fatt li wieħed isejjaħ laqgħat, jipproponi aġenda, iqassam id-dokumenti preparatorji għal-laqgħat huwa inkompatibbli ma’ rwol passiv ta’ emulatur li jadotta profil baxx. Dawn l-inizjattivi juru attitudni favorevoli u attiva tar-rikorrenti f’dak li jikkonċerna l-elaborazzjoni, il-kontinwazzjoni u l-kontroll tal-akkordju (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tas-27 ta’ Settembru 2006, Jungbunzlauer vs Il-Kummissjoni, T‑43/02, Ġabra p. II‑3435, punt 257).

195    Fit-tielet lok, ir-rikorrenti ma jistagħux validament jinvokaw id-diffikultajiet ekonomiċi li ltaqgħu magħhom waqt il-perijodu kkonċernat mill‑akkordju. Fil-fatt huwa ġustament minħabba d-diffikultajiet li ltaqgħu magħhom l-operaturi kollha fis-suq tal-ħajt industrijali sa minn nofs is‑snin 90 li wħud fosthom, inklużi Gütermann u Zwicky, kienu ddeċidew li jadottaw aġir antikompetittiv. Issa, bħala regola ġenerali, il‑kartelli bħal dawk tal-każ preżenti, jinħolqu meta s-settur ikun għaddej minn diffikultajiet (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Tokai I, punt 185 iktar ’il fuq, punt 345, u Jungbunzlauer vs Il-Kummissjoni, punt 194 iktar ’il fuq, punt 256).

196    F’dan ir-rigward, anki li kieku d-dikjarazzjoni ta’ Gütermann u ta’ Zwicky dwar l-eżistenza ta’ diversi deċiżjonijiet tal‑Kummissjoni li ħadu inkunsiderazzjoni l-qgħada finanzjarja ħażina tal‑qasam inkwistjoni hija minnha, dan ma jfissirx li ladarba l-Kummissjoni ħadet inkunsiderazzjoni, fil-każijiet preċedenti, il-qagħda ekonomika tal‑qasma bħala ċirkustanza attenwanti hija għandha neċessarjament tkompli tosserva din il-prassi (sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-10 ta’ Marzu 1992, ICI vs Il-Kummissjoni, T‑13/89, Ġabra p. II‑1021, punt 372). Il-Kummissjoni hija obbligata tagħmel analiżi individwalizzata taċ-ċirkustanzi individwali ta’ kull kawża, mingħajr ma tkun marbuta minn deċiżjonijiet preċedenti li jikkonċernaw operaturi ekonomiċi oħra, swieq oħra ta’ prodotti u servizzi jew swieq ġeografiċi oħra f’mumenti differenti (sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-30 ta’ Settembru 2003, Cableuropa et vs Il-Kummissjoni, T‑346/02 u T‑347/02, Ġabra p. II‑4251, punt 191).

197    Ir-raba’ nett, ir-rikorrenti jqajjmu, fir-risposta tagħhom, ilment ibbażat fuq il-ksur tal-prinċipju tal-individwalità tal-pieni.

198    Minn naħa, għandu jitfakkar li, skont l-Artikolu 48(2) tar-Regoli tal‑Proċedura, ebda motiv ġdid ma jista’ jiġi ppreżentat matul l-istanza, sakemm dan il-motiv ma jkunx ibbażat fuq elementi ta’ dritt u ta’ fatt li joħorġu matul il-proċedura.

199    Min-naħa l-oħra, skont ġurisprudenza kostanti, motiv li jikkostitwixxi amplifikazzjoni ta’ motiv imsemmi preċedentement, direttament jew impliċitament, fir-rikors promotur u li għandu rabta stretta miegħu għandu jiġi ddikjarat ammissibbli (sentenzi tal-Qorti Ġenerali tad-19 ta’ Settembru 2000, Dürbeck vs Il-Kummissjoni, T‑252/97, Ġabra p. II‑3031, punt 39; Cableuropa et vs Il-Kummissjoni, punt 196 iktar ’il fuq, punt 111, u tat-12 ta’ Lulju 2007, AEPI vs Il-Kummissjoni, T‑229/05, mhux ippubblikata fil-Ġabra, punt 21).

200    F’dan il-każ, għandu jiġi kkonstatat, fl-ewwel lok, li ebda argument li jikkonċerna l-prinċipju ta’ individwalità tal-pieni ma ġie invokat fir‑rikorsi u, fit-tieni lok, li dan il-motiv ma jikkostitwixxix amplifikazzjoni ta’ motiv ieħor li jinsab fir-rikorsi u ma għandu ebda rabtiet sretti mal-motivi li ġew imqajma.

201    Barra minn hekk, peress li l-argument ma jirrferix għal punti ta’ fatt jew ta’ liġi li dehru matul il-proċedura, dan għandu jiġi miċħud bħala inammissibbli.

202    Minn dan isegwi li l-motiv ibbażat fuq in-nuqqas ta’ teħid inkunsiderazzjoni ta’ ċerti ċirkustanzi attenwanti ma jistax jintlaqa’.

 Fuq il-motiv, invokat minn Gütermann u Zwicky, ibbażat fuq applikazzjoni żbaljata tal-komunikazzjoni fuq il-kooperazzjoni

 L-argumenti tal-partijiet

203    Ir-rikorrenti ngħataw tnaqqis tal-multa ta’ 15 % minħabba l‑kooperazzjoni tagħhom qabel id-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet u n‑nonkontestazzjoni tal-fatti fir-risposta tagħhom għal din id-dikjarazzjoni. Dan it-tnaqqis huwa, fil-fehma tagħhom, insuffiċjenti, peress li l-kooperazzjoni li huma taw wara d-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet marret ferm lil hinn minn sempliċi nuqqas ta’ kontestazzjoni tal-fatti.

204    L-ewwel nett, ir-rikorrenti bagħtu informazzjoni li ppermettiet li l-Kummissjoni tifforma idea sħiħa tal-iżvolġiment, tal-kontenut u tal-kuntest tal‑laqgħat u tal-kuntatti bilaterali.

205    F’dak li jikkonċerna, l-ewwel nett, l-iżvolġiment tal-laqgħat, huma qabel xejn jenfasizzaw li kienu kkorreġew id-dikjarazzjonijiet ta’ Coats, li kienet iddikjarat, b’mod żbaljat, li l-laqgħa tad-19 ta’ Settembru 2000 kienet l-unika waħda li matula kienu ġew diskussi u miftiehma żidiet fil-prezz tal-listi. Fil-fatt id-diskussjonijiet dwar il-prezzijiet tal-listi u dwar iż-żieda tagħhom kienu seħħew waqt il-laqgħat kollha. Insegwitu r-rikorrenti jsostnu li l-allegati kjarifiki pprovduti minn Coats fir-risposta tagħha għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet kienu jirrigwardaw biss il‑prezzijiet speċjali u għalhekk ma jistgħux jikkonfutaw l-utilità tal‑korrezzjonijiet tagħhom. Fl-aħħar nett huma jikkunsidraw li l‑imsemmija korrezzjonijiet, minn naħa, u l-kjarifiki ta’ Coats, min-naħa l-oħra, saru fi stadju sostanzjalment identiku tal-proċedura amministrattiva, anki jekk it-tieni waslu għand il‑Kummissjoni xi ġranet wara tal-ewwel, u li, għalhekk, l-ordni kronoloġiku ma jistax ikun determinanti sabiex tiġi evalwata l‑kooperazzjoni.

206    Fit-tieni lok, ir-rikorrenti jsostnu li kienu l-uniċi li kienu spjegaw b’mod ċar li l-għan tal-laqgħat kien li titnaqqas id-differenza bejn il‑prezzijiet netti u l-prezzijiet tal-listi, u dan jikkonferma l-punt 167 tad-deċiżjoni kkontestata. F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni bbażat ruħha, b’mod żbaljat, fuq il-punt 141 tad-dikjarazzjoni tal‑oġġezzjonijiet sabiex issostni li fih hija kienet diġà kkonstatat dan l-għan u l‑effetti tal-ftehim fuq il-prezzijiet tal-listi. Fil-fatt, dan il-punt juri biss li l-Kummissjoni setgħat tipprova li l-parteċipanti għall‑laqgħat kienu, f’każ partikolari, ippruvaw jiksbu żieda indiretta tal-prezzijiet netti pjanifikati, iżda li kien għad ma kellhiex indikazzjoni fuq il-kuntest ġenerali tad-diskussjonijiet fuq il-prezzijiet tal-listi.

207    It-tieni nett, ir-rikorrenti jsostnu li l-kooperazzjoni tagħhom kienet ġiet b’mod żbaljat ikkwalifikata bħala inqas utli minn dik ta’ BST, li kienet ibbenefikat minn tnaqqis tal-multa ta’ 20 % mogħti mill-Kummissjoni, u jinvokaw, f’dan ir-rigward, ksur tal-prinċipju ta’ trattament ugwali.

208    It-tielet nett, ir-rikorrenti jikkunsidraw li t-tnaqqis ta’ 15 % tal-multa li l-Kummissjoni tagħthom huwa insuffiċjenti minħabba li mill-prassi deċiżjonali preċedenti ta’ din tal-aħħar u mill-ġurisprudenza jirriżulta li n-nuqqas ta’ kontestazzjoni tal-materjalità tal-fatti jwassal għal tnaqqis tal-multa ta’ mill-inqas 10 %, jew saħansitra 20 % f’ċerti każijiet. Minn dan jirriżulta, fl-opinjoni tagħhom, li kooperazzjoni wara d-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, li tmur tabilħaqq lil hinn minn sempliċi nuqqas ta’ kontestazzjoni tal-fatti, kellha twassal lill-Kummissjoni tagħti tnaqqis ħafna ikbar.

209    Ir-raba’ nett, ir-rikorrenti jsostnu li huma kienu kkollaboraw mal‑Kummissjoni fis-sens taż-żewġ inċiżi tal-punt D 2 tal-komunikazzjoni fuq il-kooperazzjoni u li, għal dan il-għan, kull waħda minnhom kellha tibbenefika minn tnaqqis tal-multa ta’ mill-inqas darbtejn 10 %.

210    F’dan ir-rigward mid-deċiżjoni kkontestata ma jidhirx li l‑Kummissjoni effettivament evalwat il-kooperazzjoni tagħhom wara li rċevew d-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet. Barra minn hekk, anki jekk jiġi kkunsidrat li l-kooperazzjoni tagħhom wara li rċevew id-dikjarazzjoni tal‑oġġezzjonijiet kienet effettivament limitata għan-nonkontestazzjoni tal-materjalità tal-fatti, kellu jingħatalhom tnaqqis ta’ mill-inqas 20 %, u dan anki jekk il-kooperazzjoni tagħhom ma kellha l-ebda utlità għajr li tikkonferma l-provi tal-Kummissjoni permezz tan-nonkontestazzjoni ċċitata iktar ’il fuq. Ir-ikorrenti jirrilevaw, f’dan ir-rigward, li, b’mod differenti mill-komunikazzjoni applikabbli f’din il‑kawża, l-Avviż tal-Kummissjoni tad-19 ta’ Frar 2002 dwar l-immunità minn multi u tnaqqis f’multi f’każijiet ta’ kartell (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti Kapitolu 8, Vol. 2, p. 155) jipprevedi l-kundizzjoni li l-provi jkollhom valur miżjud sinjifikattiv meta mqabbel ma’ provi oħra li l-Kummissjoni diġà għandha.

211    Il-ħames nett, il-prassi deċiżjonali preċedenti tal-Kummissjoni bl-ebda mod ma ttieħdet inkunsiderazzjoni. Ir-rikorrenti jsostnu fil-fatt li l‑kooperazzjoni tagħhom hija paragunabbli għal dik tal-impriża KME fil-każ “Tubi industrijali”, li biha din tal-aħħar ingħatat tnaqqis tal-multa ta’ 30 % (Deċiżjoni tal-Kummissjoni tas-16 ta’ Diċembru 2003, dwar proċedura skont l-Artikolu 81 [KE] u l-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE (Każ COMP/E-1/38.240 – Tubi industrijali, punt 423). L-unika differenza tinsab fil-fatt li r-rikorrenti għamlu korrezzjonijiet għad-dikjarazzjonijiet magħmula mill-parteċipanti l‑oħra fir-risposta tagħhom għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet u mhux qabel din tal-aħħar. Issa, fl-opinjoni tagħhom, il-punt D 2 tal-komunikazzjoni fuq il-kooperazzjoni ma jwassalx sabiex il-kontribuzzjoni tal-impriżi sabiex ikunu kjarifikati l-fatti jingħataw importanza differenti skont jekk ingħatawx qabel jew wara d‑dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, b’tali mod li l-Kummissjoni kellha wkoll tnaqqas il-multa tagħhom b’mill-inqas 30 %.

212    Il-Kummissjoni tiċħad dan il-motiv.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

213    Fil-komunikazzjoni fuq il-kooperazzjoni, il-Kummissjoni ddefiniet il‑kundizzjonijiet li fihom l-impriżi li jikkoperaw magħha matul l‑investigazzjoni tagħha fuq akkordju jistgħu jiġu eżentati mill-multa jew jibbenefikaw minn tnaqqis tal-ammont tal-multa li kieku kien ikollhom iħallsu (ara l-punt A(3) tal-komunikazzjoni fuq il‑kooperazzjoni).

214    Skont il-punt D1 tal-komunikazzjoni fuq il-kooperazzjoni “1. [m]eta impriża tikkopera mingħajr mal‑kundizzjonijiet esposti fil-[punti] B u C jiġu kollha sodisfatti, hija tibbenefika minn tnaqqis ta’ bejn 10 sa 50 % tal-ammont tal-multa li kieku kien jiġi impost fuqha fin-nuqqas ta’ kooperazzjoni”.

215    Il-punt D 2 tal-komunikazzjoni fuq il-kooperazzjoni jippreċiża:

“Dan jista’, b’mod partikolari, ikun il-każ jekk:

–        qabel ma tintbagħat dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, impriża tipprovdi lill-Kummissjoni informazzjoni, dokumenti jew provi oħra li jikkontribwixxu sabiex jikkonfermaw l-eżistenza tal-ksur imwettaq,

–        wara li tkun irċeviet id-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, impriża tinforma lill-Kummissjoni li hija ma tikkontestax il-materjalita tal-fatti li fuqhom il-Kummissjoni tibbaża l-akkużi tagħha.”

216    F’din il-kawża, mid-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li l-Kummissjoni kkunsidrat li setgħat tagħti lil Gütermann u lil Zwicky il-benefiċċju ta’ tnaqqis ta’ 15 % tal-ammont tal-multa, skont l-ewwel u t‑tieni inċiżi tal-punt D 2 tal-komunikazzjoni fuq il-kooperazzjoni (deċiżjoni kkontestata, premessa 397).

217    Sabiex tiġġustifika l-evalwazzjoni tagħha, il-Kummissjoni l-ewwel nett enfasizzat li l-informazzjoni, dokumenti u provi oħra mogħtija minn Gütermann u minn Zwicky qabel id-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet kienu kkontribwew materjalment sabiex jistabbilixxu l-eżistenza tal‑ksur (deċiżjoni kkontestata, premessa 395). Wara dan hija rrilevat li r-rikorrenti kienu ammettew, fl-ewwel risposta tagħhom għat-talba għal informazzjoni, li l-listi tal-prezzijiet kienu ġew skambjati u diskussi waqt il-laqgħat. Fl-aħħar nett il-Kummissjoni enfasizzat li huma ma kinux ikkontestaw b’mod sostanzjali l-fatti li fuqhom hija kienet ibbażat l-allegazzjonijiet tagħha (deċiżjoni kkontestata, premessa 396).

–       F’dak li jikkonċerna l-utlità tal-kooperazzjoni

218    L-ewwel nett, għandu jiġi rilevat li r-rikorrenti ma jikkontestawx li, skont dak li ġie kkonstatat fil-premessa 385 tad-deċiżjoni kkontestata, huma ma kinux jissodisfaw il-kundizzjonijiet ta’ applikazzjoni tal-punt B u tal-punt C tal-komunikazzjoni fuq il-kooperazzjoni, b’tali mod li l-aġir tagħhom kellu jiġi evalwat fid-dawl tal-punt D tal-imsemmija komunikazzjoni intitolat “Tnaqqis sinjifikattiv tal-ammont tal-multa”.

219    Insegwitu, għandu jitfakkar li l-Kummissjoni tgawdi minn setgħa diskrezzjonali wiesgħa f’dak li jirrigwarda l-metodu ta’ kalkolu tal-multi u tista’, f’dan ir-rigward, tieħu inkunsiderazzjoni diversi elementi, fosthom il-kooperazzjoni tal-impriżi kkonċernati matul l‑investigazzjoni mwettqa mid-dipartimenti ta’ din l‑istituzzjoni. F’dan il-kuntest, il-Kummissjoni għandha twettaq evalwazzjonijiet fattwali kumplessi, bħal dawk li jirrigwardaw il‑kooperazzjoni rispettiva ta’ dawn l-impriżi (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-10 ta’ Mejju 2007, SGL Carbon vs Il-Kummissjoni, C‑328/05 P, Ġabra p. I‑3921, punt 81).

220    F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni tgawdi mnn setgħa diskrezzjonali wiesgħa fl‑evalwazzjoni tal-kwalità u tal-utilità tal-kooperazzjoni mogħtija minn impriża, b’mod partikolari meta mqabbla mal-kontribuzzjonijiet ta’ impriżi oħra (sentenza SGL Carbon vs Il-Kummissjoni, punt 219 iktar ’il fuq, punt 88).

221    Fl-aħħar nett, għandu jiġi rilevat li, skont il-ġurisprudenza, it-tnaqqis tal-multi f’każ ta’ kooperazzjoni minn naħa tal-impriżi li jipparteċipaw fi ksur tad-dritt Komunitarju tal-kompetizzjoni huwa ġustifikat mill-fatt li din il-kooperazzjoni tiffaċilita x-xogħol tal‑Kummissjoni li tikkonstatata l-eżistenza ta’ ksur, u skont il-każ, ittemmu (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-28 ta’ Ġunju 2005, Dansk Rørindustri et vs Il-Kummissjoni, C‑189/02 P, C‑202/02 P, C‑205/02 P sa C‑208/02 P U C‑213/02 P, Ġabra p. I‑5425, punt 399; sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-14 ta’ Mejju 1998, Finnboard vs Il-Kummissjoni, T‑338/94, Ġabra p. II‑1617, punt 363). Fir-rigward tar‑ratio tat-tnaqqis, il-Kummissjoni ma tistax tinjora l-utilità tal‑informazzjoni pprovduta, li neċessarjament tiddependi fuq il-provi li hija diġà għandha.

222    F’dan is-sens mill-ġurisprduenza jirriżulta li meta, abbażi tal-kooperazzjoni, impriża sempliċement tikkonferma, b’mod inqas preċiż u espliċitu, ċerta informazzjoni diġà pprovduta minn impriża oħra abbażi tal-kooperazzjoni, il-grad ta’ kooperazzjoni pprovdut minn din l‑impriża, minkejja li tista’ xorta waħda tkunx ta’ utilità għall‑Kummissjoni, ma għandhiex tiġi kkunsidrata bħala paragunabbli għal dik ipprovduta mill-ewwel impriża li pprovdiet l-imsemmija inormazzjoni. Dikjarazzjoni li tillimita ruħha li, essenzjalment, tikkorrobora dikjarazzjoni li l-Kummissjoni diġà kellha, effettivament, ma tiffaċilitax ix-xogħol tal-Kummissjoni b’mod sinifikattiv. Għaldaqstant, ma hijiex suffiċjenti sabiex tiġġustifika tnaqqis tal‑ammont tal-multa abbażi tal-kooperazzjoni (ara, f’dan is‑sens, is-sentenza Groupe Danone vs Il-Kummissjoni, punt 137 iktar ’il fuq, punt 455).

223    F’din il-kawża, l-ewwel nett għandu jiġi ppreċiżat li l-fatt li l-ipoteżi ta’ trażmissjoni ta’ informazzjoni u ta’ provi ġodda wara d‑dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet ma hijiex prevista fil-punt D 2 tal‑komunikazzjoni fuq il-kooperazzjoni, bl-ebda mod ma jeskludi li din iċ-ċirkustanza tista’ tagħti lok għal tnaqqis tal-multa abbżi ta’ din l-istess dispożizzjoni. Il-lista taċ-ċirkustanzi li tinsab fil-punt D 2 hija fil-fatt indikattiva biss, kif jikkonferma l-użu tal-avverbju “b’mod partikolari” (sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-13 ta’ Diċembru 2001, Krupp Thyssen Stainless u Acciai speciali Terni vs Il‑Kummissjoni, T‑45/98 u T‑47/98, Ġabra p. II‑3757, punt 274).

224    Din l-analiżi hija kkonfermata mis-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal‑14 ta’ Lulju 2005, ThyssenKrupp vs Il-Kummissjoni (C‑65/02 P u C‑73/02 P, Ġabra p. I‑6773, punt 59), sa fejn il-Qorti tal-Ġustizzja fiha aċċettat li l-Kummissjoni tista’ tieħu inkunsiderazzjoni r‑rikonoxximent mill-impriżi tal-klassifikazzjoni ġuridika tal-fatti imputati li seħħew fi stadju avvanzat tal-proċedura, peress li fl‑aħħar mill-aħħar dan iwassal sabiex jiġi rikonoxxut il-ksur. Issa, din l-ipoteżi tissemma fil-punti B u C tal-komunikazzjoni fuq il-kooperazzjoni, iżda ma hijiex espliċitament prevista fil-punt D tagħha. Madankollu, il‑Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat li ma kien hemm ebda oġġezzjoni kontra li impriża tiġi rikompensata għal dan ir-rikonoxximent, anki jekk dan seħħ fi stadju iktar avanzat tal-proċedura minn dak imsemmi fil-punti B u C tal‑komunikazzjoni fuq il-kooperazzjoni. Meta għażlet din is-soluzzjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja kkonfermat il-prinċipju iktar ġenerali li l-klemenza hija rikompensa mogħtija l-Kummissjoni talli jkun ġie faċilitat l-istabbiliment tal-ksur, u dan indipendentement mill-istadju fejn ingħatat l-għajnuna pprovduta mill-impriża, kemm jekk din l-għajnuna kienet tikkonsisti fl-għoti ta’ informazzjoni ġdida u provi ġodda, kif ukoll jekk fir-rikonoxximent ta’ elementi fattwali jew tal‑klassifikazzjoni ġuridika ta’ dawn tal-aħħar.

225    Minn dan isegwi li, f’din il-kawża, il-kwistjoni dwar jekk l‑informazzjoni ġdida u l-provi ġodda prodotti minn Gütermann u minn Zwicky wara d-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni u, għaldaqstant, jekk dan għandux jagħti lok għal tnaqqis eventali tal-multa abbażi tal-kooperazzjoni jiddependi prinċipalment fuq il-kwalità u l-utilità tal-kooperazzjoni mogħtija li l-Kummissjoni tevalwa fil‑kuntest tas-setgħa diskrezzjonali wiesgħa tagħha, kif imfakkar fil-punt 219 u 220 iktar ’il fuq.

226    Għalhekk, l-imsemmija domanda ma tistax tingħata risposta sodisfaċenti bis-sempliċi konstatazzjoni li l-informazzjoni u l-provi ntbagħtu wara d-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet iżda timplika, għall-kuntrarju li hemm bżonn li jiġi b’mod konkret jiġi ddeterminat jekk, kemm fir-rigward tal-kwalità u tal-utilità ta’ din l-informazzjoni u ta’ dawn il-provi li sa minn meta ntbagħtu, il-Kummissjoni wettqitx żball manifest fl‑evalwazzjoni tagħha tal-grad ta’ kooperazzjoni mogħtija minn Gütermann u Zwicky.

227    L-ewwel nett għandu jiġi osservat li r-rikorrenti ma jikkontestawx il‑konstatazzjoni li tgħid li l-informazzjoni ta’ Coats kienet determinanti sabiex tiġi stabbilita l-eżistenza tal-akkordju fis-suq tal-ħajt industrijali fil-Benelux u fil-pajjiżi Nordiċi. Il-premessa 387 tad-deċiżjoni kkontestata telenka għal dan il-għan il-provi, prodotti minn Coats, użati insostenn ta’ diversi punti tad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet.

228    Madankollu, l-ewwel nett, ir-rikorrenti jibbażaw ruħhom fuq li huma kkoreġew id-dikjarazzjonijiet ta’ Coats dwar il-frekwenza tal-laqgħat dwar il-listi tal-prezzijiet u fuq iż-żieda tagħhom, u d-dikjarazzjoni dwar il-laqgħat fuq il-prezzijiet speċjali.

229    Rigward, fl-ewwel lok, il-frekwenza tal-laqgħat dwar il-listi tal‑prezzijiet u ż-żieda ta’ dawn tal-aħħar, ir-rikorrenti jibbażaw ruħhom, b’mod żbaljat, fuq dikjarazzjoni tar-rappreżentant ta’ Coats li tinsab fit-talba għal applikazzjoni tal-komunikazzjoni fuq il‑kooperazzjoni, li tgħid li l-laqgħa tad-19 ta’ Settembru 2000 kienet l‑unika waħda li matulha ġew diskussi u miftehma żidiet fil-prezzijiet reali (“actual prices”).

230    Fil-fatt, fil-punt 100 tad-dikjarazzjoni tal‑oġġezzjonijiet il-Kummissjoni kkonstatat li l-fornituri, fosthom Coats, BST, Gütermann u Zwicky, kienu ammettew li matul il-laqgħat kienu ġew diskussi u skambjati listi tal-prezzijiet. Barra minn hekk, mill‑osservazzjonijiet esposti fil-punt 102 tad‑dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet jirriżulta li, bil-kontra ta’ Gütermann u ta’ Zwicky, Coats kienet irrikonoxxiet li waqt dawn il-laqgħat l-impriżi kienu ftehmu fuq listi tal-prezzijiet futuri kif ukoll dwar id-dati ta’ meta kellhom jiġu implementati ż-żidiet. Għalhekk l‑informazzjoni ta’ Gütermann u ta’ Zwicky dwar il-prezzijiet reali ma pprovdiet l-ebda kjarifika lill-Kummissjoni fuq dak li kienet taf diġà. Għalhekk l-argument tar-rikorrenti huwa rrilevanti.

231    Dwar, it-tieni nett, il-frekwenza tad-diskussjonijiet fuq il-prezzijiet speċjali, għandu jiġi rilevat li, fil-punt 107 tad-dikjarazzjoni tal‑oġġezzjonijiet, il-Kummissjoni enfasizzat li l-fornituri, fosthom Coats, kienu ċaħdu jew naqsu li jindikaw li kienu skambjaw informazzjoni u kkonkludew ftehim dwar il-prezzijiet speċjali u l-prezzijiet netti. Barra minn hekk, f’dak li jikkonċerna l-iskambju ta’ informazzjoni fuq l-iskontijiiet u t-traħħis, fil‑punt 105 tad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet il-Kummissjoni ddikjarat li l-fornituri, bl‑eċċezzjoni ta’ Coats għall-perijodu ta’ qabel nofs is-snin 90, kienu ċaħdu jew naqsu li jindikaw l-eżistenza tagħhom. Għandu wkoll jiġi kkonstatat li kien biss wara d-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet li l-impriżi kkonċernati bħal Coats, Zwicky, Gütermann u BST enfasizzw li prezzijiet speċjali kienu s-suġġett ta’ diskussjonijiet u ta’ ftehim matul il‑laqgħat.

232    Madankollu l-Kummissjoni, ġustament, issostni li hija setgħet turi dawn l-elementi tal-ksur, grazzi għad-dokumenti li Coats kienet annettiet mar-risposta tagħha għat-talba għal informazzjoni. L-ewwel nett kien hemm il-minuti ta’ laqgħa tat-8 ta’ Settembru 1998, miktuba minn rappreżentant ta’ Barbour Threads, li jindikaw l-eżistenza ta’ ftehim li jipprevedu skontijiet ta’ traħħis kif ukoll l-eżistenza ta’ ftehim fuq iż-żieda tal-prezzijiet speċjali. Il-Kummissjoni tirreferi għalihom diversi drabi fid-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet (punti 106, 108 u 121). Wara dan kien hemm ittra elettronika tal-10 ta’ Ottubru 2000, annessa mad‑dikarazzjonijiet tar-rappreżentant ta’ Coats, F. S., li tikkonferma li matul il-laqgħa tad-19 ta’ Settembru 2000 kienu ġew miftiehma tnaqqis tal-iskontijiet u żidiet fil-prezzijiet speċjali. Il-Kummissjoni semmiet dan fil‑punt 126 tad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet. Fl-aħħar nett kien hemm ittri elettroniċi annessi minn Coats mat-talba tagħha għal klemenza, fosthom dik ta’ Ottubru 2000 li tindika l-iskambju ta’ informazzjoni ma’ Amann u Gütermann dwar il‑prezzijiet speċjali. Dan id-dokument huwa msemmi fil-punt 133 tad‑dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, fin-nota ta’ qiegħ il-paġna Nru 268.

233    Huwa wkoll ġustament li l-Kummissjoni enfasizzat li l-informazzjoni pprovduta minn BST kienet għentiha wkoll sabiex tikkonstata diskussjonijiet u ftehim fuq il-prezzijiet speċjali. Fil-fatt, din il‑konstatazzjoni tirriżulta b’mod partikolari mill-punti 104 u 106 kif ukoll min-noti ta’ qiegħ il‑paġni 173, 174 u 176 tad-dikjarazzjoni tal‑oġġezzjonijiet.

234    Minn dan isegwi li l-allegati korrezzjonijiet tar-rikorrenti għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet kienu biss konfermi ta’ dak li l‑Kummissjoni kienet diġà taf grazzi għall-informazzjoni msemmija iktar ’il fuq li ngħatat qabel l-imsemmija dikjarazzjoni.

235    Għalhekk, il-fatt li l-kummenti ta’ Coats dwar il-prezzijiet speċjali, li ntbgħatu wara l-imsemmija dikajrazzjoni, waslu għandu l‑Kummissjoni qabel dawk ipprovduti mir-rikorrenti ma għandu ebda effett fuq l‑evalwazzjoni tal-kooperazzjoni mogħtija minn dawn tal-aħħar.

236    It-tieni nett, l-argument tar-rikorrenti li jgħidu li huma kienu l-uniċi impriżi li spjegaw, fir-risposta tagħhom għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, li l‑għan tal-laqgħat kien li titnaqqas id-differenza bejn il-listi tal-prezzijiet u l-prezzijiet reali netti u li jiżdideu indirettament il-prezzijiet netti għal diversi prodotti, għandu jiġi miċħud.

237    Fil-fatt, għalkemm huwa minnu li, fil-premessa 167 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni ssellfet kwotazzjoni li Gütermann inkludiet fir-risposta għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, sabiex tispjega l-għan tal-laqgħat, xorta jibqa’ l-fatt li hija kienet diġà kkonstatat dan l-għan kif ukoll l-effetti tal-ftehim, kif jirriżulta mill-punti 141 u 142 tad‑dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet. L-informazzjoni msemmija fiha kienet intbagħtet minn Coats fil-kuntest tat-talba tagħha għal klemenza u ppermettiet lill-Kummissjoni li tagħti, permezz tal-eżempju konkret ta’ żieda fil-listi tal-prezzijiet li tinsab f’din l-informazzjoni, indikazzjonijiet dwar il‑kuntest ġenerali tad-diskussjonijiet fuq il-prezzijiet tal-listi.

–       Dwar l-evalwazzjoni allegatament żbaljata tal-kooperazzjoni meta mqabbla ma’ dik ta’ BST

238    F’dak li jikkonċerna t-talba tar-rikorrenti sabiex jibbenefikaw minn tnaqqis li jkun minn tal-inqas ekwivalenti għal dak ta’ BST, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, fil-kuntest tal-evalwazzjoni tagħha tal-kooperazzjoni mogħtija mill-impriżi kkonċernati, il‑Kummissjoni ma tistax tinjora l-prinċipju ta’ trattament ugwali, li jinkiser meta sitwazzjonijiet paragunabbli jiġu trattati b’mod differenti jew meta sitwazzjonijiet differenti jiġu trattati bl-istess mod, sakemm tali trattament ma jkunx iġġustifikat oġġettivament (ara s-sentenza Tokai I, punt 185 iktar ’il fuq, punt 394, u l-ġurisprudenza ċċitata). Madankollu, għandu jiġi rikonoxxut li l-Kummissjoni għandha marġni wiesgħa ta’ diskrezzjoni sabiex tevalwa l-kwalità u l-utilità tal-kooperazzjoni mogħtija mid-diversi membri ta’ akkordju, peress li huwa biss eċċess ta’ dan il-marġni li jista’ jiġi ċċensurat.

239    Issa, mill-paragun tal-kooperazzjon mogħtija minn dawn l‑impriżi jirriżulta li l-Kummissjoni ma wettqet ebda ksur tal-prinċipju ta’ trattament ugwali.

240    Fil-fatt f’dak li jirrigwarda, l-ewwel lok, il-kooperazzjoni mogħtija qabel id‑dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet tal-15 ta’ Marzu 2004, il‑Kummissjoni kkunsidrat li BST kienet għenitha ħafna sabiex tistabbilixxi l-kontenut ta’ diversi ftehim [fosthom il-biċċa l-kbira tal‑kontenut tal-ftehim konklużi fil-bidu tas-snin 90, il-kontenut tal‑ftehim konkluż fi Vjenna (l-Awstrija) fit-8 ta’ Ottubru 1996 u ta’ dak konkluż fi Zurich (l-Isvizzera) fid-9 ta’ Settembru 1997], li hija kienet l‑unika impriża li pprovditilha l-listi tal-prezzijiet li hija rċeviet mingħand il-kompetituri tagħha matul il‑laqgħat u li hija kienet ipprovdiet informazzjoni li tmur ferm lil hinn minn dik mitluba fit-talba għal informazzjoni. F’dan ir-rigward, il‑Kummissjoni tirreferi għal diversi noti ta’ qiegħ il-paġna tad‑dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet insostenn tal-konstatazzjonijiet tagħha, li juru li BST ipproduċiet numru kbir ta’ provi (fosthom l-Anness 14 tar-risposta ta’ BST għat-talba għal informazzjoni, li jinkludi l-listi tal‑prezzijiet skambjati matul dawn il‑laqgħat) u li għalhekk hija kienet sors ta’ informazzjoni importanti fil‑kuntest tal-konstatazzjonijiet provviżorji tagħha.

241    Dwar il-kooperazzjoni tar-rikorrenti qabel id-dikjarazzjoni tal‑oġġezzjonijiet, għandha jiġi enfasizzat li għalkemm huwa minnu li l-Kummissjoni tammetti li anki dawn poġġew għad-dispożizzjoni tagħha dokumenti li taw idea fuq il-laqgħat fil-bidu tas-snin 90. Madankollu jibqa’ l-fatt li l-Kummissjoni kkunsidrat li din l-informazzjoni kienet inqas utli minn dik mibgħuta minn BST. Ir-rikorrenti ma kkontestawx dawn l‑evalwazzjonijiet, iżda llimitaw rwieħhom li jallegaw li l‑informazzjoni li kellhom ma kinitx tippermettilhom li jkunu jafu jekk BST kinitx ipprovdiet iktar informazzjoni u provi minnhom. Issa, kif ġie enfasizzat iktar ’il fuq, mill-premessi 391 sa 397 tad‑deċiżjoni kkontestata kif ukoll minn diversi riferenzi għad-dokumenti pprovduti minn BST li hemm fin-noti ta’ qiegħ il-paġna, insostenn tal‑konstatazzjonijiet esposti mill‑Kummissjoni fid-dikjarazzjoni tal‑oġġezzjonijiet, jirriżulta b’mod ċar li l-kooperazzjoni ta’ BST kienet ħafna iktar importanti.

242    F’dak li jikkonċerna, fit-tieni lok, il-kooperazzjoni wara d-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, mid-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li kemm BST kif ukoll ir-rikorrenti ma kkontestawx il-materjalità tal-fatti kkonstatati u li dawn it‑tliet impriżi kkooperaw b’mod identiku f’dan l-istadju tal-proċedura amministrattiva. Fil-fatt, fid-dawl ta’ dak li ġie osservat fil-punti 228 sa 237 iktar ’il fuq, huwa b’mod żbaljat li r-rikorrenti jssotnu li pprovdew, wara d-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, informazzjoni li ma kinitx magħrufa mill-Kummissjoni. Għaldaqstant, huma ma jistagħux jallegaw li kienu kkomunikaw informazzjoni ta’ utilità tali li tiġġustifika li jingħatalhom tnaqqis li jkun minn tal-inqas identiku għal dak mogħti lil BST.

243    Ànki jekk jiġi kkunsidrat li r-rikorrenti ipprovdew indikazzjonijiet speċifiċi li kienu daqstant utli bħal dawk ta’ BST fuq ċerti punti tad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, il-Kummissjoni ma wettqet ebda żball manifest ta’ evalwazzjoni meta tat iktar importanza għall-fatt li BST kienet ipprovdiet l-informazzjoni u l-provi qabel l-imsemmija dikjarazzjoni.

–       Dwar l-applikazzjoni allegatament żbaljata tal-komunikazzjoni fuq il‑kooperazzjoni u l-allegat nuqqas ta’ teħid inkunsiderazzjoni tal‑ġurisprudenza tal-Qorti Ġenerali

244    Ir-rikorrenti jsostnu, b’mod żbaljat, li l-Kummissjoni, peress li rrikonoxiet li l‑kooperazzjoni tagħhom kienet tissodisfa l-kundizzjonijiet ta’ żewġ kategoriji ta’ aġir imsemmi fil-punt D tal-komunikazzjoni fuq il‑kooperazzjoni, il-Kummissjoni kellha tagħti lil kull waħda minnhom tnaqqis tal-multa ta’ mill-inqas darbtejn 10 %, jiġifieri 20 % mill-inqas.

245    Fil-fatt, għandu jiġi kkonstatat li l-limitu previst mill-punt D tal‑komunikazzjoni fuq il-kooperazzjoni jvarja minn 10 sa 50 % mingħajr ma huma stabbiliti kriterji partikolari għall-iffissar tat-tnaqqis f’dawn il-limiti. Għaldaqstant il-komunikazzjoni fuq il-kooperazzjoni ma toħloqx aspettativi leġittimi li wieħed ser jibbenefika minn perċentwali partikolari ta’ tnaqqis. Barra minn hekk, kuntrarjament għal dak li sostnew, essenzjalment, ir-rikorrenti, il-punt D tal-komumikazzjoni fuq il-kooperazzjoni bl-ebda mod ma għandu jiġi interpretat bħala li jobbliga lill-Kummissjoni li tagħti tnaqqis speċifiku ta’ mill-inqas 10 % għal kull ipoteżi ta’ kooperazzjoni kkonstatat koperta minn dan it-titlu, iżda għall‑kuntrarju għandu jinftiehem bħala li jipprevedi biss tnaqqis wieħed ta’ mill-inqas 10 %.

246    B’hekk, sakemm il-Kummissjoni ma teċċedix b’mod manifest il‑marġni wiesgħa ta’ diskrezzjoni li hija għandha meta tagħmel evalwazzjoni ta’ kemm ġie faċilitat ix-xogħol tagħha permezz tal‑kooperazzjoni tal-impriża, hija hija perfettament ħielsa li ssemmi, fid‑deċiżjonui tagħha, il-perċentwali speċifiċi li hija ddeċidiet għal kull każ ta’ kooperazzjoni kkonstatat kopert mill-punt D tal-komunikazzjoni fuq il-kooperazzjoni u li sussegwentement żżidhom, l-istess bħalma huwa permess li ssemmi biss perċentwali globali li hija tikkunsidra li tista’ tagħti għal dawn l-istess każijiet ta’ kooperazzjoni. Fil-fatt, kif tenfasizza ġustament il‑Kummissjoni, l-evalwazzjoni tal-utilità tal-kooperazzjoni bl-ebda mod ma hija bbażata fuq formula aritmetika li awtomatikament timplika tnaqqis ta’ mill-inqas 20 % jekk iż-żewġ inċiżi tal-punt D tal-komunikazzjoni fuq il-kooperazzjoni jittieħdu inkunsiderazzjoni.

247    F’dan ir-rigward, is-sentenza Tokai 1, punt 185 iktar ’il fuq, invokata mir-rikorrenti, ma tistax tikkonfuta din l-evalwazzjoni. Fil-fatt, mid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2002/271/KE tat‑18 ta’ Lulju 2001 dwar proċedura skont l-Artikolu 81 [KE] u l‑Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE (Każ COMP/E-1/36.490 — Elettrodi tal‑grafita) (ĠU 2002, L 100, p. 1), inkwistjoni f’dik il-kawża, jirriżulta b’mod ċar li l‑Kummissjoni rreferiet esklużivament u espressament għall-ewwel inċiż tal-punt D 2 tal‑komunikazzjoni fuq il-kooperazzjoni rigward l‑impriża kkonċernata. Issa, il-Qorti Ġenerali kkonstatat li l‑impriża kkonċernata kienet ukoll ikkooperat skont it-tieni inċiż. Il‑Kummissjoni ppruvat tispjega li għamlet tnaqqis wieħed biss, li jiġbor flimkien iż-żewġ tipi ta’ kooperazzjoni. Madankollu, bil-kontra ta’ din il-kawża, l‑evalwazzjoni tan-nonkontestazzjoni tal-fatti minn naħa tal-kumpannija kkonċernata ma kienet tinsab fl-ebda waħda mill‑premessi dwar il-kooperazzjoni ta’ din l-impriża. Għalhekk il-Qorti Ġenerali kienet qieset li setgħet biss tinnota l-fatt li l‑Kummissjoni ma tatx lill-impriza kkonċernata l-benefiċċju tad‑dispożizzjoni tat-tieni inċiż tal‑punt D 2 tal-komunikazzjoni fuq il‑kooperazzjoni.

–       Dwar l-allegat nuqqas ta’ teħid inkunsiderazzjoni tal-prassi deċiżjonali preċedenti

248    L-argument ibbażat fuq allegata prassi deċiżjonali preċedenti tal‑Kummissjoni, imressaq mir-ikorrenti, għandu jiġi miċħud. Fil-fatt, il-fatt biss li l-Kummissjoni tat, fil-kuntest tal-prassi deċiżjonali preċedenti tagħha, ċerta rata ta’ tnaqqis għal aġir determinat ma jimplikax li hija obbligata tagħti l-istess tnaqqis proporzjonali fl‑evalwazzjoni ta’ aġir simili fil-kuntest ta’ proċedura amministrattiva ulterjuri (sentenza Brugg Rohrsysteme vs Il-Kummissjoni, punt 50 iktar ’il fuq, punt 193).

249    Fi kwalunkwe każ, il-kooperazzjoni tar-rikorrenti bl-ebda mod ma hija paragunabbli ma’ dik tal-impriża KME, ikkonstatata fid-deċiżjoni tal‑Kummissjoni tas-16 ta’ Diċembru 2003 dwar proċedura skont l‑Artikolu 81 [KE] u l-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE (Każ COMP/E‑1/38.240 – Tubi industrijali), li huma jinvokaw. Minn din id-deċiżjoni jirriżulta li KME kienet ikkooperat b’mod importanti qabel ma rċeviet id-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, li kkontribwiet sabiex materjalment tintwera l-eżistenza tal-akkordju għat-tul kollu tiegħu. Fil-fatt KME ppreżentat dokumenti dwar il-ksur u deskrizzjoni dettaljata ta’ kif kien jiffunzjoni l-akkordju billi spjegat fid-dettal f’liema kuntest kienu jaqgħu diversi dokumenti li l‑Kummissjoni skopriet matul l-ispezzjonijiet taghha. Il-kooperazzjoni tar‑rikorrenti ma kellhiex tali importanza qabel id-dikjarazzzjoni tal‑oġġezzjonijiet.

250    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedent, il-motiv ibbażat fuq applikazzjoni żbaljata tal-komunikazzjoni fuq il-kooperazzjoni għandu jiġi miċħud.

 Fuq il-motiv, invokat minn Gütermann u Zwicky, ibbażat fuq in-natura disproporzjonata tal-multa

 L-argumenti tal-partijiet

251    Ir-rikorrenti jinvokaw diversi lmenti insostenn tal-motiv tagħhom ibbażat fuq in-natura sproporzjonata tal-multa.

252    L-ewwel nett, huma jsostnu li l-Kummissjoni ma ħaditx inkunsiderazzzjoni d-diffikultajiet ekonomiċi kunsiderevoli li kellhom għal diversi snin wara modikazzjonijiet strutturali mġarrba mill-industriji tal-ħajt. Il-kriżi f’dan il-qasam fil-fatt wasslet għal tnaqqis fil-profitti tagħhom u wasslet lil Zwicky sabiex f’Novembru 2000 ittemm l-attivitajiet tagħha fis‑suq. Il-Kummissjoni wkoll injorat il-problemi bankarji li kellha Gütermann u l-ispiża ta’ interessi addizzjonali li rriżultat.

253    It-tieni nett, il-multi mposti fuq Gütermann (EUR 4.021 miljun) u fuq Zwicky (EOR 0.174 miljun) huma sproporzjonati meta mqabbla mad-dħul mill-bejgħ tagħhom fis-suq ikkonċernat mill-ksur. F’dan is-sens, huma jsostnu li d-dħul mill-operat ta’ Gütermann wara li jitħallsu t-taxxi kien jammonta, matul il-ħdax il-sena u nofs ta’ ksur, għal EUR 318 000 u d‑dħul mill-bejgħ magħmul minn Zwicky għas-sena 2000 kien jammonta biss għal EUR 200 000.

254    Bl-istess mod, Gütermann, segwita f’dan is-sens minn Zwicky fir‑replika tagħha, issostni li l-ammonti bażiċi kkunsidrati għall-kalkolu tal-multi (EUR 2.2 miljun għal Gütermann u EUR 100 000 għal Zwicky), minn naħa, huma sproporzjonati meta mqabbla mad-dħul mill-bejgħ akkumulat li l-impriżi kollha għamlu mill-prodotti kkonċernati mill-ksur (EUR 50 miljun) u, min-naħa l-oħra, jidhru li huma eżaġerati ladarba jsir paragun bejn din l-aħħar ċifra, li tirrifletti d-daqs tas-suq tal‑prodotti kkonċernati mill-ksur u d-daqs tas-suq dinji tal-ħajt industrijali (EUR 4 sa 5 biljun).

255    Skont ir-rikorrenti, il-Kummissjoni kellha, skont il-ġurisprudenza, l‑obbligu li tieħu inkunsiderazzjoni d-daqs tas-suq ikkonċernat waqt l‑eżami tal-gravità tal-ksur u tan-natura proporzjonata tal-multa. Il‑Kummissjoni b’hekk hija żbaljat meta ssostni li dan il-kriterju jikkostitwixxi biss fattur wieħed fost fatturi oħra, b’tali mod li ma kinitx obbligata li tieħdu inkunsiderazzjoni.

256    It-tielet nett, Gütermann issostni li l-metodu ta’ kalkolu użat sabiex jiġi deċiż l-ammont tal-multa imposta fuqha tiżvantaġġja b’mod ċar l-impriżi ta’ daqs żgħir u medju. Fil-fatt, id-daqs ta’ dawn tal‑aħħar ma tteħidx inkunsiderazzjoni u għalhekk il-multi miksuba permezz ta’ dan il-metodu ta’ kalkolu huma sproporzjonati. Dan għandu l-effet li, f’din il-kawża, il-multa li ġiet imposta fuqha hija sproporzjonata meta mqabbla ma’ dawk imposti fuq l-impriżi l-oħra bħal BST jew Coats.

257    Ir-raba’ nett, l-applikazzjoni tal-linji gwida għal din il-kawża ma hijiex xierqa, b’mod partikolari mill-perspettiva tat-trattament ugwali, fir-rigward ta’ kawżi futuri li jikkonċernaw impriżi ta’ daqs żgħir u medji li fir-rigward tagħom il-linji gwida jipprevedu trattament iktar ġust għall‑kalkolu tal-multi imposti skont l‑Artikolu 23(2)(a) tar-Regolament Nru 1/2003 (ĠU 2006, C 210, p. 2).

258    Il-Kummissjoni tiċħad dan il-motiv.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

259    L-ewwel nett, ir-rikorrenti huma żbaljati fejn isostnu li l-multa imposta fuqhom hija sproporzjonata fid-dawl tas-sitwazzjoni finanzjarja prekarja tagħhom u tar-riskju li l-multa twassal għat-tmiem tagħhom.

260    Fil-fatt, skont ġurisprudenza kostanti u kif ġie mfakkar fil-premessa 404 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni ma hijiex obbligata li, fl-iffissar tal-ammont tal-multa, tikkunsidra s-sitwazzjoni finanzjarja ħażina ta’ impriża, peress li r‑rikonoxximent ta’ tali obbligu jwassal sabiex jingħata vantaġġ kompetittiv inġustifikat lill-impriżi l-inqas adattati għall-kundizzjonijiet tas-suq (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-8 ta’ Novembru 1983, IAZ International Belgium et vs Il-Kummissjoni, 96/82 sa 102/82, 104/82, 105/82, 108/82 u 110/82, Ġabra p. 3369, punti 54 u 55; Dansk Rørindustri et vs Il-Kummissjoni, punt 221 iktar ’il fuq, punt 327, u tad‑29 ta’ Ġunju 2006, SGL Carbon vs Il-Kummissjoni, C‑308/04 P, Ġabra p. I‑5977, punt 105).

261    Barra minn hekk, anki li kieku miżura meħuda minn awtorità Komunitarja twassal għal-likwidazzjoni ta’ impriża, din il-likwidazzjoni tal-impriża fil‑forma ġuridika inkwistjoni, għalkemm tista’ teffettwa ħażin l‑interessi finanzjarji tal-proprjetarji, azzjonisti jew persuni li għandhom ishma, ma tfissirx li b’hekk l-elementi personali, tanġibbli u intanġibili rappreżentati mill-impriża jitilfu, huma wkoll, il-valur tagħhom (sentenza Tokai I, punt 185 iktar ’il fuq, punt 372).

262    Fid-dawl ta’ din il-ġurisprudenza, għandu jiġi kkunsidrat li l‑Kummissjoni ma kellha ebda obbligu li tieħu inkunsiderazzjoni s‑sitwazzjoni ekonomika ta’ Gütermann fid-deċiżjoni kkontestata u lanqas li fiha ssemmi l-ispjegazzjonijiet ta’ din l-impriża dwar din is-sitwazzjoni. Il-fatt li l-Kummissjoni kienet qieset li kien xieraq li ssemmi s-sitwazzjoni finanzjarja ta’ Zwicky, u mhux dik ta’ Gütermann, jinftiehem perfettament fid-dawl tas-sitwazzjoni ekonomika partikolarment diffiċli ta’ Zwicky, li kienet wasslet li din tal‑aħħar li tbigħ l-attivitajiet tagħha fil-qasam tal-ħajt industrijali lil Gütermann.

263    It-tieni nett, ir-rikorrenti esenzjalment jikkritikaw lill-Kummissjoni talli ma ħaditx inkunsiderazzjoni d-daqs tas-suq ikkonċernat u għalhekk iffissat multa sproporzjonata fid-dawl tal-isemmi daqs. Huma jibbażaw ruħhom ukoll fuq in-natura sproporzjonata tal-multa meta mqabbla mad‑dħul mill-bejgħ li kull waħda minnhom għamlet fis-suq ikkonċernat mill-ksur kif ukoll in-natura sproporzjonata tal-ammont bażiku tal-multa fid-dawl tad-dħul mill-bejgħ tagħhom.

264    Għandu jiġi rilevat, preliminarjament, li l-prinċipju ta’ proporzjonalità jeżiġi li l-atti tal-istituzzjonijiet Komunitarji ma jmorrux lil hinn mil‑limiti ta’ dak li huwa xieraq u neċessarju sabiex jintlaħaq l-għan imfittex. Fil-kuntest tal-kalkolu tal-multi, il-gravità tal-ksur għandha tiġi stabbilita abbażi ta’ diversi elementi u l-ebda element ma għandu jingħata importanza sproporzjonata meta mqabbel ma’ l-elementi l-oħra ta’ evalwazzjoni. Il-prinċipju ta’ proporzjonalità, f’dan il-kuntest, jimplika li l‑Kummissjoni għandha tiffissa l-multa proporzjonalment għall‑elementi meħuda inkunsiderazzjoni sabiex tiġi evalwata l-gravità tal-ksur u għandha tapplika dawn l-elementi b’mod koerenti u ġġustifikat oġġettivament (sentenza Jungbunzlauer vs Il-Kummissjoni, punt 194 iktar ’il fuq, punti 226 sa 228).

265    Rigward il-kritika li l-Kummissjoni ma ħaditx inkunsiderazzjoni d-daqs tas-suq ikkonċernat, għandu jitfakkar li skont l-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17 u tal-Artikolu 23(2) tar-Regolament Nru 1/2003, il-Kummissjoni tista’ timponi fuq l-impriżi multi li l-ammont tagħhom ma jeċċedix l-10 % tad‑dħul mill-bejgħ magħmul fis-sena kummerċjali preċedenti minn kull waħda mill-impriżi li kienet ipparteċipat fil-ksur. Sabiex jiġi determinat l-ammont tal-multa f’dan il-limitu, dawn id-dispożizzjonijiet jipprevedu t-teħid inkunsiderazzjoni tal-gravità u tat-tul tal-ksur. Barra minn dan, skont il-linji gwida, il-Kummissjoni tiffissa l‑ammont bażiku skont il-gravità tal-ksur billi tieħu inkunsiderazzjoni l‑istess natura tal-ksur, l-impatt konkret tiegħu fuq is-suq u l-firxa tas-suq ġeografiku.

266    B’hekk la r-Regolament Nru 17, la r-Regolament Nru 1/2003 u lanqas il-linji gwida ma jipprevedu li l-ammont tal-multi għandu jiġi stabbilit direttament skont id-daqs tas-suq affettwat, peress li dan il‑fattur huwa biss element rilevanti fost elementi rilevanti oħra. Dan il-kuntest ġuridiku għalhekk ma jimponix, bħala tali, fuq il-Kummissjoni l-obbligu li tieħu inkunsiderazzjoni d-daqs żgħir tas-suq tal-prodotti (sentenza tal‑Qorti Ġenerali tas-27 ta’ Settembru 2006, Roquette Frères vs Il‑Kummissjoni, T‑322/01, Ġabra p. II‑3137, punt 148).

267    Madankollu, skont il-ġurisprudenza, matul l-evalwazzjoni tal-gravità ta’ ksur, il-Kummissjoni għandha tieħu inkunsiderazzjoni n-numru kbir ta’ elementi li n‑natura u l-importanza tagħhom tvarja skont it-tip ta’ ksur inkwistjoni u ċ-ċirkustanzi partikolari tal-ksur ikkonċernat (sentenza Musique diffusion française et vs Il-Kummissjoni, punt 78 iktar ’il fuq, punt 120). Fost dawn l-elementi li jindikaw il-gravità ta’ ksur, ma jistax jiġi eskluż li jista’ jkun hemm, skont il-każ, id-daqs tas-suq tal-prodott inkwistjoni.

268    Konsegwentement, għalkemm id-daqs tas-suq jista’ jikkostitwixxi element li għandu jittieħed inkunsiderazzjoni sabiex tiġi stabbilita l-gravità tal‑ksur, l-importanza tiegħu tvarja skont iċ-ċirkustanzi partikolari tal-ksur ikkonċernat.

269    F’din il-kawża, il-ksur kien jikkonsisti essenzjalment fl-iskambju ta’ informazzjoni sensittiva fuq il-listi tal-prezzijiet u/jew il-prezzijiet għall-kull klijent, li jintlaħqu ftehim fuq żidiet tal-prezzijiet u/jew tal-prezzijiet imfittxa, li jevitaw li jikkompetu kontra xulxin fuq il-prezzijiet favur il-fornitur regolari u li jqassmu l-klijenti bejniethom (deċiżjoni kkontestata, premessi 99 sa 125 u 345). Dawn il-prattiki jikkostitwixxu restrizzjoni orizzontali tat-tip “kartell tal‑prezzijiet” fis-sens tal‑linji gwida u għalhekk huma “serji ħafna” min-natura tagħhom stess. F’dan il‑kuntest, anki li kieku huwa minnu li s-suq inkwistjoni huwa ta’ daqs żgħir, xorta jibqa l-fatt li dan id-daqs żgħir għandu importanza minuri meta mqabbel mal-elementi l-oħra li juru l-gravità tal-ksur.

270    F’kull każ, għandu jittieħed inkunsiderazzjoni li l-Kummissjoni qieset li l-ksur għandu jiġi kkunsidrat bħala serju ħafna fis-sens tal‑linji gwida li jipprovdu, f’każijiet bħal dawn, l-opzjoni li “timponi” ammont bażiku li jaqbeż EUR 20 miljun. F’din il-kawża, il‑Kummissjoni qassmet, fid-deċiżjoni kkontestata, l-impriżi kkonċernati f’diversi kategoriji skont id-daqs relattiv tagħhom fis-suq inkwistjoni. Mill-premessa 358 tad-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li l‑Kummissjoni kkunsidrat biss ammont bażiku ta’ EUR 14-il miljun għall-impriżi li jaqgħu taħt l-ewwel kategorija, ta’ EUR 5.2 miljun għal dik li taqa’ taħt it-tieni kategorija, ta’ EUR 2.2 miljun għal dawk li jaqgħu taħt it-tielet kategorija (fosthom Gütermann) u ta’ EUR 0.1 miljun għal l-impriża li taqa’ taħt ir-raba’ kategorija (f’dan il-każ, Zwicky). Minn dan jirriżulta li l-ammonti bażiċi li servew ta’ punt ta’ tluq għall-kalkolu tal‑multi imposti fuq Gütermann u fuq Zwicky kienu jikkorrispondu għal ammont nettament inferjuri għal dak li, skont il-linji gwida, il‑Kummissjoni setgħet “timponi” għal ksur serju ħafna. Dan l-iffissar tal-ammont bażiku tal-multa ttendi li tikkonferma li d-daqs tas-suq tal-prodotti inkwistjoni tabilħaqq ittieħed inkunsiderazzjoni.

271    Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet, għandu jiġi kkunsidrat li l‑multi imposti fuq Gütermann u fuq Zwicky bl-ebda mod ma huma sproporzjonati did-dawl tad-daqs tas-suq tal-ħajt industrijali fil‑Benelux u fil-pajjiżi Nordiċi.

272    Barra minn hekk, l-argument ibbażat fuq in-natura sproporzjonata tal‑ammont bażiku tal-multi fid-dawl tad-dħul mill-bejgħ li Gütermann u Zwicky għamlu fis-suq ikkonċernat għandu wkoll jiġi miċħud.

273    Fil-fatt, għandu jiġi rilevat li, għall-iffisar tal-ammont bażiku tal-multi, iddeterminat skont il-gravità tal-ksur, il-Kummissjoni qieset li kien neċessarju li jintuża trattament differenzjali għall-impriżi implikati fil‑kartell sabiex tiġi meħuda inkunsiderazzjoni l-kapaċità ekonomika effettiva tal-ħatja li jikkawżaw ħsara kunsiderevoli lill‑kompetizzjoni kif ukoll li l-multa tiġi ffissata f’livell li jiżgura effett dissważiv suffiċjenti. Hija żiedet tgħid li kien neċessarju li jittieħed inkunsiderazzjoni l-piż partikolari tal-aġir li jikkostitwixxi ksur ta’ kull impriża, u għalhekk tal-effett reali tiegħu fuq il-kompetizzjoni. Għall‑finijiet tal‑evalwazzjoni ta’ dawn l-elementi, il-Kummissjoni għażlet li tibbaża ruħha fuq id-dħul mill-bejgħ li kull impriża għamlet fis-suq ikkonċernat u mill-prodott ikkonċernat mill‑akkordju.

274    Għalhekk, u kif ġie osservat fil-punt 270 iktar ’il fuq, il-Kummissjoni qassmet l-impriżi kkonċernati f’erba’ kategoriji. Gütermann, fid-dawl tad-dħul mill-bejgħ tagħha ta’ EUR 2.36 miljun, tqgħedet fit-tielet kategorija u Zwicky, fid-dawl tad-dħul mill-bejgħ tagħha ta’ EUR 0.2 miljun, tqegħdet fir-raba’ kategorija. Il-Kummissjoni adottat ammont bażiku, iddeterminat skont il-gravità tal-ksur, ta’ EUR 2.2 miljun għal Gütermann u ta’ EUR 0.1 miljun għal Zwicky (deċiżjoni kkontestata, premessi 356 sa 358).

275    Minn ġurisprudenza kostanti jirriżulta li s-sehem tad-dħul mill-bejgħ provenjenti mill-prodotti li huma s-suġġett tal-ksur huwa tali li jagħti indikazzjoni tajba tal-portata tal-ksur fis-suq ikkonċernat (sentenzi Cheil Jedang vs Il-Kummissjoni, punt 184 iktar ’il fuq, punt 91, u Archer Daniels Midland u Archer Daniels Midland Ingredients vs Il‑Kummissjoni, punt 79 iktar ’il fuq, punt 196). Fil-fatt, dan id-dħul mill-bejgħ huwa tali li jagħti indikazzjoni tajba tar-responsabbiltà ta’ kull membru fl‑imsemmija swieq, peress li jikkostitwixxi element oġġettiv li jagħti eżempju tajjeb tad-dannu li din il-prattika tikkawża fuq l-andament normali tal-kompetizzjoni u jirrapreżenta għalhekk indikatur tajjeb tal‑kapaċità ta’ kull impriża li tikkawża ħsara.

276    Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet, għandu jiġi konkluż li l‑ammonti bażiċi adottati fil-kuntest tal-kalkolu tal-multi imposti fuq Gütermann u fuq Zwicky bl-ebda mod ma jidhru sproporzjonati meta mqabbla mad-dħul mill-bejgħ li dawn l-impriżi għamlu fis-suq ikkonċernat.

277    Minn dan isegwi li għandu wkoll jiġi miċħud l-argument ibbażat fuq in‑natura sproporzjonata tal-multa meta mqabbla mad-dħul mill-bejgħ rispettivi magħmul mir-rikorrenti fis-suq ikkonċernat mill-ksur. Ir-rikorrenti ma jistgħux, fil-fatt, validament jikkonkludu li l‑ammont finali tal‑multa imposta huwa sproporzjonat, peress li l-ammont inizjali tal‑multa tagħhom huwa ġġustifikat fid-dawl tal-kriterji kkunsidrati mill‑Kummissjoni għall-evalwazzjoni tad-daqs ta’ kull impriża fis-suq rilevanti (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-20 ta’ Marzu 2002, LR AF 1998 vs Il-Kummissjoni, T‑23/99, Ġabra p. II‑1705, punt 304, u tal-5 ta’ Diċembru 2006, Westfalen Gassen Nederland vs Il-Kummissjoni, T‑303/02, Ġabra p. II‑4567, punt 185). Fi kwalunkwe każ, għandu jiġi enfasizzat li d-dritt Komunitarju ma jinkludix prinċipju ta’ applikazzjoni ġenerali li jipprovdi li l-piena għandha tkun proporzjonata mad-dħul mill-bejgħ magħmul mill-impriża permezz tal-bejgħ tal-prodott li huwa s-suġġett tal-ksur (ara f’dan is‑sens, is-sentenza tal‑Qorti tal-Ġustizzja tat-18 ta’ Mejju 2006, Archer Daniels Midland u Archer Daniels Midland Ingredients vs Il‑Kummissjoni, C‑397/03 P, Ġabra p. I‑4429, punt 339).

278    It-tielet nett, għandu wkoll jiġi miċħud l-argument ta’ Gütermann li jgħid li l-metodu ta’ kalkolu jiżvantaġġja l-impriżi ta’ daqs żgħir u medju u wassal, f’din il-kawża, għall-impożizzjoni ta’ multa sproporzjonata fil-konfornt tagħha meta mqabbla ma’ dawk impositu fuq l-impriżi l‑oħra.

279    Peress li l-Kummissjoni ma hijiex marbuta li tikkalkola l‑ammont tal-multa abbażi tal-ammonti bbażati fuq id-dħul mill-bejgħ tal-impriżi kkonċernati, hija lanqas ma hija marbuta li tiżgura, fil-każ li jiġu imposti multi fuq numru ta’ impriżi involuti fl-istess ksur, li l‑ammonti finali tal-multi, li għalihom iwassal il-kalkolu tagħha għall‑impriżi kkonċernati, jirriflettu d-differenza kollha ta’ bejniethom fir-rigward tad-dħul mill‑bejgħ globali tagħhom jew tad-dħul mill-bejgħ fis-suq tal‑prodott inkwistjoni (sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-20 ta’ Marzu 2002, Dansk Rørindustri vs Il-Kummissjoni, T‑21/99, Ġabra p. II‑1681, punt 202).

280    F’dan ir-rigward, għandu jiġi speċifikat li lanqas l-Artikolu 15(2) tar‑Regolament Nru 17 u l-Artikolu 23(3) tar-Regolament Nru 1/2003 ma jeżiġu li, fil-każ fejn jiġu imposti multi fuq diversi impriżi involuti fl-istess ksur, l-ammont tal-multa imposta fuq impriża ta’ daqs żgħir jew medju ma jkunx ogħla, bħala perċentwali tad-dħul mill-behgħ, minn dak tal-multi imposti fuq impriżi ikbar. Fil-fatt, minn dawn id‑dispożizzjonijiet jirriżulta li, kemm għall-impriżi ta’ daqs żgħir jew medju kif ukoll għall-impriżi ta’ daqs ikbar, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni, biex jiġi ddeterminat l-ammont tal-multa, il-gravità u t-tul tal-ksur. Sa fejn il-Kummissjoni timponi, fuq l-impriżi involuti fl‑istess ksur, multi ġġustifikati, għal kull waħda minnhom, fid-dawl tal-gravità u tat-tul tal-ksur, hija ma tistax tiġi kkritikata minħabba li, għal uħud minnhom, l-ammont tal-multa jkun ogħla, meta mqabbel mad-dħul mill-bejgħ, minn dak ta’ impriżi oħra (sentenza tal-20 ta’ Marzu 2002, Dansk Rørindustri vs Il-Kummissjoni, punt 279 iktar ’il fuq, punt 203, u Westfalen Gassen Nederland vs Il‑Kummissjoni, punt 277 iktar ’il fuq, punt 174).

281    B’hekk, il-Kummissjoni ma hijiex obbligata li tnaqqas il-multi meta l‑impriżi kkonċernati jkunu ta’ daqs żgħir u medju. Id-daqs tal-impriża huwa, fil-fatt, diġà meħud inkunsiderazzjoni fil-limitu massimu ffissat mill-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17, mill-Artikolu 23(3) tar‑Regolament Nru 1/2003 u mid-dispożizzjonijiet tal-linji gwida (sentenza Westfalen Gassen Nederland vs Il-Kummissjoni, punt 277 iktar ’il fuq, punt 174). Minbarra dawn il-kunsiderazzjonijiet rigward id-daqs, ma hemm ebda raġuni sabiex wieħed jitratta l-impriżi ta’ daqs żgħir u medju b’mod differenti minn impriżi oħra. Il-fatt li l‑impriżi kkonċernati jkunu ta’ daqs żgħir u medju ma jeżenthomx mid-dmir tagħhom li jirrispettaw ir-regoli tal-kompetizzjoni (sentenza tal-Qorti Ġenerali tad-29 ta’ Novembru 2005, SNCZ vs Il-Kummissjoni, T‑52/02, Ġabra p. II‑5005, punt 84).

282    Dwar il-kritika li saret lill-Kummissjoni li ma ħaditx inkunsiderazzjoni d-dħul mill-bejgħ globali tad-diversi impriżi waqt l-iffissar tal‑ammont tal-multa, din hija irrilevanti. Fil-fatt, għandu jitfakkar li l-linji gwida jipprevedu li huwa neċessarju li tittieħed inkunsiderazzjoni l-kapaċità ekonomika effettiva ta’ dawk li wettqu l‑ksur li jikkawżaw dannu kbir lill-operaturi l-oħra, b’mod partikolari lill-konsumaturi, u li l‑ammont tal-multa għandu jiġi stabbilit f’livell li jiżgura li l-multa tkun ta’ natura suffiċjentement dissważiva (ir-raba’ paragrafu tal-punt 1A). L-istess linji gwida jżidu li, f’każijiet fejn ikunu implikati diversi impriżi, bħall-kartelli, jista’ jkun jaqbel li jiġi deċiż ammont bażiku ġenerali, sabiex b’hekk jittieħed inkunsiderazzjoni l-piż speċifiku, u għalhekk l-impatt reali, tal-aġir li jikkostitwixxi ksur ta’ kull impriża fuq il-kompetizzjoni, partikolarment meta jkun hemm disparità kunsiderevoli bejn id-daqs tal-impriżi li jkunu wettqu ksur tal-istess tip, u għalhekk li l-ammont bażiku ġenerali jiġi adattat skont in-natura speċifika ta’ kull impriża (is-sitt paragrafu tal-punt 1A) (sentenza Cheil Jedang vs Il-Kummissjoni, punt 184 iktar ’il fuq, punt 81).

283    Il-linji gwida ma jipprevedux li l-ammont tal-multi jiġi kkalkolat skont id-dħul mill-bejgħ globali jew tad-dħul mill-bejgħ magħmul mill‑impriżi fis-suq ikkonċernat. Madankollu, huma lanqas ma jipprekludu li dan id-dħul mill-bejgħ jittieħed inkunsiderazzjoni fl‑iffissar tal‑ammont tal-multa sabiex jiġu rrispettati l-prinċipji ġenerali tad-dritt Komunitarju u meta ċ-ċirkustanzi jeżiġu dan. B’mod partikolari, id-dħul mill-bejgħ jista’ għalhekk jiġi kkunsidrat fit-teħid inkunsiderazzjoni tal-elementi differenti elenkati fil-punti 273 iktar ’il fuq (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi Cheil Jedang vs Il-Kummissjoni, punt 184 iktar ’il fuq, punt 82, u Tokai I, punt 185 iktar ’il fuq, punt 195).

284    Madankollu, f’din il-kawża, kif ġie osservat fil-punt 275 iktar ’il fuq, l-għażla tal-Kummissjoni li tirreferi għad-dħul mill-bejgħ magħmul fis-suq ikkonċernat sabiex tiddetermina l-kapaċità ta’ kull impriża kkonċernata li tikkawża dannu kienet koerenti u oġġettivament iġġustifikata. Billi għamlet dan, il‑Kummissjoni segwiet ukoll għan ta’ dissważjoni peress li rrilevat il-fatt li hija għandha tippenalizza b’mod iktar qawwi l-impriżi li jkunu ħadu sehem f’kartell f’suq li fih għandhom piż kunsiderevoli.

285    Ir-raba’ nett, Gütermann tinvoka, b’mod żbaljat, il-linji gwida tal‑2006 għall-kalkolu tal-multi imposti skont l-Artikolu 23(2)(a) tar‑Regolament Nru 1/2003 insostenn tal-motiv tagħha dwar in-natura sproporzjonata tal-multa. Fil-fatt, għandu jiġi kkonstatat li ċ-ċirkustanza li l-applikazzjoni tal-metodu l-ġdid ta’ kalkolu tal-multi previsti fl-ismemija linji gwida, li ma humiex applikabbli għall-fatti f’din il-kawża, tista’ twassal, waħedha, għal multa li l-ammont tagħha jkun inqas minn dak imposta mid-deċiżjoni kkontestata ma jistax juri n-natura sproporzjonata tal-imsemmija multa.

286    Fil-fatt, din il-konstatazzjoni tikkostitwixxi biss l-espressjoni tal-marġni ta’ diskrezzjoni li l-Kummissjoni għandha sabiex tistabbilixxi, fl‑osservanza tar-rekwiżiti li jirriżultaw mir-Regolament Nru 17 u mir‑Regolament Nru 1/2003, il-metodu li hija beħsiebha tapplika sabiex tiddetermina l-ammont tal-multi u b’hekk li jkollha politika ta’ kompetizzjoni li tkun ta’ responsabbiltà tagħha. Fost l-elementi ta’ evalwazzjoni li l-Qorti Ġenerali għandha tieħu inkunsiderazzjoni sabiex tevalwa n-natura proporzjonata tal-ammont tal-multi imposti fi żmien speċifiku jista’ għalhekk ikun hemm, b’mod partikolari, iċ-ċirkustanzi ta’ fatt u ta’ dritt kif ukoll l-għanijiet ta’ kompetizzjoni definiti mill‑Kummissjoni skont ir-rekwiżiti tat-Trattat KE, li huma prevalenti fiż-żmien tal-aġir tal-ksur.

287    Minn dan isegwi li l-motiv ibbażat fuq in-natura sproporzjonata tal‑multa għandu jiġi miċħud fl-intier tiegħu.

288    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet magħmulin iktar ’il fuq ir-rikorsi ppreżentati fil-Kawżi T‑456/05 u T‑457/05 għandhom jinċaħdu.

 Fuq l-ispejjeż

289    Skont l-Artikolu 87(2) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba. Peress li r‑rikorrenti tilfu, hemm lok li jiġu kkundannati għall-ispejjeż, skont kif mitlub mill-Kummissjoni.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (Il-Ħames Awla)

taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Ir-rikorsi huma miċħuda.

2)      Gütermann AG u Zwicky & Co. AG huma kkundannati għall‑ispejjeż.

Vilaras

Prek

Ciucǎ

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fl-24 ta’ Settembru 2009.

Werrej


Il-fatti li wasslu għall-kawża

1.  Is-suġġett tal-kawża

2.  Il-proċedura amministrattiva

3.  Id-deċiżjoni kkontestata

Definizzjoni tas-swieq inkwistjoni

Is-suq tal-prodotti

Is-swieq ġeografiċi

Id-daqs u l-istruttura tas-swieq inkwistjoni

Id-deskrizzjoni tal-aġir li jikkostitwixxi ksur

Id-dispożittiv tad-deċiżjoni kkontestata

Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

Id-dritt

1.  Fuq il-motivi li jikkontestaw il-konstatazzjoni tal-eżistenza ta’ aġir li jikkostitwixxi ksur u l‑ordnijiet sabiex dawn jintemmu u ma jiġux repetuti

Fuq il-motiv, invokat minn Gütermann u Zwicky, ibbażat fuq ksur tal‑Artikolu 7(1) tar-Regolament Nru 1/2003

L-argumenti tal-partijiet

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

Fuq il-motiv, invokat minn Zwicky, ibbażat fuq in-natura inġustifikata tal-ordnijiet sabiex jintemm il-ksur u sabiex ma jkunx hemm repetizzjoni

L-argumenti tal-partijiet

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

2.  Fuq il-motivi intiżi li jikkontestaw il-multa u l-ammont tagħha

Fuq il-motiv, invokat minn Zwicky, ibbażat fuq li nqabeż il-limitu ta’ 10 % tad-dħul mill-bejgħ

L-argumenti tal-partijiet

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

Fuq il-motiv, invokat minn Gütermann u minn Zwicky, ibbażat fuq evalwazzjoni żbaljata tal-gravitŕ tal-ksur fir-rigward tal-effetti tiegħu

L-argumenti tal-partijiet

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

Fuq il-motiv, invokat minn Gütermann u minn Zwicky, ibbażat fuq l‑evalwazzjoni żbaljata tat-tul tal-ksur.

L-argumenti tal-partijiet

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

Fuq il-motiv, invokat minn Gütermann u minn Zwicky, ibbażat fuq in‑nuqqas ta’ teħid inkunsiderazzjoni ta’ ċerti ċirkustanzi attenwanti

L-argument tal-partijiet

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

Fuq il-motiv, invokat minn Gütermann u Zwicky, ibbażat fuq applikazzjoni żbaljata tal-komunikazzjoni fuq il-kooperazzjoni

L-argumenti tal-partijiet

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

–  F’dak li jikkonċerna l-utlità tal-kooperazzjoni

–  Dwar l-evalwazzjoni allegatament żbaljata tal-kooperazzjoni meta mqabbla ma’ dik ta’ BST

–  Dwar l-applikazzjoni allegatament żbaljata tal-komunikazzjoni fuq il‑kooperazzjoni u l-allegat nuqqas ta’ teħid inkunsiderazzjoni tal‑ġurisprudenza tal-Qorti Ġenerali

–  Dwar l-allegat nuqqas ta’ teħid inkunsiderazzjoni tal-prassi deċiżjonali preċedenti

Fuq il-motiv, invokat minn Gütermann u Zwicky, ibbażat fuq in-natura disproporzjonata tal-multa

L-argumenti tal-partijiet

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

Fuq l-ispejjeż


* Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.

Top