EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62005TJ0415

Sentenza tal-Qorti Ġenerali (is-Sitt Awla) tat-13 ta' Settembru 2010.
ir-Repubblika Ellenika (T-415/05), Olympiakes Aerogrammes AE (T-416/05) u Olympiaki Aeroporia Ypiresies AE (T-423/05) vs Il-Kummissjoni Ewropea.
Għajnuna mill-Istat - Settur tal-ajru - Għajnuna marbuta mar-ristrutturazzjoni u mal-privatizzazzjoni tal-kumpannija tal-ajru nazzjonali Ellenika - Deċiżjoni li tiddikjara l-għajnuna inkompatibbli mas-suq komuni u li tordna l-irkupru tagħha - Kontinwità ekonomika bejn żewġ kumpanniji - Identifikazzjoni tal-benefiċjarju effettiv ta' għajnuna għall-finijiet tal-irkupru tagħha - Kriterju tal-operatur privat - Kompatibbiltà tal-għajnuna mas-suq komuni - Obbligu ta' motivazzjoni.
Każijiet Magħquda T-415/05, T-416/05 u T-423/05.

Ġabra tal-Ġurisprudenza 2010 II-04749

ECLI identifier: ECLI:EU:T:2010:386

Kawżi magħquda T-415/05, T-416/05 u T-423/05

Ir-Repubblika Ellenika et

vs

Il-Kummissjoni Ewropea

“Għajnuna mill‑Istat — Settur tal‑ajru — Għajnuna marbuta mar‑ristrutturazzjoni u mal‑privatizzazzjoni tal‑kumpannija tal‑ajru nazzjonali Ellenika — Deċiżjoni li tiddikjara l‑għajnuna inkompatibbli mas‑suq komuni u li tordna l‑irkupru tagħha — Kontinwità ekonomika bejn żewġ kumpanniji — Identifikazzjoni tal‑benefiċjarju effettiv ta’ għajnuna għall‑finijiet tal‑irkupru tagħha — Kriterju ta’ operatur privat — Kompatibbiltà tal‑għajnuna mas‑suq komuni — Obbligu ta’ motivazzjoni”

Sommarju tas-sentenza

1.      Proċedura — Intervent — Kundizzjonijiet għall-ammissibbiltà — Interess fl-eżitu tal-kawża — Kunċett

(Statut tal-Qorti tal-Ġustizzja, it-tieni paragrafu tal-Artikolu 40)

2.      Għajnuna mogħtija mill-Istati — Irkupru ta’ għajnuna illegali — Determinazzjoni tad-debitur fil-każ ta’ trasferiment tal-assi — Kriterju magħruf bħala “tal-kontinwità ekonomika” tal-impriża

(Artikolu 88(2) KE)

3.      Għajnuna mogħtija mill-Istati — Irkupru ta’ għajnuna illegali — Kalkolu tal-ammont li għandu jiġi rkuprat u determinazzjoni tad-destinatarji tal-ordnijiet għall-ħlas lura — Diffikultajiet li jiltaqa’ magħhom l-Istat Membru — Dmir ta’ kooperazzjoni bejn il-Kummissjoni u l-Istat Membru

(Artikoli 10 KE u 88(2) KE)

4.      Għajnuna mogħtija mill-Istati — Kunċett — Evalwazzjoni skont il-kriterju ta’ investitur privat — Evalwazzjoni fid-dawl tal-elementi rilevanti kollha tal-operazzjoni kontenzjuża u tal-kuntest tagħha

(Artikolu 87(1) KE)

5.      Għajnuna mogħtija mill-Istati — Kunċett — Vantaġġ mogħti lill-benefiċjarji ta’ għajnuna Statali — Neċessità li jittieħdu inkunsiderazzjoni l-effetti ta’ miżura sabiex jiġi ddeterminat il-vantaġġ tal-benefiċjarju

(Artikolu 87(1) KE)

6.      Għajnuna mogħtija mill-Istati — Kunċett — Applikazzjoni tal-kriterju ta’ investitur privat — Għajnuna li tikkonsisti fil-ħlas ta’ renta fir-rigward tas-sullokazzjoni ta’ ajruplani li hija inqas mir-renta mħallsa fuq il-kuntratti prinċipali

(Artikolu 87(1) KE)

7.      Għajnuna mogħtija mill-Istati — Eżami mill-Kummissjoni — Għajnuna ġdida — Oneru tal-prova — Tqassim bejn il-Kummissjoni u l-Istat Membru — Kundizzjoni — Osservanza tal-obbligi proċedurali rispettivi

(Artikoli 10 KE, 87(1) KE u 88(2) u (3) KE)

8.      Għajnuna mogħtija mill-Istati — Eżami mill-Kummissjoni — Eżami diliġenti u imparzjali — Possibbiltà li deċiżjoni tiġi adottata fuq il-bażi tal-informazzjoni disponibbli — Kundizzjonijiet

(Artikoli 10 KE, 87(1) KE u 88 KE)

9.      Għajnuna mogħtija mill-Istati — Effett ħażin fuq il-kompetizzjoni — Effett fuq il-kummerċ bejn Stati Membri — Liberalizzazzjoni ta’ settur ekonomiku fuq livell Komunitarju

(Artikolu 87(1) KE)

10.    Għajnuna mogħtija mill-Istati — Irkupru ta’ għajnuna illegali — Aspettattivi leġittimi eventwali min-naħa ta’ terz kkonċernat — Protezzjoni — Kundizzjonijiet u limiti

(Artikolu 88(2) u (3) KE)

11.    Għajnuna mogħtija mill-Istati — Deċiżjoni tal-Kummissjoni li tikkonstata l-inkompatibbiltà ta’ għajnuna mas-suq komuni u li tordna l-ħlas lura tagħha — Obbligu ta’ motivazzjoni fir-rigward tal-metodu tal-kalkolu tal-ammont li għandu jitħallas lura

12.    Dritt Komunitarju — Prinċipji — Drittijiet tad-difiża — Applikazzjoni għall-proċeduri amministrattivi mibdija mill-Kummissjoni — Portata

1.      Fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat, meta jkun ġie rikonoxxut li parti intervenjenti għandha interess dirett u attwali fl-eżitu tal-kawża, fis-sens tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 40 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja, minħabba, minn naħa, li kienet tinsab f’sitwazzjoni ta’ kompetizzjoni mal-benefiċjarji tal-għajnuna, u, min-naħa l-oħra, li kienet ħadet sehem attiv fil‑proċedura ta’ investigazzjoni formali li kienet wasslet għall‑adozzjoni tad‑deċiżjoni li tikkonstata l-inkompatibbiltà ta’ din l-għajnuna mas-suq komuni, li kienet deċiżjoni pożittiva għaliha, tali parti intervenjenti jkollha tali interess dirett u attwali sakemm il-benefiċjarji tal-għajnuna jkollhom interess jitolbu l-annullament ta’ din id-deċiżjoni. Fil-fatt, il-parti intervenjenti jibqgħalha interess korrelattiv li tintervjeni insostenn tal‑Kummissjoni sabiex tiddefendi l‑legalità ta’ din id‑deċiżjoni, minn tal‑inqas sabiex tressaq talbiet għal kumpens, segwiti eventwalment minn rikorsi, ibbażati fuq l‑għoti illegali ta’ għajnuna li kienet preġudizzjali għaliha.

(ara l-punt 64)

2.      F’każ fejn għajnuna ngħatat lil kumpannija f’diffikultà li ttrasferiet ċerti assi lil kumpannija ġdida inkorporata b’konsegwenza tal-qsim tal-attivitajiet tagħha, din il-kumpannija ġdida tista’ titqies li hija l-benefiċjarja effettiva tal-għajnuna jekk ikun hemm kontinwità ekonomika bejn iż-żewġ kumpanniji. Għall-kuntrarju, fin-nuqqas ta’ unità ekonomika bejn iż-żewġ kumpanniji, l-għajnuna kontenzjuża mogħtija lill-kumpannija preċedenti wara l-qsim ma tistax tiġi rkuprata mingħand il-kumpannija ġdida għas-sempliċi raġuni li din il-kumpannija ħadet vantaġġ indirett minnha.

Sabiex jiġi evalwat jekk l‑obbligu li tiġi rkuprata l‑għajnuna mogħtija lil kumpannija f’diffikultà jistax jiġi estiż għal kumpannija ġdida li lilha din il‑kumpannija preċedenti tkun ittrasferixxiet ċerti assi, meta dan it‑trasferiment jippermetti li tiġi kkonstatata kontinwità ekonomika bejn iż‑żewġ kumpanniji, jistgħu jittieħdu inkunsiderazzjoni l‑elementi segwenti: is‑suġġett tat‑trasferiment (assi u dejn, żamma tal‑persunal, assi miġbura fi gruppi), il‑prezz tat‑trasferiment, l‑identità tal‑azzjonisti jew tal‑proprjetarji tal‑impriża akkwirenti u tal‑impriża inizjali, il‑mument li fih seħħ it‑trasferiment (wara l‑bidu tal‑investigazzjoni, il‑ftuħ tal‑proċedura jew id‑deċiżjoni finali) jew inkella l‑loġika ekonomika tal‑operazzjoni. Fi kwalunkwe każ, il-kriterji għall-identifikazzjoni tal-benefiċjarju effettiv ta’ għajnuna huma ta’ natura oġġettiva.

L-għan tal-obbligu ta’ rkupru tal-għajnuna huwa li tiġi stabbilita mill-ġdid is-sitwazzjoni ta’ kompetizzjoni fis-settur ekonomiku kkonċernat u mhux li l- awtorità pubblika tkun tista’ tirkupra d-debiti tagħha. F’dan is-sens, il‑loġika ekonomika tal‑operazzjoni ta’ trasferiment ta’ assi għandha għalhekk tiġi eżaminata fid‑dawl tal‑istabbiliment mill‑ġdid tas‑sitwazzjoni ta’ kompetizzjoni fis‑settur ikkonċernat.

(ara l-punti 104-106, 135, 146, 148)

3.      F’deċiżjoni li tikkonstata l‑inkompatibbiltà ta’ għajnuna mas-suq komuni u li timponi l‑irkupru tagħha, il‑Kummissjoni ma hijiex obbligata tippreċiża l‑estent tal‑vantaġġ meħud minn kull impriża benefiċjarja mill‑ammont tal‑għajnuna inkwistjoni. Huwa l‑Istat Membru kkonċernat li għandu jiddetermina l‑ammont li għandu jiġi rrimborsat minn kull waħda minn dawn il‑kumpanniji meta tiġi rkuprata l‑għajnuna. Huwa biżżejjed li d‑deċiżjoni tal‑Kummissjoni jkun fiha indikazzjonijiet li jippermettu lid‑destintarju tagħha jiddetermina huwa stess, mingħajr diffikultajiet eċċessivi, dan l‑ammont. Fil‑każ li jiltaqa’ ma’ diffikultajiet mhux mistennija, dan l‑Istat jista’ jissottometti l‑problemi tiegħu għall‑evalwazzjoni tal‑Kummissjoni, fejn din tal‑aħħar u l‑Istat għandhom jikkollaboraw in bona fide, skont l‑obbligu ta’ kooperazzjoni leali stabbilit b’mod partikolari fl‑Artikolu 10 KE, sabiex jegħlbu dawn id‑diffikultajiet b’osservanza sħiħa tad‑dispożizzjonijiet tat‑Trattat, u b’mod partikolari ta’ dawk dwar l‑għajnuna mill‑Istat.

(ara l-punti 126, 315-318)

4.      Fid‑dawl tad‑dispożizzjonijiet tal‑Artikolu 87 KE, il‑Kummissjoni għandha dejjem teżamina l‑elementi rilevanti kollha tal‑operazzjoni kontenzjuża u l‑kuntest tagħha, b’mod partikolari fl‑applikazzjoni tal‑kriterju tal‑investitur privat. Il‑Kummissjoni hija obbligata tivverifika, fid-dawl tal-elementi rilevanti kollha, jekk il-kundizzjonijiet għall-applikazzjoni tal-Artikolu 87(1) KE humiex sodisfatti.

Għalkemm il‑Kummissjoni tista’ ġustament tieħu inkunsiderazzjoni l‑kuntest tal‑miżuri kontenzjużi, pereżempju l-fatt li għajnuna ngħatat fil-kuntest ta’ ristrutturazzjoni u ta’ privatizzazzjoni, hija xorta waħda hija obbligata teżamina jekk, fir-rigward tal-kriterju tal-investitur privat, il-miżuri kontenzjużi kinux jikkorrispondu għal tranżazzjonijiet kummerċjali normali f’ekonomija tas-suq.

Anki meta miżura tkun sussegwenti għal miżuri tal‑istess natura kklassifikati bħala għajnuna mill‑Istat, dan il‑fatt ma jeskludix, a priori, li l‑miżura msemmija tista’ tissodisfa l‑kriterju tal‑investitur privat f’ekomomija tas‑suq. Fi kwalunkwe każ, hija l‑qorti tal‑Unjoni li għandha tivverifika jekk, fid‑dawl tal‑elementi rilevanti, din il‑miżura tistax raġonevolment tiġi distinta mill‑miżuri ta’ għajnuna preċedenti u tistax titqies, għall‑finijiet tal‑applikazzjoni tal‑kriterju tal‑investitur privat, bħala miżura awtonoma.

(ara l-punti 172-177)

5.      Mill‑Artikolu 87(1) KE jirriżulta li l‑kunċett ta’ għajnuna huwa kunċett oġġettiv li jiddependi biss mill‑kwistjoni ta’ jekk miżura tal‑Istat tikkonferixxix jew le vantaġġ lil impriża waħda jew iktar. B’mod partikolari, sabiex jiġi ddeterminat jekk miżura inkwistjoni tistax tikkostitwixxi għajnuna mill‑Istat, huma essenzjalment l‑effetti ta’ din il‑miżura fir‑rigward tal‑impriżi benefiċjarji li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni u mhux is‑sitwazzjoni tal‑korpi pubbliċi jew privati li jagħtu l‑għajnuna.

(ara l-punti 211, 212)

6.      Għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-kriterju tal-investitur privat, għandu jiġi ddeterminat jekk il‑miżuri inkwistjoni jikkonferixxux lill‑impriża benefiċjarja vantaġġ ekonomiku li hija ma kinitx tikseb fil‑kundizzjonijiet normali tas‑suq. Il‑fatt li l‑operazzjoni tkun raġonevoli għall‑awtoritajiet pubbliċi jew għall‑impriża pubblika li jagħtu l‑għajnuna ma huwiex biżżejjed sabiex dan l‑aġir ikun konformi mal‑kriterju tal‑investitur privat.

Fir‑rigward ta’ għajnuna mogħtija fil‑forma ta’ renta, fir‑rigward tas‑sullokazzjoni ta’ ajruplani, inqas mir‑renta mħallsa fuq il‑kuntratti prinċipali, għall‑finijiet tal‑applikazzjoni tal‑kriterju tal‑investitur privat, huwa meħtieġ li r‑renta kontenzjuża mħallsa titqabbel mar-renta fis-suq. Il-Kummissjoni hija obbligata tivverifika, skont il‑kriterju tal‑investitur privat, jekk ir-renta kinitx effettivament inqas minn dik li l-impriża li lilha saret is-sullokazzjoni kienet tħallas fil-kundizzjonijiet normali tas-suq.

(ara l-punti 213, 214)

7.      Hija l-Kummissjoni li għandha tipprova l‑għoti ta’ għajnuna ġdida. Fil-fatt, mid‑dispożizzjonijiet tal‑Artikolu 88(2) u (3) KE jirriżulta li, fin‑nuqqas ta’ tali prova, il‑miżuri ġodda ma jistgħux jitqiesu li huma għajnuna mill‑Istat fis‑sens tal‑Artikolu 87(1) KE.

Madankollu, l-applikazzjoni ta’ din ir-regola dwar l-oneru tal-prova hija suġġetta għall-osservanza mill-Kummissjoni u mill-Istat Membru kkonċernat tal-obbligi proċedurali rispettivi tagħhom, fil-kuntest tal-eżerċizzju minn din l-istituzzjoni tas-setgħa li hija għandha sabiex tordna lill-Istat Membru jipprovdilha l-informazzjoni neċessarja kollha.

Mill‑banda l‑oħra, l‑oneru tal‑prova tal‑kompatibbiltà ta’ għajnuna mas‑suq komuni, b’deroga mid‑dispożizzjonijiet tal‑Artikolu 87(1) KE, jinsab bħala prinċipju fuq l‑Istat Membru kkonċernat, li għandu jistabbilixxi li l‑kundizzjonijiet ta’ din id‑deroga huma sodisfatti.

(ara l-punti 224, 225, 329)

8.      Il‑Kummissjoni għandha s‑setgħa tadotta deċiżjoni fuq il‑bażi tal‑informazzjoni disponibbli jekk l‑Istat Membru jastjeni, bi ksur tal‑obbligu ta’ kooperazzjoni tiegħu lejn din l‑istituzzjoni li jirriżulta mill‑Artikolu 10 KE, milli jipprovdilha l‑informazzjoni li hija tkun talbitu sabiex teżamina l‑klassifikazzjoni u l‑kompatibbiltà mas‑suq komuni ta’ għajnuna ġdida jew emendata, jew sabiex tivverifika l‑applikazzjoni legali ta’ għajnuna approvata preċedentement. Madankollu, qabel ma tieħu tali deċiżjoni, il‑Kummissjoni għandha tordna lill‑Istat Membru jagħtiha, fit‑terminu stabbilit minnha, id‑dokumenti u l‑informazzjoni kollha neċessarji sabiex teżerċita l‑kontroll tagħha. Huwa biss jekk l‑Istat Membru jonqos, minkejja l‑ordni tal‑Kummissjoni, li jagħti l‑informazzjoni mitluba, li din tal‑aħħar ikollha s‑setgħa tagħlaq il‑proċedura u tieħu, fuq il‑bażi tal‑elementi li jkollha għad‑dispożizzjoni tagħha, id-deċiżjoni. Dawn l‑obbligi proċedurali huma imposti fuq l‑Istat Membru kkonċernat u fuq il‑Kummissjoni bil‑għan li din tal‑aħħar tkun tista’ teżerċita l‑kontroll tagħha fuq il‑bażi ta’ informazzjoni suffiċjentement ċara u preċiża filwaqt li jkun iggarantit ir‑rispett tad‑dritt għal smigħ tal‑Istat Membru kkonċernat. Fil‑fatt, ir‑rispett tad‑drittijiet tad‑difiża, f’kull proċedura mibdija kontra persuna li tista’ twassal għal att li jikkawżalha preġudizzju, jikkostitwixxi prinċipju fundamentali tad‑dritt tal‑Unjoni u għandu jiġi żgurat anki fin‑nuqqas ta’ leġiżlazzjoni speċifika.

Stat Membru ma jistax jiġi kkritikat talli ma pprovdiex informazzjoni suffiċjenti lill-Kummissjoni meta d‑deċiżjoni li tinfetaħ il‑proċedura ta’ investigazzjoni formali ma jkunx fiha evalwazzjoni preliminari tal‑miżuri kontenzjużi, bil‑għan li jiġi ddeterminat jekk dawn il-miżuri fihomx element ta’ għajnuna, u fin-nuqqas ta’ din l-evalwazzjoni, matul il‑proċedura amministrattiva, minn naħa, ta’ kwalunkwe riferiment espliċitu għall-miżuri msemmija u, min-naħa l-oħra, tal-iċken talba għal informazzjoni dwar il-konformità ta’ dawn il-miżuri mal-kundizzjonijiet tas-suq.

F’każ bħal dan, il‑Kummissjoni għandha, skont l‑obbligu tagħha li teżamina b’mod diliġenti u imparzjali fl‑interess tal‑amministrazzjoni tajba tar‑regoli fundamentali tat‑Trattat dwar l‑għajnuna mill‑Istat, tkompli bl‑investigazzjonijiet tagħha u tidħol iktar fil‑fond tal‑kwistjoni, sabiex tistabbilixxi, fost affarijiet oħra, jekk il‑miżuri inkwistjoni kinux konformi mal‑kriterju tal‑operatur privat. Għal dan il‑għan, hija għandha jew tordna lill-Istat Membru sabiex jipprovdilha informazzjoni addizzjonali, filwaqt li tippreċiża n‑natura tal‑informazzjoni meħtieġa, jew tikkummissjona studju addizzjonali.

(ara l-punti 226, 229, 240, 246, 248, 249)

9.      Sabiex tiġġustifika l-klassifikazzjoni ta’ miżura bħala għajnuna mill-Istat, il-Kummissjoni hija obbligata, skont l-Artikolu 87(1) KE, tistabbilixxi t-theddida ta’ distorsjoni tal-kompetizzjoni, li jkun il-każ meta din il-miżura ssaħħaħ il-pożizzjoni tal-impriża benefiċjarja fil-konfront ta’ impriżi oħra, li jkunu f’kompetizzjoni magħha fis-settur li kien is-suġġett ta’ liberazzjonijiet fuq livell Komunitarju.

(ara l-punt 312)

10.    L‑għoti ta’ għajnuna mill‑Istat anki fil‑forma ta’ garanziji ma jistax ikun il‑bażi tal‑aspettattivi leġittimi għal terzi dwar ir‑regolarità ta’ dawn il‑garanziji jekk dawn ikunu ngħataw bi ksur tad‑dispożizzjonijiet tal‑Artikolu 88(3) KE. Fil‑fatt, huma t‑terzi kkonċernati li għandhom jaġixxu bil‑prudenza u bid‑diliġenza neċessarja u li għandhom jiżguraw ruħhom li r‑regoli tad‑dritt Komunitarju fil‑qasam tal‑għajnuna mill‑Istat ikunu ġew osservati.

(ara l-punt 354)

11.    Deċiżjoni li tikkonstata l‑inkompatibbiltà ta’ għajnuna mas‑suq komuni, li ma tagħtix rendikont dettaljat tal-miżuri ta’ għajnuna inkwistjoni iżda li xorta waħda tippermetti, fuq il‑bażi tal‑indikazzjonijiet suffiċjentement preċiżi li jinsabu fil‑motivi, li ma jistgħux jiġu sseparati mid‑dispożittiv tagħha, il-kwantifikazzjoni tal-għajnuna kontenzjuża, ma tistax titqies li hija insuffiċjentement immotivata. Fil-fatt, il‑kwantifikazzjoni hija kompitu fi kwalunkwe każ tal‑awtoritajiet tal-Istat Membru fil‑kuntest tal‑eżekuzzjoni tad‑deċiżjoni li tikkonstata l‑inkompatibbiltà ta’ għajnuna, b’kooperazzjoni leali mal‑Kummissjoni.

(ara l-punt 388)

12.    Ir‑rispett tad‑drittijiet tad‑difiża, f’kull proċedura miftuħa kontra persuna li tista’ twassal għal att li jikkawżalha preġudizzju, jikkostitwixxi prinċipju fundamentali tad‑dritt tal‑Unjoni u għandu jiġi żgurat, anki fin‑nuqqas ta’ leġiżlazzjoni speċifika. Fil‑qasam tal‑għajnuna mill‑Istat, il‑Kummissjoni ma tistax, għall‑finijiet tal‑evalwazzjoni ta’ miżura fid‑dawl tad‑dispożizzjonijiet tal‑Artikolu 87 KE, tibbaża ruħha fuq elementi miġbura mingħand terzi qabel ma tkun tat lill‑Istat ikkonċernat l‑opportunità li jippreżenta l‑osservazzjonijiet tiegħu dwar l‑elementi msemmija.

Bħala tali, in-nuqqas ta’ komunikazzjoni lil Stat Membru ta’ rapport li jkun ibbażat esklużivament fuq id‑data miġbura mingħand il-benefiċjarji tal-għajnuna mill-Istat matul l-investigazzjoni fuq il-post mill-esperti tal-Kummissjoni u li ma jkun fih ebda element fattwali li l‑impriżi benefiċjarji tal‑miżuri kontenzjużi, miżmuma kompletament mill-Istat Membru, ma kinux jafu dwaru, ma huwiex ta’ natura li jippreġudika d-drittijiet tad-difiża ta’ dan l-Istat Membru.

(ara l-punti 399-401)







SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (Is‑Sitt Awla)

13 ta’ Settembru 2010 (*)

“Għajnuna mill‑Istat – Settur tal‑ajru – Għajnuna marbuta mar‑ristrutturazzjoni u mal‑privatizzazzjoni tal‑kumpannija tal‑ajru nazzjonali Ellenika – Deċiżjoni li tiddikjara l‑għajnuna inkompatibbli mas‑suq komuni u li tordna l‑irkupru tagħha – Kontinwità ekonomika bejn żewġ kumpanniji – Identifikazzjoni tal‑benefiċjarju effettiv ta’ għajnuna għall‑finijiet tal‑irkupru tagħha – Kriterju tal‑operatur privat – Kompatibbiltà tal‑għajnuna mas‑suq komuni – Obbligu ta’ motivazzjoni”

Fil‑Kawżi magħquda T‑415/05, T‑416/05 u T‑423/05,

Ir‑Repubblika Ellenika, irrappreżentata minn A. Samoni‑Rantou u P. Mylonopoulos, bħala aġenti,

rikorrenti fil‑Kawża T‑415/05,

Olympiakes Aerogrammes AE, stabbilita f’Kallithéa (il‑Greċja), irrappreżentata minn V. Christianos, avukat,

rikorrenti fil‑Kawża T‑416/05,

Olympiaki Aeroporia Ypiresies AE, stabbilita f’Ateni (il‑Greċja), irrappreżentata minn P. Anestis, S. Mavroghenis, avukati, S. Jordan, T. Soames, solicitors, u D. Geradin, avukat,

rikorrenti fil‑Kawża T‑423/05,

vs

Il‑Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn D. Triantafyllou u T. Scharf, bħala aġenti,

konvenuta,

sostnuta minn

Aeroporia Aigaiou Aeroporiki AE, stabbilita f’Ateni, irrappreżentata minn N. Keramidas u, fil‑Kawża T‑416/05, anki minn N. Korogiannakis, I. Dryllerakis u E. Dryllerakis, avukati,

intervenjenti fil‑Kawżi T‑416/05 u T‑423/05,

li għandha bħala suġġett talba għall‑annullament tad‑Deċiżjoni tal‑Kummissjoni C (2005) 2706 finali, tal‑14 ta’ Settembru 2005, dwar l‑għajnuna mill‑Istat mogħtija lil Olympiaki Aeroporia Ypiresies AE [C 11/2004 (ex NN 4/2003) – Olympiaki Aeroporia – Ristrutturazzjoni u privatizzazzjoni],

IL‑QORTI ĠENERALI (Is‑Sitt Awla),

komposta minn M. Jaeger, President, A. W. H. Meij (Relatur) u L. Truchot, Imħallfin,

Reġistratur: K. Pocheć, Amministratur,

wara li rat il‑proċedura bil‑miktub u wara s‑seduta tal‑14 ta’ Ġunju 2010,

tagħti l‑preżenti

Sentenza

 Il‑fatti li wasslu għall‑kawża

1        Fl‑14 ta’ Settembru 2005, il‑Kummissjoni adottat id‑Deċiżjoni C (2005) 2706 finali, dwar l‑għajnuna mill‑Istat mogħtija lil Olympiaki Aeroporia Ypiresies AE [C 11/2004 (ex NN 4/2003) – Olympiaki Aeroporia – Ristrutturazzjoni u privatizzazzjoni] (iktar ’il quddiem id‑“deċiżjoni kkontestata”).

2        Sabiex tiġi ffaċilitata l‑privatizzazzjoni tal‑kumpannija tal‑ajru Olympiaki Aeroporia AE (Olympic Airways), miżmuma kompletament mill‑Istat u li saret, minn Diċembru 2003, Olympiaki Aeroporia Ypiresies (Olympic Airways Services) (iktar ’il quddiem “ OA ”), l‑Artikolu 27 tal‑Liġi Griega Nru 3185/2003, tad‑9 ta’ Settembru 2003, dwar l‑emenda tal‑Liġi Nru 2668/1998, l‑armonizzazzjoni mad‑Direttiva 2002/39/KE, ir‑riżoluzzjoni ta’ kwistjonijiet marbuta mal‑korp tal‑posta Griega u dispożizzjonijiet oħra (FEK A’ 229/26.9.2003, iktar ’il quddiem il‑“Liġi Nru 3185/2003”), intitolat “Trasformazzjoni tal‑grupp Olympiaki Aeroporia”, kien jipprovdi, b’mod partikolari, li “il‑kumpanniji tal‑grupp Olympiaki Aeroporia [kellhom] jiġu ttrasformati permezz tal‑qsim tal‑fergħat, diviżjonijiet jew servizzi tagħhom li jaqgħu taħt l‑attivitajiet ta’ trasport tal‑ajru u permezz tal‑merger ma’ kumpannija eżistenti tal‑grupp jew permezz tal‑akkwist tagħhom minn waħda minn dawn il‑kumpanniji”.

3        Skont l‑Artikolu 27 tal‑Liġi Nru 3185/2003, l‑attivitajiet ta’ titjiriet ta’ OA u tal‑kumpannija sussidjarja tagħha Olympiaki Aeroploïa AE (Olympic Aviation) ġew maqsuma u miġbura “permezz ta’ merger” fi ħdan kumpannija sussidjarja oħra ta’ OA, Makedonikes Aerogrammes AE (Macedonian Airways), li ngħatat l‑isem Olympiakes Aerogrammes AE (Olympic Airlines, iktar ’il quddiem “NOA”). Mid‑dokumenti fil‑proċess jirriżulta li, kif anki ġie kkonfermat mill‑partijiet matul is‑seduta, il‑kumpannija tal‑ajru ġdida NOA ġiet inkorporata fil‑11 ta’ Diċembru 2003 u bdiet l‑attivitajiet tagħha fit‑12 ta’ Diċembru 2003. F’din id‑data OA waqqfet kull attività ta’ titjiriet u żammet l‑attivitajiet ta’ assistenza fuq l‑art, ta’ manutenzjoni u ta’ taħriġ. Il‑kapital kollu tal‑kumpannija tal‑ajru ġdida NOA ngħadda direttament lir‑Repubblika Ellenika.

4        Is‑sitwazzjoni ekonomika ta’ OA u l‑għajnuna finanzjarja pubblika mogħtija lil din il‑kumpannija kif ukoll lill‑kumpannija tal‑ajru ġdida NOA kienu s‑suġġett ta’ diversi deċiżjonijiet tal‑Kummissjoni.

 Id‑Deċiżjoni 2003/372/KE

5        Fil‑11 ta’ Diċembru 2002, il‑Kummissjoni adottat id‑Deċiżjoni 2003/372/KE dwar l‑għajnuna mogħtija mill‑Greċja lil OA (ĠU 2003, L 132, p. 1, iktar ’il quddiem id‑“deċiżjoni tal‑11 ta’ Diċembru 2002”), deċiżjoni li fiha l‑Kummissjoni ddikjarat inkompatibbli mas‑suq komuni l‑għajnuna għar‑ristrutturazzjoni ta’ OA li kienet ġiet approvata matul is‑snin 1994, 1998 u 2000, kif ukoll għajnuna ġdida illegali. Fir‑rigward tal‑għajnuna għar‑ristrutturazzjoni, din id‑deċiżjoni kienet ibbażata, b’mod partikolari, fuq il‑konstatazzjoni li ma kinux intlaħqu l‑parti l‑kbira tal‑għanijiet tal‑pjan ta’ ristrutturazzjoni ta’ OA tal‑1998 intiż li tiġi stabbilita mill‑ġdid il‑vijabbiltà fuq żmien medju u twil ta’ din il‑kumpannija u li ma kinux ġew osservati kompletament il‑kundizzjonijiet imposti fid‑deċiżjonijiet ta’ approvazzjoni. Skont l‑Artikolu 3 tad‑deċiżjoni tal‑11 ta’ Diċembru 2002, ir‑Repubblika Ellenika kienet mistiedna tirkupra parti mill‑għajnuna għar‑ristrutturazzjoni mħallsa, jiġifieri ammont ta’ EUR 41 miljun, kif ukoll l‑għajnuna ġdida illegali, iddikjarata inkompatibbli mas‑suq komuni.

6        L‑inċiż (b) tal‑ewwel paragrafu tal‑Artikolu 1 tad‑deċiżjoni tal‑11 ta’ Diċembru 2002 kien jistabbilixxi li l‑għajnuna għar‑ristrutturazzjoni mogħtija mir‑Repubblika Ellenika lil OA fil‑forma ta’ garanziji ġodda fuq self, b’valur ta’ 378 miljun dollaru tal‑Istati Uniti (USD), marbuta ma’ self għax‑xiri ta’ tagħmir ġdid u għall‑investimenti meħtieġa fid‑dawl tat‑trasferiment tagħha għall‑ajruport il‑ġdid ta’ Spata (il‑Greċja), kienet ikkunsidrata li hija inkompatibbli mas‑suq komuni.

7        Permezz ta’ sentenza tat‑12 ta’ Mejju 2005, Il‑Kummissjoni vs Il‑Greċja (C‑415/03, Ġabra p. I‑3875, iktar ’il quddiem is‑“sentenza tat‑12 ta’ Mejju 2005”), il‑Qorti tal‑Ġustizzja kkonstatat li r‑Repubblika Ellenika kienet naqset milli twettaq l‑obbligi tagħha taħt id‑deċiżjoni tal‑11 ta’ Diċembru 2002 minħabba li ma kinitx ħadet, fit‑terminu previst, il‑miżuri kollha neċessarji sabiex isir ir‑rimbors, skont l‑Artikolu 3 ta’ din id‑deċiżjoni, tal‑għajnuna ddikjarata inkompatibbli, bl‑esklużjoni ta’ dik l‑għajnuna li tikkonċerna l‑kontribuzzjonijiet lill‑korp nazzjonali ta’ sigurtà soċjali (IKA).

8        F’dik is‑sentenza (punti 32 sa 34), il‑Qorti tal‑Ġustizzja ħadet inkunsiderazzjoni, b’mod partikolari, il‑fatt li mill‑informazzjoni mogħtija mill‑Kummissjoni u mhux kontradetta mill‑awtoritajiet Griegi, kien jirriżulta li r‑Repubblika Ellenika kienet ittrasferiet l‑assi l‑iktar profittabbli ta’ OA, ħielsa minn kull dejn, lil NOA, li hija proprjetà wkoll ta’ dan l‑Istat Membru u li tibbenefika minn protezzjoni speċjali fil‑konfront tal‑kredituri, b’deroga mid‑dispożizzjonijiet tad‑dritt komuni u mill‑obbligi tad‑dritt kummerċjali. B’mod partikolari, il‑Qorti tal‑Ġustizzja ddeċidiet li din l‑istruttura legali kienet tagħmel impossibbli, taħt id‑dritt nazzjonali, l‑irkupru tal‑għajnuna mogħtija u kienet tipprekludi l‑eżekuzzjoni effettiva tad‑deċiżjoni tal‑11 ta’ Diċembru 2002 kif ukoll l‑irkupru tal‑għajnuna.

9        Wara li OA ppreżentat rikors għall‑annullament tad‑deċiżjoni tal‑11 ta’ Diċembru 2002, il‑Qorti tal‑Prim’Istanza (li mill‑1 ta’ Diċembru 2009 saret il‑Qorti Ġenerali), permezz ta’ sentenza tat‑12 ta’ Settembru 2007, Olympiaki Aeroporia Ypiresies vs Il‑Kummissjoni (T‑68/03, Ġabra p. II‑2911), annulat parzjalment din id‑deċiżjoni, sa fejn kienet tikkonċerna t‑tolleranza fir‑rigward tan‑nuqqas persistenti li jitħallsu, minn naħa, it‑tariffi tal‑ajruport dovuti minn OA lill‑Ajruport Internazzjonali ta’ Ateni (AIA) u, min‑naħa l‑oħra, it‑taxxa fuq il‑valur miżjud dovuta minn OA fir‑rigward tal‑karburant u tal‑partijiet ta’ bdil (spare parts). Ir‑rikors ġie miċħud sa fejn kien jikkonċerna l‑għajnuna ġdida illegali l‑oħra kif ukoll l‑għajnuna għar‑ristrutturazzjoni.

10      Peress li kkunsidrat li r‑Repubblika Ellenika ma kinitx adottat il‑miżuri meħtieġa għall‑eżekuzzjoni tas‑sentenza tat‑12 ta’ Mejju 2005, il‑Kummissjoni ppreżentant rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu taħt l‑Artikolu 228 KE. Permezz ta’ sentenza tas‑7 ta’ Lulju 2009, Il‑Kummissjoni vs Il‑Greċja (C‑369/07, li għadha ma ġietx ippubblikata fil‑Ġabra, punti 68, 72, 109, 143 u 145), il‑Qorti tal‑Ġustizzja aċċettat li, bħala prinċipju, tranżazzjoni ta’ tpaċija, sa fejn hija prevista fis‑sistema legali nazzjonali bħala mekkaniżmu ta’ estinzjoni ta’ obbligu, setgħet tikkostitwixxi mezz adegwat sabiex isir l‑irkupru ta’ għajnuna mill‑Istat. Barra minn hekk, hija ddeċidiet li, bla ħsara għall‑applikazzjoni tar‑regoli Komunitarji dwar l‑għajnuna mill‑Istat, kellu jiġi kkonstatat, għall‑finijiet tal‑proċedura inkwistjoni dwar nuqqas ta’ Stat li jwettaq obbligu, li r‑Repubblika Ellenika kienet ipprovat l‑eżistenza ta’ kreditu pagabbli li kien jammonta għal EUR 601 289 003, favur OA, li kien jirriżulta mis‑sentenza mogħtija wara arbitraġġ fis‑6 ta’ Diċembru 2006 li permezz tagħha r‑Repubblika Ellenika kienet ġiet ikkundannata tħallas kumpens lil OA. Filwaqt li osservat li din is‑somma kienet nettament ogħla mill‑ammonti totali tal‑għajnuna li kellha tiġi rkuprata b’eżekuzzjoni tad‑deċiżjoni tal‑11 ta’ Diċembru 2002, il‑Qorti tal‑Ġustizzja qieset li r‑Repubblika Ellenika ma kinitx ipprovat b’mod suffiċjenti għall‑finijiet tal‑liġi, fir‑rigward ta’ parti mill‑għajnuna illegali ġdida msemmija f’din id‑deċiżjoni, li din l‑għajnuna kienet ġiet restitwita. Għaldaqstant, il‑Qorti tal‑Ġustizzja imponiet, f’dan ir‑rigward, il‑ħlas kumulattiv ta’ pagamenti ta’ penalità u ta’ somma f’daqqa.

 Id‑deċiżjoni kkontestata

11      Permezz ta’ ittra tat‑3 ta’ Marzu 2003, l‑awtoritajiet Elleniċi informaw lill‑Kummissjoni dwar l‑istat li kienet waslet fih il‑proċedura ta’ privatizzazzjoni ta’ OA. Matul is‑sena 2003, kien hemm diversi skambji ta’ korrispondenza bejn dawn l‑awtoritajiet u l‑Kummissjoni fir‑rigward tar‑ristrutturazzjoni tal‑kumpannija tal‑ajru OA fid‑dawl tal‑privatizzazzjoni tagħha.

12      Fin‑nuqqas ta’ notifika formali dwar eventwali għajnuna mill‑Istat, il‑Kummissjoni adottat, fit‑8 ta’ Settembru 2003, deċiżjoni fejn ordnat lir‑Repubblika Ellenika tipprovdilha l‑informazzjoni neċessarja kollha għall‑finijiet tal‑eżami, fid‑dawl tad‑dispożizzjonijiet tal‑Aritkolu 87 KE, tal‑miżuri marbuta mar‑ristrutturazzjoni u mal‑privatizzazzjoni tal‑kumpannija tal‑ajru OA, li setgħu jinkludu elementi ta’ għajnuna mill‑Istat.

13      Fil‑25 ta’ Settembru 2003, kumpannija tal‑ajru kompetitriċi, Aeroporia Aigaiou Aeroporiki AE (Aegean Airlines, iktar ’il quddiem “Aeroporia Aigaiou” jew “l‑intervenjenti”), ressqet ilment quddiem il‑Kummissjoni fir‑rigward tal‑proċedura ta’ privatizzazzjoni ta’ OA.

14      Permezz ta’ ittra tad‑29 ta’ Settembru 2003, l‑awtoritajiet Elleniċi għaddew lill‑Kummissjoni l‑Liġi Nru 3185/2003 kif ukoll ir‑risposta għall‑ordni li jipprovdu informazzjoni. Permezz ta’ ittra tal‑31 ta’ Ottubru 2003, il‑Kummissjoni indikat lill‑awtoritajiet Elleniċi li ċerta informazzjoni kienet għadha ma ngħatatx.

15      Permezz ta’ ittra tal‑15 ta’ Diċembru 2003, il‑Kummissjoni tenniet it‑talba tagħha għal informazzjoni. Ir‑Repubblika Ellenika pprovdiet din l‑informazzjoni permezz ta’ ittri tat‑18 u tad‑19 ta’ Diċembru 2003. Permezz ta’ ittra tal‑15 ta’ Jannar 2004, il‑Kummissjoni talbet informazzjoni addizzjonali mingħand l‑awtoritajiet Elleniċi, li wieġbu permezz ta’ żewġ ittri tal‑15 u tas‑16 ta’ Jannar 2004.

16      Permezz ta’ deċiżjoni tas‑16 ta’ Marzu 2004, il‑Kummissjoni fetħet il‑proċedura ta’ investigazzjoni formali prevista fl‑Artikolu 88(2) KE fir‑rigward tal‑miżuri marbuta mar‑ristrutturazzjoni u mal‑privatizzazzjoni tal‑grupp Olympic Airways, meħuda fir‑rigward ta’ OA u ta’ NOA mir‑Repubblika Ellenika, wara l‑adozzjoni tad‑deċiżjoni tal‑11 ta’ Diċembru 2002 (ĠU C 192, p. 2).

17      F’din id‑deċiżjoni, il‑Kummissjoni osservat, b’mod partikolari, li OA, mal‑qsim tal‑attivitajiet ta’ titjiriet tal‑grupp Olympic Airways u l‑konsolidazzjoni ta’ dawn l‑attivitajiet taħt il‑kumpannija ġdida NOA, ma kinitx baqgħet twettaq attivitajiet tal‑ajru u kienet baqgħet tipprovdi servizzi ta’ assistenza fuq l‑art, ta’ manutenzjoni u ta’ taħriġ. Hija indikat li f’dak l‑istadju l‑awtoritajiet Elleniċi ma kellhomx il‑ħsieb li jpoġġu lil OA taħt proċedura ta’ stralċ minkejja li l‑livell tal‑fondi tagħha kien negattiv għat‑tieni sena konsekuttiva. Fil‑fatt, skont l‑awtoritajiet Elleniċi, il‑proċess ta’ ristrutturazzjoni mibdi f’Diċembru 2003 kellu jdum bejn erba’ u ħames snin u permezz tiegħu kellha tiġi assorbita parti sostanzjali mid‑dejn ta’ OA, li mbagħad kellha titqiegħed taħt proċedura ta’ stralċ ladarba d‑diviżjonijiet tagħha kollha, kif ukoll l‑assi l‑oħra, bħall‑bini, il‑makkinarju, l‑ajruplani li ma jkunux għadhom itiru, u kull tagħmir ieħor, ikunu nbiegħu.

18      Fid‑deċiżjoni tas‑16 ta’ Marzu 2004, il‑Kummissjoni kkunsidrat li kien jidher li ċertu numru ta’ vantaġġi mogħtija lil OA kien jikkostitwixxi għajnuna mill‑Istat inkompatibbli mas‑suq komuni. Hija enfasizzat ukoll li l‑kumpannija tal‑ajru ġdida NOA kienet ibbenefikat mit‑trasferiment tal‑assi tas‑settur tal‑attivitajiet ta’ titjiriet tal‑grupp Olympic Airways, filwaqt li l‑passiv kunsiderevoli nżamm fuq OA u li ebda kreditur ta’ OA ma seta’ jdur fuq NOA. Fl‑aħħar nett, il‑Kummissjoni sostniet li, fil‑kuntest tal‑proċedura ta’ investigazzjoni miftuħa, hija kienet telqet “mill‑prinċipju li l‑kumpanniji kollha li jappartjenu lill‑grupp – inkluż [NOA] – [kienu] impriża waħda”.

19      Permezz ta’ ittra tal‑11 ta’ Ġunju 2004, ir‑Repubblika Ellenika bagħtet lill‑Kummissjoni l‑osservazzjonijiet tagħha dwar id‑deċiżjoni tas‑16 ta’ Marzu 2004.

20      Wara l‑pubblikazzjoni tad‑deċiżjoni msemmija iktar ’il fuq fil‑Ġurnal Uffiċjali tal‑Unjoni Ewropea, Aeroporia Aigaiou ppreżentant osservazzjonijiet fit‑terminu mogħti għal dan il‑għan lil terzi interessati.

21      Permezz ta’ ittra tal‑11 ta’ Ottubru 2004, il‑Kummissjoni nnotifikat lir‑Repubblika Ellenika, skont l‑Artikolu 11(1) tar‑Regolament tal‑Kunsill (KE) Nru 659/1999, tat‑22 ta’ Marzu 1999, li jistabbilixxi regoli dettaljati għall‑applikazzjoni tal‑Artikolu [88 KE] (ĠU Edizzjoni Speċjali bil‑Malti, Kapitolu 8, Vol. 1, p. 339), bl‑intenzjoni tagħha li tadotta deċiżjoni li tordna lil dan l‑Istat Membru jissospendi kull miżura ta’ għajnuna sakemm tkun tista’ tittieħed deċiżjoni dwar il‑kompatibbiltà tagħha mat‑Trattat. Ir‑Repubblika Ellenika wieġbet permezz ta’ ittra tas‑26 ta’ Ottubru 2004.

22      Sussegwentement għal din it‑tweġiba, l‑awtoritajiet Elleniċi informaw regolarment lill‑Kummissjoni, permezz ta’ ittri jew matul laqgħat, dwar l‑iżvolġiment tal‑proċedura tal‑privatizzazzjoni ta’ NOA u ta’ OA.

23      Bejn id‑9 u s‑26 ta’ Mejju 2005, l‑uffiċċju ta’ konsulenti Moore Stephens wettaq, fuq talba tal‑Kummissjoni, investigazzjoni fil‑bini ta’ OA u ta’ NOA. Ir‑rapport ta’ dawn il‑konsulenti, tad‑19 ta’ Lulju 2005, huwa intitolat “Enquête sur la restructuration et la privatisation du groupe Olympic Airways/Olympic Airlines” (“Investigazzjoni dwar ir‑ristrutturazzjoni u l‑privatizzazzjoni tal‑grupp Olympic Airways/Olympic Airlines”). Minn dan ir‑rapport jirriżulta li l‑għan ta’ din l‑investigazzjoni kien, b’mod partikolari, li jinstabu risposti għall‑kwistjonijiet ta’ jekk ir‑ristrutturazzjoni tal‑grupp Olympic Airways u l‑ħolqien ta’ NOA kinux biss arranġament legali intiż sabiex l‑assi u l‑attivitajiet jiġu ttrasferiti lil entità legali ġdida filwaqt li d‑dejn jinżamm taħt l‑entità legali preċedenti, u jekk OA u NOA kinux irċevew għajnuna mill‑Istat diretta jew indiretta minn wara din ir‑ristrutturazzjoni.

24      Fl‑14 ta’ Settembru 2005, il‑Kummissjoni adottat id‑deċiżjoni kkontestata fejn ikkonstatat l‑għoti ta’ għajnuna mill‑Istat lil NOA, fil‑forma ta’ renta għas‑sullokazzjoni ta’ ajruplani minn din il‑kumpannija mingħand OA jew mingħand ir‑Repubblika Ellenika li kienet inqas mir‑renta mħallsa minn dawn tal‑aħħar fuq il‑kuntratti ta’ kiri prinċipali [Artikolu 1(1) tad‑deċiżjoni kkontestata]. Barra minn hekk, il‑Kummissjoni kkonstatat, f’din id‑deċiżjoni, l‑għoti ta’ tliet kategoriji ta’ għajnuna mill‑Istat favur OA. L‑ewwel kategorija kienet tikkonċerna l‑ħlas bil‑quddiem lil OA ta’ ammont allegatament iktar mill‑valur reali tal‑assi, relatati mas‑settur tal‑attivitajiet ta’ titjiriet, ittrasferiti lil NOA meta sar il‑qsim [Artikolu 1(2) tad‑deċiżjoni kkontestata]. It‑tieni kategorija ta’ għajnuna kienet tikkonsisti fil‑ħlas lil OA ta’ somma ta’ EUR 8.2 miljun kif ukoll fl‑eżekuzzjoni ta’ ċerti garanziji tal‑Istat li kienu koperti mid‑deċiżjoni tal‑11 ta’ Diċembru 2002 u li kienu ġew emendati [Artikolu 1(3) tad‑deċiżjoni kkontestata]. Fl‑aħħar nett, it‑tielet kategorija kienet tikkonċerna t‑tolleranza tal‑awtoritajiet Elleniċi fir‑rigward tan‑nuqqas ta’ ħlas minn OA ta’ dejn fiskali u ta’ kontribuzzjonijiet ta’ sigurtà soċjali [Artikolu 1(4) tad‑deċiżjoni kkontestata].

25      Id‑dispożittiv tad‑deċiżjoni kkontestata huwa fformulat kif ġej:

“Artikolu 1

1. L‑aċċettazzjoni minn [OA] u [mir‑Repubblika Ellenika] ta’ renta għas‑sullokazzjoni ta’ ajurplani minn [NOA] li hija inqas mill‑ammonti mħallsa għall‑kiri prinċipali, b’telf ta’ madwar EUR 37 miljun fl‑2004 għal [OA] u ta’ madwar EUR 2.75 miljuni sa Mejju 2005 għall‑Istat, tikkostitwixxi għajnuna mill‑Istat illegali favur [NOA] li hija inkompatibbli mat‑Trattat.

2. [Ir‑Repubblika Ellenika] tat għajnuna mill‑Istat illegali u inkompatibbli lil [OA] li l‑ammont tagħha jikkorrispondi għall‑istima iktar mill‑valur reali tal‑assi ta’ [NOA] fil‑mument meta nħolqot din tal‑aħħar. B’mod provviżorju, il‑Kummissjoni tistma li l‑ammont ta’ din l‑għajnuna huwa ta’ madwar EUR 91.5 miljuni.

3. L‑għoti [mir‑Repubblika Ellenika] lil [OA], bejn Mejju 2004 u Marzu 2005, ta’ somom li l‑ammont totali tagħhom huwa ta’ madwar EUR 8 miljuni u l‑ħlas addizzjonali [mir‑Repubblika Ellenika] ta’ ċerti partijiet minn self bankarju u ta’ leasing minflok [OA], sa fejn dawn il‑ħlasijiet mhumiex is‑sempliċi eżekuzzjoni tal‑garanziji msemmija fl‑inċiż (b) [tal‑ewwel paragrafu] tal‑Artikolu 1 tad‑deċiżjoni [tal‑11 ta’ Diċembru 2002] u tal‑kundizzjonijiet marbuta magħhom, jikkostitwixxu għajnuna mill‑Istat illegali favur [OA] li hija inkompatibbli mat‑Trattat.

4. It‑tolleranza kostanti murija [mir‑Repubblika Ellenika] fil‑konfront ta’ [OA] fir‑rigward tat‑taxxi u tal‑kontribuzzjonijet ta’ sigurtà soċjali dovuti lill‑Istat, li jammontaw għal madwar EUR 354 miljun għall‑perijodu bejn Diċembru 2002 u Diċembru 2004, tikkostitwixxi għajnuna mill‑Istat illegali favur [OA] li hija inkompatibbli mat‑Trattat.

Artikolu 2

1. [Ir‑Repubblika Ellenika] għandha tirkupra mingħand il‑benefiċjarji l‑għajnuna msemmija fl‑Artikolu 1.

2. L‑irkupru tal‑għajnuna għandu jsir mingħajr dewmien u skont il‑proċeduri previsti mil‑leġiżlazzjoni nazzjonali, sakemm dawn il‑proċeduri jippermettu l‑eżekuzzjoni immedjata u effettiva tad‑deċiżjoni. L‑ammonti li għandhom jiġu rkuprati jinkludu l‑interessi dovuti b’effett mit‑tqegħid għad‑dispożizzjoni tal‑għajnuna sad‑data tar‑rimbors tagħha. L‑interessi għandhom jiġu kkalkolati fuq il‑bażi tar‑rata ta’ referenza użata sabiex jiġi kkalkolat l‑ekwivalenti ta’ sussidju għall‑għajnuna reġjonali.

Artikolu 3

[Ir‑Repubblika Ellenika] għandha tissospendi immedjatament l‑għoti ta’ kull għajnuna addizzjonali lil [OA] u lil [NOA].

Artikolu 4

[Ir‑Repubblika Ellenika] għandha tinforma lill‑Kummissjoni, f’terminu ta’ xahrejn mid‑data tan‑notifika ta’ din id‑deċiżjoni, bil‑miżuri adottati skont l‑Artikoli 2 u 3.”

26      Id‑deċiżjoni kkontestata ġiet innotifikata lir‑Repubblika Ellenika fil‑15 ta’ Settembru 2005.

27      Fis‑sentenza tagħha tal‑14 ta’ Frar 2008, Il‑Kummissjoni vs Il‑Greċja (C‑419/06, mhux ippubblikata fil‑Ġabra), il‑Qorti tal‑Ġustizzja, adita mill‑Kummissjoni taħt l‑Artikolu 88(2) KE, ikkonstatat li r‑Repubblika Ellenika kienet naqset milli twettaq l‑obbligi tagħha taħt l‑Artikoli 2 sa 4 tad‑deċiżjoni kkontestata billi ma ħaditx, fit‑termini mogħtija, il‑miżuri neċessarji kollha sabiex telimina u tirkupra mingħand il‑benefiċjarji l‑għajnuna ddikjarata illegali u inkompatibbli mas‑suq komuni permezz tad‑deċiżjoni kkontestata.

 Il‑proċedura u t‑talbiet tal‑partijiet

28      Permezz ta’ atti ppreżentati fir‑Reġistru tal‑Qorti Ġenerali fil‑25 ta’ Novembru 2005, ir‑rikorrenti, ir‑Repubblika Ellenika, NOA u OA, ippreżentaw ir‑rikorsi ineżami.

29      Fil‑Kawża T‑416/05, permezz ta’ att separat ippreżentat fir‑Reġistru tal‑Qorti Ġenerali fl‑4 ta’ Frar 2006, ir‑rikorrenti ppreżentat talba għas‑sospensjoni tal‑eżekuzzjoni tal‑Artikolu 2 tad‑deċiżjoni kkontestata sa fejn jikkonċerna l‑għajnuna msemmija fl‑Artikolu 1(1) ta’ din id‑deċiżjoni. Permezz ta’ digriet tas‑26 ta’ Ġunju 2006, Olympiakes Aerogrammes vs Il‑Kummissjoni (T‑416/05 R, mhux ippubblikat fil‑Ġabra), il‑President tal‑Qorti Ġenerali ċaħad din it‑talba.

30      Fil‑Kawża T‑423/05, permezz ta’ att separat ippreżentat fir‑Reġistru tal‑Qorti Ġenerali fid‑19 ta’ Ġunju 2006, ir‑rikorrenti ppreżentat talba għas‑sospensjoni tal‑eżekuzzjoni tal‑Artikolu 2 tad‑deċiżjoni kkontestata sa fejn jikkonċerna l‑għajnuna msemmija fl‑Artikolu 1(2) sa (4) ta’ din id‑deċiżjoni. Permezz ta’ digriet tad‑29 ta’ Jannar 2007, Olympiaki Aeroporia Ypiresies vs Il‑Kummissjoni (T‑423/05 R, mhux ippubblikat fil‑Ġabra), il‑President tal‑Qorti Ġenerali ċaħad din it‑talba.

31      Wara bidla fil‑kompożizzjoni tal‑Awli tal‑Qorti Ġenerali, l‑Imħallef Relatur ġie assenjat lis‑Sitt Awla, li lilha ġew għalhekk assenjati l‑kawżi ineżami.

32      Fil‑Kawża T‑416/05, permezz ta’ talba ppreżentata fir‑Reġistru tal‑Qorti Ġenerali fis‑16 ta’ Awwissu 2006, ir‑rikorrenti, filwaqt li bbażat ruħha fuq l‑ewwel u t‑tieni subparagrafi tal‑Artikolu 48(2) tar‑Regoli tal‑Proċedura tal‑Qorti Ġenerali, invokat l‑inammissibbiltà ta’ motivi allegatament ġodda li l‑Kummissjoni invokat fil‑kontroreplika. Hija talbet li l‑Qorti Ġenerali tiddikjara dawn il‑motivi inammissibbli u, sussidjarjament, li tingħata terminu addizzjonali sabiex twieġeb għalihom. Il‑Kummissjoni ppreżentat l‑osservazzjonijiet bil‑miktub tagħha dwar din it‑talba.

33      Fil‑Kawża T‑416/05, permezz ta’ att ippreżentat fir‑Reġistru tal‑Qorti Ġenerali fit‑2 ta’ Mejju 2006, Aeroporia Aigaiou talbet li tintervjeni insostenn tat‑talbiet tal‑Kummissjoni.

34      Permezz ta’ att tal‑14 ta’ Lulju 2006, NOA talbet li din it‑talba għal intervent tiġi miċħuda. Permezz ta’ att separat ippreżentat fl‑istess jum, hija talbet trattament kunfidenzjali fil‑konfront ta’ Aeroporia Aigaiou fir‑rigward tad‑deċiżjoni kkontestata kollha, sakemm ma tiġix ippubblikata verżjoni mhux kunfidenzjali ta’ din id‑deċiżjoni fil‑Ġurnal Uffiċjali tal‑Unjoni Ewropea, u fir‑rigward ta’ ċerta informazzjoni li tinsab fir‑rikors, fir‑replika u fl‑annessi tagħhom.

35      Permezz ta’ digriet tas‑6 ta’ Ġunju 2008, il‑President tas‑Sitt Awla aċċetta l‑intervent ta’ Aeroporia Aigaiou insostenn tat‑talbiet tal‑Kummissjoni. Dan id‑digriet kien jipprovdi għall‑komunikazzjoni lill‑intervenjenti, skont id‑dispożizzjonijiet tal‑Artikolu 116(2) tar‑Regoli tal‑Proċedura, tal‑verżjoni mhux kunfidenzjali tal‑atti proċedurali, kif ukoll l‑iffissar ta’ terminu għall‑preżentata ta’ nota ta’ intervent, bla ħsara għall‑possibbiltà li, jekk ikun il‑każ, din in‑nota tiġi sussegwentement ikkompletata, wara deċiżjoni dwar il‑fondatezza tat‑talba għal trattament kunfidenzjali.

36      Permezz ta’ att ippreżentat fir‑Reġistru tal‑Qorti Ġenerali fil‑25 ta’ Ġunju 2008, l‑intervenjenti kkontestat it‑talba għal trattament kunfidenzjali, ippreżentata minn NOA. Filwaqt li talbet il‑komunikazzjoni sħiħa tal‑atti proċedurali kollha, hija indikat l‑intenzjoni tagħha li tippreżenta nota ta’ intervent abbażi tal‑verżjonijiet mhux kunfidenzjali tal‑atti li kienu ġew ikkomunikati lilha. In‑nota ta’ intervent ġiet ippreżentata fit‑22 ta’ Lulju 2008.

37      Fil‑Kawża T‑416/05, permezz ta’ ittra ppreżentata fir‑Reġistru tal‑Qorti Ġenerali fit‑8 ta’ Marzu 2010, bi tweġiba għall-mistoqsijiet magħmula mill‑Qorti Ġenerali dwar it‑talba tagħha għal trattament kunfidenzjali, ir‑rikorrenti rtirat din it‑talba wara li, fi tmiem il‑proċedura ta’ privatizzazzjoni, tqiegħdet taħt proċedura ta’ stralċ speċifiku u waqqfet kull attività kummerċjali. L‑intervenjenti ġiet mistiedna tippreżenta l‑osservazzjonijiet addizzjonali tagħha.

38      Fil‑Kawża T‑423/05, Aeroporia Aigaiou, permezz ta’ att ippreżentat fir‑Reġistru tal‑Qorti Ġenerali fis‑17 ta’ Mejju 2006, talbet li tintervjeni insostenn tat‑talbiet tal‑Kummissjoni. Permezz ta’ att tat‑28 ta’ Lulju 2006, ir‑rikorrenti talbet li din it‑talba għal intervent tiġi miċħuda. Permez ta’ att separat ippreżentat fl‑istess jum, hija ressqet talba għal trattament kunfidenzjali fil‑konfront ta’ Aeroporia Aigaiou.

39      Permezz ta’ digriet tas‑6 ta’ Ġunju 2008, il‑President tas‑Sitt Awla aċċetta l‑intervent ta’ Aeroporia Aigaiou insostenn tat‑talbiet tal‑Kummissjoni, fil‑Kawża T‑423/05. Dan id‑digriet kien jipprovdi għall‑komunikazzjoni fi żmien utli lill‑intervenjenti, skont id‑dispożizzjonijiet tal‑Artikolu 116(6) tar‑Regoli tal‑Proċedura, tar‑rapport għas‑seduta, sabiex din tkun tista’ tippreżenta l‑osservazzjonijiet eventwali tagħha matul is‑seduta.

40      Fil‑Kawża T‑423/05, permezz ta’ ittra ppreżentata fir‑Reġistru tal‑Qorti Ġenerali fl‑10 ta’ Mejju 2010, bi tweġiba għall‑mistoqsijiet magħmula mill‑Qorti Ġenerali dwar, b’mod partikolari, it‑talba tagħha għal trattament kunfidenzjali, ir‑rikorrenti rtirat din it‑talba wara li, fi tmiem il‑proċedura ta’ privatizzazzjoni, tqiegħdet taħt proċedura ta’ stralċ speċifiku.

41      Permezz ta’ digriet tat‑18 ta’ Mejju 2010, il‑President tas‑Sitt Awla ordna, wara li sema’ l‑partijiet kollha, li l‑Kawżi T‑415/05, T‑416/05 u T‑423/05 jingħaqdu għall‑finijiet tal‑proċedura orali u tas‑sentenza.

42      Minħabba l‑impediment tal‑Imħallef Tchipev, il‑President tal‑Qorti Ġenerali ddeċieda, skont l‑Artikolu 32(3) tar‑Regoli tal‑Proċedura, li jpoġġi huwa stess fil‑kawżi ineżami sabiex tiġi kkompletata l‑Awla.

43      Fil‑Kawża T‑415/05, ir‑rikorrenti titlob li l‑Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tannulla totalment jew parzjalment id‑deċiżjoni kkontestata;

–        tikkundanna lill‑Kummissjoni għall‑ispejjeż.

44      Fil‑Kawża T‑416/05, ir‑rikorrenti titlob li l‑Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tannulla l‑Artikolu 1(1) u (4), u l‑Artikolu 2 tad‑deċiżjoni kkontestata, sa fejn jikkonċernawha;

–        tikkundanna lill‑Kummissjoni għall‑ispejjeż.

45      Fil‑Kawża T‑423/05, ir‑rikorrenti titlob li l‑Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tannulla kompletament jew parzjalment id‑deċiżjoni kkontestata sa fejn tirreferi għall‑għajnuna mogħtija lilha;

–        tikkundanna lill‑Kummissjoni għall‑ispejjeż.

46      Il‑Kummissjoni, sostnuta minn Aeroporia Aigaiou fil‑Kawżi T‑416/05 u T‑423/05, titlob li l‑Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad ir‑rikorsi;

–        tikkundanna lir‑rikorrenti għall‑ispejjeż.

47      Wara r‑rapport tal‑Imħallef Relatur, il‑Qorti Ġenerali (Is‑Sitt Awla) iddeċidiet li tiftaħ il‑proċedura orali mingħajr ma tordna miżuri istruttorji preliminari. Fil‑kuntest tal‑miżuri ta’ organizzazzjoni tal‑proċedura, il‑partijiet ġew mistiedna jwieġbu għal mistoqsijiet bil‑miktub magħmula mill‑Qorti Ġenerali u jipproduċu ċerti dokumenti. Huma osservaw dawn it‑talbiet.

48      It‑trattazzjoni tal‑partijiet u t‑tweġibiet tagħhom għall‑mistoqsijiet magħmula mill‑Qorti Ġenerali nstemgħu matul is‑seduta li nżammet fl‑14 ta’ Ġunju 2010.

49      Fil‑Kawża T‑415/05, ir‑Repubblika Ellenika, li kienet talbet ir‑rinviju tal‑kawża quddiem l‑Awla Manja, ikkonfermat li kienet qiegħda tirtira din it‑talba matul is‑seduta.

 Id‑dritt

A –  Fuq l‑estinzjoni tal‑interess ġuridiku tar‑rikorrenti

1.     L‑argumenti tal‑partijiet

50      Fl‑osservazzjonijiet bil‑miktub tagħha bi tweġiba għal mistoqsija tal‑Qorti Ġenerali, il‑Kummissjoni kkontestat l‑eżistenza ta’ interess ġuridiku attwali tar‑rikorrenti fil‑Kawżi T‑416/05 u T‑423/05, NOA u OA, wara li, fi tmiem il‑proċedura ta’ privatizzazzjoni, tqiegħdu fi proċedura ta’ stralċ.

51      Il‑Kummissjoni sostniet ukoll li, fil‑Kawża T‑415/05, ir‑Repubblika Ellenika ma setgħetx tibqa’ tiġġustifika interess ġuridiku wara li l‑għajnuna koperta mid‑deċiżjoni kkontestata kienet tħallset lura.

52      F’dan ir‑rigward, il‑Kummissjoni sostniet li l‑interessi tar‑Repubblika Ellenika, li hija l‑uniku azzjonarju u, jekk mhux l‑uniku kreditur, għall‑inqas il‑kreditur prinċipali ta’ NOA u ta’ OA, kienu ġew kompletament sodisfatti bl‑irkupru tal‑għajnuna kontenzjuża. Għalhekk, l‑annullament tad‑deċiżjoni kkontesta mhux ser ikun ta’ vantaġġ addizzjonali għaliha. B’mod partikolari, ma hemm xejn li jippermetti li jiġi kkunsidrat li, wara l‑ħlas minn dawn il‑kumpanniji tad‑dejn privileġġjat tar‑Repubblika Ellenika, ser ikun jista’ jiġi onorat ukoll dejn li jista’ jkun hemm fil‑konfront ta’ kredituri oħra.

53      Ir‑Repubblika Ellenika, matul is‑seduta, kif ukoll NOA u OA, kemm fit‑tweġibiet bil‑miktub tagħhom għall‑mistoqsijiet magħmula mill‑Qorti Ġenerali u kemm matul is‑seduta, ikkontestaw dan l‑argument tal‑Kummissjoni. Huma enfasizzaw b’mod partikolari, matul is‑seduta, li d‑dejn fil‑konfront tal‑membri tal‑persunal u d‑dejn iggarantit b’ipoteka kellhom preċedenza fuq dawk id-djun fil‑konfront tal‑Istat.

54      Fl‑aħħar nett, fil‑Kawżi T‑416/05 u T‑423/05, l‑intervenjenti sostniet, fit‑tweġiba tagħha għal mistoqsija bil‑miktub magħmula mill‑Qorti Ġenerali fil‑Kawża T‑416/05, u matul is‑seduta fiż‑żewġ kawżi msemmija, li hija kien għad għandha interess tintervjeni insostenn tat‑talbiet tal‑Kummissjoni wara t‑tqegħid tal‑kumpanniji rikorrenti taħt proċedura ta’ stralċ.

55      NOA, fit‑tweġiba tagħha għal mistoqsija bil‑miktub magħmula mill‑Qorti Ġenerali u matul is‑seduta, kif ukoll OA, matul is‑seduta, ikkontestaw l‑eżistenza ta’ tali interess ta’ Aeroporia Aigaiou li tkompli bl‑intervent tagħha.

2.     Il‑kunsiderazzjonijiet tal‑Qorti Ġenerali

56      Il‑kundizzjonijiet ta’ ammissibbiltà huma fost l‑eċċezzjonijiet ta’ inammissibbiltà ta’ ordni pubbliku li l‑Qorti tal‑Unjoni Ewropea tista’ teżamina ex officio f’kull mument (ara d-digriet tal‑Qorti Ġenerali tal‑10 ta’ Marzu 2005, Gruppo ormeggiatori del porto di Venezia et vs Il‑Kummissjoni, T‑228/00, T‑229/00, T‑242/00, T‑243/00, T‑245/00 sa T‑248/00, T‑250/00, T‑252/00, T‑256/00 sa T‑259/00, T‑265/00, T‑267/00, T‑268/00, T‑271/00, T‑274/00 sa T‑276/00, T‑281/00, T‑287/00 u T‑296/00, Ġabra p. II‑787, punt 22, u l‑ġurisprudenza ċċitata). F’dan il‑każ, fid‑dawl tal‑argumenti tal‑partijiet, għandu jiġi vverifikat jekk ir‑rikorrenti jistgħux ikomplu bir‑rikors tagħhom wara t‑tqegħid taħt proċedura ta’ stralċ ta’ NOA u ta’ OA u wara r‑rimbors invokat tal‑għajnuna inkwistjoni.

57      Fl‑ewwel lok, fir‑rigward tal‑allegata inammissibbiltà tar‑rikors ippreżentat mir‑Repubblika Ellenika (Kawża T‑415/05), għandu jiġi enfasizzat li, skont ġurisprudenza ferm stabbilita, l‑Artikolu 230 KE jagħmel distinzjoni ċara bejn id‑dritt tal‑istituzzjonijiet Komunitarji u tal‑Istati Membri li jippreżentaw rikors għal annullament, minn naħa, u d‑dritt ta’ persuni fiżiċi u ġuridiċi li jippreżentaw tali rikors, min‑naħa l‑oħra, filwaqt li t‑tieni paragrafu ta’ dan l‑artikolu jagħti b’mod partikolari lil kull Stat Membru d‑dritt li jikkontesta, permezz ta’ rikors għal annullament, il‑legalità tad‑deċiżjonijiet tal‑Kummissjoni, mingħajr ma l‑eżerċizzju ta’ dan id‑dritt ma jkunx suġġett għall‑ġustifikazzjoni ta’ interess ġuridiku. Għalhekk, sabiex ir‑rikors tiegħu jkun ammissibbli, Stat Membru ma huwiex meħtieġ juri li att tal‑Kummissjoni kkontestat minnu għandu effetti legali fil‑konfront tiegħu. Madankollu, sabiex att tal‑Kummissjoni jkun jista’ jkun is‑suġġett ta’ rikors għal annullament, huwa meħtieġ li dan l‑att ikun intiż li jipproduċi effetti legali (id-digriet tal‑Qorti tal‑Ġustizzja tas‑27 ta’ Novembru 2001, Il‑Portugall vs Il‑Kummissjoni, C‑208/99, Ġabra p. I‑9183, punti 22 sa 24; ara wkoll, f’dan is‑sens, is‑sentenza tal‑Qorti Ġenerali tal‑21 ta’ Mejju 2010, Franza et vs Il‑Kummissjoni, T‑425/04, T‑444/04, T‑450/04 u T‑456/04, li għadha ma ġietx ippubblikata fil‑Ġabra, punti 118 sa 120).

58      F’dan il‑każ, fid‑deċiżjoni kkontestata, il‑Kummissjoni tikklassifika l‑miżuri kontenzjużi favur NOA u OA bħala għajnuna mill‑Istat u tiddikjarahom inkompatibbli mas‑suq komuni.

59      Minn dan jirriżulta li din id‑deċiżjoni tipproduċi effetti legali vinkolanti u għalhekk tikkostitwixxi att li jista’ jiġi kkontestat.

60      Għaldaqstant, ir‑Repubblika Ellenika, li qiegħda tikkontesta b’mod partikolari l‑klassifikazzjoni tal‑miżuri kontenzjużi bħala għajnuna mill‑Istat, tista’, għas‑sempliċi raġuni li għandha l‑istatus ta’ Stat Membru, tippreżenta rikors għal annullament kontra d‑deċiżjoni kkontestata u tista’, għalhekk, għas‑sempliċi raġuni li għandha dan l‑istatus, tkompli b’dan ir‑rikors.

61      Fit‑tieni lok, fir‑rigward tal‑allegat nuqqas ta’ interess ġuridiku ta’ NOA (Kawża T‑416/05) u ta’ OA (Kawża T‑423/05), għandu jitfakkar li, skont il‑ġurisprudenza, l‑interess ġuridiku tar‑rikorrent għandu jippersisti sal‑għoti tad‑deċiżjoni ġudizzjarja. Fil‑fatt, ma jkunx għad hemm lok li tingħata deċiżjoni dwar ir‑rikors jekk ir‑rikorrent jitlef kull interess personali fl‑annullament tal‑att ikkontestat minħabba avveniment, li jseħħ fil‑mori tal‑kawża, li jkollu l‑effett li l‑annullament ta’ dan l‑att ma jkunx għadu jista’, fih innifsu, ikollu konsegwenzi legali favur ir‑rikorrent (sentenzi tal‑Qorti Ġenerali tad‑9 ta’ Lulju 2008, Alitalia vs Il‑Kummissjoni, T‑301/01, Ġabra p. II‑1753, punt 37, u tad‑19 ta’ Marzu 2010, Gollnisch vs Il‑Parlament, T‑42/06, li għadha ma ġietx ippubblikata fil‑Ġabra, punt 61).

62      F’dan il‑każ, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li l‑kumpanniji rikorrenti – li fit‑tweġibiet tagħhom għall‑mistoqsijiet bil‑miktub magħmula mill‑Qorti Ġenerali ppreċiżaw li huma kienu rrimborsaw kompletament l‑għajnuna illegali, skont id‑deċiżjoni kkontestata – qegħdin ġustament isostnu li għandhom interess personali u attwali li jkomplu bir‑rikorsi tagħhom safejn, jekk id‑deċiżjoni kkontestata tiġi annullata, ir‑Repubblika Ellenika tkun obbligata tagħtihom lura l‑ammonti rrimborsati, liema ammonti jiġu inklużi mal‑assi fil‑bilanċ ta’ likwidazzjoni rispettiv tagħhom.

63      Minn dan isegwi li r‑rikorsi ineżami huma ammissibbli.

64      Barra minn hekk, fil‑Kawżi T‑416/05 u T‑423/05, fir‑rigward tal‑kwistjoni jekk Aeroporia Aigaiou għadx għandha interess dirett u attwali fis‑soluzzjoni tal‑kawżi, fis‑sens tat‑tieni paragrafu tal‑Artikolu 40 tal‑Istatut tal‑Qorti tal‑Ġustizzja, huwa biżżejjed li jitfakkar li, fid‑digriet Olympiakes Aerogrammes vs Il‑Kummissjoni, iċċitat iktar ’il fuq (punt 28), u fid‑digriet Olympiaki Aeroporia Ypiresies vs Il‑Kummissjoni, iċċitat iktar ’il fuq (punt 23), fejn ġie aċċettat l‑intervent ta’ Aeroporia Aigaiou insostenn tat‑talbiet tal‑Kummissjoni, tali interess dirett u attwali ġie rrikonoxxut minħabba li l‑intervenjenti, minn naħa, sabet ruħha f’sitwazzjoni ta’ kompetizzjoni ma’ OA u NOA, benefiċjarji tal‑għajnuna msemmija fid‑deċiżjoni kkontestata, u, min‑naħa l‑oħra, kienet ħadet sehem attiv fil‑proċedura ta’ investigazzjoni formali li kienet wasslet għall‑adozzjoni tad‑deċiżjoni kkontestata, li kienet deċiżjoni pożittiva għaliha. Issa, sakemm NOA u OA jkollhom, anki wara li tqiegħdu taħt proċedura ta’ stralċ, interess li jitolbu l‑annullament tad‑deċiżjoni kkontestata, Aeroporia Aigaiou jibqgħalha interess korrelattiv li tintervjeni insostenn tal‑Kummissjoni sabiex tiddefendi l‑legalità ta’ din id‑deċiżjoni, minn tal‑inqas sabiex tressaq talbiet għal kumpens, segwiti eventwalment minn rikorsi, ibbażati fuq l‑għoti illegali, matul il‑perijodu ta’ kompetizzjoni msemmi iktar ’il fuq, ta’ għajnuna li kienet preġudizzjali għaliha.

65      Għalhekk, għandu jiġi rrikonoxxut li Aeroporia Aigaiou, bħala intervenjenti, għandha interess fis‑soluzzjoni tal‑kawżi ineżami.

B –  Fuq il‑mertu

66      Ir‑rikorrenti jikkontestaw il‑konstatazzjonijiet tal‑Kummissjoni dwar, fl‑ewwel lok, l‑eżistenza ta’ kontinwità ekonomika bejn OA u NOA għall‑finijiet tal‑irkupru tal‑għajnuna (Kawżi T‑415/05 u T‑416/05), fit‑tieni lok, l‑għoti ta’ għajnuna mill‑Istat lil NOA (il-Kawżi T‑415/04 u T‑416/05) u, fit‑tielet lok, l‑għoti ta’ għajnuna mill‑Istat lil OA (Kawżi T‑415/05, T‑416/05 u T‑423/05). Barra minn hekk, huma jinvokaw, fir‑raba’ lok, in‑nuqqas ta’ rispett tad‑dritt għal smigħ tal‑Istat Membru kkonċernat (Kawżi T‑415/05 u T‑423/05), fil‑ħames lok, ksur tal‑prinċipju ta’ proporzjonalità (Kawżi T‑415/05 u T‑416/05) u, fis‑sitt lok, ksur tal‑prinċipju ta’ ne bis in idem (Kawżi T‑415/05 u T‑423/05).

67      Qabel ma jiġu eżaminati suċċessivament dawn id‑diversi lmenti, għandu jiġi osservat, preliminarjament, li, fil‑Kawża T‑416/05, ir‑rikorrenti, NOA, sostniet l‑inammissibbiltà ta’ motivi allegatament ġodda tal‑Kummissjoni (ara l‑punt 34 iktar ’il fuq). L‑ammissibbiltà ta’ dawn il‑motivi se tiġi evalwata waqt l‑eżami tal‑motivi li huma relatati magħhom (ara l‑punti 116, 117, 129 sa 131, 208 u 409 iktar ’il quddiem).

1.     Fuq it‑teħid inkunsiderazzjoni ta’ kontinwità ekonomika bejn OA u NOA għall‑finijiet tal‑irkupru tal‑għajnuna (Kawżi T‑415/05 u T‑416/05)

a)     L‑argumenti tal‑partijiet

68      Fir‑rigward tal‑identifikazzjoni tal‑benefiċjarji tal‑għajnuna inkwistjoni għall‑finijiet tal‑irkupru tagħha, ir‑Repubblika Ellenika u NOA jikkontestaw il‑konstatazzjoni tal‑Kummissjoni li hemm kontinwità ekonomika bejn OA u NOA, sa fejn din il‑konstatazzjoni tista’ tiġi interpretata, fid‑dawl tal‑Artikolu 1(4), moqri flimkien mal‑Artikolu 2 tad‑deċiżjoni kkontestata, fis‑sens li timponi l‑irkupru mingħand NOA ta’ għajnuna mogħtija lil OA wara l‑adozzjoni tad‑deċiżjoni tal‑11 ta’ Diċembru 2002 u qabel il‑qsim.

69      Fl‑ewwel lok, ir‑rikorrenti jqisu li, fin‑nuqqas ta’ ordni ta’ rkupru ċara u preċiża f’dan is‑sens fid‑dispożittiv tad‑deċiżjoni kkontestata, skont l‑Artikolu 88 KE u l‑Artikolu 14 tar‑Regolament Nru 659/1999, ebda obbligu li tiġi rkuprata tali għajnuna mingħand NOA ma jirriżulta minn din id‑deċiżjoni.

70      Ir‑Repubblika Ellenika ssostni li n‑nuqqas ta’ preċiżjoni min‑naħa tal‑Kummissjoni, kemm fid‑deċiżjoni kkontestata u kif ukoll fl‑atti tagħha, li jinkludu numru ta’ kontradizzjonijiet, joħloq dubji dwar ir‑raġunijiet u l‑portata tal‑inklużjoni, fid‑deċiżjoni kkontestata (il-premessi 178 sa 183), tal‑konstatazzjoni msemmija iktar ’il fuq dwar il‑fatt li NOA kienet is‑suċċessur ta’ OA għall‑finijiet tal‑irkupru tal‑għajnuna, filwaqt li fl‑istess ħin il‑Kummissjoni tammetti, fir‑risposta, li din il‑konstatazzjoni tikkonċerna esklużivament id‑deċiżjoni tal‑11 ta’ Diċembru 2002 u ma għandha ebda konsegwenza legali fir‑rigward tad‑deċiżjoni kkontestata u filwaqt li l‑Kummissjoni tinvoka n‑nuqqas ta’ interess ġuridiku tagħha fuq dan il‑punt.

71      Għalhekk, skont ir‑Repubblika Ellenika, huwa indispensabbli li jiġi ċċarat, skont il‑prinċipju ta’ ċertezza legali, jekk id‑deċiżjoni kkontestata tipprovdix li NOA tista’ tkun obbligata tirrimborsa b’mod partikolari l‑għajnuna msemmija fl‑Artikolu 1(4) tad‑deċiżjoni kkontestata, b’tali mod li l‑kwistjoni tas‑suċċessjoni ta’ OA minn NOA għall‑finijiet tal‑irkupru tal‑għajnuna tkun suġġetta mingħajr telf ta’ żmien għall‑istħarriġ tal‑Qorti Ġenerali fil‑kuntest tar‑rikors ineżami.

72      Fit‑tieni lok, ir‑Repubblika Ellenika u NOA jsostnu li l‑affermazzjoni tal‑Kummissjoni, fid‑deċiżjoni kkontestata (il-premessa 183), li NOA għandha titqies, minn tal‑inqas għall‑finijiet tal‑irkupru tal‑għajnuna preċedenti għall‑qsim tas‑settur tal‑attivitajiet ta’ titjiriet, bħala s‑suċċessur ta’ OA, hija vvizzjata bi żball manifest ta’ evalwazzjoni u b’nuqqas ta’ motivazzjoni.

73      Ir‑rikorrenti jirrikonoxxu li, skont il‑ġurisprudenza, il‑Kummissjoni tista’ tkun obbligata teżiġi li l‑irkupru ma jkunx limitat għall‑benefiċjarju inizjali tal‑għajnuna iżda jkun jestendi wkoll għall‑impriża li eventwalment tkompli bl‑attività tal‑impriża inizjali permezz tal‑mezzi ta’ produzzjoni li jkunu ġew ittrasferiti lilha, meta jkun hemm kontinwità ekonomika bejn iż‑żewġ impriżi (sentenza tal‑Qorti tal‑Ġustizzja tat‑8 ta’ Mejju 2003, L‑Italja u SIM2 Multimedia vs Il‑Kummissjoni, C‑328/99 u C‑399/00, Ġabra p. I‑4035, punt 77). Madankollu, minn din il‑ġurisprudenza jirriżulta, l‑ewwel nett, li l‑irkupru tal‑għajnuna mingħand terzi huwa biss possibbiltà u, it‑tieni nett, li għandu jkun hemm element ta’ kontinwità ekonomika.

74      B’mod partikolari, il‑possibbiltà għal kumpannija f’diffikultà ekonomika li tieħu miżuri sabiex ittejjeb il‑pożizzjoni tagħha ma tistax tiġi mwarrba a priori minħabba rekwiżiti marbuta mal‑irkupru ta’ għajnuna inkompatibbli mas‑suq komuni (sentenza L‑Italja u SIM2 Multimedia vs Il‑Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 76). Għall‑kuntrarju tal‑allegazzjonijiet tal‑Kummissjoni, l‑intenzjoni li jiġi evitat l‑obbligu ta’ rimbors tittieħed inkunsiderazzjoni meta tiġi eżaminata l‑loġika ekonomika tal‑operazzjoni ta’ trasferiment/trasformazzjoni (sentenza L‑Italja u SIM2 Multimedia vs Il‑Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 17, u s‑sentenza tal‑Qorti Ġenerali tad‑19 ta’ Ottubru 2005, CDA Datenträger Albrechts vs Il‑Kummissjoni, T‑324/00, Ġabra p. II‑4309, punti 102 sa 104).

75      F’dan id‑dawl, ir‑rikorrenti jfakkru li t‑trasferiment, mill‑kumpannija benefiċjarja tal‑għajnuna, ta’ parti mill‑elementi tal‑assi tagħha lil persuna ġuridika terza, bl‑intenzjoni li din tiġi żgurata possibbiltà ta’ żvilupp protetta mill‑inċertezzi legali u ekonomiċi li jkunu ta’ theddida għat‑tkomplija tal‑ġestjoni ta’ din il‑parti tal‑attività tagħha, ma huwiex prova, fih innifsu, tal‑eżistenza ta’ intenzjoni li jiġu evitati l‑effetti tal‑irkupru (is-sentenza CDA Datenträger Albrechts vs Il‑Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 98).

76      F’dan il‑każ, skont il‑ġurisprudenza msemmija iktar ’il fuq, il‑kriterju deċiżiv huwa għalhekk il‑fatt li t‑trasformazzjoni kienet imposta mil‑loġika ekonomika ta’ rkupru iktar effikaċi u ma kinitx maħsuba sabiex jiġu evitati l‑effetti tal‑ordni ta’ rkupru.

77      Il‑qsim tal‑attivitajiet ta’ titjiriet, fil‑kuntest tal‑programm iktar estensiv ta’ ristrutturazzjoni u ta’ privatizzazzjoni tal‑grupp Olympic Airways, kien intiż sabiex dan is‑settur jinbiegħ bl‑ikbar profitt possibbli. B’mod partikolari, il‑valur tal‑kumpannija tal‑ajru ġdida, NOA, jaqbeż b’mod sostanzjali s‑sempliċi total tal‑elementi ta’ assi ttrasferiti. Dan il‑valur huwa miżjud minħabba l‑eżistenza b’mod partikolari ta’ flotta ta’ ajruplani affidabbli u flessibbli, ta’ persunal imħarreġ tajjeb ħafna, ta’ konoxxenza u ta’ esperjenza tas‑suq nazzjonali, ta’ reputazzjoni u ta’ affidabbiltà kummerċjali, ta’ netwerk ta’ kollaboraturi, ta’ kuntratti ta’ kollaborazzjoni u tad‑dispożizzjoni ta’ time‑slots.

78      Ir‑rikorrenti jqisu għalhekk li, skont il‑kriterju tal‑investitur privat, it‑trasformazzjoni prevista permezz tal‑Liġi Nru 3185/2003 kienet imposta mil‑loġika ekonomika ta’ privatizzazzjoni tal‑grupp Olympic Airways, fid‑dawl ta’ rkupru iktar effikaċi tal‑għajnuna, u ma twettqitx bil‑għan li jiġu evitati l‑effetti tal‑ordni ta’ rkupru. Fil‑fatt, wara tentattivi mingħajr suċċess sabiex OA tiġi pprivatizzata, ir‑Repubblika Ellenika għażlet li taqsam id‑diversi attivitajiet tal‑grupp sabiex tipprivatizzahom separatament, bl‑iktar profitt possibbli. F’dan id‑dawl, NOA tikkontesta b’mod partikolari l‑affermazzjoni tal‑Kummissjoni, fid‑deċiżjoni kkontestata (premessa 178), li l‑intenzjoni tar‑Repubblika Ellenika, meta saret it‑trasformazzjoni ta’ dan il‑grupp, kienet li tippermetti t‑tkomplija tal‑attivitajiet ta’ titjiriet.

79      Ir‑Repubblika Ellenika u NOA jallegaw li, f’dan il‑każ, bħal fil‑kawża li wasslet għas‑sentenza CDA Datenträger Albrechts vs Il‑Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, il‑kumpannija li tneħħitilha parti mill‑assi tagħha, f’dan il‑każ OA, ma tnaqqsilha xejn mill‑patrimonju tagħha peress li ġiet ittrasferita parti ekwivalenti mill‑passiv tagħha. Barra minn hekk, il‑Kummissjoni ammettiet li dejn li jammonta għal EUR 145 miljun ġie ttrasferit lil NOA (premessa 117 tad‑deċiżjoni kkontestata).

80      Barra minn hekk, għall‑kuntrarju tal‑allegazzjonijiet tal‑Kummissjoni fid‑deċiżjoni kkontestata (premessa 179), it‑trasferiment tal‑elementi tal‑assi ta’ OA lil NOA ma ċaħħadx lil OA mid‑dħul tagħha. Fil‑fatt, OA kellha tkompli topera fis‑setturi tal‑assistenza fuq l‑art, tal‑manutenzjoni u tat‑tiswija, tal‑catering, tal‑informatika u tal‑provvista ta’ karburant. OA kellha tirċievi dħul sostanzjali ħafna mingħand NOA, fuq il‑bażi ta’ kundizzjonijiet ta’ tranżazzjoni ta’ natura kummerċjali.

81      F’dawn iċ‑ċirkustanzi, l‑affermazzjoni tal‑Kummissjoni li l‑ħolqien ta’ NOA jikkostitwixxi organizzazzjoni mill‑ġdid artifiċjali fi ħdan l‑istess grupp hija żbaljata. Fil‑fatt, skont il‑Liġi Nru 3185/2003, ir‑Repubblika Ellenika kellha żżomm l‑azzjonijiet ta’ NOA għall‑finijiet biss tal‑privatizzazzjoni tagħha. Barra minn hekk, peress li NOA ma bbenefikat minn ebda vantaġġ bħala kumpannija akkwirenti ta’ parti mill‑assi ta’ OA, u peress li OA kompliet topera, ma kienx hemm kontinwità ekonomika bejn iż‑żewġ kumpanniji li tiġġustifika l‑irkupru mingħand NOA tal‑għajnuna li OA kienet il‑benefiċjarja tagħha (sentenza tal‑Qorti tal‑Ġustizzja tad‑29 ta’ April 2004, Il‑Ġermanja vs Il‑Kummissjoni, C‑277/00, Ġabra p. I‑3925, punt 81).

82      Għall‑kuntrarju tal‑allegazzjonijiet tal‑Kummissjoni, ir‑Repubblika Ellenika ma rrikonoxxietx, fl‑ittra tagħha tat‑2 ta’ Ġunju 2005, li NOA kienet is‑suċċessur ta’ OA. Hija kienet ammettiet biss li, fl‑eventwalità li l‑irkupru ma jkunx jista’ jitwettaq kompletament mingħand OA wara li jkun ġie eżawrit il‑bilanċ li jirriżulta mill‑istralċ ta’ din il‑kumpannija, l‑obbligu ta’ rkupru seta’ jiġi eżegwit fil‑konfront ta’ kumpanniji li jkunu s‑suċċessuri ta’ OA, jekk ikunu sodisfatti l‑kundizzjonijiet stabbiliti mill‑ġurisprudenza Komunitarja fir‑rigward tas‑suċċessjoni tal‑obbligu ta’ rkupru ta’ għajnuna mill‑Istat. Issa dan ma huwiex il‑każ. Peress li l‑konklużjoni tal‑proċedura ta’ privatizzazzjoni ta’ NOA kienet imminenti, l‑awtoritajiet Elleniċi għamlu riferiment espress, fl‑ittra msemmija, għall‑kundizzjoni dwar il‑bejgħ bi prezz tas‑suq raġonevoli.

83      Meta ssostni, fir‑risposta (punt 76), li t‑trasformazzjoni fiha nnifisha ma kinitx is‑suġġett tad‑deċiżjoni kkontestata u għalhekk ma kinitx teħtieġ analiżi dettaljata sabiex jiġi evalwat jekk NOA kinitx is‑suċċessur ta’ OA, il‑Kummissjoni ammettiet li hija ma kinitx ħadet inkunsiderazzjoni l‑kriterju fundamentali marbut mal‑loġika ekonomika ta’ din it‑trasformazzjoni.

84      Għaldaqstant, il‑motivazzjoni li fuqha hija bbażata l‑konstatazzjoni, fid‑deċiżjoni kkontestata, li NOA kienet is‑suċċessur ta’ OA għall‑finijiet tal‑irkupru tal‑għajnuna, hija insuffiċjenti sa fejn il‑Kummissjoni ma eżaminatx il‑loġika ekonomika tal‑proċedura tal‑inkorporazzjoni ta’ NOA bħala element tar‑ristrutturazzjoni u privatizzazzjoni ta’ OA, bil‑għan li jkun jista’ jiġi rkuprat l‑ogħla ammont possibbli tal‑għajnuna mogħtija illegalment.

85      Fl‑aħħar nett, ir‑Repubblika Ellenika u NOA jikkontestaw il‑mod kif il‑Kummissjoni tinterpreta s‑sentenza tat‑12 ta’ Mejju 2005. Huma josservaw li l‑Qorti tal‑Ġustizzja kienet iddeċidiet biss dwar il‑konsegwenzi legali u finanzjarji tal‑Liġi Nru 3185/2003 fuq l‑eżekuzzjoni tad‑deċiżjoni tal‑11 ta’ Diċembru 2002. Il‑Qorti tal‑Ġustizzja la kienet iddeċidiet dwar l‑intenzjonijiet li kienu ddettaw l‑għażla li jinqasam is‑settur tal‑attivitajiet ta’ titjiriet, la dwar il‑kompatibbiltà ta’ din ir‑ristrutturazzjoni mad‑dispożizzjonijiet tal‑Artikolu 87 KE, u lanqas dwar il‑kwistjoni ta’ jekk NOA setgħatx titqies bħala s‑suċċessur ta’ OA għall‑finijiet tal‑irkupru tal‑għajnuna koperta mid‑deċiżjoni tal‑11 ta’ Diċembru 2002. Fil‑kuntest ta’ dan ir‑rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu, il‑Qorti tal‑Ġustizzja, barra minn hekk, ma setgħatx teżamina jekk NOA kinitx is‑suċċessur ta’ OA, għall‑finijiet tal‑irkupru tal‑għajnuna, peress li, meta ġie ppreżentat dak ir‑rikors, jiġifieri fit‑2 ta’ Ottubru 2003, NOA kienet għadha ma ġietx inkorporata.

86      Fis‑sentenza tat‑12 ta’ Mejju 2005, il‑Qorti tal‑Ġustizzja kienet ikkonstatat biss li t‑trasferiment ta’ elementi tal‑assi ta’ OA lil NOA kellu l‑effett li jagħmel impossibbli, taħt id‑dritt nazzjonali, l‑irkupru tal‑għajnuna mogħtija lil OA. Madankollu, hija waslet għal din il‑konklużjoni billi kkunsidrat li “l‑assi kollha” ta’ OA kienu ġew ittrasferiti “ħielsa minn kull dejn” (punt 33 tas‑sentenza). Issa dan ma huwiex il‑każ peress li sadanittant il‑Kummissjoni rrikonoxxiet li OA kienet żammet elementi ta’ assi kunsiderevoli u kienet ittrasferiet ammont kunsiderevoli ta’ dejn lil NOA. Għalhekk il‑Kummissjoni qiegħda tgħawweġ u tiżnatura r‑raġunament tal‑Qorti tal‑Ġustizzja fis‑sentenza tat‑12 ta’ Mejju 2005 meta ssostni li l‑Qorti tal‑Ġustizzja kkonstatat it‑trasferiment tal‑iktar assi profitabbli lil NOA.

87      Għal dawn ir‑raġunijiet kollha, il‑konklużjonijiet tal‑Kummissjoni dwar il‑konstatazzjoni ta’ allegata kontinwità ekonomika bejn OA u NOA huma żbaljati u nieqsa minn motivazzjoni.

88      Il‑Kummissjoni tippreżenta, fl‑ewwel lok, l‑interpretazzjoni tagħha tad‑deċiżjoni kkontestata. Fir‑risposti fil‑Kawżi T‑415/05 u T‑416/05, hija tissuġġerixxi, l‑ewwel nett, li, b’differenza mis‑sentenza tat‑12 ta’ Mejju 2005, id‑deċiżjoni kkontestata ma tindirizzax il‑kwistjoni dwar l‑irkupru, mingħand NOA, tal‑għajnuna mogħtija lil OA. Minn dan, il‑Kummissjoni tikkonkludi li r‑Repubblika Ellenika u NOA ma għandhomx interess ġuridiku attwali fil‑konfront tal‑motivi ta’ din id‑deċiżjoni dwar il‑kwalifika ta’ NOA bħala s‑suċċessur ta’ OA.

89      Madankollu, fil‑kontrorepliki, il‑Kummissjoni tiddefendi l‑pożizzjoni li mill‑Artikolu 2 tad‑deċiżjoni kkontestata, interpretat fid‑dawl tal‑motivi ta’ din id‑deċiżjoni, jirriżulta b’mod ċar li l‑għajnuna kontenzjuża mogħtija lil OA minn tal‑inqas qabel il‑qsim kellha tiġi rkuprata mhux biss mingħand din il‑kumpannija iżda anki mingħand NOA. Għalhekk, hija tirrikonoxxi l‑interess tar‑Repubblika Ellenika u ta’ NOA sabiex jikkontestaw l‑obbligu ta’ rkupru, mingħand NOA, tal‑għajnuna mogħtija lil OA.

90      Il‑Kummissjoni tispjega li din il‑bidla ta’ pożizzjoni hija dovuta għall‑fatt li hija kienet informata bid‑data preċiża tal‑inkorporazzjoni ta’ NOA biss permezz tal‑indikazzjoni, fir‑replika fil‑Kawża T‑416/05, tat‑13 ta’ Diċembru 2003 bħala d‑data tal‑inkorporazzjoni u l‑bidu tal‑attivitajiet ta’ din il‑kumpannija.

91      Il‑prova ta’ din id‑data preċiża “iddaħħal fis‑seħħ ir‑riżerva” ifformulata diversi drabi mill‑Kummissjoni fir‑rigward tal‑identifikazzjoni tal‑benefiċjarju effettiv tal‑għajnuna li tippreċedi l‑qsim.

92      Fir‑rigward tal‑għajnuna kontenzjuża mħallsa lil OA wara l‑qsim, din tista’ u għandha tiġi rkuprata wkoll mingħand NOA jekk jiġi stabbilit, fl‑eżekuzzjoni tad‑deċiżjoni kkontestata, li l‑vantaġġ tal‑għajnuna ġie ttrasferit lil NOA. F’dan ir‑rigward il‑Kummissjoni ssostni li OA ttrasferiet lil NOA l‑vantaġġ li jirriżulta mill‑għajnuna mogħtija lilha mir‑Repubblika Ellenika meta ssullokat lill‑kumpannija tal‑ajru ġdida l‑ajruplani b’renta inqas minn dik li kienet tħallas hija stess fuq il‑kuntratt ta’ kera prinċipali.

93      Il‑Kummissjoni tippreċiża li t‑tqassim tal‑obbligu ta’ ħlas lura bejn OA u NOA għandu jiġi ddeterminat meta tkun qiegħda tiġi eżegwita d‑deċiżjoni kkontestata.

94      Fit‑tieni lok, fil‑Kawżi T‑415/05 u T‑416/05, il‑Kummissjoni tikkontesta l‑argument tar‑rikorrenti intiż sabiex juri li NOA mhijiex is‑suċċessur ta’ OA għall‑finijiet tal‑irkupru tal‑għajnuna kontenzjuża. Hija tallega li l‑irkupru tal‑għajnuna mingħand l‑entità li teżerċita l‑attività ekonomika li bbenefikat minn din l‑għajnuna huwa maħsub sabiex jistabbilixxi mill‑ġdid il‑kundizzjonijiet ta’ kompetizzjoni b’saħħitha.

95      Aeroporia Aigaiou, li għamlet intervent insostenn tat‑talbiet tal‑Kummissjoni fil‑Kawża T‑416/05, tosserva li l‑kwistjoni dwar l‑eżistenza ta’ kontinwità ekonomika bejn OA u NOA ġiet deċiża permezz tas‑sentenza tat‑12 ta’ Mejju 2005.

b)     Il‑kunsiderazzjonijiet tal‑Qorti Ġenerali

96      Preliminarjament, għandu jiġi osservat li, bi tweġiba għal mistoqsija magħmula mill‑Qorti Ġenerali waqt is‑seduta, il‑Kummissjoni ma kkonfermatx l‑affermazzjoni ta’ OA, magħmula fit‑tweġiba tagħha għal mistoqsija bil‑miktub magħmula mill‑Qorti Ġenerali u mtennija matul is‑seduta, li din il‑kumpannija kienet irrimborsat kompletament, skont l‑Artikolu 2 tad‑deċiżjoni kkontestata, l‑ammont, flimkien mal‑interessi, tal‑għajnuna kontenzjuża li kienet ingħatatilha. Fil‑fatt, il‑Kummissjoni esprimiet numru ta’ riżervi fir‑rigward tar‑rimbors integrali ta’ din l‑għajnuna, filwaqt li indikat li, fid‑dawl tat‑tqegħid ta’ OA u ta’ NOA taħt proċedura ta’ stralċ, hija ma kinitx qiegħda teżiġi li r‑Repubblika Ellenika tirkupra mingħand NOA l‑għajnuna kontenzjuża mogħtija lil OA.

97      Min‑naħa tagħhom, matul is‑seduta, ir‑Repubblika Ellenika u NOA ddikjaraw li huma kienu qegħdin iżommu l‑ilmenti tagħhom kontra l‑kwalifika ta’ NOA bħala s‑suċċessur ta’ OA għall‑finijiet tal‑irkupru tal‑għajnuna mogħtija lil OA.

98      F’dan il‑kuntest, wara li jiġu ddeterminati, fl‑ewwel lok, il‑miżuri favur OA li jistgħu jkunu s‑suġġett ta’ obbligu ta’ rkupru mingħand NOA, għandha tiġi ddefinita, fit‑tieni lok, il‑portata legali tad‑deċiżjoni kkontestata fir‑rigward tal‑konstatazzjoni dwar is‑suċċessjoni ta’ OA minn NOA għall‑finijiet tal‑irkupru tal‑għajnuna, qabel ma tiġi evalwata, fit‑tielet lok, il‑fondatezza tal‑estensjoni tal‑obbligu ta’ rkupru għal NOA.

 Fuq id‑determinazzjoni tal‑miżuri favur OA li jistgħu jkunu s‑suġġett ta’ obbligu ta’ rkupru mingħand NOA

99      Preliminarjament, kif osservat il‑Qorti tal‑Ġustizzja fis‑sentenza tat‑12 ta’ Mejju 2005 (punt 32), għandha ssir distinzjoni bejn, minn naħa, l‑eżami tal‑miżuri ta’ ristrutturazzjoni fihom infushom, fid‑dawl tal‑kundizzjonijiet għall‑applikazzjoni tal‑Artikolu 87 KE, u, min‑naħa l‑oħra, il‑kwistjoni, kompletament awtonoma, ta’ jekk NOA tistax titqies li hija s‑suċċessur ta’ OA, fir‑rigward tal‑attivitajiet ta’ titjiriet, għall‑finijiet tal‑irkupru tal‑għajnuna mogħtija lil OA qabel il‑qsim. Fil‑kuntest tar‑rikors għal nuqqas ta’ Stat li jwettaq obbligu li wassal għal dik is‑sentenza kienet inkwistjoni biss l‑evalwazzjoni tal‑konsegwenzi legali u finanzjarji ta’ dawn il‑miżuri ta’ ristrutturazzjoni fuq l‑eżekuzzjoni tad‑deċiżjoni tal‑11 ta’ Diċembru 2002.

100    Mill‑ordni sabiex tingħata informazzjoni, kif ukoll mid‑deċiżjoni tas‑16 ta’ Marzu 2004 li tinbeda l‑proċedura prevista mill‑Artikolu 88(2) KE jirriżulta li l‑investigazzjonijiet tal‑Kummissjoni kienu jikkonċernaw, f’dan il‑każ, il‑miżuri kollha marbuta mar‑ristrutturazzjoni u mal‑privatizzazzjoni tal‑grupp Olympic Airways li setgħu jinkludu elementi ta’ għajnuna mill‑Istat (ara l‑punti 12 u 16 sa 18 iktar ’il fuq).

101    Madankollu, fid‑deċiżjoni kkontestata, il‑miżuri ta’ ristrutturazzjoni mhumiex eżaminati bħala tali, fid‑dawl tal‑klassifikazzjoni tagħhom fir‑rigward tal‑kundizzjonijiet għall‑applikazzjoni tal‑Artikolu 87(1) KE. In‑natura tagħhom, u b’mod partikolari r‑rabta bejn OA u NOA, hija evalwata mill‑Kummissjoni biss bil‑għan, minn naħa, li tipprova l‑eżistenza ta’ kontinwità ekonomika bejn OA u NOA, għall‑finijiet tal‑irkupru tal‑għajnuna kontenzjuża u, min‑naħa l‑oħra, li tikklassifika l‑miżuri eżaminati fil‑kuntest tal‑għajnuna (ara, b’mod partikolari, il‑punti 164 sa 178 iktar ’il quddiem).

102    Fir‑rigward, b’mod iktar partikolari, tal‑irkupru tal‑għajnuna, il‑Kummissjoni, fid‑deċiżjoni kkontestata, kellha teżamina biss il‑kwistjoni tas‑suċċessjoni ta’ OA minn NOA, għall‑finijiet tal‑irkupru tal‑għajnuna ġdida lil OA, koperta minn din id‑deċiżjoni. Fil‑fatt, id‑determinazzjoni tal‑benefiċjarji effettivi tal‑għajnuna koperta mid‑deċiżjoni tal‑11 ta’ Diċembru 2002, għall‑finijiet tal‑eżekuzzjoni tal‑ordni ta’ rkupru magħmula f’din id‑deċiżjoni, saret permezz tas‑sentenza tat‑12 ta’ Mejju 2005 (ara l‑punti 7, 8 u 99 iktar ’il fuq).

103    Barra minn hekk, għandu jiġi osservat li l‑kwistjoni tas‑suċċessjoni ta’ OA minn NOA, għall‑finijiet tal‑irkupru tal‑għajnuna, ma tistax, f’dan il‑każ, titqajjem ħlief fir‑rigward tal‑għajnuna mogħtija lil OA qabel il‑qsim tal‑attivitajiet ta’ titjiriet u l‑ħolqien ta’ NOA.

104    Fil‑fatt, jekk teżisti kontinwità ekonomika bejn dawn iż‑żewġ kumpanniji, NOA tista’ titqies bħala l‑benefiċjarja effettiva tal‑għajnuna li kienet iffavoriet is‑settur tal‑attivitajiet ta’ titjiriet u li kienet ingħatat lill‑kumpannija tal‑ajru preċedenti OA qabel ma l‑attivitajiet tagħha tkomplew minn NOA.

105    Mill‑banda l‑oħra, għall‑kuntrarju tal‑allegazzjonijiet tal‑Kummissjoni fil‑kontrorepliki (ara l‑punt 92 iktar ’il fuq), l‑għajnuna kontenzjuża mogħtija lil OA wara l‑qsim ma tistax tiġi rkuprata mingħand NOA għas‑sempliċi raġuni li din il‑kumpannija ħadet vantaġġ indirett minnha. Fil‑fatt, anki jekk jitqies li, kif issostni l‑Kummissjoni, l‑għajnuna mill‑Istat mogħtija lil OA wara l‑qsim qiegħdet lil din il‑kumpannija f’sitwazzjoni fejn setgħet tagħti lill‑kumpannija ġdida NOA vantaġġi li din ma setgħatx tikseb f’kundizzjonijiet normali tas‑suq, ħaġa din li ma ġietx stabbilita, dan il‑fatt, waħdu, ma jippermettix li jiġi kkunsidrat li NOA hija l‑benefiċjarja effettiva tal‑għajnuna mogħtija lil OA.

106    Fil‑fatt, fin‑nuqqas, wara l‑qsim, ta’ unità ekonomika bejn iż‑żewġ kumpanniji, OA u NOA, li fir‑rigward tagħhom il‑Kummissjoni ma tikkontestax, fid‑deċiżjoni kkontestata, li huma legalment u finanzjarjament awtonomi, kienet il‑Kummissjoni li, fi kwalunkwe każ, kellha tidentifika b’mod ċar il‑vantaġġ allegatament mogħti lil NOA minn OA u tevalwah separatament fid‑dawl tal‑kundizzjonijiet għall‑applikazzjoni tal‑Artikolu 87(1) KE (ara, f’dan is‑sens, is‑sentenzi tal‑Qorti tal‑Ġustizzja tal‑10 ta’ Jannar 2006, Cassa di Risparmio di Firenze et, C‑222/04, Ġabra p. I‑289, punti 112 sa 114, u tal‑Qorti Ġenerali tal‑25 ta’ Ġunju 1998, British Airways et vs Il‑Kummissjoni, T‑371/94 u T‑394/94, Ġabra p. II‑2405, punti 313 u 314). Dan kien barra minn hekk dak li għamlet il‑Kummissjoni, fid‑deċiżjoni kkontestata, fir‑rigward tal‑għajnuna mogħtija lil NOA fil‑forma ta’ renta ftit għolja għas‑sullokazzjoni ta’ ajruplani (ara l‑punti 154 sa 253 iktar ’il quddiem).

107    Minn dan isegwi li, f’dan il‑każ, kif jissuġġerixxu r‑rikorrenti, il‑kwistjoni tas‑suċċessjoni ta’ OA minn NOA, għall‑finijiet tal‑irkupru tal‑għajnuna kontenzjuża, hija mqajma biss fir‑rigward tal‑għajnuna allegatament mogħtija lil OA fil‑forma ta’ tolleranza fir‑rigward tan‑nuqqas ta’ ħlas minn din il‑kumpannija tat‑taxxi u tal‑kontribuzzjonijiet ta’ sigurtà soċjali, għajnuna msemmija fl‑Artikolu 1(4) tad‑deċiżjoni kkontestata, sa fejn din l‑għajnuna tippreċedi l‑qsim. Fil‑fatt, l‑għajnuna l‑oħra favur OA, koperta mill‑Artikolu 1(2) u (3) ta’ din id‑deċiżjoni, ingħatat kollha wara l‑qsim.

108    F’dan ir‑rigward, għandu jiġi osservat minn issa li l‑motivi invokati mir‑rikorrenti, fil‑Kawżi T‑415/05 u T‑423/05, bil‑għan li jiġi annulat l‑Artikolu 1(4) tad‑deċiżjoni kkontestata, għandhom jiġu miċħuda, kif ser tistabbilxxi iktar ’il quddiem il‑Qorti Ġenerali (ara l‑punti 378 sa 394 iktar ’il quddiem).

109    F’dawn iċ‑ċirkustanzi, għandha tiġi ddeterminata l‑portata legali tad‑deċiżjoni kkontestata, fir‑rigward tal‑konstatazzjoni dwar l‑eżistenza ta’ kontinwità ekonomika bejn OA u NOA għall‑finijiet tal‑irkupru tal‑għajnuna msemmija fl‑Artikolu 1(4) ta’ din id‑deċiżjoni sa fejn din l‑għajnuna ngħatat qabel il‑11 ta’ Diċembru 2003.

 Fuq il‑portata legali tad‑deċiżjoni kkontestata fir‑rigward tal‑konstatazzjoni dwar is‑suċċessjoni ta’ OA minn NOA għall‑finijiet tal‑irkupru tal‑għajnuna kontenzjuża

110    Preliminarjament, għandu jiġi osservat li, peress li d‑deċiżjoni kkontestata kienet adottata fl‑14 ta’ Settembru 2005, il‑Kummissjoni kellha, fil‑mument tal‑adozzjoni tagħha, l‑elementi neċessarji kollha għall‑finijiet tal‑identifikazzjoni, fid‑deċiżjoni stess, tal‑benefiċjarji li mingħandhom kellha tiġi rkuprata l‑għajnuna kkonċernata. F’dan id‑dawl, iċ‑ċirkustanzi inkwistjoni f’dan il‑każ huma distinti minn dawk eżaminati mill‑Kummissjoni fid‑deċiżjoni tal‑11 ta’ Diċembru 2002, jiġifieri qabel ir‑ristrutturazzjoni tal‑grupp Olympic Airways u l‑ħolqien ta’ NOA, f’Diċembru 2003.

111    Madankollu, fid‑dispożittiv tad‑deċiżjoni kkontestata, il‑Kummissjoni ma tidentifikax b’mod espliċitu lil NOA bħala l‑benefiċjarju effettiv ta’ parti mill‑għajnuna mogħtija lil OA u koperta mill‑Artikolu 1(4) ta’ din id‑deċiżjoni.

112    Fil‑fatt, fl‑Artikolu 2 tad‑deċiżjoni kkontestata, il‑Kummissjoni sempliċement tipprovdi li r‑Repubblika Ellenika għandha tirkupra l‑għajnuna msemmija fl‑Artikolu 1 ta’ din id‑deċiżjoni mingħand il‑“benefiċjarji” ta’ din l‑għajnuna. Fir‑rigward tal‑Artikolu 1(4) tad‑deċiżjoni kkontestata, dan jirreferi b’mod espliċitu għall‑għajnuna illegali mogħtija lil OA fil‑forma ta’ tolleranza min‑naħa tar‑Repubblika Ellenika fir‑rigward tad‑dejn fiskali u ta’ sigurtà soċjali li din il‑kumpannija kellha fil‑konfront tal‑Istat u ma jirreferix għal NOA bħala benefiċjarju effettiv ta’ parti minn din l‑għajnuna.

113    Fis‑sentenza tal‑14 ta’ Frar 2008, Il‑Kummissjoni vs Il‑Greċja, iċċitata iktar ’il fuq, fejn ikkonstatat li r‑Repubblika Ellenika kienet naqset milli twettaq l‑obbligi tagħha taħt id‑deċiżjoni kkontestata, il‑Qorti tal‑Ġustizzja ma qisietx li kien meħtieġ teżamina b’mod partikolari jekk, f’din id‑deċiżjoni, NOA kinitx indikata bħala s‑suċċessur ta’ OA għall‑finijiet tal‑irkupru tal‑għajnuna kontenzjuża msemmija fl‑Artikolu 1(4). Fil‑fatt, fir‑rigward ta’ din l‑għajnuna, il‑Qorti tal‑Ġustizzja vverifikat biss jekk id‑deċiżjoni kkontestata kellhiex indikazzjonijiet li permezz tagħhom l‑awtoritajiet nazzjonali kkonċernati setgħu jiddeterminaw huma stess, mingħajr diffikultajiet eċċessivi, l‑ammonti li kellhom jiġu rkuprati (punti 42 sa 44 tas‑sentenza).

114    F’dan il‑kuntest, il‑Qorti Ġenerali għandha, kif isostnu r‑rikorrenti, tinterpreta l‑kontenut tad‑deċiżjoni kkontestata fir‑rigward ta’ eventwali obbligu ta’ rkupru tal‑għajnuna msemmija fl‑Artikolu 1(4) tad‑deċiżjoni kkontestata mingħand NOA.

115    Preliminarjament, għandu jiġi osservat li, fil‑kontrorepliki tagħha fil‑Kawżi T‑415/05 u T‑416/05, il‑Kummissjoni ġġustifikat il‑fatt li ħadet pożizzjonijiet kontradittorji fir‑rigward tal‑interpretazzjoni tad‑deċiżjoni kkontestata minħabba li ma kinitx ċerta dwar id‑data preċiża tal‑inkorporazzjoni ta’ NOA (ara l‑punt 90 iktar ’il fuq).

116    Fil‑Kawża T‑416/05, NOA invokat in‑natura ġdida u għalhekk inammissibbli ta’ dan l‑argument dwar l‑allegat nuqqas ta’ ċertezza tal‑Kummissjoni fir‑rigward tad‑data preċiża tal‑inkorporazzjoni ta’ NOA (ara l‑punt 34 iktar ’il fuq).

117    F’dan ir‑rigward, huwa biżżejjed li jiġi osservat li dan l‑argument tal‑Kummissjoni huwa fi kwalunkwe każ irrilevanti. Fil‑fatt, irrispettivament mill‑interpretazzjonijiet suċċessivi proposti f’dan il‑każ mill‑istituzzjoni konvenuta, hija l‑Qorti Ġenerali li għandha tagħti interpretazzjoni definittiva tad‑deċiżjoni kkontestata. Għaldaqstant, il‑pożizzjonijiet kontradittorji meħuda mill‑Kummissjoni fir‑rigward tal‑interpretazzjoni tad‑deċiżjoni kkontestata u l‑invokazzjoni tan‑nuqqas ta’ ċertezza fir‑rigward tad‑data preċiża tal‑inkorporazzjoni ta’ NOA, bħala spjegazzjoni għall‑bidla fil‑pożizzjoni tal‑Kummissjoni, huma irrilevanti u ma jistgħux jippreġudikaw id‑drittijiet tad‑difiża tar‑rikorrenti (is-sentenza tal‑Qorti Ġenerali tas‑7 ta’ Ottubru 1999, Irish Sugar vs Il‑Kummissjoni, T‑228/97, Ġabra p. II‑2969, punt 30). Barra minn hekk, għandu jiġi osservat li d‑deċiżjoni tas‑16 ta’ Marzu 2004 li tinfetaħ il‑proċedura ta’ investigazzjoni formali (il-punt 110) u d‑deċiżjoni kkontestata (punt 6) jindikaw b’mod espliċitu li NOA nħolqot fit‑12 ta’ Diċembru 2003. Ir‑rikorrenti kkonfermaw, waqt is‑seduta, li NOA bdiet l‑attivitajiet tagħha f’dik id‑data. F’dan il‑kuntest, anki jekk il‑Kummissjoni ma kinitx ġiet infurmata matul il‑proċedura amministrattiva dwar id‑data preċiża tal‑inkorporazzjoni ta’ NOA, jiġifieri l‑11 ta’ Diċembru 2003, dan il‑fatt ma kienx ta’ natura li jkollu impatt fuq il‑kontenut tad‑deċiżjoni kkontestata – u, għalhekk, fuq l‑interpretazzjoni tagħha – fir‑rigward tal‑eventwali indikazzjoni ta’ NOA bħala suċċessur ta’ OA għall‑finijiet tal‑irkupru tal‑għajnuna kontenzjuża.

118    Għall‑finijiet tal‑interpretazzjoni tal‑Artikolu 2 tad‑deċiżjoni kkontestata, għandu jitfakkar li, skont il‑ġurisprudenza, id‑dispożittiv ta’ deċiżjoni fil‑qasam tal‑għajnuna mill‑Istat ma jistax jiġi separat mill‑motivazzjoni tagħha, b’tali mod li għandu jiġi interpretat, jekk ikun meħtieġ, fid‑dawl tal‑motivi li wasslu għall‑adozzjoni tagħha (ara s‑sentenza tal‑Qorti tal‑Ġustizzja tal‑15 ta’ Mejju 1997, TWD vs Il‑Kummissjoni, C‑355/95 P, Ġabra p. I‑2549, punt 21, u s‑sentenza tat‑12 ta’ Mejju 2005, punt 41, u l‑ġurisprudenza ċċitata).

119    F’dan il‑każ, għandu għalhekk jiġi vverifikat jekk l‑Artikolu 2 tad‑deċiżjoni kkontestata jistax jiġi interpretat, fid‑dawl tal‑motivi ta’ din id‑deċiżjoni, fis‑sens li, fost “il‑benefiċjarji tal‑għajnuna msemmija fl‑Artikolu 1”, jinkludi lil NOA bħala benefiċjarju effettiv tal‑għajnuna kontenzjuża mogħtija lil OA u msemmija fl‑Artikolu 1(4) tad‑deċiżjoni msemmija.

120    Fl‑eżami tagħha tan‑natura tar‑ristrutturazzjoni tal‑grupp Olympic Airways (premessi 178 sa 183 tad‑deċiżjoni kkontestata), magħmul fil‑kuntest tal‑“evalwazzjoni tal‑għajnuna” (punt 6 tad‑deċiżjoni kkontestata), il‑Kummissjoni analizzat b’mod iktar dettaljat il‑modalitajiet tar‑ristrutturazzjoni, li kienu diġà ttieħdu inkunsiderazzjoni mill‑Qorti tal‑Ġustizzja fis‑sentenza tat‑12 ta’ Mejju 2005. Il‑Kummissjoni bbażat ruħha fuq dik is‑sentenza meta fformulat il‑konklużjoni segwenti fil‑premessa 183 tad‑deċiżjoni kkontestata:

“Huwa għalhekk evidenti li, għalkemm ir‑ristrutturazzjoni ta’ OA fl‑2003 – li minnha tnisslet NOA – wasslet għall‑ħolqien ta’ entità legali distinta, din ir‑ristrutturazzjoni xorta waħda saret sabiex jiġi evitat l‑irkupru tal‑għajnuna taħt id‑deċiżjoni [tal‑11 ta’ Diċembru] 2002, u li NOA hija s‑suċċessur ta’ OA, minn tal‑inqas għall‑finijiet tal‑irkupru tal‑għajnuna mill‑Istat preċedenti għall‑qsim.”

121    Sabiex turi li NOA kienet is‑suċċessur ta’ OA għall‑finijiet tal‑irkupru tal‑għajnuna kontenzjuża mogħtija lil OA, il‑Kummissjoni għalhekk żviluppat biss il‑punti li abbażi tagħhom, fis‑sentenza tat‑12 ta’ Mejju 2005, il‑Qorti tal‑Ġustizzja kienet waslet għall‑konklużjoni li teżisti kontinwità ekonomika bejn OA u NOA għall‑finijiet tal‑irkupru tal‑għajnuna msemmija fid‑deċiżjoni tal‑11 ta’ Diċembru 2002. Fuq il‑bażi ta’ dawn il‑punti, il‑Kummissjoni kkonkludiet b’mod espliċitu, fil‑premessa 183 tad‑deċiżjoni kkontestata, li l‑obbligu ta’ rkupru kellu jiġi estiż għal NOA fir‑rigward b’mod partikolari tal‑għajnuna kontenzjuża mogħtija lil OA qabel il‑qsim.

122    Barra minn hekk, fil‑kuntest tal‑evalwazzjoni tagħha tal‑kompatibbiltà tal‑għajnuna mogħtija lil NOA, il‑Kummissjoni fakkret, fid‑deċiżjoni kkontestata (premessi 216 u 217), li, sa fejn NOA kienet is‑suċċessur ta’ OA għall‑finijiet tal‑irkupru tal‑għajnuna, l‑għajnuna ġdida mogħtija lil NOA ma setgħatx tiġi ddikjarata kompatibbli mas‑suq komuni, u dan sakemm l‑għajnuna li tippreċedi l‑qsim ma kinitx irkuprata.

123    Minn dan l‑eżami tad‑deċiżjoni kkontestata jirriżulta li – għalkemm wieħed jista’ jilmenta li l‑Kummissjoni ma identifikatx b’isimhom, fid‑dispożittiv ta’ din id‑deċiżjoni, il‑benefiċjarji li mingħandhom kellha tiġi rkuprata l‑għajnuna msemmija fl‑Artikolu 1(4) li kienet tippreċedi l‑qsim – il‑motivi ta’ din id‑deċiżjoni jippermettu li NOA tiġi identifikata b’mod faċli bħala s‑suċċessur ta’ OA għall‑finijiet tal‑irkupru ta’ din l‑għajnuna.

124    F’dan il‑kuntest, mill‑Artikolu 2 tad‑deċiżjoni kkontestata, flimkien mal‑motivi diġà ċċitati ta’ din id‑deċiżjoni, u b’mod partikolari fid‑dawl tas‑sentenza tat‑12 ta’ Mejju 2005, jirriżulta b’mod ċar li l‑Kummissjoni imponiet fuq ir‑Repubblika Ellenika l‑obbligu li tirkupra l‑għajnuna mogħtija lil OA, qabel il‑qsim, mhux biss mingħand din il‑kumpannija iżda wkoll, jekk ikun il‑każ, mingħand NOA.

125    L‑Artikolu 2 tad‑deċiżjoni kkontestata, li jipprovdi għall‑irkupru tal‑għajnuna msemmija fl‑Artikolu 1 ta’ din id‑deċiżjoni, għandu għalhekk jiġi interpretat fis‑sens li fih ordni ta’ rkupru tal‑għajnuna li tippreċedi l‑qsim, mingħand OA jew mingħand NOA, fejn it‑tqassim tal‑obbligu ta’ rkupru bejn dawn iż‑żewġ kumpanniji għandu jiġi ddeterminat meta tkun qiegħda tiġi eżegwita din id‑deċiżjoni.

126    Fil‑fatt, fir‑rigward tat‑tqassim tal‑obbligu ta’ ħlas lura bejn il‑benefiċjarji ta’ għajnuna, għandu jitfakkar li, f’deċiżjoni li tikkonstata l‑inkompatibbiltà ta’ għajnuna u li timponi l‑irkupru tagħha, il‑Kummissjoni mhijiex obbligata tippreċiża l‑estent tal‑vantaġġ meħud minn kull impriża benefiċjarja mill‑ammont tal‑għajnuna inkwistjoni. Huwa l‑Istat Membru kkonċernat li għandu jiddetermina l‑ammont li għandu jiġi rrimborsat minn kull waħda minn dawn il‑kumpanniji meta tiġi rkuprata l‑għajnuna. Fil‑każ li jiltaqa’ ma’ diffikultajiet mhux mistennija, dan l‑Istat jista’ jissottometti l‑problemi tiegħu għall‑evalwazzjoni tal‑Kummissjoni, fejn din tal‑aħħar u l‑Istat għandhom jikkollaboraw in bona fide, skont l‑obbligu ta’ kooperazzjoni leali stabbilit b’mod partikolari fl‑Artikolu 10 KE, sabiex jegħlbu dawn id‑diffikultajiet (ara, f’dan is‑sens, is‑sentenza tal‑Qorti Ġenerali tal‑11 ta’ Mejju 2005, Saxonia Edelmetalle u ZEMAG vs Il‑Kummissjoni, T‑111/01 u T‑133/01, Ġabra p. II‑1579, punt 124).

127    Din is‑soluzzjoni hija kkonfermata mis‑sentenza tat‑12 ta’ Mejju 2005 li fiha l‑Qorti tal‑Ġustizzja, filwaqt li enfasizzat il‑kriterju purament ekonomiku tal‑istabbiliment mill‑ġdid ta’ kompetizzjoni mingħajr distorsjoni fis‑settur ikkonċernat, tammetti b’mod impliċitu l‑possibbiltà li l‑obbligu ta’ rimbors ta’ NOA jkun wieħed sussidjarju biss. Fil‑fatt, f’dik is‑sentenza, il‑Qorti tal‑Ġustizzja sempliċement ikkonstatat in‑nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu u ħalliet f’idejn l‑awtoritajiet nazzjonali kompetenti u l‑Kummissjoni l‑kompitu li jiddeterminaw, fil‑kuntest tal‑obbligu reċiproku ta’ kooperazzjoni leali tagħhom, it‑tqassim tal‑obbligu ta’ rkupru bejn OA u NOA fir‑rigward tal‑għajnuna msemmija fid‑deċiżjoni tal‑11 ta’ Diċembru 2002.

128    F’dan il‑każ, fid‑dawl tal‑interpretazzjoni tad‑deċiżjoni kkontestata mogħtija fil‑punti 123 sa 125 iktar ’il fuq, għandhom jiġu eżaminati l‑motivazzjoni u l‑fondatezza tal‑konstatazzjoni ta’ kontinwità ekonomika bejn OA u NOA għall‑finijiet tal‑irkupru tal‑għajnuna msemmija fl‑Artikolu 1(4) tad‑deċiżjoni kkontestata, qabel il‑qsim.

 Fuq l‑evalwazzjoni tal‑motivazzjoni u tal‑fondatezza tal‑konstatazzjoni, fid‑deċiżjoni kkontestata, tas‑suċċessjoni ta’ OA minn NOA għall‑finijiet tal‑irkupru tal‑għajnuna kontenzjuża

129    Qabel ma tiġi eżaminata l‑fondatezza tal‑motivi bbażati fuq l‑insuffiċjenza tal‑motivazzjoni u fuq żball manifest ta’ evalwazzjoni, imressqa mir‑rikorrenti fil‑Kawżi T‑415/05 u T‑416/05, għandha tiġi miċħuda l‑allegazzjoni ta’ inammissibbiltà mressqa minn NOA fil‑konfront ta’ allegati motivi ġodda tal‑Kummissjoni dwar, minn naħa, l‑allegata intenzjoni tar‑Repubblika Ellenika li tevita l‑obbligu ta’ rkupru u, min‑naħa l‑oħra, l‑allegata illegalità tal‑eżistenza ta’ NOA (ara l‑punt 34 iktar ’il fuq).

130    Fil‑fatt, mill‑kontroreplika jirriżulta b’mod ċar li l‑Kummissjoni ma qiegħda tinvoka ebda motiv ġdid dwar l‑allegata intenzjoni tar‑Repubblika Ellenika li tevita l‑obbligu ta’ rkupru permezz tar‑ristrutturazzjoni tal‑grupp Olympic Airways u l‑ħolqien ta’ NOA. Għall‑kuntrarju, hija tiżviluppa l‑argument, li kien diġà invokat fid‑deċiżjoni kkontestata u fir‑risposta, li n‑nuqqas ta’ intenzjoni tar‑Repubblika Ellenika li tevita dan l‑obbligu, allegat mir‑rikorrenti, huwa irrilevanti peress li r‑ristrutturazzjoni msemmija tostakola l‑irkupru tal‑għajnuna.

131    Fir‑rigward tal‑argument tal‑Kummissjoni li s‑sentenza tat‑12 ta’ Mejju 2005 tolqot l‑eżistenza stess ta’ NOA, billi tiddikjaraha illegali, dan l‑argument jagħmel parti mid‑dibattiti bejn il‑partijiet dwar il‑portata legali ta’ din is‑sentenza fir‑rigward tal‑identifikazzjoni tal‑benefiċjarju effettiv tal‑għajnuna kontenzjuża.

132    Dwar il‑mertu, u b’mod preliminari, sa fejn, fil‑kuntest tal‑eżami tagħha tar‑rabta bejn OA u NOA, il‑Kummissjoni tibbaża ruħha b’mod partikolari fuq l‑elementi kkunsidrati mill‑Qorti tal‑Ġustizzja fis‑sentenza tat‑12 ta’ Mejju 2005 sabiex tikkonstata li “NOA hija s‑suċċessur ta’ OA, minn tal‑inqas għall‑finijiet tal‑irkupru tal‑għajnuna mill‑Istat preċedenti għall‑qsim” (premessa 183 tad‑deċiżjoni kkontestata), għandha tiġi ppreċiżata l‑portata ta’ din is‑sentenza f’dan il‑każ.

133    Għall‑kuntrarju tal‑allegazzjonijiet tal‑Kummissjoni quddiem il‑Qorti Ġenerali, dik is‑sentenza tista’ titqies bħala res judicata biss fir‑rigward tal‑irkupru tal‑għajnuna msemmija fid‑deċiżjoni tal‑11 ta’ Diċembru 2002, sa fejn in‑nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu kkonstatat kien jikkonċerna preċiżament in‑nuqqas ta’ eżekuzzjoni ta’ din id‑deċiżjoni.

134    B’mod partikolari, fir‑rigward tal‑konstatazzjoni dwar l‑eżistenza ta’ kontinwità ekonomika bejn OA u NOA, għall‑finijiet tal‑irkupru tal‑għajnuna kontenzjuża preċedenti għall‑qsim, għandu jiġi osservat li, minkejja li ċ‑ċirkustanzi rilevanti li jistgħu jittieħdu inkunsiderazzjoni huma essenzjalment l‑istess, kemm fir‑rigward tal‑irkupru tal‑għajnuna impost permezz tad‑deċiżjoni tal‑11 ta’ Diċembru 2002 u kemm fir‑rigward tal‑irkupru tal‑għajnuna favur OA preċedenti għall‑qsim, impost permezz tad‑deċiżjoni kkontestata, l‑elementi kollha mhumiex madankollu strettament identiċi. Id‑differenza tinsab fil‑fatt li t‑trasferiment tal‑assi ta’ OA lil NOA, fis‑settur tal‑attivitajiet ta’ titjiriet, skont modalitajiet li għamlu impossibbli l‑irkupru tal‑għajnuna mogħtija lil OA mingħajd NOA, seħħ wara l‑adozzjoni tad‑deċiżjoni tal‑11 ta’ Diċembru 2002 iżda qabel il‑bidu tal‑proċedura ta’ investigazzjoni formali li wasslet għall‑adozzjoni tad‑deċiżjoni kkontestata, fl‑14 ta’ Settembru 2005.

135    Issa, il‑mument tat‑trasferiment tal‑assi lill‑kumpannija l‑ġdida huwa wieħed mill‑kriterji li jistgħu, b’importanza differenti skont il‑każ, jittieħdu inkunsiderazzjoni. Fil‑fatt, mill‑ġurisprudenza jirriżulta li, sabiex jiġi evalwat jekk l‑obbligu li tiġi rkuprata l‑għajnuna mogħtija lil kumpannija f’diffikultà jistax jiġi estiż għal kumpannija ġdida li lilha din il‑kumpannija preċedenti tkun ittrasferiet ċerti assi, meta dan it‑trasferiment jippermetti li tiġi kkonstatata kontinwità ekonomika bejn iż‑żewġ kumpanniji, jistgħu jittieħdu inkunsiderazzjoni l‑elementi segwenti: is‑suġġett tat‑trasferiment (assi u dejn, żamma tal‑persunal, assi miġbura fi gruppi), il‑prezz tat‑trasferiment, l‑identità tal‑azzjonisti jew tal‑proprjetarji tal‑impriża akkwirenti u tal‑impriża inizjali, il‑mument li fih seħħ it‑trasferiment (wara l‑bidu tal‑investigazzjoni, il‑ftuħ tal‑proċedura jew id‑deċiżjoni finali) jew inkella l‑loġika ekonomika tal‑operazzjoni (sentenza L‑Italja u SIM2 Multimedia vs Il‑Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punti 78, 80 u 85).

136    F’dan il‑każ, għandu għalhekk jiġi vverifikat jekk, fid‑dawl tal‑kuntest fattwali partikolari għal dan il‑każ, il‑Kummissjoni setgħatx, mingħajr ma taqbeż il‑limiti tas‑setgħa diskrezzjonali tagħha, tittrasponi, fid‑deċiżjoni kkontestata, ir‑raġunament segwit mill‑Qorti tal‑Ġustizzja fis‑sentenza tat‑12 ta’ Mejju 2005 sabiex tikkonkludi li teżisti kontinwità ekonomika bejn OA u NOA għall‑finijiet tal‑irkupru tal‑għajnuna kontenzjuża.

137    Fir‑rigward, b’mod partikolari, tal‑kriterju dwar il‑mument li fih sar it‑trasferiment tal‑assi, li l‑kontenut u l‑portata tiegħu se jiġu ppreċiżati iktar ’il quddiem (ara l‑punt 146 iktar ’il quddiem), f’dan l‑istadju huwa biżżejjed li jitfakkar li, fil‑kawża li wasslet għas‑sentenza tat‑12 ta’ Mejju 2005, it‑trasferiment tal‑assi tal‑kumpannija OA, li kienet f’diffikultà, lill‑kumpannija ġdida NOA, b’mod li għamel impossibbli l‑irkupru tal‑għajnuna msemmija fid‑deċiżjoni tal‑11 ta’ Diċembru 2002 mingħand il‑kumpannija preċedenti, seħħ wara l‑adozzjoni ta’ din id‑deċiżjoni (ara l‑punt 134 iktar ’il fuq). Fil‑kawżi li wasslu għas‑sentenzi L‑Italja u SIM2 Multimedia vs Il‑Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq (punt 77), u Il‑Ġermanja vs Il‑Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq (punt 71), li fuqhom hija bbażata b’mod impliċitu l‑analiżi magħmula fis‑sentenza tat‑12 ta’ Mejju 2005 (ara l‑punti 143 u 144 iktar ’il quddiem), l‑operazzjonijiet “evażivi” allegati mill‑Kummissjoni kienu twettqu jew matul il‑proċedura ta’ investigazzjoni formali, jew f’mument meta l‑awtoritajiet nazzjonali kompetenti kienu informati dwar l‑intenzjoni tal‑Kummissjoni li tiftaħ proċedura ta’ investigazzjoni.

138    F’dan il‑każ, għandu jiġi osservat li l‑ordni sabiex tingħata informazzjoni, fir‑rigward tal‑miżuri kollha marbuta mar‑ristrutturazzjoni u mal‑privatizzazzjoni ta’ OA li setgħu jinkludu elementi ta’ għajnuna kienet ġiet indirizzata lir‑Repubblika Ellenika sa mit‑8 ta’ Settembru 2003. Għalhekk, ir‑Repubblika Ellenika u OA inqas u inqas setgħu ma jkunux jafu, meta nħolqot NOA, li l‑miżuri favur OA preċedenti għall‑qsim setgħu jkunu s‑suġġett tal‑investigazzjoni tal‑Kummissjoni u li dawn il‑miżuri kienu jagħmlu parti kontinwa minn ċerta għajnuna preċedenti, koperta mid‑deċiżjoni tal‑11 ta’ Diċembru 2002, mogħtija lil OA fil‑forma ta’ tolleranza mir‑Repubblika Ellenika fir‑rigward tan‑nuqqas ta’ ħlas ta’ taxxi u ta’ kontribuzzjonijiet ta’ sigurtà soċjali.

139    F’dawn iċ‑ċirkustanzi, fid‑dawl tax‑xebh tal‑kuntest fattwali, l‑analiżi magħmula mill‑Qorti tal‑Ġustizzja fis‑sentenza tat‑12 ta’ Mejju 2005 fis‑sens li, sabiex tiġi stabbilita mill‑ġdid sitwazzjoni ta’ kompetizzjoni mingħajr distorsjoni fis‑settur ekonomiku kkonċernat, l‑obbligu ta’ rkupru tal‑għajnuna mogħtija lil OA seta’ jiġi estiż għal NOA, li lilha kienu ġew ittrasferiti l‑attivitajiet ta’ produzzjoni l‑iktar profitabbli ta’ OA, tgħodd ukoll, għall‑istess motivi, fir‑rigward tal‑għajnuna preċedenti għall‑qsim inkwistjoni f’dan il‑każ.

140    F’dan ir‑rigward, l‑interpretazzjoni tas‑sentenza tat‑12 ta’ Mejju 2005 proposta mir‑rikorrenti, li jsostnu li l‑Qorti tal‑Ġustizzja ma kkunsidratx lil NOA bħala s‑suċċessur ta’ OA għall‑finijiet tal‑irkupru tal‑għajnuna, ma tistax tiġi aċċettata.

141    Fil‑fatt, fis‑sentenza tat‑12 ta’ Mejju 2005 (punti 33 u 34), il‑Qorti tal‑Ġustizzja laqgħet l‑argument tal‑Kummissjoni li l‑operazzjoni li kienet tikkonsisti fit‑trasferiment lill‑kumpannija NOA tal‑assi tas‑settur tal‑attivitajiet ta’ titjiriet tal‑kumpannija OA, ħielsa minn kull dejn, liema operazzjoni kienet strutturata b’tali mod li kien impossibbli, taħt id‑dritt nazzjonali, l‑irkupru tad‑dejn tal‑kumpannija preċedenti OA mingħand il‑kumpannija ġdida NOA, kienet “ħolqot ostakolu għall‑implementazzjoni effettiva tad‑deċiżjoni [tal‑11 ta’ Diċembru 2002] u għall‑irkupru tal‑għajnuniet li permezz tagħhom [ir‑Repubblika Ellenika sostniet] l‑attivitajiet kummerċjali ta’ din il‑kumpannija” u “[b]’hekk, l‑għan tal‑imsemmija deċiżjoni, li terġa’ tiġi stabbilita sitwazzjoni ta’ kompetizzjoni li mhijiex distorta fis‑settur tal‑avjazzjoni ċivili, kien ġie serjament kompromess”.

142    Meta enfasizzat il‑ħtieġa li tiġi stabbilita mill‑ġdid is‑sitwazzjoni ta’ kompetizzjoni fis‑settur tal‑avjazzjoni ċivili, il‑Qorti tal‑Ġustizzja għalhekk identifikat lil NOA, b’mod impliċitu, bħala l‑benefiċjarju effettiv tal‑għajnuna mogħtija lil OA u msemmija fid‑deċiżjoni tal‑11 ta’ Diċembru 2002 sa fejn din l‑għajnuna lill‑kumpannija tal‑ajru preċedenti OA kienet ibbenefikat lis‑settur tal‑attivitajiet ta’ titjiriet ittrasferit lil NOA.

143    Fil‑fatt, fid‑dawl tal‑konklużjonijiet tal‑Avukat Ġenerali Geelhoed (Ġabra p. I‑3878, punti 28 sa 36), is‑sentenza tat‑12 ta’ Mejju 2005 għandha tinftiehem bħala li tikkonstata l‑eżistenza ta’ kontinwità ekonomika bejn OA u NOA, fir‑rigward tas‑settur tal‑attivitajiet ta’ titjiriet, għall‑finijiet tal‑irkupru tal‑għajnuna impost permezz tad‑deċiżjoni tal‑11 ta’ Diċembru 2002. Għaldaqstant, il‑kumpannija tal‑ajru ġdida NOA setgħet, bħala prinċipju, fil‑kwalità tagħha ta’ impriża li kienet effettivament ibbenefikat minn din l‑għajnuna, tkun is‑suġġett ta’ proċedura nazzjonali għall‑irkupru tal‑għajnuna msemmija fid‑deċiżjoni msemmija, bil‑għan li tiġi stabbilita mill‑ġdid kompetizzjoni mingħajr distorsjoni fis‑settur ekonomiku kkonċernat.

144    Insostenn tal‑analiżi tiegħu, l‑Avukat Ġeneral Geelhoed ibbaża ruħu b’mod partikolari fuq is‑sentenza L‑Italja u SIM2 Multimedia vs Il‑Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, fejn il‑Qorti tal‑Ġustizzja ddeċidiet li l‑fatt li impriża f’diffikultà titħalla toħloq, matul il‑proċedura ta’ investigazzjoni formali dwar l‑għajnuna li tkun irċeviet, sussidjarja li lilha sussegwentement tittrasferixxi l‑attivitajiet tal‑operat l‑iktar profittabbli tagħha jammonta għall‑aċċettazzjoni tal‑possibbiltà għal kull kumpannija li tnaqqas dawn l‑assi mill‑patrimonju tal‑kumpannija parent meta jsir l‑irkupru tal‑għajnuna, ħaġa din li toħloq il‑perikolu li l‑irkupru tal‑għajnuna jiġi mċaħħad kompletament jew parzjalment mill‑effetti tiegħu. Sabiex jiġi evitat li d‑deċiżjoni ma titlifx l‑effettività tagħha u li d‑distorsjoni fil‑kompetizzjoni ma tippersistix, il‑Kummissjoni jista’ jkollha teżiġi li l‑irkupru ma jkunx limitat għall‑impriża inizjali iżda jkun estiż għall‑impriża li tkun qiegħda tiżgura l‑permanenza tagħha permezz tal‑mezzi ta’ produzzjoni li jkunu ġew ittrasferiti lilha, meta ċerti elementi tat‑trasferiment jippermettu li tiġi kkonstatata kontinwità ekonomika bejn iż‑żewġ entitajiet (punt 33 tal‑konklużjonijiet).

145    F’dan il‑każ, l‑argument tar‑Repubblika Ellenika u ta’ NOA, intiż essenzjalment sabiex jiġi kkontestat il‑fatt li l‑assi prinċipali ta’ OA – li kienu marbuta mas‑settur tal‑attivitajiet ta’ titjiriet – ġew ittrasferiti lil NOA, ħielsa mill‑parti l‑kbira tad‑dejn, u skont modalitajiet li għamlu impossibbli l‑irkupru tal‑għajnuna mingħand din il‑kumpannija, huwa fil‑verità intiż sabiex tiġi kkontestata l‑analiżi li fuqha bbażat ruħha l‑Qorti tal‑Ġustizzja fis‑sentenza tat‑12 ta’ Mejju 2005. Fil‑fatt, għall‑kuntrarju tal‑allegazzjonijiet tar‑rikorrenti, il‑punti ta’ fatt u ta’ liġi prinċipali rilevanti li diġà ttieħdu inkunsiderazzjoni f’dik is‑sentenza mhumiex differenti f’dan il‑każ. B’mod partikolari, għalkemm huwa minnu li, f’dik is‑sentenza, il‑Qorti tal‑Ġustizzja osservat li l‑assi tas‑settur tal‑attivitajiet ta’ titjiriet kienu ġew ittrasferiti lil NOA “ħielsa minn kull dejn”, din il‑kunsiderazzjoni – li kienet ibbażata fuq l‑informazzjoni mogħtija lill‑Qorti tal‑Ġustizzja mill‑partijiet – hija dovuta għall‑fatt li l‑Qorti tal‑Ġustizzja ma kinitx mitluba, fil‑kuntest tar‑rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu li bih kienet adita, teżamina fid‑dettal il‑modalitajiet kollha tar‑ristrutturazzjoni tal‑grupp Olympic Airways, b’mod partikolari fir‑rigward tat‑trasferiment ta’ parti żgħira ħafna mid‑dejn ta’ NOA, fejn id‑dejn fuq perijodu twil kollu u 90 % tad‑dejn fuq perijodu qasir baqa’ jsejjaħ lil OA. F’dan il‑kuntest, il‑fatt, invokat f’dan il‑każ mir‑rikorrenti, li OA żammet l‑attivitajiet ta’ assistenza fuq l‑art, ta’ manutenzjoni u ta’ taħriġ u li 10 % tad‑dejn fuq perijodu qasir tagħha, jiġifieri dejn ta’ inqas minn xahar, ġie ttrasferit lil NOA, kif jirriżulta mir‑rapport ta’ Moore Stephens, ma huwiex ta’ natura li jibdel l‑analiżi li tirriżulta mis‑sentenza tat‑12 ta’ Mejju 2005.

146    Barra minn hekk, għandu jiġi enfasizzat li, għall‑kuntrarju tal‑allegazzjonijiet tar‑rikorrenti, il‑kriterji stabbiliti fil‑ġurisprudenza għall‑identifikazzjoni tal‑benefiċjarju effettiv ta’ għajnuna huma ta’ natura oġġettiva. Fil‑fatt, mill‑ġurisprudenza jirriżulta li l‑eżistenza ta’ kontinwità ekonomika tista’ tiġi stabbilita, għall‑finijiet tal‑irkupru tal‑għajnuna, fuq il‑bażi ta’ diversi elementi oġġettivi, bħan‑nuqqas ta’ ħlas, bħala korrispettiv għall‑assi ttrasferiti, ta’ prezz konformi mall‑kundizzjonijiet tas‑suq, jew il‑fatt oġġettiv li t‑trasferiment kellu l‑effett li jiġi evitat l‑obbligu li titħallas lura l‑għajnuna kontenzjuża (ara, f’dan is‑sens, is‑sentenza Il‑Ġermanja vs Il‑Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 86; sentenzi tat‑12 ta’ Mejju 2005, punti 32 sa 34, u L‑Italja u SIM2 Multimedia vs Il‑Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 78). F’dan ir‑rigward, għall‑kuntrarju tal‑allegazzjonijiet tar‑rikorrenti, mis‑sentenza CDA Datenträger Albrechts vs Il‑Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, ma jirriżultax li l‑preżenza ta’ element intenzjonali hija meħtieġa sabiex jiġi kkonstatat li l‑obbligu ta’ ħlas lura ġie evitat permezz tat‑trasferiment ta’ assi. Bl‑istess mod, għandu jiġi osservat li l‑kriterju dwar il‑mument tat‑trasferiment tal‑assi (ara l‑punti 135 sa 138 iktar ’il fuq) huwa wkoll ta’ natura oġġettiva u ma jimplikax l‑eżistenza ta’ intenzjoni ta’ evażjoni. Dan il‑kriterju għandu jinftiehem fis‑sens li l‑mument tat‑trasferiment jista’ jikkostitwixxi, jekk ikun il‑każ, indizju ta’ effett ta’ evażjoni.

147    F’dan il‑kuntest ma jistax jintlaqa’ l‑argument tar‑rikorrenti li r‑ristrutturazzjoni tal‑grupp Olympic Airways u t‑trasferiment tal‑attivitajiet ta’ titjiriet lil NOA kienu imposti mil‑loġika ekonomika ta’ rkupru iktar effettiv tal‑għajnuna mogħtija lil OA permezz tal‑privatizzazzjoni ta’ NOA.

148    F’dan ir‑rigward, għandu jiġi osservat li l‑għan tal‑obbligu ta’ rkupru tal‑għajnuna huwa li tiġi stabbilita mill‑ġdid is‑sitwazzjoni ta’ kompetizzjoni fis‑settur ekonomiku kkonċernat u mhux li l‑awtorità pubblika tkun tista’ tirkupra d‑debiti tagħha (ara, f’dan is‑sens, is‑sentenza Il‑Ġermanja vs Il‑Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 76). Il‑loġika ekonomika tal‑operazzjoni ta’ trasferiment ta’ assi għandha għalhekk tiġi eżaminata fid‑dawl tal‑istabbiliment mill‑ġdid tas‑sitwazzjoni ta’ kompetizzjoni fis‑settur ikkonċernat.

149    Minn dan jirriżulta li l‑element suġġettiv invokat mir‑rikorrenti, jiġifieri l‑fatt li r‑ristrutturazzjoni tal‑grupp Olympic Airways u l‑ħolqien ta’ NOA saru bil‑għan li l‑privatizzazzjoni b’mod partikolari ta’ NOA tkun tista’ ssir fl‑aħjar kundizzjonijiet u bil‑massimu ta’ profitt, bl‑iskop li l‑irkupru tal‑għajnuna jiġi żgurat b’mod partikolari permezz tal‑bilanċ li jirriżulta mill‑privatizzazzjoni, huwa fi kwalunkwe każ irrilevanti.

150    Fl‑aħħar nett, għandu jiġi osservat li l‑kwistjoni f’dawn il‑kawżi taqa’ fi sfond ta’ ċirkustanzi partikolari, ikkaratterizzati mill‑fatt li r‑ristrutturazzjoni ta’ OA u l‑ħolqien ta’ NOA kienu biss operazzjonijiet tranżitorji, intiżi sabiex tiġi ffaċilitata l‑privatizzazzjoni. It‑trasferiment lil NOA tas‑settur tal‑attivitajiet ta’ titjiriet tal‑grupp Olympic Airways sar permezz ta’ liġi, b’deroga mid‑dritt komuni, u l‑kapital kollu ta’ din il‑kumpannija ġdida għadda immedjatament għand ir‑Repubblika Ellenika. F’dawn iċ‑ċirkustanzi, fin‑nuqqas ta’ ħlas ta’ korrispettiv, mill‑akkwirent il‑ġdid, sakemm il‑privatizzazzjoni tal‑kumpannija tal‑ajru ma kinitx għadha tlestiet, ma kienx hemm lok li jiġi vverifikat jekk l‑ammont tal‑għajnuna mogħtija lil OA qabel il‑qsim setax jiġi kkunsidrat bħala inkluż fil‑prezz tax‑xiri skont il‑kundizzjonijiet tas‑suq (ara, f’dan is‑sens, is‑sentenzi tal‑Qorti tal‑Ġustizzja tal‑20 ta’ Settembru 2001, Banks, C‑390/98, Ġabra p. I‑6117, punt 77, u tat‑13 ta’ Novembru 2008, Il‑Kummissjoni vs Franza, C‑214/07, Ġabra p. I‑8357, punti 57 u 58).

151    Għal dawn ir‑raġunijiet kollha, il‑konstatazzjoni mill‑Kummissjoni ta’ kontinwità ekonomika bejn OA u NOA, għall‑finijiet tal‑irkupru tal‑għajnuna kontenzjuża mogħtija lil OA qabel il‑qsim, ma tistax titqies li hija vvizzjata bi żball manifest ta’ evalwazzjoni.

152    Barra minn hekk, id‑deċiżjoni kkontestata hija mmotivata suffiċjentement. Fil‑fatt, il‑Kummissjoni esponiet b’mod ċar, fil‑kuntest tal‑eżami tar‑rabta bejn OA u NOA, fil‑premessi 178 sa 183 ta’ din id‑deċiżjoni, ir‑raġunijiet għalxiex hija kienet tqis li kien hemm, b’mod partikolari fid‑dawl tas‑sentenza tat‑12 ta’ Mejju 2005, kontinwità ekonomika bejn OA u NOA, għall‑finijiet tal‑irkupru tal‑għajnuna kontenzjuża li tippreċedi l‑qsim. F’dan ir‑rigward għandu jitfakkar li, għall‑kuntrarju tal‑allegazzjonijiet tar‑rikorrenti, l‑evalwazzjoni tal‑loġika ekonomika tal‑ħolqien ta’ NOA, magħmula f’dan il‑każ mill‑Kummissjoni sabiex tiddetermina l‑benefiċjarji effettivi tal‑għajnuna li tippreċedi l‑qsim, għandha tiġi distinta mill‑eżami tal‑kompatibbiltà mas‑suq komuni tar‑ristrutturazzjoni stess (ara l‑punt 99 iktar ’il fuq). In‑nuqqas ta’ tali eżami mill‑Kummissjoni, għalhekk, ma jirrivela ebda insuffiċjenza ta’ motivazzjoni tad‑deċiżjoni kkontestata.

153    Minn dan isegwi li l‑motivi bbażati fuq żball manifest ta’ evalwazzjoni u fuq nuqqas ta’ motivazzjoni għandhom jiġu miċħuda bħala infondati.

2.     Fuq l‑għajnuna mogħtija lil NOA [l-Artikolu 1(4) tad‑deċiżjoni kkontestata] (Kawżi T‑415/05 u T‑416/05)

154    Ir‑Repubblika Ellenika u NOA qegħdin jitolbu l‑annullament tad‑deċiżjoni kkontestata sa fejn il‑Kummissjoni tikkonstata, fl‑Artikolu 1(1) tagħha, l‑għoti lil NOA ta’ għajnuna illegali fil‑forma ta’ renta, fir‑rigward tas‑sullokazzjoni ta’ ajruplani, li l‑ammont tagħha kien inqas mir‑renta mħallsa minn OA u mir‑Repubblika Ellenika fir‑rigward tal‑kuntratti ta’ kera prinċipali. F’dan ir‑rigward ir‑rikorrenti jibbażaw ruħhom fuq żewġ motivi bbażati, rispettivament, fuq ksur tal‑Artikolu 87(1) KE u fuq motivazzjoni insuffiċjenti jew nuqqas ta’ motivazzjoni fir‑rigward tal‑eżami tal‑kundizzjonijiet għall‑applikazzjoni tal‑Artikolu 87(1) KE dwar, minn naħa, l‑għoti ta’ vantaġġ fir‑rigward tal‑kriterju tal‑investitur privat u, min‑naħa l‑oħra, l‑imputabbiltà lir‑Repubblika Ellenika tal‑aġir kontenzjuż ta’ OA.

155    Preliminarjament, ir‑rikorrenti jikkontestaw it‑teħid inkunsiderazzjoni, mill‑Kummissjoni, ta’ allegata kontinwità ekonomika bejn OA u NOA għall‑finijiet tal‑klassifikazzjoni tal‑miżuri kontenzjużi.

a)     Fuq it‑teħid inkunsiderazzjoni ta’ kontinwità ekonomika bejn OA u NOA għall‑finijiet tal‑klassifikazzjoni tal‑miżuri kontenzjużi

 L‑argumenti tal‑partijiet

156    Ir‑Repubblika Ellenika u NOA jsostnu b’mod preliminari li, fid‑deċiżjoni kkontestata, il‑Kummissjoni eżaminat b’mod separat il‑miżuri favur OA u NOA. Billi tibbaża ruħha, fir‑risposti tagħha, fuq allegata kontinwità ekonomika bejn OA u NOA – li skont il‑Kummissjoni timplika li l‑miżuri meħuda fil‑konfront ta’ NOA ma jistgħux jiġu evalwati b’mod awtonomu għall‑finijiet tal‑klassifikazzjoni tagħhom bħala għajnuna mill‑Istat –, il‑Kummissjoni qiegħda tipprova tissostitwixxi l‑motivazzjoni insuffiċjenti u żbaljata tad‑deċiżjoni kkontestata b’motivazzjoni ġdida. Skonthom, din il‑motivazzjoni ġdida hija għalhekk inammissibbli.

157    Barra minn hekk, skont dawn l‑istess partijiet, il‑kontradizzjonijiet bejn id‑deċiżjoni kkontestata u l‑argumenti tal‑Kummissjoni quddiem il‑Qorti Ġenerali ma jippermettux li tinftiehem il‑motivazzjoni ta’ din id‑deċiżjoni. Dawn għalhekk jippreġudikaw id‑drittijiet tad‑difiża tar‑rikorrenti li huma meħtieġa jirribattu indikazzjonijiet ambigwi u kontradittorji.

158    Fi kwalunkwe każ, l‑argumenti ġodda tal‑Kummissjoni ma huma ssostanzjati b’ebda prova li abbażi tagħha tista’ tiġi kkonstatata l‑eżistenza ta’ kontinwità ekonomika bejn OA u NOA.

159    F’dan il‑kuntest, ir‑Repubblika Ellenika u NOA jqisu li l‑miżuri kontenzjużi għandhom jiġu eżaminati b’mod separat, fid‑dawl tad‑destinatarji rispettivi tagħhom, u mhux fuq il‑bażi ta’ allegata kontinwità ekonomika bejn OA u NOA.

160    Il‑Kummissjoni, sostnuta fil‑Kawża T‑416/05 minn Aeroporia Aigaiou li min‑naħa tagħha ttenni l‑argumenti tal‑Kummissjoni, tippreċiża li, fid‑deċiżjoni kkontestata, hija eżaminat b’mod individwali l‑miżuri inkwistjoni, filwaqt li kkunsidrathom fil‑kuntest tagħhom, jiġifieri l‑kuntest ġenerali tar‑ristrutturazzjoni ta’ OA.

161    Hija ssostni li l‑eżistenza ta’ kontinwità ekonomika bejn OA u NOA ġiet ikkonstatata mill‑Qorti tal‑Ġustizzja fis‑sentenza tat‑12 ta’ Mejju 2005. Il‑qsim tas‑settur tal‑attivitajiet ta’ titjiriet illibera lil dan is‑settur mir‑renti għolja li għalihom kien suġġett. L‑attivitajiet ta’ titjiriet ta’ NOA huma għalhekk issussidjati minn OA, li l‑iżbilanċi tagħha tagħmel tajjeb għalihom, fl‑aħħar mill‑aħħar, ir‑Repubblika Ellenika, permezz tat‑tolleranza fil‑konfront tad‑dejn ta’ OA fir‑rigward tal‑Istat u permezz tal‑provvista tal‑kont speċjali. Il‑miżuri inkwistjoni għandhom għalhekk jiġu evalwati f’dan il‑kuntest ekonomiku.

162    B’mod partikolari, id‑diffikultajiet finanzjarji persistenti kemm ta’ OA kif ukoll ta’ NOA, minkejja t‑trasformazzjoni formali tal‑grupp, u l‑prossimità kronoloġika tad‑deċiżjoni tal‑11 ta’ Diċembru 2002 jippermettu li jiġi kkunsidrat li l‑miżuri kontenzjużi jiżguraw li l‑benefiċjarji tagħhom jibqgħu attivi u għandhom l‑istess għan bħall‑għajnuna preċedenti.

163    L‑intervenjenti tenfasizza li l‑konformità tal‑miżuri kontenzjużi mal‑kriterju tal‑investitur privat għandha tiġi evalwata fid‑dawl tat‑terminu ta’ profittabbiltà tal‑investiment. Għalhekk, huwa indispensabbli li tittieħed inkunsiderazzjoni l‑istorja sħiħa tal‑għoti tal‑għajnuna mill‑Istat lill‑grupp Olympic Airways.

 Il‑kunsiderazzjonijiet tal‑Qorti Ġenerali

164    Għandu jitfakkar, preliminarjament, li, fid‑deċiżjoni kkontestata, il‑Kummissjoni, minn naħa, tikkonstata l‑eżistenza ta’ kontinwità ekonomika bejn OA u NOA għall‑finijiet tal‑irkupru tal‑għajnuna li tippreċedi l‑qsim (ara l‑punti 68 sa 153 iktar ’il fuq) u, min‑naħa l‑oħra, tikklassifika bħala għajnuna mill‑Istat ċertu numru ta’ miżuri favur NOA jew OA, li kienu jagħmlu parti mill‑proċess ta’ trasformazzjoni tal‑grupp Olympic Airways permezz tal‑Liġi Nru 3185/2003 fid‑dawl tal‑privattizzazzjoni tiegħu.

165    Dawn iż‑żewġ kwistjonijiet huma kompletament distinti, kif jirriżulta mill‑kunsiderazzjonijiet preċedenti (ara, b’mod partikolari, il‑punti 99 sa 101 iktar ’il fuq). Il‑konklużjonijiet marbuta mal‑kwistjoni jekk, minħabba l‑kontinwità ekonomika bejn OA u NOA, din tal‑aħħar ibbenefikatx ukoll mill‑għajnuna mogħtija lil OA qabel il‑qsim u għalhekk tistax tkun obbligata tirrimborsa din l‑għajnuna huma, għalhekk, irrilevanti fir‑rigward tal‑klassifikazzjoni, fid‑dawl tal‑Artikolu 87(1) KE tal‑għajnuna mogħtija direttament lil NOA wara l‑ħolqien tagħha.

166    Il‑kwistjoni tal‑klassifikazzjoni tal‑miżuri ġodda favur NOA għandha għalhekk tiġi distinta mill‑kwistjoni, marbuta mal‑irkupru tal‑għajnuna, eżaminata pereżempju fis‑sentenza Il‑Ġermanja vs Il‑Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq (punti 71, 87 u 88), fejn il‑Qorti tal‑Ġustizzja ddeċidiet li s‑sempliċi fatt li sussidjarja maħluqa reċentement kienet kompliet teżerċita l‑attivitajiet tal‑kumpannija parent, li kienet is‑suġġett ta’ proċedura ta’ stralċ, permezz tal‑kiri tal‑installazzjonijiet ta’ din tal‑aħħar, u filwaqt li l‑Kummissjoni kienet qiegħda ssostni li hija ma kinitx kisbet informazzjoni li tippermettilha tevalwa jekk ir‑renta kinitx konformi mal‑kundizzjonijiet tas‑suq, ma kienx jippermetti li jiġi stabbilit li l‑akkwirent kien ibbenefika mill‑vantaġġ kompetittiv marbut mal‑għajnuna mogħtija lil min jagħti b’kera qabel il‑ħolqien tal‑akkwirent.

167    F’dan il‑każ, il‑miżuri kontenzjużi favur NOA jikkonsistu fil‑livell baxx tar‑renta mħallsa minn din il‑kumpannija lil OA u lir‑Repubblika Ellenika għas‑sullokazzjoni ta’ ajruplani. Il‑Kummissjoni ssostni, essenzjalment, li l‑kuntest ta’ dawn il‑miżuri, ikkaratterizzat mill‑kontinwità ekonomika bejn OA u NOA u mill‑appoġġ finanzjarju tar‑Repubblika Ellenika lil OA sabiex tiġi żgurata t‑tkomplija tal‑attivitajiet ta’ titjiriet, jista’ jittieħed inkunsiderazzjoni sabiex jiġi preżunt li dawn il‑miżuri ġodda favur NOA jikkostitwixxu wkoll għajnuna mill‑Istat.

168    F’dan ir‑rigward, l‑eżami tad‑deċiżjoni kkontestata juri li l‑Kummissjoni għamlet eżami individwali, fir‑rigward tal‑kundizzjonijiet għall‑applikazzjoni tal‑Artikolu 87 KE, ta’ ċertu numru ta’ miżuri speċifiċi favur OA jew NOA, li fosthom jinsab il‑livell tar‑renta mħallsa minn NOA għas‑sullokazzjoni ta’ ajruplani (premessi 56, 57, 155 sa 161, 186, 188, 191 u 193 tad‑deċiżjoni kkontestata). Madankollu, minn din id‑deċiżjoni jirriżulta li dan l‑eżami separat ta’ kull waħda mill‑miżuri inkwistjoni, għall‑finijiet tal‑klassifikazzjoni tagħhom, jaqa’ neċessarjament fil‑kuntest ġenerali tat‑trasformazzjoni tal‑grupp Olympic Airways, li kienet tikkonsisti fil‑qsim tal‑attivitajiet ta’ titjiriet u fit‑tkomplija tagħhom mill‑kumpannija ġdida NOA, skont il‑modalitajiet previsti b’mod partikolari fil‑Liġi Nru 3185/2003. Fil‑fatt, fid‑dawl b’mod partikolari tal‑konklużjonijiet tal‑esperti tal‑Kummissjoni dwar ir‑ristrutturazzjoni tal‑grupp Olympic Airways magħmula f’Diċembru 2003 (premessi 110 sa 126 tad‑deċiżjoni kkontestata), il‑Kummissjoni tanalizza n‑natura ta’ din ir‑ristrutturazzjoni, mingħajr madankollu, ma tikklassifika din ir‑ristrutturazzjoni bħala għajnuna mill‑Istat (premessi 178 sa 183 tad‑deċiżjoni kkontestata), kif diġà ġie osservat (ara l‑punt 101 iktar ’il fuq).

169    Il‑Kummissjoni għalhekk issostni ġustament li mid‑deċiżjoni kkontestata jirriżulta li hija eżaminat individwalment il‑miżuri kontenzjużi favur NOA (ara, b’mod partikolari, il‑premessi 186 u 188), filwaqt li kkunsidrathom fil‑kuntest tagħhom, jiġifieri l‑kuntest ġenerali tar‑ristrutturazzjoni tal‑grupp Olympic Airways.

170    F’dawn iċ‑ċirkustanzi, għall‑kuntrarju tal‑allegazzjonijiet tar‑rikorrenti, l‑argument tal‑Kummissjoni li l‑eżistenza ta’ kontinwità ekonomika bejn OA u NOA għandha tittieħed inkunsiderazzjoni, għall‑finijiet tal‑klassifikazzjoni tal‑miżuri kontenzjużi fir‑rigward tal‑Artikolu 87(1) KE, ma huwiex motivazzjoni ġdida intiża li tissostitwixxi l‑motivazzjoni tad‑deċiżjoni kkontestata. Għalhekk, tali argument ma jistax jiġi ddikjarat inammissibbli.

171    Barra minn hekk, għandu jiġi osservat li, għall‑kuntrarju tal‑allegazzjonijiet tar‑rikorrenti, it‑teħid inkunsiderazzjoni mill‑Kummissjoni tal‑kontinwità ekonomika bejn OA u NOA ma huwiex fih innifsu f’kontradizzjoni mal‑eżami individwali tal‑miżuri kontenzjużi u ma jagħmilx il‑motivazzjoni tad‑deċiżjoni kkontestata inkomprensibbli.

172    Barra minn hekk, fir‑rigward tat‑teħid inkunsiderazzjoni tal‑kontinwità ekonomika bejn OA u NOA fil‑kuntest tal‑klassifikazzjoni tal‑miżuri kontenzjużi fir‑rigward tad‑dispożizzjonijiet tal‑Artikolu 87 KE, għandu jitfakkar qabel kollox li, skont ġurisprudenza ferm stabbilita, il‑Kummissjoni għandha dejjem teżamina l‑elementi rilevanti kollha tal‑operazzjoni kontenzjuża u l‑kuntest tagħha, b’mod partikolari fl‑applikazzjoni tal‑kriterju tal‑investitur privat (sentenza tal‑Qorti Ġenerali tas‑6 ta’ Marzu 2003, Westdeutsche Landesbank Girozentrale u Land Nordrhein‑Westfalen vs Il‑Kummissjoni, T‑228/99 u T‑233/99, Ġabra p. II‑435, punt 270; ara wkoll is‑sentenza tal‑Qorti Ġenerali tas‑17 ta’ Diċembru 2008, Ryanair vs Il‑Kummissjoni, T‑196/04, Ġabra p. II‑3643, punt 59).

173    F’dan il‑każ, minn dan jirriżulta li t‑teħid inkunsiderazzjoni tal‑eżistenza ta’ kontinwità ekonomika bejn OA u NOA ma ħelisx lill‑Kummissjoni mill‑obbligu tagħha li tivverifika, fid‑dawl tal‑elementi rilevanti kollha, jekk il‑kundizzjonijiet għall‑applikazzjoni tal‑Artikolu 87(1) KE kinux sodisfatti.

174    F’dan il‑każ, il‑Kummissjoni setgħet ġustament tieħu inkunsiderazzjoni l‑kuntest tal‑miżuri kontenzjużi, ikkaratterizzat, minn naħa, mill‑għoti lill‑kumpannija tal‑ajru preċedenti OA ta’ għajnuna għar‑ristrutturazzjoni u ta’ għajnuna illegali intiża li tippermetti t‑tkomplija tal‑attivitajiet ta’ titjiriet tagħha u, min‑naħa l‑oħra, mir‑ristrutturazzjoni tal‑grupp Olympic Airways fl‑2003 fid‑dawl tal‑privatizzazzjoni tagħha kif ukoll min‑natura tar‑rabta bejn OA u NOA. Madankollu, il‑Kummissjoni xorta waħda kienet obbligata teżamina jekk, fir‑rigward tal‑kriterju tal‑investitur privat, il‑miżuri kontenzjużi kinux jikkorrispondu għal tranżazzjonijiet kummerċjali normali f’ekonomija tas‑suq u jekk għalhekk kinux distinti mill‑għajnuna illegali msemmija iktar ’il fuq (ara, f’dan is‑sens, is‑sentenza tal‑Qorti Ġenerali tas‑17 ta’ Ottubru 2002, Linde vs Il‑Kummissjoni, T‑98/00, Ġabra p. II‑3961, punti 43 sa 54).

175    F’dawn iċ‑ċirkustanzi, il‑konstatazzjoni dwar l‑eżistenza ta’ kontinwità ekonomika bejn OA u NOA ma tippermettix li jiġi preżunt li, fid‑dawl tal‑persistenza tad‑diffikultajiet ekonomiċi ta’ dawn iż‑żewġ kumpanniji wara l‑qsim, il‑miżuri ġodda favur NOA, eżaminati fid‑deċiżjoni kkontestata, jikkostitwixxu l‑kontinwazzjoni loġika tal‑għajnuna preċedenti msemmija iktar ’il fuq u jaqgħu għalhekk ukoll fil‑kategorija ta’ għajnuna mill‑Istat.

176    F’dan ir‑rigward, l‑argument tal‑Kummissjoni bbażat fuq is‑sentenza tal‑Qorti Ġenerali tal‑15 ta’ Settembru 1998, BP Chemicals vs Il‑Kummissjoni (T‑11/95, Ġabra p. II‑3235, punti 171 u 176), ma jistax jintlaqa’. Fil‑fatt, għall‑kuntrarju taċ‑ċirkustanzi li wasslu għal dik is‑sentenza, fejn il‑miżuri inkwistjoni kienu jikkonsistu f’sensiela ta’ kontribuzzjonijiet suċċessivi ta’ kapital magħmula minn impriża pubblika lill‑kumpannija sussidjarja tagħha, għandu jiġi osservat li, f’dan il‑każ, l‑għajnuna allegatament mogħtija minn OA u mir‑Repubblika Ellenika lil NOA, fil‑forma ta’ renta għas‑sullokazzjoni ta’ ajruplani ħafna inqas minn dik imħallsa minn OA u mir‑Repubblika Ellenika fuq il‑kuntratti prinċipali, hija, meta jitqiesu s‑suġġett u n‑natura stess tagħha, kompletament distinta mill‑għajnuna mill‑Istat favur OA inkwistjoni fid‑deċiżjoni tal‑11 ta’ Diċembru 2002 u ma għandha ebda relazzjoni ma’ din tal‑aħħar.

177    Barra minn hekk, għandu fuq kollox jiġi osservat li, skont is‑sentenza BP Chemicals vs Il‑Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq (il-punt 170), anki meta l‑miżura inkwistjoni tkun sussegwenti għal miżuri tal‑istess natura kklassifikati bħala għajnuna mill‑Istat, dan il‑fatt ma jeskludix, a priori, li l‑miżura msemmija tista’ tissodisfa l‑kriterju tal‑investitur privat f’ekomomija tas‑suq. Fi kwalunkwe każ, hija l‑qorti tal‑Unjoni li għandha tivverifika jekk, fid‑dawl tal‑elementi rilevanti, din il‑miżura tistax raġonevolment tiġi distinta mill‑miżuri ta’ għajnuna preċedenti u tistax titqies, għall‑finijiet tal‑applikazzjoni tal‑kriterju tal‑investitur privat, bħala miżura awtonoma.

178    F’dan il‑każ, il‑Kummissjoni kellha għalhekk teżamina jekk l‑għajnuna allegata favur NOA kinitx tissodisfa l‑kundizzjonijiet għall‑applikazzjoni tal‑Artikolu 87(1) KE billi tibbaża ruħha, mhux biss fuq il‑kuntest tal‑għajnuna, u b’mod partikolari fuq il‑fatt li dawn il‑miżuri kienu kronoloġikament sussegwenti għall‑għajnuna preċedenti mogħtija lil OA, u fuq id‑diffkultajiet ekonomiċi persistenti tal‑impriżi kkonċernati, iżda fuq il‑punti ta’ fatt u ta’ liġi rilevanti kollha.

b)     Fuq il‑kriterju tal‑investitur privat


 L‑argumenti tal‑partijiet

179    Ir‑Repubblika Ellenika u NOA jinvokaw, l‑ewwel nett, żball manifest ta’ evalwazzjoni fir‑rigward tal‑applikazzjoni tal‑kriterju tal‑investitur privat u, it‑tieni nett, nuqqas ta’ motivazzjoni tad‑deċiżjoni kkontestata dwar dan il‑punt.

180    Fir‑rigward tal‑iżball manfest ta’ evalwazzjoni, ir‑Repubblika Ellenika u NOA jsostnu li s‑sullokazzjoni ta’ ajruplani, b’renta inqas minn dik imħallsa għall‑kera prinċipali, ma ta lil NOA ebda vantaġġ li din il‑kumpannija ma kinitx tikseb fil‑kundizzjonijiet normali tas‑suq.

181    F’dan il‑każ, l‑aġir ta’ OA kien konformi ma’ dak ta’ operatur privat li – f’sitwazzjoni ta’ tnaqqis qawwi fir‑renta b’konsegwenza tal‑kriżi fis‑suq internazzjonali tat‑trasport bl‑ajru sussegwentement għall‑avvenimenti tal‑11 ta’ Settembru 2001, filwaqt li jkun obbligat iħallas ir‑renta stipulata fil‑kuntratti ta’ kera prinċipali anki jekk jittermina unilateralment dawn il‑kuntratti – kien inaqqas b’madwar 50 % t‑telf imġarrab billi jaċċetta s‑sullokazzjoni tal‑ajruplani tiegħu b’renta inqas minn dik li huwa kien iħallas fuq il‑kuntratti ta’ kera prinċipali konklużi qabel il‑kriżi f’ambitu ekonomiku differenti.

182    Barra minn hekk, sabiex tevalwa jekk il‑kuntratti ta’ sullokazzjoni jagħtux vantaġġ lil NOA, il‑Kummissjoni kien imissha ħadet inkunsiderazzjoni t‑tranżazzjonijiet kollha konklużi bejn OA u NOA, ħaġa din li hija ma għamlitx fid‑deċiżjoni kkontestata. Issa, permezz tas‑sullokazzjoni inkwistjoni, OA nħelset mill‑ispejjeż marbuta maż‑żamma, mal‑manutenzjoni u mat‑tiswija tal‑ajruplani. Barra minn hekk, hija pprovdiet servizzi ta’ manutenzjoni u ta’ tiswija ta’ ajruplani lil NOA bil‑prezzijiet tas‑suq (ara l‑premessi 163 u 164 tad‑deċiżjoni). Mill‑ammont totali ta’ EUR 99 miljun imħallsa minn NOA lil OA fl‑2004 għal servizzi ta’ manutenzjoni, ammont ta’ EUR 44 441 850 kien jikkorrispondi għat‑18‑il ajruplan sullokati minn OA lil NOA.

183    Barra minn hekk, ir‑rikorrenti jakkużaw lill‑Kummissjoni li naqset milli tqabbel ir‑renta mħallsa minn NOA ma’ dik tas‑suq. Barra minn hekk, huma jikkontestaw l‑affermazzjoni tal‑Kummissjoni li NOA, probabbilment, ma kinitx issib min jikrilha fil‑kundizzjonijiet tas‑suq. Din l‑affermazzjoni mhija ssostanzjata minn ebda prova u hija kontradetta mill‑fatti. B’mod partikolari, wara l‑avvenimenti tal‑11 ta’ Settembru 2001, il‑provvista ta’ ajruplani kienet ħafna ikbar mid‑domanda u r‑renta kienet eċċezzjonalment vantaġġjuża. Lejn l‑aħħar tas‑sena 2003, id‑domanda kienet ineżistenti. Min‑nofs is‑sena 2004, id‑domanda bdiet tiżdied u dan wassal għal żieda fir‑renta li laħqet it‑30 % sal‑aħħar tas‑sena 2004, iżda r‑renta qatt ma laħqet il‑livelli ta’ Settembru 2001. F’dan il‑każ, f’Ġunju 2004, NOA barra minn hekk ikkonkludiet kuntratt ta’ kera fir‑rigward ta’ ajruplan tat‑tip B 737‑300 b’renta ta’ USD 130 000 għal tliet snin, li tikkorrispondi għall‑prezz tas‑suq.

184    Fir‑rigward tal‑kuntratti ta’ leasing li jikkonċernaw erba’ ajruplani Airbus A 340‑300, ir‑Repubblika Ellenika u NOA jenfasizzaw id‑distinzjoni bejn, minn naħa, il‑kuntratti ta’ sullokazzjoni ta’ dawn l‑ajruplani lil NOA u, min‑naħa l‑oħra, id‑deċiżjoni tar‑Repubblika Ellenika li tuża d‑dritt tagħha li tissostitwixxi lil OA fil‑kuntest ta’ dawn il‑kuntratti minħabba li min kien qiegħed jagħti l‑ajruplani b’kera kien qed jhedded li jeżiġi l‑eżekuzzjoni immedjata tal‑garanziji kollha mogħtija mill‑Istat, li kienu jammontaw għal EUR 200 miljun, u minħabba li kien hemm riskju li l‑ajruplani jiġu rkuprati mingħand OA minn min kien tahom b’leasing. NOA ma ħadet ebda vantaġġ minn din is‑sostituzzjoni tar‑Repubblika Ellenika għal OA fil‑kuntratti ta’ leasing.

185    Il‑Kummissjoni, sostnuta fil‑Kawża T‑416/05 minn Aeroporia Aigaiou, tqis li, wara l‑ħolqien ta’ NOA b’OA bħala l‑punt ta’ tluq, is‑sullokazzjoni tal‑ajruplani lil NOA minn OA, għal renta sostanzjalment inqas minn dik imħallsa fuq il‑kuntratti prinċipali, ħeles lil NOA minn parti mill‑ispejjeż tal‑operat tagħha, li kienu b’hekk iffinanzjati minn OA u, fl‑aħħar mill‑aħħar, minħabba l‑iżbilanċ ta’ din tal‑aħħar, mir‑Repubblika Ellenika. Id‑deċiżjoni kkontestata ssemmi għalhekk it‑telf imġarrab direttament minn OA u mir‑Repubblika Ellenika (premessa 186) u indirettament mir‑Repubblika Ellenika (premessi 189 u 191). F’dawn iċ‑ċirkustanzi, il‑miżura kontenzjuża mhijiex konformi mal‑kriterju tal‑investitur privat.

186    Fil‑fatt, fl‑ewwel lok, il‑kriterju tal‑investitur privat jieħu inkunsiderazzjoni l‑effett tal‑miżuri inkwistjoni fuq il‑benefiċjarju billi jeżiġi l‑verifikazzjoni ta’ jekk dawn il‑miżuri jagħtuhx vantaġġ li huwa ma kienx jikseb fil‑kundizzjonijiet normali tas‑suq.

187    Issa, f’dan il‑każ, l‑awtoritajiet Griegi ma kkomunikawx lill‑Kummissjoni l‑provi neċessarji matul il‑proċedura ta’ investigazzjoni formali, minkejja l‑ordni tal‑Kummissjoni sabiex tingħata l‑informazzjoni neċessarja kollha għall‑eżami tal‑proċedura ta’ trasformazzjoni tal‑grupp Olympic Airways. Il‑ħruġ ta’ din l‑ordni lill‑awtoritajiet Griegi ttrasferixxa fuqhom l‑oneru tal‑prova, skont l‑Artikolu 13(1) tar‑Regolament Nru 659/1999. Peress li l‑informazzjoni pprovduta mill‑awtoritajiet Griegi kienet ferm ’il bogħod minn informazzjoni kompleta, il‑Kummissjoni ħatret esperti sabiex iwettqu kontrolli fuq il‑post. F’dawn iċ‑ċirkustanzi, il‑Kummissjoni tallega li l‑legalità tad‑deċiżjoni kkontestata tista’ tiġi evalwata biss fuq il‑bażi tal‑elementi li hija kellha għad‑dispożizzjoni tagħha meta ġiet adottata.

188    Fit‑tieni lok, il‑Kummissjoni ssostni li, fi kwalunkwe każ, anki li kieku l‑informazzjoni dwar ir‑renta kurrenti fis‑suq kienet mgħoddija lilha fil‑ħin, it‑tqabbil tal‑ammont tar‑renta mħallsa minn NOA mar‑renta tas‑suq kien ikun irrilevanti. Fil‑fatt, ma kienx ikun realistiku li jsir tali tqabbil sa fejn NOA, probabbilment, ma kienet se ssib ebda operaturi fis‑suq li kienu lesti jikrulha ajruplani mingħajr l‑intervent tar‑Repubblika Ellenika.

189    Din l‑analiżi hija kkorroborata mill‑fatt li l‑operaturi li jikru l‑ajurplani prinċipali, minħabba li kienu inkwetati dwar il‑futur tal‑krediti tagħhom fil‑konfront ta’ OA, kienu heddew li jitterminaw il‑kuntratti konklużi ma’ din il‑kumpannija, li jbigħu l‑ajruplani u li jitolbu eżekuzzjoni immedjata tal‑garanziji u mill‑fatt li huma kienu imponew kundizzjonijiet iżjed onerużi f’dan ir‑rigward. Din l‑analiżi lanqas ma hija kkontestata mill‑fatt li NOA kien irnexxielha tikkonkludi kuntratt ta’ kera operattiva f’Ġunju 2004 peress li din il‑kumpannija kienet baqgħet, skont il‑Kummissjoni, taħt il‑“protezzjoni” tar‑Repubblika Ellenika.

190    Permezz tas‑surroga tagħha għal OA fl‑erba’ kuntratti ta’ leasing u permezz tat‑tnaqqis fl‑ispejjeż tal‑kera, ir‑Repubblika Ellenika għamlet possibbli t‑tkomplija tal‑kirjiet u, għaldaqstant, iż‑żamma tal‑attivitajiet ta’ titjiriet. Għalhekk ma huwiex neċessarju li tiġi kkalkolata d‑differenza bejn ir‑renta ipotetika u r‑renta mħallsa minn NOA lil OA u lir‑Repubblika Ellenika.

191    Barra minn hekk, il‑Kummissjoni tenfasizza li, fid‑deċiżjoni kkontestata, hija sempliċement ikklassifikat bħala għajnuna mogħtija lil NOA t‑tnaqqis fl‑ispejjeż tal‑kera ta’ ajruplani mogħti minn OA u r‑Repubblika Ellenika, mingħajr ma kkwantifikat espressament din l‑għajnuna.

192    F’dawn iċ‑ċirkustanzi, fir‑rigward b’mod partikolari tal‑erba’ ajruplani ssullokati lil NOA mir‑Repubblika Ellenika, il‑Kummissjoni, għall‑kuntrarju tal‑allegazzjonijiet tar‑rikorrenti, ma injoratx, fid‑deċiżjoni kkontestata, id‑differenza bejn il‑korrispettivi previsti rispettivament fil‑kuntratti ta’ leasing u fil‑kuntratti ta’ sullokazzjoni. Madankollu, din id‑distinzjoni hija rilevanti biss sabiex jiġi kkalkolat l‑ammont tal‑għajnuna u ma kienx neċessarju li jsir riferiment għaliha sabiex jiġi stabbilit li parti mir‑renta kien qed jagħmel tajjeb għaliha l‑Istat.

193    Il‑Kummissjoni tippreċiża li s‑somom ta’ EUR 37 miljun u EUR 2.75 miljuni msemmija fl‑Artikolu 1(1) tad‑deċiżjoni kkontestata ma jikkorrispondux neċessarjament għall‑għajnuna, iżda jindikaw l‑ammont tat‑telf imġarrab rispettivament minn OA u mir‑Repubblika Ellenika. L‑ammont tal‑għajnuna għandu jiġi ddefinit, skont il‑Kummissjoni, fil‑kuntest ta’ diskussjonijiet bejn din l‑istituzzjoni u l‑awtoritajiet Griegi, skont il‑prinċipju ta’ kooperazzjoni leali stabbilit fl‑Artikolu 10 KE. Ma jistax jiġi eskluż li dan l‑ammont ikun iktar minn dak tat‑telf imsemmi.

194    Fid‑dawl ta’ dawn l‑elementi kollha, id‑deċiżjoni kkontestata hija motivata suffiċjentement fir‑rigward tal‑għoti lil NOA ta’ vantaġġ li jirriżulta mil‑livell tar‑renta (premessi 186 u 188). Ma kienx meħtieġ li tiġi kkwantifikata l‑għajnuna billi r‑renta mħallsa minn NOA titqabbel mal‑prezzijiet tas‑suq. Fi kwalunkwe każ, l‑awtoritajiet Griegi ma tawx lill‑Kummissjoni l‑informazzjoni meħtieġa għal dan il‑għan.

195    Fil‑Kawża T‑416/05, Aeroporia Aigaiou, intervenjenti insostenn tal‑Kummissjoni, tikkontesta l‑konformità tal‑aġir ta’ OA u tar‑Repubblika Ellenika mal‑kriterju tal‑operatur privat minħabba żewġ raġunijiet. Fl‑ewwel lok, hija ssostni li investitur privat kien jikkunsidra bi prijorità li jissulloka l‑ajruplani kkunsidrati lil kumpannija tal‑ajru b’saħħitha, filwaqt li jimponilha l‑kundizzjonijiet applikati fis‑suq sabiex ikun iggarantit il‑ħlas tar‑renta fil‑ħin, pjuttost milli lil NOA, li fir‑rigward tagħha ma kien hemm ebda possibbiltà ta’ eżekuzzjoni forzata. Fl‑aħħar nett, ebda investitur privat ma kien jaċċetta li jċedi l‑uniku settur ta’ attività potenzjalment profittabbli tiegħu.

196    Fit‑tieni lok, l‑intervenjenti ssostni li l‑konsegwenzi taż‑żamma ta’ kuntratt ta’ kera ta’ ajruplani, konkluż bi prezz għoli u għal żmien twil meta s‑sitwazzjoni tan‑negozju tkun favorevoli, jikkostitwixxu element tar‑riskju kummerċjali normali li jassumu l‑kumpanniji tal‑ajru. Għaldaqstant, sa fejn, skont l‑intervenjenti, NOA kienet is‑suċċessur ta’ OA u tappartjeni lill‑istess grupp, is‑sempliċi fatt li hija ma kellhiex tħallas ir‑renta għolja jikkostitwixxi għajnuna mill‑Istat ugwali għad‑differenza bejn ir‑renta mħallsa fuq il‑kuntratti prinċipali u dik imħallsa fil‑kuntest tas‑sullokazzjoni, mingħajr ma kien meħtieġ li r‑renta mħallsa minn NOA titqabbel mal‑prezzijiet tas‑suq.

197    Barra minn hekk, Aeroporia Aigaiou tesprimi dubji dwar il‑konformità tar‑renta mħallsa minn NOA mal‑prezzijiet tas‑suq. Hija tindika li, fil‑kuntest ta’ kuntratt tal‑14 ta’ Diċembru 2006, hija tħallas renta ta’ EUR 700 000 lil kumpannija li tikri ajruplani għall‑kiri ta’ ajruplan li l‑valur tas‑suq tiegħu huwa madwar 50 % inqas minn dak ta’ ajruplan tat‑tip ta’ dawk mikrija minn NOA.

 Il‑kunsiderazzjonijiet tal‑Qorti Ġenerali

198    Wara li tiġi ddeterminata l‑għajnuna kontenzjuża kif ukoll il‑kwistjonijiet imqajma mill‑argumenti tal‑partijiet, ser ikun meħtieġ li jiġu eżaminati l‑elementi rilevanti tal‑każ għall‑finijiet tal‑applikazzjoni tal‑kriterju tal‑investitur privat, sabiex imbagħad tiġi indirizzata l‑kwistjoni tat‑tqassim tal‑oneru tal‑prova fir‑rigward tal‑osservanza min‑naħa tal‑partijiet tal‑obbligi proċedurali tagħhom matul il‑proċedura amministrattiva.

–       Fuq id‑determinazzjoni tal‑għajnuna kontenzjuża

199    Mill‑Artikolu 1(1) u mill‑motivi tad‑deċiżjoni kkontestata jirriżulta b’mod espress li l‑Kummissjoni kkonkludiet biss li kienu jikkostitwixxu għajnuna mill‑Istat, minn naħa, l‑aċċettazzjoni minn OA, matul is‑sena 2004, ta’ renta għas‑sullokazzjoni ta’ ajruplani lil NOA, inqas minn dik imħallsa minn OA fuq il‑kuntratti ta’ kera operattivi prinċipali (ara, b’mod partikolari, il‑premessi 158 u 186) u, min‑naħa l‑oħra, l‑aċċettazzjoni mir‑Repubblika Ellenika ta’ renta inqas minn dik li hija kienet tħallas fuq il‑kuntratti ta’ leasing, mid‑data tas‑surroga tagħha għal OA fuq dawn il‑kuntratti sa Mejju 2005, id‑data meta saret il‑verifika fuq il‑post mill‑esperti tal‑Kummissjoni (ara, b’mod partikolari, il‑premessi 160 u 186). Id‑deċiżjoni kkontestata, għalhekk, ma tikkonċernax espliċitament it‑telf imġarrab minn OA fir‑rigward tal‑kuntratti ta’ leasing qabel is‑surroga tar‑Repubblika Ellenika u fir‑rigward tal‑kuntratti ta’ kera operattivi prinċipali mit‑12 sal‑31 ta’ Diċembru 2003 u mill‑1 ta’ Jannar sal‑14 ta’ Settembru 2005, id‑data meta ġiet adottata d‑deċiżjoni kkontestata. Għaldaqstant, hija lanqas ma tikkonċerna espliċitament it‑telf imġarrab mir‑Repubblika Ellenika minn Mejju sal‑14 ta’ Settembru 2005. Din l‑interpretazzjoni tad‑deċiżjoni kkontestata hija kkonfermata mis‑sentenza tal‑14 ta’ Frar 2008, Il‑Kummissjoni vs Il‑Greċja, iċċitata iktar ’il fuq (punt 42), fejn il‑Qorti tal‑Ġustizzja tiddikjara li l‑ammonti “li jikkonċernaw il‑ħlasijiet fir‑rigward tas‑sullokazzjoni ta’ ajruplani [...] ġew stabbiliti” fl‑Artikolu 1(1) tad‑deċiżjoni kkontestata, li jikkonċerna preċiżament it‑telf imġarrab minn OA fl‑2004 u mir‑Repubblika Ellenika sa Mejju 2005.

200    Fid‑deċiżjoni kkontestata [ara, b’mod partikolari, il‑premessi 186 u 188 u l‑Artikolu 1(1) tad‑dispożittiv], il‑Kummissjoni, filwaqt li tinvoka r‑rapport Moore Stephens, ibbażat ruħha esklużivament fuq il‑konstatazzjoni tat‑telf imġarrab minn OA u mir‑Repubblika Ellenika meta ssullokaw ajruplani lil NOA b’renta kunsiderevolment inqas minn dik imħallsa fuq il‑kuntratti prinċipali. F’dan ir‑rigward, ir‑rikorrenti ma jikkontestawx li dan it‑telf li jirriżulta mid‑differenza bejn ir‑renta prinċipali u r‑renta mħallsa minn NOA jilħaq, fir‑rigward ta’ OA, għas‑sullokazzjoni, fl‑2004, ta’ ajruplani lil NOA, l‑ammont totali ta’ EUR 37.6 miljun, jiġifieri 55 % tal‑ammont tar‑renta mħallsa fuq il‑kuntratti ta’ kera prinċipali. Fir‑rigward tat‑telf imġarrab mir‑Repubblika Ellenika, dan jilħaq, skont il‑konstatazzjonijiet magħmula mill‑esperti tal‑Kummissjoni, ammont bejn EUR 250 000 u EUR 350 000 kull xahar għal kull wieħed mill‑erba’ ajruplani li hija kienet tissulloka lil NOA, wara li ssostitwiet lil OA fuq il‑kuntratti ta’ leasing. Għalhekk, skont il‑Kummissjoni, id‑differenza bejn ir‑renta mħallsa minn NOA għal dawn l‑erba’ ajruplani u dik imħallsa mir‑Repubblika Ellenika fuq il‑kuntratti ta’ leasing tilħaq, sa Mejju 2005, ammont totali ta’ EUR 2.75 miljun, ammont li ma huwiex ikkontestat mir‑rikorrenti.

201    Fir‑rigward tas‑sullokazzjoni ta’ ajruplani minn OA lil NOA, mir‑rapport Moore Stephens u mid‑deċiżjoni kkontestata (ara, b’mod partikolari, il‑premessa 155) jirriżulta li, kif ġie kkonfermat minn NOA matul is‑seduta, din il‑kumpannija kienet tissulloka inizjalment, meta nħolqot, 23 ajruplan mingħand OA. Dan in‑numru sussegwentement naqas għal 22 minħabba li ma ġġedditx kuntratt ta’ kera operattiv bejn OA u l‑operatur li jikri l‑ajruplani prinċipali meta dan il‑kuntratt skada f’Marzu 2005.

202    Fir‑rigward tat‑22 ajruplan imsemmija, issullokati minn OA lil NOA, mid‑deċiżjoni kkontestata u mir‑rapport Moore Stephens jirriżulta li, u dan huwa paċifiku bejn il‑partijiet, 18 minn dawn l‑ajruplani kienu miżmuma minn OA taħt kuntratt ta’ kera operattiv u 4 taħt kuntratti ta’ leasing. Kif jirriżulta mir‑rapport imsemmi u kif ikkonfermat mill‑partijiet matul is‑seduta, ir‑Repubblika Ellenika ssostitwiet lil OA fis‑17 ta’ Diċembru 2004 fir‑rigward ta’ 2 minn dawn il‑kuntratti ta’ leasing, u f’April 2005 fir‑rigward tat‑2 l‑oħra.

–       Fuq id‑determinazzjoni tal‑kwistjonijiet kontenzjużi fir‑rigward tal‑kontenut tad‑deċiżjoni kkontestata u tal‑argumenti tal‑partijiet

203    F’dan il‑kuntest fattwali, il‑Kummissjoni qabblet biss, fid‑deċiżjoni kkontestata, ir‑renta mħallsa minn NOA għas‑sullokazzjoni tal‑ajruplani ma’ dik imħallsa fuq il‑kuntratti prinċipali. In‑nuqqas ta’ paragun bejn ir‑renta kontenzjuża mħallsa minn NOA u r‑renta kurrenti fuq is‑suq huwa kkonfermat mir‑rapport Moore Stephens. Fil‑fatt, f’dan ir‑rapport, li fuqu bbażat ruħha l‑Kummissjoni fid‑deċiżjoni kkontestata, l‑esperti jindikaw li, fil‑ħin li huma kellhom sabiex iwettqu l‑ħidma tagħhom, huma ma kinux f’pożizzjoni li jwettqu evalwazzjoni indipendenti tal‑livell tar‑renta fuq is‑suq tal‑kera ta’ ajruplani.

204    Madankollu, quddiem il‑Qorti Ġenerali, il‑Kummissjoni tammetti li l‑ammonti tal‑għajnuna ma jikkorrispondux għall‑ammonti tat‑telf imġarrab minn OA u mir‑Repubblika Ellenika, imsemmija fl‑Artikolu 1(1) tad‑deċiżjoni kkontestata, iżda għad‑differenza bejn ir‑renta mħallsa minn NOA u l‑prezzijiet tas‑suq.

205    Ir‑rikorrenti jakkużaw lill‑Kummissjoni li wettqet żball manifest ta’ evalwazzjoni u kisret l‑obbligu ta’ motivazzjoni meta naqset, b’mod partikolari, milli tqabbel ir‑renta mħallsa minn NOA mal‑prezzijiet tas‑suq fil‑kuntest tal‑applikazzjoni tal‑kriterju tal‑investitur privat.

206    Il‑Kummissjoni ma tikkontestax li l‑kundizzjonijiet tas‑suq tal‑kera ta’ ajruplani nbidlu kunsiderevolment bejn id‑data tal‑konklużjoni tal‑kuntratti prinċipali, li kienet qabel l‑avvenimenti tal‑11 ta’ Settembru 2001, u l‑perijodu kkunsidrat f’dan il‑każ. F’dan ir‑rigward, hija ma tiħux pożizzjoni dwar ir‑rapport intitolat “Étude relative au niveau des loyers sur le marché, en relation avec NOA” (“Studju dwar il‑livell tar‑renta fuq is‑suq, b’konnessjoni ma’ NOA”), tal‑15 ta’ Novembru 2005, ippreparat mill‑uffiċċju ta’ konsulenti “Aviation Economics” fuq talba ta’ NOA. Hija lanqas ma tikkontesta l‑allegazzjonijiet tar‑rikorrenti li OA kienet obbligata, taħt il‑kuntratti prinċipali, tħallas l‑ammont tar‑renta stipulata, bħala kumpens, fil‑każ li tittermina unilateralment dawn il‑kuntratti.

207    Madankollu, il‑Kummissjoni tissuġġerixxi li, f’dan il‑każ, id‑differenzi kkonstatati fid‑deċiżjoni kkontestata bejn ir‑renta mħallsa fuq il‑kuntratti prinċipali u dik imħallsa minn NOA jippermettu li jiġi mmanifestat tnaqqis tal‑ispejjeż ta’ kera ta’ ajruplani kkonsentit minn OA u mir‑Repubblika Ellenika lil NOA. L‑element deċiżiv jinsab fl‑“assorbiment ta’ dawn id‑differenzi fir‑renta minn kumpannija f’diffikultà li hija obbligata tħallas lura għajnuna”.

208    F’dan ir‑rigward, għall‑kuntrarju tal‑allegazzjonijiet tar‑rikorrenti (ara l‑punt 34 iktar ’il fuq), l‑argument tal‑Kummissjoni li l‑attivitajiet ta’ titjiriet ta’ NOA huma ssussidjati minn OA, li l‑iżbilanċ tagħha tagħmel tajjeb għalih fl‑aħħar mill‑aħħar ir‑Repubblika Ellenika, li għalhekk iġġarrab preġudizzju indirett, sempliċement jiżviluppa l‑argumenti mressqa fir‑risposta u ma jistax jitqies li huwa motiv ġdid.

209    Barra minn hekk, il‑Kummissjoni sempliċement issostni, essenzjalment, li ma kienx kompitu tagħha li twettaq paragun bejn ir‑renta kontenzjuża mħallsa minn NOA u l‑prezzijiet tas‑suq, fin‑nuqqas ta’ komunikazzjoni tal‑provi meħtieġa mill‑awtoritajiet Elleniċi, minkejja l‑ordnijiet tagħha sabiex tingħata din l‑informazzjoni. Barra minn hekk, u fi kwalunkwe każ, dan il‑paragun kien ikun irrilevanti, skont il‑Kummissjoni, peress li, probabbilment, NOA ma kinitx issib min jikrilha mingħajr l‑intervenjenzjoni tar‑Repubblika Ellenika.

210    Fid‑dawl ta’ dawn l‑argumenti tal‑partijiet, għandhom jiġu ddeterminati l‑elementi rilevanti għall‑finijiet tal‑applikazzjoni tal‑kriterju tal‑investitur privat fir‑rigward tal‑miżuri kontenzjużi, qabel ma jiġu eżaminati l‑obbligi proċedurali rispettivi tal‑partijiet matul il‑proċedura amministrattiva u t‑tqassim f’dan il‑każ tal‑oneru tal‑prova.

–       Fuq l‑elementi rilevanti f’dan il‑każ għall‑finijiet tal‑applikazzjoni tal‑kriterju tal‑investitur privat

211    Mill‑Artikolu 87(1) KE jirriżulta li l‑kunċett ta’ għajnuna huwa kunċett oġġettiv li jiddependi biss mill‑kwistjoni ta’ jekk miżura tal‑Istat tikkonferixxix jew le vantaġġ lil impriża waħda jew iktar (sentenza tal‑Qorti Ġenerali tas‑27 ta’ Jannar 1998, Ladbroke Racing vs Il‑Kummissjoni, T‑67/94, Ġabra p. II‑1, punt 52).

212    B’mod partikolari, sabiex jiġi ddeterminat jekk il‑miżuri inkwistjoni jistgħux jikkostitwixxu għajnuna mill‑Istat, huma essenzjalment l‑effetti ta’ din il‑miżura fir‑rigward tal‑impriżi benefiċjarji li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni u mhux is‑sitwazzjoni tal‑korpi pubbliċi jew privati li jagħtu l‑għajnuna (sentenza tal‑Qorti tal‑Ġustizzja tat‑22 ta’ Marzu 1977, Steinike & Weinlig, 78/76, Ġabra p. 595, punt 21).

213    Għaldaqstant, għandu jiġi ddeterminat jekk il‑miżuri inkwistjoni jikkonferixxux lill‑impriża benefiċjarja vantaġġ ekonomiku li hija ma kinitx tikseb fil‑kundizzjonijiet normali tas‑suq (ara s‑sentenzi Linde vs Il‑Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 39, u Westdeutsche Landesbank Girozentrale u Land Nordrhein‑Westfalen vs Il‑Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 207, u l‑ġurisprudenza ċċitata). Il‑fatt li l‑operazzjoni tkun raġonevoli għall‑awtoritajiet pubbliċi jew għall‑impriża pubblika li jagħtu l‑għajnuna ma jfissirx li din il‑verifika ma tkunx meħtieġa (ara, f’dan is‑sens, is‑sentenza Westdeutsche Landesbank Girozentrale u Land Nordrhein‑Westfalen vs Il‑Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 315; ara wkoll, f’dan is‑sens, is‑sentenza Linde vs Il‑Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punti 48 sa 54).

214    Minn dan jirriżulta, kif issostni l‑Kummissjoni, li, anki jekk wieħed jammetti li l‑“assorbiment tad‑differenzi fir‑renta” kien iktar raġonevoli mit‑terminazzjoni tal‑kuntratti prinċipali, il‑ġestjoni finanzjarja raġonevoli tal‑ajruplani minn OA u mir‑Repubblika Ellenika li jitnaqqas it‑telf permezz tas‑sullokazzjoni ta’ dawn l‑ajruplani lil NOA u l‑provvista sussegwenti ta’ servizzi lil din il‑kumpannija fil‑kundizzjonijiet tas‑suq mhijiex biżżejjed sabiex dan l‑aġir ikun konformi mal‑kriterju tal‑investitur privat. Minn dan isegwi li, fil‑kuntest tal‑każ ineżami, għall‑kuntrarju tal‑allegazzjonijiet tar‑rikorrenti, is‑sempliċi fatt li l‑Kummissjoni naqset milli teżamina, fid‑deċiżjoni kkontestata, il‑vantaġġi allegati kollha li jirriżultaw għal OA mis‑sullokazzjoni tal‑ajruplani tagħha lil NOA, ma jippermettix li jiġi konkluż li din l‑istituzzjoni ma osservatx il‑kriterju tal‑investitur privat.

215    Mill‑banda l‑oħra, ir‑Repubblika Ellenika u NOA jenfasizzaw ġustament il‑ħtieġa li r‑renta kontenzjuża mħallsa minn NOA lil OA u lir‑Repubblika Ellenika titqabbel ma’ dik tas‑suq, għall‑finijiet tal‑applikazzjoni tal‑kriterju tal‑operatur privat, skont il‑ġurisprudenza msemmija iktar ’il fuq.

216    F’dan ir‑rigward, għandhom jiġu miċħuda l‑argumenti tal‑Kummissjoni u ta’ Aeroporia Aigaiou li tali paragun kien ikun irrilevanti. Fil‑fatt, l‑ewwel nett, kemm mill‑motivi u kemm mill‑Artikolu 1(1) tad‑deċiżjoni kkontestata jirriżulta b’mod ċar li l‑għajnuna msemmija f’din id‑deċiżjoni ma tikkonsistix fis‑sullokazzjoni fiha nnifisha ta’ ajruplani lil NOA minn OA u mir‑Repubblika Ellenika iżda fil‑ħlas minn NOA ta’ renta inqas minn dik imħallsa minn dawn il‑kerrejja fuq il‑kuntratti ta’ kera prinċipali jew fuq il‑kuntratti ta’ leasing. Għalhekk, l‑allegazzjonijiet tal‑Kummissjoni li NOA ma kinitx tkun f’pożizzjoni li tikri ajruplani fis‑suq mingħajr is‑sostenn tar‑Repubblika Ellenika huma irrilevanti f’dan il‑każ.

217    Minn din il‑perspettiva, il‑każ ineżami jqajjem kwistjonijiet distinti minn dawk eżaminati, pereżempju, fis‑sentenza tal‑5 ta’ Ottubru 2000, Il‑Ġermanja vs Il‑Kummissjoni (C‑288/96, Ġabra p. I‑8237, punti 30 sa 32 u 41), fejn il‑Qorti tal‑Ġustizzja għażlet il‑kriterju bbażat fuq il‑possibbiltajiet, għall‑benefiċjarju ta’ garanzija tal‑Istat, li jikseb is‑self fuq is‑suq tal‑kapital fin‑nuqqas ta’ din il‑garanzija. Fil‑fatt, fil‑kawża li wasslet għal dik is‑sentenza, kien l‑għoti tal‑garanzija li kien inkwistjoni filwaqt li, fid‑deċiżjoni kkontestata, il‑miżuri kklassifikati bħala għajnuna kienu jikkonċernaw esklużivament il‑livell tar‑renta applikata fir‑rigward ta’ NOA.

218    F’dan il‑każ, fil‑kuntest tal‑evalwazzjoni tal‑miżuri kontenzjużi (premessi 186 u 188 tad‑deċiżjoni kkontestata), il‑Kummissjoni ma tqajjimx il‑kwistjoni ta’ eventwali nuqqas min‑naħa ta’ OA u tar‑Repubblika Ellenika li jitolbu garanziji ta’ ħlas suffiċjenti mingħand NOA sabiex jissullokawlha l‑ajruplani. Hija lanqas ma takkuża lil OA talli ma tterminatx il‑kuntratti ta’ kera prinċipali minflok ma ssullokat l‑ajruplani lil NOA.

219    It‑tieni nett, il‑Kummissjoni, li ma teżaminax ir‑ristrutturazzjoni tal‑grupp Olympic Airways bħala tali (ara l‑punt 101 iktar ’il fuq), lanqas ma takkuża lir‑Repubblika Ellenika talli ma pprovdietx, meta nħolqot NOA, għat‑trasferiment tal‑kuntratti ta’ kera prinċipali u tal‑kuntratti ta’ leasing lil din il‑kumpannija. Għaldaqstant, l‑argument ta’ Aeroporia Aigaiou li l‑eżistenza ta’ għajnuna mill‑Istat favur NOA kienet tirriżulta mis‑sempliċi fatt li din il‑kumpannija evitat ir‑riskju kummerċjali normali marbut maż‑żamma tal‑kuntratti ta’ kera prinċipali huwa irrilevanti.

220    Fl‑aħħar nett, fl‑evalwazzjoni tagħha tal‑miżuri kontenzjużi, il‑Kummissjoni ma tikkontestax, fir‑rigward tal‑kriterju tal‑investitur privat, id‑deċiżjoni ta’ surroga tar‑Repubblika Ellenika għal OA fl‑erba’ kuntratti ta’ leasing. Hija tindika li mir‑rapport Moore Stephens jirriżulta li din id‑deċiżjoni kienet ġiet adottata mir‑Repubblika Ellenika sabiex tevita, kemm għal OA u kemm għaliha stess bħala garanti, il‑kundizzjonijiet iktar onerużi li kienu imposti mill‑istituzzjonijiet finanzjarji kkonċernati (l‑operaturi li jikru l‑ajruplani prinċipali) meta sar il‑qsim minħabba l‑inċertezza dwar il‑futur ta’ OA u ta’ NOA. Il‑Kummissjoni tenfasizza biss in‑natura derogatorja ta’ din id‑deċiżjoni filwaqt li tosserva li, skont l‑esperti, l‑adozzjoni ta’ dispożizzjoni leġiżlattiva ġdida kienet neċessarja sabiex tkun tista’ ssir din l‑operazzjoni (ara l‑premessa 159 tad‑deċiżjoni kkontestata).

221    Mill‑kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha jirriżulta li, anki jekk jitqies li l‑allegazzjonijiet tal‑Kummissjoni – essenzjalment li s‑sullokazzjoni ta’ ajruplani lil NOA, għal renta inqas minn dik imħallsa fuq il‑kuntratti prinċipali, kienet possibbli biss permezz tas‑sostenn tar‑Repubblika Ellenika – kienu fondati, dan ma ħelisx lill‑Kummissjoni mill‑obbligu li tivverifika, skont il‑kriterju tal‑operatur privat, jekk ir‑renta mħallsa minn NOA kinitx effettivament inqas minn dik li hija kien ikollha tħallas fil‑kundizzjonijiet normali tas‑suq matul il‑perijodu kkunsidrat.

222    Fil‑fatt, il‑modalitajiet tar‑ristrutturazzjoni u d‑diversi miżuri ta’ sostenn allegati mill‑Kummissjoni, li bħala tali mhumiex ikklassifikati bħala għajnuna mill‑Istat fid‑deċiżjoni kkontestata (ara l‑punt 101 iktar ’il fuq), jirrappreżentaw biss il‑kuntest li tagħmel parti minnu l‑għajnuna allegata, mogħtija fil‑forma ta’ renta għas‑sullokazzjoni ta’ ajruplani inqas mir‑renta mħallsa fuq il‑kuntratti prinċipali. Dan il‑kuntest, fih innifsu, ma jippermettix li jiġi preżunt, fin‑nuqqas ta’ kull prova serja oħra, li r‑renta mħallsa minn NOA għas‑sullokazzjoni tal‑ajruplani kienet inqas minn dik kurrenti fis‑suq.

223    Minn dan isegwi li, f’dan il‑każ, għall‑kuntrarju tal‑allegazzjonijiet tal‑Kummissjoni, il‑kriterju tal‑operatur privat kien jimponi l‑verifika ta’ jekk ir‑renta kontenzjuża mħallsa minn NOA kinitx tikkorrispondi għar‑renta mħallsa fil‑kundizzjonijiet normali tas‑suq matul il‑perijodu kkunsidrat.

–       Fuq it‑tqassim tal‑oneru tal‑prova u l‑obbligi proċedurali rispettivi tal‑Kummissjoni u tal‑Istat Membru kkonċernat

224    Skont il‑ġurisprudenza, kienet il‑Kummissjoni li, fid‑deċiżjoni kkontestata, kellha tipprova l‑għoti ta’ għajnuna ġdida, f’dan il‑każ billi tqabbel ir‑renta kontenzjuża mħallsa minn NOA ma’ dik tas‑suq. Fil‑fatt, mid‑dispożizzjonijiet tal‑Artikolu 88(2) u (3) KE jirriżulta li, fin‑nuqqas ta’ tali prova, il‑miżuri ġodda inkwistjoni ma jistgħux jitqiesu li huma għajnuna mill‑Istat fis‑sens tal‑Artikolu 87(1) KE (sentenza tal‑Qorti tal‑Ġustizzja tat‑13 ta’ April 1994, Il‑Ġermanja u Pleuger Worthington vs Il‑Kummissjoni, C‑324/90 u C‑342/90, Ġabra p. I‑1173, punt 23).

225    Madankollu, l‑applikazzjoni ta’ din ir‑regola dwar l‑oneru tal‑prova hija suġġetta għall‑osservanza mill‑Kummissjoni u mill‑Istat Membru kkonċernat tal‑obbligi proċedurali rispettivi tagħhom, fil‑kuntest tal‑eżerċizzju minn din l‑istituzzjoni tas‑setgħa li hija għandha sabiex tordna lill‑Istat Membru jipprovdilha l‑informazzjoni neċessarja kollha (sentenza Olympiaki Aeroporia Ypiresies vs Il‑Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 35).

226    B’mod partikolari, mill‑ġurisprudenza jirriżulta li l‑Kummissjoni għandha s‑setgħa tadotta deċiżjoni fuq il‑bażi tal‑informazzjoni disponibbli jekk l‑Istat Membru jastjeni, bi ksur tal‑obbligu ta’ kooperazzjoni tiegħu lejn din l‑istituzzjoni li jirriżulta mill‑Artikolu 10 KE, milli jipprovdilha l‑informazzjoni li hija tkun talbitu sabiex teżamina l‑klassifikazzjoni u l‑kompatibbiltà mas‑suq komuni ta’ għajnuna ġdida jew emendata, jew sabiex tivverifika l‑applikazzjoni legali ta’ għajnuna approvata preċedentement. Madankollu, qabel ma tieħu tali deċiżjoni, il‑Kummissjoni għandha tordna lill‑Istat Membru jagħtiha, fit‑terminu stabbilit minnha, id‑dokumenti u l‑informazzjoni kollha neċessarji sabiex teżerċita l‑kontroll tagħha. Huwa biss jekk l‑Istat Membru jonqos, minkejja l‑ordni tal‑Kummissjoni, li jagħti l‑informazzjoni mitluba, li din tal‑aħħar ikollha s‑setgħa tagħlaq il‑proċedura u tieħu, fuq il‑bażi tal‑elementi li jkollha għad‑dispożizzjoni tagħha, skont il‑każ, deċiżjoni li tikkonċerna l‑eżistenza u l‑kompatibbiltà tal‑għajnuna mas‑suq komuni jew deċiżjoni li tikkonstata l‑legalità tal‑applikazzjoni ta’ għajnuna approvata preċedentement (ara s‑sentenza Olympiaki Aeroporia Ypiresies vs Il‑Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 36, u l‑ġurisprudenza ċċitata).

227    L‑obbligi proċedurali msemmija iktar ’il fuq huma riprodotti u kkonkretizzati permezz tal‑Artikoli 2(2), 5(1) u (2), 10 u 13(1) tar‑Regolament Nru 659/1999.

228    Għandu jitfakkar ukoll li, skont l‑Artikolu 6(1) tar‑Regolament Nru 659/1999, “[i]d‑deċiżjoni li tinbeda l‑proċedura ta’ investigazzjoni formali għandha tiġbor fil‑qosor l‑kwistjonijiet relevanti tal‑fatti u liġi, għandha tinkludi stima preliminari tal‑Kummissjoni dwar il‑karattru tal‑miżura proposta u għandha tqiegħed id‑dubji dwar il‑kompatibilità tagħha mas‑suq komuni”.

229    Dawn l‑obbligi proċedurali huma imposti fuq l‑Istat Membru kkonċernat u fuq il‑Kummissjoni bil‑għan li din tal‑aħħar tkun tista’ teżerċita l‑kontroll tagħha fuq il‑bażi ta’ informazzjoni suffiċjentement ċara u preċiża filwaqt li jkun iggarantit ir‑rispett tad‑dritt għal smigħ tal‑Istat Membru kkonċernat. Fil‑fatt, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, ir‑rispett tad‑drittijiet tad‑difiża, f’kull proċedura mibdija kontra persuna li tista’ twassal għal att li jikkawżalha preġudizzju, jikkostitwixxi prinċipju fundamentali tad‑dritt tal‑Unjoni u għandu jiġi żgurat anki fin‑nuqqas ta’ leġiżlazzjoni speċifika (ara s‑sentenza Olympiaki Aeroporia Ypiresies vs Il‑Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 37, u l‑ġurisprudenza ċċitata).

230    Huwa fid‑dawl ta’ dawn il‑prinċipji proċedurali li għandu jiġi eżaminat jekk, f’dan il‑każ, il‑Kummissjoni setgħetx, kif qiegħda essenzjalment issostni, tippreżumi l‑eżistenza ta’ għajnuna mill‑Istat fuq il‑bażi tal‑informazzjoni li kellha għad‑dispożizzjoni tagħha biss, jew jekk l‑applikazzjoni tal‑kriterju tal‑investitur privat kinitx tobbligaha tkompli l‑investigazzjonijiet tagħha sabiex tkun tista’ tqabbel ir‑renta kontenzjuża mħallsa minn NOA ma’ dik li din tal‑aħħar kien ikollha tħallas fil‑kundizzjonijiet normali tas‑suq.

231    Għal dan il‑għan huwa meħtieġ li jiġi eżaminat il‑kontenut tal‑ordni sabiex tiġi pprovduta informazzjoni u tad‑deċiżjoni li tinfetaħ il‑proċedura ta’ investigazzjoni formali kif ukoll tal‑osservazzjonijiet tar‑Repubblika Ellenika prodotti quddiem il‑Qorti Ġenerali.

232    Fl‑ewwel lok, fl‑ordni sabiex tiġi pprovduta informazzjoni, bid‑data tat‑8 ta’ Settembru 2003, il‑Kummissjoni talbet, skont l‑Artikoli 5 u 10 tar‑Regolament Nru 659/1999, li tintbagħtilha l‑informazzjoni kollha neċessarja għall‑eżami tal‑miżuri marbuta mal‑proċedura ta’ ristrutturazzjoni u ta’ privatizzazzjoni tal‑kumpannija tal‑ajru OA. Hija fakkret f’dan ir‑rigward li, meta teżamina l‑kompatibbiltà ta’ għajnuna mill‑Istat mas‑suq komuni, hija għandha tieħu inkunsiderazzjoni l‑elementi rilevanti kollha, inkluż, jekk ikun il‑każ, il‑kuntest diġà eżaminat f’deċiżjoni preċedenti.

233    Minn din id‑deċiżjoni għalhekk jirriżulta li l‑ordni kienet tkopri, fin‑nuqqas ta’ notifika tal‑proċedura ta’ privatizzazzjoni u ta’ miżuri ġodda ta’ ristrutturazzjoni ta’ OA intiżi li tiġi ffaċilitata l‑privatizzazzjoni tagħha, l‑elementi kollha marbuta ma’ din ir‑ristrutturazzjoni u mal‑privatizzazzjoni li setgħu jinkludu elementi ta’ għajnuna mill‑Istat. Il‑Kummissjoni talbet, b’mod partikolari, il‑komunikazzjoni tal‑pjan ta’ impriża ta’ NOA, tal‑istruttura tal‑korp tal‑azzjonisti tagħha, tad‑dettalji dwar l‑assi u l‑finanzjament tagħha, inkluż id‑dejn tagħha, tal‑istatus legali u fiskali tagħha, kif ukoll informazzjoni dettaljata dwar il‑possibbiltà li OA u s‑sussidjarji tagħha jitqiegħdu taħt proċedura ta’ stralċ.

234    Fit‑tieni lok, fid‑deċiżjoni tagħha li tiftaħ il‑proċedura ta’ investigazzjoni formali, bid‑data tas‑16 ta’ Marzu 2004, il‑Kummissjoni eżaminat, preliminarjament, is‑sitwazzjoni finanzjarja ta’ OA fl‑2001 u fl‑2002, fid‑dawl tal‑kontijiet ivverifikati ta’ dawn is‑sentejn finanzjarji li hija kisbet f’Settembru u Diċembru 2003. It‑telf kunsiderevoli mġarrab minn OA kien jikkonferma l‑evalwazzjoni tal‑Kummissjoni, magħmula fid‑deċiżjoni tal‑11 ta’ Diċembru 2002, li r‑Repubblika Ellenika kienet saret de facto l‑ewwel sors ta’ finanzjament ta’ din il‑kumpannija u li mingħajr is‑sostenn tagħha l‑kumpannija kien probabbilment ikollha twaqqaf l‑attivitajiet tagħha (il-punti 17, 26 u 29).

235    Fir‑rigward tal‑eventwali għajnuna ġdida sussegwenti għad‑deċiżjoni tal‑11 ta’ Diċembru 2002, liema għajnuna biss hija inkwistjoni f’dan il‑każ, il‑Kummissjoni qieset, f’din id‑deċiżjoni tas‑16 ta’ Marzu 2004, li OA u NOA kienu “l‑istess impriża mill‑perspettiva tar‑regoli Komunitarji dwar l‑għajnuna mill‑Istat” (punti 106 u 108).

236    Fir‑rigward b’mod iktar speċjali tal‑ajruplani ġestiti minn NOA, il‑Kummissjoni osservat biss, fil‑kuntest tad‑deskrizzjoni dettaljata tagħha tas‑sitwazzjoni, li l‑bilanċ ta’ trasformazzjoni ta’ NOA stabbilit, skont il‑Liġi Nru 3185/2003, fuq talba tal‑awtoritajiet Elleniċi, mill‑kumpannija ta’ konsulenti Deloitte & Touche, kien jindika li l‑proprjetà ta’ 18‑il ajruplan li kienu jappartjenu lil OA jew lil Olympic Aviation kienet ġiet ittrasferita lil NOA. Barra minn hekk, fir‑rigward tas‑sullokazzjoni ta’ ajruplani minn OA lil NOA, il‑Kummissjoni indikat li Deloitte & Touche kienet spjegat li din is‑sullokazzjoni kienet tfisser li OA biss baqgħet responsabbli fir‑rigward tal‑operatur li jikri l‑ajruplani u li kienet tippermetti lil NOA tibbenefika, kif ġie enfasizzat mill‑awtoritajiet Griegi stess, mill‑garanziji pprovduti mill‑Istat fir‑rigward tal‑kiri ta’ ajruplani u minn obbligi kuntrattwali oħra, b’mod partikolari garanziji fuq self marbut max‑xiri ta’ ajruplani ġodda u t‑trasferiment lejn l‑ajruport il‑ġdid ta’ Spata, approvati mill‑Kummissjoni fl‑1998 u fl‑2000 bħala għajnuna għar‑ristrutturazzjoni u ddikjarati inkompatibbli mas‑suq komuni permezz tad‑deċiżjoni tal‑11 ta’ Diċembru 2002 (punt 54 tad‑deċiżjoni tas‑16 ta’ Marzu 2004; ara wkoll il‑punt 6 iktar ’il fuq). Il‑Kummissjoni enfasizzat li, skont il‑konsulenti tal‑Gvern, il‑kumpannija Kantor, kien importanti li NOA tibda l‑attività tagħha sa mill‑aħħar tas‑sena 2003, b’mod partikolari “sabiex tapprofitta mir‑rati baxxi għax‑xiri u n‑noleġġ ta’ ajruplani, b’tali mod li tkun tista’ ttejjeb u taġġorna l‑flotta tagħha”, u minħabba li OA “kellha tiltaqa’ ma’ diffikultajiet kbar sabiex tibqa’ topera sal‑istaġun tax‑xitwa 2003/2004” (punt 57).

237    Barra minn hekk, f’din id‑deċiżjoni tas‑16 ta’ Marzu 2004, il‑Kummissjoni semmiet li, fl‑ilment tagħha, Aeroporia Aigaiou kienet sostniet li t‑trasferiment ta’ assi minn OA lil NOA, filwaqt li d‑dejn kollu nżamm minn OA, kien jikkostitwixxi għajnuna mill‑Istat. Il‑Kummissjoni indikat ukoll li, skont il‑kumpannija li ressqet l‑ilment, jekk l‑operaturi li jikru l‑ajruplani u l‑organi finanzjarji jaċċettaw it‑trasferiment ta’ ajruplani minn OA lil NOA, huma kienu se jagħmlu dan, probabbilment, b’garanzija mill‑Istat, li tikkostitwixxi għajnuna mill‑Istat (punt 76).

238    Għalhekk, mill‑eżami tal‑ordni sabiex tiġi pprovduta informazzjoni u tad‑deċiżjoni tas‑16 ta’ Marzu 2004 jirriżulta li l‑Kummissjoni, f’dawn id‑deċiżjonijiet, f’ebda mument ma għamlet riferiment, jekk mhux b’mod impliċitu, għal‑livell tar‑renta mħallsa minn NOA lil OA għas‑sullokazzjoni ta’ ajruplani. Fil‑fatt, l‑ordni sabiex tiġi pprovduta informazzjoni tikkonċerna biss, b’mod ġenerali ħafna, il‑miżuri marbuta mal‑proċedura ta’ ristrutturazzjoni u ta’ privatizzazzjoni ta’ OA li setgħu jikkostitwixxu għajnuna mill‑Istat. Fir‑rigward tad‑deċiżjoni li tinfetaħ il‑proċedura ta’ investigazzjoni formali, din tikkonċerna esklużivament, fil‑parti ddedikata għall‑evalwazzjoni tal‑miżuri inkwistjoni, il‑miżuri favur OA kif ukoll il‑proċedura ta’ privatizzazzjoni, li ma ġietx eżaminata fid‑deċiżjoni kkontestata iżda kienet is‑suġġett ta’ proċedura distinta li wasslet għal deċiżjoni tal‑Kummissjoni, tas‑17 ta’ Settembru 2008, li tapprova l‑pjan ta’ privatizzazzjoni.

239    B’mod partikolari, is‑sullokazzjoni ta’ ajruplani minn OA lil NOA tissemma biss fil‑parti deskrittiva tad‑deċiżjoni tas‑16 ta’ Marzu 2004 mill‑perspettiva, veru, tal‑vantaġġ li jirriżulta għal NOA mill‑garanziji kkonsentiti mill‑Istat lil OA fuq il‑kiri ta’ ajruplani, liema garanziji ġew iddikjarati inkompatibbli permezz tad‑deċiżjoni tal‑11 ta’ Diċembru 2002. Madankollu, għandu jitfakkar li s‑sullokazzjoni stess tal‑ajruplani lil NOA, f’dan il‑kuntest, ma ġietx ikklassifikata bħala għajnuna fid‑deċiżjoni kkontestata, li tirreferi biss għal‑livell tar‑renta.

240    F’dawn iċ‑ċirkustanzi, għandu jiġi kkonstatat li d‑deċiżjoni li tinfetaħ il‑proċedura ta’ investigazzjoni formali ma fihiex evalwazzjoni preliminari tar‑renta mħallsa minn din il‑kumpannija bil‑għan li jiġi ddeterminat jekk din fihiex element ta’ għajnuna, kif jeżiġi l‑Artikolu 6(1) tar‑Regolament Nru 659/1999.

241    Madankollu, fl‑osservazzjonijiet tagħha tal‑11 ta’ Ġunju 2004 dwar din id‑deċiżjoni li tinfetaħ il‑proċedura ta’ investigazzjoni formali, ir‑Repubblika Ellenika ppreċiżat, b’mod partikolari, li l‑ajruplani mikrija minn OA kienu ssullokati lil NOA, bil‑prezz tas‑suq, minħabba l‑kumpens li OA kien ikollha tħallas lill‑operaturi li kriethom mingħandhom fl‑eventwalità li tittermina l‑kuntratti ta’ kera prinċipali qabel l‑iskadenza tagħhom. Din is‑sullokazzjoni kienet biss soluzzjoni għal perijodu qasir peress li l‑kuntratti ta’ kera prinċipali kollha (ħlief numru żgħir minnhom li kellhom jiskadu f’qasir żmien) kellhom jiġu ttrasferiti fuq NOA fil‑futur. Mill‑banda l‑oħra, l‑erba’ ajruplani fuq leasing kellhom jibqgħu jiġu ssullokati lil NOA bil‑prezz tas‑suq.

242    Barra minn hekk, mir‑rapport Moore Stephens jirriżulta li, meta saru l‑investigazzjonijiet fuq il‑post, l‑amministrazzjoni ta’ NOA ġġustifikat, mal‑esperti tal‑Kummissjoni, id‑differenzi bejn, minn naħa, ir‑renta mħallsa minn din il‑kumpannija għas‑sullokazzjoni tal‑ajruplani u, min‑naħa l‑oħra, ir‑renta mħallsa minn OA fuq il‑kuntratti ta’ kera prinċipali u mir‑Repubblika Ellenika fuq il‑kuntratti ta’ leasing, billi sostniet li r‑renta għas‑sullokazzjoni kienet tikkorrispondi għall‑prezzijiet tas‑suq u li NOA setgħet tikri ajruplani mingħand operaturi oħra li kieku dawn l‑opportunitajiet ta’ sullokazzjoni ma kinux mogħtija lilha bil‑prezz tas‑suq.

243    Barra minn hekk, huwa paċifiku li r‑Repubblika Ellenika bagħtet l‑informazzjoni neċessarja kollha dwar il‑kuntratti prinċipali u dwar il‑kuntratti ta’ sullokazzjoni inkwistjoni, b’mod partikolari dwar ir‑renta stipulata. L‑unika ħaġa li ma għamlitx kienet li tipprovdi xi provi dwar il‑livelli tar‑renta fil‑kundizzjonijiet normali tas‑suq matul il‑perijodu kkunsidrat.

244    Issa, la mill‑ordni sabiex tiġi pprovduta informazzjoni, la mid‑deċiżjoni tas‑16 ta’ Marzu 2004, la minn elementi oħra tal‑proċess u lanqas minn dak li ssostni l‑Kummissjoni ma jirriżulta li din tal‑aħħar kienet qajmet il‑kwistjoni, b’xi mod jew ieħor, matul il‑proċedura amministrattiva, tal‑livell tar‑renta mħallsa minn NOA, fid‑dawl tal‑kundizzjonijiet tas‑suq, u kienet talbet lir‑Repubblika Ellenika tipprovdilha informazzjoni addizzjonali f’dan ir‑rigward.

245    Barra minn hekk, għandu jiġi osservat li, fl‑osservazzjonijiet tagħha tas‑26 ta’ Ottubru 2004 dwar l‑ordni sabiex tissospendi kull miżura ta’ għajnuna, ir‑Repubblika Ellenika enfasizzat li, minn wara l‑osservazzjonijiet tagħha tal‑11 ta’ Ġunju 2004, hija ma kienet ġiet informata b’ebda miżura ta’ investigazzjoni ġdida min‑naħa tal‑Kummissjoni u ma kienet irċeviet ebda talba għal informazzjoni addizzjonali fir‑rigward ta’ dawn l‑osservazzjonijiet.

246    F’dawn iċ‑ċirkustanzi, fin‑nuqqas, matul il‑proċedura amministrattiva, minn naħa, ta’ kwalunkwe riferiment espliċitu għall‑kwistjoni tal‑livell tar‑renta mħallsa minn NOA u, min‑naħa l‑oħra, tal‑iċken talba għal informazzjoni dwar il‑konformità ta’ din ir‑renta mal‑prezzijiet tas‑suq, ir‑Repubblika Ellenika ma tistax tiġi kkritikata talli ma pprovdietx informazzjoni suffiċjenti lill‑Kummissjoni sabiex din tkun tista’ tevalwa l‑miżuri kontenzjużi b’għarfien sħiħ tal‑fatti.

247    Barra minn hekk, u fi kwalunkwe każ, għandu jitfakkar li l‑Kummissjoni, quddiem il‑Qorti Ġenerali, ma ssostnix li l‑informazzjoni nieqsa kienet prinċipalment fil‑pussess tar‑Repubblika Ellenika. Hija tirreferi biss għall‑informazzjoni dwar il‑prezzijiet tas‑suq, li hija setgħet tikseb mingħajr diffikultà billi twettaq sempliċi studju tas‑suq matul il‑perijodu kkunsidrat.

248    F’dan il‑kuntest, il‑Kummissjoni ma setgħetx taħrab mill‑obbligu tagħha li tipprova li r‑renta inkwistjoni, imħallsa minn NOA għas‑sullokazzjoni ta’ ajruplani, ma kinitx tikkorrispondi għall‑prezzijiet tas‑suq. Kienet il‑Kummissjoni li kellha l‑kompitu tipprovdi minn tal‑inqas l‑ewwel prova bbażata fuq fatti ta’ natura li tobbliga lir‑Repubblika Ellenika tipprovdi spjegazzjonijiet addizzjonali (ara, b’analoġija, fir‑rigward tal‑prova tal‑parteċipazzjoni ta’ impriża f’akkordju, is‑sentenza tal‑Qorti tal‑Ġustizzja tas‑7 ta’ Jananr 2004, Aalborg Portland et vs Il‑Kummissjoni, C‑204/00 P, C‑205/00 P, C‑211/00 P, C‑213/00 P, C‑217/00 P u C‑219/00 P, Ġabra p. I‑123, punti 78 u 79).

249    Għaldaqstant, il‑Kummissjoni kellha, skont l‑obbligu tagħha li teżamina b’mod diliġenti u imparzjali fl‑interess tal‑amministrazzjoni tajba tar‑regoli fundamentali tat‑Trattat dwar l‑għajnuna mill‑Istat, tkompli bl‑investigazzjonijiet tagħha u tidħol iktar fil‑fond tal‑kwistjoni, wara r‑rapport Moore Stephens, sabiex tistabbilixxi jekk ir‑renta mħallsa minn NOA kinitx konformi mal‑kriterju tal‑operatur privat. Għal dan il‑għan hija kellha jew tordna lir‑Repubblika Ellenika sabiex tipprovdilha informazzjoni addizzjonali dwar il‑livell tar‑renta mħallsa minn NOA, filwaqt li tippreċiża, skont l‑Artikolu 10(3) tar‑Regolament Nru 659/1999, in‑natura tal‑informazzjoni meħtieġa, jew tikkummissjona studju addizzjonali minn esperti sabiex tkun f’pożizzjoni li tqabbel il‑livelli ta’ renta kontenzjużi mal‑prezzijiet tas‑suq.

250    F’dan ir‑rigward, għandu jitfakkar li, skont ir‑rekwiżiti marbuta mar‑rispett tad‑drittijiet tad‑difiża, il‑provi li ma joriġinawx mill‑awtoritajiet Elleniċi u li l‑Kummissjoni tkun ġabret mingħand terzi, ma jistgħux jinżammu minn din l‑istituzzjoni insostenn tal‑konstatazzjoni tal‑eżistenza ta’ għajnuna mill‑Istat ħlief wara li tkun tat lil dawn l‑awtoritajiet l‑opportunità li jippreżentaw effettivament l‑osservazzjonijiet tagħhom dwar dawn il‑provi (ara, f’dan is‑sens, is‑sentenzi tal‑Qorti tal‑Ġustizzja tal‑10 ta’ Lulju 1986, Il‑Belġju vs Il‑Kummissjoni, 234/84, Ġabra p. 2263, punti 27 sa 29, u tal‑14 ta’ Frar 1990, Franza vs Il‑Kummissjoni, C‑301/87, Ġabra p. I‑307, punti 29 u 30).

251    F’dan il‑każ, fid‑dawl tal‑kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha, huwa għalhekk biżżejjed li jiġi kkonstatat li l‑Kummissjoni naqset, fid‑deċiżjoni kkontestata, milli tivverifika, kif kienet meħtieġa tagħmel mill‑kriterju tal‑operatur privat, jekk ir‑renta kontenzjuża kinitx inqas mill‑prezzijiet tas‑suq. Fil‑fatt, id‑deċiżjoni kkontestata ma fiha ebda kunsiderazzjoni intiża sabiex tikkontesta l‑pożizzjoni difiża fuq dan il‑punt mir‑rikorrenti matul il‑proċedura amministrattiva (ara l‑punt 241 iktar ’il fuq). Barra minn hekk, il‑pjan ta’ ħidma dettaljat tal‑esperti, espost fir‑rapport Moore Stephens li fuqu hija bbażata d‑deċiżjoni kkontestata, jistabbilixxi li l‑investigazzjonijiet kienu koprew biss ir‑riskju ta’ sullokazzjoni tal‑ajruplani lil NOA “għal renta artifiċjalment baxxa (minkejja li din ir‑renta tista’ tkun ekwivalenti għall‑prezzijiet tas‑suq)”. Issa, f’dan ir‑rigward għandu jitfakkar li, għalkemm il‑Kummissjoni tista’, mingħajr ma hija obbligata, titlob l‑opinjoni ta’ esperti esterni, hija mhijiex meħlusa mill‑obbligu li tevalwa x‑xogħol tagħhom (sentenza tal‑Qorti Ġenerali tas‑16 ta’ Settembru 2004, Valmont vs Il‑Kummissjoni, T‑274/01, Ġabra p. II‑3145, punt 72).

252    Minn dan jirriżulta li, billi bbażat ruħha biss fuq id‑differenzi bejn, minn naħa, ir‑renta mħallsa minn OA u mir‑Repubblika Ellenika għall‑kiri tal‑ajruplani u, min‑naħa l‑oħra, ir‑renta mħallsa minn NOA għas‑sullokazzjoni ta’ dawn l‑ajruplani, sabiex tikkonstata l‑għoti lil din il‑kumpannija ta’ vantaġġ li hija ma kinitx tikseb fil‑kundizzjonijiet normali tas‑suq, il‑Kummissjoni wettqet żball manifest ta’ evalwazzjoni fl‑applikazzjoni tal‑kriterju tal‑investitur privat.

253    Minn dan isegwi li l‑motiv ibbażat fuq ksur tal‑Artikolu 87(1) KE huwa fondat. L‑Artikolu 1(1) tad‑deċiżjoni kkontestata għandu għalhekk jiġi annullat, mingħajr ma jkun meħtieġ li jiġu eżaminati l‑motivi bbażati fuq in‑nuqqas ta’ motivazzjoni u fuq l‑imputabbiltà tal‑miżuri inkwistjoni lill‑Istat. Għaldaqstant, l‑Artikolu 2 ta’ din id‑deċiżjoni għandu jiġi annullat ukoll safejn jimponi l‑irkupru tal‑għajnuna msemmija fl‑Artikolu 1(1).

3.     Fuq l‑għajnuna mogħtija lil OA

a)     Fuq il‑ħlas bil‑quddiem tal‑ammont stmat iktar mill‑valur reali tal‑elementi ta’ assi ta’ OA ttrasferiti lil NOA [Artikolu 1(2) tad‑deċiżjoni kkontestata] (Kawżi T‑415/05 u T‑423/05)

254    Ir‑Repubblika Ellenika u NOA jikkontestaw id‑deċiżjoni kkontestata sa fejn il‑Kummissjoni tikkonstata, fl‑Artikolu 1(2) tagħha, l‑għoti lil din il‑kumpannija ta’ għajnuna illegali inkompatibbli mas‑suq komuni u li l‑ammont tagħha jikkorrispondi għall‑istima iktar mill‑valur reali tal‑elementi tal‑assi ta’ OA ttrasferiti lil NOA meta nħolqot din il‑kumpanija tal‑ajru ġdida.

255    Ir‑rikorrenti jinvokaw ksur tal‑Artikolu 87(1) KE kif ukoll nuqqas ta’ motivazzjoni. Sussidjarjament, ir‑Repubblika Ellenika ssostni li, anki jekk jitqies li l‑miżura inkwistjoni tista’ tiġi kklassifikata bħala għajnuna mill‑Istat fis‑sens tal‑Artikolu 87(1) KE, ħaġa din li hija tikkontesta, din il‑miżura kien imissha ġiet iddikjarata kompatibbli mas‑suq komuni skont l‑Artikolu 87(3)(c) KE. Id‑deċiżjoni kkontestata hija vvizzjata wkoll minn nuqqas ta’ motivazzjoni fuq dan il‑punt.

 Fuq il-ksur tal‑Artikolu 87(1) KE u nuqqas ta’ motivazzjoni (Kawżi T‑415/05 u T‑423/05)

–       L‑argumenti tal‑partijiet

256    Ir‑Repubblika Ellenika u OA jsostnu li l‑Kummissjoni u l‑esperti tagħha ma kkunsidrawx il‑loġika ekonomika li fuqha kienet ibbażata t‑trasformazzjoni tal‑grupp Olympic Airways, trasformazzjoni li huma ttrattaw bħala sempliċi ristrutturazzjoni interna. Huma jispjegaw li l‑proċedura ta’ privatizzazzjoni li r‑Repubblika Ellenika għażlet sa mill‑2003 kienet ibbażata fuq is‑separazzjoni tal‑attivitajiet ta’ titjiriet tal‑grupp Olympic Airways u l‑ħolqien ta’ kumpannija ġdida awtonoma, NOA, li ma tagħmilx parti mill‑grupp Olympic Airways, bl‑intenzjoni li l‑valur tagħha jitkabbar kemm jista’ jkun u li tinbiegħ immedjatament. Din it‑trasformazzjoni kienet maħsuba b’tali mod li r‑Repubblika Ellenika tkun tista’ tirkupra l‑ikbar parti possibbli tal‑investiment tagħha f’OA fil‑forma ta’ għajnuna għar‑ristrutturazzjoni mħallsa matul l‑aħħar għaxar snin.

257    F’dan il‑kuntest, il‑Kummissjoni naqset milli tagħmel distinzjoni bejn il‑kriterju tal‑investitur privat u dak tal‑kreditur privat. Fil‑fatt, investitur privat jevalwa l‑possibbiltajiet tal‑impriża li terġa’ tiġi fuq saqajha u ma jeżiġix li l‑impriża titqiegħed taħt proċedura ta’ falliment mal‑ewwel nuqqas ta’ ħlas, mingħajr ma jieħu inkunsiderazzjoni l‑potenzjal tagħha fuq żmien twil.

258    Fuq il‑bażi tal‑bilanċi ta’ trasformazzjoni, il‑kapital azzjonarju ta’ NOA kien stabbilit bħala ta’ madwar EUR 130 miljun. Ir‑Repubblika Ellenika kienet għalhekk ħallset lil OA ammont totali ekwivalenti għal din is‑somma, li iktar min‑nofs tiegħu ntuża minn OA sabiex tħallas kumpens u tkopri spejjeż oħra marbuta mat‑tkeċċija tal‑impjegati b’konsegwenza tat‑trasformazzjoni.

259    Għall‑kuntrarju tal‑allegazzjonijiet tal‑Kummissjoni, dan il‑ħlas antiċipat ma ta ebda vantaġġ lil OA peress li l‑ammont tiegħu ma kienx iktar mill‑valur tal‑elementi patrimonjali li ttieħdu mingħand din il‑kumpannija. Barra minn hekk, dan il‑ħlas kien ta’ natura provviżorja, fl‑istennija tal‑ħlas tal‑ammont tal‑bejgħ ta’ NOA u tal‑kumpanniji l‑oħra li ħarġu mill‑grupp Olympic Airways.

260    F’dawn iċ‑ċirkustanzi, id‑deċiżjoni kkontestata hija vvizzjata minn żball manifest ta’ evalwazzjoni u minn nuqqas ta’ motivazzjoni safejn tikkonċerna l‑għoti ta’ vantaġġ lil OA u l‑applikazzjoni tal‑kriterju tal‑investitur privat.

261    Ir‑rikorrenti jsostnu li, fil‑kuntest tat‑trasformazzjoni tal‑grupp Olympic Airways, l‑elementi ta’ assi ttrasferiti lil NOA kellhom jiġu stmati skont il‑valur tas‑suq tagħhom. F’dan ir‑rigward huma josservaw li, filwaqt li l‑valur tal‑assi ttrasferiti lil NOA kien stmat mill‑esperti tal‑Kummissjoni bħala EUR 38.5 miljun, il‑valur tal‑ajruplani li ttieħdu mingħand OA kien stmat, waħedhom, bħala ta’ iktar minn EUR 120 miljun fuq il‑bażi ta’ rapport stabbilit minn Airclaims.

262    Barra minn hekk, ir‑rikorrenti jikkontestaw in‑nuqqas ta’ kull dritt għal kumpens ta’ OA għad‑drittijiet tagħha kollha fuq it‑time‑slots f’diversi ajruporti, b’mod partikolari f’Heathrow (Londra, ir‑Renju Unit), fejn il‑bejgħ ta’ drittijiet minn kumpanniji tal‑ajru jissarraf f’madwar EUR 7 jew 8 miljun għal kull slot, għall‑kuntratti bilaterali li hija kienet ikkonkludiet, kif ukoll għat‑trade mark kummerċjali u l‑logo tagħha, li huma magħrufa kullimkien.

263    F’dan ir‑rigward, OA tosserva li l‑avvjament ta’ EUR 30 miljun, inkluż fil‑bilanċ tat‑trasformazzjoni ta’ OA, kien ġie kkontabbilizzat fil‑kuntest tal‑merger b’akkwist tal‑attivitajiet ta’ titjiriet ta’ OA u tas‑sussidjarja tagħha Olympic Aviation minn Macedonian Airways, li saret NOA, inkonformità b’mod partikolari mad‑dispożizzjonijiet tal‑Liġi Griega Nru 2190/1920 dwar il‑kumpanniji b’responsabbiltà limitata, kif ikkodifikata bid‑Digriet Irjali 174/1963 (FEK A 37, iktar ’il quddiem il‑“Liġi Nru 2190/1920”) u tal‑Liġi Nru 3185/2003, kif ukoll mal‑istandard ta’ informazzjoni finanzjarja internazzjonali Nru 3 “Konsolidazzjoni ta’ impriżi fi grupp” (iktar ’il quddiem l‑“istandard IFRS 3”). B’mod partikolari, skont l‑Artikolu 43(4)(b) tal‑Liġi Nru 2190/1920, “l‑avvjament tal‑impriża (goodwill), li jinħoloq meta jsir il‑bejgħ jew il‑merger ta’ entità ekonomika kollha u li huwa ugwali għad‑differenza bejn il‑prezz totali tax‑xiri u l‑valur reali tal‑elementi tal‑assi, għandu jiġi rreġistrat fil‑kont ‘avvjament tal‑impriża’ tal‑assi immaterjali u d‑deprezzament għandu jsir jew f’daqqa, jew bi stadji u b’rata kostanti, fuq diversi snin, mingħajr ma t‑tul tad‑deprezzament ma jista’ jaqbeż ħames snin”. Barra minn hekk, mil‑leġiżlazzjoni Ellenika jirriżulta li l‑kontribuzzjonijiet in natura lil kumpannija b’responsabbiltà limitata għandhom jiġu stmati skont il‑valur reali tagħhom u mhux skont in‑nefqa storika tal‑akkwist.

264    OA żżid li, li kieku l‑istima tal‑valur tal‑assi ttrasferiti lil NOA ma kinitx tikkorrispondi mal‑valur tas‑suq ta’ dawn l‑assi, il‑bejgħ ta’ NOA bi prezz inqas minn dak tas‑suq kien iwassal għal għajnuna mill‑Istat favur l‑akkwirenti potenzjali ta’ NOA u kien imur kontra d‑drittijiet tal‑kredituri ta’ OA.

265    Matul tentattiv ta’ privatizzazzjoni ta’ NOA li wassal għall‑iffirmar ta’ protokoll ta’ ftehim fil‑5 ta’ Awwissu 2005, il‑valur ta’ NOA fil‑31 ta’ Diċembru 2004 kien stmat minn investitur privat f’ammont ta’ iktar minn EUR 100 miljun, valur dan li kien konformi mal‑istima kontabbli magħmula fit‑12 ta’ Diċembru 2003, wara t‑tnaqqis tat‑telf imġarrab minn NOA.

266    OA tikkontesta l‑allegazzjonijiet tal‑Kummissjoni dwar in‑nuqqas ta’ verifika indipendenti tal‑bilanċi tat‑trasformazzjoni. Dawn il‑bilanċi kienu ġew ippreparati kollha kemm huma minn awditur taħt ġurament, inkonformità mal‑Liġi Nru 3185/2003.

267    Fir‑rigward tal‑istima tal‑krediti ta’ NOA, OA tosserva li r‑rapport mehmuż mal‑bilanċ inizjali ta’ NOA jindika li kwalunkwe differenza bejn il‑krediti inklużi fil‑bilanċ inizjali ta’ din il‑kumpannija tal‑ajru ġdida u l‑ammonti attwalment irkuprati kellha titniżżel taħt il‑krediti jew id‑debiti tal‑kontijiet ta’ OA u ta’ Olympic Aviation, b’tali mod li l‑attiv nett ta’ NOA ma kellux ikun affettwat. Barra minn hekk, ir‑rikorrenti jakkużaw lill‑Kummissjoni li ma ħaditx inkunsiderazzjoni d‑dħul mistenni mill‑bejgħ futur ta’ żewġ ajruplani li kienu għadhom irreġistrati fil‑bilanċ ta’ OA.

268    Fl‑aħħar nett, fir‑rigward tal‑affermazzjoni tal‑Kummissjoni li d‑deċiżjoni kkontestata tħalli l‑ammont tal‑istima iktar mill‑valur reali tal‑elementi tal‑assi ttrasferiti lil OA miftuħ għad-diskussjoni, fil‑kuntest tal‑kooperazzjoni leali taħt l‑Artikolu 10 KE, ir‑Repubblika Ellenika u OA jindikaw id‑diffikultajiet imqajma mill‑kwantifikazzjoni tal‑għajnuna allegata fid‑dawl tal‑irkupru tagħha. Huma jfakkru li, meta kreditu ma jkunx stabbilit, dan ma jkunx eżiġibbli skont id‑dritt Grieg. Huma jakkużaw lill‑Kummissjoni li ma weġbitx għall‑informazzjoni li l‑awtoritajiet Elleniċi għaddewlha permezz ta’ ittra tas‑16 ta’ Novembru 2005, li tinkludi r‑rapport Deloitte & Touche, bid‑data tas‑27 ta’ Ottubru 2005, li jindika diversi stimi żbaljati min‑naħa tal‑esperti tal‑Kummissjoni fir‑rigward tal‑kwantifikazzjoni tal‑elementi ta’ assi ttrasferiti lil NOA. Skont dan ir‑rapport Deloitte & Touche, l‑aġġustamenti magħmula mill‑Kummissjoni ma jirriflettux ir‑realtà tal‑istruttura patrimonjali u tas‑sitwazzjoni finanzjarja ta’ NOA wara t‑trasformazzjoni, ħaġa din li tmur kontra l‑Liġi Nru 2190/1920 li tipprovdi li d‑dispożizzjonijiet tagħha jistgħu jiġu injorati sabiex tingħata stampa li tirrifletti b’mod fidil is‑sitwazzjoni ta’ impriża. L‑esperti tal‑Kummissjoni stess josservaw li dawn l‑aġġustamenti “ma jinkludux neċessarjament dak kollu li kien ikun meħtieġ li kieku saret verifika” (nota ta’ qiegħ il‑paġna 10 tad‑deċiżjoni kkontestata).

269    Barra minn hekk, OA takkuża lill‑Kummissjoni li naqset milli tiddefinixxi s‑swieq rilevanti u milli tanalizza l‑kundizzjonijiet tal‑kompetizzjoni f’dawn is‑swieq. Il‑konklużjoni li l‑miżura kontenzjuża toħloq distorsjoni għall‑kompetizzjoni mhux biss mhijiex immotivata iżda hija wkoll żbaljata. Fil‑fatt, 33 mit‑38 ajruport Elleniċi huma moqdija minn OA fuq il‑bażi ta’ obbligi ta’ servizz pubbliku, mingħajr ebda kompetizzjoni, u madwar tletin minn dawn l‑ajruporti ma huma ta’ ebda interess kummerċjali.

270    Il‑Kummissjoni ssostni li l‑ħlas bil‑quddiem kontenzjuż jikkostitwixxi, fih innifsu, għajnuna mill‑Istat. Ir‑rikorrenti ma jressqu ebda motiv serju li fuqu investitur privat ikun jista’ jibbaża aspettattiva b’saħħitha u realistika li se jikseb profitt li jissodisfa dan il‑ħlas bil‑quddiem, fid‑dawl tas‑sitwazzjoni partikolarment diffiċli ta’ OA, ikkaratterizzata mill‑għoti ta’ għajnuna lil din il‑kumpannija għal diversi snin, il‑falliment tat‑tentattivi ta’ ristrutturazzjoni u tat‑tentattivi ta’ bejgħ, il‑persistenza tar‑riżultati negattivi u l‑akkumulazzjoni ta’ dejn u ta’ telf. Il‑kredituri privati ta’ OA, bħall‑operaturi li jikrulha l‑ajruplani u l‑banek ABN Amro u Crédit Lyonnais, kienu barra minn hekk fittxew li jiksbu garanziji mir‑Repubblika Ellenika. Barra minn hekk, mir‑rapport Moore Stephens jirriżulta li l‑ħlas bil‑quddiem kontenzjuż intuża sabiex jiġu ffinanzjati l‑ispejjeż tal‑operat, bħall‑kiri minn OA tal‑ajruplani ssullokati lil NOA.

271    Kien biss b’mod sussidjarju li l‑Kummissjoni eżaminat, fid‑deċiżjoni kkontestata, jekk il‑ħlas kontenzjuż setax jitqies bħala forma ta’ kumpens mogħti mill‑Istat lil OA għall‑assi li kienu ġew ittrasferiti lil NOA.

272    F’dan ir‑rigward, l‑esperti tal‑Kummissjoni kkonstataw li l‑ammont kontenzjuż ta’ EUR 130 miljun kien ġie ddeterminat fuq il‑bażi tad‑data mibgħuta lil Deloitte & Touche mill‑amministrazzjoni ta’ OA, mingħajr ma din id‑data ġiet evalwata minn kontrolluri indipendenti. Fir‑rapport tagħhom dwar l‑istat finanzjarju ta’ NOA għas‑sena finanzjarja li spiċċat fil‑31 ta’ Diċembru 2003, l‑awdituri, maħtura mill‑awtoritajiet Griegi, esprimew ir‑riżervi tagħhom fir‑rigward tal‑bilanċi inizjali tal‑kumpannija.

273    L‑esperti tal‑Kummissjoni stmaw il‑valur tal‑assi netti ttrasferiti lil NOA bħala EUR 38.5 miljun, wara aġġustament, suġġett għal riżervi, tal‑bilanċ tas‑settur tal‑attivitajiet ta’ titjiriet. Huma bbażaw ruħhom fuq id‑data tal‑kontabbiltà mogħtija mill‑awtoritajiet Griegi u użaw prattiki tal‑kontabbiltà rikonoxxuti, b’mod partikolari billi naqqsu l‑krediti dubjużi, ir‑ritorn mill‑bejgħ futur ta’ ajruplani, kif ukoll l‑avvjament, u billi ħadu inkunsiderazzjoni l‑ammont totali tad‑dejn, id‑deprezzament tal‑prezz tal‑ajruplani kif ukoll numru ta’ previżjonijiet dwar ċertu dħul u nfiq, b’mod partikolari fil‑qasam fiskali.

274    Il‑Kummissjoni, sostnuta mill‑intervenjenti, tikkontesta li t‑trasformazzjoni tal‑grupp Olympic Airways kellha valur ta’ l‑kontabbiltà partikolari għaliha. Ir‑rikorrenti qegħdin jinjoraw id‑definizzjoni tal‑kunċett ta’ avvjament mogħtija mill‑istandards tal‑kontabbiltà. Skont il‑paragrafu 51 tal‑istandard IFRS 3, l‑avvjament jikkorrispondi għad‑differenza pożittiva bejn il‑prezz tal‑akkwist u l‑interess tal‑akkwirent fil‑valur ġust nett tal‑attiv u tal‑passiv identifikabbli akkwistati. Għaldaqstant, oġġettivament, wieħed ma jistax jitkellem dwar avvjament fin‑nuqqas ta’ tranżazzjoni ħielsa, meta tkun involuta, bħalma huwa l‑każ hawnhekk, skont il‑Kummissjoni, sempliċi ristrutturazzjoni interna tal‑grupp Olympic Airways mir‑Repubblika Ellenika. B’mod partikolari, għall‑kuntrarju tal‑allegazzjonijiet ta’ OA, la kien hemm merger reali u lanqas xiri, peress li ma kienx hemm prezz tas‑suq, kundizzjoni meħtieġa għall‑eżistenza ta’ avvjament.

275    Barra minn hekk, ir‑regoli tal‑kontabbiltà ma jippermettux li jiġu kkontabbilizzati l‑assi immaterjali li l‑valur reali tagħhom ma jkunx jista’ jiġi stmat b’mod affidabbli. B’mod partikolari, ma huwiex possibbli li tiġi ddeterminata “l‑istampa reali tat‑trasformazzjoni” fil‑preżenza ta’ bilanċ artifiċjali tat‑trasformazzjoni bbażat fuq sempliċi stima mill‑amministrazzjoni ta’ OA.

276    Fil‑kontroreplika fil‑Kawża T‑423/05, il‑Kummissjoni ssostni li, fir‑replika tagħha, OA tispjega għall‑ewwel darba li l‑avvjament huwa kkostitwit mill‑beni immaterjali kollha (isem kummerċjali, time‑slots), li huwa kompletament differenti mid‑definizzjoni mogħtija mill‑paragrafu 51 tal‑istandard IFRS 3, iċċitat iktar ’il fuq, kif ukoll mil‑leġiżlazzjoni Griega invokata minn OA. Dan l‑argument, barra minn hekk, ġie ppreżentat meta kien tard wisq.

277    Fir‑rigward tal‑prezz tal‑bejgħ ta’ NOA, invokat minn OA, il‑Kummissjoni tosserva li dan ikun iktar ġust jekk ikun ibbażat fuq bejgħ effettiv, u mhux fuq stima arbitrarja, ibbażata fuq stima mhux iċċertifikata, u dan irrispettivament mill‑valur tal‑ajruplani, li huma biss element fil‑bilanċ.

278    Fl‑aħħar nett, id‑deċiżjoni kkontestata hija mmotivata suffiċjentement. L‑elementi kollha meħuda inkunsiderazzjoni mill‑esperti tal‑Kummissjoni, inkonformità mar‑regoli ta’ ġestjoni raġonevoli u tajba, huma riprodotti fit‑tabella li tinsab fil‑premessa 120 ta’ din id‑deċiżjoni. Dawn l‑elementi huma akkumpanjati minn kummenti (premessi 110 sa 126), u mill‑evalwazzjoni legali tal‑Kummissjoni (premessi 197 sa 201).

–       Il‑kunsiderazzjonijiet tal‑Qorti Ġenerali

279    Huwa paċifiku li, skont l‑Artikolu 27 tal‑Liġi Nru 3185/2003, ir‑Repubblika Ellenika għamlet favur OA ħlas bil‑quddiem, maqsum fuq diversi partijiet bejn Diċembru 2003 u Mejju 2004, minn kont speċjali, li l‑ammont totali tiegħu kien ta’ madwar EUR 130 miljun, ammont li jikkorrispondi, skont l‑awtoritajiet Griegi, għall‑valur tal‑assi ttrasferiti lil NOA meta nħolqot din il‑kumpannija ġdida.

280    Fil‑fatt, l‑Artikolu 27(1) u (5) tal‑Liġi Nru 3185/2003 kien jipprevedi li l‑azzjonijiet kollha tal‑kumpanniji li jirriżultaw mit‑trasformazzjoni tal‑grupp Olympic Airways kellhom jgħaddu mingħajr korrispettiv għand ir‑Repubblika Ellenika, fid‑dawl tal‑privatizzazzjoni ta’ dawn il‑kumpanniji, u li kont speċjali tar‑Repubblika Ellenika, bit‑titolu “Stat Grieg – Kont ta’ privatizzazzjoni tal‑grupp Olympic Airways” kellu jiġi kkreditat bid‑dħul mill‑bejgħ tal‑kumpanniji privatizzati tal‑grupp. Skont dan l‑artikolu, sabiex ikunu jistgħu jitħallsu l‑ispejjeż neċessarji għat‑tkeċċija tal‑membri tal‑persunal u sabiex jiġu koperti l‑impenji finanzjarji ta’ OA u ta’ Olympic Aviation matul il‑perijodu ta’ trasformazzjoni u ta’ stralċ, il‑kont speċjali kellu jiġi ddebitat bl‑ammonti mħallsa bil‑quddiem mill‑Istat, li t‑total tagħhom kellu jkun ekwivalenti għal somma li tikkorrispondi mal‑valur nominali tal‑azzjonijiet tal‑kumpannija tal‑ajru ġdida li tirriżulta mit‑trasformazzjoni, liema azzjonijiet għaddew għand ir‑Repubblika Ellenika.

281    F’dan il‑każ, mill‑Artikolu 1(2) tad‑deċiżjoni kkontestata jirriżulta b’mod espliċitu li l‑għajnuna kontenzjuża tikkonsisti biss fl‑istima iktar mill‑valur reali, skont il‑Kummissjoni, tal‑ammont tal‑assi ttrasferiti lil NOA meta nħolqot. L‑istima provviżorja min‑naħa tal‑Kummissjoni tal‑ammont ta’ din l‑għajnuna hija ta’ EUR 91.5 miljun. Fid‑dispożittiv tad‑deċiżjoni kkontestata hija għalhekk ma tqajjimx il‑kwistjoni tal‑prinċipju stess ta’ ħlas bil‑quddiem lil OA tal‑ammont tal‑valur tal‑assi kollha ttrasferiti lil NOA.

282    Huwa minnu li l‑Kummissjoni tenfasizza, fil‑premessa 196 tad‑deċiżjoni kkontestata, li l‑ħlas bil‑quddiem ta’ madwar EUR 130 miljun lil impriża, bħal OA, li tkun tinsab f’sitwazzjoni ekonomika partikolarment diffiċli, li barra minn hekk kienet għadha kemm ġiet imċaħħda mis‑settur tal‑attivitajiet ta’ titjiriet tagħha u li d‑dejn fiskali u ta’ sigurtà soċjali tagħha fil‑konfront tar‑Repubblika Ellenika kien jammonta għal EUR 522 miljun fl‑aħħar tas‑sena 2003, filwaqt li dan id‑dejn kien għadu jiżdied u filwaqt li l‑assi li setgħu jiġu llikwidati sabiex jitħallas lura dan id‑dejn kienu qegħdin jevaporaw, kien kuntrarju għall‑kriterju tal‑investitur privat. F’dan ir‑rigward, il‑Kummissjoni, filwaqt li tibbaża ruħha fuq il‑konklużjonijiet tal‑Avukat Ġenerali Mischo marbuta mas‑sentenza tal‑Qorti tal‑Ġustizzja tat‑12 ta’ Ottubru 2000, Spanja vs Il‑Kummissjoni (C‑480/98, Ġabra p. I‑8717, punti 32 sa 43), tosserva li, f’tali kuntest, kreditur privat, li f’dan il‑każ huwa wkoll il‑kreditur prinċipali ta’ OA u li jkollu ftit possibbiltajiet realistiċi li jikseb il‑ħlas tal‑krediti tiegħu fil‑konfront ta’ OA, kien jieħu l‑miżuri legali kollha sabiex jikseb il‑ħlas tal‑krediti dovuti jew l‑eżekuzzjoni tal‑garanziji tiegħu.

283    Madankollu, għandu jitfakkar li l‑Kummissjoni ma tqajjimx il‑kwistjoni, fid‑deċiżjoni kkontestata, tad‑deċiżjoni tar‑Repubblika Ellenika li tittrasforma l‑grupp Olympic Airways sabiex tiġi ffaċilitata l‑privatizzazzjoni tiegħu u dan billi tittrasferixxi l‑assi tas‑settur tal‑attivitajiet ta’ titjiriet tiegħu lil NOA u billi tipprevedi, b’mod partikolari, il‑ħlas bil‑quddiem kontenzjuż favur OA, minflok ma teżiġi t‑tqegħid immedjat ta’ OA taħt proċedura ta’ falliment sabiex tirkupra minn tal‑inqas parti mill‑krediti tagħha fil‑konfront ta’ din il‑kumpannija (ara l‑punti 101 u 281 iktar ’il fuq). Il‑Kummissjoni tikkonstata biss li, fin‑nuqqas ta’ potenzjal ta’ profittabbiltà fuq żmien twil ta’ OA, investitur privat ma kienx jaqbel li jagħmel kontribuzzjoni finanzjarja bil‑quddiem simili għal dik imħallsa lil din il‑kumpannija. Il‑Kummissjoni, madankollu, ma tikklassifikax il‑ħlas bil‑quddiem ta’ kumpens, fih innifsu, bħala għajnuna mill‑Istat fil‑motivi jew fid‑dispożittiv tad‑deċiżjoni kkontestata.

284    Mill‑banda l‑oħra, mill‑premessa 197 tad‑deċiżjoni kkontestata jirriżulta b’mod espliċitu li l‑Kummissjoni tikklassifika bħala għajnuna mill‑Istat il‑ħlas tal‑ammont bil‑quddiem kontenzjuż, sa fejn dan l‑ammont huwa iktar, fil‑fehma tagħha, mill‑valur tal‑assi ttrasferiti lil NOA u għalhekk ma jistax jitqies li huwa kumpens mogħti mir‑Repubblika Ellenika lil OA għal dan it‑trasferiment.

285    B’mod partikolari, il‑Kummissjoni tammetti b’mod espliċitu, fil‑premessa 197 tad‑deċiżjoni kkontestata li, jekk l‑ammont ta’ EUR 130 312 459 imħallas mir‑Repubblika Ellenika lil OA fuq il‑kont speċjali kien jikkorrispondi għall‑valur tal‑elementi tal‑assi ta’ OA ttrasferiti lil NOA, dan it‑trasferiment ma jkun jimplika ebda għajnuna mill‑Istat.

286    Fid‑dawl tal‑kontenut ċar tal‑Artikolu 1(2) tad‑dispożittiv tad‑deċiżjoni kkontestata, li huwa ssostanzjat mill‑motivi ta’ din id‑deċiżjoni, il‑Qorti Ġenerali għandha tiddeċiedi dwar l‑allegazzjonijiet fir‑rigward tal‑istima tal‑assi ttrasferiti lil NOA għall‑finijiet tal‑kalkolu tal‑ammont tal‑kumpens.

287    F’dan ir‑rigward, għandu jiġi eżaminat jekk il‑konklużjoni tal‑Kummissjoni, fid‑deċiżjoni kkontestata, li l‑valur tal‑assi ttrasferiti lil NOA kien ġie stmat iktar mill‑valur reali, hijiex immotivata suffiċjentement u jekk hijiex ivvizzjata bi żball manifest ta’ evalwazzjoni.

288    Ir‑rapporti Deloitte & Touche, tad‑29 ta’ Novembru 2003, annessi mal‑bilanċ inizjali ta’ NOA u mal‑bilanċi tat‑trasformazzjoni ta’ OA u ta’ Olympic Aviation, skont l‑Artikolu 27 tal‑Liġi Nru 3185/2003, jindikaw li dawn il‑bilanċi – stabbiliti minn din il‑kumpannija ta’ konsulenti bħala reviżur taħt ġurament, maħtura skont l‑imsemmi Artikolu 27 – ġew stabbiliti skont l‑istandards tal‑kontabbiltà Griegi, inkluż il‑prinċipju ta’ nefqa storika, ħlief fir‑rigward, minn naħa, tal‑istima tal‑ajruplani u tal‑inġenji li jappartjenu kompletament lid‑diviżjonijiet maqsuma ta’ OA u ta’ Olympic Aviation, li ġew stmati mill‑kumpannija speċjalizzata Airclaims skont il‑valur fis‑suq tagħhom fl‑1 ta’ Ottubru 2003 u, min‑naħa l‑oħra, l‑istima tal‑avvjament. Skont dawn ir‑rapporti Deloitte & Touche, l‑avvjament ġie effettivament stmat mill‑amministrazzjoni ta’ OA, skont il‑prattiki internazzjonali, fuq il‑bażi tad‑dħul gross ta’ din il‑kumpannija, tar‑riżultati reċenti tagħha u tal‑interess muri matul il‑proċeduri dwar il‑privatizzazzjoni tagħha.

289    Mill‑banda l‑oħra, fid‑deċiżjoni kkontestata (ara, b’mod partikolari, il‑premessi 120, 199 u 200), il‑Kummissjoni, filwaqt li bbażat ruħha fuq ir‑rapport Moore Stephens, għamlet aġġustamenti bbażati fuq l‑istimi tal‑esperti tagħha, li kienu kkunsidraw biss, fir‑rigward tal‑ajruplani, il‑valur nett kontabbli tagħhom u li, barra minn hekk, kienu naqqsu, mill‑kalkolu tal‑kumpens, b’mod partikolari, l‑ammont li jikkorrispondi għall‑valur tal‑assi immaterjali meħuda inkunsiderazzjoni mill‑awtoritajiet Elleniċi bħala parti mill‑avvjament kif ukoll il‑krediti dubjużi u l‑kreditu dwar il‑bejgħ futur ta’ żewġ ajruplani li kienu għadhom irreġistrati fil‑bilanċ ta’ OA.

290    F’dan ir‑rigward, ir‑rikorrenti jakkużaw b’mod partikolari lill‑Kummissjoni li injorat il‑ħtieġa, minn naħa, li l‑ajruplani jiġu stmati fil‑valur tas‑suq tagħhom u, b’mod partikolari, li jittieħed inkunsiderazzjoni l‑avvjament li rriżulta mill‑ħolqien ta’ NOA, kif ukoll id‑dħul mistenni mill‑bejgħ futur ta’ żewġ ajruplani, sabiex tiġi ddeterminata s‑sitwazzjoni ekonomika reali ta’ NOA. Huma jikkontestaw ukoll l‑aġġustamenti magħmula mill‑Kummissjoni fir‑rigward tal‑krediti dubjużi.

291    Preliminarjament, għandu jiġi osservat li, għall‑kuntrarju ta’ dak li jidhru li qegħdin jissuġġerixxu l‑konklużjonijiet tal‑esperti tal‑Kummissjoni riprodotti fid‑deċiżjoni kkontestata (premessa 124), il‑fatt li l‑Artikolu 27 tal‑Liġi Nru 3185/2003 kien jipprevedi l‑ħlas bil‑quddiem tal‑kumpens kontenzjuż, li jammonta għal somma ekwivalenti għall‑valur nominali tal‑azzjonijiet ta’ NOA, ma jippermettix li jiġi preżunt li l‑kontribuzzjonijiet f’kapital azzjonarju, ikkostitwiti mit‑trasferiment tal‑assi tas‑settur tal‑attivitajiet ta’ titjiriet tal‑grupp Olympic Airways, kienu ġew stmati f’valur ogħla mill‑valur reali tagħhom bl‑intenzjoni li jingħata sostenn lil OA, li kienet f’diffikultajiet finanzjarji kbar, matul il‑proċedura ta’ trasformazzjoni u ta’ stralċ. Barra minn hekk, dan l‑istess fatt ma kienx ta’ natura li jostakola, waqt id‑determinazzjoni tal‑valur tal‑kapital azzjonarju ta’ NOA, it‑teħid inkunsiderazzjoni, skont l‑istandards tal‑kontabbiltà applikabbli, b’mod partikolari tal‑valur tas‑suq tal‑ajruplani ttrasferiti, kif ukoll tal‑valur tal‑elementi tal‑assi immaterjali rreġistrati f’dan il‑każ fil‑bilanċ ta’ trasformazzjoni ta’ OA u fil‑bilanċ inizjali ta’ NOA bħala avvjament, sa fejn dan il‑valur seta’ jiġi stmat b’mod affidabbli.

292    F’dan il‑kuntest, għandhom jiġu eżaminati, fir‑rigward tal‑kriterju tal‑operatur privat, l‑aġġustamenti kontenzjużi magħmula mill‑Kummissjoni fir‑rigward, l‑ewwel nett, tal‑esklużjoni ta’ ċerti assi immaterjali mill‑kalkolu tal‑kumpens, it‑tieni nett, tal‑kontestazzjoni minn din l‑istituzzjoni tat‑teħid inkunsiderazzjoni tal‑valur tas‑suq tal‑ajruplani u, it‑tielet nett, tal‑esklużjoni tad‑dħul mill‑bejgħ futur ta’ żewġ ajruplani.

293    L‑ewwel nett, fir‑rigward tad‑diversi assi immaterjali meħuda inkunsiderazzjoni bħala parti mill‑avvjament, f’ammont ta’ EUR 30 miljun, fil‑bilanċ ta’ trasformazzjoni ta’ OA u fil‑bilanċ inizjali ta’ NOA, għandha tiġi miċħuda minn issa l‑allegazzjoni tal‑Kummissjoni, fil‑Kawża T‑423/05, li ċerti argumenti tar‑rikorrenti huma inammissibbli (ara l‑punt 276 iktar ’il fuq).

294    F’dan ir‑rigward, għandu jiġi osservat li r‑rapporti tad‑29 ta’ Novembru 2003, annessi mal‑bilanċi ta’ trasformazzjoni ta’ OA u ta’ Olympic Aviation u mal‑bilanċ inizjali ta’ NOA jelenkaw l‑elementi ta’ assi immaterjali meħuda inkunsiderazzjoni bħala parti mill‑avvjament (ara l‑punt 296 iktar ’il quddiem). Barra minn hekk, id‑deċiżjoni kkontestata (premessa 110) tindika b’mod espliċitu li, skont il‑konstatazzjonijiet magħmula mill‑esperti tal‑Kummissjoni, l‑ammont ta’ EUR 30 miljun irreġistrat fil‑bilanċ tat‑trasformazzjoni ta’ OA bħala assi immaterjali kien jikkorrispondi għall‑istima, mill‑amministrazzjoni ta’ OA, tal‑valur tal‑isem kummerċjali, tal‑logo (iċ‑ċrieki tal‑olimpjadi), tat‑trade mark Olympic, tat‑time‑slots u tal‑ftehim bilaterali. Fid‑deċiżjoni li tinfetaħ il‑proċedura ta’ investigazzjoni formali (punt 59), il‑Kummissjoni kienet barra minn hekk osservat li, skont ir‑rapporti Deloitte & Touche annessi mal‑bilanċi msemmija iktar ’il fuq, dan l‑avvjament, “jiġifieri assi immaterjali li jirriżultaw mill‑isem kummerċjali, mit‑time‑slots, mis‑sehem tas‑suq”, kien ġie kkalkolat mill‑amministrazzjoni ta’ OA u kien jirrappreżenta iktar minn 20 % tal‑assi kapitali tal‑impriża.

295    F’dawn iċ‑ċirkustanzi, għall‑kuntrarju tal‑allegazzjonijiet tal‑Kummissjoni, l‑invokazzjoni minn OA, fir‑replika fil‑Kawża T‑423/05, ta’ elementi bħat‑time‑slots, il‑logo, it‑trade mark jew l‑isem kummerċjali, bħala elementi meħuda inkunsiderazzjoni bħala parti mill‑avvjament, ma tistax titqies li hija motiv ġdid. Fil‑fatt, din l‑invokazzjoni tagħmel manifestament parti mill‑estensjoni tad‑dibattitu bejn il‑partijiet sa mill‑istadju tal‑proċedura amministrattiva, kif ukoll mill‑argumenti mressqa minn OA fir‑rikors fir‑rigward tal‑ħtieġa li l‑avvjament jittieħed inkunsiderazzjoni.

296    Dwar il‑mertu, mir‑rapporti Deloitte & Touche imsemmija iktar ’il fuq, annessi mal‑bilanċ inizjali ta’ NOA u mal‑bilanċ tat‑trasformazzjoni ta’ OA, jirriżulta li l‑elementi tal‑assi meħuda inkunsiderazzjoni mill‑amministrazzjoni ta’ OA, bħala parti mill‑avvjament, kienu l‑isem kummerċjali u t‑trade mark Olympic, il‑logo (iċ‑ċrieki tal‑olimpjadi), it‑time‑slots li kellha OA f’diversi ajruporti, il‑ftehim bilaterali – konklużi ma’ Stati mhux membri tal‑Unjoni Ewropea dwar drittijiet tal‑ajru, kif ikkonfermaw ir‑rikorrenti fi tweġiba għal mistoqsija magħmula mill‑Qorti Ġenerali matul is‑seduta – ir‑reputazzjoni ta’ OA u s‑sehem tas‑suq tagħha.

297    F’dan ir‑rigward, tista’ ssir distinzjoni, fost l‑assi immaterjali msemmija iktar ’il fuq, bejn, minn naħa, l‑assi separabbli, li jistgħu jiġu sseparati mill‑entità ttrasferita u mibjugħa jew ittrasferiti jew individwalment jew fl‑istess ħin ma’ kuntratt, element tal‑attiv jew tal‑passiv marbuta magħhom, u li l‑valur tagħhom jista’ jiġi stmat b’mod affidabbli u indipendentement mill‑eżistu tal‑privatizzazzjoni ppjanata, bħalma huma t‑time‑slots, u, min‑naħa l‑oħra, l‑assi immaterjali li mhumiex separabbli, li, barra minn hekk, il‑valur fis‑suq tagħhom ma jistax jiġi stmat b’mod affidabbli fin‑nuqqas ta’ tranżazzjoni, bħar‑reputazzjoni jew l‑ishma tas‑suq, assi dawn li jikkorrispondu għal avvjament li jinħoloq meta tinxtara impriża jew meta jsir il‑merger tagħha ma’ impriża oħra.

298    Għandu jiġi kkonstatat li, fid‑deċiżjoni kkontestata (ara, b’mod partikolari, il‑premessi 110 u 199), il‑Kummissjoni, filwaqt li adottat bħala tagħha l‑konstatazzjonijiet magħmula fir‑rapport Moore Stephens “bl‑użu ta’ tekniki u mudelli tal‑kontabbiltà rikonoxxuti fil‑Greċja u fuq livell internazzjonali”, irrifjutat li tieħu inkunsiderazzjoni t‑totalità tad‑diversi beni immaterjali msemmija iktar ’il fuq, ittrasferiti lil NOA, billi indikat biss li “la l‑prinċipji tal‑kontabbiltà Griegi u lanqas [il‑prinċipji tal‑kontabbiltà internazzjonali rikonoxxuti b’mod ġenerali] ma jipprovdu għar‑rikonoxximent fil‑bilanċ tal‑assi immaterjali ġġenerati mill‑impriża”.

299    Issa, il‑Kummissjoni ma tikkontestax li l‑istandard IFRS 3, applikabbli għall‑konsolidazzjoni ta’ impriżi fi grupp, stabbilit fl‑Anness tar‑Regolament tal‑Kummissjoni (KE) Nru 2236/2004, tad‑29 ta’ Diċembru 2004, li jemenda r‑Regolament (KE) Nru 1725/2003 li jadotta ċerti standards internazzjonali tal‑kontabilità bi qbil mar‑Regolament (KE) Nru 1606/2002 tal‑Parlament Ewropew u tal‑Kunsill f’dak li għandu x'jaqsam mal‑Istandard Internazzjonali tar‑Rappurtaġġ Finanzjarju (IFRSs) Nri 1, 3 sa 5, l‑Istandards Internazzjonali tal‑Kontabilità (IASs) Nri 1, 10, 12, 14, 16 sa 19, 22, 27, 28 u 31 sa 41 u l‑interpretazzjonijiet tal‑Kumitat għall‑Interpretazzjoni tal‑Istandards (SIC) Nri 9, 22, 28 u 32 (ĠU L 348M, 24.12.2008, p. 34), li għaliha jirreferu l‑partijiet quddiem il‑Qorti Ġenerali, li tapplika b’effett mill‑31 ta’ Marzu 2004 (il-paragrafu 78 tal‑istandard IFRS 3) u li taħt ċerti kundizzjonijiet setgħet tkun applikata b’mod retroattiv (paragrafu 85 tal‑istandard IFRS 3), kienet tippermetti lill‑akkwirent li jdaħħal fil‑kontijiet b’mod separat l‑assi immaterjali identifikabbli tal‑impriża jew tal‑entità akkwistata meta l‑valur ġust tagħhom – jiġifieri, essenzjalment, l‑ammont li kien jitħallas fuq tranżazzjoni bejn partijiet informati sewwa u li jaġixxu f’kundizzjonijiet ta’ kompetizzjoni normali – seta’ jiġi stmat b’mod affidabbli fid‑data tal‑akkwist (paragrafi 37, 45 u 46 tal‑istandard IFRS 3). Barra minn hekk, skont l‑istandard tal‑kontabbiltà internazzjonali 38 “Assi immaterjali”, kif emendata wara l‑adozzjoni tal‑istandard IFRS 3 (IAS 38), il‑valur ġust tal‑assi immaterjali akkwistati meta impriżi jiġu kkonsolidati fi grupp seta’ normalment jiġi stmat b’mod suffiċjentement affidabbli sabiex jiġi kkontabbilizzat separatament mill‑avvjament. Barra minn hekk, għandu jiġi osservat li l‑istandard tal‑kontabbiltà internazzjonali 22 “Konsolidazzjoni ta’ impriżi fi grupp”, kif stabbilita fl‑Anness tar‑Regolament tal‑Kummissjoni (KE) Nru 1725/2003, tad‑29 ta’ Settembru 2003, li jadotta ċerti standards internazzjonali tal‑kontabilità bi qbil mar‑Regolament (KE) Nru 1606/2002 tal‑Parlament Ewropew u tal‑Kunsill (ĠU Edizzjoni Speċjali bil‑Malti, Kapitolu 13, Vol. 32, p. 4), issostitwita bl‑istandard IFRS 3, kienet diġà tipprevedi l‑kontabilizzazzjoni separata, fid‑data tal‑akkwist ta’ entità, tal‑assi immaterjali identifikabbli li l‑valur ġust tagħhom kien stmat b’mod affidabbli.

300    Barra minn hekk, il‑Kummissjoni ma toħloqx dubju li l‑istandards tal‑kontabbiltà Griegi kienu jippermettu lill‑akkwirent jikkontabilizza, b’mod separat mill‑avvjament, l‑assi immaterjali separabbli tal‑entità akkwistata, bħat‑time‑slots, meta l‑valur tagħhom seta’ jiġi stmat b’mod affidabbli.

301    Fir‑rigward, fost l‑assi immaterjali, dawk li ma kinux separabbli u li l‑valur ġust tagħhom ma setax jiġi ddeterminat b’mod affidabbli, fin‑nuqqas f’dan il‑każ ta’ tranżazzjoni effettiva, safejn, meta sar il‑ħlas bil‑quddiem kontenzjuż, kienet għadha ma mmaterjalizzat ebda possibbiltà preċiża tax‑xiri ta’ NOA minn investitur privat, għandha tiġi approvata l‑pożizzjoni tal‑Kummissjoni li, fin‑nuqqas ta’ tranżazzjoni, it‑trasferiment tal‑assi marbuta mas‑settur tal‑attivitajiet ta’ titjiriet ta’ NOA, akkumpanjat mit‑trasferiment tal‑azzjonijiet ta’ din il‑kumpannija lir‑Repubblika Ellenika, mingħajr korrispettiv, fid‑dawl tal‑privatizzazzjoni futura ta’ din il‑kumpannija, ma jistax jiġi ekwiparat ma’ xiri jew merger li jistgħu jiġġeneraw avvjament (ara l‑punt 297 iktar ’il fuq). Fin‑nuqqas ta’ possibbiltà preċiża u konkreta ta’ tranżazzjoni f’dan l‑istadju, il‑fatt invokat minn OA, li NOA kienet inħolqot permezz ta’ merger u tal‑akkwist tal‑attivitajiet ta’ titjiriet tal‑kumpanniji OA u Olympic Aviation minn dik li qabel kienet kumpannija sussidjara, jiġifieri Macedonian Airways, li bdiet tissejjaħ NOA wara din it‑trasformazzjoni, ma jibdilx din l‑analiżi.

302    F’dan il‑kuntest, fid‑dawl b’mod partikolari tal‑istandard IFRS 3, invokat mill‑partijiet (ara l‑punt 299 iktar ’il fuq), il‑Kummissjoni kellha teżamina individwalment id‑diversi elementi ta’ assi immaterjali inkwistjoni, filwaqt li tivverifika jekk kinux jistgħu jiġu sseparati u jekk il‑valur ġust tagħhom setax jiġi stmat b’mod affidabbli, u, jekk ikun il‑każ, jekk, fir‑rigward tal‑kriterju tal‑investitur privat, dawn kellhomx jiġu esklużi mill‑kalkolu tal‑kumpens imħallas lil OA.

303    Issa, mid‑deċiżjoni kkontestata jirriżulta li l‑Kummissjoni – li barra minn hekk ammettiet waqt is‑seduta li ċerti assi immaterjali, bħat‑time‑slots, setgħu jinbiegħu separatament u kellhom valur tas‑suq partikolari għalihom – naqset milli teżamina individwalment l‑assi immaterjali inkwistjoni u milli tesponi, fid‑deċiżjoni kkontestata, il‑motivi għalfejn hija kkunsidrat li l‑kriterju tal‑investitur privat kien f’dan il‑każ jipprekludi li assi immaterjali li setgħu jiġu stmati b’mod affidabbli b’mod awtonomu minn kull trasferiment jew merger jittieħdu inkunsiderazzjoni, sal‑ammont tal‑valur ġust tagħhom, għall‑finijiet tal‑kalkolu tal‑ammont tal‑kumpens imħallas lil OA. Għaldaqstant, f’dan ir‑rigward id‑deċiżjoni kkontestata hija vvizzjata bi żball manifest ta’ evalwazzjoni.

304    Barra minn hekk, u fi kwalunkwe każ, fil‑kuntest tal‑ħolqien ta’ kumpannija tal‑ajru legalment awtonoma ġdida, li lilha ġew ittrasferiti l‑assi kollha marbuta mas‑settur tal‑attivitajiet ta’ titjiriet tal‑grupp Olympic Airways, u sa fejn il‑Kummissjoni ma kkunsidratx, fid‑deċiżjoni kkontestata, li l‑ħlas bil‑quddiem ta’ kumpens finanzjarju lil OA, għat‑trasferiment tal‑assi immaterjali lil NOA, kien jikkostitwixxi fih innifsu għajnuna mill‑Istat, il‑Kummissjoni kellha minn tal‑inqas timmotiva, fir‑rigward tal‑kriterju tal‑investitur privat, ir‑rifjut min‑naħa tagħha li tieħu inkunsiderazzjoni l‑elementi ta’ assi immaterjali kollha għall‑finijiet tal‑kalkolu tal‑kumpens.

305    B’mod partikolari, fil‑kuntest imsemmi iktar ’il fuq, anki jekk jitqies li l‑Kummissjoni telqet mill‑premessa li l‑qsim tas‑settur tal‑attivitajiet ta’ titjiriet u t‑trasferiment tal‑assi korrispondenti lil NOA kellhom jiġu ttrattati bħala sempliċi ristrutturazzjoni interna fi ħdan il‑grupp Olympic Airways, hija fi kwalunkwe każ kellha tiġġustifika b’mod ċar u komprensibbli, fir‑rigward tal‑kriterju tal‑investitur privat, l‑għażla tar‑regoli tal‑kontabbiltà li fuqhom ibbażat ruħha sabiex teskludi l‑assi immaterjali kontenzjużi mill‑kalkolu tal‑kumpens imħallas lil OA.

306    Issa, filwaqt li l‑Kummissjoni, quddiem il‑Qorti Ġenerali tirreferi b’mod partikolari għall‑istandard IFRS 3 – li jipprovdi għall‑kontabilizzazzjoni tal‑konsolidazzjoni ta’ impriżi fi grupp bl‑applikazzjoni tal‑metodu tal‑akkwist, fejn l‑akkwirent jikkontabilizza b’mod partikolari l‑assi akkwistati, inklużi dawk li ma kinux kontabilizzati qabel mill‑impriża akkwistata (il-paragrafu 15 tal‑istandard) – hija bbażat ruħha esklużivament, fid‑deċiżjoni kkontestata, fuq il‑prinċipju ta’ kontabbiltà li jipprojbixxi lil impriża milli tikkontabbilizza bħala assi, fid‑dikjarazjzonijiet finanzjarji tagħha, l‑avvjament iġġenerat internament (standard IAS 38), filwaqt li, barra minn hekk, naqset milli tispeċifika l‑istandard jew standards li kienet ibbażat ruħha fuqhom.

307    Il‑Kummissjoni għalhekk naqset milli tesponi, fid‑deċiżjoni kkontestata, b’mod partikolari fir‑rigward tal‑istandards applikabbli għall‑konsolidazzjoni ta’ impriżi fi gruppi, il‑motivi għalfejn – f’sitwazzjoni fejn kienet involuta l‑istima tal‑assi inkwistjoni, mhux għall‑finijiet tar‑reġistrazzjoni tagħhom fid‑dikjarazzjonijiet finanzjarji ta’ OA iżda għall‑finijiet tad‑determinazzjoni tal‑ammont li kellu jitħallas lil din l‑impriża bħala kumpens għat‑telf tas‑settur tal‑attivitajiet ta’ titjiriet tagħha u tal‑assi korrispondenti tagħha kollha, li uħud minnhom setgħu jinbiegħu separatament – hija bbażat ruħha fuq ir‑regoli li jirregolaw il‑kontabilizzazzjoni ta’ dawn l‑assi immaterjali mill‑impriża akkwistata.

308    It‑tieni nett, fil‑kuntest imsemmi iktar ’il fuq u għal motivi simili (ara l‑punt 305 iktar ’il fuq), għandu jiġi kkunsidrat ukoll li, fid‑deċiżjoni kkontestata (ara, b’mod partikolari, il‑premessi 111 u 199), il‑Kummissjoni – filwaqt li kkonfermat il‑konstatazzjonijiet magħmula f’dan ir‑rigward fir‑rapport Moore Stephens li kien jirreferi b’mod ġenerali għall‑prinċipji tal‑kontabbiltà Griegi u għall‑prinċipji tal‑kontabbiltà internazzjonali rikonoxxuti b’mod ġenerali – ma mmotivatx b’mod suffiċjenti għall‑finijiet tal‑liġi, fir‑rigward tal‑kriterju tal‑investitur privat, it‑teħid inkunsiderazzjoni, għall‑finijiet tal‑kalkolu tal‑ammont tal‑kumpens, tal‑valur nett kontabbli tal‑ajruplani li l‑proprjetà tagħhom kienet ġiet ittrasferita lil NOA minflok tal‑valur tas‑suq tagħhom fl‑1 ta’ Ottubru 2003, liema valur kien iwassal, skont ir‑rapport Airclaims, għal żieda ta’ madwar EUR 43.2 miljuni fil‑valur stmat ta’ dawn l‑ajruplani, meta mqabbel mal‑valur nett kontabbli tagħhom.

309    It‑tielet nett, l‑invokazzjoni mill‑Kummissjoni, fid‑deċiżjoni kkontestata (ara, b’mod partikolari, il‑premessi 114 u 199), tal‑prinċipji Griegi tal‑kontabbiltà u tal‑prinċipji tal‑kontabbiltà rikonoxxuti b’mod ġenerali li jeskludu r‑reġistrazzjoni, fil‑kontijiet annwali ta’ impriża, tad‑dħul marbut mal‑bejgħ li jkun għadu ma twettaqx ta’ attiv kapitali li ma jappartjenix lil din l‑impriża, mhijiex motivazzjoni suffiċjenti għall‑esklużjoni minn din l‑istituzzjoni tat‑teħid inkunsiderazzjoni, għall‑finijiet tal‑kalkolu tal‑ammont tal‑kumpens, tad‑dħul nett mistenni mill‑bejgħ, li l‑proċess tiegħu kien diġà nbeda, ta’ żewġ ajruplani tat‑tip A 300‑600 li kienu għadhom irreġistrati fil‑bilanċ ta’ OA, fl‑istennija li jiġi ffinalizzat il‑bejgħ. Fil‑fatt, sa fejn il‑Kummissjoni ma kkontestatx it‑trasferiment lil NOA tal‑assi kollha ta’ OA marbuta mal‑attivitajiet ta’ titjiriet, u l‑ħlas bil‑quddiem korrispondenti ta’ kumpens, hija kellha tiġġustifika, fir‑rigward tal‑kriterju tal‑investitur privat, l‑esklużjoni tal‑kalkolu tal‑ammont tal‑kumpens tad‑dħul mistenni mill‑bejgħ taż‑żewġ ajruplani msemmija, li kien jammonta għal EUR 24.4 miljun.

310    Fid‑dawl tal‑kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha, il‑motivi bbażati fuq żball manifest ta’ evalwazzjoni u fuq nuqqas ta’ motivazzjoni tad‑deċiżjoni kkontestata għandhom jiġu kkunsidrati li huma fondati, sa fejn il‑Kummissjoni eskludiet mill‑kalkolu tal‑kumpens l‑elementi ta’ assi immaterjali kollha li kienu ttieħdu inkunsiderazzjoni mill‑amministrazzjoni ta’ OA bħala parti mill‑avvjament. Barra minn hekk, id‑deċiżjoni kkontestata hija vvizzjata b’nuqqas ta’ motivazzjoni sa fejn il‑Kummissjoni eskludiet minn dan il‑kalkolu d‑dħul mistenni mill‑bejgħ ta’ żewġ ajruplani li kienu għadhom imniżżla fil‑bilanċ ta’ OA, u sa fejn warrbet l‑istima, ibbażata fuq il‑valur tas‑suq attwali tagħhom, ta’ 18‑il ajruplan li l‑proprjetà tagħhom ġiet ittrasferita lil NOA.

311    Għandu sussegwentement jiġi kkonstatat li, fir‑rigward tal‑krediti dubjużi, il‑Kummissjoni mmotivat suffiċjentement, fid‑deċiżjoni kkontestata (ara, b’mod partikolari, il‑premessi 112, 120 u 199), l‑esklużjoni tagħhom jew l‑aġġustament tagħhom għall‑finijiet tal‑kalkolu tal‑ammont tal‑kumpens imħallas lil OA, billi bbażat ruħha fuq il‑konklużjonijiet tal‑esperti li jenfasizzaw b’mod partikolari li, fin‑nuqqas ta’ provvediment dwar dawn il‑krediti fil‑bilanċ inizjali ta’ NOA, ma kienx prudenti li tali krediti jitniżżlu taħt l‑assi ta’ NOA. Barra minn hekk, l‑allegazzjonijiet mhux issostanzjati tar‑rikorrenti li l‑krediti kontenzjużi kienu ċerti, ma jippermettux li jiġi kkunsidrat li l‑Kummissjoni wettqet żball manifest ta’ evalwazzjoni meta qieset li l‑valur ta’ dawn l‑elementi ma kellux jittieħed inkunsiderazzjoni jew li dan il‑valur kien stmat iktar milli kien fir‑realtà. Barra minn hekk, anki jekk, kif issostni OA (ara l‑punt 267 iktar ’il fuq), il‑ħlas tal‑ammont tal‑krediti kontenzjużi kien iggarantit fir‑rigward ta’ NOA, dan il‑fatt huwa irrilevanti fir‑rigward tal‑evalwazzjoni tal‑ammont ta’ dawn il‑krediti li l‑ħlas lura tagħhom seta’ raġonevolment ikun mistenni, meta sar it‑trasferiment ta’ dawn il‑krediti lil NOA, bħala assi marbuta mas‑settur tal‑attivitajiet ta’ titjiriet.

312    Barra minn hekk, għall‑kuntrarju tal‑allegazzjonijiet ta’ OA, id‑deċiżjoni kkontestata ma hija vvizzjata la minn żball manifest ta’ evalwazzjoni u lanqas minn nuqqas ta’ motivazzjoni fir‑rigward tal‑konstatazzjoni li l‑ħlas bil‑quddiem ta’ kumpens li l‑ammont tiegħu kien stmat iktar mill‑valur reali tiegħu kien ta’ natura li joħloq distorsjoni jew li jhedded li joħloq distorsjoni għall‑kompetizzjoni. Fil‑fatt, il‑Kummissjoni indikat, fid‑deċiżjoni kkontestata (premessa 35), li OA kienet teżerċita attivitajiet ta’ assistenza fuq l‑art, ta’ manutenzjoni u ta’ tiswija u li hija kienet topera fis‑suq tal‑provvista tal‑attivitajiet ikkonċernati. F’dan il‑kuntest, hija enfasizzat li l‑għoti tal‑għajnuna kontenzjuża allegata seta’ joħloq distorsjoni fil‑kompetizzjoni ma’ impriżi oħra tal‑Unjoni, b’mod partikolari, sussegwentement għall‑ftuħ tas‑suq tas‑servizzi ta’ assistenza fuq l‑art fl‑1996 (premessa 202). Skont l‑Artikolu 87(1) KE, il‑Kummissjoni għalhekk stabbilixxiet b’mod suffiċjenti għall‑finijiet tal‑liġi t‑theddida ta’ distorsjoni tal‑kompetizzjoni li tiġġustifika l‑klassifikazzjoni ta’ għajnuna mill‑Istat peress li l‑miżura inkwistjoni ssaħħaħ il‑pożizzjoni tal‑impriża benefiċjarja fil‑konfront ta’ impriżi oħra. B’mod partikolari, mill‑ġurisprudenza jirriżulta li l‑fatt li settur ekonomiku kien is‑suġġett ta’ liberalizzazzjoni fuq livell Komunitarju jista’ jiddetermina li għajnuna għandha effett reali jew potenzjali fuq il‑kompetizzjoni u fuq in‑negozju bejn l‑Istati Membri (ara s‑sentenza tal‑Qorti tal‑Ġustizzja tal‑15 ta’ Diċembru 2005, Unicredito Italiano, C‑148/04, Ġabra p. I‑11137, punt 56 u 57, u l‑ġurisprudenza ċċitata). Barra minn hekk, għall‑kuntrarju tal‑allegazzjonijiet ta’ OA, il‑fatt li 33 minn 38 ajruport Griegi huma moqdija minn din il‑kumpannija fuq il‑bażi ta’ obbligi ta’ servizz pubbliku ma huwiex ta’ natura li jeskludi l‑eżistenza ta’ sitwazzjoni ta’ kompetizzjoni.

313    Barra minn hekk, fir‑rigward tal‑assi kollha ttrasferiti lil NOA u li kienu s‑suġġett ta’ esklużjoni jew ta’ aġġustament mill‑Kummissjoni, minbarra l‑assi immaterjali meħuda inkunsiderazzjoni bħala parti mill‑avvjament, it‑18‑il ajruplan imsemmija u l‑kreditu dwar il‑bejgħ futur ta’ żewġ ajruplani li kienu għadhom irreġistrati fil‑bilanċ ta’ OA (ara l‑punt 311 iktar ’il fuq), l‑ammont tal‑ħlas bil‑quddiem li seta’ jitħallas lil OA bħala kumpens għal dawn l‑assi għandu jiġi ddeterminat, fil‑kuntest tal‑proċedura ta’ rkupru tal‑għajnuna u skont l‑obbligu ta’ kooperazzjoni leali, fuq il‑bażi ta’ kontijiet ivverifikati, kif issostni l‑Kummissjoni.

314    Fil‑fatt, il‑Kummissjoni tammetti li l‑aġġustamenti mwettqa mill‑esperti tagħha jistgħu jkunu s‑suġġett ta’ diskussjonijiet sussegwenti fil‑kuntest tal‑kooperazzjoni leali. Skont il‑Kummissjoni, hija OA li jkollha twettaq verifika kontabbli tal‑assi kkonċernati, taħt il‑kontroll tal‑awtoritajiet Elleniċi, u li jkollha tipproponi stima konkreta tal‑elementi ta’ assi ttrasferiti lil NOA.

315    F’dan ir‑rigward, għandu jitfakkar li ebda dispożizzjoni tad‑dritt Komunitarju ma teżiġi li l‑Kummissjoni, meta tordna l‑ħlas lura ta’ għajnuna ddikjarata inkompatibbli mas‑suq komuni, tistabbilixxi l‑ammont eżatt tal‑għajnuna li għandha titħallas lura. Huwa biżżejjed li d‑deċiżjoni tal‑Kummissjoni jkun fiha indikazzjonijiet li jippermettu lid‑destintarju tagħha jiddetermina huwa stess, mingħajr diffikultajiet eċċessivi, dan l‑ammont (sentenzi Spanja vs Il‑Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 25, u tal‑14 ta’ Frar 2008, Il‑Kummissjoni vs Il‑Greċja, iċċitata iktar ’il fuq, punt 44).

316    Barra minn hekk, fis‑sentenza tal‑14 ta’ Frar 2008, Il‑Kummissjoni vs Il‑Greċja, iċċitata iktar ’il fuq, filwaqt li kkonstatat li r‑Repubblika Ellenika kienet naqset milli twettaq l‑obbligi tagħha taħt l‑Artikolu 2 sa 4 tad‑deċiżjoni kkontestata, il‑Qorti tal‑Ġustizzja ċaħdet l‑argument li l‑Kummissjoni ma kinitx ipprovdiet metodu ta’ kalkolu affidabbli li jippermetti d‑determinazzjoni tal‑ammont tal‑għajnuna li għandha tiġi rkuprata (punti 42 et seq tas‑sentenza).

317    Fir‑rigward, b’mod partikolari, tal‑istima iktar mill‑valur reali tal‑assi ta’ OA ttrasferiti lil NOA, il‑Qorti tal‑Ġustizzja qieset, fis‑sentenza tal‑14 ta’ Frar 2008, Il‑Kummissjoni vs Il‑Greċja, iċċitata iktar ’il fuq, li l‑fatt li l‑ammont ta’ din l‑istima iktar mill‑valur reali, stabbilit fl‑Artikolu 1(2) tad‑deċiżjoni kkontestata, huwa akkumpanjat mill‑indikazzjoni li dan l‑ammont huwa, fuq dan il‑punt, stima provviżorja, ma setax jiġi interpretat fis‑sens li d‑deċiżjoni kkontestata ma kellhiex il‑preċiżjoni meħtieġa sabiex tkun implementata (punt 43).

318    F’dawn iċ‑ċirkustanzi, l‑argument tar‑Repubblika Ellenika bbażat fuq id‑diffikultajiet interni mqajma mill‑irkupru tal‑għajnuna kontenzjuża (ara l‑punt 268 iktar ’il fuq) għandu jiġi miċħud ukoll. F’dan ir‑rigward, mill‑ġurisprudenza jirriżulta li, meta l‑eżekuzzjoni ta’ ordni ta’ rkupru tiltaqa’ ma’ ċertu numru ta’ diffikultajiet interni, il‑Kummissjoni u l‑Istat Membru kkonċernat għandhom, skont ir‑regola li timponi fuq l‑Istati Membri u fuq l‑istituzzjonijiet Komunitarji dmirijiet reċiproċi ta’ kooperazzjoni leali, regola li fuqha huwa bbażat, b’mod partikolari, l‑Artikolu 10 KE, jikkollaboraw in bona fide sabiex jegħlbu dawn id‑diffikultajiet b’osservanza sħiħa tad‑dispożizzjonijiet tat‑Trattat, u b’mod partikolari ta’ dawk dwar l‑għajnuna mill‑Istat (sentenzi tal‑Qorti tal‑Ġustizzja tal‑4 ta’ April 1995, Il‑Kummissjoni vs L‑Italja, C‑348/93, Ġabra p. I‑673, punt 17; tat‑22 ta’ Marzu 2001, Il‑Kummissjoni vs Franza, C‑261/99, Ġabra p. I‑2537, punt 24, u s‑sentenza tat‑12 ta’ Mejju 2005, punt 42).

319    Minn dan isegwi li d‑deċiżjoni kkontestata għandha tiġi parzjalment annullata minħabba żball manifest ta’ evalwazzjoni u nuqqas ta’ motivazzjoni sa fejn teskludi t‑teħid inkunsiderazzjoni tal‑elementi ta’ assi immaterjali kollha bħala parti mill‑avvjament, u minħabba nuqqas ta’ motivazzjoni sa fejn teskludi t‑teħid inkunsiderazzjoni tad‑dħul mistenni mill‑bejgħ taż‑żewġ ajruplani msemmija iktar ’il fuq u sa fejn taċċetta biss it‑teħid inkunsiderazzjoni tal‑valur kontabbli nett tal‑ajruplani ttrasferiti, minflok il‑valur tas‑suq attwali tagħhom. Il‑kumplament tal‑ilmenti bbażati fuq żball manifest ta’ evalwazzjoni u nuqqas ta’ motivazzjoni għandhom jiġu miċħuda.

 a) Fuq il-ksur tal‑Artikolu 87(3) KE u n-nuqqas ta’ motivazzjoni (Kawża T‑415/05)

–       L‑argumenti tal‑partijiet

320    Ir‑Repubblika Ellenika ssostni sussidjarjament li l‑għajnuna allegata tikkostitwixxi fi kwalunkwe każ għajnuna intiża sabiex tgħin impriża f’diffikultà, li hija kompatibbli mas‑suq komuni. Fil‑fatt, hija tissodisfa jew setgħet faċilment tissodisfa l‑kundizzjonijiet kumulattivi kollha li għalihom il‑Linji Gwida Komunitarji dwar għajnuna tal‑Istat biex jiġu salvati u ristrutturati ditti f’diffikultà (ĠU 1999, C 288, p. 2; ĠU Edizzjoni Speċjali bil‑Malti, Kapitolu 8, Vol. 1, p. 322; iktar ’il quddiem il‑“Linji gwida tal‑1999”) jissuġġetaw il‑konstatazzjoni tal‑kompatibbiltà ta’ tali għajnuna.

321    Il‑Kummissjoni, skont ir‑Repubblika Ellenika, wettqet żball manifest ta’ evalwazzjoni, fid‑deċiżjoni kkontestata (premessi 231 u 232), fir‑rigward tal‑ewwel żewġ kundizzjonijiet ta’ kompatibbiltà stabbiliti fil‑Linji Gwida tal‑1999.

322    Fir‑rigward tal‑ewwel waħda mill‑kundizzjonijiet imsemmija iktar ’il fuq, il‑ħlas bil‑quddiem kontenzjuż jista’ jiġi kkunsidrat bħala “kreditu” li kellu jitħallas lura. Ir‑Repubblika Ellenika tammetti li inizjalment ma kinux previsti interessi għal dan il‑kreditu. Madankollu, dan kien jiġi rrimedjat faċilment li kieku l‑Kummissjoni kienet informat lir‑Repubblika Ellenika, matul il‑proċedura formali, kif kienet obbligata tagħmel, dwar l‑intenzjoni tagħha li teżamina l‑kompatibbiltà tal‑ħlas bil‑quddiem kontenzjuż mal‑Artikolu 87(3) KE, fid‑dawl tal‑Linji Gwida tal‑1999, wara t‑talba f’dan is‑sens li kienet saret lilha b’mod sussidjarju mill‑awtoritajiet Elleniċi fl‑ittra tagħhom tal‑11 ta’ Ġunju 2004, u li kienet irtirata fl‑ittra tagħhom tat‑3 ta’ Novembru 2004.

323    Fir‑rigward tat‑tieni kundizzjoni, ir‑Repubblika Ellenika tfakkar li l‑paragrafu 24 tal‑Linji Gwida tal‑1999 jistabbilixxi:

“L‑għajnuna għas‑salvazzjoni [salvataġġ] tkun inizjalment awtorizzata għal mhux aktar minn sitt xhur jew, fejn l‑Istat Membru konċernat ikun issottometta pjan ta’ ristruttrazzjoni f’dan il‑perjodu, sakemm il‑Kummissjoni tilħaq id‑deċiżjoni tagħha dwar il‑pjan. F’ċirkostanzi eċċezzjonali sostanzjati kif suppost u wara t‑talba ta’ l‑Istat Membru konċernat, il‑Kummissjoni tis[t]a’ testendi l‑perjodu inizjali ta’ sitt xhur.”

324    Issa, fl‑ittra tagħhom tal‑11 ta’ Ġunju 2004 (il-paragrafu 5.21) lill‑Kummissjoni, l‑awtoritajiet Griegi indikaw li, li kieku l‑Kummissjoni ammettiet li l‑ammont tal‑ħlas bil‑quddiem magħmul lil OA seta’ jikkostitwixxi għajnuna għas‑salvataġġ, huma kienu juru li l‑miżuri ta’ ristrutturazzjoni previsti kienu konformi mal‑Linji Gwida tal‑1999.

325    F’dan il‑każ, ir‑Repubblika Ellenika ssostni għalhekk li t‑termini ddefiniti fil‑Linji Gwida tal‑1999 ġew estiżi, safejn il‑Kummissjoni ma weġbitx għal din it‑talba fil‑ħin, b’tali mod li pprekludiet lill‑awtoritajiet Elleniċi milli jirrispettaw it‑termini msemmija.

326    Barra minn hekk, fid‑deċiżjoni kkontestata (il-premessa 235), il‑Kummissjoni interpretat ukoll b’mod żbaljat l‑impenn tal‑awtoritajiet Elleniċi li ma jħallsu ebda għajnuna addizzjonali lil OA, ikkonfermat fid‑Deċiżjoni tal‑Kummissjoni 94/696/KE, tas‑7 ta’ Ottubru 1994, dwar l‑għajnuna mogħtija mill‑Istat Grieg lill‑kumpannija Olympic Airways (ĠU L 273, p. 22), li tapprova l‑għajnuna għar‑ristrutturazzjoni (ara l‑punt 5 iktar ’il fuq). Fil‑fatt, dan l‑impenn kien jikkonċerna biss l‑għajnuna għar‑ristrutturazzjoni, u mhux l‑għajnuna għas‑salvataġġ. Barra minn hekk, dan l‑impenn għandu issa jiġi evalwat fuq il‑bażi tal‑kuntest il‑ġdid stabbilit mil‑Linji Gwida tal‑Komunità dwar għajnuna mill‑Istat għas‑salvataġġ u r‑ristrutturazzjoni ta’ impriżi f’diffikultà (ĠU 2004, C 244, p. 2), li jippermettu, taħt ċerti kundizzjonijiet, l‑għoti ta’ għajnuna ġdida għar‑ristrutturazzjoni. Il‑Kummissjoni għalhekk ibbażat ruħha fuq bażi legali żbaljata.

327    Fl‑aħħar nett, il‑Kummissjoni ma osservatx l‑obbligu ta’ motivazzjoni meta naqset milli teżamina, fid‑deċiżjoni kkontestata, it‑tliet kundizzjonijiet l‑oħra meħtieġa mil‑Linji Gwida tal‑1999 sabiex tkun aċċettata l‑kompatibbiltà ta’ għajnuna għas‑salvataġġ mas‑suq komuni.

328    Il‑Kummissjoni, sostnuta mill‑intervenjenti, tikkontesta dawn l‑argumenti.

–       Il‑kunsiderazzjonijiet tal‑Qorti Ġenerali

329    Għandu jitfakkar li l‑oneru tal‑prova tal‑kompatibbiltà ta’ għajnuna mas‑suq komuni, b’deroga mid‑dispożizzjonijiet tal‑Artikolu 87(1) KE, jinsab bħala prinċipju fuq l‑Istat Membru kkonċernat, li għandu jistabbilixxi li l‑kundizzjonijiet ta’ din id‑deroga huma sodisfatti (sentenza Olympiaki Aeroporia Ypiresies vs Il‑Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 34). Għal dan il‑għan, l‑Istat Membru kkonċernat għandu jagħti lill‑Kummissjoni l‑elementi neċessarji kollha sabiex tiġi stabbilita l‑kompatibbiltà mas‑suq komuni tal‑għajnuna ppjanata (sentenza tal‑Qorti tal‑Ġustizzja tat‑28 ta’ April 1993, L‑Italja vs Il‑Kummissjoni, C‑364/90, Ġabra p. I‑2097, punt 20).

330    F’dan il‑każ, huwa paċifiku li l‑ħlas bil‑quddiem kontenzjuż tqassam fuq diversi partijiet bejn Diċembru 2003 u Mejju 2004. Għaldaqstant, il‑kompatibbiltà ta’ din il‑miżura mas‑suq komuni, safejn ġiet ikklassifikata bħala għajnuna mill‑Istat, kellha tiġi eżaminata fid‑dawl tal‑kundizzjonijiet għall‑awtorizzazzjoni tal‑għajnuna għas‑salvataġġ stabbiliti fil‑paragrafu 23 tal‑Linji Gwida tal‑1999, li kienu applikabbli sad‑9 ta’ Ottubru 2004, filwaqt li l‑Linji Gwida ġodda dwar l‑għajnuna mill‑Istat għas‑salvataġġ u r‑ristrutturazzjoni ta’ impriżi f’diffikultà tal‑2004 ma daħlux fis‑seħħ qabel l‑10 ta’ Ottubru 2004.

331    F’dan ir‑rigward, għandu jiġi kkonstatat li l‑argumenti tar‑rikorrenti ma jippermettux li jiġi stabbilit li l‑ewwel kundizzjoni għal awtorizzazzjoni ddefinita fil‑paragrafu 23 tal‑Linji Gwida tal‑1999 kienet sodisfatta. Fil‑fatt, ir‑rikorrenti ma turix li l‑ħlas bil‑quddiem kontenzjuż kien kreditu, suġġett għal rata minn tal‑inqas paragunabbli mar‑rati osservati għas‑self lil impriżi b’saħħithom u b’mod partikolari mar‑rati ta’ referenza adottati mill‑Kummissjoni, kif kien jeżiġi l‑imsemmi paragrafu 23. B’mod partikolari, hija ma tressaq ebda element serju li jippermetti li jitqies li l‑ammont tal‑ħlas bil‑quddiem kellu jitħallas lura minn OA, flimkien mal‑interessi, sa dak l‑ammont li jirrappreżenta s‑somma li taqbeż id‑dħul mill‑bejgħ ta’ OA, fi tmiem il‑privatizzazzjoni (ara l‑punt 280 iktar ’il fuq). Għall‑kuntrarju, l‑argumenti tagħha jikkonfermaw li dan ma kienx kreditu fis‑sens tad‑dispożizzjoni msemmija peress li l‑ħlas ta’ interessi ma kienx previst.

332    F’dawn iċ‑ċirkustanzi, peress li r‑rikorrenti ma stabbilixxietx li waħda mill‑kundizzjonijiet kumulattivi li għalihom il‑paragrafu 23 tal‑Linji Gwida tal‑1999 jissuġġetta l‑possibbiltà li l‑Kummissjoni tiddikjara għajnuna għas‑salvataġġ kompatibbli mas‑suq kienet sodisfatta, għandu jiġi miċħud l‑ilment tagħha bbażat fuq żball manifest ta’ evalwazzjoni sa fejn il‑Kummissjoni tikkonstata l‑inkompatibbiltà tal‑ħlas bil‑quddiem kontenzjuż mas‑suq komuni, irrispettivament mill‑kwistjoni, minn naħa, jekk il‑kundizzjonijiet l‑oħra stabbiliti fl‑imsemmi paragrafu 23 kinux sodisfatti jew le u, min‑naħa l‑oħra, jekk ir‑Repubblika Ellenika kinitx osservat l‑impenji riprodotti fid‑Deċiżjoni 94/696.

333    Għaldaqstant, għall‑kuntrarju tal‑allegazzjonijiet tar‑rikorrenti, il‑Kummissjoni ma naqsitx milli tosserva l‑obbligu ta’ motivazzjoni tagħha meta naqset milli teżamina, fid‑deċiżjoni kkontestata, il‑kundizzjonijiet kumulattivi kollha stabbiliti fil‑paragrafu 23 tal‑Linji Gwida tal‑1999.

334    Minn dan isegwi li l‑motivi bbażati fuq il-ksur tal‑Artikolu 87(3) KE u fuq l‑insuffiċjenza tal‑motivazzjoni għandhom jiġu miċħuda bħala infondati.

b)     Fuq l‑implementazzjoni ta’ ċerti garanziji tal‑Istat [Artikolu 1(3) tad‑deċiżjoni kkontestata] (Kawżi T‑415/05 u T‑423/05)

 L‑argumenti tal‑partijiet

335    Ir‑Repubblika Ellenika u OA jikkontestaw il‑klassifikazzjoni bħala għajnuna ġdida fir‑rigward tal‑ħlasijiet magħmula mill‑Istat b’eżekuzzjoni ta’ obbligi ta’ garanzija li jikkonsistu, l‑ewwel nett, fi tliet ħlasijiet parzjali bħala ħlas lura tas‑self mogħti lil OA mill‑bank ABN Amro (EUR 36.9 miljun), it‑tieni nett, fil‑ħlas ta’ pagament ta’ kull sitt xhur bħala renta għal‑leasing dovuta minn OA fir‑rigward ta’ żewġ Airbus A 340‑300 (EUR 11.7 miljun), li ntemmet fid‑29 ta’ Lulju 2004, u, it‑tielet nett, f’finanzjament dirett mogħti lil OA (EUR 8.2 miljun).

336    Ir‑rikorrenti jikkontestaw f’dan ir‑rigward l‑interpretazzjoni tal‑Artikolu 1 tad‑deċiżjoni tal‑11 ta’ Diċembru 2002, adottata mill‑Kummissjoni fid‑deċiżjoni kkontestata (premessa 238), fis‑sens li l‑garanziji kontenzjużi kienu ġew ikkunsidrati bħala għajnuna inkompatibbli mas‑suq komuni. Huma jallegaw li, li kieku dan kien il‑każ, il‑Kummissjoni kien imissha imponiet b’mod espliċitu, f’din id‑deċiżjoni, l‑irkupru tal‑garanziji. Barra minn hekk, il‑validità taż‑żamma tal‑obbligi ta’ garanziji kontenzjużi hija attestata mill‑fatt li, la matul il‑proċedura taħt l‑Artikolu 88(2) KE, li wasslet għas‑sentenza tat‑12 ta’ Mejju 2005, u lanqas fil‑korrispondenza tagħha sussegwenti għal din is‑sentenza, il‑Kummissjoni ma qajmet il‑kwistjoni ta’ eżekuzzjoni inkorretta tad‑deċiżjoni tal‑11 ta’ Diċembru 2002 fir‑rigward tal‑garanziji. Fl‑aħħar nett, OA tqis li d‑deċiżjoni kkontestata hija insuffiċjentement immotivata fir‑rigward tal‑affermazzjoni li d‑deċiżjoni tal‑11 ta’ Diċembru 2002 kienet implikat bidla fl‑obbligi legali li jirriżultaw mill‑garanziji kontenzjużi.

337    Fi kwalunkwe każ, anki jekk jiġi aċċettat li d‑deċiżjoni tal‑11 ta’ Diċembru għandha tiġi interpretata fis‑sens li l‑garanziji kontenzjużi fir‑rigward ta’ OA kienu nbidlu, il‑fatt li l‑Kummissjoni ma indikatx dan b’mod ċar f’din id‑deċiżjoni, u lanqas matul il‑perijodu sussegwenti kollu, jiġġustifika l‑aspettattivi leġittimi tar‑Repubblika Ellenika u tat‑terzi involuti li kienu tal‑fehma li dawn il‑garanziji kienu komplew jipproduċu legalment l‑effetti stabbiliti fil‑kuntratti rispettivi. Ir‑rikorrenti jenfasizzaw f’dan ir‑rigward il‑ħtieġa għall‑Istat li jissodisfa l‑obbligi ta’ garanzija li kien daħal għalihom.

338    F’dan il‑każ, peress li l‑garanziji kontenzjużi ġew eżegwiti, skont ir‑rikorrenti, inkonformità mal‑kundizzjonijiet inizjali stipulati fil‑kuntratti ta’ garanzija, id‑deċiżjoni kkontestata hija vvizzjata bi żbalji manifesti ta’ evalwazzjoni u b’nuqqas ta’ motivazzjoni, sa fejn il‑Kummissjoni tikklassifika l‑ħlasijiet kontenzjużi msemmija iktar ’il fuq bħala għajnuna mill‑Istat fis‑sens tal‑Artikolu 87(1) KE.

339    Fir‑rigward, fl‑ewwel lok, tas‑self li OA rċeviet fi Frar 2001 minn ABN Amro sabiex tkopri l‑ispejjeż ikkawżati mit‑tkeċċija prematura tagħha mill‑ajruport ta’ Hellinikon f’Ateni (il‑Greċja) u t‑trasferiment tagħha lejn l‑ajruport il‑ġdid ta’ Spata, ir‑rikorrenti josservaw li OA bbenefikat minn garanzija min‑naħa tar‑Repubblika Ellenika inkonformità mad‑deċiżjonijiet ta’ approvazzjoni tal‑Kummissjoni tal‑1994, tal‑1998 u tal‑2000. Ma kien hemm ebda bidla fil‑kundizzjonijiet tal‑kuntratt ta’ self u tal‑garanzija tal‑Istat minn wara l‑2001. F’Mejju u f’Ottubru 2004 u f’Marzu 2005, l‑Istat wettaq it‑tliet ħlasijiet lura parzjali, wara li kien intimat mill‑bank kreditur sabiex iwettaq dawn il‑ħlasijiet fil‑kwalità tiegħu ta’ garanti minħabba l‑inkapaċità ta’ OA li twettaq dawn il‑ħlasijiet matul il‑perijodi kkunsidrati. Barra minn hekk, mid‑deċiżjoni kkontestata (premessi 135 sa 139) jirriżulta li l‑Kummissjoni kienet taf li l‑ħlasijiet kontenzjużi kienu saru mill‑Istat inkonformità mal‑kundizzjonijiet inizjali tal‑garanzija u li, wara li saru dawn il‑ħlasijiet, iċ‑ċertifikati ta’ dejn u d‑dikjarazzjonijiet ta’ ħlas individwali korrispondenti kienu nħarġu lil OA skont id‑dispożizzjonijiet ġenerali tal‑Kodiċi ta’ rkupru ta’ dħul pubbliku Elleniku.

340    Fir‑rigward, fit‑tieni lok, tal‑garanzija fir‑rigward tar‑renta dovuta minn OA fuq żewġ kuntratti ta’ leasing fir‑rigward ta’ ajruplani tat‑tip Airbus A 340‑300, ir‑Repubblika Ellenika u OA jindikaw li, wara li kienu intimati sabiex jagħmlu dan il‑ħlas minn Crédit Lyonnais, tal‑ewwel, bħala garanti tat‑tieni, għamlet il‑ħlas tal‑ammont ta’ kull sitt xhur dovut minn din il‑kumpannija fid‑29 ta’ Lulju 2004, għall‑benefiċċju ta’ Crédit Lyonnais. Fil‑fatt, ir‑Repubblika Ellenika kienet impenjat ruħha li tassumi parzjalment l‑obbligi ta’ OA li jirriżulaw mill‑kuntratti ta’ leasing, inkonformità mad‑deċiżjonijiet ta’ approvazzjoni adottati mill‑Kummissjoni fl‑1994, fl‑1998 u fl‑2000. Din il‑garanzija kienet ingħatat sal‑ammont totali ta’ EUR 200 miljun, filwaqt li l‑finanzjament totali kien jaqbeż EUR 350 miljun.

341    Mid‑deċiżjoni kkontestata (premessi 140 u 141) jirriżulta li l‑Kummissjoni kienet taf li l‑ħlas kontenzjuż kien sar inkonformità mal‑kundizzjonijiet tal‑garanzija u li d‑dejn korrispondenti ta’ OA kien is‑suġġett ta’ rkupru mill‑awtoritajiet kompetenti.

342    Barra minn hekk, OA tenfasizza li l‑Kummissjoni wettqet żball manifest ta’ evalwazzjoni tal‑fatti meta bbażat l‑illegalità tal‑uniku pagament fuq garanzija mwettaq mir‑Repubblika Ellenika, f’Awwissu 2004, fuq il‑bidliet ta’ dawn il‑garanziji wara s‑surroga tar‑Repubblika Ellenika għal OA fil‑kuntratti ta’ leasing (il-premessa 240 tad‑deċiżjoni kkontestata). Fil‑fatt, din is‑surroga saret diversi xhur wara l‑pagament fuq garanzija kontenzjuż. Il‑Kummissjoni kienet informata, permezz ta’ ittri elettroniċi tat‑22 ta’ Diċembru 2004 u tal‑4 ta’ April 2005, li s‑surroga tar‑Repubblika Ellenika għal OA kienet seħħet fis‑17 ta’ Diċembru 2004 fir‑rigward tal‑kuntratti ta’ leasing ta’ żewġ ajruplani, u fl‑4 ta’ April 2005, fir‑rigward tal‑kuntratti ta’ leasing ta’ żewġ ajruplani oħra.

343    Barra minn hekk, ir‑rikorrenti jsostnu li d‑deċiżjoni kkontestata jonqosha motivazzjoni sa fejn il‑Kummissjoni ma eżaminatx jekk il‑miżura inkwistjoni kinitx tissodisfa l‑kriterju tal‑investitur jew tal‑garanti privat, li, li kieku kien fl‑istess sitwazzjoni, kien jippreferi jħallas gradwalment il‑bilanċ dovut sat‑tmiem tal‑kuntratti ta’ leasing, minflok ma jħallas immedjatament l‑ammonti globali tal‑garanziji li jkunu eżegwiti, li jammontaw għal EUR 200 miljun.

344    Fir‑rigward, fit‑tielet lok, tal‑ħlas dirett ta’ EUR 8.2 miljun lil OA, ir‑Repubblika Ellenika u OA jispjegaw li, sabiex tinkiseb, skont il‑kuntratti ta’ leasing, l‑awtorizzazzjoni minn qabel tal‑operaturi li taw l‑ajruplani b’leasing fir‑rigward tas‑sullokazzjoni ta’ ajruplani lil NOA, OA kellha taċċetta, f’Awwissu 2004, li ammont ta’ EUR 8.2 miljun li kien jappartjeni lilha jinżamm f’kont iffriżat ta’ Crédit Lyonnais. Meta r‑Repubblika Ellenika kienet issurrogata għal OA fil‑kuntratti msemmija, hija kienet iddeċidiet li tillibera din is‑somma. Madankollu, sabiex tiġi segwita proċedura inqas diffiċli, l‑Istat ħallas lil OA somma ekwivalenti għall‑EUR 8.2 miljun li kienu ffriżati, bi skampju għat‑trasferiment lill‑Istat minn OA tas‑somma inizjali ta’ EUR 8.2 miljun, flimkien mal‑interessi, li kienet iffriżata u li kellha tinħeles permezz tal‑implementazzjoni tal‑ftehim ta’ surroga.

345    OA tammetti li, bi ksur tal‑obbligu tagħha li tittrasferixxi s‑somma kontenzjuża lill‑Istat, hija żammet l‑ammont ta’ EUR 8.2 miljun kif ukoll l‑interessi meta l‑kont inkwistjoni nħeles f’Diċembru 2004. Hija ssostni li b’dan il‑mod hija kienet qiegħda tipprova tikseb it‑tpaċija tal‑krediti tagħha fil‑konfront tar‑Repubblika Ellenika, kif kien jagħmel kwalunkwe operatur informat.

346    Ir‑rikorrenti jispjegaw li s‑somma kontenzjuża kienet ġiet iċċertifikata bħala dejn fir‑rigward tar‑Repubblika Ellenika, inkonformità mad‑dritt nazzjonali applikabbli, fid‑dawl tal‑irkupru tagħha bl‑interessi.

347    Il‑Kummissjoni, sostnuta mill‑intervenjenti, tikkontesta dawn l‑argumenti kollha.

 Il‑kunsiderazzjonijiet tal‑Qorti Ġenerali

348    Għandu jitfakkar li l‑inċiż (b) tal‑ewwel paragrafu tal‑Artikolu 1 tad‑deċiżjoni tal‑11 ta’ Diċembru 2002 jipprovdi li l‑għajnuna għar‑ristrutturazzjoni mogħtija mir‑Repubblika Ellenika lil OA fil‑forma ta’ garanziji ġodda, fir‑rigward ta’ self għax‑xiri ta’ ajruplani ġodda u fir‑rigward tal‑investimenti meħtieġa għat‑trasferiment tagħha lejn l‑ajruport il‑ġdid ta’ Spata, hija kkunsidrata li hija inkompatibbli mas‑suq komuni (ara l‑punt 6 iktar ’il fuq).

349    Għalhekk, il‑Kummissjoni ġustament issostni li, jekk il‑pagamenti ta’ garanzija kontenzjużi kienu jikkostitwixxu s‑sempliċi eżekuzzjoni tal‑garanziji inizjali, iddikjarati inkompatibbli mas‑suq komuni permezz tal‑inċiż (b) tal‑ewwel paragrafu tal‑Artikolu 1 tad‑deċiżjoni tal‑11 ta’ Diċembru 2002, dawn il‑pagamenti jkollhom jitqiesu li huma, skont l‑imsemmija deċiżjoni, għajnuna mill‑Istat inkompatibbli mas‑suq komuni. Barra minn hekk, mid‑deċiżjoni tal‑11 ta’ Diċembru 2002 – li timponi l‑irkupru tal‑għajnuna kollha eżaminata u li kienet tħallset wara l‑14 ta’ Awwissu 1998 – jirriżulta li l‑Kummissjoni ma kinitx ipprovdiet għall‑irkupru tal‑pagamenti ta’ garanziji kontenzjużi minħabba li kienu għadhom ma sarux. F’dan il‑każ, kien l‑Istat Membru kkonċernat, fl‑eżekuzzjoni tad‑deċiżjoni tal‑11 ta’ Diċembru 2002, li kellu jastjeni milli jwettaq dawn il‑pagamenti, skont l‑Artikolu 88(3) KE. F’dan il‑kuntest, il‑kwistjoni tan‑nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu min‑naħa tar‑Repubblika Ellenika minħabba n‑nuqqas ta’ rkupru ta’ dawn is‑somom lanqas ma tqajmet mill‑Kummissjoni fil‑kawża li wasslet għas‑sentenza tat‑12 ta’ Mejju 2005 minħabba li l‑garanziji kontenzjużi kienu għadhom ma ġewx eżegwiti. Fl‑aħħar nett, il‑proċedura għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu minħabba n‑nuqqas ta’ eżekuzzjoni ta’ din is‑sentenza, mibdija mill‑Kummissjoni taħt l‑Artikolu 228(2) KE, ma setgħetx taqbeż il‑limiti tar‑res judicata tas‑sentenza msemmija.

350    Minn dan isegwi li, jekk, kif isostnu r‑rikorrenti, il‑pagamenti kontenzjużi saru inkonformità mal‑garanziji inizjali, l‑Artikolu 1(3) tad‑deċiżjoni kkontestata għandu natura purament konfermattiva u ma jipproduċix effetti legali awtonomi. Barra minn hekk, l‑ordni ta’ rkupru tas‑somom korrispondenti, li tinsab fl‑Artikolu 2 tad‑deċiżjoni kkontestata, b’konnessjoni mal‑Artkolu 1(3) tagħha, hija l‑konsegwenza loġika tad‑dikjarazzjoni ta’ inkompatibbiltà li tinsab fid‑deċiżjoni tal‑11 ta’ Diċembru 2002.

351    Minn dan jirriżulta li, fl‑eventwalità li l‑garanziji kontenzjużi ma nbidlux, it‑talba għall‑annullament tal‑konstatazzjoni ta’ inkompatibbiltà ta’ dawn il‑garanziji, magħmula fl‑Artikolu 1(3) tad‑deċiżjoni kkontestata, ikollha tiġi ddikjarata inammissibbli minħabba n‑natura definittiva tad‑deċiżjoni tal‑11 ta’ Diċembru 2002. Għall‑kuntrarju, it‑talba għall‑annullament tal‑Artikolu 2, inkonnessjoni ma’ dan l‑Artikolu 1(3) tad‑deċiżjoni kkontestata jkollha tiġi ddikjarata ammissibbli peress li l‑ordni ta’ rkupru magħmula fl‑Artikolu 2 hija ta’ preġudizzju għar‑rikorrenti.

352    F’dawn iċ‑ċirkustanzi, anki jekk jitqies li l‑garanziji kontenzjużi ma nbidlux – ħaġa din li ma ġietx stabbilita – it‑talba intiża għall‑annullament tal‑Artikolu 2 tad‑deċiżjoni kkontestata, inkonnessjoni mal‑Artikolu 1(3) tagħha, għandha f’dan il‑każ tiġi miċħuda bħala infondata minħabba li l‑Kummissjoni sempliċement siltet il‑konsegwenzi tad‑dikjarazzjoni ta’ inkompatibbiltà li kienet diġà saret fid‑deċiżjoni tal‑11 ta’ Diċembru 2002, deċiżjoni li hija definittiva.

353    Barra minn hekk, u fi kwalunkwe każ, il‑Kummissjoni ssostni ġustament ukoll li, jekk il‑pagamenti ta’ garanzija kontenzjużi ma jikkostitwixxux is‑sempliċi eżekuzzjoni tal‑garanziji inizjali msemmija iktar ’il fuq, huma jikkostitwixxu wkoll għajnuna illegali u inkompatibbli mas‑suq komuni.

354    Fil‑fatt, għall‑kuntrarju tal‑allegazzjonijiet tar‑rikorrenti, l‑għoti ta’ għajnuna mill‑Istat anki fil‑forma ta’ garanziji ma jistax ikun il‑bażi tal‑aspettattivi leġittimi għal terzi dwar ir‑regolarità ta’ dawn il‑garanziji jekk dawn ikunu ngħataw bi ksur tad‑dispożizzjonijiet tal‑Artikolu 88(3) KE. Fil‑fatt, huma t‑terzi kkonċernati li għandhom jaġixxu bil‑prudenza u bid‑diliġenza neċessarja u li għandhom jiżguraw ruħhom li r‑regoli tad‑dritt Komunitarju fil‑qasam tal‑għajnuna mill‑Istat ikunu ġew osservati (ara, f’dan is‑sens, is‑sentenza tal‑Qorti Ġenerali tat‑13 ta’ Ġunju 2000, EPAC vs Il‑Kummissjoni, T‑204/97 u T‑270/97, Ġabra p. II‑2267, punt 144).

355    F’dan ir‑rigward, kif tfakkar il‑Kummissjoni fid‑deċiżjoni kkontestata (premessa 239), filwaqt li tirreferi għall‑Avviż tagħha dwar l‑applikazzjoni tal‑Artikoli 87 [KE] u 88 [KE] għall‑għajnuna mill‑Istat fil‑forma ta’ garanziji (ĠU 2000, C 71, p. 14, paragrafu 5.3), jekk l‑Istat Membru kkonċernat iwettaq pagament ta’ garanzija b’kundizzjonijiet differenti minn dawk inizjalment previsti, dan il‑pagament huwa kkunsidrat bħala li joħloq garanzija ġdida suġġetta għall‑obbligu ta’ notifika taħt l‑Artikolu 88(3) KE.

356    Barra minn hekk, skont il‑ġurisprudenza, sabiex il‑Kummissjoni tkun tista’ tevalwa jekk miżura tissodisfax il‑kundizzjonijiet ta’ deroga taħt l‑Artikolu 87(3) KE, huwa l‑Istat Membru kkonċernat, fil‑kuntest tal‑obbligu ta’ kooperazzjoni leali bejn l‑Istati Membri u l‑istituzzjonijiet kif jirriżulta mill‑Aritkolu 10 KE, li għandha jagħti lill‑Kummissjoni l‑elementi kollha ta’ natura li jippermettu lil din l‑istituzzjoni tivverifika li l‑kundizzjonijiet tad‑deroga mitluba huma sodisfatti (sentenza L‑Italja vs Il‑Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 20).

357    F’dan il‑każ, il‑Kummissjoni takkuża lill‑awtoritajiet Elleniċi, b’mod partikolari, li naqsu milli jipprovdu l‑elementi li jippermettu li jiġi vverifikat jekk il‑pagamenti kontenzjużi kinux jikkostitwixxu s‑sempliċi eżekuzzjoni tal‑garanziji inizjali. Fid‑dawl tal‑elementi disponibbli, hija tqis, fid‑deċiżjoni kkontestata (premessa 240), li l‑miżuri kontenzjużi jikkostitwixxu garanziji ġodda.

358    F’dan ir‑rigward, fid‑dawl tal‑argumenti tal‑partijiet u tad‑dokumenti fil‑proċess, jidher li, matul il‑proċedura amministrattiva, l‑awtoritajiet Elleniċi, minkejja l‑ordni sabiex jipprovdu informazzjoni indirizzata lilhom mill‑Kummissjoni, ma ppreżentawx informazzjoni dwar il‑kundizzjonijiet preċiżi tal‑kuntratti ta’ garanzija, dwar l‑iskadenza tat‑termini stabbiliti, dwar il‑fatt li l‑banek kredituri kienu ħarġu ittri ta’ intimazzjoni minn qabel u dwar id‑data tal‑ħlas tas‑somom kontenzjużi. Barra minn hekk, huma ma nnotifikawx eventwali bidliet fil‑garanziji inizjali sabiex jiksbu, jekk ikun il‑każ, l‑approvazzjoni ta’ tali garanziji mibdula.

359    F’dawn iċ‑ċirkustanzi, anki jekk jitqies li l‑garanziji inizjali, iddikjarati inkompatibbli mas‑suq komuni permezz tad‑deċiżjoni tal‑11 ta’ Diċembru 2002, kienu nbidlu, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li, fi kwalunkwe każ, il‑Kummissjoni ma qabżitx il‑limiti tas‑setgħa diskrezzjonali tagħha meta kkunsidrat, fid‑deċiżjoni kkontestata (premessi 204 u 241), li dawn il‑garanziji ġodda kontenzjużi mogħtija mir‑Repubblika Ellenika kienu jikkostitwixxu wkoll, anzi iktar u iktar, għajnuna illegali, fir‑rigward tal‑kriterju tal‑investitur privat, fid‑dawl tad‑dejn dejjem jikber u tal‑istat ta’ insolvenza ġenerali ta’ OA. F’dan ir‑rigward, il‑Kummissjoni tosserva ġustament, b’mod partikolari, li l‑aġir tal‑kredituri privati, li ppruvaw jimponu kundizzjonijiet iktar stretti meta ġew konklużi l‑kuntratti ta’ sullokazzjoni ta’ ajruplani minn OA lil NOA, u li ma kinux sodisfatti ħlief bis‑surroga tal‑Istat għal OA fil‑kuntratti ta’ leasing, jikkonferma n‑nuqqas ta’ kredibbiltà ta’ OA u ta’ NOA u n‑nuqqas ta’ volontà tal‑kredituri privati li jassumu l‑inqas riskju fir‑rigward tagħhom.

360    Mill‑kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li d‑deċiżjoni kkontestata mhijiex ivvizzjata bi żball manifest ta’ evalwazzjoni u hija suffiċjentement immotivata sa fejn tikkonċerna l‑klassifikazzjoni bħala għajnuna mill‑Istat tal‑pagamenti kontenzjużi magħmula mir‑Repubblika Ellenika b’eżekuzzjoni ta’ ċerti garanziji.

361    Fir‑rigward tal‑ħlas dirett ta’ EUR 8.2 miljun lil OA, magħmul mir‑Repubblika Ellenika fid‑9 ta’ Awwissu 2004, bħala ħlas bil‑quddiem fuq is‑somom imħallsa minn OA fuq kont iffriżat bħala garanzija għall‑ħlasijiet dovuti minn din il‑kumpannija taħt kuntratti ta’ leasing li jikkonċernaw żewġ ajruplani Airbus A 340‑300, mir‑rapport Moore Stephens jirriżulta li l‑ħlas kontenzjuż ma kien kopert minn ebda garanzija, kif barra minn hekk ammettew ir‑rikorrenti. Barra minn hekk, huwa paċifiku li, meta nħelset is‑somma msemmija iktar ’il fuq minn Crédit Lyonnais, OA ma ħallsitx lura lir‑Repubblika Ellenika l‑ammont ta’ din is‑somma flimkien mal‑interessi (ara l‑punti 345 u 346 iktar ’il fuq). F’dawn iċ‑ċirkustanzi, il‑Kummissjoni ma qabżitx il‑limiti tas‑setgħa diskrezzjonali tagħha u mmotivat suffiċjentement id‑deċiżjoni kkontestata meta qieset li, anki jekk l‑ammont tal‑ħlas kontenzjuż jitqies mill‑awtoritajiet Elleniċi bħala dejn ta’ OA fil‑konfront tagħhom, dan il‑ħlas kien jikkostitwixxi għajnuna ġdida, fir‑rigward tal‑kriterju tal‑investitur privat, fid‑dawl tal‑probabbiltà żgħira li OA tħallas lura dan l‑ammont (premessa 204 tad‑deċiżjoni kkontestata).

362    Għal dawn ir‑raġunijiet kollha, il‑motivi bbażati fuq żball manifest ta’ evalwazzjoni u fuq insuffiċjenza ta’ motivazzjoni tad‑deċiżjoni kkontestata, safejn tikkonċerna l‑implementazzjoni tal‑garanziji kontenzjużi tal‑Istat, kif ukoll il‑ħlas dirett tas‑somma msemmija iktar ’il fuq, li tammonta għal EUR 8.2 miljun, għandhom għalhekk jiġu miċħuda bħala infondati.

c)     ċ) Fuq it‑tolleranza fir‑rigward tan‑nuqqas ta’ ħlas tad‑dejn fiskali u ta’ sigurtà soċjali [Artikolu 1(4) tad‑deċiżjoni kkontestata] (Kawżi T‑415/05, T‑416/05 u T‑423/05)

 L‑argumenti tal‑partijiet

363    Ir‑rikorrenti jikkontestaw il‑konstatazzjonijiet tal‑Kummissjoni dwar allegata tolleranza fir‑rigward tan‑nuqqas ta’ ħlas minn OA ta’ dejn fiskali u ta’ sigurtà soċjali. L‑awtoritajiet Elleniċi diġà osservaw, fl‑osservazzjonijiet tagħhom tal‑11 ta’ Ġunju 2004, li l‑ilmenti fformulati f’dan ir‑rigward mill‑Kummissjoni fid‑deċiżjoni tagħha tas‑16 ta’ Marzu 2004 li tiftaħ il‑proċedura ta’ investigazzjoni formali mhumiex preċiżi u lanqas ma huma ssostanzjati. L‑uniku eżempju konkret imsemmi f’din id‑deċiżjoni jikkonċerna n‑nuqqas ta’ ħlas ta’ ammont ta’ EUR 26 miljun bħala t‑taxxa msejħa “spatosimo”, imposta mir‑Repubblika Ellenika fuq il‑biljetti tal‑ajru bil‑għan li jiġi ffinanzjat l‑iżvilupp tal‑ajruporti.

364    Ir‑rikorrenti jsostnu li dejn tardiv fil‑konfront tal‑Istat ma jikkostitwixxix awtomatikament għajnuna mill‑Istat. Jista’ jitqies bħala għajnuna biss l‑ammont tal‑vantaġġ mogħti lid‑debitur mill‑kreditur pubbliku li ma jaġixxix bħala kreditur privat. Il‑konstatazzjoni tal‑eżistenza ta’ għajnuna mill‑Istat, skont il‑kriterju tal‑kreditur privat, timplika l‑prova ta’ tolleranza persistenti fir‑rigward tan‑nuqqas ta’ ħlas u, għaldaqstant, kwantifikazzjoni tat‑tolleranza msemmija. L‑oneru ta’ din il‑prova jaqa’ fuq il‑Kummissjoni.

365    F’dan il‑każ, il‑Kummissjoni wettqet żball manifest ta’ evalwazzjoni u ma rrispettatx l‑obbligu ta’ motivazzjoni tagħha meta sostniet li kienet biss l‑intervenzjoni tal‑Istat li ppermettiet lil OA tkompli l‑attivitajiet tagħha u meta naqset milli tevalwa t‑tolleranza tal‑Istat fid‑dawl tal‑kriterju tal‑kreditur privat.

366    Fil‑fatt, skont ir‑rikorrenti, il‑Kummissjoni ma pprovat la l‑permanenza ta’ allegata tolleranza mir‑Repubblika Ellenika u lanqas l‑għoti ta’ vantaġġ lil OA meta mqabbla mal‑kompetituri tagħha fir‑rigward tal‑irkupru ta’ dejn mhux imħallas.

367    B’mod partikolari, il‑Kummissjoni ma indikatx l‑elementi konkreti li juru li kreditur privat ma kienx jadotta l‑miżuri kontenzjużi. Hija b’mod partikolari naqset milli teżamina jekk l‑allegata tolleranza tar‑Repubblika Ellenika fir‑rigward tad‑dejn kinitx tirriżulta minn ftehim ta’ ħlas, taħt liema kundizzjonijiet kien konkluż dan il‑ftehim, jekk id‑dejn ta’ OA kienx ġie ċċertifikat u jekk l‑irkupru tiegħu kienx sar.

368    F’dan il‑każ, il‑Kummissjoni tinvoka tolleranza persistenti filwaqt li, fir‑rigward tad‑dejn marbut mal‑kontribuzzjonijiet ta’ sigurtà soċjali, hija stess irrikonoxxiet, fil‑kawża li wasslet għas‑sentenza tat‑12 ta’ Mejju 2005, l‑assenza ta’ tali tolleranza matul il‑perijodu preċedenti għal Diċembru 2002.

369    Barra minn hekk, ir‑rikorrenti jakkużaw lill‑Kummissjoni li ma pprovdietx, fid‑deċiżjoni kkontestata, indikazzjonijiet suffiċjenti li jippermettu mhux biss lill‑Istat Membru kkonċernat iżda anki lill‑persuni kkonċernati kollha, li jidentifikaw bi preċiżjoni l‑għajnuna ddikjarata inkompatibbli u li jiddeterminaw mingħajr diffikultajiet eċċessivi l‑ammont tagħha.

370    Minn dan, ir‑rikorrenti jikkonkludu li d‑deċiżjoni kkontestata hija vvizzjata b’nuqqas ta’ motivazzjoni. Huma jakkużaw lill‑Kummissjoni li indikat biss ammont totali “ta’ madwar” EUR 354 miljun u li ħalliet f’idejn l‑awtoritajiet Elleniċi l‑kompitu li jikkwantifikaw il‑vantaġġ reali li minnu bbenefikat OA. Issa, peress li l‑Kummissjoni ma indikatx dak li kien jagħmel kreditur privat, kien impossibbli li jiġu ddeterminati bi preċiżjoni t‑tip ta’ għajnuna kkonstatata mill‑Kummissjoni, il‑perijodu tal‑għoti ta’ din l‑għajnuna u l‑ammont tagħha.

371    B’mod partikolari, il‑Kummissjoni ma ppreċiżatx, fid‑deċiżjoni kkontestata, jekk l‑ammont imsemmi iktar ’il fuq ta’ EUR 354 miljun li kellu jiġi rkuprat kienx jinkludi biss id‑dejn ta’ kapital jew inkella kienx jinkludi wkoll id‑dejn ta’ interessi u l‑multi. F’dan ir‑rigward, ir‑rikorrenti jfakkru li, skont il‑Kodiċi ta’ rkupru ta’ dejn pubbliku Elleniku, iċ‑ċertifikazzjoni tad‑dejn fil‑konfront tal‑Istat mis‑servizz finanzjarju kompetenti huwa ekwivalenti għal titolu eżegwibbli għall‑irkupru. Id‑dejn iċċertifikat jiżdied b’interessi sostanzjali u d‑dewmien fil‑ħlas huwa ssanzjonat b’multi. Għall‑eżekuzzjoni ta’ ċertifikati ta’ dejn, jinħarġu avviżi għal ħlas individwali li jistiednu lill‑kumpannija kkonċernata tħallas is‑somom dovuti.

372    Skont OA, l‑iżball manifest ta’ evalwazzjoni mwettaq mill‑Kummissjoni fir‑rigward tal‑multi u tal‑interessi nazzjonali huwa kkonfermat mill‑fatt li l‑Artikolu 2(2) tad‑deċiżjoni kkontestata jimponi l‑applikazzjoni ta’ interessi Komunitarji fuq l‑ammont totali tad‑dejn fiskali, li jinkludi l‑multi u l‑interessi nazzjonali.

373    Issa, il‑Kummissjoni kienet ġiet informata li, meta sar il‑kontroll mill‑esperti tal‑Kummissjoni f’Mejju 2005, 90 % tad‑dejn ta’ OA fil‑qasam fiskali u ta’ kontribuzzjonijiet ta’ sigurtà soċjali kien ġie ċċertifikat u suġġett għal interessi u multi. Sa fejn il‑metodu ta’ rkupru, minn naħa, tad‑dejn fil‑konfront tal‑Istat u, min‑naħa l‑oħra, tal‑għajnuna mill‑Istat li trid titħallas lura huwa eżattament l‑istess, għandhom għalhekk jiġu investigati l‑konsegwenzi, fir‑rigward tal‑irkupru, tal‑klassifikazzjoni ta’ dan id‑dejn kollu bħala għajnuna mill‑Istat.

374    Barra minn hekk, ir‑rikorrenti jsostnu li d‑deċiżjoni kkontestata hija insuffiċjentement immotivata fir‑rigward tal‑imputabbiltà lir‑Repubblika Ellenika tal‑atti tal‑korp nazzjonali ta’ sigurtà soċjali.

375    Fl‑aħħar nett, OA tqajjem il‑kwistjoni ta’ jekk it‑taxxi dovuti lill‑AIA humiex inklużi fl‑ammont tad‑dejn kontenzjuż.

376    Il‑Kummissjoni, sostnuta mill‑intervenjenti, tikkontesta l‑argumenti tar‑rikorrenti. Hija ssostni b’mod partikolari li l‑awtoritajiet Elleniċi jinsabu f’pożizzjoni li jikkwantifikaw b’mod preċiż id‑dejn kontenzjuż, kif tikkonferma barra minn hekk iċ‑ċertifikazzjoni ta’ 90 % minn dan id‑dejn.

 Il‑kunsiderazzjonijiet tal‑Qorti Ġenerali

377    Għandu jiġi vverifikat jekk il‑Kummissjoni pprovatx b’mod suffiċjenti għall‑finijiet tal‑liġi li, wara d‑deċiżjoni tal‑11 ta’ Diċembru 2002, kompliet it‑tolleranza tar‑Repubblika Ellenika fir‑rigward tan‑nuqqas ta’ ħlas minn OA tad‑dejn fiskali u ta’ sigurtà soċjali tagħha, bejn Diċembru 2002 u Diċembru 2004.

378    Għal dan il‑għan, għandu jiġi osservat qabel kollox li, għall‑kuntrarju tal‑allegazzjonijiet tar‑rikorrenti, is‑sempliċi ċertifikazzjoni tad‑dejn ta’ OA fil‑konfront tar‑Repubblika Ellenika ma tippermettix li jiġi ggarantit il‑ħlas lura tiegħu (ara, f’dan is‑sens, id‑digriet Olympiaki Aeroporia Ypiresies vs Il‑Kummissjoni, iċċitat iktar ’il fuq, punt 94). Għaldaqstant, meta – fin‑nuqqas ta’ kwalunkwe ġustifikazzjoni leġittima – iċ‑ċertifikati ta’ dejn ma jkunux segwiti minn avviż ta’ ħlas u, jekk ikun il‑każ, fin‑nuqqas ta’ ħlas, minn miżuri ta’ eżekuzzjoni forzata, it‑tolleranza tar‑Repubblika Ellenika fir‑rigward tan‑nuqqas ta’ ħlas tad‑dejn inkwistjoni baqgħet tippersisti. F’dan ir‑rigward, il‑fatt imsemmi mir‑Repubblika Ellenika, li l‑metodu ta’ rkupru tal‑krediti tal‑Istat u tal‑għajnuna mill‑Istat huwa identiku, huwa irrilevanti għall‑finijiet tal‑evalwazzjoni tal‑eżistenza ta’ għajnuna mill‑Istat, fil‑forma ta’ tali tolleranza.

379    Issa, f’dan il‑każ, ir‑rikorrenti la semmew, la pproduċew avviż ta’ ħlas, u lanqas ma allegaw li miżuri ta’ eżekuzzjoni forzata kienu ġew implementati bil‑għan li jinkiseb il‑ħlas lura tal‑krediti kontenzjużi fir‑rigward ta’ OA.

380    Barra minn hekk, bi tweġiba għal mistoqsija magħmula mill‑Qorti Ġenerali waqt is‑seduta, OA ppreċiżat li kienu ġew konklużi ftehim ta’ ħlas ta’ dejn biss mal‑IKA. F’dan ir‑rigward, mid‑deċiżjoni kkontestata (premessa 128) jirriżulta li l‑esperti tal‑Kummissjoni kienu osservaw li s‑somma ta’ EUR 7.7 miljun kienet tħallset lill‑IKA “taħt ftehim ta’ tranżazzjoni li jkopri s‑snin preċedenti għall‑2003”. Mill‑proċess u mill‑argumenti tal‑partijiet jirriżulta li, fir‑rigward tad‑dejn ta’ sigurtà soċjali – li l‑ammont tiegħu ġie stmat, fir‑rapport Moore Stephens, bħala EUR 148 miljun għall‑2003 u bħala EUR 196 miljun għall‑2004 – u tad‑dejn fiskali li jammonta għal EUR 374 miljun għall‑2003 u għal EUR 431 miljun għall‑2004, skont il‑konstatazzjonijiet magħmula f’dan l‑istess rapport abbażi ta’ dikjarazzjonijiet finanzjarji u tal‑kotba ta’ OA, l‑awtoritajiet Elleniċi u OA ma pprovdew lill‑Kummissjoni, matul il‑proċedura amministrattiva, ebda informazzjoni ssostanzjata dwar il‑konklużjoni u dwar il‑kontenut preċiż ta’ eventwali ftehim ta’ ħlas li jkopru d‑dejn fiskali u ta’ sigurtà soċjali ta’ OA fil‑konfront tal‑Istat matul il‑perijodu kkonċernat, u dwar l‑implementazzjoni ta’ dawn l‑eventwali ftehim.

381    Għall‑kuntrarju tal‑allegazzjonijiet tar‑rikorrenti, il‑Kummissjoni ma tistax tiġi akkużata li ma wettqitx investigazzjoni suffiċjentement fil‑fond. B’mod partikolari, fiċ‑ċirkustanzi tal‑każ, in‑natura impreċiża tal‑ilmenti esposti mill‑Kummissjoni, fid‑deċiżjoni tas‑16 ta’ Marzu 2004 li tinfetaħ il‑proċedura ta’ investigazzjoni formali, ma kinitx teħles lir‑Repubblika Ellenika u lil OA mill‑obbligu li jipprovdu lill‑Kummissjoni l‑elementi kollha li huma kienu jqisu rilevanti fir‑rigward tal‑ħlas minn OA tad‑dejn inkwistjoni. Huwa minnu li, fid‑deċiżjoni msemmija (punt 82), il‑Kummissjoni tagħmel riferiment biss għan‑“nuqqas ta’ ħlas tad‑dejn fiskali” u ma semmietx espliċitament it‑tolleranza fir‑rigward tan‑nuqqas ta’ ħlas tad‑dejn ta’ sigurtà soċjali. Madankollu, l‑ilmenti fformulati mill‑Kummissjoni għandhom jinqraw fil‑kuntest tal‑investigazzjoni miftuħa minn din l‑istituzzjoni – fl‑istess ħin bħall‑eżekuzzjoni tad‑deċiżjoni tal‑11 ta’ Diċembru 2002 – fir‑rigward tal‑miżuri kollha posterjuri għal din id‑deċiżjoni, marbuta mar‑ristrutturazzjoni tal‑grupp Olympic Airways, li setgħu jammontaw għal għajnuna mill‑Istat. F’dan il‑kuntest ikkaratterizzat mid‑diffikultajiet finanzjarji sostanzjali li kellha OA, li kienet diġà bbenefikat preċedentement minn miżuri simili fil‑forma ta’ tolleranza fir‑rigward tan‑nuqqas ta’ ħlas tad‑dejn fiskali u ta’ sigurtà soċjali tagħha, ikkonstatati fid‑deċiżjoni tal‑11 ta’ Diċembru 2002, ir‑Repubblika Ellenika barra minn hekk enfasizzat, fl‑osservazzjonijiet tagħha tal‑11 ta’ Ġunju 2004, li t‑termini “dejn fiskali” ma kinux ċari. F’dan ir‑rigward hija essenzjalment osservat li, jekk il‑Kummissjoni kellha l‑intenzjoni tikkunsidra li l‑awtoritajiet Griegi kienu qegħdin jgħinu lil OA billi jittolleraw in‑nuqqas ta’ ħlas ta’ ċertu dejn, u mhux biss tad‑dejn fiskali, il‑Kummissjoni kellha tipproduċi l‑prova ta’ tali tolleranza.

382    F’dan il‑każ, ir‑rikorrenti ma invokaw ebda element konkret li jista’ jispjega t‑tolleranza tar‑Repubblika Ellenika fir‑rigward tan‑nuqqas ta’ ħlas tad‑dejn kontenzjuż, matul il‑perijodu kkunsidrat.

383    F’dawn iċ‑ċirkustanzi, il‑Kummissjoni ma tistax tiġi akkużata li dawret l‑oneru tal‑prova meta ppreżumiet l‑eżistenza ta’ tolleranza persistenti mill‑Istat fil‑konfront tad‑dejn ta’ OA, tolleranza li ma kinitx tintwera minn kreditur privat f’sitwazzjoni paragunabbli.

384    F’dan ir‑rigward, ir‑rikorrenti ma pprovawx li l‑Kummissjoni qabżet il‑limiti tas‑setgħa diskrezzjonali tagħha meta kkunsidrat li, għalkemm huwa minnu li l‑Istat jista’, bħal kull kreditur privat, jagħti lid‑debituri tiegħu iktar żmien sabiex iħallsu d‑dejn tagħhom, meta jkun hemm tama reali li parti minn dan id‑dejn ser titħallas lura fil‑futur qarib u prevedibbli, tali possibbiltà ma jidhirx li kienet plawżibbli f’dan il‑każ, fin‑nuqqas ta’ titjib fil‑pożizzjoni ta’ OA, kif tattesta l‑akkumulazzjoni tad‑dejn tagħha. Barra minn hekk, fuq dan il‑punt, id‑deċiżjoni kkontestata (ara, b’mod partikolari, il‑premessi 203 u 205), fejn il‑Kummissjoni tenfasizza b’mod partikolari l‑akkumulazzjoni, matul il‑perijodu kkonċernat, tad‑dejn fiskali u ta’ sigurtà soċjali ta’ OA, li kien diġà kunsiderevoli fl‑aħħar tas‑sena 2002, hija suffiċjentement motivata.

385    B’mod partikolari, ir‑riskju għall‑kreditur li jġarrab telf addizzjonali kien ikkorroborat mill‑fatt li l‑miżuri kontenzjużi kienu sussegwenti għal ċerti miżuri tal‑istess natura, li jikkonsistu fit‑tolleranza fir‑rigward b’mod partikolari tan‑nuqqas persistenti tal‑ħlas tal‑kontribuzzjonijiet ta’ sigurtà soċjali u ta’ dejn fiskali, bħat‑taxxa “spatosimo”, diġà kklassifikati bħala għajnuna mill‑Istat fid‑deċiżjoni tal‑11 ta’ Diċembru 2002. Fin‑nuqqas ta’ invokazzjoni mir‑rikorrenti tal‑iċken element li jippermetti li l‑miżuri kontenzjużi jiġu distinti mill‑għajnuna preċedenti simili, il‑fatt li tali miżuri kienu jikkostitwixxu l‑kontinwazzjoni loġika ta’ din l‑għajnuna preċedenti jista’ jitqies fis‑sens li jikkonferma li dawn il‑miżuri kienu jappartjenu lill‑kategorija ta’ għajnuna mill‑Istat (sentenza BP Chemicals vs Il‑Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punti 171 u 176). Din l‑analiżi mhijiex imdgħajfa mill‑fatt – li jikkonċerna biss l‑eżekuzzjoni tad‑deċiżjoni tal‑11 ta’ Diċembru 2002 u li għalhekk huwa irrilevanti f’dan il‑każ – li l‑Kummissjoni, fir‑rikors tagħha għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu li wassal għas‑sentenza tat‑12 ta’ Mejju 2005, kienet eskludiet il‑kontribuzzjonijiet ta’ sigurtà soċjali mit‑talba tagħha li l‑Qorti tal‑Ġustizzja tikkonstata li r‑Repubblika Ellenika ma kinitx ħadet il‑miżuri kollha neċessarji għall‑ħlas lura tal‑għajnuna koperta mid‑deċiżjoni tal‑11 ta’ Diċembru 2002, sussegwentement għal ftehim konkluż bejn OA u l‑IKA u għal ħlas lura parzjali tad‑dejn ta’ sigurtà soċjali msemmi f’din id‑deċiżjoni, kif jirriżulta mill‑punt 10 ta’ din is‑sentenza.

386    F’dan il‑każ, għandu barra minn hekk jiġi enfasizzat f’dan ir‑rigward li l‑Kummissjoni speċifikat li, jekk kienet prevista l‑iċken miżura konkreta sabiex jiġu ggarantiti l‑krediti tal‑Istat, hija kienet lesta teżaminaha waqt l‑eżekuzzjoni tad‑deċiżjoni kkontestata.

387    Fir‑rigward tal‑ilment imressaq mir‑rikorrenti li l‑għajnuna kontenzjuża mhijiex ikkwantifikata, jekk mhux b’mod approssimattiv biss, huwa biżżejjed li jiġi rrilevat li, fis‑sentenza tagħha tal‑14 ta’ Frar 2008, Il‑Kummissjoni vs Il‑Greċja, iċċitata iktar ’il fuq (punt 42), il‑Qorti tal‑Ġustizzja diġà ċaħdet dan l‑ilment billi kkonstatat li l‑ammonti li jikkonċernaw in‑nuqqas ta’ ġbir ta’ taxxi u ta’ kontribuzzjonijiet ta’ sigurtà soċjali kienu ġew stabbiliti fl‑Artikolu 1 tad‑deċiżjoni kkontestata.

388    B’mod partikolari, in‑nuqqas ta’ dikjarazzjoni dettaljata dwar id‑dejn ta’ OA fir‑rigward tar‑Repubblika Ellenika, apparti mid‑distinzjoni bejn dejn fiskali u dejn ta’ sigurtà soċjali, ma jagħmilx impossibbli kwantifikazzjoni tal‑għajnuna kontenzjuża, fuq il‑bażi tal‑indikazzjonijiet suffiċjentement preċiżi li jinsabu fil‑motivi tad‑deċiżjoni kkontestata (premessi 128 sa 130 u 205), li ma jistgħux jiġu sseparati mid‑dispożittiv tagħha. Id‑deċiżjoni kkontestata, għalhekk, ma tistax titqies li hija insuffiċjentement motivata fuq dan il‑punt. Il‑kwantifikazzjoni hija kompitu fi kwalunkwe każ tal‑awtoritajiet Elleniċi fil‑kuntest tal‑eżekuzzjoni tad‑deċiżjoni kkontestata, b’kooperazzjoni leali mal‑Kummissjoni (ara, f’dan is‑sens, is‑sentenza tal‑Qorti tal‑Ġustizzja tal‑14 ta’ Frar 2008, Il‑Kummissjoni vs Il‑Greċja, iċċitata iktar ’il fuq, punti 43 u 44).

389    Barra minn hekk, il‑Kummissjoni mmotivat b’mod suffiċjenti għall‑finijiet tal‑liġi, fid‑deċiżjoni kkontestata (premessa 206), l‑imputabbiltà tal‑miżura kontenzjuża lill‑Istat, meta osservat b’mod partikolari li l‑IKA kien il‑korp pubbliku Grieg responsabbli, taħt is‑sorveljanza tal‑Istat, għall‑ġestjoni tas‑sistema Griega ta’ sigurtà soċjali u għall‑ġbir tal‑kontribuzzjonijiet ta’ sigurtà soċjali obbligatorji.

390    Fl‑aħħar nett, għall‑kuntrarju tal‑allegazzjonijiet tar‑rikorrenti, l‑impożizzjoni, fl‑Artikolu 2 tad‑deċiżjoni kkontestata, tal‑ħlas ta’ interessi Komunitarji fuq l‑ammont tal‑għajnuna kontenzjuża, li kien diġà jinkludi l‑interessi nazzjonali, ma turi ebda żball manifest ta’ evalwazzjoni fl‑analiżi tal‑Kummissjoni peress li dawn id‑diversi interessi jissodisfaw għanijiet speċifiċi (ara l‑punti 417 u 418 iktar ’il quddiem).

391    Fir‑rigward, b’mod iktar preċiż, tat‑taxxa “spatosimo”, ir‑rikorrenti ma jistabbilixxux li prova ta’ ħlas kienet ingħatat lill‑Kummissjoni. Madankollu, għandu jitfakkar li, jekk oneru finanzjarju kien tħallas parzjalment, dan għandu jittieħed inkunsiderazzjoni meta tiġi eżegwita d‑deċiżjoni kkontestata, kif osservat il‑Kummissjoni.

392    Fir‑rigward tad‑dubji espressi minn OA fir‑rigward tal‑klassifikazzjoni bħala għajnuna tat‑tolleranza fir‑rigward tan‑nuqqas ta’ ħlas minn OA tat‑taxxi dovuti lill‑AIA, huwa biżżejjed li jiġi rrilevat li l‑Kummissjoni ma teżaminax din il‑miżura bħala tali fir‑rigward ta’ eventwali klassifikazzjoni bħala għajnuna mill‑Istat. Fil‑fatt, fil‑premessa 179 tad‑deċiżjoni kkontestata, hija ssemmi biss, fil‑kuntest tal‑eżami tan‑natura tar‑ristrutturazzjoni, in‑nuqqas ta’ trasferiment lil NOA, meta sar il‑qsim, tad‑dejn ta’ OA fil‑konfront tal‑AIA. Għall‑kuntrarju, il‑Kummissjoni eżaminat id‑dejn ta’ NOA fil‑konfront tal‑AIA. F’dan ir‑rigward hija qieset li ma setgħetx tikkonkludi b’mod definittiv li l‑atti tal‑AIA kienu imputabbli lill‑Istat.

393    Għal dawn ir‑raġunijiet kollha, il‑motivi bbażati fuq żball manifest ta’ evalwazzjoni u fuq nuqqas ta’ motivazzjoni għandhom jiġu miċħuda bħala infondati.

4.     Fuq il-ksur tad‑dritt għal smigħ (Kawżi T‑415/05 u T‑423/05)

a)     L‑argumenti tal‑partijiet

394    Ir‑Repubblika Ellenika u OA jsostnu li l‑Kummissjoni kisret id‑drittijiet tad‑difiża tal‑Istat Membru kkonċernat meta rrifjutat li tikkomunikalu r‑rapport Moore Stephens qabel l‑adozzjoni tad‑deċiżjoni kkontestata, minkejja t‑talbiet tiegħu, imtennija b’mod partikolari fl‑ittra tiegħu lill‑Kummissjoni tas‑26 ta’ Ottubru 2005. Kien biss fl‑aħħar tas‑sena 2005 li dan ir‑rapport intbagħat lill‑awtoritajiet Elleniċi, għall‑kuntrarju tal‑prassi tal‑Kummissjoni fil‑qasam tal‑għajnuna mill‑Istat fis‑settur tat‑trasport tal‑ajru, pereżempju fil‑każ dwar il‑kumpannija Alitalia. Barra minn hekk, ir‑Repubblika Ellenika tinvoka f’dan ir‑rigward ksur tal‑prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba.

395    Ir‑rikorrenti jakkużaw lill‑Kummissjoni li fid‑deċiżjoni kkontestata pproduċiet mill‑ġdid il‑konstatazzjonijiet magħmula fir‑rapport imsemmi iktar ’il fuq, mingħajr ma l‑awtoritajiet Elleniċi ma ngħataw l‑opportunità jifformulaw b’mod effettiv l‑osservazzjonijiet tagħhom dwar in‑nuqqasijiet ta’ dan ir‑rapport fir‑rigward tal‑eżami tas‑sullokazzjonijiet ta’ ajruplani lil NOA, fir‑rigward tal‑istima tal‑ammont tal‑assi ta’ OA ttrasferiti lil NOA u fir‑rigward tad‑diversi istanzi ta’ għajnuna diretta allegatament mogħtija lil OA.

396    OA ssostni li l‑ksur tad‑dritt għal smigħ tar‑Repubblika Ellenika kellu impatt negattiv dirett fuq il‑possibbiltà tal‑benefiċjarju tal‑għajnuna allegata li jiddefendi l‑interessi tiegħu. OA kienet għalhekk imċaħħda “b’estensjoni” mid‑dritt għal smigħ tagħha dwar il‑veraċità u r‑rilevanza tal‑elementi esposti fir‑rapport Moore Stephens.

397    Li kieku l‑awtoritajiet Elleniċi u, “b’estensjoni”, OA, kellhom aċċess għal dan ir‑rapport, huma kien ikollhom l‑opportunità jikkjarifikaw, qabel l‑adozzjoni tad‑deċiżjoni kkontestata, numru kbir ta’ punti fejn l‑affarijiet ma kinux inftiehmu sewwa. Il‑ksur tad‑dritt għal smigħ tar‑Repubblika Ellenika jiġġustifika għalhekk l‑annullament ta’ din id‑deċiżjoni.

398    Il‑Kummissjoni, sostnuta mill‑intervenjenti, tikkontesta dawn l‑argumenti. Hija tispeċifika li, għall‑kuntrarju tal‑allegazzjonijiet tar‑Repubblika Ellenika, hija lanqas ma kienet bagħtet rapport lill‑awtoritajiet Taljani qabel id‑deċiżjoni dwar il‑kumpannija Alitalia.

b)     Il‑kunsiderazzjonijiet tal‑Qorti Ġenerali

399    Ir‑rispett tad‑drittijiet tad‑difiża, f’kull proċedura miftuħa kontra persuna li tista’ twassal għal att li jikkawżalha preġudizzju, jikkostitwixxi prinċipju fundamentali tad‑dritt tal‑Unjoni u għandu jiġi żgurat, anki fin‑nuqqas ta’ leġiżlazzjoni speċifika, kif diġà tfakkar fil‑punt 229 iktar ’il fuq.

400    B’mod partikolari, fil‑qasam tal‑għajnuna mill‑Istat, il‑Kummissjoni ma tistax, għall‑finijiet tal‑evalwazzjoni ta’ miżura fid‑dawl tad‑dispożizzjonijiet tal‑Artikolu 87 KE, tibbaża ruħha fuq elementi miġbura mingħand terzi qabel ma tkun tat lill‑Istat ikkonċernat l‑opportunità li jippreżenta l‑osservazzjonijiet tiegħu dwar l‑elementi msemmija (ara l‑punt 250 iktar ’il fuq).

401    F’dan il‑każ, sa fejn ir‑rapport Moore Stephens huwa bbażat esklużivament fuq id‑data miġbura mingħand OA u NOA matul l‑investigazzjoni fuq il‑post mill‑esperti tal‑Kummissjoni u għalhekk ma fih ebda element fattwali li l‑impriżi benefiċjarji tal‑miżuri kontenzjużi, miżmuma kompletament mir‑Repubblika Ellenika, ma kinux jafu dwaru, in‑nuqqas ta’ komunikazzjoni ta’ dan ir‑rapport lir‑Repubblika Ellenika ma kienx bħala tali ta’ natura li jippreġudika d‑drittijiet tad‑difiża ta’ dan l‑Istat Membru.

402    Barra minn hekk, għandu jitfakkar li, fil‑Kawża T‑415/05, fir‑rigward tal‑miżuri kontenzjużi favur NOA, diġà ġie deċiż li l‑Kummissjoni kienet kisret id‑dispożizzjonijiet tal‑Artikolu 87(1) KE meta naqset milli tivverifika jekk ir‑renta mħallsa minn din il‑kumpannija lil OA u lir‑Repubblika Ellenika, għas‑sullokazzjoni ta’ ajruplani, kinitx inqas mill‑prezz tas‑suq (ara l‑punti 248 sa 253 iktar ’il fuq), b’tali mod li ma huwiex meħtieġ li f’dan il‑każ jiġi eżaminat l‑impatt tan‑nuqqas ta’ komunikazzjoni tar‑rapport Moore Stephens lill‑awtoritajiet Elleniċi fuq l‑eżitu tal‑proċedura.

403    Fir‑rigward, fil‑Kawżi T‑415/05 u T‑423/05, tal‑miżuri kontenzjużi favur OA, għandu jiġi osservat li r‑rikorrenti ma jinvokaw ebda element konkret li jippermetti li jitqies li, li kieku l‑awtoritajiet Elleniċi kellhom ir‑rapport Moore Stephens qabel l‑adozzjoni tad‑deċiżjoni kkontestata, huma kienu jkunu jistgħu jsostnu argumenti li seta’ jkollhom impatt fuq l‑eżitu tal‑proċedura.

404    Il‑motiv ibbażat fuq ksur tad‑drittijiet tad‑difiża għandu għalhekk jiġi miċħud bħala infondat. Barra minn hekk, peress li r‑rikorrenti ma jippreżentawx allegazzjoni speċifika insostenn tal‑motiv ibbażat fuq ksur tal‑prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba (ara l‑punt 394 iktar ’il fuq), dan għandu jiġi miċħud għall‑istess raġuni bħall‑motiv ibbażat fuq ksur tad‑drittijiet tad‑difiża.

5.     Fuq il-ksur tal‑prinċipju ta’ proporzjonalità (T‑415/05 u T‑416/05)

a)     L‑argumenti tal‑partijiet

405    Fil‑Kawża T‑415/05, ir‑Repubblika Ellenika ssostni li – fl‑eventwalità li d‑deċiżjoni kkontestata tiġi interpretata fis‑sens li NOA hija wkoll marbuta tħallas lura l‑għajnuna mogħtija lil OA, b’eżekuzzjoni tal‑Artikolu 2(1) tad‑deċiżjoni kkontestata, ħaġa din li hija tikkontesta – ikun sproporzjonat li jintalab il‑ħlas lura mingħand NOA b’mod partikolari tal‑ammont ta’ EUR 354 miljun, imsemmi fl‑Artikolu 1(4) ta’ din id‑deċiżjoni, meta din il‑kumpannija ma bdietx teżerċita l‑attività tagħha qabel it‑12 ta’ Diċembru 2003 u meta l‑Kummissjoni ma kkonstatat ebda għajnuna favur tagħha fil‑forma ta’ tolleranza fir‑rigward tan‑nuqqas ta’ ħlas ta’ taxxi u ta’ kontribuzzjonijiet ta’ sigurtà soċjali.

406    Fir‑replika, ir‑Repubblika Ellenika żżid li tali rekwiżit ikun kuntrarju għall‑obbligu ta’ kooperazzjoni in bona fide stabbilit fl‑Artikolu 10 KE.

407    Fil‑Kawża T‑416/05, NOA ssostni li l‑obbligu li tiġi rkuprata mingħandha l‑għajnuna msemmija fl‑Artikolu 1(4) tad‑deċiżjoni kkontestata, għajnuna li tippreċedi l‑qsim, ikun kuntrarju għall‑prinċipju ta’ proporzjonalità jekk jikkonċerna l‑għajnuna mogħtija fis‑setturi kollha ta’ attività ta’ OA.

408    Il‑Kummissjoni, sostnuta mill‑intervenjenti, tikkontesta dawn l‑argumenti.

b)     Il‑kunsiderazzjonijiet tal‑Qorti Ġenerali

409    Fil‑Kawża T‑416/05, ma hemmx lok li tingħata deċiżjoni dwar l‑allegazzjoni tar‑rikorrenti dwar l‑inammissibbiltà tal‑argumenti dwar l‑inċertezza tal‑Kummissjoni fir‑rigward tad‑data preċiża tal‑inkorporazzjoni ta’ NOA, liema data barra minn hekk kienet tressqet għall‑ewwel darba b’mod inċidentali fil‑kuntest ta’ dan il‑motiv. Fil‑fatt, dawn l‑argumenti huma fi kwalunkwe każ irrilevanti, kif diġà ġie deċiż (ara l‑punt 117 iktar ’il fuq).

410    Dwar il‑mertu, huwa biżżejjed li jitfakkar li, fis‑sentenza tal‑14 ta’ Frar 2008, Il‑Kummissjoni vs Il‑Greċja, iċċitata iktar ’il fuq (punt 53), il‑Qorti tal‑Ġustizzja ċaħdet il‑motiv ibbażat fuq ksur tal‑prinċipju ta’ proporzjonalità li kien ġie invokat quddiemha mir‑Repubblika Ellenika għar‑raġuni li l‑eliminazzjoni ta’ għajnuna illegali permezz ta’ rkupru hija l‑konsegwenza loġika tal‑konstatazzjoni tal‑illegalità tagħha, u għar‑raġuni li l‑obbligu tal‑Istat Membru li jelimina għajnuna kkunsidrata mill‑Kummissjoni bħala inkompatibbli mas‑suq komuni huwa intiż li tiġi stabbilita mill‑ġdid is‑sitwazzjoni preċedenti.

411    F’dawn iċ‑ċirkustanzi, peress li ġie kkonstatat li NOA setgħet titqies li hija s‑suċċessur ta’ OA għall‑finijiet tal‑irkupru tal‑għajnuna kontenzjuża (ara l‑punti 148 sa 151 iktar ’il fuq), l‑irkupru ta’ din l‑għajnuna mingħand NOA ma jistax jitqies li huwa kuntrarju għall‑prinċipju ta’ proporzjonalità.

412    Barra minn hekk, għandu jiġi osservat li, fir‑rigward tat‑tqassim tal‑obbligu ta’ ħlas lura bejn OA u NOA, din il‑kwistjoni ma ġietx deċiża fis‑sentenza tat‑12 ta’ Mejju 2005 u ma ġietx eżaminata mill‑Kummissjoni fid‑deċiżjoni kkontestata. Għaldaqstant, il‑partijiet għandhom isolvu din il‑kwistjoni fil‑kuntest tal‑proċedura nazzjonali ta’ eżekuzzjoni tad‑deċiżjoni kkontestata, skont l‑obbligu reċiproku tagħhom ta’ kooperazzjoni leali (ara l‑punt 125 sa 127 iktar ’il fuq).

413    Għal dawn ir‑raġunijiet kollha, il‑motiv ibbażat fuq ksur tal‑prinċipju ta’ proporzjonalità kif ukoll l‑ilment ibbażat fuq ksur tal‑obbligu ta’ kooperazzjoni, li ma ġie ssostanzjat b’ebda allegazzjoni speċifika, għandhom jiġu miċħuda bħala infondati.

6.     Fuq il-ksur tal‑prinċipju ta’ ne bis in idem (Kawżi T‑415/05 u T‑423/05)

414    Ir‑Repubblika Ellenika u OA jsostnu li, safejn, mill‑ammont ta’ EUR 354 miljun msemmi fl‑Artikolu 1(4) tad‑deċiżjoni kkontestata, ammont ta’ madwar EUR 136 miljun jikkorrispondi għall‑interessi u għall‑multi previsti mid‑dritt nazzjonali, l‑obbligu li l‑ammonti rkuprati jiġu suġġetti għar‑rata ta’ interessi ta’ referenza Komunitarja, previst fl‑Artikolu 2(2) tad‑deċiżjoni kkontestata, huwa kuntrarju għall‑prinċipju ta’ ne bis in idem.

415    Għandu jiġi enfasizzat li l‑interessi Komunitarji dovuti skont l‑Artikolu 2(2) tad‑deċiżjoni kkontestata mill‑impriżi benefiċjarji tal‑għajnuna kontenzjuża ma għandhomx in‑natura ta’ sanzjoni iżda huma intiżi li jistabbilixxu mill‑ġdid kompletament il‑kompetizzjoni permezz tal‑ħlas lura tal‑vantaġġ mogħti lil dawn il‑benefiċjarji wara d‑data tal‑għoti tal‑għajnuna.

416    F’dan il‑każ, peress li t‑tolleranza tan‑nuqqas ta’ ħlas tal‑ammonti ta’ diversi interessi moratorji u ta’ diversi żidiet previsti mid‑dritt Grieg tikkostitwixxi wkoll għajnuna mill‑Istat, il‑Kummissjoni ġustament issostni li d‑deċiżjoni kkontestata għandha tiġi interpretata fis‑sens li l‑interessi msemmija fl‑Artikolu 2(2) tad‑deċiżjoni kkontestata japplikaw ukoll għal dawn l‑ammonti mill‑mument li fih ikunu dovuti. Barra minn hekk, il‑modalitajiet tal‑kapitalizzazzjoni tal‑interessi se jiġu ddefiniti matul l‑eżekuzzjoni tad‑deċiżjoni kkontestata, kif ippreċiżat il‑Kummissjoni quddiem il‑Qorti Ġenerali.

417    Sa fejn, minn naħa, l‑interessi moratorji u l‑multi previsti mid‑dritt nazzjonali u, min‑naħa l‑oħra, l‑interessi previsti fid‑deċiżjoni kkontestata bil‑għan li jiġi żgurat l‑istabbiliment mill‑ġdid tal‑kompetizzjoni għandhom għanijiet differenti, l‑impożizzjoni ta’ interessi Komunitarji fuq l‑ammont totali tal‑għajnuna miżjud bl‑interessi u bil‑multi nazzjonali ma tiksirx il‑prinċipju ta’ ne bis in idem.

418    Minn dan isegwi li l‑motiv ibbażat fuq ksur tal‑prinċipju ta’ ne bis in idem għandu jiġi miċħud bħala infondat.

419    Mill‑kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha jirriżulta li d‑deċiżjoni kkontestata għandha tiġi annullata, minn naħa, sa fejn il‑Kummissjoni tiddikjara inkompatibbli mas‑suq komuni l‑għajnuna mogħtija lil NOA [Artikolu (1)], u, min‑naħa l‑oħra, sa fejn tiddikjara inkompatibbli l‑għajnuna mogħtija lil OA msemmija fl‑Artikolu 1(2) tagħha, sa fejn tikkonċerna l‑ammont li jikkorrispondi għall‑valur tal‑elementi kollha tal‑assi immaterjali rreġistrati bħala parti mill‑avvjament, il‑valur tal‑ajruplani ttrasferiti lil NOA kif ukoll id‑dħul mistenni mill‑bejgħ ta’ żewġ ajruplani u, fl‑aħħar nett, sa fejn teżiġi l‑irkupru ta’ din l‑għajnuna (Artikolu 2).

 Fuq l‑ispejjeż

420    Skont l‑Artikolu 87(3) tar‑Regoli tal‑Proċedura, il‑Qorti Ġenerali tista’ taqsam l‑ispejjeż jew tiddeċiedi li kull parti għandha tbati l‑ispejjeż rispettivi tagħha jekk il‑partijiet jitilfu fuq waħda jew iktar mit‑talbiet rispettivi tagħhom. Skont it‑tielet subparagrafu tal‑Artikolu 87(4) tar‑Regoli tal‑Proċedura, il‑Qorti Ġenerali tista’ tordna li parti intervenjenti, minbarra Stat Membru, tbati l‑ispejjeż tagħha.

421    Fit‑tliet kawżi magħquda, peress li kull waħda mill‑partijiet tilfet parzjalment fil‑motivi tagħha, kull parti għandha tiġi kkundannata tbati l‑ispejjeż rispettivi tagħha, inklużi, fil‑Kawżi T‑416/05 u T‑423/05, dawk marbuta mal‑proċeduri għal miżuri provviżorji.

Għal dawn il‑motivi,

IL‑QORTI ĠENERALI (Is‑Sitt Awla)

taqta’ u tiddeċiedi:

1)      L‑Artikolu 1(1) tad‑Deċiżjoni tal‑Kummissjoni C (2005) 2706 finali, tal‑14 ta’ Settembru 2005, dwar għajnuna mill‑Istat mogħtija lil Olympiaki Aeroporia Ypiresies AE [C 11/2004 (ex NN 4/2003) – Olympiaki Aeroporia – Ristrutturazzjoni u privatizzazzjoni], huwa annullat.

2)      L‑Artikolu 1(2) tad‑Deċiżjoni C (2005) 2706 finali huwa parzjalment annullat sa fejn jikkonċerna l‑ammont li jikkorrispondi għall‑valur tal‑assi immaterjali kollha rreġistrati fil‑bilanċ ta’ trasformazzjoni ta’ Olympiaki Aeroporia Ypiresies bħala parti mill‑avvjament, għall‑valur tal‑ajruplani ttrasferiti lil Olympiakes Aerogrammes AE kif ukoll għad‑dħul mistenni mill‑bejgħ ta’ żewġ ajruplani li kienu għadhom irreġistrati fil‑bilanċ ta’ Olympiaki Aeroporia Ypiresies.

3)      L‑Artikolu 2 tad‑Deċiżjoni C (2005) 2706 finali huwa annullat safejn jikkonċerna l‑miżuri inkwistjoni fl‑Artikolu 1(1) u (2), safejn dawn id‑dispożizzjonijiet huma annullati.

4)      Il‑kumplament tar‑rikorsi huwa miċħud.

5)      Kull parti għandha tbati l‑ispejjeż rispettivi tagħha, inklużi dawk marbuta mal‑proċeduri għal miżuri provviżorji.

Jaeger

Meij

Truchot

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, 13 ta’ Settembru 2010.

Werrej


Il‑fatti li wasslu għall‑kawża

Id‑Deċiżjoni 2003/372/KE

Id‑deċiżjoni kkontestata

Il‑proċedura u t‑talbiet tal‑partijiet

Id‑dritt

A –  Fuq l‑estinzjoni tal‑interess ġuridiku tar‑rikorrenti

1.  L‑argumenti tal‑partijiet

2.  Il‑kunsiderazzjonijiet tal‑Qorti Ġenerali

B –  Fuq il‑mertu

1.  Fuq it‑teħid inkunsiderazzjoni ta’ kontinwità ekonomika bejn OA u NOA għall‑finijiet tal‑irkupru tal‑għajnuna (Kawżi T‑415/05 u T‑416/05)

a)  L‑argumenti tal‑partijiet

b)  Il‑kunsiderazzjonijiet tal‑Qorti Ġenerali

Fuq id‑determinazzjoni tal‑miżuri favur OA li jistgħu jkunu s‑suġġett ta’ obbligu ta’ rkupru mingħand NOA

Fuq il‑portata legali tad‑deċiżjoni kkontestata fir‑rigward tal‑konstatazzjoni dwar is‑suċċessjoni ta’ OA minn NOA għall‑finijiet tal‑irkupru tal‑għajnuna kontenzjuża

Fuq l‑evalwazzjoni tal‑motivazzjoni u tal‑fondatezza tal‑konstatazzjoni, fid‑deċiżjoni kkontestata, tas‑suċċessjoni ta’ OA minn NOA għall‑finijiet tal‑irkupru tal‑għajnuna kontenzjuża

2.  Fuq l‑għajnuna mogħtija lil NOA [l-Artikolu 1(4) tad‑deċiżjoni kkontestata] (Kawżi T‑415/05 u T‑416/05)

a)  Fuq it‑teħid inkunsiderazzjoni ta’ kontinwità ekonomika bejn OA u NOA għall‑finijiet tal‑klassifikazzjoni tal‑miżuri kontenzjużi

L‑argumenti tal‑partijiet

Il‑kunsiderazzjonijiet tal‑Qorti Ġenerali

b)  Fuq il‑kriterju tal‑investitur privat

L‑argumenti tal‑partijiet

Il‑kunsiderazzjonijiet tal‑Qorti Ġenerali

–  Fuq id‑determinazzjoni tal‑għajnuna kontenzjuża

–  Fuq id‑determinazzjoni tal‑kwistjonijiet kontenzjużi fir‑rigward tal‑kontenut tad‑deċiżjoni kkontestata u tal‑argumenti tal‑partijiet

–  Fuq l‑elementi rilevanti f’dan il‑każ għall‑finijiet tal‑applikazzjoni tal‑kriterju tal‑investitur privat

–  Fuq it‑tqassim tal‑oneru tal‑prova u l‑obbligi proċedurali rispettivi tal‑Kummissjoni u tal‑Istat Membru kkonċernat

3.  Fuq l‑għajnuna mogħtija lil OA

a)  Fuq il‑ħlas bil‑quddiem tal‑ammont stmat iktar mill‑valur reali tal‑elementi ta’ assi ta’ OA ttrasferiti lil NOA [Artikolu 1(2) tad‑deċiżjoni kkontestata] (Kawżi T‑415/05 u T‑423/05)

Fuq il-ksur tal‑Artikolu 87(1) KE u nuqqas ta’ motivazzjoni (Kawżi T‑415/05 u T‑423/05)

–  L‑argumenti tal‑partijiet

–  Il‑kunsiderazzjonijiet tal‑Qorti Ġenerali

a) Fuq il-ksur tal‑Artikolu 87(3) KE u n-nuqqas ta’ motivazzjoni (Kawża T‑415/05)

–  L‑argumenti tal‑partijiet

–  Il‑kunsiderazzjonijiet tal‑Qorti Ġenerali

b)  Fuq l‑implementazzjoni ta’ ċerti garanziji tal‑Istat [Artikolu 1(3) tad‑deċiżjoni kkontestata] (Kawżi T‑415/05 u T‑423/05)

L‑argumenti tal‑partijiet

Il‑kunsiderazzjonijiet tal‑Qorti Ġenerali

c)  ċ) Fuq it‑tolleranza fir‑rigward tan‑nuqqas ta’ ħlas tad‑dejn fiskali u ta’ sigurtà soċjali [Artikolu 1(4) tad‑deċiżjoni kkontestata] (Kawżi T‑415/05, T‑416/05 u T‑423/05)

L‑argumenti tal‑partijiet

Il‑kunsiderazzjonijiet tal‑Qorti Ġenerali

4.  Fuq il-ksur tad‑dritt għal smigħ (Kawżi T‑415/05 u T‑423/05)

a)  L‑argumenti tal‑partijiet

b)  Il‑kunsiderazzjonijiet tal‑Qorti Ġenerali

5.  Fuq il-ksur tal‑prinċipju ta’ proporzjonalità (T‑415/05 u T‑416/05)

a)  L‑argumenti tal‑partijiet

b)  Il‑kunsiderazzjonijiet tal‑Qorti Ġenerali

6.  Fuq il-ksur tal‑prinċipju ta’ ne bis in idem (Kawżi T‑415/05 u T‑423/05)

Fuq l‑ispejjeż


* Lingwa tal‑kawża: il‑Grieg.

Top