This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 62005FO0053
Order of the Civil Service Tribunal (Second Chamber) of 25 October 2007. # José Fernandez Tunon v Commission of the European Communities. # Public service. # Case F-53/05.
Digriet tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku (It-Tieni Awla) tal-25 ta' Ottubru 2007.
José Fernandez Tunon vs il-Kummisjoni tal-Komunitajiet Ewropej.
Servizz pubbliku - Trattament ugwali.
Kawża F-53/05.
Digriet tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku (It-Tieni Awla) tal-25 ta' Ottubru 2007.
José Fernandez Tunon vs il-Kummisjoni tal-Komunitajiet Ewropej.
Servizz pubbliku - Trattament ugwali.
Kawża F-53/05.
Ġabra tal-Ġurisprudenza – Servizz Pubbliku 2007 I-A-1-00315; II-A-1-01769
ECLI identifier: ECLI:EU:F:2007:183
DIGRIET TAT-TRIBUNAL GĦAS-SERVIZZ PUBBLIKU (It-Tieni Awla)
25 ta’ Ottubru 2007
Kawża F-53/05
José Fernandez Tunon
vs
Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej
“Servizz pubbliku – Membru tal-persunal bil-kuntratt – Talba għar-reviżjoni tal-klassifikazzjoni u tar-remunerazzjoni stabbiliti matul ir-reklutaġġ – Persuna li hija ex membru tal-persunal awżiljarju impjegata bħala membru tal-persunal bil-kuntratt mingħajr bidla fil-funzjonijiet – Artikoli 3a u 80(2) u (3) tal-Kondizzjonijiet ta’ l-impjieg ta’ membri tal-persunal oħra – Kompiti li jaqgħu taħt gruppi ta’ funzjonijiet differenti – Trattament ugwali – Rikors manifestament infondat”
Suġġett: Rikors, ippreżentat taħt l-Artikoli 236 KE u 152 KEEA, li permezz tiegħu Fernandez Tunon jitlob, minn naħa, l-annullament tad-deċiżjoni ta’ l-awtorità li għandha s-setgħa tikkonkludi kuntratti ta’ impjieg, tal-21 ta’ Marzu 2005, li tiċħad it-talba tiegħu tat-23 ta’ Novembru 2004, ikkwalifikata mill-ġdid bħala lment, ippreżentata kontra d-deċiżjoni li tiffissa l-klassifikazzjoni tiegħu u r-remunerazzjoni tiegħu meta ġie impjegat bħala membru tal-persunal bil-kuntratt u, safejn meħtieġ, tad-deċiżjoni oriġinali li tiffissa din il-klassifikazzjoni u remunerazzjoni skond il-kuntratt tat-23 ta’ Awwissu 2004, kif ukoll, min-naħa l-oħra, l-għoti ta’ danni u imgħax li skond ir-rikorrent jammontaw għal EUR 25 000.
Deċiżjoni: Ir-rikors huwa miċħud bħala manifestament infondat. Kull parti għandha tbati l-ispejjeż tagħha.
Sommarju
1. Uffiċjali – Kondizzjonijiet ta’ l-impjieg ta’ membri tal-persunal oħra – Applikabbiltà tat-Titolu IV, dwar il-membri tal-persunal bil-kuntratt, mhux suġġett għall-adozzjoni bil-quddiem tad-deskrizzjoni tal-funzjonijet u l-attribuzzjonijiet li jkopru kull tip ta’ kompitu tal-gruppi ta’ funzjonijiet differenti ta’ dawn il-membri tal-persunal
(Kondizzjonijiet ta’ l-impjieg ta’ membri tal-persunal oħra, Artikoli 52 u 80(3); Regolament tal-Kunsill Nru 723/2004)
2. Uffiċjali – Kondizzjonijiet ta’ l-impjieg ta’ membri tal-persunal oħra – Trattament ugwali
3. Uffiċjali – Trattament ugwali
1. Ebda dispożizzjoni tal-Kondizzjonijiet ta’ l-impjieg ta’ membri tal-persunal oħra jew tar-Regolament Nru 723/2004, li jemenda r-Regolamenti tal-Persunal ta’ l-uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej u l-Kondizzjonijiet ta’ l-Impjieg ta’ ħaddiema oħra tal-Komunitajiet Ewropej, ma tissuġġetta l-applikabbiltà tat-Titolu IV ta’ dawn il-Kondizzjonijiet, dwar il-membri tal-persunal bil-kuntratt, u, b’mod partikolari, tad-dispożizzjonijiet tiegħu dwar l-impjieg tagħhom, mill-adozzjoni tad-deskrizzjoni tal-funzjonijiet u ta’ l-attribuzzjonijiet li tkopri kull tip ta’ kompitu li jikkaratterizza kull wieħed mill-gruppi ta’ funzjonijiet li jistgħu jagħmlu parti minnhom il-membri tal-persunal bil-kuntratt skond l-Artikolu 80(3) ta’ dawn il-Kondizzjonijiet. Bil-kontra, l-Artikolu 52 tal-Kondizzjonijiet ta’ l-impjieg ta’ membri tal-persunal oħra – li jipprovdi li t-terminu effettiv ta’ l-impjieg tal-membri tal-persunal awżiljarji, li eventwalment jiġu ssostitwiti mill-membri tal-persunal bil-kuntratt, kif jirriżulta mill-premessa 36 tar-Regolament Nru 723/2004, ma jistax jiġi estiż lil hinn mil-31 ta’ Diċembru 2007 u li l-ebda membru tal-persunal awżiljarju ġdid ma jista’ jiġi impjegat wara l-31 ta’ Diċembru 2006 – jikkonferma l-applikabbiltà immedjata ta’ dan it-Titolu IV safejn ma tissemmiex, f’dan l-artikolu, l-implementazzjoni bil-quddiem ta’ l-Artikolu 80(3) tal-Kondizzjonijiet ta’ l-impjieg ta’ membri tal-persunal oħra.
(ara l-punt 60)
Referenza:
Il-Qorti tal-Prim’Istanza: 9 ta’ Lulju 2007, De Smedt vs Il‑Kummissjoni, T‑415/06 P, ĠabraSP p. I‑B‑1‑0000 u II‑B‑1‑0000, punt 40
It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku: 19 ta’ Ottubru 2006, De Smedt vs Il‑Kummissjoni, F‑59/05, ĠabraSP p. I‑A‑1‑109 u II‑A‑1‑409, punt 52
2. Il-leġiżlatur Komunitarju jista’ f’kull mument jemenda d-dispożizzjonijiet tar-Regolamenti tal-Persunal jekk fil-fehma tiegħu dawn ikunu konformi ma’ l-interess tas-servizz u jadotta, fil-futur, dispożizzjonijiet statutorji inqas favorevoli għall-uffiċjali jew għall-membri tal-persunal ikkonċernati, bil-kundizzjoni madankollu jiġu mħarsa d-drittijiet leġittimament miksuba mill-uffiċjali jew mill-membri tal-persunal bil-kuntratt u li l-persuni speċifikament ikkonċernati mil-leġiżlazzjoni l-ġdida jiġu ttrattati b’mod identiku. Ma jistax jiġi għaldaqstant akkużat talli rrikorra għall-ħolqien ta’ kategorija ġdida ta’ membri tal-persunal, il-membri tal-persunal bil-kuntratt, suġġetti għal Kondizzjonijiet ta’ remunerazzjoni differenti minn dak tal-membri tal-persunal awżiljarji, liema kategorija hija intiża sabiex eventwalment tissostitwixxi l-kategoriji tal-membri tal-persunal awżiljarji u ta’ l-uffiċjali tal-kategorija D, jekk drittijiet miksuba mill-uffiċjali jew il-membri tal-persunal irreklutati taħt ir-Regolamenti tal-Persunal il-qodma ma ġewx ikkontestati b’mod irregolari u jekk il-membri tal-persunal li jaqgħu taħt din il-kategorija ġdida jkunu ġew ittrattati bl-istess mod.
(ara l-punt 79)
Referenza:
Il-Qorti tal-Ġustizzja: 19 ta’ Marzu 1975, Gillet vs Il-Kummissjoni, 28/74, Ġabra p. 463, punti 5 u 6
Il-Qorti tal-Prim’Istanza: 30 ta’ Settembru 1998, Ryan vs Il-Qorti ta’ l-Awdituri, T‑121/97, Ġabra p. II‑3885, punti 98 u 104; 29 ta’ Novembru 2006, Campoli vs Il-Kummissjoni, T‑135/05, ĠabraSP p. I‑A‑2‑297 u II‑A‑2‑1527, punt 85
It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku: De Smedt vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 71
3. Wieħed ma jistax jikkontesta d-differenzi fl-istatus li jeżistu bejn il-kategoriji differenti ta’ persuni impjegati mill-Komunitajiet, kemm fir-rigward ta’ uffiċjali hekk imsejħa, kif ukoll skond il-kategoriji differenti ta’ membri tal-persunal li jaqgħu taħt il-Kondizzjonijiet ta’ l-impjieg applikabbli għall-membri tal-persunal oħra. Fil-fatt, id-definizzjoni ta’ kull waħda minn dawn il-kategoriji tikkorrispondi ma’ bżonnijiet leġittimi ta’ l-amministrazzjoni Komunitarja u man-natura tal-kompiti, permanenti jew temporanji, li hija għandha tikseb bħala missjoni. Għaldaqstant, ma jistax jiġi kkunsidrat bħala diskriminazzjoni l-fatt li, mill-aspett tal-garanziji statutorji u tal-vantaġġi ta’ sigurtà soċjali, ċerti kategoriji ta’ persuni impjegati mill-Komunitajiet jistgħu jgawdu minn garanziji jew vantaġġi li ma jingħatawx lil kategoriji oħra. B’mod partikolari, is-sitwazzjoni tal-membri tal-persunal suġġetti għall-Kondizzjonijiet ta’ l-impjieg ta’ membri tal-persunal oħra hija kkaratterizzata ġeneralment min-natura kuntrattwali tar-rabta ta’ l-impjieg, filwaqt li r-rabta ġuridika bejn uffiċjal u l-amministrazzjoni hija ta’ natura statutorja.
(ara l-punt 83)
Referenza:
Il-Qorti tal-Ġustizzja: 6 ta’ Ottubru 1983, Celant et vs Il-Kummissjoni, 118/82 sa 123/82, Ġabra p. 2995, punt 22
Il-Qorti tal-Prim’Istanza: De Smedt vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punti 54 u 55
It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku: De Smedt vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 76