This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 62005CJ0467
Judgment of the Court (Third Chamber) of 28 June 2007. # Criminal proceedings against Giovanni Dell'Orto. # Reference for a preliminary ruling: Tribunale di Milano - Italy. # Police and judicial cooperation in criminal matters - Framework Decision 2001/220/JHA -Directive 2004/80/EC- Concept of ‘victim’ in criminal proceedings - Legal person - Return of property seized in the course of criminal proceedings. # Case C-467/05.
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (it-Tielet Awla) tat-28 ta' Ġunju 2007.
Proċedura kriminali vs Giovanni Dell'Orto.
Talba għal deċiżjoni preliminari: Tribunale di Milano - l-Italja.
Kooperazzjoni mill-pulizija u kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji kriminali - Deċiżjoni-Kwadru 2001/220/JHA -Direttiva 2004/80/KE - Kunċett ta’ ‘vittma’ fir-rigward ta’ proċeduri kriminali - Persuna ġuridika - Restituzzjoni ta’ beni sekwestrati waqt proċeduri kriminali.
Kawża C-467/05.
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (it-Tielet Awla) tat-28 ta' Ġunju 2007.
Proċedura kriminali vs Giovanni Dell'Orto.
Talba għal deċiżjoni preliminari: Tribunale di Milano - l-Italja.
Kooperazzjoni mill-pulizija u kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji kriminali - Deċiżjoni-Kwadru 2001/220/JHA -Direttiva 2004/80/KE - Kunċett ta’ ‘vittma’ fir-rigward ta’ proċeduri kriminali - Persuna ġuridika - Restituzzjoni ta’ beni sekwestrati waqt proċeduri kriminali.
Kawża C-467/05.
ECLI identifier: ECLI:EU:C:2007:395
Kawża C-467/05
Proċeduri kriminali
kontra
Giovanni Dell’Orto
(talba għal deċiżjoni preliminari magħmula mill-Imħallef inkarigat mill-investigazzjonijiet preliminari fit-Tribunale di Milano)
“Kooperazzjoni ġudizzjarja u tal-pulizija f’materji kriminali — Deċiżjoni Qafas 2001/220/JHA — Direttiva 2004/80/KE — Kunċett ta’ ‘vittma’ fir-rigward ta’ proċeduri kriminali — Persuna ġuridika — Restituzzjoni ta’ beni sekwestrati waqt proċeduri kriminali”
Sommarju tas-Sentenza
1. Domandi preliminari – Domanda li tirrigwarda l-interpretazzjoni ta’ deċiżjoni qafas adottata abbażi tat-Titolu VI tat-Trattat UE
(Artikolu 234 KE; Artikoli 35 UE u 46(b) UE)
2. Domandi preliminari – Ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja – Kooperazzjoni ġudizzjarja u tal-pulizija f’materji kriminali
(Arikolu 234 KE; Artikoli 35 UE u 46(b) UE)
3. Atti ta’ l-istituzzjonijiet – Applikazzjoni fiż-żmien – Regoli tal-Proċedura
4. Unjoni Ewropea – Kooperazzjoni ġudizzjarja u tal-pulizija f’materji kriminali – Drittijiet tal-vittmi fil-proċeduri kriminali – Deċiżjoni Qafas 2001/220
(Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2001/220, Artikoli 1(a), 2(1) u 8(1))
1. Il-fatt li deċiżjoni tar-rinviju li tirrigwarda l-interpretazzjoni ta’ deċiżjoni qafas adottata skond it-Titolu VI tat-Trattat UE ma ssemmix l-Artikolu 35 UE, iżda tirreferi għall-Artikolu 234 KE, m’għandux, fih innifsu, jikkawża l-inammissibbiltà tat-talba għal deċiżjoni preliminari. Dan huwa aktar minnu peress li t-Trattat UE ma jipprovdi la espliċitament u lanqas impliċitament il-forma li fiha l-qorti nazzjonali għandha tippreżenta t-talba tagħha għal deċiżjoni preliminari.
(ara l-punt 36)
2. Skond l-Artikolu 46(b) UE, is-sistema prevista fl-Artikolu 234 KE hija intiża li tapplika għall-Artikolu 35 UE, taħt il-kundizzjonijiet previsti f’din id-dispożizzjoni. L-istess bħall-Artikolu 234 KE, l-Artikolu 35 UE jissuġġetta l-ġurisdizzjoni preliminari tal-Qorti tal-Ġustizzja għall-kundizzjoni li l-qorti nazzjonali tikkunsidra li deċiżjoni dwar dik il-kwistjoni tkun meħtieġa biex tkun tista’ tagħti sentenza, b’mod illi l-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja relatata ma’ l-ammissibbiltà tad-domandi preliminari magħmula skond l-Artikolu 234 KE, tista’, bħala prinċipju, tiġi trasposta għat-talbiet għal deċiżjonijiet preliminari ppreżentati lill-Qorti tal-Ġustizzja skond l-Artikolu 35 UE.
Minn dan isegwi li l-preżunzjoni ta’ rilevanza marbuta mad-domandi preliminari magħmula mill-qrati nazzjonali tista’ tiġi eskluża f’każijiet eċċezzjonali biss, meta jkun manifestament ċar li l-interpretazzjoni mitluba tad-dispożizzjonijiet tad-dritt ta’ l-Unjoni kkunsidrati f’dawn id-domandi ma jkollha ebda relazzjoni mar-realtà jew mas-suġġett tal-kawża prinċipali jew meta l-problema tkun ta’ natura ipotetika jew jekk il-Qorti tal-Ġustizzja ma jkollhiex quddiemha l-elementi ta’ fatt jew ta’ dritt neċessarji sabiex tirrispondi b’mod utli għad-domandi magħmula. Ħlief f’ipoteżijiet bħal dawn, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha, bħala prinċipju, tagħti deċiżjoni fir-rigward tad-domandi preliminari dwar l-interpretazzjoni ta’ l-atti msemmija fl-Artikolu 35(1) UE.
(ara l-punti 34, 39-40)
3. Ir-regoli tal-proċedura huma ġeneralment meqjusa applikabbli għall-kawżi kollha pendenti fid-data li fiha dawn jidħlu fis-seħħ, għall-kuntrarju tar-regoli sostantivi li ġeneralment jiġu interpretati li ma japplikawx għal sitwazzjonijiet li ġraw qabel id-dħul fis-seħħ tagħhom.
Madankollu, il-kwistjoni tal-ġurisdizzjoni tal-qorti li tagħti sentenza li tirrigwarda r-restituzzjoni tal-beni sekwestrati matul il-proċeduri kriminali lill-vittma, taqa’ taħt il-qasam tar-regoli tal-proċedura, b’mod li l-ebda ostaklu li jirrigwarda l-applikazzjoni tal-liġi fi żmien partikolari ma jmur kontra t-teħid in kunsiderazzjoni, fil-kuntest ta’ kawża li tirrigwarda din id-domanda, tad-dispożizzjonijiet rilevanti tad-Deċiżjoni Qafas 2001/220, dwar id-drittijiet tal-vittmi fil-proċeduri kriminali, bil-għan li d-dritt nazzjonali applikabbli jiġi interpretat skond din id-deċiżjoni qafas.
(ara l-punti 48-49)
4. Id-Deċiżjoni Qafas 2001/220, dwar id-drittijiet tal-vittmi fil-proċeduri kriminali, għandha tiġi interpretata fis-sens li, fil-kuntest ta’ proċeduri kriminali u, b’mod iżjed speċifiku, proċeduri ta’ eżekuzzjoni sussegwenti għal sentenza definittiva ta’ kundanna, il-kunċett ta’ vittma skond din id-deċiżjoni qafas ma jinkludix il-persuni ġuridiċi li sofrew dannu direttament ikkawżat minn atti jew omissjonijiet li jiksru l-liġi kriminali ta’ Stat Membru.
Fil-fatt, interpretazzjoni tad-deċiżjoni qafas fis-sens li din tirreferi wkoll għall-persuni ġuridiċi li jallegaw li sofrew dannu direttament ikkawżat minn reat, tmur kontra l-kliem stess ta’ l-Artikolu 1(a) ta’ din id-deċiżjoni qafas, li ssemmi biss persuni fiżiċi li sofrew dannu direttament ikkawżat minn imġiba li tmur kontra l-liġi kriminali ta’ Stat Membru. Barra minn hekk l-ebda dispożizzjoni oħra tad-deċiżjoni qafas ma fiha indikazzjoni li l-leġiżlatur ta’ l-Unjoni Ewropea kellu l-intenzjoni jestendi l-kunċett ta’ vittma għal persuni ġuridiċi għall-finijiet ta’ l-applikazzjoni ta’ din id-deċiżjoni qafas. Għall-kuntrarju, numru ta’ dispożizzjonijiet ta’ din id-deċiżjoni qafas, fosthom b’mod partikolari, l-Artikoli 2(1) u (2) u 8(1), jikkonfermaw li l-għan tal-leġiżlatur kien li jirreferi esklużivament għal persuni fiżiċi vittmi ta’ dannu li jirriżulta minn reat.
Id-Direttiva 2004/80, li għandha x’taqsam ma’ kumpens għal vittmi ta’ delitti, mhijiex tali li teskludi din l-interpretazzjoni. Fil-fatt, jekk jitqies li d-dispożizzjonijiet ta’ direttiva adottata abbażi tat-Trattat KE jistgħu jkollhom effett kwalunkwe fuq l-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet ta’ deċiżjoni qafas bbażata fuq it-Trattat UE u li l-kunċett ta’ vittma skond id-Direttiva jista’ jiġi interpretatat bħala li jinkludi persuni ġuridiċi, fi kwalunkwe każ, id-Direttiva u d-deċiżjoni qafas ma jinsabux f’relazzjoni li titlob interpretazzjoni uniformi tal-kunċett in kwistjoni.
(ara l-punti 53-55, 57-58, 60 u disp.)
SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla)
28 ta’ Ġunju 2007 (*)
“Kooperazzjoni ġudizzjarja u tal-pulizija u f’materji kriminali – Deċiżjoni Qafas 2001/220/JHA – Direttiva 2004/80/KE – Kunċett ta’ ‘vittma’ fir-rigward ta’ proċeduri kriminali – Persuna ġuridika – Restituzzjoni ta’ beni sekwestrati waqt proċeduri kriminali”
Fil-kawża C‑467/05,
li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skond l-Artikolu 234 KE, imressqa mill-Imħallef inkarigat mill-investigazzjonijiet preliminari fit-Tribunale di Milano (l-Italja), b’deċiżjoni tas-6 ta’ Ottubru 2005, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fis-27 ta’ Diċembru 2005, fil-proċeduri kriminali kontra
Giovanni Dell’Orto,
fil-preżenza ta’:
Saipem SpA,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla),
komposta minn A. Rosas, President ta’ l-Awla, J. Klučka, J. N. Cunha Rodrigues (Relatur), A. Ó Caoimh u P. Lindh, Imħallfin,
Avukat Ġenerali: J. Kokott,
Reġistratur: C. Strömholm, Amministratur,
wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta ta’ l-1 ta’ Frar 2007,
wara li rat il-osservazzjonijiet ippreżentati:
– għal Giovanni Dell’Orto, minn M. Brusa, avvocato,
– għall-Gvern Taljan, minn I. M. Braguglia, bħala aġent, assistit minn D. Del Gaizo, avvocato dello Stato,
– għall-Irlanda, minn D. O’Hagan, bħala aġent, assistit minn N. Travers, BL,
– għall-Gvern Olandiż, minn H. G. Sevenster u C. ten Dam kif ukoll minn M. de Grave, bħala aġenti,
– għall-Gvern Awstrijak, minn H. Dossi, bħala aġent,
– għall-Gvern tar-Renju Unit, minn E. O’Neill, bħala aġent, assistita minn J. Turner, barrister,
– għall-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, minn M. Condou-Durande u E. Righini kif ukoll minn L. Visaggio, bħala aġenti,
wara li semgħet il-konklużjonijiet ta’ l-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat-8 ta’ Marzu 2007,
tagħti l-preżenti
Sentenza
1 It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tad-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2001/220/JHA, tal-15 ta’ Marzu 2001, dwar id-drittijiet tal-vittmi fil-proċeduri kriminali (ĠU L 82, p. 1, aktar ’il quddiem id-“deċiżjoni qafas”) u d-Direttiva tal-Kunsill 2004/80/KE, tad-29 ta’ April 2004, li għandha x’taqsam ma’ kumpens għal vittmi ta’ delitti (ĠU L 261, p.15, iktar ’il quddiem id-“Direttiva”).
2 Din it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest ta’ proċeduri kriminali ta’ eżekuzzjoni sussegwenti għal sentenza definittiva ta’ kundanna, quddiem l-Imħallef inkarigat mill-investigazzjonijiet preliminari fit-Tribunale di Milano, bħala mħallef li għandu l-kompetenza jeżegwixxi s-sentenza, u tirrigwarda r-restituzzjoni ta’ beni li kienu taħt sekwestru.
Il-kuntest ġuridiku
Id-dritt ta’ l-Unjoni Ewropea
Id-Deċiżjoni Qafas
3 L-Artikolu 1 tad-deċiżjoni qafas jipprovdi li:
“Għall-finijiet ta’ din id-deċiżjoni [qafas]:
(a) ‘vittma’ għandha tfisser persuna fiżika li tkun sofriet danni, inkluż ħsara fiżika jew mentali, tbatija emozzjonali jew telf ekonomiku, kawżati direttament minn atti jew ommissjonijiet li bi ksur tal-liġi kriminali ta’ Stat Membru;
[…]
(ċ) ‘proċeduri kriminali’ għandha tinftiehem b’mod konformi mal-liġi nazzjonali applikabbli;
(d) ‘proċeduri’ għandha tiġi interpretata bħala li tinkludi, flimkien mal-proċeduri kriminali, il-kuntatti kollha tal-vittmi ma’ kull awtorità, servizz pubbliku jew organizzazzjoni ta’ appoġġ għall-vittmi b’konnessjoni mal-każ tagħhom, qabel, matul, jew wara l-proċess kriminali.
[…]”
4 L-Artikolu 2 tad-deċiżjoni qafas jipprovdi li:
“1. Kull Stat Membru għandu jiżgura li l-vittmi jkollhom rwol sinifikanti u xieraq fis-sistema legali kriminali tiegħu. Dan għandu jkompli jagħmel kull sforz sabiex jiżgura li l-vittmi jkunu trattati bir-rispett dovut għad-dinjità ta’ l-individwu matul il-proċeduri u għandu jirrikonoxxi d-drittijiet u l-interessi leġittimi tal-vittmi b’referenza partikolari għall-proċeduri kriminali.
2. Kull Stat Membru għandu jiżgura li l-vittmi li jkunu partikolarment vulnerabbli jkunu jistgħu jibbenefikaw minn trattament speċifiku li ‘l aktar ikun addattat għaċ-ċirkostanzi tagħhom.”
5 Skond l-Artikolu 8(1) tad-deċiżjoni qafas:
“Kull Stat Membru għandu jiżgura livell xieraq ta’ protezzjoni għall-vittmi u, fejn ikun xieraq, lill-familji tagħhom jew persuni f’pożizzjoni simili, partikolarment rigward is-sigurtà tagħhom u l-protezzjoni tal-privatezza tagħhom, fejn l-awtoritajiet kompetenti jikkonsidraw li jkun hemm riskju serju ta’ tpattija jew evidenza serja ta’ l-intenzjoni li ssir intrużjoni fil-privatezza tagħhom.”
6 Skond l-Artikolu 9 tad-deċiżjoni qafas:
“1. Kull Stat Membru għandu jiżgura li l-vittmi ta’ azzjonijiet kriminali ikunu intitolati li jiksbu deċiżjoni f’limitu ta’ ħin limitat fuq il-kumpens mill-ħati matul il-proċeduri kriminali, ħlief fejn, f’ċerti każi, il-liġi nazzjonali tipprovdi għal kumpens b’mod ieħor.
[…]
3. Sakemm ma tkunx meħtieġa b’mod urġenti għal xi proċeduri kriminali, il-propjetà tal-vittmi li tista’ tiġi rkuprata u li tkun ġiet sekwestrata matul il-proċeduri kriminali għandha tkun restitwita lilhom mingħajr telf ta’ żmien.”
7 Skond it-tielet inċiż ta’ l-Artikolu 17 tad-deċiżjoni qafas, kull Stat Membru għandu jadotta l-liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi neċessarji sabiex l-artikoli ċċitati fil-punti 3 sa 6 ta’ din is-sentenza jiġu applikati sa mhux aktar tard mit-22 ta’ Marzu 2002.
Id-Direttiva
8 Skond l-Artikolu 1 tad-Direttiva:
“L-Istati Membri għandhom jiżguraw li fejn delitt internazzjonali vjolenti jkun ġie kommess fi Stat Membru ieħor għajr l-Istat Membru fejn l-applikant għal kumpens ikun residenti abitwalment, l-applikant għandu jkollu d-dritt li jissottometti l-applikazzjoni lil awtorità jew kull korp ieħor fl-Istat Membru msemmi l-aħħar.”
9 L-Artikolu 2 tad-Direttiva jgħid li:
“Kumpens għandu jitħallas mill-awtorità kompetenti ta’ l-Istat Membru li fit-territorju tiegħu ġie kommess id-delitt.”
10 L-Artikolu 12 tad-Direttiva jgħid li ġej:
“1. Ir-regoli dwar aċċess għal kumpens f’sitwazzjonijiet ta’ qsim il-fruntiera mfassla minn din id-Direttiva għandhom joperaw fuq il-bażi ta’ skemi ta’ l-Istati Membri fuq kumpens għal vittmi ta’ delitti vjolenti [intenzjonati] kommessi fit-territorji rispettivi tagħhom.
2. L-Istati Membri kollha għandhom jiżguraw li r-regoli nazzjonali tagħhom jipprovdu għall-eżistenza ta’ skema ta’ kumpens lil vittmi ta’ delitti vjolenti [intenzjonati] kommessi fit-territorji rispettivi tagħhom, li tiggarantixxi kumpens [ġust] u xieraq għal vittmi.”
11 L-Artikolu 17 tad-Direttiva jipprovdi li:
“Din id-Direttiva m’għandhiex tipprevjeni lill-Istati Membri, sakemm u safejn dawn id-dispożizzjonijiet huma kompatibbli ma’ din id-Direttiva, milli:
(a) jintroduċu jew iżżommu dispożizzjonijiet aktar favorevoli għall-benefiċċju ta’ vittmi tad-delitt jew kull persuna oħra affettwata mid-delitt;
(b) jintroduċu jew iżżommu dispożizzjonijiet għall-għan ta’ kumpens ta’ vittmi tad-delitti kommessi barra mit-territorju tagħhom, jew kull persuna oħra affettwata minn dan id-delitt, bla ħsara għal kull kondizzjoni li l-Istati Membri jistgħu jispeċifikaw għal dak il-għan.”
12 L-Artikolu 18(1) u (2) tad-Direttiva jgħid li:
“1. L-Istati Membri għandhom idaħħlu fis-seħħ il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa sabiex jikkonformaw ma’ din id-Direttiva sa l-1 ta’ Jannar 2006 l-aktar tard, bl-eċċezzjoni ta’ l-Artikolu 12(2), li fil-każ tiegħu id-data ta’ konformita għandha tkun l-1 ta’ Lulju 2005. Għandhom jgħarrfu bihom lill-Kummissjoni fil-pront.
2. L-Istati Membri jistgħu jipprovdu li l-miżuri meħtieġa sabiex jikkonformaw ma’ din id-Direttiva għandhom japplikaw biss għal applikanti li l-ħsarat [fiżiċi] tagħhom jirriżultaw minn delitti kommessi wara t-30 ta’ Ġunju 2005.”
Il-leġiżlazzjoni nazzjonali
13 Skond l-Artikolu 263 tal-Kodiċi tal-Proċedura Kriminali Taljan, kif emendat mil-Liġi Nru 134 tat-12 ta’ Ġunju 2003 (iktar ’il quddiem il-“KPK”):
“1. Ir-restituzzjoni tal-beni sekwestrati għandha tiġi ddeterminata mill-Imħallef permezz ta’ digriet malli ma jkun hemm dubju dwar l-appartenenza tagħha.
[…]
3. Fil-każ ta’ kontroversja dwar min huwa l-proprjetarju tal-beni sekwestrati, l-Imħallef għandu, għal dak li jikkonċerna r-restituzzjoni, jibgħat il-kawża quddiem il-qorti ċivili ta’ l-ewwel istanza li jkollha ġurisdizzjoni fil-post partikolari, filwaqt li jżomm il-beni taħt sekwestru.
[…]
6. Peress li ma jistax iżjed isir appell mis-sentenza, huwa l-Imħallef li għandu l-kompetenza jeżegwixxi s-sentenza li jipprovdi għar-restituzzjoni tal-beni.”
14 L-Artikolu 444 tal-KPK jipprovdi li:
“1. L-imputat u l-prosekuzzjoni jistgħu jitolbu lill-qorti kompetenti tapplika penali sostituttiva, fil-każ u skond kif ikun indikat, jew penali pekunjarja, imnaqqsa b’mhux iktar minn terz, jew piena ta’ priġunerija safejn din, meta jittieħdu in kunsiderazzjoni ċ-ċirkustanzi u mnaqqsa għal massimu ta’ terz, ma taqbiżx ħames snin, waħedhom jew flimkien ma’ penali pekunjarja.
2. Jekk jeżisti qbil, anki min-naħa tal-parti li m’għamlitx it-talba, u safejn ma jkunx hemm sentenza ta’ liberazzjoni […], il-qorti, abbażi ta’ l-atti, jekk tqis li l-kwalifika tal-fatti, l-applikazzjoni u t-tqabbil taċ-ċirkustanzi esposti mill-partijiet huma eżatti u li l-piena indikata hija adegwata, għandha tapplika l-imsemmija piena permezz ta’ sentenza, billi fil-parti operattiva ssemmi li l-partijiet ressqu t-talba f’dan ir-rigward. Fil-każ li persuna tikkostitwixxi ruħha bħala parti ċivili, il-qorti ma tagħtix deċiżjoni fuq din it-talba; […]
[…]”
15 Skond l-Artikolu 665(1) tal-KPK:
“Sakemm il-liġi ma tipprovdix mod ieħor, huwa biss l-Imħallef li pparteċipa fl-għoti ta’ sentenza li huwa kompetenti fir-rigward ta’ l-eżekuzzjoni ta’ din is-sentenza.”
Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari
16 Mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li tressqu proċeduri kriminali quddiem it-Tribunale di Milano kontra G. Dell’Orto u oħrajn li ġew imħarrka minħabba atti li jikkostitwixxu reat ta’ għoti ta’ informazzjoni falza dwar il-kumpanniji (kontabbiltà falza), li saru wkoll bil-għan li jiġu kommessi reati ta’ abbuż ta’ fiduċja aggravat u ta’ finanzjament illegali ta’ partiti politiċi. Fost il-persuni affettwati minn dan il-ksur insibu numru ta’ kumpanniji li jappartjenu għall-grupp Taljan ENI, li fosthom hemm Saipem SpA (iktar ’il quddiem “Saipem”), li kkostitwiet ruħha bħala parti ċivili fil-kuntest ta’ dawn il-proċeduri kriminali.
17 Skond id-deċiżjoni tar-rinviju, G. Dell’Orto u l-imputati l-oħra approprjaw indebitament somom kbar ta’ flus, li kienu l-proprjetà ta’ l-imsemmija kumpanniji, permezz tal-ħlas ta’ konsulenzi fittizji pprovduti lil kumpanniji offshore, li wieħed mill-imputati kien jifforma parti mill-organizzazzjoni tagħhom, u b’hekk approprjaw ruħhom minn parti minn dawn is-somom. B’mod iktar partikolari, G. Dell’Orto approprja ruħu minn somma ta’ EUR 1 064 069,78 li kienet tappartjeni lil Saipem, liema somma ġiet issekwestrata mill-awtoritajiet ġudizzjarji Taljani matul il-proċeduri kriminali. Tali miżura kawtelatorja għandha, b’mod partikolari, l-għan prinċipali u speċifiku li tiggarantixxi li l-obbligi ċivili li jirriżultaw mir-reat jiġu sodisfatti.
18 L-imsemmi proċeduri kriminali wasslu għall-adozzjoni mill-Imħallef inkarigat mill-investigazzjonijiet preliminari tat-Tribunale di Milano ta sentenza, fl-4 ta’ Mejju 1999 u li saret res judicata fil-5 ta’ Ġunju ta’ wara, li tistabbilixxi piena skond l-Artikolu 444 tal-KPK, jiġifieri skond il-proċedura magħrufa bħala “ta’ negozjar”. Permezz ta’ din is-sentenza, G. Dell’Orto ġie kkundannat għal piena ta’ priġunerija sospiża u għal ħlas ta’ multa. Din is-sentenza ma kienet tipprovdi xejn fir-rigward tas-somma ta’ flus taħt sekwestru.
19 Saipem kisbet ir-restituzzjoni ta’ l-imsemmija somma skond digriet ta’ l-imsemmi mħallef, mogħti fit-3 ta’ Diċembru 1999. Dan id-digriet ġie annullat b’sentenza tal-Corte suprema di cassazione tat-8 ta’ Novembru 2001. Din sabet b’mod partikolari li, safejn xejn ma kien ġie previst fid-deċiżjoni ta’ l-4 ta’ Mejju 1999 fir-rigward tas-somma li tpoġġiet taħt sekwestru, il-qorti kriminali ma kellhiex is-setgħa li tordna r-restituzzjoni tal-flus lil Saipem.
20 Wara s-sentenza tat-8 ta’ Novembru 2001, G. Dell’Orto talab lill-imsemmi Mħallef jordna lil Saipem trodd lura s-somma in kwistjoni, peress li din is-somma setgħet terġa’ titpoġġa mill-ġdid taħt sekwestru waqt l-istennija ta’ deċiżjoni li tikkonċerna r-restituzzjoni eventwali tagħha. Skond G. Dell’Orto, hija l-qorti ċivili li għandha tieħu din id-deċiżjoni skond l-Artikolu 263(3) tal-KPK minħabba li tirrigwarda kwistjoni li tikkonċerna l-proprjetà ta’ l-imsemmija somma.
21 B’digriet tat-18 ta’ Lulju 2003, l-Imħallef inkarigat mill-investigazzjonijiet preliminari fit-Tribunale di Milano ordna li d-dokumenti jintbagħtu lill-qorti ċivili, filwaqt li ċaħad il-bqija tat-talba ta’ G. Dell’Orto.
22 Dan l-aħħar digriet ġie annullat b’sentenza tal-Corte suprema di cassazione tal-21 ta’ April 2005, li bagħtet il-kawża quddiem l-istess Imħallef. Skond l-imsemmija sentenza, għalkemm, skond l-Artikolu 263(3) tal-KPK, il-kontroversja dwar min huwa l-proprjetarju ta’ beni sekwestrati għandha tiġi riżolta mill-qorti ċivili fil-kuntest ta’ proċedura inċidentali, l-Imħallef kriminali xorta jibqa’ kompetenti li jieħu miżuri dwar il-kustodja ta’ dawn il-beni sakemm tiġi riżolta l-kontroversja dwar il-proprjetà tal-partijiet, b’mod li huwa l-Imħallef inkarigat mill-investigazzjonijiet preliminari fit-Tribunale di Milano li għandu “jadotta l-miżuri xierqa sabiex is-somma, li sadanittant ingħatat lura lil Saipem, titpoġġa konkretament taħt sekwestru”.
23 Għaldaqstant, il-proċeduri quddiem il-qorti tar-rinviju nfetħu mill-ġdid sabiex tiġi assigurata l-eżekuzzjoni tat-tieni sentenza tal-Corte suprema di cassazione.
24 Skond il-qorti tar-rinviju, fil-kawża prinċipali ma tista’ tissussisti ebda “kontroversja fir-rigward tal-proprjetà” tas-somom ta’ flus li tpoġġew taħt sekwestru ta’ natura li tiġġustifika l-ftuħ ta’ proċeduri inċidentali quddiem il-qorti ċivili. Il-fatt li tqegħdu taħt sekwestru jikkostitwixxi indebitu li għandu jiġi restitwit lil Saipem skond l-Artikolu 2037 tal-Kodiċi Ċivili Taljan u mill-eżami tad-dokumenti mniżżla fl-inkartament jirriżulta li G. Dell’Orto qatt ma kkontesta l-fatt li s-somom ta’ flus in kwistjoni kienu l-proprjetà ta’ din il-kumpannija.
25 Il-qorti tar-rinviju tikkunsidra li, fil-verità, ostaklu ta’ natura purament proċedurali jwaqqafha milli tordna hija stess ir-restituzzjoni ta’ l-imsemmija somom ta’ flus lil Saipem, peress li l-kwistjoni taqa’ taħt is-setgħa ta’ l-Imħallef li għandu l-kompetenza jeżegwixxi s-sentenza, li għandu jieħu deċiżjoni rigward tali restituzzjoni tas-somom ta’ flus li tpoġġew taħt sekwestru, wara li tingħata s-sentenza li tapplika l-piena stabbilita fl-Artikolu 444 tal-KPK. Skond il-ġurisprudenza tal-Corte suprema di cassazione, kif tirriżulta b’mod partikolari fis-sentenza ċċitata ’il fuq tat-8 ta’ Novembru 2001, l-Imħallef li għandu l-kompetenza jeżegwixxi s-sentenza m’għandux setgħa li jieħu deċiżjoni dwar ir-restituzzjoni lill-vittma tal-beni sekwestrati wara sentenza mogħtija skond l-imsemmi Artikolu 444, li ma jipprovdi xejn f’dan ir-rigward.
26 F’dan il-kuntest, il-qorti tar-rinviju tistaqsi dwar l-applikabbiltà tal-prinċipji msemmija fl-Artikoli 2 u 9 tad-deċiżjoni qafas.
27 Hija tistaqsi, b’mod partikolari, jekk dawn l-artikoli tad-deċiżjoni qafas humiex applikabbli mill-aspett tal-kamp ta’ applikazzjoni personali tagħhom, ladarba l-vittma mhijiex persuna fiżika iżda persuna ġuridika.
28 Skond l-Artikolu 1(a) tagħha, id-deċiżjoni qafas tapplika għal “persuna fiżika” li sofriet dannu. Madankollu, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk huwiex possibbli li d-deċiżjoni qafas tiġi interpretata, fid-dawl ta’ l-Artikoli 12 u 17 tad-Direttiva, fis-sens li din tapplika wkoll għal kull persuna oħra vittma ta’ reat u, b’mod partikolari, għall-persuni ġuridiċi. Li kieku dan kellu jkun il-każ, il-prinċipju msemmi fl-Artikolu 9(3) tad-deċiżjoni qafas, li bih beni sekwestrati fil-kuntest ta’ proċeduri kriminali u li jappartjenu għall-vittma għandhom jingħatawlha lura mingħajr dewmien, għandu japplika fil-proċeduri fil-kawża prinċipali. Skond il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (sentenza tas-16 ta’ Ġunju 2005, Pupino, C‑105/03, Ġabra p. I-5285), minn dan jirriżulta l-obbligu ta’ l-Imħallef nazzjonali li jinterpreta, sakemm huwa possibbli, id-dispożizzjonijiet tal-KPK dwar il-portata tas-setgħat ta’ l-Imħallef li għandu l-kompetenza jeżegwixxi s-sentenza, li jagħti deċiżjoni dwar ir-restituzzjoni tal-beni sekwestrati waqt il-proċeduri kriminali skond l-Artikolu 9(3) tad-deċiżjoni qafas, li tawtorizza proċedura ssemplifikata sabiex jintlaħqu l-għanijiet stipulati fil-leġiżlazzjoni li tirrigwarda l-ħlas ta’ kumpens lill-vittmi.
29 Barra minn hekk, il-qorti tar-rinviju tosserva li l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, f’dak li jikkonċerna l-forom ta’ kif tintemm l-azzjoni kriminali li huma analogi għal dawk li jirriżultaw minn deċiżjoni ta’ “negozjar” skond l-Artikolu 444 tal-KPK, li dawn għandhom jiġu kkunsidrati bl-istess mod bħal sentenza definittiva li tagħlaq il-proċeduri kriminali (sentenza tal-11 ta’ Frar 2003, Gözütok u Brügge, C‑187/01 u C-385/01, Ġabra p. I‑1345).
30 Peress li, fil-kawża prinċipali, il-kwistjoni li tirrigwarda r-restituzzjoni tas-somom ta’ flus li tpoġġew taħt sekwestru hija konsegwenza ta’ l-għeluq tal-proċeduri kriminali permezz tas-sentenza ta’ l-4 ta’ Mejju 1999, il-qorti tar-rinviju tistaqsi wkoll dwar l-applikabbiltà tal-prinċipji msemmija fl-Artikoli 2 u 9 tad-deċiżjoni qafas fil-kuntest speċifiku ta’ proċeduri kriminali ta’ eżekuzzjoni sussegwenti għall-għeluq tal-proċeduri kriminali nfushom.
31 F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-Imħallef inkarigat mill-investigazzjonijiet preliminari fit-Tribunale di Milano ddeċieda li jissospendi l-proċeduri quddiemu u li jagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja s-segwenti domandi preliminari:
“1. Ir-regoli msemmija fl-Artikoli 2 u 9 tad-deċiżjoni qafas […] jistgħu, fil-kuntest ta’ proċeduri kriminali, japplikaw b’mod ġenerali għal kull parti affettwata minn reat, skond id-dispożizzjonijiet imsemmija fl-Artikoli 1 et seq tad-Direttiva […] jew skond dispożizzjonijiet oħra tad-dritt Komunitarju?
2. Ir-regoli msemmija fl-Artikoli 2 u 9 tad-deċiżjoni qafas […] jistgħu japplikaw fil-kuntest ta’ proċeduri kriminali għal eżekuzzjoni sussegwenti għal sentenza definittiva ta’ kundanna (u għaldaqstant ukoll għal sentenza li tapplika l-piena, prevista fl-Artikolu 444 tal-Kodiċi ta’ Proċedura Kriminali) għal kull parti affettwata minn reat, skond id-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikoli 1 et seq tad-Direttiva […] jew skond dispożizzjonijeit oħra tad-dritt Komunitarju?”
Fuq id-domandi preliminari
Fuq l-ammissibbiltà
32 Numru ta’ Gvernijiet li ppreżentaw osservazzjonijiet fil-kuntest ta’ din il-kawża wrew id-dubji tagħhom dwar l-ammissibbiltà tat-talba għal deċiżjoni preliminari.
33 Il-Gvern tar-Renju Unit isostni li l-inammissibbiltà tat-talba għal deċiżjoni preliminari tirriżulta mill-fatt li l-imsemmija talba hija bbażata fuq l-Artikolu 234 KE, filwaqt li l-interpretazzjoni mitluba tikkonċerna d-deċiżjoni qafas, jiġifieri att adottat skond it-Titolu VI tat-Trattat UE. F’dan il-każ, it-talba għandha tkun ibbażata esklużivament fuq l-Artikolu 35(1) UE, u l-Artikolu 234 KE mhuwiex applikabbli. L-Irlanda tosserva li, safejn f’dan il-każ il-kundizzjonijiet għall-applikazzjoni ta’ l-Artikolu 35 UE huma sodisfatti, l-invokazzjoni żbaljata ta’ l-Artikolu 234 KE bħala bażi tat-talba m’għandhiex iżżomm lill-Qorti tal-Ġustizzja milli twieġeb id-domandi magħmula mill-qorti tar-rinviju.
34 Qabel xejn għandu jiġi rrilevat li skond l-Artikolu 46(b) UE, id-dispożizzjonijiet tat-Trattati KE u KEEA dwar il-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja u l-eżerċizzju ta’ din il-ġurisdizzjoni, li fosthom hemm l-Artikolu 234 KE, huma applikabbli għal dawk tat-Titolu VI tat-Trattat UE. Kuntrarjament għal dak li jsostni l-Gvern tar-Renju Unit, jirriżulta li s-sistema prevista fl-Artikolu 234 KE hija intiża li tapplika għall-ġurisdizzjoni preliminari tal-Qorti tal-Ġustizzja skond l-Artikolu 35 UE, taħt il-kundizzjonijiet previsti f’din id-dispożizzjoni (ara, f’dan ir-rigward, is-sentenza Pupino, iċċitata iktar ’il fuq, punti 19 u 28).
35 Huwa paċifiku li, permezz ta’ dikjarazzjoni li daħlet fis-seħħ fl-1 ta’ Mejju 1999, data tad-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta’ Amsterdam, ir-Repubblika Taljana indikat li taċċetta l-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja li tiddeċiedi dwar il-validità u l-interpretazzjoni ta’ l-atti msemmija fl-Artikolu 35 UE skond kif previst fil-paragrafu 3(b) ta’ dan l-artikolu. Huwa paċifiku wkoll li d-deċiżjoni qafas, ibbażata fuq l-Artikoli 31 UE u 34 UE, taqa’ taħt l-atti msemmija fl-Artikolu 35(1) UE li fir-rigward tagħhom il-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tagħti deċiżjoni preliminari (sentenza Pupino, iċċitata iktar ’il fuq, punti 20 u 22) u mhuwiex ikkontestat li l-Imħallef inkarigat mill-investigazzjonijiet preliminari fit-Tribunale di Milano, fil-kuntest ta’ proċeduri bħal dawk fil-kawża prinċipali, għandu jitqies li huwa qorti ta’ Stat Membru skond l-Artikolu 35 UE.
36 F’dawn iċ-ċirkustanzi, u irrispettivament mill-fatt li d-domandi preliminari huma bbażati wkoll fuq l-interpretazzjoni ta’ direttiva adottata skond it-Trattat KE, il-fatt li d-deċiżjoni tar-rinviju ma ssemmix l-Artikolu 35 UE, iżda tirreferi għall-Artikolu 234 KE, m’għandux, fih innifsu, jikkawża l-inammissibbiltà tat-talba għal deċiżjoni preliminari. Dan huwa aktar minnu peress li t-Trattat UE ma jipprovdi la espliċitament u lanqas impliċitament il-forma li fiha l-qorti nazzjonali għandha tippreżenta t-talba tagħha għal deċiżjoni preliminari (ara b’analoġija, fir-rigward ta’ l-Artikolu 234 KE, is-sentenza tas-6 ta’ April 1962, De Geus, 13/61, Ġabra p. 89, 102).
37 Il-Gvern Olandiż jiddubita mill-ammissibbiltà tat-talba għal deċiżjoni preliminari minħabba li l-kuntest ta’ fatt u leġiżlattiv mhuwiex definit suffiċjentement fid-deċiżjoni tar-rinviju. Skond dan il-Gvern jirriżulta, b’mod iżjed partikolari, li l-utilità tad-domandi magħmula mhijiex ċara, safejn, fin-nuqqas ta’ preċiżjonijiet fuq id-dritt nazzjonali applikabbli, huwa impossibbli li jiġi vverifikat jekk, bħal ma ssostni l-qorti tar-rinviju, tqumx kwistjoni ta’ interpretazzjoni ta’ dan id-dritt skond id-deċiżjoni qafas, li barra minn hekk m’għandhiex effett dirett.
38 Il-Gvern Awstrijak josserva li d-dritt Taljan iżomm lill-qorti tar-rinviju milli tagħti deċiżjoni fil-kuntest tal-kawża prinċipali dwar talbiet li jaqgħu taħt id-dritt ċivili, b’mod li d-domandi preliminari huma ta’ natura ipotetika.
39 Għandu jiġi osservat li, l-istess bħall-Artikolu 234 KE, l-Artikolu 35 UE jissuġġetta l-ġurisdizzjoni preliminari tal-Qorti tal-Ġustizzja għall-kundizzjoni li l-qorti nazzjonali “[t]ikkonsidra li deċiżjoni dwar dik il-kwistjoni tkun meħtieġa biex tkun tista’ tagħti [sentenza]”, b’mod illi l-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja relatata ma’ l-ammissibbiltà tad-domandi preliminari magħmula skond l-Artikolu 234 KE, tista’, bħala prinċipju, tiġi trasposta għat-talbiet għal deċiżjonijiet preliminari ppreżentati lill-Qorti tal-Ġustizzja skond l-Artikolu 35 UE (sentenza Pupino, iċċitata iktar ’il fuq, punt 29).
40 Minn dan isegwi li l-preżunzjoni ta’ rilevanza marbuta mad-domandi preliminari magħmula mill-qrati nazzjonali tista’ tiġi eskluża f’każijiet eċċezzjonali biss, meta jkun manifestament ċar li l-interpretazzjoni mitluba tad-dispożizzjonijiet tad-dritt ta’ l-Unjoni kkunsidrati f’dawn id-domandi ma jkollha ebda relazzjoni mar-realtà jew mas-suġġett tal-kawża prinċipali jew meta l-problema tkun ta’ natura ipotetika jew jekk il-Qorti tal-Ġustizzja ma jkollhiex quddiemha l-elementi ta’ fatt jew ta’ dritt neċessarji sabiex tirrispondi b’mod utli għad-domandi magħmula. Ħlief f’ipoteżijiet bħal dawn, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha, bħala prinċipju, tagħti deċiżjoni fir-rigward tad-domandi preliminari dwar l-interpretazzjoni ta’ l-atti msemmija fl-Artikolu 35(1) UE (sentenza Pupino, iċċitata iktar ’il fuq, punt 30).
41 Barra minn hekk, il-ħtieġa li tingħata interpretazzjoni tad-dritt Komunitarju li tkun utli għall-qorti nazzjonali tirrikjedi li din il-qorti tiddefinixxi l-kuntest ta’ fatt u leġiżlattiv li jikkonċerna d-domandi magħmula minnha jew li, ta’ l-inqas, tispjega l-ipoteżijiet ta’ fatt li fuqhom ikunu bbażati dawn id-domandi. F’dan ir-rigward, huwa indispensabbli li l-Imħallef nazzjonali jagħti minimu ta’ spjegazzjonijiet dwar ir-raġunijiet ta’ l-għażla tad-dispożizzjonijiet tad-dritt ta’ l-Unjoni li tintalab l-interpretazzjoni tagħhom u dwar ir-rabta li huwa jistabbilixxi bejn dawn id-dispożizzjonijiet u l-leġiżlazzjoni nazzjonali applikabbli fil-kawża (ara b’mod partikolari, fir-rigward ta’ l-Artikolu 234 KE, is-sentenza tad-19 ta’ April 2007, Asemfo, C-295/05, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punti 32 u 33).
42 L-informazzjoni pprovduta fid-deċiżjonijiet tar-rinviju ma sservix biss biex tippermetti lill-Qorti tal-Ġustizzja tagħti risposti utli, iżda wkoll sabiex tagħti lill-Gvernijiet ta’ l-Istati Membri kif ukoll lill-partijiet l-oħra interessati l-possibbiltà li jippreżentaw osservazzjonijiet skond l-Artikolu 23 ta’ l-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tat-3 ta’ Mejju 2007, Advocaten voor de Wereld, C-303/05, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punt 20).
43 Għaldaqstant, kif jirriżulta mill-punti 16 sa 30 ta’ din is-sentenza, id-deċiżjoni tar-rinviju tesponi l-fatti li wasslu għall-kawża prinċipali kif ukoll id-dispożizzjonijiet direttament rilevanti tad-dritt nazzjonali applikabbli u hija tispjega r-raġunijiet li għalihom il-qorti tar-rinviju titlob l-interpretazzjoni tad-deċiżjoni qafas, l-istess bħar-rabta bejn din ta’ l-aħħar u l-leġiżlazzjoni nazzjonali applikabbli fil-qasam.
44 Kuntrarjament għall-argumenti sostnuti mill-Gvern Awstrijak, ma jidhirx li interpretazzjoni tad-dritt nazzjonali in konformità mad-deċiżjoni qafas hija impossibbli fil-kawża prinċipali, liema possibbiltà għandha tiġi vverifikata mill-Imħallef nazzjonali (ara, f’dan ir-rigward, is-sentenza Pupino, iċċitata iktar ’il fuq, punt 48).
45 F’dawn iċ-ċirkustanzi, ma jidhirx li l-interpretazzjoni mitluba mid-dispożizzjonijiet tad-deċiżjoni qafas imsemmija fid-domandi magħmula għandha ebda relazzjoni mar-realtà jew mas-suġġett tal-kawża prinċipali, sew jekk il-problema hija ta’ natura ipotetika u sew jekk il-Qorti tal-Ġustizzja m’għandhiex elementi ta’ fatt jew ta’ dritt neċessarji sabiex twieġeb b’mod utli għal dawn id-domandi.
46 Finalment, l-indikazzjonijiet li jinsabu fid-deċiżjoni tar-rinviju huma wkoll suffiċjenti sabiex tiġi mħarsa l-possibbiltà li għandhom il-partijiet fil-kawża prinċipali, l-Istati Membri, il-Kunsill ta’ l-Unjoni Ewropea u l-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej sabiex jippreżentaw osservazzjonijiet, skond l-Artikolu 23 ta’ l-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja, kif barra minn hekk jixhdu l-osservazzjonijiet ippreżentati mill-partijiet kollha li intervenew f’din il-kawża.
47 Matul il-fażi bil-miktub tal-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, tqajmet il-kwistjoni dwar jekk id-deċiżjoni qafas tistax titqies li hija applikabbli mill-aspett temporali għal numru ta’ fatti li, bħal dawk fil-kawża prinċipali, seħħew sew qabel l-adozzjoni tad-deċiżjoni qafas fil-15 ta’ Marzu 2001, mingħajr ma jittieħed in kunsiderazzjoni t-terminu ta’ l-implementazzjoni tagħha, li jagħlaq, fir-rigward b’mod partikolari ta’ l-Artikolu 9 tagħha, fit-22 ta’ Marzu 2002.
48 F’dan ir-rigward, għandu jiġi mfakkar li, skond ġurisprudenza stabbilita, ir-regoli tal-proċedura huma ġeneralment meqjusa applikabbli għall-kawżi kollha pendenti fid-data li fiha dawn jidħlu fis-seħħ, għall-kuntrarju tar-regoli sostantivi li ġeneralment jiġu interpretati li ma japplikawx għal sitwazzjonijiet li ġraw qabel id-dħul fis-seħħ tagħhom (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tad-9 ta’ Marzu 2006, Beemsterboer Coldstore Services, C-293/04, Ġabra p. I-2263, punt 21 u l-ġurisprudenza ċċitata).
49 Madankollu, il-kwistjoni li tinsab fil-qalba tal-kawża prinċipali, jiġifieri dik tal-ġurisdizzjoni tal-qorti li tagħti sentenza dwar ir-restituzzjoni tal-beni sekwestrati matul il-proċeduri kriminali lill-vittma, taqa’ taħt il-qasam tar-regoli tal-proċedura, b’mod li l-ebda ostaklu li jirrigwarda l-applikazzjoni tal-liġi fi żmien partikolari ma tmur kontra t-teħid in kunsiderazzjoni, fil-kuntest ta’ din il-kawża, tad-dispożizzjonijiet rilevanti tad-deċiżjoni qafas bil-għan li d-dritt nazzjonali applikabbli jiġi interpretat skond din id-deċiżjoni qafas.
50 Għaldaqstant, it-talba għal deċiżjoni preliminari hija ammissibbli.
Fuq id-domandi preliminari
51 Permezz taż-żewġ domandi tagħha, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk id-deċiżjoni qafas għandhiex tiġi interpretata fis-sens li, fil-kuntest ta’ proċeduri kriminali u, b’mod iżjed speċifiku, proċeduri ta’ eżekuzzjoni sussegwenti għal sentenza definittiva ta’ kundanna, bħal dik fil-kawża prinċipali, il-kunċett ta’ “vittma” fis-sens tad-deċiżjoni qafas jinkludi l-persuni ġuridiċi li sofrew dannu direttament ikkawżat minn atti jew omissjonijiet li jiksru l-liġi kriminali ta’ Stat Membru.
52 Għall-finijiet tad-deċiżjoni qafas, l-Artikolu 1(a) tagħha jiddefinixxi l-vittma bħala l-persuna “fiżika” li sofriet dannu, inkluż ħsara fiżika jew mentali, tbatija emotiva jew telf ekonomiku direttament ikkawżat minn atti jew omissjonijiet li jiksru l-liġi kriminali ta’ Stat Membru.
53 Mill-kliem ta’ din id-dispożizzjoni jirriżulta li d-deċiżjoni qafas issemmi biss persuni fiżiċi li sofrew dannu direttament ikkawżat minn imġiba li tmur kontra l-liġi kriminali ta’ Stat Membru.
54 Interpretazzjoni tad-deċiżjoni qafas fis-sens li din tirreferi wkoll għall-persuni “ġuridiċi” li, bħall-parti ċivili fil-kawża prinċipali, jallegaw li sofrew dannu direttament ikkawżat minn reat, tmur kontra l-kliem stess ta’ l-Artikolu 1(a) ta’ din id-deċiżjoni qafas.
55 Barra minn hekk l-ebda dispożizzjoni oħra tad-deċiżjoni qafas ma fiha indikazzjoni li l-leġiżlatur ta’ l-Unjoni Ewropea kellu l-intenzjoni jestendi l-kunċett ta’ vittma għal persuni ġuridiċi għall-finijiet ta’ l-applikazzjoni ta’ din id-deċiżjoni qafas. Għall-kuntrarju, numru ta’ dispożizzjonijiet ta’ din id-deċiżjoni qafas jikkonfermaw li l-għan tal-leġiżlatur kien li jirreferi esklużivament għal persuni fiżiċi vittmi ta’ dannu li jirriżulta minn reat.
56 F’dan ir-rigward, minbarra l-Artikolu 1(a) tad-deċiżjoni qafas, li tirreferi, in kwantu elementi tad-dannu, għall-ħsara fiżika jew mentali kif ukoll għat-tbatija emotiva, għandu jissemma l-Artikolu 2(1) tad-deċiżjoni qafas li jobbliga lill-Istati Membri jaħdmu sabiex jiggarantixxu li l-vittmi jirċievu trattament li jirrispetta kif xieraq id-dinjità personali tagħhom, l-Artikolu 2(2) li jsemmi t-trattament speċifiku li għandhom jibbenefikaw minnu l-vittmi partikolarment vulnerabbli, kif ukoll l-Artikolu 8(1) tad-deċiżjoni qafas li jobbliga lill-Istati Membri jiggarantixxu livell xieraq ta’ protezzjoni lill-familja jew lill-persuni assimilati għall-membri tal-familja tal-vittma.
57 Id-Direttiva mhijiex tali li teskludi din l-interpretazzjoni. Id-deċiżjoni qafas u d-Direttiva jirregolaw suġġetti differenti. Id-Direttiva tintroduċi sistema ta’ kooperazzjoni intiża li lill-vittmi tal-kriminalità tiffaċilitalhom l-aċċess għall-ħlas ta’ kumpens f’sitwazzjonijiet li jikkonċernaw iżjed minn ġurisdizzjoni waħda. Hija intiża li tiżgura li, fil-kuntest ta’ reat vjolenti intenzjonat, li jkun seħħ fi Stat Membru li mhuwiex dak tar-residenza normali tal-vittma, din tiġi kkumpensata minn dan l-ewwel Stat. Min-naħa l-oħra, id-deċiżjoni qafas hija intiża li tapprossima l-leġiżlazzjonijiet ta’ l-Istati Membri għal dak li jikkonċerna s-salvagwardja ta’ l-interessi tal-vittma fil-kuntest tal-proċeduri kriminali. Hija intiża li tiżgura l-ħlas ta’ kumpens, mill-awtur tar-reat, għad-dannu soffert mill-vittma.
58 Għaldaqstant, anki jekk jitqies li d-dispożizzjonijiet ta’ direttiva adottata abbażi tat-Trattat KE jistgħu jkollhom effett kwalunkwe fuq l-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet ta’ deċiżjoni qafas ibbażata fuq it-Trattat UE u li l-kunċett ta’ vittma skond id-Direttiva jista’ jiġi interpretatat bħala li jinkludi persuni ġuridiċi, fi kwalunkwe każ, id-Direttiva u d-deċiżjoni qafas ma jinsabux f’relazzjoni li titlob interpretazzjoni uniformi tal-kunċett in kwistjoni.
59 Barra minn hekk, sitwazzjoni bħal dik fil-kawża prinċipali ma taqax taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva. Kif jirriżulta mill-punt 57 ta’ din is-sentenza, id-Direttiva tipprovdi kumpens fil-każ biss ta’ reat vjolenti intenzjonat li jkun seħħ fi Stat Membru li mhuwiex dak tar-residenza normali tal-vittma, filwaqt li l-kawża prinċipali tirreferi għal reati li jirrigwardaw kontabbiltà falza, abbuż ta’ fiduċja aggravat u ffinanzjar illegali ta’ partiti politiċi, li seħħew essenzjalment fuq it-territorju ta’ l-Istat Membru ta’ residenza tal-vittma.
60 Għaldaqstant, ir-risposta għad-domandi magħmula għandha tkun li d-deċiżjoni qafas għandha tiġi interpretata fis-sens li, fil-kuntest ta’ proċeduri kriminali u, b’mod iżjed speċifiku, ta’ proċeduri ta’ eżekuzzjoni sussegwenti għal sentenza definittiva ta’ kundanna, bħal dik fil-kawża prinċipali, il-kunċett ta’ “vittma” skond din id-deċiżjoni qafas ma jinkludix il-persuni ġuridiċi li sofrew dannu kkawżat direttament minn atti jew omissjonijiet li jiksru l-liġi kriminali ta’ Stat Membru.
Fuq l-ispejjeż
61 Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li għandha tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni ta’ l-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk ta’ l-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.
Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja, (It-Tielet Awla) taqta’ u tiddeċiedi li:
Id-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2001/220/JHA tal-15 ta’ Marzu 2001 dwar id-drittijiet tal-vittmi fil-proċeduri kriminali, għandha tiġi interpretata fis-sens li, fil-kuntest ta’ proċeduri kriminali u, b’mod iżjed speċifiku, proċeduri ta’ eżekuzzjoni sussegwenti għal sentenza definittiva ta’ kundanna, bħal dik fil-kawża prinċipali, il-kunċett ta’ “vittma” skond din id-deċiżjoni qafas ma jinkludix il-persuni ġuridiċi li sofrew dannu direttament ikkawżat minn atti jew omissjonijiet li jiksru l-liġi kriminali ta’ Stat Membru.
Firem
* Lingwa tal-kawża: it-Taljan.