This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 62005CJ0462
Judgment of the Court (Fourth Chamber) of 12 June 2008.#Commission of the European Communities v Portuguese Republic.#Failure of a Member State to fulfil its obligations - Admissibility - Res judicata - Sixth VAT Directive - Article 4(5), first subparagraph, Article 12 (3)(a) and Article 28(2)(e).#Case C-462/05.
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (ir-Raba' Awla) tat-12 ta' Ġunju 2008.
il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej vs ir-Repubblika Portugiża.
Nuqqas ta’ Stat li jwettaq obbligu - Ammissibbiltà - Res judicata- Sitt Direttiva tal-VAT - L-ewwel subparagrafu ta’ l-Artikolu 4(5), Artikoli 12(3)(a) u 28(2)(e).
Kawża C-462/05.
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (ir-Raba' Awla) tat-12 ta' Ġunju 2008.
il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej vs ir-Repubblika Portugiża.
Nuqqas ta’ Stat li jwettaq obbligu - Ammissibbiltà - Res judicata- Sitt Direttiva tal-VAT - L-ewwel subparagrafu ta’ l-Artikolu 4(5), Artikoli 12(3)(a) u 28(2)(e).
Kawża C-462/05.
ECLI identifier: ECLI:EU:C:2008:337
SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla)
12 ta’ Ġunju 2008 ( *1 )
“Nuqqas ta’ Stat li jwettaq obbligu — Ammissibbiltà — Res judicata — Sitt Direttiva tal-VAT — L-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 4(5), Artikoli 12(3)(a) u 28(2)(e)”
Fil-Kawża C-462/05,
li għandha bħala suġġett rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu skont l-Artikolu 226 KE, imressaq fit-22 ta’ Diċembru 2005,
Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, irrappreżentata minn R. Lyal u M. Afonso, bħala aġenti, b’indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,
rikorrenti,
vs
Ir-Repubblika Portugiża, irrappreżentata minn L. Fernandes, Â. Seiça Neves u R. Laires, bħala aġenti,
konvenuta,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla),
komposta minn K. Lenaerts, President tal-Awla, R. Silva de Lapuerta (Relatur), E. Juhász, J. Malenovský u T. von Danwitz, Imħallfin,
Avukat Ġenerali: P. Mengozzi,
Reġistratur: M. Ferreira, Amministratur Prinċipali,
wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta ta’ 13 ta’ Marzu 2008,
wara li rat id-deċiżjoni li ttieħdet, wara li semgħet lill-Avukat Ġenerali, li tinqata’ l-kawża mingħajr konklużjonijiet,
tagħti l-preżenti
Sentenza
1 |
Permezz tar-rikors tagħha, il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tiddikjara li, billi żammet fis-seħħ dispożizzjonijiet leġiżlattivi li skonthom rata mnaqqsa ta’ 5 % tat-taxxa fuq il-valur miżjud (iktar ’il quddiem il-“VAT”) hija applikabbli għall-pedaġġi imposti fil-punt ta’ aċċess għal triq tat-Tage f’Lisbona, ir-Repubblika Portugiża naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt l-Artikoli 12 u 28 tas-Sitt Direttiva tal-Kunsill 77/388/KEE, tas-17 ta’ Mejju 1977, fuq l-armonizzazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri dwar taxxi fuq id-dħul mill-bejgħ — Sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud: bażi uniformi ta’ stima (ĠU L 145, p. 1), kif emendata bid-Direttiva tal-Kunsill 2001/41/KE, tad-19 ta’ Jannar 2001 (ĠU L 22, p. 17, iktar ’il quddiem is-“Sitt Direttiva”). |
Il-kuntest ġuridiku
Is-Sitt Direttiva
2 |
Id-dsatax-il premessa tas-Sitt Direttiva tistipula: “billi jeħtieġ li jkun hemm perjodu transitorju biex liġijiet nazzjonali f’oqsma partikolari jiġu adattati gradwalment”. |
3 |
Skont l-Artikolu 2(1) tas-Sitt Direttiva, huma suġġetta għall-VAT “il-provvista ta’ oġġetti u servizzi magħmula bi ħlas fit-territorju tal-pajjiż minn persuna taxxabbli li taġixxi bħala tali”. |
4 |
Skont l-Artikolu 4(1) u (5) tas-Sitt Direttiva: “Persuna taxxabbli tfisser kull persuna li b’mod indipendenti twettaq fi kwalunkwe post attività ekonomika msemmija fil-paragrafu 2, ikun x’ikun l-iskop jew ir-riżultati ta’ dik l-attività. […] Stati, awtoritajiet governattivi reġjonali u lokali u korpi oħra regolati bid-dritt pubbliku m’għandhomx jitqiesu bħala persuni taxxabbli fir-rigward ta’ l-attivitajiet jew operazzjonijiet li huma jagħmlu bħala awtoritajiet pubbliċi, ukoll meta jiġbru drittijiet, tariffi, kontribuzzjonijet jew ħlasijiet marbuta ma’ dawn l-attivitajiet jew operazzjonijiet. Iżda meta jidħlu biex jagħmlu dawn l-attivitajiet, huma għandhom jitqiesu taxxabbli fir-rigward ta’ dawn l-attivitajiet jew operazzjonijiet, billi jekk jitqiesu bħala persuni mhux taxxabbli dan iwassal għal distorzjoni sinifikanti tal-kompetizzjoni. F’kull każ, dawn il-korpi għandhom jitqiesu bħala taxxabbli fir-rigward ta’ l-attivitajiet imsemmija fil-lista li hemm fl-Anness D, iżda li l-attivitajiet ma jkunux tant żgħar li ma jkollhomx għalfejn jitqiesu. […]” |
5 |
Fir-rigward tar-rati tal-VAT, l-ewwel sat-tielet subparagrafi tal-Artikolu 12(3)(a) tas-Sitt Direttiva jistipulaw: “Ir-rata standard tat-taxxa fuq il-valur miżjud għandha tiġi ffissata minn kull wieħed mill-Istati Membri bħala perċentaġġ fuq l-ammont taxxabbli u għandha tkun l-istess għall-provvista ta’ l-oġġetti u għall-provvista tas-servizzi. Mill-1 ta’ Jannar, 2001 sal-31 ta’ Diċembru, 2005, dan il-perċentaġġ ma jistax ikun inqas minn 15 %. Fuq proposta mill-Kummissjoni u wara li kkonsultaw mall-Parlament Ewropew u l-Kumitat Ekonomiku u Soċjali, il-Kunsill għandu jiddeċiedi b’mod unanimu dwar il-livell tar-rata standard stabbilit li għandha tiġi applikata wara l-31 ta’ Diċembru, 2005. L-Istati Membri jistgħu wkoll japplikaw jew rata mnaqqsa waħda jew żewġ rati mnaqqsin. Dawn ir-rati għandhom jiġu ffissati bħala perċentaġġ ta’ l-ammont taxxabbli, li ma jistax ikun inqas minn 5 %, u għandu japplika biss għall-provvisti tal-kategoriji ta’ l-oġġetti u tas-servizzi speċifikati fl-Anness H.” |
6 |
Is-servizzi li jikkonsistu fit-tqegħid għad-dispożizzjoni tal-utenti ta’ infrastruttura ta’ toroq kontra ħlas ta’ pedaġġ mhumiex inklużi la fil-lista tal-Anness D tas-Sitt Direttiva u lanqas f’dik tal-Anness H tal-istess direttiva. |
7 |
L-Artikolu 28(2) tas-Sitt Direttiva jistipula kif ġej: “Minkejja l-Artikolu 12(3), id-disposizzjonijiet segwenti għandhom japplikaw matul il-perjodu transizzjonali msemmi fl-Artikolu 281. […]
|
Id-dritt nazzjonali
8 |
Il-Kodiċi Portugiż tat-taxxa fuq il-valur miżjud (iktar ’il quddiem is-“CIVA”) jipprevedi, fl-Artikolu 18(1)(a) tiegħu, li l-importazzjonijiet, il-kunsinni ta’ merkanzija u l-provvisti ta’ servizzi msemmija fil-lista I annessa mas-CIVA huma suġġetti għal rata mnaqqsa tal-VAT li hija ta’ 5 %. Il-punt 2.19 tal-imsemmija lista jsemmi l-“[p]edaġġi imposti fil-punt ta’ aċċess għal triq tat-Tage f’Lisbona”. |
9 |
L-iżvilupp tal-leġiżlazzjoni Portugiża dwar ir-rata tal-VAT applikabbli għal dan it-tip ta’ pedaġġi kien is-segwenti:
|
Il-fatti tal-kawża u l-proċedura prekontenzjuża
Il-fatti li wasslu għal din il-kawża
10 |
L-applikazzjoni mir-Repubblika Portugiża ta’ rata ta’ VAT ta’ 5 % għall-pedaġġi imposti fil-punt ta’ aċċess għal triq tat-Tage f’Lisbona kienet is-suġġett ta’ proċeduri preċedenti għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu mibdija mill-Kummissjoni matul ix-xahar ta’ April tal-1996. Dawn il-proċeduri wasslu għas-sentenza tat-8 ta’ Marzu 2001, Il-Kummissjoni vs Il-Portugall (C-276/98, Ġabra p. I-1699). |
11 |
Il-kawża li wasslet għall-imsemmija sentenza kienet tirrigwarda mhux biss is-servizzi relatati mal-qsim tat-Tage permezz ta’ ponti fejn jitħallas il-pedaġġ, iżda wkoll tranżazzjonijiet relatati ma’ ċerta merkanzija. Il-Kummissjoni sostniet li, billi applikat rata ta’ VAT ta’ 5 % fuq dawn is-servizzi u fuq dawn it-tranżazzjonijiet, ir-Repubblika Portugiża naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt l-Artikoli 12 u 28(2) tas-Sitt Direttiva. |
12 |
Fis-sentenza Il-Kummissjoni vs Il-Portugall, iċċitata iktar ’il fuq, il-Qorti tal-Ġustizzja laqgħet ir-rikors tal-Kummissjoni inkwantu dan kien jirrigwarda l-merkanzija, iżda ċaħditu inkwantu dan kien jikkonċerna l-pedaġġi. L-imsemmija sentenza hija mmotivata bil-mod li ġej:
|
Il-fażi prekontenzjuża relatata ma’ din il-proċedura għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu
13 |
Wara l-għoti tas-sentenza Il-Kummissjoni vs Il-Portugall, iċċitata iktar ’il fuq, il-Kummissjoni ddeċidiet li tiftaħ proċedura ġdida għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu. Fl-ittra ta’ intimazzjoni tad-19 ta’ Diċembru 2003 ssemmew żewġ ilmenti kontra r-Repubblika Portugiża:
|
14 |
Fid-dawl tar-risposta tal-awtoritajiet Portugiżi għall-imsemmija ittra ta’ intimazzjoni, il-Kummissjoni, fid-9 ta’ Lulju 2004, bagħtet opinjoni motivata lir-Repubblika Portugiża fejn tenniet l-argument prinċipali tagħha kif ukoll dak sussidjarju u fejn stiednitha tadotta l-miżuri meħtieġa sabiex tissodisfa l-obbligi tagħha li jirriżultaw minn din l-opinjoni f’terminu ta’ xahrejn minn meta tirċieviha. Billi dan l-Istat Membru ma adottax fit-terminu stipulat il-miżuri intiżi sabiex jemendaw il-leġiżlazzjoni tiegħu, il-Kummissjoni ddeċidiet li tressaq dan ir-rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu. |
15 |
Il-Kummissjoni tinvoka biss in sostenn tar-rikors tagħha t-tieni miż-żewġ ilmenti msemmija fil-punt 13 ta’ din is-sentenza, jiġifieri dak ibbażat fuq il-fatt li mhijiex ir-rata normali tal-VAT li hija applikata għall-pedaġġi imposti fil-punt ta’ aċċess għal triq tat-Tage f’Lisbona, iżda r-rata ta’ 5 %. |
Fuq ir-rikors
16 |
B’att separat, ir-Repubblika Portugiża qajmet eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà taħt l-Artikolu 91(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja. Din tal-aħħar, b’deċiżjoni tas-16 ta’ Jannar 2007, iddeċidiet li tinkludi din l-eċċezzjoni mal-mertu tal-kawża u li teżaminaha fl-istess ħin ma’ dawn tal-aħħar. |
Fuq l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà
L-argumenti tal-partijiet
17 |
Ir-Repubblika Portugiża tqajjem eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà bbażata fuq l-awtorità eventwali tar-res judicata. Skontha, fis-sentenza tagħha Il-Kummissjoni vs Il-Portugall, iċċitata iktar ’il fuq, il-Qorti tal-Ġustizzja kienet diġà ddeċidiet fuq l-istess kwistjoni bħal dik imqajma f’dan ir-rikors. Billi la ċ-ċirkustanzi ta’ fatt u lanqas id-dritt nazzjonali jew Komunitarju applikabbli ma ġew emendati, il-konstatazzjoni magħmula mill-Qorti tal-Ġustizzja fil-punt 29 tal-imsemmija sentenza, relatata man-nuqqas ta’ ksur tal-Artikoli 12(3) u 28(2) tas-Sitt Direttiva, għandha s-saħħa ta’ res judicata u għandha twassal għall-inammissibbiltà tar-rikors. |
18 |
L-imsemmi Stat Membru jirrileva li, anki jekk l-ittra ta’ intimazzjoni jew l-opinjoni mmotivata relatati ma’ dawn il-proċeduri jirrigwardaw nuqqasijiet oħra tal-leġiżlazzjoni Portugiża fir-rigward tas-Sitt Direttiva, b’mod partikolari l-ksur tal-Artikolu 4(5) ta’ din tal-aħħar, is-suġġett tar-rikors huwa finalment limitat għall-Artikoli 12 u 28 tal-istess direttiva, li kienu diġà ġew invokati fil-kawża li wasslet għas-sentenza, Il-Kummissjoni vs Il-Portugall, iċċitata iktar ’il fuq. |
19 |
Il-Kummissjoni tikkontesta l-inammissibbiltà eċċepita għar-rikors tagħha mir-Repubblika Portugiża. |
20 |
Minn naħa, hija tikkunsidra li r-res judicata hija relatata biss mal-punti ta’ fatt u ta’ dritt effettivament jew neċessarjament deċiżi permezz tas-sentenza Il-Kummissjoni vs Il-Portugall, iċċitata iktar ’il fuq, mingħajr ma tista’ tiġi dedotta mill-qari tal-punti 23 sa 28 tagħha konstatazzjoni ta’ kompatibbiltà tal-leġiżlazzjoni Portugiża mal-Artikoli 12 u 28 tas-Sitt Direttiva. Fl-imsemmija sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja kienet sempliċiment ikkonkludiet li l-Kummissjoni ma kinitx ippruvat in-natura privata tal-operatur tas-servizzi inkwistjoni. |
21 |
Min-naħa l-oħra, il-Kummissjoni tikkunsidra bħala evidenti l-eżistenza ta’ bidla fiċ-ċirkustanzi ta’ fatt li kienu ġew ikkunsidrati bħala stabbiliti fl-2001, li jimpedixxi s-sentenza Il-Kummissjoni vs Il-Portugall, iċċitata iktar ’il fuq, milli tikseb ir-res judicata fir-rigward ta’ proċeduri ġodda bejn l-istess partijiet u li għandhom l-istess suġġett bħar-rikors li wassal għall-imsemmija sentenza. |
22 |
F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni tqajjem in-natura ambigwa u manifestament kuntradittorja tad-diversi pożizzjonijiet meħuda suċċessivament mill-awtoritajiet Portugiżi fir-rigward tal-istatus ġuridiku tal-entità responsabbli mill-ġestjoni tal-ponti b’pedaġġ fuq it-Tage f’Lisbona. Filwaqt li, matul is-seduta relatata mal-kawża li waslet għas-sentenza Il-Kummissjoni vs Il-Portugall, iċċitata iktar ’il fuq, l-imsemmija awtoritajiet sostnew li l-operatur għandu natura pubblika, minn naħa l-oħra, matul il-fażi prekontenzjuża ta’ dawn il-proċeduri, huma kienu invokaw in-natura ta’ kumpannija kummerċjali rregolata mid-dritt privat ta’ dan l-operatur, billi ppreċiżaw li l-evalwazzjoni magħmula mill-Qorti tal-Ġustizzja fl-imsemmija sentenza kienet tirriżulta minn nuqqas ta’ ftehim fir-rigward tad-dikjarazzjonijiet bil-miktub u orali tar-rappreżentanti tar-Repubblika Portugiża. |
Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja
23 |
Jirriżulta minn ġurisprudenza kostanti li r-res judicata tirrigwarda biss il-punti ta’ fatt u ta’ dritt li kienu ġew effettivament jew neċessarjament deċiżi mid-deċiżjoni ġudizzjarja inkwistjoni (sentenza tad-19 ta’ Frar 1991, L-Italja vs Il-Kummissjoni, C-281/89, Ġabra p. I-347, punt 14; digriet tat-28 ta’ Novembru 1996, Lenz vs Il-Kummissjoni, C-277/95 P, Ġabra p. I-6109, punt 50, u s-sentenza tal-15 ta’ Ottubru 2002, Limburgse Vinyl Maatschappij et vs Il-Kummissjoni, C-238/99 P, C-244/99 P, C-245/99 P, C-247/99 P, C-250/99 P sa C-252/99 P u C-254/99 P, Ġabra p. I-8375, punt 44). |
24 |
F’dan il-każ, għalkemm l-allegat nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu jikkostitwixxi, tabilħaqq, bħal fil-kawża li wasslet għas-sentenza Il-Kummissjoni vs Il-Portugall, iċċitata iktar ’il fuq, ksur tal-Artikoli 12 u 28 tas-Sitt Direttiva, għandu madankollu jiġi rrilevat li, fl-imsemmija kawża, ma jsir ebda riferiment għan-natura ta’ konċessjonarju tal-operatur tas-servizzi inkwistjoni mir-Repubblika Portugiża la fil-fażi prekontenzjuża u lanqas matul il-proċedura bil-miktub quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja. L-unika riferenza għan-natura ġuridika tal-operatur saret matul is-seduta, li matulha r-rappreżentant ta’ dan l-Istat Membru sempliċement qajjem in-natura ta’ korp irregolat mid-dritt pubbliku li jaġixxi bħala awtorità pubblika tal-imsemmi operatur (ara, f’dan ir-rigward, is-sentenza Il-Kummissjoni vs Il-Portugall, iċċitata iktar ’il fuq, punt 26). |
25 |
Madankollu, matul il-proċedura prekontenzjuża li tirrigwarda din il-kawża, ir-Repubblika Portugiża ammettiet għall-ewwel darba li l-operatur tal-pontijiet fuq it-Tage f’Lisoba huwa Lusoponte — Concessionária para a travessia do Tejo SA (iktar ’il quddiem “Lusoponte”), konsorzju ta’ impriżi li, wara sejħa għal offerti internazzjonali, kien mogħti konċessjoni li tiskadi fl-24 ta’ Marzu 2030 u li tkopri d-disinn tal-proġett, il-kostruzzjoni, il-finanzjament, il-ġestjoni u l-manutenzjoni tal-pont attwali Vasco de Gama, kif ukoll il-ġestjoni u l-manutenzjoni tal-pont preżistenti, jiġifieri l-pont tal-25 ta’ April. |
26 |
Jirriżulta minn ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja li, anki jekk fil-kuntest ta’ proċeduri għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu skont l-Artikolu 226 KE, hija l-Kummissjoni li għandha tistabbilixxi l-eżistenza tan-nuqqas allegat minnha, l-Istati Membri huma madankollu obbligati, skont l-Artikolu 10 KE, jiffaċilitaw l-adempiment tal-missjoni tal-Kummissjoni, li tikkonsisti, b’mod partikolari skont l-Artikolu 211 KE, fis-sorveljanza tal-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tat-Trattat KE u tal-miżuri adottati mill-istituzzjonijiet bis-saħħa tiegħu. Fir-rigward tal-verifika tal-applikazzjoni korretta, fil-prattika, tad-dispożizzjonijiet nazzjonali intiżi sabiex jiżguraw l-implementazzjoni effettiva ta’ direttiva, il-Kummissjoni tiddependi ħafna fuq l-elementi pprovduti mill-Istat Membru kkonċernat u, għalhekk, dan tal-aħħar ma jistax jinvoka n-nuqqas ta’ natura konkreta tal-elementi ta’ dritt u ta’ prattika nazzjonali mressqa mill-Kummissjoni u, għaldaqstant, l-inammissibbiltà tar-rikors (ara s-sentenza Il-Kummissjoni vs L-Olanda, iċċitata iktar ’il fuq, punti 15 sa 17 u l-ġurisprudenza ċċitata fiha, kif ukoll, is-sentenza tal-25 ta’ Ottubru 2007, Il-Kummissjoni vs L-Irlanda, C-248/05, Ġabra p. I-9261, punti 67 u 68 u l-ġurisprudenza ċċitata fiha). |
27 |
Għandu jiġi kkonstatat li l-indikazzjoni ġdida tar-Repubblika Portugiża dwar in-natura ġuridika tal-operatur tas-servizzi inkwistjoni, tikkostitwixxi bdil fundamentali tal-premessa fattwali li fid-dawl tagħha, fis-sentenza Il-Kummissjoni vs Il-Portugall, iċċitata iktar ’il fuq, il-Qorti tal-Ġustizzja kkonkludiet favur l-applikabbiltà tal-Artikolu 4(5) tas-Sitt Direttiva u ċ-ċaħda konsekuttiva tal-ilment ibbażat fuq nuqqas ta’ osservanza tal-Artikoli 12 u 28 tagħha fir-rigward tal-pedaġġi imposti fil-punt ta’ aċċess għal triq tat-Tage f’Lisbona. F’dawn iċ-ċirkustanzi, ir-res judicata ma tistax tiġi validament eċċepita mir-Repubblika Portugiża peress li s-suġġett ta’ din il-kawża u dak tal-kawża li wasslet għas-sentenza Il-Kummissjoni vs Il-Portugall, iċċitata iktar ’il fuq, huma differenti, u dan, preċiżament minħabba l-indikazzjonijiet pprovduti minn dan l-Istat Membru lill-Kummissjoni fil-kuntest ta’ din il-kawża. |
28 |
Jirriżulta li l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà invokata mir-Repubblika Portugiża kontra r-rikors tal-Kummissjoni għandha tiġi miċħuda bħala infondata. |
Fuq il-mertu
29 |
Għandu jiġi rrilevat, preliminarjament, li nuqqas eventwali bbażat fuq applikazzjoni żbaljata tar-rati taxxabbli skont l-Artikoli 12 u 28 tas-Sitt Direttiva jippreżumi jew l-inapplikabbiltà f’dan il-każ tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 4(5) tas-Sitt Direttiva jew, jekk ikun il-każ, l-applikabbiltà ta’ din id-dispożizzjoni flimkien mat-tieni subparagrafu tal-istess paragrafu. |
30 |
Fil-fatt, kieku l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 4(5) tas-Sitt Direttiva kien applikabbli, il-kunsinni ta’ merkanzija u l-provvista ta’ servizzi mwettqa bi ħlas ġewwa l-pajjiż ma jkunux jistgħu jiġu ntaxxati inkwantu dawn jkunu mwettqa minn entità li mhijiex suġġetta għall-VAT. Huwa biss fil-każ fejn in-nuqqas ta’ obbligu ta’ taxxa previst mill-imsemmi l-ewwel subparagrafu jirriżulta f’distorsjoni sinjifikanti tal-kompetizzjoni li t-tieni subparagrafu tal-istess paragrafu 5 jirrikjedi li s-servizzi inkwistjoni jkunu suġġetti għall-VAT. |
Fuq l-applikabbiltà tal-ewwel u t-tieni subparagrafi tal-Artikolu 4(5) tas-Sitt Direttiva
— L-argumenti tal-partijiet dwar dan l-ewwel subparagrafu
31 |
Il-Kummissjoni ssostni li l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 4(5) tas-Sitt Direttiva mhuwiex applikabbli f’dan il-każ. L-awtoritajiet Portugiżi kienu kkonfermaw, fir-risposti li huma indirizzawlha matul il-fażi prekontenzjuża, in-natura ta’ operatur irregolat mid-dritt privat, konċessjonarja ta’ xogħlijiet pubbliċi, ta’ Lusoponte, li hija responsabbli mill-ġestjoni tal-ponti fuq it-Tage f’Lisbona u mill-ġbir tal-pedaġġi relatati mal-qsim ta’ dawn il-ponti mill-1 ta’ Jannar 1996 fir-rigward tal-pont tal-25 ta’ April u mid-29 ta’ Marzu 1998 fir-rigward tal-pont Vasco de Gama. Għaldaqstant, l-ewwel miż-żewġ kundizzjonijiet kumulattivi meħtieġa mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja għall-applikabbiltà ta’ din id-dispożizzjoni, jiġifieri n-natura ta’ korp pubbliku tal-operatur, mhijiex sodisfata. |
32 |
Ir-Repubblika Portugiża tammetti li l-operatur tal-imsemmija ponti b’pedaġġ huwa konsorzju kompost minn impriżi Portugiżi, impriża Ingliża u impriża Franċiża. Madankollu, dan il-konsorzju huwa korp irregolat mid-dritt pubbliku, minħabba l-għan u l-iskop tal-ġestjoni f’data lilu, il-fatt li dan għandu setgħat ta’ awtorità pubblika u minħabba li huwa suġġett għad-dritt amministrattiv. |
33 |
Ir-Repubblika Portugiża tikkunsidra li l-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 4(5) tas-Sitt Direttiva ma tippermettix li jkun magħruf jekk in-nuqqas ta’ suġġettar għall-VAT tal-entitajiet li din id-dispożizzjoni tkopri jirrigwarda biss il-“korpijiet pubbliċi”, jiġifieri dawk li jikkostitwixxu entitajiet li huma parti integrali mill-amministrazzjoni, jew jekk, għall-kuntrarju, il-“korpijiet irregolati mid-dritt pubbliku” jidħlux ukoll fl-iskop ta’ dispożizzjoni tali. Dan l-Istat Membru jikkonkludi li kemm il-kliem tal-imsemmija dispożizzjoni u kif ukoll il-prinċipju ta’ newtralità tal-VAT jeħtieġu li l-“korpijiet rregolati mid-dritt pubbliku” bħal Lusoponte jiġu inklużi fl-arranġament għal persuni mhux taxxabbli. |
— Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja
34 |
Għandu jiġi rrilevat qabel kollox li l-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li t-tqegħid għad-dispożizzjoni ta’ infrastruttura ta’ toroq permezz tal-ħlas ta’ pedaġġ tikkostitwixxi provvista ta’ servizzi mwettqa bi ħlas fis-sens tal-Artikolu 2(1) tas-Sitt Direttiva (sentenzi ċċitati iktar ’il fuq Il-Kummissjoni vs Franza, punt 36; Il-Kummissjoni vs L-Irlanda, punt 34; Il-Kummissjoni vs Ir-Renju Unit, punt 46; Il-Kummissjoni vs L-Olanda, punt 30; Il-Kummissjoni vs Il-Greċja, punt 31, kif ukoll tat-18 ta’ Jannar 2001, Il-Kummissjoni vs Spanja, C-83/99, Ġabra p. I-445, punt 11). |
35 |
Bl-istess mod, hekk kif il-Qorti tal-Ġustizzja enfasizzat diversi drabi, l-analiżi tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 4(5) tas-Sitt Direttiva fid-dawl tal-għanijiet ta’ din tal-aħħar turi biċ-ċar il-fatt li għandhom jiġu sodisfatti kumulattivament żewġ kundizzjonijiet sabiex tkun tista’ tapplika ir-regola tal-eżenzjoni, jiġifieri l-eżerċizzju ta’ attivitajiet minn korp regolat mid-dritt pubbliku u l-eżerċizzju ta’ attivitajiet imwettqa bħala awtorità pubblika (sentenzi tas-26 ta’ Marzu 1987, Il-Kummissjoni vs L-Olanda, 235/85, Ġabra p. 1471, punt 21; Comune di Carpaneto Piacentino et, iċċitata iktar ’il fuq, punt 12, u tal-25 ta’ Lulju 1991, Ayuntamiento de Sevilla, C-202/90, Ġabra p. I-4247, punt 18; ara wkoll is-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq Il-Kummissjoni vs Franza, punt 39; tat-12 ta’ Settembru 2000, Il-Kummissjoni vs L-Irlanda, punt 37; Il-Kummissjoni vs Ir-Renju Unit, punt 49; tat-12 ta’ Settembru 2000, Il-Kummissjoni vs L-Olanda, punt 34; Il-Kummissjoni vs Greċja, punt 34; Il-Kummissjoni vs Spanja, punt 11, u tat-13 ta’ Diċembru 2007, Götz, C-408/06, Ġabra p. I-11295, punt 41). |
36 |
F’din il-kawża, ir-Repubblika Portugiża tiżviluppa argumenti dettaljati sabiex issostni li Lusoponte hija korp irregolat mid-dritt pubbliku, għalkemm tali argumenti ma jinkludu madankollu ebda analiżi tal-istruttura, korporattiva jew istituzzjonali ta’ din l-entità. Biss l-għan u l-iskop tal-attività tagħha jippermetti li Lusoponte tiġi kkwalifikata bħala korp irregolat mid-dritt pubbliku. Id-dipendenza diretta jew indiretta ta’ din l-entità fir-rigward tal-amministrazzjoni pubblika jew anki l-integrazzjoni tagħha f’din tal-aħħar m’għandha ebda rwol f’dan ir-rigward. |
37 |
It-teżi tar-Repubblika Portugiża ma tistax tiġi milqugħa. |
38 |
Fir-rigward tal-ewwel kundizzjoni msemmija fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 4(5) tas-Sitt Direttiva, jiġifieri dik relatata man-natura ta’ korp irregolat mid-dritt pubbliku tal-operatur, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li attività eżerċitata minn individwu mhijiex eżenta mill-VAT sempliċiment minħabba li din tikkonsisti fit-twettiq ta’ atti li jaqaw taħt il-prerogattivi tal-awtorità pubblika (sentenzi ċċitati iktar ’il fuq tas-26 ta’ Marzu 1987, Il-Kummissjoni vs L-Olanda, punt 21, u Ayuntamiento de Sevilla, punt 19). |
39 |
Fil-fatt, meta attività li tikkonsisti fit-twettiq ta’ atti li jaqaw taħt il-prerogattivi tal-awtorità pubblika hija fdata lil terza parti indipendenti jew hija eżerċitata minn entitajiet li mhumiex integrati fl-organizzazzjoni tal-amministrazzjoni pubblika, taħt il-forma ta’ attività ekonomika indipendenti, l-esklużjoni prevista mill-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 4(5) tas-Sitt Direttiva mhijiex applikabbli (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq, Il-Kummissjoni vs L-Olanda, punt 22, tas-26 ta’ Marzu 1987, u Ayuntamiento de Sevilla, punt 20). |
40 |
F’dan il-każ, huwa stabbilit li Lusoponte hija terza parti li mhijiex integrata fl-amministrazzjoni pubblika u m’għandha ebda relazzjoni ta’ dipendenza ma’ din tal-aħħar. B’mod iktar preċiż, kif intqal fil-punt 25 ta’ din is-sentenza, dan huwa konsorzju taħt il-forma ta’ kumpannija b’responsabbiltà limitata kkontrollata minn impriżi Portugiżi kif ukoll minn impriża Franċiża u impriża tar-Renju Unit u, wara sejħa għal offerti, dan il-konsorzju ngħata konċessjoni mill-amministrazzjoni Portugiża. |
41 |
F’dawn il-kundizzjonijiet, għandu jiġi kkonstatat li Lusoponte ma tistax tiġi kkunsidrata bħala entità rregolata mid-dritt pubbliku fis-sens tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 4(5) tas-Sitt Direttiva. Għaldaqstant, din id-dispożizzjoni mhijiex applikabbli għal din il-kawża. |
42 |
Billi l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 4(5) tas-Sitt Direttiva mhuwiex applikabbli f’dan il-każ, l-istess japplika għat-tieni subparagrafu tal-imsemmi paragrafu 5, inkwantu din id-dispożizzjoni tapplika biss għall-entitajiet koperti mill-ewwel subparagrafu. |
Fuq in-nuqqas ta’ osservanza tal-Artikolu 12(3)(a) u l-Artikolu 28(2)(e) tas-Sitt Direttiva
— L-argumenti tal-partijiet
43 |
Il-Kummissjoni tqis li l-leġiżlazzjoni Portugiża tikser l-Artikolu 12(3)(a) tas-Sitt Direttiva inkwantu, peress illi s-servizzi kkonċernati ma kinux fost dawk li huma nnumerati fl-Anness H ta’ din id-direttiva, ir-rata mnaqqsa tal-VAT mhijiex applikabbli. |
44 |
Fir-rigward tal-Artikolu 28(2)(e) tal-imsemmija direttiva, il-Kummissjoni tikkunsidra li din id-dispożizzjoni lanqas ma tawtorizza l-applikazzjoni tar-rata mnaqqsa prevista mis-CIVA. Anki jekk rata mnaqqsa kienet ġiet applikata fl-1 ta’ Jannar 1991, press illi s-servizzi inkwistjoni kienu ġew intaxxati b’rata normali, jiġifieri f’dan il-każ mill-24 ta’ Marzu 1992 sal-31 ta’ Diċembru 1994, ma tistax tiġi introdotta mill-ġdid rata mnaqqsa. Dan l-approċċ għandu l-bażi tiegħu fl-għan intiż sabiex tissaħħaħ l-approssimazzjoni tal-livelli tar-rati tal-VAT, kif huwa ppreċiżat fit-tieni premessa tad-Direttiva tal-Kunsill 92/77/KEE, tad-19 ta’ Ottubru 1992, li tissupplimenta s-sistema komuni tat-taxxa fuq il-valur miżjud u li temenda d-Direttiva 77/388/KEE (ĠU L 316, p. 1), kif ukoll fin-natura derogatorja u tranżitorja tal-imsemmija dispożizzjoni, li timponi interpretazzjoni stretta ta’ din tal-aħħar. |
45 |
F’kull każ, anki jekk il-Qorti tal-Ġustizzja ma kinitx f’pożizzjoni li tadotta tali interpretazzjoni stretta, il-Kummissjoni tirrileva li għandu jiġi kkonstatat li l-leġiżlazzjoni Portugiża, billi tipprevedi rata inqas minn 12 % għall-pedaġġi imposti fil-punt ta’ aċċess għal triq tat-Tage f’Lisbona, tikser l-Artikolu 28(2)(e) tas-Sitt Direttiva. |
46 |
Ir-Repubblika Portugiża ssostni li r-rata applikata f’dan il-każ hija bbażata fuq l-Artikolu 28(2)(e) tal-imsemmija direttiva, peress li, kuntrarjament għal dak li huwa previst fl-istess paragrafu, inċiż (d), l-unika kundizzjoni espliċitament msemmija fl-ewwel minn dawn iż-żewġ dispożizzjonijiet hija dik li rata mnaqqsa kellha tiġi applikata għas-servizzi inkwistjoni fl-1 ta’ Jannar 1991. |
47 |
Ir-Repubblika Portugiża tikkonkludi li, fis-sentenza tagħha li għandha tingħata, il-Qorti tal-Ġustizzja ma tistax tmur oltrè l-konstatazzjoni ta’ inapplikabbiltà eventwali tar-rata ta’ 5 %, billi tiffissa rata li għandha tkun applikata minflok dik prevista mis-CIVA. F’kull każ, skont dan l-Istat Membru, fil-każ fejn il-Qorti tal-Ġustizzja tikkonstata l-eżistenza ta’ nuqqas ta’ osservanza tal-Artikoli 12 u 28 tas-Sitt Direttiva, jeżistu raġunijiet sabiex tiġi applikata rata intermedjarja ta’ 12 % minflok ir-rata normali ta’ 21 %. |
— Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja
48 |
L-applikazzjoni tal-arranġament tranżizzjonali kif prevista fl-Artikolu 28(2)(e) tas-Sitt Direttiva issib, f’dan il-każ, ostakolu ġuridiku dopju. |
49 |
Minn naħa, jirriżulta mill-kliem ta’ din id-dispożizzjoni li r-rata mnaqqsa li tista’ tiġi applikata ma tistax tkun inqas minn 12 %. F’dan il-każ, għalkemm huwa stabbilit li r-Repubblika Portugiża applikat fl-1 ta’ Jannar 1991 rata mnaqqsa għall-pedaġġi imposti fil-punt ta’ aċċess għal triq tat-Tage f’Lisbona, jibqa’ l-fatt li din ir-rata, wara din id-data sa’ dan il-jum, kienet dejjem inqas minn 12 %. |
50 |
Min-naħa l-oħra, hekk kif irrilevat il-Kummissjoni, billi r-rata normali tal-VAT kienet ġiet applikata għas-servizzi inkwistjoni bejn l-24 ta’ Marzu 1992 u l-31 ta’ Diċembru 1994, ir-Repubblika Portugiża ma kellhiex id-dritt tintroduċi mill-ġdid rata mnaqqsa. |
51 |
Fil-fatt, għandu jiġi mfakkar li s-sistema Komunitarja tal-VAT hija r-riżultat ta’ armonizzazzjoni progressiva tal-leġiżlazzjonijiet nazzjonali fil-kuntest tal-Artikoli 93 KE u 94 KE. Kif ikkonstatat diversi drabi l-Qorti tal-Ġusttizja, din l-armonizzazzjoni, hekk kif ġiet imwettqa minn direttivi suċċessivi, u, b’mod partikolari, mis-Sitt Direttiva, għadha biss armonizzazzjoni parzjali (sentenzi tal-5 ta’ Diċembru 1989, ORO Amsterdam Beheer u Concerto, C-165/88, Ġabra p. I-4081, punt 21, u tas-7 ta’ Diċembru 2006, Eurodental, C-240/05, Ġabra p. I-11479, punt 50). |
52 |
Għalhekk, din l-armonizzazzjoni prevista għadha ma twettqitx inkwantu s-Sitt Direttiva, bis-saħħa tal-Artikolu 28 tagħha, awtorizzat lill-Istati Membri jkomplu jżommu jew jadottaw ċerti dispożizzjonijiet li, mingħajr l-imsemmija awtorizzazzjoni, jkunu inkompatibbli ma’ din id-direttiva (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-13 ta’ Lulju 2000, Idéal tourisme, C-36/99, Ġabra p. I-6049, punt 38, u Eurodental, iċċitata iktar ’il fuq, punt 51). |
53 |
Madankollu, kif jirrilevaw l-intestatura tat-Titolu XVI tas-Sitt Direttiva u d-dsatax-il premessa ta’ din tal-aħħar, dan l-Artikolu 28 għandu bħala għan li jippermetti, matul perijodu tranżitorju, adattazzjoni progressiva tal-leġiżlazzjonijiet nazzjonali f’oqsma determinati. |
54 |
Għalhekk fir-rigward ta’ sistema derogatorja u tranżitorja, l-Artikolu 28 tas-Sitt Direttiva għandu jingħata interpretazzjoni stretta (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas-7 ta’ Marzu 2002, Il-Kummissjoni vs Il-Finlandja, C-169/00, Ġabra p. I-2433, punt 34, u Eurodental, iċċitata iktar ’il fuq, punt 54) u konformi mal-għan tiegħu. |
55 |
F’dan il-każ, billi huwa stabbilit li r-rata normali tal-VAT ġiet applikata għas-servizzi kkonċernati matul il-perijodu bejn l-24 ta’ Marzu 1992 u l-31 ta’ Diċembru 1994, ir-Repubblika Portugiża ma tistax tiġi awtorizzata tintroduċi mill-ġdid rata mnaqqsa fir-rigward tal-imsemmija servizzi (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas-17 ta’ Ottubru 1991, Il-Kummissjoni vs Spanja, C-35/90, Ġabra p. I-5073, punt 7; tas-27 ta’ Ottubru 1992, Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja, C-74/91, Ġabra p. I-5437, punt 15; tas-16 ta’ Settembru 1999, Il-Kummissjoni vs Spanja, C-414/97, Ġabra p. I-5585, punt 29, kif ukoll Eurodental, iċċitata iktar ’il fuq, punt 55). |
56 |
Fil-fatt, billi r-Repubblika Portugiża kkonformat ruħha, fir-rigward tas-servizzi inkwistjoni, mad-dispożizzjonijiet armonizzati tas-Sitt Direttiva, hija ma tistax teżenta ruħha mill-obbligi tagħha billi tibbaża ruħha fuq l-Artikolu 28(2)(e) ta’ din tal-aħħar inkwantu din id-dispożizzjoni għandha preċiżament għan kuntrarju, jiġifieri l-adattazzjoni progressiva tad-dispożizzjonijiet nazzjonali ma’ dawk tas-Sitt Direttiva. |
57 |
Id-differenza, allegata mir-Repubblika Portugiża, bejn il-kliem tal-Artikolu 28(2)(e) tas-Sitt Direttiva u dak tal-inċiż (d) tal-istess paragrafu 2 ma tistax tiġġustifika soluzzjoni differenti minn dik li tirriżulta miż-żewġ punti preċedenti, peress illi l-għan ta’ adattazzjoni progressiva huwa komuni għal dawn id-dispożizzjonijiet tranżitorji. |
58 |
Billi l-kundizzjonijiet ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 28(2)(e) tas-Sitt Direttiva mhumiex sodisfatti f’dan il-każ, jirriżulta li r-rata normali tal-VAT kien messa ġiet applikata għall-pedaġġi imposti fil-punt ta’ aċċess għal triq tat-Tage f’Lisbona. |
59 |
Fir-rigward tal-kunsiderazzjonijiet kollha li jippreċedu, għandu jiġi kkonstatat li, billi żammet fis-seħħ rata mnaqqsa ta’ 5 % tal-VAT applikabbli għall-pedaġġi imposti fil-punt ta’ aċċess għal triq tat-Tage f’Lisbona, ir-Repubblika Portugiża naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt l-Artikoli 12 u 28 tas-Sitt Direttiva. |
Fuq l-ispejjeż
60 |
Skont l-Artikolu 69(2) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba. Peress li l-Kummissjoni talbet il-kundanna tar-Repubblika Portugiża u din tilfet, hemm lok li tiġi kkundannata tbati l-ispejjeż. |
Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Ir-Raba’ Awla) taqta’ u tiddeċiedi: |
|
|
Firem |
( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Portugiż