EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62005CJ0433

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (it-Tielet Awla) tal-15 ta' April 2010.
Proċedura kriminali kontra Lars Sandström.
Talba għal deċiżjoni preliminari: Handens tingsrätt - l-Iżvezja.
Direttivi 94/25/KE u 2003/44/KE - Approssimazzjoni tal-liġijiet - Dgħajjes li jintużaw għar-rikreazzjoni - Projbizzjoni tal-użu ta’ dgħajjes personali bil-mutur barra mill-passaġġi tal-ilma pubbliċi - Artikoli 28 KE u 30 KE - Miżuri li għandhom effett ekwivalenti - Aċċess għas-suq - Ostakolu - Protezzjoni tal-ambjent - Proporzjonalità - Direttiva 98/34/KE - Artikolu 8 - Emenda ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali - Obbligu ta’ notifika - Kundizzjonijiet.
Kawża C-433/05.

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2010:184

Kawża C-433/05

Proċeduri kriminali

kontra

Lars Sandström

(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Handens tingsrätt)

“Direttivi 94/25/KE u 2003/44/KE — Approssimazzjoni tal-liġijiet — Dgħajjes li jintużaw għar-rikreazzjoni — Projbizzjoni tal-użu ta’ dgħajjes personali bil-mutur barra mill-passaġġi tal-ilma pubbliċi — Artikoli 28 KE u 30 KE — Miżuri li għandhom effett ekwivalenti — Aċċess għas-suq — Ostakolu — Protezzjoni tal-ambjent — Proporzjonalità — Direttiva 98/34/KE — Artikolu 8 — Emenda tal-leġiżlazzjoni nazzjonali — Obbligu ta’ notifika — Kundizzjonijiet”

Sommarju tas-sentenza

1.        Approssimazzjoni tal-liġijiet — Dgħajjes li jintużaw għar-rikreazzjoni — Direttiva 94/25

(Direttivi tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 94/25, Artikolu 2(2), u 2003/44)

2.        Moviment liberu tal-merkanzija — Restrizzjonijiet kwantitattivi — Miżuri li għandhom effett ekwivalenti — Projbizzjoni tal-użu ta’ dgħajjes personali bil-mutur barra mill-passaġġi tal-ilma pubbliċi — Ammissibbiltà — Ġustifikazzjoni — Kundizzjonijiet

(Artikoli 34 TFUE u 36 TFUE)

3.        Approssimazzjoni tal-liġijiet — Proċedura għall-għoti ta’ informazzjoni fil-qasam tal-istandards u tar-regolamenti tekniċi u tal-istandards dwar is-servizzi tas-soċjetà tal-informazzjoni — Direttiva 98/34

(Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 98/34, Artikolu 8(1))

1.        Id-Direttiva 94/25, dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet, tar-regolamenti u tad-dispożizzjonijiet amministrattivi tal-Istati Membri li għandhom x’jaqsmu mad-dgħajjes illi jintużaw għar-rikreazzjoni, kif emendata bid-Direttiva 2003/44, ma tipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali li, għal raġunijiet marbuta mal-protezzjoni tal-ambjent, tipprojbixxi l-użu ta’ dgħajjes personali bil-mutur barra mill-passaġġi speċifiċi.

(ara l-punti 33, 34, 40 u d-dispożittiv 1)

2.        L-Artikoli 34 TFUE u 36 TFUE ma jipprekludux leġiżlazzjoni nazzjonali li, għal raġunijiet ta’ protezzjoni tal-ambjent, jipprojbixxu l-użu tad-dgħajjes personali bil-mutur (DPM), barra mill-passaġġi speċifiċi, taħt il-kundizzjoni li:

–      l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti jkunu marbuta li jieħdu l-miżuri ta’ implementazzjoni previsti sabiex jiddeżinjaw żoni barra mill-passaġġi tal-ilma pubbliċi li fihom id-DPM ikunu jistgħu jintużaw,

–      dawn l-awtoritajiet ikunu effettivament eżerċitaw il-kompetenza mogħtija lilhom f’dan ir-rigward u jkunu ddeżinjaw iż-żoni b’osservanza tar-rekwiżiti previsti mil-leġiżlazzjoni nazzjonali, u

–      li dawn il-miżuri jkunu ġew adottati f’terminu raġonevoli wara d-dħul fis-seħħ ta’ din il-leġiżlazzjoni.

Hija l-qorti nazzjonali li għandha tivverifika jekk dawn il-kundizzjonijiet ġewx sodisfatti b’teħid inkunsiderazzjoni tal-elementi li ġejjin. Fir-rigward tal-ewwel kundizzjoni, skont il-leġiżlazzjoni nazzjonali, l-awtorità nazzjonali kompetenti hija marbuta tadotta dispożizzjonijiet sabiex tispeċifika l-passaġġi li jinsabu barra l-passaġġi tal-ilma pubbliċi li fihom jistgħu jintużaw id-DPM. Fir-rigward tat-tieni kundizzjoni, hija l-qorti nazzjonali li għandha tivverifika jekk huwiex raġjonevoli li jiġi kkunsidrat li l-awtorizzazzjoni tal-użu tad-DPM f’ċerti passaġġi li, fil-provinċja kkonċernata, jissodisfaw il-kundizzjonijiet previsti mil-leġiżlazzjoni nazzjonali. Fil-fatt, meta l-użu tad-DPM, f’passaġġ li jissodisfa l-imsemmija kundizzjonijiet, huwa meqjus li ma jirriżultax f’riskji jew dannu li huwa inaċċetabbli għall-ambjent, għandu jiġi kkunsidrat li kull projbizzjoni tal-użu tad-DPM f’tali żona, li tirriżulta min-nuqqas tal-ispeċifikazzjoni tagħha fil-miżura ta’ implementazzjoni, tikkostitwixxi miżura li tmur lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex jintlaħaq l-għan ta’ protezzjoni tal-ambjent. Fl-aħħar nett, fir-rigward tal-ħtieġa tal-evalwazzjoni tan-natura raġonevoli tat-terminu ta’ ħdax-il xahar wara d-dħul fis-seħħ tal-leġiżlazzjoni nazzjonali u l-imsemmija awtorizzazzjoni, għandu jittieħed inkunsiderazzjoni l-fatt li, l-awtorizzazzjoni inkwistjoni ġiet adottata wara konsultazzjoni mal-muniċipalitajiet u mal-partijiet ikkonċernati l-oħra.

(ara l-punti 33, 36-40, u d-dispożittiv 2)

3.        L-Artikolu 8(1) tad-Direttiva 98/34, li tistabbilixxi proċedura għall-għoti ta’ informazzjoni fil-qasam tal-istandards u tar-Regolamenti Tekniċi, għandu jiġi interpretat fis-sens li emenda mwettqa fuq abbozz ta’ regolament tekniku diġà nnotifikat lill-Kummissjoni, skont l-ewwel subparagrafu ta’ din id-dispożizzjoni, u li tipprovdi biss, fil-konfront tal-abbozz innotifikat, għall-flessibbiltà tal-kundizzjonijiet ta’ użu tal-prodott ikkonċernat u li, għaldaqstant, tnaqqas l-impatt sussegwenti tar-regolament tekniku fuq l-iskambji kummerċjali, ma tikkostitwixxix bidla sinjifikattiva tal-abbozz fis-sens tat-tielet subparagrafu ta’ din id-dispożizzjoni u ma għandhiex tkun is-suġġett ta’ notifika minn qabel lill-Kummissjoni. Fin-nuqqas ta’ tali obbligu ta’ notifika minn qabel, in-nuqqas ta’ komunikazzjoni lill-Kummissjoni ta’ emenda mhux sinjifikattiva ta’ regolament tekniku, qabel l-adozzjoni tiegħu, ma jaffettwax l-applikabbiltà ta’ din ir-regola.

(ara l-punt 49 u d-dispożittiv 3)







SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla)

15 ta’ April 2010 (*)

“Direttivi 94/25/KE u 2003/44/KE – Approssimazzjoni tal-liġijiet – Dgħajjes li jintużaw għar-rikreazzjoni – Projbizzjoni tal-użu ta’ dgħajjes personali bil-mutur barra mill-passaġġi tal-ilma pubbliċi – Artikoli 28 KE u 30 KE – Miżuri li għandhom effett ekwivalenti – Aċċess għas-suq – Ostakolu – Protezzjoni tal-ambjent – Proporzjonalità – Direttiva 98/34/KE – Artikolu 8 – Emenda ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali – Obbligu ta’ notifika – Kundizzjonijiet”

Fil-Kawża C‑433/05,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l‑Artikolu 234 KE, imressqa minn Handens tingsrätt (l-Isvezja), permezz ta’ deċiżjoni tal-21 ta’ Novembru 2005, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fil-5 ta’ Diċembru 2005, fil-proċeduri kriminali kontra

Lars Sandström,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla),

komposta minn K. Lenaerts, President tal-Awla, R. Silva de Lapuerta, G. Arestis (Relatur), J. Malenovský u D. Šváby, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: J. Kokott,

Reġistratur: C. Strömholm, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tas-17 ta’ Diċembru 2009,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għal L. Sandström, minn R. Ihre, avukat, kif ukoll minn D. Putzeys u B. Dumortier, avukati,

–        għal Åklagaren, minn S. Creutz, avukat,

–        għall-Gvern Svediż, minn A. Kruse, R. Sobocki, S. Johannesson u K. Petkovska, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Awstrijak, minn E. Riedl, bħala aġent,

–        għall-Gvern Portugiż, minn L. Inez Fernandes u M. J. Lois, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Norveġiż, minn A. Eide u K. B. Moen, bħala aġenti,

–        għall-Kummissjoni Ewropea, minn L. Ström van Lier, A. Alcover San Pedro u D. Lawunmi, kif ukoll minn S. Schønberg u K. Simonsson, bħala aġenti,

wara li rat id-deċiżjoni, wara li semgħet lill-Avukat Ġenerali, li tinqata’ l-kawża mingħajr konklużjonijiet

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal‑Artikoli 28 KE sa 30 KE, kif ukoll tad-Direttiva 94/25/KE tal‑Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-16 ta’ Ġunju 1994, dwar l‑approssimazzjoni tal-liġijiet, tar-regolamenti u tad-dispożizzjonijiet amministrattivi tal-Istati Membri li għandhom x’jaqsmu mad-dgħajjes illi jintużaw għar-rikreazzjoni (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti: Kapitolu 13, Vol. 13, p. 196), kif emendata bid-Direttiva 2003/44/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-16 ta’ Ġunju 2003 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti: Kapitolu 13, Vol. 31, p. 409, iktar ’il quddiem id‑“Direttiva 94/25”).

2        Din it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest ta’ proċeduri kriminali mibdija mill-Åklagaren (prosekutur pubbliku) kontra L. Sandström minħabba l‑ksur ta’ dan tal-aħħar tal-leġiżlazzjoni 1993:1053 dwar l-użu ta’ dgħajjes personali bil-mutur [förordning (1993:1053) om användning av vattenskoter], kif emendata bil-leġiżlazzjoni 2004:607 [förordning (2004:607), iktar ’il quddiem il-“leġiżlazzjoni nazzjonali”].

 Il-kuntest ġuridiku

 Il-leġiżlazzjoni tal-Unjoni Ewropea

3        Skont it-tieni premessa tad-Direttiva 94/25:

“[…] [I]l-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi fis-seħħ fid-diversi Stati Membri dwar il-karatteristiċi tas-sigurtà tad-dgħajjes tar-rikreazzjoni jvarjaw fil-kamp ta’ l-applikazzjoni u fil-kontenut; billi dan in-nuqqas ta’ qbil bejniethom jista’ joħloq ostakoli għall-kummerċ u kondizzjonijiet mhux ugwali tal-kompetizzjoni fis-suq intern”.

4        It-tielet premessa tad-Direttiva 94/25 tipprovdi:

“[…] [L-]armonizzazzjoni tal-leġislazzjoni nazzjonali hi l-uniku mod sabiex jitneħħew dawn l-ostakoli għall-kummerc liberu; billi dan il-għan ma jistax jintlaħaq b’mod sodisfaċenti mill-Istati Membri individwali; billi din id-Direttiva tistabilixxi biss il-ħtiġiet vitali għall-moviment ħieles tad-dgħajjes tar-rikreazzjoni”.

5        L-Artikolu 1 tad-Direttiva 94/25 jiddefinixxi l-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-direttiva. Din id-dispożizzjoni ġiet issostitwita mit-test li jidher fl-Artikolu 1 tad-Direttiva 2003/44 li b’mod partikolari wessa’ l-kamp ta’ applikazzjoni sabiex jinkludi fih id-dgħajjes personali bil-mutur (iktar ’il quddiem id-“DPM”).

6        L-Artikolu 2 tad-Direttiva 94/25, intitolat “Tqegħid fis-suq u dħul fis-servizz”, jipprovdi:

“1.      L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa sabiex jiżguraw illi l-prodotti msemmija fl-Artikolu 1(1) ikunu jistgħu jitqiegħdu fis-suq u mdaħħla fis-servizz b’mod konformi ma’ l-iskop li għalih kienu maħsuba biss jekk ma jqegħdux fil-periklu s-sigurtà u s-saħħa tal-persuni, tal-proprjetà jew ta’ l-ambjent meta mibnija u mantenuti b’mod korrett.

2.      Id-dispożizzjonijiet ta’ din id-Direttiva m’għandhomx iwaqqfu lill-Istati Membri milli jadottaw, b’mod konformi mat-Trattat, dispożizzjonijiet li jikkonċernaw in-navigazzjoni f’ċerti ilmijiet għall-iskop tal-protezzjoni ta’ l-ambjent, ta’ l-istruttura tal-passaġġi ta’ l-ilma, u sabiex jiżguraw is-sigurtà tal-passaġġi ta’ l-ilma, basta li dan ma jeħtieġx il-modifika tad-dgħajjes illi jikkonformaw ma’ din id-Direttiva”.

7        L-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 94/25 jipprovdi:

“L-Istati Membri m’għandhomx jipprojbixxu, jirrestrinġu jew jimpedixxu t-tqegħid fis-suq u d-dħul fis-servizz fit-territorju tagħhom tal-prodotti msemmija fl-Artikolu 1(1) li jkollhom il-marka CE imsemmiija fl-Anness IV li tindika l-konformità tagħhom mad-dispożizzjonijiet kollha ta’ din id-Direttiva, inklużi l-proċeduri ta’ konformità stabbiliti fil-Kapitolu II.”

8        L-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2003/44 jipprovdi:

“L-Istati Membri għandhom jadottaw u jippubblikaw il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi neċessarji sabiex jikkonformaw mal-ħtiġiet ta’ din id-Direttiva sat-30 ta’ Ġunju 2004. Għandhom immedjatament jinfurmaw lill-Kummissjoni bihom.

L-Istati Membri għandhom japplikaw dawn il-miżuri mill-1 ta’ Jannar 2005.”

9        L-Artikolu 1 tad-Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 98/34/KE, tat-22 ta’ Ġunju 1998, li tistabbilixxi proċedura għall-għoti ta’ informazzjoni fil-qasam tal-istandards u tar-Regolamenti Tekniċi (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti: Kapitolu 13, Vol. 20, p. 337) kif emendata bid-Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 98/48/KE, tal-20 ta’ Lulju 1998 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti: Kapitolu 13, Vol. 21, p. 8), u tikkonsolida d-Direttiva tal-Kunsill 83/189/KEE, tat-28 ta’ Marzu 1983 (ĠU L 109, p. 8, iktar ’il quddiem id-“Direttiva 98/34”), jipprovdi d-dispożizzjonijiet li ġejjin:

“Għall-għanijiet ta’ din id-Direttiva għandhom japplikaw it-tifsriet li ġejjin:

[…]

“4)      ‛ħtiġiet oħra’, ħtieġa, għajr speċifikazzjoni teknika, imposta fuq prodott bil-għan li tipproteġi, b’mod partikolari, il-konsumatur jew l-ambjent, u li taffettwa ċ-ċiklu tal-ħajja tiegħu wara li jkun inħareġ fis-suq, bħalma huma l-kondizzjonijiet dwar l-użu, ir-riċiklaġġ, l-użu mill-ġdid jew ir-rimi, fejn dawn il-kondizzjonijiet jistgħu jinfluwenzaw b’mod sinifikanti l-kompożizzjoni jew in-natura tal-prodott jew il-bejgħ tiegħu fis-suq;

[…]

11)      ‛regolament tekniku’, speċifikazzjonijiet u ħtiġiet oħra tekniċi, inklużi d-dispożizzjonijiet amministrattivi relevanti, li l-osservanza tagħhom hija obbligatorja, de jure jew de facto, fil-każ tal-bejgħ fis-suq jew l-użu fi Stat Membru jew f’parti kbira minnu, kif ukoll il-liġijiet, ir-regolamenti jew id-dispożizzjonijiet amministrattivi ta’ l-Istati Membri, għajr dawk li għalihom hemm provdut fl-Artikolu 10, li jipprojbixxu l-manifattura, l-importazzjoni, il-bejgħ fis-suq jew l-użu ta’ prodott.

[…]”

10      L-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 8(1) tad-Direttiva 98/34 jipprovdi li, bla ħsara għall-Artikolu 10, l-Istati Membri għandhom jikkomunikaw fil-pront lill-Kummissjoni kull abbozz ta’ regolament tekniku.

11      Skont it-tielet subparagrafu tal-Artikolu 8(1) tad-Direttiva 98/34, “[l]-Istati Membri għandhom jikkomunikaw l-abbozz mill-ġdid skond il-kondizzjonijiet ta’ hawn fuq jekk jagħmlu tibdil lill-abbozz li jkollu l-effett li jibdel b’mod sinifikanti l-iskop tiegħu, iqassru l-iskeda imfassla oriġinarjament għall-implimentazzjoni, iżidu l-ispeċifikazzjonijiet jew il-ħtiġiet jew jagħmlu lil dawn ta’ l-aħħar iktar stretti.”

12      Skont l-Artikolu 8(3) tad-Direttiva 98/34, “[l]-Istati Membri għandhom jikkomunikaw it-test definittiv tar-regolament tekniku lill-Kummissjoni mingħajr dewmien.”

13      Skont l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 9(2) tad-Direttiva 98/34, l-Istati Membri għandhom jipposponu, skont il-każ, l-adozzjoni ta’ abbozz ta’ regolament tekniku għal erba’ jew sitt xhur “mid-data ta’ meta l-Kummissjoni tkun irċeviet il-komunika li hemm referenza għaliha fl-Artikolu 8(1) jekk il-Kummissjoni jew Stat Membru ieħor jagħtu opinjoni dettaljata, fi żmien tliet xhur minn din id-data, jekk il-miżura prevista tista’ toħloq ostakolu għall-moviment liberu ta’ l-oġġetti fis-suq intern.”

 Il-leġiżlazzjoni nazzjonali

14      Il-leġiżlazzjoni nazzjonali dwar il-jetskis fis-seħħ fiż-żmien meta seħħew il-fatti fil-kawża prinċipali, daħlet fis-seħħ fil-15 ta’ Lulju 2004.

15      L-Artikolu 1 ta’ din il-leġiżlazzjoni jiddisponi:

“F’din il-leġiżlazzjoni, dgħajsa personali bil-mutur tfisser dgħajsa ta’ mhux iktar minn erba’ metri fit-tul li 1) jkollha magna bil-kombustjoni interna b’pompa b’ġett tal-ilma bħala s-sors ewlieni ta’ propulsjoni tagħha, u 2) li tkun iddisinjata sabiex tiġi mmanuvrata minn persuna waħda jew diversi persuni bil-qiegħda, bil-wieqfa jew għarkuptejhom fuq il-buq, u mhux ġo fih.”

16      L-Artikolu 2 ta’ din il-leġiżlazzjoni jipprevedi:

“Id-dgħajjes personali bil-mutur jistgħu jintużaw biss f’passaġġi tal-ilma pubbliċi u fl-ilmijiet iddefiniti fl-Artikolu 3(1)”.

17      Skont l-Artikolu 3 tal-leġiżlazzjoni nazzjonali:

“Il-Länsstyrelsen [l-awtorità lokali] tista’ tistabbilixxi regoli li jistipulaw f’liema ilmijiet, minbarra l-passaġġi tal-ilma pubbliċi, jistgħu jintużaw dgħajjes personali bil-mutur. Iżda hija għandha l-obbligu li fi kwalunkwe każ tadotta dispożizzjonijiet għall-użu ta’ tali dgħajjes personali bil-mutur fi:

1)      ilmijiet li huma suġġetti għal ammont tant kbir ta’ attività oħra tal-bniedem illi l-istorbju prevedibbli u fastidji oħra minħabba l-użu ta’ dgħajjes personali bil-mutur ma jistgħux ikunu kkunsidrati li jagħtu fastidju sinjifikattiv lill-pubbliku jew l-ambjent,

2)      ilmijiet li jinsabu ’l bogħod minn żoni residenzjali jew ta’ villeġġjaturi li ma tantx huma ta’ valur mill-perspettiva tal-ħarsien tal-ambjent naturali u kulturali, tal-biodiversità, tal-ħajja fil-beraħ, tas-sajd għad-divertiment jew professjonali, u

3)      ilmijiet oħra fejn l-użu ta’ dgħajjes personali bil-mutur ma jikkawżax fastidju lill-pubbliku minħabba storbju jew fastidji oħra u lanqas ma jikkawża riskju sinjifikattiv ta’ ħsara jew taqlib fir-rigward tal-flora jew fawna jew ta’ tkattir ta’ mard li jittieħed.

Il-Länsstyrelsen tista’ wkoll jekk dan ikun neċessarju sabiex jiġu evitati l-fastidji u r-riskji ta’ ħsara msemmija fil-punt 3 tal-ewwel subparagrafu, tillimita l-użu ta’ dgħajjes personali bil-mutur għal ċerti partijiet mill-passaġġi tal-ilma pubbliċi, u tirregola l-aċċess għal u l-ħruġ mill-passaġġi tal-ilma pubbliċi”.

18      Skont l-Artikolu 5 tal-leġiżlazzjoni nazzjonali, kull min saq DPM bi ksur tal-Artikoli 2 jew 3b ta’ din il-leġiżlazzjoni jew ta’ dispożizzjonijiet adottati abbażi tal-Artikolu 3 ta’ din il-leġiżlazzjoni, jeħel multa.

19      Permezz tad-Deċiżjoni Nru 2589 2004 41950, tal-20 ta’ Mejju 2005 (iktar ’il quddiem id-“Deċiżjoni tal-20 ta’ Mejju 2005”), il-Länsstyrelsen i Stockholms län (l-awtorità lokali ta’ Stokkolma), fuq il-bażi tal-Artikolu 3 tal-leġiżlazzjoni nazzjonali, awtorizzat l-użu tad-DPM f’ċerti ilmijiet fil‑ġurisdizzjoni tagħha. Din id-deċiżjoni daħlet fis-seħħ fil-15 ta’ Ġunju 2005.

I –  Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

20      Fit-13 ta’ Lulju 2005, L. Sandström kien qed isuq DPM f’ilmijiet li jinsabu barra mill-passaġġi tal-ilma pubbliċi u f’żona li ma hijiex koperta mid-dispożizzjonijiet adottati mil-Länsstyrelsen dwar ilmijiet fejn l-użu ta’ DPM huwa awtorizzat. L-Åklagaren beda proċeduri kriminali kontra L. Sandström għal ksur tal-leġiżlazzjoni nazzjonali.

21      Il-passaġġi tal-ilma kkonċernati fil-kawża prinċipali huma ddefiniti mid-deċiżjoni tal-20 ta’ Mejju 2005.

22      Il-konvenut ma nnegax il-fatti li huwa akkużat bihom iżda jsostni li l-applikazzjoni ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali tikser l-Artikolu 28 KE kif ukoll id-Direttiva 94/25.

23      F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Handens tingsrätt iddeċidiet li tissospendi l‑proċeduri u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)      a) Id-Direttiva [2003/44] tipprekludi dispożizzjonijiet ta’ dritt nazzjonali li jipprojbixxu l-użu ta’ [DPM] barra l-passaġġi tal-ilma pubbliċi u fl-ilmijiet li fihom, awtorità lokali tkun ħadet miżura ta’ awtorizzazzjoni taħt l-Artikolu 3(1) tal-leġiżlazzjoni [nazzjonali]?

b) Il-legalità tal-projbizzjoni deskritta fid-domanda 1(a) tiddependi fuq il-punt li jsir magħruf jekk l-awtorità lokali, meta eżaminat il-kwistjoni ta’ awtorizzazzjoni fir-rigward tal-Artikolu 3(1), tikkonforma mar-regola li tipprovdi li deċiżjoni ta’ awtorizzazzjoni għandha dejjem tittieħed għall-ilmijiet li fihom il-kriterji deskritti fil-paragrafi 1 sa 3 huma sodisfatti?

2)      Jekk le, l-Artikoli 28 KE sa 30 KE, jipprekludu dispożizzjonijiet nazzjonali li jipprojbixxu l-użu tal-[DPM] deskritti iktar ’il fuq fid-domanda 1(a) u dan b’mod ġenerali jew biss fil-każ invokat fid-domanda 1(b)?

3)      Indipendentement miċ-ċirkustanzi msemmija iktar ’il fuq, in-nuqqas ta’ notifika minn qabel lill-Kummissjoni […], taħt [id-Direttiva 98/34], tal-projbizzjoni ġdida li tirrigwarda l-[DPM], adottata fl-20 ta’ Ġunju 2004, tipprekludi d-dispożizzjonijiet nazzjonali inkwistjoni?”

 Fuq id-domandi preliminari

 Osservazzjonijiet preliminari

24      Qabel kollox, għandu jiġi indikat li l-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali diġà, fil-parti l-kbira tagħha, kienet is‑suġġett ta’ eżami mill-Qorti tal-Ġustizzja fir-rigward tad-Direttiva 94/25, kif ukoll tal-Artikoli 28 KE u 30 KE fis-sentenza tal-4 ta’ Ġunju 2009, Mickelsson u Roos (C‑142/05, Ġabra p. I‑4273). Din is-sentenza u l-kawża preżenti jinsabu f’fatti u kuntest legali simili.

25      Id-differenza essenzjali bejn iż-żewġ kawżi huwa l-fatt li, b’mod kuntrarju għall-kawża li tat lok għas-sentenza Mickelsson u Roos, iċċitata iktar ’il fuq, fil-kawża preżenti, il-Länsstyrelsen eżerċitat il‑kompetenzi ddefiniti fl-Artikolu 3 tal-leġiżlazzjoni nazzjonali li jippermettulha tawtorizza ċ-ċirkulazzjoni tad-DPM f’ċerti passaġġi tal‑ilma. F’dak li jirrigwarda l-kuntest legali, id-Direttiva 2003/44 li temenda d-Direttiva 94/24/KE, kienet applikabbli fiż-żmien li seħħew il-fatti tal-kawża prinċipali.

 Fuq l-ewwel u t-tieni domandi

26      Permezz tal-ewwel u t-tieni domandi tagħha, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tal-rinviju essenzjalment tistaqsi, jekk id‑Direttiva 94/25, kif emendata bid-Direttiva 2003/44, jew, jekk ikun il-każ, l-Artikoli 28 KE u 30 KE, għandhomx jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik fil-kawża prinċipali, li tipprojbixxi l-użu ta’ DPM barra mill-passaġġi speċifiċi.

27      Id-Direttiva 94/25 għandha bħala għan l-approssimazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri dwar id-dgħajjes li jintużaw għar-rikreazzjoni, sabiex tħassar id-differenzi li jirrigwardaw il-kontenut u l-kamp ta’ applikazzjoni tal-karatteristiċi ta’ sigurtà tad-dgħajjes li jintużaw għar‑rikreazzjoni sa fejn tali differenzi huma ta’ natura li joħolqu ostakoli għall-iskambji bejn l-Istati Membri u għall-kundizzjonijiet ta’ kompetizzjoni mhux ugwali fis-suq intern. Billi emendat l-Artikolu 1 tad-Direttiva 94/25/KE, fil-verżjoni inizjali tiegħu, id-Direttiva 2003/44 wessgħat il-kamp ta’ applikazzjoni tal-ewwel direttiva sabiex tinkludi, b’mod partikolari d-DPM.

28      L-Artikolu 2(2) tad-Direttiva 94/25, jippreċiża li d-dispożizzjonijiet tiegħu ma għandhomx iwaqqfu lill-Istati Membri milli jadottaw, b’mod konformi mat-Trattat, id-dispożizzjonijiet li jikkonċernaw in‑navigazzjoni f’ċerti ilmijiet għall-iskop tal-protezzjoni tal-ambjent, tal-istruttura tal-passaġġi tal-ilma u sabiex jiżguraw is-sigurtà tal‑passaġġi tal-ilma, bil-kundizzjoni li dan ma jeżiġix il-modifika tad‑dgħajjes li jkunu konformi mal-imsemmija direttiva (sentenza Mickelsson u Roos, iċċitata iktar ’il fuq, punt 20).

29      Għaldaqstant, skont l-Artikolu 2(2) tagħha, din id-direttiva ma tipprekludix dispożizzjonijiet nazzjonali li, għal raġunijiet ta’ protezzjoni tal-ambjent, jipprojbixxu l-użu ta’ DPM f’xi ilmijiet, bil-kundizzjoni li dawn id-dispożizzjonijiet ma jmorrux kontra r-regoli tat-Trattat (sentenza Mickelsson u Roos, iċċitata iktar ’il fuq, punt 21).

30      Il-leġiżlazzjoni nazzjonali u d-Deċiżjoni tal-20 ta’ Mejju 2005 jaqgħu taħt il-kategorija ta’ dispożizzjonijiet nazzjonali previsti minn din id‑dispożizzjoni tal-aħħar tad-Direttiva 94/25. Fil-fatt, din tipprovdi projbizzjoni għall-użu ta’ DPM barra mill-passaġġi speċifiċi.

31      Konsegwentement, għandu jiġu eżaminat jekk l-Artikoli 28 KE u 30 KE, li wara d-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta’ Lisbona, saru l-Artikoli 34 TFUE u 36 TFUE, jipprekludux regoli nazzjonali bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali.

32      Fil-kawża li tat lok għas-sentenza Mickelsson u Roos, iċċitata iktar ’il fuq, diġà kienet tressqet quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja talba għall‑interpretazzjoni tal-Artikoli 28 KE u 30 KE, sabiex il-qorti tar‑rinviju setgħet tevalwa l-kompatibbiltà tal-leġiżlazzjoni nazzjonali mal-imsemmija dispożizzjonijiet. Fiż-żmien meta seħħew il-fatti tal‑kawża prinċipali fil-kawża li tat lok għas-sentenza Mickelsson u Roos, iċċitata iktar ’il fuq, il-leġiżlazzjoni nazzjonali kienet għadha ma ġietx implementata mill-miżuri previsti fl-ewwel paragrafu tal-Artikolu 3 tal-imsemmija leġiżlazzjoni, bħad-Deċiżjoni tal-20 ta’ Mejju 2005, fis-sens li, skont l‑Artikolu 2 tal-istess leġiżlazzjoni, l-użu tad-DPM kien awtorizzat biss fil-passaġġi tal-ilma pubbliċi.

33      Mill-punt 44 tas-sentenza Mickelsson u Roos, iċċitata iktar ’il fuq, jirriżulta li l-Artikoli 28 KE u 30 KE, ma jipprekludux leġiżlazzjoni nazzjonali li, għal raġunijiet ta’ protezzjoni tal-ambjent, jipprojbixxu l‑użu tad-DPM barra mill-passaġġi speċifiċi, taħt il-kundizzjoni li:

– l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti jkunu marbuta li jieħdu l-miżuri ta’ implementazzjoni previsti sabiex jiddeżinjaw żoni barra mill‑passaġġi tal-ilma pubbliċi li fihom id-DPM ikunu jistgħu jintużaw,

– dawn l-awtoritajiet ikunu effettivament eżerċitaw il-kompetenza mogħtija lilhom f’dan ir-rigward u jkunu ddeżinjaw iż-żoni b’osservanza tar-rekwiżiti previsti mil-leġiżlazzjoni nazzjonali, u

–dawn il-miżuri jkunu ġew adottati f’terminu raġonevoli wara d-dħul fis-seħħ ta’ din il-leġiżlazzjoni.

34      Tali risposta ma hijiex affettwata mill-adozzjoni tad-Deċiżjoni tal-20 ta’ Mejju 2005. Fil-fatt, il-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali tibqa’ bbażata fuq il-prinċipju ta’ projbizzjoni ġenerali tal-użu tad-DPM barra mill-passaġġi tal-ilma pubbliċi bla ħsara għall-ispeċifikazzjoni tal‑awtoritajiet kompetenti tal-passaġġi li fihom dawn jistgħu jintużaw. Għaldaqstant, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika jekk il-leġiżlazzjoni nazzjonali, kif implementata mid‑Deċiżjoni tal-20 ta’ Mejju 2005, tirrispetta t-tliet kundizzjonijiet iċċitati fil-punt preċedenti.

35      F’dan ir-rigward, hemm lok li jitfakkar li, fil-kuntest tal-proċedura msemmija fl-Artikolu 267 TFUE, ibbażata fuq separazzjoni ċara tal‑funzjonijiet bejn il-qrati nazzjonali u l-Qorti tal-Ġustizzja, kull evalwazzjoni tal-fatti tal-kawża taqa’ taħt il-ġurisdizzjoni tal-qorti nazzjonali. Madankollu, sabiex tingħata risposta effettiva, il-Qorti tal‑Ġustizzja tista’, fi spirtu ta’ kooperazzjoni mal-qrati nazzjonali, tagħtiha dawk l-indikazzjonijiet li hija tqis li huma neċessarji (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Mickelsson u Roos, iċċitata iktar ’il fuq, punt 41).

36      Fir-rigward tal-ewwel kundizzjoni msemmija fil-punt 33 iktar ’il fuq, għandu jiġi rrilevat li, skont l-Artikolu 3 tal-leġiżlazzjoni nazzjonali, il‑Länsstyrelsen hija marbuta tadotta dispożizzjonijiet sabiex tispeċifika l-passaġġi li jinsabu barra l-passaġġi tal-ilma pubbliċi li fihom jistgħu jintużaw id-DPM.

37      Fir-rigward tat-tieni kundizzjoni msemmija fil-punt 33 iktar ’il fuq, għandu jiġi mfakkar li d-Deċiżjoni tal-20 ta’ Mejju 2005 tiddikjara, skont l‑Artikolu 3 tal-leġiżlazzjoni nazzjonali, il-passaġġi tal-ilma li fihom jistgħu jintużaw id-DPM fil-provinċja ta’ Stokkolma.

38      Hija l-qorti tar‑rinviju li għandha tivverifika jekk jista’ jiġi kkunsidrat b’mod raġonevoli li d-Deċiżjoni tal-20 ta’ Mejju 2005 tispeċifika l-passaġġi li, fil-provinċja kkonċernata, jissodisfaw il-kundizzjonijiet previsti mil‑leġiżlazzjoni nazzjonali, u b’mod partikolari mill-ewwel paragrafu tal-Artikolu 3 tagħha. Fil-fatt, meta l-użu tad-DPM, f’passaġġ li jissodisfa l-imsemmija kundizzjonijiet, skont il-kliem tal-leġiżlazzjoni nazzjonali stess, ma jirriżultax f’riskji jew dannu li huwa inaċċetabbli għall-ambjent (ara s-sentenza Mickelsson u Roos, iċċitata iktar ’il fuq, punt 38), għandu jiġi kkunsidrat li kull projbizzjoni tal-użu tad-DPM f’tali żona, li tirriżulta min-nuqqas tal-ispeċifikazzjoni tagħha fil-miżura ta’ implementazzjoni, tikkostitwixxi miżura li tmur lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex jintlaħaq l-għan ta’ protezzjoni tal-ambjent.

39      Fir-rigward tat-tielet kundizzjoni msemmija fil-punt 33 iktar ’il fuq, l-provi tal-proċess juru li d-Deċiżjoni tal-20 ta’ Mejju 2005 daħlet fis-seħħ fil-15 ta’ Ġunju 2005, jiġifieri, ħdax-il xahar wara d-dħul fis-seħħ tal-leġiżlazzjoni nazzjonali. Sabiex tiġi evalwata n-natura raġonevoli ta’ dan id-dewmien, għandu jittieħed inkunsiderazzjoni l-fatt li, hekk kif mil-motivi tad-Deċiżjoni tal-20 ta’ Mejju 2005 jirriżulta wkoll, din ġiet adottata wara konsultazzjoni mal-muniċipalitajiet u mal-partijiet ikkonċernati l-oħra.

40      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet ta’ qabel, hemm lok li tingħata r-risposta lill-ewwel żewġ domandi magħmula li d-Direttiva 94/25 ma tipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali li, għal raġunijiet marbuta mal-protezzjoni tal-ambjent, tipprojbixxi l-użu ta’ DPM barra mill-passaġġi speċifiċi. L-Artikoli 34 TFUE u 36 TFUE ma jipprekludux din il-leġiżlazzjoni nazzjonali, bil-kundizzjoni li:

– l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti jkunu marbuta li jieħdu l-miżuri ta’ implementazzjoni previsti sabiex jiddeżinjaw żoni barra mill-passaġġi tal-ilma pubbliċi li fihom id-DPM ikunu jistgħu jintużaw,

– dawn l-awtoritajiet ikunu effettivament eżerċitaw il-kompetenza mogħtija lilhom f’dan ir-rigward u jkunu ddeżinjaw iż-żoni b’osservanza tar-rekwiżiti previsti mil-leġiżlazzjoni nazzjonali, u

–li dawn il-miżuri jkunu ġew adottati f’terminu raġonevoli wara d-dħul fis-seħħ ta’ din il-leġiżlazzjoni.

Hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika jekk, fil-kawża prinċipali, dawn il-kundizzjonijiet ġewx sodisfatti.

 Fuq it-tielet domanda

41      Permezz tat-tielet domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi, jekk in-nuqqas ta’ notifika minn qabel lill‑Kummissjoni, prevista fl-Artikolu 8(1) tad-Direttiva 98/34, tal‑emenda ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali, f’ċirkustanzi bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, iwassal għall-invalidità ta’ dawn id‑dispożizzjonijiet nazzjonali.

42      F’dan ir-rigward, hija ġurisprudenza stabbilita li d-Direttiva 98/34 għandha bħala għan li tħares il-moviment ħieles tal-merkanzija, li hu wieħed mis-sisien tal-Komunità, permezz ta’ kontroll preventiv, u li dan il-kontroll huwa utli inkwantu regolamenti tekniċi li jaqgħu taħt din id‑direttiva jistgħu jikkostitwixxu ostakoli għall-kummerċ tal-merkanzija bejn l-Istati Membri, minħabba li dawn l-ostakoli ma jistgħux jiġu ammessi ħlief jekk meħtieġa sabiex jiġu sodisfatti kundizzjonijiet essenzjali biex jintlaħaq għan ta’ interess ġenerali (ara s‑sentenzi tat-30 ta’ April 1996, CIA Security International, C‑194/94, Ġabra p. I‑2201, punt 40, tas-16 ta’ Ġunju 1998, Lemmens, C‑226/97, Ġabra p. I‑3711, punt 32 u tat-8 ta’ Settembru 2005, Lidl Italia, C‑303/04, Ġabra p. I‑7865, punt 22).

43      L-obbligu ta’ notifika, li ssir referenza għalih, b’mod partikolari, fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 8(1) tad-Direttiva 98/34, jikkostitwixxi mezz essenzjali għat-twettiq ta’ dan il-kontroll Komunitarju, l-effikaċja ta’ dan il-kontroll tissaħħaħ jekk din id‑direttiva tiġi interpretata fis-sens li n-nuqqas ta’ osservanza tal‑obbligu ta’ notifika jikkostitwixxi difett sostanzjali ta’ proċedura li jwassal għall-inapplikabbiltà tar-regolamenti tekniċi kkonċernati, b’mod li dawn ir-regolamenti ma jistgħux jiġu invokati fil‑konfront ta’ individwi (ara s-sentenza Lidl Italia, iċċitata iktar ’il fuq, punt 23).

44      Mill-proċess ippreżentat lill-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li, fl-1 ta’ April 2003, il-Gvern Svediż innotifika lill-Kummissjoni bl-abbozz ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali li ddeffinixxiet il-kunċett tad-DPM u li kien fih, ħlief għal xi eċċezzjonijiet, projbizzjoni ġenerali tal-użu tagħhom. Wara din in-notifika, il-Kummissjoni indirizzat lill-Gvern Svediż b’opinjoni dettaljata taħt l-Artikolu 9(2) tad-Direttiva 98/34. Għaldaqstant, l-awtoritajiet Svediżi emendaw l-abbozz. Madankollu, huma nnotifikaw lill-Kummissjoni bit-test tal-leġiżlazzjoni nazzjonali hekk emendat biss wara l-adozzjoni tagħha.

45      B’hekk jidher li hija l-qorti nazzjonali li għandha tivverifika jekk l‑abbozz inizjali ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali kien is-suġġett ta’ notifika taħt l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 8(1) tad-Direttiva 98/34, iżda li kienu biss l-emendi mwettqa wara l-opinjoni ddettaljata tal-Kummissjoni li ma kinux is-suġġett ta’ notifika minn qabel. Il-Gvern Svediż u l-Kummissjoni insistew f’dan ir-rigward li l‑imsemmija emendi kkonċernaw biss il-flessibbiltà tal-kundizzjonijiet ta’ użu tad-DPM.

46      F’dan ir-rigward, għandu jiġi mfakkar li t-tielet subparagrafu tal‑Artikolu 8(1) tad-Direttiva 98/34 jipprovdi li l-Istati Membri għandhom jikkomunikaw mill-ġdid fir-rigward ta’ abbozz ta’ regolament tekniku, il-bidliet li jkollhom bħala effett li jbidlu b’mod sinjifikattiv il-kamp ta’ applikazzjoni, li jqassru l-iskeda mfassla inizjalment għall-implementazzjoni, iżidu l-ispeċifikazzjonijiet jew il‑ħtiġiet jew jagħmlu lil dawn tal-aħħar iktar stretti.

47      Madankollu, għandu jiġi kkunsidrat li, fir-rigward tal-għan tad-Direttiva 98/34 espost fil-punt 41 iktar ’il fuq, l-emendi mwettqa lill-abbozz ta’ regolament tekniku diġà nnotifikat lill-Kummissjoni skont l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 8(1) tad-Direttiva 98/34, li jipprovdu biss, fil‑konfront tal-abbozz innotifikat, għal flessibbiltà tal-kundizzjonijiet ta’ użu tal-prodott ikkonċernat u li, għaldaqstant, inaqqsu l-impatt sussegwenti fuq l-iskambji kummerċjali, ma jikkostitwixxux bidla sinjifikattiva tal-abbozz fis-sens tat-tielet subparagrafu tal-Artikolu 8(1) tal-imsemmija direttiva. Għaldaqstant, tali emendi ma humiex suġġetti għall-obbligu ta’ notifika minn qabel.

48      Għalkemm, ċertament, skont l-Artikolu 8(3) tad-Direttiva 98/34, l-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni, mingħajr dewmien, it-test definittiv ta’ regolament tekniku, in-nuqqas ta’ komunikazzjoni ta’ emenda mhux sinjifikattiva ta’ tali regola qabel l‑adozzjoni tagħha ma taffettwax, fin-nuqqas ta’ obbligu ta’ notifika minn qabel, l-applikabbiltà ta’ din ir-regola.

49      Għaldaqstant, hemm lok li tingħata risposta għat-tielet domanda li l‑Artikolu 8(1) tad-Direttiva 98/34 għandu jiġi interpretat fis-sens li emenda mwettqa fuq abbozz ta’ regolament tekniku diġà nnotifikat lill‑Kummissjoni Ewropea, skont l-ewwel subparagrafu ta’ din id-dispożizzjoni, li jirrigwarda biss, fil-konfront tal-abbozz innotifikat, li tipprovdi għall‑flessibbiltà tal-kundizzjonijiet ta’ użu tal-prodott ikkonċernat u li għaldaqstant, tnaqqas l-impatt sussegwenti tar-regolament tekniku fuq l‑iskambji kummerċjali, ma tikkostitwixxix bidla sinjifikattiva tal-abbozz fis-sens tat-tielet subparagrafu ta’ din id-dispożizzjoni u ma għandhiex tkun is-suġġett ta’ notifika minn qabel lill-Kummissjoni. Fin‑nuqqas ta’ tali obbligu ta’ notifika minn qabel, in-nuqqas ta’ komunikazzjoni lill-Kummissjoni ta’ emenda mhux sinjifikattiva ta’ regolament tekniku, qabel l-adozzjoni tiegħu, ma jaffettwax l‑applikabbiltà ta’ din ir-regola.

 Fuq l-ispejjeż

50      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas‑sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal‑imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Id-Direttiva 94/25/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-16 ta’ Ġunju 1994, dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet, tar‑regolamenti u tad-dispożizzjonijiet amministrattivi tal‑Istati Membri li għandhom x’jaqsmu mad-dgħajjes illi jintużaw għar-rikreazzjoni, kif emendata bid-Direttiva 2003/44/KE tal‑Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-16 ta’ Ġunju 2003, ma tipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali li, għal raġunijiet marbuta mal-protezzjoni tal-ambjent, tipprojbixxi l-użu ta’ dgħajjes personali bil-mutur barra mill-passaġġi speċifiċi.

2)      L-Artikoli 34 TFUE u 36 TFUE ma jipprekludux din il-leġiżlazzjoni nazzjonali, bil-kundizzjoni li:

–        l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti jkunu marbuta li jieħdu l‑miżuri ta’ implementazzjoni previsti sabiex jiddeżinjaw żoni barra mill-passaġġi tal-ilma pubbliċi li fihom id-dgħajjes personali bil-mutur ikunu jistgħu jintużaw,

–        dawn l-awtoritajiet ikunu effettivament eżerċitaw il‑kompetenza mogħtija lilhom f’dan ir-rigward u jkunu ddeżinjaw iż-żoni b’osservanza tar-rekwiżiti previsti mil‑leġiżlazzjoni nazzjonali, u

–        li dawn il-miżuri jkunu ġew adottati f’terminu raġonevoli wara d-dħul fis-seħħ ta’ din il-leġiżlazzjoni.

Hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika jekk, fil-kawża prinċipali, dawn il-kundizzjonijiet ġewx sodisfatti.

3)      L-Artikolu 8(1) tad-Direttiva 98/34/KE tal-Parlament Ewropew u tal‑Kunsill, tat-22 ta’ Ġunju 1998, li tistabbilixxi proċedura għall-għoti ta’ informazzjoni fil-qasam tal‑istandards u tar-Regolamenti Tekniċi, għandu jiġi interpretat fis-sens li emenda mwettqa fuq abbozz ta’ regolament tekniku diġà nnotifikat lill-Kummissjoni Ewropea, skont l‑ewwel subparagrafu ta’ din id-dispożizzjoni, li jirrigwarda biss, fil-konfront tal-abbozz innotifikat, li tipprovdi għall‑flessibbiltà tal-kundizzjonijiet ta’ użu tal-prodott ikkonċernat u li għaldaqstant, tnaqqas l-impatt sussegwenti tar-regolament tekniku fuq l-iskambji kummerċjali, ma tikkostitwixxix bidla sinjifikattiva tal-abbozz fis-sens tat-tielet subparagrafu ta’ din id-dispożizzjoni u ma għandhiex tkun is‑suġġett ta’ notifika minn qabel lill-Kummissjoni. Fin‑nuqqas ta’ tali obbligu ta’ notifika minn qabel, in‑nuqqas ta’ komunikazzjoni lill-Kummissjoni ta’ emenda mhux sinjifikattiva ta’ regolament tekniku, qabel l-adozzjoni tiegħu, ma jaffettwax l-applikabbiltà ta’ din ir-regola.

Firem


* Lingwa tal-kawża: l-Isvediż.

Top