EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62005CJ0422

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (it-Tielet Awla) ta' l-4 ta' Ġunju 2007.
il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej vs ir-Renju tal-Belġju.
Nuqqas ta' Stat li jwettaq obbligu - Direttiva 2002/30/KE- Trasport bl-ajru - Restrizzjonijiet fuq l-operat marbuta mal-ħoss fl-ajruporti tal-Komunità - Adozzjoni mill-Istat Membru, matul it-terminu għat-traspożizzjoni, ta' dispożizzjonijiet li huma kapaċi jikkompromettu serjament il-kisba tar-riżultat preskritt mid-Direttiva.
Kawża C-422/05.

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2007:342

Partijiet
Motivi tas-sentenza
Parti operattiva

Partijiet

Fil-kawża C‑422/05,

li għandha bħala suġġett rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu skond l-Artikolu 226 KE, imressaq fit-28 ta’ Novembru 2005,

Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, irrappreżentata minn F. Benyon u M. Huttunen, bħala aġenti, b’indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,

rikorrenti,

vs

Ir-Renju tal-Belġju, inizjalment irrappreżentat minn M. Wimmer, imbagħad minn A. Hubert, bħala aġenti

konvenut

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla),

komposta minn A. Rosas, President ta’ l-Awla, J. Klučka, J. N. Cunha Rodrigues, U. Lõhmus (Relatur) u P. Lindh, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: M. Poiares Maduro,

Reġistratur: R. Grass,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li semgħet il-konklużjonijiet ta’ l-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tal-25 ta’ Jannar 2007,

tagħti l-preżenti

Sentenza

Motivi tas-sentenza

1. Permezz tar-rikors tagħha, il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tikkonstata li bl-adozzjoni tad-Digriet Irjali ta’ l-14 ta’ April 2002 li jirregola t-titjiriet ta’ bil-lejl ta’ xi ajruplani bil-ġett subsoniċi ċivili (Moniteur belge tas-17 ta’ April 2002, p. 15570, aktar ‘il quddiem id-“Digriet Irjali ta’ l-14 ta’ April 2002”), ir-Renju tal-Belġju naqas milli jwettaq l-obbligi imposti fuqu mid-Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2002/30/KE, tas-26 ta’ Marzu 2002, dwar l-istabbiliment ta’ regoli u proċeduri għall-introduzzjoni ta’ restrizzjonijiet tal-ħoss fl-ajruporti tal-Komunità (ĠU L 85, p. 40, aktar ‘il quddiem id-“Direttiva”) kif ukoll mit-tieni paragrafu ta’ l-Artikolu 10 KE moqri flimkien mat-tielet paragrafu ta’ l-Artikolu 249 KE.

Il-kuntest ġuridiku

Il-leġiżlazzjoni Komunitarja

2. B’mod konformi ma’ l-Artikolu 17 tad-Direttiva li seħħet fis-26 ta’ Marzu 2002, din daħlet fis-seħħ dakinhar tal-pubblikazzjoni tagħha fil- Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej , jiġifieri fit-28 ta’ Marzu 2002. Minn naħa, din id-Direttiva introduċiet il-kunċett ta’ “metodu bilanċjat” għall-immaniġjar tal-ħoss ta’ l-ajruplani u, min-naħa l-oħra, linji gwida għall-impożizzjoni ta’ restrizzjonijiet fuq l-operat marbuta mal-ħoss fl-ajruporti tal-Komunità Ewropea.

3. L-Artikolu 2 ta’ din id-Direttiva jiddisponi:

“Għall-finijiet ta’ din id-Direttiva:

[…]

d) ‘l-ajruplani li jkunu jikkonformaw bi ftit’ tfisser l-ajruplani bil-jet subsoniċi ċivili, li jilħqu l-limiti taċ-ċertifikazzjoni li jinsabu fil-Volum 1, Parti II, [kapitolu] 3 [ta’ l-Anness] 16 tal-Konvenzjoni fuq l-Avjazzjoni Ċivili Internazzjonali b’marġni kumulattiv ta’ [mhux] aktar minn 5ĦEPdB (Ħoss Effettivament Perċepit f’deċibel), il-marġni kumulattiv huwa l-figura espressa fl-ĦEPdB meta jiżdiedu l-marġni individwali (fi kliem ieħor, id-differenza bejn il-livell ta’ ħoss iċċertifikat u l-ogħla livell ta’ ħoss permess) f’kull wieħed mit-tliet punti ta’ referenza għall-kejl tal-ħoss kif imfissra fil-Volum 1, Parti II, [kapitolu] 3 [ta’ l-Anness] 16 tal-Konvenzjoni fuq l-Avjazzjoni Ċivili Internazzjonali;

e) ‘ir-restrizzjonijet fuq l-operat’ tfisser il-miżuri li għandhom x’jaqsmu mal-ħoss li jillimitaw jew inaqqsu l-aċċess ta’ l-ajruplani bil-jet subsoniċi ċivili għal ajruport. Dan jinkludi r-restrizzjonijiet fuq l-operat immirati sabiex jiġu rtirati l-ajruplani li jkunu jikkonformaw bi ftit f’ċerti ajruporti kif ukoll restrizzjonijiet fuq l-operat ta’ natura parzjali, li jeffettwaw l-użu ta’ ajruplani subsonici ċivili skond il-perjodu;

[…]

ġ) ‘Il-Metodu Bilanċjat’ għandu jfisser metodu li bih l-Istati Membri għandhom jikkunsidraw il-miżuri disponibbli sabiex tiġi solvuta l-problema tal-ħoss f’ajruport fit-territorju tagħhom, jiġifieri l-effett prevedibbli ta’ tnaqqis tal-ħoss ta’ l-ajruplani minn fejn joriġina, l-ippjanar u l-immaniġjar ta’ l-użu ta’ l-art, il-proċeduri għat-tnaqqis tal-ħoss u r-restrizzjonijiet fuq l-operat.”

4. L-Artikolu 4 tad-Direttiva, bit-titolu “Ir-regoli ġenerali fuq l-immaniġjar tal-ħoss ta’ l-ajruplani”, jgħid:

“1. L-Istati Membri għandhom jadottaw metodu bbilanċjat biex jaffrontaw il-problemi li għandhom x’jaqsmu mal-ħoss fl-ajruporti fit-territorju tagħhom. Jistgħu wkoll jikkunsidraw l-inċentivi ekonomiċi […] miżura għall-immaniġġjar tal-ħoss.

2. Meta jikkunsidraw ir-restrizzjonijiet fuq l-operat, l-awtoritajiet kompetenti għandhom jieħdu kont ta’ l-ispejjeż li x’aktarx ikun hemm bżonn u l-benefiċċji tad-diversi miżuri disponibbli kif ukoll bħala karatteristiċi speċifiċi għal kull ajruport.

3. Il-miżuri jew kumbinazzjoni ta’ miżuri meħuda skond din id-Direttiva m’għandhiex tkun aktar restrittiva milli jkun hemm bżonn sabiex jinkiseb l-għan ambjentali stabbilit għal ajruport partikolari. M’għandhomx jiddiskriminaw fuq bażi tan-nazzjonalità jew l-identità tal-kumpanija ta’ l-ajru jew il-manifattur ta’ l-ajruplan.

4. Ir-restrizzjonijiet ta’ l-operat skond il-prestazzjoni għandhom ikunu bbażati fuq il-prestazzjoni tal-ħoss ta’ l-ajruplani skond il-proċeduri ta’ ċertifikazzjoni li tkun saret skond il-Volum 1 [ta’ l-Anness] 16 tal-Konvenzjoni fuq l-Avjazzjoni Ċiviili Internazzjonali, it-tielet edizzjoni, (1993).”

5. L-Artikolu 5 tad-Direttiva bit-titolu “Ir-regoli ta’ l-istima” jgħid:

“1. Meta tkun qed tiġi kkunsidrata deċiżjoni fuq ir-restrizzjonijiet ta’ l-operat, għandu jittieħed kont ta’ l-informazzjoni kif tkun imsemmija fl-Anness II, sa fejn ikun possibbli, għar-restrizzjonijiet fuq l-operat u għal karatteristiċi ta’ l-ajruport.

[…]”

6. L-Artikolu 7 tad-Direttiva bit-titolu “Ir-restrizzjonijiet fuq l-operat eżistenti” jgħid:

“L-Artikolu 5 m’għandux japplika:

a) [għa]r-restrizzjonijiet fuq l-operat li jkunu ġà ġew stabbiliti fid-data tad-dħul fis-seħħ ta’ din id-Direttiva;

[…]”

7. Bis-saħħa ta’ l-Artikolu 16 tad-Direttiva:

“L-Istati Membri għandhom idaħħlu fis-seħħ il-liġijiet, regolamenti, u d-disposizzjonjiet neċessarji sabiex ikun hemm konformità ma’ din id-Direttiva sat-28 ta’ Settembru 2003 mill-aktar tard. Għandhom jinfurmaw lill-Kummissjoni bihom minnufih.

[…]”

8. Id-Direttiva abrogat ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 925/1999, tad-29 ta’ April 1999, dwar ir-reġistrazzjoni u l-użu fit-territorju tal-Komunità ta’ ċerti tipi ta’ ajruplani bil-ġett subsoniċi ċivili li jkunu ġew immodifikati u ċċertifikati mill-ġdid bħala li jilħqu l-livelli stabbiliti fil-Volum I, Parti II, Kapitolu 3 ta’ l-Anness 16 mal-Konvenzjoni dwar l-Avjazzjoni Ċivili Internazzjonali, it-tielet edizzjoni (Lulju 1993) (ĠU L 115, p. 1 u – rettifiki – ĠU L 120, p. 46 u ĠU L 262, p. 23).

9. Skond l-Artikolu 1 ta’ dan ir-Regolament:

“Dan ir-Regolament għandu l-iskop li jistabbilixxi regoli bil-għan li jimpedixxu l-aggravament fil-Komunità tal-fastidji tal-ħoss maħluqa mill-ajruplani bil-ġett subsoniċi ċivili li jkunu ġew iċċertifikati mill-ġdid, kif ukoll ta’ effetti oħra li jagħmlu ħsara lill-ambjent” [traduzzjoni mhux uffiċjali].

10. Skond l-Artikolu 2, għall-finijiet ta’ l-imsemmi Regolament:

“1. ‘ajruplan bil-ġett subsoniku ċivili’ tfisser ajruplan b’massa ta’ tlugħ massima ċċertifikata ta’ 34 000 kg jew aktar, jew b’numru ta’ postijiet massimu ċċertifikat għat-tip ta’ ajruplan partikolari li jkun ta’ aktar minn 19-il post għall-passiġġiera, minbarra l-postijiet għall-ekwipaġġ, u li jkollu magni b’bypass ratio ta’ inqas minn tlieta;

2. ‘ajruplan bil-ġett subsoniku ċivili li jkun ġie ċċertifikat mill-ġdid’ tfisser ajruplan li inizjalment ikun iċċertifikat skond il-kriterji stabbiliti fil-kapitolu 2 jew skond standards ekwivalenti, jew li inizjalment ma kienx iċċertifikat fuq il-livell akustiku u li sussegwentement ġie modifikat sabiex ikun konformi ma’ l-istandards tal-kapitolu 3, jew direttament, permezz ta’ miżuri tekniċi, jew indirettament, permezz ta’ restrizzjonijiet fuq l-operat; l-ajruplani bil-ġett subsoniċi ċivili li inizjalment ma setax ikollhom ċertifikazzjoni doppja skond l-istandards tal-kapitolu 3 ħlief permezz ta’ restrizzjonijiet fuq it-toqol għandhom jitqiesu bħala ajruplani ċċertifikati mill-ġdid; l-ajruplani bil-ġett subsoniċi ċivili li ġew immodifikati sabiex jikkonformaw ma; l-istandards tal-kapitolu 3, li l-magni tagħhom ġew sostitwiti kompletament minn magni li bypass ratio tagħhom huwa ugwali għal jew aktar minn tlieta m’għandhomx jitqiesu bħala ajruplani li jkunu ġew iċċertifikati mill-ġdid;

[…]

4. ‘restrizzjonijiet fuq l-operat’ tfisser it-tnaqqis fit-toqol impost fuq l-ajruplan u/jew ir-restrizzjonijiet fuq l-operat kontrollabbli mill-bdot jew mill-operatur, bħat-tnaqqis fil-flaps;

[…]” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

11. Fir-rigward ta’ l-ajruplani li mhumiex konformi, l-Artikolu 3 ta’ l-istess Regolament kien jiddisponi:

“1. L-ajruplani bil-ġett subsoniċi ċivili li jkunu ġew iċċertifikati mill-ġdid m’għandhomx ikunu reġistrati fi Stat Membru mid-data tad-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament.

2. Il-paragrafu 1 ma japplikax fil-konfront ta’ l-ajruplani bil-ġett subsoniċi ċivili li diġà kinu rreġistrati fi Stat Membru qabel id-data ta’ l-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament u rreġistrati fil-Komunità minn dak iż-żmien.

3. Bla ħsara għad-Direttiva 92/14/KEE u b’mod partikolari għall-Artikolu 2(2) tagħha, mill-1 ta’ April 2002, ajruplani bil-ġett subsoniċi ċivili li jkunu ġew iċċertifikati mill-ġdid u li huma rreġistrati f’pajjiż terz huma pprojbiti milli joperaw fl-ajruporti li jinsabu fit-territorju tal-Komunità, ħlief jekk l-operatur ta’ dawn l-ajruplani jista’ jipprova li dawn kienu inklużi fir-reġistri tal-pajjiż terz in kwistjoni fid-data ta’ l-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament u li qabel din id-data dawn kienu qed joperaw, bejn l-1 ta’ April 1995 u d-data ta’ l-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament, fuq it-territorju tal-Komunità.

4. L-ajruplani bil-ġett subsoniċi ċivili li jkunu ġew iċċertifikati mill-ġdid u li huma rreġistrati fi Stat Membru ma jistgħux jiġu operati f’ajruporti li jinsabu fit-territorju tal-Komunità mill-1 ta’ April 2002, ħlief jekk kienu qed joperaw fuq dan it-territorju qabel id-data meta daħal fis-seħħ dan ir-Regolament.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

Il-leġiżlazzjoni nazzjonali

12. Id-Digriet Irjali ta’ l-14 ta’ April 2002 daħal fis-seħħ fl-1 ta’ Lulju 2003. Mill-premessi ta’ dan id-Digriet Irjali jirriżulta li, meta dan l-att ġie adottat, il-leġiżlatur ikkunsidra, b’mod partikolari, ir-Regolament Nru 925/1999 kif ukoll in-neċessità imperattiva li tiġi evitata l-inċertezza legali li kienet se tirriżulta għall-operaturi mit-tħassir ta’ l-imsemmi Regolament fit-28 ta’ Marzu 2002.

13. Id-Digriet Irjali ta’ l-14 ta’ April 2002 stabbilixxa restrizzjonijiet fuq l-operat matul is-sigħat ta’ bil-lejl fl-ajruporti kollha li jinsabu fit-territorju Belġjan fil-konfront ta’ xi kategoriji ta’ ajruplani bil-ġett subsoniċi ċivili li jkunu ġew iċċertifikati mill-ġdid, sabiex jiġu implementati l-istandards stabbiliti fil-Volum 1, Parti II, Kapitolu 3, ta’ l-Anness 16 tal-Konvenzjoni dwar l-Avjazzjoni Ċivili Internazzjonali, iffirmata f’Chicago fis-7 ta’ Diċembru 1944 (Ġabra tat-Trattati tan-Nazzjonijiet Uniti, Vol. 15, Nru102).

14. L-Artikolu 1 tad-Digriet Irjali ta’ l-14 ta’ April 2002 jiddisponi:

“Matul il-lejl bejn il-ħdax ta’ filgħaxija ħin lokali u s-sitta ta’ filgħodu ħin lokali, it-titjiriet ta’ l-ajruplani bil-ġett subsoniċi ċivili huma awtorizzati biss meta dawn l-ajruplani jtiru fi clean configuration (bir-roti ta’ l-ajruplan u bil-flaps ta’ fuq il-ġwienaħ imdaħħla)”.

15. Skond l-Artikolu 2 ta’ dan id-Digriet:

“L-Artikolu 1 mhuwiex applikabbli:

1) fil-konfront ta’ l-ajruplani li jtiru fuq it-territorju Belġjan matul titjira li l-punti tat-tluq u tal-wasla tagħha jinsabu f’pajjiż barrani;

2) fil-konfront ta’ l-ajruplani bil-ġett subsoniċi ċivili li:

a) jew għandhom magni li l-bypass ratio tagħhom huwa ugwali għal jew aktar minn tlieta u huma konformi ma’ l-istandards ta’ l-Anness 16 tal-Konvenzjoni dwar l-Avjazzjoni Ċivili Internazzjonali, Volum 1, Parti II, Kapitolu 3, it-tielet edizzjoni (Lulju 1993), jew ma’ normi aktar riġidi,

b) jew huma oriġinarjament, jiġifieri mingħajr ma jkunu ġew iċċertifikati mill-ġdid, konformi ma’ l-istandards stabbiliti fil-paragrafu a) iktar ‘il fuq jew ma’ standards aktar riġidi.”

16. Skond l-Artikolu 3 tad-Digriet Irjali ta’ l-14 ta’ April 2002, dan l-aħħar Artikolu japplika bla ħsara għad-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 925/1999. L-Artikolu 4 ta’ dan id-Digriet stabbilixxa d-data tad-dħul fis-seħħ tiegħu għall-1 ta’ Lulju 2003.

Il-proċedura prekontenzjuża

17. Fis-6 ta’ Ġunju 2002, il-Kummissjoni talbet lill-awtoritajiet Belġjani sabiex jagħtuha informazzjoni fuq id-Digriet Irjali ta’ l-14 ta’ April 2002 u b’mod partikolari fuq il-motivi li jiġġustifikaw iż-żamma tar-riferenza għall-kriterju ta’ “bypass ratio” tal-magni li jidher fir-Regolament Nru 925/1999, filwaqt li, minn naħa waħda, meta ġie adottat l-imsemmi Digriet, dan ir-Regolament kien diġà tħassar u, min-naħa l-oħra, dan il-kriterju ma kienx ġie adottat fid-Direttiva.

18. Peress li r-risposta ta’ l-awtoritajiet Belġjani tat-28 ta’ Ġunju 2002 ma ssodisfatx lill-Kummissjoni, din bagħtet ittra ta’ intimazzjoni lir-Renju tal-Belġju fl-24 ta’ Ottubru 2002 fejn qalet li l-miżuri meħuda matul il-perijodu ta’ traspożizzjoni tad-Direttiva setgħu jikkompromettu serjament il-kisba tar-riżultat preskritt minnha u minħabba f’hekk kienu jiksru d-dispożizzjonijit ta’ din id-Direttiva kif ukoll it-tieni paragrafut ta’ l-Artikolu 10 KE, moqri flimkien mat-tielet paragrafu ta’ l-Artikolu 249 KE.

19. Fir-risposta tagħhom tat-23 ta’ Diċembru 2002, l-awtoritajiet Belġjani ppreżentaw diversi argumenti sabiex juru li d-Digriet Irjali ta’ l-14 ta’ April 2002 kien biss il-formalizzazzjoni ta’ miżura li kienet diġà “stabbilita”, skond l-Artikolu 7 tad-Direttiva, qabel id-dħul fis-seħħ ta’ din id-Direttiva.

20. Peress li ma qablitx ma’ l-ispjegazzjonijiet li ngħatat, fit-3 ta’ Ġunju 2003, il-Kummissjoni bagħtet opinjoni motivata lir-Renju tal-Belġju, fejn stednitu jieħu l-miżuri neċessarji kollha sabiex jikkonforma ruħu ma’ l-opinjoni fi żmien xahrejn min-notifika tagħha. Dan l-Istat Membru wieġeb permezz ta’ ittra tal-25 ta’ Lulju 2003.

21. Ir-Renju tal-Belġju informa lill-Kummissjoni bl-adozzjoni, fil-25 ta’ Settembru 2003, tad-Digriet Irjali li jistabbilixxi regoli u proċeduri li jirrigwardaw l-introduzzjoni ta’ restrizzjonijiet fuq l-operat fl-Ajruport Nazzjonali ta’ Brussell ( Moniteur belge tas-26 ta’ Settembru 2003, p. 47538). Dan id-Digriet Irjali, li huwa intiż sabiex jittrasponi d-Direttiva, daħal fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu u ma ħassarx id-Digriet Irjali ta’ l-14 ta’ April 2002.

22. Fl-aħħar, il-Kummissjoni ppreżentat dan ir-rikors skond l-Artikolu 226 KE

Fuq ir-rikors

Fuq l-ammissibbiltà

23. Il-Gvern Belġjan jikkontesta l-ammissibbiltà tar-rikors peress li t-talba tqajjem kemm il-fatt li d-Digriet Irjali ta’ l-14 ta’ April 2002 ma ġiex imħassar meta ġew adottati l-miżuri ta’ traspożizzjoni tad-Direttiva, fil-25 ta’ Settembru 2003, jiġifieri tliet ijiem qabel l-għeluq ta’ l-iskadenza ta’ traspożizzjoni, kif ukoll il-fatt li żammet dan id-Digriet Irjali fis-seħħ anki wara li għalqet l-iskadenza msemmija. B’hekk, il-Kummissjoni wessgħet is-suġġett tal-kawża peress li l-ittra ta’ intimazzjoni u l-opinjoni motivata jirrigwardaw biss il-miżuri adottati matul il-perijodu stabbilit għat-traspożizzjoni ta’ din id-Direttiva, filwaqt li fir-rikors, il-Kummissjoni ssemmi wkoll l-aġir ta’ l-awtoritajiet Belġjani wara l-perijodu msemmi.

24. F’dan ir-rigward, il-Gvern Belġjan isostni li peress li dan l-ilment il-ġdid qatt ma ssemma fl-opinjoni motivata, l-Istat Membru konvenut kien imċaħħad mill-possibbiltà li jtemm in-nuqqas li bih ġie akkużat jew li jispjega ruħu dwar dan il-punt, qabel ma l-Kummissjoni ressqet il-kawża quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja.

25. Għandu jiġi mfakkar li skond ġurisprudenza stabbilita, l-ittra ta’ intimazzjoni indirizzata mill-Kummissjoni lill-Istat Membru u sussegwentement l-opinjoni motivata maħruġa mill-Kummissjoni jiddefinixxu s-suġġett tal-kawża, li konsegwentement, ma jistax jitwessa’ iżjed. Fil-fatt, il-possibbiltà għall-Istat Membru kkonċernat li jippreżenta l-osservazzjonijiet tiegħu jikkostitwixxi, anki jekk iqis li m’hemmx lok li jagħmel użu minnha, garanzija essenzjali meħtieġa mit-Trattat KE u l-osservanza tagħha hija rekwiżit formali essenzjali għar-regolarità tal-proċedura intiża li jiġi kkonstatat nuqqas ta’ Stat Membru li jwettaq obbligu. Konsegwentement, l-opinjoni motivata u r-rikors tal-Kummissjoni għandhom ikunu bbażati fuq l-istess ilmenti bħal dawk imsemmija fl-ittra ta’ intimazzjoni li tibda l-proċedura prekontenzjuża (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tad-29 ta’ Settembru 1998, Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja, C‑191/95, Ġabra p. I‑5449, punt 55, u tat-22 ta’ April 1999, Il-Kummissjoni vs Ir-Renju Unit, C‑340/96, Ġabra p. I–2023, punt 36).

26. F’dan il-każ, fl-opinjoni motivata tagħha, il-Kummissjoni takkuża lir-Renju tal-Belġju li, bl-adozzjoni tad-Digriet Irjali ta’ l-14 ta’ April 2002, ħa miżuri li jikkompromettu serjament il-kisba tar-riżultat tad-Direttiva.

27. Għalkemm huwa minnu li fir-rikors tagħha l-Kummissjoni tgħid li r-Renju tal-Belġju ma ħassarx id-Digriet Irjali ta’ l-14 ta’ April 2002 meta ttraspona d-Direttiva, u li, wara l-iskadenza tat-terminu għat-traspożizzjoni, l-imsemmi Digriet Irjali baqa’ fis-seħħ, xorta jibqa’ l-fatt li din l-osservazzjoni, anki jekk saret biss fl-istadju tar-rikors, ma tistax tikkostitwixxi lment ġdid. Fil-fatt, din hija sempliċi konstatazzjoni ta’ fatt min-naħa tal-Kummissjoni, li tista’ tagħmel użu minnha safejn is-sitwazzjoni deskritta tkun tista’ tipprova, minn naħa, li l-istat ta’ fatt ma nbidilx mill-iskadenza tat-terminu ta’ xahrejn mogħti fl-opinjoni motivata u, min-naħa l-oħra, kif qal l-Avukat Ġenerali fil-punt 56 tal-konklużjonijiet tiegħu, li d-Digriet Irjali ta’ l-14 ta’ April 2002 ma kienx miżura tranżitorja intiża li tiżgura l-kontinwità wara t-tħassir tar-Regolament Nru 925/1999.

28. F’dan ir-rigward, għandu jingħad li, meta ntbagħtet l-opinjoni motivata mill-Kummissjoni fit-3 ta’ Ġunju 2003, it-terminu għat-traspożizzjoni tad-Direttiva kien għadu ma skadiex, il-miżuri għat-traspożizzjoni ta’ din id-Direttiva ma kinux ġew adottati u d-Digriet Irjali ta’ l-14 ta’ April 2002 kien għadu ma daħalx fis-seħħ.

29. F’dawn iċ-ċirkustanzi, ma jistax jiġi allegat b’mod validu li fl-opinjoni motivata, il-Kummissjoni ma semmiet la l-fatt li d-Digriet Irjali ta’ l-14 ta’ April 2002 ma ġiex imħassar meta ġew adottati l-miżuri ta’ traspożizzjoni tad-Direttiva u lanqas dak li dan id-Digriet inżamm fis-seħħ anki wara l-iskadenza ta’ l-imsemmi terminu.

30. Għaldaqstant ir-rikors huwa ammissibbli.

Fuq il-mertu

31. In sostenn tar-rikors tagħha, il-Kummissjoni tqajjem ilment wieħed biss ibbażat fuq l-adozzjoni min-naħa tar-Renju tal-Belġju, matul it-terminu mogħti lill-Istati Membri għat-traspożizzjoni tad-Direttiva u filwaqt li din kienet diġà fis-seħħ, tad-Digriet Irjali ta’ l-14 ta’ April 2002, li, fir-rigward tar-restrizzjonijiet fuq l-operat imposti fuq ċerti kategoriji ta’ ajruplani, isegwi s-sistema adottata mir-Regolament Nru 925/1999, diġà mħassar, u mhux dik adottata mill-imsemmija Direttiva. Bħala konsegwenza ta’ dan, ir-riżultat stabbilit minn din id-Direttiva, jiġifieri l-adozzjoni fil-Komunità kollha ta’ qafas omoġenju għall-introduzzjoni ta’ restrizzjonijiet fuq l-operat ta’ l-ajruplani bbażat fuq definizzjoni waħda ta’ dak li għandu jinftiehem b’ajruplani konformi mar-regoli stabbiliti fil-Volum 1, Parti II, Kapitolu 3 ta’ l-Anness 16 tal-Konvenzjoni fuq l-Avjazzjoni Ċivili Internazzjonali, ġie serjament kompromess.

32. Fil-fatt, skond l-Artikolu 4(4) tad-Direttiva, ir-restrizzjonijiet fuq l-operat ibbażati fuq ir-rendiment għandhom ikunu bbażati fuq il-ħoss magħmul mill-ajruplan, iddeterminat permezz tal-proċedura ta’ ċertifikazzjoni li ssir skond l-Anness 16, Volum I, it-Tielet Edizzjoni (Lulju 1993) ta’ l-imsemmija Konvenzjoni, filwaqt li, sabiex jiġu stabbiliti r-restrizzjonijiet fuq l-operat, l-Artikolu 2 tad-Digriet Irjali ta’ l-14 ta’ April 2002 jagħmel riferenza, bħar-Regolament Nru 925/1999, għall-kunċett ta’ bypass ratio tal-magni.

33. Il-Gvern Belġjan jikkontesta n-nuqqas abbażi ta’ tliet motivi, jiġifieri, fl-ewwel lok, li d-Digriet Irjali ta’ l-14 ta’ April 2002 jidħol fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ l-Artikolu 7 tad-Direttiva, fit-tieni lok, li huwa konformi ma’ l-għan tal-leġiżlatur Komunitarju safejn jimla l-vojt ġuridiku li jirriżulta mit-tħassir tar-Regolament Nru 925/1999, u fit-tielet lok, li dan ma jikkompromettix b’mod serju l-kisba tar-riżultat preskritt mill-imsemmija Direttiva.

Id-Digriet Irjali ta’ l-14 ta’ April 2002 jidħol fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ l-Artikolu 7 tad-Direttiva

34. Il-Gvern Belġjan isostni li d-Digriet Irjali ta’ l-14 ta’ April 2002 jidħol fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ l-Artikolu 7 tad-Direttiva, li jistabbilixxi eċċezzjoni għar-restrizzjonijiet fuq l-operat li jkunu diġà stabbiliti fid-data tad-dħul fis-seħħ tad-Direttiva.

35. F’dan ir-rigward, il-Gvern imsemmi jżid li d-Digriet Irjali ta’ l-14 ta’ April 2002 kien jagħmel parti mill-“politiki stabbiliti” u mir-“restrizzjonijiet fuq l-operat eżistenti” li jagħmlu riferenza għalihom ir-Riżoluzzjoni A 33-7, adottata mit-33 Assemblea ta’ l-Organizzazzjoni ta’ l-Avjazzjoni Ċivili Internazzjonali (aktar ‘il quddiem l-“ICAO”) matul ix-xahar ta’ Ottubru 2001, li tinkludi “L-istqarrija fil-qosor tal-politika permanenti u tal-prattiki ta’ l-ICAO fil-qasam tal-protezzjoni ta’ l-ambjent” [traduzzjoni mhux uffiċjali], u l-Artikolu 7 tad-Direttiva rispettivament. Fil-fatt, bil-għan li jiġu limitati l-ħsejjes matul il-lejl fl-ajruport ta’ Brussell, fil-11 ta’ Frar 2000 il-Kunsill tal-Ministri Belġjan adotta “il-ftehim fuq l-ajruporti” u stabbilixxa grupp ta’ ħidma ad hoc inkarigat bit-tfassil ta’ proġetti ta’ regolamentazzjoni. Peress li dawn id-dispożizzjonijiet jiffurmaw parti minn politika stabbilita u f’kull każ kienu stabbiliti mill-awtoritajiet nazzjonali matul is-sena 2000, jiġifieri qabel id-dħul fis-seħħ tad-Direttiva, għandhom ikunu jistgħu jibbenifikaw mill-eċċezzjoni għall-applikazzjoni tar-regoli ta’ evalwazzjoni anqas stretti adottati mill-imsemmija Direttiva.

36. Huwa paċifiku li r-Regolament Nru 925/1999, applikabbli mill-4 ta’ Mejju 2000, kellu bħala skop, b’mod partikolari, l-adozzjoni ta’ miżuri ta’ protezzjoni kontra l-aggravament tal-livell ġenerali ta’ ħoss fiż-żona ta’ l-ajruporti Komunitarji, kif ukoll it-tnaqqis tal-konsum u ta’ l-emissjonijiet li jniġġsu tal-magni. Dawn il-miżuri kienu jikkonsistu fl-impożizzjoni fl-Istati Membri kollha ta’ restrizzjonijiet fuq l-operat ta’ ajruplani bil-ġett subsoniċi ċivili li jkunu ġew iċċertifikati mill-ġdid, billi jittieħed in kunsiderazzjoni l-bypass ratio tal-magni.

37. Id-Direttiva għandha wkoll l-objettivi li tevita l-aggravament ta’ tniġġis mill-ħoss u li tipproteġi l-ambjent bl-introduzzjoni ta’ restrizzjonijiet fuq l-operat. Madankollu, dawn ir-restrizzjonijiet mhumiex marbuta mal-bypass ratio tal-magni ta’ l-ajruplani, iżda huma stabbiliti abbażi ta’ metodu bilanċjat ta’ l-amministrazzjoni tal-ħoss f’kull ajruport imsemmi fid-Direttiva. Il-vantaġġ ta’ dan il-metodu jinsab fil-fatt li restrizzjonijiet fuq l-operat ta’ l-istess natura huma applikati f’ajruporti li għandhom problemi ta’ ħoss paragunabbli.

38. Mill-għaxar premessa tad-Direttiva jirriżulta li l-metodu bilanċjat huwa metodu attiv sabiex jiġi trattat il-ħoss iġġenerat mill-ajruplani li jinkludi, b’mod partikolari, il-linji gwida internazzjonali għall-introduzzjoni ta’ restrizzjonijiet fuq l-operat skond kull ajruport. Il-kunċett ta’ “metodu bilanċjat”, definit mir-Riżoluzzjoni A33-7, adottata mit-33 Assemblea ta’ l-ICAO, jinvolvi erba’ elementi prinċipali u jitlob evalwazzjoni bir-reqqa ta’ l-għażliet kollha possibbli sabiex jitnaqqas il-ħoss, b’mod partikolari, it-tnaqqis tal-ħoss ta’ l-ajruplani minn fejn ikun joriġina, l-ippjanar ta’ l-użu ta’ l-art u l-miżuri ta’ amministrazzjoni, il-proċeduri operazzjonali ta’ “tnaqqis tal-ħoss” u r-restrizzjonijiet fuq l-operat, bla ħsara għall-obbligi legali relevanti, il-ftehimiet, il-liġijiet u l-politiki li jkunu fis-seħħ.

39. Mit-tmintax-il premessa ta’ l-imsemmija Direttiva jirriżulta wkoll li, f’dawn iċ-ċirkustanzi, il-leġiżlatur Komunitarju kkunsidra bħala mandatorju, sabiex jiġu rispettati d-drittijiet kweżiti ta’ l-operaturi ekonomiċi kkonċernati, li jinsab mezz kif il-miżuri ta’ amministrazzjoni tal-ħoss li japplikaw f’ċerti ajruporti jkunu jistgħu jibqgħu japplikaw. Għal din ir-raġuni, skond l-Artikolu 7 tad-Direttiva, ir-regoli li għandhom jiġu segwiti meta tiġi kkunsidrata deċiżjoni dwar restrizzjonijiet fuq l-operat, definiti fl-Artikolu 5 ta’ din id-Direttiva, ma japplikawx għar-restrizzjonijiet fuq l-operat eżistenti.

40. Huwa minnu li l-kliem ta’ l-Artikolu 7(a) tad-Direttiva jkopri r-restrizzjonijiet fuq l-operat li kienu diġà stabbiliti fid-data meta d-Direttiva daħlet fis-seħħ. Madankollu, dan ma jfissirx li l-għanijiet ta’ protezzjoni ta’ l-ambjent imsemmija fi ftehim fuq l-ajruporti adottat mill-Kunsill tal-Ministri Belġjan fil-11 ta’ Frar 2000, li ntlaħqu b’mod gradwali bl-adozzjoni ta’ diversi deċiżjoniiet konkreti, jistgħu jkunu kkunsidrati bħala restrizzjonijiet fuq l-operat skond l-Artikolu 7 ta’ din id-Direttiva.

41. Fil-fatt, it-titolu stess ta’ l-Artikolu 7 juri li din id-dispożizzjoni tirrigwarda r-restrizzjonijiet li huma diġà fis-seħħ. Anki jekk mill-ftehim fuq l-ajruporti msemmi jirriżulta li l-Kunsill tal-Ministri Belġjan kien iddeċieda li jaġixxi sabiex jiġu limitati l-ħsejjes ta’ matul il-lejl fl-ajruporti, dan il-ftehim ma introduċa l-ebda restrizzjonijiet fuq l-operat speċifiċi u obbligatorji fil-konfront ta’ l-operaturi ekonomiċi kkonċernati.

42. In sostenn ta’ l-argument tiegħu, il-Gvern Belġjan jirreferi għall-kliem ta’ l-Artikolu 7 kif kien ifformulat fil-proposta għad-Direttiva ppreżentata mill-Kummissjoni, skond liema l-Artikolu 5 tad-Direttiva ma kellux japplika fil-konfront tar-restrizzjonijiet fuq l-operat li kienu diġà applikabbli fid-data tad-dħul fis-seħħ tad-Direttiva. B’hekk, il-kriterju inizjali li jistabbilixxi li l-miżuri jkunu applikati ġie sostitwit minn kriterju aktar flessibbli, jiġifieri li l-miżuri jkunu sempliċement ġew stabbiliti. Huwa jsostni li din il-bidla titlef kull effettività jekk, minflok ma l-kliem ta’ l-Artikolu 7 tad-Direttiva jiġi interpretat b’mod restrittiv u litterali, dan kellu jiġi interpretat fis-sens li dan jirrigwarda biss il-miżuri li kienu mhux biss stabbiliti, iżda wkoll ippromulgati u ppubblikati.

43. Madankollu, dan l-argument mhuwiex konvinċenti.

44. Fil-fatt, għalkemm meta mqabbel mal-proposta tad-Direttiva ppreżentata mill-Kummissjoni, il-kliem ta’ l-Artikolu 7 tad-Direttiva ġie mibdul, dan sar minħabba li l-leġiżlatur iddeċieda li jwessa’ l-portata ta’ l-eċċezzjoni għall-applikazzjoni ta’ l-Artikolu 5 ta’ din id-Direttiva. B’hekk, il-kunċett ta’ “restrizzjonijiet fuq l-operat li jkunu ġà ġew stabbiliti fid-data tad-dħul fis-seħħ ta’ din id-Direttiva” jissodisfa aktar ir-rieda tal-leġiżlatur, kif espressa fit-tmintax-il premessa ta’ l-imsemmija Direttiva, li jiġu rrispettati d-drittijiet kweżiti ta’ l-operaturi ekonomiċi kkunċernati, milli l-kunċett ta’ “restrizzjonijiet fuq l-operat li ġà ġew applikati” f’dik id-data, li kien jidher oriġinarjament fl-imsemmija proposta.

45. Minħabba f’hekk, minbarra r-restrizzjonijiet fuq l-operat diġà applikati fl-Istati Membri fi żmien id-dħul fis-seħħ tagħha, il-kliem ta’ l-Artikolu 7(a) tad-Direttiva jinkludi fil-kamp ta’ applikazzjoni tiegħu, dawk ir-restrizzjonijiet fuq l-operat li ġew adottati u ppubblikati iżda li l-applikazzjoni effettiva tagħhom ġiet iddifferita għal data sussegwenti. Safejn dawn l-aħħar restrizzjonijiet, anki qabel ma l-applikazzjoni tagħhom issir obbligatorja, kienu diġà jimponu restrizzjonijiet fuq l-operaturi ekonomiċi fir-rigward ta’ l-użu fil-futur ta’ ċerti tipi ta’ ajruplani, il-preparamenti magħmula minnhom sabiex jadattaw il-flotta tagħhom kellhom ikunu suġġetti għal eċċezzjoni abbażi tar-rispett tad-drittijiet kweżiti.

46. Peress li ma kienu la ppromulgati u lanqas ippubblikati fit-28 ta’ Marzu 2002, ir-restrizzjonijiet fuq l-operat imposti mid-Digriet Irjali ta’ l-14 ta’ April 2002 ma setgħux joħolqu drittijiet favur operaturi ekonomiċi fid-data tad-dħul fis-seħħ tad-Direttiva. Isegwi li dawn ma kinux jaqgħu taħt il-kunċett ta’ “restrizzjonijiet fuq l-operat li jkunu ġà ġew stabbiliti fid-data tad-dħul fis-seħħ ta’ din id-Direttiva” skond l-Artikolu 7(a) tagħha.

47. Fl-aħħar, il-Gvern Belġjan isostni li huwa biss minħabba l-kumplessità intrinsika tas-sistema legali Belġjana, li għandha tqassim tal-kompetenzi bejn l-entità federali u l-entitajiet reġjonali li tirrikjedi proċedura twila ta’ ftehim u ta’ konsultazzjoni qabel ma jkunu jistgħu jiġu konklużi ċerti deċiżjonijiet politiċi, li d-deċiżjoni tal-Kunsill tal-Ministri setgħet tiġi fformalizzata biss fl-14 ta’ April 2002, bl-adozzjoni tad-Digriet Irjali msemmi li jimpedixxi, matul il-lejl, it-titjiriet ta’ l-ajruplani li jkunu ġew iċċertifikati mill-ġdid.

48. F’dan ir-rigward, għandu jiġi mfakkar li Stat Membru ma jistax jagħmel użu minn dispożizzjonijiet, prattiki jew ċirkustanzi ta’ l-ordinament ġuridiku intern tiegħu sabiex jiġġustifika n-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligi li jirriżultaw mid-dritt Komunitarju (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tas-26 ta’ Ġunju 2001, Il-Kummissjoni vs L-Italja, C‑212/99, Ġabra p. I‑4923, punt 34; tad-9 ta’ Settembru 2004, Il-Kummissjoni vs Spanja, C‑195/02, Ġabra p. I‑7857, punt 82, u tat-18 ta’ Lulju 2006, Il-Kummissjoni vs L-Italja, C‑119/04, Ġabra p. I‑6885, punt 25).

49. Minn dan isegwi li d-Digriet Irjali ta’ l-14 ta’ April 2002 ma jidħolx fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ l-Artikolu 7 tad-Direttiva.

Id-Digriet Irjali ta’ l-14 ta’ April 2002 huwa konformi ma’ l-għan tal-leġiżlatur Komunitarju

50. Sussidjarjament, il-Gvern Belġjan isostni li d-Digriet Irjali ta’ l-14 ta’ April 2002 ġie adottat sabiex jimla l-vojt ġuridiku li kien jirriżulta mit-tħassir tar-Regolament Nru 925/1999 u li għaldaqstant, dan huwa konformi ma’ l-għan tal-leġiżlatur Komunitarju. Fil-preambolu tiegħu, dan id-Digriet Irjali jagħmel riferenza għar-Regolament Nru 925/1999, minn naħa, għaliex id-diskussjonijiet li saru fi ħdan il-Kunsill tal-Ministri fil-11 ta’ Frar 2000 kienu jirrigwardaw l-imsemmi Regolament u, min-naħa l-oħra, għaliex il-politika segwita mill-Gvern federali kif ukoll mill-entitajiet federali kienet taqa’ fil-kuntest ta’ dan ir-Regolament. Peress li l-intenzjoni ddikjarata mill-Gvern kienet li jipprojbixxi l-użu fit-territorju Belġjan ta’ ċerti ajruplani bil-ġett subsoniċi ċivili fl-iqsar żmien, kellu jiġi evitat li l-operaturi ekonomiċi setgħu jaħsbu li, minħabba t-tħassir tar-Regolament Nru 925/1999, dan it-tip ta’ ajruplan seta’ jintuża.

51. Dan l-argument ma jistax jiġi aċċettat.

52. Fil-fatt, l-ewwel nett, it-tħassir tar-Regolament Nru 925/1999 ma ħoloq l-ebda vojt ġuridiku, għaliex dan ir-Regolament ġie sostitwit mid-Direttiva fl-istess jum meta din daħlet fis-seħħ. F’dan ir-rigward għandu jingħad, hekk kif qal l-Avukat Ġenerali fil-punt 82 tal-Konlużjonijiet tiegħu, li xejn ma kien iżomm lill-Istat Membru milli jadotta regoli nazzjonali kumpatibbli mad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva.

53. It-tieni nett, għalkemm bl-adozzjoni tad-Direttiva, il-leġiżlatur Komunitarju kien qiegħed isegwi l-għan li jnaqqas il-ħsejjes iġġenerati mill-ajruplani, kif għamel bl-adozzjoni tar-Regolament Nru 925/1999, xorta jibqa l-fatt li l-metodi ta’ azzjoni kkunsidrati fiż-żewġ miżuri leġiżlattivi huma radikalment differenti. Fil-fatt, skond id-Direttiva, it-tnaqqis tal-ħsejjes huwa r-riżultat ta’ metodu bilanċjat ta’ l-amministrazzjoni tal-ħoss f’kull ajruport, filwaqt li d-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 925/1999 huma mmirati biex iwaqqfu l-aggravament tal-ħsejjes bl-impożizzjoni tar-restrizzjonijiet fuq l-operat fil-konfront ta’ l-ajruplani bil-ġett subsoniċi ċivili skond il-bypass ratio tal-magni tagħhom.

54. It-tielet nett, id-Direttiva għandha l-għan, b’mod partikolari skond l-Artikolu 1(a) tagħha, li tistabbilixxi regoli applikabbli fil-Komunità sabiex tiffaċilita l-introduzzjoni ta’ restrizzjonijiet fuq l-operat omoġenji fil-livell ta’ l-ajruporti, u għal dan il-għan tipprvodi, fl-Artikolu 2(d) tagħha, definizzjoni tal-kunċett ta’ “ajruplan li jkunu jikkonformaw bi ftit” mar-regoli stabbiliti fil-Volum 1, Parti II, Kapitolu 3 ta’ l-Anness 16 tal-Konvenzjoni fuq l-Avjazzjoni Ċivili Internazzjonali, mingħajr ma tagħmel riferenza għall-ajruplani li ġew iċċertifikati mill-ġdid.

55. Id-Digriet Irjali ta’ l-14 ta’ April 2002 għandu l-għan, skond il-ħames premessa tiegħu, li jistabbilixxi qafas regolatorju armonizzat fuq livell nazzjonali fir-rigward ta’ din l-istess kategorija ta’ ajruplani u, sabiex jilħaq dan il-għan, jintroduċi restrizzjonijiet fil-konfront tat-titjiriet ta’ l-ajruplani matul il-lejl li jaffettwaw l-ajruplani bil-ġett subsoniċi ċivili li jkunu ġew iċċertifikati mill-ġdid, indipendentement mill-fatt jekk ġewx immodifikati sabiex jikkonformaw ma’ l-istandards stabbiliti fil-Volum 1, Parti II, Kapitolu 3 ta’ l-Anness 16 tal-Konvenzjoni fuq l-Avjazzjoni Ċivili Internazzjonali.

56. Barra minn hekk, il-Gvern Belġjan isostni li l-kamp ta’ applikazzjoni tad-Digriet Irjali ta’ l-14 ta’ April 2002 huwa ġenerali u jkopri t-territorju nazzjonali kollu, b’mod li l-Ajruport Nazzjonali ta’ Brussell, li, minħabba n-numru ta’ titjiriet, huwa l-uniku wieħed milqut mid-Direttiva, kien diġà suġġett għal restrizzjonijiet fuq l-operat. Dawn ir-restrizzjonijiet kienu ġew deċiżi mid-Digriet Ministerjali tas-26 ta’ Ottubru 2000 li japprova r-Regolament adottat mill-bord tad-diretturi ta’ BIAC, S.A., kumpannija regolata mid-dritt pubbliku, tal-15 ta’ Ġunju 2000, dwar l-istabbiliment ta’ sistema ta’ kwoti akustiċi matul il-lejl u li jiddetermina l-kwantità massima ta’ ħoss awtorizzat matul il-lejl fl-Ajruport Nazzjonali ta’ Brussell ( Moniteur belge tas-17 ta’ Novembru 2000, p. 38194). B’hekk, dan id-Digriet Ministerjali pprojbixxa t-tluq ta’ kull ajruplan bil-ġett subsoniku ċivili mill-imsemmi ajruport u d-dispożizzjonijiet tad-Digriet Irjali ta’ l-14 ta’ April 2002 huma sovrapposti fuq regolamentazzjoni diġà eżistenti.

57. Din il-perspettiva ma tistax tiġi aċċettata.

58. Fil-fatt, anki jekk l-uniku ajruport fil-Belġju direttament kopert mid-Direttiva kien diġà s-suġġett ta’ restrizzjonijiet fuq l-operat stabbiliti matul is-sena 2000 u imposti minn Digriet Ministerjali speċifiku, b’daqshekk ma jfissirx li r-Renju tal-Belġju seta’ jinjora, meta adotta d-Digriet Irjali ta’ l-14 ta’ April 2002, li japplika fil-konfront ta’ l-ajruporti kollha li jinsabu fit-territorju tiegħu indipendentement mill-volum tat-traffiku, l-metodu għall-iffissar ta’ restrizzjonijiet fuq l-operat marbuta mal-ħoss impost minn din id-Direttiva li kienet diġà fis-seħħ.

59. F’dan ir-rigwa rd, għandu jingħad li skond ġurisprudenza stabbilita, l-ineżistenza fi Stat Membru determinat ta’ attività partikolari koperta minn Direttiva ma tistax teħles lil dan l-Istat Membru mill-obbligu tiegħu li jadotta miżuri leġiżlattivi jew regolatorji sabiex jassigura traspożizzjoni xierqa tad-dispożizzjonijiet kollha ta’ din id-Direttiva (sentenzi tal-15 ta’ Marzu 1990, Il-Kummissjoni vs L-Olanda, C‑339/87, Ġabra p. I‑851, punt 22; tas-16 ta’ Novembru 2000, Il-Kummissjoni vs Il-Greċja, C‑214/98, Ġabra p. I‑9601, punt 22; tat-13 ta’ Diċembru 2001, Il-Kummissjoni vs L-Irlanda, C‑372/00, Ġabra p. I‑10303, punt 11, u tat-30 ta’ Mejju 2002, Il-Kummissjoni vs Ir-Renju Unit, C‑441/00, Ġabra p. I‑4699, punt 15).

60. Isegwi li d-Digriet Irjali ta’ l-14 ta’ April 2002 ma jistax jiġi kkunsidrat bħala li huwa conformi ma’ l-għanijiet tal-leġiżlatur Komunitarju.

Id-Digriet Irjali ta’ l-14 ta’ April 2002 ma jikkompromettix b’mod serju l-kisba tar-riżultat preskritt mid-Direttiva

61. B’mod aktar sussidjarju, il-Gvern Belġjan isostni li l-adozzjoni tad-Digriet Irjali ta’ l-14 ta’ April 2002 matul it-terminu mogħti lill-Istati Membri għat-traspożizzjoni tad-Direttiva mhux biss ma jikkompromettix b’mod serju l-kisba tar-riżultat preskritt minnha, iżda jista’ wkoll iħaffef l-implementazzjoni tagħha, għaliex dan id-Digriet obbliga lill-kumpanniji ta’ l-ajru jagħmlu l-investimenti meħtieġa għar-rinnovament tal-flotta tagħhom.

62. F’dan ir-rigward għandu jiġi mfakkar li, skond il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, għalkemm l-Istati Membri mhumiex marbuta jadottaw il-miżuri ta’ traspożizzjoni ta’ Direttiva qabel l-iskadenza tat-terminu previst għal dan il-għan, jirriżulta mill-applikazzjoni tat-tieni paragrafu ta’ l-Artikolu 10 KE moqri flimkien mat-tielet paragrafu ta’ l-Artikolu 249 KE, kif ukoll mid-Direttiva stess li, matul dan it-terminu, huma m’għandhomx jieħdu dispożizzjonijiet li jistgħu jikkompromettu b’mod serju l-kisba tar-riżultat preskritt minn din id-Direttiva (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tat-18 ta’ Diċembru 1997, Inter-Environnement Wallonie, C‑129/96, Ġabra p. I‑7411, punt 45, u ta’ l-14 ta’ Settembru 2006, Stichting Zuid-Hollandse Milieufederatie, C‑138/05, Ġabra p. I-8339, punt 42).

63. Għaldaqstant, l-Istati Membri ma jistgħux, mingħajr ma jikkompromettu serjament il-kisba tar-riżultat preskritt mid-Direttiva, matul it-terminu għat-traspożizzjoni ta’ din id-Direttiva, jadottaw dispożizzjonijiet li, għalkemm isegwu l-istess għanijiet, jiġifieri t-tnaqqis tan-numru ta’ persuni li jbagħtu mill-effetti noċivi tal-ħoss ta’ l-ajruplani, jostakolaw l-introduzzjoni ta’ restrizzjonijiet fuq l-operat omoġenji fil-Komunità kollha.

64. Huwa paċifiku li, matul it-terminu ta’ traspożizzjoni stabbilit mid-Direttiva, il-Gvern Belġjan ippromulga u ppubblika d-Digriet Irjali ta’ l-14 ta’ April 2002. Dan id-Digriet Irjali kien intiż mhux li jittrasponi d-Direttiva msemmija, iżda li jistabbilixxi qafas regolatorju armonizzat fuq livell nazzjonali sabiex titnaqqas il-ħsara derivanti mill-ħoss maħluq mill-ajruplani, bbażat fuq il-metodu stabbilit mir-Regolament Nru 925/1999, jiġifieri l-impożizzjoni ta’ restrizzjonijiet fuq l-operat abbażi tal-bypass ratio tal-magni bil-għan li jiġi pprojbit b’mod definittiv l-użu ta’ l-ajruplani bil-ġett subsoniċi ċivili li jkunu ġew iċċertifikati mill-ġdid.

65. Minn dan isegwi li l-adozzjoni tad-Digriet Irjali ta’ l-14 ta’ April 2002, li daħal fis-seħħ fl-1 ta’ Lulju 2003, jiġifieri anqas minn tliet xhur qabel id-data ta’ l-iskadenza tat-terminu għat-traspożizzjoni tad-Direttiva, ħolqot trattament indebitament sfavorevoli ta’ ċerti kategoriji ta’ ajruplani u affettwat fit-tul il-kundizzjonijiet ta’ traspożizzjoni u ta’ applikazzjoni ta’ din id-Direttiva fil-Komunità. Fil-fatt, minħabba l-projbizzjoni fuq numru ta’ ajruplani milli joperaw, b’riżultat ta’ l-applikazzjoni ta’ dan id-digriet, l-evalwazzjoni ta’ l-effetti tal-ħoss stabbilita mill-imsemmija Direttiva ma tistax tikkunsidra l-ħoss prodott mill-ajruplani kollha li huma konformi mar-regoli stabbiliti fil-Volum 1, Parti II, Kapitolu 3 ta’ l-Anness 16 tal-Konvenzjoni fuq l-Avjazzjoni Ċivili Internazzjonali u, konsegwentement, it-titjib bl-aħjar mod ta’ l-amministrazzjoni tal-ħoss ma jistax jintlaħaq b’mod konformi mad-dispożizzjonijiet ta’ l-imsemmija Direttiva.

66. Barra minn hekk, il-Gvern Belġjan isostni li l-Kummissjoni ma pprovatx li d-Digriet Irjali ta’ l-14 ta’ April 2002 jista’ joħloq dan ir-riżultat negattiv, għaliex kieku ġie ppromulgat matul ix-xahar ta’ Marzu 2002, ir-restrizzjonijiet li jimponi kienu jiġu aċċettati bħala miżuri fis-seħħ waqt il-pubblikazzjoni tad-Direttiva, previsti mis-sistema derogatorja ta’ l-Artikolu 7 tagħha. B’hekk, ma jkunx raġjonevoli li jingħad li, minħabba l-fatt li ġie ppromulgat xahar aktar tard, id-Digriet Irjali jipproduċi effetti ħżiena, meta t-terminu stabbilit għat-traspożizzjoni tad-Direttiva kien għadu ma skadiex.

67. F’dan ir-rigward, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat, kif tenfasizza l-Kummissjoni fir-replika tagħha, li dan l-argument huwa għal kollox ipotetiku u li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha tieħu deċiżjoni, fil-kuntest ta’ rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu, fid-dawl biss ta’ l-elementi ta’ fatt tal-kawża, bl-esklużjoni ta’ kull suppożizzjoni. Barra minn hekk, għandu jingħad li l-Gvern Belġjan ippreżenta ipoteżi li fiha d-Digriet Irjali ġie adottat qabel l-adozzjoni tad-Direttiva.

68. Minn dan isegwi li d-Digriet Irjali ta’ l-14 ta’ April 2002, adottat mir-Renju tal-Belġju matul it-terminu ta’ traspożizzjoni tad-Direttiva, jista’ jikkomprometti serjament il-kisba tar-riżultat preskritt minn din id-Direttiva.

69. F’dawn iċ-ċirkustanzi, ir-rikors imressaq mill-Kummissjoni għandu jitqies bħala fondat.

70. Għaldaqstant, għandu jiġi kkonstatat li bl-adozzjoni tad-Digriet Irjali ta’ l-14 ta’ April 2002, ir-Renju tal-Belġju naqas milli jwettaq l-obbligi tiegħu skond id-Direttiva, kif ukoll skond it-tieni paragrafu ta’ l-Artikolu 10 KE, moqri flimkien mat-tielet paragrafu ta’ l-Artikolu 249 KE.

Fuq l-ispejjeż

71. Skond l-Artikolu 69(2) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba. Peress li r-Renju tal-Belġju tilef, hemm lok li huwa jiġi ordnat ibati l-ispejjeż kif mitlub mill-Kummissjoni.

Parti operattiva

Għal dawn il-motivi, il-Qorti tal-Ġustizzja, (It-Tielet Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

1) Bl-adozzjoni tad-Digriet Irjali ta’ l-14 ta’ April 2002 li jirregola t-titjiriet ta’ bil-lejl ta’ xi ajruplani bil-ġett subsoniċi ċivili, ir-Renju tal-Belġju naqas milli jwettaq l-obbligi imposti fuqu mid-Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2002/30/KE, tas-26 ta’ Marzu 2002, dwar l-istabbiliment ta’ regoli u proċeduri għall-introduzzjoni ta’ restrizzjonijiet tal-ħoss fl-ajruporti tal-Komunità kif ukoll mit-tieni paragrafu ta’ l-Artikolu 10 KE moqri flimkien mat-tielet paragrafu ta’ l-Artikolu 249 KE.

2) Ir-Renju tal-Belġju għandu jbati l-ispejjeż.

Top