EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62005CJ0404

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (l-Ewwel Awla) tad-29 ta' Novembru 2007.
il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej vs ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja.
Regolament (KEE) Nru 2092/91 - Produzzjoni organika ta’ prodotti agrikoli - Entitajiet privati li jispezzjonaw - Rekwiżit ta’ stabbiliment jew ta’ infrastruttura permanenti fl-Istat Membru fejn jingħata s-servizz - Ġustifikazzjonijiet - Parteċipazzjoni fl-eżerċizzju ta’ l-awtorità pubblika - Artikolu 55 KE - Protezzjoni tal-konsumaturi.
Kawża C-404/05.

Ġabra tal-Ġurisprudenza 2007 I-10239

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2007:723

Kawża C-404/05

Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej

vs

Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja

“Regolament (KEE) Nru 2092/91 — Produzzjoni organika ta’ prodotti agrikoli — Entitajiet privati li jispezzjonaw — Rekwiżit ta’ stabbiliment jew ta’ infrastruttura permanenti fl-Istat Membru fejn jingħata s-servizz — Ġustifikazzjonijiet — Parteċipazzjoni fl-eżerċizzju ta’ l-awtorità pubblika — Artikolu 55 KE — Protezzjoni tal-konsumaturi”

Sommarju tas-sentenza

Libertà li jiġu pprovduti servizzi — Restrizzjonijiet

(Artikoli 45 KE, 49 KE u 55 KE; Regolament tal-Kunsill Nru 2092/91)

Stat Membru li jirrikjedi mill-entitajiet privati li jispezzjonaw prodotti ġejjin mill-biedja organika approvati fi Stat Membru ieħor li jkollhom stabbiliment fit-territorju nazzjonali sabiex ikunu jistgħu jipprovdu servizz ta’ spezzjoni hemmhekk jonqos milli jwettaq l-obbligi tiegħu skond l-Artikolu 49 KE.

Fil-fatt, minn naħa, ir-rwol anċillari u preparatorju mogħti lill-entitajiet privati mir-Regolament Nru 2092/91, dwar il-produzzjoni organika ta’ prodotti agrikoli u l-indikazzjonijiet li jirreferu għalihom fil-prodotti agrikoli u fl-oġġetti ta’ l-ikel, fir-rigward ta’ l-awtorità ta’ superviżjoni ma jistax jiġi kkunsidrat bħala parteċipazzjoni diretta u speċifika fl-eżerċizzju ta’ l-awtorità pubblika, fis-sens ta’ l-Artikolu 55 KE, moqri flimkien ma’ l-ewwel paragrafu ta’ l-Artikolu 45 KE, li tiġġustifika eċċezzjoni skond dawn id-dispożizzjonijiet, iżda bħala attività supplementari li tista’ tiġi separata mill-eżerċizzju ta’ din l-awtorità. Min-naħa l-oħra, rekwiżit bħal dan imur lil hinn minn dak li hu neċessarju biex jintlaħaq l-għan tal-protezzjoni tal-konsumaturi li jista’ jiġġustifika ostakli għal-libertà li jiġu pprovduti s-servizzi.

(ara l-punti 37-38, 44, 48, 52 u d-dispożittiv)







SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla)

29 ta’ Novembru 2007 (*)

“Regolament (KEE) Nru 2092/91 – Produzzjoni organika ta’ prodotti agrikoli – Entitajiet privati li jispezzjonaw – Rekwiżit ta’ stabbiliment jew ta’ infrastruttura permanenti fl-Istat Membru fejn jingħata s-servizz – Ġustifikazzjonijiet – Parteċipazzjoni fl-eżerċizzju ta’ l-awtorità pubblika – Artikolu 55 KE – Protezzjoni tal-konsumaturi”

Fil-kawża C-404/05,

li għandha bħala suġġett rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu skond l-Artikolu 226 KE, imressaq fis-17 ta’ Novembru 2005,

Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, irrappreżentata minn E. Traversa u G. Braun, bħala aġenti, b’indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,

Rikorrenti,

vs

Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, irrappreżentata minn M. Lumma u C. Schulze-Bahr, bħala aġenti,

konvenuta

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla),

komposta minn P. Jann, President ta’ l-Awla, A. Tizzano, A. Borg Barthet, M. Ilešič u E. Levits (Relatur), Imħallfin,

Avukat Ġenerali: E. Sharpston,

Reġistratur: R. Grass,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li semgħet il-konklużjonijiet ta’ l-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta ta’ 12 ta’ Lulju 2007,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        Permezz tar-rikors tagħha, il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tikkonstata li, billi tirrikjedi mill-entitajiet privati li jispezzjonaw prodotti ġejjin minn biedja organika (iktar ’il quddiem l-“entitajiet privati”) stabbiliti u approvati fi Stat Membru ieħor, li jkollhom uffiċċju rreġistrat jew stabbiliment permanenti fil-Ġermanja sabiex iwettqu l-attività tagħhom hemmhekk, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja naqset milli twettaq l-obbligi tagħha skond l-Artikolu 49 KE.

 Il-kuntest ġuridiku

 Il-leġiżlazzjoni Komunitarja

2        Ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2092/91, ta’ l-24 ta’ Ġunju 1991, dwar il-produzzjoni organika ta’ prodotti agrikoli u l-indikazzjonijiet li jirreferu għalihom fil-prodotti agrikoli u fl-oġġetti ta’ l-ikel (ĠU L 198 p. 1), kif emendat mir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1804/1999, tad-19 ta’ Lulju 1999 (ĠU L 222, p. 1, iktar ’il quddiem ir-“Regolament Nru 2092/91”), jistipula regoli minimi fir-rigward tal-produzzjoni organika ta’ prodotti agrikoli, il-proċeduri ta’ spezzjoni tal-metodi ta’ produzzjoni kkonċernati u taċ-ċertifikazzjoni ta’ prodotti ġejjin minn din il-produzzjoni. Skond dan ir-Regolament, tista’ tiġi indikata fuq il-prodotti li jissodisfaw ir-rekwiżiti stabbiliti fih il-frażi “Agrikoltura organika – Sistema ta’ spezzjoni KE”, b’mod partikolari permezz ta’ tikketta.

3        L-Artikoli 1, 2 u 4 tar-Regolament Nru 2092/91 jelenkaw il-prodotti kkonċernati u l-indikazzjonijiet li jirreferu għall-metodu ta’ produzzjoni organika, u jiddefinixxu diversi kunċetti. L-Artikolu 3 ta' dan ir-Regolament jipprovdi li huwa japplika bla ħsara għal dispożizzjonijiet Komunitarji oħra jew dispożizzjonijiet nazzjonali, li jikkonformaw mal-leġiżlazzjoni Komunitarja. L-Artikolu 5 ta' l-imsemmi Regolament jistabbilixxi l-kundizzjonijiet li taħthom l-ittikkettjar u r-reklamar ta’ prodott jista’ jirreferi għall-metodu ta’ produzzjoni organika, filwaqt li l-Artikolu 6 ta' dan l-istess Regolament jiddeskrivi r-regoli ta’ produzzjoni li jimplika l-kunċett ta’ metodu ta’ produzzjoni organika.

4        L-Artikolu 8 tar-Regolament Nru 2092/91 jgħid kif ġej:

“1.      Kull operatur li jipproduċi, li jipprepara jew li jimporta minn xi pajjiż terz prodotti kif speċifikati fl-Artikolu 1 bl-għan li jqiegħdhom fis-suq għandu:

a)       javża b’din l-attività lill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru li fih għandha titwettaq l-attività; dan l-avviż għandu jinkludi l-informazzjoni kif speċifikata fl-Anness IV;

b)       jibgħat l-impenn [jissuġġetta l-impriża] tiegħu għas-sistema tal-ispezzjonar referut fl-Artikolu 9.

2.      L-Istati Membri għandhom jinnominaw l-awtorità jew il-korp biex jirċievi din l-informazzjoni.

L-Istati Membri jistgħu jagħmlu dispożizzjoni għat-twassil tat-tagħrif ta’ xi informazzjoni addizzjonali li jikkunsidraw meħtieġa għas-sorveljanza effettiva ta’ l-operaturi kkonċernati.

3.      L-awtorità kompetenti għandha tassigura li l-lista aġġornata bl-ismijiet u l-indirizzi ta’ l-operaturi li jkunu suġġetti għas-sistema tal-ispezzjonar tkun disponibbli għal partijiet interessati.”

5        Skond l-Artikolu 9 tar-Regolament Nru 2092/91:

“1.      L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu sistema ta’ spezzjonijiet li tkun imħaddma minn xi awtorità nominata, waħda jew aktar, u/jew minn entitajiet privati approvati li għalihom, l-operaturi li jipproduċu, jħejju jew jimpurtaw minn pajjiżi terzi prodotti kif riferiti fl-Artikolu 1, għandhom ikunu suġġetti.

2.      L-Istati Membri għandhom jadottaw il-miżuri meħtieġa biex jassiguraw li l-operatur [li] ikun konformi mad-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-Regolament u jhallas il-kontribuzzjoni tiegħu għall-ispejjeż tal-ispezzjonjiet ikollu aċċess għas-sistema ta’ spezzjoni.

3.      Is-sistema tal-ispezzjoni għandha tinkludi mill-anqas l-applikazzjoni tal-miżuri ta’ prekwazjoni u ta’ spezzjoni speċifikati fl-Anness III.

4.      Dwar l-applikazzjoni tas-sistema tal-ispezzjonijiet li tkun imħaddma minn organizzazzjonijiet privati, l-Istati Membri għandhom jinnominaw l-awtorità responsabbli għall-approvazzjoni u s-sorveljanza ta’ dawn l-organizzazzjonijiet.

5.      Ghall-approvazzjoni ta’ l-organizzazzjoni privata tal-ispezzjonijiet, għandu jitqies dan li ġej:

a)       il-proċedura normali tal-ispezzjonijiet li għandha tintuża, li tkun tinkludi deskrizzjoni dettaljata tal-miżuri dwar l-ispezzjonijiet u l-prekwazjonijiet li l-organizzazzjoni tintrabat li timponi fuq l-operaturi li jkunu suġġetti għall-ispezzjoni minnha:

b)       il-penali li l-organizzazzjoni tkun bi ħsiebha timponi meta jinstabu xi irregolaritajiet u/jew ksur tal-liġi:

c)       id-disponabbiltà ta’ riżorsi xierqa f’dak li huma nies kwalifikati, faċilitajiet amministrattivi u tekniċi, esperjenza fl-ispezzjonijiet u kredibilità;

d)       l-oġġettività tal-organizzazzjoni tal-ispezzjonijiet vis-a-vis l-operaturi li jkunu suġġetti għall-ispezzjoni minnha.

6.      Wara li organizzazzjoni tal-ispezzjonijiet tkun approvata, l-awtorità kompetenti għandha:

a)       tassigura li l-ispezzjonijiet li jsiru mill-organizzazzjoni tal-ispezzjonijiet ikunu oġġettivi;

b)       tivverifika l-effettività tal-ispezzjonijiet tagħha;

c)       tieħu nota ta’ xi irregolaritajiet u/jew ksur tal-liġi li jinstabu u l-penali li jkunu imposti;

d)       tirtira l-approvazzjoni tal-organizzazzjoni tal-ispezzjonijet meta din tonqos milli tħares il-htiġiet referuti fi (a) u (b) jew ma tibqax tħares il-kriterji indikati fil-paragrafu 5 jew tonqos milli tħares il-ħtiġiet stabbiliti fil-paragrafi 7, 8, 9 u 11.

6 a.      Qabel l-1 ta’ Jannar 1996, l-Istati Membri għandhom joħorġu numru ta’ kodifika lil kull korp ta’ spezzjoni jew awtorità approvata jew nominata skond id-dispożizzjonijiet ta’ dan l-Artikolu. Għandhom javżaw lill-Istati Membri l-oħra u lill-Kummissjoni b’dan; il-Kummissjoni għandha tippubblika n-numri ta’ kodifika fil-lista riferita fl-aħħar subparagrafu ta’ l-Artikolu 15.

7.      L-awtorità tal-ispezzjonijiet u l-organizzazzjonijiet approvati tal-ispezzjonijiet referuri fil-paragrafu 1 għandhom:

a)       jassiguraw li mill-anqas il-miżuri dwar l-ispezzjonijiet u l-prekawzjonijiet speċifikati fl-Anness III jkunu applikati għal dawk l-impriżi li jkunu suġġetti għall-ispezzjonijiet minnhom;

b)       ma jiżvelawx informazzjoni u d-dettaljili jakkwistaw mill-attività tal-ispezzjonijiet tagħhom lil xi persuni apparti milli dik il-persuna li tkun risponsabbli għall-azjenda kkonċernata u lill-awtoritajiet pubbliċi competenti.

8.      Organizzazzjonijiet approvati tal-ispezzjonijiet għandhom:

a)       jagħtu lill-awtorità kompetenti, għall-għan tal-ispezzjonijiet, aċċess għall-uffiċċji u l-faċilitajiet tagħhom, flimkien ma’ xi informazzjoni u għajnuna meqjusa bħala meħtie[ġ]a mill-awtorità kompetenti għat-twettiq ta’ l-obbligazzjonijiet tagħha skond dan ir-Regolament;

b)       jibagħtu lill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru sal-31 ta’ Jannar ta’ kull sena lista ta’ l-operaturi li jkunu suġġetti għall-ispezzjoni minnhom fil-31 ta’ Diċembru tas-sena preċedenti u jippreżentaw lill-imsemmija awtorità rapport annwali fil-qosor.

9.      L-awtorità tal-ispezzjonar u l-organizzazzjonijiet tal-ispezzjonar referuti fil-paragrafu 1 għandhom:

a)       jassiguraw li, meta tinstab xi irregolarità rigward l-implimentazzjoni ta’ l-Artikoli 5, 6 u 7 jew tal-miżuri referuti fl-Anness III, l-indikazzjonijiet previsti fl-Artikolu 2 li jirreferu għall-metodu tal-produzzjoni organika jiġu mneħħija kompletament mill-lott kollu jew mill-lott ta’ produzzjoni li jkun affettwat mill-irregolarità kkonċernata;

b)       meta jinstab li jkun hemm xi nuqqas jew nuqqas li jkollu effetti fit-tul, jipprojbixxu lill-operatur ikkonċernat milli jqiegħed fis-suq il-prodotti b’indikazzjonijiet li jirreferu għal metodu tal-produzzjoni organika għall-perjodu li jkun miftihem ma[’] l-awtorità kompetenti tal-Istat Membru.

[...]

11. Sa mill-1 ta’ Jannar 1998 u mingħajr preġudizzju għad-dispożizzjonijiet tal-paragrafi 5 u 6, korpi ta’ spezzjoni approvati għandhom jissodisfaw il-ħtiġijiet imniżżla fil-kondizzjonijiet ta’ l-istandard EN 45011 tas-26 ta’ Ġunju 1989.

[…]”

6        L-Artikolu 10 tar-Regolament Nru 2092/91 jipprovdi għaż-żieda ta' indikazzjoni u/jew ta' logo b'mod konformi ma' l-Anness V ta' dan ir-Regolament fuq it-tikketta tal-prodotti suġġetti għall-iskema ta’ spezzjonijiet prevista mill-Artikolu 9 ta' l-imsemmi Regolament. F’dan ir-rigward, l-Artikolu 10(3) jimponi fuq l-entitajiet privati ta’ spezzjoni obbligi ta’ eżekuzzjoni ekwivalenti għal dawk stabbiliti mill-Artikolu 9(9) ta' l-istess Regolament.

7        Skond l-Artikolu 10a tar-Regolament Nru 2092/91, dwar il-miżuri ġenerali ta’ infurzar:

“1.      Fejn Stat Membru jikxef irregolaritajiet jew ksur tal-liġi li għandu x’jaqsam ma’ l-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament fi prodott li jkun ġej minn Stat Membri ieħor u jkun iġorr indikazzjonijiet kif irriferiti fl-Artikolu 2 u/jew l-Anness V għandu javża b’dan lill-Istat Membru li jkun ħatar l-awtorità ta’ spezzjoni jew approva l-korp ta’ spezzjoni u lill-Kummissjoni.

2.      L-Istati Membri għandhom jieħdu kull miżura u azzjoni [m]eħtieġa biex [j]ipprevjen[u] l-użu frawdolenti ta’ l-indikazzjonijiet riferiti fl-Artikolu 2 u/jew l-Anness V.”

8        L-Anness III tar-Regolament Nru 2092/91 jispeċifika l-ħtiġijiet minimi għall-ispezzjonijiet u l-miżuri ta’ prekawzjoni skond l-iskema ta’ l-ispezzjonijiet imsemmija fl-Artikoli 8 u 9 ta’ dan ir-Regolament.

9        B’mod partikolari, id-dispożizzjonijiet ġenerali ta’ dan l-Anness jipprovdu, fit-tieni paragrafu tal-punt 9 u fil-put 10, li l-entitajiet privati huma awtorizzati jeżiġu li operatur suġġett għal spezzjonijiet ma jkunx jista’, b’mod provviżorju, jikkummerċjalizza, bl-indikazzjoni tal-metodu ta’ produzzjoni organika, prodott li jkun suspettat li ma jissodisfax l-istandards stabbiliti mill-imsemmi Regolament u li dawn l-entitajiet għandhom dritt ta’ aċċess għall-uffiċċji u għad-dokumenti tal-kontabbiltà ta’ dan l-operatur.

 Il-leġiżlazzjoni nazzjonali

10      Il-liġi fuq it-traspożizzjoni ta’ l-atti Komunitarji fil-qasam tal-biedja organika (Gesetz zur Durchführung der Rechtsakte der Europäischen Gemeinschaft auf dem Gebiet des ökologischen Landbau), fil-verżjoni tagħha ta’ l-10 ta’ Lulju 2002 (BGBl. 2002 I, p. 2558, iktar ’il quddiem, l-“ÖLG”), timplementa d-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 2092/91.

11      L-Artikolu 3(1) ta’ l-ÖLG jispeċifika li s-sistema ta’ spezzjoni prevista mill-Artikolu 9(1) tar-Regolament Nu 2092/91, moqri flimkien ma’ l-Artikolu 9(3) u l-Anness III ta’ l-istess Regolament, tista’ tiġi applikata minn entitajiet privati, safejn il-fatt li entità tieħu responsabbiltà għal dan l-inkarigu ma jkunx marbut mal-bidu ta’ proċedura amministrattiva.

12      Skond l-Artikolu 4(1)(4) ta’ l-ÖLG, l-eżerċizzju ta’ attività ta’ spezzjoni minn entitajiet privati fit-territorju Ġermaniż jippresupponi l-kisba ta’ approvazzjoni, li hi stess hi kkundizzjonata mill-eżistenza ta’ stabbiliment fil-Ġermanja. L-ÖLG ma tipprovdi għal ebda proċedura fir-rigward tar-rikonoxximent ta’ l-approvazzjonijiet maħruġa favur entitajiet privati fl-Istat Membri l-oħra.

 Il-proċedura prekontenzjuża

13      Wara li bagħtet, fit-8 ta’ Novembru 2000, ittra ta’ intimazzjoni lill-awtoritajiet tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja, fejn attirat l-attenzjoni tagħhom għall-fatt li r-rekwiżit, impost fuq l-entitajiet privati approvati fi Stat Membru ieħor, li jkollhom uffiċċju rreġistrat jew infrastruttura permanenti fil-Ġermanja hu inkompatibbli ma’ l-Artikolu 49 KE, il-Kummissjoni, li kkunsidrat ir-risposta mogħtija minn dan l-Istat Membru fid-19 ta’ Frar 2001 bħala insodisfaċenti, bagħtet opinjoni motivata fit-23 ta’ Ottubru 2002, fejn stiednet lil dan l-Istat Membru biex jikkonforma ruħu ma’ l-obbligi tiegħu fi żmien xahrejn minn meta ntbagħtet din l-opinjoni.

14      Fir-risposta tagħha tat-13 ta’ Frar 2003, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja bagħtet lill-Kummissjoni t-test ta’ l-ÖLG u sostniet li sabiex l-interessi tal-konsumaturi u tal-kompetizzjoni jinkisbu b’mod effettiv, hu assolutament indispensabbli, għal entità privata, li jkollha stabbiliment fit-territorju ta’ l-Istat Membru li fih din l-entità tixtieq teżerċita l-attività tagħha ta’ spezzjoni.

15      Il-Kummissjoni kkunsidrat li r-Repubblika Federali tal-Ġermanja ma kinitx ikkonformat ruħha ma’ l-imsemmija opinjoni motivata u, konsegwentement, ressqet dan ir-rikors.

 Fuq ir-rikors

 L-argumenti tal-partijiet

16      Skond il-Kummissjoni, l-Artikolu 4(1)(4) ta’ l-ÖLG jikkostitwixxi ostaklu għal-libertà, fir-rigward ta’ entità privata approvata fi Stat Membru ieħor, iżda li ma jkollhiex stabbiliment fit-territorju Ġermaniż, li teżerċita hemmhekk l-attività ta’ spezzjoni tagħha..

17      Fil-fatt, is-sistema ta’ approvazzjoni u superviżjoni ta’ l-entitajiet privati stabbilita mir-Regolament Nru 2092/91 tippresupponi l-istabbiliment ta’ dawn l-entitajiet biss fit-territorju ta’ l-Istat Membru li joħroġ l-approvazzjoni, u mhux f’dak ta’ kull Stat Membru li fih l-imsemmija entitajiet jixtiequ jeżerċitaw attività ta’ spezzjoni.

18      Il-Kummissjoni tispeċifika f’dan ir-rigward li, peress li r-Regolament Nru 2092/91 ma jarmonizzax kompletament il-qasam ikkonċernat, għandha tittieħed in kunsiderazzjoni l-libertà li jiġu pprovduti s-servizzi stabbilita mill-Artikolu 49 KE biex jiġi deċiż jekk il-leġiżlazzjoni Ġermaniża kkontestata tinvolvix ostaklu għal din il-libertà.

19      Barra minn hekk, il-Kummissjoni tenfasizza, minn naħa, li, meta adotta r-Regolament Nru 2092/91, il-Kunsill ta’ l-Unjoni Ewropea ma rreferiex għall-Artikolu 66 tat-Trattat KEE (li sar l-Artikolu 66 tat-Trattat KE, u, imbagħad, l-Artikolu 55 KE), moqri flimkien ma’ l-Artikolu 55 tat-Trattat KEE (li sar l-Artikolu 55 tat-Trattat KE, u, imbagħad, l-Artikolu 45 KE), b’mod li l-ispezzjoni u l-ittikkettjar tal-prodotti ġejjin mill-biedja organika ma jikkostitwixxux attività eskluża mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ l-Artikolu 49 KE.

20      Min-naħa l-oħra, l-ewwel paragrafu ta’ l-Artikolu 45 KE jikkonċerna biss l-attivitajiet li jikkostiwixxu, fihom infushom, parteċipazzjoni diretta u speċifika fl-eżerċizzju ta’ l-awtorità pubblika. Għaldaqstant, anki jekk jitqies li l-attività ta’ spezzjoni tal-prodotti ġejjin mill-biedja organika, finalment, taqa’ taħt l-awtorità pubblika, l-entitajiet privati ma jipparteċipawx direttament u speċifikament fl-eżerċizzju ta’ din l-awtorità.

21      Fil-fatt, l-Artikolu 9(1) tar-Regolament Nru 2092/91 juri, waħdu, li l-attività ta’ spezzjoni kkonċernata mhijiex inkarigu marbut ma’ l-eżerċizzju tas-setgħa pubblika, billi jippermetti lill-Istati Membri jistabbilixxu sistema ta’ spezzjoni amministrata minn entitajiet privati. Għaldaqstant, dan ċertament mhuwiex inkarigu ċentrali ta’ l-Istat li jeħtieġ parteċipazzjoni diretta u speċifika fl-eżerċizzju ta’ l-awtorità pubblika.

22      F’dan ir-rigward, il-fatt li l-entitajiet privati Ġermaniżi li jwettqu l-ispezzjonijiet previsti mir-Regolament Nru 2092/91 jeżerċitaw ukoll attivitajiet oħra li jistgħu jaqgħu taħt l-awtorità pubblika hu irrilevanti fir-rigward tad-dritt Komunitarju.

23      Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni tikkunsidra li l-għan tal-protezzjoni tal-konsumaturi ma jistax jiġġustifika r-rekwiżit ta’ stabbiliment fil-Ġermanja impost fuq l-entitajiet privati approvati fi Stat Membru ieħor. Fil-fatt rekwiżit bħal dan mhuwiex indispensabbli sabiex tiġi vverifikata l-oġġettività ta’ l-ispezzjonijiet u biex tiġi assigutata din il-proetzzjoni. L-awtorità kompetenti ta’ l-Istat ta’ approvazzjoni għandha, skond ir-Regolament Nru 2092/91, poteri li jippermettulha tagħmel il-verifiki neċessarji f’dan ir-rigward u biex tadotta s-sanzjonijiet meħtieġa f’każ ta’ nuqqas ta’ osservanza tal-kritejri ta’ spezzjoni. Proċedura simplifikata ta’ approvazzjoni, li tieħu in kunsiderazzjoni l-verifiki magħmula mill-awtorità kompetenti ta’ l-Istat Membru ta’ approvazzjoni, tippermetti lill-awtoritajiet Ġermaniżi jassiguraw ruħhom li l-entitajiet privati li jixtiequ jagħmlu spezzjonijiet fit-territorju Ġermaniż jissodisfaw effettivament il-kundizzjonijiet relattivi għar-riżorsi f’persunal u f’faċilitajiet amministrattivi meħtieġa mill-imsemmi Regolament. Barra minn hekk, is-sistema ta’ komunikazzjoni bejn l-amministrazzjonijiet ta’ l-Istati Membri tippermettilhom jadottaw il-miżuri meħtieġa f’każ li jiġu kkonstatati xi irregolaritajiet fl-ispezzjonijiet effettwati fi Stat Membru ieħor.

24      Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja ssostni, prinċipalment, li r-Regolament Nru 2092/91 jarmonizza b’mod eżawrjenti l-qasam ikkonċernat. Għaldastant, jirriżulta mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li issa m’għadux possibbli li jiġu invokati l-libertajiet fundamentali ggarantiti mit-Trattat KE f’dan il-qasam. Dan l-Istat Membru jirreferi, f’dan ir-rigward, għas-sentenzi tat-13 ta’ Diċembru 1983, Apple and Pear Development Council (222/82, Ġabra p. 4083), ta’ l-20 ta’ Settembru 1988, Moormann (190/87, Ġabra p. 4689, punt 10), tat-12 ta’ Ottubru 1993, Vanacker u Lesage (C‑37/92, Ġabra p. I‑4947, punt 9), kif ukoll tat-13 ta’ Diċembru 2001, DaimlerChrysler (C‑324/99, Ġabra p. I‑9897, punt 43).

25      Peress li, madankollu, il-kwistjoni tar-rikonoxximent ta’ l-approvazzjonijiet miksuba fi Stat Memrbu ieħor mhijiex irregolata mid-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 2092/91, kull Stat Membru jista’ jirrikjedi li kull entità privata li tixtieq toffri s-servizzi tagħha fit-territorju tiegħu tosserva l-kundizzjonijiet ta’ approvazzjoni rikjesti mill-imsemmi Regolament. Barra minn hekk, il-fatt li Stat Memrbu jiġi obbligat jippermetti lill-entitajiet privati approvati fi Stat Membru ieħor, mingħajr ebda kundizzjoni oħra, jeżerċitaw l-attività tagħhom fit-territorju tiegħu jfisser li l-libertà mogħtija lil kull Stat Membru biex jistabbilixxi s-sistema ta’ spezzjoni tiegħu tkun qed tiġi limitata.

26      Barra minn hekk, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja ssostni, fl-ewwel lok, li l-attività ta’ l-entitajiet privati taqa’ taħt l-eżerċizzju ta’ l-awtorità pubblika fis-sens ta’ l-Artikolu 55 KE moqri flimkien ma’ l-ewwel paragrafu ta’ l-Artikolu 45 KE u, fit-tieni lok, li l-Artikolu 4(1)(4) ta’ l-ÖLG hu ġġustifikat mill-għan tal-protezzjoni tal-konsumaturi.

27      Fir-rigward, minn naħa, tad-deroga prevista mill-Artikolu 55 KE, moqri flimkien ma’ l-ewwel paragrafu ta’ l-Artikolu 45 KE, ir-rwol primordjali fis-sistema ta’ spezzjoni tal-prodotti ġejjin mill-biedja organika mogħti lill-entitajiet privati jirriżulta, fl-ewwel lok, mill-fatt li, skond l-Artikolu 9 tar-Regolament Nru 2092/91, l-Istati Membri jistgħu jafdaw l-inkarigu ta’ spezzjoni f’idejn awtorità pubblika u, fit-tieni lok, mill-poteri speċifiċi li jinvolvi l-eżerċizzju ta’ din l-attività, li jistgħu jaffettwaw id-drittijiet ta’ l-operaturi spezzjonati. Il-fatt li dawn l-entitajiet stess ma jistgħux jeżegwixxu d-deċiżjonijiet li jadottaw mhuwiex determinanti. Min-naħa l-oħra, in-natura vinkolanti tad-deċiżjonijiet tagħhom, li jistgħu jiġu kkontestati biss fil-qrati, tikkostitwixxi element favur il-parteċipazzjoni diretta u speċifika tagħhom fl-eżerċizzju ta’ l-awtorità pubblika, kif jirriżulta mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, b’mod partikolari mis-sentenzi tal-21 ta’ Ġunju 1974, Reyners (2/74, Ġabra p. 631, punt 43), u tat-13 ta’ Lulju 1993, Thijssen (C‑42/92, Ġabra p. I‑4047, punt 8).

28      Fir-rigward, min-naħa l-oħra, tal-ġustifikazzjoni ta’ l-Artikolu 4(1)(4) ta’ l-ÖLG, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja ssostni li l-obbligu li entità jkollha stabbiliment fil-Ġermanja hu impost għal raġunijiet imperattivit ta’ interess pubbliku, jiġifieri l-protezzjoni tal-konsumaturi. Dan l-obbligu hu, barra minn hekk, proporzjonat għal dan l-għan.

29      B’hekk, l-imsemmi obbligu hu indispensabbli biex tkun tista’ ssir superviżjoni adegwata ta’ l-attività ta’ l-entitajiet privati mill-awtoritajiet pubbliċi kompetenti. Fil-fatt, hu neċessarju li din is-superviżjoni tiġi effettwata mill-awtoritajiet kompetenti ta’ l-Istat Membru li fih dawn l-entitajiet jaġixxu u, għal dan il-għan, li jkollhom stabbiliment jew infrastruttura permanenti hemmhekk.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

30      B’mod preliminari, għandu jiġi rrilevat li, f’każ li l-Istati Membri jkunu għażlu sistema fejn l-ispezzjoni tal-prodotti ġejjin mill-biedja organika ssir minn entitajiet privati approvati, ir-Regolament Nru 2092/91 jiddetermina l-proċedura u l-kundizzjonijiet għall-approvazzjoni ta’ dawn l-entitajiet, il-modalitajiet ta’ spezzjoni li huma għandhom japplikaw kif ukoll il-proċedura ta’ superviżjoni li għaliha huma suġġetti fl-Istat Membru li japprovhom. Dan ir-Regolament madankollu ma fih ebda dispożizzjoni relattiva għall-għoti ta’ servizzi ta’ spezzjoni mill-entitajiet privati fi Stat Membru differenti minn dak li jkun approvhom.

31      Għalkemm, f’settur li mhuwiex kompletament armonizzat fuq il-livell Komunitarju, l-Istati Membri jibqgħu, bħala regola, kompetenti sabiex jiddefinixxu l-kundizzjonijiet għall-eżerċizzju ta’ attivitajiet f’dan is-settur, jibqa’ l-fatt li huma għandhom jeżerċitaw l-kompetenzi tagħhom billi jirrispettaw il-libertajiet fundamentali garantiti mit-Trattat (ara s-sentenzi tas-26 ta’ Jannar 2006, Il-Kummissjoni vs Spanja, C-514/03, Ġabra p. I-963, punt 23, u ta’ l-14 ta’ Diċembru 2006, Il-Kummissjoni vs L-Awstrija, C-257/05, Ġabra p. I-134, punt 18).

32      F’dan il-każ tqum il-kwistjoni jekk il-kundizzjoni li jkun hemm stabbiliment fit-territorju Ġermaniż imposta mill-Artikolu 4(1)(4) ta’ l-ÖLG fuq l-entitajiet privati li diġà jkunu approvati u, b’hekk, ikollhom stabbiliment fi Stat Membru ieħor, hijiex konformi ma’ l-Artikolu 49 KE.

33      Skond ġurisprudenza kostanti, għandhom jitqiesu bħala restrizzjonijiet għal-libertà li jiġu pprovduti servizzi l-miżuri kollha li jipprojbixxu, jostakolaw jew irendu inqas attraenti l-eżerċizzju ta’ din il-libertà (ara s-sentenza tat-3 ta’ Ottubru 2006, Fidium Finanz, C-452/04, Ġabra p. I 9521, punt 46 u l-ġurisprudenza ċċitata).

34      Għaldaqstant, ir-rekwiżit ta’ stabbiliment previst mid-dispożizzjoni in kwistjoni jmur direttament kontra l-libertà li jiġu pprovduti s-servizzi safejn irendi impossibbli l-għoti, fil-Ġermanja, tas-servizzi in kwistjoni minn entitajiet privati stabbiliti biss fi Stati Membri oħra (ara, b’analoġija, is-sentenza tad-9 ta’ Marzu 2000, Il-Kummissjoni vs Il-Belġju, C-355/98, Ġabra p. I-1221, punt 27 u l-ġurisprudenza ċċitata).

35      Għaldaqstant, għandu jiġi vverifikat jekk id-dispożizzjoni in kwistjoni tistax tiġi ġġustifikata mid-derogi previsti mit-Trattat jew minn raġunijiet imperattivi ta’ interess pubbliku.

36      Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja ssostni, prinċipalment, li l-attività ta’ l-entitajiet privati tikkostitwixxi parteċipazzjoni diretta u speċifika fl-eżerċizzju ta’ l-awtorità pubblika fis-sens ta’ l-Artikolu 55 KE moqri flimkien ma’ l-ewwel paragrafu ta’ l-Artikolu 45 KE u, sussidjarjament, li l-prassi amministrattiva in kwistjoni hi ġġustifikata mill-għan tal-protezzjoni tal-konsumaturi.

37      Fir-rigward ta’ l-ewwel argument, għandu jiġi mfakkar li, bħala eċċezzjoni għar-regola fundamentali tal-libertà li jiġu pprovduti s-servizzi, l-Artikolu 55 KE, moqri flimkien ma’ l-ewwel paragrafu ta’ l-Artikolu 45 KE għandu jiġi interpretat b’mod li l-portata tiegħu tiġi limitata għal dak li hu strettament neċessarju biex jiġu salvagwardjati l-interessi li jippermetti lill-Istati Membri jipproteġu (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-30 ta’ Marzu 2006, Servizi Ausiliari Dottori Commercialisti, C-451/03, Ġabra p. I 2941, punt 45 u l-ġurisprudenza ċċitata).

38      Għaldaqstant, skond ġurisprudenza kostanti, l-eċċezzjoni prevista f’dawn l-Artikoli għandha tkun ristretta għall-attivitajiet li, fihom infushom, jikkostitwixxu parteċipazzjoni diretta u speċifika fl-eżerċizzju ta’ l-awtorità pubblika (ara s-sentenza Servizi Ausiliari Dottori Commercialisti, iċċitata iktar ’il fuq, punt 46 u l-ġurisprudenza ċċitata), li teskludi li jiġu kkunsidrati bħala parteċipazzjoni fl-eżerċizzju ta’ l-awtorità pubblika fis-sens ta’ din l-eċċezzjoni, il-funzjonijiet sempliċiment anċillari u preparatorji fir-rigward ta’ l-entità li teżerċita effettivament l-awtorità pubblika billi tagħti d-deċiżjoni finali (sentenza Thijssen, iċċitata iktar ’il fuq, punt 22).

39      Jirriżulta mir-Regolament Nru 2092/91 li l-attività ta’ l-entitajiet privati u l-modalitajiet ta’ eżerċizzju tagħhom jistgħu jiġu deskritti kif ġej.

40      Fl-ewwel lok, l-entitajiet privati japplikaw, skond l-Artikolu 9(3) tar-Regolament Nru 2092/91, il-miżuri ta’ spezzjoni u ta’ prekawzjoni msemmija fl-Anness III ta’ dan ir-Regolament.

41      Fit-tieni lok, skond l-Artikolu 9(9)(a) u (b) ta’ l-imsemmi Regolament, dawn l-entitajiet jieħdu deċiżjoni abbażi ta’ l-ispezzjonijiet li jeffettwaw billi jippermettu jew ma jippermettux l-użu ta’ l-indikazzjonijiet relattivi għall-metodu ta’ produzzjoni organika għall-prodotti kkummerċjalizzati mill-operaturi li jispezzjonaw u, f’każ ta’ vjolazzjoni manifesta jew li jkollha effett fit-tul, billi jipprojbixxu l-kummerċjalizzazzjoni tal-prodotti ta’ l-operatur in kwistjoni b’indikazzjonijiet li jirreferu għall-produzzjoni organika għal perijodu definit minn qabel ma’ l-awtorità pubblika kompetenti.

42      Fit-tielet lok, skond l-Artikolu 9(6)(c) u (8)(a) u (b) tar-Regolament Nru 2092/91, l-imsemmija entitajiet għandhom jagħtu rendikont ta’ l-attività tagħhom lill-awtorità inkarigata mill-approvazzjoni u s-superviżjoni tagħhom rispettivament, billi jinfurmawha bl-irregolaritajiet u l-vjolazzjonijiet ikkonstatati kif ukoll bis-sanzjonijiet imposti, billi jagħtuha kull informazzjoni meħtieġa u jibagħtulha kull sena lista ta’ l-operaturi suġġetti għall-kontroll tagħhom u rapport fuq l-attività tagħhom. Barra minn hekk, l-imsemmi Artikolu 9(8)(a) jipprovdi li l-entitajiet privati għandhom jagħtu aċċess għall-uffiċċji u għall-faċilitajiet tagħhom lill-awtorità kompetenti li jaqgħu taħtha, għall-finijiet ta’ l-ispezzjoni, u għandhom jagħtu kull informazzjoni u kull għajnuna kkunsidrata neċessarja mill-imsemmija awtorità għat-twettiq ta’ l-obbligi tagħha.

43      Għalkemm jirriżulta minn dawn il-fatturi li l-attività ta’ l-entitajiet privati mhijiex limitata sempliċiment għall-organizzazzjoni ta' spezzjonijiet fir-rigward tal-konformità tal-prodotti ġejjin mill-biedja organika, iżda tinvolvi wkoll l-eżerċitar ta' poteri fir-rigward tad-deċiżjonijiet li għandhom jittieħdu abbażi ta’ dawn l-ispezzjonijiet, għandu madankollu jiġi enfasizzat li r-Regolament Nru 2092/91 jipprovdi għas-superviżjoni ta’ dawn l-entitajiet mill-awotirità pubblika kompetenti. B’hekk, l-Artikolu 9(4) ta’ dan ir-Regolament jissuġġetta lill-imsemmija entitajiet għas-superviżjoni ta’ din l-awtorità. Fost dispożizzjonijiet oħra, il-paragrafu 6 ta’ l-istess Artikolu jispeċifika l-modalitajiet ta’ l-eżerċizzju ta’ din is-superviżjoni, billi jipprovdi b’mod partikolari li l-imsemmija awtorità, minbarra l-kompetenza tagħha għal dak li jirrigwarda l-ħruġ u l-irtirar ta’ l-approvazzjoni, tassigura l-oġġettività u tivverifika l-effettività ta’ l-ispezzjonijiet effettwati mill-entitajiet privati. Barra minn hekk, l-Artikolu 9(8)(a) ta’ l-imsemmi Regolament jimponi fuq dawn l-entitajiet l-obbligu li jippermettu l-aċċess għall-uffiċċji u l-faċilitaijiet tagħhom lill-awtorità kompetenti għall-finijiet ta’ l-ispezzjoni.

44      Jidher għalhekk li l-entitajiet privati jeżerċitaw l-attività tagħhom taħt is-superviżjoni attiva ta’ l-awtorità pubblika kompetenti li hi responsabbli, fl-aħħarnett, għall-ispezzjonijiet u d-deċiżjonijiet ta’ l-imsemmija entitajiet, kif juru l-obbligi imposti fuq l-imsemmija awotirtà, imsemmija fil-punt preċedenti ta’ din is-sentenza. Din il-konklużjoni hi kkorraborata wkoll mill-Artikolu 3(1) ta’ l-ÖLG inkwantu din id-dispożizzjoni tindika li t-twettiq tax-xogħol ta’ spezzjoni previst, mir-Regolament Nru 2092/91, mill-entitajiet privati ma jistax ikun marbut ma’ l-implementazzjoni ta’ proċedura amministrattiva. Minn dan jirriżulta li r-rwol anċillari u preparatorju mogħti lill-entitajiet privati minn dan ir-Regolament fir-rigward ta’ l-awotorità ta’ superviżjoni ma jistax jiġi kkunsidrat bħala parteċipazzjoni diretta u speċifika fl-eżerċizzju ta’ l-awtorità pubblika, fis-sens ta’ l-Artikolu 55 KE, moqri flimkien ma’ l-ewwel paragrafu ta’ l-Artikolu 45 KE.

45      Madankollu, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja ssostni li l-entitajiet privati għandhom, fil-Ġermanja, poteri li jidderogaw mill-imsemmi Regolament. B’hekk, dawn huma kompetenti biex jadottaw atti amministrattivi li s-saħħa vinkolanti tagħhom tekwivali għal dik ta’ deċiżjonijiet meħuda minn awtorità pubblika.

46      F’dan ir-rigward, għandu jiġi enfasizzat, minn naħa, li, kif ġie mfakkar fil-punt 37 ta’ din is-sentenza, l-eċċezzjoni prevista fl-Artikolu 55 KE, moqri flimkien ma’ l-ewwel paragrafu ta’ l-Artikolu 45 KE, għandha tiġi interpretata b’mod li jillimita l-portata tagħha għal dak li hu strettament neċessarju biex jiġu mħarsa l-interessi li tippermetti lill-Istati Membri jipproteġu.

47      Min-naħa l-oħra, għalkemm ir-Regolament Nru 2092/91 ma jipprekludix lill-Istati Membri milli jagħtu lill-entitajiet privati poteri tas-setgħa pubblika biex iwettqu l-attività ta’ spezzjoni tagħhom sew, jew jinkarigawhom b’attivitajiet oħra li, minnhom infushom, jikkostitwixxu parteċipazzjoni diretta u speċifika fl-eżerċizzju ta’ l-awtorità pubblika, jirriżulta madankollu mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li estensjoni tad-deroga permessa mill-Artikoli 45 KE u 55 KE lil professjoni sħiħa ma tistax tiġi ammessa meta l-attivitajiet li eventwalment jagħmlu parti mill-eżerċizzju ta’ l-awtorità pubblika jikkostitwixxu element li jista’ jiġi separat mill-attività professjonali in kwistjoni (ara, fir-rigward ta’ l-Artikolu 45 KE, is-sentenza Reyner, iċċitata iktar ’il fuq, punt 47).

48      Għandu jiġi mfakkar li, kif ġie kkonstatat fil-punt 44 ta’ din is-sentenza, l-attività ta’ l-entitajiet privati kif definita mir-Regolament Nru 2092/91 ma tikkostitwixxix, fiha nfisha, parteċipazzjoni diretta u speċifika fl-eżerċizzju ta’ l-awtorità pubblika, b’mod li kull attività oħra supplimentari li tikkostitwixxi parteċipazzjoni bħal din hi neċessarjament separabbli minnha.

49      Fir-rigward tat-tieni argument żviluppat, b’mod sussidjarju, mir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, dwar il-ġustifikazzjoni ta’ l-Artikolu 4(1)(4) ta’ l-ÖLG minn għanijiet ta’ protezzjoni tal-konsumaturi, dan l-Istat Membru jsostni, b’mod partikolari, li r-rekwiżit ta’ stabbilitment jew infrastruttura permanenti fit-territorju Ġermaniż hu indispensabbli sabiex l-awtoritajiet kompetenti Ġermaniżi, minn naħa, jassiguraw li l-entitajiet li jagħtu servizzi ta’ spezzjoni jkollhom effettivament l-infrastruttura u l-persunal neċessarju, u, min-naħa l-oħra, ikunu jistgħu jagħmlu l-ispezzjonijiet fil-post proprju kif previst mir-Regolament Nru 2092/91.

50      F’dan ir-rigward, għandu jiġi indikat li, skond ġurisprudenza kostanti, il-protezzjoni tal-konsumaturi tista’ tiġġustifika ostakli għal-libertà li jiġu pprovduti s-servizzi (ara f’dan is-sens, b’mod partikolari, is-sentenza tad-9 ta’ Lulju 1997, De Agostini u TV-Shop, C-34/95 sa C-36/95, Ġabra p. I 3843, punt 53; tas-6 ta’ Novembru 2003, Gambelli et, C-243/01, Ġabra p. I 13031, punt 67, kif ukoll tas-6 ta’ Marzu 2007, Placanica et, C-338/04, C-359/04 u C-360/04, Ġabra p. I-1891, punt 46).

51      Madankollu, għandu jiġi assgurat li l-miżuri meħuda għal dan il-għan ma jeċċedux dak li hu oġġettivament neċessarju (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-11 ta’ Marzu 2004, Il-Kummissjoni vs Franza, C-496/01, Ġabra p. I 2351, punt 68).

52      Il-kundizzjoni imposta fuq l-entitajiet approvati fi Stat Membru ieħor li jkollhom stabbiliment fit-territorju Ġermaniż sabiex ikunu jistgħu jeżerċitaw hemmhekk l-attività tagħhom tmur lil hinn minn dak li hu oġġettivament neċessarju biex jintlaħaq l-għan tal-protezzjoni tal-konsumaturi.

53      Fil-fatt, għandu jiġi mfakkar li r-Regolament Nru 2092/91 jistipula kriterji minimi fir-rigward tas-superviżjoni ta’ l-imsemmija entitajiet. Dawn il-kriterji huma applikabbli fl-Istati Membri kollha, b’mod li hu ggarantit li tali entità approvata fi Stat Membru li tipprovdi servizz ta’ spezzjoni fil-Ġermanja tissodisfa, b’mod partikolari, id-diversi kriterji previsti mill-imsemmi Regolament u, b’hekk, li l-protezzjoni tal-konsumaturi hi assigurata.

54      Għaldaqstant, billi jeżiġi mill-entitajiet privati approvati fi Stat Membru ieħor li jkollhom stabbiliment fil-Ġermanja sabiex l-awtoritajiet Ġermaniżi jkunu jistgħu jissuperviżjonaw l-attività tagħhom, l-Artikolu 4(1)(4) ta’ l-ÖLG jeskludi li jittieħdu in kunsiderazzjoni l-obbligi u l-miżuri ta’ sorveljanza li għalihom huma diġà suġġetti dawn l-entitajiet fl-Istat Membru li jkun approvhom.

55      Hu possibbli għall-awtoritajiet Ġermaniżi li jiksbu l-garanziji meħtieġa mir-Regolament Nru 2092/91 u għall-finijiet tal-protezzjoni tal-konsumaturi permezz ta’ miżuri inqas restrittivi.

56      B’hekk, minn naħa, l-imsemmija awtoritajiet jistgħu, qabel kull għoti ta’ servizz, jeżiġu minn entità privata approvata fi Stat Memrbu ieħor il-prova li hi effettivament approvata fl-Istat Membru fejn hi stabbilita u li għandha hemmhekk l-infrastruttura u l-persunal meħtieġa biex tipprovdi s-servizzi li tixtieq tagħti fit-territorju Ġermaniż. Dawn l-elementi jistgħu jiġu kkorroborati mill-awtoritajiet kompetenti ta’ l-Istat Membru fejn hi stabbilita li huma inkarigati mis-superviżjoni ta’ l-attività ta’ l-entità kkonċernata.

57      Min-naħa l-oħra, jekk tiġi kkonstatata irregolarità fl-ispezzjonijiet effettwati fil-Ġermanja minn din l-entità, ir-Regolament Nru 2092/91 jipprovdi, fl-Artikolu 10a, għal sistema ta’ skambju ta’ informazzjoni bejn l-Istati Membri, li tippermetti lill-awtoritajiet Ġermaniżi jinfurmaw lill-awtoritajiet ta’ superviżjoni ta’ din l-entità b’din l-irregolarità, sabiex dawn jadottaw il-miżuri meħtieġa, jiġifieri, per eżempju, l-ispezzjoni ta’ l-uffiċċji ta’ din l-entità, u, jekk ikun hemm bżonn, jirtiraw l-approvazzjoni tagħha.

58      Għaldaqstant, għandu jiġi kkonstatat li l-Artikolu 4(1)(4) ta’ l-ÖLG mhuwiex proporzjonat għall-għan ta’ protezzjoni tal-konsumaturi invokat mir-Repubblika Federali tal-Ġermanja.

59      Għalhekk, jirriżulta minn dak kollu li ntqal li, billi tirrikjedi mill-entitajiet privati approvati fi Stat Membru ieħor li jkollhom stabbiliment fit-territorju Ġermaniż sabiex ikunu jistgħu jipprovdu servizz ta’ spezzjoni hemmhekk, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja naqset milli twettaq l-obbligi tagħha skond l-Artikolu 49 KE.

 Fuq l-ispejjeż

60      Skond l-Artikolu 69(2) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba. Peress li r-Repubblika Federali tal-Ġermanja tilfet, hemm lok li tiġi ordnata tbati l-ispejjeż kif mitlub mill-Kummissjoni

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja ( L-Ewwel Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Billi tirrikjedi mill-entitajiet privati li jispezzjonaw prodotti ġejjin mill-biedja organika approvati fi Stat Membru ieħor li jkollhom stabbiliment fit-territorju Ġermaniż sabiex ikunu jistgħu jipprovdu servizz ta’ spezzjoni hemmhekk, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja naqset milli twettaq l-obbligi tagħha skond l-Artikolu 49 KE.

2)      Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja hija kkundannata għall-ispejjeż.

Firem


* Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.

Top