EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62005CJ0389

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (ir-Raba' Awla) tas-17 ta' Lulju 2008.
il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej vs ir-Repubblika Franċiża.
Nuqqas ta’ Stat li jwettaq obbligu - Artikoli 43 KE u 49 KE - Libertà ta’ stabbiliment u libertà li jiġu pprovduti servizzi - Regoli tas-saħħa ta’ l-annimali - Leġiżlazzjoni nazzjonali li tagħti lil ċentri awtorizzati d-dritt esklużiv li jipprovdu s-servizz ta’ inseminazzjoni artifiċjali għall-annimali ta’ l-ifrat f’territorju partikolari u tissuġġetta l-għoti tal-liċenzji ta’ inseminatur għall-konklużjoni ta’ ftehim ma’ wieħed minn dawn iċ-ċentri.
Kawża C-389/05.

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2008:411

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla)

17 ta’ Lulju 2008 ( *1 )

“Nuqqas ta’ Stat li jwettaq obbligu — Artikoli 43 KE u 49 KE — Libertà ta’ stabbiliment u libertà li jiġu pprovduti servizzi — Regoli tas-saħħa tal-annimali — Ċentru ta’ inseminazzjoni artifiċjali tal-annimali tal-ifrat — Leġiżlazzjoni nazzjonali li tagħti lil ċentri awtorizzati d-dritt esklużiv li jipprovdu s-servizz ta’ inseminazzjoni artifiċjali tal-annimali tal-ifrat f’territorju partikolari u tissuġġetta l-għoti tal-liċenzji ta’ inseminatur għall-konklużjoni ta’ ftehim ma’ wieħed minn dawn iċ-ċentri”

Fil-Kawża C-389/05,

li għandha bħala suġġett rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu taħt l-Artikolu 226 KE, imressaq fis-27 ta’ Ottubru 2005,

Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, irrappreżentata minn A. Bordes u E. Traversa, bħala aġenti,

rikorrenti,

vs

Ir-Repubblika Franċiża, irrappreżentata minn G. de Bergues, A. Colomb u G. Le Bras, bħala aġenti,

konvenuta,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla),

komposta minn K. Lenaerts, President tal-Awla, G. Arestis, R. Silva de Lapuerta, E. Juhász (Relatur) u J. Malenovský, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: P. Mengozzi,

Reġistratur: H. von Holstein, Assistent Reġistratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat-3 ta’ Mejju 2007,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat-3 ta’ April 2008,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

Permezz tar-rikors tagħha, il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tikkonstata li, billi rriżervat l-eżerċizzju tal-attivitajiet marbutin mal-inseminazzjoni artifiċjali tal-annimali tal-ifrat biss għaċ-ċentri ta’ inseminazzjoni artifiċjali awtorizzati fi Franza, b’mod partikolari billi stabbilixxiet sistema ġenerali ta’ esklużività ġeografika favur dawn iċ-ċentri u billi ssuġġettat l-eżerċizzju tal-inseminazzjoni artifiċjali għall-pussess ta’ liċenzja ta’ inseminatur, ir-Repubblika Franċiża naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt l-Artikoli 43 KE u 49 KE.

Il-kuntest ġuridiku

Il-leġiżlazzjoni Komunitarja

2

L-Artikoli 43 KE u 49 KE jikkonċernaw, rispettivament, il-libertà ta’ stabbiliment u l-libertà li jiġu pprovduti servizzi.

3

Skont l-Artikolu 2 tad-Direttiva tal-Kunsill 77/504/KEE, tal-25 ta’ Lulju 1977, fuq l-annimali tal-ifrat ta’ razza pura għat-tnissil (ĠU L 206, p. 8) kif emendata bid-Direttiva tal-Kunsill 94/28/KE, tat-23 ta’ Ġunju 1994 (ĠU L 178, p. 66, iktar ’il quddiem id-“Direttiva 77/504”), l-Istati Membri għandhom jiżguraw li dan li ġej ma jkunx projbit, ristrett jew imfixkel minħabba raġunijiet żootekniċi l-kummerċ Komunitarju intern fis-semen u l-ova u l-embrijoni tal-annimali tal-ifrat ta’ razza pura.

4

Skont l-Artikolu 5 tad-Direttiva 77/504, l-Istati Membri jistgħu jitolbu li l-annimali tal-fart ta’ razza pura u s-semen u l-ova u l-embrijoni minn dawn l-annimali jkollhom magħhom, fil-kummerċ Komunitarju intern, ċertifikat tal-arblu tar-razza li jaqbel ma’ kampjun imħejji skont il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 8 ta’ din id-Direttiva, partikolarment rigward il-kapaċità żooteknika.

5

L-ewwel, it-tieni, ir-raba’ u s-seba’ premessi tad-Direttiva tal-Kunsill 87/328/KEE, tat-18 ta’ Ġunju 1987, dwar l-aċċettazzjoni għall-iskopijiet ta’ tgħammir ta’ bhejjem tal-ifrat tar-refgħa ta’ razza pura (ĠU L 167, p. 54) tipprovdi:

“Billi d-Direttiva 77/504[…] kienet maħsuba biex bil-mod il-mod tilliberalizza l-kummerċ intra-Komunitarju f’bhejjem ta’ l-ifrat ta’ razza pura għar-refgħa; billi, għal dan il-għan, armonizzazzjoni addizzjonali fir-rigward ta’ l-aċċettazzjoni ta’ bhejjem bħal dawn u s-semen tagħhom għall-iskopijiet tat-tagħmmir hija meħtieġa;

Billi, f’dan ir-rigward, huwa meħtieġ li jiġi evitat li dispożizzjonijiet nazzjonali li għandhom x’jaqsmu ma’ l-aċċettazzjoni għal skopijiet tat-tagħmmir ta’ bhejjem ta’ razza pura ta’ l-ifrat tar-refgħa u s-semen tagħhom jikkostitwixxu projbizzjoni, restrizzjoni jew impediment għal-kummerċ intra-Komunitarju kemm fil-każ ta’ servizz naturali inkella ta’ inseminazzjoni artifiċjali;

[…]

Billi l-inseminazzjoni artifiċjali tikkostitwixxi teknika importanti biex jiżdied l-użu ta’ l-aħjar barrin tar-refgħa u, b’hekk biex tittejjeb l-ispeċi ta’ l-ifrat; billi meta dan isir, madankollu, kwalunkwe ħsara fis-saħħa tar-razza għandha tiġi evitata, b’mod partikolari fir-rigward ta’ tal-barrin tar-refgħa, li għandu jkollhom il-garanziji kollha dwar il-valur ġenetiku tagħhom u tal-ħelsien tagħhom minn difetti ereditarji;

[…]

Billi d-dispożizzjoni li semen għandu jiġi minn ċentri uffiċjalment approvati responsabbli għall-inseminazzjoni artifiċjali tista’ tipprovdi l-garanziji meħtieġa biex jinkiseb l-għan mixtieq”.

6

Skont l-Artikolu 2(1) tad-Direttiva 87/328, Stat Membru la jista’ jipprojbixxi, la jirrestrinġi u lanqas jimpedixxi l-aċċettazzjoni għall-inseminazzjoni artifiċjali fit-territorju tiegħu ta’ barrin ta’ razza pura jew l-użu tas-semen tagħhom meta dawk il-barrin kienu aċċettati għal inseminazzjoni artifiċjali fi Stat Membru fuq il-bażi ta’ testijiet esegwiti skont id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 86/130/KEE, tal-11 ta’ Marzu 1986, li tippreskrivi l-metodi ta’ montoraġġ tal-abbiltà u metodi tal-ivvalutar tal-valur ġenetiku tal-ifrat ta’ razza pura għat-tnissil (ĠU L 101, p. 37).

7

It-tielet sal-ħames premessi tad-Direttiva tal-Kunsill 88/407/KEE, tal-14 ta’ Ġunju 1988 dwar il-ħtiġiet tas-saħħa tal-annimali li japplikaw għall-kummerċ intra-Komunitarju u l-importazzjoni tal-isperma tal-annimali domestiċi tal-ispeċi tal-bovini (ĠU L 194, p. 10), kif emendata bid-Direttiva tal-Kunsill 2003/43/KE, tas-26 ta’ Mejju 2003 (ĠU L 143, p. 23, iktar ’il quddiem id-“Direttiva 88/407”) jipprovdu:

“[…] huwa meħtieġ li tinħoloq sistema armoniżżata għal kummerċ intra-Komunitarju u importazzjoni fil-Komunità ta’ semen ta’ annimali ta’ l-ifrat;

[…] fil-kuntest ta’ kummerċ intra-Komunitarju tas-semen, l-Istat Membru fejn ikun miġbur is-semen għandu jkollu l-obbligu li jassigura li dan is-semen ikun ġie miġbur u pproċessat f’ċentri ta’ ġbir tas-semen li jkunu approvati u taħt sorveljanza, jkun ġie akkwistat minn annimali li l-istat tas-saħħa tagħhom ikun tali li jassigura li r-riskju tat-tixrid ta’ mard ta’ l-annimali jkun eliminat, ikun inġabar, ġie pproċessat, maħżun u ttrasportat skond ir-regoli li jippreservaw l-istat tas-saħħa tiegħu u li jkun akkumpanjat matul it-trasport lejn il-pajjiż tad-destinazjoni b’ċertifikat ta’ saħħa ta’ l-annimal sa biex jiġi assigurat li dan l-obbligu jiġi sodisfatt;

[…] d-differenza fil-politiċi segwiti fil-Komunità f’dak li jirrigwarda l-vaċċinazjoni kontra ċerti mard tiġġustifika li jinżammu derogi, limitati fiż-żmien, li jawtorizzaw il-ħtieġa mill-Istati Membri, f’dak li jirrigwarda ċerti mard, ta’ protezzjoni addizzjonali kontra dak il-mard.”

8

Skont l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 1, id-Direttiva 88/407 tistabbilixxi l-ħtiġiet ta’ saħħa tal-annimali applikabbli għall-kummerċ intra-Komunitarju u għall-importazjoni minn pajjiżi terzi ta’ semen tal-ispeċi tal-ifrat. Skont it-tieni subparagrafu ta’ dan l-Artikolu, din id-Direttiva m’għandhiex taffettwa d-dispożizzjonijiet taż-żooteknika tal-Komunità u/jew nazzjonali li jirregolaw l-organizzazzjoni tal-inseminazzjoni artifiċjali b’mod ġenerali u b’mod partikolari d-distribuzzjoni tas-semen.

9

L-Artikoli 3, 5 u 6 tad-Direttiva 88/407 jinsabu fil-Kapitolu II tagħha, intitolat “Il-Kummerċ Intra-Komunitarju”.

10

L-Artikolu 3 ta’ din id-Direttiva jipprovdi li kull Stat Membru għandu jiżgura li semen li jilħaq il-kundizzjonijiet ġenerali stabbiliti minn dan l-istess Artikolu jintbagħat mit-territorju tiegħu lejn it-territorju ta’ Stat Membru ieħor. Din l-isperma trid tkun inġabret u proċessata u maħżuna f'ċentru ta’ kollezzjoni jew ħażna approvati għal dan il-għan, bil-ħsieb ta’ inseminazzjoni artifiċjali u għall-għanijiet tal-kummerċ intra-Komunitarji.

11

Skont l-Artikolu 5(1) tad-Direttiva 88/407, l-Istat Membru li fit-territorju tiegħu jkun jinsab iċ-ċentru ta’ kollezzjoni jew ħażna tal-isperma, għandu jiżgura li l-approvazzjoni prevista fl-Artikolu 3 ta’ din id-direttiva tingħata biss meta d-dispożizzjonijiet tal-Anness A ta’ din id-direttiva dwar il-kundizzjonijiet approvati u ta’ sorveljanza jkunu osservati u meta ċ-ċentru ta’ ġbir tas-semen jew ħażna tal-isperma jkun jista’ jissodisfa d-dispożizzjonijiet l-oħra ta’ din id-direttiva. Skont l-Artikolu 5(1), l-Istat Membru għandu jiżgura wkoll li l-veterinarju uffiċjali jagħmel sorveljanza dwar l-osservanza ta’ dawn id-dispożizzjonijiet u għandu jirtira l-approvazzjoni, meta xi waħda jew aktar mid-dispożizzjonijiet ma jkunux osservati aktar.

12

L-Artikolu 5(2) tad-Direttiva 88/407 jipprovdi, minn naħa, li ċ-ċentri kollha approvati għall-kollezzjoni jew il-ħażna tal-isperma għandhom ikunu rreġistrati, u kull ċentru jingħata numru ta’ reġistrazzjoni veterinarja, u min-naħa l-oħra, kull Stat Membru għandu jibgħat lista ta’ ċentri ta’ kollezzjoni jew ta’ ħażna tal-isperma u n-numri tar-reġistrazzjoni veterinarja tagħhom lill-Istati Membri l-oħra u lill-Kummissjoni u għandu jinnotifikahom b’kull approvazzjoni li tkun irtirata.

13

Skont l-Artikolu 6(1) ta’ din id-direttiva, l-Istati Membri għandhom jagħmlu d-dħul tas-semen suġġett għas-sottomissjoni ta’ ċertifikat ta’ saħħa tal-annimal imħejji minn veterinarju uffiċjali tal-Istat Membru tal-ġbir skont l-Anness D.

14

Skont il-punt 3(a) tal-Anness C tad-Direttiva 88/407, sperma għall-kummerċ intra-Komunitarju, qabel tkun trasmessa, għandha tkun maħżuna f’kundizzjonijiet approvati għall-perijodu minimu ta’ 30 ġurnata. Dan ir-rekwiżit m’għandux jgħodd għall-isperma friska.

15

Skont l-Artikolu 2 tad-Direttiva tal-Kunsill 91/174/KE, tal-25 Marzu 1991, li tistabbilixxi l-ħtiġiet żootekniċi u tar-razza għall-marketing tal-annimali ta’ razza pura u li temenda d-Direttivi 77/504/KEE u 90/425/KEE (ĠU L 85, p. 37), l-Istati Membri għandhom jiżguraw illi l-marketing fis-suq tal-annimali ta’ razza pura u tas-semen, l-ova u l-embriju tagħhom ma jiġix ipprojbit, ristrett jew imfixkel għal raġunijiet żootekniċi jew tar-razza.

16

L-Artikolu 18 tar-Regolament Nru 178/2002 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-28 ta’ Jannar 2002, li jistabilixxi l-prinċipji ġenerali u l-ħtiġijiet tal-liġi dwar l-ikel, li jistabbilixxi l-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel u jistabbilixxi l-proċeduri fi kwistjonijiet ta’ sigurtà tal-ikel (ĠU L 131, p. 1), intitolat “Traċċabbiltà huwa miktub kif ġej”:

“1.   It-traċċabilità ta' ikel, għalf u annimali li jipproduċu l-ikel, u kull sustanza oħra maħsuba li tkun, jew mistennija li tkun, inkorporata fl-ikel jew fl-għalf għandha tiġi stabbilita fl-istadji kollha tal-produzzjoni, ipproċessar u tqassim.

2.   L-operaturi tan-negozju ta’ l-ikel u l-għalf għandhom ikunu kapaċi li jidentifikaw kull persuna li tkun ipprovdiethom b'ikel, għalf, annimal li jipproduċi l-ikel, jew xi sustanza oħra maħsuba li tkun, jew mistennija li tkun, inkorporata f'ikel jew għalf.

Għal dan il-għan, dawk l-operaturi għandhom ikollhom sistemi u proċeduri mħaddma li jkunu jippermettu li dan it-tagħrif jkun disponibbli fuq talba lill-awtoritajiet kompetenti.

3.   L-operaturi tan-negozju ta’ l-ikel u l-għalf għandhom ikollhom sistemi u proċeduri mħaddma li jidentifikaw in-negozji l-oħra li lilhom ikunu pprovdew il-prodotti. Dan it-tagħrif għandu jkun disponibbli fuq talba lill-awtoritjiet kompetenti.

4.   Ikel u għalf li jitqiegħed fis-suq jew li x'aktarx jitqiegħed fis-suq fil-Komunità għandu jkun ittikkettjat kif imiss jew identifikat biex jiffaċlita t-traċċabilità tiegħu, permezz ta' dokumentazzjoni relevanti jew tagħrif skond il-ħtiġijiet relevanti ta' aktar dispożizzjonijiet speċifiċi.

[…]”

Il-leġiżlazzjoni nazzjonali

17

Skont l-Artikolu L. 653-5 tal-Kodiċi Rurali li jikkodifika, skont il-liġi Nru 98-565, tat-8 ta’ Lulju 1998 (JORF tad-9 ta’ Lulju 1998, p. 10458), id-dispożizzjonijiet korrispondenti tal-liġi Nru 66-1005, tat-28 ta’ Diċembru 1966, fuq it-trobbija tal-bhejjem (JORF tad-29 ta’ Diċembru 1966, p. 11619), l-operazzjoni taċ-ċentri ta’ inseminazzjoni artifiċjali tal-annimali tal-ifrat hija suġġetta, fi Franza, għal awtorizzazzjoni Ministerjali.

18

L-Artikolu R.* 653/103 tal-Kodiċi Rurali, dispożizzjoni leġiżlattiva ta’ applikazzjoni ta’ dan il-kodiċi, li jikkodifika d-dispożizzjoni korrispondenti tad-Digriet Nru 69-258, tat-22 ta’ Marzu 1969, dwar il-fekondazzjoni artifiċjali (JORF tat-23 ta’ Marzu 1969, p. 2948), jistabbilixxi distinzjoni bejn iċ-ċentri inkarigati mill-produzzjoni ta’ semen u ċ-ċentri li jipprovdu l-inseminazzjoni, fejn madankollu dawn iż-żewġ tipi ta’ attivitajiet jistgħu jiġu eżerċitati mill-istess ċentru. Skont dan l-Artikolu, l-attivitajiet ta’ produzzjoni jikkonsistu fiż-żamma ta’ riżerva ta’ bhejjem irġiel tal-ifrat tar-refgħa, fl-esperimentazzjoni tagħhom, kif ukoll fil-ġbir, l-ipproċessar, il-konservazzjoni u l-bejgħ ta’ semen, filwaqt li l-attivitajiet tal-inseminazzjoni jinvolvu l-fekondazzjoni tal-bhejjem nisa b’semen pprovdut miċ-ċentri ta’ produzzjoni

19

Skont l-Artikolu 1 tad-Digriet tal-Ministru tal-Agrikoltura tas-17 ta’ April 1969, dwar l-awtorizzazzjonijiet għat-tħaddim ta’ ċentri ta’ fekondazzjoni artifiċjali (JORF tat-30 ta’ April 1969, p. 4349), kif emendat bid-digriet tal-Ministru tal-Agrikoltura u tal-Foresta tal-24 ta’ Jannar 1989 (JORF tal-31 ta’ Jannar 1989, p. 1469, iktar ’il quddiem id-“digriet tal-1969”), l-awtorizzazzjoni għall-ftuħ u għall-operat ta’ ċentru ta’ inseminazzjoni artifiċjali tista’ tingħata lil persuni fiżiċi jew ġuridiċi. Dan l-istess artikolu jipprovdi li għall-għoti ta’ din l-awtorizzazzjoni ma ssir l-ebda distinzjoni bejn iċ-ċittadini Franċiżi u ċ-ċittadini ta’ Stati Membri oħrajn tal-Komunità.

20

L-Artikolu L. 653-7 tal-Kodiċi Rurali jipprovdi li kull ċentru ta’ inseminazzjoni artifiċjali jaqdi żona stabbilita mid-dispożizzjoni li tawtorizzah, u li fiha huwa biss għandu permess li jintervjeni. Madankollu, dawk il-persuni li jrabbu li jinsabu fiż-żona ta’ ċentru ta’ inseminazzjoni artifiċjali jistgħu jitolbu, li jipprovdilhom semen li ġej minn ċentri ta’ produzzjoni tal-għażla tagħhom

21

Skont l-Artikolu 10 tad-Digriet tal-1969, kull operatur ekonomiku li mhuwiex ċentru ta’ inseminazzjoni artifiċjali, li jimporta semen minn Stat Membru ieħor tal-Komunità huwa obbligat li jikkonsenja dan il-materjal lil ċentru ta’ inseminazzjoni artifiċjali jew ta’ produzzjoni approvat tal-għażla tiegħu. Skont l-Artikolu 7 ta’ dan id-digriet, is-semen għandu jinżamm f’depożitu mqiegħed taħt ir-responsabbiltà ta’ kap ta’ ċentru li għandu liċenzja. F’dak li jikkonċerna ċ-ċentri ta’ inseminazzjoni artifiċjali, dan jista’ jkun depożitu “prinċipali” jew wieħed mid-depożiti “annessi” mqassmin fit-territorju assenjat liċ-ċentru ta’ inseminazzjoni artifiċjali, li jistgħu jkunu anki ġewwa impriża agrikola.

22

L-Artikolu 6 tad-digriet tal-Ministru tal-Agrikoltura u tas-Sajd tas-27 ta’ Diċembru 2000, dwar l-inseminazzjoni tal-annimali tal-ifrat magħmula minn dawk li jrabbu l-annimali (JORF tas-27 ta’ Jannar 2001, p. 1477), jipprovdi, minħabba raġunijiet ta’ saħħa, li s-semen li ġej minn ċentru ta’ inseminazzjoni artifiċjali awtorizzat jew minn Stat Membru ieħor jew importat direttament minn pajjiż terz għandu jgħaddi mid-depożitu prinċipali ta’ ċentru ta’ inseminazzjoni artifiċjali li jgħaddih lid-depożitu anness destinatarju.

23

Skont l-Artikoli L. 653-4 u R.* 653/102 tal-Kodiċi Rurali, l-operazzjoni ta’ inseminazzjoni tista’ ssir biss mid-detenturi ta’ liċenzja ta’ kap ta’ ċentru ta’ inseminazzjoni artifiċjali jew ta’ inseminatur, taħt l-awtorità ta’ ċentru ta’ inseminazzjoni awtorizzat u kompetenti territorjalment, u taħt ir-responsabbiltà teknika tal-kap ta’ dan iċ-ċentru.

24

Skont l-Artikolu 2 tad-Digriet tal-Ministru tal-Agrikoltura u tal-Foresta, tal-21 ta’ Novembru 1991, dwar it-taħriġ tal-inseminaturi u tal-kapijiet ta’ ċentru u dwar l-għoti tal-liċenzji korrispondenti (JORF tas-6 ta’ Diċembru 1991, p. 15936), kif emendat bid-Digriet tal-Ministru tal-Agrikoltura, tas-Sajd u tal-Ikel, tat-30 ta’ Mejju 1997 (JORF tal-1 ta’ Ġunju 1997, p. 8791), il-liċenzja ta’ inseminatur tingħata mill-prefett wara li jiġi ppreżentat ċertifikat li jikkonferma li l-persuna kkonċernata hija kkwalifikata għall-funzjoni ta’ inseminatur għall-ispeċi kkonċernata u ċertifikat mid-direttur taċ-ċentru ta’ inseminazzjoni awtorizzat kompetenti għat-territorju li jikkonferma li l-applikant huwa taħt l-awtorità tiegħu f’dak li jikkonċerna l-operazzjonijiet ta’ inseminazzjoni. Skont din l-istess dispożizzjoni, għall-aġenti li m’għandhomx l-istatus ta’ impjegati taċ-ċentru ta’ inseminazzjoni, b’mod partikolari għall-veterinarji li jaħdmu għal rashom, din l-attestazzjoni tingħata wara l-firma ta’ ftehim bejn il-president taċ-ċentru ta’ inseminazzjoni u l-persuna kkonċernata, ftehim li għandu jippreċiża l-kundizzjonijiet tekniċi, amministrattivi u finanzjarji li bihom din tal-aħħar għandha tipprattika l-inseminazzjoni b’mod konformi mal-leġiżlazzjoni fis-seħħ.

Il-proċedura prekontenzjuża

25

Sussegwentement għal ilment li ġiet infurmat bih, il-Kummissjoni indirizzat, fit-3 ta’ April 2003, ittra ta’ intimazzjoni lir-Repubblika Franċiża, fejn ġibditilha l-attenzjoni dwar l-inkompatibbiltà tal-leġiżlazzjoni nazzjonali rilevanti mad-dispożizzjonijiet tal-Artikoli 43 KE u 49 KE.

26

Wara li eżaminat l-osservazzjonijiet ippreżentati mir-Repubblika Franċiża fit-tweġiba tagħha tas-27 ta’ Ġunju 2003 għal din l-ittra ta’ intimazzjoni, il-Kummissjoni, fid-19 ta’ Diċembru 2003, indirizzat lil dan l-Istat Membru opinjoni motivata, li fiha hija kkonkludiet dwar l-inkompatibbiltà tal-leġiżlazzjoni inkwistjoni mal-imsemmija Artikoli tat-Trattat KE.

27

Billi kkunsidrat li l-ispjegazzjonijiet ipprovduti mir-Repubblika Franċiża fit-tweġiba tagħha tas-17 ta’ Marzu 2004 għal din l-opinjoni motivata ma kinux sodisfaċenti, il-Kummissjoni ppreżentat dan ir-rikors.

Fuq ir-rikors

Fuq l-eżistenza ta’ restrizzjoni għal-libertà ta’ stabbiliment u għal-libertà li jiġu pprovduti servizzi

L-argumenti tal-partijiet

28

Il-Kummissjoni takkuża lir-Repubblika Franċiża bi ksur tal-Artikoli 43 KE u 49 KE billi ostakolat l-eżerċizzju tal-libertà ta’ stabbiliment u tal-libertà li jiġu pprovduti servizzi fis-settur tal-inseminazzjoni artifiċjali tal-annimali tal-ifrat għar-raġuni, minn naħa, ta’ ċentri ta’ inseminazzjoni approvati, fir-rigward tal-eżerċizzju tal-attivitajiet ta’ distribuzzjoni u ta’ inseminazzjoni artifiċjali u, min-naħa l-oħra, fir-rigward tal-kundizzjonijiet restrittivi u diskrezzjonarji li għalihom huwa suġġett l-għoti tal-liċenzja ta’ inseminatur.

29

Fl-ewwel lok, f’dak li jikkonċerna l-liberta’ ta’ stabbiliment, il-Kummissjoni tqis li l-għoti biss liċ-ċentri ta’ inseminazzjoni approvati, għal żmien mhux limitat, tad-dritt li jeżerċitaw, f’żona ġeografika partikolari, l-attivitajiet ta’ distribuzzjoni u ta’ inseminazzjoni artifiċjali jagħmlu impossibbli jew estremament diffiċli l-eżerċizzju ta’ din il-libertà fi Franza sabiex hemmekk iseħħu dawn l-attivitajiet. Il-Kummissjoni ssostni, fid-dawl tas-sentenza tal-31 ta’ Marzu 1993, Kraus (C-19/92, Ġabra p. I-1663), li l-leġiżlazzjoni Franċiża, mingħajr ma hija formalment diskriminatorja, madankollu tikkostitwixxi ostakolu għad-dritt ta’ stabbiliment.

30

Il-Kummissjoni ma tikkontestax il-fondatezza tal-mekkaniżmu tal-verifika tal-kwalifiki stabbilit mil-leġiżlazzjoni Franċiż, u lanqas il-fatt li prova oġġettiva ta’ kwalifika hija leġittimament meħtieġa sabiex persuna tkun awtorizzata sabiex tipproċedi għal inseminazzjoni tal-annimali tal-ifrat. Madankollu, fil-fehma tagħha, ir-restrizzjoni inkwistjoni hija bbażata fuq l-awtorizzazzjonijiet ġeografiċi esklużivi li jipprojbixu l-attività ta’ kull persuna li tipprovdi servizzi.

31

Il-Kummissjoni tgħid li hija lesta li tilqa’ l-motivi mressqa mir-Repubblika Franċiża sabiex tiġġustifika l-ostakolu għal-libertà ta’ stabbiliment, jekk il-miżuri nazzjonali kellhom jillimitaw ruħhom sabiex l-operaturi privati jiġu suġġetti għal rekwiżiti ta’ informazzjoni u ta’ kontroll. Tali miżuri jistgħu jiġu kkunsidrati bħala leġittimi, filwaqt li l-għoti tad-drittjiet esklużivi inkwistjoni huwa inġustifikat jew, tal-anqas, disproporzjonali meta mqabbel mal-għanijiet ta’ interess ġenerali invokati.

32

Minbarra dan, il-Kummissjoni tqis li l-libertà ta’ stabbiliment hija wkoll ostakolata mill-fatt li l-veterinarji ma jistgħux jiksbu l-liċenzja ta’ inseminatur sabiex jipprattikaw liberament l-inseminazzjoni artifiċjali ħlief wara l-firma ta’ ftehim mal-president ta’ ċentru ta’ inseminazzjoni.

33

Fit-tieni lok, il-Kummissjoni ssostni li l-leġiżlazzjoni inkwistjoni tikkawża ħsara lil-libertà li jiġu pprovduti servizzi, jiġifieri l-liberta’ li jiġu pprovduti servizzi ta’ distribuzzjoni u ta’ inseminazzjoni artifiċjali.

34

Skont il-Kummissjoni, ir-restrizzjoni għal-libertà li jiġi pprovdut servizz ta’ distribuzzjoni tikkonsisti fl-obbligu ta’ ħażna ta’ semen f’ċentri approvati ta’ inseminazzjoni artifiċjali li jiżguraw biss il-kunsinna lil persuni li jrabbu l-annimali. Is-servizzi ta’ distribuzzjoni jiġu milquta mill-projbizzjoni ta’ kull intervent mhux awtorizzat miċ-ċentru stabbilit, li jgawdi dritt ta’ intervent esklużiv. Hija ssosnti li l-ostakolu għall-provvista tas-servizzi transkonfinali tista’ taffettwa l-attivitajiet kollha tal-persuni li jipprovdu servizzi. Hija ssostni li, anki jekk jiġi presuppost li motiv ibbażat fuq il-protezzjoni tas-saħħa pubblika jista’ jkun rilevanti f’dan il-każ, is-sistema Franċiża tirriżulta bħala eċċessiva.

35

Il-Kummissjoni ssostni li l-obbligu ta’ ħażna tas-semen ddestinat għall-kummerċ intra-Komunitarju, impost minħabba raġunijiet ta’ saħħa taħt id-Direttiva 88/407, jikkonċerna biss is-semen ffriżat u l-fażi preċedenti tal-kunsinna tiegħu, mit-tluq tal-post ta’ produzzjoni, filwaqt li l-ilment ifformulat kontra r-Repubblika Franċiża jirreferi għall-obbligu ta’ ħażna matul il-fażi sussegwenti għal din l-espedizzjoni.

36

Fir-rigward tas-servizz ta’ inseminazzjoni, il-Kummissjoni tqis li l-libertà li dan jiġi pprovdut hija ostakolata minħabba l-obbligu, għall-persuni li jixtiequ jeżerċitaw din l-attività, li jiffirmaw, minn qabel, ftehim mal-president ta’ ċentru ta’ inseminazzjoni artifiċjali approvat sabiex jiksbu l-liċenzja ta’ inseminatur meħtieġa. Il-Kummissjoni ssosnti li l-konklużjoni ta’ dawn il-ftehim, fil-fatt, titħalla għad-diskrezzjoni u għar-rieda tal-presidenti taċ-ċentri ta’ inseminazzjoni artifiċjali, li madankollu jirrifjutaw li jikkonkludu dawn il-ftehim ma’ ċerti inseminaturi indipendenti.

37

Il-Kummissjoni ma tikkontestax il-leġittimità ta’ sistema ta’ awtorizzazzjoni ta’ eżerċizzju fil-qasam ta’ inseminazzjoni artifiċjali, iżda bil-kundizzjoni li din tikkostitwixxi biss mezz, għall-inseminatur, li juri l-kwalifika tiegħu quddiem l-awtorità veterinarja kompetenti. Min-naħa l-oħra, hija tirrifjuta li din l-awtorizzazzjoni tingħata biss fil-kuntest ta’ ftehim ta’ ċentru ta’ inseminazzjoni artifiċjali approvat, kundizzjoni li ma tkkonċerna bl-ebda mod il-kompetenza tal-inseminatur. Il-Kummissjoni żżid tgħid li l-Istat Membru għandu jieħu inkunsiderazzjoni l-għarfien u l-kwalifiki diġà miksuba mill-persuna interessata fi Stat Membru ieħor (sentenza tas-7 ta’ Mejju 1991, Vlassopoulou, C-340/89, Ġabra p. I-2357, punt 15) u li l-obbligu, għall-veterinarji li jaħdmu għal rashom, li jikkonkludu fethim ma’ ċentru ta’ inseminazzjoni sabiex ikunu jistgħu jiksbu liċenzja ta’ inseminatur li ma tissodisfax il-kriterji stabbiliti mill-ġurisprudenza dwar il-ġustifikazzjoni tas-sistemi ta’ awtorizzazzjoni amministrattiva preliminari (sentenza tal-20 ta’ Frar 2001, Analir et, C-205/99, Ġabra p. I-1271, punti 35 sa 38).

38

Il-Kummissjoni tinvoka bħala ostakolu addizzjonali l-fatt li l-persuni li jipprovdu servizzi tal-Istati Membri l-oħra li jixtiequ jiżguraw id-distribuzzjoni kif ukoll l-inseminazzjoni tas-semen huma fl-impossibbiltà li jagħmlu din l-offerta konġunta ta’ servizzi, minħabba l-obbligu li jagħtu s-semen liċ-ċentri li huma biss jistgħu jikkunnsinnaw lill-persuni li jrabbu l-annimali.

39

Ir-Repubblika Franċiża ssostni, l-ewwel nett, li l-leġiżlazzjoni Franċiża ġiet emendata sew sa mill-1 ta’ Jannar 2007 u li, b’mod partikolari, it-tneħħija tal-esklużività ġeografika ġiet prevista. Hija ssostni, madankollu, li din ir-riforma mhijiex intiża sabiex ittemm allegata inkompatibbiltà tal-leġiżlazzjoni li hija s-suġġett ta’ dan ir-rikors mad-dritt Komunitarju.

40

Fir-rigward tal-leġiżlazzjoni inkwistjoni, ir-Repubblika Franċiża ma tikkontestax li din tikkostitwixxi ostakolu għal-libertà ta’ stabbiliment. Madankollu, din ir-restrizzjoni hija mingħajr natura diskriminatorja, peress li tippermetti liċ-ċittadini tal-Istati Membri l-oħra li jiftħu u jħaddmu ċentru ta’ inseminazzjoni fit-territorju Franċiż, bl-istess kundizzjonijiet bħal dawk meħtieġa f’dak li jikkonċerna ċ-ċittadini Franċiżi. F’kull każ, skont dan l-Istat Membru, din il-leġiżlazzjoni hija ġġustifikata minħabba raġunijiet imperattivi ta’ interess ġenerali.

41

Ir-Repubblika Franċiża ssostni li l-esklużività territorjali hija intiża mhux sabiex tiddefinixxi żona ġeografika partikolari, iżda sabiex tiżgura ġabra ta’ informazzjoni. Adattament tad-daqs taż-żoni huwa b’hekk possibbli u xi tletin tibdila sseħħew wara d-dħul fis-seħħ tal-liġi Nru 66-105. Skont dan l-Istat Membru, awtorizzazzjonijiet mogħtija tad-drittijiet esklużivi għal żmien indeterminat għal persuni li jipprovdu servizzi stabbiliti ma jeskludux il-possibbiltà ta’ stabbiliment ta’ ċentri ġodda.

42

Fir-rigward tas-servizz ta’ distribuzzjoni, ir-Repubblika Franċiża tammetti li l-bejgħ, fi Franza, ta’ semen li ġej minn operatur li jinsab fi Stat Membru ieħor jista’ jinkludi mhux biss is-semen ffriżat, iżda wkoll is-semen frisk. Madankollu, skont dan l-Istat Membru, tali tranżazzjonijiet jirrigwardaw il-materjal seminal frisk, fejn mhumiex ipprojbiti, ma jippreżentaw ebda interess ekonomiku u huma kważi ineżistenti.

43

F’dak li jikkonċerna s-servizz ta’ inseminazzjoni artifiċjali, ir-Repubblika Franċiża tirrikonoxxi li l-inseminazzjoni tista’ seħħ biss minn persuni li għandhom liċenzja ta’ kap ta’ ċentru ta’ inseminazzjoni artifiċjali jew minn inseminatur. Hija żżid tgħid, għall-operaturi li m’għandhomx l-istatus ta’ persuna impjegata ta’ dan iċ-ċentru, b’mod partikolari l-veterinarji li jaħdmu għal rashom, din l-attestazzjoni tingħata wara l-firma ta’ ftehim bejn il-President taċ-ċentru u dawn l-operaturi. Dan l-Istat Membru jirrileva, madankollu, li dan l-obbligu impost fuq l-operatur indipendenti ma jipprojbixxix il-prattika tal-inseminazzjoni artifiċjali minn veterinarju li liberament jeżerċita l-professjoni tiegħu. Fil-fatt, ir-Repubblika Franċiża ssostni li dan il-ftehim jiżgura l-osservanza tal-leġiżlazzjoni fis-seħħ u jiggarantixxi li l-kap taċ-ċentru jkun korrettament infurmat bin-natura u l-kontenut tal-prestazzjonijiet effettwati.

44

Dan l-Istat Membru jammetti li, bħal fil-każ tal-veterinarji, il-persuni li jrabbu l-annimali għandhom jitolbu liċenzja speċjali u temporanja ta’ inseminatur għall-inseminazzjoni tal-bhejjem nisa u tal-bhejjem tagħhom u huma għandhom jiksbu kunsens miċ-ċentru ta’ inseminazzjoni artifiċjali territorjalment kompetenti. Dan iżid jgħid li persuni li jrabbu l-annimali għandhom jiġġustifikaw il-kapaċità tagħhom jew l-esperjenza professjonali tagħhom li jkunu operaturi agrikoli jew, fin-nuqqas ta’ dan, li huma għandhom jirċievu taħriġ dwar l-inseminazzjoni tal-ispeċi tal-ifrat. Dan l-Istat Membru jikkonkludi li kull operatur li għandu l-kwalifika jew it-taħriġ meħtieġa jista’ jitlob li jibbenefika mil-liċenzja neċessarja sabiex jipprattika l-att ta’ inseminazzjoni artifiċjali.

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

45

L-ewwel nett, għandu jiġi indikat, minn naħa, li skont ġurisprudenza kostanti, l-eżistenza ta' nuqqas ta' twettiq ta' obbligu għandha tiġi ddeterminata b'referenza għas-sitwazzjoni li tkun teżisti fiż-żmien meta jiskadi t-terminu stabbilit fl-opinjoni motivata (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tal-14 ta’ Settembru 2004, Il-Kummissjoni vs Spanja, C-168/03, Ġabra p. I-8227, punt 24, u tas-27 ta’ Ottubru 2005, Il-Kummissjoni vs Il-Lussemburgu, C-23/05, Ġabra p. I-9535, punt 9). B’hekk, il-proċedura leġiżlattiva nazzjonali sussegwenti għall-iskadenza ta’ dan it-terminu ma tistax tiġi eżaminata mill-Qorti tal-Ġustizzja.

46

Min-naħa l-oħra, għandu jiġi rrilevat li l-Qorti tal-Ġustizzja għadha ma ddeċidietx dwar il-kompatibbiltà tal-leġiżlazzjoni Franċiża inkwistjoni mad-dispożizzjonijiet tat-Trattat fil-qasam ta’ libertà ta’ stabbiliment u tal-libertà li jiġu pprovduti servizzi.

47

Fil-kawża li tat lok għas-sentenza tat-28 ta’ Ġunju 1983, Société coopérative d’amélioration de l’élevage et d’insémination artificielle du Béarn (271/81, Ġabra p. 2057), il-qorti nazzjonali staqsiet biss dwar il-punt jekk iċ-ċentri ta’ inseminazzjoni artifiċjali kinux jippreżentaw natura kummerċjali skont l-Artikolu 37 tat-Trattat KE (li sar, wara emenda, l-Artikolu 31 KE), billi kkunsidrat li n-natura monopolistika ta’ dawn iċ-ċentri mhijiex kontestabbli. Id-drittijiet esklużivi ta’ dawn iċ-ċentri ġew eżaminati biss mill-punt biss tal-moviment liberu tal-merkanzija.

48

Fil-kawża fl-oriġini tas-sentenza tal-5 ta’ Ottubru 1994, Centre d’insémination de la Crespelle, C-323/93, Ġabra p. I-5077, kienet inkwistjoni l-kompatibbiltà tal-leġiżlazzjoni Franċiża mad-dispożizzjonjiet tat-Trattat fuq il-moviment liberu tal-merkanzija [l-Artikoli 30 u 36 tat-Trattat KE, (li saru, wara emenda, l-Artikoli 28 KE u 30 KE)] kif ukoll mar-regoli ta’ kompetizzjoni mogħtija minn dan l-istess Trattat [l-Artikoli 86 u 90(1) tat-Trattat KE (li saru l-Artikoli 82 KE u 86(1) KE)], u mhux il-kompatibbiltà ta’ din il-leġiżlazzjoni mal-libertà ta’ stabbiliment u l-libertà li jiġu pprovduti servizzi.

49

Fir-rigward tal-kawża fl-oriġini tas-sentenza tas-7 ta’ Diċembru 1995, Gervais et (C-17/94, Ġabra p. I-4353), għandu jiġi osservat li l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li d-dispożizzjonijiet tat-Trattat fil-qasam tal-libertà ta’ stabbiliment u tal-liberà li jiġu pprovduti servizzi huma limitati ġewwa Stat Membru wieħed (punti 24, 28 u 39). Minbarra dan, hija eżaminat il-kompatibbiltà tal-leġiżlazzjoni nazzjonali unikament mad-Direttivi 77/504 u 87/328 (punt 33).

50

Kuntrarjament għall-kawżi msemmija iktar ’il fuq, din il-proċedura għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu tqajjem il-kwistjoni ta’ jekk il-leġiżlazzjoni Franċiża, li tagħti lil ċentri approvati d-dritt esklużiv li jipprovdu s-servizz ta’ inseminazzjoni artifiċjali tal-annimali tal-ifrat fuq territorju partikolari u li tissuġġetta l-għoti tal-liċenzji ta’ inseminatur għall-konklużjoni ta’ ftehim ma’ wieħed minn dawn iċ-ċentri, tmurx kontra l-Artikoli 43 KE u 49 KE.

51

Fl-ewwel lok, f’dak li jikkonċerna r-restrizzjoni għal-libertà ta’ stabbiliment, l-ewwel nett għandu jiġi kkonstatat li r-Repubblika Franċiża tirrikonoxxi li l-esklużività ġeografika stabbilita favur ċentri ta’ inseminazzjoni artifiċjali u l-kundizzjoni li tissuġġetta l-għoti ta’ liċenzja ta’ inseminatur għall-konklużjoni ta’ ftehim maċ-ċentru ta’ inseminazzjoni territorjalment kompetenti jikkostitwixxu ostakolu għal din il-libertà, għalkemm hija tqis li dawn il-miżuri ma jimpedixxux totalment l-operaturi oriġinarji ta’ Stati Membri oħra milli jeżerċitaw, fi Franza, l-attività ta’ inseminazzjoni artifiċjali tal-annimali tal-ifrat.

52

F’dan ir-rigward, għandu jiġi mfakkar li l-Artikolu 43 KE jimponi l-abolizzjoni tar-restrizzjonijiet għal-libertà ta’ stabbiliment u li, skont ġurisprudenza kostanti tal-Qorti tal-Ġustizzja, għandhom jiġu kkunsidrati bħala tali restrizzjonijiet, skont dan l-Artikolu, il-miżuri kollha li jipprojbixxu, ifixklu jew jagħmlu inqas attraenti l-eżerċizzju ta’ din il-libertà (sentenza tal-5 ta’ Ottubru 2004, CaixaBank France, C-442/02, Ġabra p. I-8961, punt 11 u l-ġurisprudenza ċċitata).

53

L-esklużività ġeografika mogħtija liċ-ċentri ta’ inseminazzjoni artifiċjali approvati li tillimita n-numru globali ta’ operaturi li huwa permess lilhom li jiftħu u li jmexxu tali ċentri fit-territorju Franċiż u t-terminu indeterminat ta’ din l-esklużività jirrappreżentaw ostakolu għall-aċċess ta’ operaturi oħra, inklużi dawk li ġejjin minn Stati Membri oħra, għas-suq tal-inseminazzjoni artifiċjali. Iċ-ċirkustanza li ż-żoni ġeografiċi li fuqhom hija eżerċitata din l-esklużività jistgħu, kif issostni r-Repubblika Franċiżi, jiġu suġġetti għal aġġustament jew diviżjoni ma tistax ikollha effett fuq din l-evalwazzjoni.

54

Fin-nuqqas li jkunu jistgħu jinkisbu drittijiet fuq żona ġeografika partikolari, operatur li għandu bħala għan li jeżerċita attivitajiet fis-settur tal-inseminazzjoni artifiċjali għandu l-obbligu li jikkonkludi ftehim maċ-ċentru ta’ inseminazzjoni artifiċjali territorjalment kompetenti, sabiex jikseb liċenzja ta’ inseminatur. Madankollu, peress illi l-konklużjoni ta’ tali ftehim tiddependi mill-presidenti taċ-ċentri approvati, tali obbligu jista’ jimpedixxi t-twettiq ta’ dan l-għan.

55

B’hekk għandu jiġi kkonstatat, kif issostni l-Kummissjoni, li l-miżuri nazzjonali inkwistjoni, minħabba n-natura tagħhom, jagħmlu diffiċli, jekk mhux impossibbli jew, f’kull każ, inqas attraenti l-eżerċizzju tal-libertà ta’ stabbiliment sabiex jistgħu jsiru, fit-territorju Franċiż, attivitajiet ta’ distribuzzjoni u ta’ inseminazzjoni tal-annimali tal-ifrat.

56

Iċ-ċirkustanza li dawn il-miżuri huma indistintivament applikabbli għall-operaturi nazzjonali u għal dawk ta’ Stati Membri oħra ma tipprekludix din il-konstatazzjoni, peress illi tali miżuri nazzjonali, anki jekk applikabbli mingħajr diskriminazzjoni fir-rigward tan-nazzjonalità, jistgħu jfixklu jew jagħmlu inqas attraenti l-eżerċizzju miċ-ċittadini Komunitarji, inklużi dawk tal-Istat Membru li huwa l-awtur tal-miżura, ta’ libertà fundamentali ggarantita mit-Trattat (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Kraus, iċċitata iktar ’il fuq, punt 32).

57

Fit-tieni lok, f’dak li jikkonċerna l-libertà li jiġu pprovduti servizzi, għandu jiġi mfakkar li, skont ġurisprudenza kostanti, l-Artikolu 49 KE jeħtieġ mhux biss l-eliminazzjoni ta’ kull diskriminazzjoni kontra l-fornitur ta’ servizzi minħabba n-nazzjonalità tiegħu, iżda wkoll it-tneħħija ta’ kull restrizzjoni, anke jekk din tapplika b’mod indistint għall-fornituri nazzjonali u dawk ta’ Stati Membri oħra, meta hija ta’ natura li tipprojbixxi, tfixkel jew tagħmel anqas attraenti l-attivitajiet tal-fornitur stabbilit fi Stat Membru ieħor, fejn dan jipprovdi servizzi simili legalment (sentenzi tad-9 ta’ Novembru 2006, Il-Kummissjoni vs Il-Belġju, C-433/04, Ġabra p. I-10653, punt 28, u tal-11 ta’ Jannar 2007, ITC, C-208/05, Ġabra p. I-181, punt 55).

58

Huwa paċifiku li, skont il-leġiżlazzjoni Franċiża, fornitur transkonfinali, li jixtieq jiddistribwixxi semen tal-annimali tal-ifrat jew jipprattika l-inseminazzjoni fit-territorju Franċiż fid-dawl tal-libertà li jiġu pprovduti servizzi, għandu neċessarjament jaħżen dan is-semen fiċ-ċentri approvati ta’ inseminazzjoni artifiċjali, li huma awtorizzati sabiex jeffettwaw kunsinni ta’ semen għal persuni li jrabbu l-annimali, u sabiex jikseb liċenzja ta’ inseminatur sabiex jopera inkwantu inseminatur.

59

Ir-Repubblika Franċiża tikkontesta l-argument ibbażat fuq li din il-leġiżlazzjoni tikkostitwixxi ostakolu għal-libertà li jiġi pprovdut is-servizz ta’ distribuzzjoni tas-semen. Min-naħa l-oħra, hija ma tikkontestax il-fatt li din tikkostitwixxi ostakolu għal-libertà li jiġi pprovdut servizi ta’ provvista ta’ dan il-prodott.

60

Il-Kummissjoni ssostni, fir-rigward tas-servizz ta’ distribuzzjoni u billi tippreċiża li l-ilment tagħha ma jikkonċernax l-obbligu ta’ ħażna tas-semen iffrriżat qabel ma jintbagħat skont il-punt 3(1) tal-Anness C tad-Direttiva 88/407, li l-libertà li jiġi pprovdut dan is-servizz hija milquta, minn naħa, mill-obbligu ta’ ħażna tas-semen fiċ-ċentri approvati ta’ inseminazzjoni artifiċjali li huma biss jiżguraw il-kunsinna lil persuni li jrabbu l-annimali u, min-naħa l-oħra, mill-projbizzjoni ta’ kull intervent mhux awtorizzat miċ-ċentru ta’ inseminazzjoni li jibbenefika minn dritt esklużiv ta’ intervent.

61

Għandu jiġi rrilevat li, anki jekk il-persuni li jrabbu l-annimali għandhom, bħalma ssostni r-Repubblika Franċiża, il-possibbiltà li jordnaw minn ċentru li minnu jiddependu semen speċifiku li jkun ġej minn produttur stabbilit fi Stat Membru ieħor, l-obbligu ta’ ħażna ta’ dan is-semen f’dan iċ-ċentru, wara li jintbagħat, jista’ jfixkel jew jagħmel inqas attraenti l-provvista tas-servizz ta’ distribuzzjoni minn dan il-produttur.

62

L-istess japplika f’dak li jikkonċerna l-projbizzjoni ta’ kull intervent ta’ inseminazzjoni artificjali mhux awtorizzat miċ-ċentru ta’ inseminazzjoni territorjalment kompetenti, peress illi din il-projbizzjoni, minħabba l-konnessività tal-attivitajiet ta’ distribuzzjoni u ta’ inseminazzjoni, hija wkoll ta’ natura li tfixkel jew tirrendi inqas attraenti l-provvista tas-servizz ta’ distribuzzjoni tas-semen.

63

Fir-rigward b’mod speċifiku tal-libertà li jiġi pprovdut is-servizz ta’ inseminazzjoni artifiċjali, ir-Repubblika Franċiża tirrikonoxxi li l-leġiżlazzjoni nazzjonali tikkostitwixxi, fir-rigward tiegħu, ostakolu.

64

Il-fornituri transkonfinali li jixtiequ jipprattikaw l-inseminazzjoni artifiċjali fit-territorju Franċiż fid-dawl tal-libertà li jiġu pprovduti servizzi għandhom jiksbu, fi Franza, liċenzja ta’ inseminatur. Il-fatt li hija meħtieġa din il-liċenzja, indipendentement mill-kundizzjonijiet tal-għoti tagħha, jikkostitwixxi restrizzjoni għal-libertà li jiġu pprovduti servizzi, peress li jista’ jfixkel jew jagħmel inqas attraenti il-provvista tas-servizz ta’ inseminazzjoni artifiċjali fi Franza minn operaturi stabbiliti u li diġà joperaw legalment fi Stati Membri oħra (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tad-9 ta’ Marzu 2000, Il-Kummissjoni vs Il-Belġju, C-355/98, Ġabra p. I-1221, punt 35, u tat-18 ta’ Lulju 2007, Il-Kummissjoni vs L-Italja, C-134/05, Ġabra p. I-6251, punt 23).

65

Minbarra dan, wara l-kisba ta’ din il-liċenzja, dawn l-operaturi jistgħu jeffettwaw l-inseminazzjoni tal-annimali tal-ifrat unikament taħt l-awtorità ta’ ċentru ta’ inseminazzjoni artifiċjali territorjalment kompetenti.

66

F’dawn il-kundizzjonijiet, għandu jiġi kkonstatat li l-leġiżlazzjoni Franċiża, inkwantu tagħti lil dawn iċ-ċentri approvati d-dritt esklużiv li jipprovdu s-servizz ta’ inseminazzjoni artifiċjali tal-annimali tal-ifrat f’territorju partikolari u li tissuġġetta l-attività ta’ inseminazzjoni għall-għoti ta’ liċenzja ta’ inseminatur, tikkostitwixxi ostakolu għal-libertà ta’ stabbiliment u għal-libertà li jiġu pprovduti servizzi.

67

Tali miżuri ma jistgħux jiġu aċċettati ħlief jekk isegwu għan leġittimu kumpatibbli mat-trattat u li huma ġustifikabbli minħabba raġunijiet imperattivi ta’ interess ġenerali, safejn ma teżistix miżura Komunitarja ta’ armonizzazzjoni li tipprovdi miżuri neċessarji sabiex tiġi żgurata l-protezzjoni ta’ dawn l-interessi. Minbarra dan, skont ġurisprudenza kostanti tal-Qorti tal-Ġustizzja, dawn il-miżuri restrittivi ma jistgħux jiġu ġġustifikati minħabba dawn ir-raġunijiet ħlief jekk huma neċessarji għall-protezzjoni tal-interessi li huma intiżi li jiggarantixxu u safejn dawn l-għanijiet ma jistgħux jintlaħqu minn miżuri inqas restrittivi (sentenza tal-14 ta’ Diċembru 2006, Il-Kummissjoni vs L-Awstrija, C-257/05, punt 23 u l-ġurisprudenza ċċitatata).

Fuq il-ġustifikazzjoni tar-restrizzjoni tal-libertà ta’ stabbiliment u tal-libertà li jiġu pprovduti servizzi

Fuq il-protezzjoni tal-wirt ġenetiku tal-annimali tal-ifrat

— L-argumenti tal-partijiet

68

Ir-Repubblika Franċiża ssostni li l-leġiżlazzjoni inkwistjoni hija intiża sabiex tiżgura l-valorizzazzjoni tal-wirt ġenetiku tal-annimali tal-ifrat, li l-Qorti tal-Ġustizzja diġà rrikonoxxiet, fis-sentenza Nilsson et (C-162/97, Ġabra p. I-7477) bħala li jikkostitwixxi raġuni imperattiva ta’ interess ġenerali. Hija żżid li, jekk id-Direttivi 77/504 u 87/328 armonizzaw il-kundizzjonijiet tal-moviment intra-Komunitarju tal-annimali tal-ifrat għat-tnissil ta’ razza pura u tas-semen tagħhom, huma, min-naħa l-oħra, ma armonizzawx ir-regoli dwar l-inseminazzjoni tan-nisa tal-ispeċi tal-annimali tal-ifrat.

69

Dan l-Istat Membru, filwaqt li rrefera għall-implementazzjoni fit-territorju tiegħu ta’ programmi ta’ għażla għat-tnissil u ta’ konservazzjoni ġenetika, jenfasizza li l-esklużività ġeografika mogħtija liċ-ċentri ta’ inseminazzjoni artifiċjali awtorizzati u l-kundizzjonijiet ta’ għoti tal-liċenzja ta’ inseminatur jikkostitwixxu l-uniku mezz sabiex tiġi ggarantita ġabra preċiża u kompleta tal-informazzjoni ġenetika fuq l-annimali tal-ifrat, li hija indispensabbli sabiex jintlaħaq it-titjib ġenetiku ta’ din l-ispeċi. Dawn il-miżuri huma neċessarji sabiex tiġi ċċentralizzata f’korp wieħed, f’kull żona kkaratterizzata mill-esklużività, l-informazzjoni kollha dwar l-operazzjonijiet ta’ inseminazzjoni effettwati.

70

Il-Kummissjoni ssostni li l-għan tal-ħarsien tal-wirt ġenetiku tal-annimali tal-ifrat jaqa’ taħt il-qasam tar-rekwiżiti ta’ natura żooteknika u tar-razza, li, kif il-Qorti tal-Ġustizzja kienet irrikonoxxiet fil-punt 33 tas-sentenza Centre d’insémination de la Crespelle, iċċitata iktar ’il fuq, kien is-suġġett ta’ armonizzazzjoni kompleta fuq il-livell Komunitarju. Hija ssostni li, f’kull każ, in-nuqqas tad-dispożizzjonijiet Komunitarji ma jikkostitwixxix, minnu nnifsu, ġustifikazzjoni għal restrizzjoni.

71

Il-Kummissjoni ssostni li l-valorizzazzjoni ġenetika tiddependi minn min irabbi, u mhux mill-attivitajiet tal-inseminatur, peress illi l-att imwettaq minn dan tal-aħħar li, minbarra dan, jaqa’ taħt kunsiderazzjonijiet ta’ sistema sanitarja, m’għandux effett la fuq il-kwalità u lanqas fuq il-provenjenza tas-semen inseminat.

72

Il-Kummissjoni żżid tgħid li, sabiex tiġi ggarantita ġabra preċiża tal-informazzjoni ġenetika li tikkonċerna l-annimali tal-ifrat billi l-informazzjoni tiġi ċċentralizzata f’post wieħed, sempliċi obbligu li l-informazzjoni neċessarja tintbagħat lejn ċentru li jirċievi l-informazzjoni ġenetika jkun biżżejjed.

— Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

73

Fl-ewwel lok, għandu jiġi mfakkar li, kif jirriżulta, minn naħa, mid-dispożizzjonijiet tad-Direttivi 77/504, 87/328 u 91/174, imsemmija fil-punti 3 sa 6 u 15 ta’ din is-sentenza u, min-naħa l-oħra, mill-punt 33 tas-sentenza Centre d’insémination de la Crespelle, iċċitata iktar ’il fuq, il-kundizzjonijiet ġenealoġiċi, f’dak li jikkonċerna l-kummerċ intra-Komunitarju ta’ semen tal-annimali tal-ifrat ta’ razza pura, kienu suġġetti għal armonizzazzjoni kompleta fuq livell Komunitarju.

74

B’hekk, kif ġie mfakkar fil-punt 67 ta’ din is-sentenza, raġuni imperattiva ta’ interess ġenerali ma tistax tiġi invokata jekk teżisti armonizzazzjoni Komunitarja li tipprovdi miżuri neċessarji sabiex tiġi żgurata l-protezzjoni tal-istess interess (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Il-Kummissjoni vs L-Awstrija, iċċitata iktar ’il fuq, punt 23).

75

B’hekk, l-għan ta’ protezzjoni tal-wirt ġenetiku tal-annimali tal-ifrat ta’ razza pura minħabba rekwiżiti ġenealoġiċi nazzjonali ma jistax jiġġustifika ostakoli għall-kummerċ intra-Komunitarju ta’ semen ta’ tali annimali tal-ifrat mhux previsti mil-leġiżlazzjoni Komunitarja ta’ armonizzazzjoni tal-qasam ikkonċernat.

76

It-tieni subparagrafu tal-Artikolu 1 tad-Direttiva 88/407, li ma jimmodifikax il-kontenut tad-Direttivi 77/504, 87/328 u 91/174, u ma jikkontradixxix il-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 73 ta’ din is-sentenza, jikkonferma din l-evalwazzjoni. Fil-fatt, din id-dispożizzjoni, billi tippreċiża li d-Direttiva 88/407 ma taffettwax id-dispożizzjonijiet taż-żootekniċi tal-Komunità u/jew nazzjonali li jirregolaw l-organizzazzjoni tal-inseminazzjoni artifiċjali b’mod ġenerali u b’mod partikolari d-distribuzzjoni tas-semen, tirreferi unikament għall-miżuri żootekniċi, filwaqt li l-ġustifikazzjoni allegata mir-Repubblika Franċiża hija fondata biss fuq kunsiderazzjonijiet ta’ natura ġenetika.

77

Fit-tieni lok, safejn l-argument invokat mir-Repubblika Franċiża huwa intiż sabiex jiġġustifika s-sistema nazzjonali kkontestata inkwantu tistabbilixxi restrizzjonijiet għall-eżerċizzju tal-attività ta’ inseminazzjoni u tal-għoti tal-liċenzji ta’ inseminatur, għandu jiġi rrilevat li l-kunsiderazzjonijiet esposti minn dan l-Istat Membru mhumiex ta’ natura ġenealoġika, iżda kif huwa sostnut mill-Kummissjoni, jaqgħu taħt il-qasam tas-saħħa.

78

Fil-fatt, l-aspett ġenetiku tal-inseminazzjoni jiddependi mhux mill-att imwettaq mill-inseminatur iżda minn karatteristiċi tal-annimali tal-ifrat nisa u mis-semen inseminat.

79

Fit-tielet lok, anki jekk jiġi presuppost li l-armonizzazzjoni Komunitarja tal-kummerċ intra-Komunitarju ta’ semen tal-annimali tal-ifrat minbarra dawk ta’ razza pura, effettwata mid-Direttiva 88/407, mhijiex kompluta f’dak li jikkonċerna l-kundizzjonijiet ġenealoġiċi, minn naħa, għandu jiġi rrilevat, bħalma sostniet il-Kummissjoni, li n-nuqqas ta’ dispożizzjonijiet Komunitarji ma jistax jikkostitwixxi, minnu nnifsu, ġustifikazzjoni għal restrizzjoni.

80

Min-naħa l-oħra, l-affermazzjonijiet tar-Repubblika Franċiża, li s-sistema nazzjonali kkontestata ssegwi l-protezzjoni tal-wirt ġenetiku filwaqt li tippermetti ċ-ċentralizzazzjoni tal-ġabra tal-informazzjoni dwar l-inseminazzjoni artifiċjali mwettqa fit-territorju ta’ dan l-Istat Membru, li hija indispensabbli għall-finijiet ta’ programmi ta’ selezzjoni fuq id-dixxendenza u l-konservazzjoni ġenetika, ma juru la n-neċessità u lanqas il-proporzjonalità tar-restrizzjonijiet li jirriżultaw minn din is-sistema.

81

Fil-fatt, tali ġabra ċċentralizzata ta’ informazzjoni, sakemm jiġi presuppost li hija tippreżenta utilità f’dak li jikkonċerna l-annimali tal-ifrat barra dawk ta’ razza pura, setgħet isseħħ permezz ta’ miżuri inqas restrittivi mill-għoti lil ċentri awtorizzati tal-esklużività ġeografika tas-servizz ta’ inseminazzjoni. B’mod partikolari, kien possibbli li jiġi impost fuq l-operaturi li jeffettwaw inseminazzjonijiet artifiċjali tal-annimali tal-ifrat l-obbligu li jikkomunikaw lil korp maħtur għal dan il-għan l-informazzjoni dwar l-inseminazzjonijiet imwettqa, il-ġabra ċċentralizzata ta’ din l-istess informazzjoni li b’hekk kienet effettwata mingħajr ma jkunu nħolqu ostakoli għal-libertà ta’ stabbiliment u għal-libertà li jiġu pprovduti servizzi.

82

B’hekk, il-ġustifikazzjoni invokata mir-Repubblika Franċiża, ibbażata fuq il-protezzjoni tal-wirt ġenetiku tal-annimali tal-ifrat, għandha tiġi miċħuda.

Fuq il-protezzjoni pubblika

— L-argumenti tal-partijiet

83

Ir-Repubblika Franċiża ssostni li s-sistema ta’ kwalifika tal-aġenti li jipprattikaw l-inseminazzjoni artifiċjali tirrispondi għal preokupazzjonijiet ta’ protezzjoni tas-saħħa tal-annimali u tal-bniedem.

84

L-ewwel nett, f’dak li jikkonċerna s-saħħa tal-annimali, hija ssostni li l-inseminazzjoni għandha tirrispetta r-regoli ta’ saħħa u ta’ iġjene, kemm matul il-manipulazzjoni tas-semen kif ukoll matul il-kuntatt mal-annimal. Dan l-att jeħtieġ għarfien perfett, sabiex tiġi evitata l-ħsara għall-element fiżiku kollu tal-annimal li qed jiġi inseminat. Minbarra dan, l-għażla stess tal-operazzjonijiet ta’ inseminazzjoni jista’ jkollha effett fuq is-saħħa tal-annimal, b’mod partikolari fuq il-fertilità tiegħu, li tista’ tiġi kompromessa minn taħlit ta’ razez mhux maħsub sew.

85

Sussegwentement, fir-rigward tal-protezzjoni tas-saħħa tal-aġent li jipprattika l-inseminazzjoni, ir-Repubblika Franċiża tqis li l-għoti ta’ liċenzja li tipprovdi attestazzjoni tal-kwalifika tal-persuna interessata għall-att ta’ inseminazzjoni artifiċjali huwa neċessarju, peress illi l-att ta’ inseminazzjoni jippreżenta riskji, kemm minħabba l-kuntatt ma’ annimal tqil kif ukoll minħabba l-użu ta’ nitroġenu likwidu li jista’ jikkawża ħruq gravi.

86

Fl-aħħar nett, f’dak li jikkonċerna l-protezzjoni tas-saħħa tal-persuni min-naħa tas-sigurtà tal-ikel, dan l-Istat Membru jallega li l-għoti ta’ liċenzja jikkontribwixxi sabiex tiġi ssodisfatta l-ħtieġa ta’ traċċabbiltà tal-prodotti. Huwa jsostni li, skont l-Artikolu 18 tar-Regolament Nru 178/2002, it-traċċabbiltà ta’ prodotti tal-ikel għandha tiġi stabbilita fl-istadji kollha tal-produzzjoni, tal-ipproċessar u ta’ tqassim. Huwa b’hekk isostni li l-prinċipju ta’ traċċabbiltà japplika għas-semen li, filwaqt li jikkostitwixxi prodott bijoloġiku ħaj, jinsab fil-bidu tal-proċess ta’ produzzjoni tal-annimali tat-trobbija, u jżid jgħid li ċ-ċentri ta’ inseminazzjoni artifiċjali jiżguraw is-sigurtà tal-kummerċ tas-semen kif ukoll il-kontroll dokumentarju, fiżiku u ta’ identità ta’ dan il-prodott.

87

Il-Kummissjoni tqis li l-att ta’ inseminazzjoni, anki jekk jeħtieġ ċerti kompetenzi u prekawzjonijiet, ma jippreżentax diffikultà partikolari li tista’ tiġġustifika ostakolu daqshekk gravi għal-libertà ta’ stabbiliment u għal-libertà li jiġu pprovduti servizzi. Il-Kummissjoni ssostni li l-għanijiet ta’ saħħa invokati jistgħu jintlaħqu b’mod sodisfaċenti, peress illi l-prova tal-kapaċità tal-inseminatur kienet tressqet, kemm fir-rigward taż-żamma ta’ ċertifikat ta’ kapaċità, kif ukoll mill-ġustifikazzjoni ta’ taħriġ veterinarju jew ukoll, għaċ-ċittadini Komunitarji, permezz ta’ mekkaniżmu ta’ rikonoxximent. F’kull każ, skont il-Kummissjoni, id-dispożizzjonijiet Franċiżi kkontestati għandhom jiġu kkunsidrati bħala mhux iġġustifikati kif ukoll disproporzjonali.

88

Fir-rigward tat-traċċabbiltà tas-semen, il-Kummissjoni tfakkar, filwaqt li tirreferi għad-Direttivi 87/328 u 88/407, li l-armonizzazzjoni Komunitarja fl-oqsma tas-saħħa u żooteknika hija intiża, b’mod partikolari, sabiex tiżgura r-rispett ta’ preokupazzjonijiet ta’ natura sanitarja fil-livelli kollha tal-ġbir u tat-trasport tal-isperma kif ukoll l-identifikazzjoni tagħha. Hija b’hekk tikkunsidra li r-responsabbiltà taċ-ċentri ta’ inseminazzjoni artifiċjali li għandhom esklużività territorjali ma tikkonstitwixxix il-mezz xieraq sabiex jiġi ggarantit livell għoli ta’ protezzjoni u li l-leġiżlazzjoni inkwistjoni ma tistax tkun fondata fuq nuqqas ta’ osservanza sistematika fir-rigward tal-operaturi indipendenti, b’mod partikolari, ta’ dawk li ġejjin minn Stati Membri oħra.

— Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

89

F’dak li jikkonċerna l-għanijiet ta’ protezzjoni tas-saħħa tal-annimali u tal-aġent li jipprattika l-inseminazzjoni, għandu jiġi osservat, kif issostni l-Kummissjoni, li dawn l-għanijiet invokati mir-Repubblika Franċiża jistgħu jintlaħqu permezz ta’ miżuri inqas restrittivi, b’mod partikolari mir-rekwiżit ta’ prova ta’ kapaċità adegwata.

90

Fil-fatt, mekkaniżmu ta’ kontroll u ta’ rikonoxximent tad-diplomi veterinarji u tar-rekwiżit ta’ ċertifikat ta’ kapaċità jistgħu juru l-pussess mill-persuni kkonċernati tal-għarfien u tal-kwalifiki neċessarji għas-salvagwardja ta’ dawn l-interessi.

91

Madankollu, is-sistema inkwistjoni hija bbażata fuq miżuri ħafna aktar restrittivi, jiġifieri l-għoti ta’ esklużività ġeografika għaċ-ċentri ta’ inseminazzjoni approvati u l-għoti ta’ liċenzja ta’ inseminatur li tkun suġġetta għall-konklużjoni ta’ ftehim ma’ tali ċentri.

92

Ċertament, huwa leġittimu li, sabiex tiġi żgurata l-kapaċità tal-kandidat għall-funzjonijiet ta’ inseminatur, Stat Membru jissuġġetta l-eżerċizzju tal-attività ta’ inseminazzjoni għall-ħtieġa ta’ liċenzja. Madankollu, f’dan il-każ, din il-liċenzja tingħata biss bil-kundizzjoni li ftehim ikun ġie konkluż bejn dan il-kandidat u ċentru ta’ inseminazzjoni artifiċjali approvat.

93

Madankollu, fir-rigward ta’ proċedura ta’ awtorizzazzjoni ta’ eżerċizzju ta’ attività, għandu jiġi rrilevat, kif sostniet il-Kummissjoni, li, fl-applikazzjoni li jagħmel tad-dispożizzjonijiet nazzjonali, l-Istat Membru kkonċernat għandu jieħu inkunsiderazzjoni l-għarfien u l-kwalifiki diġà miksuba mill-persuna interessata fi Stat Membru ieħor (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Vlassopoulou, iċċitata iktar ’il fuq, punt 15). Fil-kuntest ta’ din il-proċedura ta’ awtorizzazzjoni, l-eżami tal-kapaċitajiet u tal-kwalifiki għandha ssir mill-awtoritajiet nazzjonali skont proċedura li hija konformi mar-rekwiżiti tad-dritt Komunitarju dwar il-protezzjoni effettiva tad-drittijiet fundamentali mogħtija mit-trattat liċ-ċittadini Komunitarji. B’konsegwenza, deċiżjoni meħuda fi tmiem dan l-eżami għandha tkun motivata u fir-rigward tagħha jkun jista’ jiġi ppreżentat rikors ta’ natura ġuridika (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-15 ta’ Ottubru 1987, Heylens et, 222/86, Ġabra p. 4097, punt 17, u Vlassopoulou, iċċitata iktar ’il fuq, punt 22).

94

Minbarra dan, sistema ta’ awtorizzazzjoni amministrattiva preliminari għandha tkun fondata, b’mod partikolari, fuq kriterji oġġettivi, non-diskriminatorji u magħrufa bil-quddiem, b’mod li jinkludu l-eżerċizzju tas-setgħa diskrezzjonali tal-awtoritajiet sabiex din ma tintużax b’mod arbitrarju (ara s-sentenza Analir et, iċċitata iktar ’il fuq, punt 38).

95

Madankollu, dan il-ftehim għandu jiġi ffirmat ma’ ċentru ta’ inseminazzjoni artifiċjali li huwa f’kompetizzjoni potenzjali, fis-suq tal-inseminazzjoni, mal-istess operatur li għandu l-obbligu li jivverifika l-kompetenzi tiegħu bħala inseminatur. Minbarra dan, il-konklużjoni ta’ dan il-ftehim jitħalla fid-diskrezzjoni tal-presidenti ta’ dawn iċ-ċentri, li m’għandhomx l-obbligu li jiffirmaw anki jekk il-kandidat jissodisfa l-kriterji ta’ kapaċità oġġettivi, non-diskriminatorji u magħrufa minn qabel.

96

F’dawn il-kundizzjonijiet, il-konklużjoni tal-ftehim ma tikkostitwixxix proċedura ta’ eżami adegwata, li tippermetti lill-awtoritajiet tal-Istat Membru ospitanti li jiżguraw ruħhom unikament u oġġettivament mill-kapaċitajiet tal-inseminaturi li ġejjin minn Stat Membru ieħor, u ma ssodisfatx il-kriterji msemmija fil-punti 93 u 94 ta’ din is-sentenza.

97

B’konsegwenza, għandu jiġi kkonstatat li l-leġiżlazzjoni kkontestata, anki jekk jiġi ppreżuppost li hija adegwata sabiex tiggarantixxi t-twettiq tal-protezzjoni tas-saħħa tal-annimal u dik tal-aġent li jipprattika l-inseminazzjoni, tmur lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex jintlaħaq l-għan imfittex (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tad-29 ta’ Marzu 2007, Rewe Zentrafinanz, C-347/04, Ġabra p. I-2647, punt 37, u tal-25 ta’ Ottubru 2007, Geurts u Vogten, C-464/05, Ġabra p. I-9325, punt 24).

98

Fir-rigward tas-sigurtà tal-ikel u tat-traċċabbiltà tas-semen, għandu jiġi kkonstatat li, kuntrarjament għal dak li ssostni r-Repubblika Franċiża, l-Artikolu 18 tar-Regolament Nru 178/2002 ma jistax jiġi interpretat fis-sens li jista’ jiġġustifika r-restrizzjonijiet li jirriżultaw mis-sistema inkwistjoni. Fil-fatt, dan l-Artikolu huwa intiż għall-qasam tas-sigurtà tal-ikel fejn ir-rekwiżiti dwar it-traċċabbiltà jistgħu jiġu ssodisfati minn sistema li tipprovdi li s-servizz ta’ inseminazzjoni huwa żgurat minn persuni kkwalifikati u debitament identifikati, mingħajr ma jiġu applikati restrizzjonijiet bħal dawk li jirriżultaw mis-sistema inkwistjoni.

99

Barra minn hekk, għandu jiġi rrilevat li dan l-Istat Membru bl-ebda mod ma stabbilixxa li l-esklużività ġeografika mogħtija liċ-ċentri approvata u li l-għoti ta’ liċenzja ta’ inseminatur għandha tkun suġġetta għall-konklużjoni ta’ ftehim mal-president ta’ tali ċentru jikkostitwixxu miżuri neċessarji u proporzjonali sabiex jiġu żgurati s-sigurtà tal-ikel u t-traċċabbiltà. Fil-fatt, ebda element ta’ prova ma ġie ppreżentat sabiex jintwera li l-obbligi imposti fuq l-inseminaturi f’dak li jikkonċerna l-kwalità u l-użu tas-semen kif ukoll il-kontrolli tal-osservanza ta’ dawn l-obbligi jagħmlu indispensabbli din l-esklużività ġeografika jew il-kundizzjoni li għaliha huwa suġġett l-għoti ta’ din il-liċenzja.

100

F’dawn il-kundizzjonijiet, il-ġustifikazzjoni invokata mir-Repubblika Franċiża, ibbażata fuq il-protezzjoni tas-saħħa pubblika, ma tistax tiġi milqugħa.

Fuq ir-rekwiżiti ta’ ippjanar tat-territorju

— L-argumenti tal-partijiet

101

Ir-Repubblika Franċiża ssostni li s-sistema inkwistjoni ssegwi għan ta’ ppjanar tat-territorju u li l-Qorti tal-Ġustizzja rrikonoxxietha bħala li tikkostitwixxi raġuni imperattiva ta’ interess ġenerali (sentenza tat-13 ta’ Jannar 2000, TK-Heimdienst, C-254/98, Ġabra p. I-151, punt 34). Dan l-Istat Membru jafferma li din is-sistema ppermettiet iż-żamma ta’ attività agrikola fl-akbar parti mit-territorju Franciż, fejn iż-żoni ta’ denisità żgħira u ż-żoni ta’ muntanji huma dominanti. Dan isostni li ż-żamma ta’ razez tal-annimali tal-ifrat li adattaw għar-restrizzjonijiet klimatiċi u ta’ terreni ppermettiet li tinżamm it-trobbija fir-reġjuni mhedda mid-deżertifikazzjoni minħabba l-karatteristiċi klimatiċi jew ġeografiċi tagħhom.

102

Skont il-Kummissjoni, l-esklużività ġeografika mogħtija liċ-ċentri ta’ inseminazzjoni artifiċjali approvati ma tistax tiġi ġġustifikata, fin-nuqqas ta’ informazzjoni statistika, bl-affermazzjoni li, fin-nuqqas ta’ din l-eskużività, parti kbira mit-territorju Franċiż tista’ tiġi mċaħħda minn servizzi ta’ inseminazzjoni. F’kull każ, il-Kummissoni ssosnti li l-preservazzjoni ta’ razez adattati għal restrizzjonijiet klimatiċi u ta’ terreni ma tistax tiġi affettwata mit-tneħħija tal-ostakoli inkwistjoni.

— Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

103

Għandu jiġi rrilevat, kif issosnti l-Kummissjoni, li l-allegazzjonijiet tar-Repubblika Franċiża mhuma sostnuti minn ebda informazzjoni jew data statistika. Dan l-Istat Membru ma weriex b’mod ċirkustanzjali li l-esklużività ġeografika mogħtija lil dawn iċ-ċentri approvati kienet neċessarja sabiex tiġi ggarantita l-offerta tas-servizz ta’ inseminazzjoni fit-territorju Franċiż kollu.

104

Minbarra dan, din il-ġustifikazzjoni ma tistax tiġi invokata f’dak li jikkonċerna ż-żoni tat-territorju Franżiz li ma jippreżentawx il-karatteristiċi ta’ żvantaġġ esposti minn dan l-Istat Membru.

105

B’konsegwenza, kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 83 tal-konklużjonijiet tiegħu, mingħajr ma huwa neċessarju li jiġi eżaminat jekk ir-rekwiżiti tal-ippjanar tat-territorju jistgħux, fl-astratt, jiġġustifikaw restrizzjonijiet għal libertà ta’ stabbiliment u għal-libertà li jiġu pprovduti servizzi, mhuwiex stabbilit li dawn ir-rekwiżiti jeżistu f’dan il-każ u li huma ta’ natura li jagħmlu neċessarja din l-esklużività ġeografika.

106

F’dawn il-kundizzjonijiet, il-ġustifikazzjoni invokata mir-Repubblika Franċiża, ibbażata fuq rekwiżiti ta’ ppjanar tat-territorju, għandha wkoll tiġi miċħuda.

107

Isegwi li, fin-nuqqas ta’ ġustifikazzjoni valida tar-restrizzjonijiet inkwistjoni, ir-rikors tal-Kummissjoni għandu jiġi kkunsidrat bħala fondat.

108

B’hekk, fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet iktar ’il fuq, għandu jiġi kkonstatat li, billi rriżervat id-dritt li jiġi pprovdut is-servizz ta’ inseminazzjoni artifiċjali tal-annimali tal-ifrat għal ċentri ta’ inseminazzjoni artifiċjali approvati, li għandhom esklużività ġeografika, kif ukoll lill-persuni li għandhom liċenzja ta’ inseminatur li l-għoti tagħha hija suġġetta għall-konklużjoni ta’ ftehim ma’ wieħed minn dawn iċ-ċentri, ir-Repubblika Franċiża naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt l-Artikoli 43 KE u 49 KE.

Fuq l-ispejjeż

109

Skont l-Artikolu 69(2) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba. Peress li r-Repubblika Franċiża tilfet, hemm lok li hija tiġi ordnata tbati l-ispejjeż kif mitlub mill-Kummissjoni.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Ir-Raba’ Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

Billi rriżervat id-dritt li jiġi pprovdut is-servizz ta’ inseminazzjoni artifiċjali tal-annimali tal-ifrat għal ċentri ta’ inseminazzjoni artifiċjali approvati, li għandhom esklużività ġeografika, kif ukoll lill-persuni li għandhom liċenzja ta’ inseminatur li l-għoti tagħha hija suġġetta għall-konklużjoni ta’ ftehim ma’ wieħed minn dawn iċ-ċentri, ir-Repubblika Franċiża naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt l-Artikoli 43 KE u 49 KE.

 

2)

Ir-Repubblika Franċiża hija kkundannata għall-ispejjeż.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Franċiż.

Top