EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62005CJ0387

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) tal-15 ta' Diċembru 2009.
Il-Kummissjoni Ewropea vs ir-Repubblika Taljana.
Nuqqas ta’ Stat li jwettaq obbligu - Importazzjoni b’eżenzjoni mid-dażju ta’ materjal b’użu doppju ċivili u militari.
Kawża C-387/05.

Ġabra tal-Ġurisprudenza 2009 I-11831

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2009:781

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja)

15 ta’ Diċembru 2009 ( *1 )

“Nuqqas ta’ Stat li jwettaq obbligu — Importazzjoni ta’ materjal ta’ użu doppju ċivili u militari eżenti mid-dazju”

Fil-Kawża C-387/05,

li għandha bħala suġġett rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu taħt l-Artikolu 226 KE, imressaq fil-21 ta’ Ottubru 2005,

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn G. Wilms, L. Visaggio u C. Cattabriga, bħala aġenti, b’indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,

rikorrenti,

vs

Ir-Repubblika Taljana, irrappreżentata minn I. M. Braguglia, bħala aġent, assistit minn G. De Bellis, avvocato dello Stato, b’indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,

konvenuta,

sostnuta minn:

Ir-Renju tad-Danimarka, irrappreżentat minn J. Bering Liisberg, bħala aġent,

Ir-Repubblika Ellenika, irrappreżentata minn E.-M. Mamouna u A. Samoni-Rantou kif ukoll minn K. Boskovits, bħala aġenti, b’indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,

Ir-Repubblika Portugiża, irrappreżentata minn C. Guerra Santos, L. Inez Fernandes u J. Gomes, bħala aġenti,

Ir-Repubblika tal-Finlandja, irrappreżentata minn A. Guimaraes-Purokoski, bħala aġent,

intervenjenti

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja),

komposta minn V. Skouris, President, A. Tizzano, J. N. Cunha Rodrigues, K. Lenaerts, E. Levits u C. Toader, Presidenti ta’ Awla, C. W. A. Timmermans, A. Borg Barthet (Relatur), M. Ilešič, J. Malenovský u U. Lõhmus, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: D. Ruiz-Jarabo Colomer,

Reġistratur: M. Ferreira, Amministratur Prinċipali,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-25 ta’ Novembru 2008,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tal-10 ta’ Frar 2009,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

Permezz tar-rikors tagħha, il-Kummissjoni Ewropea titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tikkonstata li, billi unilateralment eżentat l-importazzjoni ta’ materjal li jista’ jintuża għal użu ċivili u militari, mill-1 ta’ Jannar 1999 sal-31 ta’ Diċembru 2002, mid-dazji doganali, u billi rrifjutat li tikkalkola u tħallas ir-riżorsi proprji li ma nġabrux minħabba din l-eżenzjoni kif ukoll l-interessi moratorji dovuti minħabba n-nuqqas tat-tqegħid għad-dispożizzjoni tal-Kummissjoni Ewropea ta’ dawn ir-riżorsi proprji fit-termini stabbiliti, ir-Repubblika Taljana naqset milli twettaq l-obbligi tagħha, minn naħa, taħt l-Artikolu 26 KE, l-Artikolu 20 tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2913/92, tat-12 ta’ Ottubru 1992, li jwaqqaf il-Kodiċi Doganali tal-Komunità (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 2, Vol. 4, p. 307, iktar ’il quddiem il-“Kodiċi Doganali tal-Komunità”), u, konsegwentement, it-tariffa doganali komuni, u min-naħa l-oħra taħt l-Artikoli 2, 9, 10 u 17(1) tar-Regolament tal-Kunsill (KEE, Euratom) Nru 1552/1989, tad-29 ta’ Mejju 1989, li jimplementa d-Deċiżjoni (Euratom) 88/376/KEE, dwar is-sistema ta’ riżorsi tal-Komunitajiet innifishom (ĠU L 155, p. 1), kif emendat bir-Regolament tal-Kunsill (Euratom, KE) Nru 1355/96, tat-8 ta’ Lulju 1996 (ĠU L 175, p. 3, iktar ’il quddiem ir-“Regolament Nru 1552/89”), kif ukoll taħt l-istess Artikoli tar-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1150/2000, tat-22 ta’ Mejju 2000, li jimplementa d-Deċiżjoni 94/728/KE, Euratom dwar is-sistema tar-riżorsi tagħhom tal-Komunitajiet (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 1, Vol. 3, p. 169).

Il-kuntest ġuridiku

Il-leġiżlazzjoni Komunitarja

2

L-Artikolu 2(1) tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 88/376/KEE, tal-24 ta’ Ġunju 1988, dwar is-sistema ta’ riżorsi tal-Komunitajiet innifishom (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 1, Vol. 1, p. 176), u tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 94/728/KE, Euratom, tal-31 ta’ Ottubru 1994, dwar is-sistema tar-riżorsi proprji tal-Unjoni Ewropea (ĠU L 293, p. 9), jipprovdi:

“Dħul minn dawn li ġejjin għandhom jikkonstitwixxu riżorsi tagħhom [proprji] imdaħħla fil-bilanċ tal-Komunitajiet:

[…]

b)

It-tariffa doganali komuni u dazji oħrajn imwaqqfa jew li għandhom jiġu mwaqqfa mill-istituzzjonijiet tal-Komunitajiet rigward il-kummerċ ma’ pajjiżi li mhumiex membri u dazji fuq prodotti li jaqgħu taħt it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea tal-Faħam u l-Azzar;

[…]”

3

L-Artikolu 20 tal-Kodiċi Doganali tal-Komunità jipprovdi:

“1.   Dazji legalment dovuti meta jiġi inkors dejn doganali għandhom ikunu bbażati fuq it-Tariffa Doganali tal-Komunitajiet Ewropej.

[…]

3.   It-Tariffa Doganali tal-Komunitajiet Ewropej għandha tikkomprendi:

(a)

in-nomenklatura magħquda tal-merkanzija;

[…]

(ċ)

ir-rati u kapi ta’ spejjeż oħra normalment applikabbli għal merkanzija koperta min-nomenklatura magħquda fir-rigward:

dazji doganali

[…]

(d)

il-miżuri dwar tariffa preferenzjali li jinsabu f’patti ta’ ftehim li l-Komunità kkonkludiet ma’ ċerti pajjiżi jew gruppi ta’ pajjiżi u li jipprovdu għall-għoti ta’ trattament preferenzjali dwar it-tariffa;

(e)

miżuri preferenzjali dwar it-tariffa adottati unilateralment mill-Komunità fir-rigward ta’ ċerti pajjiżi, gruppi ta’ pajjiżi jew territorji;

(f)

miżuri awtonomi sospensivi li jipprovdu għal tnaqqis fi jew eżenzjoni mid-dazji fuq l-importazzjoni imponibbli fuq ċerta merkanzija;

(g)

miżuri oħra tat-tariffa li hemm provdut dwarhom f’leġislazzjoni oħra tal-Komunità.

[…]”

4

L-Artikolu 217(1) tal-Kodiċi Doganali tal-Komunità jipprovdi:

“Kull ammont ta’ dazju fuq l-importazzjoni jew dazju fuq l-esportazzjoni li jirriżulta minn dejn doganali, minn hawn ’l isfel imsejjaħ ’ammont ta’ dazju’, għandu jiġi kalkolat mill-awtoritajiet doganali malli jkollhom id-dettalji neċessarji, u għandu jiddaħħal minn dawk l-awtoritajiet fil-kotba tal-kontijiet jew f’kull mezz ieħor ekwivalenti (dħul fil-kontijiet).

[…]”

5

Fil-kuntest tat-tqegħid għad-dispożizzjoni tal-Kummissjoni tar-riżorsi proprji tal-Komunitajiet, il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea adotta r-Regolament Nru 1552/89, applikabbli fil-perijodu inkwistjoni fil-kawża preżenti sat-30 ta’ Mejju 2000. Dan ir-regolament ġie sostitwit sa mill-31 ta’ Mejju 2000 bir-Regolament Nru 1150/2000 li kkodifika r-Regolament Nru 1552/89 mingħajr ma biddel il-kontenut tal-imsemmi regolament.

6

L-Artikolu 2 tar-Regolament Nru 1552/89 jipprovdi:

“1.   Għall-iskop li jkun applikat dan ir-Regolament, l-intitolament tal Komunità għar-riżorsi tagħha proprji msemmija fl-Artikolu 2(1)(a) u (b) tad-Deċiżjoni 88/376/KE, Euratom għandhom ikunu stabbiliti malli l-kondizzjonijiet li hemm dispożizzjoni dwarhom bir-regolamenti tad-dwana jkunu twettqu rigward id-dħul għall-intitolament fil-kontijiet u n-notifikazzjoni tad-debitur.

1a.   Id-data li għandha titqies għall-konstatazzjoni msemmija fil-paragrafu 1 għandha tkun id-data tad-dħul fil-kontijiet prevista mir-regolamenti doganali.

[…]”

7

L-Artikolu 9(1) ta’ dan ir-regolament jipprovdi:

“Skond il-proċedura preskritta fl-Artikolu 10, kull Stat Membru għandu jikkredita r-riżorsi tiegħu proprji fil-kont miftuħ f’isem il-Kummissjoni mat-Teżor tiegħu jew mal-korp li jkun ħatar.

Dan il-kont għandu jinżamm mingħajr ħlasijiet”

8

Skont l-Artikolu 10(1) ta’ dan ir-regolament:

“Wara tnaqqis ta’ 10% bħala spejjeż tal ġbir bi qbil ma’ l-Artikolu 2(3) tad-Deċiżjoni 88/376/KE, Euratom, id-dħul tar-riżorsi tagħha proprji msemmija fl-Artikolu 2(1)(a) u (b) ta’ dik id-Deċiżjoni għandu jseħħ mhux aktar tard mill-ewwel jum tax-xogħol wara d- 19-il jum tat-tieni xahar ta’ wara x-xahar li fi[h] l-intitolament kien ġie stabbilit bi qbil ma’ l-Artikolu 2 ta’ dan ir-Regolament.

[…]”

9

L-Artikolu 17(1) ta’ dan ir-regolament jiddisponi:

“1.   Stati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jassiguraw li l-ammont korrispondenti ta’ l-intitolament stabbilita permezz ta’ l-Artikolu 2 isir magħmul disponibbli lill-Kummissjoni kif speċifikat f'dan ir-Regolament.”

10

Skont l-Artikolu 22 tar-Regolament Nru 1150/2000:

“Regolament (KEE [Euratom]) Nru 1552/89 għandu jkun imħassar.

Referenzi għall-imsemmi Regolament għandhom ikunu meqjusa bħala referenzi għal dan ir-Regolament u għandhom jinqraw bi qbil mat-tabella ta’ korrelazzjoni esiġita f’Parti A ta’ dan l-Anness.”

11

Għaldaqstant, apparti l-fatt li r-Regolamenti Nri 1552/89 u 1150/2000 jirreferu, b’mod partikolari, wieħed għad-Deċiżjoni 88/376 u, l-ieħor għad-Deċiżjoni 94/728, l-Artikolu 2 u l-Artikoli 9 sa 11 ta’ dawn iż-żewġ regolamenti huma, essenzjalment, identiċi.

12

Ir-rata ta’ 10% msemmija fl-Artikolu 10(1) tar-Regolament Nru 150/2000 ġiet miżjuda għal 25% permezz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2000/597/KE, Euratom, tad-29 ta’ Settembru 2000, dwar is-sistema tar-riżorsi tagħhom tal Komunitajiet Ewropej (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 1, Vol. 3. p. 200).

13

Il-punt 1 tal-motivi tal-imsemmija deċiżjoni jipprovdi:

“Il-Kunsill Ewropew li ltaqa’ f’Berlin fl-24 u l-25 ta’ Marzu 1999 ikkonkluda, fost oħrajn, li s-sistema tar-riżorsi tagħhom tal-Komunità għandh[a] [t]kun ekw[a], trasparenti, effettiv[a] skond l-ispiża, sempliċi u bbażat[a] fuq kriterji li jesprimu l-aħjar abbiltà ta’ kull Stat Membru biex jikkontribwixxi.”

14

Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 150/2003, tal-21 ta’ Jannar 2003, li jissospendi d-dazji fuq l-importazzjoni fuq ċerti armamenti u apparat militari (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 2, Vol. 13, p. 15), adottat fuq il-bażi tal-Artikolu 26 KE, jipprovdi fil-premessa 5 tiegħu:

“Sabiex tiġi protetta l-kunfidenz[ja]lità [militari] ta’ l-Istati Membri huwa neċessarju li jiġu stabbiliti proċeduri amministrattivi speċifiċi għall-għoti tal-benefiċċju tas-sospensjoni tad-dazji. Dikjarazzjoni mill-awtorità kompetenti ta’ l-Istat Membru li għalih huma ddestinati l-armamenti u l-apparat militari, li tista’ wkoll tintuża bħala dikjarazzjoni tad-dwana kif mitlub mill-Kodiċi Doganali, tikkonstitwixxi garanzija xierqa li dawn il-kondizzjonijiet jiġu mħarsa. Id-dikjarazzjoni għandha tingħata f’forma ta’ ċertifikat. Huwa xieraq li tiġi speċifikata l-forma, li biha ser isiru dawn iċ-ċertifikati u li jkun permess l-użu ta’ mezzi u metodi ta’ data processing għad-dikjarazzjoni.”

15

L-Artikolu 1 ta’ dan ir-regolament jipprovdi:

“Dan ir-Regolament jistabbilixxi l-kondizzjonijiet għas-sospensjoni awtonoma tad-dazji ta’ l-importazzjoni fuq ċerti armamenti u apparat militari importat minn jew f’isem l-awtoritajiet inkarigati mid-difiza militari ta’ l-Istati Membri minn pajjiżi terzi.”

16

L-Artikolu 3(2) ta’ dan ir-regolament jipprovdi:

“Minkejja l-paragrafu 1, minħabba raġunijiet ta’ kunfidenzaenzalità militari, iċ-ċertifikat u l-merkanzija impurtata jistgħu jinghataw lil awtoritajiet oħra nominati mill-Istat Membru għal dan il-għan. F’każijiet bhal dawn l-awtorità kompetenti lokali li toħrog iċ-ċertifikat għandha tibgħat rapport qasir fuq dawn l-importazzjonijiet lill-awtoritajiet tad-dwana ta’ l-Istat Membru qabel il-31 ta’ Jannar u l-31 ta’ Lulju ta’ kull sena. Ir-rapprt għandu jkopri perjodu ta’ 6 xhur li jippreċedu dak ix-xahar li fih ir-rapport irid jiġi sottomess. Għandu jkun fih in-numru u d-data tal-ħrug taċ-ċertifikati, id-data ta’ l-importazzjoni u l-valur totali u l-piż gross tal-prodotti mpurtati maċ-ċertifikati.”

17

Skont l-Artikolu 8 tiegħu, ir-Regolament Nru 150/2003 japplika mill-1 ta’ Jannar 2003.

Il-proċedura prekontenzjuża

18

Il-Kummissjoni kienet bdiet proċeduri kontra r-Repubblika Taljana, b’mod partikolari billi ħarġet opinjoni motivata fil-25 ta’ Lulju 1985, fejn invokat ksur tal-Artikolu 28 tat-Trattat KE (li sar, wara emenda, l-Artikolu 26 KE) u tal-leġiżlazzjoni doganali Komunitarja għal dak li jirrigwarda l-importazzjoni ta’ materjal mhux speċifikament militari. Din il-proċedura ġiet, sussegwentement, sospiża.

19

Fin-nuqqas ta’ ftehim dwar proposta tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) dwar is-sospensjoni temporanja tad-dazji doganali fuq ċerti armamenti u apparat militari (ĠU 1988, C 265, p. 9), il-Kummissjoni mbagħad iddeċidiet li tkompli l-imsemmija proċedura. Hija bagħtet ittra ta’ intimazzjoni lir-Repubblika Taljana, datata l-31 ta’ Jannar 2002, li permezz tagħha hija stiednet lil dan l-Istat Membru jippreżenta l-osservazzjonijiet tiegħu dwar il-ksur tal-Artikolu 26 KE u tal-leġiżlazzjoni doganali Komunitarja.

20

Fl-istess data, il-Kummissjoni bagħtet ukoll tieni ittra ta’ intimazzjoni lir-Repubblika Taljana, li tirrigwarda b’mod iktar partikolari l-konsegwenzi finanzjarji tal-ksur inkwistjoni. Hija stiednet lil dan l-Istat Membru jikkalkola l-ammont tar-riżorsi proprji li ma tħallsux lill-Komunità għas-snin finanzjarji sa mill-1 ta’ Jannar 1999, sabiex iqiegħed dawn ir-riżorsi għad-dispożizzjoni tagħha u sabiex iħallas l-interessi moratorji dovuti taħt l-Artikolu 11 tar-Regolament Nru 1150/2000.

21

Ir-Repubblika Taljana madankollu ma tat l-ebda risposta għal dawn iż-żewġ ittri.

22

Ir-Regolament Nru 150/2003 daħal fis-seħħ b’effett mill-1 ta’ Jannar 2003.

23

Permezz ta’ ittra tal-24 ta’ Marzu 2003, il-Kummissjoni reġgħet tenniet it-talba inizjali tagħha dwar l-importazzjonijiet li saru qabel l-1 ta’ Jannar 2003, peress li l-perijodu ta’ wara kien kopert mill-imsemmi regolament. Ir-Repubblika Taljana wkoll ma rrispondietx din l-ittra.

24

B’hekk, il-Kummissjoni ddeċidiet toħroġ opinjoni motivata permezz ta’ ittra tal-11 ta’ Lulju 2003 fejn stiednet lir-Repubblika Taljana sabiex, f’terminu ta’ xahrejn minn meta rċeviet l-ittra, tieħu l-miżuri neċessarji sabiex tikkonforma ruħha ma’ din l-opinjoni.

25

Ir-Repubblika Taljana rrispondiet permezz ta’ ittra tas-26 ta’ Frar 2004, li fiha hija invokat l-Artikolu 296(1)(b) KE sabiex tiġġustifika l-eżenzjoni tad-dazji doganali imposti sal-31 ta’ Diċembru 2002. Għal dan il-għan, hija ssostni li r-Regolament Nru 150/2003 irrikonoxxa r-rilevanza tal-importazzjonijiet tal-materjal mhux speċifikament militari fl-interess tas-sigurtà tal-Istati Membri billi awtorizza, fl-Artikolu 2(2) tiegħu, is-sospensjoni tad-dazji doganali għal dan it-tip ta’ materjal.

26

Fid-dawl tal-elementi pprovduti mir-Repubblika Taljana, il-Kummissjoni, peress li kkunsidrat li dan l-Istat Membru ma kkonformax ruhu mal-opinjoni motivata, ippreżentat dan ir-rikors.

27

Permezz ta’ digriet tal-5 ta’ Mejju 2006, il-President tal-Qorti tal-Ġustizzja laqa’ l-intervent tar-Renju tad-Danimarka, tar-Repubblika Ellenika, tar-Repubblika Portugiża u tar-Repubblika tal-Finlandja insostenn tat-talbiet tar-Repubblika Taljana.

Fuq ir-rikors

Fuq l-ammissibbiltà

28

Ir-Repubblika Taljana ssostni li, fl-opinjoni motivata, il-Kummissjoni naqset milli teżiġi, għal dak li jirrigwarda l-eżenzjoni tad-dazji doganali għall-importazzjoni ta’ prodotti mhux intiżi għal finijiet speċifikament militari, il-prova ta’ nuqqas ta’ bidla tal-kundizzjonijiet tal-kompetizzjoni fis-suq, filwaqt li, fir-rikors tagħha, hija teħtieġ prova bħal din.

29

Madankollu, għandu jiġi kkonstatat li l-ilmenti magħmula mill-Kummissjoni fl-opinjoni motivata tagħha u fir-rikors tagħha huma identiċi. Fir-rigward tal-affermazzjoni tal-Kummissjoni dwar in-nuqqas ta’ prova tan-nuqqas ta’ bidla tal-kompetizzjoni fis-suq dwar il-prodotti msemmija iktar ’il fuq, hija għandha bħala għan uniku li teskludi l-ġustifikazzjoni bbażata fuq l-Artikolu 296(1)(b) KE tar-Repubblika Taljana, u b’hekk ma tammontax għal ilment ġdid. L-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà mqajma minn dan l-Istat Membru, għandu, konsegwentement, jiġi miċħud.

Fuq il-mertu

L-argumenti tal-partijiet

30

Il-Kummissjoni ssostni li r-Repubblika Taljana żbaljat meta bbażat ruħha fuq l-Artikolu 296 KE sabiex tirrifjuta l-ħlas tad-dazji doganali għall-importazzjonijiet ikkonċernati, peress li l-ġbir tagħhom ma jippreġudikax l-interess vitali tas-siġurtà ta’ dan l-Istat Membru.

31

Il-Kummissjoni tikkunsidra li l-miżuri li jistabbilixxu derogi jew eċċezzjonijiet, bħal b’mod partikolari l-Artikolu 296 KE, għandhom jiġu interpretati b’mod strett. B’hekk, l-Istat Membru kkonċernat, li jitlob l-applikazzjoni ta’ dan l-artikolu, għandu juri li huwa jissodisfa l-kundizzjonijiet kollha previsti f’dan tal-aħħar meta huwa għandu l-intenzjoni jidderoga mill-Artikolu 20 tal-Kodiċi Doganali tal-Komunità, fejn jinsab il-prinċipju ġenerali tal-ġbir tad-dazji kif stabbilit fl-Artikolu 26 KE.

32

Il-Kummissjoni ssostni li r-Repubblika Taljana hija, konsegwentement, responsabbli sabiex tipproduċi prova konkreta u dettaljata li l-ġbir tad-dazji doganali għall-importazzjoni inkwistjoni fil-kawża preżenti jippreġudika l-interessi vitali tas-sigurtà ta’ dan l-Istat Membru.

33

Fil-fatt, miżuri li jikkonsistu f’li jċaħħdu lill-Komunità mill-mezzi li kellhom jingħatawlha bħala riżorsi proprji sabiex tużhom għall-finanzjament ġenerali tal-ispejjeż militari ma jistgħux jiġu kkunsidrati, għall-inqas mingħajr ġustifikazzjoni addizzjonali, bħala neċessarji għall-protezzjoni tal-interessi vitali tas-sigurtà tal-Istati Membri.

34

Il-Kummissjoni tikkunsidra li r-Regolament Nru 150/2003 japplika sa mill-1 ta’ Jannar 2003 u li l-ebda effett retroattiv ma ġie attribwit lilu. Barra minn hekk, il-bażi ġuridika ta’ dan ir-regolament hija l-Artikolu 26 KE dwar l-istabbiliment tad-dazji doganali u mhux l-Artikolu 296 KE, li, anki fil-kuntest tal-leġiżlazzjoni ġdida, ma jistax ikun il-bażi għas-sospensjoni tad-dazji doganali prevista mill-imsemmi regolament.

35

Barra minn hekk, fir-rigward tal-materjal mhux speċifikament militari, l-Artikolu 296(1)(b) KE jistabbilixxi kundizzjoni addizzjonali sabiex Stat Membru jkun jista’ jidderoga minn obbligu impost fuqu mit-Trattat, jiġifieri li l-miżura nazzjonali ma tkunx ta’ natura li tbiddel il-kundizzjonijiet tal-kompetizzjoni fis-suq komuni. Fil-każ preżenti, ma tressaq l-ebda element li jista’ juri li din il-kundizzjoni ġiet sodisfatta.

36

F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni ssostni li n-nuqqas ta’ ġbir tad-dazji doganali inkwistjoni mir-Repubblika Taljana jwassal għal inugwaljanza bejn l-Istati Membri fir-rigward tal-kontribuzzjonijiet rispettivi tagħhom għall-baġit Komunitarju. Fil-fatt, minn dan jirriżulta tnaqqis tar-riżorsi proprji tradizzjonali Komunitarji li jista’ jiġi kkumpensat biss permezz taż-żieda tar-riżorsa magħrufa bħala “PGN” (prodott gross nazzjonali), li hija diviża bejn l-Istati Membri kollha.

37

Fir-rigward tal-prova li l-eżenzjoni tad-dazji doganali inkwistjoni hija neċessarja għall-protezzjoni tal-interessi vitali tas-sigurtà tal-Istat Membru kkonċernat, ir-Repubblika Taljana tikkunsidra li din m’għandhiex bżonn titressaq peress li l-leġiżlatur Komunitarju stess pprovda din il-prova meta adotta r-Regolament Nru 150/2003.

38

Ir-Repubblika Taljana tikkontesta t-teżi tal-Kummissjoni li taħt l-Artikolu 26 KE il-Kunsill biss jista’ jiddeċiedi dwar l-eżenzjoni eventwali jew s-sospensjoni tad-dazji doganali fuq merkanzija partikolari u li, konsegwentement, eżenzjoni deċiża fil-livell nazzjonali tammonta għal deroga illegali minn din id-dispożizzjoni.

39

Ir-Repubblika Taljana ssostni li, billi adotta r-Regolament Nru 150/2003, il-leġiżlatur Komunitarju stess ikkunsidra li l-eżenzjoni tad-dazji doganali tippermetti li jiġu protetti aħjar l-interessi vitali tas-sigurtà tal-Istati Membri. Skont ir-Repubblika Taljana, dan juri li l-kundizzjonijiet imposti fl-Artikolu 296(1)(b) KE kienu sodisfatti għal dak li jirrigwarda l-eżenzjoni applikata unilateralment minnha sal-31 ta’ Diċembru 2002.

40

Peress li r-relazzjoni bejn in-nuqqas ta’ ġbir tad-dazji doganali u l-protezzjoni tal-interessi vitali tas-sigurtà tal-Istati Membri ġiet ammessa mir-Regolament Nru 150/2003, ir-Repubblika Taljana ma tarax għaliex għandhom jitressqu provi oħra sabiex jintwera l-preġudizzju li l-ġbir ta’ dawn id-dazji jkollu fuq l-interessi vitali tas-sigurtà tagħha.

41

Sussidjarjament, ir-Repubblika Taljana issostni fl-aħħar nett li t-talba tal-Kummissjoni dwar l-għoti tar-riżorsi proprji evitati minħabba l-eżenzjoni tad-dazji doganali inkwistjoni fil-kawża preżenti kellha tiġi miċħuda għall-inqas għal dak li jirrigwarda l-perijodu qabel ma ġiet irċevuta l-ittra ta’ intimazzjoni addizzjonali tal-31 ta’ Jannar 2002. Hija ssostni li, fid-dawl tal-passività tal-Kummissjoni matul perijodu twil li beda min-notifika tal-opinjoni motivata tal-25 ta’ Lulju 1985 sat-trażmissjoni tal-ittra ta’ intimazzjoni addizzjonali tal-31 ta’ Jannar 2002, hija setgħet tissuponi li din l-istituzzjoni kienet impliċitament aċċettat din l-eżenzjoni. B’hekk, fid-dawl tal-prinċipji tal-protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi u taċ-ċertezza legali, ikun xieraq li jiġi llimitat l-obbligu tar-restituzzjoni tar-riżorsi proprji inkwistjoni.

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

42

Il-Kodiċi Doganali tal-Komunità jipprovdi l-applikazzjoni tad-dazji doganali fuq l-importazzjoni ta’ oġġetti għal użu militari, bħal dawk inkwistjoni provenjenti minn pajjiżi terzi. L-ebda dispożizzjoni tal-leġiżlazzjoni doganali Komunitarja ma tipprovdi, għall-perijodu tal-importazzjonijiet ikkontestati, jiġifieri dak mill-1 ta’ Jannar 1999 sal-31 ta’ Diċembru 2002, għal eżenzjoni speċifika tad-dazji doganali fuq l-importazzjoni ta’ dawn it-tip ta’ oġġetti. Konsegwentement, għal dan il-perijodu lanqas ma teżisti eżenzjoni speċifika għall-obbligu li jitħallsu lill-awtoritajiet kompetenti d-drittijiet dovuti, flimkien, f’ċerti każijiet, mal-interessi moratorji.

43

Barra minn hekk, jista’ jiġi dedott, mill-adozzjoni tar-Regolament Nru 150/2003 li jipprovdi għas-sospensjoni tad-dazji doganali fuq l-importazzjoni fuq ċerti armamenti u apparat militari sa mill-1 ta’ Jannar 2003, li l-leġiżlatur Komunitarju telaq mill-ipoteżi li kien jeżisti obbligu tal-ħlas tal-imsemmi dazju qabel din id-data.

44

Ir-Repubblika Taljana fl-ebda mument ma nnegat l-eżistenza tal-importazzjonijiet ikkontestati fil-perijodu kkunsidrat. Hija llimitat ruħha li tikkontesta d-dritt tal-Komunità fuq ir-riżorsi proprji inkwistjoni billi argumentat li, taħt l-Artikolu 296 KE, l-obbligu tal-ħlas tad-dazji doganali fuq dan il-materjal tal-armamenti importat minn Stati terżi jippreġudika b’mod gravi l-interessi vitali tas-sigurtà tagħha.

45

Skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, għalkemm huma l-Istati Membri li għandhom jistabbilixxu l-miżuri neċessarji sabiex jiżguraw is-sigurtà interna u esterna tagħhom, dan ma jfissirx madankollu li tali miżuri jaqgħu kompletament barra l-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt Komunitarju (ara s-sentenzi tas-26 ta’ Ottubru 1999, Sirdar, C-273/97, Ġabra p. I-7403, punt 15, u tal-11 ta’ Jannar 2000, Kreil, C-285/98, Ġabra p. I-69, punt 15). Fil-fatt, hekk kif il-Qorti tal-Ġustizzja diġà kkonstatat, it-Trattat jipprovdi derogi speċifiċi applikabbli f’każ ta’ sitwazzjonijiet li jistgħu jimminaw is-sigurtà pubblika biss fl-Artikoli 30 KE, 39 KE, 46 KE, 58 KE, 64 KE, 296 KE u 297 KE, li jirrigwardaw sitwazzjonijiet eċċezzjonali li huma ddefiniti sew. Minn dan ma jistax jiġi dedott li teżisti riżerva ġenerali, inerenti fit-Trattat, li teskludi kull miżura meħuda għal raġunijiet ta’ sigurtà pubblika mill-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt Komunitarju. Ir-rikonoxximent tal-eżistenza ta’ riżerva bħal din, barra mill-kundizzjonijiet speċifiċi tad-dispożizzjonijiet tat-Trattat, jista’ jippreġudika n-natura vinkolanti u l-applikazzjoni uniformi tad-dritt Komunitarju (ara s-sentenza tal-11 ta’ Marzu 2003, Dory, C-186/01, Ġabra p. I-2479, punt 31 u l-ġurisprudenza ċċitata).

46

Barra minn hekk, id-deroġi previsti fl-Artikoli 296 KE u 297 KE għandhom, hekk kif jirriżulta minn ġurisprudenza stabbilita għad-derogi mil-libertajiet fundamentali (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tal-31 ta’ Jannar 2006, Il-Kummissjoni vs Spanja, C-503/03, Ġabra p. I-1097, punt 45, tat-18 ta’ Lulju 2007, Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja, C-490/04, Ġabra p. I-6095, punt 86 u tal-11 ta’ Settembru 2008, Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja, C-141/07, Ġabra p. I-6935, punt 50), jiġu interpretati b’mod strett.

47

B’mod iktar partikolari, għal dak li jirrigwarda, l-Artikolu 296 KE, għandu jingħad li, għalkemm dan l-artikolu jirreferi għal miżuri li Stat Membru jista’ jqis neċessarji għall-protezzjoni tal-interessi vitali tas-sigurtà tiegħu jew tal-informazzjoni li t-tixrid tagħha jqisu bħala kuntrarju għal dawn l-interessi, huwa xorta waħda ma jistax jiġi interpretat b’mod li jikkonferixxi s-setgħa lill-Istati Membri sabiex jidderogaw mid-dispożizzjonijiet tat-Trattat billi sempliċement jinvokaw l-imsemmija interessi.

48

Barra minn hekk, fil-qasam tat-taxxa fuq il-valur miżjud, il-Qorti tal-Ġustizzja, fis-sentenza tas-16 ta’ Settembru 1999, Il-Kummissjoni vs Spanja (C-414/97, Ġabra p. I-5585), ikkonstatat in-nuqqas inkwistjoni peress li r-Renju ta’ Spanja ma kienx wera li l-eżenzjoni mill-imsemmija taxxa fuq l-importazzjonijiet u x-xiri ta’ armamenti, ta’ munizzjoni u ta’ materjal għal użu esklużivament militari, eżenzjoni prevista mil-liġi Spanjola, kienet iġġustifikata, taħt l-Artikolu 296(1)(b) KE, min-neċessità li jiġu protetti l-interessi vitali tas-sigurtà ta’ dan l-Istat Membru.

49

Konsegwentement,,huwa l-Istat Membru li jinvoka l-benefiċċju tal-Artikolu 296 KE li għandu jagħti prova tal-ħtieġa li juża d-deroga stabbilita f’dan l-artikolu bil-għan li jipproteġi l-interessi vitali tas-sigurtà tiegħu.

50

Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet, ma jistax jiġi aċċettat li Stat Membru jeċċepixxi ż-żieda fl-ispiża tal-materjal militari minħabba l-applikazzjoni tad-dazji doganali fuq l-importazzjonijiet ta’ tali materjal provenjenti minn Stati terzi sabiex jipprova jevita, b’detriment għall-Istati Membri l-oħra li, min-naħa tagħhom, jiġbru u jħallsu d-dazji doganali konnessi ma’ tali importazzjonijiet, l-obbligi li timponi fuqu s-solidarjetà finanzjarja fir rigward tal-baġit Komunitarju.

51

Għal dak li jirrigwarda l-argument li l-proċeduri doganali Komunitarji ma humiex ta’ natura li jiżguraw is-sigurtà tar-Repubblika Taljana, fir-rigward tal-eżiġenzi tal-kunfidenzjalità kontenuti fil-ftehim konkluż mal-Istati esportaturi, għandu jingħad, hekk kif ġustament osservat il-Kummissjoni, li l-applikazzjoni tas-sistema doganali Komunitarja timplika l-intervent ta’ aġenti, komunitarji u nazzjonali, li huma marbuta, jekk ikun il-każ, mill-obbligu ta’ kunfidenzjalità, f’każ ta’ trattament ta’ informazzjoni sensittiva, ta’ natura li jiġu protetti l-interessi vitali tas-sigurtà tal-Istati Membri.

52

Barra minn hekk, id-dikjarazzjonijiet li l-Istati Membri għandhom jikkompletaw u jibgħatu lill-Kummissjoni b’mod regolari ma jimplikawx ksib ta’ livell ta’ preċiżjoni ta’ tip li jippreġudika l-interessi tal-imsemmija Stati kemm fil-qasam tas-sigurtà kif ukoll f’dak tal-kunfidenzjalità.

53

F’dawn iċ-ċirkustanzi, u b’mod konformi mal-Artikolu 10 KE dwar l-obbligu tal-Istati Membri li jiffaċilitaw it-twettiq tal-missjoni tal-Kummissjoni li tikkonsisti f’li tiżgura l-osservanza tat-Trattat, dawn huma marbuta jqiegħdu għad-dispożizzjoni ta’ din l-istituzzjoni d-dokumenti neċessarji għall-verifika tar-regolarità tat-trasferiment tar-riżorsi proprji tal-Komunità. Madankollu, hekk kif sostna l-Avukat Ġenerali fil-punt 168 tal-konklużjonijiet tiegħu, obbligu bħal dan ma jostakolax l-Istati Membri, każ b’każ u eċċezzjonalment, fuq il-bażi tal-Artikolu 296 KE, milli jkunu jistgħu jillimitaw l-informazzjoni trażmessa lil ċerti elementi ta’ dokument jew jirrifjutawha kompletament.

54

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-Repubblika Taljana ma wrietx li l-kundizzjonijiet neċessarji għall-applikazzjoni tal-Artikolu 296 KE huma sodisfatti.

55

Il-kunsiderazzjonijiet preċedenti, dwar l-inapplikabbiltà tal-Artikolu 296 KE fil-kuntest tal-importazzjoni ta’ materjal militari, japplikaw iktar għall-importazzjoni ta’ materjal ta’ użu doppju ċivili u militari, milli jekk dan il-materjal ikun ġie importat esklużivament jew le għal użu militari.

56

Fir-rigward tat-talba tar-Repubblika Taljana bil-għan ta’ limitazzjoni tal-effetti tas-sentenza preżenti fil-perijodu wara d-data tal-għoti ta’ din is-sentenza, għandu jingħad li, għal dak li jirrigwarda l-obbligu tal-ħlas tar-riżorsi proprji evitati minħabba l-eżenzjoni tad-dazji doganali inkwistjoni fil-kawża preżenti, li għandha tiġi miċħuda għall-inqas għal dak li jirrigwarda l-perijodu qabel ma’ ġiet irċevuta l-ittra ta’ intimazzjoni addizzjonali tal-31 ta’ Jannar 2002, din it-talba hija motivata mill-allegat aspettattivi leġittimi li kkawżaw, fi ħdan dan l-Istat Membru, n-nuqqas ta’ azzjoni fit-tul tal-Kummissjoni kif ukoll l-adozzjoni tar-Regolament Nru 150/2003.

57

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li huwa biss f’każ eċċezzjonali li l-Qorti tal-Ġustizzja tista’, b’applikazzjoni tal-prinċipju ġenerali taċ-ċertezza legali inerenti għall-ordni ġuridiku Komunitarju, tiġi mwassla tillimita l-possibbiltà għal dawk kollha kkonċernati li jinvokaw dispożizzjoni li hija interpretat bil-għan li jiġu kkontestati r-relazzjonijiet ġuridiċi stabbiliti bona fede (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tat-23 ta’ Mejju 2000, Buchner et, C-104/98, Ġabra p. I-3625, punt 39).

58

Fil-fatt, il-Qorti tal-Ġustizzja rrikorriet għal din is-soluzzjoni biss f’ċirkustanzi preċiżi ħafna, meta kien jeżisti riskju ta’ riperkussjonijiet ekonomiċi gravi minħabba, b’mod partikolari, in-numru għoli tar-relazzjonijiet ġuridiċi kkostitwiti bona fede fuq il-bażi tal-leġiżlazzjoni kkunsidrata li hija validament fis-seħħ, u meta kien jidher li l-individwi u l-awtoritajiet nazzjonali kienu ġew imħeġġa sabiex jaġixxu b’mod li ma kienx konformi mal-leġiżlazzjoni Komunitarja minħabba inċertezza oġġettiva u sinjifikattiva fir-rigward tal-portata tad-dispożizzjonijiet Komunitarji, inċertezza li għaliha kkontribwixxa eventwalment wkoll l-aġir ta’ Stati Membri oħra jew tal-Kummissjoni (sentenza tat-12 ta’ Settembru 2000, Il-Kummissjoni vs Ir-Renju Unit, C-359/97, Ġabra p. I-6355, punt 91).

59

Anki jekk is-sentenzi mogħtija skont l-Artikolu 226 KE jkollhom l-istess effetti bħal dawk mogħtija skont l-Artikolu 234 KE u li, b’hekk, il-kunsiderazzjonijiet taċ-ċertezza legali jistgħu jrendu neċessarji, b’mod eċċezzjonali, il-limitazzjoni tal-effetti tagħhom fiż-żmien (ara, s-sentenzi tas-7 ta’ Ġunju 2007, Il-Kummissjoni vs Il-Greċja, C-178/05, Ġabra p. I-4185, punt 67; tat-12 ta’ Frar 2009, Il-Kummissjoni vs Il-Polonja, C-475/07, punt 61, u tas-26 ta’ Marzu 2009, Il-Kummissjoni vs Il-Greċja, C-559/07 punt 78), għandu jiġi kkonstatat li, fil-każ preżenti, il-Kummissjoni fl-ebda stadju tal-proċedura ma abbandunat il-pożizzjoni tagħha ta’ prinċipju. Fil-fatt, fid-dikjarazzjoni tagħha li saret fin-negozjati dwar ir-Regolament Nru 150/2003, uriet biċ-ċar ir-rieda tagħha li tkompli titlob il-ħlas tad-dazji doganali li kellhom jitħallsu għall-perijodi preċedenti għad-dħul fis-seħħ ta’ dan u rriżervat id-dritt li tadotta l-inizjattivi xierqa f’dan ir-rigward.

60

It-talba tar-Repubblika Taljana fuq il-limitazzjoni tal-effetti fiż-żmien tas-sentenza preżenti għandha, konsegwentement, tiġi miċħuda.

61

Minn dak li ntqal iktar ’il fuq jirriżulta li, billi eżentat l-importazzjoni tal-materjal militari li jista’ jintuża għal użu ċivili u militari mid-dazji doganali fil-perijodu mill-1 ta’ Jannar 1999 sal-31 ta’ Diċembru 2002 u billi rrifjutat li tikkalkola, tiddikjara u tqiegħed għad-dispożizzjoni tal-Kummissjoni r-riżorsi proprji li ma nġabrux minħabba din l-eżenzjoni kif ukoll l-interessi moratorji dovuti minħabba n-nuqqas ta’ tqegħid għad-dispożizzjoni tal-Kummissjoni ta’ dawn ir-riżorsi proprji fit-termini imposti, ir-Repubblika Taljana naqset mill-obbligi tagħha taħt l-Artikolu 26 KE, l-Artikolu 20 tal-Kodiċi Doganali tal-Komunità, u, konsegwentement, it-tariffa doganali komuni, u min-naħa l-oħra taħt l-Artikoli 2, 9, 10 u 17 tar-Regolament Nru 1552/89 kif ukoll tal-istess Artikoli tar-Regolament Nru 1150/2000.

Fuq l-ispejjeż

62

Skont l-Artikolu 69(2) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba. Peress li r-Repubblika Taljana tilfet, hemm lok li tiġi ordnata tbati l-ispejjeż kif mitlub mill-Kummissjoni.

63

Skont l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 69(4) tal-istess artikolu, ir-Renju tad-Danimarka, ir-Repubblika Ellenika, ir-Repubblika Portugiża u r-Repubblika tal-Finlandja, li intervjenew fil-kawża, għandhom ibatu l-ispejjeż rispettivi tagħhom.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja, (Awla Manja) taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

Billi eżentat l-importazzjoni ta’ materjal li jista’ jintuża għal użu ċivili u militari, fil-perijodu mill-1 ta’ Jannar 1999 sal-31 ta’ Diċembru 2002, mid-dazji doganali, u billi rrifjutat li tikkalkola, tiddikjara u tqiegħed għad-dispożizzjoni tal-Kummissjoni Ewropea r-riżorsi proprji tagħha li ma nġabrux minħabba din l-eżenzjoni kif ukoll l-interessi moratorji dovuti minħabba n-nuqqas tat-tqegħid għad-dispożizzjoni tal-Kummissjoni Ewropea ta’ dawn ir-riżorsi proprji fit-termini stabbiliti, ir-Repubblika Taljana naqset milli twettaq l-obbligi tagħha, minn naħa, taħt l-Artikolu 26 KE, l-Artikolu 20 tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2913/92, tat-12 ta’ Ottubru 1992, li jwaqqaf il-Kodiċi Doganali tal-Komunità u, konsegwentement, it-tariffa doganali komuni, u min-naħa l-oħra taħt l-Artikoli 2, 9, 10 u 17(1) tar-Regolament tal-Kunsill (KEE, Euratom) Nru 1552/1989, tad-29 ta’ Mejju 1989, li jimplementa d-Deċiżjoni (Euratom) 88/376/KEE, dwar is-sistema ta’ riżorsi tal-Komunitajiet innifishom, kif emendat bi-Regolament tal-Kunsill (Euratom, KE) Nru 1355/96, tat-8 ta’ Lulju 1996, kif ukoll mill-istess Artikoli tar-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1150/2000, tat-22 ta’ Mejju 2000, li jimplementa d-Deċiżjoni 94/728/KE, Euratom dwar is-sistema tar-riżorsi tagħhom tal-Komunitajiet.

 

2)

Ir-Repubblika Taljana hija kkundannata għall-ispejjeż.

 

3)

Ir-Renju tad-Danimarka, ir-Repubblika Ellenika, ir-Repubblika Portugiża u r-Repubblika tal-Finlandja għandhom ibatu l-ispejjeż tagħhom.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: it-Taljan.

Top