Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62005CJ0382

    Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (it-Tieni Awla) tat-18 ta' Lulju 2007.
    il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej vs ir-Repubblika Taljana.
    Nuqqas ta' Stat li jwettaq obbligu - Kuntratti pubbliċi ta' servizzi - Direttiva 92/50/KEE - Kuntratti dwar it-trattament ta’ skart urban - Klassifika - Kuntratt pubbliku - Konċessjoni ta’ servizzi - Miżuri ta’ pubbliċità.
    Kawża C-382/05.

    Ġabra tal-Ġurisprudenza 2007 I-06657

    ECLI identifier: ECLI:EU:C:2007:445

    Kawża C-382/05

    Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej

    vs

    Ir-Repubblika Taljana

    “Nuqqas ta’ Stat li jwettaq obbligu — Kuntratti pubbliċi għal-servizzi — Direttiva 92/50/KEE — Kuntratti dwar it-trattament ta’ skart urban — Klassifikazzjoni — Kuntratt pubbliku — Konċessjoni ta’ servizzi — Miżuri ta’ pubbliċità”

    Sommarju tas-sentenza

    Approssimazzjoni tal-liġijiet – Proċeduri ta’ għoti ta’ kuntratti pubbliċi għal provvisti u xogħlijiet – Direttiva 92/50 – Kamp ta’ applikazzjoni


    Stat Membru jonqos milli jwettaq l-obbligi imposti fuqu mill-imsemmija Direttiva 92/50, relatata mal-koordinazzjoni ta’ proċeduri għall-għoti ta’ kuntratti tas-servizz pubbliku, kif emendata mid-Direttiva 2001/78/KE, b’mod partikolari mill-Artikoli 11, 15 u 17, meta awtorità kontraenti tibda proċedura għall-għoti ta’ kuntratti relatati ma’ l-użu tal-parti residwa ta’ skart urban, wara ġbir selettiv, prodott fil-lokalitajiet ta’ reġjun ta’ l-imsemmi Stat Membru u tikkonkludi dawn il-kuntratti mingħajr ma applikat il-proċeduri previsti mill-imsemmija direttiva, u, b’mod partikolari, mingħajr ma ppubblikat l-avviż ta’ kuntratt xieraq fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej.

    Fil-fatt, l-imsemmija kuntratti li jipprovdu għall-ħlas, mill-awtorità kontraenti, lill-operatur ta’ tariffa li l-ammont tagħha huwa stabbilit mill-kuntratti kkontestati f’Euro għal kull tunnellata ta’ skart ittrasferita mil-lokalitajiet ikkonċernati lill-imsemmi operatur ma jistabbilixxux mod ta’ remunerazzjoni li jikkonsisti fid-dritt ta’ sfruttament tas-servizzi in kwistjoni u li jimplika li l-operatur jassumi r-riskju marbut ma’ l-isfruttament. Għaldaqstant, il-kuntratti kkontestati għandhom jiġu kkunsidrati bħala kuntratti pubbliċi ta’ servizzi li jaqgħu taħt id-Direttiva 92/50 u mhux bħala konċessjonijiet ta’ servizzi li ma jaqgħux taħtha, billi dawn għandhom jiġu konklużi biss skond id-dispożizzjonijiet ta’ l-imsemmija direttiva.

    (ara l-punti 32, 34, 37, 45-46 u d-dispożittiv)







    SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla)

    18 ta’ Lulju 2007 (*)

    “Nuqqas ta’ Stat li jwettaq obbligu – Kuntratti pubbliċi ta’ servizzi – Direttiva 92/50/KEE – Kuntratti dwar it-trattament ta’ skart urban – Klassifikazzjoni – Kuntratt pubbliku – Konċessjoni ta’ servizzi – Miżuri ta’ pubbliċità”

    Fil-kawża C‑382/05,

    li għandha bħala suġġett rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu taħt l-Artikolu 226KE, imressaq fl-20 ta’ Ottubru 2005,

    Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, irrappreżentata minn A. Aresu u X. Lewis, bħala aġenti, b’indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,

    rikorrenti,

    vs

    Ir-Repubblika Taljana, irrappreżentata minn I. M. Braguglia, bħala aġent, assistit minn G. Fiengo, avvocato dello Stato, b’indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,

    konvenuta,

    IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla),

    komposta minn C. W. A Timmermans, President ta’ l-Awla, P. Kūris, K. Schiemann (Relatur), L. Bay Larsen u C. Toader, Imħallfin,

    Avukat Ġenerali: J. Mazák,

    Reġistratur: J. Swedenborg, Amministratur,

    wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat-8 ta’ Marzu 2007,

    wara li rat id-deċiżjoni, wara li semgħet lill-Avukat Ġenerali, li tinqata’ l-kawża mingħajr Konklużjonijiet,

    tagħti l-preżenti

    Sentenza

    1        Perezz tar-rikors tagħha, il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej qed titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tikkonstata li, minħabba l-fatt li l-Presidenza del Consiglio dei Ministri – Dipartimento per la protezione civile – Ufficio del Commissario delegato per l’emergenza rifiuti e la tutela delle acque in Sicilia (Presidenza tal-Kunsill tal-Ministri, Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili, Uffiċċju tal-Kummissarju għas-sitwazzjonijiet ta’ emerġenza konnessi ma’ l-iskart u mal-protezzjoni ta’ l-ilmijiet fi Sqallija) bdiet proċedura għall-għoti ta’ kuntratti relatati ma’ l-użu tal-parti residwa ta’ skart urban, wara ġbir selettiv, prodott fil-lokalitajiet tar-reġjun ta’ Sqallija u kkonkludiet dawn il-kunkratti mingħajr ma applikat il-proċeduri previsti mid-Direttiva tal-Kunsill 92/50/KEE tat-18 ta’ Ġunju 1992 relatata mal-koordinazzjoni ta’ proċeduri għall-għoti ta’ kuntratti tas-servizz pubbliku (ĠU L 209, p. 1), kif emendata mid-Direttiva 2001/78/KE tat-13 ta’ Settembru 2001 (ĠU L 285, p. 1, iktar ’il quddiem id-“direttiva 92/50”) u, b’mod partikolari, mingħajr ma ppubblikat avviż ta’ kuntratt fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej, ir-Repubblika Taljana naqset milli twettaq l-obbligi imposti fuqha mill-imsemmija direttiva, u b’mod partikolari l-Artikoli 11, 15 u 17 tagħha.

     Il-kuntest ġuridiku

     Il-leġiżlazzjoni Komunitarja

    2        L-Artikolu 1(a) tad-Direttiva 92/50 jipprovdi:

    “a)      kuntratti pubbliċi ta’ servizzi għandhom ifissru kuntratti għal interess pekunjarju konklużi bil-miktub bejn min jipprovdi s-servizz u awtorità kontraenti […]”

    3        L-Artikolu 8 ta’ din id-direttiva jiddisponi:

    “Kuntratti li għandhom bħala l-objettiv tagħhom servizzi elenkati fl-Anness IA għandhom jingħataw skond id-dispożizzjonijiet tat-Titoli III sa VI.”

    4        L-Artikolu 15(2) tad-Direttiva 92/50, li jinsab fit-Titolu V tagħha, jipprevedi:

    “L-awtoritajiet kontraenti li jixtiequ jagħtu [kuntratt pubbliku ta’ servizzi] bi proċedura negozjata miftuħa, jew ristretta jew taħt kondizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 11, għandhom jgħarrfu l-intenzjoni tagħhom permezz ta’ notifika [avviż].”

    5        Skond l-Artikolu 17 tad-Direttiva 92/50:

    “1.      In-notifiki [avviżi] għandhom jitfasslu skond il-mudelli stabbiliti fl-Annessi III u IV u għandhom jispeċifikaw l-informazzjoni mitluba f’dawk il-mudelli. […]

    4.      In-notifiki [avviżi] msemmija fl-Artikoli 15(2) u (3) għandhom jiġu ppubblikati kompletament fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej u fil-bank ta’ l-informazzjoni TED fil-lingwa oriġinali tagħhom. Sommarju ta’ l-elementi importanti ta’ kull notifika [avviż] għandu jiġi ppubblikat fil-lingwi uffiċjali tal-Komunitajiet, it-test fil-lingwa oriġinali biss ikun dak awtentiku.

    […]”

    6        L-Anness I A tad-Direttiva 92/50, intitolat “Servizzi fis-sens ta’ l-Artikolu 8”, jinkludi b’mod partikolari l-kategorija 16, imsemmija “Servizzi ta’ drenaġġ u ta’ skart; iġjene u servizzi simili”, bin-numru ta’ referenza CPC 94.

    7        L-Anness III ta’ l-imsemmija direttiva fiha, b’mod partikolari, il-mudelli ta’ “notifiki [avviżi] ta’ informazzjoni minn qabel” u ta’ “notifiki [avviżi] ta’ kuntratt”.

     Il-leġiżlazzjoni nazzjonali

    8        L-Artikolu 4 tad-Digriet Nru 2983 tal-President tal-Kunsill tal-Ministri, tal-31 ta’ Marzu 1999 (GURI Nru 132, tat-8 ta’ Ġunju 1999), kif emendat mid-Digriet Nru 3190 tat-22 ta’ Marzu 2002 (iktar ’il quddiem id-“Digriet Nru 2983/99”), jiddisponi:

    “Il-Kummissarju, President tar-Reġjun ta’ Sqallija, wara li jisma’ l-Ministeru ta’ l-Ambjent u tal-Protezzjoni tat-Territorju, għandu jagħti kuntratti ta’ tul taż-żmien massimu ta’ għoxrin sena relatati ma’ l-użu tal-parti residwa ta’ skart urban, wara ġbir selettiv, prodott fil-lokalitajiet tar-reġjun ta’ Sqallija […]. Għal dan l-iskop, il-Kummissarju, President tar-Reġjun ta’ Sqallija, għandu jinnomina l-operaturi industrijali abbażi ta’ proċeduri pubbliċi trasparenti, b’deroga mill-proċeduri għal sejħa ta’ offerti Komunitarji […]”

    9        It-termini “b’deroga mill-proċeduri għal sejħa ta’ offerti Komunitarji” li jinsabu f’din id-dispożizzjoni ġew abrogati mid-Digriet Nru 3334 tal-President tal-Kunsill tal-Ministri tat-23 ta’ Jannar 2004 (GURI Nru 26, tat-2 ta’ Frar 2004).

     Il-fatti li wasslu għall-kawża u l-proċedura prekontenzjuża

    10      Perezz ta’ Digriet Nru 670, tal-5 ta’ Awwissu 2002, il-President tar-reġjun ta’ Sqallija, bħala Commissario delegato per l’emergenza rifiuti e la tutela delle acque in Sicilia (Kummissarju għas-sitwazzjonijiet ta’ emerġenza konnessi ma’ l-iskart u mal-protezzjoni ta’ l-ilmijiet fi Sqallija, iktar ’il quddiem il-“Kummissarju”) u abbażi ta’ l-Artikolu 4 tad-Digriet Nru 2983/99, approva dokument intitolat “Avviż pubbliku dwar l-għoti ta’ kuntratti relatati ma’ l-użu tal-parti residwa ta’ skart urban, wara ġbir selettiv, prodott fil-lokalitajiet tar-reġjun ta’ Sqallija” (iktar ’il quddiem l-“avviż ikkontestat”. L-avviż ikkontestat jikludi tliet annessi. L-anness A jistabbilixxi l-“[l]inji gwida dwar l-użu tal-parti residwa ta’ skart urban, wara ġbir selettiv, prodott fil-lokalitajiet tar-Reġjun ta’ Sqallija”. L-anness B huwa intitolat “Pjan finanzjarju fil-qosor” u l-anness C jinkludi mudell ta’ kuntratt li għandu jintuża għall-operaturi magħżula (iktar ’il quddiem il-“kuntratt mudell”).

    11      Fis-7 ta’ Awwissu 2002, avviż dwar il-kuntratti msemmija hawn fuq, stabbilit abbażi ta’ mudell ta’ avviz intitolat “Notifiki [avviżi] ta’ informazzjoni minn qabel” li jinsab fl-Anness III tad-Direttiva 92/50, ġie mibgħut lill-Uffiċċju tal-Pubblikazzjonijiet. Dan l-avviż ta lok għal pubblikazzjoni fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej fis-16 ta’ Awwissu 2002 (ĠU S 158, verżjoni elettronika).

    12      Min-naħa l-oħra, l-avviż ikkontestat ġie ppubblikat fid-9 ta’ Awwissu fil-Gazzetta ufficiale della Regione Siciliana.

    13      Il-Kummissjoni, li quddiemha tressaq ilment fuq din il-proċedura, bagħtet ittra lill-awtoritajiet Taljani fejn talbithom informazzjoni dwar il-fatti fil-15 ta’ Novembru 2002, li għaliha dawn ta’ l-aħħar irrispondew b’ittra tat-2 ta’ Mejju 2003.

    14      Fis-17 ta’ Ġunju 2003, erba’ kuntratti, essenzjalment ibbażati fuq il-kuntratt mudell, kienu ġew konklużi mill-Kummissarju ma’ Tifeo Energia Ambiente Soc. coop. arl, Palermo Energia Ambiente Soc. coop. arl, Sicil Power SpA u Platani Energia Ambiente Soc. coop. arl rispettivament (iktar ’il quddiem il-“kuntratti kkontestati”).

    15      Fis-17 ta’ Ottubru 2003, il-Kummissjoni bagħtet, skond l-Artikolu 226 KE, ittra ta’ intimazzjoni lir-Repubblika Taljana li fiha hija akkużat lil dan l-Istat Membru bi ksur tad-Direttiva 92/50, b’mod partikolari ta’ l-Artikoli 11, 15 u 17 tagħha. Billi ma kinitx sodisfatta bir-risposta ta’ l-1 ta’ April 2004 għal din l-ittra ta’ intimazzjoni, il-Kummissjoni bagħtet opinjoni motivata lir-Repubblika Taljana fid-9 ta’ Lulju 2004 fejn stednitha ttemm in-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu allegat.

    16      Fir-risposta tagħhom ta’ l-24 ta’ Settembru 2004 għal din l-opinjoni motivata, l-awtoritajiet Taljani kkontestaw dan in-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu.

    17      Peress li ma kinitx sodisfatta bl-imsemmija risposta, il-Kummissjoni ddeċidiet li tressaq l-imsemmi rikors.

     Fuq ir-rikors

     L-argumenti tal-partijiet

    18      Il-Kummissjoni ssostni li l-kuntratti kkontestati huma kuntratti pubbliċi ta’ servizzi fis-sens ta’ l-Artikolu 1 tad-Direttiva 92/50 u li huma ma kinux ġew konklużi in konformità mar-rekwiżiti ta’ pubbliċità li jirriżultaw minn din id-direttiva. Hija tosserva, b’mod partikolari, li l-avviż ippubblikat fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej ma kienx seħħ permezz tal-mudell ta’ avviż ta’ kuntratt impost mill-Anness III ta’ din id-direttiva għall-għoti ta’ kuntratti pubbliċi, iżda permezz tal-mudell imsejjaħ “ta’ informazzjoni minn qabel” li jinsab f’dan l-istess anness. Il-fornituri ta’ servizzi mhux nazzjonali kienu barra minn hekk is-suġġett ta’ diskriminazzjoni meta mqabbla ma’ l-operaturi nazzjonali li bbenefikaw minn avviż ta’ kuntratt dettaljat ippubblikat fil-Gazetta ufficiale della Regione Siciliana.

    19      Skond il-Kummissjoni, il-kuntratti kkontestati ma jistgħux jiġu kklassifikati bħala konċessjonijiet tas-servizzi li ma jaqgħux, hekk kif issostni r-Repubblika Taljana, fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 92/50. Fil-fatt, ir-remunerazzjoni ta’ l-operaturi ma tikkonsistix fid-dritt ta’ dawk li jisfruttaw is-servizzi tagħhom stess billi jirċievu ħlas mill-konsumatur, filwaqt li jassumu r-riskji konnessi ma’ dan l-isfruttament.

    20      Minn naħa, ir-remunerazzjoni ta’ l-operatur tikkonsisti f’dan il-każ, f’tariffa direttament imħallsa lil dan mill-Kummissarju, tariffa li l-ammont tagħha huwa stabbilit mill-kuntratti kkontestati f’Euro għal kull tunnellata ta’ skart ittrasferita mil-lokalitajiet lill-operatur. Fir-rigward tad-dħul li l-operatur huwa, barra minn hekk, kapaċi jagħmel mill-bejgħ ta’ enerġija elettrika prodotta waqt it-trattament termali ta’ l-iskart, dan ma jikkostitwixxix element tar-remunerazzjoni ta’ dan l-operatur.

    21      Min-naħa l-oħra, l-operatur ma jassumix ir-riskju konness ma’ l-isfruttament, b’mod partikolari, peress li l-kuntratti kkontestati jiggarantixxulu t-trasferiment ta’ kwantità annwali minima ta’ skart filwaqt li jipprovdu għal aġġustament annwali ta’ l-ammont tat-tariffa sabiex jittieħed in kunsiderazzjoni l-iżvilupp ta’ l-ispejjeż sostnuti minnu. Barra minn hekk, dawn il-kuntratti jipprovdu għal aġġustament ta’ l-imsemmija tariffa fil-każ fejn il-kwantità annwali effettiva ta’ skart ittrasferit hija inqas minn 95 % jew iktar minn 115 % tal-kwantità minima garantita, sabiex jiġi assigurat l-ekwilibriju ekonomiku u finanzjarju ta’ l-operatur.

    22      Min-naħa l-oħra, l-Gvern Taljan isostni li l-kuntratti kkontestati jikkostitwixxu, hekk kif jirriżulta b’mod partikolari mill-ġurisprudenza nazzjonali, konċessjonijiet ta’ servizzi li ma jaqgħux fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 92/50.

    23      L-ewwel nett, tali kuntratti għandhom bħala suġġett id-delegazzjoni ta’ servizz ta’ interess pubbliku li l-kontinwità tiegħu għandha tiġi assigurata mill-operatur.

    24      It-tieni nett, is-servizzi in kwistjoni huma forniti direttament lill-konsumaturi, jiġifieri lir-residenti kollha tal-lokalitajiet li jipproduċu l-iskjart, li, peress li għandhom iħallsu lill-awtoritajiet lokali taxxa li tkopri kemm il-ġbir kif ukoll it-trattament ta’ l-iskart, isostnu finalment l-ispiża tat-tariffa mħallsa lill-operatur u, għaldaqstant, iħallsu għal dawn is-servizzi. Il-Kummissarju m’għandu l-ebda rwol ta’ intermedjarju f’dan ir-rigward.

    25      It-tielet nett, l-obbligu tat-trattament ta’ l-iskart mal-produzzjoni ta’ l-enerġija u, għaldaqstant, il-bejgħ ta’ din ta’ l-aħħar, jaqgħu fl-ambitu tal-kuntratti kkontestati. Barra minn hekk, huwa tipiku li r-remunerazzjoni ta’ konċessjoni tiġi mhux biss mill-press imħallas mill-konsumatur, iżda wkoll minn attiviatjiet oħra konnessi mas-servizz fornut.

    26      Ir-raba’ nett, u fid-dawl ta’ l-importanza finanzjarja ta’ l-investimenti mwettqa mill-operatur, li jammontaw għal madwar biljun Euro, u fid-dawl tat-tul taż-żmien tal-kuntratti kkontestati, jiġifieri 20 sena, il-profitti li għandhom isiru mill-operatur huma inċerti, tant li parti minnhom ġejja mill-bejgħ ta’ l-enerġija.

    27      Il-ħames nett, ir-responsabbiltà ta’ l-organizzazzjoni u ta’ l-amministrazzjoni tas-servizzi hekk iddelegati taqa’ esklużivament fuq l-operatur peress li l-awtoriatjiet għandhom biss rwol ta’ sorveljanza.

    28      Fir-rigward tal-konċessjonijiet ta’ servizzi, it-trasparenza rikjesta tista’ tiġi assigurata b’kull mezz xieraq, inkluż, bħal f’dan il-każ, bil-pubblikazzjoni ta’ avviż fil-gazzetti nazzjonali speċjalizzati.

     Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

    29      Hekk kif jirriżulta minn ġurisprudenza kostanti, il-konċessjonijiet ta’ servizzi huma esklużi mill-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 92/50 (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tal-21 ta’ Lulju 2005, Coname, C‑231/03, Ġabra p. I‑7287, punt 9 u tat-13 ta’ Ottubru 2005, Parking Brixen, C‑458/03, Ġabra p. I‑8585, punt 42).

    30      Peress li l-gvern Taljan insista diversi drabi fuq il-fatt li jirriżulta mill-ġurisprudenza nazzjonali li kuntratti bħall-kuntratti kkontestati għandhom jiġu kklassifikati bħala konċessjonijiet ta’ servizzi, għandu jiġi mfakkar, l-ewwel nett, li d-definizzjoni ta’ kuntratt pubbliku ta’ servizzi taqa’ fl-ambitu tad-dritt Komunitarju u għalhekk il-klassifikazzjoni tal-kuntratti kkontestati fid-dritt Taljan mhijiex rilevanti sabiex jiġi deċiż jekk dawn ta’ l-aħħar jaqgħux fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 92/50 (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi ta’ l-20 ta’ Ottubru 2005, Il-Kummissjoni vs Franza, C‑264/03, Ġabra p. I‑8831, punt 36 u tat-18 ta’ Jannar 2007, Auroux et, C‑220/05, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punt 40).

    31      Il-kwistjoni dwar jekk il-kuntratti kkontestati għandhomx jiġu kklassifikati bħala konċessjonijiet għandha għaldaqstant tiġi evalwata fid-dawl tal-dritt Komunitarju.

    32      F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat, minn naħa, li l-imsemmija kuntratti jipprevedu l-ħlas, mill-Kummissarju, lill-operatur ta’ tariffa li l-ammont tagħha huwa stabbilit mill-kuntratti kkontestati f’Euro għal kull tunnellata ta’ skart ittrasferita mill-lokalitajiet ikkonċernati lill-imsemmi operatur.

    33      Issa, hekk kif diġà ddeċidiet il-Qorti tal-Ġustizzja, minn din id-definizzjoni li tinsab fl-Artikolu 1(a) tad-Direttiva 92/50 jirriżulta li kuntratt pubbliku ta’ servizzi skond din id-direttiva jwassal għal korrispettiv li hu mħallas direttament mill-awtorità kontraenti lil fornitur ta’ servizzi (sentenza Parking Brixen, iċċitata iktar ’il fuq, punt 39). Minn dan isegwi, li tariffa bħal dik prevista mill-kuntratti kkontestati tista’ tikkaratterizza kuntratt għal interess pekunjarju fis-sens ta’ l-Artikolu 1(a), u għaldaqstant kuntratt pubbliku (ara, fir-rigward tal-ħlas ta’ somma fissa għal kull landa taż-żibel jew kontenitur imħallsa minn belt lil kumpannija inkarigata b’mod esklużiv mill-ġbir u mit-trattament ta’ skart, sentenza ta’ l-10 ta’ Novembru 2005, Il-Kummissjoni vs L-Awstrija, C-29/04, Ġabra p. I‑9705, punti 8 u 32).

    34      Min-naħa l-oħra, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li jkun hemm konċessjoni ta’ servizzi meta l-mod ta’ remunerazzjoni miftiehem jikkonsisti fid-dritt tal-fornitur li jesplotja l-fornitura tiegħu stess u timplika li dan jassumi r-riskju marbut ma’ l-isfruttament tas-servizzi in kwistjoni (ara s-sentenza tas-7 ta’ Diċembru 2000, Telaustria u Telefonadress, C‑324/98, Ġabra p. I‑10745, punt 58 u d-digriet tat-30 ta’ Mejju 2002, Buchhändler‑Vereinigung, C‑358/00, Ġabra p. I‑4685, punti 27 u 28, kif ukoll is-sentenza Parking Brixen, iċċitata iktar ’il fuq, punt 40).

    35      Issa, għandu jiġi kkonstatat f’dan ir-rigward li l-mod ta’ remunerazzjoni previst fil-kuntratti kkontestati la jikkonsisti fid-dritt ta’ sfruttament tas-servizzi in kwistjoni, u lanqas jimplika li l-operatur jassumi r-riskju marbut ma’ l-isfruttament.

    36      Fil-fatt, mhux biss l-imsemmi operatur huwa, essenzjalment, imħallas mill-Kummissarju b’tariffa fissa għal kull tunnellata ta’ skart ittrasferita lilu, hekk kif ġie osservat fil-punt 32 ta’ din is-sentenza, iżda huwa paċifiku li, skond il-kuntratti kkontestati, il-Kummissarju jimpenja ruħu, minn naħa, li l-lokalitajiet ikkonċernati kollha jittrasferixxu t-totalità tal-parti residwa ta’ l-iskart tagħhom lill-operatur u, min-naħa l-oħra, li kwantità annwali minima tiġi ttrasferita lil dan ta’ l-aħħar. L-imsemmija kuntratti jipprevedu, barra minn hekk, l-aġġustament ta’ l-ammont tat-tariffa fil-każ li l-kwantità annwali effettiva ta’ skart ittrasferit hija inqas minn 95 % jew iktar minn 115 % tal-kwantità minima garantita, sabiex jiġi assigurat l-ekwilibriju ekonomiku u finanzjarju ta’ l-operatur. Huma jipprevedu wkoll li l-ammont tat-tariffa tiġi aġġustata kull sena skond l-iżvilupp ta’ l-ispejjeż relatati mal-persunal, mal-materja prima u xogħlijiet ta’ manutenzjoni, kif ukoll skond indikaturi finanzjarji. Dawn l-istess kuntratti jipprevedu, barra minn hekk, negozjar mill-ġdid tat-tariffa meta, minħabba bidla fil-qafas leġiżlattiv, l-operatur ikollu jwettaq, sabiex jikkonforma ruħu ma’ din, investimenti li jeċċedu ċertu livell.

    37      Fid-dawl ta’ dak li ntqal qabel, il-kuntratti kkontestati għandhom jiġu kkunsidrati kuntratti pubbliċi ta’ servizzi li jaqgħu taħt id-Direttiva 92/50 u mhux konċessjonijiet ta’ servizzi li ma jaqgħux taħtha.

    38      Barra minn hekk, ma ngħataw provi għall-ebda argument imressaq mill-Gvern Taljan sabiex jikkontesta tali klassifikazzjoni.

    39      L-ewwel nett, fir-rigward tal-fatt li l-operaturi huma kapaċi, barra mill-ħlas tat-tariffa miftehma, jibbenefikaw minn dħul finanzjarju konness mal-bejgħ ta’ l-elettriku prodott waqt it-trattament ta’ l-iskart, għandu jiġi mfakkar li l-Artikolu 1(a) tad-Direttiva 92/50, li jiddefinixxi l-kunċett ta’ kuntratt pubbliku, jirreferi għal “kuntratti għal interess pekunjarju” u li n-natura pekunjarja ta’ kuntratt tirreferi għall-korrispettiv offert lill-fornitur għall-fornitura tas-servizzi intiżi mill-awtorità kontraenti (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Auroux et., iċċitata iktar ’il fuq, punt 45).

    40      F’dan il-każ, huwa evidenti li l-korrispettiv miksub mill-operatur għall-fornitura ta’ servizzi intiżi mill-Kummissarju, jiġifieri l-ipproċessar ta’ l-iskart ittrasferit flimkien mal-produzzjoni ta’ enerġija, jikkonsisti, essenzjalment, fil-ħlas ta’ l-ammont tat-tariffa mill-Kummissarju.

    41      Anki kieku d-dħul mill-bejgh ta’ l-elettriku seta’ wkoll jiġi meqjus bħala korrispettiv tas-servizzi intiżi mill-Kummissarju, minħabba, b’mod partikolari, il-fatt li dan ta’ l-aħħar impenja ruħu fil-kuntratti kkontestati li jiffaċilita dan il-bejgħ lil terzi, is-sempliċi fatt li l-operatur huwa kapaċi, barra mir-renumerazzjoni pekunjarja rċevuta mill-imsemmi Kummissarju, jirċievi, b’mod inċidentali, ċertu dħul minn terz bħala korrispettiv għall-fornitura min-naħa tiegħu ta’ servizzi mhuwiex biżżejjed sabiex jippriva l-kuntratti kkontestati mill-klassifikazzjoni tagħhom ta’ kuntratt pubbliku (ara, b’analoġija, is-sentenza Auroux et, iċċitata iktar ’il fuq, punt 45).

    42      Sussegwentement, lanqas it-tul taż-żmien twil tal-kuntratti kkontestati u l-fatt li t-twettiq tagħhom jinvolvi investimenti inizjali kbar sostnuti mill-operatur mhuma deċiżivi fir-rigward tal-klassifikazzjoni ta’ dawn il-kuntratti peress li tali karatteristiċi jistgħu jinstabu kemm fil-kuntratti pubbliċi kif ukoll fil-konċessjonijiet ta’ servizzi.

    43      Dan jgħodd ukoll għall-fatt li t-trattament ta’ skart jaqa’ fl-ambitu ta’ l-interess pubbliku. F’dan ir-rigward, għandu, barra minn hekk, jiġi mfakkar li, hekk kif jirriżulta mill-Anness I A tad-Direttiva 92/50, fost is-“[s]ervizzi fis-sens ta’ l-Artikolu 8”, li fir-rigward tagħhom tista’ tapplika din id-direttiva, hemm il-kategorija ta’ “[s]ervizzi ta’ drenaġġ u ta’ skart; iġjene u servizzi simili”, li dwarha l-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li din tinkludi, b’mod partikolari, is-servizzi ta’ ġbir u ta’ trattament ta’ skart (ara f’dan is-sens, is-sentenza l-Kummissjoni vs l-Awstrija, iċċitata iktar ’il fuq, punt 32).

    44      Fl-aħħar nett, lanqas huwa deċiżiv, sabiex kuntratt jiġi kklassifikat bħala pubbliku jew konċessjoni ta’ servizzi, il-fatt li s-servizzi offerti mill-operatur huma, jekk ikun il-każ, ta’ natura li jeħtieġu awtonomija kbira fit-twettiq minn dan ta’ l-aħħar.

    45      Peress li l-kuntratti kkontestati jikkostitwixxu kuntratti pubbliċi ta’ servizzi fis-sens ta’ l-Artikolu 1(a) tad-Direttiva 92/50, dawn għandhom jiġu konklużi biss skond id-dispożizzjonijiet ta’ l-imsemmija direttiva, b’mod partikolari l-Artikoli 11, 15 u 17 tagħha. Issa, skond dawn, hija l-awtorità kontraenti kkonċernata li għandha tippubblika avviż ta’ kuntratt skond il-mudell previst fl-Anness III ta’ l-imsemmija direttiva u dan ma sarx.

    46      Minn dan isegwi li r-rikors tal-Kummissjoni għandu jiġi milqugħ u hemm lok li jiġi kkonstatat li, minħabba l-fatt li l-Presidenza del Consiglio dei Ministri – Dipartimento per la protezione civile – Ufficio del Commissario delegato per l’emergenza rifiuti e la tutela delle acque in Sicilia bdiet proċedura għall-għoti ta’ kuntratti relatati ma’ l-użu tal-parti residwa ta’ skart urban, wara ġbir selettiv, prodott fil-lokalitajiet tar-reġjun ta’ Sqallija u kkonkludiet dawn il-kuntratti mingħajr ma applikat il-proċeduri previsti mid-Direttiva tal-Kunsill 92/50 u, b’mod partikolari, mingħajr ma ppubblikat l-avviż ta’ kuntratt xieraq fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej, ir-Repubblika Taljana naqset milli twettaq l-obbligi imposti fuqha mill-imsemmija direttiva, u b’mod partikolari l-Artikoli 11, 15 u 17 tagħha.

     Fuq l-ispejjeż

    47      Skond l-Artikolu 69(2), tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba. Peress li r-Repubblika Taljana tilfet, hemm lok li hija tiġi ordnata tbati l-ispejjeż kif mitlub mill-Kummissjoni.

    Għal dawn il-motivi, il-Qorti tal-Ġustizzja, (It-Tieni Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

    1)      Minħabba l-fatt li l-Presidenza del Consiglio dei Ministri – Dipartimento per la protezione civile – Ufficio del Commissario delegato per l’emergenza rifiuti e la tutela delle acque in Sicilia bdiet proċedura għall-għoti ta’ kuntratti relatati ma’ l-użu tal-parti residwa ta’ skart urban, wara ġbir selettiv, prodott fil-lokalitajiet tar-reġjun ta’ Sqallija u kkonkludiet dawn il-kuntratti mingħajr ma applikat il-proċeduri previsti mid-Direttiva tal-Kunsill 92/50KEE tat-18 ta’ Ġunju 1992 relatata mal-koordinazzjoni ta’ proċeduri għall-għoti ta’ kuntratti tas-servizz pubbliku (ĠU L 209, p. 1), kif emendata mid-Direttiva 2001/78/KE tat-13 ta’ Settembru 2001 u, b’mod partikolari, mingħajr ma ppubblikat l-avviż ta’ kuntratt xieraq fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej, ir-Repubblika Taljana naqset milli twettaq l-obbligi imposti fuqha mill-imsemmija direttiva, u b’mod partikolari l-Artikoli 11, 15 u 17 tagħha.

    2)      Ir-Repubblika Taljana għandha tbati l-ispejjeż.

    Firem


    * Lingwa tal-kawża: it-Taljan.

    Top