Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62005CJ0367

    Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (it-Tieni Awla) tat-18 ta' Lulju 2007.
    Proċedura kriminali vs Norma Kraaijenbrink.
    Talba għal deċiżjoni preliminari: Hof van Cassatie - il-Belġju.
    Konvenzjoni li timplementa l-Ftehim ta' Schengen - Artikolu 54 - Prinċipju ta' 'ne bis in idem' - Kunċett ta' l-"istess azzjonijiet" - Azzjonijiet differenti - Proċessi kriminali f'żewġ Stati kontraenti - Azzjonijiet marbuta b'intenzjoni kriminali komuni.
    Kawża C-367/05.

    Ġabra tal-Ġurisprudenza 2007 I-06619

    ECLI identifier: ECLI:EU:C:2007:444

    Kawża C-367/05

    Proċeduri kriminali

    kontra

    Norma Kraaijenbrink

    (talba għal deċiżjoni preliminari magħmula mill-Hof van Cassatie)

    “Konvenzjoni li timplementa l-Ftehim ta’ Schengen — Artikolu 54 — Prinċipju ta’ ne bis in idem — Kunċett ta’ l-‘istess azzjonijiet’ — Azzjonijiet differenti — Proċessi kriminali f’żewġ Stati kontraenti — Azzjonijiet marbuta b’intenzjoni kriminali komuni”

    Sommarju tas-sentenza

    1.        Unjoni Ewropea – Kooperazzjoni mill-pulizija u ġudizzjarja f’materji kriminali – Protokoll li jintegra l-acquis ta’ Schengen – Konvenzjoni li timplementa l-ftehim ta’ Schengen – Prinċipju ta’ ne bis in idem

    (Konvenzjoni li timplementa l-Ftehim ta’ Schengen, Artikolu, 54)

    2.        Unjoni Ewropea – Kooperazzjoni mill-pulizija u ġudizzjarja f’materji kriminali – Protokoll li jintegra l-acquis ta’ Schengen – Konvenzjoni li timplementa l-ftehim ta’ Schengen – Prinċipju ta’ ne bis in idem

    (Konvenzjoni li timplementa l-Ftehim ta’ Schengen, Artikoli 58 u 71)

    1.        L-Artikolu 54 tal-Konvenzjoni li timplementa l-Ftehim ta’ Schengen għandu jiġi interpretat fis-sens li:

    –il-kriterju rilevanti għall-finijiet ta’ l-applikazzjoni ta’ l-imsemmi artikolu huwa l-kriterju ta’ l-identiċità tal-fatti materjali, mifhuma bħala l-eżistenza ta’ ġabra ta’ azzjonijiet inseparabbilment marbuta bejniethom, irrispettivament mill-klassifikazzjoni ġuridika ta’ dawn l-azzjonijiet jew mill-interess ġuridiku protett;-

    – azzjonijiet differenti li jikkonsistu, b’mod partikolari, minn naħa, fiż-żamma fi Stat kontraenti ta’ somom ta’ flus miksuba mit-traffikar ta’ drogi u, min-naħa l-oħra, fl-iskambju f’uffiċċji tal-kambju fi Stat kontraenti ieħor ta’ somom ta’ flus bl-istess oriġini m’għandhomx jitqiesu bħala l-“istess azzjonijiet” fis-sens ta’ dan l-Artikolu minħabba s-sempliċi fatt li l-qorti nazzjonali kompetenti tikkonstata li l-imsemmija azzjonijiet huma marbuta b’intenzjoni kriminali komuni;-

    – hija l-imsemmija qorti nazzjonali li għandha tevalwa jekk il-livell ta’ identiċità u ta’ konnessjoni bejn iċ-ċirkustanzi fattwali kollha li għandhom jiġu mqabbla huwiex tali li jista’ jiġi kkonstatat, fid-dawl tal-kriterju rilevanti msemmi aktar ’il fuq, li huma involuti l-“istess azzjonijiet” fis-sens ta’ l-imsemmi Artikolu 54.

    (ara l-punt 36 u d-dispożittiv)

    2.        Mill-Artikolu 58 tal-Konvenzjoni li timplementa l-Ftehim ta’ Schengen (KIFS) jirriżulta li l-Istati kontraenti għandhom id-dritt japplikaw dispożizzjonijiet nazzjonali aktar estensivi dwar il-prinċipju ta’ ne bis in idem fir-rigward ta’ deċiżjonijiet ġudizzjarji meħuda f’pajjiżi barranin. Madankollu, dan l-Artikolu bl-ebda mod ma jawtorizza lil Stat kontraenti sabiex jastjeni milli jipproċedi kontra reat marbuta mad-drogi, bi ksur ta’ l-obbligi tiegħu li joħorġu mill-Artikolu 71 tal-KIFS, moqri flimkien ma’ l-Artikolu 36 tal-Konvenzjoni Unika dwar Drogi Narkotiċi, konkluża fi New York fit-30 ta’ Marzu 1961 fi ħdan in-Nazzjonijiet Uniti, għas-sempliċi raġuni li l-imputat ikun diġà ġie kkundannat fi Stat kontraenti ieħor għal reati oħra li kellhom l-istess intenzjoni kriminali. Għall-kuntrarju, l-imsemmija dispożizzjonijiet ma jipprekludux li, fid-dritt nazzjonali, il-qrati kompetenti aditi bit-tieni proċedura jieħdu in kunsiderazzjoni, meta jiġu biex jiddeterminaw il-piena, penali li jista’ jkun li jkunu diġà ngħataw wara l-ewwel proċedura.

    (ara l-punti 33-35)







    SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla)

    18 ta’ Lulju 2007 (*)

    “Konvenzjoni li timplementa l-Ftehim ta’ Schengen – Artikolu 54 – Prinċipju ta’ ne bis in idem – Kunċett ta’ l-‘istess azzjonijiet’ – Azzjonijiet differenti – Proċessi kriminali f’żewġ Stati kontraenti – Azzjonijiet marbuta b’intenzjoni kriminali komuni”

    Fil-kawża C-367/05,

    li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skond l-Artikolu 35 UE, imressqa mill-Hof van Cassatie (il-Belġju), permezz ta’ deċiżjoni tas-6 ta’ Settembru 2005, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fid-29 ta’ Settembru 2005, fil-proċeduri kriminali kontra

    Norma Kraaijenbrink,

    IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla),

    komposta minn C. W. A. Timmermans, President ta’ l-Awla, J. Klučka, R. Silva de Lapuerta, J. Makarczyk u L. Bay Larsen (Relatur), Imħallfin,

    Avukat Ġenerali: E. Sharpston,

    Reġistratur: M. Ferreira, Amministratur Prinċipali,

    wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta ta’ l-4 ta’ Lulju 2006,

    wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

    –        Għal N. Kraaijenbrink, minn M. De Boel, advocaat,

    –        għar-Renju ta’ l-Olanda, minn H. G. Sevenster, bħala aġent,

    –        għar-Repubblika Ċeka, minn T. Boček, bħala aġent,

    –        għar-Repubblika Ellenika, minn M. Apessos kif ukoll S. Trekli u M. Tassopoulou, bħala aġenti,

    –        għar-Renju ta’ Spanja, minn M. Muñoz Pérez, bħala aġent,

    –        għar-Repubblika ta’ l-Awstrija, minn C. Pesendorfer, bħala aġent,

    –        għar-Repubblika tal-Polonja, minn J. Pietras, bħala aġent,

    –        għall-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, minn W. Bogensberger u R. Troosters, bħala aġenti,

    wara li semgħet il-konklużjonijiet ta’ l-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tal-5 ta’ Diċembru 2006,

    tagħti l-preżenti

    Sentenza

    1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni ta’ l-Artikolu 54, moqri flimkien ma’ l-Artikolu 71, tal-Konvenzjoni li timplementa l-Ftehim ta’ Schengen, ta’ l-14 ta’ Ġunju 1985, bejn il-Gvernijiet ta’ l-Istati ta’ l-Unjoni Ekonomika tal-Benelux, tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja u tar-Repubblika Franċiża dwar l-abolizzjoni gradwali tal-kontrolli fuq il-fruntieri komuni tagħhom (ĠU L 239, 2000, p. 19, aktar ’il quddiem il-“KIFS”), iffirmat f’Schengen (il-Lussemburgu), fid-19 ta’ Ġunju 1990.

    2        Din it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest ta’ proċeduri kriminali mibdija fil-Belġju kontra N. Kraaijenbrink talli wettqet operazzjonijiet ta’ ħasil ta’ flus miksuba mit-traffikar tad-drogi.

     Il-kuntest ġuridiku

     Id-dritt Komunitarju

    3        Skond l-Artikolu 1 tal-Protokoll li jintegra l-acquis ta’ Schengen fil-qafas ta’ l-Unjoni Ewropea, anness mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u mat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea permezz tat-Trattat ta’ Amsterdam (aktar ’il quddiem il-“Protokoll”), tlettax-il Stat Membru ta’ l-Unjoni Ewropea, fosthom ir-Renju tal-Belġju u r-Renju ta’ l-Olanda, huma awtorizzati li, fil-kuntest ġuridiku u istituzzjonali ta’ l-Unjoni kif ukoll tat-Trattati UE u KE, jistabbilixxu kooperazzjoni aktar mill-qrib bejniethom fl-ambitu tal-kamp ta’ applikazzjoni ta’ l-acquis ta’ Schengen, kif definit fl-Anness ta’ l-imsemmi protokoll.

    4        Il-Ftehim bejn il-Gvernijiet ta’ l-Istati ta’ l-Unjoni Ekonomika tal-Benelux, tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja u tar-Repubblika Franċiża dwar l-abolizzjoni gradwali tal-kontrolli fuq il-fruntieri komuni tagħhom, iffirmat f’Schengen fl-14 ta’ Ġunju 1985 (ĠU L 239, 2000, p. 13), kif ukoll il-KIFS, jiffurmaw parti, inter alia, mill-acquis ta’ Schengen kif iddefinit.

    5        Bis-saħħa ta’ l-ewwel subparagrafu ta’ l-Artikolu 2(1) tal-Protokoll, mid-data tad-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta’ Amsterdam, jiġifieri mill-1 ta’ Mejju 1999, l-acquis ta’ Schengen għandu japplika immedjatament għat-tlettax-il Stat Membru msemmija fl-Artikolu 1 tal-Protokoll.

    6        B’applikazzjoni tat-tieni sentenza tat-tieni subparagrafu ta’ l-Artikolu 2(1) tal-Protokoll, il-Kunsill ta’ l-Unjoni Ewropea adotta, fl-20 ta’ Mejju 1999, id-Deċiżjoni 1999/436/KE li tiddetermina, b’konformita mad-dispożizzjonijiet rilevanti tat-Trattat li jistabbilxxi l-Komunità Ewropea u t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea l-bażi legali għal kull waħda mid-disposizzjonijiet jew deċisjonijiet li jikkostitwixxu l-acquis ta’ Schengen (ĠU L 176, p. 17). Mill-Artikolu 2 ta’ din id-deċiżjoni, flimkien ma’ l-Anness A tagħha, jirriżulta li l-Kunsill identifika, minn naħa, l-Artikoli 34 UE u 31 UE u, min-naħa l-oħra, l-Artikoli 34 UE, 30 UE u 31 UE, li jagħmlu parti mit-Titolu VI tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, intitolat “Dispożizzjonijiet dwar Kooperazzjoni fl-oqsma tal-Pulizija u tal-Ġustizzja f’Materji Kriminali” bħala l-bażi legali ta’ l-Artikoli 54 sa 58 u 71 tal-KIFS rispettivament.

    7        Skond l-Artikolu 54 tal-KIFS, li jagħmel parti mill-Kapitolu 3, intitolat “Applikazzjoni tal-prinċipju ta’ ne bis in idem”, tat-Titolu III ta’ l-imsemmija konvenzjoni, li huwa intitolat “Pulizija u Sigurtà”:

    “Persuna li l-każ tagħha jkun inqata’ b’mod finali f’Parti kontraenti waħda ma tistax tiġi mixlija f’Parti kontraenti oħra għall-istess azzjonijiet sakemm, jekk tkun ġiet imposta penali, din tkun ġiet infurzata, tkun fil-fatt fil-proċess li tiġi infurzata jew ma tkunx tista’ tiġi infurzata iżjed taħt il-liġijiet tal-Parti kontraenti fejn tkun ingħatat is-sentenza.”

    8        L-Artikolu 58 tal-KIFS, li jinsab f’dan l-istess kapitolu, jipprovdi:

    “Id-dispożizzjonijiet li jidhru hawn fuq m’għandhomx iwaqqfu l-applikazzjoni ta’ dispożizzjonijiet nazzjonali aktar estensivi dwar il-prinċipju ta’ ne bis in idem fir-rigward ta’ deċiżjonijiet ġudizzjarji meħuda f’pajjiżi barranin.”

    9        L-Artikolu 71 tal-KFS, li jagħmel parti mill-Kapitolu 6, intitolat “Drogi Narkotiċi”, ta’ l-istess Titolu III, jipprovdi:

    “1. Il-Partijiet Kontraenti jimpenjaw ruħhom li fir-rigward tal-bejgħ dirett jew indirett ta’ drogi narkotiċi u sustanzi psikotropiċi ta’ kull tip, inkluża kannabis, u l-pussess ta’ prodotti bħal dawn għall-bejgħ jew għall-esportazzjoni, jadottaw b’mod konformi mal-Konvenzjonijiet eżistenti tal-Ġnus Magħquda […], il-miżuri kollha meħtieġa sabiex wieħed jipprevjeni u jikkastiga it-traffikar illeċitu ta’ drogi narkotiċi u sustanzi psikotropiċi.

    2.      Il-Partijiet Kontraenti jimpenjaw ruħhom li jipprevjenu u jikkastigaw permezz ta’ miżuri amministrattivi u penali l-esportazzjoni illegali ta’ drogi narkotiċi u sustanzi psikotropiċi, inkluża l-kannabis, kif ukoll il-bejgħ, il-provvista u l-għoti ta’ dawn il-prodotti u sustanzi […].

    […]

    5.      Il-Partijiet Kontraenti għandhom jagħmlu l-almu tagħhom kollu sabiex jipprevjenu u jiġġieldu l-effetti negattivi li jirriżultaw mid-domanda illeċita għal drogi narkotiċi u sustanzi psikotropiċi ta’ kull tip, inkluża l-kannabis. […]”

    10      Mill-informazzjoni dwar id-data tad-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta’ Amsterdam, ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej ta’ l-1 ta’ Mejju 1999 (ĠU L 114, p. 56), jirriżulta li r-Renju tal-Belġju għamel dikjarazzjoni, bis-saħħa ta’ l-Artikolu 35(2) UE, li permezz tagħha aċċetta l-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tiddeċiedi skond il-proċeduri previsti fl-Artikolu 35(3)(b) UE.

     Id-dritt internazzjonali

    11      L-Artikolu 36 tal-Konvenzjoni Unika dwar Drogi Narkotiċi, konkluża fi New York fit-30 ta’ Marzu 1961 fil-kuntest tan-Nazzjonijiet Uniti (aktar ’il quddiem il-“Konvenzjoni Unika”), tipprovdi kif ġej:

    “1. a)  Bla ħsara għad-dispożizzjonijiet kostituzzjonali tagħha, kull Parti għandha tadotta l-miżuri neċessarji sabiex il-koltivazzjoni u l-produzzjoni, il-manifattura, l-estrazzjoni, il-preparazzjoni, il-pussess, l-offerta, l-offerta għall-bejgħ, id-distribuzzjoni, ix-xiri, il-bejgħ, il-kunsinna, taħt kwalunkwe forma, is-sensarija, id-dispaċċ, l-ispedizzjoni in tranżitu, it-trasport, l-importazzjoni u l-esportazzjoni ta’ drogi narkotiċi mhux konformi mad-dispożizzjonijiet ta’ din il-Konvenzjoni, jew kull azzjoni oħra li, fl-opinjoni ta’ din il-Parti, tmur kontra d-dispożizzjonijiet ta’ din il-Konvenzjoni, jiġu kkunsidrati bħala reati punibbli meta jitwettqu intenzjonalment u sabiex ir-reati gravi jkunu punibbli b’piena adegwata, b’mod partikolari b’pieni ta’ priġunerija jew b’pieni oħra li jċaħdu mil-libertà.

    b)      […]

    2.      Bla ħsara għad-dispożizzjonijiet kostituzzjonali ta’ kull Parti, għas-sistema ġuridika tagħha u għal-leġiżlazzjoni nazzjonali tagħha,

    a)       i)     kull wieħed mir-reati elenkati fil-paragrafu 1 għandu jiġi kkunsidrat bħala ksur distint, jekk dawn jitwettqu f’pajjiżi differenti;

    ii)      il-parteċipazzjoni intenzjonata fi kwalunkwe wieħed mir-reati msemmija, l-assoċjazzjoni jew l-akkordju bil-għan li jitwettaq tali reat jew l-attentat li jitwettaq, kif ukoll l-atti preparatorji u l-operazzjonijiet finanzjarji mwettqa intenzjonalment b’relazzjoni mar-reati kkonċernati minn dan l-artikolu, għandhom jikkostitwixxu reati punibbli bil-pieni previsti fil-paragrafu 1;

    […]”. [traduzzjoni mhux uffiċjali]

     Id-dritt nazzjonali

    12      L-Artikolu 65 tal-Kodiċi Kriminali Belġjan jipprovdi:

    “Meta l-istess azzjoni tikkostitwixxi diversi reati jew meta diversi reati, li fir-rigward tagħhom tkun qiegħda titmexxa azzjoni kriminali simultanjament quddiem l-istess qorti, jikkostitwixxu l-manifestazzjoni suċċesiva u kontinwa ta’ l-istess intenzjoni kriminali, għandha tingħata l-piena l-aktar iebsa biss.

    Meta l-qorti tikkonstata li reati li diġà kienu s-suġġett ta’ sentenza finali u azzjonijiet oħra li fir-rigward tagħhom tkun qiegħda titmexxa azzjoni kriminali quddiemha u li, jekk jitqiesu bħala provati, seħħew qabel l-imsemmija sentenza u jikkostitwixxu flimkien mar-reati msemmija qabel il-manifestazzjoni suċċessiva u kontinwa ta’ l-istess intenzjoni kriminali, il-qorti għandha tieħu in kunsiderazzjoni, meta tiġi sabiex tiffissa l-piena, il-pieni li diġà ngħataw. Jekk fil-fehma tagħha dawn il-pieni huma biżżejjed bħala kastig għar-reati kollha, hija għandha ssib lill-imputat ħati u fis-sentenza tagħha għandha tirreferi għall-pieni li diġà ġew imposti. Il-pieni totali imposti skond dan l-artikolu ma jistgħux jeċċedu l-massimu tal-piena l-aktar iebsa.”

     Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

    13      Fil-11 ta’ Diċembru 1998, l-Arrondissementsrechtbank te Middelburg (l-Olanda) ikkundannat lil N. Kraaijenbrink, ċittadina Olandiża, għal piena sospiża ta’ sitt xhur ħabs għal attivitajiet ta’ riċettazjoni ta’ somom ta’ flus miksuba mit-traffikar tad-drogi, imwettqa diversi drabi fl-Olanda bejn Ottubru 1994 u Mejju 1995, u dan bi ksur ta’ l-Artikolu 416 tal-Kodiċi Penali Olandiż (Wetboek van Strafrecht).

    14      Permezz ta’ sentenza ta’ l-20 ta’ April 2001, ir-rechtbank van eerste aanleg te Gent ikkundannat lil N. Kraaijenbrink għal piena ta’ sentejn ħabs talli wettqet diversi reati taħt l-Artikolu 505 tal-Kodiċi Kriminali Belġjan billi fil-Belġju, bejn Novembru 1994 u Frar 1996, skambjat somom miksuba minn operazzjonijiet ta’ traffikar ta’ drogi narkotiċi mwettqa fl-Olanda. Fil-15 ta’ Marzu 2005, dik is-sentenza kienet ikkonfermata mill-hof van beroep te Gent, correctionele kamer.

    15      B’referenza għall-Artikolu 71 tal-KIFS u għall-Artikolu 36(2)(a)(i) u (ii) tal-Konvenzjoni Unika, dan iż-żewġ qrati kkunsidraw li N. Kraaijenbrink ma setgħetx tistrieħ fuq l-Artikolu 54 tal-KIFS. Fil-fatt, huma qiesu li r-reati tar-riċettazzjoni ta’ flus miksuba mit-traffikar tad-drogi mwettqa fl-Olanda u l-operazzjonijiet ta’ ħasil ta’ flus miksuba minn dan it-traffikar, imwettqa fil-Belġju, kellhom jiġu kkunsidrati f’dan l-Istat ta’ l-aħħar bħala azzjonijiet distinti minkejja li kien hemm intenzjoni komuni bejn ir-reati tar-riċettazzjoni mwettqa fl-Olanda u dawk tal-ħasil ta’ flus mwettqa fil-Belġju.

    16      Lil N. Kraaijenbrink għalhekk ressqet appell ulterjuri fejn invokat, b’mod partikolari, il-ksur tal-prinċipju ta’ ne bis in idem previst fl-Artikolu 54 tal-KIFS.

    17      Il-Hof van Cassatie tosserva, l-ewwel nett, li, kuntrarjament għal dak li tallega N. Kraaijenbrink, il-konstatazzjoni li teżisti “intenzjoni komuni” bejn l-imġiba illegali fl-Olanda u r-reat ta’ ħasil ta’ flus imwettaq fil-Belġju ma timplikax neċessarjament il-konklużjoni li s-somom ta’ flus li kienu s-suġġett ta’ operazzjonijiet ta’ ħasil ta’ flus fil-Belġju huma s-somom ta’ flus miksuba mit-traffikar ta’ drogi li għar-riċettazzjoni tagħhom lil N. Kraaijenbrink kienet diġà ġiet ikkundannata fl-Olanda.

    18      Għall-kuntrarju, mis-sentenza tal-hof van beroep te Gent tal-15 ta’ Marzu 2005, li kontriha tressaq l-appell ulterjuri, jirriżulta li, fiż-żewġ Stati kontraenti, huma involuti azzjonijiet differenti li madankollu huma l-manifestazzjoni suċċessiva u kontinwa ta’ l-istess intenzjoni kriminali, b’tali mod li, li kieku twettqu kollha fil-Belġju, kienu jiġu kkunsidrati bħala azzjoni waħda li kienet tiġi ttrattata skond l-Artikolu 65 tal-Kodiċi Kriminali Belġjan.

    19      Għaldaqstant, il-Hof van Cassatie tqis li tqum il-kwistjoni jekk il-kunċett ta’ l-“istess azzjonijiet” fis-sens ta’ l-Artikolu 54 tal-KIFS għandux jiġi interpretat fis-sens li jkopri azzjonijiet differenti li jikkonsistu, minn naħa, fiż-żamma fi Stat kontraenti ta’ somom ta’ flus miksuba mit-traffikar ta’ drogi u, min-naħa l-oħra, fl-iskambju f’uffiċċji tal-kambju fi Stat kontraenti ieħor ta’ somom ta’ flus bl-istess oriġini.

    20      F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Hof van Cassatie ddeċidiet li tissospendi l-proċedimenti quddiemha u li tagħmel id-domandi preliminari segwenti lill-Qorti tal-Ġustizzja:

    “1)      L-Artikolu 54 tal-[KIFS], moqri flimkien ma’ l-Artikolu 71 ta’ l-istess konvenzjoni, għandu jiġi interpretat fis-sens li r-reati kriminali li persuna takkwista jew ikollha disponibbli fl-Olanda jew li titrasferixxi minn hemmhekk somom ta’ flus f’muniti barranin miksuba min-negozju fi drogi narkotiċi (reati li fir-rigward tagħhom tmexxiet azzjoni kriminali u nkisbet, fl-Olanda, kundanna għal riċettazzjoni u mmaniġġjar bi ksur ta’ l-Artikolu 416 tal-Kodiċi Kriminali), li huma differenti mir-reati kriminali li jikkonsistu fl-iskambju, f’uffiċċji tal-kambju, fil-Belġju, tas-somom rilevanti ta’ flus miksuba min-negozju fi drogi narkotiċi li ġew riċevuti fl-Olanda (li fir-rigward tagħhom tmexxiet azzjoni kriminali fil-Belġju bħala r-reat ta’ riċettazzjoni u mmaniġġjar u t-twettiq ta’ azzjonijiet oħra fir-rigward ta’ oġġetti b’oriġini kriminali, bi ksur ta’ l-Artikolu 505 tal-Kodiċi Kriminali), għandhom jitqiesu bħala ‘l-istess azzjonijiet’ għall-finijiet ta’ l-Artikolu 54 imsemmi aktar ’il fuq meta l-qrati jistabbilixxu li kellhom intenzjoni komuni u għalhekk legalment jikkostitwixxu azzjoni waħda?

    2)      Jekk tingħata tweġiba pożittiva għall-ewwel:

    L-espressjoni ‘ma tistax tiġi mixlija […] għall-istess azzjonijiet’ fl-Artikolu 54 tal-[KIFS] għandha tiġi interpretata fis-sens li ‘l-istess azzjonijiet’ jistgħu jkunu kkostitwiti wkoll minn azzjonijiet differenti li għandhom l-istess intenzjoni, u li b’hekk jikkostitwixxu azzjoni waħda, li jkun ifisser li imputat ma jistax jiġi mixli aktar għar-reat tal-ħasil tal-flus fil-Belġju ladarba jkun ġie kkundannat b’mod xieraq fl-Olanda għal reati oħra mwettqa bl-istess intenzjoni, irrispettivament minn kwalunke reati oħra mwettqa matul l-istess perijodu imma li saru magħrufa jew li fir-rigward tagħhom tmexxiet azzjoni kriminali fil-Belġju biss wara d-data tas-sentenza definittiva barranija, jew, f’tali każ, dik l-espressjoni għandha tiġi interpretata fis-sens li l-qorti li tiddetermina l-mertu tista’ sussidjarjament tagħti kundanna rigward dawn l-azzjonijiet l-oħra, filwaqt li tieħu in kunsiderazzjoni l-pieni diġà imposti, sakemm ma tqisx li dawk il-pieni l-oħra, fil-fehma tagħha, jikkostitwixxu kastig biżżejjed għar-reati kollha, u filwaqt li tiżgura li t-totalità tal-pieni imposti ma tistax teċċedi l-massimu tal-piena l-aktar iebsa?”

     Fuq il-kompetenza tal-Qorti tal-Ġustizzja

    21      Mill-punt 10 ta’ din is-sentenza jirriżulta li, f’dan il-każ, abbażi ta’ l-Artikolu 35 UE, il-Qorti tal-Ġustizzja hija kompetenti sabiex tiddeċiedi dwar l-interpretazzjoni ta’ l-Artikolu 54 tal-KIFS.

    22      F’dan ir-rigward għandu jiġi speċifikat li l-Artikolu 54 tal-KIFS japplika ratione temporis għal proċedura kriminali bħal dik fil-kawża prinċipali. Fil-fatt, għalkemm huwa minnu li l-KIFS ma kinitx għadha daħlet fis-seħħ fl-Olanda meta ngħatat l-ewwel sentenza ta’ kundanna kontra N. Kraaijenbrink f’dak l-Istat, hija kienet fis-seħħ fiż-żewġ Stati kkonċernati meta l-qorti adita bit-tieni proċedura, li tat lok għal dan ir-rinviju għal deċiżjoni preliminari, ġiet biex tevalwa l-kundizzjonijiet ta’ applikazzjoni tal-prinċipju ta’ ne bis in idem (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad-9 ta’ Marzu 2006, Van Esbroeck, C-436/04, Ġabra p. I-2333, punt 24).

     Fuq id-domandi preliminari

     Fuq l-ewwel domanda

    23      Preliminarjament, għandu jiġi speċifikat li l-fatt, imsemmi fl-ewwel domanda preliminari, li l-klassifikazzjoni ġuridika ta’ l-azzjonijiet li għalihom ingħatat kundanna fl-ewwel Stat kontraenti hija differenti minn dik ta’ l-azzjonijiet li għalihom tmexxew proċeduri kriminali fit-tieni Stat kontraenti, mhuwiex rilevanti peress li klassifikazzjoni ġuridika differenti għall-istess azzjonijiet f’żewġ Stati kontraenti differenti ma tistax tipprekludi l-applikazzjoni ta’ l-Artikolu 54 tal-KIFS (ara s-sentenza Van Esbroeck, iċċitata aktar ’il fuq, punt 31).

    24      Barra minn hekk, l-Artikolu 71 tal-KIFS, imsemmi wkoll fl-ewwel domanda, ma fih l-ebda element intiż sabiex jillimita l-kamp ta’ applikazzjoni ta’ l-Artikolu 54 tal-KIFS (ara s-sentenza Van Esbroeck, iċċitata aktar ’il fuq, punt 40). Minn dan jirriżulta li r-referenza għall-Konvenzjonijiet eżistenti tal-Ġnus Magħquda li tinsab fl-aritkolu msemmi ma tistax tinftiehem fis-sens li tipprekludi l-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ ne bis in idem previst fl-Artikolu 54 (ara s-sentenza Van Esbroeck, iċċitata aktar ’il fuq, punt 41).

    25      F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi kkunsidrat li, permezz ta’ l-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tixtieq issir taf jekk il-kunċett ta’ l-“istess azzjonijiet” fis-sens ta’ l-Artikolu 54 tal-KIFS għandux jinftiehem fis-sens li jkopri azzjonijiet differenti li jikkonsistu, b’mod partikolari, minn naħa, fiż-żamma fi Stat kontraenti ta’ somom ta’ flus miksuba mit-traffikar ta’ drogi u, min-naħa l-oħra, fl-iskambju f’uffiċċji tal-kambju fi Stat kontraenti ieħor ta’ somom ta’ flus bl-istess oriġini, meta l-qorti nazzjonali adita bit-tieni proċedura kriminali tikkonstata li l-imsemmija azzjonijiet huma marbuta b’intenzjoni komuni.

    26      Sabiex tingħata risposta għal din id-domanda, għandu jiġi mfakkar li l-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li l-uniku kriterju rilevanti għall-finijiet ta’ l-applikazzjoni ta’ l-Artikolu 54 tal-KIFS huwa l-kriterju ta’ l-identiċità tal-fatti materjali, mifhuma bħala l-eżistenza ta’ ġabra ta’ ċirkustanzi konkreti inseparabbilment marbuta bejniethom (ara s-sentenzi Van Esbroeck, iċċitata aktar ’il fuq, punt 36; tat-28 ta’ Settembru 2006, Gasparini et, C-467/04, Ġabra p. I-9199, punt 54, u Van Straaten, C-150/05, Ġabra p. I-9327, punt 48).

    27      Sabiex jiddeterminaw jekk teżistix tali ġabra ta’ ċirkustanzi konkreti, il-qrati nazzjonali kompetenti għandhom jiddeterminaw jekk il-fatti materjali taż-żewġ proċeduri jikkostitwixxux ġabra ta’ azzjonijiet inseparabbilment marbuta fiż-żmien, fl-ispajzu kif ukoll permezz tas-suġġett tagħhom (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi ċċitati aktar ’il fuq Van Esbroeck, punt 38; Gasparini et, punt 56 kif ukoll Van Straaten, punt 52).

    28      Minn dan isegwi li l-punt tat-tluq għall-evalwazzjoni tal-kunċett ta’ l-“istess azzjonijiet” fis-sens ta’ l-Artikolu 54 tal-KIFS huwa evalwazzjoni globali ta’ l-imġiba illegali konkreta li tat lok għall-proċeduri kriminali quddiem il-qrati taż-żewġ Stati kontraenti. Għalhekk, l-Artikolu 54 tal-KIFS jista’ jkun applikabbli biss meta l-qorti adita bit-tieni proċedura kriminali tikkonstata li l-fatti materjali jiffurmaw ġabra ta’ azzjonijiet inseparabbilment marbuta minħabba l-konnessjoni bejniethom fiż-żmien, fl-ispazju u permezz tas-suġġett tagħhom.

    29      Għall-kuntrarju, jekk il-fatti materjali ma jiffurmawx tali ġabra, is-sempliċi fatt li l-qorti adita bit-tieni proċedura tikkonstata li l-persuna li allegatament wettqet dawn l-azzjonijiet aġixxiet bl-istess intenzjoni kriminali ma jistax ikun biżżejjed sabiex tkun assigurata l-eżistenza ta’ ġabra ta’ ċirkustanzi konkreti inseparabbilment marbuta bejniethom li taqa’ taħt il-kunċett ta’ l-“istess azzjonijiet” fis-sens ta’ l-Artikolu 54 tal-KIFS.

    30      Kif enfasizzat b’mod partikolari l-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, rabta suġġettiva bejn l-azzjonijiet li taw lok għal proċeduri kriminali f’żewġ Stati kontraenti differenti ma tassigurax neċessarjament l-eżistenza ta’ rabta oġġettiva bejn il-fatti materjali in kwistjoni li, għaldaqstant, jistgħu jkunu distinti fiż-żmien, fl-ispazju u permezz tan-natura tagħhom.

    31      B’mod aktar partikolari, fir-rigward ta’ sitwazzjoni bħal dik in kwistjoni fil-kawża prinċipali, fejn ma ġiex stabbilit b’mod ċar li huwa l-istess rikavat mit-traffikar ta’ drogi li huwa l-kawża, kompletament jew parzjalment, ta’ l-imġiba illegali fiż-żewġ Stati kontraenti kkonċernati, għandu jiġi kkonstatat li, bħala prinċipju, tali sitwazzjoni tista’ taqa’ taħt il-kunċett ta’ l-“istess azzjonijiet” fis-sens ta’ l-Artikolu 54 tal-KIFS jekk tkun tista’ tiġi stabbilita rabta oġġettiva bejn is-somom ta’ flus fiż-żewġ proċeduri biss.

    32      F’dan ir-rigward, huma l-qrati nazzjonali kompetenti li għandhom jevalwaw jekk il-livell ta’ identiċità u ta’ konnessjoni bejn iċ-ċirkustanzi fattwali kollha li taw lok għall-imsemmija proċeduri kriminali kontra l-istess persuna fiż-żewġ Stati kontraenti kkonċernati huwiex tali li jista’ jiġi kkonstatat li huma involuti l-“istess azzjonijiet” fis-sens ta’ l-Artikolu 54 tal-KIFS.

    33      Barra minn hekk, f’din il-kawża, għandu jiġi speċifikat li mill-Artikolu 58 tal-KIFS jirriżulta li l-Istati kontraenti għandhom id-dritt japplikaw dispożizzjonijiet nazzjonali aktar estensivi dwar il-prinċipju ta’ ne bis in idem fir-rigward ta’ deċiżjonijiet ġudizzjarji meħuda f’pajjiżi barranin.

    34      Madankollu, l-Artikolu 58 tal-KIFS bl-ebda mod ma jawtorizza lil Stat kontraenti sabiex jastjeni milli jipproċedi kontra reat marbuta mad-drogi, bi ksur ta’ l-obbligi tiegħu li joħorġu mill-Artikolu 71 tal-KIFS, moqri flimkien ma’ l-Artikolu 36 tal-Konvenzjoni Unika, għas-sempliċi raġuni li l-imputat ikun diġà ġie kkundannat fi Stat kontraenti ieħor għal reati oħra li kellhom l-istess intenzjoni kriminali.

    35      Għall-kuntrarju, l-imsemmija dispożizzjonijiet ma jipprekludux li, fid-dritt nazzjonali, il-qrati kompetenti aditi bit-tieni proċedura jieħdu in kunsiderazzjoni, meta jiġu biex jiddeterminaw il-piena, penali li jista’ jkun li jkunu diġà ngħataw wara l-ewwel proċedura.

    36      Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet, ir-rispota għall-ewwel domanda għandha tkun li l-Artikolu 54 tal-KIFS għandu jiġi interpretat fis-sens li:

    –        il-kriterju rilevanti għall-finijiet ta’ l-applikazzjoni ta’ l-imsemmi artikolu huwa l-kriterju ta’ l-identiċità tal-fatti materjali, mifhuma bħala l-eżistenza ta’ ġabra ta’ azzjonijiet inseparabbilment marbuta bejniethom, irrispettivament mill-klassifikazzjoni ġuridika ta’ dawn l-azzjonijiet jew mill-interess ġuridiku protett;

    –      azzjonijiet differenti li jikkonsistu, b’mod partikolari, minn naħa, fiż-żamma fi Stat kontraenti ta’ somom ta’ flus miksuba mit-traffikar ta’ drogi u, min-naħa l-oħra, fl-iskambju f’uffiċċji tal-kambju fi Stat kontraenti ieħor ta’ somom ta’ flus bl-istess oriġini m’għandhom jitqiesu bħala l-“istess azzjonijiet” fis-sens ta’ l-Artikolu 54 tal-KIFS minħabba s-sempliċi fatt li l-qorti nazzjonali kompetenti tikkonstata li l-imsemmija azzjonijiet huma marbuta b’intenzjoni kriminali komuni;

    –      hija l-imsemmija qorti nazzjonali li għandha tevalwa jekk il-livell ta’ identiċità u ta’ konnessjoni bejn iċ-ċirkustanzi fattwali kollha li għandhom jiġu mqabbla huwiex tali li jista’ jiġi kkonstatat, fid-dawl tal-kriterju rilevanti msemmi aktar ’il fuq, li huma involuti l-“istess azzjonijiet” fis-sens ta’ l-Artikolu 54 tal-KIFS.

     Fuq it-tieni domanda

    37      It-tieni domanda kienet magħmula biss fl-eventwalità li r-risposta għall-ewwel domanda tikkonferma li intenzjoni kriminali komuni hija kundizzjoni suffiċjenti fiha nfisha sabiex, jekk tkun issodisfata, tippermetti li anki azzjonijiet differenti jiġu kkunsidrati bħala l-“istess azzjonijiet” fis-sens ta’ l-Artikolu 54.

    38      Peress li l-Qorti tal-Ġustizzja ma kkonfermatx dan fir-risposta tagħha għall-ewwel domanda, m’hemmx lok li tingħata risposta għat-tieni domanda.

     Fuq l-ispejjeż

    39      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni ta’ l-osservazzjonijiet lill-Qorti, barra dawk ta’ l-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

    Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) taqta’ u tiddeċiedi li:

    L-Artikolu 54 tal-Konvenzjoni li timplementa l-Ftehim ta’ Schengen, ta’ l-14 ta’ Ġunju 1985, bejn il-Gvernijiet ta’ l-Istati ta’ l-Unjoni Ekonomika tal-Benelux, tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja u tar-Repubblika Franċiża dwar l-abolizzjoni gradwali tal-kontrolli fuq il-fruntieri komuni tagħhom, iffirmat f’Schengen (il-Lussemburgu), fid-19 ta’ Ġunju 1990, għandu jiġi interpretat fis-sens li:

    –        il-kriterju rilevanti għall-finijiet ta’ l-applikazzjoni ta’ l-imsemmi artikolu huwa l-kriterju ta’ l-identiċità tal-fatti materjali, mifhuma bħala l-eżistenza ta’ ġabra ta’ azzjonijiet inseparabbilment marbuta bejniethom, irrispettivament mill-klassifikazzjoni ġuridika ta’ dawn l-azzjonijiet jew mill-interess ġuridiku protett;

    –        azzjonijiet differenti li jikkonsistu, b’mod partikolari, minn naħa, fiż-żamma fi Stat kontraenti ta’ somom ta’ flus miksuba mit-traffikar ta’ drogi u, min-naħa l-oħra, fl-iskambju f’uffiċċji tal-kambju fi Stat kontraenti ieħor ta’ somom ta’ flus bl-istess oriġini m’għandhom jitqiesu bħala l-“istess azzjonijiet” fis-sens ta’ l-Artikolu 54 tal-Konvenzjoni li timplementa l-Ftehim ta’ Schengen minħabba s-sempliċi fatt li l-qorti nazzjonali kompetenti tikkonstata li l-imsemmija azzjonijiet huma marbuta b’intenzjoni kriminali komuni;

    –        hija l-imsemmija qorti nazzjonali li għandha tevalwa jekk il-livell ta’ identiċità u ta’ konnessjoni bejn iċ-ċirkustanzi fattwali kollha li għandhom jiġu mqabbla huwiex tali li jista’ jiġi kkonstatat, fid-dawl tal-kriterju rilevanti msemmi aktar ’il fuq, li huma involuti l-“istess azzjonijiet” fis-sens ta’ l-Artikolu 54 tal-Konvenzjoni li timplementa l-Ftehim ta’ Schengen.

    Firem


    * Lingwa tal-kawża: l-Olandiż.

    Top