EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62005CJ0362

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (ir-Raba' Awla) tas-7 ta' Ġunju 2007.
Jacques Wunenburger vs il-Kummisjoni tal-Komunitajiet Ewropej.
Appell - Servizz pubbliku - Promozzjoni - Proċedura ta' Selezzjoni - Rifjut tal-kandidatura tar-rikorrent - Irtirar - Obbligu ta' motivazzjoni - Żball fid-dritt - Appell inċidentali - Suġġett tal-kwistjoni - Interess li taġixxi.
Kawża C-362/05 P.

Ġabra tal-Ġurisprudenza – Servizz Pubbliku 2007 II-B-2-00101

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2007:322

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla)

7 ta’ Ġunju 2007

Kawża C-362/05 P

Jacques Wunenburger

vs

Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej

“Appell – Servizz pubbliku – Promozzjoni – Proċedura ta’ Selezzjoni – Rifjut tal-kandidatura tar-rikorrent – Irtirar – Obbligu ta’ motivazzjoni – Żball fid-dritt – Appell inċidentali – Suġġett tal-kawża – Interess li taġixxi ”

Suġġett : Appell imressaq kontra s-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-Komunitajiet Ewropej tal-5 ta’ Lulju 2005, Wunenburger vs Il-Kummissjoni (T-370/03, ĠabraFP, p. I-A-189 u II-853), intiż għal annullament ta’ din is-sentenza.

Deċiżjoni : Rifjut ta’ l-appell prinċipali mressaq minn J. Wunenburger u ta’ l-appell inċidentali mressaq mill-Kummissjoni.

Sommarju

1.        Appell – Skop

(Statut tal-Qorti tal-Ġustizzja, Artikolu 56(2))

2.        Rikors għal annullament – Dekadenza matul il-kawża ta’ l-att ikkontestat – Rikors li jżomm l-iskop tiegħu fin-nuqqas ta’ rtirar ta’ l-att ikkontestat

(Artikoli 230 KE u 233(1)KE; Regolamenti ta’ l-Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej, Artikolu 29)

1.        Skond it-tieni subparagrafu ta’ l-Artikolu 56 ta’ l-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja, kull parti li tkun tilfet parzjalment jew għal kollox it-talbiet tagħha tista’ tressaq appell minn sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza safejn din tkun ċaħdet eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà jew eċċezzjoni li ma hemmx lok għal deċiżjoni, anki jekk, fil-bqija tas-sentenza, tkun ċaħdet l-appell bħala mhux fondat. Fir-rigward ta’ din id-disposizzjoni, mhemmx għalfejn issir distinzjoni bejn il-fatt li l-eċċezzjoni, li tqajmet quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza u li tkun ġiet miċħuda minnha, għandhiex l-għan li tiċħad l-azzjoni bħala inammissibbli jew il-fatt li l-kawża m’għandhiex skop, minħabba li dawn huma żewġ kwistjonijiet proċedurali li, jekk jiġu aċċettati, iwaqqfu lill-Qorti tal-Prim’Istanza milli tiddeċiedi fuq il-mertu.

2.        Id-dekadenza matul il-kawża ta’ att ikkontestat li tiegħu kien qiegħed jintalab l-annullament ma timplikax, fiha nfisha, l-obbligu tal-qorti Komunitarja li tiddeċiedi li mhemmx lok għal deċiżjoni peress li mhemmx skop għall-kawża jew peress li mhemmx interess li wieħed jaġixxi fid-data li tingħata s-sentenza. Għalhekk, il-kawża tibqa’ żżomm l-iskop tagħha meta l-att ikkontestat ma ġiex irtirat formalment u r-rikorrent jibqa’ jżomm l-interess li jitlob l-annullament tiegħu sabiex jevita li l-allegat preġudizzju subit ma jseħħx fil-futur. Tali interess li wieħed jaġixxi jirriżulta mill-ewwel subparagrafu ta’ l-Artikolu 233 KE, li jipprovdi li l-istituzzjonijiet li l-atti tagħhom ġew iddikjarati nulli għandhom ikunu marbuta li jieħdu l-miżuri neċessarji biex jikkonformaw ruħhom mas-sentenza. Madankollu, dan l-interess li wieħed jaġixxi jista’ jissussisti biss jekk l-illegalità tista’ tirriproduċi ruħha fil-futur indipendentement miċ-ċirkustanzi tal-każ li taw lok għall-appell imressaq mir-rikorrent.

         Dan japplika fil-każ ta’ rikors għal annullament imressaq minn uffiċjal kontra r-rifjut tal-kandidatura tiegħu għal kariga battala u kontra l-ħatra ta’ uffiċjal ieħor, meta l-amministrazzjoni rtirat din il-kariga skond l-Artikolu 50 tar-Regolamenti u organizzat proċedura ġdida ta’ selezzjoni, u għaldaqstant id-deċiżjonijiet saru ineffettivi, safejn ir-rikorrent jikkontesta l-proċedura li wasslet għall-adozzjoni tal-ħatra inizjali. Fil-fatt, kuntrarjament għal evalwazzjoni fuq il-mertu tal-kandidaturi differenti għall-avviż ta’ post battal, ir-regoli tal-proċedura ta’ selezzjoni jistgħu jirrepetu ruħhom fil-futur fil-kuntest ta’ proċeduri simili, u għaldaqstant ir-rikorrent iżomm l-interess tiegħu li jaġixxi kontra d-deċiżjonijiet ikkontestati, anki jekk ma jipproduċux effetti fil-konfront tiegħu, mill-perspettiva ta’ kandidaturi futuri għal karigi bħal dik in kwistjoni.

Top