Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62005CJ0297

    Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (l-Ewwel Awla) ta'l-20 ta' Settembru 2007.
    il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej vs ir-Renju ta' l-Olanda.
    Identifikazzjoni u test tal-kundizzjoni tajba obbligatorju qabel ir-reġistrazzjoni ta' vetturi fi Stat Membru - Artikoli 28 KE u 30 KE - Direttivi 96/96/KE u 1999/37/KE - Rikonoxximent ta' ċertifikati ta’ reġistrazzjoni maħruġa u tat-testing tal-kundizzjoni tajba mwettqa fi Stati Membri oħra.
    Kawża C-297/05.

    Ġabra tal-Ġurisprudenza 2007 I-07467

    ECLI identifier: ECLI:EU:C:2007:531

    Kawża C-297/05

    Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej

    vs

    Ir-Renju ta’ l-Olanda

    “Identifikazzjoni u testijiet obbligatorji tal-kundizzjoni tajba għas-sewqan qabel ir-reġistrazzjoni ta’ vetturi fi Stat Membru — Artikoli 28 KE u 30 KE — Direttivi 96/96/KE u 1999/37/KE — Rikonoxximent taċ-ċertifikati ta’ reġistrazzjoni maħruġa u tat-testijiet dwar il-kundizzjoni tajba għas-sewqan imwettqa fi Stati Membri oħra”

    Sommarju tas-sentenza

    1.        Moviment liberu tal-merkanzija — Restrizzjonijiet kwantitattivi — Miżuri li għandhom effett ekwivalenti — Kunċett

    (Artikolu 28 KE; Direttiva tal-Kunsill 1999/37, Artikoli 2(b), u 4)

    2.        Moviment liberu tal-merkanzija — Restrizzjonijiet kwantitattivi — Miżuri li għandhom effett ekwivalenti

    (Artikoli 28 KE u 30 KE)

    1.        Ma tostakolax, b’mod dirett jew indirett, realment jew potenzjalment, il-kummerċ intrakomunitarju, leġiżlazzjoni nazzjonali li teżiġi, qabel ma tiġi rreġistrata vettura, li din tiġi identifikata, u skond liema, skond l-Artikoli 2(b) u 4 tad-Direttiva 1999/37, din l-identifikazzjoni hija mwettqa, f’każ ta’ importazzjoni ta’ vettura li preċedentement kienet ġiet irreġistrata fi Stat Membru ieħor, permezz ta’ ċertifikat ta’ reġistrazzjoni maħruġ minnu, u li tinkludi l-ħtieġa li l-vettura tiġi ppreżentata għal testing, li jippermetti li jiġi vverifikat jekk il-vettura hijiex effettivament preżenti fit-territorju ta’ l-Istat Membru ta’ importazzjoni u tikkorrispondix ma’ l-informazzjoni mniżżla fiċ-ċertifikat ta’ reġistrazzjoni maħruġ mill-Istat Membru l-ieħor. Fil-fatt, f’każ fejn din il-proċedura tikkonsisti f’sempliċi formalità amministrattiva li ma tintroduċi l-ebda testijiet supplementari, iżda hija parti mit-trattament stess ta’ l-applikazzjoni għal reġistrazzjoni kif ukoll riżultat tal-proċedura relatata magħha, il-metodi tat-testing ma jistgħux ikollhom effett dissważiv fuq l-importazzjoni ta’ vettura f’dan l-Istat Membru jew li jagħmlu importazzjoni bħal din inqas interessanti.

    (ara l-punti 53-55, 58, 63)

    2.        Jonqos milli jwettaq l-obbligi tiegħu skond l-Artikoli 28 KE u 30 KE, Stat Membru li jissottoponi, b’mod ġenerali u sistematiku, il-vetturi li għandhom aktar minn tliet snin li preċedentement kienu ġew irreġistrati fi Stati Membri oħra, għal testing ta’ l-istat fiżiku tagħhom qabel ir-reġistrazzjoni tagħhom f’dan l-Istat Membru, mingħajr rikonoxximent tar-riżultati ta’ eventwali testijiet dwar il-kundizzjoni tajba għas-sewqan diġà mwettqa fi Stati Membri oħra. Fil-fatt, tali testing, li jista’ jiddiswadi ċerti persuni interessati milli jimpurtaw fl-Istat Membru kkonċernat vetturi li għandhom aktar minn tliet snin li preċedentement kienu ġew irreġistrati fi Stati Membri oħra, ma jistax jiġi ġġustifikat għar-raġuni li jiggarantixxi s-sigurtà fit-toroq u l-protezzjoni ta’ l-ambjent, peress illi l-Istat Membru kkonċernat ma jurix b’mod konkret in-natura proporzjonata, fir-rigward ta’ l-għan imsegwi, tar-restrizzjoni għall-moviment liberu tal-merkanzija in kwistjoni.

    (ara l-punti 73-74, 77-78, 80 u d-dispożittiv)







    SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla)

    20 ta’ Settembru 2007 (*)

    “Identifikazzjoni u testijiet obbligatorji tal-kundizzjoni tajba għas-sewqan qabel ir-reġistrazzjoni ta’ vetturi fi Stat Membru – Artikoli 28 KE u 30 KE – Direttivi 96/96/KE u 1999/37/KE – Rikonoxximent taċ-ċertifikati ta’ reġistrazzjoni maħruġa u tat-testijiet dwar il-kundizzjoni tajba għas-sewqan imwettqa fi Stati Membri oħra”

    Fil-kawża C‑297/05,

    li għandha bħala suġġett rikors minħabba nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu skond l-Artikolu 226 KE, imressaq fit-22 ta’ Lulju 2005,

    Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, irrappreżentata minn M. van Beek u D. Zijlstra, bħala aġenti, b’indirizz għan-notifika fl-Lussemburgu,

    rikorrenti,

    vs

    Ir-Renju ta’ l-Olanda, irrappreżentat minn H. G. Sevenster u D. J. M. de Grave, bħala aġenti,

    konvenut,

    sostnut minn:

    Ir-Repubblika tal-Finlandja, irrappreżentata minn E. Bygglin, bħala aġent, b’indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,

    intervenjenti,

    IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla),

    komposta minn P. Jann, President ta’ Awla, R. Schintgen, A. Tizzano, M. Ilešič (Relatur) u E. Levits, Imħallfin,

    Avukat Ġenerali: E. Sharpston,

    Reġistratur: M. Ferreira, Amministratur Prinċipali,

    wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat-22 ta’ Marzu 2007,

    wara li rat id-deċiżjoni, wara li semgħet lill-Avukat Ġenerali, li tinqata’ l-kawża mingħajr konklużjonijiet,

    tagħti l-preżenti

    Sentenza

    1        Permezz tar-rikors tagħha, il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tistabbilixxi li, meta l-vetturi preċedentement irreġistrati fi Stat Membru ieħor ġew suġġetti għal testing sabiex jiġu identifikati kif ukoll għal test tal-kundizzjoni tajba għas-sewqan li jitratta l-istat fiżiku tagħhom qabel ir-reġistrazzjoni tagħhom fl-Olanda, ir-Renju ta’ l-Olanda naqas milli jwettaq l-obbligi tiegħu skond l-Artikoli 28 KE u 30 KE.

     Il-kuntest ġuridiku

     Il-leġiżlazzjoni Komunitarja

    2        It-tlieta u tletin premessa tad-Direttiva tal-Kunsill 96/96/KE ta’ l-20 ta’ Diċembru 1996 dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet ta’ l-Istati Membri li għandhom x’jaqsmu mat-testijiet dwar jekk il-vetturi u l-karrijiet tagħhom humiex tajba għat-triq (ĠU L 46, 1997, p. 1), tgħid:

    “[…] filwaqt li bil-għan ta’ l-impatt mistenni ta’ din id-Direttiva fuq is-settur konċernat u fid-dawl tal-prinċipju ta’ sussidjarjetà, il-miżuri Komunitarji previsti f’din id-Direttiva huma neċessarji biex tkun akkwistata l-armonizzazzjoni tar-regoli dwar testijiet tal-kundizzjoni tal-vetturi għas-sewqan, biex tkun ipprevenuta d-distorzjoni tal-kompetizzjoni bejn it-[trasportaturi] tat-triq u jkun garantit l-eżami kif suppost u l-manutenzjoni tal-vetturi; filwaqt li dawn il-miri ma jistgħux jinkisbu kompletament mill-Istati Membri li jaġixxu individwalment”.

    3        L-Artikolu 1(1) tad-Direttiva 96/96 jgħid:

    “F’kull Stat Membru, il-vetturi bil-mutur irreġistrati f’dak l-Istat u l-karrijiet u s-semikarrijiet tagħhom għandhom jgħaddu minn testijiet perjodiċi tal-kundizzjoni tajba għas-sewqan skond din id-Direttiva u b’mod partikolari l-Annessi I u II tagħha”.

    4        L-Artikolu 3(1) u (2) ta’ din id-direttiva jgħid:

    “1. L-Istati Membri għandhom jieħdu dawk il-miżuri li jqisu neċessarji biex ikun possibbli li jippruvaw li vettura għaddiet mit-test ta’ kundizzjoni tajba għas-sewqan li jikkonforma ma’ mill-inqas id-dispożizzjonijiet ta’ din id-Direttiva.

    Dawn il-miżuri għandhom jiġu kkomunikati lill-Istati Membri l-oħra u lill-Kummssjoni.

    2. Kull Stat Membru għandu, fuq l-istess bażi daqs li kieku hu stess ħareġ il-prova, jagħraf il-prova maħruġa fi Stat Membru ieħor li turi vettura bil-mutur irreġistrata fit-territorju ta’ dak l-Istat l-ieħor flimkien mal-karru jew is-semi karru tiegħu, li jkunu għaddew it-test ta’ kundizzjoni tajba għas-sewqan li jikkonforma ma’ mill-inqas id-dispożizzjonijiet ta’ din id-Direttiva”.

    5        L-Artikolu 5 ta’ l-imsemmija direttiva jgħid:

    “Minkejja d-dispożizzjonijiet ta’ l-Annessi I u II, l-Istati Membri jistgħu:

    –        iġibu ’l quddiem id-data għall-ewwel test ta’ bilfors dwar il-kundizzjoni tajba għas-sewqan u, meta approprjat, jissottomettu l-vettura għal testing qabel ir-reġistrazzjoni,

    –        iqassru l-intervall bejn żewġ testijiet suċċessivi ta’ bilfors,

    –        jagħmlu t-testing tat-tagħmir mhux obbligatorju ta’ bilfors,

    –        iżidu n-numru ta’ oġġetti li għandhom ikunu ttestjati,

    –        jestendu l-ħtieġa tat-test perjodiku għal kategoriji oħra ta’ vetturi,

    –        jippreskrivu testijiet speċjali addizzjonali,

    –        jeħtieġu għal vetturi rreġistrati fit-territorju tagħhom standards minimi ogħla għall-effiċjenza tal-brejkijiet minn dawk speċifikati fl-Anness II u jistgħu jinkludu test fuq vetturi b’tagħbijiet itqal sakemm dawn il-ħtiġiet ma jeċċedux dawk ta’ l-approvazzjoni tat-tip oriġinali tal-vettura”.

    6        L-Artikolu 11(1) tad-Direttiva 96/96 jgħid:

    “L-Istati Membri għandhom iġibu fis-seħħ il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi neċessarji biex jikkonformaw ma’ din id-Direttiva sa mhux iktar tard mid-9 ta’ Marzu 1998. Għandhom minnufih jinfurmaw lill-Kummissjoni bihom.

    [...]” 

    7        It-tielet, is-sitt u d-disa’ premessa tad-Direttiva tal-Kunsill 1999/37/KE tad-29 ta’ April 1999 dwar id-dokumenti ta’ reġistrazzjoni għall-vetturi (ĠU L 138, p. 57), jużaw is-segwenti kliem:

    “(3) […] l-armonizzazzjoni tal-forma u tal-kontenut taċ-ċertifikat ta’ reġistrazzjoni għandha tiffaċilita l-ftehim tiegħu u b’hekk tippromwovi l-moviment liberu, fuq it-toroq fit-territorju ta’ l-Istati Membri l-oħra, ta’ vetturi rreġistrati fi Stat Membru;

    […]

    (6) […] l-armonizzazzjoni taċ-ċertifikat ta’ reġistrazzjoni għandha tiffaċilita d-dħul fis-servizz mill-ġdid ta’ vetturi li preċedentement kienu ġew irreġistrati fi Stat Membru ieħor, u għandha tikkontribwixxi lejn il-ħidma tajba tas-suq intern;

    […]

    (9) […] sabiex jiġu ffaċilitati dawk il-kontrolli intenzjonati speċifikament biex jiġġieldu kontra l-qerq u l-kummerċ illeċitu f’vetturi misruqa, huwa xieraq li tiġi stabbilita kooperazzjoni mill-qrib bejn l-Istati Membri, ibbażata fuq skambju effettiv ta’ informazzjoni”. 

    8        L-Artikolu 2(b), tad-Direttiva 1999/37 jiddefinixxi r-reġistrazzjoni ta’ vettura bħala l-awtorizzazzjoni amministrattiva għad-dħul fis-servizz ta’ din il-vettura fit-traffiku tat-triq, li tinvolvi l-identifikazzjoni tal-vettura u l-ħruġ tan-numru ta’ reġistrazzjoni.

    9        L-Artikolu 4 ta’ din id-direttiva jgħid:

    “Għall-iskopijiet ta’ din id-Direttiva, iċ-ċertifikat ta’ reġistrazzjoni maħruġ minn Stat Membru għandu jiġi rikonoxxut mill-Istati Membri l-oħra, għall-identifikazzjoni tal-vettura fi traffiku internazzjonali jew għar-reġistrazzjoni mill-ġdid fi Stat Membru ieħor”.

    10      L-Artikolu 8(1) ta’ l-imsemmija direttiva jgħid:

    “L-Istati Membri għandhom idaħħlu fis-seħħ il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa biex jikkonformaw ma’ din id-Direttiva sa l-1 ta’ Ġunju 2004. Huma għandhom jinfurmaw lill-Kummissjoni dwar dan minnufih.

    [...]”

     Il-leġiżlazzjoni nazzjonali

    11      L-Artikoli 36(1) u (2) u 42 sa 61 tal-liġi fuq it-traffiku tat-triq (Wegenverkeerswet), tal-21 ta’ April 1994 (Stb. 1994, Nru 475, iktar ‘il quddiem il-“Wegenverkeerswet”), kif ukoll il-Kapitolu 4, Artikoli 17 sa 40a tal-leġiżlazzjoni dwar iċ-ċertifikati ta’ reġistrazzjoni (Kentekenreglement), tas-6 ta’ Ottubru 1994 (Stb. 1994, Nru 760, iktar ‘il quddiem il-“Kentekenreglement”), li jirregola l-proċedura ta’ reġistrazzjoni tal-vetturi u l-għoti taċ-ċertifikati ta’ reġistrazzjoni.

    12      L-Artikoli 42 sa 46 tal-Wegenverkeerswet jirregolaw ir-reġistrazzjoni tan-numri ta’ reġistrazzjoni. L-imsemmi Artikolu 42(2) u (3) jipprovdi:

    “2. Fil-kuntest [tar-reġistru dwar il-komunikazzjoni tan-numri ta’ reġistrazzjoni], ir-Rijksdienst voor Wegverkeer [servizz tat-traffiku tat-triq, iktar ‘il quddiem ir-’RDW’] jitratta l-informazzjoni dwar il-vetturi bil-mutur u l-karrijiet li għalihom numru ta’ reġistrazzjoni huwa kkomunikat, l-isem tal-proprjetarju ta’ dan in-numru ta’ reġistrazzjoni kif ukoll l-informazzjoni dwar vetturi oħra bil-mutur u l-karrijiet.

    3. Il-ġbir ta’ l-informazzjoni msemmija fit-tieni subparagrafu huwa mwettaq għar-raġunijiet segwenti:

    a) għal eżekuzzjoni tajba ta’ din il-liġi u għaż-żamma tar-regoli stabiliti permezz jew skond din il-liġi, jew

    b) għal eżekuzzjoni tajba tal-liġijiet dwar it-taxxa fuq il-vetturi bil-mutur (Wet op de motorrijtuigenbelasting) ta’ l-1994, għat-taxxa fuq il-vetturi individwali u l-muturi (Wet op de belasting van personenauto’s en motorrijwielen) ta’ l-1992, għall-assigurazzjoni tar-responsabbiltà tal-vetturi bil-mutur (Wet aansprakelijkheidsverzekering motorrijtuigen), għal mobbilità u l-aċċessibbiltà (Wet bereikbaarheid en mobiliteit) kif ukoll ta’ leġiżlazzjonijiet oħra dwar il-vetturi bil-mutur u għall-karrijiet u għaż-żamma tar-regoli stabbiliti permezz jew skond dawn id-dispożizzjonijiet”.

    13      Iċ-ċertifikat ta’ reġistrazzjoni, irregolat mill-Kapitolu 4, Artikoli 17 sa 40a, tal-Kentekenreglement, huwa kompost mill-partijiet I u II, fejn l-ewwel parti fiha l-informazzjoni teknika tal-vettura (parti IA) kif ukoll informazzjoni dwar l-identità tal-proprjetarju jew tal-possessur tal-vettura (parti IB), u t-tieni tinkludi informazzjoni neċessarja f’każ ta’ tibdil tal-proprjetarju.

    14      Dwar l-ewwel għoti ta’ ċertifikat ta’ reġistrazzjoni f’żewġ partijiet, l-Artikolu 25(1) tal-Kentekenreglement jipprovdi:

    “Il-proprjetarju jew il-possessur ta’ vettura li għaliha huwa jitlob l-ewwel ħruġ ta’ ċertifikat ta’ reġistrazzjoni f’żewġ partijiet għandu jqiegħed il-vettura għad-dispożizzjoni tar-RDW għall-finijiet ta’ spezzjoni, u jitlob lil dan is-servizz il-ksib ta’ ċertifikat ta’ reġistrazzjoni billi jippreżenta prova ta’ leġittimazzjoni kif stabbilita permezz ta’ digriet ministerjali”.

    15      L-Artikolu 25b tal-Kentekenreglement jipprovdi li, għar-reġistrazzjoni fl-Olanda, għandu jiġi ppreżentat iċ-ċertifikat ta’ reġistrazzjoni miksub qabel fi Stat Membru ieħor. Il-paragrafi 2 u 3 ta’ dan l-Artikolu jipprovdu:

    “2. L-għoti [ta’ ċertifikat ta’ reġistrazzjoni fl-Olanda] huwa rrifjutat jekk il-parti II taċ-ċertifikat ta’ reġistrazzjoni, sakemm din tkun ingħatat, hija nieqsa.

    3. Fil-każijiet eċċezzjonali u b’deroga għall-paragrafu 2, ir-RDW jista’ jagħti ċertifikat ta’ reġistrazzjoni bil-kundizzjoni li l-awtoritajiet kompetenti ta’ l-Istat Membru li fih il-vettura tkun preċedentement irreġistrata jkunu kkonfermaw bil-miktub jew b’mezz elettroniku li l-applikant għandu d-dritt li jirreġistra l-vettura fi Stat Membru ieħor”.

    16      Skond l-Artikoli 26 sa 30 tal-Kentekenreglement, f’każ ta’ bejgħ bejn individwi fl-Olanda, l-informazzjoni teknika dwar il-vettura li jidhru fil-parti IA taċ-ċertifikat ta’ reġistrazzjoni li diġà ssemmew fir-reġistru ta’ reġistrazzjoni, mhux neċessarju li wieħed jipproċedi bit-testing ta’ l-identifikazzjoni tal-vettura u l-RDW jagħti lill-proprjetarju ġdid ċertifikat ta’ reġistrazzjoni jinkludi biss il-parti IB.

    17      Il-leġiżlazzjoni Olandiża tipprovdi erba’ proċeduri differenti għar-reġistrazzjoni tal-vetturi.

    18      Skond il-proċedura 1, il-vetturi ġodda li għadhom ma ntużawx u li kienu ġew suġġetti għal approvazzjoni ta’ tip Olandiża jew Komunitarja jiksbu ċertifikat ta’ reġistrazzjoni, in ġeneral minn impriża awtorizzata mill-RDW. Impriża hekk awtorizzata tista’ titlob direttament lir-RDW, mingħajr testing tal-kundizzjoni tajba għas-sewqan speċifika dwar l-istat fiżiku tal-vettura, l-għoti ta’ ċertifikat ta’ reġistrazzjoni, l-identifikazzjoni u l-verifika ta’ korrispondenza maċ-ċertifikat ta’ konformità ta’ din il-vettura b’hekk imwettaq minn impriża awtorizzata. M’hemmx testing tal-kundizzjoni tajba għas-sewqan fil-każ ta’ l-istat fiżiku tal-vettura. L-ispejjeż imposti lill-klijent huma limitati għall-ispejjeż tal-partijiet I u II taċ-ċertifikat ta’ reġistrazzjoni, jiġifieri total ta’ EUR 47,20.

    19      Il-proċedura 2 tapplika għall-vetturi li għandhom inqas minn tliet snin li kienu s-suġġett ta’ approvazzjoni ta’ tip Komunitarju. Qabel ir-reġistrazzjoni tagħhom, dawn il-vettur għandhom ikunu s-suġġett ta’ testing minn servizz awtorizzat mir-RDW. F’dan it-testing, l-identifikazzjoni tal-vetturi ssir permezz taċ-ċertifikat ta’ reġistrazzjoni mogħti fi Stat Membru ieħor u taċ-ċertifikat ta’ konformità sabiex jiġi mrażżan kull frodi fil-qasam taċ-ċertifikati ta’ reġistrazzjoni. Id-dokumenti ppreżentati huma kkontrollati sabiex jiġu stabbiliti differenzi eventwali. Testing għal kundizzjoni tajba għas-sewqan rigward l-istat fiżiku tal-vetturi huwa mwettaq biss jekk dawn jippreżentaw difetti viżibbli għall-għajn li jirriskjaw li jammontaw għal periklu għall-utenti tat-triq jew għall-ambjent. Dan it-testing idum madwar ħamsa u għoxrin minuta u t-tariffa hija ta’ EUR 45 minbarra EUR 47,20 dovuti għaċ-ċertifikat ta’ reġistrazzjoni.

    20      Il-proċedura 3 tikkonċerna l-vetturi li għandhom aktar minn tliet snin li kienu suġġetti għal approvazzjoni ta’ tip Komunitarju, għal vetturi rreġistrati preċedentement fi Stat Membru ieħor u li fih kienu suġġetti għal approvazzjoni skond it-tip jew individwalment fuq livell nazzjonali kif ukoll il-vetturi rreġistrati preċedentement fl-Olanda li kienu suġġetti għal approvazzjoni skond it-tip Olandiża.

    21      F’każ ta’ importazzjoni, il-proċedura ta’ identifikazzjoni ta’ l-imsemmija vetturi hija akkompanjata minn spezzjoni ta’ l-istat fiżiku tagħhom li titratta l-osservanza tal-ħtiġijiet permanenti tagħhom u mwettqa permezz ta’ servizz approvat mir-RDW. Għandhom jiġu pprovduti ċ-ċertifikat ta’ reġistrazzjoni maħruġ fi Stat Membru ieħor u ċ-ċertifikat ta’ konformità li jinkludi l-informazzjoni teknika neċessarja kif ukoll, għall-vetturi li ma kinux ġew suġġetti għal approvazzjoni ta’ tip Komunitarju, dokument ta’ approvazzjoni jew dokument simili, li jindika s-saħħa, il-masses (massimi) u l-massa għal kull fus tar-rota. L-imsemmi testing ta’ l-istat fiżiku tal-vettura idum madwar ħamsin minuta u t-tariffa hija ta’ EUR 78, li magħha għandu jiġi miżjud EUR 47,20 dovuti għall-ksib taċ-ċertifikat ta’ reġistrazzjoni.

    22      Matul it-testing, isir l-identifikazzjoni tal-vettura u l-eżami tad-dokumenti ppreżentati. Differenzi eventwali bejn il-ħtiġijiet tekniċi fis-seħħ fl-Istat Membru ta’ provenjenza tal-vettura kkonċernata u dawk applikabbli fl-Olanda ma jostakolawx ir-reġistrazzjoni tal-vettura meta d-dokumenti ppreżentati jippermettu li jiġi stabbilit li din tinsab fl-istat li fih ġiet ammessa f’dan l-Istat Membru u li dawn id-differenzi ma jippreżentaw ebda riskju serju għas-siġurtà.

    23      Min-naħa l-oħra, kull vettura li għandha aktar minn tliet snin, irreġistrata fl-Olanda, hija soġġetta għal testing tal-kundizzjoni tajba għas-sewqan perjodiku (“algemene periodieke keuring”). Meta l-vettura li taqa’ taħt il-proċedura 3 hija suġġetta għal obbligu ta’ testing tal-kundizzjoni tajba, il-persuna li titlob l-għoti ta’ ċertifikat ta’ reġistrazzjoni tirċievi attestazzjoni li tippermettila tuża’ l-vettura għal sena.

    24      Skond l-Artikolu 25(7) tal-Kentekenreglement, il-proċeduri sunti iktar ‘il quddiem japplikaw mutatis mutandis għal applikazzjoni ġdida ta’ reġistrazzjoni li tirrigwarda vettura rreġistrata preċedentement fl-Olanda u li, sussegwentement, inħarġet miċ-ċirkulazzjoni, li tkun ħarġet mit-territorju ta’ l-Olanda, fejn ġiet destinata għal użu mhux fi triq pubblika jew fejn tinħarġilha reġistrazzjoni speċjali.

    25      Il-proċedura 4 tapplika għall-vetturi rreġistrati preċedentement fi Stat li ma jiffurmax parti mill-Unjoni Ewropea u għall-vetturi li għadhom ma ġewx irreġistrati li ma kinux ġew suġġetti għal approvazzjoni skond it-tip jew individwalment. Il-proċedura ta’ identifikazzjoni ta’ dawn il-vetturi tinkludi spezzjoni ta’ l-istat fiżiku tagħhom, fejn din l-ispezzjoni hija ġeneralment imwettqa għand l-applikant wara verifika amministrattiva tat-talba individwali minn servizz speċjali tar-RDW. L-informazzjoni teknika għandha tiġi kkomunikata għall-finijiet tar-reġistrazzjoni.

    26      Il-prassi li jikkonċernaw il-proċeduri 2 u 3 deskritti iktar’il fuq, segwiti mir-RDW, huma bbażati fuq il-Kentekenreglement.

    27      Fil-11 ta’ Novembru 2005, il-Ministru tat-Trasport indirizza ċirkolari lir-RDW fejn talab li, sa mill-1 ta’ Diċembru 2005, il-vetturi rreġistrati preċedentement fi Stat Membru ieħor ma jiġux sottoposti aktar għal testing tal-kundizzjoni tajba previst fl-Artikolu 25(1) tal-Kentekenreglement.

     Il-proċedura prekontenzjuża

    28      Peress li l-leġiżlazzjoni Olandiża dwar il-proċedura ta’ reġistrazzjoni tal-vetturi ma kinitx konformi mad-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikoli 28 KE u 30 KE, il-Kummissjoni bdiet il-proċedura għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu fejn bagħtet ittra ta’ intimazzjoni lir-Renju ta’ l-Olanda sabiex jippreżenta l-osservazzjonijiet tiegħu.

    29      Il-Gvern Olandiż irrisponda għal din l-ittra ta’ intimazzjoni permezz ta’ ittra ta’ l-10 ta’ Lulju 2003. Fit-tieni ittra tad-29 ta’ Jannar 2004, huwa sussegwentement ippreċiża l-osservazzjonijiet tiegħu.

    30      Fid-9 ta’ Lulju 2004, il-Kummissjoni indirizzat opinjoni motivata fejn stiednet lir-Renju ta’ l-Olanda sabiex jieħu l-miżuri neċessarji sabiex jikkonforma magħha fi żmien xahrejn minn meta jirċeviha.

    31      Wara li talab estensjoni ta’ xahar mit-terminu impost sabiex iwieġeb għal din l-opinjoni motivata, ir-Renju ta’ l-Olanda wiegħġeb fit-2 ta’ Novembru 2004.

    32      Permezz ta’ rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja fit-22 ta’ Lulju 2005, il-Kummissjoni ressqet ir-rikors preżenti skond l-Artikolu 226 KE.

    33      Permezz ta’ digriet ta’ l-20 ta’ Frar 2000, il-President tal-Qorti tal-Ġustizzja laqa’ t-talba tar-Repubblika tal-Finlandja sabiex tintervjeni biex issostni t-talbiet tar-Renju ta’ l-Olanda.

     Fuq l-ammissibbiltà tar-rikors

     L-argumenti tal-partijiet

    34      Il-Gvern Olandiż isostni li l-Kummissjoni naqset milli twettaq l-obbligu tagħha li tispeċifika s-suġġett tar-rikors f’termini suffiċjentement preċiżi u konsistenti kemm fil-fażi prekontenzjuża kif ukoll fir-rikors, b’mod partikolari għaliex hija ma spjegatx id-differenza bejn il-“testing ta’ l-istat fiżiku tal-vetturi” u t-“testing għall-finijiet ta’ identifikazzjoni tal-vetturi” fl-opinjoni motivata.

    35      Fir-rikors tagħha, il-Kummissjoni kienet estendiet is-suġġett tal-kawża b’mod illeċitu fir-rigward ta’ l-opinjoni motivata peress li l-ilment tagħha magħmul kontra t-“testing tal-kundizzjoni tajba għas-sewqan tal-vettura supplementari” kien irrigwarda wkoll il-proċedura ta’ identifikazzjoni tal-vetturi. Konsegwentement, ir-rikors tal-Kummissjoni għandu jkun miċħud fejn huwa jittratta wkoll l-imsemmija proċedura ta’ identifikazzjoni.

    36      Il-Kummissjoni tesponi li hija tikkritika l-proċeduri 2 u 3 deskritti iktar’il fuq. It-testing tal-vetturi impost minn dawn il-proċeduri għandu jiġi kklassifikat f’żewġ kategoriji, jiġifieri dak intiż biss sabiex jidentifika l-vetturi, imwettaq fil-kuntest tal-proċeduri 2 u 3, u dak li jirrigwarda l-istat fiżiku tal-vetturi, jiġifieri t-testing tal-kundizzjoni tajba għas-sewqan tal-vettura fis-sens strett, imwettaq fil-kuntest tal-proċedura 3.

    37      Il-Kummissjoni tafferma li kienet ippreċiżat, fil-punti 5(2), 5(3) u 13 ta’ l-opinjoni motivata, li l-kritika tagħha kienet titratta ż-żewġ tipi ta’ testing. Barra minn hekk, jirriżulta mir-risposta tal-Gvern Olandiż għall-opinjoni motivata, li huwa kien fehem li l-ilmenti tal-Kummissjoni kienu jkopru ż-żewġ tipi ta’ testing in kwistjoni.

     Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

    38      Għandu jiġi stabbilit li l-punt 13 ta’ l-opinjoni motivata jikkonċerna ż-żewġ tipi ta’ testing li jaqgħtu taħt il-proċeduri 2 u 3, hekk kif deskritti iktar’il fuq.

    39      Barra minn hekk, jirriżulta mir-risposta tal-Gvern Olandiż għall-opinjoni motivata tat-2 ta’ Novembru 2004, li dan ikkumenta separatament dwar l-imsemmija proċeduri 2 u 3 meta esprima ruħu fuq l-identifikazzjoni tal-vetturi rreġistrati preċedentement fi Stat Membru ieħor prevista miż-żewġ proċeduri, minn naħa, u fuq it-testing ta’ l-istat fiżiku ta’ l-imsemmija vetturi previst mill-proċedura 3, min-naħa l-oħra.

    40      Isegwi li l-Gvern Olandiż kien fil-pożizzjoni li jidentifika l-ilmenti imqajma mill-Kummissjoni fl-opinjoni motivata tagħha, magħmula kontra ż-żewġ tipi ta’ testijiet previsti mill-proċeduri 2 u 3, u li l-imsemmi Gvern mhuwiex fondat sabiex isostni li l-Kummissjoni kienet estendiet irregolarment is-suġġett tal-kawża fir-rikors tagħha.

    41      Fid-dawl ta’ dak li ntqal iktar’il fuq, hemm lok li l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà ssollevata mill-Gvern Olandiż tiġi miċħuda.

     Fuq il-mertu

     L-argumenti tal-partijiet

    42      Skond il-Kummissjoni, ir-reġistrazzjoni fl-Olanda tal-vetturi rreġistrati preċedentement fi Stat Membru ieħor minn naħa, u, minn naħa l-oħra, l-għoti ta’ ċertifikati ta’ reġistrazzjoni f’każ ta’ tibdil tal-proprjetarju tal-vetturi preċedentement kienu ġew irreġistrati fl-Olanda, min-naħa l-oħra, jammontaw għal żewġ sitwazzjonijiet komparabbli.

    43      Dawn is-sitwazzjonijiet komparabbli huma s-suġġett ta’ trattamenti differenti, li jwassal għal ostakolu għall-kummerċ intrakomunitarju. Fil-fatt, l-obbligu ta’ testing qabel ir-reġistrazzjoni tal-vetturi preċedentement kienu ġew irreġistrati fi Stat Membru ieħor, b’kunsiderazzjoni tan-natura obbligatorju, sistematiku u għali tiegħu, jagħmel aktar diffiċli l-importazzjoni ta’ l-imsemmija vetturi u b’hekk jammonta għal miżura b’effett ekwivalenti għal restrizzjonijiet kwantitattivi għall-importazzjoni skond l-Artikolu 28 KE. F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni tikkunsidra li t-testing in kwistjoni jista’ jiġi kklassifikat f’żewġ kategoriji, jiġifieri t-testing minħabba l-identifikazzjoni tal-vetturi u t-testing minħabba l-ispezzjoni ta’ l-istat fiżiku tagħhom.

    44      Il-Kummissjoni tikkunsidra li l-miżuri kkontestati għandhom jiġu kklassifikati bħala miżuri b’effett ekwivalenti, ipprojbiti mill-Artikolu 28 KE, minħabba li jagħmlu inqas interessanti l-importazzjoni ta’ vetturi li preċedentement kienu ġew irreġistrati fi Stat Membru ieħor u b’hekk jammontaw għal ostakolu għall-moviment liberu tal-merkanzija. Minbarra dan, dawn ma jiġġustifikawx lilhom infushom minħabba għan imsemmi fl-Artikolu 30 KE jew minħabba ħtieġa imperattiva kif rikonoxxuta fil-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja.

    45      B’mod partikolari, skond il-Kummissjoni, it-testing minħabba l-identifikazzjoni tal-vetturi previst mill-proċeduri 2 u 3 mhuwiex iġġustifikat minħabba l-ħtieġa li jiġi kkontrollat jekk in-numru ta’ identifikazzjoni tal-vetturi importati u li preċedentement kienu ġew irreġistrati fi Stat Membru ieħor ġiex mibdul, għaliex dan in-numru jista’ wkoll jiġi mibdul fit-trasferiment ta’ proprjetà ġewwa t-territorju ta’ l-Olanda. Minbarra dan, peress li, skond id-Direttiva 1999/37, il-kontenut tad-dokumenti ta’ reġistrazzjoni huwa armonizzat fuq livell Komunitarju, l-ispezzjoni pprattikata fl-Olanda hija superflwua u tkun repetizzjoni tat-testing li jkunu diġà twettqu fl-Istati Membri oħra. Hija tosserva wkoll li jridu jgħaddu bosta ġimgħat qabel ma l-imsemmija spezzjoni sseħħ.

    46      Għal dak li jirrigwarda t-testing tal-kundizzjoni tajba għas-sewqan ta’ l-istat fiżiku tal-vetturi, jirriżulta mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li l-vetturi preċedentement kienu ġew irreġistrati fi Stat Membru fejn kienu suġġetti għal testing tal-kundizzjoni tajba għas-sewqan jistgħu, f’ċerti ċirkustanzi, jiġu suġġetti mill-awtoritajiet ta’ Stat Membru għal testing supplementari matul ir-reġistrazzjoni tagħhom f’dan l-Istat, bil-kundizzjoni madankollu li testing simili jkun meħtieġ għall-vetturi ta’ oriġini nazzjonali ppreżentati għar-reġistrazzjoni fl-istess ċirkustanzi. Madankollu, fil-każ partikolari, il-vetturi diġà rreġistrati fl-Olanda u li huma suġġetti għal trasferiment ta’ proprjetà ma jkunux suġġetti għal testing bħal dan, kuntrarjament għall-vetturi diġà rreġistrati fi Stat Membru ieħor u ppreżentati għal reġistrazzjoni fl-Olanda.

    47      Il-Gvern Olandiż u l-Gvern Finlandiż jikkunsidraw li t-tibdil ta’ proprjetarju ta’ vettura diġà rreġistrata fl-Olanda, minn naħa, u l-importazzjoni ta’ vettura provenjenti minn Stat Membru ieħor, minn naħa l-oħra, ma jistgħux jiġu mqabbla. Ir-reġistrazzjoni ta’ vettura u r-reġistrazzjoni tat-tibdil tal-proprjetarju għandhom żewġ għanijiet distinti, ir-reġistrazzjoni tikkonsisti f’li l-vettura tiġi mniżżla fir-reġistru nazzjonali Olandiż, filwaqt li it-tibdil tal-proprjetarju jorbot biss persuna oħra ma’ vettura diġà rreġistrata. Konsegwentement, dawn iż-żewġ sitwazzjonijiet mhumiex komparabbli.

    48      Min-naħa l-oħra, ir-reġistrazzjoni fl-Olanda ta’ vetturi preċedentement irreġistrati fi Stat Membru ieħor hija komparabbli mal-proċedura ta’ reġistrazzjoni tal-vetturi preċedentement irreġistrati fl-Olanda, li imbagħad ġew imħassra mir-reġistru u li għalihom ġiet ippreżentata applikazzjoni ġdida għar-reġistrazzjoni fl-Olanda. F’dan il-każ, skond l-Artikolu 25(7) tal-Kentekenreglement, il-proċedura hija l-istess bħal dik prevista fil-każ ta’ l-importazzjoni ta’ vetturi.

    49      Fir-rigward tat-testing ta’ l-identifikazzjoni tal-vetturi, il-Gvern Olandiż u u l-Gvern Finlandiż isostnu li dan it-testing huwa neċessarju sabiex tiġi ggarantita s-sigurtà fit-toroq, il-ġlieda kontra l-prassi frodulenti, il-protezzjoni ta’ l-ambjent u tal-konsumaturi kif ukoll l-ordni pubblika.

    50      F’dan ir-rigward, id-Direttiva 1999/37 tipprovdi biss armonizzazzjoni minima, li tippermetti lill-Istati Membri li jimponu testing supplementari matul ir-reġistrazzjoni.

    51      Għal dak li jikkonċerna t-testing tal-kundizzjoni tajba għas-sewqan supplementari kif previst mill-proċedura 3, il-Gvern Olandiż isostni li dan jiggarantixxi li l-vetturi biss li jissodisfaw il-ħtiġijiet Olandiżi fil-qasam tas-sigurtà fit-toroq u ta’ l-ambjent jitqiegħdu fiċ-ċirkulazzjoni fl-Olanda.

    52      Il-Gvern Finlandiż jikkunsidra wkoll li l-miżuri inkriminanti huma konformi mal-prinċipju ta’ proporzjonalità, għaliex l-għanijiet tar-reġistrazzjoni, li fir-rigward tagħhom it-testing tal-kundizzjoni tajba għas-sewqan tal-vettura huwa indispensabbli, ma jistgħux jintlaħqu b’mezzi anqas restrittivi.

     Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

     Fuq it-testing ta’ identifikazzjoni tal-vetturi

    53      Skond il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-projbizzjoni tal-miżuri li għandhom effett ekwivalenti għar-restrizzjonijiet imniżżla fl-Artikolu 28 KE tkopri l-leġiżlazzjoni kollha ta’ l-Istati Membri li tista’ tostakola, b’mod dirett jew indirett, realment jew potenzjalment, il-kummerċ intrakomunitarju (sentenzi tas-16 ta’ Novembru 2000, Il-Kummissjoni vs Il-Belġju, C-217/99, Ġabra p. I-10251, punt 16; tas-26 ta’ Ottubru 2006, Il-Kummissjoni vs Il-Greċja, C-65/05, Ġabra p. I-10341, punt 27, u tal-15 ta’ Marzu 2007, Il-Kummissjoni vs Il-Finlandja, C-54/05, għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punt 30). B’hekk, il-fatt biss li jiġi dissważ milli jintroduċi jew li jikkommerċjalizza l-prodotti in kwistjoni fl-Istat Membru kkonċernat, għall-importatur jikkostitwixxi ostakolu għall-moviment liberu tal-merkanzija (sentenza Il-Kummissjoni vs Il-Belġju, iċċitata iktar’il fuq, punt 18, u tas-7 ta’ Ġunju 2007, Il-Kummissjoni vs Il-Belġju, C-254/05, għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punt 30).

    54      Fil-każ preżenti, jirriżulta mill-proċess li r-Renju ta’ l-Olanda jeżiġi, qabel ma jirreġistra vettura, li din tiġi identifikata. Skond l-Artikoli 2(b) u 4 tad-Direttiva 1999/37, din l-identifikazzjoni hija mwettqa, f’każ ta’ importazzjoni ta’ vettura li preċedentement kienet ġiet irreġistrata fi Stat Membru ieħor, permezz ta’ ċertifikat ta’ reġistrazzjoni maħruġ minnu.

    55      Madankollu l-Kummissjoni tikkritika lir-Renju ta’ l-Olanda li ostakola l-moviment liberu tal-merkanzija, għar-raġuni li l-proċedura ta’ identifikazzjoni mhijiex limitata għal formalità purament amministrattiva, iżda tinkludi l-ħtieġa li tippreżenta l-vettura lir-RDW, li b’hekk tippermetti lill-kontrollur li jivverifika jekk il-vettura hijiex effettivament preżenti fit-territorju Olandiż u tikkorrispondix ma’ l-informazzjoni mniżżla fiċ-ċertifikat ta’ reġistrazzjoni maħruġ mill-Istat Membru l-ieħor. Skond il-Kummissjoni, dan it-testing, li jdum madwar ħamsa u għoxrin minuta u kien jiswa, matul il-proċedura prekontenzjuża EUR 45, kien jagħmel inqas interessanti l-importazzjoni tal-vetturi fl-Olanda.

    56      Dan l-argument tal-Kummissjoni ma jistax jiġi milqugħ.

    57      Fil-fatt, għandu jiġi rrilevat li, permezz tal-proċedura in kwistjoni hekk kif jirriżulta mir-rikors tal-Kummissjoni stess, l-awtoritajiet kompetenti Olandiżi jillimitaw ruħhom sabiex jipproċedu għall-identifikazzjoni tal-vettura għall-finijiet tar-reġistrazzjoni.

    58      Konsegwentement, din hija sempliċi formalità amministrattiva li ma tintroduċi l-ebda testing supplementari, iżda hija parti mit-trattament stess ta’ l-applikazzjoni għal reġistrazzjoni kif ukoll riżultat tal-proċedura relatata magħha.

    59      Barra minn hekk, in-natura mhux diswassiva ta’ din il-proċedura hija kkonfermata mill-metodi tat-testing hekk kif applikati fl-Olanda.

    60      Għal dak li jirrigwarda, l-ewwel nett, iċ-ċaqliq li huwa neċessarju minħabba l-obbligu li l-vettura tiġi ppreżentata lir-RDW, jirriżulta mill-proċess li dan is-servizz jiddisponi minn netwerk strett ta’ stazzjonijiet imqassma mat-territorju Olandiż kollu li fihom it-testing ta’ identifikazzjoni jista’ b’hekk jiġi mwettaq faċilment.

    61      Sussegwentement, fir-rigward ta’ l-ispiża ta’ EUR 45, għandu jingħad, fir-rigward ta’ l-ispejjeż kollha li kull reġistrazzjoni tinvolvi inevitabbilment, li dan l-ammont ma jaffettwax influwenza fuq l-għażla tal-proprjetarju ta’ vettura sabiex jipproċedi jew le għal reġistrazzjoni fl-Olanda.

    62      Fl-aħħar nett, fir-rigward tal-fatt, invokat mill-Kummissjoni, li jista’ jkun hemm perijodu ta’ stennija ta’ xi ġimgħat qabel ma l-vettura tkun tista’ tiġi ppreżentata għar-reġistrazzjoni tagħha, huwa suffiċjenti li jingħad li l-importatur tal-vettura jista’ faċilment jevita jew għal inqas inaqqas din l-istennija billi jiffissa fi żmien xieraq appuntament f’wieħed mill-istazzjonijiet RDW ta’ l-għażla tiegħu.

    63      Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet imsemmija iktar ‘il fuq, it-testing ta’ identifikazzjoni tal-vetturi eżaminati imsemmi iktar ‘il fuq ma jistax ikollu effett dissważiv fuq l-importazzjoni ta’ vettura f’dan l-Istat Membru jew li jagħmel importazzjoni bħal din inqas interessanti. B’hekk, l-ilment imqajjem mill-Kummissjoni li jikkonċerna dan it-testing għandu jiġi miċħud.

     Fuq it-testing tal-kundizzjoni tajba għas-sewqan ta’ l-istat fiżiku tal-vetturi

    64       Preliminarjament, għandu jiġi mfakkar li, skond ġurisprudenza kostanti, l-eżistenza ta’ nuqqas ta’ Stat li jwettaq obbligu trid tiġi evalwata fuq il-bażi tas-sitwazzjoni ta’ l-Istat Membru hekk kif tippreżenta ruħha fit-tmiem tat-terminu stabbilit fl-Opinjoni Motivata (ara b’mod partikolari, is-sentenzi tas-16 ta’ Jannar 2003, Il-Kummissjoni vs Ir-Renju Unit, C‑63/02, Ġabra p. I‑821, punt 11, u ta’ l-14 ta’ Lulju 2005, Il-Kummissjoni vs Spanja, C‑135/03, Ġabra p. I‑6909, punt 31). It-tibdil li sar sussegwentement ma jistax jittieħed in kunsiderazzjoni mill-Qorti tal-Ġustizzja (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tat-18 ta’ Novembru 2004, Il-Kummissjoni vs L-Irlanda, C‑482/03, għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punt 11).

    65      Peress li l-opinjoni motivata tal-Kummissjoni kienet tad-9 ta’ Lulju 2004 u t-terminu impost fuq ir-Renju ta’ l-Olanda kien ġie ffissat għal xahrejn u ddifferit b’xahar, huwa b’hekk fid-data tad-9 ta’ Ottubru 2004 li wieħed għandu jirreferi sabiex tiġi evalwata l-eżistenza jew le tan-nuqqas akkużat. Konsegwentment, iċ-ċirkulari tal-Ministru tat-Trasport, adottata wara din id-data, mhijiex rilevanti f’dan il-każ partikolari.

    66      Qabel ma tiġi eżaminata l-kompatibbiltà tat-testing ta’ l-istat fiżiku tal-vetturi fl-okkażjoni tar-reġistrazzjoni tagħhom ma’ l-Artikoli 28 KE u 30 KE, għandu jiġi vverifikat, fl-ewwel lok, jekk, billi pprovda testing bħal dan, ir-Renju ta’ l-Olanda kull ma għamel huwa li kkonforma ma’ l-obbligi li jirriżultaw mid-Direttiva 96/96.

    67      Għal dak li jikkonċerna t-testing tal-kundizzjoni tajba għas-sewqan ta’ l-istat fiżiku tal-vetturi, l-għanijiet tad-Direttiva 96/96, imsemmija fit-tlieta u tletin premessa tagħha huma li jaslu għal armonizzazzjoni tal-leġiżlazzjoni fil-qasam tat-testing tal-kundizzjoni tajba għas-sewqan, li jempedixxu kull distorsjoni tal-kompetizzjoni bejn it-trasporturi kif ukoll li jiggarantixxu li l-vetturi huma ttestjati b’mod korrett.

    68      L-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 96/96 jħalli marġni ta’ diskrezzjoni lill-Istati Membri, għalkemm l-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu madankollu jeżiġi li dawn jirrikonxxu ċ-ċertifikat maħruġ fi Stat Membru ieħor li jistabbilixxi li l-vettura għaddiet b’suċċess testing tal-kundizzjoni tajba għas-sewqan li jirrispetta għall-inqas id-dispożizzjonijiet ta’ din id-Direttiva. Madankollu, l-Artikolu 5 tad-Direttiva 96/96 jistabbilixxi t-testijiet jew il-kundizzjonijiet supplementari li Stat Membru għandu l-libertà li jeżiġi fir-rigward ta’ dawk esposti fl-Annessi I u II ta’ l-istess Direttiva, sakemm dawn it-testijiet mhumiex diġà koperti mill-imsemmi ċertifikat (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-21 ta’ Marzu 2002, Cura Anlagen, C-451/99, Ġabra p. I-3193, punt 62).

    69      F’dan il-każ partikolari, skond il-proċedura 3, applikabbli għall-vetturi li għandhom aktar minn tliet snin li kienu suġġetti għal approvazzjoni ta’ tip Komunitarja, għall-vetturi rreġistrati preċedentement fi Stat Membru u li kienu suġġetti għal approvazzjoni skond it-tip jew individwalment fuq bażi nazzjonali kif ukoll għall-vetturi rreġistrati preċedentement fl-Olanda li kienu suġġetti għal approvazzjoni skond it-tip Olandiża, ir-reġistrazzjoni ta’ dawn hija ppreċeduta minn spezzjoni ta’ l-istat fiżiku tagħhom, b’kunsiderazzjoni taċ-ċertifikat ta’ reġistrazzjoni u ċ-ċertifikat ta’ konformità maħruġ fi Stati Membri oħra. Min-naħa l-oħra, għall-vetturi ta’ inqas minn tliet snin preċedentement irreġistrati fi Stati Membri oħra, testing ta’ l-istat fiżiku mhux meħtieġ qabel ir-reġistrazzjoni tagħhom.

    70      L-imsemmija proċedura 3 ma tistax tiġi vvalidata fuq il-bażi tad-Direttiva 96/96, peress li, kuntrarjament għal dak imsemmi fl-Artikolu 3(2) ta’ din id-Direttiva, hija ma tintegrax il-prinċipju tar-rikonoxximent tad-dokumenti maħruġa mill-Istati Membri l-oħra li jiċċertifikaw li testing tal-kundizzjoni tajba għas-sewqan sseħħ b’suċċesss.

    71      B’hekk, għandu jiġi vverifikat, fit-tieni lok, jekk l-obbligu li l-vetturi ta’ għandhom aktar minn tliet snin irreġistrati preċedentement fi Stat Membru ieħor jiġu sottoposti għal testing ta’ l-istat fiżiku tagħhom qabel ma jiġu rreġistrati fl-Olanda jikkostitwixxix miżura b’effett ekwivalenti għal restrizzjoni kwantitattiva fuq l-importazzjoni, li hija projbita mill-Artikolu 28 KE, u, f’każ ta’ risposta affermattiva, jekk ħtieġa bħal din tista’ madankollu tiġi ġġustifikata permezz tal-protezzjoni ta’ l-interessi previsti fl-Artikolu 30 KE (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad-29 ta’ April 2004, Il-Kummissjoni vs L-Awstrija, C‑150/00, Ġabra p. I‑3887, punt 80).

    72      Hekk kif ġie mfakkar fil-punt 53 tas-sentenza preżenti, il-projbizzjoni tal-miżuri b’effett ekwivalenti għal restrizzjonijiet kwantitattivi stipulata fl-Artikolu 28 KE tkopri l-leġiżlazzjoni kollha ta’ l-Istati Membri li tista’ tostakola direttament jew indirettament, attwalment jew potenzjalment, il-kummerċ intrakomunitarju.

    73      F’dan il-każ partikolari, billi imponew testing ta’ l-istat fiżiku tal-vetturi bħal dak previst mill-proċedura 3, preċedentement għar-reġistrazzjoni ta’ dawn fl-Olanda, l-awtoritajiet Olandiżi jissottoponu għal din kontroll, b’mod ġenerali u sistematiku, il-vetturi kollha li għandhom aktar minn tliet snin li preċedentement kienu ġew irreġistrati fi Stati Membri oħra, u dan mingħajr ma jittieħdu in kunsiderazzjoni t-testing eventwali diġà mwettqa minn dawn ta’ l-aħħar. B’hekk, dan it-testing, li huwa inkluż mat-testing tal-kundizzjoni tajba għas-sewqan reċentement imwettqa fi Stati Membri oħra mingħajr rikonoxximent tar-riżultat tagħhom, jista’ jiddiswadi ċerti persuni interessati milli jimpurtaw fl-Olanda vetturi li għandhom aktar minn tliet snin li preċedentement kienu ġew irreġistrati fi Stat Membru ieħor.

    74      B’hekk proċedura bħal din tikkostitwixxi restrizzjoni għall-moviment liberu tal-merkanzija, projbita mill-Artikolu 28 KE.

    75      Madankollu, minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li leġiżlazzjoni nazzjonali li tikkostitwixxi f’miżura b’effett ekwivalenti għal restrizzjonijiet kwantitattivi tista’ tkun iġġustifikata minn waħda mir-raġunijiet ta’ interess ġenerali elenkati fl-Artikolu 30 KE jew minn rekwiżiti imperattivi fl-Artikolu 30 KE jew minn rekwiżiti imperattivi (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-5 ta’ Frar 2004, Il-Kummissjoni vs L-Italja, C-270/02, Ġabra p. I‑1559, punt 21, u Il-Kummissjoni vs Il-Finlandja, iċċitata iktar ‘il fuq, punt 38). Fiż-żewġ każijiet, id-dispożizzjoni nazzjonali għandha tkun adatta sabiex tiggarantixxi it-twettiq ta’ l-għan imsegwi u m’għandhiex tmur lil hinn minn dak li hu neċessarju sabiex dan l-għan jintlaħaq (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi ta’ l-20 ta’ Ġunju 2002, Radiosistemi, C 388/00 u C 429/00, Ġabra p. I-5845, punti 40 sa 42, kif ukoll tat-8 ta’ Mejju 2003, ATRAL, C 14/02, Ġabra p. I-4431, punt 64).

    76      F’dan ir-rigward, huma l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti li għandhom juru, minn naħa waħda, li l-leġiżlazzjoni tagħhom hija neċessarja sabiex jinkiseb wieħed jew iktar mill-għanijiet imsemmija fl-Artikolu 30 KE jew ir-rekwiżiti imperattivi u, min-naħa l-oħra, li din il-leġiżlazzjoni hija konformi mal-prinċipju ta’ proporzjonalità (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad-19 ta’ Ġunju 2003, Il-Kummissjoni vs L-Italja, C-420/01, Ġabra. P. I-6445, punti 30 u 31; kif ukoll tal-5 ta’ Frar 2004, Il-Kummissjoni vs L-Italja, iċċitata iktar ‘il fuq, punt 22 u Il-Kummissjoni vs Il-Finlandja, iċċitata iktar ‘il fuq, punt 38).

    77      Għal dak li jirrigwarda l-argument imressaq mill-Gvern Olandiż li t-testing ta’ l-istat fiżiku tal-vetturi jiggarantixxi s-sigurtà fit-toroq u l-protezzjoni ta’ l-ambjent, fejn, permezz ta’ dan, il-vetturi biss li jissodisfaw ir-rekwiżiti Olandiżi fil-qasam tas-sigurtà fit-toroq u l-protezzjoni ta’ l-ambjent huma awtorizzati li jiċċirkulaw fl-Olanda, huwa paċifiku li s-sigurtà fit-toroq kif ukoll il-protezzjoni ta’ l-ambjent jikkostitwixxu raġunijiet imperattivi ta’ interess ġenerali li jistgħu jiġġustifikaw ostakolu għall-moviment liberu tal-merkanzija (ara, b’mod partikolari, is-sentenza Cura Anlagen, iċċitata iktar ‘il fuq, punt 59).

    78      Madankollu, fir-rigward ta’ l-evalwazzjoni tal-proporzjonalità tal-leġiżlazzjoni in kwistjoni u dwar jekk l-għan imfittex jistax jintlaħaq permezz ta’ restrizzjonijiet li jaffettwaw b’mod inqas il-kummerċ intrakomunitarju, hemm lok li jiġi stabbilit li r-Renju ta’ l-Olanda ma jurix b’mod konkret in-natura proporzjonata, fir-rigward ta’ l-għan imsegwi, tar-restrizzjoni għall-moviment liberu tal-merkanzija in kwistjoni.

    79      B’mod partikolari, riżultat simili jista’ jintlaħaq permezz ta’ miżuri anqas restrittivi, bħar-rikonoxximent tal-prova mogħtija fi Stat Membru ieħor u li tistabbilixxi li vettura rreġistrata fit-territorju ta’ dan l-aħħar imsemmi għaddiet minn testing tal-kundizzjoni tajba għas-sewqan, flimkien mal-kooperazzjoni ta’ l-amministrazzjoni doganali Olandiża mal-kontroparti tagħha ta’ l-Istati Membri l-oħra dwar l-informazzjoni eventwalment nieqsa.

    80      Fir-rigward tal-premessi msemmija iktar ‘il fuq, għandu jiġi stabbilit li, meta l-vetturi ta’ aktar minn tliet snin preċedentement irreġistrati fi Stati Membri oħra ġew sottoposti għal testing għal kundizzjoni tajba għas-sewqan ta’ l-istat fiżiku qabel ir-reġistrazzjoni tagħhom fl-Olanda, ir-Renju ta’ l-Olanda naqas milli jwettaq l-obbligi tiegħu skond l-Artikoli 28 KE u 30 KE.

     Fuq l-ispejjeż

    81      Skond l-Artikolu 69(2) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba. Skond l-ewwel subparagrafu tal-paragrafu 3 ta’ dan l-Artikolu, jekk il-partijiet ikunu telliefa rispettivament fuq kap jew aktar tat-talbiet tagħhom jew għal raġunijiet eċċezzjonali, il-Qorti tista’ tiddeċiedi li taqsam l-ispejjeż jew tiddeċiedi li kull parti tbati l-ispejjeż tagħha. Peress li l-Kummissjoni u r-Renju ta’ l-Olanda tilfu parzjalment, hemm lok li huma jiġu ordnati jbatu l-ispejjeż tagħhom.

    82      Skond l-ewwel subparagrafu ta’ l-Artikolu 69(4) tar-Regoli tal-Proċedura, l-Istati Membri intervenjenti fil-kawża għandhom ibatu l-ispejjeż rispettivi tagħhom. B’hekk ir-Repubblika tal-Finlandja, intervenjenti fil-kawża, għandha tbati l-ispejjeż tagħha.

    Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) taqta’ u tiddeċiedi li:

    1)      Meta l-vetturi ta’ aktar minn tliet snin preċedentement irreġistrati fi Stati Membri oħra ġew sottoposti għal testing tal-kundizzjoni tajba għas-sewqan ta’ l-istat fiżiku qabel ir-reġistrazzjoni tagħhom fl-Olanda, ir-Renju ta’ l-Olanda naqas milli jwettaq l-obbligi tiegħu skond l-Artikoli 28 KE u 30 KE.

    2)      Il-bqija tar-rikors huwa miċħud.

    3)      Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, ir-Renju ta’ l-Olanda u r-Republika tal-Finlandja jbatu l-ispejjeż rispettivi tagħhom.

    Firem


    * Lingwa tal-kawża: l-Olandiż.

    Top