Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62005CJ0263

    Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (it-Tielet Awla) tat-18 ta' Diċembru 2007.
    il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej vs ir-Repubblika Taljana.
    Nuqqas ta’ Stat li jwettaq obbligu - Ambjent - Direttivi 75/442/KEE u 91/156/KEE - Kunċett ta’ skart - Sustanzi jew oġġetti intiżi għall-operazzjonijiet ta’ rimi jew ta’ rkupru - Fdal tal-produzzjoni li jista’ jintuża mill-ġdid.
    Kawża C-263/05.

    Ġabra tal-Ġurisprudenza 2007 I-11745

    ECLI identifier: ECLI:EU:C:2007:808

    Kawża C-263/05

    Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej

    vs

    Ir-Repubblika Taljana

    “Nuqqas ta’ Stat li jwettaq obbligu — Ambjent — Direttivi 75/442/KEE u 91/156/KEE — Kunċett ta’ ‘skart’ — Sustanzi jew oġġetti intiżi għall-operazzjonijiet ta’ rimi jew ta’ rkupru — Fdal tal-produzzjoni li jista’ jintuża mill-ġdid”

    Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) tat-18 ta’ Diċembru 2007 

    Sommarju tas-sentenza

    1.     Ambjent – Skart – Direttiva 75/442 – Kunċett ta’ skart

    (Artikolu 174(2) KE; Direttiva tal-Kunsill 75/442, kif emendata bid-Direttiva 91/156, Artikolu 1(a))

    2.     Ambjent – Skart – Direttiva 75/442 – Kunċett ta’ skart

    (Direttiva tal-Kunsill 75/442, kif emendata bid-Direttiva 91/156, Artikolu 1(a))

    3.     Ambjent – Skart – Direttiva 75/442 – Kamp ta’ applikazzjoni

    (Direttiva tal-Kunsill 75/442, kif emendata bid-Direttiva 91/156, Artikoli 1(a) u 2(1))

    1.     Il-klassifikazzjoni bħala “skart” ta’ sustanza jew oġġett, fis-sens ta’ l-Artikolu 1(a) tad-Direttiva 75/442 dwar l-iskart, kif emendata bid-Direttiva 91/156, tirriżulta qabel xejn mill-imġiba tal-pussessur u mit-tifsira tal-kelma “jarmi”. Din il-kelma għandha tiġi interpretata mhux biss fid-dawl ta’ l-għan essenzjali tad-direttiva, li skond it-tielet premessa huwa l-protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem u ta’ l-ambjent mill-effetti ta’ ħsara kkawżati mill-ġbir, mit-trasport, mit-trattament, mill-ħażna u mill-ħatt ta’ l-iskart, iżda wkoll fid-dawl ta’ l-Artikolu 174(2) KE, li jipprovdi li l-politika Komunitarja dwar l-ambjent għandu jkollha l-mira ta’ protezzjoni ta’ livell għoli u għandha tkun ibbażata fuq il-prinċipji tal-prekawzjoni u ta’ l-azzjoni preventiva. Minn dan isegwi li l-imsemmija kelma, u għalhekk il-kunċett ta’ “skart”, m’għandhomx jiġu interpretati ristrettivament.

    (ara l-punti 32-33)

    2.     L-eżistenza vera ta’ “skart” fis-sens ta’ l-Artikolu 1(a) tad-Direttiva 75/422 dwar l-iskart, kif emendata bid-Direttiva 91/156, għandha tiġi evalwata fid-dawl taċ-ċirkustanzi kollha, billi jittieħed in kunsiderazzjoni l-għan tagħha u billi jiġi assigurat li l-effettività tagħha ma tiġix ippreġudikata.

    Għaldaqstant, ċerti sitwazzjonijiet jistgħu jikkostitwixxu indizzju ta’ azzjoni, intenzjoni jew obbligu li tintrema sustanza jew jintrema oġġett, fis-sens ta’ l-imsemmija dispożizzjoni. Dan huwa l-każ, b’mod partikolari, meta s-sustanza użata tkun fdal tal-produzzjoni jew tal-konsum, jiġifieri prodott li mhuwiex imfittex bħala tali, peress li l-metodu ta’ estrazzjoni jew il-mod ta’ l-użu ta’ sustanza ma jiddeterminawx jekk dan huwiex ikklassifikat bħala skart jew le.

    Minbarra l-kriterju bbażat fuq jekk sustanza hijiex jew le fdal minn produzzjoni, il-livell ta’ probabbiltà ta’ użu mill-ġdid ta’ din is-sustanza, mingħajr operazzjoni ta’ trasformazzjoni minn qabel, jikkostitwixxi kriterju ieħor rilevanti għall-finijiet ta’ l-evalwazzjoni ta’ jekk din is-sustanza hijiex jew le skart skond id-direttiva. Jekk, lil hinn mis-sempliċi possibbiltà li din is-sustanza tintuża mill-ġdid, hemm vantaġġ ekonomiku għall-pussessur li jagħmel hekk, il-probbabiltà ta’ użu mill-ġdid bħal dan hija qawwija. F’każ bħal dan, is-sustanza in kwistjoni ma tistax tibqa’ tiġi analizzata bħala piż li l-pussessur jixtieq jarmi iżda bħala prodott awtentiku.

    Madankollu, il-fatt biss li sustanza hija intiża għall-użu mill-ġdid jew tista’ tiġi użata mill-ġdid ma jiddeterminax il-klassifikazzjoni tagħha bħala skart jew le. Materjal, prodott jew materja prima minn proċess ta’ manifattura li mhuwiex intiż għall-produzzjoni tiegħu ma jistax jikkostitwixxi prodott sekondarju li l-pussessur ma jixtieqx jarmi, jekk l-użu mill-ġdid tiegħu, inkluż il-bżonnijiet ta’ l-operaturi ekonomiċi minbarra dak li pproduċih, mhuwiex sempliċiment eventwali, iżda huwa ċert, ma jkollux bżonn ta’ trasformazzjoni minn qabel u jkun jinsab fil-proċess tal-produzzjoni jew ta’ l-użu.

    (ara l-punti 34-35, 38, 40, 49-50)

    3.     Peress li d-Direttiva 75/442 dwar l-iskart, kif emendata bid-Direttiva tal-Kunsill 91/156/KEE, ma tipprovdi ebda kriterju determinanti sabiex tiġi żvelata l-intenzjoni tal-pussessur li jarmi sustanza jew oġġett partikolari, l-Istati Membri, fin-nuqqas ta’ dispożizzjonijiet Komunitarji, huma liberi fir-rigward ta’ l-għażla tal-metodi ta’ prova ta’ l-elementi varji ddefiniti fid-direttivi li huma jittrasponu sakemm din l-għażla ma tippreġudikax l-effettività tad-dritt Komunitarju. Għalhekk, l-Istati Membri jistgħu, per eżempju, jiddefinixxu kategoriji differenti ta’ skart, b’mod partikolari, sabiex jiffaċilitaw l-organizzazzjoni u l-kontroll ta’ l-immaniġġjar tiegħu, safejn l-obbligi li jirriżultaw mid-direttiva u mid-dispożizzjonijiet l-oħra tad-dritt Komunitarju dwar l-iskart jiġu osservati u li l-kategoriji eventwali esklużi mill-kamp ta’ applikazzjoni tat-testi intiżi għat-traspożizzjoni ta’ l-obbligi li jirriżultaw mid-direttiva jkunu konformi ma’ l-Artikolu 2(1) tagħha.

    (ara l-punt 41)







    SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla)

    18 ta’ Diċembru 2007 (*)

    “Nuqqas ta’ Stat li jwettaq obbligu – Ambjent – Direttivi 75/442/KEE u 91/156/KEE – Kunċett ta’ skart – Sustanzi jew oġġetti intiżi għall-operazzjonijiet ta’ rimi jew ta’ rkupru – Fdal tal-produzzjoni li jista’ jintuża mill-ġdid”

    Fil-kawża C-263/05,

    li għandha bħala suġġett rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu taħt l-Artikolu 226 KE, imressaq fit-23 ta’ Ġunju 2005,

    Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, irrappreżentata minn M. Konstantinidis u L. Cimaglia, bħala aġenti, b’indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,

    rikorrenti,

    vs

    Ir-Repubblika Taljana, irrappreżentata minn I. M. Braguglia, bħala aġent, assistit minn G. Fiengo, avvocato dello Stato, b’indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,

    konvenuta,

    IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla),

    komposta minn A. Rosas, President ta’ l-Awla, U. Lõhmus, J. N. Cunha Rodrigues, A. Ó Caoimh (Relatur) u P. Lindh, Imħallfin,

    Avukat Ġenerali: Y. Bot,

    Reġistratur: L. Hewlett, Amministratur Prinċipali,

    wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tas-7 ta’ Frar 2007,

    wara li rat id-deċiżjoni, wara li semgħet lill-Avukat Ġenerali, li tinqata’ l-kawża mingħajr konklużjonijiet,

    tagħti l-preżenti

    Sentenza

    1       Permezz tar-rikors tagħha, il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej qed titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tiddikjara li, billi adottat u żammet fis-seħħ l-Artikolu 14 tad-Digriet-Liġi Nru 138, li jistabbilixxi miżuri urġenti fil-qasam tat-tassazzjoni, tal-privatizzazzjoni u tal-kontroll ta’ l-infiq fuq il-prodotti farmaċewtiċi kif ukoll ta’ sostenn ta’ l-ekonomija fiż-żoni żvantaġġati, tat-8 ta’ Lulju 2001 (GURI Nru 158, tat-8 ta’ Lulju 2002), li wara emenda sar il-Liġi Nru 178 tat-8 ta’ Awwissu 2002 (supplement ordinarju tal-GURI Nru 187, ta’ l-10 ta’ Awwissu 2002), li jeskludi mill-kamp ta’ applikazzjoni tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 22, li jimplementa d-Direttivi 91/156/KEE dwar l-iskart, 91/689/KEE dwar l-iskart perikoluż u 94/62/KE dwar l-imballaġġ u l-iskart mill-imballaġġ, tal-5 ta’ Frar 1997 (supplement ordinarju tal-GURI Nru 38, tal-15 ta’ Frar 1997, iktar ’il quddiem id-“Digriet Leġiżlattiv Nru 22/1997”), minn naħa, is-sustanzi, l-oġġetti jew materjali intiżi għall-operazzjonijiet ta’ rimi jew ta’ rkupru li mhumiex espliċitament imsemmija fl-Annessi B u C ta’ l-imsemmi digriet, u min-naħa l-oħra, is-sustanzi u l-oġġetti li huma fdal tal-produzzjoni u li l-pussessur għandu l-intenzjoni jew l-obbligu li jarmi meta dawn jistgħu jintużaw jew jintużaw mill-ġdid fi proċess ta’ produzzjoni jew tal-konsum mingħajr ma jkunu suġġetti għal ipproċessar minn qabel u mingħajr ma jagħmlu ħsara lill-ambjent, jew wara li jkunu ġew suġġetti għal ipproċessar minn qabel meta mhijiex implikata waħda mill-operazzjonijiet ta’ l-irkupru mniżżla fl-Anness C ta’ l-istess Digriet, ir-Repubblika Taljana naqset milli twettaq l-obbligi imposti fuqha mill-Artikolu 1(a) tad-Direttiva tal-Kunsill 75/442/KEE , tal-15 ta’ Lulju 1975, dwar l-iskart (ĠU L 194, p. 39), kif emendata mid-Direttiva tal-Kunsill 91/156/KEE, tat-18 ta’ Marzu 1991 (ĠU L 78, p. 32) u mid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 96/350/KEE, ta’ l-24 ta’ Mejju 1996 (ĠU L 135, p. 32) (iktar ’il quddiem id-“Direttiva”).

     Il-kuntest ġuridiku

     Id-dritt Komunitarju

    2       Għall-finijiet tad-Direttiva, l-ewwel inċiż ta’ l-Artikolu 1(a) tagħha jiddefinixxi l-kunċett ta’ skart bħala “kull sustanza jew oġġett fil-kategoriji ddikjarati fl-Anness I [ta’ din id-Direttiva] li l-possessur jarmi jew ikun beħsiebu jew ikun imġiegħel li jarmi”.

    3       Il-Kummissjoni adottat id-Deċiżjoni 94/3/KE, ta’ l-20 ta’ Diċembru 1993, li tistabbilixxi lista ta’ skart skond l-Artikolu 1(a) tad-Direttiva [iktar ’il quddiem il-“lista Ewropea ta’ l-iskart”] (ĠU 1994, L 5, p. 15). Din il-lista ġiet emendata mid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni, tat-3 ta’ Mejju 2000 li tissostitwixxi d-Deċiżjoni 94/3 u d-Deċiżjoni tal-Kunsill 94/904/KE, li tistabbilixxi lista ta’ skart perikoluż skond l-Artikolu 1(4) tad-Direttiva tal-Kunsill 91/689/KEE dwar l-iskart perikoluż (ĠU L 226, p. 3). Il-lista Ewropea ta’ l-iskart stabbilita minn din id-Deċiżjoni ġiet emendata diversi drabi, l-aħħar darba mid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2001/573/KE, tat-23 ta’ Lulju 2001 (ĠU L 203, p. 18). Il-punt 1 ta’ l-introduzzjoni ta’ l-Anness tad-Deċiżjoni 2000/532, li jinkludi l-lista Ewropea ta’ l-iskart, jipprovdi li l-lista hija armonizzata u ser tiġi riveduta perjodikament. L-imsemmi punt 1 jipprovdi wkoll li “l-inklużjoni ta’ materjal fil-lista [Ewropea ta’ l-iskart] ma jfissirx li l-materjal huwa skart fiċ-ċirkostanzi kollha. Materjali huma [k]kunsidrati li huma skart biss meta d-definizzjoni ta’ skart fl-Artikolu 1(a) [tad-Direttiva] 75/442/KEE tiġi sodisfatta”.

    4       L-Artikolu 1(e) u (f) tad-Direttiva jiddefinixxi l-kunċetti ta’ rimi u ta’ rkupru ta’ l-iskart bħala operazzjonijiet previsti rispettivament fl-Annessi II A u II B tad-Direttiva. Dawn l-Annessi ġew adattati għall-progress xjentifiku u tekniku permezz tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 96/350.

     Id-dritt nazzjonali

    5       L-Artikolu 6(1)(a) tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 22/1997 jipprovdi kif ġej:

    “Għall-finijiet ta’ dan id-Digriet:

    a)      ‘skart’ tfisser kull sustanza jew oġġett fil-kategoriji ddikjarati fl-Anness A li l-pussessur iwarrab jew ikun beħsiebu jew ikun imġiegħel jarmi”.

    6       L-Anness A tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 22/97 jadotta l-lista tal-kategoriji ta’ l-iskart li tinsab fl-Anness I tad-Direttiva. Barra minn hekk, l-Annessi B u C ta’ dan id-Digriet Leġiżlattiv jelenkaw l-operazzjonijiet, rispettivament, tar-rimi u ta’ l-irkupru ta’ l-iskart bl-istess mod bħal ma jagħmlu l-Anness II A u II B tad-Direttiva.

    7       L-Artikolu 14 tal-Liġi Nru 178 tat-8 ta’ Awwissu 2002 (iktar ’il quddiem id-“dispożizzjoni kkontestata”), li wara emenda, issostitwixxa d-Digriet-Liġi Nru 138 tat-8 ta’ Lulju 2002, jinkludi “interpretazzjoni awtentika” tad-definizzjoni tal-kunċett ta’ “skart” ipprovdut fl-Artikolu 6(1)(a) tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 22/97, li jipprovdi kif ġej:

    “1. Il-frażijiet ‘jarmi’, ‘ikun beħsiebu’ jew ‘ikun imġiegħel jarmi’ li jinsabu fl-Artikolu 6(1)(a) tad-Digriet Leġiżlattiv [Nru 22/97], u fl-emendi sussegwenti tiegħu, […] għandhom jiġu interpretati kif ġej:

    a)      ‘jarmi’: kull imġieba li permezz tagħha sustanzi, oġġetti jew materjali jkunu, b’mod dirett jew indirett, iddestinati jew suġġetti għall-attività ta’ rimi jew ta’ rkupru, skond l-Annessi B u C tad-Digriet Leġiżlattiv [Nru 22/97];

    b)      ‘ikun beħsiebu’: l-intenzjoni li sustanzi, oġġetti jew materjali jkunu ddestinati għal operazzjonijiet ta’ rimi jew ta’ rkupru, skond l-Annessi B u C tad-Digriet Leġiżlattiv [Nru 22/97];

    c)      ‘ikun imġiegħel jarmi’: l-obbligu li oġġetti, sustanzi jew materjali jkunu suġġetti għal operazzjonijiet ta’ rkupru jew ta’ rimi, previst f’dispożizzjoni ta’ liġi jew minn att ta’ l-awtoritajiet pubbliċi jew impost mill-istess natura ta’ l-oġġett, tas-sustanza jew tal-materjal in kwistjoni jew minħabba l-fatt li dawn jinsabu fil-lista ta’ l-iskart perikoluż stabbilita fl-Anness D tad-Digriet Leġiżlattiv [Nru 22/97].

    2.      Il-paragrafu 1(b) u (c) ma japplikax għall-materjali, sustanzi jew oġġetti li huma fdalijiet minn produzzjoni jew minn konsum meta waħda mill-kundizzjonijiet segwenti tkun sodisfatta:

    a)      dawn jistgħu jkunu jew ikunu effettivament u oġġettivament użati mill-ġdid fl-istess proċess ta’ produzzjoni jew ta’ konsum jew fi proċess analogu jew differenti, mingħajr ma jkunu suġġetti għal ipproċessar minn qabel u mingħajr ma jagħmlu ħsara lill-ambjent;

    b)      dawn jistgħu jkunu jew ikunu effettivament u oġġettivament użati mill-ġdid fl-istess proċess ta’ produzzjoni jew ta’ konsum, jew fi proċess analogu jew differenti, wara li jkunu suġġetti għal ipproċessar minn qabel mingħajr ma tkun meħtieġa xi waħda mill-operazzjonijiet ta’ rkupru minn fost dawk elenkati fl-Anness C tad-Digriet Leġiżlattiv [Nru 22/97]”.

     Il-proċedura prekontenzjuża

    8       Billi qieset li r-regoli ta’ interpretazzjoni stabbiliti mid-dispożizzjoni kkontestata ma kinux konformi mad-Direttiva, b’mod partikolari, ma’ l-Artikolu 1(a) tagħha, il-Kummissjoni tat bidu għall-proċedura ta’ nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu prevista fl-Artikolu 226 KE.

    9       Peress li l-awtoritajiet Taljani ma rrispondewx għall-ittra ta’ intimazzjoni tat-18 ta’ Ottubru 2002, il-Kummissjoni bagħtet opinjoni motivata fit-3 ta’ April 2003, fejn talbet lir-Repubblika Taljana tieħu l-miżuri neċessarji sabiex tikkonforma ruħha ma’ l-opinjoni fi żmien xahrejn min-notifika ta’ din l-opinjoni.

    10     Minkejja li sadanittant l-awtoritajiet Taljani rrispondew għall-ittra ta’ intimazzjoni tat-18 ta’ Ottubru 2002, anki jekk għamlu dan wara t-terminu stabbilit, fil-fehma tal-Kummissjoni, l-imsemmija opinjoni motivata kellha titqies li kienet bla effett.

    11     Madankollu, peress li qieset li r-risposta ma kinitx sodisfaċenti, il-Kummissjoni bagħtet opinjoni motivata supplementari lir-Repubblika Taljana permezz ta’ ittra tal-11 ta’ Lulju 2003, fejn talbet lil dan l-Istat Membru jwieġeb fi żmien xahrejn min-notifika ta’ din l-opinjoni.

    12     Wara li talab proroga ta’ xahrejn tal-perijodu preskritt, il-Gvern Taljan wieġeb għall-argumenti magħmula mill-Kummissjoni rigward il-leġiżlazzjoni nazzjonali permezz ta’ noti tar-Rappreżentanza Permanenti tat-12 ta’ Novembru u tad-19 ta’ Novembru 2003.

    13     Bil-ħsieb li tippreċiża l-osservazzjonijiet għal dak li għandu x’jaqsam mal-ksur allegat, b’mod partikolari, fir-rigward tal-konklużjonijiet ta’ l-Avukat Ġenerali Kokott fil-kawża Niselli (sentenza tal-11 ta’ Novembru 2004, C-457/02, Ġabra p. I-10853), ippreżentati fl-10 ta’ Ġunju 2004, il-Kummissjoni bagħtet opinjoni motivata supplementari għat-tieni darba permezz ta’ ittra tad-9 ta’ Lulju 2004, billi talbet mill-ġdid lir-Repubblika Taljana twieġeb fi żmien xahrejn min-notifika ta’ din l-opinjoni.

    14     L-awtoritajiet Taljani wieġbu għall-aħħar opinjoni motivata permezz ta’ nota tad-29 ta’ Settembru 2004.

    15     Billi qieset li s-sitwazzjoni baqgħet mhux sodisfaċenti, il-Kummissjoni ddeċidiet li tressaq dan ir-rikors.

     Fuq ir-rikors

     L-argumenti tal-partijiet

    16     Permezz taż-żewġ partijiet ta’ l-ilment tagħha, il-Kummissjoni ssostni li l-interpretazzjoni li għamel il-leġiżlatur Taljan ta’ l-Artikolu 6(1)(a) tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 22/97 fil-paragrafi 1 u 2 tad-dispożizzjoni kkontestata tmur kontra l-Artikolu 1(a) tad-Direttiva.

    17     L-ewwel nett, ir-riferimenti magħmula fil-paragrafu 1(a) u (b) tad-dispożizzjoni kkontestata, rispettivament, għall-“attività ta’ rimi u rkupru” u għall-“operazzjonijiet ta’ rimi u ta’ rkupru”, safejn huma miżjuda bil-preċiżazzjoni “skond l-Annessi B u C tad-[Digriet Leġiżlattiv Nru 22/97]”, jintroduċu distinzjoni bejn, minn naħa, l-operazzjonijiet ta’ rimi u ta’ rkupru previsti b’mod ġenerali, u min-naħa l-oħra, dawk previsti espliċitament fl-Annessi B u C ta’ l-imsemmi Digriet Leġiżlattiv. Għalhekk, il-materjali, is-sustanzi u l-oġġetti kkonċernati mill-Anness A li l-pussessur jissuġġetta, jiddestina jew ikun bi ħsiebu jiddestina għall-operazzjonijiet ta’ rimi minbarra dawk elenkati fl-Anness B tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 22/97, jew għall-operazzjonijet ta’ rkupru minbarra dawk elenkati fl-Anness C tiegħu, huma għalhekk esklużi mill-klassifikazzjoni ta’ skart, u għaldaqstant, mhumiex suġġetti għal-leġiżlazzjoni dwar l-immaniġġjar ta’ l-iskart.

    18     Konsegwentement, din id-dispożizzjoni tillimita b’mod żbaljat il-portata tal-kunċett ta’ skart, u għalhekk il-kamp ta’ applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni Taljana dwar l-immaniġġjar ta’ l-iskart.

    19     Il-Kummissjoni ssostni, it-tieni nett, fir-rigward tal-paragrafu 2 tad-dispożizzjoni kkontestata, li, għal-leġiżlatur Taljan, l-esklużjoni tal-kriterji ta’ interpretazzjoni tal-kunċett ta’ skart stabbiliti fil-paragrafu 1(b) u (c) ta’ l-istess dispożizzjoni, u għalhekk tal-klassifikazzjoni ta’ skart, fir-rigward tal-fdal tal-produzzjoni jew tal-konsum, taħt il-kundizzjonijiet ipprovduti fil-punti (a) u (b) tal-paragrafu 2, tfisser dikjarazzjoni impliċita li, fis-sitwazzjonijiet previsti, l-imsemmi fdal ikollu karatteristiċi ta’ skart, billi jeskludi l-applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni dwar l-iskart, skond il-kundizzjonijiet dwar l-ipproċessar ta’ dan l-iskart.

    20     Issa, fil-fehma tal-Kummissjoni, mhuwiex permess li s-sustanzi u l-oġġetti li l-pussessur għandu l-intenzjoni jew l-obbligu li jarmi jiġu esklużi formalment mill-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva, anki jekk jistgħu jkunu jew ikunu użati mill-ġdid fi proċess ta’ produzzjoni jew ta’ konsum, bil-bżonn jew mingħajr ta’ pproċessar minn qabel - bil-kundizzjoni unika, fl-ewwel każ, li ma jiġux suġġetti għall-operazzjonijiet ta’ rkupru msemmija espliċitament fl-Anness korrispondenti - , u mingħajr ma jagħmlu ħsara lill-ambjent fil-każ ta’ nuqqas ta’ pproċessar minn qabel.

    21     Bħala konklużjoni, kuntrarjament għal dak li ssostni r-Repubblika Taljana, id-dispożizzjoni kkontestata ma tillimitax ruħha sempliċiment li tipprovdi l-kriterji ta’ interpretazzjoni li jippermettu li jiġi evalwat jekk il-kundizzjonijiet li jiddeterminaw l-eżistenza ta’ skart humiex sodisfati, imma għandha l-effett li tillimita l-kunċett ta’ skart u l-applikazzjoni tiegħu, b’mod partikolari, billi tneħħi parti kbira ta’ l-iskart li jista’ jiġi rkuprat, mill-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet nazzjonali tat-traspożizzjoni tad-Direttiva.

    22     Ir-Repubblika Taljana tqis li materjal li jkun użat mill-ġdid mhuwiex skart, inkluż meta l-pussessur jipprevedi li dan ikun intiż għal proċessi oħra tal-produzzjoni. Fil-fatt, il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja estendiet l-esklużjoni tal-kunċett ta’ skart, taħt ċerti kundizzjonijiet, għal materjali li huma effettivament użati mill-ġdid, anki minn terzi.

    23     Skond dan l-Istat Membru, id-dispożizzjoni kkontestata tidentifika l-kriterji intiżi li jivverifikaw jekk il-pussessur tal-materjal rmiehx, ħax id-deċiżjoni li jarmih jew għandux l-obbligu li jagħmel hekk. Dawn il-kriterji, billi jestendi t-test, fil-bidu, għall-użu effetti u oġġettiv tal-materjal ikkonċernat, jippermettu li jiġu osservati żewġ kundizzjonijiet stabbiliti mis-sentenza Niselli, iċċitata, jiġifieri ċ-ċertezza ta’ l-użu mill-ġdid u l-inklużjoni ta’ materjali abbandunati fil-kunċett ta’ skart.

    24     L-imsemmi Stat Membru jsostni li l-abbandun huwa mod indirett ta’ kif sustanza jew oġġett huma intiżi għall-operazzjoni ta’ rimi jew irkupru, b’mod li l-fatt li l-abbandun ta’ sustanza jew oġġett huwa fil-verità kopert mill-paragrafu 1(a) tad-dispożizzjoni kkontestata.

    25     Skond ir-Repubblika Taljana, il-paragrafu 2 tad-dispożizzjoni kkontestata, skond il-prinċipji sottostanti l-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, jeskludi, mill-klassifikazzjoni ta’ skart, il-fdal industrijali li, minkejja li mhuwiex parti mill-produzzjoni prinċipali, ma jistax jitqies li huwa skart peress li jkun użat mill-ġdid, mingħajr operazzjoni intiża li “jarmi”, jiġifieri mingħajr “trasformazzjoni minn qabel” jew wara pproċessar minn qabel li ma jikkostitwixxix irkupru komplet, bħal ma huma l-operazzjonijiet ta’ l-għażla, ta’ selezzjoni, ta’ separazzjoni, ta’ kompattezza jew ta’ għarbil.

    26     Permezz tad-dispożizzjoni kkontestata, li għandha tinqara fl-intier tagħha, il-leġiżlatur Taljan ried jipprovdi kriterji ta’ interpretazzjoni pożittivi sabiex jinkorpora fl-iskart il-materjali li l-pussessur jarmi jew għandu l-intenzjoni jew l-obbligu li jarmi. Hemm bżonn li, permezz ta’ numru ta’ kriterji ċerti ta’ interpretazzjoni, tiġi pprovduta lista pożittiva ta’ skart u li ma tintużax il-preżunzjoni li kollox huwa skart minbarra s-sustanza jew l-oġġett li fir-rigward tiegħu jista’ jintwera li l-pussessur ma rmiehx, jew ma kellux l-intenzjoni jew l-obbligu li jarmih.

    27     Skond ir-Repubblika Taljana, l-argument tal-Kummissjoni jimplika li kull preċiżazzjoni dwar it-terminu “jarmi” tirriżulta inevitabilment fil-limitazzjoni tal-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva, li tfixkel il-poter li għandhom l-Istati Membri li jiddefinixxu l-metodi ta’ applikazzjoni tad-Direttiva.

    28     Fl-aħħar nett, waqt is-seduta, ir-Repubblika Taljana indikat li, fl-Italja, l-attività ta’ l-immaniġġjar ta’ l-iskart hija kultant eżerċitata minn persuni li joperaw “fil-limitu tal-legalità”, b’mod li l-Istat Membru għażel li jibbaża ruħu fuq il-produtturi ta’ l-iskart sabiex jassigura l-immaniġġjar tiegħu minflok li dawn il-prodotturi jafdaw dan l-immaniġġjar f’idejn entitajiet terzi.

     Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

    29     Permezz ta’ l-ewwel parti ta’ l-ilment tagħha, il-Kummissjoni ssostni, essenzjalment, li l-interpretazzjoni imposta fil-paragrafu 1 tad-dispożizzjoni kkontestata tillimita b’mod żbaljat il-kunċett ta’ skart għall-finijiet ta’ applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni Taljana f’dan il-qasam, peress li tillimita dan il-kunċett għall-materjali li huma s-suġġett ta’ operazzjonijiet ta’ rimi jew irkupru previsti fl-Annessi B jew C tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 22/97 – li jikkorrispondu testwalment, rispettivament, għall-Annessi II A u II B tad-Direttiva – minbarra operazzjonijiet oħra ta’ rimi jew ta’ rkupru, li mhumiex elenkati fl-imsemmija Annessi.

    30     Permezz tat-tieni parti ta’ l-ilment tagħha, il-Kummissjoni ssostni, essenzjalment, li l-esklużjoni pprovduta fil-paragrafu 2 tad-dispożizzjoni kkontestata tillimita wkoll b’mod żbaljat l-imsemmi kunċett ta’ skart, safejn tikkonċerna l-fdal tal-produzzjoni jew tal-konsum meta jistgħu jkunu jew ikunu użati fl-istess proċess ta’ produzzjoni jew ta’ konsum jew fi proċess simili jew differenti, mingħajr ma jkunu suġġetti għal ipproċessar minn qabel u mingħajr ma jagħmlu ħsara lill-ambjent, jew wara li jkunu suġġetti għal ipproċessar minn qabel mingħajr ma tkun meħtieġa xi waħda mill-operazzjonijiet ta’ rkupru minn fost dawk elenkati fl-Anness C tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 22/97.

    31     Fid-dawl tal-pożizzjoni adottata mir-Repubblika Taljana, li tqis, essenzjalment, li d-dispożizzjoni kkontestata għandha tinqara fl-intier tagħha u hija intiża għal kjarifikazzjoni tal-kontenut tal-kunċett ta’ “skart”, kif inhu ddefinit fl-Artikolu 1(a) tad-Direttiva, u qabel ma jiġu eżaminati ż-żewġ partijiet ta’ l-ilment tal-Kummissjoni, għandha tiġi mfakkra l-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar dan il-kunċett.

    32     F’dan ir-rigward, l-Artikolu 1(a) tad-Direttiva jiddefinixxi l-iskart bħala “kull sustanza jew oġġett fil-kategoriji ddikjarati fl-Anness I [ta’ din id-Direttiva] li l-possessur jarmi jew ikun beħsiebu jew ikun imġiegħel li jarmi”. L-imsemmi Anness jippreċiża u jesponi din id-definizzjoni billi jipproponi lista ta’ sustanzi u oġġetti li jistgħu jiġu kklassifikati bħala skart. Madankollu, din il-lista hija sempliċement indikattiva, peress li d-deskrizzjoni ta’ skart tirriżulta qabel kollox mill-imġiba tal-pussessur u mit-tifsira tal-kelma “jarmi” (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-18 ta’ Diċembru 1997, Inter-Environnement Wallonie, C-129/96, Ġabra p. I-7411, punt 26; tas-7 ta’ Settembru 2004, Van de Walle et, C-1/03, Ġabra p. I-7613, punt 42, kif ukoll ta’ l-10 ta’ Mejju 2007, Thames Water Utilities, C-252/05, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punt 24).

    33     Il-kelma “jarmi” għandha tiġi interpretata mhux biss fid-dawl ta’ l-għan essenzjali tad-Direttiva 75/442, li skond it-tielet premessa huwa “il-protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem u ta’ l-ambjent mill-effetti ta’ ħsara kkawżati mill-ġbir, mit-trasport, mit-trattament, mill-ħażna u mill-ħatt ta’ l-iskart”, iżda wkoll fid-dawl ta’ l-Artikolu 174(2) KE. Dan ta’ l-aħħar jipprovdi li “[i]l-politika Komunitarja dwar l-ambjent għandu jkollha l-mira ta’ protezzjoni ta’ livell għoli li tieħu kont tad-diversità tas-sitwazzjonijiet fid-diversi reġjuni tal-Komunità. Għandha tkun ibbażata fuq il-prinċipju ta’ prekawzjoni u fuq il-prinċipju li azzjoni preventiva għandha tittieħed […]”. Minn dan isegwi li, il-kelma “jarmi” u għaldaqstant, il-kunċett ta’ “skart” fis-sens ta’ l-Artikolu 1(a) m’għandhomx jiġu interpretati ristrettivament (ara f’dan is-sens, b’mod partikolari, is-sentenzi tal-15 ta’ Gunju 2000, ARCO Chemie Nederland et, C-418/97 u C-419/97, Ġabra p. I-4475, punti 36 sa 40, kif ukoll Thames Water Utilities, iċċitata iktar ’il fuq, punt 27).

    34     Hemm ċerti sitwazzjonijiet li jistgħu jikkostitwixxu indizzju ta’ azzjoni, intenzjoni jew obbligu li tintrema sustanza jew jintrema oġġett, fis-sens ta’ l-Artikolu 1(a) tad-Direttiva (sentenza ARCO Chemie Nederland et, iċċitata iktar ’il fuq, punt 83). Dan huwa l-każ, b’mod partikolari, meta s-sustanza użata tkun fdal tal-produzzjoni jew tal-konsum, jiġifieri prodott li mhuwiex imfittex bħala tali (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq ARCO Chemie Nederland et, punt 84, kif ukoll Niselli, punt 43).

    35     Barra minn hekk, il-metodu ta’ estrazzjoni jew il-mod ta’ l-użu ta’ sustanza ma jiddeterminawx jekk dan huwiex ikklassifikat bħala skart jew le (ara s-sentenzi ARCO Chemie Nederland et, iċċitata iktar ’il fuq, punt 64, u ta’ l-1 ta’ Marzu 2007, KVZ retec, C-176/05, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punt 52).

    36     Għaldaqstant, il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat, minn naħa, li l-implementazzjoni ta’ l-operazzjonijiet ta’ rimi jew ta’ rkupru msemmija rispettivament fl-Annessi II A jew II B tad-Direttiva ma tippermettix, waħedha, li tikklassifika sustanzi jew oġġetti użati f’dawn l-operazzjonijiet bħala skart (ara f’dan is-sens, b’mod partikolari, is-sentenza Niselli, iċċitata iktar ’il fuq, punti 36 u 37) u min-naħa l-oħra, li l-kunċett ta’ skart ma jeskludix is-sustanzi jew l-oġġetti li jistgħu jerġgħu jintużaw ekonomikament mill-ġdid (ara, f’dan is-sens, b’mod partikolari, is-sentenza tal-25 ta’ Gunju 1997, Tombesi et, C-304/94, C-330/94, C-342/94 u C-224/95, Ġabra p. I-3561, punti 47 u 48). Fil-fatt, is-sistema ta’ sorveljanza u ta’ mmaniġġjar stabbilita mid-direttiva hija intiża li tkopri l-oġġetti u s-sustanzi kollha li s-sid jarmi, anki jekk għandhom valur kummerċjali u jinġabru kummerċjalment bl-għan ta’ riċiklaġġ, irkupru jew użu mill-ġdid (ara, b’mod partikolari, is-sentenza Palin Granit, iċċitata iktar ’il fuq, punt 29).

    37     Madankollu, mill-ġurisprudenza jirriżulta wkoll li, f’ċerti sitwazzjonijiet, materjal, prodott jew materja prima minn proċess ta’ estrazzjoni jew ta’ manifattura li mhuwiex intiż għall-produzzjoni tiegħu ma jistax jikkostitwixxi fdal, imma prodotti sekondarji li l-pussessur ma jfittixx li jarmi, fis-sens ta’ l-Artikolu 1(a) tad-Direttiva, imma li jkollu l-intenzjoni li juża jew jikkummerċjalizza - inkluż, skond il-każ, għall-bżonnijiet ta’ operaturi ekonomiċi minbarra dak li jkun ipproduċih, f’kundizzjonijiet vantaġġużi għalih, fi proċess sussegwenti, bil-kundizzjoni li dan l-użu mill-ġdid ikun ċert, ma jkollux bżonn ta’ trasformazzjoni minn qabel u jkun jinsab fil-proċess tal-produzzjoni jew ta’ l-użu (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi Palin Granit, iċċitata iktar ’il fuq, punti 34 sa 36; tal-11 ta’ Settembru 2003, AvestaPolarit Chrome, C-114/01, Ġabra I-8725, punti 33 sa 38; Niselli, iċċitata iktar ’il fuq, punt 47, kif ukoll tat-8 ta’ Settembru 2005, Il-Kummissjoni vs Spanja, C-416/02, Ġabra p. I-7487, punti 87 sa 90, u Il-Kummissjoni vs Spanja, C-121/03, Ġabra p. I-7569, punti 58 u 61).

    38     Wara kollox, minbarra l-kriterju bbażat fuq jekk sustanza hijiex jew le fdal minn produzzjoni, il-livell ta’ probabbiltà ta’ użu mill-ġdid ta’ din is-sustanza, mingħajr operazzjoni ta’ trasformazzjoni minn qabel, jikkostitwixxi kriterju ieħor rilevanti għall-finijiet ta’ l-evalwazzjoni ta’ jekk din is-sustanza hijiex jew le “skart” fis-sens tad-Direttiva. Jekk, lil hinn mis-sempliċi possibbiltà li din is-sustanza tintuża mill-ġdid, hemm vantaġġ ekonomiku għall-pussessur li jagħmel hekk, il-probbabiltà ta’ użu mill-ġdid bħal dan hija qawwija. F’każ bħal dan, is-sustanza in kwistjoni ma tistax tibqa’ tiġi analizzata bħala piż li l-pussessur jixtieq jarmi iżda bħala prodott awtentiku (ara s-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq, Palin Granit, punt 37, u Niselli, punt 46).

    39     Madankollu, jekk dan l-użu mill-ġdid jimplika operazzjonijet ta’ ħażna fuq tul ta’ żmien, u għalhekk jikkostitwixxu piż fuq il-pussessur kif ukoll kawża potenzjali ta’ tniġġis ta’ l-ambjent li d-direttiva tfittex li tillimita, dan ma jistax ikun ikklassifikat bħala ċert u huwa biss imfittex għall-perijodu bejn wieħed u ieħor fit-tul, b’mod li, fil-prinċipju, is-sustanza in kwistjoni għandha titqies li hija skart (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq, Palin Granit, punt 38, u AvestaPolarit Chrome, punt 39).

    40     Għaldaqstant, l-eżistenza vera ta’ “skart” fis-sens tad-Direttiva għandha tiġi evalwata fid-dawl taċ-ċirkustanzi kollha, billi jittieħed in kunsiderazzjoni l-għan tagħha u billi jiġi assigurat li l-effettività tagħha ma tiġix ippreġudikata (ara s-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq ARCO Chemie Nederland et, punt 88, u KVZ retec, punt 63, kif ukoll id-digriet tal-15 ta’ Jannar 2004, Saetti u Frediani, C-235/02, Ġabra p. I-1005, punt 40).

    41     Peress li d-Direttiva ma tipprovdi ebda kriterju determinanti sabiex tiġi żvelata l-intenzjoni tal-pussessur li jarmi sustanza jew oġġett partikolari, l-Istati Membri, fin-nuqqas ta’ dispożizzjonijiet Komunitarji, huma liberi fir-rigward ta’ l-għażla tal-metodi ta’ prova ta’ l-elementi varji ddefiniti fid-direttivi li huma jittrasponu sakemm din l-għażla ma tippreġudikax l-effettività tad-dritt Komunitarju (ara s-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq ARCO Chemie Nederland et, punt 41, kif ukoll Niselli, punt 34). Għalhekk, l-Istati Membri jistgħu, per eżempju, jiddefinixxu kategoriji differenti ta’ skart, b’mod partikolari, sabiex jiffaċilitaw l-organizzazzjoni u l-kontroll ta’ l-immaniġġjar tiegħu, safejn l-obbligi li jirriżultaw mid-Direttiva u mid-dispożizzjonijiet l-oħra tad-dritt Komunitarju dwar l-iskart jiġu osservati u li l-kategoriji eventwali esklużi mill-kamp ta’ applikazzjoni tat-testi intiżi għat-traspożizzjoni ta’ l-obbligi li jirriżultaw mid-direttiva jkunu konformi ma’ l-Artikolu 2(1) tagħha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-16 ta’ Diċembru 2004, Il-Kummissjoni vs Ir-Renju Unit, C-62/03, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punt 12).

    42     F’dan il-każ, huwa kostanti, minn naħa, li bis-saħħa tal-paragrafu 1 tad-dispożizzjoni kkontestata, huwa biss meqjus li huwa manifestazzjoni ta’ l-att, ta’ l-intenzjoni jew l-obbligu li ‘jarmi’ sustanza jew oġġett, fis-sens ta’ l-ewwel inċiż ta’ Artikolu 1(a) tad-Direttiva, il-fatt li din is-sustanza jew dan l-oġġett huwa intiż, direttament jew indirettament, għall-operazzjonijiet ta’ rimi jew ta’ rkupru msemmija fl-Annessi B u C tad-Digriet Nru 22/97 u, min-naħa l-oħra, li l-imsemmija Annessi B u C jikkorrispondu testwalment għall-Annessi II A u II B tad-Direttiva.

    43     Għalhekk, kif ġie mfakkar fil-punt 36 ta’ din is-sentenza, l-implementazzjoni ta’ waħda mill-operazzjonijiet ta’ rimi jew ta’ rkupru msemmija fl-Anness rispettivament II A jew II B tad-Direttiva ma tippermettix, waħedha, li tikklassifika sustanzi jew oġġetti użati f’dawn l-operazzjonijiet bħala skart.

    44     Fil-fatt, minn naħa, peress li tiddefinixxi l-azzjoni ta’ rimi ta’ sustanza jew ta’ oġġett billi titlaq mill-punt tat-twettiq ta’ operazzjoni ta’ rimi jew ta’ rkupru msemmija fl-Annessi B jew C tad-Digriet Nru 22/97, l-interpretazzjoni stabbilita mill-paragrafu 1 tad-dispożizzjoni kkontestata tissuġġetta l-klassifikazzjoni bħala skart għal operazzjoni ma tistax, hija stess, tiġi kklassifikata bħala rimi jew irkupru ħlief jekk tikkonċerna skart. Għaldaqstant, skond l-interpretazzjoni in kwistjoni, kull sustanza u kull oġġett implikat f’waħda mill-operazzjonijiet imsemmija fl-Annessi II A u II B tad-Direttiva għandhom jiġu kklassifikati bħala skart, b’mod li din l-interpretazzjoni twassal li dawn is-sustanzi jew oġġetti jiġu kklassifikati bħala skart minkejja li ma jitqiesux hekk fis-sens ta’ l-imsemmija Direttiva (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Niselli, iċċitata iżjed ’il fuq, punti 36 u 37).

    45     Min-naħa l-oħra, l-interpretazzjoni mogħtija fil-punt 42 ta’ din is-sentenza timplika li sustanza jew oġġett li l-pussessur jarmi b’mod ieħor għajr il-metodi msemmija fl-Annessi II A u II B tad-Direttiva ma jikkostitwixxux skart, b’mod li din l-interpretazzjoni tillimita wkoll il-kunċett ta’ skart kif jirriżulta mill-ewwel paragrafu ta’ l-Artikolu 1(a) ta’ l-imsemmija direttiva. Għalhekk, skond din l-interpretazzjoni, sustanza jew oġġett li ma jkunux suġġetti għal obbligu ta’ rimi jew ta’ rkupru u li l-possessur tagħhom jarmihom permezz ta’ sempliċi abbandun, mingħajr ma jissuġġettahom għal operazzjoni bħal din, ma jkunux ikklassifikati bħala skart minkejja li fil-fatt ikunu skart fis-sens tad-Direttiva (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Niselli, iċċitata iżjed ’il fuq, punt 38).

    46     F’dan ir-rigward, l-argument tar-Repubblika Taljana espost fil-punt 24 ta’ din is-sentenza, fejn issostni li l-fatt li sustanza jew oġġett abbandunati huma fil-verità koperti mill-paragrafu 1(a) tad-dispożizzjoni kkontestata, ma jistax jiġi milqugħ. Fil-fatt, minkejja li interpretazzjoni bħal din tipprevedi, fid-dritt nazzjonali, id-dispożizzjoni kkontestata, minħabba n-nuqqas ta’ ċarezza u preċiżjoni f’dan ir-rigward, ma tistax tassigura l-applikazzjoni kompleta tad-Direttiva.

    47     Huwa kostanti wkoll li, skond il-preċiżazzjoni magħmula fil-paragrafu 2 tad-dispożizzjoni kkontestata, huwa biżżejjed, sabiex fdal ta’ produzzjoni jew konsum jiġi eskluż mill-klassifikazzjoni ta’ skart, li jkun jew jista’ jkun użat mill-ġdid fi proċess ta’ produzzjoni jew ta’ konsum, mingħajr ipproċessar minn qabel u mingħajr ma ssir ħsara lill-ambjent, jew wara li jkunu suġġetti għal ipproċessar minn qabel mingħajr ma tkun meħtieġa xi waħda mill-operazzjonijiet ta’ rkupru minn fost dawk elenkati fl-Anness C tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 22/97, li tikkorrispondi testwalment għall-Anness II B tad-Direttiva.

    48     Għalhekk, din l-interpretazzjoni mhijex konformi ma’ l-eżiġenzi tal-ġurisprudenza mfakkra fil-punti 33 sa 39 ta’ din is-sentenza. Fil-fatt, din timplika li fdal ta’ produzzjoni jew ta’ konsum ma jkunx ikklassifikat bħala skart minkejja li dan jissodisfa l-kunċett ta’ “skart” stabbilit fl-ewwel inċiż ta’ l-Artikolu 1(a) tad-Direttiva.

    49     B’mod partikolari, kif jirriżulta mill-punti 34 sa 36 ta’ din is-sentenza, il-fatt li sustanza hija fdal tal-produzzjoni jew tal-konsum, tikkostitwixxi indizzju li dan huwa skart, u l-fatt biss li sustanza hija intiża għall-użu mill-ġdid jew tista’ tintuża mill-ġdid ma jiddeterminax il-klassifikazzjoni tagħha bħala skart jew le.

    50     Barra minn hekk, l-argument tar-Repubblika Taljana espost fil-punt 25 ta’ din is-sentenza, ma jistax jiġi milqugħ. Fil-fatt, fid-dawl ta’ l-obbligu mfakkar fil-punt 33 ta’ din is-sentenza, dak li għandu jiġi interpretat b’mod wiesa’ l-kunċett ta’ skart, u ta’ l-eżiġenzi tal-ġurisprudenza msemmija fl-punti 33 sa 39 ta’ din is-sentenza, materjal, prodott jew materja prima minn proċess ta’ manifattura li mhuwiex intiż għall-produzzjoni tiegħu ma jistax jikkostitwixxi prodott sekondarju li l-pussessur ma jixtieqx jarmi, jekk l-użu mill-ġdid tiegħu, inkluż il-bżonnijiet ta’ l-operaturi ekonomiċi minbarra dak li pproduċih, mhuwiex sempliċiment eventwali, iżda huwa ċert, ma jkollux bżonn ta’ trasformazzjoni minn qabel u jkun jinsab fil-proċess tal-produzzjoni jew ta’ l-użu.

    51     Fl-aħħar nett, għal dak li għandu x’jaqsam ma’ l-osservazzjonijiet magħmula mir-Repubblika Taljana waqt is-seduta, fir-rigward tal-fatt li l-persuni ppreżentati bħala li jaġixxu “fil-limitu tal-legalità”, huma attivi fis-settur ta’ l-immaniġġjar ta’ l-iskart, huwa biżżejjed li jiġi rrilevat li din is-sitwazzjoni, jekk tiġi stabbilita, ma tiġġustifikax il-ksur minn dan l-Istat Membru ta’ l-obbligu imposti fuqu mid-Direttiva.

    52     Fid-dawl ta’ dak li ntqal, ir-rikors tal-Kummissjoni għandu jiġi milqugħ.

    53     Għalhekk, hemm lok li jiġi kkonstatat li, billi adottat u żammet fis-seħħ l-Artikolu 14 tad-Digriet Liġi Nru 138 tat-8 ta’ Lulju 2002 li wara emenda sar il-Liġi Nru 178 tat-8 ta’ Awwissu 2002, li jeskludi mill-kamp ta’ applikazzjoni tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 22/97, minn naħa, is-sustanzi, il-materjali u l-oġġetti intiżi għall-operazzjonijiet ta’ rimi jew ta’ rkupru li mhumiex espliċitament imsemmija fl-Annessi B u C ta’ l-imsemmi Digriet u, min-naħa l-oħra, is-sustanzi u l-oġġetti li huma fdal tal-produzzjoni u li l-pussessur għandu l-intenzjoni jew l-obbligu li jarmihom meta jistgħu jkunu jew ikunu użati mill-ġdid fi proċess ta’ produzzjoni jew ta’ konsum mingħajr ma jkollhom trasformazzjoni minn qabel u mingħajr ma jagħmlu ħsara lill-ambjent, jew wara li jkollhom trasformazzjoni minn qabel meta ma hemmx involuta waħda mill-operazzjonijiet ta’ rkupru elenkati fl-Anness C ta’ l-istess Digriet, ir-Repubblika Taljana naqset milli twettaq l-obbligi tagħha imposti mill-Artikolu 1(a) tad-Direttiva.

     Fuq l-ispejjeż

    54     Skond l-Artikolu 69(2) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba. Peress li r-Repubblika Taljana tilfet, hemm lok li hija tiġi ordnata tbati l-ispejjeż kif mitlub mill-Kummissjoni.

    Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) taqta’ u tiddeċiedi li:

    1)      Billi adottat u żammet fis-seħħ l-Artikolu 14 tad-Digriet-Liġi Nru 138, li jistabbilixxi miżuri urġenti fil-qasam tat-tassazzjoni, tal-privatizzazzjoni u tal-kontroll ta’ l-infiq fuq il-prodotti farmaċewtiċi kif ukoll ta’ sostenn ta’ l-ekonomija fiż-żoni żvantaġġati, tat-8 ta’ Lulju 2002, li wara emenda sar il-Liġi Nru 178 tat-8 ta’ Awwissu 2002, li jeskludi mill-kamp ta’ applikazzjoni tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 22, li jimplementa d-Direttivi 91/156/KEE dwar l-iskart, 91/689/KEE dwar l-iskart perikoluż u 94/62/KE dwar l-imballaġġ u l-iskart mill-imballaġġ, tal-5 ta’ Frar 1997, minn naħa, is-sustanzi, l-oġġetti jew materjali intiżi għall-operazzjonijiet ta’ rimi jew ta’ rkupru li mhumiex espliċitament imsemmija fl-Annessi B u C ta’ l-imsemmi Digriet, u min-naħa l-oħra, is-sustanzi u l-oġġetti li huma fdal tal-produzzjoni u li l-pusessur għandu l-intenzjoni jew l-obbligu li jarmi meta dawn jistgħu jkunu jew ikunu użati mill-ġdid fi proċess ta’ produzzjoni jew ta’ konsum mingħajr ma jkunu suġġetti għal ipproċessar minn qabel u mingħajr ma jagħmlu ħsara lill-ambjent, jew wara li jkunu ġew suġġetti għal ipproċessar minn qabel meta mhijiex implikata waħda mill-operazzjonijiet ta’ l-irkupru mniżżla fl-Anness C ta’ l-istess Digriet, ir-Repubblika Taljana naqset milli twettaq l-obbligi imposti fuqha mill-Artikolu 1(a) tad-Direttiva tal-Kunsill 75/442/KEE, tal-15 ta’ Lulju 1975, dwar l-iskart, kif emendata mid-Direttiva tal-Kunsill 91/156, tat-18 ta’ Marzu 1991 u mid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni, 96/350/KE, ta’ l-24 ta’ Marzu 1996.

    2)      Ir-Repubblika Taljana hija kkundannata għall-ispejjeż.

    Firem


    * Lingwa tal-kawża: it-Taljan.

    Top