Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62005CJ0145

    Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (it-Tielet Awla) tas-27 ta' April 2006.
    Levi Strauss & Co. vs Casucci SpA.
    Talba għal deċiżjoni preliminari: Cour de cassation - il-Belġju.
    Trade marks -Direttiva 89/104/KEE -Artikolu 5(1)(b) - Mument rilevanti għall-evalwazzjoni tal-possibbiltà ta' konfużjoni bejn trade mark u sinjal simili - Telf tas-setgħa distintiva minħabba l-komportament tal-proprjetarju tat-trade mark wara li s-sinjal beda jintuża.
    Kawża C-145/05.

    ECLI identifier: ECLI:EU:C:2006:264

    SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla)

    27 ta' April 2006 (*)

    "Trade marks –Direttiva 89/104/KEE –Artikolu 5(1)(b) – Mument rilevanti għall-evalwazzjoni tal-possibbiltà ta' konfużjoni bejn trade mark u sinjal simili – Telf tas-setgħa distintiva minħabba l-komportament tal-proprjetarju tat-trade mark wara li s-sinjal beda jintuża"

    Fil-kawża C-145/05

    li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skond l-Artikolu 234 KE, imressqa mill-Cour de cassation (Il-Belġju), b'deċiżjoni tas-17 ta' Marzu 2005, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fil-31 ta' Marzu 2005, fil-kawża

    Levi Strauss & Co.

    vs

    Casucci SpA,

    IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla),

    komposta minn A. Rosas, President ta' l-Awla, J. Malenovský (Relatur), J.-P. Puissochet, S. von Bahr u U. Lõhmus, Imħallfin,

    Avukat Ġenerali: D. Ruiz-Jarabo Colomer,

    Reġistratur: K. Sztranc, Amministratur,

    wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tas-17 ta' Novembru 2005,

    wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

    –       għal Levi Strauss & Co., minn T. van Innis, Avukat,

    –       għall-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, minn N. B. Rasmussen u D. Maidani, bħala aġenti,

    wara li semgħet il-konklużjonijiet ta' l-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tas-17 ta' Jannar 2006,

    tagħti l-preżenti

    Sentenza

    1       It-talba għal deċiżjoni preliminari tikkonċerna l-interpretazzjoni ta' l-Artikolu 5(1)(b) ta' l-Ewwel Direttiva tal-Kunsill 89/104/KEE, tal-21 ta' Diċembru 1998, biex jiġu approssimati l-liġijiet ta’ l-Istati Membri dwar it-trade marks (ĠU 1989, L 40, p. 1).

    2       Din it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest ta' kawża bejn Levi Strauss & Co. (iktar 'il quddiem "Levi Strauss") u Casucci SpA (iktar 'il quddiem "Casucci") fir-rigward tal-bejgħ minn din ta' l-aħħar ta' qliezet tal-jeans li għandhom sinjal li allegatament jippreġudika lit-trademark li l-proprjetarja tagħha hija Levi Straus.

     Il-Kuntest Ġuridiku

    3       L-għaxar premessa tad-Direttiva 89/104 tipprovdi kif ġej:

    "[…] l-protezzjoni mogħtija lit-trade marks registrati, li l-funzjoni tagħhom hi partikolarment li jiggarantixxu t-trade mark bhala indikazzjoni ta’ oriġini, hi assoluta fil-każ ta’ identità bejn il-marka u s-sinjal u l-merkanzija jew is-servizzi; […] l-protezzjoni tapplika wkoll f’każ ta’ xebħ bejn il-marka u l-merkanzija jew is-servizzi; […] hu indispensabbli li tingħata interpretazzjoni tal-kunċett ta’ xebħ fir-rigward tal-possibbiltà li jkun hemm konfużjoni; […] l-possibbiltà li jkun hemm konfużjoni, li l-apprezzament tagħha jiddependi fuq ħafna elementi u, partikolarment fuq ir-rikonoxximent tat-trade mark fis-suq, ta’ l-assoċjazzjoni li tista’ ssir bis-sinjal użat jew registrat, tal-grad ta’ xebħ bejn it-trade mark u s-sinjal u bejn il-merkanzija jew is-servizzi identifikati, tikkostitwixxi l-kondizzjoni specifika għal tali protezzjoni; […] l-metodi għall-istabbiliment tal-possibbiltà ta’ konfużjoni u partikolarment l-onus tal-prova, huma kwistjoni għar-regolamenti ta’ proċedura nazzjonali li ma humiex preġudikati bid-Direttiva".

    4       L-Artikolu 5 ta' l-istess Direttiva jipprovdi:

    "It-trade mark reġistrata għandha tagħti l-proprjetarju drittijiet esklussivi fuqha. Il-proprjetarju għandu jkun intitolat li jimpedixxi terzi persuni kollha li ma għandhomx il-kunsens tiegħu milli jużaw matul il-kummerċ:

    […]

    (b)      kwalunkwe sinjal li, minħabba l-identità ma’, jew li jixbaħ it-trade mark u l-identità jew xebħ ta’ l-merkanzija jew is-servizzi koperti mit-trade mark u s-sinjal, teżisti l-possibbiltà ta’ konfużjoni da parti tal-pubbliku, li tinkludi l-possibbiltà ta’ assoċjazzjoni bejn is-sinjal u t-trade mark. "

    […]

    3.      Is-segwenti, inter alia, jistgħu jkunu projbiti taħt paragrafi 1 u 2:

    a)      li jitwaħħal is-simbolu ma’ l-merkanzija jew ma’ l-imballaġġ ta’ dan;


    (b) li joffru l-merkanzija, jew li jqiegħduhom fuq is-suq jew li jaħżnuhom għal dawn l-iskopijiet taħt dak is-sinjal, jew li joffru u jfornu servizzi kif jidhru hawn taħt;

    (ċ) jimpurtaw jew jesportaw il-merkanzija taħt is-simbolu;

    (d) ju[ż]aw is-sinjal fuq karti tal-kummerċ u fir-reklamar.

    […]"

    5       Skond l-Artikolu 12(2) ta' l-imsemmija Direttiva:

    "2.      Trade mark tista’ ukoll tkun suġġetta għar-revokazzjoni jekk, wara d-data li fiha ġiet reġistrata,

    (a)       b’konsegwenza ta’ atti jew inattività tal-proprjetarju, saret l-isem komuni fil-kummerċ għal prodott jew servizz li għalihom hi reġistrata;

    […]"

     Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

    6       Fl-1980, Levi Strauss irreġistrat fil-Benelux trade mark grafika, imsejħa "mouette", ikkostitwita minn disinn irrappreżentat minn punt tal-ħjata doppja milwi l-isfel fin-nofs tiegħu u li jinsab fin-nofs tad-disinn iffurmat mill-ħjata ta' but pentagonali, riprodott kif ġej,

    Image not found Image not found

    għall-ħwejjeġ li jaqgħu fil-klassi 25 skond il-Ftehim ta' Nizza dwar il-Klassifikazzjoni Internazzjonali ta' Prodotti u Servizzi għall-finijiet tar-Reġistrazzjoni ta' Trade marks, tal-15 ta' Ġunju 1957, kif irrivedut u emendat.

    7       Casucci poġġa fis-suq, fil-Benelux, qliezet tal-jeans li jinkludu sinjal iffurmat minn punt tal-ħjata doppja milwi l-fuq fin-nofs tiegħu, meħjut fuq il-bwiet ta' wara, li għandu l-forma segwenti:

    Image not found Image not found

    8       Billi Casucci kisret b'hekk id-drittijiet li tagħtiha t-trade mark irreġistrata "mouette", Levi Strauss, b'ċitazzjoni tal-11 ta' Marzu 1998, ressqet din il-kumpannija quddiem it-tribunal de commerce ta' Brussell sabiex hija tiġi kkundannata tieqaf minn kull użu tas-sinjal in kwistjoni għall-ħwejjeġ li hija tikkumerċjalizza. Barra minn hekk, hija talbet li Casucci tiġi kkundannata tħallas id-danni u l-interessi.

    9       Billi l-qorti tal-Prim'Istanza ċaħdet it-talba tagħha b'sentenza tat-28 ta' Ottubru 1999, Levi Strauss ressqet appell quddiem il-cour d'appel de Bruxelles. Quddiem din il-qorti, hija sostniet li kien jirriżulta mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li, minn naħa, il-possibbiltà ta' konfużjoni għandha tiġi evalwata globalment billi jiġi kkunsidrat b'mod partikolari l-grad ta' xebh eżistenti bejn it-trade mark u s-sinjal in kwistjoni u bejn il-prodotti kkonċernati, u min-naħa l-oħra, li din il-possibbiltà kienet għolja daqs kemm kien importanti l-karattru distintiv tat-trade mark preċedenti. Issa, f'dan il-każ, minbarra l-fatt li t-trade mark tagħha u s-sinjal in kwistjoni għandhom xebh viżwali u l-prodotti kkonċernati huma identitiċi, huwa importanti li t-trade mark "mouette" tikkostitwixxi trade mark li għandha karattru distintiv għoli minħabba l-kontenut imaġinattiv tagħha u l-użu abbondanti tagħha għal ħafna snin.

    10     Madankollu, il-cour d'appel de Bruxelles ċaħdet ir-rikors ta' Levi Strauss, billi kkunsidrat li l-grad ta' xebh bejn is-sinjal in kwistjoni u t-trade mark "mouette" kien baxx u, b'mod partikolari, li din ta' l-aħħar ma setgħetx iktar tiġi kkunsidrata bħala trade mark li għandha karattru distintiv għoli. Fil-fatt, din ta' l-aħħar hija in parti ffurmata minn komponenti li llum jikkostitwixxu karatteristiċi komuni għall-prodotti kkonċernati minħabba l-użu mifrux ħafna u kostanti tagħhom, użu li kellu inevitabilment bħala effett li jnaqqas b'mod konsiderevoli s-setgħa distintiva ta' l-imsemmija trade mark peress illi din ta' l-aħħar ma setgħetx toħroġ ebda setgħa distintiva intrinsika minn dawn il-komponenti.

    11     Levi Strauss ressqet appell quddiem il-Cour de cassation. Hija sostniet quddiem din il-qorti li Casucci qisha kienet qed tallega li t-trade mark "mouette" kien għad kellha karattru distintiv għoli fl-1997 u li hija kienet tilfet dan ta' l-aħħar fl-1998, sena li matulha nxtraw qliezet oħra tal-jeans li d-distribuzzjoni tagħhom fil-Benelux wasslet sabiex jitnaqqas l-effett ta' l-imsemmija trade mark. Skond Levi Strauss, f'dan il-kuntest, il-cour d'appell de Bruxelles kienet obbligata, tikkonforma ruħha mal-pożizzjoni tal-Cour de justice Benelux fis-sentenza tagħha "Quick" tat-13 ta' Diċembru 1994 (A 93/3) skond liema, sabiex jiġi evalwat jekk trade mark għandhiex karattru distintiv għoli, il-qorti kellha tmur lura fiż-żmien li fih is-sinjal in kwistjoni kien beda jintuża – jiġifieri, skond hi, fl-1997 – u li ma setax ikun mod ieħor sakemm it-trade mark ikkonċernata ma kinitx tilfet kompletament jew parzjalment is-setgħa distintiva tagħha wara l-imsemmi mument, iżda biss fil-każ fejn dan it-telf kien dovut kollu jew in parti għall-atti jew għall-inattività tal-proprjetarju ta' din it-trade mark. Issa, f'dan il-każ, l-imsemmija cour d'appel poġġiet ruħha, sabiex tevalwa l-possibbiltà ta' konfużjoni, fid-data li fiha ngħatat is-sentenza tagħha u mhux fil-mument li fih is-sinjal in kwistjoni kien beda jintuża. Jekk il-cour d'appel de Bruxelles kienet ikkunsidrat li l-karattru mifrux ħafna tal-komponenti tat-trade mark ikkonċernata kellu bħala effett li jnaqqas b'mod konsiderevoli s-setgħa distintiva ta' din ta' l-aħħar, hija ma kinitx madankollu kkonstatat li t-tnaqqis konsiderevoli ta' din is-setgħa distintiva, wara l-mument li fih is-sinjal in kwistjoni kien beda jintuża, kien kompletament jew parzjalment dovut għall-atti jew għall-inattività ta' Levi Strauss. L-imsemmija cour d'appel ma setgħetx, għaldaqstant, tiddeċiedi korrettament li t-trade mark "mouette" ma kinitx iktar trade mark li għandha karattru distintiv għoli.

    12     F'dawn iċ-ċirkustanzi, il-Cour de cassation iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u tagħmel is-segwenti domandi preliminari lill-Qorti tal-Ġustizzja:

    "1)      Sabiex tiġi determinata l-portata tal-protezzjoni ta' trade mark akkwistata b'mod regolari skond is-setgħa distintiva tagħha, prevista fl-Artikolu 5(1) tad-[Direttiva 89/104], il-qorti għandha tqis il-kunċett tal-pubbliku kkonċernat fil-mument li fih beda l-użu tat-trade mark jew tas-sinjal li jixxiebah akkużat li jippreġudika lit-trade mark?

    2)      Jekk it-tweġiba tkun fin-negattiv, il-qorti tista' tqis il-kunċett tal-pubbliku kkonċernat fi kwalunkwe mument tal-perijodu sussegwenti għall-mument li fih beda l-użu inkriminanti? Tista', b'mod partikolari, tqis il-kunċett tal-pubbliku kkonċernat fil-mument li fih hija tiddeċiedi?

    3)      Meta, b'applikazzjoni tal-kriterju msemmi fl-ewwel domanda l-qorti tikkonstata li hemm preġudizzju għat-trade mark, huwa ġġustifikat, bħala regola, li hija tordna l-waqfien mill-użu tas-sinjal li jikkostitwixxi preġudizzju?

    4)      Jista' jkun mod ieħor jekk it-trade mark ta' l-applikant tilfet kompletament jew parzjalment is-setgħa distintiva tagħha wara l-mument li fih beda l-użu li jikkostitwixxi preġudizzju, iżda biss fil-każijiet fejn dan it-telf huwa kompletament jew parzjalment dovut għall-atti jew għall-inattività tal-proprjetarju ta' din it-trade mark?"

     Fuq id-domandi preliminari

     Fuq l-ewwel u t-tieni domandi

    13     B'dawn id-domandi, li jaqbel li jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju tistaqsi essenzjalment jekk, sabiex tiġi determinta l-portata tal-protezzjoni ta' trade mark akkwistata b'mod regolari skond is-setgħa distintiva tagħha, prevista fl-Artikolu 5(1) tad-Direttiva, il-qorti għandhiex tieħu in kunsiderazzjoni l-perċezzjoni tal-pubbliku kkonċernat jew fil-mument li fih is-sinjal li jippreġudika lit-trade mark ikkonċernata beda jintuża, jew fi kwalunkwe mument tal-perijodu sussegwenti għal dan il-mument, jew fil-mument meta l-qorti tiddeċiedi.

    14     L-ewwel nett, billi jagħti lill-proprjetarju ta' trade mark dritt li jipprojbixxi lil terzi milli jużaw sinjal identiku jew simili, f'każ ta' possibbiltà ta' konfużjoni, u billi jniżżel l-użi ta' dan is-sinjal li jistgħu jkunu projbiti, l-Artikolu 5 tad-Direttiva 89/104 huwa intiż sabiex jipproteġi dan il-proprjetarju minn użi ta' sinjali li jistgħu jippreġudikaw din it-trade mark.

    15     Huwa għalhekk li l-Qorti tal-Ġustizzja tenfasizza li, sabiex tista' tiġi żgurata l-funzjoni essenzjali tat-trade mark, li hija li tiggarantixxi lill-konsumatur jew lill-utent finali l-identità ta' oriġini tal-prodott jew tas-servizz kopert mit-trade mark, billi tippermettilu jiddistingwi mingħajr possibbiltà ta' konfużjoni dan il-prodott jew dan is-servizz minn dawk li għandhom oriġini oħra, il-proprjetarju tat-trade mark għandu jkun protett mill-kompetituri li jridu jabbużaw mill-pożizzjoni u mir-reputazzjoni tat-trade mark billi jbigħu prodotti indebitament provduti minnha (ara, is-sentenzi tal-11 ta' Novembru 1997, Loendersloot, C-349/95, Ġabra p. I-6227, punt 22, u tat-12 ta' Novembru 2002, Arsenal Football Club, C-206/01, Ġabra p. I‑10273, punt 50). L-istess għandu japplika għalhekk meta minħabba xebh bejn is-sinjali u t-trade marks kkonċernati, teżisti probabbiltà ta' konfużjoni bejnithom.

    16     Barra minn hekk, l-Istati Membri huma obbligati jieħdu miżuri li huma effettivi biżżejjed sabiex jintlaħaq l-għan tad-Direttiva u li jagħmlu mod li d-drittijiet mogħtija minn din ta' l-aħħar jistgħu jiġu effettivament invokati quddiem il-qrati nazzjonali mill-persuni kkonċernati (ara, is-sentenzi ta' l-10 ta' April 1984, von Colson u Kamann, 14/83, Ġabra p. 1891, punt 18, u tal-15 ta' Mejju 1986, Johnston, 222/84, Ġabra p. 1651, punt 17).

    17     Issa, id-dritt tal-proprjetarju għal protezzjoni tat-trade mark tiegħu mill-preġudizzji lil din ta' l-aħħar ma jkunx effettiv u lanqas effikaċi jekk ma jippermettix li jiġi meħud in kunsiderazzjoni l-kunċett tal-pubbliku kkonċernat fil-mument meta s-sinjal, li l-użu tiegħu jippreġudika l-imsemmija trade mark, beda jiġi użat.

    18     Fil-fatt, jekk il-possibbiltà ta' konfużjoni ġiet evalwata f'data sussegwenti għal dik li fiha s-sinjal ikkonċernat beda jiġi użat, l-utent ta' dan is-sinjal jista' b'mod indebitu jipprofitta mill-komportament illegali tiegħu stess billi jinvoka tnaqqis fir-reputazzjoni tat-trade mark protetta li għalih huwa stess responsabbli jew li għalih huwa stess kien ikkontribwixxa.

    19     Fl-aħħar, mill-Artikolu 12(2)(a) tad-Direttiva 89/104 jirriżulta li trade mark għandha tkun suġġett għar-revokazzjoni jekk, wara d-data tar-reġistrazzjoni tagħha, it-trade mark saret, b’konsegwenza ta’ atti jew inattività tal-proprjetarju, l-isem komuni fil-kummerċ għal prodott jew servizz li għalihom hi rreġistrata. Għaldaqstant, billi jipproċedi sabiex jiżen l-interessi tal-proprjetarju ta' trade mark u ta' dawk tal-kompetituri tiegħu marbuta ma' disponibbiltà ta' sinjali, il-leġiżlatur billi adotta din id-dispożizzjoni qis li t-telf tal-karattru distintiv ta' l-imsemmija trade mark jista' jiġi attribwit lill-proprjetarju ta' din biss jekk dan it-telf huwa dovut għall-atti jew għall-inattività tiegħu. Għaldaqstant, sakemm dan mhuwiex il-każ, u b'mod partikolari meta t-telf ta' dan il-karattru distintiv huwa marbut ma' l-atti ta' terz li jagħmel użu minn sinjal li jippreġudika lit-trade mark, din ta' l-aħħar għandha tkompli tgawdi minn protezzjoni.

    20     Fid-dawl ta' dak kollu li jippreċedi, ir-risposta għall-ewwel u t-tieni domanda għandha tkun li l-Artikolu 5(1) tad-Direttiva 89/104 għandu jiġi interpretat fis-sens li sabiex tiġi determinata l-portata tal-protezzjoni ta' trade mark akkwistata b'mod regolari skond is-setgħa distintiva tagħha, il-qorti għandha tieħu in kunsiderazzjoni l-perċezzjoni tal-pubbliku kkonċernat fil-mument li fih is-sinjal, li l-użu tiegħu jippreġudika l-imsemmija trade mark, beda jintuża.

     Fuq it-tielet domanda

    21     B'din id-domanda, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk għandux, bħala regola ġenerali, jiġi ordnat il-waqfien mill-użu tas-sinjal ikkonċernat ġaladarba huwa kkonstatat li dan is-sinjal kien jikkostitwixxi preġudizzju għat-trade mark li kienet protetta fil-mument li fih beda jintuża.

    22     Mill-Artikolu 5(1) tad-Direttiva 89/104, moqri fid-dawl tar-risposta għall-ewwel u għat-tieni domanda magħmula mill-qorti tar-rinviju, jirriżulta li billi kienet teżisti possibbiltà ta’ konfużjoni bejn it-trade mark irreġistrata u sinjal simili fil-mument li fih is-sinjal ikkonċernat beda' jintuża, il-proprjetarju ta' din it-trade mark jista' jipprojbixxi lil terzi kollha, fin-nuqqas tal-kunsens tiegħu, milli jużaw fil-kummerċ, dan is-sinjal.

    23     Issa, billi tipprevedi fl-Artikolu 5(3) tagħha, b'mod mhux eżawrenti, ċerti miżuri intiżi sabiex jiggarantixxu tali dritt tal-proprjetarju, id-Direttiva 89/104 ma timponix li dawn ta' l-aħħar ikollhom forma partikolari, peress illi l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti jgawdu f'dan ir-rigward minn ċertu marġini ta' evalwazzjoni.

    24     Madankollu, il-ħtieġa ta' protezzjoni effettiva u effikaċi tad-drittijiet li l-proprjetarju għandu skond id-Direttiva 89/104, imfakkra fil-punt 16 tal-preżenti sentenza, timplika li l-qorti kompetenti għandha tieħu dawk il-miżuri li huma l-iktar adatti fid-dawl taċ-ċirkustanzi ta' dan il-każ sabiex tiggarantixxi d-drittijiet tal-proprjetarju tat-trade mark u tirrimedja l-preġudizzji li sarulha. F'dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat b'mod partikolari li l-ordni għat-twaqqif mill-użu ta' l-imsemmi sinjal huwa miżura li tiggarantixxi, b'mod effettiv u effikaċi, dawn id-drittijiet.

    25     Għaldaqstant, ir-risposta għat-tielet domanda għandha tkun li meta l-qorti kompetenti tikkonstata li s-sinjal ikkonċernat kien jikkostitwixxi preġudizzju għat-trade mark fil-mument li fih beda jiġi użat, hija din il-qorti li għandha tieħu l-miżuri li huma l-iktar adatti fid-dawl taċ-ċirkustanzi tal-każ sabiex tiggarantixxi d-dritt tal-proprjetarju tat-trade mark li jirriżulta mill-Artikolu 5(1) tad-Direttiva 89/104, u dawn il-miżuri jistgħu jinkludu, b'mod partikolari, l-ordni għat-twaqqif mill-użu ta' l-imsemmi sinjal.

     Fuq ir-raba' domanda

    26     Bir-raba' domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk hemmx lok li jiġi ordnat il-waqfien mill-użu tas-sinjal ikkonċernat meta t-trade mark tilfet kompletament jew parzjalment is-setgħa distintiva tagħha wara li dan is-sinjal beda jintuża u meta dan it-telf huwa kompletament jew parzjalment dovut għall-atti jew għall-inattività tal-proprjetarju tat-trade mark.

    27     Jekk l-Artikolu 5 tad-Direttiva 89/104 jagħti lill-proprjetarju ta' trade mark ċerti drittijiet, din id-Direttiva tiġbed konsegwenzi mill-komportament ta' dan ta' l-aħħar sabiex tiddetermina l-portata tal-protezzjoni ta' dawn id-drittijiet.

    28     Għaldaqstant, l-Artikolu 9(1) ta' din id-Direttiva jipprovdi li fejn fi Stat Membru l-proprjetarju ta' trade mark preċedenti qabel, għal perijodu ta’ ħames snin suċċessivi, fl-użu ta’ trade mark reġistrata wara f’dak l-Istat Membru filwaqt li jkun konxju ta’ tali użu, hu m'għandux ikollu l-jedd aktar abbażi tat-trade mark preċedenti jew li japplika għal dikjarazzjoni li t-trade mark ta’ wara hi invalida jew li jopponi l-użu tat-trade mark dwar merkanzija jew servizzi li għalihom t-trade mark ta’ wara ġiet użata. Bl-istess mod, skond l-Artikolu 10 ta' l-imsemmija Direttiva, jekk, wara li tkun ġiet kompluta l-proċedura tar-reġistrazzjoni, il-proprjetarju ma użax it-trade mark ġenwinament fl-Istat Membru kkonċernat in konnessjoni mal-merkanzija jew is-servizzi li għalihom hi reġistrata, jew jekk tali użu ġie sospiż matul perijodu mhux interrott ta’ ħames snin, it-trade mark għandha tkun suġġetta għas-sanzjonijiet stabbiliti f’din id-Direttiva, sakemm hemm raġunijiet tajba għan-nuqqas ta’ użu. Fl-aħħar, skond l-Artikolu 12(1) u (2) tad-Direttiva 89/104, trade mark għandha tkun suġġetta għar-revokazzjoni jekk din it-trade mark, ma tkunx ġiet użata ġenwinament, matul perijodu mhux interrott ta’ ħames snin jew jekk hija saret, bil-fatt tal-komportament tal-proprjetarju tagħha, l-isem komuni għal prodott jew servizz.

    29     Minn dawn id-dispożizzjonijiet jirriżulta li d-Direttiva 89/104 hija intiża, b'mod ġenerali, sabiex tibbilianċja, minn naħa, l-interessi tal-proprjetarju ta' trade mark li jħares il-funzjoni essenzjali ta' din ta' l-aħħar u, min-naħa l-oħra, l-interessi ta' operaturi oħra ekonomiċi li jiddisponu minn sinjali li jistgħu jidentifikaw il-prodotti u s-servizzi tagħhom (ara, fir-rigward tal-ħtieġa ta' disponibbiltà ta' kuluri fil-każ tar-reġistrazzjoni bħala trade mark ta' kulur fih innifsu, is-sentenza tas-6 ta' Mejju 2003, Libertel, C-104/01, Ġabra p. I-3793).

    30     Minn dan jirriżulta li l-protezzjoni tad-drittijiet li l-proprjetarju ta' trade mark għandu skond l-imsemmija Direttiva mhijiex inkondizzjonata, peress illi din il-protezzjoni hija b'mod partikolari limitata, sabiex jiġu bbilanċjati l-imsemmija interessi, fil-każ fejn il-proprjetarju juri li huwa biżżejjed attent billi jopponi għall-użu minn operaturi oħra ta' sinjali li jistgħu jkunu ta' preġudizzju għat-trade mark tiegħu.

    31     Barra minn hekk, tali ħtieġa ta' komportament attent teċċedi l-qasam tal-protezzjoni tat-trade marks u tista' tiġi applikata għal oqsma oħra tad-dritt Komunitarju meta suġġett tad-dritt jitlob il-benefiċċju ta' dritt li jirriżulta minn din is-sistema ġuridika.

    32     Fil-punt 28 ta' din is-sentenza ġie mfakkar li trade mark għandha tkun suġġetta għar-revokazzjoni jekk din it-trade mark, b'konsegwenza ta' atti jew inattività tal-proprjetarju, saret l-isem komuni għal prodott jew servizz li għalihom hi reġistrata.

    33     B'hekk, ġaladarba trade mark tilfet is-setgħa distintiva tagħha, b'konsegwenza ta' atti jew inattività tal-proprjetarju tagħha, b'tali mod li hija saret isem komuni fis-sens ta' l-Artikolu 12(2) tad-Direttiva 89/104, il-proprjetarju tagħha ma jistax jeżerċita d-drittijiet li huma mogħtija lilu permezz ta' l-Artikolu 5 ta' l-imsemmija Direttiva.

    34     Tali inattività tista' wkoll tikkorrispondi għal omissjoni tal-proprjetarju ta' trade mark milli jirrikorri fiż-żmien stipulat għal dan l-Artikolu 5, sabiex jitlob lill-awtorità kompetenti tipprojbixxi lil terzi persuni kkonċernati milli jużaw is-sinjal li fir-rigward tiegħu teżisti possibbiltà ta' konfużjoni ma' din it-trade mark, peress illi dawn it-talbiet għandhom preċiżament bħala għan li jippreservaw is-setgħa distintiva ta' l-imsemmija trade mark.

    35     Issa fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet imsemmija fil-punti 29 u 30 ta' din is-sentenza, hija l-qorti kompetenti li għandha tikkonstata l-eżistenza eventwali ta' revoka ta' drittijiet, marbuta b'mod partikolari ma' omissjoni bħal din, anki fil-kuntest ta' proċedura intiża sabiex tipproteġi d-dritt esklużiv mogħti mill-Artikolu 5 tad-Direttiva 89/104, u li ġiet mibdija, jekk ikun il-każ, tard mill-propjetarju tat-trade mark. Jekk it-teħid in kunsiderazzjoni tar-revoka fis-sens ta' l-imsemmi Artikolu 12(2) fi proċedimenti ta' ksur taqa' biss taħt id-dritt nazzjonali ta' l-Istati Membri, jista' jirriżulta li l-proprjetarji ta' trade marks jingħataw protezzjoni differenti skond il-liġi kkonċernata. L-għan ta' "l-istess protezzjoni taħt is-sistemi legali ta’ l-Istati Membri kollha", imsemmi fid-disa' premessa tad-Direttiva u kkwalifikat bħala "fundamentali" minn din ta' l-aħħar, mhuwiex ippreġudikat (ara, fir-rigward ta' l-oneru tal-prova tal-preġudizzju għad-dritt esklużiv tal-proprjetarju, is-sentenza tat-18 ta' Ottubru 2005, Class International, C-405/03, li għadha mhux ippubblikat fil-Ġabra, punti 73 u 74).

    36     Għaldaqstant, wara li din ir-revoka tkun ġiet ikkonstatata, il-qorti kompetenti ma tistax tordna l-waqfien mill-użu tas-sinjal ikkonċernat, anki jekk teżisti, fil-mument meta l-imsemmi sinjal beda jintuża, possibbiltà ta' konfużjoni bejn dan ta' l-aħħar u t-trade mark ikkonċernata.

    37     Konsegwentement, ir-risposta għar-raba' domanda għandha tkun li mhemmx lok li jiġi ordnat il-waqfien mill-użu tas-sinjal ikkonċernat peress li ġie ikkonstatat li l-imsemmija trade mark tilfet is-setgħa distintiva tagħha, b'konsegwenza ta' atti jew inattività tal-proprjetarju tagħha, b'tali mod li hija saret isem komuni fis-sens ta' l-Artikolu 12(2) tad-Direttiva 89/104, u li t-trade mark hija għaldaqstant suġġetta għar-revokazzjoni.

     Fuq l-ispejjeż

    38     Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta' kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li għandha tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni ta' l-osservazzjonijiet lill-Qorti, barra dawk ta' l-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

    Għal dawn il-motivi, il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) taqta' u tiddeċiedi li:

    1)      L-Artikolu 5(1) ta' l-Ewwel Direttiva 89/104/KEE tal-Kunsill, tal-21 ta' Diċembru 1998, biex jiġu approssimati l-liġijiet ta’ l-Istati Membri dwar it-trade marks, għandu jiġi interpretat fis-sens li, sabiex tiġi determinata l-portata tal-protezzjoni ta' trade mark akkwistata b'mod regolari skond is-setgħa distintiva tagħha, il-qorti għandha tieħu in kunsiderazzjoni l-perċezzjoni tal-pubbliku kkonċernat fil-mument li fih is-sinjal, li l-użu tiegħu jippreġudika l-imsemmija trade mark, beda jintuża.

    2)      Meta l-qorti kompetenti tikkonstata li s-sinjal ikkonċernat kien jikkostitwixxi preġudizzju għat-trade mark fil-mument li fih beda jiġi użat, hija din il-qorti li għandha tieħu l-miżuri li huma l-iktar adatti fid-dawl taċ-ċirkustanzi tal-każ sabiex tiggarantixxi d-dritt tal-proprjetarju tat-trade mark li jirriżulta mill-Artikolu 5(1) tad-Direttiva 89/104, u dawn il-miżuri jistgħu jinkludu, b'mod partikolari, l-ordni għat-twaqqif mill-użu ta' l-imsemmi sinjal.

    3)      Mhemmx lok li jiġi ordnat il-waqfien mill-użu tas-sinjal ikkonċernat peress li ġie kkonstatat li l-imsemmija trade mark tilfet is-setgħa distintiva tagħha, b’konsegwenza ta’ atti jew inattività tal-proprjetarju, b'tali mod li hija saret isem komuni fis-sens ta' l-Artikolu 12(2) tad-Direttiva 89/104, u li t-trade mark hija għaldaqstant suġġetta għar-revokazzjoni.

    Firem


    * Lingwa tal-kawża: il-Franċiż.

    Top