Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62005CJ0135

    Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (it-Tielet Awla) tas-26 ta' April 2007.
    il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej vs ir-Repubblika Taljana.
    Nuqqas ta' Stat li jwettaq obbligu - Ġestjoni ta' l-iskart - Direttivi 75/442/KEE, 91/689/KEE u 1999/31/KE.
    Kawża C-135/05.

    ECLI identifier: ECLI:EU:C:2007:250

    SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (it-Tielet Awla)

    26 ta' April 2007 (*)

    “Nuqqas ta' Stat li jwettaq obbligu - Ġestjoni ta' l-iskart – Direttivi 75/442/KEE, 91/689/KEE u 1999/31/KE"

    Fil-kawża C‑135/05,

    li għandha bħala suġġett rikors għal nuqqas ta' Stat li jwettaq obbligu taħt l-Artikolu 226KE, imressaq fit-22 ta' Marzu 2005,

    Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, irrappreżentata minn D. Recchia u M. Konstantinidis, bħala aġenti, b'indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,

    parti rikorrenti

    vs

    Ir-Repubblika Taljana, irrappreżentata minn I. M. Braguglia, bħala aġent, assistit minn G. Fiengo, avvocato dello Stato, b'indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,

    parti konvenuta

    IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (it-Tielet Awla),

    komposta minn A. Rosas, President ta' l-Awla, J. Klučka (Relatur), U. Lõhmus, A. Ó Caoimh u P. Lindh, Imħallfin,

    Avukat Ġenerali: M. Poiares Maduro,

    Reġistratur: M. Ferreira, Amministratur Prinċipali,

    wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-11 ta' Jannar 2007,

    wara li rat id-deċiżjoni, adottata wara li semgħet lill-Avukat Ġenerali, li tinqata' l-kawża mingħajr Konklużjonijiet

    tagħti l-preżenti

    Sentenza

    1       Permezz tar-rikors tagħha, il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tikkonstata li, billi ma ħaditx il-miżuri kollha neċessarji

    –       biex tiżgura illi l-iskart jiġi rkuprat jew mormi mingħajr ma jipperikola saħħet il-bniedem u mingħajr l-użu ta’ proċessi jew ta’ metodi li jistgħu jkunu ta’ ħsara għall-ambjent, u biex tipprojbixxi l-abbandun, it-tfigħ u r-rimi mhux ikkontrollat ta’ l-iskart.

    –       biex kull possessur ta' l-iskart iqandlu permezz ta’ kollettur privat jew pubbliku jew permezz ta’ impriża li twettaq ix-xogħlijiet ta' rimi jew ta' rkupru, jew inkella jiddisponi minnu huwa stess skond id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva tal-Kunsill 75/442/KEE, tal-15 ta' Lulju 1975, dwar l-iskart (ĠU L 194, p.39), kif emendata mid-Direttiva tal-Kunsill 91/156/KEE, tat-18 ta' Marzu 1991 (ĠU L 78, p.32, aktar 'il quddiem id-"Direttiva 75/442").

    –       biex kull stallazzjoni jew impriża li topera fis-settur tar-rimi, tkun obbligata tikseb l-approvazzjoni ta' l-awtorità kompetenti;

    –       biex f'kull miżbla jew sit fejn isir ir-rimi ta' skart perikoluż, dan l-iskart ikun irreġistrat u identifikat, u

    –       biex, fis-siti li diġà kienu rċevew l-awtorizzazzjoni jew diġà kienu sfruttati fis-16 ta' Lulju 2001, il-persuna li tisfrutta s-sit tipprepara u tippreżenta għall-approvazzjoni ta' l-awtorità kompetenti, qabel is-16 ta' Lulju 2002, pjan ta' amministrazzjoni tas-sit li jinkludi l-informazzjoni relattiva għall-kundizzjonijiet ta' l-awtorizzazzjoni, kif ukoll kull miżura korrettiva li l-operatur iqis li tkun meħtieġa, u biex, wara l-preżentazzjoni tal-pjan ta' amministrazzjoni, l-awtorità kompetenti, li għandha tagħlaq mill-aktar fis possibbli s-siti li ma ġabux l-awtorizzazzjoni biex ikomplu l-operazzjonijiet tagħhom jew tawtorizza x-xogħolijiet neċessarji u tistabbilixxi perjodu tranżitorju għall-implementazzjoni tal-pjan, tasal għal deċizjoni finali fuq jekk l-operazzjonijiet jitkomplux,

    ir-Repubblika Taljana naqset mill-obbligi tagħha taħt l-artikoli 4, 8, u 9 tad-Direttiva 75/442, ta' l-Artikolu 2(1) tad-Direttiva tal-Kunsill 91/689/KEE, tat-12 ta' Diċembru 1991, dwar l-iskart perikoluż (ĠU L 377, p.20), u l-Artikolu 14 (a) sa (c) tad-Direttiva tal-Kunsill 1999/31/KE, tas-26 ta' April ta' l-1999, dwar ir-rimi ta' skart f’terraferma [miżbla] (ĠU L 182, p.1)..

     Kuntest Ġuridiku

     Id-Direttiva 75/442

    2       L-Artikolu 4 tad-Direttiva 75/442 jipprovdi:

    "L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa biex jiżguraw illi l-iskart jiġi rkuprat jew mormi mingħajr ma jipperikola saħħet il-bniedem u mingħajr l-użu ta’ proċessi jew ta’ metodi li jistgħu jkunu ta’ ħsara għall-ambjent

    [...]

    L-Istati Membri għandhom ukoll jieħdu l-miżuri meħtieġa sabiex jipprojbixxu l-abbandun, it-tfigħ u r-rimi mhux ikkontrollat ta’ l-iskart."

    3       L-Artikolu 8 tad-Direttiva 75/442 jobbliga lill-Istati Membri jieħdu l-miżuri meħtieġa sabiex jiżguraw illi l-pussessuri ta’ l-iskart iqandluh jew permezz ta’ kollettur privat jew pubbliku, jew permezz ta’ impriża li twettaq ix-xogħlijiet imniżżla fil-lista fl-Anness II A jew II B ta' din id-Direttiva, jew jirkuprawh jew jiddisponu minnu huma stess skond id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva msemmija.

    4       L-Artikolu 9(1) tad-Direttiva 75/442 jipprovdi li, sabiex jiġi implementat, b'mod partikolari, l-Artikolu 14 ta' din id-Direttiva, l-istabbilimenti jew l-impriżi kollha li xogħolhom huwa li jarmu l-iskart, għandhom jiksbu permess mingħand l-awtorità responsabbli għall-implementazzjoni tad-Direttiva msemmija. L-Artikolu 9(2) jipprovdi li dawn il-permessi jistgħu jinagħtaw għal perjodu definit, jistgħu jiġġeddu, jistgħu jkunu suġġetti għal kundizzjonijiet u obbligi, jew jistgħu jiġu miċhuda, b'mod partikolari jekk il-metodu maħsub għar-rimi ma jkunx aċċettabbli mil-lat ta' ħarsien ta’ l-ambjent.

     Id-Direttiva 91/689

    5       L-Artikolu 2 tad-Direttiva 91/689 jipprovdi:

    "L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jirrikjedu li f'kull sit fejn isir rimi ta' skart perikoluż l-iskart ikun irrekordjat [irreġistrat] u identifikat.

    […]"

     Id-Direttiva 1999/31

    6       Fil-kliem ta' l-Artikolu 14 (a) sa (c) tad-Direttiva 1999/31:

    "L-Istati Membri għandhom jieħdu miżuri sabiex terraferma li ġew mogħtija permess, jew li huma diġà qed jitħaddmu fil-ħin ta' trasposizzjoni ta' din id-Direttiva, ma jistgħux ikomplu jaħdmu sakemm [...]

    a) f' perijodu ta' sena min wara d-data stipulata fl-Artikolu 18(1) [jiġifieri mhux aktar tard mis-16 ta' Lulju 2002], l-operatur ta' terraferma irid jipprepara u jippreżenta lill-awtoritajiet kompetenti, għall-approvazzjoni tagħhom, pjan ta' kondizzjonament [pjan ta' amministrazzjoni] għas-sit inklużi l-partikolari elenkati fl-Artikolu 8 u kull miżura korrettiva li l-operatur jikkonsidera li tkun meħtieġa sabiex ikun konformi mal-ħtiġijiet ta' din id-Direttiva bl-eċċezzjoni tal-ħtiġijiet fl-Anness I, punt 1.

    b)      skond il-preżentazzjoni tal-pjan ta' kondizzjonament, l-awtoritajiet kompetenti għandhom jieħdu deċiżjoni definita fuq jekk l-operazzjonijiet ikomplux fuq il-bażi ta' l-imsemmi pjan ta' kundizzjonalment [pjan ta' amministrazzjoni] u ta' din id-Direttiva. L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri neċessarji biex jagħlqu malajr kemm jista’ jkun possibbli, bi qbil ma l-Artikolu 7(g) u 13, siti li ma ġewx mogħtija, bi qbil ma’ l-Artikolu 8, permess biex ikomplu joperaw;

    (ċ)    fuq il-bażi tal-pjan ta' kondizzjonament tas-sit approvat, l-awtoritá kompetenti għandha tawtorizza x-xogħol neċessarju u tistipula perijodu tranżitorju għat-temma tal-pjan. Terraferma eżistenti trid taqbel mall-ħtiġijiet ta' din id-Direttiva bl-eċċezzjoni tal-ħtiġijiet fl-Anness I, punt 1 fi żmien tmien snin wara d-data stipulata fl-Artikolu 18(1) [jiġifieri mhux aktar tard mis-16 ta' Lulju 2009]."

    7       Bis-saħħa ta' l-Artikolu 18(1) tad-Direttiva msemmija, l-Istati Membri għandhom, sa mhux aktar tard minn sentejn minn wara d-dħul tagħha fis-seħħ [jew mhux aktar tard mis-16 ta' Lujlu 2001], idaħħlu fis-seħħ id-dispożizzjonijiet leġiżlattivi, regolamentari u amministrattivi, li huma neċessarji sabiex jikkonformaw ruħhom mad-Direttiva, u għandhom jinfurmaw lill-Kummissjoni b'dan minnufih.

     Il-proċedura prekontenzjuża

    8       Wara diversi lmenti, mistoqsijiet parlamentari, artikli fl-istampa, kif ukoll pubblikazzjoni ta' rapport tal-Corpo Forestale dello Stato (l-amministrazzjoni nazzjonali tal-foresti, aktar 'il quddiem iċ-"CFS") fit-22 ta' Ottubru 2002, li wera l-eżistenza fl-Italja ta' numru kbir ta' miżbliet illegali li mhumiex ikkontrollati, il-Kummisjoni ddeċidiet li tinvestiga l-osservanza minn dan l-Istat Membru ta’ l-obbligi tiegħu taħt id-Direttivi 75/442, 91/689, 1993/31.

    9       L-imsemmi rapport temm it-tielet stadju tal-proċess mibdi fl-1986 miċ-CFS bil-għan li jlesti rendikont tal-miżbliet illegali fit-territorji tal-foresti u tal-muntanji tar-Reġjuni fl-Italja li għandhom status ordinarju, jiġifieri r-reġjuni Taljani kollha ħlief Friuli Venezia-Giulia, Sardenja, Sqallija, Trentino Alto Adige u Valle d'Aosta. L-ewwel ċensiment, imwettaq fl-1986 irrigwarda 6,890 minn 8,104 muniċipalitajiet Taljani, u ppermetta liċ-CFS tiddikjara l-eżistenza ta' 5,978 miżbliet illegali. It-tieni ċensiment li sar fl-1986, irrigwarda 6,802 muniċipalitajiet u wera liċ-CFS l-eżistenza ta' 5,422 miżbliet illegali. Wara ċ-ċensiment ta' l-2002, iċ-CFS irrapporta 4,866 miżbliet illegali, li minnhom 1,765 ma kinux jidhru fl-istudji preċendenti. Skond iċ-CFS, 705 ta' dawn il-miżbliet fihom skart perikoluż. Min-naħa 'l oħra, 1,420 miżbla biss huma awtorizzati.

    10     Ir-riżultati ta' dan l-aħħar ċensiment huma miġbura mill-Kummissjoni kif ġej:

    Reġjun

    Numru ta' miżbliet illegali

    Superfiċji tal- miżbliet illegali (f' m²)

    Miżbliet utilizzati / mhux utilizzati

    Miżbliet issanati / mhux issanati

    Abruzzo

    361

    1,016,139

    111/250

    70/291

    Basilicata

    152

    222,830

    40/112

    43/109

    Calabria

    447

    1,655,479

    81/366

    19/428

    Campania

    225

    445,222

    40/185

    37/188

    Emilia Romagna

    380

    254,398

    189/191

    59/321

    Lazio

    426

    663,535

    120/306

    110/316

    Liguria

    305

    329,507

    145/160

    58/247

    Lombardia

    541

    1,132,233

    124/417

    159/382

    Marche

    244

    364,781

    70/174

    41/203

    Molise

    84

    199,360

    14/70

    13/71

    Umbria

    157

    71,510

    33/124

    61/96

    Piemonte

    335

    270,776

    114/221

    119/216

    Puglia

    599

    3,861,622

    440/159

    37/562

    Toscana

    436

    545,005

    107/329

    154/282

    Veneto

    174

    5,482,527

    26/148

    50/124

    Total

    4 866

    16,519,790

    1,654/3 212

    1,030/3,836

    11     Għalkemm l-informazzjoni moħtija miċ-CFS tikkonċerna biss il-15-il reġjun Taljan li għandhom statut ordinarju, il-Kummissjoni tiddikjara li fil-kawża preżenti trid tipproċedi kontra r-Repubbika Taljana għall-miżbliet illegali kollha li jeżistu fit-territorju tagħha. Fil-fatt, il-Kummissjoni għandha informazzjoni li turi sitwazzjoni analoga fir-reġjuni li għandhom statut speċjali.

    12     F'dan ir-rigward, l-imsemmija istituzzjoni tagħmel riferiment għall-pjan ta' amministrazzjoni ta' l-iskart tar-reġjun ta' Sqallija, innotifikat lill-Kummissjoni fl-4 ta' Marzu 2003 li miegħu huwa anness il-pjan ta' ssanar taż-żoni kkontaminati tar-Reġjun in kwistjoni. Dan il-pjan wera l-eżistenza ta' numru ta' miżbliet illegali, siti ta' skart abbandunati, postijiet fejn jinżamm l-iskart li mhumiex awtorizzati, u siti mhux speċifikati, li xi wħud minnhom fihom skart perikoluż.

    13     L-istess jgħodd għal dak li jirrigwarda r-Reġjuni ta' Friuli Venetia Giulia, ta' Trentino Alto Adige, u ta' Sardenja, li għalihom il-Kummissjoni tikkompleta d-deskrizzjoni tas-sitwazzjoni globali fl-Italija permezz ta' dokumenti uffiċjali ġejjin mill-awtoritajiet ta' dawn ir-reġjuni u permezz ta' rapporti ta' kummissjonijiet parlamentari ta' inkjesta, kif ukoll permezz ta' artikli fl-istampa.

    14     Bħala eżempju, il-Kummissjoni ssemmi miżbla li tinsab fil-post magħruf bħala "Cascina Corradina" fil-muniċipalità ta' San Fiorano, li inizjalment kienet is-suġġett ta' proċedura distinta, imma li sussegwentement ġiet inkluża fil-proċedura preżenti għall-finijiet tar-rikors quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja.

    15     Abbażi ta' din l-informazzjoni kollha u skond l-Artikolu 226 KE, il-Kummissjoni, permezz ta' ittra tal-11 ta' Lulju 2003, intimat lill-Gvern Taljan sabiex jippreżentalha l-osservazzjonijiet tiegħu f'dan ir-rigward.

    16     Billi l-Kummissjoni ma ngħatat l-ebda informazzjoni mill-awtoritajiet Taljani li biha setgħet tikkonkludi li n-nuqqasijiet li kienet ilmentat dwarhom kienu ntemmu, b'ittra tad-19 ta' Diċembru 2003, hija ħarġet opinjoni motivata, fejn stiednet lir-Repubblika Taljana tieħu l-miżuri neċessarji kollha sabiex tikkonforma ruħha ma l-opinjoni fiż-żmien xahrejn min-notifika tagħha.

    17     Il-Kummissjoni ma ngħatat l-ebda risposta għall-imsemmija opinjoni motivata. Konsegwentement, hija ressqet ir-rikors preżenti.

     Fuq ir-rikors

     Fuq l-ammissibbiità

    18     Il-Gvern Taljan isostni li r-rikors tal-Kummissjoni għandu jiġi ddikjarat inammissibbli minħabba n-natura ġenerika u indeterminata ta' l-allegat nuqqas, li poġġa lill-istess Gvern fil-pożizzjoni li fiha ma setax jippreżenta difiża preċiża, kemm fil-fatt kif ukoll fid-dritt. B'mod partikolari, il-Kummissjoni naqset milli tidentifika kemm id-detenturi jew dawk li joperaw il-miżbliet kif ukoll il-propjetarji tas-siti li fihom l-iskart kien ġie abbandunat.

    19     Min-naħa 'l oħra, il-Kummissjoni ssostni li jkun aħjar li tiġi ttrattata, f' kawża waħda, il-kwistjoni tar-rimi ta' l-iskart fir-rigward tat-territorju Taljan kollu kemm hu. Approċċ bħal dan, li hija tikkwalifika bħala 'orizzontali', jippermetti, min-naħa, li l-problemi strutturali li huma l-bażi ta' l-allegati nuqqasijiet tar-Repubblika Taljana jiġu identifikati u kkoreġuti b'mod aħjar, u min-naħa 'l oħra, li jiġu ssemplifikati l-mekkaniżmi ta' stħarriġ ta’ l-osservanza tad-dritt komunitarju fil-qasam ta' l-ambjent. F'dan ir-rigward, il-Kummisjoni tagħmel riferiment għall-konklużjonijiet ta' l-Avukat Ġenerali Geelhoed, fil-kawża Il-Kummissjoni vs L-Irlanda (sentenza tas-26 ta' April 2005, C-494/01, Ġabra p. I-3331).

    20     L-ewwel nett, għandu jiġi rrilevat li, bla ħsara għall-obbligu tal-Kummissjoni li tosserva l-oneru tal-prova, li jaqa' fuqha fil-kuntest tal-proċedura prevista fl-Artikolu 226 KE, it-Trattat ma jipprovdi ebda regola li tipprekludi li numru kunsiderevoli ta' sitwazzjonijiet jiġu ttrattati flimkien li fuqhom il-Kummissjoni ssostni li Stat Membru jkun naqas għal-żmien twil u b'manjiera ripetuta milli jimplementa l-obbligi tiegħu taħt id-dritt komunitarju.

    21     Fit-tieni lok, hija ġurisprudenza stabbilita li prassi amministrattiva tista' tkun is-suġġett ta’ rikors għal nuqqas ta’ Stat li jwettaq obbligu meta hija tippreżenta ċertu livell ta’ konsistenza u ta’ ġeneralità (ara, b’mod partikolari, is-sentenza Il-Kummissjoni vs L-Irlanda, punt 28 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    22     Fl-aħħar nett, għandu jiġi mfakkar li l-Qorti tal-Ġustizzja diġà laqgħet rikorsi tal-Kummissjoni ppreżentati f'kuntesti analogi, fejn din ta' l-aħħar kienet argumentat preċiżament li kien hemm vjolazzjoni strutturata u ġeneralizzata ta' l-artikoli 4, 8 u 9 tad-Direttiva 75/442 minn Stat Membru (sentenza tas-6 ta' Ottubru 2005, Il-Kummisjoni vs Il-Greċja, C-502/03, mhux ippublikata fil-Ġabra) u vjolazzjoni ta' l-istess artikoli, kif ukoll ta' l-Artikolu 14 tad-Direttiva 1999/31 (sentenza tad-29 ta' Marzu 2007, Il-Kummisjoni vs Franza, C-423/05, mhux ippublikata fil-Ġabra).

    23     Konsegwentement, ir-rikors tal-Kummissjoni huwa ammissibbli.

     Fuq il-mertu

     Fuq l-oneru tal-prova

    24     Il-Gvern Taljan isostni li s-sorsi ta' informazzjoni, li fuqha r-rikorrenti tibbaża r-rikors tagħha, mhumiex kredibbli minħabba li, min-naħa, ir-rapporti taċ-CFS ma ġewx elaborati flimkien mal-Ministeru ta' l-Ambjent u tal-Protezzjoni tat-Territorju, li huwa l-unika awtorità nazzjonali kompetenti fir-rigward ta' l-ordni ġuridiku komunitarju, u, min-naħa l-oħra, l-atti tal-kummissjonijiet parlamentarji ta' inkjesta jew l-artikli ta' l-istampa mhumiex stqarrijiet, imma huma biss sorsi ġeneriċi ta' prova li l-validità tagħhom trid tiġi pprovata minn min iressaqhom.

    25     Bil-kontra, il-Kummissjoni tqis li r-rapporti elaborati miċ-CFS jikkostitwixxu sors ta' informazzjoni affidabbli u privileġġjat fil-qasam ta' l-ambjent. Fil-fatt, iċ-CFS huwa korp ta' pulizija ta' l-Istat ta’ natura ċivili, li għandu, b'mod partikolari, l-inkarigu li jiddefendi l-patrimonju forestali Taljan, li jipproteġi l-ambjent, il-pajżaġġ u l-ekosistema, kif ukoll li jeżerċita l-attivitajiet ta' pulizija ġudizzjarja bil-għan li jissorvelja l-osservanza tal-leġiżlazzjoni nazzjonali u internazzjonali f'dan il-qasam.

    26     F’dan ir-rigward, għandu jiġi mfakkar li, fil-kuntest ta’ proċedura għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu skond l-Artikolu 226 KE, hija l-Kummissjoni li għandha tipprova l-eżistenza ta’ l-allegat nuqqas. Hija hi li tressaq quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja l-provi neċessarji sabiex din ta' l-aħħar tkun tista' tivverifika l-eżistenza ta’ dan in-nuqqas, mingħajr ma tista' jkollha tibbaża ruħha fuq kwalunkwe preżunzjoni (sentenza tal-25 ta’ Mejju 1982, Il-Kummissjoni vs L-Olanda, 96/81, Ġabra p. 1791, punt 6).

    27     Madankollu, l-Istati Membri għandhom, skond l-Artikolu 10 KE, jiffaċilitaw it-twettiq tal-missjoni tal-Kummissjoni, li tikkonsisti, b’mod partikolari, skond l-Artikolu 211 KE, li tissorvelja l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tat-Trattat u tal-miżuri adottati mill-istituzzjonijiet bis-saħħa tat-Trattat (sentenza Il-Kummissjoni vs L-Irlanda, punt 42 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    28     F’din il-perspettiva, għandu jittieħed in kunsiderazzjoni l-fatt li, fir-rigward tal-verifika ta’ l-applikazzjoni korretta, fil-prattika, tad-dispożizzjonijiet nazzjonali intiżi biex jiżguraw l-implementazzjoni effettiva tad-Direttivi, fosthom dawk adottati fil-qasam ta' l-ambjent, il-Kummissjoni, li m’għandhiex setgħat ta’ investigazzjoni tagħha proprji f'dan il-qasam, tiddependi, fil-biċċa l-kbira, fuq informazzjoni pprovduta minn min eventwalment jagħmel l-ilment, minn organizzazzjonijiet privati jew pubbiċi li joperaw fit-territorju ta' l-Istat Membru kkonċernat, kif ukoll mill-Istat Membru nnfisu (ara, f'dan is-sens, is-sentenza Il-Kummissjoni vs L-Irlanda, punt 43, u l-ġurisprudenza ċċitata).

    29     F'dan ir-rigward, ir-rapporti elaborati miċ-CFS u mill-kummissjonijiet parlamentarji ta' inkjesta jew mid-dokumenti uffiċjali ġejjin mill-awtoritajiet reġjonali, jistgħu għalhekk jitqiesu li huma sors ta' informazzjoni affidabbli għall-finijet li jingħata bidu, mill-Kummissjoni, għall-proċedura kkontemplata fl-Artikolu 226 KE.

    30     Minn dan isegwi, b’mod partikolari, li meta l-Kummissjoni tkun ipprovdiet elementi suffiċjenti li juru li seħħew ċerti fatti fit-territorju ta’ l-Istat Membru konvenut, huwa dan ta’ l-aħħar li għandu jikkontesta fis-sustanza u fid-dettall l-informazzjoni hekk imressqa u l-konsegwenzi li jirriżultaw minnha (sentenza Il-Kummissjoni vs L-Irlanda, punt 44, u l-ġurisprudenza ċċitata).

    31     F'ċirkustanzi bħal dawn, huma fil-fatt l-awtoritajiet nazzjonali li għandhom l-obbligu prinċipali li jwettqu l-verifiki neċessarji fuq il-post, fi spirtu ta’ kooperazzjoni leali, konformament mad-dmir ta’ kull Stat Membru, imfakkar fil-punt 27 ta’ din is-sentenza, li jiffaċilita l-missjoni ġenerali tal-Kummissjoni (sentenza Il-Kummissjoni vs L-Irlanda, punt 45, u l-ġurisprudenza ċċitata).

    32     Għaldaqstant, meta l-Kummissjoni tinvoka lmenti dettaljati li juru nuqqasijiet ripetuti ta' twettiq tad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva, għandu jkun l-Istat Membru kkonċernat li jikkontesta b’mod konkret il-fatti allegati f’dawn l-ilmenti. Bl-istess mod, meta l-Kummissjoni tkun tat elementi biżżejjed li juru li l-awtoritajiet ta’ Stat Membru żviluppaw prassi ripetuta u persistenti li tmur kontra d-dispożizzjonijiet ta’ direttiva, huwa dan l-Istat Membru li għandu jikkontesta fis-sustanza u fid-dettall l-informazzjoni hekk imressqa u l-konsegwenzi li jirriżultaw minnha (sentenza Il-Kummissjoni vs L-Irlanda, punti 46 u 47 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). Dan l-obbligu jaqa' fuq l-Istati Membri bis-saħħa tad-dmir ta' koperazzjoni leali, previst fl-Artikolu 10 KE, li huwa applikabbli matul il-proċedura kollha prevista fl-Artikolu 226 KE. Però, jidher mill-inkartament li l-awtoritajiet Taljani naqsu milli jikkooperaw b'mod sħiħ mal-Kummisjoni għall-finijiet istruttorji tal-kawża preżenti fl-istadju tal-proċedura prekontenżjuża.

     Dwar il-ksur ta' l-Artikoli 4, 8 u 9 tad-Direttiva 75/442, ta' l-Artikolu 2(1) tad-Direttiva 91/689 u ta' l-Artikolu 14 (a) sa (c) tad-Direttiva 1999/31

    –       L-argumentazzjoni tal-partijiet

    33     Sabiex jikkuntesta l-ilmenti invokati mill-Kummissjoni, il-Gvern Taljan, waqt li jargumenta abbażi ta' l-informazzjoni li seta' jiġbor mill-awtoritajiet reġjonali, provinċjali, kif ukoll minn dik miġbura min-nucleo operativo ecologico dell’Arma dei carabinieri (Nukleu Operattiv Ekoloġiku ta' l-Arma tal Karabinieri), isostni, l-ewwel nett, li l-informazzjoni pprovduta mill-Kummissjoni hija inkonsistenti u ma tikkorrispondix mas-sitwazzjoni reali fl-Italja. B'mod partikolari, huwa jikkonstesta n-numru ta' "miżbliet illegali" elenkati mill-Kummisjoni minħabba li, fl-ewwel lok, din ta' l-aħħar għaddet ċerti miżbliet diversi drabi, fit-tieni lok hija kkwalifikat bħala miżbliet sempliċi depożiti jew postijiet fejn jiġi abbandunat l-iskart, li parti minnhom kienu sejrin jiġu ssanati jew fejn l-iskart diġà ġie mneħħi u, fit-tielet lok, hija ma evalwatx tajjeb il-grad ta' periklu tagħhom, meta wieħed iqis li l-biċċa 'l kbira ta' dawn il-miżbliet huma taħt kontroll jew taħt sekwestru.

    34     Wara, l-imsemmi Gvern ifakkar il-progress reċenti miksub mir-Repubblika Taljana fl-implementazzjoni ta' l-obbligi li joħorġu mid-Direttivi 75/442, 91/689 u 1999/31.

    35     Fl-ewwel lok, il-Kummissjoni ssostni li l-Gvern Taljan ma ppreżenta l-ebda informazzjoni kuntrarja li ġejja minn sors ta' livell komparabbli għal tagħha. Fit-tieni lok, għalkemm il-Kummissjoni tirrikonoxxi li l-iskart ġie mneħħi minn ċerti miżbliet, hija ssostni li l-każijiet li sejrin jiġu rregolarizzati huma ħafna anqas minn dawk li fir-rigward tagħhom l-awtoritajiet nazzjonali ma ħadu ebda azzjoni sabiex jirrimedjaw għan-natura illegali tagħhom.

    –       Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

    36     L-ewwel nett, jirriżulta minn ġurisprudenza kostanti li l-eżistenza ta' nuqqas ta' twettiq ta' obbligu għandha tiġi evalwata b'riferiment għas-sitwazzjoni ta’ l-Istat Membru fil-mument li fih jiskadi t-terminu stabbilit fl-opinjoni motivata u li l-bidliet li jsiru sussegwentement ma jistgħux jittieħdu in kunsiderazzjoni mill-Qorti tal-Ġustizzja, anki meta dawn jikkostitwixxu applikazzjoni tajba tar-regola tad-dritt komunitarju li hija s-suġġett tar-rikors għan-nuqqas ta' Stat li jwettaq obbligu. (ara, f'dan is-sens, is-sentenzi tal-11 ta' Ottubru 2001, Il-Kummissjoni vs L-Awstrija C-111/00, Ġabra p.I-7555, punti 13 u 14; tat-30 ta' Jannar 2002, Il-Kummisjoni vs Il-Greċja, C-103/00, Ġabra p.I-1147, punt 23; tat-28 ta'April 2005, Il-Kummisjoni vs Spanja, C-157/04, mhux ippublikata fil-Ġabra, punt 19, u tas-7 ta' Lulju 2005, Il-Kummissjoni vs L-Italja, C-214/04, mhux ippublikata fil-Ġabra, punt 14).

    37     Sussegwentement, f'dak li għandu x'jaqsam b'mod parikolari ma l-evalwazzjoni tal-vjolazzjoni ta' Stat Membru ta' l-Artikolu 4 tad-Direttiva 75/442, għandu jiġi mfakkar li dan ta’ l-aħħar jipprovdi li l-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa sabiex jiżguraw illi l-iskart jiġi rkuprat jew jintrema mingħajr ma jipperikola saħħet il-bniedem u mingħajr ma jintuzaw proċeduri jew metodi li jistgħu jagħmlu ħsara lill-ambjent, mingħajr madankollu ma jippreċiża b'mod konkret il-miżuri li għandhom jittieħdu sabiex dan il-għan jintlaħaq. Madankollu, l-Istati Membri huma xorta waħda marbuta fir-rigward ta' l-għan li għandu jintlaħaq, filwaqt li jħallilhom diskrezzjoni wiesgħa fl-evalwazzjoni tan-necessità ta' dawn il-miżuri (sentenza tad-9 ta' Novembru 1999, Il-Kummissjoni vs L-Italja magħrufa bħala "San Rocco", C-365/97, Ġabra. p. I-7773, punt 67). Għaldaqstant, fit-teorija, mhuwiex possibbli li minn sitwazzjoni ta' fatt li mhijiex konformi ma' l-għanijiet stabbiliti fl-Artikolu 4 tad-Direttiva msemmija jiġi dedott li l-Istat Membru kkonċernat neċessarjament naqas li jimplementa l-obbligi tiegħu taħt din id-dispożizzjoni. Madankollu, huwa paċifiku li l-persistenza ta' tali sitwazzjoni ta' fatt, speċjalment meta hija tagħti lok għal degradazzjoni kunsiderevoli ta’ l-ambjent għal żmien twil mingħajr ebda intervent ta' l-awtoritajiet kompetenti, tista' tindika li l-Istati Membri eċċedew il-marġini ta' diskrezzjoni mogħtija lilhom minn din id-dispożizzjoni (sentenza San Rocco, iċċitata iktar ‘il fuq, punti 67 u 68).

    38     F'dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li l-fondatezza ta' l-ilmenti fil-konfront tar-Repubblika Taljana tirriżulta manifestament mill-inkartament. Fil-fatt, jekk l-informazzjoni mogħtija minn dan il-Gvern ippermettiet li jiġi kkonstatat li l-osservanza fl-Italja ta' l-għanijiet ikkontemplati mid-dispożizzjonijiet tad-dritt komunitarju tjieb matul il-mogħdija taz-żmien, minn din l-informazzjoni, madankollu, joħroġ li fl-iskadenza tat-terminu ffissat fl-opinjoni motivata, baqgħet tippersisti nuqqas ta' konformità ġenerali tal-miżbliet mad-dispożizzjonijiet imsemmija.

    39     F'dak li għandu x'jaqsam ma l-ilment irrelatat mal-vjolazzjoni ta' l-Artikolu 4 tad-direttiva 75/442, huwa paċifiku li fl-iskadenza tat-terminu ffissat fl-opinjoni motivata, kien hemm, fuq it-territorju Taljan kollu, numru kunsiderevoli ta' miżbliet li l-operaturi tagħhom ma żgurawx li l-irkupru jew ir-rimi ta' l-iskart isir mingħajr ma jipperikola s-saħħa tal-bniedem u mingħajr ma jintużaw proċeduri jew metodi li jistgħu jagħmlu ħsara lill-ambjent, kif ukoll numru kunsiderevoli ta' siti ta' rimi ta' skart li ma kinux ikkontrollati. Bħala eżempju, kif joħroġ mill-anness I tal-kontroreplika tal-Gvern Taljan, dan ta' l-aħħar ammetta l-eżistenza, ikkonstatata waqt kontroll fuq livell lokali in segwitu ta' ċensiment imwettaq miċ-CFS, ta' 92 sit fir-reġjun ta' Abbruzzo li fihom l-iskart ġie abbandunat.

    40     L-eżistenza ta' sitwazzjoni bħal din għal żmien twil għandha neċessarjament bħala konsegwenza degradazzjoni sinjifikativa ta' l-ambjent.

    41     Fir-rigward ta' l-ilment relattiv għall-vjolazzjoni ta' l-Artikolu 8 tad-Direttiva 75/442, huwa stabbilit li fl-iskadenza tat-terminu impost, l-awtoritajiet Taljani ma żgurawx li l-possessuri ta' l-iskart, jew jipproċedu huma stess għar-rimi jew għall-irkupru ta' dan ta' l-aħħar, jew jgħadduh lil kolletur jew lil impriża inkarigata biex teżegwixxi dawn l-operazzjonijiet, skond id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 75/442. F'dan ir-rigward, jidher mill-anness 3 tal-kontroreplika tal-Gvern Taljan li l-awtoritajiet Taljani rreġistraw mill-inqas 9 siti li għandhom dawn il-karatteristiċi fir-Reġjun ta' l-Umbria, u 31 fir-Regjun tal-Pulja (fil-provinċja ta' Bari).

    42     Fir-rigward ta' l-ilment relattiv għall-vjolazzjoni ta' l-arikolu 9 tad-Direttiva 75/442, mhuwiex ikkontestat li meta skada t-terminu impost fl-opinjoni motivata, ħafna miżbliet kienu qegħdin joperaw mingħajr l-awtorizzazzjoni ta' l-awtoritajiet kompetenti. Xhieda ta’ dan, b’mod partikolari, huma, hekk kif jirriżulta mill-anness 3 tal-kontroreplika tal-Gvern Taljan, il-każijiet ta' abbandun ta' l-iskart li digà ssemmew fil-punti 39 u 41 ta' din is-sentenza, iżda wkoll il-preżenza ta' għall-inqas 14-il miżbla illegali fir-Reġjun tal-Pulja (fil-provinċja ta' Lecce).

    43     Fir-rigward ta' l-ilment relattiv għall-fatt li l-awtoritajiet Taljani ma' żgurawx ir-reġistrazzjoni u l-identifikazzjoni ta' l-iskart perikoluż f'kull miżbla jew sit fejn dan ta’ l-aħħar ikun ġie ddepożitat, jiġifieri l-ilment relattiv għall-vjolazzjoni ta' l-Artikolu 2 tad-Direttiva 91/689, biżżejjed li jiġi rrilevat li l-Gvern ta' dan l-Istat Membru ma jippreżentax argumenti u provi speċifiċi sabiex jikkontradixxi l-allegazzjonijet tal-Kummissjoni. B'mod partikolari, huwa ma jikkontestax li fl-iskadenza tat-terminu impost fl-opinjoni motivata kienu jeżistu fit-territorju tiegħu għall-inqas 700 miżbla illegali li kellhom fihom skart perikoluż, u li ma huma għaldaqstant suġġetti għall-ebda miżura ta' kontroll. Min dan isegwi li l-awtoritajiet Taljani ma jistgħux ikunu jafu l-ammont ta' skart perikoluż li ġie ddepożitat f'dawn il-miżbliet u għaldaqstant, l-obbligu li dan jiġi rreġistrat u identifikat ma ġiex irrispettat.

    44     Fl-aħħar nett, l-istess japplika għall-ilment relattiv għall-vjolazzjoni ta' l-Artikolu 14 tad-Direttiva 1999/31. F'dan il-każ, il-Gvern Taljan jindika huwa stess li 747 miżbla li jinsabu fit-territorju tiegħu kellhom ikunu suġġetti għal pjanijiet ta' amministrazzjoni. Però, l-eżami tat-totalità tad-dokumenti kollha mogħtija fl-anness tal-kontroreplika tal-Gvern Taljan juri li fl-iskadenza tat-terminu mogħti, kienu ġew ippreżentati pjanijiet għal 551 miżbla biss u 131 pjan biss ġew approvati mill-awtoritajiet kompetenti. Barra minn hekk, kif ġustament tirrileva l-Kummisjoni, l-imsemmi Gvern ma speċifikax liema azzjoni ttieħdet fil-konfront tal-miżbliet li l-pjan ta' amministrazzjoni tagħhom ma ġiex approvat.

    45     Minn dan iseġwi li r-Repubblika Taljana naqset b'mod ġenerali u persistenti mill-obbligi tagħha taħt l-artikoli 4, 8 u 9 tad-Direttiva 75/442, l-Artikolu 2(1) tad-Direttiva 91/689 u l-Artikolu 14 (a) sa (c) tad-Direttiva 1999/31. Għaldaqstant, ir-rikors tal-Kummissjoni huwa fondat.Għaldaqstantm

    46     Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha, għandu jiġi kkonstatat li billi ma ħaditx il-miżuri neċessarji kollha :

    –       biex tiżgura illi l-iskart jiġi rkuprat jew mormi mingħajr ma jipperikola saħħet il-bniedem u mingħajr l-użu ta’ proċessi jew ta’ metodi li jistgħu jkunu ta’ ħsara għall-ambjent, u biex tipprojbixxi l-abbandun, it-tfigħ u r-rimi mhux ikkontrollat ta’ l-iskart;

    –       biex kull possessur ta' l-iskart iqandlu permezz ta’ kollettur privat jew pubbliku jew permezz ta’ impriża li twettaq ix-xogħlijiet ta' rimi jew irkupru, jew jarmih jew jirkuprah huwa stess skond id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 75/442/KEE;

    –       biex kull stallazzjoni jew impriża li topera fis-settur tar-rimi, tkun obbligata tikseb l-approvazzjoni ta' l-awtorità kompetenti;

    –       biex f'kull miżbla jew sit fejn isir ir-rimi ta' skart perikoluż, dan l-iskart ikun irreġistrat u identifikat, u

    –       biex, fis-siti li diġà kienu rċevew l-awtorizzazzjoni jew diġa kienu sfruttati fis-16 ta' Lulju 2001, il-persuna li tisfrutta s-sit tipprepara u tippreżenta għall-approvazzjoni ta' l-awtorità kompetenti, qabel is-16 ta' Lulju 2002, pjan ta' amministrazzjoni tas-sit li jinkludi l-informazzjoni relattiva għall-kundizzjonijiet ta' l-awtorizzazzjoni, kif ukoll kull miżura korrettiva li l-operatur iqis li tkun meħtieġa, u biex, wara l-preżentazzjoni tal-pjan ta' amministrazzjoni, l-awtorità kompetenti, li għandha tagħlaq mill-aktar fis possibbli s-siti li ma kisbux l-awtorizzazzjoni biex ikomplu l-operazzjonijiet tagħhom jew tawtorizza x-xogħolijiet neċessarji u tistabbilixxi perjodu tranżitorju għall-implementazzjoni tal-pjan, tasal għal deċizjoni finali fuq jekk l-operazzjonijiet jitkomplux,

    ir-Repubblika Taljana naqset mill-obbligi li hija għandha skond l-Artikoli 4, 8 u 9 tad-Direttiva 75/442, l-Artikolu 2(1) tad-Direttiva 91/689 u l-Artikolu 14 (a) sa (c) tad-Direttiva 1999/31.

     Fuq l-ispejjeż

    47     Skond l-Artikolu 69(2), tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba. Peress li r-Repubblika Taljana tilfet, hemm lok li hija tiġi ordnata tbati l-ispejjeż kif mitlub mill-Kummissjoni.

    Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (it-Tielet Awla) taqta' u tiddeċiedi

    1)      Billi ma ħaditx il-miżuri neċessarji kollha:

    –      biex tiżgura illi l-iskart jiġi rkuprat jew mormi mingħajr ma jipperikola saħħet il-bniedem u mingħajr l-użu ta’ proċessi jew ta’ metodi li jistgħu jkunu ta’ ħsara għall-ambjent, u biex tipprojbixxi l-abbandun, it-tfigħ u r-rimi mhux ikkontrollat ta’ l-iskart;

    –      biex kull possessur ta' l-iskart iqandlu permezz ta’ kollettur privat jew pubbliku jew permezz ta’ impriża li twettaq ix-xogħlijiet ta' rimi jew irkupru, jew inkella jarmih jew jirkuprah huwa stess skond id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva tal-Kunsill 75/442/KEE tal-15 ta' Lulju 1975 dwar l-iskart, kif emendata mid-Direttiva tal-Kunsill 91/156/KEE, tat-18 ta' Marzu 1991;

    –      biex kull stallazzjoni jew impriża li topera fis-settur tar-rimi, tkun obbligata li tikseb l-approvazzjoni ta' l-awtorità kompetenti;

    –      biex f'kull miżbla jew sit fejn isir ir-rimi ta' skart perikoluż, dan l-iskart ikun irreġistrat u identifikat, u

    –      biex, fis-siti li diġà kienu rċevew l-awtorizzazzjoni jew diġa kienu sfruttati fis-16 ta' Lulju 2001, il-persuna li tisfrutta s-sit tipprepara u tippreżenta għall-approvazzjoni ta' l-awtorità kompetenti, qabel is-16 ta' Lulju 2002, pjan ta' amministrazzjoni tas-sit li jinkludi l-informazzjoni relattiva għall-kundizzjonijiet ta' l-awtorizzazzjoni, kif ukoll kull miżura korrettiva li l-operatur iqis li tkun meħtieġa, u biex, wara l-preżentazzjoni tal-pjan ta' amministrazzjoni, l-awtorità kompetenti, li għandha tagħlaq mill-aktar fis possibbli s-siti li ma kisbux l-awtorizzazzjoni biex ikomplu l-operazzjonijiet tagħhom jew tawtorizza x-xogħolijiet neċessarji u tistabbilixxi perjodu tranżitorju għall-implementazzjoni tal-pjan, tasal għal deċizjoni finali fuq jekk l-operazzjonijiet jitkomplux,

    ir-Repubblika Taljana naqset mill-obbligi li hija għandha skond l-Artikoli 4, 8 u 9 tad-Direttiva 75/442, kif emendata mid-Direttiva tal-Kunsill 91/156/KEE, l-Artikolu 2(1) tad-Direttiva tal-Kunsill 91/689/KEE tat-12 ta' Diċembru 1991, dwar l-iskart perikoluż u l-Artikolu 14 (a) sa (c) tad-Direttiva tal-Kunsill 1999/31/KE tas-26 ta' April 1999 dwar ir-rimi ta' skart f’terraferma [miżbla] .

    2)      Ir-Repubblika Taljana għandha tbati l-ispejjeż.

    Firem


    * Lingwa tal-kawża: it-Taljan.

    Top