EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62005CJ0065

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (it-Tieni Awla) tas-26 ta' Ottubru 2006.
il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej vs ir-Repubblika Ellenika.
Nuqqas ta' Stat li jwettaq obbligu - Artikoli 28 KE u 30 KE - Moviment liberu tal-merkanzija - Artikolu 43 KE - Libertà ta' stabbiliment - Artikolu 49 KE - Libertà li jiġu pprovduti servizzi - Projbizzjoni fuq l-installazzjoni u l-użu ta' logħbiet elettriċi, elettromekkaniċi u elettroniċi taħt piena ta' sanzjonijiet penali jew amministrattivi - Direttiva 98/34/KE - Standards u regolamenti tekniċi - Leġiżlazzjoni nazzjonali applikabbli għal logħbiet elettriċi, elettromekkaniċi u elettroniċi.
Kawża C-65/05.

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2006:673

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla)

26 ta' Ottubru 2006 (*)

"Nuqqas ta' Stat li jwettaq obbligu – Artikoli 28 KE u 30 KE – Moviment liberu tal-merkanzija – Artikolu 43 KE – Libertà ta' stabbiliment – Artikolu 49 KE – Libertà li jiġu pprovduti servizzi – Projbizzjoni fuq l-installazzjoni u l-użu ta' logħbiet elettriċi, elettromekkaniċi u elettroniċi taħt piena ta' sanzjonijiet penali jew amministrattivi – Direttiva 98/34/KE – Standards u regolamenti tekniċi – Leġiżlazzjoni nazzjonali applikabbli għal logħbiet elettriċi, elettromekkaniċi u elettroniċi"

Fil-kawża C-65/05,

li għandha bħala suġġett rikors għal nuqqas ta' twettiq ta' obbligu taħt l-Artikolu 226 KE, imressaq fl-10 ta' Frar 2005,

Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, irrappreżentata minn M. Patakia, bħala aġent, b'indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,

rikorrenti,

vs

Ir-Repubblika Ellenika, irrappreżentata minn A. Samoni-Rantou u N. Dafniou, bħala aġenti, b'indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,

konvenuta,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla),

komposta minn C. W. A. Timmermans, President ta' l-Awla, R. Schintgen, P. Kūris (Relatur), G. Arestis u L. Bay Larsen, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: F. G. Jacobs,

Reġistratur: R. Grass,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li rat id-deċiżjoni li ħadet, wara li semgħet lill-Avukat Ġenerali, li tiddeċiedi l-kawża mingħajr konklużjonijiet,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1       Permezz tar-rikors tagħha, il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tikkonstata li, billi introduċiet fl-Artikoli 2(1), fit-tieni subparagrafu ta' l-Artikolu 3, fl-Artikolu 4 u fl-Artikolu 5 tal-Liġi Nru 3037/2002 (FEK A’ 174/30.7.2002) il-projbizzjoni fuq l-installazzjoni u l-użu ta' kull logħba elettrika, elettromekkanika u elettronika, inklużi l-logħbiet tekniċi ta' divertiment u l-logħbiet kollha tal-kompjuter, fil-postijiet pubbliċi jew privati kollha, bl-eċċezzjoni ta' każinos, ir-Repubblika Ellenika naqset mill-obbligi imposti fuqha mill-Artikoli 28 KE, 43 KE u 49 KE kif ukoll mill-Artikolu 8 tad-Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 98/34/KE, tat-22 ta' Ġunju 1998, li tistabbilixxi proċedura għall-għoti ta' informazzjoni fil-qasam ta' l-istandards u tar-regolamenti tekniċi u r-regoli dwar is-servizzi tas-Soċjetà ta' l-Informatika (ĠU L 204, p. 37), kif emendata mid-Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 98/48/KE, ta' l-20 ta' Lulju 1998 (ĠU L 217, p. 18, iktar 'il quddiem id-"Direttiva 98/34").

 Il-kuntest ġuridiku

 Id-dritt Komunitarju

2       L-Artikolu 1(11) tad-Direttiva 98/34 jipprovdi li:

"Għall-għanijiet ta' din id-Direttiva għandhom japplikaw it-tifsiriet li ġejjin:

[…]

11.      'regolament tekniku', speċifikazzjonijiet tekniċi u ħtiġiet oħra jew regoli dwar servizzi, inklużi d-disposizzjonijiet amministrattivi rilevanti, li l-osservanza tagħhom hija obbligatorja, de jure jew de facto, fil-każ tat-tqegħid fis-suq, il-forniment ta' servizz, l-istabbiliment ta' operatur tas-servizz jew l-użu fi Stat Membru jew f'parti l-kbira minnu, kif ukoll il-liġijiet, ir-regolamenti jew id-disposizzjonijiet amministrattivi ta' l-Istati Membri, għajr dawk ipprovduti fl-Artikolu 10, li jipprojbixxu l-fabbrikazzjoni, l-importazzjoni, it-tqegħid fis-suq jew l-użu ta' prodott, jew li jipprojbixxu l-forniment jew l-użu ta' servizz, jew l-istabbiliment ta' fornitur tas-servizz.

[…]"

3       L-ewwel subparagrafu ta' l-Artikolu 8(1) tad-Direttiva 98/34 jipprovdi li:

"Soġġetti għall-Artikolu 10, l-Istati Membri għandhom jikkomunikaw fil-pront lill-Kummissjoni kull abbozz ta' regolament tekniku, għajr fejn dan sempliċiment jittrasponi t-test ta' standard internazzjonali jew Ewropew, f'liema każ l-informazzjoni li jkollha x'taqsam ma' l-istandard rilevanti tkun biżżejjed; għandhom ukoll iħallu lill-Kummissjoni tagħmel dikjarazzjoni dwar ir-raġunijiet li [għalihom hija] meħtieġa l-leġislazzjoni ta' dan ir-regolament tekniku, fejn dawn ma jkunux diġà ġew magħmula ċari fl-abbozz."

4       Skond id-dispożizzjonijiet ta' l-Artikolu 9(1) sa (5) tad-Direttiva 98/34, l-Istati Membri għandhom jipposponu l-adozzjoni ta' abbozz ta' regolament tekniku għal tliet xhur mid-data ta' meta l-Kummissjoni tkun irċeviet il-komunikazzjoni li hemm referenza għaliha fl-Artikolu 8(1) ta' l-istess direttiva, jekk il-Kummissjoni jew Stat Membru ieħor toħroġ opinjoni dettaljata li tistabbilixxi li l-miżura prevista tista' toħloq xkiel għall-moviment liberu tal-merkanzija, għall-moviment liberu tas-servizzi jew għal-libertà ta' stabbiliment ta' l-operaturi tas-servizzi ġewwa s-suq intern. Dan il-posponiment jista' jkun għal żmien itwal f'ċerti każijiet oħrajn li huma elenkati espressament fl-imsemmija dispożizzjonijiet.

5       L-Artikolu 9(7) tad-Direttiva 98/34 jipprovdi li:

"Il-paragrafi 1 sa 5 m'għandhomx japplikaw fil-każijiet fejn:

–       għal raġunijiet urġenti, mqajma minn ċirkostanzi serji u imprevisti li għandhom x'jaqsmu mal-protezzjoni tas-saħħa pubblika jew is-sigurtà, il-protezzjoni ta' l-annimali jew il-priservazzjoni tal-pjanti, u għar-regoli dwar servizzi, u wkoll għall-politika pubblika, b'mod speċjali l-protezzjoni tal-minuri, Stat Membru huwa obbligat li jħejji regolamenti tekniċi fi spazju qasir ħafna ta' żmien sabiex jippromulgahom u jdaħħalhom fil-pront mingħajr ma jkunu possibbli konsultazzjonijiet

[…]

Fil-komunikazzjoni li hemm riferenza għaliha fl-Artikolu 8, l-Istat Membru għandu jagħti r-raġunijiet għall-urġenza tal-miżuri meħuda. Il-Kummissjoni għandha tagħti l-veduti tagħha dwar il-komunikazzjoni malajr kemm jista' jkun. Għandha tieħu azzjoni xierqa fil-każijiet fejn din il-proċedura ma tintużax kif suppost. Il-Parlament Ewropew għandu jinżamm imgħarraf mill-Kummissjoni."

 Il-leġiżlazzjoni nazzjonali

6       L-Artikolu 1 tal-Liġi Nru 3037/2002, intitolat "Kategoriji ta' logħob", huwa fformulat bil-mod segwenti:

"Skond id-dispożizzjonijiet ta' din il-liġi, għandhom japplikaw it-tifsiriet li ġejjin:

(a)      'logħba mekkanika': logħba li t-tħaddim tagħha jirrikjedi li l-persuna li tkun qed tilgħab teżerċita sforz fiżiku;

(b)      'logħba elettrika': logħba li t-tħaddim tagħha jirrikjedi l-preżenza ta' mekkaniżmi elettriċi ta' sostenn;

(c)      'logħba elettromekkanika': logħba li t-tħaddim tagħha jirrikjedi kemm il-preżenza ta' mekkaniżmi elettriċi ta' sostenn kif ukoll sforz fiżiku mill-persuna li tkun qed jilgħab;

(d)      'logħba elettronika': logħba li t-tħaddim tagħha jirrikjedi, minbarra l-mekkaniżmi ta' sostenn elettriċi, elettroniċi u oħrajn, il-preżenza u l-użu ta' softwer (programm tal-kompjuter);

(e)      'logħba teknika ta' divertiment': logħba li r-riżultat tagħha jiddependi esklussivament mill-kapaċitajiet tekniċi u mentali tal-persun li tkun qed tilgħab u li l-uniku għan tagħha huwa wieħed ta' divertiment.

Il-kategorija tal-logħbiet tekniċi ta' divertiment tinkludi wkoll il-logħbiet tal-karti kkunsidrati bħala 'logħbiet tekniċi' skond id-dispożizzjonijiet tad-Digriet Irjali [Ikkonsolidat] Nru 29/1971."

7       L-Artikolu 2(1) ta' l-imsemmija liġi, intitolat "Projbizzjoni fuq l-użu u l-installazzjoni ta' logħbiet", jipprovdi li:

"L-użu ta' logħbiet imsemmija fl-Artikolu 1(b), (c) u (d), inklużi l-kompjuters, huwa pprojbit fil-postijiet pubbliċi in ġenerali, bħal lukandi, kafetteriji, swali għal laqgħat li għandhom użu pubbliku ta' kull tip u kull post pubbliku jew privat ieħor. L-installazzjoni ta' dawn il-logħbiet hija wkoll ipprojbita."

8       L-Artikolu 3 ta' l-istess liġi, intitolat "Impriżi li jipprovdu servizzi ta' l-Internet", jipprovdi li:

"L-installazzjoni u l-użu ta' kompjuters fi stabbilimenti li jipprovdu servizzi ta' l-Internet mhumiex suġġetti għall-projbizzjoni msemmija fl-Artikolu 2. Madankollu, l-użu ta' logħbiet fuq dawk il-kompjuters, indipendentement mill-metodu użat, huwa pprojbit.

Il-provvista ta' servizzi ta' l-Internet minn impriża hija suġġetta għall-ħruġ ta' permess speċjali mill-komun li fih ikun jinsab l-istabbiliment u, meta tingħata fuq vapur, hija tkun suġġetta għall-awtorizzazzjoni mill-port ta' tluq. Meta din il-miżura tiġi implementata għall-ewwel darba, l-impriża għandu jkollha dan il-permess, fi żmien tliet xhur mid-data meta din il-liġi tkun daħlet fis-seħħ."

9       Skond l-Artikolu 4 tal-Liġi Nru 3037/2002, intitolat "Sanzjonijiet penali":

"1.      Kull persuna li tuża jew tmexxi ċ-ċentri jew postijiet oħrajn koperti mill-Artikolu 2(1) li fihom jintużaw jew hemm installati logħbiet ipprojbiti skond id-dispożizzjonijiet ta' l-artikoli preċedenti, tkun suġġetta għal piena ta' priġunerija ta' mill-inqas tliet xhur u għal multa ta' EUR 25 000 sa 75 000. Il-qorti għandha tordna wkoll il-konfiska tal-magni tal-logħob.

2.      Id-dispożizzjonijiet ta' l-Artikolu 7(1)(c) jew ta' l-Artikolu 7(3) u (4) tad-Digriet Irjali Ikkonsolidat Nru 29/1971 japplikaw mutatis mutandis."

10     L-Artikolu 5 ta' l-istess liġi, intitolat "Sanzjonijiet amministrattivi", jipprovdi li:

"1. Minbarra s-sanzjonijiet previsti, f'każ li tintuża jew li tiġi installata logħba pprojbita skond id-dispożizzjonijiet ta' l-artikoli preċedenti, għandha tiġi imposta multa ta' EUR 10 000 għal kull logħba u l-permess tan-negozju ta' l-impriża tiġi rtirata definittivament, skond id-dispożizzjonijiet ta' l-Artikolu 7.

2.      Il-multa għandha tiġi imposta permezz ta' deċiżjoni tal-persuna responsabbli fl-awtorità kompetenti msemmija fl-Artikolu 6(1), li tikkonstata l-ksur. L-imsemmija deċiżjoni tiddeskrivi l-ksur, tistabbilixxi l-multa imposta u ssemmi d-dispożizzjoni applikabbli. Flimkien mad-deċiżjoni, għandha tintbagħat kopja tar-rapport ta' kontroll ikkonċernat lill-persuna li tkun wettqet il-ksur."

11     Fl-aħħar nett, l-Artikolu 9(1) tal-Liġi Nru 3037/2002 jippreċiża li "[i]d-dispożizzjonijiet ta' din il-liġi huma bla ħsara għad-dispożizzjonijiet tal-Liġi Nru 2206/1994 kif ukoll għad-dispożizzjonijiet oħrajn dwar il-każinos."

 Il-proċedura ta' qabel il-kawża

12     Wara lmenti li rċeviet dwar il-projbizzjoni, fuq livell nazzjonali, fuq l-installazzjoni u l-użu fil-Greċja ta' logħbiet elettriċi, elettromekkaniċi u elettroniċi, inklużi l-logħbiet tekniċi ta' divertiment u l-logħbiet kollha tal-kompjuter, fil-postijiet pubbliċi jew privati kollha, bl-eċċezzjoni ta' każinos, il-Kummissjoni eżaminat il-Liġi Nru 3037/2002, li daħlet fis-seħħ fit-30 ta' Lulju 2002. Hija waslet għall-konklużjoni li din ta' l-aħħar hija inkompatibbli mar-rekwiżiti tad-dritt Komunitarju.

13     Wara li intimat lir-Repubblika Ellenika sabiex tippreżenta l-osservazzjonijiet tagħha, permezz ta' l-ittri tat-18 ta' Ottubru 2002 u tal-11 ta' Lulju 2003, il-Kummissjoni, fit-30 ta' Marzu 2004, ħarġet opinjoni motivata.

14     Minħabba l-fatt li r-risposta tal-Gvern Grieg għall-imsemmija opinjoni motivata ma ġietx ikkunsidrata bħala sodisfaċenti mill-Kummissjoni, din ta' l-aħħar, billi kkunsidrat li kien għadu jeżisti l-ksur, iddeċidiet li tressaq dan ir-rikors.

 Fuq ir-rikors

15     Il-Kummissjoni tressaq tliet motivi b'sostenn għar-rikors tagħha. L-ewwel nett, hija ssostni li l-projbizzjoni ġenerali fuq logħbiet elettriċi, elettromekkaniċi u elettroniċi, introdotta permezz tal-Liġi Nru 3037/2002, tmur kontra d-dispożizzjonijiet ta' l-Artikoli 28 KE u 30 KE. It-tieni nett, hija tinvoka l-inkompatibbiltà ta' l-imsemmija liġi ma' l-obbligi li huma imposti fuq ir-Repubblika Ellenika skond l-Artikoli 43 KE u 49 KE. It-tielet nett, il-Kummissjoni tilmenta li l-imsemmi Stat Membru ma osservax il-proċedura għall-għoti ta' informazzjoni prevista fl-ewwel subparagrafu ta' l-Artikolu 8(1) tad-Direttiva 98/34.

 Fuq l-ewwel motiv, ibbażat fuq il-ksur ta' l-Artikoli 28 KE u 30 KE

 L-argumenti tal-partijiet

16     Il-Kummissjoni ssostni li l-projbizzjoni ta' l-installazzjoni ta' kull logħba elettrika, elettromekkanika u elettronika, inklużi l-logħbiet tekniċi ta' divertiment u l-logħbiet kollha tal-kompjuter, fil-postijiet pubbliċi u privati kollha, bl-eċċezzjoni ta' każinos, prevista fl-Artikolu 2(1) tal-Liġi Nru 3037/2002, tmur kontra l-Artikolu 28 KE. Skond hi, din il-liġi ma tikkostitwixxix miżura ġġustifikata kemm fir-rigward tad-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikolu 30 KE kif ukoll fir-rigward tar-rekwiżiti imperattivi ta’ interess ġenerali stabbiliti mill-Qorti tal-Ġustizzja u hija wkoll sproporzjonata għal dak li jikkonċerna l-għan ta’ protezzjoni ta’ interess ġenerali.

17     Hija ssostni li l-awtoritajiet Griegi ma indikawx b’mod ċar ir-relazzjoni li teżisti bejn l-imsemmija projbizzjoni u l-problema li jixtiequ jsibu soluzzjoni għaliha, għaliex dawn ta’ l-aħħar jikkonċentraw l-analiżi tagħhom biss fuq il-konsegwenzi negattivi ta’ l-użu mingħajr kontroll ta’ magni tal-logħob ta’ l-ażżard. F’dan il-kuntest, il-Kummissjoni tindika li huwa possibbli li jiġu implementati forom oħrajn ta’ kontroll, bħall-introduzzjoni ta’ sistemi speċjali ta’ protezzjoni fil-magni ta' logħob tekniku jew ta’ divertiment sabiex ikun impossibbli li jinbidlu f’logħob ta’ l-ażżard.

18     Ir-Repubblika Ellenika tirrikonoxxi li l-Liġi Nru 3037/2002 tista’ tostakola l-kummerċjalizzazzjoni intrakomunitarja tal-logħbiet elettriċi, elettromekkaniċi kif ukoll elettroniċi u, għaldaqstant, taffettwa l-prinċipju tal-moviment liberu tal-merkanzija stabbilit fl-Artikolu 28 KE.

19     Madankollu, hija ssostni li, minn meta bdiet il-proċedura prekontenzjuża, hija sostniet li tali projbizzjoni ġenerali, applikabbli mingħajr distinzjoni kemm għan-negozjanti Griegi kif ukoll għal dawk barranin, ġiet ikkunsidrata, fid-data li fiha l-Liġi Nru 3037/2002 ġiet adottata u ppromulgata, bħala neċessarja u ġġustifikata għal raġunijiet, minn naħa, ta’ protezzjoni tal-moralità pubblika u ta’ l-ordni pubblika, previsti fl-Artikolu 30 KE, u, min-naħa l-oħra, għal raġunijiet ta’ protezzjoni tal-konsumaturi u ta’ l-ordni soċjali, li huma rekwiżiti imperattivi ta’ interess ġenerali stabbiliti mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja.

20     Ir-Repubblika Ellenika ssostni, b’mod partikolari, li minħabba l-iżvilupp fit-teknoloġija, il-logħbiet ikkoncernati bil-Liġi Nru 3037/2002 jistgħu faċilment jinbidlu f’logħob ta’ l-ażżard, li huma illegali fil-Greċja barra mill-każinos, u li s-sitwazzjoni saret inkontrollabbli, u twassal għal problemi soċjali serji, bħalma huma, b’mod partikolari, il-vizzju ta’ min jilgħab, il-ħela ta’ ħafna riżorsi ekonomiċi, l-arrikkiment faċli u illegali ta’ persuni involuti fl-użu, l-installazzjoni u l-kummerċ ta’ logħbiet elettroniċi, it-telf ta’ ammonti kbar ta’ flus għal min jilgħab kif ukoll it-telf ta’ dħul kunsiderevoli mit-taxxi.

21     Fil-kontroreplika tiegħu, l-imsemmi Stat Membru jsostni li l-miżuri konkreti inqas restrittivi li, skond hu, ġew implementati bejn s-sena 1996 u s-sena 2000, jiġifieri qabel ma ġiet introdotta l-projbizzjoni totali tal-logħbiet elettriċi, elettromekkaniċi u elettroniċi permezz tal-Liġi Nru 3037/2002, kienu kkunsidrati bħala insuffiċjenti sabiex jiffaċċjaw, b’mod effettiv, il-problema li joħolqu dawn il-logħbiet, li tirriżulta mill-passjoni umana għal-logħob ta’ l-ażżard.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

22     Qabel kollox, għandu jiġi kkonstatat li meta d-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikoli 1 u 2(1) tal-Liġi Nru 3037/2002 jinqraw flimkien jirriżulta li l-logħbiet tekniċi ta’ divertiment, imsemmija fl-imsemmi Artikolu 1(e), ma jaqgħux taħt il-projbizzjoni introdotta minn din il-liġi. Għaldaqstant, huma għandhom jiġu esklużi mis-sugġett ta’ dan ir-rikors.

23     Għal dak li jirrigwarda l-ewwel ilment tal-Kummissjoni, għandu jiġi mfakkar li l-kelma "merkanzija" tfisser il-prodotti li jistgħu jiġu vvalutati fi flus u li jistgħu, bħala tali, jifformaw is-suġġett ta’ tranżazzjonijiet kummerċjali (sentenzi ta’ l-10 ta’ Diċembru 1968, Il-Kummissjoni vs L-Italja, 7/68, Ġabra p. 617, 626, u tal-21 ta’ Ottubru 1999, Jägerskiöld, C-97/98, Ġabra p. I-7319, punt 30).

24     F’dan ir-rigward, il-logħbiet elettriċi, elettromekkaniċi u elettroniċi, inklużi l-logħbiet tal-kompjuter, sakemm ikollhom valur kummerċjali u jistgħu jifformaw is-suġġett ta’ tranżazzjonijiet kummerċjali, ikunu importati jew esportati u jkunu għad-dispożizzjoni tal-konsumatur bi ħlas, jissodisfaw l-imsemmija kriterji u jikkostitwixxu merkanzija fis-sens tat-Trattat KE.

25     Għandu jiġi mfakkar li l-moviment liberu tal-merkanzija bejn l-Istati Membri huwa wieħed mill-prinċipji fundamentali tat-Trattat (sentenzi tad-9 ta’ Diċembru 1997, Il-Kummissjoni vs Franza, C-265/95, Ġabra p. I-6959, punt 24, u tat-12 ta’ Ġunju 2003, Schmidberger, C-112/00, Ġabra p. I-5659, punt 51), li huwa espress fil-projbizzjoni, imsemmija fl-Artikolu 28 KE, ta’ restrizzjonijiet kwantitattivi fuq l-importazzjoni bejn l-Istati Membri kif ukoll ta’ kull miżura li jkollha effett ekwivalenti.

26     Fin-nuqqas ta’ regoli armonizzati fuq il-livell Komunitarju fil-qasam tal-logħob, il-moviment liberu ta’ dawn ta’ l-aħħar huwa ggarantit mill-Artikoli 28 KE u 30 KE.

27     Skond il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, kull leġiżlazzjoni kummerċjali ta' l-Istati Membri li tista' timpedixxi, direttament jew indirettament, realment jew potenzjalment, il-kummerċ intrakomunitarju għandha tiġi kkunsidrata bħala miżura li għandha effett ekwivalenti għal restrizzjonijiet kwantitattivi (ara s-sentenza tat-2 ta’ Diċembru 2004, Il-Kummissjoni vs L-Olanda, C-41/02, Ġabra p. I-11375, punt 39 u l-ġurisprudenza ċċitata).

28     F'din il-kawża, għandu jiġi kkonstatat li leġiżlazzjoni nazzjonali bħal-Liġi Nru 3037/2002 tikkostitwixxi miżura li għandha effett ekwivalenti għal restrizzjoni kwantitattiva fis-sens ta’ l-Artikolu 28 KE, anki meta din il-liġi ma tipprojbixxix l-importazzjoni tal-prodotti kkonċernati u t-tqegħid tagħhom fuq is-suq.

29     Fil-fatt, minn naħa, il-projbizzjoni ta' l-installazzjoni ta’ kull logħba elettrika, elettromekkanika u elettronika, inklużi l-logħbiet kollha tal-kompjuter, fil-postijiet pubbliċi jew privati kollha, bl-eċċezzjoni ta’ każinos, introdotta mill-Artikolu 2(1) ta’ l-imsemmija liġi, taħt piena ta’ sanzjonijiet penali jew amministrattivi previsti fl-Artikoli 4 u 5 ta’ l-istess liġi, mit-30 ta’ Lulju 2002, id-data li fiha daħlet fis-seħħ din il-liġi, tista’ twassal għal tnaqqis fl-importazzjonijiet ta’ dawn il-logħbiet li jiġu minn Stati Membri oħrajn.

30     Min-naħa l-oħra, mill-proċess jirriżulta li, fil-fatt, l-importazzjonijiet ta’ magni tal-logħob bħal dawk imsemmija fil-punt preċedenti sabiex jiġu installati f’postijiet pubbliċi jew privati fil-Greċja, bl-eċċezzjoni ta’ każinos, waqfu mill-introduzzjoni ta’ l-imsemmija projbizzjoni, għalkemm dawn il-magni huma mmanifatturati legalment u huma għad-dispożizzjoni tal-konsumaturi fi Stati Membri oħrajn.

31     Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet b’mod kostanti li leġiżlazzjoni nazzjonali li tostakola l-moviment liberu tal-merkanzija ma tmurx neċessarjament kontra d-dritt Komunitarju jekk tkun tista’ tiġi ġġustifikata minn waħda mir-raġunijiet ta’ interess ġenerali elenkati fl-Artikolu 30 KE jew minn waħda mill-eżiġenzi imperativi stabbiliti mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (ara s-sentenza ta’ l-24 ta’ Novembru 2005, Schwarz, C-366/04, Ġabra p. I-10139, punt 30 u l-ġurisprudenza ċċitata).

32     F’dan ir-rigward, għandu jiġi mfakkar li r-Repubblika Ellenika ssostni li, minħabba r-raġunijiet imsemmija fis-sunt tar-raġunijiet tal-Liġi Nru 3037/2002, il-projbizzjoni ġenerali ta' l-installazzjoni ta’ kull logħba elettrika, elettromekkanika u elettronika, inklużi l-logħbiet kollha tal-kompjuter, kienet neċessarja sabiex tiġi protetta l-moralità, l-ordni pubblika u s-sigurtà pubblika. Hija ssostni, b’mod partikolari, li minħabba l-iżvilupp fit-teknoloġija dawn il-logħbiet jistgħu faċilment jinbidlu f’logħob ta’ l-ażżard u tenfasizza li s-sitwazzjoni kienet saret inkontrollabbli, u wasslet għal problemi soċjali gravi bħal dawk imsemmija fil-punt 20 ta’ din is-sentenza.

33     F’dan ir-rigward, għandu jiġi mfakkar li mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li tali raġunijiet, li għandhom jiġu kkunsidrati fit-totalità tagħhom, huma marbuta mal-protezzjoni tad-destinatarji tas-servizz u, b’mod iktar ġenerali, tal-konsumaturi kif ukoll il-protezzjoni ta’ l-ordni soċjali, għanijiet li ġie diġà deċiż li huma fost dawk li jistgħu jiġu kkunsidrati bħala raġunijiet imperattivi ta’ interess ġenerali (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi ta’ l-24 ta’ Marzu 1994, Schindler, C-275/92, Ġabra p. I-1039, punt 58 u l-ġurisprudenza ċċitata, kif ukoll tal-21 ta’ Settembru 1999, Läärä et, C-124/97, Ġabra p. I-6067, punt 33).

34     Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet ukoll li l-imsemmija raġunijiet huma ta’ natura li jiġġustifikaw, fir-rigward ta’ l-Artikolu 28 KE u meta jittieħdu in kunsiderazzjoni l-aspetti soċjokulturali, ir-restrizzjonijiet li jipprojbixxu l-lotteriji u logħob ieħor għall-flus fit-territorju ta’ Stat Membru (ara, f’dan is-sens, is-sentenza ċċitata iktar ‘il fuq, Schindler, punt 59).

35     Fis-sentenzi Schindler kif ukoll Läärä et, iċċitati iktar ‘il fuq, il-Qorti tal-Ġustizzja enfasizzat li l-kunsiderazzjonijiet ta’ ordni morali, reliġjuża jew kulturali, li huma marbuta mal-lotteriji kif inhuma marbuta ma' logħob ieħor għall-flus fl-Istati Membri kollha, jistgħu jippermettu lil-leġiżlazzjonijiet nazzjonali jillimitaw, anki jipprojbixxu, il-prattika ta’ logħob għall-flus u jevitaw għalhekk li ma jkunux sors ta’ dħul individwali. Il-Qorti tal-Ġustizzja osservat ukoll li, meta wieħed jikkunsidra s-somom kbar ta' flus li jiġbru u l-qliegħ li jistgħu joffru lil min jilgħab, speċjalment meta huma organizzati fuq skala kbira, il-lotteriji fihom riskji għolja ta’ reati u ta’ frodi. Barra minn hekk, huma jikkostitwixxu inċentiv għall-ispiża li jista’ jkollu konsegwenzi individwali u soċjali ta’ ħsara (sentenzi ċċitati iktar ‘il fuq Schindler, punt 60, kif ukoll Läärä et, punt 13).

36     Madankollu, il-kawża preżenti hija differenti miż-żewġ kawżi li taw lok għas-sentenzi Schindler u Läärä et, iċċitati iktar ‘il fuq, safejn huwa paċifiku li din il-kawża tirrigwarda logħbiet elettriċi, elettromekkaniċi u elettroniċi li m’għandhomx karatteristiċi li jistgħu jiġu mqabbla ma’ dawk tal-logħbiet in kwistjoni fl-imsemmija kawżi. Fil-fatt, il-logħbiet li kienu s-suġġett tal-projbizzjoni introdotta mill-Artikolu 2(1) tal-Liġi Nru 3037/2002 mhumiex logħob ta’ l-ażżard, għaliex ma jintlagħbux bl-istennija li jintrebħu l-flus (ara, għall-kuntrarju, is-sentenza Läärä et, iċċitata iktar ‘il fuq, punt 17).

37     Minn dan jirriżulta li billi l-logħbiet elettriċi, elettromekkaniċi u elettroniċi ma jistgħux jiġu kkunsidrati bħala logħob ta’ l-ażżard, ma jistax jiġi milqugħ, kuntrarjament għal dak li ssostni r-Repubblika Ellenika, li l-kunsiderazzjonijiet magħmula mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenzi Schindler u Läärä et, iċċitati iktar ‘il fuq, dwar il-logħob ta’ l-ażżard jistgħu jkunu applikabbli għal-logħbiet elettriċi, elettromekkaniċi u elettroniċi.

38     Anki jekk din il-ġurisprudenza mhijiex applikabbli fil-kawża preżenti, ir-raġunijiet imperattivi ta’ interess ġenerali invokati mir-Repubblika Ellenika jistgħu jiġġustifikaw l-ostakolu għall-moviment liberu tal-merkanzija. Madankollu, huwa xorta waħda neċessarju li l-miżura nazzjonali in kwistjoni tkun proporzjonata għall-għanijiet li jridu jintlaħqu.

39     F’dan ir-rigward, għandu jiġu kkonstatat li r-Repubblika Ellenika ma tagħtix prova tal-fatt li hija implementat il-miżuri tekniċi u ta’ organizzazzjoni kollha li jistgħu jgħinu lil dan l-Istat Membru jilħaq l-għan intiż, billi tuża miżuri inqas restrittivi għall-kummerċ intrakomunitarju.

40     Fil-fatt, l-awtoritajiet Griegi mhux biss setgħu jirrikorru għal miżuri oħrajn iktar xierqa u inqas restrittivi għall-moviment liberu tal-merkanzija, kif kienet ipproponiet il-Kummissjoni matul il-proċedura prekontenzjuża, iżda setgħu wkoll jassiguraw l-applikazzjoni tagħhom u/jew l-eżekuzzjoni korretta u effettiva tagħhom sabiex jintlaħaq l-għan intiż.

41     Minn dan jirriżulta li l-projbizzjoni fuq l-installazzjoni fil-Greċja ta’ kull logħba elettrika, elettromekkanika u elettronika, inklużi l-logħbiet kollha tal-kompjuter, fil-postijiet pubbliċi jew privati kollha, bl-eċċezzjoni ta’ każinos, introdotta mill-Artikolu 2(1) tal-Liġi Nru 3037/2002, tikkostitwixxi miżura sproporzjonata fir-rigward ta’ l-għanijiet li jridu jintlaħqu.

42     Għaldaqstant, il-Liġi Nru 3037/2002 hija inkompatibbli ma’ l-Artikolu 28 KE.

43     Meta jittieħed in kunsiderazzjoni dak kollu li ntqal preċedentement, l-ewwel motiv invokat mill-Kummissjoni b’sostenn għar-rikors tagħha għandu jiġi kkunsidrat bħal fondat.

 Fuq it-tieni motiv, ibbażat fuq il-ksur ta’ l-Artikoli 43 KE u 49 KE

L-argumenti tal-partijiet

44     Il-Kummissjoni ssostni li l-Artikoli 2(1) u 3 tal-Liġi Nru 3037/2002 jipprojbixxu lill-operaturi ekonomiċi stabbiliti fi Stati Membri oħrajn milli jipprovdu s-servizzi tagħhom li jinvolvu t-tqegħid għad-dispożizzjoni jew il-provvista ta' magni tal-logħob fuq is-suq Grieg, kemm jekk jixtiequ jistabbilixxu rwieħhom fil-Greċja jew sempliċement jipprovdu s-servizzi tagħhom hemmhekk mill-Istat Membru fejn huma stabbiliti. Billi ma ngħatawx biżżejjed raġunijiet fir-rigward tan-neċessità tagħhom u tal-proporzjonalità tagħhom, tali dispożizzjonijiet nazzjonali jmorru kontra l-Artikoli 43 KE u 49 KE.

45     F’dan il-kuntest, il-Kummissjoni ssostni li l-awtoritajiet Griegi kellhom jagħtu l-prijorità lil miżuri konkreti iktar speċifiċi li jillimitaw jew li jippruvaw jevitaw it-tibdil ta’ logħbiet ta’ divertiment f’logħob ta’ l-ażżard. Skond hi, tali miżuri setgħu, per eżempju, jieħdu l-forma ta’ projbizzjonijiet iktar speċifiċi, verifiki iktar stretti u iktar preċiżi u/jew sanzjonijiet iktar severi u iktar effettivi. Hija żżid tgħid li l-imsemmija miżuri ma jikkostitwixxux neċessarjament projbizzjoni ġenerali li taffettwa l-attivitajiet ekonomiċi l-oħrajn li mhumiex marbuta mal-logħob ta’ l-ażżard.

46     Ir-Repubblika Ellenika ssostni li l-miżuri proposti huma insuffiċjenti u ssostni li l-miżuri iktar radikali li ġew applikati kienu bbażati fuq raġunijiet imperattivi ta’ interess ġenerali sabiex jintlaħaq l-għan intiż u li huma kienu l-uniku mezz effettiv sabiex tiġi ffaċċjata l-problema soċjali serja li kienet teżisti. Sabiex tikkontesta dan it-tieni motiv, hija tinvoka essenzjalment l-istess argumenti li qajmet sabiex tikkontesta l-ilment tal-Kummissjoni dwar ir-restrizzjoni għall-moviment liberu tal-merkanzija.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

47     Qabel kollox, għandu jiġi mfakkar li, fin-nuqqas ta’ regoli armonizzati fuq livell il-Komunitarju fil-qasam tal-logħob, l-Istati Membri jibqgħu, bħala prinċipju, kompetenti sabiex jiddefinixxu l-kundizzjonijiet għall-eżerċizzju ta' attivitajiet f'dan is-settur. Madankollu, jibqa’ l-fatt li huma għandhom jeżerċitaw l-kompetenzi tagħhom billi jirrispettaw il-libertajiet fundamentali garantiti mit-Trattat (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-3 ta’ Ottubru 2000, Corsten, C-58/98, Ġabra p. I-7919, punt 31, u tas-26 ta’ Jannar 2006, Il-Kummissjoni vs Spanja, C-514/03, Ġabra p. I-963, punt 23).

48     Skond il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-Artikoli 43 KE u 49 KE jimponu t-tneħħija ta' restrizzjonijiet għal-libertà ta' stabbiliment u għal-libertà li jiġu pprovduti servizzi u li l-miżuri kollha li jipprojbixxu, jostakolaw jew irendu inqas attraenti l-eżerċizzju ta' dawn il-libertajiet għandhom jiġu kkunsidrati bħala restrizzjonijiet ta' dan it-tip (ara s-sentenzi tal-15 ta’ Jannar 2002, Il-Kummissjoni vs L-Italja, C-439/99, Ġabra p. I-305, punt 22, u tat-30 ta’ Marzu 2006, Servizi Ausiliari Dottori Commercialisti, C-451/03, Ġabra p. I-2941, punt 31).

49     Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet ukoll li l-miżuri nazzjonali li jirrestrinġu l-eżerċizzju tal-libertajiet fundamentali ggarantiti mit-Trattat jistgħu jiġu ġġustifikati biss jekk jissodisfaw erba' kundizzjonijiet: huma applikabbli b'mod li mhuwiex diskriminatorju, huma bbażati fuq raġunijiet imperattivi ta' interess ġenerali, huma adatti sabiex jiggarantixxu t-twettiq ta' l-għan li jkunu qed jippruvaw jilħqu u ma jeċċedux dak li huwa neċessarju sabiex jintlaħaq tali għan (sentenza ta' l-4 ta' Lulju 2000, Haim, C-424/97, Ġabra p. I-5123, punt 57 u l-ġurisprudenza ċċitata).

50     F'dan ir-rigward, mill-Artikolu 2(1) tal-Liġi Nru 3037/2002 jirriżulta li fil-Greċja huwa pprojbit, taħt piena ta' sanzjonijiet penali jew amministrattivi previsti fl-Artikoli 4 u 5 ta' l-istess liġi, li jintużaw logħbiet elettriċi, elettromekkaniċi u elettroniċi fil-postijiet pubbliċi jew privati kollha, bl-eċċezzjoni ta’ każinos. Għal dak li jikkonċerna l-kompjuters li jkunu jinsabu fl-istabbilimenti li jipprovdu servizzi ta' l-Internet, id-dispożizzjonijiet ta' l-Artikolu 2(1) tal-Liġi Nru 3037/2002 mhumiex applikabbli u, skond l-Artikolu 3 ta' l-imsemmija liġi, l-użu ta' logħbiet fuq dawn il-kompjuters huwa pprojbit.

51     Għal dak li jirrigwarda l-libertà ta' stabbiliment, tali leġiżlazzjoni nazzjonali tista' tirrendi iktar diffiċli, jekk mhux timpedixxi totalment, l-eżerċizzju, mill-operaturi ekonomiċi li jkunu ġejjin minn Stati Membri oħrajn, tad-dritt tagħhom li jistabbilixxu rwieħhom fil-Greċja bl-għan li jipprovdu s-servizzi in kwistjoni.

52     F’dawn iċ-ċirkustanzi, tali projbizzjoni tikkostitwixxi ostakolu għal-libertà ta' stabbiliment.

53     Għal dak li jirrigwarda l-libertà li jiġu pprovduti servizzi, skond ġurisprudenza stabbilita, l-ewwel nett, l-attività ta' l-użu ta' magni tal-logħob għandha, sew jekk tkun separabbli jew le mill-attivitajiet li għandhom x'jaqsmu mal-produzzjoni, ma' l-importazzjoni u mad-distribuzzjoni ta' tali magni, tiġi kkwalifikata bħala attività ta' servizzi, skond id-dispożizzjonijiet tat-Trattat, u li, it-tieni nett, leġiżlazzjoni nazzjonali li tawtorizza l-użu u l-prattika ta’ logħbiet biss fis-swali tal-każinos tikkostitwixxi ostakolu għal-libertà li jiġu pprovduti servizzi (ara s-sentenza tal-11 ta' Settembru 2003, Anomar et, C-6/01, Ġabra p. I-8621, punti 56 u 75).

54     Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet ukoll, għal dak li jikkonċerna b'mod iktar partikolari s-servizzi tas-Soċjetà ta' l-Informatika, li l-Artikolu 49 KE jikkonċerna s-servizzi li fornitur stabbilit fi Stat Membru joffri permezz ta' l-Internet – u għalhekk mingħajr ma jiċċaqlaq minn pajjiżu – lil destinatarji stabbiliti fi Stat Membru ieħor, b'tali mod li kull restrizzjoni ta' dawn l-attivitajiet tikkostitwixxi restrizzjoni għal-libertà li jiġu pprovduti servizzi (sentenza tas-6 ta' Novembru 2003, Gambelli et, C-243/01, Ġabra p. I-13031, punt 54).

55     Għall-istess raġunijiet bħal dawk imsemmija fil-punti 36 sa 41 ta' din is-sentenza, l-argumenti invokati mir-Repubblika Ellenika sabiex jiġġustifikaw l-ostakolu għal-libertà ta' stabbiliment kif ukoll għal-libertà li jiġu pprovduti servizzi ma jistgħux jiġu milqugħa.

56     Minn dan jirriżulta li l-Liġi Nru 3037/2002 tmur ukoll kontra l-Artikoli 43 KE u 49 KE.

57     F'dawn iċ-ċirkustanzi, it-tieni motiv invokat mill-Kummissjoni b'sostenn għar-rikors tagħha għandu jiġi kkunsidrat bħala fondat.

 Fuq it-tielet motiv, ibbażat fuq il-ksur tad-Direttiva 98/34

 L-argumenti tal-partijiet

58     Il-Kummissjoni tilmenta li r-Repubblika Ellenika ma kkomunikatilhiex, fl-istadju tat-tħejjija tagħha, il-Liġi Nru 3037/2002 li fiha, fl-Artikoli 2(1) u 3 tagħha, regolamenti tekniċi dwar il-prodotti fis-sens ta' l-Artikolu 1(11) tad-Direttiva 98/34, u dan kuntrarjament għar-rekwiżiti ta' l-ewwel subparagrafu ta' l-Artikolu 8(1) ta' l-istess direttiva, li jistabbilixxi proċedura għall-għoti ta' informazzjoni fil-qasam ta' l-istandards u tar-regolamenti tekniċi u r-regoli dwar is-servizzi tas-Soċjetà ta' l-Informatika.

59     Fir-risposta tiegħu, l-imsemmi Stat Membru jirrikonoxxi li l-awtoritajiet Griegi jidhru li ma osservawx il-proċedura għall-għoti ta' informazzjoni matul it-tħejjija ta' l-abbozz tal-Liġi Nru 3037/2002 u jindika li dan in-nuqqas twettaq bi żball u mhux intenzjonalment. Skond hu, dan il-ksur huwa dovut għan-neċessità urġenti li tiġi ffaċċjata malajr u immedjatament il-problema soċjali u sabiex tiġi ssalvagwardjata l-ordni pubblika.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

60     Għandu jiġi osservat li l-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li d-dispożizzjonijiet bħall-Artikolu 8(1) tad-Direttiva 98/34 jobbligaw lill-Istati Membri jikkomunikaw fil-pront lill-Kummissjoni kull abbozz ta' regolament tekniku (sentenza tat-8 ta' Settembru 2005, Il-Kummissjoni vs Il-Portugall, C-500/03, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punt 39, kif ukoll, għal dak li jirrigwarda dispożizzjonijiet simili għal dawk ta' din id-direttiva, is-sentenzi tat-2 ta' Awwissu 1993, Il-Kummissjoni vs L-Italja, C-139/92, Ġabra p. I-4707, punt 3, u tal-11 ta' Jannar 1996, Il-Kummissjoni vs L-Olanda, C-273/94, Ġabra p. I-31, punt 15).

61     Miżuri bħal dawk previsti fl-Artikoli 2(1) u 3 tal-Liġi Nru 3037/2002, safejn jipprojbixxu l-użu ta' kull logħba elettrika, elettromekkanika u elettronika, inklużi l-logħbiet kollha tal-kompjuter, fil-postijiet pubbliċi u privati kollha, bl-eċċezzjoni ta' każinos, kif ukoll l-użu ta' logħbiet fuq kompjuters li jinsabu fi stabbilimenti li jipprovdu servizzi ta' l-Internet u li jissuġġettaw il-ħidma ta' dawn l-impriżi għall-ħruġ ta' awtorizzazzjoni speċjali, għandhom jiġu kkwalifikati bħala regolamenti tekniċi fis-sens ta' l-Artikolu 1(11) tad-Direttiva 98/34 (ara, f'dan is-sens, is-sentenza tal-21 ta' April 2005, Lindberg, C-267/03, Ġabra p. I-3247).

62     F'dawn iċ-ċirkustanzi, ir-Repubblika Ellenika kienet obbligata tinnotifika tali regolamenti tekniċi fil-forma ta' abbozz skond l-ewwel subparagrafu ta' l-Artikolu 8(1) tad-Direttiva 98/34 (ara, b'mod partikolari, is-sentenza Il-Kummissjoni vs Il-Portugall, iċċitata iktar 'il fuq, punt 40).

63     Fil-kawża preżenti, huma paċifiku li tali notifika ma saritx.

64     Dan l-obbligu ma jistax jiġi kkontestat min-neċessità li tiġi adottata l-Liġi Nru 3037/2002 skond proċedura ta' urġenza sabiex tiġi ffaċċjata malajr u immedjatament il-problema soċjali li tinħoloq mill-użu ta' logħbiet elettriċi, elettromekkaniċi kif ukoll elettroniċi u sabiex tiġi ssalvagwardjata l-ordni pubblika.

65     Fil-fatt, ir-Repubblika Ellenika ma tistax tibbaża ruħha fuq l-eċċezzjoni prevista fl-ewwel inċiż ta' l-Artikolu 9(7) tad-Direttiva 98/34, għaliex huwa paċifiku li, fid-data meta ġiet adottata l-imsemmija liġi, fil-Greċja ma kinitx teżisti sitwazzjoni koperta minn din id-dispożizzjoni.

66     Għaldaqstant, għandu jiġi kkonstatat li, billi adottat il-Liġi Nru 3037/2002 mingħajr ma nnotifikat lill-Kummissjoni fl-istadju ta' l-abbozz, ir-Repubblika Ellenika naqset mill-obbligi imposti fuqha skond l-ewwel subparagrafu ta' l-Artikolu 8(1) tad-Direttiva 98/34.

67     Għaldaqstant, it-tielet motiv invokat mill-Kummissjoni b'sostenn għar-rikors tagħha huwa wkoll fondat.

68     Minn dak kollu li ntqal preċedentement jirriżulta li, billi fl-Artikoli 2(1) u 3 tal-Liġi Nru 3037/2002 introduċiet il-projbizzjoni, taħt piena ta' sanzjonijiet penali jew amministrattivi previsti fl-Artikoli 4 u 5 ta' l-istess liġi, ta' l-installazzjoni u l-użu ta' kull logħba elettrika, elettromekkanika u elettronika, inklużi l-logħbiet kollha tal-kompjuter, fil-postijiet pubbliċi u privati kollha, bl-eċċezzjoni ta' każinos, ir-Repubblika Ellenika naqset mill-obbligi imposti fuqha skond l-Artikoli 28 KE, 43 KE u 49 KE kif ukoll skond l-Artikolu 8 tad-Direttiva 98/34.

 Fuq l-ispejjeż

69     Skond l-Artikolu 69(2) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba. Peress li r-Repubblika Ellenika tilfet, hemm lok li hija tiġi ordnata tbati l-ispejjeż, kif mitlub mill-Kummissjoni.

Għal dawn il-motivi, il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) taqta' u tiddeċiedi li:

1)      Billi fl-Artikoli 2(1) u 3 tal-Liġi Nru 3037/2002 introduċiet il-projbizzjoni, taħt piena ta' sanzjonijiet penali jew amministrattivi previsti fl-Artikoli 4 u 5 ta' l-istess liġi, ta' l-installazzjoni u l-użu ta' kull logħba elettrika, elettromekkanika u elettronika, inklużi l-logħbiet kollha tal-kompjuter, fil-postijiet pubbliċi u privati kollha, bl-eċċezzjoni ta' każinos, ir-Repubblika Ellenika naqset mill-obbligi imposti fuqha skond l-Artikoli 28 KE, 43 KE u 49 KE kif ukoll skond l-Artikolu 8 tad-Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 98/34/KE, tat-22 ta' Ġunju 1998, li tistabbilixxi proċedura għall-għoti ta' informazzjoni fil-qasam ta' l-istandards u tar-regolamenti tekniċi u r-regoli dwar is-servizzi tas-Soċjetà ta' l-Informatika, kif emendata mid-Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 98/48/KE, ta' l-20 ta' Lulju 1998.

2)      Ir-Repubblika Ellenika hija ordnata tbati l-ispejjeż.

Firem


* Lingwa tal-kawża: il-Grieg.

Top