This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 62005CJ0059
Judgment of the Court (First Chamber) of 23 February 2006.#Siemens AG v VIPA Gesellschaft für Visualisierung und Prozeßautomatisierung mbH.#Reference for a preliminary ruling: Bundesgerichtshof - Germany.#Approximation of laws - Directives 84/450/CEE and 97/55/CE - Comparative advertising -Taking unfair advantage of the reputation of a distinguishing mark of a competitor.#Case C-59/05.
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (l-Ewwel Awla) tat-23 ta' Frar 2006.
Siemens AG vs VIPA Gesellschaft für Visualisierung und Prozeßautomatisierung mbH.
Talba għal deċiżjoni preliminari: Bundesgerichtshof - il-Ġermanja.
Approssimazzjoni tal-leġiżlazzjonijiet - Direttivi 84/450/KEE u 97/55/KE - Reklamar komparattiv - Sfruttament abbużiv tar-reputazzjoni ta' marka distintiva ta' kompetitur.
Kawża C-59/05.
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (l-Ewwel Awla) tat-23 ta' Frar 2006.
Siemens AG vs VIPA Gesellschaft für Visualisierung und Prozeßautomatisierung mbH.
Talba għal deċiżjoni preliminari: Bundesgerichtshof - il-Ġermanja.
Approssimazzjoni tal-leġiżlazzjonijiet - Direttivi 84/450/KEE u 97/55/KE - Reklamar komparattiv - Sfruttament abbużiv tar-reputazzjoni ta' marka distintiva ta' kompetitur.
Kawża C-59/05.
ECLI identifier: ECLI:EU:C:2006:147
SENTENZA TAL-QORTI (l-Ewwel Awla)
tat-23 ta' Frar 2006(*)
"Approssimazzjoni tal-leġiżlazzjonijiet – Direttivi 84/450/KEE u 97/55/KE – Reklamar komparattiv – Sfruttament abbużiv tar-reputazzjoni ta' marka distintiva ta' kompetitur"
Fil-kawża C-59/05
li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skond l-Artikolu 234 KE, imressqa mill-Bundesgerichtshof (il-Ġermanja), permezz ta' Deċiżjoni tat-2 ta' Diċembru 2004, li waslet il-Qorti tal-Ġustizzja fl-10 ta' Frar 2005, fil-proċedura
Siemens AG
vs
VIPA Gesellschaft für Visualisierung und Prozeßautomatisierung mbH,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (l-Ewwel Awla),
komposta minn P. Jann, President ta' l-Awla, J.N. Cunha Rodrigues (Relatur), K. Lenaerts, M. Ilešič u E. Levits, Imħallfin,
Avukat Ġenerali: A. Tizzano,
Reġistratur: R. Grass,
wara li rat il-proċedura bil-miktub,
wara li rat l-osservazzjonijiet ippreżentati bil-miktub:
– għal Siemens AG, minn S. Jackermeier, Rechtsanwalt, u D. Laufhütte, Patentanwalt,
– għal VIPA Gesellschaft für Visualisierung und Prozeßautomatisierung mbH, minn A. Osterloh u E. Osterloh, Rechtsanwälte,
– għar-Repubblika tal-Polonja, minn T. Nowakowski, bħala aġent,
– għall-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, minn A. Aresu u F. Hoffmeister, bħala aġenti,
wara li rat id-deċiżjoni li ttieħdet, wara li semgħet lill-Avukat Ġenerali, li tiddeċiedi l-kawża mingħajr konklużjonijiet
tagħti l-preżenti
Sentenza
1 It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni ta' l-Artikolu 3a(1)(g) tad-Direttiva tal-Kunsill, ta’ l-10 ta’ Settembru 1984, dwar reklamar qarrieqi u komparattiv (ĠU L 250, p. 17), kif emendata mid-Direttiva tal-KE 97/55 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-6 ta' Ottubru 1997 (ĠU L 290, p. 18, iktar 'il quddiem id-"Direttiva 84/450").
2 Din it-talba tressqet fil-kuntest ta' kawża bejn il-kumpannija Siemens AG (iktar 'il quddiem "Siemens") u l-kumpannija VIPA Gesellschaft für Visualisierung und Prozeßautomatisierung mbH (iktar 'il quddiem "VIPA") rigward reklamar magħmul minn din ta' l-aħħar sabiex tippromwovi l-bejgħ ta' komponenti kompatibbli ma' tagħmir awtomatiku prodott u kkummerċjalizzat minn Siemens.
Il-kuntest ġuridiku
Il-leġiżlazzjoni Komunitarja
3 Skond l-Artikolu 2(2a) tad-Direttiva 84/450, "reklamar komparattiv" ifisser, għall-iskop ta' din id-Direttiva, "kull reklamar li espliċitament jew b’deduzzjoni jidentifika kompetitur jew oġġetti jew servizzi offruti minn kompetitur".
4 L-Artikolu 3a(1) ta' l-istess Direttiva jgħid:
"Reklamar komparattiv għandu, safejn jirrigwarda l-paragun, ikun permess meta jissodisfa l-k[u]ndizzjonijiet li ġejjin:
[…]
c) jikkompara oġġettivament karatteristika materjali, rilevanti, verifikabbli u rappreżentattiva waħda jew aktar ta’ dawk l-oġġetti u servizzi, li jistgħu jinkludu l-prezz;
[…]
g) ma j[i]eħux vantaġġ inġust mir-reputazzjoni ta’ trade mark, isem ta’ ditta jew marki distintivi oħra ta’ kompetitur jew tad-deskrizzjoni ta’ oriġini ta’ prodotti li jkunu jikkompetu;
[…]"
5 It-tieni, l-erbatax u l-ħmistax-il premessa tad-Direttiva huma fformulati kif ġej:
"(2) Billi s-sedqa tas-suq intern għandha tfisser firxa dejjem aktar wiesa' ta' għażla; billi, la darba li l-konsumaturi jistgħu u għandhom jagħmlu l-aħjar użu mis-suq intern, u r-reklamar huwa mezz importanti ħafna biex joħloq sbokki ġenwini għall-oġġetti u servizzi mal-Komunità kollha, id-di[ż]pożizzjonijiet bażiċi li jirregolaw il-forma u l-kontenut ta' reklamar komparattiv għandhom ikunu uniformi u l-k[u]ndizzjonijiet għall-użu ta' reklamar komparattiv fl-Istati Membri għandhom ikunu f'konformità; billi jekk dawn il-k[u]ndizzjonijiet ikunu milqugħa, dan il-fatt jgħin biex juri oġġettivament il-meriti tal-prodotti komparabbli diversi; billi reklamar komparattiv jista' jistimula wkoll kompetizzjoni bejn il-fornituri ta' l-oġġetti u s-servizzi għal vantaġġ tal-konsumatur;
(14) Billi jista', b'danakollu, ikun indispensabbli, sabiex isir reklamar komparattiv effettiv, li jidentifikaw l-oġġetti jew servizzi ta' kompetitur, li jagħmel referenza għal trade mark jew isem ta' ditta li tiegħu dan ta' l-aħħar huwa l-proprjetarju;
(15) Billi dan l-użu ta' trade mark, isem ta' ditta jew marki distintivi oħra ta' ħaddieħor, ma jiksirx dan id-dritt esklussiv f'każi[jiet] fejn ikun konformi mal-k[u]ndizzjonijiet stipulati b'din id-Direttiva, l-iskop intenzjonat huwa biss li jiddistingwu bejniethom u hekk li joħorġu aħjar id-differenzi oġġettivament".
Il-leġiżlazzjoni nazzjonali
6 L-Artikolu 6 tal-liġi, tas-7 ta' Ġunju 1909, dwar il-ġlieda kontra l-kompetizzjoni qarrieqa (Gesetz gegen den unlauteren Wettbewerb, iktar 'il quddiem il-"UWG") jipprevedi, b'mod partikolari:
"(1) Reklamar komparattiv huwa kull reklamar li, b'mod impliċitu jew espliċitu, jidentifika kompetitur jew oġġetti jew servizzi offruti minn kompetitur.
(2) Kull min jagħmel reklamar komparattiv jaġixxi b'mod illegali […] meta t-tqabbil
[…]
4. jieħu vantaġġ inġust jew jagħmel ħsara lir-reputazzjoni ta' trade mark użata minn kompetitur. […]" [Traduzzjoni mhux uffiċjali]
Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari
7 Siemens tipproduċi u tikkummerċjalizza, fost l-oħrajn, tagħmir awtomatiku li jista' jiġi pprogrammat taħt l-isem "Simatic". Fl-1983, hija introduċiet, għal dan it-tagħmir awtomatiku u l-komponenti komplementari tiegħu, sistema ta' numri ta' ordni li jirriżultaw mill-għaqda ta' diversi ittri kapitali u ta' figuri.
8 VIPA tipproduċi u tbigħ ukoll komponenti kompatibbli mat-tagħmir awtomatiku "Simatic", li għalih hija tuża, sa mill-1988, sistema ta' identifikazzjoni kważi identika għal dik użata minn Siemens. Fil-fatt, l-ewwel parti ta' l-għaqda tas-sinjali li jiffurmaw in-numri ta' ordni ta' Siemens, per eżempju "6ES5" jew "6ES7", hija ssostitwita bil-logo tal-kumpannija "VIPA", segwita mill-element ċentrali tan-numri ta' ordni tal-prodott oriġinali ta' Siemens. Dan l-element ċentrali tan-numru ta' ordni jirreferi għall-karatteristiċi tal-prodott in kwistjoni u għall-użu tiegħu fil-pjattaforma ta' awtomazzjoni, sabiex ikun jista' jiġi introdott fiha sabiex it-tagħmir awtomatiku jibda jaħdem.
9 VIPA tikkummerċjalizza wkoll il-komponent korrispondenti għall-prodott oriġinali ta' Siemens li għandu n-numru ta' ordni "6ES5 928-3UB21" taħt in-numru ta' ordni "VIPA 928-3UB21". Hija tindika dan in-numru fuq il-prodotti kollha tagħha u fil-katalgu tagħha bl-indikazzjoni: "Jekk jogħġobkom ivverifikaw in-numru ta' ordni tal-modulu ta' programmar li għandkom bżonn fl-istruzzjonijiet għall-użu tal-pjattaforma tagħkom jew ċemplulna! In-numri ta' ordni jaqblu ma' dawk tal-modulu ta' programmar Siemens".
10 Siemens fittxet lil VIPA quddiem il-qorti, filwaqt li akkużatha li sfruttat b'mod illegali r-reputazzjoni tal-prodotti tagħha. Il-qorti ta' l-ewwel istanza laqgħet it-talbiet ta' Siemens permezz ta' deċiżjoni li ġiet mibdula fl-appell. Siemens ressqet rikors ta' "reviżjoni" quddiem il-Bundesgerichtshof.
11 Peress li qies li kellu bżonn l-interpretazzjoni tad-Direttiva 84/450 sabiex jiddeċiedi l-kawża quddiemu, il-Bundesgerichtshof iddeċieda li jissospendi l-proċeduri u jressaq quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:
"1) Jittieħed vantaġġ inġust minn 'marka distintiva oħra' ta' kompetitur, skond l-Artikolu 3a(1)(g) tad-Direttiva 84/450/KEE, meta min jirreklama jadotta l-istess element ċentrali tat-trade mark distintiv (f'dan il-każ, sistema ta' numri ta' ordni), magħruf fost l-ispeċjalisti, mill-kompetitur tiegħu u jirreferi fir-reklamar tiegħu għall-fatt li adotta l-istess marka distintiva?"
2) Il-vantaġġ li jagħti dan l-użu ta' l-istess marka distintiva lil min jirreklama u lill-konsumatur huwa element determinanti fl-evalwazzjoni tan-natura inġusta tal-vantaġġ meħud mill-użu tar-reputazzjoni ta' din il-marka?"
Fuq id-domandi preliminari
12 Permezz tad-domandi tagħha, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju tistaqsi fis-sustanza jekk, bl-użu ta' l-element ċentrali ta' marka distintiva ta' produttur fil-katalgi tagħha, jiġifieri ta' sistema ta' numri ta' ordni tal-prodotti tagħha li hija magħrufa fost l-ispeċjalisti, il-fornitur kompetitur jieħux vantaġġ inġust mir-reputazzjoni li għandha din il-marka distintiva, skond l-Artikolu 3a(1)(g) tad-Direttiva 84/450, u jekk, għall-finijiet ta' din l-evalwazzjoni, għandux jittieħed in kunsiderazzjoni l-vantaġġ li tali użu jirrappreżenta għall-konsumaturi u għal dak li jirreklama.
13 Skond l-Artikolu 3a(1)(g) tad-Direttiva 84/450, ir-reklamar komparattiv huwa permess meta, fost l-oħrajn, ma jieħux vantaġġ inġust mir-reputazzjoni ta' trade mark, isem ta' ditta jew marki distintivi oħra ta' kompetitur jew tad-deskrizzjoni ta' oriġini ta' prodotti li jkunu jikkompetu.
14 Skond il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, sabiex jiġi evalwat jekk il-kundizzjoni msemmija fl-Artikolu 3a(1)(g) tad-Direttiva 84/450 ġietx osservata, għandha titqies il-ħmistax-il premessa tad-Direttiva 97/55, li tgħid li l-użu ta' trade mark jew ta' marka distintiva ma jiksirx id-dritt esklużiv fil-każijiet fejn ikun konformi mal-kundizzjonijiet stipulati mid-Direttiva 84/450, peress li l-għan imfittex huwa biss li ssir distinzjoni bejn il-prodotti u s-servizzi ta' dak li jirreklama u dawk tal-kompetitur tiegħu, u għalhekk, li jixħet oġġettivament fid-dawl id-differenzi (ara s-sentenza tal-25 ta' Ottubru 2001, Toshiba Europe, C-112/99, Ġabra p. I-7945, punt 53).
15 F'dan ir-rigward, min jirreklama ma jistax jitqies li qiegħed jieħu vantaġġ inġust mir-reputazzjoni li għandhom marki distintivi tal-kompetitur tiegħu jekk referenza għal dawn il-marki hija kundizzjoni ta' kompetizzjoni effettiva fuq is-suq in kwistjoni (ara s-sentenza Toshiba Europe, iċċitata iktar 'il fuq, punt 54).
16 Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja qieset li l-użu, minn terz, ta' trade mark jista' jieħu vantaġġ inġust mill-karattru distintiv jew ir-reputazzjoni tat-trade mark jew jagħmlilhom ħsara, per eżempju, billi joħloq fost il-pubbliku impressjoni falza rigward ir-relazzjoni bejn dak li jirreklama u l-propretarju tat-trade mark (ara s-sentenza Toshiba Europe, iċċitata iktar 'il fuq, punt 55).
17 Hekk kif jirriżulta mid-digriet ta' rinviju, l-adozzjoni minn VIPA ta' l-element ċentrali tas-sistema ta' numri ta' ordni ta' Siemens jgħarraf lill-pubbliku bl-eżistenza ta' ekwivalenza tal-karatteristiċi tekniċi taż-żewġ prodotti kkonċernati. Għaldaqstant huwa paragun ta' karatteristiċi materjali, rilevanti, li jistgħu jiġu vverifikati, u rappreżentattivi tal-prodotti skond l-Artikolu 3a(1)(c) tad-Direttiva 84/450 (ara s-sentenza Toshiba Europe, iċċitata iktar 'il fuq, punt 56).
18 Madankollu għandu jiġi eżaminat jekk din l-adozzjoni għandha mnejn ikollha bħala effett il-ħolqien, fost il-pubbliku mmirat mir-reklamar magħmul minn VIPA, ta' rabta bejn il-produttur tat-tagħmir tekniku in kwistjoni fil-kawża prinċipali kif ukoll il-komponenti komplementari tiegħu u l-fornitur kompetitur, ladarba l-imsemmi pubbliku għamel trasferiment tar-reputazzjoni tal-prodotti ta' dan il-produttur għal dawk li jikkummerċjalizza l-imsemmi fornitur.
19 L-ewwel nett, għandu jintqal li l-prodotti in kwistjoni fil-kawża prinċipali huma maħsuba għal pubbliku speċjalizzat. Rabta bejn ir-reputazzjoni tal-prodotti ta' Siemens u dawk ta' VIPA hija għaldaqstant ħafna inqas probabbli milli kieku dawn il-prodotti kienu maħsuba għal konsumaturi finali (ara, f'dan is-sens, is-sentenza Toshiba Europe, iċċitata iktar 'il fuq, punt 52).
20 Barra minn hekk, il-fatt li VIPA tuża l-logo tagħha stess fl-ewwel parti tan-numri ta' ordni u li hija tippreċiża, fil-katalgu tagħha, li dawn in-numri jikkorrispondu għal dawk tal-moduli ta' programmar ta' Siemens jippermetti li ssir distinzjoni bejn l-identità ta' VIPA u dik ta' Siemens, u dan mhux b'mod li joħloq impressjonijiet foloz rigward, kemm l-oriġini tal-prodotti ta' VIPA, kemm ir-rabta bejn dawn iż-żewġ intrapriżi (ara, f'dan is-sens, is-sentenza Toshiba Europe, iċċitata iktar 'il fuq, punt 52).
21 Fl-aħħar nett, jirriżulta mill-inkartament imressaq quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, li l-figuri u l-ittri li jikkostitwixxu l-element ċentrali tan-numru ta' ordni jagħmlu referenza mhux biss għall-karatteristiċi tal-prodott in kwistjoni, imma wkoll għall-użu tiegħu fil-pjattaforma ta' awtomazzjoni. Fil-fatt, it-tħaddim tat-tagħmir awtomatiku jiddependi mill-introduzzjoni ta' dawn il-figuri u ta' dawn l-ittri fl-imsemmija pjattaforma.
22 Rigward il-vantaġġ li l-adozzjoni ta' l-istess marka distintiva jirrappreżenta għal min jirreklama u għall-konsumatur u li għandu jittieħed in kunsiderazzjoni, min-naħa, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li r-reklamar komparattiv għandu l-għan li jagħti lill-konsumaturi l-possibbiltà li jagħmlu l-aħjar użu mis-suq intern, minħabba li r-reklamar huwa mezz importanti ħafna sabiex jinħolqu swieq ġenwini għall-oġġetti u s-servizzi kollha fi ħdan il-Komunità (ara s-sentenza tat-8 ta' April 2003, Pippig Augenoptik, C-44/01, Ġabra p. I-3095, punt 64).
23 Min-naħa l-oħra, jirriżulta mit-tieni premessa tad-Direttiva 97/55 li r-reklamar komparattiv għandu wkoll bħala għan li jistimula l-kompetizzjoni bejn il-fornituri ta’ l-oġġetti u s-servizzi għal vantaġġ tal-konsumaturi.
24 Għaldaqstant il-vantaġġ li r-reklamar komparattiv ifisser għall-konsumaturi għandu neċessarjament jittieħed in kunsiderazzjoni fl-evalwazzjoni tan-natura inġusta tal-vantaġġ li dak li jirreklama jieħu mill-fama li għandha trade mark, isem ta' ditta jew marki distintivi oħra ta' kompetitur.
25 Min-naħa l-oħra, il-benefiċċju li dak li jirreklama jieħu mir-reklamar komparattiv, li l-eżistenza tiegħu hija, fil-każijiet kollha, ċara minħabba n-natura nfisha ta' dan it-tip ta' reklamar, m'għandux mnejn, minnu nnifsu, jikkostitwixxi element determinanti fl-evalwazzjoni tal-legalità ta' l-aġir ta' l-imsemmija persuna li tirreklama.
26 F'dan il-każ, l-adozzjoni ta' element ċentrali ieħor fin-numri ta' ordni tal-prodotti kkummerċjalizzati minn VIPA u maħsuba għall-użu, bħala komponenti komplementari, fit-tagħmir awtomatiku ta' Siemens, teħtieġ mill-utenti kkonċernati riċerka, permezz ta' lista komparattiva, tan-numri ta' ordni korrispondenti tal-prodotti offruti minn Siemens. Dan jirriżulta, hekk kif tikkonstatah il-qorti tar-rinviju, f'inkonvenjent għall-konsumaturi u għal VIPA. Effetti restrittivi fuq il-kompetizzjoni fis-suq tal-komponenti komplementari tat-tagħmir awtomatiku prodott minn Siemens ma jistgħux għaldaqstant jiġu esklużi.
27 Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta għad-domandi mressqa għandha tkun li l-Artikolu 3a(1)(g) tad-Direttiva 84/450 għandha tiġi interpretata fis-sens li, f'ċirkustanzi bħal dawk fil-kawża prinċipali, bl-użu fil-katalgi tiegħu ta' l-element ċentrali ta' marka distintiva ta' produttur, magħrufa fost l-ispeċjalisti, fornitur kompetitur ma jieħux vantaġġ inġust mill-fama li għandha din il-marka distintiva.
Fuq l-ispejjeż
28 Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta' kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni ta' l-osservazzjonijiet lill-Qorti, barra dawk ta' l-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.
Għal dawn il-motivi, il-Qorti tal-Ġustizzja (l-Ewwel Awla) taqta' u tiddeċiedi:
L-Artikolu 3a(1)(g) tad-Direttiva tal-Kunsill ta’ l-10 ta’ Settembru 1984 dwar reklamar qarrieqi u komparattiv, kif emendata mid-Direttiva tal-KE 97/55 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-6 ta' Ottubru 1997, għandha tiġi interpretata fis-sens li, f'ċirkustanzi bħal dawk fil-kawża prinċipali, bl-użu fil-katalgi tiegħu ta' l-element ċentrali ta' marka distintiva ta' produttur, magħruf fost l-ispeċjalisti, fornitur kompetitur ma jieħux vantaġġ inġust mill-fama li għandha din il-marka distintiva.
Firem
* Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.