Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62005CJ0051

    Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (ir-Raba' Awla) tas-17 ta' Lulju 2008.
    il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej vs Cantina sociale di Dolianova Soc. coop. arl et..
    Appell - Organizzazzjoni komuni tas-suq ta’ l-inbid - Għajnuna għad-distillazzjoni - Rikors għad-danni - Responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Komunità - Terminu ta’ preskrizzjoni - Mument meta jibda jiddekorri.
    Kawża C-51/05 P.

    ECLI identifier: ECLI:EU:C:2008:409

    SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla)

    17 ta’ Lulju 2008 ( *1 )

    “Appell — Organizzazzjoni komuni tas-suq tal-inbid — Għajnuna għad-distillazzjoni — Rikors għad-danni — Responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Komunità — Terminu ta’ preskrizzjoni — Punt ta’ tluq”

    Fil-Kawża C-51/05 P,

    li għandha bħala suġġett appell taħt l-Artikolu 56 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja, imressaq fis-7 ta’ Frar 2005,

    Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, irrappreżentata minn C. Cattabriga u L. Visaggio, bħala aġenti, b’indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,

    appellanti,

    il-partijiet l-oħra fil-proċedura huma:

    Cantina sociale di Dolianova Soc. coop. arl, stabbilita f’Dolianova (l-Italja),

    Cantina Trexenta Soc. coop. arl, stabbilita f’Senorbì (l-Italja),

    Cantina sociale Marmilla — Unione viticoltori associati Soc. coop. arl, stabbilita f’Sanluri (l-Italja),

    Cantina sociale S. Maria La Palma Soc. coop. arl, stabbilita f’Santa Maria La Palma (l-Italja),

    Cantina sociale del Vermentino Soc. coop. arl Monti-Sassari, stabbilita f’Monti (l-Italja),

    irrappreżentati minn C. Dore u G. Dore, avvocati,

    rikorrenti fl-ewwel istanza,

    IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla),

    komposta minn K. Lenaerts, President tal-Awla, G. Arestis (Relatur), R. Silva de Lapuerta, J. Malenovský u T. von Danwitz, Imħallfin,

    Avukat Ġenerali: E. Sharpston,

    Reġistratur: R. Grass,

    wara li rat il-proċedura bil-miktub,

    wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat-22 ta’ Novembru 2007,

    tagħti l-preżenti

    Sentenza

    1

    Permezz tal-appell tagħha, il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej qed titlob l-annullament tas-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-Komunitajiet Ewropej tat-23 ta’ Novembru 2004, Cantina sociale di Dolianova et vs Il-Kummissjoni (T-166/98, Ġabra p. II-3991, iktar ’il quddiem is-“sentenza appellata”), sa fejn, permezz ta’ din is-sentenza, il-Qorti tal-Prim’Istanza ordnat lill-Kummissjoni tagħmel tajjeb għad-dannu mġarrab minn Cantina sociale di Dolianova Soc. coop. arl, Cantina Trexenta Soc. coop. arl, Cantina sociale Marmilla — Unione viticoltori associati Soc. coop. arl, Cantina sociale S. Maria La Palma Soc. coop. arl u Cantina sociale del Vermentino Soc. coop. arl Monti-Sassari (iktar ’il quddiem, flimkien, il-“Cantine”), b’konsegwenza tal-falliment tad-Distilleria Agricola Industriale de Terralba, (iktar ’il quddiem id-“DAI”), minħabba n-nuqqas ta’ mekkaniżmu li seta’ jiggarantixxi, taħt is-sistema stabbilita fl-Artikolu 9 tar-Regolament tal-Kummissjoni (KEE) Nru 2499/82, tal-15 ta’ Settembru 1982, li jistabbilixxi dispożizzjonijiet dwar id-distillazzjoni preventiva għas-sena tal-inbid 1982/83 (ĠU L 267, p. 16), il-ħlas lill-produtturi kkonċernati tal-għajnuna Komunitarja prevista f’dan ir-regolament.

    Il-kuntest ġuridiku

    2

    L-Artikolu 5(1) tar-Regolament Nru 2499/82 jistabbilixxi prezz minimu tax-xiri tal-inbejjed intiżi għad-distillazzjoni.

    3

    Skont it-tmien premessa tar-Regolament Nru 2499/82, dan il-prezz normalment ma jippermettix li l-prodotti miksuba mid-distillazzjoni jiġu kkummerċjalizzati skont il-kundizzjonijiet tas-suq. Għaldaqstant, dan ir-regolament stabbilixxa mekkaniżmu ta’ kumpens li jikkonsisti fil-ħlas, min-naħa tal-aġenzija ta’ intervent, ta’ għajnuna fissa għall-inbid distillat li l-ammont tagħha huwa stabbilit fl-Artikolu 6 tal-istess regolament.

    4

    L-Artikolu 9 tar-Regolament Nru 2499/82 jipprovdi:

    “1.   Il-prezz minimu tax-xiri msemmi fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 5(1) għandu jitħallas mid-distillatur lill-produttur sa mhux iktar tard minn disgħin jum wara d-dħul fid-distillerija [tal-kwantità totali ta’ nbid jew, jekk ikun il-każ, ta’ kull lott ta’ nbid].

    2.   L-aġenzija ta’ intervent għandha tħallas lid-distillatur l-għajnuna msemmija fl-Artikolu 6(1), sa mhux iktar tard minn disgħin jum wara l-preżentazzjoni ta’ prova li l-kwantità totali ta’ nbid speċifikata fil-kuntratt ġiet iddistillata, kif ukoll, jekk ikun il-każ, iż-żieda fil-prezz minimu ta’ xiri prevista fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 5(1).

    […]

    Id-distillatur għandu jipprovdi lill-aġenzija ta’ intervent prova li huwa ħallas il-prezz minimu ta’ xiri msemmi fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 5(1), fiż-żmien speċifikat fil-paragrafu 1 kif ukoll, jekk ikun il-każ, iż-żieda fl-imsemmi prezz fit-terminu previst fir-raba’ subparagrafu. Jekk din il-prova ma tkunx ingħatat fi żmien mija u għoxrin jum wara d-data tal-preżentazzjoni tal-prova msemmija fl-ewwel subparagrafu, l-ammonti mħallsa għandhom jiġu rkuprati mill-aġenzija ta’ intervent. […]” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

    5

    L-Artikolu 11 tar-Regolament Nru 2499/82 jipprovdi:

    “1.   Id-distillatur, fil-każ msemmi fl-Artikolu 9 […], jista’ jitlob li jitħallas bil-quddiem l-ammont ekwivalenti għall-għajnuna speċifikata fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 6, kemm-il darba huwa jagħti garanzija ekwivalenti għal 110 % tal-istess ammont f’isem l-aġenzija ta’ intervent.

    2.   Din il-garanzija għandha ssir fil-forma ta’ garanzija mogħtija minn stabbiliment li jissodisfa l-kriterji stabbiliti mill-Istat Membru li lejh tkun responsabbli l-aġenzija ta’ intervent.

    3.   Il-ħlas bil-quddiem għandu jsir sa mhux iktar tard minn disgħin jum wara l-preżentazzjoni ta’ prova li ngħatat il-garanzija u, f’kull każ, wara d-data ta’ approvazzjoni tal-kuntratt jew tad-dikjarazzjoni.

    […]” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

    6

    L-Artikolu 46 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja jipprovdi:

    “L-azzjonijiet kontra l-Komunitajiet f’materja ta’ responsabiltà non-kontrattwali jiġu preskritti b’ħames snin li jingħaddu minn meta jiġri l-fatt li jagħti lok għalihom. Il-preskrizzjoni tiġi nterrotta kemm bil-preżentata tar-rikors quddiem il-Qorti, kif ukoll bit-talba qabel il-preżentata li tista’ tagħmel il-parti leża lill-istituzzjonijiet kompetenti tal-Komunitajiet. F’dan l-aħħar każ, ir-rikors għandu jiġi preżentat fit-terminu ta’ xahrejn previst fl-Artikolu 230 tat-Trattat tal-KE u fl-Artikolu 146 tat-Trattat tal-KEEA; japplikaw meta jkun il-każ, rispettivament id-disposizzjonijiet tat-tieni paragrafu ta’ l-Artikoli 232 tat-Trattat tal-KE u t-tieni paragrafu ta’ l-Artikolu 148 tat-Trattat tal-KEEA.”

    Il-fatti li wasslu għall-kawża

    7

    Il-fatti li wasslu għall-kawża, kif esposti fil-punti 16 sa 44 tas-sentenza appellata, jistgħu jiġu spjegati fil-qosor kif ġej.

    8

    Il-Cantine huma kooperattivi tal-inbid li jipproduċu l-inbid f’Sardenja (l-Italja). Fil-kuntest tad-distillazzjoni preventiva għas-sena 1982/1983, huma kkunsinnaw, bejn Jannar u Marzu 1983, inbid lid-DAI li kien ġie ddistillat fit-terminu previst mid-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 2499/82. It-terminu ta’ 90 jum mogħti lid-DAI mill-Artikolu 9(1) tal-imsemmi regolament sabiex tħallas lill-Cantine skada f’Ġunju 1983.

    9

    Fit-22 ta’ Ġunju 1983, id-DAI talbet lill-Azienda di Stato per gli interventi nel mercato agricolo (iktar ’il quddiem l-“AIMA”) sabiex, skont l-Artikolu 11 tar-Regolament Nru 2499/82, tħallas bil-quddiem l-għajnuna Komunitarja għall-inbid li kien ġie kkunsinnat u ddistillat. Għal dan il-għan, id-DAI tat il-garanzija mitluba minn din id-dispożizzjoni, ekwivalenti għal 110 % tal-ammont ta’ din l-għajnuna, permezz ta’ polza maħruġa minn Assicuratrice Edile SpA (iktar ’il quddiem “Assedile”) favur l-AIMA. Fl-10 ta’ Awwissu 1983, l-AIMA għamlet il-ħlas bil-quddiem mitlub favur id-DAI, skont l-imsemmi Artikolu 11.

    10

    Minħabba diffikultajiet finanzjarji, id-DAI naqset milli tħallas lill-produtturi, f’ċerti każijiet għal kollox u f’każijiet oħrajn parzjalment, fosthom lill-Cantine, li kienu kkunsinnaw l-inbid għad-distillazzjoni. F’Ottubru 1983, id-DAI talbet li tiġi ammessa fil-proċedura ta’ amministrazzjoni kkontrollata skont il-leġiżlazzjoni Taljana dwar il-falliment. Peress li l-qorti li kienet adita bil-każ, jiġifieri t-Tribunale d’Oristano (l-Italja), laqgħet din it-talba, id-DAI ssospendiet il-ħlasijiet kollha tagħha, inklużi dawk li kienu għadhom dovuti lill-produtturi li kienu kkunsinnawlha l-inbid.

    11

    L-AIMA talbet lid-DAI biex trodd lura l-għajnuna Komunitarja, bi tnaqqis tal-ammonti debitament imħallsa lill-produtturi hawn fuq imsemmija, minħabba li d-DAI ma kinitx tatha, fiż-żmien stipulat fl-Artikolu 9(2) tar-Regolament Nru 2499/82, prova li ħallset lill-produtturi l-oħrajn il-prezz minimu ta’ xiri tal-inbid fi żmien 90 jum wara d-dħul tal-inbid fid-distillerija skont l-Artikolu 9(1) ta’ dan ir-regolament. Billi d-DAI ma radditx lura din l-għajnuna, l-AIMA talbet lill-Assedile tirrilaxxa favuriha l-ammont tal-garanzija.

    12

    Fuq talba tad-DAI, il-Pretore di Terralba (l-Italja), fis-26 ta’ Lulu 1984, ħareġ mandat kawtelatorju li pprojbixxa lil Assedile milli tħallas il-garanzija lill-AIMA. Huwa ta lid-DAI 60 jum biex tiftaħ kawża fuq il-mertu.

    13

    F’Settembru 1984, id-DAI fetħet din il-kawża quddiem it-Tribunale civile di Roma (l-Italja). Hija talbet lill-qorti tiddikjara b’mod partikolari li l-produtturi kienu d-destinatarji finali tal-garanzija maħruġa minn Assedile, sal-limitu tas-somom li kienu għadhom dovuti lilhom. Hija sostniet li din il-garanzija kienet maħsuba biex tiggarantixxi l-ħlas tal-prezz minimu ta’ xiri lill-produtturi, fuq bażi proporzjonali għall-produzzjoni kkunsinnata, fil-każ li d-distillatur ma jwettaqx l-obbligi tiegħu. Hija ssuġġeriet li jiġu rrinvjati lill-Qorti tal-Ġustizzja domandi preliminari dwar l-interpretazzjoni tar-Regolamenti Komunitarji applikabbli.

    14

    Il-Cantine, kooperattiva tal-inbid oħra u konsorzju ta’ kooperattivi tal-inbid intervenew fil-proċeduri in sostenn tat-teżi tad-DAI. Huma sostnew li s-somom li kienu s-suġġett tal-garanzija maħruġa minn Assedile kellhom jitħallsu lilhom fuq bażi proporzjonali għall-ammont ta’ nbid ikkunsinnat u, għaldastant, talbu lit-Tribunale civile di Roma jiddikjara li Assedile kienet obbligata tħallashom l-ammont tal-krediti tagħhom mhux imħallsa mid-DAI u, sussidjarjament, li l-AIMA kienet obbligata tħallashom dawn is-somom.

    15

    Fil-frattemp, permezz ta’ sentenza tas-27 ta’ Frar 1986, it-Tribunale ta’ Oristano ddikjara l-falliment tad-DAI.

    16

    Fis-sentenza tiegħu tas-27 ta’ Jannar 1989, it-Tribunale civile di Roma essenzjalment iddikjara li l-pretensjonijiet imressqa mill-kooperattivi li intervenew in sostenn tad-DAI kienu infondati, filwaqt li kkonstata b’mod partikolari li r-Regolament Nru 2499/82 kien faċli biex jiġi interpretat, bħal ma kienu l-klawżoli kuntrattwali li jirrigwardaw il-garanzija maħruġa minn Assedile favur l-AIMA, u li għalhekk ma kienx neċessarju li jirrinvija domanda preliminari lill-Qorti tal-Ġustizzja. Wara li eskluda kull allegat dritt ta’ dawn il-kooperattivi li jirċievu l-ammont tal-garanzija maħruġa minn Assedile, it-Tribunale civile di Roma qies li l-proċedura ta’ falliment tad-DAI kienet tikkostitwixxi l-kuntest xieraq sabiex dawn l-imsemmija kooperattivi jkunu jistgħu jiksbu l-ħlas tal-krediti tagħhom.

    17

    Fis-27 ta’ Settembru 1989, il-Cantine, barra l-Cantina sociale del Vermentino Soc. coop arl Monti-Sassari, ressqu appell minn din is-sentenza quddiem il-Corte d’appello di Roma (l-Italja). Permezz ta’ sentenza tad-19 ta’ Novembru 1991, dik il-qorti ddeċidiet li t-talba kienet inammissibbli minħabba li l-Cantine ma kinux innotifikaw ir-rikors tal-appell lill-istralċjarju tad-DAI iżda kienu nnotifikawh lid-DAI nnifisha, li kienet tinsab fi stat ta’ falliment, u minħabba li sussegwentement ma għamlux notifika ġdida b’mod korrett fit-terminu mogħti lilhom.

    18

    Fil-frattemp, fis-16 ta’ Jannar 1990, Assedile ħallset is-somom dovuti lill-AIMA.

    19

    Permezz ta’ sentenza tat-28 ta’ Novembru 1994, il-Corte suprema di cassazione (l-Italja) ċaħdet l-appell imressaq mill-Cantine, bl-eċċezzjoni tal-Cantina sociale del Vermentino Soc. coop. arl Monti-Sassari, kontra s-sentenza tal-Corte d’appello di Roma.

    20

    Il-Cantine debitament irreġistraw il-krediti tagħhom fil-passiv tad-DAI fil-kuntest tal-proċedura ta’ falliment mibdija fir-rigward ta’ din tal-aħħar u, fi tmiem din il-proċedura, fl-2000, huma pparteċipaw fil-konkors tal-kredituri bħala kredituri pprivileġġati. Waqt dan il-konkors huma kisbu l-ħlas ta’ 39 % tal-ammont tal-krediti tagħhom irreġistrati fil-konfront tad-DAI.

    21

    B’ittra tat-22 ta’ Jannar 1996, il-Cantine interpellaw lill-AIMA biex tonora l-krediti li huma kellhom fil-konfront tad-DAI, filwaqt li sostnew li l-AIMA kienet kisbet arrikkiment indebitu meta rċeviet il-garanzija maħruġa minn Assedile. L-AIMA ċaħdet din il-pretensjoni u sostniet li din il-garanzija kienet dovuta lilha u li l-produtturi ma kellhom ebda azzjoni diretta kontriha biex jeżerċitaw il-krediti tagħhom kontra d-DAI. Fis-16 ta’ Frar 1996, il-Cantine fetħu kawża quddiem it- Tribunale civile ta’ Cagliari (l-Italja) kontra l-AIMA fuq il-bażi ta’ arrikkiment indebitu iżda din il-kawża mbagħad ġiet sospiża bil-għan li jintlaħaq ftehim bonarju bejn il-partijiet.

    22

    Fit-13 ta’ Novembru 1996, il-Cantine ppreżentaw ilment lill-Kummissjoni fejn akkużaw lill-AIMA bi ksur tal-leġiżlazzjoni Komunitarja, b’mod partikolari tar-Regolament Nru 2499/82, u talbu b’mod partikolari lill-Kummissjoni biex tistieden lill-AIMA u lir-Repubblika Taljana jħallsuhom l-ammonti li ma kinux irċevew fil-forma ta’ għajnuna Komunitarja għas-sena tal-inbid 1982/1983.

    23

    Permezz ta’ ittra tal-25 ta’ Ġunju 1997, il-Kummissjoni indikat lill-Cantine li Assedile kienet ħallset l-ammont tal-garanzija maħruġa minnha, kif ukoll l-interessi, lill-AIMA fis-16 ta’ jannar 1990. In segwitu, permezz ta’ ittra tat-8 ta’ Diċembru 1997, hija informathom bil-fatt li l-AIMA kienet sarrfet l-ammont ta’ din il-garanzija fi Frar 1991 u li hija kienet allokat dan l-ammont favur il-Fond Agrikolu Ewropew ta’ Gwida u Garanzija (FAEGG) fil-kuntest tal-baġit għas-sena 1991.

    24

    B’ittra tat-23 ta’ Jannar 1998, li waslet għand il-Kummissjoni fil-5 ta’ Frar 1998, il-Cantine talbu lil din l-istituzzjoni tħallashom is-somma li tikkorrispondi għall-ammont tal-krediti li huma kellhom fil-konfront tad-DAI, fuq il-bażi li l-garanzija miżmuma mill-AIMA kienet ingħatat lura lill-FAEGG. Huma sostnew li mill-iskop tar-Regolament Nru 2499/82, li huwa intiż li jiffavorixxi lill-produtturi tal-inbid, jirriżulta li dawn tal-aħħar għandhom jitqiesu bħala d-destinatarji effettivi u uniċi tal-għajnuna prevista minn dan ir-regolament.

    25

    B’ittra tal-31 ta’ Lulju 1998, iffirmata mid-Direttur Ġenerali tad-Direttorat Ġenerali għall-Agrikoltura tal-Kummissjoni u li waslet għand il-Cantine fl-14 ta’ Awwissu 1998, il-Kummissjoni caħdet din it-talba. Hija sostniet li, f’dan il-każ, l-għajnuna għandha tibbenefika fl-ewwel lok lid-distillatur bil-għan li dan ikun jista’ jikkumpensa l-prezz ta’ xiri għoli tal-inbid. Il-garanzija nħarġet minn Assedile favur l-AIMA u l-produtturi ma setgħu jippretendu ebda dritt fuq l-ammont tagħha.

    26

    F’din l-istess ittra, il-Kummissjoni osservat, barra minn dan, li l-approvazzjoni mill-AIMA tal-kuntratti konklużi bejn il-Cantine u d-DAI ma kinitx tbiddel in-natura privata ta’ dawn il-kuntratti, b’tali mod li l-allegati obbligi li l-Kummissjoni kellha fil-konfront tal-Cantine ma kinux ta’ natura kuntrattwali. Għaldaqstant, kull azzjoni li seta’ kellhom kontra l-Komunità Ewropea kienet preskritta, skont l-Artikolu 46 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja, billi l-ammont tal-garanzija maħruġa minn Assedile tħallas lill-AIMA fis-16 ta’ Jannar 1990 u ġie rrestitwit lill-FAEGG fil-kuntest tal-baġit għas-sena 1991.

    Il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza u s-sentenza appellata

    27

    Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti tal-Prim’Istanza fit-12 ta’ Ottubru 1998, il-Cantine ressqu rikors intiż, fl-ewwel lok, għall-annullament tal-ittra tal-Kummissjoni tal-31 ta’ Lulju 1998 abbażi tal-Artikolu 173 tat-Trattat KE (li, wara emenda, sar l-Artikolu 230 KE), fit-tieni lok, għall-konstatazzjoni ta’ nuqqas tal-imsemmija istituzzjoni li tieħu azzjoni bi ksur tal-Artikolu 175 tat-Trattat KE (li, wara emenda, sar l-Artikolu 232 KE) li huwa kkostitwit mill-fatt li din naqset milli tadotta deċiżjoni dwar l-għotja, favur tagħhom, tal-għajnuna Komunitarja li kellha titħallas lilhom mid-DAI u, fit-tielet lok, għall-kundanna tal-Kummissjoni abbażi tal-arrikkiment indebitu u/jew taħt l-Artikolu 178 tat-Trattat KE (li sar l-Artikolu 235 KE), li tħallashom kumpens ta’ ammont ekwivalenti għall-ammonti tal-krediti mhux imħallsa tagħhom fil-konfront tad-DAI.

    28

    Il-Kummissjoni talbet li r-rikors jiġi miċħud bħala inammissibbli u, sussidjarjament, bħala infondat.

    29

    Permess tas-sentenza appellata, fil-punti 80 u 83 tagħha rispettivament, il-Qorti tal-Prim’Istanza ċaħdet bħala inammissibbli t-talbiet tal-Cantine għall-annullament tal-ittra tal-Kummissjoni tal-31 ta’ Lulju 1998 u għall-konstatazzjoni tan-nuqqas tal-istituzzjoni li tieħu azzjoni. Hija ċaħdet ukoll, fil-punt 84 tal-imsemmija sentenza, it-talba għall-kundanna tal-Kummissjoni abbażi tal-arrikiment indebitu.

    30

    Min-naħa l-oħra, il-Qorti tal-Prim’Istanza ddeċidiet, fil-punt 150 tas-sentenza appellata, li t-talba għall-kumpens ippreżentata skont l-Artikolu 235 KE kienet ammissibbli u ddikjarat, fil-punt 1 tad-dispożittiv tal-imsemmija sentenza, li “[i]l-Kummissjoni għandha tagħmel tajjeb għad-danni mġarrba [mill-Cantine], b’konsegwenza tal-falliment tad-[DAI], minħabba n-nuqqas ta’ mekkaniżmu li seta’ jiggarantixxi, taħt is-sistema stabbilita fl-Artikolu 9 tar-Regolament [Nru 2499/82], il-ħlas lill-produtturi kkonċernati tal-għajnuna Komunitarja prevista f’dan ir-regolament”.

    31

    B’mod partikolari, fir-rigward tal-ammissibbiltà tat-talba ppreżentata abbażi tal-Artikolu 235 KE, il-Qorti tal-Prim’Istanza, fil-kuntest tal-eċċezzjoni mqajma mill-Kummissjoni u bbażata fuq il-preskrizzjoni tal-azzjoni għal responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Komunità, l-ewwel nett fakkret, fil-punt 129 tas-sentenza appellata, li t-terminu ta’ preskrizzjoni stabbilit fl-Artikolu 46 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja ma jistax jibda jiddekorri qabel ma jkunu sodisfatti l-kundizzjonijiet kollha li għalihom huwa suġġett l-obbligu ta’ kumpens għad-danni, jiġifieri l-eżistenza ta’ aġir illegali mill-istituzzjonijiet tal-Komunità, iċ-ċertezza tad-dannu allegat u l-eżistenza ta’ rabta kawżali bejn dan l-aġir u d-dannu invokat.

    32

    It-tieni nett, il-Qorti tal-Prim’Istanza speċifikat, fil-punt 130 tal-imsemmija sentenza, li, f’każ bħal dan, fejn ir-responsabbiltà tal-Komunità tirriżulta minn att leġiżlattiv, it-terminu ta’ preskrizzjoni ma jistax jibda jiddekorri qabel ma jimmaterjalizzaw l-effetti li jikkawżaw dannu ta’ dan l-att u, għaldaqstant, qabel ma l-persuni kkonċernati jkunu ġarrbu dannu ċert.

    33

    Għalhekk, fil-punt 131 tas-sentenza appellata, il-Qorti tal-Prim’Istanza ddeċidiet li, f’dan il-każ, it-terminu ta’ preskrizzjoni kien beda jiddekorri mill-mument meta l-Cantine ġarrbu b’mod ċert id-dannu kkawżat min-nuqqas totali jew parzjali li titħallas l-għajnuna Komunitarja. Fil-punt 132 tal-imsemmija sentenza, dik il-Qorti osservat li kien paċifiku, f’dan il-każ, li l-aħħar kunsinni ta’ nbid mill-Cantine saru f’Marzu 1983 u li l-prezz minimu ta’ xiri tal-inbid kellu jitħallas lilhom mid-DAI, skont l-Artikolu 9 tar-Regolament Nru 2499/82, sa mhux iktar tard minn 90 jum wara d-dħul tal-inbid fid-distillerija, jiġifieri sa mhux iktar tard mill-aħħar ta’ Ġunju 1983.

    34

    Fil-punt 133 tas-sentenza appellata, il-Qorti tal-Prim’Istanza madankollu ddeċidiet li, fiċ-ċirkustanzi partikolari ta’ dan il-każ, id-dannu mġarrab mill-Cantine fl-aħħar ta’ Ġunju 1983, minħabba n-nuqqas totali jew parzjali li jitħallas il-prezz minimu ta’ xiri fit-terminu stabbilit, ma jistax jitqies minn dik id-data bħala ta’ natura ċerta, jiġifieri imminenti u prevedibbli.

    35

    Il-Qorti tal-Prim’Istanza żiedet, fil-punti 136 u 145 tas-sentenza appellata, li, għall-finijiet tal-evalwazzjoni ta’ din in-natura ċerta, kellhom jittieħdu inkunsiderazzjoni l-proċeduri mibdija mid-DAI quddiem il-qrati Taljani speċifikament dwar in-natura tal-garanzija maħruġa minn Assedile, fid-dawl tal-kumplessità tas-sistema stabbilita mir-Regolament Nru 2499/82 u taċ-ċirkustanzi eċċezzjonali tal-każ fejn kien estremament diffiċli għal operatur ekonomiku prudenti u informat li jkun jaf, qabel it-tmiem ta’ dawn il-proċeduri, li ma setax jikseb il-ħlas tal-ammont tal-għajnuna inkwistjoni permezz tal-garanzija quddiem il-qorti nazzjonali.

    36

    Fil-punt 146 tas-sentenza appellata, il-Qorti tal-Prim’Istanza kkunsidrat li, fiċ-ċirkustanzi ta’ dan il-każ, il-benefiċjarju tal-garanzija maħruġa minn Assedile ma ġiex stabbilit b’mod definittiv mill-qrati nazzjonali qabel ma ngħatat is-sentenza tal-Corte suprema di cassazione tat-28 ta’ Novembru 1994 u li, konsegwentement, id-dannu mġarrab mill-Cantine ma setax ikun ta’ natura ċerta qabel din id-data.

    37

    Il-Qorti tal-Prim’Istanza kkonkludiet, fil-punt 147 tas-sentenza appellata, li t-terminu ta’ preskrizzjoni ta’ ħames snin stabbilit fl-Artikolu 46 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja ma setax jibda jiddekorri qabel it-28 ta’ Novembru 1994, b’tali mod li talba ppreżentata abbażi tal-Artikolu 235 KE, ifformulata fl-1998, ma setgħetx titqies bħala tardiva. Għaldaqstant, hija ddikjarat, fil-punt 148 tas-sentenza appellata, li l-eċċezzjoni bbażata fuq il-preskrizzjoni mqajma mill-Kummissjoni kellha tiġi miċħuda u, fil-punt 150 tal-imsemmija sentenza, li l-imsemmija talba kienet ammissibbli.

    It-talbiet tal-partijiet quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

    38

    Il-Kummissjoni titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

    tannulla s-sentenza appellata sa fejn din tilqa’ r-rikors għad-danni mressaq kontriha;

    meta tagħti d-deċiżjoni definittiva tagħha, tiċħad dan ir-rikors bħala inammissibbli, u

    tikkundanna lill-Cantine għall-ispejjeż ta’ din l-istanza u ta’ dik quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza.

    39

    Il-Cantine jitolbu lill-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

    tiċħad l-appell;

    sussidjarjament, fil-każ li l-appell jintlaqa’, tikkonferma s-sentenza appellata sa fejn tikkundanna lill-Kummissjoni tħallas kumpens għad-danni, billi tiċħad l-eċċezzjoni ta’ preskrizzjoni mqajma minn din tal-aħħar, u

    tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

    Fuq l-appell

    40

    In sostenn tal-appell tagħha l-Kummissjoni tqajjem aggravju wieħed, ibbażat fuq il-ksur, fil-punti 129 sa 150 tas-sentenza appellata, tal-Artikolu 46 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja u tal-prinċipju taċ-ċertezza legali.

    L-argumenti tal-partijiet

    41

    Il-Kummissjoni tosserva li minn ġurisprudenza kostanti tal-Qorti tal-Ġustizzja u tal-Qorti tal-Prim’Istanza joħroġ il-prinċipju li t-terminu ta’ preskrizzjoni ta’ ħames snin għall-azzjonijiet kontra l-Komunità f’materja ta’ responsabbiltà non-kontrattwali, previst fl-Artikolu 46 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja, jibda jiddekorri biss mill-mument meta jimmaterjalizza d-dannu li għalih għandu jingħata kumpens. Fil-każ fejn l-imsemmija responsabbiltà tirriżulta minn att leġiżlattiv, dan it-terminu ta’ preskrizzjoni jista’ jibda jiddekorri biss mill-mument meta l-partijiet ikkonċernati jkunu ġarrbu dannu ċert.

    42

    B’mod partikolari, il-Kummissjoni tilmenta li l-Qorti tal-Prim’Istanza ma ħaditx inkunsiderazzjoni, fis-sentenza appellata, il-fatt li, mill-1983, ir-Regolament Nru 2499/82 kien ħoloq konkretament dannu lill-Cantine, billi ma kienx jipprovdi għall-possibbiltà li l-għajnuna Komunitarja titħallas direttament lill-produttur fil-każ ta’ insolvenza tad-distillatur. Il-mument li minnu beda jiddekorri l-imsemmi terminu ta’ prekrizzjoni kien għaldaqstant imissu ġie ffissat bħala l-jum li fih, minħabba l-insolvenza tad-DAI, dawn tal-aħħar ma setgħux jiksbu l-ħlas tal-imsemmija għajnuna fit-terminu ta’ 90 jum mid-dħul tal-inbid fid-distillerija previst minn dan ir-regolament.

    43

    Skont il-Kummissjoni, il-Qorti tal-Prim’Istanza, għall-kuntrarju, ibbażat is-sentenza tagħha fuq l-idea li l-Cantine kienu ġarrbu effetti ta’ dannu mir-Regolament Nru 2499/82. F’dan ir-rigward, hija ssostni li l-Qorti tal-Prim’Istanza, peress li qieset li l-fatt li l-Cantine kienu jafu li kienu ġarrbu dannu kkawżat mill-applikazzjoni ta’ dan ir-regolament kien insuffiċjenti, iddeċidiet li kien neċessarju li jkun hemm element totalment suġġettiv, jiġifieri li huma jsiru konxji li setgħu jiksbu sodisfazzjon biss permezz ta’ azzjoni għal responsabbiltà kontra l-Kummissjoni, wara li, f’dan il-każ, fallew it-tentattivi tagħhom li jiksbu quddiem il-qrati nazzjonali l-ħlas tal-għajnuna Komunitarja permezz tal-allokazzjoni favur tagħhom tal-garanzija maħruġa minn Assedile.

    44

    Il-Kummissjoni ssostni wkoll li s-sentenza appellata lanqas ma hija konformi mal-prinċipji stabbiliti fis-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-7 ta’ Novembru 1985, Adams vs Il-Kummissjoni (145/83, Ġabra p. 3539). Hija tqis li l-Cantine ma setgħux jinvokaw din is-sentenza peress li din tieħu inkunsiderazzjoni n-nuqqas ta’ konoxxenza involontarju tal-fatt li kkawża d-dannu. Issa, kif inhu kkonstatat fil-punti 139 u 140 tas-sentenza appellata, mhemm ebda dubju dwar il-fatt li l-Cantine kienu konxji tal-modalitajiet tar-Regolament Nru 2499/82.

    45

    Il-Kummissjoni tikkritika, barra minn hekk, lill-Qorti tal-Prim’Istanza talli injorat, fis-sentenza appellata, l-eżiġenza taċ-ċertezza legali meħtieġa għall-applikazzjoni tat-termini ta’ preskrizzjoni. Fil-fatt, ir-rabta tad-determinazzjoni tal-mument li minnu jibda jiddekorri t-terminu ta’ ħames snin, previst fl-Artikolu 46 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja, mal-idea suġġettiva li kull parti kkonċernata jista’ jkollha dwar iċ-ċertezza tad-dannu mġarrab twassal sabiex il-parti leża tingħata diskrezzjoni sabiex tiddeċiedi l-mument meta l-azzjoni għal responsabbli tkun finalment preskritta. F’dan ir-rigward il-Kummissjoni żżid li, fl-aħħar mill-aħħar, il-proċeduri ta’ appell u ta’ kassazzjoni mibdija mill-Cantine b’ebda mod ma ppermettew, f’dan il-każ, li tiġi influwenzata l-konvinzjoni tagħhom dwar in-natura ċerta tad-dannu.

    46

    Il-Kummissjoni tosserva, barra minn hekk, li l-Qorti tal-Prim’Istanza vvizzjat is-sentenza tagħha b’motivi kontradittorji. Fil-fatt, din, minn naħa, irrifjutat li tikkunsidra l-eżawriment tar-rimedji nazzjonali bħala kundizzjoni ta’ ammissibblità tal-azzjoni għal responsabbiltà mhux kuntrattwali mressqa mill-Cantine kontra l-Kummissjoni u, min-naħa l-oħra, rabtet il-mument li minnu jibda jiddekorri t-terminu ta’ preskrizzjoni applikabbli għal din l-azzjoni mad-data ta’ sentenza definittiva mogħtija fuq il-livell nazzjonali, f’dan il-każ dik tal-Corte suprema di cassazione tat-28 ta’ Novembru 1994.

    47

    Il-Cantine, min-naħa tagħhom, isostnu li l-appell mhuwiex fondat u li l-Qorti tal-Prim’Istanza ġustament ikkonkludiet, fis-sentenza appellata, li l-kundizzjonijiet fir-rigward tal-introduzzjoni ta’ azzjoni għal responsibbiltà kontra l-Kummissjoni ma kinux sodisfatti qabel ma l-kontroversja mressqa quddiem il-qrati nazzjonali ma kinitx deċiża mis-sentenza tal-Corte suprema di cassazione.

    48

    Il-Cantine jikkunsidraw li kien neċessarju għalihom li jistennew ir-riżultat tal-kontroversja fuq livell nazzjonali qabel ma jidhru quddiem l-awtoritajiet Komunitarji, fid-dawl b’mod partikolari tan-nuqqas, f’dan il-każ, ta’ kull liġi li tirregola s-sitwazzjoni tad-distillatur insolventi. F’dan ir-rigward, huma jżidu li l-Qorti tal-Prim’Istanza kienet ċertament tiċħad l-azzjoni għal responsabbiltà tagħhom li kieku r-rimedji nazzjonali ma ntużawx kollha. Għaldaqstant, skont il-Cantine ma interveniet ebda preskrizzjoni peress li t-terminu ta’ preskrizzjoni tal-azzjoni għal responsabbiltà mhux kuntrattwali kontra l-Kummissjoni beda jiddekorri biss miċ-ċaħda mill-Corte suprema di cassazione tar-rikors tagħhom, li b’hekk għamlet is-sentenza tat-Tribunale civile di Roma res judicata.

    49

    Barra minn hekk, il-Cantine jirrispondu li l-argument tal-Kummissjoni li s-sentenza appellata fiha kontradizzjoni f’dak li jirrigwarda l-ammissibbiltà tal-azzjoni għal responsabbiltà mhux kuntrattwali kontra l-Kummissjoni u l-mument li minnu jibda jiddekorri t-terminu ta’ preskrizzjoni applikabbli għal din l-azzjoni huwa, f’kull każ, infondat peress li dan huwa bbażat fuq tlaqqigħ ta’ żewġ partijiet ta’ din is-sentenza relatati ma’ kunċetti ġuridiċi u ma’ fatti differenti.

    50

    Fil-każ li l-Qorti tal-Ġustizzja tilqa’ l-argumenti tal-Kummissjoni dwar il-preskrizzjoni tal-azzjoni għal responsabbiltà mhux kuntrattwali kontra l-Kummissjoni u fil-każ li tiffissa mument ġdid li minnu beda jiddekorri t-terminu ta’ preskrizzjoni ta’ din l-azzjoni, il-Cantine jsostnu li dan it-terminu ma setax beda jiddekorri kontrihom qabel ma mmaterjalizza l-arrikkiment indebitu tal-Komunità permezz taċ-ċessjoni fl-1991, mill-AIMA lill-FAEGG, tal-garanzija maħruga minn Assedile. Il-Cantine jsostnu li kien biss wara li rċevew l-ittra tal-Kummissjoni tat-8 ta’ Diċembru 1997 li huma saru jafu b’din iċ-ċessjoni favur il-FAEGG u, għaldaqstant bl-arrikkiment indebitu tal-Komunità. It-terminu ta’ preskrizzjoni tal-imsemmija azzjoni għandu għaldaqstant jibda jiddekorri minn din id-data.

    51

    Il-Cantine jibbażaw ruħhom, f’dan ir-rigward, fuq ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja u, b’mod partikolari, fuq is-sentenza Adams vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, li tipprovi li ebda preskrizzjoni ma tista’ tiġi mqajma kontra l-vittma ta’ dannu li seta’ jkun konxju tal-fatt li joħloq dan id-dannu f’data tardiva biss u li konsegwentement ma setax ikollu terminu raġonevoli sabiex jippreżenta rikors. Il-Cantine jenfasizzaw ukoll li huma ma waqfux milli jipproteġu d-drittijiet tagħhom, billi indirizzaw ruħhom lill-AIMA sabiex jiksbu l-ħlas tal-krediti dovuti lilhom mid-DAI permezz tal-garanzija maħruġa minn Assedile u mbagħad lill-Kummissjoni sabiex tikkonstata l-ksur imwettaq mill-AIMA. Għaldaqstant, f’dan il-każ, ebda ħtija għal dewmien ma tista’ tiġi attribwita lilhom.

    Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

    52

    Fl-ewwel lok, għandu jiġi mfakkar li d-dritt li titressaq azzjoni quddiem il-qorti Komunitarja jista’ jiġi eżerċitat biss fil-kundizzjonijiet previsti f’dan ir-rigward mid-dispożizzjonijier li jirregolaw kull rikors partikolari, f’dan il-każ ir-rikors għad-danni previst fl-Artikolu 235 KE. Konsegwentement, dan id-dritt seta’ jiġi eżerċitat quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza b’mod validu biss jekk din tal-aħħar applikat b’mod korrett, b’mod partikolari, id-dispożizzjonijiet li jirregolaw ir-regoli ta’ preskrizzjoni li japplikaw għall-imsemmi rikors (ara, f’dan is-sens, id-digriet tat-18 ta’ Lulju 2002, Autosalone Ispra dei Fratelli Rossi vs Il-Kummissjoni, C-136-01 P, Ġabra p. I-6565, punt 26).

    53

    Skont l-Artikolu 46 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-azzjonijiet kontra l-Komunità fil-qasam tar-responsabbiltà mhux kuntrattwali jkunu preskritti ħames snin wara li jseħħ il-fatt li jagħti lok għalihom.

    54

    It-terminu ta’ preskrizzjoni ta’ ħames snin previst mill-imsemmija dispożizzjoni jibda jiddekorri meta jkunu sodisfatti l-kundizzjonijiet kollha li għalihom huwa suġġett l-obbligu ta’ kumpens u, b’mod partikolari, meta jimmaterjalizza d-dannu li jrid jiġi kkumpensat. Għaldaqstant, f’każijiet, bħal fil-każ preżenti, fejn ir-responsabbiltà tal-Komunità tirriżulta minn att leġiżlattiv, dan it-terminu ta’ preskrizzjoni ma jistax jibda jiddekorri qabel ma jimmaterjalizzaw l-effetti dannużi tal-att u, għaldaqstant, qabel ma l-partjiet kkonċernati jkunu ġarrbu dannu ċert (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tas-27 ta’ Jannar 1982, Birra Wührer et vs Il-Kunsill u Il-Kummissjoni, 256/80, 257/80, 265/80, 267/80 u 5/81, Ġabra p. 85, punt 10, kif ukoll tad-19 ta’ April 2007, Holcim (Deutschland) vs Il-Kummissjoni, C-282/05 P, Ġabra p. I-2941, punt 29).

    55

    F’dan il-każ, il-Qorti tal-Prim’Istanza ddeċidiet, fil-punt 131 tas-sentenza appellata, li t-terminu ta’ preskrizzjoni kien beda jiddekorri mill-mument meta l-Cantine ġarrbu b’mod ċert id-dannu kkawżat min-nuqqas totali jew parzjali ta’ ħlas tal-għajnuna Komunitarja inkwistjoni. Hija osservat ukoll, fil-punt 132 tal-imsemmija sentenza, li kien paċifiku li dan il-ħlas kien imissu ngħatalhom mid-DAI mhux iktar tard mill-aħħar ta’ Ġunju 1983, skont l-Artikolu 9(1) tar-Regolament Nru 2499/82. Madanakollu, fiċ-ċirkustanzi partikolari ta’ dan il-każ, il-Qorti tal-Prim’Istanza ma kkunsidratx, fil-punt 133 tas-sentenza appellata, li d-dannu mġarrab mill-Cantine fl-aħħar ta’ Ġunju 1983 kellu jiġi kkunsidrat, minn din id-data, ta’ natura ċerta, jiġifieri imminenti u prevedibbli.

    56

    Għall-finijiet tal-evalwazzjoni tan-natura ċerta tad-dannu, il-Qorti tal-Prim’Istanza ddeċidiet, fil-punti 136 u 145 tas-sentenza appellata, li kellhom jittieħdu inkunsiderazzjoni l-proċeduri mibdija mid-DAI quddiem il-qrati Taljani speċifikament dwar in-natura tal-garanzija maħruġa minn Assedile, fid-dawl tal-kumplessità tas-sistema stabbilita mir-Regolament Nru 2499/82 u taċ-ċirkustanzi eċċezzjonali tal-każ fejn kien estremament diffiċli għal operatur ekonomiku prudenti u informat li jkun jaf, qabel it-tmiem ta’ dawn il-proċeduri, li ma setax jikseb il-ħlas tal-ammont ta’ għajnuna inkwistjoni permezz tal-garanzija quddiem il-qorti nazzjonali.

    57

    Il-Qorti tal-Prim’Istanza għaldaqstant ikkonkludiet, fil-punti 145 sa 147 tas-sentenza appellata, li kien biss wara s-sentenza tal-Corte suprema di cassazione tat-28 ta’ Novembru 1994 li l-Cantine setgħu jsiru konxji li huma ma kinux ser jiksbu l-ħlas tal-għajnuna inkwistjoni permezz tal-imsemmija garanzija u li, għaldaqstant, id-dannu mġarrab minnhom ma setax ikun ta’ natura ċerta qabel din id-data, b’tali mod li t-terminu ta’ preskrizzjoni ta’ ħames snin stabbilit fl-Artikolu 46 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja ma setax jibda jiddekorri qabel din id-data.

    58

    F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li, meta pproċediet b’dan il-mod, il-Qorti tal-Prim’Istanza adottat approċċ suġġettiv fir-rigward tal-tlaqqigħ tal-kundizzjonijiet meħtieġa sabiex tkun involuta r-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Komunità, fejn id-dannu kkawżat minn att leġiżlattiv illegali ma jistax jitqies ċert qabel ma l-persuna allegatament leża ma tarahx bħala tali. Fil-fatt, fis-sentenza appellata, il-Qorti tal-Prim’Istanza ssuġġettat l-evalwazzjoni tan-natura ċerta tad-dannu kkawżat lill-Cantine għal meta huma saru konxji mill-fatt li huma ma kinux ser jiksbu kumpens għad-dannu tagħhom quddiem il-qrati nazzjonali.

    59

    Manadankollu, il-kundizzjonijiet li huwa suġġett għalihom l-obbligu ta’ kumpens tad-danni previsti fit-tieni paragrafu tal-Artikoli 288 KE u, għaldaqstant, ir-regoli ta’ preskrizzjoni li jirregolaw l-azzjonijiet intiżi għall-kumpens tal-imsemmija danni, jistgħu jkunu bbażati biss fuq kriterji strettament oġġettivi. Fil-fatt, li kieku l-affarijiet kienu differenti kien ikun hemm ir-riskju li jinkiser il-prinċipju taċ-ċertezza legali li fuqu huma bbażati preċiżament ir-regoli ta’ preskrizzjoni u li jeħtieġ li r-regoli tad-dritt Komunitarju jkunu ċari u preċiżi sabiex il-persuni interessati jkunu jistgħu jidderieġu ruħhom f’sitwazzjonijiet u f’relazzjonijiet legali li jagħmlu parti mis-sistema ġuridika Komunitajra (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tal-15 ta’ Frar 1996, Duff et, C-63/93, Ġabra p. I-569, punt 20).

    60

    Barra minn hekk, għandu jiġi osservat li jekk it-terminu ta’ preskrizzjoni tal-azzjoni għal responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Komunità jitwaqqaf milli jibda jiddekorri sakemm il-parti allegatament leża tkun personalment konvinta li ġarrbet dannu, dan ikollu bħala konsegwenza li jvarja l-mument tal-estinzjoni tal-imsemmija azzjoni skont il-perċezzjoni individwali li kull parti jista’ jkollha tar-realtà tad-dannu, u dan imur kontra l-eżiġenza taċ-ċertezza legali neċessarja għall-applikazzjoni tat-termini ta’ preskrizzjoni.

    61

    F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat ukoll li l-Qorti tal-Ġustizzja rrifjutat it-teżi li t-terminu ta’ preskrizzjoni previst fl-Artikolu 46 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja jibda jiddekorri biss mill-mument li fih il-vittma tkun taf b’mod preċiż u dettaljat il-fatti inkwistjoni, peress li l-konoxxenza tal-fatti ma tinsabx fost in-numru ta’ elementi li għandhom jiġu sodisfatti sabiex jibda jiddekorri t-terminu ta’ preskrizzjoni (ara d-digriet Autosalone Ispra dei Fratelli Rossi vs Il-Kummissjoni, iċċitat iktar ’il fuq, punt 31). L-evalwazzjoni suġġettiva tar-realtà tad-dannu ma tistax b’hekk tittieħed inkunsiderazzjoni fid-determinazzjoni tal-mument li minnu jibda jiddekorri t-terminu ta’ preskrizzjoni tal-azzjoni għal responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Komunità.

    62

    Minn dan jirriżulta li, fis-sentenza appellata, il-Qorti tal-Prim’Istanza ma setgħatx tistabbilixxi n-natura ċerta tad-dannu kkawżat lill-Cantine u, għaldaqstant, tiddetemina l-mument li minnu beda jiddekorri t-terminu ta’ preskrizzjoni tal-azzjoni tagħhom għal responsabbiltà billi tibbaża ruħha fuq il-perċezzjoni li dawn kellhom tal-effetti dannużi tar-Regolament Nru 2499/82. Il-Qorti tal-Prim’Istanza, għall-kuntrarju, kien imissha bbażat ruħha fuq kriterji esklużivament oġġettivi.

    63

    Huwa preċiżament fuq tali kriterji li l-Qorti tal-Ġustizzja diġà bbażat ruħha sabiex tiffissa d-data li minnha jibda jiddekorri t-terminu ta’ preskrizzjoni previst fl-Artikolu 46 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja. Fil-fatt, kif jirriżulta mill-punt 33 tas-sentenza Holcim (Deutschland) vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-imsemmi terminu jibda jiddekorri mill-mument li fih effettivament jimmaterjalizza d-dannu pekunjarju mġarrab mill-vittma. Għaldaqstant, minn dan jirriżulta li l-bidu ta’ dan it-terminu huwa marbut mat-telf oġġettiv konkretament ikkawżat lill-patrimonju tal-parti allegatament leża.

    64

    F’dan il-każ, il-Qorti tal-Prim’Istanza b’hekk, fis-sentenza appellata, kien imissha bdiet it-terminu ta’ preskrizzjoni ta’ ħames snin tal-azzjoni għal responsabbiltà mressqa quddiemha mill-Cantine, abbażi tal-Artikolu 235 KE, mid-data li fiha d-dannu kkawżat mir-Regolament Nru 2499/82 oġġettivament immaterjalizza ruħu billi ħoloq telf fil-partimonju tagħhom.

    65

    Il-Qorti tal-Prim’Istanza, b’mod partikolari, kien imissha ddeċidiet li l-imsemmi terminu ta’ preskrizzjoni beda jiddekorri mill-mument li fih l-applikazzjoni tas-sistema illegali ta’ ħlas tal-għajnuna Komunitarja prevista mill-Artikolu 9 tar-Regolament Nru 2499/82 kienet effettivament u oġġettivament ikkawżat dannu lill-Cantine billi ma ggarantitilhomx il-ħlas dirett tal-għajnuna Komunitarja fil-każ tal-insolvenza tad-DAI. Għalhekk, dan il-mument kien imissu ġie ffissat fil-jum li fih dawn tal-aħħar ma setgħux jiksbu l-imsemmi ħlas fit-terminu ta’ 90 jum wara d-dħul tal-inbid fid-distillerija previst fl-imsemmija dispożizzjoni, jiġifieri fl-aħħar ta’ Ġunju 1983, kif jirriżulta b’mod partikolari mill-punt 132 tas-sentenza appellata.

    66

    Billi ddeċidiet, fil-punt 147 tas-sentenza appellata, li t-terminu ta’ preskrizzjoni previst fl-Artikolu 46 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja ma setax jibda jiddekorri qabel it-28 ta’ Novembru 1994 u, għaldaqstant, billi ddikjarat, fil-punt 150 tal-imsemmija sentenza, ammissibbli u mhux tardiva l-azzjoni għal responsabbiltà mressqa quddiemha fit-12 ta’ Ottubru 1998, jiġifieri iktar minn ħmistax-il sena wara li d-dannu effettivament immaterjalizza ruħu, il-Qorti tal-Prim’Istanza għamlet applikazzjoni żbaljata tad-dispożizzjonijiet li jirregolaw ir-regoli ta’ preskrizzjoni previsti mill-imsemmi artikolu.

    67

    Barra minn hekk, għandu jiġi eskluż l-argument tal-Cantine bbażat fuq is-sentenza Adams vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, fejn il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-preskrizzjoni ma tistax titqajjem kontra l-vittma ta’ dannu li seta’ jkun konxju tal-fatt li joħloq dan id-dannu f’data tardiva biss. Fil-fatt, għall-kuntarju tal-kawża li tat lok għal dik is-sentenza, il-Cantine ma jistgħux jallegaw, f’dan il-każ, li ma kinux konxji, mill-aħħar ta’ Ġunju 19983, mill-fatt li kkawża d-dannu tagħhom, peress li huma kienu perfettament konxji, minn dak iż-żmien, li l-Artikolu 9 tar-Regolament Nru 2499/82 ma kien jassiguralhom b’ebda mod il-ħlas dirett tal-għajnuna Komunitarja inkwistjoni fil-każ tal-insolvenza tad-distillatur.

    68

    Għandu jingħad ukoll, barra minn dan, li l-fatt li l-Cantine intervenew fil-proċedura relatata mal-garanzija mibdija mid-DAI quddiem il-qrati Taljani ma kienx iwaqqafhom milli jressqu b’mod parallel azzjoni għal responsabbiltà quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja abbażi tal-Artikolu 235 KE. Din l-aħħar dispożizzjoni tagħti speċifikament lill-qrati Komunitarji ġurisdizzjoni esklużiva sabiex jitressqu quddiemha azzjonijiet għad-danni kontra l-Komunità abbażi tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 288 KE (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tas-27 ta’ Settembru 1988, Asteris et, 106/87 sa 120/87, Ġabra p. 5515, punt 15).

    69

    Fl-aħħar lok, għandu jiġi osservat, kif jirriżulta mill-kliem stess tal-Artikolu 46 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja, li rikors imressaq quddiem qorti nazzjonali ma jistax jinterrompi l-preskrizzjoni tal-azzjoni għad-danni taħt l-Artikolu 235 KE (ara, f’dan is-sens, id-digriet Autosalone Ispra dei Fratelli Rossi vs Il-Kummissjoni, iċċitat iktar ’il fuq, punt 56). Minn dan jirriżulta li, bl-istess mod, l-introduzzjoni ta’ rikors fuq livell nazzjonali ma tistax tbiddel il-mument li minnu jibda jiddekorri t-terminu ta’ preskrizzjoni tal-imsemmija azzjoni.

    70

    Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha jirriżulta li s-sentenza appellata għandha tiġi annullata sa fejn tiddikjara ammissibbli l-azzjoni għal responsabbiltà mhux kuntrattwali mibdija mill-Cantine u tordna lill-Kummissjoni tagħmel tajjeb għad-dannu mġarrab minnhom, b’konsegwenza tal-falliment tad-DAI, minħabba n-nuqqas ta’ mekkaniżmu li seta’ jiggarantixxi, taħt is-sistema stabbilita fl-Artikolu 9 tar-Regolament Nru 2499/82, il-ħlas lill-produtturi kkonċernati tal-għajnuna Komunitarja prevista f’dan ir-regolament.

    Fuq ir-rikors quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza

    71

    Skont it-tieni sentenza tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 61 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja, din tal-aħħar tista’, f’każ li tiġi annullata d-deċiżjoni tal-Qorti tal-Prim’Istanza, tiddeċiedi definittivament il-kawża, meta din tkun fi stat li tiġi deċiża. Għandu jiġi osservat li dan huwa l-każ f’din il-kawża.

    72

    Fir-rigward tat-talba tal-Cantine intiża sabiex il-Kummissjoni tiġi kkundannata, skont l-Artikolu 235 KE, tagħtihom kumpens ta’ ammont ekwivalenti għall-ammonti tal-krediti tagħhom fil-konfront tad-DAI, din ma tistax tintlaqa’ għall-motivi msemmija fil-punti 63 sa 66 ta’ din is-sentenza.

    73

    Fil-fatt, kif jirriżulta b’mod partikolari mill-punt 65 ta’ din is-sentenza, it-terminu ta’ preskrizzjoni ta’ ħames snin previst fl-Artikolu 46 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja beda jiddekorri mill-aħħar ta’ Ġunju 1983, b’tali mod li l-imsemmija talba għall-kumpens tad-danni skont l-Artikolu 235 KE, imressqa fl-1998, għandha tiġi kkunsidrata bħala preskritta u, għaldaqstant, għandha tiġi miċħuda bħala inammissibbli.

    74

    Konsegwentement, peress li, fis-sentenza appellata, il-Qorti tal-Prim’Istanza diġà ċaħdet bħala inammissibbli t-talbiet tal-Cantine intiżi sabiex jiksbu l-annullament tal-ittra tal-Kummissjoni tal-31 ta’ Lulju 1998 u l-konstatazzjoni tan-nuqqas ta’ din l-istituzzjoni li tieħu azzjoni, kif ukoll it-talba tagħhom intiża għall-kundanna tal-Kummissjoni fuq il-bażi tal-arrikiment indebitu, ir-rikors tal-Cantine fil-kawża T-166/98 għandu jiġi miċħud kollu kemm hu.

    Fuq l-ispejjeż

    75

    Skont l-Artikolu 122 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, meta l-appell ikun fondat u l-Qorti tal-Ġustizzja taqta’ l-kawża definittivament hija stess, hija għandha tiddeċiedi dwar l-ispejjeż. Skont l-Artikolu 69(2) tar-Regoli tal-Proċedura, li huwa applikabbli għall-proċedura ta’ appell taħt l-Artikolu 118 ta’ dawn l-istess Regoli, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba. Peress li l-Cantine tilfu, hemm lok li jiġu kkundannati għall-ispejjeż ta’ din l-istanza u ta’ dik quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza, kif mitlub mill-Kummissjoni.

     

    Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Ir-Raba’ Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

     

    1)

    Is-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-Komunitajiet Ewropej tat-23 ta’ Novembru 2004, Cantina sociale di Dolianova et vs Il-Kummissjoni (T-166/98), hija annullata sa fejn tiddikjara ammissibbli l-azzjoni għal responsabbiltà mhux kuntrattwali mibdija mill-Cantina sociale di Dolianova Soc. coop. arl, Cantina Trexenta Soc. coop. arl, Cantina sociale Marmilla — Unione viticoltori associati Soc. coop. arl, Cantina sociale S. Maria La Palma Soc. coop. arl u Cantina sociale del Vermentino Soc. coop. arl Monti-Sassari u tordna lill-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej tagħmel tajjeb għad-dannu mġarrab minnhom, b’konsegwenza tal-falliment tad-Distilleria Agricola Industriale de Terralba, minħabba n-nuqqas ta’ mekkaniżmu li seta’ jiggarantixxi, taħt is-sistema stabbilita fl-Artikolu 9 tar-Regolament tal-Kummissjoni (KEE) Nru 2499/82, tal-15 ta’ Settembru 1982, li jistabbilixxi dispożizzjonijiet dwar id-distillazzjoni preventiva għas-sena tal-inbid 1982/1983, il-ħlas lill-produtturi kkonċernati tal-għajnuna Komunitarja prevista f’dan ir-regolament.

     

    2)

    Ir-rikors fil-kawża T-166/98 huwa miċħud.

     

    3)

    Cantina sociale di Dolianova Soc. coop. arl, Cantina Trexenta Soc. coop. arl, Cantina sociale Marmilla — Unione viticoltori associati Soc. coop. arl, Cantina sociale S. Maria La Palma Soc. coop. arl u Cantina sociale del Vermentino Soc. coop. arl Monti-Sassari huma kkundannati għall-ispejjeż relatati ma’ din l-istanza u ma’ dik quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza tal-Komunitajiet Ewropej.

     

    Firem


    ( *1 ) Lingwa tal-kawża: it-Taljan.

    Top