Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62005CJ0048

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (l-Ewwel Awla) tal-25 ta' Jannar 2007.
Adam Opel AG vs Autec AG.
Talba għal deċiżjoni preliminari: Landgericht Nürnberg-Fürth - il-Ġermanja.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari - Trade mark - Artikolu 5(1)(a) u (2) u Artikolu 6(1)(b) ta' l-Ewwel Direttiva 89/104/KEE - Id-dritt ta' proprjetarju ta' trade mark li jopponi għall-użu minn terz ta' sinjal identiku għal jew li jixbah lit-trade mark - Trade mark irreġistrata għal vetturi bil-mutur u għal ġugarelli - Riproduzzjoni tat-trade mark minn terz fuq mudelli mċekkna ta' vetturi ta' din it-trade mark.
Kawża C-48/05.

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2007:55

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla)

25 ta' Jannar 2007 (*)

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Trade mark – Artikolu 5(1)(a) u (2) u Artikolu 6(1)(b) ta' l-Ewwel Direttiva 89/104/KEE – Id-dritt ta' proprjetarju ta' trade mark li jopponi għall-użu minn terz ta' sinjal identiku għal jew li jixbah lit-trade mark – Trade mark irreġistrata għal vetturi bil-mutur u għal ġugarelli – Riproduzzjoni tat-trade mark minn terz fuq mudelli mċekkna ta' vetturi ta' din it-trade mark”

Fil-kawża C-48/05,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skond l-Artikolu 234 KE, imressqa mil-Landgericht Nürnberg-Fürth (il-Ġermanja), permezz ta' deċiżjoni tat-28 ta' Jannar 2005, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit-8 ta' Frar 2005, fil-proċeduri

Adam Opel AG

vs

Autec AG,

fil-preżenza ta':

Deutscher Verband der Spielwaren-Industrie eV,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla),

komposta minn P. Jann, President ta' l-Awla, K. Schiemann u M. Ilešič (Relatur), Imħallfin,

Avukat Ġenerali: D. Ruiz-Jarabo Colomer,

Reġistratur: M. V. Ferreira, Amministratur Prinċipali,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat-2 ta' Frar 2006,

wara li rat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–       għal Adam Opel AG, minn S. Völker u A. Klett, Rechtsanwälte,

–       għal Autec AG, minn R. Prager u T. Nägele, Rechtsanwälte, kif ukoll minn D. Tergau, Patentanwalt,

–       għal Deutscher Verband der Spielwaren-Industrie eV, minn T. Nägele, Rechtsanwalt,

–       għall-Gvern Franċiż, minn G. de Bergues u A. Bodard-Hermant, bħala aġenti,

–       għall-Gvern tar-Renju Unit, minn M. Bethell, bħala aġent, assistit minn M. Tappin, barrister, u S. Malynicz, barrister,

–       għall-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, minn G. Braun, B. Rasmussen u W. Wils, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet ta' l-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tas-7 ta' Marzu 2006,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1       It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni ta' l-Artikoli 5(1)(a) u 6(1)(b) ta' l-Ewwel Direttiva tal-Kunsill 89/104/KEE, tal-21 ta’ Diċembru 1988, biex jiġu approssimati l-liġijiet ta’ l-Istati Membri dwar it-trade marks (ĠU L 40, 1989, p. 1, iktar 'il-quddiem id-"Direttiva").

 Il-kuntest ġuridiku

2       L-Artikolu 5 tad-Direttiva, intitolat "Drittijiet mogħtija minn trade mark", jiddisponi:

"1.      It-trade mark reġistrata għandha tagħti l-proprjetarju drittijiet esklussivi fuqha. Il-proprjetarju għandu jkun intitolat li jimpedixxi terzi persuni kollha li ma għandhomx il-kunsens tiegħu milli jużaw matul il-kummerċ:

a)      kwalunkwe sinjal li hu identiku mat-trade mark fejn għandhom x’jaqsmu merkanzija jew servizzi li huma identiċi għal dawk li t-trade mark hi reġistrata;

b)      kwalunkwe sinjal li, minħabba l-identità ma’, jew li jixbaħ it-trade mark u l-identità jew xebħ tal-merkanzija jew is-servizzi koperti mit-trade mark u s-sinjal, teżisti l-possibbiltà ta’ konfużjoni da parti tal-pubbliku, li tinkludi l-possibbiltà ta’ assoċjazzjoni bejn is-sinjal u t-trade mark.

2.      Kwalunkwe Stat Membru jista’ wkoll jistabbilixxi li l-proprjetarju għandu jkun intitolat li jimpedixxi lil terzi persuni kollha li ma għandhomx il-kunsens tiegħu li jużaw matul il-kummerċ kwalunkwe sinjal li hu identiku ma’, jew simili għat-trade mark fejn għandhom x’jaqsmu merkanzija jew servizzi li mhux simili għal dawk li għalihom it-trade mark hi reġistrata, fejn ta’ l-aħħar għandha reputazzjoni fl-Istat Membru u fejn l-użu ta’ dak is-simbolu [is-sinjal] mingħajr raġuni valida jieħu vantaġġ mhux onest jew li hu ta’ detriment għall-karattru li jiddifferenza wieħed għall-ieħor jew reputazzjoni tat-trade mark.

3.       Is-segwenti, inter alia, jistgħu jkunu projbiti taħt paragrafi 1 u 2:

a)      li jitwaħħal is-simbolu [is-sinjal] ma’ l-merkanzija jew ma’ l-imballaġġ ta’ dan;

b)      li joffru l-merkanzija, jew li jqiegħduhom fuq is-suq jew li jaħżnuhom għal dawn l-iskopijiet taħt dak is-sinjal, jew li joffru u jfornu servizzi kif jidhru hawn taħt [taħt is-sinjal];

ċ)      jimpurtaw jew jesportaw il-merkanzija taħt is-simbolu [is-sinjal];

d)      juzaw is-sinjal fuq karti tal-kummerċ u fir-reklamar.

[…]

5.      Il-paragrafi 1 sa’ 4 m’għandhomx jaffettwaw id-disposizzjonijiet fi kwalunkwe Stat Membru dwar protezzjoni kontra l-użu tas-sinjal barra dak għall-iskopijiet li jiddistingwu bejn merkanzija jew servizzi, fejn l-użu ta’ dak is-sinjal mingħajr raġuni valida jieħu vantaġġ minn, jew hu ta’ detriment għall-karattru distintiv jew ir-reputazzjoni tat-trade mark."

3       L-Artikolu 6 tad-Direttiva, intitolat "Limitazzjoni ta’ l-effetti ta’ trade mark", jipprovdi, fl-ewwel paragrafu tiegħu:

"It-trade mark m’għandhiex tagħti d-dritt lill-proprjetarju li jipprojbixxi terza persuna milli tuża matul il-kummerċ,

a)      l-isem jew l-indirizz tiegħu;

b)      indikazzjonijiet li għandhom x’jaqsmu mat-tip, kwalità, kwantità, skop intiż, valur, oriġini ġeografika, iż-żmien tal-produzzjoni ta’ l-merkanzija jew l-għoti tas-servizz, jew karatteristika oħra ta’ merkanzija jew servizzi;

ċ)      t-trade mark fejn hi neċessarja biex tindika l-iskop intiż ta’ prodott jew servizz, b’mod partikolari bħala aċċessorji jew spare parts;

sakemm jużahom skond prattiċi onesti f’materji industrijali jew kummerċjali."

 Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

4       Adam Opel AG (iktar 'il quddiem "Adam Opel"), manifattriċi tal-vetturi bil-mutur, hija proprjetarja tat-trade mark nazzjonali figurattiva riprodotta hawn taħt, irreġistrata fil-Ġermanja fl-10 ta' April 1990, b'mod partikolari, għall-vetturi bil-mutur u għall-ġugarelli (iktar 'il quddiem il-"logo Opel"):

Image not found Image not found

5       Autec AG (iktar 'il quddiem "Autec") timmanifattura, fost affarijiet oħra, mudelli mċekkna ta' karozzi kkontrollati mill-bogħod, li tiddistribwixxi taħt it-trade mark cartronic.

6       Fil-bidu tas-sena 2004, Adam Opel ikkonstatat li fil-Ġermanja kien qed jiġi kkummerċjalizzat mudell imċekken bi skala ta' 1:24 u kkontrollat mill-bogħod ta' l-Opel Astra V8 coupé li fuq ix-xibka tar-radjatur kellu mwaħħal, bħal fil-każ tal-vettura oriġinali, il-logo Opel. Dan il-ġugarell huwa mmanifatturat minn Autec.

7       It-trade mark cartronic, flimkien mas-simbolu ®, jidhru b'mod ċar fuq il-paġna ta' quddiem ta' l-istruzzjonijiet għall-użu li jinsabu ma' kull mudell imċekken, kif ukoll fuq in-naħa ta' quddiem tat-trasmettitur tal-kontroll mill-bogħod. Barra minn hekk, l-indikazzjonijiet "AUTEC® AG" u "AUTEC® AG D 90441 Nürnberg" jidhru fuq in-naħa ta' wara ta' l-istruzzjonijiet għall-użu, u t-tieni waħda tidher fuq stiker imwaħħal taħt it-trasmettitur tal-kontroll mill-bogħod.

8       Permezz ta' rikors imressaq quddiem il-Landgericht Nürnberg-Fürth, Adam Opel talbet li Autec tiġi ordnata, b'mod partikolari, li tieqaf, fil-kummerċ, milli twaħħal il-logo Opel fuq mudelli mċekkna ta' vetturi u milli toffri għall-bejgħ, milli tikkummerċjalizza jew milli taħżen għal dawn l-iskopijiet, milli timporta jew tesporta mudelli mċekkna ta' vetturi li għandhom din it-trade mark, taħt piena ta' multa fl-ammont ta' EUR 250 000 għal kull ksur jew, sussidjarjament, taħt piena ta' priġunerija għal massimu ta' sitt xhur.

9       Adam Opel tikkunsidra li l-użu tal-logo Opel fuq ġugarelli li jikkonsistu f'mudelli mċekkna ta' vetturi li hija stess timmanifattura u tiddistribwixxi jikkostitwixxi vjolazzjoni ta' din it-trade mark. Hija tallega li l-imsemmija trade mark hija użata għal prodotti identiċi għal dawk li għalihom hija rreġistrata, jiġifieri ġugarelli. Dan jikkostitwixxi użu bħala trade mark skond il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, għaliex il-pubbliku jassumi li l-manifattur ta' mudelli mċekkna ta' vetturi ta' trade mark partikolari jimmanifatturahom u jiddistribwihom taħt liċenzja mogħtija mill-proprjetarju tat-trade mark.

10     Fuq il-bażi tad-deċiżjonijiet mogħtija minn diversi qrati Ġermaniżi, Autec, sostnuta mid-Deutscher Verband der Spielwaren-Industrie eV (Federazzjoni Ġermaniża ta' l-industrija tal-ġugarelli), twieġeb li t-twaħħil ta' trade mark protetta fuq mudelli mċekkna li huma r-replika fidila ta' vetturi ta' l-imsemmija trade mark ma jikkostitwixxix użu tat-trade mark bħala trade mark. F'dan il-każ, il-funzjoni oriġinali tal-logo Opel mhijiex affettwata, għaliex, minħabba l-użu tat-trade marks cartronic u AUTEC, jidher b'mod ċar, f'għajnejn il-pubbliku, li l-mudell imċekken ma joriġinax mill-manifattur tal-vettura li tagħha huwa r-replika. Barra minn hekk, il-pubbliku huwa mdorri għall-fatt li, sa minn iktar minn mitt sena ilu, l-industrija tal-ġugarelli timita fedelment, jiġifieri sat-twaħħil tat-trade mark li tidher fuqhom, prodotti li realment jeżistu.

11     Fid-dawl tas-sentenza tat-23 ta' Frar 1999, BMW (C‑63/97, Ġab. p. I‑905), il-Landgericht Nürnberg-Fürth iqis li l-użu tal-logo Opel minn Autec jistax jiġi pprojbit biss, taħt l-Artikolu 5(1)(a) tad-Direttiva, jekk l-użu in kwistjoni jkun użu bħala trade mark.

12     Il-Landgericht Nürnberg-Fürth huwa inklinat li jaħseb li Autec qed tagħmel użu ta' dan il-logo bħala trade mark, għaliex l-imsemmi logo jirreferi għall-manifattur tal-mudell oriġinali. Barra minn hekk, huwa jistaqsi jekk tali użu, li huwa jidhirlu li fl-istess ħin jikkostitwixxi użu deskrittiv fis-sens ta' l-Artikolu 6(1) tad-Direttiva, jistax ikun awtorizzat skond din id-dispożizzjoni minkejja li l-imsemmija trade mark kienet irreġistrata għall-ġugarelli wkoll.

13     Billi kkunsidra li s-soluzzjoni tal-kawża quddiemu kienet teħtieġ l-interpretazzjoni tad-Direttiva, il-Landgericht Nürnberg-Fürth iddeċieda li jissospendi l-proċeduri u jagħmel is-segwenti domandi preliminari lill-Qorti tal-Ġustizzja:

""1)      L-użu ta' trade mark protetta, li tinkludi l-protezzjoni għal 'ġugarelli', jikkostitwixxi użu bħala trade mark fis-sens ta' l-Artikolu 5(1)(a) tad-Direttiva […] meta l-manifattur ta' mudell imċekken ta' karozza tal-logħob jirripproduċi fi skala mċekkna mudell ta' vettura li teżisti realment, inkluża t-trade mark imwaħħla fuq il-mudell tal-proprjetarju tat-trade mark, u jikkummerċjalizza dan il-mudell imċekken?

2)      F'każ ta' risposta affermattiva għall-ewwel domanda:

Il-mod ta' użu tat-trade mark deskritt fl-ewwel domanda jikkostitwixxi indikazzjoni li għandha x'taqsam mat-tip jew mal-kwalità tal-vettura mċekkna skond l-Artikolu 6(1)(a) tad-Direttiva […]?

3)      F'każ ta' risposta affermattiva għat-tieni domanda:

Liema huma, fil-każijiet ta' dan it-tip, il-kriterji determinanti li jippermettu li jiġi evalwat meta l-użu tat-trade mark jikkorrispondi għal prattiċi onesti fil-qasam kummerċjali jew industrijali?

B'mod partikolari, teżisti korrispondenza għall-imsemmija prattiċi meta l-manifattur tal-mudell imċekken ta' vettura jwaħħal fuq l-imballaġġ u fuq aċċessorju neċessarju għall-użu tal-mudell imċekken, sinjal rikonoxxibbli għall-pubbliku bħala t-trade mark tiegħu stess kif ukoll isem il-kumpannija tiegħu flimkien ma' l-indikazzjoni ta' l-uffiċċju reġistrat ta' l-impriża?"

 Fuq id-domandi preliminari

 Fuq l-ewwel domanda

 Fuq l-interpretazzjoni ta' l-Artikolu 5(1)(a) tad-Direttiva

14     Permezz ta' l-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk, meta trade mark tkun irreġistrata kemm għal vetturi bil-mutur kif ukoll għal ġugarelli, it-twaħħil minn terza persuna, mingħajr l-awtorizzazzjoni tal-proprjetarju tat-trade mark, ta' sinjal identiku għal din it-trade mark fuq mudelli mċekkna ta' vetturi ta' l-imsemmija trade mark, bl-iskop li dawn il-vetturi jiġu riprodotti fedelment, u l-kummerċjalizzazzjoni ta' l-imsemmija mudelli mċekkna jikkostitwixxux, fis-sens ta' l-Artikolu 5(1)(a) tad-Direttiva, użu li l-proprjetarju tat-trade mark għandu d-dritt li jimpedixxi.

15     L-Artikolu 5 tad-Direttiva jiddefinixxi d-"[d]rittijiet mogħtija minn trade mark", filwaqt li l-Artikolu 6 jiġbor fih ir-regoli għal-"[l]imitazzjoni ta’ l-effetti ta’ trade mark".

16     Skond l-ewwel sentenza ta' l-Artikolu 5(1) tad-Direttiva, it-trade mark reġistrata għandha tagħti lill-proprjetarju dritt esklużiv fuqha. Skond l-Artikolu 5(1)(a), dan id-dritt esklużiv jintitola lill-proprjetarju li jimpedixxi terzi persuni kollha li m'għandhomx il-kunsens tiegħu milli jużaw matul il-kummerċ kwalunkwe sinjal li hu identiku għat-trade mark f'dak li għandu x’jaqsam ma' merkanzija jew servizzi li huma identiċi għal dawk li għalihom it-trade mark hi reġistrata. L-Artikolu 5(3) tad-Direttiva jelenka b'mod mhux eżawrjenti t-tipi ta' użu li l-proprjetarju jista jimpedixxi skond il-paragrafu (1) ta' dan l-Artikolu. Dispożizzjonijiet oħra tad-Direttiva, bħall-Artikolu 6, jiddefinixxu ċerti limitazzjonijiet ta’ l-effetti ta’ trade mark (sentenza tat-12 ta' Novembru 2002, Arsenal Football Club, C‑206/01, Ġab. p. I‑10273, punt 38).

17     Sabiex jiġi evitat li l-protezzjoni mogħtija lill-proprjetarju tat-trade mark tvarja minn Stat għall-ieħor, hija l-Qorti tal-Ġustizzja li għandha tagħti interpretazzjoni uniformi ta' l-Artikolu 5(1) tad-Direttiva, b'mod partikolari tal-kunċett ta' "użu" li jissemma fih (sentenza Arsenal Football Club, iċċitata iktar 'il fuq, punt 45).

18     Fil-kawża prinċipali, huwa paċifiku li l-użu tas-sinjal identiku għat-trade mark in kwistjoni effettivament iseħħ fil-kummerċ, peress li jseħħ fil-kuntest ta' attività kummerċjali intiża sabiex tikseb vantaġġ ekonomiku u mhux fil-kuntest privat (ara, f'dan is-sens, is-sentenza Arsenal Football Club, iċċitata iktar 'il fuq, punt 40).

19     Huwa wkoll paċifiku li dan l-użu sar mingħajr il-kunsens tal-proprjetarju tat-trade mark in kwistjoni.

20     Barra minn hekk, safejn il-logo Opel ġie rreġistrat għal ġugarelli, japplika l-każ previst fl-Artikolu 5(1)(a) tad-Direttiva, jiġifieri dak ta' sinjal identiku għat-trade mark in kwistjoni f'dak li għandu x'jaqsam ma' prodotti – ġugarelli – identiċi għal dawk li għalih hija ġiet irreġistrata. F'dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat b'mod partikolari li l-użu in kwistjoni fil-kawża prinċipali jsir "fejn għandhom x'jaqsmu [f'dak li għandu x'jaqsam ma'] merkanzija" fis-sens ta' l-Artikolu 5(1)(a) tad-Direttiva peress li jirrigwarda t-twaħħil ta' sinjal identiku għat-trade mark fuq prodotti kif ukoll l-offerta, it-tqegħid fis-suq jew il-ħażna għal dawn l-iskopijiet ta' dawn il-prodotti, fis-sens ta' l-Artikolu 5(3)(a) u (b) tad-Direttiva (ara, f'dan is-sens, is-sentenza Arsenal Football Club, iċċitata iktar 'il fuq, punti 40 u 41).

21     Madankollu għandu jiġi mfakkar li, skond il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, li d-dritt esklużiv previst fl-Artikolu 5(1) tad-Direttiva ngħata sabiex jippermetti lill-proprjetarju tat-trade mark jipproteġi l-interessi speċifiċi tiegħu bħala proprjetarju ta' din it-trade mark, jiġifieri sabiex jassigura li din it-trade mark tkun tista' taqdi l-funzjonijiet tagħha u li, għaldaqstant, l-eżerċizzju ta' dan id-dritt għandu jkun riżervat għall-każijiet li fihom l-użu tas-sinjal minn terza persuna jagħmel ħsara jew jista' jagħmel ħsara lill-funzjonijiet tat-trade mark u, b'mod partikolari, lill-funzjoni essenzjali tagħha li tiggarantixxi lill-konsumaturi l-oriġini tal-prodott (sentenzi Arsenal Football Club, iċċitata iktar 'il fuq, punt 51, u tas-16 ta' Novembru 2004, Anheuser-Busch, C‑245/02, Ġabra p. I‑10989, punt 59).

22     Għaldaqstant, it-twaħħil minn terza persuna ta' sinjal identiku għal trade mark reġistrata għal ġugarelli fuq mudelli mċekkna ta' vetturi tista' tiġi impedita biss, skond l-Artikolu 5(1)(a) tad-Direttiva, jekk dan jagħmel ħsara jew jista' jagħmel ħsara lill-funzjonijiet ta' din it-trade mark.

23     Fil-kawża prinċipali, li hija kkaratterizzata mill-fatt li t-trade mark in kwistjoni hija rreġistrata kemm għal vetturi bil-mutur kif ukoll għal ġugarelli, il-qorti tar-rinviju spjegat li, fil-Ġermanja, il-konsumatur medju tal-prodotti ta' l-industrija tal-ġugarelli, li huwa informat normalment u raġonevolment attent u prudenti, huwa mdorri li l-mudelli mċekkna jkunu bbażati fuq eżempji reali u jagħti saħansitra ħafna importanza lill-fedeltà assoluta għall-oriġinal, b'mod li l-imsemmi konsumatur jifhem il-logo Opel li jidher fuq il-prodotti ta' Autec bħala li juri li din hija riproduzzjoni fi skala mċekkna ta' vettura tal-marka Opel.

24     Jekk, permezz ta' dawn l-ispjegazzjonijiet, il-qorti tar-rinviju riedet tenfasizza li l-pubbliku rilevanti ma jipperċepixxix is-sinjal identiku għall-logo Opel li jidher fuq il-mudelli mċekkna kkumerċjalizzati minn Autec bħala indikazzjoni li dawn il-prodotti ġejjin minn Adam Opel jew minn impriża marbuta ekonomikament ma' din ta' l-aħħar, hija jkollha tikkonstata li l-użu in kwistjoni fil-kawża prinċipali ma jagħmilx ħsara lill-funzjoni essenzjali tal-logo Opel bħala trade mark irreġistrata għal ġugarelli.

25     Hija l-qorti tar-rinviju li għandha tiddetermina, b'referenza għall-konsumatur medju tal-ġugarelli fil-Ġermanja, jekk l-użu in kwistjoni fil-kawża prinċipali jagħmilx ħsara lill-funzjonijiet tal-logo Opel bħala trade mark irreġistrata għal ġugarelli. Minbarra dan, ma jidhirx li Adam Opel allegat li dan l-użu jagħmel ħsara lil funzjonijiet oħra ta' din it-trade mark ħlief il-funzjoni essenzjali tagħha.

26     Barra minn hekk, filwaqt li tirreferi għas-sentenza BMW, iċċitata iktar 'il fuq, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk hemmx użu min-naħa ta' Autec tal-logo Opel bħala trade mark irreġistrata għal vetturi bil-mutur.

27     F'dan ir-rigward, huwa minnu li l-kawża BMW, iċċitata iktar 'il fuq, kienet tirrigwarda l-użu ta' sinjal identiku għat-trade mark għal servizzi li ma kinux identiċi għal dawk li għalihom din it-trade mark kienet irreġistrata, peress li t-trade mark BMW, in kwistjoni fil-kawża prinċipali, kienet irreġistrata għal vetturi iżda mhux għal servizzi ta' tiswija ta' vetturi. Madankollu, il-karozzi kkummerċjalizzati taħt it-trade mark BMW mill-proprjetarju ta' din it-trade mark kienu jiffurmaw is-suġġett stess tas-servizzi – it-tiswija ta' vetturi – ipprovduti mit-terza persuna, b'mod li kien indispensabbli li tiġi identifikata l-provenjenza tal-vetturi tal-marka BMW. Hu fid-dawl ta' din ir-rabta speċifika u inseparabbli bejn il-prodotti li jġibu t-trade mark u s-servizzi pprovduti mit-terza persuna li l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li, fiċ-ċirkustanzi speċifiċi tal-kawża BMW, iċċitati iktar 'il fuq, l-użu mit-terza persuna tas-sinjal identiku għat-trade mark għal prodotti kkummerċjalizzati mhux mit-terza persuna, iżda mill-proprjetarju tat-trade mark, kien jaqa' fl-ambitu ta' l-Artikolu 5(1)(a) tad-Direttiva.

28     Minbarra dan il-każ speċifiku ta' l-użu ta' trade mark minn terza persuna li tipprovdi servizzi li għandhom bħala suġġett il-prodotti li jġibu din it-trade mark, l-Artikolu 5(1)(a) tad-Direttiva għandu jkun interpretat fis-sens li jkopri l-użu ta' sinjal identiku għat-trade mark għal prodotti kkummerċjalizzati jew servizzi pprovduti mit-terza persuna li huma identiċi għal dawk li għalihom it-trade mark hija rreġistrata.

29     Fil-fatt, minn naħa waħda, l-interpretazzjoni li skondha l-prodotti jew servizzi msemmija fl-Artikolu 5(1)(a) tad-Direttiva huma dawk ikkummerċjalizzati jew ipprovduti mit-terza persuna, toħroġ mill-kliem stess ta' din id-dispożizzjoni, b'mod partikolari mill-kliem "jużaw […] fejn għandhom x’jaqsmu [f'dak li għandu x'jaqsam ma'] merkanzija jew servizzi". Min-naħa l-oħra, l-interpretazzjoni kuntrarja twassal sabiex il-kliem "merkanzija" u "servizzi" użati fl-Artikolu 5(1)(a) tad-Direttiva eventwalment jindikaw il-merkanzija jew is-servizzi tal-proprjetarju tat-trade mark, meta l-kliem "merkanzija" u "servizz" użati fl-Artikolu 6(1)(b) u (ċ) tad-Direttiva jirreferu neċessarjament għal dawk ikkummerċjalizzati jew ipprovduti mit-terza persuna, ħaġa li għaldaqstant twassal sabiex, kontra l-istruttura tad-Direttiva, l-istess kliem jiġu interpretati b'mod differenti skond jekk jidhrux fl-Artikolu 5 jew fl-Artikolu 6.

30     Fil-kawża prinċipali, peress li Autec ma tbigħx vetturi, mhemmx l-użu tal-logo Opel minn Autec bħala trade mark irreġistrata għal vetturi bil-mutur, fis-sens ta' l-Artikolu 5(1)(a) tad-Direttiva.

 Fuq l-interpretazzjoni ta' l-Artikolu 5(2) tad-Direttiva

31     Skond ġurisprudenza stabbilita, hija l-Qorti tal-Ġustizzja li għandha tipprovdi lill-qorti tar-rinviju bl-elementi kollha ta' interpretazzjoni tad-dritt Komunitarju li jistgħu jkunu utli sabiex tingħata deċiżjoni fil-kawża li hija jkollha quddiemha, kemm jekk din tkun għamlet referenza għalihom fid-domandi tagħha u kemm jekk le (ara s-sentenzi tas-7 ta' Settembru 2004, Trojani, C‑456/02, Ġabra p. I‑7573, punt 38, u tal-15 ta' Settembru 2005, Ioannidis, C‑258/04, Ġabra p. I‑8275, punt 20).

32     Fid-dawl taċ-ċirkustanzi tal-kawża prinċipali, il-qorti tar-rinviju għandha tingħata wkoll interpretazzjoni ta' l-Artikolu 5(2) tad-Direttiva.

33     Bla dubju, kuntrarjament għall-Artikolu 5(1) tad-Direttiva, l-Artikolu 5(2) tad-Direttiva ma jimponix lill-Istati Membri li jintroduċu fil-liġi nazzjonali tagħhom il-protezzjoni stipulata fih, iżda jillimita ruħu biex jagħtihom il-fakultà li jintroduċu din il-protezzjoni (sentenza tad-9 ta' Jannar 2003, Davidoff, C‑292/00, Ġabra p. I‑389, punt 18). Madankollu, b'riżerva għal verifika min-naħa tal-qorti tar-rinviju, jidher li jirriżulta mid-domandi magħmula mill-Bundesgerichtshof (il-Ġermanja) u eżaminati mill-Qorti tal-Ġustizzja fil-kawża Davidoff, iċċitata iktar 'il fuq, li l-leġiżlatur Ġermaniż implementa d-dispożizzjonijiet ta' l-Artikolu 5(2) tad-Direttiva.

34     Fil-kawża prinċipali, l-ewwel nett, il-logo Opel huwa rreġistrat ukoll għal vetturi bil-mutur, it-tieni nett, b'riżerva għal verifika min-naħa tal-qorti tar-rinviju, dan huwa l-każ ta' trade mark li hija magħrufa fil-Ġermanja għal dan it-tip ta' prodotti, u fl-aħħar nett, vettura bil-mutur u mudell imċekken ta' din il-vettura mhumiex prodotti li jixxiebhu. Għalhekk, l-użu in kwistjoni fil-kawża prinċipali jista' wkoll jiġi impedit, skond l-Artikolu 5(2) tad-Direttiva, jekk dan l-użu inġustifikat jikseb vantaġġ indebitu mill-karattru distintiv jew mir-reputazzjoni ta' l-imsemmija trade mark, bħala trade mark irreġistrata għal vetturi bil-mutur, jew jikkaġunalhom ħsara.

35     Adam Opel sostniet, waqt is-seduta quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, li hi għandha interess li l-kwalità tal-mudelli mċekkna tal-vetturi tal-marka Opel tkun tajba u li dawn il-mudelli jkunu assolutament attwali, għaliex fil-każ kuntrarju, ir-reputazzjoni ta' din it-trade mark, bħala trade mark irreġistrata għal vetturi bil-mutur, tkun affettwata.

36     F'kull każ, din hija evalwazzjoni ta' natura fattwali. Hija l-qorti tar-rinviju li għandha, jekk ikun hemm bżonn, tiddetermina jekk l-użu in kwistjoni fil-kawża prinċipali jikkostitwixxix użu inġustifikat li jikseb vantaġġ indebitu mill-karattru distintiv jew mir-reputazzjoni tat-trade mark, bħala trade mark irreġistrata, jew jikkaġunalhom ħsara.

37     Konsegwentement, ir-risposta għall-ewwel domanda għandha tkun li, meta trade mark tkun irreġistrata kemm għal vetturi bil-mutur – li għalihom hija magħrufa – kif ukoll għal ġugarelli, it-twaħħil minn terza persuna, mingħajr l-awtorizzazzjoni tal-proprjetarju tat-trade mark, ta' sinjal identiku għal din it-trade mark fuq mudelli mċekkna ta' vetturi ta' l-imsemmija trade mark, bl-iskop li dawn il-vetturi jiġu riprodotti fedelment, u l-kummerċjalizzazzjoni ta' l-imsemmija mudelli mċekkna:

–       jikkostitwixxu, fis-sens ta' l-Artikolu 5(1)(a) tad-Direttiva, użu li l-proprjetarju tat-trade mark għandu d-dritt li jimpedixxi jekk dan l-użu jagħmel ħsara jew jista' jagħmel ħsara lill-funzjonijiet tat-trade mark, bħala trade mark irreġistrata għal ġugarelli;

–       jikkostitwixxu, fis-sens ta' l-Artikolu 5(2) tad-Direttiva, użu li l-proprjetarju tat-trade mark għandu d-dritt li jimpedixxi – meta l-protezzjoni stipulata f'din id-dispożizzjoni ddaħħlet fil-liġi nazzjonali – jekk dan l-użu inġustifikat jikseb vantaġġ indebitu mill-karattru distintiv jew mir-reputazzjoni tat-trade mark, bħala trade mark irreġistrata għal vetturi bil-mutur, jew jikkaġunalhom ħsara.

 Fuq it-tieni domanda

38     Għalkemm, permezz tat-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju titlob formalment l-interpretazzjoni ta' l-Artikolu 6(1)(a) tad-Direttiva, jirriżulta b'mod ċar mid-deċiżjoni tar-rinviju, li fir-realtà hija qiegħda tfittex li tingħata interpretazzjoni tal-punt (b) ta' l-istess paragrafu.

39     Preliminarjament, għandu jiġi rilevat li l-użu tal-logo Opel in kwistjoni fil-kawża prinċipali ma jistax jiġi awtorizzat fuq il-bażi ta' l-Artikolu 6(1)(ċ) tad-Direttiva. Fil-fatt, it-twaħħil ta' din it-trade mark fuq il-mudelli mċekkna ta' Autec mhuwiex intiż sabiex jindika d-destinazzjoni ta' dawn il-ġugarelli.

40     Skond l-Artikolu 6(1)(b) tad-Direttiva, it-trade mark ma tagħtix lill-proprjetarju tagħha li jipprojbixxi lil terza persuna milli tuża, matul il-kummerċ, indikazzjonijiet li għandhom x'jaqsmu mat-tip, kwalità, kwantità, skop intiż, valur, oriġini ġeografika, iż-żmien tal-produzzjoni tal-merkanzija jew l-għoti tas-servizz, jew karatteristiċi oħra tal-merkanzija jew tas-servizzi.

41     Adam Opel u l-Gvern Franċiż isostnu li l-għan ta' din id-dispożizzjoni huwa, b'mod partikolari, li jiġi impedit li l-proprjetarju ta' trade mark ikun jista' jopponi għall-użu minn terza persuna ta' indikazzjoni deskrittiva ta' karatteristika tal-merkanzija jew servizzi ta' dan ta' l-aħħar. Il-logo Opel bl-ebda mod ma jagħti indikazzjoni tat-tip, tal-kwalità jew ta' karatteristiċi oħra tal-mudelli mċekkna. Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej hija ta' l-istess opinjoni fir-rigward ta' l-użu in kwistjoni fil-kawża prinċipali, iżda ma teskludix li, f'ċirkustanzi fattwali oħra, li fihom il-mudelli mċekkna jkunu ddestinati lill-kollezzjonisti, ir-riproduzzjoni identika ta' kull dettall tal-vettura oriġinali tista' eventwalment tikkostitwixxi karatteristika essenzjali ta' din il-kategorija ta' prodotti, b'mod li l-Artikolu 6(1)(b) tad-Direttiva jkun jista' jkopri wkoll il-kopja fidila tat-trade mark.

42     F'dan ir-rigward, jekk din id-dispożizzjoni għandha l-għan prinċipali li twaqqaf lill-proprjetarju tat-trade mark milli jimpedixxi lill-kompetituri milli jagħmlu użu minn terminu deskrittiv wieħed jew iżjed li jiffurmaw parti mit-trade mark tiegħu bl-iskop li jindikaw ċerti karatteristiċi tal-prodotti tagħhom (ara, b'mod partikolari, is-sentenza ta' l-4 ta' Mejju 1999, Windsurfing Chiemsee, C‑108/97 u C‑109/97, Ġabra p. I‑2779, punt 28), il-kliem tagħha bl-ebda mod mhuwa speċifiku għal tali sitwazzjoni.

43     Għaldaqstant, ma jistax jiġi eskluż, a priori, li l-imsemmija dispożizzjoni tawtorizza lil terza persuna li tagħmel użu minn trade mark jekk dan l-użu jikkonsisti fl-għoti ta' indikazzjoni fir-rigward tat-tip, tal-kwalità jew ta' karatteristiċi oħra tal-prodotti kkummerċjalizzati minn din it-terza persuna, bil-kundizzjoni li l-imsemmi użu jsir b'mod konformi ma' prattiċi onesti fl-oqsma industrijali u kummerċjali.

44     Madankollu, it-twaħħil ta' sinjal identiku għal trade mark irreġistrata b'mod partikolari għal vetturi bil-mutur fuq mudelli mċekkna ta' vetturi ta' din it-trade mark, bl-iskop li dawn il-vetturi jiġu riprodotti fedelment, mhuwiex intiż sabiex jagħti indikazzjoni fir-rigward ta' karatteristika ta' l-imsemmija mudelli mċekkna, iżda huwa biss element tar-riproduzzjoni fidila tal-vetturi oriġinali.

45     Konsegwentement, ir-risposta għat-tieni domanda għandha tkun li, meta trade mark tkun irreġistrata b'mod partikolari għal vetturi bil-mutur, it-twaħħil minn terza persuna, mingħajr l-awtorizzazzjoni tal-proprjetarju tat-trade mark, ta' sinjal identiku għal din it-trade mark fuq mudelli mċekkna ta' vetturi ta' l-imsemmija trade mark, bl-iskop li dawn il-vetturi jiġu riprodotti fedelment, u l-kummerċjalizzazzjoni ta' l-imsemmija mudelli mċekkna ma jikkostitwixxux użu ta' indikazzjoni fir-rigward ta' karatteristika ta' dawn il-mudelli mċekkna, fis-sens ta' l-Artikolu 6(1)(b) tad-Direttiva.

 Fuq it-tielet domanda

46     Fid-dawl tar-risposta mogħtija għat-tieni domanda, m'hemmx lok li tingħata risposta għat-tielet domanda preliminari.

 Fuq l-ispejjeż

47     Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta' kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni ta' l-osservazzjonijiet lill-Qorti, barra dawk ta' l-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, il-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) taqta' u tiddeċiedi:

1)      Meta trade mark tkun irreġistrata kemm għal vetturi bil-mutur – li għalihom hija magħrufa – kif ukoll għal ġugarelli, it-twaħħil minn terza persuna, mingħajr l-awtorizzazzjoni tal-proprjetarju tat-trade mark, ta' sinjal identiku għal din it-trade mark fuq mudelli mċekkna ta' vetturi ta' l-imsemmija trade mark, bl-iskop li dawn il-vetturi jiġu riprodotti fedelment, u l-kummerċjalizzazzjoni ta' l-imsemmija mudelli mċekkna:

–       jikkostitwixxu, fis-sens ta' l-Artikolu 5(1)(a) ta' l-Ewwel Direttiva tal-Kunsill 89/104/KEE, tal-21 ta' Diċembru 1988, biex jiġu approssimati l-liġijiet ta’ l-Istati Membri dwar it-trade marks, użu li l-proprjetarju tat-trade mark għandu d-dritt li jimpedixxi jekk dan l-użu jagħmel ħsara jew jista' jagħmel ħsara lill-funzjonijiet tat-trade mark, bħala trade mark irreġistrata għal ġugarelli;

–       jikkostitwixxu, fis-sens ta' l-Artikolu 5(2) ta' l-istess Direttiva, użu li l-proprjetarju tat-trade mark għandu d-dritt li jimpedixxi – meta l-protezzjoni stipulata f'din id-dispożizzjoni ddaħħlet fil-liġi nazzjonali – jekk dan l-użu inġustifikat jikseb vantaġġ indebitu mill-karattru distintiv jew mir-reputazzjoni tat-trade mark, bħala trade mark irreġistrata għal vetturi bil-mutur, jew jikkaġunalhom ħsara.

2)      Meta trade mark tkun irreġistrata b'mod partikolari għal vetturi bil-mutur, it-twaħħil minn terza persuna, mingħajr l-awtorizzazzjoni tal-proprjetarju tat-trade mark, ta' sinjal identiku għal din it-trade mark fuq mudelli mċekkna ta' vetturi ta' l-imsemmija trade mark, bl-iskop li dawn il-vetturi jiġu riprodotti fedelment, u l-kummerċjalizzazzjoni ta' l-imsemmija mudelli mċekkna ma jikkostitwixxux użu ta' indikazzjoni fir-rigward ta' karatteristika ta' dawn il-mudelli mċekkna, fis-sens ta' l-Artikolu 6(1)(b) tad-Direttiva 89/104.

Firem


* Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.

Top