Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62005CJ0034

    Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (it-Tieni Awla) ta' l-1 ta' Marzu 2007.
    Maatschap J. en G.P. en A.C. Schouten vs Minister van Landbouw, Natuur en Voedselkwaliteit.
    Talba għal deċiżjoni preliminari: College van Beroep voor het bedrijfsleven - l-Olanda.
    Skemi ta' għajnuna tal-Komunità - Regolament (KEE) Nru 3887/92 - Settur tal-laħam taċ-ċanga u l-vitella - Regolament (KE) Nru 1254/1999 - Żona tal-mergħa disponibbli - Kunċett - Premju speċjali - Kundizzjonijiet għall-ħruġ - Porzjon temporanjament mgħarrqa bl-ilma matul il-perijodu in kwistjoni.
    Kawża C-34/05.

    ECLI identifier: ECLI:EU:C:2007:122

    SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla)

    1 ta' Marzu 2007 (*)

    “Skemi ta' għajnuna tal-Komunità – Regolament (KEE) Nru 3887/92 – Settur tal-laħam taċ-ċanga u l-vitella – Regolament (KE) Nru 1254/1999 – Żona tal-mergħa disponibbli – Kunċett – Premju speċjali – Kundizzjonijiet għall-ħruġ – Porzjon temporanjament mgħarrqa bl-ilma matul il-perijodu in kwistjoni.”

    Fil-kawża C-34/05,

    li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skond l-Artikolu 234 KE, imressqa mill-College van Beroep voor het bedrijfsleven (l-Olanda), permezz ta' Deċiżjoni tas-26 ta' Jannar 2005, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fil-31 ta' Jannar 2005, fil-proċedura

    Maatschap J. en G.P. en A.C. Schouten

    vs

    Minister van Landbouw, Natuur en Voedselkwaliteit,

    IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla),

    komposta minn C. W. A. Timmermans, President ta' l-Awla, J. Klučka, R. Silva de Lapuerta, J. Makarczyk u G. Arestis (Relatur), Imħallfin,

    Avukat Ġenerali: P. Léger,

    Reġistratur: R. Grass,

    wara li rat il-proċedura bil-miktub

    wara li rat is-sottomissjonijiet ippreżentati:

    –       għal Maatschap J. en G.P. en A.C. Schouten, minn S. Dul, accountant adviseur,

    –       għall-Gvern Olandiż, minn H. G. Sevenster u C. ten Dam, bħala aġenti,

    –       għall-Gvern Grieg, minn G. Kanellopoulos, bħala aġent,

    –       għall-Gvern Franċiż, minn G. de Bergues u A. Colomb, bħala aġenti,

    –       għall-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, minn F. Erlbacher u T. van Rijn, bħala aġenti,

    wara li semgħet il-konklużjonijiet ta' l-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat-22 ta' Ġunju 2006,

    tagħti l-preżenti

    Sentenza

    1       It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni ta' l-Artikoli 12(2)(b) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1254/1999 tas-17 ta’ Mejju 1999, dwar l-organizzazzjoni tas-suq taċ-ċanga u l-vitella (ĠU L 160, p. 21), u 2(1)(ċ) tar-Regolament tal-Kummissjoni (KEE) Nru 3887/92 tat-23 ta' Diċembru 1992, li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni ta' amministrazzjoni integrata u s-sistema ta' kontroll għal ċerti skemi ta' għajnuna tal-Komunità (ĠU L 391, p. 36).

    2       Din it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest ta' kawża bejn il-kumpannija tal-bdiewa Maatschap J. en G.P. en A.C. Schouten (iktar 'il quddiem "Schouten") u l-Minister van Landbouw, Natuur en Voedselkwaliteit (il-Ministru ta' l-Agrikoltura, ta' l-Ambjent u tal-Kwalità ta' l-Ikel, iktar 'il quddiem il-"Ministru") rigward rifjut minn dan ta' l-aħħar li jassenja l-premju speċjali għaż-żamma ta' bhejjem ta’ l-ifrat irġiel li Schouten kienet talbet minn qabel.

     Il-Kuntest Ġuridiku

    3       Ir-Regolament Nru 1254/1999 jistabbilixxi skema globali ta' ħlasijiet diretti lill-produtturi tal-laħam taċ-ċanga u l-vitella. Wieħed minn dawn il-ħlasijiet diretti jikkonsisti fi premju speċjali għaż-żamma ta' bhejjem ta’ l-ifrat irġiel.

    4       F'dan ir-rigward, l-Artikolu 4 ta' dan ir-Regolament jistipula:

    "1. Produttur li jrabbi bhejjem ta’ l-ifrat irġiel jista’ jikkwalifika, ma’ l-applikazzjoni, għal premju speċjali. Dan għandu jingħata fil-forma ta’ premju annwali kull sena kalendarja u għal kull impriża fil-limiti massimi reġjonali għal mhux aktar minn 90 bhima ta’ kull grupp ta’ età li hemm referenza għalihom fil-paragrafu 2.

    2. […]

    3. Biex jikkwalifikaw għall-premju speċjali:

    a) kull bhima koperta minn applikazzjoni għandha tinżamm mill-produttur għas-simna għal perijodu li għandu jiġi stabbilit,

    […]"

    5       Fis-subtitolu 5, bit-titolu "Id-densità tal-merħliet", l-Artikolu 12(1) u (2) tar-Regolament Nru 1254/1999 jgħid:

    "1. In-numru totali ta’ annimali li jikkwalifikaw għal premju speċjali u għall-premju għal baqar li jreddgħu għandu jkun limitat bl-applikazzjoni ta’ densità ta’ merħliet fl-impriża taż-żewġ unitjiet tal-merħliet (LU) għal kull ettaru u għal kull sena kalendarja. Id-densità tal-merħliet għandha tkun espressa f’LU għal kull unità ta’ żona tal-mergħa tal-qasam użat għall-annimali li jkun hemm fiha. Madanakollu, produttur għandu jkun eżenti mill-applikazzjoni tad-densità ta’ merħliet jekk in-numru ta’ annimali miżmuma fl-impriża tiegħu u li jridu jiġu meqjusa għall-kalkolu tad-densità tal-merħliet ma tkunx ta’ aktar minn 15 LU.

    2. Sabiex tiġi kkalkulata d-densità tal-merħliet fuq l-impriża, għandhom jiġu meqjusa:

    a) il-bhejjem ta’ l-ifrat irġiel, il-baqar li jreddgħu u l-għoġġiela, in-nagħaġ u/jew il-mogħoż li għalihom ikunu ġew sottomessi l-applikazzjonijiet għall-premji, kif ukoll il-baqar tal-ħalib meħtieġa biex jipproduċu t-total tal-kwantità ta’ referenza ta’ ħalib allokata lill-produttur. In-numru ta’ annimali għandu jinqeleb għal LU b’referenza għat-tabella ta’ konverżjoni fl-Anness III,

    b) l-arja tal-mergħa, jiġifieri l-arja ta’ l-impriża disponibbli matul is-sena kalendarja għat-trobbija ta’ bhejjem ta’ l-ifrat u nagħaġ u/jew mogħoż. Mhumiex meqjusa f'din l-arja:

    –       bini, boskijiet, għadajjar, mogħdijiet,

    –       iż-żoni użati għal uċuħ oħra li huma eliġibbli għal għajnuna tal-Komunità jew għal uċuħ permanenti jew uċuħ ta’ l-ortikoltura, ħlief mergħat permanenti li għalihom jingħataw ħlasijiet taż-żona permezz ta’ l-Artikolu 17 ta’ dan ir-Regolament u l-Artikolu 19 tar-Regolament (KE) Nru 1255/1999,

    –       iż-żoni li jikkwalifikaw għal sistema ta’ appoġġ stabbilita għal produtturi ta’ ċertu uċuħ tal-ħrit, użati għall-iskema ta’ għajnuna għal għalf niexef jew suġġetti għal skemi ta’ twarrib nazzonali jew tal-Komunità.

    Żoni tal-mergħat għandhom jinkludu żoni ta’ użu konġunt li jkunu suġġetti għal kultivazzjoni mħallta."

    6       F'dan ir-rigward, it-tlettax-il premessa tar-Regolament Nru 1254/1999 tindika li:

    "[…] minħabba t-tendenzi ta’ intensifikazzjoni lejn il-produzzjoni taċ-ċanga u l-vitella, il-premju għall-irziezet tat-trabbija ta’ l-annimali għandu jkun limitat għall-possibbiltà ta’ l-għalf f’kull qasam f’dak li għandu x’jaqsam man-numru u l-ispeċi ta’ l-annimali mrobbija; billi, sabiex tiġi evitata tip ta’ produzzjoni intensiva, l-għoti ta’ dan il-premju għandu jkun suġġett għall-konformità mad-densità massima tal-merħliet fl-impriża; billi, madanakollu, il-qagħda ta’ produtturi żgħar għandha tiġi kkunsidrata".

    7       Bis-saħħa ta' l-ewwel Artikolu tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 3508/92 tas-27 ta' Novembru 1992 li jistabbilixxi amministrazzjoni integrata u sistema ta' kontroll għal ċerti skemi ta' għajnuna tal-Komunità (ĠU L 355, p. 1), kif emendat mir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1593/2000 tas-17 ta’ Lulju 2000 (ĠU L 182, p. 4), kull Stat Membru għandu jistabbilixxi sistema integrata ta’ amministrazzjoni u kontroll, applikabbli, fis-settur tal-bhejjem, għall-arranġamenti tal-premju u tal-pagamenti għal produtturi tal-laħam taċ-ċanga u tal-vitella stabbiliti mill-Kapitolu 1 tat-Titolu 1 tar-Regolament (KE) Nru 1254/1999.

    8       Fir-Regolament Nru 3887/92 jinsabu d-dispożizzjonijiet li japplikaw din is-sistema integrata ta’ amministrazzjoni u kontroll. L-Artikolu 2(1) ta' dan ir-regolament hu fformulat kif ġej:

    "1. Għall-iskopijiet ta' dan ir-Regolament:

    […]

    ċ) kull żona tal-mergħa għandha tkun disponibbli għall-annimali li qegħdin jitkabbru għal perijodu minimu ta' sebgħa xhur, li jibda f'data li għad trid tkun determinata mill-Istat Membru, li għandha tkun bejn l-1 ta' Jannar u l-31 ta' Marzu."

    9       Skond l-Artikolu 9(2) tar-Regolament Nru 3887/92:

    "Meta jiġi kkonstatat li s-superfiċji ddikjarata fit-talba għal għajnuniet "ta' superfiċji" taqbeż is-superfiċji ddeterminata, l-ammont ta' għajnuna jiġi kkalkolat abbażi tas-superfiċji effettivament iddeterminata matul il-kontroll. […]

    [...]

    Fil-każ fejn l-eċċess ikkonstatat huwa ta’ iktar minn 20% tas-superfiċji ddeterminata, ebda għajnuna marbuta mas-superfiċji ma tingħata.

    […]"

    10     Minkejja t-tħassir tiegħu permezz tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 2419/2001 tal-11 ta' Diċembru ta' l-2001, li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni ta' l-amministrazzjoni integrata u s-sistema ta' kontroll għal ċerti skemi ta' għajnuna tal-Komunità [stabbiliti] permezz tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 3508/92 (ĠU L 327, p. 11), ir-Regolament Nru 3887/92 baqa' applikabbli għal dak li jirrigwarda t-talbiet ta' għajnuna li jirrigwardaw snin ta' marketing jew perijodi ta' premji li jibdew qabel l-1 ta' Jannar 2002.

     Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

    11     Fid-9 ta' Mejju 2001, sabiex tibbenefika mill-għajnuna Komunitarja fis-settur tal-laħam taċ-ċanga u l-vitella, Schouten ippreżentat lill-Ministru applikazzjoni għar-reġistrazzjoni, bħala żona tal-mergħa għas-sena 2001, porzjonijiet li jirrappreżentaw daqs totali ta' 70.29 ettaru ta' mergħa.

    12     Xi wħud minn dawn il-porzjonijiet huma artijiet li jinsabu barra mid-diga. Art barra mid-diga tikkonsisti f'biċċa art li spiss tkun mgħottija bil-ħaxix li tinsab 'il barra mid-diga, jiġifieri bejn id-diga li tipproteġi l-intern tal-pajjiż mill-għarar u s-sodda tax-xmara. L-artijiet barra mid-diga jsibu ruħhom mgħarrqa parzjalment matul perijodu ftit jew wisq twil.

    13     Fl-10 u l-11 ta' Mejju 2001, ittieħdu stampa mis-satellita u ritratt mill-ajru tar-reġjun. Dawn urew li parti mill-porzjonijiet ta’ proprjetà ta’ Schouten kienu mgħarrqa.

    14     Fl-1 ta' Awwissu 2001, Schouten ippreżentat talba għall-premju għaż-żamma ta' 26 bhima ta’ l-ifrat irġiel fil-porzjonijiet, stipulata fil-punt 11 ta' din is-sentenza, skond l-Artikolu 4(1) tar-Regolament Nru 1254/1999.

    15     Permezz ta' ittra tas-17 ta' Diċembru 2001, il-Ministru informa lil Schouten li ż-żona ta' xi porzjonijiet, iddeterminata permezz tat-telerilevament, kienet inqas miż-żona tal-mergħa murija fl-applikazzjoni. Peress li d-differenza kienet tammonta għal iktar minn 20%, iż-żona tal-mergħa rreġistrata għal Schouten ġiet ridotta għal xejn, bis-saħħa ta' l-Artikolu 9(2) tar-Regolament Nru 3887/92.

    16     Permezz ta' deċiżjoni tas-27 ta' Mejju 2002, it-talba għall-premju ta' Schouten fir-rigward taż-żamma ta' 26 bhima ta’ l-ifrat irġiel ġiet miċħuda mill-Ministru, minħabba li ż-żona tal-mergħa kienet ridotta għal xejn u li, minħabba f'hekk, id-densità tal-merħliet imsemmija fl-Artikolu 12 tar-Regolament Nru 1254/1999 ma kinitx sodisfatta.

    17     Permezz ta' ittra tat-3 ta' Lulju 2002, Schouten ippreżentat ilment kontra din id-deċiżjoni. In sostenn ta' dan l-ilment, hija qalet, f'ittra tat-22 ta' Lulju 2002, li l-porzjonijiet li jinsabu barra mid-diga kienu ġew imkejla minnha fit-2 ta' Lulju 2002, u li dawn kienu jokkupaw żona li b'mod approssimattiv kienet tikkorrispondi għaż-żona msemmija fit-talba.

    18     B'deċiżjoni tat-8 ta' Awwissu 2003, il-Ministru ċaħad dan l-ilment minħabba li ż-żoni ddikjarati minn Schouten bħala żoni tal-mergħa ma kienux disponibbli, matul perijodu bla waqfien ta' seba' xhur, jiġifieri mill-31 ta' Marzu sal-31 ta' Ottubru 2001, għat-trobbija tal-bhejjem ta’ l-ifrat, tan-nagħaġ u l-mogħoż. Huwa qies li Schouten kellha tassumi r-riskju li jseħħ l-għarar fil-ħin tat-telerilevament u li, għaldaqstant, iż-żona msemmija tkun inqas minn dik li kienet iddikjarat.

    19     Permezz ta' ittra tas-17 ta' Settembru 2003, Schouten appellat quddiem il-College van Beroep voor het bedrijfsleven kontra din id-deċiżjoni ta' ċaħda tal-Ministru. Fil-kawża prinċipali, Schouten qalet li, fid-data tat-telerilevament, iċ-ċirkustanzi kienu straordinarji u li hi ma kellhiex tassumi r-riskju. Hi tiddikjara wkoll li l-ilma kien diġà rtira tliet ijiem wara l-11 ta' Mejju 2001, u li l-bhejjem ta’ l-ifrat kienu reġgħu qed jirgħu hemmhekk għaxart ijiem wara.

    20     Minn naħa tiegħu, il-Ministru jqis li l-Artikolu 12(2)(b) tar-Regolament Nru 1254/1999, moqri flimkien ma' l-Artikolu 2(1)(ċ) tar-Regolament Nru 3887/92, għandu jiġi interpretat fis-sens li l-porzjonijiet iddikjarati bħala żoni tal-mergħa għandhom ikunu jistgħu jservu għall-alimentazzjoni ta' l-annimali b'mod mhux interrott matul mill-inqas perijodu ta' seba' xhur, u f'kull każ, matul il-perijodu mill-31 ta' Marzu sal-31 ta' Ottubru. Huwa jsostni li jekk matul dan il-perijodu, jiġi stabbilit permezz tat-telerilevament li porzjon tkun totalment jew parzjalment mgħarrqa, iż-żona mgħarrqa ma tkunx disponibbli bħala żona tal-mergħa.

    21     Il-College van Beroep voor het bedrijfsleven iqis li l-eżattezza ta' l-interpretazzjoni restrittiva tal-kliem "tkun disponibbli għat-trobbija tal-bhejjem ta’ l-ifrat, tan-nagħaġ u l-mogħoż" mhijiex daqstant evidenti li ma tistax tħalli dubju b'mod raġjonevoli.

    22     F'dawn iċ-ċirkustanzi, il-College van Beroep voor het bedrijfsleven iddeċieda li jissospendi l-proċeduri u li jressaq lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li jsegwu:

    "1)      L-Artikoli 12(2)(b) tar-Regolament (KE) Nru 1254/1999 u 2(1)(ċ) tar-Regolament (KEE) Nru 3887/92 għandhom jiġu interpretati fis-sens li porzjon iddikjarata bħala żona tal-mergħa ma tistax tikkwalifika bħala "disponibbli" jekk, f'mument partikolari matul il-perijodu rilevanti, l-imsemmija porzjon tkun mgħarrqa?

    2)      Fil-każ ta' risposta pożittiva għall-ewwel domanda, dawn id-dispożizzjonijiet għandhom effett restrittiv, b'mod partikolari fid-dawl tal-konsegwenzi tagħhom?

    3)      Fil-każ ta' risposta negattiva għall-ewwel domanda, fuq liema kriterji tista’ porzjon, iddikjarata bħala żona tal-mergħa li kienet mgħarrqa b'mod temporanju, tikkwalifika bħala "disponibbli" skond l-Artikolu 12(2)(b) tar-Regolament (KE) Nru 1254/1999 u 2(1)(ċ) tar-Regolament (KEE) Nru 3887/92?"

     Fuq id-domandi preliminari

     Fuq l-ewwel u t-tielet domandi

    23     Permezz ta' l-ewwel u t-tielet domandi tagħha, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk, u fil-każ ta' bżonn, taħt liema kundizzjonijiet porzjon, iddikjarata bħala żona tal-mergħa, li kienet mgħarrqa b'mod temporanju matul il-perijodu rilevanti, tistax tiġi kkwalifikata bħala "disponibbli" skond l-Artikolu 12(2)(b) tar-Regolament Nru 1254/1999 u 2(1)(ċ) tar-Regolament Nru 3887/92.

    24     Preliminarjament, għandu jingħad li dawn ir-Regolamenti ma jispeċifikawx x'għandu jinftiehem b'żona tal-mergħa "disponibbli".

    25     Skond ġurisprudenza kostanti, fl-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet tad-dritt Komunitarju, għandu jiġi kkunsidrat mhux biss il-kliem tagħhom, iżda wkoll il-kuntest u l-għanijiet imfittxija mil-liġi li minnha hija tifforma parti (ara, b'mod partikolari, is-sentenzi tat-13 ta' Novembru 2003, Granarolo, C-294/01, Ġabra. p. I-13429, punt 34, u tas-7 ta' Diċembru 2006, SGAE, C-306/05, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punt 34).

    26     L-Artikolu 12(2)(b) tar-Regolament Nru 1254/1999 jinkludi fih lista ta' żoni li huma esklużi miż-żona tal-mergħa, jiġifieri l-arja ta’ l-impriża disponibbli matul is-sena kalendarja għat-trobbija ta’ bhejjem ta’ l-ifrat u nagħaġ u/jew mogħoż. F'din il-lista, jidhru espressament iż-żoni li ma jagħtux kontribuzzjoni għar-riżorsi tal-mergħa ta' l-impriża, bħal ma huma l-bini, boskijiet, għadajjar, mogħdijiet, kif ukoll artijiet użati għall-produzzjonijiet oħra li huma eliġibbli għal għajnuna tal-Komunità, ħlief mergħat permanenti li għalihom jingħataw ħlasijiet taż-żona.

    27     Jirriżulta li żona tista tikkwalifika bħala żona tal-mergħa "disponibbli" skond id-dispożizzjoni msemmija, peress li tkun intiża b'mod esklużiv għall-alimentazzjoni tal-bhejjem.

    28     Din l-interpretazzjoni hija kkorroborata mill-għanijiet imfittxija mir-Regolament Nru 1254/1999. Fil-fatt, hekk kif jirriżulta mit-tlettax-il premessa tiegħu, wieħed mill-għanijiet ta' dan ir-Regolament huwa li jwaqqaf it-tendenzi ta’ intensifikazzjoni tal-produzzjoni taċ-ċanga u l-vitella, peress li l-produtturi li jrabbu jżommu numru dejjem ikbar ta' bhejjem ta' l-ifrat fl-impriża tagħhom mingħajr ma tiżdied iż-żona u, għaldaqstant, ma sservix għall-alimentazzjoni ta' dawn il-bhejjem.

    29     Sabiex jintlaħaq dan il-għan, l-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 1254/1999 jissuġġetta l-għotja ta' premju speċjali għad-densità tal-merħliet, stabbilita mill-Artikolu 12 ta' l-istess Regolament, li tfisser ir-relazzjoni bejn in-numru ta' bhejjem miżmuma fl-impriża u ż-żona tal-mergħa ta' din l-impriża ddedikata għall-alimentazzjoni tagħhom, li b'hekk tikkontrolla li ż-żona msemmija tkun suffiċjenti sabiex tiżgura l-bżonnijiet alimentari ta' dawn il-bhejjem. Konsegwentement, produttur li jixtieq jirċievi premju speċjali ma jistax jassenja ż-żona rilevanti għal skop ieħor għajr l-alimentazzjoni ta' l-imsemmija bhejjem.

    30     Isegwi li, kuntrarjament għal dak li jsostni l-Gvern Olandiż, il-fatt li żona kienet temporanjament mgħarrqa matul il-perijodu rilevanti ma' timpedixxix, bħala prinċipju, li tkun iddedikata b'mod esklużiv għall-alimentazzjoni ta' l-annimali li huma miżmuma fiha, u għaldaqstant tikkwalifika bħala żona tal-mergħa "disponibbli" skond l-Artikolu 12(2)(b) tar-Regolament Nru 1254/1999. Barra minn hekk, f'dan ir-rigward għandu jiġi nnotat li din l-aħħar dispożizzjoni ma tniżżilx fil-lista tagħha ż-żoni mgħarrqa jew li jkunu mgħarrqa b'mod temporanju, bħall-artijiet barra mid-diga, filwaqt li, bil-kontra, dan jinkludi ż-żoni li fuqhom il-preżenza ta' ilma hija permanenti, bħall-għadajjar.

    31     Barra minn hekk, l-Artikolu 2(1)(ċ) tar-Regolament Nru 3887/92 jgħid li "kull żona tal-mergħa għandha tkun disponibbli għall-annimali li qegħdin jitkabbru għal perijodu minimu ta' seba' xhur, li jibda’ f'data li għad trid tiġi ddeterminata mill-Istat Membru, li għandha tkun bejn l-1 ta' Jannar u l-31 ta' Marzu".

    32     Minn din id-dispożizzjoni, moqrija flimkien ma' l-Artikolu 12 tar-Regolament 1254/1999, li jistabbilixxi d-densità tal-merħla bil-għan li, kif ġie mfakkar fil-punt 29 ta' din is-sentenza, ma jingħatax premju ħlief fil-konfront tal-bhejjem miżmuma minn impriża f'żona li tikkontribwixxi b'mod suffiċjenti għall-għalf tagħhom, jirriżulta li żona tal-mergħa tista' tikkwalifika bħala "disponibbli" jekk tkun tista’ effettivament tiġi użata għall-alimentazzjoni tal-bhejjem miżmuma mill-impriża kkonċernata matul perijodu minimu ta' seba' xhur matul is-sena kalendarja, li jibda f'data li trid tiġi stabbilita mil-liġi nazzjonali, li għandha tkun bejn l-1 ta' Jannar u l-31 ta' Marzu.

    33     Id-determinazzjoni ta' dan il-perijodu minimu ta' seba' xhur ma jimplikax, bil-kontra ta’ dak sostnut mill-Gvern Olandiż, li l-imsemmija żona tal-mergħa għandha tkun okkupata mill-bhejjem b'mod mhux interrott sabiex titqies li hija "disponibbli".

    34     Fil-fatt, hekk kif qal l-Avukat Ġenerali fil-punt 51 tal-Konklużjonijiet tiegħu, peress li l-kundizzjoni tal-perijodu minimu ta' seba' xhur matul is-sena kalendarja ġiet sodisfatta, nuqqas ta' okkupazzjoni temporanja taż-żona in kwistjoni minħabba raġunijiet bħal għarar ta' perijodu qasir taż-żona kkonċernata ma jaffettwax id-destinazzjoni esklużiva ta' din ta' l-aħħar għall-alimentazzjoni tal-bhejjem li huma miżmuma fiha. Bl-istess mod, kif ġustament tgħid Schouten, għarar parzjali taż-żoni għal ftit jiem matul il-perijodu ta' riferiment mhux neċessarjament jaffettwa l-iskop intiż tagħhom bħala żona tal-mergħa.

    35     Bl-istess mod, għandu jingħad li l-kliem tad-dispożizzjonijiet in kwistjoni fil-kawża prinċipali bl-ebda mod ma jsemmu li ż-żona tal-mergħa għandha tkun okkupata mill-bhejjem b'mod mhux interrott matul il-perijodu rilevanti. Hu preċiżament ir-riskju ta' l-eventwalità ta' kapriċċi tat-temp, bħall-għarar, is-silġ jew il-borra, li jagħmlu ż-żoni mhux aċċessibbli b'mod temporanju, li seta’ jwassal lil-leġiżlatur Komunitarju li ma jeżiġix perijodu ta' okkupazzjoni mhux interrott.

    36     F'dan il-każ, huwa stabbilit li ż-żoni in kwistjoni kienu mgħarrqa matul ftit jiem. Għarar temporanju bħal dan li wassal għan-nuqqas ta' okkupazzjoni taż-żoni msemmija, bħala prinċipju ma jimpedixxix li tiġi sodisfatta l-kundizzjoni taż-żmien mitluba mill-Artikolu 2(1)(ċ) tar-Regolament Nru 3887/92.

    37     F'dan ir-rigward, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika li, minkejja dan in-nuqqas ta' okkupazzjoni taż-żoni in kwistjoni fil-kawża prinċipali, dawn ta' l-aħħar setgħu effettivament jiġu użati għall-alimentazzjoni tal-bhejjem f’perijodu minimu ta' seba' xhur matul is-sena kalendarja, li jibda jiddekorri mid-data stabbilita mil-liġi nazzjonali, li għandha tkun bejn l-1 ta' Jannar u l-31 ta' Marzu.

    38     Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha ta’ qabel, ir-risposta li għandha tingħata għall-ewwel u t-tielet domandi hi li l-Artikoli 12(2)(b) tar-Regolament Nru 1254/1999 u 2(1)(ċ) tar-Regolament Nru 3887/92 għandhom jiġu interpretati fis-sens li porzjon iddikjarata bħala żona tal-mergħa, tista' tikkwalifika bħala "disponibbli" peress li, minn naħa waħda, din hi intiża b'mod esklużiv għall-alimentazzjoni tal-bhejjem li huma miżmuma fiha matul is-sena kalendarja kollha, u li, min-naħa l-oħra, din setgħet tiġi użata b'mod effettiv għall-alimentazzjoni tagħhom f’perijodu minimu ta' seba' xhur matul din l-istess sena, liema żmien jiddekorri mid-data stabbilita mil-liġi nazzjonali, li għandha tkun bejn l-1 ta' Jannar u l-31 ta' Marzu, anki meta l-imsemmija porzjon ma tkunx okkupata minn dawn il-bhejjem b'mod mhux interrott, b'mod partikolari minħabba għarar temporanju.

     Fuq it-tieni domanda

    39     Fid-dawl tar-risposta għall-ewwel u t-tielet domandi, m’għadx hemm lok li tingħata risposta għat-tieni domanda.

     Fuq l-ispejjeż

    40     Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta' kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni ta' l-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk ta' l-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

    Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja, (It-Tieni Awla) taqta' u tiddeċiedi:

    L-Artikoli 12(2)(b) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1254/1999, tas-17 ta' Mejju 1999, dwar l-organizzazzjoni tas-suq taċ-ċanga u l-vitella u 2(1)(ċ) tar-Regolament tal-Kummissjoni (KEE) Nru 3887/92 tat-23 ta' Diċembru 1992, li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni ta' amministrazzjoni integrata u s-sistema ta' kontroll għal ċerti skemi ta' għajnuna tal-Komunità, għandhom jiġu interpretati fis-sens li porzjon iddikjarata bħala żona tal-mergħa, tista’ tikkwalifika bħala "disponibbli" peress li, minn naħa waħda, din hi intiża b'mod esklużiv għall-alimentazzjoni tal-bhejjem li huma miżmuma fiha matul is-sena kalendarja kollha, u li, min-naħa l-oħra, din tkun tista’ tiġi użata b'mod effettiv għall-alimentazzjoni tagħhom f’perijodu minimu ta' seba' xhur matul din l-istess sena, liema żmien jiddekorri mid-data stabbilita mil-liġi nazzjonali, li għandha tkun bejn l-1 ta' Jannar u l-31 ta' Marzu, anki meta l-imsemmija porzjon ma tkunx okkupata minn dawn il-bhejjem b'mod mhux interrott, b'mod partikolari minħabba għarar temporanju.

    Firem


    * Lingwa tal-kawża: l-Olandiż.

    Top