EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62005CJ0028

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (it-Tielet Awla) tal-15 ta' Ġunju 2006.
G. J. Dokter, Maatschap Van den Top u W. Boekhout vs Minister van Landbouw, Natuur en Voedselkwaliteit.
Talba għal deċiżjoni preliminari: College van Beroep voor het bedrijfsleven - l-Olanda.
Agrikoltura - Kontroll tal-marda ta' l-ilsien u d-dwiefer - Direttiva 85/511/KEE - Direttiva 90/425/KEE - Analiżijiet biex jikkonstataw il-marda ta' l-ilsien u d-dwiefer mwettqa minn laboratorju mhux imsemmi fl-Anness tad-Direttiva Nru 85/511/KEE - Marġni ta' diskrezzjoni ta' l-awtoritajiet nazzjonali - Prinċipju ta' proporzjonalità - Prinċipju ta' rispett tad-drittijiet tad-difiża.
Kawża C-28/05.

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2006:408

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla)

15 ta' Ġunju 2006 (*)

"Agrikoltura – Kontroll tal-marda ta' l-ilsien u d-dwiefer – Direttiva 85/511/KEE – Direttiva 90/425/KEE – Analiżijiet biex jikkonstataw il-marda ta' l-ilsien u d-dwiefer mwettqa minn laboratorju mhux imsemmi fl-Anness tad-Direttiva Nru 85/511/KEE – Marġni ta' diskrezzjoni ta' l-awtoritajiet nazzjonali – Prinċipju ta' proporzjonalità – Prinċipju ta' rispett tad-drittijiet tad-difiża"

Fil-kawża C-28/05

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skond l-Artikolu 234 KE, imressqa mill-College van Beroep voor het bedrijfsleven (L-Olanda), permezz ta' deċiżjoni tat-18 ta' Jannar 2005, li waslet il-Qorti tal-Ġustizzja fit-28 ta' Jannar 2005, fil-proċedura

G. J. Dokter,

Maatschap Van den Top,

W. Boekhout

vs

Minister van Landbouw, Natuur en Voedselkwaliteit,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla),

komposta minn A. Rosas, President ta' l-Awla, J. Malenovský (Relatur), A. Borg Barthet, U. Lõhmus u A. Ó Caoimh, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: M. Poiares Maduro,

Reġistratur: M. Ferreira, Amministratur Prinċipali,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat-8 ta' Diċembru 2005,

wara li kkunsidrat in-noti ta' osservazzjonijiet ippreżentati:

–       għal G. J. Dokter, minn N. W. A. Tollenaar, advocaat,

–       għall-Gvern Olandiż, minn H. Sevenster u C. ten Dam, bħala aġenti,

–       għall-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, minn T. van Rijn, F. Erlbacher u l-Kunsill M. van Heezik, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet ta' l-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tad-19 ta' Jannar 2006,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1       It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tad-Direttiva tal-Kunsill 85/511/KEE tat-18 ta' Novembru 1985, li tintroduċi miżuri tal-Komunità għall-kontroll tal-marda ta' l-ilsien u d-dwiefer (ĠU 1985 L 315, p. 11), kif emendata mid-Direttiva tal-Kunsill 90/423/KEE, tas-26 ta' Ġunju 1990 (ĠU L 224, p. 13, aktar 'il quddiem id-"Direttiva 85/511").

2       Din it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest ta' kawża bejn G. J. Dokter, Maatschap Van den Top u W. Boekhout (aktar 'il quddiem ir-"rikorrenti fil-kawża prinċipali") u l-Minister van Landbouw, Natuur en Voedselkwaliteit dwar il-qatla ta' annimali li huma tar-rikorrenti fil-kawża prinċipali.

 Il-Kuntest Ġuridiku

3       Skond l-Artikolu 2, tieni paragrafu, (c) sa (e), tad-Direttiva 85/511, :

"(ċ) "annimal infettat" ifisser kull annimal ta' speċi suxxettibbli:

–       li fih ġew aċċertati sintomi kliniċi jew feriti ta' wara l-awtopsja li jistgħu joħorġu mill-marda ta' l-ilsien u d-dwiefer,

         jew

–       li fihom ġiet aċċertata uffiċjalment il-preżenza tal-marda ta' l-ilsien u d-dwiefer wara eżami tal-laboratorju;

(d) "annimal suspettat li huwa infettat" ifisser kull annimal ta' speċi suxxettibbli li juri sintomi kliniċi jew feriti ta' wara l-awtopsja li huma tali li l-preżenza tal-marda ta' l-ilsien u tad-dwiefer tista' tkun suspettata raġonevolment;

(e) "annimal suspettat li huwa mniġġes" ifisser kull annimal ta' speċi suxxettibbli li jista' - skond l-informazzjoni epiżotoloġika miġbura - li kien direttament jew indirettament espost għall-virus ta' l-ilsien u tad-dwiefer".

4       Skond l-Artikolu 4(1) ta' din id-Direttiva:

"L-Istati Membri għandhom jassiguraw li, meta razzett ikollu fih annimal wieħed jew iktar suspettati li huma infettati jew li huma mniġġsa bil-marda ta' l-ilsien u tad-dwiefer, mezzi uffiċjali ta' investigazzjoni biex tiġi konfermata jew eskluża l-preżenza tal-marda huma mħarrka minnufih u, b'mod partikolari, li l-veterinarju uffiċjali jieħu l-kampjuni meħtieġa, jew jara li jittieħdu, għal eżami fil-laboratorju.

[…]"

5       Skond l-Artikolu 5 ta' l-istess Direttiva, "Malli tiġi kkonfermata li annimal wieħed jew iktar imfissra fl-Artikolu 2(ċ) huma f'razzett", l-awtorità kompetenti għandha tintroduċi l-miżuri previsti hemmekk, u b'mod partikolari li l-annimali kollha ta' speċi suxxettibbli fir-razzett ghadhom jinqatlu fil-post taħt superviżjoni uffiċjali b'dak il-mod sabiex jiġi evitat kull riskju ta' tixrid tal-virus ta' l-ilsien u tad-dwiefer.

6       L-Artikolu 11(1), ta' l-imsemmija Direttiva tiddisponi:

"L-Istati Membri għandhom jassiguraw li:

–       ittestjar fil-laboratorju għall-iskoperta tal-preżenza tal-marda ta' l-ilsien u tad-dwiefer jsir minn laboratorju nazzjonali indikat fl-Anness li jista' jiġi emendat jew miżjuda skond il-proċedura li hemm fl-Artikolu 17. Dan l-ittestjar fil-laboratorju għandu, jekk meħtieġ u speċjalment ma' l-ewwel dehra tal-marda, juri t-tip, subtip jew, meta xieraq, il-varjant tal-virus rilevanti li jista' jiġi kkonfermat, jekk meħtieġ, ikun laboratorju ta' riferenza nnominat mill-Komunità;

[…]"

7       Skond l-Artikolu 13(1) u (2) ta' l-istess Direttiva:

"L-Istati Membri għandhom jassiguraw li:

–       […]

–        il-manipulazzjoni tal-virus ta' l-ilsien u tad-dwiefer għal riċerka, dijanjosi u/jew fabrikazzjoni ta' vaċċini għandha titwettaq biss fi stabbilimenti approvati u laboratorji elenkati fl-Anness A u B,

–       […]

–       l-istabbilimenti u l-laboratorji msemmija fit-tieni inċiż għandhom jiġu approvati biss jekk jissodisfaw l-istandards minimi rakkomandati mill-FAO għal laboratorji li jaħdmu fuq viruses ta' l-ilsien u dwiefer invitro u invivo.

2. L-esperti veterinarji mill-Kummissjoni, b’kollaborazzjoni ma’ l-awtoritajiet kompetenti ta’ l-Istati Membri, għandhom iwettqu kontrolli fuq il-post biex jaċċertaw jekk is-sistemi ta’ sigurtà applikati fl-istabbilimenti u l-laboratorji msemmija fl-Anness A u B jikkonformaw ma l-istandards minimi tal-FAO.

Il-Kummissjoni għandha twettaq dawn l-ispezzjonijiet mill-inqas darba fis-sena, […]

[…]"

8       Fl-Anness B tad-Direttiva 85/511, intitolata "Laboratorji nazzjonali li għandhom x'jaqsmu mal-marda ta' l-ilsien u d-dwiefer", tissemma fit-taqsima "Olanda", is-"Centraal Diergeneeskundig Instituut, Lelystad".

9       L-aġġornament regolari tal-lista tal-laboratorji msemmija f'dan l-Anness isir, skond it-tieni inċiż ta' l-Artikolu 13(2) tad-Direttiva 85/11, skond proċedura ta' kumitat prevista fl-Artikolu 17 ta' din id-Direttiva. Fil-kuntest ta' din id-Direttiva, il-Kummissjoni tissottometti rapport inizjali ta' miżuri li għandhom jittieħdu lill-Kumitat Veterinarju Permanenti kompost minn rappreżentanti ta' l-Istati Membri u, jekk ikun il-każ, lill-Kunsill ta' l-Unjoni Ewropea.

10     Skond it-termini tat-tielet premessa tad-Direttiva 90/423:

" [fi] studju tal-Kummissjoni […] ġie konkluż li jeżiżti riskju fil-manipulazzjoni ta' virus fil-laboratorji minħabba il-possibbilità ta' tnixxija għall-annimali lokali suxxettibli u fl-użu tal-vaċċin jekk proċeduri ta' inattivazzjoni ma jassigurawx is-sigurtà tagħha".

11     L-Artikolu 10(1) tad-Direttiva tal-Kunsill 90/425/KEE tas-26 ta' Ġunju 1990 dwar l-iċċekkjar [il-verifiki] veterinarj[i] u zootekni[ċi] applikabbli għall-kummerċ intrakomunitarju ta’ ċertu annimali ħajjin u prodotti bil-ħsieb tat-tlestija [li jitwettaq i]s-suq intern (ĠU L 224, p.29) jgħid:

"Kull Stat Membru għandu minnufih jinnotifika l-Istati Membri l-oħra u l-Kummissjoni b’kull tifqiegħa fit-territorju tiegħu, b’żieda ma’ dan kull tifqiegħa tal-mard li għalih saret referenza fid-Direttiva [tal-Kunsill] 82/894/KEE [tal-21 ta' Diċembru 1982 dwar in-notifika tal-mard ta' l-annimali fil-Komunità (ĠU L 378, p58)], ta’ kull żonożi, marda jew kawża oħra li x’aktarx tikkostitwixxi kull perikolu serju għall-annimali u għas-saħħa umana.

L-Istat Membru tat-tluq għandu minnufih jimplimenta l-kontroll jew il-miżuri ta’ prekawzjoni li hemm provdut għalihom fir-regoli tal-Komunità, b’mod partikolari d-determinazzjoni taz-żoni ta’ lqugħ li hemm provdut f’dawk ir-regoli, jew jaddottaw kull miżura oħra li jidhrilha xierqa.

[…]"

12     Skond il-punt nru 4 tal-motivi tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2001/246/KE tas-27 ta' Marzu 2001 li tistabbilixxi l-kundizzjonijiet ta' kontroll u qerda tal-marda ta' l-ilsien u d-dwiefer fl-Olanda, b'applikazzjoni ta' l-Artikolu 13 tad-Direttiva 85/511/KEE (Test b'rilevanza ŻEE) (ĠU L 88, p.21):

"barra l-miżuri meħuda fil-kuntest tad-Direttiva 85/511/KEE, l-Olanda għandha tapplika, taħt titolu kawtelatorju, il-qatla preventiva ta' annimali suxxettibbli fl-irziezet viċini rziezet infettati jew suspettati, fid-dawl tas-sitwazzjoni epidemoloġika u d-densità għolja ta' annimali suxxettibbli f'ċerti partijiet tat-territorju."

13     Skond l-Artikolu 1 ta' l-istess Deċiżjoni:

"fis-sens ta' din id-Deċiżjoni, id-definizzjonijiet li ġejjin huma applikabbli:

1)       ‘Qatla preventiva’ tfisser il-qatla ta' annimali suxxettibbli fl-irziezet li jinsabu f'distanza ddefinita fejn irżieżet li huma suġġetti għar-restrizzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 4 jew 5 tad-Direttiva 85/511/CEE.

[…]

2)      ‘Tilqim soppressiv" tfisser it-tilqim b'urġenza fl-annimali ta' speċi f'ċerti irziezet li jinsabu f'żona ddefinita, jiġifieri ż-żona ta' tilqim; dan jiġi esklużivament ippratikat flimkien mal-qatla preventiva msemmija fil-paragrafu 1.

[…]"

14     Skond l-Artikolu 2(1), ta' l-imsemmija Deċiżjoni:

"Bla ħsara għad-Direttiva tal-Kunsill 85/511/KEE, u b'mod partikolari ta' l-Artikoli tiegħu 4, 5 u 9, l-Olanda tista' tiddeċiedi li tirrikorri għat-tilqim fil-kundizzjonijiet iddefinti fl-Anness."

15     Dan l-Anness jippreċiża b'mod partikolari li l-"perimteru ta' ġewwa li fiha t-tilqima soppressiva għanda tingħata" tikkorrispondi mal-perimteru taż-żona li tista' tkun distanza ta' żewġ kilometri madwar razzett sottomess għar-restrizzjonijiet iddefiniti fl-Artikoli 4 jew 5 tad-Direttiva 85/511. Wara, iż-żona ta' tilqim għandha titqiegħed fil-partijiet tat-territorju tal-Pajjiżi Baxxi li tidher fl-Anness tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2001/223/KE: tal-21 ta' Marzu 2001 dwar ċerti miżuri protettivi għall-kontroll ta' l-ilsien u d-dwiefer fl-Olanda (ĠU 2001 L 82, p. 29), jiġifieri fil-provinċji ta' Gelderland, ta' Overijsel, ta' Flevoland u ta' Noord-Brabant.

 Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

16     Peress li l-amministrazzjoni Olandiża kienet ġiet mgħarrfa b'suspett tal-marda ta' l-ilsien u d-dwiefer fir-razzett Teunissen, li tinstab inqas minn żewġ kilometri mir-razzett tar-rikorrenti fil-kawża prinċipali, grupp ta' speċjalisti tar-Rijksdienst voor de keuring van Vee en Vlees (id-dipartiment nazzjonali ta' stħarriġ ta' frat u tal-laħam, aktar 'il quddiem ir-"RVV") wettaq spezzjoni fl-20 u 22 ta' Marzu 2001 f'dan ir-razzett, li matulha ttieħdu numru ta' kampjuni li ntbagħtu għall-analiżi lil-laboratorju ID-Lelystad BV (aktar 'il quddiem "ID‑Lelystad"). L-imsemmi grupp wettaq ukoll analiżijiet kliniċi, il-qatla ta' erbatax-il annimal, u, fis-27 ta' Marzu 2001, l-evakwazzjoni ta' dan ir-razzett.

17     Fit-28 ta' Marzu 2001, ID-Lelystad indirizzat faks lir-RVV li biha ħabbritilha li l-kampjuni meħuda mir-razzett Teunissen kienu rriżultaw pożittivi.

18     B'konsegwenza, id-direttur tar-RVV iddikjara r-razzett Teunissen kkontaminat u, b'deċiżjonijiet tad-29 ta' Marzu 2001, informa lir-rikorrenti fil-kawża prinċipali, li l-annimali bid-difer maqsum li kienu jinsabu fl-irziezet tagħhom kienu kkunsidrati ssuspettati li huma mniġġsa għaliex kien ġie kkonstatat każ wieħed tal-marda ta' l-ilsien u d-dwiefer fil-viċin. Wara dawn id-deċiżjonijiet, li kontra tagħhom kien sar appell għall-miżuri provviżorji mill-istess rikorrenti kien ġie miċħud, ittieħdu miżuri sabiex jikkontrollaw il-virus fl-irziezet tagħhom, jiġifieri, l-ewwel nett, it-tliqim ta' l-annimali u, it-tieni nett, il-qatla tagħhom.

19     Ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali ressqu lmenti kontra l-imsemmija deċiżjonijiet lid-Direttur tar-RVV li ċaħadhom. Huma wkoll marru l-qorti tar-rinviju b'appell kontra d-deċiżjonijiet ta' ċaħda.

20     L-ewwel nett huma sostnew li d-direttur tar-RVV ma setax jibbaża d-deċiżjonijiet tad-29 ta' Marzu 2001 biss fuq il-kontenut tal-faks mibgħuta minn ID-Lelystad li ħabbret ir-riżultati ta' l-analiżijiet tal-laboratorju. Fil-fatt, hija kellha titlob lura l-inkartament mil-laboratorju, tistudjah u tivverfika jekk dan il-laboratorju wettaqx l-analiżijiet sew. Sussegwentement, huma sostnew li peress li bbaża d-deċiżjonijiet tad-29 ta' Marzu 2001 fuq l-analiżi mwettqa minn ID-Lelystad, dan id-Direttur kien kiser id-Direttiva 85/511, peress li ID-Lelystad mhijiex imsemmija fl-Anness B ta' din id-Direttiva u għaldaqstant mhijiex laboratorju fis-sens ta' l-ewwel inċiż ta' l-Artikolu 11(1) u t-tieni inċiż ta' l-Artikolu 13(1) ta' l-istesss Direttiva. Fl-imsemmija Anness tidher il-Centraal Diergeneeskundig Instituut, Lelystadt (aktar 'il-quddiem il-"CDI"), li hija distinta mill-ID‑Lelystad għax l-isem u l-forma ġuridika huma differenti.

21     Id-direttur tar-RVV sostna, minn naħa tiegħu, li huwa kien marbut mar-riżultati tal-laboratorju u ma setax jivverifika jekk kinux eżatti. Ma kellu għalhekk l-ebda marġni ta' diskrezzjoni f'dak li jikkonċerna l-konstatazzjoni tal-marda ta' l-ilsien u d-dwiefer fir-razzett in kwistjoni. Għaldaqstant, huwa kien obbligat li jieħu l-miżuri ta' kontroll ta' din il-marda, li l-preżenza tal-virus tagħha kienet ġiet ikkonstatata mil-laboratorju. Huwa wkoll qies li għandu jintepreta l-Anness B tad-Direttiva 85/511 fis-sens li dan jinkludi wkoll ID-Lelystad. Fil-fatt, it-tibdil ta' CDI f'ID-Lelystad ma kinitx dovuta ħlief għal tibdil fil-forma ġuridika. Kien, mill-1995, l-istess laboratorju, stabbilit fl-istess indirizz, li għandu l-istess apparat u responsabbli ta' l-istess inkarigi.

22     F'dawn iċ-ċirkustanzi, il-College van Beroep voor het bedrijfsleven iddeċieda li jissospendi l-proċeduri u li jagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

"1)      L-obbligu fuq l-Istati Membri, b'applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet flimkien ta' l-ewwel inċiż ta' l-Artikoli 11(1), u t-tieni inċiż ta' l-Artikolu 13(1) tad-Direttiva 85/511[...], li jassiguraw li l-analiżi fil-laboratorju għall-konstatazzjoni tal-preżenza tal-marda ta' l-ilsien u d-dwiefer isir minn laboratorju nazzjonali indikat fl-Anness B ta' din id-Direttiva jista' jkollu effett dirett?

2)      a)     Hemm lok li l-Artikolu 11(1) tad-Direttiva 85/511 jiġi interpretat fis-sens li għandu jkun hemm konsegwenzi legali għall-fatt li l-preżenza tal-marda ta' l-ilsien u d-dwiefer tkun ġiet ikkonstatata minn laboratorju li mhux imsemmi fl-Annness B ta' din id-Direttiva?

         b)     Jekk it-tweġiba għad-domanda 2, a), hija pożittiva:

                  L-Artikolu 11 (1) tad-Direttiva 85/511 għandu bħala għan li jħares l-interessi tal-partijiet bħalma huma [r-rikorrenti fil-kawża prinċipali]? Jekk dan mhuwiex il-każ, dawn il-partijiet jistgħu jinvokaw il-ksur eventwali, mill-awtoritajiet ta' Stat Membri, ta' l-obbligi li jirriżultaw għalihom minn din id-dispożizzjoni?

         c)     Jekk jirriżulta mir-risposta tad-domanda 2, b), li l-partijiet jistgħu jinvokaw l-Artikolu 11(l) tad-Direttiva 85/511:

                  Liema konsegwenzi legali għandhom jiġu marbuta għall-konstatazzjoni tal-preżenza tal-marda ta' l-ilsien u d-dwiefer mwettqa minn laboratorju mhux imsemmi fl-Anness B ta' din id-Direttiva?

3)      Fir-rigward tad-dispożizzjonijiet ta' l-Artikoli 11 u 13 tad-Direttiva 85/511, l-Anness B tiegħu għandu jiġi interpretat fis-sens li l-isem "Centraal Diergeneeskundig Instituut, Lelystad" jista' jew għandu jinkludi l-ID-Lelystad BV?

4)      Jekk jirriżulta mir-risposti għad-domandi preċedenti li l-preżenza tal-marda ta' l-ilsien u d-dwiefer tista' tiġi kkonstatata minn laboratorju mhux imsemmi fl-Anness B tad-Direttiva 85/511, jew li dan l-Anness għandu jiġi interpretat fis-sens li l-isem 'Centraal Diergeneeskundig Instituut, Lelystad' jista' jew għandu jinkludi l-ID‑Lelystad BV:

         Id-Direttiva 85/511 għandha tiġi interpretata fis-sens li tiddisponi li l-organu amministrattiv nazzjonali li għandu kompetenza li jiddeċiedi huwa marbut bir-riżultati ta' l-analiżijiet li jkunu twettqu minn laboratorju msemmi fl-Anness B ta' din id-Direttiva jew, jekk jirriżulta mir-risposta tad-domanda 2 a), li dan l-organu amministrattiv jista' wkoll jibbaża l-miżuri ta' qerda tal-marda ta' l-ilsien u d-dwiefer fuq ir-riżultati miksuba minn laboratorju li mhux imnizżel fl-Anness B tad-Direttiva, mir-riżultati ta dan l-aħħar laboratorju, fejn id-deċiżjoni ta' l-awtorità tirriżulta mill-awtonomija proċedurali ta' l-Istat Membru b'tali mod li l-qorti li quddiemha tinsab il-kawża prinċipali għandha teżamina jekk ir-regoli rilevanti humiex applikabbli independentement mill-fatt li l-analiżijiet tal-laboratorju joħorġux minn obbligu ta' dritt Komunitarju jew nazzjonali, u jekk l-applikazzjoni tal-kuntest ġuridiku nazzjonali jirrendix l-applikazzjoni tar-regoli Komunitarji eċċessivament diffiċli jew prattikament impossibbli?

5)      Jekk jirriżulta mit-tweġiba għar-raba' domanda li d-Direttiva 85/511 tirregola l-miżura li fiha l-awtoritajiet nazzjonali huma marbuta bir-riżultat tal-laboratorju:

         L-awtoritajiet nazzjonali huma marbuta għal kollox bir-riżultati ta' analiżi ta' laboratorju intiżi li jindikaw il-preżenza tal-marda ta' l-ilsien u d-dwiefer? Jekk dan mhuwiex il-każ, liema marġni ta' diskrezzjoni tħallilhom id-Direttiva 85/511?"

 Fuq id-domandi preliminari

 Fuq l-ewwel, it-tieni u t-tielet domandi

23     B'dawn id-domandi li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju tfittex, fis-sustanza, li tkun taf, minn naħa, liema tibdil ta' dettalji ta' laboratorju msemmija fl-Anness B tad-Diretttiva 85/511, li ma sarux skond il-proċedura prevista mill-Artikolu 17 ta' din id-Direttiva, għandhom il-konsegwenza li dan il-laboratorju jitlef l-istatus ta' laboratorju msemmi f'dan l-Anness, u min-naħa l-oħra, jekk l-awtorità nazzjonali kompetenti tistax tibbaża miżuri għall-kontroll tal-marda ta' l-ilsien u d-dwiefer fuq ir-riżultat ta' analiżi mwettqa minn laboratorju li m'għandux dak l-istatus. Sussegwentement, il-qorti tar-rinviju ssaqsi jekk din id-direttiva tipprekludix li Stat Membru jieħu, fiċ-ċirkustanzi kif inhuma fil-kawża prinċipali, il-miżuri ta' kontroll tal-marda ta' l-ilsien u d-dwiefer abbażi ta' riżultati ta' laboratorju li mhux imsemmi fl-Anness, jekk il-partijiet jistgħu wara dan jużaw dan il-ksur ta' regoli tad-Direttiva 85/511 quddiem il-qorti nazzjonali u jekk dan il-ksur iwassalx għal konsegwenzi legali.

24     L-ewwelnett, għandu jiġi rrilevat li, fis-27 ta' Marzu 2001, u għalhekk jumejn qabel id-deċiżjonijiet nazzjonali kkontestati, il-Kummissjoni adottat id-Deċiżjoni 2001/246, ibbażata fuq l-Artikoli 10 tad-Direttiva 90/425, u 13(3) tad-Direttiva 85/511. B'din id-Deċiżjoni, il-Kummissjoni awtorizzat it-tilqim soppressiv u l-qatla preventiva ta' l-annimali, b'din ta' l-aħħar intiża, skond l-Artikolu 1 ta' l-imsemmija Deċiżjoni, għall-qatla ta' l-annimali suxxettibbli fl-irziezet li jinsabu f'distanza ddefinita madwar l-irziezet li qegħdin taħt ir-restrizzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 4 jew l-Artikolu 5 tad-Direttiva 85/511. Skond il-punt nru 4 tal-motivi ta' din id-Deċiżjoni, ir-Renju ta' l-Olanda kellha, barra l-miżuri meħuda fil-kuntest tad-Direttiva 85/511, tibda tapplika, bħala mezz kawtelatorju, il-qatla preventiva ta' l-annimali suxxettibbli fl-irzizet li qegħdin fil-qrib ħafna ta' l-irziezet li huma "infettati jew suspettati" (ara s-sentenza ta' l-10 ta' Marzu 2005, Tempelman et van Schaijk, C-96/03 et C-97/03, Ġabra p. I-1895, punti 37 u 38).

25     Bis-saħħa tad-Deċiżjoni 2001/246, moqrija flimkien ma' l-Artikoli 10 tad-Direttiva 90/425, kif ukoll 4 u 2(d) u (e) tad-Direttiva 85/511, l-awtoritajiet kompetenti Olanda huma awtorizzati jipproċedu, wara tilqim soppressiv, għall-qatla ta' l-annimali suxxettibbli fl-irziezet li jinsabu f'perimetru ta' żewġ kilometri madwar razzett jew li fih ikun hemm annimal suspettat li huwa infettat, jiġifieri annimal li għandu sintomi kliniċi jew feriti post mortem tali li jistgħu raġjonevolment joħolqu suspett tal-preżenza tal-marda ta' l-ilsien u d-dwiefer, jew annimal suspettat li huma kkontaminat, jiġifieri annimal li jista', wara l-informazzjoni epiżotoloġika miġbura, ikun ġie espost direttament jew indirettament għal kuntatt mal-virus tal-marda ta' l-ilsien u d-dwiefer.

26     Issa, id-Deċiżjoni 2001/246 titlob biss dik l-informazzjoni li għandha x'taqsam ma' r-razzett li fih jinsab annimal suspettat li huwa infettat jew ikkontaminat tistrieħ biss fuq ir-riżultati tal-laboratorji mniżżla fl-Anness B tad-Direttiva 85/511. B'hekk, iċ-ċirkustanza li din l-informazzjoni ġiet mogħtija minn laboratorju li m'għandux dan l-istatus hija mingħajr effett fuq il-konformità ta' dawn l-imsemmija miżuri mad-dritt Komunitarju.

27     Barra minn hekk, fil-punt 40 tas-sentenza Tempelman u van Schaijk, iċċitata aktar 'il fuq, il-Qorti tal-Ġustizzja kkonstatat li d-Direttiva 85/511 trid tiġi interpretata fis-sens li l-miżuri previsti ma jistgħux jiġu kkompletati b'miżuri Komunitarji jew nazzjonali adottati abbażi tad-Direttiva 90/425. Issa, id-Deċiżjoni 2001/246 tikkostitwixxi miżura Komunitarja bbażata b'mod partikolari fuq l-Artikolu 10 ta' din l-aħħar Direttiva.

28     Hija kompetenza tal-qorti tar-rinviju li tevalwa, fid-dawl tal-fatti mfakkra fil-punt 16 ta' din is-sentenza, jekk l-awtoritajiet nazzjonali ħadux il-miżuri nazzjonali fil-kawża prinċipali fil-kundizzjonijiet previsti fid-Deċiżjoni 2001/246. Jekk dan hu l-każ, jirriżulta minn dak li ntqal qabel li r-rikorrenti fil-kawża prinċipali ma jistgħux jinvokaw ksur ta' l-Artikoli 11(1), u 13(1), tad-Direttiva 85/511, u d-dritt Komunitarju ma jipprekludix b'hekk dawn il-miżuri.

29     Din għandha wkoll tivverifika jekk l-istess rikorrenti setgħux jibbażaw fuq dawn id-dispożizzjonijiet fil-każ li fiha d-deċiżjoni ta' l-awtoritajiet Olandiżi li ddikjarat li annimali bid-difer maqsum kienu jinstabu fl-irziezet huma ssuspettati li huma kkontaminati, għaliex każ wieħed tal-marda ta' l-ilsien u d-dwiefer kien ġie kkonstatat fir-razzett Teunissen, u li tordna l-qatla ta' dawn l-annimali kollha, ma tistax tiġi bbażata fuq id-Deċiżjoni 2001/246.

30     Skond l-ewwel inċiż ta' l-Artikolu 11(1), u t-tieni inċiż ta' l-Artikolu 13(1) tad-Direttiva 85/511, l-Istati Membri huma marbuta li jaraw li l-manipulazzjoni tal-virus tal-marda ta' l-ilsien u d-dwiefer għal għanijiet ta' analiżi ssir biss f'laboratorju miftiehem iskritt fil-lista li tidher fl-anness B ta' l-imsemmija Direttiva.

31     L-unika informazzjoni li dan l-Anness isemmi għall-identifikazzjoni ta' dawn il-labortorji huwa, bħala prinċipju, l-isem u l-belt tal-bażi tagħhom, jew, għal dak li għandu x'jaqsam ma' l-Olanda, "Centraal Diergeneeskundig Instituut" u "Lelystad". L-istess Direttiva, tipprovdi wkoll, bl-Artikolu 17 tagħha, proċedura waħda għat-tibdil ta' din l-informazzjoni.

32     Din il-proċedura, kif ukoll id-dispożizzjonijiet imsemmija aktar 'il fuq ta' l-Artikoli 11 u 13 isibu l-ġustifikazzjoni tagħhom, kif tippreċiża wkoll it-tielet premessa tad-Direttiva 90/423, fil-fatt li jeżisti riskju inerenti ta' manipulazzjoni tal-virus tal-marda ta' l-ilsien u d-dwiefer, peress li hemm il-possibbiltà ta' kontaminazzjoni ta' l-annimali tal-post li jkunu suxxettibbli. Din il-konklużjoni hija wkoll ikkonfermata bil-punt nru 1 tal-motivi tad-Deċiżjoni 2003/11/CE tal-Kummissjoni, ta' l-10 ta' Jannar 2003, li emendat id-Direttiva 85/511 (ĠU L 7, p. 82), li tgħid li "[l]Il-waqfien tat-tilqim ta’ rutina kontra l-vajrus [virus] tal-marda ta’ l-ilsien u d-dwiefer fil-Komunità fis-sena 1991 żied is-suxxettibbiltà tal-merħliet Komunitarju għal din il-marda. Huwa għalhekk essenzjali li jiġi żgurat li l-laboratorji li jimmaniġġaw il-vajrus jagħmlu dan taħt kondizzjonijiet fis-sigurtà, sabiex jevitaw it-tixrid tal-vajrus li jista’ jipperikola l-merħliet Komunitarji".

33     B'hekk, id-djanjosi tal-marda tista' għandha ssir minn laboratorji responsabbli, peress li huwa mifhum li l-kapaċità tagħhom għandha tiġi evalwata qabel ma jiġu mniżżla fl-Anness imsemmi u, jekk ikun il-każ, meta jitniżżel it-tibdil li jikkonċernahom.

34     Din l-eżiġenza tal-kitba tal-laboratorji għandha madankollu tiġi kkunsidrata fid-dawl ta' l-għan ewlieni tad-Direttiva 85/511, li huwa l-kontroll effettiv tal-marda ta' l-ilsien u d-dwiefer (ara s-sentenza Tempelman et van Schaijk, iċċitata aktar 'il fuq, punt 35), li timplika, b'mod partikolari, li l-miżuri għandhom jittieħdu meta tidher il-marda. F'dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li kapaċità ta' kontroll bħal dan teżiġi li l-awtoritajiet pubbliċi jkollhom, fi żmien utli, b'mod partikolari, il-possibbiltà li jistabbilixxu djanjosi biex ikunu jafu li teżisti l-marda.

35     Issa, jekk in-nuqqas ta' iskrizzjoni fl-Anness B tad-Direttiva 85/511 ta' emendi dwar laboratorju msemmi fl-imsemmi Anness dejjem kellu l-konsegwenza li dan jitlef l-istatus ta' laboratorju iskritt, l-awtoritajiet nazzjonali jkunu marbuta, minħabba l-imsemmija Artikoli 11 u 13, li ma jagħmlux aktar l-analiżi b'dan il-laboratorju sakemm l-emenda in kwistjoni tiġi iskritta. Din l-eżiġenza twassal għal formaliżmu li jista' jwaqqaf dawn l-awtoritajiet li jkollhom, viċin tagħhom, laboratorju sabiex ikunu jistgħu jindividwaw fi żmien qasir il-virus, ħaġa li tmur kontra l-għan ta' ġlieda kontra l-marda ta' l-ilsien u d-dwiefer.

36     Barra minn hekk, l-eżiġenza ta' l-iskrizzjoni ta' l-imsemmija emendi m'għandhiex tiġi aktar estiża aktar minn neċessarju sabiex jiġi protetti l-interessi li hija intiża biex tiggarantixxi, jiġifieri l-prevenzjoni ta' riskju ta' tixrid tal-virus meta jiġi analizzat fil-laboratorju.

37     Għandu għalhekk jiġi evalwat f'kull każ in kwistjoni jekk it-tibdil li saru jistgħux ikollhom effetti tali fuq is-sigurtà tal-laboratorju kkonċernat li jgħolli r-riskju ta' annimali lokali li jkunu suxxettibli. Jekk dan mhux il-każ, il-laboratorju kkonċernat ma jitlifx, minkejja l-emendi tad-dettalji tiegħu, l-istatus laboratorju iskritt fl-Anness B tad-Direttiva 85/511.

38     Dan jgħodd ukoll, b'mod partikolari, meta t-tibdil ta' l-isem tiegħu jew tal-forma ġuridika ta' l-imsemmi laboratorju jkollu biss natura purament formali u meta ma jkunx hemm effett fuq is-sigurtà u l-kapaċità tiegħu, b'mod partikolari meta l-impjegati, il-post u l-apparat tiegħu jibqgħu essenzjalment l-istess.

39     F'dan ir-rigward, kuntrarjament għal dak li sostnew ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali, ftit jimporta li, bis-saħħa tar-Regolamenti nazzjonali, li l-laboratorju jkun entità ġuridikament distinta minn dak li hemm imniżżel fil-lista ta' l-Anness B, minħabba t-tibdil li jkun sarlu.

40     F'dan il-każ, huwa aċċettat li l-ID-Lelystad ġiet maħluqa minn CDI wara sensiela ta' amalgamazzjonijiet u ta' suċċessjonijiet. Ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali jaffermaw li l-ID-Lelystad ma tistax tiġi assimilata ma' CDI għall-finijiet ta' l-applikazzjoni tad-Direttiva 85/511, b'mod partikolari għar-raġunijiet li tirrigwarda żewġ suġġetti ta' dritt distinti li m'għandhomx l-istess forma ġuridika, li CDI kienet marbuta, bil-kontra ta' ID‑Lelystad, li tagħmel pubbliċi d-dokumenti interni dwar il-kawżi ttrattati u li, b'differenza minn ID-Lelystad, CDI taqa' taħt ir-responsabbiltà tal-ministru kompetenti.

41     Anki jekk hija kompetenza tal-qorti nazzjonali, fil-kuntest ta' rinviju preliminari, li tevalwa, fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet fil-punti 30 sa 39 ta' din is-sentenza, jekk, minkejja tali emendi, ID-Lelystad għandhiex tiġi kkunsidrata bħala laboratorju msemmi fl-Artikoli 1(1) u 13(1) tad-Direttiva 85/511, il-Qorti tal-Ġustizzja, imsejħa sabiex tagħti lill-qorti nazzjonali t-tweġibiet utli, hija kompetenti li tagħti indikazzjonijiet meħuda mill-proċess tal-kawża prinċipali kif ukoll mill-osservazzjonijiet bil-miktub u dawk orali li ġew sottomessi lilha, tali li jippermettu lill-qorti nazzjonali li tiddeċiedi (ara, f'dan is-sens, is-sentenzi tas-7 ta' Marzu 1996, Freers u Speckmann, C-278/93, Ġabra p. I-1165, punt 24, u tal-11 ta' Settembru 2003, Steinicke, C-77/02, Ġabra p. I-9027, punt 59).

42     F'dan ir-rigward huwa ta' kompetenza tal-qorti tar-rinviju li tikkunsidra wkoll l-attitudni tal-Kummissjoni, peress li din ta' l-aħħar hija kompetenti, skond l-Artikolu 13(2) tad-Direttiva 85/511, li twettaq kontrolli perjodiċi sabiex tivverfika s-sistemi ta' sigurtà applikati fil-laboratorji msemmija fl-imsemmi Anness B u hija għandha, ukoll, responsabbiltà partikolari fil-kuntest tal-proċedura prevista fl-Artikolu 17 ta' din id-Direttiva, li hija intiża preċiżament li tevalwa l-kapaċità tal-laboratorju għall-finijiet ta' l-applikazzjoni ta' l-istess Direttiva.

43     Issa, il-Kummissjoni, kemm fl-osservazzjonijiet bil-miktub kif ukoll fis-seduta, iddikjarat li hija ma kellhiex dubji dwar l-identità tal-laboratorju ID-Lelystad u li hija dejjem ikkunsidrat it-bidliet li saru bejn CDI u ID-Lelysta kienu biss formali.

44     Barra minn hekk, għandu jiġi kkonstatat, fiċ-ċirkustanzi tal-kwistjoni fil-kawża prinċipali, li l-fatt biss li, wara l-amalgamazzjonijiet jew suċċessjonijiet ta' l-entità inizjali, din saret, mil-lat ġuridiku, entità distinta, ma jfissirx li l-laboratorju għandu minn issa 'l quddiem livell anqas ta' sigurtà fir-rigward tar-riskju tat-tixrid tal-marda.

45     Bl-istess mod, għandu jiġi rrilevat li ma teżisti ebda rabta bejn ir-riskju tat-tixrid tal-virus u l-obbligu ta' laboratorju li jagħmel pubbliċi d-dokumenti interni konnessi mal-kawżi trattati.

46     Minn-naħa l-oħra, rigward iċ-ċirkustanza li l-laboratarju m'għadux taħt ir-responsabbiltà ta' l-awtoritajiet pubbliċi, li mhuwiex marbut isegwi l-istruzzjonijiet tagħhom u li ma jistax jiġi marbut jirrispetta l-obbligi li jirriżultaw mid-Direttiva 85/511, il-Qorti tal-Ġustizzja ma tistax a priori teskludi konsegwenzi ta' din il-bidla fuq is-sigurtà fir-rigward tar-riskju ta' tixrid tal-virus, u għalhekk, it-telfa eventwali ta' l-istatus ta' laboratorju iskritt fl-Anness B ta' din id-Direttiva. Hija ta' kompetenza tal-qorti nazzjonali li tevalwa, fid-dawl tal-fatt ta' din il-kawża, jekk dawn it-tibdiliet għandhomx effetti fuq is-sigurtà tal-laboratorju in kwistjoni fil-kawża prinċipali.

47     Fil-każ li jiġi konkluż, fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, li ID-Lelystad tilfet l-istatus ta' laboratorju iskritt fl-Anness B tad-Direttiva 85/511, il-qorti tar-rinviju staqsiet ukoll jekk din id-Direttiva tipprekludix li Stat Membru jieħu, fiċ-ċirkustanzi tal-kawża prinċipali, il-miżuri għall-kontroll ta' l-ilsien u d-dwiefer abbażi ta' riżultati ta' laboratorju li mhuwiex iskritt fl-imsemmi Anness, jekk il-partijiet jistgħux wara dan jinvokaw dan il-ksur tar-regoli tad-Direttiva 85/511 quddiem il-qorti nazzjonali, u jekk dan il-ksur iwassalx għal konsegwenzi legali.

48     Fil-kuntest tal-kawża prinċipali, għandu jitfakkar li l-Istati Membri jistgħu, abbażi ta' l-Artikolu 10(1) tad-Direttiva 90/425, jadottaw miżuri ta' kontroll kontra l-marda ta' l-ilsien u d-dwiefer komplementari għal dawk previsti mid-Direttiva 85/511 u, b'mod partikolari, bħal dan il-każ, joqtlu l-annimali ta' razzett viċin jew li jinsabu f'distanza ddefinita madwar ir-razzett li għandu annimali infettati (sentenza Tempelman et van Schaijk, iċċitata aktar 'il fuq, punt 52).

49     Madankollu, dawn l-Istati ma jistgħux jadottaw l-imsemmija miżuri jekk mhux fir-rispett tad-dritt Komunitarju u huwa kompetenza tagħhom li jirrispettaw l-għanijiet imsemmija fid-dritt Komunitarju fis-seħħ, b'mod partikolari dawk imsemmija fid-Direttiva 85/511 (ara, f'dan is-sens, is-sentenza Tempelman u van Schaijk, iċċitata aktar 'il fuq, punt 31).

50     Rigward din l-aħħar Direttiva, għandu jiġi rrilevat, l-ewwel nett li, skond l-Artikolu 5 tiegħu, moqri mat-tieni inċiż c) ta' l-Artikolu 2 tiegħu, huwa ta' kompetenza tal-qrati nazzjonali li jieħdu l-miżuri msemmija f'din id-dispożizzjoni, – u b'mod partikolari li toqtol l-annimali ta' l-ispeċi suxxettibbli, – f'kull razzett li fihom tiġi kkonfermata l-preżenza ta' annimal wieħed jew aktar ta' l-ispeċi suxxettibbli li jkollhom:

–       sintomi kliniċi jew feriti post mortem li jistgħu jirreferu għall-marda ta' l-ilsien u d-dwiefer li ġew ikkonstatati jew

–       il-preżenza tal-marda ta' l-ilsien u d-dwiefer li tkun ġiet uffiċjalment ikkonstatata wara analiżi ta' laboratorju.

51     Fid-dawl ta' l-għan ta' kontroll effikaċi kontra l-marda ta' l-ilsien u d-dwiefer, dawn l-għanijiet ta' djanjosi għandhom jiġu interpretati b'mod wiesgħa.

52     Issa, l-imsemmi tieni inċiż ta' l-Artikolu 2 c) juża t-terminu "laboratorju" mingħajr ebda preċiżjoni u l-isem tiegħu għaldaqstant jindika biss il-miżuri li jistgħu jittieħdu abbażi tal-laboratorji iskritti fil-lista fl-Anness B tad-Direttiva 85/511.

53     Barra minn hekk, l-istess dispożizzjoni li għandhom jittieħdu miżuri ta' kontroll kontra din il-marda wkoll meta sintomi kliniċi jew feriti post mortem "jistgħu" jirreferu għall-marda ta' l-ilsien u d-dwiefer tkun ġiet ikkonstatata fuq annimal. Madankollu, konklużjoni dwar il-preżenza ta' virus ibbażat fuq dan il-metodu jidher, bid-definizzjioni tiegħu, li għandu qawwa anqas probanti minn analiżi f'laboratorju, u dan anki jekk dan mhuwiex irrikonuxxut mill-Kummissjoni fil-kuntest tal-proċedura ta' l-Artikolu 17 tad-Direttiva 85/511, bħal dak il-laboratorju awtorizzat li jimmanipula l-virus.

54     Isegwi li, jekk l-awtoritajiet kompetenti għandhom il-poter, skond l-Artikolu 10(1) tad-Direttiva 90/425, li jieħdu miżuri komplementari kontra l-marda ta' l-ilsien u d-dwiefer għal dawk previsti mid-Direttiva 85/511, din in-natura komplementari timplika li l-imsemmija awtoritajiet jistgħu jieħdu miżuri analogi għal dawk previsti mill-Artikolu 5 tad-Direttiva 85/511, abbażi ta' l-istess riżultat ta' laboratorju li mhux imsemmi fl-Anness B tad-Direttiva 85/511.

55     Fl-aħħar nett, għandu jiġi rrilevat li, kuntrarjament għal dak li jippretendu r-rikorrenti fil-kawża prinċipali, id-dispożizzjonijiet ta' l-ewwel inċiż ta' l-Artikoli 11(1) u t-tieni inċiż ta' l-Artikolu 13(1) tad-Direttiva 85/511 m'humiex tax-xorta li jwaqqgħu din il-konklużjoni.

56     Fil-fatt, għandu jiġi mfakkar li dawn id-dispożizzjonijiet jimponu fuq l-Istati Membri l-obbligu li jirrikorru, għal djanjosi, għand il-laboratorji elenkati fl-imsemmi Anness B għar-raġuni li l-manipulazzjoni tal-virus fil-laboratorji l-oħrajn jippreżenta riskju ta' tixrid tal-virus.

57     Issa, huwa indipendenti minn dan l-obbligu dak li ma jintużax, sabiex jittieħdu l-miżuri għal kontroll tal-marda ta' l-ilsien u d-dwiefer, riżultat ta' laboratorju li kien qabel mgħammar mingħajr rikonoxximent ta' dan l-ewwel obbligu, u għalhekk b'riskju ta' tixrid tal-virus mil-laboratorju mhux iskritt fl-imsemmi Anness. U jekk l-awtoritajiet kompetenti jistgħu jiksru d-Direttiva 85/511 billi ma jħarsux dan l-ewwel obbligu, dan il-ksur ma jpoġġix fid-dubju l-kunsiderazzjonijiet msemmija fil-punti 50 sa 54 ta' din is-sentenza, sabiex bihom l-Istati Membri jkunu jistgħu jirrikorru għand laboratorju li mhux iskritt fl-imsemmi Anness sabiex jieħdu l-imsemmija miżuri.

58     F'dawn iċ-ċirkustanzi, mhemmx għalfejn li wieħed jistaqsi jekk il-partijiet jistgħux jinvokaw quddiem il-qorti tar-rinviju, fiċ-ċirkustanzi bħal dawk in kwistjoni fil-kawża prinċipali, ksur tad-Direttiva 85/511 li jirriżulta mill-użu mill-awtorijiet pubbliċi ta' riżultat ta' laboratorju mhux iskritt fl-imsemmi Anness, u jekk dan il-ksur għandux konsegwenzi legali.

59     Fid-dawl ta' dak li ntqal qabel, għandhom jiġi mwieġba l-ewwel, it-tieni u t-tielet domandi li d-Direttiva 85/511 għandha tiġi interpretata fis-sens li l-emendi ta' dettalji ta' laboratorju msemmi fl-Anness B tiegħu, li ma ġiex iskritt skond il-proċedura prevista fl-Artikolu 17 ta' din id-Direttiva, għandu l-konsegwenza li dan il-laboratorju ma jitlifx l-istatus ta' laboratorju msemmi f'dan l-Anness għalkemm dawn it-tibdiliet ikollhom effetti fuq is-sigurtà tal-laboratorju f'dak li jikkonċerna t-tixrid tal-virus tal-marda ta' l-ilsien u d-dwiefer waqt l-analiżijiet magħmula minn dan u għalkemm dan iżid ukoll ir-riskju ta' kontaminazzjoni ta' annimali tal-post li huma suxxettibbli. Barra dan, id-Direttiva 85/511 ma tipprekludix li Stat Membru jieħu l-miżuri għal kontroll tal-marda ta' l-ilsien u d-dwiefer previst mill-Artikoli 10(1), tad-Direttiva 90/425 abbażi tar-riżultat ta' analiżi mwettqa minn laboratorju li mhux imsemmi fl-Anness B tad-Direttiva 85/511.

 Fuq ir-raba' u l-ħames domandi

60     B'dawn id-domandi, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju tifittex tkun taf safejn l-awtorità kompetenti li tieħu miżuri għall-kontroll tal-marda ta' l-ilsien u d-dwiefer hija marbuta bir-rużultat ta' analiżijiet mwettqa minn laboratorju li għandu l-istatus ta' laboratorju iskritt fl-Anness B tad-Direttiva 85/511, u f'liema miżura hija marbuta bir-riżultat mogħti minn laboratorju li m'għandux l-istatus, b'mod partikolari minn dak li, jekk ikun il-każ, jitilfu għar- raġunijiet invokati fil-punt 46 ta' din is-sentenza.

61     Fl-ewwel lok, wieħed għandu jistaqsi dwar l-ipoteżi li fih ir-riżultat ma jkunx ġie mogħti minn laboratorju li għandu dan l-istatus.

62     Jirriżulta mill-Artikolu 5 tad-Direttiva 85/511 li l-awtoritajiet kompetenti huma obbligati li jieħdu mingħajr dewmien il-miżuri previsti meta jiġi kkonfermat li f'razzett annimal wieħed jew numru ta' annimali li fuqhom tkun ġiet ikkonstata l-preżenza tal-marda ta' l-ilsien u d-dwiefer wara analiżi fil-laboratorju.

63     Barra minn hekk, dispożizzjonijiet oħra, bħall-Artikolu 2 tad-Deċiżjoni 2001/246 u l-Artikolu 10(1) tad-Direttiva 90/425, jawtorizzaw lill-awtoritajiet imsemiija jieħdu miżuri komplementari.

64     Wara, għandu jitfakkar li l-kontroll tal-marda ta' l-ilsien u d-dwiefer teħtieġ li jittieħdu miżuri adatti malajr u b'mod effikaċi.

65     Għal dan il-għan, id-Direttiva 85/511 tissuġġetta, b'mod partikolari bl-Artikolu 13 tagħha, il-laboratorji iskritti fl-Anness B għall-eżiġenzi stretti f'dak li jikkonċerna s-sistemi ta' sigurtà tagħhom kif ukoll għall-kontrolli perijodiċi minn esperti veterinarji tal-Kummissjoni u mill-awtoritajiet kompetenti ta' l-Istati Membri. B'hekk l-organizzazzjoni ta' l-analiżi mil-laboratorji tista' tagħti dawk il-garanziji li l-awtoritajiet responsabbli mill-kontroll tal-marda ta' l-ilsien u d-dwiefer jistgħu bħala prinċipju, joqogħdu fuq ir-riżultati tagħhom.

66     Fir-rigward għal dak li ntqal qabel, għandu jiġi kkonstatat li l-awtorità kompetenti hija obbligata ssegwi r-riżultati u li tadotta, bħala prinċipju, il-miżuri previsti mid-Direttiva 85/511 jew kull miżura oħra adatta fid-dawl tal-bżonn ta' kontroll mgħaġġel u effikaċi kontra l-marda ta' l-ilsien u d-dwiefer.

67     Huwa biss meta l-awtorità kompetenti jkollha indizji li jwassluha tiddubita serjament fuq il-kredibbiltà tar-riżultat ta' dawn il-laboratorji li tista' tastjeni milli tieħu immedjatament dawn il-miżuri. F'dan il-każ, hija tista' b'mod partikolari tirrikorri għal djanjosi oħra li tikkonferma jew li twaqqa' dan ir-riżultat.

68     Fit-tieni lok, għandha tiġi eżaminata l-ipoteżi fejn ir-riżultat jingħata minn laboratorju li m'għandux l-istatus ta' laboratorju iskritt fl-Anness B tad-Direttiva 85/511.

69     Jirriżulta mill-punt 54 ta' din is-senteneza li l-awtorità kompetenti m'għandhiex tastjeni milli tieħu l-miżuri adatti għar-raġuni biss li l-preżenza tal-marda ta' l-ilsien u d-dwiefer f'razzett ġiet ikkonstata minn laboratorju li m'għandux l-istatus ta' laboratorju iskritt fl-anness B tad-Direttiva 85/511.

70     Fid-dawl tan-natura kontaġjuża ħafna tal-marda ta' l-ilsien u d-dwiefer, u l-bżonn ta' kontroll malajr u effikaċi kontriha, l-awtorità kompetenti hija marbuta li tieħu in kunsiderazzjoni r-riżultat mogħti minn laboratorju bħal dan sabiex tadotta, jekk ikun il-każ, il-miżuri adatti li huma previsti mil-leġiżlazzjoni Komunitarja. Madankollu, peress li dan il-laboratorju ma joffrix neċessarjament l-istess garanzija ta' fiduċja bħal laboratorju li għandu l-istatus ta' laboratorju iskritt fl-Anness B tad-Direttiva 85/511, l-awtorità kompetenti għandha, qabel ma tieħu l-miżuri adatti, tassigura ruħha, mill-kredibbiltà tar-riżultat.

71     Isegwi li, għandu jiġi rrilevat f'dan il-kuntest li, f'kull każ, indipendentement mill-fatt jekk ir-riżultat ta' l-analiżijiet ġiex mogħti minn laboratorju li għandu l-istatus ta' laboratorju iskritt fl-Anness B tad-Direttiva 85/511, l-awtorità kompetenti ma tistax tadotta dawn il-miżuri jekk mhux fil-ħarsien tal-prinċipji ġenerali ta' dritt Komunitarju bħal m'huma, b'mod partikolari, il-prinċipju ta' proporzjonalità u d-drittijiet fundamentali (ara, f'dan is-sens, is-sentenza Tempelman et van Schaijk, iċċitata aktar 'il fuq, punt 31).

72     F'dan ir-rigward, għandu jiġi mfakkar li, skond ġurisprudenza kostanti, il-prinċipju ta' proporzjonalità jeżiġi li l-mezzi implementati permezz ta' dispożizzjoni Komunitarja għandhom ikunu adatti sabiex jintlaħaq l-għan imfittex u li ma jmorrux lil hinn minn dak li huwa meħtieġ biex l-imsemmi għan jintlaħaq (sentenzi ta' l-14 ta' Diċembru 2004, Arnold André, C-434/02, Ġabra p. I-11825, punt 45; Swedish Match, C-210/03, Ġabra p. I-11893, punt 47, u tas-6 ta' Diċembru 2005, ABNA et., C‑453/03, C-11/04, C-12/04 ut C-194/04, li għadha mhijiex ippubblikata fil-Ġabra, punt 68).

73     F'dak li jikkonċerna l-ħarsien tad-drittijiet fundamentali, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali jsostnu, b'mod partikolari, li l-awtoritajiet nazzjonali ħadu l-miżuri in kwistjoni fil-kawża prinċipali peress li ma rrikonoxxewx il-prinċipju tar-rispett tad-drittijiet tad-difiża.

74     Jirriżulta minn ġurisprudenza wkoll kostanti li l-ħarsien tad-drittijiet tad-difiża f'kull proċedura mibdija kontra persuna u li tista' twassal għal att li jeffettwaha ħażin huwa prinċipju fundamentali tad-dritt Komunitarju li għandu jiġi assigurat, anki fin-nuqqas ta' kull leġiżlazzjoni li tikkonċerna l-proċedura. Dan il-prinċipju jeżiġi li d-destinatarji ta' Deċiżjonijiet li jeffetwaw l-interessi tagħhom b'mod kunsiderevoli jingħataw il-possibbiltà li jippreżentaw l-opinjoni tagħhom (ara, b'mod partikolari, is-sentenzi ta' l-24 ta' Ottubru 1996, Il-Kummissjoni vs Lisrestal et, C-32/95 P, Ġabra p. I-5373, punt 21; tal-21 ta' Settembru 2000, Mediocurso vs Il-Kummissjoni, C-462/98 P, Ġabra p. I-7183, punt 36, u tad-9 ta' Ġunju 2005, Spanja vs Il-Kummissjoni, C-287/02, Ġabra p. I-5093, punt 37). Issa, fid-dawl tal-konsegwenzi importanti li jirriżultaw għal dawk li jrabbu, id-Deċiżjonijiet meħuda abbażi ta' l-Artikoli 5 tad-Direttiva 85/511, 2 tad-Deċiżjoni 2001/246, u 10(1) tad-Direttiva 90/425, l-imsemmi prinċipju jeħtieġ, fis-suġġett tal-kontroll tal-marda ta' l-ilsien u d-dwiefer, li d-destinatarji ta' dawn id-Deċiżjonijiet ikunu, bħala prinċipju, jistgħu jagħtu l-opinjoni tagħhom fis-suġġett ta' l-elementi miżmuma sabiex jibbażaw il-miżuri kkontestati.

75     Madankollu, għandu jiġi mfakkar li d-drittijiet fundamentali, bħalma huma l-ħarsien tad-drittijiet tad-difiża, ma jidhrux bħala prerogattivi assoluti, iżda jistgħu jwasslu għal xi restrizzjonijiet, bil-kundizzjoni li dawn jirrispondu effettivament għal għanijiet ta' interess ġenerali sabiex jintlaħqu l-miżuri in kwistjoni u ma jikkostitwixxux, fir-rigward ta' l-għan imfittex, intervent sproporzjonat u intollerabbli li jikser is-sustanza stess tad-drittijiet hemm iggarantiti. F'numru ta' għanijiet li jistgħu jiġġustifikaw dawn it-tip ta' restrizzjonijiet hemm b'mod partikolari l-ħarsien tas-saħħa pubblika (ara, f'dan is-sens, is-sentenzi tat-8 ta' April 1992, Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja, C-62/90, Ġabra p. I-2575, punt 23, u tas-17 ta' Ottubru 1995, Fishermen’s Organisations et., C‑44/94, Ġabra p. I-3115, punt 55).

76     F'dan il-kuntest, għandu jiġi kkonstatat li, meta l-awtorità kompetenti ma tistax tieħu l-miżuri adatti kontra l-marda ta' l-ilsien u d-dwiefer mingħajr ma l-persuni potenzjalment ikkonċernati jkunu jafu minn qabel il-fatti u d-dokumenti li fuqhom dawn il-miżuri huma bbażati, din l-awtorità tista' tiġi mwaqqfa li taġixxi malajr u b'mod effikaċi. Għalhekk, il-ħarsien tas-saħħa pubblika tiġġustifika, bħala prinċipju, li din l-awtorità tiddeċiedi fuq l-imsemmija miżuri wkoll mingħajr ma tieħu l-opinjoni minn qabel ta' dawk interessati fuq is-suġġett ta' l-elementi meħuda sabiex tibbaża ruħha fuqhom. Barra minn hekk, din it-tip ta' restrizzjoni ma tikkostitwixxix intervent sproporzjonat u intollerabbli li jikser is-sustanza stess tad-drittijiet tad-difiża, anki jekk l-interessati ma jkollhomx il-possibbiltà li jikkontestaw l-imsemmija miżuri fi proċedura ulterjuri, u jsostnu l-opinjonijiet tagħhom fil-kuntest tagħha.

77     Barra minn hekk, fid-dawl tal-bżonn li tittieħed azzjoni malajr kontra l-marda ta' l-ilsien u d-dwiefer, il-prinċipju tal-ħarsien tad-drittijiet tad-difiża ma jeħtieġx neċessarjament sospensjoni ta' l-eżekuzzjoni ta' l-imsemmija miżuri sakemm titlesta din il-proċedura.

78     Fl-aħħar nett, jekk jirriżulta f'tali proċedura li l-awtorità responsabbli għall-ġlieda tal-marda ta' l-ilsien u d-dwiefer jistgħu jieħdu l-miżuri previsti mid-Direttivi 85/511 u 90/425 jew mid-Deċiżjoni 2001/246, abbażi biss ta' riżultat ta' laboratorju bħal dik li ġiet trażmessa b'faks, il-prinċipju tal-ħarsien tad-drittijiet tad-difiża ma jipprekludix li dik il-qorti li tiddeċiedi f'din il-proċedura tibbaża d-deċiżjoni tagħha biss fuq dan id-dokument, meta l-partijiet jkunu jistgħu jiddiskutu fuqu utilmemt.

79     Minn dak li ntqal qabel, għandhom jiġu mwieġba r-raba' u l-ħames domandi li l-awtorità kompetenti hija marbuta ssegwi r-riżultati ta' analiżijiet mogħtija minn laboratorju li għandu l-istatus ta' laboratorju iskritt fl-Anness B tad-Direttiva 85/511 u li taddotta, bħala prinċipju, il-miżuri previsti f'dik id-Direttiva jew kull miżura oħra li hija neċessarja fid-dawl tal-bżonn ta' kontroll tal-marda ta' l-ilsien u d-dwiefer. L-awtorità kompetenti hija marbuta li tieħu in kunsiderazzjoni wkoll ir-riżultat mogħti minn laboratorju li m'għandux dan l-istatus sabiex tadotta, jekk inhu l-każ, il-miżuri adatti li huma previsti mil-leġiżlazzjoni Komunitarja. Madankollu, peress li dan il-laboratorju ma joffrix aktar neċessarjament l-istess garanziji ta' fiduċja bħal laboratorju iskritt fl-imsemmi Anness B, l-awtorità kompetenti għandha, qabel ma jittieħdu l-miżuri adatti, tassigura ruħha mill-kredibbiltà ta' l-imsemmi riżultat. F'kull każ, din l-awtorità ma tistax tieħu l-miżuri ta’ kontroll kontra l-marda ta' l-ilsien u d-dwiefer jekk mhux fir-rispett tal-prinċipji ġenerali tad-dritt Komunitarju, bħal b'mod partikolari l-prinċipju ta' proporzjonalità u d-drittijiet fundamentali.

 Fuq l-ispejjeż

80     Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta' kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni ta' l-osservazzjonijiet lill-Qorti, barra dawk ta' l-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) taqta' u tiddeċiedi:

1)      Id-Direttiva tal-Kunsill 85/511KE, tat-18 ta' Novembru 1985, li tintroduċi miżuri tal-Komunità għall-kontroll tal-marda ta' l-ilsien u d-dwiefer, kif emendata bid-Direttiva tal-Kunsill tal-Kunsill 90/423/KEE, tas-26 ta' Ġunju 1990, għandha tiġi interpretata fis-sens li t-tibdiliet tad-dettalji ta' laboratorju msemmi fl-Anness B ta' dan, li ma ġewx iskritti skond il-proċedura prevista fl-Artikolu 17 ta' din id-Direttiva, għandhom il-konsegwenza li dan il-laboratorju ma jitlifx l-istatus ta' laboratorju iskritt f'dan l-Anness għalkemm dawn it-tibdiliet jistgħu jkollhom effetti fuq is-sigurtà tal-laboratorju f'dak li jikkonċerna t-tixrid tal-virus tal-marda ta' l-ilsien u d-dwiefer waqt l-analiżijiet magħmula minn dan u għalkemm dan iżid ukoll ir-riskju ta' kontaminazzjoni ta' annimali tal-post li huma suxxettibbli. Barra dan, l-imsemmija Direttiva 85/511, ma tipprekludix li Stat Membru jieħu l-miżuri għal kontrol tal-marda ta' l-ilsien u d-dwiefer previsti mill-Artikoli 10(1), tad-Direttiva tal-Kunsill 90/425/KEE, tas-26 ta' Ġunju 1990 dwar il-verifiki veterinarji u żootekniċi applikabbli għall-kummerċ intrakomunitarju ta’ ċerti annimali ħajjin u prodotti bil-ħsieb tat-twettieq tas-suq intern, abbażi tar-riżultat ta' analiżi mwettqa minn laboratorju li mhux imsemmi fl-Anness B ta' l-istess Direttiva 85/511.

2)      L-awtorità kompetenti hija marbuta ssegwi r-riżultati ta' analiżijiet mwettqa minn laboratorju li għandu l-istatus ta' laboratorju iskritt fl-Anness B tad-Direttiva 85/511 u li tadotta, bħala prinċipju, il-miżuri previsti minn din id-Direttiva jew kull miżura oħra li hija neċessarja fid-dawl tal-bżonn ta' kontroll tal-marda ta' l-ilsien u d-dwiefer. L-awtorità kompetenti hija marbuta tieħu in kunsiderazzjoni wkoll ir-riżultat mogħti minn laboratorju li m'għandux dan l-istatus sabiex tadotta, jekk inhu l-każ, il-miżuri adatti li huma previsti mil-leġiżlazzjoni Komunitarja. Madankollu, peress li dan il-laboratorju ma joffrix aktar neċessarjament l-istess garanziji ta' fiduċja bħal laboratorju mniżżel fl-imsemmi Anness B, l-awtorità kompetenti għandha, qabel ma jittieħdu l-miżuri adatti, tassigura ruħha mill-kredibbiltà ta' l-imsemmi riżultat. F'kull każ, din l-awtorità ma tistax tieħu l-miżuri ta’ ġlied kontra l-marda ta' l-ilsien u d-dwiefer jekk mhux fir-rispett tal-prinċipji ġenerali tad-dritt Komunitarju, bħal b'mod partikolari l-prinċipju ta' proporzjonalità u d-drittijiet fundamentali.

Firem


* Lingwa tal-kawża: l-Olandiż.

Top