EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62005CJ0023

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (is-Sitt Awla) tas-27 ta' Ottubru 2005.
il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej vs il-Gran Dukat tal-Lussemburgu.
Nuqqas ta' Stat li jwettaq obbligu - Direttiva 2000/34/KE - Kundizzjonijiet tax-xogħol - Organizzazzjoni tal-ħin tax-xogħol - Nuqqas ta' traspożizzjoni fit-terminu preskritt.
Kawża C-23/05.

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2005:660

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (is-Sitt Awla)

27 ta' Ottubru 2005 (*)

"Nuqqas ta' Stat li jwettaq obbligu – Direttiva 2000/34/KE – Kundizzjonijiet tax-xogħol – Organizzazzjoni tal-ħin tax-xogħol – Nuqqas ta' traspożizzjoni fit-terminu preskritt"

Fil-kawża C-23/05,

li għandha bħala suġġett rikors għal nuqqas ta' twettiq ta' obbligu taħt l-Artikolu 226 KE, imressaq fil-25 ta' Jannar 2005,

il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, irrappreżentata minn G. Rozet u N. Yerrell, bħala aġenti, b'indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,

rikorrenti,

vs

il-Gran Dukat tal-Lussemburgu, irrappreżentat minn S. Schreiner, bħala aġent,

konvenut,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (is-Sitt Awla),

komposta minn J.-P. Puissochet, Aġent President tas-Sitt Awla, S. von Bahr u A. Borg Barthet (Relatur), Imħallfin,

Avukat Ġenerali: J. Kokott,

Reġistratur: R. Grass,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li rat id-deċiżjoni meħuda, wara li semgħet lill-Avukat Ġenerali, li l-kawża tiġi deċiża mingħajr ma jsiru konklużjonijiet,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1       Permezz tar-rikors tagħha, il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tikkonstata li, billi ma adottax il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi neċessarji sabiex jikkonforma ruħu mad-Direttiva 2000/34/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta' Ġunju 2000 li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 93/104/KE li tikkonċerna ċerti aspetti ta' l-organizzazzjoni tal-ħin tax-xogħol biex jitkoprew is-setturi u attivitajiet esklużi minn dik id-Direttiva (ĠU L 195, p. 41) (iktar 'il quddiem id-"Direttiva") jew, fi kwalunkwe każ, billi m'għaddihomx lill-Kummissjoni, il-Gran Dukat tal-Lussemburgu naqas li jwettaq l-obbligi imposti fuqu skond l-Artikolu 2(1) tad-Direttiva.

2       L-Artikolu 2(1) tad-Direttiva jispeċifika li "[l]-Istati Membri għandhom iġibu fis-seħħ il-liġijiet, ir-regolamenti u d-disposizzjonijiet amministrattivi neċessarji biex jikkonformaw ma' din id-Direttiva sa mhux aktar tard mill-1 ta' Awissu 2003, jew għandhom jassiguraw li, sa dik id-data fl-aktar tard, l-imsieħba soċjali jkunu introduċew il-miżuri neċessarji bi ftehim, bl-Istati Membri meħtieġa jieħdu kull miżura neċessarja li tippermettilhom f'kull ħin ikunu f'posizzjoni biex jiggarantixxu r-riżultati imposti minn din id-Direttiva. Għar-rigward tat-tobba fit-taħriġ dik id-data għandha tkun l-1 ta' Awissu 2004. Għandhom jinfurmaw lill-Kummissjoni biha".

3       Billi kkunsidrat li d-Direttiva ma ġietx trasposta fid-dritt Lussemburgiż fit-terminu preskritt, il-Kummissjoni bdiet il-proċedura għal nuqqas ta' twettiq ta' obbligu prevista fl-ewwel paragrafu ta' l-Artikolu 226 KE. Wara li, fis-6 ta' Ottubru 2003, il-Kummissjoni tat lill-Gran Dukat tal-Lussemburgu l-opportunità li jissottometti l-osservazzjonijiet tiegħu, hija ħarġet opinjoni motivata fid-9 ta' Lulju 2004, li biha stiednet lil dan l-Istat Membru jieħu l-miżuri meħtieġa sabiex jikkonforma ruħu magħha fi żmien xahrejn min-notifika tagħha. Minħabba li mill-informazzjoni mogħtija mill-awtoritajiet Lussemburgiżi wara l-ħruġ ta' l-opinjoni motivata rriżulta li d-Direttiva kienet għadha ma ġietx trasposta, il-Kummissjoni ddeċidiet li tressaq dan ir-rikors.

4       Il-Gvern Lussemburgiż ma jikkontestax il-fatt li l-imsemmija Direttiva ma ġietx trasposta fit-terminu preskritt. Madanakollu, huwa jsostni li l-miżuri meħtieġa għal dan il-għan qed jitħejjew. Barra minn hekk, diġà ġie ppreparat abbozz ta' liġi li tittrasponi d-Direttiva.

5       Skond l-Artikolu 92(2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-Qorti tal-Ġustizzja tista', f'kull waqt, teżamina ex officio l-inammissibbiltà tar-rikors għal raġunijiet ta' ordni pubbliku.

6       Dwar dan il-punt, għandu jkun irrilevat li l-Artikolu 2(1) tad-Direttiva jipprovdi li l-Istati Membri għandhom jittrasponu d-Direttiva sa mhux aktar tard mill-1 ta' Awwissu 2003. Madankollu, għar-rigward tat-tobba fit-taħriġ, dik id-data għandha tkun l-1 ta' Awwissu 2004. Issa, l-ittra ta' intimazzjoni li l-Kummissjoni bagħtet lill-Gran Dukat tal-Lussemburgu hija datata 6 ta' Ottubru 2003. Għalhekk, f'din id-data, it-terminu li fih kellha tkun trasposta d-Direttiva fir-rigward tat-tobba fit-taħriġ, kien għadu ma skadiex.

7       Kif ġie deċiż mill-Qorti tal-Ġustizzja, sabiex tinħareġ ittra ta' intimazzjoni, għandu jkun allegat li l-Istat Membru kkonċernat ikun diġà naqas li jwettaq obbligu impost fuqu (ara d-digriet tat-13 ta' Settembru 2000, il-Kummissjoni vs l-Olanda, C-341/97, Ġabra p. I-6611, punt 18, u s-sentenza tal-15 ta' Frar 2001, il-Kummissjoni vs Franza, C-230/99, Ġabra p. I-1169, punt 32). Anki jekk l-Istat Membru kkonċernat ma jarax il-ħtieġa li jagħmel użu mill-opportunità li għandu li jissottometti l-osservazzjonijiet tiegħu, din l-opportunità tikkostitwixxi garanzija essenzjali, mitluba mit-Trattat KE, li tammonta għal rekwiżit proċedurali essenzjali fi proċeduri dwar nuqqas ta' Stat Membru li jwettaq obbligu. Għaldaqstant, l-ittra ta' intimazzjoni ma tistax tirreferi għal nuqqas ta' traspożiżżjoni ta' direttiva meta t-terminu preskritt għall-implimentazzjoni tagħha kien għadu ma skadiex (ara s-sentenza tas-17 ta' Frar 1970, il-Kummissjoni vs l-Italja, 31/69, Ġabra p.25, punti 12 sa 14).

8       Minn dan isegwi li, fil-każ preżenti, in-nuqqasijiet allegati fir-rigward tad-Direttiva, safejn jikkonċernaw it-tobba fit-taħriġ, ma ġewx stabbiliti u għalhekk ir-rikors, safejn jikkonċerna l-implimentazzjoni tad-Direttiva fir-rigward tat-tobba fit-taħriġ, għandu jiġi ddikjarat bħala parzjalment inammissibbli.

9       Mill-banda l-oħra, f'dak li jirrigwarda s-setturi li jaqgħu taħt id-Direttiva, minbarra s-settur tat-tobba fit-taħriġ, għandu jiġi mfakkar li, skond ġurisprudenza kostanti, l-eżistenza ta' nuqqas ta' twettiq ta' obbligu għandha tiġi determinata b'referenza għas-sitwazzjoni li tkun teżisti fiż-żmien meta jiskadi t-terminu stabbilit fl-opinjoni motivata u li l-bidliet li jsiru sussegwentement ma jistgħux jittieħdu in kunsiderazzjoni mill-Qorti tal-Ġustizzja (ara, b'mod partikolari, is-sentenzi tat-30 ta' Mejju 2002, il-Kummissjoni vs l-Italja, C-323/01, Ġabra p. I-4711, punt 8, u tat-2 ta' Ottubru 2003, il-Kummissjoni vs l-Olanda, C-322/00, Ġabra p. I-11267, punt 50).

10     F'din il-kawża, huwa paċifiku li, fl-iskadenza tat-terminu stabbilit fl-opinjoni motivata, il-miżuri meħtieġa biex tkun assigurata t-traspożizzjoni tad-Direttiva fl-ordinament ġuridiku nazzjonali kienu għadhom ma ġewx adottati.

11     F'dawn iċ-ċirkustanzi, hemm lok li r-rikors imressaq mill-Kummissjoni jkun ikkunsidrat parzjalment fondat.

12     Għaldaqstant, għandu jkun ikkonstatat li, billi ma adottax il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi neċessarji, minbarra dawk li għandu jadotta fir-rigward tat-tobba fit-taħriġ, sabiex jikkonforma ruħu mad-Direttiva, il-Gran Dukat tal-Lussemburgu naqas li jwettaq l-obbligi imposti fuqu skond l-Artikolu 2(1) tad-Direttiva.

 Dwar l-ispejjeż

13     Skond l-Artikolu 69(2) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba. Peress li l-Gran Dukat tal-Lussemburgu tilef, hemm lok li huwa jiġi ordnat ibati l-ispejjeż kif mitlub mill-Kummissjoni.

Għal dawn il-motivi, il-Qorti tal-Ġustizzja (is-Sitt Awla) taqta' u tiddeċiedi li:

1)      Billi ma adottax il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi neċessarji, minbarra dawk li għandu jadotta fir-rigward tat-tobba fit-taħriġ, sabiex jikkonforma ruħu mad-Direttiva 2000/34/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta' Ġunju 2000 li emendat id-Direttiva tal-Kunsill 93/104/KE li tikkonċerna ċerti aspetti ta' l-organizzazzjoni tal-ħin tax-xogħol biex jitkoprew is-setturi u attivitajiet esklużi minn dik id-Direttiva, il-Gran Dukat tal-Lussemburgu naqas li jwettaq l-obbligi imposti fuqu skond l-Artikolu 2(1) tad-Direttiva.

2)      Il-bqija tar-rikors huwa miċħud.

3)      Il-Gran Dukat tal-Lussemburgu għandu jbati l-ispejjeż.

Firem


* Lingwa tal-kawża: il-Franċiż.

Top