Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62005CC0457

    Konklużjonijiet ta' l-Avukat Ġenerali - Mazák - 14 ta' Ġunju 2007.
    Schutzverband der Spirituosen-Industrie eV vs Diageo Deutschland GmbH.
    Talba għal deċiżjoni preliminari: Landgericht Wiesbaden - il-Ġermanja.
    Moviment liberu tal-merkanzija - Direttiva 75/106/KEE - Approssimazzjoni tal-liġijiet ta' l-Istati Membri - Imballaġġ minn qabel tal-likwidi - Prekondizzjonament bil-volum - Artikolu 5(3)(b) u (d) - Baileys Minis - Kummerċjalizzazzjoni ta' imballaġġ minn qabel ta' volum nominali ta' 0,071 litri.
    Kawża C-457/05.

    Ġabra tal-Ġurisprudenza 2007 I-08075

    ECLI identifier: ECLI:EU:C:2007:345

    Konklużjonijiet ta’ l-AVukat ĠENERALI

    MAZÁK

    ippreżentati fl-14 ta’ Ġunju 2007 1(1)

    Kawża C-457/05

    Schutzverband der Spirituosen-Industrie eV

    vs

    Diageo Deutschland GmbH

    (Talba għal deċiżjoni preliminari mill-Landgericht Wiesbaden (il-Ġermanja))

    “Moviment liberu tal-merkanzija – Direttiva 75/106/KEE – Armonizzazzjoni sħiħa – Imballaġġ minn qabel ta’ likwidi – Prekondizzjonament bil-volum – Baileys Minis – Interpretazzjoni tad-direttiva b’mod konformi mat-Trattat”





    1.     It-talba preżenti għal deċiżjoni preliminari mill-Landgericht Wiesbaden (Il-Ġermanja) tikkonċerna l-interpretazzjoni ta’ l-Artikolu 5(3)(b), flimkien ma’ l-Artikolu 5(3)(d) u l-Anness III, Taqsima 4, tad-Direttiva tal-Kunsill tad-19 ta’ Diċembru 1974 dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet ta’ l-Istati Membri li għandhom x’jaqsmu mal-prekondizzjonament bil-volum ta’ ċerti likwidi f’imballaġġ minn qabel (iktar ’il quddiem id-“Direttiva 75/106” jew id-“direttiva”)(2). B’mod partikolari, din il-kawża tirrigwarda l-kummerċjalizzazzjoni fil-Ġermanja tax-xarba Baileys magħrufa bħala ‘Baileys Minis’ fi fliexken żgħar b’volum ta’ 0.071 litru.

    I –    Il-kuntest ġuridiku

    A –    Id-dritt Komunitarju

    2.     Id-Direttiva 75/106 ġiet emendata diversi drabi(3). L-Artikolu 1 jipprovdi li d-direttiva għandha x’taqsam ma’ imballaġġi minn qabel li jikkontjenu il-prodotti likwidi elenkati fl-Anness III mkejla bil-volum, għall-iskop ta’ bejgħ fi kwantitajiet individwali ta’ bejn 0.05 u 10 litri inklużivi.

    3.     L-ewwel premessa tad-Direttiva 75/106 tipprovdi dan li ġej: “[b]illi f’ħafna mill-Istati Membri l-kundizzjonijiet ta’ preżentazzjoni għal bejgħ ta’ likwidi fi imballaġġ minn qabel huma s-suġġett ta’ regolamenti mandatorji li huma differenti minn Stat Membru għal ieħor, [u] għalhekk ifixklu l-kummerċ fl-imballaġġ[i] minn qabel bħal dan [bħal dawn]; [...] għalhekk dispożizzjonijiet bħal dawn għandhom ikunu approssimati”.

    4.     Ir-raba’ premessa tad-Diretttiva tipprovdi: “[b]illi huwa meħtieġ li jitnaqqas bl-aktar mod possibbli l-għadd ta’ volumi ta’ kontenut li jkunu qrib wisq għal oħrajn ta’ l-istess prodott u li konsegwentement ikunu responsabbli li [jiżgwidaw] lill-konsumatur; […] iżda, minħabba l-ħażniet estremament għoljin ta’ imballaġġ[i] minn qabel fil-Komunità tnaqqis bħal dan jista’ jsir biss gradwalment”.

    5.      Is-sitt premessa tad-Diretttiva 75/106 tipprovdi: “[b]illi bidla mgħaġġla wisq fil-mod ta’ kif tkun deċiża l-kwantità stabbilita mil-leġislazzjonijiet nazzjonali tagħhom u l-organizzazzjoni ta’ sistemi ġodda ta’ kontroll kif ukoll l-adozzjoni ta’ sistema ta’ kejl ġdida tkun tippreżenta diffikultajiet għal ċerti Stati Membri, għandu jkun provdut perjodu ta’ transizzjoni għal dawn l-Istati Membri; [...] dispożizzjoni bħal din m’għandhiex, iżda, żżomm iktar lura kummerċ intra-Komunit[arju] fil-prodotti konċernati u ma għandhiex tippreġudika l-implimentazzjoni tad-Direttiva fl-Istati Membri l-oħra”.

    6.     L-Artikolu 5 tad-Direttiva 75/106 kif emendat u kif inhu rilevanti għall-kawża preżenti jipprovdi li ġej:

    “(1)      Stati Membri ma jistgħux jirrifjutaw, jipprojbixxu jew jirrestrinġu t-tqegħid fis-suq [kummerċjalizzazzjoni] ta’ pakketti imballati minn qabel li huma skond il-ħtiġijiet ta’ din id-Direttiva fuq xi bażi li għandu x’jaqsam mal-kalkolu tal-volumi tagħhom, il-metodi li bihom kienu vverifikati jew il-volumi nominali fejn dawn huma preskritti fl-Anness III, il-kolonna I.

    […]

    (3)      (b) […] Dawk il-pakketti magħmulin minn qabel li jidhru f’Anness III, Taqsima 4, jistgħu jinbiegħu wara l-31 ta’ Diċembru 1990 biss jekk ikun fihom il-volumi nominali mniżżla fl-imsemmija kolonna I.

    (d) Mingħajr preġudizzju għas-subparagrafu (b), il-prodotti elenkati f’Anness III, Taqsima 4, u għandhom il-volum ta’ 0,071 litri jistgħu jinbiegħu fl-Irlanda u r-Renju Unit(4)”.

    7.     Fl-aħħar nett, it-Taqsima 4 ta’ l-Anness III tad-Direttiva 75/106 tipprovdi, għall-prodotti elenkati taħt “Spirti (ħlief dawk tas-sottotitolu CCT Nru 22.08); likuri u spirti oħra; preparazzjonijiet komposti alkoħoliċi (magħrufa bħala “estratti concentrati”) għall-manifattura [produzzjoni] ta’ xorb (sottotitolu CCT Nru 22.09)”, fil-kolonna I, il-volumi nominali segwenti ta’ kontenut f’litri finalment permessi: “0.02 — 0.03 — 0.04 — 0.05 — 0.10 — 0.20 — 0.35 — 0.50 — 0.70 — 1 — 1.125 — 1.5 — 2 — 2.5 — 3 — 4.5 —5 —10”.

    II – Il-kuntest fattwali u proċedurali u d-domandi preliminari

    8.     Id-domandi għal deċiżjoni preliminari ġew imqajma fil-kuntest ta’ proċeduri ta’ kompetizzjoni żleali quddiem il-Landgericht Wiesbaden bejn Schutzverband der Spirituosen-Industrie e.V. (iktar ’il quddiem “Schutzverband”) u Diageo Deutschland GmbH (iktar ’il quddiem “Diageo”).

    9.     Schutzverband hija għaqda b’personalità ġuridika ta’ impriżi u għaqdiet fl-industrija ta’ l-ispirti li l-għan tagħha huwa li tosserva u, fejn applikabli, tassigura l-osservanza tal-leġiżlazzjoni fis-seħħ fis-settur ta’ l-ispirti fil-Ġermanja.

    10.   Diageo hija l-kumpannjia sussidjarja Ġermaniża ta’ Diageo North America Inc., kumpannija li tipproduċi x-xorb. Fil-Ġermanja hija tikkummerċjalizza inter alia birra, whiskey, gin u vodka taħt diversi trade marks.

    11.    Minn Ottubru 2004, Diageo qiegħda tikkummerċjalizza fil-Ġermanja ix-xarba “Baileys” magħrufa bħala ‘Baileys Minis’ fi fliexken żgħar b’volum ta’ 0.071 litru (iktar ’il quddiem "il-prodott"). Baileys huwa magħmul minn whiskey, grainspirit, zokkor u krema u għandu kontenut ta’ alokoħol ta’ 17%. Il-prodotti Baileys ta’ Diageo huma mmanifatturati u bbottiljati fl-Irlanda(5).

    12.   Il-qorti tar-rinviju tinnota li Baileys Minis ġew mibjugħa ukoll, apparentament mingħajr ebda lmenti, fi Franza u fl-Olanda sa minn Settembru 2003, u fil-Belgju sa minn Ġunju 2004(6).

    13.   Il-partijiet ma jaqblux dwar jekk il-bejgħ tal-prodott (jiġifieri, fi fliexken ta’ 0.071 litru) huwa permess fil-Ġermanja.

    14.   Il-qorti tar-rinviju hija tal-fehma li l-prodott Baileys Minis jaqa’ taħt l-Anness III, Taqsima 4, tad-Direttiva 75/106(7). Hija tikkunsidra li, peress li l-prodotti kollha elenkati fl-Anness III, Taqsima 4, li għandhom valur nominali ta’ bejn 0.05 litru u 10 litri, jistgħu jiġu kkummerċjalizzati biss fil-kejlijiet ta’ volum indikati fil-kolonna I ta’ l-Anness III, il-kejl ta’ imballaġġ ta’ 0.071 litru mhuwiex, bħala prinċipju, permess.

    15.   Madankollu, l-eċċezzjoni fl-Artikolu 5(3)(d) tad-Direttiva 75/106 tipprovdi li l-prodotti elenkati fl-Anness III, Taqsima 4, jistgħu jiġu kkummerċjalizzati fl-Irlanda u fir-Renju Unit fil-volumi ta’ 0.071 litru.

    16.   Għaldaqstant, b’digriet tat-23 ta’ Novembru 2005, il-Landgericht Wiesbaden (Qorti Reġjonali ta’ Wiesbaden, l-10 Awla Ċivili) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tressaq quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

    ‘1.      It-tieni sentenza tat-tieni subparagrafu ta’ l-Artikolu 5(3)(b), flimkien ma’ l-Artikolu 5(3)(d) u l-Anness III, Taqsima 4, tad-Direttiva 75/106/KEE tad-19 ta’ Diċembru 1974 dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet ta’ l-Istati Membri li għandhom x’jaqsmu mal-prekondizzjonament bil-volum ta’ ċerti likwidi f’imballaġġ minn qabel [...], kif l-aktar reċentament emendata bl-Att ta’ Adeżjoni tat-23 ta’ Settembru 2003 [...], għandha tiġi interpretata li tfisser li prodotti f’imballaġġ minn qabel b’volum ta’ 0.071 litru, li huma legalment immanifatturati u/jew ikkummerċjalizzati fl-Irlanda jew fir-Renju Unit, jistgħu jiġu kkummerċjalizzati wkoll fl-Istati Membri l-oħra kollha?

    2.       Fil-każ li r-risposta għall-ewwel domanda tkun fin-negatttiv, it-tieni sentenza tat-tieni subparagrafu ta’ l-Artikolu 5(3)(b), flimkien ma’ l-Artikolu 5(3)(d) u l-Anness III, Taqsima 4, tad-Direttiva 75/106/KEE hija kompatibbli mal-prinċipju ta’ moviment liberu ta’ merkanzija fl-Artikoli 28 u 30 KE?’

    17.   Osservazzjonijiet bil-miktub ġew ppreżentati minn Schutzverband, Diageo, il-Gvern Grieg u dak Belġjan, il-Kunsill u l-Kummissjoni. Fit-trattazzjoni tal-15 ta’ Marzu 2007, ma’ dawn il-partijiet, li ma’ kinux jinkludu il-Gvern Belġjan, ingħaqad il-Gvern Franċiż.

    III – Evalwazzjoni

    A –    L-argumenti priniċipali tal-partijiet

    18.   Schutzverband tissottometti li essenzjalment l-ewwel domanda għandha tingħata risposta fin-negattiv. Din ir-risposta tirriżulta mir-relazzjoni ta’ “regola/eċċezzjoni” bejn it-tieni sentenza tat-tieni subparagrafu ta’ l-Artikolu 5(3)(b), in fine, u l-Artikolu 5(3)(d) tad-Direttiva 75/106 kif ukoll mill-ispirtu u l-għan ta’ dawn id-dispożizzjonijiet. Ir-regola hija li l-prodotti li jidhru f’Taqsima 4 ta’ l-Anness III huma kompletament armonizzati u l-eċċezzjoni hija li l-Irlanda u r-Renju Unit biss huma koperti bl-eċċezzjoni ta’ l-Artikolu 5(3)(d). Barra minn hekk, din l-eċċezzjoni ta’ l-aħħar, tapplika “[m]ingħajr preġudizzju għas-subparagrafu (b)”.

    19.   Dwar it-tieni domanda, Schutzverband issostni li għandha tingħata risposta fl-affermattiv, peress li l-projbizzjoni tal-kummerċjalizzazzjoni taħt l-Artikolu 5(3)(b) tad-Direttiva hija ġġustifikata minn kunsiderazzjonijiet relatati mal-protezzjoni tal-konsumaturi. Fir-rigward tal-miżuri ta’ armonizzazzjoni, huwa ġeneralment rikonoxxut li l-istituzzjonijiet Komunitarji kompetenti għandhom portata wiesgħa ta’ diskrezzjoni u għaldaqstant huma suġġetti biss għal analiżi limitata ta’ proporzjonalità.

    20.   Skond Schutzverband, il-projbizzjoni mhijiex manifestament sproporzjonata. Il-protezzjoni tal-konsumaturi hija ġustifikazzjoni ammissibbli, peress li, skond ir-raba’ premessa, id-Direttiva kienet intiża sabiex tnaqqas kemm jista’ jkun l-għadd ta’ volumi ta’ kontenut li jkunu qrib wisq għall-oħrajn ta’ l-istess prodott u li konsegwentement huma ta’ natura li jistgħu jiżgwidaw lill-konsumatur.

    21.   Diageo targumenta essenzjalment li sabiex tkun kompattibli mal-leġiżlazzjoni primarja kif ukoll mal-prinċipji żviluppati mill-Qorti tal-Ġustizzja fi Cidrerie Ruwet(8), l-Artikolu 5(3)(b), flimkien ma’ l-Artikolu 5(3)(d) u ma’ l-Anness III, Taqsima 4, tad-Direttiva 75/106, għandu jiġi interpretat b’tali mod li jippermetti li prodotti f’imballaġġ ta’ volum ta 0.071 litri, li huma legalment immanifatturati u/jew ikkummerċjalizzati fl-Irlanda jew fir-Renju Unit, jkunu kkummerċjalizzati fl-Istati Membri l-oħra kollha. Din hija ukoll is-sustanza tas-sottomissjoni tal-Gvern Grieg. F’każ kuntrarju, l-eċċezzjoni, li mhijiex limitata biż-żmien, ikollha l-effett li taqsam is-swieq nazzjonali u tmur kontra l-għan ta’ armonizzazzjoni mfittex mid-direttiva, kif ukoll l-għan tas-suq intern. Barra minn hekk, kwalunkwe interpretazzjoni oħra tikser l-Artikolu 28 KE u ma tkunx iġġustifikata b’kunsiderazzjonijiet relatati mal-protezzjoni tal-konsumaturi.

    22.   Essenzjalment, il-Gvern Belġjan jargumenta li d-dispożizzonijiet rilevanti jipprovdu li l-kummerċjalizzazzjoni ta’ Baileys ġo imballaġġi minn qabel b’volum ta’ 0.071 litru f’territorji oħra minbarra l-Irlanda u r-Renju Unit mhuwiex permess. Billi din id-dispożizzjoni għandha natura derogatorja, hija għandha tiġi interpretata b’mod strett. Il-Gvern Belgjan josserva li fi kwalunkwe każ, anki jekk il-projbizzjoni taħt l-Artikolu 5(3)(b) tkun ikkunsidrata bħala xkiel għan-negozju intrakomunitarju, hija tkun iġġustifikata b’kunsiderazzjonijiet relatati mal-protezzjoni tal-konsumaturi.

    23.   Il-Gvern Franċiż essenzjalment jieħu l-istess pożizzjoni tal-Gvern Belgjan.

    24.   Il-Kummissjoni ssostni li fl-istat attwali tad-dritt, bħala prinċipju, il-prodott huwa pprojbit milli jiġi kkummerċjalizzat fil-Kommunità, bl-eċċezzjoni ta’ l-Irlanda u r-Renju Unit. Madankollu, jekk l-imsemmi prodott ikun ġie kkummerċjalizzat fl-Irlanda u fir-Renju Unit, il-kummerċjalizzazzjoni tiegħu fl-Istati Membri l-oħra m’għandhiex tkun limitata. F’każ kuntrarju, restrizzjoni bħal din tkun teċċedi l-għan tad-deroga u tkun tmur kontra l-prinċipju tal-moviment liberu tal-merkanzija.

    25.   Il-Kummissjoni targumenta li dan il-prinċipju, inerenti fl-Artikolu 28 KE, japplika mhux biss fin-nuqqas ta’ armonizzazzjoni ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali, iżda ukoll fil-każ fejn huwa neċessarju li d-dispożizzjonijiet Komunitarji li jistabbilixxu deroga jkunu interpretati fil-kuntest ta’ armonizzazzjoni sħiħa. Hija ssostni li taħt l-Artikolu 5(1) tad-direttiva, l-Istati Membri ma jistgħux – partikolarment b’referenza għall-volumi nominali li jidhru fl-Annness III, kolonna I – jirrifjutaw li jikkummerċjalizzaw imballaġġi minn qabel li jissodisfaw id-dispożizzjonijiet tad-direttiva (jiġifieri, il-prodott ikkummerċjalizzat legalment fl-Irlanda u fir-Renju Unit). Dan jieħu in kunsiderazzjoni l-fatt li l-Artikolu 5(3)(d) huwa deroga mill-prinċipju li jinsab fl-Artikolu 5(3)(b). Din l-interpretazzjoni hija kompatibbli mar-rekwiżiti tal-moviment liberu tal-merkanzija u hija konsistenti mar-rieda tal-leġiżlatur Komunitarju. Għaldaqstant mhuwiex neċessarju li tingħata risposta għat-tieni domanda.

    26.   Il-Kunsill jaqbel ma’ l-interpretazzjoni mogħtija mill-Kummissjoni.

    B –    Evalwazzjoni

    27.   Bħala rimarka preliminari, nixtieq ninnota li għalkemm ir-regoli dwar l-imballaġġ minn qabel huma definittivament intiżi sabiex jippromwovu l-aċċess fis-suq, huma jistgħu, madanakollu – kif jidher mill-każ preżenti – xi ftit paradossalment, iwasslu għal sitwazzjoni fejn l-aċċess bħal dan jista’ fil-fatt jiġi mfixkel.

    28.   Barra minn hekk, anki jekk mhux rilevanti rationetemporis għall-finijiet tal-kawża preżenti, fil-25 ta’ Ottubru 2004, il-Kummissjoni ppreżentat proposta għal direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li tfassal regoli dwar kwantitajiet nominali għall-prodotti ppakkjati minn qabel, li tirrevoka d-Direttivi tal-Kunsill 75/106/KEE u 80/232/KEE, u li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 76/211/KEE(9). Il-Kummissjoni stess qalet fit-trattazzjonijiet tagħha li hija kienet mħajra li tippreżenta l-imsemmija proposta minħabba l-komplessità tar-regoli eżistenti, li jkopru firxa wiesgħa ta’ prodotti, u minħabba minn naħa, l-armonizzazzjoni ‘in parti fakultattiva’ u ‘in parti shiħa’ u min-naħa l-oħra, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja fi CidrerieRuwet. Id-dispożizzjonijiet proposti jipprevedu nuqqas kbir ta’ regolamentazzjoni tal-kwantitajiet nominali, inklużi dawk ta’ Baileys Minis.

    1.      L-ewwel domanda

    29.   Permezz ta’ l-ewwel domanda tagħha, l-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk id-Direttiva 75/106 għandhiex tiġi interpretata li tippermetti li prodotti ppakkjati minn qabel b’volum ta’ 0.071 litru, li, bis-saħħa ta’ deroga inkorporata f’dik id-direttiva, huma legalment immanifatturati u/jew ikkummerċjalizzati fl-Irlanda jew fir-Renju Unit, ikunu kkummerċjalizzati fl-Istati Membri l-oħra.

    30.   B’applikazzjoni ta’ l-Arikolu 234 KE, il-Qorti tal-Ġustizzja tipprovdi lill-qrati nazzjonali bl-elementi ta’ interpretazzjoni tad-dritt Komunitarju li huma għandhom bżonn biex jiddeċiedu l-kontroversja quddiemhom(10). Hija biss il-qorti nazzjonali li għandha tevalwa, fid-dawl tal-karatteristiċi partikolari tal-kawża, kemm il-bżonn ta’ deċiżjoni preliminari sabiex tingħata s-sentenza, kif ukoll ir-rilevanza tad-domandi li hija tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja(11). Madankollu, hija l-Qorti tal-Ġustizzja li għandha, jekk hemm bżonn, teżamina l-kundizzjonijiet li fihom il-kawża ġiet rinvjata sabiex tivverifika jekk għandhiex ġurisdizzjoni u, b’mod partikolari, tiddeċiedi jekk l-interpretazzjoni tad-dritt Komunitarju mitluba għandhiex ebda relazzjoni mal-fatti tal-kawża prinċipali jew ir-raġuni warajha.(12) Jekk jidher li d-domanda magħmula hija manifestament irrelevanti għal-finijet li tinqata’ l-kawża, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tikkonstata li m’hemmx lok li tittieħed deċiżjoni.(13)

    31.   Fil-fehma tiegħi, għall-finijiet li tinqata’ l-kawża preżenti, m’hemmx bżonn li tiġi kkunsidrata d-domanda dwar il-manifattura tal-prodott. Mill-inkartament quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, huwa evidenti li l-kwistjoni ewlenija fil-kawża preżenti hija jekk il-prodott, li kien ikkummerċjalizzat legalment fl-Irlanda u fir-Renju Unit, jistax jiġi kkummerċjalizzat ukoll fl-Istati Membri l-oħra.

    32.   L-Artikolu 5(1) tad-Direttiva 75/106 jistabbilixxi lexgeneralis li tipprovdi li l-Istati Membri ma jistgħux jirrifjutaw, jipprojbixxu jew jirrestrinġu l-kummerċjalizzazzjoni ta’ merkanzija li tissodisfa, inter alia, il-volumi nominali elenkati fil-kolonna I ta’ l-Anness III. Għalhekk, jekk l-imballaġġ minn qabel ta’ prodotti jissodisfa l-volumi nominali speċifikati fl-anness in kwistjoni, ma tistax issir oġġezzjoni għall-kummerċjalizzazzjoni tagħhom abbazi tal-volum nominali tagħhom. Madankollu, l-Artikolu 5(1) tad-Direttiva 75/106 ma jirrikjedix li prodotti għandhom ikunu ppakkjati minn qabel f’dawk il-volumi nominali sabiex jiġu kkummerċjalizzati.




    33.   It-tieni sentenza tat-tieni subparagrafu ta’ l-Artikolu 5(3)(b) (iktar ’il quddiem l-“Artikolu 5(3)(b)”) tad-Direttiva 75/106, kif emendata mid-Direttiva 88/316, tistabbilixi lexspecialis għal spirti, likuri u spirti oħra(14) li tipprovdi li huma jistgħu jiġu kkummerċjalizzati biss fil-volumi nominali elenkati fil-kolonna I ta’ l-Anness III, Taqsima 4. Fl-opinjoni tiegħi din id-dispożizzjoni tassigura li sabiex ikun ikkummerċjalizzat fil-Komunita b’mod legali, l-imballaġġ minn qabel ta’ likuri u spirti oħra għandu jaderixxi ma’ waħda mill-volumi nominali limitati msemmija fil-kolonna I ta’ l-Anness III, Taqsima 4.

    34.   L-Artikolu 5(3)(d) tad-direttiva, li kien ukoll mdaħħal mid-Direttiva 88/316, jintroduċi deroga li mhijiex limitata biż-żmien u jipprovdi li likuri u spirti oħra jistgħu, barra minn hekk, jiġu kkummerċjalizzati fl-Irlanda u fir-Renju Unit jekk ikunu ippakkjati minn qabel fil-volum nominali ta’ 0.071 litru.

    35.   Peress illi d-deroga permanenti li tinkorpora volum nominali addizzjonali tirreferi speċifikament għall-Irlanda u r-Renju Unit, għall-esklużjoni ta’ Stati Membri oħra, titqajjem id-domanda jekk l-Istati Membri l-oħra jistgħux jopponu għall-kummerċjalizzazzjoni ta’ likuri u spirti oħra ippakkjati minn-qabel fil-volum nominali ta’ 0.071 litru fit-territorju tagħhom, minkejja l-fatt li jkunu ġew ikkummerċjalizzati legalment fi Stat Membru, jiġifieri l-Irlanda jew ir-Renju Unit.

    36.   Id-Direttiva 75/106, kif emendata, b’mod partikolari l-istruttura ta’ l-Artikolu 5(3)(b), flimkien ma’ l-Artikolu 5(3)(d) u l-Anness III, Taqsima 4, hija nieqsa minn purezza legiżlattiva u toħloq diffikultà ta’ ftehim jew ta’ interpretazzjoni ta’ tali deroga permanenti. Fil-fehma tiegħi, il-leġiżlatur Komunitarju missu fehem li l-użu ta’ teknika leġiżlattiva bħal din hija ta’ natura li toħloq diffikultajiet ta’ interpretazzjoni u għaldaqstant kellu jiġi evitat.

    37.   Fil-fatt, peress illi l-Artikolu 5(3)(d) tad-Direttiva 75/106, kif emendat, jintroduċi deroga permanenti favur l-Irlanda u r-Renju Unit, fir-rigward tal-kummerċjalizzazzjoni ta’ likuri u spirti oħra ppakkjati minn qabel fil-volum nominali ta’ 0.071 litru, tista’ titqajjem d-domanda dwar jekk l-Artikolu 5(3)(b), flimkien ma l-Artikolu 5(3)(d) u l-Anness III, Taqsima 4, kolonna I tad-Direttiva 75/106 jagħtix lok għal armonizzazzjoni sħiħa jew parzjali tal-volumi nominali, abbażi ta’ liema, likuri u spirti oħra jistaw jiġu kkummerċjalizzati fil-KE. Fil-fehma tiegħi, din għandha impatt dirett fuq il-mod li bih għandu jiġi interpretat l-Artikolu 5(3)(b), flimkien ma l-Artikolu 5(3)(d) u l-Anness III, Taqsima 4, Kolonna I tad-Direttiva 75/106, u, jekk hemm bżonn, fuq il-mod li bih il-validità tiegħu għandha tiġi evalwata.

    38.   Fin-nuqqas ta’ armonizzazzjoni tal-liġijiet nazzjonali, l-Artikolu 28 KE jipprojbixxi b’mod partikolari l-ostakoli għall-moviment liberu tal-merkanzija li jirriżultaw mill-applikazzjoni, fir-rigward ta’ prodotti li joriġinaw minn Stati Membri oħra fejn huma ġew legalment immanifatturati u kkummerċjalizzati, ta’ regoli dwar ir-rekwiżiti li jridu jissodisfaw dawn il-prodotti, bħalma huma dawk relatati, per eżempju, mal-preżentazzjoni, it-twaħħil ta’ tikketti u l-ippakkjar tagħhom, anki jekk dawn ir-regoli japplikaw mingħajr distinzjoni għal prodotti nazzjonali u prodotti importati(15).

    39.   Fil-każ ta’ armonizzazzjoni parzjali, il-Qorti qalet f’Cidrerie Ruwet li l-imsemmi Artikolu 28 jipprojbixxi bl-istess mod l-ostakoli għall-kummerċjalizzazzjoni ta’ imballaġġi minn qabel li mhumiex is-suġġett ta’ tali armonizzazzjoni. F’każ bħal dan, interpretazzjoni kuntrarja jkollha l-effet li tawtorizza lill-Istati Membri jaqsmu s-swieq nazzjonali tagħhom fir-rigward ta’ prodotti li mhumiex koperti mir-regoli Komunitarji, b’mod kuntrarju għall-għan tal-moviment liberu mfittex mit-Trattat(16).

    40.   Huwa ċar li l-Artikolu 5(3)(b), flimkien ma’ l-Artikolu 5(3)(d) u l-Anness III, Taqsima 4, kolonna I tad-Direttiva 75/106, kif emendata, huma intiżi li jirregolaw b’mod definittiv il-volumi nominali ta’ imballaġġi minn qabel li fihom likuri u spirti oħra jistgħu jiġu kkummerċjalizzati fl-Istati Membri kollha. Għalhekk, dawn id-dispożizzjonijiet ifittxu li jistabbilixxu sistema regolatorja kompleta, li taħtha regoli komuni jissostitwixxu kompletament regoli nazzjonali eżistenti fis-settur, peress li fil-fehma tiegħi, huma jipprojbixxu espliċitament lill-Istati Membri li joħolqu regoli nazzjonali li huma differenti mir-regoli komuni. Fil-fehma tiegħi, il-possibbiltà miftuħa għall-Irlanda u għar-Renju Unit, bis-saħħa ta’ l-Artikolu 5(3)(d) tad-Direttiva 75/106, li jikkummerċjalizzaw likuri u spirti oħra f’volum nominali addizzjonali, ma taffettwax il-fatt li l-kwistjoni ġiet irregolata b’mod komplet fuq livell Komunitarju.

    41.   Għalhekk id-domanda preżenti hija dwar jekk id-Direttiva tistax tiġi interpretata konformament ma’ l-Artikolu 28 KE.

    42.   F’dan ir-rigward, huwa biżżejjed li jiġi mfakkar li, kif il-Qorti tal-Ġustizzja irriteniet b’mod konsistenti, reġola ta’ leġiżlazzjoni sekondarja, bħal dik ta’ l-Artikolu 5(3)(b), flimkien ma’ l-Artikolu 5(3)(d) u l-Anness III, Taqsima 4, kolonna I, tad-Direttiva 75/106, ma tistax tiġi interpretata li tawtorizza lill-Istati Membri li jimponu jew iżommu fis-seħħ kundizzjonijiet kuntrarji għar-regoli dwar il-moviment liberu tal-merkanzija li joħorġu mit-Trattat(17).

    43.   Għandu jiġi mfakkar li l-moviment liberu tal-merkanzija huwa wieħed mill-prinċipji fundamentali tat-Trattat u tal-Komunità(18). Il-Qorti tal-Ġustizzja irriteniet b’mod konsistenti li l-Artikolu 28 KE għandu bħala l-għan tiegħu li jipprojbixxi kull leġiżlazzjoni ppromulgata mill-Istati Membri li tista’ tfixkel, direttament jew indirettament, attwalment jew potenzjalment, il-kummerċ intrakomunitarju(19).

    44.   Barra minn hekk, għandu jiġi nnotat li konformament mal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, meta tiġi interpretata dispożizzjoni ta’ leġiżlazzjoni Komunitarja sekondarja, għandha tingħata kemm jista’ jkun preferenza għall-interpretazzjoni li tirrendi d-dispożizzjoni konsistenti mat-Trattat u mal-prinċipji ġenerali tad-dritt Komunitarju(20).

    45.   Barra minn dan, il-Qorti rriteniet b’mod konsistenti li, fl-interpretazzjoni ta’ dispożizzjoni Komunitarja, huwa neċessarju li jiġu kkunsidrati mhux biss il-kliem tagħha, iżda ukoll il-kuntest li fih teżisti u l-għanijiet tar-regoli li minnhom tagħmel parti(21).

    46.   F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li, fl-ewwel lok, id-Direttiva 75/106 kienet adottata abbażi ta’ l-Artikolu 94 KE (li qabel kien l-Artikolu 100 tat-Trattat KE) dwar l-approssimazzjoni ta’ dawk il-liġijiet, regolamenti jew dispożizzjonijiet amministrattivi ta’ l-Istati Membri li jaffettwaw direttament l-istabbiliment jew l-operazzjoni tas-suq komuni. Fit-tieni lok, id-Direttiva 88/316, li introduċiet fid-direttiva d-dispożizzjonijiet li huma s-suġġett tal-kontroversja, kienet ibbażata fuq l-Artikolu 95 KE (li qabel kien l-Artikolu 100a tat-Trattat KE).

    47.   Barra minn dan, miżuri adottati abbażi ta’ l-Artikolu 95 KE għandhom bħala l-għan tagħhom l-istabbiliment u l-operazzjoni tas-suq intern. Skond il-ġurisprudenza tal-Qorti, miżuri bħal dawn għandhom ikollhom bħala l-għan veru tagħhom it-titjib tal-kundizzjonijiet għall-istabbiliment u l-operazzjoni tas-suq intern(22).

    48.   B’mod partikolari, l-għan aħħari tal-leġiżlatur Komunitarju meta adotta d-Direttiva 75/106, kif jidher b’mod partikolarment ċar mill-ewwel premessa tagħha, kien li jwettaq approssimazzjoni tad-dispożizzjonijiet li jirrigwardaw il-likwidi f’imballaġġ minn qabel, li f’bosta Stati Membri kienu suġġetti għal regoli mandatorji li kienu differenti minn Stat Membru għall-ieħor, sabiex jiġi assigurat il-moviment liberu ta’ dawk il-prodotti fi ħdan il-Komunità.

    49.   Fil-fehma tiegħi, jirriżulta mill-prinċipji imsemmija aktar ’il fuq li jkun kontra l-Artikolu 28 KE jekk il-prodott, ġaladarba ġie legalment ikkummerċjalizzat fiż-żewġ Stati Membri kkonċernati, ma jistax jiġi kkummerċjalizzat ukoll fil-bqija tal-Komunità. Minkejja l-abbozzar leġiżlattiv ambiġwu użat, id-dispożizzjonijiet in kwistjoni joħolqu deroga permanenti favur l-Irlanda u r-Renju Unit li tippermetti li likuri u spirti oħra f’volum nominali ta’ 0.071 litru jiġu kkummerċjalizzati f’dawn iż-żewġ Stati Membri u, fil-fehma tiegħi, tippermetti wkoll, jew tagħti l-possibbiltà, li dawn il-prodotti jiġu kkummerċjalizzati fil-bqija ta’ l-Istati Membri.

    50.   Minn dak li għadu kif intqal, jiena tal-fehma li l-interpretazzjoni korretta tad-dispożizzjonijiet in kwistjoni teħtieġ li l-armonizzazzjoni sħiħa (u l-fatt li l-Anness III, Taqsima 4, kolonna I, ma jinkludix il-volum ta’ 0.071 litru) flimkien mad-deroga permanenti, kif prevista fid-Direttiva, għandha l-effett li din ta’ l-aħħar għandha tiġi interpretata fis-sens li prodotti f’imballaġġ minn qabel b’volum ta’ 0.071 litru, ġaladarba ġew ikkummerċjalizzati fl-Irlanda jew fir-Renju Unit, jistgħu jiġu kkummerċjalizzati ukoll fl-Istati Membri l-oħra tal-KE.

    2.      It-tieni domanda

    51.   Kif jidher ċar mid-deċiżjoni tar-rinviju, it-tieni domanda magħmula lill-Qorti tal-Ġustizzja dwar il-kompatibbiltà tad-direttiva ma’ l-Artikoli 28 KE u 30 KE tqum biss fil-kawża preżenti jekk id-direttiva ma tistax tiġi interpretata b’tali mod li tippermetti li l-prodott jiġi kkummerċjalizzat fl-Istati Membri l-oħra.

    52.   Fid-dawl tar-risposta mogħtija għall-ewwel domanda, mhux neċessarju li tingħata risposta għat-tieni domanda.

    IV – Konklużjoni

    53.   Nipproponi li d-domandi magħmula mill-Landgericht Wiesbaden jiġu mwieġba kif ġej:

    It-tieni sentenza tat-tieni subparagrafu ta’ l-Artikolu 5(3)(b), flimkien ma’ l-Artikolu 5(3)(d) u l-Anness III, Taqsima 4, kolonna I, tad-Direttiva tal-Kunsill 75/106/KEE tad-19 ta’ Diċembru, 1974 dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet ta’ l-Istati Membri li għandhom x’jaqsmu mal-prekondizzjonament bil-volum ta’ ċerti likwidi f’imballaġġ minn qabel, kif emendata l-aħħar bl-Att ta’ Adeżjoni tat-23 ta’ Settembru 2003, għandha tiġi interpretata li tfisser li prodotti f’imballaġġ minn qabel b’volum ta’ 0.071 litru, li huma kkummerċjalizzati legalment fl-Irlanda jew fir-Renju Unit, jistgħu jiġu kkummerċjalizzati ukoll fl-Istati Membri l-oħra kollha tal-KE.


    1 – Lingwa oriġinali: l-Ingliż.


    2 – ĠU 1975 L 42, p.1.


    3 – Emendata bid-Direttiva 78/891/KEE tat-28 ta’ Settembru, 1978 li taddatta għal progress tekniku l-Annessi tad-Direttivi tal-Kunsill 75/106/KEE u 76/211/KEE dwar l-imballaġġ minn qabel (ĠU 1978 L 311, p.21), Direttiva tal-Kunsill 79/1005/KEE tat-23 ta’ Novembru 1979 (ĠU 1979 L 308, p.25), Direttiva tal-Kunsill 85/10/KEE tat-18 ta’ Diċembru 1984 (ĠU 1985 L4, p.20), Direttiva tal-Kunsill 88/316/KEE tas-7 ta’ Ġunju 1988 (ĠU 1988 L143, p.26), Direttiva tal-Kunsill 89/676 KEE tal-21 ta’ Diċembru 1989 (ĠU 1989 L389, p.18) u l-Att dwar il-kundizzjonijiet ta’ l-adeżjoni tar-Repubblika Ċeka, ir-Repubblika ta’ l-Estonja, ir-Repubblika ta’ Ċipru, ir-Repubblika tal-Latvja, ir-Repubblika tal-Litwanja, ir-Repubblika ta’ l-Ungerija, ir-Repubblika ta’ Malta, ir-Repubblika tal-Polonja, ir-Repubblika tas-Slovenja u r-Repubblika Slovakka u l-aġġustamenti għat-Trattati li fuqhom hi stabbilita l-Unjoni Ewropea (ĠU 2003 L 236, p.33).


    4      Fir-rigward tad-diversi emendi lid-Direttiva 75/106, l-Artikolu 5(1) ta’ din ta’ l-aħħar ġiet emendata bid-Direttiva 85/10, waqt li l-Artikolu 5(3) u l-Artikolu 5(3)(d) ġew emendati sussegwentement mid-Direttiva 88/316.


    5 – Meta l-prodott jiġi kkummerċjalizzat fil-Ġermanja, it-tiketta tiddeskrivih bħala ’Krema Irlandiża Oriġinali’. Il-kelma ’likur’ hija miżjuda biss bħala deskrizzjoni tal-prodott. Diageo spjegat li mill-2002/2003 il-prodott kien immanifatturat u bbottiljat fir-Renju Unit.


    6 – Barra minn hekk, fis-seduta l-Gvern Grieg indika li Baileys Minis kienu mibjugħa ukoll fil-Greċja sa minn Settembru 2003.


    7 Artikolu 1(1) tad-Direttiva.


    8 Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-12 ta’ Ottubru 2000, Cidrerie Ruwet, C-3/99, Ġabra p. I-8749.


    9 KOM (2004) 708 finali. Ara ukoll il-Proposta Emendata tat-12 ta’ April 2006 KOM (2006) 171 finali.


    10 Ara, inter alia, d-digriet tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-25 ta’ Mejju 1998, Nour, C-361/97, Ġabra p. I-3101, punt 10.


    11 Għaldaqstant, meta d-domandi magħmula mill-qorti nazzjonali jikkonċernaw l-interpretazzjoni tad-dritt Komunitarju, il-Qorti tal-Ġustizzja hija, bħala prinċipju, marbuta li tagħti deċiżjoni preliminari (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-13 ta’ Jannar 2000, TK-Heimdienst, C-254/98, Ġabra 2000 p.I-151, punt 13).


    12 Dan sabiex il-Qorti tal-Ġustizzja ma tkunx marbuta tagħti opinjonijiet konsultattivi dwar domandi ipotetiċi jew ġenerali.


    13 Ara s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-21 ta’ Frar 2006, Ritter-Coulais, C-152/03, Ġabra p. I-1711, punt 15.


    14 – Frażi sħiha: "Spirti (ħlief dawk tas-sottotitolu CCT Nru 22.08); likuri u spirti oħra; preparazzjonijiet komposti alkoħoliċi (magħrufa bħala "estratti konċentrati") għall-manifattura [produzzjoni] ta’ xorb (sottotitolu CCT Nru 22.09)", aktar ’il quddiem "likuri u spirti oħra".


    15 Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-6 ta’ Lulju 1995, Mars, C-470/93, Ġabra p. I-1923, punt 12.


    16 Iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 8, punt 47.


    17 Ara f’dan is-sens, b’mod partikolari, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tad-9 ta’ Ġunju 1992, Delhaize u Le Lion, C-47/90, Ġabra 1992 p. I-3669, punt 26; is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-2 ta’ Frar 1994, Verband Sozialer Wettbewerb, magħrufa bħala “Clinique”, C-315/92, Ġabra 1994 p. I-317, punt 12; is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-11 ta’ Lulju 1996, Bristol-Myers Squibb et, C-427/93, C-429/93 u C-436/93, Ġabra 1996 p. I-3457, punt 27.


    18 Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tad-9 ta’ Diċembru 1997, Il-Kummissjoni vs Franza, C-265/95, Ġabra 1997 p. I-6959, punt 24; sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-12 ta’ Ġunju 2003, Schmidberger, C-112/00, Ġabra 2003 p. I-5659, punt 51.


    19 Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-11 ta’ Lulju 1974, Dassonville, C-8/74, Ġabra 1974 p. 837, punt 5.


    20 Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja ta’ l-24 ta’ Ġunju 1993, Dr. Tretter, C-90/92, Ġabra p. I-3569, punt 11, u s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-27 ta’ Jannar 1994, Herbrink, C-98/91, Ġabra 1994 p. I-223, punt 9, u l-ġurisprudenza ċċitata.


    21 Ara, b’mod partikolari, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tad-19 ta’ Settembru 2000, Il-Ġermanja vs Il-Kummissjoni, C-156/98, Ġabra p. I-6857, punt 50, u s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja ta’ l-14 ta’ Ġunju 2001, Kvaerner, C-191/99, Ġabra p. I-4447, punt 30.


    22 Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-5 ta’ Ottubru 2000, Il-Ġermanja vs Il-Parlament u Il-Kunsill, C-376/98, Ġabra 2000 p. I-8419, punt 83 et seq.

    Top