Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62005CC0439

Konklużjonijiet ta' l-Avukat Ġenerali - Sharpston - 15 ta' Mejju 2007.
Land Oberösterreich u ir-Repubblika ta' l-Awstrija vs il-Kummisjoni tal-Komunitajiet Ewropej.
Appell - Direttiva 2001/18/KE - Deċiżjoni 2003/653/KE - Rilaxx intenzjonat fl-ambjent ta' organiżmi modifikati ġenetikament - Artikolu 95(5) KE - Dispożizzjonijiet nazzjonali li jidderogaw minn miżura ta' armonizzazzjoni ġġustifikati minn provi xjentifiċi ġodda u minn problema speċifika ta' Stat Membru - Prinċipju tal-kontradittorju.
Każijiet Magħquda C-439/05 P u C-454/05 P.

Ġabra tal-Ġurisprudenza 2007 I-07141

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2007:285

KONKLUŻJONIJIET TA’ L-AVUKAT ĠENERALI

SHARPSTON

ippreżentati fil-15 ta’ Mejju 2007 1(1)

Kawżi magħquda C‑439/05 P u C‑454/05 P

Land Oberösterreich u r-Repubblika ta’ l-Awstrija

vs

Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej

“Appell – Approssimazzjoni ta’ legiżlazzjoni – Ħarsien tas-saħħa tal-bniedem u ta’ l-ambjent – Talba għal approvazzjoni ta’ dispożizzjonijiet nazzjonali li jidderogaw minn miżura ta’ armonizzazzjoni – Rifjut mill-Kummissjoni”





1.        Dan l-appell jirrigwarda tentattiv minn wieħed mil-Länder Awstrijaċi biex jintroduċi, bl-għan li joħloq żona agrikola ħielsa minn organiżmi modifikati ġenetikament (GMOs), liġi li timponi projbizzjoni ġenerali fuq il-kultivazzjoni ta’ pjanti jew żerriegħa modifikati ġenetikament, u fuq it-trobbija u r-rilaxx ta’ annimali transġeniċi.

2.        Madankollu, skond id-Direttiva 2001/18, (2) ir-rilaxx jew it-tpoġġija fis-suq ta’ GMO huma suġġetti għal sistema ta’ awtorizzazzjoni li teħtieġ evalwazzjoni tar-riskju għas-saħħa u għall-ambjent fuq bażi ta’ każ b’każ.

3.        L-abbozz tal-liġi ġie nnotifikat lill-Kummissjoni bil-għan li tinkiseb deroga mir-rekwiżiti tad-direttiva, skond l-Artikolu 95(5) u (6) KE, abbażi ta’ ‘prova xjentifika ġdida li għandha x’taqsam mal-ħarsien ta’ l-ambjent jew ta’ l-ambjent tax-xogħol fuq il-bażi ta’ xi problema speċifika għal dak l-Istat Membru li toriġina mill-adozzjoni ta’ miżura ta’ armonizzazzjoni’. Il-Kummissjoni kkunsidrat li l-ebda prova ta’ dan it-tip ma ġiet ippreżentata, u ċaħdet it-talba għall-approvazzjoni ta’ l-abbozz tal-liġi.

4.        Dik id-deċiżjoni ġiet ikkontestata quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza kemm mil-Land in kwistjoni, il-Land Oberösterreich (l-Awstrija ta’ Fuq), kif ukoll mir-Repubblika ta’ l-Awstrija. Il-Qorti ta’ Prim’Istanza ċaħdet iż­-żewġ rikorsi f’sentenza waħda, u ż-żewġ rikorrenti appellaw.

5.        Dawn essenzjalment isostnu li l-Qorti tal-Prim’Istanza injorat il-fatt li l-Awstrija ma kellhiex l-opportunità tirrispondi għal opinjoni ta’ l-Awtorità Ewropea għas-Siġurtà fl-Ikel (‘EFSA’), bi ksur tad-dritt tagħha li tinstema’; ma kkunsidratx kif xieraq in-natura speċifika tal-problema fl-Awstrija ta’ Fuq, u għalhekk naqset milli tagħti raġunijiet adegwati għad-deċiżjoni tagħha; u naqset milli tagħti attenzjoni xierqa lill-prinċipju ta’ prekawzjoni.

 Dritt Komunitarju

 Dispożizzjonijiet tat-Trattat

6.        L-Artikolu 95(4), (5) u (6) KE jipprovdi:

‘4.      Jekk, wara l-adozzjoni mill-Kunsill jew mill-Kummissjoni ta’ miżuri ta’ armonizzazzjoni, Stat Membru jħoss li jkun meħtieġ li jżomm id-dispożizzjonijiet nazzjonali fuq il-bażi ta’ neċessitajiet maġġuri msemmija fl-Artikolu 30, jew li għandhom x’jaqsmu mal-ħarsien ta’ l-ambjent jew mal-ambjent tax-xogħol, dan għandu jgħarraf lill-Kummissjoni b’dawn id-dispożizzjonijiet kif ukoll dwar ir-raġunijiet għaliex għandhom jinżammu.

5.      Aktar minn hekk, mingħajr preġudizzju għall-paragrafu 4, jekk wara l-adozzjoni mill-Kunsill jew mill-Kummissjoni ta’ miżura ta’ armonizzazzjoni, Stat Membru jħoss li jkun meħtieġ li jintroduċi dispożizzjonijiet nazzjonali bbażati fuq prova xjentifika ġdida li għandha x’taqsam mal-ħarsien ta’ l-ambjent jew ta’ l-ambjent tax-xogħol fuq il-bażi ta’ xi problema speċifika għal dak l-Istat Membru li toriġina mill-adozzjoni ta’ miżura ta’ armonizzazzjoni, dan għandu jinforma lill-Kummissjoni bid-dispożizzjonijiet li jkollu l-ħsieb jintroduċi kif ukoll il-bażi għall-introduzzjoni tagħhom.

6.      Il-Kummissjoni għandha, fi żmien sitt xhur min-notifika msemmija fil-paragrafi 4 u 5, tapprova jew tiċħad id-dispożizzjonijiet nazzjonali involuti, wara li tkun ivverifikat jekk humiex, jew le meżż ta’ diskriminazzjoni arbitrarja jew ta’ restrizzjoni moħbija fuq il-kummerċ bejn Stati Membri u jekk joħolqux, jew le ostakolu għall-funzjonament tas-suq intern.

Fin-nuqqas ta’ deċiżjoni mill-Kummissjoni matul dan il-perjodu, id-dispożizzjonijiet nazzjonali msemmija fil-paragrafi 4 u 5 għandhom ikunu meqjusa bħala li kienu approvati.

Meta tkun iġġustifikata mill-komplessità tal-materja u meta m’hemmx periklu għas-saħħa umana, il-Kummissjoni tista’ tgħarraf lill-Istat Membru kkonċernat li l-perjodu msemmi f’dan il-paragrafu jista’ jittawwal b’perjodu ieħor sa sitt xhur."

7.        Il-Politika Komunitarja dwar l-ambjent hija ttrattata fl-Artikoli 174 sa 176 KE. B’mod partikolari, l-Artikolu 174(2) jipprovdi:

‘Il-Politika Komunitarja dwar l-ambjent għandu jkollha l-mira ta’ protezzjoni ta’ livell għoli li tieħu kont tad-diversità tas-sitwazzjonijiet fid-diversi reġjuni tal-Komunità. Għandha tkun ibbażata fuq il-prinċipju ta’ prekawzjoni u fuq il-prinċipji li azzjoni preventiva għandha ttittieħed, li l-ħsara lill-ambjent għandha, bħala prijorità tissewwa f’ras il-għajn u li min iniġġeż għandu jħallas.

F’dan il-kuntest, il-miżuri ta’ armoniżżazzjoni li jirrispondu għall-ħtiġiet ta’ protezzjoni ambjentali għandhom jinkludu, fejn xieraq, klawżola ta’ salvagwardja li tħalli l-Istati Membri li jieħdu miżuri proviżorji għal raġunijiet ambjentali non-ekonomiċi, suġġett għall-proċedura ta’ ispezzjoni mill-Komunità’.

Id-Direttiva 2001/18

8.        Ir-rilaxx intenzjonat ta’ GMOs fl-ambjent ilu rregolat mis-17 ta’ Ottubru 2002 mid-Direttiva 2001/18, li għandha l-għan li tapprossimizza l-leġiżlazzjoni u l-proċeduri nazzjonali f’dan il-qasam.

9.        Ir-rilaxx intenzjonat jew it-tpoġġija fis-suq ta’ GMO huwa suġġett għal sistema ta’ awtorizzazzjoni. Hemm proċedura għar-rilaxx ta’ GMOs għal kwalsiasi skop ħlief biex jitpoġġew fis-suq (essenzjalment għall-iskop ta’ esperimentazzjoni – parti B tad-direttiva, Artikoli 5 sa 11) li tinvolvi awtorizzazzjoni fuq il-livell nazzjonali, u proċedura għat-tpoġġija fis-suq ta’ GMOs bħala jew fi prodotti (parti C, Artikoli 12 sa 24), li tistipula proċedura Komunitarja, u d-deċiżjoni finali hija valida fl-Unjoni Ewropea kollha. Il-proċedura Komunitarja skond il-parti C tingħata bidu quddiem l-awtorità kompetenti ta’ l-Istat Membru fejn il-GMO għandu jitpoġġa fis-suq għall-ewwel darba u tinkludi l-involviment estensiv ta’ l-awtoritajiet kompetenti ta’ l-Istati Membri kollha. (3)

10.      Fost id-dispożizzjonijiet ġenerali fil-parti A, l-Artikolu 4 jipprovdi, inter alia, li,

–        skond il-prinċipju ta’ prekawzjoni, l-Istati Membri għandhom jassiguraw li jittieħdu l-miżuri xierqa kollha biex jiġu evitati effetti ħżiena fuq is-saħħa tal-bniedem u l-ambjent li jistgħu jirriżultaw mir-rilaxx intenzjonat jew tpoġġija ta’ GMOs fis-suq;

–        kwalunkwe persuna qabel tissottometti notifika skond il-parti B jew il-parti Ċ, għandha tagħmel stima ta’ riskju ambjentali;

–        l-Istati Membri u l-Kummissjoni għandhom jassiguraw li l-GMOs li jkun fihom ġeni li għandhom rezistenza għall-antibijotiċi fl-użu għal trattament mediku jew veterinarju jittieħdu in konsiderazzjoni partikolari, bl-idea li jiġu identifikati u ftit ftit eliminati dawk l-indikaturi ta’ reżistenza antibijotika fil-GMOs li jistgħu jkollhom effetti ħżiena fuq is-saħħa u l-ambjent;

–        L-Istati Membri u fejn xieraq il-Kummissjoni għandhom jassiguraw li effetti potenzjali ħżiena fuq is-saħħa tal-bniedem u l-ambjent jiġu stmati bir-reqqa fuq bażi ta’ każ b’każ;

–        L-Istati Membri għandhom jappuntaw l-awtorità kompetenti biex teżamina n-notifikazzjonijiet u tiddeċidi jekk l-istima tar-riskju ambjentali mwettqa hijiex xierqa;

–        L-Istati Membri għandhom jassiguraw li l-awtorità kompetenti torganizza spezzjonijiet u miżuri oħra ta’ kontroll u li jittieħdu l-miżuri kollha xierqa biex jintemm ir-rilaxx jew tpoġġija fis-suq, li jinbdew azzjonijiet ta’ rimedju jekk neċessarju, u li tinforma l-pubbliku, lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri l-oħra.

11.      Fil-parti C, l-Artikolu 20, intitolat ‘Sorveljar u maneġġjar ta’ informazzjoni ġdida’, jingħad dan li ġej:

“1. Wara t-tpoġġija fis-suq ta' GMO bħal jew fi prodott, in-notifikant jassigura li sorveljar u rappurtaġġ fuqha jsiru skond il-kondizzjonijiet speċifikati fil-kunsens. Ir-rapporti ta' dan l-issorveljar jingħataw lill-Kummissjoni u lil awtoritajiet kompetenti ta' Stati Membri. Fuq il-bażi ta' dawn ir-rapporti, skond il-kunsens u fil-qafas għal pjan ta' sorveljar speċifikat fil-kunsens, l-awtorità kompetenti li rċeviet in-notifika oriġinali tista' tadatta il-pjan ta' sorveljar wara l-perijodu ta' l-ewwel sorveljar.

2. Jekk saret disponibbli informazzjoni ġdida, minn dawk li jużaw jew sorsi oħra, dwar riskji ta' GMO(s) għas-saħħa tal-bniedem jew l-ambjent wara li jingħata l-kunsens bil-miktub, in-notifikant għandu immedjatament jieħu l-miżuri biex jipproteġi s-saħħa tal-bniedem u l-ambjent, u jinforma lill-awtorità kompetenti b'dan kollu.

Ma' dan, in-notifikant għandu jirrevedi l-informazzjoni u kondizzjonijiet speċifikati fin-notifika.

3. Jekk issir disponibbli informazzjoni lill-awtorità kompetenti li jista' jkollha konsegwenzi għar-riskji ta' GMO(s) lis-saħħa tal-bniedem jew l-ambjent, jew skond ċirkostanzi deskritti fil-paragrafu 2, immedjatament tibgħat l-informazzjoni lill-Kummissjoni u lil awtoritajiet kompetenti ta' l-Istati Membri l-oħra u tista' tuża d-dispożizzjonijiet fl-Artikoli 15(1) u 17(7) fejn xieraq, meta l-informazzjoni ssir disponibbli qabel il-kunsens bil-miktub.

Meta l-informazzjoni ssir disponibbli wara li jingħata l-kunsens, l-awtorità kompetenti għandha fi żmien 60 ġurnata wara li tirċievi l-informazzjoni ġdida, tibgħat ir-rapport ta' stima u tindika jekk u kif il-kondizzjonjijiet ta' kunsens għandhom jiġu emendati jew il-kunsens għandu jiġi mitmum lill-Kummissjoni li, fi żmien 30 ġurnata minn meta tirċievi dan, tibgħat[u] lil awtoritajiet kompetenti ta'l-Istati Membri l-oħra.

Kummenti jew oġġezzjonijiet raġjunati biex tpoġġi aktar GMO fis-suq jew fuq il-proposta biex temenda il-kondizzjonijiet tal-kunsens, għandhom fi żmien 60 ġurnata wara ċirkolazzjoni tar-rapport ta' stima tibgħathom immedjatament lil awtoritajiet kompetenti kollha.

L-awtoritajiet kompetenti u l-Kummissjoni jistgħu jiddiskutu xi kwistjonijiet li għadu ma ntlaħaqx ftehim dwarhom, bil-għan li jilħqu ftehim fi żmien 75 ġurnata mid-data ta' ċirkolazzjoni ta' rapport ta' stima.

Fl-assenza ta' xi oġġezzjoni raġjunata minn Stat Membru jew mill-Kummissjoni fi żmien 60 ġurnata wara d-data ta' ċirkolazzjoni ta' l-informazzjoni l-ġdida jew ta' kwistjonjiet li mhux riżolti jiġu solvuti fi żmien 75 ġurnata, l-awtorità kompetetni li ppreparat ir-rapport temenda l-kunsens kif propost, tittrasmetti l-kunsens emendat lin-notifikant u tinforma lill-Istati Membri oħra u lill-Kummissjoni b'dan fi 30 ġurnata.

4. Biex tassigura trasparenza tagħha, ir-riżultati ta' sorveljar li sar skond il-parti Ċ tad-Direttiva għandu jsir pubblikament disponnibli.”

12.      Fil-parti C ukoll, l-Artikolu 23 intitolat ‘Klawżola ta’ salvagwardja’, jaqra kif ġej:

“1. Fejn Stati Membru, b'riżultat ta' informazzjoni ġdida jew addizjonali li ssir disponnibli mid-data tal-kunsens u taffetwa l-stima ta' riskju ambjentali jew eżami mill-ġdid ta' informazzjoni eżiżtenti jew għarfien xjentifiku addizzjonali, għandhu raġunijiet iktar dettaljati biex tikkunsidra li GMO bħal jew fi prodott li ġie proprjament notifikat u rċieva kunsens bil-miktub skond din id-Direttiva jikkostitwixxi riskju lis-saħħa tal-bniedem jew l-ambjent, dak l-Istat Membru jista' proviżorjament jirrestrinġi jew jipprojbixxi l-użu u/jew bejgħ ta' dik l-GMO bħal jew fi prodott fit-territorju tagħhom.

L-Istat Membru għandu jassigura li fil-każ ta' riskju gravi, miżuri ta' emerġenza, bħal sospensjoni jew terminazzjoni ta' tpoġġija fis-suq, jiġu applikati, inkluż informazzjoni lill-pubbliku.

L-Istat Membru għandu immedjatament jinforma lil Kummissjoni u lill-Istati Membri l-oħra b'azzjonijiet li ttieħdu skond dan l-Artikolu u tagħti raġunijiet għad-deċiżjoni tagħha, u tagħti ir-reviżjoni ta' stima ta' riskju ambjentali, u tindika jekk u kif il-kondizzjonijiet tal-kunsens għandhom jiġu emendati jew il-kunsens għandu jiġi mitmum, u, fejn xieraq, l-informazzjoni ġdida jew addizzjonali li fuqha hija bbażata id-deċiżjoni tagħha.

2. Deċiżjoni tittieħed fuq il-kwistjoni fi żmien 60 ġurnata [..]”

13.      Wara ż-żmien tal-fatti ta’ din il-kawża, ir-Regolament Nru 1829/2003 (4) introduċa l-Artikolu 26a, li jistipula:

“1. L-Istati Membri jistgħu jieħdu l-miżuri xierqa biex jevitaw il-preżenza mhux mixtieq ta' OMĠ fi prodotti oħra.

2. Il-Kummissjoni għandha tiġbor u tikkordina informazzjoni msejsa fuq studji fuq livell Komunitarju u nazzjonali, tosserva l-iżviluppi rigward il-koeżistenza fl-Istati Membri u, fuq il-bażi ta' l-informazzjoni u l-osservazzjonijiet, tiżviluppa linji gwida dwar il-koeżistenza ta' uċuħ tar-raba' modifikati ġenetikament, konvenzjonali u organiċi.”

14.      Fi żmien id-deċiżjoni kkontestata f’din il-kawża, l-ebda GMOs ma kienu ġew awtorizzati (fuq livell Komunitarju, għal tpoġġija fis-suq) taħt id-Direttiva 2001/18. Minn dakinhar, ħames applikazzjonijiet li għandhom x’jaqsmu ma’ materjal ta’ pjanti ġew milqugħa, (5) l-ebda waħda minnhom għall-kultivazzjoni, u tmienja oħra għadhom pendenti. (6) Ħames applikazzjonijiet fost dawn it-tmienja jinkludu l-kultivazzjoni bħala użu rikjest. Kienu nħarġu tmintax il-awtorizazzjoni għat-tpoġġija fis-suq ta’ GMOs taħt id-Direttiva 90/220, (7) fosthom ħamsa li kienu jinkludu awtorizzazzjoni għall-kultivazzjoni.

15.      Id-Direttiva 2001/18 tipprovdi wkoll għat-tpoġġija fis-suq u r-rilaxx sperimentali fl-ambjent ta’ annimali transġeniċi, għalkemm għalissa għadha ma ġiet ippreżentata ebda applikazzjoni għall-approvazzjoni.

16.      Fir-rigward tar-rilaxx għal skopijiet differenti mit-tpoġġija fis-suq (bl-awtorizzazzjoni fuq il-livell nazzjonali), jidher li kien hemm iktar minn 2000 notifika fil-Komunità kollha minn meta daħlet fis-seħħ id-Direttiva 90/220, Tlieta minnhom mill-Awstrija (tnejn fl-1996 u waħda fl-1997). (8)

17.      Jista’ jiġi nnutat, fid-dawl tat-tħassib dwar is-sigurtà tal-GMOs, li l-ebda awtorizzazzjoni Komunitarja għat-tpoġġija fis-suq ma ġiet fil-fatt akkordata bejn Ottubru ta’ l-1998 u Lulju ta’ l-2004, għalkemm numru ta’ rilaxxi sperimentali ġew awtorizzati fuq livell nazzjonali f’ċerti Stati Membri. L-effetti ta’ dak il-‘moratorju’ informali miftiehem bejn l-Istati Membri (9) kienu ġew ikkontestati fl-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ, (10) u issa ġie abbandunat.

 Il-linji gwida dwar il-koeżistenza

18.      Fit-23 ta’ Lulju 2003, filwaqt li t-talba in kwistjoni f’din il-kawża kienet pendenti, il-Kummissjoni adottat linji gwida rrakkomandati sabiex tiġi assigurata koeżistenza bejn prodotti tar-raba’ modifikati ġenetikament u tipi oħajn ta’ biedja. (11)

19.      Dawn il-linji gwida jittrattaw l-aspetti ekonomiċi tal-koeżistenza, li jistgħu jinvolvu telf ta’ dħul u/jew spejjeż addizzjonali għall-bdiewa li jixtiequ jevitaw taħlita ta’ GMOs, u huma intiżi sabiex jgħinu lill-Istati Membri biex jiżviluppaw strateġiji nazzjonali u metodi biex jitnaqqsu r-riskji. Il-linji gwida jagħmlu distinzjoni ċara bejn dawn il-kwistjonijiet u l-aspetti ambjentali u li għandhom x’jaqsmu mas-saħħa ttrattati fid-Direttiva 2001/18.

 L-abbozz ta’ liġi u d-deċiżjoni kkontestata

20.      Abbozz ta’ liġi li jipprojbixxi l-kultivazzjoni ta’ żerriegħa u ta’ pjanti modifikati ġenetikament u l-użu ta’ annimali transġeniċi għat-trobbija jew ir-rilaxx, b’mod partikolari għall-iskopijiet ta’ kaċċa u sajd,  (12) ġie introdott fil-leġiżlatura ta’ l-Awstrija ta’ Fuq fl-2002. L-iskop tiegħu ġie ddikjarat li hu ‘il-protezzjoni tal-biedja organika kif ukoll tal-prodotti tar-raba’ tradizzjonali u l-prodotti ta’ l-annimali mill-kontaminazzjoni mill-GMO (ibridazzjoni). Barra dan, il-biodiversità naturali, b’mod partikolari f’żoni ekoloġikament sensittivi, kif ukoll ir-riżorsi ġenetiċi fin-natura, inklużi dawk tal-kaċċa u tas-sajd, għandhom jiġu protetti mill-kontaminazzjoni mill-GMO.’ Dan l-abbozz kien ibbażat fuq rapport (‘ir-rapport Müller (13)) li ġie kkummissjonat mill-awtoritajiet ta’ l-Awstrija ta’ Fuq.

21.      L-abbozz ta’ liġi ġie nnotifikat lill-Kummissjoni mill-Awstrija fit-13 ta’ Marzu 2003, bil-ħsieb li jiġi approvat skond l-Artikoli 95(5) u (6) KE, bħala deroga mid-Direttiva 2001/18. Il-ġustifikazzjonijiet li ta l-Gvern Awstrijak kienu bbażati essenzjalment fuq ir-rapport Müller. Skond il-Gvern Awstrijak, dan ir-rapport żvela prova xjentifika ġdida li turi periklu għall-ambjent lokali, u wera li l-Awstrija ta’ Fuq kellha struttura speċifika ta’ biedja, b’impriżi agrikoli żgħar u perċentwali sostanzjali ta’ biedja organika. Qal ukoll li l-kwistjoni tal-koeżistenza bejn prodotti tar-raba’ modifikati ġenetikament u mhux modificati ġenetikament, li ma ġewx ittrattati fid-Direttiva 2001/18, kienet għadha meqjusa bħala mhux solvuta.

22.      Biex tassistiha fl-evalwazzjoni tagħha, il-Kummissjoni talbet lill-EFSA (14) tagħti opinjoni xjentifika partikolarment dwar jekk ir-rapport Müller ipprovdiex xi prova xjentifika ġdida, f’termini ta’ riskju għas-saħħa tal-bniedem u għall-ambjent, li tiġġustifika l-projbizzjoni tal-kultivazzjoni tal-GMOs awtorizzata mid-Direttiva 90/220 jew id-Direttiva 2001/18, u dwar jekk l-informazzjoni xjentifika ppreżentata pprovdietx data ġdida li tinvalida d-dispożizzjonijiet dwar l-evalwazzjoni ta’ riskju ambjentali taħt dawk id-direttivi.

23.      Il-panel ta’ l-EFSA stqarr fl-opinjoni tiegħu ta’ l-4 ta’ Lulju 2003,  (15) inter alia:

‘Il-provi ppreżentati kienu fil-parti l-kbira eżami mill-ġdid ta’ l-għarfien kurrenti dwar it-trażmissjoni tal-ġeni minn prodott tar-raba’ għal ieħor u t-trażmissjoni relattiva tal-ġeni minn prodotti tar-raba’ għall-varjetajiet salvaġġi ta’ xi tipi ta’ prodotti tar-raba’ b’referenza limitata għal studji dwar it-trażmissjoni tal-ġeni fl-Awstrija. L-evidenza eżaminat ukoll kwistjonijiet ta’ koeżistenza ta’ varjetajiet modifikati ġenetikament u mhux modifikati ġenetikament ta’ tliet tipi ewlenin ta’ prodotti tar-raba’ u dan kien l-argument ewlieni ppreżentat biex tiġi stabbilita żona ta’ esklużjoni ta’ GMO fl-Awstrija ta’ Fuq. Ir-rapport ikkonkluda li t-trażmissjoni tal-ġeni minnha nfisha kienet periklu mingħajr ma saret referenza għal xi impatti jew konsegwenzi fuq l-ambjent jew is-saħħa tal-bniedem tat-trażmissjoni tal-ġeni. It-trażmissjoni tal-ġeni hija funzjoni bijoloġika bażika li hija fundamentali għall-evoluzzjoni u s-sopravivenza ta’ l-ispeċi kollha ħajjin. Ma ġiet ippreżentata l-ebda prova li turi li t-trażmissjoni tal-ġeni minn organiżmi transġeniċi hija minnha nfisha differenti mit-trażmissjoni tal-ġeni minn organiżmi kkoltivati b’mod konvenzjonali jew organiku. Barra dan, ma ġew ippreżentati l-ebda rapporti dwar studji fuq prodotti tar-raba’ jew annimali modifikati ġenetikament fl-Awstija li kienu jindikaw xi konsegwenzi negattivi tat-trażmissjoni tal-ġeni. Ir-rapport iċċita biss numru limitat ta’ referenzi eżaminati minn pari (peer review) li fuqhom huma bbażati l-provi. Numru pjuttost għoli ta’ referenzi ma kinux direttament relatati ma’ GMOs, iżda rrappurtaw dwar invażjonijiet bijoloġiċi, persistenza tal-pestiċidi u tnaqqis ta’ l-ożonu. Barra dan, ħafna referenzi kienu jittrattaw leġiżlazzjoni jew affarijiet ekonomiċi u għalhekk ma pprovdewx prova xjentifika ulterjuri li tiġġustifika l-esklużjoni ta’ GMOs fl-Awstrija ta’ Fuq. Ma saru ebda riferenzi għal annimali modifikati ġenetikament.

Ma ġiet ippreżentata l-ebda prova fir-rapport li turi li l-koeżistenza hija kwistjoni ta’ riskju għall-ambjent u għas-saħħa tal-bniedem. L-EFSA ma ġietx mitluba mill-Kummissjoni tikkumenta dwar l-immaniġġjar tal-koeżistenza bejn prodotti tar-raba’ modifikati ġenetikament u dawk mhux modifikati ġenetikament, imma l-Panel irrikonoxxa li din hija kwistjoni agrikola importanti.

Il-provi xjentifiċi ppreżentati ma fihom ebda informazzjoni xjentifika ġdida jew unikament lokali li tikkonċerna l-impatt fuq l-ambjent jew fuq is-saħħa tal-bniedem ta’ prodotti tar-raba’ jew ta’ annimali modifikati ġenetikament eżistenti jew futuri.

Ma ġie ppreżentata ebda element xjentifiku li jagħti prova li din iż-żona ta’ l-Awstrija kellha ekosistemi partikolari jew uniċi li kienu jeħtieġu evalwazzjoni tar-riskji distinta minn dawk li saru għall-Awstrija kollha jew għal żoni oħra simili fl-Ewropa. Ma ġew ippreżentati l-ebda każijiet speċifiċi ta’ effetti tal-GMOs fuq il-bijodiversità, kemm direttament jew permezz ta’ kambjamenti fil-prattiċi agrikoli.’

24.      Il-Panel ikkonkluda li:

‘–      l-informazzjoni xjentifika ppreżentata fir-rapport ma pprovdiet ebda data ġdida li tinvalida d-dispożizzjonijiet ta’ l-evalwazzjoni tar-riskji ambjentali stabbiliti taħt id-Direttiva 90/220/KEE jew id-Direttiva 2001/18/KE.

–        l-informazzjoni xjentifika ppreżentata fir-rapport ma pprovdit ebda prova xjentifika ġdida, f’termini ta’ riskju għas-saħħa tal-bniedem u għall-ambjent, li tista’ tiġġustifika projbizzjoni ġenerali tal-kultivazzjoni ta’ żrieragħ modifikati ġenetikament u materjal propaganti, l-użu ta’ annimali transġeniċi għal skopijiet ta’ trobbija u r-rilaxx ta’ annimali transġeniċi, awtorizzati għal dawn l-iskopijiet skond id-Direttiva 90/220/KEE jew id-Direttiva 2001/18/KE f’dan ir-reġjun ta’ l-Awstrija.’

25.      Il-Kummissjoni waslet għad-deċiżjoni tagħha fit-2 ta’ Settembru 2003. (16)

26.      Fl-evalwazzjoni tagħha din innutat li kien ċar mir-rapport tal-Kumitat Awstrijak dwar l-Affarijiet Ekonomiċi Nazzjonali (‘ir-rapport tal-kumitat) li l-Awstrija kienet għal kollox konxja tal-possibiltà li toffri l-klawżola ta’ salvagwardja fid-Direttiva 2001/18, (17) iżda kkunsidratha bħala mezz mhux adattat biex jilħaq l-oġġettivi ta’ projbizzjoni totali ta’ GMOs fil-provinċja ta’ l-Awstrija ta’ Fuq. (18)

27.      Il-Kummissjoni imbagħad ikkunsidrat, fil-punt 65, li:

‘ir-rapport Müller fih data li fil-parti l-kbira tagħha ma kinitx disponibbli qabel l-adozzjoni tad-Direttiva 2001/18/KE fit-12 ta’ Marzu 2001. Din l-evalwazzjoni hija kkonfermata mill-EFSA. Barra dan, l-Awstrija toqgħod fuq il-fatt li l-Istudju Müller ġie rrilaxxjat fit-28 ta’ April 2002, madwar sena wara d-data ta’ l-adozzjoni tad-Direttiva 2001/18/KE (12 ta’ Marzu 2001). Madanakollu l-maġġoranza tas-sorsi li ssir referenza għalihom fil-bibliografija ġew ippubblikati qabel l-adozzjoni tad-Direttiva 2001/18/KE. Għalhekk, il-qofol ta’ l-istudju jidher li hu iktar tisħiħ ta’ xogħlijiet preċedenti milli materjal ġdid li jidentifika problemi speċifiċi li qamu wara l-adozzjoni tad-Direttiva 2001/18/KE.’

28.      Fil-punt 70, il-Kummissjoni stqarret:

‘fid-dawl tad-dokumentazzjoni pprovduta mill-Awstrija, b’mod partikolari s-siltiet mill-istudju Müller inklużi man-notifikazzjoni, huwa ċar li sistemi ta’ biedja kkaratterizzati minn impriżi agrikoli żgħar ċertament mhumiex speċifiċi għal dan ir-reġjun u jeżistu fl-Istati Membri kollha. L-approvazzjoni ta’ l-Att fir-rigward ta’ l-Artikolu 95(5) tat-Trattat, għalhekk, ma tistax tiġi bbażata fuq ġustifikazzjoni bħal din’, (19)      

u tkompli, fil-punt 71, billi tikkwota, mill-opinjoni ta’ l-EFSA, l-aħħar żewġ paragrafi kkwotati fil-punt 23 ta’ din l-Opinjoni.

29.      Il-Kummissjoni kkonkludiet:

‘(74) L-Artikolu 95(5) tat-Trattat KE jirrikjedi li, jekk Stat Membru jqis li jkun meħtieġ li jintroduċi dispożizzjonijiet nazzjonali b’deroga mill-miżuri ta’ armonizzazzjoni Komunitarji, id-dispożizzjonijiet nazzjonali għandhom jiġu ġġustifikati bi provi xjentifiċi ġodda li għandhom x’jaqsmu mal-ħarsien ta’ l-ambjent jew ta’ l-ambjent tax-xogħol, irid ikun hemm problema speċifika għall-Istat li jagħmel it-talba, u l-problema trid tkun qamet wara l-adozzjoni tal-miżura ta’ armonizzazzjoni.

(75)      F’dan il-każ, wara li ġiet eżaminata t-talba Awstrijaka, il-Kummissjoni kkunsidrat li l-Awstrija ma pprovdietx provi xjentifiċi ġodda li għandhom x’jaqsmu mal-ħarsien ta’ l-ambjent u ta’ l-ambjent tax-xogħol, u ma urietx li hemm problema speċifika fit-territorju ta’ l-Awstrija ta’ Fuq, li qamet wara l-adozzjoni tad-Direttiva 2001/18/KE dwar ir-rilaxx deliberat fl-ambjent ta’ GMOs u li tirrendi neċessarja l-introduzzjoni ta’ miżuri nazzjonali nnotifikati.

(76)      Konsegwentement, it-talba mill-Awstrija biex jiġu introdotti miżuri nazzjonali immirati biex jipprojbixxu l-użu ta’ GMOs fl-Awstrija ta’ Fuq ma tissodisfax il-kundizzjonijiet stipulati fl-Artikolu 95(5).’

30.      Il-Kummissjoni għalhekk ma laqgħatx id-dispożizzjonijiet notifikati.

 Is-sentenza appellata

31.      Kemm l-Awstrija kif ukoll il-Land Oberösterreich fetħu kawżi għall-annulament tad-deċiżjoni kkontestata. Il-Qorti tal-Prim’Istanza għaqqdet il-kawżi, u tat sentenza fil-5 ta’ Ottubru 2005 fejn ċaħdet iż-­żewġ kawżi. (20) Iż-żewġ partijiet issa qed jitolbu biex dik is-sentenza tiġi annullata.

32.      Ir-rikorrenti ressqu erba’ motivi: (i) ksur tal-prinċipju tal-kontradittorju, (ii) ksur ta’ l-obbligu ta’ motivazzjoni, (iii) ksur ta’ l-Artikolu 95(5) u (iv) ksur tal-prinċipju ta’ prekawzjoni. Minn dawn, huma biss l-ewwel u t-tielet motivi li fuqhom hemm espressament kwistjoni fl-appell, għalkemm l-argument jorbot ukoll mal-prinċipju ta’ prekawzjoni.

 Ksur tal-prinċipju tal-kontradittorju

33.      Ir-rikorrenti jsostnu li l-Kummisjoni ma kinitix tathom l-opportunità jagħtu l-opinjoni tagħhom qabel ma adottat id-deċiżjoni kkontestata. Għalkemm il-Qorti tal-Ġustizzja kienet iddeċidiet fis-sentenza Id-Danimarka vs Il-Kummissjoni (21) li l-prinċipju tal-kontradittorju ma japplikax għall-proċedura skond l-Artikolu 95 KE, iċ­-ċirkostanzi ta’ dan il-każ kienu jitolbu tweġiba differenti. L-ewwel nett is-sentenza Id-Danimarka vs Il-Kummissjoni kienet tirrigwarda talba skond l-Artikolu 95(4) għal deroga relativa għal miżura nazzjonali li kienet diġà fis-seħħ filwaqt li, hawnhekk, peress li l-miżura nnotifikata kienet għadha fil-forma ta’ abbozz, il-Kummissjoni setgħet tkompli l-proċedura skond it-tielet subparagrafu ta’ l-Artikolu 95(6) KE, sabiex l-Istat Membru jingħata l-opportunità jagħti l-fehmiet tiegħu. It-tieni nett, f’din il-kawża, il-Kummissjoni talbet lill-EFSA tħejji perizja, li fuqha ġiet ibbażata d-deċiżjoni tagħha. Hija għalhekk imissha tat lill-Awstrija l-opportunità tagħti l-fehmiet tagħha dwar l-opinjoni ta’ l-EFSA. (22)

34.      Il-Qorti ta’ Prim’Istanza nnutat li fis-sentenza Id-Danimarka vs Il-Kummissjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja straħet fuq il-fatt li l-proċedura fl-Artikolu 95(4) KE kienet ġiet mibdija minn Stat Membru, u l-Kummissjoni adottat id-deċiżjoni tagħha sempliċement b’risposta għal dik l-inizjattiva. Għalhekk l-Istat Membru seta’ jikkumenta fit-talba tiegħu fuq id-deċiżjoni mitluba, u fil-fatt kien marbut jindika r-raġunijiet għaż-żamma tad-dispożizzjonijiet nazzjonali in kwistjoni. Min-naħa tagħha l-Kummissjoni trid tkun f’pożizzjoni, fil-perjodu ta’ żmien preskritt, tikseb l-informazzjoni neċessarja mingħajr ma jkollha għalfejn tisma’ għal darb’oħra lill-Istat Membru. Barra dan, it-tieni u t-tielet subparagrafi ta’ l-Artikolu 95(6) jipprovdu, rispettivament, li d-dispożizzjonijiet nazzjonali derogatorji jiġu meqjusin li ġew approvati jekk il-Kummissjoni ma tiħux deċiżjoni sa ċertu perijodu ta’ żmien u li l-ebda estensjoni ta’ dak il-perijodu ma tkun permessa fejn jeżisti periklu għas-saħħa tal-bniedem. L-intenzjoni kienet għalhekk li l-proċedura tiġi konkluża malajr. Huwa diffiċli li dan l-objettiv jiġi rrikonċiljat mar-rekwiżit ta’ skambju ta’ informazzjoni u osservazzjonijiet għal perijodu twil. (23)

35.      Il-Qorti ta’ Prim’Istanza kkunsidrat li l-istess raġunament jista’ jiġi applikat għall-proċedura fl-Artikolu 95(5) KE. Din ukoll tinbeda mill-Istat Membru notifikanti, li jista’ jikkumenta dwar id-deċiżjoni mitluba, u għandha tiġi konkluża malajr. Il-fatt li l-miżuri nazzjonali għadhom fil-forma ta’ abbozz ma jfissirx li l-prinċipju tal-kontradittorju għandu japplika, u r-rekwiżit tal-ħeffa m’għandux ikun inqas meta l-miżura nazzjonali tkun għadha ma daħlitx fis-seħħ. L-Artikolu 95(6) KE japplika mingħajr distinzjoni kemm jekk il-miżuri jkunu fis-seħħ jew fil-forma ta’ abbozz. Barra minn hekk, il-Kummissjoni tista’ testendi l-iskadenza għat-teħid ta’ deċiżjoni biss jekk il-kumplessità tal-kwistjoni tagħmel din l-estensjoni neċessarja u fin-nuqqas ta’ periklu għas-saħħa tal-bniedem, u mhux biex l-Istat Membru jkun jista’ jingħata l-opportunità jesprimi l-fehmiet tiegħu. (24)

36.      Il-proċeduri fl-Artikolu 95(4) u (5) KE t-tnejn huma intiżi biex jiggarantixxu li ebda Stat Membru ma japplika regoli li jidderogaw mil-leġiżlazzjoni armonizzata mingħajr ma tinkiseb l-approvazzjoni bil-quddiem tal-Kummissjoni. Taħt iż-żewġ proċeduri, il-miżuri in kwistjoni mhumiex applikabbli sakemm il-Kummissjoni ma tkunx adottat id-deċiżjoni tagħha. Fir-rigward ta’ l-Artikolu 95(5) KE, dan isegwi min-natura stess tal-miżuri, li għadhom fil-forma ta’ abbozz. Fir-rigward ta’ l-Artikolu 95(4) KE, dan isegwi mis-suġġett tal-proċedura: miżuri ta’ armonizzazzjoni li għandhom x’jaqsmu ma’ l-istabbiliment u l-funzjoni tas-suq intern jiġu reżi ineffettivi jekk l-Istati Membri jkunu żammew id-dritt unilaterali li japplikaw regoli nazzjonali li jidderogaw minn dawk il-miżuri. (25)

37.      Peress li l-prinċipju tal-kontradittorju ma kienx japplika, kien irrilevanti li l-Kummissjoni ma kinitx iddeċidiet fuq il-bażi biss ta’ informazzjoni ppreżentata mill-Awstrija, iżda staqsiet lill-EFSA tipproduċi perizja, li fuqha tistrieħ id-deċiżjoni kkontestata. Barra dan, il-fatt li l-prinċipju tal-kontradittorju ma kienx applikabbli ma kienx ifisser li l-Kummissjoni kienet obbligata tasal għal deċiżjoni fuq il-bażi biss ta’ l-informazzjoni pprovduta in sostenn tat-talba għal deroga. Għall-kuntrarju, kien ċar mis-sentenza Id-Danimarka vs Il-Kummissjoni li l-Kummissjoni għandha tkun f’pożizzjoni, fit-terminu preskritt, li tikseb l-informazzjoni li jidher li tkun meħtieġa mingħajr ma jkollha l-obbligu li tisma’ mill-ġdid l-Istat Membru. (26)

38.      Il-Qorti tal-Prim’Istanza għalhekk ċaħdet dan il-motiv.

 Ksur ta’ l-Artikolu 95(5) KE

39.      Ir-rikorrenti sostnew li r-rekwiżiti ta’ l-Artikolu 95(5) KE kienu sodisfatti. Il-miżura nnotifikata kienet intenzjonata biex tipproteġi l-ambjent, kienet ibbażata fuq provi xjentifiċi ġodda, kienet iġġustifikata minn problema speċifika għall-Awstrija u kienet konformi mal-prinċipju ta’ proporzjonalità. (27)

40.      Il-Qorti ta’ Prim’Istanza nnutat li skond l-Artikolu 95(4) KE, iż-żamma ta’ dispożizzjonijiet eżistenti għandha tkun iġġustifikata minn ħtiġijiet serji msemmija fl-Artikolu 30 KE jew li għandhom x’jaqsmu mal-ħarsien ta’ l-ambjent jew ta’ l-ambjent tax-xogħol. Skond l‑Artikolu 95(5) KE, l-introduzzjoni ta’ dispożizzjonijiet ġodda għandha tkun ibbażata fuq provi xjentifiċi ġodda li għandhom x’jaqsmu mal-ħarsien ta’ l-ambjent jew ta’ l-ambjent tax-xogħol fuq il-bażi ta’ xi problema speċifika għal dak l-Istat Membru li toriġina mill-adozzjoni ta’ miżura ta’ armonizzazzjoni. (28)

41.      Id-differenza hija li l-leġiżlatura Komunitarja taf x’inhuma d-dispożizzjonijiet nazzjonali anteċedenti għal miżura ta’ armonizzazzjoni, u ma tistax jew ma tfittix li tkun iggwidata minnhom għall-iskop ta’ armonizzazzjoni. Huwa għalhekk ikkunsidrat aċċettabbli għall-Istat Membru li jitlob li r-regoli tiegħu jibqgħu fis-seħħ, jekk ikunu ġġustifikati minħabba ħtiġijiet serji li hemm referenza għalihom fl-Artikolu 30 KE jew li jirrigwardaw il-ħarsien ta’ l-ambjent u ta’ l-ambjent tax-xogħol. L-adozzjoni ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali ġdida probabbilment tipperikola aktar l-armonizzazzjoni. Ovvjament, il-leġiżlatura Komunitarja ma setgħetx tieħu in kunsiderazzjoni leġiżlazzjoni bħal din meta kienet qed tfassal il-miżura ta’ armonizzazzjoni. F’dak il-każ, il-ħtiġijiet li hemm referenza għalihom fl-Artikolu 30 KE ma jitteħdux in kunsiderazzjoni u huma biss raġunijiet li għandhom x’jaqsmu mal-ħarsien ta’ l-ambjent u l-ambjent tax-xogħol li huma aċċettati, bil-kundizzjoni li l-Istat Membru jipprovdi prova xjentifika ġdida u li l-ħtieġa li jiġu introdotti dispożizzjonijiet nazzjonali ġodda tirriżulta minn problema li hija speċifika għall-Istat Membru u hija sussegwenti għall-adozzjoni tal-miżura ta’ armonizzazzjoni. (29)

42.      Huwa f’idejn l-Istat Membru li jipprova li l-kundizzjonijiet għall-implimentazzjoni ta’ l-Artikolu 95(5) ġew sodisfatti.  (30) Hawnhekk, kienet l-Awstrija li kellha turi, fuq il-bażi ta’ provi xjentifiċi ġodda, li l-livell ta’ protezzjoni ambjentali mogħti mid-Direttiva 2001/18 ma kienx aċċettabbli meta titqies il-problema speċifika għall-Awstrija li qamet wara l-adozzjoni ta’ dik id-direttiva. (31)

43.      Il-Kummissjoni, fid-deċiżjoni tagħha, ma aċċettatx l-argument li kien hemm problema speċifika skond it-tifsira ta’ l-Artikolu 95(5) KE, għar-raġuni li kien jirriżulta b’mod ċar min-notifikazzjoni li d-daqs żgħir ta’ l-impriżi agrikoli ma kienx speċifiku għall-Awstrija ta’ Fuq iżda kien karatteristika komuni preżenti fl-Istati Membri kollha. Il-Kummissjoni adottat ukoll il-konklużjonijiet ta’ l-EFSA, b’mod partikolari li ‘il-provi xjentifiċi ppreżentati ma fihom ebda informazzjoni xjentifika ġdida jew unikament lokali li tikkonċerna l-impatt fuq l-ambjent jew fuq is-saħħa tal-bniedem ta’ prodotti tar-raba’ jew ta’ annimali modifikati ġenetikament eżistenti jew futuri’ u li ‘ma ġie ppreżentat ebda element xjentifiku li jagħti prova li din iż-żona ta’ l-Awstrija kellha ekosistemi partikolari jew uniċi li kienu jeħtieġu evalwazzjoni tar-riskji distinta minn dawk li saru għall-Awstrija kollha jew għal żoni simili fl-Ewropa’. (32)

44.      Ir-rikorrenti kienu naqsu milli jikkonfutaw b’mod konvinċenti dawk l-evalwazzjonijiet, u sempliċement enfasizzaw id-daqs żgħir ta’ l-impriżi agrikoli u l-importanza tal-produzzjoni organika fl-Awstrija ta’ Fuq. Ma kien hemm l-ebda prova li tirribatti l-konklużjoni ta’ l-EFSA li ma ngħatat ebda prova li l-Awstrija ta’ Fuq għandha ekosistemi partikolari jew uniċi li jeħtieġu evalwazzjoni tar-riskji ambjentali distinta minn dawk għall-Awstrija kollha jew għal żoni oħra simili fl-Ewropa. Matul is-seduta, ir-rikorrenti ma kinux f’pożizzjoni li jindikaw jekk il-preżenza ta’ GMOs kinitx instabet fl-Awstrija ta’ Fuq. Il-Land Oberösterreich iddikjarat li l-abbozz tal-miżura kien dovut għat-tmiem imminenti ta’ ftehim bejn l-Istati Membri biex temporanjament ma joħorġux kunsensi għal GMOs. (33) Kunsiderazzjonijiet bħal dawn ma setgħux jinvalidaw il-konklużjonijiet fid-deċiżjoni kkontestata. (34)

45.      Il-Qorti ta’ Prim’Istanza għalhekk ma aċċettatx l-argumenti li kkontestaw il-konklużjonijiet tal-Kummissjoni dwar l-eżistenza ta’ problema speċifika għall-Istat Membru notifikant. Peress li l-kundizzjonijiet rikjesti mill-Artikolu 95(5) huma kumulattivi, kien biżżejjed li waħda minnhom biss ma tiġix sodisfatta sabiex it-talba għal deroga tiġi rrifjutata. (35) Għaldaqstant, il-motiv kollu ġie miċħud.

46.      Konsegwentement, ir-raba’ motiv li allega ksur tal-prinċipju ta’ prekawzjoni ġie miċħud bħala irrilevanti; peress li l-kundizzjonijiet biex it-talba skond l-Artikolu 95(5) KE tiġi milqugħa ma ġewx sodisfatti, il-Kummissjoni ma kellhiex għażla ħlief li ma tilqax it-talba. (36)

 L-argumenti fl-appell

47.      Iż-żewġ appelli huma simili ħafna, u f’diversi partijiet jużaw kliem identiku, għalkemm dak tar-Repubblika ta’ l-Awstrija huwa pjuttost aktar komplut. Ma jidhirx li jkun siewi li jiġu ppreżentati separatament.

48.      Is-sentenza appellata hija kkontestata abbażi ta’ żewġ motivi: (i) ‘irregolarità proċedurali’, li premezz tiegħu l-appellanti jikkontestaw il-motivazzjoni fir-rigward tat-tielet motiv tagħhom fl-ewwel istanza, jiġifieri, ‘il-ksur ta’ l-Artikolu 95(5) KE’; u (ii) ‘ksur tad-dritt Komunitarju’, li permezz tiegħu jikkontestaw il-konklużjoni dwar id-dritt li jinstemgħu fir-rigward ta’ l-opinjoni ta’ l-EFSA.

49.      Għal dawn il-motivi, l-appellanti qed jitolbu li s-sentenza appellata tiġi mħassra billi, primarjament, is-sentenza appellata tiġi annullata, jew alternattivament il-kawża, tiġi rrinvjata lill-Qorti tal-Prim’Istanza għal kunsiderazzjoni iktar fid-dettall.

 Irregolarità proċedurali

50.      L-apellanti jsostnu li huma kienu wrew fir-rikorsi tagħhom fl-ewwel istanza li l-kundizzjonijiet kollha stipulati fl-Artikolu 95(5) kienu sodisfatti. B’mod partikolari, huma kienu wrew li kien hemm problema ‘speċifika’ (li ma tfissirx li hija ‘unika’) għall-Awstrija ta’ Fuq. Anki jekk konfigurazzjonijiet simili jeżistu f’żoni oħrajn tal-Komunità, jibqa’ l-fatt li l-biedja fl-Awstrija ta’ Fuq hija kkaratterizzata minn zoni partikolarment żgħar u minn rata partikolarment għolja ta’ biedja organika, li jfisser li metodi tas-soltu mhumiex biżżejjed biex iżommu l-firxa ta’ GMOs. Peress li l-Qorti ta’ Prim’Istanza ċaħdet il-motiv għar-raġuni li dik il-kundizzjoni waħdanija ma’ ġietx sodisfatta, hija kien imissha kkunsidrat is-sottomissjonijiet aktar bir-reqqa, u minflok hija semipliċement segwiet l-opinjoni tal-Kummissjoni u ta’ l-EFSA. Il-Kummissjoni għamlet ħażin ukoll meta naqset milli tikkunsidra jekk il-kondizzjonijiet l-oħrajn fl-Artikolu 95(5) KE ġewx sodisfatti.

51.      L-Awstrija tikkunsidra li prova xjentifika ġdida hija element kruċjali fl-Artikolu 95(5) KE, u li l-prinċipju ta’ prekawzjoni ma jistax jiġi injorat. Madanakollu l-Kummissjoni ma wettqitx analiżi xjentifika tar-riskju bir-reqqa. Lanqas ma staqsiet lill-EFSA biex tindirizza l-kwistjoni ċentrali fl-argument ta’ l-Awstrija, jiġifieri l-koeżistenza bejn il-GMOs u l-prodotti tar-raba’ naturali, iżda bbażat id-deċiżjoni tagħha kompletament fuq l-opinjoni ta’ l-EFSA. Din il-kwistjoni ċentrali, li hija kontroversjali ħafna, kif inhu ċar mid-dibattiti fi ħdan il-Kunsill, ma ġiet għalhekk eżaminata la mill-Kummissjoni u lanqas mill-Qorti tal-Prim’ Istanza. Peress li l-provi xjentifiċi qatt ma ġew eżaminati fid-dawl tal-prinċipju ta’ prekawzjoni, il-Qorti ta’ Prim’Istanza naqset mid-dover tagħha li tagħti motivazzjoni adegwata.

52.      L-appellanti jikkritikaw ukoll lill-Qorti ta’ Prim’Istanza talli bbażat ruħha fuq il-fatt li ma kien hemm ebda prova tal-preżenza ta’ GMOs fl-Awstrija ta’ Fuq. Meta jiġi kkunsidrat id-dover tal-leġiżlatura Komunitarja li ‘tieħu bħala bażi protezzjoni fl-għola livell’ f’leġiżlazzjoni ta’ armonizzazzjoni li għandha x’taqsam mas-saħħa, is-sigurtà, il-ħarsien ta’ l-ambjent u l-protezzjoni tal-konsumatur, (37) ma jistax ikun il-każ li Stat Membru jista’ juża l-Artikolu 95(4) u (5) biss wara li d-dannu jkun effettivament seħħ.

53.      In-nuqqas li jiġu eżaminati bir-reqqa l-provi xjentifiċi jikkostitwixxi, fil-fehma ta’ l-appellanti, ksur kemm tad-dritt li wieħed jinstema’ kif ukoll tad-dover li jingħataw raġunijiet adegwati.

54.      Il-Kummissjoni ssostni li dawn l-argumenti huma kompletament infondati safejn jallegaw irregolarità proċedurali fil-forma ta’ dikjarazzjoni tar-raġunijiet mhux adegwata. Hija tittratta l-kritika dwar is-sustanza tar-raġunament fir-risposta għall-motiv ta’ ‘ksur tad-dritt Komunitarju’.

55.      L-ewwel nett il-Kummissjoni tagħmel sunt tal-paragrafi 63 sa 67 tas-sentenza appellata kif ġej. (38) Peress li, skond ġurisprudenza stabbilita, huwa f’idejn l-Istat Membru li jinvoka l-Artikolu 95(5) li jipprova li l-kundizzjonijiet għall-applikazzjoni tiegħu ġew sodisfatti, kien meħtieġ li jiġi eżaminat jekk id-deċiżjoni kkontestata kinitx ikkunsidrat b’mod żbaljat jekk tali provi kinux tressqu. Id-deċiżjoni kienet ibbażata fuq il-konklużjonijiet li impriżi agrikoli żgħar huma karatteristika ta’ l-Istati Membri kollha u li, skond l-EFSA, ma kien hemm l-ebda prova xjentifika li turi li l-Awstrija ta’ Fuq kellha xi ekosistema eċċezzjonali jew partikolari li kienet tirrikjedi evalwazzjoni tar-riskju separata minn dik għall-Awstrija kollha jew għal reġjuni simili fl-Ewropa. Ir-rikorrenti ma pproduċewx xi prova li titfa’ dubju fuq dik l-evalwazzjoni, u sempliċement għamlu enfażi fuq id-daqs żgħir ta’ l-impriżi agrikoli u l-importanza tal-biedja organika fl-Awstrija ta’ Fuq. Konsegwentement, il-kunsiderazzjonijiet ġenerali tar-rikorrenti ma kinux tali li jinvalidaw l-evalwazzjonijiet konkreti fid-deċiżjoni kkontestata. Din, skond il-Kummissjoni, hija evalazzjoni raġunata b’mod adegwat ħafna.

56.      It-tieni nett, il-Kummissjoni tenfasizza li ‘prova xjentifika ġdida’ u ‘l-ħarsien ta’ l-ambjent’ mhumiex elementi ta’ ‘problema speċifika’ imma t-tlieta li huma huma kundizzjonijiet kumulattivi għall-applikazzjoni ta’ l-Artikolu 95(5) KE; fin-nuqqas ta’ xi waħda minnhom, it-talba għandha tiġi rrifjutata.

57.      It-tielet nett, il-punt 71 tas-sentenza appellata jispjega għalfejn il-prinċipju ta’ prekawzjoni huwa rrilevanti, u mhux ikkontestat, għall-inqas b’mod espliċitu jew dettaljat.

58.      Ir-raba’ nett, kunsiderazzjonijiet li għandhom x’jaqsmu ma’ allegati nuqqasijiet tal-Kummissjoni jew dibattiti fi ħdan il-Kunsill huma irrilevanti għall-kwistjoni jekk is-sentenza appellata hijiex ivvizjata minn żball ta’ liġi.

59.      Fl-aħħar nett, il-kwistjoni dwar id-dritt għal smigħ xieraq hija rrilevanti f’dan il-kuntest, peress li mhuwiex allegat li dan id-dritt ġie miksur fil-proċedura quddiem il-Qorti ta’ Prim’Istanza.

 Ksur tad-dritt Komunitarju

60.      L-appellanti jsostnu li l-Qorti tal-Prim’Istanza kienet żbaljata meta kkunsidrat li r-raġunament fis-sentenza Id-Danimarka vs Il-Kummissjoni, fis-sens li d-dritt li wieħed jinstema’ ma kienx japplika fil-kuntest ta’ l-Artikolu 95(4) KE, kien validu wkoll fil-kuntest ta’ l-Artikolu 95(5).

61.      Iż-żewġ kawżi ċċitati mill-Qorti tal-Prim’Istanza biex isostnu r-raġunament tagħha f’dan ir-rigward (39) it-tnejn jagħmlu referenza għall-ex-Artikolu 100a(4) tat-Trattat KE, li ma kienx jiddistingwi bejn miżuri li kienu diġà fis-seħħ u miżuri ġodda li kellhom jiġu adottati.

62.      Skond l-Artikolu 95(4) u (5) KE, iż-żewġ sitwazzjonijiet huma distinti. Miżura nazzjonali li tkun fis-seħħ ma tiqafx teżisti meta l-armonizzazzjoni Komunitarja li magħha tkun inkompatibbli tiġi introdotta. Għajr meta u sakemm tiġi approvata mill-Kummissjoni, issir inapplikabbli safejn tkun inkompattibbli, iżda tista’ tapplika f’każijiet oħrajn. Din il-koeżistenza mal-miżura ta’ armonizzazzjoni tagħti lok għall-inċertezza u għalhekk għall-urġenza li msemmija fis-sentenza Id-Danimarka vs Il-Kummissjoni. Fir-rigward ta’ miżuri proposti, m’hemm l-ebda ħtieġa partikolari tal-Komunità għal riżoluzzjoni malajr.

63.      L-appellanti joġġezzjonaw għad-dikjarazzjoni, fil-punt 67 tas-sentenza appellata, li ‘r-rikorrenti ma ressqux provi intiżi sabiex jikkonfutaw il-konklużjonijiet ta’ l-EFSA’. Il-kwistjoni quddiem il-Qorti ta’ Prim’Istanza kienet tirrigwarda l-konstatazzjonijiet tal-Kummissjoni dwar il-fatti. Qatt ma kien hemm opportunità biex il-konklużjonijiet ta’ l-EFSA jiġu kkontestati, konklużjonijiet li għandhom jiġu ttrattati bħala li ma ħarġux mill-Kummissjoni iżda bħala perizja indipendenti li dwarha l-Awstrija kellha tingħata l-opportunità tippreżenta l-kummenti tagħha. Sempliċi adozzjoni ġenerali ta’ dawk il-konklużjonijiet mill-Kummissjoni mhijiex kompatibbli mar-responsabbiltà tagħha li tieħu deċiżjoni skond l-Artikolu 95(5) KE.

64.      Konsegwentement, id-deċiżjoni fis-sentenza Il-Kummissjoni vs Id-Danimarka mhijiex rilevanti, u d-deċiżjoni tal-Qorti ta’ Prim’Istanza kienet tikser il-prinċipju tal-kontradittorju taħt id-dritt Komunitarju (u d-dritt għal smigħ xieraq taħt l-Artikolu 6 tal-Konvenzjoni Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem).

65.      Fl-aħħar nett, billi bbażat ir-raġunament tagħha fuq l-interpretazzjoni żbaljata tat-terminu ‘speċifiku’ fl-Artikolu 95(5) KE u b’hekk naqset milli teżamina l-kundizzjonijiet l-oħra f’dik id-dispożizzjoni, il-Qorti tal-Prim’Istanza kisret ukoll id-dritt Komunitarju.

66.      Il-Kummissjoni l-ewwel ma tittratta huwa l-allegat ksur tal-prinċipju tal-kontradittorju jew id-dritt għal smigħ xieraq. Il-Qorti ta’ Prim’ Istanza straħet fuq is-sentenza Il-Kummissjoni vs Id-Danimarka biss sabiex tiddikjara li r-rekwiżiti tas-suq intern ifissru li Stat Membru ma jistax japplika regoli li jidderogaw minn miżura ta’ armonizzazzjoni mingħajr l-approvazzjoni tal-Kummissjoni. M’hemmx differenza f’dan ir-rigward bejn l-Artikolu 95(4) u (5). Fiż-żewġ każijiet, dibattitu mtawwal mhuwiex mixtieq, u l-ħtieġa għal kjarifikazzjoni u ċertezza hija daqshekk ieħor kbira. F’aspetti oħrajn, l-appellanti jidhru li jikkonfondu l-prinċipju tal-kontradittorju fil-proċedura amministrattiva mad-dritt għal smigħ xieraq quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza, u f’dan ir-rigward l-argumenti tagħhom huma irrilevanti u inammissibbli.

67.      Fit-tieni lok, il-Kummisjoni tenfasizza li ma kienx hemm bżonn fis-sentenza appellata li jiġi eżaminat fid-dettal x’jista’ jikkostitwixxi ‘problema speċifika’, peress li l-kriterju ta’ ‘prova xjentifika ġdida’ ma ġiex sodisfatt.

68.      Barra dan hija tiddikjara li n-nuqqas ta’ prova bħal din mhijiex sorprendenti, peress li fis-7 ta’ Novembru 2005 l-Awstrija nnotifikat lill-Kummissjoni b’abbozz ta’ liġi differenti ħafna għall-Awstrija ta’ Fuq (40) li, bħal dawk preċedentement innotifikati minn Stati Membri oħrajn u Länder Awstrijaċi oħrajn, ma tfittix li timponi mhux projbizzjoni ġenerali fuq il-GMOs imma li tintroduċi miżuri speċifiċi biex tiġi evitata l-kontaminazzjoni ta’ prodotti tar-raba’ mhux modifikati ġenetikament. Il-Kummissjoni bħala prinċipju ma oġġezzjonatx għal miżuri bħal dawn. (41)

 Evalwazzjoni

 Osservazzjonijiet preliminari

69.      Waqt is-seduta, l-aġent għall-Kummissjoni beda l-osservazzjonijiet tiegħu billi fakkar li dan huwa appell quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja u l-portata tiegħu huwa limitat min-natura tiegħu. Huwa tabilħaqq tajjeb li wieħed iżomm f’moħħu dan il-fatt u li jikkunsidra l-kuntest tiegħu.

70.      Ir-rwol ta’ din il-Qorti huwa li tiddetermina jekk l-appellanti iddentifikawx xi ksur ta’ proċedura jew żball ta’ liġi fis-sentenza appellata li jivvizjaw din is-sentenza.

71.      Ir-rwol tal-Qorti tal-Prim’Istanza kien li tiddetermina jekk ir-rikorrenti iddentifikawx xi difett proċedurali essenzjali, żball fil-liġi jew żball manifest ta’ evalwazzjoni fid-deċiżjoni tal-Kummissjoni b’mod li jiġġustifika l-annullament tagħha.

72.      Ir-rwol tal-Kummissjoni kien li tiddetermina jekk l-Awstrija kinitx iġġustifikat it-talba tagħha skond l-Artikolu 95(5) KE billi tipproduċi prova xjentifika ġdida rigward il-ħarsien ta’ l-ambjent u ta’ l-ambjent tax-xogħol fuq il-bażi ta’ problema speċifika għal dak l-Istat Membru li oriġinat wara l-adozzjoni tad-Direttiva 2001/18.

73.      L-ebda wieħed minn dawk ir-rwoli jtinvolvi sewwasew xi deċiżjoni dwar x’inhi, jew x’mhijiex politika ambjentali xierqa. Fir-rigward tal-politika Komunitarja, deċiżjonijiet bħal dawn għandhom jittieħdu mill-Parlament flimkien mal-Kunsill, fuq proposta tal-Kummissjoni (li tagixxi hawnhekk f’kapaċità differenti) wara li jiġu kkonsultati l-Kumitat Ekonomiku u Soċjali u l-Kumitat tar-Reġuni.(42) Min-naħa tagħhom l-Istati Membri jżommu d-dritt li jiddeterminaw il-politika ambjentali nazzjonali fl-isfera tal-kompetenza tagħhom.

74.      It-tieni osservazzjoni preliminari għandha x’taqsam ma’ l-affermazzjoni tal-Kummissjoni li meta ppreżentaw l-aggravji tagħhom għall-appell l-appellanti jħalltu sa ċertu punt il-kwistjoni ta’ ‘ksur ta’ proċedura’ u ‘ksur tad-dritt Komunitarju’. Jiena naqbel, iżda ma nikkunsidrax li dan huwa punt rilevanti. Sakemm raġuni għal appell taqa’ f’kategorijia permissibbli, mhuwiex importanti jekk l-appellant ikkategorizzahiex b’mod korrett. Fil-fehma pieghi l-argumenti kollha li qajmu l-appellanti jaqgħu f’xi kategorija stipulata fl-Artikolu 58 ta’ l-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja. Jiena ninnota wkoll, kif ġie indikat mill-Kummissjoni, li l-appellanti ma jikkontestawx espressament id-deċiżjoni tal-Qorti tal-Prim’Istanza li l-motiv tagħhom dwar ksur tal-prinċipju ta’ prekawzjoni kien irrilevanti. Madanakollu dan, fil-fehma tiegħi ma jipprekludihomx milli jinvokaw dan il-prinċipju sabiex jikkontestaw aspetti oħrajn tas-sentenza.

75.      Essenzjalment, l-appellanti jallegaw li l-Qorti ta’ Prim’Istanza

–        ċahdet b’mod żbaljat l-argument tagħhom li l-prinċipju tal-kontradittorju ġie miksur għax il-Kummissjoni straħet fuq l-opinjoni ta’ l-EFSA mingħajr ma tathom l-opportunità li jikkumentaw fuqha;

–        tat interpretazzjoni żblajata tal-kunċett ta’ problema ‘speċifika għal’ Stat jew reġjun minħabba li naqset milli teżamina kif inhu xieraq l-osservazzjonijiet f’dak ir-rigward, u konsegwentement tat raġunijiet mhux adegwati għall-konklużjoni tagħha;

–        naqset milli teżamina l-osservazzjonijiet fid-dawl tal-prinċipju ta’ prekawzjoni.

76.      Jien se nittratta l-ewwel żewġ allegazzjonijiet f’dik l-ordni, u nikkunsidra fejn ikun xieraq ir-relevanza possibbli tal-prinċipju ta’ prekawzjoni.

 Il-prinċipju tal-kontradittorju

77.      ‘[I]l-prinċipju tal-kontradittorju mhuwiex applikabbli għall-proċedura in kwistjoni’ iddikjarat il-Qorti ta’ Prim’Istanza fil-paragrafu 45 tas-sentenza tagħha, u hemmhekk tenniet il-kliem ta’ din il-Qorti fil-paragrafu 50 tas-sentenza Id-Danimarka vs Il-Kummissjoni. Jista’ jkun ta’ għajnuna li wieħed jirrifletti fuq it-tifsira tal-kliem ‘il-prinċipju tal-kontradittorju’ f’dak il-kuntest. Filwaqt li l-verżjoni bl-Ingliż taż-żewġ sentenzi titkellem fuq ir-‘right to be heard’’, dik Franċiża tuża ‘principe du contradictoire’, espressjoni (riflessa f’verżjonijiet lingwistiċi oħrajn) li jista’ jkollha konnotazzjonijiet kemmxejn differenti. L-appellanti jirreferu għall-Artikolu 6 tal-Konvenzjoni Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, li jiggarantixxi smigħ xieraq u pubbliku fid-determinazzjoni ta’ drittijiet ċivili u obbligi jew ta’ kwalunkwe akkuza kriminali.

78.      Il-kunċett ta’ ‘principe du contradictoire’ – ta’ spiss espress fil-Latin bħala audi alteram partem or audiatur et altera pars – huwa kjarament applikabbli fl-ewwel lok għall-proċedimenti inter partes, fejn il-partijiet opposti għandhom ikunu f’pożizzjoni li jirrispondu għall-allegazzjonijiet ta’ xulxin qabel ma tintlaħaq deċiżjoni mill-korp aġġudikanti. Eżempji tipiċi jinkludu litigazzjoni ċivili, arbitraġġ u proċeduri kriminali akkużatorjali – u, ovvjament, kawżi diretti quddiem din il-Qorti jew il-Qorti ta’ Prim’Istanza. (43)

79.      B’mod aktar wiesa’ huwa japplika wkoll, inter alia, għal każijiet fejn id-drittijiet jew l-interessi ta’ persuna jistgħu jiġu affettwati minn proċedura mibdija kontih minn xi awtorità, fejn huwa għandu jingħata l-opportunità jirrispondi għall-elementi li l-awtorità tipproponi li tieħu in kunsiderazzjoni. Każijiet bħal dawn jinkludu proċeduri kriminali inkwiżitorjali u ħafna proċeduri amministrattivi – fl-isfera Komunitarja, per eżempju, investigazzjonijiet mill-Kummissjoni fil-kamp tal-kompetizzjoni jew dumping, jew proċeduri dwar ksur tat-Trattat skond l-Artikolu 226 KE.

80.      Is-sitwazzjoni f’din il-kawża hija differenti peress li l-proċedura hija mibdija minn Stat Membru, li huwa meħtieġ jiddikjara r-raġunijiet għalfejn jixtieq jidderoga mil-leġiżlazzjoni ta’ armonizzazzjoni, u li jista’ jippreżenta dikjarazzjoni dettaljata kemm irid u daqstant provi in sostenn ta’ dan kif jara li jkun xieraq. It-talba ssir lill-Kummissjoni, li teżamina r-raġunijiet u l-provi, u tieħu deċiżjoni. Bħala regola, għalhekk, l-Istat Membru jinsetma’ fuq inizjattiva tiegħu u ma jkun hemm l-ebda parti avversarja.

81.      Dak li l-appellanti qed ifittxu li jiġi rikonoxxut hu essenzjalment li huma kellhom id-dritt li jikkumentaw fuq l-evalwazzjoni ta’ l-EFSA tat-talba qabel ma ttieħdet id-deċiżjoni finali. X’aktarx li huwa inqas importanti li jiġi deċiż jekk dan huwiex deskritt b’mod preċiż bl-espressjonijiet ‘right to be heard’ jew ‘principe du contradictoire’ milli li jiġi stabbilit x’inhija eżattament il-kwistjonni.

82.      L-ostakolu ewlieni biex jiġi rikonoxxut dan id-dritt huwa s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja Id-Danimarka vs Il-Kummissjoni u r-raġunament li sar fiha. L-appellanti mhumiex qed jissuġġerixxu li l-ġurisprudenza għandha tinqaleb imma pjuttost li għandha tiġi ristretta għall-kuntest li fih ġiet ifformulata, jiġifieri l-Artikolu 95(4) KE u mhux l-Artikolu 95(5). Jien ma nsibx li l-argument tagħhom hu persważiv.

83.      Il-paragrafi relevanti tas-sentenza Id-Danimarka vs Il-Kummissjoni jaqraw kif ġej:

‘42      … l-ebda dispożizzjoni ma tipprovdi għall-applikazzjoni tal-prinċipju tal-kontradittorju għall-proċedura ta’ deċiżjoni stipulata fl-Artikolu 95(4) u (6) KE rigward l-approvazzjoni ta’ dispożizzjonijiet nazzjonali li jidderogaw minn miżura ta’ armonizzazzjoni adottata fuq livell Komunitarju.

43      Bl-istess mod, l-ebda dispożizzjoni ma tirrikjedi li l-Kummisjoni, taħt dik il-proċedura, tiġbor opinjonijiet mill-Istati Membri l-oħrajn, kif għamlet f’dan il-każ.

44      Huwa għalhekk importanti li jiġi stabbilit jekk il-prinċipju tal-kontradittorju huwiex applikabbli anki fin-nuqqas ta’ leġiżlazzjoni speċifika, b’mod partikolari fis-sitwazzjoni fejn opinjonijiet bħal dawn ikunu ġew mitluba.

45      Il-prinċipju tal-kontradittorju, li l-Qorti tal-Ġustizzja tassigura l-osservanza tiegħu, jeħtieġ li l-awtorità pubblika tisma’ l-partijiet interessati qabel ma tadotta deċiżjoni li tikkonċernahom (sentenza ta’ l-10 ta’ Lulju 2001, Ismeri Europea vs Il-Qorti ta’ l-Awdituri, C-315/99 P, Ġabra p. I-5281, punt 28).

46      Il-Qorti ddeċidiet b’mod konsistenti li l-prinċipju tad-dritt għal smigħ xieraq, li miegħu l-prinċipju tal-kontradittorju huwa marbut mill-qrib, japplika mhux biss għal ċittadini imma anki għall-Istati Membri. Fir-rigward ta’ dawn ta’ l-aħħar, dan il-prinċipju ġie rikonoxxut fil-kuntest ta’ proċeduri legali mibdija minn istituzzjoni Komunitarja kontra Stati Membri, bħal dawk li għandhom x’jaqsmu ma’ eżami mill-ġdid ta’ għajnuna mill-Istat jew is-sorveljanza ta’ l-aġir ta’ Stat Membru għal dak li jirrigwarda impriżi pubbliċi (ara, per eżempju, is-sentenzi tat-12 ta’ Frar 1992, L-Olanda et vs Il-Kummissjoni C-48/90 u C-66/901, Ġabra I-565, punt 44, u tal-5 ta’ Ottubru 2000, Il-Ġermanja vs Il-Kummissjoni, C-288/96, Ġabra p. I-8237, punt 99).

47      Madanakollu, il-proċedura stipulata fl-Artikolu 95(4) u (6) KE tinbeda mhux minn istituzzjoni Komunitarja iżda minn Stat Membru, u d-deċiżjoni ta’ l-istituzzjoni Komunitarja tiġi adottata sempliċement b’risposta għal dik l-inizjattiva.

48      Dik il-proċedura tingħata bidu fuq talba ta’ l-Istat Membru li jitlob l-approvazzjoni tad-dispożizzjonijiet nazzjonali li jidderogaw minn miżura ta’ armonizzazzjoni adottata fuq livell Komunitarju. Fit-talba tiegħu, dak l-Istat Membru għandu l-libertà li jikkumenta dwar id-deċiżjoni li huwa jitlob li tiġi adottata, kif inhu ċar mill-Artikolu 95(4) KE, li jirrikjedi li Stat Membru jiddikjara r-raġunijiet għaż-żamma tad-dispożizzjonijiet nazzjonali in kwistjoni. Min-naħa tagħha l-Kummissjoni għandha tkun f’pożizzjoni, fit-terminu preskritt, li tikseb l-informazzjoni li jidher li tkun meħtieġa mingħajr ma jkollha l-obbligu li tisma’ mill-ġdid lill-Istat Membru applikant.

49      Din il-konklużjoni hija kkonfermata mit-tieni suparagrafu ta’ l-Artikolu 95(6) KE, li jipprovdi li d-dispożizzjonijiet nazzjonali derogatorji jiġu meqjusin li ġew approvati jekk il-Kummissjoni ma tiħux deċiżjoni sa ċertu perijodu ta’ żmien. Barra dan, skond it-tielet subparagrafu ta’ l-Artikolu 95(6) KE, l-ebda estensjoni ta’ dan il-perjodu ma tkun permessa fejn jeżisti periklu għas-saħħa tal-bniedem. Għalhekk huwa ċar li l-intenzjoni ta’ l-awturi tat-Trattat kienet li, fl-interess kemm ta’ l-Istat Membru applikant u l-funzjonament tajjeb tas-suq intern, il-proċedura stipulata f’dak l-Artikolu għandha tiġi konkluża malajr. Huwa diffiċli li dan l-objettiv jiġi rrikonċiljat mar-rekwiżit ta’ skambju ta’ informazzjoni u osservazzjonijiet għal perijodu twil.

50      Minn dan isegwi li l-prinċipju tal-kontradittorju ma japplikax għall-proċedura stipulata taħt l-Artikolu 95(4) u (6) KE.’ [traduzzjoni mhux uffiċjali]

84.      Meta dawn il-paragrafi jinqraw flimkien ma’ l-Artikolu 95(4) sa (6) kollu, ma nista’ nara ebda raġuni għalfejn dak li jingħad fir-rigward ta’ l-Artikolu 95(4) m’għandux japplika għall-Artikolu 95(5). Ir-raġunament tal-Qorti ma kienx ibbażat primarjament fuq interess tal-Komunità f’riżoluzzjoni ta’ malajr, li tista’ ma tapplikax jekk il-miżuri kienu għadhom mhux fis-seħħ u l-Istat Membru ma kienx mgħaġġel. Pjuttost, toriġina mill-fatt li (i) l-Istat Membru jagħti bidu għall-proċedura u jista’ jkun mistenni minnu li jippreżenta l-provi u l-argumenti rilevanti kollha flimkien mat-talba tiegħu, b’kuntrast ma’ sitwazzjoni fejn il-proċeduri legali li jwasslu għal sanzzjoni jiġu mibdija kontra xi parti, u (ii) l-Artikolu 95(6) ma joffri ebda alternattiva għal approvazzjoni dedotta impliċitament jekk il-Kummissjoni ma tkunx irrifjutat id-dispożizzjonijiet proposti qabel ma jiskadi l-perijodu ta’ żmien. Din l-iskadenza ma tagħmel ebda provvediment għal dibattitu fit-tul, iżda biss għal estensjoni ta’ darba (fid-diskrezzjoni tal-Kummissjoni) jekk tkun ġustifikata mill-komplessità tal-kwistjoni u jekk ma jkun hemm ebda periklu għas-saħħa tal-bniedem.

85.      Il-każ ta’ l-appellanti lanqas ma ġie mgħejjun mill-fatt li l-Qorti ta’ Prim’Istanza ċċitat ukoll ġurisprudenza (44) li għandha x’taqsam ma’ l-ex-Artikolu 100a(4) tat-Trattat KE, li ma kienx jiddistingwi bejn miżuri li kienu diġà fis-seħħ qabel l-adozzjoni ta’ direttiva ta’ armonizzazzjoni u miżuri li għandhom jiġu introdotti sussegwentement. Jekk xejn, dik iċ-ċirkostanza pjuttost tikkonferma li l-istess prinċipji japplikaw għat-tnejn.

86.      Għalhekk jiena tal-fehma li l-appellanti ma stabbilewx li kien hemm xi żball legali min-naħa tal-Qorti ta’ Prim’Istanza fl-applikazzjoni tal-ġurisprudenza eżistenti dwar il-prinċipju tal-kontradittorju.  (45)

87.      Peress li sentenza Id-Danimarka vs Il-Kummissjoni ngħatat mill-Qorti f’Seduta Plenarja, ma jidhirx li huwa xieraq għall-Awla li qed tisma’ din il-kawża li tirrikunsidra dik il-ġurisprudenza – rinviju lill-Awla Manja jkun preferibbli. Tabilħaqq, kif innutajt, l-appellanti mhumiex qed jissuġġerixxu li għandha ssir rikunsiderazzjoni. Madankollu, ma naħsibx li tali tip ta’ azzjoni jkun meħtieġ fi kwalsiasi każ.

88.      Id-deċiżjoni tal-Kummissjoni tista’ tiġi kkontestata quddiem il-Qorti ta’ Prim’Istanza, bil-possibiltà ta’ skambju ta’ osservazzjonijiet bil-miktub u argumentazzjoni orali sħiħa għal darbtejn. Hemm għalhekk opportunità sħiħa għal smigħ xieraq u pubbliku minn tribunal indipendenti u imparzjali stabbilit bil-liġi, fi kliem l-Artikolu 6(1) tal-Konvenzjoni Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem.

89.      Madanakollu huwa meħtieġ li ssir referenza għal sentenza oħra tal-Qorti f’Seduta Plenarja li għall-ewwel tista’ tidher li tmur kontra s-sentenza Id-Danimarka vs Il-Kummissjoni, jiġifieri Technische Universität München. (46) F’dan il-każ, università fittxet li timporta bla dazju apparat xjentifiku għar-raġuni li ma kienx hemm apparat bħalu li jiġi mmanifatturat fil-Komunità. L-applikazzjoni tagħha kellha tinkludi raġunijiet iddettaljati li jistabbilixxu għalfejn l-apparat disponibbli fil-Komunità ma kienx adattat għax-xogħol xjentifiku partikolari li kellu jsir. L-applikazzjoni intbagħtet lill-Kummissjoni, li kkonsultat grupp ta’ esperti, bl-obbligu li tkun marbuta bil-konklużjoni tal-grupp. Dan il-grupp wasal għal konklużjoni negattiva, wara li kkunsidra ittra minn produttur fil-Komunità ta’ apparat simili, li għaliha l-Università ma ngħatatx l-opportunità li tirrispondi.

90.      Il-Qorti sabet li d-deċiżjoni tal-Kummissjoni kienet invalida. Fil-paragrafu 25 tas-sentenza tagħha, hija ddikjarat:

‘Id-dritt li parti tinsema’ (47) f’tali proċedura amministrattiva jeħtieġ li l-persuna kkonċernata tkun f’pożizzjoni, matul il-proċedura quddiem il-Kummissjoni stess, li tieħu pożizzjoni u tagħti l-opinjonni tagħha kif inhu xieraq dwar iċ-ċirkostanzi rilevanti u, fejn meħtieġ, dwar id-dokumenti li ġew ikkunsidrati mill-istituzzjoni Komunitarja. Dan ir-rekwiżit ma ġiex sodisfatt meta d-deċiżjoni kkontestata ġiet adottata.’ [traduzzjoni mhux uffiċjali]

91.      Għalkemm iċ-ċirkostanzi jidhru li huma paragunabbli ma’ dawk ta’ dan il-każ u d-dikjarazzjoni tal-liġi tidher li ssostni l-argumenti ta’ l-appellanti, jiena nemmen li tista’ ssir distinzjoni bejn iż-żewġ kawżi. F’Technische Universität München, il-punt ma kienx li r-rikorrent ma tħalliex jirrispondi għall-konklużjoni tal-grupp ta’ esperti iżda li ma tħalliex jirrispondi għall-provi aċċettati minn dak il-grupp u ppreżentati minn parti li l-interessi tagħha kienu opposti għal tiegħu. Dan ma kienx il-każ hawnhekk.

92.      Jiena ninnota wkoll li, fis-sentenza Technische Universität München, il-Qorti identifikat mhux inqas minn tliet raġunijiet għalfejn hi ddeċidiet li d-deċiżjoni kienet invalida. (48) Ebda waħda mir-raġunijiet l-oħra ma ngħatat fl-appell f’dan il-każ. (49) Għalhekk jidhirli li jkun aħjar li Technische Universität München tiġi ttrattata bħala kawża li hija bla dubju rilevanti rigward il-proċedura amministrattiva applikabbli fil-kamp tad-dazji tad-dwana u li tiġi distinta, flok ma wieħed jipprova jittrasponi d-dictum tagħha rigward il-prinċipju tal-kontradittorju għall-proċedura amministrattiva differenti applikabbli skond l-Artikolu 95 KE.

93.      Fir-rigward ta’ l-affermazzjonijiet ta’ l-appellanti li f’din il-kawża il-prinċipju tal-kontradittorju ma ġiex osservat quddiem il-Qorti ta’ Prim’ Istanza nfisha, għar-raġuni li din ma eżaminatx l-argumenti tagħhom f’biżżejjed dettall, jidhirli li dawk l-affermazzjonijiet m’għandhomx x’jaqsmu sewwasew ma’ dan il-prinċipju. Ma ġiex allegat li ġew imċaħħdin b’xi mod milli jippreżentaw argumenti jew provi fl-ewwel istanza.

94.      Safejn l-appellanti fil-fatt jilmentaw li l-Qorti ta’ Prim’Istanza waslet għall-konklużjoni żbaljata mill-argument u l-provi ppreżentati, l-affermazzjoni tagħhom hija amissibbli biss safejn għandha x’taqsam ma’ żball possibbli ta’ dritt. Jiena ser nikkunsidra l-aspetti li jistgħu jaqgħu taħt dan it-titolu iktar ’il quddiem, meta nikkunsidra l-kunċett ta’ problema speċifika għal Stat Membru.

95.      Madanakollu safejn jallegaw li l-Qorti ta’ Prim’Istanza sempliċement naqset milli teżamina l-provi li huma ppreżentaw, huwa f’loku li jsiru xi osservazzjonijiet. Nuqqas bħal dan għandu jiġu eżaminat fl-appell u, jekk jiġi stabbilit, jista’ jkun raġuni għall-annullament tas-sentenza tal-prim’istanza, għalkemm ma naf b’ebda każ fejn dan il-punt qam f’din il-forma. (50) F’din il-kawża, jidher mill-paragrafi 66 u 67 tas-sentenza appellata li l-Qorti tal-Prim’Istanza kkunsidrat il-provi ppreżentati. Dawn il-provi (ir-rapport Müller u r-rapport tal-kumitat (51)) kienu disponibbli għall-EFSA u l-Kummissjoni. Kif se nispjega iktar ’il quddiem f’aktar dettal, ir-rikorrenti ma ndikawx lill-Qorti ta’ Prim’Istanza b’liema mod hija kkontradixxiet il-konklużjonijiet li waslu għalihom dawk l-entitatjiet. F’dawk iċ-ċirkostanzi, dik il-Qorti ma tistax fil-fehma tiegħi tiġi kkritikata għax ma eżaminatx il-provi f’dak id-dawl speċifiku.

96.      Fl-aħħar nett, fir-rigward tal-prinċipju ta’ prekawzjoni, jiena kont sempliċement nindika li l-prinċipju tal-kontradittorju, id-dritt għal smigħ xieraq u l-obbligu li l-prinċipju avversorjali jiġi osservat huma ddeterminati min-natura tal-proċedimenti legali u ma jvarjawx skond il-ħtieġa akbar jew anqas għal prekawzjoni.

 Problema ‘speċifika’

97.      L-appellanti jargumentaw essenzjalment li l-Qorti ta’ Prim’Istanza naqset milli teżamina b’mod korrett il-provi li huma ressqu biex jikkonfutaw il-konklużjoni tal-Kummissjoni li ebda problema speċifika għall-Awstrija ta’ Fuq ma ġiet murija li teżisti.

98.      Madanakollu, dawk l-argumenti jaffaċċjaw ostakolu safejn jippruvaw jikkontestaw l-evalwazzjoni tal-Qorti ta’ Prim’Istanza tal-provi quddiemha. Skond l-Artikolu 58 ta’ l-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja dik l-evalwazzjoni ma tistax tiġi appellata sakemm ma jiġix allegat li l-provi ġew interpretati ħażin. (52)

99.      Madanakollu, l-appellanti qajmu punt pertinenti (għalkemm x’aktarx ma segwewhx sal-punt li wieħed kien jistenna) meta sostnew illi l-kelma ‘speċifiku’ ma tfissirx l-istess bħal ‘uniku’. Jekk il-Qorti ta’ Prim’Istanza użat kriterju legali żbaljat meta eżaminat il-provi, is-sentenza tagħha kienet tkun invalida f’dak ir-rigward, u kien ikun hemm għalfejn il-provi jiġu eżaminati mill-ġdid fid-dawl tal-kriterju korrett.

100. Wara eżami iktar dettaljat, is-sitwazzjoni tidher pjuttost iktar kumplessa iżda twassalni biex niddubita jekk ir-raġunament tal-Qorti ta’ Prim’Istanza jistax jiġi kkunsidrat bħala validu fuq dan il-punt mingħajr ebda problema. Id-diffikultà hija waħda lingwistika u tirrikjedi ftit spjegazzjoni.

101. L-opinjoni ta’ l-EFSA kienet miktuba bl-Ingliż. Il-website tagħha tgħid: ‘L-Ingliż huwa l-ilsien awtentiku ta’ l-opinjonijiet xjentifiċi ta’ l-EFSA. F’każ ta’ dubju, jekk jogħġbok irreferi għall-verżjoni bl-ilsien Ingliż ta’ l-opinjoni u tas-sunt tagħha.’ Safejn għandha x’taqsam l-opinjoni in kwistjoni, ma jidher li teżisti l-ebda verżjoni sħiħa ħlief bl-Ingliż, għalkemm hemm sunt bl-Ingliż, bil-Franċiż, bil-Ġermaniż u bit-Taljan.

102. L-opinjoni kienet tgħid, inter alia: (53)

‘Il-provi xjentifiċi ppreżentati ma fihom ebda informazzjoni xjentifika ġdida jew unikament lokali li tikkonċerna l-impatt fuq l-ambjent jew is-saħħa tal-bniedem ta’ prodotti tar-raba’ jew annimali modifikati ġenetikament.

Ma ġie ppreżentat ebda element xjentifiku li jagħti prova li din iż-zona ta’ l-Awstrija kellha ekosistemi partikolari jew uniċi li kienu jeħtieġu evalwazzjoni tar-riskji distinta minn dawk li saru għall-Awstrija kollha jew għal żoni oħra simili fl-Ewropa. Ma ġew ippreżentati l-ebda każijiet speċifiċi ta’ effetti tal-GMOs fuq il-bijodiversità, kemm direttament jew permezz ta’ kambjamenti fil-prattiċi agrikoli.’

103. L-użu tal-kliem ‘unikament’ u ‘uniċi’ għalija jidher sinjifikattiv. Filwaqt li mhuwiex inekwivoku, jidher li jissuġġerixxi li l-konklużjoni ta’ l-EFSA setgħet kienet ibbażata fuq il-fehma li, sabiex deroga mid-Direttiva 2001/18 tiġi ġġustifikata, huwa meħtieġ li jiġi stabbilit li hemm problema fl-Istat Membru jew reġjun in kwistjoni li ma tinstabx x’imkien ieħor.

104. Fis-sunt ta’ l-opinjoni ta’ l-EFSA, il-frażi ‘ebda informazzjoni xjentifika ġdida jew unikament lokali’ ma tidhirx, imma l-frażi ‘ekosistemi partikolari jew uniċi’ tidher. Din hija tradotta bil-Franċiż u l-Ġermaniż rispettivament bħala ‘écosystèmes atypiques ou uniques’ u ‘ungewöhnliche oder einzigartige Ökosysteme’, u t-tnejn li huma jidhru li jirriflettu l-Inġliż b’mod preċiż.

105. Iż-żewġ paragrafi ta’ l-opinjoni huma kkwotati ‘verbatim’ fil-punt 71 tad-deċiżjoni kkontestata tal-Kummissjoni, fejn jidher b’mod ċar li huma importanti għar-raġunament tagħha. Jien poġġejt il-kelma ‘verbatim’ fil-virgoletti għaliex iż-żewġ paragrafi huma mfasslin bħala wieħed u l-verżjoni Franċiża u dik Ġermaniża huma xi ftit differenti mill-Ingliż awtentiku ta’ l-original. ‘Ebda informazzjoni xjentifika ġdida jew unikament lokali’ issir, bil-Franċiż, ‘aucune information nouvelle ou spécifiquement locale’ – b’hekk tgħatti kull possibiltà ta’ diskrepanza bejn id-diċitura ta’ l-Artikolu 95(5) u l-interpretazzjoni tagħha mill-EFSA – u, bil-Ġermaniż, ‘keine oder nur lokal begrenzte wissenschaftliche Daten’, li għandha tifsira pjuttost differenti u li tista’ toriġina minn qari żbaljat ta’ l-Ingliż. ‘Ekosistemi partikolari jew uniċi’ hija tradotta għall-Franċiż bħala ‘écosystèmes particuliers ou exceptionnels’ u għall-Ġermaniż bħala ‘ein ungewöhnliches oder einzigartiges Ökosystem’. Għal darb’oħra, il-verżjoni Franċiża tneħħi l-kunċett ta’ l-uniku (u huwa differenti mis-sunt ta’ l-EFSA bil-Franċiż), imma hawnhekk il-verżjoni Ġermaniża tirrifletti kemm l-Ingliż ta’ l-opinjoni u l-Ġermaniż tas-sunt.

106. Id-deċiżjoni tal-Kummissjoni hija ndirizzata lill-Awstrija, u tispeċifika li t-test Ġermaniż biss huwa awtentiku. Mhuwiex ċar jekk dan jimplikax neċessarjament li l-analiżi tal-Kummissjoni saret biss bil-Ġermaniż u jekk id-deċiżjoni ġietx oriġinarjament miktubha b’dak l-ilsien. Fi kwalunkwe każ, il-verżjoni Ġermaniża ta’ l-opinjoni ta’ l-EFSA, li fuqha ġiet ibbażata d-deċiżjoni (għall-inqas in parti), ma tidhirx li kienet traduzzjoni preċiża għal kollox.

107. Il-lingwa tal-kawża quddiem il-Qorti ta’ Prim’Istanza kienet naturalment il-Ġermaniż. Madanakollu huwa magħruf li l-lingwa li taħdem biha dik il-Qorti, bħall-Qorti tal-Ġustizzja, hija l-Franċiż. Konsegwentement, l-analiżi tagħha setgħet kienet ibbażata fuq il-verżjonijiet Franċiżi tad-dokumenti fil-kawża – inkluż b’mod partikolari t-test Franċiż tad-deċiżjoni kkontestata, li fiha ma hemm ebda referenza għall-uniċità fil-kwotazzjoni mill-opinjoni ta’ l-EFSA fil-punt 71. Fi kwalsiasi każ is-sentenza taħt appell kienet ġiet miktubha bil-Franċiż. (54)

108. Dawn il-kunsiderazzjonijiet jakkwistaw ftit rilevanza meta wieħed iħares lejn il-verżjoni Franċiża tal-paragrafi 65 sa 67 tas-sentenza. Il-paragrafu 65 jirriproduċi l-parti l-kbira tal-kwotazzjoni fil-punt 71 tad-deċiżjoni kkontestata, billi jagħmel referenza għal ‘aucune information nouvelle ou spécifiquement locale’ u ‘des écosystèmes particuliers ou exceptionnels’. Il-paragrafu 66 jkompli biex jgħid li r-rikorrenti naqsu milli jipprovdu prova konvinċenti li tista’ titfa’ dubju fuq il-mertu ta’ l-evalwazzjonijiet dwar l-eżistenza ta’ problema speċifika, u fil-paragrafu 67 jingħad li ma kinux ressqu provi biex jikkonfutaw il-konklużjonijiet ta’ l-EFSA li ma ġiex stabbilit li l-Awstrija ta’ Fuq kellha ‘des écosystèmes particuliers ou exceptionnels’ li kienu jeħtieġu evalwazzjonijiet tar-riskju separati minn dawk li saru għall-Awstrija kollha jew għal żoni simili fl-Ewropa.

109. Konsegwentement, mill-Franċiż li bih inkitbet is-sentenza appellata, m’hemm l-ebda indikazzjoni li l-Qorti ta’ Prim’Istanza kienet konxja tal-possibiltà li l-EFSA fl-opinjoni tagħha setgħet kienet qed tipproċedi fuq l-assunzjoni li, sabiex tiġi ġġustifikata deroga fuq il-bażi ta’ l-Artikolu 95(5) KE, l-Awstrija kellha tistabbilixxi l-eżistenza ta’ problema unika għar-reġjun in kwistjoni, pjuttost milli waħda li kienet speċifika, partikolari jew b’xi mod ieħor eċċezzjonali.

110. Jidhirli li hu ċar, kif isostnu l-appellanti, li l-kelma ‘speċifika’ fl-Artikolu 95(5) KE ma tistax tiġi ekwiparata ma’ ‘unika’. Problema tista’ tkun speċifika għal aktar minn reġjun jew Stat Membru wieħed, iżda tista’ tkun unika għal wieħed biss. X’aktarx li mhuwiex meħtieġ li tinqata’ linja preċiża għall-iskopijiet preżenti, iżda problema speċifika kjarament tinsab x’imkien bejn waħda li hija unika u waħda li hija komuni, ġeneralizzata jew mifruxa. Il-kriterju fl-Artikolu 95(5) KE huwa dak li l-problema trid tkun speċifika, u li wieħed jirrikjedi li għandha tkun unika jkun ifisser li qed jinterpreta jew japplika b’mod żbaljat dik id-dispożizzjoni.

111. Dan ma jfissirx li l-Qorti ta’ Prim’Istanza fil-fatt interpretat jew applikat b’mod żbaljat il-kriterju. L-użu li tagħmel mill-aġġettivi ‘spécifique’, ‘particulier’ u ‘exceptionnel’ jidher li huwa għal kollox konsistenti ma’ l-interpretazzjoni tiegħi tad-dispożizzjoni.

112. Madanakollu, wara li eżaminat l-provi mressqin quddiemha mir-rikorrenti, (55) il-Qorti ta’ Prim’Istanza kkonkludiet li dawn ma kinux ikkonfutaw jew tefgħu xi dubju fuq il-konklużjonijiet ta’ l-EFSA jew l-evalwazzjonijiet tal-Kummissjoni. Madanakollu, dik il-konstatazzjoni kellha x’taqsam mal-konklużjonijiet u l-evalwazzjonijiet kif espressi bil-Franċiż, mingħajr ma saret ebda riferenza għal kriterju ta’ uniċità. Ma jidhirlix li jkun korrett li wieħed jikkonkludi li l-Qorti ta’ Prim’Istanza kienet tasal għall-istess konklużjoni li kieku kienet eżaminat il-provi fid-dawl tar-riferenzi ta’ l-EFSA għall-uniċità jew kienet ikkunsidrat l-evalwazzjoni tal-Kummissjoni bħala waħda bbażata fuq tali riferenzi.

113. Fuq dik il-bażi, iċ-ċaħda tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-motiv tar-rikorrenti dwar ksur ta’ l-Artikolu 95(5) ma tistax tiġi sostnuta. Meta sabet li l-konklużjoni li ma kien hemm ebda problema speċifika għall-Awstrija ta’ Fuq ma kinitx ġiet ikkonfutata, il-Qorti ma kkunsidratx xi waħda mill-kundizzjonijiet kumulattivi l-oħrajn stipulati f’dik id-dispożizzjoni. Għalhekk ma tibqa’ l-ebda raġuni soda fis-sentenza għalfejn il-motiv għandu jiġi miċħud.

114. Għalhekk huwa meħtieġ li jiġu eżaminati l-kundizzjonijiet rimanenti għall-applikazzjoni ta’ l-Artikolu 95(5). Skond l-ewwel paragrafu ta’ l-Artikolu 61 ta’ l-Istatut tagħha, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tagħmel dan hija stess inkella tirrinvija l-kawża lill-Qorti tal-Prim’Istanza, skond iċ-ċirkostanzi. Jidhirli hawnhekk, li l-Qorti tal-Ġustizzja hija f’pożizzjoni li tagħmel dan l-eżami.

 Il-kundizzjonijiet kumulattivi fl-Artikolu 95(5) KE

115. Kif innutajt, sabiex tinkiseb deroga skond l-Artikolu 95(5) KE, Stat Membru għandu jipprovdi prova xjentifika ġdida rigward il-ħarsien ta’ l-ambjent jew ta’ l-ambjent tax-xogħol fuq il-bażi ta’ problema speċifika għal dak l-Istat Membru li toriġina wara l-adozzjoni tal-miżura ta’ armonizzazzjoni. Dawk id-diversi kundizzjonijiet huma kumulattivi, kif ġie kkonstatat mill-Qorti ta’ Prim’Istanza u kif ġie espressament aċċettat mill-Gvern Awstrijak waqt is-seduta ta’ l-appell. Fi kliem ieħor, jekk xi waħda mill-kundizzjonijiet ma tiġix sodisfatta, id-deroga ma tistax tingħata.

116. Ma jidhirx li hu kkontestat, la fl-opinjoni ta’ l-EFSA jew fid-deċiżjoni tal-Kummissjoni, li għall-inqas parti mill-provi li fuqhom ibbażat ruħha l-Awstrija kellhom x’jaqsmu mal-ħarsien ta’ l-ambjent, għalkemm il-Kummissjoni sabet, fil-punt 68 tad-deċiżjoni tagħha, li l-preokkupazzjonijiet ta’ l-Awstrija ma setgħux jitqiesu li kienu jirrelataw speċifikament mal-ħarsien ta’ l-ambjent. Il-kundizzjoni dwar ‘prova li għandha x’taqsam mal-ħarsien ta’ l-ambjent’ tista’ għalhekk titqies li ġiet sodisfatta. Madanakollu osservazzjoni qasira dwar dan hija f’lokha.

117. L-appellanti argumentaw, fuq il-bażi tad-dikjarazzjoni ta’ l-EFSA li ‘ma ġietx mitluba mill-Kummissjoni tikkumenta dwar l-immaniġġjar tal-koeżistenza bejn prodotti tar-raba’ modifikati ġenetikament u dawk mhux modifikati ġenetikament’, li l-EFSA u l-Kumissjoni injoraw il-kwistjoni ċentrali li ġiet imqajma mill-Awstrija fit-talba tagħha.

118. Madankollu, jien jidhirli, li l-Kummissjoni korrettement ippruvat tiddistingwi bejn kwistjonijiet ambjentali li magħhom għandhom x’jaqsmu l-Artikolu 95(5) u d-Direttiva 2001/18 u l-kwistjonijiet soċjo-ekonomiċi ta’ l-immaniġġjar agrikolu, li jaqgħu barra mill-iskop tal-leġiżlazzjoni. (56) Meta ddeterminat it-termini ta’ referenza tagħha, l-EFSA ddikjarat li ‘ma ġietx mitluba tikkummenta dwar informazzjoni li m’għandhiex impatt fuq ir-riskju għas-saħħa tal-bniedem u l-ambjent, b’mod partikolari dak li għandu x’jaqsam mal-immaniġġjar tal-koeżistenza. (57) Huwa ċar li l-opinjoni tagħha kkunsidrat – b’mod xieraq – l-aspetti ambjentali b’mod partikolari t-trażmissjoni tal-ġeni, iżda ma kkummentatx – ukoll b’mod xieraq – fuq dawk il-kwistjonijiet l-oħra.

119. Biex niġu lura għall-kundizzjonijiet stipulati fl-Artikolu 95(5) KE, jidher li hemm qbil li r-rapport Müller għall-inqas ippreżenta xi prova ta’ natura xjentifika, għalkemm l-opinjoni ta’ l-EFSA tindika li ħafna referenzi kellhom x’jaqsmu ma’ leġiżlazzjoni jew affarijiet ekonomiċi.

120. Il-kundizzjonijiet rimanenti huma li l-prova trid tkun ġdida, u li l-problema relativa trid tkun qamet wara l-adozzjoni tad-Direttiva 2001/18.

121. Fir-rigward tal-kwistjoni jekk il-prova ppreżentata fir-rapport Müller kinitx ġdida, l-EFSA kkonstatat li ħafna minnha kienet kunsiderazzjoni mill-ġdid ta’ l-għarfien kurrenti dwar it-trażmissjoni tal-ġeni minn prodott tar-raba’ għal ieħor u dwar it-trażmissjoni relattiva tal-ġeni minn prodotti tar-raba’ għall-varjetajiet salvaġġi ta’ xi tipi ta’ prodotti tar-raba’. Fil-punt 65 tad-deċiżjoni tagħha, il-Kummissjoni kkunsidrat li r-rapport Müller kien fih data li fil-parti l-kbira kienet diġà disponibbli qabel l-adozzjoni tad-Direttiva 2001/18.

122. Fir-rikorsi tagħhom fl-ewwel istanza, il-Land Oberösterreich u l-Awstrija aċċettaw li r-rapport Müller kien ibbażat fil-parti l-kbira tiegħu fuq data li kienet diġà disponibbli. Madanakollu, huma argumentaw, li dan wasal għal konklużjonijiet ġodda mid-data eżistenti u li dawk il-konklużjonijiet kellhom jitqiesu bħala ‘prova xjentifika ġdida’. Huma sostnew ukoll li dan kien kkonfermat minn letteratura xjentifika iktar riċenti. (58)

123. Huwa faċilment verifikabbli li mill-115-il referenza ċċitati fir-rapport Müller li tlesta f’April ta’ l-2002, 22 biss minnhom joriġinaw minn dik is-sena jew mill-2001, is-sena meta ġiet adottata d-Direttiva 2001/18, u li inqas min nofshom jidhru li huma ta’ natura xjentifika. L-appellanti m’għamlu l-ebda rivendikazzjoni li r-referenzi xjentifiċi għall-2001 jew l-2002 kienu deċiżivi jew anki sinifikanti fir-rigward tal-konklużjonijiet li ġew ippreżentati. U, peress li l-kwistjoni hija dwar jekk il-provi ppreżentati mill-Awstrija biex jiġġustifikaw it-talba tagħha kinux ġodda, il-fatt li provi ġodda oħra setgħu sussegwentement saru magħrufa, ma jistax jaffettwa l-validità ġuridika tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni, meta jitqiesu l-provi li abbażi tagħhom ittieħdet u ż-żmien meta ttieħdet.

124. Tibqa’ l-kwistjoni jekk konklużjoni ġdida li titnissel minn data eżistenti tistax tikkostitwixxi ‘prova xjentifika ġdida’. Fl-Ingliż, dan ma jkunx normalment il-każ. ‘Prova’ normalemnt tfisser il-materja prima li minnha jistgħu jitnisslu konklużjonijiet. L-istampa hija inqas ċara madanakollu meta wieħed iħares lejn sensiela iktar wiesa’ ta’ verżjonijiet lingwistiċi ta’ l-Artikolu 95(5) KE. il-verżjoni Olandiża (‘nieuwe wetenschappelijke gegevens’) tidher li taqbel ma’ dik Ingliża. Diversi ilsna Latini jużaw termini (‘preuves scientifiques nouvelles’ fil-Franċiż, ‘nuove prove scientifiche’ fit-Taljan u ‘novas provas cientificas’ fil-Portugiż) li jista’ jkollhom tifsira iktar wiesa’. U l-verżjoni Spanjola (‘novedades cientificas’) u dik Ġermaniża (‘neue wissenschaftliche Erkenntnisse’) ċertament jidhru iktar kapaċi mill-verżjoni Ingliża li jagħtu t-tifsira li l-appellanti bbażaw l-argumenti tagħhom fuqha fl-ewwel istanza. Jien naħseb li mhuwiex meħtieġ li wieħed jidħol iktar fid-dettall biex jasal għall-fehma li konklużjonijiet ġodda mnissla minn data eżistenti jistgħu jikkostitwixxu prova xjentifika ġdida skond it-tifsira ta’ l-Artikolu 95(5) KE.

125. Madanakollu, fil-fehma tiegħi, m’hemm xejn fis-sottomissjonijiet li jmur ‘l hinn minn sempliċi affermazzjoni li r-rapport Müller wasal għal konklużjonijiet ġodda bħal dawn mid-data eżistenti. Lanqas biss ġiet identifikata xi konklużjoni ġdida. Inqas u inqas hemm xi spjegazzjoni ta’ kif tali konklużjoni tista’ tkun differenti minn konklużjonijiet li tnisslu preċedentement mill-istess data. Peress li waħda mir-raġunijiet għalfejn ġiet miċħuda t-talba għal deroga kienet li l-prova xjentifika ma kinitx ġdida, kienet ir-responsabbiltà tar-rikorrenti fl-ewwel istanza li jirribattu dik ir-raġuni biex il-kawża tagħhom tirnexxi. Mhux biżżejjed li jintwera li teoretikament il-prova setgħet kienet ġdida mingħajr ma jiġi identifikat u spjegat effettivament x’kellha ġdid fiha.

126. Jien għalhekk tal-fehma li l-appellanti ma rnexxilhomx jirribattu l-konklużjonijiet tal-Kummissjoni dwar l-ineżistenza ta’ prova xjentifika ġdida. Din minnha nfisha hija raġuni suffiċjenti sabiex it-tielet motiv tagħhom fl-ewwel istanza jiġi miċħud, iżda jien se neżamina wkoll il-kundizzjoni li l-allegata problema kellha tkun oriġinat wara l-adozzjoni tad-Direttiva 2001/18.

127. Il-problema li l-appellanti argumentaw li hija speċifika għall-Awstrija ta’ Fuq toriġina, fl-opinjoni tagħhom, mill-proporzjonijiet (relattivament) għoljin ta’ biedja organika u ta’ impriżi agrikoli żgħar.

128. Fir-rigward tad-daqs ta’ l-impriżi agrikoli, huma ma sostnewx li s-sitwazzjoni inbidlet b’xi mod wara l-adozzjoni tad-Direttiva 2001/18.

129. Fir-rigward tal-proporzjon ta’ biedja organika, taw ċifri fir-rigward taż-żieda bejn il-31 ta’ Diċembru 2001 u l-31 ta’ Diċembru 2002: minn 2 792 għal 3 040 impriża agrikola, u minn 45 950 għal 50 077 ettaru, jiġifieri żieda ta’ ftit inqas minn 9% f‘dik is-sena fiż-żewġ każijiet; il-biedja organika għalhekk kienet tikkostitwixxi (milli jidher lejn l-aħħar ta’ l-2002) 7.5% tan-numru ta’ imprimi agricoli u 8.85% ta’ l-art maħduma fir-reġjun. (59)

130. Huma ma taw ebda ċifri għall-perjodu kollu rilevanti minn Marzu ta’ l-2001, meta d-Direttiva 2001/18 ġiet adottata, sa Marzu ta’ l-2003, meta t-talba għal deroga mid-direttiva kienet saret. Jekk it-tendenza kienet lineari kemm qabel (minn Marzu sa Diċembru ta’ l-2001) u wara (minn Jannar sa Marzu ta’ l-2003) – u f’dan ir-rigward ma hemm l-ebda prova la f’direzzjoni waħda u lanqas fl-oħra – estrapolazzjoni miċ-ċifri tas-sena kalendarja 2002 twassal għall-konklużjoni li seta’ kien hemm żieda ta’ bejn wieħed u ieħor 18%. Skond jekk jittieħdux bħala l-bażi l-medda ta’ art jew in-numru ta’ impriżi agrikoli, dan iwassal biex il-proporzjon ta’ biedja organika mill-biedja totali fl-Awstrija ta’ Fuq titla’ minn bejn 6% u 8% għal madwar 8% jew 9%.

131. Bħala kwistjoni ta’ livell, tali żieda ma tidhirx li hi biżżejjed biex turi l-eżistenza ta’ problema ġdida. Madanakollu l-appellanti argumentaw li l-Artikolu 95(5) KE ma jirrikjedix li l-problema tkun qamet fit-totalità tagħha mindu tkun ġiet adottata l-miżura ta’ armonizzazzjoni. Fil-fehma tagħhom, din setgħet qabel kienet moħbija u ġiet żvelata biss sussegwentement fit-totalità tagħha. F’dan il-każ, huma jallegaw li kienet il-pubblikazzjoni tar-rapport Müller f’April ta’ l-2002 li żvela l-portata reali tagħha. (60)

132. Jien naqbel li, bħala regola, problema li kienet moħbija fi żmien l-adozzjoni ta’ miżura ta’ armonizzazzjoni tista’, skond iċ-ċirkostanzi kollha, tiġi meqjusa li qamet wara din l-adozzjoni għall-finijiet ta’ l-Artikolu 95(5) KE jekk tiġi żvelata biss sussegwentement. Madanakollu, ma jidhirx li hu probabbli ħafna li żieda progressiva fil-proporzjon ta’ biedja organika għandha twassal għal sejba bħal din sakemm ma jkunx inqabeż ċertu limitu li jagħti lok għal bidla sinjifikattiva fis-sitwazzjoni. Jien ma nsib xejn fis-sottomissjonijiet ta’ l-appellanti li jmur lil hinn mis-sempliċi affermazzjoni li l-portata tal-problema saret evidenti biss bil-pubblikazzjoni tar-rapport Müller. Dan, ikkunsidrat flimkien mal-fatt li huma ma identifikawx xi konklużjoni ġdida speċifika f’dak ir-rapport, imnissla minn data ġdida jew eżistenti, iwassalni biex nikkonkludi li huma ma stabbilewx l-eżistenza ta’ problema li qamet wara l-adozzjoni tad-Direttiva 2001/18.

133. Konsegwentement, l-appellanti ma kkonfutawx il-konklużjonijiet fil-punt 75 tad-deċiżjoni kkontestata, fis-sens li l-Awstrija ma ressqet ebda prova xjentifika ġdida u ma wrietx li kien hemm problema speċifika li qamet wara l-adozzjoni tad-Direttiva 2001/18.

134. Fid-dawl ta’ l-enfażi li saret mill-appellanti fuq il-prinċipju ta’ prekawzjoni, jiena kont inżid li, għalkemm il-prinċipju huwa bla dubju relevanti għall-evalwazzjoni ta’ prova ġdida li għandha x’taqsam ma’ sitwazzjoni ġdida, l-ebda ammont ta’ prekawzjoni ma jista’ effettivament irendi dik il-prova jew dik is-sitwazzjoni ġdida. In-novità kemm tas-sitwazzjoni u tal-prova hija kriterju doppju li jrid jiġi sodisfatt qabel ma jidħol fix-xena l-prinċipju ta’ prekawzjoni.

135. It-tielet motiv fl-ewwel istanza għalhekk jista’ jiġi miċħud fi kwalunkwe każ, indipendentement minn jekk ir-raġuni għalfejn il-Qorti ta’ Prim’Istanza caħħditu tistax tiġi kkonfermata.

 Sommarju u konsiderazzjonijet finali

136. L-analiżi tiegħi tista’ tinġabar fil-qosor kif ġej.

137. Fil-proċedura skond l-Artikolu 95(4) jew (5) KE, l-Istat Membru għandu jippreżenta flimkien mat-talba tiegħu l-provi u l-argumenti kollha neċessarji in sostenn ta’ dik it-talba. Imbagħad il-Kummissjoni tieħu deċiżjoni fuq dik il-bażi. Qabel ma tieħu d-deċiżjoni tagħha hija tista’ tikseb l-opinjoni ta’ Stati Membri oħrajn (bħal fil-kawża Id-Danimarka vs Il-Kummissjoni) jew ta’ grupp ta’ esperti li jitwaqqaf biex jassistiha fi kwistjonijiet bħal dawn (bħal f’dan il-każ). Minħabba n-natura ta’ din il-proċedura (li tinbeda mill-Istat Membru, li għandu kull opportunità li jagħmel is-sottomissjonijiet kollha rilevanti) u l-limitazzjonijiet ta’ żmien (sitt xhur, bil-possibiltà ta’ estensjoni waħda f’ċirkustanzi ta’ kumplessità eċċezzjonali), l-Istat Membru m’għandux neċessarjament xi dritt ġenerali li jirrispondi għal xi opinjoni miksuba mill-Kummissjoni. Madanakollu, jekk grupp ta’ esperti kellu jagħti opinjoni wara li jkun sema’ provi jew argument li jikkontradixxu dak li jkun ingħad mill-Istat Membru iżda li fir-rigward tagħhom l-Istat Membru ma jkunx ingħata l-opportunità li jirrispondi, jista’ jkun meħtieġ li jiġi kkunsidrat jekk dak kienx nuqqas proċedurali essenżjali fil-formulazzjoni ta’ l-opinjoni (is-sentenza Technische Universität München). Fin-nuqqas ta’ tali diffikultà, id-dritt ta’ l-Istat Membru li jirrispondi għal xi opinjoni li fuqha l-Kummissjoni tkun ibbażat id-deċiżjoni tagħha tiġi sodisfatta bid-dritt tiegħu li jikkontesta dik id-deċiżjoni quddiem il-Qorti ta’ Prim’Istanza. F’dak l-istadju, dan jista’ jippreżenta kull prova jew argument li jistgħu jikkonfutaw xi element li fuqu tkun ibbażata d-deċiżjoni tal-Kummissjoni.

138. Jekk, f’ċirkustanzi bħal dawn, l-unika prova li l-Istat Membru jitlob lill-Qorti ta’ Prim’Istanza tikkunsidra hija dik li tkun diġà ġiet ippreżentata lill-Kummissjoni, u jallega għalhekk li ġiet evalwata b’mod skorrett mill-Kummissjoni, l-Istat Membru għandu jindika b’mod preċiż kif il-prova kellha twassal għal konklużjoni differenti. Mhuwiex biżżejjed li jintwera fl-astratt li prova tat-tip li ġiet ippreżentata tista’ tkun kapaċi tiġi interpretata b’mod differenti, u li l-Qorti ta’ Prim’Istanza tintalab twettaq evalwazzjoni mill-ġdid tal-provi effettivament ippreżentati. L-Istat Membru għandu għall-inqas jidentifika partijiet speċifiċi tal-provi li qed jallega li kellhom jingħataw interpretazzjoni differenti u jispjega fid-dettall għalfejn dik l-interpretazzjoni hija ġustifikata u għalfejn l-interpretazzjoni li fuqha hija bbażata d-deċiżjoni tal-Kummissjoni mhijiex.

139. F’din il-kawża, l-Awstrija fir-rikors tagħha skond l-Artikolu 95(5) KE kellha turi li l-kundizzjonijiet elenkati f’dik id-dispożizzjoni ġew sodisfatti: (i) għandha tiġi ppreżentata prova ġdida, (ii) il-prova għandha tkun xjentifika, (iii) għandha jkollha x’taqsam mal-ħarsien ta’ l-ambjent jew ta’ l-ambjent tax-xogħol, (iv) għandu jkun hemm problema speċifika għall-Istat Membru, u (v) l-problema għandha tkun qamet wara l-adozzjoni tal-miżura ta’ armonizzazzjoni.

140. L-EFSA fl-opinjoni tagħha u l-Kummissjoni fid-deċiżjoni tagħha kkunsidraw li l-kundizzjonijiet (i), (iii) u (iv) ma ġewx sodisfatti. Ma jistax jingħad li sabu li l-kundizzjoni (ii) ma ġietx sodisfatta bl-ebda mod. Huma ma eżaminawx espliċitament il-kundizzjoni (v), iżda setgħu (b’mod iġġustifikat) ikkunsidraw li n-nuqqas ta’ prova ġdida kienet timplika n-nuqqas ta’ problema li qamet m’ilux, jew li fin-nuqqas ta’ problema speċifika għall-Awstrija ta’ Fuq ma kienx hemm bżonn li tiġi eżaminata l-kwistjoni ta’ f’liema żmien effettivament qamet il-problema b’mod iktar approfondit.

141. Il-Land Oberösterreich u l-Awstrija sostnew quddiem il-Qorti ta’ Prim’Istanza li l-kundizzjonijiet kollha fl-Artikolu 95(5) ġew sodisfatti. Il-Qorti sabet li dawn ma kinux stabbilew li l-kundizzjoni (iv) ġiet sodisfatta u kkonkludiet li dan in-nuqqas kien biżżejjed għaliha biex tiċħad it-talba tagħhom li d-deċiżjoni kkontestata kienet tikser l-Artikolu 95(5) KE. Fuq il-bażi ta’ dik il-konstatazzjoni, il-konklużjoni tagħha kienet korretta, iżda l-konstatazzjoni tagħti lok għal xi dubji peress li setgħet ma rrealizzatx li possibilment l-EFSA applikat standard aktar esiġenti minn ‘speċifiku’, jiġifieri ‘uniku’.

142. L-allegazzjoni ta’ ksur ta’ l-Artikolu 95(5) KE tista’ tirnexxi biss jekk jintwera li l-kundizzjonijiet kollha f’dik id-dispożizzjoni ġew sodisfatti. Il-Land Oberösterreich u l-Awstrija ma urewx li dan huwa l-każ, kemm quddiem il-Qorti ta’ Prim’Istanza jew quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja peress li ma urewx li l-kundizzjonijiet (i) u (iv), meħudin flimkien, ġew sodisfatti – li kien hemm prova ġdida ta’ problema li qamet wara l-adozzjoni tad-Direttiva 2001/18. Huma sempliċement reġgħu ppreżentaw prova li kienet ġiet ikkunsidrata mill-EFSA u l-Kummissjoni, u indikaw (korrettement) li analiżi mill-ġdid ta’ data eżistenti li twassal għal konklużjoni ġdida tista’ tikkwalifika bħala ‘prova ġdida’ għall-finijiet ta’ l-Artikolu 95(5) KE u li problema li kienet moħbija fi żmien l-adozzjoni tal-miżura ta’ armonizzazzjoni tista’ tiġi meqjusa għall-istess skopijiet bħala li qamet wara dik l-adozzjoni jekk tkun saret magħrufha biss wara dik id-data. Huma ma spjegawx kif il-prova tissodisfa dawk il-kriterji jew identifikaw liema aspetti tagħha kellhom jiġu kkunsidrati bħala rilevanti.

143. Jiena konxju sew li l-konklużjoni li qed nasal għaliha – jew aħjar pjuttost l-implikazzjonijiet tagħha – se tiddiżappunta mhux biss lill-appellanti iżda anki lil ħafna individwi u organizzazzjonijiet li huma profondament u ġenwinament inkwetati bir-riskji, li s‘issa għadhom ma ġewx stabbiliti b’mod sħiħ, involuti fil-propagazzjoni tal-GMOs.

144. Jiena se nirrepeti, madanakollu, żewġ kunsiderazzjonijiet.

145. Minn banda waħda, kif indikjat hawn fuq, (61) it-tħassib in kwistjoni huwa tħassib dwar politika li għadu jiġi ttrattat f’fora politiċi. Mhijiex ir-responsabbiltà ta’ din il-qorti jew ta’ xi qorti oħra li tistabbilixxi il-politika ambjentali nazzjonali jew Komunitarja korretta. U t-tħassib in kwistjoni mhuwiex minnu nnifsu direttament rilevanti għall-kwistjonijiet legali mqajma f’din il-kawża, kemm fl-ewwel istanza jew fl-appell.

146. Mill-banda l-oħra, huwa ċar li l-awtoritajiet nazzjonali u reġjonali fl-Istati Membri għandhom poteri u doveri konsiderevoli sabiex jieħdu in kunsiderazzjoni dak it-tħassib fil-formulazzjoni tal-politika propja tagħhom u fl-applikazzjoni tal-politika Komunitarja. Huma jistgħu jadottaw leġiżlazzjoni bħal dik li ġiet adottata fl-Awstrija ta’ Fuq, li timponi salvagwardji stretti fuq il-kultivazzjoni ta’ GMOs. Huma jistgħu jintervjenu fil-proċess ta’ l-approvazzjoni mill-Komunità taħt il-parti C tad-Direttiva 2001/18. Huma għandhom jissorveljaw u jirrappurtaw informazzjoni ġdida skond l-Artikolu 20 ta’ dik id-direttiva, huma jistgħu jinvokaw il-klawżola ta’ salvagwardja fl-Artikolu 23 u jistgħu jieħdu miżuri taħt l-Artikolu 26a. (62) Barra dan, skond il-linji gwida ta’ l-2003, (63) huma jistgħu u għandhom jieħdu passi biex jiżguraw li kull kultivazzjoni ta’ GMOs fit-territorju tagħhom tista’ tikkoeżisti, mingħajr taħlit, mal-biedja konvenzjonali jew organika.

147. Dak li ma jistgħux jagħmlu huwa li jadottaw leġiżlazzjoni li timponi projbizzjoni ġenerali tal-GMOs ġewwa t-territorju tagħhom, sakemm ma jistgħux jipprovdu prova li tkun konformi mal-kriterji kollha ta’ l-Artikolu 95(5) KE.

 Spejjeż

148. Skond l-Artikolu 69(2) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba. Il-Kummissjoni għamlet talba għall-ispejjeż, u l-argumenti ta’ l-appellanti fil-fehma tiegħi għandhom jiġu respinti lkoll, minkejja li dawn identifikaw nuqqas possibbli fis-sentenza appellata.

 Konklużjoni

149. Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha magħmula iktar ’il fuq, jiena ta’ l-opinjoni li l-Qorti għandha

–        tannulla s-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza fil-Kawżi Maqgħuda T-366/03 u T-235/04 safejn din ċaħdet il-motiv ibbażat fuq il-ksur ta’ l-Artikolu 95(5) KE,

–        tiċħad ir-rikorsi f’dawk il-kawżi u

–        tordna lill-appellanti ibatu l-ispejjeż.


1 – Lingwa oriġinali: l-Ingliż.


2 – Id-Direttiva 2001/18/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Marzu 2001 dwar ir-rilaxx intenzjonat fl-ambjent ta’ organiżmi modifikati ġenetrikament u li tħassar id-Direttiva 90/220 (ĠU 2001 L 106, p. 1).


3 – Stampa utli ta’ l-andament tal-proċedura imsemmija fil-parti C tidher fl-Anness A-2 tar-Rapporti tal-Panel tal-WTO WT/DS291/R, WT/DS292/R u WT/DS293/R, Komunitajiet Ewropej – Miżuri li Jaffettwaw l-Approvazzjoni u l-Kummerċjalizzazzjoni ta’ Prodotti Bijotek, tad-29 ta’ Settembru 2006.


4 – Ir-Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (KE) Nru 1829/2003 tat-22 ta’ Settembru 2003 dwar ikel u għalf modifikat ġenetikament (ĠU 2003 L 268, p. 1).


5 – Ara l-listi fuq is-siti http://ec.europa.eu/environment/biotechnology/authorised_prod_2.htm u http://gmoinfo.jrc.it/gmc_browse.aspx?DossClass=3.


6 – Ara l-listi fuq is-siti http://ec.europa.eu/environment/biotechnology/pending_products.htm u http://gmoinfo.jrc.it/gmc_browse.aspx?DossClass=0.


7 – Id-Direttiva tal-Kunsill 90/220/KEE tat-23 ta’ April 1990 dwar ir-rilaxx intenzjonat fl-ambjent ta’ organiżmi modifikati ġenetikament (ĠU 1990 L 117, p. 15). Din kellha l-istess għanijiet bħad-Direttiva 2001/18 u d-dispożizzjonijiet tagħha kienu smili iżda, wara numru ta’ emendi, ġiet revokata u sostitwita mid-direttiva preżenti. Ara l-lista fuq is-sit http://ec.europa.eu/environment/biotechnology/authorised_prod_1.htm.


8 – Ara t-tabella fuq is-sit http://biotech.jrc.it/deliberate/dbcountries.asp.


9 – Ara l-Anness III ma’ l-abbozz tal-minuti tal-2149 laqgħa tal-Kunsill (Ambjent) miżmuma fil-Lussemburgu fl-24 u l-25 ta’ Ġunju 1999.


10 – Ara r-Rapporti tal-Panel iċċitati fin-nota ta’qiegħ il-paġna 3.


11 – Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni tat-23 ta’ Lulju 2003 li tistabbilixxi linji gwida għat-tfassil ta’ strateġiji nazzjonali u l-aħjar prattiċi biex tiġi żgurata l-koeżistenza ta’ prodotti tar-raba’ modifikati ġenetikament ma’ biedja konvenzjonali u organika (ĠU 2003 L 189, p. 36).


12 – Landesgesetz, mit dem der Anbau von gentechnisch verändertem Saat- und Pflanzgut sowie der Einsatz von transgenen Tieren zu Zwecken der Zucht sowie das Freilassen von transgenen Tieren insbesondere zu Zwecken der Jagd und Fischerei verboten wird (Oberösterreichisches Gentechnik-Verbotsgesetz 2002). It-test kollu jista’ jitnizzel, inter alia, mis-sit http://www.genfood.at.


13 – ‘GVO-freie Bewirtschaftungsgebiete: Konzeption und Analyse von Szenarien und Umsetzungsschritten’. It-test kollu jista’ jitnizzel, inter alia, mis-sit http://www.genfood.at.


14 – Skond l-Artikoli 22(5)(c) u 29(1) tar-Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (KE) Nru 178/2002 tat-28 ta’ Jannar 2002 li jistabbilixxi l-prinċipji ġenerali u l-ħtiġijiet tal-liġi dwar l-ikel, li jistabbilixxi l-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel u jistabbilixxi l-proċedura fi kwistjonijiet ta’ sigurtà ta’ l-ikel (ĠU 2002 L 31, p. 1).


15 – http://www.efsa.europa.eu/en/science/gmo/gmo_opinions/178.html.


16 – Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2003/653/KE tat-2 ta’ Settembru 2003 relativa għal dispożizzjonijiet nazzjonali dwar il-projbizzjoni fuq l-użu ta’ organiżmi modifikati ġenetikament fir-reġjun ta’ l-Awstrija ta’ Fuq innotifikati mir-Repubblika ta’ l-Awstrija skond l-Artikolu 95(5) tat-Trattat KE (ĠU 2003 L 230, p. 34) (‘id-deċiżjoni kkontestata’).


17 – L-Artikolu 23, ikkwotat fil-punt 12 iktar ’il fuq.


18 – Punt 56 tad-deċiżjoni kkontestata.


19 –      Ir-referenza għal ‘siltiet’ inklużi man-notifikazzjoni tikkonfondi lil dak li jkun. Min-nota ta’qiegħ il-paġna 1 sal-punt 63 tad-deċiżjoni jidher ċar li l-Kummissjoni rċeviet ir-rapport sħiħ, flimkien ma’ numru ta’ dokumenti oħrajn, li lkoll kemm huma ġew imgħoddijin lill-EFSAEFSA – u l-opinjoni tagħha propja jidher li tindika li kkunsidrat ir-rapport kollu. Jista’ jkun li l-punt 70 jirreferi għal siltiet li kienu effettivament inklużi fl-ittra tan-notifika stess. Huwa ċar mill-verżjoni Ġermaniża li l-kelma ‘Act’ bl-Ingliż tirreferi għall-abbozz tal-liġi.


20 – Kawżi maqgħuda Land Oberösterreich u L-Awstrija vs Il-Kummissjoni (T-366/03 u T-235/04, Ġabra p. II-4005).


21 – Sentenza tal-21 ta’ Marzu 2003 (C-3/00 Ġabra p. I-2643, punti 47 sa 50).


22 – Punti 32 sa 35 tas-sentenza appellata.


23 – Punti 38 u 39 tas-sentenza appellata.


24 – Punti 40 sa 42.


25 – Punti 43 u 44, li jiċċitaw is-sentenzi tas-17 ta’ Mejju 1994, Franza v Il-Kummissjoni (C-41/93, Ġabra p. I-1829, punti 29 u 30) u ta’ l-1 ta’ Ġunju 1999, Kortas (C-319/97, Ġabra p. I-3143, punt 28 relativa għall-proċedura skond l-Artikolu 100a(4) tat-Trattat KE, il-predeċessur ta’ l-Artikolu 95(4) KE).


26 – Punti 45 u 46.


27 – Punt 59 tas-sentenza appellata.


28 – Punt 61.


29 – Punt 62, li jiċċita s-sentenzi tal-21 ta’ Jannar 2003, Il-Ġermanja vs Il-Kummissjoni (C-512/99, Ġabra p. I-845, punti 40 u 41), u Id-Danimarka vs Il-Kummissjoni, (iċċitata iktar ‘il fuq, punti 56 sa 58).


30 – Konklużjonijiet ta’ l-Avukat Ġenerali Tizzano fil-kawża Il-Ġermanja vs Il-Kummissjoni, punt 71; u Id-Danimarka vs Il-Kummissjoni, punt 84.


31 – Punti 63 u 64 tas-sentenza appellata.


32 – Punt 65 tas-sentenza appellata; ara wkoll il-punti 23 u 28 iktar ’il fuq.


33 – Ara l-punt 17 iktar ’il fuq.


34 – Punti 66 u 67 tas-sentenza appellata


35 – Il-Ġermanja vs Il-Kummissjoni, iċċitata fin-nota ta’qiegħ il-paġna nru.29, punt 81.


36 – Punt 71 tas-sentenza appellata.


37 – L-Artikolu 95(3) KE.


38 – Cf punti 42 sa 44 iktar ‘il fuq.


39 – Ara n-nota ta’qiegħ il-paġna 25.


40 – Oberösterreichisches Gentechnik-Vorsorgegesetz, innotifikat (Nru 2005/610/A) skond id-Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 98/34/KE tat-22 ta’ Ġunju 1998 li tistabbilixxi proċedura għall-għoti ta’ informazzjoni fil-qasam ta’ l-istandards u tar-regolamenti tekniċi (ĠU L 204, p. 37).


41 – Il-leġiżlazzjoni issa ġiet adottata mil-leġiżlatura ta’ l-Awstrija ta’ Fuq (LGBl 79/2006, p. 261). Skond din il-leġiżlazzjoni, kull persuna li jkollha l-ħsieb li tikkultiva GMOs awtorizzati għandha tiddikjara l-intenzjoni tagħha lill-awtoritajiet. Diversi raġunijiet għal rifjut ta’ permess, konnessi essenzjalment mas-sitwazzjoni ta’ l-art in kwistjoni, ġew speċifikati, iżda l-awtoritajiet jistgħu minflok jimponu diversi kundizzjonijiet jekk dan ikun biżżejjed biex il-GMOs ma jinfirxux.


42 – Ara l-Artikoli 175(1) u (3) u 251 KE.


43 – Dan il-kunċett japplika wkoll fl-appelli, anki jekk mhumiex strettament diretti kontra l-parti jew partijiet li jirbħu fl-ewwel istanza, u fi proċeduri ta’ rinviju għal deċiżjoni preliminari, fejn numru ta’ partijiet jistgħu jippreżentaw sottomissjonijiet lill-Qorti u jkollhom l-opportunità li jirrispondu għas-sottomissjonijiet ta’ xulxin.


44 – Ara n-nota ta’qiegħ il-paġna 25 iktar ‘il fuq.


45 – Ninnota, fi kwalunkwe każ, li l-Kummissjoni tiddikjara (ara l-punt 8 tad-difiża fil-Kawża T-366/03 u n-nota ta’qiegħ il-paġna 13 fir-risposta fil-Kawża C-439/05) li l-Land Oberösterreich fil-fatt kellha u użat l-opportunità li tirrispondi għall-opinjoni ta’ l-EFSA. Ma jidhirx li dik id-dikjarazzjoni ġiet ikkontestata.


46 – Sentenza tal-21 ta’ Novembru 1992 (C-269/90, Ġabra p. I-5469). Il-punt pertinenti tas-sentenza (punt 25) ġie ċċitat bħala awtorità mill-Qorti ta’ Prim’Istanza fis-sentenzi tad-9 ta’ Novembru 1995 France-Aviation vs Il-Kummissjoni, (T-346/94, Ġabra p. II-2841, punti 32 sa 36); tad-19 ta’ Frar 1998 Eyckeler & Malt vs Il-Kummissjoni (T-42/96, Ġabra p. II-401, punt 80); u tas-17 ta’ Settembre 1998, Primex Produkte u Interporc vs Il-Kummissjoni (T-50/96, Ġabra p. II-3773, punt 63) – ikoll, bħas-sentenza Technische Universität München, fil-kamp ta’ dazji tad-dwana.


47 –      ‘[D]roit d’être entendu’ bil-Franċiż. L-enfażi iktar tard fil-kwotazzjoni hija tiegħi.


48 – Iż-żewġ raġunijiet l-oħra kienu li l-‘grupp ta’ esperti’ ma kienx kompost minn esperti veri imma minn uffiċċjali taċ-Ċivil nazzjonali, u li d-deċiżjoni tal-Kummissjoni ma kinitx immotivata biżżejjed.


49 – Lanqas, li kieku ngħataw, ma kienu jkunu fondati.


50 – F’kuntest differenti wieħed jista’ jikkunsidra, per eżempju, is-sentenza ta’ l-14 ta’ April 2005 Gaki-Kakouri vs Il-Qorti tal-Ġustizzja (C-243/04 P (mhux ippubblikata fil-Ġabra iżda disponibbli bil-Franċiż fuq il-website tal-Qorti), punti 22 sa 41), jew is-sentenza tat-28 ta’ Ġunju 2005, Dansk Rørindustri vs Il-Kummissjoni (C-189/02 P Ġabra p. I-5425, punti 77 sa 102).


51 – Ara l-punt 26 iktar ‘il fuq.


52 – Ara, per eżempju, is-sentenza tal-21 ta’ Settembru 2006, Nederlandse Federatieve Vereniging voor de Groothandel op Elektrotechnisch Gebied vs Il-Kummissjoni (C-105/04 P Ġabra p. I-8725, punti 69 u 70).


53 – Ara l-punti 23 u 24 iktar ’il fuq.


54 – Jiena ninnota li l-Ġermaniż ma kien ilsien art twelid ta’ ebda wieħed mill-imħallfin li ffirma s-sentenza, għalkemm ċertament setgħu kienu jafu l-lingwa.


55 – Iż-żewġ rikorrenti ppreżentaw kopji tar-rapport Müller u tar-rapport tal-kumitat imsemmi fil-punt 26 iktar ’il fuq, li t-tnejn li huma ġew eżaminati mill-panel ta’ l-EFSA. Mar-risposta tagħha, l-Awstrija ppreżentat kopja tal-kontribuzzjoni Awstrijaka għal-laqgħa tal-WTO ta’ l-14 ta’ Jannar 2004 dwar riżoluzzjoni ta’ tilwim; dan huwa dokument ta’ tliet paġni bl-Ingliż li jiċċita referenzi li kollha jidhru li huma suċċessivi għat-talba magħmula skond l-Artikolu 95(5) KE.


56 – Ara wkoll il-punt 27 et seq. tad-deċiżjoni kkontestata, u l-linji gwida tal-Kummissjoni imsemmija hemmhekk, iċċitati fin-nota ta’qiegħ il-paġna 11 iktar ’il fuq, speċjalment fil-punti 1.1 u 1.2.


57 – L-enfażi tinsab fl-oriġinal.


58 – Ara r-rikors fil-Kawża T-366/03, punti 87 sa 89, u fil-Kawża T-235/04, punti 81 sa 83; ir-risposta fil-Kawża T-366/03, punti 22-25, u fil-Kawża T-235/04, punti 23 sa 26.


59 – Ir-rikors fil-Kawża T-366/03, punt 96; fil-Kawża T-235/04, punt 90.


60 – Ir-rikors fil-Kawża T-366/03, punti 98 u 99; fil-Kawża T-235/04, punti 92 u 93. Ir-risposta fil-Kawża T-366/03, punt 28; fil-Kawża T-235/04, punt 30.


61 – Punti 70 sa 73.


62 – Ara l-punti 11, 12 u 13 iktar ’il fuq, rispettivament.


63 – Ara l-punti 18 u 19 iktar ’il fuq.

Top