EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62005CC0426

Konklużjonijiet ta' l-Avukat Ġenerali - Poiares Maduro - 15 ta' Frar 2007.
Tele2 Telecommunication GmbH vs Telekom-Control-Kommission.
Talba għal deċiżjoni preliminari: Verwaltungsgerichtshof - l-Awstrija.
Komunikazzjonijiet elettroniċi - Netwerks u servizzi - Qafas regolatorju komuni - Artikoli 4 u 16 tad-Direttiva 2002/21/KE (Direttiva Qafas) - Appell - Proċedura amministrattiva ta’ analiżi tas-suq.
Kawża C-426/05.

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2007:107

KONKLUŻJONIJIET TA’ L-AVUKAT ĠENERALI

MADURO

ippreżentati fil-15 ta’ Frar 2007 ( 1 )

Kawża C-426/05

Tele2 Telecommunication GmbH

vs

Telekom-Control-Kommission

“Komunikazzjonijiet elettroniċi — Netwerks u servizzi — Qafas regolatorju komuni — Artikoli 4 u 16 tad-Direttiva 2002/21/KE (Direttiva Qafas) — Appell — Proċedura amministrattiva ta’ analiżi tas-suq”

1. 

Permezz ta’ dan ir-rinviju għal deċiżjoni preliminari, il-Verwaltungsgerichtshof (l-Awstrija) jagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja żewġ domandi li jirrigwardaw l-interpretazzjoni ta’ l-Artikoli 4 u 16 tad-Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2002/21/KE, tas-7 ta’ Marzu 2002 dwar kwadru [qafas] regolatorju komuni għan-networks ta’ komunikazzjonijiet u servizzi elettroniċi (Direttiva [Qafas]) ( 2 ).

I — Il-fatti tal-kawża, il-kuntest ġuridiku u d-domanda preliminari

2.

Tele2 UTA Telecommunication GmbH (iktar ’il quddiem ir-“rikorrenti” jew “Tele2”) hi impriża Awstrijaka li tipprovdi netwerks u servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi. Fis-16 ta’ Lulju 2004, din talbet sabiex tingħata l-istat ta’ parti, kif ukoll li tingħata d-dritt ta’ aċċess għall-inkartament fil-kuntest ta’ proċedura amministrattiva ta’ analiżi tas-suq mwettqa mit-Telekom-Control-Kommission (iktar ’il quddiem l-“awtorità regolatorja” jew it-“TCK”) skond l-Artikolu 37 tal-Liġi dwar it-Telekomunikazzjoni ta’ l-2003 (Telekommunikationsgesetz, BGBl. I, 70/2003, iktar ’il quddiem it-“TKG”).

3.

Skond l-Artikolu 37 tat-TKG, bit-titolu “Proċedura ta’ analiżi tas-suq”:

“1.   L-awtorità regolatorja għandha twettaq ex officio, b’intervalli regolari li iżda ma jistgħux jaqbżu s-sentejn, filwaqt li tieħu in kunsiderazzjoni d-dispożizzjonijiet tal-Komunitajiet Ewropej, analiżi tas-swieq rilevanti ddefiniti mir-regolament imsemmi fl-Artikolu 36(1). L-għan ta’ din il-proċedura hi, wara li jiġi kkonstatat jekk, f’suq rilevanti determinat, impriża waħda jew diversi impriżi humiex b’saħħithom jew jekk dan is-suq huwiex effettivament kompetittiv, li jiġu rtirati, jinżammu, jinbidlu jew jiġu imposti obbligi legali speċifiċi.

2.   Jekk fil-kuntest ta’ din il-proċedura, l-awtorità regolatorja tikkonstata li, fis-suq rilevanti, impriża waħda jew diversi impriżi huma b’saħħithom u li, bħala konsegwenza, dan is-suq mhuwiex effettivament kompetittiv, din għandha timponi fil-konfront ta’ dawn l-impriżi l-obbligi legali speċifiċi xierqa msemmija fl-Artikoli 38 sa 46 jew fl-Artikolu 47(1). Safejn dawn ikunu jirrigwardaw is-suq rilevanti, l-obbligi legali speċifiċi li jkunu diġà ġew applikati fir-rigward ta’ impriżi għandhom jiġu emendati jew imposti mill-ġdid, mill-awtorità regolatorja, skond ir-riżultati tal-proċedura filwaqt li jittieħdu in kunsiderazzjoni l-għanijiet tal-liġi.

3.   Jekk l-awtorità regolatorja tqis, fuq il-bażi tal-proċedura, li s-suq rilevanti hu effettivament kompetittiv u li, għaldaqstant, l-ebda impriża ma hi b’saħħita f’dak is-suq, din ma tistax timponi obbligi legali skond il-paragrafu 2, salv għad-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikolu 47(2); f’dan il-każ, il-proċedura fir-rigward ta’ dan is-suq tingħalaq b’mod informali permezz ta’ deċiżjoni ppubblikata mill-awtorità regolatorja. Safejn, f’dan is-suq, għadhom japplikaw obbligi legali speċifiċi fir-rigward ta’ impriżi, dawn għandhom jiġu rtirati permezz ta’ deċiżjoni. Din id-deċiżjoni għandha wkoll tistabbilixxi perijodu ta’ żmien raġonevoli, ta’ massimu ta’ sitt xhur, għad-dħul fis-seħħ ta’ dan l-irtirar.

4.   Fil-każ ta’ swieq transnazzjonali identifikati f’deċiżjoni tal-Kummissjoni Ewropea, l-awtoritajiet regolatorji nazzjonali kkonċernati għandhom iwettqu l-analiżi tas-suq b’kooperazzjoni stretta bejniethom, filwaqt li jieħdu in kunsiderazzjoni l-linji gwida fuq l-analiżi tas-suq u l-evalwazzjoni tas-saħħa fis-suq u għandhom jevalwaw b’mod konkret jekk impriża waħda jew diversi impriżi humiex b’saħħithom fis-suq jew jekk is-suq huwiex effettivament kompetittiv. Il-paragrafi 1, 2, 3 u 5 japplikaw b’analoġija.

5.   Huma biss dawk l-impriżi li fil-konfront tagħhom ġew imposti, mibdula jew irtirati obbligi legali speċifiċi li għandhom l-istat ta’ parti.

6.   L-utenti u l-operaturi ta’ servizzi jew netwerks ta’ komunikazzjoni għandhom l-obbligu li jikkooperaw fil-proċedura msemmija fl-Artikoli 36 u 37 bil-mod kif definit fl-Artikolu 90.

7.   L-awtorità regolatorja għandha tippubblika d-deċiżjonijiet meħuda skond il-paragrafi 2 sa 4 u għandha tibgħat kopja tagħhom lill-Kummissjoni Ewropea.

[…]”

4.

Dan l-Artikolu 37 tat-TKG dwar il-proċedura ta’ analiżi tas-suq jinkorpora fih l-Artikolu 16 tad-Direttiva Qafas, li wkoll għandu t-titolu “Proċedura ta’ analiżi tas-suq”, u li jiddisponi:

“1.   Kemm jista’ jkun malajr wara l-adozzjoni tar-rakkomandazzjoni jew xi aġġornament tagħha, l-awtoritajiet nazzjonali regolatorji għandhom iwettqu analiżi tas-swieq rilevanti, waqt li jagħtu l-akbar kont tal-linji gwida. L-Istati Membri għandhom jassiguraw li din l-analiżi titwettaq, fejn xieraq, b’kollaborazzjoni ma’ l-awtoritajiet nazzjonali tal-kompetizzjoni.

2.   Fejn awtorità nazzjonali regolatorja hija meħtieġa taħt Artikoli 16, 17, 18 jew 19 tad-Direttiva 2002/22/KE (Direttiva dwar is-Servizz Universali), jew Artikoli 7 jew 8 tad-Direttiva 2002/19/KE [tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-7 ta’ Marzu 2002, dwar l-aċċess għal, u l-interkonnessjoni ta’, networks ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi u faċilitajiet assoċjati] (Direttiva ta’ l-Aċċess) ( 3 ) [iktar ’il quddiem id-“Direttiva Aċċess”] li jistabbilixxu jekk jimponux, iżommu, jemendaw jew jirtiraw obbigazzjonijiet fuq impriżi, għandha tistabbilixxi fuq il-bażi ta’ l-analiżi tagħha tas-suq imsemmi fil-paragrafu 1 ta’ dan Artikolu jekk is-suq relevanti huwiex effettivament kompetittiv.

3.   Fejn awtorità nazzjonali regolatorja tikkonkludi li s-suq huwa effettivament kompetittiv, m'għandhiex timponi jew iżżomm xi waħda mill-obbligazzjonijiet speċifiċi regolatorji msemmija fil-paragrafu 2 ta’ dan Artikolu. F’każi fejn obbligazzjonijiet speċifiċi regolatorji fis-setttur jeżistu [diġà], għandha tirtira dawk l-obbligazzjonijiet imqegħda fuq impriżi f’dak is-settur rilevanti. Perijodu xieraq ta’ avviż għandu jingħata lill-partijiet affettwati b’dak l-irtirar ta’ l-obbligazzjonijiet.

4.   Fejn awtorità nazzjonali regolatorja tistabbilixxi li suq relevanti mhux effettivament kompetittiv, għandha tidentifika impriżi b’saħħa sinjifikanti fis-suq fuq dak is-suq skond [l]-Artikolu 14 u l-awtorità nazzjonali regolatorja għandha fuq dawk l-impriżi timponi l-obbligazzjonijiet speċifiċi adatti msemmija fil-paragrafu 2 ta’ dan [l-]Artikolu jew iżżomm jew temenda dawk l-obbligazzjonijiet fejn [diġà] jeżistu.

5.   Fil-każ tas-swieq transnazzjonali identifikati fid-Deċiżjoni msemmija f’Artikolu 15(4), l-awtoritajiet nazzjonali regolatorji kkonċernati għandhom iwettqu analiżi tas-suq flimkien, filwaqt li jagħtu l-akbar kont tal-linji gwida u jiddeċiedu fuq kull impożizzjoni, manutenzjoni, emenda jew irtirar ta’ l-obbligazzjonijiet regolatorji msemmija fil-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu b’mod ikkonċertat.

6.   Il-miżuri meħuda skond id-dispożizzjonijiet tal-paragrafi 3, 4 u 5 ta’ dan l-Artikolu għandhom ikunu suġġetti għall-proċeduri msemmija f’Artikoli 6 u 7.”

5.

Permezz ta’ deċiżjoni tas-6 ta’ Settembru 2004, l-awtorità regolatorja ċaħdet it-talba ta’ Tele2 li tingħata l-istat ta’ parti fil-proċedura ta’ analiżi tas-suq, minħabba li, skond l-Artikolu 37(5) tat-TKG, huma biss dawk li fil-konfront tagħhom ġew imposti, mibdula jew irtirati obbligi legali speċifiċi li jistgħu jkunu partijiet fil-proċeduri ta’ analiżi tas-suq, bl-esklużjoni ta’ kull impriża oħra, li preċiżament mhuwiex il-każ tar-rikorrenti.

6.

Ir-rikorrenti appellat minn din l-imsemmija deċiżjoni quddiem il-Verwaltungsgerichtshof għaliex id-dispożizzjoni nazzjonali ta’ l-Artikolu 37(5) tat-TKG tmur kontra l-Artikolu 4(1) tad-Direttiva Qafas li jipprovdi għal “dritt ta’ appell”. Skond dan l-aħħar Artikolu, “[l]-Istati Membri għandhom jiżguraw li mekkaniżmi effettivi jeżistu fil-livell nazzjonali li taħthom kull utent jew impriża li tipprovdi networks ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi u/jew servizzi li tkun milquta b’deċiżjoni ta’ l-awtorità nazzjonali regolatorja jkollha d-dritt ta’ appell kontra d-deċiżjoni quddiem korp ta’ appell li jkun indipendenti mill-partijiet involuti. Dan il-korp, li jista’ jkun qorti, għandu jkollu l-ħila adattata disponibbli biex tippermettilu li jwettaq il-funzjonijiet tiegħu. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-mertu tal-każ jingħata kont debitu tiegħu u li jkun hemm mekkaniżmu effettiv ta’ appell. Sakemm jinqata’ dak l-appell, id-deċiżjoni ta’ l-awtorità għandha tibqa’ sakemm il-bord ta’ l-appell ma jiddeċidix xort'oħra.”

7.

Skond ir-rikorrenti, id-deċiżjoni meħuda mit-TCK fil-kuntest ta’ proċedura ta’ analiżi tas-suq tikkostitwixxi deċiżjoni skond id-Direttiva Qafas, li “tolqot” mhux biss lill-impriża partikolari li fir-rigward tagħha ġew imposti, mibdula jew irtirati obbligi legali speċifiċi, iżda wkoll lill-kompetituri tagħha. Fil-fatt, ir-riżultat ta’ din l-analiżi tas-suq jiddetermina b’mod dirett id-drittijiet li kompetitur ta’ l-impriża dominanti jista’ jeżerċita kontra din l-impriża.

8.

Min-naħa tagħha, l-awtorità konvenuta hi tal-fehma li l-Artikolu 4(1) tad-Direttiva Qafas ma jagħti ebda indikazzjonijiet dwar il-kwistjoni ta’ min hu “milqut” minn deċiżjoni partikolari. Il-proċedura ta’ konsultazzjoni obbligatorja stipulata fl-Artikolu 6 tad-Direttiva Qafas tiggarantixxi li l-kompetituri ta’ l-impriża direttament milquta jkunu jistgħu jieħdu sehem fil-proċedura ta’ analiżi tas-suq. Dan l-aħħar Artikolu bit-titolu “Mekkaniżmu ta’ konsultazzjoni u trasparenza” fil-fatt jistipula li, “[ħ]lief fil-każi li jaqgħu taħt Artikoli 7(6), 20 jew 21 l-Istati Membri għandhom jassiguraw li fejn l-awtoritajiet nazzjonali regolatorji jkollhom il-ħsieb li jieħdu miżuri skond din id-Direttiva jew id-Direttivi Speċifiċi li għandhom impatt sinjifikanti fuq is-suq relevanti, jagħti lill-partijiet interessati l-opportunità li jikkummentaw dwar l-abbozz tal-miżuri f’perijodu ta’ żmien raġonevoli. L-awtoritajiet nazzjonali regolatorji għandhom jippubblikaw il-proċeduri nazzjonali tagħhom ta’ konsultazzjoni. L-Istati Membri għandhom jassiguraw l-istabbiliment ta’ punt wieħed ta’ informazzjoni li minnu l-konsultazzjonijiet kurrenti jkunu jistgħu jiġu aċċessati. Ir-riżultati tal-proċedura ta’ konsultazzjoni għandhom ikunu pubblikament disponibbli mill-awtorità nazzjonali regolatorja, ħlief fil-każ ta’ informazzjoni kunfidenzjali skond il-liġi tal-Komunità u nazzjonali dwar il-kunfidenzjalità tal-kummerċ.”

9.

F’dawn iċ-ċirkustanzi, fid-dawl tal-ħtieġa ta’ interpretazzjoni ta’ l-Artikoli 4(1) u 16(3) tad-Direttiva, il-Verwaltungsgerichtshof iddeċieda li jissospendi l-proċeduri u li jagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja ż-żewġ domandi preliminari li ġejjin:

“1)

L-Artikoli 4 u 16 tad-Direttiva ‘Qafas’ għandhom jiġu interpretati fis-sens li l-frażi partijiet ‘milquta’ jew ‘affettwati’ għandha tinkludi dawk l-impriżi kompetitriċi preżenti fis-suq rilevanti li fil-konfront tagħhom mhumiex imposti, miżmuma jew mibdula obbligi legali speċifiċi fil-kuntest ta’ proċedura ta’ analiżi tas-suq?

2)

Fil-każ ta’ risposta fl-affermattiv għall-ewwel domanda:

 

L-Artikolu 4 tad-Direttiva ‛Qafas’ jipprekludi dispożizzjoni nazzjonali li tistipula li, fil-kuntest ta’ proċedura ta’ analiżi tas-suq, huma biss dawk l-impriżi li fil-konfront tagħhom huma imposti, mibdula jew irtirati obbligi legali speċifiċi li għandhom l-istat ta’ partijiet?”

II — Analiżi

10.

Il-fatt li wassal għall-kawża prinċipali, kien talba magħmula minn Tele2 lit-TCK sabiex din tingħata l-istat ta’ parti jew, fi kliem ieħor, li tingħata d-dritt tipparteċipa fil-proċeduri ta’ analiżi tas-suq immexxija mill-awtorità regolatorja. Hekk kif jirriżulta mid-digriet tar-rinviju, dan l-istat ta’ parti fil-proċedura ta’ analiżi tas-suq, skond id-dritt amministrattiv Awstrijak, jinkludi b’mod partikolari d-drittijiet ta’ aċċess għall-inkartament, li l-parti tiġi informata bil-provi tal-proċedura ta’ amministrazzjoni u li tippreżenta osservazzjonijiet dwarhom, kif ukoll id-dritt ta’ appell.

11.

Minn dan isegwi li skond il-liġi Awstrijaka, huma biss dawk li għandhom l-istat ta’ parti fi proċedura ta’ analiżi tas-suq li għandhom id-dritt jappellaw. Hi din ir-rabta stabbilita mil-liġi Awstrijaka bejn l-istat ta’ parti u d-dritt ta’ appell li tippermetti li tiġi mifhuma r-rilevanza ta’ l-ewwel domanda li saret, safejn din tirrigwarda l-kwistjoni jekk jirriżultax mill-Artikolu 4 tad-Direttiva Qafas li impriża, bħar-rikorrenti fil-kawża prinċipali, għandhiex tingħata, fiċ-ċirkustanzi tal-każ in kwistjoni, dritt ta’ appell kontra d-deċiżjonijiet meħuda mill-awtorità regolatorja nazzjonali fil-kuntest ta’ proċedura ta’ analiżi tas-suq.

12.

Hu minħabba din ir-rabta bejn l-istat ta’ parti u l-eżerċizzju tad-dritt ta’ appell li Tele2 targumenta, fl-ewwel lok, li l-Artikolu 4 tad-Direttiva Qafas jagħtiha dritt ta’ appell effettiv kontra d-deċiżjonijiet ta’ l-awtorità regolatorja adottati fil-kuntest tal-proċeduri ta’ analiżi tas-suq. Din tikkunsidra fit-tieni lok li, peress li d-dritt Komunitarju jiggarantilha dan id-dritt ta’ appell effettiv, minn dan jirriżulta li hi għandha tingħata l-fakultà li tipparteċipa bħala parti fil-proċedura mhux kontenzjuża ta’ analiżi tas-suq. Huwa biss għarfien sħiħ ta’ l-istat tal-proċedura prekontenzjuża — li ma jkunx possibbli ħlief jekk din tista’ tieħu sehem bħala parti — li jippermettilha li teżerċita b’mod effettiv id-dritt ta’ appell tagħha.

13.

Għaldaqstant, l-ewwel domanda magħmula lill-Qorti tal-Ġustizzja mill-qorti tar-rinviju hi essenzjalment dik dwar jekk l-Artikolu 4 tad-Direttiva Qafas għandux jiġi interpretat fis-sens li jagħti lil impriża, bħar-rikorrenti fil-kawża prinċipali, dritt ta’ appell kontra deċiżjoni ta’ awtorità regolatorja bħal ma hi t-TCK f’dan il-każ. Fil-kuntest ta’ din id-domanda tirriżulta wkoll id-diffikultà li jiġi ddeterminat jekk il-kunċett ta’ “partijiet affettwati” imsemmi fl-Artikolu 16(3) tad-Direttiva Qafas, jinkludix impriża bħar-rikorrenti fil-kawża prinċipali. Permezz tat-tieni domanda, il-qorti tar-rinviju tixitieq tkun taf jekk jirriżultax mill-Artikolu 4 tad-Direttiva Qafas li impriża bħar-rikorrenti fil-kawża prinċipali, meta jkollha dritt ta’ appell kontra d-deċiżjonijiet meħuda minn awtorità regolatorja wara proċedura amministrattiva ta’ analiżi tas-suq, għandhiex, bl-istess mod, tingħata d-dritt li tipparteċipa bħala parti f’tali proċedura mhux kontezjuża.

A — Fuq l-ewwel domanda

14.

L-Artikolu 4 tad-Direttiva Qafas joffri protezzjoni ġudizzjarja lill-persuni li mhumiex id-destinatarji ta’ deċiżjoni ta’ awtorità regolatorja, iżda li huma affettwati b’mod negattiv minnha? Din hi essenzjalment l-ewwel domanda li għandha tiġi kkunsidrata.

15.

Sabiex tingħata risposta għal din id-domanda, għandu qabel kollox jiġi ddeterminat għal liema kategorija ta’ terza persuna tappartjeni r-rikorrenti fil-kawża prinċipali. Il-kliem ta’ l-ewwel domanda jagħmel biss riferenza għal impriżi kompetitriċi fis-suq rilevanti. Madankollu, jirriżulta mid-digriet tar-rinviju li Tele2 hi impriża kompetitriċi ta’ l-impriża b’saħħitha fis-suq, iżda wkoll, u b’mod iktar preċiż, impriża li għandha relazzjoni kuntrattwali ma’ din l-impriża, b’mod li r-rapporti ġuridiċi tagħha jistgħu jkunu affetttwati b’mod negattiv minn deċiżjoni ta’ l-awtorità regolatorja meħuda fil-kuntest ta’ proċedura ta’ analiżi tas-suq. Għaldaqstant, mid-digriet tar-rinviju jirriżulta li hi l-eżistenza ta’ relazzjonijiet kuntrattwali ma’ l-impriża b’saħħitha bbażati fuq obbligi speċifiċi imposti fuq din mill-awtorità regolatorja — u mhux sempliċement il-pożizzjoni kompetittiva vis-à-vis din l-impriża — li tikkostitwixxi s-sitwazzjoni speċifika li fiha tinsab ir-rikorrenti f’dan il-każ. Huwa f’dan il-kuntest iktar preċiż li għandu jiġi ddeterminat jekk impriża bħar-rikorrenti għandhiex tingħata dritt ta’ appell skond l-Artikolu 4 tad-Direttiva Qafas.

16.

L-Artikolu 4(1) tad-Direttiva Qafas jirrikjedi li l-Istati Membri jiżguraw li jeżistu mekkaniżmi effettivi fuq il-livell nazzjonali li jippermettu lil “kull utent jew impriża li tipprovdi netwerks ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi u/jew servizzi li tkun milquta b’deċiżjoni ta’ l-awtorità nazzjonali regolatorja jkollha d-dritt ta’ appell kontra d-deċiżjoni quddiem il korp ta’ appell li jkun indipendenti mill-partijiet involuti.” Iżda la fl-Artikolu 4 u lanqas f’xi dispożizzjoni oħra tad-Direttiva Qafas ma tinsab definizzjoni tal-kunċett ta’ impriża “milquta b’deċiżjoni ta’ l-awtorità nazzjonali regolatorja”.

17.

Il-qorti tar-rinviju tissuġġerixxi li jista’ jkun li l-kjarifika ta’ dan il-kunċett ta’ parti “milquta” skond l-Artikolu 4(1) tinsab fl-Artikolu 16(3) peress li dan ta’ l-aħħar jistabbilixxi li l-“partijiet affettwati” minn irtirar ta’ obbligi legali settorjali imposti fuq impriża li preċedentement kienet b’saħħitha fuq is-suq, għandhom jingħataw perijodu xieraq ta’ avviż. Jien ma naħsibx li l-kjarifika tal-kunċett ta’ persuni jew ta’ impriżi milquta skond l-Artikolu 4 tista’ tiġi minn sempliċi tqabbil ta’ dan il-kunċett mal-kunċett ta’ “partijiet affettwati” imsemmi fl-Artikolu 16(3) ta’ l-istess Direttiva.

18.

Għalkemm diversi verżjonijiet lingwistiċi jużaw l-istess terminu fl-Artikoli 4 u 16(3) ( 4 ), b’mod partikolari “affected” u “betroffen(en)” fil-verżjoni Ingliża u Ġermaniża rispettivament, verżjonijiet lingwistiċi oħra jużaw termini differenti ( 5 ). Għaldaqstant it-tqabbil tad-diversi verżjonijiet lingwistiċi ta’ dawn iż-żewġ Artikoli ma jippermettix li jiġi deċiż li ż-żewġ kunċetti għandhom neċessarjament ikollhom l-istess tifsira. Barra minn hekk, minħabba l-fatt li l-interpretazzjoni taż-żewġ termini f’dawn iż-żewġ dispożizzjonijiet tad-Direttiva mhijiex, kif wieħed jara iktar il-quddiem, ċara, jidher li l-użu ta’ l-Artikolu 16(3) sabiex jiġi kkjarifikat it-terminu “milquta” użat fl-Artikolu 4(1) ikun legalment ekwivalenti għas-suġġeriment li persuna agħma tidderiġi lil persuna agħma oħra biex toħroġ minn labirint.

19.

Impriża bħal Tele2 għandha, fl-opinjoni tiegħi, tkun meqjusa, f’dan il-każ, bħala “parti affettwata” skond l-Artikolu 16(3) u jkollha, għaldaqstant, id-dritt li tkun avżata f’perijodu xieraq bid-deċiżjoni ta’ irtirar ta’ obbligi. L-impriża b’saħħitha fis-suq, li fil-konfront tagħha ngħatat id-deċiżjoni ta’ tneħħija ta’ obbligi speċifiċi, tkun ovvjament avżata b’tali deċiżjoni li tkun taffettwaha u li minnha tibbenefika direttament. Għalhekk, huwa illoġiku li wieħed jaħseb li l-leġiżlatur Komunitarju, meta ried jiżgura b’mod espliċitu li “perijodu xieraq ta’ avviż għandu jingħata lill-partijiet affettwati b’dak l-irtirar ta’ l-obbligazzjonijiet”, ried jintroduċi kliem superfluwu, billi jillimita l-obbligu ta’ l-avviż ta’ deċiżjoni ta’ irtirar ta’ obbligi biss għall-impriżi b’saħħithom fis-suq li jibbenifikaw mid-deċiżjoni ( 6 ). Madankollu, il-fatt li impriża, bħal Tele2, hi, fl-opinjoni tiegħi, parti “affettwata” skond l-Artikolu 16(3) tad-Direttiva Qafas, ma jistax jimplika li r-rikorrenti fil-kawża prinċipali għandha tkun ikkunsidrata b’mod awtomatiku bħala parti “milquta” skond l-Artikolu 4(1). Fil-fatt, il-konsegwenza għal impriża li tingħata l-istat ta’ parti milquta skond l-Artikolu 4(1) hi dik li tingħata dritt ta’ appell kontra d-deċiżjonijiet ta’ awtorità regolatorja nazzjonali li jolqtuha. Għaldaqstant dan hu effett speċifiku ta’ l-Artikolu 4 li għandu għanijiet differenti mill-għanijiet ta’ l-Artikolu 16(3), peress li jagħti lill-partijiet “affettwati” id-dritt li jkunu avżati bid-deċiżjoni. Dan l-avviż għandu l-għan li jippermetti lill-partijiet “affettwati” li jippreparaw ruħhom għas-sitwazzjoni sfavorevoli maħluqa mid-deċiżjoni ta’ irtirar ta’ l-obbligi imposti fuq l-impriża li preċedentement kienet b’saħħitha fis-suq, qabel ma dan l-irtirar jidħol fis-seħħ.

20.

Minn dan isegwi li dak li hu essenzjali sabiex jiġi ddeterminat jekk impriża, bħar-rikorrenti, hijiex milquta skond l-Artikolu 4(1), ma jistax ikun il-fatt li hi għandha tiġi kkunsidrata bħala parti affettwata skond u għall-finijiet speċifiċi ta’ l-Artikolu 16(3). Fin-nuqqas ta’ indikazzjonijiet mogħtija mill-kliem ta’ l-Artikolu 4(1) fuq is-sinjifikat tal-kunċett ta’ impriża milquta, ir-risposta għal din id-domanda għandha tkun ibbażata, kif isemmi l-Gvern Belġjan fl-osservazzjonijiet bil-miktub tiegħu, fuq il-kunsiderazzjoni ta’ l-għanijiet u objettivi speċifiċi ta’ l-Artikolu 4, analizzat fil-kuntest tad-Direttiva Qafas. Meta, fil-fatt, il-kliem ta’ dispożizzjoni Komunitarja jkun ambigwu, it-tifsira tal-kliem li l-interpretazzjoni tagħhom hi kontroversa għandha tipprova tinstab billi jittieħed in kunsiderazzjoni l-kuntest ta’ din id-dispożizzjoni u l-għan tal-leġiżlazzjoni in kwistjoni ( 7 ).

21.

Hu evidenti li dan l-Artikolu 4(1) għandu l-għan li jiggarantixxi li jiġi pprovdut mekkaniżmu ta’ appell effettiv għal “kull utent” jew “kull impriża li tipprovdi networks ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi u/jew servizzi li tkun milquta b’deċiżjoni ta’ l-awtorità nazzjonali regolatorja” ( 8 ). Il-kliem ta’ dan l-Artikolu, kif oriġinarjament propost mill-Kummissjoni, kien iktar konċiż u limitat, peress li kien jistipula biss li “[l]-Istati Membri għandhom jiżguraw li mekkaniżmi effettivi jeżistu […] għal utent wieħed jew għal impriża waħda li tipprovdi networks ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi u/jew servizzi li tappella minn deċiżjoni ta’ l-awtorità nazzjonali regolatorja”  ( 9 ). Indipendentement minn dawn it-tibdiliet kunsiderevoli magħmula lill-kliem ta’ l-Artikolu 4, it-tnax-il premessa, skond liema “kull parti li hija s-suġġett ta’ deċiżjoni mill-awtorità nazzjonali regolatorja għandu jkollha d-dritt ta’ appell” kontra dawn id-deċiżjoniiet tagħha, ma ġietx mibdula.

22.

Fl-ewwel lok, naqbel mal-pożizzjoni tal-Kummissjoni, ta’ Tele2 u tal-Gvern Belġjan, li dan l-Artikolu huwa emanazzjoni tal-prinċipju tal-protezzjoni ġudizzjarja effettiva. B’mod konformi mal-ġurisprudenza kostanti tal-Qorti tal-Ġustizzja, dan il-prinċipju ġenerali li jinsab stabbilit fl-għeruq tat-tradizzjonijiet kostituzzjonali li huma komuni bejn l-Istati Membri, jimponi li “l-individwi għandhom ikunu jistgħu jibbenefikaw minn protezzjoni ġudizzjarja effettiva tad-drittijiet li huma jgawdu taħt l-ordinament ġuridiku Komunitarju” ( 10 ). Għaldaqstant hi essenzjali l-eżistenza ta’ stħarriġ ġudizzjarju ta’ kull deċiżjoni ta’ awtorità nazzjonali li tiċħad benefiċċju stabbilit mid-dritt Komunitarju ( 11 ).

23.

It-tnax-il premessa tad-Direttiva Qafas għandha tinqara preċiżament fid-dawl ta’ dan il-prinċipju li joħroġ mill-Artikolu 4. Din il-premessa għandha tinqara b’mod iktar wiesgħa minn dak li jgħid il-kliem tagħha, b’mod li kull persuna li d-drittijiet tagħha mogħtija mill-ordinament ġuridiku Komunitarju jiġu affettwati minn deċiżjoni ta’ awtorità regolatorja, u mhux biss il-persuna li lilha ġiet indirizzata d-deċiżjoni, għandha tingħata d-dritt ta’ appell kontra din id-deċiżjoni skond l-Artikolu 4(1) tad-Direttiva Qafas ( 12 ).

24.

Fit-tieni lok, fid-dawl ta’ l-għanijiet ġenerali u l-prinċipji regolatorji relattivi għall-awtoritajiet regolatorji nazzjonali msemmija fl-Artikolu 8(2) tad-Direttiva Qafas, l-għan impost fuq l-awtoritajiet regolatorji li jippromwovu “l-kompetizzjoni fil-provvista tan-networks ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi, servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi u faċilitajiet assoċjati u servizzi” ( 13 ) huwa ddefinit b’mod ċar ( 14 ). Kif ġustament enfasizza l-Gvern Daniż fl-osservazzjonijiet tiegħu, interpretazzjoni restrittiva ta’ l-Artikolu 4(1) tad-Direttiva Qafas fis-sens li ma jagħtix dritt ta’ appell lil persuni li mhumiex id-destinatarji ta’ deċiżjoni, mhijiex kompatibbli ma’ għan bħal dak tal-promozzjoni tal-kompetizzjoni. Interpretazzjoni bħal din ikollha konsegwenza li l-operaturi b’saħħithom fis-suq biss ikunu kkunsidrati a priori bħala partijiet “milquta”. L-operaturi kompetituri l-oħrajn, għalkemm id-drittijiet tagħhom li jirriżultaw mill-obbligi speċifiċi imposti, mibdula jew irtirati, fir-rigward ta’ l-impriża b’saħħitha, ikunu milquta mid-deċiżjoni ta’ l-awtorità regolatorja nazzjonali, ikunu pprivati, bil-kontra ta’ impriża b’saħħitha fis-suq, minn kull dritt ta’ appell kontra din id-deċiżjoni.

25.

Jiena għaldaqstant ta’ l-opinjoni li la l-kliem, la l-prinċipju ġenerali ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva li l-Artikolu 4 jirriżulta minnu, u lanqas l-għanijiet ġenerali u l-prinċipji regolatorji relativi għall-awtoritajiet regolatorji - b’mod partikolari dak tal-promozzjoni ta’ kompetizzjoni effettiva - ma jiġġustifikaw li l-kunċett ta’ impriża “milquta” skond l-Artikolu 4(1) ikun interpretat bil-mod restrittiv kif suġġerit mill-Gvernijiet ta’ l-Awstrija u tas-Slovenja, bħala li jirreferi biss għall impriżi li fil-konfront tagħhom id-deċiżjonijiet ta’ l-awtorità regolatorja huma indirizzati.

26.

Hu proprju skond dan it-tip ta’ raġunament favur interpretazzjoni mhux restrittiva ta’ l-Artikolu 4 tad-Direttiva Qafas, fid-dawl tal-prinċipju ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva, li l-Qorti tal-Ġustizzja esprimiet ruħha fis-sentenza tagħha tat-22 ta’ Mejju 2003, Connect Austria ( 15 ), meta bbażat ruħha fuq l-interpretazzjoni ta’ dispożizzjoni li, ġustament, tista’ tiġi kkunsidrata bħala predeċessur ta’ l-Artikolu 4 tad-Direttiva Qafas. Dan hu l-Artikolu 5a(3) tad-Direttiva tal-Kunsill 90/387/KEE tat-28 ta’ Ġunju 1990, dwar l-istabbiliment tas-suq intern tas-servizzi ta’ telekomunikazzjoni permezz ta’ l-implementazzjoni tal-provvista ta’ netwerk miftuħa ta’ telekomunikazzjoni ( 16 ), kif emendata mid-Direttiva 97/51/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-6 ta’ Ottubru 1997 ( 17 ).

27.

Din il-kawża kienet tirrigwarda, bħal fil-kawża preżenti, appell magħmul minn terza persuna. Il-Qorti tal-Ġustizzja fakkret, qabel kollox, li l-Istati Membri għandhom l-obbligu jassiguraw, f’kull każ, protezzjoni effettiva “tad-drittijiet individwali, li joħorġu mill-ordinament ġuridiku Komunitarju” ( 18 ) u li l-Artikolu 5a(3) tad-Direttiva 90/387 jobbliga “lill-Istati Membri li jiżguraw li mekkaniżmi effettivi jeżistu fil-livell nazzjonali li taħthom, parti milquta minn deċiżjoni ta’ l-awtorità regolatorja nazzjonali tkun tista’ tappella quddiem qorti indipendenti”. Sussegwentement ikkonkludiet li l-“ħtiġiet ta’ interpretazzjoni ta’ liġi nazzjonali konformi mad-Direttiva 90/387 u ta’ protezzjoni effettiva tad-drittijiet ta’ l-individwi jobbligaw lill-qrati nazzjonali li jivverifikaw jekk id-dispożizzjonijiet rilevanti tal-liġi nazzjonali tagħhom jippermettux li jiġi rikonoxxut lill-individwi dritt ta’ appell kontra d-deċiżjonijiet ta’ l-awtorità regolatorja nazzjonali li jissodisfa l-kriterji ta’ l-Artikolu 5a(3) tad-Direttiva 90/387” ( 19 ). F’każ li l-liġi nazzjonali ma tkunx tista’ tiġi applikata b’mod li tkun konformi mar-rekwiżiti ta’ l-Artikolu 5a(3), qorti nazzjonali li tkun kompetenti biex tieħu konjizzjoni ta’ appelli kontra d-deċiżjonijiet ta’ l-awtorità regolartorja, f’każ li ma ssibx dispożizzjoni tal-liġi nazzjonali li teskludi b’mod espliċitu l-kompetenza tagħha, għandha l-obbligu li ma tapplikahiex ( 20 ).

28.

Kif enfasizzaw kemm il-Kummissjoni kif ukoll Tele2 fl-osservazzjonijiet tagħhom, il-Qorti tal-Ġustizzja tidher li rrikonoxxiet b’mod impliċitu, li d-dritt ta’ appell stipulat fl-Artikolu 5a(3) tad-Direttiva 90/387, għandu bl-istess mod japplika fil-konfront ta’ xi terzi persuni affettwati li, bħal Connect Austria, ma kinux id-destinatarji tad-deċiżjonijiet meħuda mill-awtoritajiet regolatorji, iżda li kienu effettivament milquta minn dawn id-deċiżjoniiet ( 21 ). Madankollu, jiena naħseb li l-fatt li din il-konklużjoni tista’ tkun, ġustament, ibbażata fuq is-sentenza Connect Austria iċċitata iktar ’il fuq, ma jippermettix, minnu nnifsu, li tiġi deċiża l-kawża preżenti. Fil-fatt, il-Qorti tal-Ġustizzja fil-kawża Connect Austria, qieset il-kwistjoni jekk l-Artikolu 5a(3) tad-Direttiva 90/387 kellux jiġi interpretat fis-sens li kellu effett dirett, u mhux il-kwistjoni speċifika jekk il-kunċett ta’ “parti milquta b’deċiżjoni” skond dan l-Artikolu kienx jinkludi impriża bħal Connect Austria fiċ-ċirkustanzi in kwistjoni f’dik il-kawża. Għaldaqstant, il-Qorti tal-Ġustizzja ma eżaminatx b’mod speċifiku l-kwistjoni — li hija ċentrali għal din il-kawża — li jiġu ddeterminati l-kundizzjonijiet li fihom id-drittijiet ta’ terza persuna affettwata, bħal Tele2, jistgħu jiġu meqjusa bħala li ġew milquta, bħala konsegwenza ta’ deċiżjoni ammistrattiva ta’ l-awtorità regolatorja.

29.

Għandu jiġi mfakkar li dak li fuqu huwa bbażat l-Artikolu 4(1) tad-Direttiva Qafas huwa, fl-ewwel lok, in-neċessità li tingħata protezzjoni ġudizzjarja effettiva fil-konfront tad-drittijiet li l-persuni jingħataw mill-ordinament ġuridiku Komunitarju. Kif ġie mfakkar minn Tele2 u l-Kummissjoni fl-osservazzjonijiet tagħhom, għandu jiġi rikonoxxut li xi obbligi speċifiċi imposti fuq l-impriżi b’saħħithom fis-suq, skond l-Artikolu 16(3) u (4) tad-Direttiva Qafas u d-dispożizzjonijiet tad-Direttiva Aċċess li huma msemmija hemm, jikkostitwixxu preċiżament miżuri protettivi previsti fl-interess tal-kompetituri, u huma għaldaqstant kapaċi jagħtuhom drittijiet. Fost dawn il-miżuri hemm preċiżament, u bħala eżempju, dawk li jistgħu jiġu imposti mill-awtoritajiet regolatorji skond l-Artikolu 8 tad-Direttiva Aċċess ( 22 ), b’mod partikolari, l-obbligu ta’ non-diskriminazzjoni bejn il-kompetituri (l-Artikolu 10 tad-Direttiva Aċċess) u l-obbligu li l-kompetituri jingħataw aċċess għall-faċilitajiet ta’ netwerks speċifiċi (l-Artikolu 12 tad-Direttiva Aċċess).

30.

F’dak li jirrigwarda, b’mod partikolari, l-obbligi ta’ aċċess għan-netwerks skond l-Artikolu 12(1) tad-Direttiva Aċċess, din id-dispożizzjoni tipprovdi li “[l]-awtorità regolatorja nazzjonali tista’, skond id-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikolu 8, timponi obbligi fuq operaturi biex jissodisfaw talbiet raġonevoli għall-aċċess għal, u l-użu ta’, elementi speċifiċi ta’ netwerks u faċilitajiet assoċjati, fost ħwejjeġ oħra f’sitwazzjonijiet fejn l-awtorità regolatorja nazzjonali tqis li ċ-ċaħda għall-aċċess jew termini u kundizzjonijiet mhux raġonevoli li jkollhom effett simili jfixklu it-tfaċċar ta’ suq kompetittiv sostenibbli fil-livell tal-bejgħ bl-imnut jew li ma jkunux fl-interess ta’ l-utent finali” ( 23 ). Bħall obbligu ta’ non-diskriminazzjoni stabbilit mill-Artikolu 10 tad-Direttiva Qafas, dawn l-obbligi dwar l-aċċess għal faċilitajiet ta’ netwerk speċifiċi u l-użu tagħhom għandhom l-għan li jibbenifikaw lill-kompetituri interessati f’dan l-aċċess. Għaldaqstant, dawn huma kompetituri li jikkostitwixxu l-benefiċjarji immedjati tad-drittijiet korrispondenti għall-obbligi speċifiċi imposti mill-awtorità regolatorja fuq l-operatur b’saħħtu fis-suq ( 24 ).

31.

B’hekk, l-impożizzjoni ta’ obbligi bħal dawk imsemmija fl-Artikoli 10 u 12 tad-Direttiva Aċċess, tagħti drittijiet ta’ aċċess u/jew ta’ trattament non-diskriminatorju lill-impriżi kompetitriċi benefiċjarji. Fil-fatt, l-impożizzjoni ta’ dawn l-obbligi jġiegħel lill-impriża b’saħħitha li tqiegħed għad-dispożizzjoni ta’ l-impriżi kompetitriċi, taħt kundizzjonijiet stabbiliti u non-diskriminatorji, riżorsi u/jew servizzi intiżi għall-provvediment ta’ servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi ( 25 ). F’dawn iċ-ċirkustanzi, per eżempju, deċiżjoni eventwali meħuda minn awtorità regolatorja nazzjonali li tirtira dawn l-obbligi imposti fuq l-impriża b’saħħitha tolqot id-drittijiet mogħtija mid-dritt Komunitarju ta’ operaturi kompetituri li, bħal Tele2, għandhom relazzjoni kuntrattwali ma’ din l-impriża.

32.

Fil-fatt, kif jirriżulta mid-digriet tar-rinviju u mill-osservazzjonijiet bil-miktub ippreżentati mir-rikorrenti, għalkemm Tele2 għandha drittijiet stabbiliti kuntrattwalment ma’ l-impriża li preċedentement kienet b’saħħitha fis-suq, dawn id-drittijiet huma bbażati fuq l-obbligi speċifiċi imposti mill-awtorità regolatorja fuq l-impriża b’saħħitha fis-suq, skond l-Artikolu 16(4) tad-Direttiva Qafas, u d-dispożizzjonijiet tad-Direttiva Aċċess iċċitati fiha. Kjarament, Tele2 għandha relazzjoni kuntrattwali ma’ l-impriża li preċedentement kienet b’saħħitha għaliex din kienet suġġetta għal ċerti obbligi imposti mill-awtorità regolatorja li obbligawha tidħol fi ftehim ma’ Tele2 b’ċerti kundizzjonijiet. Għaldaqstant, id-drittijiet ta’ aċċess ta’ Tele2 huma mogħtija lilha mid-dritt Komunitarju, safejn dawn jirriżultaw mill-obbligi speċifiċi imposti fuq l-impriża dominanti skond id-dritt Komunitarju.

33.

Minn dan isegwi li d-deċiżjonijiet ta’ l-awtorità regolatorja adottati abbażi ta’ l-Artikolu 16(3) tad-Direttiva Qafas, li jbiddlu jew jirtiraw l-obbligi ta’ aċċess imposti qabel fuq l-impriża b’saħħitha, huma kapaċi jolqtu d-drittijiet korrispondenti mogħtija mid-dritt Komunitarju. Meta impriża kompetitriċi jkollha relazzjonijiet kuntrattwali ma’ impriża b’saħħitha li jkunu bbażati fuq obbligi speċifiċi imposti fuqha mill-awtorità regolatorja, din għandha tingħata dritt ta’ appell, skond l-Artikolu 4 tad-Direttiva Qafas, kontra d-deċiżjonijiet ta’ l-awtorità regolatorja li eventwalment ibiddlu jew jirtiraw dawn l-obbligi ( 26 ).

34.

Waqt is-seduta ġiet diskussa l-kwistjoni dwar jekk kompetituri li m’għandhomx relazzjonijiet kuntrattwali ma’ impriża li preċedentement kienet b’saħħitha fis-suq għandux ikollhom ukoll dritt ta’ appell skond l-Artikolu 4 tad-Direttiva Qafas. L-evalwazzjoni ta’ din il-problema tista’ tkun utli għall-qorti tar-rinviju.

35.

Kif sostnew Tele2, il-Kummissjoni u l-Gvern Daniż waqt is-seduta, l-impriżi li, għalkemm għad m’għandhomx relazzjonijiet kuntrattwali ma’ impriża b’saħħitha fis-suq, urew l-intenzjoni konkreta li jistabbilixxu din ir-relazzjoni għall-aċċess għan-netwerk ta’ din l-impriża, għandhom bl-istess mod jingħataw id-dritt ta’ appell skond l-Artikolu 4. Fil-fatt, fil-każ fejn impriża kompetitriċi tinsab konfrontata b’deċiżjoni ta’ l-awtorità regolatorja fir-rigward ta’ l-impożizzjoni, it-tibdil jew l-irtirar ta’ obbligi speċifiċi għall-impriża b’saħħitha, li ma tippermettix li tiġi stabbilita relazzjoni kuntrattwali mixtieqa mill-impriża kompetitriċi, din għandha tkun tista’ bl-istess mod tibbenifika mid-drittijiet iggarantiti mid-dritt Komunitarju. Għaldaqstant, hu importanti li jiġi aċċettat li impriża kompetitriċi jista’ jkollha, f’dawn iċ-ċikustanzi, dritt ta’ appell kontra d-deċiżjonijiet ta’ l-awtorità regolatorja li jmorru kontra l-liġi Komunitarja tat-telekomunikazzjonijiet.

36.

B’mod iktar ġenerali, jiena ta’ l-opinjoni li s-salvagwardja ta’ l-għanijiet li jimmira għalihom il-qafas leġiżlattiv Komunitarju dwar it-telekomunikazzjonijiet, b’mod partikolari l-promozzjoni tal-kompetizzjoni li, skond l-Artikolu 8(2) tad-Direttiva Qafas, għandha tidderiġi espressament l-azzjoni ta’ l-awtoritajiet regolatorji nazzjonali, tiġġustifika li l-proċeduri ta’ l-appell ma jkunux biss limitati għall-kompetituri li jkollhom relazzjonijiet kuntrattwali ma’ impriża b’saħħitha fis-suq rilevanti.

37.

B’mod partikolari, jiena qed naħseb fl-impriżi li m’għandhomx relazzjonijiet kuntrattwali ma’ l-impriża b’saħħitha iżda, li bħala benifiċjarji diretti tal-liġijiet Komunitarji li għandhom l-għan li jippromwovu l-kompetizzjoni fis-suq tat-telekomunikazzjonijiet, jiġu milquta b’mod negattiv minn deċiżjoni ta’ awtorità regolatorja adottata fil-kuntest ta’ proċedura ta’ analiżi tas-suq. Dawn l-impriżi mingħajr relazzjoni kuntrattwali għandhom ukoll jingħataw dritt ta’ appell skond l-Artikolu 4(1) tad-Direttiva Qafas.

38.

Ir-rikonoxximent ta’ dritt ta’ appell lil dawk li r-relazzjonijiet ġuridiċi preeżistenti tagħhom huma milquta jista’ jkun biżżejjed f’ċerti każijiet sabiex l-għanijiet stabbiliti mid-dispożizzjonijiet tad-dritt Komunitarju in kwistjoni jinkisbu b’mod effettiv. Dan jirriżulta mill-eżistenza ta’ simetrija bejn il-protezzjoni tad-drittijiet li jirriżultaw minn dawn ir-relazzjonijiet ġuridiċi permezz tad-drittijiet ta’ appell korrispondenti mogħtija lill-partijiet kontraenti milquta minn deċiżjoni, u l-protezzjoni tal-valuri soċjali stabbiliti mir-regola ta’ dritt Komunitarju li abbażi tagħha ġew stabbiliti dawn ir-relazzjonijiet. Madankollu, hu possibbli li din is-simetrija ma tkunx perfetta, b’mod partikolari, safejn il-benefiċjarji tal-valuri li r-regola trid tipproteġi huma grupp ta’ persuni ikbar, per eżempju, mill-partijiet kontraenti. F’dan il-każ, il-protezzjoni ta’ dawn il-benefiċjarji u tal-valuri mogħtija mir-regola ma tkunx assigurata jekk ma jkollhomx dritt ta’ appell bħal dawk li diġà għandhom relazzjonijiet ġuridiċi.

39.

Hu preċiżament dan in-nuqqas ta’ simetrija li jirriżulta meta jiġu applikati regoli Komunitarji intiżi biex jassiguraw kompetizzjoni effettiva fis-suq tat-telekomunikazzjonijiet permezz ta’ l-impożizzjoni, it-tibdil jew l-irtirar ta’ obbligi dwar l-għoti ta’ aċċess għal elementi ta’ netwerk speċifiċi u għal faċilitajiet assoċjati ta’ impriża b’saħħitha fis-suq. Fil-fatt, jista’ jiġi kkunsidrat b’mod loġiku li la l-impriża b’saħħitha u lanqas il-kompetituri li diġà jibbenifikaw minn aċċess miftiehem kuntrattwalment, ma għandhom interess li jippreżentaw appelli kontra eventwali deċiżjonijiet meħuda minn awtorità regolatorja li huma ta’ ħsara għal impriżi oħra, li għadhom ġodda fis-suq, li jista’ jkun li jridu jistabbilixxu relazzjonijiet ġodda ma’ l-impriża b’saħħitha. Ir-rikonoxximent ta’ dritt ta’ appell lil dawn l-impriżi kompetitriċi li għad m’għandhomx relazzjonijiet kuntrattwali hu essenzjali sabiex tiġi assigurata protezzjoni reali ta’ l-għanijiet ta’ kompetittività mfittxija minn dawn ir-regoli Komunitarji intiżi biex jiffavorixxu u biex jintegraw lill-impriżi l-ġodda fis-suq.

40.

Għaldaqstant, l-Artikolu 4(1) tad-Direttiva Qafas għandu jkun interpretat fis-sens li huma kkunsidrati bħala impriżi milquta b’deċiżjoni ta’ l-awtorità regolatorja nazzjonali fil-kuntest ta’ proċedura ta’ analiżi tas-suq, li għandhom, għaldaqstant, dritt ta’ appell kontra din id-deċiżjoni, kemm l-impriżi kompetitriċi li għandhom drittijiet kuntrattwali fil-konfront ta’ impriża b’saħħitha fis-suq rilevanti u li d-drittijiet tagħhom huma milquta minn deċiżjoni ta’ irtirar jew bidla ta’ obbligi speċifiċi adottata minn awtorità regolatorja, kif ukoll l-impriżi li jista’ jkun li jridu jistabbilixxu relazzjonijiet kuntrattwali ma’ impriża b’saħħitha fis-suq u li jkunu milquta b’mod negattiv, bħala benefiċjarji diretti ta’ regoli Komunitarji intiżi biex jassiguraw kompetittività effettiva fis-settur tat-telekomunikazzjonijiet, minn deċiżjoni ta’ awtorità regolatorja nazzjonali.

B — Fuq it-tieni domanda

41.

Jekk ir-risposta għall-ewwel domanda kellha, kif nissuġġerixxi, tkun fl-affermattiv, għandu jiġi ddeterminat jekk impriża bħar-rikorrenti fil-kawża prinċipali, meta jkollha dritt ta’ appell, skond l-Artikolu 4(1) tad-Direttiva Qafas, għandhiex minħabba dan, tingħata l-istat ta’ parti fil-proċedura mhux kontenzjuża ta’ analiżi tas-suq.

42.

Jista’ jingħad li din id-domanda hija bbażata fuq raġunament mhux komuni. Normalment, persuna għandha tingħata dritt ta’ appell minħabba l-fatt li din ikollha dritt ( 27 ). Skond ir-rikorrenti, bil-maqlub, għandu jingħata dritt ta’ parteċipazzjoni fi proċedura amministrattiva mhux kontenzjuża minħabba l-fatt li d-dritt Komunitarju jagħti dritt ta’ appell kontra d-deċiżjonijiet adottati fil-kuntest ta’ din il-proċedura. Għaldaqstant, minn naħa waħda, Tele2 tgħid li jekk jiġi stabbilit li l-Artikolu 4(1) tad-Direttiva Qafas jagħtiha, fid-dawl tal-prinċipju tal-protezzjoni ġudizzjarja effettiva, dritt ta’ appell kontra deċiżjoni ta’ l-awtorità regolatorja li żżomm, li tbiddel jew li tirtira obbligi speċifiċi imposti fuq impriża b’saħħitha, dan jimplika li dan id-dritt ta’ appell hu effettiv. Mingħajr il-possibbiltà ta’ aċċess għall-inkartament, ta’ parteċipazzjoni fl-amministrazzjoni tal-provi, u li tippreżenta l-osservazzjonijiet tagħha fil-proċedura ta’ analiżi tas-suq, ikun impossibbli li jiġi ppreparat appell kontra d-deċiżjonijiet ta’ l-awtorità regolatorja adottati fil-kuntest ta’ din il-proċedura b’mod effikaċi. Min-naħa l-oħra, tali dritt ta’ parteċipazzjoni fil-proċedura ta’ analiżi tas-suq ikun essenzjali anki fid-dawl tad-dritt għal smigħ xieraq.

43.

Sabiex tingħata risposta għal din it-tieni domanda magħmula mill- Verwaltungsgerichtshof, għandu qabel kollox jiġi mfakkar li d-Direttiva Qafas ma fiha ebda dispożizzjoni espressa li tistabbilixxi liema huma l-partijiet fil-proċedura amministrattiva mhux kontenzjuża msemmija fl-Artikolu 16. Il-kliem ta’ din id-dspożizzjoni ma jagħti l-ebda indikazzjoni fis-sens li Tele2 għandu jkollha d-dritt li tipparteċipa, bħala parti, fil-proċedura prekontenzjuża ta’ analiżi tas-suq. Fil-fatt, it-tielet frażi ta’ l-Artikolu 16(3) tillimita ruħha għal affermazzjoni li l-“partijiet affettwati” għandhom jingħataw perijodu xieraq ta’ avviż bil-quddiem dwar l-irtirar ta’ l-obbligi speċifiċi. L-Artikolu 6 tad-Direttiva Qafas li għalih jirreferi l-Artikolu 16(6), jagħti lill-“partijiet interessati” kollha l-possibbiltà li jippreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom fuq l-abbozzi tal-miżuri li l-awtoritajiet regolatorji għandhom l-intenzjoni jadottaw u Tele2 tista’, mingħajr dubju, tkun ikkunsidrata bħala parti interessata skond din id-dispożizzjoni. Madankollu, dan id-dritt li jiġu ppreżentati osservazzjonijiet fil-kuntest tal-proċedura ta’ konsultazzjoni ma jistax jiġi mħawwad ma’ l-għoti ta’ l-istat ta’ parti fil-proċedura ta’ analiżi tas-suq, kif tippretendi Tele2, li jinkludi fih drittijiet iktar wesgħin, b’mod partikolari dak ta’ l-aċċess għall-inkartament tal-proċedura ta’ analiżi tas-suq u ta’ l-ippreżentar ta’ l-osservazzjonijiet fuq il-provi.

44.

Fin-nuqqas ta’ leġiżlazzjoni Komunitarja dwar l-organizzazzjoni u l-mod kif għandha tiżvolġi l-proċedura mhux kontenzjuża ta’ analiżi tas-suq stabbilita fl-Artikolu 16 tad-Direttiva Qafas, m'hemmx dubju li hija essenzjalment il-liġi proċedurali nazzjonali ta’ kull Stat Membru li għandha tirregola dan is-suġġett ( 28 ). Għaldaqstant, hi l-liġi Awstrijaka li għandha tispeċifika jekk impriża, bħar-rikorrenti fil-kawża prinċipali, għandhiex l-istat ta’ parti f’din il-proċedura amministrattiva mhux kontenzjuża. Fl-affermattiv, hija jkollha tistabbilixxi wkoll jekk din l-impriża tistax tingħata, fl-imsemmija proċedura mhux kontenzjuża, drittijiet proċedurali li jmorru oltri dawk espressament stabbiliti fl-Artikolu 16 kif ukoll, naturalment, drittijiet inerenti fil-proċedura ta’ konsultazzjoni espressament stabbiliti fl-Artikolu 6. Id-dritt Komunitarju ma jimponix, a priori, li dritt proċedurali nazzjonali jkun marbut li jħalli lill-kompetituri kollha ta’ impriża b’saħħita fis-suq jipparteċipaw fi proċedura ta’ analiżi tas-suq skond l-Artikolu 16 tad-Direttiva Qafas. Il-leġiżlatur nazzjonali jista’ b’mod leġittimu jikkunsidra li ma jkunx xieraq li jtaqqal il-proċedura prekontenzjuża b’numru ta’ partijiet li jista’ eventwalment ikun kbir ( 29 ).

45.

Madankollu, għandu jiġi enfasizzat li, kif qalet il-Qorti tal-Ġustizzja fil-kuntest tal-leġiżlazzjoni dwar ir-regoli proċedurali li jirregolaw azzjonijiet għas-salvagwardja tad-drittijiet li jitnisslu favur l-individwi mill-effett dirett tad-dritt Komunitarju, għalkemm hi l-liġi nazzjonali li għandha tirregola dan is-suġġett, din hi marbuta li tirrispetta r-rekwiżiti li jirriżultaw mill-prinċipji ġenerali tad-dritt Komunitarju. B’mod partikolari, ir-regoli proċedurali ma jistgħux ikunu inqas favorevoli minn dawk li jirregolaw azzjonijiet domestiċi simili (prinċipju ta’ ekwivalenza) u dawn ma jistgħux jagħmlu l-eżerċizzju ta’ drittijiet mogħtija mill-ordinament ġuridiku Komunitarju prattikament impossibbli jew eċċessivament diffiċli (prinċipju ta’ effettività) ( 30 ).

46.

Hu preċiżament il-prinċipju ta’ l-effettività li r-rikorrenti ssemmi f’dan il-każ sabiex titlob li jiġi rikonoxxut fil-konfront tagħha dritt li tipparteċipa fil-proċedura mhux kontenzjuża ta’ analiżi tas-suq. U fil-fatt, mhuwiex eskluż li l-esklużjoni ta’ Tele2, bħala parti, skond l-Artikolu 37(5) tat-TKG, fil-proċedura ta’ analiżi tas-suq, tista’ tillimita b’mod sinjifikattiv id-dritt ta’ appell tagħha rikonoxxut mid-dritt Komunitarju kontra d-deċiżjonijiet ta’ l-awtorità regolatorja adottati fil-kuntest ta’ din il-proċedura.

47.

Fil-fatt, għandu jiġi mistoqsi jekk dispożizzjoni konkreta bħall-Artikolu 37(5) tat-TKG, li f’dan il-każ ma tagħtix lil Tele2 l-istat ta’ parti fil-proċedura ta’ analiżi tas-suq, tagħmilx impossibbli jew eċċessivament diffiċli l-eżerċizzju tad-dritt ta’ appell kontra deċiżjonijiet adottati fil-kuntest ta’ din il-proċedura mhux kontenzjuża ( 31 ). Għall-evalwazzjoni minn din il-perspettiva tal-liġi proċedurali Awstrijaka, għandhom jiġu kkunsidrati diversi elementi li diġà ġew identifikati mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja ( 32 ) Għaldaqstant, għandhom jittieħdu in kunsiderazzjoni, ir-rwol ta’ tali dispożizzjoni legali Awstrijaka fil-proċedura sħiħa, l-iżvolġiment u l-karatteristiċi tagħha, quddiem id-diversi istanzi nazzjonali.

48.

Għalkemm f’dawn iċ-ċirkustanzi hi naturalment il-qorti tar-rinviju li għandha tiddetermina jekk il-fatt li impriża m’għandhiex, skond il-liġi Awstrijaka, l-istat ta’ parti fil-proċedura ta’ analiżi tas-suq, għandux l-effett li jirriduċi d-dritt ta’ appell tagħha għal wieħed purament formali, ma jidhirx, a priori, li d-dritt pretiż mir-rikorrenti li tipparteċipa bħala parti fil-proċedura ta’ analiżi tas-suq hu indispensabbli sabiex din tkun tista’ tgawdi minn appell effettiv kontra d-deċiżjoniiet ta’ l-awtorità regolatorja.

49.

Il-liġi proċedurali nazzjonali tista’ tassigura, b’diversi mezzi li d-dritt ta’ appell kontra deċiżjoni adottata fil-kuntest ta’ proċedura ta’ analiżi tas-suq ikun effettiv. Qabel kollox, jiena naħseb, bħala eżempju, li sakemm tingħata motivazzjoni adegwata għad-deċiżjoni adottata mill-awtorità regolatorja, ikun possibbli li jiġi assigurat li impriża, bħal Tele2, tkun tiddisponi minn elementi u informazzjoni indispensabbli sabiex l-eżerċizzju tad-dritt ta’ appell tagħha ma jsirx prattikament impossibbli jew eċċessivament diffiċli. Din ir-rabta bejn l-obbligu ta’ motivazzjoni u l-prinċipju ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva ġiet stabbilita fis-sentenza Heylens et ( 33 ). Wara s-sentenza Johnston, iċċitata iktar ’il fuq, il-Qorti tal-Ġustizzja affermat f’din is-sentenza li l-eżistenza ta’ rimedju ta’ natura ġudizzjarja kontra kull deċiżjoni ta’ awtorità nazzjonali li tiċħad il-benefiċċju ta’ dritt mogħti mill-ordinament ġuridiku Komunitarju hi essenzjali sabiex tiġi assigurata lil persuna l-protezzjoni effettiva tad-dritt tagħha ( 34 ). Minn dan il-prinċipju ta’ protezzjoni ġuridika effettiva, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeduċiet obbligu impost fuq l-awtoritajiet kompetenti nazzjonali li jiddikjaraw ir-raġunijiet li fuqhom hija bbażata ċ-ċaħda, jew fid-deċiżjoni stess, jew f’komunikazzjoni ulterjuri magħmula fuq talba tal-persuna interessata ( 35 ).

50.

Biex nikkonkludi, nixtieq nittratta t-tieni argument imqajjem mir-rikorrenti li jgħid li d-dritt li tipparteċipa fil-proċedura ta’ analiżi tas-suq jirriżulta mill-ħtieġa li jiġi rrispettat id-dritt fundamentali għal smigħ xieraq u l-prinċipju ta’ equality of arms ( 36 ). Jiena naħseb li dan l-argument għandu jiġi respint. Dan ir-raġunament hu bbażat fuq il-premessa li l-proċedura ta’ analiżi tas-suq għandha n-natura ta’ proċedura kontenzjuża bejn l-impriża b’saħħitha fis-suq u impriża kompetitriċi bħar-rikorrenti. Madankollu, dan mhuwiex il-każ tal-proċeduri amministrattivi ta’ analiżi tas-suq li fi ħdanhom jiġu adottati deċiżjonijiet li jirrigwardaw l-impożizzjoni, il-bdil jew l-irtirar ta’ obbligi speċifiċi fir-rigward ta’ impriżi b’saħħithom fis-suq.

51.

Għaldaqstant jiena naħseb li l-Artikolu 4 tad-Direttiva Qafas, ikkunsidrat fid-dawl tal-prinċipju tal-protezzjoni ġudizzjarja effettiva applikat minn dan l-Artikolu, għandu jkun interpretat fis-sens li jimponi fuq Stat Membru l-obbligu li l-liġijiet ta’ proċedura nazzjonali li jirregolaw l-adozzjoni ta’ deċiżjoniiet fil-kuntest ta’ proċeduri ta’ analiżi tas-suq, ma jagħmlux l-eżerċizzju ta’ rimedji kontra deċiżjonijiet adottati mill-awtorità regolatorja nazzjonali prattikament impossibbli jew eċċessivament diffiċli. Hi l-qorti tar-rinviju li għandha tiddetermina jekk, meta tittieħed in kunsiderazzjoni l-liġi proċedurali Awstrijaka sħiħa, dispożizzjoni bħall-Artikolu 37(5) tat-TKG li ma tippermettix lil impriża bħar-rikorrenti f’dan il-każ tipparteċipa bħala parti fi proċedura ta’ analiżi tas-suq, hijiex ta’ natura tali li tagħmel l-eżerċizzju tad-dritt ta’ appell mogħti lil din l-impriża mill-Artikolu 4 tad-Direttiva Qafas impossibbli jew eċċessivament diffiċli.

III — Konklużjoni

52.

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, jiena nqis li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha tirrispondi għad-domandi preliminari magħmula mill-Verwaltungsgerichtshof b’dan il-mod:

“1)

L-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2002/21/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-7 ta’ Marzu 2002, dwar [qafas] regolatorju komuni għan-netwerks ta’ komunikazzjonijiet u servizzi elettroniċi (Direttiva [Qafas]) għandu jiġi interpretat fis-sens li huma kkunsidrati bħala impriżi milquta b’deċiżjoni ta’ l-awtorità regolatorja nazzjonali fil-kuntest ta’ proċedura ta’ analiżi tas-suq, li għaldaqstant għandhom dritt ta’ appell kontra din id-deċiżjoni, kemm l-impriżi kompetitriċi li għandhom drittijiet kuntrattwali fil-konfront ta’ impriża b’saħħitha fis-suq rilevanti u li d-drittijiet tagħhom huma milquta minn deċiżjoni ta’ irtirar jew bidla ta’ obbligi speċifiċi adottata minn awtorità regolatorja, kif ukoll l-impriżi li jista’ jkun li jridu jistabbilixxu relazzjonijiet kuntrattwali ma’ impriża b’saħħitha fis-suq u li jkunu milquta b’mod negattiv, bħala benefiċjarji diretti ta’ regoli Komunitarji intiżi sabiex jassiguraw kompetittività effettiva fis-settur tat-telekomunikazzjonijiet, minn deċiżjoni ta’ awtorità regolatorja nazzjonali.

2)

L-Artikolu 4(1) tad-Direttiva Qafas, ikkunsidrat fid-dawl tal-prinċipju tal-protezzjoni ġudizzjarja effettiva applikat minn dan l-Artikolu, għandu jkun interpretat fis-sens li jimponi fuq Stat Membru l-obbligu li l-liġijiet ta’ proċedura nazzjonali li jirregolaw l-adozzjoni ta’ deċiżjonijiet fil-kuntest ta’ proċeduri ta’ analiżi tas-suq, ma jagħmlux l-eżerċizzju ta’ rimedji kontra deċiżjonijiet adottati mill-awtorità regolatorja nazzjonali prattikament impossibbli jew eċċessivament diffiċli. Hi l-qorti tar-rinviju li għandha tiddetermina jekk, meta tittieħed in kunsiderazzjoni l-liġi proċedurali Awstrijaka sħiħa, dispożizzjoni bħall-Artikolu 37(5) tal-liġi dwar it-telekomunikazzjonijiet (Telekommunikationsgesetz), li ma tippermettix lil impriża bħar-rikorrenti f’dan il-każ tipparteċipa bħala parti fi proċedura ta’ analiżi tas-suq, hijiex ta’ natura tali li tagħmel l-eżerċizzju tad-dritt ta’ appell mogħti lil din l-impriża mill-Artikolu 4 tad-Direttiva Qafas impossibbli jew eċċessivament diffiċli.”


( 1 ) Lingwa oriġinali: il-Portugiż.

( 2 ) ĠU L 108, p. 33 (iktar ’il quddiem id-“Direttiva Qafas”).

( 3 ) ĠU L 108, p. 7.

( 4 ) B’mod partikolari l-verżjoni Ingliża, Ġermaniża, Taljana, Spanjola, Ċeka, Griega u Żvediża.

( 5 ) Il-verżjoni Portugiża tuża fl-imsemmija Artikoli 4(1) u 16(3), it-termini “prejudicadas” u “abrangidas” rispettivament sabiex tidentifika l-partijiet. Il-verżjoni Franċiża tuża wkoll it-termini differenti “affecté(e)” u ta’ partijiet “concerné[e]s”. Bl-istess mod, il-verżjoni Olandiża tuża wkoll it-termini ukoll differenti “getroffen” u “gevolgen”.

( 6 ) Il-paragrafu 3 jagħmel riferiment għall-impriżi b’saħħithom li lilhom tkun indirizzata d-deċiżjoni. Wara jirreferi għall-partijiet affettwati mill-irtirar biex jagħtihom id-dritt li jkunu avżati bid-deċiżjoni. Li kieku dan l-obbligu ta’ informazzjoni kien stabbilit biss favur l-impriżi li jibbenifikaw mill-irtirar, l-iktar ħaġa naturali kienet tkun li l-leġiżlatur fil-parti sussegwenti jgħid li “dawn” l-impriżi (u mhux il-“partijiet affettwati”) għandhom id-dritt li jkunu avżati bid-deċiżjoni.

( 7 ) Ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tad-19 ta’ Ġunju 1980, Roudolff (803/79, Ġabra p. 2015, punt 7); tad-19 ta’ Settembru 2000, Linster (C-287/98, Ġabra p. I-6917, punt 43), u tas-27 ta’ Frar 2003, Adolf Truley (C-373/00, Ġabra p. I-1931, punt 35).

( 8 ) Enfażi tiegħi. Ara s-sentenza tat-13 ta’ Lulju 2006, Mobistar (C-438/04, Ġabra p. I-6675, punt 41).

( 9 ) Ara t-test propost mill-Kummissjoni u l-emendi tal-Parlament, fil-ĠU 2001, C 277, 2001, p. 92 u 98.

( 10 ) Ara s-sentenzi tal-25 ta’ Lulju 2002, Unión de Pequeños Agricultores vs Il-Kunsill (C-50/00 P, Ġabra p. I-6677, punt 39 u l-ġurisprudenza ċċitata), u b’mod partikolari s-sentenza tal-15 ta’ Mejju 1986, Johnston (222/84, Ġabra p. 1651, punti 17 sa 20) u ta’ l-1 ta’ April 2004, Il-Kummissjoni vs Jégo-Quéré (C-263/02 P, Ġabra p. I-3425, punt 29).

( 11 ) Ara s-sentenzi tat-3 ta’ Frar 2000, Dounias (C-228/98, Ġabra p. I-577, punt 64) u tal-25 ta’ Lulju 2002, MRAX (C-459/99, Ġabra p. I-6591, punt 101 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 12 ) Għandu jingħad, f’dan ir-rigward, li l-Artikolu 4(1) isemmi l-utenti jew impriżi milquta b’deċiżjoni ta’ l-awtorità regolatorja, u mhux l-utenti jew impriżi li lilhom tiġi indirizzata tali deċiżjoni.

( 13 ) Ara l-Artikolu 8(2) tad-Direttiva Qafas.

( 14 ) Ara wkoll l-ewwel premessa tad-Direttiva Qafas li turi sew l-importanza ta’ l-eżistenza ta’ “kompetizzjoni effettiva fis-settur tat-telekomunikazzjonijiet matul it-tranżizzjoni mill-monopolju għall-kompetizzjoni sħiħa”.

( 15 ) C-462/99, Ġabra p. I-5197. Ara wkoll, dwar l-interpretazzjoni ta’ l-Artikolu 4(1) tad-Direttiva Qafas, is-sentenza Mobistar, iċċitata iktar ’il fuq, punti 40 u 43.

( 16 ) ĠU L 192, p. 1.

( 17 ) ĠU L 295, p. 23. L-Artikolu 5a(3) tad-Direttiva 90/387, li jħassar mill-Artikolu 26 tad-Direttiva Qafas fil-mument tad-dħul fis-seħħ tiegħu, kien jgħid, bħall-Artikolu 4(1) tad-Direttiva Qafas, li “[l]-Istati Membri għandhom jiżguraw li mekkaniżmi effettivi jeżistu fil-livell nazzjonali li taħthom, parti milquta minn deċiżjoni ta’ l-awtorità regolatorja nazzjonali jkollha d-dritt tappella quddiem entità indipendenti mill-partijiet interessati.”

( 18 ) Sentenza Connect Austria, iċċitata iktar ’il fuq, punt 35.

( 19 ) Ibid, punt 42.

( 20 ) Ibid, punt 42.

( 21 ) Dan huwa l-każ għalkemm fis-sentenza tagħha, il-Qorti tal-Ġustizzja ma laqgħetx b’mod espliċitu l-pożizzjoni ta’ l-Avukat Ġenerali Geelhoed li qal b’mod ċar fil-punt 48 tal-konklużjonijiet tiegħu li “mhuwiex konċepibbli li t-terzi persuni interessati, li jkunu direttament milquta mid-deċiżjonijiet, ma jistgħux jappellaw kontrihom. Tant hu hekk li l-Artikolu 5a(3) hu preċiżament intiż li jipproteġi wkoll l-interessi ta’ l-impriżi l-ġodda fis-suq, bħal ma hi Connect Austria”.

( 22 ) Skond l-Artikolu 1(2) tad-Direttiva Aċċess din “tistabbilixxi d-drittijiet u l-obbligi għall-operaturi u għall-impriżi li jfittxu interkonnessjoni u/jew aċċess għan-networks tagħhom jew faċilitajiet assoċjati”.

( 23 ) Din l-istess dispożizzjoni b’hekk tipprovdi numru ta’ obbligi speċifiċi li jistgħu jiġu imposti fuq l-operaturi, fosthom, b’mod partikolari, l-obbligu li jagħtu lit-terzi persuni aċċess għal elementi u/jew faċilitajiet ta’ networks speċifiċi, inkluż aċċess disassoċjat għal-linja lokali u li jinnegozjaw in bona fede ma’ impriżi li jitolbu l-aċċess.

( 24 ) Ara f’dan is-sens, is-sitt premessa tad-Direttiva Aċċess li tgħid li “[f]i swieq fejn għad baqa’ differenzi kbar fis-saħħa ta’ l-innegozjar bejn l-impriżi, u fejn xi impriżi joqgħodu fuq l-istruttura fornuta minn oħrajn għat-twassil tas-servizzi tagħhom, huwa xieraq li jiġi stabbilit qafas biex jiġi żgurat li s-suq jiffunzjona b’mod effettiv. L-awtoritajiet regolatorji nazzjonali għandu jkollhom is-setgħa li jiżguraw, fejn in-negozjati kummerċjali jfallu, aċċess u inter-konnessjoni adegwati ”.

( 25 ) Ara d-definizzjoni tat-terminu “aċċess” fl-Artikolu 2(a) tad-Direttiva Aċċess.

( 26 ) Ara, b’analoġija, is-sentenza tas-17 ta’ Jannar 1985, Piraiki-Patraiki et (11/82, Ġabra p. 207), dwar it-talba għal annullament ippreżentata minn terzi persuni milquta minn deċiżjoni tal-Kummissjoni li kienet tawtorizza lil Stat Membru (f’dan il-każ ir-Repubblika Franċiża), idaħħal sistema li tillimita l-importazzjonijiet ta’ ħajt tal-qoton provenjenti mill-Greċja. Il-Qorti tal-Ġustizzja qalet (fil-punt 19) li “il-fatt li ġew konlużi, qabel l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, kuntratti li kellhom jiġu implementati matul ix-xhur koperti mid-deċiżjoni msemmija jikkostitwixxi stat ta’ fatt li jiddistingwihom mill-persuni l-oħra kollha affettwati minn din id-deċiżjoni, għaliex l-eżekuzzjoni tal-kuntratti tagħhom kienet impedita, għal kollox jew b’mod parzjali, mill-adozzjoni tad-deċiżjoni” [traduzzjoni mhux uffiċjali]. — Ara wkoll il-punt 31 ta’ din is-sentenza.

( 27 ) Ara l-punt 22 ta’ dawn il-konklużjoniiet u l-ġurisprudenza ċċitata.

( 28 ) Ara, per eżempju, f’dan is-sens, is-sentenza ta’ l-14 ta’ Diċembru 1995, Peterbroeck (C-312/93, Ġabra p. I-4599, punt 12 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 29 ) Ara t-tnejn u għoxrin premessa tad-Direttiva Qafas li tenfasizza l-importanza ta’ “proċeduri f’waqthom”.

( 30 ) Sentenzi tal-15 ta’ Settembru 1998, Edis (C-231/96, Ġabra p. I-4951, punti 19 u 34); ta’ l-1 ta’ Diċembru 1998, Levez (C-326/96, Ġabra p. I-7835, punt 18 u l-ġurisprudenza ċċitata; Peterbroeck, iċċitata iktar ’il fuq, punt 12 u l-ġurisprudenza ċċitata; ta’ l-20 ta’ Settembru 2001, Courage u Crehan (C-453/99, Ġabra p. I-6297, punt 29); ta’ l-24 ta’ Settembru 2002, Grundig Italiana (C-255/00, Ġabra p. I-8003, punt 33); ta’ l-10 ta’ April 2003, Steffensen (C-276/01, Ġabra p. I-3735, punt 60), ta’ l-4 ta’ Diċembru 2003, Evans (C-63/01, Ġabra p. I-14447, punt 45), u tas-17 ta’ Ġunju 2004, Recheio — Cash & Carry (C-30/02, Ġabra p. I-6051, punt 17). Ara wkoll, iktar reċentement, is-sentenza tal-5 ta’ Ottubru 2006, Nádasdi u Nemeth (C-290/05 u C-333/05, Ġabra p. I-10115, punt 69).

( 31 ) Ara għal analiżi parallela tal-metodi ta’ prova li japplikaw, is-sentenza Dounias, iċċitata iktar ’il fuq, punt 69, u tad-9 ta’ Frar 1999, Dilexport (C-343/96, Ġabra p. I-579, punt 48). Ara, ukoll, il-konklużjonijiet ta’ l-Avukat Ġenerali Stix-Hackl, fil-kawża Mobistar, iċċitata iktar ’il fuq, punt 85.

( 32 ) Ara s-sentenzi Steffensen, iċċitata iktar ’il fuq, punt 66, u Peterbroeck, iċċitata iktar ’il fuq, punt 14; ta’ l-14 ta’ Diċembru 1995, Van Schijndel u Van Veen (C-430/93 u C-431/93, Ġabra p. I-4705, punt 19); Levez, iċċitata iktar ’il fuq, punt 44 u Evans, iċċitata iktar ’il fuq, punt 46.

( 33 ) Sentenza tal-15 ta’ Ottubru 1987 (222/86, Ġabra p. 4097).

( 34 ) Ibid, punt 14.

( 35 ) Ibid, punt 15.

( 36 ) Tele2 issemmi f’dan ir-rigward, b’mod partikolari, is-sentenzi Steffensen, iċċitata iktar ’il fuq; tal-11 ta’ Jannar 2000, L-Olanda u van der Wal vs Il-Kummissjoni (C-174/98 P u C-189/98 P, Ġabra p. I-1), u tal-Qorti tal-Prim'Istanza tad-19 ta’ Frar 1998, Eyckeler & Malt vs Il-Kummissjoni (T-42/96, Ġabra p. II-401, punti 76 sa 78).

Top