EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62005CC0391

Konklużjonijiet ta' l-Avukat Ġenerali - Bot - 14 ta' Diċembru 2006.
Jan De Nul NV vs Hauptzollamt Oldenburg.
Talba għal deċiżjoni preliminari: Finanzgericht Hamburg - il-Ġermanja.
Dazji tas-sisa - Eżenzjoni tat-taxxa fuq iż-żjut minerali - Direttiva 92/81/KEE - Kunċett ta' ‘navigazzjoni f'ibħra Komunitarji’.
Kawża C-391/05.

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2006:791

KONKLUŻJONIJIET TA' L-AVUKAT ĠENERALI

YVES BOT

ippreżentati fl-14 ta' Diċembru 2006 1(1)

Kawża C‑391/05

Jan de Nul NV

vs

Hauptzollamt Oldenburg

[talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Finanzgericht Hamburg (Il-Ġermanja)]

“Taxxi indiretti – Dazji tas-sisa fuq iż-żjut minerali – Kunċetti ta' 'ibħra Komunitarji', 'passaġġi fuq l-ilma interni' u 'navigazzjoni'"





I –    Introduzzjoni

1.     Fil-kuntest ta' dan ir-rinviju għal deċiżjoni preliminari, il-Qorti tal-Ġustizzja ntalbet tiddikjara x'tifsira għandha tingħata lil diversi kunċetti li jinsabu fid-Direttiva tal-Kunsill 92/81/KEE tad-19 ta' Ottubru 1992 fuq l-armonizzazzjoni ta' l-istrutturi tad-dazji tas-sisa fuq żjut minerali (2).

2.     Hija ntalbet, b'mod partikolari, li tinterpreta l-kunċett ta' "ibħra Komunitarji" [traduzzjoni mhux uffiċjali] meta mqabbel ma' dak ta' "passaġġi fuq l-ilma interni" [traduzzjoni mhux uffiċjali].

3.     Il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tiddeċiedi wkoll jekk it-tħaddim fl-ibħra Komunitarji ta' dreġer li jġorr u jbattal il-ħama jistax ikun ikkunsidrat kollu kemm hu bħala "navigazzjoni" fis-sens ta' l-Artikolu 8(1)(c) tad-Direttiva 92/81 jew jekk għandhiex issir distinzjoni bejn id-diversi attivitajiet imwettqa minn dan id-dreġer meta jitħaddem, jiġifieri, b'mod partikolari, dawk li huma relatati mal-vjaġġi bla tagħbija, mal-manuvri dovuti għall-operazzjonijiet ta' tħammil tal-ħama u mat-trasport ta' materjal li jittella' waqt dawn l-operazzjonijiet.

4.     F'dawn il-konklużjonijiet, jiena ser nittratta dawn iż-żewġ problemi waħda wara l-oħra.

5.     L-ewwel nett, fir-rigward tar-riċerka ta' kriterju li jippermetti li jiġu distinti l-kunċetti ta' ibħra Komunitarji u ta' passaġġi fuq l-ilma interni, jiena nwarrab dak tal-"linja bażi", fis-sens ta' l-Artikoli 3 sa 7 tal-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-Liġi tal-Baħar, iffirmata f'Montego Bay fl-10 ta' Diċembru 1982 (3). Aħna neskludi wkoll l-approċċ funzjonali li skondu, essenzjalment, l-ibħra Komunitarji, fis-sens ta' l-ewwel subparagrafu ta' l-Artikolu 8(1)(c) tad-Direttiva 92/81, jikkorrispondu għall-ilmijiet kollha li fihom tiġi pprattikata normalment in-navigazzjoni marittima għal finijiet kummerċjali.

6.     Jiena nsostni, min-naħa l-oħra, l-interpretazzjoni li skondha l-kunċett ta' ibħra Komunitarji jinkludi l-ilmijiet marittimi li jaqgħu taħt is-sovranità jew il-ġurisdizzjoni ta' l-Istati Membri, bl-eċċezzjoni tal-passaġġi fuq l-ilma interni msemmija fl-Artikolu 8(2)(b) tad-Direttiva 92/81. Jiena ser nuri wkoll li dawn il-passaġġi fuq l-ilma interni huma kkostitwiti mill-passaġġi kollha tan-netwerk ta' l-ilmijiet interni tal-Komunità, kif elenkati fl-Anness I tad-Direttiva tal-Kunsill 82/714/KEE ta' l-4 ta' Ottubru 1982 li tistabbilixxi ħtiġijiet tekniċi għall-bastimenti tal-passaġġi fuq l-ilma interni (4).

7.     It-tieni nett, fir-rigward ta' l-interpretazzjoni tal-kunċett ta' "navigazzjoni f'ibħra Komunitarji" [traduzzjoni mhux uffiċjali], fis-sens ta' l-Artikolu 8(1)(c) tad-Direttiva 92/81, jiena ser nindika, l-ewwel nett, li, safejn dreġer li jġorr u jbattal il-ħama jkollu sistema ta' propulsjoni li tagħtih awtonomija fil-movimenti tiegħu, dawn ta' l-aħħar għandhom jiġu ekwiparati man-navigazzjoni. Jiena għalhekk ser nissuġġerixxi lill-Qorti tal-Ġustizzja li tirrispondi lill-qorti tar-rinviju li dan il-kunċett ikopri l-manuvri mwettqa minn dreġer li jġorr u jbattal il-ħama matul l-operazzjonijiet ta' ġbid mill-qiegħ ta' l-ilmijiet, jiġifieri l-movimenti mwettqa minn dan id-dreġer fl-eżekuzzjoni ta' l-attività tiegħu ta' tħammil tal-ħama.

II – Il-kuntest ġuridiku

A –    Id-dritt Komunitarju

8.     Fir-rigward tad-dazji tas-sisa, id-Direttiva tal-Kunsill 92/12/KEE (5) tistabbilixxi r-regoli dwar l-arranġamenti ġenerali għall-prodotti suġġetti għad-dazju tas-sisa. Skond l-Artikolu 2(1) tagħha, "[d]in id-Direttiva u d-Direttivi elenkati fl-Artikolu 1(2) għandhom jgħoddu fit-territorju tal-Komunità kif definit, għal kull Stat Membru, bit-Trattat li jistabbilixxi il-Komunità Ekonomika Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 227 tiegħu [li sar, wara li dan it-Trattat ġie emendat, l-Artikolu 299 KE]", b'esklużjoni ta' numru ta' territorji nazzjonali espressament elenkati.

9.     Id-direttivi speċifiċi previsti fl-Artikolu 1(2) tad-Direttiva 92/12 huma, minn naħa, id-Direttiva 92/81, in kwistjoni f'din il-proċedura għal deċiżjoni preliminari, u, min-naħa l-oħra, id-Direttiva tal-Kunsill 92/82/KEE tad-19 ta' Ottubru 1992 fuq l-approssimazzjoni tar-rati tad-dazji tas-sisa fuq żjut minerali (6).

10.   Skond il-ħames premessa tad-Direttiva 92/81, "huwa neċessarju li jiġu stabbiliti ċerti eżenzjonijiet obbligatorji fuq livell Komunitarju". [traduzzjoni mhux uffiċjali]

11.   Is-sitt premessa ta' din id-Direttiva tipprovdi, madankollu, "li huwa opportun li l-Istati Membri jitħallew japplikaw, jekk ikunu jixtiequ, ċerti eżenzjonijiet oħra jew rati mnaqqsa ġewwa t-territorju tagħhom, meta dan ma jwassalx għal distorsjonijiet tal-kompetizzjoni". [traduzzjoni mhux uffiċjali]

12.   Din id-duwalità bejn l-eżenzjonijiet obbligatorji, minn naħa, u l-eżenzjonijiet fakultattivi, min-naħa l-oħra, hija speċifikata fl-Artikolu 8(1) u (2) ta' din id-Direttiva.

13.   L-Artikolu 8(1) tad-Direttiva 92/81 jipprovdi kif ġej:

"Minbarra d-dispożizzjonijiet ġenerali tad-Direttiva 92/12/KEE dwar l-użijiet eżenti ta' prodotti suġġetti għad-dazju tas-sisa u bla ħsara għal dispożizzjonijiet Komunitarji oħra, l-Istati Membri għandhom jeżentaw il-prodotti segwenti mid-dazju tas-sisa armonizzat, taħt il-kundizzjonijiet li huma jistabbilixxu bil-għan li jassiguraw l-applikazzjoni korretta u ċara ta' dawn l-eżenzjonijiet u li jimpedixxu l-frodi, l-evażjoni u l-abbużi:

[…]

c)      iż-żjut minerali pprovduti bil-għan li jintużaw bħala karburant għan-navigazzjoni f'ibħra Komunitarji (inkluż is-sajd), iżda mhux f'dgħajjes privati użati għad-divertiment.

Għall-finijiet ta' din id-Direttiva, 'dgħajjes privati użati għad-divertiment' tfisser kull dgħajsa użata mill-proprjetarju tagħha jew mill-persuna fisika jew ġuridika li tista' tużaha b'titolu ta' kiri jew b'titolu ieħor, għal finijiet mhux kummerċjali u b'mod partikolari għal finijiet oħra minbarra t-trasport ta' passiġġieri jew ta' merkanzija jew il-prestazzjoni ta' servizzi b'titolu oneruż jew għall-bżonnijiet ta' l-awtoritajiet pubbliċi;

[…]." [traduzzjoni mhux uffiċjali]

14.   L-Artikolu 8(2) tad-Direttiva 92/81 jipprovdi:

"Bla ħsara għal dispożizzjonijiet Komunitarji oħra, l-Istati Membri jistgħu japplikaw eżenzjonijiet jew tnaqqis totali jew parzjali tar-rata tad-dazju tas-sisa fuq iż-żjut minerali jew fuq prodotti oħra intiżi għall-istess użu li jkunu użati taħt kontroll fiskali:

[…]

b)      għan-navigazzjoni fil-passaġġi fuq l-ilma interni, b'eċċezzjoni tan-navigazzjoni għad-divertiment,

[…]

g)      għall-operazzjonijiet ta' tħammil tal-ħama tal-passaġġi fuq l-ilma u tal-portijiet." [traduzzjoni mhux uffiċjali]

B –    Id-dritt nazzjonali

15.   Fil-Ġermanja, id-dispożizzjonijiet nazzjonali relattivi għall-użu eżenti taż-żjut minerali jinsabu fil-Liġi dwar it-taxxa fuq iż-żjut minerali (Mineralölsteuergesetz), tal-21 ta' Diċembru 1992 (7), kif ukoll fir-Regolament li jimplementa t-taxxa fuq iż-żjut minerali (Mineralölsteuer-Durchführungsverordnung), tal-15 ta' Settembru 1993 (8).

16.   L-Artikolu 4(1)(4) tal-MinöStG jipprovdi li, bla ħsara għall-Artikolu 12 ta' din l-istess liġi, iż-żjut minerali jistgħu jiġu użati b'eżenzjoni mit-taxxa, bħala karburant għall-propulsjoni u għat-tisħin, fil-bastimenti li huma intiżi esklużivament għan-navigazzjoni kummerċjali u għall-attivitajiet anċillari li huma marbuta magħha, bħall-pilotaġġ, l-irmonk u servizzi simili, jew għat-trasport għall-kont proprju, kif ukoll fil-bastimenti tal-gwerra u ta' l-awtoritajiet pubbliċi, fid-dgħajjes ta' salvataġġ fil-baħar u fil-bastimenti tas-sajd fuq bażi professjonali.

17.   Bis-saħħa tas-setgħa leġiżlattiva prevista fl-Artikolu 31(2)(5) tal-MinöStG, l-awtorità leġiżlattiva Ġermaniża eskludiet, fl-Artikolu 17(5) tal-MinöStV, ċerti tipi ta' inġenji mill-kunċett ta' "bastimenti" fis-sens ta' l-Artikolu 4(1)(4) tal-MinöStG. Għalhekk, l-imsemmi Artikolu 17 jipprovdi b'mod partikolari, fil-punt 2 tal-paragrafu 5 tiegħu, li l-inġenji li jiggalleġġjaw bħall-gafef, il-krejnijiet u l-magni tar-rfigħ tal-qamħ mhumiex ikkunsidrati bħala "bastimenti" fis-sens ta' l-Artikolu 4(1)(4) tal-MinöStG, b'mod li l-karburant li huma jużaw għall-propulsjoni u għat-tisħin ma jistax jibbenefika minn eżenzjoni fiskali.

III – Il-fatti u l-proċedura tal-kawża prinċipali

18.   Jan de Nul NV (iktar 'il quddiem "Jan de Nul" jew ir-"rikorrenti fil-kawża prinċipali") hija impriża stabbilita fil-Belġju li teżerċita attivitajiet ta' inġinerija idrawlika. Din l-impriża ħaddmet id-dreġer li jiġbed u jistiva l-ħama li jismu "Cristoforo Colombo", imsejjaħ ukoll dreġer li jġorr u jbattal il-ħama, f'operazzjoni ta' tħammil tal-ħama li saret bejn id-19 ta' Ottubru 1999 u s-17 ta' Diċembru 1999 fl-Elbe, bejn Hamburg u Cuxhaven (9).

19.   Dreġer li jġorr u jbattal il-ħama jintuza sabiex jinġibed ir-ramel, iż-żrar u materjal simili ieħor mill-qiegħ ta' l-ilmijiet. It-taħlita ta' ilma u ta' materjal hekk imqiegħda fl-istiva tad-dreġer imbagħad hija ttrasportata lejn post fejn hija skarikata.

20.   Fit-3 ta' April 2000, Jan de Nul iddikjarat lill-Hauptzollamt Oldenburg (iktar 'il quddiem il-"Hauptzollamt") il-kwantità ta' żjut minerali li kienu ġew ikkunsmati matul ix-xogħlijiet ta' ġbid ta' l-ilma u tal-materjal.

21.   Sussegwentement, il-Hauptzollamt informa lir-rikorrenti fil-kawża prinċipali li t-taxxa fuq iż-żjut minerali kellha titħallas ukoll fuq il-kwantitajiet użati matul il-vjaġġi mingħajr tagħbija u l-manuvri dovuti għall-operazzjonijiet ta' ġbid. Id-dikjarazzjoni addizzjonali magħmula fil-15 ta' Novembru 2000 fir-rigward ta' Jan de Nul wasslet għal kreditu fl-ammont ta' 183 127.02 DEM.

22.   B'deċiżjoni tat-3 ta' Lulju 2002, il-Hauptzollamt ċaħad it-talba li Jan de Nul kienet ippreżentat fid-19 ta' Diċembru 2000 kontra din id-dikjarazzjoni. Għalhekk, fit-2 ta' Awwissu 2002, din l-impriża ppreżentat rikors quddiem il-Finanzgericht Hamburg (Il-Ġermanja).

23.   Quddiem din il-qorti, Jan de Nul sostniet li l-attività tad-dreġer li jġorr u jbattal il-ħama hija simili għal dik ta' bastiment speċjalizzat ta' navigazzjoni kummerċjali, b'mod li l-kombustibbli li ġie użat mhux għat-tħaddim tad-dreġer stess, iżda għall-moviment tal-bastiment għandu jibqa' eżenti. Fl-opinjoni tagħha, id-determinazzjoni tat-taxxa fuq iż-żjut minerali tikser l-Artikolu 8(1)(c) tad-Direttiva 92/81, li jipprovdi eżenzjoni obbligatorja għan-navigazzjoni fl-ibħra Komunitarji. Fil-fatt, skond ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali, il-parti ta' l-Elbe li fiha twettqu x-xogħlijiet tifforma parti mill-ibħra Komunitarji. Hija sostniet ukoll, billi bbażat ruħha fuq is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja ta' l-1 ta' April 2004, Deutsche See‑Bestattungs‑Genossenschaft (10), li l-Artikolu 8(1)(c) tad-Direttiva 92/81 jeżenta mit-taxxa fuq iż-żjut minerali n-navigazzjoni kummerċjali pprattikata fl-ibħra Komunitarji indipendentement mill-għan tal-vjaġġ.

24.   Għall-kuntrarju, il-Hauptzollamt sostna, quddiem din l-istess qorti, li s-settur ta' l-Elbe li fih tħaddem id-dreġer li jġorr u jbattal il-ħama jikkostitwixxi passaġġ fuq l-ilma intern, b'mod li l-eżenzjoni prevista fl-Artikolu 8(2)(b) tad-Direttiva 92/81 taqa' taħt is-setgħa diskrzzjonali mogħtija lill-awtoritajiet nazzjonali. Barra minn hekk, huwa rrileva li jirriżulta mill-Artikolu 17(5)(2) tal-MinöStV li l-inġenji li jiggalleġġjaw, bħalma huwa dreġer li jġorr u jbattal il-ħama, mhumiex ikkunsidrati bastimenti fis-sens ta' l-Artikolu 4(1)(4) tal-MinöStG.

25.   Permezz ta' avviż ta' rettifika tas-27 ta' Diċembru 2004, il-Hauptzollamt emenda d-dikjarazzjoni tal-15 ta' Novembru 2000 billi ħa in kunsiderazzjoni s-sentenza mogħtija fit-3 ta' Frar 2004 mill-Bundesfinanzhof (11), li fiha dan ta' l-aħħar ħa in kunsiderazzjoni d-duwalità tal-funzjonijiet eżerċitati mid-dreġers li jġorru u jbattlu l-ħama u ddistingwa, għall-finijiet ta' l-eżenzjoni tat-taxxa fuq iż-żjut minerali, bejn il-prestazzjonijiet ta' trasport u l-prestazzjonijiet ta' xogħol imwettqa minn dawn l-inġenji.

26.   Fil-fatt, il-Bundesfinanzhof aċċetta li meta huma jipprovdu prestazzjonijiet ta' trasport, id-dreġers li jġorru u jbattlu l-ħama jintużaw bħala bastimenti fin-navigazzjoni kummerċjali u għandhom, safejn jintużaw għal dan l-iskop, jiġu eżentati minn din it-taxxa. Min-naħa l-oħra, fl-eżekuzzjoni tax-xogħlijiet ta' tħammil tal-ħama, ta' ġbid u ta' skariku, hija l-prestazzjoni ta' xogħol li tieħu preċedenza, b'mod li l-kombustibbli użat f'dan il-kuntest m'għandux jiġi eżentat mit-taxxa fuq iż-żjut minerali.

27.   Fl-avviż ta' rettifika tiegħu, il-Hauptzollamt għalhekk aċċetta li l-konsum ta' żjut minerali matul il-vjaġġi bla tagħbija tad-dreġer li jġorr u jbattal il-ħama għandu jibbenefika mill-eżenzjoni mit-taxxa fuq iż-żjut minerali prevista mill-MinöStG. Id-dikjarazzjoni tal-15 ta' Novembru 2000 ġiet, konsegwentement, annullata sa l-ammont ta' 164 372.74 DEM.

28.   Għaldaqstant, il-partijiet qablu li r-rikors kien sar bla skop għal dak li jirrigwarda l-punt li kien ta lok għal dan it-tnaqqis fl-ammont tat-taxxa fuq iż-żjut minerali. Jirriżulta mill-proċess li l-kawża prinċipali għalhekk hija limitata għall-kwistjoni jekk Jan de Nul għandhiex tħallas din it-taxxa fuq il-kwantità ta' żjut minerali kkunsmata matul il-manuvri dovuti għall-operazzjonijiet ta' tħammil tal-ħama.

IV – Ir-rinviju għal deċiżjoni preliminari

29.   L-ewwel nett, fir-rigward tad-definizzjoni tal-kunċetti ta' ibħra Komunitarji u passaġġi fuq l-ilma interni, il-Finanzgericht Hamburg jispjega, fid-deċiżjoni tar-rinviju tiegħu, li l-Bundesfinanzhof, f'digriet tat-23 ta' Marzu 2000 (12), adotta l-kriterju tal-"linja bażi", fis-sens ta' l-Artikoli 3 sa 7 tal-Konvenzjoni dwar il-Liġi tal-Baħar (13).

30.   Skond il-Finanzgericht Hamburg, huwa madankollu possibbli li tiġi kkunsidrata interpretazzjoni oħra tal-kunċett ta' ibħra Komunitarji, li tista' wkoll tinftiehem bħala l-ilmijiet kollha li jistgħu u li huma intiżi sabiex jintużaw mill-bastimenti tal-baħar sabiex jgħaddu minnhom. Peress li d-Direttiva 92/81 tiddistingwi bejn in-navigazzjoni fl-ibħra Komunitarji u dik fil-passaġġi fuq l-ilma interni, il-qorti tar-rinviju tikkunsidra, fil-fatt, li jidher li huwa sostenibbli li wieħed jirrikorri għat-tip ta' navigazzjoni bħala kriterju ta' delimitazzjoni. F'din il-perspettiva, huwa għalhekk possibbli li jiġu kkwalifikati bħala passaġġi fuq l-ilma interni l-ilmijiet li fuqhom normalment issir in-navigazzjoni fix-xmajjar, filwaqt li l-ibħra Komunitarji jkunu dawk li fihom issir in-navigazzjoni marittima.

31.   Il-qorti tar-rinviju tirrimarka wkoll li l-interpretazzjoni li skondha l-eżenzjoni fiskali teżisti 'l barra mil-linja bażi filwaqt li t-taxxa għandha titħallas, skond id-dispożizzjonijiet nazzjonali, fuq iż-żejt minerali kkunsmat 'il ġewwa minn din il-linja, twassal għal diffikultajiet prattiċi konsiderevoli kemm għall-operatur tal-bastiment kif ukoll għall-awtoritajiet doganali waqt l-ispezzjonijiet. Fil-fatt, waqt it-tħaddim ta' dreġer li jġorr u jbattal il-ħama, il-linja bażi tista' tinqasam diversi drabi.

32.   Barra dan, skond din l-istess qorti, il-fatt li wieħed jibbaża ruħu fuq il-linji bażi jwassal għal riżultati li diffiċilment jinftiehmu u li huma definittivament inkoerenti, billi l-linji bażi mhumiex kollha stabbiliti bl-istess mod. Hija tosserva, f'dan ir-rigward, li, bejn Hamburg u Cuxhaven, l-Elbe tinsab 'il ġewwa mill-linja bażi li tgħaqqad il-gżejjer li jmissu magħhom, u għalhekk tkun passaġġ fuq l-ilma intern, filwaqt li, fis-settur tal-baħar Baltiku, per eżempju, it-Trave jkollha tiġi kkunsidrata bħala li tifforma parti mill-ilmijiet marittimi.

33.   It-tieni nett, fir-rigward ta' x'tifsira għandha tingħata lill-kunċett ta' navigazzjoni, il-Finanzgericht Hamburg jindika li għandu dubju kemm huwa opportun li ssir distinzjoni bejn il-prestazzjoni ta' trasport u l-prestazzjoni ta' xogħol ipprovduti mid-dreġer li jġorr u jbattal il-ħama. Skondu, kull forma ta' navigazzjoni tinvolvi konsum ta' żjut minerali, anki meta l-bastiment ma jiċċaqlaqx.

34.   Il-qorti tar-rinviju tosserva wkoll li tali distinzjoni twassal għal diffikultajiet prattiċi. Minbarra l-ispejjeż li jkunu meħtieġa meta jsiru d-dikjarazzjonijiet relattivi għat-taxxa fuq iż-żjut minerali, din il-qorti tikkonstata li jeżistu diffikultajiet ta' delimitazzjoni konsiderevoli, billi tipi oħra ta' bastimenti speċjalizzati jipprovdu prestazzjonijiet ta' xogħol huma wkoll, b'mod li jistgħu jqumu kwistjonijiet simili għal dawk li jirrigwardaw id-dreġers li jġorru u jbattlu l-ħama. Hija tiċċita, f'dan ir-rigward, l-eżempju tal-bastimenti tat-tagħbija li għandhom tagħmir li permezz tiegħu jistgħu jitgħabbew u jinħattu b'mod indipendenti, bla ma jkollhom għalfejn jużaw il-krejnijiet tal-port.

35.   Skond il-qorti tar-rinviju, l-analiżi tista' tkun ibbażata fuq jekk il-bastiment in kwistjoni huwiex mgħammar b'sistema ta' propulsjoni tiegħu u jekk din hijiex użata. Għalhekk "navigazzjoni" għandha tfisser kull forma ta' navigazzjoni, hu x'inhu l-għan tal-vjaġġ – li tista' wkoll tikkonsisti fil-provvista ta' prestazzjoni ta' xogħol – sakemm il-bastiment juża s-sistema ta' propulsjoni tiegħu.

36.   Il-qorti tar-rinviju tikkonkludi l-osservazzjonijiet tagħha billi tindika li, kieku l-orjentamenti pprospettati minnha kellhom jirriżultaw li huma korretti, it-tħaddim in kwistjoni tad-dreġer li jġorr u jbattal il-ħama fuq l-Elbe, bejn Cuxhaven u Hamburg, ikun jikkostitwixxi "navigazzjoni f'ibħra Komunitarji" fis-sens ta' l-ewwel subparagrafu ta' l-Artikolu 8(1)(c) tad-Direttiva 92/81. F'dan il-każ, ir-rikors ppreżentat quddiemha minn Jan de Nul ikollu jiġi milqugħ.

37.   Billi għandu madankollu xi dubji fir-rigward ta' l-interpretazzjoni ta' din id-dispożizzjoni tad-Direttiva 92/81, kif ukoll ta' l-Artikolu 8(2)(b) ta' din l-istess Direttiva, il-Finanzgericht Hamburg iddeċieda li jissospendi l-proċeduri sakemm il-Qorti tal-Ġustizzja tagħti d-deċiżjoni tagħha fuq id-domandi preliminari segwenti:

"1)      X'interpretazzjoni għandha tingħata lill-kunċett ta' ibħra Komunitarji fis-sens ta' l-ewwel subparagrafu ta' l-Artikolu 8(1)(c) tad-Direttiva 92/81 meta mqabbel mal-kunċett ta' passaġġ fuq l-ilma intern fis-sens ta' l-Artikolu 8(2)(b) ta' l-imsemmija Direttiva?

2)      It-tħaddim fl-ibħra Komunitarji ta' dreġer li jiġbed u jistiva l-ħama (imsejjaħ dreġer li jġorr u jbattal il-ħama) għandu jiġi kkunsidrat kollu kemm hu bħala navigazzjoni fis-sens ta' l-ewwel subparagrafu ta' l-Artikolu 8(1)(c) tad-Direttiva 92/81 jew għandha ssir distinzjoni bejn id-diversi tipi ta' attivitajiet li jitwettqu meta dan jitħaddem?"

V –    Analiżi

A –    Fuq l-ewwel domanda preliminari

38.   B'din l-ewwel domanda, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tinterpreta l-kunċett ta' ibħra Komunitarji, fis-sens ta' l-ewwel subparagrafu ta' l-Artikolu 8(1)(c) tad-Direttiva 92/81, meta mqabbel mal-kunċett ta' passaġġi fuq l-ilma interni, fis-sens ta' l-Artikolu 8(2)(b) ta' din id-Direttiva.

39.   Jirriżulta kemm mid-deċiżjoni tar-rinviju tal-Finanzgericht Hamburg kif ukoll mill-osservazzjonijiet bil-miktub ippreżentati quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja minn Jan de Nul, mill-Hauptzollamt, mill-Gvern Belġjan u mill-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropew li bil-għan li tingħata risposta għal din id-domanda ġew eżaminati żewġ toroq prinċipali, jiġifieri, minn naħa, ir-rilevanza tal-kriterju tal-linja bażi prevista mill-Konvenzjoni dwar il-Liġi tal-Baħar u, min-naħa l-oħra, il-possibbiltà ta' approċċ funzjonali.

40.   F'dan ir-rigward, bil-għan li jiġi ddefinit il-kunċett ta' ibħra Komunitarji, Jan de Nul tikkunsidra li dan għandu jiġi bbażat fuq l-attività essenzjali eżerċitata f'dawn l-ilmijiet. Skond ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali, id-distinzjoni bejn l-ibħra Komunitarji u l-ilmijiet tax-xmajjar għandha ssir skond approċċ funzjonali u mhux skond il-kriterju tal-linja bażi previst mill-Konvenzjoni dwar il-Liġi tal-Baħar. Dan il-kriterju għandu, fil-fatt, finalità differenti minn dik tad-Direttiva 92/81, jiġifieri d-delimitazzjoni tad-drittijiet sovrani ta' kull wieħed mill-Istati li huma parti f'din il-Konvenzjoni u l-obbligi reċiproċi tagħhom.

41.   Jan de Nul tispjega l-approċċ funzjonali li hija ssostni bil-mod segwenti: sabiex issir id-distinzjoni bejn iż-żewġ kunċetti li għandhom jiġu nterpretati, wieħed għandu jibbaża ruħu fuq it-tip ta' trasport li jintuza rispettivament fl-ibħra Komunitarji u fl-ilmijiet tax-xmajjar, skond iċ-ċirkustanzi ta' kull każ. B'hekk, il-passaġġi fuq l-ilma interna li fihom jiċċirkolaw normalment il-bastimenti tax-xmara għandhom jiġu kkunsidrati bħala ilmijiet tax-xmajjar billi, minħabba l-konfigurazzjoni tagħhom, l-ilmijiet tax-xmajjar normalment mhumiex tajbin għall-bastimenti tal-baħar. Min-naħa l-oħra, l-ilmijiet marittimi huma l-ilmijiet kollha li, skond approċċ naturali, jagħmlu parti mill-baħar jew li, minħabba l-konfigurazzjoni tagħhom, jintużaw mill-bastimenti tal-baħar sabiex jgħaddu minnhom.

42.   Skond dan l-approċċ, kemm il-baħar ta' Wadden kif ukoll l-aċċessi għall-portijiet internazzjonali ta' Emden, ta' Bremen, ta' Bremerhaven, ta' Cuxhaven u ta' Hamburg, kif ukoll l-aċċess għall-kanal ta' Kiel, għandhom jiġu kkunsidrati bħala li jagħmlu parti mill-ilmijiet marittimi, u għalhekk mill-ibħra Komunitarji.

43.   Bl-istess mod bħall-Finanzgericht Hamburg u bħal Jan de Nul, il-Kummissjoni tikkunsidra li l-użu tal-kriterju tal-linja bażi mhuwiex rilevanti, u dan peress li dan il-kriterju, li jikkostitwixxi għodda teknika li ssegwi l-finalitajiet speċifiċi tal-Konvenzjoni dwar il-Liġi tal-Baħar, ma jippermettix li jiġi ggarantit li jkunu jistgħu jintlaħqu l-għanijiet ta' l-Artikolu 8(1)(c) tad-Direttiva 92/81, jiġifieri li jiġi ggarantit il-funzjonament tajjeb tas-suq intern u li jiġu evitati d-distorsjonijiet tal-kompetizzjoni.

44.   Għalhekk, il-Kummissjoni tipproponi li d-delimitazzjoni bejn l-ibħra Komunitarji u l-passaġġi fuq l-ilma interni tkun iddefinita fid-dawl tal-kliem u tal-finalità tad-Direttiva 92/81. Dan l-approċċ jifffavorixxi interpretazzjoni tal-kunċett ta' ibħra Komunitarji li jikkorrispondi għas-suġġeriment magħmul mill-Finanzgericht Hamburg, jiġifieri l-ilmijiet kollha li fihom tiġi pprattikata normalment in-navigazzjoni marittima għal finijiet kummerċjali. Skond il-Kummissjoni, iż-żona in kwistjoni fil-kawża prinċipali, bejn il-kosta Ġermaniża u l-port ta' Hamburg, wieħed mill-ikbar portijiet marittimi tad-dinja, għandha tiġi kkunsidrata bħala li tagħmel parti mill-ibħra Komunitarji kif iddefiniti.

45.   Il-Kummissjoni żżid li din l-interpretazzjoni jkollha bħala konsegwenza, f'konformità mal-finalità ta' l-Artikolu 8(1)(c) tad-Direttiva 92/81, li n-navigazzjoni marittima tkun ittrattata bl-istess mod fis-sitwazzjonijiet rilevanti kollha, indipendentement mill-pożizzjoni tal-port akkostat b'relazzjoni għall-kosta, jiġifieri direttament fuq il-kosta jew iktar 'il ġewwa mill-artijiet fuq ix-xtut ta' xmara kbira.

46.   Billi jaqbel, essenzjalment, ma' l-argumenti esposti mill-Finanzgericht Hamburg fid-deċiżjoni tar-rinviju tiegħu, il-Hautptzollamt jikkunsidra wkoll li l-kriterju tal-linja bażi m'għandux jiġi adottat sabiex jiddelimita l-ibħra Komunitarji u l-passaġġi fuq l-ilma interni.

47.   Huwa jikkunsidra madankollu li approċċ funzjonali, li skondu l-ilmijiet kollha li jistgħu u li huma intiżi sabiex jintużaw mill-bastimenti tal-baħar sabiex jgħaddu minnhom jikkostitwixxu ibħra Komunitarji, jista' jinterferixxi ż-żejjed mad-drittijiet ta' l-Istati Membri. Fil-fatt, minbarra l-ibħra miftuħa, il-bastimenti tal-baħar jistgħu jużaw il-passaġġi kollha fuq l-ilma Ġermaniżi li għandhom il-profondità neċessarja. Minbarra l-Elbe sa Hamburg, dan japplika wkoll għall-Weser sa Bremen, għax-xmara Hunte sa Oldenburg, għall-kanal ta' Kiel (Nord-Ostsee-Kanal), għall-Ems sa Leer u għar-Rhine sa Duisburg. Li kieku kellha tiġi adottata din l-interpretazzjoni, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja jkollha, skond l-Artikolu 8(1)(c) tad-Direttiva 92/81, teżenta mit-taxxa ż-żejt minerali użat bħala karburant fil-passaġġi fuq l-ilma fuq imsemmija, li l-Hauptzollamt jikkunsidra bħala li huma passaġġi fuq l-ilma interni.

48.   In sostenn ta' din l-opinjoni, huwa jindika li, skond id-definizzjoni tal-kunċett ta' passaġġi fuq l-ilma interni kontenuta fl-Artikolu 1(1)(1) tal-Liġi Federali fuq il-passaġġi fuq l-ilma (Bundeswasserstraßengesetz), fil-verżjoni tagħha ta' l-4 ta' Novembru 1998 (14), l-Elbe tikkostitwixxi passaġġ fuq l-ilma intern mill-fruntiera bejn il-Ġermanja u r-Repubblika Ċeka sal-post fejn din ix-xmara tingħaqad mal-Baħar tat-Tramuntana, ħdejn Cuxhaven. Minbarra dan, id-dritt Ġermaniż jiddetermina l-passaġġi fuq l-ilma interni intiżi sabiex jgħaddu minnhom il-bastimenti tal-baħar. B'hekk, il-parti ta' l-Elbe li tinsab bejn il-fruntiera ta' isfel tal-port ta' Hamburg u l-bokka fil-Baħar tat-Tramuntana viċin Cuxhaven tikkostitwixxi wkoll passaġġ fuq l-ilma marittimu skond l-Artikolu 1(1)(6) tad-Digriet relattiv għall-passaġġi fuq l-ilma marittimi (Seeschiffahrtsstraßenordnung), fil-verżjoni tiegħu tat-22 ta' Ottubru 1998 (15).

49.   Għaldaqstant, il-Hauptzollamt jissuġġerixxi lill-Qorti tal-Ġustizzja li tadotta ż-żewġ definizzjonijiet segwenti:

–       l-ibħra Komunitarji huma kkostitwiti mill-ibħra territorjali f’medda ta’ 12-il mil marittimu mil-linja bażi kif ukoll mill-ilmijiet marittimi li jinsabu 'il ġewwa minn din il-linja, b'eċċezzjoni tal-passaġġi fuq l-ilma interni fis-sens ta' l-Artikolu 8(2)(b) tad-Direttiva 92/81;

–       il-passaġġi fuq l-ilma interni jikkorrispondu għall-ilmijiet interni ta' Stat Membru li, sal-bokka tagħhom fil-baħar miftuħ, huma tajbin u intiżi għan-navigazzjoni.

50.   Għal dak li jirrigwarda l-Gvern Belġjan, huwa jikkunsidra, billi jibbaża ruħu fuq l-ewwel paragrafu ta' l-Artikolu 1 u fuq l-Artikolu 2(2)(e) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 718/1999 tal-Kunsill tad-29 ta' Marzu 1999 dwar il-politika ta' kapaċità tal-flotta tal-Komunità biex tippromwovi t-trasport bil-passaġġi fuq l-ilma interni (16), li l-bastimenti li jsegwu parzjalment perkors marittimu jaqgħu taħt ir-regoli Komunitarji applikabbli għan-navigazzjoni f'ibħra Komunitarji.

51.   Fid-dawl ta' dawn l-osservazzjonijiet kollha, għandu l-ewwel nett jiġi rrilevat li l-kunċetti ta' ibħra Komunitarji u ta' passaġġi fuq l-ilma interni mhumiex iddefiniti espressament fit-test ta' l-artikoli tad-Direttiva 92/81. Lanqas l-eżami tal-preambolu ta' din id-Direttiva ma jippermetti li jiġi pprovdut orjentament deċiżiv fir-rigward tat-tifsira li għandha tingħata lil dawn iż-żewġ kunċetti (17).

52.   Id-distinzjoni bejn il-kunċetti ta' ibħra Komunitarji u ta' passaġġi fuq l-ilma interni hija madankollu determinanti sabiex jiġi deċiż liema waħda mis-sistemi ta' eżenzjoni u/jew tnaqqis tad-dazji tas-sisa fuq iż-żjut minerali previsti mid-Direttiva 92/81 għandha tiġi applikata.

53.   Infakkar, fil-fatt, li, skond l-ewwel subparagrafu ta' l-Artikolu 8(1)(c) ta' din id-Direttiva, iż-żjut minerali pprovduti bil-għan li jintużaw bħala karburant għan-navigazzjoni f'ibħra Komunitarji, iżda mhux f'dgħajjes privati użati għad-divertiment, huma eżentati b'mod obbligatorju mid-dazju tas-sisa armonizzat. Min-naħa l-oħra, skond l-Artikolu 8(2)(b) ta' din id-Direttiva, iż-żjut minerali użati għan-navigazzjoni fil-passaġġi fuq l-ilma interni, b'eċċezzjoni tan-navigazzjoni għad-divertiment, jistgħu biss jibbenefikaw minn eżenzjoni jew minn tnaqqis totali jew parzjali tar-rata tad-dazju tas-sisa fid-diskrezzjoni ta' l-Istati Membri.

54.   L-ewwel kriterju mressaq bil-għan li jiġu distinti l-kunċetti ta' ibħra Komunitarji u ta' passaġġi fuq l-ilma interni huwa dak tal-linja bażi, fis-sens ta' l-Artikoli 3 et seq. tal-Konvenzjoni dwar il-Liġi tal-Baħar.

55.   L-opinjonijiet kollha espressi fl-osservazzjonijiet bil-miktub ippreżentati quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja jaqblu fil-fatt li jeskludu dan il-kriterju b'referenza għal din il-kawża.

56.   Jiena naqbel ukoll ma' din l-opinjoni. Jidhirli, fil-fatt, li għalkemm din l-għodda teknika għandha rwol fundamentali fil-kuntest tal-Konvenzjoni dwar il-Liġi tal-Baħar, billi, b'mod partikolari, tikkostitwixxi l-punt ta' tluq tal-baħar territorjali u tippermetti li titkejjel il-wisa' tiegħu, l-użu tagħha fil-kuntest tad-Direttiva 92/81 ma tidhirx iġġustifikata, għaliex, kif tenfasizza l-Kummissjoni, iż-żewġ atti għandhom finalitajiet differenti.

57.   F'dan ir-rigward, għandu jiġi enfasizzat li l-Konvenzjoni dwar il-Liġi tal-Baħar tfittex, skond il-preambolu tagħha, li "tkun stabbilita [...] ordni legali għall-ibħra u l-oċeani li tkun tiffaċilita l-komunikazzjoni internazzjonali, u li tħeġġeġ l-użu paċifiku ta' l-ibħra u l-oċeani, l-utilizzazzjoni ekwitabbli u effiċjenti tar-riżorsi tagħhom, il-konservazzjoni tar-riżorsi ħajjin tagħhom, u l-istudju, il-protezzjoni u l-preservazzjoni ta' l-ambjent marittimu". L-istrument tal-linja bażi jikkontribwixxi sabiex ikun stabbilit dan l-"ordni legali" billi, kif rajna, jgħin sabiex jiġu ddelimitati l-ispazji marittimi definiti f'din il-Konvenzjoni, jiġifieri l-ilmijiet interni, il-baħar territorjali, iż-żona kontigwa u ż-żona ekonomika esklużiva. B'hekk huwa jikkontribwixxi għad-definizzjoni tad-drittijiet li jistgħu jeżerċitaw l-Istati kontraenti u ta' l-obbligi li għalihom huma suġġetti dawn l-Istati f'kull wieħed minn dawn l-ispazji, skond id-dispożizzjonijiet tal-Konvenzjoni dwar il-Liġi tal-Baħar.

58.   Kif speċifikat il-Qorti tal-Ġustizzja, id-Direttiva 92/81 għandha, min-naħa tagħha, l-għan "li tassigura l-moviment liberu taż-żjut minerali fis-suq intern, kif ukoll li tevita d-distorsjonijiet tal-kompetizzjoni li jistgħu jirriżultaw mill-istrutturi differenti tad-dazji tas-sisa" (18). Il-kriterju li għandu jintgħażel sabiex jiġu distinti l-ibħra Komunitarji u l-passaġġi fuq l-ilma interni għandu jkun adattat għal dan l-għan. Issa ma naħsibx li dan huwa l-każ fir-rigward tal-kriterju bbażat fuq il-linja bażi.

59.   Minbarra dan, it-teħid in kunsiderazzjoni tal-linja bażi jwassal għal konsegwenza, fl-opinjoni tiegħi eċċessiva, li l-"ilmijiet interni" ta' l-Istati Membri, li huma, skond l-Artikolu 8 tal-Konvenzjoni dwar il-Liġi tal-Baħar, "ilmijiet il-ġewwa lejn l-art mil-linja bażi tal-baħar territorjali", għandhom kollha jiġu kkunsidrati bħala passaġġi fuq l-ilma interni fis-sens tad-Direttiva 92/81, anki meta huma jinsabu 'l barra mill-bokka tax-xmajjar.

60.   Għalhekk, il-kriterju tal-linja bażi li jinsab fl-Artikoli 3 et seq. tal-Konvenzjoni dwar il-Liġi tal-Baħar ma jidhirx li huwa rilevanti għad-distinzjoni bejn l-ibħra Komunitarji u l-passaġġi fuq l-ilma interni għall-finijiet ta' l-applikazzjoni tad-Direttiva 92/81.

61.   Madankollu, id-definizzjoni ta' dawn iż-żewġ kunċetti m'għandhiex, fl-opinjoni tiegħi, titħalla għas-sempliċi diskrezzjoni ta' l-Istati Membri, bir-riskju li dan iwassal għal interpretazzjonijiet diverġenti, ħaġa li tmur kontra l-għan ta' armonizzazzjoni li l-leġiżlatur Komunitarju jfittex li jilħaq fid-Direttiva 92/81. Huwa għalhekk li wieħed għandu jfittex li jagħti interpretazzjoni awtonoma tal-kunċetti ta' ibħra Komunitarji u ta' passaġġi fuq l-ilma interni (19).

62.   F'dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà kellha l-opportunità li tispeċifika fis-sentenza tagħha Deutsche See Bestattungs Genossenschaft, iċċitata iktar 'il fuq, li "id-definizzjonijiet relattivi għall-prodotti regolati mid-Direttiva 92/81 u l-eżenzjonijiet applikabbli għal dawn ta' l-aħħar għandhom jingħataw interpretazzjoni awtonoma, ibbażata fuq il-kliem tad-dispożizzjonijiet in kwistjoni kif ukoll fuq il-finalitajiet li għandha din id-Direttiva"(20).

63.   Kif rajna, ma jissemma xejn fid-Direttiva 92/81 fir-rigward tad-definizzjoni u, għalhekk, fir-rigward tad-delimitazzjoni tal-kunċetti ta' ibħra Komunitarji u ta' passaġġi fuq l-ilma interni.

64.   Fir-rigward tal-finalità ta' din l-istess Direttiva, ma jidhirlix li huwa a priori evidenti li minnha jista' jiġi dedott kriterju sodisfaċenti.. Fil-fatt, kemm is-sistema ta' l-eżenzjoni obbligatorja kif ukoll dik ta' l-eżenzjoni fakultattiva jridu jkunu kompatibbli, kif tixhed is-sitt premessa ta' l-imsemmija Direttiva, ma' l-għan li jiġu evitati d-distorsjonijiet tal-kompetizzjoni. Minbarra dan, id-distorsjonijiet tal-kompetizzjoni li din id-Direttiva b'hekk tfittex li tevita jistgħu jirriżultaw kemm waqt in-navigazzjoni f'ibħra Komunitarji kif ukoll fil-każ ta' navigazzjoni ġewwa n-netwerk Komunitarju ta' passaġġi fuq l-ilma interni.

65.   Billli l-kliem u l-finalità tad-Direttiva ma jippermettux li jiġu ddefiniti b'mod preċiż il-kunċetti ta' ibħra Komunitarji u ta' passaġġi fuq l-ilma interni, għandu jiġi vverifikat jekk dawn iż-żewġ kunċetti humiex iddefiniti f'atti Komunitarji oħra.

66.   Għandu jiġi kkonstatat li dawn iż-żewġ kunċetti la huma ġodda fid-dritt Komunitarju u lanqas speċifiċi għas-suġġett kopert mid-Direttiva 92/81.

67.   Għalhekk, huwa interessanti li jiġi osservat li l-kunċett ta' ibħra Komunitarji jintuża fil-qasam tal-politika komuni tas-sajd. Waħda mill-ewwel referenzi għalih, minkejja li taħt isem ieħor, tinsab fir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2140/70 (21), imbagħad fir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 101/76 (22) li ssostitwih, li imponew fuq l-Istati Membri li jassiguraw l-ugwaljanza tal-kundizzjonijiet ta' aċċess u ta' sfruttament tal-qiegħ tal-baħar li jinsab fl-ilmijietmarittimi li jaqgħu taħt is-sovranitàtagħhomjew il-ġurisdizzjoni tagħhom lill-bastimenti tas-sajd kollha li jtajru l-bandiera ta' wieħed mill-Istati Membri u li huma rreġistrati fit-territorju tal-Komunità (23).

68.   Il-kunċett ta' ibħra Komunitarji ġie wkoll użat sabiex jindika ż-żona ta' sajd tal-Komunità li rriżultat mill-komunitarizzazzjoni taż-żoni ekonomiċi esklużivi ta' l-Istati Membri (24).

69.   Dejjem fir-rigward tas-sajd, l-atti Komunitarji l-aktar reċenti jindikaw espressament bħala "ibħra Komunitarji" "l-ibħra li jaqgħu taħt is-sovranità jew il-ġurisdizzjoni ta' l-Istati Membri", b'kuntrast ma' l-"ibħra internazzjonali" li huma "l-ibħra li ma jaqgħu taħt is-sovranità jew il-ġurisdizzjoni ta' ebda Stat" [traduzzjoni mhux uffiċjali] (25).

70.   Kif iddefiniti b'kuntrast ma' l-ibħra internazzjonali, l-ibħra Komunitarji, mifhuma f'sens wiesa' bħala li huma l-ilmijiet marittimi li jaqgħu taħt is-sovranità jew il-ġurisdizzjoni ta' l-Istati Membri, jinkludu t-territorji marittimi kollha ta' l-Istati Membri.

71.   Sabiex jiġi ddeterminat liema huwa l-limitu l-iktar 'l isfel ta' l-ibħra Komunitarji meta mqabbel mal-passaġġi fuq l-ilma interni msemmija fl-Artikolu 8(2)(b) tad-Direttiva 92/81, għandhom jiġu mqabbla ż-żewġ kunċetti, kif il-qorti tar-rinviju tistieden li jsir fl-ewwel domanda tagħha.

72.   F'din il-perspettiva, nosserva l-ewwel nett li l-kunċett ta' passaġġi fuq l-ilma interni jagħmel parti kompletament mid-dritt Komunitarju. Fil-fatt, l-Artikolu 80 KE jirreferi espressament għat-"trasporti […] permezz ta' passaġġ fuq l-ilma".

73.   It-tieni nett, nosserva li diversi atti Komunitarji ġew adottati sabiex jirregolaw in-navigazzjoni interna fi ħdan il-Komunità, f'dak li jirrigwarda, per eżempju, l-aċċess għax-xogħol ta' trasportatur ta' merkanzija fuq il-passaġġi fuq l-ilma u r-rikonoxximent reċiproku tad-diplomi (26), it-titjib strutturali (27), il-kapaċità tal-flotot Komunitarji (28), is-sigurtà u l-ħtiġijiet tekniċi tal-bastimenti tal-passaġġi fuq l-ilma intern (29), jew id-definizzjoni tar-regoli komuni li japplikaw għat-trasport ta' merkanzija jew passiġġieri permezz tal-passaġġi fuq l-ilma bejn l-Istati Membri (30).

74.   Fost dawn l-atti Komunitarji, nixtieq nenfasizza d-Direttiva 82/714 li, nixtieq infakkar, tistabbilixxi ħtiġijiet tekniċi għall-bastimenti tal-passaġġi fuq l-ilma intern. Din id-Direttiva taqa' fl-ambitu ta' l-implementazzjoni ta' politika komuni tat-trasport fil-qasam tan-navigazzjoni interna, u għandha tikkontribwixxi, skond l-ewwel premessa tagħha, sabiex "l-moviment ta' bastimenti fin-network Komunitarju jitwettaq taħt l-aħjar kondizzjonijiet sa fejn huma kkonċernati s-sigurtà u l-kompetizzjoni".

75.   Fid-dawl tal-fatt li "l-kanali interni Komunitarji jvarjaw fir-rigward tas-sigurtà", id-Direttiva 82/714 tipproċedi sabiex dawn "jinqasmu f'numru ta' żoni" (31).

76.   Huwa partikolarment interessanti li ssir riferenza għall-Anness I ta' din id-Direttiva. Fil-fatt, dan ta' l-aħħar fih il-"lista tal-kanali interni Komunitarji maqsuma ġeografikament f'żoni 1, 2, 3 u 4".

77.   Fil-Kapitolu I ta' dan l-Anness, u fost il-passaġġi fuq l-ilma interni tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja li huma kklassifikati fiż-żona 2, hemm id-deskrizzjoni segwenti li għandha tiġi ċċitata kollha kemm hi:

"Elbe: mil-limitu l-iktar 'l isfel ta' Hamburg għal linja li tgħaqqad il-fanal ta' Döse u l-punt tal-majjistral tal-Hohe Ufer (Dieksand) mat-tributarji ta' l-Este, Lühe, Schwinge, Oste, Pinnau, Krückau u Stör (f'kull każ mill-ilqugħ sal-bokka) inkluż in-Nebenelbe."

78.   Iż-żona hekk deskritta tikkorrispondi għall-estwarju ta' l-Elbe li jibda fil-livell tal-port ta' Hamburg u jkompli sal-bokka tal-baħar tat-Tramuntana, sat-tramuntana ta' Cuxhaven. Din iż-żona tirrappreżenta l-parti l-kbira mis-settur li fih id-dreġer li jġorr u jbattal il-ħama "Cristoforo Colombo" għamel xogħlijiet ta' tħammil tal-ħama. Hija tikkostitwixxi passaġġ fuq l-ilma intern fid-dritt Komunitarju u għandha għalhekk, fl-opinjoni tiegħi, tiġi kkwalifikata bħala tali fil-kuntest ta' l-applikazzjoni tad-Direttiva 92/81.

79.   Fil-fatt, billi jagħmel riferenza f'din id-Direttiva għall-kunċett ta' passaġġi fuq l-ilma interni mingħajr ma jagħti definizzjoni speċifika ta' dan il-kunċett, il-leġiżlatur Komunitarju kellu neċessarjament jirreferi għad-definizzjoni li kienet teżisti qabel ta' xi tkopri din il-frażi. Minbarra dan, nikkunsidra li jkun inkonsistenti u kuntrarju għall-prinċipju taċ-ċertezza legali li tingħata definizzjoni differenti lill-kunċett ta' passaġġi fuq l-ilma interni skond l-att Komunitarju ikkunsidrat.

80.   Inżid ngħid li, fl-opinjoni tiegħi, id-Direttiva 92/81 stess tikkontjeni riskju ta' distorsjonijiet tal-kompetizzjoni b'effett tad-duwalità tas-sistemi ta' eżenzjoni li hija tawtorizza. Konsegwentement, dan ir-riskju jista' jiġi eliminat permezz ta' emenda tal-leġiżlazzjoni Komunitarja, li tgħaqqad is-sistemi u b'hekk tiċċara d-dritt applikabbli(32), aktar milli b'interpretazzjoni ġurisprudenzjali li twassal għall-ħolqien ta' kriterju ġdid li jipprevali fuq oħrajn, ta' oriġni testwali, li diġà jeżistu. Jidher li huwa fl-interess stess tad-dritt Komunitarju, mill-aspett ta' l-aċċessibbiltà tiegħu u għaldaqstant ta' l-effettività tiegħu, li dan it-taħbil ta' definizzjonijiet għandu jiġi evitat.

81.   Il-kunċett ta' passaġġi fuq l-ilma interni għandu għalhekk, fl-opinjoni tiegħi, jinftiehem fis-sens li jkopri l-passaġġi kollha tan-netwerk navigabbli intern tal-Komunità, kif elenkati fl-Anness I tad-Direttiva 82/714.

82.   B'relazzjoni għal din id-definizzjoni, il-kunċett ta' ibħra Komunitarji għandu, min-naħa tiegħu, jinftiehem fis-sens li jinkludi l-ilmijiet marittimi li jaqgħu taħt is-sovranità jew il-ġurisdizzjoni ta' l-Istati Membri, b'eċċezzjoni tal-passaġġi fuq l-ilma interni kif għadhom kif ġew iddefiniti.

83.   L-approċċ funzjonali suġġerit mill-Finanzgericht Hamburg, u sostnut minn Jan de Nul u mill-Kummissjoni, ma jidhirlix li jista' jqiegħed din l-analiżi fid-dubju.

84.   Infakkar li dan l-approċċ jikkonsisti, essenzjalment, fl-affermazzjoni li l-ibħra Komunitarji, fis-sens ta' l-ewwel subparagrafu ta' l-Artikolu 8(1)(c) tad-Direttiva 92/81, jikkorrispondi għall-ilmijiet kollha li fihom normalment tiġi pprattikata n-navigazzjoni marittima għal finijiet kummerċjali.

85.   Issa tali interpretazzjoni twassal, fil-fehma tiegħi, sabiex tiċħad l-eżistenza, fil-livell Komunitarju, ta' kategorija partikolari ta' passaġġi ta' l-ilma interni, jiġifieri l-passaġġi fuq l-ilma interni ta' bixra marittima.

86.   Preċiżament, l-estwarju ta' l-Elbe, kif deskritt iktar 'il fuq, jippreżenta karatteristiċi partikolari li jagħtuh il-kwalità ta' passaġġ fuq l-ilma ta' bixra marittima.

87.   Din il-kwalifikazzjoni ma tikkonċernax biss id-dritt nazzjonali, iżda tagħmel parti wkoll mid-dritt Komunitarja. B'hekk, id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 77/527/KEE tad-29 ta' Lulju 1977 li tistabbilixxi l-lista ta' rotot tal-baħar għall-bastimenti sabiex tiġi applikata d-Direttiva tal-Kunsill 76/135/KEE (33) tikklassifika f'din il-kategorija l-"Elbe unterhalb des Hamburger Hafens". Bl-istess mod, l-Anness I tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 13/2004 tat-8 ta' Diċembru 2003 li jistabbilixxi l-kompożizzjoni tal-lista ta' passaġġi ta' l-ilma ta' bixra marittima li hemm fl-Artikolu 3(d) tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1108/70 (34), jiċċita l-"Elbe t'Isfel" ["Unterelbe"] bħala li jagħmel parti mill-passaġġi fuq l-ilma ta' bixra marittima.

88.   Minn dan isegwi li l-fatt li ilmijiet jistgħu jintużaw mill-bastimenti tal-baħar għal finijiet kummerċjali ma jistax, fih innifsu, ikun biżżejjed sabiex jikkwalifikahom bħala ibħra Komunitarji.

89.   B'konklużjoni għal din l-analiżi, jiena għalhekk nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi lill-Finanzgericht Hamburg li l-ewwel subparagrafu ta' l-Artikolu 8(1)(c) tad-Direttiva 92/81 għandu jiġi interpretat fis-sens li l-kunċett ta' ibħra Komunitarji jinkludi l-ilmijiet marittimi li jaqgħu taħt is-sovranità jew il-ġurisdizzjoni ta' l-Istati Membri, b'eċċezzjoni tal-passaġġi fuq l-ilma interni msemmija fl-Artikolu 8(2)(b) ta' din id-Direttiva. Dawn ta' l-aħħar huma kkostitwiti mill-passaġġi kollha tan-netwerk navigabbli intern tal-Komunità, kif elenkati fl-Anness I tad-Direttiva 82/714 (35).

B –    Fuq it-tieni domanda preliminari

90.   B'din it-tieni domanda, il-Finanzgericht Hamburg jistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja li tiddeċiedi jekk it-tħaddim fl-ibħra Komunitarji ta' dreġer li jġorr u jbattal il-ħama għandux jiġi kkunsidrat kollu kemm hu bħala navigazzjoni fis-sens ta' l-ewwel subparagrafu ta' l-Artikolu 8(1)(c) tad-Direttiva 92/81 jew jekk għandhiex issir distizjoni bejn id-diversi tipi ta' attivitajiet imwettqa minn dan id-dreġer meta jitħaddem.

91.   Jirriżulta mid-deċiżjoni tar-rinviju li l-Hauptzollamt aċċetta, matul il-proċedura fil-kawża prinċipali, li l-konsum ta' żjut minerali matul il-vjaġġi bla tagħbija tad-dreġer li jġorr u jbattal il-ħama "Cristoforo Colombo" kellu jibbenefika minn eżenzjoni mid-dazji tas-sisa. Minbarra dan, Jan de Nul ma tikkontestax, fil-kawża prinċipali, il-pagament ta' tali dazji fuq il-kwantità ta' żjut minerali kkunsmata għall-eżekuzzjoni tax-xogħlijiet ta' ġbid ta' l-ilma u ta' materjal veri u proprji (36). Minn dan isegwi li l-kawża prinċipali hija limitata għall-kwistjoni ta' l-eventwali eżenzjoni taż-żjut minerali kkunsmati matul il-manuvri mwettqa mid-dreġer matul l-operazzjonijiet ta' ġbid mill-qiegħ ta' l-ilmijiet, jiġifieri l-movimenti mwettqa minn dan id-dreġer fl-eżekuzzjoni ta' l-attività tiegħu ta' tħammil tal-ħama (37).

92.   Għaldaqstant, u kif tissuġġerixxi l-Kummissjoni (38), din it-tieni domanda għandha tinftiehem bħala li hija intiża sabiex jiġi stabbilit jekk dawn il-manuvri għandhomx jiġu kkunsidrati bħala navigazzjoni f'ibħra Komunitarji fis-sens ta' l-Artikolu 8(1)(c) tad-Direttiva 92/81.

93.   Jiena jidhirli li din id-domanda għandha tingħata risposta affermattiva.

94.   L-ewwel nett, nikkunsidra li, safejn dreġer li jġorr u jbattal il-ħama jkollu sistema ta' propulsjoni li tagħtih awtonomija fil-movimenti tiegħu, dawn ta' l-aħħar għandhom jiġu ekwiparati man-navigazzjoni. Fl-opinjoni tiegħi, ikun mod ieħor fil-każ ta' dreġer li m'għandu l-ebda mezz li jippermettilu li jivvjaġġa b'mod awtonomu (39).

95.   It-tieni nett, nenfasizza li l-Qorti tal-Ġustizzja diġà kellha l-okkażjoni tinterpreta l-kunċett ta' navigazzjoni fis-sens ta' l-Artikolu 8(1)(c) tad-Direttiva 92/81, fis-sentenza tagħha Deutsche See‑Bestattungs‑Genossenschaft, iċċitata iktar 'il fuq.

96.   Fil-kawża li tat lok għal din is-sentenza, impriża li torganizza l-funerali, Deutsche See‑Bestattungs‑Genossenschaft eG (iktar 'il quddiem "Deutsche See"), kienet talbet lill-Hauptzollamt Kiel l-awtorizzazzjoni sabiex fil-bastimenti tagħha tuża żjut minerali li jibbenefikaw mill-eżenzjoni mid-dazji tas-sisa, sabiex torganizza funerali fil-baħar miftuħ. Il-Hauptzollamt Kiel kien irrifjuta din l-eżenzjoni billi bbaża ruħu fuq l-Artikolu 4(1)(4) tal-MinöStG, minħabba li l-attività ta' Deutsche See kienet tikkonsisti mhux fit-trasport ta' persuni jew ta' oġġetti bi skop kummerċjali, iżda fit-twettiq ta' funerali marittimi. Il-Finanzgericht Hamburg, li quddiemu tressqet il-kawża, kien għalhekk talab lill-Qorti tal-Ġustizzja tinterpreta l-kunċett ta' navigazzjoni fis-sens ta' l-ewwel subparagrafu ta' l-Artikolu 8(1)(c) tad-Direttiva 92/81.

97.   Fis-sentenza tagħha, il-Qorti tal-Ġustizzja tenfasizza li din id-dispożizzjoni, li, nixtieq infakkar, tipprovdi eżenzjoni għaż-żjut minerali pprovduti bil-għan li jintużaw bħala karburant għan-navigazzjoni fl-ibħra Komunitarji, fiha eċċezzjoni waħda. Fil-fatt, jirriżulta mill-imsemmija dispożizzjoni li l-eżenzjoni ma tapplikax għaż-żjut minerali użati għan-navigazzjoni f'dgħajjes privati użati għad-divertiment. Il-Qorti tal-Ġustizzja tirrileva wkoll li t-tieni subparagrafu ta' l-Artikolu 8(1)(c) tad-Direttiva 92/81 jiddefinixxi l-kunċett ta' "dgħajjes privati użati għad-divertiment" bħala dgħajjes użati "għal finijiet mhux kummerċjali" (40).

98.   Minn dan jirriżulta, skondha, li "kull attività ta' navigazzjoni għal finijiet kummerċjali tidħol fil-kamp ta' applikazzjoni ta' l-eżenzjoni mid-dazju tas-sisa armonizzat previst fl-ewwel subparagrafu ta' l-Artikolu 8(1)(c) tad-Direttiva 92/81" (41). Fi kliem ieħor, din id-dispożizzjoni tapplika, skond il-Qorti tal-Ġustizzja, għal "kull forma ta' navigazzjoni, indipendentement mill-iskop tat-traġitt, meta din titwettaq għal finijiet kummerċjali" (42).

99.   Fil-kuntest ta' dik l-istess kawża, il-Qorti tal-Ġustizzja tirrileva l-ewwel nett li mhuwiex ikkontestat li l-attivitajiet ta' navigazzjoni mwettqa minn Deutsche See jikkostitwixxu prestazzjonijiet ta' servizzi b'titolu oneruż. It-tieni nett, hija tikkunsidra li, "[m]inħabba n-natura kummerċjali tagħhom, dawn l-attivitajiet ta' navigazzjoni ma jaqgħux taħt l-eċċezzjoni prevista għad-dgħajjes privati użati għad-divertiment, b'mod li huma koperti mill-eżenzjoni" (43).

100. Minn din is-soluzzjoni niddeduċi li l-iskop tat-traġitt imwettaq minn bastiment huwa irrilevanti fil-każ ta' navigazzjoni mwettqa għal finijiet kummerċjali. Għandu wkoll jiġi rrilevat li l-formulazzjoni tal-kliem tat-tieni subparagrafu ta' l-Artikolu 8(1)(c) tad-Direttiva 92/81 tindika li din il-finalità kummerċjali tkopri mhux biss l-attività ta' trasport ta' passiġġieri jew ta' merkanzija, iżda wkoll il-prestazzjoni ta' servizzi b'titolu oneruż.

101. L-attività ta' dreġer li jġorr u jbattal il-ħama tidħol, fl-opinjoni tiegħi, f'din l-aħħar kategorija. Minn dan isegwi li n-navigazzjoni ta' dan l-inġenju, li twettqet fil-kuntest ta' l-eżekuzzjoni ta' tali prestazzjoni ta' servizzi, tidħol, minħabba l-finalità kummerċjali tagħha, fil-kamp ta' applikazzjoni ta' l-Artikolu 8(1)(c) tad-Direttiva 92/81.

102. Fil-kuntest ta' l-eżekuzzjoni ta' prestazzjoni ta' servizzi, in-navigazzjoni tad-dreġer li jġorr u jbattal il-ħama tinkludi mhux biss il-vjaġġi bla tagħbija u dawk li għandhom bħala skop it-trasport tal-materjal imħammel sal-post fejn dan jiġi skarikat, iżda wkoll il-manuvri mwettqa mid-dreġer matul l-operazzjonijiet ta' ġbid mill-qiegħ ta' l-ilmijiet, jiġifieri l-movimenti mwettqa minn dan id-dreġer fl-eżekuzzjoni ta' l-attività tiegħu ta' tħammil tal-ħama.

103. Għalhekk, fil-fehma tiegħi, l-Artikolu 8(1)(c) tad-Direttiva 92/81 għandu jiġi interpretat fis-sens li l-kunċett ta' navigazzjoni f'ibħra Komunitarji jkopri l-manuvri mwettqa minn dreġer li jġorr u jbattal il-ħama matul l-operazzjonijiet ta' ġbid mill-qiegħ ta' l-ilmijiet, jiġifieri l-movimenti mwettqa minn dan id-dreġer fl-eżekuzzjoni ta' l-attività tiegħu ta' tħammil tal-ħama.

104. Kif indikajt qabel, Jan de Nul ma tikkontestax, fil-kawża prinċipali, il-pagament ta' dazji tas-sisa fuq il-kwantità ta' żjut minerali kkunsmata għall-eżekuzzjoni tax-xogħlijiet ta' ġbid veri u proprji. Nirrileva madankollu, bħala osservazzjoni finali, li, fl-opinjoni tiegħi, l-eżenzjoni prevista fl-Artikolu 8(1)(c) tad-Direttiva 92/81 għandha tapplika wkoll għaż-żjut minerali kkunsmati għall-eżekuzzjoni stess ta' tali xogħlijiet, kif ukoll għall-iskariku tal-materjal imħammel. Fil-fatt, jiena jidhirli li, għall-finijiet ta' l-applikazzjoni ta' din id-dispożizzjoni, l-attivitajiet imwettqa minn dreġer li jġorr u jbattal il-ħama matul l-operazzjonijiet tiegħu ta' tħammil tal-ħama, kemm fir-rigward tal-moviementi tiegħu kif ukoll fir-rigward tax-xogħlijiet imwettqa, jikkostitwixxu assjem indiviżibbli.

VI – Konklużjoni

105. Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, jiena nipproponu li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi d-domandi preliminari magħmula mill-Finanzgericht Hamburg bil-mod segwenti:

"1)      L-ewwel subparagrafu ta' l-Artikolu 8(1)(c) tad-Direttiva tal-Kunsill 92/81/KEE tad-19 ta' Diċembru 1992 fuq l-armonizzazzjoni ta' l-istrutturi tad-dazji tas-sisa fuq żjut minerali, għandu jiġi nterpretat fis-sens li l-kunċett ta' 'ibħra Komunitarji' jinkludi l-ilmijiet marittimi li jaqgħu taħt is-sovranità jew il-ġurisdizzjoni ta' l-Istati Membri, b'eċċezzjoni tal-passaġġi fuq l-ilma interni msemmija fl-Artikolu 8(2)(b) ta' din id-Direttiva. Dawn ta' l-aħħar huma kkostitwiti mill-passaġġi kollha tan-netwerk navigabbli intern tal-Komunità, kif elenkati fl-Anness I tad-Direttiva tal-Kunsill 82/714/KEE ta' l-4 ta' Ottubru 1982 li tistabbilixxi ħtiġijiet tekniċi għall-bastimenti tal-passaġġi fuq l-ilma interni.

2)      L-Artikolu 8(1)(c) tad-Direttiva 92/81 għandu jiġi nterpretat fis-sens li l-kunċett ta' 'navigazzjoni f'ibħra Komunitarji' ikopri l-manuvri mwettqa minn dreġer li jġorr u jbattal il-ħama matul l-operazzjonijiet ta' ġbid mill-qiegħ ta' l-ilmijiet, jiġifieri l-movimenti mwettqa minn dan id-dreġer fl-eżekuzzjoni ta' l-attività tiegħu ta' tħammil tal-ħama."


1 – Lingwa oriġinali: il-Franċiż.


2 – ĠU L 316, p. 12. Direttiva kif emendata, l-aħħar darba, mid-Direttiva 94/74/KE tal-Kunsill tat-22 ta' Diċembru 1994 li temenda d-Direttiva 92/12/KEE dwar l-arranġamenti ġenerali għall-prodotti suġġetti għat-taxxa tas-sisa u dwar iż-żamma, moviment u sorveljar ta' dawk il-prodotti, Direttiva 92/81/KEE dwar l-armonizzazzjoni ta' l-istrutturi tat-taxxi tas-sisa fuq żjut minerali u Direttiva 92/82/KEE dwar l-approssimazzjoni tar-rati tat-taxxi tas-sisa fuq żjut minerali (ĠU L 365, p. 46, iktar 'il quddiem id-"Direttiva 92/81"). Id-Direttiva 92/81 ġiet imħassra permezz tad-Direttiva tal-Kunsill 2003/96/KE tas-27 ta' Ottubru 2003 li tirriforma l-istruttura tal-Komunità dwar tassazzjoni fuq prodotti ta' enerġija u elettriku (ĠU L 283, p. 51).


3 – Konvenzjoni approvata f'isem il-Komunità Ewropea permezz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 98/392/KE tat-23 ta' Marzu 1998 (ĠU L 179, p. 1), u rratifikata mill-Istati Membri kollha ta' l-Unjoni Ewropea (iktar 'il quddiem il-"Konvenzjoni dwar il-Liġi tal-Baħar").


4 – ĠU L 301, p. 1.


5 – Direttiva tal-25 ta' Frar 1992 dwar l-arranġamenti ġenerali għall-prodotti soġġetti għad-dazju tas-sisa u dwar iż-żamma, ċaqliq u mmonitorjar ta' dan it-tip ta' prodotti (ĠU L 76, p. 1).


6 – ĠU L 316, p. 19.


7 – BGBl. 1992 I, p. 2150 u 2185, iktar 'il quddiem il-"MinöStG".


8 – BGBl. 1993 I, p. 1602, iktar 'il quddiem il-"MinöStV".


9 – Fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha, Jan de Nul tispeċifika li din l-operazzjoni twettqet bejn is-638 kilometru (il-port ta' Hamburg) u s-748 kilometru (fl-ilmijiet li jikkonfinaw mal-kosta ta' Cuxhaven).


10 – C‑389/02, Ġabra p. I‑3537.


11 – VII R 4/03, BFHE 205, p. 351.


12 – VII S 26/99, BFHE 191, p. 184.


13 – Skond l-Artikolu 3 tal-Konvenzjoni dwar il-Liġi tal-Baħar, il-linja bażi tikkostitwixxi l-punt ta' tluq tal-baħar territorjali u tippermetti li tiġi stabbilita l-wisa' tiegħu. Fil-fatt, skond dan l-Artikolu, "[k]ull Stat għandu d-dritt li jistabbilixxi l-wisa' tal-baħar territorjali tiegħu sa limitu li ma jeċċedix 12-il mil nawtiku, imkejjel mil-linji bażiċi ddeterminati b'konformità ma din il-Konvenzjoni." Żewġ metodi jistgħu jiġu applikati mill-Istati sabiex jiġu ddeterminati l-linji bażi. L-ewwel metodu huwa dak tal-"linja bażi normali" (Artikolu 5 tal-Konvenzjoni dwar il-Liġi tal-Baħar): dan jirreferi għal-linja tal-baħar baxx matul il-kosta, jiġifieri l-linja li fil-livell tagħha jirtiraw l-ilmijiet fil-marea l-aktar baxxa. Il-metodu l-ieħor, dak tal-"linji bażi dritti" (Artikolu 7 tal-Konvenzjoni dwar il-Liġi tal-Baħar), tikkonsisti f'"linji maqtugħa li jgħaqqdu trasversalment l-ilmijiet tal-punti ta' interess li jinsabu fuq il-kosta jew fuq il-gżejjer fil-qrib" (Lucchini, L., u Vœlckel, M., Droit de la Mer, volum 1, Pédone, Pariġi, 1990, p. 178 u 179). Skond l-Artikolu 8(1) tal-Konvenzjoni dwar il-Liġi tal-Baħar, "[a]pparti milli kif hemm ipprovdut fil-Parti IV, ilmijiet il-ġewwa lejn l-art mil-linja bażi tal-baħar territorjali jifformaw parti mill-ilmijiet interni tal-Istat." Il-linja bażi tippermetti wkoll li titkejjel il-wisa' ta' spazji marittimi oħra bħaż-żona kontigwa u ż-żona ekonomika esklużiva (ara l-Artikoli 33(2) u 57, rispettivament, tal-Konvenzjoni dwar il-Liġi tal-Baħar).


14 – BGBl. 1998 I, p. 3294.


15 – BGBl. 1998 I, p. 3209.


16 – ĠU L 90, p. 1.


17 – F'dan ir-rigward, il-frażi "ġewwa t-territorju tagħhom" [traduzzjoni mhux uffiċjali] li tinsab fis-sitt premessa tad-Direttiva 92/81 mhijiex ċara ħafna billi l-ibħra Komunitarji jistgħu wkoll jiġu kkunsidrati li huma "ġewwa" it-territorju ta' l-Istati Membri u, iktar preċiżament, bħala parti integrali tat-territorju marittimu tagħhom.


18 – Sentenza tad-29 ta' April 2004, Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja (C‑240/01, Ġabra p. I‑4733, punt 39).


19 – Il-Qorti tal-Ġustizzja għamlet l-istess konstatazzjoni dwar il-frażi "użati bħala kombustibbli" [traduzzjoni mhux uffiċjali] li tinsab fl-ewwel sentenza ta' l-Artikolu 2(2) tad-Direttiva 92/81, fis-sentenza tagħha Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja, iċċitata iktar 'il fuq. Bl-istess loġika, il-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat, fil-punt 21 tas-sentenza tagħha Deutsche See‑Bestattungs‑Genossenschaft, iċċitata iktar 'il fuq, li "kull interpretazzjoni diverġenti fuq livell nazzjonali [ta' l-]obbligi ta' eżenzjoni mhux biss tippreġudika l-għanijiet tal-leġiżlazzjoni Komunitarja u taċ-ċertezza legali, iżda tirriskja li tintroduċi inugwaljanzi fit-trattament bejn l-operaturi ekonomiċi kkonċernati".


20 – Punt 19.


21 – Regolament ta' l-20 ta' Ottubru 1970 li jistabbilixxi politika strutturali komuni għas-settur tas-sajd (ĠU L 236, p. 1).


22 Regolament tad-19 ta' Jannar 1976 li jistabbilixxi politika strutturali komuni għas-settur tas-sajd (ĠU L 20, p. 19).


23 – Ara l-Artikoli 2(1) ta' dawn ir-Regolamenti.


24 – Ara, b'mod partikolari, is-sentenza tal-25 ta' Lulju 1991, Il-Kummissjoni vs Spanja (C‑258/89, Ġabra p. I‑3977, punti 12 u 13). Il-ħolqien ta' żona ta' sajd Komunitarja tirriżulta mir-Riżoluzzjoni tal-Kunsill, tat-3 ta' Novembru 1976, dwar ċerti aspetti esterni tal-ħolqien fil-Komunità, mill-1 ta' Jannar 1977, ta' żona ta' sajd li testendi sa mitejn mil (ĠU 1981, C 105, p. 1).


25 – Ara, b'mod partikolari, l-Artikoli 2(b) u 3(b) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 27/2005 tat-22 ta' Diċembru 2004 li jistabbilixxu għall-2005 l-opportunitajiet ta' sajd u l-kundizzjonijiet assoċjati magħhom għal ċerti stocks ta' ħut u gruppi ta' stocks ta' ħut, applikabbli fl-ibħra tal-Komunità u, għall-bastimenti tal-Komunità, fl-ibħra suġġetti għal-limitazzjonijiet ta' qbid (ĠU 2005, L 12, p. 1).


26 – Ara, b'mod partikolari, id-Direttiva tal-Kunsill 87/540/KEE tad-9 ta' Novembru 1987 dwar l-aċċess għax-xogħol ta’ trasportatur ta’ merkanzija fuq il-passaġġi fuq l-ilma fi trasport nazzjonali u internazzjonali u dwar ir-rikonoxximent reċiproku ta’ diplomi, ċertifikati u provi oħrajn ta’ kwalifiki formali għal dan ix-xogħol (ĠU L 322, p. 20).


27 – Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1101/89 tas-27 ta' April 1989 dwar it-titjib strutturali fil-passaġġi fuq l-ilma interni (ĠU L 116, p. 25).


28 – Regolament Nru 718/1999.


29 – Insemmi żewġ direttivi: id-Direttiva tal-Kunsill 76/135/KEE ta' l-20 ta' Jannar 1976 dwar ir-rikonoxximent reċiproku ta' liċenzji ta' navigabbilità għall-bastimenti tal-passaġġi fuq l-ilma interni (ĠU L 21, p. 10), u d-Direttiva 82/714.


30 – Ara, b'mod partikolari, ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1356/96 tat-8 ta' Lulju 1996 dwar regoli komuni li japplikaw għat-trasport ta' merkanzija jew passiġġieri permezz tal-passaġġi fuq l-ilma interni bejn l-Istati Membri bil-għan li tiġi stabbilita l-libertà li jiġu pprovduti tali servizzi tat-trasport (ĠU L 175 p. 7).


31 – It-tielet premessa tad-Direttiva 82/714. L-Artikolu 1 ta' din id-Direttiva jistabbilixxi din il-klassifikazzjoni u jirreferi għall-Anness I ta' din id-Direttiva.


32 – Nikkonstata, f'dan ir-rigward, li l-Artikolu 8(1)(e) tal-proposta inizjali għal direttiva tal-Kunsill dwar l-armonizzazzjoni ta' l-istrutturi tad-dazji tas-sisa fuq iż-żjut minerali, ippreżentata mill-Kummissjoni fis-27 ta' Settembru 1990, kienet tissuġġetta għall-istess sistema ta' eżenzjoni iż-"żjut ipprovduti bil-għan li jintużaw bħala karburant għan-navigazzjoni interna u n-navigazzjoni ġewwa l-ibħra Komunitarji" [traduzzjoni mhux uffiċjali] [COM(90) 434 finali, ĠU C 322, p. 18].


33 – ĠU L 209, p. 29. Din id-deċiżjoni tikkostitwixxi miżura ta' implementazzjoni ta' l-Artikolu 3(6) tad-Direttiva tal-Kunsill 76/135/KEE ta' l-20 ta' Jannar 1976 dwar ir-rikonoxximent reċiproku ta' liċenzji ta' navigabbilità għall-bastimenti tal-passaġġi fuq l-ilma interni (ĠU L 21, p. 10), li skondu "[l]-Istati Membri jistgħu jeħtieġu twettiq fil-linji ta' navigazzjoni marittimi ta' kondizzjonijiet addizzjonali ekwivalenti għal dawk meħtieġa għall-bastimenti tagħhom stess. L-Istati Membri għandhom jinfurmaw lill-Kummissjoni dwar il-linji ta' navigazzjoni marittimi tagħhom, il-lista li għandha tkun imfassla mill-Kummissjoni fi żmien tliet xhur wara d-dħul fis-seħħ ta' din id-Direttiva, fuq il-bażi ta' l-informazzjoni pprovduta lilha mill-Istati Membri".


34 – ĠU 2004, L 3, p. 3.


35 – Fil-kuntest partikolari tal-kawża prinċipali, u fid-dawl tad-deskrizzjoni tat-traġitt tad-dreġer li saret minn Jan de Nul fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha, jidher li dan l-inġenju vvjaġġa fil-parti l-kbira fil-passaġġ fuq l-ilma intern li jikkostitwixxi l-Unterelbe, imbagħad f'ibħra Komunitarji, 'il barra minn Cuxhaven. Huwa l-Finanzgericht Hamburg li għandu jiċċara dan il-punt determinanti għall-finijiet li jsir qsim bejn iż-żjut minerali li jaqgħu taħt is-sistema ta' l-eżenzjoni obbligatorja u dawk li jaqgħu taħt is-sistema ta' l-eżenzjoni fakultattiva.


36 – Deċiżjoni tar-rinviju, p. 3 u 4.


37 – Bħall-Kummissjoni, jiena nifhem il-kunċett ta' "movimenti" f'sens wiesa', jiġifieri li jinkludi l-operazzjoni teknika li tikkonsisti fiż-żamma tad-dreġer fuq il-post.


38 – Osservazzjonijiet bil-miktub, punti 68 u 69.


39 – Niċċita, per eżempju, il-każ ta' dreġer miġbud minn irmonk lejn il-post fejn għandhom jitwettqu l-operazzjonijiet ta' tħammil tal-ħama, li kien is-suġġett ta' deċiżjoni tat-Tribunal des conflits Franċiż tal-11 ta' Diċembru 1972, Préfet de la Gironde vs CA Bordeaux (Spathis vs Port autonome de Bordeaux), Nru 1975. Din il-qorti kkunsidrat, fir-rigward ta' dan it-tip ta' dreġer, li, "għalkemm il-manuvra ta' ċaqliq mal-kosta u 'l barra minnha li tistrieħ fuq punti fissi jew fuq irmiġġi tista' tippermettilu jagħmel, għax-xogħol tiegħu, xi movimenti f'direzzjoni lonġitudinali u f'direzzjoni transversali, dan il-fatt, li ma jistax jiġi separat mill-funzjonament stess ta' l-inġenju, mhuwiex ta' natura li jippermetti d-dreġer li jiġi kkunsidrat bħala vettura fis-sens tad-dispożizzjonijiet tal-Liġi tal-31 ta' Diċembru 1957", li tagħti kompetenza lill-qrati ġudizzjarji sabiex jiddeċiedu fuq l-azzjonijiet għad-danni kkawżati minn kull vettura u mressqa kontra persuna regolata mid-dritt pubbliku (JO "Lois et Décrets" tal-5 ta' Jannar 1958, p. 196). Min-naħa l-oħra, id-dispożizzjonijiet ta' din il-liġi huma applikabbli għad-danni kkawżati minn dreġer mgħammar b'sistema ta' propulsjoni awtonoma li jagħmel xogħlijiet ta' tħammil tal-ħama f'port [ara d-deċiżjoni tat-Tribunal des conflits Franċiż ta' l-24 ta' Mejju 1965, Préfet de Seine-Maritime vs TGI du Havre (Société Marles-Kuhlmann), Nru 1858].


40 – Sentenza Deutsche See-Bestattungs-Genossenschaft, iċċitata iktar 'il fuq, punt 22.


41 – Ibidem, punt 23.


42 – Ibidem, punt 29.


43 – Ibidem, punt 28.

Top