Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62005CC0362

    Konklużjonijiet ta' l-Avukat Ġenerali - Kokott - 15 ta' Frar 2007.
    Jacques Wunenburger vs il-Kummisjoni tal-Komunitajiet Ewropej.
    Appell - Servizz pubbliku - Promozzjoni - Proċedura ta' Selezzjoni - Rifjut tal-kandidatura tar-rikorrent - Irtirar - Obbligu ta' motivazzjoni - Żball fid-dritt - Appell inċidentali - Suġġett tal-kwistjoni - Interess li taġixxi.
    Kawża C-362/05 P.

    Ġabra tal-Ġurisprudenza – Servizz Pubbliku 2007 II-B-2-00101

    ECLI identifier: ECLI:EU:C:2007:104

    KONKLUŻJONIJIET TA’ l-AVUKAT ĠENERALI

    J. KOKOTT

    ippreżentati fil-15 ta’ Frar 20071(1)

    Kawża C-362/05 P

    Jacques Wunenburger

    vs

    Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej

    “Appell – Uffiċjal tal-Komunità – Regolamenti tal-persunal – Promozzjoni –Rikors għal annullament – Ebda lok għal deċiżjoni – Interess li taġixxi”





    I –    Introduzzjoni

    1.        Il-proċedimenti ta’ appell preżenti jagħtuna l-opportunità niddiskutu problema marbuta ma’ l-interess li taġixxi u meta ma jkunx hemm lok għal deċiżjoni fil-kuntest ta’ appelli kontra atti ġuridiċi ta’ l-istituzzjonijiet komunitarji.

    2.        Il-proċedimenti jirrigwardaw kontroversja amministrattiva bejn uffiċjal tal-Komunità, Jacques Wunenburger (iktar ‘il quddiem ir-“rikorrent”), u l-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej (il-“Kummissjoni”), bħala l-awtorità bis-setgħa ta’ ħatra (iktar ‘il quddiem l-“AIPN”), rigward ħatra għall-post ta’ direttur fl-Uffiċċju ta’ Kooperazzjoni “Europe-Aid”(2), li jifforma parti mill-Kummissjoni.

    3.        Permezz ta’ sentenza tal-5 ta’ Lulju 2005 (iktar ‘il quddiem is-“sentenza kkontestata”),(3) il-Qorti ta’ Prim’Istanza ċaħdet bħala infondat ir-rikors li bih ir-rikorrent talab l-annullament ta’ tliet deċiżjonijiet tal-Kummissjoni: minn naħa r-rifjut tal-kandidatura tar-rikorrent, min-naħa l-oħra l-ħatra tal-kompetitur tiegħu s-Sur Naqvi għal dan il-post, u fl-aħħar iċ-ċaħda ta’ l-ilment tar-rikorrent.

    4.        Fl-appell tiegħu, li wasal fil-Qorti tal-Ġustizzja fit-23 ta’ Settembru 2005, ir-rikorrent ikompli jfittex l-annullament ta’ dawn it-tliet deċiżjonijiet. Il-Kummissjoni għamlet appell inċidentali li fih sostniet li l-Qorti tal-Prim’Istanza kellha tiddikjara li ma kienx hemm lok għal deċiżjoni għaliex il-post ta’ direttur in kwistjoni diġà kien ġie ppubblikat mill-ġdid qabel ma ngħatat is-sentenza kkontestata .

    5.        Fid-dawl ta’ dan l-appell inċidentali, huwa neċessarju li jiġi evalwat f’liema ċirkustanzi, f’każijiet bħal ta’ din il-kawża, tista’ tiġi ammessa żamma ta interess li taġixxi għall-appelli ta’ uffiċjali. Din il-kwistjoni hija ta’ importanza fundamentali għall-prattika tal-Qrati komunitarji mhux biss fil-kawżi tal-persunal, iżda wkoll lil hinn minnhom.

    II – Kuntest ġuridiku

    6.        Fir-rigward tal-mertu, l-att rilevanti fil-każ preżenti huwa r-Regolamenti tal-Persunal ta’ l-Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej(4) (iktar ‘il quddiem ir-“Regolamenti tal-Persunal”) fil-verżjoni applikabbli qabel l-1 ta’ Mejju 2004, b’mod partikolari l-Artikoli 7, 25, 29, 90 u 91. Il-kliem ta’ dawn id-dispożizzjonijiet mhux ser jiġu riprodotti hawnhekk.

    III – Il-fatti u l-proċedura fl-ewwel istanza

    7.        Il-partijiet mhux qed jaqblu fuq il-ħatra tal-post ta’ direttur fil-grad li kien A2 f’EuropeAid (Direttorat C “Afrika, Karibew u Paċifiku”). Fil-perijodu rilevanti saru żewġ proċeduri ta’ selezzjoni għal dan il-post, li jistgħu jinġabru fil-qosor kif ġej, sa fejn japplikaw għall-każ preżenti.

     L-ewwel proċedura ta’ selezzjoni

    8.        L-ewwel waħda miż-żewġ proċeduri ta’ selezzjoni bdiet permezz ta’ avviż intern tal-Kummissjoni ppubblikat fid-19 ta’ Settembru 2002 (5). Dak iż-żmien, ir-rikorrent, uffiċjal fil-grad A3, kien jaħdem bħala l-kap tad-delegazzjoni tal-Kummissjoni fil-Kroazja, li taqa’ taħt id-Direttorat Ġenerali “Relazzjonijiet Esterni”. Huwa applika għall-post ippubblikat permezz ta’ ittra fis-27 ta’ Settembru 2002.

    9.        Wara li d-Direttur Ġenerali ta’ EuropeAid għamel intervista ma’ kull wieħed mill-għaxar kandidati - f’xi każijiet permezz tat-telefon - fit-18 ta’ Novembru 2002 huwa bagħat nota lid-Direttorat Ġenerali “Persunal u Amministrazzjoni” li fiha qasam il-kandidati f’żewġ gruppi. L-ewwel grupp kien jikkonsisti fis-sitt kandidati li d-Direttur Ġenerali kkunsidra adattati għar-rwol in kwistjoni. It-tieni grupp kien jikkonsisti fl-erba’ kandidati l-oħra li ma kellhomx, fl-opinjoni tiegħu, il-kapaċitajiet u l-kompetenzi neċessarji sabiex jassumu l-post, fosthom ir-rikorrent.

    10.      Il-Kumitat Konsultattiv tal-Ħatriet (iktar ‘il quddiem is-“CCN”) għaldaqstant adotta lista ta’ sitt kandidati sabiex jiġu mistiedna għal intervista oħra, u dawn kienu l-ewwel grupp ta’ kandidati rrakkomandati mid-Direttur Ġenerali ta’ EuropeAid. Ir-rikorrent, għalhekk, ma ġiex mistieden.

    11.      Fit-8 ta’ Jannar 2003 is-Sur Naqvi, kompetitur tar-rikorrent, inħatar għall-post in kwistjoni. Permezz ta’ ittra tal-11 ta’ Marzu 2003 r-rikorrent ġie informat li l-kandidatura tiegħu ma ntlaqatx. Fit-2 ta’ April 2003 r-rikorrent ressaq kontestazzjoni kontra l-ħatra tas-Sur Naqvi skond l-Artikolu 90(2) tar-Regolamenti tal-Persunal. Wara li l-kontestazzjoni tiegħu ġiet miċħuda mill-Kummissjoni fl-14 ta’ Lulju 2003, fil-5 ta’ Novembru 2003 huwa ressaq rikors għal annullament quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza.

     It-tieni proċedura ta’ selezzjoni

    12.      It-tieni proċedura ta’ selezzjoni għall-post ta’ direttur f’EuropeAid in kwistjoni nbdiet wara li l-Kummissjoni kienet iddeċidiet fil-11 ta’ Marzu 2004 li tirtira l-post tas-Sur Naqvi skond l-Artikolu 50 tar-Regolamenti tal-Persunal b’effett mill-1 ta’ April 2004 u li tippubblika avviż ġdid ta’ post battal(6).

    13.      Permezz ta’ att separat tal-15 ta’ Marzu 2004, li wasal fil-Qorti tal-Prim’Istanza fis-16 ta’ Marzu 2004, il-Kummissjoni għaldaqstant talbet lill-Qorti jogħġobha tordna li ma kienx hemm lok għal deċiżjoni fuq il-kwistjoni pendenti rigward l-ewwel proċedura ta’ selezzjoni.

    14.      F’Mejju 2004 r-rikorrent applika għall-post li issa kien qed jiġi ppubblikat għat-tieni darba. Madankollu, permezz ta’ ittra tat-2 ta’ Settembru 2004 huwa ġie informat li l-kandidatura tiegħu ma kinitx inkluża fil-lista ristretta tal-kandidati. Ir-rikorrent ma ħax passi legali kontra dik id-deċiżjoni.

    15.      F’Marzu 2005 il-Kummissjoni ddeċidiet li tirriorganizza EuropeAid. In-numru ta’ karigi ta’ direttur tnaqqas minn tmienja għal sebgħa. Il-post ta’ direttur li baqa’ battal fid-Direttorat C imtela permezz tat-trasferiment ta’ direttur ieħor, ħaġa li waqqfet it-tieni proċedura ta’ selezzjoni.

    IV – Is-sentenza kkontestata

    16.      Fis-sentenza kkontestata l-Qorti tal-Prim’Istanza tikkonstata, l-ewwel nett, li, kontra dak li tgħid il-Kummissjoni, is-suġġett tal-proċedura ma jiġġustifikax li m’hemmx lok għal deċiżjoni u li r-rikorrent xorta għandu interess li jaġixxi.(7) Rigward il-mertu, il-Qorti ċaħdet ir-rikors għal annullament imressaq mir-rikorrent peress li ma kienx fondat.

    17.      L-ewwel motiv, li essenzjalment jinvolvi l-ksur ta’ l-obbligu ta’ motivazzjoni skond it-tieni frażi ta’ l-Artikolu 25(2) tar-Regolamenti tal-Persunal, kellha tiġi miċħuda peress li d-deċiżjoni fuq il-kontestazzjoni tal-Kummissjoni kienet suffiċjentement motivata (8).

    18.      Bit-tieni motiv tiegħu, ir-rikorrent invoka b’mod partikolari l-ksur ta’ l-Artikoli 7, 29(1)(a) u 45(1) tar-Regolamenti tal-Persunal (9) u saħaq illi l-ħatra tal-kompetitur tiegħu s-Sur Naqvi kienet żbaljata fid-dritt. Il-Qorti ċaħdet it-talba minħabba l-fatt li l-AIPN kellha diskrezzjoni wiesgħa fil-mili ta’ postijiet battala u s-Sur Naqvi kien fil-fatt jissodisfa l-kriterji kollha mitluba fl-avviż ta’ post battal.(10)

    V –    L-appell

    19.      L-appell magħmul mir-rikorrent huwa bbażat fuq żewġ motivi.

    –        Permezz ta’ l-ewwel motiv fl-appell tiegħu, ir-rikorrent bażikament jikkritika ċ-ċaħda ta’ l-ewwel motiv tiegħu fl-ewwel istanza. Il-Qorti tal-Prim’Istanza kienet wettqet żball ta’ liġi u għawġet il-fatti. Għaldaqstant, is-sentenza hija kontradittorja u insuffiċjentement motivata.

    –        Fit-tieni motiv fl-appell, ir-rikorrent jikkontesta ċ-ċaħda tal-Qorti tal-Prim’Istanza tat-tieni motiv tiegħu fl-ewwel istanza. Dan ukoll juri distorsjoni tal-fatti u żball ta’ liġi.

    20.      Il-Kummissjoni għamlet appell inċidentali li fih ilmentat li l-Qorti tal-Prim’Istanza ma laqgħatx it-talba tagħha, imressqa permezz ta’ nota separata tal-15 ta’ Marzu 2004, li tikkonstata li ma kienx hemm lok għal deċiżjoni.

    21.      Ir-rikorrent jitlob li l-Qorti jogħġobha,

    1)      tiddikjara l-appell tiegħu ammissibbli u fondat u tannulla s-sentenza kkontestata;

    2)      tiddeċiedi fuq il-mertu u tannulla d-deċiżjonijiet tal-Kummissjoni li ġejjin:

    –        id-deċiżjoni ta’ l-AIPN tal-11 ta’ Marzu 2003, dwar iċ-ċaħda tal-kandidatura tar-rikorrent;

    –        id-deċiżjoni ta’ l-AIPN tat-8 ta’ Jannar 2003, dwar il-ħatra tas-Sur Naqvi;

    –        id-deċiżjoni ta’ l-AIPN ta’ l-14 ta’ Lulju 2003, dwar iċ-ċaħda tal-kontestazzjoni Nru R/147/03 tar-rikorrent;

    3)      tidikjara l-appell inċidentali tal-Kummissjoni inammissibbli, jew għall-inqas bħala mhux fondat;

    4)      ttikkundanna lill-Kummissjoni tbati l-ispejjeż.

    22.      Il-Kummissjoni, min-naħa tagħha, titlob lill-Qorti tal-Prim’Istanza jogħġobha,

    1)      prinċipalment,

    –        tiddikjara l-appell inċidentali tagħha ammissibbli u fondat u tannulla s-sentenza kkontestata sa fejn din tiċħad it-talba tal-Kummissjoni li tikkonstata li m’hemmx lok għal deċiżjoni, u

    –        tiddeċiedi dwar l-ispejjeż skond il-liġi;

    2)      sussidjarjament,

    –        tiċħad l-appell tar-rikorrent bħala inammissibbli, jew għall-inqas bħala infondat, u

    –        tikkundanna lir-rikorrent ibati l-ispejjeż ta’ l-appell.

    VI – Evalwazzjoni

    23.      Fil-każ preżenti huwa neċessarju, l-ewwel nett, li jiġi eżaminat l-appell inċidentali magħmul mill-Kummissjoni. Dan iqajjem il-kwistjoni dwar jekk il-kontroversja sadanittant saritx bla skop minħabba avveniment li seħħ wara l-preżentata tar-rikors. Jekk dan ikun il-każ, il-konstatazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza dwar il-fontatezza tar-rikors tar-rikorrent fl-ewwel istanza li ġew ikkontestati minn din ta’ l-aħħar fl-appell ma jkollhomx iktar rilevanza.

    A –    L-appell inċidentali tal-Kummissjoni

    24.      Permezz ta’ l-appell inċidentali tagħha l-Kummissjoni essenzjalment tiddikjara illi l-Qorti tal-Prim’Istanza ma missiex ħadet deċiżjoni dwar il-merti tal-kwistjoni, iżda jmissha ddeċidiet li ma kienx hemm lok għal deċiżjoni.

    1.      Ammissibbiltà ta’ l-appell inċidentali

    25.      Ir-rikorrent jargumenta li l-appell magħmul mill-Kummissjoni huwa inammissibbli peress li l-Kummissjoni mhijiex affettwata b’mod negattiv bis-sentenza kkontestata. Il-Qorti tal-Prim’Istanza effettivament iddeċidiet favur il-Kummissjoni billi ċaħdet ir-rikors tar-rikorrent għal annullament bħala infondat.

    26.      Skond l-ewwel frażi ta’ l-Artikolu 56(2) ta’ l-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja, iżda, appell jista’ jitressaq minn parti li tkun tilfet, b’mod totali jew parzjalment, fit-talbiet tagħha. Parti involuta fil-kawża hija wkoll affettwata b’mod negattiv b’dan il-mod meta tkun rebħet fuq il-mertu, iżda titlef fuq kwistjoni ta’ proċedura rigward l-ammissibbiltà tar-rikors. Għalhekk, huwa rrikonoxxut fil-ġurisprudenza li hemm effett, u għaldaqstant lok li jsir appell, meta l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà tkun tqajmet b’att separat skond l-Artikolu 114 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Prim’Istanza, iżda l-Qorti tkun iddikjarat ir-rikors ammissibbli u wara tkun ċaħditu bħala infondat(11). Min-naħa l-oħra, il-Qorti tal-Ġustizzja ma tikkunsidrax lir-rikorrent bħala affettwat b’mod negattiv meta l-Qorti tal-Prim’Istanza sempliċiment ma taqtax il-kwistjoni ta’ l-ammissibbiltà tar-rikors tiċħdu bħala infondat(12). L-istess japplika iktar u iktar meta ma jkunx hemm talba għall-inammissibbiltà separata magħmula fl-ewwel istanza u l-konvenut ikun invoka biss l-eċċezzjonijiet ta’ inammisibbiltà fin-nota ġenerali li fiha huwa wkoll ikun argumenta fuq il-fondatezza tar-rikors. (13)

    27.      Fil-każ preżenti l-Kummissjoni kienet espressament talbet, b’att separat tal-15 ta’ Marzu 2004, il-konstatazzjoni li ma kienx hemm lok għal deċiżjoni. Hija ċertament ma kinitx irreferiet espressament għall-Artikolu 114 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Prim’Istanza. Madankollu dan ma jbiddilx il-fatt li permezz ta’ l-ittra tagħha l-Kummissjoni ssottomettiet talba separata rigward l-ammissibbiltà tar-rikors. Din it-talba kienet ġiet motivata bil-fatt li l-post tas-Sur Naqvi kien ġie rtirat b’effett mill-1 ta’ April 2004 u li r-rikorrent ma kellux iktar interess li jaġixxi.

    28.      Madankollu, il-Qorti tal-Prim’Istanza rrikonoxxiet li r-rikorrent kien żamm l-interess li jaġixxi u espressament ċaħdet it-talba tal-Kummissjoni(14). Il-Kummissjoni b’hekk tilfet fl-ewwel istanza fi kwistjoni inċidentali b’mod li kienet intitolata li tagħmel appell.

    29.      Il-kwistjoni dwar jekk ir-rikorrent tilifx l-interess li jaġixxi fl-ewwel istanza u konsegwentement dwar jekk issa hemmx lok għal deċiżjoni hija ċertament waħda li tista’ tiġi kkunsidrata mill-Qorti tal-Ġustizzja fi proċedimenti ta’ appell. L-appelli skond l-Artikolu 225(1) KE u l-Artikolu 58(1) ta’ l-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja huma limitati għal punti ta’ dritt (15), bir-riżultat li l-Qorti tal-Prim’Istanza biss hija kompetenti li tikkonstata u tevalwa l-fatti rilevanti. Fir-rigward ta’ l-interess li taġixxi u n-nuqqas ta’ lok għal deċiżjoni, dawn jiddependu mill-kwalifikalegali tal-fatti kkonstatati mill-Qorti tal-Prim’Istanza. Ma jqajjem l-ebda dubju l-fatt li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha d-dritt, fil-kuntest tal-proċedura ta’ l-appell, teżamina din il-kwalifika ġuridika(16).

    30.      L-appell inċidentali huwa għalhekk ammissibbli.

    2.      Fondatezza ta’ l-appell inċidentali

    31.      Rigward il-mertu għandu għalhekk jiġi eżaminat jekk il-Qorti tal-Prim’Istanza wettqitx żball ta’ liġi billi ma kkonstatax li ma kienx hemm lok għal deċiżjoni, kif kienet talbet il-Kummissjoni fil-proċediment fl-ewwel istanza. Dan jiddependi fuq jekk l-interess inizjali tar-rikorrent li jaġixxi kienx tneħħa qabel ma ngħatat is-sentenza kkontestata.

    a)      Argumenti ewlenin tal-partijiet

    32.      Il-Kummissjoni hija ta’ l-opinjoni li bħala riżultat ta’ l-irtirar tal-post tas-Sur Naqvi u ż-żamma tat-tieni proċedura ta’ selezzjoni r-rikorrent tilef l-interess tiegħu li jaġixxi u li l-proċedura kienet saret bla skop. L-iktar li r-rikorrent seta’ jikseb bir-rikors tiegħu kien ripetizzjoni ta’ l-ewwel proċedura. Sadanittant, madankollu, proċedura oħra nżammet li fiha r-rikorrent reġa’ ssottometta kandidatura.

    33.      Skond il-Kummissjoni, id-deċiżjoni ma tista’ tkun ta’ ebda vantaġġ għar-rikorrent għall-futur. Ikun purament ipotetiku li jsir magħruf jekk ir-rikorrent jerġax japplika għall-karigi simili fil-futur. Jekk huwa neċessarju għandu rimedju legali kontra deċiżjonijiet futuri dwar ħatriet. Proċeduri ta’ ħatriet tal-persunal ma jistgħux jiġu kkumparati ma’ xulxin peress li l-kandidati huma differenti f’kull każ bir-riżultat li sentenza f’dan il-każ ma jistax ikollha effett fuq ħatriet futuri.

    34.      Ir-rikorrent isostni li huwa għandu interess fid-deċiżjoni preżenti. Minn naħa, deċiżjonijiet illegali mill-Kummissjoni għandhom jiġu pprevenuti għall-futur. Min-naħa l-oħra, id-deċiżjoni li tiċħad il-kandidatura tar-rikorrent jista’ jkollha effetti detrimentali fuq il-prospetti tiegħu ta’ suċċess f’kandidaturi futuri għal karigi simili. Fl-aħħar nett, sentenza f’dan il-każ hija importanti f’dak li jirrigwarda talba eventwali għal danni li r-rikorrent jista’ jkun intitolat li jagħmel.

    b)      Evalwazzjoni

    35.      Ir-rekwiżit ta’ interess li taġixxi jipprovdi l-garanzija f’livell ta’ proċedura li l-Qrati ma jkollomx jagħtu opinjoni sabiex jiċċaraw kwistjonijiet tad-dritt li huma purament ipotetiċi. L-interess li taġixxi huwa għalhekk rekwiżit imperattiv għall-ammissibbiltà li tista’ ssir rilevanti fi stadji differenti tal-proċedimenti. Hemm bżonn, għalhekk li jibqa’ jeżisti mingħajr l-inqas dubju fil-mument meta r-rikors jiġi ppreżentat. Madankollu, irid ikompli jeżisti wara l-preżentata tar-rikors, sas-sentenza tal-Qorti fuq il-mertu(17).

    36.      Jekk l-interess li taġixxi jispiċċa waqt li l-proċedimenti legali jkunu pendenti, deċiżjoni dwar il-mertu mill-Qorti tal-Prim’Istanza ma tibqax ġustifikata. Madankollu, ir-rikorrent bl-istess mod ma jistax ikun mistenni li jaċċetta li r-rikors tiegħu, li kien oriġinarjament ammissibbli, jiġi miċħud u li huwa jkollu jbati l-ispejjeż(18). L-unika soluzzjoni xierqa tkun li jiġi ddikjarat li l-kawża saret bla skop,(19) li tindika, minn naħa, li l-bażi għar-rikors ma jkunx baqa’ jeżisti biss wara li kien tressaq u li deċiżjoni ta’ spejjeż għad-detriment tar-rikorrent tista’ tiġi evitata.

    37.      Il-kwistjoni ta’ l-interess li taġixxi tieħu regolarment rilevanza quddiem il-Qrati komunitarji meta jkunu qed jiġu kkontestati l-atti legali li formalment ikunu għadhom jeżistu iżda li l-iskop oriġinali tagħhom sadanittant ikun tneħħa. Huwa rrikonoxxut fil-ġurisprudenza li jista’ jkun hemm ukoll interess fir-reviżjoni legali ta’ atti legali bħal dawn. Madankollu, dan jippreżupponi li l-annullament ta’ l-att ikkontestat għad jista’ jkollu konsegwenzi legali(20) jew jagħti vantaġġ lir-rikorrent(21).

    38.      Fil-każ preżenti huwa paċifiku li r-rikorrent kien għad kellu l-interess li jaġixxi meta r-rikors kien ġie ppreżentat quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza. B’mod partikolari s-sempliċi implementazzjoni tad-deċiżjonijiet ikkontestati ma setatx tirriżulta fit-tmiem ta’ l-interess tiegħu li jaġixxi(22). Il-Qorti tal-Prim’Istanza, għalhekk, ġustament titlaq mill-prinċipju, fil-punt 19 tas-sentenza kkontestata, li d-deċiżjonijiet ikkontestati baqgħu effettivi anki wara d-data li fiha s-Sur Naqvi aċċetta l-post tiegħu.

    39.      Barra minn hekk, id-deċiżjonijiet ikkontestati ma ġew formalment annullati fl-ebda ħin mill-AIPN. Ir-rikorrent iffakkar, ġustament f’dan ir-rispett, illi l-irtirar tal-post tas-Sur Naqvi, li seħħ wara li r-rikors ġie ppreżentat, ċertament ma jistax jitqiegħed fuq l-istess livell ta’ l-annullament tad-deċiżjoni inizjali tal-ħatra(23).

    40.      Madankollu, karatteristika distintiva tal-każ preżenti hija li wara l-irtirar tal-post tas-Sur Naqvi, saret proċedura ta’ selezzjoni oħra sabiex jimtela’ l-post in kwistjoni. Bħala riżultat ta’ din il-proċedura l-ġdida, id-deċiżjonijiet meħuda fl-ewwel proċedura, li l-illegalità tagħhom kienet qed tiġi invokata dak iż-żmien mir-rikorrent fl-azzjoni tiegħu quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza, m’għadhomx validi.

    41.      Il-Qorti tal-Prim’Istanza injorat dan l-aspett, li tiegħu kienet konxja(24), meta fil-punt 19 tas-sentenza kkontestata qalet li d-deċiżjoni li tiċħad il-kandidatura tar-rikorrent fl-ewwel proċedura ta’ selezzjoni baqgħet effettiva. Fl-opinjoni tiegħi d-deċiżjoni li taħtar lill-kompetitur tar-rikorrent u d-deċiżjoni li tiċħad il-kandidatura ta’ l-istess rikorrent huma ż-żewġ faċċati ta’ l-istess munita. Iż-żewġ deċiżjonijiet huma ħaġa waħda. L-ebda waħda minnhom ma għadha effettiva għax wara l-irtirar tal-post tas-Sur Naqvi saret proċedura ta’ selezzjoni ġdida sabiex jimtela’ l-post in kwistjoni. Id-deċiżjoni li tiċħad l-ilment, li hija wkoll ikkontestata, għalhekk ukoll m’għadhiex valida; peress li l-effetti legali tagħha ma jistgħux imorru lil hinn mill-effetti taż-żewġ sentenzi tal-bidu ta’ l-AIPN li hija kkonfermat.

    42.      Madankollu, it-tmiem ta’ l-effetti tad-deċiżjonijiet kkontestati, li seħħ wara li r-rikors tressaq, ma jinvolvix fih innifsu obbligu għall-Qorti tal-Prim’Istanza li tiddeċiedi li l-kawża saret bla skop. Bil-kontra, għandu jiġi eżaminat jekk ir-rikorrent għadx għandu interess li jaġixxi minkejja li d-deċiżjonijiet ikkontestati m’għadhomx validi. Jekk l-interess huwa miżmum, dan ikun konsistenti mar-rekwiżit ta’ stħarriġ ta’ legalità ta’ l-azzjoni ta’ l-istituzzjonijiet komunitarji(25), li huwa fundamentali f’Komunità tad-dritt, sabiex lir-rikorrent tiġi miċħuda deċiżjoni fuq il-mertu.

    43.      Skond il-ġurisprudenza, iż-żamma ta’ l-interess li taġixxi tista’ twassal, l-ewwel nett, għar-riskju ta’ ripetizzjoni ta’ l-azzjoni (allegament) illegali ta’ istituzzjoni komunitarja(26), ukoll u speċifikament fir-rigward ta’ talba ġdida fuq il-kwistjoni mill-istituzzjoni komunitarja kompetenti skond Artikolu 233(1) KE (27). Fit-tieni lok, l-interess li taġixxi jista’ jinżamm meta deċiżjoni fuq ir-rikors għal annullament ikun rilevanti għal talbiet għal danni(28) eventwali mressqa mir-rikorrent. Fit-tielet lok, f’ċerti każijiet, b’mod partikolari f’kawżi tal-persunal, ir-rikorrent jista’ jkollu interess fit-tneħħija ta’ dikjarazzjonijiet negattivi rigward din il-persuna sabiex jerġa’ jiġi abilitat għall-futur(29).

    44.      Is-sentenza kkontestata tinvolvi biss l-ewwel minn dawn it-tliet każijiet, jiġifieri r-riskju ta’ ripetizzjoni ta’ azzjoni (allegatament) illegali ta’ l-AIPN. F’din l-okkażjoni, fil-punt 20 tad-deċiżjoni tagħha, il-Qorti tal-Prim’Istanza tibbaża l-opinjoni tagħha fuq l-ilment imqajjem mir-rikorrent li n-natura tal-parteċipazzjoni tad-Direttur Ġenerali(30) ta’ EuropeAid fil-proċedura ta’ selezzjoni huwa vvizzjat b’illegalità mil-lat proċedurali. Skond il-Qorti tal-Prim’Istanza, ma jistax jiġi eskluż li fil-proċedura sussegwenti d-Direttur Ġenerali jkollu rwol simili għal dak li kellu fl-ewwel proċedura ta’ selezzjoni sabiex jimtela l-post in kwistjoni ta’ direttur li hija s-suġġett tal-kawża. Il-Qorti tal-Prim’Istanza tiddeduċi minn dan ir-riskju ta’ ripetizzjoni li r-rikorrent għandu interess li jaġixxi.

    45.      Jista’ jmur kontra l-ipoteżi ta’ dan ir-riskju ta’ ripetizzjoni l-fatt li, prima facie, minkejja l-frekwenza tagħhom, id-deċiżjonijiet intiżi li jimlew inkarigi ta’ uffiċjali, ma huma qatt ripetuti b’mod mekkaniku bl-istess mod(31). Għalkemm dawn il-proċeduri jseħħu regolarment fost l-istituzzjonijiet komunitarji, id-deċiżjoni ta’ għażla ta’ l-AIPN hija dejjem unika. Minn naħa, għandha ssir evalwazzjoni ġenerali tal-kwalitajiet kollha tal-kandidati kollha fid-dawl ta’ l-eżiġenzi tal-post li jrid jimtela. Min-naħa l-oħra, l-identità u l-kwalità tal-kandidati kif ukoll l-eżiġenzi mitluba minnhom jistgħu jkunu differenti ħafna minn każ għall-ieħor. Dan ġie ġustament indikat mill-Kummissjoni, u r-rikorrent innifsu rrikonoxxa li fil-każ preżenti t-tieni proċedura ta’ selezzjoni ma kinitx komparabbli ma’ dik ta’ l-ewwel peress illi kandidati differenti kellhom jiġu kkomparati ma’ xulxin kull darba.

    46.      Madankollu, il-każ preżenti jiddistingwi ruħu bil-fatt li r-rikorrent, bir-rikors għal annullament tiegħu, jikkontesta d-deċiżjoni ta’ selezzjoni mhux biss sostanzjalment, imma qed jikkontesta wkoll rigward il-proċedura li wasslet għal din id-deċiżjoni. Ir-rikorrent jiddikjara li l-proċedura fiha nfisha kienet diskriminatorja minnha nfisha għax mhux il-kandidaturi kollha ġew eżaminati bl-istess mod u, bħala riżultat, mhux il-kandidati kollha kienu f’kompetizzjoni ugwali ma’ xulxin(32). Għalhekk, id-Direttur Ġenerali ta’ EuropeAid, meta l-post ikkontestat ta’ direttur in kwistjoni kellu jimtela, wettaq preselezzjoni li biha mexxiet is-CCN kif ukoll l-AIPN, mingħajr ma jagħmlu huma stess evalwazzjoni dettaljata tal-kapaċità u l-kompetenza tal-kandidati kollha, inklużi l-kandidati li ma ġewx irrakkomandati mid-Direttur Ġenerali.

    47.      Bil-kontra ta’ evalwazzjoni sostantiva ta’ kandidaturi differenti, m’hemm xejn uniku fi proċedura ta’ selezzjoni li fiha d-Direttur Ġenerali kompetenti jagħmel preselezzjoni li biha s-CCN u l-AIPN jiġu ggwidati. Dan il-proċess jista’ fil-fatt ukoll jiġi rripetut f’kull ħin sabiex jimtlew karigi oħra ta’ direttur. Ir-rikorrent għalhekk qiegħed jilmenta mhux biss problema ta’ dan il-każ individwali, iżda wkoll problema ta’ natura strutturali. Oġġettivament, il-kjarifikazzjoni tal-kwistjoni li jsir magħruf jekk il-fuq imsemmija organizzazzjoni ta’ proċedura ta’ selezzjoni hijiex legali tista’ tkun ċertament importanti ħafna għar-rikorrent fid-dawl ta’ kandidaturi futuri għall-karigi ta’ direttur.

    48.      Kontra l-Kummissjoni, jien ma narahiex li hija purament ipotetika li r-rikorrent ikun jista’ japplika għal karigi oħra ta’ direttur. Huwa ċar mill-inkartament li r-rikorrent kien diġà applika għal dan il-post qabel il-proċedura ta’ selezzjoni in kwistjoni. Barra minn hekk, huwa applika darbtejn għall-post imsemmi fil-każ preżenti.

    49.      Għalhekk fil-każ preżenti kien hemm motivi suffiċjenti sabiex il-Qorti tal-Prim’Istanza tqis li r-rikorrent kellu interess li taġixxi meta s-sentenza kkontestata ngħatat.

    50.      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet li ntqalu, nikkonkludi li l-Qorti tal-Prim’Istanza ma wettqitx żball ta’ liġi meta fil-punt 21 tas-sentenza kkontestata ċaħdet it-talba tal-Kummissjoni sabiex jiġi ddikjarat li ma kienx hemm lok għal deċiżjoni. Peress li r-rikorrent kellu interess li jaġixxi, il-Qorti kienet marbuta tagħti deċiżjoni fuq il-mertu.

    51.      L-appell inċidentenali mressaq mill-Kummissjoni għandu għalhekk jiġi miċħud bħala infondat.

    B –    L-appell imressaq mir-rikorrent

    52.      Fid-dawl tal-konkluzjonijiet fuq imsemmija rigward l-appell inċidentali mressaq mill-Kummissjoni, huwa issa neċessarju li neżaminaw l-appell imressaq mir-rikorrent.

    53.      Għandu l-ewwel nett jiġi mfakkar li fi proċedimenti ta’ appell il-Qorti tal-Ġustizzja tista’ minn jeddha teżamina jekk ir-rikorrent kellux interess li jressaq jew iżomm appell(33).

    54.      Madankollu, fil-każ preżenti m’hemm xejn li juri li l-interess tar-rikorrent li jaġixxi, li baqa’ sa meta ngħatat is-sentenza kkontestata (34), kien spiċċa fil-perijodu wara li ngħatat is-sentenza. Ir-riskju ta’ ripetizzjoni ta’ l-iżball proċesswali kkritikat mir-rikorrent jibqa’ jeżisti. Fil-proċedimenti quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja ma ssemmew l-ebda fatti ġodda li jwasslu għal evalwazzjoni ġdida tal-kwistjoni ta’ l-interess li taġixxi.

    1.      Fuq l-ewwel motiv

    55.      Permezz ta’ l-ewwel motiv tiegħu, ir-rikorrent jiddikjara li fil-punti 32 u 33 tas-sentenza kkontestata l-Qorti tal-Prim’Istanza għawġet il-fatti, wettqet żball ta’ liġi u motivat is-sentenza tagħha b’mod kontradittorju u insuffiċjenti. B’mod partikolari, ir-rikorrent jitlaq mill-prinċipju li, fid-dawl tan-nota mid-Direttur Ġenerali ta’ EuropeAid tat-18 ta’ Novembru 2002 (35), il-Qorti kellha toġġezzjona għad-deċiżjonijiet ikkontestati ta’ l-AIPN sa fejn huwa allegat li l-kandidat li rnexxa, is-Sur Naqvi, kien “il-kandidat li ssodisfa l-aħjar ir-rekwiżiti msemmija fl-avviż ta’ post battal”.(36)

    a)      L-ewwel parti ta’ l-ewwel motiv: distorsjoni ta’ fatti

    56.      L-ewwel parti ta’ l-ewwel motiv jirrigwarda l-ilment dwar distorsjoni ta’ fatti.

    57.      Ir-rikorrent jargumenta li l-Qorti tal-Prim’Istanza pproċediet fuq bażi ta’ fatti mhux preċiżi. Hija ma apprezzatx li esperjenza fil-ġestjoni ta’ persunal u kapaċitajiet ipprovati fil-ġestjoni, motivazzjoni u superviżjoni ta’ unitajiet kbar (37) kienu neċessarji għall-post ta’ direttur in kwistjoni. Dan jirriżulta min-nota tad-Direttur Ġenerali ta’ EuropeAid. Jirriżulta wkoll minn dik in-nota li l-kapaċitajiet f’dan il-qasam tal-kandidat li rnexxa, s-Sur Naqvi, swewlu punt mit-tlieta possibbli, filwaqt li tliet kandidati oħra ngħatawlhom il-punteġġ totali f’dak il-qasam. Barra minn hekk, jirriżulta min-nota msemmija li l-kapaċitajiet b’saħħithom tas-Sur Naqvi kienu iktar rigward il-“konċezzjoni, riflessjoni u analiżi” milli rigward l-“organizzazzjoni mill-ġdid u l-ġestjoni ta’ unità operattiva kbira”.

    58.      Skond ġurisprudenza kostanti, distorsjoni allegata tal-fatti għandha tirriżulta mid-dokumenti fil-inkartament quddiem il-Qorti, mingħajr ma jkun hemm bżonn ta’ evalwazzjoni ġdida tal-fatti u l-provi(38). Wara li eżaminajt in-nota mid-Direttur Ġenerali ta’ EuropeAid, ma sibt xejn li juri li l-Qorti tal-Prim’Istanza għawġet il-fatti.

    59.      F’din in-nota ġie espressament indikat li s-Sur Naqvi jissodisfa l-kriterji stipulati fl-avviż ta’ post battal(39). Barra minn hekk, fin-nota s-Sur Naqvi kien ikklassifikat fil-grupp ta’ kandidati li, fl-opinjoni tad-Direttur Ġenerali ta’ EuropeAid, kienu adatti għar-rwol ta’ direttur in konnessjoni mad-dmirijiet rilevanti. Għalhekk, in-nota ma tipprovdix motivi li jwasslu għall-assunzjoni li d-Direttur Ġenerali ta’ EuropeAid ikkunsidra l-kapċità tas-Sur Naqvi għal post ta’ direttur bħala inadegwata.

    60.       Huwa ċertament minnu li f’dik in-nota d-Direttur Ġenerali ta’ EuropeAid għamel evalwazzjoni b’tali mod li ta stima tal-kandidati individwali aħjar minn oħrajn fid-dawl ta’ l-speċifikazzjoni ta’ xogħol. Dan jidher b’mod partikolari mil-lista annessa man-nota tiegħu fejn id-Direttur Ġenerali stima l-kapaċitajiet ta’ kull kandidat individwali, inkluż il-ġestjoni tal-persunal, permezz ta’ wieħed sa tliet punti u għamel stima oħra tal-kandidati fil-evalwazzjoni ġenerali tiegħu. Id-Direttur Ġenerali għamel dawn id-distinzjonijiet mhux biss bejn iż-żewġ gruppi ta’ kandidati, iżda wkoll fost il-grupp ta’ kandidati li fl-aħħar ippropona bħala adatti lis-CCN u lill-AIPN. Ma jistax jiġi kkontestat li s-Sur Naqvi, li rnexxa fl-aħħar, kien stimat inqas mill-kandidati l-oħra mid-Direttur Ġenerali ta’ EuropeAid.

    61.      Għandna niftakru, madankollu, illi n-nota mid-Direttur Ġenerali ta’ EuropeAid ma kinitx l-unika bażi għad-deċiżjoni meħudha mis-CCN u l-AIPN. Dan jirriżulta mill-fatt li s-sitt kandidati proposti fin-nota, inkluż is-Sur Naqvi, kienu ġew mistiedna għal intervisti oħra mas-CCN. Kien fuq il-bażi ta’ dawk l-intervisti biss li s-CCN u l-AIPN ħadu idea kompleta u għażlu lis-Sur Naqvi għall-post ta’ direttur.

    62.      Konsegwentement, il-Qorti tal-Prim’Istanza ma kinitx marbuta tibbaża s-sentenza tagħha essenzjalment jew anki esklużivament fuq il-evalwazzjoni ta’ kandidati differenti mid-Direttur Ġenerali ta’ EuropeAid. L-għażla tal-piż li għandu jingħata lil din in-nota flimkien ma’ elementi ta’ prova oħra, - jiġifieri dawk imsemmija fil-punt 65 tas-sentenza kkontestata (40) – kienet pjuttost kwistjoni ta’ evalwazzjoni tal-fatti u tal-provi li jaqgħu taħt il-kompetenza esklużiva tal-Qorti tal-Prim’Istanza, u li l-Qorti tal-Ġustizzja ma tistax tissostitwiha b’tagħha fil-proċedimenti ta’ l-appell(41).

    63.      L-ewwel parti ta’ l-ewwel motiv għalhekk m’għandhiex prospetti li tirnexxi.

    b)      It-tieni parti ta’ l-ewwel motiv: in-nuqqas ta’ motivazzjoni

    64.      Permezz tat-tieni parti ta’ l-ewwel motiv, ir-rikorrent jikkritika lill-Qorti tal-Prim’Istanza talli tat motivi kontradittorji u insuffiċjenti għas-sentenza tagħha. Fil-punti 28 sa 35 tas-sentenza kkontestata l-ewwel motiv ġie miċħud bi żball.

    65.      Skond l-ewwel frażi ta’ l-Artikolu 36 u l-Artikolu 53(1) ta’ l-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja, għandhom jingħataw raġunijiet għas-sentenzi tal-Qorti tal-Prim’Istanza. L-iskop ta’ dan l-obbligu huwa li jingħataw raġunijiet sabiex in-nies ikkonċernati jkunu jafu għaliex il-miżuri in kwistjoni ttieħdu u sabiex jipprovdu lill-Qorti tal-Ġustizzja b’informazzjoni suffiċjenti sabiex hi tkun tista’ tuża’ l-poter tagħha ta’ stħarriġ ġudizzjarju(42).

    66.      Fil-każ preżenti, fil-punti 28 sa 35 tas-sentenza kkontestata l-Qorti tal-Prim’Istanza għamlet eżami dettaljat tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni rigward il-kontestazzjoni u spjegat fid-dettall għaliex ikkunsidrat li l-Kummissjoni kienet wettqet l-obbligu tagħha ta’ motivazzjoni. Ma jidhrux li hemm kontradizzjonijiet interni fil-motivi tas-sentenza. B’mod partikolari, kif diġà ġie ddikjarat(43), ma kienx illoġiku jew kontradittorju li jkun hemm evalwazzjoni tad-diversi fatti u tal-provi taħt eżami tad-deċiżjonijiet ikkontestati, iktar milli eżami bbażat biss jew għall-inqas essenzjalment fuq l-evalwazzjoni tal-kandidati mid-Direttur Ġenerali ta’ EuropeAid, kif ir-rikorrent jidher li jaħseb.

    67.      Il-fatt li l-Qorti tal-Prim’Istanza tilħaq konklużjoni sostanzjalment differenti minn dik tar-rikorrent rigward l-adegwatezza tas-Sur Naqvi għall-post ta’ direttur in kwistjoni ma jfissirx fih innifsu li kien hemm nuqqas ta’ motivazzjoni tas-sentenza kkontestata.

    68.      Għalhekk, lanqas din it-tieni parti ta’ l-ewwel motiv m’għandha prospetti ta’ suċċess.

    2.      It-tieni motiv

    69.      Permezz tat-tieni talba tiegħu r-rikorrent jikkontesta lill-Qorti tal-Prim’Istanza li għawġet il-fatti u l-elementi ta’ provi u wettqet żball ta’ liġi billi ma annullatx id-deċiżjoni kkonstestata tal-Kummissjoni fuq motivi ta’ ksur ta’ Artikoli 7, 29(1)(a) u 45(1) tar-Regolamenti tal-Persunal.

    a)      L-ewwel parti tat-tieni motiv

    70.      Fl-ewwel parti tat-tieni motiv, ir-rikorrent jallega li fl-għażla ta’ bejn il-kandidati għall-post ikkontestat ta’ direttur, m’għandhomx jiġu kkunsidrati l-“isfidi”(44) konnessi ma’ dan il-post jew il-“mentalità ta’ bidla”(45), Dawn il-kriterji ma ssemmewx fl-avviż ta’ post battal. Iżda kellhom infatti rwol kruċjali fil-proċedura ta’ selezzjoni u b’mod partikolari fin-nota mid-Direttur Ġenerali ta’ EuropeAid. Il-Qorti tal-Prim’Istanza ma tatx importanza suffiċjenti għal dan il-fattur fis-sentenza kkontestata u b’dan il-mod għawġet il-fatti u l-elementi ta’ provi.

    71.      Kontra dak li qal ir-rikorrent, jien ma nistax insib motivi li juru li l-Qorti tal-Prim’Istanza għawġet il-fatti jew l-elementi ta’ provi. Fil-punti 55 sa 58 tas-sentenza kkontestata, jirriżulta ċar illi l-Qorti tal-Prim’Istanza indirizzat b’mod xieraq il-problema ta’ l-“isfidi” affaċċjati mid-direttur li kien se jintgħażel u l-“mentalità ta’ bidla” mistennija minnu. Konsegwentement, il-Qorti tal-Prim’Istanza ċertament ma injoratx l-argumenti tar-rikorrent jew il-punti ta’ fatt fis-sentenza tagħha.

    72.      Rigward il-mertu, il-Qorti tal-Prim’Istanza bla ebda dubju tiddikjara li s-sinjifikat ta’ “sfidi” m’għandux jiġi mkabbar iktar milli suppost u m’għandhiex tiġi kkunsidrata in konnessjoni ma’ dikjarazzjoni personali ta’ opinjoni tad-Direttur Ġenerali ta’ EuropeAid(46). Rigward il-“mentalità ta’ bidla”, il-Qorti tkompli tispjega illi l-kriterju jikkorrispondi għal informazzjoni li tinstab fl-avviż ta’ post battal(47).

    73.      B‘din l-evalwazzjoni ta’ dan il-każ, il-Qorti tal-Prim’Istanza timxi b’mod ċar fil-limitu ta’ evalwazzjoni raġonevoli tal-fatti u ta’ l-elementi tal-provi. Is-sempliċi fatt li l-evalwazzjoni mill-Qorti ma taqbilx ma’ dik tar-rikorrent ma jfissirx fih innifsu li hemm distorsjoni ta’ fatti.

    74.      Fil-fatt, b‘din il-parti ta’ l-appell, ir-rikorrent, iktar milli jfittex sanzjoni għal distorsjoni ta’ fatti u ta’ elementi ta’ provi mill-Qorti tal-Prim’Istanza, irid li l-Qorti tal-Ġustizzja tibdel l-evalwazzjoni tal-fatti u ta’ l-elementi ta’ provi magħmula mill-Qorti tal-Prim’Istanza ma’ dik tagħha stess. Madankollu, dan mhux permess fil-kuntest tal-proċedimenti ta’ l-appell(48).

    75.      L-ewwel parti tat-tieni motiv għalhekk m’għandhiex prospetti ta’ suċċess.

    b)      It-tieni parti tat-tieni motiv: żball ta’ liġi rigward il-parteċipazzjoni tad-Direttur Ġenerali kompetenti fil-proċedura ta’ selezzjoni

    76.      Permezz tat-tieni parti tat-tieni motiv tiegħu, ir-rikorrent jiddikjara li fil-punt 54 tas-sentenza kkontestata l-Qorti tal-Prim’Istanza ma tirrikonoxxix l-influwenza tal-preselezzjoni mid-Direttur Ġenerali kompetenti fuq il-bqija tal-proċedura ta’ selezzjoni quddiem is-CCN. Is-CCN kien marbut de facto mill-preselezzjoni magħmula. Dan jidher partikolarment ċar fil-każ preżenti mill-fatt li s-CCN stieden biss lill-kandidati magħżula minn qabel mid-Direttur Ġenerali ta’ EuropeAid għal intervisti oħra.

    77.      Għandu jiġi kkonstatat li l-punti tad-dritt eżaminati fl-ewwel istanza jistgħu jitqajmu mill-ġdid fl-appell(49), per eżempju, fil-każ preżenti, il-legalità ta’ proċedura ta’ selezzjoni u b’mod partikolari l-legalità tal-mod li fih id-Direttur Ġenerali kompetenti jkun ipparteċipa(50). Madankollu, f’każ bħal dan l-argumenti legali magħmula li jsostnu l-appell għandhom jiġu indikati preċiżament; dan ir-rekwiżit ma jiġix sodisfatt bl-appell li, mingħajr ma jinkludi biss argument li speċifikament jidentifika żball ta’ liġi li allegatament jivvizzja s-sentenza taħt appell, sempliċiment jirrepeti jew jirriproduċi verbatim it-talbiet u l-argumenti magħmula qabel lill-Qorti tal-Prim’Istanza(51).

    78.      Dan huwa l-każ hawnhekk, peress li fl-appell tiegħu r-rikorrent ma jindikax preċiżament il-kritiki li jixtieq jagħmel dwar is-sentenza kkontestata rigward ir-rwol tad-Direttur Ġenerali ta’ EuropeAid fil-proċedura ta’ selezzjoni. Huwa sempliċement jirrepeti f’termini ġenerali l-argumenti magħmula fl-ewwel istanza rigward l-effett de facto vinkolanti tal-proċedura ta’ preselezzjoni magħmulha mid-Direttur Ġenerali għall-bqija tal-proċedura ta’ selezzjoni(52).

    79.      Din il-parti tat-tieni motiv hija għalhek inammissibbli u lanqas ma għandha prospetti ta’ suċċess.

    3.      Konklużjoni intermedja

    80.      L-appell imressaq mir-rikorrent huwa għalhekk parzjalment inammissibbli, parzjalment infondat u, konsegwentement, għandu jiġi miċħud totalment.

    VII – Spejjeż

    81.      Skond l-Artikolu 122 flimkien ma’ l-Artikolu 118 u l-Artikolu 69(2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-parti li ma titlef għandha tiġi ordnata tbati l-ispejjeż jekk dawn ikunu ntalbu.

    82.      Għal dak li jirrigwarda l-appell tar-rikorrenti, ċertament jirriżulta, mill-Artikolu 122(2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, li l-Qorti tal-Ġustizzja tista’, b’deroga mill-Artikolu 69(2), tordna lill-partijiet jaqsmu l-ispejjeż fejn dan huwa neċessarju għal raġunijiet ta’ ekwità. Madankollu, dawn il-kunsiderazzjonijiet ta’ ekwità mhumiex preżenti f’dan il-każ, u lanqas ma ntalbu mir-rikorrent. Jiena għalhekk ta’ l-opinjoni li r-rikorrent, li tilef fl-appell tiegħu, għandu jkun ordnat ibati l-ispejjeż ta’ l-appell imressaq minnu skond it-talbiet tal-Kummissjoni.

    83.      Rigward l-appell inċidentali magħmul mill-Kummissjoni, jirriżulta mill-Artikolu 122(2) flimkien ma’ l-Artikolu 70 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, li l-Kummissjoni għandha tħallas l-ispejjeż tagħha. Peress illi l-appell inċidentali magħmul mill-Kummissjoni ma rnexxiex, barra minn hekk, għandha tiġi ordnata tbati l-ispejjeż kif mitlub mir-rikorrent għall-appell inċidentali. Il-Kummissjoni għalhekk għandha tiġi ordnata tbati l-ispejjeż kollha ta’ l-appell inċidentali.

    VIII – Konklużjoni

    84.      Jien għalhekk nipproponi li l-Qorti għandha:

    1)      tiċħad l-appell;

    2)      tordna lil kull parti tbati l-ispejjeż tagħha.


    1 – Lingwa oriġinali: il-Ġermaniż.


    2 – EuropeAid ġie stabbilit fl-1 ta’ Jannar 2001 permezz ta’ deċiżjoni tal-Kummissjoni wara riforma tat-tmexxija ta’ l-għajnuna esterna. Il-missjoni ta’ l-Uffiċċju hija li jimplementa l-istrumenti ta’ għajnuna esterna (għajnuna għall-iżvilupp) tal-Kummissjoni permezz ta’ fondi li ġejjin mill-baġit tal-Komunità Ewropea u l-Fond Ewropew ta’ l-Iżvilupp.


    3 – Sentenza tal-5 ta’ Lulju 2005, Wunenburger vs Il-Kummissjoni, T370/03, li għada ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra.


    4 – Regolamenti tal-Persunal ta’ uffiċjali u l-Kundizzjonijiet ta’ Impjieg ta’ ħaddiema oħra tal-Komunitajiet Ewropej, applikabbli b’effett mill-5 ta’ Marzu 1968, kif stipulat fl-Artikoli 2 u 3 tar-Regolament tal-Kunsill (KEE, Euratom, KEFA) Nru 259/68 tad-29 ta’ Frar 1968 (ĠU L 56, p. 1), fil-verżjoni tar-Regolament (Euratom, KEFA, KEE) Nru 1473/72 tal-Kunsill tat-30 ta’ Ġunju 1972 (ĠU L 160, p. 1).


    5 – Avviż ta’ post battal KUMM/138/02.


    6 – Avviż ta’ post battal KUMM/142/04 tat-28 ta’ Mejju 2004.


    7 – Punti 19 sa 21 tas-sentenza kkontestata.


    8 – Punti 28 sa 35 tas-sentenza kkontestata.


    9 – Ir-rikorrent kien barra minn hekk ressaq ilment dwar il-ksur tal-prinċipji ta’ protezzjoni ta’ l-aspettattivi leġittimi, trattament ugwali u prospetti raġonevoli ta’ karriera.


    10 – Punti 51 sa 83 tas-sentenza kkontestata.


    11 – Sentenzi tas-26 ta’ Frar 2003, Il-Kunsill vs Boehringer C-23/00 P, Ġabra p. I-1873, punt 50, u tat-22 ta’ Frar 2005, Il-Kummissjoni vs max.mobil C-141/02 P Ġabra p. I-1283, punti 50 u 51. Ara wkoll, impliċitament, is-sentenza tal-21 ta’ Jannar 1999, Franza vs Comafrica et, C-73/97 Ġabra p. I-185 ; ara b’mod partikolari l-Konklużjonijiet ta’ l-Avukat Ġenerali Mischo tal-25 ta’ Ġunju 1998 f’din il-kawża (Ġabra p. -185, punti 11 et seq).


    12 –Il-Kunsill vs Boehringer (iċċitat fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 11, punt 52).


    13 – F’dan is-sens, fi proċedimenti għal miżuri provviżorji, id-digriet tas-17 ta’ Diċembru 1998 Emesa Sugar vs Il-Kunsill C-363/98 P(R) Ġabra p. I-8787, punti 43 et seq.


    14 – Punti 19 sa 21 tas-sentenza kkontestata.


    15 – Ara s-sentenza tas-7 ta’ Jannar 2004, Aalborg Portland et vs Il-Kummissjoni C-204/00 P, C-205/00 P, C-211/00 P, C-213/00 P, C-217/00 P u C-219/00 P, Ġabra p. I-123, punti 47-49; kif ukoll is-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-21 ta’ Settembru 2006, Nederlandse Federative Vereniging voor de Groothandel op Elektrotechnisch Gebied vs Il-Kummissjoni, C-105/04 P, li għadha mhijiex ippubblikata fil-Ġabra, punti 69 u 70, u tal-21 ta’ Settembru 2006, Technische Unie vs Il-Kummissjoni, C-113/04 P, li għadha mhijiex ippubblikata fil-Ġabra, punti 82 u 83.


    16 – Sentenza tas-6 ta’ April 2006 General Motors, C-551/03 P, Ġabra p. I-3173, punt 51; kif ukoll is-sentenzi FEG vs Il-Kummissjoni (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 15, punt 69) ; u TU vs Il-Kummissjoni (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 15, punt 82), b’referenzi oħra.


    17 – Sentenzi ta’ l-24 ta’ April 2001, Torre et vs Il-Kummissjoni, T-159/98, ĠabraFP p., II-395, punt 30, u tal-21 ta’ Marzu 2002, Shaw u Falla vs Il-Kummissjoni, T-131/99 Ġabra p. II-2023, punt 29, u d-digriet tas-17 ta’ Ottubru 2005, First Data vs Il-Kummissjoni, T-28/02 Ġabra p. II-4119, punti 35 sa 37.


    18 – F’dan ir-rigward is-sentenza mogħtija fid-19 ta’ Ottubru 1995, fil-proċedimenti ta’ appell fil-Kawża C-19/93 P Rendo et vs Il-Kummissjoni, Ġabra p. I-3319, punt 13, tista’ tikkonfondi lil dak li jkun; il-Qorti ddikjarat illi fejn m’hemmx interess li jittieħed jew li jinżamm appell tista’ “tiddikjara l-appell inammissibbli jew nieqes minn skop għal din ir-raġuni”. Fl-opinjoni tiegħi dan ifisser fil-fatt li l-appell għandu jiġi ddikjarat inammissibbli meta m’hemmx interess li tittieħed azzjoni meta jiġi ppreżentat appell, filwaqt li l-appell għandu jiġi ddikjarat bla skop jekk l-interess li tittieħed azzjoni jispiċċa sussegwentement.


    19 – Sentenza tas-6 ta’ Lulju 1999 Séché vs Il-Kummissjoni, T-112/96 u T-115/96, ĠabraFP p. I-A-115, II-623, punt 37; is-sentenza Torre et vs Il-Kummissjoni (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 17, punt 31); u d-digriet First Data vs Il-Kummissjoni (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 17, punt 53).


    20 – Sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja ta’ l-24 ta’ Ġunju 1986, Akzo Chemie et vs Il-Kummissjoni, 53/85 Ġabra p. 1965, punt 21, ta’ l-14 ta’ Settembru 1995, Antillean Rice Mills et vs Il-Kummissjoni, T-480/93 u T-483/93, Ġabra p. II-2305, punt 59, u tas-7 ta’ Ġunju 2006, Osterreichische Postsparkasse vs Il-Kummissjon T-213/01, li għadha mhijiex ippubblikata fil-Ġabra, punt 53.


    21 – Sentenza Rendo et vs Il-Kummissjoni (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 18, punt 13) u tat-13 ta’ Lulju 2000, Il-Parlament vs Richard, C-174/99 P, Ġabra p. I-6189, punt 33. Fl-istess sens, is-sentenza ta’ l-24 ta’ Novembru 2005, C-138/03, C-324/03 u C-431/03, L-Italja vs Il-Kummissjoni, Ġabra p. I-10043, punti 23 sa 25.


    22 – Sentenza tas-6 ta’ Marzu 1979, Simmenthal vs Il-Kummissjoni, 92/78, Ġabra p.777, punt 32, u s-sentenza Akzo Chemie et vs Il-Kummissjoni (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 20, punt 21).


    23 – L-“irtirar ta’ post” ta’ uffiċjali skond l-Artikolu 50 tar-Regolamenti tal-Persunal mhijiex sinonima ma’ l-“irtirar tad-deċiżjoni” li biha l-uffiċjal kien maħtur.


    24 – Ara, per eżempju, il-punt 2 tar-replika tal-Kummissjoni tat-30 ta’ Ġunju 2004 fil-proċedimenti quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza ( T-370/03).


    25 – Hekk intqal espressament fis-sentenza tat-28 ta’ Settembru 2004, MCI vs Il-Kummissjoni T-310/00, Ġabra p. II-3253, punti 46 u 61. Kunsiderazzjoni simili hija l-bażi tas-sentenza ta’ l-14 ta’ Ottubru 1999 CAS Succhi di Frutta vs Il-Kummissjoni, T-191/96 u T-106/97, Ġabra p. II-3181, punt 63.


    Ara wkoll is-sentenza tal-31 ta’ Marzu 1971, Il-Kummissjoni vs Il-Kunsill, magħrufa bħala ‘AETR’ (Kawża 22/70 Ġabra p. 263, punt 40), li bis-saħħa tagħha r-rikors għall-Artikolu 230 KE “l-iskop ta’ dan l-istħarriġ [skond Artikolu 230 KE] huwa li jiżgura, kif rikjest mill-[Artikoli 220(1) KE], l-osservanza tal-liġi fl-interpretazzjoni u l-applikazzjoni tat-Trattat”, kif ukoll is-sentenza tat-23 ta’ April 1986, Les Verts vs Il-Parlament (294/83, Ġabra p. 1339, punt 23), li tgħid li “ebda wieħed mill-Istati Membru jew l-istituzzjonijiet tagħha ma jistgħu jevitaw stħarriġ ta’ domanda jekk il-miżuri adottati minnhom mhumiex konformi mal-karta bażika kostituzzjonali, it-Trattat”. Rigward ir-rekwiżit ta’ stħarriġ ġudizzjarju f’Komunità tad-dritt ara wkoll is-sentenza iktar reċenti tal-25 ta’ Ġunju 2002, Unión de Pequeños Agricultores, C-50/00 P, Ġabra p. I-6677, punt 38).


    26 – Hekk imsemmi f’kawża reċenti rigward stħarriġ ta’ konċentrazzjonijiet, is-sentenza MCI vs Il-Kummissjoni (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 25, punti 55 u 63). Ara wkoll is-sentenzi Simmenthal vs Il-Kummissjoni (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 22, punt 32), Akzo (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 20, punt 21), tas-26 ta’ April 1988 Apesco vs Il-Kummissjoni 207/86, Ġabra p. 2151, punt 16, ta’ l-24 ta’ Settembru 1996, Marx Esser et vs Il-Parlament, T-182/94 ĠabraFP I-A-411 u II-1197, punt 41, CAS Succhi di Frutta vs Il-Kummissjoni (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 25, punt 63); u Österreichische Postsparkasse et vs Il-Kummissjoni (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 20, punt 54).


    27 – Sentenzi Simmenthal vs Il-Kummissjoni (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 22, punt 32) tal-5 ta’ Marzu 1980, Koenecke vs Il-Kummissjoni, 76/79 Ġabra p. 665, punt 9; Antillean Rice Mills vs Il-Kummissjoni (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 20, punt 60); CAS Succhi di Frutta vs Il-Kummissjoni (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 25, punt 63); MCI vs Il-Kummissjoni (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 25, punt 46; u Österreichische Postsparkasse et vs Il-Kummissjoni (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 20, punt 54).


    28 – Sentenzi Koenecke vs Il-Kummissjoni (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 27, punt 9), tal-31 ta’ Marzu 1998, Franza et vs Il-Kummissjoni, C-68/94 u C-30/95, Ġabra p. I-1375, punt 74, Il-Parlament vs Richard (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 21, punti 33 u 34), u tal-21 ta’ Marzu 2002, Shaw u Falla vs Il-Kummissjoni (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 17, punt 29).


    29 – Ara, bħala eżempju, is-sentenza ta’ l-10 ta’ Ġunju 1980, M. vs Il-Kummissjoni 155/78, Ġabra p. 1797, punt 6.


    30 – “il-mod kif id-direttur ġenerali wettaq il-preselezzjoni tal-kandidati”.


    31 – F’dan ir-rispett, il-każ preżenti bla dubju huwa differenti mill-każ bħal dak li wassal għall-kawża Apesco vs Il-Kummissjoni (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 26).


    32 – Ara, bħala eżempju, is-sunt ta’ l-argumenti tar-rikorrent fil-punti 37 u 38 tas-sentenza kkontestata.


    33 – Sentenza Rendo et vs Il-Kummissjoni (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 18, punt 13).


    34 – Ara f’dan ir-rigward l-iżviluppi fl-appell inċidentali, b’mod partikolari l-punti 38 sa 51 ta’ dawn il-Konklużjonijiet.


    35 – Ara l-punt 9 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


    36 – Punt 32 tas-sentenza kkontestata.


    37 – Lingwa oriġinali: “solide expérience de management de personnel [et] capacité de gestion, mobilisation et supervision de grandes équipes”.


    38 – Sentenzi tas-6 ta’April 2006, General Motors vs Il-Kummissjoni C-551/03 P, Ġabra p. I-3173, punt 54, u tal-21 ta’ Settembru 2006, JCB Service vs Il-Kummissjoni, C-167/04 P, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punt 108; Fl-istess sens ara s-sentenza tat-18 ta’ Jannar 2007, PKK u KNK vs Il-Kunsill C-229/05 P, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punt 37.


    39 – Il-kolonna ta’ “kummenti” fl-anness man-nota tat-18 ta’ Novembru 2002 tinkludi l-osservazzjoni ġenerali li ġejja rigward is-Sur Naqvi : “La candidature satisfait aux critères énoncés dans la description du poste”.


    40 – F’dan il-punt il-Qorti tal-Prim’Istanza tgħid li l-AIPN ma wettqitx żball ċar ta’ evalwazzjoni meta bdiet mill-prinċipju li s-Sur Naqvi ssodisfa l-kriterji għal ġestjoni tal-persunal. Il-Qorti tal-Prim’Istanza tirreferi b’mod partikolari għal formola ta’ kandidatura li turi li s-Sinjur Naqvi kellu prova ta’ esperjenza fl-amministrazzjoni li kien kiseb kemm bħala kap ta’ dipartiment u kif ukoll bħala kap ta’ delegazzjoni u li hu kien jidher kapaċi li jżomm unità motivat. Huwa jirreferi wkoll għaż-żewġ rapporti uffiċjali dwar is-Sur Naqvi qabel il-proċedura ta’ selezzjoni.


    41 – Ara l-punt 29 ta’ dawn il-konklużjonijiet u l-ġurisprudenza ċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 15.


    42 – Ara f’dan is-sens, is-sentenza tat-18 ta’ Mejju 2006, P Archer Daniels Midland et vs Il-Kummissjoni, C-397/03, Ġabra p. I-4429, punt 60, kif ukoll is-sentenzi ċċitati fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 15, Aalborg Portland et vs Il-Kummissjoni (punt 372), FEG vs Il-Kummissjoni (punt 72) u TU vs Il-Kummissjoni (punt 85).


    43 – Ara iktar ’il fuq il punti 58 sa 62 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


    44 – Franċiż: “enjeux du poste”.


    45 – Franċiż: “sensibilité pour la réforme”.


    46 – Punt 55 tas-sentenza kkontestata.


    47 – Punti 56 sa 58 tas-sentenza kkontestata.


    48 – Ara l-punt 29 ta’ dawn il-konklużjonijiet u l-ġurisprudenza ċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 15.


    49 – Sentenza tas-26 ta’ Ottubru 2006, P Koninklijke Coöperatie Cosun vs Il-Kummissjoni, C-68/05, li għadha mhijiex ippubblikata fil-Ġabra, punt 54, b’referenzi oħra.


    50 – Kif diġà ntqal fl-appell inċidentali mressaq mill-Kummissjoni, ir-rikorrent iddikjara quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza li l-proċedura ta’ selezzjoni kienet ibbażata fuq żball ta’ liġi fejn id-Direttur Ġenerali kompetenti għamel preselezzjoni li bih is-CCN u l-AIPN kienu essenzjalment immexxija (ara iktar ‘il fuq, il-punti 46 u 47 ta’ dawn il-konklużjonijiet).


    51 – Sentenza Koninklijke Coöperatie Cosun vs Il-Kummissjoni (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 49, punt 55).


    52 – Ara l-argumenti fil-qosor fil-punt 39 tas-sentenza kkontestata.

    Top