This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 62005CC0110
Opinion of Mr Advocate General Léger delivered on 5 October 2006. # Commission of the European Communities v Italian Republic. # Failure of a Member State to fulfil obligations - Article 28 EC - Concept of ‘measures having equivalent effect to quantitative restrictions on imports’ - Prohibition on mopeds, motorcycles, motor tricycles and quadricycles towing a trailer in the territory of a Member State - Road safety - Market access - Obstacle - Proportionality. # Case C-110/05.
Konklużjonijiet ta' l-Avukat Ġenerali - Léger - 5 ta' Ottubru 2006.
il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej vs ir-Repubblika Taljana.
Nuqqas ta’ Stat li jwettaq obbligu - Artikolu 28 KE - Kunċett ta’ ‘miżuri li għandhom effett ekwivalenti għal restrizzjonijiet kwantitattivi fuq l-importazzjoni’ - Ċiklomuturi, muturi, triċikli u kwadriċikli pprojbiti milli jirmunkaw karru fit-territorju ta’ Stat Membru - Sigurtà fit-triq - Aċċess għas-suq - Ostakolu - Proporzjonalità.
Kawża C-110/05.
Konklużjonijiet ta' l-Avukat Ġenerali - Léger - 5 ta' Ottubru 2006.
il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej vs ir-Repubblika Taljana.
Nuqqas ta’ Stat li jwettaq obbligu - Artikolu 28 KE - Kunċett ta’ ‘miżuri li għandhom effett ekwivalenti għal restrizzjonijiet kwantitattivi fuq l-importazzjoni’ - Ċiklomuturi, muturi, triċikli u kwadriċikli pprojbiti milli jirmunkaw karru fit-territorju ta’ Stat Membru - Sigurtà fit-triq - Aċċess għas-suq - Ostakolu - Proporzjonalità.
Kawża C-110/05.
ECLI identifier: ECLI:EU:C:2006:646
KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI
LÉGER
ippreżentati fil-5 ta’ Ottubru 2006 ( 1 )
Kawża C-110/05
Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej
vs
Ir-Repubblika Taljana
“Nuqqas ta’ Stat li jwettaq obbligu — Artikolu 28 KE — Kunċett ta’ ‘miżuri li għandhom effett ekwivalenti għal restrizzjonijiet kwantitattivi fuq l-importazzjoni’ — Ċiklomuturi, muturi, triċikli u kwadriċikli pprojbiti milli jirmunkaw karru fit-territorju ta’ Stat Membru — Sigurtà fit-triq — Aċċess għas-suq — Ostakolu — Proporzjonalità”
1. |
Permezz ta’ dan ir-rikors, il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tikkonstata li r-Repubblika Taljana, billi żammet fis-seħħ regoli li jipprojbixxu liċ-ċiklomuturi milli jirmunkaw karru, naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt l-Artikolu 28 KE. |
I — Il-kuntest ġuridiku
A — Id-dritt Komunitarju
1. It-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea
2. |
Skont l-Artikolu 28 KE: “Restrizzjonijiet kwantitattivi fuq l-importazzjoni u kull miżura li għandha effett ekwivalenti għandhom ikunu projbiti bejn l-Istati Membri”. |
3. |
Skont l-Artikolu 30 KE, il-projbizzjonijiet jew ir-restrizzjonijiet tal-importazzjoni bejn l-Istati Membri li jkunu ġġustifikati, b’mod partikolari għal raġunijiet ta’ sigurtà pubblika u tal-protezzjoni tas-saħħa u l-ħajja ta’ persuni huma awtorizzati, kemm-il darba dawn ma jikkostitwixxux mezz ta’ diskriminazzjoni arbitrarja jew restrizzjoni moħbija tal-kummerċ intrakomunitarju. |
2. Ir-regoli dwar il-proċeduri għall-approvazzjoni ta’ vetturi bil-mutur b’żewġ roti jew bi tlieta
4. |
Id-Direttiva tal-Kunsill 92/61/KEE ( 2 ) ġiet adottata bil-għan li tiġi stabbilita proċedura għall-approvazzjoni Komunitarja ( 3 ) għall-vetturi bil-mutur b’żewġ roti jew bi tlieta. |
5. |
Kif jirriżulta b’mod ċar mill-premessi ta’ din id-direttiva, din il-proċedura għandha l-għan li tiggarantixxi l-funzjonament tas-suq intern billi telimina ostakoli tekniċi għall-kummerċ fis-settur tal-vetturi bil-mutur ( 4 ). Din id-direttiva hija intenzjonata wkoll sabiex tikkontribwixxi lejn it-titjib tas-sigurtà fit-triq kif ukoll lejn il-ħarsien tal-ambjent u tal-konsumaturi ( 5 ). |
6. |
Sabiex tkun tista’ tiġi implementata din il-proċedura għall-approvazzjoni Komunitarja, l-imsemmija direttiva tipprovdi għal armonizzazzjoni totali tar-rekwiżiti tekniċi li dawn il-vetturi għandhom jissodisfaw ( 6 ). Din id-direttiva tipprovdi wkoll li r-rekwiżiti tekniċi applikabbli għad-diversi elementi u karatteristiċi tal-imsemmija vetturi għandhom ikunu armonizzati fil-kuntest ta’ direttivi partikolari ( 7 ). |
7. |
Skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 1(1) tagħha, id-Direttiva 92/61 tapplika għal “kull vettura bil-mutur b’żewġ roti jew bi tlieta, kemm jekk b’rota doppja jew le, li tkun intenzjonata sabiex tintuża fit-triq, kif ukoll għall-komponenti u l-unitajiet tekniċi tagħha”. [traduzzjoni mhux uffiċjali] |
8. |
Skont l-Artikolu 1(2) u (3) ta’ din l-istess direttiva, il-vetturi inkwistjoni huma ċ-ċiklomuturi ( 8 ), il-muturi, it-triċikli u l-kwadriċikli. |
9. |
Ir-rekwiżiti dwar il-massa u d-dimensjonijiet tal-vetturi bil-mutur b’żewġ roti jew bi tlieta ġew armonizzati permezz tad-Direttiva tal-Kunsill 93/93/KEE ( 9 ). |
10. |
Rekwiżiti tekniċi oħra, b’mod partikolari, dwar apparat għall-irmonk u apparat aċċessorju li jeħel mal-imsemmija vetturi ġew armonizzati permezz tad-Direttiva 97/24/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ( 10 ). |
11. |
Fil-preambolu tagħhom, id-Direttivi 93/93 u 97/24 jiddikjaraw, it-tnejn li huma, li r-rekwiżiti li huma jistabbilixxu la jista’ jkollhom l-iskop u lanqas l-effett li jobbligaw lill-Istati Membri li ma jippermettux li l-vetturi bil-mutur b’żewġ roti jirmunkaw karru fit-territorju tagħhom sabiex jemendaw ir-regoli tagħhom ( 11 ). |
B — Il-liġi nazzjonali
12. |
L-Artikolu 53 tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 285 (decreto legislativo n. 285), tat-30 ta’ April 1992 ( 12 ), jiddefinixxi ċ-ċiklomuturi bħala “kull vettura b’żewġ roti, jew bi tlieta jew b’erbgħa”, filwaqt li dawn tal-aħħar jikkostitwixxu l-kategorija ta’ “kwadriċikli bil-mutur”. |
13. |
Skont l-Artikolu 54 tal-Kodiċi għat-traffiku fit-triq, il-vetturi bil-mutur huma vetturi b’magna li jkollhom mill-inqas erba’ roti, esklużi ċ-ċiklomuturi. |
14. |
Skont l-Artikolu 56 tal-istess kodiċi, il-vetturi bil-mutur, it-trolleybus ( 13 ) u t-trakters bil-mutur biss huma awtorizzati sabiex jirmunkaw karru. |
II — Il-proċedura prekontenzjuża
15. |
Wara skambju ta’ korrispondenza bejn ir-Repubblika Taljana u l-Kummissjoni, din tal-aħħar, peress li kkunsidrat li dan l-Istat Membru kien naqas mill-obbligi tiegħu taħt l-Artikolu 28 KE meta adotta r-regoli inkwistjoni, interprellatu sabiex jippreżenta l-osservazzjonijiet tiegħu b’ittra tat-3 ta’ April 2003. |
16. |
Fl-ittra ta’ risposta tagħha, tat-13 ta’ Ġunju 2003, ir-Repubblika Taljana impennjat ruħha li ddaħħal l-emendi meħtieġa fil-leġiżlazzjoni nazzjonali u li telimina l-ostakoli għall-importazzjonijiet indikati mill-Kummissjoni. Dan l-Istat Membru ppreċiża, barra minn hekk, li dawn l-emendi kienu jirrigwardaw mhux biss l-approvazzjoni tal-vetturi, iżda wkoll ir-reġistrazzjoni, l-użu ta’ dawn il-vetturi fit-triq u l-kontrolli tal-karrijiet (reviżjonijiet). |
17. |
Il-Kummissjoni madankollu ma rċeviet ebda komunikazzjoni dwar l-adozzjoni tal-imsemmija emendi u b’hekk indirizzat lir-Repubblika Taljana, fid-19 ta’ Diċembru 2003, opinjoni motivata fejn talbitha tieħu l-miżuri meħtieġa sabiex tikkonforma mal-obbligi tagħha taħt l-Artikolu 28 KE f’terminu ta’ xahrejn mid-data ta’ notifika tal-opinjoni. Billi ma rċeviet ebda risposta, il-Kummissjoni, b’att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja fl-4 ta’ Marzu 2005, ressqet dan ir-rikors fuq il-bażi tal-Artikolu 226 KE. |
III — Ir-rikors
18. |
Il-Kummissjoni titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja jogħġbobha:
|
19. |
Ir-Repubblika Taljana titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tiċħad ir-rikors. |
IV — Fuq in-nuqqas ta’ Stat li jwettaq obbligu
A — L-argumenti prinċipali tal-partijiet
20. |
Il-Kummissjoni ssostni li r-Repubblika Taljana naqset milli tirrispetta l-prinċipju tal-moviment liberu tal-merkanzija stabbilit fl-Artikolu 28 KE billi pprojbixxiet liċ-ċiklomuturi milli jirmunkaw karru. |
21. |
In sostenn ta’ dan l-ilment, il-Kummissjoni tfakkar fl-ewwel lok li, fin-nuqqas ta’ leġiżlazzjoni Komunitarja armonizzata dwar l-approvazzjoni, ir-reġistrazzjoni u l-użu fit-triq ta’ karrijiet għaċ-ċiklomuturi, l-Artikoli 28 KE u 30 KE huma applikabbli. |
22. |
Il-Kummissjoni tenfasizza, fit-tieni lok, li l-miżura inkwistjoni għandha l-effett li timpedixxi l-użu ta’ karrijiet manifatturati u mibjugħa legalment fi Stati Membri oħra, u b’hekk ma tippermettix l-importazzjoni u l-bejgħ tagħhom fl-Italja. Skont il-Kummissjoni, tali miżura, li tikkostitwixxi restrizzjoni għall-importazzjonijiet fis-sens tal-Artikolu 28 KE, ma tistax titqies bħala kompatibbli mat-Trattat ħlief jekk hija ġġustifikata minn waħda mir-raġunijiet ta’ interess ġenerali elenkati fl-Artikolu 30 KE jew minn wieħed mir-rekwiżiti imperattivi stabbiliti mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja. |
23. |
F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni tindika li l-fatt li r-Repubblika Taljana tippermetti li ċiklomuturi rreġistrati fi Stati Membri oħra u li jirmunkaw karrijiet jintużaw fit-triq fuq it-territorju tagħha juri li l-projbizzjoni tal-irmunkar inkwistjoni mhijiex relatata ma’ xi rekwiżit marbut mas-sigurtà fit-triq. |
24. |
Fl-aħħar lok, il-Kummissjoni tinnota li l-premessi tad-Direttivi 93/93 u 97/24, invokati mir-Repubblika Taljana in sostenn tar-regoli inkwistjoni, mhumiex ta’ natura obbligatorja u la għandhom l-iskop u lanqas l-effett li jagħmlu kompatibbli mad-dritt Komunitarju regoli nazzjonali bħal dawk inkwistjoni f’din il-kawża. F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni tirreferi għall-ġurisprudenza kostanti tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar is-supremazija tad-dritt primarju fuq id-dritt sekondarju. |
25. |
B’risposta għal dawn l-argumenti, ir-Repubblika Taljana tirribatti li l-ksur li bih hija akkużata jirrigwarda l-projbizzjoni għaċ-ċiklomuturi rreġistrati fl-Italja milli jirmunkaw karrijiet u mhux ir-rifjut ta’ reġistrazzjoni ta’ motorino u ta’ karru mmanifatturati fi Stat Membru ieħor u intenzjonati sabiex jinbiegħu fit-territorju Taljan. |
26. |
Ir-Repubblika Taljana ssostni, barra minn hekk, li r-riżerva li tinsab fl-aħħar premessi tad-Direttivi 93/93 u 97/24 tawtorizza l-miżura inkwistjoni. Fil-fehma tagħha, tali riżerva tirriżulta mid-differenzi fit-terren bejn it-territorji nazzjonali. Din ir-riżerva tista’ titneħħa biss jekk ir-regoli tekniċi dwar l-approvazzjoni, ir-reġistrazzjoni u l-użu fit-triq ta’ karrijiet irmunkati minn vetturi bil-mutur b’żewġ roti jew bi tlieta jiġu armonizzati ( 14 ). Issa, ir-Repubblika Taljana tindika li d-dritt Komunitarju applikabbli ma jipprovdix għal tali armonizzazzjoni. Għaldaqstant, ir-rikonixximent reċiproku tal-karrijiet jibqa’ fid-diskrezzjoni tal-Istati Membri. |
27. |
Ir-Repubblika Taljana tenfasizza, finalment, li l-karatteristiċi tekniċi tal-vetturi huma importanti mill-perspettiva tas-sigurtà fit-triq. F’dan ir-rigward, l-awtoritajiet Taljani jikkunsidraw li, fin-nuqqas ta’ regoli ta’ approvazzjoni għal vetturi li jirmunkaw karru, il-kundizzjonijiet ta’ sigurtà meħtieġa mhumiex sodisfatti. |
B — Evalwazzjoni
28. |
Ir-rikors tal-Kummissjoni jitlob li l-Qorti tal-Ġustizzja tikkonstata li, billi jipprojbixxu liċ-ċiklomuturi milli jirmunkaw karru, ir-regoli Taljani jintroduċu ostakolu għall-moviment liberu tal-merkanzija bi ksur tat-Trattat. |
29. |
Għandu jingħad, fuq bażi preliminari, li d-dispożizzjonijiet tad-dritt sekondarju li ġew invokati ma jirregolawx il-karatteristiċi tekniċi li għandhom jissodisfaw iċ-ċiklomuturi li jirmunkaw karru. Il-miżuri nazzjonali li jirrigwardaw din il-kwistjoni b’hekk mhumiex suġġetti għal armonizzazzjoni fuq livell Komunitarju. |
30. |
Madankollu, fin-nuqqas ta’ regoli komuni jew armonizzati, l-Istati Membri xorta waħda huma obbligati li jirrispettaw il-libertajiet fundamentali stabbiliti fit-Trattat, fosthom il-prinċipju tal-moviment liberu tal-merkanzija ( 15 ). |
31. |
Din il-libertà tiggarantixxi b’mod partikolari, skont l-Artikolu 28 KE, il-projbizzjoni bejn l-Istati Membri tar-restrizzjonijiet kwantitattivi fuq l-importazzjoni, kif ukoll kull miżura b’effett ekwivalenti. |
32. |
Minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li kull miżura meħuda minn Stat li tista’ tfixkel direttament jew indirettament, attwalment jew potenzjalment, il-kummerċ intrakomunitarju tikkostitwixxi miżura b’effett ekwivalenti għal restrizzjoni kwantitattiva pprojbita mill-Artikolu 28 KE ( 16 ). B’hekk, anki jekk miżura ma jkollhiex l-iskop li tirregola l-kummerċ tal-merkanzija bejn l-Istati Membri, il-fattur determinanti huwa l-effett tagħha fuq il-kummerċ intrakomunitarju, kemm jekk attwali u kemm jekk potenzjali. |
33. |
Barra minn hekk, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li, fin-nuqqas ta’ armonizzazzjoni tal-liġijiet, miżuri li japplikaw mingħajr distinzjoni għall-prodotti nazzjonali u għall-prodotti importati minn Stati Membri oħra jistgħu jikkostitwixxu restrizzjonijiet għall-moviment liberu tal-merkanzija ( 17 ). |
34. |
Dawn il-miżuri madankollu jistgħu jkunu ġġustifikati jekk ikollhom obbjettivi leġittimi. Fil-fatt, ġie deċiż b’mod kostanti li leġiżlazzjoni nazzjonali li timpedixxi l-moviment liberu tal-merkanzija mhux neċessarjament tmur kontra d-dritt Komunitarju jekk tkun tista’ tiġi ġġustifikata minn waħda mir-raġunijiet ta’ interess ġenerali elenkati fl-Artikolu 30 KE jew minn wieħed mir-rekwiżiti imperattivi stabbiliti mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja f’każ fejn il-leġiżlazzjoni nazzjonali hija applikabbli mingħajr distinzjoni ( 18 ). |
35. |
Madankollu, kif enfasizzat il-Qorti tal-Ġustizzja, kull deroga mill-prinċipju fundamentali tal-moviment liberu tal-merkanzija għandha tkun suġġetta għal interpretazzjoni stretta ( 19 ). Kull waħda mill-ġustifikazzjonijiet stipulati fl-Artikolu 30 KE b’hekk għandha tiġi interpretata b’mod restrittiv u dan l-artikolu ma jistax jiġi estiż għal każijiet oħra minbarra dawk li huwa jelenka b’mod eżawrenti. F’dawn iċ-ċirkustanzi, huma l-awtoritajiet nazzjonali li għandhom juru, minn naħa, li r-regoli tagħhom huma meħtieġa sabiex jinkiseb l-obbjettiv mixtieq u, min-naħa l-oħra, li l-imsemmija regoli huma proporzjonati fir-rigward ta’ dan l-obbjettiv ( 20 ). |
36. |
Huwa fid-dawl ta’ dawn il-prinċipji li għandu jiġi eżaminat jekk ir-regoli nazzjonali inkwistjoni jikkostitwixxux ostakolu għall-moviment liberu tal-merkanzija pprojbit mill-Artikolu 28 KE u, jekk dan huwa l-każ, jekk jistax ikun hemm ġustifikazzjoni għalihom. |
1. Fuq l-eżistenza ta’ ostakolu għall-moviment liberu tal-merkanzija
37. |
Fil-fehma tiegħi, ir-regoli nazzjonali inkwistjoni f’din il-kawża jikkostitwixxu miżura b’effett ekwivalenti għal restrizzjoni kwantitattiva pprojbita mill-Artikolu 28 KE. |
38. |
Minn naħa, mill-atti tal-kawża jirriżulta li l-projbizzjoni inkwistjoni hija miżura li tapplika, mingħajr distinzjoni, għall-prodotti nazzjonali u għall-prodotti importati minn Stati Membri oħra. Fil-fatt, ir-Repubblika Taljana tisħaq, fil-kontroreplika tagħha, li l-miżura ta’ projbizzjoni tirrigwarda l-karrijiet kollha, irrispettivament mill-post fejn ikunu ġew immanufatturati ( 21 ). |
39. |
Min-naħa l-oħra, ma jistax jiġi kkontestat li, billi jipprojbixxu b’mod ġenerali u assolut liċ-ċiklomuturi milli jirmunkaw karru fit-territorju Taljan kollu, ir-regoli nazzjonali inkwistjoni jimpedixxu l-moviment liberu tal-merkanzija u, b’mod partikolari, tal-karrijiet. |
40. |
Fil-fatt, għalkemm din il-projbizzjoni tirrigwarda biss iċ-ċiklomuturi, jidhirli li t-tqabbid ta’ karru ma’ dan it-tip ta’ vettura huwa, b’mod speċjali f’żoni rurali, mezz ta’ trasport normali li jintuża ta’ spiss. Issa, dawn ir-regoli, għalkemm ma jipprojbixxux l-importazzjoni jew it-tqegħid fuq is-suq fl-Italja tal-karrijiet, għandhom l-effett li jillimitaw l-użu tagħhom fit-territorju Taljan kollu. Għaldaqstant jiena tal-fehma li tali projbizzjoni tista’ tillimita l-possibiltajiet ta’ kummerċ bejn ir-Repubblika Taljana u l-Istati Membri l-oħra u tista’ tostakola l-importazzjoni u l-bejgħ fl-Italja ta’ karrijiet, li jkunu ġejjin minn dawn l-Istati, minkejja li hemmhekk ikunu mmanifatturati u mibjugħa legalment. |
41. |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, jidhirli li r-regoli nazzjonali inkwistjoni jikkostitwixxu miżura b’effett ekwivalenti għal restrizzjoni kwantitattiva li, fil-prinċipju, hija pprojbita mill-Artikolu 28 KE. |
42. |
Madankollu, għandu jiġi eżaminat jekk dawn ir-regoli, minkejja l-effetti restrittivi tagħhom fuq il-kummerċ intrakomunitarju, jistgħux ikunu ġġustifikati minn waħda mir-raġunijiet ta’ interess ġenerali elenkati fl-Artikolu 30 KE jew minn wieħed mir-rekwiżiti imperattivi stabbiliti mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja u, jekk dan ikun il-każ, jekk din ir-restrizzjoni hijiex adattata sabiex jintlaħaq l-obbjettiv mixtieq u jekk hijiex proporzjonata għal dan l-obbjettiv. |
2. Fuq il-possibbiltà ta’ ġustifikazzjoni tal-ostakolu
43. |
F’din il-kawża, ir-Repubblika Taljana ssostni li l-projbizzjoni inkwistjoni ġiet stabbilita bil-għan li tiġi ggarantita s-sigurtà tas-sewwieqa. Din ir-raġuni mhijiex imsemmija espressament fl-Artikolu 30 KE u din id-dispożizzjoni, kif diġà indikajt, għandha tiġi interpretata b’mod strett. |
44. |
Madankollu, jiena nemmen li l-protezzjoni tas-sigurtà fit-triq tikkostitwixxi raġuni leġittima li tista’ tiġġustifika, f’ċerti ċirkustanzi, ostakoli għall-kummerċ ta’ merkanzija fil-Komunità. |
45. |
Fil-fatt, huwa inkontestabbli li s-sigurtà fit-triq tikkostitwixxi obbjettiv rikonoxxut u segwit mid-dritt Komunitarju ( 22 ). |
46. |
Barra minn hekk, għandu jiġi osservat li, fost ir-raġunijiet ta’ ġustifikazzjoni msemmija fl-Artikolu 30 KE, insibu s-sigurtà pubblika kif ukoll il-ħarsien tas-saħħa u tal-ħajja tal-bniedem. Fil-fehma tiegħi kull waħda minn dawn ir-raġunijiet għandha naturalment tinftiehem fis-sens li tinkludi l-prevenzjoni ta’ inċidenti tat-traffiku. |
47. |
Finalment, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà affermat, f’sentenza tal-11 ta’ Ġunju 1987, Goffette u Gilliard ( 23 ), dwar miżura ta’ kontroll imposta bħala kundizzjoni preliminari għar-reġistrazzjoni ta’ vettura importata minn Stat Membru ieħor, li ostakolu għall-moviment liberu tal-merkanzija jista’ jkun iġġustifikat fuq il-bażi tal-Artikolu 30 KE meta dik il-miżura tirriżulta meħtieġa sabiex tiġi ggarantita s-sigurtà fit-triq ( 24 ). |
48. |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, jiena tal-fehma li r-regoli nazzjonali inkwistjoni jistgħu jkunu ġġustifikati fuq il-bażi tal-Artikolu 30 KE in kwantu dawn huma, minn naħa, ta’ natura tali li jiggarantixxu s-sigurtà tas-sewwieqa u, min-naħa l-oħra, proporzjonati fir-rigward ta’ dan l-obbjettiv. |
49. |
Għal dak li jirrigwarda, fl-ewwel lok, l-adegwatezza tal-miżura inkwistjoni sabiex jinkiseb l-obbjettiv mixtieq, jidhirli li regoli nazzjonali li jipprojbixxu liċ-ċiklomuturi milli jirmunkaw karru jistgħu, f’ċerti każijiet, jindirizzaw tħassib dwar is-sigurtà fit-triq. |
50. |
Fil-fatt, jidhirli li t-tqabbid ta’ karru ma’ motorino jista’, f’ċerti ċirkustanzi, joħloq periklu għat-traffiku sa fejn dawn il-vetturi jimxu bil-mod u jostakolaw il-passaġġ b’mod sinjifikattiv. Għaldaqstant, nista’ nikkonċepixxi li l-użu ta’ dan it-tip ta’ vettura jkun limitat fuq ċerti toroq, bħal fl-awtostradi jew fir-rotot partikolarment perikolużi. |
51. |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, ma jistax jiġi eskluż, fil-fehma tiegħi, li tali miżura tista’ tikkontribwixxi għas-sigurtà fit-triq. |
52. |
F’dak li jirrigwarda, fit-tieni lok, il-proporzjonalità tal-imsemmija miżura, għandu jiġi mfakkar li, għalkemm huma l-Istati Membri li, fin-nuqqas ta’ regoli armonizzati dwar l-użu fit-toroq ta’ ċiklomuturi li jirmunkaw karru, għandhom jiddeċiedu dwar sa liema livell huma jixtiequ jiżguraw is-sigurtà tas-sewwieqa u l-mod kif għandu jintlaħaq dan il-livell, huma madankollu jistgħu jagħmlu dan biss fil-limiti stabbiliti mit-Trattat u, b’mod partikolari, b’ħarsien tal-prinċipju tal-proporzjonalità. |
53. |
Sabiex regoli nazzjonali jkunu konformi ma’ dan il-prinċipju, għandu jiġi vverifikat jekk il-miżuri implementati jmorrux lil hinn minn dak li huwa meħtieġ sabiex jiġi żgurat il-ħarsien tal-interessi msemmija. |
54. |
L-ewwel nett, għandu jiġi kkonstatat li miżura nazzjonali, bħal dik inkwistjoni f’din il-kawża, toħloq restrizzjoni sostanzjali għall-kummerċ ħieles bejn l-Istati Membri. |
55. |
Fil-fatt, mill-elementi indikati fl-atti tal-kawża jirriżulta li l-miżura inkwistjoni tistabbilixxi projbizzjoni ġenerali u assoluta. Din il-miżura mhijiex limitata għal restrizzjoni tal-użu taċ-ċiklomuturi li jirmunkaw karru f’postijiet speċifiċi jew fuq rotot partikolari, iżda tapplika għat-territorju Taljan kollu, irrispettivament mill-infrastrutturi tat-toroq u mill-kundizzjonijiet tat-traffiku. |
56. |
It-tieni nett, għandu jiġi osservat li l-awtoritajiet Taljani ma jirreferu għal ebda element preċiż li juri li r-rekwiżiti imposti huma proporzjonati għall-finijiet ta’ protezzjoni effettiva tas-sigurtà tas-sewwieqa. |
57. |
Minn naħa, ir-Repubblika Taljana sempliċement tiddikjara, b’mod għal kollox ġenerali, li “it-terren fid-diversi territorji nazzjonali mhuwiex uniformi” u li “l-karatteristiċi tekniċi tal-vetturi huma importanti għas-sigurtà tal-persuni u tat-traffiku”. |
58. |
Min-naħa l-oħra, ir-Repubblika Taljana ma tikkontestax li l-projbizzjoni inkwistjoni tirrigwarda biss iċ-ċiklomuturi rreġistrati fl-Italja ( 25 ). Il-vetturi rreġistrati fl-Istati Membri l-oħra b’hekk huma awtorizzati sabiex jintużaw b’karru fit-toroq Taljani. |
59. |
Fl-aħħar nett, jidhirli li s-sigurtà tas-sewwieqa, li hija l-obbjettiv tar-regoli inkwistjoni, tista’ tiġi żgurata permezz ta’ miżuri inqas restrittivi għall-kummerċ intrakomunitarju. Fil-fehma tiegħi, per eżempju, dan l-obbjettiv seta’ jintlaħaq permezz ta’ projbizzjoni settorjali applikabbli fuq ir-rotot meqjusa li huma perikolużi, bħall-passaġġi Alpini jew it-toroq pubbliċi li huma traffikużi ħafna. F’dan ir-rigward, l-intenzjoni ddikjarata tar-Repubblika Taljana li temenda l-leġiżlazzjoni tagħha b’mod konformi mad-dritt Komunitarju, tikkorrabora, fil-fehma tiegħi, din l-analiżi. |
60. |
Fi kwalunkwe każ, jiena nikkunsidra li l-awtoritajiet Taljani kellhom l-obbligu li jeżaminaw b’reqqa, qabel l-adozzjoni ta’ miżura daqstant radikali bħalma hija projbizzjoni ġenerali u assoluta, il-possibilità li jirrikorru għal miżuri inqas restrittivi għal-libertà ta’ moviment u li jeliminaw dawn il-miżuri biss jekk jiġi stabbilit b’mod ċar li huma inadegwati fir-rigward tal-obbjettiv tagħhom. |
61. |
Fuq il-bażi ta’ dak li ntqal hawn fuq, jiena b’hekk tal-fehma li projbizzjoni ġenerali u assoluta, bħal dik inkwistjoni f’din il-kawża, ma tikkostitwixxix miżura proporzjonata mal-obbjettiv tal-awtoritajiet nazzjonali. |
62. |
Għaldaqstant, jidhirli li r-regoli nazzjonali inkwistjoni, billi jmorru kontra l-prinċipju tal-proporzjonalità, ma jistgħux jiġu validament iġġustifikati għal raġunijiet relatati mas-sigurtà fit-triq. Fil-fehma tiegħi, dawn ir-regoli għandhom għalhekk jiġu ddikjarati inkompatibbli mal-Artikolu 28 KE. |
63. |
Ma jidhirlix li din l-analiżi tista’ tiġi ribattuta serjament mill-argument, sottomess mir-Repubblika Taljana, li l-aħħar premessi tad-Direttivi 93/93 u 97/24 jawtorizzaw lill-Istati Membri sabiex iżommu fis-seħħ dawn ir-regoli. |
64. |
Fil-fatt, minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li “l-preambolu ta’ att Komunitarju m'għandux forza legali vinkolanti u ma jista’ jiġi invokat la biex jidderoga mid-dispożizzjonijiet stess tal-att ikkonċernat u lanqas biex id-dispożizzjonjiet tiegħu jiġu interpretati b’mod manifestament oppost għall-kliem użat fihom” ( 26 ). |
65. |
F’din il-kawża, ebda waħda mill-premessi li għalihom tagħmel riferiment ir-Repubblika Taljana m’hija ripetuta fit-test ewlieni tad-direttivi. Issa, kif diġà enfasizzajt fil-punt 70 tal-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża Meta Fackler ( 27 ), għalkemm il-preambolu ta’ direttiva jista’, fil-prinċipju, jagħti lill-Qorti tal-Ġustizzja indikazzjonijiet dwar l-intenzjoni tal-leġiżlatur u dwar it-tifsira li għandha tingħata lid-dispożizzjonijiet tagħha, xorta jibqa’ l-fatt li, meta kunċett li jinsab fi premessa ma jiġix espress b’mod konkret fit-test ewlieni tad-direttiva, huwa l-kontenut ta’ din tal-aħħar li għandu jieħu preċedenza. |
66. |
Fi kwalunkwe każ, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet f’diversi okkażjonijiet li dispożizzjoni tad-dritt sekondarju, f’dan il-każ direttiva, “ma tistax tiġi interpretata bħala li tawtorizza lill-Istati Membri sabiex jimponu kundizzjonijiet li jmorru kontra r-regoli tat-Trattat dwar il-moviment liberu tal-merkanzija” ( 28 ). |
67. |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, jiena tal-fehma li r-Repubblika Taljana ma tistax validament tibbaża ruħha fuq il-premessi tad-Direttivi 93/93 u 97/24 sabiex tiġġustifika l-projbizzjoni stabbilita permezz tar-regoli inkwistjoni. |
68. |
Fuq il-bażi ta’ dak li ntqal hawn fuq, jiena tal-fehma li r-Repubblika Taljana, billi adottat u żammet fis-seħħ regoli li jipprojbixxu liċ-ċiklomuturi rreġistrati fl-Italja milli jirmunkaw karru, naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt l-Artikolu 28 KE. |
V — Fuq l-ispejjeż
69. |
Skont l-Artikolu 69(2) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba. Peress li r-Repubblika Taljana tilfet fir-rigward tal-parti l-kbira tal-motivi tagħha, hemm lok li hija tiġi ordnata tbati l-ispejjeż kif mitlub mill-Kummissjoni. |
VI — Konklużjoni
70. |
Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet kollha, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja:
|
( 1 ) Lingwa oriġinali: il-Franċiż.
( 2 ) Direttiva tat-30 ta’ Ġunju 1992, li għandha x’taqsam mal-approvazzjoni tat-tip ta’ vetturi bil-mutur b’żewġ roti jew bi tlieta (ĠU L 225, p. 72).
( 3 ) Skont l-Artikolu 2(6) tad-Direttiva 92/61, “approvazzjoni” għandha tfisser l-att li permezz tiegħu Stat Membru jikkonstata li tip ta’ vettura jissodisfa kemm ir-rekwiżiti tekniċi stabbiliti f’direttivi partikolari kif ukoll il-verifiki tal-eżattezza tal-informazzjoni mogħtija mill-manifattur, skont l-Anness I tal-imsemmija direttiva.
( 4 ) Ara l-ewwel, it-tieni, it-tielet, it-tnax u l-aħħar premessi.
( 5 ) Ara l-aħħar premessa.
( 6 ) Idem.
( 7 ) Ara t-tmien premessa.
( 8 ) Skont l-ewwel inċiż tal-Artikolu 1(2) tad-Direttiva 92/61, “ċiklomuturi” tfisser “vetturi b’żewġ roti jew bi tlieta mgħammra b’magna b’kapaċità ċilindrika ta’ mhux iktar minn 50 ċentimetru kubu jekk tkun taħdem b’kombustjoni interna u b’veloċità massima mill-fabbrika ta’ mhux iktar minn 45 kilometru fis-siegħa”. [traduzzjoni mhux uffiċjali]
( 9 ) Direttiva tad-29 ta’ Ottubru 1993, dwar il-massa u dimensjonijiet ta’ vetturi b’żewġ jew bi tliet roti (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 7, Vol. 2, p. 94 — 200).
( 10 ) Direttiva tas-17 ta’ Ġunju 1997, dwar ċerti komponenti u karatteristiċi ta’ vetturi ta’ żewġ jew tl[ie]t roti b’mutur (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 7, Vol. 3, p. 34 — 487).
( 11 ) Ara l-aħħar premessi tal-imsemmija direttivi.
( 12 ) GURI nru. 114, tat-18 ta’ Mejju 1992, iktar ‘il quddiem il-“Kodiċi għat-traffiku fit-triq”.
( 13 ) It-trolleybus huma vetturi b’magna li taħdem bl-elettriku li ma jimxux fuq binarji u li jieħdu l-enerġija tagħhom minn linja ta’ kuntatt li tkun tinsab fil-għoli.
( 14 ) Ir-Repubblika Taljana tinnota, f’dan ir-rigward, li dawn ir-regoli diġà jeżistu għall-karrijiet irmunkati minn tipi ta’ vetturi oħrajn.
( 15 ) Għandu jiġi mfakkar li, skont l-Artikolu 3(1)(c) KE, l-azzjoni tal-Komunità Ewropea tinkludi l-ħolqien ta’ suq intern karatterizzat bit-tneħħija, bejn l-Istati Membri, tal-ostakoli għall-moviment liberu tal-merkanzija. Minbarra dan, l-Artikolu 14(2) KE jgħid li “[i]s-suq intern għandu jikkomprendi [żona] bla fruntieri interni, li fiha l-moviment liberu ta’ merkanzija […] huwa żgurat skont id-dispożizzjonijiet ta’ dan it-Trattat”, li jinsabu b’mod parikolari fl-Artikoli 28 KE et seq. Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad-9 ta’ Diċembru 1997, Il-Kummissjoni vs Franza (C-265/95, Ġabra p. I-6959, punti 24 et seq.).
( 16 ) Ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tal-24 ta’ Novembru 1993, Keck u Mithouard (C-267/91 u C-268/91, Ġabra p. I-6097, punt 11), kif ukoll tal-14 ta’ Settembru 2006, Alfa Vita Vassilopoulos u Carrefour Marinopoulos (C-158/04 u C-159/04, Ġabra p. I-8135, punt 15 u l-ġurisprudenza ċċitata).
( 17 ) Ara, b’mod partikolari, is-sentenza tal-20 ta’ Frar 1979, Rewe-Zentral, magħrufa bħala “Cassis de Dijon” (120/78, Ġabra p. 649, punti 6, 14 u 15).
( 18 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza Alfa Vita Vassilopoulos u Carrefour Marinopoulos, hawn fuq iċċitata (punt 20 u l-ġurisprudenza ċċitata). Għandu jiġi mfakkar li ġustifikazzjoni bbażata fuq l-Artikolu 30 KE jew fuq xi wieħed mir-rekwiżiti fundamentali rikonoxxuti mid-dritt Komunitarju hija eskluża meta direttivi Komunitarji jipprevedu l-armonizzazzjoni tal-miżuri meħtieġa għall-kisba tal-objettiv speċifiku segwit. F’tali każ, fil-fatt, għandhom jittieħdu miżuri ta’ protezzjoni fil-qafas iddefinit mid-direttiva ta’ armonizzazzjoni (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tat-23 ta’ Mejju 1996, Hedley Lomas, C-5/94, Ġabra p. I-2553, punt 18).
( 19 ) Ara, b’mod partikolari, is-sentenza tad-19 ta’ Marzu 1991, Il-Kummissjoni vs Il-Greċja (C-205/89, Ġabra p. I-1361, punt 9).
( 20 ) Ara, bħala eżempju, is-sentenza tal-5 ta’ Frar 2004, Il-Kummissjoni vs L-Italja (C-270/02, Ġabra p. I-1559, punt 22).
( 21 ) Punt 2.
( 22 ) Ara, b’mod partikolari r-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni tas-6 ta’ April 2004 dwar l-applikazzjoni tar-regoli fil-qasam tas-sigurtà fit-toroq (ĠU L 111, p. 75); Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-2 ta’ Ġunju 2003 dwar il-programm ta’ azzjoni Ewropew għas-sigurtà fit-toroq — Tnaqqis bin-nofs tan-numru ta’ vittmi tat-traffiku fl-Unjoni Ewropea minn issa sa l-2010: responsabbiltà kollettiva [COM(2003) 311 finali], u r-Reżoluzzjoni tal-Kunsill tas-26 ta’ Ġunju 2000 dwar it-tisħiħ tas-sigurtà fit-toroq (ĠU C 218, p. 1).
( 23 ) 406/85, Ġabra p. 2525 (punt 7).
( 24 ) Għandu jsir ukoll riferiment għas-sentenza tal-5 ta’ Ottubru 1994, Van Schaik (C-55/93, Ġabra p. I-4837) fejn il-Qorti tal-Ġustizzja, li kien sarilha rinviju għal deċiżjoni preliminari dwar, b’mod partikolari, l-interpretazzjoni tal-Artikolu 49 KE (provvista libera ta’ servizzi), ikkunsidrat li l-ħtiġijiet ta’ sigurtà fit-toroq jikkostitwixxu raġunijiet imperattivi ta’ interess ġenerali li jiġġustifikaw regoli fi Stat Membru li jeskludu l-għoti ta’ ċertifikati ta’ kontroll għall-vetturi rreġistrati f’dak l-Istat minn garaxxijiet stabbiliti fi Stat Membru ieħor (punt 19).
( 25 ) Punt 2 tar-risposta.
( 26 ) Ara, b’mod partikolari, is-sentenza tal-24 ta’ Novembru 2005, Deutsches Milch-Kontor (C-136/04, Ġabra p. I-10095, punt 32 u l-ġurisprudenza ċċitata).
( 27 ) Sentenza tat-12 ta’ Mejju 2005 (C-444/03, Ġabra p. I-3913).
( 28 ) Sentenza tad-9 ta’ Ġunju 1992, Delhaize u Le Lion (C-47/90, Ġabra p. I-3669, punt 26). Ara wkoll is-sentenza tat-2 ta’ Frar 1994, Verband Sozialer Wettbewerb, magħrufa bħala “Clinique” (C-315/92, Ġabra p. I-317, punt 12) fejn il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li “direttiva għandha […], bħal kull regola ta’ dritt sekondarju, tiġi interpretata fid-dawl tar-regoli tat-Trattat dwar il-moviment liberu tal-merkanzija”.