Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62005CC0016

Konklużjonijiet ta' l-Avukat Ġenerali - Geelhoed - 12 ta' Settembru 2006.
The Queen, Veli Tum u Mehmet Dari vs Secretary of State for the Home Department.
Talba għal deċiżjoni preliminari: House of Lords - ir-Renju Unit.
Ftehim ta' Assoċjazzjoni KEE-Turkija - Artikolu 41(1) tal-Protokoll Addizzjonali - Klawżola ‘standstill’ - Portata - Leġiżlazzjoni ta' Stat Membru li introduċa, wara d-dħul fis-seħħ tal-Protokoll Addizzjonali, restrizzjonijiet ġodda għal dak li jirrigwarda l-ammissjoni fit-territorju tiegħu ta' ċittadini Torok għall-finijiet ta' l-eżerċizzju tal-libertà ta' stabbiliment.
Kawża C-16/05.

Ġabra tal-Ġurisprudenza 2007 I-07415

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2006:550

KONKLUŻJONIJIET TA’ L-AVUKAT ĠENERALI

L.A. GEELHOED

ippreżentati fit-12 ta’ Settembru 2006 1(1)

Kawża C-16/05

The Queen fuq talba ta’ Veli Tum

u

The Queen fuq talba ta’ Mehmet Dari

vs

Secretary of State for the Home Department

(Talba għal deċiżjoni preliminari magħmula mill-House of Lords (ir-Renju Unit))

“Interpretazzjoni ta’ l-Artikolu 41(1) tal-Protokoll Addizzjonali ffirmat fit-23 ta’ Settembru 1970, anness mal-ftehim li jistabbilixxi Assoċjazzjoni bejn il-Komunità Ekonomika Ewropea u t-Turkija – Possibbiltà għal Stat Membru li jintroduċi restrizzjonijiet ġodda fuq id-dħul għal ċittadini Torok li għandhom l-intenzjoni jiftħu negozju f’dak l-Istat”





I –    Introduzzjoni

1.        L-Artikolu 41(1) tal-Protokoll Addizzjonali ta’ l-1970 għall-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni bejn il-Komunità Ekonomika Ewropea u t-Turkija ta’ l-1963 jipprojbixxi l-introduzzjoni ta’ restrizzjonijiet ġodda fuq il-libertà ta’ stabbiliment u l-libertà li jiġu pprovduti servizzi bejn il-partijiet għall-ftehim. Il-kwistjoni ċentrali li għandha tiġi riżolta f’din il-kawża hija jekk din id-dispożizzjoni tipprekludix lill-Istati Membri milli jagħmlu l-kundizzjonijiet għad-dħul ta’ ċittadini Torok fit-territorju nazzjonali tagħhom iktar restrittivi milli kien il-każ meta daħlet fis-seħħ dik id-dispożizzjoni għall-Istat Membru kkonċernat.

II – Id-dispożizzjonijiet rilevanti

A –    Id-dritt Komunitarju

2.        Il-ftehim li jistabbilixxi Assoċjazzjoni bejn il-Komunità Ekonomika Ewropea u t-Turkija (aktar ’il quddiem il-“Ftehim ta’ Assoċjazzjoni”), ġie ffirmat fit-12 ta’ Settembru 1963 f’Ankara, mir-Repubblika tat-Turkija, minn naħa, u mill-Istati Membri tal-KEE u l-Komunità, min-naħa l-oħra. Dan il-ftehim ġie konkluż, approvat u kkonfermat f’isem il-Komunità permezz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 64/732/KEE tat-23 ta’ Diċembru 1963(2). Il-Protokoll Addizzjonali għall-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni ġie ffirmat fit-23 ta’ Novembru 1970 fi Brussell u konkluż, approvat u kkonfermat f’isem il-Komunità permezz tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2760/72, tad-19 ta’ Diċembru 1972(3).

3.        L-Artiklu 13 tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni fih din id-dispożizzjoni ġenerali dwar il-libertà ta’ stabbiliment bejn l-Istati Membri u t-Turkija:

“Il-Partijiet Kontraenti jaqblu li jiġu ggwidati mill-Artikoli 52 sa 56 u l-Artikolu 58 tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità sabiex jitneħħew ir-restrizzjonijiet li jeżistu bejniethom fuq il-libertà ta’ stabbiliment.” [traduzzjoni mhux uffiċjali] (4)

4.        L-Artikolu 41 tal-Protokoll Addizzjonali jipprovdi kif ġej:

“1. Il-Partijiet Kontraenti għandhom jibqgħu lura milli jintroduċu bejniethom xi restrizzjonijiet ġodda rigward il-libertà ta’ l-istabbeliment u l-libertà tal-provvediment ta’ servizzi.

2. Il-Kunsill ta’ l-Assoċjazzjoni għandu, b’konformità mal-prinċipji stabbiliti fl-Artikoli 13 u 14 tal-Ftehim ta’ l-Assoċjazzjoni, jiddetermina t-tabella taż-żmien u r-regoli għall-abbolizzjoni progressiva mill-Partijiet Kontraenti, bejniethom, tar-restrizzjonijiet rigward il-libertà ta’ l-istabbeliment u l-libertà li jkunu pprovvduti servizzi.

Il-Kunsill ta’ l-Assoċjazzjoni għandu, meta jiddetermina tabella taż-żmien bħal din u regoli għad-diversi klassijiet ta’ attività, jieħu akkont tal-miżuri korresspondenti diġa adotti mill-Komunità f’dawn l-oqsma u wkoll iċ-ċirkostanzi ekonomiċi u soċjali speċjali tat-Turkija. Prijorità għandha tingħata għall-attivitajiet li jagħmlu kontribuzzjoni partikolari għall-iżvilupp tal-produzzjoni u l-kummerċ.”

Sa issa l-Kunsill, għadu ma adotta ebda miżuri skond l-Artikolu 41(2) tal-Protokoll Addizzjonali.

B –    Liġi Nazzjonali

5.        L-Artikolu 11(1) ta’ l-Immigration Act 1971 (l-Att dwar l-Immigrazzjoni) tar-Renju Unit jistipula kif ġej:

“Persuna li tasal fir-Renju Unit bil-vapur jew bl-ajruplan għandha għall-finijiet ta’ dan l-Att titqies li ma daħlitx fir-Renju Unit ħlief jekk u sakemm tiżbarka, u ma’ l-iżbark f’xi port għandha tkompli titqies li ma daħlitx fir-Renju Unit sakemm tibqa’ f’dik iż-żona fil-port (jekk ikun il-każ) li tkun ġiet approvata għal dan l-iskop minn uffiċjal ta’ l-immigrazzjoni; u persuna li ma tkunx daħlet fir-Renju Unit b’xi mod ieħor għandha titqies li ma għamlitx dan sakemm tibqa’ miżmuma, jew temporanjament ammessa jew rilaxxata waqt li tkun tista’ tiġi suġġettata għal detenzjoni, skond il-poteri mogħtija mill-Iskeda 2 ta’ dan l-Att jew mill-Parti III ta’ l-Att dwar l-Immigrazzjoni u Ażil ta’ l-1999.”

6.        Mill-1 ta’ Jannar 1973, id-data ta’ l-adeżjoni tar-Renju Unit mal-Komunità Ewropea, ir-regoli fuq l-immigrazzjoni rilevanti għall-finijiet ta’ l-istabbiliment ta’ negozju u l-għoti ta’ servizzi kienu inklużi fis-Statement of Immigration Rules for Control on Enrty [id-Dikjarazzjoni tar-Regoli fuq l-Immigrazzjoni għall-Kontroll fuq id-Dħul] (HC 509), li ġew ippreżentati lill-Parlament fit-23 ta’ Ottubru 1972 (iktar ’il quddiem: “ir-Regoli fuq l-Immigrazzjoni ta l-1973”). Dawn ir-regoli ġew miġburin fil-qosor fid-digriet ta’ rinviju kif ġej. Il-paragrafu 30 tar-Regoli fuq l-Immigrazzjoni ta’ l-1973 (taħt it-titolu “Negozjanti”) jistipula li passiġġieri li ma jistgħux jippreżentaw awtorizzazzjoni għad-dħul iżda li Madankollu jidhru li aktarx jistgħu jissodisfaw ir-rekwiżiti ta’ wieħed miż-żewġ paragrafi li ġejjin għandhom jiġu ammessi għal perijodu ta’ mhux iktar minn xahrejn, bi projbizzjoni milli jaħdmu, u jiġu avżati biex jippreżentaw il-każ tagħhom lill-Home Office. Il-paragrafu 31 jagħmel referenza għall-bżonn li l-applikant ikollu fondi suffiċjenti biex jinvesti f’negozju, jekk ikun diġà stabbilit, u biex jilqa’ għal sehemu mit-telf tiegħu; dan il-paragrafu jistipula li għandu jkun kapaċi jmantni lilu nnifsu u lid-dipendenti tiegħu; li għandu jkun attivament involut fit-tmexxija tan-negozju; u diversi affarijiet oħra bħal dawn. Il-paragrafu 32 jistipula li jekk l-applikant jixtieq jiftaħ negozju għal rasu huwa jkollu bżonn juri li se jġib fil-pajjiż fondi suffiċjenti biex jinfetaħ negozju li permezz tiegħu, realistikament, jista’ jkun mistenni li se jkun jista’ jmantni lilu u lid-dipendenti tiegħu mingħajr ma jkollu għalfejn jirrikorri għal impjieg li għalih huwa meħtieġ permess tax-xogħol.

7.        Ir-regoli attwali dwar persuni li qed jitolbu awtorizzazzjoni biex jidħlu fir-Renju Unit sabiex jiftħu negozju huma stipulati f’HC 395 (iktar ’il quddiem: “ir-regoli attwali fuq l-immigrazzjoni”). Il-paragrafi 201 sa 205 jistipulaw ir-rekwiżiti li ġejjin:

“201. Ir-rekwiżiti li għandhom jiġu sodisfatti minn persuna li titlob li tidħol fir-Renju Unit biex tiftaħ negozju huma: (i) li tissodisfa r-rekwiżiti tal-paragrafu 202 jew tal-paragrafu 203; (ii) li jkollha mhux inqas minn £200,000 bħala flus taħt il-kontroll tagħha u li tista’ tiddisponi minnhom fir-Renju Unit li huma miżmumin f’isimha u mhux minn trust jew xi mezz ieħor ta’ investiment u li hi se tinvesti fin-negozju fir-Renju Unit; u (iii) li sakemm in-negozju tagħha jipprovdiha bi dħul ikollha fondi addizzjonali suffiċjenti biex tmantni lilha nfisha u d-dipendenti tagħha u tipprovdi akkomodazzjoni għaliha u għalihom mingħajr ma jkollha għalfejn tirrikorri għal impjieg (għajr għax-xogħol tagħha fin-negozju) jew għal fondi pubbliċi; u (iv) li se tkun involuta attivament il-ħin kollu fin-negozju jew fl-għoti ta’ servizzi waħedha jew fi sħab ma’ ħaddieħor, jew fil-promozzjoni u l-amministrazzjoni tal-kumpannija bħala direttur; u (v) li l-livell ta’ investiment finanzjarju tagħha jkun proporzjonali għall-interess tagħha fin-negozju; u (vi) li hi se jkollha sehem ta’ maġġoranza jew ugwali fin-negozju u li kwalunkwe sħubija jew direttorat ma jkunux jammontaw għal impjieg moħbi; u (vii) li hi tkun tista’ tassumi s-sehem tagħha tar-responsabbiltajiet u (viii) li hemm bżonn ġenwin għall-investiment u s-servizzi tagħha fir-Renju Unit; u (ix) is-sehem tagħha mill-profitti tan-negozju jkunu biżżejjed biex tmantni lilha nnifisha u lid-dipendenti tagħha u tipprovdi akkomodazzjoni għaliha u għalihom mingħajr ma jkollha għalfejn tirrikorri għal xi impjieg (għajr għax-xogħol tagħha fin-negozju) jew għal fondi pubbliċi; u (x) li hi m’għandhiex ħsieb li tissupplementa l-attivitajiet tan-negozju tagħha billi taċċetta jew tfittex impjieg fir-Renju Unit għajr għax-xogħol tagħha fin-negozju; u (xi) li għandha awtorizzazzjoni valida għad-dħul fir-Renju Unit f’din il-kapaċità.

202. Fejn persuna għandha l-ħsieb li tixtri negozju eżistenti fir-Renju Unit jew tingħaqad bħala soċju jew direttur ta’ tali negozju hija tkun meħtieġa, minbarra li tissodisfa r-rekwiżiti tal-paragrafu 201, tipproduċi (i) dikjarazzjoni bil-miktub tal-kundizzjonijiet li bihom se tixtri n-negozju jew tingħaqad fih; u (ii) il-kontijiet verifikati tan-negozju għas-snin preċedenti; u (iii) evidenza li s-servizzi u l-investiment tagħha se jirriżultaw f’żieda netta fix-xogħol provvdut min-negozju lil persuni li jgħixu hawnhekk sabiex jiġu maħluqa għall-inqas żewġ impjiegi full-time.

203. Meta persuna jkollha l-ħsieb li tiftaħ negozju ġdid fir-Renju Unit, hija tkun meħtieġa, minbarra li tissodisfa r-rekwiżiti tal-paragrafu 201 iktar ’il fuq, tipproduċi evidenza: (i) li se ġġib fil-pajjiż fondi suffiċjenti minn tagħha biex tiftaħ negozju; u (ii) li n-negozju se joħloq xogħol imħallas full-time għall-inqas għal żewġ persuni li diġà jgħixu fir-Renju Unit.

Awtorizzazzjoni għad-dħul fir-Renju Unit bħala persuna li qed tfittex li tiftaħ negozju.

204. Persuna li qed titlob awtorizzazzjoni biex tidħol fir-Renju Unit biex tiftaħ negozju tista’ tiġi ammessa għal perijodu li ma jaqbiżx 12–il xahar bil-kundizzjoni li ma teżerċitax impjieg sakemm tkun tista’ tippreżenta lill-Uffiċjal ta’ l-Immigrazzjoni, mal-wasla tagħha, awtorizzazzjoni valida għad-dħul fir-Renju Unit biex tidħol f’dik il-kapaċità.

Rifjut ta’ awtorizzazzjoni għad-dħul fir-Renju Unit bħala persuna li qed tfittex li tiftaħ negozju.

205. Awtorizzazzjoni biex persuna tidħol fir-Renju Unit bħala persuna li qed tfittex li tiftaħ negozju għandha tiġi rrifjutata jekk ma tiġix ippreżentata lill-Uffiċjal ta’ l-Immigrazzjoni, mal-wasla, awtorizzazzjoni valida għad-dħul fir-Renju Unit.”

III – Il-fatti u l-proċedura

8.        Peress li l-fatti relativi għall-każijiet ta’ Tum u Dari huma bejn wieħed u ieħor simili għal xulxin, ikun siewi li jiġu kkunsidrati flimkien.

9.        Veli Tum u Mehmet Dari, it-tnejn li huma ċittadini Torok, waslu fir-Renju Unit fid-29 ta’ Novembru 2001 u fl-1 ta’ Ottubru 1998 rispettivament. It-tnejn li huma ngħataw ammissjoni temporanja skond l-Artikolu 11 ta’ l-Att dwar l-Immigrazzjoni ta’ l-1971 suġġetti għal restrizzjoni (fil-każ ta’ V. Tum) u projbizzjoni (fil-każ ta’ M. Dari) milli jeżerċitaw impjieg. It-tnejn li huma kienu talbu ażil fir-Renju Unit. Madankollu, dawn l-applikazzjonijiet ġew irrifjutati mis-Segretarju ta’ l-Istat u inħarġu direttivi għall-espulsjoni tagħhom, skond il-Konvenzjoni ta’ Dublin(5), lill-Istati Membri fejn kienu applikaw għal ażil għall-ewwel darba, jiġifieri l-Ġermanja (fil-każ ta’ V. Tum) u Franza (fil-każ ta’ M. Dari). It-tentattivi sussegwenti tagħhom biex dawn id-deċiżjonijiet jiġu suġġettati għal stħarriġ ġudizzjarju kienu ineffettivi.

10.      Fiż-żmien li matulu kien qed jgħix fir-Renju Unit, M. Dari fetaħ il-pizzerija tiegħu f’Herne Bay, Kent. Fit-30 ta’ Settembru, 2002, Dari ppreżenta applikazzjoni lill-awtoritajiet ta’ l-immigrazzjoni biex jidħol fir-Renju Unit sabiex ikun jista’ jkompli jeżerċita n-negozju tiegħu. B’mod simili, V. Tum applika għall-awtorizzazzjoni għad-dħul fir-Renju Unit biex ikun jista’ jiftaħ n-negozju tiegħu ta’ tindif f’North London. Peress li kienu jinsabu fir-Renju Unit b’permess għal dħul temporanju skond l-Artikolu 11 ta’ l-Att dwar l-Immigrazzjoni ta’ l-1971, u għalhekk ma kinux daħlu formalment ir-Renju Unit għall-finijiet ta’ immigrazzjoni, huma bbażaw l-applikazzjonijiet tagħhom fuq il-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni u l-Protokoll Addizzjonali u talbu li l-applikazzjoni tagħhom tiġi kkunsidrata fid-dawl tar-Regoli ta’ l-1973 dwar l-Immigrazzjoni.

11.      Fit-12 ta’ Mejju 2003, is-Segretarju ta’ l-Istat, wara li kkunsidra l-kwistjoni skond ir-regoli attwali fuq l-immigrazzjoni minflok ir-Regoli fuq l-Immigrazzjoni ta’ l-1973, irrifjuta li jagħti lil V. Tum l-awtorizzazzjoni biex jidħol fir-Renju Unit sabiex jiftaħ negozju, u indika li kienu se jsiru arranġamenti biex hu jintbagħat lura l-Ġermanja malajr kemm jista’ jkun. L-applikazzjoni ta’ Dari ġiet miċħudha għall-istess raġunijiet. V. Tum kiseb inġunzjoni fir-rigward tad-direttivi għall-espulsjoni.

12.      V. Tum u M. Dari t-tnejn li huma sussegwentement talbu li jsir stħarriġ ġudizzjarju. Il-kawżi tagħhom instemgħu flimkien mill-High Court of Justice, Queen’s Bench Division, li laqgħat it-talbiet tagħhom fis-sentenza tad-19 ta’ Novembru 2003. Is-sustanza ta’ din id-deċiżjoni kienet li V. Tum u M. Dari kienu intitolati jinvokaw l-hekk imsejħin dispożizzjonijiet “standstill” ta’ l-Artikolu 41(1) tal-Protokoll Addizzjonali u b’hekk jitolbu li l-applikazzjonijiet tagħhom biex jidħlu fir-Renju Unit bħala negozjanti jiġu kkunsidrati fuq il-bażi tar-Regoli fuq l-Immigrazzjoni fis-seħħ fid-data li r-Renju Unit daħlet fil-Komunità, fl-1 ta’ Jannar 1973.

13.      Din id-deċiżjoni ġiet ikkonfermata mill-Qorti ta’ l-Appell b’sentenza ta’ l-24 ta’ Mejju 2004.

14.      Fid-9 ta’ Lulju 2004, is-Segretarju ta’ l-Istat talab lill-House of Lords għal permess biex jappella kontra d-deċiżjonijiet tal-Qorti ta’ l-Appell fil-kawżi maqgħuda. Wara smigħ orali fis-27 ta’ Ottubru 2004, l-l-Appellate Committee tal-House of Lords ordna li għandha ssir talba għal deċizjoni preliminari lill-Qorti tal-Ġustizzja skond l-Artikolu 234 KE dwar id-domanda li ġejja:

“L-Artikolu 41(1) tal-Protokoll Addizzjonali għall-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni ffirmat fi Brussell fit-23 ta’ Novembru 1970 għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprojbixxi lil Stat Membru milli jintroduċi restrizzjonijiet ġodda, b’effett mid-data li fiha dak il-Protokoll daħal fis-seħħ f’dak l-Istat Membru, fuq il-kundizzjonijiet ta’ u l-proċedura għad-dħul fit-territorju tagħha ta’ ċittadin Tork li għandu l-intenzjoni jiftaħ negozju f’dak l-Istat Membru?”

15.      Ġew ippreżentati osservazzjonijiet bil-miktub minn V. Tum u minn M. Dari, mill-Gvern Slovakk u dak tar-Renju Unit u mill-Kummissjoni. Waqt is-seduta tat-18 ta’ Mejju 2006 ġew ippreżentati osservazzjonijiet ulterjuri minn V. Tum u M. Dari, mill-Gvern tar-Renju Unit u dak ta’ l-Olanda u mill-Kummissjoni.

16.      V. Tum u M. Dari, il-Gvern Slovakk u l-Kummissjoni jikkunsidraw li d-domanda rrinvjata mill-House of Lords għandha tingħata risposta fl-affermattiv. Il-Gvern tar-Renju Unit u dak ta’ l-Olanda huma tal-fehma opposta u jsostnu li l-Qorti għandha twieġeb id-domanda fin-negattiv.

IV – Ġabra fil-qosor ta’ l-osservazzjonijiet

17.      V. Tum u M. Dari jsostnu, fl-ewwel lok, li d-dispożizzjoni “standstill” fl-Artikolu 41(1) tal-Protokoll Addizzjonali tapplika mhux biss għall-kundizzjonijiet dwar stabbiliment bħala tali, iżda anki għall-kundizzjonijiet ta’ residenza u dħul. Fid-dritt Komunitarju, dawn ta’ l-aħħar huma meqjusa bħala l-korollarju neċessarju għal-libertà ta’ stabbiliment(6). V. Tum u M. Dari jaċċettaw li ċittadini Torok ma jiksbu ebda drittijiet diretti ta’ stabbiliment jew id-dritt li jidħlu fi Stat Membru minn dik id-dispożizzjoni. Madankollu, huma jsostnu li, skond din id-dispożizzjoni, l-applikazzjoni tagħhom għal awtorizzazzjoni għad-dħul fir-Renju Unit sabiex jiftħu negozju għandha tiġi evalwata abbażi tal-liġi nazzjonali kif kienet fiż-żmien meta r-Renju Unit aderixxa għall-Protokoll Addizzjonali, jiġifieri l-1 ta’ Jannar 1973.

18.      V. Tum u M. Dari jsostnu li f’Savas(7), il-Qorti kienet diġà għamlitha ċara li kull ċittadin Tork, anki dawk li l-preżenza tagħhom fir-Renju Unit kienet għal kollox irregolari, jistgħu Madankollu jinvokaw id-dispożizzjoni “standstill” fl-Artikolu 41(1) tal-Protokoll Addizzjonali, li għandha effett dirett. Dawn josservaw li f’dik il-kawża l-Qorti ma kellhiex għalfejn tikkunsidra l-kwistjoni tad-dħul, għax is-Sur Savas kien diġà daħal legalment, għalkemm kompla joqgħod hemmhekk illegalment. Il-Qorti għalhekk kellha x’taqsam biss mal-kundizzjonijiet li taħthom Savas seta’ jiġi awtorizzat ikompli jibqa’ u jistabbilixxi ruħu fir-Renju Unit.

19.      Bħala sostenn ulterjuri għall-argument ewlieni tagħhom dwar il-portata ta’ l-Artikolu 41(1) tal-Protokoll Addizzjonali, V. Tum u M. Dari josservaw li għall-kuntrarju ta’ dispożizzjonijiet “standstill” simili(8), m’hemm xejn fid-diċitura tiegħu li jissuġġerixxi li l-applikazzjoni tiegħu huwa limitat għal kundizzjonijiet dwar soġġorn u stabbiliment, bl-esklużjoni ta’ kundizzjonijiet dwar dħul. Il-klawżola “standstill” tispiċċa bla sinjifikat jekk l-Istati Membri kellhom jitħallew, b’mod kuntrarju għall-għanijiet tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni, jagħmlu d-dħul fit-territorju tagħhom iktar diffiċli jew anki impossibbli. Huma jenfasizzaw li din l-interpretazzjoni ta’ l-Artikolu 41(1) ma taffettwax il-kompetenza ta’ l-Istat Membru rigward l-immigrazzjoni ta’ ċittadini Torok. Hija sempliċement tpoġġi lil dawk iċ-ċittadini fil-pożizzjoni li kienu jkunu fiha fiż-żmien meta l-Istat Membru aderixxa għall-Protokoll Addizzjonali kif tirrikjedi l-klawżola “standstill”.

20.      Finalment, b’risposta għall-asserzjoni tar-Renju Unit li l-protezzjoni ta’ l-Artikolu 42(1) m’għandhiex tiġi estiża għall-persuni li t-talba tagħhom għall-ażil ma tkunx ġiet milqugħa (ara l-punt 25 iktar ’il quddiem), V. Tum u M. Dari jirrilevaw li għalkemm huma fiżikament preżenti fir-Renju Unit, skond Artikolu 11 ta’ l-Att dwar l-Immigrazzjoni ta’ l-1971 għadhom formalment ma daħlux fir-Renju Unit. Il-kwistjoni jekk jistgħux jintbagħtu lura lejn xi Stat Membru ieħor jew le skond il-Konvenzjoni ta’ Dublin hija irrilevanti għat-tweġiba tad-domanda preliminari rrinvjata mill-House of Lords. Din id-domanda hija limitata għad-determinazzjoni ta’ liema regoli japplikaw għall-applikazzjonijiet ta’ V. Tum u M. Dari għall-awtorizzazzjoni biex jidħlu għall-finijiet ta’ ftuħ ta’ negozju.

21.      Il-Gvern Slovakk u l-Kummissjoni jappoġġjaw il-maġġoranza tal-fehmiet li esprimew V. Tum u M. Dari. It-tnejn jaffermaw li peress li l-Artikolu 41(1) tal-Protokoll Addizzjonali jipprekludi lill-Istati Membri milli jagħmluha iktar diffiċli għal ċittadini Torok biex jiftħu negozju milli kien fid-data tad-dħul fis-seħħ tiegħu għal dak l-Istat Membru, bħala korollarju ta’ dan huma ma jistgħux jostakolaw dak id-dritt billi jintroduċu restrizzjonijiet ġodda fuq id-dritt ta’ residenza u d-dritt ta’ dħul, inkwantu dawk id-drittijiet huma marbutin b’mod inseparabbli mad-dritt ta’ stabbiliment.

22.      Il-Kummissjoni tosserva li peress li l-Qorti, f’Savas, akkordat il-benefiċċju tal-klawżola “standstill” skond l-Artikolu 41(1) lil persuna li kienet tħalliet tidħol b’mod legali, imma kienet preżenti illegalment fi Stat Membru, ikun paradossali jekk ma tkunx estiża għal persuna li, kif suppost għamlet, ippreżentat applikazzjoni għal awtorizzazzjoni għad-dħul meta kienet fit-Turkija. Din iżżid tgħid li persuna li tkun applikat għal awtorizzazzjoni għad-dħul bħala viżitatur filwaqt li fil-fatt kellha l-ħsieb li tistabbilixxi liha nnifisha biex tiftaħ negozju ġaladarba tiġi ammessa fl-Istat Membru ma taqax taħt il-protezzjoni mogħtija bil-Ftehim. Intenzjoni qarrieqa bħal din tkun, madankollu, verament diffiċli jekk mhux impossibbli li tiġi ppruvata.

23.      Il-Kummissjoni tirrileva li, għalkemm il-Qorti kkonfermat li d-Deċiżjoni 1/80 ma taffettwax il-kompetenza ta’ l-Istati Membri li jirregolaw l-ewwel dħul ta’ ħaddiema Torok fit-territorji tagħhom, dan ma jimplikax li la l-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni u lanqas il-Protokoll Addizzjonali ma jista’ jkollhom xi effett fuq il-kompetenza ta’ l-Istati Membri li jirregolaw id-dħul ta’ ċittadini Torok fit-territorju tagħhom. Fil-fatt, il-kompetenza ta’ l-Istati Membri biex jikkontrollaw l-ewwel dħul ta’ ċittadini Torok ġiet limitata. Għalkemm dan ir-riżultat għandu jiġi kkunsidrat bħala inevitabbli, il-Kummissjoni tissuġġerixxi li l-Qorti għandha tillimita l-portata tar-risposta tagħha għal restrizzjonijiet li huma marbutin b’mod inseparabbli mad-dritt ta’ stabbiliment sabiex jiġi evitat li dritt ta’ l-Istati Membri li jirregolaw l-ewwel dħul ta’ ċittadini Torok fit-territorju tagħhom jiġi ostakolat b’mod eċċessiv.

24.      Il-Gvern tar-Renju Unit isostni primarjament li skond ġurisprudenza ben stabbilita tal-Qorti l-Istati Membri jżommu l-prerogattiva li jistabbilixxu l-kundizzjonijiet tagħhom għall-ewwel dħul ta’ ċittadini Torok fit-territorji tagħhom. Il-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni u l-Protokoll Addizzjonali mhumiex maħsubin biex jagħtu lil ċittadini Torok id-drittijiet ta’ stabbiliment li jistgħu jitqabblu ma’ dawk taċ-ċittadini ta’ l-UE. Fl-eżerċizzju ta’ dan il-poter, ir-Renju Unit leġittimament biddel il-kundizzjonijiet li taħthom kien se jippermetti lil ċittadini Torok jidħlu fir-Renju Unit sabiex jistabbilixxu lilhom infushom biex jiftħu negozju, anki jekk tibdil bħal dan jagħmilha aktar diffiċli biex persuna tidħol fir-Renju Unit milli kien fl-1 ta’ Jannar 1973. Din is-sottomissjoni hija bbażata fuq Savas fejn il-Qorti stabbilixxiet li l-Artikolu 41(1) tal-Protokoll Addizzjonali jirregola biss il-kundizzjonijiet li l-Istati Membri japplikaw għal dawk li qed ifittxu li jistabbilixxu lilhom infushom biex jiftħu negozji ġaladarba jkunu daħlu b’mod legali fi Stat Membru u li dik id-dispożizzjoni ma taffettwax il-libertà ta’ l-Istati Membri li jistabbilixxu l-kundizzjonijiet għall-ewwel dħul.

25.      Ir-Renju Unit jsostni, sussidjarjament, li jekk il-Qorti kellha ssib li l-Artikolu 41(1) tal-Protokoll Addizzjonali jipprojbixxi lill-Istati Membri milli jintroduċu restrizzjonijiet ġodda għad-dħul fit-territorji tagħhom ta’ ċittadini Torok li qed ifittxu li jistabbilixxu ruħhom biex jiftħu negozju hemmhekk, dan ma japplikax għal dawk li fittxew li jibqgħu u li jistabbilixxu ruħhom biex jiftħu negozju wara li t-talba tagħhom għall-ażil tkun ġiet miċħuda u li jistgħu jintbagħtu lura lejn Stat Membru ieħor skond il-Konvenzjoni ta’ Dublin jew leġiżlazzjoni suċċessiva. F’dan ir-rigward, il-Gvern tar-Renju Unit jirrileva li V. Tum u M. Dari invokaw biss id-drittijiet li qed jippretendu li għandhom skond l-Artikolu 41(1) meta kienu qed jiffaċċjaw l-espulsjoni kejn Franza u l-Ġermanja. Li persuni f’ċirkustanzi bħal dawn jiġu permessi jitolbu protezzjoni mill-espulsjoni taħt il-Konvenzjoni ta’ Dublin ikun ifisser li l-persuni li jkunu qed jitolbu l-ażil ikunu qed jitħallew ifixklu l-operat tas-sistema komuni Ewropea ta’ l-ażil. Dan ikun jammonta għal abbuż ta’ drittijiet peress li l-persuna li tkun qed titlob l-ażil tkun tista’ tibbenefika mid-drittijiet tal-liġi Komunitarja minħabba d-dħul u l-preżenza illegali tagħha fi Stat Membru.

26.      Il-Gvern ta’ l-Olanda wkoll jesprimi l-fehma li d-drittijiet skond l-Artikolu 41(1) tal-Protokoll Addizzjonali jistgħu jiġu invokati biss minn ċittadini Torok li jkunu kkonformaw mar-regoli nazzjonali fuq l-immigrazzjoni dwar dħul u residenza. Li persuni li jkunu daħlu fi Stat Membru b’mod illegali u li sussegwentement ikunu fetħu negozju jiġu permessi jibbenefikaw mill-protezzjoni ta’ l-Artikolu 41(1) ifisser li effettività tal-liġi nazzjonali fuq l-immigrazzjoni, li tibqa’ l-kompetenza ta’ l-Istati Membri, tiġi kompromessa. Dan iċċaħħad ukoll lis-sistema Komunitarja ta’ l-ażil mill-effettività tagħha. Il-Gvern ta’ l-Olanda jikkunsidra li li kieku V. Tum u M. Dari kienu, fil-fatt, marru lura t-Turkija u ppreżentaw applikazzjoni ġdida għal awtorizzazzjoni għad-dħul fir-Renju Unit fuq il-bażi ta’ l-attivitajiet ekonomiċi tagħhom matul is-soġġorn illegali tagħhom, xorta waħda ma kinux ikunu jistgħu jinvokaw l-Artikolu 41(1) tal-Protokoll Addizzjonali. Il-fatt li talba bħal din tiġi milqugħa jipperikola l-effettività u l-kredibbiltà tal-liġi nazzjonali fuq l-immigrazzjoni.

V –    Kunsiderazzjonijiet

27.      Kif diġà ġie indikat fl-introduzzjoni għal din l-Opinjoni, id-domanda bażika li għandha tiġi mwieġba f’din il-kawża hija jekk l-Artikolu 41(1) tal-Protokoll Addizzjonali, li jipprojbixxi l-introduzzjoni ta’ restrizzjonijiet ġodda fuq il-libertà ta’ stabbiliment u l-libertà li jiġu pprovduti servizzi sa mid-dħul fis-seħħ tal-Protokoll Addizzjonali għall-Istat Membru kkonċernat, jipprekludix ukoll lill-Istati Membri milli jimponu kundizzjonijiet għad-dħul aktar restrittivi għal ċittadini Torok.

28.      Fid-diversi sottomissjonijiet tagħhom, il-partijiet kollha bbażaw ruħhom fuq is-sentenza tal-Qorti f’Savas (9) biex isostnu l-argumenti tagħhom, li huma diametrikament opposti għal xulxin, illi din id-domanda għandha tingħata risposta jew fil-posittiv jew fin-negattiv. Għalhekk, l-ewwel jeħtieġ li ssir ġabra fil-qosor tal-fatti essenzjali ta’ dan il-każ u tas-sentenza tal-Qorti.

A –    Il-kawża Savas

29.      Is-Sur Savas(10), ċittadin Tork, kiseb l-awtorizzazzjoni biex jidħol fir-Renju Unit bħala turist għal xahar. Il-viża tiegħu għad-dħul kellha kundizzjoni espressa li tipprojbih milli jieħu impjieg jew jeżerċita xi negozju jew professjoni. Minkejja li skadiet il-viża tiegħu, Savas baqa’ fir-Renju Unit bi ksur tal-liġi fuq l-immigrazzjoni nazzjonali. Ftit tas-snin wara, huwa beda jopera fabbrika tal-qomos mingħajr ma talab awtorizzazzjoni biex jaħdem jew jeżerċita attività għal rasu. Wara li eżerċita dan in-negozju għal xi żmien, huwa applika ma’ l-awtoritajiet nazzjonali ta’ l-immigrazzjoni bil-ħsieb li jirregolarizza l-pożizzjoni tiegħu. Madankollu, l-applikazzjoni tiegħu biex jiġi awtorizzat jibqa’ ġiet irrifjutata u ġiet notifikata lilu ordni ta’ deportazzjoni. Sussegwentement, Savas appella minn din id-deċiżjoni, iżda l-appell ġie miċħud.

30.      Filwaqt li għall-bidu kien ibbaża l-applikazzjonijiet tiegħu fuq il-liġi nazzjonali biss, Savas iktar tard invoka l-Artikolu 41(1) tal-Protokoll Addizzjonali, u sostna li l-pożizzjoni tiegħu kellha tiġi evalwata fuq il-bażi tar-Regoli fuq l-Immigrazzjoni ta’ l-1973. Dan l-argument ġie respint mill-awtoritajiet ta’ l-immigrazzjoni għar-raġuni li, fid-data ta’ l-applikazzjoni tiegħu għar-regolarizzazzjoni tas-soġġorn tiegħu fir-Renju Unit, ma kienx għad għandu awtorizzazzjoni biex jibqa’ hemmhekk u għalhekk ma setax jibbenefika mir-Regoli fuq l-Immigrazzjoni ta’ l-1973. Is-Sur Savas imbagħad fetaħ kawża quddiem il-Queen’s Bench Division tal-High Court of Justice. Din il-qorti fissret dubju dwar jekk l-effett tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni huwiex li jagħti drittijiet lil barranin li, bħal Savas, kienu fit-territorju ta’ Stat Membru b’mod illegali. Din, għalhekk, iddeċidiet li tirrinvija domandi preliminari lill-Qorti tal-Ġustizzja dwar l-effett dirett ta’ l-Artikolu 41 tal-Protokoll Addizzjonali u l-portata ta’ protezzjoni skond dik id-dispożizzjoni.

31.      Għall-finijiet ta’ din il-kawża, huwa meħtieġ biss li ssir referenza għall-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti fir-rigward tal-portata ta’ l-Artikolu 41(1) tal-Protokoll Addizzjonali. Madankollu, għall-finijiet ta’ kompletezza, nagħmel l-osservazzjoni li l-Qorti ma kellha l-ebda diffikultà biex tistabbilixxi li din id-dispożizzjoni tista’ tabilħaqq tiġi invokata fi proċeduri legali quddiem il-qrati nazzjonali(11).

32.      Rigward il-portata ta’ l-Artikolu 41(1) tal-Protokoll Addizzjonali, is-Sur Savas għall-ewwel argumenta, fl-osservazzjonijiet bil-miktub tiegħu, li hu kien kiseb id-dritt ta’ stabbiliment u d-dritt korrispondenti ta’ residenza direttament minn din id-dispożizzjoni, minkejja l-fatt li hu kien fetaħ negozju fir-Renju Unit bi ksur tal-liġi fuq l-immigrazzjoni ta’ dak il-pajjiż. Madankollu, waqt is-seduta orali, huwa abbanduna dan l-argument, u sostna li din id-dispożizzjoni kienet tintitolah jistaqsi lil qorti nazzjonali jekk ir-regoli li ġew applikati fil-konfront tiegħu kinux iktar restrittivi fir-rigward tal-libertà ta’ stabbiliment u d-dritt ta’ residenza minn dawk li kienu japplikaw mad-dħul fis-seħħ tal-Protokoll Addizzjonali għar-Renju Unit. Il-Qorti eżaminat iż-żewġ argumenti fis-sentenza tagħha.

33.      L-ewwel argument ippreżentat minn Savas ġiegħel lill-Qorti ttenni l-prinċipji bażiċi li kienet stabbiliet fil-ġurisprudenza stabbilita tagħha fir-rigward ta’ ħaddiema Torok. Dawn il-prinċipji bażiċi huma:

–        fl-istat attwali tad-dritt Komunitarju, id-dispożizzjonijiet li jirrigwardaw l-Assoċjazzjoni bejn il-KEE u t-Turkija ma jaffettwawx il-kompetenza ta’ l-Istati Membri sabiex jirregolaw id-dħul fit-territorju tagħhom ta’ ċittadini Torok u l-kundizzjonijiet ta’ l-ewwel attività professjonali tagħhom, imma sempliċement jirregolaw is-sitwazzjoni ta’ ħaddiema Torok li huma diġà legalment integrati fil-forza tax-xogħol ta’ l-Istati Membri’(12);

–        ‘għall-kuntrarju taċ-ċittadini ta’ l-Istati Membri, ħaddiema Torok mhumiex intitolati jiċċaqilqu b’mod ħieles fi ħdan il-Komunità imma jibbenefikaw biss minn ċerti drittijiet fl-Istat Membru ospitanti li fit-territorju tiegħu huma daħlu legalment u li fih ilhom jeżerċitaw impjieg b’mod legali għal perjodu speċifiku’(13);

–        ‘id-drittijiet relativi għall-impjieg … mogħtija lil ħaddiema Torok neċessarjament jimplikaw l-eżistenza ta’ dritt korrispondenti ta’ residenza għall-persuni kkonċernati, peress li altrimenti d-dritt ta’ aċċess għas-suq tax-xogħol u d-dritt tax-xogħol bħala persuna impjegata jispiċċa jsir ineffettiv għal kollox’(14);

–        ’il-legalità ta’ l-impjieg ta’ ċittadin Tork fl-Istat Membru ospitanti tippresupponi sitwazzjoni stabbli u mhux prekarja bħala membru tal-forza tax-xogħol ta’ dak l-Istat Membru u, bis-saħħa t’hekk, tinvolvi dritt inkontestabbli ta’ residenza’(15);

–        ‘perijodi li matulhom ċittadin Tork ikun impjegat b’permess ta’ residenza li ġie maħruġ lilu biss bħala riżultat ta’ kondotta qarrieqa li wasslet għal kundanna mhumiex ibbażati fuq sitwazzjoni stabbli u impjieg bħal dan ma jistax jiġi meqjus bħala li ma kienx prekarju minħabba l-fatt li, matul il-perijodi in kwistjoni, il-persuna kkonċernata ma kinitx legalment intitolata għal permess ta’ residenza … Impjieg eżerċitat minn ċittadin Tork b’permess ta’ residenza li jkun inkiseb f’ċirkustanzi qarrieqa ta’ dak it-tip b’ebda mod ma jista’ jagħti lok għal xi drittijiet favur tiegħu.(16)'

34.      Il-Qorti mbagħad iddikjarat li “[d]awn il-prinċipji, stabbiliti fil-kuntest ta’ l-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni bejn il-KEE u t-Turkija għall-kisba progressiva tal-moviment ħieles ta’ ħaddiema Torok fil-Komunità, għandhom ukoll japplikaw, b’analoġija, fil-kuntest tad-dispożizzjonijiet tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni li jikkonċerna d-dritt ta’ stabbiliment.(17)”

35.      Hija kkonkludiet fuq dan il-punt li ‘l-“klawżola standstill” fl-Artikolu 41(1) tal-Protokoll Addizzjonali mhijiex minnha nfisha kapaċi tagħti lil ċittadin Tork il-benefiċċju tad-dritt ta’ stabbiliment u d-dritt ta’ residenza li jikkostitwixxi l-korollarju tiegħu.’ (18)

36.      Il-Qorti mbagħad stabbiliet li “l-ewwel dħul ta’ ċittadin Tork fit-territorju ta’ Stat Membru huwa rregolat esklużivament mil-liġi domestika ta’ dak l-Istat, u l-persuna kkonċernata tista’ titlob ċerti drittijiet skond id-dritt Komunitarju fir-rigward ta’ żamma ta’ impjieg jew l-eżerċizzju ta’ attività bħala persuna li taħdem għal rasha, u, b’mod korrelattiv, fir-rigward ta’ residenza, biss safejn il-pożizzjoni tiegħu fl-Istat Membru kkonċernat hija regolari.(19)”

37.      Minħabba l-istat ta’ immigrazzjoni tiegħu, is-Sur Savas ma setax jitlob direttament dritt ta’ stabbiliment jew residenza skond l-Artikolu 41(1) tal-Protokoll Addizzjonali.

38.      B’risposta għat-tieni argument tas-Sur Savas, il-Qorti fakkret li kienet iddeċidiet li l-Artikolu 41(1) tal-Protokoll Addizzjonali jagħti drittijiet lil individwi li għandhom jiġu ggarantiti mill-qrati nazzjonali u li din id-dispożizzjoni “tipprekludi lil Stat Membru milli jadotta xi miżura ġdida li jkollha l-għan jew l-effett li tagħmel l-istabbiliment, u, bħala korollarju, ir-residenza ta’ ċittadin Tork fit-territorju tiegħu suġġett għal kundizzjonijiet iktar restrittivi minn dawk li kienu japplikaw fiż-żmien meta l-Protokoll Addizzjonali daħal fis-seħħ fir-rigward ta’ l-Istat Membru kkonċernat’(20). Huma l-qrati nazzjonali li għandhom jistabbilixxu jekk dan huwiex il-każ.

39.      Il-Qorti ġabret ir-riżultanzi tagħha dwar il-portata ta’ l-Artikolu 41(1) tal-Protokoll Addizzjonali fit-termini li ġejjin:

–        “l-Artikolu 41(1) tal-Protokoll Addizzjonali minnu nnifsu mhuwiex kapaċi jagħti lil ċittadin Tork id-dritt ta’ stabbiliment u, bħala korollarju, id-dritt ta’ residenza fl-Istat Membru li fit-territorju tiegħu huwa jkun baqa’ u jkun wettaq attivitajiet ta’ negozju bħala persuna li taħdem għal rasha bi ksur tal-liġi domestika dwar l-immigrazzjoni.

–        Madankollu, l-Artikolu 41(1) tal-Protokoll Addizzjonali jipprojbixxi l-introduzzjoni ta’ restrizzjonijiet nazzjonali ġodda fuq il-libertà ta’ stabbiliment u d-dritt ta’ residenza ta’ ċittadini Torok mid-data meta l-protokoll daħal fis-seħħ fl-Istat Membru ospitanti. Hija l-qorti nazzjonali li għandha tinterpreta l-liġi domestika sabiex jiġi stabbilit jekk ir-regoli applikati fil-konfront tar-rikorrent fil-kawża prinċipali humiex inqas favorevoli minn dawk li kienu applikabbli fiż-żmien meta l-Protokoll Addizzjonali daħal fis-seħħ.(21)”

B –    Analiżi

1.      Id-domandi li baqgħu bla risposta fis-sentenza Savas

40.      Kif ġie indikat hawn fuq, V. Tum u M. Dari, sostnuti mill-Kummissjoni u l-Gvern Slovakk, interpretaw is-sentenza tal-Qorti f’Savas fis-sens li ċittadin Tork jista’ jinvoka l-Artikolu 41(1) tal-Protokoll Addizzjonali biex jiġi żgurat li r-regoli dwar l-istabbiliment li kienu applikabbli fil-mument tad-dħul fis-seħħ tal-Protokoll Addizzjonali għar-Renju Unit jiġu applikati għas-sitwazzjoni tiegħu, irrispettivament minn jekk kienx preżenti b’mod legali fit-territorju ta’ dak l-Istat Membru. Fl-opinjoni tagħhom, ir-regoli dwar l-istabbiliment neċessarjament jinkludu l-kundizzjonijiet dwar dħul f’dak l-Istat Membru. Il-fatt li l-Qorti fis-sentenza tagħha ma għamlet l-ebda referenza għall-kundizzjonijiet dwar dħul jista’ jiġi spjegat mill-fatt li s-Sur Savas kien daħal fir-Renju Unit b’mod legali. Huma jsostnu li l-osservazzjonijiet tal-Qorti li għandhom x’jaqsmu mal-kompetenza ta’ l-Istati Membri fir-rigward ta’ l-ewwel dħul ta’ ċittadini Torok għandha tiġi interpretata bħala r-risposta tal-Qorti għall-ewwel argument tas-Sur Savas fl-osservazzjonijiet bil-miktub tiegħu u li dawn m’għandhom ebda effett fuq it-tweġiba tal-Qorti għat-tieni argument tas-Sur Savas.

41.      Il-Gvern tar-Renju Unit, sostnut mill-Gvern ta’ l-Olanda, jiffoka, min-naħa l-oħra, fuq l-enfażi li tpoġġiet mill-Qorti fuq il-kompetenza esklużiva ta’ l-Istati Membri biex jiddeċiedu dwar l-ewwel dħul ta’ ċittadin Tork fit-territorju tagħhom. Ċittadin Tork huwa intitolat jinvoka l-protezzjoni ta’ l-Artikolu 41(1) tal-Protokoll Addizzjonali biss ġaladarba jkun ġie ammess skond ir-regoli dwar l-immigrazzjoni fis-seħħ fi żmien l-applikazzjoni tiegħu għall-awtorizzazzjoni għad-dħul. Dan jirrileva li, fil-punt 69 tas-sentenza Savas (iċċitat fil-punt 38 iktar ’il fuq), il-Qorti għamlet referenza biss għad-dritt ta’ stabbiliment u, bħala korollarju ta’ dan, id-dritt ta’ residenza bħala li jaqa’ taħt l-Artikolu 41(1) u li m’għamlitx referenza, f’dan il-kuntest, għall-kundizzjonijiet tad-dħul.

42.      Il-fatt li s-sentenza Savas ġiet invokata mill-partijiet intervenjenti kollha sabiex isostnu perspettivi li jidhru li huma irrekonċiljabbli mhuwiex sorprendenti għax ir-riżultanzi infushom tal-Qorti f’din is-sentenza jidhru li huma kontradittorji. Minn banda waħda, il-Qorti tenfasizza l-kompetenza esklużiva ta’ l-Istati Membri biex jirregolaw l-ewwel dħul ta’ ċittadini Torok fit-territorju tagħhom u tikkonferma li ċittadini Torok jistgħu jitolbu drittijiet ta’ impjieg jew li jistabbilixxu ruħhom biex jiftħu negozju jekk il-pożizzjoni tagħhom fl-Istat Membru kkonċernat hija regolari. Mill-banda l-oħra, il-Qorti taċċetta li ċittadin Tork jista’ jinvoka l-Artikolu 41(1) tal-Protokoll Addizzjonali sabiex jiżgura li ma jiġux applikati fil-konfront tiegħu kundizzjonijiet dwar l-istabbiliment u r-residenza iktar restrittivi minn dawk li kienu applikabbli fid-data tad-dħul fis-seħħ ta’ dak il-protokoll fl-Istat Membru ospitanti, anki jekk iċ-ċittadin Tork ikkonċernat kien preżenti b’mod illegali f’dak l-Istat Membru. Jekk ċittadin Tork jista’ jippretendi d-dritt li jistabbilixxi ruħu biex jiftaħ negozju skond il-liġi nazzjonali biss jekk il-pożizzjoni tiegħu f’dak l-Istat Membru hija regolari, għalfejn, wieħed jista’ jistaqsi, għandu jkollu d-dritt li l-applikazzjoni tiegħu tiġi eżaminata skond dispożizzjonijiet iktar qodma u iktar ġenerużi anki jekk ikun preżenti f’dak l-Istat Membru bi ksur tal-liġi nazzjonali dwar l-immigrazzjoni?

43.      Fi kwalunkwe każ, huwa ċar li fis-sentenza Savas il-Qorti ma ttrattatx espliċitament il-kwistjoni eżatta jekk iċ-ċittadini tat-Turkija jistgħux jinvokaw l-Artikolu 41(1) tal-Protokoll Addizzjonali sabiex jiksbu dħul fi Stat Membru sabiex jistabbilixxu ruħhom biex jiftħu negozju. Il-problema f’dak il-każ kienet li wara li daħal b’mod legali fir-Renju Unit permezz ta’ viża tat-turisti, Savas kien baqa’ hemmhekk bi ksur tal-liġi domestika fuq l-immigrazzjoni. B’kuntrast ma’ dan, minkejja l-preżenza fiżika tagħhom fir-Renju Unit, V. Tum u M. Dari għadhom s'issa ma daħlux f’dak l-Istat Membru fis-sens legali; huma għandhom biss status ta’ dħul temporanju.

44.      Iż-żewġ perspettivi tal-partijiet intervenjenti jikkorrispondu għal żewġ domandi distinti, iżda relatati, li jikkonċernaw l-interpretazzjoni ta’ l-Artikolu 41(1) tal-Protokoll Addizzjonali li baqgħu bla risposta fis-sentenza tal-Qorti f’Savas:

1)      Biex jinvoka l-protezzjoni ta’ din id-dispożizzjoni hemm bżonn li tiġi sodisfatta l-kundizzjoni li ċ-ċittadin Tork ikkonċernat kien ġie ammess b’mod legali fit-territorju ta’ l-Istat Membru kkonċernat?

2)      Il-kunċett ta’ ‘l-libertà ta’ stabbiliment’ f’din id-dispożizzjoni jinkludi l-kundizzjonijiet għad-dħul fi Stat Membru?

2.      Residenza legali bħala kundizzjoni biex ikun jista’ jiġi invokat l-Artikolu 41(1) tal-Protokoll Addizzjonali?

45.      F’sens ġenerali, il-regolamentazzjoni ta’ l-immigrazzjoni ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi, inklużi ċittadini Torok, għadha taqa’ fil-kompetenza ta’ l-Istati Membri safejn il-leġiżlazzjoni nazzjonali dwar l-immigrazzjoni ma tkunx ġiet armonizzata skond l-Artikolu 63(3) KE(22) u miżuri bħal dawn huma applikabbli għall-Istat Membru kkonċernat(23). Dan jimplika li l-Istati Membri huma intitolati jistabbilixxu l-kundizzjonijiet li jirregolaw id-dħul ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi fit-territorju tagħhom u, iktar b’mod iktar speċifiku minn hekk, iħalluhom jidħlu biss wara li ssir evalwazzjoni tal-persuna individwali kkonċernata u tar-raġunijiet tagħha għalfejn qed tfittex li tidħol fit-territorju tagħhom.

46.      Il-fatt li l-Istati Membri jibqgħu kompetenti fir-rigward ta’ l-immigrazzjoni taċ-ċittadini Torok ġie rikonoxxut b’mod enfatiku mill-Qorti f’sensiela konsistenti ta’ sentenzi li jikkonċernaw kemm ħaddiema Torok u ċittadini Torok li jeżerċitaw attivitajiet għal rashom. Tista’ ssir referenza għall-kunsiderazzjonijiet li saru fis-sentenza Savas, iċċitati hawn fuq, fil-punt 33, li ġew ikkonfermati fis-sentenza Abatay u Sahin.(24). L-Istati Membri huma, għalhekk, kompetenti jiddeċiedu dwar id-dħul ta’ ċittadini Torok fit-territorju tagħhom skond il-kriterji stipulati fil-leġiżlazzjoni nazzjonali tagħhom dwar l-immigrazzjoni.

47.      Dan il-punt mhuwiex ikkontestat bejn il-partijiet fil-kważa prinċipali. Il-kwistjoni li ma jaqblux dwarha hija jekk huwiex prerekwiżit għall-invokazzjoni tal-protezzjoni mogħtija mill-Artikolu 41(1) tal-Protokoll Addizzjonali li ċ-ċittadin Tork ikkonċernat ġie awtorizzat jidħol b’mod legali u huwa legalment residenti fl-Istat ospitanti. Fi kliem ieħor, għandhom ikunu kisbu aċċess għat-territorju ta’ l-Istat Membru ospitanti skond ir-regoli domestiċi dwar l-immigrazzjoni qabel ma jkunu kapaċi jiksbu aċċess għas-swieq nazzjonali ta’ dak l-Istat Membru sabiex jeżerċitaw attività ekonomika bħala impjegati jew għal rashom?

48.      Dwar dan il-punt il-Qorti, għal darb’oħra fis-sentenza Savas, iddeċidiet mingħajr ebda ambigwità li ċittadini Torok jistgħu jippretendu biss drittijiet ekonomiċi fi Stat Membru ospitanti safejn il-pożizzjoni tagħhom hija regolari f’dak l-Istat Membru(25). Bħala tali, l-Artikolu 41(1) tal-Protokoll Addizzjonali ma jagħti ebda drittijiet ekonomiċi direttament lil ċittadini Torok, imma sempliċiment jistipula li d-drittijiet li jistgħu jiġu pretiżi minn dawk iċ-ċittadini fi Stat Membru ospitanti għandhom jiġu stabbiliti b’referenza għal-liġi nazzjonali kif kienet meta l-Protokoll Addizzjonali daħal fis-seħħ għal dak l-Istat Membru. Madankollu, minħabba l-fatt li hemm komponent bla dubju sostantiv sabiex jiġi stabbilit liema liġi għandha tapplika għal applikazzjoni biex tiġi eżerċitata attività ekonomika fi Stat Membru peress li dan jistabbilixxi l-portata tad-drittijiet li potenzjalment jistgħu jitgawdew skond il-liġi nazzjonali, m’hemm l-ebda raġuni għalfejn ir-regola stabbilita fis-sentenza Savas dwar dħul legali preċedenti u l-legalità tas-soġġorn taċ-ċittadin Tork m’għandhiex tapplika għall-Artikolu 41(1) tal-Protokoll Addizzjonali.

49.      Tabilħaqq, jidher li hemm mod wieħed biss kif is-sentenza Savas tista’ tiġi interpretata b’mod koerenti. Wieħed ikollu jippreżumi li fejn il-Qorti ddeċidiet li hija l-qorti nazzjonali li għandha tistabbilixxi jekk ir-regoli domestiċi li ġew applikati fil-konfront tas-Sur Savas mill-awtoritajiet ta’ l-immigrazzjoni kompetenti kellhomx l-effett li jqiegħduh f’pożizzjoni agħar meta mqabbla ma’ l-applikazzjoni tar-Regoli fuq l-Immigrazzjoni ta’ l-1973(26), dan seta’ biss jirrigwarda s-sitwazzjoni wara li s-Sur Savas kien kiseb permess formali li jidħol fir-Renju Unit sabiex jistabbilixxi lilu nnifsu biex jiftaħ negozju. Il-fatt li s-Sur Savas kien ingħata permess biex jidħol fir-Renju Unit b’viża tat-turisti m’għandux jitqies bħala biżżejjed f’dan ir-rigward, peress li l-kunċett stess ta’ stabbiliment jimplika soġġorn għal perijodu itwal. Jekk, min-naħa l-oħra, kellu jiġi aċċettat li l-Qorti ma kellhiex il-ħsieb li dan ir-rekwiżit japplika għas-Sur Savas, dan ikun ifisser li hu u ċittadini Torok oħra li huma preżenti fir-Renju Unit bi ksur tal-liġi dwar l-immigrazzjoni ta’ dak l-Istat ikunu f’pożizzjoni aktar vantaġġjuża minn ċittadini Torok li jitolbu awtorizzazzjoni biex jidħlu sabiex jistabbilixxu ruħhom b’mod konformi mar-regoli nazzjonali dwar l-immigrazzjoni li huma fis-seħħ attwalment. Din ma setgħetx tkun l-intenzjoni tal-Qorti. Id-dritt Komunitarju m’għandux jiġi interpretat u applikat b’tali mod li jiffaċilita, u anki jistieden, mod kif jiġu evitati r-regoli nazzjonali li, fuq kollox, għadhom jaqgħu esklużivament fil-kompetenza ta’ l-Istati Membri.

50.      Sar l-argument, imbagħad, li meta jiġi mqabbel ma’ dispożizzjonijiet “standstill” oħra, bħal pereżempju l-Artikolu 13 tad-Deciżjoni 1/80, l-Artikolu 41(1) tal-Protokoll Addizzjonali ma fih ebda restrizzjonijiet jew kundizzjonijiet li jillimitaw l-applikabbilità tiegħu. Għandu jiġi mfakkar li l-Artikolu 13 tad-Deċiżjoni 1/80 jipprojbixxi l-introduzzjoni ta’ restrizzjonijiet ġodda fuq il-kundizzjonijiet ta’ aċċess għall-impjieg li japplikaw għal ħaddiema Torok u għall-membri tal-familja tagħhom ‘residenti u li jaħdmu legalment’ fit-territorju tagħhom.

51.      Jien ma nisbx dan l-argument konvinċenti. L-Artiklu 13 tad-Deciżjoni 1/80 huwa wieħed mid-dispożizzjonijiet dettaljati adottati mill-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni skond l-Artikolu 36 tal-Protokoll Addizzjonali li jipprovdi għall-adozzjoni ta’ miżuri mill-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni li jkunu intiżi biex jagħtu lok għall-moviment liberu tal-ħaddiema bejn l-Istati Membri u t-Turkija permezz ta’ stadji progressivi. S'issa ebda dispożizzjonijiet bħal dawn m’għadhom ġew adottati għal ċittadini Torok li qed ifittxu li jistabbilixxu lilhom infushom fi Stat Membru biex jiftħu negozju. Id-drittijiet tagħhom jiġu determinati għal kollox mill-klawzola “standstill” ta’ l-Artikolu 41(1) tal-Protokoll Addizzjonali. Jien nissuġġerixxi li l-fatt li dispożizzjonijiet dettaljati simili li jirregolaw il-libertà ta’ stabbiliment huma neqsin, ma jistax jimplika li ċittadini Torok igawdu drittijiet ta’ stabbiliment fl-Istati Membri, sabiex jeżerċitaw attività ekonomika għal rashom, iktar estensivi miċ-ċittadini Torok li jitolbu aċċess sabiex jeżerċitaw attività ekonomika, li tista’ tkun l-istess tip ta’ attività, bħala impjegati. Minflok ma ssir distinzjoni bejn id-dispożizzjonijiet dwar ħaddiema u persuni li jaħdmu għal rashom b’dan il-mod, hemm bżonn ta’ interpretazzjoni konverġenti ta’ dawn id-dispożizzjonijiet. Dan huwa aktar u aktar neċessarju meta jitqies li l-interessi ta’ l-Istati Membri fir-rigward tad-dħul taż-żewġ kategoriji ta’ ċittadini Torok huma simili, jekk mhux identiċi.

52.      Għal dawn ir-raġunijiet kollha nikkunsidra li bħala prerekwiżit biex ċittadini Torok ikunu ntitolati jinvokaw il-protezzjoni ta’ l-Artikolu 41(1) tal-Protokoll Addizzjonali sabiex jiżguraw li l-applikazzjonijiet tagħhom biex jistabbilixxu lilhom infushom fi Stat Membru jiġu kkunsidrati skond il-liġi fis-seħħ fiż-żmien meta daħal fis-seħħ il-Protokoll Addizzjonali għall-Istat ospitanti, huma kellhom ikunu daħlu l-ewwel darba b’mod legali u kienu legalment residenti f’dak l-Istat Membru skond il-liġi domestika dwar l-immigrazzjoni.

3.      Il-libertà ta’ stabbiliment fil-kuntest ta’ l-Artikolu 41(1) tal-Protokoll Addizzjonali tinkludi d-dritt tad-dħul fi Stat Membru?

53.      Il-partijiet li intervjenew in sostenn ta’ tweġiba fl-affermattiv għad-domanda preliminari magħmula mill-House of Lords jagħmlu referenza għall-Artikolu 13 tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni li jistipula li sabiex jabolixxu r-restrizzjonijiet fuq il-libertà ta’ stabbiliment bejn il-partijiet kontraenti, dawn għandhom jiġu ggwidati mill-Artikolu 43 KE. Fil-ġurisprudenza tagħha dwar l-Artikolu 43 KE il-Qorti sostniet b’mod konsistenti li l-eżerċizzju tal-libertà ta’ stabbiliment bejn l-Istati Membri neċessarjament jimplika d-dritt ta’ dħul fl-Istat Membru ospitanti(27). Dawn il-partijiet isostnu li dan għandu japplika wkoll fil-kuntest tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni.

54.      Dawn jirrilevaw ukoll li f’Barkoci u Malik (28) f’każ li kellu x’jaqsam mal-libertà ta’ stabbiliment fil-kuntest tal-Ftehim Ewropew mar-Repubblika Ċeka, il-Qorti, billi għamlet referenza għall-ġurisprudenza tagħha dwar it-Trattat KE u l-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni mat-Turkija, ddikjarat li “id-dritt għall-istess trattament bħal ċittadini fir-rigward tad-dritt ta’ stabbiliment, … tassew ifisser li d-dritt tad-dħul u ta’ residenza jingħataw, bħala korollarji tad-dritt ta’ stabbiliment, lil ċittadini Ċeki li jixtiequ jeżerċitaw attivitajiet ta’ natura industrijali jew kummerċjali, artiżanali, jew tal-professjonijiet fi Stat Membru”(29).

55.      Madankollu, huwa dubjuż, fil-fehma tiegħi, jekk prinċipji li japplikaw fir-rigward tal-libertà ta’ stabbiliment fi ħdan il-Komunità jistgħux jiġu trasposti, mingħajr riżerva ulterjuri, għall-eżerċizzju ta’ dan id-dritt minn ċittadini ta’ pajjiżi terzi fir-relazzjonijiet ta’ bejn il-Komunità u pajjiżi terzi. Il-regoli u l-prinċipji li japplikaw għal-libertà ta’ stabbiliment fi ħdan il-Komunità jitnisslu mill-għan fundamentali tal-Komunità li jiġi stabbilit suq intern li, għandu jiġi mfakkar, huwa deskritt fl-Artikolu 14 bħala “arja [żona] bla fruntieri, li fiha l-moviment liberu ta’ merkanzija, persuni, servizzi u kapital huwa żgurat skond id-dispożizzjonijiet [tat-Trattat KE]”. Meta jiġi kkunsidrat dan l-għan, id-dritt tad-dħul fl-Istati Membri sabiex jiġu eżerċitati l-libertajiet iggarantiti mit-Trattat KE huwa essenzjali. Li kieku l-Istati Membri kellhom is-setgħa jissuġġettaw id-dħul ta’ ċittadini ta’ Stati Membri oħrajn fit-territorji tagħhom għal kundizzjonijiet, is-suq intern kien jispiċċa jsir illużorju.

56.      L-għan ta’ l-Assoċjazzjoni mat-Turkija huwa pjuttost differenti. Skond l-Artikolu 2(1) tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni l-għan huwa li “jiġi promoss it-tisħiħ kontinwu u bbilanċjat tar-relazzjonijiet kummerċjali u ekonomiċi bejn il-Partijiet, filwaqt li jittieħed in kunsiderazzjoni b’mod sħiħ il-bżonn li jiġi assigurat żvilupp aċċellerat ta’ l-ekonomija Torka u li jiġi mtejjeb il-livell tax-xogħol u tal-kundizzjoni ta’ l-għajxien tal-poplu Tork”. Fl-aħħar mill-aħħar il-Ftehim ifittex li jikkontribwixxi għal titjib fil-livell tal-għajxien tal-poplu Tork li jkun jista’ jiffaċilita l-adeżjoni tat-Turkija mal-Komunità f’xi data fil-futur(30).

57.      S'issa l-kooperazzjoni bejn il-Komunità u t-Turkija rriżultat fit-twaqqif ta’ unjoni doganali, imma mhux, però, ta’ suq komuni jew intern ikkaratterizzat min-nuqqas ta’ fruntieri interni. B’kuntrast ma’ l-unjonijiet doganali li huma ristretti għal-liberalizzazzjoni tal-kummerċ fil-merkanzija bejn l-istati involuti, is-swieq komuni huma intiżi biex jistabbilixxu moviment ħieles ta’ merkanzija, servizzi u ta’ fatturi oħrajn tal-produzzjoni. Konsegwentement dawn għandhom jiggarantixxu l-moviment liberu ta’ ħaddiema u kapital u l-libertà ta’ stabbiliment. Id-dispożizzjonijiet stipulati fil-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni u l-Protokoll Addizzjonali fuq dawn is-suġġetti huma essenzjalment programmatiċi u jipprovdu biss punt tat-tluq għal-liberalizzazzjoni f’xi data futura. Anki fejn ikunu ġew miftiehma arranġamenti iktar iddettaljati, bħal fil-każ tal-moviment liberu ta’ ħaddiema (l-Artikolu 6 et seq. tad-Deċiżjoni 1/80), dawn id-dispożizzjonijiet ma jistgħux jiġu pparagunati mad-drittijiet paralleli ggarantiti mit-Trattat KE (l-Artikolu 39 KE u r-Regolament Nru 1612/68). Fin-nuqqas ta’ dispożizzjonijiet simili intiżi biex tinkiseb il-libertà ta’ stabbiliment, huwa evidenti a fortiori li d-dispożizzjonijiet dwar stabbiliment fil-kuntest tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni ma jistgħux jiġu interpretati b’mod parallel ma’ l-Artikolu 43 KE. B’mod aktar partikolari fejn bejn l-Istati Membri u t-Turkija ma ġewx eliminati l-fruntieri sabiex jiġi ggarantit il-moviment liberu kif jeżisti fis-suq intern tal-Komunità, id-dritt tad-dħul ma jistax jitqies bħala l-kundizzjoni neċessarja għall-eżerċizzju tad-drittijiet ta’ stabbiliment fil-qafas ta’ l-assoċjazzjoni mat-Turkija.

58.      It-tieni differenza bejn id-dispożizzjonijiet dwar il-libertà ta’ stabbiliment fit-Trattat KE u l-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni u l-Protokoll Addizzjonali hija li filwaqt li ta’ l-ewwel jagħti dritt ta’ stabbiliment li jista’ jiġi infurzat direttament mill-qrati nazzjonali, iċ-ċittadini tat-Turkija ma jiksbu l-ebda dritt dirett ta’ stabbiliment mill-Artikolu 41(1) tal-Protokoll Addizzjonali, kif kien ġie stabbilit mill-Qorti fis-sentenza Savas. Dawn jistgħu jinvokaw din id-dispożizzjoni biss sabiex jiżguraw li r-regoli nazzjonali dwar id-dritt ta’ stabbiliment kif kienu jeżistu fiż-żmien tad-dħul fis-seħħ tal-Protokoll Addizzjonali għall-Istati Membri ospitanti jiġu applikati fil-konfront tagħhom. Dan jimplika li l-Istati Membri kienu permessi japplikaw regoli nazzjonali bħal dawn dwar id-dritt ta’ istabbiliment fil-konfront ta’ ċittadini Torok, irrispettivament minn jekk dawn ir-regoli setgħux jiġu ġġustifikati meta jiġu applikati fil-kuntest tat-Trattat KE. Din id-differenza sostanzjali fin-natura tad-dritt ta’ stabbiliment skond it-Trattat KE u l-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni hija t-tieni raġuni għalfejn interpretazzjoni konverġenti ta’ l-Artikolu 41(1) tal-Protokoll Addizzjonali u ta’ l-Artikolu 13 tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni mal-Artikolu 43 KE mhijiex waħda evidenti.

59.      Minħabba l-fatt li, għall-kuntrarju ta’ ċittadini ta’ Stati Membri, ċittadini Torok m’għandhomx dritt dirett u awtomatiku ta’ stabbiliment fl-Istati Membri, neċessarjament isegwi li huma m’għandhomx id-dritt impliċitu u derivat li jidħlu fit-territorju ta’ l-Istati Membri bil-ħsieb li jiftħu negozju hemmhekk. Barra mill-kuntest ta’ moviment intra-Komunitarju, il-kwistjoni li jinkiseb aċċess għat-territorju ta’ Stat Membru għandha tiġi distinta minn dik li jinkiseb aċċess għas-swieq f’dak l-Istat Membru. Id-dritt ta’ dħul fi Stat Membru ma jistax jitqies bħala korollarju neċessarju tal-libertà tal-moviment fil-qafas tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni mat-Turkija. Dan ifisser li r-regoli li jirregolaw id-dħul ta’ ċittadini Torok fit-territorju ta’ l-Istati Membri ma jaqgħux taħt il-kamp ta’ applikazzjoni ratione materiae ta’ l-Artikolu 41(1) tal-Protokoll Addizzjonali u, konsegwentement jistgħu jiġu adattati jew reżi aktar restrittiv mill-Istati Membri fid-dawl ta’ l-interessi soċjo-ekonomiċi u demografiċi tagħhom.

60.      Huwa veru li l-Qorti, fis-sentenza Barkoci u Malik, indikat li skond il-ġurisprudenza tagħha dwar il-libertà ta’ stabbiliment skond it-Trattat KE u l-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni mat-Turkija l-libertà ta’ stabbiliment timplika d-drittijiet tad-dħul u tar-residenza bħala korollarji tagħha. Il-Qorti għamlet referenza f’dan il-kuntest, fir-rigward ta’ ċittadini Torok, għas-sentenza tagħha f’Savas. Madankollu, il-punti ċċitati mill-Qorti(31) fis-sentenza tagħha jagħmlu referenza biss għal dritt ta’ residenza bħala korollarju tal-libertà ta’ stabbiliment u ma jagħmlu ebda referenza għad-dħul. Tabilħaqq, kif osservajt aktar qabel, is-sentenza Savas ma tittrattax espliċitament il-kwistjoni tad-dħul peress li ma kien hemm l-ebda kwistjoni dwarha f’dik il-kawża. Id-dritt ta’ dħul ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi fi Stat Membru hija għal kollox distinta mid-dritt ta’ residenza fir-rigward tal-libertà ta’ stabbiliment u ma tistax sempliċement tiġi meqjusa bħala li hija impliċita f’dik il-libertà mingħajr ebda spjegazzjoni ulterjuri mill-Qorti. Ir-referenza għad-dritt ta’ dħul fir-rigward tal-libertà ta’ stabbiliment għal ċittadini Torok fis-sentenza Barkoci and Malik għalhekk mhijiex sostnuta mill-ġurisprudenza tal-Qorti.

61.      Jiena, għalhekk, nikkonkludi li l-libertà ta’ stabbiliment imsemmija fl-Artikolu 41(1) tal-Protokoll Addizzjonali ma tinkludix il-kundizzjonijiet li jirregolaw id-dħul ta’ ċittadini Torok fl-Istati Membri. Dan ifisser li din id-dispożizzjoni ma tistax tiġi invokata biex tiġi evitata l-applikazzjoni ta’ kundizzjonijiet fuq id-dħul, fil-konfront ta’ ċittadin Tork, iktar restrittivi minn dawk li kienu fis-seħħ fid-data li daħal fis-seħħ il-Protokoll Addizzjonali għall-Istat Membru kkonċernat.

4.      Il-problema marbuta mal-fatt li r-regoli dwar l-immigrazzjoni jistipulaw kundizzjonijiet rigward għall-istabbiliment

62.      Jekk ċittadini Torok ma jistgħux jinvokaw l-Artikolu 41(1) tal-Protokoll Addizzjonali biex jikkontestaw l-applikazzjoni ta’ kundizzjonijiet iktar restrittivi dwar l-immigrazzjoni, imma dan l-Artikolu huwa limitat għall-għoti ta’ protezzjoni lil dawn iċ-ċittadini kontra l-applikazzjoni ta’ kriterji iktar restrittivi dwar l-istabbiliment, tqum id-domanda dwar kif dawn il-prinċipji għandhom jiġu applikati għal dispożizzjonijiet bħar-regoli tar-Renju Unit in kwistjoni dwar l-immigrazzjoni, fid-dawl tal-fatt li skond dawn ir-regoli, id-deċizjoni dwar dħul ta’ ċittadini Torok li jixtiequ jiftħu negozju fir-Renju Unit tiddipendi mill-konformità ma’ kundizzjonijiet li għandhom x’jaqsmu ma’ stabbiliment ekonomiku f’dak il-pajjiż.

63.      Fl-għoti ta’ risposta għal din id-domanda għandu jiġi enfasizzat għal darb’oħra li, fl-istat attwali tad-Dritt Komunitarju, l-Istati Membri jibqgħu kompetenti jirregolaw kwistjonijiet ta’ immigrazzjoni u huma għalhekk intitolati jirregolaw l-ewwel dħul ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi fit-territorju tagħhom. Imbagħad, kif ikkonkludejt hawn fuq, iċ-ċittadini Torok jistgħu jippretendu drittijiet ekonomiċi fil-kuntest tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni mat-Turkija biss wara li jkunu ġew formalment ammessi u jkunu legalment residenti fit-territorju ta’ Stat Membru b’mod konformi mal-kriterji u l-proċeduri tagħha dwar l-immigrazzjoni. Għall-kuntrarju, id-drittijiet ekonomiċi li ċittadini Torok jistgħu potenzjalment jingħataw f’dak il-kuntest ma jistgħux jiġu invokati biex jintalab id-dritt ta’ dħul fi Stat Membru.

64.      Huwa fatt li mill-perijodu ta’ staġnar ekonomiku fl-Ewropa tal-Punent fis-snin sebgħin, il-politika dwar l-immigrazzjoni ta’ l-Istati Membri fir-rigward ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi, inklużi ċittadini Torok, saret iktar restrittiva. Mill-perspettiva tad-dritt Komunitarju dan l-iżvilupp baqa’ relattivament mhux kontroversjali minħabba l-fatt li l-politika dwar l-immigrazzjoni taqa’ taħt il-kompetenza esklużiva ta’ l-Istati Membri. Fil-kuntest tal-politika tagħhom dwar l-immigrazzjoni, minbarra li japplikaw kriterji relativi għall-ordni pubbliku, l-Istati Membri huma intitolati jistabbilixxu l-kriterji relatati mar-raġunijiet għalfejn id-dħul qed jiġi mitlub, eż. studju, impjieg jew stabbiliment, u jivverifikaw il-konformità ma’ dawk il-kriterji qabel ma tingħata l-awtorizzazzjoni għad-dħul. B’dan il-mod huma jistgħu jiżguraw mhux biss li l-interessi ta’ politika nazzjonali jiġu salvagwardjati, imma wkoll li ċ-ċittadin applikant minn pajjiż terz x’aktarx li jirnexxi fl-għanijiet tiegħu u li dik l-applikazzjoni hija waħda serja. F’dan il-kuntest huwa ovvju li applikazzjoni għal awtorizzazzjoni għad-dħul fi Stat Membru għall-finijiet ta’ stabbiliment għandha tiġi eżaminata b’aktar attenzjoni minn applikazzjoni għad-dħul bħala turist u din ta’ l-aħħar ma tistax tintuża bħala l-bażi għal attivitajiet li ma kinitx intenzjonata għalihom. Il-kompetenza esklużiva li jgawdu l-Istati Membri sabiex jirregolaw l-immigrazzjoni ta’ ċittadini minn stati terzi timplika li huma intitolati jadattaw il-kriterji li japplikaw għall-għoti ta’ permess għad-dħul fit-territorju tagħhom fid-dawl tal-ħtiġijiet ta’ ordni pubbliku tagħhom u ta’ l-interessi soċjo-ekonomiċi u demografiċi tagħhom li jinbidlu u anki, fejn ikun meħtieġ, li jagħmlu dawn il-kriterji iktar rigorużi.

65.      Fid-dawl ta’ dawn il-prinċipji, għandu jiġi rikonoxxut li l-Artikolu 41(1) tal-Protokoll Addizzjonali ma jistax jiġi invokat minn ċittadin Tork sabiex jiżgura li l-applikazzjoni tiegħu biex jitħalla jidħol fit-territorja ta’ Stat Membru sabiex jiftaħ negozju tiġi evalwata skond kriterji li kienu japplikaw mad-dħul fis-seħħ tal-Protokoll Addizzjonali għal dak l-Istat Membru. Li kieku dritt bħal dan kellu jiġi rikonoxxut, il-kompetenza esklużiva ta’ l-Istati Membri, li ġiet rikonoxxuta mill-Qorti fis-sentenza Savas, li jirregolaw l-ewwel dħul ta’ ċittadini Torok, tkun qed tiġi preġudikata. Din il-komptenza ma tinkludix biss is-setgħa li tiġi evalwata applikazzjoni għad-dħul, iżda anki s-setgħa li l-kriterji ta’ evalwazzjoni jiġu adattati. F’qasam bħal m’huwa l-politika dwar l-immigrazzjoni, id-dritt Komunitarju għandu jiġi interpretat u applikat b’tali mod li jkun jiżgura li l-kompetenzi li tħallew għall-Istati Membri jistgħu jiġu applikati b’mod effettiv(32).

66.      Jista jingħad ukoll li peress li, minn perspettiva ekonomika, huwa irrilevanti li l-attivitajiet ekonomiċi jiġu eżerċitati minn ċittadini Torok bħala impjegati jew għal rashom, huwa illoġiku li jiġi sostnut li l-Istati Membri huma suġġetti għal klawżola “standstill” fir-rigward tad-dħul ta’ dawn ta’ l-aħħar, iżda mhux fir-rigward tad-dħul ta’ dawk imsemmija l-ewwel.

67.      Jiena konxju tal-fatt li dan l-argument iwassal biex de facto ċittadini Torok ikollhom jikkonformaw ma’ kriterji iktar restrittivi meta jiġu biex jiftħu negozju fi Stat Membru milli kien il-każ mad-dħul fis-seħħ tal-Protokoll Addizzjonali għall-Istat Membru ospitanti. Madankollu, dawn huwa r-riżultat inevitabbli tad-diviżjoni tal-kompetenzi bejn l-Istati Membri u l-Komunità fil-qasam ta’ l-immigrazzjoni. Ġaladarba ċittadin Tork ikun ġie ammess fit-territorju ta’ Stat Membru ospitanti huwa jista’ jinvoka l-protezzjoni ta l-Artikolu 41(1) tal-Protokoll Addizzjonali biex jikkontesta l-applikazzjoni ta’ xi kundizzjonijiet oħrajn dwar l-istabbiliment li maż-żmien ikunu saru iktar restrittivi. Dan id-dritt huwa partikolarment rilevanti għal ċittadini Torok li ġew ammessi fi Stat Membru bħala ħaddiema u li wara xi żmien jiddeċiedu li jiftħu negozju għal rashom u mbagħad jistgħu jibbenefikaw minn kundizzjonijiet għal stabbiliment inqas restrittivi. Jidhirli li dan huwa l-iskop ewlieni ta’ l-Artikolu 41(1) tal-Protokoll Addizzjonali.

68.      Dawn il-kunsiderazzjonijiet iwasslu għall-konklużjoni li l-Artikolu 41(1) tal-Protokoll Addizzjonali ma japplikax għal regoli dwar l-immigrazzjoni, bħal dawk in kwistjoni fil-kawża prinċipali.

5.      Il-persuni li t-talba tagħhom għal ażil ġiet miċħuda

69.      Jekk il-Qorti ma taqbilx ma’ din il-fehma, ikun meħtieġ li tiġi kkunsidrata l-osservazzjoni tar-Renju Unit magħmula b’mod sussidjarju li l-persuni li t-talba tagħhom għal ażil tkun ġiet miċħuda m’għandhomx ikunu intitolati jinvokaw il-protezzjoni ta’ l-Artikolu 41(1) tal-Protokoll Addizzjonali peress li dan ikun jammonta għal abbuż ta’ drittijiet.

70.      F’dan ir-rigward huwa importanti li jiġi rrilevat li kemm deċiżjoni li tirrifjuta l-ażil lil ċittadin Tork u, konsegwentement, l-ordni ta’ deportazzjoni tiegħu lejn xi Stat Membru ieħor skond is-sistema ta’ l-ażil tal-Komunità, kif ukoll deċiżjoni li tirrifjuta d-dħul ċittadin Tork fit-territorju tiegħu għall-finijiet ta’ stabbiliment huma bbażati biss fuq il-liġi nazzjonali. L-Artikolu 41(1) tal-Protokoll Addizzjonali sempliċement jispeċifika b’referenza għal liema liġi ratione temporis għandha ttieħed din l-aħħar imsemmija deċiżjoni. Dan ma jipprovdix għal dritt indipendenti ta’ stabbiliment.

71.      Mingħajr ma huwa meħtieġ li jiġi kkunsidrat jekk it-tentattiv ta’ V. Tum u M. Dari li jinvokaw l-Artikolu 41(1) tal-Protokoll Addizzjonali għandux jitqies bħala abbuż ta’ drittijiet jew le, jekk il-Qorti kellha tiddeċiedi li huma intitolati jinvokaw din id-dispożizzjoni sabiex l-applikazzjonijiet tagħhom jiġu evalwati skond ir-Regoli fuq l-Immigrazzjoni ta’ 1973, dan – għall-inqas mill-perspettiva tad-dritt Komunitarju – b’ebda mod ma jaffettwa l-validità tad-deċiżjoni inizjali li ttieħdet mill-awtoritajiet ta’ l-immigrazzjoni tar-Renju Unit fuq l-applikazzjoni tagħhom għall-ażil.

72.      Anki jekk jikkonformaw mal-kriterji stipulati fir-Regoli fuq l-Immigrazzjoni ta’ l-1973, m’għandux jiġi traskurat il-fatt li huma kienu f’pożizzjoni li jagħmlu dan biss bħala riżultat ta’ attivitajiet imwettqa matul il-perijodu li fih huma ma kinux għadhom ġew ammessi fit-territorju tar-Renju Unit u l-istatus tagħhom kien irregolari. Sitwazzjoni fattwali li tinħoloq f’ċirkustanzi tali ta’ residenza illegali ma tistax, fil-fehma tiegħi, tikkostitwixxi bażi adegwata biex jinħolqu drittijiet ekonomiċi ta’ stabbiliment jew biex dritt li pretensjonijiet ta’ aċċess għal swieq nazzjonali jiġu evalwati skond dispożizzjonijiet nazzjonali aktar favorevoli li fil-frattemp ġew sostitwiti. Applikazzjonijiet għal awtorizzazzjoni għad-dħul fi Stat Membru sabiex jinfetaħ negozju, ippreżentati minn ċittadini Torok li preċedentement ikunu daħlu u/jew irrisjedew f’dak l-Istat Membru bi ksur tal-liġi domestika dwar l-immigrazzjoni, għandhom jiġu ttrattati fuq l-istess livell bħal applikazzjonijiet simili oħrajn ippreżentati minn ċittadini Torok li qed japplikaw għad-dħul skond dawk ir-regoli nazzjonali dwar l-immigrazzjoni. Fir-rigward tal-komaptibbiltà ta’ din il-perspettiva mas-sentenza Savas, nirreferi għall-osservazzjonijiet tiegħi fil-punt 49 iktar ’il fuq.

VI – Konklużjoni

73.      Fid-dawl ta’ l-osservazzjonijiet hawn fuq imsemmija nikkunsidra li d-domanda magħmula mill-House of Lords għandha tingħata r-risposta li ġejja:

–        L-Artikolu 41(1) tal-Protokoll Addizzjonali għall-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni ffirmat fi Brussell fit-23 ta’ Novembru 1970 ma jipprekludix lil Stat Membru milli jintroduċi restrizzjonijiet ġodda, mid-data meta dak il-Protokoll daħal fis-seħħ f’dak l-Istat Membru, fuq il-kundizzjonijiet u l-proċedura għad-dħul fit-territorju tiegħu ta’ ċittadin Tork li jixtieq jistabbilixxi lilu nnifsu f’dak l-Istat Membru billi jiftaħ negozju.


1 – Lingwa oriġinali: l-Ingliż.


2 – ĠU 217, 1964, p. 3685.


3 – ĠU L 293, p. 1.


4 –      Wara l-enumerazzjoni mill-ġdid tat-Trattat KE li rriżultat mit-Trattat ta’ Amsterdam, id-dispożizzjoni issa tagħmel referenza għall-Artikoli 43 sa 46 u 48 KE.


5 – Il-Konvenzjoni li tiddetermina l-Istat responsabbli biex jeżamina applikazzjonijiet għall-ażil ippreżentati f’wieħed mill-Istati Membri tal-Komunitajiet Ewropej, iffirmata f’Dublin fil-15 ta’ Ġunju 1990 (minn hawn ’il quddiem il-Konvenzjoni ta’ Dublin), ĠU C 254, 1997, p. 1. Din il-Konvenzjoni ġiet sostitwita bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 343/2003 tat-18 ta’ Frar 2003 li jistabbilixxi l-kriterji u l-mekkaniżmi biex ikun iddeterminat l-Istat Membru responsabbli biex jeżamina l-applikazzjoni għall-ażil iddepożitata f’wieħed mill-Istati Membri minn ċittadin ta’ pajjiż terz, ĠU L 50, p. 1.


6 – Huma jagħmlu referenza għas-sentenzi tat-8 ta’ April 1976, Royer (48/75, Ġabra p. 497, punt 50), 1990, ta’ l-20 ta’ Mejju 1992, Ramrath (C‑106/91, Ġabra p. I‑3351, punt 17), tat-12 ta’ Diċembru 1990, Kaefer u Procacci (C‑100/89 u C‑101/89, Ġabra p. I‑4647, punt 15) u tas-27 ta’ Settembru 2001, Barkoci u Malik (C‑257/99, Ġabra p. I‑6557, punt 44).


7 – Sentenza tal-11 ta’ Mejju 2000, Savas (C‑37/98, Ġabra p. I‑2927).


8 – Huma jagħmlu referenza għall-Artikolu 13 tad-Deċiżjoni Nru 1/80 tal-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni tad-19 ta’ Settembru 1980 dwar l-iżvilupp ta’ l-Assoċjazzjoni li jistipula: “L-Istati Membri tal-Komunità u t-Turkija ma jistgħux jintroduċu restrizzjonijiet ġodda fuq l-aċċess għax-xogħol applikabbli għal ħaddiema u membri tal-familji tagħhom legalment residenti u impjegati fit-territorji rispettivi tagħhom”. [traduzzjoni mhux uffiċjali, enfażi miżjuda] (iktar ’il quddiem: id-“Deċiżjoni 1/80”).


9 – Iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 7 iktar ’il fuq.


10 – Fil-fatt, is-Sur Savas kien akkumpanjat mill-mara tiegħu meta daħal fir-Renju Unit. Madankollu, sabiex tiġi ssemplifikata din l-espożizzjoni, se niddeskrivi l-fatti fis-singular.


11 – Fil-punti 46 sa 54 tas-sentenza.


12 – Fil-punt 58 tas-sentenza [traduzzjoni mhux uffiċjali].


13 – Fil-punt 59 tas-sentenza [traduzzjoni mhux uffiċjali].


14 – Fil-punt 60 tas-sentenza [traduzzjoni mhux uffiċjali].


15 – Ukoll fil-paragrafu 60 tas-sentenza [traduzzjoni mhux uffiċjali].


16 – Fil-punti 61 u 62 tas-sentenza [traduzzjoni mhux uffiċjali].


17 – Fil-punt 63 tas-sentenza [traduzzjoni mhux uffiċjali].


18 – Fil-punt 64 tas-sentenza [traduzzjoni mhux uffiċjali].


19 – Fil-punt 65 tas-sentenza [traduzzjoni mhux uffiċjali].


20 – Fil-punt 69 tas-sentenza [traduzzjoni mhux uffiċjali].


21 – Fil-punt 71, subinċiżi tlieta u erba’, tas-sentenza [traduzzjoni mhux uffiċjali].


22 – Diversi miżuri Komunitarji dwar id-dħul ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi għal skopijiet speċifiċi ġew adottati taħt din id-dispożizzjoni. Ara, p.eż., id-Direttiva tal-Kunsill 2004/114/KE tat-13 ta’ Diċembru 2004 dwar il-kundizzjonijiet ta’ dħul ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi għall-finijiet ta’ studji, skambju ta’ studenti, taħriġ mhux bi ħlas u servizz volontarju, ĠU L 375, p. 12 u d-Direttiva tal-Kunsill 2005/71/KE tat-12 ta’ Ottubru 2005 dwar proċedura speċifika għall-ammissjoni ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi għall-finijiet ta’ riċerka xjentifika, ĠU L 289, p. 15.


23 – B’mod konformi ma’ l-Artikoli 1 u 2 tal-Protokoll dwar il-pożizzjoni tar-Renju Unit u l-Irlanda, annessi mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, l-ebda waħda minn dawn id-direttivi ma tapplika għar-Renju Unit.


24 – Sentenza tal-21 ta’ Ottubru 2003, Abatay u Sahin (C‑317/01 u C‑369/01, Ġabra p. I‑12301, punt 65).


25 – Fil-punt 65 tas-sentenza, iċċitata fil-punt 36 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


26 – Fil-punt 70 tas-sentenza.


27 – Ara l-ġurisprudenza ċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 6 iktar ’il fuq.


28 – Iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 6 iktar ’il fuq.


29 – Fil-punt 50 tas-sentenza [traduzzjoni mhux ufficiali].


30 – Ara r-raba’ premessa u l-Artikolu 28 tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni [traduzzjoni mhux uffiċjali].


31 – Punti 60 u 63, iċċitati fil-punti 33 u 34 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


32 – Ara, f’dan is-sens, il-konklużjonijiet tiegħi tas-27 ta’ April 2006, fil-Kawża C‑1/05 Jia, fil-punt 63.

Top