Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62004TJ0276

    Sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza (ir-Raba' Awla) tal-1 ta' Lulju 2008.
    Compagnie maritime belge SA vs il-Kummisjoni tal-Komunitajiet Ewropej.
    Kompetizzjoni - Abbuż minn pożizzjoni dominanti kollettiva - Konferenza ta’ linji marittimi - Deċiżjoni li timponi multa abbażi ta’ deċiżjoni preċedenti annullata parzjalment mill-Qorti tal-Ġustizzja - Regolament (KEE) Nru 2988/74 - Terminu raġonevoli - Drittijiet tad-difiża - Ċertezza legali - Res judicata.
    Kawża T-276/04.

    ECLI identifier: ECLI:EU:T:2008:237

    SENTENZA TAL-QORTI TAL-PRIM’ISTANZA (Ir-Raba’ Awla)

    1 ta’ Lulju 2008 ( *1 )

    “Kompetizzjoni — Abbuż minn pożizzjoni dominanti kollettiva — Konferenza ta’ linji marittimi — Deċiżjoni li timponi multa abbażi ta’ deċiżjoni preċedenti annullata parzjalment mill-Qorti tal-Ġustizzja — Regolament (KEE) Nru 2988/74 — Terminu raġonevoli — Drittijiet tad-difiża — Ċertezza legali — Res judicata

    Fil-Kawża T-276/04,

    Compagnie maritime belge SA, stabbilita f’Antwerp (il-Belġju), irrappreżentata minn D. Waelbroeck, avocat,

    rikorrenti,

    vs

    Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, irrappreżentata inizjalment minn É. Gippini Fournier, P. Hellström u F. Amato, sussegwentement minn E. Gippini Fournier, bħala aġenti,

    konvenuta,

    li għandha bħala suġġett talba għall-anullament tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2005/480/KE, tat-30 ta’ April 2004, dwar proċedura skont l-Artikolu 82 KE (Każijiet KOMP/D/32.448 u 32.450) (miġjuba fil-qosor fil-ĠU 2005, L 171, p. 28), li timponi multa fuq ir-rikorrenti għal allegati abbużi minn pożizzjoni dominanti kollettiva mwettqa mill-konferenza Cewal u, b’mod sussidjarju, għat-tnaqqis tal-imsemmija multa,

    IL-QORTI TAL-PRIM’ISTANZA TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ (Ir-Raba’ Awla),

    komposta minn O. Czúcz, President, J. D. Cooke (Relatur) u I. Labucka, Imħallfin,

    Reġistratur: K. Pocheć, Amministratur,

    wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-20 ta’ Novembru 2007,

    tagħti l-preżenti

    Sentenza

    Il-fatti li wasslu għall-kawża

    1

    Permezz tad-Deċiżjoni 93/82/KEE, tat-23 ta’ Diċembru 1992, dwar proċedura skont l-Artikolu 85 tat-Trattat KEE (IV/32.448 u IV/32.450: Cewal, Cowac, Ukwal) u l-Artikolu 86 tat-Trattat KEE (IV/32.448 u IV/32.450: Cewal) (ĠU 1993, L 34, p. 20), il-Kummissjoni kkundannat ċerti impriżi membri tal-konferenza ta’ linji marittimi Associated Central West Africa Lines (iktar ’il quddiem “Cewal”) għall-ħlas ta’ multi għal abbuż minn pożizzjoni dominanti kollettiva. B’hekk, ir-rikorrenti, Compagnie maritime belge SA, ġiet imposta fuqha multa li tammonta għal ECU 9.6 miljuni.

    2

    Id-dispożittiv tad-Deċiżjoni 93/82 jaqra kif ġej:

    Artikolu 1

    […]

    Artikolu 2

    Sabiex jiġi eliminat il-kompetitur prinċipali indipendenti fit-traffiku inkwistjoni, l-impriżi membri tal-konferenza ta’ linji marittimi Cewal abbużaw mill-pożizzjoni dominanti konġunta tagħhom bil-mod kif ġej:

    billi ħadu sehem fl-implementazzjoni tal-ftehim ta’ kooperazzjoni ma’ l-Ogefrem u billi talbu ripetutament b’diversi mezzi li dan jiġi osservat strettament,

    billi biddlu r-rati ta’ ġarr tal-merkanzija tagħhom billi dderogaw mit-tariffi fis-seħħ sabiex joffru rati identiċi jew irħas minn dawk tal-kompetitur prinċipali indipendenti għall-vapuri li jibdew il-vjaġġ fl-istess data jew f’dati fil-qrib (prassi magħrufa bħala tal-“fighting ships” (vapuri tal-ġlied))

    u

    billi stabbilew ftehim ta’ lealtà ta’ 100 % (inkluż fuq il-merkanzija mibjugħa bil-klawżola FOB) li jmorru lilhinn mid-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 5(2) tar-Regolament (KEE) Nru 4056/86, bl-użu speċifiku, deskritt fil-preżenti deċiżjoni, ta’ ‘lista sewda’ (black-list) ta’ dawk li jibagħtu l-merkanzija bil-baħar li huma żleali.

    Artikolu 3

    […]

    L-impriżi membri tal-konferenza ta’ linji marittimi Cewal huma obbligati wkoll li jtemmu l-ksur ikkonstatat fl-Artikolu 2.

    Artikolu 4

    […]

    Artikolu 5

    Huwa rrakkomandat lill-impriżi membri tal-konferenza ta’ linji marittimi Cewal li jikkonformaw it-termini tal-kuntratti ta’ lealtà tagħhom ma’ l-Artikolu 5(2) tar-Regolament (KEE) Nru 4056/86.

    Artikolu 6

    Huma imposti multi fuq l-impriżi membri tal-konferenza ta’ linji marittimi Cewal minħabba l-ksur ikkonstatat fl-Artikolu 2, bl-eċċezzjoni tal-kumpanniji marittimi: Compagnie maritime zaïroise (CMZ), Angonave, Portline, u Scandinavian West Africa Lines (Swal).

    Il-multi huma dawn li ġejjin:

    Compagnie maritime melge: ECU 9,6 miljuni (disa’ miljuni u sitt mitt elf ),

    Dafra Line: ECU 200000 (mitejn elf),

    Nedlloyd Lijnen BV: ECU 100000 (mitt elf),

    Deutsche Afrika Linien-Woermann Linie: ECU 200000 (mitejn elf).

    Artikolu 7

    Il-multi imposti fl-Artikolu 6 għandhom jitħallsu f’terminu ta’ tliet xhur li jibdew jiddekorru min-notifika tal-preżenti deċiżjoni […]

    […]

    Artikolu 8

    Il-konferenzi ta’ linji marittimi Cewal, Cowac u Ukwal u l-impriżi membri tagħhom, li l-lista tagħhom tinsab fl-Anness I, huma d-destinatarji tal-preżenti deċiżjoni.”

    3

    Ir-rikorrenti hija kumpannija holding tal-grupp Compagnie maritime belge (CMB) li teżerċita attiviajiet b’mod partikolari fil-qasam tal-attrezzar, tal-ġestjoni u tal-esplojtazzjoni ta’ operazzjonijiet ta’ traffiku marittimu. Fil-mument tal-fatti inkwistjoni fid-Deċiżjoni 93/82, hija kienet membru ta’ Cewal, li kienet tiġbor flimkien kumpanniji marittimi li jassiguraw servizz ta’ linja regolari bejn, minn naħa, il-portijiet ta’ Zaïre (li saret ir-Repubblika tal-Kongo) u l-Angola u, min-naħa l-oħra, dawk tal-Baħar tat-Tramuntana, bl-eċċezzjoni tar-Rejnu Unit. Is-segretarjat ta’ Cewal jinsab f’Antwerp (il-Belġju).

    4

    Ir-rikorrenti kif ukoll Dafra-Lines A/S ressqu quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza rikorsi għal annullament kontra d-Deċiżjoni 93/82. Dawn ir-rikorsi ġew miċħuda f’dak li jikkonċerna l-konstatazzjoni tal-ksur (sentenza tat-8 ta’ Ottubru 1996, Compagnie maritime belge transports et vs Il-Kummissjoni, T-24/93 sa T-26/93 u T-28/93, Ġabra p. II-1201, iktar ’il quddiem is-“sentenza CMB tal-Qorti tal-Prim’Istanza”). Il-Qorti tal-Prim’Istanza madankollu naqset l-ammont tal-multi imposti. Rigward ir-rikorrenti, il-multa tniżżlet minn ECU 9,6 miljuni għal ECU 8,64 miljuni.

    5

    Ir-rikorrenti u Dafra-Lines għamlu appell kontra s-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza. Permezz ta’ sentenza tas-16 ta’ Marzu 2000, Compagnie maritime belge transports et vs Il-Kummissjoni (C-395/96 P u C-396/96 P, Ġabra p. I-1365, iktar ’il quddiem is-“sentenza CMB tal-Qorti tal-Ġustizzja”), il-Qorti tal-Ġustizzja ċaħdet l-aggravji kollha dwar il-konstatazzjoni tal-ksur fid-Deċiżjoni 93/82. Hija madankollu ddeċidiet, fi-punti 142 sa 147 tas-sentenza tagħha, li l-Qorti tal-Prim’Istanza kienet wettqet żball ta’ liġi meta imponiet multi fuq id-diversi membri ta’ Cewal skont il-grad ta’ parteċipazzjoni tagħhom fil-ksur, minkejja li Cewal biss kienet direttament id-destinatarja tad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet (il-membri ta’ Cewal kienu rċevew biss kopja għal kummenti) u, għalhekk, debitur potenzjali tal-multa. Għalhekk, il-Qorti tal-Ġustizzja, filwaqt li ddeċidiet b’mod definittiv il-kawża hija stess, annullat l-Artikoli 6 u 7 tad-Deċiżjoni 93/82, dwar il-multi imposti fuq il-membri ta’ Cewal.

    6

    Wara s-sentenza CMB tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-Kummissjoni ħallset lura lir-rikorrenti l-ammont tal-multa mħallsa.

    7

    Fil-15 ta’ April 2003, il-Kummissjoni nnotifikat lir-rikorrenti dikjazzjoni tal-oġġezzjonijiet ġdida (iktar ’il quddiem id-“DO 2003”) fejn informatha bil-ħsieb tagħha li tadotta deċiżjoni ġdida li timponilha multa għall-ksur tal-Artikolu 82 KE imsemmi fl-Artikolu 2 tad-Deċiżjoni 93/82, sa fejn l-evalwazzjonijiet tal-Kummissjoni dwar il-ksur u dwar l-impriżi li kienu ħadu sehem f’dan il-ksur ma kinux ġew annullati fil-kuntest tar-rikorsi suċċessivi li kienu saru kontra din tal-aħħar.

    8

    Permezz tad-Deċiżjoni 2005/480/KE, tat-30 ta’ April 2004, dwar proċedura skont l-Artikolu 82 KE (Każijiet KOMP/D/32.448 u 32.450 — Compagnie maritime belge), (miġjuba fil-qosor fil-ĠU 2005, L 171, p. 28, iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”), il-Kummissjoni imponiet fuq ir-rikorrenti multa ta’ EUR 3,4 miljuni għall-ksur tal-Artikolu 82 KE kkonstatat fid-Deċiżjoni 93/82, jiġifieri fil-premessi 20 sa 27 f’dak li jirrigwarda l-ftehim ma’ l-Uffiċċju taż-Żaire ta’ ġestjoni ta’ ġarr marittimu tal-merkanzija (iktar ’il quddiem l-“Ogefrem”), fil-premessi 28 u 29 f’dak li jirrigwarda l-listi suwed u l-kuntratti ta’ lealtà, fil-premessa 32 f’dak li jirrigwarda l-vapuri tal-ġlied, u fl-Artikoli 2 sa 5 tad-dispożittiv tal-imsemmija deċiżjoni.

    Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

    9

    Permezz ta’ rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti tal-Prim’Istanza fit-8 ta’ Lulju 2004, ir-rikorrenti ressqet il-preżenti rikors.

    10

    Fuq rapport tal-Imħallef Relatur, il-Qorti tal-Prim’Istanza (Ir-Raba’ Awla) iddeċidiet li tiftaħ il-proċedura orali. Fil-kuntest tal-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura, il-Qorti tal-Prim’Istanza għamlet ċerti mistoqsijiet bil-miktub lill-partijiet. Il-partijiet ikkonformaw ma’ dawn it-talbiet fit-termini imposti.

    11

    It-trattazzjonijiet u t-tweġibiet tal-partijiet instemgħu mill-Qorti tal-Prim’Istanza fis-seduta tal-20 ta’ Novembru 2007.

    12

    Ir-rikorrenti titlob lill-Qorti tal-Prim’Istanza jogħġobha:

    tannulla d-deċiżjoni kkontestata;

    sussidjarjament, tnaqqas l-ammont tal-multa;

    tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

    13

    Il-Kummissjoni titlob lill-Qorti tal-Prim’Istanza jogħġobha:

    tiċħad ir-rikors;

    tikkundanna lir-rikorrrenti għall-ispejjeż.

    Id-dritt

    14

    Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka tmien motivi. L-ewwel erba’ motivi huma intiżi, b’mod prinċipali, għall-annullament tad-deċiżjoni kkontestata, u huma bbażati, l-ewwel nett, fuq ksur tal-prinċipju ta’ terminu raġonevoli u tar-regoli ta’ preskrizzjoni, it-tieni nett, fuq ksur tad-drittijiet tad-difiża, it-tielet nett, fuq il-fatt li, fis-sentenza CMB tal-Qorti tal-Ġustizzja, din tal-aħħar ma “kkonstatatx b’mod irrevokabbli” l-abbuż u, ir-raba’ nett, fuq “nuqqas ta’ motivazzjoni suffiċjenti u fuq nuqqas ta’ ġustifikazzjoni” tad-deċiżjoni kkontestata. Il-Qorti tal-Prim’Istanza ser teżamina wara xulxin l-ewwel, it-tielet, it-tieni u r-raba’ motivi.

    15

    L-erba’ motivi l-oħrajn huma intiżi, b’mod sussidjarju, għat-tnaqqis tal-ammont tal-multa u huma bbażati fuq in-natura diskriminatorja tal-multa (il-ħames motiv), fuq in-natura sproporzjonata tagħha (is-sitt motiv), fuq il-fatt li l-multa hija imposta bi ksur tal-prassi abitwali tal-Kummissjoni (is-seba’ motiv) u fl-aħħar nett, fuq abbuż ta’ poter (it-tmien motiv).

    Fuq it-talbiet intiżi għall-annullament tad-deċiżjoni kkontestata

    Fuq l-ewwel motiv, ibbażat fuq ksur tal-prinċipju ta’ terminu raġonevoli u tar-regoli ta’ preskrizzjoni

    — L-argumenti tal-partijiet

    16

    Ir-rikorrenti tartikola l-preżenti motiv f’żewġ taqsimiet. Minn naħa, ir-rikorrenti tallega li l-Kummissjoni adottat id-deċiżjoni kkontestata wara kull terminu raġonevoli. Min-naħa l-oħra, hija tallega li l-Kummissjoni kisret id-dispożizzjonijiet tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) 2988/74, tas-26 ta’ Novembru 1974, li jikkonċerna l-perijodi ta’ limitazzjoni fil-proċedimenti u l-infurzar tas-sanzjonijiet taħt ir-regoli tal-Komunità Ekonomika Ewropea dwar it-trasport u l-kompetizzjoni (ĠU L 319, p. 1).

    17

    Rigward l-ewwel taqsima, ir-rikorrenti ssostni li d-deċiżjoni kkontestata ġiet adottata tardivament, jiġifieri iktar minn erba’ snin wara s-sentenza CMB tal-Qorti tal-Ġustizzja. Dan id-dewmien tal-Kummissjoni, li mhux spejgat b’ebda mod, huwa inġustifikat fid-dawl tal-Artikolu 6(1) tal-Konvenzjoni Ewropea għad-Drittijiet tal-Bniedem (KEDB) u tal-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, ipproklamata fis-7 ta’ Diċembru 2000 f’Nizza (ĠU 2000, C 364, p. 1), tal-ġurisprudenza Komunitarja u ta’ dik tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, u fid-dawl b’mod partikolari tal-ammont għoli tal-multa, tan-nuqqas ta’ kumplessità tad-deċiżjoni kkontestata (il-Kummissjoni ma eżaminatx il-ksur inkwistjoni fid-Deċiżjoni Nru 93/82) u tal-fatt li d-dewmien ma kienx tort tar-rikorrenti. Barra minn dan, kemm il-prinċipju ta’ ċertezza legali kif ukoll dak tal-protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi jipprekludu li l-Kummissjoni tista’ ddewwem b’mod indefinit l-eżerċizzju tas-setgħat tagħha. F’dawn iċ-ċirkustanzi, it-tnaqqis tal-ammont tal-multa magħmul mill-Kummissjoni sabiex jittieħed inkunsiderazzjoni t-tul tal-proċedura mhuwiex biżżejjed. Barra min hekk, il-Kummissjoni kienet allegatament wettqet ksur tad-drittijiet tad-difiża tar-rikorrenti sa fejn la Cewal u lanqas ir-rikorrenti m’għadhom attivi fil-qasam ikkonċernat u, għalhekk, ma jistgħux jiddefendu ruħhom b’mod effettiv minħabba d-diffikultà li jsibu ċerti dokumenti jew li jinterrogaw lil ex-impjegati.

    18

    F’dak li jikkonċerna t-tieni taqsima, ir-rikorrenti ssostni li d-deċiżjoni kkontestata ġiet adottata bi ksur tar-Regolament Nru 2988/74. Fil-fatt, it-terminu ta’ preskrizzjoni ta’ ħames snin wara t-tmiem tal-ksur previst mill-imsemmi regolament jista’ jiġi sospiż jew interrott biss fil-kundizzjonijiet li jissemmew strettament fih. Mill-bqija, l-interruzzjoni tal-preskrizzjoni, li tikkostitwixxi eċċezzjoni għall-prinċipju tal-preskrizzjoni ta’ ħames snin, għandha tiġi interpretata b’mod restrittiv (sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tad-19 ta’ Marzu 2003, CMA CGM et vs Il-Kummissjoni, T-213/00, Ġabra p. II-913, punt 484, u s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-, Handlbauer, C-278/02, Ġabra p. I-6171, punt 40).

    19

    Issa, peress li d-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet tat-28 ta’ Mejju 1990, li warajha ġiet adottata d-Deċiżjoni 93/82 (iktar ’il quddiem id-“DO 1990”), kienet indirizzata lil Cewal, u mhux lir-rikorrenti li kienet irċeviet kopja tagħha biss sabiex tagħmel il-kummenti tagħha bħala membru ta’ Cewal (u mhux bħala destinatarja potenzjali tad-deċiżjoni li timponi l-multi), id-DO 1990 ma setgħetx tinterrompi l-preskrizzjoni fir-rigward tar-rikorrenti, li ma kinitx impriża “identifikata” bħala “li pparteċipat fil-ksur” fis-sens tal-Artikolu 2(1) tar-Regolament Nru 2988/74. Dan jgħodd ukoll mutatis mutandis f’dak li jikkonċerna l-atti sussegwenti għad-DO 1990, bħalma huma t-talbiet għal informazzjoni mibgħuta lir-rikorrenti u mhux lil Cewal. Bl-istess mod, id-Deċiżjoni 93/82, għalkemm indirizzata lir-rikorrenti u annullata fil-parti tagħha li tirrigwarda l-multa, ma tistax tiġi invokata kontra r-rikorrenti fir-rigward tal-preskrizzjoni, peress li l-multa hija l-unika kwistjoni rilevanti fejn tidħol il-preskrizzjoni.

    20

    Fi kwalunkwe każ, ir-Regolament Nru 2988/74 għandu, skont ir-rikorrenti, jiġi interpretat fid-dawl tal-prinċipji superjuri tad-dritt Komunitarju, li jirbħu fuq id-dritt sekondarju, bħall-prinċipji taċ-ċertezza legali, tal-ħarsien tad-drittijiet tad-difiża, jew il-prinċipju ta’ terminu raġonevoli (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-17 ta’ Diċembru 1998, Baustahlgewebe vs Il-Kummissjoni, C-185/95 P, Ġabra p. I-8417, punt 29), li magħhom huwa inkompatibbli n-nuqqas twil ta’ azzjoni min-naħa tal-Kummissjoni qabel il-ftuħ mill-ġdid tal-proċedura. F’dan ir-rigward, is-sentenza CMA CGM et vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, ma tistax tiġi invokata. Waqt is-seduta, ir-rikorrenti barra minn dan sostniet li s-soluzzjoni adottata fl-imsemmija sentenza ma tistax tiġi applikata f’din il-kawża peress li d-deċiżjoni kkontestata kienet ġiet adottata wara sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja u li, fil-frattemp, il-Kummissjoni ma kienet tat ebda ordni, peress li hija sempliċiment rreferiet fid-deċiżjoni kkontestata għall-abbużi definittivament stabbiliti fid-Deċiżjoni 93/82.

    21

    Il-Kummissjoni tqis li l-ewwel motiv mhuwiex fondat. Hija essenzjalment issostni li d-deċiżjoni kkontestata ġiet adottata b’osservanza tar-regoli tal-preskrizzjoni tar-Regolament Nru 2988/74. Fir-risposta tagħha u fit-tweġiba tagħha għall-mistoqsijiet bil-miktub tal-Qorti tal-Prim’Istanza, il-Kummissjoni tinvoka s-sentenza CMA CGM et vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq (punti 321 sa 324) u ssostni li, fin-nuqqas ta’ preskrizzjoni fis-sens tar-Regolament Nru 2988/74, kull applikazzjoni tal-prinċipju ta’ terminu raġonevoli għandha tiġi mwarrba. Jekk madankollu jitqies li dan il-prinċipju tal-aħħar japplika, u jekk jitqies barra minn hekk li ma kienx osservat terminu raġonevoli, il-Kummissjoni ssostni li tali sitwazzjoni ma tistax tiġġustifika l-annullment tad-deċiżjoni kkontestata sa fejn ir-rikorrenti ma ġġibx il-prova li kien hemm ksur tad-drittijiet tad-difiża tagħha. It-tnaqqis tal-ammont tal-multa li hija tat ma jdaħħalx din il-fehma inkwistjoni.

    — Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

    22

    B’mod preliminari għandu jiġi kkonstatat li d-deċiżjoni kkontestata, li hija intiża esklużivament, minn naħa, li timponi fuq ir-rikorrenti, abbażi ta’ ksur strettament identiku għal dak li kien ġie kkonstatat fid-Deċiżjoni 93/82, multa ġdida, ta’ ammont imnaqqas meta mqabbel mal-multa inizjali annullata permezz tas-sentenza CMB tal-Qorti tal-Ġustizzja, u, min-naħa l-oħra, li tikkoreġi d-difetti formali kkonstatati fl-imsemmija sentenza (premessi 1, 17, 41, 61 u 108 tad-deċiżjoni kkontestata), tista’ tiġi analizzata esklużivament bħala deċiżjoni li timponi multa skont l-Artikolu 19(2) tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 4056/86, tat-22 ta’ Diċembru 1986, li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tal-Artikoli [81] u [82] tat-Trattat [KE] għat-trasport marittimu (ĠU L 378, p. 4), u mhux bħala deċiżjoni li tikkonstata ksur fis-sens tal-Artikolu 11(2) tal-istess regolament. Fil-fatt, l-abbużi ġew ikkonstati b’mod definittiv mill-Kummissjoni fil-partijiet mhux annullati tad-Deċiżjoni 93/82 (ara l-punt 8 iktar ’il fuq u l-punti 55 sa 60 iktar ’l isfel).

    23

    Mid-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 2988/74 jirriżulta li, sa fejn il-Kummissjoni timponi multa, id-deċiżjoni kkontestata għandha, taħt piena ta’ illegalità, tkun ġiet adottata b’osservanza tar-regoli ta’ preskrizzjoni li huma stabbiliti hemmhekk. Għalhekk l-eżami tal-ewwel motiv għandu jinbeda b’eżami tat-tieni taqsima tiegħu u għandu jiġi ddeterminat jekk kinitx għalqet il-preskrizzjoni, b’applikazzjoni tal-imsemmi regolament, fid-data tal-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, jiġifieri fit-30 ta’ April 2004.

    24

    L-Artikolu 1(1)(b) tar-Regolament Nru 2988/74 jistitwixxi terminu ta’ preskrizzjoni ta’ ħames snin sabiex jiġu imposti multi jew penalitajiet għal ksur bħal dak inkwistjoni. Għal ksur kontinwat, bħal dak f’din il-kawża, dan it-terminu jibda jiddekorri minn meta jieqaf il-ksur [Artikolu 1(2)].

    25

    Skont l-Artikolu 2 tar-Regolament Nru 2988/74, il-preskrizzjoni tal-proċedimenti hija interrotta b’kull azzjoni tal-Kummissjoni għall-għanijiet tal-investigazzjoni jew bi proċedimenti preliminari fir-rigward ta’ ksur. Tali azzjoni tista’ b’mod partikolari tieħu l-forma ta’ talbiet għal informazzjoni bil-miktub [Artikolu 2(1)(a)] jew ta’ dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet [Artikolu 2, (1)(d)], fejn tali interruzzjoni tapplika għall-impriżi jew l-assoċjazzjonijiet tal-impriżi kollha li jkunu pparteċipaw fil-ksur (Artikolu 2(2)).

    26

    Skont l-Artikolu 2(3) tar-Regolament Nru 2988/74, il-preskrizzjoni tiddekorri mill-ġdid għal ħames snin minn kull interruzzjoni, fil-limitu ta’ terminu ugwali għad-doppju tat-terminu ta’ preskrizzjoni, jiġifieri għaxar snin f’dak li jikkonċerna l-ksur inkwistjoni.

    27

    Barra minn dan, it-terminu ta’ preskrizzjoni huwa estiż bil-perijodu li matulu l-preskrizzjoni hija sospiża b’applikazzjoni tal-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 2988/74, jiġifieri sakemm id-deċiżjoni tal-Kummissjoni tkun is-suġġett ta’ proċeduri pendenti quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-15 ta’ Ottubru 2002, Limburgse Vinyl Maatschappij et vs Il-Kummissjoni, C-238/99 P, C-244/99 P, C-245/99 P, C-247/99 P, C-250/99 P sa C-252/99 P u C-254/99 P, Ġabra p. I-8375, iktar ’il quddiem is-“sentenza PVC II tal-Qorti tal-Ġustizzja”, punti 144 sa 147; sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-, Limburgse Vinyl Maatschappij et vs Il-Kummissjoni, magħrufa bħala “PVC II”, T-305/94 sa T-307/94, T-313/94 sa T-316/94, T-318/94, T-325/94, T-328/94, T-329/94 u T-335/94, Ġabra p. II-931, iktar ’il quddiem is-“sentenza PVC II tal-Qorti tal-Prim’Istanza”, punti 1098 u 1101).

    28

    Għandu għalhekk jiġi eżaminat, minn naħa, jekk it-terminu ta’ preskrizzjoni ta’ ħames snin ġiex osservat u, min-naħa l-oħra, jekk il-preskrizzjoni ġietx interrotta, u, fl-affermattiv, jekk il-Kummissjoni osservatx ukoll it-terminu ta’ preskrizzjoni ta’ għaxar snin.

    29

    Għandu jiġi mfakkar li, skont id-Deċiżjoni 93/82 u, jekk ikun il-każ, skont il-konstatazzjonijiet magħmula mill-Qorti tal-Prim’Istanza fis-sentenza CMB tagħha (punti 241 u 242), il-ftehim ma’ l-Ogefrem kien fis-seħħ sal-aħħar ta’ Settembru 1989 u l-ftehim ta’ lealtà kienu fis-seħħ sal-aħħar ta’ Novembru 1989. Fl-aħħar nett, il-prassi ta’ vapuri tal-ġlied spiċċat fl-aħħar ta’ Novembru 1989. Minn dan jirriżulta li t-terminu ta’ preskrizzjoni beda jiddekorri, l-iktar kmieni, fl-aħħar ta’ Settembru 1989.

    30

    Rigward, l-ewwel nett, it-terminu ta’ preskrizzjoni ta’ ħames snin, dan tal-aħħar ġie interrott l-ewwel darba, b’applikazzjoni tal-Artikolu 2(1)(d) tar-Regolament Nru 2988/74, permezz tan-notifika lil Cewal tad-DO 1990.

    31

    Ir-rikorrenti tikkontesta din ir-realtà peress li hija ma kinitx id-destinatarja tad-DO 1990 indirizzata lil Cewal. Issa, il-Qorti tal-Prim’Istanza tikkunsidra li dan l-argument ma jistax jirnexxi. Fil-fatt, skont il-formulazzjoni tal-Artikolu 2(2) tar-Regolament Nru 2988/74, l-interruzzjoni tal-preskrizzjoni tgħodd fir-rigward tal-impriżi kollha li jkunu pparteċipaw fil-ksur inkwistjoni. F’dan ir-rigward, mhuwiex ikkontestat li r-rikorrenti pparteċipat fil-ksur, anki jekk ma kinitx “identifikata” bħala tali fid-DO 1990 (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tas-16 ta’ Novembru 2006, Peróxidos Orgánicos vs Il-Kummissjoni, T-120/04, Ġabra p. II-4441, punt 47).

    32

    Barra minn dan għandu jiġi mfakkar li t-talbiet għal informazzjoni bil-miktub, atti indipendenti mid-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, jinterrompu l-preskrizzjoni, sakemm ikunu meħtieġa għall-investigazzjoni jew għall-proċedimenti fir-rigward tal-ksur (sentenza CMA CGM et vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 487). F’dan ir-rigward, ftit jimporta li l-imsemmija talbiet saru wara d-DO 1990. Hemm lok li jiġi kkunsidrat prima facie li t-talbiet għal informazzjoni inkwistjoni kienu meħtieġa għall-investigazzjoni jew għall-proċedimenti fir-rigward tal-ksur. Mill-bqija, f’din il-kawża, ir-rikorrenti bl-ebda mod ma kkontestat il-fatt li t-talbiet għal informazzjoni inkwistjoni kienu meħtieġa. Għalhekk, anki l-imsemmija talbiet għal informazzjoni kienu interrompew il-preskrizzjoni.

    33

    Dwar id-Deċiżjoni 93/82, li ma kinitx annullata fil-partijiet tagħha li jistabbilixxu l-parteċipazzjoni tar-rikorrenti, fis-sens tal-Artikolu 2(1) tar-Regolament Nru 2988/74, fil-ksur tal-Artikolu 82 KE, hija kompliet tipproduċi l-effetti kollha tagħha, b’mod partikolari f’dak li jikkonċerna l-interruzzjoni tal-preskrizzjoni fir-rigward tar-rikorrenti.

    34

    Wara dan, it-terminu ta’ preskrizzjoni ta’ ħames snin ġie sospiż, b’applikazzjoni tal-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 2988/74, matul il-tul tal-proċeduri marbuta mar-rikors kontra d-Deċiżjoni 93/82, kemm quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza kif ukoll quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja (mid-19 ta’ Marzu 1993 sas-, mingħajr ma jkun meħtieġ li tingħata deċiżjoni dwar il-perijodu bejn is-sentenza CMB tal-Qorti tal-Prim’Istanza u bejn meta l-kawża tressqet quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja).

    35

    Wara li ngħatat is-sentenza CMB tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-itwal perijodu għall-għanijiet tal-kalkolu tat-terminu ta’ preskrizzjoni huwa dak li kien hemm san-notifika lir-rikorrenti tad-DO 2003 (15 ta’ April 2003). Dan il-perijodu, ta’ tul ta’ madwar sebgħa u tletin xahar, huwa anqas minn ħames snin. Peress li, mill-waqfien tal-abbużi, ma għadda ebda perijodu ta’ ħames snin wara interruzzjoni tal-preskrizzjoni, għandu jiġi kkonstatat li t-terminu ta’ preskrizzjoni ta’ ħames snin ġie osservat.

    36

    Rigward, it-tieni nett, it-terminu ta’ preskrizzjoni ta’ għaxar snin, għandu jiġi kkonstat li dan baqa’ jiddekorri f’din il-kawża, peress li d-DO 1990 interrompiet il-preskrizzjoni. Issa, matul il-perijodu ta’ madwar erbatax-il sena u nofs li għadda bejn il-waqfien tal-abbużi, waqfien dan li seħħ, skont l-abbużi, bejn l-aħħar ta’ Settembru 1989 u Diċembru 1989, u n-notifika lir-rikorrenti tad-deċiżjoni kkontestata (30 ta’ April 2004), it-terminu ta’ preskrizzjoni ta’ għaxar snin ġie sospiż matul il-proċeduri dwar ir-rikors kontra d-deċiżjoni 93/82, jiġifieri madwar seba’ snin.

    37

    Minn dan jirriżulta li peress li l-perijodu, minbarra s-sospensjoni, bejn il-waqfien tal-abbużi kkonstatati u l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata ma jaqbiżx l-għaxar snin, it-terminu ta’ preskrizzjoni ta’ għaxar fis-sens tal-Artikolu 2(3) tar-Regolament Nru 2988/74, ġie ukoll osservat.

    38

    Għalhekk id-deċiżjoni kkontestata ġiet adottata b’osservanza tar-Regolament Nru 2988/74.

    39

    Għalhekk għandha tiġi eżaminata issa l-applikabbilià għal din il-kawża tal-prinċipju ta’ terminu raġonevoli. Tali prinċipju, li jinsab ukoll, bħala parti mill-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba, fl-Artikolu 41(1) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, japplika għal kull proċedura amministrattiva Komunitarja (sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tat-13 ta’ Jannar 2004, JCB Service vs Il-Kummissjoni, T-67/01, Ġabra p. II-49, punt 36).

    40

    Il-partijiet ma jaqblux fuq il-kwistjoni jekk il-prinċipju ta’ terminu raġonevoli japplikax f’din il-kawża (ara l-punti 20 u 21 iktar ’il fuq).

    41

    Fis-sentenza CMA CGM et vs Il-Kummissjoni tagħha, iċċitata iktar ’il fuq (punt 324), il-Qorti tal-Prim’Istanza ddeċidiet li r-Regolament Nru 2988/74 istitwixxa leġiżlazzjoni kompleta li tirregola fid-dettal it-termini li fihom il-Kummissjoni għandha dritt, mingħajr ma jkun hemm ksur tar-rekwiżit fundametali ta’ ċertezza legali, timponi multi lill-impriżi li jkunu s-suġġett ta’ proċeduri skont ir-regoli Komunitarji tal-kompetizzjoni. Minħabba li hemm din il-leġiżlazzjoni, kull kunsiderazzjoni marbuta ma’ l-obbligu tal-Kummissjoni li teżerċita s-setgħa tagħha li timponi multi f’terminu raġonevoli għandha tiġi mwarrba. Il-Qorti tal-Ġustizzja impliċitament ikkonfermat fuq appell (digriet tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-28 ta’ Ottubru 2004, Il-Kummissjoni vs CMA CGM et, C-236/03 P, mhux ippubblikat fil-Ġabra, punt 35) l-evalwazzjoni msemmija qabel magħmula mill-Qorti tal-Prim’Istanza.

    42

    Hemm lok li jiġi kkunsidrat li s-soluzzjoni adottata fis-sentenza CMA CGM et vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, kif ikkonfermata mill-imsemmi digriet tal-Qorti tal-Ġustizzja, tista’ tiġi trasposta perfettament għal din il-kawża. Fil-fatt, ir-rikorrenti fil-kawża CMA CGM et vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, ma invokawx il-ksur tal-prinċipju ta’ terminu raġonevoli sabiex tiġi annullata d-deċiżjoni kkontestata iżda sempliċement insostenn tal-motiv tagħhom intiż għall-annullament tal-multi li ġew imposti fuqhom jew għat-tnaqqis tal-ammont tagħhom. Issa, peress li d-deċiżjoni kkontestata hija deċiżjoni li timponi multa fis-sens tal-Artikolu 19(2) tar-Regolament Nru 4056/86 (ara l-punt 22 iktar ’il fuq), il-motiv preżenti intiż għall-annullament tagħha huwa fir-realtà intiż għall-annullament tal-multa li hija timponi. Barra minn dan, il-Kummissjoni adottat id-deċiżjoni kkontestata b’osservanza tat-termini ta’ preskrizzjoni previsti mir-Regolament Nru 2988/74. F’dawn il-kundizzjonijiet, m’hemm ebda raġuni li tiġi mwarrba s-soluzzjoni adottata mill-Qorti tal-Prim’Istanza fis-sentenza CMA CGM et vs Il-Kummissjoni.

    43

    Dwar dak li jirrigwarda l-argumenti, li barra minn dan bil-kemm issemmew mir-rikorrenti (ara l-punt 20 iktar ’il fuq), intiżi li jwarrbu l-applikazzjoni fil-kawża preżenti tas-soluzzjoni adottata fis-sentenza CMA CGM et vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, għandu jiġi kkonstatat li dawn ma jreġux meta jiġu analizzati. F’dak li jikkonċerna r-riferiment għall-prinċipju ta’ ċertezza legali, għandu jiġi mfakkar li r-Regolament Nru 2988/74 jieħu espressament inkunsiderazzjoni, fit-tieni premessa tiegħu, il-bżonn li tiġi assigurata ċ-ċertezza legali, preċiżament billi jintroduċi l-prinċipju tal-preskrizzjoni (sentenza CMA CGM et vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 322). Rigward il-prinċipju tal-osservanza tad-drittijiet tad-difiża, għandu jiġi mfakkar li, sakemm ma tkunx għalqet il-preskrizzjoni prevista fir-Regolament Nru 2988/74, kull impriża jew assoċjazzjoni ta’ impriżi li tkun is-suġġett ta’ investigazzjoni marbuta ma’ kompetizzjoni skont ir-Regolament tal-Kunsill Nru 17, tas-6 ta’ Frar 1962, l-ewwel Regolament li jimplementa l-Artikoli [81 KE] u [82 KE] (ĠU 1962, 13, p. 204), tibqa’ inċerta dwar il-konklużjoni ta’ din il-proċedura u dwar l-impożizzjoni eventwali ta’ penalitajiet jew ta’ multi. Għalhekk, id-dewmien ta’ din l-inċertezza huwa inerenti fil-proċeduri skont ir-Regolament Nru 17 u ma jikkostitwixxix, fih inniffsu, preġudizzju għad-drittijiet tad-difiża (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tas-, Nederlandse Federatieve Vereniging voor de Groothandel op Elektrotechnisch Gebied u Technische Unie vs Il-Kummissjoni, T-5/00 u T-6/00, Ġabra p. II-5761, punt 91, applikabbli b’analoġija għall-investigazzjonijiet li jsiru abbażi tar-Regolament Nru 4056/86 u mhux annullata fuq dan il-punt mill-Qorti tal-Ġustizzja).

    44

    F’dak li jikkonċerna l-argument tar-rikorrenti mressaq matul is-seduta u riprodott fil-punt 20 iktar ’il fuq, għandu jiġi kkonstatat li m’hemm xejn fir-Regolament Nru 2988/74 li jsostni tali argument, li għandu għalhekk jiġi miċħud.

    45

    Barra minn dan, rigward l-applikazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni, l-iskadenza ta’ terminu raġonevoli tista’ tikkostitwixxi motiv ta’ annullament fil-każ biss ta’ deċiżjoni li tikkonstata ksur, meta jkun stabbilit li l-ksur ta’ dan il-prinċipju jikser id-drittijiet tad-difiża tal-impriżi kkonċernati. Barra minn dan il-każ speċifiku, in-nuqqas ta’ ħarsien tal-obbligu li tingħata deċiżjoni f’terminu raġonevoli m’għandu ebda effett fuq il-validità tal-proċedura amministrattiva (sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza, Nederlandse Federatieve Vereniging voor de Groothandel op Elektronisch Gebied u Technische Unie vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 74, u l-ġurisprudenza ċċitata).

    46

    Barra minn dan, id-deċiżjoni meħuda fuq il-bażi ta’ ekwità mill-Kummissjoni, skont prassi li saret kostanti u li ġiet aċċettata mill-qorti Komunitarja, li tnaqqas l-ammont tal-multa inkunsiderazzjoni tat-tul fil-proċeduri, taqa’ fis-setgħa diskrezzjonali tagħha fejn jidħol l-iffissar tal-multi, u mhijiex ta’ natura li tegħleb il-fatt li l-prinċipju ta’ terminu raġonevoli ma japplikax f’din il-kawża (ara, f’dan is-sens, is-sentenza CMA CGM et vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 325).

    47

    Minn dak li hemm iktar ’il fuq jirriżulta li, minkejja d-dewmien li kien hemm mill-Kummissjoni sabiex tadotta d-deċiżjoni kkontestata, peress li t-termini ta’ preskrizzjoni skont ir-Regolament Nru 2988/74 ġew osservati, il-prinċipju ta’ terminu raġonevoli ma jistax jiġi applikat.

    48

    Mingħajr ma hemm bżonn, fil-kuntest tal-preżenti motiv, li jiġi eżaminat l-ilment tar-rikorrenti bbażat fuq allegat ksur tad-drittijiet tad-difiża tagħha msemmi fil-punt 17 iktar ’il fuq, li ser jiġi eżaminat fil-kuntest tat-tielet motiv (ara l-punt 78 iktar ’il quddiem), l-ewwel motiv għandu għalhekk jiġi miċħud bħala infondat.

    Fuq it-tielet motiv, ibbażat fuq in-nuqqas ta’ konstatazzjoni irrevokabbli tal-abbuż fis-sentenza CMB tal-Qorti tal-Ġustizzja

    — L-argumenti tal-partijiet

    49

    Ir-rikorrenti essenzjalment tikkritika lill-Kummissjoni talli ma reġatx eżaminat, fid-deċiżjoni kkontestata, il-verità tal-ksur ikkonstatat fid-Deċiżjoni 93/82 minħabba li ma kienx “għadu possibbli li jitrssaq rikors fil-konfront tiegħu” (premessa 48 tad-deċiżjoni kontestata). Għalhekk, huwa inkonċepibbli li ma tkunx tista’ tikkontesta r-raġunijiet stess tad-deċiżjoni kkontestata.

    50

    L-ewwel nett, is-sentenzi invokati mill-Kumissjoni fid-deċiżjoni kkontestata f’dak li jikkonċerna l-awtorità ta’ res judicata attribwita lis-sentenza CMB tal-Qorti tal-Ġustizzja u lis-sentenza CMB tal-Qorti tal-Prim’Istanza ma jagħtuhiex raġun. Fil-fatt, sabiex ikollha l-awtorità ta’ res judicata, sentenza tal-Qorti għandha, skont ir-rikorrenti, tikkonċerna l-istess partijiet, l-istess motivi u, fuq kollox l-istess att (sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tat-12 ta’ Diċembru 1996, Altmann et vs Il-Kummissjoni, T-177/94 u T-377/94, Ġabra p. II-2041, punti 50 sa 52). Issa, f’din il-kawża, l-att ikkontestat huwa distint mid-Deċiżjoni 93/82. Barra minn dan, “diversi motivi” ma tqajmux fil-kuntest tal-proċeduri dwar ir-rikors kontra d-Deċiżjoni 93/82. Fl-aħħar nett, l-adozzjoni b’mod separat tad-deċiżjoni kkontestata, abbażi tad-Deċiżjoni 93/82, adottata tnax-il sena wara, ma tistax tiġi aċċettata.

    51

    It-tieni nett, peress li d-dritt tal-kompetizzjoni jaqa’ “fundamentalment taħt id-dritt kriminali” u peress li d-“drittijiet fundamentali applikabbli għad-dritt kriminali […] japplikaw għall-proċeduri li jwasslu għal multi fid-dritt tal-kompetizzjoni” (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-8 ta’ Lulju 1999, Hüls vs Il-Kummissjoni, C-199/92 P, Ġabra p. I-4287, punt 150, konsistenti mal-ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem), mill-“prinċipji ġenerali applikabbli” kif ukoll, b’mod partikolari, mill-Artikolu 49 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea u mill-Artikolu 15 tal-Ftehim tal-Ġnus Magħquda fuq id-drittijiet ċivili u politiċi, jirriżulta li hija l-liġi l-iktar faverevoli li għandha tiġi applikata. Skont il-massima tempus regit actum, il-legalità tal-att ikkontestat għandha għalhekk tiġi evalwata skont l-elementi ta’ fatt u ta’ dritt li kien hemm meta ttieħed l-att. Issa, id-dritt applikabbli fundamentalment evolva b’mod favorevoli għar-rikorrenti minn wara l-adozzjoni tad-Deċiżjoni 93/82. Skont ir-rikorrenti, il-prinċipju ta’ ċertezza legali invokat mill-Kummissjoni ma jistax iwaqqafha milli tieħu inkunsiderazzjoni din l-evoluzzjoni. Bil-kontra, dan il-prinċipju jobbligaha, skont il-prinċipju nulla poena sine lege, “fundamentalment marbut mal-prinċipju ta’ ċertezza legali”, kif ukoll skont l-Artikolu 7 Konvenzjoni Ewropea għad-Drittijiet tal-Bniedem u skont l-Artikolu 49 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, tieħu inkunsiderazzjoni din l-evoluzzjoni.

    52

    It-tielet nett, numru ta’ fatti li ġraw wara d-Deċiżjoni 93/82 jistabbilixxu n-natura żbaljata tal-akkużi oriġinali u ma jistgħux jiġu injorati mill-Kummissjoni.

    53

    Ir-raba’ nett, in-natura impreċiża tal-oġġezzjonijiet oriġinali fixklet lir-rikorrenti milli tikkontestahom.

    54

    Il-Kummissjoni tqis li ebda wieħed mill-argumenti insostenn tal-preżenti motiv ma huwa fondat. Dawn l-argumenti jwasslu, bi ksur tal-prinċipji tal-awtorità tar-res judicata u ta’ ċertezza legali, sabiex idaħħlu inkwistjoni s-soluzzjoni adottata fis-sentenza CMB tal-Qorti tal-Ġustizzja u fis-sentenza CMB tal-Qorti tal-Prim’Istanza kif ukoll il-validità tal-partijiet mhux annullati tad-Deċiżjoni 93/82, u b’mod partikolari dawk li jikkonstataw l-abbużi inkwistjoni. Hija tikkontesta wara dan in-natura kriminali tad-dritt Komunitarju tal-kompetizzjoni u l-evoluzzjoni allegatament faverevoli ta’ dan tal-aħħar għar-rikorrenti.

    — Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

    55

    Għandu jiġi mfakkar l-ewwel nett li l-Qorti tal-Ġustizzja rrikonoxxiet l-importanza fundamentali li għandha l-osservanza tal-prinċipju ta’ res judicata kemm fis-sistema legali Komunitarja kif ukoll fis-sistemi legali nazzjonali. Fil-fatt, sabiex jiġu ggarantiti kemm l-istabbiltà tal-liġi u tar-relazzjonijiet ġuridiċi u kif ukoll l-amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja, huwa essenzjali li ma jkunx jistgħu jitqajmu dubji fir-rigward ta’ deċiżjonijiet ġudizzjarji li jkunu għaddew f’ġudikat wara li jkunu ntużaw il-mezzi kollha disponibbli għal appell jew wara li jkun skada t-terminu previst għal appell (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-30 ta’ Settembru 2003, Köbler, C-224/01, Ġabra p. I-10239, punt 38, u tas-, Kapferer, C-234/04, Ġabra p. I-2585, punt 20).

    56

    L-evalwazzjoni fuq punti ta’ fatt u ta’ dritt għandha definittivament l-awtorità ta’ res judicata, peress li dawn il-punti jkunu effettivament jew neċessarjament ġew deċiżi b’sentenza u peress li mhumiex milquta mill-annullament parzjali ta’ din is-sentenza (sentenza PVC II tal-Qorti tal-Prim’Istanza, punt 77; ara wkoll, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tat-28 ta’ Frar 2002, Cascades vs Il-Kummissjoni, T-308/94, Ġabra p. II-813, punt 70).

    57

    Għalhekk, il-punti ta’ fatt u ta’ dritt effettivament jew neċessarjament deċiżi mis-sentenza CMB tal-Qorti tal-Ġustizzja u mis-sentenza CMB tal-Qorti tal-Prim’Istanza, sa fejn mhumiex milquta mill-annullament parzjali tas-sentenza CMB tal-Qorti tal-Prim’Istanza, akkwistaw l-awtorità ta’ res judicata. Minn dan jirriżulta li l-partijiet kollha fis-sentenza CMB tal-Qorti tal-Ġustizzja, fosthom kemm ir-rikorrenti u kif ukoll il-Kummissjoni, ma jistgħux jerġgħu jdaħħlu inkwistjoni dak li ġie deċiż qabel.

    58

    L-invokazzjoni mir-rikorrenti tas-sentenza Altmann et vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, ma tistax iddaħħal inkwistjoni din il-konklużjoni. Fil-fatt, kif wara kollox irrimarkat il-Kummissjoni, l-imsemmija sentenza ngħatat fil-kuntest ta’ eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà, filwaqt li l-ammissibbiltà tal-preżenti rikors ma ġietx ikkontestata. Għalhekk, is-sentenza Altmann et vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, li hija parti minn ġurisprudenza stabbilita sew li tgħid li l-awtorità ta’ res judicata attribwita lil sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tipprekludi l-ammissibbilità ta’ rikors li jsir wara biss meta dawn iż-żewġ rikorsi jkollhom l-istess partijiet kontendenti, ikunu jirrigwardaw l-istess suġġett u jkunu bbażati fuq l-istess kawża (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tad-19 ta’ Settembru 1985, Hoogovens Groep vs Il-Kummissjoni, 172/83 u 226/83, Ġabra p. 2831, punt 9, u tat-, Franza vs Il-Parlament, 358/85 u 51/86, Ġabra p. 4821, punt 12; sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tat-, Maindiaux et vs ESC, T-28/89, Ġabra p. II-59, punt 23), mhijiex rilevanti.

    59

    Għandu jiġi mfakkar ukoll li, skont il-prinċipju ta’ ċertezza legali, l-atti tal-istituzzjonijiet Komunitarji jgawdu minn preżunzjoni ta’ validità u jipproduċu effetti legali sakemm ma jiġux irtirati, annullati fil-kuntest ta’ rikors għal annullament jew iddikjarati invalidi bħala riżultat ta’ rinviju għal deċiżjoni preliminari jew eċċezzjoni ta’ illegalità (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-5 ta’ Ottubru 2004, Il-Kummissjoni vs Il-Greċja, C-475/01, Ġabra p. I-8923, punti 18 et seq). Barra minn dan, il-prinċipju ta’ ċertezza ġuridika jipprekludi wkoll li tiddaħħal inkwistjoni n-natura definittiva ta’ atti ta’ istituzzjonijiet Komunitarji ladarba t-terminu ta’ rikors kontra dawn l-atti previst fl-Artikolu 230 KE jkun skada, u dan anki fil-kuntest ta’ eċċezzjoni ta’ illegalità mqajma kontra dawn l-atti (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-, Wiljo, C-178/95, Ġabra p. I-585, punt 19, u tal-, Nachi Europe, C-239/99, Ġabra p. I-1197, punt 29; ara, wkoll, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tad-, TWD, C-188/92, Ġabra p. I-833, punt 16).

    60

    Għalhekk, il-partijiet mhux annullati tad-Deċiżjoni 93/82, li issa ma jistgħux ikunu suġġetti ta’ rikors, huma definittvament parti mis-sistema legali Komunitarja u jipproduċu l-effetti legali tagħhom kollha. Dan jgħodd ukoll, b’mod partikolari, għas-siltiet tad-Deċiżjoni 93/82 dwar il-parteċipazzjoni tar-rikorrenti fl-abbużi kkonstatati sa fejn l-annullament tal-multa (jiġifieri l-Artikoli 6 u 7 biss tad-dispożittiv tad-Deċiżjoni 93/82) permezz tas-sentenza CMB tal-Qorti tal-Ġustizzja, għal motivi ta’ proċedura biss, ma jolqot bl-ebda mod il-legalità tal-imsemmija siltiet tad-Deċiżjoni 93/82. Din il-legalità ma ġietx barra minn hekk ikkontestata mir-rikorrenti.

    61

    Minn dan jirriżulta li l-argument tar-rikorrenti li ma tqajmux motivi oħra matul il-proċeduri dwar ir-rikors kontra d- Deċiżjoni 93/82 għandu jiġi mwarrab bħala infondat. Fil-fatt, jekk jintlaqa’ dan l-argument, dan ikun ifisser li jkunu qegħdin jiddaħħlu inkwistjoni, bi ksur tal-prinċipju ta’ ċertezza legali, partijiet tad-Deċiżjoni 93/82 li saru definittivi.

    62

    Minn dan jirriżulta wkoll li l-Kummissjoni setgħet ġustament tibbaża d-deċiżjoni kkontestata fuq il-partijiet mhux annullati tad-Deċiżjoni 93/82 sabiex timponi multa fuq ir-rikorrenti bħala sanzjoni għall-abbużi li ġew ikkonstatati.

    63

    F’dan ir-rigward, la r-Regolament Nru 4056/86 u lanqas ir-Regolament Nru 17 ma eskludew espressament l-adozzjoni formalment separata, fuq żewġ bażijiet legali distinti, ta’ żewġ atti distinti, jiġifieri dak li jikkonstata l-ksur (fil-każ tar-Regolament Nru 4056/86, abbażi tal-Artikolu 11(1) tiegħu) u dak li jimponi l-multa (abbżi tal-Artikolu 19(2) tal-istess regolament).

    64

    Ma jagħmel ebda differenza, barra minn dan, il-fatt li għaddew tnax-il sena bejn l-adozzjoni tad-Deċiżjoni 93/82 u l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, sa fejn din tal-aħħar ġiet adottata b’osservanza tat-termini ta’ preskrizzjoni fid-dawl tar-Regolament Nru 2988/74.

    65

    Rigward l-argument tar-rikorrenti, dwar in-natura allegatament kriminali tad-dritt sostanzjali Komunitarju tal-kompetizzjoni u dwar il-bżonn korrispondenti li l-Kummissjoni tieħu inkunsiderazzjoni fid-deċiżjoni kkontestata l-evoluzzjoni allegatament favorevoli għar-rikorrenti ta’ dan id-dritt, dan għandu jiġi mwarrab ukoll.

    66

    Fil-fatt, il-premessa ta’ dan l-argument hija żbaljata. Mill-formulazzjoni tal-Artikolu 19(4) tar-Regolament Nru 4056/86 jirriżulta li anki l-multi imposti b’applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni m’għandhomx natura kriminali. Barra minn dan, ġie deċiż li l-effiċjenza tad-dritt Komunitarju tal-kompetizzjoni tkun serjament affettwata jekk tiġi aċċettata t-teżi li d-dritt tal-kompetizzjoni jaqa’ taħt id-dritt kriminali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-18 ta’ Settembru 2003, Volkswagen vs Il-Kummissjoni, C-338/00 P, Ġabra p. I-9189, punt 97). Għandu barra minn dan jiġi rrilevat li s-sentenza Hüls vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, invokata mir-rikorrenti, mhijiex rilevanti, peress li fl-imsemmija sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja sempliċement iddeċidiet li l-prinċipju tal-preżunzjoni ta’ innoċenza japplika għall-proċeduri dwar ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni applikabbli għall-impriżi li jistgħu jwasslu għal deċiżjoni li timponi multi jew ta’ penalitajiet perijodiċi (punt 150). Fl-aħħar nett, għandu jiġi kkonstatat li r-rikorrenti ma ressqet ebda argument validu ieħor insostenn tat-teżi tagħha, li għandha jiġi miċħuda.

    67

    Minn dan jirriżulta li l-argument tar-rikorrenti għandu jiġi mwarrab, mingħajr ma jkun meħtieġ li tiġi eżaminata l-kwistjoni jekk ir-regoli ta’ kompetizzjoni li fir-rigward tagħhom il-ksur ġie kkonstatat u ssanzjonat fid-Deċiżjoni 93/82 sarux iktar favorevoli jew le għar-rikorrenti matul il-perijodu li għadda bejn is-sentenza CMB tal-Qorti tal-Ġustizzja, li vvalidat l-analiżi li saret fid-Deċiżjoni 93/82 f’dak li jikkonċerna l-konstatazzjoni tal-ksur, u d-deċiżjoni kkontestata. B’mod sussidjarju, għandu jiġi rrilevat li, anki jekk jitqies li d-dritt tal-kompetizzjoni evolva b’mod favorevoli għar-rikorrenti, ħaġa din li r-rikorrent ma tipprova bl-ebda mod, dan ma jistax, għaliex inkella jinkiser il-prinċipju ta’ ċertezza ġuridika u dak tar-res judicata, jippreġudika l-partijiet tad-Deċiżjoni 93/82 li jistabbilixxu l-ksur u l-parteċipazzjoni tar-rikorrenti fl-imsemmija ksur.

    68

    Rigward l-argument tar-rikorrenti dwar l-allegati fatti ġodda li ġraw wara d-Deċiżjoni 93/82, għandu jiġi deċiż li, anki jekk jitqies li seħħew, dawn il-fatti ma jistgħux jittieħdu inkunsiderazzjoni minħabba l-prinċipji tal-awtorità tar-res judicata, applikabbli wkoll għall-Kummissjoni, u ta’ ċertezza legali, kif ukoll minħabba l-fatt li l-evalwazzjonijiet kumplessi magħmula mill-Kummissjoni, b’mod partikolari dwar il-kompetizzjoni, għandhom jiġu eżaminati biss fid-dawl tal-elementi li kellha għad-dispożizzjoni tagħha meta għamlet dawn l-evalwazzjonijiet (sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tat-28 ta’ Marzu 2000, T. Port vs Il-Kummissjoni, T-251/97, Ġabra p. II-1175, punt 38).

    69

    Fl-aħħar nett, l-argument dwar in-natura allegatament impreċiża tal-oġġezzjonijiet oriġinali, li jirriżulta biss minn stqarrija, għandu jiġi mwarrab ukoll sa fejn ir-rikorrenti m’għamlitx il-prova li s-sitwazzjoni tagħha setgħet tkun differenti li kieku l-oġġezzjonijiet oriġinali ma kinux, fil-fehma tagħha, impreċiżi.

    70

    Minn dak li ntqal qabel jirriżulta li t-tielet motiv għandu jiġi miċħud bħala infondat.

    Fuq it-tieni motiv, ibbażat fuq ksur tad-drittijiet tad-difiża

    — L-argumenti tal-partijiet

    71

    Ir-rikorrenti ssostni li kien hemm ksur tad-drittijiet tad-difiża tagħha peress li l-Kummissjoni rrifjutat, minkejja t-tibdil fil-liġi fuq “punti fundamentali”, li tiddiskuti l-verità tal-abbuż u llimitat id-diskussjoni għall-multa. Issa, peress li kienet irċeviet biss “kopja għal kummenti” tad-DO 1990, ir-rikorrenti f’dak il-mument ma setgħetx tiddefendi ruħha kif seta’ jagħmel destinatarju dirett tad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet u debitur potenzjali ta’ multa. Peress li l-Qorti tal-Ġustizzja annullat il-multa li ġiet imposta fuq ir-rikorrenti fid-Deċiżjoni 93/82 minħabba li d-DO 1990 ma kinitx indirizzata lilha, il-Kummissjoni kien imissha għalhekk reġgħet fetħet il-proċedura kollha kemm hi billi tibgħat dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet “sħiħa” lir-rikorrenti, jiġifieri billi tippermettilha tiddiskuti l-ksur ikkonstatat fid-Deċiżjoni 93/82. Id-DO 2003 għalhekk ma taqdix il-funzjoni tagħha li tagħti lill-impriżi l-elementi kollha neċessarji sabiex ikunu jistgħu isostnu utilment id-difiża tagħhom qabel ma l-Kummissjoni tadotta deċiżjoni definittiva (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-31 ta’ Marzu 1993, Ahlström Osakeyhtiö et vs Il-Kummissjoni, C-89/85, C-104/85, C-114/85, C-116/85, C-117/85 u C-125/85 sa C-129/85, Ġabra p. I-1307, I-1594, punt 42).

    72

    Il-Kummissjoni ssostni li r-rikorrenti, kuntrarjament għal impriża oħra li kienet ikkontestat id-Deċiżjoni 93/82 li tagħha hija kienet ukoll destinatarja, għażlet li ma ssostnix dawn l-argumenti fil-kuntest tal-proċedura dwar ir-rikors kontra d-Deċiżjoni 93/82 ħlief f’dak li jikkonċerna l-multa, b’tali mod li turi li hija kienet qieset li kienet iddefendiet ruħha b’mod validu f’dak iż-żmien fir-rigward tal-konstatazzjoni tal-ksur. Hija ssostni wkoll li l-prinċipju ta’ ċertezza legali jwaqqaf lir-rikorrenti milli tqajjem dawn l-argumenti fil-kuntest tal-preżenti proċedura u invokat f’dan ir-rigward is-sentenza PVC II tal-Qorti tal-Ġustizzja (punt 73), li tipprovdi li l-proċedura intiża sabiex jiġi ssostwit att annullat tista’ terġa’ tinbeda mill-punt fejn qamet l-illegalità. Dan il-prinċipju għandu japplika a fortiori f’dan il-każ peress li d-Deċiżjoni 93/82 kienet annullata mis-sentenza CMB tal-Qorti tal-Ġustizzja għall-parti li tirrigwarda l-multi biss. Fl-aħħar nett hija ssostni li, fil-preżenti kawża, id-difett formali inizjali ġie rrimedjat peress li r-rikorrenti kienet destinatarja tad-DO 2003 li informatha li multa setgħet tkun imposta fuqha b’mod individwali.

    — Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

    73

    Permezz tal-preżenti motiv, ir-rikorrenti ssostni li l-fatt li kienet għal kollox f’pożizzjoni li tikkontesta l-verità tal-ksur matul il-proċedura dwar ir-rikors kontra d-Deċiżjoni 93/82, iżda allegatament mhux waqt il-proċedura amministrattiva li saret qabel l-adozzjoni tal-imsemmija deċiżjoni, jikkostitwixxi ksur tad-drittijiet tad-difiża tagħha matul il-proċedura amministrattiva li saret qabel l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata.

    74

    Waqt is-seduta, ir-rikorrenti ġiet mistoqsija dwar il-kwistjoni ta’ kif kienet tkun tista’ tiddefendi ruħha aħjar li kieku kienet destinatarja diretta tad-DO 1990, pjuttost milli tkun difiża, bħala membru tal-konferenza ta’ linji marittimi, minn Cewal. Issa, ir-rikorrenti ma tat ebda tweġiba konvinċenti. Hija fil-fatt sempliċement tinvoka l-kompromess li, fil-fehma tagħha, jinsab wara kull linja ta’ difiża ta’ assoċjazzjoni professjonali li l-membri tagħha, kompetituri, ikollhom interessi differenti, jekk mhux ukoll konfliġġenti. Il-Qorti tal-Prim’Istanza tikkunsidra li argument tant ġenerali ma jistax ikun konvinċenti f’din il-kawża, sa fejn kien preċiżament fl-interess tal-membri kollha ta’ Cewal, mingħajr eċċezzjoni, li tiġi kkontestata l-eżistenza tal-ksur ikkonstatat mill-Kummissjoni fid-DO 1990.

    75

    Issa, jinkombi lir-rikorrenti li ġġib il-prova konkreta li s-sitwazzjoni tagħha setgħet tkun differenti, jiġifieri li d-Deċiżjoni 93/82 setgħet ġiet adottata f’termini differenti f’dak li jikkonċerna l-konstatazzjoni tal-abbużi mwettqa minnha, li kieku kienet f’pożizzjoni li tagħmel l-osservazzjonijiet tagħha mhux bħala destinatarja ta’ kopja tad-DO 1990, iżda bħala destinatarja diretta tal-imsemmija dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet. F’dan ir-rigward għandu jiġi mfakkar li r-rikorrenti kienet ġiet mistiedna formalment mhux biss sabiex tissottometti n-nota ta’ osservazzjonijiet tagħha fuq id-DO 1990, kif effettivament għamlet, iżda wkoll sabiex tieħu parti fis-seduta amministrattiva, li nżammet fil-preżenza tagħha fit-22 ta’ Ottubru 1990.

    76

    Fi kwalunkwe każ, anki jekk jitqies li r-rikorrenti ma setgħetx tiddefendi ruħha bl-aħjar mod possibbli dwar il-konstatazzjoni tal-ksur matul il-proċedura amministrattiva inizjali, ħaġa din li hija ma tagħtix prova tagħha, dan l-allegat ksur tad-drittijiet tad-difiża tagħha ma jistax ġie invokat b’suċċess fil-kuntest tal-preżenti kawża sa fejn id-Deċiżjoni 93/82, f’dak li jikkonċerna l-konstatazzjoni tal-ksur, saret definittiva. Għandu jiġi mfakkar fil-fatt (ara l-punti 59 sa 61 iktar ’il fuq) li l-prinċipju ta’ ċertezza legali jipprekludi li l-partijiet mhux annulati tad-Deċiżjoni 93/82 jerġgħu jiddaħħlu inkwistjoni.

    77

    Barra minn dan, għandu jiġi enfasizzat li d-DO 2003 tidentifika lir-rikorrenti bħala destinatarja tal-multa. Ir-rikorrenti wieġbet fit-tul għal din id-dikjarazzjoni fejn ikkontestat il-ksur f’dak li jikkonċerna l-konstatazzjoni tal-ksur, mingħajr, madankollu, ma sostniet l-inqas argument relatat, mill-qrib jew mill-bogħod, mal-preżenti motiv. L-oġġezzjonijiet sostnuti mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata huma strettament identiċi għal dawk li hemm fid-DO 2003 (li min-naħa tagħhom huma identiċi għal dawk sostnuti fid-Deċiżjoni 93/82). Ir-rikorrenti barra minn dan ibbenefikat minn seduta quddiem l-uffiċjal tas-smigħ. Saritilha l-proposta li jkollha aċċess għall-proċess tal-każ. Hija għalhekk setgħet teżerċita formalment id-drittijiet tad-difiża tagħha. Kuntrarjament għal dak li tallega r-rikorrenti, id-DO 2003 għalhekk issodisfat għal kollox il-funzjoni tagħha.

    78

    Rigward, l-aħħar nett, l-allegat ksur tad-dritttijiet tad-difiża tar-rikorrenti, invokat fil-kuntest tal-ewwel motiv, li jirriżulta mill-fatt li r-rikorrenti ma kinitx f’pożizzjoni li terġa’ ssib dokumenti antiki jew ex-impjegati minħabba ż-żmien li għadda wara d-Deċiżjoni 93/82 (ara l-punt 17 iktar ’il fuq), għandu jiġi kkunsidrat li r-rikorrenti la ġabet prova ta’ tali ksur u lanqas ma indikat bi preċiżjoni liema dokumenti jew xhieda kienu jkunu utli għaliha. Għandu jiġi mfakkar ukoll li l-rikorrenti ma ħaditx l-opportunità li ngħatatilha biex ikollha aċċess għall-proċess tal-każ (premessa 49 tad-deċiżjoni kkontestata), minkejja li, kif il-Kummissjoni indikat matul is-seduta, id-dokumenti kollha kienu jinsabu f’dan il-proċess. Fi kwalunkwe każ, jidher li d-dokumenti allegatament nieqsa li tirreferi għalihom ir-rikorrenti kienu jirrigwardaw il-verità tal-abbużi. Issa, peress li dawn tal-aħħar ġew ikkonstatati b’mod definittiv fid-Deċiżjoni 93/82, il-verità tagħhom ma tistax, tiġi diskussa mill-ġdid mingħajr ma jinkisru l-prinċipji tar-res judicata u taċ-ċerteza legali.

    79

    Minn dak kollu li ngħad iktar ’il fuq jirriżulta li t-tieni motiv għandu jiġi miċħud bħala infondat.

    Fuq ir-raba’ motiv, ibbażat fuq nuqqas ta’ motivazzjoni suffiċjenti u fuq nuqqas ta’ ġustifikazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata

    — L-argumenti tal-partijiet

    80

    Ir-rikorrenti essenzjalment issostni li d-deċiżjoni kkontestata hija mmotivata b’mod insuffiċjenti peress li l-Kummissjoni ma ġabitx il-prova la tal-pożizzjoni dominanti ta’ Cewal, la tal-eżistenza ta’ xi wieħed mit-tliet allegati abbużi identifikati, u lanqas tal-effett tagħhom ta’ esklużjoni fis-suq fis-sens tal-Artikolu 82 KE. Barra minn dan, id-deċiżjoni kkontestata ma tqegħidx lill-Qorti tal-Prim’Istanza f’pożizzjoni li tista’ tikkontrolla l-fondatezza u l-ammont tal-multa fil-kuntest tal-ġurisdizzjoni sħiħa tagħha.

    81

    Il-Kummissjoni essenzjalment twieġeb li l-preżenti motiv, marbut mat-tieni motiv u li huwa konfuż mat-tielet motiv, għandu jiġi miċħud. Fil-fatt, dan il-motiv huwa intiż sabiex jerġgħu jiġu eżaminati, bi ksur flagranti tat-termini ta’ rikors, tal-prinċipji ta’ ċertezza legali u tar-res judicata, mhux biss il-fondatezza tal-partijiet mhux annullati tad-Deċiżjoni 93/82, iżda wkoll il-partijiet tas-sentenza CMB tal-Qorti tal-Ġustizzja u tas-sentenza CMB tal-Qorti tal-Prim’Istanza, it-tnejn li huma definittivi, li ċaħdu l-motivi intiżi għall-annullament tal-konstatazzjonijiet tad-Deċiżjoni 93/82 f’dak li jikkonċerna l-abbużi mwettqa mir-rikorrenti.

    — Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

    82

    Skont ġurisprudenza kostanti, l-obbligu ta’ motivazzjoni jikkostitwixxi formalità sostanzjali li għandha tiġi distinta mill-kwistjoni tal-fondatezza tal-motivazzjoni, li tikkonċerna l-legalità fil-mertu tal-att kontenzjuż. F’dan id-dawl, il-motivazzjoni rikjesta mill-Artikolu 253 KE għandha tiġi adattata għall-att inkwistjoni u għandha turi, b’mod ċar u inekwivoku, ir-raġunament tal-istituzzjoni attriċi tal-att, b’mod li l-persuna interessata tkun tista’ tagħraf il-ġustifikazzjonijiet tal-miżuri meħuda u tiddefendi d-drittijiet tagħha u b’mod li l-qorti tkun tista’ teżerċita l-istħarriġ tagħha (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-13 ta’ Marzu 1985, L-Olanda u Leeuwarder Papierwarenfabriek vs Il-Kummissjoni, 296/82 u 318/82, Ġabra p. 809, punt 19, u tat-, Spanja vs Il-Kummissjoni, C-114/00, Ġabra p. I-7657, punt 62). Rigward deċiżjoni adottata b’applikazzjoni tal-Artikolu 82 KE, dan il-prinċipju jirrikjedi li d-deċiżjoni kkontestata semmi l-elementi ta’ fatt li minnhom tiddependi l-ġustifikazjoni legali tal-miżura u l-kunsiderazzjonijiet li wasslu sabiex tittieħed din id-deċiżjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tat-, France Télécom vs Il-Kummissjoni, T-340/03, Ġabra p. II-107, punt 57, li ma ġietx appellata fuq dan il-punt).

    83

    Fir-realtà, il-preżenti motiv huwa bbażat fuq il-preżunzjoni li l-Kummissjoni kien imissha eżaminat mill-ġdid il-kawża f’dak li jikkonċerna l-konstatazzjoni tal-ksur. Issa, id-deċiżjoni kkontestata hija deċiżjoni li timponi multa fis-sens tal-Artikolu 19(2) tar-Regolament Nru 2988/74 (ara l-punt 22 iktar ’il fuq). Il-motivazzjoni meħtieġa li tirrigwarda l-multa tingħata fil-premessi 67 sa 111 tad-deċiżjoni kkontestata. Barra minn dan, il-metodu użat fid-deċiżjoni kkontestata, fejn, sabiex tiġi imposta l-multa, intużaw bħala bażi l-partijiet mhux annullati u definittivi tad-Deċiżjoni 93/82, sa fejn dawn jikkonstataw l-abbużi, ġie kkunsidrat bħala fondat fil-kuntest tal-evalwazzjoni tat-tielet motiv. Huwa barra minn dan ċar li dan il-metodu ġie spjegat biżżejjed għall-finijiet tal-liġi mill-Kummissjoni. Fil-fatt, mill-qari tad-deċiżjoni kkontestata (premessi 17 u 41) u, barra minn dan, mid-DO 2003 (b’mod partikolari l-premessa 27) jirriżulta li, f’dak li jikkonċerna l-verità tal-abbużi mwettqa mir-rikorrenti, il-Kummissjoni rreferiet, purament u sempliċiment, għall-partijiet tad-Deċiżjoni 93/82 li jistabbilixxu l-imsemmija ksur, li tagħhom id-deċiżjoni kkontestata tagħti spjegazzjoni fil-qosor (premessi 21 sa 40). Il-Kummissjoni indikat ukoll fid-deċiżjoni kkontestata (premessi 42 sa 46) li dawn il-partijiet mhux annullati tad-Deċiżjoni 93/82 saru definitivi skont il-prinċipji ta’ ċertezza legali u ta’ res judicata.

    84

    Ma jistax għalhekk jiġi miċħud li r-rikorrenti setgħet tkun taf il-ġustifikazzjonijiet kollha tad-deċiżjoni kkontestata. Għandu jiġi kkonstatat barra minn dan li l-Qorti tal-Prim’Istanza kienet kompletament f’pożizzjoni fejn setgħet teżerċita l-istħarriġ tagħha tal-legalità tad-deċiżjoni kkontestata.

    85

    Minn dak li ngħad qabel jirriżulta li d-deċiżjoni kkontestata hija suffiċjentement motivata.

    86

    F’dawn il-kundizzjonijiet, ir-raba’ motiv għandu miċħud bħala infondat.

    Fuq it-talbiet, imqajma b’mod sussisdjarju, intiżi għat-tnaqqis tal-ammont tal-multa imposta

    Fuq il-ħames motiv, ibbażat fuq in-natura diskriminatorja tal-multa

    — L-argumenti tal-partijiet

    87

    Ir-rikorrenti ssostni li l-impożizzjoni ta’ “kważi t-totalità” tal-multa fuq ir-rikorrenti hija diskriminatorja. Fil-fatt, kien imissha ġiet imposta multa anki fuq Compagnie maritime du Congo (iktar ’il quddiem “CMDC”), qabel magħrufa bħala l-Compagnie maritime zaïroise (iktar ’il quddiem “CMZ” ) li, b’applikazzjoni tas-sistema ta’ allokazzjoni tal-merkanzija prevista fl-Artikolu 3(e) tar-Regolament Nru 4056/86, kisbet l-akbar ammont ta’ profitti mill-abbużi minħabba l-parti preponderanti tagħha mill-pool ta’ dħul. Mill-bqija, il-fatt li l-president u s-segretarju ġenerali ta’ Cewal jagħmlu parti mit-tmexxija tar-rikorrenti, il-fatt li s-segretarjat ġenerali ta’ Cewal jinsab fl-istess bini bħal dak tar-rikorrenti, il-prassi li allegatament wasslu għas-supremazija tar-rikorrenti, invokati fid-deċiżjoni kkontestata, mhumiex motivi konklużivi. Fil-fatt, Cewal kienet entità distinta mill-membri tagħha u d-deċiżjonijiet kollha tagħha kienu meħuda unanimament jew bil-maġġoranża ta’ żewġ terzi tal-membri tagħha. Il-motiv dwar l-akkwist mir-rikorrenti tal-kontroll ta’ Dafra-Lines u ta’ Deutsche Afrika Linien-Woermann Liniemas lanqas ma huwa konklużiv. Fil-fatt, id-dati tal-akkwist ma jikkoinċidux mal-perijodu li fih allegatament twettqu l-allegati abbużi. Rigward il-bejgħ jew it-trasferiment ta’ drittijiet ta’ CMZ lir-rikorrenti jew lil Cewal, dan jinvolvi biss ftehim għal żmien qasir bejn ir-rikorrenti u CMZ, li matulu din tal-aħħar kienet kompliet teżerċita għal kollox ir-rwol tagħha ta’ operatur marittimu. CMZ kienet reġgħet bdiet tuża l-vapuri tagħha fl-1993. Mill-bqija, din il-prassi seħħet wara t-tmiem tal-allegati abbużi. Matul il-perijodu li fih allegatament twettqu l-abbużi, CMZ kienet assigurat servizz ta’ linja regolari. Fl-aħħar nett, CMDC hija l-unika membru ta’ Cewal li għadha attiva fuq ir-rotta Ewropa-Żaire (li saret ir-Repubblika tal-Kongo). Barra minn dan, il-metodu tal-Kummissjoni, fejn ikkunsidrat li r-rikorrenti kellha l-akbar numru ta’ responsabbilitajiet fi ħdan Cewal u li l-aġir tagħha kellu effett partikolarment importanti fuq is-suq, imur kontra l-prassi tal-Kummissjoni u t-teorija tal-pożizzjoni dominanti kollettiva. Fl-aħħar nett, CMDC ma kinitx għadha, meta ġiet adottata d-deċiżjoni kkontestata, fis-sitwazzjoni finanzjarja diffiċli li kienet iġġustifikat li ma tiġix imposta fuqha multa mill-Kummissjoni fid-Deċiżjoni 93/82, meta r-rikorrenti, min-naħa tagħha, kellha tali diffkultajiet.

    88

    F’dawn il-kundizzjonijiet, l-“unika ġustifikazzjoni”, mogħtija fil-premessa 88 tad-deċiżjoni kkontestata, insostenn tan-nuqqas ta’ impożizzjoni ta’ multa fuq CMDC, li tipprovdi li ebda membru ieħor ta’ Cewal “ma seta’ jallega li kien f’sitwazzjoni identika għal dik ta’ CMZ […] [li] kellha tinfired mill-vapuri tagħha u ma kinitx għadha involuta fit-trasport marittimu”, mhijiex konvinċenti. Fil-fatt, hija r-rikorrenti li attwalment issib ruħha f’sitwazzjoni fejn m’għandhiex iktar vapuri u fejn m’għadhiex topera trasport marittimu. Ir-raġunament tal-Kummissjoni jiġġustifika għalhekk, għall-kuntrarju, li tkun preċiżament CMDC li tħallas il-multa u mhux ir-rikorrenti.

    89

    Ir-rikorrenti ssostni, barra minn dan, li l-Kummissjoni aċċettat li ħadet is-sena 2003 bħala s-sena ta’ riferiment għall-iffissar tal-ammont tal-multa, pjuttost milli s-sena 1992. F’dawn il-kundizzjonijiet, il-Kummissjoni kien imissha eżaminat in-natura diskrimintorja tal-multa fl-2004 u kien imissha ħadet inkunsiderazzjoni l-fatt li CMDC hija attwalment attiva fil-qasam inkwistjoni u m’għadx għandha d-diffikultajiet li kienu wasslu lill-Kummissjoni sabiex ma timponix multa fuqha fid-Deċiżjoni 93/82.

    90

    Bl-istess mod, il-Kummissjoni ma tistax validament tinvoka s-sentenza CMB tal-Qorti tal-Prim’Istanza, li ddeċidiet fuq is-sitwazzjoni fl-1992, sabiex twarrab l-ilment dwar it-trattament ugwali. Bil-kontra, applikat għall-każ tar-rikorrenti fl-2004, il-punt 237 tas-sentenza CMB tal-Qorti tal-Prim’Istanza għandu jwassal sabiex ir-rikorrenti tiġi eżonerata minn kull multa peress li din tal-aħħar m’għadhiex teżerċita l-attività inkwistjoni.

    91

    Il-Kummissjoni tikkontesta dawn l-argumenti.

    — Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

    92

    Għandu jiġi mfakkar li, skont ġurisprudenza kostanti, il-prinċipju ta’ trattament ugwali jinkiser biss meta sitwazzjonijiet komparabbli jiġu ttrattati b’mod differenti jew meta sitwazzjonijiet differenti jiġu ttrattati b’mod identiku, sakemm tali trattament ma jkunx oġġettivament iġġustifikat (sentenzi tal-Qorti tal-Prim’Istanza tad-29 ta’ Novembru 2005, Union Pigments vs Il-Kummissjoni, T-62/02, Ġabra p. II-5057, punti 155 u 156; tas-, Brouwerij Haacht vs Il-Kummissjoni, T-48/02, Ġabra p. II-5259, punt 108, u tal-, Westfalen Gassen Nederland vs Il-Kummissjoni, T-303/02, Ġabra p. II-4567, punt 152).

    93

    F’din il-kawża, ir-rikorrenti tallega li ġiet diskriminata meta mqabbla ma’ l-impriżi l-oħra membri ta’ Cewal, u, b’mod partikolari, meta mqabbla ma’ CMDC, li, għalkemm meta ġiet adottata d-deċiżjoni kkontestata kienet f’sitwazzjoni allegatament simili għal tagħha meta ġiet adottata d-Deċiżjoni 93/82, ebda multa ma ġiet imposta fuqha.

    94

    F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Prim’Istanza tfakkar li, meta impriża, bl-aġir tagħha stess, tkun kisret l-Artikolu 82 KE, hija ma tistax tevita kull sanzjoni għar-raġuni li operaturi ekonomiċi oħra ma ngħatawx multa, meta, bħal f’dan il-każ, is-sitwazzjoni ta’ dawn l-aħħar ma tkunx tressqet quddiem il-qorti Komunitarja (ara, rigward impriżi li kisru l-Artikolu 81 KE, is-sentenzi Ahlström Osaheyhtiö et vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 197; Nederlandse Federatieve Vereniging voor de Groothandel op Elektrotechnisch Gebied u Technische Unie vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 430, u Peróxidos Orgánicos vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 77).

    95

    Fi kwalunkwe każ, għandu jiġi kkunsidrat li, fl-eżerċizzju tal-ġurisdizzjoni sħiħa tagħha b’applikazzjoni tal-Artikolu 21 tar-Regolament Nru 4056/86, fis-sens tal-Artikolu 229 KE, il-Qorti tal-Prim’Istanza ma għandhiex tnaqqas l-ammont tal-multa imposta fuq ir-rikorrenti sabiex tieħu inkunsiderazzjoni l-allegata diskriminazzjoni subita minn dan tal-aħħar meta mqabbla ma’ CMDC.

    96

    Fil-fatt, minn naħa, ma jistax jiġi kkunsidrat li r-rikorrenti u CMZ kienu jinsabu f’sitwazzjonijiet komparabbli meta ġiet adottata d-Deċiżjoni 93/82. F’dan ir-rigward, huwa biżżejjed li jiġi mfakkar li l-grad ta’ parteċipazzjoni tar-rikorrenti fil-ksur kien iktar importanti. Barra minn dan, is-sitwazzjoni finanzjarja u kummerċjali ta’ CMZ kienet nettament distinta minn dik tar-rikorrenti meta ġiet adottata d-Deċiżjoni 93/82, hekk li l-Kummissjoni ma kisritx il-prinċipju ta’ ugwaljanza meta imponiet multa iktar għolja fuq ir-rikorrenti milli fuq il-membri l-oħra ta’ Cewal u meta ma imponietx multa fuq CMZ.

    97

    Min-naħa l-oħra, ix-xebh tas-sitwazzjonijiet li tibbaża fuqu r-rikorrenti fil-kuntest tal-preżenti motiv huwa marbut ma’ bidla fis-sitwazzjoni tagħha stess, li ġrat wara l-konstatazzjoni tal-ksur fid-Deċiżjoni 93/82. Issa, tali bidla ma setgħetx tittieħed inkunsiderazzjoni fid-deċiżjoni kkontestata, li hija intiża li tissanzjona finanzjarjament il-ksur ikkonstatat definittivament fid-Deċiżjoni 93/82. Huwa biss għall-għanijiet tal-osservanza tal-livell massimu ta’ 10 % tad-dħul mill-bejgħ, skont l-Artikolu 19(2) tar-Regolament Nru 4056/86, miksub fis-sena finanzjarja qabel id-deċiżjoni kkontestata, li l-Kummissjoni kienet marbuta li tieħu inkunsiderazzjoni s-sitwazzjoni ġdida tar-rikorrenti, kif wara kollox għamlet (premessa 111 tad-deċiżjoni kkontestata).

    98

    Il-ħames motiv għandu għalhekk jiġi miċħud bħala infondat.

    Fuq is-sitt motiv, ibbażat fuq in-natura sproporzjonata tal-multa

    — L-argumenti tal-partijiet

    99

    Insostenn tal-preżenti motiv, ir-rikorrenti essenzjalment issostni erba’ motivi.

    100

    L-ewwel nett, il-ksur ikkonstatati mhumiex gravi. F’dan ir-rigward, il-parti tas-suq ta’ Cewal kienet naqset, tnaqqis li minnu bbenefikat il-parti tas-suq tal-kompetitur, matul il-perijodu li fih allegatament twettqu l-abbużi, Cewal ġiet akkużata li kellha prezzijiet baxxi wisq, u mhux prezzijiet għolja wisq, u s-suq inkwistjoni kien “mikroskopiku”.

    101

    It-tieni nett, ir-rikorrenti ssostni li, fiha nfisha, in-natura ġdida tal-kundanna għal abbuż minn pożizzjoni dominanti kollettiva kienet timponi, skont il-prassi normali tal-Kummissjoni li hija għal kollox kuntrarja u skont il-ġurisprudenza, li tiġi imposta biss multa simbolika. Ir-rikorrenti tinsisti wkoll fuq in-natura ġdida, dejjem sa din il-ġurnata, tal-allegati abbużi, jiġifieri, fis-sustanza, li l-abbuż marbut mal-ftehim ma’ l-Ogefrem huwa l-ewwel każ ta’ abbuż li għandu l-forma ta’ pressjoni fuq gvern barrani, li l-abbuż marbut mal-prassi ta’ vapuri tal-ġlied jimplika estensjoni tal-kunċett ta’ prezzijiet predatorji u li t-tnaqqis ta’ lealtà jqajjem probelma ġdida ta’ interpretazzjoni tar-Regolament Nru 4056/86.

    102

    It-tielet nett, ir-rikorrenti kienet ikkooperat mal-Kummissjoni bħala membru ta’ Cewal. Fil-fatt, Cewal kienet temmet l-abbużi diversi xhur qabel ma ntbagħtet id-DO 1990 u kienet ukoll ippruvat tgħin b’mod attiv lill-Kummissjoni fil-kunflitt ta’ leġiżlazzjonijiet bejn il-Komunità Ewropea, l-Organizzazzjoni għall-Kooperazzjoni Ekonomika u l-Iżvilupp (OECD), u l-pajjiżi tal-Afrika tal-Punent u Ċentrali. Din l-attitudni ta’ kooperazzjoni kellha tiġi kkunsidrata bħala ċirkustanza attenwanti skont il-linji gwida dwar il-metodi tal-kalkoli tal-multi mposti skont l-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17 u tal-Artikolu 65(5) tat-Trattat KEFA (ĠU 1998, C 9, p. 3, iktar ’il quddiem il-“linji gwida”).

    103

    Ir-raba’ nett, fl-aħħar nett, il-kalkolu tal-multa skont it-tul tal-ksur huwa żbaljat. Minħabba li t-tul tal-abbużi “kien ivarja bejn sena u nofs u sentejn”, ir-rikorrenti ma tistax tifhem għaliex il-Kummissjoni żiedet mingħajr ġustifikazzjoni l-ammonti tal-multa bi 15 jew 20 % skont l-abbużi, mill-ewwel sena tal-ksur, jiġifieri b’mod “nettament iktar sinjifikattiv” minn dak li huwa awtorizzat mill-prassi tal-Kummissjoni u mil-linji gwida.

    104

    Il-Kummissjoni tiċħad dawn l-argumenti.

    105

    Rigward, fl-ewwel lok, in-natura gravi tal-abbużi, il-Kummissjoni tqis li t-tnaqqis tal-parti tas-suq ta’ Cewal matul il-perijodu li fih twettqu l-ksur, marbut maż-żieda fil-parti tal-kompetitur, ma jistax idaħħal inkwistjoni l-evalwazzjoni tagħha, ibbażata prinċipalment mhux fuq il-parti tas-suq ta’ Cewal, iżda fuq diversi elementi oħrajn, fosthom ir-rati ta’ ġarr normali, applikati barra l-prassi ta’ vapuri tal-ġlied, li huma ogħla mill-ispejjeż tal-membri u huma xhieda ta’ kompetizzjoni dgħajfa. Il-Kummissjoni tfakkar li, fi kwalunkwe każ, is-sentenza CMB tal-Qorti tal-Prim’Istanza kkonfermat in-natura gravi tal-ksur.

    106

    F’dak li jikkonċerna, fit-tieni lok, in-natura allegatament ġdida tal-kundanna għal abbuż minn pożizzjoni dominanti kollettiva kkonstatata fid-Deċiżjoni 93/82 u l-projbizzjoni li tirriżulta minnha, skont il-ġurisprudenza, li tiġi imposta multa, il-Kummissjoni tfakkar l-ewwel nett is-sentenza CMB tal-Qorti tal-Prim’Istanza, li tgħid li kien leġittimu li ma titteħidx inkunsiderazzjoni l-imsemmija natura allegatament ġdida tal-kunċett ta’ pożizzjoni dominanti kollettiva, peress li l-għan tal-abbużi kkonstatati ma kien ta’ ebda natura ġdida fid-dritt tal-kompetizzjoni. Il-Kummissjoni tfakkar ukoll li s-sentenza CMB tal-Qorti tal-Ġustizzja eskludiet b’mod ċar li l-prassi kkundannati fid-Deċiżjoni 93/82 jikkostitwixxu d-definizzjoni ta’ prassi abbużiva ġdida.

    107

    F’dak li jikkonċerna, fit-tielet lok, l-argument tar-rikorrenti dwar l-attitudni allegatament kooperattiva tagħha, u l-ewwel nett il-fatt li Cewal temmet malajr l-abbużi, il-Kummissjoni ssostni li l-linji gwida jirreferu biss għall-prassi tal-Kummissjoni fejn jidħlu multi imposti b’applikazzjoni tal-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17 u tal-Artikolu 65(5) tat-Trattat KEFA, u mhux għall-multi imposti b’applikazzjoni tal-Artikolu 19(2) tar-Regolament Nru 4056/86. Madankollu, jekk jitqies li jista’ jkun hemm applikazzjoni b’analoġija tal-linji gwida f’din il-kawża, iċ-ċirkustanza attenwanti ma tistax tiġi invokata mir-rikorrenti f’din il-kawża sa fejn il-waqfien volontarju tal-ksur qabel il-ftuħ tal-investigazzjoni tal-Kummissjoni kien diġà ttieħed inkunsiderazzjoni b’mod suffiċjenti fil-kalkolu tat-tul tal-perijodu tal-ksur u sa fejn impriża tista’ tinvoka t-tielet inċiż tal-punt 3 tal-linji gwida fil-każ biss fejn il-waqfien tal-aġir illegali tagħha kien inkoraġġit mill-interventi tal-Kummissjoni (sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tad-29 ta’ April 2004, Tokai Carbon et vs Il-Kummissjoni, T-236/01, T-239/01, T-244/01 sa T-246/01, T-251/01 u T-252/01, Ġabra p. II-1181, punt 341). F’dak li jirrigwarda l-argument relattiv għall-għajnuna li ngħatat mir-rikorrenti lill-Kummissjoni fil-kuntest tal-kunflitt ta’ leġiżlazzjonijiet, il-Kummissjoni tirribatti dan l-argument billi tirreferi għas-sentenza CMB tal-Qorti tal-Prim’Istanza.

    108

    F’dak li jikkonċerna, fl-aħħar nett, l-argument tar-rikorrenti dwar it-tul tal-ksur, il-Kummissjoni tqis li, jekk jitqies li l-linji gwida huma applikabbli, iż-żieda fl-ammont tal-multa tista’ tkun, b’applikazzjoni tal-punt 1 B tal-linji gwida, sa 50 % fil-każ ta’ ksur ta’ tul medju (minn sena sa ħames snin b’mod ġenerali), u dan ifisser li jista’ jkun żieda ta’ 10 % fis-sena, inklużi wkoll l-ewwel tnax-il xahar tal-ksur. Il-Kummissjoni tippreċiża li tali żieda hija l-prassi kostanti tagħha.

    — Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

    109

    B’mod preliminari, għandu jiġi mfakkar li, kuntrarjament għal dak li ssostni l-Kummissjoni, il-linji gwida huma applikabbli b’analoġija għall-ksur tar-regoli ta’ trasport li jkunu ġew ikkonstatati u ppenalizzati b’applikazzjoni tar-Regolament Nru 4056/86 u, għalhekk, għall-kawża preżenti (sentenzi tal-Qorti tal-Prim’Istanza CMA CGM et vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 242; tal-11 ta’ Diċembru 2003, Minoan Lines vs Il-Kummissjoni, T-66/99, Ġabra p. II-5515, punt 270, u Strintzis Lines Shipping vs Il-Kummissjoni, T-65/99, Ġabra p. II-5433, punt 158; ara wkoll, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tat-, Atlantic Container Line et vs Il-Kummissjoni, T-191/98, T-212/98 sa T-214/98, Ġabra p. II-3275, punti 1525, 1528 u 1571).

    110

    Barra minn dan, il-fatt li l-Qorti tal-Ġustizzja, fis-sentenza CMB tagħha, annullat l-Artikoli 6 u 7 tad-dispożittiv tad-Deċiżjoni 93/82 minħabba l-motiv proċedurali waħdieni li l-impriżi li fuqhom kienet imposta multa skont il-grad ta’ parteċipazzjoni tagħhom fil-ksur ma kinux destinatarji tad-DO 1990 li kienet identifikat biss lil Cewal bħala destinatarja potenzjali tal-multa, mhuwiex ta’ xkiel għall-validità tal-partijiet tad-Deċiżjoni 93/82 dwar il-karatteristiċi tal-abbużi mwettqa minn Cewal, inklużi dawk li jistgħu jittieħdu inkunsiderazzjoni fil-kalkolu tal-multa imposta fuq ir-rikorrenti. Fil-ġurisdizzjoni sħiħa tagħha b’applikazzjoni tal-Artikolu 21 tar-Regolament Nru 4056/86, fis-sens tal-Artikolu 229 KE, sabiex tevalwa l-ammont tal-multa imposta fuq ir-rikorrenti fid-deċiżjoni kkontestata, il-Qorti tal-Prim’Istanza tista’ għalhekk tirreferi għaliha b’mod validu.

    Fuq il-gravità tal-abbużi

    111

    Għandu jiġi mfakkar li fid-Deċiżjoni 93/82 (premessi 102 u 103) il-Kummissjoni kkunsidrat li l-abbużi inkwistjoni kienu gravi u intenzjonati. Mill-bqija, fid-DO 2003 (premessi 31 sa 61) u mbagħad fid-deċiżjoni kkontestata (premessi 67 sa 84), il-Kummissjoni kompliet tikkunsidra l-abbużi inkwistjoni bħala ksur gravi. Hija tqis b’mod partikolari li s-suq kollu (traffiku ta’ linja marittima bejn il-Baħar tat-Tramuntana u l-Kongo) kien affettwat minn dawn l-abbużi.

    112

    Għandu jiġi mfakkar ukoll li fil-kuntest tat-talbiet prinċipali tagħha intiżi għall-annullament tad-Deċiżjoni 93/82, ir-rikorrenti kkontestat l-eżistenza ta’ ksur fis-sens tal-Artikoli 81 KE u 82 KE, il-kwalifika bħala pożizzjoni dominanti kollettiva tal-membri ta’ Cewal kif ukoll in-natura abbużiva tal-prassi marbuta mal-vapuri tal-ġlied u mal-kuntratti ta’ lealtà. Hija madankollu ma ċaħditx li l-prassi inkwistjoni kienu ġew implementati sabiex jiġi eliminat l-uniku kompetitur preżenti fis-suq, hekk li r-rikorrenti ma għandha ebda bażi sabiex tikkontesta n-natura intezjonata u gravi tal-abbużi inkwistjoni.

    113

    Għalhekk hemm lok li jiġi miċħud l-ilment ibbażat fuq in-nuqqas ta’ gravità tal-abbużi inkwistjoni.

    Fuq in-natura allegatament ġdida tal-ksur

    114

    Għandu jiġi mfakkar li, fid-Deċiżjoni 93/82 (premessi 116 sa 119), il-Kummissjoni kkunsidrat li l-abbużi inkwistjoni ma kinux ta’ natura ġdida u li tnaqqis fil-multa ma kienx ġustifikat. Fis-sentenza CMB tagħha (punt 248), il-Qorti tal-Prim’Istanza ddeċidiet li l-ksur inkwistjoni ma kinux ta’ natura ġdida. L-imsemmija evalwazzjoni ġiet espressament ikkunsidrata bħala valida mill-Qorti tal-Ġustizzja f’dak li jikkonċerna l-prassi tal-vapuri tal-ġlied (sentenza CMB tal-Qorti tal-Ġustizzja, punt 120).

    115

    Fid-DO 2003 (premessi 63 sa 67) u mbagħad fid-deċiżjoni kkontestata (premessi 101 sa 106), il-Kummissjoni żammet l-approċċ inizjali tagħha.

    116

    Il-Qorti tal-Prim’Istanza tikkunsidra għalhekk li m’hemm ebda raġuni li twarrab l-evalwazzjoni preċedenti tagħha. Għandu fil-fatt jiġi kkonstatat li l-għan tal-prassi abbużivi kkonstatati, jiġifieri l-eliminazzjoni tal-uniku kompetitur fis-suq, mhuwiex ta’ natura ġdida fid-dritt tal-kompetizzjoni.

    117

    Għalhekk, l-ilment ibbażat fuq in-natura allegatament ġdida tal-ksur inkwistjoni għandu jiġi miċħud.

    Fuq l-allegata kooperazzjoni mal-Kummissjoni

    118

    Rigward, l-ewwel nett, l-għajnuna allegatament mogħtija minn Cewal lill-Kummissjoni fin-negozjati ma’ l-Istati terzi jew ma’ l-OCDE, għandu jiġi kkonstat li, fis-sentenza CMB tagħha (punt 239), il-Qorti tal-Prim’Istanza ddeċidiet li tali għajnuna ma kellha l-ebda effett fuq l-ammont tal-multa imposta minħabba tliet ksur tal-Artikolu 82 KE.

    119

    F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Prim’Istanza tikkunsidra li ma hemm ebda raġuni li twarrab l-evalwazzjoni preċedenti tagħha.

    120

    F’dak li jikkonċerna, it-tieni nett, l-allegata kooperazzjoni tar-rikorrenti dwar il-waqfien tal-ksur, wara l-ewwel interventi tal-Kummissjoni, għandu jiġi mfakkar li, skont ġurisprudenza kostanti, il-Kummissjoni ma tistax tkun obbligata, bħala regola ġenerali, la li tikkunsidra t-tkomplija tal-ksur bħala ċirkustanza aggravanti u lanqas li tikkunsidra l-waqfien tal-ksur bħala ċirkustanza attenwanti (sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-20 ta’ Marzu 2002, ABB Asea Brown Boveri vs Il-Kummissjoni, T-31/99, Ġabra p. II-1881, punt 213). Fil-fatt, it-tnaqqis ikun applikat darbtejn meta jittieħed inkunsiderazzjoni t-tul tal-ksur fil-kalkolu tal-multi. Għalhekk, il-Kummissjoni b’ebda mod ma tista’ tkun obbligata tagħti, fil-kuntest tas-setgħa diskrezzjonali tagħha, tnaqqis fil-multa għall-waqfien ta’ ksur manifest, irrispettivament minn jekk dan il-waqfien sarx qabel jew wara l-interventi tagħha.

    121

    Għalhekk hemm lok li jiġi miċħud l-ilment ibbażat fuq l-allegata kooperazzjoni tar-rikorrenti mal-Kummissjoni.

    Fuq it-tul tal-ksur

    122

    Preliminarjament, għandu jiġi mfakkar li, skont id-Deċiżjoni 93/82 u, fejn ikun il-każ, skont il-konstatazzjonijiet magħmula mill-Qorti tal-Prim’Istanza fis-sentenza CMB tagħha (punti 241 u 242), il-ftehim ma’ l-Ogefrem ikkostitwixxa ksur mid-dħul fis-seħħ tar-Regolament Nru 4056/86, jiġifieri mill-1 ta’ Lulju 1987, sal-aħħar ta’ Settembru 1989, jiġifieri għal perijodu ta’ sentejn u tliet xhur. Il-ksur marbut mal-ftehim ta’ lealtà seħħ mill- sal-aħħar ta’ Novembru 1989, jiġifieri għal perijodu ta’ sentejn u ħames xhur. Fl-aħħar nett, l-abbuż marbut mal-prassi tal-vapuri tal-ġlied seħħ minn Mejju 1988 sal-aħħar ta’ Novembru 1989, jiġifieri għal perijodu ta’ sena u nofs.

    123

    L-abbużi inkwistjoni jaqgħu fil-kategorija ta’ ksur ta’ tul medju (minn sena sa ħames snin) fis-sens tal-linji gwida. F’dan ir-rigward, mill-punt 1 B tal-linji gwida jirriżulta li għall-ksur ta’ dan il-tul, l-ammont addizzjonali tal-multa minħabba t-tul tal-ksur jista’ jkun sa 50 % tal-ammont adottat għall-gravità tal-ksur.

    124

    Il-linji gwida ma jgħidu xejn dwar il-kwistjoni jekk l-ewwel sena ta’ ksur tiġġustifikax żieda ta’ 10 % tal-ammont tal-multa adottat għall-gravità tal-ksur. F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Prim’Istanza ddeċidiet li, fid-dawl tal-punt 1 B tal-linji gwida, jidher li t-tul qasir ħafna ta’ ksur — jiġifieri tul ta’ inqas minn sena — jiġġustifika biss li ebda ammont addizzjonali ma jiġi inkluż ma’ l-ammont iddeterminat skont il-gravità tal-ksur (sentenza CMA CGM et vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il, fuq, punt 283).

    125

    Minn dan jirriżulta a contrario senso li, peress li l-abbużi inkwistjoni kellhom tul ta’ iktar minn sena, il-Kummissjoni ġustament ikkunsidrat b’mod impliċitu fid-deċiżjoni kkontestata li kull sena sħiħa ta’ ksur setgħet twassal għal żieda ta’ 10 % tal-ammont adottat għall-gravità tal-ksur u li, anqas minn sena sħiħa, kull perijodu ta’ iktar min sitt xhur seta’ jiġġustifika żieda ta’ 5 %.

    126

    L-ammonti tal-multa addizzjonali ta’ 20 % għall-ftehim ma’ l-Ogefrem u l-ftehim ta’ lealtà u ta’ 15 % għall-abbużi marbuta mal-vapuri tal-ġlied huma għalhekk ġustifikati.

    127

    Għalhekk, l-ilment ibbażat fuq żieda mhux dovuta tal-ammont tal-multa fir-rigward tat-tul tal-ksur għandu jiġi miċħud.

    128

    Minn dak li ngħad qabel jirriżulta li s-sitt motiv għandu jiġi miċħud bħala infondat.

    Fuq is-seba’ motiv, ibbażat fuq ksur tal-prassi abitwali tal-Kummissjoni

    — L-argumenti tal-partijiet

    129

    Ir-rikorrenti essenzjalment issostni li fil-kawżi ta’ konferenzi ta’ linji marittimi, apparti l-preżenti kawża, il-Kummissjoni dejjem ibbażat il-multa fuq id-dħul mill-bejgħ dinji tal-impriżi kkonċernati fil-qasam tat-trasport marittimu ta’ linja, miksub fis-sena finanzjarja qabel is-sena li fiha ttieħdet id-deċiżjoni li timponi l-multa. Issa, il-Kummissjoni b’mod inspjegabbli ma mxietx ma’ din il-prassi, mingħajr ma pprovdiet bażi oġġettiva u mhux diskriminatorja għall-impożizzjoni tal-multa. Hija tallega barra minn dan li l-Kummissjoni ma mxietx ma’ l-indikazzjonijiet mogħtija fid-DO 2003 u li l-għażla tas-sena 1991, pjuttost milli s-sena 2003, hija partikolarment arbitrarja (sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tas-6 ta’ April 1995, Boël vs Il-Kummissjoni, T-142/89, Ġabra p. II-867, punt 133) u mhux motivata.

    130

    Il-Kummissjoni tfakkar li wara l-adozzjoni tal-linji gwida fl-1998, l-ammont tal-multa ma baqax jiġi kkalkolat skont id-dħul mill-bejgħ tal-impriża li tkun wettqet il-ksur. F’dan ir-rigward, id-deċiżjoni kkontestata ma kinitx effettivament ibbażata fuq id-dħul mill-bejgħ tar-rikorrenti sabiex jiġi kkalkolat l-ammont tal-multa, iżda fuq l-elementi l-oħra kollha indikati fid-DO 2003. Barra minn dan, l-għażla tas-sena ta’ riferiment m’għandha ebda importanza sa fejn, fiż-żewġ każijiet, il-livell ta’ 10 % tad-dħul mill-bejgħ tar-rikorrenti ma nqabiżx.

    — Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

    131

    Għandu jiġi mfakkar li l-Kummissjoni mhijiex obbligata, meta tiddetermina l-ammont tal-multi skont il-gravità u t-tul tal-ksur inkwistjoni, li tagħmel il-kalkolu tagħha tal-multa billi titlaq minn ammonti bbażati fuq id-dħul mill-bejgħ tal-impriżi kkonċernati (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-28 ta’ Ġunju 2005, Dansk Rørindustri et vs Il-Kummissjoni, C-189/02 P, C-202/02 P, C-205/02 P sa C-208/02 P u C-213/02 P, Ġabra p. I-5425, punt 255, u s-sentenza Bolloré et vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punti 484 u 496).

    132

    Barra minn dan, għandu jiġi rrilevat li l-Kummissjoni mhijiex marbuta bid-deċiżjonijiet preċedenti tagħha, u dan anqas u anqas meta d-deċiżjonijiet invokati jkunu preċedenti għall-applikazzjoni tal-linji gwida (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Bolloré et vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 650). Fi kwalunkwe każ, il-prassi preċedenti tal-Kummissjoni mhijiex fiha nfisha qafas legali għall-multi dwar il-kompetizzjoni, peress li dan il-qafas legali huwa ddefinit fir-Regolament Nru 4056/86 biss (is-sentenza Tokai Carbon et vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 191, mogħtija fil-kuntest tal-applikazzjoni tar-Regolament Nru 17 u applikabbli f’din il-kawża b’analoġija).

    133

    Il-Kummissjoni setgħet għalhekk ġustament ma timxix mal-prassi preċedenti tagħha u ma tieħux inkunsiderazzjoni d-dħul mill-bejgħ tar-rikorrenti sabiex tikkalkola l-ammont tal-multa, u dan iktar u iktar meta hija għandha setgħa diskrezzjonali wiesgħa fir-rigward tal-iffissar tal-ammont tal-multi sabiex tidderiġi l-aġir tal-impriżi lejn l-osservazzjoni tar-regoli ta’ kompetizzjoni (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenza Dansk Rørindustri et vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 172, u s-sentenza Cheil Jedang vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 60, u l-ġurisprudenza ċċitata).

    134

    Għandu jiġi kkonstatat barra minn dan li l-għażla tas-sena ta’ riferiment hija newtrali għall-għanijiet tal-kalkolu tal-livell massimu ta’ 10 % tad-dħul mill-bejgħ li ma għandux jinqabeż, peress li, fid-dawl taċ-ċifri mogħtija fid-deċiżjoni kkontestata u mhux diskussi mir-rikorrenti, l-ammont tal-multa imposta jibqa’ anqas minn dan il-livell massimu fid-dawl tad-dħul mill-bejgħ tar-ikorrenti, kemm fir-rigward ta’ dak tal-1991 kif ukoll ta’ dak tal-2003.

    135

    Minn dan isegwi li s-seba’ motiv għandu jiġi miċħud bħala infondat.

    Fuq it-tmien motiv, ibbażat fuq abbuż ta’ poter

    — L-argumenti tal-partijiet

    136

    Ir-rikorrenti essenzjalment issostni li n-nuqqas li tiġi imposta multa fuq CMDC jista’ jiġi spjegat biss permezz ta’ raġunijiet politiċi, li m’għandhomx x’jaqsmu mad-dritt Komunitarju tal-kompetizzjoni, li huma intiżi, mingħajr ma jkun attakkat direttament iż-Żaire (li sar ir-Repubblika tal-Kongo) permezz ta’ CMZ, li hija kkontrollata 100 % mill-Istat taż-Żaire, li tiġi eliminata s-sistema taż-Żaire ta’ allokazzjoni tal-merkanzija. Diversi elementi jsostnu din it-teżi, bħall-kundizzjonijiet tal-ftuħ tal-proċedura li wasslet għall-adozzjoni tad-Deċiżjoni 93/82, wara ilmenti dwar il-leġiżlazzjoni taż-Żaire u wara l-falliment ta’ ċerti negozjati tal-Komunità maż-Żaire fil-kuntest ta’ kunflitt antik dwar l-interpretazzjoni tal-Kodiċi tal-Konferenza tal-Ġnus Magħquda fuq il-Kummerċ u l-Iżvilupp (UNCTAD). Fid-Deċiżjoni 92/262/KEE tagħha, tal-1 ta’ April 1992, dwar proċedura skont l-Artikoli 85 u 86 tat-Trattat KEE (IV/32.450 — Kumitati tal-armaturi Franċiżi u mill-Afrika tal-Punent) (ĠU L 134, p. 1), adottata parallellament mad-Deċiżjoni 93/82, il-Kummissjoni lanqas ma imponiet multa f’dak li jikkonċerna l-linji ta’ trasport Afrikani. Persuni f’pożizzjonijiet ta’ awtorità, nazzjonali jew tal-Kummissjoni, barra minn dan kienu ddikjaraw, qabel l-adozzjoni tad-Deċiżjoni 93/82, rispettivament, li d-dritt tal-kompetizzjoni ma kienx l-aħjar mezz sabiex tinstab soluzzjoni għall-kwistjoni tat-trasport tal-merkanzija fl-Afrika u li kien ikun hemm problema politika jekk CMZ tiġi kkundannata tħallas multa. Fl-aħħar nett, hija tikkontesta li l-Kummissjoni tista’ tinvoka s-sentenza CMB tal-Qorti tal-Prim’Istanza, peress li l-motiv dwar l-abbuż ta’ poter kien diġà ġie deċiż f’dak iż-żmien bħala li kien “kompletament motiv ieħor”. F’dawn il-kundizzjonijiet, id-deċiżjoni kkontestata ġiet adottata għal għan differenti minn dak iddikjarat (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-, Fedesa et, C-331/88, Ġabra p. I-4023).

    137

    Il-Kummissjoni tindika li ma tarax, fin-nuqqas ta’ impożizzjoni ta’ multa fuq CMDC, indizji ta’ abbuż ta’ poter u tirreferi għas-sentenza CMB tal-Qorti tal-Prim’Istanza li kienet warrbet motiv identiku. Il-Kummissjoni tenfasizza li l-argumenti tar-rikorrenti fil-kuntest tal-preżenti motiv jirrigwardaw fatti preċedenti għad-Deċiżjoni 93/82 u huma intiżi fir-realtà li jikkontestaw mill-ġdid il-fondatezza tal-imsemmija deċiżjoni. Għandu jiġi nnotat f’dan ir-rigward li r-rikorrenti lanqas biss ma ppruvat tivverifika jekk il-leġiżlazzjoni tal-Kongo, li, skont it-teżi, id-deċiżjoni kkontestata kienet intiża li ddur magħha, kinitx għadha fis-seħħ meta ġiet adottata din tal-aħħar.

    — Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

    138

    Għandu jiġi mfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, deċiżjoni hija vvizzjata minn abbuż ta’ poter biss meta tidher, abbażi ta’ indizji oġġettivi, rilevanti u koerenti, li ttieħdet bl-għan esklużiv, jew almenu determinati, li jintlaħqu għanijiet differenti minn dawk iddikjarati (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-25 ta’ Jannar 2007, Dalmine vs Il-Kuummissjoni, C-407/04 P, Ġabra p. I-829, punt 99, u s-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tas-, Ferriere Nord vs Il-Kummissjoni, T-143/89, Ġabra p. II-917, punt 68).

    139

    Għandu jiġi mfakkar ukoll li l-Qorti tal-Prim’Istanza, fil-punt 238 tas-sentenza CMB tagħha, ċaħdet l-argument ibbażat fuq abbuż ta’ poter. Fil-preżenti kawża, ir-rikorrenti b’ebda mod ma ġabet il-prova tal-allegazzjoni tagħha li l-argument li fuqu l-Qorti tal-Prim’Istanza ddeċidiet fis-sentenza CMB tagħha kien għal kollox differenti minn dak li hija ssostni hawnhekk. Bil-kontra, l-argumenti insostenn tal-motiv imqajjem f’din il-kawża jidhru li fil-biċċa l-kbira jaqblu ma’ dak suġġett għall-evalwazzjoni tal-Qorti tal-Prim’Istanza fl-1993 u marbut mad-Deċiżjoni 92/262. Fi kwalunkwe każ, kif il-Qorti tal-Prim’Istanza kkonstatat iktar ’il fuq fil-kuntest tal-eżami tal-ħames motiv (ara l-punt 96 iktar ’il fuq), il-Kummissjoni setgħet ġustament ma timponix multa fuq CMZ fid-Deċiżjoni 93/82 minħabba li s-sitwazzjoni kummerċjali u finanzjarja tagħha kienet differenti minn dik tal-parteċipanti l-oħrajn fil-ksur f’dak iż-żmien. Mill-bqija, anki jekk huwa minnu li l-investigazzjoni li kienet wasslet għall-adozzjoni tad-Deċiżjoni 93/82 infetħet mill-Kummissjoni wara l-falliment ta’ ċerti negozjati li saru b’mezzi diplomatiċi, il-fatt li l-Komunità kienet l-ewwel ħadet din il-linja mingħajr suċċess ma jwaqqafx lill-Kummissjoni milli teżerċita l-kompetenzi tagħha dwar il-kompetizzjoni.

    140

    Fi kwalunkwe każ, mill-istruttura u t-test tad-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li din tal-aħħar ġiet adottata sabiex tagħmel tajjeb għall-annullament, permezz tas-sentenza CMB tal-Qorti tal-Ġustizzja, tal-multa inizjalment imposta fuq ir-rikorrenti fid-Deċiżjoni 93/82 minħabba ksur tal-Artikolu 82 KE li hija kienet wettqet. Ma jidhirx li l-allegati raġunijiet wara l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata mogħtija mir-rikorrenti, riprodotti fil-punt 136 iktar ’il fuq, li huma kollha preċedenti għall-adozzjoni tad-Deċiżjoni 93/82, jikkostitwixxu l-motivi reali tal-adozzjoni tagħha, hekk li n-nuqqas ta’ impożizzjoni ta’ multa fuq CMDC ma jikkostitwixxix abbuż ta’ poter.

    141

    It-tmien motiv għandu għalhekk jiġi miċħud bħala infondat, u, għalhekk, ir-rikors kollu kemm hu.

    Fuq l-ispejjeż

    142

    Skont l-Artikolu 87(2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Prim’Istanza, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba. B’applikazzjoni tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 87(3), il-Qorti tal-Prim’Istanza tista’ tikkundanna lil parti, anki jekk rebbieħa, sabiex tħallas lura lill-parti l-oħra l-ispejjeż li hija tkun ikkawżatilha u li l-Qorti tal-Prim’Istanza tqis fiergħa jew vessatorji.

    143

    Huwa minnu li ġie deċiż li l-Kummissjoni ma kinitx wettqet ksur tal-prinċipju ta’ terminu raġonevoli (ara l-punti 39 sa 47 iktar ’il fuq). Madankollu għandu jiġi mfakkar li l-Kummissjoni damet ma reġgħet fetħet il-proċedura amministrattiva. Fil-fatt, kien hemm madwar sebgħa u tletin xahar, jiġifieri iktar minn tliet snin, bejn is-sentenza CMB tal-Qorti tal-Ġustizzja (16 ta’ Marzu 2000) u d-DO 2003 (). Issa, peress li l-Kummissjoni ma reġgħetx fetħet il-proċedura f’dak li jikkonċerna l-konstatazzjoni tal-ksur, il-preparazzjoni tad-DO 2003, dokument li għandu tnax-il paġna biss, ma involvitx xogħol fit-tul. Fil-fatt, l-uniċi partijiet li kellhom jiġu fformulati kienu silta fuq is-suġġett tal-ftuħ mill-ġdid tal-proċedura, ġabra fil-qosor tal-ksur ikkonstatati fid-Deċiżjoni 93/82, kif iddikjarati validi mis-sentenza CMB tal-Qorti tal-Ġustizzja u mis-sentenza CMB tal-Qorti tal-Prim’Istanza, silta fuq il-metodu tal-kalkolu tal-ammont tal-multa u diviżjoni sekondarja dwar l-osservanza tat-termini ta’ preskrizzjoni fir-rigward tar-Regolament Nru 2988/74. Barra minn dan, għandu jiġi mfakkar li dan id-dewmien, li ma ġiex iġġustifikat b’mod konvinċenti u li wassal lill-Kummissjoni li tnaqqas minn jeddha l-ammont tal-multa b’EUR 150000, jiġifieri b’madwar 4 % tal-ammont stabbilit fid-deċiżjoni kkontestata, huwa għal kollox tort tal-Kummissjoni.

    144

    Dan id-dewmien kien dak li wassal għal parti tar-rikors tar-rikorrenti, prinċipalment għall-ewwel motiv tiegħu.

    145

    Għalhekk, tkun qegħda ssir evalwazzjoni ġusta taċ-ċirkustanzi tal-kawża jekk jiġi deċiż li r-rikorrenti għandha tbati żewġ terzi tal-ispejjeż tagħha u żewġ terzi tal-ispejjeż tal-Kummissjoni u li din tal-aħħar għandha tbati terż tal-ispejjeż tagħha u terz tal-ispejjeż tar-rikorrenti.

     

    Għal dawn il-motivi,

    IL-QORTI TAL-PRIM’ISTANZA (Ir-Raba’ Awla)

    taqta’ u tiddeċiedi:

     

    1)

    Ir-rikors huwa miċħud.

     

    2)

    Compagnie maritime belge SA għandha tbati żewġ terzi tal-ispejjeż tagħha u żewġ terzi tal-ispejjeż tal-Kummissjoni u din tal-aħħar għandha tbati terz tal-ispejjeż tagħha u terz tal-ispejjeż ta’ Compagnie maritime belge.

     

    Czúcz

    Cooke

    Labucka

    Mogħtija fil-Qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fl-1 ta’ Lulju 2008.

    E. Coulon

    Reġistratur

    O. Czúc

    President


    ( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Franċiż.

    Top