Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62004TJ0261

Sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza (il-Ħames Awla) tat-3 ta' Mejju 2007.
Alain Crespinet vs il-Kummisjoni tal-Komunitajiet Ewropej.
Uffiċjali - Promozzjoni.
Kawża T-261/04.

Ġabra tal-Ġurisprudenza – Servizz Pubbliku 2007 I-A-2-00103; II-A-2-00717

ECLI identifier: ECLI:EU:T:2007:122

SENTENZA TAL-QORTI TAL-PRIM’ISTANZA (Il-Ħames Awla)

3 ta’ Mejju 2007

Kawża T-261/04

Alain Crespinet

vs

Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej

“Uffiċjali – Promozzjoni – Proċedura ta’ promozzjoni 2003 – Għoti ta’ punti ta’ prijorità”

Suġġett: Rikors li għandu bħala suġġett talba għall-annullament tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni li biha ngħataw punti ta’ prijorità lir-rikorrent taħt il-proċedura ta’ promozzjoni 2003 kif ukoll tad-deċiżjoni li isem ir-rikorrent ma jitniżżilx fuq il-lista ta’ l-uffiċjali promossi għall-grad A5 għal din l-istess proċedura ta’ promozzjoni.

Deċiżjoni: Ir-rikors huwa miċħud. Kull parti għandha tbati l-ispejjeż tagħha.

Sommarju

1.      Uffiċjali – Rikors – Att li jikkawża preġudizzju

(Regolamenti tal-Persunal, Artikoli 90 u 91)

2.      Uffiċjali – Promozzjoni – Eżami komparattiv tal-merti

(Regolamenti tal-Persunal, Artikolu 45(1))

3.      Uffiċjali – Promozzjoni – Eżami komparattiv tal-merti

(Regolamenti tal-Persunal, Artikoli 5, 7 u 45(1))

4.      Uffiċjali – Deċiżjoni li taffettwa s-sitwazzjoni amministrattiva ta’ uffiċjal

(Regolamenti tal-Persunal, Artikoli 26 u 45)

5.      Uffiċjali – Promozzjoni – Eżami komparattiv tal-merti

(Regolamenti tal-Persunal, Artikolu 45(1))

1.      Fir-rigward ta’ rikors għall-annullament kemm tad-deċiżjoni li tagħti punti ta’ prijorità lir-rikorrent kif ukoll tad-deċiżjoni li ma jitniżżilx ismu fuq il-lista ta’ l-uffiċjali promossi, l-ewwel talbiet huma inammissibbli, billi d-deċiżjoni ta’ l-għoti ta’ punti ta’ prijorità tikkostitwixxi, fil-kuntest tas-sistema ta’ promozzjoni implementata mill-Kummissjoni, att preparatorju minn qabel u neċessarju għad-deċiżjoni finali li ma jitniżżilx l-isem tar-rikorrent fuq il-lista ta’ l-uffiċjali promossi u għall-att separabbli u awtonomu li dan jinvolvi, jiġifieri l-iffissar tan-numru total ta’ punti. Madankollu, billi l-legalità ta’ att preparatorju tista’ tkun ikkontestata fil-kuntest ta’ rikors indirizzat kontra d-deċiżjoni finali, l-eżami tal-fondatezza tal-talbiet għall-annullament tad-deċiżjoni li ma jitniżżilx l-isem tar-rikorrent fuq il-lista ta’ l-uffiċjali promossi għandha wkoll tirrigwarda kull argument tar-rikors li juri l-illegalità tad-deċiżjoni li tagħti punti ta’ prijorità.

(ara l-punti 39 u 41 sa 44)

Referenza: Il-Qorti tal-Prim’Istanza, 9 ta’ April 2003, Tejada Fernández vs Il-Kummissjoni, T-134/02, ĠabraSP p. I-A-125 u II-609, punt 18; Il-Qorti tal-Prim’Istanza, 19 ta’ Ottubru 2006, Buendía Sierra vs Il-Kummissjoni, T-311/04, Ġabra p. II-4137, punti 97 u 98

2.      Sabiex jiġu evalwati l-merti li għandhom jittieħdu in kunsiderazzjoni fil-kuntest ta’ deċiżjoni ta’ promozzjoni skond l-Artikolu 45 tar-Regolamenti tal-Persunal u, konsegwentement, ukoll fil-kuntest ta’ deċiżjoni ta’ għoti ta’ punti ta’ prijorità f’sistema ta’ promozzjoni fejn tali evalwazzjoni hija kkwantifikata, l-amministrazzjoni tiddisponi minn diskrezzjoni wiesgħa u l-istħarriġ tal-qorti Komunitarja għandu jkun limitat għall-kwistjoni dwar jekk, fid-dawl tal-modi u mezzi li setgħu jwasslu lill-amministrazzjoni għall-evalwazzjoni tagħha, din żammitx fil-limiti mhux kritikabbli u ma użatx is-setgħa tagħha b’mod manifestament żbaljat.

(ara l-punti 58 u 93)

Referenza: Il-Qorti tal-Ġustizzja, 21 ta’ April 1983, Ragusa vs Il-Kummissjoni, 282/81, Ġabra p. 1245, punt 9; Il-Qorti tal-Ġustizzja, 4 ta’ Frar 1987, Bouteiller vs Il-Kummissjoni, 324/85, Ġabra p. 529, punt 6; Il-Qorti tal-Prim’Istanza, 11 ta’ Diċembru 2003, Breton vs Il-Qorti tal-Ġustizzja, T-323/02, ĠabraSP p. I-A-325 u II-1587, punt 98; Buendía Sierra vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punti 291 u 320

3.      Fil-kuntest tas-sistema ta’ promozzjoni stabbilita b’regolament intern tal-Kummissjoni, li hija bbażata fuq il-kwantifikazzjoni tal-merti, ikkaratterizzat mill-għoti kull sena ta’ tipi differenti ta’ punti lill-uffiċjali, il-fatt li, konformi ma’ l-Artikoli 5 u 7 tar-Regolamenti tal-Persunal, l-uffiċjali fl-istess grad suppost jeżerċitaw funzjonijiet ta’ livell ta’ responsabbiltà ekwivalenti bl-ebda mod ma jimplika li l-merti tagħhom għandhom jiġu kkunsidrati bħala li huma ugwali għall-finijiet ta’ l-għoti ta’ punti ta’ prijorità li huma mqegħda għad-dispożizzjoni ta’ kull direttorat ġenerali, billi dawn huma rriżervati għall-uffiċjali li wrew merti eċċezzjonali.

(ara l-punt 65)

Referenza: Il-Qorti tal-Prim’Istanza, 12 ta’ Lulju 2001, Schochaert vs Il-Kunsill, T-131/00, ĠabraSP p. I-A-141 u II-743, punt 38 ; Buendía Sierra vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 290

4.      L-għan ta’ l-Artikoli 26 u 45 tar-Regolamenti tal-Persunal huwa li jassigura r-rispett tad-drittijiet tad-difiża ta’ l-uffiċjal billi jevita li deċiżjonijiet meħuda mill-awtorità tal-ħatra li jaffettwaw is-sitwazzjoni amministrattiva tiegħu u l-karriera tiegħu ma jkunux ibbażati fuq fatti li jirrigwardaw l-imġiba u li mhumiex imsemmija fil-fajl personali tiegħu. Minn dan jirriżulta li deċiżjoni bbażata fuq elementi bħal dawn hija kontra l-garanziji tar-Regolamenti tal-Persunal u għandha tiġi annullata billi ġiet adottata fuq il-bażi ta’ proċedura vvizzjata b’illegalità.

Dan mhuwiex il-każ ta’ deċiżjoni ta’ għoti ta’ punti ta’ promozzjoni bbażata fuq l-importanza strateġika tal-funzjonijiet eżerċitati mill-uffiċjal, billi din iċ-ċirkustanza, bħala prinċipju, tista’ titnaqqas mill-elementi fil-fajl personali ta’ dan, u b’mod partikolari fir-rapport tiegħu ta’ żvilupp tal-karriera.

(ara l-punti 77 u 78)

Referenza: Il-Qorti tal-Prim’Istanza, 9 ta’ Frar 1994, Lacruz Bassols vs Il-Qorti tal-Ġustizzja, T-109/92, ĠabraSP p. I-A-31 u II-105, punt 68; Il-Qorti tal-Prim’Istanza, 27 ta’ Settembru 2006, Lantzoni vs Il-Qorti tal-Ġustizzja, T-156/05, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punt 67

5.      Il-fatt li kull uffiċjal li jista’ jiġi promoss għandu dritt jistenna li l-awtorità tal-ħatra tqabbel il-merti tiegħu ma’ dawk ta’ l-uffiċjali kollha l-oħra li jkunu eliġibbli għall-promozzjoni għall-grad ikkonċernat, inklużi dawk ta’ servizzi oħra, ma jimplikax, fil-kuntest tas-sistema ta’ promozzjoni implementata mill-Kummissjoni, li eżami tal-merti mwessa’ bħal dan għandu jseħħ qabel l-għoti tal-punti ta’ promozzjoni fil-livell tad-direttorati ġenerali. Għall-kuntrarju, l-eżami minn qabel tal-merti tal-kandidati fi ħdan kull direttorat ġenerali, li jagħti lok għall-għoti ta’ dawn il-punti, huwa parti mill-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba billi b’mod partikolari jippermetti lill-awtorità tal-ħatra teffettwa eżami komparattiv tal-merti ta’ l-uffiċjali kollha eliġibbli għal promozzjoni fil-grad ikkonċernat fuq bażi oġġettiva.

(ara l-punti 82 u 85)

Referenza: Il-Qorti tal-Prim’Istanza, 13 ta’ Lulju 1995, Rasmussen vs Il-Kummissjoni, T-557/93, ĠabraSP p. I-A-195 u II-603, punt 21; Il-Qorti tal-Prim’Istanza, 16 ta’ Settembru 1998, Rasmussen vs Il-Kummissjoni, T-234/97, ĠabraSP p. I-A-507 u II-1533, punt 24; Il-Qorti tal-Prim’Istanza, 3 ta’ Ottubru 2000, Cubero Vermurie vs Il-Kummissjoni, T-187/98, ĠabraSP p. I-A-195 u II-885, punt 61; Il-Qorti tal-Prim’Istanza, 19 ta’ Marzu 2003, Tsarnavas vs Il-Kummissjoni, T-188/01 sa T-190/01, ĠabraSP p. I-A-95 u II-495, punt 121; Il-Qorti tal-Prim’Istanza, 21 ta’ Jannar 2004, Mavridis vs Il-Kummissjoni, T-97/02, ĠabraSP p. I-A-9 u II-45, punt 77

Top