Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62004TJ0257

    Sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza (l-Ewwel Awla Estiża) tal-10 ta' Ġunju 2009.
    ir-Repubblika tal-Polonja vs il-Kummisjoni tal-Komunitajiet Ewropej.
    Agrikoltura - Organizzazzjoni komuni tas-swieq - Miżuri tranżitorji li għandhom jiġu adottati minħabba l-adeżjoni ta’ Stati Membri ġodda - Regolament (KE) Nru 1972/2003 li jistabbilixxi miżuri fir-rigward tal-kummerċ fi prodotti agrikoli - Rikors għal annullament - Terminu għall-preżentata ta’ rikors - Punt ta’ tluq - Dewmien - Emenda ta’ dispożizzjoni ta’ regolament - Ftuħ mill-ġdid tar-rikors kontra din id-dispożizzjoni u kontra d-dispożizzjonijiet kollha li flimkien magħha jifformaw grupp ta’ regoli wieħed - Proporzjonalità - Prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni - Aspettattivi leġittimi - Motivazzjoni.
    Kawża T-257/04.

    Ġabra tal-Ġurisprudenza 2009 II-01545

    ECLI identifier: ECLI:EU:T:2009:182

    SENTENZA TAL-QORTI TAL-PRIM’ISTANZA (L-Ewwel Awla Estiża)

    10 ta’ Ġunju 2009 ( *1 )

    “Agrikoltura — Organizzazzjoni komuni tas-swieq — Miżuri tranżitorji li għandhom jiġu adottati minħabba l-adeżjoni ta’ Stati Membri ġodda — Regolament (KE) Nru 1972/2003 li jistabbilixxi miżuri fir-rigward tal-kummerċ fi prodotti agrikoli — Rikors għal annullament — Terminu għall-preżentata ta’ rikors — Bidu tad-dekorrenza — Dewmien — Emenda ta’ dispożizzjoni ta’ regolament — Ftuħ mill-ġdid tar-rikors kontra din id-dispożizzjoni u kontra d-dispożizzjonijiet kollha li flimkien magħha jifformaw grupp wieħed ta’ regoli — Ammissibbiltà parzjali — Proporzjonalità — Prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni — Aspettattivi leġittimi — Motivazzjoni”

    Fil-Kawża T-257/04,

    Ir-Repubblika tal-Polonja, irrappreżentata inizjalment minn J. Pietras, sussegwentement minn E. Ośniecka-Tamecka, T. Nowakowski, M. Dowgielewicz u B. Majczyna, bħala aġenti, assistiti minn M. Szpunar, avukat,

    rikorrenti,

    vs

    Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, irrappreżentata inizjalment minn A. Stobiecka-Kuik, L. Visaggio u T. van Rijn, sussegwentement minn T. van Rijn, H. Tserepa-Lacombe u A. Szmytkowska, bħala aġenti,

    konvenuta,

    li għandha bħala suġġett rikors għall-annullament tal-Artikolu 3, tal-Artikolu 4(3) u tat-tmien inċiż tal-Artikolu 4(5) tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1972/2003, tal-10 ta’ Novembru 2003, dwar il-miżuri tranżitorji li għandhom ikunu adottati fir-rigward tal-kummerċ fi prodotti agrikoli minħabba l-adeżjoni tar-Repubblika Ċeka, l-Estonja, Ċipru, il-Latvja, il-Lituwanja, l-Ungerija, Malta, l-Polonja, Slovenja u Slovakkja (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti: Kapitolu 3, Vol. 40, p. 474 ), kif emendat bir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 230/2004, tal- (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti: Kapitolu 3, Vol. 42, p. 443 ), kif ukoll bir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 735/2004, tal- (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti: Kapitolu 3, Vol. 44, p. 111 ),

    IL-QORTI TAL-PRIM’ISTANZA TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ (L-Ewwel Awla Estiża),

    komposta minn V. Tiili (Relatur), President tal-Awla, F. Dehousse, I. Wiszniewska-Białecka, K. Jürimäe u S. Soldevila Fragoso, Imħallfin,

    Reġistratur: K. Pocheć, Amministratur,

    wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tas-16 ta’ Ġunju 2008,

    tagħti l-preżenti

    Sentenza

    Il-fatti li wasslu għall-kawża

    1

    Fl-10 ta’ Novembru 2003, il-Kummissjoni adottat ir-Regolament (KE) Nru 1972/2003, dwar il-miżuri tranżitorji li għandhom ikunu adottati fir-rigward tal-kummerċ fi prodotti agrikoli minħabba l-adeżjoni tar-Repubblika Ċeka, l-Estonja, Ċipru, il-Latvja, il-Litwanja, l-Ungerija, Malta, l-Polonja, Slovenja u Slovakkja (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti: Kapitolu 3, Vol. 40, p. 474).

    2

    Dan ir-regolament ġie adottat fuq il-bażi tal-Artikolu 2(3) tat-Trattat bejn ir-Renju tal-Belġju, ir-Renju tad-Danimarka, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, ir-Repubblika Ellenika, ir-Renju ta’ Spanja, ir-Repubblika Franċiża, l-Irlanda, ir-Repubblika Taljana, il-Gran Dukat tal-Lussemburgu, ir-Renju tal-Olanda, ir-Repubblika tal-Awstrija, ir-Repubblika Portugiża, ir-Repubblika tal-Finlandja, ir-Renju tal-Isvezja, ir-Renju Unit tal-Gran Britannja u l-Irlanda ta’ Fuq (Stati Membri tal-Unjoni Ewropea) u r-Repubblika Ċeka, ir-Repubblika tal-Estonja, ir-Repubblika ta’ Ċipru, ir-Repubblika tal-Latvja, ir-Repubblika tal-Litwanja, ir-Repubblika tal-Ungerija, ir-Repubblika ta’ Malta, ir-Repubblika tal-Polonja, ir-Repubblika tas-Slovenja, ir-Repubblika Slovakka, li jikkonċerna l-adeżjoni tar-Repubblika Ċeka, tar-Repubblika tal-Estonja, tar-Repubblika ta’ Ċipru, tar-Repubblika tal-Latvja, tar-Repubblika tal-Litwanja, tar-Repubblika tal-Ungerija, tar-Repubblika ta’ Malta, tar-Repubblika tal-Polonja, tar-Repubblika tas-Slovenja u tar-Repubblika Slovakka mal-Unjoni Ewropea (ĠU L 236, p. 17, iktar ’il quddiem it-“Trattat ta’ Adeżjoni”), iffirmat f’Ateni fis-16 ta’ April 2003 u rratifikat mir-Repubblika tal-Polonja fit-, kif ukoll fuq il-bażi tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 41 tal-Att li jirrigwarda l-kundizzjonijiet tal-adeżjoni tar-Repubblika Ċeka, ir-Repubblika tal-Estonja, ir-Repubblika ta’ Ċipru, ir-Repubblika tal-Latvja, ir-Repubblika tal-Litwanja, ir-Repubblika tal-Ungerija, ir-Repubblika ta’ Malta, ir-Repubblika tal-Polonja, ir-Repubblika tas-Slovenja u r-Repubblika tas-Slovakkja u l-aġġustamenti għat-trattati li fuqhom hija stabbilita l-Unjoni Ewropea (ĠU 2003, L 236, p. 33), iktar ’il quddiem l-“l-Att ta’ Adeżjoni”), anness mat-Trattat ta’ Adeżjoni.

    3

    Dan ir-regolament, li ġie emendat bir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 230/2004, tal-10 ta’ Frar 2004 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti: Kapitolu 3, Vol. 42, p. 443), u bir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 735/2004, tal- (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti: Kapitolu 3, Vol. 44, p. 111 ), essenzjalment u sa fejn jirrigwarda l-kawża preżenti, jistabbilixxi b’mod partikolari sistema ta’ tassazzjoni ta’ ċerti prodotti agrikoli b’deroga tranżitorja mir-regoli Komunitarji li normalment ikunu applikabbli.

    4

    B’hekk, l-Artikolu 3 tal-imsemmi regolament jipprovdi:

    “Ir-reġim sospensiv

    1.   Dan l-Artikolu għandu japplika bħala deroga mill-Anness IV, il-Kapitolu 5, ta’ l-Att ta’ l-Adeżjoni u mill-Artikolu 20 u 214 tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2913/92 tat-12 ta’ Ottubru 1992 li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali tal-Komunità […]

    2.   Prodotti elenkati fl-Artikolu 4(5), li qabel l-1 ta’ Mejju 2004 kienu f’ċirkulazzjoni ħielsa fil-Komunità ta’ Ħmistax jew fi Stat Membru ġdid u li fl- ikunu f’ħażna temporanja jew taħt wieħed mit-trattamenti doganali jew il-proċeduri referuti fl-Artikolu 4(15)(b) u (16)(b) sa (g) tar-Regolament (KEE) Nru 2913/92 fil-Komunità mkabbra, jew li huma waqt it-trasport wara li jkunu ġew suġġetti għall-formalitajiet ta’ l-esportazzjoni fi ħdan il-Komunità mkabbra għandhom ikunu mposti erga omnes id-dazju ta’ l-importazzjoni bir-rata applikabbli fid-data tar-rilaxx għal ċirkulazzjoni ħielsa.

    L-ewwel subparagrafu ma għandux ikun applikabbli għall-prodotti esportati mill-Komunità ta’ Ħmistax jew [jekk] l-importatur jagħti xhieda li l-ebda rifużjoni ta’ l-esportazzjoni ma tkun intalbet għall-prodotti tal-pajjiż ta’ l-esportazzjoni. Mat-talba ta’ l-esportatur [l-importatur], l-esportatur għandu jirranġa sabiex jakkwista konferma mill-awtorità kompetenti fuq id-dikjarazzjoni ta’ l-esportazzjoni li r-rifużjoni tal-esportazzjoni ma kienetx ġiet mitluba għall-prodotti tal-pajjiż ta’ l-esportazzjoni.

    3.   Il-prodotti elenkati fl-Artikolu 4(5) li ġejjin [minn] pajjiżi terzi [u] li huma taħt l-ipproċessar il-ġewwa referuti fl-Artikolu 4(16)(d) jew id-dħul temporanju referut fl-Artikolu 4(16)(f) tar-Regolament (KEE) Nru 2913/92 fi Stat Membru ġdid fl-1 ta’ Mejju 2004 li fih huma rilaxxati għal ċirkulazzjoni ħielsa f’dik id-data jew aktar tard, għandhom ikollhom id-dazju ta’ l-importazzjoni impost kif applikabbli fid-data tar-rilaxx għal ċirkulazzjoni ħielsa tal-prodotti li jkunu ġejjin minn pajjiżi terzi.”

    5

    L-Artikolu 4 tal-imsemmi regolament jipprovdi:

    “L-imposti fuq il-merkanzija f’ċirkulazzjoni ħielsa

    1.   Mingħajr preġudizzju għall-Anness IV, tal-Kapitolu 4, ta’ l-Att ta’ l-Adeżjoni, u meta leġislazzjoni aktar stretta ma tkunx applikata fil-livell nazzjonali, l-Istati Membri l-ġodda għandhom jimponu il-ħlasijiet fuq id-detenturi tal-ħażniet żejda fl-1 ta’ Mejju 2004 fuq il-prodotti f’ċirkolazzjoni ħielsa.

    2.   Sabiex tkun iddeterminata il-ħażna żejda ta’ kull detentur, l-Istati Membri l-ġodda għandhom iqisu, partikolarment:

    a)

    il-medja tal-ħażniet disponibbli fit-tlett snin ta’ qabel l-adeżjoni;

    b)

    it-tip tal-kummerċ fit-tlett snin ta’ qabel l-adeżjoni;

    ċ)

    iċ-ċirkostanzi li fihom dawn il-ħażniet kienu akkumulati.

    Il-ħażniet żejda kif mistħajla huma applikabbli [Il-kunċett ta’ ħażniet żejda japplika] għal-prodotti importati fl-Istati Membri l-ġodda jew li joriġinaw minn l-Istati Membri l-ġodda. Il-ħażniet żejda kif mistħajla huma applikabbli [Il-kunċett ta’ ħażniet żejda japplika] wkoll għall-prodotti intiżi għas-suq tal-Istati Membri l-ġodda.

    […]

    3.   L-ammont tal-imposti referuti fil-paragrafu 1 għandu jkun iddeterminat bir-rata tad-dazju ta’ l-importazzjoni erga omnes kif applikabbli fl-1 ta’ Mejju 2004. L-introjtu tal-imposti miġbura mill-awtoritajiet nazzjonali għandu jkun assenjat lejn il-budget nazzjonali tal-Istati Membri l-ġodda.

    […]

    5.   Dan l-Artikolu għandu jkun applikabbli għal-prodotti koperti b’dawn il-kodiċi NM li ġejjin:

    […]

    fil-każ tal-Polonja:

    02013000, 02023010, 02023050, 02023090, 02043000, 02044310, 02062991, 02071410, 02071470, 040210, 040221, 040510, 040590, 0406, 07032000, 07115100, 1001, 1002, 1003, 1004, 1005, 100610, 100620, 100630, 100640, 1007, 1008, 1101, 1102, 1103, 1104, 1107, 1108, 1509, 1510, 16023211, 170230 [(bl-eċċezzjoni tal-kodiċi 17023010)], 170240 [(bl-eċċezzjoni tal-kodiċi 17024010)], 170290 [(għall-kodiċi 17029010, 17029050, 17029075 et 17029079 biss)], 20031020, 20031030, 20083055, 20083075

    […]

    6.   Il-Kummissjoni tista żżid prodotti mal-lista jew tneħħi prodotti mil-lista stabbilita fil-paragrafu 5.”

    6

    Sebgħa mill-prodotti mniżżla fil-lista msemmija fit-tmien inċiż tal-Artikolu 4(5) tar-Regolament Nru 1972/2003, kif emendata, ġew introdotti permezz tar-Regolament Nru 735/2004, jiġifieri l-prodotti li jaqgħu taħt il-kodiċi NM 02023010, 02023050, 02071410, 02071470, 16023211, 20083055 u 20083075. Ir-Regolament Nru 735/2004 emenda biss il-lista inkwistjoni u mhux it-termini tad-dispożizzjonijiet l-oħra tar-Regolament Nru 1972/2003 li huma kkontestati fil-kuntest tar-rikors preżenti.

    Il-proċedura

    7

    Permezz ta’ rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti tal-Prim’Istanza fit-28 ta’ Ġunju 2004, ir-Repubblika tal-Polonja ressqet dan ir-rikors.

    8

    Peress li kkunsidra li l-kawża preżenti tqajjem domanda ta’ interpretazzjoni identika għal dik imqajma fil-kawża C-273/04, Il-Polonja vs Il-Kunsill, imressqa quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, il-President tat-Tielet Awla tal-Qorti tal-Prim’Istanza, b’digriet tal-11 ta’ Lulju 2006, issospenda, skont it-tielet paragrafu tal-Artikolu 54 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja u skont l-Artikolu 77(a) u l-Artikolu 78 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Prim’Istanza, il-proċedura fil-kawża preżenti sal-għoti tas-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja.

    9

    Permezz ta’ sentenza tat-23 ta’ Ottubru 2007, Il-Polonja vs Il-Kunsill (C-273/04, Ġabra p. I-8925), il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li tiċħad ir-rikors inkwistjoni wara li tat deċiżjoni mill-ewwel fuq il-mertu tal-kawża mingħajr ma ddeċidiet fuq l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà mqajma mill-Kunsill.

    10

    Billi l-kompożizzjoni tal-awli tal-Qorti tal-Prim’Istanza nbidlet, l-Imħallef Relatur ġie assenjat lill-Ewwel Awla, li lilha, għaldaqstant, ġiet assenjata din il-kawża.

    11

    Permezz ta’ deċiżjoni tat-8 ta’ Jannar 2008, il-Qorti tal-Prim’Istanza, billi interpretat it-talba tar-Repubblika tal-Polonja għar-rinviju tal-kawża quddiem l-Awla Manja bħala intiża, sussidjarjament, għar-rinviju tal-kawża quddiem awla b’ħames imħallfin, fuq proposta tal-Ewwel Awla, irrinvijat il-kawża quddiem l-Ewwel Awla Estiża skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 51(1) tar-Regoli tal-Proċedura, li jipprovdi li l-kawża għandha tiġi deċiża minn awla komposta minn mill-inqas ħames imħallfin meta Stat Membru li jkun parti fl-istanza jitlob dan.

    12

    Fil-11 ta’ April 2008, il-Qorti tal-Prim’Istanza għamlet ċerti mistoqsijiet bil-miktub lill-Kummissjoni, li wieġbet għalihom fit-terminu stabbilit.

    13

    Fuq rapport tal-Imħallef Relatur, il-Qorti tal-Prim’Istanza (L-Ewwel Awla Estiża) iddeċidiet li tiftaħ il-proċedura orali.

    14

    It-trattazzjoni tal-partijiet u t-tweġibiet tagħhom għall-mistoqsijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza nstemgħu matul is-seduta tas-16 ta’ Ġunju 2008.

    15

    Ir-Repubblika tal-Polonja titlob li l-Qorti tal-Prim’Istanza jogħġobha:

    tannulla l-Artikolu 3, l-Artikolu 4(3) u t-tmien inċiż tal-Artikolu 4(5) tar-Regolament Nru 1972/2003, kif emendat;

    tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

    16

    Il-Kummissjoni titlob li l-Qorti tal-Prim’Istanza jogħġobha:

    tiċħad ir-rikors fl-intier tiegħu;

    tikkundanna lir-Repubblika tal-Polonja għall-ispejjeż.

    Fuq l-ammissibbiltà

    L-argumenti tal-partijiet

    17

    Mingħajr ma tqajjem formalment eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà, il-Kummissjoni ssostni fir-risposta tagħha li r-rikors ġie ppreżentat wara li skada t-terminu stabbilit u li għaldaqstant huwa inammissibbli.

    18

    Il-Kummissjoni tfakkar li, skont il-ħames paragrafu tal-Artikolu 230 KE, kull rikors kontra regolament għandu jitressaq f’terminu ta’ xahrejn li jibdew jiddekorru fil-ħmistax-il jum wara d-data tal-pubblikazzjoni tiegħu. Għaldaqstant, peress li r-Regolament Nru 1972/2003 ġie ppubblikat fil-Ġurnal Uffiċjali tal-11 ta’ Novembru 2003, it-terminu għall-preżentata ta’ rikors kontrih skada fl- f’nofs il-lejl.

    19

    Il-Kummissjoni tenfasizza li l-Att ta’ Adeżjoni ma jipprevedi ebda regola li tippermetti deroga mit-terminu stabbilit mill-Artikolu 230 KE. Hija tikkunsidra li jekk tiġi stabbilita data oħra barra dik tal-pubblikazzjoni tar-Regolament Nru 1972/2003 bħala l-punt li minnu jibda jiddekorri t-terminu għall-preżentata ta’ rikors għar-Repubblika tal-Polonja, dan ikollu bħala effett li jintroduċi għall-Istati Membri l-ġodda data ta’ skadenza tat-terminu għall-preżentata ta’ rikors differenti minn dik prevista għall-Istati Membri l-antiki.

    20

    Insostenn tat-teżi tagħha, il-Kummissjoni tinvoka s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tad-29 ta’ April 2004, Il-Kummissjoni vs L-Awstrija (C-194/01, Ġabra p. I-4579). Hija tqis li, f’dik is-sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat li l-Istati Membri l-ġodda ma jistgħux, wara l-adeżjoni tagħhom, jippreżentaw rikors għal annullament kontra att Komunitarju meta t-terminu sabiex jiġi kkontestat ikun skada qabel il-ġurnata tal-adeżjoni tagħhom (punt 41). Hija tinvoka wkoll is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-, Halyvourgiki u Helleniki Halyvourgia vs Il-Kummissjoni (39/81, 43/81, 85/81 u 88/81, Ġabra p. 593, punti 9 sa 15), li fiha, skont il-Kummissjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat li l-atti adottati bejn id-data li fiha ġie ffirmat it-Trattat ta’ Adeżjoni u d-data tad-dħul fis-seħħ tiegħu huma jorbtu ipso iure lill-Istati Membri l-ġodda mid-data tad-dħul fis-seħħ tal-imsemmi trattat.

    21

    Fl-aħħar, il-Kummissjoni ssostni li l-argument tar-Repubblika tal-Polonja, ippreżentat fir-replika, li jgħid li anki jekk it-terminu għall-preżentata ta’ rikors kien skada għal rikors kontra r-Regolament Nru 1972/2003 ir-rikors huwa, f’kull każ, ammissibbli fir-rigward tal-prodotti miżjuda mir-Regolament Nru 735/2004, jikkostitwixxi motiv ġdid fis-sens tal-Artikolu 48(2) tar-Regoli tal-Proċedura u huwa għaldaqstant inammissibbli.

    22

    Ir-Repubblika tal-Polonja tfakkar li l-Artikolu 2(3) tat-Trattat ta’ Adeżjoni jipprovdi li l-istituzzjonijiet tal-Unjoni jistgħu jadottaw qabel l-adeżjoni l-miżuri li hemm riferiment għalihom fl-Artikolu 41 tal-imsemmi att, li jidħlu biss fis-seħħ suġġetti għal u fid-data tad-dħul fis-seħħ tat-trattat inkwistjoni. Dan il-fatt tal-aħħar jiddistingwi lir-Regolament Nru 1972/2003 mill-atti l-oħra kollha adottati mill-istituzzjonijiet tal-Komunitajiet qabel l-adeżjoni, l-istess bħalma jagħmel il-fatt li l-espressjoni “Stati Membri”, li tinsab fl-imsemmi regolament tkopri kemm l-Istati Membri l-antiki u kemm l-Istati Membri l-ġodda.

    23

    Huwa minħabba dan li, mingħajr ma ddaħħal inkwistjoni t-terminu stabbilit mill-Artikolu 230 KE għall-atti kollha adottati matul il-perijodu qabel l-adeżjoni ta’ Stat Membru ġdid, ir-Repubblika tal-Polonja tqis li, sa fejn ir-Regolament Nru 1972/2003 ġie adottat fuq il-bażi tal-Att ta’ Adeżjoni u ġie indirizzat lilha bħala Stat Membru, hija kellha d-dritt tippreżenta rikors f’terminu ta’ xahrejn li beda jiddekorri fil-ġurnata tal-adeżjoni tagħha.

    24

    F’dan ir-rigward, ir-Repubblika tal-Polonja tindika li s-sentenzi Halyvourgiki u Helleniki Halyvourgia vs Il-Kummissjoni u Il-Kummissjoni vs L-Awstrija, iċċitati fil-punt 20 iktar ’il fuq, ma jirrigwardawx, bil-kontra tar-Regolament Nru 1972/2003, atti ġuridiċi adottati fuq il-bażi ta’ att ta’ adeżjoni.

    25

    Għaldaqstant, ir-Repubblika tal-Polonja tqis li, peress li r-Regolament Nru 1972/2003 huwa indirizzat lill-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea fl-1 ta’ Mejju 2004, il-pubblikazzjoni tiegħu għandha titwettaq fl-20 lingwa uffiċjali tal-Unjoni Ewropea skont il-punt 22(1) tal-Anness II tal-Att ta’ Adeżjoni. B’hekk, il-proċess ta’ pubblikazzjoni tal-imsemmi regolament ma ntemmx fil-, iżda fl-, id-data li fiha, jew id-data li minnha dan ir-regolament ġie ppubblikat fl-20 lingwa uffiċjali.

    26

    Skont ir-Repubblika tal-Polonja, it-teżi tagħha hija kkonfermata mill-ġurisprudenza li tgħid li, peress li d-diversi verżjonijiet lingwistiċi tat-testi Komunitarji huma meqjusa bħala awtentiċi ndaqs, l-interpretazzjoni tagħhom timplika paragun tal-verżjonijiet lingwistiċi (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-6 ta’ Ottubru 1982, Cilfit et, 283/81, Ġabra p. 3415, punt 18). Fil-fatt, fid-data tal-, ir-Regolament Nru 1972/2003 kien għadu ma ġiex tradott fil-lingwa Pollakka u, għaldaqstant, ma kienx possibbli li jiġi interpretat b’mod korrett.

    27

    Ir-Repubblika tal-Polonja ssostni wkoll li l-1 ta’ Mejju 2004 huwa l-punt tat-tluq tat-terminu għall-preżentata ta’ rikors għall-Istati Membri kollha u mhux biss għall-Istati li saru membri f’dik id-data, u dan irendi infondati l-argumenti tal-Kummissjoni bbażati fuq id-dati ta’ skadenza tat-termini distinti għall-preżentata ta’ rikors.

    28

    Barra minn hekk, ir-Repubblika tal-Polonja tirrileva li t-teżi tal-Kummissjoni timplika protezzjoni ġudizzjarja inqas għall-Istati Membri l-ġodda, minkejja li huma partikolarment affettwati mir-Regolament Nru 1972/2003. Għaldaqstant, huma għandhom ikunu jistgħu jikkontestaw ir-regolament inkwistjoni bħala Stat Membru peress li dan kien indirizzat lilhom fil-kwalità tagħhom ta’ Stat Membru.

    29

    Fil-fatt, ir-Repubblika tal-Polonja tallega li hija ma setgħetx tippreżenta rikors kontra r-Regolament Nru 1972/2003 bħala parti mhux privileġġjata, skont ir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 230 KE, qabel l-adeżjoni, peress li, minn naħa, ir-regolament inkwistjoni jikkostitwixxi att ta’ applikazzjoni ġenerali u mhux deċiżjoni individwali fis-sens tal-imsemmija dispożizzjoni u, min-naħa l-oħra, ma jirrigwardahiex direttament u individwalment fis-sens tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar ir-rikorsi ppreżentati minn awtoritajiet reġjonali (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-22 ta’ Novembru 2001, Nederlandse Antillen vs Il-Kunsill, C-452/98, Ġabra p. I-8973, u tal-, Il-Kummissjoni vs Nederlandse Antillen, C-142/00 P, Ġabra p. I-3483, punt 69). Fil-fatt, ir-Repubblika tal-Polonja tqis li huma biss l-atti li jipprojbixxu lill-imsemmija awtoritajiet reġjonali milli jwettqu l-funzjonijiet tagħhom b’mod li huma jikkunsidraw adattat li jistgħu jiġu kkunsidrati bħala li jikkonċernawhom individwalment (sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-, Regione autonoma Friuli-Venezia Giulia vs Il-Kummissjoni, T-288/97, Ġabra p. II-1871). Issa, ir-Regolament Nru 1972/2003 ma llimitax id-drittijiet tagħha f’dan ir-rigward.

    30

    Ir-Repubblika tal-Polonja ssostni wkoll li l-Artikolu 241 KE ma jikkostitwixxix rimedju legali utli kontra r-Regolament Nru 1972/2003 peress li ma jikkostitwixxix dritt ta’ azzjoni awtonomuu jista’ jiġi invokat biss b’mod inċidentali fil-kuntest ta’ proċedura mibdija fuq il-bażi ta’ bażi legali oħra. Barra minn hekk, id-dispożizzjonijiet ikkonċernati tar-Regolament Nru 1972/2003 huma tant preċiżi li ma jikkostitwixxux bażi għall-adozzjoni ta’ miżuri ta’ implementazzjoni iktar iddettaljati, ħaġa din li tipprojbixxi li tiġi invokata l-inapplikabbiltà tagħhom taħt l-Artikolu 241 KE. Barra minn hekk, Stat Membru ma jistax, wara l-iskadenza tat-terminu previst fl-Artikolu 230 KE, idaħħal inkwistjoni l-validità ta’ att Komunitarju bħala mezz ta’ difiża fi proċedura intiża sabiex jiġi kkonstatat in-nuqqas tiegħu li jwettaq obbligu minħabba li ma jkunx ittrasponieh. Għaldaqstant, it-teżi tal-Kummissjoni jkollha bħala effett li ċċaħħadha mid-dritt li tressaq rikors kontra r-Regolament Nru 1972/2003.

    31

    Sussidjarjament, ir-Repubblika tal-Polonja ssostni fir-replika tagħha li r-rikors preżenti, li ġie ppreżentat fit-28 ta’ Ġunju 2004, huwa, f’kull każ, ammissibbli fir-rigward tal-prodotti miżjuda mir-Regolament Nru 735/2004, li ġie ppubblikat fil-Ġurnal Uffiċjali tal-, peress li hija ressqet rikors għal annullament kontra r-Regolament Nru 1972/2003 kif emendat bir-Regolament Nru 735/2004.

    Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

    32

    Skont il-ħames paragrafu tal-Artikolu 230 KE, ir-rikorsi “għandhom jinbdew fi żmien xahrejn mill-pubblikazzjoni tal-miżura, […] jew, fin-nuqqas ta’ dan, mill-ġurnata minn meta ir-rikorrent ikun sar jaf bih”. Mit-termini stess ta’ din id-dispożizzjoni jirriżulta li l-kriterju tad-data ta’ meta l-persuna kkonċernata saret taf bl-att bħala l-punt li minnu jibda jiddekorri t-terminu għall-preżentata ta’ rikors huwa ta’ natura sussidjarju meta mqabbel mal-kriterji tal-pubblikazzjoni jew tan-notifika tal-att (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-10 ta’ Marzu 1998, Il-Ġermanja vs Il-Kunsill, C-122/95, Ġabra p. I-973, punt 35).

    33

    Għandu jiġi rrilevat ukoll li l-applikazzjoni stretta tar-regoli Komunitarji dwar it-termini proċedurali tissodisfa r-rekwiżit ta’ ċertezza legali u l-bżonn li tiġi evitata kull diskriminazzjoni jew trattament arbitrarju fl-amministrazzjoni tal-ġustizzja (digriet tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-5 ta’ Frar 1992, Franza vs Il-Kummissjoni, C-59/91, Ġabra p. I-525, punt 8; sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-, Il-Kummissjoni vs BASF et, C-137/92 P, Ġabra p. I-2555, punt 40; digrieti tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-, L-Irlanda vs Il-Kummissjoni, C-239/97, Ġabra p. I-2655, punt 7, u tas-, Il-Ġermanja vs Il-Parlament u Il-Kunsill, C-406/01, Ġabra p. I-4561, punt 20). Barra minn hekk, l-osservanza stretta tat-termini proċedurali tissodisfa r-rekwiżiti ta’ amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja u tal-ekonomija tal-ġudizzju (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-, Il-Kummissjoni vs AssiDomän Kraft Products et, C-310/97 P, Ġabra p. I-5363, punt 61). Fl-aħħar, in-natura tardiva ta’ rikors hija eċċezzjoni ta’ ordni pubbliku li għandha titqajjem ex officio (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-, Belfiore vs Il-Kummissjoni, 108/79, Ġabra p. 1769, punt 3).

    34

    Fil-kawża preżenti, ir-Regolament Nru 1972/2003 ġie ppubblikat fil-Ġurnal Uffiċjali tal-11 ta’ Novembru 2003. Għaldaqstant, il-ġurnata li fiha skada t-terminu għall-preżentata ta’ rikors għandha tiġi kkalkolata minn dik id-data.

    35

    Skont l-Artikolu 101(1)(a) tar-Regoli tal-Proċedura, “terminu, li huwa espress f’jiem, f’ġimgħat, f’xhur jew fi snin, għandu jibda jiddekorri mill-mument li fih jiġri avveniment jew jitwettaq att, il-jum li fih jiġri l-avveniment jew li jitwettaq l-att ma għandux jiġi inkluż fit-terminu”. Barra minn hekk, skont l-Artikolu 102(1) tar-Regoli tal-Proċedura, meta terminu għall-preżentata ta’ rikors kontra att ta’ istituzzjoni jibda jiddekorri mill-pubblikazzjoni tal-att, dan it-terminu jibda jiddekorri, fis-sens tal-Artikolu 101(1)(a), minn tmiem l-erbatax-il jum wara d-data tal-pubblikazzjoni tal-att fil-Ġurnal Uffiċjali. Minn dan isegwi li, fil-kawża preżenti, it-terminu għall-preżentata ta’ rikors ta’ xahrejn għandu jibda jiddekorri mill-25 ta’ Novembru 2003 f’nofs il-lejl.

    36

    Barra minn hekk, l-Artikolu 101(1)(b) tar-Regoli tal-Proċedura jipprovdi li terminu espress f’xhur għandu jispiċċa mal-iskadenza ta’ dak il-jum li, fl-aħħar xahar, iġib l-istess numru tal-jum li fih ġara l-avveniment jew twettaq l-att li minnu għandu jiġi kkalkolat it-terminu. Għaldaqstant, it-terminu preżenti għall-preżentata ta’ rikors skada fil-25 ta’ Jannar 2004 f’nofs il-lejl.

    37

    Madankollu, fid-dawl tat-terminu ta’ għaxart ijiem stabbilit għall-finijiet ta’ distanza, li għandu jiżdied mat-termini proċedurali skont l-Artikolu 102(2) tar-Regoli tal-Proċedura, it-terminu totali stabbilit għall-preżentata ta’ rikors kontra r-Regolament Nru 1972/2003 skada fl-4 ta’ Frar 2004 f’nofs il-lejl.

    38

    Issa, ir-Repubblika tal-Polonja ppreżentat ir-rikors preżenti fit-28 ta’ Ġunju 2004. Minn dan isegwi li, sa fejn jikkonċerna r-Regolament Nru 1972/2003, dan ir-rikors ġie ppreżentat tard.

    39

    Ebda wieħed mill-argumenti tar-Repubblika tal-Polonja ma jista’ jdaħħal inkwistjoni din il-konklużjoni.

    40

    Fl-ewwel lok, fir-rigward tal-argument imressaq mir-Repubblika tal-Polonja dwar il-pubblikazzjoni mhux kompleta tar-Regolament Nru 1972/2003 sa fejn dan ma ġiex ippubblikat fl-20 lingwa uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, għandu jiġi rrilevat li l-Artikolu 4 tar-Regolament tal-Kunsill Nru 1, tal-15 ta’ April 1958, li jistabbilixxi l-lingwi li għandhom jintużaw mill-Komunità Ekonomika Ewropea (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti: Kapitolu 3, Vol. 40, p. 474 ), kif emendat, jipprovdi, fil-verżjoni tiegħu applikabbli fil-, li “[i]r-Regolamenti u d-dokumenti l-oħra ta’ applikazzjoni ġenerali għandhom ikunu abbozzati fil-ħdax il-lingwa uffiċjali”.

    41

    Fil-fatt, l-Artikolu 1 tat-Trattat ta’ Adeżjoni jipprovdi li d-dispożizzjonijiet tal-Att ta’ Adeżjoni huma parti integrali tal-imsemmi trattat u jidħlu fis-seħħ fl-istess data bħal dan tal-aħħar. Għaldaqstant, il-modifikazzjonijiet magħmula fis-sistema lingwistika, previsti mill-punt 22(1) tal-Anness II tal-Att ta’ Adeżjoni u li jinkludu l-lingwi tal-Istati Membri l-ġodda fost il-lingwi ta’ ħidma tal-istituzzjonijiet, ma daħlux fis-seħħ qabel l-1 ta’ Mejju 2004.

    42

    Minn dan isegwi li l-Kummissjoni ma kinitx obbligata tippubblika r-Regolament Nru 1972/2003 bil-lingwa Pollakka fil-11 ta’ Novembru 2003 u li dan seta’ jiġi interpretat abbażi tal-verżjonijiet lingwistiċi ppubblikati f’dik id-data.

    43

    Fit-tieni lok, fir-rigward tal-argument ibbażat fuq id-dħul fis-seħħ tar-Regolament Nru 1972/2003 suġġett għal u fid-data tad-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta’ Adeżjoni, jiġifieri fl-1 ta’ Mejju 2004, għandha tinżamm distinzjoni bejn il-kontestabbiltà ta’ att li jkun marbut mat-twettiq tal-formalitajiet kollha ta’ pubbliċità meħtieġa u li jiskatta t-terminu għall-preżentata tar-rikors u d-dħul fis-seħħ ta’ dan l-att, li jista’ jiġi ttardjat (ara, f’dan is-sens, il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Poiares Maduro ppreżentati fil-kawża li wasslet għas-sentenza Il-Polonja vs Il-Kunsill, iċċitata fil-punt 9 iktar ’il fuq, Ġabra p. I-8929, I-8962, punt 23).

    44

    Il-ħames paragrafu tal-Artikolu 230 KE ma jipprevedix id-data tad-dħul fis-seħħ tal-att bħala punt ta’ tluq tat-terminu għall-preżentata ta’ rikors. Anki li kieku r-Regolament Nru 1972/2003 huwa differenti, kif tallega r-Repubblika tal-Polonja, mill-bqija tal-acquis communautaire, fir-rigward tal-mument tal-implementazzjoni tiegħu u taċ-ċirku tad-destinatarji tiegħu, dan ma jostakolax għalhekk it-terminu għall-preżentata ta’ rikors milli jibda jiddekorri mill-pubblikazzjoni tar-regolament inkwistjoni.

    45

    Fit-tielet lok, fir-rigward tal-argument li r-Regolament Nru 1972/2003 kien indirizzat lill-Istati Membri kollha, inkluża lir-Repubblika tal-Polonja, b’tali mod li din tal-aħħar għandha tkun tista’ tikkontestah f’din il-kwalità, dan l-argument għandu jiġi miċħud ukoll.

    46

    Fil-fatt, l-ewwel nett, l-Att ta’ Adeżjoni jipprovdi speċifikament għall-possibbiltà għall-istituzzjonijiet Komunitarji li jadottaw ċerti miżuri bejn id-data li fiha jiġi ffirmat l-Att ta’ Adeżjoni u d-data tal-adeżjoni tal-Istati Membri l-ġodda, mingħajr madankollu ma jipprovdi għal derogi temporanji mis-sistema ta’ stħarriġ tal-legalità tal-atti Komunitarji.

    47

    It-tieni nett, għandu jitfakkar li r-regoli Komunitarji dwar it-termini proċedurali għandhom jiġu applikati b’mod strett (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-15 ta’ Jannar 1987, Misset vs Il-Kunsill, 152/85, Ġabra p. 223, punt 11) u li jista’ jkun hemm deroga minn dawn ir-regoli fil-każ biss li jkun hemm ċirkustanzi verament eċċezzjonali, każijiet fortuwiti jew forza maġġuri (digriet tal-Qorti tal-Ġustizzja tad-, Forum des migrants vs Il-Kummissjoni, C-369/03 P, Ġabra p. I-1981, punt 16). Issa, ir-Repubblika tal-Polonja ma tispjegax kif iċ-ċirkustanzi preżenti huma verament eċċezzjonali fir-rigward tagħha u jitolbu li ssir deroga mill-prinċipju ta’ applikazzjoni stretta tat-termini proċedurali b’detriment għall-prinċipju ta’ ċertezza legali.

    48

    It-tielet nett, jekk l-argument tar-Repubblika tal-Polonja jinftiehem fis-sens li hija tqis li għandha tistenna sakemm takkwista l-kwalità ta’ Stat Membru sabiex tkun tista’ tippreżenta r-rikors tagħha, għandu jiġi enfasizzat li t-terminu għall-preżentata ta’ rikors previst mill-Artikolu 230 KE huwa ta’ applikazzjoni ġenerali. Mhijiex neċessarja, f’dak li jirrigwarda lir-Repubblika tal-Polonja, il-kwalità ta’ Stat Membru. Dan it-terminu għall-preżentata ta’ rikors japplika għaliha f’kull każ bħala persuna ġuridika.

    49

    Fl-aħħar lok, fir-rigward tal-argument ibbażat fuq id-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva, jeħtieġ li jiġi nnotat, qabel kollox, li d-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva b’ebda mod mhuwa affettwat mill-applikazzjoni stretta tar-regoli Komunitarji dwar it-termini proċedurali, applikazzjoni li tissodisfa b’mod partikolari rekwiżit ta’ ċertezza legali (digriet Il-Ġermanja vs Il-Parlament u Il-Kunsill, iċċitata fil-punt 33 iktar ’il fuq, punt 20).

    50

    Barra minn hekk, għalkemm huwa minnu li l-kundizzjonijiet għat-tressiq ta’ kawża quddiem il-qrati Komunitarji għandhom jiġu interpretati fid-dawl tal-prinċipju ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva, xorta jibqa’ l-fatt li din l-interpretazzjoni ma tistax twassal sabiex tiġi injorata kundizzjoni espressament prevista mit-Trattat mingħajr ma jinqabżu l-limiti tal-ġurisdizzjoni mogħtija mit-Trattat lill-qrati Komunitarji (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-25 ta’ Lulju 2002, Unión de Pequeños Agricultores vs Il-Kunsill, C-50/00 P, Ġabra p. I-6677, punt 44; ara wkoll, b’analoġija, id-digriet tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-, Diputación Foral de Álava et vs Il-Kummissjoni, C-75/02 P, Ġabra p. I-2903, punt 34).

    51

    Fl-aħħar, għalkemm huwa minnu li l-qrati Komunitarji rrikonoxxew, permezz ta’ interpretazzjoni tat-tieni u tar-raba’ paragrafi tal-Artikolu 230 KE, il-locus standi ta’ individwi li jippreżentaw rikors għal annullament kontra l-atti previsti fl-ewwel paragrafu tal-Artikolu 230 KE meta dawn l-individwi ma kellhom ebda rimedju legali effettiv ieħor kontra l-imsemmija atti (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-23 ta’ April 1986, Les Verts, 294/83, Ġabra p. 1339, punt 23; tas-, Il-Parlament vs Il-Kunsill, C-295/90, Ġabra p. I-4193, u tas-, Il-Parlament vs Il-Kunsill, C-65/90, Ġabra p. I-4593), xorta jibqa’ l-fatt li ċ-ċirkustanza li t-terminu għall-preżentata ta’ rikors jibda jiddekorri mill-pubblikazzjoni tar-Regolament Nru 1972/2003 ma ostakolatx lir-Repubblika tal-Polonja milli titlob lill-Qorti tal-Prim’Istanza tistħarreġ il-legalità tal-imsemmi regolament. Bil-kontra ta’ dak li tallega, hija setgħet tippreżenta rikors kontra dan l-att taħt ir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 230 KE.

    52

    Fil-fatt, għalkemm l-Istati terzi, inklużi l-Istati Membri l-ġodda qabel l-adeżjoni, ma jistgħux jinvokaw il-kwalità ta’ litigant mogħtija lill-Istati Membri mis-sistema Komunitarja, huma għandhom il-possibbiltajiet li jkunu parti fi proċeduri legali li din is-sistema tirrikonoxxi lill-persuni ġuridiċi (ara, f’dan is-sens, il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Poiares Maduro ppreżentati fil-kawża li wasslet għas-sentenza Il-Polonja vs Il-Kunsill, iċċitata fil-punt 43 iktar ’il fuq, punt 40).

    53

    Din l-interpretazzjoni hija kkonfermata mill-ġurisprudenza dwar id-dritt li jitressaq rikors għal annullament tal-entitajiet infrastatali li tipprovdi li l-għan tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 230 KE huwa li jagħti protezzjoni ġudizzjarja adegwata lil kull persuna, fiżika jew legali, li tkun ikkonċernata direttament u individwalment mill-atti tal-istituzzjonijiet Komunitarji. Għalhekk, għandu jiġi rikonoxxut locus standi abbażi ta’ dan l-għan waħdieni u r-rikors għal annullament għandu għalhekk ikun miftuħ għal dawk kollha li jissodisfaw il-kundizzjonijiet oġġettivi previsti, jiġifieri li jkollhom il-personalità ġuridika meħtieġa u jkunu kkonċernati individwalment u direttament mill-att ikkontestat. Din is-soluzzjoni għandha tiġi applikata wkoll meta r-rikorrent ikun korp pubbliku li jkun jissodisfa dawn il-kriterji (sentenza Regione autonoma Friuli-Venezia Giulia vs Il-Kummissjoni, iċċitata fil-punt 29 iktar ’il fuq, punt 41; ara wkoll il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Poiares Maduro ppreżentati fil-kawża li wasslet għas-sentenza Il-Polonja vs Il-Kunsill, iċċitata fil-punt 43 iktar ’il fuq, punt 41), soluzzjoni din li kienet applikabbli għall-Istati Membri l-ġodda qabel l-adeżjoni tagħhom mal-Unjoni Ewropea.

    54

    Fil-kawża preżenti, huwa minnu li r-Regolament Nru 1972/2003 jikkostitwixxi att ta’ portata ġenerali u mhux deċiżjoni fis-sens tal-Artikolu 249 KE. Madankollu, il-portata ġenerali ta’ att ma teskludix li l-att jista’ jikkonċerna direttament u individwalment lil ċerti persuni fiżiċi jew ġuridiċi (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-18 ta’ Mejju 1994, Codorníu vs Il-Kunsill, C-309/89, Ġabra p. I-1853, punt 19, u Nederlandse Antillen vs Il-Kunsill, iċċitata fil-punt 29 iktar ’il fuq, punt 55).

    55

    Skont ġurisprudenza stabbilita, att ta’ portata ġenerali bħalma huwa regolament ma jistax jikkonċerna individwalment persuni fiżiċi jew ġuridiċi ħlief jekk dan jaffettwahom minħabba ċerti karatteristiċi li huma partikolari għalihom jew minħabba sitwazzjoni ta’ fatt li tikkaratterizzahom meta mqabbla ma’ kull persuna oħra u, minħabba f’hekk, jindividwalizzahom bl-istess mod bħalma jkun destinatarju ta’ deċiżjoni fis-sens tal-Artikolu 249 KE (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-22 ta’ Novembru 2001, Antillean Rice Mills vs Il-Kunsill, C-451/98, Ġabra p. I-8949, punt 49; Unión de Pequeños Agricultores vs Il-Kunsill, iċċitata fil-punt 50 iktar ’il fuq, punt 36, u Il-Kummissjoni vs Nederlandse Antillen, iċċitata fil-punt 29 iktar ’il fuq, punt 65).

    56

    F’dan ir-rigward, għandu jiġi enfasizzat li entità infrastatali hija direttament u individwalment ikkonċernata minn att Komunitarju meta dan jipprekludiha direttament milli teżerċita kif jidhrilha l-kompetenzi tagħha (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-Qorti tal-Prim’Istanza tat-30 ta’ April 1998, Vlaams Gewest vs Il-Kummissjoni, T-214/95, Ġabra p. II-717, punt 29, u Regione autonoma Friuli-Venezia Giulia vs Il-Kummissjoni, iċċitata fil-punt 29 iktar ’il fuq, punt 31).

    57

    Dan għandu japplika wkoll għall-Istati Membri l-ġodda qabel l-adeżjoni tagħhom mal-Unjoni Ewropea f’dak li jirrigwarda l-atti Komunitarji adottati wara li ffirmaw it-Trattat ta’ Adeżjoni.

    58

    Issa, għandu jiġi kkonstatat li d-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 1972/2003 jimponu diversi obbligi fuq ir-Repubblika tal-Polonja, u b’hekk jaffettwaw direttament l-eżerċizzju tal-kompetenzi tagħha.

    59

    Fil-fatt, ir-Repubblika tal-Polonja hija partikolarment marbuta, skont l-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 1972/2003, twettaq mingħajr dewmien, fl-1 ta’ Mejju 2004, inventarju tal-ħażniet disponibbli ta’ ċerti prodotti agrikoli u tintaxxa lid-detenturi ta’ ħażniet żejda ta’ prodotti f’ċirkulazzjoni ħielsa b’ammont ugwali għad-dazju fuq l-importazzjoni erga omnes kif applikabbli f’dik id-data.

    60

    Barra minn hekk, l-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 1972/2003 jobbliga lir-Repubblika tal-Polonja timponi fuq il-prodotti elenkati fit-tmien inċiż tal-Artikolu 4(5) tal-imsemmi regolament li jkunu tqiegħdu f’ċirkulazzjoni ħielsa qabel l-1 ta’ Mejju 2004 fit-territorju tagħha, u li, fl-, ikunu jinsabu f’ħażna temporanja jew jaqgħu taħt waħda mid-destinazzjonijiet doganali jew mis-sistemi doganali previsti fl-Artikolu 4(15)(b) u (16)(b) sa (g) tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2913/92, tat-, li jwaqqaf il-Kodiċi Doganali tal-Komunità (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti: Kapitolu 02, Vol. 04, p. 307), fil-Komunità estiża, jew li jkunu qegħdin jiġu ttrasportati fil-Komunità estiża wara li jkunu ssodisfaw il-formalitajiet ta’ esportazzjoni, ħlas ta’ ammont ugwali għad-dazju fuq l-importazzjoni erga omnes kif applikabbli fil-ġurnata li fiha jkunu tqiegħdu f’ċirkulazzjoni ħielsa.

    61

    Konsegwentement, hemm lok li jiġi konkluż li, qabel ma akkwistat il-kwalità ta’ Stat Membru, ir-Repubblika tal-Polonja kienet direttament u individwalment ikkonċernata mir-Regolament Nru 1972/2003 u setgħet tippreżenta rikors għal annullament kontrih skont ir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 230 KE.

    62

    Minn dak li ntqal qabel jirriżulta li l-applikazzjoni stretta tat-termini għall-preżentata ta’ rikors li jiddekorru mid-data tal-pubblikazzjoni tar-Regolament Nru 1972/2003 ma żammitx, fil-kawża preżenti, lir-Repubblika tal-Polonja milli ssostni d-drittijiet tagħha u milli tgawdi minn protezzjoni ġudizzjarja effettiva.

    63

    Fid-dawl ta’ dak li ntqal qabel, hemm lok li jiġi konkluż li, f’dak li jirrigwarda r-Regolament Nru 1972/2003, ir-rikors preżenti huwa tardiv u, għaldaqstant, għandu jiġi miċħud bħala inammissibbli.

    64

    Għaldaqstant, għandu jiġi analizzat l-argument invokat sussidjarjament mir-Repubblika tal-Polonja li jgħid li r-rikors preżenti, peress li ġie ppreżentat fit-28 ta’ Ġunju 2004, huwa, f’kull każ, ammissibbli fir-rigward tal-prodotti miżjuda mir-Regolament Nru 735/2004, li ġie ppubblikat fil-Ġurnal Uffiċjali tal-.

    65

    Qabel kollox, għandu jitfakkar li, fil-każ tar-Repubblika tal-Polonja, ir-Regolament Nru 735/2004 żied, b’mod partikolari, mal-lista tal-prodotti suġġetti għall-miżuri previsti mir-Regolament Nru 1972/2003, seba’ prodotti li qabel ma kinux is-suġġett ta’ miżuri simili (ara l-punt 6 iktar ’il fuq).

    66

    Issa, ir-rikors preżenti ġie ppreżentat mir-Repubblika tal-Polonja kontra r-Regolament Nru 1972/2003 kif emendat, b’mod partikolari, bir-Regolament Nru 735/2004. Minn dan isegwi li, sa mill-preżentata tar-rikors, ir-Repubblika tal-Polonja kkontestat il-fatt li s-seba’ prodotti miżjuda mir-Regolament Nru 735/2004 kienu suġġetti għall-istess miżuri bħal dawk inizjalment introdotti mir-Regolament Nru 1972/2003 għal prodotti oħra.

    67

    Għaldaqstant, hemm lok li tiġi miċħuda t-teżi tal-Kummissjoni li tgħid li r-Repubblika tal-Polonja, billi invokat l-argument tagħha sussidjarjament fl-istadju tar-replika, kienet ressqet motiv ġdid matul l-istanza, ħaġa din li hija pprojbita mill-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 48(2) tar-Regoli tal-Proċedura.

    68

    Minkejja li l-argument ta’ natura proċedurali li għadu kemm ġie miċħud huwa l-uniku argument invokat mill-Kummissjoni kontra l-ammissibbiltà tar-rikors fir-rigward tal-fatt li l-prodotti miżjuda mir-Regolament Nru 735/2004 kienu suġġetti għall-imsemmija miżuri, din il-kwistjoni ta’ ammissibbiltà għandha madankollu tiġi eżaminata minn perspettiva materjali sa fejn, kif ġie enfasizzat fil-punt 33 iktar ’il fuq, in-natura tardiva ta’ rikors hija eċċezzjoni ta’ ordni pubbliku li għandha titqajjem ex officio.

    69

    B’hekk, huwa importanti li jiġi eżaminat jekk, peress li r-Repubblika tal-Polonja ma tikkontestax bħala tali ż-żieda, fil-każ tagħha, tas-seba’ prodotti fil-lista ta’ prodotti suġġetti għall-miżuri previsti mir-Regolament Nru 1972/2003, iżda l-legalità tal-imsemmija miżuri, ir-rikors preżenti ma għandux jiġi kkunsidrat bħala inammissibbli fir-rigward tal-prodotti miżjuda mir-Regolament Nru 735/2004 minħabba l-fatt li, permezz ta’ dan il-motiv, ir-Repubblika tal-Polonja ma ddaħħalx verament inkwistjoni l-legalità tal-emendi mwettqa mill-imsemmi regolament iżda dik tal-miżuri inizjalment stabbiliti mir-Regolament Nru 1972/2003 għal prodotti oħra, u b’hekk tevita t-terminu ta’ dekadenza fir-rigward ta’ dan tal-aħħar.

    70

    F’dan ir-rigward hemm lok li jiġi rrilevat li, minkejja li n-natura definittiva ta’ att li ma jkunx ġie kkontestat fit-termini previsti ma tirrigwardax biss l-att innifsu iżda anki kull att sussegwenti li jkun ta’ natura purament konfermattiva, soluzzjoni din li hija ġġustifikata mill-istabbiltà legali meħtieġa u li tgħodd kemm għall-atti individwali kif ukoll għal dawk li huma ta’ natura leġiżlattiva, bħal regolament, meta dispożizzjoni ta’ regolament tiġi emendata, id-dritt ta’ rikors jerġa’ jinfetaħ mhux biss kontra din id-dispożizzjoni waħedha iżda wkoll kontra dawk kollha li, anki jekk ma jkunux ġew emendati, jiffurmaw grupp ta’ regoli wieħed magħha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-18 ta’ Ottubru 2007, Il-Kummissjoni vs Il-Parlament u Il-Kunsill, C-299/05, Ġabra p. I-8695, punti 29 u 30).

    71

    Issa, att Komunitarju li permezz tiegħu prodotti jiżdiedu ma’ lista huwa neċessarjament ħaġa waħda mad-dispożizzjonijiet ta’ att Komunitarju ieħor li jipprevedi l-miżuri li għalihom il-prodotti fuq din il-lista huma suġġetti peress li, jekk ma jkunx hekk, l-att li permezz tiegħu l-prodotti jiżdiedu ma’ din il-lista jkun nieqes minn kull effett legali.

    72

    Barra minn hekk, għandu jiġi enfasizzat li persuna li, filwaqt li jkollha locus standi sabiex tippreżenta rikors kontra att Komunitarju li permezz tiegħu l-prodotti f’lista huma suġġetti għal ċerti miżuri, tonqos milli tagħmel dan fit-terminu stabbilit, ma tistax tiġi pprojbita, għal din ir-raġuni, milli ssostni fil-kuntest ta’ rikors kontra att ieħor, li permezz tiegħu xi prodotti jiġu miżjuda fil-lista inkwistjoni, l-illegalità tal-miżuri li għalihom dawn il-prodotti addizzjonali huma issa suġġetti. Fil-fatt, tali miżuri jikkostitwixxu, f’dak li jirrigwarda l-prodotti miżjuda ma’ din il-lista mit-tieni att adottat, miżuri ġodda. Għaldaqstant, it-tieni att adottat ma jistax jiġi kkunsidrat bħala purament konfermattivi fir-rigward tal-imsemmija miżuri.

    73

    Għaldaqstant hemm lok li jiġi konkluż li r-rikors preżenti huwa ammissibbli sa fejn jista’ jiġi interpretat bħala talba għall-annullament tar-Regolament Nru 735/2004 sa fejn dan jissuġġetta, fil-każ tar-Repubblika tal-Polonja, seba’ prodotti addizzjonali għall-istess miżuri bħal dawk inizjalment introdotti mir-Regolament Nru 1972/2003 għal prodotti oħra (iktar ’il quddiem il-“miżuri kkontestati”), li r-Repubblika tal-Polonja tikkunsidra li huma illegali f’dak li jirrigwarda dawn is-seba’ prodotti addizzjonali. Il-motivi u l-argumenti tar-Repubblika tal-Polonja kontra d-dispożizzjonijiet ikkontestati tar-Regolament Nru 1972/2003 għandhom jiġu interpretati f’dan is-sens.

    Fuq il-mertu

    74

    Dan ir-rikors huwa essenjzalment diviż f’erba’ partijiet.

    75

    Fl-ewwel parti, ir-Repubblika tal-Polonja tinvoka ħames motivi insostenn tat-talba tagħha għall-annullament tar-Regolament Nru 735/2004 sa fejn jissuġġetta, fil-każ tagħha, seba’ prodotti addizzjonali għall-miżuri previsti fl-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 1972/2003, li hija tikkunsidra li huma illegali fir-rigward tal-prodotti inkwistjoni. L-ewwel motiv huwa bbażat fuq ksur tal-prinċipju ta’ moviment liberu tal-merkanzija. It-tieni motiv huwa bbażat fuq in-nuqqas ta’ kompetenza tal-Kummissjoni sabiex tadotta l-imsemmija miżuri u fuq ksur tal-Artikoli 22 u 41 tal-Att ta’ Adeżjoni. It-tielet motiv huwa bbażat fuq ksur tal-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni minħabba ċ-ċittadinanza. Ir-raba’ motiv huwa bbażat fuq nuqqas jew insuffiċjenza ta’ motivazzjoni. Fl-aħħar, il-ħames motiv huwa bbażat fuq ksur tal-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi.

    76

    Fit-tieni parti, ir-Repubblika tal-Polonja tinvoka żewġ motivi insostenn tat-talba tagħha għall-annullament tar-Regolament Nru 735/2004 sa fejn jissuġġetta, fil-każ tagħha, seba’ prodotti addizzjonali għall-miżuri previsti fl-Artikolu 4(3) tar-Regolament Nru 1972/2003, li hija tikkunsidra li huma illegali fir-rigward tal-prodotti inkwistjoni. L-ewwel motiv huwa bbażat fuq ksur tal-Artikolu 41 tal-Att ta’ Adeżjoni u tal-prinċipju ta’ proporzjonalità. It-tieni motiv huwa bbażat fuq ksur tal-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni minħabba ċ-ċittadinanza.

    77

    Fit-tielet parti, ir-Repubblika tal-Polonja tinvoka motiv uniku insostenn tat-talba tagħha għall-annullament tar-Regolament Nru 735/2004 sa fejn iżid, fil-każ tagħha, seba’ prodotti mal-lista ta’ prodotti fit-tmien inċiż tal-Artikolu 4(5) tar-Regolament Nru 1972/2003, li hija tikkunsidra li ġie emendat bi ksur tal-Artikolu 41 tal-Att ta’ Adeżjoni u tal-prinċipju ta’ proporzjonalità.

    78

    Fl-aħħar, fir-raba’ parti, ir-Repubblika tal-Polonja tinvoka motiv uniku insostenn tat-talba tagħha għall-annullament tar-Regolament Nru 735/2004 sa fejn jissuġġetta, fil-każ tagħha, seba’ prodotti addizzjonali għall-miżuri kkontestati kollha, li hija tikkunsidra li huma illegali fir-rigward tal-prodotti inkwistjoni. Dan il-motiv huwa bbażat fuq abbuż ta’ poter.

    79

    Qabel kollox, għandhom jiġu eżaminati l-motivi invokati mir-Repubblika tal-Polonja fit-tieni parti tar-rikors u, sussegwentement, dawk invokati fit-tielet, fl-ewwel u fir-raba’ parti tar-rikors.

    Fuq it-tieni parti tar-rikors, dwar talba għall-annullament tar-Regolament Nru 735/2004 sa fejn jissuġġetta seba’ prodotti addizzjonali għall-miżura prevista fl-Artikolu 4(3) tar-Regolament Nru 1972/2003

    80

    Mill-premessa 1 tar-Regolament Nru 1972/2003 jirriżulta li kellhom jiġu adottati miżuri tranżitorji sabiex jiġi evitat ir-riskju ta’ distorsjoni tal-kummerċ għad-detriment tal-organizzazzjoni komuni tas-swieq agrikoli minħabba l-adeżjoni ta’ għaxar Stati ġodda mal-Unjoni Ewropea mill-1 ta’ Mejju 2004. Fil-premessa 3 ta’ dan ir-regolament huwa indikat ukoll li din id-distorsjoni tal-kummerċ ta’ spiss tinvolvi prodotti mċaqalqa artifiċjalment fid-dawl tat-tkabbir u li għalhekk ma jufformawx parti mill-ħażniet normali tal-Istati kkonċernati iżda li l-ħażniet żejda jistgħu joriġinaw ukoll mill-produzzjoni nazzjonali. Fl-aħħar huwa ppreċiżat li għalhekk hemm lok li jiġu imposti ħlasijiet bħala deterrent fuq il-ħażniet żejda fl-Istati Membri l-ġodda.

    81

    L-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 1972/2003 jistabbilixxi dawn il-ħlasijiet. B’hekk, minn qari flimkien tal-Artikolu 4(1) u (2) ta’ dan ir-regolament jirriżulta li, bla ħsara għall-punt 4 tal-Anness IV tal-Att ta’ Adeżjoni u sakemm fuq livell nazzjonali ma tapplikax leġiżlazzjoni iktar, l-Istati Membri l-ġodda għandhom jimponu ħlasijiet fuq id-detenturi ta’ ħażniet żejda ta’ prodotti li jinsabu f’ċirkulazzjoni ħielsa fl-1 ta’ Mejju 2004, liema ħażniet huma kkostitwiti b’mod partikolari minn prodotti importati fl-Istati Membri l-ġodda kif ukoll minn prodotti li joriġinaw mill-imsemmija Stati li n-numru tagħhom huwa ikbar mill-ħażniet normali tad-detenturi tagħhom, fid-dawl, b’mod partikolari, tal-medja tal-ħażniet disponibbli fis-snin ta’ qabel l-adeżjoni.

    82

    Għandu jiġi rrilevat ukoll li l-punt 4 tal-Anness IV tal-Att ta’ Adeżjoni dwar l-agrikoltura jipprovdi:

    “1.

    Hażniet pubbliċi miżmuma mill-Istati Membri l-ġodda fid-data ta’ l-adeżjoni u li jirriżultaw mill-politika tagħhom ta’ għajnuna lis-suq għandhom jgħaddu f’idejn il-Komunità għall-valur li jirriżulta mill-applikazzjoni ta’ l-Artikolu 8 tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru. 1883/78 li jistipula regoli ġenerali għall-iffinanzjar ta’ interventi mill-Fond Ewropew ta’ Gwida u Garanzija Agrikola, Sezzjoni tal-Garanzija […] Il-ħażniet imsemmija għandhom jgħaddu f’idejn il-Kummissjoni biss bil-kondizzjoni li jkun hemm disposizzjonijiet fir-regoli tal-Komunità għall-intervent pubbliku għall-prodotti in kwistjoni u li l-ħażniet jilħqu l-ħtiġiet Komunitarji rigward l-interventi.

    2.

    Kull ħażna ta’ prodott, kemm privata kemm pubblika, li fid-data ta’ l-adeżjoni tkun f’ċirkolazzjoni libera fit-territorju ta’ l-Istati Membri l-ġodda u li teċċedi l-kwantità li tista’ tkun meqjusa bħala ħażna li normalment tgħaddi minn żmien għall-ieħor għandha tiġi eliminata bi spejjeż għall-Istati Membri l-ġodda.

    Il-kunċett ta’ ħażna li normalment tgħaddi minn żmien għall-ieħor għandu jkun definit għal kull prodott abbażi ta’ kriterji u miri speċifiċi għal kull organizzazzjoni komuni tas-suq.

    3.

    Il-ħażniet li hemm referenza għalihom fil-paragrafu 1 [iktar ’il fuq] għandhom jiġu mnaqqsa mill-kwantità li taqbeż il-ħażna li normalment tgħaddi minn żmien għall-ieħor.

    […]”

    83

    Minn dan isegwi li, skont dawn id-dispożizzjonijiet, l-Istati Membri l-ġodda huma suġġetti għall-obbligu li jeliminaw bi spejjeż tagħhom il-ħażniet żejda ta’ ċerti prodotti agrikoli li jeżistu fit-territorji tagħhom u għall-obbligu li jintaxxaw l-imsemmija ħażniet.

    84

    Fl-aħħar, l-Artikolu 4(3) tar-Regolament Nru 1972/2003 jipprovdi li l-ammont tal-ħlas previst fl-Artikolu 4(1) (iktar ’il quddiem it-“taxxa kkontestata”) għandu jkun iddeterminat abbażi tad-dazju fuq l-importazzjoni erga omnes applikabbli fl-1 ta’ Mejju 2004 u li d-dħul minn dawn il-ħlasijiet għandu jkun assenjat lill-baġit nazzjonali ta’ kull Stat Membru ġdid.

    Fuq l-ewwel motiv, ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 41 tal-Att ta’ Adeżjoni u tal-prinċipju ta’ proporzjonalità

    — L-argumenti tal-partijiet

    85

    Ir-Repubblika tal-Polonja tammetti li l-Kummissjoni, meta teżerċita l-kompetenzi tagħha fir-rigward tal-politika agrikola komuni, tista’ tuża setgħa diskrezzjonali wiesgħa, b’tali mod li hija biss in-natura manifestament inadegwata ta’ miżura stabbilita f’dan is-settur, meta mqabbla mal-għan li tkun tixtieq tilħaq l-istituzzjoni kompetenti, li tista’ taffettwa l-legalità ta’ tali miżura. Madankollu, hija tfakkar li, skont il-prinċipju ta’ proporzjonalità, l-attività tal-istituzzjonijiet Komunitarji ma għandhiex taqbeż dak li huwa indispensabbli sabiex jintlaħaq l-għan stabbilit, u għandha tuża l-mezzi l-inqas restrittivi adegwati fid-dawl tal-għan li għandu jintlaħaq.

    86

    Issa, ir-Repubblika tal-Polonja ssostni li t-taxxi imposti fuq id-detenturi ta’ ħażniet żejda tal-prodotti inkwistjoni mill-Artikolu 4(3) tar-Regolament Nru 1972/2003 huma ugwali għar-rati tad-dazju fuq l-importazzjoni erga omnes applikabbli f’dik id-data, jiġifieri, f’livell li jaqbeż id-differenza bejn id-dazji Komunitarji u Polakki fuq l-importazzjoni fis-seħħ fit-30 ta’ April 2004. Dan huwa manifestament inadegwat fil-konfront tal-għan previst, li, skont il-premessa 3 tar-Regolament Nru 1972/2003, huwa li jiġu evitati t-tattiċi spekulattivi.

    87

    Li dan huwa verament l-għan huwa kkonfermat mill-fatt li l-miżuri tranżitorji meħuda fuq il-bażi tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 41 tal-Att ta’ Adeżjoni għandhom jevitaw vantaġġi mhux ġustifikati marbuta mad-differenza bejn id-dazji fuq l-importazzjoni Komunitarji u dawk tal-Istati Membri l-ġodda. Għaldaqstant, hemm ukoll ksur tal-imsemmi artikolu.

    88

    Għaldaqstant, ir-Repubblika tal-Polonja tammetti li l-eżistenza qabel it-30 ta’ April 2004 ta’ dazji fuq l-importazzjoni nazzjonali fl-Istati Membri l-ġodda fuq ċerti prodotti agrikoli li kienu inqas mid-dazji Komunitarji setgħet tħajjar lill-operaturi sabiex jimportaw dawn il-prodotti fl-Istati Membri l-ġodda bil-għan li jbigħuhom fis-suq komuni wara l-adeżjoni tagħhom. Hija tammetti wkoll li l-Kummissjoni tista’ tadotta miżuri li jkollhom bħala għan il-prevenzjoni jew in-newtralizzazzjoni tal-kostituzzjoni ta’ ħażniet ta’ prodotti agrikoli. Madankollu, l-unika miżura adegwata u proporzjonata għall-prevenzjoni ta’ dan ir-riskju hija l-istabbiliment ta’ taxxa li l-ammont tagħha huwa ddeterminat abbażi ta’ dazju li jikkorrispondi għad-differenza bejn id-dazji fuq l-importazzjoni Komunitarji u dawk tal-Istati Membri l-ġodda fit-.

    89

    Skont ir-Repubblika tal-Polonja, il-ġurisprudenza ssostni t-teżi tagħha. Hija tinvoka f’dan ir-rigward is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-15 ta’ Jannar 2002, Weidacher (C-179/00, Ġabra p. I-501), li kienet tirrigwarda l-legalità tal-Artikolu 4(3) tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 3108/94, tad-, dwar il-miżuri tranżitorji li għandhom jittieħdu minħabba l-adeżjoni tal-Awstrija, tal-Finlandja u tal-Iżvezja, dwar il-kummerċ ta’ prodotti agrikoli (ĠU L 328, p. 42). Din id-dispożizzjoni tistabbilixxi l-ammont ta’ taxxa analoga għal dik applikabbli fil-kawża preżenti bħala d-differenza bejn id-dazju doganali applikabbli fil-Komunità fil- u dak applikabbli fl-Istati Membri l-ġodda f’dik id-data. Ir-Repubblika tal-Polonja tenfassizza li, f’dan il-kuntest, il-Qorti tal-Ġustizzja affermat li, permezz tat-taxxa speċjali inkwistjoni fuq il-ħażniet żejda, il-Kummissjoni kellha preċiżament l-intenzjoni li tiffaċilità t-tranżizzjoni tal-Istati Membri għall-organizzazzjoni komuni tas-swieq, peress li tali taxxa kienet intiża, minn naħa, sabiex tevita l-kostituzzjoni ta’ ħażniet għal finijiet spekulattivi u, min-naħa l-oħra, sabiex tinnewtralizza l-vantaġġi ekonomiċi li inkella kienu jibbenifikaw minnhom l-operaturi ekonomiċi li kienu effettivament ikkostitwixxew ħażniet żejda bi prezzijiet baxxi (punt 22 tas-sentenza).

    90

    Il-pożizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja tikkonferma l-opinjoni espressa mill-Avukat Ġenerali Mischo li kien iddikjara, fil-konklużjonijiet tiegħu ppreżentati fil-kawża li wasslet għas-sentenza Weidacher, iċċitata fil-punt 89 iktar ’il fuq (Ġabra p. I-505, I-524), li t-taxxa inkwistjoni ma kinitx prekluża mill-prinċipju ta’ proporzjonalità peress li r-riżultat tagħha kien biss li jitħassar vantaġġ mhux ġustifikat mingħajr ma fl-istess ħin jiġi ppenalizzat id-detentur tal-ħażna (punt 58 tas-sentenza).

    91

    Fil-kawża preżenti, it-taxxa kkontestata ma setgħetx tiġi introdotta sabiex tiġi skoraġġita l-“produzzjoni spekulattiva”. Qabel kollox, l-idea ta’ spekulazzjoni hija marbuta b’mod li ma jistax jiġi sseparat mal-kummerċ u mhux mal-produzzjoni, speċjalment mhux mal-produzzjoni agrikola li ċ-ċiklu tagħha huwa twil u jiddependi minn numru ta’ fatturi oġġettivi. Għall-bqija, minħabba ċ-ċiklu twil tal-produzzjoni agrikola, kull produzzjoni spekulattiva eventwali setgħat tirriżulta biss waqt l-istaġun ta’ produzzjoni 2003 jew waqt is-snin ta’ qabel. Fl-aħħar, anki jekk tiġi ammessa l-eżistenza ta’ produzzjoni spekulattiva u l-possibbiltà li din tiġi evitata fil-perijodu bejn il-11 ta’ Novembru 2003 u l-, l-impożizzjoni ta’ dazji ta’ kumpens kienet tkun suffiċjenti sabiex jintlaħaq l-għan mixtieq.

    92

    Il-Kummissjoni tikkontesta l-argumenti tar-Repubblika tal-Polonja.

    — Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

    93

    Permezz tal-motiv preżenti, ir-Repubblika tal-Polonja ssostni essenzjalment żewġ argumenti. Fl-ewwel lok, hija tirrileva li t-taxxi imposti fuq id-detenturi ta’ ħażniet żejda tal-prodotti inkwistjoni mqiegħda f’ċirkulazzjoni ħielsa fl-1 ta’ Mejju 2004 skont l-Artikolu 4(3) tar-Regolament Nru 1972/2003 huma ikbar mid-differenza bejn id-dazju fuq l-importanzzjoni Komunitarju u d-dazju fuq l-importazzjoni Pollakk, fis-seħħ fit-, sitwazzjoni din li hija manifestament inadegwata meta mqabbla mal-għan previst, jiġifieri li jiġu evitati tattiċi spekulattivi. Għalhekk, il-Kummissjoni kisret il-prinċipju ta’ proporzjonalità.

    94

    Fit-tieni lok, ir-Repubblika tal-Polonja ssostni li l-miżuri tranżitorji adottati fuq il-bażi tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 41 tal-Att ta’ Adeżjoni għandhom jevitaw biss vantaġġi mhux ġustifikati marbuta mad-differenza bejn id-dazji fuq l-importazzjoni Komunitarji u dawk tal-Istati Membri l-ġodda u li, għaldaqstant, hemm ukoll ksur tal-imsemmi artikolu.

    95

    Qabel kollox, għandu jiġi eżaminat it-tieni argument tar-Repubblika tal-Polonja.

    96

    F’dan ir-rigward huwa importanti li jitfakkar li r-Regolament Nru 1972/2003 ġie adottat, b’mod partikolari, fuq il-bażi tal-Artikolu 2(3) tat-Trattat ta’ Adeżjoni u fuq il-bażi tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 41 tal-Att ta’ Adeżjoni.

    97

    L-Artikolu 2(3) tat-Trattat ta’ Adeżjoni jipprovdi:

    “Minkejja l-paragrafu 2, l-istituzzjonijiet ta’ l-Unjoni jistgħu jadottaw qabel l-Adeżjoni l-miżuri li hemm referenza għalihom fl-[Artikolu 41] tal-Att ta’ l-Adeżjoni [u] fl-Annessi III sa XIV ta’ dan l-Att […] Dawn il-miżuri jidħlu fis-seħħ biss soġġetti għal u fid-data tad-dħul fis-seħħ [tat-Trattat ta’ Adeżjoni].”

    98

    L-ewwel paragrafu tal-Artikolu 41 tal-Att ta’ Adeżjoni jipprovdi:

    “Jekk ikunu meħtieġa xi miżuri transitorji sabiex jiffaċilitaw it-transizzjoni mir-reġim eżistenti fl-Istati Membri l-ġodda għal dak li jirriżulta mill-applikazzjoni tal-politika agrikola komuni taħt il-kondizzjonijiet stipulati [mill-Att ta’ Adeżjoni], dawn il-miżuri għandhom jiġu adottati mill-Kummissjoni skond il-proċedura li hemm referenza għaliha fl-Artikolu 42(2) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1260/2001 dwar l-organizzazzjoni komuni tas-swieq fis-settur taz-zokkor [(ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti: Kapitolu 3, Vol. 33, p. 17 )], jew, jekk ikun il-każ, fl-Artikoli korrispondenti tar-Regolamenti l-oħra dwar l-organizzazzjoni komuni tas-swieq agrikoli jew il-proċedura tal-kumitat rilevanti kif stabbilita mill-leġislazzjoni applikabbli. Il-miżuri transitorji li hemm referenza għalihom f’dan l-Artikolu jistgħu jittieħdu matul perijodu ta’ tliet snin wara d-data ta’ l-adeżjoni u l-applikazzjoni tagħhom għandha tkun limitata għal dak il-perijodu […]”

    99

    Għandu jiġi rrilevat li l-formulazzjoni tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 41 tal-Att ta’ Adeżjoni hija simili ħafna għal dik tal-Artikolu 149(1) tal-Att li jikkonċerna l-kondizzjonijiet tal-Adeżjoni tar-Repubblika tal-Awstrija, ir-Repubblika tal-Finlandja u r-Renju tal-Iżvezja u l-aġġustamenti għat-Trattati li fuqhom hija stabbilita l-Unjoni Ewropea (ĠU 1994, C 41, p. 21), kif emendat. Issa, wara t-tkabbir tal-Unjoni Ewropea fl-1995, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet dwar il-kwistjoni ta’ jekk taxxa fuq il-ħażniet żejda ta’ ċerti prodotti agrikoli eżistenti fl-Istati Membri l-ġodda setgħetx tiġi kkunsidrata bħala miżura intiża sabiex tiffaċilita t-tranżizzjoni mis-sistema fis-seħħ fl-imsemmija Stati Membri għas-sistema li tirriżulta mill-applikazzjoni tal-politika agrikola komuni skont l-imsemmi Artikolu 149(1). Hija kkunsidrat li t-taxxa inkwistjoni kienet intiża sabiex tiffaċilita tali tranżizzjoni peress li, minn naħa, kienet tevita l-kostituzzjoni ta’ ħażniet għal finijiet spekulattivi u, min-naħa l-oħra, kienet tinnewtralizza l-vantaġġi ekonomiċi li inkella kienu jibbenifikaw minnhom l-operaturi li kienu effettivament ikkostitwixxew ħażniet żejda bi prezzijiet baxxi (sentenza Weidacher, iċċitata fil-punt 89 iktar ’il fuq, punt 22).

    100

    Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja enfasizzat li l-impożizzjoni ta’ taxxa fuq il-ħażniet żejda kienet tippermetti f’dak il-każ li jitnaqqas il-piż tal-obbligu tal-Istati Membri l-ġodda, previst fl-Artikolu 145(2) tal-Att li jikkonċerna l-kondizzjonijiet tal-Adeżjoni tar-Repubblika tal-Awstrija, ir-Repubblika tal-Finlandja u r-Renju tal-Iżvezja u l-aġġustamenti għat-Trattati li fuqhom hija stabbilita l-Unjoni Ewropea, kif emendat, li jeqirdu tali ħażniet bi spejjeż tagħhom (sentenza Weidacher, iċċitata fil-punt 89 iktar ’il fuq, punt 23). Issa, il-formulazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni hija simili ħafna għal dik tal-punt 4(2) tal-Anness IV tal-Att ta’ Adeżjoni.

    101

    Minn dan isegwi, b’analoġija, minn naħa, li kemm il-prevenzjoni tal-kostituzzjoni ta’ ħażniet għal finijiet spekulattivi u kemm in-newtralizzazzjoni tal-vantaġġi ekonomiċi tal-operaturi li kkostitwixxew ħażniet żejda bi prezzijiet baxxi jistgħu jiġġustifikaw l-adozzjoni mill-Kummissjoni ta’ miżura taħt l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 41 tal-Att ta’ Adeżjoni u, min-naħa l-oħra, li l-impożizzjoni ta’ taxxa fuq il-ħażniet żejda għandha tiġi kkunsidrata bħala intiża sabiex tiffaċilità il-bidla tal-Istati Membri l-ġodda għall-organizzazzjoni komuni tas-swieq, sa fejn din l-impożizzjoni tnaqqas il-piż tal-obbligu impost fuq l-Istati Membri l-ġodda, previst fil-punt 4(2) tal-Anness IV tal-Att ta’ Adeżjoni, li jeqirdu tali ħażniet bi spejjeż tagħhom.

    102

    Konsegwentement, għandu jiġi konkluż li l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 41 tal-Att ta’ Adeżjoni jippermetti lill-Kummissjoni tobbliga lill-Istati Membri l-ġodda jintaxxaw il-ħażniet żejda tal-prodotti inkwistjoni eżistenti fit-territorji tagħhom.

    103

    F’dan l-istadju, huwa importanti li jiġi ppreċiżat li l-argument tar-Repubblika tal-Polonja li jgħid li t-taxxa kkontestata tikser id-dispożizzjoni msemmija iktar ’il fuq minħabba l-fatt li din tal-aħħar tippermetti biss li jiġu evitati l-vantaġġi marbuta mad-differenza bejn id-dazji fuq l-importazzjoni Komunitarji u dawk tal-Istati Membri l-ġodda jikkostitwixxi kritika fir-rigward tal-ammont tat-taxxa kkontestata u mhux fir-rigward tal-impożizzjoni tat-taxxa fiha nnfisha. Din l-interpretazzjoni hija kkonfermata mill-fatt li r-Repubblika tal-Polonja tinvoka biss l-illegalità tal-Artikolu 4(3) tar-Regolament Nru 1972/2003, li jirrigwarda l-ammont tat-taxxa kkontestata, u mhux l-Artikolu 4(1) u l-Artikolu 4(2) tal-imsemmi regolament li jirrigwardaw, rispettivament, il-ħolqien innifsu tat-taxxa kkontestata u l-metodu ta’ kalkolu tal-ħażniet żejda. Madankollu, l-argument tar-Repubblika tal-Polonja fir-rigward tal-Artikolu 41 tal-Att ta’ Adeżjoni, interpretat b’dan il-mod, mhuwiex awtonomu u għandu jiġi kkunsidrat li huwa parti mill-ewwel argument tagħha, li jgħid li t-taxxa kkontestata mhijiex proporzjonata.

    104

    F’dak li jirrigwarda dan l-argument, għandu jitfakkar li l-prinċipju ta’ proporzjonalità huwa rikonoxxut minn ġurisprudenza stabbilita bħala parti mill-prinċipji ġenerali tad-dritt Komunitarju. Sabiex jiġi stabbilit jekk dispożizzjoni tad-dritt Komunitarju hijiex konformi mal-prinċipju ta’ proporzjonalità, jeħtieġ li jiġi vverifikat jekk il-mezzi li hija tapplika humiex adegwati sabiex jintlaħaq l-għan mixtieq u jekk imorrux lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex jintlaħaq (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-18 ta’ Marzu 1987, Société pour l’exportation des sucres, 56/86, Ġabra p. 1423, punt 28, u tat-, Roquette Frères, 47/86, Ġabra p. 2889, punt 19).

    105

    Skont dan il-prinċipju, il-legalità tal-miżuri li jissuġġettaw lill-operaturi għal piżijiet finanzjarji hija suġġetta għall-kundizzjoni li dawn il-miżuri jkunu adegwati u neċessarji sabiex jintlaħqu l-għanijiet segwiti b’mod leġittimu mil-leġiżlazzjoni inkwistjoni, bil-kundizzjoni li, meta jkun hemm possibbiltà ta’ għażla bejn diversi miżuri adegwati, għandha tintgħażel l-inqas waħda restrittiva u għandu jiġi żgurat li l-piżijiet imposti ma jkunux sproporzjonati meta mqabbla mal-għanijiet mixtieqa (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-26 ta’ Ġunju 1990, Zardi, C-8/89, Ġabra p. I-2515, punt 10).

    106

    Madankollu, hemm lok li jiġi ppreċiżat li l-Kummissjoni, meta teżerċita l-kompetenzi li l-Kunsill, jew l-awturi tal-Att ta’ Adeżjoni, jagħtuha fis-settur tal-politika agrikola komuni għall-eżekuzzjoni ta’ regoli li huwa jistabbilixxi, tista’ tuża setgħa diskrezzjonali wiesgħa, b’tali mod li hija biss in-natura manifestament inadegwata ta’ miżura stabbilita f’dan is-settur, meta mqabbla mal-għan li tkun tixtieq tilħaq l-istituzzjoni kompetenti, li tista’ taffettwa l-legalità ta’ tali miżura (ara s-sentenza Weidacher, iċċitata fil-punt 89 iktar ’il fuq, punt 26, u l-ġurisprudenza ċċitata).

    107

    Qabel kollox, għandu jiġi rrilevat li r-Repubblika tal-Polonja nnifisha tammetti li l-Kummissjoni tista’ tadotta miżuri li jkollhom bħala għan li jevitaw il-kostituzzjoni ta’ ħażniet żejda ta’ prodotti agrikoli. Madankollu, hija ssostni li, skont il-prinċipju ta’ proporzjonalità, dawn il-miżuri għandhom ikunu indispensabbli sabiex jiġu evitati tattiċi spekulattivi marbuta mat-tkabbir tal-Unjoni Ewropea fl-1 ta’ Mejju 2004 u hija ssostni li, għaldaqstant, huwa suffiċjenti li tiġi stabbilita taxxa li l-ammont tagħha jkun iddeterminat abbażi tad-differenza bejn id-dazji fuq l-importazzjoni Komunitarji u Pollakki.

    108

    Ir-Repubblika tal-Polonja tinvoka s-sentenza Weidacher, iċċitata fil-punt 89 iktar ’il fuq, insostenn tat-teżi tagħha. Dik is-sentenza kienet ikkonfermat l-opinjoni tal-Avukat Ġenerali Mischo, espressa fil-konklużjonijiet tiegħu fil-kawża li wasslet għall-imsemmija sentenza, iċċitati fil-punt 90 iktar ’il fuq, li t-taxxa inkwistjoni ma kinitx prekluża mill-prinċipju ta’ proporzjonalità peress li r-riżultat tagħha kien biss li jitħassar vantaġġ mhux ġustifikat mingħajr ma fl-istess ħin jiġi ppenalizzat id-detentur tal-ħażna (punt 58).

    109

    Għandu jiġi enfasizzat li, b’differenza minn dak li huwa previst fir-rigward tat-taxxa kkontestata, l-ammont tat-taxxa inkwistjoni fil-kawża li wasslet għas-sentenza Weidacher, iċċitata fil-punt 89 iktar ’il fuq, kien jikkorrispondi għad-differenza bejn id-dazji Komunitarji u dawk fis-seħħ fl-Istati Membri l-ġodda f’dak iż-żmien. Huwa minħabba dan li l-Avukat Ġenerali seta’ sempliċement jikkunsidra li din it-taxxa kienet intiża sabiex teqred kull interess tal-operaturi tal-imsemmija Stati li jispekulaw fid-dawl tat-tkabbir tal-Unjoni Ewropea fl-1995 billi jixtru, qabel dik id-data, prodotti agrikoli suġġetti għal dazju fuq l-importazzjoni iktar baxx mid-dazju fuq l-importazzjoni Komunitarju sabiex wara jbigħuhom fil-Komunità estiża.

    110

    Madankollu, dak li ntqal qabel ma jippreġudikax il-kwistjoni ta’ jekk taxxa ta’ ammont ogħla tistax ukoll tiġi kkunsidrata bħala proporzjonata meta mqabbla mal-għan segwit.

    111

    F’dan ir-rigward huwa importanti li jiġi rrilevat li, bil-kontra ta’ dak li ssostni r-Repubblika tal-Polonja, l-għan li l-Kummissjoni tixtieq tilħaq bit-taxxa ikkontestata mhuwiex biss il-prevenzjoni tal-kostituzzjoni ta’ ħażniet tal-prodotti inkwistjoni għal finijiet spekulattivi ġejjin mill-kummerċ, iżda sempliċiment il-prevenzjoni tal-kostituzzjoni ta’ ħażniet żejda, jiġifieri ħażniet li ma jagħmlux parti mir-riżervi normali li jinsabu fl-Istati Membri l-ġodda. Dan jirriżulta b’mod ċar mill-premessa 3 tar-Regolament Nru 1972/2003. Fil-fatt, din il-premessa tesponi li, minkejja li d-distorsjoni tal-kummerċ li tista’ tfixkel l-organizzazzjonijiet komuni tas-swieq ta’ spiss tinvolvi prodotti mċaqalqa artifiċjalment fid-dawl tat-tkabbir, il-ħażniet żejda li l-miżuri previsti mir-Regolament Nru 1972/2003 huma intiżi li jiġġieldu jistgħu joriġinaw ukoll mill-produzzjoni nazzjonali.

    112

    Hemm lok ukoll li jiġi osservat li l-approċċ segwit mill-Kummissjoni huwa koerenti mal-kunċett li l-awturi tal-Att ta’ Adeżjoni għandhom tal-ħażniet żejda li għandhom jiġu eliminati bi spejjeż tal-Istati Membri l-ġodda. Fil-fatt, mill-punt 4(1) u (2) tal-Anness IV tal-Att ta’ Adeżjoni jirriżulta b’mod ċar li l-eżistenza ta’ ħażniet żejda ġejjin mill-produzzjoni nazzjonali fl-Istati Membri l-ġodda tikkostitwixxi element li jfixkel l-organizzazzjoni komuni tas-swieq agrikoli. L-awturi tal-Att ta’ Adeżjoni b’ebda mod ma llimitaw l-obbligu msemmi iktar ’il fuq għall-ħażniet li ġejjin mill-kummerċ biss.

    113

    Fid-dawl ta’ dak li ntqal qabel, għandu jiġi analizzat jekk ir-Repubblika tal-Polonja rnexxilhiex turi li d-determinazzjoni tal-ammont tat-taxxa kkontestata abbażi tad-dazju fuq l-importazzjoni erga omnes applikabbli fl-1 ta’ Mejju 2004 taqbeż manifestament dak li huwa neċessarju sabiex tiġi evitata l-kostituzzjoni ta’ ħażniet żejda tkun xi tkun l-oriġini tagħhom.

    114

    L-ewwel nett, f’dan ir-rigward, ir-Repubblika tal-Polonja ssostni li taxxa li l-ammont tagħha huwa ddeterminat abbażi ta’ dazju li jikkorrispondi għad-differenza bejn id-dazji tal-importazzjoni Pollakki u Komunitarji fit-30 ta’ April 2004 hija suffiċjenti sabiex jiġi evitat ir-riskju ta’ kostituzzjoni ta’ ħażniet żejda. Madankollu, għalkemm tali taxxa tista’ tkun utli sabiex tiġi evitata l-kostituzzjoni ta’ ħażniet żejda mill-importazzjoni, dan b’ebda mod ma jfisser li hija wkoll suffiċjenti sabiex tiġi evitata l-kostituzzjoni ta’ ħażniet żejda li joriġinaw mill-produzzjoni nazzjonali.

    115

    Fil-fatt, li kieku l-importazzjoni tal-prodotti inkwistjoni kienet suġġetta, qabel l-1 ta’ Mejju 2004, għal dazju fuq l-importazzjoni Pollakk ekwivalenti għal jew ogħla mid-dazju fuq l-importazzjoni Komunitarju, jew li kieku d-differenza bejn il-prezz tagħhom fil-Polonja u l-prezz tagħhom fil-Komunità kienet tali li dazju li jikkorrispondi għad-differenza bejn id-dazji doganali Komunitarji u Pollakki ma kienx ikun jista’ jpatti għaliha, l-iffissar tal-ammont tat-taxxa ikkontestata abbażi ta’ dazju li jikkorrispondi għal din id-differenza ma kien ikollu ebda effett disważiv fil-konfront tal-kostituzzjoni ta’ ħażniet żejda mill-produzzjoni nazzjonali, kif ammettiet ir-Repubblika tal-Polonja stess waqt is-seduta. Issa, tali ħażniet setgħu jiġu kkostitwiti minn operaturi stabbiliti fl-Istati Membri l-ġodda fid-dawl tat-tkabbir tal-Unjoni Ewropea fl- b’mod partikolari li kieku, qabel dik id-data, il-prezz tal-prodotti inkwistjoni kien ogħla fil-Komunità milli fil-Polonja jew li kieku l-produzzjoni tagħhom fil-Komunità kienet suġġetta għal xi limitazzjonijiet, stabbiliti fil-kuntest tal-politika agrikola komuni u intiżi sabiex tiġi stabbilita produzzjoni totali partikolari.

    116

    Dawn il-ħażniet żejda maħruġa mill-produzzjoni nazzjonali, li ma kienu suġġetti għal ebda taxxa, setgħu jkunu ta’ natura li jfixklu s-suq Komunitarju mill-1 ta’ Mejju 2004. Barra minn hekk, ir-Repubblika tal-Polonja hija obbligata telimina l-ħażniet inkwistjoni skont il-Kapitolu 4 tal-Anness IV tal-Att ta’ Adeżjoni u, għaldaqstant, l-operaturi Pollakki ma jkunux neċessarjament f’sitwazzjoni aħjar jekk ma jkunx hemm it-taxxa kkontestata fuq il-ħażniet żejda tal-prodotti inkwistjoni, filwaqt li r-Repubblika tal-Polonja titlef id-dħul li joriġina mill-imsemmija taxxa u jkollha tiffinanzja l-eliminazzjoni tagħhom.

    117

    It-tieni nett, ir-Repubblika tal-Polonja ssostni wkoll li f’dak li jirrigwarda l-prodotti inkwistjoni li l-kostituzzjoni ta’ ħażniet żejda mill-produzzjoni nazzjonali mhijiex possibbli, peress li ċ-ċiklu ta’ produzzjoni tagħhom huwa twil u ma kienx ikun possibbli li jiġu prodotti bi kwantitajiet ikbar fis-sitt xhur bejn l-adozzjoni tar-Regolament Nru 735/2004 u d-data tal-adeżjoni sabiex jiġu kkostitwiti ħażniet żejda.

    118

    Madankollu, mingħajr mhuwa meħtieġ li tingħata deċiżjoni dwar il-fondatezza ta’ din l-affermazzjoni tal-aħħar, hemm lok li jiġi rrilevat li r-Repubblika tal-Polonja ma stabbilixxietx li l-ħażniet żejda ma setgħux jiġu kkostitwiti qabel l-adozzjoni tar-Regolament Nru 735/2004. Issa, f’dak li jirrigwarda l-prodotti agrikoli li l-prezz tagħhom fl-Istati Membri l-ġodda huwa inqas mill-prezz tagħhom fil-Komunità, l-operaturi stabbiliti fl-imsemmija Stati għandhom interess evidenti, mid-data li minnha huma kkunsidraw bħala probabbli li t-tkabbir kien se jseħħ fl-1 ta’ Mejju 2004, stennija din li setgħet immaterjalizzat diġà fis-sena agrikola ta’ qabel it-tkabbir jew anki qabel, sabiex jillimitaw il-bejgħ tagħhom fl-Istati ta’ oriġini tagħhom sabiex jikkostitwixxu riżervi li setgħu sussegwentement iqiegħdu fis-suq Komunitarju estiż.

    119

    L-operaturi msemmija iktar ’il fuq għandhom ukoll kull interess li jidderieġu t-tranżazzjonijiet tagħhom lejn prodotti suġġetti għall-ogħla differenza fil-prezzijiet kif ukoll lejn dawk li l-iktar jistgħu jinħażnu, għad-detriment tal-prodotti inkwistjoni li l-prezzijiet Komunitarji u nazzjonali tagħhom huma l-iktar simili. Anki din il-manuvra tal-aħħar tista’ toħloq, minħabba żieda fil-kapaċitajiet ta’ produzzjoni disponibbli qabel it-tkabbir, kwantità mhux normali ta’ ħażniet tal-prodotti inkwisjtoni.

    120

    Fl-aħħar nett, għandu jiġi enfasizzat li l-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1972/2003 iħalli f’idejn l-Istati Membri l-ġodda ċertu marġni ta’ diskrezzjoni sabiex jiddeterminaw jekk il-ħażniet tal-prodotti inkwistjoni li jinsabu fit-territorji tagħhom humiex ir-riżultat ta’ attività ġustifikata minn aġir normali fuq is-suq u, f’dan il-każ, jippermettilhom li ma jikkwalifikawhomx bħala “ħażniet żejda”. Dan jippermetti li tiġi limitata t-taxxa imposta fuq id-detenturi ta’ dawn il-ħażniet għall-każijiet biss fejn il-kostituzzjoni tagħhom toħloq riskju ta’ tfixkil tas-swieq u jsaħħaħ in-natura proporzjonali tal-miżura prevista fl-Artikolu 4(3) tar-Regolament Nru 1972/2003 fil-konfront tal-għan segwit.

    121

    Bħala konklużjoni, hemm lok li jiġi kkonstatat li r-Repubblika tal-Polonja ma rnexxilhiex tipprova n-natura manifestament inadegwata jew sproporzjonata tad-determinazzjoni tal-ammont tat-taxxa kkontestata abbażi tad-dazju fuq l-importazzjoni erga omnes applikabbli fl-1 ta’ Mejju 2004 fil-konfront tal-għan segwit. Għaldaqstant, il-motiv preżenti għandu jiġi miċħud.

    Fuq it-tieni motiv, ibbażat fuq il-ksur tal-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni minħabba ċ-ċittadinanza

    — L-argumenti tal-partijiet

    122

    Ir-Repubblika tal-Polonja tenfasizza li, fl-okkażjoni tat-tkabbir tal-Unjoni Ewropea fl-1995, l-Istati Membri l-ġodda ta’ dak iż-żmien kienu s-suġġett ta’ trattament differenti minn dak mogħti lilha. Hija tirrileva li, b’mod kuntrarju għall-miżuri tranżitorji adottati f’dak iż-żmien, l-ammont tat-taxxa kkontestata applikata fuq id-detenturi ta’ ħażniet żejda tal-prodotti inkwistjoni f’ċirkulazzjoni ħielsa fl-1 ta’ Mejju 2004 jaqbeż l-ammont jikkorrispondi għad-differenza bejn id-dazji doganali Komunitarji u Pollakki fit-. Għaldaqstant, hija tikkunsidra li l-miżura prevista fl-Artikolu 4(3) tar-Regolament Nru 1972/2003 ġiet adottata bi ksur tal-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni.

    123

    Fil-fatt, ir-Repubblika tal-Polonja tqis li l-impożizzjoni ta’ dazju intiż sabiex jiġu eliminati l-vantaġġi mhux ġustifikati li, għall-operaturi tal-Istati Membri l-ġodda, jistgħu jkunu marbuta mal-pussess ta’ ħażniet żejda u sabiex dawn l-operaturi jitqiegħdu f’sitwazzjoni identika għal dik tal-operaturi stabbiliti fil-Komunità qabel l-1 ta’ Mejju 2004 tiġġustifika t-trattament differenti ta’ dawn iż-żewġ tipi ta’ operaturi. Tali sitwazzjoni hija dik tas-sentenza Weidacher, iċċitata fil-punt 89 iktar ’il fuq. Bil-kontra, it-taxxa kkontestata tqiegħed lill-operaturi Pollakki f’sitwazzjoni iktar sfavorevoli minn dik tal-operaturi stabbiliti fil-Komunità qabel l- mingħajr ma dan huwa ġustifikat.

    124

    Skont ir-Repubblika tal-Polonja, il-Kummissjoni ma tistax tiġġustifika tali diskriminazzjoni permezz ta’ fatturi bħalma huma d-daqs tas-swieq ikkonċernati, id-differenzi fil-prezzijiet tal-prodotti inkwistjoni fis-swieq jew il-livell tar-rifużjonijiet fuq l-esportazzjoni, peress li, li kieku l-Kummissjoni kienet verament ikkunsidrat dawn il-fatturi sabiex tistabbilixxi l-ammont tat-taxxa kkontestata, dan l-ammont kien imissu jvarja minn Stat Membru ġdid għal ieħor. Issa, b’mod kuntrarju għall-miżuri tranżitorji adottati fl-okkażjoni tat-tkabbir tal-Unjoni Ewropea fl-1995, l-ammont tat-taxxa kkontestata huwa l-istess għall-operaturi kollha mill-Istati Membri l-ġodda.

    125

    Fl-aħħar, skont ir-Repubblika tal-Polonja, peress li l-motiv preżenti jirrigwarda l-ammont tat-taxxa kkontestata li għaliha huma suġġetti d-detenturi ta’ ħażniet żejda, huwa irrilevanti li l-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1972/2003 iħalli lill-Istati Membri libertà kbira sabiex jiddeterminaw jekk il-ħażniet kinux ir-riżultat ta’ attività ġustifikata minn aġir normali fis-suq jew kinux ukoll ir-riżultat ta’ attivitajiet spekulattivi.

    126

    Il-Kummissjoni tikkontesta dawn l-argumenti.

    — Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

    127

    Fl-ewwel lok, fil-kuntest tal-motiv preżenti, ir-Repubblika tal-Polonja tirrileva li d-differenza fit-trattament bejn l-operaturi Pollakki u l-operaturi stabbiliti fil-Komunità qabel l-1 ta’ Mejju 2004 tikkostitwixxi diskriminazzjoni minħabba ċ-ċittadinanza.

    128

    Għandu jitfakkar f’dan ir-rigward li l-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni bejn produtturi jew konsumaturi tal-Komunità, stabbilit fir-rigward tal-organizzazzjoni komuni tas-swieq agrikoli mit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 34(2) KE, jeħtieġ li sitwazzjonijiet paragunabbli ma jiġux ittrattati b’mod differenti u li sitwazzjonijiet differenti ma jiġux ittrattati bl-istess mod, sakemm tali trattament ma jkunx oġġettivament iġġustifikat. Il-miżuri meħuda fil-kuntest tal-organizzazzjoni komuni tas-swieq, għaldaqstant, ma jistgħux ikunu differenzjati, skont ir-reġjuni u kundizzjonijiet oħra ta’ produzzjoni jew ta’ konusm, ħlief fuq il-bażi ta’ kriterji oġġettivi li jiżguraw tqassim proporzjonat tal-vantaġġi u tal-iżvantaġġi bejn dawk ikkonċernati, mingħajr distinzjoni bejn it-territorji tal-Istati Membri (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-20 ta’ Settembru 1988, Spanja vs Il-Kunsill, 203/86, Ġabra p. 4563, punt 25).

    129

    Issa, is-sitwazzjoni tal-agrikoltura fl-Istati Membri l-ġodda kienet differenti ħafna minn dik li kienet teżisti fl-Istati Membri l-antiki (sentenza Il-Polonja vs Il-Kunsill, iċċitata fil-punt 9 iktar ’il fuq, punt 87). Fil-fatt, dawn iż-żewġ kategoriji ta’ operaturi kienu suġġetti qabel it-tkabbir tal-Unjoni Ewropea fl-2004 għal normi, kwoti u mekkaniżmi ta’ sostenn tal-produzzjoni differenti. Mill-bqija, filwaqt li l-istituzzjonijiet Komunitarji setgħu jipprojbixxu l-ħolqien ta’ ħażniet żejda fil-Komunità permezz ta’ miżuri speċifiċi għall-organizzazzjoni komuni tas-swieq agrikoli, huma ma setgħux jipprojbixxu l-ħolqien ta’ ħażniet żejda fit-territorju ta’ Stati Membri futuri. Huwa għal din ir-raġuni li l-punt 4(1) sa (4) tal-Anness IV tal-Att ta’ Adeżjoni jipprovdi għall-obbligu tal-Istati Membri l-ġodda li jeliminaw bi spejjeż tagħhom il-ħażniet żejda mingħajr madankollu ma jipprovdi għal obbligu identiku għall-Istati Membri l-antiki, sitwazzjoni din li ġiet aċċettata mir-Repubblika tal-Polonja meta ffirmat l-imsemmi att.

    130

    Għaldaqstant, għandu jiġi kkonstatat li s-sitwazzjoni tal-operaturi Pollakki u s-sitwazzjoni tal-operaturi stabbiliti fil-Komunità qabel l-1 ta’ Mejju 2004 ma jistgħux jiġu kkunsidrati bħala paragunabbli.

    131

    Fit-tieni lok, ir-Repubblika tal-Polonja tenfasizza d-differenza fit-trattament li hija kienet suġġetta għalih meta mqabbel mat-trattament mogħti lill-Istati li ngħaqdu mal-Unjoni Ewropea fl-1995.

    132

    F’dan ir-rigward huwa suffiċjenti li jiġi rrilevat li l-miżuri tranżitorji li għandhom jiġu adottati fl-okkażjoni ta’ kull tkabbir tal-Unjoni Ewropeaq għandhom jiġu adattati għar-riskji konkreti ta’ tfixkil fis-swieq agrikoli li jistgħu jirriżultaw minn dan it-tkabbir. Għaldaqstant, l-istituzzjonijiet mhumiex marbuta li japplikaw miżuri tranżitorji ekwivalenti fil-kuntest ta’ żewġ okkażjonijiet suċċessivi ta’ tkabbir.

    133

    B’mod partikolari, il-Kummissjoni setgħet tieħu inkunsiderazzjoni, fost id-differenzi eżistenti fl-okkażjonijiet tat-tkabbir tal-Unjoni Ewropea fl-1995 u fl-2004, il-fatt li l-għan li jiġi evitat tfixkil fis-suq Komunitarju minħabba l-akkumulazzjoni ta’ ħażniet żejda kien iktar diffiċli li jintlaħaq fl-2004 minħabba d-daqs tas-swieq tal-Istati Membri l-ġodda fl-2004 u minħabba l-kapaċità ta’ produzzjoni ogħla tagħhom, li l-Kummissjoni ssemmi fin-noti tagħha mingħajr ma ġiet ikkontestata fuq dan il-punt mir-Repubblika tal-Polonja. Barra minn hekk, anki d-differenzi fil-prezzijiet bejn il-Komunità u l-Istati Membri l-ġodda kienu ikbar. Dawn iż-żewġ elementi flimkien irriżultaw f’risjku sostanzjalment ikbar ta’ distabilizzazzjoni tas-swieq agrikoli u għalhekk kienu jiġġustifikaw l-adozzjoni ta’ miżuri tranżitorji iktar stretti.

    134

    F’dan ir-rigward, ir-Repubblika tal-Polonja ssostni li, li kieku l-Kummissjoni kienet verament ikkunsidrat dawn il-fatturi sabiex tistabbilixxi l-ammont tat-taxxa kkontestata, dan l-ammont kien imissu jvarja fil-konfront ta’ kull Stat Membru ġdid. Madankollu, huwa ċar li ċ-ċirkustanzi ta’ kull Stat Membru ttieħdu inkunsiderazzjoni meta ġew identifikati l-prodotti suġġetti għat-taxxa kkontestata peress li, skont l-Artikolu 4(5) tar-Regolament Nru 1972/2003, l-imsemmija lista hija differenti għal kull Stat Membru ġdid u dan jinvalida l-argument tar-Repubblika tal-Polonja.

    135

    Konsegwentement, hemm lok li jiġi konkluż li r-Repubblika tal-Polonja ma rnexxilhiex tipprova l-eżistenza ta’ ksur tal-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni minħabba ċ-ċittadinanza. Għaldaqstant, dan il-motiv għandu jiġi miċħud.

    136

    Fid-dawl ta’ dak li ntqal qabel, it-talba għall-annullament tar-Regolament Nru 735/2004 sa fejn jissuġġetta seba’ kategoriji ta’ prodotti agrikoli ta’ oriġini Pollakka għall-miżura prevista fl-Artikolu 4(3) tar-Regolament Nru 1972/2003 għandha tiġi miċħuda.

    Fuq it-tielet parti tar-rikors, dwar talba għall-annullament tar-Regolament Nru 735/2004 sa fejn iżid seba’ prodotti mal-lista ta’ prodotti tat-tmien inċiż tal-Artikolu 4(5) tar-Regolament Nru 1972/2003

    L-argumenti tal-partijiet

    137

    Qabel kollox, ir-Repubblika tal-Polonja ssostni li l-għan fundamentali tal-miżuri tranżitorji li jistgħu jiġu adottati fuq il-bażi tal-Artikolu 41 tal-Att ta’ Adeżjoni jikkonsisti fil-prevenzjoni tal-akkumulazzjoni ta’ ħażniet żejda fl-Istati Membri ġodda kif ukoll fil-prevenzjoni tat-tfixkil li dawn il-ħażniet jistgħu jikkawżaw fid-diversi swieq agrikoli. Għaldaqstant, dawn il-miżuri tranżitorji għandhom jiffaċilitaw l-implementazzjoni mill-imsemmija Stati tal-obbligu tagħhom li jeliminaw dawn il-ħażniet żejda, obbligu li huwa previst mill-punt 4 tal-Anness IV tal-Att ta’ Adeżjoni.

    138

    Issa, skont ir-Repubblika tal-Polonja, dan l-obbligu li jiġu eliminati l-ħażniet żejda jkopri biss il-prodotti li n-numru tagħhom jaqbeż, fuq skala nazzjonali, il-kwantità li tista’ tiġi kkunsidrata bħala li tikkostitwixxi livell normali ta’ ħażniet. Għaldaqstant, għalkemm huwa neċessarju li jiġu ddeterminati l-ħażniet tal-prodotti inkwistjoni miżmuma mill-operaturi individwali sabiex tiġi kkostatata l-eżistenza ta’ ħażniet żejda fl-Istati Membri l-ġodda, din il-konstatazzjoni għandha ssir fuq skala nazzjonali fil-ġurnata tal-adeżjoni. Għaldaqstant, jekk il-ħażniet ta’ prodott partikolari fuq skala nazzjonali ma jaqbżux valur normali, l-obbligu li jiġu eliminati dawn il-ħażniet kif ukoll l-impożizzjoni tat-taxxa fuq id-detenturi tagħhom jitilfu l-għan tagħhom minħabba n-nuqqas ta’ riskju ta’ tfixkil tal-kummerċ tal-prodotti agrikoli minħabba l-adeżjoni, u dan peress li ż-żamma ta’ kwantità kbira tal-prodotti inkwistjoni minn operatur hija kkumpensata min-nuqqas tal-istess prodotti għand l-operaturi l-oħra.

    139

    Madankollu, ir-Repubblika tal-Polonja tirrileva li ma ġietx ikkonstatata, fl-1 ta’ Mejju 2004 u fuq skala nazzjonali, l-eżistenza ta’ ħażniet żejda tal-prodotti li jidhru fil-lista ta’ prodotti fit-tmien inċiż tal-Artikolu 4(5) tar-Regolament Nru 1972/2003, inklużi l-prodotti inkwistjoni li ġew miżjuda mir-Regolament Nru 735/2004. Din tinkludi anki prodotti li l-produzzjoni Pollakka tagħhom fl-2003 kienet inqas minn dik normali. Għaldaqstant, ir-Repubblika tal-Polonja tqis li, meta adottat it-tmien inċiż tal-Artikolu 4(5) tar-Regolament Nru 1972/2003, il-Kummissjoni marret lil hinn mill-kompetenza tagħha taħt l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 41 tal-Att ta’ Adeżjoni u implementat miżura sporporzjonata fil-konfront tal-għan segwit, jiġifieri l-projbizzjoni tal-kostituzzjoni ta’ ħażniet żejda tal-prodotti għal finijiet spekulattivi.

    140

    Ir-Repubblika tal-Polonja tindika wkoll li l-għan tal-miżura kkontestata jista’ jkun li jiġi pprojbit li operatur ekonomiku stabbilit fil-Polonja jikseb vantaġġ ekonomiku mhux ġustifikat fil-konfront tal-operaturi stabbiliti fil-Komunità qabel l-1 ta’ Mejju 2004, fil-każ li ma jkunx hemm riskju ta’ tfixkil tal-kummerċ tal-prodotti agrikoli fin-nuqqas ta’ ħażniet żejda fl-Istati Membri l-ġodda mkejla fuq skala nazzjonali. Madankollu, din il-possibbiltà ma tidhirx fil-preambolu tar-Regolament Nru 1972/2003 u mhijiex awtorizzata mill-Artikolu 41 tal-Att ta’ Adeżjoni. Barra minn hekk, din il-possibbiltà ma teskludix li din il-miżura hija sproporzjonata sa fejn mhijiex limitata sabiex tinnewtralizza l-vantaġġi mhux ġustifikati marbuta mal-eżistenza ta’ dazji fuq l-importazzjoni Komunitarji differenti minn dawk tal-Istati Membri l-ġodda li kienu jibbenifikaw minnhom l-operaturi Pollakki li għandhom ħażniet żejda tal-imsemmija prodotti, iżda tippenalizzahom billi tissuġġettahom għat-taxxa kkontestata.

    141

    Fl-aħħar, ir-Repubblika tal-Polonja tosserva li r-raġuni prinċipali għall-ħażna ta’ prodotti agrikoli għal finijiet spekulattivi tinsab fl-importazzjoni tagħhom marbuta mad-differenzi bejn id-dazji fuq l-importazzjoni Komunitarji u nazzjonali fis-seħħ fl-Istati Membri l-ġodda. Madankollu, iż-żieda tal-prodotti inkwistjoni fil-lista ta’ prodotti tat-tmien inċiż tal-Artikolu 4(5) tar-Regolament Nru 1972/2003 għandha l-konsegwenza li tissuġġetta lid-detenturi tagħhom għal dazju fuq l-importazzjoni erga omnes applikabbli fl-1 ta’ Mejju 2004, filwaqt li ċerti prodotti kienu diġà ġew suġġetti għad-dazji fuq l-importazzjoni fil-Polonja li kienu fis-seħħ fit- u li ma kinux inqas mid-dazji fuq l-importazzjoni Komunitarji fis-seħħ f’dik id-data.

    142

    Il-Kummissjoni tikkontesta l-argumenti tar-Repubblika tal-Polonja.

    Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

    143

    Ir-Repubblika tal-Polonja tikkontesta l-legalità tal-emenda tal-lista ta’ prodotti tat-tmien inċiż tal-Artikolu 4(5) tar-Regolament Nru 1972/2003 billi tibbaża ruħha fuq diversi argumenti li għandhom jiġu analizzati b’mod suċċessiv.

    144

    L-ewwel nett, ir-Repubblika tal-Polonja ssostni li l-għan fundamentali tal-miżuri tranżitorji li jistgħu jiġu adottati fuq il-bażi tal-Artikolu 41 jikkonsisti fil-prevenzjoni tal-akkumulazzjoni ta’ ħażniet żejda li l-eżistenza tagħhom għandha tiġi ddeterminata fuq skala nazzjonali, b’tali mod li, jekk, fi Stat Membru, il-ħażna ta’ prodott fuq skala nazzjonali ma tmurx lil hinn mill-valur normali, l-operaturi li individwalment ikunu kkostitwixxew ħażniet ta’ numru ogħla mil-livell normali tagħhom ma jkunux obbligati jeliminawhom, minħabba nuqqas ta’ riskju ta’ tfixkil fil-kummerċ. F’dan il-kuntest, iż-żieda tal-prodotti inkwistjoni fil-lista ta’ prodotti tat-tmien inċiż tal-Artikolu 4(5) tar-Regolament Nru 1972/2003 tkun illegali peress li tinkludi prodotti li fil-każ tagħhom l-eżistenza ta’ ħażniet żejda ma ġietx ikkonstatata u anki ċerti prodotti li l-produzzjoni Pollakka tagħhom fl-2003 kienet inqas minn dik normali.

    145

    Il-Qorti tal-Prim’Istanza tqis li t-teżi tar-Repubblika tal-Polonja hija bbażata fuq interpretazzjoni żbaljata tal-punt 4 tal-Anness IV tal-Att ta’ Adeżjoni u li għandha tiġi miċħuda.

    146

    Fil-fatt, il-formulazzjoni tal-punt 4(2) tal-imsemmi anness, li jipprovdi li kull ħażna ta’ prodotti, kemm privata u kemm pubblika, f’ċirkulazzjoni ħielsa fit-territorju tal-Istati Membri l-ġodda fid-data tal-adeżjoni li tgħaddi l-kwantità li tista’ tiġi kkunsidrata bħala li tikkostitwixxi ħażna normali għandha tiġi eliminata bi spejjeż tal-Istati Membri l-ġodda, tobbliga bl-istess mod li jkunu eliminati l-ħażniet żejda kemm jekk dawn jiġu ddeterminati għal kull operatur individwali u kemm jekk jiġu ddeterminati għall-operaturi kollha fuq skala nazzjonali.

    147

    Barra minn hekk, kemm il-prevenzjoni tal-kostituzzjoni ta’ ħażniet għal finijiet spekulattivi u kemm in-newtralizzazzjoni tal-vantaġġi ekonomiċi tal-operaturi li kkostitwixxew ħażniet żejda bi prezzijiet baxxi jistgħu jiġġustifikaw l-adozzjoni mill-Kummissjoni ta’ miżura skont l-Artikolu 41 tal-Att ta’ Adeżjoni (ara l-punt 101 iktar ’il fuq). Minn dan isegwi li, fost il-miżuri tranżitorji li l-Kummissjoni tista’ tadotta skont din l-imsemmija dispożizzjoni, hemm dawk intiżi sabiex jipprekludu li l-operaturi individwali stabbiliti fl-Istati Membri l-ġodda jikkostitwixxu ħażniet żejda tal-prodotti inkwistjoni qabel l-1 ta’ Mejju 2004 sabiex jikkummerċjalizzawhom bi prezzijiet ogħla wara dik id-data.

    148

    Bl-istess mod, għandu jiġi enfasizzat li, fis-sentenza Weidacher, iċċitata fil-punt 89 iktar ’il fuq, il-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat li t-taxxa inkwistjoni imposta fuq il-ħażniet żejda kienet proporzjonata u konformi mal-għanijiet iddefiniti mill-Att ta’ Adeżjoni. Issa, din it-taxxa kienet ġiet imposta fuq operatur individwali li joriġina minn Stat Membru, li f’dak iż-żmien kien Stat Membru ġdid, minħabba l-ħażna żejda li kellu, mingħajr ma kienet ġiet ikkonstatata l-eżistenza ta’ ħażniet fuq skala nazzjonali fl-imsemmi Stat.

    149

    Barra minn hekk, għandhu jiġi rrilevat li l-għan tar-Regolament Nru 1972/2003 kien preċiżament, kif ġie enfasizzat fil-punt 111 iktar ’il fuq, il-prevenzjoni tal-kostituzzjoni ta’ ħażniet żejda. Huwa minħabba dan li l-Kummissjoni sostniet, mingħajr ma ġiet ikkontestata fuq dan il-punt mir-Repubblika tal-Polonja, li hija kienet ħadet inkunsiderazzjoni l-informazzjoni ta’ statistika pprovduta mir-Repubblika tal-Polonja stess sabiex tidentifika l-kategoriji tal-prodotti li jistgħu jinħażnu għal finijiet spekulattivi. F’dan il-kuntest, il-Kummissjoni ma tistax tiġi kkritikata talli, għal uħud mill-prodotti inkwistjoni, l-eżistenza ta’ ħażniet żejda fuq livell nazzjonali ma ġietx ikkonstatata fl-1 ta’ Mejju 2004. Fil-fatt, dan il-fatt jista’ jkun dovut għall-effett disważiv tar-regolament innifsu.

    150

    Fl-aħħar, għandu jiġi rrilevat li jekk it-taxxa imposta fuq il-ħażniet żejda tal-prodotti inkwistjoni miżmuma mill-operaturi individwali tkun suġġetta għall-kundizzjoni li l-eżistenza ta’ tali ħażniet tkun ġiet ikkonstatata fuq skala nazzjonali, dan iwassal sabiex il-konsegwenzi tal-kostituzzjoni tal-ħażniet żejda la jkunu ġusti u lanqas prevedibbli fir-rigward tal-operaturi stabbiliti fl-Istati Membri l-ġodda.

    151

    Fil-fatt, tali sitwazzjoni tista’ tinkoraġġixxi lil ċerti operaturi stabbiliti fl-Istati Membri l-ġodda sabiex jikkostitwixxu ħażniet addizzjonali tal-prodotti inkwistjoni qabel l-1 ta’ Mejju 2004 sabiex jirrilaxxawhom fis-suq Komunitarju wara din id-data, bit-tama li l-ħażniet fuq skala nazzjonali ma jaqbżux il-kwantità normali tagħhom. F’tali każ, dawn l-operaturi kienu jinsabu, fl-, f’sitwazzjoni iktar favorevoli minn dik ta’ operaturi oħra stabbiliti fl-istess Stat Membru li ma kkostitwixxewx ħażniet żejda tal-prodotti inkwistjoni għal finijiet spekulattivi u b’hekk ikkontribwixxew sabiex jintlaħqu l-għanijiet tar-Regolament Nru 1972/2003, kif ukoll sabiex jintlaħqu l-għanijiet tal-punt 4 tal-Anness IV tal-Att ta’ Adeżjoni, sitwazzjoni din li ma tistax tiġi aċċettata.

    152

    Barra minn hekk, li kieku kien neċessarju li tiġi kkonstatata l-eżistenza ta’ ħażniet żejda tal-prodotti inkwistjoni fuq skala nazzjonali fl-1 ta’ Mejju 2004, l-operaturi stabbiliti fl-Istati Membri l-ġodda li kkostitwixxew ħażniet addizzjonali tal-imsemmija prodotti ma kinux ikunu jistgħu jafu qabel dik id-data jekk kinux suġġetti għat-taxxa kkontestata, taxxa li l-ammont tagħha seta’ eventwalment ikun għoli. Dan jintroduċi element ta’ inċertezza mhux biss fl-ippjanar ekonomiku tagħhom iżda wkoll fis-swieq kollha relatati mal-prodotti inkwistjoni sa fejn il-prezzijiet setgħu jevolvu ħafna minħabba l-fatt li parti mill-produzzjoni setgħet tiġi suġġetta jew le għal taxxa speċjali.

    153

    It-tieni nett, ir-Repubblika tal-Polonja ssostni li l-impożizzjoni tat-taxxa kkontestata fuq il-prodotti previsti mit-tmien inċiż tal-Artikolu 4(5) tar-Regolament Nru 1972/2003 hija sproporzjonata peress li hija mhux biss tinnewtralizza l-vantaġġi mhux ġustifikati marbuta mal-eżistenza ta’ dazji fuq l-importazzjoni Komunitarji differenti minn dawk tal-Istati Membri li minnhom kienu jibbenifikaw l-operaturi Pollakki li kellhom ħażniet żejda tal-imsemmija prodotti iżda anki tippenalizzahom billi tissuġġetahom għat-taxxa kkontestata.

    154

    Sabiex jiġi miċħud dan l-argument, huwa suffiċjenti li jitfakkar li n-newtralizzazzjoni ta’ dawn il-vantaġġi mhuwiex l-uniku għan leġittimu tal-miżuri stabbiliti mir-Regolament Nru 1972/2003. Għanijiet leġittimi oħra huma l-prevenzjoni tal-kostituzzjoni ta’ ħażniet żejda u l-prevenzjoni tal-kostituzzjoni ta’ ħażniet bi prezzijiet baxxi mill-operaturi tal-Istati Membri l-ġodda sabiex jikkummerċjalizzawhom sussegwentement bi prezzijiet ogħla wara t-tkabbir.

    155

    Barra minn hekk, sa fejn l-argument imressaq mir-Repubblika tal-Polonja jevoka, essenzjalment, ksur tal-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni, għandu jsir riferiment għall-punti 127 sa 136 tas-sentenza preżenti.

    156

    It-tielet nett, ir-Repubblika tal-Polonja targumenta li r-raġuni prinċipali għall-ħażna ta’ prodotti agrikoli għal finijiet spekulattivi tinsab fl-importazzjoni tagħhom marbuta mad-differenza bejn id-dazji doganali fil-Komunità ta’ ħmistax u fl-Istati Membri l-ġodda u, f’dan ir-rigward, hija tirrileva li, skont it-tmien inċiż tal-Artikolu 4(5) tar-Regolament Nru 1972/2003, kif emendat, ċerti prodotti huma suġġetti għat-taxxa kkontestata minkejja li d-dazji fuq l-importazzjoni Pollakki fis-seħħ fit-30 ta’ April 2004 ma kinux inqas mid-dazji fuq l-importazzjoni Komunitarji.

    157

    Dan l-argument ma jistax jintlaqa’.

    158

    Fil-fatt, għandu jiġi enfasizzat li r-Repubblika tal-Polonja ma tipprovdi ebda raġuni li tippermetti li jiġi konkluż li l-kawża prinċipali għall-ħażna spekulattiva tal-prodotti agrikoli hija eventwali differenza bejn id-dazji fuq l-importazzjoni tal-Komunità ta’ ħmistax u d-dazji tal-importazzjoni tal-Istati Membri l-ġodda.

    159

    F’kull każ, anki li kieku din l-affermazzjoni kienet korretta, xorta jibqa’ l-fatt li, fost l-għanijiet tal-miżuri previsti mir-Regolament Nru 1972/2003, ma hemmx biss il-prevenzjoni tal-kostituzzjoni ta’ ħażniet għal finijiet spekulattivi marbuta jew ma’ differenza bejn id-dazji fuq l-importazzjoni applikabbli fuq l-istess prodott fil-Komunità u fl-Istati Membri l-ġodda rispettivament, jew mal-eżistenza, f’dawn l-Istati, ta’ kwoti tal-importazzjoni b’eżenzjoni tad-dazji, iżda wkoll il-prevenzjoni tal-kostituzzjoni ta’ ħażniet żejda ġejjin mill-produzzjoni nazzjonali (ara l-punti 111 sa 116 iktar ’il fuq). Dan l-għan tal-aħħar, li jirriżulta direttament mill-punt 4 tal-Anness IV tal-Att ta’ Adeżjoni, ma kienx jitwettaq b’mod komplet li kieku t-tmien inċiż tal-Artikolu 4(5) tar- Regolament Nru 1972/2003 kien jissuġġetta għat-taxxa kkontestata dawk il-prodotti biss li għalihom id-dazji fuq l-importazzjoni Pollakki kienu inqas mid-dazji fuq l-importazzjoni Komunitarji, kif ġie mfakkar fil-punti 114 u 115 iktar ’il fuq.

    160

    Fir-rigward tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, il-motiv preżenti għandu jiġi miċħud.

    Fuq l-ewwel parti tar-rikors, dwar talba għall-annullament tar-Regolament Nru 735/2004 sa fejn jissuġġetta seba’ prodotti addizzjonali għall-miżuri previsti mill-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 1972/2003

    161

    Għandu jiġi rrilevat li l-punt 5 tal-Anness IV tal-Att ta’ Adeżjoni jipprovdi:

    “[…] Ir-Regolament […] Nru. 2913/92 u r-Regolament (KEE) Nru. 2454/93 għandhom japplikaw għall-Istati Membri l-ġodda skond id-disposizzjonijiet speċifiċi li ġejjin:

    1.

    Minkejja l-Artikolu 20 tar Regolament […] Nru. 2913/92, merkanzija li fid-data ta’ l-adeżjoni tinsab maħżuna temporanjament jew taħt xi waħda mit-trattamenti jew il-proċeduri tad-dwana li hemm referenza għalihom fl-Artikolu 4(15)(b) u (16)(b) sa (ġ) ta’ dak ir-Regolament fil-Komunità mkabbra, jew li tkun qed tiġi ttrasportata fi ħdan il-Komunità imkabbra wara li tkun għaddiet mill-formalitajiet ta’ l-esportazzjoni, għandha tkun meħlusa mid-dazji doganali u miżuri doganali oħra meta titħalla tiċċirkola b’mod liberu sakemm tiġi ppreżentata xi waħda min dawn li ġejjin […]”

    162

    Għandu jitfakkar li l-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 1972/2003 japplika, preċiżament, b’deroga għad-dispożizzjoni msemmija iktar ’il fuq, kif ukoll għall-Artikoli 20 u 214 tar-Regolament Nru 2913/92.

    163

    B’hekk, skont l-Artikolu 3(2) tar-Regolament Nru 1972/2003, il-prodotti elenkati fl-Artikolu 4(5) tal-imsemmi regolament li tqiegħdu f’ċirkulazzjoni ħielsa qabel l-1 ta’ Mejju 2004 fil-Komunità ta’ ħmistax jew fi Stat Membru ġdid u li, fl-, ikunu maħżuna fuq bażi temporanja jew jaqgħu taħt waħda mid-destinazzjonijiet doganali jew mis-sistemi doganali previsti fl-Artikolu 4(15)(b) u 16(b) sa (g) tar-Regolament Nru 2913/92 fil-Komunità estiża, jew li jkunu qegħdin jiġu ttrasportati fil-Komunità estiża wara li jkunu ssodisfaw il-formalitajiet ta’ esportazzjoni, huma suġġetti għad-dazju fuq l-importazzjoni erga omnes applikabbli fil-ġurnata tat-tqegħid f’ċirkulazzjoni ħielsa. Madankollu, dan li ntqal qabel ma japplikax għall-prodotti esportati mill-Komunità ta’ ħmistax jekk l-importatur iressaq provi li ebda rifużjoni fuq l-esportazzjoni ma ntalbet għall-prodotti mill-pajjiż ta’ esportazzjoni.

    164

    Barra minn hekk, skont l-Artikolu 3(3) tar-Regolament Nru 1972/2003, il-prodotti elenkati fl-Artikolu 4(5) li jkunu ġejjin minn pajjiżi terzi u li tqiegħdu taħt proċedura tal-ipproċessar tad-dħul prevista fl-Artikolu 4(16)(d), jew taħt dik ta’ dħul temporanju prevista fl-Artikolu 4(16)(f) tar-Regolament Nru 2913/92 fi Stat Membru ġdid fl-1 ta’ Mejju 2004 u li jitqiegħdu f’ċirkulazzjoni ħielsa f’dik id-data jew wara dik id-data, huma suġġetti għad-dazju fuq l-importazzjoni applikabbli fil-ġurnata tat-tqegħid f’ċirkulazzjoni ħielsa tal-prodotti li ġejjin minn pajjiżi terzi.

    165

    Għandu jiġi enfasizzat, minn naħa, li d-destinazzjoni doganali prevista fl-Artikolu 4(15)(b) tar-Regolament Nru 2913/92 hija dik tal-introduzzjoni f’żona ħielsa jew maħżen ħieles u, min-naħa l-oħra, li s-sistemi doganali previsti mill-Artikolu 14(16)(b) sa (g) tar-Regolament Nru 2913/92 huma, f’dan l-ordni, it-tranżitu, id-depożitu doganali, l-ipproċessar tad-dħul, l-ipproċessar taħt il-kontroll doganali, id-dħul temporanju, u l-ipproċessar tal-ħruġ.

    166

    Skont l-Artikolu 166(a) tar-Regolament Nru 2913/92, iż-żoni ħielsa u l-imħażen ħielsa huma b’mod partikolari partijiet tat-territorju doganali tal-Komunità jew tal-lokalitajiet li jinsabu fuq dan it-territorju, separati mill-bqija tiegħu, li fih il-merkanzija mhux tal-Komunità titqies, għall-finijiet tal-applikazzjoni tad-dazji fuq l-importazzjoni u tal-miżuri ta’ politika kummerċjali dwar l-importazzjoni, bħala li ma tinsabx fit-territorju doganali tal-Komunità, sakemm din il-merkanzija ma tkunx tqiegħdet f’ċirkulazzjoni ħielsa, ma tkunx tqiegħdet taħt proċedura doganali oħra u lanqas ma tkunx intużat jew ġiet ikkunsmata taħt kundizzjonijiet differenti minn dawk previsti fir-regolamenti doganali.

    167

    Skont l-Artikolu 91 tar-Regolament Nru 2913/92, il-proċedura ta’ tranżitu estern għandha tippermetti l-moviment minn punt għall-ieħor fit-territorju doganali tal-Komunità ta’:

    “a)

    merkanzija mhux tal-Komunità, mingħajr ma dik il-merkanzija tkun soġġetta għal dazji fuq l-importazzjoni u ħlasijiet oħra jew għal miżuri ta’ politika kummerċjali;

    b)

    merkanzija tal-Komunità li hija soġġetta għal miżura tal-Komunità li tinvolvi l-esportazzjoni tagħha lejn pajjiżi terzi u li fir-rigward tagħha l-formalitajiet korrispondenti doganali għall-esportazzjoni jkunu twettqu.”

    168

    Skont l-Artikolu 98 tar-Regolament Nru 2913/92, il-proċedura ta’ magażinaġġ doganali għandha tippermetti l-ħażna f’maħżen doganali, minn naħa, ta’ merkanzija mhux tal-Komunità mingħajr ma din il-merkanzija tkun suġġetta għad-dazji fuq l-importazzjoni jew għall-miżuri ta’ politika kummerċjali u, min-naħa l-oħra, ta’ merkanzija tal-Komunità li fir-rigward tagħha leġiżlazzjoni tal-Komunità speċifika tipprovdi li, minħabba t-tqegħid tagħha f’maħżen doganali, għandha tibbenefika minn miżuri marbuta, bħala prinċipju, mal-esportazzjoni ta’ merkanzija.

    169

    Skont l-Artikolu 114(a) tal-istess regolament, il-proċedura tal-ipproċessar tad-dħul għandha tippermetti li tintuża fit-territorju doganali tal-Komunità, f’operazzjoni jew operazzjonijiet tal-ipproċessar, merkanzija mhux tal-Komunità maħsuba għall-esportazzjoni mill-ġdid mit-territorju doganali tal-Komunità taħt is-sura ta’ prodotti li jikkumpensaw lil xulxin, mingħajr ma tali merkanzija tkun suġġetta għad-dazji fuq l-importazzjoni jew għall-miżuri ta’ politika kummerċjali.

    170

    Skont l-Artikolu 130 tar-Regolament Nru 2913/92, il-proċedura tal-ipproċessar taħt il-kontroll doganali għandha tippermetti li merkanzija mhux tal-Komunità tintuża fit-territorju doganali tal-Komunità f’operazzjonijiet li jbiddlu n-natura jew l-istat tagħha, mingħajr ma tkun suġġetta għad-dazji fuq l-importazzjoni jew għall-miżuri ta’ politika kummerċjali, u għandha tippermetti li l-prodotti li jirriżultaw minn dawn l-operazzjonijiet jitqiegħdu f’ċirkulazzjoni ħielsa bir-rata ta’ dazju fuq l-importazzjoni applikabbli speċifikament għalihom.

    171

    Skont l-Artikolu 137 tar-Regolament Nru 2913/92, il-proċedura ta’ importazzjoni temporanja għandha tippermetti l-użu fit-territorju doganali tal-Komunità, b’eżenzjoni totali jew parzjali mid-dazji fuq l-importazzjoni u mingħajr ma tkun suġġetta għall-miżuri ta’ politika kummerċjali, ta’ merkanzija mhux tal-Komunità maħsuba għall-esportazzjoni mill-ġdid mingħajr ma jkun sarilha xi tibdil, bl-eċċezzjoni tad-deprezzament normali fil-valur tagħhom minħabba l-użu li jsir minnhom.

    172

    Skont l-Artikolu 145(1) tar-Regolament Nru 2913/92, il-proċedura tal-ipproċessar tal-ħruġ għandha tippermetti li merkanzija tal-Komunità tiġi esportata temporanjament mit-territorju doganali tal-Komunità sabiex tgħaddi minn operazzjonijiet tal-ipproċessar u għandha tippermetti li l-prodotti li jirriżultaw minn dawn l-operazzjonijiet jitqiegħdu f’ċirkulazzjoni ħielsa b’eżenzjoni totali jew parzjali mid-dazji fuq l-importazzjoni.

    173

    Mill-punti preċedenti jirriżulta li t-trattamenti jew il-proċeduri doganali li jagħmel riferiment għalihom l-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 1972/2003 jirrigwardaw, b’mod partikolari, sitwazzjonijiet li fihom il-merkanzija taqsam il-fruntieri Komunitarji mingħajr ma jkollhom jitħallsu d-dazji doganali korrispondenti minħabba li d-destinazzjoni finali tagħha tkun għadha ma ġietx deċiża jew minħabba li tkun iddestinata għal suq mhux Komunitarju. Din il-merkanzija, li akkwistat l-istatus ta’ merkanzija Komunitarja fl-1 ta’ Mejju 2004, bħal kull merkanzija oħra li kienet qed tiġi ttrasportata fil-Komunita estiża wara li kienet is-suġġett tal-formalitajiet ta’ esportazzjoni, hija suġġetta, skont il-miżura prevista fl-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 1972/2003, għad-dazju fuq l-importazzjoni erga omnes applikabbli fil-ġurnata tat-tqegħid f’ċirkulazzjoni ħielsa.

    Fuq l-ewwel motiv, ibbażat fuq ksur tal-prinċipju ta’ moviment liberu tal-merkanzija

    — L-argumenti tal-partijiet

    174

    Ir-Repubblika tal-Polonja tqis li d-dazji stabbiliti mill-Artikolu 3(2) tar-Regolament Nru 1972/2003 huma dazji doganali kif jindika l-fatt stess li jinġabru mis-servizzi doganali u fil-kuntest ta’ proċeduri doganali fuq il-prodotti suġġetti għal sistema ta’ sospensjoni meta jaqsmu l-fruntieri tal-Komunità. Din in-natura hija kkonfermata wkoll, fl-ewwel lok, mill-fatt li l-imsemmija miżuri jikkostitwixxu, skont il-formulazzjoni tal-Artikolu 3(1), deroga mid-dispożizzjonijiet tal-Att ta’ Adeżjoni li jipprovdu għat-tqegħid f’ċirkulazzjoni libera ta’ prodotti eżentati mid-dazji doganali, fit-tieni lok, mill-ġustifikazzjoni ta’ dispożizzjoni analoga, l-Artikolu 5 tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 60/2004, tal-14 ta’ Jannar 2004, li jistabbilixxi miżuri transitorji fis-settur taz-zokkor bħala riżultat tad-dħul tar-Repubblika Ċeka, l-Estonja, Ċipru, il-Latvja, il-Litwanja, l-Ungerija, Malta, il-Polonja, l-Islovenja u l-Islovakkja (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti: Kapitolu 3, Vol. 42, p. 125), kif esposta mill-Kummissjoni fil-premessa 6 ta’ dan ir-regolament u, fit-tielet lok, mill-fatt li l-Artikolu 3(2) tar-Regolament Nru 1972/2003 jindika espressament li “il-prodotti […] għandhom ikunu mposti erga omnes id-dazju ta’ l-importazzjoni.”

    175

    Ir-Repubblika tal-Polonja tirrileva li, skont it-termini tal-Artikolu 25 KE, id-dazji doganali fuq l-importazzjoni jew it-taxxi ekwivalenti — kemm jekk ġew stabbiliti mill-Istati Membri u kemm jekk ġew stabbiliti mill-istituzzjonijiet Komunitarji — huma pprojbiti bejn l-Istati Membri, mingħajr ma hemm il-possibbiltà li jiġu ġġusitifikati minħabba l-għan tagħhom.

    176

    Minħabba n-natura assoluta ta’ din il-projbizzjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja kienet ikkonstatat li l-kompetenzi tal-istituzzjonijiet Komunitarji fil-kuntest tal-politika agrikola komuni għandhom, f’kull każ mit-tmiem tal-perijodu ta’ tranżizzjoni, jintużaw bl-esklużjoni ta’ kwalunkwe miżura li tippreġudika l-eliminazzjoni bejn l-Istati Membri tad-dazji doganali u tar-restrizzjonijiet kwantitattivi jew ta’ taxxi jew miżuri b’effett ekwivalenti (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-20 ta’ April 1978, Les Commissionnaires Réunis u Les Fils de Henri Ramel, 80/77 u 81/77, Ġabra p. 927, punt 35). Bl-istess mod, kull eċċezzjoni għall-imsemmija projbizzjoni għandha tkun prevista b’mod ċar u interpretata b’mod strett (sentenza Les Commissionnaires réunis u Les Fils de Henri Ramel, iċċitata iktar’ il fuq, punt 24). B’mod partikolari, id-derogi għall-prinċipju ta’ moviment liberu tal-merkanzija stabbiliti mit-Trattati ta’ adeżjoni għandhom jingħataw b’mod ċar u mingħajr ambigwità u għandhom ukoll jiġu interpretati ristrettivament (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-, KappAhl, C-233/97, Ġabra p. I-8069, punti 18 u 21).

    177

    Għaldaqstant, ir-Repubblika tal-Polonja hija tal-opinjoni li l-Kummissjoni ma tistax tiġġustifika d-dazji introdotti billi tinvoka l-bżonn li jiġu evitati l-konsegwenzi tar-regoli dwar il-ħażniet żejda previsti fl-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 1972/2003. Barra minn hekk, ir-Repubblika tal-Polonja tosserva li din il-miżura tal-aħħar hija intiża sabiex tevita l-atti ta’ spekulazzjoni u tirrileva li ma teżisti ebda rabta bejn id-dazji doganali stabbiliti u tali atti.

    178

    Il-Kummissjoni tikkontesta l-argumenti tar-Repubblika tal-Polonja.

    — Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

    179

    It-teżi tar-Repubblika tal-Polonja ma tistax tintlaqa’. Fil-fatt, bil-kontra għal dak li ssostni r-Repubblika tal-Polonja, il-ġbir tat-taxxa imposta mill-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 1972/2003 ma tipprekludix il-projbizzjoni tad-dazji doganali u tat-taxxi b’effett ekwivalenti stabbiliti fl-Artikolu 25 KE, minħabba li l-imsemmija taxxa ma tikkostitwix ħlas deċiż b’mod unilaterali minn Stat Membru, iżda miżura Komunitarja meħuda, b’mod tranżitorju, sabiex tilqa’ għal ċerti diffikultajiet li jirriżultaw, għall-politika agrikolai komuni, mill-adeżjoni tal-għaxar Stati ġodda mal-Unjoni Ewropea (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-25 ta’ Mejju 1978, Racke, 136/77, Ġabra p. 1245, punt 7).

    180

    Barra minn hekk, għandu jiġi rrilevat li l-Kummissjoni adottat ir-Regolament Nru 1972/2003 u, għaldaqstant, l-Artikolu 3 ta’ dan tal-aħħar fuq il-bażi ta’ dispożizzjoni li tippermettilha tadotta l-miżuri tranżitorji neċessarji sabiex tiffaċilita t-tranżizzjoni mis-sistema fis-seħħ fl-Istati Membri l-ġodda għas-sistema li tirriżulta mill-applikazzjoni tal-politika agrikola komuni, jiġifieri l-Artikolu 41 tal-Att ta’ Adeżjoni. Issa, dawn il-miżuri tranżitorji jistgħu jikkostitwixxu, b’mod partikolari, derogi min-normi normalment applikabbli għal sitwazzjoni legali speċifika, bħalma huwa l-Artikolu 25 KE. Għaldaqstant, l-eżami tal-Qorti tal-Prim’Istanza għandu jirrigwarda biss il-kwistjoni ta’ jekk il-miżuri implementati mill-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 1972/2003 humiex parti integrali mill-miżuri tranżitroji li jistgħu jiġu adottati skont din id-dispożizzjoni tal-Att ta’ Adeżjoni. Fil-fatt, jekk dan ikun il-każ, din is-sistema ma tistax tiġi ċċensurata, fil-prinċipju tagħha, bħala kuntrarja għad-dispożizzjonijiet tat-Trattat u tal-Att ta’ Adeżjoni dwar il-projbizzjoni tad-dazji doganali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-20 ta’ Ottubru 1987, Spanja vs Il-Kunsill u Il-Kummissjoni, 119/86, Ġabra p. 4121, punt 15).

    181

    Konsegwentement, ir-Repubblika tal-Polonja ma tistax tinvoka b’mod utli ksur tal-prinċipju ta’ moviment liberu tal-merkanzija u b’mod partikolari tal-Artikolu 25 KE sabiex tikkontesta l-legalità tad-dazji stabbiliti mill-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 1972/2003. Hija setgħet, l-iktar l-iktar, issostni li d-deroga mir-regoli tat-Trattat implementata mill-Artikolu 3 tal-imsemmi regolament tmur lil hinn mis-setgħat mogħtija lill-Kummissjoni mill-Artikolu 41 tal-Att ta’ Adeżjoni, kif tinvoka fil-kuntest tat-tieni motiv, li għandu, għaldaqstant, jiġi eżaminat direttament.

    Fuq it-tieni motiv, ibbażat fuq in-nuqqas ta’ kompetenza tal-Kummissjoni u fuq ksur tal-Artikoli 22 u 41 tal-Att ta’ Adeżjoni

    — L-argumenti tal-partijiet

    182

    Ir-Repubblika tal-Polonja ssostni li l-Att ta’ Adeżjoni huwa r-riżultat ta’ negozjati bejn l-Istati kandidati għall-adeżjoni mal-Unjoni Ewropea u din tal-aħħar. Hija tfakkar li, skont it-termini tal-Artikolu 22 tiegħu, “Il-miżuri mniżżla fl-Anness IV [tal-Att ta’ Adeżjoni] għandhom ikunu applikati skond il-kondizzjonijiet stipulati f’dak l-Anness.” Issa, skont l-Artikolu 3(1) tar-Regolament Nru 1972/2003, din id-dispożizzjoni tapplika “bħala deroga mill-Anness IV, il-Kapitolu 5, ta’ l-Att ta’ l-Adeżjoni”, u dan li jindika li l-Kummissjoni attribwixxiet lilha nnifisha dritt unilaterali li tibdel il-konklużjonijiet tan-negozjati tal-adeżjoni, bi ksur tal-proċeduri ta’ emenda jew ta’ sospensjoni tad-dispożizzjonijiet tal-Att ta’ Adeżjoni li huma previsti mill-Artikoli 7 sa 9 tal-imsemmi att.

    183

    Ir-Repubblika tal-Polonja tqis li l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 41 tal-Att ta’ Adeżjoni jista’ jservi biss ta’ bażi għall-miżuri tranżitorji neċessarji sabiex tiġi ffaċilitata t-tranżizzjoni lejn is-sistema li tirriżulta mill-applikazzjoni tal-politika agrikola komuni fil-kundizzjonijiet indikati fl-Att ta’ Adeżjoni. Issa, l-għan tal-miżuri tranżitorji previsti mill-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 1972/2003 mhuwiex li jikkompletaw l-Att ta’ Adeżjoni, iżda li jintroduċu soluzzjonijiet diverġenti li jipprekluduha milli tadotta l-miżuri previsti fil-punt 5 tal-Anness IV tal-imsemmi att u li jemendaw, għad-detriment tagħha, il-kundizzjonijiet ta’ adeżjoni.

    184

    Skont ir-Repubblika tal-Polonja, il-Kummissjoni ma tistax tafferma li hija sempliċement ippreċiżat il-kontenut tal-Att ta’ Adeżjoni, peress li l-miżura prevista fl-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 1972/2003 tintroduċi deroga fil-konfront tal-modalitajiet ta’ applikazzjoni tas-sistemi ta’ sospensjoni ddefiniti mill-punt 5 tal-Anness IV tal-Att ta’ Adeżjoni.

    185

    Il-Kummissjoni tikkontesta l-argumenti tar-Repubblika tal-Polonja.

    — Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

    186

    Huwa minnu li l-Kummissjoni ma tistax temenda t-termini tal-Att ta’ Adeżjoni barra mill-qafas ta’ regoli stabbilit f’dan ir-rigward mit-Trattat u mill-Att ta’ Adeżjoni. Madankollu, kif tirrileva ġustament il-Kummissjoni, xorta jibqa’ l-fatt li l-Artikolu 41 tal-imsemmi att jawtorizzaha sabiex tadotta kull miżura neċessarja sabiex tiġi ffaċilitata t-tranżizzjoni mis-sistema fis-seħħ fl-Istati Membri l-ġodda għas-sistema li tirriżulta mill-applikazzjoni tal-politika agrikola komuni.

    187

    Għandu jitfakkar ukoll li, kif jirriżulta mill-iżvillupi esposti iktar ’il fuq fis-sentenza preżenti, is-sistema ta’ taxxa tal-ħażniet żejda tal-prodotti f’ċirkulazzjoni ħielsa fl-1 ta’ Mejju 2004 li jkunu jinsabu fl-Istati Membri l-ġodda, prevista mill-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 1972/2003, li tinkludi b’mod partikolari l-impożizzjoni ta’ taxxa fuq il-ħażniet żejda miżmuma mill-operaturi individwali, hija waħda mill-miżuri tranżitorji li jistgħu jiġu adottati mill-Kummissjoni skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 41 tal-Att ta’ Adeżjoni.

    188

    Konsegwentement, anki l-miżuri neċessarji sabiex jiġi protett l-effett utli ta’ din is-sistema ta’ taxxa għandhom ikunu koperti minn din id-dispożizzjoni tal-aħħar, peress li, jekk dan ma jkunx il-każ, ma jintlaħqux l-għanijiet segwiti mis-sistema inkwistjoni fis-suq Komunitarju, li huma neċessarji sabiex tiġi ffaċilitata t-tranżizzjoni mis-sistema fis-seħħ fl-Istati Membri l-ġodda għas-sistema li tirriżulta mill-applikazzjoni tal-politika agrikola komuni.

    189

    Għaldaqstant, għandu jiġi eżaminat jekk, kif issostni l-Kummissjoni fir-risposta tagħha għall-ewwel motiv, il-fatt li l-prodotti suġġetti għal sistema ta’ sospensjoni jew li jkunu qegħdin jiġu ttrasportati fil-Komunità estiża wara li kienu s-suġġett tal-formalitajiet ta’ esportazzjoni, jiġu suġġetti għad-dazju fuq l-importazzjoni erga omnes applikabbli fil-ġurnata li tqiegħdu f’ċirkulazzjoni ħielsa, skont it-termini tal-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 1972/2003, huwiex indispensabbli sabiex jiġi żgurat l-effett utli tal-Artikolu 4 tal-imsemmi regolament.

    190

    Għandu jitfakkar f’dan ir-rigward li l-Kummissjoni għandha kompetenzi wiesgħa fir-rigward tal-adozzjoni tal-miżuri dwar il-politika agrikola komuni (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-11 ta’ Lulju 1989, Schräder HS Kraftfutter 265/87, Ġabra p. 2237, punt 22, u tal-, L-Awstrija vs Il-Kunsill, C-445/00, Ġabra p. I-8549, punt 81). Għaldaqstant, l-illegalità tal-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 1972/2003 ma tistax tiġi stabbilita ħlief jekk jiġi konkluż li l-miżura prevista minn din id-dispożizzjoni hija manifestament mhux neċessarja sabiex jiġi ppreżervat l-effett utli tal-Artikolu 4 tal-imsemmi regolament.

    191

    Kif tirrileva l-Kummissjoni, fin-nuqqas tal-miżuri previsti fl-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 1972/2003, l-operaturi stabbiliti fl-Istati Membri l-ġodda jistgħu jnaqqsu b’mod artifiċjali l-ħażniet żejda tagħhom tal-prodotti inkwistjoni u jissuġġettawhom għas-sistema ta’ sospensjoni f’wieħed jew f’diversi Stati Membri antiki jew ġodda qabel l-1 ta’ Mejju 2004. Billi jagħmlu dan, l-imsemmija operaturi ma jkunux obbligati jħallsu t-taxxa prevista mill-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 1972/2003 fil-pajjiżi ta’ oriġini tagħhom, sa fejn hemmhekk huma ma jkunux fil-pussess ta’ ħażniet żejda fl-.

    192

    Il-prodotti mqiegħda taħt sistema ta’ sospensjoni jibqgħu, madankollu, għad-dispożizzjoni tagħhom fi Stati Membri oħra u l-operaturi kkonċernati jkunu jistgħu jqegħduhom f’ċirkulazzjoni ħielsa fil-Komunità estiża wara l-1 ta’ Mejju 2004 mingħajr ma jkollhom iħallsu t-taxxa kkontestata, u dan jagħmel inutli l-kontenut tal-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 1972/2003.

    193

    Għaldaqstant, hemm lok li jiġi konkluż li miżuri bħal dawk previsti fl-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 1972/2003 huma neċessarji sabiex jippreżervaw l-effett utli tal-Artikolu 4 tal-imsemmi regolament.

    194

    Għaldaqstant, sa fejn ir-Repubblika tal-Polonja tikkontesta, fil-kuntest tal-motiv preżenti, il-kompetenza stess tal-Kummissjoni sabiex tobbliga lill-Istati Membri jintaxxaw il-prodotti suġġetti għal sistema ta’ sospensjoni li jkunu jinsabu fit-territorju tagħhom fl-1 ta’ ta’ Mejju 2004 u mhux il-modalitajiet jew in-natura proporzjonali ta’ din it-taxxa, hemm lok li jiġi konkluż li l-motiv preżenti għandu jiġi miċħud.

    Fuq it-tielet motiv, ibbażat fuq ksur tal-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni minħabba ċ-ċittadinanza

    — L-argumenti tal-partijiet

    195

    Ir-Repubblika tal-Polonja tirrileva li l-Artikolu 3(2) tar-Regolament Nru 1972/2003 jipprovdi li l-impożizzjoni tad-dazju fuq l-importazzjoni erga omnes ma tapplikax għall-prodotti esportati mill-Komunità ta’ ħmistax lejn il-Polonja — jekk l-importatur iressaq provi li ebda rifużjoni fuq l-esportazzjoni ma ntalbet għall-prodotti mill-pajjiż ta’ esportazzjoni — iżda jirrifjuta din l-istess eżenzjoni għall-prodotti esportati mill-Polonja lejn il-Komunità ta’ ħmistax.

    196

    Ir-Repubblika tal-Polonja żżid li miżuri diskriminatorji analogi ma ġewx implementati mill-Kummissjoni wara t-tkabbir tal-Unjoni Ewropea fl-1995.

    197

    Ir-Repubblika tal-Polonja tqis li din id-diskriminazzjoni ma tistax tiġi ġġustifikata permezz tal-argument li r-riskju ta’ spekulazzjoni kien ikkawżat b’mod speċjali miċ-ċaqliq ta’ merkanzija mill-Polonja lejn il-Komunità ta’ ħmistax, argument dan li b’ebda mod ma ġie pprovat. Mill-bqija, anki kieku kien jeżisti realment riskju ta’ spekulazzjoni kkawżat b’mod speċjali miċ-ċaqliq ta’ merkanzija mill-Polonja, dan ma jilleġittimax il-miżuri adottati, peress li dawn il-miżuri ma jirrigwardawx biss il-“ħażniet żejda”, iżda anki l-kwantitajiet kollha ta’ dawn il-prodotti. Issa, jekk ir-riskju ta’ spekulazzjoni kien jikkonsisti fl-impożizzjoni ta’ sistemi ta’ sospensjoni fuq il-prodotti agrikoli Pollakki, bl-intenzjoni ta’ spekulazzjoni dwar it-tqegħid tagħhom f’ċirkulazzjoni ħielsa fil-Komunità estiża, iż-żamma tad-dazji doganali preferenzjali fis-seħħ qabel id-data tal-adeżjoni fuq il-prodotti suġġetti fl-1 ta’ Mejju 2004 għal sistemi doganali ta’ sospensjoni kienet tkun miżura ta’ prevenzjoni suffiċjenti.

    198

    Il-Kummissjoni tikkontesta l-argumenti tar-Repubblika tal-Polonja.

    — Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

    199

    Kif ġie mfakkar fil-punti 128 sa 130 iktar ’il fuq, għalkemm il-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni bejn prodotturi agrikoli tal-Komunità, stabbilit mit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 34(2) KE, jeħtieġ li sitwazzjonijiet paragunabbli ma jiġux ittrattati b’mod differenti u li sitwazzjonijiet differenti ma jiġux ittrattati bl-istess mod, sakemm tali trattament ma jkunx oġġettivament iġġustifikat, xorta jibqa’ l-fatt li, fl-1 ta’ Mejju 2004, is-sitwazzjoni tal-agrikoltura fl-Istati Membri l-ġodda kienet differenti ħafna minn dik li kienet teżisti fl-Istati Membri l-antiki.

    200

    Dan jimplika li ebda diskriminazzjoni ma tista’ tirriżulta mis-sempliċi applikazzjoni ta’ normi differenti għall-operaturi tal-Istati Membri l-ġodda u għall-operaturi tal-Istati Membri l-antiki.

    201

    Fil-kawża preżenti, kif tirrileva ġustament il-Kummissjoni, għalkemm id-dispożizzjonijiet previsti fl-Artikolu 3(2) tar-Regolament Nru 1972/2003 għandhom bħala għan, f’dak li jirrigwarda l-prodotti li ġejjin mill-Istati Membri l-ġodda, li jipprekludu li l-operaturi jkunu jistgħu, billi jużaw wieħed mit-tipi ta’ sistemi ta’ sospensjoni, inaqqsu b’mod artifiċjali l-ħażniet akkumulati qabel l-1 ta’ Mejju 2004 sabiex iqiegħduhom f’ċirkulazzjoni ħielsa wara din id-data bħala prodotti mhux suġġetti għad-dazju fuq l-importazzjoni, dawn għandhom manifestament għan differenti f’dak li jirrigwarda l-prodotti li ġejjin mill-Komunità u li huma suġġetti għal sistema ta’ sospensjoni jew ikunu qegħdin jiġu ttrasportati fil-Komunità estiża wara li ssodisfaw il-formalitajiet ta’ esportazzjoni.

    202

    Fil-fatt, peress li dawn il-prodotti tal-aħħar mhumiex suġġetti għat-taxxa kkontestata prevista fl-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 1972/2003, l-għan tad-dispożizzjonijiet previsti fl-Artikolu 3(2) tal-imsemmi regolament ma jistax ikun, f’dak li jirrigwardahom, li jippreżerva l-effett utli tat-taxxa inkwistjoni.

    203

    Anzi, bil-kontra, l-għan tad-dispożizzjonijiet previsti fl-Artikolu 3(2) tal-imsemmi regolament huwa b’mod partikolari li jiġi evitat li l-prodotti agrikoli esportati mill-Komunità qabel l-1 ta’ Mejju 2004 u li bbenifikaw minn rifużjoni fuq l-esportazzjoni jkunu sussegwentement suġġetti, wara l-formalitajiet ta’ esportazzjoni, għas-sistema ta’ sospensjoni jew ittrasportati fil-Komunità estiża u jinsabu f’ċirkulazzjoni ħielsa fit-territorju tal-Unjoni Ewropea mingħajr ma tħallsu dazji, peress li dawn il-prodotti jistgħu jibbenifikaw mill-ġdid mingħajr raġuni minn rifużjoni fuq l-esportazzjoni. Dan l-għan huwa stabbilit fil-premessa 4 tar-Regolament Nru 1972/2003, li tgħid:

    “Huwa meħtieġ li jkun ipprevenut li l-oġġetti li fir-rigward tagħhom ir-rifużjonijiet ta’ l-esportazzjoni kienu mħallsa qabel l-1 ta’ Mejju 2004 milli jibbenefikaw mit-tieni rifużjoni meta esportati lejn pajjiżi terzi wara t-.”

    204

    Huwa biss għal din ir-raġuni li t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 3(2) tar-Regolament Nru 1972/2003 jipprovdi għal eżenzjoni jekk l-operatur iressaq il-prova li dawn il-prodotti ma bbenifikawx qabel minn rifużjoni fuq l-esportazzjoni.

    205

    Peress li ż-żewġ għanijiet segwiti mid-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 1972/2003 intlaħqu neċessarjament permezz ta’ sistemi differenti għall-prodotti mqiegħda taħt sistema ta’ sospensjoni li ġejjin, minn naħa, mill-Istati Membri l-ġodda u, min-naħa l-oħra, mill-Komunità ta’ ħmistax, l-applikazzjoni ta’ sistemi differenti għal dawn iż-żewġ kategoriji ta’ prodotti ma tistax tiġi kkwalifikata bħala diskriminatorja.

    206

    Fl-aħħar, fir-rigward tal-argument tar-Repubblika tal-Polonja li miżuri analogi ma kinux ġew implementati mill-Kummissjoni wara t-tkabbir tal-Unjoni Ewropea fl-1995, huwa suffiċjenti li jiġi kkonstatat li, kif ġie indikat fil-punt 132 iktar ’il fuq, il-miżuri tranżitorji li għandhom jiġu adottati fis-settur agrikolu fl-okkażjoni ta’ kull tkabbir tal-Komunità għandhom jiġu adattati għar-riskji konkreti ta’ tfixkil fis-swieq agrikoli li t-tkabbir jista’ joħloq. Għaldaqstant, l-istituzzjonijiet mhumiex marbuta japplikaw miżuri tranżitorji ekwivalenti fil-kuntest taż-żewġ okkażjonijiet suċċessivi ta’ tkabbir.

    207

    Għaldaqstant, hemm lok li l-motiv preżenti jiġi miċħud.

    Fuq ir-raba’ motiv, ibbażat fuq nuqqas jew insuffiċjenza ta’ motivazzjoni

    — L-argumenti tal-partijiet

    208

    Ir-Repubblika tal-Polonja ssostni li l-introduzzjoni ta’ miżuri diskriminatorji, previsti fl-Artikolu 3(2) tar-Regolament Nru 1972/2003, tifforma l-parti essenzjali tal-Artikolu 3 tal-imsemmi regolament, mingħajr ma ngħatat l-inqas motivazzjoni f’dan ir-rigward.

    209

    Ir-Repubblika tal-Polonja tiċħad, b’mod partikolari, l-idea li l-motivazzjoni tal-miżura introdotta bis-saħħa tal-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 1972/2003 tista’ tapplika b’analoġija għall-miżuri introdotti bis-saħħa tal-Artikolu 3 tal-imsemmi regolament, peress li dawn id-dispożizzjonijiet jistabbilixxu miżuri tranżitorji differenti.

    210

    Ir-Repubblika tal-Polonja tqis li l-motivazzjoni tal-miżuri introdotti mill-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 1972/2003 kellha mill-inqas tinkludi deskrizzjoni taċ-ċirkustanzi li jiġġustifikaw l-introduzzjoni, għal ċertu tip ta’ prodotti, ta’ dispożizzjonijiet partikolari fir-rigward ta’ sistema ta’ sospensjoni, definizzjoni tal-mod kif il-miżura adottata sservi sabiex jintlaħqu l-għanijiet iddefiniti fl-Artikolu 41 tal-Att ta’ Adeżjoni u l-kawżi li jiġġustifikaw id-distinzjoni bejn iċ-ċittadini tal-Komunità ta’ ħmistax u dawk tal-Istati Membri l-ġodda.

    211

    Ir-Repubblika tal-Polonja ssostni wkoll li l-miżura tranżitorja introdotta bis-saħħa tar-Regolament Nru 3108/94 fl-okkażjoni tat-tkabbir tal-Unjoni Ewropea fl-1995 kellha motivazzjoni iktar preċiża minn dik tal-miżuri introdotti mill-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 1972/2003, li tinsab fit-tieni premessa tar-regolament inkwistjoni. Barra minn hekk, din il-miżura hija inqas restrittiva minn dik stabbilita mill-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 1972/2003, u dan isaħħaħ l-obbligu li tiġi mmotivata din tal-aħħar, peress li hija l-awtorità Komunitarja li għandha tiżviluppa r-raġunament tagħha b’mod espliċitu meta d-deċiżjoni tmur ħafna iktar il-bogħod mid-deċiżjonijiet preċedenti (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-26 ta’ Novembru 1975, Groupement des fabricants de papiers peints de Belgique et vs Il-Kummissjoni, 73/74, Ġabra p. 1491, punt 31, u tal-, Delacre et vs Il-Kummissjoni, C-350/88, Ġabra p. I-395, punt 15).

    212

    Fl-aħħar, miżura tranżitorja simili kienet ġiet stabbilita fl-Artikolu 5 tar-Regolament Nru 60/2004 u kienet is-suġġett ta’ motivazzjoni speċifika fil-premessa 6 tiegħu.

    213

    Il-Kummissjoni tikkontesta l-argumenti tar-Repubblika tal-Polonja.

    — Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

    214

    Skont ġurisprudenza stabbilita, il-motivazzjoni meħtieġa mill-Artikolu 253 KE għandha tkun adattata għan-natura tal-att inkwistjoni u għandha turi b’mod ċar u inekwivoku r-raġunament tal-awtorità Komunitarja, li minnha joriġina l-att, b’tali mod li l-persuni kkonċernati jkunu jistgħu jagħrfu l-ġustifikazzjonijiet tal-miżura meħuda u b’tali mod li l-qorti kompetenti tkun tista’ teżerċita l-istħarriġ tagħha (ara s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-24 ta’ Novembru 2005, L-Italja vs Il-Kummissjoni, C-138/03, C-324/03 u C-431/03, Ġabra p. I-10043, punt 54, u l-ġurisprudenza ċċitata).

    215

    Dan ir-rekwiżit ta’ motivazzjoni għandu jiġi evalwat abbażi taċ-ċirkustanzi tal-każ, b’mod partikolari tal-kontenut tal-att, tan-natura tal-motivi invokati u tal-interess li d-destinatarji tal-att jew persuni oħra kkonċernati direttament u individwalment mill-att jista’ jkollhom sabiex jirċievu spjegazzjonijiet. Mhuwiex meħtieġ li l-motivazzjoni tispeċifika l-punti kollha ta’ fatt u ta’ liġi rilevanti, peress li l-kwistjoni jekk il-motivazzjoni ta’ att tissodisfax ir-rekwiżiti tal-Artikolu 253 KE għandha tiġi evalwata mhux biss fid-dawl tad-diċitura tagħha, iżda wkoll fid-dawl tal-kuntest tagħha u tar-regoli ġuridiċi kollha li jirregolaw il-qasam ikkonċernat (ara s-sentenza L-Italja vs Il-Kummissjoni, iċċitata fil-punt 214 iktar ’il fuq, punt 55, u l-ġurisprudenza ċċitata).

    216

    Fil-każ ta’ regolament, il-motivazzjoni tista’ sempliċement tindika, minn naħa, is-sitwazzjoni ġenerali li wasslet għall-adozzjoni tiegħu u, min-naħa l-oħra, l-għanijiet ġenerali li jkun intiż li jilħaq (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-3 ta’ Lulju 1985, Abrias et vs Il-Kummissjoni, 3/83, Ġabra p. 1995, punt 30, u tal-, Spanja vs Il-Kunsill, C-342/03, Ġabra p. I-1975, punt 55).

    217

    Barra minn hekk, jekk att ta’ portata ġenerali jindika l-għan essenzjali li tkun tixtieq tilħaq l-istituzzjoni, ikun eċċessiv li tintalab motivazzjoni speċifika għad-diversi għażliet tekniċi li jkunu saru (ara s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-7 ta’ Settembru 2006, Spanja vs Il-Kunsill, C-310/04, Ġabra p. I-7285, punt 59, u l-ġurisprudenza ċċitata).

    218

    Huwa fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet li għandu jiġi ddeterminat jekk il-motivazzjoni tar-Regolament Nru 1972/2003 hijiex suffiċjenti f’dak li jirrigwarda l-impożizzjoni tal-miżuri previsti fl-Artikolu 3 tiegħu fuq il-prodotti ġejjin mill-Istati Membri l-ġodda.

    219

    F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li l-parti essenzjali tal-motivazzjoni tar-Regolament Nru 1972/2003 tidher fil-premessi 1 sa 6 tal-imsemmi regolament.

    220

    Il-premessa 1 tar-Regolament Nru 1972/2003 tispjega li għandhom ikunu adottati miżuri tranżitorji sabiex jiġu evitati r-riskji ta’ distorsjoni tal-kummerċ għad-detriment tal-organizzazzjoni komuni tas-swieq agrikoli minħabba l-adeżjoni.

    221

    Il-premessi 2 u 4 jirrigwardaw il-miżuri dwar ir-rifużjonijiet fuq l-esportazzjoni.

    222

    Il-premessa 3 tispjega li d-distorsjoni tal-kummerċ li tista’ tfixkel l-organizzazzjonijiet komuni tas-swieq ta’ spiss tinvolvi prodotti mċaqalqa artifiċjalment fid-dawl tat-tkabbir u li għalhekk ma jufformawx parti mill-ħażniet normali tal-Istati kkonċernati. L-imemmija premessa żżid li l-ħażniet żejda jistgħu jirriżultaw ukoll mill-produzzjoni nazzjonali u li għalhekk hemm lok li jiġu intaxxati bħala deterrent.

    223

    Fl-aħħar, il-premessi 5 u 6 sempliċement jesponu li l-miżuri previsti mir-Regolament Nru 1972/2003 huma meħtieġa, adegwati u konformi mal-opinjoni tal-Kumitati ta’ Ġestjoni kkonċernati kollha u għandhom ikunu applikati b’mod uniformi.

    224

    Minn dan isegwi li ebda waħda mill-premessi ċċitati iktar ’il fuq ma tispjega b’mod espress il-motivi speċifiċi li wasslu lill-Kummissjoni sabiex tadotta l-miżuri previsti mill-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 1972/2003 fir-rigward tal-prodotti ġejjin mill-Istati Membri l-ġodda.

    225

    F’dan ir-rigward, ir-Repubblika tal-Polonja ssostni li l-Kummissjoni mmotivat b’mod espress miżuri oħra simili għal dawk tal-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 1972/2003.

    226

    Qabel kollox, ir-Repubblika tal-Polonja tiċċita t-tieni premessa tar-Regolament Nru 3108/94 li tirrigwarda, fl-opinjoni tagħha, it-tieni inċiż tal-Artikolu 4(3) tal-imsemmi regolament. Din id-dispożizzjoni, li tipprovdi li l-merkanzija mhux Komunitarja li tinsab fil-proċedura ta’ magażinaġġ doganali, fil-proċedura tal-ipproċessar tad-dħul jew fil-proċedura ta’ importazzjoni temporanja fl-1 ta’ Jannar 1995 kellha tkun suġġetta għal taxxa addizzjonali li tapplika, jekk ikun il-każ, flimkien mat-taxxa tal-Istat Membru l-ġdid f’din id-data fil-każ li titqiegħed f’ċirkulazzjoni ħielsa minn dik id-data, tixbah id-dispożizzjoni tal-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 1972/2003. Madankollu, bil-kontra ta’ dak li ssostni r-Repubblika tal-Polonja, l-imsemmija dispożizzjoni ma għandhiex motivazzjoni preċiża fil-premessa 2 tar-Regolament Nru 3108/94. Fil-fatt, din il-premessa sempliċement tispjega li, għal finijiet ta’ simplifikazzjoni, hemm lok li tiġi applikata sistema li hija bbażata fuq il-prinċipju li, meta operazzjoni intra-Komunitarja tkun bdiet qabel l-, hija tibqa’ suġġetta għad-dispożizzjonijiet li kienu jeżistu qabel dik id-data.

    227

    Ir-Repubblika tal-Polonja ċċitat ukoll il-premessa 6 tar-Regolament Nru 60/2004. Fl-opinjoni tagħha, din tipprovdi motivazzjoni speċifika għall-Artikolu 5 tal-imsemmi regolament li jintroduċi, għas-settur taz-zokkor, miżura simili għal dik tal-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 1972/2003. B’hekk, il-premessa 6 tar-Regolament Nru 60/2004 tispjega li l-punt 5 tal-Anness IV tal-Att ta’ Adeżjoni jipprovdi li l-merkanzija mqiegħda taħt tipi differenti ta’ sistemi ta’ sospensjoni fid-data tal-adeżjoni hija eżentata mid-dazji doganali meta titqiegħed f’ċirkulazzjoni ħielsa bil-kundizzjoni li tissodisfa ċerti kundizzjonijiet. Din il-premessa tispjega wkoll li, fis-settur taz-zokkor, hemm riskju kbir li din il-possibbiltà tintuża għal finijiet spekulattivi u li dan jawtorrizza lill-operaturi sabiex jevitaw l-obbligu stabbilit mir-regolament li jeliminaw mis-suq, bi spejjeż tagħhom, il-kwantitajiet eċċessivi ta’ zokkor jew ta’ isoglukożju identifikati mill-awtoritajiet tal-Istat Membru l-ġdid jew li jħallsu t-taxxi jekk il-prova tal-eliminazzjoni ta’ dawn il-kwantitajiet ma tistax tingħata. Fl-aħħar, l-imsemmija premessa tindika li l-prodotti li jippreżentaw tali riskju għandhom għaldaqstant jiġu suġġetti għad-dazji doganali fid-data tat-tqegħid tagħhom f’ċirkulazzjoni ħielsa.

    228

    Madankollu, l-eżistenza ta’ motivazzjoni espressa għal miżura sussegwenti simili għal dik prevista fl-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 1972/2003 b’ebda mod ma tippreġudika l-kwistjoni ta’ jekk in-nuqqas ta’ preċiżazzjoni simili f’dan ir-regolament tal-aħħar jimplikax neċessarjament li l-motivazzjoni tiegħu hija insuffiċjenti f’dak li jirrigwarda l-miżuri previsti fl-Artikolu 3 tiegħu.

    229

    Sabiex tingħata risposta għal din id-domanda, jeħtieġ li l-miżuri jitqiegħdu fil-kuntest tagħhom. Kif jirriżulta mill-premessa 3 tar-Regolament Nru 1972/2003, wieħed mill-għanijiet essenzjali ta’ dan ir-regolament huwa li jevita r-riskji ta’ distorsjoni fil-kummerċ li tista’ tfixkel l-organizzazzjonijiet komuni tas-swieq u li tkun ikkawżata mill-kostituzzjoni ta’ ħażniet żejda.

    230

    Dan l-għan huwa implementat, fil-loġika tar-Regolament Nru 1972/2003, permezz tal-impożizzjoni tat-taxxa prevista fl-Artikolu 4 tal-imsemmi regolament fuq il-ħażniet żejda li jeżistu fl-Istati Membri l-ġodda, u fil-premessa 3 tar-regolament inkwistjoni jsir riferiment espress għan-natura adegwata ta’ din it-taxxa sabiex tiżgura li l-imsemmi għan jintlaħaq.

    231

    Issa, ir-rwol tal-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 1972/2003, sa fejn jirrigwarda l-prodotti taħt sistema ta’ sospensjoni li ġejjin mill-Istati Membri l-ġodda huwa biss li jikkompleta s-sistema ta’ taxxa tal-ħażniet żejda stabbilita mill-Artikolu 4 tal-imsemmi regolament, u b’mod iktar preċiż, li jiżgura l-effett utli ta’ din id-dispożizzjoni.

    232

    Fil-fatt, f’dak li jirrigwarda l-prodotti inkwistjoni li ġejjin mill-Istati Membri l-ġodda, il-bżonn tal-miżuri previsti fl-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 1972/2003 sabiex jikkompletaw is-sistema tat-taxxa huwa evidenti peress li, kif ġie enfasizzat fil-punti 191 sa 193 iktar ’il fuq, huwa evidenti li, fin-nuqqas ta’ dawn il-miżuri, kull operatur li jkollu fil-pussess tiegħu prodotti li jistgħu jiġu suġġetti għat-taxxa stabbilita mill-Artikolu 4 tal-imsemmi regolament ikun jista’ jevita l-obbligu li jħallas din it-taxxa billi jissuġġetta l-prodotti kkonċernati għal waħda mill-proċeduri doganali msemmija fl-Artikolu 3 ta’ dan ir-regolament fi Stat Membru ieħor.

    233

    Minn dan isegwi li, f’dak li jirrigwarda l-prodotti inkwistjoni li ġejjin mill-Istati Membri l-ġodda, il-miżuri previsti fl-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 1972/2003 jikkostitwixxu biss għażla teknika tal-Kummissjoni intiża sabiex tiżgura l-effett utli tal-Artikolu 4 tal-imsemmi regolament peress li din id-dispożizzjoni tal-aħħar kienet, min-naħa tagħha, l-għażla teknika prinċipali tal-Kummissjoni sabiex tilħaq l-għan tagħha, jiġifieri li tevita l-formazzjoni ta’ ħażniet żejda fl-Istati Membri l-ġodda.

    234

    Għaldaqstant, hemm lok li jiġi konkluż li l-Kummissjoni ma kinitx obbligata timmotiva iktar speċifikament il-bżonn tal-miżuri previsti fl-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 1972/2003, fid-dawl tal-ġurisprudenza ċċitata fil-punti 216 u 217 iktar ’il fuq, peress li l-motivazzjoni tal-imsemmi regolament tidentifika b’mod espress l-għan ta’ prevenzjoni tal-kostituzzjoni ta’ ħażniet żejda u l-bżonn li tiġi stabbilita sistema ta’ taxxa fuq l-imsemmija ħażniet (premessa 3) u s-sitwazzjoni ġenerali li wasslet għall-adozzjoni tal-imsemmi regolament (premessi 1 u 3 meħuda flimkien). Il-motivazzjoni inkwistjoni għandha għaldaqstant tiġi kkunsidrata li hija suffiċjenti f’dan ir-rigward.

    235

    Din il-konklużjoni tissaħħaħ permezz tal-kuntest li fih ir-Regolament Nru 1972/2003 ġie adottat. Fil-fatt, ir-Repubblika tal-Polonja ma tikkontestax li kienet assoċjata mill-viċin mal-proċess ta’ adozzjoni tal-imsemmi regolament peress li pparteċipat bħala osservatriċi f’diversi laqgħat tal-kumitat li ddiskuta l-adozzjoni tiegħu. Barra minn hekk, ir-Repubblika tal-Polonja kellha skambji numerużi ta’ korrispondenza mal-Kummissjoni dwar din il-kwistjoni. Fl-aħħar, mill-inkartament jirriżulta li l-Kummissjoni wriet li kienet lesta tiddiskuti d-diversi kwistjonijiet li jaqgħu taħt dan ir-regolament u tikkunsidra bidliet eventwali qabel l-adozzjoni ta’ dan ir-regolament.

    236

    Hemm ukoll lok li jiġi enfasizzat li mill-inkartament jirriżulta li l-Kummissjoni ddiskutiet b’mod speċifiku mar-Repubblika tal-Polonja, minn naħa, il-kwistjoni ta’ jekk l-adozzjoni tal-miżuri previsti fl-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 1972/2003 kinitx taqa’ taħt il-kompetenzi li l-istituzzjoni msemmija għandha taħt l-Artikolu 41 tal-Att ta’ Adeżjoni u, min-naħa l-oħra, il-motivi wara l-adozzjoni tal-imsemmija miżuri.

    237

    Fid-dawl ta’ dak li ntqal qabel, hemm lok li l-motiv preżenti jiġi miċħud.

    Fuq il-ħames motiv, ibbażat fuq ksur tal-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi

    — L-argumenti tal-partijiet

    238

    Ir-Repubblika tal-Polonja ssostni li l-miżuri previsti mill-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 1972/2003, billi jissuġġettaw ċerti prodotti għal dazji fuq l-importazzjoni ogħla minn dawk li jirriżultaw mis-sistema doganali preferenzjali li kienet teżisti immedjatament qabel l-adeżjoni tagħha mal-Unjoni Ewropea, ġew adottati bi ksur tal-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi.

    239

    Ir-Repubblika tal-Polonja tqis li hija seta’ jkollha, kif ukoll seta’ kellhom l-operaturi ekonomiċi Pollakki, aspettattivi leġittimi fil-fatt li l-proċedura applikabbli għall-merkanzija li kienet f’ħażna temporanja, jew li taqa’ taħt waħda mill-proċeduri doganali jew li kienet qiegħda tiġi ttrasportata fil-Komunità estiża mill-1 ta’ Mejju 2004, kienet se titmexxa skont il-prinċipji ddefiniti fil-punt 5 tal-Anness IV tal-Att ta’ Adeżjoni u li, f’kull każ, li d-dazji doganali fis-seħħ fit- ma kinux se jiżdiedu wara l-ġurnata tal-adeżjoni, jekk mhux bħala miżura tranżitorja.

    240

    F’dan ir-rigward, ir-Repubblika tal-Polonja tqis li, minkejja li l-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi ma jistax jeskludi bidliet u aġġustamenti għall-kundizzjonijiet li jevolvu fil-futur, il-miżuri tranżitorji inkwistjoni jmorru lil hinn minn aġġustament u jikkostitwixxu leġiżlazzjoni ġdida fir-rigward tas-sitwazzjoni, li qabel kienet irregolata mill-Att ta’ Adeżjoni.

    241

    Ir-Repubblika tal-Polonja tikkunsidra li l-Kummissjoni, fir-risposta tagħha, tammetti li l-operaturi informati ma setgħux jipprevedu l-adozzjoni tal-att ikkontestat u tirrileva li l-Kummissjoni tafferma sempliċement li setgħu jadattaw l-attività tagħhom għar-rekwiżiti li jirriżultaw minn dan l-att. Issa, minn naħa, ir-Regolament Nru 1972/2003 ma ġiex ippubblikat bil-lingwa Pollakka qabel l-adeżjoni u, min-naħa l-oħra, l-eventwali aġġustament tal-operaturi għall-miżura kkontestata seta’ jikkonsisti jew fir-restrizzjoni tal-attività kummerċjali tagħhom, għaldaqstant bi ħsara għall-attività kummerċjali normali tagħhom, jew fil-ħlas tad-dazji fuq l-importazzjoni erga omnes.

    242

    Barra minn hekk, l-argumenti tal-Kummissjoni li jirrigwardaw l-għan tal-introduzzjoni tad-dazji fuq l-importazzjoni ta’ ammont li jikkorrispondi għad-dazji erga omnes mhumiex fondati peress li l-imsemmija dazji ma għandhom ebda rabta mal-prevenzjoni tal-ispekulazzjoni.

    243

    Fl-aħħar, kull riferiment għas-sentenza Weidacher, iċċitata fil-punt 89 iktar ’il fuq, sabiex tiġi ġġustifikata l-miżura kkontestata huwa totalment infondat peress li l-imsemmija sentenza ma tirrigwarda ebda dispożizzjoni analoga għal dik tal-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 1972/2003.

    244

    Il-Kummissjoni tikkontesta l-argumenti tar-Repubblika tal-Polonja.

    — Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

    245

    Għandu jitfakkar li, skont il-ġurisprudenza, il-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi jista’ jiġi invokat kontra leġiżlazzjoni Komunitarja biss sa fejn il-Komunità stess tkun ħolqot minn qabel sitwazzjoni li tista’ toħloq aspettativi leġittimi (ara s-sentenza Weidacher, iċċitata fil-punt 89 iktar ’il fuq, punt 31, u l-ġurisprudenza ċċitata).

    246

    Issa, għandu jiġi rrilevat li l-Komunità ma ħolqitx minn qabel, fil-kawża preżenti, sitwazzjoni li tista’ toħloq riskji għall-aspettattivi leġittimi f’dak li jirrigwarda r-Repubblika tal-Polonja jew l-operaturi Pollakki.

    247

    L-ewwel nett, il-Komunità b’ebda mod, permezz ta’ att jew ta’ omissjoni, ma tat lis-setturi kkonċernati x’jifhmu li, fl-okkażjoni tat-tkabbir li seħħ fl-1 ta’ Mejju 2004, ma kinux se jiġu adottati miżuri tranżitorji li jiżguraw l-effett utli ta’ miżuri intiżi sabiex jevitaw tfixkil fis-suq komuni kkawżati mill-kostituzzjoni ta’ ħażniet żejda.

    248

    It-tieni nett, hemm lok li jiġi rrilevat li kull operatur normalment diliġenti li kien qiegħed xi prodotti taħt waħda mill-proċeduri previsti fl-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 1972/2003 qabel l-1 ta’ Mejju 2004 kellu jkun jaf, wara l-pubblikazzjoni fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Att ta’ Adeżjoni, li, skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 41 tal-imsemmi att, il-Kummissjoni setgħet tieħu miżuri tranżitorji bil-għan li tadatta s-sistemi eżistenti fl-Istati Membri l-ġodda għall-organizzazzjoni komuni tas-swieq, miżuri li seta’ jkollhom, jekk ikun il-każ, xi konsegwenzi fuq il-ħażniet żejda diġà kkostitwiti meta ġie ppubblikat ir-Regolament Nru 735/2004 kif ukoll fuq il-prodotti suġġetti għal sistema ta’ sospensjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Weidacher, iċċitata fil-punt 89 iktar ’il fuq, punt 33). Il-miżuri previsti fil-kawża preżenti kienu ġew, barra minn hekk, ikkomunikati mill-Kumissjoni lir-Repubblika tal-Polonja fil-kuntest tal-kumitat li ddiskuta l-adozzjoni tar-Regolament Nru 1972/2003. B’hekk, ir-Repubblika tal-Polonja ma tistax issostni li l-aspettattivi leġittimi tagħha ġew ippreġudikati.

    249

    Konsegwentement, il-motiv ibbażat fuq ksur tal-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi għandu jiġi miċħud.

    Fuq ir-raba’ parti tar-rikors, dwar talba għall-annullament tar-Regolament Nru 735/2004 sa fejn jissuġġetta seba’ prodotti addizzjonali għall-miżuri kkontestati kollha

    L-argumenti tal-partijiet

    250

    Ir-Repubblika tal-Polonja tirrileva li, minkejja r-rekwiżiti stabbiliti mill-Artikolu 41 tal-Att ta’ Adeżjoni, il-miżuri kkontestati ma jservux sabiex tiġi ffaċilitata t-tranżizzjoni tal-Polonja lejn is-sistema li tirriżulta mill-implementazzjoni tal-politika agrikola komuni skont il-kundizzjonijiet iddefiniti fl-Att ta’ Adeżjoni. Dawn iservu biss sabiex jipproteġu lill-Komunità ta’ ħmistax kontra l-kompetizzjoni marbuta mal-kummerċ ta’ prodotti agrikoli ġejjin mill-Istati Membri l-ġodda fid-dawl tal-potenzjal agrikolu tagħhom.

    251

    Fl-ewwel lok, ir-Repubblika tal-Polonja ssostni li l-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 1972/2003 iwassal għal taxxa fil-livell tad-dazji doganali Komunitarji erga omnes fuq il-prodotti agrikoli importati fil-Komunità ta’ ħmistax mill-Polonja u għal nuqqas ta’ taxxa fis-sitwazzjoni bil-kontra. Fit-tieni lok, hija tindika li l-miżuri previsti mill-Artikolu 4(3) tar-Regolament Nru 1972/2003 jimponu fuq id-detenturi ta’ ħażniet żejda Pollakki dazji li l-ammont tagħhom jaqbeż b’mod sinjifikattiv id-dħul li setgħu jagħmlu permezz ta’ tattiċi spekulattivi. Fit-tielet lok, hija tenfasizza li l-miżuri li jidhru fit-tmien inċiż tal-Artikolu 4(5) tar-Regolament Nru 1972/2003 jobbligaha tistabbilixxi taxxi fuq id-detenturi ta’ ħażniet żejda ta’ prodotti agrikoli li fil-każ tagħhom ma jeżistix ir-riskju ta’ tattiċi spekulattivi u li fil-każ tagħhom ma saritx konstatazzjoni ta’ ħażna żejda fuq skala nazzjonali. F’dawn iċ-ċirkustanzi, ir-Repubblika tal-Polonja tqis li l-unika konklużjoni li tista’ ssir hija li l-għan reali tal-miżuri kkontestati huwa li jipproteġu l-Komunità ta’ ħmistax mill-kompetizzjoni leġittima mill-operaturi tal-Istati Membri l-ġodda, u dan jikkostitwixxi abbuż ta’ poter min-naħa tal-Kummissjoni.

    252

    Il-Kummissjoni tqis li dan il-motiv għandu jiġi miċħud.

    Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

    253

    Hemm lok li jiġi kkonstatat li, fil-kuntest tal-motiv preżenti, ir-Repubblika tal-Polonja għamlet biss sunt mill-ġdid tal-allegazzjonijiet, diġà ttrattati fis-sentenza preżenti, li jidhru fil-partijiet preċedenti tar-rikors tagħha.

    254

    Għaldaqstant, hemm lok li jiġi konkluż li l-motiv preżenti mhuwiex ta’ natura awtonoma u li, konsegwentement, għandu jiġi miċħud għall-istess raġunijiet bħall-motivi li tagħhom jikkostitwixxi sunt.

    255

    Minn dak kollu li ntqal qabel jirriżulta li r-rikors għandu jiġi miċħud fit-totalità tiegħu.

    Fuq l-ispejjeż

    256

    Skont l-Artikolu 87(2) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba. Peress li r-Repubblika tal-Polonja tilfet, hija għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż, kif mitlub mill-Kummissjoni.

     

    Għal dawn il-motivi,

    IL-QORTI TAL-PRIM’ISTANZA (L-Ewwel Awla Estiża)

    taqta’ u tiddeċiedi:

     

    1)

    Ir-rikors huwa miċħud.

     

    2)

    Ir-Repubblika tal-Polonja hija kkundannata għall-ispejjeż tagħha kif ukoll għal dawk tal-Kummissjoni.

     

    Tiili

    Dehousse

    Wiszniewska-Białecka

    Jürimäe

    Soldevila Fragoso

    Mogħtija f’Qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu fl-10 ta’ Ġunju 2009.

    Firem

    Werrej

     

    Il-fatti li wasslu għall-kawża

     

    Il-proċedura

     

    Fuq l-ammissibbiltà

     

    L-argumenti tal-partijiet

     

    Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

     

    Fuq il-mertu

     

    Fuq it-tieni parti tar-rikors, dwar talba għall-annullament tar-Regolament Nru 735/2004 sa fejn jissuġġetta seba’ prodotti addizzjonali għall-miżura prevista fl-Artikolu 4(3) tar-Regolament Nru 1972/2003

     

    Fuq l-ewwel motiv, ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 41 tal-Att ta’ Adeżjoni u tal-prinċipju ta’ proporzjonalità

     

    — L-argumenti tal-partijiet

     

    — Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

     

    Fuq it-tieni motiv, ibbażat fuq il-ksur tal-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni minħabba ċ-ċittadinanza

     

    — L-argumenti tal-partijiet

     

    — Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

     

    Fuq it-tielet parti tar-rikors, dwar talba għall-annullament tar-Regolament Nru 735/2004 sa fejn iżid seba’ prodotti mal-lista ta’ prodotti tat-tmien inċiż tal-Artikolu 4(5) tar-Regolament Nru 1972/2003

     

    L-argumenti tal-partijiet

     

    Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

     

    Fuq l-ewwel parti tar-rikors, dwar talba għall-annullament tar-Regolament Nru 735/2004 sa fejn jissuġġetta seba’ prodotti addizzjonali għall-miżuri previsti mill-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 1972/2003

     

    Fuq l-ewwel motiv, ibbażat fuq ksur tal-prinċipju ta’ moviment liberu tal-merkanzija

     

    — L-argumenti tal-partijiet

     

    — Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

     

    Fuq it-tieni motiv, ibbażat fuq in-nuqqas ta’ kompetenza tal-Kummissjoni u fuq ksur tal-Artikoli 22 u 41 tal-Att ta’ Adeżjoni

     

    — L-argumenti tal-partijiet

     

    — Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

     

    Fuq it-tielet motiv, ibbażat fuq ksur tal-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni minħabba ċ-ċittadinanza

     

    — L-argumenti tal-partijiet

     

    — Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

     

    Fuq ir-raba’ motiv, ibbażat fuq nuqqas jew insuffiċjenza ta’ motivazzjoni

     

    — L-argumenti tal-partijiet

     

    — Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

     

    Fuq il-ħames motiv, ibbażat fuq ksur tal-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi

     

    — L-argumenti tal-partijiet

     

    — Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

     

    Fuq ir-raba’ parti tar-rikors, dwar talba għall-annullament tar-Regolament Nru 735/2004 sa fejn jissuġġetta seba’ prodotti addizzjonali għall-miżuri kkontestati kollha

     

    L-argumenti tal-partijiet

     

    Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

     

    Fuq l-ispejjeż


    ( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Pollakk.

    Top